ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2010.042.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 42

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
19 ta' Frar 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Avviżi

 

AVVIŻI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Kummissjoni Ewropea

2010/C 042/01

Rata tal-kambju tal-euro

1

 

V   Opinjonijiet

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Kummissjoni Ewropea

2010/C 042/02

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.5760 – Lotte Group/Artenius UK Limited) ( 1 )

2

 

ATTI OĦRAJN

 

Kummissjoni Ewropea

2010/C 042/03

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

3

2010/C 042/04

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

7

2010/C 042/05

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

12

2010/C 042/06

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

16

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


IV Avviżi

AVVIŻI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Kummissjoni Ewropea

19.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 42/1


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-18 ta’ Frar 2010

2010/C 42/01

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3567

JPY

Yen Ġappuniż

123,30

DKK

Krona Daniża

7,4432

GBP

Lira Sterlina

0,87040

SEK

Krona Żvediża

9,7913

CHF

Frank Żvizzeru

1,4651

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

8,0680

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,720

EEK

Krona Estona

15,6466

HUF

Forint Ungeriż

271,18

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7090

PLN

Zloty Pollakk

4,0008

RON

Leu Rumen

4,1351

TRY

Lira Turka

2,0633

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5115

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4177

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,5364

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,9358

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,9102

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 560,70

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

10,3581

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

9,2703

HRK

Kuna Kroata

7,2890

IDR

Rupiah Indoneżjan

12 638,17

MYR

Ringgit Malażjan

4,6138

PHP

Peso Filippin

62,641

RUB

Rouble Russu

40,8190

THB

Baht Tajlandiż

45,009

BRL

Real Brażiljan

2,4886

MXN

Peso Messikan

17,4548

INR

Rupi Indjan

62,7810


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Opinjonijiet

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Kummissjoni Ewropea

19.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 42/2


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.5760 – Lotte Group/Artenius UK Limited)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2010/C 42/02

1.

Fit-12 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Lotte Chemical UK Limited, vettura b'għanijiet speċjali li hija proprjetà ta' KP Chemical Corporation (parti tal-Lotte Group, il-Korea), se takkwista fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet il-kontroll sħiħ ta' Artenius UK Limited (fl-amministrazzjoni) permezz ta' xiri ta' assi minn Artenius UK Limited li taġġixxi permezz l-amministraturi tagħha.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal Artenius UK Limited: manifattura u bejgħ ta' Aċidu Tereftaliku Purifikat (PTA) u reżina tal-Tereftaliku tal-Polietilene (PET),

għal KP Chemical Corporation: manifattura u bejgħ ta' petrokimiċi.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l’operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.5760 – Lotte Group/Artenius UK Limited, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).


ATTI OĦRAJN

Kummissjoni Ewropea

19.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 42/3


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2010/C 42/03

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt li wieħed joġġezzjona għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). L-istqarrijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“ŚLIWKA SZYDŁOWSKA”

Nru tal-KE: PL-PGI-0005-0634-23.07.2007

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Śliwka szydłowska”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

Il-Polonja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Il-kategorija

:

Il-klassi 1.6. –

Frott, ħxejjex u ċereali friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem li jinsab fil-punt 1:

Is-“Śliwka szydłowska” hija tip ta' pruna bl-għadma jew mingħajr l-għadma li tkun għaddiet mill-proċess tat-tnixxif u l-affumikazzjoni.

Il-forma tiddependi mit-tip tal-pruna u tista' tvarja minn forma oblata għal prolata. Il-frotta hija kkaratterizzata mil-laħam konsistenti u elastiku tagħha u għandha togħma pura u qawwija ħafna u riħa affumikata. Il-pruna hija kkaratterizzata wkoll mill-qoxra tagħha li hi mkemmxa ħafna imma tleqq b'laqta blu skur.

Id-daqs tas-“śliwka szydłowska” jiddependi mit-tip tal-għanbaqar użat u l-piż ivarja minn 50 sa 160 pruna f'kull kilogramma. Il-kontenut tal-ilma fil-prodott finali huwa bejn 35 % u 45 %.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Il-kultivaturi tal-għanbaqar blu (Prunus domestica L. ssp domestica) u d-derivattivi tiegħu biss jintużaw għall-produzzjoni tas-“śliwka szydłowska”: Stanley, Amers, Węgierka Dąbrowicka, Empress, Oneida, Jojo, Top, Valjevka, President u Damacha. Il-frott ta' dawn il-varjetajiet għandu karatteristiċi mixtieqa għat-tnixxif u l-affumikazzjoni, inkluż kontenut għoli ta' zokkor u kontenut relattivament baxx ta' ilma.

Il-frott biss li huwa misjur u lest biex jiġi kkunsmat jinqata' u jintuża għall-produzzjoni tas-“śliwka szydłowska”. Il-frott għandu jkun tajjeb, mingħajr sinjali ta' tħassir jew ħsara kkawżata mill-mekkaniżmu li jintuża u ma għandux ikun attakkat mill-insetti, dud irqiq jew pestiċidi oħra. Il-frott użat ma għandux ikollu xi ħsara, impuritajiet jew organiżmi oħrajn li mhumiex speċifiċi li ma jkunx xieraq biex jiġi kkunsmat.

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss):

3.5.   Il-passi speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata:

L-unitajiet tat-tnixxif li fihom isir il-proċess kollu tat-tnixxif u l-affumikazzjoni għandhom ikunu fiż-żona ġeografika msemmija fil-punt numru (4). Il-produzzjoni tista' ssir biss fl-unitajiet tradizzjonali speċjali għat-tnixxif tas-Szydłów. L-injam li jintuża fil-proċess tal-produzzjoni jinqata' mis-siġar tal-ballut, tal-karpin, tal-fagu jew mis-siġar tal-frott. Jitħallew jintużaw tipi oħra ta' injam imma l-injam li fih ir-raża (mill-koniferi) huwa strettament ipprojbit.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi għall-qtugħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

3.7.   Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar:

4.   It-tifsira fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona tal-produzzjoni għas-“śliwka szydłowska” tkopri l-muniċipalità tas-Szydłów (108 km2), li tinsab fid-distrett tas-Staszów, fil-voivodship (provinċja) ta' Świętokrzyskie.

5.   Ir-rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:

Iż-żona tal-produzzjoni tas-“śliwka szydłowska” hija limitata għall-muniċipalità ta' Szydłów. Din iż-żona hija kkaratterizzata mill-ħamriji ta' kwalità baxxa li madankollu fiha ħafna ġir (il-ġebla tal-ġir Miocene). Normalment, il-preċipitazzjoni annwali medja f'din iż-żona hija ta' bejn 500-700 mm. Livell baxx ta' preċipitazzjoni fix-xhur tas-sajf kif ukoll ammont kbir ta' dawl tax-xemx huma karatteristiċi oħra ta' din iż-żona. It-tul tal-perjodu ta' veġetazzjoni jvarja minn 200 għal 215-il jum. L-għanbaqar jikber fuq madwar 80 % tal-art kollha użata għall-kultivazzjoni tal-frott f'din iż-żona. Is-siġar tal-għanbaqar jokkupaw madwar 900 ettaru.

Il-produtturi lokali għandhom aċċess faċli għall-materja prima u bnew strateġija ta' kif jipproċessawhom f'faċilitajiet speċjali għat-tnixxif. L-unitajiet tipiċi għat-tnixxif ippjantati u mibnija min-nies lokali fi stil adattat għall-ħiliet uniċi jiffurmaw parti integrali tal-pajżaġġ fil-muniċipalità ta' Szydłów. Hemm madwar 400 unità speċifika għat-tnixxif fiż-żona msemmija fil-punt numru (4). Li wieħed iqis li ż-żona inkwistjoni tkopri 108 km2 u l-fatt li fl-2004 kellha popolazzjoni ta' 5 118-il ruħ, ifisser li kien hemm medja ta' unità waħda għat-tnixxif għal kull 13-il abitant għal dik is-sena u 3.7 unitajiet tat-tnixxif kull km2. Din hija prova li ħadd ma jista' jiċħad r-rabta mill-viċin li teżisti bejn il-prodott u ż-żona msemmija u hija xhieda tal-ħiliet tal-produtturi lokali.

Jintużaw biss unitajiet għat-tnixxif li fihom l-għanbaqar jiġi affumikat u mnixxef bid-duħħan u l-arja taħraq, u mhux bl-arja taħraq biss, għall-produzzjoni tas-“śliwka szydłowska”. L-unità għat-tnixxif hija binja, id-daqs tagħha jiddependi mill-ħtiġijiet individwali ta' kulll produttur (fir-rigward tal-għadd u d-daqs tat-tilari). Il-bibien li meta jinfetħu jidhru xtillieri vertikali li jżommu t-tilari li jkunu f'forma ta' gradilja isejħulhom ‘laski’, dawn jisslajdjaw bħall-kxaxen. Dawn it-tilari huma magħmulin mill-injam. It-tilar l-iktar baxx huwa madwar 50 cm 'l fuq mill-qiegħ tal-forn, li jinsab taħt il-livell tal-art. Unità għat-tnixxif ma tistax tkun ogħla minn 3 metri. Il-bini jinkludi mejda speċjali għat-tqegħid tal-għanbaqar.

Il-frott jitqiegħed manwalment fuq it-tilari. Għandu jitqiegħed b'tali mod li l-arja u d-duħħan ikunu jistgħu jilħqu kull għanbaqra faċilment. Jiddependi mid-daqs tal-frotta, għadd differenti ta' saffi ta' għanbaqar jitqiegħed fuq tilari differenti. Saff ma jistax ikun eħxen minn 12-il cm.

L-għanbaqar jitnixxef u jiġi affumikat b'arja taħraq u permezz tad-duħħan li joħroġ mill-injam iebes tas-siġar li jinħaraq f'forn taħt it-tilari. It-taħlita ta' arja taħraq u duħħan tgħaddi mit-tilari u l-frott li jkun hemm fuqhom. L-arja kkawżata mill-gravità u ċ-ċirkolazzjoni tad-duħħan jintużaw għal dak l-għan. It-temperatura fl-unitajiet għat-tnixxif tvarja minn 45 °C għal 90 °C, jiddependi mill-ammount u l-valur kalorifiku tal-injam li jitpoġġa fil-forn. It-temperatura hija l-ogħla fil-qiegħ u l-inqas fil-parti tan-nofs tal-unità għat-tnixxif minħabba ċ-ċirkulazzjoni tal-arja kkawżata mill-gravità. Il-proċess kollu tat-tnixxif u tal-affumikazzjoni jieħu medja ta' 48 siegħa, imma dan il-ħin jista' jvarja skont id-daqs tal-frotta, it-temperatura li tinżamm fl-unitajiet għat-tnixxif u l-fatturi esterni tal-atmosfera, speċjalment it-temperatura u l-umdità.

Il-frott imnixxef u affumikat b'mod konsistenti jinġabar minn fuq it-tilari. Il-frott jinġabar u jiġi ppustjat manwalment. Kull produttur jiċċekkja (bis-saħħa ta' analiżi organolettika) jekk il-pruna tissodisfax il-kriterji stabbiliti fid-deskrizzjoni tal-prodott u jekk hijiex imnixxfa u affumikata b'mod xieraq. Kull pruna tiġi ċċekkjata individwalment. Imbagħad, il-frott li jissodisfa r-rekwiżiti jinġabar, il-bqija jitpoġġa lura fl-unità għat-tnixxif.

Il-ħiliet tal-produtturi lokali huma marbutin, fost l-oħrajn, mal-għarfien ta' kif jintgħażel l-għanbaqar ta' kwalità tajba bħala materja prima għat-tnixxif, kif ukoll għall-proċess tat-tnixxif u tal-affumikazzjoni stess. Fil-proċess tat-tnixxif u tal-affumikazzjoni, il-ħiliet importanti tan-nies lokali jinfluwenzaw il-kwalità tal-prodott finali kif ġej: il-ħila li wieħed ipoġġi l-għanbaqar fuq it-tilari sabiex l-arja taħraq u d-duħħan ikunu jistgħu jilħqu kull għanbaqra, l-ippustjar u t-tqallib tal-għanbaqar fuq it-tilari manwalment, għall-anqas darbtejn kuljum, sabiex ikun żgurat li t-tilari huma mqiegħdin kif suppost 'il bogħod mill-forn, id-determinazzjoni ta' kuljum dwar il-ħin li jieħu l-proċess tat-tnixxif u tal-affumikazzjoni u t-temperatura fl-unitajiet tat-tnixxif li jiddependu mid-daqs tal-frotta u tat-tnixxif u tal-affumikazzjoni meħtieġa, kif ukoll kontroll individwali organolettiku ta' kull għanbaqra sabiex ikun iggarantit li ntlaħqu l-kwalità, il-karatteristiċi u l-livell ta' affumikazzjoni u tnixxif meħtieġa.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott:

Tipikament, is-“Śliwka szydłowska” għandha laħam b'konsistenza uniformi u elastika li jitnixxef u jiġi affumikat għal kollox u għandu togħma u riħa qawwija ħafna li ġejja mill-affumikazzjoni u li wieħed faċli jiddistingwihom. Il-pruna hija kkaratterizzata wkoll mill-qoxra tagħha li hija mkemmxa ħafna u tleqq b'laqta blu skur. Is-“Śliwka szydłowska” jkollha kontenut għoli ta' ilma ta' bejn 35 % u 45 % meta tinbiegħ. Il-fatt li l-għanbaqar jitpoġġa f'saff li ma jkunx eħxen minn 12-il cm f'kull tilar u l-fatt li jiddawwar manwalment ħafna drabi kuljum iwassal sabiex l-arja sħuna u l-affumikazzjoni jilħqu kull għanbaqra bl-istess mod, għalhekk tkun ta' garanzija li l-għanbaqar huwa kemm affumikat u kemm imnixxef u dan jikseb il-karatteristiċi speċifiċi tas-“śliwka szydłowska”.

5.3.   Ir-rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Ir-rabta li s-“śliwka szydłowska” għandha mar-reġjun hija msejsa fuq il-kwalità eċċezzjonali tagħha, li hija r-riżultat tal-ħiliet uniċi tal-produtturi lokali, u fuq ir-reputazzjoni tagħha li tinbena fuq tradizzjoni twila fil-qasam tal-produzzjoni.

Il-ħiliet uniċi tal-produtturi lokali u l-metodi tradizzjonali tal-produzzjoni li jużaw huma fatturi li jiżguraw il-kwalità għolja tas-“śliwka szydłowska”. Id-disinn tal-unitajiet għat-tnixxif u l-metodu tat-tnixxif użati jiġu mit-tagħrif espert tal-produtturi lokali. Il-ħiliet u s-sengħa tal-produtturi lokali huma sinifikament differenti mill-metodi użati f’partijiet oħra tal-Polonja u fir-reġjuni li jmissu magħha.

Id-disinn tal-unitajiet għat-tnixxif jiżgura li l-arja u l-affumikazzjoni jiċċirkolaw simultanjament, b’hekk inixxfu u jaffumikaw l-għanbaqar. Li wieħed ibiddel il-pożizzjoni tat-tilari fl-unitajiet tat-tnixxif, jiddetermina t-temperatura t-tajba u kemm għandu jdum il-proċess tat-tnixxif jiggarantixxi li s-“śliwka szydłowska” tikseb il-kwalità, il-karatteristiċi u l-livelli xierqa tal-affumikazzjoni u t-tnixxif. Din l-unika kompetenza lokali ma tinsabx f'reġjuni oħra.

Ir-reputazzjoni li tgawdi s-“śliwka szydłowska” hija marbuta ma' tradizzjoni twila fil-produzzjoni tal-pruna. L-istorja tat-tnixxif u l-affumikazzjoni tal-għanbaqar f'Szydłów tmur lura għall-anqas qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, kif ġie ppruvat permezz tar-riċerka etnografika li saret fil-muniċipalità ta' Szydłów. Skont ir-riżultati li ħarġu minn din ir-riċerka, it-tnixxif tal-għanbaqar f'din iż-żona għandu storja li tmur lura madwar 80 sena. Fil-25 ta' Novembru 1988, reġa' ġie stampat artiklu fil-midja li jġib l-isem ‘Szansa dla miasteczka’ fil-ġurnal Słowo Ludu, fih hemm informazzjoni dwar il-produzzjoni u l-problemi li jinqalgħu meta tinxtara s-“śliwka szydłowska”. Wieħed jista' jara l-iskala tal-produzzjoni fis-snin imgħoddija permezz tal-irċevuti li nħarġu minn diversi ċentri tal-produzzjoni fl-1964 u l-1967. Bħalissa, il-produzzjoni tas-“śliwka szydłowska” tlaħħaq it-800 tunnellata fis-sena.

L-artikli li ġew ippubblikati fl-Echo Dnia – Echo Powiśla fil-25 ta' Awwissu 2006, fil-Gazeta Wyborcza – Kielce fis-26 ta' Lulju 2007, u fil-ħarġa nru 10 tar-rivista Hasło Ogrodnicze fl-2005, huma xhieda tar-reputazzjoni li jgawdi dan il-prodott. Is-“Śliwka szydłowska” hija rreklamata wkoll fuq il-websajt http://www.potrawyregionalne.pl (‘Sezon na śliwki’).

Ir-reputazzjoni tajba li għandu dan il-prodott tidher ukoll mill-fatt li ngħata l-premju ‘Perła’ fl-2005.

Għal dawn l-aħħar 10 snin qed jiġi organizzat avveniment speċjali f'Szydłów li jdum diversi jiem li fihom jiġi kkummerċjalizzat il-prodott – is-‘Święto Śliwki’ (il-Festival tal-Għanbaqar). Waħda mill-attrazzjonijiet fil-festival hija l-wirja tal-proċess tat-tnixxif tal-għanbaqar fejn jintużaw it-tilari tipikament speċjali u tradizzjonali tas-Szydłów. Din il-wirja hija indikata b'mod ċar fuq il-kartelluni li jirriklamaw il-festival.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolamet (KE) Nru 510/2006)

http://www.minrol.gov.pl/DesktopDefault.aspx?TabOrgId=1620&LangId=0


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


19.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 42/7


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2010/C 42/04

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għall-oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) NRU 510/2006

“JABŁKA ŁĄCKIE”

Nru KE: PL-PGI-0005-0617-05.07.2007

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Jabłka łąckie”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

Il-Polonja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott (skont l-Anness II):

Klassi 1.6.

Frott, ħaxix u ċereali, fl-istat naturali tagħhom jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li tapplika għaliha d-denominazzjoni msemmija fil-punt 1:

1.

It-tuffieħ tal-varjetajiet li ġejjin jista' jinbiegħ bl-isem protett “jabłka łąckie”:

Karatteristiċi tal-“jabłka łąckie”

 

Varjetà

Lewn il-qoxra

Ħmura (lewn u % tal-wiċċ)

Aċidità medja (g/kg)

Estratt refrattometriku (brix)

Ebusija minima (kg/cm2)

Klassi Extra

Klassi I

1

IDARED and sports

safra fl-aħdar

aħmar > 55%

aħmar > 35%

6,3

> 10,5

5

2

JONAGOLD and sports

safra fl-aħdar

aħmar jgħajjat fl-aħmar fond > 40 %

aħmar jgħajjat fl-aħmar fond > 18 %

4,8

> 10,5

5

3

CHAMPION and sports

safra fl-aħdar

strixxi kemm kemm roża > 54 %

strixxi kemm kemm roża > 33,3 %

5,1

> 9,5

4,5

4

LIGOL and sports

safra fl-aħdar

strixxi kemm kemm ħomor > 56 %

strixxi kemm kemm ħomor > 38 %

6,0

> 9,5

5

5

GOLDEN DELICIOUS and sports

ħadra fl-isfar

roża > 25 %

roża > 10 %

5,2

> 10,5

5

6

GALA and sports

ħadra tgħajjat fl-isfar

aħmar > 40 %

aħmar > 20 %

3,7

> 10,5

5

7

BOSKOOP

ħadra fil-griż u fl-isfar

griż fl-aħmar > 25 %

griż fl-aħmar > 10 %

12,0

> 11

5

8

RED BOSKOOP

ħadra fil-griż u fl-isfar

aħmar > 55 %

aħmar > 37 %

12,0

> 11

5

9

ELISE

ħadra fl-isfar

aħmar > 75 %

aħmar > 53 %

7,5

> 10,5

5,5

10

EARLY GENEVA

ħadra fl-isfar

aħmar > 40 %

aħmar > 10 %

9,2

> 9,5

4,5

11

TOPAZ

ħadra fl-isfar

aħmar > 56 %

aħmar > 34 %

9,0

> 10,5

5

12

LOBO

ħadra fl-isfar

aħmar > 53 %

aħmar > 36 %

5,2

> 10,5

4,5

13

RUBIN and sports

ħadra fl-isfar

strixxi ħomor jgħajjat > 40 %

strixxi ħomor jgħajjat > 17 %

6,9

> 11

5

14

GLOSTER

ħadra fl-isfar

aħmar skur > 59 %

aħmar skur > 38 %

5,9

> 10,5

5,5

15

JONAGORED and sports

safra fl-aħdar

aħmar skur > 75 %

aħmar skur > 54 %

4,9

> 10,5

5

2.

Id-dehra ta’ barra tal-frott tiddependi mill-karatterstiċi tal-varjetà kkonċernata. Il-lewn bażiku huwa karatteristiku tal-varjetà kkonċernata, u l-ħmura hija ferm iktar intensa mill-medja. Ċerti varjetajiet għandhom kisja tax-xama'. Il-frott għandu t-tendenza li jiħmar.

3.

Il-“Jabłka łąckie” għandu jkun tal-kategoriji ta' kwalità Extra jew I.

4.

L-ebusija ta' laħam it-tuffieħ m'għandhiex tkun ta' inqas minn 6,5 kg/cm2 fil-mument tal-qtugħ mis-siġra, u lanqas ma għandha tkun ta' inqas minn 4,5 kg/cm2 fi tmiem il-perjodu ta' ħżin.

5.

Karatteristika tipika tal-“Jabłka łąckie” hija l-aċidità tiegħu relattivament għolja (3,7–12,0 g/kg). Għal din ir-raġuni, il-“Jabłka łąckie” jingħad li jkollu “sfumatura t'aħdar tal-muntanji”, jew fi kliem ieħor, ikollu togħma distintiva, aċiduża u tfuħ.

6.

L-estratt refrattometriku jvarja bejn 9 u 16 °Bx.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

3.4.   Għalf għall-annimali (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika definita:

Skont l-ispeċifikazzjoni, il-ġonna fejn jitkabbar il-“Jabłka łąckie” għandhom ikunu fiż-żona ġeografika definita fit-taqsima 4. L-istadji tal-produzzjoni li ġejjin għandhom isiru wkoll fl-istess żona:

iż-żabra

il-fertilizzar

it-tisqija

il-manutenzjoni

il-ħżin (sal-mument tal-ippakkjar)

L-istadji kollha tal-produzzjoni għandhom isiru skont il-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-prinċipji tas-sistema tal-Produzzjoni Integrata (IP).

3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.:

3.7.   Regoli speċifiki għat-tikkettar:

Kull produttur u impriża li jippakkja l-“Jabłka łąckie” għandu juża tikketta standard. It-tikketti jiġu ddistribwiti mis-Stowarzyszenie Łącka Droga Owocowa (l-Għaqda tar-Rotta tal-Frott ta' Łącko). Din l-għaqda tibgħat regoli ddettaljati dwar it-tqassim tat-tikketti lill-organu ta’ spezzjoni. Dawn ir-regoli bl-ebda mod ma għandhom ikunu ta’ ħsara għal produtturi li ma jifformawx parti mill-għaqda.

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:

Il-“Jabłka łąckie” huwa prodott fil-muniċipalitajiet ta’ Łącko, Podegrodzie u Stary Sącz (fid-distrett ta’ Nowy Sącz) u ta’ Łukowica (fid-distrett ta’ Limanowa), fir-reġjun ta’ Małopolska.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Iż-żona fejn titkabbar il-“jabłka łąckie” tinsab fil-Kotlina Łącka (il-wied ta’ Łącko). Hija kkonfinata fil-Lvant mill-katina ta’ muntanji ta’ Jazowski, li minnha tgħaddi x-xmara Dunajec, sal-wied wiesa' ta’ Sącz bejn il-muntanji. Minħabba l-pożizzjoni muntanjuża, il-klima fiż-żona ġeografika hija mansa u tiffavorixxi l-produzzjoni tal-pjanti, u toffri kundizzjonijiet speċjali għat-tkabbir tal-frott.

Il-ħamrija fir-reġjun hija kumpatta, mhux skeletali (inqas minn 10 % skeletali) jew ftit skeletali (10 % - 25 %). Dan jippermetti li s-siġar irabbu l-għeruq aħjar, mingħajr tfixkil sinifikanti għall-profili tal-ossiġenu u tal-ilma. Billi l-ħamrija hija ġeneralment kumpatta ħafna, l-art għan-niżla toħloq kundizzjonijiet favorevoli għat-tħawwil tas-siġar tal-frott. Bl-inklinazzjoni tal-art (il-biċċa l-kbira mill-ġonna jinsabu f'niżliet bi gradjent ta’ bejn 5° and 15°), l-ilma żejjed jista' jiskula regolarment. Ammonti żejda ta’ ilma fil-ħamrija kumpatta jkunu ta’ ħsara għall-profili tal-ilma, u jinfluwenzaw l-iżvilupp ta’ mard tal-fungu. Il-preċipitazzjoni totali annwali medja tvarja minn 700 sa 1 000 mm. Id-differenza l-kbira bejn it-temperaturi ta’ binhar u dawk ta’ billejl hija karatteristika ewlenija tar-reġjun ta' Łącko. Il-firxa tat-temperatura ta' kuljum matul il-perjodu tas-sajran u l-ħsad tal-frott sikwit taqbeż l-10°C. Il-ġelu ta’ billejl huwa frekwenti ħafna wkoll.

Il-ħiliet irfinati mill-popolazzjoni lokali matul il-snin, u t-temperament karatteristiku kellhom rwol fondamentali fl-iżvilupp tal-biedja tal-frott fiż-żona. In-nies li vvjaġġjaw f'dan ir-reġjun u osservawh matul l-epoki differenti tal-istorja saħqu fuq l-akutezza, il-perspikaċja, il-bżulija u l-paċenzja tal-abitanti tiegħu (magħrufin bħala górale biali, “bojod tal-muntanji”). Dawn il-karatteristiċi kienu importanti fl-iżvilupp tas-settur ekonomiku kkonċernat. Ta’ min wieħed jisħaq ukoll fuq il-fatt li, fi sforz biex jilħqu kwalità ogħla u biex jimminimizzaw il-ħsara lill-ambjent naturali, il-bdiewa lokali tal-frott daħħlu s-sistema tal-produzzjoni integrata (IP). B'din is-sistema, min ikabbar il-frott għandu jadatta l-metodi ta’ produzzjoni tiegħu għall-kundizzjonijiet tal-klima u tal-ħamrija li jipprevalu fiż-żona ddefinita fit-taqsima 4. L-għan huwa li jinżammu l-proprjetajiet speċifiċi ta’ kwalità tal-“Jabłka łąckie”.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Il-“Jabłka łąckie” huwa kkaratterizzat minn:

ħmura aktar intensa mill-medja għal varjetà determinata (ara t-taqsima 3.2);

l-ebusija ta' laħam it-tuffieħ, li mhijiex ta' inqas minn 6,5 kg/cm2 fil-mument tal-qtugħ mis-siġra, u jew ta' inqas minn 4,5 kg/cm2 fi tmiem il-perjodu ta' ħżin;

estratt refrattometriku li jvarja bejn 9 u 16 °Bx;

aċidità totali għolja (“Jabłka łąckie” aċiduż ('il fuq minn 7 g/kg): Boskoop, Red Boskoop, Elise, Topaz, Early Geneva; “jabłka łąckie” b'aċidità medja (3,7-7,0 g/kg): Idared and sports, Jonagold and sports, Champion and sports, Ligol and sports, Golden Delicious and sports, Gala and sports, Lobo, Rubin and sports, Gloster, Jonagored and sports), u għaldaqstant, il-“Jabłka łąckie” jingħad li għandu “sfumatura t'aħdar tal-muntanji”, jew fi kliem ieħor, huwa partikolarment aċiduż u aromatiku.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO), jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Ir-rabta bejn il-“Jabłka łąckie” u ż-żona ġeografika indikata fit-taqsima 4 ġejja mill-karatteristiċi speċifikament marbutin mal-kwalità, kif deskritti fit-taqsima 5.2, dovuti għall-fatturi naturali deskritti fit-taqsima 5.1.1. u għar-reputazzjoni li jgawdi minnha t-tuffieħ.

Id-differenzi kbar bejn it-temperaturi ta’ binhar u dawk ta’ billejl għandhom influwenza pożittiva fuq il-proprjetajiet organolettiċi u fiżiko-kimiċi tal-frott, u b'mod partikulari, fuq il-livell ta’ ħmura u ta' aċidità tat-tuffieħ. Analiżi sensjorali tikkonferma n-natura eċċezzjonali tal-“Jabłka łąckie”. L-analiżi tikkonferma li l-frott huwa distint mill-intensità aktar aċċentwata tal-karatteristiċi ta’ hawn fuq, inkluża l-ebusija tiegħu, meta mqabbel ma' tuffieħ minn żoni ġeografiċi oħra. L-ebusija tal-frott fil-mument tal-ħsad u wara l-ħżin (kif suppost) tiggarantixxi li l-“Jabłka łąckie” jibqa' jqarmeċ.

Il-“Jabłka łąckie” rabba reputazzjoni tajba bis-saħħa ta’ tradizzjoni twila ta’ produzzjoni, kif iddokumentat sa mis-seklu 13, meta l-għajnbaqar u t-tuffieħ frisk kien jinġarr miż-żona ta’ Łącko sal-belt ta’ Gdansk (W. Bazelich, “Historie starosądeckie”, Kraków 1965, p. 173). Hemm riferimenti għall-ġonna fiż-żona ta’ Łącko f'dokumenti tas-seklu 16, fejn jissemmew bħala “ġonna rjali” u “ġonna tal-parroċċa”. Fis-sekli 17 u 18, kien hemm diġà ġonna kbar f'dawn iż-żoni. Fil-kronika nobbli ta’ spezzjoni li saret fl-1698, jinqara fost l-oħrajn li ċerti raħlin kienu obbligati li jiġbru l-frott u jwassluh sal-palazz bħala ġest ta' rispett.

Festival imsejjaħ “Dni Kwitnącej Jabłoni” (il-Festival ta' Żahar it-Tuffieħ) ilu jittella' mill-1947. Dan il-festival twieled mix-xewqa li titħares it-tradizzjoni tat-tkabbir tal-frott f'Łącko, kontra l-pjan li tinbena diga fuq ix-xmara Dunajec u titgħarraq il-belt. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-festival ilu jiġi ċċelebrat f'Mejju ta’ kull sena, u għadu popolari bħal dejjem. F'dan l-avveniment jieħdu sehem gruppi reġjonali, baned u personalitajiet Pollakki magħrufa. Il-gabbani u l-banketti għall-wiri (ta’ frott, gastronomija, xogħol ta’ artiġjani eċċ.) iħallu impressjoni kbira. Il-Festival ta’ Żahar it-Tuffieħ ikollu ħafna esponiment fl-istampa. Matul il-festival, jiġi jżuru Łącko mhux biss it-turisti mill-Polonja kollha, iżda wkoll xjenzati u akkademiċi minn istituti agrikoli u universitajiet. Dan kollu juri kemm dan is-settur ekonomiku huwa ta’ importanza għall-popolazzjoni lokali.

Ir-reputazzjoni tal-“Jabłka łąckie” tirrifletti ruħha wkoll fix-xandir, pereżempju f'rapporti murija fuq il-programm “Tyden” tal-kanal Telewizja Polska (2007), kif ukoll fuq il-kanali Telewizja Trwam u Telewizja Polonia. Ixxandru rapporti wkoll fuq Radio Kraków, fosthom “Forum Ekonomiczne w Krynicy” (2006), “Owocobranie” (2006, 2007), u “Święto Kwitnącej Jabłoni” (2008). Artikli dwar it-tuffieħ ġew ippubblikati wkoll fl-istampa, fosthom: “Jabłka łąckie produktem regionalnym” (Hasło Ogrodnicze, 2005), “Trzy pytania do …” (“Dziennik Polski”, is-6 ta' Lulju 2007), “Małopolski festiwal smaku” (fis-suppliment ta' kull ġimgħa “Extra”, is-17 ta' Lulju 2008), “Krapik tygrysem Europy” (“Dziennik Polski”, it-30 ta' Lulju 2007), “Łącka Droga Owocowa” (“Nasz Dziennik”, it-2 ta' Awwissu 2007), u “Owoc pod ochroną” (“Tarnowski Gość Niedzielny”).

Ir-reputazzjoni dejjem tikber tal-“Jabłka łąckie” matul is-snin kienet ta’ influwenza kbira fuq il-provvisti dejjem jikbru tat-tuffieħ. L-importanza kbira ta' dan it-tuffieħ għaż-żona indikata fit-taqsima 4 tirrifletti ruħha wkoll fil-fatt li madwar 80 % tal-medda totali ta’ artijiet użati għall-biedja jintuża għat-tkabbir tas-siġar tat-tuffieħ. Fiż-żona kkonċernata, il-ġonna tat-tuffieħ ikopru total ta’ 3 000 ettaru. Il-muniċipalità ta’ Łącko tinkludi 50 % tal-ġonna tat-tuffieħ f'din iż-żona; il-muniċipalità ta' Stary Sącz 15 %; ta' Podegrodzie 18,3 %, u ta' Łukowica 16,7 %.

Il-“Jabłka łąckie” ħa l-ewwel premju fil-kategorija tal-prodotti u l-preparamenti tal-pjanti fis-seba' konkors nazzjonali Nasze Kulinarne Dziedzictwo (“Il-Wirt Gastronomiku Tagħna”), bl-aqwa prodott tal-ikel mill-Małopolska.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

http://www.minrol.gov.pl/DesktopDefault.aspx?TabOrgId=1620&LangId=0


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


19.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 42/12


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2010/C 42/05

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt li ssir oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni

SOMMARJU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

LAPIN PORON KUIVALIHA

Nru tal-KE: FI-PDO-0005-0384-19.10.2004

DPO ( X ) IĠP ( )

Dan is-sommarju jistabbilixxi l-karatteristiċi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal skopijiet informattivi.

1.   Awtorità responsabbli fl-Istat Membru:

Isem:

Maa- ja metsätalousministeriö (Ministeru tal-Agrikoltura u l-Forestrija)

Indirizz:

PL 30

FI-00023 Valtioneuvosto

SUOMI/FINLAND

Tel.

+358 916054278

Feks

+358 916053400

Posta elettronika:

maija.heinonen@mmm.fi

2.   Grupp:

Isem:

Paliskuntain yhdistys (Reindeer Herders’ Association)

Indirizz:

Koskikatu 33 A

FI-96100 Rovaniemi

SUOMI/FINLAND

Tel.

+358 163316000

Feks

+358 163316060

Posta elettronika:

Matti.Sarkela@paliskunnat.fi

Kompożizzjoni:

Produtturi/proċessaturi ( X ) oħrajn ( )

3.   Tip ta’ prodott:

Klassi 1.2:

Prodotti tal-laħam (imsajrin, immellħin, affumikati)

4.   Speċifikazzjoni:

(sommarju tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem:

“Lapin Poron kuivaliha”

4.2.   Deskrizzjoni:

“Lapin Poron kuivaliha” (il-laħam imnixxef tar-renna ta' Lapland) huwa magħmul minn muskolu sħiħ (gruppi ta' muskoli) u biċċiet ta' muskoli. It-tessuti konnettivi bejn il-muskoli huma viżibbli, iżda meta tħares lejhom ma jidher kważi l-ebda xaħam fihom. Il-laħam hu magħmul minn fibri fini ħafna u huwa laħam dens u l-fibri ma jistgħux jintgħarfu mill-wiċċ tal-qatgħa. Il-fibri tal-laħam huma aktar fini minn ta' laħmijiet imnixxfin oħrajn. Skont kemm ikun niexef il-prodott, l-istruttura tal-wiċċ tal-qatgħa tkun matta ħafna u lixxa. Il-wiċċ tal-qatgħa huwa aktar skur milli f'tipi oħra ta' laħam, filwaqt li traċċa ta' kannella fil-kulur tal-laħam hija karatteristika ta' distinzjoni oħra.

Il-prodotti lesti huma forom jew biċċiet differenti ħoxnin bejn ċentimetru (1 ċm) u 5 ċentimetri u twal bejn 10 ċentimetri u 20 ċentimetru. Il-piż ivarja minn mitt gramma għal ftit mijiet ta' grammi.

Minħabba t-tnixxif, il-“Lapin Poron kuivaliha” għandu kontenut baxx ta' ilma u kontenut għoli ħafna ta' proteina. Huwa għandu kontenut baxx ta' xaħam, meta wieħed jikkunsidra l-fatt li l-laħam ikun tnixxef. Il-valur tal-pH huwa normali għal-laħam. Il-kontenut tal-proteina tat-tessuti konnettivi huwa relattivament baxx. Il-kontenut tal-melħ għandu jkun għoli biżżejjed biex jiżgura li jista' jkun priżervat b'mod sikur. Il-valuri medji u d-devjazzjonijiet standard għal ħames kampjuni tipiċi huma elenkati hawn taħt:

 

Il-kontenut tal-ilma (%) 40,6 (2,8)

 

Il-kontenut tal-proteina (%) 43,6 (2,3)

 

li minnhom fit-tessuti konnettivi (%) 3,1 (0,9)

 

Il-kontenut tax-xaħam (%) 4,7 (1,6)

 

Il-kontenut tal-melħ (%) 5,4 (2,0)

 

Il-valur tal-pH 5,69 (0,19)

Il-laħam imnixxef għandu togħma relattivament qawwija. Għandu l-aroma qawwija tipika tal-laħam tar-renna, kemm fit-togħma u kemm fir-riħa. L-aroma mhix partikolarment dik tal-laħam tal-kaċċa, iżda hija tipika tal-laħam tar-renna. It-togħma mielħa hija tipikament ħafifa minħabba l-kontenut ta' proteina partikolarment għoli. Il-kulur ivarja minn aħmar skur u kannella għal kważi iswed. It-truf huma iktar skuri minħabba t-tnixxif.

L-istruttura hija iebsa fil-wiċċ u iktar ratba minn ġewwa. Il-prodott fih tessuti konnettivi bejn il-muskoli, li jinħassu fil-palat, iżda t-tessut konnettiv intern ma jinħassx. Għalkemm il-prodott huwa artab minn ġewwa, ma jisseparax faċilment meta jitgħawweġ, iżda jissepara meta jkun mimgħud u l-effett tiegħu huwa delikat u ma jinħassx qisu bil-ħjut. Il-faċilità li biha jissepara hija karatteristika tipika u t-tessuti konnettivi bejn il-muskoli jisseparaw ukoll faċilment u huma faċli biex jinbelgħu.

4.3.   Żona ġeografika:

Il-“Lapin Poron kuivaliha” huwa prodott, ipproċessat u ppakkjat fiż-żona Finlandiża tat-trobbija tar-renniet, li tinsab bejn il-latitudnijiet 65 °N u 70 °N. Skont l-Att Finlandiż dwar it-Trobbija tar-Renniet (Nru 848/1990), iż-żona tinkludi l-Provinċja ta’ Lapland, (minbarra l-bliet ta’ Kemi u Tornio u l-muniċipalità ta’ Keminmaa); il-muniċipalitajiet ta’ Hyrynsalmi, Kuivaniemi, Kuusamo, Pudasjärvi, Suomussalmi, Taivalkoski u Yli-Ii fil-Provinċja ta’ Oulu u ż-żoni fit-Tramuntana tax-xmara Kiiminkijoki u t-triq Puolanka-Hyrynsalmi fil-muniċipalitajiet ta’ Puolanka, Utajärvi u Ylikiiminki.

4.4.   Prova tal-oriġini:

Skont il-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar it-trobbija tar-renniet, sabiex l-oriġini tal-laħam tkun immonitorjata, sid ir-renni għandu jimmarka widnet ir-renna jew eżatt wara t-twelid jew tal-anqas mhux aktar tard mill-wasla tar-renna għall-qtil. Meta r-renniet jintgħażlu għall-qatla u jiġu sseparati minn dawk l-annimali li jkunu se jinżammu ħajjin, huma jiġu mmarkati fil-mergħa tagħhom waqt il-proċess tal-għażla b’marka tal-qtil fuq widinthom, sabiex l-annimal għall-qtil jingħata numru. Dan in-numru jibqa’ fuq il-karkassa sakemm jibda l-proċess tat-tqattigħ. Il-laħam imqatta' huwa nnumerat fil-proċess tat-tqattigħ u l-ipproċessar, u n-numru jibqa’ mal-prodott sal-konsumatur aħħari. L-impjanti ta’ tqattigħ tal-laħam u tal-prodotti tal-laħam għandhom jirreġistraw il-karakassi u kull laħam ieħor li jidħol fl-istabbiliment, kif ukoll il-laħam li joħroġ mill-istabbiliment. L-awtoritajiet muniċipali regolatorji jissorveljaw il-kmamar tat-tqattigħ tal-laħam u l-impjanti tal-prodotti tal-laħam. Barra minn hekk, il-bejgħ tal-laħam imnixxef tar-renna direttament lill-konsumatur mill-post primarju tal-produzzjoni huwa awtorizzat (deroga tal-Kummissjoni tal-UE tal-21 ta’ April 2006).

Il-monitoraġġ tal-katina tal-produzzjoni kollha jsir mill-Awtorità Finlandiża tas-Sikurezza tal-Ikel (Evira) u mill-gvernijiet provinċjali taħt l-awtorità tal-Ministeru għall-Agrikoltura u l-Forestrija. Il-monitoraġġ isir mill-awtoritajiet lokali tal-ikel.

4.5.   Metodu ta’ produzzjoni:

Il-“Lapin Poron kuivaliha” huwa prodott mir-renni imwielda, imrobbija u maqtula fiż-żona tat-trobbija tar-renni Finlandiża u li jirgħu liberament f'mergħat naturali fir-rebbiegħa, fis-sajf, fil-ħarifa u fil-bidu tax-xitwa qabel il-qatla. Matul dan iż-żmien jieħdu l-ikel kollu tagħhom minn sorsi naturali f'żona ġeografika definita. Prinċipalment huma jieklu ħxejjex, fungi u likeni. Madwar 70 sa 75 % tal-annimali maqtula huma renniet żgħar li jkollhom minn 5 sa 8 xhur, li meta jinqatlu jkollhom piż ta' madwar 22 kilo. Il-piż medju ta' renna mara adulta meta tinqatel huwa madwar 35 kg u l-piż tal-ikbar renna raġel meta jinqatel jista' jkun bejn 70 u 80 kilo.

Il-materja prima użata għal-“Lapin Poron kuivaliha” hija l-flett, il-qatgħat tal-għolja tal-koxxa, tal-ispalla, tad-dahar, tal-ġenb u taż-żaqq, li prinċipalment huma laħmijiet tat-tip P0, it-tip bażiku użat għal-laħam imnixxef (l-ittra tirrappreżenta “renna” bil-Finlandiż u n-numru għall-klassifikazzjoni). Il-laħam tat-tip PE – jew “extra” – (pereżempju l-qatgħat tal-għolja tal-koxxa u l-flett) jista' jintuża wkoll bħalma jista' sa ċertu punt jintuża l-laħam tat-tip P1 (pereżempju l-qatgħat tal-għonq, tal-ġenb u taż-żaqq). Id-differenzi fil-proprjetajiet u l-użu intenzjonat tat-tipi ta' laħam għall-bejgħ jidhru fil-klassifikazzjoni tal-laħam tar-renna tal-Assoċjazzjoni tar-Rgħajja tar-Renni (2005) li saret għall-industrija tar-renniet. Id-differenzi fit-tipi huma bbażati fuq il-kontenut tax-xaħam u l-membrana tal-laħam.

Ix-xaħam tal-wiċċ u ta' bejn il-vojt, membrani ħoxnin tat-tessuti konnettivi u kwalunkwe demm magħqud u timbri jitneħħew mil-laħam tar-renna li jkun se jintuża bħala materja prima għal-“Lapin Poron kuivaliha”. Il-preparazzjoni tal-prodott tibda bit-tqattigħ u ġeneralment bit-tneħħija tal-għadam mil-laħmijiet l-iktar ibsin, mill-qatgħat tal-għolja tal-koxxa, mill-qatgħat mill-għonq sal-kustilji, mill-flettijiet u mill-muskolu ċervikali. Il-laħam mingħajr għadam jitqatta' f'forom ħoxnin madwar 5 ċm f'daqsijiet differenti għall-preparazzjoni. Partijiet oħrajn tal-karkassa jitħallew bl-għadam u jitqattgħu f'forom ta' daqs adattat għall-preparazzjoni.

Il-laħam jiġi proċessat malajr kemm jista' jkun u f'lottijiet żgħar biex ikun evitat li jisħon ħafna. F'impjanti ta' tqattigħ awtorizzati, it-temperatura tal-laħam waqt it-tqattigħ ma tistax tkun iktar minn 7 °C.

Il-laħam jitmellaħ f'kontenituri għat-timliħ tal-laħam (salting tubs) jew fuq xtillieri għat-timliħ (salting racks). It-timliħ jista' jsir billi wieħed iħokk il-melħ fuq il-laħam, f'liema każ l-ammont ta' melħ ikun madwar 3 % tal-piż tal-laħam frisk. Jekk il-laħam jitmellaħ fis-salmura, il-kontenut tal-melħ fl-ilma huwa madwar 6 % jew 7 %. It-timliħ u l-istadju qabel il-maturazzjoni jieħdu bejn 3 ijiem u 14 –il ġurnata.

Wara t-timliħ, il-laħam jiddendel barra biex jinxef fl-arja. It-tnixxif isir f'għoli biżżejjed ′il fuq mill-art fi spazju mgħotti mibni jew iddisinnjat apposta għat-tnixxif tal-laħam li jkollu art solida biżżejjed u “netting” li jevitaw id-dħul ta' parassiti. Ganċijiet tal-metall nodfa jew ta' materjal ieħor mhux poruż, bħal ħabel tal-plastik jintużaw biex il-laħam jiddendel fuq it-travu għat-tnixxif (drying beam).

It-tnixxif isir bejn Frar u April u jdum bejn 3 ġimgħat u 6 ġimgħat skont il-kundizzjonijiet tat-temp. Hekk kif il-laħam jirtab u jimmatura, jikseb togħma qawwija minħabba li bejn 40 u 60 % tal-piż tal-laħam frisk tiegħu jkun evapora. Il-preparazzjoni tal-laħam tiġi mmonitorjata billi jiġu vverifikati ripetutament il-grad tat-tnixxif u t-togħma tal-laħam. Jekk il-laħam jitħalla jinxef għal żmien twil wisq, isir griż u bla togħma.

Il-prodotti tal-“Lapin Poron kuivaliha” jiġu ppakkjati f'imballaġġ tal-ikel approvat li d-daqs tiegħu jvarja minn mitt gramma sa bosta mijiet ta' grammi.

Il-laħam tar-renna li għalih l-isem “Lapin Poron kuivaliha” se jiġi applikat, għandu jiġi ppakkjat fiż-żona ġeografika definita, jiġifieri fiż-żona tat-trobbija tar-renni Finlandiża, sabiex tiġi salvagwardjata l-kwalità tal-prodott u jiġi evitat id-deterjorament tal-kwalità speċjalment tal-karatteristiċi organolettiċi. It-tnixxif isir barra u b'riżultat ta' kundizzjonijiet meterjoloġiċi (riħ, ġlata u sħana tax-xemx). Il-proċess ta' tnixxif jiġi mmonitorjat b'attenzjoni sabiex jintlaħaq l-aħjar grad ta' maturità u sabiex jinżammu l-karatteristiċi organolettiċi tal-laħam. Fattur kruċjali fil-produzzjoni tal-“Lapin Poron kuivaliha” huwa d-determinazzjoni tal-aħjar ħin biex il-laħam jitneħħa mit-tnixxif fuq barra fl-arja. Dan jirrikjedi kompetenzi speċifiċi mill-esperti fil-qasam. Għalkemm, il-“Lapin Poron kuivaliha” huwa dgħif, ix-xaħam jista' jbiddel it-togħma u l-karatteristiċi organolettiċi tal-laħam jekk dan jiġi pproċessat ħażin jew ikollu kuntatt itwal mal-arja. Barra minn hekk, l-objettiv huwa li tkun żgurata t-traċċabilità sħiħa tal-prodott, li l-konsumaturi ma jkunux żgwidati, li l-prodott li jiġi offrut lilhom ikun realment miksub u ppreparat fir-reġjun tal-oriġini u li l-monitoraġġ ikun possibbli fil-katina tal-produzzjoni kollha.

4.6.   Rabta mal-oriġini ġeografika:

Il-laħam tar-renna jiġi prodott minn rgħajja tar-renni professjonali li jgħixu fiż-żona tat-trobbija tar-renni Finlandiża, li 20 % minnhom huma Sámi, poplu indiġenu tal-Unjoni Ewropea. Ix-xogħol tar-rgħajja tar-renni huwa bbażat fuq informazzjoni miġbura matul is-sekli dwar ir-renni u l-laħam tagħhom. L-eqdem informazzjoni dwar laħam imnixxef tinsab fil-kotba storiċi tas-seklu sittax (mill-1500 'l quddiem) u fid-deskrizzjonijiet tal-Finlandja li jinsabu fil-History of the Northern Peoples ta' Olaus Magnus, ktieb li jmur lura għall-1555. Warajh, l-ewwel referenzi għal-laħam tar-renna mnixxef huma prinċipalment dawk tal-esploraturi fis-sekli sbatax u tmintax (1600-1700).

Il-laħam tar-renna jitnixxef permezz ta' snajja’ tradizzjonali; pereżempju, il-biċċa l-kbira tal-impjanti tal-ipproċessar tal-laħam tar-renna huma proprjetà ta' familji li għandhom ir-renni. Il-produtturi kollha tal-laħam tar-renna msemmija hawn fuq, jiffurmaw netwerk uniku ta' kompetenza fil-qasam tat-trobbija tar-renni, bis-snajja’ u l-kapaċità li jipproċessaw f'“Lapin Poron kuivaliha” xi ftit mil-laħam tar-renna prodott fiż-żona tat-trobbija tar-renni bl-użu ta' metodi tradizzjonali.

Il-“Lapin Poron kuivaliha” jitnixxef barra fl-arja skont metodi tradizzjonali antiki ħafna. It-tnixxif isir bejn Frar u April f'għoli biżżejjed ′il fuq mill-art fi spazju mgħotti mibni jew iddisinnjat apposta għat-tnixxif tal-laħam li jkollu art solida biżżejjed u “netting” li jevitaw id-dħul tal-parassiti. Il-preparazzjoni tal-laħam tar-renna mnixxef jirnexxi biss fir-reġjuni tat-Tramuntana fejn il-varjazzjonijiet tat-temperatura fl-aħħar tax-xitwa huma kbar biżżejjed. Il-varjazzjonijiet sinifikanti tat-temperatura fl-aħħar tax-xitwa fir-reġjuni tat-Tramuntana minn – 30 °C sa + 7 °C, irattbu l-laħam u jagħtuh togħma naturali. Karatteristiċi naturali oħrajn tar-reġjun, bħal pereżempju staġuni distinti, id-dieta tar-renni u s-snajja’ tradizzjonali għall-għażla u l-preparazzjoni ta' materja prima għal-laħam tar-renna jagħmlu l-laħam tar-renna mnixxef dak li hu: prodott tar-renna bit-togħma distinta tiegħu.

4.7.   Korp ta’ spezzjoni:

Isem:

L-Awtorità Finlandiża għas-Sikurezza tal-Ikel (Evira)

Indirizz:

Mustialankatu 3

FI-00790 Helsinki

SUOMI/FINLAND

Tel.

+358 20772003

Feks

+358 207724350

Posta elettronika:

kirjaamo@evira.fi

4.8.   Tikkettar:

Il-prodotti tal-“Lapin Poron kuivaliha” jinħażnu u jinbiegħu ppakkjati f'imballaġġ tal-ikel approvat ta' daqsijiet differenti. In-naħa ta' barra tal-pakketti għandha tkun immarkata bil-marka “Lapin Poron kuivaliha” (pereżempju b'timbru jew stiker) segwita bil-kliem “suojattu alkuperänimitys” (denominazzjoni tal-oriġini protetta) jew is-simbolu Komunitarju uffiċjali korrispondenti. Ikun hemm indikat ukoll jekk il-laħam joriġinax minn renna adulta jew renna żgħira. Marki simili huma meħtieġa għal-laħam mibjugħ direttament.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


19.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 42/16


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2010/C 42/06

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjoni ta' oġġezzjoni għandha tasal għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“VASTEDDA DELLA VALLE DEL BELÌCE”

Nru KE.: IT-PDO-0005-0661-26.11.2007

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Denominazzjoni:

“Vastedda della valle del Belìce”

2.   Stat membru jew pajjiż terz:

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott (Anness III):

Klassi 1.3.

Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih tapplika d-denominazzjoni ta' (1):

Id-DPO Vastedda della valle del Belìce huwa ġobon magħġun mill-ħalib tan-nagħaġ li jiġi kkunsmat frisk u meta jinħareġ għall-konsum jippreżenta dawn il-karatteristiċi li ġejjin: forma tipika ta' ftira li l-uċuh tagħha jkunu kemm kemm konvessi; b'dijametru li għandu jkun bejn 15 u 17 ċm u għoli tal-ġnub bejn 3 u 4 ċm; piż bejn 500 u 700 gr skont id-daqs tal-forma; il-wiċċ bla qoxra, ta' kulur abjad bħall-avorju, lixx u kompatt mingħajr tbajja' u bla tikmix; il-preżenza ta' kisja ta' kulur minn lewn it-tiben ċar hija permessa; il-qalba hija ta' kulur abjad uniformi, lixxa, mhix imrammla u jista' jkollha xi sinjali ta' strixxi li huma riżultat tal-għaġna artiġjanali; bi ftit li xejn toqob u ftit li xejn perspirazzjoni; jippreżenta l-aroma karatteristika tal-ħalib frisk tan-nagħaġ b'togħma ħelwa, friska u pjaċevoli, b'vini kemm kemm aċidużi; il-perċentwal tal-grass ma għandux ikun inqas minn 35 % fuq is-sustanza xotta u mhux inqas minn 18 % tal-prodott frisk, il-perċentwal tal-klorur tas-sodju (melħ) ma għandux ikun iktar minn 5 % tas-sustanza xotta u minn 2,7 % tal-prodott frisk.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Il-ġobon Vastedda della valle del Belìce DPO jinkiseb minn ħalib tan-nagħaġ sħiħ, nej u b'aċidità tal-fermentazzjoni naturali, minn nagħaġ tar-razza Valle del Belìce, li jiġu mrobbija fiż-żona tal-produzzjoni indikata fil-punt 4 li jmiss.

3.4.   Għalf għall-annimali (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss):

Is-sistema tal-għalf tan-nagħaġ tikkonsisti f'mergħat naturali u/jew ikkultivati, ħaxix aħdar frisk, ħuxlief u tiben miksuba miż-żona tal-produzzjoni identifikata fil-punt 4, qasbija li jibqa' wara l-ħsad tal-qamħ u prodotti sekondarji tal-veġetazzjoni (ħaxix li jikber maġenb id-dwieli, friegħi taż-żebbuġ li jinqatgħu fiż-żabra tax-Xitwa, pal tal-bajtar tax-xewk, weraq tad-dwieli li jibqgħu wara l-qtugħ tal-għeneb). Iż-żieda ta' ċereali, legumi u konċentrati jew komposti li ma jkunux OĠM fi kwantità massima ta' 50 % tat-total tas-sustanza xotta tal-porzjon tal-għalf hija permessa. Ma jistax jintuża għalf li jkun fih prodotti li ġejjin mill-annimali jew pjanti jew partijiet minn pjanti (żrieragħ) tal-fienu, tapjoka u manjoka.

3.5.   Fażijiet speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata:

L-operazzjonijiet involuti fil-produzzjoni tal-ħalib u fil-proċess ta' kif isir il-ġobon iridu jsiru fiż-żona delimitata.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, il-ħakk, l-ippakkjar, eċċ.:

Il-prodott jinħareġ għall-konsum f'forom ta' daqsijiet b'dijametru bejn 15 u 17 ċm u l-għoli tal-ġenb bejn 3-4 ċm, imkebbeb fil-politin li ma jħallix l-arja tgħaddi minnu. L-ippakkjar għandu jsir fl-istess azjenda tal-produzzjoni minħabba li dan huwa prodott frisk, sabiex tingħata garanzija tal-kwalità u b'mod partikolari jinżamm l-aspett mikrobijoloġiku tal-ġobon, li hu mimli batterji tal-ħalib awtoktoni li jagħmluh prodott “ħaj” u li jevolvi kontinwament.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

It-tikketti li jitwaħħlu mal-ippakkjar tal-politin li jkebbeb il-ġobon Vastedda della valle del Belìce, għandu jkollhom il-kitba “Vastedda della valle del Belìce”, kif wkoll il-logo tad-denominazzjoni. Il-logo jista' jintuża fil-pubblikazzjonijiet jew fil-materjal promozzjonali.

L-użu ta' indikazzjonijiet li jirreferu għall-ismijiet, ismijiet tal-azjendi u ditti li ma għandhomx skop ta' promozzjoni u li mhumiex maħsubin biex iqarrqu bil-konsumatur huwa awtorizzat, dejjem jekk ikunu ta' daqs li huwa sinifikattivament iżgħar minn dak użat għall-marka tad-D.P.O.

Image

Il-logo huwa rappreżentat minn ċirku u madwar iċ-ċirkonferenza tiegħu, mix-xellug lejn il-lemin tidher il-kitba “Vastedda della valle del Belìce”, bl-aħdar u f'linja waħda; isfel, fuq in-naħa ta' ġewwa, mix-xellug għall-lemin tidher il-kitba b'kulur abjad “Denominazione d’Origine Protetta”.

Fuq ġewwa tal-logo, fuq in-naħa ta' fuq taċ-ċirku, tidher xbieha tax-xemx stilizzata b'kontorn immarkat sew u ta' kulur isfar ċar, li minnha jinqata' porzjon b'forma ta' “V” li donnha biċċa ġobon; mix-xemx joħorġu wkoll 11-il raġġ irqiq ta' kulur isfar; u kollox qiegħed fuq sfond ta' sema ta' kulur ikħal.

Iktar 'l isfel, fiċ-ċentru tal-logo, hemm żewġ għoljiet waħda tgħatti parti mill-oħra u li jifformaw l-ittra “V”, li toħroġ iktar ċara minħabba l-istrixxi ta' kulur aħdar ċar li jidhru fuqhom.

Fuq il-lemin tidher xbieha ta' parti minn tempju doriku rappreżentat permezz ta' strixxi ta' kulur isfar, fuq żewġ għatbiet u b'erba' kolonni li fuq kull waħda minnhom iserraħ il-kaptell ta' fuq; il-kaptelli jerfgħu l-arkitrav u s-saqaf imżerżaq. Id-dijametru tal-logo inkluż il-kitba “Vastedda della valle del Belìce” għandu jkun ta' 4,00 ċm.

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika tat-trobbija tal-nagħaġ, tal-produzzjoni tal-ħalib, l-ipproċessar u tal-ippakkjar tal-ġobon Vastedda della valle del Belìce tinsab fiż-żona tat-territorji amministrattivi tal-muniċipalitajiet li ġejjjin:

 

fil-provinċja ta' Agrigento: Caltabellotta, Menfi, Montevago, Sambuca di Sicilia, Santa Margherita di Belìce u Sciacca;

 

fil-provinċja ta' Trapani: Calatafimi, Campobello di Mazara, Castelvetrano, Gibellina, Partanna, Poggioreale, Salaparuta, Salemi, Santa Ninfa u Vita;

 

fil-provinċja ta’ Palermo: Contessa Entellina u Bisacquino li tmiss mal-parti msejjħa “San Biagio”.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

It-territorju tal-produzzjoni tal-ġobon Vastedda della valle del Belìce huwa kkaratterizzat minn ħamrija kannella bil-ġir, bil-ġebel, imrammla u taflija u minn mergħat naturali u kkultivati mgħonija bi pjanti selvaġġi u ekotipi lokali li l-kompożizzjoni botanika tagħhom tinkludi legumi, ħaxix u kruċiferi li huma l-bażi tal-għalf tal-annimali. Għadd ta' studji xjentifiċi wrew li dawn jaffettwaw il-produzzjoni tal-ġobon għaliex jistgħu ibiddlulu l-kompożizzjoni kimika u aromatika tiegħu.

Il-fatturi klimatiċi taż-żona tal-produzzjoni tal-Vastedda della valle del Belìce huma ħafna meta mqabbla ma' żoni oħra fi Sqallija, fil-fatt it-temperaturi massimi (35 °C) u minimi (9 °C) fil-Valle del Belìce u l-orografija taż-żona tal-produzzjoni jevitaw dak it-tibdil f'salt tal-klima li jista' jaġixxi mal-mikroflora awtoktona fl-ipproċessar tal-ġobon li tikkaratterizza l-ġobon Vastedda della valle del Belìce.

Barra minn hekk, fil-Valle del Belice jintuża ħalib tan-nagħġa awtoktona, li llum il-ġurnata kisbet ir-reputazzjoni ogħla tar-razza “Valle del Belice” li hija magħrufa għall-produzzjoni ta' ħalib li għandu karatteristiċi tajbin għall-ipproċessar tal-ġobon.

Il-ġobon Vastedda della valle del Belìce huwa marbut bis-sħiħ mal-ħamrija partikolari li tinsab fiż-żona, mal-essenzi tal-għalf tal-lokal, it-tekonoloġija użata fl-ipproċessar tal-ħalib minn produtturi esperti kif ukoll mal-użu ta' għodda ta' żmien ilu tal-injam jew tal-ġummar fejn jgħixu gruppi ta' mikroflora awtoktona tal-ħalib li jippermettu li l-ġobon Vastedda della valle del Belìce jiddistingwi ruħu mill-bqija tax-xorta tiegħu.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Jekk mhuwiex l-uniku, il-ġobon Vastedda valle del Belice huwa ċertament wieħed mill-ftit ġobnijiet magħġunin mill-ħalib tan-nagħaġ. Għandu togħma partikolari tipika tal-ġobon frisk tan-nagħaġ, bi ħjiel kemm kemm aċidużi u pikkanti. Il-qalba hija kompatta u bajda b'xi strixxi li huma r-riżultat tal-għaġna artiġjanali. Għandu l-forma tipika ta' ftira li l-uċuh tagħha jkunu kemm kemm konvessi.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi oħrajn tal-prodott (għall-IĠP):

It-trobbija tan-nagħaġ u l-produzzjoni tal-ġobon għandhom tradizzjoni antika ħafna fiż-żona tal-produzzjoni tal-ġobon Vastedda della valle del Belìce; sal-lum-il-ġurnata t-trobbija għadha ssir bil-mod tradizzjonali u fi mqawel li jistgħu joffru lqugħ adattat għall-esiġenzi tal-ovini u għall-benessri tagħhom, li jaffettwa b'mod pożittiv il-kwalità tal-ħalib użat fil-produzzjoni tal-ġobon Vastedda della valle del Belìce. Il-kompożizzjoni botanika tal-mergħat naturali u kkultivati taffettwa l-kompożizzjoni kemm kimika kif ukoll dik aromatika tal-ħalib u tagħti lill-ġobon it-togħma u l-aroma partikolari tiegħu. Il-mod artiġjanali tal-preparazzjoni tat-tames li tgħaddi lill-ġobon patrimonju enżimatiku partikolari, kif ukoll l-aċidifikazzjoni tal-qalba fil-qwieleb tal-ġummar, li ssir esklussivament mill-mikroflora naturali u tikpika taż-żona, għandhom rwol fundamentali fid-determinazzjoni tat-togħma u l-aroma aħħarija tal-prodott.

Barra minn hekk, l-operazzjoni tal-għaġna artiġjanali titlob ħila partikolari minħabba li l-ħalib tan-nagħaġ ma tantx huwa adattat sabiex jiġi pproċessat f'ġobon magħġun.

L-isem Vastedda ġej mill-forma li jieħu l-ġobon wara li jintgħaġen, meta jitħalla sabiex jagħqad fi platti fondi taċ-ċeramika, “Vastedde”, li jagħtuh il-forma ta' ftira.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Din l-Amministrazzjoni nediet il-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent denominazzjoni ta' oriġini protetta “Vastedda della Valle del Belìce” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 239 tat-13 ta' Ottubru 2007.

It-test konsolidat tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fil-websajt li ġejja:

http://www.politicheagricole.it/DocumentiPubblicazioni/Search_Documenti_Elenco.htm?txtTipoDocumento=Disciplinare%20in%20esame%20UE&txtDocArgomento=Prodotti%20di%20Qualit%E0>Prodotti%20Dop,%20Igp%20e%20Stg

jew

billi wieħed jidħol direttament fil-paġna ewlenija tal-websajt tal-Ministeru (http://www.politicheagricole.it) u jiklikkja fuq “Prodotti di Qualità” (fuq ix-xellug tal-iskrin) u mbagħad fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE [regolamento (CE) n. 510/2006]”.