ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.CA2010.057.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 57A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
9 ta' Marzu 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

V   Opinjonijiet

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

L-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal (EPSO)

2010/C 057A/01

Gwida applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali

1

REVIŻJONI TAL-ĠU C A KOMPETIZZJONI

Hawn taħt għandek issib il-lista ta' C A ppubblikati matul din is-sena.

Ħlief meta indikat mod ieħor, il-Ġurnali Uffiċjali huma ppubblikati fil-lingwi kollha.

5

(FR)

9

 

19

(FR)

23

(DE/ES/PT)

28

 

48

 

53

 

56

 

57

 

MT

 


V Opinjonijiet

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

L-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal (EPSO)

9.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 57/1


GWIDA APPLIKABBLI GĦALL-KOMPETIZZJONIJIET ĠENERALI

(2010/C 57 A/01)

Din il-gwida hija parti integrali tal-avviż ta' kompetizzjonijiet u l-kandidati għandhom jaqrawha bir-reqqa

WERREJ

1.

INTRODUZZJONI

1.1

X'INHI KOMPETIZZJONI ĠENERALI?

1.2.

LIEMA HU L-PROFIL ĠENERALI MFITTEX?

2.

KIF TISTA' TAPPLIKA?

2.1.

ISKRIZZJONI B'MOD ELETTRONIKU

2.1.1.

OĦLOQ IL-KONT EPSO TIEGĦEK

2.1.2.

IVVERIFIKA LI TISSODISFA L-KUNDIZZJONIJIET TA' ISKRIZZJONI U DĦUL GĦALL-KOMPETIZZJONI

2.1.3.

APPLIKA B'MOD ELETTRONIKU

2.1.3.1.

IL-PROĊEDURA TAL-ISKRIZZJONI

2.1.3.2.

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI GĦAT-TESTIJIET U L-EŻAMIJIET

2.1.4.

KAŻIJIET TA' ESKLUŻJONI MARBUTA MAL-ISKRIZZJONI

2.2.

TRAŻMISSJONI TAL-FAJL TA' ISKRIZZJONI KOMPLUT

2.2.1.

X'INHU FAJL TA' ISKRIZZJONI KOMPLUT?

2.2.2.

MIN JISTA' JISSOTTOMETTI DAN IL-FAJL TA' ISKRIZZJONI?

2.2.3.

KIF TISTA' TIPPREŻENTA L-FAJL TIEGĦEK?

2.2.4.

LIEMA DOKUMENTI ĠUSTIFIKATIVI/TA' PROVA GĦANDHOM JIĠU MEHMUŻA MAL-FAJL TA' ISKRIZZJONI KOMPLUT?

2.2.4.1.

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

2.2.4.2

DOKUMENTI TA' PROVA GĦALL-KUNDIZZJONIJIET ĠENERALI

2.2.4.3.

DOKUMENTI TA' PROVA GĦALL-KUNDIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

2.2.4.4.

DOKUMENTI TA' PROVA GĦALL-GARFIEN LINGWISTIKU (JEKK MEĦTIEĠ MILL-AVVIŻ TAL-KOMPETIZZJONI)

3.

KOMUNIKAZZJONI

3.1.

EPSO: KOMUNIKAZZJONI MAL-KANDIDATI

3.2.

KANDIDATI: KOMUNIKAZZJONI MAL-EPSO

4.

TESTIJIET TA' DĦUL GĦALL-KOMPETIZZJONI

4.1.

X'INHU TEST TA' DĦUL?

4.2.

KIF TIŻVOLĠI L-PROĊEDURA?

5.

STADJI FIL-KOMPETIZZJONI

5.1.

EŻAMI TAL-ISKRIZZJONIJIET

5.2.

ĊENTRI TA' EVALWAZZJONI

5.3.

LISTA TA' RIŻERVA

6.

INFORMAZZJONI ĠENERALI

6.1.

TALBIET GĦAL INFORMAZZJONI

6.2

TALBIET GĦAL REVIŻJONI

6.3.

PROĊEDURI TA' APPELL

6.4.

ILMENT LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

7.

REKLUTAĠĠ

8.

MIXXELLANJI

1.   INTRODUZZJONI

1.1.   X'INHI KOMPETIZZJONI ĠENERALI?

L-istituzzjonijiet Ewropej jagħżlu l-uffiċjali futuri tagħhom permezz ta' kompetizzjoni ġenerali. Il-kompetizzjonijiet ġenerali jinvolvu serje ta' eżamijiet li fihom il-kandidati jikkompetu. Dawn il-kompetizzjonijiet huma miftuħa għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea li jissodisfaw il-kriterji mitluba. Din il-proċedura toffri lill-kandidati kollha opportunità indaqs li juru l-kapaċitajiet tagħhom u tiggarantixxi għażla bbażata fuq il-mertu, fir-rispett tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament.

Il-kandidati li jgħaddu f'kompetizzjoni jinkitbu f'lista ta' riżerva li minnha l-istituzzjonijiet jieħdu kandidati skont il-bżonnijiet tagħhom. Għalhekk din ma tirrigwardax il-proviżjoni ta' post speċifiku, iżda li tiġi ffurmata lista ta' riżerva għar-reklutaġġ.

Sabiex jintagħżlu l-aħjar kandidati abbażi tal-kundizzjonijiet definiti fl-avviż tal-kompetizzjoni, tiġi nnominata ġurija (1). Din tqabbel il-ħiliet tal-kandidati sabiex tiġi evalwata l-ħila tagħhom li jissodisfaw il-funzjonijiet deskritti fl-avviż. Għalhekk mhux biss għandha tevalwa l-livell tal-għarfien, iżda wkoll tippermetti li tidentifika l-persuni li huma l-iktar ikkwalifikati abbażi tal-mertu tagħhom.

Il-kompetizzjonijiet jistgħu jiġu organizzati:

kemm fil-qafas ta' ċikli annwali,

kif ukoll skont il-bżonnijiet speċifiċi tal-istituzzjonijiet.

1.2.   LIEMA HU L-PROFIL ĠENERALI MFITTEX?

L-istituzzjonijiet ifittxu kandidati b'talenti, motivati u kkwalifikati ħafna fil-qasam tagħhom, u li għandhom b'mod partikolari dawn il-kompetenzi li ġejjin:

Analiżi u soluzzjoni tal-problemi

Identifikazzjoni tal-fatti importanti fi ħdan il-problemi kumplessi u l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet kreattivi u prattiċi.

Komunikazzjoni

Komunikazzjoni b'mod ċara u preċiża, kemm fl-oral kif ukoll bil-miktub.

Provvediment tal-Kwalità u tar-Riżultati

Impenn tar-responsabbiltà personali u teħid ta' inizjattivi meħtieġa għall-provvediment ta' xogħol ta' kwalità għolja skont il-proċeduri stabbiliti.

Tagħlim u żvilupp

Żvilupp u titjib tal-ħiliet personali kif ukoll l-għarfien tal-organizzazzjoni u tal-ambjent tax-xogħol tagħha.

Tfassil tal-prijoritajiet u organizzazzjoni

L-għoti ta' prijorità għall-inkarigi l-iktar importanti, flessibbiltà fix-xogħol u organizzazzjoni b'mod effiċjenti tax-xogħol proprju.

Perseveranza

Żamma tal-effiċjenza taħt pressjoni għolja tax-xogħol, ġestjoni pożittiva tal-frustrazzjonijiet organizattivi u adattament għal ambjent ta' xogħol li dejjem jinbidel.

Ħidma ma' persuni oħra

Ħidma f'kooperazzjoni ma' persuni oħra fi ħdan timijiet u b'mod transversali u rispett għad-differenzi bejn l-individwi.

Kompetenza addizzjonali tapplika għall-karriera AD (amministraturi)

Tmexxija

Ġestjoni, żvilupp u motivazzjoni tal-persunal biex jinkisbu riżultati.

2.   KIF TISTA' TAPPLIKA?

Iskrizzjoni għal kompetizzjoni tinkludi 2 fażijiet:

1.

L-ewwel, l-iskrizzjoni b'mod elettroniku;

2.

Fi stadju ulterjuri, it-trażmissjoni ta' fajl ta' iskrizzjoni komplut. Ħlief jekk indikat mod ieħor fl-avviz ta' kompetizzjoni, dan il-fajl ta' iskrizzjoni komplut jintbagħat biss jekk tintalab biex tagħmel dan permezz tal-Kont EPSO tiegħek.

2.1.   ISKRIZZJONI B'MOD ELETTRONIKU

1.

Oħloq il-kont EPSO tiegħek jekk għadek m'għamiltx dan.

2.

Ivverifika bir-reqqa li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' iskrizzjoni u ta' dħul għall-kompetizzjoni.

3.

Għamel it-testijiet interattivi li huma proposti lilek.

4.

Imla' l-applikazzjoni elettronika.

5.

Ivvalida u ssottometti l-iskrizzjoni tiegħek b'mod elettroniku fiż-żmien meħtieġ.

2.1.1.   OĦLOQ IL-KONT EPSO TIEGĦEK (2)

Meta tkun qed tirreġistra l-iskrizzjoni tiegħek, jiġi propost lilek li tidħol fil-Kont EPSO tiegħek eżistenti, jew, jekk għadek ma ħloqtx wieħed, toħloq wieħed billi ssegwi l-istruzzjonijiet onlajn. Biex tagħmel dan, għandu jkollok indirizz email validu u attiv.

Il-Kont EPSO jservi bħala interface elettroniku bejn l-EPSO u l-kandidati. Huwa jippermetti l-komunikazzjoni magħhom, li tinżamm u tiġi aġġornata d-dejta personali tagħhom kif ukoll jinżamm rekord tal-iskrizzjonijiet tagħhom, skont ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta.

M'intix awtorizzat li toħloq iktar minn kont EPSO wieħed (ara wkoll il-punt 2.1.4 ta' din il-gwida). Dan il-kont uniku jibqa' validu għall-applikazzjonijiet kollha futuri.

2.1.2.   IVVERIFIKA LI TISSODISFA L-KUNDIZZJONIJIET TA' ISKRIZZJONI U DĦUL GĦALL-KOMPETIZZJONI

Qabel kwalunkwe iskrizzjoni, għandek tivverifika bir-reqqa jekk:

1.

il-kompetizzjoni/il-qasam/is-settur/ l-għażla li għalih/ha tixtieq tapplika hijiex inkompatibbli ma' oħrajn. Fil-fatt, ma tistax, f'ċerti każijiet, tirreġistra għal iktar minn kompetizzjoni/il-qasam/is-settur/ l-għażla waħda (ara wkoll il-punt 2.1.4 ta' din il-gwida). Dawn l-inkompatibbiltajiet huma msemmijin fl-avviż tal-kompetizzjoni.

2.

inti tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta' dħul, kemm dawk ġenerali kif ukoll dawk speċifiċi, li jfisser li għandek tkun familjari, minn qabel, tal-avviż tal-kompetizzjoni u ta' din il-gwida u taċċetta l-kundizzjonijiet tagħha.

Għalkemm l-avviżi tal-kompetizzjonijiet ma jistipulawx limitu ta' età, nixtiequ niġbdu l-attenzjoni tiegħek għall-età ta' rtirar stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il-quddiem ir-Regolament tal-Persunal (disponibbli fuq il-websajt tal-EPSO).

2.1.3.   APPLIKA B'MOD ELETTRONIKU

2.1.3.1.   IL-PROĊEDURA TAL-ISKRIZZJONI

Biex tirreġistra, jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet relatati mal-istadji diversi tal-proċedura ppubblikati fuq il-websajt tal-EPSO.

Jista' jkun li jiġi propost li tgħaddi, bħala prova, minn ġabra ta' testijiet interattivi. Nirrakkomandaw ħafna li tagħmilhom minħabba li jagħtuk idea tal-livell meħtieġ għat-testijiet ta' dħul għal din il-kompetizzjoni.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex l-iskrizzjoni elettronika tiġi finalizzata fl-iskadenza stabbilita. Nagħtuk il-parir li ma tistennix l-aħħar ġranet biex tapplika minħabba li problemi ta' konġestjoni eċċezzjonali tal-linji jew kwalunkwe nuqqas tal-konnessjoni tal-Internet jista' jwassal biex ikollok tirrepeti l-operazzjoni tal-iskrizzjoni elettronika, operazzjoni li tkun impossibbli wara d-data tal-iskadenza.

Barra minn hekk, innota li l-proċedura ta' iskrizzjoni proprja tista' tirrikjedi xi ħin minħabba d-dettalji kollha li jridu jimtlew. L-informazzjoni mitluba tirrigwarda notevolment:

id-diplomi/taħriġ tiegħek: il-qasam, il-perjodi ta' studju, il-livell tagħhom u d-data/dati meta ġibt id-diploma/diplomi,

l-esperjenza professjonali tiegħek (jekk din hija meħtieġa): l-isem u l-indirizz ta' min iħaddmek, in-natura tal-funzjonijiet tiegħek, id-data ta' bidu u ta' tmiem tal-istess funzjonijiet,

l-għarfien lingwistiku tiegħek,

il-motivazzjoni tiegħek (għandha tiġi spjegata).

Nissuġġerixxu b'mod partikolari li tiġbor din l-informazzjoni kollha qabel ma tibda l-proċedura.

Nixtiequ niġbdu l-attenzjoni tiegħek ukoll għall-fatt li huwa importanti ħafna li timla din l-informazzjoni bir-reqqa u li tiżgura li jkunu preċiżi u vverifikati minn dokumenti ta' prova, skont il-modalitajiet deskritti fl-avviż tal-kompetizzjoni. Fil-każ li, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, ikun stabbilit li xi informazzjoni mogħtija fl-iskrizzjoni ma tkunx korretta jew mhux ippruvata minn dokumenti ta' prova relevanti (ara l-punt 2.2.4 ta' din il-gwida), tiġi skwalifikat mill-kompetizzjoni.

Ladarba tkun ivvalidajt l-iskrizzjoni vverifikata minnek, ma tkunx tista' tbiddilha, minħabba li d-dejta relatata magħha tiġi trattata immedjatament minn EPSO għall-organizzazzjoni ta' dawn il-kompetizzjonijiet. Biex taġġorna d-dejta personali tiegħek, ara l-punt 2.1.1.

Kwalunkwe diffikultà teknika għandha tiġi indikata mill-iktar fis possibbli permezz tal-formola ta' kuntatt ippubblikata fuq il-websajt tal-EPSO.

2.1.3.2.   DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI GĦAT-TESTIJIET U L-EŻAMIJIET

a)   Mal-iskrizzjoni

Jekk għandek diżabbiltà jew jekk jinsab f'sitwazzjoni partikolari li tista' toħloq diffikultajiet waqt l-eżamijiet, għandek timmarka l-kaxxa korrispondenti fl-iskrizzjoni elettronika u tindika l-miżuri li tqis neċessarji biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tiegħek fit-testijiet u l-eżamijiet diversi.

Jekk jogħġbok ibgħat, malajr kemm jista' jkun wara l-iskrizzjoni elettronika tiegħek — skont il-każ — iċ-ċertifikat mediku jew dikjarazzjoni ta' entità kompetenti li tiċċertifika l-kundizzjoni tiegħek bħala persuna b'diżabbiltà:

jew bil-posta elettronika lil: EPSO-accessibility@ec.europa.eu,

jew bil-faks lil: +32 22998081, bl-indikazzjoni “EPSO accessibility” ,

jew bil-posta f'dan l-indirizz li ġej:

European Personnel Selection Office (EPSO)

“EPSO accessibility”

C-25

1049 Brussels

Belgium

bl-indikazzjoni obbligatorja tan-numru tal-kompetizzjoni kif ukoll in-numru tiegħek tal-kandidat.

Wara li jiġu studjati d-dokumenti ta' prova, jistgħu jiġu adottati dispożizzjonijiet speċifiċi u adattati għal kull każ sabiex kemm jista' jkun jiġu sodisfatti t-talbiet meqjusa ġġustifikati.

b)   Wara l-iskrizzjoni

Jekk iċ-ċirkostanzi deskritti fil-punt 2.1.3.2 a) jinqalgħu wara d-data ta' għeluq stabbilita għar-reġistrazzjoni elettronika, għandek tinnotifika lill-EPSO malajr kemm jista' jkun. Jekk jogħġbok indika bil-miktub id-dispożizzjonijiet li tqis neċessarji u ibgħat id-dokumenti ta' prova relevanti bil-posta elettronika, bil-faks jew bil-posta (ara d-dettalji fil-punt 2.1.3.2 a) t'hawn fuq).

2.1.4.   KAŻIJIET TA' ESKLUŻJONI MARBUTA MAL-ISKRIZZJONI

EPSO jiżgura r-rispett tal-prinċipju ta' trattament ugwali. Għalhekk jekk, irrispettivament minn liema stadju tal-proċedura, EPSO jinnota li:

ħloqt iktar minn kont EPSO wieħed,

applikajt għal kompetizzjonijiet/oqsma/setturi/għażliet inkompatibbli,

ipprovdejt dikjarazzjonijiet foloz,

tiġi eskluż mill-kompetizzjonijiet ikkonċernati.

Kwalunkwe frodi jew tentativ ta' frodi tista' tiġi suġġetta għal sanzjonijiet eventwali. F'dan ir-rigward, qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li biss dawk il-persuni li juru l-ikbar integrità jiġu reklutati mill-istituzzjonijiet.

2.2.   TRAŻMISSJONI TAL-FAJL TA' ISKRIZZJONI KOMPLUT

2.2.1.   X'INHU FAJL TA' ISKRIZZJONI KOMPLUT?

Dan huwa fajl li jinkludi kopja tal-iskrizzjoni tiegħek iffirmata kif ukoll id-dokumenti ta' prova kollha meħtieġa.

2.2.2.   MIN JISTA' JISSOTTOMETTI DAN IL-FAJL TA' ISKRIZZJONI?

Ħlief jekk jiġi indikat mod ieħor fl-avviż tal-kompetizzjoni, huma biss dawk il-kandidati li jgħaddu f'dan l-istadju u li, permezz tal-kont EPSO tagħhom, jiġu mistiedna espressament jibgħatuh.

2.2.3.   KIF TISTA' TIPPREŻENTA L-FAJL TIEGĦEK?

1)

Ipprintja, mill-Kont EPSO tiegħek, l-iskrizzjoni elettronika vvalidata li ppreżentajt elettronikament;

2)

iffirmaha bil-kitba fil-kaxxa maħsuba għal dan il-għan;

3)

ehmeż id-dokumenti ta' prova kollha meħtieġa (ara l-punt 2.2.4) nnumerati minn qabel;

4)

ehmeż indiċi nnumerat tad-dokumenti ta' prova kollha annessi mal-fajl tiegħek;

5)

ippreżenta l-fajl tiegħek skont il-kundizzjonijiet u fiż-żmien indikati fl-istedina tiegħek jew fl-avviż tal-kompetizzjoni.

Jekk m'huwiex speċifikat fl-avviż tal-kompetizzjoni li l-fajl għandu jintbagħat b'mod parallel mal-iskrizzjoni elettronika, EPSO ma tikkunsidraħx, u lanqas tibgħat lura l-fajls ippreżentati mingħajr stedina speċifika. Skont ir-regoli tal-protezzjoni tad-dejta, dawn il-fajls jiġu meqruda.

2.2.4.   LIEMA DOKUMENTI ĠUSTIFIKATIVI/TA' PROVA GĦANDHOM JIĠU MEHMUŻA MAL-FAJL TA' ISKRIZZJONI KOMPLUT?

2.2.4.1.   DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Tissottomettix dokumenti oriġinali, iżda biss fotokopji mhux iċċertifikati tad-dokumenti mitluba għandhom jiġu mehmuża. Ir-referenzi għal websajts mhumiex meqjusa dokumenti fis-sens ta' din id-dispożizzjoni. Paġni pprintjati minn websajts mhumiex meqjusa bħala dikjarazzjonijiet, iżda jistgħu jiġu mehmuża biss bħala informazzjoni addizzjonali.

Biex timla l-iskrizzjoni tiegħek, ma tistax tirreferi għal iskrizzjonijiet oħra jew dokumenti oħra mehmuża ma' iskrizzjonijiet preċedenti. Ma jingħataw lura ebda dokumenti mid-diversi iskrizzjonijiet.

Nixtiequ niġbdu l-attenzjoni tiegħek għall-fatt li l-kandidati li jgħaddu u jinkitbu fuq il-lista ta' riżerva li jirċievu offerta ta' impjieg iridu, qabel ma jiġu rreklutati, jippreżentaw id-dokumenti oriġinali biex jiġu vverifikati.

2.2.4.2.   DOKUMENTI TA' PROVA GĦALL-KUNDIZZJONIJIET ĠENERALI

Biex tiġġustifika li:

għandek iċ-ċittadinanza meħtieġa:

jekk jogħġbok ehmeż kopja ta' dokument li juri ċ-ċittadinanza (eż: passaport, karta tal-identità jew kwalunkwe dokument uffiċjali ieħor li jsemmi espliċitament iċ-ċittadinanza tiegħek, li għandu jkun validu fl-iskadenza stipulata għall-iskrizzjoni elettronika).

Ebda dokument m'hu meħtieġ f'dan l-istadju biex jiġġustifika li:

tgawdi mid-drittijiet kollha tiegħek bħala ċittadin,

wettaqt kull obbligu impost fuqek mil-liġijiet dwar is-servizz militari,

tipproduċi r-referenzi ta' karattru xierqa meħtieġa biex taqdi d-dmirijiet previsti.

Huwa permezz tal-firma tal-iskrizzjoni tiegħek li tiċċertifika fuq l-unur tiegħek li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet.

2.2.4.3.   DOKUMENTI TA' PROVA GĦALL-KUNDIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tipprovdi lill-ġurija l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li jippermettulha tivverifika li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fl-avviż tal-kompetizzjoni fid-data stipulata fih.

1.

Diploma u/jew ċertifikati li juru t-tmiem b'suċċess tal-istudji. Għad-diplomi post-sekondarji, ehmeż l-aktar informazzjoni dettaljata possibli, b'mod partikolari dwar is-suġġetti studjati u t-tul ta' żmien li ġew studjati, sabiex il-ġurija tkun tista' tevalwa r-rilevanza tad-diploma tiegħek fid-dawl tan-natura tal-kariga. Jekk segwejt taħriġ tekniku jew professjonali, jew kors ta' perfezzjonament jew ta' speċjalizzazzjoni, għandek tindika jekk dan kienx kors full-time, kors part-time jew kors ta' filgħaxija, kif ukoll is-suġġetti trattati u t-tul ta' żmien tal-istudji tiegħek.

F'dan ir-rigward, il-ġurija se tqis l-istrutturi differenti ta' tagħlim. Fil-websajt tal- EPSO issib eżempji ta' kwalifiki minimi meħtieġa skont il-kategorija. Madankollu, kundizzjonijiet iktar eżiġenti jistgħu jiġu imposti mill-avviż tal-kompetizzjoni.

2.

Esperjenza professjonali (jekk meħtieġa mill-avviż tal-kompetizzjoni)

Huwa importanti li jingħataw l-aktar dettalji possibbli dwar in-natura tal-funzjonijiet li għandhom jitwettqu sabiex il-ġurija tkun f'pożizzjoni li tevalwa r-rilevanza tal-esperjenza tiegħek meta mqabbla man-natura tal-funzjonijiet. Il-perjodi kollha ta' attività professjonali kkonċernati għandhom ikunu koperti mid-dokumenti ta' prova li ġejjin:

dikjarazzjonijiet minn dawk li kienu jimpjegawk fil-passat kif ukoll minn min qed jimpjegak fil-preżent li juru l-esperjenza professjonali meħtieġa għad-dħul għall-kompetizzjoni; dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom isemmu n-natura tal-inkarigi mwettqa kif ukoll id-data tal-bidu u tat-tmiem, kif ukoll il-livell tagħhom;

jekk ma tistax tehmeż id-dikjarazzjonijiet dwar ix-xogħol minn dawk li kienu jimpjegawk, tista' tissostitwihom b'fotokopji tal-kuntratt(i) tax-xogħol tiegħek flimkien mal-ewwel u l-aħħar irċevuta tal-paga iżda dawn iridu jkunu akkumpanjati minn deskrizzjoni dettaljata tal-kompiti mwettqa;

għall-attivitajiet professjonali indipendenti (eż: impjieg għal rasek jew attività professjonali għal rasek), jistgħu jiġu aċċettati bħala provi kontijiet jew formoli ta' ordnijiet li jiddeskrivu l-kompiti mwettqa jew kull dokument uffiċjali ta' prova ieħor li hu relevanti;

biss għall-kompetizzjonijiet għall-interpreti ta' konferenzi, fejn l-esperjenza professjonali hija meħtieġa, jiġu kkunsidrati biss id-dokumenti li jippruvaw li l-esperjenza tirrigwarda speċifikament l-interpretazzjoni ta' konferenzi u bl-indikazzjoni ċara tan-numru ta' ġranet kif ukoll il-lingwi ta' interpretazzjoni.

2.2.4.4.   DOKUMENTI TA' PROVA GĦALL-GARFIEN LINGWISTIKU (JEKK MEĦTIEĠ MILL-AVVIŻ TAL-KOMPETIZZJONI)

Ġeneralment m'huwa meħtieġ l-ebda dokument ta' prova għal din il-kundizzjoni, ħlief għal ċerti kompetizzjonijiet għal-lingwisti (jekk jogħġbok irreferi għall-avviż tal-kompetizzjoni). Fil-każ ta' dawn il-kompetizzjonijiet u skont l-avviż tal-kompetizzjoni, l-għarfien tal-lingwi meħtieġ għandu jkun ippruvat minn diploma jew minn nota fuq karta separata li tispjega kif ksibt l-għarfien ta' dawn il-lingwi.

3.   KOMUNIKAZZJONI

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u l-komprensjoni tat-testi ta' natura ġenerali u tal-komunikazzjonijiet indirizzati lill-kandidati jew irċevuti minn dawn tal-aħħar, il-konvokazzjonijiet għat-testijiet u eżamijiet differenti, kif ukoll kull korrispondenza bejn l-EPSO u l-kandidati se jkunu biss bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż.

3.1.   EPSO: KOMUNIKAZZJONI MAL-KANDIDATI

Ir-riżultati u s-sejħiet kollha jiġu kkomunikati lilek biss permezz tal-kont EPSO tiegħek.

Jeħtieġ li ssegwi l-progress tal-kompetizzjoni u tivverifika l-informazzjoni li tikkonċernak, billi tikkonsulta l-profil tiegħek tal-EPSO regolarment, minn tal-anqas darbtejn fil-ġimgħa.

Jekk ma tistax tivverifika din l-informazzjoni, hija r-responsabbiltà tiegħek li tinnotifika immedjatament lill-EPSO b'dan il-fatt (ara l-punt 3.2 hawn taħt).

Tista' tiġi kkonsultata informazzjoni ġenerali dwar l-istadji tal-kompetizzjoni fuq il-websajt tal-EPSO (www.eu-careers.eu).

3.2.   KANDIDATI: KOMUNIKAZZJONI MAL-EPSO

Tista' tindirizza kull korrispondenza lill-EPSO permezz tal-formula ta' kuntatt ippubblikata fuq is-sit, wara li tkun ivverifikajt li l-informazzjoni meħtieġa la tinsab fl-avviż tal-kompetizzjoni, la f'dan id-dokument, la fil-websajt tal-EPSO u lanqas fil-“mistoqsijiet li jsiru ta' spiss” (3).

Sabiex tiġi garantita l-indipendenza tal-ġurija, l-intervenzjonijiet kollha diretti jew indiretti tal-kandidati huma pprojbiti u jistgħu jwasslu għall-esklużjoni mill-kompetizzjoni. Kull korrispondenza għall-attenzjoni tal-ġurija għandha tiġi indirizzata esklussivament lil EPSO, li tgħaddiha lill-ġurija.

EPSO jiżgura l-iskrizzjoni tal-prinċipji tal-kodiċi ta' mġiba amministrattiva tajba, b'mod partikolari fil-korrispondenza tiegħu mal-kandidati (4). Madankollu, skont dawn l-istess prinċipji, EPSO jirriserva d-dritt li jwaqqaf kull korrispondenza jekk din li tasal mill-kandidati tkun abbużiva, repetittiva, skandaluża u/jew irrelevanti.

Kull korrispondenza dwar iskrizzjoni magħmula f'isem partikolari għandha ssemmi dan l-isem, in-numru tal-kompetizzjoni u n-numru li ngħata meta saret l-iskrizzjoni elettronika.

4.   TESTIJIET TA' DĦUL GĦALL-KOMPETIZZJONI

4.1.   X'INHU TEST TA' DĦUL?

Fil-każ tal-kompetizzjonijiet li jipprovdu għal testijiet ta' dħul, l-EPSO torganizza testijiet li jagħtu aċċess għall-kompetizzjonijiet ġenerali skont il-kundizzjonijiet imħabbra fl-avviż tal-kompetizzjoni. Dawn isiru fuq kompjuter, f'ċentri speċjalizzati f'dan it-tip ta' testijiet.

4.2.   KIF TIŻVOLĠI L-PROĊEDURA?

Jekk inti tissodisfa l-kriterji meħtieġa mill-avviż tal-kompetizzjoni biex tipparteċipa għat-testijiet ta' dħul, inti tiġi mistieden, permezz tal-kont EPSO tiegħek, biex tirriserva data f'perjodu determinat li jiġi kkomunikat lilek fl-istedina. Fil-prinċipju, jiġu offerti diversi possibilitajiet ta' dati u ta' ċentri.

Il-lista ta' dawn iċ-ċentri, imqassma fuq it-territorju tal-Unjoni Ewropea (u eventwalment f'ċerti pajjiżi terzi), tiġi kkomunikata lilek permezz tal-kont EPSO tiegħek. Id-disponibbiltà ta' ċerti dati f'ċerti ċentri tista' tkun limitata jekk in-numru ta' kandidati previsti għal dawn iċ-ċentri m'huwiex għoli.

Skont il-kompetizzjoni li tkun applikajt għaliha, dawn it-testijiet jistgħu jinkludu dawn l-elementi li ġejjin:

test ta' raġunament verbali;

test ta' raġunament numeriku;

test ta' raġunament astratt;

test(ijiet) fil-qasam magħżul.

Matul il-fażi tat-testijiet ta' dħul, dan it-test jista' jiġi organizzat ukoll:

test ta' valutazzjoni sitwazzjonali.

Sabiex tkun tista' tiffamiljarizza ruħek mal-proċedura ta' test bil-kompjuter, se tiġi inserita hyperlink ma' taħriġ didattiku u mudell tat-test fl-ittra ta' stedina tiegħek.

Il-korrezzjoni tat-testijiet ta' dħul issir bil-kompjuter.

5.   STADJI FIL-KOMPETIZZJONI

5.1.   EŻAMI TAL-ISKRIZZJONIJIET

Eżami:

1.

tal-ammissibbiltà tal-iskrizzjoni;

2.

tal-kundizzjonijiet ġenerali;

3.

tal-kundizzjonijiet speċifiċi.

EPSO jivverifika jekk l-iskrizzjoni tiegħek hijiex ammissibbli, jiġifieri jekk ġietx ippreżentata qabel l-iskadenza u skont il-kundizzjonijiet definiti fl-avviż tal-kompetizzjoni. Huma biss dawk il-kandidati li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet li jiġu kkunsidrati.

Jekk l-iskrizzjoni tiegħek hija ammissibbli, isir eżami tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi, skont il-kundizzjonijiet tal-avviż tal-kompetizzjoni, abbażi tal-informazzjoni miġbura fl-att ta' iskrizzjoni ppreżentat b'mod elettroniku, billi din il-ġabra ta' informazzjoni tiġi vverifikata fi stadju ulterjuri abbażi tad-dokumenti ta' prova. F'ċerti kompetizzjonijiet, dan l-eżami jsir direttament fuq il-bażi tad-dokumenti ta' prova.

Il-kundizzjonijiet kollha ta' dħul, kemm ġenerali kif ukoll speċifiċi, għandhom jimtlew fid-data/i stabbilita/i fl-avviż tal-kompetizzjoni.

Jiġu kkunsidrati biss l-iskrizzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-avviż tal-kompetizzjoni.

5.2.   ĊENTRI TA' EVALWAZZJONI

Fil-qafas tal-proċeduri ġodda ta' kompetizzjonijiet, EPSO juża mudell “Ċentru ta' Evalwazzjoni”, ibbażat fuq il-kompetenzi. Dan il-mudell intagħżel mill-istituzzjonijiet sabiex jiġu identifikati l-kandidati l-iktar xierqa u l-iktar kompetenti għall-profil meħtieġ. Wara l-fażi tat-testijiet ta' dħul (fejn dan ikun il-każ), il-kompetizzjonijiet jinkludu diversi eżamijiet. Dawn l-eżamijiet ġeneralment isiru fi Brussell.

Fiċ-Ċentru ta' Evalwazzjoni, il-kandidati jiġu ttestjati permezz ta' mezzi adattati li jistgħu, matul il-kompetizzjoni, jinkludu dawn l-elementi li ġejjin:

studju ta' każ fil-qasam meħtieġ;

eżerċizzji dwar il-kompetenzi professjonali;

preżentazzjoni orali;

intervista strutturata (waħda jew iktar);

eżerċizzju fi grupp;

eżamijiet prattiċi fil-lingwa;

test ta' raġunament verbali (5);

test ta' raġunament numeriku (5);

test ta' raġunament astratt (5);

test ta' valutazzjoni sitwazzjonali (5).

Spjegazzjoni dettaljata ta' dawn l-elementi tingħata fil-manwal “Ċentru ta' Evalwazzjoni” li jiġi pprovdut lill-kandidati mistiedna biex jipparteċipaw f'dan l-istadju. Jekk jogħġbok ikkonsulta l-avviż tal-kompetizzjoni biex tkun taf l-elementi li se jintużaw fil-kompetizzjoni tiegħek.

L-informazzjoni kollha meħtieġa tiġi kkomunikata lilek permezz tal-kont EPSO tiegħek.

5.3.   LISTA TA' RIŻERVA

Bħala riżultat tal-proċedura tal-kompetizzjoni, il-ġurija tistabbilixxi lista ta' riżerva li tiġbor fiha l-ismijiet ta' min ikun għadda mill-kompetizzjoni. Wara, din il-lista tintbagħat lill-istituzzjonijiet li huma l-uniċi entitajiet responsabbli mir-reklutaġġ. Jekk jogħġbok innota li dokument imsejjaħ “passaport ta' kompetenzi” u li jirreferi għall-prestazzjonijiet tiegħek fiċ-Ċentru ta' Evalwazzjoni jiġi trasmess lill-istituzzjonijiet u jkun jista' jintuża minnhom matul il-proċedura ta' reklutaġġ kif ukoll fl-aspett ta' żvilupp tal-karriera.

Il-lista ta' riżerva, kif ukoll id-data tal-iskadenza tagħha jiġu ppubblikati (6) f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-EPSO. F'ċerti każi, huwa possibbli li l-validità ta' din il-lista tiġi estiża. Id-deċiżjoni dwar l-estensjoni tiġi ppubblikata biss fuq il-websajt tal-EPSO.

6.   INFORMAZZJONI ĠENERALI

6.1.   TALBIET GĦAL INFORMAZZJONI

Fil-kuntest tal-proċeduri tal-kompetizzjonijiet, il-kandidati għandhom dritt speċifiku li jkollhom aċċess, fil-kundizzjonijiet deskritti 'l quddiem, għal ċerta informazzjoni li tirrigwardahom direttament u individwalment.

F'dan il-qafas, huwa possibbli li tikseb din l-informazzjoni:

1)   Il-fażi tat-testijiet ta' dħul fuq il-kompjuter

Komunikazzjoni awtomatika

Ir-riżultati tiegħek tat-testijiet. Dawn ma juru la d-domandi u lanqas ir-risposti, iżda biss ir-referenza għar-risposti li tkun għażilt kif ukoll ir-referenza għar-risposti tajba.

Għandek tinnota li l-bażi tad-dejta tal-mistoqsijiet użati għal dawn it-testijiet hija amministrata totalment mill-EPSO, li huwa responsabbli mill-koerenza u l-integrità tal-kontenut tagħha. L-EPSO huwa megħjun minn kumitat konsultattiv interistituzzjonali li, b'mod partikolari, huwa responsabbli li jeżamina l-kummenti eventwali tal-kandidati fir-rigward ta' mistoqsijiet speċifiċi.

2)   Fażi taċ-Ċentri ta' evalwazzjoni

A.   Komunikazzjoni awtomatika

Ħlief jekk titlaq matul l-eżamijiet, il-marki globali tiegħek skont il-kompetenza evalwata (kompetenzi speċifiċi fil-qasam u kompetenzi ġenerali) kif ukoll il-passaport tal-kompetenzi tiegħek.

B.   Komunikazzjoni fuq talba biss

Kopja tal-eżamijiet miktuba/prattiċi tiegħek.

It-talbiet għal informazzjoni għandhom jiġu indirizzati permezz tal-paġna ta' kuntatt tal-websajt tal-EPSO, mhux iktar minn għaxart ijiem kalendarji wara n-notifika tar-riżultati miksuba fil-kompetizzjoni.

It-talbiet jiġu trattati b'kunsiderazzjoni għan-natura sigrieta tax-xogħol tal-ġuriji stipulata fir-Regolament tal-Persunal (Anness III, Artikolu 6) u fir-rispett tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data ta' natura personali.

6.2.   TALBIET GĦAL REVIŻJONI

Huwa possibbli li tintroduċi talba ta' reviżjoni f'dawn il-każijiet:

fil-każ li EPSO ma jkunx irrispetta d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura tal-kompetizzjoni;

fil-każ fejn il-ġurija ma tkunx irrispettat id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħidmiet tagħha.

Qed tinġibidlek l-attenzjoni għall-fatt li l-ġurija għandha setgħa kbira ta' apprezzament fid-determinazzjoni tar-risposti tajbin jew ħżiena tiegħek. Fin-nuqqas ta' żball ovvju fid-dritt jew fil-fatt, huwa inutli li tikkontesta l-punti tiegħek.

Jekk it-talba tiegħek taqa' taħt il-kompetenza tal-ġurija, EPSO jibgħat l-ittra lill-president tal-ġurija biex jara x'inhi l-kompetenza tiegħu f'dan ir-rigward u tintbagħtlek tweġiba kemm jista' jkun malajr.

Proċeduri

Għandek iddaħħal it-talba tiegħek, bir-raġunijiet validi, mhux iktar tard minn għaxart ijiem kalendarji mid-data meta tirċievi l-ittra elettronika li ġiet indirizzata lilek minn EPSO.

jew permezz tal-formola ta' kuntatt ippubblikata fuq il-websajt tal-EPSO,

jew bil-faks f'dan in-numru: (+32) 22979611.

Jekk jogħġbok indika fis-suġġett tal-ittra tiegħek:

in-numru tal-kompetizzjoni,

in-numru tiegħek ta' kandidat,

l-indikazzjoni “demande de réexamen”, jew “request for review”, jew “Antrag auf Überprüfung” (għażel),

l-istadju (7) tal-kompetizzjoni kkonċernata (pereżempju: testijiet ta' dħul, nuqqas ta' dħul, ċentru ta' evalwazzjoni).

6.3.   PROĊEDURI TA' APPELL

F'kull stadju tal-proċedura tal-kompetizzjoni, jekk tqis li EPSO jew il-ġurija ma mxewx b'mod ġust jew ma rrispettawx:

id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura tal-kompetizzjoni, jew

id-dispożizzjonijiet tal-avviż tal-kompetizzjoni

u li dan kien ta' ħsara għalik, tista' tirrikorri għal dawn il-mezzi li ġejjin:

tressaq ilment amministrattiv fuq il-bażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea,

jew bil-posta f'dan l-indirizz li ġej:

European Personnel Selection Office (EPSO)

Open competition EPSO/(ikkwota n-numru tal-kompetizzjoni)

C-25

1049 Brussels

Belgium

jew permezz tal-paġna ta' kuntatt tal-websajt tal-EPSO.

Jekk jogħġbok indika fis-suġġett tal-ittra tiegħek:

in-numru tal-kompetizzjoni,

in-numru tiegħek ta' kandidat,

ir-referenza “réclamation article 90, §2”, “complaint article 90 §2”, “Beschwerde Artikel 90, Absatz 2” (għażel),

l-istadju (7) tal-kompetizzjoni kkonċernata.

Qed niġbdu l-attenzjoni tiegħek għal diskrezzjoni wiesgħa li għandhom il-ġuriji tal-kompetizzjonijiet.

Huwa inutli li ddaħħal talba kontra deċiżjoni tal-ġurija li tieħu d-deċiżjonijiet b'mod indipendenti u li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu modifikati mid-Direttur tal-EPSO. Il-ġuriji tal-kompetizzjonijiet għandhom diskrezzjoni wiesgħa li hija biss suġġetta għal stħarriġ f'każ ta' ksur evidenti tar-regoli li jmexxu l-ħidmiet tagħhom. F'dan il-każ tal-aħħar , id-deċiżjoni tal-ġurija tal-kompetizzjoni tista' tiġi attakkata direttament quddiem imħallef tal-qrati tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma ssir talba minn qabel skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

tintroduċi kawża fuq il-bażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej quddiem:

European Union Civil Service Tribunal

Boulevard Konrad Adenauer

2925 Luxembourg

Luxembourg

Jekk jogħġbok innota li r-rikors dwar żball matul it-testijiet ta' dħul, jew kemm fuq żball ta' evalwazzjoni dwar il-kriterji ġenerali ta' dħul, li ma jaqawx taħt l-awtorità tal-ġurija tal-kompetizzjoni, jkunu jistgħu jiġu ppreżentati fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss jekk talba amministrattiva tiġi introdotta qabel skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, skont il-kundizzjonijiet deskritti taħt dan il-punt.

Għad-dettalji dwar kif għandek tressaq il-kawża għandek tikkonsulta l-websajt tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea: http://curia.europa.eu/jcms/jcms/T5_5230.

Għal dawn iż-żewġ tiġi ta' proċeduri, il-limiti ta' żmien previsti (irreferi għar-Regolamenti tal-Persunal emendati bir-Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004 (KE, Euratom) tat-22 ta' Marzu 2004 ppubblikat f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 124 tas-27 ta' April 2004 — http://eur-lex.europa.eu) jibdew jgħoddu min-notika tal-att li allegatament jippreġudika l-interessi tiegħek.

6.4.   ILMENT LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

Bħaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea, tista' tippreżenta lment lil:

European Ombudsman

1 avenue du Président Robert Schuman

CS 30403

67001 Strasbourg Cedex

France

http://www.ombudsman.europa.eu/media/mt/default.htm

Qed tinġibidlek l-attenzjoni għall-fatt li lmenti lill-Ombudsman ma jinterrompux il-limitu ta' żmien previst mill-Artikoli 90(2) u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-preżentazzjoni ta' ilmenti jew ta' appell quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skont l-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod, għandek tiftakar ukoll li, skont l-Artikolu 2(4) tal-Kundizzjonijiet Ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman, kull ilment ippreżentat lill-Ombudsman għandu jkun preċedut b'approċċ amministrattiv xieraq lill-istituzzjonijiet u korpi kkonċernati.

7.   REKLUTAĠĠ

Il-fatt li ismek ikun fil-lista ta' riżerva jindika li inti tista' tissejjaħ minn istituzzjoni biex issirlek intervista, iżda mhuwiex la dritt u lanqas garanzija ta' reklutaġġ minn istituzzjoni.

Skont ir-Regolamenti tal-Persunal, f'konformità mad-dispożizzjonijiet statutorji, u skont il-ħtiġijiet tas-servizzi u jiddependi fuq il-qagħda baġitarja. Dan ir-reklutaġġ isir fil-grad imsemmi fl-avviż tal-kompetizzjoni.

Skont in-natura tal-impjieg, jista' jkun li inizjalment, jekk tirnexxi fil-kompetizzjoni, issirlek proposta ta' kuntratt ta' aġent temporanju. F'dan il-każ, ismek jibqa' jidher fil-lista ta' riżerva.

Ir-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi l-possibbiltà li f'kwalunkwe mument tal-karriera tiegħu, uffiċjal jista' jitlob trasferiment għal istituzzjoni jew aġenzija oħra. Madankollu għandek tinnota li, b'kunsiderazzjoni tal-interess tas-servizz, it-trasferiment ta' uffiċjali li jkunu għadhom kemm ġew impjegati, qabel l-iskadenza ta' mill-anqas tliet snin wara d-dħul tagħhom fis-servizz, mhux possibbli għajr f'każijiet eċċezzjonali u għal raġunijiet debitament iġġustifikati, b'kull każ individwali li jitressaq għall-approvazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-aġenzija minn fejn ikun impjegat u tal-istituzzjoni jew aġenzija fejn ikun se jiġi trasferit.

8.   MIXXELLANJI

Għal aktar informazzjoni dwar il-punti li ġejjin ikkonsulta l-websajt tal-internet tal-EPSO:

ħlas lura tal-ispejjeż ta' vjaġġar tal-kandidati;

opportunitajiet indaqs;

protezzjoni tad-dejta;

salarju u benefiċċji tas-sigurtà soċjali.


(1)  L-ismijiet tal-membri tal-ġurija huma ppubblikati fuq il-websajt tal-EPSO (www.eu-careers.eu) qabel iċ-Ċentru ta' Evalwazzjoni.

(2)  Terminu mniżżel fi tliet lingwi fuq il-websajt tal-EPSO:

 

DE (Ġermaniż): EPSO-Konto,

 

EN (Ingliż): EPSO account,

 

FR (Franċiż): compte EPSO.

(3)  Deskritti taħt it-terminu “FAQ” fil-websajt tal-EPSO.

(4)  ĠU L 267, 20.10.2000, p. 63.

(5)  Jekk ma jkunux saru fil-fażi ta' testijiet ta' ammissjoni, fejn xieraq.

(6)  Fuq it-talba ta' persuna li tkun temmet il-kompetizzjoni b'suċċess, isimha ma jkunx ippubblikat. Din it-talba għandha tasal għand l-EPSO mhux aktar tard minn ġimgħatejn wara li ssir il-komunikazzjoni tar-riżultati.

(7)  Dawn ir-referenzi għandhom jiġu indikati biss bil-DE/EN/FR.