ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2010.048.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 48

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
26 ta' Frar 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kunsill

2010/C 048/01

Notifika għall-attenzjoni tas-Sur Jangara magħruf ukoll bħala Changara, Thomsen li għalih japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/161/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe

1

 

II   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Kummissjoni Ewropea

2010/C 048/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.5726 – Deutsche Bank/SAL. Oppenheim) ( 1 )

2

2010/C 048/03

Noti ta’ Spjegazzjoni dwar in-Nomenklatura Magħquda tal-Komunitajiet Ewropej

3

 

IV   Avviżi

 

AVVIŻI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Kummissjoni Ewropea

2010/C 048/04

Rata tal-kambju tal-euro

4

 

V   Opinjonijiet

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Kummissjoni Ewropea

2010/C 048/05

Sejħa għal proposti taħt il-programm ta' ħidma ENIAC Joint Undertaking

5

2010/C 048/06

Sejħa għall-proposti taħt il-programm ta' ħidma Artemis Joint Undertaking

6

2010/C 048/07

Sejħa għal proposti 2010 għal azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Komunitarju multiannwali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u teknoloġiji oħra tal-komunikazzjoni – Internet Aktar Sikur ( 1 )

7

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Kummissjoni Ewropea

2010/C 048/08

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.5761 – E.ON/Masdar/JV) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

13

2010/C 048/09

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.5799 – Faurecia/Plastal) ( 1 )

14

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kunsill

26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/1


Notifika għall-attenzjoni tas-Sur Jangara magħruf ukoll bħala Changara, Thomsen li għalih japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/161/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe

2010/C 48/01

KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

L-informazzjoni li ġejja tinġieb għall-attenzjoni tas-Sur Jangara magħruf ukoll bħala Changara, Thomsen li jidher fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/121/CFSP.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddetermina li s-Sur Jangara magħruf ukoll bħala Changara, Thomsen għandu jiżdied mal-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe. Konsegwentement is-Sur Jangara magħruf ukoll bħala Changara, Thomsen żdied mal-lista li tinsab fl-Anness għall-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/121/CFSP.

Qed tinġibed l-attenzjoni tas-Sur Jangara magħruf ukoll bħala Changara, Thomsen għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i rilevanti kif indikat fis-siti elettroniċi fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 314/2004, sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni għall-użu tal-fondi ffriżati għal ħtiġijiet bażiċi jew ħlasijiet speċifiċi (ara l-Artikolu 7 tar-Regolament).

Is-Sur Jangara magħruf ukoll bħala Changara, Thomsen jista' jippreżenta talba lill-Kunsill, flimkien ma' dokumentazzjoni ġustifikattiva, li d-deċiżjoni biex huwa jiġi inkluż fil-lista msemmija hawn fuq għandha terġa' tiġi kkunsidrata. Kwalunkwe tali talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Council of the European Union

General Secretariat

Rue de la Loi 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

L-attenzjoni tas-Sur Jangara magħruf ukoll bħala Changara, Thomsen qed tinġibed ukoll għall-possibbiltà li jikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 275 (2), u l-Artikolu 263 (4) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


II Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Kummissjoni Ewropea

26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/2


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.5726 – Deutsche Bank/SAL. Oppenheim)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2010/C 48/02

Fid-29 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ġermaniż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/en/index.htm) fid-dokument li jġib in-numru 32010M5726. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/3


Noti ta’ Spjegazzjoni dwar in-Nomenklatura Magħquda tal-Komunitajiet Ewropej

2010/C 48/03

Skont l-Artikolu 9(1)(a), it-tieni inċiż, tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1) in-Noti ta’ Spjegazzjoni għan-Nomenklatura Magħquda tal-Komunitajiet Ewropej (2) huma emedati kif ġej:

Fuq paġna 355

8531 90 85 Oħrajn

It-test eżistenti huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Din is-sottointestatura tinkludi tikketti kontra s-serq (bħal dawk li jikkonsistu minn dijode u antenna, li jissejħu ‘tikketti microwave’, jew dawk li jikkonsistu minn ċirkuwit microchip-resonant, li jissejjħu tikketti ‘għat-tqassim tal-frekwenzi’) mehmużin ma’ prodotti li, meta jkun fi ħdan il-medda ta’ sinjal ta’ sistema ta’ allarm kontra s-serq li ġiet installata f’ħanut, tat-tip li jaqa’ taħt l-intestatura 8531 10, jinfluwenza l-elettronika li tirċievi tas-sistema u jibda jdoqq l-allarm.

Din is-sottointestatura tinkludi wkoll tikketti li jikkumbinaw żewġ teknoloġiji differenti, bħal magnetiku-akustiku ma’ mikrowave jew magnetiku-akustiku ma’ frekwenzi tar-radju.

Madanakollu, din l-intestatura ma tinkludix:

tikketti li jikkonsistu minn wajer, strixxa jew taħlita ta’ żewġ strixxi, hekk imsejħa ‘tikketti magnetiċi’ jew ‘tikketti magnetiċi-akustiċi’, magħmulin minn materjali magnetiċi li jintużaw fi ħdan iż-żona ta’ kontroll ta’ sistema għas-Sorveljanza Elettronika tal-Prodotti (SEP) (intestatura 8505);

tikketti li għandhom fihom ċirkuwit integrat elettroniku uniku jew iżjed minn wieħed fil-forma ta’ ċippep u b’antenna, iżda mingħajr ebda element ta’ ċirkuwit passiv ieħor (‘smart cards’), hekk imsejħa tikketti ‘għall-Identifikazzjoni tal-Frekwenzi tar-Radju’ (IFR) (sottointestatura 8523 52);

tikketti li għandhom fihom ċirkuwit elettroniku uniku jew iżjed minn wieħed fil-forma ta’ ċipep u b’antenna inkluża fihom u batterija unika jew iżjed minn waħda iżda mingħajr ebda element ta’ ċirkuwit passiv ieħor (sottointestatura 8523 52);

tikketti fil-forma ta’ ċirkuwit stampat (ara n-Nota 5 tal-Kapitolu 85), hekk imsejħa tikketti ‘għall-identifikazzjoni tal-frekwenzi tar-radju’ (sottointestatura 8534 00).”


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  ĠU C 133, 30.5.2008, p. 1.


IV Avviżi

AVVIŻI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Kummissjoni Ewropea

26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/4


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Il-25 ta’ Frar 2010

2010/C 48/04

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3489

JPY

Yen Ġappuniż

120,66

DKK

Krona Daniża

7,4427

GBP

Lira Sterlina

0,88090

SEK

Krona Żvediża

9,7496

CHF

Frank Żvizzeru

1,4633

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

8,0405

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,935

EEK

Krona Estona

15,6466

HUF

Forint Ungeriż

270,45

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7093

PLN

Zloty Pollakk

3,9926

RON

Leu Rumen

4,1260

TRY

Lira Turka

2,0894

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5186

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4278

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,4727

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,9539

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,9029

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 568,99

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

10,5503

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

9,2087

HRK

Kuna Kroata

7,2700

IDR

Rupiah Indoneżjan

12 609,31

MYR

Ringgit Malażjan

4,5954

PHP

Peso Filippin

62,422

RUB

Rouble Russu

40,5950

THB

Baht Tajlandiż

44,669

BRL

Real Brażiljan

2,4678

MXN

Peso Messikan

17,2990

INR

Rupi Indjan

62,5000


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Opinjonijiet

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Kummissjoni Ewropea

26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/5


Sejħa għal proposti taħt il-programm ta' ħidma ENIAC Joint Undertaking

2010/C 48/05

B'dan qed jingħata avviż tat-tnedija ta' sejħa għal-proposti taħt il-programm ta' ħidma ENIAC Joint Undertaking.

Jintlaqgħu proposti għas-sejħa li ġejja: ENIAC-2010-1.

Id-dokumentazzjoni tas-sejħa li tinkludi l-iskadenza u l-baġit jinsabu fit-test tas-sejħa, li huwa ppubblikat fuq is-sit li ġej:

http://www.eniac.eu/web/JU/ENIACJU_Call3_2010.php


26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/6


Sejħa għall-proposti taħt il-programm ta' ħidma Artemis Joint Undertaking

2010/C 48/06

B'dan qed jingħata avviż tat-tnedija ta' sejħa għall-proposti taħt il-programm ta' ħidma Artemis Joint Undertaking.

Jintlaqgħu proposti għas-sejħa li ġejja: Artemis-2010-1.

Id-dokumentazzjoni tas-sejħa li tinkludi l-iskadenza u l-baġit jinsabu fit-test tas-sejħa, li huwa ppubblikat fuq is-sit li ġej:

http://artemis-ju.eu/call2010


26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/7


Sejħa għal proposti 2010 għal azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Komunitarju multiannwali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u teknoloġiji oħra tal-komunikazzjoni – Internet Aktar Sikur

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2010/C 48/07

1.   F'konformità mad-Deċiżjoni Nru 1351/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi programm Komunitarju pluriennali [multiannwali] dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni (1) (Internet Aktar Sikur), il-Kummissjoni Ewropea qiegħda b'dan tagħmel sejħa għal proposti għall-azzjonijiet biex ikunu ffinanzjati taħt il-programm.

L-Internet Aktar Sikur huwa bbażat fuq erba' azzjonijiet:

(a)

l-iżgurar tal-għarfien pubbliku;

(b)

il-ġlieda kontra l-kontenut illegali u l-imġiba dannuża fuq l-internet;

(c)

il-promozzjoni ta’ ambjent aktar sikur fuq l-Internet;

(d)

il-ħolqien ta’ bażi ta' għarfien.

Il-programm huwa suċċessur tal-programm Safer Internet plus (2005-2008).

2.   F'konfomità mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea fasslet Programm ta' Ħidma (2) biex iservi ta' bażi għall-implimentazzjoni tal-programm fl-2010. Il-Programm ta' Ħidma fih informazzjoni ulterjuri dwar l-għanijiet, il-prijoritajiet, il-baġit indikattiv u t-tipi ta' azzjonijiet imsemmija f'dan l-avviż ta' sejħa u r-regoli tal-eliġibbiltà għall-parteċipazzjoni.

3.   Il-Gwida għall-Proponenti (3) tagħti informazzjoni dwar kif għandhom jitħejjew u jitressqu l-proposti, kif ukoll dwar il-proċess ta' evalwazzjoni.

Din id-dokumentazzjoni, flimkien mal-Programm ta' Ħidma u kwalunkwe informazzjoni oħra relatata ma' din is-sejħa, hija disponibbli mill-Kummissjoni Ewropea f'dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for the Information Society and Media

Safer Internet

EUFO 1195

Rue Alcide de Gasperi

2920 Luxembourg

LUXEMBOURG

Feks +352 4301-34079

Posta elettronika: saferinternet@ec.europa.eu

Websajt: http://ec.europa.eu/saferinternet

4.   Jistgħu jsiru proposti għall-partijiet tas-sejħa identifikati hawn taħt. L-applikanti li jixtiequ jressqu proposti għal aktar minn parti waħda tas-sejħa għandhom iressqu proposti separati għal kull parti.

5.   Il-baġit totali indikattiv disponibbli għal din is-sejħa mill-baġit għas-sena 2010 huwa kontribut Komunitarju ta' EUR 3 miljun.

L-għotjiet għall-proposti mressqa b’risposta għal din is-sejħa ser jingħataw permezz ta’ ftehimiet ta’ għotja.

L-evalwazzjoni tal-proposti twassal għal lista tal-proposti li se jiġu ffinanzjati. Din il-lista tista’ tiġi kkumplimentata minn lista ta’ riżerva ta' proposti ta’ kwalità suffiċjenti, li jiġu ffinanzjati f’każ li l-baġit jippermetti.

6.   Is-sejħa għal proposti fil-kuntest ta' dan il-Programm ta' Ħidma hija miftuħa għall-entitajiet legali kollha stabbiliti fl-Istati Membri. Hija miftuħa wkoll għall-parteċipazzjoni ta' entitajiet legali stabbiliti fl-Istati tal-EFTA li huma partijiet kontraenti fil-Ftehim tal-EEA (in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein).

Is-sejħa hija wkoll miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' entitajiet legali stabbiliti f'pajjiżi oħra skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Programm (4), dejjem jekk jiġi ffirmat ftehim bilaterali. Jekk il-proposti mressqa mill-entitajiet legali minn dawn il-pajjiżi jintgħażlu għall-finanzjament, il-ftehim ta' għotja jkun iffirmat biss ladarba jkunu ttieħdu l-passi meħtieġa sabiex il-pajjiż ikkonċernat jissieħeb fil-Programm permezz tal-iffirmar ta' ftehim bilaterali. Informazzjoni aġġornata dwar liema pajjiżi huma msieħba fil-Programm hija disponibbli fil-websajt tal-Programm http://ec.europa.eu/saferinternet

Entitajiet legali stabbiliti f'pajjiżi li mhumiex fl-UE apparti dawk imsemmija hawn fuq kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jieħdu sehem fil-proġetti kollha għas-spejjeż tagħhom.

PARTI 1

PARTIJIET TAS-SEJĦA

Azzjoni 1 u azzjoni 2:   L-IŻGURAR TAL-GĦARFIEN PUBBLIKU u L-ĠLIEDA KONTRA L-KONTENUT ILLEGALI U L-IMĠIBA DANNUŻA FUQ L-INTERNET

7.   Identifikatur: 1.1. NETWERK INTEGRAT: ĊENTRI GĦAL INTERNET AKTAR SIKUR

Il-Programm iħeġġeġ it-twaqqif ta' Ċentri għal Internet Aktar Sikur madwar l-Ewropa kollha biex jiġu kkoordinati attivitajiet u jitlaqqgħu flimkien varjetà ta' partijiet interessati biex tiġi żgurata azzjoni u jiġi ffaċilitat it-trasferiment tal-għarfien.

Iċ-Ċentri kollha għal Internet Aktar Sikur se jwettqu attivitajiet biex irawmu l-għarfien pubbliku fost il-ġenituri, dawk li jindukraw it-tfal, l-għalliema u t-tfal f'kooperazzjoni fil-qrib mal-atturi rilevanti kollha f'livelli Ewropej, reġjonali u lokali, li jindirizzaw kwistjonijiet relatati ma' kontenut li jitqies mhux xieraq għat-tfal. Eżempju, ir-razziżmu u l-ksenofobija, il-bullying u l-infastidjar, is-seduzzjoni (grooming), l-użu ta' servizzi peer-to-peer, il-vidjo broadband, il-messaġġi istantanji, iċ-chat-rooms, is-siti ta' netwerking soċjali u l-aċċess għal kontenut u informazzjoni u komunikazzjoni interattivi miksuba permezz tal-assorbiment rapidu mit-tfal tal-Internet, it-telefoni mobbli u l-consoles tal-logħob. L-azzjonijiet iqisu kwistjonijiet relatati mal-ħarsien tal-konsumatur, il-protezzjoni tad-dejta, l-informazzjoni, il-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tan-netwerks (viruses/spam).

Barra minn hekk, iċ-Ċentri għal Internet Aktar Sikur għandhom jinkludu wkoll a) linji speċjalizzati fejn il-pubbliku jkun jista' jirraporta kontenut illegali u/jew b) linji ta’ għajnuna minn fejn il-ġenituri u t-tfal jkunu jistgħu jieħdu parir dwar kif titratta ma' kuntatti dannużi (seduzzjoni), imġiba dannuża (cyberbullying), kontenut dannuż u esperjenzi skomdi jew li jqanqlu biża’ relatati mal-użu tagħhom tat-teknoloġiji tal-Internet.

Il-kompiti taċ-Ċentri għal Internet Aktar Sikur huma spjegati f'aktar detall fil-Programm ta' Ħidma.

Finanzjament ta' 50 % tal-ispejjeż eliġibbli (li jista' jiżdied għal 75 % għall-entitajiet pubbliċi, l-SMEs u l-organizzazzjonijiet bla skop ta' profitt).

Is-sejħa 2010 se tkun miftuħa biss għal:

proposti għat-twaqqif ta' Ċentru għal Internet Aktar Sikur fil-pajjiżi fejn ma kien rakkomandat l-ebda Ċentru għal Internet Aktar Sikur għall-finanzjament taħt is-sejħa tal-2009 (5).

proposti għaż-żieda ta' linji speċjalizzati fiċ-Ċentri tal-Internet Aktar Sikur, li kienu rakkomandati għall-finanzjament taħt is-sejħa tal-2009,

proposti għaż-żieda ta' linji ta' għajnuna liċ-Ċentri tal-Internet Aktar Sikur, li kienu rakkomandati għall-finanzjament taħt is-sejħa tal-2009

Azzjoni 3:   IL-ĠLIEDA KONTRA L-KONTENUT ILLEGALI U L-IMĠIBA DANNUŻA FUQ L-INTERNET

8.   Identifikatur: 2.5. NETWERK TEMATIKU: FAĊILITAZZJONI TAL-KOOPERAZZJONI TAL-AĠENZIJI GĦALL-INFURZAR TAL-LIĠI FL-EWROPA U INTERNAZZJONALMENT

Se jiġu mistiedna proposti għal netwerk tematiku sabiex jiġi stimulat skambju organizzat u estensiv tal-aqwa prattiki bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-produzzjoni u t-tqassim onlajn ta' materjal b'kontenut ta' abbuż sesswali fuq it-tfal, fl-Ewropa u internazzjonalment. Ir-riżultat mistenni huwa approċċ koordinat madwar l-Ewropa u globalment, immirat biex jiġi mrażżan it-tqassim ta' materjal ta' abbuż sesswali fuq it-tfal, bl-effett li jitnaqqas l-ammont ta' materjal li jiġi prodott u mqassam permezz tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni. Dan l-approċċ ikkoordinat se jinkludi l-istabbiliment ta' lista Ewropea ta' URLs li fihom immaġnijiet ta' abbuż sesswali fuq it-tfal, li tkun aċċessibbli għall-Aġenziji nazzjonali tal-Infurzar tal-Liġi.

Jingħata finanzjament ta' 100 % għal għadd limitat ta' spejjeż eliġibbli (spejjeż diretti ta' koordinament u implimentazzjoni tan-netwerk) għal netwerks tematiċi.

9.   Identifikatur: 2.6. TITJIB TAL-ANALIŻI MILL-AĠENZIJI TAL-INFURZAR TAL-LIĠI TAL-MATERJAL ILLEGALI FIN-NETWERKS PEER-TO-PEER (P2P)

Ser tinħareġ sejħa għal proposti għal proġett immirat li jista' jtejjeb l-analiżi, mill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi, ta' materjal b'abbuż sesswali fuq it-tfal, bil-għan li jiġu żviluppati jew jittejbu l-għodod teknoloġiċi għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-pulizija, bil-għan li jiġi identifikat materjal ta' evidenza li jinsab fin-netwerks P2P u tkun iffaċilitata l-analiżi tiegħu. L-għodod jgħinu biex ikun jista' jiġi ttrattat il-volum enormi ta' materjal illegali li jinsab fin-netwerks P2P, jinstabu u jittejbu modi biex jingħaraf materjal li x'aktarx ikun illegali ħalli jiġi eżaminat aktar mill-entitajiet tal-infurzar tal-liġi, jew jiġu marbuta flimkien biċċiet ta' provi differenti.

Hija miftuħa sejħa għall-proposti minn aġenziji tal-infurzar tal-liġi, istituzzjonijiet tar-riċerka (pubbliċi u privati), fornituri tat-teknoloġija u kumpaniji tal-inġinerija fl-oqsma ta' ġbir ta' informazzjoni abbażi tal-kontenut, viżjoni mill-kompjuters, partikolarment rikonoxximent tal-uċuh, estimazzjoni tal-età abbażi ta' stampi jew vidjos, rikonoxximent ta' sekwenzi, tekniki ta' lokalizzazzjoni ġeografika, titjib tal-immaġnijiet minn immaġni/vidjos mhux ċari.

Finanzjament ta' 50 % tal-ispejjeż eliġibbli (li jista' jiżdied għal 75 % għall-entitajiet pubbliċi, l-SMEs u l-organizzazzjonijiet bla skop ta' profitt).

Azzjoni nru 4:   ĦOLQIEN TA’ BAŻI TAL-GĦARFIEN

10.   Identifikatur: 4.1. PROĠETT GĦAT-TISĦIĦ TAL-GĦARFIEN: ID-DIPENDENZA FUQ L-INTERNET

Hija miftuħa sejħa għal proposti għal proġett biex jissaħħaħ l-għarfien dwar id-dipendenza fuq l-internet qalb il-minuri. Ir-riżultat mistenni tal-proġett huwa li jiġi mifhum safejn id-dipendenza fuq l-internet hija waħda mir-riskji onlajn għall-minuri fl-Ewropa, kemm f'termini ta' intensità u prevalenza kif ukoll kif tiżviluppa u kif tista' tiġi evitata.

Is-sejbiet se jikkontribwixxu għax-xogħol fil-qasam tal-benesseri tat-tfal u biex jitrawwem l-għarfien pubbliku kif ukoll jipprovdu temi għal aktar azzjonijiet u studji.

Il-metodoloġija tal-proġett għandha tinvolvi approċċ kemm kwantitattiv kif ukoll kwalitattiv. Il-parti kwalitattiva għandha tinvolvi minuri li juru sinjali ta' użu dipendenti tal-internet.

Il-proġetti għat-titjib tal-għarfien ser ikunu ffinanzjati 100 % għall-ispejjeż diretti eliġibbli (kif iddefiniti fil-mudell tal-ftehim ta' għotja), iżda mingħajr spejjeż indiretti (overheads).

11.   Identifikatur: 4.2. NETWERK TEMATIKU: STIMULAZZJONI U KOORDINAZZJONI TAL-INVESTIGAZZJONI TAL-UŻU TA' MIDJA ĠDIDA MIT-TFAL

Sejħa għal proposti għal netwerk tematiku hija miftuħa sabiex jinġiebu flimkien xjenzjati mill-oqsma soċjali u esperti involuti fil-qasam tas-sikurezza tat-tfal fuq l-internet fil-livell tal-UE sabiex tiġu stimulata u kkoordinata l-investigazzjoni fl-Istati Membri dwar il-mod li bih in-nies, speċjalment it-tfal, jużaw il-midja ġdida, bil-għan li jiġu identifikati oqsma ta' tħassib partikolari għas-sikurezza tat-tfal u biex jiġu rakkomandati modi effikaċi biex jitrawwem l-għarfien pubbliku u azzjonijiet prattiċi oħra f'dan il-qasam.

In-netwerk għandu jiġbor u jippromwovi r-riċerka eżistenti fl-UE (inkluż permezz ta' repożitorju komuni), janalizza r-riżultati u jidentifika lakuni kbar fil-bażi tal-evidenza.

In-netwerk għandu jaqsam l-għarfien espert u jiżviluppa jew iżomm aġġornat ma' standards ta' riċerka ta' kwalità għolja u innovattiva.

In-netwerk se jħeġġeġ riċerka ġdida li għandha sseħħ fl-Ewropa fuq bażi komparabbli filwaqt li jitqies il-qafas metodoloġiku (gwida ta' riċerka) żviluppat mill-proġett EUKidsOnline. Il-membri nazzjonali tan-netwerk għandhom jikkoordinaw ma' timijiet oħra ta' riċerka f'pajjiżhom u jikkooperaw ma' Ċentri nazzjonali għal Internet Aktar Sikur (b'mod partikolari ċentri għall-għarfien pubbliku).

Jingħata finanzjament ta' 100 % għal għadd limitat ta' spejjeż eliġibbli (spejjeż diretti ta' koordinament u implimentazzjoni tan-netwerk) għal netwerks tematiċi.

PARTI 2

KRITERJI TA’ EVALWAZZJONI

L-evalwazzjoni tal-proposti se tkun ibbażata fuq il-prinċipji tat-trasparenza u tat-trattament ugwali. Din l-evalwazzjoni se titwettaq mill-Kummissjoni bl-għajnuna ta' esperti indipendenti. Kull sottomissjoni se tkun ivvalutata abbażi ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni, li huma maqsuma fi tliet kategoriji: kriterji tal-eliġibbiltà, kriterji għall-għoti, kriterji tal-għażla. Ser ikunu biss il-proposti li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà li jiġu evalwati aktar fil-fond. L-ispjegazzjoni ta' dawn il-kriterji hija ppreżentata hawn taħt.

12.   Il-kriterji ta' eliġibbiltà

Mal-wasla tagħhom, il-proposti u l-applikazzjonijiet ser jiġu soġġetti għal kontroll tal-eliġibbiltà, biex jiġi żgurat li jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sejħa, u mal-proċedura ta' sottomissjoni.

Jitwettqu l-kontrolli li ġejjin:

Li l-proposta tkun waslet għand il-Kummissjoni fid-data u l-ħin tal-iskadenza stabbiliti fis-sejħa, jew qabel.

Kompletezza tal-proposta. Il-proposti li jkunu b'mod sostenzjali mhux kompluti – fi kliem ieħor, li l-formoli ma jkunux jinkludu biżżejjed informazzjoni biex jiġu identifikati s-sħab, l-istatus legali tagħhom u jiġi evalwat l-ambitu tal-proġett propost – ser jiġu esklużi.

Barra minn hekk, il-proponenti jridu jiċċertifikaw li mhumiex f'xi waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fil-Programm ta' Ħidma li teskludihom milli jipparteċipaw.

13.   Kriterji tal-għotja

Sabiex jiġi evalwat il-mertu relattiv tal-proposti li jaslu, kull mezz għall-implimentazzjoni tal-programm (netwerks integrati, proġetti immirati u netwerks tematiċi) se jkollu s-sett speċifiku tiegħu ta' kriterji għall-għotja, b'piżar speċifiku. Id-deskrizzjoni ta' dawn il-kriterji għall-għoti hija ppreżentata fil-Programm ta' Ħidma għas-sena 2010 għal Internet Aktar Sikur.

14.   Kriterji tal-għażla

Il-kriterji tal-għażla se jiżguraw li l-applikanti jkollhom ir-riżorsi biex jikkoofinanzjaw il-proġett u l-kompetenzi u l-kwalifiki professjonali meħtieġa biex iwettqu x-xogħol b'suċċess.

Il-kriterji tal-għażla jiġu applikati abbażi tal-informazzjoni provduta fil-proposta. Jekk jiġu identifikati każijiet ta' nuqqas ta’ kapaċità finanzjarja jew ta’ kompetenza professjonali jista' jkun hemm il-ħtieġa għal azzjonijiet ta' kumpens bħal garanziji finanzjarji jew azzjonijiet oħra. Il-proposti magħżula msejħa għan-negozjati se jkunu s-soġġett ta' validazzjoni formali legali u finanzjarja bħala rekwiżit għall-ħruġ ta' ftehim ta' għotja.

Id-deskrizzjoni tal-kriterji tal-għażla hija ppreżentata fil-Programm ta' Ħidma għas-sena 2010 għal Internet Aktar Sikur.

PARTI 3

DETTALJI AMMINISTRATTIVI U SKADENZA

15.   Il-proposti jridu jitħejjew bl-użu tal-formuli fil-Gwida għall-proponenti, u mibgħuta f’forma stampata, waħda (1) oriġinali u ħames (5) koppji, akkumpanjati minn koppja elettronika fuq CD-Rom, lill-Kummissjoni fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for the Information Society and Media

Safer Internet

Office EUFO 1194

Rue Alcide de Gasperi

2920 Luxembourg

LUXEMBOURG

16.   Skadenza għall-wasla tal-proposti kollha: 27 ta' Mejju 2010 fil-17h00 (Ħin lokali tal-Lussemburgu).

Il-proposti li jaslu wara l-iskadenza, jew li jintbagħtu permezz ta’ feks jew posta elettronika ma jitqisux.

17.   Skeda indikattiva tal-evalwazzjoni u tal-għażla: l-evalwazzjoni se ssir fi żmien xahrejn mid-data tal-iskadenza ta' din is-sejħa. L-applikanti se jiġu informati bir-riżultati tal-applikazzjoni tagħhom wara li tkun saret l-evalwazzjoni. L-iskedar ta' xi proġetti ġodda ser iqis il-kuntratti eżistenti ħalli jiġi żgurat l-aktar użu effiċjenti tal-fondi.

18.   Għal korrispondenza kollha relatata ma' din is-sejħa (eżempju meta tintalab informazzjoni jew titressaq proposta), il-proponenti huma mistiedna li jikkwotaw l-identifikatur tal-parti tas-sejħa rilevanti.

Meta jressqu proposta, l-applikanti jkunu qed jaċċettaw il-proċeduri u l-kundizzjonijiet kif spjegati f'din is-sejħa u fid-dokumenti li tirreferi għalihom.

Il-proposti kollha li jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea se jiġu ttrattati b'mod strettament kunfidenzjali.

Il-Komunità Ewropea tapplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u, f'dan il-kuntest in-nisa huma partikolarment imħeġġa jissottomettu proposti jew jinvolvu rwieħhom fil-preżentazzjoni tagħhom.


(1)  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 118.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 8301tad-29.10.2009, http://ec.europa.eu/saferinternet

(3)  http://ec.europa.eu/saferinternet

(4)  Id-Deċiżjoni Nru 1351/2008/KE ĠU L 348 tal-24.12.2008, p. 118.

(5)  Informazzjoni dwar liema proposti ġew rakkomandati għall-finanzjament se tingħata fuq il-websajt tagħna http://ec.europa.eu/saferinternet, wara li l-evalwazzjoni tas-Sejħa għall-proposti għall-2009 tkun ġiet iffinalizzata kmieni fl-2010.


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Kummissjoni Ewropea

26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/13


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.5761 – E.ON/Masdar/JV)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2010/C 48/08

1.

Fit-18 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' proposta ta' konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 129/2004 (1) li permezz tagħha E.ON AG, tal-Ġermanja (E.ON), permezz tas-sussidjarja indiretta tagħha E.ON Carbon Sourcing GmbH, tal-Ġermanja, u Abu Dhabi Future Energy Company, Abu Dhabi, l-Emirati Għarab Magħquda (Masdar) għandhom l-intenzjoni li jistabbilixxi kumpanija bi sħab sabiex jgħaqqdu l-kapaċitajiet tagħhom fil-qasam tat-tnaqqis ta' użu tal-karbonju u sabiex jiżviluppaw proġetti ta' tnaqqis ta' użu ta' karbonju f'reġjuni magħżula u f'oqsma ta' teknoloġiji.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

E.ON huwa fornitur ta' servizzi, li l-attivitajiet prinċipali tiegħu huma l-ġenerazzjoni u l-provvista tal-elettriku u l-gass,

Masdar hija kumpanija tal-enerġija li tiġġedded, ibbażata f'Abu Dhabi. Hija sussidjarja kompletament proprjetà ta' Mudadala Development Company PJSC, Abu Dhabi, Emirati Għarab Magħquda.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.5761 – E.ON/Masdar/JV, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).


26.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/14


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.5799 – Faurecia/Plastal)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2010/C 48/09

1.

Fis-17 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' proposta ta' konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1), li permezz tagħha Faurecia Exteriors GmbH (il-Ġermanja), sussidjarja ta' Faurecia S.A., (“Faurecia”, Franza), ikkontrollata minn PSA Peugeot Citroën SA (Franza), takkwista fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet il-kontroll kollu ta' Plastal GmbH (“Plastal”, il-Ġermanja), permezz tax-xiri tan-negozju u tal-assi ta' Plastal.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal Faurecia: inġinerija, il-produzzjoni u l-forniment ta' apparat għall-karozzi, b'mod partikolari ta' seats tal-karozzi, partijiet interjuri, partijiet ta' quddiem u sistemi tal-ekżost (madwar id-dinja),

għal Plastal: inġinerija, il-produzzjoni u l-forniment ta' elementi tal-plastik b'inġinerija termoplastika għall-industrija tal-karozzi, b'mod partikolari ta' bumpers u front-end carriers (madwar iż-ŻEE kollha).

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.5799 – Faurecia/Plastal, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).