ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2009.317.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 317

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 52
23 ta' Diċembru 2009


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-455 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009

2009/C 317/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-integrazzjoni tal-politiki tat-trasport u tal-użu tal-art għal trasport iktar sostenibbli fil-bliet

1

2009/C 317/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-ħġieġ u taċ-ċeramika, b’referenza partikolari għall-pakkett tal-klima u l-enerġija tal-UE (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ċeka)

7

2009/C 317/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bożnja u Ħerzegovina: ir-rwol tas-soċjetà ċivili (opinjoni esploratorja)

15

2009/C 317/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-emissjonijiet tat-trasport bit-triq – miżuri konkreti kontra l-istaġnar (opinjoni esploratorja)

22

2009/C 317/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-swieq tal-partijiet u s-swieq downstream tas-settur tal-karozzi (opinjoni esploratorja)

29

2009/C 317/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar iż-Żoni urbani u l-vjolenza fost iż-żgħażagħ

37

2009/C 317/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Protezzjoni tat-tfal minn persuni li qed jivvjaġġaw u li huma awturi ta’ reati sesswali

43

2009/C 317/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar X’futur hemm għaż-żoni mhux urbani fis-soċjetà tal-għarfien (opinjoni esploratorja)

49

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-455 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009

2009/C 317/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar drittijiet tal-konsumatur COM(2008) 614 finali – 2008/0196 (COD)

54

2009/C 317/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2001/83/KE fir-rigward il-prevenzjoni tad-dħul ta’ prodotti mediċinali fil-katina legali tal-provvista li huma foloz fir-rigward ta’ identità, storja jew sors COM(2008) 668 finali – 2008/0261 (COD)

62

2009/C 317/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji fir-rigward ta’ mikroentitajiet COM(2009) 83 finali/2 – 2009/0035 (COD)

67

2009/C 317/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jadatta ċerti atti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat għad-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill, f’dak li jirrigwarda l-proċedura regolatorja bi skrutinju – Aġġustament għall-proċedura regolatorja bi skrutinju - It-Titolu V COM(2009) 142 finali – 2009/0048 (COD)

72

2009/C 317/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Valutazzjoni ta’ nofs il-perjodu dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-KE għall-bijodiversità COM(2008) 864 finali

75

2009/C 317/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni COM(2008) 435 finali/2

80

2009/C 317/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-telemediċina għall-benefiċċju tal-pazjenti, tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-soċjetà COM(2008) 689 finali

84

2009/C 317/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew fuq l-ilmijiet interni navigabbli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi COM(2008) 816 finali – 2008/0246 COD

89

2009/C 317/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva COM(2008) 852 finali – 2008/0247 (COD)

94

2009/C 317/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar kooperazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar ta’ liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi COM(2008) 817 finali – 2008/0237 (COD)

99

2009/C 317/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta’ strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita COM(2009) 139 finali – 2009/0047 (COD)

103

2009/C 317/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar il-Forza tax-Xogħol Ewropea għas-Saħħa COM(2008) 725 finali.

105

2009/C 317/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards minimi dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (tfassil mill-ġdid) COM(2008) 815 finali – 2008/0244 (COD)

110

2009/C 317/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (tfassil mill-ġdid) COM(2008) 820 finali – 2008/0243 (COD)

115

2009/C 317/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra COM(2009) 28 finali – 2009/0007 (CNS) u l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni COM(2009) 29 finali – 2009/0004 (CNS)

120

2009/C 317/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Integrazzjoni reġjonali għall-iżvilupp fil-pajjiżi tal-AKP COM(2008) 604 finali

126

2009/C 317/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal-Direttiva tal-Kunsill fuq l-annimali tal-fart ta’ razza pura għat-tnissil (verżjoni kkodifikata) COM(2009) 235 finali – 2006/0250 (CNS)

132

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-455 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/1


L-455 SESSJONI PLENARJA FIL-15 U S-16 TA’ LULJU 2009

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-integrazzjoni tal-politiki tat-trasport u tal-użu tal-art għal trasport iktar sostenibbli fil-bliet

(opinjoni esploratorja)

(2009/C 317/01)

Rapporteur: is-Sur OSBORN

F’ittra tat-3 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jfassal opinjoni esploratorja dwar

l-integrazzjoni tal-politiki tat-trasport u tal-użu tal-art għal trasport iktar sostenibbli fil-bliet.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Osborn.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet il-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’114-il vot favur u vot wieħed kontra.

1.   Sinteżi

1.1.   In-nies għandhom bżonn it-trasport biex ikollhom aċċess għax-xogħol, il-ħwienet, l-iskejjel u d-destinazzjonijiet l-oħra kollha li jagħmlu parti mill-ħajja moderna. L-iżvilupp u l-manteniment tas-sistemi tat-trasport ta’ kull tip huma ħidma ewlenija tal-politika pubblika. Iżda t-trasport għandu l-aspetti negattivi tiegħu wkoll. Huwa iniġġes, u joħloq konġestjoni u inċidenti. Rotot tat-trasport (jew in-nuqqas tagħhom) jistgħu jaqsmu u jiżolaw il-komunitajiet, kif ukoll jappoġġjawhom. It-trasport huwa kontributur ewlieni tal-emissjonijiet tas-CO2 u lejn it-theddida li qed tiżdied tal-bidla fil-klima.

1.2.   Għaldaqstant, qed tkompli tiżdied il-ħtieġa li l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha jistabbilixxu mudelli tat-trasport iktar sostenibbli li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar tan-nies waqt li fl-istess ħin inaqqsu kemm jista’ jkun l-impatti negattivi. Il-problemi huma serji l-iktar fiż-żoni urbani, u huwa f’dawn iż-żoni li hemm bżonn partikulari ta’ strateġiji tat-trasport iktar sostenibbli.

1.3.   It-tendenza tal-movimenti tat-trasport fiż-żoni urbani hija marbuta mill-qrib ħafna mat-tendenzi fl-użu tal-art. Għalhekk, sabiex noħolqu trasport iktar sostenibbli, hemm bżonn li jiġi integrat l-użu tal-art integrat fl-istrateġiji u l-politiki tat-trasport.

1.4.   Ir-responsabbiltajiet ewlenin għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji integrati jinsabu fil-livelli lokali u nazzjonali. Diġà sar xi progress lejn sostenibilità f’dan il-qasam f’numru ta’ bliet u pajjiżi individwali fl-Ewropa. Iżda l-progress s’issa ma kienx konsistenti. Hemm skop u ħtieġa għal inizjattiva fil-livell Ewropew biex jiġu promossi u mħaffinl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ użu tal-art integrat u strateġiji tat-trasport iktar sostenibbli fil-bliet madwar l-Ewropa.

1.5.   L-elementi ewlenin tal-inizjattiva għandhom ikunu:

it-tnedija ta’ inizjattiva ta’ riċerka ġdida li tidentifika b’mod iktar preċiż il-punti ewlenin tal-aqwa prattika f’dan il-qasam

l-iżvilupp ta’ grupp affidabbli ta’ indikaturi ta’ progress lejn trasport sostenibbli

reviżjoni tal-esperjenza nazzjonali u lokali u tas-sistemi ta’ appoġġ leġiżlattiv u finanzjarju fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq it-trasport u fuq il-konsum tal-karbonju

l-iżvilupp ta’ qafas Ewropew ġdid għal trasport urban u użu tal-art sostenibbli

reviżjoni tal-bilanċ ta’ politiki u programmi Ewropej oħra sabiex l-impatt globali tal-politika Ewropea ikun li toffri appoġġ ikbar għat-trasport sostenibbli

l-iżvilupp ta’ sistemi intelliġenti tat-trasport (ITS).

2.   Ħsibijiet ġenerali

2.1.   Is-soċjetajiet moderni jiddipendu ħafna mit-trasport. Bħala individwi niddipendu mit-trasport biex naslu x-xogħol, biex immorru nixtru, biex niddevertu u biex naslu kważi kull fejn irridu mmorru. In-negozji wkoll jeħtieġu t-trasport biex joħolqu u jfornu l-prodotti u s-servizzi tagħhom madwar id-dinja.

2.2.   F’dawn l-aħħar żewġ sekli, l-iżvilupp teknoloġiku fil-qasam tat-trasport żied b’ammont enormi d-distanzi li nistgħu nivvjaġġaw b’mod konvenjenti u bi prezzijiet affordabbli, u wessa’ l-firxa ta’ prodotti u servizzi u stili ta’ ħajja disponibbli għall-individwu. Barra minn hekk ittrasforma l-mod kif jevolvu ż-żoni urbani. M’għadhiex importanti l-ħtieġa li jkunu qaqoċċa flimkien madwar ċentri żgħar u b’faċilitajiet qrib biżżejjed biex jintlaħqu bil-mixi. Issa jistgħu jespandu b’densità iktar baxxa fuq medda ta’ art ikbar u jkunu konnessi permezz ta’ netwerks ta’ toroq u sistemi tat-trasportazzjoni.

2.3.   Dawn il-bidliet ġabu magħhom ħafna benefiċċji iżda kkawżaw ukoll problemi sinifikanti. Tkabbir kontinwu tad-domanda għat-trasport iwassal għal konġestjoni u dewmien. Komunitajiet lokali jitilfu l-koeżjoni tagħhom hekk kif faċilitajiet lokali jitilfu posthom għal faċilitajiet iktar imbiegħda u n-nies ma jibqgħux f’kuntatt mal-ġirien tagħhom. Il-maġġoranza tal-mezzi tat-trasport motorizzati joħolqu l-istorbju u t-tniġġis. Ħafna minnhom anke jipproduċu emissjonijiet tas-CO2, u t-tkabbir kontinwu tad-domanda għat-trasport huwa wieħed mill-kawżi ewlenin tal-bidla fil-klima.

2.4.   Għal ħafna snin il-gvernijiet raw l-espansjoni ta’ opportunitajiet ta’ vvjaġġar bħala xi ħaġa tajba għall-pubbliku. Il-politika pubblika u l-investiment fil-qasam tat-trasport ġew diretti lejn l-espansjoni tan-netwerks tat-trasport u biex isiru iktar aċċessibbli għal kulħadd.

2.5.   Ħafna politiki u programmi pubbliċi oħrajn ukoll ħallew impatt fuq iż-żjieda fid-domanda għal vjaġġi dejjem itwal. Ħafna djar ġodda jinbnew f’żoni ’fejn id-densità tal-popolazzjoni ma tistax tiġi appoġġjata mit-trasport pubbliku, u jassumu li r-residenti ser jistrieħu fuq it-trasport privat biex jivvjaġġaw. L-organizzazzjoni mill-ġdid tal-iskejjel, l-isptarijeit u servizzi pubbliċi oħrajn kellha t-tendenza li toħloq stabbilimenti ikbar iżda iktar imbiegħda wkoll. L-istess fil-każ ta’ dawk li jiżviluppaw il-faċilitajiet kummerċjali li jiffavorixxu postijiet ta’ ċertu kobor barra mill-bliet.

2.6.   Gradwalment il-perċezzjoni qiegħda tinbidel. In-nies qed jibdew jirrikonoxxu l-iżvantaġġi tat-trasport kif ukoll il-vantaġġi tiegħu. Il-politika pubblika qed tadatta wkoll. Il-politika u l-programmi tat-trasport għadhom iridu jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tat-trasport b’mod sodisfaċenti. Iżda fl-istess ħin qed joħroġ fid-dieher dejjem iktar li t-trasport, l-użu tal-art u politiki oħrajn iridu jinkludu miżuri mmirati biex inaqqsu jew jillimitaw id-domanda globali għat-trasport, u li jħeġġu lin-nies jużaw mezzi tat-trasport iktar sostenibbli bħat-trasport pubbliku, il-mixi u ċ-ċikliżmu minflok il-karozza privata.

2.7.   It-theddida li kulma jmur qiegħda tiżdied tal-bidla fil-klima u n-nuqqas ta’ sigurtà tal-provvisti taż-żejt iżidu l-urġenza ta’ dawn id-dilemmi, u jżidu wkoll il-ħtieġa li tittieħed azzjoni b’saħħitha sabiex titnaqqas id-domanda għat-trasport u tiġi llimitata għal mezzi iktar sostenibbli. Dan jista’ jimplika bidliet sostanzjali fit-tendenzi tal-użu tal-art urbana u l-mobilità urbana.

2.8.   Jistgħu jiġu identifikati erba’ objettivi ġodda ta’ politika għat-trasport u l-użu sostenibbli tal-art:

L-inkoraġġiment tan-nies biex jagħżlu żoni residenzjali eqreb tal-postjiet tax-xogħol, tal-edukazzjoni u tad-divertiment tagħhom, jew il-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol u stabbilimenti tal-edukazzjoni eqreb taż-żoni residenzjali, sabiex jitnaqqsu l-konġestjoni, it-tniġġis u l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, u biex il-komunitajiet lokali jerġgħu jsiru vijabbli.

L-inkoraġġiment tan-nies li jistgħu biex jużaw it-trasport pubbliku jew jimxu jew jużaw ir-rota fejn u meta possibbli u biex l-użu tal-karozza jiġi skoraġġut.

L-inkoraġġiment tan-negozji biex jużaw iktar sorsi lokali ta’ forniment u ta’ ħaddiema sabiex jillimitaw l-użu tat-trasport.

It-tqajjim mill-ġdid tal-interess f’aktar destinazzjonijiet lokali għall-vaganzi sabiex titnaqqas jew tiġi llimitata d-domanda dejjem tiżdied għal trasport bl-ajru u d-danni li dan qed jikkawża lill-ambjent.

2.9.   Hemm momentum soċjali u ekonomiku enormi wara ż-żjieda dejjem ikbar fid-domanda għat-trasport, u mhux faċli twaqqfu jew tbiddlu. L-esperjenza turina li l-objettiv jista’ jintlaħaq biss jekk il-politika tkun żviluppata b’mod integrat li jorbot it-trasport, l-użu tal-art u politiki oħrajn biex isaħħu lil xulxin, u li jiġu żviluppati b’mod miftuħ, trasparenti u demokratiku sabiex jiġi żgurat appoġġ politiku u popolari suffiċjenti għalihom fil-livelli kollha tal-gvern. Għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-ħtiġijiet tal-anzjani, il-persuni b’diżabilitajiet u d-djar bi dħul baxx meta jiġu żviluppati strateġiji u politiki ġodda.

3.   Elementi tat-trasport u l-użu tal-art ikkoordinati u politiki tat-trasport sostenibbli

3.1.   Il-politiki dwar l-użu tal-art u oħrajn relatati li jistgħu jinkoraġġixxu trasport urban iktar sostenibbli jinkludu:

il-promozzjoni ta’ densità akbar fi proġetti ta’ żvilupp;

il-promozzjoni ta’ tipi ta’ żvilupp urban kumpatti b’rotot qosra sas-servizzi ewlenin kollha;

il-promozzjoni tal-iżvilupp jew l-espansjoni ta’ bliet iżgħar jew ta’ daqs medju minflok iktar żvilupp tal-bliet ewlenin li diġà huma kbar wisq;

ir-restrizzjoni ta’ iktar espansjoni tal-bliet fiż-żoni ħodor ta’ madwar, u t-twaqqif ta’ żoni ħodor fil-bliet u madwarhom, eċċ.;

l-inkoraġġiment tal-forniment ta’ faċilitajiet lokali iżgħar (ħwienet, skejjel, knejjes, sptarijiet, uffiċċji ċiviċi, eċċ.) b’żoni iżgħar li jkunu moqdija minnhom u l-iskoraġġiment ta’ faċilitajiet ikbar u iktar imbiegħda b’żoni li jinqdew minnhom iktar imferrxin;

l-inkoraġġiment ta’ proġetti ta’ żvilupp b’użu imħallat minflok is-segregazzjoni ta’ funzjonijiet differenti f’żoni li huma aċċessibbli biss bil-karozza jew bit-trasport pubbliku;

l-inkoraġġiment tan-nies biex jgħixu eqreb tal-post tax-xogħol jew ta’ kwalunkwe destinazzjoni regolari tagħhom;

l-inkoraġġiment tax-xogħol mid-dar billi jagħmlu użu sħiħ eżawrenti mill-internet;

il-bdil ta’ faċilitajiet ewlenin (pubbliċi jew privati) minn fejn jinsabu għal żoni li huma aċċessibbli faċilment bit-trasport pubbliku u r-restrizzjoni ta’ spazji għall-parkeġġ għal karozzi f’dawn il-faċilitajiet jew li t-tariffi għall-użu tagħhom ikunu għoljin ħafna;

l-inkoraġġiment tan-negozji biex l-operazzjonijiet tagħhom ikunu f’post konvenjenti għall-ħaddiema, il-fornituri u l-konsumaturi lokali u aċċessibbli bit-trasport pubbliku;

l-inkoraġġiment tan-negozji biex isibu sorsi għall-provvisti tagħhom u għall-forza tax-xogħol tagħhom lokalment u biex iservu lis-swieq lokali, biex jevitaw il-bejgħ mill-bogħod u jtaffu l-konsegwenzi tal-globalizzazzjoni;

l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni b’mod li jkun iġġustifikat teknikament.

3.2.   Il-politiki tat-trasport li jistgħu jħeġġu trasport urban iktar sostenibbli jinkludu:

il-promozzjoni ta’ trasport pubbliku tajjeb, nadif, aċċessibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija;

l-allokazzjoni mill-ġdid ta’ investimenti fit-toroq għal investimenti fit-trasport pubbliku;

il-promozzjoni ta’ rotot u passaġġi ddedikati għat-trasport pubbliku;

ir-restrizzjoni tal-ispazju u l-ħin għal spazji għall-parkeġġ privati fiż-żoni ċentrali tal-bliet;

il-promozzjoni ta’ skemi għal persuni li jimxu, mogħdijiet għalihom u passaġġi għar-roti;

il-promozzjoni ta’ skemi ta’ ġestjoni tal-mobilità;

il-promozzjoni tat-tqajjim tal-koxjenza permezz ta’ tagħrif dwar l-ivvjaġġar;

il-promozzjoni ta’ tariffi għall-użu tat-toroq;

l-iżgurar li t-tassazzjoni tal-vetturi u tal-karburant tkun tinkludi l-esternalitajiet kollha li mezzi bħal dawn jimponu fuq is-soċjetà, inklużi l-emissjonijiet tal-karbonju u kull tniġġis ieħor;

l-inkoraġġiment tal-awtoritajiet pubbliċi biex jistabbilixxu ruħhom f’żoni b’densità għolja ta’ uffiċċji, biex iħeġġu lill-uffiċjali tagħhom jużaw it-trasport pubbliku biex imorru għax-xogħol u biex idaħħlu sistema ta’ ħinijiet tax-xogħol flessibbli.

3.3.   Madankollu, l-esperjenza turina li dawn il-politiki ma jistgħux jiġu introdotti waħda waħda. Huma effettivi u aċċettabbli politikament biss meta jiġu introdotti bħala parti minn strateġija komprensiva, li tintegra l-objettivi fl-użu tal-art u t-trasport, u jinvolvu bosta partijiet tas-settur pubbliku u ħafna entitajiet mis-settur privat.

3.4.   Pereżempju, restrizzjonijiet fuq l-użu tat-trasport privat fil-bliet, bħar-restrizzjoni tal-ispazji għall-parkeġġ, tariffi fuq l-użu tat-toroq jew tariffi fuq l-użu tal-ispazji għall-parkeġġ, huma aċċettabbli u effettivi biss meta alternattivi ta’ trasport pubbliku jkunu attraenti biżżejjed – jiġifieri nodfa, sikuri, frekwenti, affidabbli u mhux bi prezz għoli. Barra minn hekk iridu jitqiesu b’mod speċjali l-ħtiġijiet tal-anzjani, il-persuni b’diżabilitajiet u d-djar bi dħul baxx.

3.5.   B’mod simili, l-inkoraġġiment tal-użu tar-rota jesiġi firxa ta’ miżuri inkluż il-forniment ta’ passaġġi ddedikati għaċ-ċiklisti, il-provvista ta’ spazji għall-parkeġġ adegwati u sikuri kemm f’żoni pubbliċi kif ukoll privati, u l-ħolqien ta’ inċentivi biex min ikun jista’ juża r-rota minflok il-karozza, l-appoġġ ta’ min iħaddem għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mix-xogħol, u l-iżvilupp ta’ kultura li tiffavorixxi ċ-ċikliżmu.

3.6.   B’hekk ukoll, l-inkoraġġiment ta’ ħwienet lokali u faċilitajiet oħrajn jesiġi rekwiżiti xierqa fl-organizzazzjoni taż-żoni, kemm biex jiġu inkoraġġuti faċilitajiet lokali żgħar u biex jiġu skoraġġuti faċilitajiet imdaqqsa barra mill-belt li jkun aċċessibbli biss bil-karozza, politiki fiskali lokali li huma favorevoli, programmi ta’ reġenerazzjoni urbana li jagħmlu l-faċilitajiet lokali żgħar iktar attraenti u ċentri lokali li jservu ta’ katalisti għall-komunità.

3.7.   Mhux faċli li jitwaqqfu u jinbidlu t-tendenzi li ddominaw l-evoluzzjoni tal-bliet u tat-trasport urban tul l-aħħar mitt sena. Ħafna mill-azzjonijiet li ttieħdu s’issa kienu fil-livell lokali u saru b’mod ifframmentat u mingħajr determinazzjoni. Kunflitti bejn korpi u livelli differenti tal-gvern xekklu l-progress. Iridu jingħeblu ħafna interessi kemm pubbliċi kif ukoll privati.

3.8.   It-theddida li kulma jmur qed tikber tal-bidla fil-klima u l-fatt li l-kontribut tat-trasport għall-emissjonijiet globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-Ewropa qed ikompli jiżdied, ifisser li dawn il-problemi għandhom urġenza dejjem iktar immedjata. Ma naffordjawx li nħallu l-inerzja attwali tkompli. Hija meħtieġa transizzjoni iktar mgħaġġla lejn tendenzi fit-trasport urban u fl-użu sostenibbli tal-art.

4.   Azzjoni fil-livell lokali u nazzjonali

4.1.   Ir-rwol ewlieni fil-livell lokali jrid ikun f’idejn l-awtoritajiet lokali tal-ippjanar li jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet tat-trasport lokali u tal-awtostradi u korpi pubbliċi oħrajn. L-awtoritajiet tal-ippjanar iridu jistabbilixxu pjanijiet dwar l-użu tal-art li jiggwidaw il-mod kif jinħolqu ħolqiet bejn l-iżvilupp u t-trasport, b’mod li jippermetti li tendenzi fil-qasam tat-trasport isiru iktar sostenibbli biż-żmien (permezz tal-iżvilupp tas-sistemi ITS). L-awtoritajiet tat-trasport iridu jorbtu dawn il-miżuri tal-ippjanar ma’ miżuri biex jiżguraw li s-sistemi tat-trasport pubbliku jkunu frekwenti, affidabbli u mhux bi prezz għoli sabiex joffru alternattiva aċċettabbli għat-trasport privat. Flimkien iridu joħolqu strateġiji integrati għat-trasport u l-użu sostenibbli tal-art. Il-korpi pubbliċi u l-kuntratturi ewlenin iridu jkunu involuti u għandhom iqisu bis-sħiħ l-impatt fuq it-trasport fl-istrateġiji futuri tagħhom.

4.2.   Naturalment, jeħtieġ iż-żmien biex niżviluppaw mudell ta’ trasport urban u ta’ użu tal-art iktar sostenibbli. L-għan tal-istrateġiji integrati għandu jkun li jiżguraw li kull meta n-netwerks tat-trasport jiġu mmodifikati jew li jsir xi żvilupp fiżiku jew żvilupp mill-ġdid, kull pass suċċessiv jirrappreżenta progress fid-direzzjoni t-tajba. Xi bliet Ewropej diġà għamlu progress f’din id-direzzjoni u introduċew politiki innovattivi sinifikanti biex jippromovu iktar trasport sostenibbli. Iżda ġeneralment il-biċċa l-kbira tal-bliet għadhom lura minħabba n-nuqqas ta’ setgħat u riżorsi finanzjarji u n-nuqqas ta’ rieda politika u ta’ fehim suffiċjenti u appoġġ miċ-ċittadini. Barra minn hekk iħossuhom taħt pressjoni biex jikkompetu u jiġbdu żvilupp ġdid tat-tip li mhuwiex sostenibbli. Huwa meħtieġ approċċ ġdid ta’ kooperazzjoni biex jinħoloq mudell għall-belt tal-futur kumpatta, sostenibbli u iktar poliċentrika. Il-moviment favur din il-bidla fil-bliet jeħtieġ l-appoġġ u l-inkoraġġiment.

4.3.   Il-gvernijiet nazzjonali (u reġjonali) jaqdu rwol ewlieni fl-inkoraġġiment u t-twettiq tal-azzjonijiet ġusti fil-livell lokali. Il-gvernijiet nazzjonali xi kultant ikollhom jirristrutturaw il-korpi u l-istituzzjonjiet lokali jew jistabbilixxu mill-ġdid il-limiti tagħhom sabiex jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ strateġiji li huma tabilħaq integrati. Jista’ jagħti l-każ li jitolbu jew jinkoraġġixxu lill-korpi u t-taqsimiet governattivi lokali differenti involuti biex jaħdmu flimkien bħala msieħba għall-iżvilupp ta’ strateġiji integrati. Jista’ jkun li jkollhom jipprovdu inċentivi, jikkonsolidaw l-għarfien u l-esperjenza u jiżguraw koordinazzjoni ta’ politika fil-livelli kollha.

4.4.   Il-gvernijiet nazzjonali s-soltu huma responsabbli għall-qafas statutorju bażiku għat-tfassil ta’ pjanijiet dwar l-użu tal-art, u għar-regolazzjoni ta’ proġetti ta’ żvilupp ġodda, u jipprovdu l-mezzi li permezz tagħhom l-awtoritajiet lokali jistgħu jirregolaw dawn il-proġetti b’mod li jappoġġjaw strateġija integrata.

4.5.   Il-gvernijiet nazzjonali s-soltu huma responsabbli għat-twaqqif ta’ qafas finanzjarju bażiku għat-tħaddim ta’ impriżi tat-trasport pubbliku, u ta’ sikwit ikollhom bżonn jipprovdu sorsi ta’ fondi għal uħud mill-ikbar investimenti li jkunu meħtieġa. Huma jikkontrollaw ukoll l-oqfsa fiskali u l-forom ta’ tassazzjoni, it-tariffi u s-sussidji li jkollhom impatt kruċjali fuq id-deċiżjonijiet individwali u kollettivi dwar l-użu tal-art, l-iżvilupp u t-trasport.

4.6.   U fuq kollox il-gvernijiet nazzjonali jaqdu rwol ewlieni fit-tqajjim tal-koxjenza fost il-pubbliku dwar il-perikli tat-theddida tal-bidla fil-klima u t-tnaqqis tar-riżorsi, u dwar il-ħtieġa għal azzjoni iktar urġenti u qawwija sabiex jinbidlu x-xejriet fil-qasam tat-trasport u l-ivvjaġġar. Naraw ħtieġa li l-gvernijiet kollha fl-Ewropa jiżviluppaw strateġiji komprensivi jew oqfsa għall-integrazzjoni tal-użu tal-art u t-trasport fil-bliet tagħhom.

5.   Azzjoni fil-livell Ewropew

5.1.   S’issa l-politika u l-azzjoni Ewropea fil-qasam tat-trasport kienu kkonċentrati fuq il-ħolqien u l-espansjoni ta’ netwerks tat-trasport ewlenin li jgħaqqdu l-partijiet differenti tal-Ewropa tal-art. Il-fondi reġjonali u ta’ koeżjoni qdew rwol ewlieni fl-iżvilupp ta’ dawn in-netwerks, partikularment l-espansjoni tan-netwerks ewlenin tat-toroq. B’dan il-mod l-influwenza Ewropea kellha t-tendenza li tħeġġeġ iktar espansjoni u dispersjoni ta’ ħafna mill-bliet Ewropej ewlenin, bir-riżultat li l-evoluzzjoni lejn mudell ta’ trasport urban u ta’ użu iktar sostenibbli tal-art saret iktar diffiċli.

5.2.   Reċentement il-Kummissjoni impenjat ruħha biex tippromovi xejriet iktar sostenibbli ta’ trasport uban. Identifikat ħafna mill-kwistjonijiet ewlenin fil-Green Paper dwar it-Trasport Urban u fir-rapport tekniku dwar pjanijiet għat-trasport urban sostenibbli li ġie miegħu. L-UE pprovdiet fondi ta’ investiment permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni u permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment. L-UE inkoraġġiet l-iskambju tal-aqwa prattika, u offriet appoġġ żgħir fil-forma ta’ għotjiet għal proġetti ta’ riċerka, żvilupp u dimostrazzjoni, pereżempju taħt il-programm CIVITAS. Dawn kienu attivitajiet utli, u jistgħu jitkomplew u jiġu estiżi b’mod utli. Iżda fl-ebda mod ma huma trasformattivi.

5.3.   L-isfidi l-ġodda tal-bidla fil-klima u l-ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni fl-oqsma kollha sabiex jiġu limitati l-emissjonijiet tas-CO2 issa juru li hemm ħtieġa dejjem iktar għal sforz Ewropew kollettiv ġdid. Hija biss inizjattiva Ewropea ewlenija li tista’ tagħti dik is-spinta sabiex jitħaffef il-proċess tat-trasformazzjoni għal trasport u użu tal-art sostenibbli u iktar ikkoordinati għall-ġejjieni.

5.4.   Naturalment l-UE għandha kompetenza limitata f’dan il-qasam, u l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà ifisser li ħafna mir-responsabbiltajiet primarji għall-ippjanar tat-trasport lokali u tal-użu tal-art ser jibqgħu fil-livell lokali u nazzjonali. Madankollu, il-Kumitat jemmen li hemm spazju għal tisħiħ sinifikanti fl-attività Ewropea sabiex titħeġġeġ l-azzjoni fil-livell lokali u nazzjonali, u b’mod partikulari fid-dawl tar-rwol ta’ tmexxija li għandha l-Ewropa fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-promozzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju.

5.5.   Il-Kumitat jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet reċenti tal-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni għall-iżvilupp ta’ rwol Ewropew f’dan il-qasam. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta approċċ li jista’ jinqasam f’ħames fergħat fi Pjan ta’ Azzjoni ġdid:

5.6.   A. L-implimentazzjoni ta’ sforz ewlieni ġdid tar-riċerka dwar l-interazzjonijiet bejn it-trasport urban u l-użu tal-art

Teżisti tradizzjoni twila u rinomata ta’ proġetti tar-riċerka dwar l-interazzjoni bejn it-trasport urban u l-użu tal-art fir-Raba’ u l-Ħames Programmi Qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (RTD) tal-UE (kif inhu ddokumentat, pereżempju fi “Marshall and Banister, eds.: Land Use and Transport: European Research: Towards Integrated Policies. London/Amsterdam: Elseviers, 2007”). Din it-tradizzjoni ta’ riċerka waqfet mas-Sitt u s-Seba’ Programmi Qafas tal-RTD. Il-bidla fil-klima u l-iskarsezza possibbli tal-enerġija fil-futur huma sfidi ġodda għall-ippjanar urban u jesiġu riċerka mmirata lejn il-politika sabiex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ikollhom informazzjoni affidabbli dwar l-impatti li aktarx iġibu magħhom strateġiji integrati potenzjali, sabiex ikunu jistgħu jiffaċċjaw l-ispejjeż li qed jiżdiedu tal-enerġija u sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-UE fir-rigward tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu riveduti u aġġornati r-riżultati ta’ studji li saru fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet li possibbilment ser ikunu differenti ħafna. Dawn il-kwistjonijiet ta’ politika li ġejjin jesiġu investigazzjoni urġenti:

L-adattament għall-bidla fil-klima: Liema kombinazzjonijiet ta’ politiki dwar it-trasport u l-użu tal-art huma neċessarji u fattibbli sabiex jitnaqqsu r-riskji previsti tal-bidla fil-klima, pereżempju għargħar, valangi, żieda kbira fil-maltempati, mewġiet ta’ sħana, eċċ.?

It-tnaqqis tal-effetti tal-bidla fil-klima: Liema huma l-kombinazzjonijiet ta’ politiki dwar it-trasport u l-użu tal-art li l-iktar huma mistennija li jagħtu l-kontribut mixtieq tas-settur tat-trasport lejn l-objettivi tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE u tal-Istati Membri għall-2020 u l-2050 b’impatti negattivi minimi f’termini ta’ spejjeż għall-ekonomija u piżijiet fuq l-ugwaljanza soċjali u l-kwalità tal-ħajja?

L-aċċess għal servizzi bażiċi u l-ħajja soċjali: Liema kombinazzjonijiet ta’ politiki dwar it-trasport u l-użu tal-art huma l-aqwa biex jintlaħqu l-istandards minimi ta’ aċċess permezz tat-trasport pubbliku għal servizzi bażiċi (saħħa, ħwienet, edukazzjoni) u għall-ħajja soċjali (inkluż b’mod partikulari l-ħtiġijiet tal-anzjani, il-persuni b’diżabilitajiet u d-djar bi dħul baxx) fid-dawl tat-tixjiħ u t-tnaqqis tal-popolazzjoni u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija?

5.7.   B. L-iżvilupp ta’ grupp ta’ indikaturi fejn hemm ftehim komuni li juru kemm sar progress f’żona urbana partikulari fid-direzzjoni tat-trasport sostenibbli.

Dawn l-indikaturi jistgħu pereżempju jinkludu l-proporzjon ta’ vjaġġi li jsiru b’mezzi sostenibbli (bil-mixi, bir-rota jew bit-trasport pubbliku) minflok bit-trasport privat. Jistgħu jinkludu wkoll data dwar id-daqs taż-żoni li jinqdew mill-faċilitajiet kollha (skejjel, sptarijiet, uffiċċji pubbliċi, ċentri tal-ħwienet) u kif biż-żmien dawn jistgħu jitnaqqsu billi jiġu inkoraġġuti faċilitajiet iżgħar u iktar lokali, bl-appoġġ ta’ taqsimiet deċentralizzati tas-servizzi pubbliċi, li jnaqqsu t-tul tal-vjaġġi biex tasal għalihom.

5.8.   C. It-tnedija ta’ reviżjoni madwar l-Ewropa kollha tal-prattika attwali fil-qasam tat-trasport urban u l-użu tal-art.

L-objettiv ewlieni għandhu jkun li jiġu identifikati s-sistemi istituzzjonali, leġiżlattivi u finanzjarji li huma l-iktar ta’ għajnuna għat-transizzjoni għal trasport u użu tal-art sostenibbli. Ir-reviżjoni tista’ tkopri b’mod partikulari wħud mill-ideat l-iktar ġodda u kontroversjali, bħal:

sistemi għall-ipprezzar tat-toroq u għal tariffi għal spazji għall-parkeġġ jew ir-restrizzjoni tagħhom fiċ-ċentri urbani

sistemi għall-iffinanzjar tal-iżvilupp ta’ sistemi tat-trasport pubbliku sodisfaċenti u s-sostenn tal-operazzjonijiet tiegħu

sistemi li jesiġu li żviluppaturi ta’ faċilitajiet ewlenin ta’ aċċess pubbliku jipprovdu infrastruttura adegwata għas-sistemi tat-trasport pubbliku u jirrestrinġu l-forniment ta’ spazji għall-parkeġġ għal vetturi privati

sistemi li jesiġu li żviluppaturi pubbliċi u privati jqisu l-impatti fuq it-trasport meta jippreparaw il-pjanijiet tagħhom għall-futur, u anke forsi fil-każ tat-tassazzjoni ta’ żviluppaturi u operaturi ta’ faċilitajiet kbar għall-impatti addizzjonali fir-rigward l-ivvjaġġar u l-karbonju li d-deċiżjonijiet tagħhom jimponu fuq il-komunitajiet tagħhom.

5.9.   D. L-iżvilupp ta’ qafas Ewropew għal trasport urban u użu tal-art sostenibbli.

Dan il-qafas jista’ jinkludi:

Linji gwida għall-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri għall-promozzjoni ta’ trasport urban u użu tal-art sostenibbli. Kull strateġija nazzjonali għandha tati mandat lill-awtoritajiet lokali tal-ippjanar, tat-trasport u tal-awtostradi (u korpi pubbliċi oħrajn rilevanti) sabiex jaħdmu flimkien biex ifasslu pjanijiet lokali tal-użu tal-art u t-trasport sostenibbli għal kull belt u żona urbana ewlenija.

Linji gwida dwar prattika tajba u t-tfassil ta’ punti ta’ riferiment fl-iżvilupp ta’ strateġiji lokali, inklużi arranġamenti għal konsultrazzjoni sistematika u estensiva mal-pubbliku u mal-partijiet interessati kollha involuti sabiex titqajjem koxjenza pubblika qawwija dwar il-bidliet meħtieġ u jintlaħaq kunsens kemm jista’ jkun b’saħħtu dwar kif għandna nimxu ’l quddiem.

Indikaturi għall-kejl tal-progress lejn is-sostenibbiltà, u għall-evalwazzjoni tal-kontribut li qed isir minn bliet u reġjuni differenti lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju permezz ta’ pjanijiet iktar sostenibbli.

Dispożizzjonijiet sabiex jingħata appoġġ finanzjarju fil-livell Ewropew jew nazzjonali għall-investimenti meħtieġa sabiex biż-żmien jiġu implimentati l-istrateġiji. Il-programm CIVITAS appoġġja bosta inizjattivi eċċellenti u fil-fehma tal-Kumitat jeħtieġ li dan il-programm jikber.

5.10.   E. Ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni u l-programmi ta’ nfiq Ewropej oħra li jaffettwaw it-trasport u l-użu tal-art.

Ħafna mill-infiq Ewropew fil-qasam tat-trasport kien dirett lejn l-espansjoni tal-infrastruttura tat-toroq, tal-ferroviji u tal-ajru fl-interessi tat-tkabbir ekonomiku b’evalwazzjoni limitata tal-impatt fuq l-emissjonijiet tal-karbonju u s-sostenibbiltà. Issa jkun xieraq li nevalwaw mill-ġdid il-bilanċ ta’ dawn il-programmi, sabiex nintroduċu evalwazzjoni sistematika tal-impatt tal-karbonju ta’ dawn l-investimenti, u biex norjentaw mill-ġdid il-programmi sabiex jappoġġjaw iktar it-trasport pubbliku, in-netwerks ferrovjarji u t-trasport urban sostenibbli u jikkonċentraw inqas fuq il-promozzjoni ta’ aktar espansjoni tat-traffiku fuq distanzi kbar li joħolqu ħafna emissjonijiet tal-karbonju.

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-ħġieġ u taċ-ċeramika, b’referenza partikolari għall-pakkett tal-klima u l-enerġija tal-UE

(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ċeka)

(2009/C 317/02)

Rapporteur: is-Sur ZBOŘIL

Korapporteur: is-Sur CHRUSZCZOW

F’ittra tal-10 ta’ Diċembru 2008, skont l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Marek Mora, Deputat Viċi Prim Ministru għall-Affarijiet Ewropej, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex f’isem il-Presidenza Ċeka futura, ifassal opinjoni esploratorja dwar

il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-ħġieġ u taċ-ċeramika, b’referenza partikolari għall-pakkett tal-klima u l-enerġija tal-UE.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Ġunju 2009 Ir-rapporteur kien is-Sur Zbořil u l-korapporteur kien is-Sur Chruszczow.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’unanimità.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   L-industrija tal-ħġieġ u taċ-ċeramika tal-UE hija parti integrali mill-istruttura ekonomika tal-Komunità, u jista’ jkun li hija waħda mill-eqdem industriji taż-żona, bi storja li tmur lura xi 4 000 sena. Bħalissa qed tħabbat wiċċha ma’ għadd ta’ sfidi għall-kompetittività tagħha, ħafna minnhom ikkawżati mill-globalizzazzjoni, miż-żieda fir-regolamenti ambjentali u l-ispejjeż dejjem jiżdiedu tal-enerġija.

1.2.   Dawn is-setturi t-tnejn jużaw ħafna enerġija. Kemm il-materja prima indiġena kif ukoll il-prodotti tagħha jinbiegħu primarjament fl-UE (madankollu, is-sotto-setturi tal-kontenituri tal-ħġieġ u tal-oġġetti għall-mejda għandhom suq ta’ esportazzjoni kbir, bl-oġġetti għall-mejda esportati globalment u l-ippakkjar tal-ħġieġ użat għal parti kbira mill-esporti ta’ livell għoli) Bejniethom, ħolqu direttament kważi nofs miljun impjieg u indirettament ħolqu ħafna aktar, kemm fis-settur li jipprovdi l-materja prima u kemm f’dawk is-setturi (speċjalment dak tal-kostruzzjoni) li jużaw dawn il-prodotti.

1.3.   Il-prodotti huma assolutament vitali f’dan l-istadju tal-iżvilupp Komunitarju u ma hemmx ħafna materjali kompetittivi ta’ sostituzzjoni disponibbli faċilment. Iż-żewġ setturi huma esposti għall-kompetizzjoni mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li gawdew mill-ambjent tan-negozju aktar iebes fl-UE.

1.4.   F’termini ta’ enerġija rinnovabbli u l-iffrankar tal-enerġija, il-prodotti tal-ħġieġ, jekk jiġu riċiklati sewwa, jisbqu l-enerġija użata u l-emissjonijiet tas-CO2 waqt il-produzzjoni. Għalhekk l-użu ta’ dawn il-prodotti huwa essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali Ewropej għad-djar, it-trasport u l-enerġija rinnovabbli tul perijodu ta’ servizz li jista’ jkun ta’ għoxrin sena jew iktar. Ir-rimi aħħari, wara riċiklaġġ ripetut, qatt ma jkollu emissjonijiet.

1.5.   Il-KESE jemmen li huwa importanti li jiġu indirizzati l-aspetti ewlenin li jolqtu l-kompetittività tas-setturi tal-ħġieġ u taċ-ċeramika u li l-ambjent tan-negozju fl-UE jkun wieħed li joffri aktar appoġġ, kif ġie rakkomandat miż-żewġ evalwazzjonijiet tas-settur (1). Għandhom jitqiesu l-ispeċifiċitajiet taż-żewġ setturi: l-applikazzjonijiet u l-użu differenti u l-firxa wiesgħa ta’ prodotti; il-benefiċċji ambjentali; il-livelli tal-intensità tal-enerġija; il-livell ta’ konċentrazzjoni fis-setturi, flimkien mad-dimensjoni reġjonali tagħhom; is-sehem tal-SMEs fiż-żewġ setturi.

1.6.   Xogħol iddedikat u ta’ esperjenza li ġej minn tradizzjoni twila ta’ industriji u snajja’ u minn edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità tajba, kif ukoll mill-wirt kulturali u soċjetali fiż-żoni u l-komunitajiet rispettivi, huwa l-aktar element prezzjuż tal-industrija tal-ħġieġ u taċ-ċeramika li ma jistax jiġi sostitwit. Il-politiki kollha għandhom iqisu dan il-fatt bażiku. B’xorti ħażina, ħafna drabi l-impatt li ċerti politiki jista’ jħallu fuq dan l-aspett kulturali u storiku prezzjuz spiss jiġi sottovalutat, jekk mhux minsi.

1.7.   Irrispettivament mill-kriżi ekonomika attwali, jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin marbuta mal-ħarsien u t-titjib tal-kompetittività taż-żewġ setturi billi huma sistematiċi, u mhux marbutin mal-kriżi.

1.8.   L-ewwel nett, is-setturi għandhom jiġu appoġġjati fl-inizjattivi tagħhom għall-innovazzjoni għax dan jgħin lill-industrija tal-ħġieġ u taċ-ċeramika tal-UE ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq, ittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tagħha u, naturalment, taqdi rwol akbar fil-ħidma biex jittaffew l-effetti tal-bidla fil-klima fis-soċjetà kollha.

1.9.   Għalhekk, għall-prestazzjoni ambjentali tas-setturi u l-kontribut li mistennija jagħtu biex inaqqsu l-bidla fil-klima, l-inklużjoni tagħhom fl-iskema tal-UE għall-iskambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet (ETS) għandha fl-aħħar mill-aħħar tiġi stabbilita b’mod ġust, fejn titqies l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja tas-setturi fit-totalità tagħhom, li l-benefiċċji tagħhom huma ħafna akbar mill-piżijiet ambjentali relatati. Fil-qosor, l-industriji tal-ipproċessar kollha għandhom jiġu eżentati mill-irkanti tal-indennizzi għall-perjodu sħiħ ta’ negozjar sal-2020, u b’dan ikun hemm ħafna inqas inċertezzi u xkiel għall-investiment. Dan jista’ jtejjeb b’mod sinifikanti l-qagħdiet kompetittivi tas-setturi.

1.10.   L-impatt tal-pakkett tal-klima u l-enerġija tal-UE fuq il-prezzijiet tal-enerġija fl-industrija tal-ħġieġ u taċ-ċeramika –li jolqot ukoll il-ktajjen ta’ fuq tal-provvista (upstream supply chains) – għandu jittaffa kemm jista’ jkun mis-swieq tal-enerġija li jaħdmu tajjeb. Dwar dan, huwa vitali li tiġi mħeġġa l-kompetizzjoni fis-swieq tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ grid tal-Elettriku pan-Ewropew li jwassal għas-sigurtà dejjiema tal-provvista tal-enerġija.

1.11.   Il-ħidma bil-għan li jiżdied il-proporzjon ta’ rkupru u l-użu sussegwenti tal-ħġieġ irkuprat (li jirriżulta f’titjib tal-prestazzjoni ambjentali minħabba titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u t-tnaqqis fl-emissjoni tad-dijossidu tal-karbonju) għandhom jiġu appoġġjati b’mod estensiv.

1.12.   Jeħtieġ li jiġu infurzati l-miżuri regolatorji eżistenti, u jekk ikun meħtieġ, jittieħdu miżuri regolatorji ġodda li jiffokaw fuq l-eliminazzjoni ta’ prattiki kummerċjali inġusti, bħall-iffalsifikar ta’ disinni u ditti magħrufa. Il-“pajjiż tal-oriġini” wkoll jista’ jkun parti mis-soluzzjoni. Il-KESE jilqa’ wkoll l-attivitajiet tal-għaqdiet tal-konsumaturi u jemmen li huma alleat naturali tal-produzzjoni b’valur miżjud għoli. L-appoġġ tal-għaqdiet tal-konsumaturi fl-UE, iżda wkoll f’pajjiżi barra mill-UE, huwa tal-aktar benefiċċju mhux biss għall-konsumaturi, iżda wkoll għall-kumpaniji li jipproduċu prodotti ta’ kwalità għolja.

1.13.   Aktar appoġġ politiku u azzjoni konġunta tal-UE jistgħu jkunu ta’ għajnuna f’termini ta’:

it-tneħħija ta’ xkiel għall-importazzjoni fi swieq barra mill-UE;

it-titjib fl-aċċess għal informazzjoni xierqa dwar is-suq għall-SMEs;

l-aċċess iffaċilitat għall-eżerċizzju tal-akkwist pubbliku fi swieq emerġenti;

it-tneħħija ta’ xkiel għan-negozju ta’ materja prima miċ-Ċina;

il-promozzjoni ta’ riċiklaġġ skont proċess ta’ cirku magħluq (closed loop recycling) tal-ħġieġ użat għall-ippakkjar fl-UE.

1.14.   Il-prestazzjoni ambjentali eċċellenti ta’ ħafna prodotti tal-ħġieġ u taċ-ċeramika (materjali tal-insulazzjoni, twieqi bi ħġieġ doppju, eċċ.) għandha tiġi promossa bħala valur ta’ referenza tal-iffrankar tal-enerġija fl-industrija tal-kostruzzjoni fl-UE. Barra minn hekk, din it-teknoloġija għandha tiġi inkluża f’kull trasferiment previst tat-teknoloġija għal dawk il-pajjiżi li huma barra mill-UE b’potenzjal kbir għall-iffrankar tal-enerġija. Pereżempju, jeżisti potenzjal kbir fil-pajjiżi post-Sovjetiċi fid-dawl tal-bidliet li ser isiru fil-politika tal-enerġija. Proġetti konġunti (bħal pereżempju s-CDM) jistgħu jgħinu wkoll il-produtturi tal-UE biex ipattu għall-emissjonijiet tas-CO2 tagħhom stess.

1.15.   L-inċentivi tal-gvernijiet tal-Istati Membri fl-industrija tal-kostruzzjoni bil-għan li jkun hemm prestazzjoni aħjar tal-enerġija fil-bini huma l-aħjar strument biex tiġi appoġjata l-industrija tal-ħġieġ u jingħata kontribut għall-politika tal-bidla fil-klima.

1.16.   Il-KESE jirrakkomanda li l-awtoritajiet tal-UE iqajmu mill-ġdid il-kunċett ta’ Regolamentazzjoni aħjar li ntesa mingħajr ebda progress konkret (tant meħtieġ) Barra minn hekk, kull att regolatorju ġdid għandu jitqies b’ħafna aktar attenzjoni, jiġi diskuss mal-partijiet interessati u jgħaddi minn valutazzjoni tal-impatt ħafna aktar xierfa bbażata fuq statistika realistika u mhux fuq asunzjonijiet mingħajr bażi. L-ambjent tan-negozju għandu jitwessa’; kull restrizzjoni oħra tmur kontra l-prinċipji tas-sostenibbiltà.

2.   Daħla: kunsiderazzjonijiet ta’ kompetittività

2.1.   Din l-Opinjoni, mitluba mill-presidenza Ċeka, teżamina l-kompetittività tas-setturi tal-ħġieġ u taċ-ċeramika bħala eżempji ewlenin ta’ industriji li jużaw ħafna enerġija. Barra minn hekk, din l-analiżi, filwaqt li tikkonċentra fuq l-impatt tal-pakkett tal-UE dwar il-klima u l-enerġija, tfittex ukoll li tqis fatturi oħra li jaffettwaw il-kompetittività tal-industriji li jużaw ħafna enerġija b’mod ġenerali, u dawk tal-ħġieġ u taċ-ċeramika b’mod partikolari.

2.2.   Abbażi ta’ dan, il-KESE jindirizza numru ta’ rakkomandazzjonijiet lil dawk li jfasslu l-politika dwar kif għandha titmexxa l-industrija tal-ħġieġ u taċ-ċeramika biex tħares il-pożizzjoni kompetittiva tagħha u biex tagħti l-benefiċċji kollha li għandha x’toffri fi ħdan il-qafas tal-politika tal-UE dwar il-bidla fil-klima (ara t-taqsima ta’ qabel).

2.3.   Iċ-ċeramika u l-ħġieġ huma materjali bażiċi bħalma huma pereżempju l-azzar, l-aluminju u metalli oħra mhux tal-ħadid, is-sustanzi kimiċi, is-siment, il-ġir u l-metall grezz u l-karta, li l-produzzjoni u t-trasformazzjoni tagħhom jużaw ħafna enerġija u jikkostitwixxu bażi indispensabbli għall-ktajjen ta’ valur industrijali (2).

2.4.   L-istimoli tal-kompetittività tal-industriji li jużaw ħafna enerġija jistgħu jiġu elenkati kif ġej:

2.4.1.   Xogħol b’esperjenza u dedikazzjoni li jirriżulta minn tradizzjoni twila ta’ industriji u snajja’ u minn edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità tajba, kif ukoll mill-wirt kulturali u soċjetali fiż-żoni u l-komunitajiet rispettivi. Ħafna drabi huwa diffiċli ħafna li dawn il-valuri jiġu trasferiti xi mkien ieħor.

2.4.2.   Innovazzjoni teknoloġika u innovazzjoni tal-prodott sostenibbli. Dawn huma vitali biex jinkiseb konsum effiċjenti tas-sustanza u l-enerġija, kwalità, kredibilità, effiċjenza ekonomika, durabilità, effetti ambjentali, u oħrajn.

2.4.3.   Disponibilità ta’ materja prima bażika, preferibbilment fl-UE. Madankollu, il-materjali importati minn żoni politikament siguri bi spiża raġonevoli għat-trasport tagħhom huma ferm mixtieqa wkoll.

2.4.4.   Disponibilità tal-enerġija, inklużi s-sorsi tal-enerġija primarji. Din id-disponibilità ma tistax tiġi evalwata biss abbażi ta’ netwerk tal-enerġija u pprezzar tal-enerġija li jiffunzjonaw: is-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija taqdi rwol kruċjali wkoll. L-effett li jħalli l-użu tal-enerġija għandu jiġi analizzat fuq il-katina tal-valur kollha kemm hi.

2.4.5.   Ġestjoni kompetittiva tal-operazzjonijiet u ffinanzjar għaqli tal-investimenti. Minn naħa, il-materja prima u l-provvista sigura tal-enerġija huma l-aktar elementi li jiswew flus fl-industriji li jużaw ħafna enerġija u huma responsabbli għal perċentwal pjuttost għoli tal-ispejjeż totali. Min-naħa l-oħra, dawn l-industriji normalment joperaw b’marġini baxxi ħafna u għandhom investimenti kapitali kbar. Dan kollu jitlob ġestjoni tal-operazzjonijiet estremament kompetittiva u ffinanzjar għaqli tal-investimenti.

Sostenibilità ambjentali u qafas regolatorju marbut mal-enerġija u l-bidla fil-klima. Fl-UE, dawn huma stretti ħafna għal dawn it-tipi ta’ industriji li jużaw ħafna enerġija, għalkemm il-prestazzjoni ambjentali tal-industriji li jużaw ħafna enerġija tjiebet ħafna matul dawn l-aħħar għoxrin sena u huwa mistenni aktar titjib gradwali bħala riżultat tal-implimentazzjoni tad-Direttiva IPPC.

2.4.6.1.   Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-pakkett tal-UE dwar il-klima u l-enerġija  (3), adottat reċentement, li jista’ jaffettwa sew il-kompetittività tal-industriji li jużaw ħafna enerġija, kif ġie rikonoxxut b’mod ġenerali mill-KESE, il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew fid-dokumenti relevanti tagħhom.

2.4.6.2.   Dan l-aħħar ġew ippreżentati bosta studji dwar l-impatt kemm mill-awtoritajiet u kemm mill-industriji interessati qabel mal-Pakkett ġie adottat kif ukoll wara. Dawn juru biċ-ċar li l-industriji li jużaw ħafna enerġija huma sensittivi għat-telf tal-karbonju u li l-implimentazzjoni tal-Pakkett għandha titfassal bir-reqqa sabiex jitqiesu l-kriżi ekonomika u r-riżultat tan-negozjati tal-COP15 li għandhom isiru f’Kopenħagen f’Diċembru 2009.

2.4.6.3.   L-industriji tal-materji bażiċi, fosthom is-setturi tal-ħġieġ u taċ-ċeramika, jużaw l-iktar karburanti fossili u jintlaqtu mill-ispejjeż tal-bosta sorsi tal-enerġija b’modi differenti. Minbarra l-karburanti fossili, għandhom ukoll konsum pjuttost għoli ta’ elettriku.

2.4.6.4.   S’issa, l-espożizzjoni għall-impatt tal-ispiża tal-miżuri tal-politika tal-klima hija unilaterali – limitata għall-pajjiżi u l-operazzjonijiet tal-UE, filwaqt li l-pajjiżi mhux fl-UE ma jużawx strumenti simili għall-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (ETS) fuq bażi obbligatorja. Anke fi ħdan il-Komunità, il-piż huwa limitat għall-faċilitajiet li jiġġeneraw l-enerġija u għall-industriji li jużaw ħafna enerġija biss.

2.4.6.5.   Fil-fatt, l-industriji Ewropej li jużaw ħafna enerġija wrew l-attitudni pożittiva tagħhom lejn il-politika tal-bidla fil-klima u rrappurtaw tnaqqis kbir tal-emissjonijiet tal-gass b’effett serra ta’ 6 % meta mqabbel mal-emissjonijiet tal-1990, minkejja li l-volumi tal-produzzjoni żdiedu. Dan juri li tkissret tassew ir-rabta bejn l-emissjonijiet u t-tkabbir ekonomiku. Min-naħa l-oħra, dan ma kienx eżerċizzju rħis u l-limiti fiżiċi tat-teknoloġiji individwali f’dawn is-setturi għandhom jitqiesu sew meta jiġu stabbiliti aktar miri u mekkaniżmi għat-tnaqqis.

2.4.6.6.   Filwaqt li s-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jista’ jittrasferixxi l-ispejjeż tal-miżuri tal-bidla fil-klima direttament fil-politika tal-ipprezzar tal-enerġija, l-industriji li jużaw ħafna enerġija ma għandhomx din l-għażla: minħabba kompetizzjoni internazzjonali ħarxa minn pajjiżi li huma barra mill-UE, dawn is-setturi la jistgħu jgawdu mit-trasferiment tal-ispejjeż u lanqas minn profitt kbir f’daqqa.

2.4.6.7.   Għalhekk, l-industriji li jużaw ħafna enerġija huma esposti għal impatt doppju tal-Iskema ETS tal-UE: l-ewwel nett, iridu jħabbtu wiċċhom indirettament mal-prezzijiet tal-elettriku li dejjem qegħdin jogħlew; it-tieni, iridu jġorru l-ispejjeż diretti tal-Iskema ETS tal-UE. Jista’ jkun li d-deċiżjonijiet li adottaw dan l-aħħar il-Kunsill u l-Parlament Ewropew itaffu parzjalment il-piż mistenni tal-ispiża relatata mal-irkant tal-kwoti – għalkemm, xorta waħda, dan ifisser li l-piż tal-irkant jgħaddi fil-biċċa l-kbira tiegħu għall-perjodu ta’ wara l-2020.

2.4.6.8.   L-industriji li jużaw ħafna enerġija għaddew minn bidla teknoloġika kbira biex jibqgħu kompetittivi tul dawn l-aħħar għoxrin sena u, bħala riżultat, it-tnaqqis assolut ta’ 6 % imsemmi hawn fuq inkiseb fi żmien fejn kien hemm saħansitra żieda fl-emissjonijiet mis-settur tal-enerġija. Għalhekk, l-iffissar tal-istess sena bażi (2005) u l-istess miri tat-tnaqqis għall-industriji tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u dawk li jużaw ħafna enerġija jkompli jkabbar is-sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ta’ dawn tal-aħħar. Dan ifisser li kisbu, f’operazzjonijiet reali, tnaqqis assolut ta’ 50 % sas-sena 2005 fuq il-bażi ta’ Kyoto tal-1990 u l-iskema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet iġġiegħlhom jiksbu tnaqqis ieħor ta’ 21 % meta mqabbel mal-emissjonijiet irrappurtati fl-2005. Taħt pressjoni bħal din, dawk li taw prestazzjoni tajba ser jiġu ppenalizzati u sfurżati jnaqqsu t-tkabbir ekonomiku tagħhom jew saħansitra l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom – u fl-aħħar mill-aħħar jiċċaqilqu ’l barra miż-żona ekonomika tal-UE.

2.4.6.9.   Ma hemm l-ebda dubju li din it-tip ta’ espożizzjoni unilaterali tista’ twassal għal delokalizzazzjoni u għalhekk anke għall-possibilità tat-telf tal-karbonju. La t-tnaqqis attwali fl-attivitajiet ekonomiċi u l-akkumulazzjoni potenzjali tal-kwoti mfaddla mill-perjodu attwali tal-kummerċ, u lanqas il-posponiment tal-irkant tal-kwoti għall-futur ma jistgħu jbiddlu l-vulnerabilità tal-industrija jekk fl-2009 ma jintlaħaqx ftehim xieraq għal wara dak ta’ Kyoto fil-livell internazzjonali.

3.   L-industrija tal-ħġieġ u taċ-ċeramika tal-UE – stimoli ewlenin tal-kompetittività

3.1.   Is-settur tal-ħġieġ  (4) huwa magħmul b’mod wiesa’ mill-manifattura tal-ħġieġ ċatt, ħġieġ tar-reċipjenti, oġġetti tal-mejda (ħġieġ domestiku), fibre glass u oġġetti speċjali. Fl-2007, is-settur tal-ħġieġ tal-UE pproduċa madwar 37 miljun tunnellata (mt) ta’ diversi tipi ta’ ħġieġ għal valur ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 39 biljun u li jammonta għal 32 % tal-produzzjoni dinjija. Mill-2000 ’il quddiem, it-tkabbir fil-produzzjoni ma żdiedx wisq. F’termini ta’ volum, il-ħġieġ għar-reċipjenti ammonta għal 58 % tal-produzzjoni fl-2007, filwaqt li l-ħġieġ ċatt ammonta għal 27 %. L-oġġetti tal-mejda ammontaw għal 4 %, filwaqt li l-fibri ta’ insulazzjoni u ta’ raffurzar ammontaw għal 6 % u 2 % rispettivament, waqt li l-ħġieġ għal prodotti speċjali ammonta għal 3 % tat-tunnellaġġ tas-settur tal-ħġieġ.

3.2.   F’termini ta’ lokalizzazzjoni, ħafna għadu fl-UE15 – b’mod partikolari, fil-Ġermanja, Franza, l-Italja, Spanja u r-Renju Unit, li flimkien laħqu 68 % fl-2007. L-Istati Membri ġodda tal-UE laħqu 15 %, waqt li l-bqija tal-UE15 ammontaw għal 17 %. Il-Ġermanja hija l-akbar produttur b’mod ġenerali, waqt li l-produzzjoni fl-UE12 hija kkonċentrata fil-Polonja u r-Repubblika Ċeka. Is-settur tal-ħġieġ fil-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja jirrappreżenta parti mill-wirt nazzjonali ta’ dawn il-pajjiżi minħabba l-istorja twila tiegħu f’dawn iż-żoni. Il-ħġieġ għad-dekorazzjoni u l-ħġieġ tal-kristall ta’ kwalità għolja huma wkoll meqjusa bħala prodotti tradizzjonali tal-arti.

3.3.   L-impjiegi fis-settur tal-ħġieġ tal-UE mill-2000 ’l hawn jidher li qed jonqsu, l-aktar minħabba taħlita ta’ rekwiżiti għall-produttività, iż-żieda fl-awtomazzjoni, il-konsolidazzjoni tas-settur u l-kompetizzjoni bi prezz baxx. Fl-2007, is-settur tal-ħġieġ fl-UE impjega 234 000 persuna. L-UE12 laħaq kważi 40 % tal-impjiegi fl-2007, li jindika d-differenzi li jeżistu bejn l-UE12 u l-UE15 fl-intensità tal-kapital u x-xogħol. Ħafna mix-xogħlijiet fl-UE12 jinsabu fil-Polonja u r-Repubblika Ċeka, li flimkien ilaħħqu madwar 71 % tal-impjiegi fl-UE12. Il-produttività għal kull impjieg kienet ta’ 160,5 tunnellati fl-2007.

3.4.   Il-produzzjoni fis-settur tal-ħġieġ hija relattivament ikkonċentrata fil-każ tas-setturi sekondarji ewlenin (ħġieġ ċatt u ħġieġ għar-reċipjenti), waqt li l-konċentrazzjoni f’setturi sekondarji oħra (domestiku, kristall) mhijiex kbira ħafna. Għaldaqstant, dawn is-setturi sekondarji huma esposti għal riskji akbar (tas-suq, tal-iffinanzjar, eċċ.), peress li manifatturi iżgħar ibatu minn nuqqas ta’ riżorsi l-iktar fl-ambjent tan-negozju attwali li huwa aktar aħrax.

3.5.   B’mod ġenerali, ħafna mill-produzzjoni tas-settur tinbiegħ fil-Komunità; iċ-ċifra kienet ta’ 90,7 % fl-2007 (tunnellaġġ). 3 496 miljun tunnellata, ġew esportati, li jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 9,3 % tat-total tal-produzzjoni. L-oġġetti domestiċi u tal-kristall (25,4 %) u l-prodotti speċjali (38,6 %) ammontaw għall-biċċa l-kbira tat-tunnellaġġ esportat. L-esportazzjoni kibret b’5.3 % fl-2007. B’kuntrast ma’ dan, l-importazzjoni rreġistrat kobor annwali ta’ 35,8 % fl-istess perjodu, li jaqbeż it-tunnellaġġ esportat (3,601 miljun tunnellata fl-2007). Il-prezz medju tal-ħġieġ esportat kien EUR 1780.1/tunnellata li huwa konsiderevolment ogħla mill-figura ta’ EUR 1159.5/tunnellata għall-ħġieġ importat. L-akbar importaturi bħala volum huma ċ-Ċina u t-Tajwan. Volumi dejjem akbar qed jiġu wkoll importati mill-Indja, it-Turkija u l-Ġappun. L-importazzjonijiet tal-ħġieġ ċatt Ċiniż żdied b’għaxar darbiet mill-2004.

3.6.   Is-settur tal-ħġieġ tal-UE qed jiffaċċja perjodu ta’ sfida bejn l-2007–2009 minħabba t-tnaqqis fl-attività ekonomika minħabba nuqqas ta’ kreditu u tnaqqis fid-domanda. Is-settur tal-kostruzzjoni jidher partikolarment vulnerabbli minħabba li l-kunfidenza u l-infiq tal-famlija ddgħajfu u kien hemm trażżin fid-domanda għal investimenti. Żvilupp bħal dan, naturalment, għandu impatt kbir fuq l-industrija tal-ħġieġ: madwar 90 % tal-prodotti tal-ħġieġ huma maħsuba għal setturi industrijali li jimmanifatturaw oġġetti għall-konsumaturi (l-industriji tal-karozzi u vetturi oħra, l-industrija tal-inġinerija elettrika, l-industrija tal-prodotti kimiċi, l-industrija tal-ikel, eċċ.) u s-settur tal-kostruzzjoni. Is-settur tal-ħġieġ huwa dipendenti ħafna fuq l-istabilità u l-iżvilupp tas-setturi msemmija hawn fuq.

3.7.   Dawn il-kundizzjonijiet ta’ sfida ser jiżdiedu bl-espansjoni tal-kapaċità fil-pajjiżi ġirien tal-UE. Fil-perjodu tal-2004–2009, ser tiżdied madwar 7,3 miljun tunnellata tal-kapaċità ta’ produzzjoni f’diversi pajjiżi, inklużi r-Russja, l-Ukraina, il-Belarus, il-Qatar, il-UAE u l-Eġittu. Ħafna min din iż-żieda ser tkun fil-ħġieġ ċatt u l-ħġieġ tar-reċipjenti. B’espansjoni bħal din, il-kummerċ jidher li ser ikompli jikber u dan jenfasizza l-ħtieġa li dawk li jfasslu l-politika jiżguraw li l-produtturi tal-ħġieġ fl-UE joperaw bl-istess termini.

3.8.   Is-settur tal-ħġieġ fl-UE qed jiffaċċja numru ta’ sfidi tal-kompetittività, bosta minnhom ikkawżati mill-globalizzazzjoni, żieda fir-regolamenti ambjentali u spejjeż tal-enerġija li qed jiżdiedu. Iż-żieda gradwali fin-numru ta’ prodotti tal-ħġieġ relattivament irħas li qed jiġu importati minn ekonomiji emerġenti huwa sinjal li l-vantaġġ kompetittiv tas-settur tal-ħġieġ tal-UE qed jonqos, speċjalment fis-swieq ta’ prodotti ta’ valur baxx.

Is-settur tal-ħġieġ qed jiffaċċja regolamenti ambjentali li jikkonċernaw l-użu tal-enerġija tiegħu, l-emissjonijiet tas-CO2, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-iskart, kif ukoll regolamenti ambjentali oħra. Produtturi minn barra l-UE, speċjalment minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, għandhom leġiżlazzjoni ambjentali ħafna inqas stretta u b’hekk għandhom inqas limitazzjonijiet fil-produzzjoni u inqas spejjeż tal-produzzjoni. Barra dawn il-kwistjonijiet, is-settur tal-ħġieġ fl-UE qed jiffaċċja l-problemi ta’ kompetittività li ġejjin:

3.9.1.   Domanda għat-tnaqqis tal-ispejjeż. Il-pressjoni tal-ispejjeż li tirriżulta minn intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni globali fl-industriji Ewropej, bħal pereżempju l-produzzjoni tal-karozzi, il-prodotti elettroniċi għall-konsumaturi, il-linji tal-ajru u l-bejgħ bl-imnut, tista’ taffettwa s-settur tal-ħġieġ b’mod negattiv. Dawn l-industriji huma kollha konsumaturi diretti jew indiretti tal-produtturi tal-ħġieġ tal-UE f’forma jew oħra; b’hekk, il-globalizzazzjoni għandha effett indirett fuq il-profil tad-domanda tas-settur tal-ħġieġ tal-UE.

3.9.2.   Eċċess globali ta’ kapaċità tal-produzzjoni fis-settur. Is-settur Ewropew tal-ħġieġ għandu kapaċità eċċessiva f’ħafna mis-setturi sekondarji tiegħu, inkluż il-ħġieġ ċatt. Dan għandu mnejn jolqot b’mod negattiv is-settur tal-ħġieġ Ewropew peress li jnaqqas il-marġini ta’ profitt; min-naħa l-oħra, iż-żieda fil-produzzjoni biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-konsumaturi wara li tgħaddi l-kriżi jkun aktar rapidu.

3.9.3.   Pressjoni li tgħolli l-prezzijiet tal-enerġija (u l-fatturi ta’ produzzjoni). Globalment, iż-żieda fid-domanda għall-enerġija taffettwa l-provvista u l-ispejjeż fuq perjodu ta’ żmien twil tas-settur tal-ħġieġ fl-UE. Din hija theddida kbira għas-settur tal-ħġieġ peress li huwa wieħed mill-aktar industriji li juża enerġija, u l-ispejjez tal-enerġija jammontaw għal parti kbira tal-ispejjeż totali tal-produzzjoni. Huwa importanti li tinġibed attenzjoni għall-effett ta’ domino tal-pakkett għall-enerġija u l-bidla fil-klima tal-UE: l-industrija tal-ħġieġ u taċ-ċeramika hija mistennija tassorbi ż-żieda mħabbra fil-prezz tal-enerġija fl-operazzjonijiet tagħha. Din iż-żieda hija dovuta għal taħlita ta’ fatturi, inklużi l-kummerċ tal-emissjonijiet, l-investimenti fil-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni u l-grid tat-trażmissjoni u l-ħtieġa li jiġi żgurat sehem ogħla tal-enerġija li tiġġedded fit-taħlita tal-enerġija fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-materja prima bażika, bħal pereżempju l-irmied jew ir-ramel tal-karbonat tas-sodju, jistgħu wkoll jogħlew skont it-tendenza tal-prezzijiet tal-enerġija.

3.9.4.   Regolamenti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Numru ta’ regolamenti marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol jaffettwaw il-materjali tal-produzzjoni u l-mod ta’ kif jiġu maħżuna, trattati u użati fil-produzzjoni. Bosta pajjiżi barra mill-UE għandhom regolamenti inqas stretti u b’hekk inqas spejjeż tal-produzzjoni; Minkejja dan, l-operaturi tal-industrija tal-UE jaċċettaw ir-responsabbiltà tagħhom għall-kura f’dan il-qasam.

3.9.5.   Il-limitazzjonijiet tal-kummerċ u l-iffalsifikar jistgħu jostakolaw l-esportazzjoni għal swieq barra mill-UE. Ħafna swieq tal-esportazzjoni jimponu tariffi fuq oġġetti mill-UE. Hija imposta rata għolja ta’ dazju, pereżempju fuq prodotti tal-UE li jinbiegħu fl-Istati Uniti. Il-kompetittività ta’ bosta manifatturi tal-ħġieġ tal-UE batiet minħabba l-iffalsifikar ta’ disinni maħluqa fl-UE minn kumpaniji mhux fl-UE. Bħalissa, din hija problema kbira għal bosta produtturi u hija mistennija li tkompli tkun hekk fil-futur jekk ma tiġix ittrattata adegwatament u kompletament. Fl-istess ħin, l-industriji marbuta mad-disinn igawdu minn appoġġ fil-forma ta’ inizjattivi bħal pereżempju l-Helpdesk IPR SME taċ-Ċina tal-Kummissjoni, materjali apposta għat-taħriġ u workshops u konsulenza individwali tal-aħjar kwalità dwar il-problemi tal-IPR.

3.10.   Fl-2006, is-setturtaċ-ċeramika tal-UE  (5) pproduċa u biegħ madwar EUR 39 biljun ta’ prodotti differenti taċ-ċeramika. It-tkabbir fil-produzzjoni kien żgħir f’dawn l-aħħar snin. L-akbar żewġ setturi sekondarji huma s-settur sekondarju tal-madum tal-ħajt u tal-art u s-settur sekondarju tal-briks u l-madum tas-soqfa. Flimkien mal-pajpijiet tat-tafal vitrifikat, jikkostitwixxu l-grupp ta’ materjali tal-bini tat-tafal li jammontaw għal 60 % tal-industrija taċ-ċeramika bħala valur tal-prodott. Il-prodott li jirreżistu s-sħana, l-oġġetti għall-mejda u ornamenti, oġġetti sanitarji u ċeramika teknika jirrappreżentaw rispettivament 13 %, 9 %, 10 % u 5 % f’dak li huwa valur tal-prodott. Ir-reġjuni li jipproduċu l-aktar huma l-Ġermanja, ir-Renju Unit, Spanja u l-Italja. Il-Ġermanja hija produttur ewlieni f’ħafna mis-setturi sekondarji tagħha, bħal ma huwa r-Renju Unit; Spanja u l-Italja huma t-tnejn ċentri ewlenin tal-produzzjoni għall-madum taċ-ċeramika, il-briks u l-madum tas-saqaf u, ftit inqas minn hekk, tal-oġġetti sanitarji. Il-produzzjoni fl-Istati Membri ġodda tal-UE tidher l-aktar b’saħħitha fir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, u l-Ungerija, li kollha għandhom setturi taċ-ċeramika b’saħħithom u tradizzjonalment dejjem esportaw fl-UE. Madankollu, is-sehem tal-Istati Membri l-ġodda fis-settur taċ-ċeramika huwa pjuttost żgħir.

3.11.   Tajjeb ngħidu li għalkemm ħafna mill-fatturi li jikkaratterizzaw u jaffettwaw is-settur tal-ħġieġ japplikaw ukoll għas-settur taċ-ċeramika, hemm differenza sinifikanti waħda. Filwaqt li s-settur tal-ħġieġ huwa kkonċentrat mhux ħażin, is-settur taċ-ċeramika għandu vera ftit pjanti tal-produzzjoni kbar, ikkonċentrati u integrati.

3.12.   Ix-xogħol fis-settur taċ-ċeramika tal-UE beda sejjer għall-agħar mill-2000 ’l hawn. Il-livell beda nieżel, l-iktar minħabba taħlita ta’ rekwiżiti ta’ produttività quddiem dejjem aktar kompetizzjoni bi prezzijiet baxxi. Fl-2006, is-settur taċ-ċeramika fl-UE impjega 330 000 persuna, ftit inqas mit-360 000 fl-2005. Is-setturi li l-aktar iħaddmu nies huma s-setturi sekondarji tal-madum tal-ħajt u tal-art u tal-briks u l-madum tas-soqfa. Fl-2006, flimkien kienu jammontaw għal 52 % tal-impjiegi fis-settur taċ-ċeramika, segwiti mis-settur tal-oġġetti għall-mejda u l-ornamenti b’22 %.

3.13.   Tipikament, madwar 20–25 % tal-produzzjoni taċ-ċeramika fl-UE(aktar minn 30 % għall-madum tal-art u tal-ħajt) tiġi esportata barra mill-UE. Il-penetrazzjoni tal-importazzjoni tvarja minn 3–8 %, pereżempju ta’ madum tal-art u tal-ħajt u l-prodotti li jirreżistu s-sħana, għal aktar minn 60 % f’oġġetti għall-mejda u ornamenti. Is-swieq ewlenin tal-esportazzjoni għas-settur taċ-ċeramika huma l-Istati Uniti, u wara jiġu l-Iżvizzera u r-Russja. L-aħħar t-tendenza kienet ta’ deterjorazzjoni fil-bilanċ kummerċjali minħabba ż-żieda fil-kompetizzjoni bi prezz baxx fis-swieq tal-UE min-naħa taċ-Ċina u t-Turkija, l-aċċess limitat u kontinwat għal xi swieq mhux fl-UE u l-apprezzament gradwali tal-Ewro meta mqabbla ma’ bosta muniti mill-2000 ’l hawn. B’hekk, il-kummerċ, u b’mod partikolari t-termini tal-kummerċ għall-esportaturi tal-UE, saru kwistjonijiet importanti għas-settur taċ-ċeramika.

3.14.   Is-settur taċ-ċeramika fl-UE qiegħed jiffaċċja għadd ta’ sfidi ta’ kompetittività, ħafna minnhom ikkawżati mill-globalizzazzjoni u żieda fir-regolamenti ambjentali.

3.15.   F’ċertu kategoriji ta’ prodotti, l-iktar fis-settur sekondarju tal-oġġetti taċ-ċeramika għall-mejda, il-vantaġġ kompetittiv tal-UE fuq il-bażi tal-innovazzjoni u d-disinn qiegħed dejjem jitnaqqar minħabba prodotti esportati rħas minn pajjiżi emerġenti għall-UE u swieq ewlenin oħra. Minkejja dan, l-UE għadha attur globali ewlieni f’bosta setturi sekondarji taċ-ċeramika, speċjalment fil-manifattura tal-madum tal-ħajt u tal-art.

3.16.   It-tieni fattur ewlieni ta’ kompetittività li s-settur taċ-ċeramika fl-UE qed jiffaċċja hija ż-żieda tar-regolamenti u l-kontrolli ambjentali b’mod ġenerali, iżda l-iktar il-piż li toħloq l-Iskema ETS tal-UE. Għalkemm l-ispejjeż tal-enerġija huma madwar 30 % tal-ispejjeż ta’ produzzjoni fl-industrija taċ-ċeramika, l-emissjonijiet tas-CO2 per ton are low għal kull tunnellata huma baxxi. L-industrija taċ-ċeramika rrappreżentat aktar minn 10 % tal-impjanti industrijali kollha taħt l-Iskema ETS tal-UE iżda inqas minn 1 % tal-emissjonijiet industrijali tas-CO2 koperti. Bħala riżultat tar-reviżjoni adottata tad-Direttiva tal-ETS, madwar 1 800 impjanti taċ-ċeramika għandhom jiġu koperti mill-Iskema ETS tal-UE fl-2013. Dawn l-impjanti ser jirrappreżentaw inqas minn 1,5 % tal-emissjonijiet industrijali tas-CO2 koperti mill-ETS. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-impjanti taċ-ċeramika huma l-aktar impjanti żgħar, b’40 % tal-impjanti li joħorġu inqas minn 25 000 tunnellata tas-CO2 fis-sena u 70 % inqas minn 50 000 tunnellata tas-CO2 fis-sena.

3.17.   L-istruttura tal-ispejjeż tal-fatturi produttivi taċ-ċeramika li jużaw ħafna enerġija qed tkun żvantaġġata minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-produzzjoni – karatteristika ta’ xi wħud mis-setturi sekondarji taċ-ċeramika fl-UE hija li jiddipendu ħafna fuq firxa ta’ materja prima verġni, li proporzjon dejjem jikber minnha qed jiġi importat minn pajjiżi li mhux fl-UE. L-analiżi turi kif in-nuqqas ta’ kompetittività tal-fatturi produttivi fil-proċess tal-manifattura taċ-ċeramika, speċjalment fis-swieq tal-enerġija, qed jostakola l-kompetittività tal-produtturi taċ-ċeramika fl-UE.

3.18.   Il-problema ewlenija tal-kompetittività li qed jiffaċċja s-settur taċ-ċeramika fl-UE hija ż-żieda qawwija fil-volum tal-importazzjoni taċ-ċeramika minn pajjiżi mhux fl-UE fejn ir-regolamenti ambjentali huma inqas stretti u l-liġijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà huma inqas iebsin. Livelli relattivament għoljin ta’ regolamenti tal-UE jfissru li l-produtturi taċ-ċeramika tal-UE ma għadhomx jikkompetu b’kundizzjonijiet ugwali fl-ambjent globali u dan ħoloq numru ta’ sfidi għall-kompetittività, iżda wkoll firxa wiesgħa ta’ prospetti ta’ kompetittività.

3.19.   F’dan il-kuntest, l-istruttura tal-ispejjeż tal-industrija taċ-ċeramika (spejjeż għoljin għall-enerġija u l-ħaddiema), il-profitabbiltà relattivament baxxa tas-settur u l-kompetizzjoni dejjem tikber kemm fl-UE u fis-swieq ta’ esportazzjoni ser jagħmluha diffiċli ħafna għall-produtturi taċ-ċeramika li jgħaddu lill-konsumatur l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-kwoti tas-CO2. It-teknoloġiji u t-tekniki użati fil-produzzjoni taċ-ċeramika biex inaqqsu l-użu tal-enerġija tal-fornijiet għall-ħami huma diġà avvanzati u żidiet kbar fl-effiċjenza mhumiex probabbli fil-futur qrib.

3.20.   Is-settur taċ-ċeramika jeħtieġ ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet u għandu jkollu l-għodda u l-ħiliet meħtieġa biex jopera t-teknoloġiji u jikkoopera f’dipartimenti differenti, jinsabu fejn jinsabu. Dan huwa sfida kemm għall-SMEs li qed jesploraw opportunitajiet globali u kemm għal kumpaniji kbar li joperaw f’diversi pajjiżi, kif inhu l-każ fis-settur sekondarju tal-briks. Il-bażi tal-ħiliet tista’ tittejjeb billi tingħata attenzjoni partikolari lit-tagħlim tul il-ħajja, billi s-settur isir aktar attraenti, kif ukoll permezz ta’ programmi mmirati għat-taħriġ.

4.   Kif tista’ l-industrija tal-ħġieġ u taċ-ċeramika tikkontribwixxi għas-sostenibilità tal-UE, inkluża l-aġenda tal-Konferenza ta’ Kopenħagen?

4.1.   Filwaqt li titqies is-sostenibilità fit-totalità tagħha, għandna nevalwaw ukoll il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-industrija kemm tal-ħġieġ u kemm taċ-ċeramika. Iż-żewġ setturi huma bbażati fuq riżorsi minerali indiġeni u domestiċi li hemm biżżejjed minnhom biex tiġi żgurata l-eżistenza tagħhom fiż-żona ekonomika tal-UE u anke globalment. Dawn is-setturi fil-biċċa l-kbira kkontrollaw l-impatti ambjentali tagħhom u ma jqiegħdux is-saħħa tal-bniedem f’periklu speċjali, la dik okkupazzjonali u lanqas dik pubblika.

4.2.   Bħalissa, m’għandna nistennew l-ebda skoperta innovattiva fil-proċessi tal-manifattura tal-ħġieġ u taċ-ċeramika. Il-ħġieġ jiġi mdewweb u ċ-ċeramika tinħadem f’nar b’temperaturi għoljin ħafna, li jfisser li hemm limiti fiżiċi għat-tnaqqis li jista’ jsir f’termini ta’ emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju, limiti li dawn is-setturi qed joqorbu lejhom b’rata mgħaġġla. B’xorti ħażina, dawn il-limiti fiżiċi ma tqisux fir-reviżjoni tal-ETS tal-UE għax ma ġewx inklużi ma’ industriji oħrajn li jużaw ħafna enerġija b’emissjonijiet inerenti għat-teknoloġiji ta’ manifattura tagħhom.

4.3.   It-teknoloġiji u l-proċessi użati f’dawn is-setturi huma avvanzati wkoll f’termini ta’ konsum tal-enerġija u intensità tal-karbonju. Huma mhumiex problema għall-klima, iżda pjuttost parti integrali mis-soluzzjoni tagħha. Is-settur tal-ħġieġ, pereżempju:

jgħin fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju billi jiffranka l-enerġija, permezz tal-użu tiegħu bħala iżolatur;

jgħin biex tinħoloq enerġija ħielsa mill-karbonju fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli;

għandu emissjonijiet assoċjati mal-karbonju li huma ħafna inqas mill-benefiċċji tal-karbonju; u

għandu diversi benefiċċji oħra għas-soċjetà, bħal pereżempju fil-mediċina u fil-preservazzjoni tal-ikel, li tagħmilhom sostenibbli.

4.4.   Il-ħġieġ huwa parti minn grupp ta’ materjali li għandhom rata ta’ riċiklaġġ għolja ħafna. Tipikament, jeżistu nuqqasijiet fl-użu tar-riċiklaġġ fil-proċess ta’ manifattura. Minn lat, hija teknoloġija li ma toħloqx skart. Il-ħġieġ irkuprat jagħmel parti sostanzjali tal-materjal użat, l-aktar fil-manifattura tal-ħġieġ tar-reċipjenti. Ir-riċiklabilità tiegħu ma għandiex limiti fiżiċi f’termini taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ dan il-materjal. Inħolqu sistemi ta’ riċiklaġġ madwar l-Ewropa li kisbu tata ta’ riċiklaġġ ta’ 62 % fl-2007 għall-ħġieġ tar-reċipjenti. Kull sforz biex jiżdiedu l-proporzjon ta’ rkupru u l-użu tal-ħġieġ irkuprat jista’ jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali li jirriżulta minn dawn bi tliet modi: (1) tista’ tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija: żieda ta’ 1 % ta’ ħġieġ irkuprat inaqqas il-konsum tal-enerġija b’0.25 %; (2) jistgħu jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju: żieda ta’ 1 % fil-ħġieġ irkuprat tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b’0.47 %, u (3) tista’ tiġi salvata l-materja prima: l-użu ta’ tunnellata waħda ta’ ħġieġ riċiklat biex isir ħġieġ ġdid isalva 1,2 tunnellata ta’ materja prima verġni.

4.5.   F’termini prattiċi, il-prodotti tal-ħġieġ jistgħu jgħinu biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u b’hekk l-emissjonijiet tas-CO2, pereżempju fil-bini bl-użu ta’ fibra tal-ħġieġ iżolanti jew ħġieġ b’emissività baxxa. L-insulazzjoni tas-saqaf u l-ħajt tista’ tiffranka 460 miljun tunnellata fis-sena (p.a.) (aktar mill-impenn totali tal-UE skont Kyoto). Pereżempju, li kieku l-ħġieġ kollu singlu jew doppju fl-UE jiġi sostitwit bi ħġieġ doppju b’emissività baxxa, dan jevita emissjonijiet annwali ta’ 97 miljun tunnellata ta’ CO2. Dan huwa daqs 21 milljun tunnellata ta’ żejt ekwivalenti jew il-konsum annwali ta’ enerġija tal-bini għal 19-il miljun abitant. Il-fibre glass użat biex isaħħaħ il-plastik tat-turbini li jaħdmu bir-riħ u f’materjali tal-ħġieġ użati fl-industrija tal-karozzi (pereżempju biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija permezz ta’ inqas ħtiġijiet għall-arja kkundizzjonata) huma applikazzjonijiet oħrajn li jirriżultaw fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2.

4.6.   Huwa mbassar li t-teknoloġiji tax-xemx se jespandu ħafna fl-għaxar snin li ġejjin: bħalissa l-ħġieġ diġà qed jokkupa rwol ċentrali billi qed jintuża fil-qasam tal-materjali trasparenti għat-teknoloġiji fotovoltajċi u għas-sistemi tal-enerġija kkonċentrata mix-xemx, inklużi ċ-ċmieni solari, il-produzzjoni ta’ bijofjuwil solari, il-fotokatalisi solari kif ukoll il-purifikazzjoni u d-desalinazzjoni tal-ilma. Permezz ta’ dawn l-applikazzjonijiet ikun jista’ jsir kumpens rapidu għall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u dawn l-applikazzjonijiet huma kompatibbli wkoll mal-ambjent billi jaħdmu bi prinċipji tas-sostenibbiltà tal-enerġija. Id-diversi sottosetturi responsabbli għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fl-appoġġ u l-iżvilupp ta’ dawn l-applikazzjonijiet, u t-twaqqif kontinwu tagħhom fl-UE huwa ta’ importanza fundamentali kemm mil-lat akkademiku kif ukoll minn dak tal-manifattura.

4.7.   L-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra jammontaw għal 20 miljun tunnellata fis-settur tal-ħġieġ kollu u għal 27 miljun tunnellata fis-settur taċ-ċeramika. Fiż-żewġ setturi l-potenzjal li jeżisti għat-tnaqqis huwa tassew limitat. Dan ifisser li l-inklużjoni tas-setturi tal-ħġieġ u taċ-ċeramika fl-ETS tal-UE ma tantx jagħmel sens fiżikament u ekonomikament. Barra minn hekk, din tista’ tikkomprometti l-iffrankar potenzjali tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Stimi simili jistgħu jiġu ppreżentati għal kważi kull industrija bażika li tuża ħafna enerġija, u l-ispejjeż eċċessivi kollha għandhom jiġu evitati meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-kwistjoni tat-tnixxija tal-karbonju u l-allokazzjoni bbażata fuq valur ta’ referenza għat-tielet perjodu kummerċjali. Hemm bżonn ta’ indikaturi ta’ referenza separati li jqisu d-diversità tas-setturi u s-sottosetturi differenti. Dawn għandhom iqisu d-diversi tekniki ta’ produzzjoni, rekwiżiti tal-enerġija u potenzjal fiżiku tal-impjanti għat-tnaqqis fl-emissjonijiet.

4.8.   Minħabba l-livell baxx ta’ konċentrazzjoni, il-firxa wiesgħa ta’ prodotti u l-kwalità baxxa tal-istatistika li tinsab disponibbli pubblikament, l-implimentazzjoni ġusta tal-Iskema ETS tal-UE ser tkun problematika ħafna għall-industrija taċ-ċeramika. B’rabta mal-valutazzjoni tal-espożizzjoni tal-industrija taċ-ċeramika għat-telf tal-karbonju, il-ħarġa tad-disponibbiltà u l-konsistenza tad-data tista’ tissolva biss billi d-data relevanti tinġabar fuq livell ta’ 3 ċifri (NACE riv. 2–2008). Fuq dan il-livell ta’ aggregazzjoni, l-espożizzjoni għat-telf tal-karbonju tista’ tintwera għal tliet setturi sekondarji taċ-ċeramika – il-prodotti li jirreżistu s-sħana (NACE 23.2), il-materjal għall-bini tat-tafal (NACE 23.3) u prodotti taċ-ċeramika u l-porċellana oħrajn (NACE 23.4).

4.9.   Is-settur taċ-ċeramika ma għandux l-istess potenzjal bħas-settur tal-ħġieġ f’termini ta’ ffrankar tal-gassijiet b’effett ta’ serra, minkejja li tajjeb insemmu l-karatteristika tal-insulazzjoni termali tal-briks u l-madum moderni u tal-fibri minerali. Minkejja dan, is-settur taċ-ċeramika huwa eżempju tajjeb ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli minħabba l-karatteristiċi inerenti tal-prodott bħal pereżempju d-durabilità u l-iġjene, kif ukoll il-valur estetiku. Bosta prodotti taċ-ċeramika wara li jiġu prodotti għandhom ħajja potenzjalment twila u ħafna prodotti taċ-ċeramika ma jitolbu l-ebda manutenzjoni ulterjuri.

4.10.   Hemm settur sekondarju wieħed li huwa importanti ħafna fis-settur taċ-ċeramika: il-produzzjoni ta’ materjali li jirreżistu s-sħana. Dawn il-materjali huma vitali għal ħafna industriji li joperaw b’temperaturi għoljin: il-ħadid u l-azzar, il-ħġieġ, il-ġir u s-siment. Dawn is-sustanzi kimiċi ma jistgħux jeżistu mingħajr materjali refrattorji bi prestazzjoni għolja li jappoġġjaw u jiffaċilitaw l-użu tal-aktar teknoloġiji effiċjenti fis-setturi msemmija hawn fuq.

4.11.   L-akbar ħtieġa għall-progress f’termini ta’ kompetittività ġenerali u b’mod partikolari f’termini ta’ effiċjenza enerġetika u prestazzjoni ambjentali hija li jkun hemm riċerka u żvilupp estensivi u effiċjenti. Dan jgħodd għas-setturi kollha tal-ħġieġ u ċ-ċeramika imma b’mod partikolari għas-sottosettur tal-ħġieġ speċjali li ġeneralment huwa dak li jiddedika l-ogħla proporzjon tal-qligħ tiegħu għall-innovazzjoni minħabba l-iżviluppi mgħaġġla li jikkaratterizzaw il-prodott manifatturat. Għalkemm dan is-sottosettur mhuwiex settur ewlieni f’termini ta’ tunellati u impjiegi, hija ta’ importanza kbira li jibqa’ fi ħdan l-UE.

4.12.   Fuq perjodu ta’ żmien qasir, ir-regolamenti stretti tal-ambjent u tal-enerġija kif ukoll in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ugwali fil-livell internazzjonali, ser jagħmlu pressjoni kbira ħafna fuq l-SMEs tal-UE u ser ixekklu l-iffinanzjar privat ta’ investimenti innovattivi u R&D. Madankollu, ir-regolamenti ambjentali jipprovdu wkoll inċentiv biex isir investiment fl-R&D bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija u tiġi limitata d-dipendenza fuq is-sorsi tradizzjonali tal-enerġija. Għalhekk, is-sehem tal-enerġija fl-ispejjeż totali tal-produzzjoni jista’ jonqos. Madankollu, dawn huma effetti fuq perjodu ta’ żmien twil li jirrikjedu azzjoni intraprenditorjali u teħid ta’ riskju sinifikanti.

4.13.   S’issa, rekwiżiti riċenti tar-regolamenti u standards stretti wasslu għal aktar innovazzjoni fl-effiċjenza tal-enerġija u fit-titjib ta’ prodotti f’termini ambjentali u tas-saħħa u s-sigurtà. Tekniki ġodda għar-riċiklaġġ qed jiġu żviluppati wkoll. Minkejja dan, aktar progress fir-riċiklaġġ taċ-ċeramika huwa pjuttost limitat minħabba n-natura tal-prodott.

4.14.   B’aktar riċerka, iċ-ċeramika tista’ tkompli ssir aktar attraenti bħala alternattiva aktar nadifa. Eżempju ta’ prodott riċenti huwa l-blokok tat-tafal b’insulazzjoni termali aħjar li jużaw ħafna enerġija fil-produzzjoni u jistgħu jgħinu wkoll fl-iffrankar tal-enerġija meta jintużaw fil-kostruzzjoni. Eżempju ieħor huwa l-użu taċ-ċeramika fil-karozzi. Hawnhekk tista’ sservi bħala t-teknoloġija meħtieġa għal ħafna komponenti kritiċi tal-magni tal-futur minħabba r-reżistenza unika tagħha għas-sħana, għat-tmermir u għall-korrużjoni, minħabba li hija ħafifa, u għandha karatteristiċi elettriċi u li tiżola s-sħana. Il-karozzi tal-ġejjieni jista’ jkollhom ċeramika integrata fl-istrutturi tal-magna tagħhom kif ukoll f’applikazzjonijiet reżistenti għat-tmermir fis-sistemi tal-fjuwil u f’komponenti addizzjonali fil-valve trains, bħal pereżempju l-valvoli u valve seats. Il-karozzi tal-futur jistgħu jużaw ċelloli tal-karburant taċ-ċeramika għal operazzjonijiet li jkunu kważi mingħajr emissjonijiet.

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara noti 4 u 5 f’qiegħ-il paġna.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-impatt tal-iżvilupp kontinwu tas-swieq tal-enerġija fuq il-ktajjen tal-valur industrijali fl-Ewropa” (CCMI 052 – CESE 1521/2008).

(3)  Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni Nru IP/08/1998 fuq http://europa.eu/rapid/.

(4)  Studji dwar il-Kompetittività tas-Settur tal-FWC – il-Kompetittività tas-Settur tal-Ħġieġ, Ottubru 2008.

(5)  Studji dwar il-Kompetittività tas-Settur tal-FWC – il-Kompetittività tas-Settur taċ-Ċeramika, Ottubru 2008. Eurostat 2006.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bożnja u Ħerzegovina: ir-rwol tas-soċjetà ċivili

(2009/C 317/03)

Rapporteur: is-Sur ZOLTVÁNY

F’ittra tat-2 ta’ Settembru 2008, is-Sinjura Margot Wallström, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, u s-Sur Olli Rehn, Kummissarju għat-Tkabbir, talbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 9 tal-protokoll ta’ kooperazzjoni bejn il-KESE u l-Kummissjoni Ewropea, biex ifassal opinjoni esploratorja dwar

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bożnja u Ħerzegovina: ir-rwol tas-soċjetà ċivili.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Patrik Zoltvány.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’147 voti favur, vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-opinjoni

1.1.   Ir-rakkomandazzjonijiet għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea (UE):

L-inkoraġġament għall-gvern tal-Bożnja u Ħerzegovina (BiH) fit-tfassil ta’ strateġija għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili (1).

Żieda fl-appoġġ anke f’termini finanzjarji lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Bożnja u Ħerżegovina, sabiex tinżamm l-indipendenza tagħhom mill-gvern u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-proġetti li jwettqu.

Il-ħolqien ta’ skemi ta’ għajnuna finanzjarja iktar xierqa u effikaċi sabiex jitqassru l-proċeduri twal ta’ applikazzjoni u teħid tad-deċiżjonijiet. Dan japplika wkoll għall-faċilità ġdida mwaqqfa mill-Kummissjoni Ewropea (KE) biex tippromwovi l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u d-djalogu. Għandu jkun hemm għajnuna għal firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet interessati u din għandha tkun flessibbli biex twieġeb għall-ħtiġijiet tagħhom.

Tħaffif tan-negozjati dwar reġim ħieles mill-viżi u appoġġ attiv għall-konformità ma’ standards tekniċi u standards oħra.

Issir distinzjoni bejn l-NGOs u l-imsieħba soċjali fejn jidħlu l-ħolqien u l-adozzjoni ta’ strateġiji ta’ għajnuna.

Appoġġ għall-programmi ffokati fuq l-iżvilupp tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali biex tissaħħaħ il-ħila tagħhom għal djalogu soċjali effettiv.

Appoġġ attiv għad-djalogu soċjali u ċivili fil-Bożnja u Ħerzegovina.

Parteċipazzjoni bħala intermedjarju attiv fit-tfassil tal-kostituzzjoni l-ġdida.

L-insistenza fuq l-implimentazzjoni tat-testi internazzjonali li ġew ratifikati u tal-kostituzzjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina, u l-assigurazzjoni li l-organizzazzjonijiet tat-trade unions u ta’ min iħaddem jistgħu jirreġistraw skont bażi legali li permezz tagħha jistgħu joperaw b’mod effettiv.

Appoġġ b’mod sistematiku għal dawk il-proġetti mmexxija minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jiffokaw fuq il-promozzjoni tal-idea ta’ integrazzjoni Ewropea fis-soċjetà inġenerali. Dibattitu sistematiku dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-integrazzjoni Ewropea għandu jinvolvi l-partijiet kollha soċjali, inkluża s-soċjetà ċivili.

Appoġġ għal proġetti maħsuba għat-trasferiment tal-għarfien tekniku u l-esperjenza mill-Istati Membri tal-UE lejn il-Bożnja u Ħerzegovina. Il-kontribut tal-Istati Membri l-“ġodda” miċ-Ċentru u l-Lvant tal-Ewropa jista’ jkun tabilħaqq ta’ valur miżjud. L-importanza ta’ “proġetti ta’ ġemellaġġ” għandha tingħata aktar rikonoxximent u appoġġ mill-istituzzjonijiet tal-UE. Il-faċilità l-ġdida stabbilita biex tippromwovi l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u d-djalogu tista’ tipprovdi appoġġ għal attivitajiet bħal dawn.

Għandu jkun possibbli li r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Bożnja u Ħerzegovina jżuru l-istituzzjonijiet tal-UE u jieħdu sehem f’konferenzi u avvenimenti organizzati mill-UE mingħajr ma jħallsu.

Tisħiħ tal-għajnuna għan-netwerks reġjonali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Balkani tal-Punent u l-iżvilupp ta’ programmi reġjonali.

Kontinwazzjoni ta’ djalogu sistematiku ma’ donaturi oħra biex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Bożnja u Ħerzegovina jingħataw għajnuna mmirata tajjeb, effiċjenti, effikaċi u f’waqtha.

Organizzazzjoni ta’ laqgħat regolari mar-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex ikun hemm reazzjoni iktar flessibbili għall-aspettattivi u l-ħtiġijiet tagħhom.

1.2.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ser ifittex li:

joħloq Kumitat Konsultattiv Konġunt (JCC) bejn il-KESE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Bożnja u Ħerzegovina biex issir promozzjoni u jingħata appoġġ għad-djalogu ċivili fil-Bożnja u Ħerzegovina.

jieħu sehem attiv fil-programm il-ġdid ta’ djalogu msemmi “People to People”, li huwa mmexxi mid-Direttorat Ġenerali għat-Tkabbir tal-KE: il-KESE jista’ jħejji u jorganizza żjarat ta’ studju fl-UE (speċjalment fi Brussell) għar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Bożnja u Ħerzegovina.

jagħti l-opportunità lir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Bożnja u Ħerzegovina li jżuru l-KESE u jiffamiljarizzaw ruħhom mal-attivitajiet tiegħu.

1.3.   Ir-rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet tal-Bożnja u Ħerzegovina:

Żvilupp ta’ ambjent legali li jappoġġja s-soċjetà ċivili u b’hekk lill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u t-trade unions ukoll.

Żvilupp ta’ strateġija għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili: dan joħloq il-bażi għal soċjetà ċivili vijabbli bħala element meħtieġ għal soċjetà demokratika matura. L-istrateġija għandha tiġi żviluppata b’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Il-kontinwazzjoni ta’ djalogu sistematiku dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mar-rappreżentanti tagħhom. L-approċċ tal-gvern lejn is-soċjetà ċivili għandu jkun iktar inklussiv.

L-introduzzjoni ta’ diversi inċentivi għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi inċentivi finanzjarji biex tingħata għajnuna għall-iżvilupp u s-sostenibbiltà tal-attivitajiet tagħhom. Żvilupp ta’ skema ta’ għotjiet finanzjarji li tippermetti li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili japplikaw għal għotjiet iffinanzjati mill-baġit tal-istat.

Żieda fil-livell ta’ djalogu u kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi, li tiżgura r-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Tissolva l-kwistjoni tar-reġistrazzjoni tal-Konfederazzjoni tat-Trade Unions tal-BiH.

Appoġġ attiv għat-twaqqif tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali fil-livell tal-istat f’konformità mal-progress fil-ħolqien ta’ istituzzjonijiet fil-livell tal-istat li huma relatati ma’ dawn l-oqsma.

It-tħaffif tal-ħidma sabiex jintlaħqu l-kundizzjonijiet għal reġim ħieles mill-viżi.

L-introduzzjoni ta’ edukazzjoni għaċ-ċittadini dwar l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili.

1.4.   Ir-rakkomandazzjonijiet lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Bożnja u Ħerzegovina:

Stimulazzjoni ta’ approċċi minn isfel għal fuq u awtoorganizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-appartenenza tas-soċjetà fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Tqajjim ta’ koxjenza dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-proċess politiku.

L-iffaċilitar tal-ħolqien ta’ netwerks u sħubijijiet, jiġifieri skambju ta’ informazzjoni, għarfien tekniku u esperjenza.

Żieda fl-għarfien u l-fehim tal-integrazzjoni Ewropea, il-politiki tal-UE u l-istituzzjonijiet Ewropej.

It-tisħiħ tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

It-tħeġġiġ ta’ djalogu interetniku u interreliġjuż u żieda fil-livell ta’ kooperazzjoni, ħolqien ta’ netwerks u ġemellaġġi bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

2.   Sfond tal-opinjoni

2.1.   Il-miri tal-Unjoni Ewropea fil-Balkani tal-Punent

Il-Balkani tal-Punent huwa fost l-ewwel prijoritajiet reġjonali tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea. Il-mira ewlenija tal-UE fil-Balkani tal-Punent hija ż-żieda fl-istabbiltà reġjonali u l-prosperità. It-tħejjija tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għal sħubija fl-UE tista’ titqies bħala mira daqstant ieħor importanti. Biex tinkiseb din tal-aħħar, l-UE qed tuża strumenti speċifiċi tal-preadeżjoni.

Il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAP) inħoloq biex jgħin lill-pajjiżi tar-reġjun fi triqthom lejn sħubija fl-UE. Dan jinkludi djalogu politiku, preferenzi kummerċjali sinifikanti u għajnuna finanzjarja. Jinkludi wkoll it-twaqqif ta’ relazzjonijiet kuntrattwali komprensivi li għandhom jgħinu lill-pajjiżi tar-reġjun biex iħejju l-adeżjoni tagħhom fil-ġejjieni. L-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u d-demokratizzazzjoni huma wħud mill-għanijiet tal-SAP u huma mistennija li jikkontribwixxu favur l-istabbilizzazzjoni politika, ekonomika u istituzzjonali tar-reġjun. L-iffirmar tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) huwa meqjusa bħala pass importanti lejn sħubija fl-UE.

2.2.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Balkani tal-Punent

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) għandu rwol importanti fl-għajnuna għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fil-Balkani tal-Punent. Fl-2004 huwa waqqaf il-Grupp ta’ Kuntatt mal-Balkani tal-Punent, l-uniku korp speċifiku u permanenti tal-KESE li jieħu ħsieb dan ir-reġjun partikolari. Huwa jifforma parti minn firxa wiesgħa ta’ korpi oħra tal-UE f’dan il-qasam u jikkonċentra fuq il-valur mizjud li jista’ jġib lill-ħidmiet ġenerali tal-UE fuq dan is-suġġett.

Il-mira ewlenija tal-KESE fil-Balkani tal-Punent hija l-monitoraġġ tal-bidliet fil-qagħda politika, ekonomika u soċjali fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, b’mod iktar speċifiku l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Thessaloniki u l-iżvilupp tal-SAP; il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-KESE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Balkani tal-Punent, u l-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali jew istituzzjonijiet simili, u l-inkoraġġiment u ż-żieda tal-iskambju tal-aqwa prattiki bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE u l-kontroparti tagħhom fil-Balkani tal-Punent.

3.   L-iżviluppi politiċi fil-Bożnja u Ħerzegovina

3.1.   Il-qagħda politika attwali

Il-proċess politiku fil-Bożnja u Ħerzegovina jibqa’ soġġett għall-effetti tal-gwerra u l-Ftehim ta’ Dayton, li stabbilixxiet stat indipendenti tal-Bożnja u Ħerzegovina kif nafuh illum. Forzi politiċi f’kompetizzjoni ma’ xulxin qed jissieltu biex jibbenefikaw mill-istruttura kostituzzjonali ta’ Dayton u fl-istess ħin jegħlbu l-limitazzjonijiet inerenti fiha. Il-ħtieġa għall-integrazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-gvern fil-BiH qed tiġi rikonoxxuta dejjem iktar mill-komunità internazzjonali, u mill-BiH stess, għalkemm l-appoġġ mill-istabbiliment politiku tal-entitajiet għal dan il-proċess, li huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu mmexxi internazzjonalment, huwa irregolari.

L-isfida politika ewlenija tal-pajjiż fis-snin li ġejjin se tkun ir-riforma kostituzzjonali, li mingħajrha jkun diffiċli li jsir iktar progress lejn stat iktar demokratiku u effiċjenti, barra mill-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ riforma komprensiva u l-avviċinament lejn l-UE. Ir-riforma tal-ftehim kostituzzjonali ta’ Dayton ma tistax tiġi imposta minn barra, anke jekk il-komunità internazzjonali inġenerali u l-UE b’mod partikolari huma lesti li jgħinu. Din trid tkun ir-riżultat ta’ konsensus bejn il-partijiet politiċi interessati tal-Bożnja u Ħerzegovina u teħtieġ l-appoġġ wiesa’ taċ-ċittadini. Dan il-proċess, li jista’ jaffettwa l-oqsma kollha, se jkun sensittiv ħafna, u jista’ jieħu xi ftit taż-żmien biex jitlesta.

Wieħed għandu jinnota li hemm diversi fehmiet dwar il-ġejjieni tal-pajjiż fost il-politiċi, u li għad hemm nuqqas ta’ fiduċja fost iċ-ċittadini ta’ etniċitajiet differenti. B’mod ġenerali, ipprevaliet ir-retorika nazzjonalistika, u l-mexxejja tal-Bożnja u Ħerzegovina m’għamlu l-ebda progress biex, permezz tar-riforma tal-qafas kostituzzjonali, joħolqu strutturi statali iktar funzjonali u affordabbli li jappoġġjaw il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea.

Minħabba t-tħassib dwar l-istabbiltà politika fil-Bożnja u Ħerzegovina u fir-reġjun, ġie propost l-għeluq tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli (OHR) diversi drabi. Fi Frar 2008, il-Kunsill għall-Implimentazzjoni tal-Paċi (PIC) iddeċieda li jagħmel l-għeluq soġġett għall-progress tal-Bożnja u Ħerzegovina fit-trattament ta’ ħames għanijiet u żewġ kundizzjonijiet speċifiċi (l-iffirmar tal-FSA u qagħda politika stabbli). Apparti l-kwistjoni tad-deċiżjoni finali ta’ Brčko, il-progress li sar fil-ħidma biex jiġu indirizzati l-ħames għanijiet (2) kien limitat.

3.2.   Ir-relazzjonijiet politiċi mal-UE u l-pajjiżi ġirien.

3.2.1.   Ir-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea

In-negozjati dwar il-FSA mal-Bożnja u Ħerzegovina bdew f’Novembru 2005. Il-FSA ġie inizjalizzat fl-4 ta’ Diċembru 2007 u ffirmat fis-16 ta’ Ġunju 2008, wara progress f’erba’ oqsma ewlenin stipulati mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kunsill fl-2005 (3). Sa mal-FSA jiġi ratifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE, il-miżuri tal-FSA relatati mal-kummerċ daħlu fis-seħħ permezz tal-Ftehim Interim, applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2008. Fost affarijiet oħra, il-FSA fl-2004 fformalizza l-preferenzi tal-kummerċ mogħtija mill-UE lill-prodotti mill-Bożnja (fuq bażi awtonoma) u wassal biex il-Bożnja u Ħerzegovina tneħħi bil-mod il-mod ir-restrizzjonijiet tal-kummerċ u tnaqqas b’mod gradwali d-dazji doganali tagħha fuq prodotti mill-UE. S’issa, l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interim kienet sodisfaċenti.

Bħal ma sar fin-negozjati dwar il-FSA, il-Ftehim għall-Iffaċilitar tal-Viża ġie diskuss u ffirmat fis-17 ta’ Settembru 2007: daħal fis-seħħ f’Jannar 2008. Dan il-ftehim naqqas u saħansitra elimina l-ħlasijiet għall-ipproċessar tal-viża għal xi kategoriji ta’ ċittadini. Il-ftehim issemplifika wkoll il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-viżi lil ħafna gruppi ta’ ċittadini, inklużi studenti, negozjanti, ġurnalisti eċċ. L-UE bdiet diskussjonijiet dwar l-introduzzjoni ta’ reġim ħieles mill-viżi għaċ-ċittadini tal-Bożnja fis-26 ta’ Mejju 2008. Sabiex jiġu ffinalizzati n-negozjati jeħtieġ li l-Bożnja u Ħerzegovina tagħmel progress biex tilħaq il-kriterji kollha.

Fir-rigward tal-għajnuna finanzjarja ta’ qabel l-adeżjoni, id-Dokument tal-Ippjanar Indikattiv Multiannwali (MIPD) għall-2008-2010 għall-Bożnja u Ħerzegovina ġie adottat f’Settembru 2008. Il-Kummissjoni Ewropea (KE) allokat total ta’ EUR 74.8 miljuni għall-Bożnja u Ħerzegovina taħt il-Programm ta’ Strument għal Għajnuna qabel l-Adeżjoni tal-2008. L-oqsma ewlenin ta’ intervent huma: it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-istabbilizzazzjoni demokratika. Fil-qafas tal-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili, ġew allokati EUR 6.5 miljun għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili taħt il-programmi nazzjonali IPA 2007/2008. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Bożnja u Ħerzegovina jibbenefikaw ukoll mill-attivitajiet reġjonali u l-programmi tal-viżitaturi li huma ffinanzjati mill-Programm Multibenefiċjarju. Barra minn hekk, ingħataw EUR 5.7 miljuni mill-fondi Komunitarji biex jgħinu l-baġit tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli sa Ġunju 2009.

L-IPA u l-kumplament tal-għajnuna CARDS huma implimentati mid-Delegazzjoni tal-KE f’Sarajevo. L-immaniġġjar deċentralizzat tal-għajnuna jibqa’ għan tat-terminu medju għall-Bożnja u Ħerzegovina. It-tħejjijiet għall-implimentazzjoni deċentralizzata għamlu kemxejn progess. Il-Fond Nazzjonali u l-Unità Ċentrali għall-Fondi u l-Kuntratti (CFCU) fil-Ministeru għall-Finanzi u t-Teżor imlew xi pożizzjonijiet u l-proċess ta’ reklutaġġ għadu għaddej. L-ambjent politiku u istituzzjonali kumpless fil-Bożnja u Ħerzegovina wassal għal dewmien fir-ratifika tal-Ftehim Qafas tal-IPA. L-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim għadha mhix żġurata. Konsegwenza ta’ dan, l-implimentazzjoni tal-programm IPA tal-2007 ttardjat ukoll.

3.2.2.   Ir-relazzjonijiet mal-Kroazja

Ir-relazzjonijiet mal-Kroazja nbidlu b’mod sostanzjali mill-2000 ’l hawn. Iż-żewġ pajjiżi laħqu iktar ftehimiet dwar ir-ritorn tar-refuġjati billi jaqsmu l-fruntiera bejn il-Bożnja u Ħerzegovina u l-Kroazja u ffirmaw Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, li ġie implimentat kważi immedjatament. Il-ftehim mal-Kroazja dwar iċ-ċittadinanza doppja ġie approvat mill-Assemblea Parlamentari tal-Bożnja u Ħerzegovina fi Frar 2008. Huwa stmat li madwar 400 000 ċittadin tal-Bożnja u Ħerzegovina għandhom ukoll ċittadinanza Kroata. Għad fadal xi tilwim dwar il-fruntiera x’jiġi solvut, u għad fadal ostakoli għat-trasferiment tal-każijiet u l-estradizzjoni ta’ persuni suspettati f’każijiet ta’ atti kriminali u atti kontra l-umanità bejn il-Bożnja u Ħerzegovina u l-Kroazja.

3.2.3.   Ir-relazzjonijiet mas-Serbja

Ir-relazzjonijiet mas-Serbja tjiebu b’mod sinifikanti mill-waqgħa tar-reġim ta’ Milosevic ’l hawn, u ġew stabbiliti relazzjonijiet diplomatiċi fil-15 ta’ Diċembru 2000. Matul il-Presidenza tal-Bożnja u Ħerzegovina fil-Proċess għall-Kooperazzjoni fix-Xlokk tal-Ewropa (SEECP) fl-2003-2004, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-ex Repubblika Jugoslava ltaqgħu mal-kontropartijiet usa’ tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa, biex isaħħu l-impenn għal relazzjonijiet tajba bħala ġirien, stabbiltà, sigurtà u kooperazzjoni fix-Xlokk tal-Ewropa.

Il-kampanja tal-elezzjonijiet ta’ Ottubru 2006 fil-Bożnja u Ħerzegovina rat tisħiħ pubbliku fir-rabtiet bejn ir-Repubblika Srpska (RS) u s-Serbja, li laħaq il-milja tiegħu bl-iffirmar tal-Ftehim Speċjali dwar ir-Relazzjonijiet Paralleli fis-26 ta’ Settembru 2007 f’Banja Luka, għalkemm iż-żewġ naħat enfasizzaw li l-ftehim ma dgħajjifx is-sovranità, l-intergrità territorjali jew l-indipendenza politika tal-Bożnja u Ħerzegovina.

Madankollu, jista’ jibqa’ jkun hemm tensjonijiet fir-relazzjonijiet bejn il-Bożnja u Ħerzegovina u s-Serbja. Wara d-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo, kien hemm żieda fir-retorika kontra Dayton u theddid seċessjonista fl-RS; fil-21 ta’ Frar 2008 l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Srpska (RSNA) għaddiet riżoluzzjoni li torbot il-pożizzjoni tal-RS fil-Bożnja u Ħerzegovina ma’ dik tal-Kosovo fis-Serbja u tiddeskrivi ċ-ċirkustanzi li taħthom l-RS tkun intitolata li tinfired.

3.2.4.   Il-kooperazzjoni reġjonali

Ir-relazzjonijiet mal-Montenegro huma tajba imma saru iktar intensifikati. Ġew iffirmati ftehimiet dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, il-kooperazzjoni bejn il-pulizija, il-protezzjoni ċivili u l-kooperazzjoni transkonfinali.

Ir-relazzjonijiet mal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huma tajbin, kemm fil-kuntest bilaterali kif ukoll f’dak reġjonali. Ġew konklużi ftehimiet dwar ir-riammissjoni, il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-protezzjoni ċivili.

Ir-relazzjonijiet mal-Albanija ġew intensifikati, u l-Bożnja u Ħerzegovina ddeċidiet li tiftaħ ambaxxata f’Tirana.

Il-Bożnja u Ħerzegovina tipparteċipa b’mod attiv fil-programmi u inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali bħal pereżempju s-CEFTA.

4.   L-iżviluppi ekonomiċi fil-Bożnja u Ħerzegovina

4.1.   Il-qagħda attwali tal-ekonomija fil-Bożnja u Ħerzegovina

Minkejja l-ambjent politiku diffiċli, il-BiH gawdiet minn erba’ snin ta’ rendiment ekonomiku stabbli, bi tkabbir fil-PGD ikkalkulat li laħaq 5,5 % fl-2008. L-inflazzjoni fl-ewwel kwart tal-2007 kienet biss 1,5 %, iżda bdiet tiżdied fit-tieni nofs tal-2007, imbuttata miż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u tat-trasport u laħqet 4,9 % f’Diċembru, u sparat għal 9,5 % f’Awwissu 2008. Id-defiċit tal-bilanċ tal-pagamenti niżel minn 21,3 % tal-PGD fl-2005 għal 11,4 % tal-PGD fl-2006, iżda reġa’ kiber għal 12,7 % tal-PGD fl-2007. Id-defiċit kummerċjali niżel minn 49,6 % tal-PGD fl-2005 għal madwar 37 % tal-PGD fl-2006 u l-2007. Bħalissa iktar titjib jidher improbabbli, minħabba li t-tkabbir fl-esportazzjoni batta fl-2007, l-importazzjoni reġgħet żdiedet, u l-investiment barrani dirett (FDI) x’aktarx ser jonqos minħabba l-kriżi finanzjarja dinjija. L-eċċess fiskali totali kien 3 % tal-PGD fl-2006, li l-biċċa l-kbira ġie minn żieda f’daqqa fid-dħul wara l-introduzzjoni tal-VAT. L-eċċess naqas għal 1,3 % tal-PGD fl-2007 u jista’ tinbidel f’defiċit fl-2008, fost l-oħrajn, wara żieda fir-rifużjoni tal-VAT.

Bħal pajjiżi oħra fi tranżizzjoni, il-Bożnja u Ħerzegovina għandha ekonomija li qed tikber iżda qed tiffaċċja faqar u tbatija soċjali mifruxa. Ir-rati tal-qgħad ivarjaw minn 16 % għal 44 %. Il-BiH qed tiffaċċja l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja li qed tkompli thedded il-qagħda ekonomika, soċjali u etnika kif ukoll ir-relazzjonijiet fl-UE u r-reġjun.

L-istruttura tal-gvern tal-pajjiż hija ineffiċjenti u tikkonsma iktar minn 50 % tal-PGD. Strutturi frammentati, riżorsi limitati, nuqqas ta’ esperjenza u approċċi tal-mument għall- appoġġ tal-kapaċitajiet nazzjonali jdgħajfu l-ħila tal-Gvern li jfassal u jimplimenta l-politika.

L-UE hija s-sieħba ewlenija fil-kummerċ tal-Bożnja u Ħerzegovina (l-iskambji mal-UE jirrappreżentaw iktar minn 50 % tal-kummerċ totali tal-Bożnja u Ħerzegovina). L-iffirmar tal-FSA u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Interim x’aktarx li jsaħħu dawn ir-relazzjonijiet u jkabbru l-integrazzjoni tal-kummerċ mal-UE. Il-Bożnja u Ħerzegovina tesporta prinċipalment lejn l-Italja, il-Ġermanja u s-Slovenja. L-importazzjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina ġejja minn dawn il-pajjiżi tal-UE u fuq skala iżgħar mill-Awstrija. L-esportazzjonijiet tal-Bożnja u Ħerzegovina huma essenzjalment ibbażati fuq il-metalli, l-injam u l-prodotti mill-injam, prodotti minerali u kimiki. L-importazzjonijiet jinkludu, b’mod partikolari, il-makkinarju, il-prodotti minerali, l-ikel u l-kimiki.

5.   Il-qagħda attwali u r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

5.1.   Id-djalogu soċjali

5.1.1.   L-ambjent legali

Id-djalogu soċjali ma jeżistix b’mod formali fil-livell tal-Bożnja u Ħerzegovina. Dan ġej mill-fatt li l-kostituzzjoni attwali ma tiġborx fiha dispożizzjonijiet dwar it-twaqqif ta’ istituzzjonijiet tal-gvern li jindirizzaw il-politika soċjali u l-edukazzjoni fil-livell tal-istat.

It-tmien konvenzjonijiet ċentrali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) kollha ġew ratifikati mill-Bożnja u Ħerzegovina. Il-libertà tal-assoċjazzjoni hija garantita mill-kostituzzjonijiet tal-Bożnja u Ħerzegovina, il-Federazzjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina (FBiH) u r-Repubblika Srpska (RS). Iż-żewġ entitajiet għandhom liġijiet tax-xogħol separati u daqstant ieħor id-distrett ta’ Brčko.

Il-Liġi tal-BiH dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Fundazzjonijiet, adottata f’Diċembru 2001, ma tipprovdix għar-reġistrazzjoni ta’ federazzjoni tat-trade unions fil-livell tal-BiH.

Madankollu, skont ir-Rapport ta’ Progress tal-2008 tal-Kummissjoni Ewropea, ma sar l-ebda progress f’dan il-qasam. Il-fatt li m’hemm l-ebda setgħat fil-livell statali fil-qasam tal-impjiegi u l-politiki soċjali jibqa’ ta’ ostakolu għall-iżvilupp ta’ strateġija għall-impjiegi applikabbli għall-pajjiż kollu. Abbażi ta’ argumenti kostituzzjonali, ir-Repubblika Srpska b’mod sistematiku toġġezzjona l-għoti ta’ rwol lil-livell statali fi kwistjonijiet tas-suq tax-xogħol intern. Ġew żviluppati strateġiji u proġetti għall-miżuri attivi fir-rigward tal-impjiegi miż-żewġ Entitajiet u d-Distrett ta’ Brčko. Madankollu, ftit hemm koordinazzjoni bejniethom.

Il-qagħda hija simili fil-qasam tad-djalogu soċjali. Il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions ma setgħetx tirreġistra fil-livell statali. Skont il-liġi attwali, ir-reġistrazzjoni tat-trade unions hija assoċjata mar-rikonoxximent – il-kwalità rappreżentattiva tagħhom. Barra minn hekk, il-bażi legali u l-proċedura għall-imsieħba soċjali hija l-istess għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili l-oħra kollha bħall-gruppi tal-konsumaturi jew organizzazzjonijiet sportivi. Dan mhuwiex proporzjonat.. L-organizzazzjoni politika u soċjali kumplessa fil-pajjiż tkompli taffettwa d-djalogu bejn l-imsieħba soċjali u s-soluzzjonijiet ma jidhrux imminenti. In-nuqqas ta’ ċarezza dwar ir-reġistrazzjoni legali tat-trade unions ibblukkat il-progress lejn l-iżvilupp tan-negozjar kollettiv. Għandha titfassal liġi ġdida li tieħu post il-liġi msemmija hawn fuq dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Fundazzjonijiet sabex il-gvern ma jkollux poter diskrezzjonali fuq id-deċiżjoni jekk organizzazzjoni tiġix reġistrata jew le.

5.1.2.   L-imsieħba soċjali

5.1.2.1.   Dawk li jħaddmu

Fil-każ tal-Bożnja u Ħerzegovina, huwa diffiċli li wieħed jitkellem dwar organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem li huma attivi fil-livell statali. Minħabba li m’hemmx Ministeru tax-Xogħol fil-livell statali, u minħabba li ħafna mill-kwistjonijiet ekonomiċi jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-gvernijiet tal-entitajiet, m’hemm l-ebda koordinazzjoni jew kooperazzjoni uffiċjali fost organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fil-livell statali.

Iż-żewġ organizzazzjonijiet ewlenin ta’ min iħaddem huma l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem tal-Federazzjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina u l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem tar-Repubblika Srpska. It-tnejn li huma jipparteċipaw fil-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali fil-livell ta’ entità. Il-kwistjoni ewlenija li qed jiffaċċjaw l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, kemm internament u kemm esternament, hija r-rappreżentattività u r-rappreżentanza effettiva tal-interessi tal-membri tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi.

5.1.2.2.   It-trade unions

Ir-rati tas-sħubija f’trade unions fis-settur formali huma pjuttost għoljin fil-FBiH u fir-RS. Filwaqt li l-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Indipendenti (Savez Samostalnih Sindikata Bosne i Hercegovine, SSSBiH) torganizza l-ħaddiema fil-FBiH, il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions tar-Repubblika Srpska (Savez Sindikata Republike Srpske, SSRS) tagħmel l-istess fir-RS. Il-konfederazzjonijiet tat-trade unions taż-żewġ entitajiet tal-Bożnja u Ħerzegovina, il-FBiH u l-RS, f’assemblea fundatriċi li saret f’Sarajevo fl-24 ta’ Ġunju 2005, waqqfu organizzazzjoni komuni tat-trade unions tal-Bożnja u Ħerzegovina (KSBiH). Il-KSBiH ressqet talba għar-reġistrazzjoni fil-livell statali iżda l-kwistjoni s’issa għadha ma ġietx solvuta.

5.1.3.   Evalwazzjoni tal-mekkaniżmi eżistenti

Ma twaqqaf l-ebda Kunsill Ekonomiku u Soċjali fil-livell statali, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ rieda li l-kwistjoni tad-djalogu soċjali tittella’ f’dan il-livell, partikolarment mir-Repubblika Srpska (4) Hemm żewġ kodiċijiet tax-xogħol – wieħed f’kull entità, u m’hemm l-ebda Ministeru tax-Xogħol fil-livell statali. Il-kwistjonijiet ewlenin għall-imsieħba soċjali bħal: il-politiki ekonomiċi, il-liġi tax-xogħol jew l-edukazzjoni jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ entità u l-gvernijiet lokali. Suq uniku tabilħaqq (inkluż is-suq tax-xogħol) fil-Bożnja u Ħerzegovina għadu ma ġiex stabbilit. Il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali jiffunzjonaw biss fil-livell ta’ entitajiet u jirċievu pakketti finanzjarji għall-attivitajiet tagħhom mill-Gvern. L-ostakolu formali li baqa’ għat-twaqqif tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali fil-livell statali huwa l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ għarfien tal-organizzazzjoni komuni tat-trade unions. Għandu jiġi nnutat li l-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali għadhom dgħajfa u jeħtieġ iktar professjonaliżmu f’xogħlhom internament.

5.2.   Id-djalogu ċivili

5.2.1.   L-ambjent legali

Il-Bożnja u Ħerzegovina għandha storja “limitata” fl-iżvilupp tas-soċjetà ċivili. Qabel il-gwerra kien hemm firxa ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi b’attivitajiet prinċipalment fl-oqsma tal-kultura u l-isport. Matul u wara l-gwerra, il-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) ffokaw l-attivitajiet tagħhom fuq it-tqassim tal-għajnuna umanitarja u l-bidla fl-enfasi tagħhom fuq attivitajiet iktar standard saret biss bilmod.

L-NGOs jistgħu jirreġistraw fil-livell statali, ta’ Entità, distrettwali (għall-FBiH) jew muniċipali. Mill-2002 ’il quddiem, il-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Fundazzjonijiet ippermettiet li l-NGOs jirreġistraw mal-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Bożnja u Ħerzegovina, u li jkunu attivi f’kull parti tal-pajjiż. Madankollu, minħabba l-proċeduri twal u ingumbranti meħtieġa biex tinkiseb reġistrazzjoni fil-livell statali u minħabba n-nuqqas ta’ rikonoxximent tar-reġistrazzjoni statali mil-livell tal-entitajiet (Republika Srpska), ħafna NGOs jippreferu li jirreġistraw fil-livell ta’ entità. Memorandum ta’ Fehim iffirmat fl-2004 biex jiġi stabbilit Reġistru Konġunt ta’ Assoċjazzjonijiet u Fundazzjonijiet fil-Bożnja u Ħerzegovina, bejn l-Istat, il-gvernijiet tal-Entitajiet u d-Distrett Brčko, jippromwovi “żieda fil-libertà tal-moviment ta’ assoċjazzjonijiet u fundazzjonijiet u jistabbilixxi sistema ta’ aċċess rapidu għall-informazzjoni dwar il-fundazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet kollha.”

Il-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Fundazzjonijiet ġiet emendata u daħlet fis-seħħ fl-2008. Il-ktieb tar-regoli dwar ir-Reġistrazzjoni tal-2002 għadu japplika u dan jikkumplika l-proċess tar-reġistrazzjoni. L-awtoritajiet tal-BiH qed jippruvaw jemendawh sabiex inaqqsu l-għadd ta’ formoli meħtieġa għar-reġistrazzjoni. Hemm ukoll pjan biex tiġi introdotta r-reġistrazzjoni onlajn.

Skont studju magħmul mit-Tim tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Pajjiż (5), waħda mill-kwistjonijiet ewlenin għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili hija s-sistema tal-VAT introdotta reċentement. Il-Liġi tal-VAT, li daħlet fis-seħħ fil-BiH fl-1 ta’ Jannar 2006, introduċiet rata armonizzata ta’ taxxa ta’ 17 % li hija żieda fit-taxxi. Diversi korpi (soċjali u tas-saħħa) japplikaw addizjonalment għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jimpjegaw il-ħaddiema. Taxxi addizzjonali japplikaw għad-donazzjonijiet. Is-sentiment ġenerali huwa li l-eżenzjonijiet mit-taxxa għas-settur tas-soċjetà ċivili tintlaqa’ tajjeb u tiffaċilitalhom ix-xogħol.

Il-finanzjament pubbliku tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa kwistjoni oħra importanti. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jqisu li d-distribuzzjoni tal-fondi pubbliċi mhijiex trasparenti biżżejjed. Il-leġiżlazzjoni dwar il-volontarjat għadha ma ġietx infurzata. Is-soluzzjoni għall-implimentazzjoni fqira tal-leġiżlazzjoni u l-ħtieġa għall-armonizzazzjoni tal-liġijiet tibqa’ kritika. Uħud mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili josservaw li l-proċess tal-abbozzar leġiżlattiv fil-BiH la huwa trasparenti u lanqas aċċessibbli.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaraw appoġġ fqir mill-awtoritajiet politiċi minħabba li wħud minnhom iqisu s-settur tas-soċjetà ċivili bħala rivali tagħhom. Hemm ukoll nuqqas ta’ fehim ġenerali fost l-awtoritajiet lokali tal-valuri u l-vantaġġi ta’ sħubija mas-soċjetà ċivili.

5.2.2.   Il-qagħda fid-diversi gruppi ta’ interess

L-għadd totali ta’ NGOs irreġistrati fil-Bożnja u Ħerzegovina issa laħaq it-8,000 (6) madankollu l-għadd ta’ dawk attivi huwa ħafna inqas. Id-dħul tat-tielet settur huwa kkalkulat bħala 4,5 % tal-PGD filwaqt li l-ispejjeż operattivi huma 2,4 %. Ħaddiema impjegati fis-settur jirrappreżentaw 1,45 % tal-popolazzjoni attiva ekonomikament (7)..

Il-qasam predominanti ta’ attività tal-NGOs huwa dak tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Oqsma oħra ta’ involviment sinifikanti tal-NGOs huma l-edukazzjoni, il-kwistjonijiet tas-sessi, l-iżvilupp ekonomiku, l-għajnuna umanitarja, l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, is-saħħa, iż-żgħażagħ u t-tfal u l-iżvilupp tal-komunità.

5.2.3.   Evalwazzjoni tal-mekkaniżmi eżistenti

Ġie nnutat xi progress fir-rigward tal-istituzzjonalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet u s-settur mhux governattiv fil-livell statali. Il-Kunsill tal-Ministri fil-BiH flimkien mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, fis-7 ta’ Mejju 2007 ffirmaw Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Kunsill tal-Ministri tal-BiH u s-settur mhux governattiv fil-BiH.

Twaqqaf Bord tas-Soċjetà Ċivili f’Ottubru 2007 skont il-Ftehim. Anke jekk il-Bord ma jirrappreżentax is-soċjetà ċivili kollha, huwa għandu sottosetturi, li jagħmluh l-iktar forum b’saħħtu għall-NGOs fil-pajjiż. Madankollu, jeħtieġu iktar sforzi mill-awtoritajiet sabiex jistabbilixxu komunikazzjoni regolari u sistematika mas-soċjetà ċivili u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tagħha fit-tfassil tal-politika.

6.   Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-integrazzjoni tal-UE

6.1.   L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-proċess tal-integrazzjoni Ewropea.

L-idea Ewropea ma tidhirx wisq fil-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Iċ-ċittadini jaraw l-integrazzjoni Ewropea tal-BiH bħala proġett fil-bogħod. Il-maġġoranza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom esperjenza limitata mill-ħidma mal-kontroparti tagħhom minn pajjiżi tal-UE. Id-dibattitu ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bożnja u Ħerzegovina dwar l-UE għadu kemm beda. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiffukaw il-proġetti tagħhom fuq il-prijoritajiet stabbiliti mid-donaturi finanzjarji – organizzazzjonijiet internazzjonali u gvernijiet u donaturi lokali. L-appell għall-integrazzjoni Ewropea f’kull settur mhijiex verament viżibbli, bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet ta’ NGOs internazzjonali. Minkejja dan, 80 % taċ-ċittadini tal-Bożnja u Ħerzegovina jappoġġjaw is-sħubija futura ta’ pajjiżhom fl-UE u dan bidu tajjeb għall-promozzjoni tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma relatati mal-ħidma biex jnkisbu l-kriterji tas-sħubija fl-UE.

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Skont id-definizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, it-terminu “soċjetà ċivili” jinkludi kemm l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, kif ukoll organizzazzjonijiet oħra mhux governattivi u gruppi ta’ interess.

(2)  1) Soluzzjoni aċċettabbli u sostenibbli tal-kwistjoni ta’ tqassim tal-proprjetà bejn l-Istat u livelli oħra ta’ tmexxija; 2) Soluzzjoni aċċettabbli u sostenibbli tal-proprjetà tad-difiża; 3) It-teħid tad-deċiżjoni finali dwar Brčko; 4) Is-sostenibbiltà fiskali (li tinkiseb permezz ta’ ftehim dwar metodoloġija ITA koeffiċjenti u permanenti u t-twaqqif ta’ Kunsill Fiskali Nazzjonali); u 5) It-tisħiħ tar-regola tal-liġi (li deher fl-adozzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għar-Reati fil-Gwerra, ta’ Liġi dwar l-istranġieri, l-asil u l-Istrateġija Nazzjonali għar-Riforma fis-Settur tal-Ġustizzja).

(3)  1) L-implimentazzjoni tar-riforma fil-pulizija f’konformità mal-ftehim ta’ Ottubru 2005 dwar ir-ristrutturar fil-pulizija; 2) il-kooperazzjoni sħiħa mal-ICTY; 3) l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kollha meħtieġa dwar ix-xandir pubbliku; u 4) l-iżvilupp tal-qafas leġiżlattiv u l-kapaċità amministrattiva li tippremetti implimentazzjoni xierqa tal-FSA.

(4)  Il-Prim Ministru tar-Repubblika Srpska, Milorad Dodik, fit-22 ta’ Awwissu 2007 ddikjara li “il-Gvern tal-RS mhuwiex se jappoġġja l-ħolqien ta’ Kunsill soċjali fil-livell tal-BiH, [u kkunsidra li] il-kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali komuni jiġu trattati fil-livell ta’ entitajiet u li l-ħolqien ta’ dan il-Kunsill huwa kwistjoni politika”.

(5)  Is-sejbiet ewlenin dwar il-Livell ta’ Kooperazzjoni Bejn l-Aġenziji tan-NU u l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili fil-BiH, f’Jannar 2007, id-Dokument ta’ Ħidma tal-UNCT fil-BiH.

(6)  Ċifra mogħtija fi Frar 2005 – data inkluża fir-Rapport tal-Proġett iffinanzjati mill-UE “Studju ta’ ġbir ta’ informazzjoni ta’ Azzjonisti mhux statali fil-Bożnja u Ħerzegovina” Settembru 2005.

(7)  “L-impiegi, l-għoti tas-servizzi soċjali u s-settur tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGO). Qagħda u prospettivi għall-Bożnja u Ħerzegovina. Analiżi u implikazzjonijiet tal-politika”, Studju Kwalitattiv #3, it-2 ta’ April 2005; Proġett għax-Xogħol u l-Politika Soċjali DFID


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/22


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-emissjonijiet tat-trasport bit-triq – miżuri konkreti kontra l-istaġnar

(2009/C 317/04)

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar is-17 ta’ Jannar 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

L-emissjonijiet tat-trasport bit-triq – miżuri konkreti kontra l-istaġnar.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is- 26 ta’ Ġunju 2009, abbażi tar-rapport ippreparat mir-relatur, is-Sur Iozia.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet nhar il-15 u 16 ta’ Lulju 2009 (seduta ta’ 16 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’109 voti favur u 7 voti kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja u l-istorbju tinvolvi bosta istituzzjonijiet. L-istituzzjonijiet Komunitarji Ewropej, li għandhom ir-responsabilità li jippromovu u jaġġornaw il-liġijiet, l-Istati Membri, li għandhom ir-responsabilità li jimplimentawhom permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni, u l-awtoritajiet lokali, li għandhom jikkontrollaw il-pollutanti u l-istorbju, ilkoll għandhom rwol fundamentali x’jaqdu f’din il-ġlieda. Għaldastant, ir-reponsabilità għall-istaġnar tal-progress f’dan il-qasam hija maqsuma bejnhom kollha, u kull livell ta’ responsabilità għandu jsaħħaħ l-impenn tiegħu biex jitneħħew jew jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini.

1.2.   L-emissjonijiet tat-trasport privat, pubbliku u tal-merkanzija bit-triq jikkawżaw mard, u jnaqqsu l-kwalità tal-ħajja, b’mod partikulari tal-abitanti taż-żoni urbani li huma aktar minn 75 % taċ-ċittadini Ewropej. Minkejja l-inizjattivi tal-Kummissjoni, li anke reċentement, permezz tal-pakkett maħsub sabiex jagħmel “it-trasport aktar ekoloġiku” (Greening Transport package) qed tadatta l-leġiżlazzjoni Ewropea, fl-Istati Membri għadu qed jiġi rreġistrat staġnar fil-progress tal-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja u l-istorbju kkawżat mit-traffiku.

1.3.   Għalkemm il-leġiżlazzjoni, għall-inqas fir-rigward tal-kwalità tal-arja, ġiet adattata u mtejba matul is-snin, għandu jiġi enfasizzat in-nuqqas ta’ progress fil-kwantità u l-kwalità tal-kontrolli, kemm tal-emissjonijiet tal-vetturi u l-vetturi bil-mutur, kif ukoll tal-kwantità tal-gass u partikolati preżenti fl-arja. Il-Kummissjoni għandha tingħata rikonoxximent għall-impetu notevoli tekniku kif ukoll xjentifiku li tat bil-programmi Tremove, bl-analiżi tal-effetti tal-politiki diversi fis-settur tat-trasport kif ukoll bl-iżvilupp tas-sistema COPERT 4 (programm tal-kompjuter li jikkalkola l-emissjonijiet tat-trasport bit-triq), fil-qafas tal-ħidma taċ-Ċentru Tematiku Ewropew dwar l-Arja u l-Bidla fil-Klima, u li kompla jiġi żviluppat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka. Din il-metodoloġija hija parti integrali mill-gwida dwar l-emissjonijiet fl-Ewropa (Emission Inventory Guidebook) tal-EMEP/CORINAIR, żviluppata mit-task force tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) inkarigata mill-analiżi u l-istimi tad-data.

1.4.   Fil-pakkett tat-trasport aktar ekoloġiku (Greening Transport package) ġiet ippreżentata proposta għat-tnaqqis tal-istorbju kkawżat mit-traffiku ferrovjarju, filwaqt li fit-22 ta’Ġunju 2009 kien approvat ir-regolament (COM (2008) 316 fin.) dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tipi għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur li jaħseb għal tnaqqis sostanzjali fil-livell tal-istorbju tat-tajers.

1.5.   Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ministri Ewropej tal-Ambjent, lill-Kunsill tax-xogħol, politika soċjali, saħħa u affarijiet tal-konsumatur kif ukoll lill-Parlament Ewropew sabiex isaħħu minnufih il-miżuri ta’ kontroll, u b’hekk iħarsu s-saħħa taċ-ċittadini. Il-kontrolli “off cycle” u l-kontrolli fit-triq, b’mod partikulari waqt l-użu, juru li l-vetturi tal-lum huma aktar storbjużi minn dawk ta’ 30 sena ilu u jipproduċu emissjonijiet sostanzjalment ogħla minn dawk li rriżultaw mit-“test taċ-ċiklu”.

1.6.   Il-KESE jenfasizza n-nuqqas ta’ approċċ konsolidat, ir-regolamenti tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) ma jipprovdux sistemi ta’ kontrolli effettivi bħar-regolamenti tal-UE u l-mudell tal-awtoċertifikazzjoni. Ħareġ fid-dieher li mhux biżżejjed li jsiru verifiki bil-mekkaniżmi tal-kontroll tas-suq.

1.7.   Il-KESE jidentifika bosta azzjonijiet li d-diversi awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea, xi Stati Membri u xi territorji jistgħu jadottaw biex jitnaqqsu l-effetti tat-tniġġis tal-arja:

l-involviment tal-popolazzjoni, billi nħeġġuha ġġib ruħha b’mod adatt ħalli jinkiseb il-benesseri kollettiv, billi tiżdied it-trasparenza u t-tagħrif permezz ta’ materjal viżiv u siti elettroniċi,

l-appoġġ għall-edukazzjoni u t-taħriġ f’suġġetti ambjentali u ekoloġiċi,

it-tixrid ta’ prattiki tajbin bħall-karta tal-mobilità li tagħti d-dritt għal trasport pubbliku b’xejn,

l-użu ta’ trammijiet elettroniċi u trolleybuses għat-trasport pubbliku urban, li llum jaħdmu wkoll bil-batterija u b’hekk jistgħu jintużaw f’żoni fejn m’hemmx wajers fl-arja,

il-limitazzjoni tat-traffiku privat billi jittejjeb u jissaħħaħ it-trasport pubbliku,

l-adozzjoni ta’ taxxa fuq il-vetturi u l-karburanti li tiddependi minn kemm iniġġsu, kif ukoll permessi bi ħlas għad-dħul fiċ-ċentri urbani li jqisu l-fakultajiet finanzjarji differenti taċ-ċittadini u l-emissjonijiet prodotti,

l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, b’mod partikulari dawk li jkunu ta’ ħsara għas-saħħa taċ-ċittadini,

l-iżvilupp ta’ politiki integrati tat-trasport, filwaqt li jiġi stabbilit il-livell ta’ sostenibbiltà ambjentali ta’ proġetti individwali,

kontribut għall-bidla fl-istili ta’ ħajja, f’sens aktar meqjus u ekoloġiku,

l-appoġġ għall-mobilità sostenibbli permezz tal-mixi u r-rota għal distanzi qosra, filwaqt li jittejbu l-infrastrutturi li jużaw dawk li jivvjaġġjaw bil-mixi jew bir-rota,

it-tnaqqis taċ-ċaqliq inutli minn post għal ieħor,

ir-reviżjoni tal-ġestjoni tal-loġistika u l-produzzjoni just-in-time,

il-promozzjoni tat-teleworking kull fejn ikun possibbli,

it-tnaqqis fil-konġestjoni tat-traffiku, billi jsir l-aħjar użu mill-mezzi kollha ta’ trasport, b’mod li jkun privileġġjat it-trasport pubbliku,

l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp innovattiv ta’ materjali u soluzzjonijiet teknoloġiċi biex tonqos il-produzzjoni tal-pollutanti mit-traffiku u t-trasport bit-triq, bħalma huma ċ-ċelloli tal-karburanti għall-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu, il-vetturi jaħdmu bl-elettriku jew bl-idrokarburanti b’emissjoni baxxa, bħall-gass sintetiku, il-metanu u l-LPG,

it-twettiq ta’ kontrolli aktar stretti kull tant żmien, speċjalment f’dawk il-pajjiżi fejn il-flotta tal-vetturi hija eqdem u tniġġes aktar (pereżempju fil-Polonja 60 % tal-vetturi għandhom aktar minn 10 snin).

1.8.   Biex jitnaqqas l-impatt tal-istorbju:

jista’ jiġi limitat it-traffiku privat fiż-żoni residenzjali matul il-lejl,

jista’ jitpoġġa tagħmir għall-kontroll tal-velocità fuq l-uċuħ tat-toroq,

tista’ tittejjeb il-kwalità tal-asfalt,

jistgħu jitpoġġew pannelli li jassorbu l-istorbju fiż-żoni bl-ogħla densità ta’ traffiku,

jistgħu jiġu introdotti sanzjonijiet li jservu ta’ deterrent għal dawk il-vetturi li jaqbżu l-limitu tal-emissjonijiet tal-istorbju, li jwasslu sas-sekwestru tal-vettura, b’attenzjoni partikulari għall-vetturi bil-mutur,

jista’ jiġi kkontrollat l-istorbju b’mod li jirrifletti aktar il-kundizzjonijiet “normali” tas-sewqan tal-vetturi,

jistgħu jsiru testijiet mediċi aktar spissi għal min huwa l-aktar espost għar-riskju tal-istorbju,

jistgħu jittieħdu miżuri effettivi biex tonqos il-konġestjoni tat-traffiku, b’mod partikulari permezz ta’ użu aktar mifrux ta’ korsiji preferenzjali u toroq dedikati għat-trasport pubbliku.

jistgħu jittieħdu dispożizzjonijiet speċifiċi u arranġamenti adatti għan-nies li jaħdmu barra fit-toroq u li jieħdu nifs f’arja mniġġsa u/jew li jkunu soġġetti għal storbju kontinwu.

1.9.   Il-metodoloġiji tal-LCA (Life Cycle Assessment jew “Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja”) għandhom japplikaw ukoll għall-emissjonijiet indiretti marbuta mat-trasport:

produzzjoni u trasport tal-karburanti (l-estrazzjoni, it-trasport sar-raffinerija jew sal-pompa tal-petrol, fil-każ ta’ karozza li taħdem bil-batterija, l-emissjonijiet ikkawżati mill-produzzjoni tal-elettriku),

produzzjoni tal-vettura (emissjonijiet ikkawżati mill-industrija, inkluż ir-rimi tal-iskart),

toroq u parkeġġi (jekk biex jinbnew jintużaw il-parks u ż-żoni ħodor, il-kwalità tal-arja tibda tiddeterjora għaliex jonqos l-effett tal-fotosinteżi).

1.10.   Din l-opinjoni tiffoka fuq l-emissjonijiet tal-pollutanti u l-istorbju li jirriżultaw mit-trasport fit-toroq. Mid-diskussjonijiet ħarġet fid-dieher il-ħtieġa li jiġu żviluppati modi oħra ta’ trasport u vetturi oħra ta’ rikreazzjoni, kif ukoll fuq it-tniġġis ikkawżat mill-agrikultura. Il-ferroviji, l-ajruplani, il-vapuri għan-navigazzjoni marittima u dik interna, il-makkinarju mobbli mhux tat-toroq, bħalma huma it-trakters jew il-gafef, il-makkinarju tal-kostruzzjoni tal-bini u l-makkinarju għall-estrazzjoni mill-mijieri, għandhom jiġu kkontrollati wkoll (1).

2.   Introduzzjoni

2.1.   Il-Kunsill Ewropew approva, għalkemm b’xi diffikultajiet, il-pakkett sħiħ tal-enerġija u l-klima; għaldaqstant jista’ jattendi l-appuntament ta’ Diċembru ġewwa Kopenħagen preparat sew u jikkonferma r-rieda tiegħu li jkun minn ta’ quddiem nett fil-ġlieda soda kontra l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra.

2.2.   Ma jistax jingħad l-istess għar-riżultati miksuba bl-inizjattivi ntiżi li jiffaċċjaw l-emissjonijiet tal-pollutanti u l-istorbju li jirriżultaw mill-mezzi ta’ trasport.

2.3.   It-traffiku joħloq effetti negattivi fuq is-saħħa pubblika permezz ta’ żewġ fenomeni prinċipali: l-emissjoni ta’ materja pollutanti fl-atmosfera u l-istorbju. Il-pollutanti prinċipali li jikkawża t-traffiku u li għandhom effett negattiv dirett fuq is-saħħa huma: l-ossidu u d-dijossidu tan-nitroġenu (NO u NO2), il-monossidu tal-karbonju (CO), id-dijossidu tal-kubrit (SO2), l-ammonja (NH3), il-komposti organiċi volatili (VOCs) u l-partikolati jew l-aerosols. Dawn is-sustanzi huma meqjusa bħala pollutanti primarji minħabba li jiġu emessi direttament mill-vetturi, filwaqt li sustanzi oħra, magħrufa bħala pollutanti sekondarji, jiġu kkawżati minn reazzjonijiet fl-atmosfera, bħal pereżempju l-ożonu nitrat tal-ammonju (NH4NO3), is-sulfat tal-ammonju ([NH4]2[SO4]) u l-aerosols organiċi sekondarji.

2.4.   Fl-EU-27, it-trasport bit-triq huwa l-aktar sors li joħloq emissjonijiet tan-NOx (39,4 %), tas-CO (36,4 %), tan-NMVOC (17,9 %) – jiġifieri komposti organiċi volatili minbarra l-metanu – u t-tieni sors tal-emissjonijiet ta’ PM10 (17,8 %) u ta’ PM2.5 (15,9 %) (Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) – Rapport tekniku 2008/7 tat-28 ta’ Lulju 2008).

2.5.   Il-partikolati naturali primarji huma kkawżati mill-eruzzjonijiet tal-vulkani, min-nirien fil-foresti, mill-erożjoni u t-tifrik tal-blat, mill-pjanti (pollini u skart veġetali), mill-ispori, mir-raxx tal-baħar u mill-fdalijiet tal-insetti. Il-partikolati naturali sekondarji huma magħmulin minn partikoli fini li joriġinaw mill-ossidazzjoni ta’ diversi sustanzi, fosthom d-dijossidu tal-kubrit u s-silfid tal-idroġenu kkawżati min-nirien u l-vulkani; l-ossidu tan-nitroġenu li joħroġ mill-uċuħ tar-raba’; it-terpeni (idrokarboni) li joħorġu mill-veġetazzjoni.

2.6.   Il-partikolati primarji ta’ oriġini antropoġenika huma kkawżati mill-użu tal-karburanti fossili (it-tisħin domestiku, l-impjanti tal-enerġija termali, eċċ.); mill-emissjonijiet tal-vetturi; mix-xedd u l-kedd tat-tajers, tal-brejkijiet u tal-uċuħ tat-toroq; u mid-diversi proċessi industrijali (funderiji, minjieri, impjanti tas-siment, eċċ.). Ta’ min jinnota wkoll il-kwantitajiet kbar ta’ trabijiet li jistgħu joriġinaw minn diversi attivitajiet agrikoli. Mill-banda l-oħra, it-trabijiet sekondarji antropoġeniċi jiġu kkawżati l-aktar mill-ossidazzjoni tal-idrokarboni u l-ossidi tal-kubrit u tan-nitroġenu li jirriżultaw minn diversi attivatijiet tal-bniedem.

2.7.   Il-partikolati jiġu kklassifikati skont id-daqs tagħhom, jibdew minn nanopartikoli għal partikolati fini, sat-trab li wieħed jista’ jara. Il-partikolati b’dijametru iżgħar minn 10 µm jiġu definiti bħala PM10, u dawk b’dijametru iżgħar minn 1µm bħala PM1. L-iżgħar partikoli huma dawk l-aktar perikolużi minħabba li jippenetraw l-aktar ’il ġewwa fil-pulmuni.

2.8.   Sustanzi oħra li joħorġu mill-vetturi mhumiex ta’ ħsara għas-saħħa b’mod dirett, iżda skont l-EEA jagħmlu ħsara serja lill-ambjent, bħall-gassijiet b’effett ta’ serra, l-anidride tal-karbonju (CO2), il-metanu (CH4) u l-anidride tan-nitroġenu (N2O). Dawn joħolqu wkoll ħafna nkwiet soċjali, u l-konċentrazzjoni tagħhom hija regolata b’liġijiet dwar l-emissjonijiet tal-vetturi.

2.9.   Bħal-livell tal-emissjonijiet tat-traffiku, il-konċentrazzjoni tal-pollutanti fis-saffi l-baxxi tal-atmosfera tiddependi mill-kundizzjonijiet tat-temp. Fil-fatt, jekk it-temperatura fuq l-art tkun baxxa, speċjalment jekk dan ikun il-każ minħabba l-inverżjoni termika, jiġu mxekkla l-kurrenti ta’ konvezzjoni li jħalltu l-atmosfera, u dan jiffavorixxi l-ħażna tal-pollutanti fl-aktar saffi baxxi tagħha. Dan jiġri b’mod partikulari fil-widien taż-żoni muntanjużi, li jiġu affettwati mit-tniġġis tal-arja b’mod tassew inkwetanti.

2.10.   L-effetti tal-pollutanti fuq is-saħħa ġew ikkonfermati fl-istudji epidemjoloġiċi: il-bronkite kronika u l-enfisema huma l-effetti għal żmien qasir, u dawn jiġu kkawżati minn konċentrazzjonijiet għoljin ta’ partikoli, għalkemm ġie osservat ukoll ħjiel dgħajjef li hemm rabta ma’ fenomeni allerġiċi bħall-ażma, ir-rinite u d-dermatite.

2.11.   L-effetti tal-istorbju fuq is-saħħa jistgħu jkunu marbuta mas-smigħ jew le. Minħabba dawn l-effetti l-Komunità Ewropea introduċiet limiti dwar kemm il-ħaddiema jew ir-residenti jistgħu jiġu esposti għall-istorbju. Il-liġijiet rilevanti għall-kalkolu tal-espożizzjoni għall-istorbju jinsabu fir-regoli ISO1996–1:2003, ISO1996–2:2006, ISO9613–1:1993, ISO9613–2:1996 u fid-Direttiva 2002/49/KE.

2.12.   Biex titqies is-sensibilità differenti tas-sistema tas-smigħ għad-diversi frekwenzi tal-ispettru akustiku (minn 20 sa 20 000 Hz), fil-kalkolu tal-espożizzjoni għall-istorbju jintużaw kurvaturi ta’ ponderazzjoni biex tintiżen id-densità spettrali li titkejjel skont is-sensibilità tas-sistema tas-smigħ. L-aktar użata b’mod komuni hija l-kurvatura ta’ ponderazzjoni A, li tagħti l-kejl ponderat tal-espożizzjoni f’dB(A).

3.   Il-leġiżlazzjoni Ewropea

3.1.   Il-kwalità tal-arja

3.1.1.   Il-kwalità tal-arja hija waħda mill-oqsma li l-Ewropa l-aktar li ħadmet fiha f’dawn l-aħħar snin. Dan sabiex tiżviluppa strateġija globali permezz tal-ħolqien ta’ għanijiet fit-tul dwar il-kwalità tal-arja. Ġew introdotti għadd ta’ direttivi għall-kontroll tal-livelli ta’ xi wħud mill-pollutanti u biex jissorveljaw il-konċentrazzjonijiet tagħhom fl-atmosfera.

3.1.2.   Fl-1996, il-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent adotta d-Direttiva Qafas 96/62/KE dwar l-istima u l-immaniġġjar tal-kwalità tal-arja ċirkostanti. Din id-Direttiva tinkorpora r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-introduzzjoni ta’ standards ġodda tal-kwalità tal-arja għall-pollutanti tal-arja li ma kinux regolati qabel, filwaqt li tistabbilixxi l-kalendarju għall-iżvilupp tad-direttivi sussegwenti fuq sensiela ta’ pollutanti. Il-lista tal-pollutanti tal-arja meqjusa fid-direttiva tinkludi d-dijossidu tal-kubrit (SO2), id-dijossidu tan-nitroġenu (NOx), il-partikolati (PM), iċ-ċomb (Pb) u l-ożonu (pollutanti regolati minn għanijiet li kienu jeżistu qabel dwar il-kwalità tal-arja ta’ madwarna), il-benżina, il-monossidu tal-karbonju, l-idrokarboni poliaromatiċi, il-kadmju, l-arseniku, in-nikil u l-merkurju.

3.2.   Id-direttivi sussegwenti

3.2.1.   Wara d-Direttiva Qafas ħarġu direttivi oħra li jistabbilixxu l-limiti kwantitattivi jew, fil-każ tal-ożonu, il-valuri ta’ referenza għal kull pollutant identifikat. Minbarra li jistabbilixxu l-limiti tal-kwalità tal-arja u l-limiti ta’ allert, l-għanijiet tad-direttivi sussegwenti huma dawn: l-armonizzazzjoni tal-istrateġiji ta’ monitoraġġ, tal-metodi tal-kejl, tal-kalibrazzjoni u tal-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja bil-għan li wieħed jasal għal kejl li jkun jista’ jiġi mqabbel fl-UE kollha kif ukoll li tingħata informazzjoni utli għall-pubbliku.

3.2.2.   L-ewwel direttiva sussegwenti (1999/30/KE) hija dwar il-valuri ta’ limitu tal-valuri ta’ NOx, SO2, Pb e PM fl-arja ambjentali u daħlet fis-seħħ f’Lulju tal-1999. Biex tippermetti sistema tajba u strutturata ta’ rapporti, il-Kummissjoni stabbiliet miżuri dettaljati biex tippermetti lil kull Stat Membru jipprovdi l-informazzjoni dwar il-pjanijiet u l-programmi tiegħu. Dawn il-miżuri jinsabu fid-Deċiżjoni 2004/224/KE.

3.2.3.   It-tieni direttiva sussegwenti (2000/69/KE) hija dwar il-valuri ta’ limitu għall-benżina u l-monossidu tal-karbonju fl-arja ambjentali u daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2000. Il-preżentazzjoni tar-rapporti annwali skont din id-direttiva trid tkun konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/461/KE.

3.2.4.   It-tielet direttiva sussegwenti (2002/3/KE) hija dwar l-ożonu u ġiet adottata fit-12 ta’ Frar 2002. Din tistabbilixxi xi għanijiet fit-tul ekwivalenti għal-linji gwida l-ġodda u l-valuri ta’ referenza imposti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-konċentrazzjonijiet tal-ożonu fl-arja ambjentali, li jridu jintlaħqu sal-2010. Dawn l-għanijiet huma konformi mad-Direttiva 2001/81/KE dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet.

3.2.5.   Ir-raba’ direttiva sussegwenti (2004/107/KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 2004, hija dwar it-tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet fl-atmosfera tal-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali.

3.2.6.   Dan l-aħħar ġiet adottata d-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa. Din tgħaqqad id-Direttiva Qafas flimkien mal-ewwel tliet direttivi sussegwenti, filwaqt li tħalli għal aktar ’il quddiem l-inkorporazzjoni tar-raba’ direttiva sussegwenti sakemm tinkiseb biżżejjed esperjenza b’rabta mal-implimentazzjoni. Din id-Direttiva l-ġdida tistabbilixxi l-kejl tal-partikolati fini PM2.5 u stabbiliet l-għanijiet nazzjonali għat-tnaqqis, l-indikatur ta’ espożizzjoni medja (IEM) u l-valur tal-limitu, stabbilit għal 25 µg/m3 u 20 µg/m3 li jidħlu fis-seħħ mill-2020. Din id-Direttiva ġiet adottata bħala segwitu tar-rapport tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) bit-titlu Air Quality Guidelines Global Update 2005, (Aġġornament tal-linji gwida dwar il-kwalità tal-arja fid-dinja fl-2005) li wera l-periklu tal-PM2.5 u identifika wkoll xi limiti ta’ periklu għall-NOx, id-SOx u l-O3.

3.2.7.   L-aktar argument sinifikattiv għall-użu tal-PM2.5 huwa li dan jirrappreżenta strument aqwa għall-kejl tal-attivitajiet antropoġeniċi, speċjalment is-sorsi tal-kombustjoni (Rapport SCHER tal-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskju tas-Saħħa u l-Ambjent, 2005).

3.3.   L-istorbju

3.3.1.   Id-Direttiva 70/157/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw il-livell permissibbli tal-ħoss bil-mutur tmur lura għall-1970.

3.3.2.   Wieħed irid jistenna sal-1986 sabiex tkun approvata d-Direttiva 46/188/KEE dwar il-ħarsien tal-ħaddiema kontra r-riskji li jiġu mill-espożizzjoni għall-istorbju.

3.3.3.   Id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ġunju 2002, tirrigwarda l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali, definiti bħala l-kumpless ta’ storbju mhux mixtieq jew ta’ ħsara għall-ambjent estern ikkawżat mill-attivitajiet tal-bniedem, inkluż l-istorbju li jirriżulta mill-mezzi ta’ trasport.

3.3.4.   Wara ġew adottati d-Direttiva 2007/34/KE tal-Kummissjoni, tal-14 ta’ Ġunju 2007 li temenda, għall-għanijiet tal-aġġustament tagħha għal progress tekniku, id-Direttiva tal-Kunsill 70/157/KEE fir-rigward tal-livell permissibbli ta’ ħoss u tas-sistema tal-egżost tal-vetturi bil-mutur, u r-Regolament Nru 117 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) – Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni tat-tajers rigward l-emissjonijiet ta’ ħoss ta’ rrolljar u l-adeżjoni fuq superfiċji mxarrbin (ĠU L 231, 29.8.2008). Ma’ din għandha tiżdied l-approvazzjoni riċenti tar-regolament COM(2008) dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tipi għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur li jaħseb għal tnaqqis sostanzjali fil-livell tal-istorbju tat-tajers.

4.   Is-sitwazzjoni attwali

4.1.   Skont studju tal-EEA (Exceedeance of air quality limit values in urban areas. Core set indicators assesment – Diċembru 2008) ibbażat fuq il-perijodu ta’ għaxar snin bejn l-1997 u l-2006, il-perċentwal tal-popolazzjoni urbana li potenzjalment ġiet esposta għall-arja ambjentali b’konċentrazzjonijiet ogħla mil-limiti previsti mill-UE għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem kienet ta’:

18-50 % għall-partikolati (PM10) (50 µg/m3 kuljum li ma jinqabżux għal iktar minn 35 jum fis-sena),

18–42 % għad-dijossidu tan-nitroġenu (NO2) (40 µg/m3 fis-sena), u rreġistra tnaqqis modest,

14–61 % għall-ożonu (O3) (120 µg/m3 kuljum fuq medja ta’ 8 sigħat mhux iktar minn 25 darba fis-sena). L-ogħla punt – 61 % – intlaħaq fl-2003 u mhuwiex possibbli tiġi determinata xejra li tista’ toqgħod fuqha,

Il-popolazzjoni esposta għad-dijossidu tas-sulfur (SO2) irriżulta anqas minn 1 % (125 µg/m3 li ma jinqabżux għal iktar minn 3 ijiem fis-sena).

5.   Il-ħsarat ikkawżati mit-tniġġis tal-arja u l-istorbju

5.1.   Illum, l-istorbju huwa wieħed mill-kawżi prinċipali li wassal sabiex il-kwalità tal-ħajja fil-bliet marret għall-agħar. Fil-fatt, għalkemm matul l-aħħar 15-il sena jidher li fl-Unjoni Ewropea l-aktar livelli għoljin tal-istorbju fl-agħar żoni naqsu, kibru ż-żoni b’livelli li għandhom bżonn l-attenzjoni u li wasslu għal żieda tal-popolazzjoni esposta u li ġabu fix-xejn il-benefiċċji li rriżultaw mill-ewwel fenomenu.

5.2.   L-istorbju jiġi identifikat b’mod komuni bħala “ħoss mhux mixtieq” jew bħala “sensazzjoni tas-smigħ mhux pjaċevoli u fastidjuża”.

5.3.   Il-ġlieda kontra l-istorbju tista’ sseħħ skont tliet interventi possibbli:

permezz ta’ azzjoni fuq is-sorsi tal-istorbju (billi jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-sors jew jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-mobilità f’xi partijiet tat-territorju),

permezz ta’ azzjoni kontra t-tifrix tal-istorbju (billi ż-żoni residenzjali jitbiegħdu kemm jista’ jkun miż-żoni fejn hemm l-akbar emissjoni ta’ storbju),

billi jiġu adottati sistemi ta’ protezzjoni passiva (pannelli kontra l-istorbju) għall-aktar bini espost għall-emissjoni tal-istorbju.

5.4.   L-aktar mard frekwenti kkawżat mill-istorbju jista’ jkun marbut mas-smigħ jew le. Ipoakużiji, akufeni (iż-żarżir irqiq li xi kultant jinstema’ fl-intern tal-widna li jista’ jkun ġej minn ħsara permanenti fiċ-ċelluli tal-ħjut kokleari), problemi serji relatati kemm fil-kumpless nervuż tas-smigħ kif ukoll fil-kanal ta’ Ewstakju. L-espożizzjoni għall-istorbju tipproduċi ħsarat fis-sistema tas-smigħ ta’ tip akut kif ukoll kroniku. L-istorbju mit-traffiku ma jilħaqx il-livell ta’ storbju kapaċi li jipproduċi effetti akuti. Is-sistema tas-smigħ tista’ tirkupra mill-effetti negattivi tal-espożizzjoni kronika għall-istorbju jekk tkun tista’ tibbenefika minn żmien biżżejjed ta’ mistrieħ. Għal din ir-raġuni, il-limiti ta’ espożizzjoni kronika jagħmlu referenza għall-espożizzjoni kumplessa maħsuba A tal-ħaddiema fuq medja ta’ 8 sigħat xogħol kuljum. Il-limitu għall-espożizzjoni personali kuljum fl-UE hija stabbilita għal Lex, 8h = 87 dB(A).

5.5.   Il-mard li mhux marbut mas-smigħ jista’ jagħti bidu għal patoloġiji kardjovaskolari tas-sistema gastroenteroloġika minħabba l-istress, l-uġigħ ta’ ras akut u problemi endokrinoloġiċi serji minħabba t-tibdil fil-parametri essenzjali. Effetti magħrufa tal-istorbju li ma jinvolvux is-smigħ jinkludu: fastidju, diffikultà fl-irqad, kumplikazzjonijiet ta’ patoloġiji psikjatriċi li kienu jeżistu qabel. Bosta studji wrew rabta bejn il-livelli għoljin ta’ fastidji dikjarati (parametru suġġettiv) u l-livelli ta’ storbju tat-traffiku, bħalma hu tal-ferrovija, l-aktar għall-istorbju matul il-lejl. Id-diffikultà fl-irqad, ikkawżata b’mod dirett mill-istorbju tat-traffiku matul is-sigħat ta’ bil-lejl, spiss iġġib magħha patoloġiji kardjovaskolari u endokrini oħra, li normalment ma jonqsux aktar ma jkunu esposti fit-tul, minflok kif jiġri fid-diffikultà fl-irqad.

5.6.   L-argument dwar it-tniġġis tal-arja huwa differenti. 500 000 ruħ fis-sena jmutu minħabba t-tniġġis tal-arja fid-dinja filwaqt li tonqos l-aspettattiva tal-ħajja (kważi 3 miljun ruħ imutu minħabba t-tniġġis tal-arja interna). Minn riċerka li saret f’Milan mill-istitut nazzjonali għall-istudju u l-kura tal-kanċer, permezz tad-dipartiment tal-epidemjoloġija ambjentali u r-reġistru tal-kanċer, jekk jitnaqqsu l-partikolati PM10 minn 60 għal 30 µg/m3, l-imwiet jonqsu b’1 575 minn kemm qegħdin bħalissa, jiġifieri 13 122. Iċ-ċittadini ta’ dik il-belt għandhom ikunu l-aktar interessati!

5.7.   Din l-estrapolazzjoni fit-tul ġejja mill-istudju ta’ C. Arden Pope III (pubblikat f’JAMA, 2002 – Vol. 287, Nru. 9) fuq kampjun ta’ 1 200 000 persuna membri tal-Cancer Society f’perijodu ta’ osservazzjoni li beda fl-1982 sal-1998, imsemmi Lung Cancer, Cardiopulmonary Mortality and Long-term Exposure to fine Particulate Air Pollution (“Il-kanċer tal-pulmun, l-imwiet kardjopulmonari u l-espożizzjoni fuq medda twila ta’ żmien għall-inkwinament li ġej mill-partikulat fin fl-arja”). Il-WHO aċċettat il-parametri li rriżultaw minn dan l-istudju li identifika żieda ta’ 6 % fir-riskju ta’ mewt għall-popolazzjoni ta’ aktar minn 30 sena.

5.8.   It-tniġġis tal-arja jikkawża ħafna mard, fosthom il-bronkite akuta u kronika, il-mard fil-pulmun u s-sistema kardjoċirkolatorja, id-diffikultajiet fir-respirazzjoni bħad-dispneja, żieda fil-kanċer, żieda fl-attakki tal-ażma, u l-infjammazzjonijiet akuti fl-għajnejn.

6.   Il-ħaddiema esposti għall-istorbju u t-tniġġis fl-arja

6.1.   Huma ħafna l-kategoriji ta’ ħaddiema milquta minn espożizzjoni żejda f’ambjent urban imniġġes. Dawk kollha li jaħdmu fit-toroq: dawk il-ħaddiema inkarigati mill-manutenzjoni, il-pulizija muniċipali u tat-traffiku, dawk li jieħdu ħsieb il-pompi tal-petrol, ix-xufiera tal-linja u tal-vetturi tat-trasport tal-merkanzija. Il-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali tqis bir-reqqa r-riskji potezjali ta’ kull impieg individwali, u tipprovdi miżuri preventivi adegwati.

6.2.   Il-leġiżlazzjoni dwar it-tniġġis tal-arja fuq il-postijiet tax-xogħol hija pjuttost stretta dwar in-negozji industrijali li jużaw materjali perikolużi, filwaqt li f’dak li għandu x’jaqsam mal-istorbju, kull tagħmir jew makkinarju li jikkawża emissjoni tal-ħoss irid jirrispetta l-limiti stipulati għall-approvazzjoni tat-tip, ħlief f’każijiet partikulari, li jaqbżu l-limiti massimi, fejn għandha tiġi użata b’mod obbligatorju l-protezzjoni tal-widnejn (imrietel pnewmatiċi, makkinarju għat-tiksir tat-toroq).

6.3.   M’hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika għall-ħaddiema li jaħdmu fit-toroq u li jieħdu n-nifs mill-arja mniġġsa jew li jkunu esposti għall-ħoss kontinwu. F’dak li jirrigwarda, pereżempju, ix-xufiera tal-linja, jeħtieġ li jonqsu s-sorsi tal-istorbju u tal-vibrazzjoni tal-vettura filwaqt li tittejjeb it-teknika li tintuża sabiex il-ħoss ma jinfidx fil-kabina. L-istorbju eċċessiv jaffettwa b’mod negattiv il-prestazzjoni tas-sewwieq billi jistressah, iżid it-tensjoni muskolari u jaffettwa l-preċiżjoni tal-movimenti. L-istorbju jaġixxi fuq is-sistema nervuża veġetattiva u jnaqqas xi wħud mill-funzjonijiet li huma importanti fis-sewqan, bħal pereżempju l-valutazzjoni tal-veloċità u d-distanza.

6.4.   It-titjib tal-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema hija responsabilità li għandha tittieħed fil-livelli politiċi u amministrattivi kollha, billi jiżdiedu l-kontrolli filwaqt li jittieħdu passi severi kontra min jikser ir-regoli tas-sigurtà. Il-ħaddiema huma spiss vittmi ta’ inċidenti li setgħu jiġu evitati kieku l-istandards tas-sigurtà jkunu ġew aġġornati b’mod adattat fuq il-bażi tal-aktar studji reċenti kif ukoll tal-iżvilupp tat-teknoloġija. Fost dawn jidħlu wkoll l-aktar studji epidemjoloġiċi reċenti marbuta mal-fatturi pollutanti li bħala effetti sekondarji jistgħu itellfu l-attenzjoni ta’ dak li jkun u joħolqu konsegwenzi li m’hemmx rimedju għalihom.

7.   Liema inizjattiva għandha tittieħed kontra l-istaġnar tar-riżultati?

7.1.   Ir-rapporti tal-aġenziji Ewropej juru li l-ġlieda kontra l-fatturi li jniġġsu għad mhix mirbuħa. Jeħtieġ li jissaħħu l-faċilitajiet ta’ protezzjoni legali taċ-ċittadini permezz ta’ sistema adattata ta’ kontrolli, li għandhom ikunu indipendenti mill-amministrazzjonijiet u l-gvernijiet lokali.

7.2.   Skont studju reċenti ħafna tal-EEA, il-kawża prinċipali taż-żieda tal-emissjonijiet li jagħmlu l-ħsara tirriżulta mit-tkabbir tad-domanda għat-trasport, għalkemm iqis ukoll it-tnaqqis li jirriżulta mill-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-karburanti: iżda ta’ spiss id-domanda tinħoloq minn fatturi esterni għat-trasport (l-ivvjaġġjar għax-xiri, ix-xogħol u l-vaganzi). Id-deċiżjonijiet meħuda barra mis-settur tat-trasport jinfluwenzaw il-marka ekoloġika (carbon footprint – l-impatt tal-gassijiet b’effett ta’ serra) tas-settur tat-trasport, mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi. Hija meħtieġa analiżi dettaljata tal-attivitajiet ekonomiċi barra mis-settur tat-trasport (EEA, Beyond transport policy – exploring and managing the external drivers of transport demand Lil hinn mill-politiki tat-trasport – niskopru u namministraw il-fatturi tad-domanda għat-trasport), Rapport tekniku Nru 12/2008).

7.3.   F’xi bliet, waslu biex iċaqalqu l-istazzjonijiet mill-aktar żoni mniġġsa tal-belt għas-subborgi kalmi biex ma jtellfux il-kummerċ minħabba l-limitazzjonijiet tat-traffiku, jew inkella sempliċiment ma nġabritx iktar data minn dawk iż-żoni.

7.4.   Is-sistema tal-awtoċertifikazzjoni li jużaw l-industriji li jipproduċu t-tajers, b’kontrolli bbażati fuq is-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-asfalt (il-ħruxija, il-kapaċità intrinsika li jassorbi l-ħoss), tiffoka ħafna fuq it-tnaqqis tal-istorbju li jinstema’ ġol-vetturi aktar milli dak ta’ barra, jiġifieri dak li jisimgħu ċ-ċittadini.

7.5.   It-tniġġis akustiku huwa l-introduzzjoni tal-istorbju fl-ambjent residenzjali jew fl-ambjent estern sal-punt li jipprovoka fastidju u jtellef il-mistrieħ u l-attivitajiet tal-bniedem, ikun ta’ periklu għas-saħħa, ikun ta’ ħsara għall-ekosistemi, il-ġid materjali, il-monumenti, l-ambjent residenzjali u l-ambjent estern, jew li jtellef mit-tgawdija leġittima tal-istess ambjenti. Wieħed għandu jiġġieled kontrih permezz ta’ approċċ intelliġenti li jinvolvi l-popolazzjoni, billi jħeġġiġha ġġib ruħha b’mod adatt ħalli jinkiseb il-benesseri kollettiv.

7.6.   Minbarra li nħeġġu dan it-tip ta’ mġiba, b’mod partikulari fil-ġenerazzjoni żagħżugħa permezz tal-interazzjoni mal-iskola, sa mill-iskejjel primarji, jeħtieġ li jsir progress b’azzjonijiet maħsuba biex jilħqu l-għan ta’ soċjetà b’emissjonijiet baxxi ta’ CO2 u pollutanti oħra.

7.7.   It-trasport urban sostenibbli u kollettiv għandu jiġi appoġġjat bis-saħħa tal-inċentivi. Il-belt ta’ Basilea ħadet l-inizjattiva interessanti li, bi ftehim mal-lukandiera, tqassam karta tal-mobilità bla ħlas (jiġifieri inkluża fil-prezz tal-lukanda) li li biha wieħed jista’ juża t-trasport pubbliku bla ħlas ekwivalenti matul il-ġranet li jqatta’ fil-lukandi. Din hija stedina sabiex il-karozza titħalla d-dar.

Il-limitazzjonijiet tat-traffiku urban billi tingħata preferenza lit-trasport pubbliku għall-persuni (2), l-adozzjoni ta’ taxxa fuq il-vetturi u l-karburanti b’rabta mal-emissjonijiet li jipproduċu (3) u b’hekk jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni (4), il-permessi bi ħlas għad-dħul fiċ-ċentri urbani li wara l-ewwel impatt pożittiv ta’ tnaqqis tat-traffiku urban, għandhom it-tendenza li maż-żmien jitilfu l-effettività tagħhom, bħal fil-każ ta’ Londra, Stokkolma jew Milan. Il-vetturi utilitarji sportivi (SUVs) għandhom jintużaw fi spazji miftuħa u mhux fil-bliet iż-żgħar Ewropej li kienu nbnew bil-ħsieb li minnhom jgħaddu l-karrettuni u ż-żwiemel (dawn il-fatturi jipproduċu l-emissjonijiet ta’ CH4 ukoll!).

7.8.1.   Il-produzzjoni u l-użu ta’ vetturi li jirrispettaw aktar il-limiti marbuta mal-pollutanti atmosferiċi huma fattur fundamentali fit-tentattiv li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mil-liġijiet Ewropej f’dan il-qasam.

7.9.   L-iżvilupp ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti (ITS, Intelligent Transportation Systems) (5). Is-sistemi ta’ trasport intelliġenti ivarjaw skont it-teknoloġiji applikati, minn sistemi ta’ ġestjoni bażiċi bħan-navigazzjoni satellitari, sistemi ta’ kontroll tas-sinjali tat-traffiku, kameras tal-veloċità u sistemi tas-sorveljanza bħas-CCTV, sa applikazzjonijiet avvanzati li jintegraw data fi żmien reali li tkun ġejja minn diversi sorsi esterni, pereżempju informazzjoni meteoroloġika, sistemi għat-tneħħija tas-silġ mill-pontijiet u applikazzjonijiet oħra.

7.10.   Jistgħu jintużaw teknoloġiji komputazzjonali, integrati ma’ sistemi operattivi fi żmien reali u li jużaw mikroproċessuri li diġà jinsabu fil-vetturi l-ġodda; is-sistema FCD (floating car data jew floating cellular data) li tuża s-sinjali tal-mobiles tas-sewwieqa tal-vetturi li għandhom mobile; it-teknoloġiji b’sensers interni jew esterni; l-identifikazzjoni permezz ta’ ċikli induttivi b’sensers poġġuti fl-asfalt, l-identifikazzjoni bl-użu ta’ videos.

7.11.   Bis-saħħa tal-elettronika tista’ tingħeleb ukoll il-problema tal-ħlas għall-użu tat-toroq urbani u mhux urbani. Minbarra li tintuża għall-ġbir tal-ħlasijiet, is-sistema elettronika tal-ġbir tal-ħlasijiet għall-użu tat-toroq (ETC, Electronic toll collection) tintuża wkoll sabiex tissorvelja t-tendenzi tal-konġestjoni billi tkejjel kemm ikunu għaddejjin vetturi kull tant ħin.

7.12.   Huwa xieraq li tinbeda riflessjoni dwar il-vetturi ta’ rikreazzjoni (buggies, quads, muturi off-road, jet-ski, snowmobiles, ajruplani ħfief ħafna). Spiss l-element tal-istorbju u emissjonijiet li jħallu ħafna rwejjaħ diżgustanti huma parti intrinsika ta’ dawn il-mezzi. Dawn il-vetturi kważi qatt ma jkollhom pjanċa tal-liċenzja, iżda jkunu jistgħu jiġu trasportati u pparkjati legalment. Ġeneralment il-muturi tagħhom iridu jikkonformaw mar-regoli ġenerali, iżda hemm dubju dwar jekk dawn ir-regolamenti jikkunsidrawx b’mod suffiċjenti li dawn il-vetturi jintużaw fi spazji ta’ valur naturali kbir. L-iżvilupp rapidu tad-diffużjoni ta’ mezzi bħal dawn joħolqu problemi mhux biss ambjentali, iżda joħloq ukoll sfida teknoloġika.

7.13.   L-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, b’mod partikulari dawk ikkawżati lis-saħħa taċ-ċittadini kif ukoll il-politiki integrati dwar it-trasport, li jistabbilixxu l-livell ta’ sostenibbiltà ambjentali ta’ kull proġett, ir-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji, it-titjib ambjentali, il-ħolqien tal-impjiegi u l-effett fuq il-konġestjoni.

7.14.   Il-bidla fl-istil ta’ ħajja. Is-sostenn tal-mobilità sostenibbli permezz tal-mixi u ċ-ċikliżmu għal distanzi qosra u t-titjib tal-infrastrutturi disponibbli għan-nies li jimxu jew jużaw ir-rota.

7.15.   Ir-reviżjoni tal-ġestjoni tal-loġistika u l-produzzjoni just-in-time toħloq ħela enormi fit-trasport tal-merkanzija. Standardizzazzjoni tad-disinni b’mod li jonqos l-għadd ta’ spare parts.

7.16.   L-iżvilupp tat-teleworking fejn ikun possibbli.

7.17.   It-tħeġġiġ tar-riċerka u l-iżvilupp innovattiv ta’ materjali u soluzzjonijiet teknoloġiċi biex tonqos il-produzzjoni ta’ pollutanti mit-traffiku u t-trasport fit-triq.

7.18.   Sabiex jittejjeb l-impatt tal-istorbju jista’ jiġi adottat tagħmir għall-kontroll tal-velocità fuq l-uċuħ tat-toroq, tista’ titejjeb il-kwalità tal-asfalt u jistgħu jitpoġġew pannelli li jassorbu l-ħoss fiż-żoni bl-ogħla densità ta’ traffiku. Jistgħu jiġu introdotti sanzjonijiet li jservu ta’ deterrent effettiv kontra l-vetturi li jaqbżu l-limiti tal-emissjonijiet tal-istorbju, u li jwasslu sas-sekwestru tal-vettura. Kontrolli tal-istorbju b’mod li jirrifletti aktar il-kundizzjonijiet “normali” tas-sewqan tal-vetturi.

7.19.   Il-vetturi bil-mutur huma dawk l-aktar responsabbli għall-istorbju li jagħtu fastidju u jagħmlu l-ħsara. Għandhom jissaħħu l-kontrolli fuq l-emissjonijiet tal-istorbju tagħhom billi jitneħħew miċ-ċirkolazzjoni sakemm jitressaq ċertifikat ta’ konformità mal-liġijiet eżistenti.

Brussell, 16 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Is-Sur Mario SEPI


(1)  ĠU C 220, 16.9.2003, p. 16.

(2)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 77–86.

(3)  ĠU C 195, 18.8.2006, p. 26–28. mhux disponibbli bil-Malti.

(4)  Ara paġna 80 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  Opinjoni tal-KESE 872/2009, TEN/382, Varar ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport, relatur: is-Sur Zboril (ghadha mhux ippubblikata fil-ĠU).


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/29


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-swieq tal-partijiet u s-swieq downstream tas-settur tal-karozzi

(2009/C 317/05)

Relatur: is-Sur ZÖHRER

Korelatur: is-Sur LEIRIÃO

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu li nżammet nhar l-10 ta’ Lulju 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Is-swieq tal-partijiet u s-swieq downstream tas-settur tal-karozzi.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Zöhrer u l-korapporteur kien is-Sur Leirião.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’104 voti favur, 4 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Sommarju, konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   L-industrija tal-karozzi hija waħda mill-industriji prinċipali tal-UE. Hija mutur ewlieni tat-tkabbir, l-impjiegi, l-esportazzjoni u l-innovazzjoni. Is-settur tal-partijiet u s-servizzi li jagħmlu parti mis-settur downstream tagħha huma importanti wkoll. L-atturi tas-swieq downstream huma l-produtturi tal-karozzi, il-provvedituri tagħhom u l-operaturi indipendenti jew awtorizzati fil-qasam tas-servizzi, il-partijiet, l-aċċessorji u fl-oqsma tal-manifattura, id-distribuzzjoni u l-bejgħ bl-imnut. Dan kollu jifforma netwerk ta’ 834 700 kumpanija (l-iktar SMEs) li b’kollox jaqilgħu EUR 1 107 biljun u jimpjegaw madwar 4,6 miljun ħaddiem.

1.2.   Kemm il-produtturi kif ukoll in-negozjanti tal-karozzi qegħdin jiffaċċjaw kompetizzjoni akbar li qiegħda dejjem tnaqqas il-qligħ. B’hekk is-swieq downstream qed isiru iktar importanti u l-produtturi tal-karozzi qed jaqdu rwol iktar dominanti mill-operaturi indipendenti.

1.3.   Is-settur tal-produzzjoni u tal-provvista tal-karozzi kien fost l-ewwel setturi li ntlaqtu l-iktar mill-kriżi fis-swieq finanzjarji matul it-tieni nofs tal-2008 u ġarrab tnaqqis kbir fil-bejgħ. Dan wassal għal tnaqqis fil-produzzjoni li għandu konsegwenzi koroh fuq il-kumpaniji kif ukoll l-impjegati tagħhom. Il-kriżi laqtet ukoll il-kumpaniji tas-swieq downstream. Dawn is-swieq qed isibuha iktar diffiċli li jiksbu l-fondi, fattur li qiegħed jhedded l-eżistenza tagħhom. Il-Kumitat jilob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex fil-miżuri kollha li jkunu ser jieħdu jqisu l-atturi tas-swieq downstream bl-istess mod kif iqisu atturi oħrajn.

Irrispettivament mis-sitwazzjoni attwali, fis-settur tal-karozzi jeżistu tendenzi fuq perijodu medju u iktar fit-tul li ser iwasslu għal ristrutturar konsiderevoli fis-suq downstream ukoll. Fi ftit snin l-istrutturi ta’ dan is-settur ser jiġġeddu kompletament. Minn naħa mistennija bidla fis-sehem tas-suq favur l-operaturi indipendenti u min-naħa l-oħra bosta kumpaniji, b’mod partikolari l-kumpaniji żgħar u l-mikrokumpaniji, ser jirnexxilhom jibqgħu fis-suq jekk jiżviluppaw kunċetti ġodda u jibqgħu jinvestu.

1.4.1.   Fil-fehma tal-KESE, ir-ristrutturar fis-settur downstream ser iwassal għal bosta sħubijiet (anki ma’ atturi tas-soċjetà ċivili) u forom ġodda ta’ relazzjonijiet mal-konsumatur. Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib li għandu s-settur tal-produzzjoni tal-karozzi ma’ setturi oħra, u tad-diversifikazzjoni tal-industrija tal-provvista u n-negozju tal-karozzi, kull forma ta' ristrutturar li għandha konsegwenzi negattivi fuq l-SMEs ser tolqot ukoll lil mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema fl-Istati Membri tal-UE. Għalhekk il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tosserva l-proċessi ta’ ristrutturar fis-swieq downstream mill-qrib u fejn hemm bżonn tieħu azzjoni saiex tipproteġi l-kompetizzjoni.

1.4.2.   Il-Kumitat iħeġġeġ li, b’konformità mal-Istrateġija ta’ Liżbona, għandu jitwaqqaf grupp ta’ livell għoli, li abbażi tar-riżultati tal-proġett CARS 21, ifassal il-perspettivi għal wara l-kriżi u jidentifika l-oqsma li jirrikjedu azzjoni. B’kunsiderazzjoni tal-iżviluppi fl-industrija kollha tal-karozzi għandhom jitqiesu wkoll dawn il-prijoritajiet:

l-iżvilupp kontinwu tal-qafas legali/l-aċċess għal kompetizzjoni ħielsa u ġusta;

l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Liżbona;

iż-żieda fil-bżonn tal-kwalifiki;

l-innovazzjoni;

il-kwistjonijiet relatati mal-konsumatur;

il-politika tal-kummerċ;

l-aspetti soċjali.

1.5.   Il-KESE huwa tal-opinjoni li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali attwali, ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tipproteġi kompetizzjoni ħielsa u ġusta billi:

matul il-kriżi diffiċli tevita bidliet kbar;

id-dispożizzjonijiet li jwasslu għal konċentrazzjoni kbira fuq in-negozju jitfasslu b’mod bilanċjat;

li jitfassal il-qafas xieraq għas-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent u s-semplifikazzjoni tar-regoli;

li jiġu antiċipati l-għanijiet ta’ mġiba li ma tiffavorixxix il-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw minn ristrutturar ġdid fis-suq;

li jiġi appoġġjat il-prinċipju stabbilit fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar – “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” għall-iżvilupp tal-SMEs, l-innovazzjoni u l-ħarsien tal-impjiegi.

1.6.   Sabiex jiġu żgurati kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità tal-impjiegi, tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema u s-settur isir aktar attraenti, huwa importanti li s-settur u l-kumpaniji jindirizzaw l-isfidi soċjali. Fuq kollox jeħtieġ li jitqiesu wkoll il-bidla demografika, l-iżvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja u ta’ mudelli ta’ tagħlim kontinwu u rekwiżiti ġodda tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Għalhekk il-Kumitat jitlob lill-atturi u lill-Kummissjoni sabiex ikomplu jinsistu fuq id-djalogu soċjali (fis-settur, fil-livell nazzjonali u fil-kumpaniji).

2.   L-isfond

2.1.   L-industrija tal-karozzi hija waħda mill-iktar industriji importanti tal-UE. F’Novembru 2007, is-CCMI fasslet rapport ta’ informazzjoni intitolat “Is-settur tal-karozzi fl-Ewropa: is-sitwazzjoni attwali u l-prospettivi”. Dan ir-rapport iffoka fuq l-oqsma ċentrali tas-settur, jiġifieri fuq il-produzzjoni tal-vetturi u l-partijiet (skont NACE 29, in-nomenklatura tal-oqsma tan-negozju). Madanakollu, hekk kif stqarr id-dokument, ħafna mill-partijiet li jintużaw fl-industrija tal-karozzi u lista sħiħa ta’ attivitajiet ekonomiċi relatati mhumiex imniżżla taħt in-NACE 29.

2.2.   L-attivitajiet ekonomiċi relatati mas-swieq tal-partijiet tal-industrija tal-karozzi u s-swieq downstream jirrappreżentaw attivitajiet differenti, u xi wħud minn dawn l-attivitajiet jiddependu mill-industrija, (il-produzzjoni ta’ tagħmir tal-elettriku għall-magni u l-vetturi, il-produzzjoni taż-żebgħa għall-karozzi, il-produzzjoni tat-tyres, ta’ prodotti sintetiċi u tat-tessuti, ta’ sistemi tal-arja kkundizzjonata, ta’ batteriji u ta’ strumenti tal-kejl għall-karozzi). U oħrajn jiddependu mis-settur tas-servizzi, bħas-servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija tal-vetturi bil-mutur.

L-atturi tas-swieq downstream fl-Ewropa huma l-produtturi tal-karozzi, il-provvedituri, tagħhom u l-operaturi indipendenti fil-qasam tas-servizzi, il-partijiet, l-aċċessorji u fl-oqsma tal-manifattura, id-distribuzzjoni u l-bejgħ bl-imnut. Dawn l-attivitajiet ekonomiċi jaqdu rwol ċentrali fl-ekonomija Ewropea għax jolqtu lil bosta setturi oħra (kumpaniji kbar u SMEs) u jaqdu rwol ċentrali wkoll fil-politika tal-impjieg.

2.3.1.   Is-swieq downstream jistgħu jinqasmu fi tlieta:

I.   Id-distribuzzjoni, is-servizz, it-tiswija u l-manutenzjoni

Din il-kategorija tinkludi l-istrutturi tal-produttur stess (il-bejgħ u s-servizz), l-imsieħba kuntrattwali li jiddependu direttament mill-produttur (importaturi ġenerali, workshops awtorizzati tat-tiswija, eċċ.) u workshops indipendenti. Jeżistu workshops ġenerali u dawk li jispeċjalizzaw f’qasam partikolari. Il-wokshops li jispeċjalizzaw f’qasam partikolari jkunu wkoll il-provvedituri tal-industrija tal-karozzi.

II.   Spare parts

Il-produtturi tal-karozzi, il-provvedituri jew id-dealers jieħdu ħsieb il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ispare parts. Qiegħed ikompli jiżdied l-ammont ta’ spare parts li ma jagħmlux parti mill-forma orġinali tal-karozza iżda huma spare parts addizzjonali. Jeżistu wkoll bosta spare parts ġenerali li ma jkunux marbuta ma’ marka partikolari (tyres, rimmijiet tat-tyres, batteriji, spark plugs, filters, lampi, eċċ.).

III.   Aċċessorji u tuning

Dawn jinkludu bejn wieħed u ieħor il-partijiet jew il-komponenti kollha li jagħtu xeħta individwali lid-disinn u jintużaw biex iżidu l-kumdità jew is-sigurtà tal-karozza. Dan il-qasam ikopri diversi affarijiet, minn komponenti elettroniċi jew idrawliċi kumplessi (bħal pereżempju sistemi ta’ navigazzjoni bil-GPS jew chassis) sa oġġetti tal-plastik (pereżempju tagħmir fejn wieħed jista’ jpoġġi t-tazza).

2.3.2.   L-importanza tal-iscrapping u r-riċiklaġġ qed tiżdied f’dan is-suq. Minn naħa il-partijiet li jintremew jerġgħu jinħadmu u jinbiegħu u min-naħa l-oħra jintużaw ukoll bħala sors ta’ materja prima, pereżempju l-azzar, l-aluminju u l-plastik.

2.3.3.   Hemm ukoll lista’ sħiħa ta’ parteċipanti fis-suq tas-settur tas-servizzi bħall-istazzjonijiet tal-petrol, is-servizzi ta’ għajnuna f’każ ta’ emerġenza u l-ispetturi tekniċi/l-aġenziji tal-ispezzjoni u dawk li jsewwu l-body tal-karozza.

Ma jeżistux biżżejjed statistiki fil-qasam. Fl-oqsma tal-produzzjoni industrijali jew tas-servizzi, id-data speċifika teżisti biss fi ftit każijiet eċċezzjonali u, ġeneralment dawn ikunu oqsma tal-produzzjoni u s-servizzi li jagħmlu parti minn setturi tal-industrija u tas-servizzi differenti.

2.4.1.   Is-suq downstream tal-industrija tal-karozzi jikkonsisti minn madwar 834 700 kumpanija u l-biċċa l-kbira tagħhom huma SMEs. L-istrutturi jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. F’xi pajjiżi, b’mod partikolari fin-Nofsinhar tal-Ewropa, jiddominaw il-kumpaniji ż-żgħar u l-mikrokumpaniji (ħafna drabi negozji tal-familja) filwaqt li f’pajjiżi oħra s-settur huwa ddominat ħafna iktar minn strutturi kbar, bħal pereżempju fil-Ġermanja u Franza. Is-settur jagħmel qligħ ta’ EUR 1 107 biljun fis-sena u jimpjega madwar 4,6 miljun ħaddiem fl-Unjoni Ewropea (1).

3.   Sfond ekonomiku u tendenzi internazzjonali

Is-settur tal-produzzjoni u tal-provvista tal-karozzi kien fost l-ewwel setturi li ntlaqtu l-iktar mill-kriżi fis-swieq finanzjarji matul it-tieni nofs tal-2008 u ġarrab tnaqqis kbir fil-bejgħ. Il-problemi fis-suq finanzjarju laqtu lis-settur b’żewġ modi partikolari. L-ikbar investiment ta’ familja, wara d-dar, huwa l-karozza. Matul perijodi ekonomiċi diffiċli, investimenti bħal dawn jiġu evitati u dan wassal għal tnaqqis kbir li ma kienx mistenni fis-suq tal-bejgħ tal-karozzi. Barra minn dan, l-aċċess għas-self sar aktar diffiċli u l-SMEs, b’mod partikolari, qed jiffaċċjaw diversi problemi sabiex jiffanzjaw l-attivitajiet tagħhom. Dan qed jolqot lill-investimenti tal-kumpaniji u b’riżultat ta’ dan ser jonqos ukoll l-ammont ta’ karozzi tal-kumpaniji li jinbiegħu (2)  (3).

3.1.1.   Fl-2008, fl-Ewropa, l-ammont ta’ karozzi privati ġodda li ġew reġistrati naqas b’7.8 % meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Matul l-aħħar tliet xhur tas-sena d-differenza laħqet id-19,3 %. Il-bejgħ tal-vetturi għall-użu ħafif naqas b’iktar minn 10 % u tal-vetturi għall-merkanzija tqila b’4 %. Din kienet it-tendenza tal-bidu tal-2009 ukoll, minkejja li l-miżuri differenti li ħadu l-Istati Membri (pereżempju premiums ambjentali u għall-iscrapping) ftit li xejn ħallew effett fuq il-bejgħ. Fil-qasam tal-vetturi kummerċjali s-sitwazzjoni mistennija tkompli tiggrava. Is-settur tal-vetturi kummerċjali tqal fl-Ewropa ilu f’kundizzjoni diżastruża sa mill-2009. Ir-reġistrazzjonijiet fis-settur naqsu b’38.9 % matul l-ewwel kwart tas-sena.

3.1.2.   It-tnaqqis fil-produzzjoni għandu konsegwenzi koroh fuq il-kumpaniji kif ukoll l-impjegati tagħhom. Waħda mill-konsegwenzi prinċipali hija l-għoti tas-sensji (li tolqot l-ewwel u qabel kollox lill-ħaddiema temporanji) u tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jew miżuri simili li jwasslu għal tnaqqis fil-pagi.

Indipendentement mill-iżvilupp attwali, fir-rapport tagħha ta’ Novembru 2007, is-CCMI studjat l-iktar tendenzi importanti tal-industrija tal-karozzi (4). Il-kriżi attwali ser tħaffef dawn l-iżviluppi u ser twassal għal bidla strutturali kbira fl-industrija. It-tendenzi għandhom impatt dirett fuq l-iżviluppi u l-bidliet fis-suq downstream. L-aktar tendenzi importanti għall-provvedituri u għas-swieq downstream tal-industrija tal-karozzi huma miġbura fil-paragrafi li ġejjin.

3.2.1.   L-aktar riżultati importanti:

L-istudji tat-tendenzi u t-tbassir attwali juru li l-industrija tal-karozzi fil-perijodu medju ser tkun settur li jara tkabbir iżda li ser ikompli jiġi kkaratterizzat minn ristrutturar kbir.

Iż-żieda fil-valur miżjud u l-impjiegi tiddependi prinċipalment mis-settur tal-produzzjoni tal-partijiet u minn outsourcing kontinwu.

Mistenni iktar outsourcing speċjalment minn kumpaniji (Amerikani) li jipproduċu ammonti kbar ta’ karozzi; il-produtturi Ewropej (b’mod partikolari Ġermaniżi) ta’ karozzi ta’ kwalità superjuri ser jintlaqtu ħafna inqas minn dan il-fenomenu.

Fuq skala internazzjonali, it-tkabbir fil-produzzjoni tal-vetturi bil-mutur ser ikun ikkonċentrat fl-istati BRIC (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina), b’mod partikolari fiċ-Ċina u l-Indja kif ukoll fl-Ewropa.

Minkejja t-tendenzi ġenerali ta’ tkabbir, ser ikun hemm ukoll bidliet reġjonali oħra li mhumiex ikkonċentrati biss f’ċentri tat-tkabbir ekonomiku:

il-possibbiltà li xi produtturi finali individwali ser ikollhom jiffaċċjaw kriżi li ser thedded l-eżistenza tagħhom;

il-possibbiltà li l-Istati Uniti jgħaddu minn żvilupp intern simili għal dak li għadda minnu r-Renju Unit fis-snin disgħin ma tistax tiġi eliminata (ristrutturar komprensiv u rilokazzjoni reġjonali);

ir-relazzjonijiet bejn il-produtturi tal-vetturi u l-produtturi tal-komponenti ser ikomplu jinbidlu b’riżultat tal-proċess tal-outsourcing;

probabbilment ser ikun hemm konċentrazzjoni akbar fl-industrija tal-produzzjoni tal-komponenti;

b’riżultat tal-iżviluppi teknoloġiċi (bħal pereżempju fl-oqsma tat-teknoloġija tal-karozzi u tal-magni) huwa mistenni li jkun hemm ristrutturar fis-settur tal-produzzjoni tal-komponenti.

Il-livell li bih ser jintlaqtu l-produtturi individwali tal-partijiet minn dan il-proċess ta’ ristrutturar jiddependi minn dawn id-diversi fatturi:

il-firxa ta’ prodotti li joffru l-kumpaniji u jekk humiex l-uniċi produtturi tal-prodotti offruti;

l-attivitajiet ta’ Riċerka u Żvilupp u l-ispejjeż tagħhom;

ir-relazzjonijiet bejn il-produtturi tal-vetturi u l-produtturi tal-komponenti;

l-effiċjenzja fl-organizzazzjoni tal-produzzjoni;

il-livell ta’ parteċipazzjoni tal-kumpaniji kkonċernati f’netwerks ta’ valur miżjud u l-ħolqien ta’ relazzjonijiet bejn il-clusters;

l-istruttura tal-kumpaniji u r-relazzjonijiet ta’ proprjetà;

ir-riżorsi kapitali u l-cash flow disponibbli;

il-preżenza tal-livell reġjonali.

L-iżvilupp tal-istruttura reġjonali tal-industrija Ewropea tal-karozzi ser ikompli jkun karatterizzat minn ċaqliq mill-Punent għal-Lvant.

Probabbilment fl-industrija tal-karozzi, it-tkabbir sfurzat fil-produttività ser ikun ogħla miż-żieda prevista fil-produzzjoni. Dan ser jirriżulta fi pressjoni fuq ix-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (b’mod speċjali fis-settur tal-partijiet).

Fl-industrija tal-karozzi dinjija u Ewropea teżisti kapaċità żejda fil-produzzjoni tal-karozzi tal-passiġġieri. Iż-żieda ta’ aktar kapaċità ser ikompli joħloq pressjoni fuq din il-kapaċità żejda.

Is-suq huwa kkaratterizzat mix-xewqat varjati u kumplessi tal-konsumatur. Barra minn hekk, l-iżviluppi demografiċi kif ukoll l-iżviluppi fil-pagi u fil-prezzijiet tal-bejgħ jaqdu rwol importanti wkoll.

Il-problemi klimatiċi, l-iskarsezza tal-materja prima u s-sigurtà huma sfidi esterni enormi. Sfidi bħal dawn joħolqu pressjoni fuq il-ħtieġa ta’ żvilupp ikbar fl-oqsma tat-teknoloġija tal-propulsjoni (u l-prevenzjoni tal-egżost u l-użu ta’ karburanti alternattivi), tat-teknoloġija tal-materjali u tas-sistemi intermodulari integrati tat-trasport. Fil-futur qrib dan il-fattur ser ikollu l-ikbar effett fuq is-settur, u għalhekk jeħtieġ li jiġi definit ir-rwol futur tat-trasport bit-triq u tal-vetturi fil-qafas ta’ sistema bħal din.

3.3.   Kemm il-produtturi kif ukoll in-negozjanti tal-karozzi qegħdin jiffaċċjaw kompetizzjoni akbar li qiegħda dejjem tnaqqas il-qligħ. In-negozjanti qed jintlaqtu l-iktar għaliex il-marġni tal-profitt qed jitilgħu għal madwar 0,3 %. B’riżultat ta’ dawn l-iżviluppi, l-atturi qed jikkonċentraw iktar fuq il-bejgħ fis-swieq downstream (servizz, manutenzjoni, spare parts). Il-produtturi tal-vetturi jinsabu f’pożizzjoni dominanti meta mqabbla mal-operaturi indipendenti.

4.   Il-qafas regolatorju tal-UE

4.1.   Is-swieq downstream, għall-kuntrarju tas-suq primarju, jiffaċċjaw diversi problemi fil-qasam tal-kompetizzjoni. In-negozjanti awtorizzati għandhom sehem kbir fis-suq downstream (madwar 50 %) u l-produtturi tal-vetturi għandhom sehem kbir fis-suq tal-partijiet. Xi spare parts oriġinali jistgħu jinkisbu biss mill-produtturi tal-karozzi. L-aċċess tal-workshops indipendenti għall-informazzjoni teknika kellha tiġi infurzata mill-Kummissjoni Ewropea. Is-sitwazzjoni kompetittiva differenti minn dik tas-suq primarju tirrifletti ruħha wkoll fil-fatt li l-produtturi tal-karozzi normalment jaraw aktar qligħ mill-bejgħ tal-ispare parts u l-biċċa l-kbira tal-qligħ tan-negozjanti awtorizzati ġej mit-tiswija u l-manutenzjoni iktar milli mill-bejgħ ta’ karozzi ġodda.

4.2.   Sabiex tipproteġi l-kompetizzjoni u l-għażla tal-konsumatur u tiżgura kundizzjonijiet kompetittivi ugwali fis-settur tal-ispare parts u tat-tiswija, fl-2003, il-Kummissjoni Ewropea ppublikat ir-Regolament (KE) Nru 1400/2002 dwar l-eżenzjoni sħiħa għall-vetturi bil-mutur li stabbilixxa r-regoli għall-atturi li jipparteċipaw fis-suq u li għandu jibqa’ japplika/validu sal-2010.

Ir-Regolament għall-eżenzjoni ġenerali (REĠ) jiddefinixxi l-ftehimiet vertikali li ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni tal-kompetizzjoni inġusta ta’ Artikolu 81 tat-Trattat tal-UE. Dawn ir-regoli huma punt ta’ referenza importanti għall-atturi tas-suq. Jekk il-ftehimiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-REĠ, huma jikkonformaw ukoll mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE.

4.3.   Ir-Regolament dwar l-eżenzjoni sħiħa għall-vetturi bil-mutur (RESVM), li huwa bbażat fuq settur speċifiku, huwa iktar dettaljat mir-REĠ u l-kumplessità tiegħu toħloq problemi ta’ interpretazzjoni għall-atturi tas-suq, b’mod partikolari l-SMEs. Il-Kummissjoni għarfet din is-sitwazzjoni minħabba n-numru ta’ lmenti u talbiet li rċeviet mill-atturi tas-suq li ma kinux relatati ma’ kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni. Fis-swieq downstream, ir-RESVM joħloq approċċ iktar ġeneruż għax f’ċerti kundizzjonijiet il-ftehimiet ikopru sa 100 % tas-sehem fis-suq (ir-REĠ ikopri sa 30 % tas-sehem fis-suq), iżda permezz ta’ regoli speċifiċi dan l-approċċ ġeneruż huwa parzjalment limitat.

Għalhekk fis-settur tal-karozzi, ir-RESVM huwa pjuttost kontroversjali għax in-negozjanti awtorizzati jixtiequ li s-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, il-produtturi tal-karozzi jixtiequ regoli aktar sempliċi u inqas restrittivi u s-settur indipendenti (il-workshops indipendenti u l-produtturi tal-ispare parts) jixtiequ iktar armonizzazzjoni fil-leġiżlazzjoni attwali.

4.4.   Armonizzazzjoni aħjar tal-qafas leġiżlattiv attwali tiġbor fiha:

ir-Regolament għall-eżenzjoni ġenerali;

l-għoti u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni teknika dwar il-mudelli l-ġodda u strumenti ġodda għall-atturi kollha;

ir-reviżjoni tad-Direttiva 96/96/KE dwar l-ispezzjoni teknika tal-vetturi;

id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-kumpaniji (disinn u l-protezzjoni tal-privattivi);

dispożizzjonijiet dwar il-garanzija;

taħriġ.

4.5.   L-atturi kollha li għandhom sehem mis-suq jixtiequ sigurtà legali u jixtiequ jkunu jafu x’ser isir wara l-2010. In-nuqqas ta’ ċertezza dwar minn xiex ser ikun jikkonsisti r-REĠ fil-futur hija sors ta’ tħassib kbir, b’mod partikolari għall-SMEs, dwar it-tul tal-kuntratti u l-investimenti meħtieġa sabiex l-atturi kollha jirċievu l-aktar teknoloġiji moderni u jkollhom aċċess għall-ispare parts, it-teknoloġiji tal-informazzjoni, strumenti u tagħmir ġodda, u taħriġ.

4.6.   Permezz tar-Regolament 715/2007/KE (Euro 5), li daħal fis-seħħ f’Jannar 2009, il-Kummissjoni saħħet il-qafas legali billi rregolat l-aċċess għal kull informazzjoni teknika għall-vetturi li jkunu għadhom kemm kisbu l-approvazzjoni uffiċjali.

4.7.   Il-KESE huwa tal-opinjoni li fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali attwali, ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tipproteġi kompetizzjoni ħielsa u ġusta billi:

matul il-kriżi diffiċli tevita bidliet kbar;

id-dispożizzjonijiet li jwasslu għal konċentrazzjoni kbira fuq in-negozju jitfasslu b’mod bilanċjat;

li jitfassal il-qafas xieraq għas-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent u s-semplifikazzjoni tar-regoli;

li jiġu antiċipati l-għanijiet ta’ mġiba li ma tiffavorixxix il-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw minn ristrutturar ġdid fis-suq;

li jiġi appoġġjat il-prinċipju stabbilit fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar – “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” għall-iżvilupp tal-SMEs, l-innovazzjoni u l-ħarsien tal-impjiegi.

5.   Is-sitwazzjoni attwali fis-suq downstream tal-industrija Ewropea tal-karozzi

B’riżultat ta’ miżuri regolatorji ġodda u iktar attivi, is-suq downstream tal-UE għaddej minn bidla strutturali kbira. Il-bidla teknoloġika u l-proċessi ġodda qed jikkontribwixxu f’dan fit-tfassil mill-ġdid tal-mudell kummerċjali ta’ suċċess fis-suq downstream li jolqot lill-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u d-distribuzzjoni.

5.1.   Il-manutenzjoni u t-tiswija

L-innovazzjonijiet tekniċi wasslu għal kontroll aħjar tal-emissjonijiet u iktar sigurtà u kumdità, però għamlu l-proċess tal-manutenzjoni u t-tiswija iktar diffiċli. Dan is-suq huwa kompetittiv ħafna u ddominat mill-SMEs li jipproduċu partijiet kompetittivi u servizzi ta’ kwalità għolja li jagħtu kontribut sinifikanti għall-impjieg u t-tkabbir fl-ekonomija Ewropea.

5.1.1.   Il-produtturi ta’ għodda għal marki differenti (multi-brand tools) jirrikjedu informazzjoni speċifika (pereżempju informazzjoni dijanjostika speċifika għall-produzzjoni ta’ għodda dijanjostika speċifika li tiżgura tħaddim wiesgħa tal-prodott). Mingħajr l-apparat u l-għodda adattati għal marki differenti, l-intrapriżi ż-żgħar ikollhom jixtru għodda għal kull għamla ta’ vettura differenti li tista’ tidħlilhom għat-tiswija. Għalhekk għandhom isiru dawn l-investimenti li ser iżidu l-qligħ tal-SMEs. Sabiex jibqgħu aġġornati man-numru dejjem jiżdied ta’ sistemi elettorniċi li jinbnew fil-karozzi, il-produtturi tal-għodda jeħtieġu informazzjoni u data serja dwar il-prodott mingħand il-produtturi tal-karozza. Mingħajr din l-informazzjoni il-produtturi tal-għodda dijanjostika ma jistgħux jipproduċu s-software li jużaw l-operaturi indipendenti.

5.2.   Spare parts

Il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ispare parts oriġinali speċifiċi għal marka partikolari ta’ karozza ssir mill-OEM jew mill-provvedituri kuntrattwali tagħha. Ammont sostanzjali ta’ spare parts, bħal tyres, roti, batteriji u filters, ma jkunu marbuta mal-ebda marka partikolari.

Il-kompetizzjoni bejn il-produtturi tat-tyres, batteriji u roti qed tikber u fil-passat il-qasam għadda minn ristrutturar kbir. Dawn is-sottosetturi jirrikjedu analiżi addizzjonali.

5.2.1.   Repliki u kopji tal-ispare parts

L-operaturi indipendenti qed isiru dejjem iktar importanti fis-suq tal-parijiet. Ħafna drabi r-relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz tal-ispare parts li jbigħu tkun aħjar għall-konsumatur (pereżempju, fil-każ ta’ vetturi antiki l-ammont ta’ ħajja li jkun fadallu l-prodott huwa iktar importanti minn prezz irħis). F’dawn il-każijiet, li jgħodd mhux kemm il-parti tixbah lill-parti oriġinali iżda kemm taħdem tajjeb.

Madanakollu s-suq joffri wkoll kopji illegali u repliki ta’ kwalità medjokri. Din hija forma ta’ frodi kontra l-konsumatur li tista’ tiġi indirizzata permezz tal-protezzjoni tal-privattivi u tal-proprjetà intelletwali, u permezz tal-politika tal-kummerċ.

5.2.2.   Is-settur tat-tuning tal-karozzi

Is-settur tat-tuning tal-karozzi huwa qasam tal-industrija tal-karozzi li qed jikber b’rata mgħaġġla.

It-tuning tal-karozzi jfisser li karozza tiġi mmodifikata biex jittejbu l-prestazzjoni, l-apparenza viżwali u s-sigurtà tagħha. It-tuning jista’ jsir fuq kull parti tal-karozza, bħar-roti, it-tyres, is-suspensions, il-mutur, il-parti interna, il-body, is-sistema tal-egżost eċċ.

Jeżistu kumpaniji ddedikati għat-tuning li jbigħu l-prodotti tagħhom fuq livell internazzjonali. Huma jużaw kunċetti u materjali innovattivi u jiżviluppaw tendenzi tekniċi ġodda li xi drabi jibdew jintużaw mill-produtturi tal-karozzi fil-produzzjoni tal-massa tal-karozzi.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tħejji u tippubblika liġi speċifika sabiex tirregola s-settur tat-tuning tal-karozzi.

5.3.   Is-sigurtà u l-użu sostenibbli għall-ambjent

Sabiex wieħed jiżgura li l-karozzi jikkonformaw mal-istandards tal-emissjonijiet u tas-sigurtà tal-UE, mhux biss huma u ħerġin mill-fabbriki iżda matul ħajjithom kollha, hemm bżonn ta’ spezzjoni, manutenzjoni u tiswija regolari. Il-workshops indipendenti u dawk awtorizzati jaqdu rwol importanti fejn jidħlu mudelli ġodda u antiki għax jiżguraw li l-karozza tibqa’ sigura u tikkonforma mar-regoli ambjentali. Dan il-livell ta’ servizz jista’ jingħata biss jekk il-produtturi tal-karozzi jiżguraw aċċess għall-informazzjoni tat-teknoloġija, strumenti li jistgħu jintużaw għal karozzi ta’ marki differenti u tagħmir, spare parts u taħriġ.

6.   Ristrutturar kbir fis-suq downstream

6.1.   L-industrija tal-karozzi u s-settur tal-kummerċ u tas-servizzi ntlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi ekonomika u finanzjarja. Il-problema prinċipali li qed jiffaċċjaw il-kumpaniji (u b’mod partikolar l-SMEs) hija l-aċċess għas-self u t-tnaqqis kbir fid-domanda għal karozzi ġodda. Min-naħa l-oħra s-swieq downstream tal-industrija tal-karozzi nlaqtu minn ħafna fatturi oħra, fosthom:

iż-żieda fl-età medja ta’ karozza u t-tnaqqis fil-mili li karozza tagħmel fis-sena;

it-tnaqqis fit-tiswija għax il-partijiet għandhom ħajja itwal u t-tnaqqis fil-manutenzjoni;

iż-żieda fl-ispejjeż tat-tiswija minħabba li żdied l-użu ta’ partijiet b’teknoloġija sofistikata fil-karozzi;

il-pressjoni fuq il-prezz tat-tiswija minħabba qligħ inqas fil-familji u sensittività ogħla tal-konsumaturi fir-rigward tal-prezzijiet;

iż-żieda fl-użu tal-elettronika fil-karozzi moderni; iż-iż-żieda fl-użu ta’ apparat iktar ikkumplikat;

iż-żieda fin-numru ta’ spare parts, żieda kbira fl-ammont ta’ mudelli u tagħmir;

il-kumplessità tat-tiswija, il-manutenzjoni, l-għażla tal-partijiet li għandhom jintużaw u d-disinn tal-istrumenti;

l-investimenti kbar f’sistemi teknoloġiċi, strumenti, partijiet u taħriġ;

il-politika tal-produtturi tal-karozzi li jorbtu lill-konsumatur b’kuntratti ta’ manutenzjoni.

6.2.   B’riżultat ta’ dawn il-fatturi qed iseħħu bidliet fundamentali li qed iwasslu għal ristrutturar fuq diversi livelli:

It-tendenza ta’ konċentrazzjoni fis-suq b’riżultat tal-mergers u l-akkwisti ser tkompli tiżdied u l-kriżi ser tkompli żżid il-proċess.

In-numru ta’ workshops tat-tiswija indipendenti u negozjanti tal-partijiet ser jonqos.

It-tendenza li l-workshops tat-tiswija ta’ daqs żgħir jew medju u n-negozjanti tal-partijiet jingħaqdu ma’ gruppi jew katini indipendenti li joffru servizz sħiħ sabiex ikunu kapaċi jiffaċċjaw l-eżiġenzi dejjem jiżdiedu fil-qasam tagħhom.

Żieda fil-pressjoni tal-prezzijiet tal-produtturi u d-distributuri tal-partijiet.

B’riżultat tan-nuqqas ta’ qligħ fil-qasam tal-bejgħ tal-karozzi ġodda, il-produtturi tal-karozzi ser iżidu l-attivitajiet tagħhom fis-settur downstream.

6.3.   Barra minn hekk, filwaqt li fis-suq downstream teżisti l-possibbiltà li jiżdiedu l-ispare parts, il-provvedituri qegħdin jintalbu joffru prodotti innovattivi li jtejbu l-prestazzjoni jew is-sigurtà tal-partijiet oriġinali tal-karozza, u jagħtu spinta lid-domanda. Id-dealers awtorizzati mill-produtturi b’hekk ibatu biex iżommu sehemhom fis-suq prinċipalment minħabba li qed jonqos l-użu tal-partijiet għall-karozzi ta’ bejn 0 – 4 snin, li huma l-ikar parti importanti tas-suq.

6.4.   Fil-fehma tal-KESE, ir-ristrutturar fis-settur downstream ser iwassal għal bosta sħubijiet u forom ġodda ta’ relazzjonijiet mal-konsumatur. Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib li għandu s-settur tal-produzzjoni tal-karozzi ma’ setturi oħra u tad-diversifikazzjoni tal-industrija tal-provvista u n-negozju tal-karozzi, kull forma ta’ ristrutturar li għandha konsegwenzi negattivi fuq l-SMEs ser tolqot ukoll lil mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema fl-Istati Membri tal-UE. Għalhekk il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tosserva l-proċessi ta’ ristrutturar fis-swieq downstream mill-qrib u fejn hemm bżonn tieħu azzjoni sabiex tipproteġi l-kompetizzjoni.

7.   L-aspetti soċjali

7.1.   It-taħriġ inizjali u kontinwu

B’mod ġenerali, is-sistemi tat-taħriġ inizjali u kontinwu ta’ dan is-settur huma żviluppati tajjeb. Dan huwa r-riżultat tal-isforzi tal-produtturi tal-vetturi minn naħa, u tal-bidla teknoloġika mgħaġġla li titlob taħriġ kontinwu min-naħa l-oħra. Ma jeżistux setturi oħra b’ammont daqshekk għoli ta’ impjegati mħarrġa fis-sena. Jeżistu wkoll differenzi li ħafna drabi jiddependu min-natura u d-daqs tal-kumpanija. Il-kumpaniji ż-żgħar (ħafna drabi kumpaniji tal-familja) isibuha ferm diffiċli li joffru l-istess ammont ta’ taħriġ. Minħabba l-istruttura tiegħu stess, ħafna drabi t-taħriġ jiffoka wisq fuq il-post tax-xogħol speċifiku jew marka partikolari. B’hekk tonqos il-mobbiltà tal-impjegat u l-bidla fl-impjieg issir iktar diffiċli. Il-Kumitat jappoġġja l-isforzi favur l-iżvilupp ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni uniformi fl-Ewropa.

7.2.   Is-saħħa u s-sigurtà

It-toqol tax-xogħol marbut mas-settur tal-karozzi jvarja bejn is-siti tal-produzzjoni, li ħafna drabi huma awtomatizzati b’ħafna strumenti tekniċi, u s-siti tat-tiswija, fejn għadha ssir ħafna ħidma manwali. Din il-ħidma, meta ssir ripetutament, tista’ twassal b’mod pjuttost regolari għal uġigħ invalidanti jew għal problemi muskoloskeletriċi fost il-ħaddiema. Fid-dawl tal-isfidi relatati mal-bidla demografika, l-organizzazzjoni tax-xogħol ser ikollha titfassal mill-ġdid sabiex il-ħaddiema li għandhom biżżejjed kwalifiki jibqgħu b’saħħithom u jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu sakemm joħorġu bil-pensjoni. Jekk dan ma jsirx, is-settur ser ikollu jiffaċċja nuqqas ta’ ħaddiema esperjenzati.

Il-pjanijiet ta’ prevenzjoni tar-riskji professjonali u l-miżuri ta’ adattament tal-postijiet tax-xogħol m’għandhomx iqisu s-sustanzi niġġiesa u tossiċi biss. Huma għandhom jipproteġu wkoll lill-ħaddiema min-natura iebsa ta’ xogħolhom.

It-teknoloġiji l-ġodda ser iġibu magħhom perikli ġodda; b’hekk ser ikollhom jiġu indirizzati l-perikli ta’ inċidenti li jistgħu jikkawżaw sistemi ta’ vultaġġ għoli u l-isplużjonijiet tal-idroġenu. Dawn jirrikjedu miżuri ta’ preparazzjoni. Attwalment għadna ma nafux kemm ser ikollu jinbidel il-post tax-xogħol normali. Il-partijiet interessati individwali madanakollu jirrikjedu indikazzjonijiet ċari sabiex ikunu jistgħu jibdew ifasslu strateġiji adegwati. Ir-riskji professjonali fis-settur tal-karozzi huma fil-qofol ta’ djalogu li qed jinbena bejn l-imsieħba soċjali u li jirrikjedi li jittieħdu dispożizzjonijiet li jħeġġu l-miżuri ta’ prevenzjoni u l-monitoraġġ tal-impjegati.

Il-KESE jappoġġja t-tisħiħ tal-inizjattivi u tal-miżuri li ħadu kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri fil-qasam tal-iġene, tas-sikurezza, tas-saħħa u tar-riklassifikazzjoni tal-impjegati.

7.3.   Il-bidla demografika

It-tixjiħ tal-popolazzjoni għandu effett fuq is-swieq downstream tal-industrija tal-karozzi. L-età medja tal-ħaddiema ser tiżdied u magħha ser jiżdiedu wkoll il-kwistjonijiet tas-saħħa li jolqtu dejjem iktar lill-organizzazzjoni tax-xogħol, il-bżonn tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

7.4.   Il-pagi

Ir-rimunerazzjoni u l-pagi mhumiex kompetenza tal-UE. Is-sitwazzjoni partikolari tas-swieq donwnstream tiġġustifika ħarsa mill-qrib lejn din il-problema. Kważi f’kull pajjiż tal-UE l-pagi tas-settur jinsabu taħt pressjoni. Din il-pressjoni joħolquha l-iktar il-produtturi tal-karozzi. Bejn in-negozjanti tal-karozzi, il-workshops tat-tiswija u l-produtturi tal-karozzi, li jridu jagħtu l-konċessjoni tagħhom, teżisti relazzjoni ta’ dipendenza. Il-produtturi jiddeċiedu dwar l-investimenti u l-istandards tat-taħriġ u bil-limiti taż-żmien li jitolbu, jinfluwenzaw b’mod indirett ukoll il-prezz aħħari, filwaqt li l-piż finanzjarju u r-riskji ekonomiċi jġorruhom in-negozjanti u l-workshops. Għalhekk, il-flessibbiltà tal-imsieħba soċjali fil-qasam tan-negozjar kollettiv hija limitata u dan jirriżulta f’pagi relattivament baxxi fis-settur. Dan il-fattur u kundizzjonijiet diffiċli oħra ftit li xejn jagħmlu s-settur attraenti f’għajnejn il-ħaddiema żgħażagħ. Fil-futur ser jiżdiedu l-problemi relatati mar-reklutaġġ tal-ħaddiema.

8.   L-opportunitajiet u l-isfidi

8.1.   Is-settur downstream qed jiffaċċja bidliet kbar li fis-snin li ġejjin ser iħallu effetti kemm pożittivi kif ukoll negattivi. Il-prestazzjoni ta’ dawn is-setturi tiddependi fil-biċċa l-kbira tagħha mir-riżultati li tikseb l-industrija tal-karozzi. Madanakollu jeżistu setturi importanti oħra fejn il-kompetizzjoni hija influwenzata minn fatturi oħra bħal: ir-regoli tad-distribuzzjoni u l-bejgħ, l-impatti ambjentali, ir-riskji tas-sigurtà (prodotti addizzjonali), il-miżuri tar-riċiklaġġ, id-dritt tal-proprjetà intellettwali (il-falsifikazzjoni tal-prodotti), eċċ. L-innovazzjoni taqdi rwol prinċipali f’dawn l-attivitajiet downstream.

8.2.   Pereżempju ċerti fatturi jsaħħu l-kompetizzjoni fis-setturi tal-provvedituri tal-karozzi, tan-negozjanti tal-karozzi u tal-workshops tat-tiswija: regoli ġodda tad-distribuzzjoni u l-bejgħ tal-karozzi ġodda (REĠ), regolament ġdid tal-UE dwar id-distribuzzjoni, il-bejgħ u t-tiswija tal-ispare parts tal-karozzi, pereżempju “il-klawżola tat-tiswija” l-ġdida li għandha tiġi introdotta fid-Direttiva dwar id-disinji (98/71/KE).

8.3.   B’reazzjoni għall-isfidi politiċi, legali u teknoloġiċi, bosta operaturi tas-suq għal marki differenti u organizzazzjonijiet tal-industrija tal-karozzi ddeċidew li flimkien jiddefendu d-dritt tat-tiswija tagħhom u d-dritt tal-konsumaturi għall-manutenzjoni u t-tiswija tal-karozzi tagħhom f’workshop li jagħżlu huma. Ir-regoli li japplikaw bħalissa fil-qasam jiskadu fl-2010 u l-kwistjoni ta’ jekk humiex ser jiġġeddu jew le hija suġġett ta’ diskussjonijiet kontroversjali (5).

8.4.   L-SMEs huma pilastru prinċipali li fuqu jserrħu l-ekonomija u l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea u jiffurmaw il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji tas-swieq downstream tal-industrija tal-karozzi. Leġiżlazzjoni ċara u speċifika hija kundizzjoni importanti ħafna sabiex tkun tista’ tiġi żgurata kompetizzjoni ħielsa u ġusta fis-suq downstream tal-industrija tal-karozzi (6).

8.5.   Fil-kriżi attwali hemm bżonn li nimplimentaw miżuri ta’ appoġġ effettivi għall-perijodu immedjat biex ngħinu lill-industrija kollha tal-karozzi u lill-ħaddiema li timpjega ħalli joħorġu minnha b’wiċċ il-ġid. Fuq perijodu medju u fit-tul, il-kumpaniji ż-żgħar u l-mikrokumpaniji ser jirnexxilhom jibqgħu fis-suq jekk jiżviluppaw kunċetti ġodda u jibqgħu jinvestu. Ħafna mill-kumpaniji ż-żgar ma jistgħux jieħdu dawn il-passi waħedhom, għalhekk ser ikollhom jidħlu f’mergers u kooperazzjonijiet kif ukoll jiffurmaw sħubijiet ġodda ma’ bosta atturi differenti tas-soċjetà ċivili u l-iżvilupp ta’ netwerks indipendenti ta’ speċjalizzati jew netwerks ta’ speċjalizzati fit-teknoloġiji l-ġodda (vetturi elettriċi u ibridi).

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Sors: FIGIEFA/WOLK & PARTNER CAR CONSULT GmBH.

(2)  Ara l-opinjoni tal-KESE tat-13 ta’ Mejju 2009, CCMI/067. (ghadha mhux ippubblikata fil-ĠU)

(3)  L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Produtturi tal-Karozzi stabbilixxiet tliet kategoriji fis-settur tal-vetturi kummerċjali. Il-vetturi kummerċjali ħfief – sa 3,5 tunnellata (vannijiet); il-vetturi kummerjċali itqal minn 3,5 tunnellata – esklużi l-karozzi tal-linja u l-coaches ta’ iktar minn 3,5 tunnellata (trakkijiet) u l-vetturi kummerċjali li huma itqal minn 16-il tunnellata – esklużi l-karozzi tal-linja u l-coaches (trakkijiet tqal).

(4)  Rapport ta’ Informazzjoni tas-CCMI tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar Is-settur tal-karozzi fl-Ewropa: is-sitwazzjoni attwali u l-prospettivi (rapporteur: is-Sur Zöhrer, korapporteur is-Sur Glahe).

(5)  Il-kampanja “Right to Repair” hija appoġġjata minn:

 

AIRC – L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Tiswija tal-Karozzi

 

CECRA – Il-Kunsill Ewropew tal-Kummerċ u t-Tiswija tal-Karozzi

 

EGEA – L-Assoċjazzjoni Ewropea tat-Tagħmir tal-Garaxxijiet

 

FIA – L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Karozzi

 

FIGIEFA – L-Assoċċjazzjoni Internazzjonali tad-Distributuri fis-Suq tal-Partijiet tal-Karozzi.

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”: “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa – COM(2008) 394 finali, ĠU C 182, 4.8.2009, p. 30.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/37


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar iż-Żoni urbani u l-vjolenza fost iż-żgħażagħ

(2009/C 317/06)

Rapporteur: Is-Sur ZUFIAUR NARVAIZA

Nhar l-10 ta’ Lulju 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

iż-Żoni urbani u l-vjolenza fost iż-żgħażagħ

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Zufiaur Narvaiza.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tal-15 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’174 vot favur, 3 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Illum il-ġurnata, is-soċjetà Ewropea tinsab imħassba dwar il-fenomenu tal-vjolenza u d-delinkwenza fost il-minorenni u ż-żgħażagħ. Madankollu, fl-istess waqt, is-soċjetà Ewropea tixtieq tippromovi l-iżvilupp sħiħ taż-żgħażagħ u tħeġġeġ l-integrazzjoni tagħhom fil-ħajja soċjali u dik tax-xogħol. Għalkemm fuq il-mezzi tax-xandir nazzjonali jixxandru ħafna episodji ta’ vjolenza fost iż-żgħażagħ, huwa importanti li nippreċiżaw li b’mod ġenerali l-istatistika (1) dwar id-delinkwenza fost il-minorenni fl-Ewropa mhux qed turi żidiet qawwijin, anzi tinsab stabbli ħafna. Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja għandha l-għan li titfa’ d-dawl fuq din is-sitwazzjoni kif ukoll li tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-vjolenza fost iż-żgħażagħ mingħajr ma ż-żgħożija tiġi akkużata jew li nassoċjaw magħha ċertu ksur tal-liġi.

1.2.   Matul l-istorja, is-sistemi legali differenti fiż-żona Ewropea żviluppaw il-mudelli tal-ġustizzja għaż-żgħażagħ tagħhom stess, u minħabba f’hekk irriżultaw standards legali u risposti differenti għall-vjolenza tal-minorenni u taż-żgħażagħ. Dan ifisser li hemm differenzi konsiderevoli bejn is-sistemi ġuridiċi għaż-żgħażagħ li hemm fis-seħħ fi ħdan l-Istati Membri tal-UE fuq aspetti bħalma huma l-politiki għall-ħarsien soċjali u l-prevenzjoni, l-età li fiha persuna titqies bħala legalment responsabbli, il-proċeduri użati, il-miżuri jew is-sanzjonijiet applikabbli, ir-riżorsi disponibbli, eċċ. Irid jintqal ukoll, iżda, li din id-diversità se toħroġ fi ħdan soċjetajiet li jixtiequ l-integrazzjoni Ewropea, iżda li ġew milquta ħażin minħabba l-kriżi bir-riżultat li l-mezzi relatati mal-politiki tal-inklużjoni taż-żgħażagħ, li huma diġà dgħajfa, ikomplu jonqsu.

1.3.   Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-opinjoni huma bbażati fuq żewġ linji gwida: l-ewwel waħda hija l-approċċ ta’ prevenzjoni. L-imġiba vjolenti u antisoċjali ħafna drabi jkollha l-għeruq tagħha fi kwistjonijiet bħad-disinn u l-istruttura urbana, kif ukoll fil-faqar u l-marġinalizzazzjoni. Barra minn hekk, minkejja li huma tassew iż-żgħażagħ li ħafna drabi jwettqu din it-tip ta’ vjolenza, iż-żgħażagħ huma wkoll il-vittmi tad-dinja ta’ madwarhom. Dan kollu jwassal għall-konklużjoni li r-reazzjoni għar-riflessjoni dwar il-vjolenza kollettiva tal-minorenni u taż-żgħażagħ u dwar il-prevenzjoni tagħha ma tistax tkun biss it-trażżin u l-ikkastigar tar-reati mwettqa. It-tieni linja gwida ta’ din l-opinjoni huwa l-fatt li dan il-fenomenu ma jridx jiġi indirizzat biss taħt perspettiva nazzjonali, iżda fid-dawl tan-nisġa taż-żona Ewropea fuq il-livell ekonomiku, tal-valuri, tal-imġiba soċjali u tal-komunikazzjoni.

1.4.   Il-fenomeni ta’ vjolenza u ta’ delinkwenza tal-minorenni ilhom jeżistu snin sħaħ fil-pajjiżi Ewropej, taħt forom rikorrenti. B’mod ġenerali, dawn il-fenomeni kienu jitqiesu bħala marda soċjali, iżda llum, min-naħa l-oħra, qed jitqiesu aktar bħala elementi ta’ nuqqas ta’ sigurtà, kif jispjega r-rapport Peyrefitte (2), li jagħmel distinzjoni bejn id-delitt u l-biżà tad-delitt.

1.5.   Fi żmien meta l-kwistjoni tal-vjolenza tal-minorenni kienet qed tqajjem interess partikolari fl-Ewropa, fil-15 ta’ Marzu 2006 il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta opinjoni dwar “Il-prevenzjoni tad-delinkwenza taż-żgħażagħ, il-modi li bihom tiġi ttrattata u r-rwol tal-ġustizzja tal-minorenni fl-Unjoni Ewropea (3). Din l-opinjoni, li enfasizzat l-importanza ta’ approċċ preventiv, tħaddnet mill-istituzzjonijiet Ewropej (4), u serviet ukoll ta’ referenza fuq għadd ta’ livelli Ewropej u internazzjonali dwar aspetti legali, penali u soċjali tad-delinkwenza taż-żgħażagħ.

1.6.   F’din l-opinjoni il-Kumitat għamel stedina biex issir analiżi aktar fil-fond tal-fenomenu tad-delinkwenza taż-żgħażagħ. Il-vjolenza fost il-minorenni u ż-żgħażagħ (li jinkludu l-adoloxxenti bejn it-13-18-il sena u ż-żgħażagħ bejn it-18-21 jew anke l-25 sena, skont il-pajjiż, li xi kultant ikunu għadhom soġġetti għas-sistema tar-responsabbiltà kriminali għall-minorenni) huwa fenomenu li qed jiġbed attenzjoni dejjem akbar mis-soċjetajiet Ewropej. Madanakollu, il-vjolenza fost iż-żgħażagħ tieħu forom differenti: tiġri f’żoni urbani, fl-iskejjel, speċjalment b’każijiet ta’ bullying, iżda wkoll fi ħdan il-familja, fi gruppi jew gangs, matul avvenimenti sportivi jew anke bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda għall-komunikazzjoni bħall-internet, eċċ. Għalkemm dawn il-forom differenti ta’ vjolenza kollha ħaqqhom analiżi għalihom, din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tiffoka speċifikament fuq il-vjolenza kollettiva mwettqa miż-żgħażagħ fiż-żoni urbani.

1.7.   Għal dawn l-aħħar għoxrin sena, il-kwistjoni tal-vjolenza kollettiva ġibdet ħafna attenzjoni u l-kwartieri l-aktar marġinalizzati ġew osservati u studjati mir-riċerkaturi (soċjologi, etnologi, ġeografi, esperti legali, esperti tal-politika, eċċ). Il-fatturi li kkawżaw dan it-taqlib urban huma magħrufin: il-qgħad, ix-xogħol instabbli, it-tkissir tal-familja, it-tluq bikri mill-iskola, il-falliment fl-iskola, id-diskriminazzjoni, eċċ. Madanakollu, f’dawn l-aħħar snin is-sitwazzjoni ggravat u r-reazzjoni għaliha ħraxet. Fil-fatt il-kriżi ggravat il-problemi ekonomiċi u soċjali u żvantaġġat liż-żgħażagħ meta mqabbla mal-ġenituri tagħhom, bil-falliment tal-“lift soċjali”, u konsegwentement biż-żieda tal-individwaliżmu. Dan iwassal għal sitwazzjonijiet u għal sentimenti ta’ inġustizzja u ta’ rtirar mis-soċjetà, li meta jiġu espressi b’mod kollettiv, isiru l-aktar turija ċara tal-oppożizzjoni kontra l-awtoritajiet.

1.8.   “It-terminu ‛vjolenza kollettiva” m’għandux definizzjoni uffiċjali jew legali, iżda ħafna drabi jintuża biex jiddeskrivi avvenimenti differenti u vjolenti li jiġru fi spazji pubbliċi u li jew jieħdu l-forma ta’ attakki marbuta mad-diskriminazzjoni etnika jew razzjali bejn komunitajiet differenti, li mbagħad iwasslu wkoll għal kunflitti bejn gangs rivali, jew inkella b’reazzjoni għar-relazzjoni bejn in-nies u l-awtoritajiet, fejn fosthom ir-relazzjoni bejn iż-żgħażagħ u l-forzi tal-ordni hija waħda emblematika.

1.9.   Dawn il-fenomeni li matul dawn l-aħħar snin kienu qed imorru għall-agħar fuq il-kontinent Ewropew b’inċidenti fi Franza, ir-Renju Unit, Spanja, l-Olanda, id-Danimarka, il-Belġju, il-Greċja, eċċ., qatt ma ngħataw l-attenzjoni jew tqiesu bħala problema globali mill-gvernijiet nazzjonali u mill-istituzzjonijiet Ewropej, iżda pjuttost bħala fenomeni individwali u iżolati.

1.10.   Huwa proprju għalhekk li din l-opinjoni tirrakkomanda l-koordinazzjoni tal-miżuri fil-livelli lokali, nazzjonali u Ewropej u titlob li jkun hemm rispons Komunitarju f’forma ta’ programmi speċifiċi fl-oqsma tal-politiki tal-familja, taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u t-taħriġ, tax-xogħol, tal-prevenzjoni tad-delinkwenza u tal-koordinazzjoni ġudizzjarja. Dawn ir-reazzjonijiet konkreti għandhom jistinkaw biex jikkomplementaw l-istrateġiji għat-tiġdid urban, għat-titjib tas-servizzi pubbliċi, għall-ġlieda kontra kull sura ta’ diskriminazzjoni kif ukoll fl-evalwazzjoni mill-ġdid tar-relazzjoni bejn l-Istat u ċ-ċittadin, l-aktar permezz tal-forzi tal-ordni u permezz tat-tagħlim ċiviku, il-valuri etiċi u soċjali, l-użu tal-mezzi tax-xandir u l-għoti ta’ appoġġ edukattiv lill-ġenituri.

2.   Il-karatteristiċi u l-kawżi tal-vjolenza kollettiva tal-minorenni fiż-żoni urbani

2.1.   Proposta għal definizzjoni: Għadha ma teżistix definizzjoni komuni u maqbula tal-vjolenza kollettiva tal-minorenni u taż-żgħażagħ fiż-żoni urbani. Fil-leġiżlazzjoni Belġjana, pereżempju, jeżisti l-kunċett ta’ “rewwixta” urbana, filwaqt li pajjiżi oħra qed iħarsu lejha bħala sensiela ta’ reati li jsiru minn delinkwenti li huma magħrufa u identifikati. Sabiex titfassal definizzjoni minima iżda li tiddeskrivi l-fenomeni ġenerali, fil-bqija ta’ dan id-dokument se nirreferu għall-vjolenza bħala konċentrazzjoni ta’ mġiba vjolenti f’żoni urbani li għal ċerti kategoriji tal-popolazzjoni huma wkoll mod kif jesprimu ruħhom. Il-motivazzjonijiet ta’ dawk li jipparteċipaw fil-vjolenza huma varji: diskriminazzjoni soċjali, kunflitti mal-forzi tal-ordni, mibegħda razzjali, il-kunflitti reliġjużi, eċċ. u dan, b’ċertu mod jenfasizza n-nuqqasijiet u d-dgħufijiet tas-servizzi soċjali li permezz tal-attivitajiet tagħhom ta’ ħarsien soċjali għandhom l-għan li jipprevjenu din it-tip ta’ vjolenza. Id-definizzjoni użata f’din l-opinjoni tiddeskrivi kemm il-vjolenza kollettiva mwettqa fiż-żoni urbani u li tieħu l-forma ta’ attakki kontra abitanti li ġejjin minn gruppi etniċi jew kontra l-forzi tal-pulizija, kif ukoll it-tkissir li jġib miegħu s-serq, bħal pereżempju meta jingħata n-nar lil bini pubbliku jew vetturi, eċċ.

2.2.   Ta’ min jinnota li ż-żieda fl-atti vjolenti (atti ta’ tkissir u ta’ vandaliżmu, ġlied u aggressjonijiet, serq bi vjolenza, stupri, eċċ.) ma tikkonċernax biss liż-żgħażagħ għax iż-żminijiet li qed ngħixu fihom huma kkaratterizzati minn eskalazzjoni ta’ vjolenza. Minkejja dan, l-età tal-individwi li jwettqu l-vjolenzi urbani huwa fattur importanti fil-fehim tal-fenomenu u għas-soluzzjonijiet li jridu jinstabu, u għaldaqstant għandu jitqies il-proporzjon tal-minorenni u taż-żgħażagħ. Matul l-avvenimenti li ġraw fi Franza fl-2005, iċ-ċifri tal-pulizija wrew li minn madwar 640 persuna arrestata, 100 minnhom kienu minorenni. Bil-ħsieb li jinstab approċċ preventiv, huwa importanti li tingħata attenzjoni partikolari biex jinstabu soluzzjonijiet dejjiema mmirati għall-ġenerazzjonijiet żagħżugħa li huma l-mutur tal-bidla u tal-iżvilupp.

2.3.   Klassifikazzjoni u studji li għaddejjin bħalissa: Kull Stat Membru żviluppa l-metodoloġija tiegħu stess biex ikejjel u jikklassifika l-vjolenza kollettiva fiż-żoni urbani. Jeżistu sistemi kumplessi bħall-iskala ta’ Bui-Trong (5), li tagħti gradi differenti ta’ intensità lill-forom differenti ta’ vjolenza kollettiva skont l-għadd ta’ nies involuti, l-organizzazzjoni u l-għanijiet, eċċ. li permezz tagħhom il-fenomenu jista’ jieħu forma ta’ kunċett. Sa minn ftit snin ilu u l-aktar wara l-avvenimenti tal-2005, Franza żviluppat indikaturi tal-vjolenza urbana (Indicateurs de Violence Urbaine, INVU) bbażati fuq il-livelli ta’ vjolenza fil-kwartieri sensittivi, bl-użu ta’ stħarriġ kwantitattiv u kwalitattiv u ta’ xhieda mill-vittmi. Dawn l-indikaturi, kif ukoll l-ekwivalenti tagħhom fil-pajjiżi Ewropej l-oħra, għadhom ġodda wisq biex ikunu jistgħu jagħtu indikazzjoni preċiża tal-intensità tal-vjolenza urbana, speċjalment minħabba li għadhom jiltaqgħu ma’ problemi marbutin mas-sors u mal-ġbir tal-informazzjoni.

2.4.   Kif diġà ġie osservat fid-definizzjoni tal-fenomenu, għalkemm l-espressjoni tal-vjolenza kollettiva toħroġ f’kuntest nazzjonali partikolari, din xorta waħda għandha karatteristiċi komuni fil-livell Ewropew. Għalhekk jekk nagħtu ħarsa lejn l-avvenimenti li ġraw matul dawn l-aħħar snin f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej, inkunu nistgħu nikklassifikaw il-mod kif jiġru l-avvenimenti.

Tilwim soċjali u politiku: din il-vjolenza kollettiva sseħħ b’reazzjoni għad-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali, ekonomika u ġeografika u tieħu l-forma ta’ reazzjoni vjolenta kontra l-pulizija jew ir-rappreżentanti tal-Istat li jinżammu responsabbli minn dawn il-problemi soċjali. L-aspett ta’ protesta kontra s-sistema u kontra s-sitwazzjonijiet li jiġu perċepiti bħala inġusti jikkaġuna l-ġlied mal-forzi tas-sigurtà u mal-istituzzjonijiet pubbliċi li jirrappreżentaw lill-Istat u lil soċjetà kkunsidrata bħala waħda ‛repressiva”. Franza ntlaqtet b’mod partikolari mit-tilwim soċjali, minħabba l-kriżi msejħa tal-banlieues (tal-periferiji), fejn l-assenza ta’ taħlit soċjali u diversi għexieren ta’ snin ta’ politiki għall-ppjanar tal-bliet li ma taw l-ebda riżultat, wasslu għall-istigmatizzazzjoni ta’ dawn iż-żoni urbani. Dawn l-irvelli pubbliċi (6) jgħaddu minn ċiklu ta’ tliet fażijiet li jinkludu x-xrara, ta’ spiss marbuta ma’ avveniment traġiku jew inġust, l-ewforija flimkien mal-effett tal-massa, u fl-aħħar, l-għeja (7).

Meta jintilef il-kontroll tal-ordni pubblika: dawn huma avvenimenti tal-massa tat-tip politiku, sportiv jew kulturali li jiddeġeneraw u jispiċċaw b’telf ta’ kontroll, mhux biss min-naħa tal-organizzaturi iżda wkoll mill-forzi tal-ordni pubblika. Xi eżempji ta’ dan huma l-logħob tal-futbol jew ir-“rave parties”, inkella meta jintilef il-kontroll matul dimostrazzjonijiet pubbliċi. Mat-telf tal-kontroll ġenerali, jiżdied ukoll is-sehem ta’ dawk li jkissru, li jiġbru gruppi ta’ nies flimkien bis-sempliċi għan li jkissru kemm jifilħu. L-UE m’għandhiex tinsa li l-vjolenza li ma tistax tiġi kkontrollata tista’ eventwalment tipprovoka vjolenza aktar organizzata f’ċerti każi, u dan jirrappreżenta theddida aktar serja għad-demokrazija.

Kunflitti bejn gangs vjolenti: Fihom infushom, il-gangs mhumiex vjolenti, iżda jservu ta’ sostitut għall-familja u għall-ambjent li fih jgħixu ż-żgħażagħ, iġibu magħhom ċertu sens ta’ appartenenza fi grupp, u f’ċerti lati huma r-risposta konkreta għad-dubji tal-adoloxxenza. Fil-każ ta’ gangs vjolenti, din it-tip ta’ mġiba ħażina hija kkaratterizzata minn attivitajiet kriminali marbutin mal-gruppi tal-adoloxxenti jew taż-żgħażagħ li jagħżlu li jużaw il-forza u l-intimidazzjoni u li jorganizzaw, b’ċerta regolarità, ġlied jew atti kriminali vjolenti. Dawn il-gangs jaffrontaw lil xulxin f’kuntest urban, kemm fit-toroq kif ukoll fiċ-ċentri kummerċjali, biex jikkontrollaw it-territorju jew il-kummerċ illeċitu tagħhom jew biex jopponu lill-awtoritajiet, permezz ta’ dawk li jirrappreżentawhom (il-pulizija, il-gwardjani jew il-gwardji), kif jiġri fit-Tramunatana ta’ Pariġi jew fin-Nofsinhar ta’ Londra fejn dan il-ġlied bejn gangs rivali iseħħ ta’ kuljum. Fi Spanja, qed jinbtu wkoll gangs Latino-Amerikani (imsejħa “Maras” jew “Pandillas” bħal-Latin Kings u n-Ñetas pereżempju). Il-fenomenu tal-gangs huwa mod kif iż-żgħażagħ jipproteġu lil xulxin f’dinja ostili, kontra ż-żgħażagħ l-“oħrajn” tat-triq ta’ ħdejhom jew tal-kwartier l-ieħor. Illum il-ġurnata dawn il-gangs jinsabu fost l-aktar maqtugħin barra mis-soċjetà ta’ ċerti periferiji, u l-vjolenza tagħhom hija marbuta ma’ fallimenti, ma’ instabbiltà fix-xogħol, eċċ. Huwa importanti ħafna li tinstab soluzzjoni adatta għall-gangs vjolenti sabiex jiġi evitat li dawn jispiċċaw involuti fil-kriminalità organizzata.

Tilwim etniku u reliġjuż: din it-tip ta’ vjolenza hija kkaratterizzata l-ewwel nett min-natura etnika tagħha: dawk li jwettqu l-vjolenza jew li huma l-vittmi tal-atti vjolenti jkollhom l-oriġini tagħhom f’komunitajiet etniċi jew assimilati, jew reliġjużi. Ħafna pajjiżi Ewropej bħar-Renju Unit, Spanja (rvelli ta’ Alcorcon f’Ottubru 2007 bejn żgħażagħ Spanjoli u Latino-Amerikani), l-Italja, l-Olanda (Ottubru 2007 f’Amsterdam), id-Danimarka (Frar 2008), il-Belġju (Anderlecht f’Mejju 2008), eċċ., għaddew minn dan it-tip ta’ tilwim fejn l-aspetti migratorji u reliġjużi kif ukoll għadd kbir ta’ fatturi kumplessi oħra kellhom rwol importanti.

2.5.   L-episodji vjolenti f’żoni urbani huma r-riżultat ta’ diversi kawżi relatati, li jkollhom sehem ikbar jew iżgħar skont it-tip ta’ avveniment:

Il-faqar, l-instabbiltà fix-xogħol, il-qgħad. L-espressjonijiet ta’ vjolenza kollettiva fl-Ewropa ġraw l-aktar fil-kwartieri l-aktar żvantaġġati, frott il-marġinalizzazzjoni u l-esklużjoni soċjali. It-tkissir tal-familja, il-qgħad taż-żgħażagħ, l-instabbiltà fix-xogħol, kif ukoll in-nuqqas ta’ edukazzjoni u b’konsegwenza ta’ dan id-diffikultà tal-integrazzjoni soċjoprofessjonali, ipoġġu lil dawn il-kwartieri f’pożizzjoni li tkun partikolarment sensittiva għall-bidliet ekonomiċi, speċjalment f’każ ta’ kriżi finanzjarja, bħal dik li għaddejja bħalissa.

L-aċċess għall-armi u għas-sustanzi illegali. It-traffikar tad-drogi qawwijin, li jseħħ fil-maġġoranza kbira tal-bliet kapitali nazzjonali u reġjonali Ewropej, u li ġeneralment isir mill-adulti u mhux miż-żgħażagħ, iħeġġeġ il-fenomeni ta’ vjolenza marbuta mal-bejgħ illeċitu ta’ dawn is-sustanzi u għat-tixrid tal-armi tan-nar. It-tfal u l-adoloxxenti huma vittmi ta’ dinja li ma jifhmux, biex b’hekk isiru l-mira tad-dealers li jużaw lil ċerti żgħażagħ.

L-istruttura urbana: il-kwartieri tal-bliet Ewropej li jitqiesu bħala sensittivi għandhom karatteristiċi komuni bejniethom u ħafna drabi jitqiesu bħala ghettos suburbani li ma jibqgħux jissodisfaw il-kriterji ta’ taħlit soċjali u ta’ disinn urban attwali. Kemm jekk jinsabu fiċ-ċentru tal-belt (ir-Renju Unit, il-Belġju) kif ukoll fil-periferija (Franza, il-Ġermanja), dawn il-kwartieri u l-bini ma nżammewx fi stat tajjeb u bil-mod il-mod iddeterjoraw sal-punt li issa saru ħżiena għas-saħħa u perikolużi.

Ir-relazzjonijiet mal-forzi tal-ordni: Ħafna mill-vjolenza kollettiva teskala minħabba sens ta’ korla meta jiġi perċepit li l-pulizija jkunu qed jimmiraw ċerti minoritajiet viżibbli jew li jagħmlu użu eċċessiv tal-forza (8). Skont iċ-ċentru għall-analiżi strateġika Franċiż, l-ostilità tal-abitanti kontra l-preżenza tal-forzi tal-ordni fil-kwartieri tagħhom tinħass fl-arja, l-istess kif jinħass ukoll in-nuqqas ta’ fiduċja fl-Istat u fl-istituzzjonijiet pubbliċi (9).

Il-mezzi tax-xandir: il-mezzi tax-xandir għandhom it-tendenza jiffukaw fuq aspetti negattivi, biex b’hekk jagħmluha aktar faċli li l-abitanti tal-kwartieri msejħa “sensittivi” jiġu stigmatizzati aktar u jinkoraġġixxu l-vjolenza meta jxandru l-fenomeni b’mod sensazzjonali. Fi Franza fl-2005, il-mezzi tax-xandir kienu jxandru l-avvenimenti ta’ kuljum filwaqt li fil-Belġju u l-Ġermanja l-gvernijiet għamlu ħilithom biex jillimitaw ir-rappurtaġġ għall-pubbliku sabiex jiġu evitati reati ġodda ispirati minn dawk ta’ qabilhom.

3.   It-tipi differenti ta’ reazzjonijiet għal problema Ewropea

3.1.   Fil-qafas Ewropew, l-atti vjolenti fiż-żoni urbani, kemm jekk ikunu ta’ darba kultant kif ukoll jekk isiru kontinwament, huma partikolarment serji kemm mil-lat politiku, minħabba li dawn ipoġġu d-dubji fuq il-kapaċità tal-Istat li jiżgura li l-patt soċjali jiġi rrispettat u li jipproteġi liċ-ċittadini, kif ukoll mil-lat soċjali, għax dawn jirriflettu qasma soċjali u problemi ta’ integrazzjoni. F’din is-sitwazzjoni, l-Istat għandu jwieġeb b’azzjonijiet ċari għall-problema tal-vjolenza kollettiva fil-bliet. Iżda hemm bżonn li nżommu f’rasna li dawn it-tweġibiet ivarjaw ħafna bejn pajjiż u ieħor u li f’ċerti każi huma aktar kastiganti, filwaqt li f’oħrajn huma aktar preventivi. Għalhekk huwa meħtieġ li fuq livell Ewropew issir evalwazzjoni kostanti tal-politiki pubbliċi mmirati għar-riżoluzzjoni ta’ dan il-fenomenu u li jsir tentattiv biex l-istatistika dwar is-suġġett tkun aktar effettiva u komparabbli (l-istatistika dwar id-delinkwenza ma tistax tkun analizzata biss skont in-numru ta’ inċidenti rrappurtati, iżda wkoll mill-persentaġġ tal-każi li jiġu solvuti). Hemm bżonn li jiġu żviluppati indikaturi komuni sabiex fuq livell nazzjonali jitħeġġeġ l-użu tar-reġistri ġudizzjarji u tal-pulizija, minflok ma jsiru studji b’rabta mal-vittmi li xi ftit jew wisq ikunu soġġettivi.

3.2.   B’mod ġenerali, it-tweġibiet tal-Istati jieħdu l-forom li ġejjin:

Inizjattivi ta’ diskriminazzjoni pożittiva favur kwartieri sensittivi, bħaż-żoni ta’ edukazzjoni prijoritarja u ta’ tħejjija għall-ewwel xogħol fi Franza jew bħalma jsir f’Berlin, fejn iż-żgħażagħ volontarji u l-uffiċjali tal-pulizija flimkien jagħmlu rondi regolari biex jiġu evitati u ssir il-prevenzjoni ta’ sitwazzjonijiet bir-riskju li jiżviluppaw f’episodji ta’ vjolenza urbana. Minn mindu bdew isiru dawn ir-rondi konġunti mill-pulizija (fejn kellhom jiġu konvinti biex jikkollaboraw dawk li qabel kienu kapijiet tal-gangs), il-kriminalità naqset b’20 % fiż-żoni fejn intervenew flimkien (10).

Iż-żieda fil-preżenza tal-pulizija u tas-sorveljanza bil-cameras fiż-żoni sensittivi, bħall-iskejjel u l-postijiet ta’ divertiment, miżuri li waħidhom xorta waħda ma jsolvux kompletament il-problema. Dan jista’ jikkawża effett ta’ stigmatizzazzjoni taż-żoni kkonċernati u ż-żgħażagħ jistgħu jħossuhom li qed jiġu kkontrollati l-ħin kollu u li qed tittieħed azzjoni repressiva kontrihom.

Il-politiki ta’ tiġdid urban, li d-daqs tagħhom jiddependi mill-pajjiż: fi Franza partikolarment permezz tal-ħolqien ta’ aġenzija għat-tiġdid urban (11); fil-Ġermanja permezz tat-tiġdid urban li sar meta l-pajjiż kien qed jingħaqad mill-ġdid.

3.3.   Politika ta’ koeżjoni territorjali effettiva tista’ tgħin biex jiġi evitat li fiż-żoni urbani jkun hemm konċentrazzjoni ta’ fatturi li bihom jitrawmu attitudnijiet vjolenti fost iż-żgħażagħ. Minħabba f’hekk iridu jsiru sforzi għat-tiġdid taż-żoni urbani u biex dawn isiru postijiet deċenti fejn wieħed jgħix. It-tiġdid ta’ dawn iż-żoni jimplika li għandha ssir diskussjoni fuq tul ta’ żmien dwar il-mod kif se jsir dan it-tiġdid fil-qafas ta’ pjan strateġiku għall-ġestjoni globali tat-territorju, b’kollaborazzjoni mal-partijiet l-oħra kollha kkonċernati, inkluż iż-żgħażagħ. L-għan huwa li ċerti kwartieri jerġgħu jiġu integrati fil-bliet u jingħataw ħajja mill-ġdid bħala għajnuna għall-iżvilupp tal-popolazzjoni lokali u għall-promozzjoni tal-funzjoni soċjali, ekonomika u kulturali ta’ dawn l-ispazji pubbliċi. Il-kunċett li l-kwartieri jsiru postijiet aħjar fejn wieħed jgħix, li huwa metodu speċifiku ta’ tiġdid urban, għandu l-għan li jsolvi l-problemi speċifiċi taż-żoni abitabbli biex il-belt issir post ta’ integrazzjoni u ta’ prevenzjoni, biex jingħelbu l-problemi urbani attwali: it-traffikar tad-droga, il-movimenti fix-xogħol, il-vjolenza u d-degradazzjoni tal-ambjent. L-għan ewlieni huwa li tiġi evitata l-esklużjoni mill-bqija tal-popolazzjoni billi jiġi ffaċilitat it-trasport sabiex dawn il-kwartieri jkunu jistgħu jinfetħu għall-belt u jissaħħu l-profil u l-integrazzjoni tal-popolazzjoni urbana kollha. Iżda dan it-tiġdid urban irid isir id f’id ma’ strateġiji effettivi għall-edukazzjoni, it-taħriġ professjonali u l-aċċess għall-impjiegi, li mingħajrhom ma jkunx jista’ jseħħ titjib dejjiemi.

3.4.   Il-vjolenza fost iż-żgħażagħ għandha l-għeruq tagħha f’ċertu nuqqas ta’ koeżjoni soċjali marbuta ma’ kriżi tas-sens ta’ ċittadinanza tal-belt. L-ispazju pubbliku, li l-karatteristika ewlenija tiegħu huwa li jwassal biex ċittadini differenti ħafna minn xulxin jgħixu flimkien, għandu bżonn ta’ regoli komuni għall-ħarsien tal-libertajiet individwali. Il-bliet il-kbar ikollhom iħabbtu wiċċhom mal-koabitazzjoni fraġli ta’ popolazzjonijiet b’ħafna kodiċi u kulturi differenti, u li mhumiex familjari wieħed mal-ieħor, u dan jista’ jwassal biex jiddgħajfu r-rabtiet soċjali u s-solidarjetà (12). Rispons interistituzzjonali u multifattorjali huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni effettivi u utli għall-atturi kollha diretti jew indiretti: il-pulizija, il-qrati, is-servizzi soċjali, l-awtoritajiet tad-djar, min iħaddem u l-iskejjel. L-awtoritajiet lokali għandhom importanza partikolari f’dan ir-rigward peress illi l-kompetenzi tagħhom għandhom x’jaqsmu b’mod speċjali mad-definizzjoni taż-żoni urbani u mas-servizzi offruti liċ-ċittadini.

3.5.   Fl-Ewropa, il-vjolenza urbana tal-minorenni toħroġ biċ-ċar f’kuntesti differenti u f’livelli differenti ta’ intensità, iżda l-analiżi tagħha kif ukoll l-istudju tar-rispons għaliha jifforma parti minn kuntest legali usa’, fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Bħalissa l-istudji u l-evalwazzjonijiet tal-prevenzjoni tad-delinkwenza taż-żgħażagħ jeħtieġu kooperazzjoni multidixxiplinari u interistituzzjonali bejn l-aġenziji governattivi u, fuq livell aktar prattiku, bejn professjonisti tal-interventi diretti (aġenti soċjali, pulizija, qrati, id-dinja tax-xogħol, eċċ.) Il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-bliet Ewropej li raw episodji ta’ vjolenza kollettiva qed isibuha diffiċli biex jerġgħu jmorru lura għal sitwazzjoni normali, għall-koabitazzjoni soċjali u biex jirbħu lura r-rispett għall-istituzzjonijiet, fil-livell tal-popolazzjoni kollha. Barra minn hekk, il-vjolenza urbana għandha prezz għoli ħafna kemm mil-lat materjali, iżda wkoll, anzi aktar u aktar, mil-lat soċjali u politiku (13).

3.6.   F’kuntest fejn id-delinkwenza tal-minorenni fl-Ewropa hija pjuttost stabbli, iżda fejn il-vjolenza tal-atti mwettqa żdiedet, ċerti programmi lokali f’pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea juru l-importanza tal-prevenzjoni u tal-istrateġiji soċjali u integrali għaż-żgħażagħ fiż-żoni urbani (14). Fil-każ tal-programm Safer Neighbourhood ta’ Birmingham (li rebaħ il-premju Ewropew għall-prevenzjoni tad-delinkwenza fl-2004), l-għanijiet fundamentali kienu li jitnaqqsu l-forom differenti ta’ vjolenza u ta’ delinkwenza, li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u li l-komunità titħeġġeġ biex tieħu sehem attiv fl-integrazzjoni soċjali tagħha stess (15).

3.7.   It-tisħiħ ta’ soċjetà Ewropea organizzata u solidari bis-saħħa tal-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għal proġetti innovattivi li għandhom dimensjoni soċjali u ta’ integrazzjoni, jiggarantixxi t-tisħiħ tas-sigurtà u tal-iżvilupp urban dejjiemi. Pereżempju, il-programmi ‛Urban’ huma inizjattiva Komunitarja tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) għall-iżvilupp dejjiemi tal-bliet u tal-kwartieri li jinsabu fi kriżi bħala għajnuna biex isir titjib kbir fil-prevenzjoni tal-vjolenza minn minorenni u tad-delinkwenza b’mod ġenerali.

3.8.   Aktar minn hekk, iż-żieda fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet lokali, l-iskambju ta’ esperjenzi u ta’ prattiki tajbin tippromovi l-kunċett ta’ “gvernanza urbana” li tiġi definita permezz ta’ sensiela ta’ studji dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid u t-titjib tas-servizzi pubbliċi, it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ korpi ġodda għall-ġestjoni urbana; l-introduzzjoni ta’ indikaturi affidabbli tal-evalwazzjoni tal-ġestjoni lokali; kampanji ta’ informazzjoni u għat-titjib tal-aċċess għall-informazzjoni indirizzati liċ-ċittadini, mingħajr ma naqgħu fl-istigmatizzazzjoni jew f’deskrizzjonijiet pessimisti.

3.9.   Hemm ukoll inizjattivi oħra bħall-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ li l-għan tiegħu huwa t-titjib tat-taħriġ, tal-mobbiltà, tal-iżvilupp professjonali u tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ Ewropej, biex fl-istess ħin jiġi ffaċilitat il-bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik professjonali.

3.10.   Ġeneralment, il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-ħajja tal-belt hija mgħejjuna mix-xogħol siewi li jagħmlu l-assoċjazzjonijiet li, jum wara jum, jiżviluppaw attivitajiet prattiċi li jidħlu fil-qafas tal-istrateġiji Ewropej, nazzjonali jew lokali ta’ żvilupp u tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.

4.   Proposti għal politika Ewropea dwar il-vjolenza fost iż-żgħażagħ fiż-żoni urbani

4.1.   Il-linji gwida t’hawn taħt joħorġu minn dak li ġie ppreżentat f’din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja:

Ir-risposti għall-vjolenza kollettiva, kif ukoll għad-delinkwenza u għal atti antisoċjali u mhux ċivili oħra mwettqa minn minorenni għandhom ikunu diversi. Dawn ir-risposti jridu jiġu evalwati l-ħin kollu sabiex jibqgħu jittejbu u jibqa’ jissaħħaħ l-element edukattiv u tat-taħriġ, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-minorenni fl-iżvilupp u l-ġejjieni tagħhom stess.

Id-diversi strateġiji preventivi u alternattivi għandhom jiġu promossi permezz ta’ politika Ewropea ċara u dejjiema, ibbażata fuq prijoritajiet definiti fil-livell tal-Unjoni Ewropea biex jingħata kontribut għar-riżoluzzjoni tal-problemi ta’ vjolenza minn minorenni fiż-żoni urbani, billi jiġi evitat, safejn possibbli, l-intervent ġudizzjarju.

L-istrutturi soċjali għaż-żgħażagħ għandhom jingħataw rikonoxxenza partikolari kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali. Ħafna minn dawn l-organizzazzjonijiet, kemm assoċjazzjonijiet privati kif ukoll istituzzjonijiet pubbliċi, għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-ħajja taż-żgħażagħ, speċjalment billi jipproponu attivitajiet li jżommuhom okkupati u minħabba f’hekk jiġi evitat li dawn jaqbdu t-triq tad-delinkwenza. Għalhekk is-sehem tal-iskejjel u tal-assoċjazzjonijiet għandu jingħata attenzjoni partikolari u jiġi appoġġjat speċjalment permezz ta’ finanzjament pubbliku.

Hemm bżonn li jiġu armonizzati l-prinċipji Ewropej u internazzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-vjolenza u d-delinkwenza tal-minorenni permezz ta’ standards minimi li għandhom jiġu rispettati fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u li dawn il-prinċipji jintużaw bħala indikaturi tal-garanzija tad-drittijiet tal-minorenni. Meta jitqies il-karattru multidixxiplinari tar-reġjuni u tal-korpi governattivi li għandhom x’jaqsmu mal-ġestjoni taż-żoni urbani Ewropej, huwa tajjeb li jiġu implimentati inizjattivi u li jitwaqqfu standards ta’ prattika tajba li jistgħu jiġu evalwati u analizzati minn osservatorju Ewropew tal-ġustizzja għaż-żgħażagħ, pereżempju, sabiex ikun hemm statistika affidabbli u komparabbli dwar il-vjolenza fost iż-żgħażagħ fiż-żoni urbani.

Is-sanzjonijiet u l-miżuri imposti mill-ġurisdizzjonijiet nazzjonali għandhom iqisu l-ogħla interess tal-adoloxxenti skont l-età, il-maturità psikoloġika, il-kundizzjonijiet fiżiċi, l-iżvilupp u l-kapaċitajiet tiegħu jew tagħha (16). Dawn għandhom jiġu adattati wkoll għaċ-ċirkostanzi personali (il-prinċipju tal-personalizzazzjoni tal-miżuri).

L-istrateġiji għat-tiġdid urban flimkien ma’ politiki soċjali dejjiema għandhom jingħataw prijorità mill-istituzzjonijiet Ewropej, dejjem fil-perspettiva ta’ tqassim u ġestjoni aħjar tat-territorju, sabiex tiġi evitata l-esklużjoni u tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni urbana tal-l-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà.

L-awtoritajiet għandhom jipprovdu lill-istituzzjonijiet b’riżorsi biżżejjed biex dawn ikunu jistgħu jipproteġu lill-minorenni u jgħinuhom jerġgħu jidħlu fil-ħajja tas-soċjetà, billi jingħatawlhom il-mezzi u l-persunal adegwati biex jiġi garantit li l-interventi tagħhom ikollhom influwenza sinifikanti fuq il-ħajja tal-minorenni.

L-għażliet adatti tal-atturi soċjali, ġuridiċi u tal-forzi tal-pulizija, kif ukoll it-taħriġ speċifiku tagħhom skont standards Ewropej ta’ referenza, fejn possibbli, għandhom jiġu garantiti u aġġornati l-ħin kollu skont skema ta’ kooperazzjoni multiistituzzjonali u multidixxiplinari f’kuntest ta’ skambji transnazzjonali. B’mod speċjali sabiex jiġu stabbiliti relazzjonijiet tajbin u djalogu bejn il-forzi tal-ordni u ż-żgħażagħ.

L-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw is-sena 2010, iddikkjarata bħala s-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, bħala opportunità biex juru d-determinazzjoni tagħhom li jqisu l-ħarsien tad-drittijiet taż-żgħażagħ li jinsabu f’kunflitt mal-liġi, il-prevenzjoni tal-vjolenza fiż-żoni urbani bħala prijorità fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.

L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom joħolqu finanzjament għall-ħarsien taż-żgħażagħ kontra l-esklużjoni soċjali fl-aktar żoni urbani marġinalizzati sabiex jiġu appoġġjati proġetti innovattivi fil-qafas tat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali tas-soċjetà ċivili u biex b’hekk jitħeġġeġ ukoll l-ispirtu ta’ inizjattiva u dak intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ.

L-implimentazzjoni ta’ kriterji komuni u ta’ prattiki tajbin għandha tiżgura l-prevenzjoni tal-vjolenza u t-trattament tal-minorenni li jkunu kisru l-liġi, kif ukoll li dawn jerġgħu jsiru parti mis-soċjetà.

Brussell, il-15 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Kif muri, per eżempju, mir-rapport tas-servizz tal-prosekuzzjoni fi Spanja, fejn il-kriminalità fl-2007 kienet 2 % inqas meta mqabbla maċ-ċifri tal-2006.

(2)  Ir-rapport tal-kumitat Franċiż “Comite d’études sur la violence, la criminalité et la délinquance” (Kumitat għall-istudju tal-vjolenza, il-kriminalità u d-delinkwenza). Réponses a la violence (Rispons għall-vjolenza), Pariġi, Presse Pocket 1977, p. 41.

(3)  Opinjoni tal-KESE tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar “Il-prevenzjoni tad-delinkwenza taż-żgħażagħ, il-modi li bihom tiġi ttrattata u r-rwol tal-ġustizzja tal-minorenni fl-Unjoni Ewropea”; rapporteur: is-Sur Zufiaur Narvaiza (ĠU C 110, 9.5.2006).

(4)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ġunju 2007 dwar id-delinkwenza tal-minorenni, is-sehem tan-nisa, il-familja u s-soċjetà:

http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+REPORT+A6-2007-0212+0+DOC+XML+V0//MT

(5)  “Résurgence de la violence en France”, [Il-qawmien mill-ġdid tal-vjolenza fi Franza] Lucienne Bui-Trong, Futuribles, Frar 1996 p. 17-18.

(6)  Le Goaziou (V.), Mucchielli (L.) 2006, Quand les banlieues brulent. Retour sur les émeutes de 2005, [Il-ħruq tal-periferiji: lura għall-irvelli tal-2005] Pariġi, La Découverte.

(7)  Bachmann (C.), Le Guennec (N.), 1997, Autopsie d’une émeute. Histoire exemplaire du soulèvement d’un quartier, [Awtopsja ta’ rvell. Storja eżemplari ta’ meta jqum kwartier] Pariġi, Albin Michel.

(8)  The Politics of Protest. Extra-Parliamentary Politics in Britain since 1970. Peter Joyce. Palgrave Macmillan, 2002.

(9)  Centre d’analyse stratégique - Les violences urbaines: une exception française? Enseignements d’une comparaison internationale, note de veille nru 31 [Il-vjolenza urbana: eċċezzjoni Franċiża? Dak li tgħallimna minn tqabbil internazzjonali], 23 ta’ Ottubru 2006. (http://www.strategie.gouv.fr/IMG/pdf/NoteExterneDeVeille31.pdf)

(10)  Jeunes et policiers font cause commune à Berlin [Iż-żgħażagħ u l-pulizija jaħdmu flimkien f’Berlin] http://www.oijj.org/news_ficha.php?cod=54117&home=SI&idioma=es.

(11)  Agence pour la rénovation urbaine, ANRU.fr

(12)  “La dynamique de la disqualification sociale, [Id-dinamika tal-esklużjoni soċjali] fi ‛Sciences humaines” nru 28, Mejju 1993.

(13)  Fil-każ ta’ Clichy-sous-Bois fi Franza, l-ispejjeż materjali fl-2005 telgħu għal EUR 150 miljun.

(14)  “Urban Crime Prevention and Youth at Risk: Compendium of Promising Strategies and Programmes from around the World”. International Centre for the Prevention of Crime, 2005. (www.crime-prevention-intl.org/publications/pub_113_1.pdf).

(15)  Ir-riżultati miksuba wrew tnaqqis ta’ medja ta’ 29 % tar-reati mwettqa miż-żgħażagħ meta mqabbel mat-12 % f’oqsma oħra komparabbli.

(16)  Ara d-dikjarazzjoni konġunta ta’ Valenzja tal-osservatorju internazzjonali għall-ġustizzja taż-żgħażagħ (International Juvenile Justice Observatory).


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/43


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Protezzjoni tat-tfal minn persuni li qed jivvjaġġaw u li huma awturi ta’ reati sesswali

(2009/C 317/07)

Rapporteur: is-Sinjura SHARMA

Nhar l-10 ta’ Lulju 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

il-Protezzjoni tat-tfal minn persuni li qed jivvjaġġaw u li huma awturi ta’ reati sesswali

Is-Sezzjoni għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Sharma.

Matul l-455 sessjoni plenarja li nżammet il-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tal-15 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’157 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet – “Tħallux l-Abbuż tat-Tfal Jivvjaġġa” (1)

1.1.   Jeħtieġ li tkun adottata, infurzata u rikonoxxuta bħala prijorità strateġija Ewropea għall-protezzjoni tat-tfal f’riskju minn persuni li qed jivvjaġġaw u li huma awturi ta’ reati sesswali.

Persuni li nstabu ħatja ta’ reati sesswali M’GĦANDHOMX jibqgħu r-responsabilità ta’ ġurisdizzjonijiet barranin. Kundanni barra mill-UE mhux dejjem iwasslu għal sentenzi ta’ detenzjoni jew priġunerija. Awturi ta’ reati ripetuti sikwit joqogħdu fl-istess pajjiż jew jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħra biex ma jinqabdux. Dan ifisser li l-awtoritajiet Ewropej u l-gvernijiet nazzjonali ma jkunux jafu meta min jabbuża jkun daħal fl-Ewropa. Dan iżid ir-riskju għat-tfal Ewropej.

Għandu jiġi adottat approċċ aktar b’saħħtu u olistiku, iffokat fuq it-tfal, li jkopri:

Il-prevenzjoni tal-abbuż. Jeħtieġ li ssir riċerka dwar il-passat ta’ persuni li qed jivvjaġġaw u li huma awturi ta’ reati sesswali (2);

Il-protezzjoni ta’ dawk li jkunu “f’riskju” u tal-vittmi, inkluża l-identifikazzjoni ta’ tfal vulnerabbli (3) bit-twaqqif ta’ help lines u hotlines;

Il-proċediment kriminali kontra min jabbuża, bl-infurzar tal-qafas legali;

Sħubija ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u ma dawk li għadhom mhumiex involuti;

Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u tas-soċjetà ċivili biex tinħoloq aktar kuxjenza.

Il-KESE japprova r-rakkomandazzjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-KE “Lejn Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet ta-Tfal”, ir-Rakkomandazzjoni tal-PE (4) u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (CoE) (5), li lkoll jikkonċentraw fuq il-protezzjoni tat-tfal mill-isfruttament. Iżda l-KESE jitlob il-bqija tal-Istati Membri (6) biex malajr kemm jista’ jkun jiffirmaw u jirratifikaw il-Protokoll tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) tan-NU (7) u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa biex l-Ewropa teżamina b’mod effettiv x’għandha tagħmel dwar dawk l-Ewropej li jabbużaw mit-tfal waqt li jkunu jaħdmu barra mill-Unjoni jew bħala turisti.

1.2.   Miżuri meħtieġa għal strateġija proattiva u effikaċi għandhom jinkludu:

sħubijiet internazzjonali effikaċi bi qsim aħjar tal-informazzjoni, li jinkludu l-kooperazzjoni bejn il-forzi tal-pulizija u mezzi informatiċi li jittraċċaw dawk in-nies li huma awturi ta’ reati sesswali u li qed jivvjaġġaw;

ftehimiet isħaħ ta’ kooperazzjoni bilaterali ma’ pajjiżi rilevanti;

timijiet konġunti ta’ investigazzjoni ma’ aġenziji oħra tal-infurzar tal-liġi;

ftehimiet ma’ gvernijiet barranin biex il-ħatjin ikunu ddeportati u skortati; għandu jitqies l-użu ta’ Ordnijiet tal-Ivvjaġġar għall-Esteru (Foreign Travel Orders) biex ikun ristrett l-ivvjaġġar ta’ awturi ta’ reati sesswali ta’ riskju kbir;

l-użu ta’ proċeduri ta’ verifikar u l-projbizzjoni ta’ awturi ta’ reati sesswali biex jaħdmu barra mill-pajjiż (8);

l-implimentazzjoni ta’ kampanja ta’ kuxjenza pubblika Ewropea, u jekk jista’ jkun, globali dwar l-irrappurtar ta’ awturi ta’ reati sesswali. Din għandha tkun megħjuna minn hotline telefoniku internazzjonali mingħajr ħlas, b’mekkaniżmu ta’ rappurtar elettroniku f’ħin reali (9);

l-involviment ta’ atturi tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali sabiex titqajjem iktar kuxjenza;

ikunu pprovduti mekkaniżmi ta’ edukazzjoni, konsulenza u servizzi terapewtiċi u mediċi għall-vittmi u ta’ taħriġ għal dawk li jispeċjalizzaw f’dan il-qasam.

1.3.   L-isfida ewlenija hija li titqajjem kuxjenza pubblika dwar l-ambitu tal-problema. Dan jista’ jsir billi jitlesta proġett Ewropew: “L-Ewropa Kontra l-Isfruttament Sesswali tat-Tfal” (10). L-istituzzjonijiet Ewropej jistgħu juru t-triq billi jagħtu prominenza lill-politika etika tagħhom dwar l-ivvjaġġar u kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fil-formoli kollha tar-rimbors fuq ivvjaġġar.

1.4.   Din l-opinjoni ma tkoprix it-traffikar u s-sekwestru, li jeħtiġilhom leġiżlazzjoni u miżuri apposta, u għandhom jitqiesu f’analiżi separata.

2.   Sfond

2.1.   Din l-opinjoni tkopri l-ivvjaġġar u l-abbuż sesswali tat-tfal fl-Ewropa u lil hinn minnha.

2.2.   Il-maġġoranza tan-nies li sesswalment jabbużaw mit-tfal u jisfruttawhom għal għanijiet sesswali huma nies lokali. Hekk jiġri kullimkien fid-dinja. Madankollu, illum il-ġurnata l-abbuż sesswali tat-tfal permezz tal-ivvjaġġar jagħmel parti minn industrija tas-sess stabbilita sewwa mad-dinja kollha u li tħalli qligħ ġmielu.

2.3.   Ivvjaġġar orħos, ivvjaġġar mingħajr viża u teknoloġiji ġodda jippermettu lil awturi ta’ reati li jimmiraw l-attenzjoni tagħhom fuq dawk it-tfal l-aktar vulnerabbli fid-dinja, inkluża l-Ewropa, l-aktar fejn il-faqar, il-privazzjoni, id-defiċjenza emozzjonali u l-kondizzjonijiet soċjali jkunu fl-agħar qagħda tagħhom. L-atti abbużivi sikwit jiġu rrekordjati b’mezzi diġitali u trażmessi globalment. Ħafna NGOs, li fosthom l-aktar magħrufa hija l-ECPAT (11), jaħdmu mal-pulizija u mal-industrija tal-ivvjaġġar u t-turiżmu biex iħarsu lil dawn it-tfal.

2.4.   L-Ewwel Kungress Dinji Kontra l-Kummerċ fl-Isfruttament Sesswali tat-Tfal inżamm fi Stokkolma fl-1996. 122 pajjiż impenjaw ruħhom għal “sħubija globali kontra l-kummerċ fl-isfruttament sesswali tat-tfal”. Illum, konferenzi lokali (12) u internazzjonali (13) jsemmu u jtennu l-eżistenza tal-istess ostakoli għal prevenzjoni effikaċi.

2.5.   Fl-UE saru ħafna rapporti u impenji oħra (14). Madankollu, kif intqal f’rapport reċenti tal-Parlament Ewropew (15), ħafna Stati Membri għadhom ma ffirmawx jew ma rratifikawx dawn il-konvenzjonijiet.

2.6.   Dan ifisser li, b’dispjaċir, filwaqt li qed isir xogħol eċċellenti (16) b’ħafna modi prattiċi fil-livell tal-UE (17), l-Ewropa ma rnexxilhiex tipproteġi t-tfal l-aktar vulnerabbli, tipprevjeni l-abbuż minn ċittadini Ewropej u tonora l-impenji tagħha li għamlet fi Stokkolma. Huwa biss permezz ta’ implimentazzjoni prattika li t-tfal ikunu protetti fl-Ewropa u barra minnha.

2.7.   Huwa impossibbli li jiġi kkalkolat kemm intlaqtu tfal minn persuni qed jivvjaġġaw u li huma awturi ta’ reati sesswali. In-natura mistura u kriminali tar-reati sesswali kontra t-tfal u l-vulnerabilità tat-tfal, l-aktar ta’ dawk li jgħixu fil-faqar, jagħmlu l-ġbir tad-data diffiċli. L-abbuż sesswali tat-tfal huwa parti mill-fenomenu globali tal-isfruttament sesswali tat-tfal għal għanijiet kummerċjali. Dan jinkludi:

Ix-xiri u l-bejgħ tat-tfal għall-prostituzzjoni;

L-abbuż sesswali tat-tfal b’rabta mal-pedofelija;

Il-produzzjoni ta’ xbiehat ta’ abbuż mit-tfal u forom oħra ta’ pornografija li tinvolvi t-tfal.

2.8.   Tipikament, dawk li jabbużaw imorru f’postijiet fejn jaħsbu li ma jinqabdux, postijiet li ta’ sikwit ikollhom livelli baxxi ta’ edukazzjoni, u jkunu soġġetti għall-faqar, l-injoranza, il-korruzzjoni, l-apatija, u jsofru minn nuqqas ta’ infurzar tal-liġi jew ta’ politika ta’ gvern. L-abbuż tat-tfal isir minn nies li għal dan il-għan jistabbilixxu orfanatrofji (18), proġetti u skejjel għat-tfal f’komunitajiet vulnerabbli bl-iskop uniku li jissodisfaw l-imġiba abbużiva tagħhom u dik ta’ sħabhom. Awturi ta’ reati reċidivi jivvjaġġaw minn pajjiż għall-ieħor u jiżgiċċaw milli jinkixfu mill-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-awturi ta’ reati sesswali. Jeħtieġ li ssir aktar riċerka dwar l-inklinazzjoni ta’ min jabbuża sesswalment it-tfal. Finkelhors jidentifika erba’ prekondizzjonijiet, li minnhom jiddependi jekk jitwetqux jew le reati sesswali kontra t-tfal (19):

Il-motivazzjoni għall-abbuż;

Inibituri interni marbuta mal-etika personali;

Inibituri esterni;

Reżistenza mill-vittma.

2.9.   It-tagħrif li għandhom il-professjonisti fil-qasam tal-protezzjoni tat-tfal u l-pubbliku ġenerali dwar ir-reati mwettqa f’pajjiżi barranin huwa fqir. Il-mezzi tax-xandir ikopru biss l-istejjer l-aktar sensazzjonali. Ftit jingħad dwar ir-riskju għat-tfal Ewropej meta l-awturi tar-reati jerġgħu lura lejn pajjiżhom.

2.10.   Is-CEOP (20) juża t-terminu tassew xieraq ta’ “persuni li qed jivvjaġġaw u li huma awturi ta’ reati sesswali” biex jiddeskrivi lil dawk li jivvjaġġaw barra l-pajjiż u jabbużaw mit-tfal. Hemm il-preżunzjoni fost il-pubbliku li jekk xi ħadd jikkommetti reat barra mill-pajjiż, dik il-persuna titniżżel awtomatikament f’reġistru ta’ awturi ta’ reati sesswali. Iżda dan rari jiġri għaliex minħabba sensiela ta’ kwistjonijiet kumplessi, jistgħu ma jkunux jeżistu reġistri, l-informazzjoni ma tiġix trasferita jew ir-regolamenti tal-protezzjoni tad-data ma jippermettux monitoraġġ.

2.11.   It-turiżmu sesswali għandu jitqies lil hinn mir-rabta tat-turiżmu mal-kuntest ta’ “vaganza”. Illum il-ġurnata ħafna negozji jitilqu minn post u jarmaw f’ieħor, jew ikollhom uffiċċji u jinnegozjaw madwar id-dinja. Għandhom jiġu stabbiliti termini ċari minn dawk li jħaddmu u l-unions u l-organizzazzjonijiet tal-impjegatii, li l-abbuż sesswali tat-tfal ma jkunx ittollerat taħt l-ebda kondizzjoni.

3.   Responsabbilità globali

3.1.   Gvernijiet mad-dinja kollha għandhom responsabbilità lejn iċ-ċittadini tagħhom li jipproteġu tfal vulnerabbli kull fejn ikunu. L-espansjoni tat-turiżmu tul il-ħamsin sena li għaddew dan l-aħħar kienet akkumpanjata b’żieda fin-numru ta’ persuni li huma awturi ta’ reati sesswali u li qed jivvjaġġaw. Dawk ewlenin fosthom li jagħmlu dawn ir-reati ta’ sikwit huma nies li jieħdu vantaġġ mill-fatt li jkunu f’pajjiż ieħor biex ma jagħtux kas ta’ elementi ta’ tabù soċjali li normalment jirregolaw l-imġiba tagħhom.

3.2.   Il-Kodiċi Dinjija ta’ Etika għat-Turiżmu (21) tistabbilixxi qafas ta’ referenza għall-iżvilupp responsabbli u sostenibbli tat-turiżmu dinji. Għall-Ewropa, huwa ta’ għajb għall-Komunità li l-Ewropej huma fost dawk li sesswalment jisfruttaw tfal fl-Unjoni Ewropea u madwar id-dinja. Iċ-ċittadini Ewropej huma r-responsabbiltà tal-Ewropa u l-fatt li awturi ta’ reati jistgħu jgħaddu proċedimenti kriminali f’pajjiżhom u mbagħad jitħallew jivvjaġġaw liberament lejn pajjiżi oħra mingħajr monotoraġġ huwa għalkollox inaċċettabbli. L-Ewropa jeħtiġilha tindirizza d-dikotomija legali li tippermetti l-moviment liberu taċ-ċittadini tagħha, iżda li fl-istess ħin tħalli lil dawk li jabbużaw jivvjaġġaw mingħajr restrizzjonijiet.

3.3.   Hemm prinċipju fuq bażi internazzjonali li ma jħallix li persuna tkun ikkundannata darbtejn għall-istess reat. Fejn awtur ta’ reat ikun ser jerġa’ lura lejn il-pajjiż fejn joqgħod, l-istess kundanna għandha tissokta fil-pajjiż fejn joqgħod, jew, jekk tkun identifikata xhieda ġdida, tkun tista’ tingħata sentenza ġdida. Il-kooperazzjoni internazzjonali hija, għalhekk, tal-akbar importanza. Il-Kumitat ifaħħar id-Deċiżjoni Qafas ġdida tal-Kummissjoni biex din il-kwistjoni tkun indirizzata (22).

3.4.   Jeħtieġ li jitwaqqaf qafas ta’ koordinazzjoni tal-attivitajiet, u li jsir monitoraġġ u evalwazzjoni tal-istatistika kif ukoll rakkomandazzjonijiet prattiċi u f’waqthom. Madankollu, fl-Unjoni Ewropea, peress li dan huwa qasam fejn kull deċiżjoni li tittieħed tista’ twassal biex ixxekkel il-libertà u għaldaqstant taffettwa d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, huma l-Istati Membri biss li għandhom l-awtorità li jieħdu deċiżjonijiet, b’rispett tal-liġijiet li jiggvernaw il-prattiki tal-pulizija u s-sistema tal-ġustizzja tagħhom. L-NGOs Ewropej u internazzjonali jagħmlu xogħol eċċellenti fil-qasam tal-protezzjoni tat-tfal iżda dawn ma jistgħux jieħdu post is-sistemi tal-pulizija jew tal-ġustizzja.

Il-kooperazzjoni u l-għajnuna għall-iżvilupp, f’dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis tal-faqar (23), mal-edukazzjoni, is-saħħa u l-iżvilupp soċjali, għandhom jagħtu appoġġ akbar lill-protezzjoni tat-tfal mill-abbuż sesswali. L-NGOs u l-imsieħba soċjali għandhom jingħataw importanza u appoġġ f’termini ta’ taħriġ u sostenn emozzjonali/psikoloġiku. Huwa essenzjali li jissaħħu l-edukazzjoni u t-taħriġ għal dawk li qed jaħdmu f’dan il-qasam u fil-forniment ta’ servizz usa’ (i.e. il-mezzi tax-xandir, l-industrija tal-ospitalità, l-għalliema, dawk li jieħdu ħsieb it-tfal (carers) u l-pulizija), biex l-ostakoli għar-rappurtar jiġu identifikati u mneħħija. Kif kien enfasizzat fir-rapport Daniż “Insalvaw lit-Tfal” (24), għandha tkun offruta gwida lit-tfal, speċjalment lil dawk li l-aktar huma esposti għar-riskju, biex ikunu konxji tas-sitwazzjoni u jkunu jafu kif jiffaċċjawha. Fil-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw huwa neċessarju li t-tfal jitħarrġu fl-użu korrett tal-Internet, sabiex jiġu mwissija dwar il-prattiki ta’ dawk li jabbużaw li jkunu familjari ħafna ma’ din l-għodda biex ifittxu l-vittmi tagħhom.

3.5.   Għandhom ikunu pprovduti servizzi ta’ terapija u pariri għal dawk li jabbużaw bħala sostenn għar-riabilitazzjoni tagħhom (25).

4.   Ir-responsabbilità tas-Soċjetà Ċivili

4.1.   Is-soċjetà ċivili Ewropea għandha r-responsabbilità li tikkundanna atti kriminali u li taġixxi fl-eventwalità ta’ theddida għal oħrajn – kemm fl-Ewropa kif ukoll barra minnha, speċjalment fir-rigward tal-abbuż tat-tfal. Huwa stmat li fl-Ewropa llum il-ġurnata, bejn 10 % u 20 % tat-tfal ikunu abbużati matul tfulithom, u l-attività qed dejjem tiżdied u tespandi ġeografikament. Xi ċittadini Ewropej qed jivvjaġġaw u jikkommettu reati sesswali fl-Ewropa u barra.

4.2.   Għaldaqstant, jeħtieġ li jkunu żviluppati strateġiji konġunti u aktar azzjonijiet li jiffokaw fuq il-prevenzjoni u l-pieni għall-ġlieda kontra din il-pjaga. Għal dawk li jħaddmu fl-Ewropa, il-ġlieda kontra l-prostituzzjoni u l-pornografija tat-tfal għandha titqies bħala materja ta’ responsabbilità tas-soċjetà korporattiva.

4.3.   4,5 % minn 842 miljun (2006) vjaġġatur huma awturi ta’ reati sesswali u 10 % minnhom huma pedofili (26). Mill-2003 ’l hawn, kumpaniji tal-ivvjaġġar setgħu jissottoskrivu għall-“Kodiċi ta’ Mġiba għall-Protezzjoni tat-Tfal minn Sfruttament Sesswali fl-Ivvjaġġar u t-Turiżmu” (27). Fil-preżent, aktar minn 600 kumpanija f’aktar minn 30 pajjiż iffirmaw din il-kodiċi ta’ mġiba. Iżda l-abbuż sesswali tat-tfal permezz tal-ivvjaġġar mhuwiex ir-responsabiltà unika tal-industrija tal-ivvjaġġar. Is-setturi kollha tan-negozju għandhom jaħdmu biex iwaqqfu attivitajiet bħal dawn.

4.4.   L-ITUC tinkoraġġixxi lill-membri tagħha biex jistabbilixxu strutturi ta’ uffiċjali, kumitati u gruppi ta’ ħidma biex japprovaw l-istrateġiji. Biex jinkiseb aċċess għal-livelli bażiċi, l-ITUC adottat approċċ settorjali u sawret sħubijiet ta’ siwi biex twettaq Ftehimiet ta’ Qafas Internazzjonali. Minħabba li l-isfruttament sesswali tat-tfal jikkostitwixxi ksur gravi tad-drittijiet ewlenin tax-xogħol u tal-bniedem, ikun parti integrali mix-xogħol tagħhom li jiġġieldu l-agħar għamliet ta’ tħaddim tat-tfal (28). Għalhekk it-trade unions qed ikomplu jassumu l-irwol tagħhom li jippromwovu r-ratifika ta’ standards internazzjonali rilevanti u li jgħassu l-implimentazzjoni effikaċi tal-politiki u r-regolamenti kemm mill-gvernijiet kif ukoll minn dawk li jħaddmu (29), li jżidu l-kuxjenza tal-membri tagħhom u l-pubbliku ġenerali (30), u li jindirizzaw din il-kwistjoni permezz ta’ negozjar kollettiv (31).

4.5.   Fil-Konvenzjoni tiegħu adottata mill-Kumitat tal-Ministri fit-12 ta’ Lulju 2007, il-Kunsill tal-Ewropa jgħid li “kull parti għandha tinkoraġġixxi lis-settur privat, kif ukoll lis-soċjetà ċivili, biex jipparteċipaw fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki għall-prevenzjoni tal-isfruttament sesswali u l-abbuż sesswali tat-tfal u biex jimplimentaw normi interni permezz ta’ awtoregolazzjoni jew koregolazzjoni”. Għalhekk proġett komuni Ewropew huwa fattibbli.

5.   Miżuri speċifiċi

5.1.   L-uniku objettiv ta’ kull attività għandu jkun li JWAQQAF l-abbuż tat-tfal u li jkunu protetti l-vulnerabbli. Jekk l-abbuż mit-tfal jista’ jitwaqqaf ma jkunx hemm vittmi. Din għandha tkun prijorità u objettiv primarju għall-politiki kollha ffokati fuq it-tfal.

5.2.   L-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu juru t-triq billi jintroduċu l-kundanna tagħhom għall-abbuż sesswali tat-tfal bħal parti mill-politika etika tagħhom dwar l-ivvjaġġar u jinkluduha fil-formoli kollha tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar.

Il-miżuri u l-eżempji ta’ hawn taħt huma ppreżentati biss fil-qosor, u saru b’konsultazzjoni mal-ECPAT (32), organizzazzjoni ewlenija dinjija tad-drittijiet tat-tfal li tagħmel kampanji favur il-protezzjoni tat-tfal mill-isfruttament sesswali kummerċjali. L-ECPAT topera f’aktar minn 70 pajjiż fl-ogħla livelli governattivi, u testendi s-servizzi tagħha lill-prattikanti u lil dawk li jaħdmu direttament mat-tfal permezz ta’ riċerka, taħriġ u formazzjoni ta’ ħiliet.

5.3.1.   Verifikar u Projbizzjonijiet: Fil-preżent skejjel barranin m’għandhomx mekkaniżmu biex jiċċekkjaw il-passat ta’ applikanti jew kemm huma addattati biex jaħdmu mat-tfal. Dan huwa nuqqas kbir fil-protezzjoni ta’ tfal vulnerabbli. Għandhom jitwaqqfu mekkaniżmi li jippermettu aċċess lill-organizzazzjonijiet internazzjonali rreġistrati u lill-korpi tal-pulizija għal din l-informazzjoni.

5.3.2.   Ftehimiet ta’ Kooperazzjoni Bilaterali: NGOs madwar id-dinja qegħdin dejjem aktar jaqsmu informazzjoni vitali bejniethom dwar it-tħassib b’rabta ma’ persuni li diġà kkommettew reati. Ir-riżultat ta’ dan huwa azzjoni malajr u f’waqtha. Ironikament, gvernijiet imxekkla bil-burokrazija u b’regoli ta’ protezzjoni tad-data ma jistgħux jaġixxu malajr u qed joqogħdu fuq l-NGOs biex jaġixxu huma fejn ma tasalx il-pulizija internazzjonali. Il-protezzjoni tat-tfal għandha dejjem ikollha preċedenza fuq ir-regoli tal-protezzjoni tad-data. L-iżvilupp tal-fiduċja u l-għarfien bejn il-pajjiżi f’qafas ta’ kooperazzjoni joħloq rispons proattiv għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali. Biex ikun effikaċi, dan għandu jmur lil hinn mit-taħriġ u l-formazzjoni tal-ħiliet.

5.3.3.   Għandhom jitwaqqfu hotlines u help lines ta’ rappurtar internazzjonali biex jiġi evitat xenarju ta’ kultura ta’ silenzju jew ta’ “taparsi ma rajtx”. Il-mekkaniżmi għandhom isostnu azzjoni f’“ħin reali”. Għandu jkun hemm sistema integrata ta’ protezzjoni tat-tfal li biha l-korpi professjonali u l-fornituri tas-servizzi jkunu jistgħu jaħdmu mal-NGOs biex jgħinu fil-protezzjoni u l-identifikazzjoni tal-vittmi jew ta’ dawk li jkunu f’riskju.

5.3.4.   Timijiet ta’ investigazzjoni konġunta u aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġijiet: L-Ewropa għandha bżonn aġenziji speċjalizzati bi prijoritajiet ta’ protezzjoni tat-tfal li jestendu għal pajjiżi barranin, b’riżorsi adegwati għall-investigazzjoni ta’ awturi magħrufa ta’ reati sesswali li jivvjaġġaw lejn pajjiżi barranin, u għall-ġbir ta’ provi għal dawk li jwettqu attivitajiet barra mill-pajjiż.

5.3.5.   Ftehimiet għad-deportazzjoni u l-iskortar ta’ dawk misjuba ħatja ta’ reati: Is-sistemi ta’ rappurtar ta’ prosekuzzjonijiet jew kundanni bejn il-pajjiżi mhumiex mandatorji. Għaldaqstant awturi ta’ reati sesswali jistgħu jinstabu ħatja barra minn pajjiżhom bla ma dan isir magħruf f’pajjiżhom. Hija r-responsabbilità tal-ambaxxati jew l-missjonijiet li jgħarrfu lil pajjiżhom jekk isiru jafu bil-kundanni. Wara li jkunu nstabu ħatja u kkundannati b’sentenza barra l-pajjiż, ħafna awturi ta’ reati jibqgħu fl-istess pajjiż jew imorru f’pajjiż ieħor u ma jmorrux lura lejn pajjiżhom, u b’hekk jeħilsu milli jitniżżlu f’reġistru ta’ awturi ta’ reati sesswali. Fil-każ ta’ dawk misjuba ħatja u mibgħuta lura lejn pajjiżhom, minħabba li dan jista’ jfisser titjiriet twal b’waqfa, ikun hemm riskju li dawn jaħarbu. Għalhekk teżisti l-ħtieġa ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali u ta’ skorta minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi.

5.3.6.   Il-Mudell ta’ Aġenziji Multipli għal Arranġamenti ta' Protezzjoni Pubblika (MAPPA): Dan huwa mudell użat fir-Renju Unit għall-evalwazzjoni u l-ġestjoni ta’ awturi ta’ reati sesswali fil-komunità. Huwa jinvolvi diversi aġenziji (tal-ġustizzja kriminali, tal-ħarsien soċjali, tal-akkomodazzjoni, tas-saħħa) biex issir l-anqas ħsara lill-pubbliku u biex jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ awturi ta’ reati reċidivi. Il-qafas jikkonsisti f’erba’ funzjonijiet bażiċi, iżda attwalment ma jkoprix iċ-ċittadini tar-Renju Unit li jivvjaġġaw barra mill-pajjiż:

L-identifikazzjoni ta’ awturi ta’ reati;

Il-qsim tal-informazzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni tar-riskju;

L-evalwazzjoni tar-riskju u ħsara gravi;

Il-ġestjoni tar-riskju.

5.3.7.   L-użu u l-effikaċja tal-Ordnijiet tal-Ivvjaġġar għall-Esteru (FTO): Dawn jistgħu jintużaw mill-qrati biex jipprojbixxu persuni milli jivvjaġġaw barra mill-pajjiż lejn pajjiż indikat jew xi pajjiż ieħor. Dan jista’ jsir għall-protezzjoni ta’ tifel jew tifla partikulari, jew għall-protezzjoni tat-tfal inġenerali. Dawn l-ordnijiet jinħarġu għal perijodu ta’ żmien fiss. Fl-2005, il-Gvern Awstraljan emenda l-“Att dwar il-Passaport Awstraljan” biex il-pulizija tkun tista’ titlob il-kanċellazzjoni tal-passport ta’ awturi ta’ reati sesswali ta’ riskju għoli.

5.4.   Miżura speċifika ħafna: Il-proġett Ewropew “L-Ewropa Kontra l-Isfruttament Sesswali tat-Tfal – GĦID LE!”

Jista’ jinbena proġett Ewropew li jgħaqqad flimkien il-ħidmiet u l-konvenzjonijiet kollha li diġà saru u jqajjem il-kuxjenza billi jħajjar lill-organizzazzjonijiet jimpenjaw ruħhom fil-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal billi jenfasizza l-fatti bażiċi. “Kodiċi” jew “konvenzjoni” diġà adottata globalment tista’ takkumpanja d-“dikjarazzjoni tal-valuri” proposta fl-Appendiċi I. Leġiżlazzjoni approvata jew ġdida, jekk tkun implimentata b’mod effikaċi, tkun ta’ appoġġ ukoll għal din il-kawża.

Brussell, il-15 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Is-Slogan tal-Kampanja tal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu.

(2)  Insalvaw it-Tfal, id-Danimarka. Rapport dwar “Awturi ta’ Reati Sesswali mingħajr Fruntieri”, Mejju 2009.

(3)  Id-Dikjarazzjoni ta’ Rio de Janeiro u s-Sejħa għal Azzjoni għall-Prevenzjoni u t-Tmiem tal-Isfruttament tat-Tfal u l-Adoloxxenti, Novembru. 2008.

(4)  Rakkomandazzjoni tal-PE tat-3.2.09 lill-Kunsill dwar l-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija li tinvolvi t-tfal (2008/2144(INI)).

(5)  “Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali”, 25.10.07, http://conventions.coe.int/Treaty/EN/treaties/Html/201.htm.

(6)  http://conventions.coe.int/Treaty/Commun/ChercheSig.asp?NT=201&CM=&DF=&CL=ENG Stati Membri li għadhom ma ffirmawx il-Protokoll Fakultattiv tas-CRC tan-NU: il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta u r-Renju Unit. Stati Membri li għadhom ma ffirmawx il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa: ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta u s-Slovakkja. Il-Ġreċja biss irratifikatha.

(7)  “Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tal-Minorenni u l-Pornografija tat-Tfal”. Adozzjoni: Mejju 2000. Dħul fis-seħħ: Jannar 2002. http://www.unhchr.ch/html/menu2/6/crc/treaties/opsc.htm.

(8)  “It-Tmiem tal-Isfruttament tat-Tfal”. Ara r-Rapport tal-2006 tal-ECPAT.

(9)  Ara Childwise ECPAT tal-Awstralja.

(10)  Ara l-Appendiċi 1.

(11)  ECPAT – Inwaqqfu l-Prostituzzjoni tal-Minorenni, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u t-Traffikar tat-Tfal għal Għanijiet Sesswali – għandha status konsultattiv speċjali mal-KumitatEkonomiku u Soċjali tan-NU (ECOSOC).

(12)  “Meta Tkun Qed Tivvjaġġa, Tibqax Indifferenti”; Stopchildprostitution.be, “Persuni li jabbużaw u jkunu qed jivvjaġġaw fl-Ewropa”, Mejju 2007.

(13)  Il-Kungress Dinji III Kontra l-Isfruttament Sesswali tat-Tfal u l-Adoloxxenti, Novembru 2008.

(14)  Ara n-noti 4 u 5. Ara wkoll:

http://www.nspcc.org.uk/Inform/policyandpublicaffairs/Europe/Briefings/councilofeurope_wdf51232.pdf u http://www.unhchr.ch/html/menu2/6/crc/treaties/opsc.htm.

(15)  Ara n-nota 4.

(16)  PE 410.671 Jannar 2009.

(17)  COM(1996) 547 finali; COM(1999) 262 finali; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2000/375/JHA (ĠU L 138, 9.6.2000); Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/JHA (ĠU L 13, 20.1.2004)) u COM(2009) 135 finali.

(18)  Dawk li jagħmlu r-reat jużaw it-terminu uffiċjali “orfanatrofji” biex jaħbu l-attivitajiet tagħhom. Dawn huma djar għat-tfal imwaqqfin biex isir abbuż mit-tfal.

(19)  “Awturi ta’ Reati Sesswali Mingħajr Fruntieri” – Insalvaw it-Tfal, id-Danimarka, Merjju 2009.

(20)  CEOP tar-Renju Unit – Ċentru tal-Isfruttament tat-Tfal u Servizz Online.

(21)  Adottata b’riżoluzzjoni A/RES/406(XIII) fit-13-il Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-NU (UNWTO) (27 ta’ Settembru – 1 ta’ Ottubru 1999).

(22)  COM(2009) 135 finali.

(23)  Studju tematiku dwar miżuri ta’ politika dwar il-faqar fost it-tfal.

(24)  Idem.

(25)  Sarah Macgregor: “Sex offenders treatment programs: effectiveness of prison and community based programs in Australia and New Zealand” [Programmi ta’ trattament ta’ awturi ta’ reati sesswali: l-effikaċja ta’ programmi b’bażi fil-ħabs u fil-komunità fl-Awstralja u New Zealand] http://www.indigenousjustice.gov.au/briefs/brief003.pdf; Dario Dosio, Friedemann Pfaefflin, Reinhard Eher (Edituri.): “Preventing Sexual Violence Through Effective Sexual Offender Treatment and Public Policy” [Il-Prevenzjoni tal-Vjolenza Sesswali permezz ta’ Trattament Effikaċi tal-Awturi ta’ Reati Sesswali u tal-Ordni Pubbliku], l-10 Konferenza tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali għat-Trattament ta’ Awturi ta’ Reati Sesswali (IATSO) www.iatso.org.

(26)  Sors: ACPE – Assoċjazzjoni kontra l-prostituzzjoni tat-tfal.

(27)  Din il-kodiċi nbdiet fl-1998 minn ECPAT tal-Iżvezja. Hija rikonoxxuta mill-UNICEF u mid-WTO. Ara wkoll is-sit: www.thecode.org.

(28)  Il-Konvenzjoni 182 tal-ILO.

(29)  http://www.ituc-csi.org/IMG/pdf/FINAL_EU_CLS_2009_report__2_.pdf.

(30)  http://www.itfglobal.org/campaigns/traffickingstate.cfm.

(31)  http://www.iiicongressomundial.net/congresso/arquivos/thematic_paper_csr_eng.pdf.

(32)  ECPAT - End Child Prostitution, Child Pornography and Trafficking of Children for Sexual Purposes [Inwaqqfu l-Prostituzzjoni tat-Tfal, il-Pornografija bit-Tfal u t-Traffikar tat-Tfal għal Għanijiet Sesswali].


Appendiċi I

L-Ewropa Kontra l-Isfruttament Sesswali tat-Tfal

L-abbuż sesswali ta’ persuna taħt it-18-il sena huwa REAT kullimkien fid-dinja

L-Istituzzjonijiet Ewropej u l-Imsieħba Soċjali mhux se jaċċettawh!

Kullimkien fid-dinja, it-tfaħ għandhom id-dritt li jikbru fis-sliem u jkunu protetti minn kull għamla ta’ sfruttament sesswali, fiżiku jew fuq l-Internet.

Dikjarazzjoni tal-valuri ta’ “Isem l-Organizzazzjoni”:

Aħna nikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ tkabbir ekonomiku etiku u responsabbli.

Aħna nirrispettaw u nipproteġu d-Drittijiet tat-Tfal.

Aħna nikkundannaw l-isfruttament sesswali tat-tfal f’kull għamla, fiżika jew fuq l-Internet.

Aħna nirriżervaw id-dritt li nirrappurtaw kull persuna suspettata li twettaq kull attività li twassal għat-telf tad-dinjità jew għal abbuż sesswali ta’ persuna taħt it-18-il sena.

“Isem l-Organizzazzjoni” l-impjegati jintrabtu:

Li jaderixxu mal-prinċipji tal-kumpanija elenkati hawn fuq u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-protezzjoni tat-tfal.

Li jikkontribwixxu għal tkabbir etiku u responsabbli tan-negozju.

Li jirrispettaw u jipproteġu d-Drittijiet tat-Tfal.

Li ma jipprovdux informazzjoni jew materjal li jwassal għall-possibbilità ta’ sfruttament sesswali tat-tfal.

Li jinfurmaw lill-awtoritajiet, inkluża l-Pulizija, dwar attivitajiet suspetti li jistgħu jkunu ta’ periklu għat-tfal jew iwasslu għall-isfruttament sesswali tagħhom.

X’tistenna “Isem l-Organizzazzjoni” mill-klijenti u l-fornituri tagħha:

Aħna napprezzaw u nirrispettaw il-liġijiet madwar id-dinja kollha li jipproteġu t-tfal minn sfruttament sesswali. L-impenn tagħna huwa li ma nsegwux tali prattiki, la fiżikament u lanqas permezz tal-Internet, f’pajjiżna jew barra minn pajjiżna waqt li nkunu fuq xogħol tan-negozju jew għall-btajjel.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/49


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar X’futur hemm għaż-żoni mhux urbani fis-soċjetà tal-għarfien

(2009/C 317/08)

Relatur: is-Sur SANTILLÁN CABEZA

Nhar l-10 ta’ Lulju 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

X’futur hemm għaż-żoni mhux urbani fis-soċjetà tal-għarfien?

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Ġunju 2009. Ir-relatur kien is-Sur Santillán Cabeza.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’mod unanimu.

1.   Id-diversità enormi tal-Ewropa

1.1.   L-UE tħaddan diversità territorjali inkredibbilment għanja u t-tendenzi tagħha ta’ fejn jgħixu n-nies huma uniċi. Dawn it-tendenzi jagħtu kontribut għall-kwalità tal-ħajja fl-UE, kemm għal min jgħix fi bliet li jinsabu qrib żoni rurali kif ukoll għal dawk ir-residenti rurali li jinsabu qrib is-servizzi. Dawn it-tendenzi huma wkoll aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi għax jevitaw id-diffikultajiet marbuta inevitabbilment ma’ agglomerazzjonijiet kbar ħafna u l-livelli għoljin fl-użu tal-enerġija u tal-art tipiċi tal-firxa urbana. Dawn id-diffikultajiet se jkomplu jikbru hekk kif tkompli sseħħ il-bidla fil-klima u l-azzjonijiet biex nadattaw għaliha u niġġilduha (1).

Sabiex issir distinzjoni bejn iż-żoni rurali u dawk mhux rurali, l-OECD tiddistingwi bejn l-unitajiet amministrattivi lokali (LAU 1 jew 2) u r-reġjuni (NUTS 3). Unità ta’ żona lokali tissejjaħ komunità rurali jekk id-densità tal-popolazzjoni tagħha tkun ta’ inqas minn 150 abitant kull km2. Ir-reġjuni (NUTS 3) huma ddifferenzjati skont il-grad ta’ ruralità tagħhom, i.e. mill-proporzjon tal-popolazzjoni tagħhom li tgħix f’unitajiet ta’ żoni lokali rurali.

1.2.1.   Skont l-OECD, jeżistu wkoll tliet tipi ta’ reġjuni:

b’maġġoranza rurali: aktar minn 50 % tal-popolazzjoni tgħix f’komunitajiet rurali;

rurali ħafna: bejn 15 u 50 % tal-popolazzjoni tgħix f’komunitajiet rurali;

b’maġġoranza urbana: inqas minn 15 % tal-popolazzjoni tgħix f’komunitajiet rurali.

Aktar minn 50 % tat-territorju tal-UE ta’ 25 pajjiż huwa meqjus bħala żona rurali.

1.2.2.   Id-definizzjoni tal-Eurostat tal-livell ta’ urbanizzazzjoni tiddistingwi bejn tliet tipi ta’ żoni:

żoni b’densità għolja tal-popolazzjoni: gruppi ta’ muniċipalitajiet viċin ta’ xulxin li kull waħda minnhom għandha densità tal-popolazzjoni ogħla minn 500 abitant għal kull kilometru kwadru, u bit-total tal-popolazzjoni taż-żona ta’ aktar minn 50 000 abitant;

żoni intermedji: gruppi ta’ muniċipalitajiet viċin ta’ xulxin, li kull waħda minnhom għandha densità tal-popolazzjoni ogħla minn 100 abitant għall kull kilometru kwadru, iżda li mhumiex parti minn żoni b’densità għolja tal-popolazzjoni. It-total tal-popolazzjoni taż-żona għandu jkun mill-inqas 50 000 ruħ jew iż-żona għandha tkun eżatt ħdejn żona b’densità għolja tal-popolazzjoni;

żoni b’popolazzjoni mifruxa: gruppi ta’ muniċipalitajiet viċin xulxin li ma jagħmlux parti la minn żoni b’densità għolja tal-popolazzjoni u lanqas minn żoni intermedji (2).

“Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, ‛unità lokali” tikkorrispondi għal awtorità lokali jew muniċipalità. Iż-żoni b’popolazzjoni mifruxa jkopru madwar 84 % tat-territorju kollu tal-UE b’25 (3) Stat Membru.

2.   Żoni urbani u rurali: żvilupp kuntrastanti

2.1.   Għal ħafna snin kien fatt aċċettat li jekk isir sforz ikbar fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp (R&D), l-UE tkun tista’ tilqa’ l-isfida tal-globalizzazzjoni. Tabilħaqq, l-Istrateġija ta’ Lisbona tinkludi l-għan espliċitu li dawn l-investimenti jiżdiedu għal 3 % tal-PGD.

2.2.   Iridu jsiru aktar studji dwar il-potenzjal tar-reġjuni li huma differenti minħabba l-karatteristiċi ġeografiċi tagħhom (rata differenti tal-mod kif qed tixjieħ il-popolazzjoni), il-karatteristiċi soċjoloġiċi (il-kapital uman), il-fatturi ekonomiċi tagħhom (il-mobbiltà tal-kapital u tal-ħaddiema tas-sengħa, u għaldaqstant il-mobbiltà ta’ parti mill-popolazzjoni li tħallas it-taxxa) kif ukoll l-istruttura tagħhom tal-produzzjoni (wirt mill-passat, il-kapaċità li jattiraw l-investimenti).

2.3.   Għalkemm iż-żoni rurali ma jistgħux jiġu assoċjati awtomatikament mat-tinqis jew iż-żoni intermedji mat-tkabbir (4), f’sens ġenerali, iż-żoni li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma rurali (17,9 % tal-popolazzjoni Ewropea) u ż-żoni intermedji (37,8 % – li flimkien jagħmlu total ta’ 55,7 %) jinsabu f’sitwazzjoni inqas vantaġġjata. Barra minn hekk, fl-Istati Membri bi dħul aktar baxx, id-differenzi bejn iż-żoni urbani u dawk mhux urbani ġeneralment ikunu akbar (5).

2.4.   F’dawn l-aħħar snin inħolqu jew ġew żviluppati ħafna għodod biex jistimulaw l-innovazzjoni (FP7, PIC, JEREMIE, inizjattivi konġunti għat-teknoloġija, “is-swieq pilota”, eċċ.). Dawn l-inizjattivi, li għandhom jitħeġġu, jikkuntrastaw man-nuqqas ta’ interess muri mir-reġjuni li m’għandhomx il-potenzjal jagħmlu użu minn dawn il-possibbiltajiet bit-tama li jieħdu vantaġġ pożittiv minnhom.

2.5.   Peress li ħafna mill-attività ekonomika hija kkonċentrata fil-bliet, hemm bżonn li l-iżvilupp tas-soċjetà tal-għarfien ikun aktar bilanċjat.

3.   Proposti biex jinstab il-bilanċ favur iż-żoni mhux urbani

3.1.   Servizzi ta’ Interess Ġenerali (SIĠ) ta’ kwalità għolja biex jiggarantixxu l-koeżjoni soċjali u territorjali

3.1.1.   Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar is-SIĠ (6), il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li “tippreżenta quddiem il-Parlament analiżi komprensiva tal-effetti li kellha s’issa ‛l-liberalizzazzjoni‛, (…) [biex] tanalizza wkoll il-progress bl-applikazzjoni tal-Protokoll, ladarba t-Trattat il-ġdid ikun daħal fis-seħħ (…) [u biex] toħroġ rapport speċjali dwar is-servizzi soċjali kull sentejn li jservi ta’ strument ta’ skambju mal-partijiet interessati”. Il-KESE jħoss li huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni tanalizza l-impatt tal-liberalizzazzjoni fuq il-koeżjoni territorjali. Din l-analiżi għandha tipprovdi dejta skont in-natura urbana jew rurali tal-awtoritajiet lokali kkonċernati u skont il-perċezzjonijiet tal-popolazzjonijiet tagħhom.

3.1.2.   L-aċċess għall-kura tas-saħħa rikonoxxut fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (Artikolu 35), jista’ jkun partikolarment diffiċli f’żoni mhux urbani minħabba n-nuqqas ta’ ħaddiema kkwalifikati, ta’ infrastruttura adegwata u ta’ riżorsi finanzjarji. Il-Kummissjoni għalhekk għandha tibda diskussjoni mal-awtoritajiet lokali u mal-federazzjonijiet Ewropej ikkonċernati ta’ min iħaddem u tat-trejdjunjins, biex tanalizza kif strumenti bħal ftehimiet bejn imsieħba soċjali, għajnuniet mill-Istat u inizjattivi Komunitarji, jistgħu jitfasslu b’mod li dan is-settur jingħata spinta ġdida ’l quddiem.

3.2.   Is-soċjetà tal-informazzjoni/is-soċjetà tal-għarfien

3.2.1.   Għalkemm xi kultant tinħoloq konfużjoni bejniethom, il-kunċett tas-soċjetà tal-għarfien (ideal jew fażi fl-evoluzzjoni tal-Bniedem) għandu jkun distint mill-kunċett tas-soċjetà tal-informazzjoni (l-użu mifrux tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni). L-informazzjoni hija biss waħda mill-għodod ta’ kif jinkiseb l-għarfien.

3.2.2.   L-edukazzjoni hija fattur ċentrali biex nimxu lejn soċjetà tal-għarfien. F’żoni mhux urbani, wieħed mill-fatturi determinanti huwa l-bidla demografika (l-emigrazzjoni, ir-rata għolja ta’ dipendenza, popolazzjoni li qed tixjieħ, eċċ.). Kull sena, għadd ta’ skejjel żgħar f’żoni inqas dinamiċi qed ikollhom jagħlqu għax ma jkollhomx studenti biżżejjed. Dan jista’ jinkoraġġixxi aktar it-tendenza li t-tfal jitilqu minn dik l-iskola, minħabba li l-ġenituri jippreferu jmorru jgħixu f’żoni b’aktar ħajja għal dak li għandu x’jaqsam ma’ attivitajiet, impjiegi, skejjel u infrastrutturi ta’ riċeviment (7).

3.2.3.   Rigward il-persentaġġ ta’ adulti li jilħqu livell ta’ edukazzjoni medju jew għoli, ix-xejra fl-UE hija li d-differenza bejn żoni b’maġġoranza rurali jew intermedja meta mqabbla maż-żoni b’maġġoranza urbana qed tiċkien b’mod kontinwu. Is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Ewropa u f’xi Stati Membri ġodda (FR, NL, FI, IE, BE, PL, CZ, HU) hija aħjar (< 10 punti differenza) u f’xi pajjiżi l-livell tal-edukazzjoni huwa ogħla fiż-żoni rurali milli f’dawn urbani (UK, DE, AT). L-ikbar differenzi (> 20 punti differenza) jinsabu fil-pajjiżi tal-Mediterran (GR, ES, IT, PT).

3.2.4.   Il-persentaġġ ta’ adulti li jieħdu sehem fl-edukazzjoni u t-taħriġ (it-tagħlim tul il-ħajja) huwa relattivament baxx (madwar 12 % fl-UE-25) u ma jidhirx li hemm differenzi kbar bejn iż-żoni rurali u dawk urbani. Xi pajjiżi jappoġġjaw bis-sħiħ it-taħriġ għall-adulti (DK, ES, NL, AT, SL, SK, SE, UK) filwaqt li oħrajn jagħmlu dan b’mod aktar modest. Ix-xejriet juru li l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-taħriġ għandha t-tendenza tiżdied ftit aktar fiż-żoni rurali milli f’dawk urbani (8).

3.2.5.   Għalkemm il-viċinanza żżid l-aċċess għal studenti li jgħixu f’żoni rurali, id-distanza għall-universitajiet (li ħafna minnhom jinsabu f’żoni urbani) ma tidhirx illi sservi ta’ xkiel għall-edukazzjoni ogħla. Minkejja dan, din tista’ xxekkel il-firxa ta’ għażliet ta’ korsijiet.

3.2.6.   Il-Kummissjoni Ewropea nnotat li għadd ta’ Stati Membri mhumiex jagħmlu sforzi biżżejjed biex jegħlbu t-tluq mill-iskola qabel iż-żmien u biex jippromovu t-tagħlim tul il-ħajja biex jintlaħqu l-miri stabbiliti mill-Aġenda ta’ Lisbona.

3.3.   E-learning u l-importanza tal-konnessjonijiet broadband (9)

3.3.1.   Il-konċentrazzjoni ta’ livelli għoljin ta’ riċerka u żvilupp (R&D) f’għadd pjuttost limitat ta’ pajjiżi tal-UE tqajjem ċertu tħassib: 70 % tal-R&D jinsab fil-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit. Stimi tal-ispejjeż għall-R&D reġjun b’reġjun juru li 35 reġjun għandhom intensità ta’ R&D li taqbeż il-mira ta’ Lisbona (10).

3.3.2.   Il-Kumitat jenfasizza li l-kundizzjoni ċentrali biex it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jintużaw għat-tagħlim tul il-ħajja, b’mod partikolari fiż-żoni rurali u fil-bliet iż-żgħar tal-Komunità, hija li jrid jingħata l-appoġġ mill-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri għall-konnessjonijiet tal-internet broadband (11) li jipprovdu aċċess għas-sistemi ta’ e-learning.

3.3.3.   F’Diċembru 2007 il-broadband (DSL) kien jilħaq medja ta’ 98 % tal-popolazzjoni f’żoni urbani, filwaqt li f’żoni rurali kien jilħaq biss 70 % tal-popolazzjoni rurali tal-UE-27 (12).

3.3.4.   L-aċċess għall-broadband jifforma parti minn strateġija usa’ mmirata biex tiżgura li l-aċċess għas-servizzi elettroniċi jingħata l-istatus ta’ servizz ta’ utilità pubblika (13). Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-prezz tas-servizz, għax f’xi Stati Membri dan huwa għoli ħafna.

3.4.   L-impjiegi u l-pożizzjoni ġeografika

3.4.1.   Bħalissa, 10 % tan-netwerk tat-toroq Ewropej ibatu minn konġestjoni tat-traffiku, speċjalment f’dawk l-arterji ewlenin li jgħaqqdu r-reġjuni periferiċi, li jkunu żoni residenzjali, u fiċ-ċentri urbani li jipprovdu l-impjiegi għall-popolazzjoni. L-ispejjeż għal din il-konġestjoni kull sena jilħqu 0,5 % tal-PGD. Biex tittaffa din il-problema, il-Kummissjoni tista’ tfittex li tippromovi x-xogħol mid-dar, wara li tikkonsulta mal-imsieħba soċjali. B’dan il-mod, dan l-element ta’ flessigurtà jista’ jkun ta’ għajnuna għall-koeżjoni territorjali, għaliex jiffavorixxi n-negozji lokali u jnaqqas l-ispejjeż ambjentali (14).

3.4.2.   L-effikaċja li biha wieħed isib xogħol tista’ tonqos jekk id-distanza għall-impjiegi tiżdied (dan jitkejjel f’ħin ta’ vjaġġar u fi spejjeż involuti) għax l-individwi jkollhom inqas informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ xogħol li jinsabu ’l bogħod minn fejn joqogħdu (15).

Djar, ilma, elettriku, gass u karburanti oħra, bħala persentaġġ tan-nefqa totali (2005)

 

Ħaddiema

Impjegati

Għal rashom

Qiegħda

Irtirati – pensjonanti

Oħrajn: mhux attivi

Id-differenza bejn valuri massimi u minimi

Id-differenza bejn il-medja ta’ nies mhux attivi u dawk attivi

be Belġju

26,3

22,5

 

36,3

29,9

23,7

13,8

5,6

dk Danimarka

27,8

25,6

28,7

 

 

33,1

7,5

5,7

de Ġermanja

29,9

27

27,6

35,8

32,5

35,5

8,8

6,4

ie Irlanda

20,3

21,1

22,3

25

30,4

28,3

10,1

6,7

gr Greċja

22,1

22,1

20,6

24,7

29

31,5

10,9

6,8

es Spanja

26,3

28,9

26,9

29,5

35

34,9

8,7

5,8

fr Franza

25,8

23,2

22

30,9

31,1

33,4

11,4

8,1

it Italja

25,8

27,2

26,6

28,1

34,2

35,3

9,5

6,0

lu Lussemburgu

29,6

27,4

30,9

32,9

34,9

34,2

7,5

4,7

nl Olanda

23,6

22,3

24,3

32

32,8

28,8

10,5

7,8

at Awstrija

22,2

20,7

21,5

27,1

24,3

23,4

6,4

3,5

pt Portugall

 

 

26,3

27,1

30,6

31,7

5,4

3,5

fi Finlandja

25

23

26,6

34,4

35,6

27,1

12,6

7,5

se Żvezja

28,4

27,5

 

32,9

35,5

30,8

8

5,1

uk Renju Unit

27,9

25,4

25,4

39,5

39,7

34,8

14,3

11,8

Sors: Eurostat; kalkoli proprji

3.4.3.   Il-pożizzjoni taż-żoni tal-periferija, iżda, tista’ tagħti xi vantaġġi f’termini ta’ djar u ta’ kwalità tal-ħajja. Għad hemm potenzjal kbir għall-iżvilupp, b’mod partikolari fil-pajjiżi ta’ koeżjoni, għax meta d-dħul jiżdied b’1 %, il-familji jżidu wkoll l-użu tal-ispazju residenzjali tagħhom b’0,7 %–0,8 % wara li jitqies l-effett prezz.

3.4.4.   Għandu jissemma l-fenomenu magħruf bħala ‛tifrix urban’ (urban sprawl) li jinħass partikolarment f’pajjiżi/reġjuni b’densità għolja tal-popolazzjoni, li għandhom ekonomija dinamika u/jew li bbenefikaw mill-fondi strutturali. B’kollox, bejn l-1990 u s-sena 2000, iż-żoni urbani kibru b’aktar minn 8 000 km2, art li fiha daqs tliet darbiet it-territorju tal-Lussemburgu (16). Fost affarijiet oħra, dan kellu konsegwenzi fuq il-bijodiversità.

3.5.   It-turiżmu kulturali bħala fattur fl-iżvilupp

3.5.1.   It-turiżmu jikkontribwixxi għal bejn 3 u 8 % tal-PGD tal-Istati Membri. Is-settur jimpjega 9 miljun ruħ fl-UE. Huwa wkoll settur li għandu l-qawwa li jinfluwenza setturi oħra tal-ekonomija, bħall-industrija (partikolarment is-setturi marbutin mal-moda), it-trasport, il-kummerċ u tipi oħra ta’ servizzi (17).

3.5.2.   Il-promozzjoni tal-wirt artistiku, il-wirjiet, l-ispettakli u avvenimenti oħra, l-ikel u l-inbid u l-agri-turiżmu, it-turiżmu marbut mal-films u l-parks iddedikati għal xi suġġetti kulturali jistgħu jkunu sorsi kbar ta’ investiment u impjiegi. Il-KESE jagħmel referenza għas-suġġerimenti li għamel dan l-aħħar biex jinkoraġġixxi lil dan is-settur.

3.5.3.   F’dan il-qasam, huwa tajjeb li nsemmu l-inizjattivi implimentati taħt il-programm Natura 2000 (18).

4.   In-Netwerking urban jgħin biex jinfirex l-użu tal-ICT

4.1.   It-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi għal aspett ġdid tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, li huwa dak tal-koeżjoni territorjali. Viżjoni komprensiva għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tirnexxi biss jekk tkun ikkomplementata minn forma ta’ ppjanar tal-art – l-għodda ewlenija għall-koeżjoni territorjali – li tqis l-impatt tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT).

4.2.   L-inizjattivi pubbliċi għandhom ikopru ż-żoni ġeografiċi kollha. Iż-żoni rurali għandhom bżonn ta’ rabtiet aktar b’saħħithom mal-bliet iż-żgħar u ta’ daqs medju sabiex jinkiseb l-għan il-ġdid tal-koeżjoni territorjali. Netwerks tal-bliet iż-żgħar u ta’ daqs medju jistgħu u għandhom jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali billi jservu ta’ tarġa li twassal biex jinfirxu l-proċessi biex jiddaħħlu l-ICT fiż-żoni rurali.

5.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

5.1.   “Le” għad-determiniżmu: iż-żoni mhux urbani għandhom futur. L-UE għandha ħafna żoni rurali fejn il-kwalità tal-ħajja hija għolja. F’reġjuni ifqar, il-provvediment ta’ infrastruttura adegwata, sforzi biex tittejjeb l-edukazzjoni u l-użu effettiv tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), fost fatturi oħra, jistgħu jagħtu kontribut sostanzjali għall-promozzjoni tal-ispirtu intraprenditorjali (19), billi l-progress jingħata spinta ’l quddiem u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja f’żoni urbani jew intermedji.

5.2.   “It-tisħiħ tar-rabtiet bejn żoni rurali u urbani. Għal għexieren ta’ snin, l-iżvilupp urban u dak rurali kienu jitqiesu bħala żewġ entitajiet separati. Tradizzjonalment, il-politika rurali kienet tiffoka biss fuq il-produzzjoni tal-irziezet, iżda ż-żminijiet jinbidlu u b’interazzjoni u komunikazzjoni ikbar bejn il-kampanja u l-bliet, id-distinzjoni ‛tradizzjonali” iċċajpret, u d-distinzjoni ta’ fejn tispiċċa l-belt u tibda l-kampanja m’għadhiex daqshekk ċara. Għalhekk, hemm bżonn ta’ approċċ integrat għall-politiki ta’ żvilupp (20).

5.3.   Il-potenzjal tal-ICT f’żoni rurali. Il-politiki speċifiċi għall-promozzjoni tat-tekonoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) fid-dinja rurali jeżistu diġà taħt il-Fondi Strutturali u l-FAEŻR, iżda biex jingħelbu l-ostakli eżistenti, hemm bżonn ta’ miżuri intensivi mmirati għall-irziezet, in-negozji żgħar u ta’ daqs medju u l-mikrointrapriżi, għaż-żgħażagħ, in-nisa (speċjalment għall-promozzjoni ta’ nisa intraprendituri li jgħixu f’żoni rurali), il-ħaddiema anzjani u l-gruppi żvantaġġati (21). In-netwerks tal-bliet iż-żgħar u ta’ daqs medju jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali u għall-innovazzjoni fl-ambjent rurali.

5.4.   Il-Fondi Strutturali u l-għodda b’użu ġenerali. Diskussjoni fil-fond dwar il-ġejjieni ta’ dawn ir-reġjuni bħala parti minn miżura li tħares ’il quddiem, għandha tgħin biex il-Fondi Strutturali jitqassmu aħjar biex l-impatt tagħhom ikun l-akbar wieħed possibbli u fejn meħtieġ, jittieħdu approċċi ġodda.

5.5.   Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. Id-diversità kbira fl-UE b’27 Stat Membru ttellef mill-effikaċja tal-miri ta’ żvilupp fiż-żoni rurali, jekk dawn jiġu ddefiniti ċentralment. Għalhekk huwa kruċjali li s-soċjetà ċivili fiż-żoni rurali tkun involuta fit-tfassil ta’ politiki dwar il-futur tagħhom (22).

5.6.   Indikaturi adegwati – Kif diġà enfasizza il-KESE, ikun jagħmel sens li jitwaqqaf indikatur ta’ koeżjoni aktar rappreżentattiv li, minbarra l-PGD, jkun jinkludi wkoll parametri bħal-livell ta’ impjiegi u ta’ qgħad, il-firxa tal-protezzjoni soċjali, il-livell ta’ aċċess għal servizzi ta’ interess ġenerali, eċċ (23). Dawn l-indikaturi għandhom ikunu kkompletati wkoll b’indikaturi dwar l-inugwaljanza fid-dħul (il-koeffiċjent ta’ Gini jew l-inter-quintile ratio) u fl-emissjonijiet tas-CO2 (għal kull abitant jew bidla mill-1990 lil hawn). B’mod ġenerali, jeħtieġ li jissaħħu l-għodod Ewropej għall-istatistika, speċjalment fil-livell tan-NUTS, u li jitrawmu rabtiet aktar mill-qrib bejn l-Eurostat u l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika sabiex ikollna aċċess għal dejta kemm jista’ jkun sħiħa u eżatta mill-aktar fis possibbli (24)  (25).

Brussell, 16 ta’ Lulju 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Hemm madwar 5 000 belt żgħira u kważi 1 000 belt kbira mifruxa madwar l-Ewropa, li jaġixxu bħala punti fokali għall-attività ekonomika, soċjali u kulturali. Dan ix-xibka urbana relattivament densa fiha ftit bliet kbar ħafna. Fl-UE 7 % biss tan-nies jgħixu fi bliet ta’ aktar minn 5 miljun ruħ meta mqabbel mal-25 % tal-Istati Uniti, u 5 bliet biss tal-UE huma fost l-akbar 100 fid-dinja. Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali COM(2008) 616 finali

(2)  Grupp ta’ muniċipalitajiet f’żona ta’ inqas minn 100 kilometru kwadru, li ma jilħqux id-densità mitluba iżda li jinsabu kompletament ġo żona b’densità għolja jew intermedja, għandhom jitqiesu bħala parti minn dik iż-żona. Jekk il-grupp ikun imdawwar b’taħlita ta’ żoni b’densità għolja u intermedja, jitqies bħala intermedju.

(3)  Regions: Statistical Yearbook 2006 (informazzjoni tal-2000-2004 – paġna 162) (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Fil-perijodu ta’ bejn l-1995-2004, it-tkabbir tal-PGD kien ogħla mill-medja f’43 % taż-żoni b’maġġoranza rurali, b’kuntrast ma’ 36 % fir-reġjuni urbani u 39 % fir-reġjuni intermedji.

(5)  Ir-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, COM (2007) 273 finali.

(6)  “Servizzi ta’ interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid”, COM(2007) 725 finali

(7)  Il-KESE ppropona fond demografiku biex jindirizza dawn il-problemi kollha.

(8)  “Delivering quality education to rural regions” ta’ Elena Saraceno. Innovative Service Delivery: Meeting the Challenges of Rural Regions. Cologne, it-3-4 ta’ April 2008.

(9)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar ‛Reġjuni Ewropej Kompetittivi permezz tar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Kontribuzzjoni lejn aktar tkabbir u impjiegi aktar u itjeb’, ĠU C 211, 19.8.2008, p. 1.

(10)  Dawn il-35 reġjun jgħoddu għal 46 % tat-total tan-nefqa għall-R&D fl-UE tas-27 – dan huwa d-doppju tal-proporzjon tagħhom tal-PGD. Fl-ogħla livell, in-nefqa għall-R&D hija ta’ 7 % tal-PGD f’Braunschweig (il-Ġermanja), filwaqt li taqbeż l-4 % fi 12-il reġjun ieħor. – Ir-raba’ rapport ta’ progress dwar il-koeżjoni COM(2006) 281 finali.

(11)  Aċċess għall-internet broadband: Kanal tal-komunikazzjoni b’kapaċità qawwija li bih tkun tista’ taċċessa l-informazzjoni u s-sistemi tat-tagħlim elettroniku faċilment u malajr (sors – http://www.elearningeuropa.info/).

(12)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Aċċess aħjar għaż-żoni rurali għat-teknoloġija moderna tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni” COM(2009) 103 final. Id-disponibbiltà għadha baxxa fis-Slovakkja (39 %), il-Polonja (43 %), il-Greċja (50 %) u l-Latvja (65 %) kif ukoll fil-Bulgarija u r-Rumanija.

(13)  Ara l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar “The contribution of IT-supported lifelong learning to European competitiveness, industrial change and social capital development”, ĠU C 318, 23.12.2006, p. 20 (mhux disponibbli bil-Malti)

(14)  Aktar minn 50 % tal-konsum tal-karburant iseħħ minħabba l-konġestjoni tat-traffiku jew sewqan ħażin. L-ispiża ambjentali totali (it-tniġġis tal-arja, il-ħsejjes, it-tisħin globali) tas-settur tat-trasport hija stmata li tlaħħaq il-1,1 % tal-PGD. (ara r-‛Reviżjoni ta’ nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport tal-2001 tal-Kummissjoni Ewropea’, COM(2006) 314 finali, it-22 ta’ Ġunju 2006).

(15)  Y. Zenou, Les inégalités dans la ville in ‛Villes et économie, La documentation française’, 2004.

(16)  L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, Urban Sprawl in Europe: the ignored challenge (it-tifrix tal-bliet fl-Ewropa: l-isfida injorata), 2006.

(17)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Tourism and culture: two factors for growth”, ĠU C 110, 9.5.2006, p. 1. (mhux disponibbli bil-Malti)

(18)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.

(19)  Pereżempju, il-produzzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli, inkluż l-enerġija mir-riħ, tista’ tipprovdi sors importanti ta’ dħul f’żoni rurali.

(20)  F’Jannar 2009, id-DĠ Regio organizza seminar dwar dan is-suġġett, li enfasizza eżempji ta’ rabtiet urbani-rurali i kienu ta’ suċċess, fosthom il-programm Skane-Blekinge tal-Iżvezja. Ara d-dokument tal-Inforegio “Urban-Rural linkages fostering sustainable development in Europe

(21)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Aċċess aħjar għaż-żoni rurali għat-teknoloġija moderna tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni” (ICT) COM(2009) 103 final.

(22)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-ħtieġa ta’ azzjoni konġunta fil-livell tal-Unjoni Ewropea sabiex tissaħħaħ is-soċjetà ċivili fiż-żoni rurali, b’mod partikolari fl-Istati Membri l-ġodda”, ĠU C 175, 28.7.2009, p. 37.

(23)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Lil hinn mill-PGD – Indikaturi għal żvilupp sostenibbli”, ĠU C 100, 30 ta’ April 2009, p. 53.

(24)  Fl-okkażjoni tat-tnedija mill-ġdid tal-Istrateġija ta’ Lisbona f’Marzu 2005, il-Kunsill Ewropew sostna li din l-istrateġija għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest usa’ tal-iżvilupp sostenibbli fejn jeħtieġ li nsibu tweġibiet għall-bżonnijiet ta’ llum mingħajr ma’ niċħdu lill-ġenerazzjonijiet ta’ għada l-possibbiltà li jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom. Il-Kunsill Ewropew stqarr mill-ġdid l-għożża tiegħu għall-iżvilupp sostenibbli bħala prinċipju ewlieni li jmexxi l-politiki u l-azzjonijiet kollha tal-Unjoni. Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2005.

(25)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Raba' Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali”, ĠU C 120, 16.5.2008, p. 73.


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-455 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/54


L-455 SESSJONI PLENARJA FIL-15 U S-16 TA’ LULJU 2009

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar drittijiet tal-konsumatur

COM(2008) 614 finali – 2008/0196 (COD)

(2009/C 317/09)

Rapporteur: is-Sur Hernández BATALLER

Korapporteur: is-Sur MULEWICZ

Nhar is-6 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar drittijiet tal-konsumatur

COM(2008) 614 finali – 2008/0196 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Hernández Bataller u l-korapporteur kien is-Sur Mulewicz.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet il-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’68 vot favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Il-KESE jirrakkomanda li l-proposta tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur terġa’ tinkiteb skont it-termini stipulati f’din l-opinjoni, u għaldaqstant għandha tindirizza biss l-armonizzazzjoni orizzontali ta’ bejgħ mill-bogħod u bejgħ mhux mill-ħanut, minflok ma jsir tentattiv biex tintlaħaq armonizzazzjoni sħiħa, għaliex dawn huma l-oqsma li l-iktar jintlaqtu mill-kummerċ transkonfinali.

It-taqsimiet tal-proposta għal Direttiva dwar termini mhux ġusti u dwar il-bejgħ ta’ prodotti u l-garanziji assoċjati għandhom jitneħħew, peress li dawn it-taqsimiet jittrattaw kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod xieraq permezz ta’ armonizzazzjoni sħiħa mil-liġi Komunitarja fl-istadju attwali tal-iżvilupp tagħha.

1.2.1.   Il-proposta mhijiex innovattiva f’numru ta’ aspetti rilevanti bħall-assistenza ta’ wara l-bejgħ u s-spare parts, jew ir-responsabbiltà diretta tal-produttur u tan-netwerks ta’ distribuzzjoni.

Il-KESE jemmen li l-istabbiliment ta’ definizzjonijiet “komuni” għandu jipprovdi livell ogħla ta’ ċertezza legali għall-partijiet kummerċjali u l-konsumaturi. Għalhekk il-Kummissjoni għandha telimina l-inkonsistenzi li bħalissa jeżistu f’din il-parti tal-proposta.

1.3.1.   Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex, għall-finijiet taċ-ċertezza legali, tiżgura li l-proposta tagħha tikkjarifika jekk id-definizzjonijiet li tipprovdi hux ser jiġu armonizzati għal kollox jew le, jew jekk l-Istati Membri hux ser ikollhom il-libertà li jkomplu jelaboraw fuq dawn il-kunċetti.

1.3.2.   Il-konsumaturi Ewropej m’għandhomx jitqiesu biss f’termini tas-suq intern jew bħala parteċipanti razzjonali fis-suq, konxji u infurmati tajjeb, li jieħdu deċiżjonijiet purament fuq il-bażi tal-kompetizzjoni, bil-ħarsien tal-konsumaturi jfisser sempliċement li jingħata iktar informazzjoni ta’ kwalità aħjar.

1.4.   Il-KESE jixtieq jinnota li n-nuqqasijiet serji fil-proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim u fil-kumpens għad-danni huma fatturi ewlenin, “jekk mhux l-iktar importanti” fin-nuqqas ta’ progress fil-qasam tal-kummerċ transkonfinali. Il-proposta tal-Kummissjoni, madankollu, tħalli barra dan it-tħassib, li huwa rifless fl-Ewrobarometru.

2.   Daħla

2.1.   Din il-proposta oriġinat minn proċess ta’ diskussjonijiet wesgħin fil-livell Komunitarju dwar il-possibilitajiet li tiġi unifikata l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kuntratti fuq il-bażi ta’ qafas komuni ta’ referenza għall-kuntratti, li dwaru l-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-Liġi Ewropea tal-Kuntratti (1). Saru wkoll diskussjonijiet fil-qasam tal-politika għall-ħarsien tal-konsumatur, fir-rigward tar-reviżjoni tal-acquis tal-konsumaturi li jkopri kemm aspetti orizzontali (2) kif ukoll vertikali (3), fir-rigward tad-direttivi li diġà jeżistu dwar il-ħarsien tal-konsumaturi fi kwistjonijiet kuntrattwali.

2.2.   Fl-opinjoni tiegħi dwar ir-reviżjoni tal-acquis tal-konsumatur (4), il-KESE ddikjara li “l-KESE jqis li l-politika tal-konsumaturi mhijiex biss parti integrali mill-istrateġija tas-suq intern tal-UE, iżda wkoll element affermattiv importanti taċ-ċittadinanza”. Barra minn hekk, fir-rigward tal-armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju, l-awtur ta’ din l-opinjoni huwa tal-fehma li l-prinċipju gwida għandu jkun li jiġi adottat l-ogħla livell ta’ ħarsien, kif ukoll dak l-iktar effettiv li bħalissa jeżisti fl-Istati Membri differenti.

3.   Il-kontenut essenzjali tal-proposta

3.1.   Il-predeċessur dirett tal-proposta tal-Kummissjoni huwa l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Acquis tal-Konsumatur, COM(2006) 744 finali, tat-8 ta’ Frar 2007, li ssejjes fuq il-għan li jiġi semplifikat u komplut il-qafas legali attwali. Il-Green Paper tkopri tmien direttivi dwar il-ħarsien tal-konsumatur (5). Ir-reazzjonijiet għall-Green Paper huma analizzati f’rapport iddettaljat mitlub mill-Kummissjoni Ewropea u għandu jiġi nnotat li nofs il-kontribuzzjonijiet li tressqu ġew mis-settur kummerċjali (150), bin-nofs l-ieħor maqsum bejn organizzazzjonijiet tal-konsumaturi (53), il-professjoni legali u professjonijiet oħrajn (33), l-awtoritajiet pubbliċi (39) u korpi akkademiċi (32) (6).

3.2.   Il-proposta fiha ħamsin artikolu maqsuma f’seba’ kapitoli li jikkonċernaw: I) is-suġġett, id-definizzjoni u l-ambitu (Artikoli 1 sa 4); II) l-informazzjoni għall-konsumaturi (Artikoli 5 sa 7); III) l-informazzjoni tal-konsumaturi u d-dritt tal-irtirar għal kuntratti mill-bogħod u ’l barra mill-post tan-negozju (Artikoli 8 sa 20); IV) drittijiet oħra tal-konsumatur speċifiċi għall-kuntratti ta’ bejgħ (Artikoli 21 sa 29); V) id-drittijiet tal-konsumaturi fir-rigward tal-kondizzjonijiet kuntrattwali (Artikoli 30 sa 39); VI) id-dispożizzjonijiet ġenerali (Artikoli 40 sa 46) u d-dispożizzjonijiet finali (Artikoli 47 sa 50). Id-dokument fih ukoll ħames annessi, tnejn minnhom jirrigwardaw it-termini fil-kuntratti.

3.3.   Il-Kummissjoni tixtieq li dawn id-direttivi Komunitarji jiġu rrevokati kompletament (ara l-Artikolu 47): (i) Direttiva 85/577/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985 għall-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jiġu nnegozjati barra mill-post tan-negozju; (ii) Direttiva 1993/13/KEE dwar kundizzjonijiet mhux ġusti fil-kuntratti tal-konsumatur; (iii) Direttiva 1997/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-ħarsien tal-konsumaturi fir-rigward tal-kuntratti mill-bogħod u (iv) Direttiva 1999/44/KE dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ prodotti għall-konsumaturi u garanziji assoċjati.

4.   Kummenti ġenerali

Armonizzazzjoni sħiħa: Il-mod kif il-proposta tal-Kummissjoni ġiet milqugħa jvarja ħafna fost il-partijiet interessati differenti fis-soċjetà ċivili organizzata:

4.1.1.   L-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem jappoġġjaw il-proposta għaliex, fil-fehma tagħhom, tgħin biex ittejjeb it-tħaddim tas-suq intern u tista’ tagħmlu iktar kompetittiv billi ttaffi n-nuqqas ta’ rieda biex isiru tranżazzjonijiet transkonfinali kif ukoll tnaqqas il-piż amminsitrattiv u l-ispejjeż ta’ konformità għall-kummerċanti. Dan il-punt jista’ jkun ta’ rilevanza partikulari għall-SMEs.

4.1.2.   L-organizzazzjonijiet tal-konsumatur iqisu li l-proposta tolqot drittijiet li nkisbu preċedentement u li jiffurmaw parti mill-acquis Komunitarju, li jfisser li mhuwiex aċċettabbli kull tnaqqis fid-drittijiet tal-konsumatur. Il-fehma ġenerali hija li l-proposta se twassal għal tnaqqis fid-drittijiet tal-konsumaturi, għaliex l-effetti ta’ armonizzazzjoni sħiħa jkunu eċċessivi u mhux proporzjonati għall-għanijiet iddikjarati tal-proposta u jxekklu żviluppi futuri.

4.1.3.   Sabiex nimxu lil hinn mill-pożizzjonijiet differenti adottati, il-Kumitat jipproponi:

a)

il-limitazzjoni tal-ambitu tal-proposta esklussivament għall-bejgħ barra mill-post tan-negozju u l-bejgħ mill-bogħod, għaliex huwa f’dawn l-oqsma ta’ tranżazzjonijiet transkonfinali li l-proposta għandha l-għan li tneħħi l-ostakoli u fejn l-armonizzazzjoni sħiħa tidher li hija l-iktar għażla loġika. l-esklużjoni tal-armonizzazzjoni totali fil-każ ta’ kundizzjonijiet mhux ġusti u garanziji tal-bejgħ.

b)

li l-proposta tistabbilixxi definizzjonijiet komuni u li l-inkonsistenzi li jeżistu jitneħħew.

c)

l-introduzzjoni ta’ bidliet oħra kif tissuġġerixxi din l-opinjoni.

4.2.   In-nuqqas ta’ koerenza interna tal-proposta

4.2.1.   Fid-dawl tal-aspettattivi li nħolqu mill-ħafna diskussjonijiet, dokumenti u studji li saru f’dawn l-aħħar għoxrin sena u iktar dwar il-liġi tal-kuntratti Ewropea, ħafna qabel jew fl-istess żmien tal-Green Paper, u jekk tqis ukoll l-isfond tal-proġett tal-Qafas Komuni ta’ Referenza li tmexxa b’mod parallel (7), il-KESE jaħseb li l-proposta tal-Kummissjoni ma tissodisfax l-aspettattivi mixtieqa.

4.2.2.   L-ewwel nett, l-għan tar-reviżjoni tal-acquis jidentifika tmien direttivi, waqt li l-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni u inkorporazzjoni tillimita ruħha għal erbgħa minnhom. It-tieni, ix-xogħol li sar taħt is-CFR għandu jelimina l-inkonsistenzi u jikkonsolida r-regoli ta’ dik li hija magħrufa bħala l-liġi tal-kuntratti Ewropea sabiex issir strument opzjonali li jkun utli għall-professjonisti, il-konsumaturi, dawk li jimplimentaw il-liġi u l-leġiżlaturi.

4.2.3.   F’dan il-kuntest, filwaqt li hemm xi aspetti pożittivi għall-kontenut prattiku li issa qed jiġi propost, il-proposta ma tagħmilx wisq iktar milli tgħaqqad flimkien f’test wieħed ir-regoli minn erba’ direttivi, taħt sensiela ta’ definizzjonijiet komuni, u fl-aħħar mill-aħħar hija nieqsa mill-innovazzjoni u struttura u ma tqisx it-tħassib dwar il-konsolidazzjoni, il-kjarifikazzjoni u l-irfinar meħtieġa mill-ogħla livell ta’ ħarsien tal-konsumatur li l-UE trid tipprovdi. Barra minn hekk, billi tħallew barra aspetti essenzjali tas-sistema legali applikabbli għad-direttivi emendati li b’hekk huma regolati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u minħabba fid-deċiżjoni li tintuża “direttiva” minflok “regolament”, il-proposta lanqas mhi konsistenti mal-għan propost ta’ armonizzazzjoni sħiħa. Hija ma tilħaqx dan l-objettiv b’mod sodisfaċenti u minflok toħloq iktar inċertezzi u differenzi fis-sistemi tal-Istati Membri.

4.2.4.   Il-KESE jaqda rwol attiv fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumaturi, u jfassal opinjonijiet b’mod regolari, fuq inizjattiva proprja, fejn jiddikjara l-fehmiet tiegħu, u huwa fuq il-bażi tad-dokumenti li huwa adotta li l-KESE issa qed jikkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni.

4.2.5.   Il-kompletar tas-suq uniku għan-negozji u l-konsumaturi huwa għan li għandu l-KESE wkoll, li jagħraf li hemm spejjeż fuq tranżazzjonijiet li jinħolqu mill-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-ħarsien tal-konsumaturi f’kull Stat Membru, u dawn jistgħu jservu ta’ ostakolu għal firxa iktar varja ta’ prodotti fis-suq intern – varjetà li kieku tibbenefika lill-konsumaturi. Madankollu, l-esperjenza tgħallimna li jeżistu wkoll ostakoli oħrajn iktar importanti. Dawn huma mfissra fid-dettall mill-Ewrobarometru (8), u jinkludu n-nuqqas ta’ fiduċja fil-kummerċ elettroniku.

4.3.   L-ostakoli transkonfinali

Jidher li l-Kummissjoni tqis li l-ikbar ostakolu għall-kompletar tas-suq intern, u speċjalment il-bejgħ transkonfinali, huwa l-ispejjeż tal-kummerċjanti u r-riżervi min-naħa tal-provvista, u fejn tidħol id-domanda, in-nuqqas ta’ fiduċja mill-konsumaturi. Hija tidentifika li l-kawżi tal-problemi li ġew identifikati huma l-frammentazzjoni u d-differenzi fil-liġijiet minħabba armonizzazzjoni minima.

4.3.1.1.   Għalkemm id-direttivi dwar l-armonizzazzjoni minima kienu l-għodda li ntużat l-iktar frekwenti fil-liġi tal-konsumaturi tal-Komunità, l-eżempju tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiki Kummerċjali mhux Ġusti juri li l-armonizzazzjoni sħiħa hija għażla regolatorja li tista’ tkun ta’ ħsara għad-drittijiet tal-konsumatur miksuba s’issa, u li tkun qed tinjorahom bi ksur ċar tal-Artikolu 153 tat-Trattat (9).

4.4.   Kompetenzi fil-livell Komunitarju

4.4.1.   Il-KESE jixtieq jirrimarka li l-politiki dwar il-ħarsien tal-konsumaturi tal-Komunità u l-politiki mmirati lejn il-ħarsien tal-kompetizzjoni għandhom oriġini differenti għal kollox.

4.4.2.   Waqt li t-Trattat ta’ Ruma jgħid li l-Komunità kellha kompetenza esklussiva fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, ma nkludiex il-ħarsien tal-konsumatur bħala objettiv separat ta’ politika. Fil-fatt, għalkemm ġew adottati numru ta’ miżuri (10), il-qafas għal din il-politika Komunitarja kien Riżoluzzjoni tal-Kunsill bħall-programm preliminarju tal-Komunità Ekonomika Ewropea għall-ħarsien tal-konsumatur u l-politika tal-informazzjoni, li ma tmurx lura iktar mill-14 ta’ April 1975.

4.4.3.   Għalhekk, l-adozzjoni ta’ politika Komunitarja dwar il-ħarsien tal-konsumaturi hija r-riżultat ta’ numru passi sistematiċi li saru minn organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, li mbuttaw lill-Istati Membri tagħhom biex jadottaw din it-tip ta’ politika ta’ protezzjoni, li fl-aħħar mill-aħħar anke l-UE rrikonoxxiet.

4.4.4.   Dan jispjega għalfejn, fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumaturi, il-Komunità issa hija maqsuma bejn id-dmir tagħha biex tiżgura livelli għoljin ta’ protezzjoni għall-konsumaturi, u l-kompetenza maqsuma u sussidjarja tal-Istati Membri  (11).

4.4.5.   Il-politiki dwar il-ħarsien tal-konsumaturi ġew adottati mill-Istati Membri, u jipprovdu livelli ogħla ta’ protezzjoni u jservu ta’ appoġġ għall-miżuri diġà fis-seħħ, bil-kompitu li fejn hemm bżonn isiru interventi u jiġi żgurat il-qbil soċjali.

4.4.6.   Għaldaqstant, il-konsumaturi Ewropej m’għandhomx jitqiesu biss f’termini tas-suq intern jew bħala parteċipanti razzjonali fis-suq, konxji u infurmati tajjeb, li jieħdu deċiżjonijiet purament fuq il-bażi tal-kompetizzjoni, bil-ħarsien tal-konsumaturi jfisser sempliċiment li jingħata iktar informazzjoni u li tkun ta’ kwalità aħjar.

4.4.7.   Kif iddikjara l-KESE f’okkażjonijiet preċedenti, kull proposta li tfittex li tikseb armonizzazzjoni massima fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur għandha tiffoka fuq aspetti prattiċi ħafna u għandha timxi id f’id ma’ prekawzjonijiet speċjali sabiex tkun konformi ma’ livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, kif inhu ggarantit mit-Trattat, waqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Inkella, il-konsegwenza tkun li jiddewwem u jixxekkel l-iżvilupp tad-drittijiet tal-konsumatur f’kull Stat Membru.

4.5.   Bażi legali

4.5.1.   Il-KESE għandu d-dubji wkoll dwar il-bażi legali proposta għad-Direttiva: l-Artikolu 95 u mhux l-Artikolu 153.

4.5.2.   Ripetutament il-Kumitat ddikjara l-appoġġ tiegħu għall-użu tal-Artikolu 153 tat-Trattat bħala l-bażi legali għal proposti leġiżlattivi għall-ħarsien tal-konsumaturi minflok l-Artikolu 95 TKE, li jikkonċerna s-suq intern. Fil-proposti reċenti tagħha kollha, madankollu, il-Kummissjoni tuża l-Artikolu 95 TKE, u tqisu xieraq minħabba li hemm enfasi fuq is-suq intern fil-proposta għal direttiva.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.   Ġeneralment, il-proposta hija pjuttost kumplessa, u tagħmel użu eċċessiv ta’ referenzi (ara pereżempju l-Art. 3(2) u (4), l-Art. 6(9)(a), l-Art. 10, l-Art. 21(1) u (3), l-Art. 28, l-Art 32(2), l-Art. 35) li jfisser li hija iktar diffiċli biex taqraha u tifhimha, u f’ħafna partijiet hemm espressjonijiet vagi u inċerti li se jagħmlu t-traspożizzjoni tal-proposta diffiċli. Wieħed għandu jżid li l-klassifikazzjoni tal-proposta mhux dejjem hija faċli biex tifhimha (ara l-Art. 45 dwar il-bejgħ mhux mitlub fil-Kapitolu VI – Id-dispożizzjonijiet ġenerali). Jekk fid-Direttiva jibqgħu l-punti dubjużi msemmija, hemm bżonn li tiddaħħal dispożizjoni fiha u fil-liġijiet nazzjonali li twassal biex fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ qbil, l-ambigwità li tirriżulta tiġi interpretata favur il-konsumatur bħala l-parti fi żvantaġġ.

5.2.   Barra minn hekk, il-proposta ma tindirizzax liġijiet dwar proċeduri u pieni li, minħabba li huma konsegwenza loġika tal-armonizzazzjoni massima, għadhom jiġu riferuti lill-Istati Membri (ara l-premess (58) u l-Art. 42). Dan l-aspett aktarx se joħloq inkonsistenzi sinifikanti fl-armonizzazzjoni. Bħala eżempju, ara l-każijiet ta’ (i) rekwiżiti ta’ informazzjoni (Artikolu 5) fejn id-dmir li jiġu stipulati l-konsegwenzi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità huwa riferut għall-Istati Membri, iżda bl-użu ta’ kliem stramb – “jipprevedu rimedji effettivi ta’ liġi kuntrattwali fil-liġijiet nazzjonali tagħhom” – li ma jagħmilx ċar jekk il-pieni amministrattivi jew kriminali għandhomx jitqiesu ksur ta’ direttiva; (ii) il-konsegwenzi tal-klassifikazzjoni ta’ terminu kuntrattwali bħala inġust meta t-test sempliċiment jgħid li dawn ma jorbtux lill-konsumaturi, peress li l-Istati Membri huma liberi li jużaw kwalunkwe kunċett tal-liġi kuntrattwali nazzjonali li jikkonforma mal-għanijiet iddikjarati (ara l-premessa 54 u l-Artikolu 37), is-sistema tad-dritt tal-irtirar.

5.3.   Ir-regoli kontrastanti li jkopru d-dritt tal-irtirar fis-sistemi legali nazzjonali differenti. In-natura legali ta’ dan id-dritt, li tidher li teskludi l-kunċett ta’ pacta sunt servanda mil-liġi tal-obbligi, hija differenti minn Stat Membru għal ieħor, u tgħaddi minn irtirar unilaterali għal riżoluzzjoni u tmiem tal-kuntratt, b’implikazzjonijiet legali differenti. Il-Kummissjoni għandha tqis din il-kwistjoni u l-proposta tagħha għandha tinkludi sistema koerenti li tkopri dan l-aspett tal-kuntratti.

5.4.   Id-definizzjonijiet u l-ambitu

Fil-fehma tal-KESE, il-proposta tal-Kummissjoni għandha tikkjarifika jekk id-definizzjonijiet tagħha hux ser jippermettu lill-Istati Membri jagħmlu l-kontribuzzjonijiet kumplimentari tagħhom stess lil-leġiżlazzjoni.

5.4.1.   “Konsumatur” (Art. 2(1) – waqt li d-definizzjoni proposta hija konformi mad-definizzjoni li tingħata f’ħafna mit-testi Komunitarji, tonqos milli tistipula pożizzjoni dwar il-possibilità li l-kunċett jiġi estiż għal każijiet fejn il-persuna naturali jkollu taħlita ta’ użi (“mixed uses”) (12), kunċett li huwa rikonoxxut f’ħafna Stati Membri (13), jew għal ċerti persuni legali kollettivi. Din id-definizzjoni riġida ta’ konsumatur, interpretata f’konformità mal-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u d-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiki Kummerċjali Mhux Ġusti, b’rabta mar-regoli tal-Artikolu 4, li jipprojbixxi dispożizzjonijiet iktar stretti sabiex ikun żgurat livell differenti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ixxekkel il-ħarsien ta’ konsumaturi vulnerabbli, li hija kategorija li kuntratti koperti mill-proposta jistgħu jaffettwaw. Wieħed għandu jinnota li d-Direttiva 2005/29/KE nnifisha tirrikonoxxi (Artikolu 5(3)) l-eżistenza ta’ konsumaturi vulnerabbli, li wkoll iridu jiġu eżentati hawnhekk.

5.4.2.   “Kummerċjant” (Artikolu 2(2)) Il-proposta tal-Kummissjoni ma tikkjarifikax il-pożizzjoni ta’ organizzazzjonijiet li mhumiex għall-qligħ jew korpi pubbliċi li jeċċedu l-limiti tal-mandat tagħhom ta’ servizz pubbliku (iure imperium).

5.4.3.   “Oġġettiuprodotti” (Artikolu 2(4) u (12)) – l-adozzjoni ta’ żewġ definizzjonijiet differenti minn xulxin għal oġġetti (goods) u prodotti (products) (it-tieni taqbel mad-definizzjoni li tingħata fid-Direttiva 2005/29/KE) toħloq konfużjoni u diffiċli tifhimha. Dan japplika b’mod partikulari fil-każ tal-elettriku, li huwa prodott jew servizz skont jekk joħloqx responsabbiltà kuntrattwali jew ekstrakuntrattwali; huwa ċar li dan il-fatt ma jgħinx itejjeb il-konsistenza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Il-fatt li l-elettriku tħalla barra mid-Direttiva huwa inkonsistenti, peress li d-Direttiva tapplika għal oġġetti li jżommu l-elettriku bħall-batteriji, kif inhu l-każ f’ħafna Stati Membri.

5.4.4.   “Kuntratti mill-bogħod” (Artikolu 2(6)). Din id-definizzjoni hija usa’ mid-definizzjoni stipulata fid-Direttiva attwali dwar bejgħ mill-bogħod. Dan il-fatt qed joħloq diffikultajiet. Sabiex id-definizzjoni l-ġdida tapplika, il-komunikazzjoni mill-bogħod trid tintuża esklussivament “għall-konklużjoni tal-kuntratt”, li jfisser li ħafna iktar kuntratti minn qabel se jaqgħu taħt il-kategorija ta’ kuntratt mill-bogħod. Hawn huma żewġ eżempji. L-ewwel eżempju: konsumatur X jidħol ġo ħanut u jiddiskuti l-possibilità li jixtri xi ħaġa, imur id-dar u wara jċempel il-ħanut biex jikkonferma li se jixtri l-oġġett. Mhuwiex ċar għalfejn huwa neċessarju li titwessa’ d-definizzjoni biex tinkludi dan l-eżempju. It-tieni eżempju: bejjiegħ iżur id-dar ta’ konsumatur Y u waqt din iż-żjara l-konsumatur jagħmillu offerta għall-prodotti tiegħu. Din l-offerta ssir bil-fomm jew billi timtela formola tal-ordni. Iktar tard il-bejjiegħ jikkonferma li aċċetta l-offerta tal-konsumatur Y permezz tat-telefown jew bil-posta elettronika. Fit-tieni eżempju l-kuntratt jidher li huwa kemm kuntratt mill-bogħod kif ukoll kuntratt ’il barra mill-post tan-negozju: liem’ hu? Konsumatur Y għandu 14-il ġurnata biex ibiddel fehmtu mid-data meta ġiet iffirmata l-formola tal-ordni (il-perijodu ta’ rtirar għal kuntratti ’il barra mill-post tan-negozju) jew 14-il ġurnata mill-jum meta jakkwista s-sjieda materjali tal-prodotti (il-perijodu ta’ rtirar għal kuntratti mill-bogħod)? Id-definizzjonijiet “kuntratt mill-bogħod” u “kuntratt ’il barra mill-post tan-negozju” m’għandhomx jikkoinċidu.

5.4.5.   “Post tan-negozju” (Artikolu 2(9)). Din hija definizzjoni oħra fejn l-ambitu reali tagħha diffiċli tiddeċifrah. Meta tiġi interpretata skont il-premessa 15, dan il-punt iqajjem il-mistoqsija: bejgħ fuq ajruplan jew bastiment jitqies bħala bejgħ fil-post tan-negozju jew ’il barra minnu?

5.4.6.   Garanzija kummerċjali. Il-proposta tieħu t-terminu “garanzija kummerċjali” (ara l-Artikolu 2(18)) mill-Green Paper dwar garanziji għal prodotti tal-konsumatur u servizzi ta’ wara l-bejgħ, iżda issa ma tiddistingwihx minn garanzija legali, li hija koperta biss mid-Direttiva 99/44/KE (ara l-Artikolu 1(2)(e)). Din is-sostituzzjoni aktarx se tħawwad lill-konsumaturi dwar l-effikaċja vera ta’ tip ta’ garanzija jew tip ieħor. Għandu jkun ċar li garanzija kummerċjali tirrikjedi li l-kummerċjant jissodisfa l-obbligi tiegħu b’mod volontarju, waqt li “garanzija legali” torbot min-natura tagħha.

5.4.7.   Intermedjarju. Kemm id-definizzjoni ta’ intermedjarju (Artikolu 2(19)) u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni speċjali li japplikaw (Artikolu 7) huma diffiċli biex tifhimhom. Fil-fatt, dan jew huwa attività professjonali u b’hekk soġġett għad-direttiva, jew mhuwiex, u f’dak il-każ m’hemmx bżonn ta’ regolamentazzjoni. Għaldaqstant il-KESE jitlob li ssir kjarifika.

5.4.8.   L-Informazzjoni għall-konsumatur. (Artikolu 5). Ir-rekwiżiti ġenerali ta’ informazzjoni li japplikaw qabel ma jiġi konkluż kuntratt jippermettu b’mod ċar il-possibilità li ma tingħatax informazzjoni (1. Qabel ma jiġi konkluż kwalunkwe kuntratt ta’ bejgħ jew ta’ servizz, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni li ġejja, “jekk mhijiex diġà evidenti mill-kuntest”). Fil-fehma tal-KESE, it-test joħloq numru ta’ dubji u inċertezza konsiderevoli, u għaldaqstant ma jistax jappoġġjah.

5.4.9.   Lanqas m’hu ċar, f’termini tal-liġi privata internazzjonali, jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli tkunx ir-Regolament “Ruma I” (kif inhu suġġerit fl-Artikolu 5(3) jew, fejn jiġi meqjus li sar ksur tal-obbligu ta’ divulgazzjoni, l-Artikolu 12 tar-Regolament “Ruma II” (Premessa 30 tar-Regolament “Ruma II”).

5.4.10.   Id-dispożizzjoni stipulata fl-Artikolu 6(2) tal-proposta dwar id-determinar tal-konsegwenzi tal-obbligu li wieħed jipprovdi informazzjoni skont il-liġi nazzjonali applikabbli ma tidhirx raġjonevoli, u tista’ twassal għal soluzzjonijiet diverġenti u b’hekk għandha tiġi armonizzata.

5.4.11.   Irkanti. Għandu jkun ċar li irkanti obbligatorji li jsiru mill-awtoritajiet pubbliċi dejjem jaqgħu barra mill-ambitu tal-proposta, li madankollu jinkludi l-kunċetti ta’ “irkant” u “irkant pubbliku”, iżda biss meta dawn isiru volontarjament mill-kummerċjant.

5.5.   Kuntratti mill-bogħod u ’l barra mill-post tan-negozju

Id-Direttiva 85/577/KEE, waħda mill-ewwel inizjattivi leġiżlattivi Ewropej fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur, turi livell iktar baxx ta’ distorsjoni fit-traspożizzjoni nazzjonali tal-leġiżlazzjoni, l-iktar li tinvolvi l-użu ta’ għażliet sabiex jiġu esklużi ċerti tipi ta’ kuntratti (inqas minn ċertu valur jew ċerti tipi ta’ prodotti) jew li jinvolvu l-estensjoni tal-protezzjoni għall-konsumaturi kif sar possibbli permezz tal-klawżola dwar l-armonizzazzjoni minima (ara l-Artikolu 8). Bħala konsegwenza, l-armonizzazzjoni massima li ġeneralment hemm dispożizzjoni għaliha mhijiex problematika u tat prova kemm hi bbilanċjata u pożittiva. Id-Direttiva 85/577/KEE tapplika biss fejn iż-żjara ta’ kummerċjant fid-dar ta’ konsumatur jew post tax-xogħol ma tkunx mitluba. Il-proposta biex jitwessa’ l-ambitu ta’ din id-Direttiva sabiex tinkludi żjarat mitluba hija aċċettabbli, basta jiżdied in-numru ta’ eċċezzjonijiet stipulat fl-Artikolu 19(2). Dawn li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-lista ta’ kuntratti fejn id-dritt tal-irtirar mhux se japplika (bħal pereżempju għal kuntratti mill-bogħod):

a)

servizzi fejn beda t-twettiq tagħhom, bil-kunsens ċar tal-konsumatur mogħti minn qabel, qabel tmiem il-perijodu tal-irtirar, u

b)

il-forniment ta’ prodotti li jsiru skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur, jew personalizzati b’mod li huwa ċar jew li għandhom il-potenzjal li jiddeterjoraw u jispiċċaw malajr.

5.5.1.1.   Jekk l-ewwel eċċezzjoni minn dawn it-tnejn ma tiġix inkluża fl-Artikolu 19(2), il-fornituri tas-servizz jistgħu jitolbu lill-konsumaturi li jridu li x-xogħol isir malajr (xogħlijiet fil-kċina jew qata’ xagħar id-dar pereżempju) biex jistennew mill-inqas erbatax-il jum. Jekk it-tieni eċċezzjoni ma tiġix inkluża, kummerċjant li jagħmel prodotti li jitfasslu apposta skont talba speċifika tal-konsumatur (għamara għall-kċina jew libsa pereżempju) jista’ jirrifjuta li jibda x-xogħol imsemmi fil-kuntratt sa ma jkunu għaddew mill-inqas 14-il jum. Inkella l-konsumatur jista’ jirtira mill-kuntratt u jħalli l-kummerċjant bi prodotti li ma jistax ibigħ.

5.5.2.   Fir-rigward ta’ kuntratti mill-bogħod, għalkemm studju kumparattiv (14) ma sab l-ebda diskrepanzi fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 1997/7/KE, għandu jiġi nnotat ukoll li l-Istati Membri użaw l-għażliet u l-klawżola dwar armonizzazzjoni minima biex jistabbilixxu skemi li huma iktar favorevoli għall-konsumaturi. Ikun żvilupp pożittiv jekk jiġu introdotti possibbiltajiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur għall-bejgħ mill-bogħod ma’ pajjiżi li mhumiex Stat Membri.

5.5.3.   Madankollu, huwa possibbli li wieħed jidentifika ostakoli potenzjali għas-suq intern b’rabta mal-elenki differenti ta’ eżenzjonijiet jew ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni differenti li jiġu imposti fuq il-kummerċjanti.

5.5.4.   Il-KESE jaċċetta li hemm spazju biex isir titjib fir-rigward tal-medda ta’ eċċezzjonijiet dwar l-applikazzjoni tar-regoli, bħall-inklużjoni ta’ prodotti ta’ valur inqas (15) jew servizzi jew prodotti jew servizzi li aktarx jiġu inklużi fuq il-bażi tas-saħħa, l-iġjene jew is-sigurtà. Dan japplika b’mod partikulari għas-sikurezza tal-ikel (ara l-Artikolu 20(1)(d)), fejn ir-referenza għall-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) 178/2002 trid tiġi inkluża (16). Rigward l-eċċezzjoni għal prodotti (u servizzi) ta’ valur inqas, hemm il-possibilità li l-ammont ta’ EUR 60 jiżdied b’mod konsiderevoli (fid-Direttiva 85/577/KEE).

5.5.5.   Fir-rigward tad-dritt tal-irtirar minn tali kuntratti, li l-proposta tistandardizza bħala limit wieħed ta’ żmien ta’ 14-il jum, il-KESE jilqa’ l-mod kif ġew ikkalkolati dawn il-limiti ta’ żmien. Minkejja dan, kif diġà stqarrejna qabel, il-kunċett li fuqu jissejjes dan id-dritt u l-effetti tiegħu għandu jiġi armonizzat.

5.5.6.   Il-KESE jistaqsi wkoll kemm ikun xieraq li tiġi stabbilita r-regola tar-responsabbiltà tal-konsumatur kif inhi stipulata fl-Artikolu 17(2) (li skontha l-konsumatur ikun responsabbli biss għal kull tnaqqis fil-valur tal-prodotti li jirriżulta mill-mod kif jitmiss il-prodott jekk ikun iktar milli hemm bżonn sabiex tiġi identifikata n-natura u t-tħaddim tal-prodott) għaliex huwa jqis li din se toħloq inċertezzi u problemi potenzjali għall-konsumaturi biex iġibu provi.

5.5.7.   Mingħajr ħsara għat-titjib tant meħtieġ għar-regoli li issa qed jiġu proposti, il-KESE (17) jaqbel li l-armonizzazzjoni massima proposta tiġi limitata għal dawn iż-żewġ direttivi biss, fejn jiġu rregolati l-metodi ta’ bejgħ, u b’hekk jingħataw potenzjal ikbar biex ikunu ta’ natura transkonfinali.

6.   Termini mhux ġusti f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi

Din il-kwistjoni li bħalissa hija rregolata mid-Direttiva 1993/13/KEE, hija kkonċentrata fil-Kapitolu V u l-Annessi II u III. Madankollu, l-KESE huwa tal-fehma – f’konformità ma’ studji li saru mill-Kummissjoni – li din il-kwistjoni m’għandhiex tiġi indirizzata fil-proposta attwali u għandha titneħħa, peress li armonizzazzjoni sħiħa f’din il-kwistjoni inevitabbilment se twassal għal problemi fis-sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri differenti, fid-dawl tal-istat attwali tal-liġi Komunitarja.

Madankollu, jekk il-Kummissjoni ma tirtirax għal kollox ir-regoli dwar kriterji mhux ġusti fil-kuntratti tal-konsumaturi, il-KESE jixtieq jagħmel dawn l-osservazzjonijiet:

6.1.1.1.   Kif inhu magħruf sew, dan huwa aspett kruċjali tal-liġi kuntrattwali li, qabel l-adozzjoni tad-direttiva, kien irregolat parzjalment mill-Istati Membri.

6.1.1.2.   L-istudju komparattiv tat-traspożizzjoni tagħha juri li l-maġġoranza kbira tal-Istati Membri użaw il-klawżola dwar l-armonizzazzjoni minima (Artikolu 8), u issa għandhom regoli li huma iktar favorevoli għall-konsumaturi milli dawk li hemm dispożizzjoni għalihom fid-direttiva. Barra minn hekk, minħabba s-sitwazzjoni attwali din hija kwistjoni fejn l-armonizzazzjoni sħiħa mhijiex ideali (14).

6.1.1.3.   Għaldaqstant, hemm ukoll ix-xewqa li l-proposta li ġiet ippreżentata, li tappella biex id-direttiva fis-seħħa bħalissa tiġi revokata b’mod definittiv, tiġi trasposta wkoll għall-ogħla livelli iżda tikkjarifika wkoll il-punti varji li huma ambigwi u li ħolqu qasma fid-duttrina u fil-każistika.

6.1.1.4.   Dan japplika, naturalment, għar-relazzjoni bejn il-prinċipju ta’ bona fide u l-kriterju ta’ żbilanċ fil-prestazzjoni, kif imfissra fl-Artikolu 3(1) tad-direttiva attwali u li baqgħu kważi eżatt l-istess fl-Artikolu 32(1) tal-proposta fir-rigward tal-konsegwenzi tal-ksur tar-rekwiżiti ta’ trasparenza issa ggvernati mill-Artikolu 31.

6.1.1.5.   Fir-rigward tal-ambitu, ta’ min jinnota l-introduzzjoni ta’ restrizzjoni partikulari li tista’ tkun ta’ ħsara għall-konsumaturi. Fil-fatt, waqt li l-proposta li qed tiġi kkunsidrata tindirizza biss it-termini fil-kuntratti miktuba (imfassla “bil-quddiem” kif jiddikjara l-Artikolu 30(1)), u tobbliga lill-Istati Membri biex “jirrinunċjaw li jimponu kwalunkwe rekwiżit ta’ preżentazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-mod kif jiġu espressi kondizzjonijiet kuntrattwali jew il-mod kif inhuma disponibbli għall-konsumatur”, id-direttiva attwali tapplika wkoll għal kuntratti verbali (ara l-effett tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13/KEE), kif japplika wkoll f’xi Stati Membri.

6.1.1.6.   Il-KESE huwa tal-fehma li ż-żamma tas-sistema attwali, barra mit-twaqqif ta’ kumitat u sistema għar-reġistrazzjoni tat-termini li jitqiesu mhux ġusti mill-awtoritajiet nazzjonali, għandha tkun pass suffiċjenti ’l quddiem għal informazzjoni dwar termini mhux ġusti, u għandha tkun utli ħafna għall-kummerċjanti, fid-dawl tat-tnaqqis fl-ispejjeż ta’ konformità, għal dawk li jimplimentaw il-liġi u għall-konsumaturi.

6.1.1.7.   Il-kwistjoni ta’ termini mhux ġusti fil-kuntratti hija applikabbli b’mod orizzontali għall-kuntratti kollha konklużi mal-konsumaturi u ta’ sikwit anke għal dawk konklużi bejn il-kummerċjanti. Il-KESE jaħseb li fuq dan il-punt il-proposta tal-Kummissjoni ser ikollha impatt sinifikanti u ta’ ħsara fuq il-liġi kuntrattwali inġenerali u fuq il-ħarsien tal-konsumatur inpartikulari, fl-Istati Membri kollha.

7.   Ċerti aspetti tal-bejgħ tal-prodotti tal-konsumaturi u garanziji assoċjati

7.1.   Il-KESE jemmen li mhuwiex xieraq li din il-kwistjoni tiġi inklużi fid-Direttiva u jissuġġerixxi li titneħħa mill-proposta peress li ma żżid l-ebda valur u lanqas ma tipprovdi livell ogħla ta’ ħarsien għall-konsumaturi.

7.2.   Id-Direttiva 1999/44/KE ppremettiet lill-Istati Membri jadottaw jew iżommu fis-seħħ miżuri li joffru protezzjoni akbar lill-konsumaturi, u dan wassal għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tvarja minn pajjiż għall-ieħor.

7.3.   Dan il-każ juri li m’hemm l-ebda tendenza sinifikanti fit-traspożizzjoni (18) għaliex l-Istati Membri, mingħajr eċċezzjoni, diġà għandhom regolamentazzjoni fis-seħħ applikabbli għall-aspetti tal-kuntratti tal-bejgħ u l-bejgħ ta’ prodotti tal-konsumaturi li huma rregolati mid-direttiva.

7.4.   Fir-rigward tat-trasferiment tar-riskju (Artikolu 23), il-proposta għandha l-għan li tirrisolvi tilwim relatat mal-kunċett tal-forniment, u l-kummerċjant b’hekk huwa responsabbli lill-konsumatur mill-mument li r-riskju jgħaddi għall-konsumatar (Artikolu 25), u dan il-punt jista’ jirrappreżenta titjib u kjarifika.

7.5.   Il-KESE huwa tal-fehma li t-twaqqif ta’ limitu ta’ żmien universali għall-fornimenti ta’ prodotti ma jkunx konsistenti, barra milli għal ċerti tipi ta’ bejgħ (mill-bogħod u ’il barra mill-post tan-negozju), għaliex l-Artikolu 22 tal-proposta, li jgħid li l-kummerċjant għandu jforni l-prodotti fi żmien tletin jum mill-jum meta ġie konkluż il-kuntratt, mhuwiex proporzjonat.

7.6.   Minkejja dan, billi titneħħa l-għażla tal-Istati Membri biex jistipulaw limitu ta’ żmien għall-preżunzjoni tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva attwali, biex minflok ġie stipulat limitu ta’ żmien wieħed ta’ sitt xhur, il-proposta tnaqqas id-drittijiet tal-konsumaturi, billi jkollhom id-dmir li jagħtu provi tal-eżistenza ta’ difetti li jitfaċċaw iktar ’il quddiem.

7.7.   B’mod simili, fir-rigward tal-limitu ta’ żmien, u d-dmir li tingħata prova dwar in-nuqqas ta’ konformità meta l-proposta għal direttiva tiġi adottata, bħala regola r-rekwiżit biex jitressaq ilment fil-prattika jnaqqas il-limitu ta’ żmien għat-tressiq ta’ ilment fl-Istati Membri kollha li ma għażlux li jużaw dan il-mekkaniżmu, kif inhu ssuġġerit fl-Artikolu 28(4) u (5).

8.   Nuqqasijiet proċedurali

8.1.   Il-proposta fiha sensiela ta’ regoli proċedurali, bħad-dmir tal-prova u d-dritt li jinbdew proċeduri, li għandhom jiġu definiti b’mod iktar ċar sabiex jiġu żgurati arranġamenti proċedurali koerenti. Li hemm bżonn huwa regolamentazzjoni dwar il-possibilità li jiġu adottati miżuri ta’ prekawzjoni, li jagħtu dispożizzjoni kemm għal azzjoni ta’ sospensjoni kif ukoll għal kumpens jew il-pubblikazzjoni ta’ sentenzi.

8.2.   Fir-rigward ta’ azzjonijiet kollettivi, il-qarrej huwa mitlub jirriferi għall-istqarrijiet reċenti tal-KESE dwar il-kwistjoni (19).

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 241, 7.10.2002.

(2)  ĠU C 256, 27.10.2007.

(3)  ĠU C 175, 27.7.2007 u ĠU C 44, 16.2.2008.

(4)  Ara n-nota nru 2.

(5)  Il-proċess ta’ reviżjoni ġie deskritt fil-Komunikazzjoni intitolata “Il-Liġi Ewropea dwar il-Kuntratti u r-reviżjoni tal-acquis: prospettivi għall-futur”, COM(2004) 651 finali, ĠU C 14, 20.1.2005 (verżjoni bil-Malti mhux disponibbli).

(6)  Evalwazzjoni tal-Impatt Preparatorja dwar ir-revizjoni tal-acquis tal-konsumatur/rapport analitiku tal-GP tas-6.11.2007, li sar minn GHK/CIVIC Consulting/Bureau Van Dijk, disponibbli minn fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni Ewropea.

(7)  Ara COM(2007) 447 finali, 25.7.2007: It-Tieni Rapport ta’ Progress dwar il-Qafas Komuni ta’ Referenza; ara wkoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Settembru 2008 dwar il-Qafas Komuni ta’ Referenza fil-qasam tal-liġi tal-kuntratti Ewropea. Riżoluzzjoni tal-Kunsill 2863, 18 ta’ April 2008, p.18.

(8)  Ara Special EB Nru 298 (Ħarsien tal-Konsumatur fis-Suq Intern – 2008); Flash EB Nru 224 (Attitudini fid-dinja tan-negozju lejn bejgħ transkonfinali u l-ħarsien tal-konsumatur – 2008); Flash EB Nru 250 – Fiduċja fis-Soċjetà tal-Informazzjoni, minn Mejju 2009, kif ukoll ir-Rapport dwar il-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE, SEC(2009) 283 finali, 5.3.2009.

(9)  Kif intwera mis-sentenza tal-ECJ tat-23 ta’ April 2009 (Każijiet Konġunti C-261/07 u C-299/07).

(10)  Ara l-eżempju tal-ħolqien ta’ servizz għall-ħarsien tal-konsumatur, li sar indipendenti minn oqsma oħrajn fl-1989 biss, jew il-Kumitat Konsultattiv tal-Konsumaturi.

(11)  Kompetenza maqsum fil-Kostituzzjoni Ewropea u fl-Artikolu 169 tat-Trattat ta’ Liżbona. Ara ĠU C 115/51, 9.5.2008.

(12)  “Konsumatur ifisser kull persuna naturali li taġixxi primarjament għal finijiet li mhumiex relatati mal-kummerċ, negozju jew professjoni tagħha”. Fl-Outline Edition ta’ Diċembru 2008 tad-Draft Common Group of Reference (DCFR).

(13)  Pereżempju, l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Greċja, il-Finlandja, l-Iżvezja, Spanja u l-Portugall wessgħu l-kunċett tal-konsumatur.

(14)  Ara l-Kompendjum tal-Liġi tal-Konsumatur tal-KE – Analiżi Komparattiva, editur Prof. Hans Schulte-Nolke b’kooperazzjoni ma’ Dr. Christian Twingg-Flesner u Dr. Martin Ebers, Frar 2008, preparata għall-Kummissjoni Ewropea taħt Kuntratt ta’ Servizz Nru 17.020100/04/389299: “Annotated Compendium including a comparative analysis of the Community consumer aquis”.

(15)  Ara l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/577/KE, għażla li saret minn 18-il Stat Membru.

(16)  Regolament (KE) Nru 178/2002 li jistipula l-prinċipji u r-rekwiżiti ġenerali tal-liġi tal-ikel, l-istabbiliment tal-Awtorità Ewropea tas-Sikurezza tal-Ikel, u jistipula proċeduri fir-rigward tas-sikurezza tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(17)  ĠU C 175, 27.7.2007 u ĠU C 162, 25.6.2008.

(18)  Ara l-Kompendjum tal-Liġi tal-Konsumatur tal-KE – Analiżi Komparattiva, editur Prof. Hans Schulte-Nolke b’kooperazzjoni ma’ Dr. Christian Twingg-Flesner u Dr. Martin Ebers, Frar 2008, preparata għall-Kummissjoni Ewropea taħt Kuntratt ta’ Servizz Nru 17.020100/04/389299: “Annotated Compendium including a comparative analysis of the Community consumer aquis”.

(19)  ĠU C 162, 25.6.2008.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/62


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2001/83/KE fir-rigward il-prevenzjoni tad-dħul ta’ prodotti mediċinali fil-katina legali tal-provvista li huma foloz fir-rigward ta’ identità, storja jew sors

COM(2008) 668 finali – 2008/0261 (COD)

(2009/C 317/10)

Rapporteur: is-Sur MORGAN

Nhar it-12 ta’ Frar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2001/83/KE fir-rigward il-prevenzjoni tad-dħul ta’ prodotti mediċinali fil-katina legali tal-provvista li huma foloz fir-rigward ta’ identità, storja jew sors

COM(2008) 668 finali – 2008/0261 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Morgan.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tal-15 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’150 vot favur u 2 voti kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jilqa’ din l-inizjattiva: is-saħħa pubblika hija tal-akbar importanza għall-membri kollha fi ħdan il-Kumitat. Madankollu, ninsabu konxji mill-fatt li, waħidha, din id-Direttiva mhux ser tkun effettiva. Din tagħmel parti minn ħidma multidimensjonali li tinvolvi l-liġi kriminali, l-infurzar tal-liġi, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, is-sorveljanza tad-dwana u l-kooperazzjoni internazzjonali. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-miżuri ta’ infurzar.

1.2.   Il-KESE jipproponi li għandu jsir sforz akbar biex jiġu armonizzati l-ismijiet u l-marki użati għall-mediċini fl-UE kif ukoll il-pakketti u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni għall-prodotti mediċinali fl-UE. Jeżistu tal-inqas għaxar sistemi differenti ta’ kodifikazzjoni fl-UE u l-ebda waħda ma tiffoka fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà f’dak li għandu x’jaqsam mal-lott u d-data tal-manifattura jew skadenza. Għandu jinħoloq standard Ewropew armonizzat għall-identifikazzjoni ta’ prodotti mediċinali biex ikunu jistgħu jiġu mmonitorjati tul il-katina tad-distribuzzjoni sa meta jaslu għand il-pazjent. L-armonizzazzjoni tagħti spinta lis-suq intern billi twitti t-triq għall-moviment ħieles sikur tal-prodotti mediċinali fl-UE. Din tagħmilha iktar faċli wkoll li l-prodotti mediċinali jiġu awtentikati direttament fil-fabbrika f’kull ħin u kull post, tal-inqas inizjalment fis-suq intern tal-UE. Fl-aħħar mill-aħħar din tista’ ssir inizjattiva dinjija.

1.3.   It-teknoloġija tista’ twassal għal avvanz sinfikanti fil-kodiċi, l-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni tal-prodotti mediċinali. Il-kwistjonijiet ċentrali hawnhekk huma l-awtentikazzjoni u l-monitoraġġ. Dawn l-istrateġiji m’għandhomx imorru lil hinn mill-għan stabbilit, bi prijorità għall-kontrolli diretti (mingħajr bżonn ta’ intermedjarju) fir-reġistri uffiċjali tal-manifattur, l-uniċi partijiet li jistgħu jiċċertifikaw l-awtentiċità tal-prodotti tagħhom. Jeżistu għadd ta’ sistemi li jinkludu l-Identifikazzjoni bil-Frekwenzi tar-Radju (RFID) u s-sistema tat-tikkettar permezz ta’ barcodes b’żewġ dimensjonijiet (Data Matrix). Fil-Belġju qed japplikaw sistema ta’ reġistrazzjoni individwali tal-pakketti, b’kodiċi sekwenzjali u barcode b’dimensjoni unika, introdotta mis-sistema tal-assigurazzjoni tal-mard, sabiex tiġi evitata fatturazzjoni multipla tal-assigurazzjoni tal-mard għall-istess pakkett fil-qafas tas-sistema ta’ ħlas minn terza parti. Madankollu, din is-sistema Belġjana ma tinkludi l-ebda numru ta’ lott u lanqas ta’ skadenza. Il-bidla mill-Barcodes Uniċi tal-Belġju (Codes Barres Unique – CBU) għat-tikkettar tad-DataMatrix tippermetti li jiġu indirizzati l-lakuni eżistenti fir-rigward tat-traċċabbiltà u l-awtentikazzjoni, li huma diġà stipulati mill-Kodiċi Komunitarja dwar il-mediċini. Għalkemm dawn il-possibbiltajiet tekniċi jistgħu jiġu implimentati minnufih u malajr bi spiża minima, skont il-Kummissjoni, paradossalment, għadu kmieni wisq biex tittieħed deċiżjoni dwar il-kodiċi ta’ identifikazzjoni u għad hemm bżonn iktar provi. Iktar ma jdumu ma jiġu implimentati l-kodiċi ta’ identifikazzjoni, iktar is-sitwazzjoni ssir konfuża u frammentata. Għaldaqstant, il-KESE jipproponi li tiġi stabbilita task force għall-“kodiċi ta’ identifikazzjoni” biex tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-proċessi standardizzati eżistenti, tal-inqas inizjalment fil-livell tas-suq intern tal-UE. Fl-aħħar mill-aħħar, dan jista’ jwassal għal opportunità għal tmexxija fil-livell dinji.

1.4.   L-enfasi fuq il-katina tal-provvista legali mhijiex biżżejjed. Jekk ma tiġix indirizzata l-kwistjoni tal-internet, is-saħħa pubblika ser tkun dejjem iktar mhedda. Teżisti wkoll dimensjoni soċjali importanti peress li l-mediċini illegali rħas mill-internet joħolqu sistema ta’ kura tas-saħħa f’żewġ livelli. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni.

1.5.   Il-KESE jappoġġja l-idea ta’ attakk mingħajr waqfien fuq kull min jippermetti d-dħul tal-mediċini foloz fil-katina tal-mediċini legali. Il-penali għandhom ikunu iebsa ħafna – minn ħlas ta’ multa sal-konfiska tal-kumpanija milquta. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika linji gwida għall-għoti tas-sentenzi fl-Istati Membri.

1.6.   L-iskala tal-iffalsifikar u s-sorsi tal-mediċini foloz jidhru li mhumiex mifhuma sew. Il-Proposta għal Direttiva għandha tinkludi pjanijiet biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet fis-sistemi tas-sorveljanza u l-monitoraġġ.

1.7.   B’konformità mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-KESE jippreferi li d-Direttiva tirreferi għal prodotti “iffalsifikati” milli prodotti “foloz”.

1.8.   Il-kumplessità tat-test, miżgħud b’tant emendi mill-passat u tal-preżent, tagħmel it-test diffiċli biex jinftiehem. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi ppubblikat dokument li jiġbor fih it-test bażiku u l-emendi sabiex it-test dwar il-prodotti ffalsifikati jkun jista’ jinqara u jinftiehem.

2.   Daħla

2.1.   F’Novembru 2001, l-UE daħlet id-Direttiva 2001/83/KE dwar “Il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem”. Din hija ġabra enċiklopedika li tħaddan kull aspett tas-suġġett. Sussegwentement, din ġiet emendata minn Regolament u ħames Direttivi oħra. Issa fiha 70 paġna li jiġbru 130 Artikolu. Barra minn hekk, hemm 44 paġna ta’ annessi.

2.2.   Is-suġġett ta’ din l-opinjoni huwa Direttiva oħra li temenda. Din tittratta d-dħul tal-prodotti mediċinali fil-katina legali tal-provvista li huma foloz fir-rigward ta’ identità, storja jew sors. Din id-Direttiva li temenda hija waħda minn tliet Direttivi ta’ dan it-tip li qed jiddaħħlu fl-istess ħin biex jindirizzaw aspetti differenti tal-kodiċi tal-Komunità. Fil-fehma tal-KESE kien ikun jagħmel iktar sens, tal-inqas għal din id-Direttiva, li kieku tħejja dokument li jiġbor fih id-Direttiva bażika u l-emendi proposti fid-Direttiva attwali; b’hekk, il-partijiet interessati kien ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom test qasir integrat u koerenti. It-test attwali mhuwiex ċar u huwa diffiċli biex jinftiehem.

2.3.   Il-mediċini ffalsifikati qed jingħataw tikkettar frodulenti apposta bil-għan li jiġu mistura l-identità jew is-sors tagħhom; il-kwalità tagħhom hija imprevedibbli billi jista’ jkollhom l-ammont ħażin ta’ ingredjenti attivi, ingredjenti ħżiena jew l-ebda ingredjent attiv. F’kull każ, il-mediċini ffalsifikati jkunu manifatturati f’laboratorji klandestini mingħajr l-ebda possibbiltà ta’ kontroll.

2.4.   Il-mediċini ffalsifikati huma theddida kbira għas-saħħa pubblika u jikkompremettu l-leġiżlazzjoni tal-UE marbuta mal-prodotti farmaċewtiċi u l-industrija farmaċewtika tal-UE. L-għadd ta’ falsifikazzjonijiet ta’ mediċini innovattivi li jsalvaw il-ħajja qed jiżdied. Barra minn hekk, sabiex jiżdied il-volum, dawn il-prodotti jgħaddu għand il-pazjent permezz tal-katina tal-provvista legali.

2.5.   Skont il-WHO, din hija l-iskala tal-problema:

inqas minn 1 % fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi industrijalizzati u fil-parti l-kbira tal-UE;

’il fuq minn 20 % fil-biċċa l-kbira tal-ex-Unjoni Sovjetika;

’il fuq minn 30 % f’partijiet tal-Ażja, l-Afrika u l-Amerika Latina;

iktar minn 50 % preżenti fis-siti tal-internet illegali.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-internet, il-Kummissjoni stqarret li biex jiġu indirizzati l-ktajjen tal-provvista illegali tinħtieġ definizzjoni separata tal-problema, b’kawżi separati, objettivi separati u għażliet ta’ politika separati. Dawn il-kwistjonijiet mhumiex indirizzati f’din id-Direttiva.

2.6.   Skont il-Kummissjoni, ir-raġunijiet għala l-prodotti mediċinali ffalsifikati jibqgħu mistura fil-katina legali tal-provvista huma bosta, imma nistgħu niġbruhom f’erba’ aspetti:

il-prodotti mediċinali ffalsifikati mhux dejjem jingħarfu faċilment minn dawk oriġinali minħabba l-problemi marbuta mal-monitoraġġ u l-identifikazzjoni tagħhom;

il-katina tad-distribuzzjoni saret waħda kumplessa ħafna u hi biss “b’saħħitha daqs l-aktar ħolqa dgħajfa tagħha”;

hemm nuqqas ta’ ċertezza legali dwar ir-regoli li japplikaw għall-prodotti introdotti fl-UE iżda li allegatament ma jitqegħdux fis-suq; u

l-ingredjenti farmaċewtiċi attivi (“API – Active Pharmaceutical Ingredients”) li jidħlu fil-proċess tal-manifattura jistgħu huma nnifishom ikunu falsifikazzjonijiet tal-API oriġinali.

3.   Il-punti ewlenin tal-Proposta għal Direttiva

3.1.   L-għan tad-Direttiva bażi, 2001/83/KE, kif ukoll din l-emenda proposta, huwa li jiġi stabbilit suq intern għall-prodotti mediċinali fl-UE filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa pubblika. Id-dispożizzjonijiet ewlenin tal-emenda huma mfissra fid-dettall fil-paragrafi li ġejjin. Ir-referenzi għall-artikoli huma għall-Artikolu 1 tad-direttiva li temenda.

Monitoraġġ u identifikazzjoni

3.2.   Verifika tal-produtturi tal-API. (4)

3.3.   Bażi legali li permezz tagħha l-Kummissjoni tagħmel obbligatorji ċerti karatteristiċi speċifiċi ta’ sikurezza (bħal kodiċi ta’ identifikazzjoni jew siġill fiss) fuq il-pakkett tal-mediċini li jeħtieġu r-riċetta tat-tabib sabiex il-prodotti mediċinali jkunu jistgħu jiġu identifikati, awtentikati u ttraċċjati. (6), (8), (9)

3.4.   Projbizzjoni fil-prinċipju tal-manipulazzjoni (jiġifieri tneħħija, tbagħbis, jew tqegħid ta’ tikketta fuq oħra) tal-karatteristiċi ta’ sigurtà fuq il-pakkett mill-atturi mqiegħda “bejn” il-manifattur oriġinali u l-aħħar attur fil-katina tad-distribuzzjoni (b’mod tipiku l-farmaċista) jew l-aħħar utent (tabib/pazjent). Kull attur fil-katina tal-provvista li jippakkja prodotti mediċinali għandu jkollu l-awtorizzazzjoni tal-manifattura u għandu jinżamm għalkollox responsabbli għall-ħsarat ikkawżati minn prodotti ffalsifikati. (9), (10)

Il-katina tad-distribuzzjoni

3.5.   Ċerti obbligi għall-parteċipanti minn barra d-distributuri bl-ingrossa li jkunu involuti fil-katina tad-distribuzzjoni. Parteċipanti tipiċi, bħas-sensara u l-irkantaturi, jistgħu jkunu involuti mingħajr ma effettivament imissu mal-prodott. (1), (14)

3.6.   Ir-regoli li jissupplimentaw il-prattika tajba eżistenti għad-distributuri. (13)

3.7.   Id-distributuri bl-ingrossa ser ikomplu jeħtieġu l-awtorizzazzjoni. (12), (13), (14)

3.8.   Verifiki obbligatorji għad-distributuri tal-provvista bl-ingrossa ta’ prodotti mediċinali bil-għan li tiġi assigurata l-kredibbiltà tal-partijiet fin-negozju. (15)

Inċertezzi legali

3.9.   It-tneħħija tal-inċertezzi legali marbuta mal-importazzjoni tal-prodotti mediċinali għall-esportazzjoni mill-ġdid. (2), (7)

Falsifikazzjoni tal-API oriġinali

3.10.   Ċertifikazzjoni mill-produtturi li l-fornituri tagħhom tal-API jissodisfaw il-ħtiġijiet. (3), (5), (7)

3.11.   Rekwiżiti iktar iebsa għall-importazzjoni tal-API minn pajjiżi terzi jekk ma jkunx jista’ jiġi stabbilit li l-qafas tar-regoli fil-pajjiżi terzi rispettivi jiżgura livell suffiċjenti ta’ protezzjoni għas-saħħa umana għall-prodotti esportati lejn l-UE. (4), (16)

Dispożizzjonijiet ġenerali

3.12.   Regoli iktar imsaħħa għall-ispezzjonijiet li jkunu jinkludu iktar trasparenza fir-riżultati tal-ispezzjoni permezz tal-pubblikazzjoni fil-bażi tad-data tal-EudraGMP. (12), (15)

3.13.   Ser isir monitoraġġ, u fejn meħtieġ jiġu applikati s-sanzjonijiet neċessarji, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni ser toħroġ linji gwida ġodda. (16), (17)

4.   Il-perspettiva tal-KESE

4.1.   Il-KESE jilqa’ din l-inizjattiva: is-saħħa pubblika hija tal-akbar importanza għall-membri tal-Kumitat.

4.2.   Il-Kumitat josserva li l-WHO tiddeskrivi l-prodotti “foloz” bħala prodotti “ffalsifikati”. Nirrakkomandaw li l-Kummissjoni żżomm mal-eżempju tal-WHO. Il-kelma “ffalsifikata” twassal aħjar in-natura kriminali ta’ din l-attività. Il-WHO tiddikjara li l-iffalsifikar tal-mediċini, inkluża l-medda sħiħa ta’ attivitajiet mill-manifattura sal-forniment lill-pazjenti, huwa reat kriminali vili li jhedded il-ħajja tal-bniedem u jikkomprometti l-kredibbiltà tas-sistemi tas-saħħa (1).

4.3.   Biex nimpedixxu d-dħul tal-prodotti mediċinali ffalsifikati fil-katina tal-provvista legali, hemm bżonn ta’ kollaborazzjoni bejn imsieħba kummerċjali denji ta’ fiduċja u affidabbli. Bil-għan li din il-kollaborazzjoni tittejjeb, kull parteċipant fil-katina tal-provvista għandu jkun soġġett għal ċertifikazzjoni obbligatorja, u d-dettalji disponibbli jitpoġġew f’bażi tad-data li jista’ jaċċessaha l-pubbliku.

Monitoraġġ u identifikazzjoni

4.4.   Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni mhijiex qed tagħti importanza biżżejjed lill-problema tal-monitoraġġ u l-identifikazzjoni. “Il-prodotti mediċinali ffalsifikati qatt ma jingħarfu faċilment minn dawk oriġinali minħabba n-nuqqas ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni standardizzata, li jwassal għal problemi marbuta mal-monitoraġġ.”

4.5.   Il-KESE jipproponi li għandu jsir sforz akbar biex jiġu armonizzati l-ismijiet u l-marki użati għall-mediċini fl-UE kif ukoll il-pakketti u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni għall-prodotti mediċinali fl-UE. Jeżistu tal-inqas għaxar sistemi differenti tal-kodifikazzjoni fl-UE u l-ebda waħda ma tiffoka fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà f’dak li għandu x’jaqsam mal-lott jew id-data ta’ manifattura jew skadenza. Għandu jinħoloq standard Ewropew armonizzat għall-identifikazzjoni ta’ prodotti mediċinali biex ikunu jistgħu jiġu mmonitorjati tul il-katina tad-distribuzzjoni sa meta jaslu għand il-pazjent. L-armonizzazzjoni tagħti spinta lis-suq intern billi twitti t-triq għall-moviment ħieles sikur tal-prodotti mediċinali fl-UE. Din tagħmilha iktar faċli wkoll li l-prodotti mediċinali jiġu awtentikati direttament fil-fabbrika f’kull ħin u kull post, tal-inqas inizjalment fis-suq intern tal-UE. Fl-aħħar mill-aħħar din tista’ ssir inizjattiva dinjija.

4.6.   Il-KESE jemmen li l-frodi jitnaqqas jekk l-awtentiċità tal-pakkett tal-prodotti mediċinali tista’ tiġi identifikata malajr. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva li toħloq bażi tad-data viżwali tal-pakkett tal-prodotti mediċinali.

4.7.   Ir-raba’ inċiż tal-punt 3 jidher li jħalli barra d-distributuri paralleli. Ikun iktar ċar li tiġi pprojbita l-manipulazzjoni tal-karatteristiċi ta’ sigurtà fuq il-pakketti minn kwalunkwe parteċipant li ma jkollux l-awtorizzazzjoni tal-manifattura. Id-distributuri paralleli jkollhom iħejju pakketti ġodda. Dawn m’għandhomx jissostitwixxu l-karatteristiċi tas-sigurtà u jiksru l-katina tat-traċċabbiltà.

4.8.   It-teknoloġija tista’ twassal għal avvanz sinfikanti fil-kodiċi, l-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni tal-prodotti mediċinali. Il-kwistjonijiet ċentrali hawnhekk huma l-awtentikazzjoni u l-monitoraġġ. Dawn l-istrateġiji m’għandhomx imorru lil hinn mill-għan stabbilit, bi prijorità għall-kontrolli diretti (mingħajr bżonn ta’ intermedjarju) fir-reġistri uffiċjali tal-manifattur, l-uniċi partijiet li jistgħu jiċċertifikaw l-awtentiċità tal-prodotti tagħhom. Jeżistu għadd ta’ sistemi li jinkludu l-Identifikazzjoni bil-Frekwenzi tar-Radju (RFID) u s-sistema tat-tikkettar permezz ta’ barcodes b’żewġ dimensjonijiet (Data Matrix). Fil-Belġju qed japplikaw sistema ta’ reġistrazzjoni individwali tal-pakketti, b’kodiċi sekwenzjali u barcode b’dimensjoni unika, introdotta mis-sistema tal-assigurazzjoni tal-mard, sabiex tiġi evitata fatturazzjoni multipla tal-assigurazzjoni tal-mard għall-istess pakkett fil-qafas tas-sistema ta’ ħlas minn terza parti. Madankollu, din is-sistema Belġjana ma tinkludi l-ebda numru ta’ lott u lanqas ta’ skadenza. Il-bidla mill-Barcodes Uniċi tal-Belġju (Codes Barres Unique – CBU) għat-tikkettar tad-DataMatrix tippermetti li jiġu indirizzati l-lakuni eżistenti fir-rigward tat-traċċabbiltà u l-awtentikazzjoni, li huma diġà stipulati mill-Kodiċi Komunitarja dwar il-mediċini. Għalkemm dawn il-possibbiltajiet tekniċi jistgħu jiġu implimentati minnufih u malajr bi spiża minima, skont il-Kummissjoni, paradossalment, għadu kmieni wisq biex tittieħed deċiżjoni dwar il-kodiċi ta’ identifikazzjoni u għad hemm bżonn iktar provi. Iktar ma jdumu ma jiġu implimentati l-kodiċi ta’ identifikazzjoni, iktar is-sitwazzjoni ssir konfuża u frammentata. Għaldaqstant, il-KESE jipproponi li tiġi stabbilita task force għal “kodiċi ta’ identifikazzjoni” biex tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-proċessi standardizzati eżistenti, tal-inqas inizjalment fil-livell tas-suq intern tal-UE. Fl-aħħar mill-aħħar, dan jista’ jwassal għal opportunità għal tmexxija fil-livell dinji.

Il-katina tad-distribuzzjoni

4.9.   Ladarba tiġi ppakkjata l-mediċina, l-ippakkjar mill-ġdid tagħha mingħajr ma jittieħdu miżuri ta’ sigurtà xierqa għandu jitqies bħala reat kriminali. Permezz tal-pakketti ffalsifikati, il-mediċini ffalsifikati jidħlu fil-katina tad-distribuzzjoni legali. Il-pakketti tal-mediċini offruti mill-ispiżeriji leġittimi fuq l-internet għandhom ikunu soġġetti għall-ispezzjoni.

4.10.   Il-KESE jinnota li d-Direttiva tipproponi penali iebsa għan-nuqqas ta’ prevenzjoni tad-dħul tal-prodotti foloz fil-katina tad-distribuzzjoni. Il-KESE jirrakkomanda li s-sanzjonijiet ikunu severi ħafna. L-intrapriżi li ma jikkonformawx għandhom jingħalqu.

Inċertezzi legali

4.11.   Il-KESE jinsab sodisfatt li l-inċertezzi legali marbuta mal-importazzjoni għall-esportazzjoni ġew indirizzati fil-Proposta għal Direttiva.

Falsifikazzjoni tal-API Oriġinali

4.12.   Kif iddiskutejna rigward il-katina tad-distribuzzjoni, l-intrapriżi involuti fl-iffalsifikar għandhom jingħalqu.

Il-katina tal-provvista illegali

4.13.   L-introduzzjoni tal-prodotti ffalsifikati permezz tal-katina tal-provvista illegali mhijiex indirizzata f’din id-Direttiva. Iżda t-theddida għas-saħħa pubblika hija waħda serja ħafna, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-internet. L-istatistika tal-WHO tidher fil-punt 2.5; dan l-aħħar ġie rrapportat li fir-Renju Unit wieħed minn kull erba’ tobba kkura pazjenti minħabba l-effetti sekondarji kkawżati minn mediċini li nxtraw mill-internet. Jista’ jkun li 8 % iktar għamlu l-istess, iżda ma kinux ċerti. Fil-Komunikazzjoni (2) reċenti tal-Kummissjoni hemm referenza għal “Rapport dwar l-Attivitajiet tad-Dwana Komunitarja dwar l-Iffalsifikar u l-Piraterija għall-2007”. Il-mediċini maqbuda mill-awtoritajiet tad-dwana żdiedu b’628 % bejn l-2005 u l-2007. Dawn huma marbuta mhux biss ma’ prodotti ta’ “stil ta’ ħajja”, iżda wkoll ma’ kura kontra mard li jista’ jkun fatali.

4.14.   L-enfasi għandha ssir fuq l-internet. L-ispiżeriji tal-internet ikunu leġittimi biss jekk ikunu rreġistrati u approvati f’kull Stat Membru, u għandu jiġi pprovdut aċċess faċli għar-reġistrazzjoni permezz ta’ bażi tad-data pubblika, kif inhu diġà l-każ għall-ispiżeriji tradizzjonali. Filwaqt li f’dan il-qasam hemm bżonn ċar ta’ kooperazzjoni Ewropea u internazzjonali, kull pajjiż jagħmel ir-regoli tiegħu għall-internet. Barra minn hekk, il-kummerċ bl-imnut bħalissa mhuwiex regolat mill-UE. Għaldaqstant, l-ambitu tal-azzjoni Komunitarja huwa limitat u għandu jiġi estiż f’dan il-qasam kif inhu diġà l-każ għall-bejjiegħa bl-ingrossa u d-distributuri bl-ingrossa.

4.15.   Ir-raġunijiet għalfejn il-pazjenti jduru għall-internet minflok it-tobba tagħhom faċli li jinfiehmu. Jista’ jkun li ċerta mediċina ma tkunx disponibbli f’ġurisdizzjoni partikolari, jew il-prezz tal-mediċina, speċjalment il-mediċina ffalsifikata, jaf ikun inqas mill-internet u, fl-aħħar mill-aħħar, jista’ jkun inqas imbarazzanti li tixtri mediċini direttament mill-internet milli tiffaċċja mistoqsijiet diffiċli mit-tabib. Barra minn hekk, ma jistgħux jittieħdu passi legali kontra l-pazjent li jkun xtara l-mediċini mill-internet.

4.16.   Hemm bżonn kampanja ta’ komunikazzjoni f’kull Stat Membru bil-għan li ċ-ċittadin jitressaq lejn l-ispiżeriji reġistrati fuq l-internet u jitbiegħed mill-istabbilimenti kriminali. Il-kampanja għandha tenfasizza l-periklu potenzjalment fatali marbut mal-prodotti li jinxtraw mill-internet minn sorsi li ma jkunux reġistrati. Għandha ssir pubbliċità f’kull spiżerija, kull uffiċċju tat-tabib, kull sptar u kull sit tal-internet awtorizzat.

4.17.   Għandhom japplikaw sanzjonijiet finanzjarji u kriminali iebsa għal kull min jinstab li qed jagħmel kummerċ fil-mediċina ffalsifikata. Bħalma s-sess huwa kkontrollat fuq l-internet, għandu jsir ħsieb għal kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi (kif issemma fil-punt 4.3) u diversi partijiet interessati bħall-ISPs, il-magni tat-tiftix (search engines), is-servizzi tat-trasport tal-merkanzija u l-kumpaniji tal-karti tal-kreditu sabiex il-parteċipanti fil-kummerċ tal-mediċina ffalsifikata jiġu identifikati aħjar. Kif saħqet il-Kummissjoni, id-Direttivi tagħha huma biss element wieħed minn ħidma multidimensjonali għall-infurzar.

Dispożizzjonijiet ġenerali

4.18.   L-iskala tal-iffalsifikar u s-sorsi tal-mediċini foloz jidhru li mhumiex mifhuma sew. Il-Proposta għal Direttiva għandha tinkludi pjanijiet biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet fis-sistemi tas-sorveljanza u l-monitoraġġ.

Brussell, il-15 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara r-rapport IMPACT (International Medical Products Anti-Counterfeiting Taskforce) tal-WHO aġġornat f’Mejju 2008 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  COM(2008) 666 finali.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/67


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji fir-rigward ta’ mikroentitajiet

COM(2009) 83 finali/2 – 2009/0035 (COD)

(2009/C 317/11)

Rapporteur: is-Sur PEZZINI

Nhar l-20 ta’ Marzu 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 44(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji fir-rigward ta’ mikroentitajiet

COM(2009) 83 finali/2 – 2009/0035 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Pezzini.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet il-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tal-15 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’144 vot favur, 10 voti kontra u 17-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jenfasizza l-bżonn li nissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ negozji żgħar u ta’ daqs medju u s-settur tas-snajja’ sabiex ikunu jistgħu jilqgħu għall-firxa wiesgħa ta’ sfidi strutturali li qed toħloq soċjetà kumplessa, bl-implimentazzjoni sħiħa tal-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar (1), fi proċess li huwa konsistenti mal-Istrateġija ta’ Liżbona.

1.2.   Il-KESE jieħu nota tal-inizjattiva tal-Kummissjoni li jiġu eżentati mikroentitajiet mill-eżiġenzi amministrattivi u ta’ kontabilità, li ta’ sikwit ikunu ta’ piż qawwi u mhux proporzjonati mal-istruttura ta’ dawn in-negozji, u jiġbed l-attenzjoni għall-pożizzjonijiet li kienu ġew adottati fl-opinjonijiet CESE 1187/2008 (2) u CESE 1506/2008 (3).

1.3.   Il-KESE iqis ta’ importanza li l-inizjattiva tkun:

obbligatorja: kull Stat irid ikun mistenni jintroduċi kriterji ta’ eżenzjoni għal mikroentitajiet;

flessibbli: l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jadattaw il-kriterji ta’ eżenzjoni għas-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom, fil-limiti komuni stipulati;

sempliċi: il-bidliet għandhom ikunu faċli biex jiġu implimentati;

trasparenti: f’kull każ għandha tiġi żgurata trasparenza suffiċjenti fis-suq uniku.

1.4.   Waqt li l-KESE huwa konxju li l-Komunità mhijiex l-unika entità b’kompetenza f’dan il-qasam, iħoss li sabiex titħares l-integrità tas-Suq Uniku u tiġi evitata d-diskriminazzjoni bejn l-entitajiet li joperaw fih, il-konċessjonijiet li jingħataw f’miżuri futuri li jirrivedu r-4 u s-7 Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji għandhom japplikaw b’mod awtomatiku għall-mikrointrapriżi kollha fl-UE, skont il-kriterji definiti b’mod ċar minn kull Stat Membru.

1.5.   F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob li jintlaħaq ftehim interistituzzjonali bl-istess bażi legali bħall-ftehim dwar “Regolamentazzjoni Aħjar” (4), waqt li jiġi applikat il-prinċipju ta’ gwida “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” u tiġi stipulata sensiela ta’ impenji ċari u trasparenti fil-livell Komunitarju u nazzjonali sabiex tiġi eliminata l-burokrazija, biex il-prinċipju jiġi applikat b’mod sistematiku kemm fil-proċessi leġiżlattivi kif ukoll implimentattivi, b’mod speċjali fir-rigward ta’ negozji “mikro” u żgħar.

1.6.   Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament u lill-Kunsill tliet snin wara li din il-proposta tkun daħlet fis-seħħ, fejn jiġu evalwati l-impatt u t-tħaddim tal-eżenzjoni tal-mikroentitajiet madwar l-Istati Membri tal-UE, u kemm iffrankaw il-mikroentitajiet Ewropej.

2.   Daħla

2.1.   Mis-Sena Ewropea tal-Intrapriżi ż-Żgħar u ta’ Daqs Medju u tal-Industrija tas-Snajja’ ’l hawn (5), sena li wasslet għall-ħolqien ta’ DG XXIII (6) u numru ta’ konferenzi Ewropej (7), il-Kummissjoni wettqet numru konsiderevoli ta’ sforzi biex tissodisfa l-ħtiġijiet tan-negozji żgħar u ta’ daqs medju u tal-industrija tas-snajja’, sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi u strutturali numerużi li għandhom quddiemhom. Barra minn hekk, bosta opinjonijiet tal-KESE irrimarkaw dwar dan (8).

2.2.   Negozji żgħar u ta’ daqs medju ta’ sikwit huma soġġetti għall-istess regoli li jirregolaw in-negozji l-kbar. Huma każijiet rari fejn ġew analizzati l-ħtiġijiet ta’ kontabilità speċifiċi, u r-regoli dwar l-informazzjoni finanzjarja huma ta’ piż finanzjarju konsiderevoli kif ukoll ta’ xkiel għall-użu effettiv tal-kapital, li jista’ jiġi investit aħjar fil-produzzjoni u fl-impjiegi.

2.3.   Għalkemm l-għan li titjieb il-kwalità tal-kontijiet tal-kumpaniji b’responsabbiltà limitata u tiżdied it-trasparenza huwa fundamentalment importanti, l-obbligi iktar stretti imposti fuq in-negozji ta’ sikwit huma ta’ piż partikulari għall-intrapriżi “mikro” u żgħar.

2.4.   Għal din ir-raġuni speċifika, dan l-aħħar il-Kummissjoni nediet proposta sabiex jiġu eżentati kumpaniji ta’ daqs medju minn ċerti rekwiżiti ta’ divulgazzjoni u mir-rekwiżit li jippreparaw kontijiet ikkonsolidati (9); il-proposta ntlaqgħet tajjeb mill-KESE (10).

2.5.   L-ispejjeż amministrattivi għoljin li huma r-riżultat tal-leġiżlazzjoni Komunitarja jillimitaw il-kompetittività tan-negozji Ewropej. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni dwar il-liġi, il-kontabilità u l-verifika tal-kumpaniji ma żammitx il-pass mal-ambjent li fih in-negozji joperaw. Fil-prattika d-direttivi li jiżguraw il-kwalità tar-rappurtar finanzjarju u l-verifika fl-UE ipoġġu piżijiet amministrattivi għoljin fuq in-negozji, b’mod speċjali n-negozji ż-żgħar.

2.6.   Skont l-istimi li saru għall-Kummissjoni, li ma jidhrux strutturati la mil-lat xjentifiku u lanqas minn dak metodoloġiku, hemm madwar 5,4 miljun mikroentità li aktarx se tikkonċernahom il-miżura ta’ eżenzjoni, u l-piż amministrattiv ġenerali tal-konformità mar-rekwiżiti amministrattivi u ta’ kontabilità stipulati mid-Direttiva huwa madwar EUR 6,3 biljun fis-sena.

2.7.   Il-KESE jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni biex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi tan-negozji b’25 % (11); u approva dan l-impenn mingħajr riżervi (12).

2.8.   Il-KESE jemmen li “Għandhom jittieħdu l-passi neċessarji sabiex jassiguraw li l-Istati Membri kollha jimplimentaw id-direttivi kollha fil-ħin u b’livell ta’ kwalità għoli, u jikkonvinċu lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali u l-leġiżlaturi sabiex jibdew il-proġetti tagħhom stess għas-semplifikazzjoni, u dawn għandhom jiffokaw b’mod partikulari fuq ir-regolamentazzjoni li, permezz tal-implimentazzjoni tal-liġi Ewropea, ġiet ‘mgħobbija’ b’eżiġenzi eċċessivi (il-fenomenu msejjaħ ‘gold-plating’)” (13).

3.   Il-kuntest

3.1.   Bħala parti mir-raba’ stadju tal-inizjattiva tas-Semplifikazzjoni tal-Leġiżlazzjonni dwar is-Suq Intern (SLIM), ġew emendati l-ewwel u t-tieni Direttivi dwar il-Liġi tal-Kumpaniji.

3.2.   Il-Kunsill Ewropew tat-8–9 ta’ Marzu 2007 enfasizza li t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi huwa importanti għat-tisħiħ tal-ekonomija Ewropea, l-aktar minħabba l-impatt li dan ikollu fuq in-negozji ż-żgħar. Enfasizza li jinħtieġ sforz konġunt qawwi sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fl-UE.

3.3.   Il-Kunsill Ewropew tat-13–14 ta’ Marzu 2008 sejjaħ lill-Kummissjoni biex tidentifika proposti leġiżlattivi ġodda li jistgħu jitwettqu malajr (fast track) (14) sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi. Il-kontabilità u l-verifika ġew identifikati bħala oqsma ewlenin.

3.4.   L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa (15) ppreżentat mill-Kummissjoni f’Ġunju 2008, li dwaru l-KESE ikkummenta (16), enfasizza l-ħtieġa għas-semplifikazzjoni għan-negozji ż-żgħar.

3.5.   Barra minn hekk, waħda mill-miżuri ewlenin inkluża fil-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku li ġie ppreżentat fl-aħħar ta’ Novembru 2008 kienet li jitnaqqas il-piż fuq l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u l-mikroentitajiet, billi fost l-oħrajn, “ineħħu r-rekwiżit fuq l-intrapriżi ż-żgħar ħafna li jippreparaw ir-rapporti tal-kontabbiltà annwali” (17).

3.6.   Min-naħa tiegħu, il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Diċembru 2008 (18), approva t-tneħħija tar-rekwiżiti ta’ rappurtar finanzjarju għal mikroentitajiet sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tagħhom u jkun jista’ jintuża l-potenzjal tagħhom għal tkabbir, waqt li talab lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva li tippermetti lill-Istati Membri jeżentaw l-intrapriżi lokali u reġjonali mill-ambitu tar-Raba’ Direttiva (78/660/KEE).

3.7.   Id-Direttiva 78/660/KEE ġiet emendata bosta drabi f’dawn l-aħħar 20 jew 30 sena (19).

4.   Il-kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni

4.1.   Il-Kummissjoni tipproponi li tintroduċi l-kunċett ta’ mikroentitajiet, li diġà jeżisti f’xi Stati Membri, u li dawn jiġu esklużi mill-ambitu tar-Raba’ Direttiva (kontabilità) (78/660/KEE). Sabiex jiġu eżentati, il-mikroentitajiet iridu jissodisfaw dawn it-tliet kriterji:

mhux iktar minn 10 impjegati,

bilanċ totali ta’ inqas minn EUR 500 000,

dħul ta’ inqas minn EUR 1 000 000.

4.2.   Għal dawn in-negozji ż-żgħar ħafna l-ispejjeż tal-kontabilità jistgħu jkunu ta’ piż partikularment iebes. Barra minn hekk, hemm interess limitat fl-istat finanzjarju tagħhom peress li mill-biċċa l-kbira joperaw fil-livell lokali jew reġjonali.

4.3.   L-inklużjoni ta’ eżenzjoni fid-Direttivi tal-Kontabilità għandha tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jidditerminaw liema regoli għandhom jiġu mħarsa mill-mikroentitajiet.

4.4.   Huwa għalhekk li l-Kummissjoni ddeċidiet li temenda l-leġiżlazzjoni Komunitarja attwali. Ġew proposti bosta miżuri għall-mikroentitajiet:

li dawn in-negozji jiġu lliberati mir-rekwiżit li jippubblikaw il-kontijiet tagħhom,

li l-mikroentitajiet ikollhom l-għażla li jekk iridu jfasslu kontijiet annwali fuq bażi volontarja u li dawn jiġu vverfikati u mibgħuta lir-reġistru nazzjonali,

li l-Istati Membri jingħataw l-għażla li jneħħu l-mikroentitajiet mill-ambitu tar-Raba’ Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji.

5.   Kummenti ġenerali

5.1.   Il-KESE jappoġġja l-għanijiet tal-inizjattiva tal-Kummissjoni – li l-mikroentitajiet jiġu eżentati mir-rekwiżiti amministrattivi u ta’ kontabilità, li huma ta’ piż u mhux proporzjonati mal-ħtiġijiet tal-mikroentitajiet u l-utenti ewlenin tal-informazzjoni finanzjarja.

5.2.   B’mod partikulari fil-kriżi ekonomika ta’ bħalissa, il-KESE jaħseb li hija meħtiġa b’mod urġenti azzjoni iktar effettiva sabiex in-negozji ż-żgħar nett jiġu megħjuna madwar l-Ewropa. Il-miżuri ta’ eżenzjoni għal mikroentitajiet għandhom jittieħdu fil-pront (sistema “fast-track”) (20) madwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. Dawn il-miżuri għandhom ikunu flessibbli u mmirati lejn sitwazzjonijiet nazzjonali individwali, u għandhom jiġu applikati b’mod trasparenti fir-rigward ta’ persuni fiżiċi u legali.

5.3.   Il-proposta tal-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll inċentiv b’saħħtu fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, kif ġie enfasizzat mill-KESE bosta drabi. Għaldaqstant, il-KESE enfasizza “l-impatt negattiv ħafna tax-xogħol mhux iddikjarat fuq il-finanzi pubbliċi, kemm f’termini tal-finanzjar tas-sigurtà soċjali kif ukoll it-telf tad-dħul mit-taxxi” (21), waqt li nnota li “l-prezz tal-onestà m’għandux ikun għoli żżejjed, għax inkella l-ekonomija sewda tista’ tinxtered bl-addoċċ” (22).

5.4.   Il-KESE jilqa’ l-proposta għal semplifikazzjoni tal-Kummissjoni, li għandha l-għan li tiżgura li l-qafas regolatorju jgħin biex jistimola l-imprenditorija u l-innovazzjoni fin-negozji “mikro” u żgħar sabiex ikunu iktar kompetittivi u jkunu kapaċi jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq intern.

5.5.   Il-KESE huwa konxju li l-Komunità mhijiex l-unika entità kompetenti f’dan il-qasam, u jaf ukoll dwar il-ħtieġa li jiġi applikat l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Madankollu, iħoss li sabiex tinżamm l-integrità tas-Suq Uniku u biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni bejn l-entitajiet li joperaw fih, aġġornamenti futuri tar-Raba’ u s-Seba’ Direttivi dwar il-Liġi tal-Kumpaniji m’għandhomx iħallu l-konċessjonijiet mogħtija lill-mikroentitajiet f’idejn l-Istati Membri individwali, iżda jiżguraw li dawn japplikaw b’mod awtomatiku għall-mikrointrapriżi kollha fl-UE.

5.6.   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiżguraw li, fl-aġġornamenti li ġejjin tar-Raba “u s-Seba” Direttivi tal-Liġi tal-Kumpaniji, il-prinċipju ta’ gwida “Aħseb l-ewwel fiż-żgħirl” għandu jiġi applikat permezz ta’ ftehim interistituzzjonali li għandu l-istess bażi legali bħall-ftehim dwar “Regolamentazzjoni Aħjar” (23) u jistipula sensiela ċara ta’ rekwiżiti sabiex tiġi eliminata/mnaqqsa l-burokrazija.

5.7.   Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament u lill-Kunsill tliet snin wara li din il-proposta tkun daħlet fis-seħħ, fejn jiġu evalwati l-impatt u t-tħaddim tal-eżenzjoni tal-mikroentitajiet madwar l-Istati Membri tal-UE, u kemm iffrankaw il-mikroentitajiet Ewropej.

Brussell, il-15 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Imsejħa mill-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona tal-2000.

(2)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 7.

(3)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 37.

(4)  Ara l-Opinjoni CESE 38/2009 tal-14.1.2009, Rakkomandazzjoni Nru 1, rapporteur: is-Sur Malosse, korapporteur: is-Sur Cappellini.

(5)  1983.

(6)  Fil-bidu ġie stabbilit Task Force, immexxi mis-Sinjura Cresson, li mbagħad sar id-DG XXIII il-ġdid.

(7)  Avignon, 1990; Berlin, 1994; Milan, 1997.

(8)  Ara, inter alia: l-Opinjoni CES 467/93 tat-28.4.1993; l-Opinjoni CES 850/94 tas-6.7.1994 u ĠU C 295, 7.10.1996, p. 6; ĠU C 56, 24.2.1997, p. 7; ĠU C 89, 19.3.1997, p. 27; ĠU C 235, 27.7.1998, p. 13; ĠU C 221, 7.8.2001, p. 1; ĠU C 374, 3.12.1998, p. 4; ĠU C 116, 20.4.2001, p. 20.

(9)  COM(2008) 195 tat-18.9.2008.

(10)  Opinjoni CESE 1506/2008 tat-18.9.2008, rapporteur: is-Sur Cappellini.

(11)  COM(2006) 689, 690 u 691 finali tal-14.11.2006.

(12)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 8.

(13)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 8, punt 4.3.6 u ĠU C 204, 9.8.2008, p. 9, punt 6.2.

(14)  Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tat-13-14 ta’ Marzu 2008, punt 9.

(15)  COM(2008) 394 finali tal-25.6.2008.

(16)  Opinjoni CESE 38/2009 tal-14.1.2009, rapporteur: is-Sur Malosse, korapporteur: is-Sur Cappellini.

(17)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew – Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (COM(2008) 800 finali tas-26.11.2008, punt 4).

(18)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar ir-rekwiżiti ta’ kontabilità, fir-rigward tal-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, partikularment mikroentitajiet.

(19)  Ġiet emendata tnax-il darba mid-Direttiva 83/349/KEE, Direttiva 84/569/KKE, Direttiva 89/666/KKE, Direttiva 90/604/KEE, Direttiva 90/605/KEE, Direttiva 94/8/KE, Direttiva 1999/60/KE, Direttiva 2001/65/KE, Direttiva 2003/38/KE, Direttiva 2003/51/KE, Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2006/46/KE.

(20)  Fast-track: sabiex jinkisbu l-ewwel riżultati malajr il-Kummissjoni ressqet tliet proposti “fast-track”. L-ewwel waħda, li kellha l-għan li toħloq konformità bejn ċerti regoli dwar rapporti tal-esprit fil-każ ta’ għaqdiet u diviżjonijiet domestiċi mar-regoli li jinsabu fid-Direttiva dwar l-Għaqdiet Transkonfinali (Direttiva 2005/56/KE), ġiet approvata mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew f’Novembru 2007 (Direttiva 2007/63/KE). F’April 2008 il-Kummissjoni ressqet ukoll żewġ proposti sabiex jiġu emendati l-Ewwel u l-Ħdax-il Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji u d-Direttivi dwar il-Kontabilità.

(21)  Opinjoni CES 63/99 tat-28.1.1999, rapporteur: is-Sur Giron (mhux disponibbli bil-Malti).

(22)  ĠU C 255, 14.10.2005, p. 61 (mhux disponibbli bil-Malti).

(23)  Ara l-Opinjoni 38/2009 tal-14.1.2009 (rapporteur: is-Sur Malosse, korapporteur: is-Sur Cappellini), Rakkomandazzjoni Nru 1 u speċjalment il-punt 3.2: “Rigward il-prinċipju ‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’, il-KESE jerġa’ jikkonferma l-pożizzjoni preċedenti tiegħu (opinjoni INT/390) u jitlob li tiġi stabbilita regola vinkolanti f’forma li għad trid tiġi definita (kodiċi tal-kondotta, ftehim interistituzzjonali, deċiżjoni tal-Kunsill), iżda li tkun tapplika għall-Parlament Ewropew, għall-Kummissjoni u għall-Kunsill. Jidher li t-triq ta’ ftehim interistituzzjonali msejjes fuq l-istess bażi legali tal-Ftehim dwar ‘Regolamentazzjoni Aħjar’ tal-2003 hija għażla interessanti …”.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

It-test hawn taħt, li kien jagħmel parti mill-opinjoni tas-Sezzjoni, tħassar u ħadet postu emenda li ġiet adottata mill-assemblea, iżda rċieva mill-inqas kwart tal-voti:

“2.6.

Skont l-istimi li saru għall-Kummissjoni, hemm madwar 5,4 miljun mikroentità li aktarx se tikkonċernahom il-miżura ta’ eżenzjoni, u l-piż amministrattiv ġenerali tal-konformità mar-rekwiżiti amministrattivi u ta’ kontabilità stipulati mid-Direttiva huwa madwar EUR 6.3 biljun fis-sena.”

Riżultat tal-votazzjoni dwar l-emenda: 89 vot favur, 40 vot konta u 30 astensjoni.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jadatta ċerti atti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat għad-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill, f’dak li jirrigwarda l-proċedura regolatorja bi skrutinju – Aġġustament għall-proċedura regolatorja bi skrutinju - It-Titolu V

COM(2009) 142 finali – 2009/0048 (COD)

(2009/C 317/12)

Rapporteur ġenerali: Is-Sur RETUREAU

Nhar l-14 ta’ Mejju 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 152 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jadatta ċerti atti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat għad-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill, f’dak li jirrigwarda l-proċedura regolatorja bi skrutinju –Aġġustament għall-proċedura regolatorja bi skrutinju - It-Titolu V

COM(2009) 142 finali – 2009/0048 (COD).

Nhar it-12 ta’ Mejju 2009, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

B’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew matul l-455 Sessjoni Plenarja tiegħu tal-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju 2009) iddeċieda li jaħtar lis-Sur Retureau bħala rapporteur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’122 vot favur u 2 voti kontra.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Il-KESE jaċċetta l-proposti tal-Kummissjoni relatati mal-proċedura regolatorja bi skrutinju filwaqt li jistaqsi dwar il-ħtieġa li tiġi kkunsidrata proċedura speċifika peress li l-modifiki, mingħajr ma jibdlu l-għan u l-iskopijiet tal-istrument, imorru ftit lil hinn mill-kriterju tal-emenda mhux fundamentali, u għandhom impatti konsiderevoli fuq is-soċjetà, l-ekonomija u s-saħħa.

1.2.   Madankollu, huwa tal-fehma li huwa diffiċli li jsir kontroll minħabba l-mod kif inhu organizzat ix-xogħol parlamentari.

1.3.   Il-valur miżjud tal-proċedura l-ġdida għadu mhuwiex ċar għaċ-ċittadini peress li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili interessati mir-regoli “supplimentari” introdotti mill-komitoloġija jistgħu jkollhom diffikultajiet biex isegwu l-modifiki regolamentari suċċessivi tal-istrument oriġinali.

2.   Sommarju tal-proċeduri ta’ aġġustament għall-proċedura regolatorja bi skrutinju fl-2007 u l-2008

2.1.   Dawn l-aħħar sentejn il-proċedura regolatorja bi skrutinju tal-Parlament ġiet aċċellerata permezz ta’ aġġustament “omnibus” tal-istrumenti legali adottati fil-passat bil-komitoloġija “normali”. Il-komitoloġija “normali” tibqa’ valida sakemm ma japplikawx il-kundizzjonijiet tal-proċedura bi skrutinju.

2.2.   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE tas-17 ta’ Lulju 2006 emendat id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1999 billi stabbilixxiet il-proċeduri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (1999/468/KE), b’mod partikulari biż-żieda tal- Artikolu 5(a) li jistabbilixxi proċedura ġdida msejħa “proċedura regolatorja bi skrutinju”. Din il-proċedura tippermetti lill-Parlament jeżerċita d-dritt li jeżamina l-emendi li jsiru permezz tal-komitoloġija lill-atti kkonċernati, sakemm dawn ikunu emendi mhux fundamentali jew fil-każ fejn dawn jikkonsistu f’żieda jew tnaqqis ta’ dispożizzjoni jew ta’ elementi ta’ natura mhux fundamentali.

2.3.   Il-proċeduri ta’ komitoloġija li jassiguraw is-segwitu ta’ kull att leġiżlattiv se jinkludu wkoll għażla supplimentari li se ssaħħaħ il-kontroll tal-Parlament fuq l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-att innifsu, fil-każ ta’ ċerti atti soġġetti għal din l-għażla l-ġdida u li se jaqgħu taħt il-proċedura ta’ kodeċiżjoni u l-Artikolu 251 tat-Trattat jew il-proċedura Lamfalussy fil-qasam finanzjarju (1).

Permezz ta’ dikjarazzjoni konġunta, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament stabbilixxew lista ta’ atti li fil-fehma tagħhom hemm l-urġenza li jiġu adattati għad-deċiżjoni modifikata sabiex tiġi introdotta għalihom il-proċedura regolatorja bi skrutinju minflok il-proċedura inizjali. Din id-dikjarazzjoni konġunta tipprevedi wkoll li, fl-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ leġiżlazzjoni tajba, ma jiġux imposti limiti ta’ skadenza fuq l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni.

2.4.1.   Il-Kummissjoni għażlet li tipproċedi bl-allinjament tal-atti eżistenti koperti mill-proċedura l-ġdida pemezz ta’ proposti ta’ regolamenti “omnibus”, jiġifieri dawk li jallinjaw sensiela ta’ atti, minflok jiġi adottat regolament distint għal kull wieħed mill-atti kkonċernati.

2.4.2.   L-ewwel tliet sensiliet ġew adottati fl-aħħar tal-2007, u r-raba’ waħda fil-11 ta’ Frar 2008 (2). B’hekk il-Kummissjoni pproponiet emenda retroattiva tal-atti kollha li fil-fehma tagħha huma koperti mill-proċedura l-ġdida ta’ komitoloġija bi skrutinju, sabiex tinkorpora l-proċedura l-ġdida u, fejn hu xieraq, tneħħi l-limitazzjonijiet ta’ żmien minn fuq is-setgħat ta’ implimentazzjoni involuti.

2.5.   Min-naħa tiegħu l-Parlament, permezz ta’ riżoluzzjoni tat-23 ta’ Settembru 2008, stieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi lista ta’ 14-il att li huwa qed jipproponi li jiġu soġġetti għall-proċedura l-ġdida bi skrutinju, minflok il-proċedura ta’ komitoloġija oriġinali mingħajr skrutinju. Din l-opinjoni tikkonċerna r-risposta li ġiet proposta mill-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni.

2.6.   Il-Parlament ikkunsidra wkoll li “l-proċeduri għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KEE ma kienu sodisfaċenti xejn u, bl-eċċezzjoni tal-proċeduri għall-proċedura regolatorja bi skrutinju l-ġdida, għadhom mhumiex, fost raġunijiet oħra minħabba l-mod kif tħaddmet il-bażi tad-dejta tal-komitoloġija;” u li “d-dokumenti ħafna drabi jintbagħtu sparpaljati u mingħajr spjegazzjoni ċara tal-istatus tagħhom u xi drabi b’intestaturi li jiżgwidaw, pereżempju, l-abbozz tal-miżuri ta’ implimentazzjoni li dwarhom ikun għadu ma tteħidx vot fil-kumitat, jintbagħat bl-intestatura ‘dritt għal skrutinju’, meta għandu jintbagħat bl-intestatura ‘dritt għal informazzjoni’, li joħloq inċertezza dwar liema skadenza tapplika” (3).

3.   Il-proposti tal-Kummissjoni

3.1.   Fil-proposta tagħha għal dan ir-regolament, il-Kummissjoni tipproponi adattament għall-proċedura regolatorja bi skrutinju ta’ żewġ atti mressqa mill-Parlament. Il-Kummissjoni tispjega wkoll għal kull wieħed mill-atti l-oħra għalfejn dawn mhux se jiġu allinjati għall-proċedura regolatorja bi skrutinju, billi kkowtat raġunijiet legali dwar in-natura ta’ dawn l-atti.

L-atti huma dawn li ġejjin:

L-istrumenti li diġà sarilhom, jew ġie propost għalihom, l-allinjament

Direttiva 2000/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2000 li temenda d-Direttiva 74/150/KEE tal-Kunsill (4).

Direttiva 2001/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 li temenda d-Direttiva 92/23/KEE tal-Kunsill (5).

Direttiva 2004/3/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li temenda d-Direttivi 70/156/KEE u 80/1268/KEE tal-Kunsill. Skont il-Kummissjoni, dawn iż-żewġ direttivi ġew awtomatikament soġġetti għall-proċedura regolatorja bi skrutinju (6).

Direttiva 2005/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 li temenda d-Direttiva 70/156/KEE tal-Kunsill (7).

Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 li temenda d-Direttiva 70/156/KEE tal-Kunsill (8).

Direttiva 2005/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2005 li temenda d-Direttiva 1999/32/KE (9).

Strument li mhuwiex kopert mill-proċedura ta’ kodeċiżjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2006 li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (10).

Strument adotatt wara d-dħul fis-seħħ tar-riforma tal-2006

Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006. Peress li dan ġie adottat wara t-23 ta’ Lulju 2006, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tar-riforma li stabbilixxiet il-proċedura regolatorja bi skrutinju, dan l-istrument ma jeħtieġ l-ebda adattament (11).

Strumenti li ma jinkludu l-ebda dispożizzjoni koperta mill-proċedura regolatorja bi skrutinju

Direttiva 2001/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2001 li temenda d-Direttiva 95/53/KE tal-Kunsill kif ukoll id-Direttivi 70/524/KEE, 96/25/KE u 1999/29/KE tal-Kunsill (12).

Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2002 li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 92/118/KEE tal-Kunsill (13).

Direttiva 2004/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li tħassar ċerti direttivi relatati mal-iġjene tal-ikel u mar-regoli sanitarji li jirregolaw il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti li ġejjin mill-annimali maħsuba għall-konsum tal-bniedem, u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE u 92/118/KEE tal-Kunsill kif ukoll id-Deċiżjoni 95/408/KE tal-Kunsill (14).

Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 (15).

3.3.   Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-atti ta’ bażi li ġejjin jinkludu ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adattati għall-proċedura regolatorja bi skrutinju:

Id-Direttiva 2000/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ April 2000 li temenda d-Direttiva 64/432/KEE tal-Kunsill dwar problemi ta’ saħħa li jaffettwaw kummerċ intra-Komunitarju f’annimali bovini u majjali (16), u

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem bovini u dwar it-tikkettar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (17).

3.4.   L-għan tal-proposta hu li jiġu adattati dawn iż-żewġ atti ta’ bażi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju.

4.   Kummenti ġenerali tal-Kumitat

4.1.   Il-KESE segwa b’interess l-implimentazzjoni ta’ proċedura ġdida ta’ komitoloġija: il-proċedura regolatorja bi skrutinju.

4.2.   Il-KESE jaċċetta l-proposti tal-Kummissjoni filwaqt li jistaqsi dwar il-ħtieġa li tiġi kkunsidrata proċedura speċifika peress li l-modifiki, mingħajr ma jibdlu l-għan u l-iskopijiet tal-istrument, imorru ftit lil hinn mill-kriterju tal-emenda mhux fundamentali, u għandhom impatti soċjali, ekonomiċi u fuq is-saħħa ta’ ċertu importanza, bħalma hu fil-każ tar-Regolament WEEE.

4.3.   Huwa jikkunsidra li l-komitoloġija bi skrutinju tikkostitwixxi żvilupp demokratiku pożittiv f’dak li għandu x’jaqsam mas-segwitu tal-ġestjoni ta’ ċerti strumenti, li tippermetti t-tneħħija ta’ proċeduri ta’ aktar piż, bħalma hija dik tar-reviżjoni, li jitfgħu piż żejjed fuq l-istituzzjonijiet; madankollu, minħabba raġunijiet ta’ kif inhu organizzat ix-xogħol parlamentari, il-kontroll jibqa’ diffiċli għall-Parlament.

4.4.   Il-valur miżjud tal-proċedura l-ġdida għadu mhuwiex ċar għaċ-ċittadini peress li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili interessati mir-regoli “supplimentari” mwettqa mill-komitoloġija jistgħu jkollhom diffikultajiet biex isegwu l-modifiki regolamentari suċċessivi tal-istrument oriġinali.

4.5.   Is-sitwazzjoni ssir aktar ikkumplikata jekk l-emendi regolatorji fir-realtà jkollhom ambitu li jmur lil hinn sew mill-kriterju tal-emenda “mhux fundamentali”, kunċett li jibqa’ mhux preċiż fir-rigward ta’ ċerti applikazzjonijiet. Dan huwa pereżempju l-każ tar-regolamentazzjoni l-ġdida relatata mal-prodotti tossiċi fl-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku. Iż-żieda jew it-tnaqqis ta’ sustanzi tossiċi mil-lista qed jiġu proposti skont il-proċedura bi skrutinju, iżda fl-Opinjoni tiegħu (18) l-Kumitat talab li fil-każ ta’ modifika tal-lista għandhom jiġu kkonsultati l-industriji u l-ħaddiema kkonċernati kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, u għandu jitwettaq valutazzjoni tal-impatt peress li dawn l-emendi jidhru li huma essenzjali f’dan il-mument ta’ din ir-regolamentazzjoni.

4.6.   B’dan il-kumment, li jista’ jikkonċerna ċerti prattiki, u jista’ jintuża fil-prattika mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu mmodifikati r-regoli attwali, il-Kumitat jista’ jaċċetta l-proposti tal-Kummissjoni.

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  L-Artikolu 5(a) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE emendata introduċa proċedura regolatorja bi skrutinju għal miżuri ta’ ambitu ġenerali mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inkluż billi jitneħħew uħud minn dawk l-elementi jew billi l-istrument jiġi ssupplimentat biż-żieda ta’ elementi ġodda mhux essenzjali.

(2)  COM(2008) 71 finali; COM(2007) 740 finali; COM(2007) 741 finali; COM(2007) 822 finali u COM(2007) 824 finali; ĠU C 224, 30.8.2008.

(3)  PE, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, Rapporteur: Monica Frassoni A6-0107/2008. Proposta għal deċiżjoni, premessa B.

(4)  ĠU L 173, 12.7.2000.

(5)  ĠU L 211, 4.8.2001.

(6)  ĠU L 49, 19.2.2004.

(7)  ĠU L 310, 25.11.2005.

(8)  ĠU L 161, 14.6.2006

(9)  ĠU L191, 22.07.2005.

(10)  ĠU L 210, 31.7.2006.

(11)  ĠU L 378, 27.12.2006.

(12)  ĠU L 234, 1.9.2001.

(13)  ĠU L 315, 19.11.2002.

(14)  ĠU L 157, 30.4.2004.

(15)  ĠU L 108, 24.4.2002.

(16)  ĠU L 105, 3.5.2000.

(17)  ĠU L 204, 11.8.2000.

(18)  COM (2008) 809 finali u CESE 1032/2009, 10.06.2009.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Valutazzjoni ta’ nofs il-perjodu dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-KE għall-bijodiversità

COM(2008) 864 finali

(2009/C 317/13)

Relatur: is-Sur RIBBE

Nhar is-16 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Valutazzjoni ta’ nofs il-perjodu dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-KE għall-bijodiversità

COM(2008) 864 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ Ġunju 2009. Ir-relatur kien is-Sur Ribbe.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tal-15 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’162 vot favur, 3 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jiddispjaċih ħafna li l-għan li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità sal-2010 mhux ser jintlaħaq.

1.2.   Però l-fatt li saru żviluppi pożittivi b’rabta ma’ ċerti ħabitats u speċijiet bis-saħħa tad-Direttiva dwar il-ħabitats u d-Direttiva dwar l-għasafar huwa inkoraġġanti. Dan juri li, jekk tintuża tajjeb, il-liġi Ewropea dwar il-konservazzjoni tan-natura taħdem.

1.3.   Madankollu, din mhix kapaċi twaqqaf il-fatt li barra ż-żoni ta’ protezzjoni qed ikomplu jintilfu bosta speċijiet minħabba prattiki ekonomiċi għalkollox legali. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tal-bijodiversità f’oqsma ta’ politika oħra għadha ’l bogħod milli tkun biżżejjed.

1.4.   Fil-fehma tal-KESE m’hemmx bżonn ta’ bidla fundamentali fl-għanijiet, iżda jeħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu aktar bis-serjetà l-għan li ġie stabbilit fl-2001 li nwaqqfu t-telf tal-bijodiversità u nibnu mill-ġdid il-ħabitats naturali, u li fil-ġejjieni jiddefendu dan l-għan b’mod aktar sod.

1.5.   Mil-lat tal-politika ekonomika, il-konservazzjoni tan-natura ħafna drabi titqies bħala xkiel jew theddida. S’issa l-argument li l-bijodiversità għandha valur ekonomiku għadu ma daħalx fil-prattika politika. Il-Kummissjoni hija mitluba tispjega kif beħsiebha ssolvi din il-problema, pereżempju fil-kuntest tad-dibattiti dwar it-tisħiħ tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni.

1.6.   L-eżempji ta’ żvilupp pożittiv li juru r-rabta mill-qrib bejn l-iżvilupp ekonomiku reġjonali u l-bijodiversità (bħat-turiżmu) għandhom jiġu kkomunikati aktar.

1.7.   Id-deċiżjoni tal-Kunsill li l-programm Natura 2000 jiġi ffinanzjat mill-Fondi Strutturali u mit-tieni pilastru tal-PAK ma kinitx effettiva. L-Istati Membri ftit li xejn qed jagħtu prijorità lill-konservazzjoni tan-natura u tal-bijodiversità fil-programmi rilevanti. Il-KESE jemmen li fil-perjodu ta’ finanzjament 2014-2020 għandu jkun hemm linja baġitarja speċifika għall-bijodiversità. Fil-programmi agrikoli u ambjentali għandu jerġa’ jiddaħħal l-element ta’ inċentiv.

1.8.   F’ħafna reġjuni u siti, bħax-xagħri, il-muntanji, iż-żoni tal-kosta, l-artijiet mimlija ħaxix, il-baċini tax-xmajjar, eċċ., il-protezzjoni u r-riġenerazzjoni tal-ħabitats naturali jgħinu b’mod konsiderevoli fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. Għandha tissaħħaħ aktar ir-rabta bejn il-politika tal-klima u l-politika tal-bijodiversità għandhom, minkejja l-fatt li jeżistu ħafna aktar raġunijiet għall-konservazzjoni tal-bijodiversità milli “sempliċement” il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.

1.9.   Sabiex l-ispeċijiet ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għall-bidla fil-kundizzjonijiet klimatiċi, irid ikun hemm rabta akbar bejn il-ħabitats tagħhom. Wieħed għandu jikkunsidra l-ħolqien ta’ “netwerk trans-Ewropew tan-natura”.

1.10.   Waħda mill-problemi ewlenin għall-konservazzjoni tan-natura hija l-fatt li kulma jmur qed tinbena dejjem aktar art, kemm għall-bini kif ukoll għat-toroq. Irridu nnaqqsu dan il-bini tal-art fl-Ewropa.

1.11.   Il-konservazzjoni tan-natura hija appoġġjata ħafna mis-soċjetà ċivili, però l-għarfien dwarha huwa limitat ħafna. Il-KESE jilqa’ l-fatt li sa fl-aħħar ser tingħata aktar attenzjoni lill-ħtieġa li wieħed jifhem ir-raġunijiet li jwasslu għat-tnaqqis tal-ispeċijiet u lill-promozzjoni tal-miżuri neċessarji biex jitwaqqaf dan it-tnaqqis. Fost dawn il-miżuri nsibu l-għoti ta’ informazzjoni aħjar lill-konsumatur dwar il-konsegwenzi ta’ ċerti proċessi tal-produzzjoni u l-iżvilupp ta’ prattiċi tal-produzzjoni sostenibbli.

2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

2.1.   Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni inkwetanti li minkejja l-pjan ta’ azzjoni għall-bijodiversità mħejji fl-2006, li kien fih 160 miżura, “huwa improbabbli ħafna […] li sal-2010 se jinkiseb l-għan globali tat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità fl-UE. Dan se jirrikjedi impenn addizzjonali sinifikanti mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tal-UE matul is-sentejn li ġejjin, jekk għandna biss nersqu qrib il-ksib tal-għan tagħna”. Sadanittant, il-Kummissarju Ewropew għall-ambjent Dimas stqarr li l-għan li t-telf tal-bijodiversità jitwaqqaf sal-2010 mhux ser jintlaħaq!

2.2.   It-telf tal-bijodiversità fil-livell dinji qed jitqies bħala “diżastruż”. Mhux biss qed jitwaqqfu l-proċessi naturali, iżda qed jinħolqu wkoll konsegwenzi ekonomiċi u soċjali koroh. Il-Kummissjoni tgħid li l-Ewropa hija responsabbli wkoll għall-proċessi negattivi globali. B’hekk, “kwistjonijiet ġodda, bħall-espansjoni tas-settur agrikolu biex dan jilħaq id-domanda dejjem tikber għall-ikel u l-emerġenza ta’ bejgħ fi swieq alternattivi bħall-bijofjuwils, saru l-isfidi ewlenin”.

2.3.   Għalkemm jeżistu diversi ir-raġunijiet għall-fatt li s’issa l-politika tal-bijodiversità falliet bil-kbir, fil-konklużjonijiet tal-valutazzjoni ta’ nofs il-perjodu l-Kummissjoni tiddeskrivi l-problema fil-qosor hekk: “L-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tal-bijodiversità fil-politiki settorjali l-oħra għadha sfida ewlenija”. Fattur deċiżiv li wassal għal stampa inkwetanti fil-valutazzjoni ta’ nofs il-perjodu huwa li matul l-aħħar snin ma sar l-ebda progress ġenwin fl-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tal-bijodiversità fil-politiki settorjali l-oħra.

2.4.   Ir-riżultati inizjali mill-ewwell “kontroll tas-saħħa” tal-pjan ta’ azzjoni għall-bijodiversità juru li 50 % tal-ispeċijiet, u possibbilment sa 80 % tat-tipi ta’ ħabitats, li skont id-Direttiva dwar il-ħabibtats (1) huma protetti u li huma ta’ interess għall-konservazzjoni Ewropea, għandhom “status ta’ konservazzjoni li mhux favorevoli”.

2.5.   Madankollu, qed naraw l-ewwel sinjali ta’ tendenzi pożittivi b’rabta ma’ ċerti speċijiet li huma protetti skont id-dispożizzjonijiet tal-Direttiva dwar il-ħabitats u/jew id-Direttiva dwar l-għasafar. It-tnaqqis ta’ xi speċijiet protetti jista’ jitwaqqaf: “jidher b’mod ċar li d-Direttiva għenet dawn l-ispeċijiet, b’mod partikolari permezz tad-denominazzjoni ta’ Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali (SPAs)”.

2.6.   Il-Kummissjoni tinnota li llum il-ġurnata n-netwerk NATURA 2000 jinkludi 25 000 żona ta’ protezzjoni, jiġifieri madwar 17 % tas-superfiċje totali tal-art tal-UE. It-tendenzi huma partikolarment negattivi lil hinn miż-żoni ta’ protezzjoni.

2.7.   Il-Kummissjoni tiddiskuti l-ewwel riżultati tal-istudju dwar l-ekonomija tal-ekosistemi u tal-bijodiversità (“The economics of ecosystems and biodiversity” (TEEB) (2) – ir-Rapport ta’ Sukhdev). Ir-riżultati ta’ dan ir-rapport jixbhu lil dawk tar-rapport ta’ STERN dwar il-bidla fil-klima: għandna nħarsu l-bijodiversità mhux biss minħabba raġunijiet etiċi u morali, iżda wkoll minħabba raġunijiet ekonomiċi. “It-telf ta’ bijodiversità u ekosistemi huwa theddida għall-funzjonament tal-pjaneta, l-ekonomija tagħna u s-soċjetà tal-bniedem. It-telf annwali ta’ benesseri ġġenerat mit-telf tas-servizzi tal-ekosistema sal-2050 f’xenarju fejn ‘kollox jibqa’ għaddej bħas-soltu’ ġie stmat għal 6 % tal-PGD”.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Għall-ewwel darba, l-UE qed tistqarr b’mod pubbliku li waħda mill-wegħdiet ambjentali ewlenin li l-kapijiet ta’ Stat jew Gvern u l-Kummissjoni għamlu liċ-ċittadini, jiġifieri li jwaqqfu t-telf tal-bijodiversità sal-2010, mhux ser tinżamm.

3.2.   Il-KESE mhux sorpriż b’din l-istqarrija għaliex għalkemm fl-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta’ azzjoni huwa qabel mal-analiżi kritika tal-Kummissjoni u għaraf li l-160 miżura proposta kienu fundamentalment ġusti u meħtieġa, huwa ddubita bil-kbir kemm id-dipartimenti tal-gvern, il-politiki u l-politiċi li ma kinux involuti b’mod dirett fil-politika tal-bijodiversità kienu ser jaħdmu bis-serjetà u jagħmlu l-isforzi meħtieġa. Sfortunatament, dan id-dubju issa ġie kkonfermat.

3.3.   B’xorti ħażina, illum il-ġurnata l-fehmiet tal-KESE dwar il-pjan ta’ azzjoni għall-bijodiversità għadhom jgħoddu daqs kemm kienu jgħoddu sentejn ilu, meta ġew adottati fis-sessjoni plenarja. Dak iż-żmien il-Kumitat kien qal hekk (3):

Il-KESE u l-Kummissjoni jaqblu fid-deskrizzjoni tagħhom tas-sitwazzjoni. Il-konservazzjoni tal-bijodiversità hija kompitu ewlieni essenzjali u mhux sempliċement obbligu etiku u morali. Jeżistu biżżejjed raġunijiet ekonomiċi għaliex hemm bżonn tittieħed azzjoni minnufih b’mod effettiv. Illum it-telf ekonomiku li jirriżulta mit-tnaqqis fis-servizzi tal-ekosistema diġà huwa stmat li jammonta għal diversi biljuni ta’ euro. Din hija ħela li l-ekonomiji tagħna ma jifilħux għaliha.

It-tnaqqis tal-ispeċijiet fl-Ewropa huwa r-riżultat ta’ miljuni ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar għexieren ta’ snin, deċiżjonijiet li kważi kollha ttieħdu fil-qafas tal-leġiżlazzjoni li diġà teżisti. Is-sehem tal-miżuri illegali fit-tnaqqis tal-bijodiversità fl-Ewropa huwa żgħir ħafna.

Minkejja l-wegħdiet politiċi li saru, sfortunatament l-iżvilupp tal-bijodiversità għadu negattiv u hawnhekk wieħed ma jistax iwaħħal fin-nuqqas ta’ għarfien dwar kif jista’ jiġi indirizzat it-tnaqqis tal-ispeċijiet. S’issa għad ma kienx hemm ir-rieda politika li jiġu implimentati l-miżuri li ilhom meqjusa meħtieġa għal snin twal. L-esperjenzi li nkisbu min-netwerk NATURA 2000 jitkellmu waħedhom.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tidentifika tajjeb ħafna r-raġunijiet li jwasslu għal din is-sitwazzjoni, u dawn “jinkludu n-nuqqas ta’ kontroll, u n-nuqqas ta’ ekonomija konvenzjonali biex tirrikonoxxi l-valur ekonomiku tal-kapital naturali u tas-servizzi tal-ekosistemi”.

Għalhekk, il-futur ser jgħidilna jekk bis-saħħa ta’ dan il-programm ta’ azzjoni l-politika hux ser tkun b’saħħitha biżżejjed biex twassal għall-“bidliet sostanzjali” li huma tant meħtieġa, jew inkella jekk il-biża’ ta’ bosta ekoloġisti hux ser isir realtà, jiġifieri li l-politiċi jerġgħu jiddiskutu qasam wiesa’ immens tal-politika soċjali, iżda jieqfu sal-wegħdiet bil-kliem.

Għal din ir-raġuni, fil-fehma tal-KESE huwa importanti ħafna li l-qasam ta’ politika numru 4, jiġifieri t-titjib tal-bażi tal-għarfien, jingħata prijorità sabiex iċ-ċittadini u l-politiċi jkunu konxji tal-konsegwenzi reali tal-azzjonijiet tagħhom.

3.4.   Fil-Komunikazzjoni attwali tagħha l-Kummissjoni tikkonferma bosta fatturi li kienu ġew identifikati dak iż-żmien u li qed ikomplu jikkontribwixxu għat-telf tal-bijodiversità. Għaldaqstant, f’dan il-każ m’hemm bżonn tal-ebda opinjoni fundamentalment ġdida min-naħa tal-KESE. Fil-fatt, il-KESE ser jindirizza dawk l-aspetti li huma ġodda jew li nbidlu minn sentejn ilu ’l hawn.

4.   Kummenti speċifiċi

Il-qafas leġiżlattiv u l-gvernanza

4.1.   Matul l-aħħar snin ħareġ fid-dieher li d-direttivi Ewropej marbuta mal-konservazzjoni tan-natura huma adatti ħafna biex jixprunaw l-iżvilupp pożittiv, jekk jintużaw tajjeb u jekk wieħed jindirizza tajjeb il-preokkupazzjonijiet tas-sidien (4). Però l-KESE jinnota wkoll li fiż-żoni N2000 għad fadal ħafna problemi li għandhom jiġu solvuti. Barra minn hekk, 17 % tas-superfiċje “biss” hija protetta mid-direttivi rilevanti tal-UE.

4.2.   Billi issa, wara ħafna dewmien, in-netwerk NATURA 2000 daqt ser jiġi stabbilit, il-konservazzjoni tan-natura dieħla f’fażi ġdida. Iridu jitħejjew pjanijiet ta’ ġestjoni għaż-żoni magħżula. Il-KESE jiddubita kemm l-Istati Membri diġà għandhom il-persunal u l-fondi meħtieġa għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjanijiet fil-livell nazzjonali. Huwa importanti li dawn il-pjanijiet jitħejjew b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-gruppi soċjali kkonċernati kollha. Hekk biss jistgħu jiġu aċċettati.

4.3.   Minħabba l-pressjoni qawwija fuq l-art – kif tiddeskrivi tajjeb ħafna l-Kummissjoni – il-kwistjoni dwar il-possibbiltà li l-bijotopi meqruda jiġu riġenerati b’mod estensiv għadha miftuħa. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fis-Summit ta’ Göteborg il-kapijiet ta’ Stat jew Gvern mhux biss wiegħdu li jwaqqfu t-telf tal-bijodiversità sal-2010 iżda wkoll li jirriġeneraw il-ħabitats u s-sistemi naturali. Il-valutazzjoni ta’ nofs il-perjodu ma tgħid xejn dwar dan.

4.4.   In-netwerk NATURA 2000 bil-kemm għadu ġie stabbilit u diġà bdew id-diskussjonijiet dwar kif ser jinħarġu xi żoni jew siti minn dan in-netwerk, u dan isir l-aktar għal proġetti ta’ infrastruttura li ħafna minnhom jiġu kofinanzjati mill-UE. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni titkellem dwar l-aktar eżempju magħruf: il-wied ta’ Rospuda fil-Grigal tal-Polonja. Għalkemm il-gvern Pollakk il-ġdid qed ifittex alternattivi għar-rotot tal-Via Baltica, huwa ċar daqs il-kristall li għadna ’l bogħod milli nsolvu l-kunflitt bejn il-konservazzjoni tan-natura minn banda, u l-iżvilupp ekonomiku mill-banda l-oħra.

4.5.   Għaldaqstant, m’hemmx dubju li fis-snin li ġejjin id-dipartimenti tal-UE ser iħabbtu wiċċhom ma’ mewġa ta’ applikazzjonijiet għal “eżenzjonijiet” bħal din. Bħalissa l-KESE ma jħossx li l-Kummissjoni għandha l-persunal meħtieġ sabiex tindirizza din l-isfida, kemm mil-lat tal-kontenut kif ukoll mil-lat amministrattiv.

4.6.   Fl-opinjoni tiegħu dwar il-pjan ta’ azzjoni għall-bijodiversità, il-KESE diġà saħaq li l-bijodiversità tal-pajsaġġi maħluqa mill-bniedem qed tkompli tintilef, u dan qed isir b’konformità mal-“prattiki t-tajba” u ma’ dawk li fil-liġijiet tal-UE qed jissejħu “kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin”, jiġifieri t-telf tal-bijodiversità qed isir b’konformità mal-liġijiet u mhux permezz ta’ ksur tal-liġijiet. Dan mhux aċċettabbli.

4.7.   Għal din ir-raġuni, jeżistu bosta dibattiti dwar l-hekk imsejħa “kriterji tal-kundizzjonalità” (cross-compliance criteria). Flimkien mal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin kif ukoll il-prattiki t-tajba, dawn il-kriterji għandhom jaraw li l-aspetti tal-bijodiversità jitqiesu. Madankollu, jekk ħafna mill-bijodiversità qiegħda tintilef mingħajr ma jinkisru l-liġijiet attwali, huwa loġiku li jinqalgħu ħafna dibattiti kontroversjali dwar dawn il-kriterji. Fir-rapport speċjali tagħha, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri wkoll ressqet kummenti li jmorru f’din id-direzzjoni. Kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni issa jridu jirreaġixxu.

4.8.   Bosta drabi dan jgħodd ukoll għal-liġijiet proposti li mal-ewwel daqqa t’għajn ma jidhrux direttament relatati mal-bijodiversità. Bħala kontribut għall-ġlieda kontra l-BSE/TSE, ir-Regolament 1774/2002 jipprojbixxi li l-annimali mejtin jitħallew barra. Din id-deċiżjoni wasslet għal nuqqas kbir ta’ ikel għall-annimali li jieklu l-karonja, bħall-ilpup, l-orsijiet jew l-avultuni. Il-fatt li issa f’daqqa waħda dan l-għasfur tant rari qed jidher ’il bogħod mill-ħabitat tiegħu mhux sinjal pożittiv, iżda jindika biss li l-ġuħ qed iġiegħel lil dawn l-annimali jmorru ’l bogħod ħafna mill-ħabitat tagħhom. L-għaqdiet ambjentali u Membru tal-Parlament Ewropew Spanjola kienu ġibdu l-attenzjoni għal din il-problema fil-leġiżlazzjoni, però l-Kummissjoni damet wisq biex ħadet azzjoni. Jidher li għadha ma saritx valutazzjoni tal-impatt preliminari dwar il-bijodiversità.

Il-konsegwenzi politiċi/finanzjament

4.9.   Il-kunflitt bejn l-użu ekonomiku tal-art u l-konservazzjoni tan-natura u l-ispeċijiet għadu ma ġiex solvut, speċjalment lil hinn miż-żoni ta’ protezzjoni. Il-Kummissjoni tistqarr li b’rabta ma’ dan hija għamlet diversi proposti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-istat ta’ saħħa tal-politika agrikola; ipproponiet pereżempju, “li jkun hemm id-disponibbiltà ta’ finanzjament addizzjonali għall-iżvilupp rurali għal, fost l-oħrajn il-bijodiversità, permezz ta’ trasferiment addizzjonali ta’ flus mill-ewwel għat-tieni pilastru tal-PAK (jiġifieri l-modulazzjoni)”. B’xorti ħażina l-Kunsill m’adottax il-proposti kollha fid-deċiżjoni tiegħu. Jidher li l-Istati Membri mhumiex qed jagħmlu ħilithom biżżejjed biex jieħdu l-miżuri li skont l-UE huma meħtieġa.

4.10.   Waħda mill-problemi li għandhom jissolvew hija l-finanzjament tan-netwerk N2000, inkluż il-kumpens tal-kundizzjonijiet speċjali. Il-KESE jinsab inkwetat ħafna li wara li jfasslu l-programmi tagħhom, l-Istati Membri jkollhom ftit wisq flus biex jiffinanzjaw il-proġett NATURA 2000 u dan joħloq kunflitti estremi. Għaldaqstant, il-KESE jemmen li fil-perjodu ta’ finanzjament 2014-2020 għandu jkun hemm linja baġitarja speċifika għall-bijodiversità.

4.11.   B’mod ġenerali, il-Kumitat iħeġġeġ bil-kbir li l-konservazzjoni tan-natura tiġi ffinanzjata aħjar u b’mod aktar immirat. Fl-opinjoni tiegħu dwar il-pjan ta’ azzjoni għall-bijodiversità diġà saħaq li:

il-ħlasijiet diretti lill-bdiewa, li jagħmlu l-parti l-kbira tal-baġit għall-biedja, mhumiex maħsuba biex jippromovu l-bijodiversità iżda biex iħejju lill-bdiewa għall-isfidi tas-swieq dinjija;

sakemm il-kundizzjonijiet tas-suq dinji jibqgħu jxekklu l-attivitajiet agrikoli li jikkonformaw mal-għanijiet tal-konservazzjoni tan-natura, ser ikollhom jibqgħu jsiru sforzi politiċi speċjali, bħaż-żieda fl-għajnuna għall-miżuri agrikoli u ambjentali sabiex il-bdiewa kollha tal-UE jiġu mħeġġa jużaw metodi ta’ produzzjoni li jirrispettaw l-ambjent (5). Anke hawnhekk għadna ’l bogħod mill-wegħdiet sbieħ li saru.

4.12.   Il-Kummissjoni hija mitluba tiċċara l-affarijiet fil-kuntest tar-riforma tal-PAK li ser issir u fil-baġit. Il-programmi agrikoli u ambjentali jistgħu jirnexxu biss jekk joffru inċentivi ekonomiċi lill-bdiewa. Kien pass ħażin li tneħħa l-element ta’ inċentiv, u għalhekk għandu jerġa’ jiġi kkunsidrat. Il-messaġġ politiku għall-bdiewa (u għas-soċjetà) għandu jkun li aħna, bħala soċjetà, nagħtu importanza lill-fatt li l-biedja tagħmel aktar għall-konservazzjoni tal-bijodiversità minn dak li hu stipulat fil-liġi!

4.13.   Fl-Istati Membri qed isiru l-ewwel diskussjonijiet dwar kif tista’ tkompli tiġi żviluppata l-politika agrikola. Dawn huma rilevanti għall-bijodiversità – fil-livell nazzjonali, Ewropew u dinji – billi huwa ppjanat li s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jintużaw aktar. Il-Kummissjoni Ewropea tinnota li, “sfida ewlenija se tkun li jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet li jsiru fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt fuq is-Sostennibbiltà (SIAs) jiġu attwati u li jitjieb l-għarfien tagħna dwar l-impatt tal-konsum tal-ikel u l-komoditajiet li mhumiex ikel tal-UE (eż. laħam, fażola tas-soja, żejt tal-palm, metalli minerali) li x’aktarx li jikkontribwixxu għat-telf tal-bijodiversità. Dan jista’ jwassal biex jitqiesu għażliet ta’ politika għat-tnaqqis ta’ dan l-impatt.” Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem bis-sħiħ fuq l-istudji rilevanti.

4.14.   B’hekk ir-riforma tal-PAK wara l-2013 ser turi jekk hux possibbli li l-konservazzjoni tan-natura u s-sostenibbiltà fil-politika agrikola jissaħħu.

Aspetti ġenerali u ekonomiċi

4.15.   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-konservazzjoni koerenti tan-natura tista’ tgħin sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika dwar il-bidla fil-klima. Pereżempju, il-protezzjoni u r-riġenerazzjoni tax-xagħri u ż-żoni umidi jikkontribwixxu b’mod effiċjenti fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. L-istess jgħodd għall-użu tad-diversi tipi ta’ artijiet bil-ħaxix fl-Ewropa (bħad-Dehesas fil-peninsula Iberika). Madankollu, matul l-aħħar snin ħafna mill-attivitajiet agrikoli li huma meħtieġa biex jinżammu dawn il-ħabitats saru dejjem inqas attraenti mil-lat ekonomiku għall-bdiewa. Il-bijodiversità m’għandha l-ebda valura fis-suq! Il-prezzijiet ma jirriflettux kemm il-prodott ikun il-frott ta’ proċess li jirrispetta n-natura. S’issa l-politika tal-UE u tal-Istati Membri għadha ma tat l-ebda tweġiba xierqa għal din il-kwistjoni.

4.16.   Pereżempju, f’Mejju 2006, jiġifieri fl-istess xahar li l-Kummissjoni ppubblikat il-pjan ta’ azzjoni għall-bijodiversità, 15 mis-16-il stat federali tal-Ġermanja talbu li ssir bidla fid-direttivi dwar il-konservazzjoni tan-natura b’tali mod li jiddgħajfu. Il-Land ta’ Hessen, b’mod partikolari, baqgħet tinsisti li ssir din il-bidla għaliex, fost affarijiet oħra, mil-lat ekonomiku l-ebda pajjiż industrijalizzat ma jiflaħ għal kundizzjonijiet tant stretti b’rabta mal-konservazzjoni tan-natura. Dan juri li ħafna politiċi għandhom mhux konxji tal-valur ekonomiku tal-bijodiversità.

4.17.   Ta’ min jinnota li s-soċjetà u l-politiċi kważi ma ħadu l-ebda azzjoni fid-dawl tal-istimi tar-rapport TEEB, li jgħid li t-telf tal-bijodiversità kapaċi jnaqqas il-PGD globali b’6 %, filwaqt li l-kriżi finanzjarja u ekonomika naqqset il-PGD b’ħafna inqas u xorta waħda wasslet għal summit dwar il-kriżi u programmi ta’ rkupru li jiswew biljuni ta’ flus. Waħda mir-reponsabbiltajiet importanti tal-Kummissjoni ser tkun li tagħmel lin-nies konxji tal-valur ekonomiku – flimkien ma’ dak etiku u morali – tal-bijodiversità, u li ddaħħal dan il-valur fil-prattika politika.

4.18.   Fl-Istati Membri għadha teżisti pressjoni qawwija fuq il-bijodiversità: waħda mill-problemi ewlenin għall-konservazzjoni tan-natura hija l-fatt li kulma jmur qed tinbena dejjem aktar art, kemm għall-bini kif ukoll għat-toroq. L-art għadha qed tintuża wisq u l-pressjoni fuq il-pajsaġġ qiegħda tkompli tikber. Hemm ir-riskju li l-kundizzjonijiet tal-konservazzjoni tan-natura jitwarrbu fil-ġenb.

Informazzjoni/komunikazzjoni

4.19.   F’punt E. 4 (“Il-bini tal-edukazzjoni pubblika, is-sensibilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni”), il-Kummissjoni tgħid li, “minoranza biss minn fost iċ-ċittadini tal-UE kkunsidrat li kienet infurmata b’mod tajjeb dwar is-suġġett tat-telf tal-bijodiversità”. X’aktarx l-istess ħaġa tista’ tingħad għall-politċi u l-impjegati taċ-ċivil. Dan il-punt tat-tluq xejn mhu xieraq sabiex il-politika tirnexxi. Jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri issa qed jikkunsidraw “azzjonijiet prijoritarji għal kampanja ta’ komunikazzjoni pubblika li se tiġi mnedija bħala sostenn għal kampanji nazzjonali u kampanji oħra”, dawn jistgħu jorbtu fuq l-appoġġ sħiħ tal-KESE.

4.20.   Illum il-ġurnata jeżistu bosta inizjattivi biex jagħmlu lin-nies konxji, anke fil-bliet fejn ħafna drabi n-nies ftit li xejn ikollhom aċċess dirett għan-natura. Dawn qed jingħataw aktar appoġġ mill-gvern. Darba fis-sena f’Berlin, pereżempju, isir avveniment imsejjaħ “Jum Twil tan-Natura fil-Belt”, li jiġbed mijiet ta’ eluf ta’ nies.

4.21.   Il-Kumitat jemmen li huwa importanti li ċ-ċittadini jiffaċċjaw b’mod kemm jista’ jkun konkret u dirett il-kwistjonijiet marbuta mal-konservazzjoni tan-natura. Pereżempju, tajjeb li wieħed jitkellem man-nies fil-livell lokali dwar fejn huma ż-żoni ta’ NATURA 2000 u għaliex, kif ukoll dwar liema speċijiet jinsabu f’dawn iż-żoni, kif jistgħu jiġu protetti, u minn min. In-nies iridu jgħixu u jifhmu l-konservazzjoni tan-natura fil-veru sens tal-kelma. Il-kunċett tal-“bijodiversità” bil-kemm jifhmuh in-nies, u għalhekk jista’ jagħti l-każ li n-nies ma jkunux jafu x’għandhom jagħmlu.

4.22.   Sabiex il-konsumatur jiġi infurmat, il-KESE jħeġġeġ li l-produtturi jingħataw il-possibbiltà li fuq it-tikketta tal-prodott jiktbu li dan sar b’metodi ta’ produzzjoni speċjali li jirrispettaw il-konservazzjoni tan-natura.

Jeħtieġ li ċ-ċittadini jieħdu sehem b’mod attiv fil-ħarsien tal-ambjent u fil-preservazzjoni tal-bijodiversità. Mhux biżżejjed li l-Kummissjoni tagħmel il-kampanji biex tippromovi stil ta’ ħajja sostenibbli. Għandhom jitfasslu wkoll strateġiji li joffru lill-konsumaturi strumenti prattiċi biex ikejlu l-impatt tal-azzjonijiet ta’ kuljum tagħhom, u b’hekk f’każ ta’ bżonn ibiddlu l-mudelli tal-konsum tagħhom.

Fost il-miżuri jista’ jkun hemm:

l-introduzzjoni ta’ lezzjonijiet b’kontenut prattiku dwar il-protezzjoni tal-ambjent u l-bijodiversità fil-kurrikuli tal-iskejjel; u

l-iżvilupp ta’ strumenti li jkejlu l-impatt tal-konsum ta’ ċertu ikel fuq il-bijodiversità (permezz ta’ basket tax-xirja bi prodotti li jintużaw ta’ kuljum u prodotti oħra li jista’ jkun hemm fix-xirja) fuq il-bażi tal-metodu tal-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja.

Brussell, 15 ta’ Lulju 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (Direttiva dwar il-ħabitats, il-flora u l-fawna).

(2)  http://ec.europa.eu/environment/nature/biodiversity/economics/pdf/teeb_report.pdf

(3)  ĠU C 97, 28.4.2007, p. 6 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  ĠU C 97, 28.4.2007, p. 6 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  “Il-qagħda tan-natura u tal-konservazzjoni tan-natura fl-Ewropa”, ĠU C 221, 7.8.2001, p. 130-137 (mhux disponibbli bil-Malti).


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/80


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni

COM(2008) 435 finali/2

(2009/C 317/14)

Relatur: Is-Sur SIMONS

Nhar it-8 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni

COM(2008) 435 finali/2.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Mejju 2009. Ir-relatur kien is-Sur Simons.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju (seduta tal-15 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 133 vot favur, 6 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Il-Kumitat jinnota li l-Kummissjoni għamlet bosta sforzi għat-tħejjija tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-modi kollha tat-trasport. Għalkemm il-Kumitat jirrikonoxxi dawn l-isforzi, partikolarment minħabba d-diffikultà ta’ dan il-proġett, xorta josserva li għad fadal numru ta’ ostakli x’jiġu megħluba, l-aktar mil-lat tal-applikazzjoni prattika tal-mudell. Għalhekk jeħtieġ li, fil-kuntest ta’ din l-applikazzjoni, din tiġi appoġġjata b’mod ġenerali mis-soċjetà.

1.2.   L-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għandha tnaqqas it-tniġġis u l-ħsarat li ġejjin minn kull wieħed mill-modi tat-trasport li jeżistu bħalissa.

1.3.   Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex mill-bidu nett tiżgura li intrapriżi tat-trasport minn pajjiżi terzi jiġu integrati sew fl-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni sabiex jiġi evitat li jitpoġġew f’sitwazzjoni iktar favorevoli.

1.4.   Is-sitwazzjoni attwali, fejn l-ispejjeż esterni mhumiex attribwiti lill-modi differenti ta’ trasport u l-utenti tagħhom, tagħti vantaġġ kompetittiv lill-modi ta’ trasport li jiġġeneraw spejjeż esterni għoljin. L-internalizzazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż tippermetti min-naħa tagħha li tiġi garantita kompetizzjoni b’saħħitha li tista’ twassal għal bidla lejn modi ta’ trasport iktar ekoloġiċi. Il-Kumitat iqis li huwa importanti li ssir komunikazzjoni ħafna iktar b’saħħitha dwar dan il-prinċipju, billi dan jista’ jwassal ukoll għal modifiki fl-istruttura tal-operaturi u tal-utenti tas-settur tat-trasport.

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li temmen li jkun aħjar jekk jinħoloq qafas fil-livell Komunitarju. Huwa tal-fehma wkoll li l-ebda Stat Membru m’għandu jipprova jibqa’ barra minn dan il-qafas.

1.5.1.   Skont il-Kumitat, hemm lok biex f’dan il-qafas tiġi integrata sensiela ta’ kondizzjonijiet ġenerali (pereżempju l-ammont tal-ispejjeż – li għandu jkun ibbażat fuq il-livell tal-għajxien – b’divrenzjar skont iż-żona iktar mill-pajjiż, u bi perijodi differenti li għalihom għandhom jiġu sodisfati, f’ċerti limiti, l-ispejjeż li jridu jitħallsu sabiex l-ispejjeż esterni jiġu newtralizzati.

1.5.2.   L-awtoritajiet kompetenti għall-ispejjeż, pereżempju Stat Membru jew awtorità lokali jew reġjonali, se jkollhom imbagħad jistabbilixxu t-tariffa, fil-limiti diġà msemmija, skont l-għarfien dettaljat tagħhom dwar is-sitwazzjoni lokali.

1.6.   Il-Kumitat iqis li huwa urġenti li l-Kummissjoni tressaq, anki waqt il-kriżi, proposti konkreti rigward dan il-qafas Ewropew għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għall-modi kollha tat-trasport, u jipprevedi li dan il-qafas jiġi żviluppat aktar kif ukoll implimentat mill-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea. Naturalment, il-proposti għandhom ikunu jistgħu jiddependu fuq l-appoġġ tas-soċjetà u tal-modi tat-trasport, u għandhom iqisu l-kwistjonijiet b’kuxjenza ambjentalista. Il-pagamenti jew l-imposti li se jkunu dovuti għandhom ikunu marbuta mal-użu u mhux mas-sjieda tal-mezzi tat-trasport.

1.7.   Jekk l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tiġi implimentata fil-prattika, il-Kumitat huwa tal-fehma li d-dħul minn din, b’konformità mar-regoli baġitarji nazzjonali, għandu jintuża għal miżuri sabiex jitnaqqsu, kemm jista’ jkun mis-sors, l-effetti esterni tal-modi tat-trasport, bħalma huma d-danni ambjentali direttament relatati jew it-trattament mediku meħtieġ.

2.   Daħla

2.1.   Il-kwistjoni tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni mhijiex waħda ġdida. L-ekonomisti Ingliżi Pigou (fl-1924) u Coase (fl-1960) kienu żviluppaw teoriji dwar il-mod kif l-ispejjeż ta’ effetti esterni pożittivi u negattivi jistgħu jiġu inkorporati permezz ta’ ffissar ta’ prezz fil-mekkaniżmu tas-suq: il-mekkaniżmu ta’ Pigou kien jinvolvi sussidji u tariffi; Coase kien issuġġerixxa li jiġu negozjati d-drittijiet tal-proprjetà; għalkemm dan kollu fuq bażi ta’ ċerti kondizzjonijiet stretti (spejjeż ta’ tranżazzzjoni baxxi jew negliġibbli, id-danni għandhom jitkejlu, u n-numru tal-parteċipanti għandu jkun limitat).

2.2.   It-traffiku, jiġifieri l-moviment gwidat ta’ vetturi tul l-infrastrutturi tat-trasport, iġib miegħu effetti esterni wkoll. Fejn in-numru ta’ parteċipanti jkun kbir, bħal pereżempju fil-każ tat-trasport intern, l-approċċ ta’ Pigou huwa aħjar b’mod partikulari peress li, meta dan jiġi applikat għal spejjeż esterni marġinali, ikun hemm allokazzjoni effiċjenti.

2.3.   Il-kwistjoni tal-internalizzazzjoni kienet tqajmet fil-kuntest tal-KEE lejn l-aħħar tas-snin sittin; iżda, minħabba l-qagħda fil-progress tat-teorija ekonomika ta’ dak iż-żmien, ma kienx għadu possibbli li jiġi evalwat kemm dawn l-effetti jistgħu jiġu kkalkolati u pprezzati b’mod preċiż fil-prattika. L-għan dak iż-żmien kien li jiġu kkoreġuti l-kundizzjonijiet li ma kinux meqjusa ugwali tal-kompetizzjoni bejn il-modi tat-trasport.

2.4.   Iżda l-affarijiet jinbidlu. Tista’ ssir referenza, pereżempju, għall-Green Paper tal-1995 bit-titolu “Lejn prezzar ġust u effikaċi fit-trasport”, għall-White Paper ippubblikata fl-1998 bit-titolu “Tariffi ġusti għall-użu tal-infrastrutturi: approċċ fi stadji għat-twaqqif ta’ qafas komuni fil-qasam tat-tariffi għall-infrastrutturi tat-trasport fl-UE”, għal dik, ippubblikata fl-2001, dwar it-tema tal-“Politika Ewropea tat-trasport sal-2010: il-mument tal-għażla”, jew inkella għar-reviżjoni ta’ nofs il-perijodu ta’ dan l-istess dokument, li saret fl-2006.

2.5.   Fl-2006, il-Kummissjoni kienet intalbet (1), tressaq, mhux aktar tard mill-10 ta’ Ġunju 2008, wara li teżamina l-aspetti kollha, inklużi l-ispejjeż relatati mal-ambjent, l-istorbju, it-traffiku u s-saħħa, (…) mudell universali, trasparenti u li jinftiehem għall-valutazzjoni tal-ispejjeż esterni kollha, li għandu jservi ta’ bażi għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-infrastruttura. Il-mudell huwa akkumpanjat minn analiżi tal-impatt tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għall-modi kollha tat-trasport u bi strateġija għall-implimentazzjoni pass pass tal-mudell għall-modi kollha tat-trasport.

2.6.   L-għan kien li jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni għall-modi kollha tat-trasport, b’mod li jiġi ffissat prezz xieraq għall-utenti kollha li se jġorru l-piż tal-ispejjeż reali li joħolqu huma stess. B’hekk dawn isiru aktar konxji mill-konsegwenzi tal-azzjoni tagħhom b’mod li jkunu jistgħu jibdlu l-imgiba tagħhom sabiex inaqqsu dawn l-ispejjeż esterni.

2.7.   F’bosta opinjonijiet adottati fil-passat, il-Kumitat kien diġà eżamina l-kwistjoni tal-kalkolu tal-ispejjeż esterni. F’opinjoni tal-1996 il-Kumitat wera li l-infrastruttura differenti u l-ispejjeż esterni tal-modi differenti tat-trasport jistgħu jwasslu għal kompetizzjoni inġusta jekk dawn ma jiġux attribwiti kompletament. Fil-fatt, fl-opinjoni dwar il-White Paper li ħarġet fl-2001, kien wera li jaqbel mal-objettiv li l-azzjoni Komunitarja tissostitwixxi gradwalment it-taxxi eżistenti tas-sistema tat-trasport bi strumenti aktar effettivi għall-integrazzjoni tal-ispejjeż tal-infrastruttura u l-ispejjeż esterni.

2.8.   Fl-opinjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-White Paper ippubblikata fl-2001, il-Kumitat wera l-qbil tiegħu dwar l-approċċ modifikat li adottat il-Kummissjoni meta nbidlet minn politika li tiffoka fuq trasferiment modali obbligatorju għal proċedura msejħa “komodalità” (2), li timplika li kull mod ta’ trasport jiġi ottimizzat biex dan isir aktar kompetittiv, aktar sostenibbli, aktar vantaġġuż, aktar soċjali, aktar sigur, u li jirrispetta aktar l-ambjent, u dan kollu se jippermetti biex il-kombinazzjonijiet bejn il-modi jiżdiedu u jittejbu.

2.9.   F’dan il-kuntest, il-Kumitat huwa tal-fehma li kull mod ta’ trasport (3) għandu jkun responsabbli għall-ispejjeż kollha tiegħu.

2.10.   Il-Kumitat ippubblika wkoll bosta opinjonijiet dwar il-kwistjoni tat-trasport urban sostenibbli, b’mod speċjali dwar il-“Green Paper: Lejn kultura ġdida għall-mobiltà urbana” (4) dwar it-tema “It-taħlita enerġetika fit-trasport” (5). Ġiet miżjuda dimensjoni oħra fil-mod kif il-Kumitat iħares lejn il-kwistjoni. Il-prinċipju “l-utent iħallas” sar “min iniġġes iħallas”, jew jekk jagħti l-każ, “min juża jħallas”.

2.11.   L-użu tal-prinċipju tat-“tariffikazzjoni għall-ispiża soċjali marġinali” bħala prinċipju ġenerali għall-internalizzazzjoni huwa wkoll il-qofol tal-istrateġija li qed tiġi proposta llum.

2.12.   Dan il-prinċipju jfisser li l-prezzijiet tat-trasport għandhom ikunu ekwivalenti għall-ispiża supplimentari li jikkaġuna utent addizzjonali tal-infrastruttura. Fit-teorija, dawn l-ispejjeż supplementari għandhom jinkludu l-ispejjeż tal-utent kif ukoll l-ispejjeż esterni, iwasslu għal użu effikaċi tal-infrastrutturi u jistabbilixxu linja diretta bejn l-użu tar-riżorsi komuni u s-servizzi tat-trasport. Tariffa stabbilita fuq il-bażi ta’ spiża soċjali marġinali twassal ukoll għal użu effikaċi tal-infrastruttura eżistenti (6).

2.13.   Skont il-Kumitat, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tas-soċjetà jista’ jkollha konsegwenzi. Għalhekk huwa essenzjali li l-imsieħba soċjali jiġu involuti fid-diskussjoni fil-fażi l-aktar bikrija possibbli sabiex jaqsmu l-ideat tagħhom dwar il-mod kif se ssir l-implimentazzjoni fis-setturi differenti.

3.   Sintesi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u tal-konklużjonijiet tal-Kunsill

3.1.   Fil-kuntest tal-pakkett imsejjaħ “Nagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku” – li jinkludi komunikazzjoni ġenerali, proposta li temenda d-Direttiva tal-Eurovignette, komunikazzjoni dwar il-miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju maħsuba għall-flotta eżistenti u komunikazzjoni ta’ strateġija – il-Kummissjoni beħsiebha tinkorpora l-ispejjeż esterni (CO2, tniġġis fl-arja, storbju u konġestjoni) fil-prezz tat-trasport, sabiex l-utenti jġorru l-ispejjeż li joħolqu huma stess.

3.2.   Jibqgħu jinħtieġu azzjonijiet oħra, bħal politika dwar is-sorsi tal-enerġija, inizjattivi li jikkonċernaw is-suq intern, kif ukoll il-promozzjoni tal-innovazzjoni teknoloġika. Id-dħul minn dan għandu jiġi investit għat-tnaqqis tal-ispejjeż esterni, pereżempju billi jsir investiment fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, fl-infrastrutturi li jirrispettaw l-ambjent u fl-iżvilupp tat-trasport pubbliku. Għandha ssir evalwazzjoni fl-2013.

3.3.   Waqt il-laqgħa tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill diġà kien spjega li hemm bżonn li, fir-rigward tal-modi differenti tat-trasport, jiġi adottat approċċ gradwali, ġust, effikaċi u bbilanċjat li jkun newtrali mil-lat teknoloġiku. Kien ħa nota wkoll li l-Kummissjoni kienet ipproponiet l-2013 bħala s-sena fejn issir l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-istrateġija. Il-Kunsill ikompli billi jgħid li l-konformità ma’ dawn il-prinċipju hija prekondizzjoni sabiex jiġi żgurat l-appoġġ pubbliku għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni ilha attiva f’dan il-qasam sa mill-2006. Wara li ħejjiet konsultazzjoni pubblika u organizzat diversi workshops mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni ressqet proposta relatata mat-twaqqif ta’ qafas komuni għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, wettqet evalwazzjoni tal-impatt u fasslet strateġija għall-internalizzazzjoni gradwali tal-ispejjeż esterni għal kull mod ta’ trasport.

4.2.   Fil-qosor, il-Kummissjoni wettqet numru ta’ ħidmiet f’temp qasir ta’ żmien fir-rigward tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, li huwa suġġett pjuttost delikat. Il-Kumitat jikkunsidra d-dokumenti ta’ ħidma SEC(2008) 2209, SEC(2008) 2208 u SEC(2008) 2207 tal-Kummissjoni bħala testi sensibbli ħafna, indipendentement mill-konklużjonijiet li jippreżentaw. Ħasra li l-Komunikazzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni ma tagħmilx użu akbar mill-kontenut tagħhom, pereżempju l-aħjar soluzzjonijiet li jirriżultaw mill-analiżi. Madankollu, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi eżaminat jekk id-data bażika fornita mill-“Handbook on estimation of external costs in the transport sector” (Gwida dwar l-istima tal-ispejjeż esterni fis-settur tat-trasport) tistax tiġi żviluppata aktar.

4.3.   Il-Kummissjoni u l-Kunsill jikkunsidraw li l-iktar ħaġa importanti hija li jinżamm l-appoġġ li s-soċjetà f’sens globali diġà qed tagħti, u li b’mod partikulari fil-modi tat-trasport, tinħoloq sistema oġġettiva, universalment applikabbli, trasparenti u li tinftiehem.

4.4.   Il-Kumitat jemmen li għandu jitqies numru ta’ kondizzjonijiet importanti, bħalma huma l-iżviluppi teknoloġiċi, l-impatt soċjali tal-introduzzjoni tas-sistema, l-effetti fuq ir-reġjuni tal-gżejjer, dawk imdawrin u dawk imbiegħda tal-Unjoni, l-importanza tal-investimenti fis-settur u l-kontribut għall-kisba tal-objettivi ta’ politika tat-trasport sostenibbli.

4.5.   Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li huwa essenzjali li d-dħul mill-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-modi ta’ trasport jiġi allokat, bi preferenza, għal miżuri li kapaċi jipproduċu l-aħjar effett fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tniġġis, l-istorbju, l-konġestjoni fil-modi ta’ trasport, u dan bil-għan li jiġi promoss il-funzjonament sostenibbli u b’konformità mal-kombinazzjoni u l-ottimizzazzjoni tal-modi tat-trasport.

4.6.   Id-dħul li jiġi ġġenerat għandu jintuża għall-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra l-effetti esterni mhux mixtieqa, pereżempju miżuri li jittieħdu fis-sors jew dawk li jikkumpensaw l-ispejjeż għal trattament mediku direttament relatat mal-mod tat-trasport, jew inkella mal-bjar tal-karbonju.

4.7.   Fil-fehma tal-Kumitat huwa importanti wkoll li l-elementi differenti tal-ispejjeż esterni għal kull mod ta’ trasport ikunu magħrufa u rikonoxxuti.

4.8.   Sabiex kollox isir b’mod ġust, l-ispejjeż tal-konġestjoni tat-trasport fit-toroq għandhom, pereżempju, jiġu allokati għat-trasport tal-prodotti u tal-passiġġieri.

4.9.   Fl-interess ta’ żvilupp sostenibbli tal-modi ta’ trasport differenti, il-Kumitat jixtieq li tingħata aktar attenzjoni meta jitqiesu l-aspetti soċjali fil-kuntest tad-dibattitu dwar l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni.

4.10.   Il-Kumitat jixtieq ukoll jinsisti dwar il-fatt li l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni fl-ebda każ m’għandha tiġi riflessa fuq id-dħul tal-ħaddiema; l-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-utenti tal-modi differenti ta’ trasport.

4.11.   Għalhekk fit-teorija, il-Kumitat jappoġġja l-filosofija tal-Kummissjoni li jiġu kkalkolati l-ispejjeż esterni kollha (7). Madankollu, l-effett mixtieq se jinkiseb biss jekk din il-filosofija tiġi applikata fuq l-istess skala fl-oqsma kollha fejn se jkun hemm spejjeż esterni.

4.12.   Is-sitwazzjoni attwali, fejn l-ispejjeż esterni mhumiex attribwiti lill-modi differenti ta’ trasport u l-utenti tagħhom, tagħti vantaġġ kompetittiv lill-modi ta’ trasport li jiġġeneraw spejjeż esterni għoljin. L-internalizzazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż tippermetti min-naħa tagħha li tiġi garantita kompetizzjoni b’saħħitha li tista’ twassal għal bidla lejn modi ta’ trasport iktar ekoloġiċi. Il-Kumitat iqis li huwa importanti li ssir komunikazzjoni ħafna iktar b’saħħitha dwar dan il-prinċipju, billi dan jista’ jwassal ukoll għal modifiki fl-istruttura tal-operaturi u tal-utenti tas-settur tat-trasport.

Il-Kumitat huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni li temmen li jkun aħjar jekk jinħoloq qafas fil-livell Komunitarju.

4.13.1.   Madankollu, il-Kumitat jemmen li l-ispejjeż tal-internalizzazzjoni għandhom jissodisfaw, b’ċerti limiti, għadd ta’ kondizzjonijiet. Jeħtieġ b’mod speċjali li hawnhekk jiġu maħsuba t-tipi ta’ spejjeż esterni, l-ammont ta’ spejjeż, li għandu jiġi bbażat fuq il-livell tal-għajxien, b’divrenzjar skont iż-żona iktar mill-pajjiż, b’arranġamenti differenti għall-ħinijiet.

4.13.2.   L-awtoritajiet inkarigati mill-ispejjeż, pereżempju Stat Membru jew awtorità lokali jew reġjonali, se jkollhom imbagħad jistabbilixxu t-tariffa, fil-limiti diġà msemmija, skont l-għarfien dettaljat tagħhom dwar is-sitwazzjoni lokali, u dan se jippermetti li jitqiesu d-differenzi bejn ir-reġjuni fir-rigward tal-livell tal-għajxien.

Fit-trasport marittimu u bl-ajru, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għandha tqis ir-realtà tal-kompetizzjoni dinjija li qed jiffaċċjaw dawn il-modi ta’ trasport.

4.13.3.1.   Mil-lat tal-kompetizzjoni, it-tliet fergħat klassiċi tat-trasport intern, jiġifieri t-toroq, il-ferroviji, u l-mogħdijiet interni fuq l-ilma, għandhom jiġu soġġetti b’mod bilanċjat għal strateġija u metodoloġija simultanjament, u dawn jistgħu ovvjament jagħtu riżultati differenti skont il-partikolaritajiet ta’ kull wieħed minn dawn is-setturi.

4.13.3.2.   Dan it-tip ta’ internalizzazzjoni huwa konsistenti mal-politika ta’ komodalità tat-trasport u l-politika tal-kompetizzjoni, u b’hekk se nersqu aktar viċin għall-1992 fir-rigward tat-twettiq tas-suq intern mingħajr fruntieri nazzjonali.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.   Fir-rigward tal-mogħdijiet interni fuq l-ilma, il-Kummissjoni rreferiet għall-Konvenzjoni ta’ Mannheim bħala qafas regolatorju li jistħoqqlu attenzjoni. Dan it-trattat japplika għax xmara Rhine, inkluża l-parti Żvizzera tax-xmara u n-nixxigħat tagħha. Dil-Konvenzjoni, li magħha għadu kif ingħaqad it-tielet pajjiż, hija l-aktar waħda antika fost it-trattati tal-Unjoni, u għalhekk tieħu prijorità (8). Din tipprojbixxi t-tassazzjoni fuq it-tbaħħir – inkluż it-traffiku tat-tbaħħir intern.

5.2.   Il-Kumitat, li min-naħa huwa konxju mill-kriżi dinjija profonda, u min-naħa l-oħra huwa favur tal-idea tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, li timplika l-aktar aspetti ambjentali, qed jagħmel appell sabiex ma naqtgħux qalbna.

5.3.   Għall-kuntrarju, il-Kumitat jixtieq jara passi pożittivi oħra u li jkompli jiġi żviluppat u mwessa’ l-qafas għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, kif imsemmi fil-punt 4.13.1 u l-punti ta’ wara dan. il-KESE huwa tal-fehma li din hija biċċa xogħol li għandha ssir fil-kuntest ta’ kollaborazzjoni stretta bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u l-intrapriżi.

Brussell, il-15 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Għall-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/38/KE

(2)  COM(2006) 314, paragrafi 1.1 u 9.

(3)  Il-modi kollha tat-trasport relevanti għal-leġiżlazzjoni Ewropea. Dawn jeskludu, pereżempju, il-vetturi militari u oħrajn.

(4)  ĠU C 224, tat-30.8.09, p. 39.

(5)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 52.

(6)  Fuq bażi tad-dokument tal-Kummissjoni COM(2008) 435 finali dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni”

(7)  Il-Kumitat jitfa’ l-attenzjoni fuq il-fatt li jeħtieġ li jiġu esklużi minn dawn id-dispożizzjonijiet il-vetturi storiċi tat-trasport kemm dawk tat-triq, kif ukoll dawk bil-baħar u bl-ajru.

(8)  L-Artikolu 307 tat-trattat tal-KE.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-telemediċina għall-benefiċċju tal-pazjenti, tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-soċjetà

COM(2008) 689 finali

(2009/C 317/15)

Relatur: Is-Sur BOUIS

Nhar l-4 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-telemediċina għall-benefiċċju tal-pazjenti, tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-soċjetà

COM(2008) 689 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Ġunju 2009. Ir-relatur kien is-Sur Bouis.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tal-15 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 160 vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġja u tħeġġeġ lill-Istati Membri fir-rigward tal-integrazzjoni tat-telemediċina fil-politiki tagħhom dwar is-saħħa.

1.2.   Il-KESE jirrispetta r-rieda tal-Kummissjoni li, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandha l-għan li trawwem il-fiduċja fir-rigward tat-telemediċina, li tara li n-nies jitgħallmu jaċċettawha, li żżid iċ-ċarezza legali dwar dan is-suġġett, li ssolvi l-problemi tekniċi u li tiffaċilita l-iżvilupp tas-suq. L-Istati Membri jibqgħu responsabbli għall-politika tagħhom dwar is-saħħa pubblika u għall-iżvilupp tat-telemediċina, skont il-kapaċità tagħhom għall-investiment.

1.3.   Il-KESE huwa tal-opinjoni li dawk responsabbli għas-saħħa pubblika, il-professjonisti u l-pazjenti għandhom ikunu informati aktar, billi tingħatalhom informazzjoni rilevanti b’mod sistematiku fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-bilanċ bejn in-nefqa u l-effettività.

1.4.   Il-KESE se joqgħod attent biex jara li x-xogħlijiet ta’ riċerka/żvilupp jagħtu garanzija sħiħa ta’ sigurtà f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu, l-ergonomija semplifikata u t-tnaqqis tal-ispejjeż marbuta mal-akkwist u l-użu. Huwa jinnota r-rieda tal-Kummissjoni li tappoġġja proġett pilota fuq skala kbira dwar it-telemonitoraġġ.

1.5.   Il-KESE jinnota d-diffikultajiet marbuta mal-iżvilupp tat-telemediċina għalkemm f’ċerti kondizzjonijiet definiti b’mod ċar, tista’ ttejjeb is-sistema tas-saħħa għall-benefiċċju tal-pazjenti, tat-tobba u tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Huwa tal-opinjoni li jeħtieġ li jkun hemm definizzjoni tal-oqsma ta’ applikazzjoni tagħha u li tingħata bażi ġuridika soda.

1.6.   Il-KESE huwa tal-opinjoni li huwa opportun li jkun hemm definizzjoni semplifikata tal-proċeduri mediċi fil-qasam tat-telemediċina, biex tkun tista’ tiġi garantita l-kunfidenzjalità u biex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ sigurtà għall-pazjent.

1.7.   Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon ir-rieda li fl-2009 titnieda pjattaforma Ewropea ta’ assistenza lill-Istati Membri fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-oqfsa legali nazzjonali.

1.8.   Fil-fehma tal-KESE, l-att mediku li juża t-telemediċina bħala teknika komplementari għandu jħares id-drittijiet u l-obbligi marbuta ma’ kull att mediku, iżda għandu wkoll jikkunsidra l-obbligi marbuta mal-ispeċifiċità tiegħu, bħal pereżempju informazzjoni dwar il-mezzi tekniċi ta’ trażmissjoni u s-sigurtà tad-data.

1.9.   Fil-fehma tal-KESE, huwa evidenti li l-aċċess għall-broadband (1), mifrux bl-istess mod f’kull pajjiż, u l-konnettività sħiħa huma kondizzjonijiet essenzjali għall-iżvilupp tat-telemediċina. It-tagħmir diġitali fit-territorji, speċjalment fiż-żoni rurali u ultraperiferiċi, għandu jissaħħaħ sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa liċ-ċittadini.

1.10.   Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fir-rieda tagħha li tippubblika dokument ta’ strateġija politika fuq il-bażi tal-istandards eżistenti jew li qed jiġu żviluppati, sabiex jiġu garantiti l-interoperabilità, il-kwalità u s-sigurtà tas-sistemi.

1.11.   Fil-fehma tal-KESE, minbarra l-aspetti tekniċi u dawk marbuta mal-organizzazzjoni, jeħtieġ li jinħolqu skambji dwar il-prattiki kliniċi tajbin fil-qasam tat-telemediċina.

1.12.   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li jiġu definiti tliet livelli ta’ azzjoni għas-snin li ġejjin.

1.13.   Fil-livell tal-Istati Membri, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-klassifikazzjoni tal-atti, l-ispejjeż u r-rati ta’ rimborż tagħhom.

1.14.   Fil-livell tal-Istati li se jibbenifikaw minn għajnuna tal-UE, tajjeb jiġu stabbiliti għodod ta’ gwida (piloting tools) u ta’ evalwazzjoni dwar l-aspetti tekniċi u l-effiċjenza tat-telemediċina.

1.15.   Fir-rigward tal-azzjonijiet implimentati mill-Kummissjoni, fil-fehma tal-KESE, sabiex tinstab soluzzjoni għat-tħassib tal-utenti u sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tagħhom, hija għandha tappoġġja l-programmi ta’ informazzjoni u ta’ taħriġ dwar l-użu ta’ teknoloġiji ġodda mmirati lejn il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u lejn il-pubbliku ġenerali.

1.16.   Il-KESE jiddispjaċih li l-aspetti marbuta mat-taħriġ tat-tobba ma jingħatawx attenzjoni partikolari. It-tħejjija ta’ proġett strutturat għal taħriġ universitarju u taħriġ tul il-karriera hija fundamentali. L-għan aħħari ta’ dan it-taħriġ mhuwiex li jipproduċi “tobba tat-telemediċina” iżda li t-tobba kollha jkunu mħarrġa fit-telemediċina.

1.17.   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jirrispettaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet imniżżla f’din il-komunikazzjoni u l-kalendarju ta’ azzjonijiet propost.

1.18.   Il-KESE huwa tal-fehma li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-pazjenti, il-konsumaturi u l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa għandhom ikunu involuti fid-definizzjoni tal-mezzi ta’ żvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji l-ġodda, u jħoss li huwa importanti li jiġi involut fl-analiżi tal-istadji differenti tal-impenji involuti.

1.19.   Fil-fehma tal-KESE, l-iżvilupp tat-telemediċina għall-benefiċċju tal-pazjenti, tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-soċjetà għandu jitfassal fil-qafas tal-evoluzzjoni ġenerali tas-sistemi u tal-politiki tas-saħħa.

2.   Sommarju tal-komunikazzjoni

2.1.   Kuntest

2.1.1.   It-“telemediċina” (2), jiġifieri l-forniment tas-servizzi tal-kura tas-saħħa mill-bogħod, tista’ tgħin biex ittejjeb il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej, kemm tal-pazjenti kif ukoll tal-professjonisti tas-saħħa, filwaqt li jiġu indirizzati l-isfidi relatati mas-sistemi tal-kura tas-saħħa (il-popolazzjoni li qed tixjieħ, l-iżvilupp ta’ mard kroniku, appoġġ xieraq għall-individwi li jibqgħu d-dar, il-morda iżolati jew ristretti fil-movimenti tagħhom, id-demografija medika, l-iżbilanċ fit-tqassim ġeografiku tas-servizzi tal-kura, eċċ.).

2.1.2.   Minbarra t-titjib tal-kura u tal-effiċjenza tas-sistemi tas-saħħa, it-telemediċina tista’ titkkontribwixxi għall-ekonomija tal-UE minħabba d-dinamiżmu ta’ dan is-settur ta’ attività (b’mod partikolari l-SMEs). Madankollu, l-użu tat-telemediċina għadu limitat u s-suq għadu frammentat.

2.2.   L-approċċ tal-komunikazzjoni

2.2.1.   Il-komunikazzjoni tappoġġja u tħeġġeġ lill-Istati Membri fl-integrazzjoni tat-telemediċina fil-politiki tagħhom marbuta mal-kura tas-saħħa billi telenka t-tfixkil għall-użu tagħha, billi toffri soluzzjonijiet biex jingħeleb dan it-tfixkil u billi tipprovdi elementi li jqajmu interess f’dawn is-servizzi sabiex jiġu aċċettati mill-komunità medika u mill-pazjenti.

2.2.2.   Fid-dawl tal-fatt li huma l-Istati Membri għandhom l-akbar r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni, l-iffinanzjar u l-provvista tal-kura tas-saħħa, u li huma biss għandhom il-kapaċità li t-telemediċina jbiddluha f’realtà b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Kummissjoni ddefinixxiet l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Istati, mill-Kummissjoni nnifisha u mill-partijiet konċernati.

Osservazzjonijiet ġenerali

3.1.   Il-KESE jieħu nota tad-definizzjoni tal-qasam kopert mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, iżda jixtieq itenni l-ħtieġa li l-fajls mediċi jiġu kompjuterizzati/jinħażnu b’mezzi elettroniċi, u jixħet dawl fuq ir-rabta ta’ din il-kwistjoni mal-iżvilupp tat-telemediċina.

Il-KESE huwa favur l-iżvilupp tat-telemediċina bħala soluzzjoni għall-għan prinċipali li kulħadd jiġi garantit aċċess ugwali għal kura ta’ kwalità tajba. Huwa jinnota l-impatt prevedibbli tagħha fuq is-sistema tas-saħħa u fuq il-prattiki tal-professjonisti u jħoss li hemm il-ħtieġa ta’ aktar viġilanza fir-rigward tar-riskji tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan il-qasam.

3.2.1.   L-iżvilupp tat-telemediċina huwa mezz biex jiġu standardizzati l-prattiki tal-kulleġġi tat-tobba u l-organizzazzjoni tal-kura f’netwerks, u huwa wkoll mezz għat-titjib tal-kwalità u tal-aċċessibilità għall-kura; madankollu, tkun idea tajba jekk dawn il-kambjamenti jiġu antiċipati u akkumpanjati minn riflessjonijiet dwar l-organizzazzjoni, l-ordni ta’ preċedenza u d-delegazzjoni tal-ħidmiet, kif ukoll dwar il-ħolqien ta’ protokolli b’rabta mal-prattiki tat-telemediċina.

Il-KESE jesprimi apprezzament għat-tliet livelli ta’ azzjoni proposti u ser jagħmel xi osservazzjonijiet dwarhom.

3.3.1.   Nibnu l-kunfidenza fis-servizzi tat-telemediċina u naħdmu favur l-aċċettazzjoni tagħhom

3.3.1.1.   Fil-fehma tal-KESE, tajjeb li l-ewwel u qabel kollox jiġu informati dawk responsabbli għas-saħħa pubblika, il-professjonisti u l-pazjenti, kif ukoll l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom billi jinħolqu opportunitajiet ta’ dibattitu u billi tintwera biċ-ċar l-effikaċja tat-telemediċina. F’din il-perspettiva, għandha tingħata informazzjoni relevanti dwar l-evalwazzjoni tal-bilanċ bejn in-nefqa u l-effettività. F’dan ir-rigward, ta’ min wieħed ifakkar li l-iżvilupp u l-użu kontinwu tat-telemediċina jiddependu mil-livell ta’ rimborż tal-ispejjeż ta’ dawn is-servizzi u mis-somma li trid titħallas mill-pazjenti.

3.3.1.2.   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-SMEs f’dan is-settur m’għandhomx is-saħħa finanzjarja meħtieġa għar-riċerka u l-iżvilupp. Għaldaqstant, l-intervent tas-settur pubbliku kif ukoll is-sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat jikkostitwixxu strument għat-tixrid, fuq skala kbira, tas-sistemi tat-telemonitoraġġ. Fir-rigward tal-apparat tat-telemediċina, il-KESE se jkun attent biex jiżgura li fl-implimentazzjoni tiegħu tiġi garantita s-sigurtà tiegħu, li tiġi ssemplifikata l-ergonomija tiegħu u li jkun hemm inqas spejjeż marbuta mal-akkwist u l-użu. L-iżvilupp tekniku mhuwiex ir-responsabbiltà tas-settur industrijali biss.

3.3.1.3.   Il-KESE jenfasizza li l-użu tat-telemediċina, u b’mod partikolari tat-telemonitoraġġ, joħloq problemi ġodda ta’ etika minħabba l-fatt li hemm kambjament fir-relazzjoni bejn il-pazjent u t-tabib. Sabiex dawk it-tekniki, li qatt ma jistgħu jieħdu post ir-relazzjonijiet umani, jiġu aċċettati, huwa tal-fehma li huwa indispensabbli li tiġi indikata biċ-ċar ir-relazzjoni bejn min jipprovdi l-kura u l-pazjent għal dawk il-pazjenti li jkunu jixtiequ kuntatt uman u spjegazzjonijiet li jkunu faċli biex jifhmuhom, preċiżi u rassiguranti.

3.3.1.4.   Fil-fehma tal-KESE, huwa essenzjali li l-użu tal-għodda teknika jiġi demokratizzat sabiex il-pazjenti jkunu jistgħu jżommu l-kontroll fuq ħajjithom u fuq l-għażliet tagħhom.

3.3.1.5.   Barra minn hekk, il-persunal mediku li jagħti s-servizzi tiegħu lill-pazjent permezz tat-telefown jew tal-internet għandu jkun irċieva taħriġ psikoloġiku sabiex ikun kapaċi jintroduċi element ta’ umanità fir-relazzjoni mill-bogħod u sabiex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ preżenza fiżika, li fuqha tissejjes ir-relazzjoni attwali bejn it-tabib u l-pazjent.

3.3.1.6.   Il-KESE jinnota b’interess ir-rieda tal-Kummissjoni li tappoġġja, fil-qafas tal-programm tagħha “Għall-kompetittività u l-innovazzjoni”, proġett pilota fuq skala kbira dwar it-telemonitoraġġ, li jinvolvi lil dawk li jħallsu s-servizzi tal-kura tas-saħħa. Huwa jinsisti fuq il-fatt li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà jevalwaw il-bżonnijiet u l-prijoritajiet tagħhom fil-qasam tat-telemediċina minn issa sal-aħħar tal-2009.

3.3.1.7.   Il-KESE japprova wkoll l-iffinanzjar ta’ programmi bħalma huwa l-programm imsejjaħ “Ambient Assisted Living” (AAL – Għajxien Megħjun Kontestwalment) (3), li ġie implimentat b’konformità mal-Artikolu 169 tat-Trattat, u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jieħdu sehem fih.

3.3.2.   Inżidu ċ-ċarezza legali

3.3.2.1.   Il-KESE jinnota li t-telemediċina qed tiffaċċja diffikultajiet fl-iżvilupp tagħha għalkemm f’ċerti kondizzjonijiet definiti b’mod ċar, tista’ ttejjeb is-sistema tas-saħħa għall-benefiċċju tal-pazjenti, tat-tobba u tas-sistemi tas-sigurtà soċjali: hija mezz effikaċi biex ittejjeb il-kwalità tal-kura minħabba l-ħeffa tal-iskambji u peress li tikkontribwixxi għat-titjib tal-effiċjenza tal-“ħin mediku”. Il-KESE jħoss li hemm il-ħtieġa li jiġu definiti l-oqsma ta’ applikazzjoni tagħha u li tingħata bażi ġuridika sodisfaċenti.

3.3.2.2.   Fil-fehma tal-KESE, ikun għaqli li wieħed iżomm definizzjoni semplifikata tal-proċeduri mediċi fil-qasam tal-telemediċina bħalma huma:

it-telekonsultazzjoni: att mediku li jinvolvi relazzjoni mal-pazjent li jiddjaloga mill-bogħod mat-tabib; id-djanjosi tista’ twassal għal riċetta għal kura jew mediċini;

it-telekonsulenza: djanjosi u/jew terapija li ma titwettaqx fil-preżenza tal-pazjent. Hawnhekk iseħħ skambju bejn għadd ta’professjonisti fil-qasam tas-saħħa li jagħmlu d-djanjosi tagħhom fuq il-bażi ta’ data li tkun tinsab fil-fajl mediku tal-pazjent;

it-teleassistenza: att li jikkonsisti minn tabib li joffri għajnuna mill-bogħod lil tabib ieħor li jkun qed iwettaq att mediku jew kirurġiku. Dan it-terminu jintuża wkoll f’sitwazzjoni ta’ emerġenza sabiex tingħata assistenza lil min ikun qiegħed jagħti l-ewwel għajnuna.

Huwa fundamentali li tittejjeb iċ-ċarezza ġuridika ta’ dawn l-atti, b’tali mod li s-sistemi ta’ protezzjoni tad-data jissaħħu u sabiex wieħed jiżgura l-ogħla livell ta’ sigurtà għall-pazjent f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġbir, il-ħażna u l-użu tad-data.

3.3.2.3.   Fid-dawl tal-fatt li d-definizzjonijiet tal-atti mediċi u l-implikazzjonijiet tagħhom mil-lat ġuridiku u ġudizzjali, kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mar-rimborż, ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawk li jkunu qegħdin jirċievu l-kura tas-saħħa jistgħu jitolbu parir mediku u jirċievu kura medika fi Stat ieħor li mhux dak tagħhom, hu x’inhu l-mezz li jintuża biex jingħata dan is-servizz (4), inkluż dak tat-telemediċina.

3.3.2.4.   Il-KESE jtenni l-interess tiegħu fil-ħolqien ta’ proċeduri għat-tressiq ta’ lmenti f’każ ta’ danni u ta’ proċeduri ċari bil-għan li jiġi indirizzat it-tilwim legali, inkluż fil-livell transnazzjonali; dan ifisser il-ħolqien ta’ sistema fuq medda wiesgħa ta’ assigurazzjoni obbligatorja għall-professjonisti kollha.

3.3.2.5.   Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon ir-rieda tal-Kummissjoni li fl-2009 tistabbilixxi pjattaforma Ewropea ta’ għajnuna lill-Istati Membri għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-oqfsa ġuridiċi nazzjonali u l-aġġustamenti eventwali tagħhom b’rabta mat-telemediċina.

3.3.2.6.   Fil-fehma tal-KESE, it-telemediċina ma tistax u m’għandhiex tissostitwixxi l-att mediku. Hija mezz supplimentari u għandha ċerti limitazzjonijiet minħabba n-nuqqas ta’ eżamijiet kliniċi. Hija għandha tikkonforma mal-istess drittijiet u obbligi marbuta ma’ kull att mediku. Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-punti li ġejjin:

il-funzjoni speċifika tat-tabib għandha tiġi indikata b’mod ċar;

il-pazjent għandu jibbenifika mill-aħħar skoperti mediċi, irrispettivament mill-età, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-patoloġija tiegħu;

il-pazjent għandu jiġi infurmat dwar il-benefiċċju u l-effett tal-att mediku, kif ukoll dwar il-mezzi użati;

il-pazjent għandu jkun f’pożizzjoni li jagħti l-kunsens tiegħu fil-libertà kollha;

is-sigriet mediku għandu jkun żgurat;

ir-riċetta li tingħata għandha tiġi rikonoxxuta;

il-mistoqsijiet u t-tweġibiet tat-tabib għandhom ikunu jistgħu jinftiehmu mill-pazjent;

id-dokumenti li jiġu prodotti għandhom ikunu sikuri u mdaħħla fil-fajl mediku;

il-kontinwità tal-kura għandha tkun żgurata;

l-att mediku għandu jkun ta’ kwalità tal-inqas ekwivalenti għal dik tal-att tradizzjonali;

in-nuqqas tal-eżami klinikua m’għandux jiġi kkumpensat b’numru sproporzjonat ta’ eżamijiet radjoloġiċi jew bijoloġiċi;

għandha tiġi żgurata kunfidenzjalità stretta fir-rigward tal-mezzi tekniċi użati għat-trażmissjoni tad-data u l-mod kif din tiġi trattata mill-persunal mediku u paramediku.

B’mod iktar speċifiku, it-telemediċina għandha tinkludi informazzjoni dwar il-mezzi tekniċi użati għat-trażmissjoni tad-data.

3.3.3.   Insolvu l-kwistjonijiet tekniċi u niffaċilitaw l-iżvilupp tas-suq

Fil-fehma tal-KESE, l-iżvilupp tat-telemediċina jeħtieġ l-aċċess għall-“broadband” (1), bil-għan li tiġi żgurata sigurtà massima, kif ukoll konnettività sħiħa. Fil-fatt, biex it-tobba u l-pazjenti jkollhom fiduċja f’din il-prattika, jeħtieġu garanzija li t-teknoloġija applikata hija sigura u faċli tintuża.

3.3.3.1.1.   It-tagħmir diġitali fit-territorji, b’mod partikolari fiż-żoni rurali u ultraperiferiċi, għandu jiġi kkonsolidat, billi t-telemediċina teħtieġ netwerk effiċjenti, peress li l-popolazzjonijiet f’żoni bħal dawn huma partikolarment milquta.

3.3.3.1.2.   In-nuqqas ta’ “broadband” ifisser li l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa ma jkunux jistgħu jagħtu t-tweġibiet tagħhom f’ħin aċċettabli u jfisser ukoll li ma jkunux jistgħu jitrażmettu fajls kbar; il-kwalità ħażina ta’ ċerta informazzjoni tista’ tikkawża perikli gravi għas-saħħa.

3.3.3.2.   Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fir-rieda tagħha li tippubblika, flimkien mal-Istati Membri, dokument ta’ strateġija politika bl-għan li jiġu garantiti l-interoperabilità, il-kwalità u s-sigurtà tas-sistemi tat-telemonitoraġġ, fuq il-bażi tal-istandards eżistenti jew li qed jiġu żviluppati fil-livell Ewropew. Fil-fehma tal-KESE, minħabba l-iżvilupp kontinwu tat-teknoloġiji msemmija, il-fiduċja titrawwem biss jekk l-affidabbiltà tal-apparat tiġi evalwata b’mod regolari.

3.4.   Fil-fehma tal-KESE, minkejja li l-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji huwa opportunità għall-ekonomija b’mod ġenerali, jeħtieġ li l-impatt fuq l-iffinanzjar fraġli tas-sistemi tas-saħħa jiġi evalwat; barra minn hekk, ikun utli li jkun hemm aktar għajnuna Komunitarja fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp. Huwa jemmen li l-programm l-“ICT għal Xjuħija Tajba” (5) fil-futur għandu jindirizza l-aspetti partikolari tat-telemediċina.

4.   Osservazzjonijiet partikolari

Ladarba t-telemediċina ma tistax tiġi kkunsidrata bħala qasam li jiddependi biss mill-iżvilupp tal-Kummerċ-e (kummerċ elettroniku), peress li hija tibqa’ att mediku minnha nnifisha, il-KESE jilqa’ bi pjaċir it-tliet livelli ta’ azzjoni proposti għas-snin li ġejjin.

Fil-livell tal-Istati Membri, il-KESE jenfasizza l-attenzjoni li għandha tingħata lill-klassifikazzjoni tal-atti u lir-rimborż tagħhom. Fil-fatt, is-sistemi ta’ assigurazzjoni mhux kollha inkludew it-telemediċina bħala att mediku u huma prudenti fir-rigward tal-kondizzjonijiet relatati mar-riċetti li jingħataw.

4.1.1.1.   Huwa ċar li minħabba l-ispejjeż tal-investimenti, jeħtieġ li l-istituzzjonijiet u/jew l-organizzazzjonijiet tas-saħħa pubblika kompetenti fil-qasam tal-politika tal-kura tas-saħħa jeżaminaw, permezz tal-pjattaforma tal-iskambji bejn id-diversi partijiet interessati, is-soluzzjonijiet kollha possibbli li jinstabu finanzjamenti ġodda u li jiġu identifikati s-sorsi tagħhom. Jibqa’ l-fatt li l-KESE huwa mħasseb dwar ir-riskju li l-kontribut tal-pazjenti biex ikopru l-kura tagħhom jiżdied b’mod konsiderevoli minħabba dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda.

Fil-livell tal-Istati Membri li ser jibbenifikaw minn appoġġ tal-UE, il-KESE jinnota li, meta jitqiesu d-diversi regolamenti fil-pajjiżi differenti, kif ukoll il-prattiki u l-użu f’dan il-qasam, ikun tajjeb li fl-2009 tibda tiġi ppubblikata l-analiżi tal-qafas ġuridiku Komunitarju li jista’ jiġi applikat għas-servizzi tat-telemediċina.

4.1.2.1.   Fil-fehma tal-KESE, ikun tajjeb li minbarra din l-analiżi, jiġu stabbiliti għodod ta’ gwida u ta’ evalwazzjoni bl-għajnuna tal-UE. Bl-istess mod, tajjeb jiġu stabbiliti objettivi strateġiċi u koerenti sabiex tiġi żgurata l-viżibbiltà li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għandhom bżonn. Din il-viżibbiltà teħtieġ evalwazzjoni medika u ekonomika adattata għall-isfidi demografiċi u għal dawk tal-iżvilupp tas-sistemi tas-saħħa għall-benefiċċju tal-pazjenti.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-azzjonijiet li l-Kummissjoni għandha timplimenta, il-KESE huwa tal-fehma li biex joffri soluzzjoni għat-tħassib tal-utenti u għall-problemi ta’ fiduċja relatati, il-Kummissjoni għandha tappoġġja programmi pedagoġiċi bl-għan li l-pazjenti jsiru iktar familjari ma’ dawn il-prattiki u strumenti ġodda, speċjalment meta wieħed iqis li dawn il-pazjenti ta’ spiss ikunu persuni anzjani.

Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tagħtix attenzjoni partikolari lill-aspetti marbuta mat-taħriġ tat-tobba, sabiex dawn isiru iktar familjari mal-kondizzjonijiet il-ġodda tal-eżerċitar tal-professjoni tagħhom. Il-kontinwità u l-koordinazzjoni tal-kura jeħtieġu wkoll li t-tobba jkunu jafu jużaw tajjeb il-mezzi l-ġodda ta’ djalogu mal-pazjent.

4.1.3.1.1.   Il-KESE jenfasizza li fil-qasam tat-telemediċina, l-istess bħal f’oqsma oħra, it-taħriġ adattat għal kull kategorija ta’ professjonisti tas-settur tas-saħħa għandu jitqies bħala strument prinċipali għall-bidla. It-tħejjija ta’ proġett strutturat ta’ taħriġ universitarju u tul il-karriera, bl-għan li jsir l-aħjar l-użu tat-telemediċina biex titjieb il-kwalità tal-kura, hija fundamentali. Dan jimplika wkoll impenn sfiq li l-pubbliku jiġi informat.

4.1.3.1.2.   Barra minn hekk, il-KESE jinnota li n-natura interattiva u interprofessjonali tal-użu ta’ dawn it-teknoloġiji l-ġodda fiha nnifisha tikkostitwixxi appoġġ pedagoġiku li jiffavorixxi s-“self-learning” (meta persuna titgħallem waħedha) fil-qafas ta’ ħidma bi sħab, li jeħtieġ li jiżviluppa.

4.1.4.   Fil-fehma tal-KESE, f’dak li għandu x’jaqsam kemm mar-riċerka teknoloġika, mal-iżvilupp tal-apparat u s-softwer u mal-aspetti ekonomiċi tal-provvista tat-tagħmir u tar-rimborż tal-prestazzjonijiet, kif ukoll mal-aċċettazzjoni tat-telemediċina u l-fiduċja fiha, il-mediċina għandha titqies bħala prattika medika stabbilita u mhux bħala moda jew bħala sostituzzjoni. Ikun tajjeb li jiġu stipulati regoli marbuta mal-armonizzazzjoni u l-approvazzjoni sabiex jiġu ffaċilitati l-iskambji bejn l-operaturi fil-qasam tal-kura u l-parteċipazzjoni tal-pazjenti, permezz tal-ħolqien ta’ ambjent armonjuż.

5.   Konklużjonijiet

5.1.   L-iżvilupp kulturali, li jikkaratterizza l-prattika tat-telemediċina, jeħtieġ komunikazzjoni adegwata. Dan l-iżvilupp jista’ joħloq professjonijiet ġodda.

5.2.   Fil-fehma tal-KESE, l-iżvilupp tat-telemediċina għandu jitfassal fil-qafas ta’ żvilupp tas-sistemi u tal-politiki dwar is-saħħa.

5.3.   L-utenti tas-sistema tas-saħħa qed ikollhom sehem dejjem aktar attivfil-kura ta’ saħħithom. L-organizzazzjonijiet rappreżentattivi u dawk tal-professjonisti tas-settur tas-saħħa għandhom ikunu involuti fid-definizzjoni tal-proċess marbut mal-iżvilupp u l-iffinanzjar ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda.

5.4.   Il-KESE jemmen li huwa importanti li jiġi involut fl-analiżi tal-istadji differenti tal-implimentazzjoni tal-impenji meħuda: lil hinn mill-iżvilupp operazzjonali tat-telemediċina u tal-mezzi disponibbli, il-kwistjoni hawnhekk hija l-ugwaljanza taċ-ċittadini fir-rigward tal-aċċess għall-kura.

Brussell, il-15 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 8.

(2)  It-telemediċina tiġbor fiha varjetà ta’ servizzi bħal pereżempju t-teleradjoloġija, it-teledermatoloġija, it-telekonsultazzjonijiet, it-telemonitoraġġ, it-teleoftalmoloġija, minbarra t-telekirurġija. Madankollu, skont il-komunikazzjoni, il-portali ta’ informazzjoni/saħħa, id-dokumenti elettroniċi dwar is-saħħa, it-trażmissjoni elettronika tar-riċetti jew tar-referenzi tal-pazjenti għall-parir tal-ispeċjalista ma jitqisux bħala servizzi tat-telemediċina.

(3)  ĠU C 224, 20.8.2008, p. 8-11.

(4)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 116.

(5)  Kopert mill-FP7 (is-Seba’ Programm Qafas).


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/89


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew fuq l-ilmijiet interni navigabbli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi

COM(2008) 816 finali – 2008/0246 COD

(2009/C 317/16)

Rapporteur: Is-Sur Hernández BATALLER

Korapporteur: Is-Sur Jörg RUSCHE

Nhar it-12 ta’ Frar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 71 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew fuq l-ilmijiet interni navigabbli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi

COM(2008) 816 finali – 2008/0246 COD.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Hernández Bataller u l-korapporteur kien is-Sur Rusche.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’65 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni peress li l-implimentazzjoni tar-regolament, f’termini ġenerali, isaħħaħ is-suq intern u d-drittijiet tal-passiġġieri, speċjalment id-drittijiet tal-passiġġieri b’diżabbiltà.

1.2.   Madankollu il-Kumitat jiddispjaċih li l-proposta ma tkoprix b’mod speċifiku u ddettaljat is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà jew għal livelli ogħla ta’ ħarsien għad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet ekonomiċi tal-konsumaturi.

1.3.   Fir-rigward tal-persuni b’diżabbiltà, għandu jitwaqqaf qafas li jiggarantixxi l-aċċessibbiltà fiċ-ċirkostanzi kollha, fit-termini ssuġġeriti mill-KESE f’din l-opinjoni.

1.4.   F’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà, għandu jiġi applikat l-ogħla livell possibbli, skont il-qafas regolatorju li hemm fis-seħħ bħalissa jew skont il-qafas li l-Istati Membri tal-UE għandhom l-intenzjoni li japplikaw għal dan il-qasam.

1.5.   Fir-rigward ta’ drittijiet fundamentali oħra, bħall-ħarsien tal-privatezza fil-bażijiet tad-data, dan ukoll għandu jkollu regolamentazzjoni speċifika li ssaħħaħ il-garanziji.

1.6.   Fil-qasam tad-drittijiet ekonomiċi tal-konsumaturi, irid isir titjib sostanzjali f’numru ta’ aspetti tal-leġiżlazzjoni li qed tiġi studjata, bħas-servizzi tat-trasport alternattivi u r-rimborż, il-kumpens tal-prezz tal-biljett, l-informazzjoni għall-passiġġieri u l-ilmenti.

2.   Il-kuntest

2.1.   L-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (1) jistipula li l-politiki tal-Unjoni għandhom jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Sadattant, l-Artikolu 3 TKE jistabbilixxi it-tisħiħ tal-ħarsien tal-konsumatur bħala waħda mill-attivitajiet tal-Komunità, u l-Artikolu 153 jappella lill-Komunità biex tħares l-interessi tal-konsumaturi u tiżgura livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur.

2.2.   Fil-White Paper dwar “Il-politika Ewropea għat-trasport għall-2010: iż-żmien tad-deċiżjoni” (2), il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi d-drittijiet tal-passiġġieri fuq il-mezzi kollha tat-trasport, billi twaqqaf prinċipji komuni għall-mezzi kollha tat-trasport (3) u tidentifika il-ħtieġa li ssaħħaħ numru ta’ drittijiet, miżuri speċifiċi għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, soluzzjonijiet awtomatiċi u immedjati meta jkun hemm interruzzjoni fit-trasport (dewmien fit-tul, kanċellazzjonijiet jew rifjut tal-ġarr), obbligi dwar l-informazzjoni lill-passiġġiera, u t-trattament ta’ ilmenti u l-mezzi ta’ rimedju.

2.3.   Fl-2006, il-Kummissjoni Ewropea nediet konsulatazzjoni pubblika dwar id-drittijiet tal-passiġġieri marittimi, li parti minnha kkonċentrat fuq id-drittijiet tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa matul vjaġġi bil-baħar jew fuq l-ilmijiet interni navigabbli. Il-maġġoranza kienu favur li jkun hemm livell minimu komuni ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi madwar l-Ewropa kollha, irrispettivament mill-mezzi tat-trasport jew minn jekk il-vjaġġ iseħħx kollu fi Stat Membru wieħed jew jekk jaqsamx fruntieri interni jew esterni.

2.4.   Barra minn hekk, il-konklużjoniet kumplessivi ta’ studju indipendenti (4) kienu li l-protezzjoni tal-passiġġieri ma kinitx totalment sodisfaċenti minħabba, fost l-oħrajn, in-nuqqas ta’ uniformità fir-rigward tal-ambitu u l-grad tal-miżuri tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri; in-nuqqas ta’ qafas għal soluzzjonijiet immedjati u predefiniti għall-każijiet ta’ kanċellazzjoni u dewmien; u n-nuqqas ta’ informazzjoni għall-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom f’każ ta’ avveniment kritiku.

2.5.   Il-valutazzjoni tal-impatt essenzjalment kopriet il-prinċipji tal-kumpens u l-assistenza f’każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien, ir-regoli tal-aċċessabilità, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-assistenza lill-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, standards ta’ kwalità u obbligi għall-informazzjoni, ir-regoli għat-trattament tal-ilmenti u għall-monitoraġġ tal-konformità.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1.   Ir-regolament propost jistabbilixxi regoli minimi komuni dwar in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn il-passiġġieri fir-rigward tal-kundizzjonijiet tat-trasport offruti mit-trasportaturi, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-assistenza obbligatorja għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, l-obbligi tat-trasportaturi lejn il-passiġġieri f’każijiet ta’ kanċellazzjoni jew dewmien; l-informazzjoni minima li għandha tingħata lill-passiġġieri; it-trattament tal-ilmenti; u l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri.

3.2.   Il-proposta ser tapplika għas-servizzi kummerċjali tal-passiġġieri marittimi u fuq l-ilmijiet interni navigabbli, fosthom il-kruċieri, bejn jew fil-portijiet jew kwalunkwe punt ta’ imbark/żbark li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat.

3.3.   Hija tistabbilixxi l-obbligi għat-trasportaturi fil-każ li l-vjaġġ jiġi interrott, b’rabta mad-dritt għad-provvediment tal-informazzjoni, id-dritt għall-assistenza, bdil fir-rotta jew ir-rimborż, il-kumpens tal-prezz tal-biljett u miżuri oħra li jgħinu lill-passiġġieri.

3.4.   Il-proposta tistipula li kull Stat Membru għandu jaħtar korp jew korpi indipendenti responsabbli għall-infurzar tar-regolament, li jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li d-drittijiet tal-passiġġieri huma rispettati, fosthom il-konformità mar-regoli tal-aċċessibilità.

4.   Kummenti Ġenerali

Il-KESE jilqa’ r-regoli minimi komuni li hemm fil-proposta għal regolament, u jittama li fil-ġejjieni jkun hemm ċaqlieq lejn ħarsien aħjar tal-konsumaturi, kif inhu stipulat fit-Trattat tal-KE. Il-Kummissjoni għandha tiċċara b’mod espliċitu li eskursjonijiet għat-turisti li jdumu inqas minn ġurnata huma esklużi mill-ambitu ta’ din il-proposta.

4.1.1.   Hija proposta kuraġġuża, koerenti mal-approċċi l-aktar reċenti tal-Kummissjoni li tpoġġi lill-konsumaturi fil-qalba tas-suq intern, u tħares lejhom bħala d-destinatarji finali tal-proċessi biex jinfetħu s-swieq nazzjonali.

4.1.2.   Barra milli tistabbilixxi għadd ta’ regoli u prinċipji li jiggarantixxu d-drittijiet ekonomiċi tal-passiġġieri li jużaw it-trasport tal-baħar u fuq ix-xmajjar ġo pajjiż wieħed jew f’iktar, ir-regolament jistabbilixxi sistema ta’ għarfien u ħarsien tad-drittijiet tal-pubbliku b’mod ġenerali.

4.1.3.   Barra minn hekk, il-proposta tissupplimenta l-leġiżlazzjoni ta’ ħafna Stati Membri tal-UE li jew ma tittrattax il-kwistjoni jew inkella tittrattaha b’ċertu ammont ta’ inċertezza, li jwassal biex id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà jew tal-anzjani ma jkunux imħarsa b’mod effettiv. Dan jolqot is-sistemi ta’ aċċessibbiltà, informazzjoni u assistenza fuq il-vapur, kif ukoll l-informazzjoni bil-quddiem, li żgur li tista’ titjieb f’ħafna każijiet.

4.1.4.   Madankollu, il-KESE ma jaqbilx li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeskludu s-servizzi li huma b’kuntratt ta’ servizz pubbliku mill-ambitu ta’ dan ir-regolament: dawn huma s-servizzi li l-aktar li jintużaw miċ-ċittadini u potenzjalment l-aktar li huma meħtieġa mill-persuni b’diżabbiltà. Il-Kummissjoni tista’ddaħħal paragrafu wara punt 19 a) u b) li jitlob lill-awtoritajiet responsabbli li jipprevedu sistema ta’ kumpens awtomatiku għal dawn il-każijiet.

Minkejja l-leġiżlazzjoni attwali dwar is-sigurtà marittima (id-Direttivi 1999/35/KE; 98/18/KEE u 98/41/KE), il-KESE jemmen li r-regolament għandu jdaħħal b’mod espliċitu d-dritt speċifiku u indipendenti tal-passiġġieri għas-sigurtà.

Għal din ir-raġuni, il-kunċett tas-sigurtà għandu jkopri l-aċċessibbiltà f’dan il-qasam ukoll; fi kliem ieħor, l-aċċessibbiltà għandha tiġi ggarantita mhux biss waqt l-imbark/l-iżbark tal-passiġġieri iżda wkoll matul il-vjaġġ.

Il-klieb ta’ ġwida, li huma essenzjali għas-sidien b’diżabbiltà tagħhom, peress li jippermettulhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment ħieles u l-mobbiltà, għandhom ukoll ikollhom aċċess, b’mod espliċitu, għall-punti kollha ta’ imbark u fil-vjaġġi kollha li jidħlu fl-ambitu ta’ dan ir-regolament.

4.1.5.   Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni fid-dmir tagħha li tadotta u tipproponi, fil-livell Komunitarju kwalunkwe miżura meħtieġa biex tiżgura li l-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jkollhom l-istess dritt bħaċ-ċittadini l-oħra kollha għall-moviment ħieles, il-libertà tal-għażla u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni. “Il-mudell tad-diżabbiltà soċjali”, li jinkludi l-obeżità, għandu jiġi implimentat, sabiex il-mezzi tat-trasport ikunu jistgħu jiġu użati minn kulħadd.

4.1.6.   Fir-rigward tal-bażi legali (Artikoli 70 u 81 tat-Trattat), il-KESE jemmen li l-Artikolu 153 tat-Trattat għandu jissemma wkoll, peress li jappella għal livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur fl-attivitajiet tal-Komunità.

4.1.7.   Il-KESE jqis li huwa importanti li intgħażel ir-regolament bħala strument legali, peress li r-regoli stabbiliti mill-proposta jridu jiġu applikati b’mod uniformi u effettiv madwar l-Unjoni Ewropea biex tiżgura kemm livell adegwat ta’ protezzjoni għall-passiġġieri marittimi kif ukoll kundizzjonijiet indaqs għat-trasportaturi.

4.1.8.   Il-KESE jaqbel mal-leġiżlaturi Ewropej, li l-koregolazzjoni jew l-awtoregolazzjoni “ma għandhomx japplikaw meta fin-nofs ikun hemm drittijiet fundamentali jew għażliet politiċi importanti jew f’sitwazzjonijiet fejn ir-regoli għandhom jiġu applikati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha” (5). Għalhekk il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

4.1.9.   Madankollu, fir-rigward tal-Kapitolu III, l-objettiv li jkun hemm garanzija ta’ kundizzjonijiet uniformi għall-aġenti ekonomiċi fis-suq intern jista’ jintlaħaq biss b’mod ristrett, peress li r-regolament jagħti libertà konsiderevoli lill-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet f’każ ta’ dewmien jew kanċellazzjoni. Ir-rapport li jrid jitfassal mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament (Artikolu 30) għandu jeżamina b’mod speċifiku jekk kwalunkwe disparità fil-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam għandiex impatt fuq il-kompetizzjoni jew it-tħaddim xieraq tas-suq intern.

4.1.10.   Il-KESE jagħraf li t-trasport li primarjament għandu skop turistiku, speċjalment l-eskursjonijiet u ġiti qosra (sightseeing), ma jidħlux fl-ambitu tar-Regolament. Madankollu jrid jitqies il-każ tal-passiġġieri li jsibu diffikultà biex jaqbdu xi korrispondenza minħabba l-limitazzjonijiet li jsibu f’wieħed mill-mezzi li jridu jużaw għall-vjaġġ tagħhom.

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li l-biljett iservi ta’ prova tal-finalizzazzjoni tal-kuntratt tat-trasport, u jqis li huwa sinifikanti li r-regoli stabbiliti mir-Regolament huma meqjusa drittijiet imperattivi u innegabbli tal-passiġġieri, mingħajr preġudizzju għall-korp attwali tal-leġiżlazzjoni protettiva, b’mod partikolari fir-rigward ta’ termini (6) u prattiki kummerċjali mhux ġusti (7).

Għandha tinstab soluzzjoni speċifika għad-deroga attwali, li hi kważi universali, li tobbliga lill-vjaġġaturi b’diżabbiltà jinfurmaw lit-trasportaturi mhux inqas minn 48 siegħa qabel bl-intenzjoni tagħhom li jivvjaġġaw fuq rotta partikolari. Alternattivament, u fejn hu xieraq, dan l-obbligu għandu jiġi emendat b’mod li huwa kemm jista’ jkun favorevoli għan-nies b’diżabbiltà. Din l-iskadenza stretta għall-persuni b’diżabbiltà tista’ twaqqafhom b’mod ċar milli jgawdu minn ċerti drittijiet marbuta mal-moviment ħieles tal-persuni, bħad-dritt għar-rikreazzjoni, jew id-dritt li jaġixxu fi kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza li jistgħu ikunu fiha.

Il-KESE jappella li jkun permess ċertu ammont ta’ flessibbiltà fis-sistema ta’ notifika għall-assistenza abbord. Dan il-mezz tat-trasport ma jeħtieġx li l-passiġġieri jirriżervaw minn qabel, u jimponi l-obbligu fuq il-persuni b’diżabbiltà li javżaw li jkollhom bżonn assistenza minn qabel, dan jista’ jikser id-dritt tagħhom għal trattament ugwali. Għalhekk, trid issir differenza bejn vjaġġi fuq distanza twila u oħrajn qosra, jew it-tip ta’ dgħajsa/vapur li ser jintuża għat-trasport. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tobbliga lit-trasportaturi jipprovdu lill-passiġġieri b’konferma li n-notifika waslet, biex tiżgura li l-passiġġieri jkunu jistgħu juru li huma fil-fatt avżaw li għandhom bżonn tal-assistenza, fil-każ li s-sistema tat-trażmissjoni tal-informazzjoni ma taħdimx.

4.2.1.   Biex ikunu jistgħu jħaddmu d-drittijiet tagħhom stabbiliti fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltajiet, dawn in-nies għandu jkollhom aċċess għall-assistenza fil-portijiet, fil-punti ta’ imbark u żbark, u fuq il-vapuri għall-passiġġieri. Il-KESE jaqbel għal kollox li fl-interess tal-inklużjoni soċjali, din l-assistenza għandha tkun bla ħlas, b’konformità mal-Artikolu 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali dwar l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà.

4.2.2.   Għalhekk il-KESE jqis li d-derogi għar-rifjut ta’ ġarr ta’ persuni b’diżabbiltà jew li għandhom mobbiltà mnaqqsa għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji, trasparenti u li jistgħu jiġu vverifikati.

4.3.   Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjoni fl-Artikolu 8 tar-regolament, dwar id-djalogu u l-konsultazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi li jrid iwassal biex jiġu stabbiliti r-regoli ta’ aċċess li jiġu miftehma bejn it-trasportaturi, l-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa kif ukoll il-korpi tal-infurzar. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll livelli ta’ kwalità b’kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, skont l-Artikolu 22 tal-proposta, li jqisu r-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u korpi oħra internazzjonali li għandhom xi setgħa f’dan il-qasam.

4.4.   Id-dispożizzjoni li jintalab ħlas, kif hemm stabbilit fl-Artikolu 9.3 tal-proposta, tmur kontra l-prinċipju li ma jkunx hemm ħlasijiet marbuta mal-interess tal-inklużjoni, b’mod partikolari meta dan isir fuq bażi unilaterali, kif speċifikat fit-test. Madankollu, is-separazzjoni tal-kontabbiltà hija riżultat naturali li tiżgura li jkun hemm minimu ta’ trasparenza, għalkemm il-ħarsa vverifikata annwali għandha ssir aċċessibbli għall-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabbiltà u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi. Minkejja dan, il-KESE jirrakkomanda li ssir valutazzjoni biex tiddetermina jekk l-intrapiżi żgħar u medji għandhomx ikunu obbligati jżommu dat-tip ta’ kontabbiltà.

4.5.   Il-kumpens għas-siġġijiet tar-roti u t-tagħmir għall-mobbiltà huwa konformi mal-iskop tar-regolament li jiżgura l-ħarsien, l-istess bħad-dispożizzjoni biex ikun hemm tagħmir ta’ sostituzzjoni disponibbli għall-partijiet interessati. Il-kumpens għandu jkun sħiħ u jkopri d-danni kollha kkawżati.

L-obbligi fl-eventwalità ta’ interruzzjoni ta’ vjaġġ, bħala regoli minimi uniformi huma raġonevoli anke minħabba fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni attwali. Il-KESE jista’ jifhem li jkun previst li, fil-livell tal-Komunità, jkun hemm grad ta’ ekwivalenza b’regoli li jħarsu l-passiġġieri tal-ajru, iżda jittama li jkun hemm rakkomandazzjoni biex kemm jista’ jkun malajr nersqu lejn l-aktar livell għoli ta’ ħarsien.

4.6.1.   Il-kumpens awtomatiku tal-prezz tal-biljett, jista’ jkun sistema ġusta, jekk jopera b’mod flessibbli u effiċjenti. Fil-futur, is-sistema għandha tersaq lejn perċentwali ogħla ta’ kumpens f’każijiet ta’ dewmien.

4.6.2.   Għandha tiġi ċċarata d-dispożizzjoni tal-Artikolu 20 tal-proposta, li skontha l-leġiżlazzjoni m’għandiex tapplika jekk id-dewmien iseħħ f’“ċirkostanzi eċċezzjonali”. Dan għandu jiġi ċċarat fid-dawl tal-każistika tal-ECJ (8) fis-sens li d-dispożizzjoni ma tapplikax għal-problema teknika fuq il-vapur u li twassal għall-kanċellazzjoni tal-vjaġġ, sakemm din il-problema ma tkunx ikkawżata minn avvenimenti li, fin-natura jew l-oriġini tagħhom, mhumiex parti mill-prestazzjoni normali tal-attivitajiet tat-trasportatur. Barra minn hekk, il-konformità sempliċi tat-trasportatur mal-ħtiġijiet minimi ta’ manutenzjoni għall-vapur m’għandhomx ikunu waħedhom prova li t-trasportatur ħa “miżuri raġonevoli” u għalhekk huwa eżentat mill-obbligu li jħallas kumpens. Il-kundizzjonijiet nawtiċi għal kull servizz tat-trasport għandhom jitqiesu wkoll.

4.6.3.   Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 21, li skontu xejn ma għandu jwaqqaf lill-passiġġieri milli jfittxu għall-ħsara fir-rigward ta’ telf li jirriżulta mill-kanċellazzjonijiet jew id-dewmien tas-servizzi tat-trasport fil-qrati nazzjonali, hija kompletament konformi mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

4.7.   L-informazzjoni hija importanti għall-passiġġiera u għandha tkun aċċessibbli skont l-iżviluppi teknoloġiċi; għalhekk il-proposta hija relevanti f’dan ir-rigward.

4.8.   Fir-rigward tal-ilmenti, sakemm ikunu jirrigwardaw danni ta’ tip ċivili u/jew kummerċjali, għandha ssir referenza għall-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi mhux ġudizzjarji li twaqqfu fuq il-bażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 1998/257/KE tat-30 ta’ Marzu, jew tal-anqas għal korpi li jissodisfaw il-prinċipji tal-indipendenza, it-trasparenza, il-kontradizzjoni, l-effettività, il-legalità, il-ħarsien u l-possibbiltà ta’ rappreżentazzjoni.

4.9.   Korpi nazzjonali tal-infurzar għandu jkollhom is-saħħa li jinfurzaw sistema ta’ sanzjonijiet li tkun dissważiva u proporzjonata, li, f’kull avveniment, tinkludi l-possibbiltà li tordna l-ħlas ta’ kumpens lill-passiġġiera affettwati, bħala riżultat tal-fatt li jkunu depożitaw ilment.

Ir-regolament għandu jinkludi l-obbligu li jipprovdi informazzjoni aċċessibbli, adegwata u rilevanti fuq kull sanzjoni li tista’ tapplika u fuq il-proċedura tal-ilmenti mill-passiġġieri.

4.10.   Fir-rigward tal-ħarsien tal-informazzjoni personali u l-moviment ħieles tad-data (9), il-KESE jaqsam il-preokkupazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni li tiggarantixxi l-privatezza tal-passiġġieri, skont id-Direttiva 95/46/KE u l-każistika tal-ECJ. Dan huwa relevanti b’mod partikolari fil-każ ta’ data personali li tista’ tiġi trażmessa lil pajjiżi terzi fil-kuntest tas-servizzi tat-trasport. Fi kwalunkwe ħin, dawk li d-dettalji tagħhom ikunu mniżżlin għandhom jiġu mgħarfa bil-fatt tad-dritt tagħhom għall-aċċess u li jitolbu li jkun hemm rettifika jew tneħħija ta’ data li tikkonċernahom.

4.11.   Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni fil-ħtieġa li d-Direttiva 90/314/KEE tiġi riveduta, biex tkun aktar konformi ma’ din il-proposta u liġijiet oħra sekondarji tal-Komunità u li:

id-definizzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet ta’ termini bħal “prezz inklussiv”, “pakkett” u “kombinazzjoni ppjanata” jiġu aġġornati;

id-definizzjoni tar-responsabbiltà eżatta tal-operatur u l-aġent tkun iktar ċara fil-każ ta’ ksur ta’ kuntratt jew prestazzjoni difettuża tiegħu, irrispettivament minn jekk l-operatur jew l-aġent ipprovda s-servizz fil-kwistjoni b’mod dirett jew indirett;

jiġu stabbiliti kompensi aktar ċari u komprensivi għall-konsumaturi f’każ li l-organizzaturi jħassru l-kuntratt.

4.12.   Barra minn hekk, il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni fil-ħtieġa li ssir referenza aktar espliċita fir-Regolament għad-Direttivi dwar it-trasport marittimu u l-ilmijiet interni navigabbli, li jfittxu li jilħqu livell għoli ta’ ħarsien speċifikament għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa, u li jadattaw l-ambitu ġeografiku tal-applikazzjoni fejn meħtieġ.

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1

(2)  COM(2001) 370, 12.9.2001.

(3)  Simili għal dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 261/2004 tal-11.2.2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għall-passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, ĠU L 46, 17.2.2004.

(4)  Studju indipendenti kkommissjonat mid-DG TREN fl-2005-2006 dwar l-“Analiżi u l-valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri fis-settur tat-trasport marittimu tal-UE”.

(5)  Il-ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar leġiżazzjoni aħjar (2003/C 321/01), punt 17.

(6)  Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11.5.2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (ĠU L 149, 6.11.2005, p. 22).

(7)  Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5.4.1993 dwar il-klawżoli abbużivi fil-kuntratti mal-konsumaturi ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29.

(8)  Sentenza tat-22.12.2008, każ C-549/07 (Friederike Wallentin-Hermann/Alitalia-Linee Aeree Italiane SpA).

(9)  Id-dritt għall-privatezza, Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/94


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva

COM(2008) 852 finali – 2008/0247 (COD)

(2009/C 317/17)

Relatur: is-Sur FORNEA

Nhar id-19 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva

COM(2008) 852 finali – 2008/0247 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Ġunju 2009. Ir-relatur kien is-Sur Fornea.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tal-15 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’164 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Proposta ta’ Regolament tal-Kummissjoni għax fil-fehma tiegħu tirrappreżenta pass ieħor li jwitti t-triq għat-twaqqif tal-kurituri internazzjonali għat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u għall-iżvilupp ta’ dan il-mezz tat-trasport fl-Ewropa.

1.2.   Bil-għan li jsir l-aħjar użu tar-riżorsi kollha fil-qasam tal-iżvilupp tal-kurituri b’rabta mat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, tenħtieġ azzjoni politika speċifika fil-livell tal-kurituri, indipendentement minn kwalunkwe proċess leġiżlattiv. Ir-regolamentazzjoni biss mhijiex biżżejjed biex tippromovi l-kurituri tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija. Sabiex jissaħħu l-kwalità, l-effiċjenża u l-kapaċità globali tal-infrastruttura, l-investiment pubbliku u privat għandu jkun fost l-ewwel prijoritajiet, kif għandha tkun ukoll l-implimentazzjoni sħiħa tal-ewwel u t-tieni pakkett ferrovjarju madwar l-UE.

1.3.   Tinħtieġ koordinazzjoni effiċjenti ta’ livell għoli fir-rigward ta’ kull kuritur ikkonċernat biex isir progress fit-titjib tal-infrastruttura ferrovjarja; għaldaqstant, huwa importanti ħafna li l-ministri tat-trasport jgħaqqdu l-isforzi tagħhom għal kuritur partikolari. Ladarba jintemmu d-diskussjonijiet intergovernattivi, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet u l-impenji tagħhom. Il-Kummissarju Ewropew għat-Trasport għandu jagħti sehem aktar attiv biex jorganizza l-ħidma tal-ministri b’rabta ma’ kurituri individwali, fil-qafas ta’ azzjoni ta’ politika kkoordinata fil-livell tal-UE.

1.4.   Il-KESE jaqbel li ż-żamma tar-riżervi tal-kapaċitajiet bil-quddiem m’għandhiex tkun obbligatorja iżda għandhom jiġu ddefiniti mill-amministraturi tal-infrastruttura, f’każ li dawn ir-riżervi jkunu meħtieġa. Il-fatt li l-amministratturi tal-infrastruttura jiġu mġiegħla jirriżervaw il-kapaċitajiet bil-quddiem jista’ jwassal għal ħela pjuttost milli l-aħjar użu tagħhom. Madankollu, dawn l-amministraturi għandu jkollhom il-possibbiltà jirriżervawhom.

Fil-fehma tal-KESE, l-amministraturi tal-kapaċità għandhom jingħataw il-flessibbiltà kollha meħtieġa b’mod li jkunu jistgħu japplikaw ir-regoli tal-prijorità b’mod prattiku. Hawnhekk huwa importanti li “jitnaqqas id-dewmien globali tan-netwerk”, aktar milli tingħata preċedenza lil xi tip ta’ trasport. Fil-fatt li hemm bżonn hu li, huma x’inhuma r-regoli fis-seħħ, l-operaturi jiġu pprovduti b’informazzjoni trasparenti dwar ir-regoli li japplikaw f’każ ta’ dewmien tal-ferroviji mingħand l-amministratuti tal-infrastruttura.

1.5.   Il-partijiet kollha kkonċernati għandhom jiġu kkonsultati b’mod obbligatorju jew inkella jkunu msieħba fil-korp ta’ governanza tal-kurituri b’rabta mat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija: l-amministraturi tal-infrastruttura, l-intrapriżi ferrovjarji, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri, it-trade unions rilevanti, il-klijenti u l-organizzazzjonijiet ambjentali. L-operaturi tan-netwerk tal-ferrovija għandhom ikunu rappreżentati bis-sħiħ fil-gvernanza tal-kurituri kemm għaliex huma eqreb tas-suq, kif ukoll għax probabbilment ikunu inkarigati mill-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet marbuta mat-titjib tan-netwerk jew inkella jintlaqtu minnhom.

1.6.   L-użu tal-one-stop-shops (ġestjoni ċentralizzata) m’għandux ikun obbligatorju għall-intrapriżi ferrovjarji, bil-għan li l-entitajiet differenti tal-infrastruttura jkunu jistgħu jikkompetu ma’ xulxin. It-tradizzjoni li t-talba għal passaġġ bil-ferrovija titressaq quddiem kull amministratur nazzjonali tal-infrastruttura jew quddiem l-istess tip ta’ amministratur li jkollu wkoll rwol ta’ tmexxija għandha tintuża biss meta s-sistema tal-one-stop-shop tfalli.

1.7.   L-applikanti awtorizzati m’għandhux ikollhom aċċess għall-kuritur kollu meta pajjiż partikolari fuq il-kuritur ma jagħtihomx permess fil-livell nazzjonali. Jeħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza bir-reqqa l-kwistjonijiet marbuta mal-applikanti awtorizzati bil-għan li twassal lill-pubbliku tagħrif dettaljat dwar il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta’ din id-dispożizzjoni. Il-KESE mhuwiex kategorikament kontra l-kunċett tal-aċċess mhux diskriminatorju għall-infrastruttura, iżda huwa tal-fehma li, f’dan il-każ partikolari, hemm bżonn ta’ aktar riċerka u konsultazzjonijiet tal-gvernijiet tal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali Ewropej u nazzjonali, il-klijenti tas-servizz ferrovjarju u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kkonċernati.

1.8.   Is-sħubija fin-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) m’għandhiex tkun l-uniku kriterju għall-għażla tal-kurituri b’rabta mat-trasport tal-merkanzija. Il-kurituri m’għandhomx jiġu ddefiniti skont kriterji “esterni” biss, bħal dawk politiċi u ġeografiċi: għandu jiġi żgurat li l-kurituri jistgħu jintgħażlu skont kriterji flessibbli u determinati mis-suq. L-għażla tal-kurituri għandha tissejjes fuq l-għanijiet tas-suq, u tqis il-flussi tal-merkanzija attwali jew potenzjali kkunsidrati bħala importanti. Il-kriterji li jixprunaw din l-għażla huma s-suq u r-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji.

1.9.   Il-possibbiltà li din l-għażla tiġi estiża lil hinn min-netwerk tat-TEN-T għandha tiġi inkorporata fir-regolament. Pereżempju, f’kaz li sezzjoni partikolari tkun importanti għad-dinamiżmu tal-qasam tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija – minkejja li ma tkunx tagħmel parti min-netwerk tat-TEN-T – għandu jkun possibbli li din tiġi inkluża sa mill-bidu nett fil-kuritur u aktar tard fit-TEN-T.

1.10.   Il-kunċett ta’ terminals strateġiċi huwa antikompetittiv. Dan il-kunċett jista’ jwassal għat-tisħiħ tal-pożizzjoni b’saħħitha li jgawdu l-hekk imsejħa terminals strateġiċi bi ħsara ta’ dawk ikkunsidrati “mhux strateġiċi”. Kull referenza għat-terminals strateġiċi għandha titneħħa mill-Proposta ta’ Regolament bil-għan li tingħata opportunità lit-terminals mhux strateġiċi tal-lum jiżviluppaw u forsi jsiru strateġiċi fil-ġejjieni.

1.11.   Il-moviment ħieles tal-merkanzija m’għandux jaħdem kontra t-tħaddim tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema tal-ferroviji li jaħdmu fuq dawn il-kurituri tal-ġarr tal-merkanzija.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1.   Il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tħaffef il-proċess marbut mal-ħolqien u l-organizzazzjoni tan-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva li jissejjes fuq il-kurituri b’rabta mat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bil-ferrovija. Biex jitwettaq dan l-għan, il-Kummissjoni ddeċidiet tħejji din il-Proposta ta’ Regolament, wara li nidiet proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni pubblika u ta’ evalwazzjonijiet tal-għażliet disponibbli permezz ta’ studju tal-valutazzjoni tal-impatt. L-istudju wera li l-aħjar riżultati ekonomiċi jinkisbu permezz ta’ strateġija leġiżlattiva, pjuttost milli strateġija volontarja, li tinvolvi periklu akbar li l-miri proposti ma jintlaħqux.

2.2.   Id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament huma prinċipalment indirizzati lill-partijiet ekonomiċi rilevanti, lill-amministraturi tal-infrastruttura u lill-intrapriżi tal-qasam tal-ferrovija, u huma marbuta b’mod partikolari ma’ dawn l-aspetti:

il-proċeduri għall-għażla tal-kurituri tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija;

il-gvernanza tal-kurituri kollha;

il-karatteristiċi li għandhom iħaddnu l-kurituri tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija.

2.3.   Ir-Regolament ma japplikax fil-każ ta’:

netwerks lokali u reġjonali awtonomi li jintużaw għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri li jissellfu infrastruttura ferrovjarja;

netwerks li jintużaw biss għall-użu ta’ servizzi urbani u suburbani tat-trasport tal-passiġġieri;

netwerks reġjonali li jintużaw biss għas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija reġjonali, minn intrapriża ferrovjarja waħda li mhix stipulata fid-Direttiva 91/440/KEE sakemm applikant ieħor jitlob biex juża l-kapaċità tan-netwerk imsemmi;

infrastrutturi ferrovjarji privati ristretti għall-użu mill-proprjetarju tagħhom biss għall-attivitajiet tat-trasport tal-merkanzija tiegħu stess (1).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   L-aħjar żvilupp possibbli tal-mezzi tat-trasport kollha fi ħdan l-Istati Membri billi jiġu osservati l-prinċipji tal-ħarsien ambjentali, is-sigurtà, il-kompetizzjoni u l-effiċjenża fl-użu tal-enerġija, jirrappreżenta l-għan aħħari tal-politika Ewropea tat-trasport, kif speċifikat fil-Komunikazzjoni dwar “Ir-Reviżjoni ta’ nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport tal-2001 tal-Kummissjoni Ewropea”, (COM) 2006 314 finali.

3.2.   L-Unjoni Ewropea impenjat ruħha bis-sħiħ li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett serra b’20 % sal-2020. Dan l-għan ma jistax jintlaħaq jekk l-emissjonijiet mis-settur tat-trasport ma jitnaqqsux drastikament. Għaldaqstant, huwa importanti li l-akbar prijorità tingħata lill-aktar mezzi tat-trasport li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija u ekoloġiċi; f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dan l-argument, kulħadd jaqbel dwar il-fatt li, mil-lat tal-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet, it-trasport bil-ferrovija jirrispetta lill-ambjent (2).

3.3.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew diġà esprima l-pożizzjoni tiegħu dwar il-kunċett ta’ netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija  (3). F’din l-opinjoni m’aħniex se nirrepetu l-kummenti ġenerali li jgħoddu wkoll għall-Proposta ta’ Regolament dwar in-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkazija kompetittiva.

3.4.   Is-sitwazzjoni attwali tal-qasam tat-trasport tal-merkanzija fl-Unjoni Ewropea teħtieġ strumenti leġiżlattivi effikaċi fil-livell Ewropew u dak nazzjonali, u teħtieġ ukoll ħidma politika bil-għan li jiġu identifikati l-fondi meħtieġa għall-investiment fl-infrastruttura ferrovjarja. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Proposta ta’ Regolament tal-Kummissjoni għax fil-fehma tiegħu tirrappreżenta pass ieħor li jwitti t-triq għat-twaqqif tal-kurituri internazzjonali għat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u għall-iżvilupp ta’ dan il-mezz tat-trasport fl-Ewropa (4).

3.5.   Il-benefiċċji potenzjali marbuta mal-ħolqien ta’ dawn il-kurituri:

mezz tat-trasport li jirrispetta l-ambjent – tnaqqis globali tal-impatt ambjentali tal-attivitajiet fl-Ewropa marbuta mat-trasport;

tnaqqis tal-inċidenti fis-settur tat-trasport;

l-inizjattiva tissodisfa l-għanijiet tat-tkabbir imniżżla fl-Aġenda ta’ Liżbona;

kontribut sod għat-tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku fit-trasport bit-triq;

titħeġġeġ il-komodalità (ferrovija–baħar–il-passaġġi tal-ilma interni–triq);

il-ħolqien tal-kurituri għandu jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-materja prima għall-industriji tal-UE permezz tal-użu ta’ wieħed mill-iktar mezzi ta’ trasport ekoloġiċi ta’ volumi kbar ta’ materjal;

appoġġ lill-bini ta’ ċentri tal-loġistika kkollegati mal-ferroviji (iżjed u iżjed it-terminals tal-loġistika jkunu jistgħu jaqdu dejjem iktar ir-rwol ta’ mħażen tad-distribuzzjoni, li bħalissa huma prinċipalment estensjoni tal-impjanti tal-produzzjoni);

it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea.

3.6.   Il-miri ambjentali b’rabta mal-operazzjonijiet fil-kurituri tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija:

infrastruttura u vetturi għat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija li jirrispettaw l-ambjent;

livell baxx ta’ emissjonijiet speċifiċi;

livell baxx ta’ storbju f’dak li għandu x’jaqsam mat-tħaddim tan-netwerk ferrovjarju permezz tal-bini ta’ ħitan li jilqgħu kontra l-istorbju u permezz tal-użu ta’ teknoloġija kwieta f’dak li għandu x’jaqsam mal-firxa sħiħa tal-magni u l-vaguni tal-ferrovija u l-infrastruttura ferrovjarja;

it-tip tal-enerġija użata fil-kurituri tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija hija 100 % elettrika;

żieda fl-ammont ta’ enerġija rinnovabbli li tintuża għall-ġbid tal-vetturi.

4.   Kummenti speċifiċi dwar il-Proposta ta’ Regolament

4.1.   Investiment fl-infrastruttura tal-kurituri tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, it-terminals u t-tagħmir tagħhom

4.1.1.   F’dawn l-aħħar għaxar snin, permezz tal-politiki Ewropej, imxejna ’l quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mal-ftuħ tas-suq, iżda fl-Istati Membri r-riżultati ma kinux tajbin għalkollox fir-rigward tal-ksib ta’ kompetizzjoni ġusta bejn il-mezzi tat-trasport u l-investiment effettiv fl-infrastruttura interoperabbli moderna.

4.1.2.   Ir-riżorsi finanzjarji tal-Istati Membri jidhru insuffiċjenti meta mqabbla mal-miri ambizzjużi tal-Kummissjoni. Għalhekk, l-istituzzjonijiet Ewropej ser ikollhom rwol importanti x’jaqdu biex iħaffu l-użu tal-istrumenti tal-UE marbuta mal-għajnuna għall-iżvilupp ta’ netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva permezz tal-kofinanzjament tal-kurituri tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija bis-saħħa tal-baġit allokat għan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-Ts), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni, kif ukoll is-self mill-BEI.

4.1.3.   Fil-fehma tal-KESE, il-ħtiġijiet marbuta mal-investiment (u l-finanzjament tagħhom) għandhom jiġu enfasizzati b’mod aktar ċar fir-Regolament (5). Bejn l-1970 u l-2004, it-tul tan-netwerk tal-awtostradi fl-UE ta’ 15-il Stat Membru żdied b’350 %, iżda t-tul tan-netwerk ferrovjarju naqas b’14 %. Meta jkun hemm konġestjoni fit-toroq, kwalunkwe deċiżjoni dwar it-titjib tal-infrastruttura tat-toroq jew il-bini ta’ infrastruttura ġdida tiġi implimentata mill-aktar fis. Fil-fehma tal-KESE, in-netwerk ferrovjarju ma jistax jassorbi volum akbar jekk l-istess politika tal-investiment applikata għat-toroq tul dawn l-aħħar erbgħin sena ma tiġix applikata wkoll għall-ferroviji.

4.1.4.   Fid-dawl ta’ dan, ma nistgħux ma nsemmux il-ħtieġa li jiġu ffinanzjati l-konnessjonijiet ferrovjarji taż-żoni industrijali man-netwerk ferrovjarju prinċipali. Normalment, il-konnessjoni bit-triq taż-żoni industrijali man-netwerk bit-triq prinċipali tiġi ffinanzjata mill-baġits pubbliċi. Però, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, il-konnessjonijiet ferrovjarji taż-żoni industrijali man-netwerk ferrovjarju prinċipali ma jiġux trattati bl-istess mod. Ġeneralment, jitħallsu mill-kumpanija li topera s-sit industrijali u operatur fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija li jkun qed jagħmel negozju mal-kumpanija. Hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet fil-livell Ewropew u dak nazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam mal-investiment bil-għan li t-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija jitħaffef (eż. permezz ta’ strumenti bħall-iskemi ta’ fondi pubbliċi, bħalma jintużaw fil-Ġermanja, l-Awstrija u l-Iżvizzera).

4.1.5.   Wieħed mill-għanijiet tal-Kummissjoni huwa li jiġu implimentati l-istrumenti tekniċi u leġiżlattivi kollha dwar is-sigurtà tal-provvista tal-materja prima għall-industriji Ewropej. Il-kurituri ferrovjarji għandhom jikkontribwixxu bil-qawwa għall-kisba ta’ dan l-għan strateġiku u t-traffiku tat-trasport tal-merkanzija bejn l-Unjoni Ewropea u l-imsieħba tal-Lvant huwa ta’ importanza kbira f’dan il-kuntest. Għal dan il-għan, huwa importanti ħafna li l-UE tinvesti biex timmodernizza l-infrastruttura ferrovjarja li tgħaqqad il-Punent mal-Lvant u l-faċilitajiet tat-trasbord ikkonċernati. Barra minn hekk, l-aġġornament tat-TEN-Ts għandu jikkontribwixxi wkoll għat-twettiq ta’ dan l-għan.

4.1.6.   Għandha wkoll tingħata attenzjoni partikolari lis-servizzi tad-dwana bil-għan li l-proċeduri fi ħdan l-UE jiġu ssemplifikati (6), b’mod li t-trasport transkonfinali tal-merkanzija bil-ferrovija ikun rapidu. Bi tħejjija għat-twaqqif ta’ sistema għall-obbligi fil-qasam tad-dwana msejsa fuq l-iskambju ta’ data informatika (EDI) (7), u bil-għan li jsir investiment fil-ferroviji li m’għandhomx is-sistemi awtomatizzati meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-obbligi tad-dwana, hemm bżonn tal-appoġġ finanzjarju fil-livell Ewropew.

4.1.7.   Fil-fehma tal-KESE, permezz ta’ linji gwida ċari dwar l-għajnuna mill-istat ikun aktar faċli li jintwera liema appoġġ finanzjarju pubbliku mogħti lis-settur ferrovjarju jintlaqa’ tajjeb mid-dipartimenti tal-Kummissjoni. Fl-istess ħin, il-Kumitat jenfasizza li l-użu tal-kuntratti multiannwali jista’ jikkontribwixxi għal finanzjament sostenibbli tan-netwerk ferrovjarju Ewropew.

4.1.8.   F’dak li għandu x’jaqsam mal-kunċett ta’ “terminals strateġiċi” kif stipulat fl-Artikolu 9 tal-Proposta ta’ Regolament, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan jista’ jwassal għat-tisħiħ tal-pożizzjoni b’saħħitha tal-hekk imsejħa “terminals strateġiċi” bi ħsara għal dawk it-terminals meqjusa bħala “mhux strateġiċi”.

4.1.9.   Il-moviment ħieles tal-merkanzija m’għandux jaħdem kontra t-tħaddim tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema tal-ferroviji li jaħdmu fuq dawn il-kurituri tal-ġarr tal-merkanzija.

4.2.   L-għażla tal-kurituri tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u l-gvernanza tan-netwerk

4.2.1.   L-aġġornament tal-politika tat-TEN-Ts jipprovdi s-settur ferrovjarju bl-opportunità li jixħet dawl fuq l-importanza li jiġu żviluppati aktar kurituri flessibbli tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija għal distanzi twal, meta wieħed iqis li dawn huma s-sinsla tan-netwerk tat-trasport tal-UE.

4.2.2.   Il-KESE jisħaq li l-kurituri m’għandhomx ikunu ristretti biss għat-TEN-Ts (kif stipulat fil-Kapitolu II, l-Artikolu 3(1.a)) jew għall-kurituri tal-ERTMS tal-lum, peress li strateġija ta’ dan it-tip tista’ teskludi linji li huma – jew jistgħu jsiru – importanti għat-trasport tal-merkanzija iżda għad mhumiex fil-kurituri tat-TEN-Ts jew l-ERTMS. Għall-kuntrarju, it-TEN-Ts għandhom jiġu adattati meta jinħolqu kurituri tat-trasport tal-merkanzija ġodda.

4.2.3.   Il-partijiet kollha kkonċernati għandhom jiġu kkonsultati b’mod obbligatorju jew inkella jkunu msieħba fil-korp ta’ governanza, inklużi t-trade unions, il-klijenti u l-organizzazzjonijiet ambjentali rilevanti. L-intrapriżi tas-settur ferrovjarju għandhom ikunu msieħba fil-korp ta’ governanza fl-istess livell tal-amministraturi tal-infrastruttura, peress li jużaw il-kurituri, jittrattaw mal-klijenti u huma l-eqreb tas-suq. Dawn jintlaqtu mid-deċiżjonijiet meħuda mill-korp ta’ governanza u hemm imnejn ikollhom għalfejn jimplimentaw uħud minn dawn id-deċiżjonijiet. Għalhekk, huwa ġust li jkunu rappreżentati fil-korp ta’ governanza nnifsu.

4.2.4.   Huwa possibbli li l-intrapriżi tas-settur ferrovjarju li jużaw il-kuritur ikunu rappreżentati b’mod adegwat mingħajr ma jgħabbu żżejjed l-istruttura tal-gvernanza, eż. bħala kumpaniji individwali, bħala “gruppi ta’ kumpaniji” jew taħlita tat-tnejn. Però, bil-għan li jsir kontribut ġenwin għat-titjib tal-kurituri, huma biss dawk l-intrapriżi li “juzaw il-kuritur” li huma verament rilevanti.

4.3.   Miżuri operattivi

4.3.1.   Fil-fehma tal-KESE, ir-regoli marbuta mal-prijorità (il-passaġġi allokati għall-ferroviji, il-kapaċitajiet miżmuma bħala riżerva, il-prijorità f’każ ta’ dewmien) iqanqlu dibattitu diffiċli u delikat b’mod ġenerali għall-kurituri tat-trasport tal-merkanzija kollha (Kapitolu IV, l-Artikoli 11, 12 u 14). Ir-regoli għandhom jitfasslu b’mod li tista’ ssir implimentazzjoni prattika f’kull livell tal-kurituri, u li l-allokazzjoni tal-passaġġi ssir bl-iktar mod ġust u trasparenti mill-maniġers tal-infrastruttura.

4.3.2.   Ir-riżervar tal-kapaċitajiet m’għandux ikun obbligatorju iżda jiġi ddefinit mill-amministraturi tal-infrastrutura, fil-każ li dan ikun meħtieġ. Il-fatt li l-amministraturi tal-infrastruttura jiġu mġiegħla jirriżervaw il-kapaċitajiet bil-quddiem jista’ jwassal għal ħela pjuttost milli għall-aħjar użu tal-kapaċitajiet, b’mod partikolari meta ma tistax tingħata garanzija xhur bil-quddiem li l-ferroviji ser ikunu qed jaħdmu kif suppost.

4.3.3.   Bl-istess mod, jista’ ma jkunx hemm bżonn ta’ tibdil fir-regoli tal-prijorità u dan ma jwassal għall-ebda żieda fil-kapaċità. It-tibdil tar-regoli sempliċement jittrasferixxi l-frustrazzjoni minn kategorija ta’ utenti għal oħra. Taħt kull ċirkustanza, ir-regola dominanti għandha tkun it-tnaqqis globali tad-dewmien fin-netwerk u l-eliminazzjoni tal-konġestjoni bl-aktar mod rapidu possibbli.

4.3.4.   F’dak li għandu x’jaqsam mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV, l-Artikolu 10 dwar l-użu tal-“ġestjoni ċentralizzata” (one-stop-shop), il-KESE huwa tal-fehma li din l-għażla għandha titħalla f’idejn kull struttura tal-kurituri, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tas-suq, inkella dawk tal-kumpaniji ferrovjarji li jużaw il-kurituri.

4.3.5.   L-intrapriżi ferrovjarji għandu jkollhom l-għażla li jordnaw il-passaġġi li jixtiequ (permezz ta’ ġestjoni ċentralizzata jew bil-mod tradizzjonali). L-għażla fakultattiva tal-ġestjoni ċentralizzata tipprovdilhom l-opportunità li jippermettu li l-entitajiet differenti tal-infrastruttura (ie. il-one-stop-shop u l-amministraturi tal-infrastruttura individwali tul il-kuritur) jikkompetu ma’ xulxin, u b’hekk ikollhom inċentiv biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom.

4.3.6.   L-użu obbligatorju tal-one-stop-shops jista’ jwassal għall-ħolqien ta’ monopolju wiesa’ tal-infrastruttura tul il-kuritur, mingħajr l-ebda garanzija li fl-aħħar mill-aħħar dis-sistema tipprovdi servizzi ta’ kwalità aħjar mill-amministraturi tal-infrastruttura individwali. Barra minn hekk, il-mod tradizzjonali tal-one-stop-shop ma jiffunzjonax tajjeb.

4.3.7.   Jekk l-applikanti awtorizzati (eż. dawk responsabbli għall-ġarr tal-merkanzija, il-burdnara jew l-operaturi intermodali) jitħallew jixtru l-passaġġi, dan jista’ jiskoraġġixxi l-kumpaniji ferrovjarji milli jinvestu fis-sewwieqa u l-lokomottivi, minħabba r-riskju kbir marbut mad-disponibbiltà tal-passaġġi. Dan jista’ jwassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-swieq domestiċi bi ħsara għall-intrapriżi ferrovjarji u għall-kwalità tal-impjiegi pprovduti minn dawn il-kumpaniji. Il-prezzijiet jistgħu jogħlew, il-kapaċitajiet disponibbli jibqgħu limitati u l-ispekulazzjoni tista’ tiżdied.

4.3.8.   Madankollu, fl-Unjoni Ewropea tal-lum, il-fatt hu li jeżistu intrapriżi oħra minbarra dawk ferrovjarji (jiġifieri s-servizzi tal-loġistika, in-negozjanti, il-manifatturi) li għandhom interess qawwi biex jagħmlu iżjed użu mill-ferroviji (8). Ċerti intrapriżi ferrovjarji Ewropej diġà xtraw kumpaniji involuti fis-servizzi tal-loġistika biex jippruvaw jittrasportaw bil-ferrovija merkanzija li s’issa ġiet trasportata bit-triq. F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa possibbli li fil-ġejjieni qrib, permezz ta’ strateġija innovattiva u b’responsabbiltà soċjali, l-applikanti awtorizzati jkunu jistgħu jaqdu rwol importanti fl-iżvilupp tal-kurituri tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija.

Brussell, 15 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  L-inċiżi huma meħuda mill-Artikolu 1(2) tal-Proposta ta’ Regolament COM(2008) 852 finali.

(2)  Madwar 80 % tat-trasport bil-ferrovija fl-Ewropa jivvjaġġa fuq linji elettrifikati.

(3)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 41–44.

(4)  Il-bżonn ta’ strumenti leġiżlattivi effikaċi, mobilizzazzjoni politika u investiment ġie enfasizzat għal darba oħra matul is-seduta dwar “In-netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva” organizzata mill-KESE fit-28.4.2009 f’Brno, ir-Repubblika Ċeka, taħt il-Presidenza Ċeka tal-Unjoni Ewropea.

(5)  Skont studju tal-Komunità tal-Ferroviji Ewropej (CER) dwar il-kurituri tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, imwettaq mill-kumpanija ta’ konsulenza McKinsey, jekk sal-2020 isir investiment ta’ EUR 145 biljun, il-kapaċità tal-qasam tat-trasport ferrovjarju tista’ tiżdied b’72 % fuq 6 kurituri ewlenin tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija msejsa fuq l-ERTMS (Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju); dan jirrappreżenta 34 % tal-volum tat-trasport kollu fl-Ewropa.

(6)  Għalhekk, huwa importanti li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1875/2006 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju jiġi implimentat b’mod effettiv fil-livell tal-UE.

(7)  Electronic Data Interchange.

(8)  Pożizzjoni uffiċjali tal-CLECAT (Position Paper), Brussell, 19.01.2009.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/99


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar kooperazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar ta’ liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi

COM(2008) 817 finali – 2008/0237 (COD)

(2009/C 317/18)

Rapporteur: is-Sinjura DARMANIN

Nhar id-19 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 71 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar kooperazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar ta’ liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi

COM(2008) 817 finali – 2008/0237 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Darmanin.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’75 vot favur u 3 voti kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ, fejn tidentifika li dan huwa mezz ta’ trasport li huwa użat minn ħafna nies, u li jipprovdi alternattiva iktar irħisa għall-ivvjaġġar tal-passiġġieri.

1.2.   Il-proposta tagħti ħarsa lejn diversi drittijiet fundamentali li huma rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħall-moviment liberu tal-persuni, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni abbażi tad-diżabbiltà u l-protezzjoni tal-konsumatur. Għaldaqstant, b’mod ġenerali l-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament, iżda għandu wkoll suġġerimenti dwar kif din tista’ tittejjeb.

1.3.   Il-KESE jinsab imħasseb dwar xi kjarifiki li għandhom isiru fir-rigward ta’ ċerti partijiet tat-test li jistgħu jwasslu għal interpretazzjoni ħażina. Dawn huma l-kjarifiki meħtieġa:

Ir-responsabbiltà għall-provvista tas-servizz lill-persuni b’diżabbiltà – it-test għandu jkun iktar ċar dwar il-fatt li l-isforz prinċipali tal-Kummissjoni huwa li titnaqqas id-diskriminazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-informazzjoni li tingħata lill-passiġġieri dwar is-servizzi (jekk jeżistu) li jkunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà.

Ir-responsabbiltà tal-Operatur meta jintilfu l-bagalji għandha tiġi speċifikata b’mod ċar u għandha tiġi stabbilita xi forma ta’ sistema ta’ check-in.

Huwa ferm diffiċli li l-informazzjoni tingħata fil-waqfiet tax-xarabank jew tal-kowċ ladarba l-vjaġġ ikun beda u għaldaqstant il-post u l-komunikazzjoni għandhom ikunu prattiċi.

L-użu tal-kelma terminal mhijiex adatta għat-trasport bix-xarabank u bil-kowċ billi ħafna drabi ma jeżistu l-ebda terminals iżda biss waqfiet tax-xarabank, u fejn ikun hemm terminals dawn ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Operatur.

1.4.   Il-KESE jinnota li l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-passiġġieri biex iħaddnu wkoll it-trasport urban u suburban ser ittejjeb il-kwalità tas-servizz u r-reputazzjoni tas-settur. Madankollu, il-KESE jidentifika għadd ta’ differenzi bejn is-servizz tax-xarabank urban u dak tat-trasport internazzjonali bix-xarabank u għalhekk jirrikonoxxi li jista’ jkun iktar prattikabbli li d-drittijiet tal-passiġġieri jinqasmu fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ mezzi distinti ta’ trasport u li jitfasslu drittijiet tal-passiġġieri speċifiċi għat-trasport urban u suburban kollu kemm hu. Għaldaqstant il-KESE huwa tal-fehma li d-dispożizzjonijiet tal-proposta għal regolament m’għandhomx bilfors japplikaw għat-trasport urban u suburban.

1.5.   It-taħriġ tal-persunal huwa kruċjali għall-provvista tas-servizzi lill-persuni b’diżabbiltà. Għal dan il-għan, il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa l-inklużjoni tal-Artikolu 18 li jispeċifika t-taħriġ li għandu jingħata lis-sewwieqa tax-xarabanks u l-kowċis.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1.   Fl-2005 il-Kummissjoni tat bidu lill-proċess ta’ konsultazzjoni dwar id-dispożizzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li jużaw ix-xarabanks u l-kowċis. Kien hemm reazzjonijiet estensivi minn organizzazzjonijiet speċjalizzati, mis-soċjetà ċivili, mill-aġenziji nazzjonali u mill-Istati Membri.

2.2.   Il-Kummissjoni wettqet ukoll valutazzjoni tal-impatt dwar l-għażliet ta’ politika. L-għażliet kienu:

li jinżamm l-istatus quo;

li tingħata protezzjoni minima;

li jingħata l-ogħla livell ta’ protezzjoni;

impenn volontarju u awtoregolazzjoni.

B’konsegwenza ta’ din il-valutazzjoni intużat taħlita ta’ għażliet għad-diversi aspetti ta’ protezzjoni li ġew identifikati.

2.3.   Fil-qofol tagħha, il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi d-drittijiet tal-passiġġieri li jużaw il-kowċ u x-xarabank sabiex dawn il-mezzi ta’ trasport isiru iktar attraenti u jiġbdu l-kunfidenza tal-passiġġieri, kif ukoll biex tinħoloq sitwazzjoni bl-istess kundizzjonijiet għat-trasportaturi minn Stati Membri differenti u bejn mezzi oħra ta’ trasport.

2.4.   Essenzjalment, il-proposta tinkludi dispożizzjonijiet dwar:

ir-responsabbiltà fil-każ ta’ mewt jew korriment ta’ passiġġieri u t-telf tal-bagalji jew ħsara lill-bagalji tagħhom;

nuqqas ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità jew post ta’ residenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ trasport offruti lill-passiġġieri minn impriżi ta’ xarabanks jew kowċis;

assistenza lil persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa;

l-obbligi tal-impriżi tax-xarabanks u l-kowċis f’każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien ta’ vjaġġ;

obbligi ta’ informazzjoni;

ġestjoni tal-ilmenti;

regoli ġenerali dwar l-infurzar.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ, drittijiet li sal-lum ivarjaw b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor. Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ linji gwida ċari li jipproteġu d-drittijiet tal-passiġġieri li jużaw dan il-mezz ta’ trasport, speċjalment billi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi t-trasport bix-xarabank u bil-kowċ huwa l-mezz ta’ trasport li huwa l-inqas regolat.

3.2.   Il-KESE jilqa’ l-mod li bih il-proposta ssaħħaħ il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u tappoġġja lill-persuni b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa. Madankollu, il-KESE jsejjaħ għal kjarifiki speċifiċi tat-test tal-Kummissjoni sabiex jitnaqqsu l-partijiet vagi li jistgħu jwasslu għal interpretazzjoni ħażina.

3.3.   Billi xi wħud mill-obbligi ttieħdu mill-Konvenzjoni tan-NU għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ penali li tiġi applikata lill-kumpaniji tat-trasport kull meta dawn dawn id-drittijiet ma jiġux rispettati.

3.4.   Id-drittijiet tal-passiġġieri b’diżabbiltà huwa qasam fejn il-Kumitat jemmen bis-sħiħ li l-approċċ tal-ogħla livell ta’ protezzjoni huwa l-approċċ adatt. Approċċ bħal dan jiżgura r-rispett, id-dinjità u d-drittijiet tal-individwu. Madankollu l-Kumitat huwa mħassab dwar l-implimentazzjoni korretta ta’ dawn ir-regoli. Huwa essenzjali li standards regolatorji bħal dawn jidħlu fis-seħħ mill-aktar fis possibbli u jkunu mmonitorjati mill-qrib.

3.5.   Hija ħaġa xierqa li l-proposta tinkludi dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tax-xarabanks u l-kowċis. L-Artikolu 2(2) tal-Proposta għal Regolament jiggarantixxi livell simili tad-drittijiet madwar l-Unjoni, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u jqis id-diversità tas-sitwazzjonijiet.

3.6.   Rigward ir-responsabbiltà tal-impriżi tax-xarabanks u l-kowċis lejn il-passiġġieri u l-bagalji tagħhom, għandu jkun ċar li l-livelli ta’ kumpens imfissra fil-proposta m’għandhomx iżommu lill-konsumaturi milquta milli jfittxu l-protezzjoni legali, jekk ikun xieraq. Għandha tiġi stabbilita sistema ta’ kumpens li hija simili għal dik applikata f’mezzi oħra ta’ trasport.

3.7.   Il-KESE jinnota li ħafna drabi huma l-iktar setturi vulnerabbli tal-popolazzjoni li jagħżlu li jużaw mezzi bħal dawn għat-trasport transkonfinali. Għaldaqstant, il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir il-miżuri l-ġodda ta’ protezzjoni li l-Kummissjoni tixtieq iddaħħal fis-seħħ.

3.8.   Il-KESE jemmen li għandhom jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ azzjoni biex jiżguraw li l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jingħataw l-assistenza li jeħtieġu fl-istazzjonijiet u l-waqfiet tax-xarabank u fil-vettura nnifisha, u li r-rappreżentanti tal-persuni b’diżabbiltà u r-rappreżentanti tal-impriżi tax-xarabank u l-kowċ ikollhom rwol ewlieni x’jaqdu f’dan il-proċess.

3.9.   Filwaqt li l-Kumitat jemmen li t-tnaqqis tal-inkonvenjenzi għall-passiġġieri għandu dejjem ikun l-għan prinċipali, il-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-kumpens u r-rimborż għandhom ikopru dawn l-aspetti:

korriment jew mewt b’riżultat tal-użu ta’ din it-trasport;

kanċellazzjoni, dewmien jew diverżjonijiet;

telf ta’ oġġetti personali mill-Operatur; kif ukoll

nuqqas ta’ informazzjoni.

3.10.   Madankollu, f’kull każ imsemmi hawn fuq huwa essenzjali li jkun hemm provi tar-responsabbiltà tal-Operatur u li l-piż tal-kumpens ma jkunx tat-tip li jwassal biex l-Operatur ifalli. Għalhekk il-kumpens għandu jkun realistiku u f’waqtu għall-konsumaturi iżda għall-Operatur ukoll.

3.11.   Ir-riparazzjoni għandha tkun aċċessibbli faċilment u r-regolamenti dwar il-post fejn għandha tinsab għandhom jinkludu kwalunkwe Stat Membri fejn ikun għadda l-passiġġier kif ukoll il-pajjiż tar-residenza.

3.12.   L-aċċess għall-informazzjoni huwa tal-ikbar importanza u għaldaqstant il-KESE jilqa’ l-approċċ tal-ogħla protezzjoni li ttieħed f’dan ir-rigward partikolarment billi l-informazzjoni hija l-għodda ewlenija biex jitnaqqsu l-inkonvenjenzi fit-trasport għall-konsumaturi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Trasport urban

4.1.1.   Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni sal-punt fejn, ġeneralment, l-applikazzjoni tar-regolament ser tfisser l-iżvilupp addizzjonali tas-suq intern tad-drittijiet tal-passiġġieri, speċjalment id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-ambitu ta’ dan ir-regolament is-servizzi tat-trasport urban, suburban u reġjonali li huma koperti mir-Regolament 1370/2007 tat-23 ta’ Ottubru 2007.

Madankollu, il-KESE jemmen li l-obbligu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur safejn huwa rrakkomandat fil-proposta jfisser li jkollhom jiġu emendati firxa sħiħa ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku li ġew konklużi skont ir-Regolament 1370/2007. Barra minn hekk, meta jitqiesu d-differenzi kbar bejn il-kondizzjonijiet, l-infrastruttura u t-tagħmir meħtieġa għas-servizzi tat-trasport bit-triq (koperti mir-Regolament 1370/2007) u dawk meħtieġa għat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri tax-xarabank u l-kowċ, dawn ma tantx jistgħu jitqabblu.

Il-KESE jippreferi li s-servizzi tat-trasport urban, suburban u reġjonali jitħallew barra għalkollox minn din il-proposta u li d-drittijiet tal-utenti ta’ dawn il-mezzi ta’ trasport pubbliku jiġu ttrattati f’regolament apparti.

4.2.   Aċċessibbiltà

4.2.1.   Il-KESE jiddispjaċih li l-proposta ma tirrikonoxxix b’mod iktar speċifiku u ddettaljat is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà u li ma tistabbilixxix standards iktar avvanzati għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa; huwa essenzjali li dawn il-gruppi jingħataw aċċess garantit għat-trasport.

L-infurzar prattiku tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà m’għandux iwassal għal piżijiet ġodda fuq il-kumpaniji, billi l-biċċa l-kbira tal-obbligi mfissra fir-regolament ġejjin minn dispożizzjonijiet ta’ strumenti leġiżlattivi oħra tal-Komunità, bħad-Direttiva 2001/85/KE (1). Il-ħdax-il premessa ta’ din id-Direttiva tistipula li għandhom jingħataw ukoll rakkomandazzjonijiet tekniċi biex il-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jkollhom aċċess għall-vetturi koperti mid-Direttiva b’konformità mal-politiki Komunitarji soċjali u dawk tat-trasport. Jeħtieġ li jsir kull sforz sabiex jittejjeb l-aċċess għal dawn il-vetturi.

4.2.2.   Għaldaqstant, il-Kumitat jemmen li l-obbligi l-ġodda għall-Operatur għandhom jitqiesu bħala obbligi tas-servizz pubbliku u għalhekk għandu jiġi pprovdut kumpens finanzjarju, kif inhu stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar is-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq.

4.2.3.   L-għan huwa li l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, inklużi dawk li jbatu bl-obeżità, jingħataw l-opportunitajiet għall-ivvjaġġar bix-xarabank u bil-kowċ li jkunu kumparabbli mal-opportunitajiet li jgawdu ċ-ċittadini l-oħra. Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja t-twaqqif ta’ regoli li jipprevienu d-diskriminazzjoni u li jistipulaw li tingħata assistenza matul il-vjaġġ lil dawn il-gruppi ta’ passiġġieri kif propost, għalkemm b’mod inadegwat, fil-Proposta għal Regolament. Għal dan il-għan, il-KESE jemmen li huwa essenzjali li l-assoċjazzjonijiet tat-trasportaturi u l-assoċjazzjonijiet tal-persuni b’diżabbiltà jingħaqdu biex jidentifikaw l-aċċessibbiltà tas-servizzi.

4.2.4.   L-aċċessibbiltà tista’ tkun miċħuda għal raġunijiet validi, pereżempju s-sigurtà fit-triq, għalkemm raġunijiet purament ekonomiċi m’għandhomx ikunu l-uniku deterrent għal provvista ta’ servizz bħal dan. L-aċċess għandu jkun miċħud biss għal raġunijiet oġġettivi, nondiskriminatorji, proporzjonali skont l-għan, li jkunu diġà ġew ippubblikati u li huma interpretati b’mod ristrett, billi dawn ixekklu l-moviment liberu tal-persuni. Dawn huma drittijiet inaljenabbli, kif jistqarr l-Artikolu 5 tal-proposta.

4.2.5.   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tagħti bidu għall-proċess meħtieġ biex tiġi standardizzata l-produzzjoni tas-siġġijiet tar-roti u s-sistemi għall-irbit tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jintużaw b’mod sikur fuq ix-xarabanks u l-kowċis.

4.2.6.   Il-KESE jappoġġja inizjattivi għat-trasport à la carte, li ħafna drabi jistgħu jkunu alternattiva għat-trasport ta’ persuni b’diżabbiltà. Għal dan il-għan, il-Kumitat iħeġġeġ l-inklużjoni ta’ servizzi bħal dawn meta jinħarġu s-sejħiet għall-offerti.

4.2.7.   Il-Kapitolu III tal-proposta jipprojbixxi ċ-ċaħda tal-aċċess u jinkludi dispożizzjonijiet dwar id-dritt għall-assistenza fit-terminals u fil-vetturi, il-kondizzjonijiet li bihom tingħata l-assistenza, it-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-kumpens fir-rigward tas-siġġijiet tar-roti u t-tagħmir għall-mobbiltà li huma adegwati iżda għad għandhom bżonn jittejbu. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi organizzat premju għal dawk l-Operaturi li jmorru lil hinn minn dak li hu rikjest biex jipprovdu servizzi ta’ trasport li jqisu l-bżonnijiet tal-persuni b’diżabbiltà.

4.3.   Taħriġ tal-persunal

4.3.1.   Il-KESE huwa tal-fehma li t-taħriġ huwa kruċjali għall-provvista tas-servizzi lill-persuni b’diżabbiltà. Għaldaqstant, il-Kumitat jappoġġja għalkollox l-Artikolu 18. Barra minn hekk, il-Kumitat jemmen li din hija opportunità eċċellenti għal kooperazzjoni addizzjonali bejn l-assoċjazzjonijiet tal-operaturi tat-trasport u l-assoċjazzjonijiet għall-persuni b’diżabbiltà fejn dawn tal-aħħar jistgħu jagħtu taħriġ bħal dan.

4.4.   Ħlas ta’ danni f’każ ta’ mewt

4.4.1.   Il-KESE jirrikonoxxi li bħalissa l-avvanzi fil-kumpens lid-dipendenti li jkunu tilfu qrabathom f’inċident tat-trasport kultant idumu wisq biex jitħallsu. Mill-banda l-oħra, il-KESE jikkunsidra li ħmistax-il ġurnata huma perijodu raġonevoli għall-ħlas ta’ avvanzi għall-bżonnijiet ekonomiċi immedjati lill-familji tal-vittmi ta’ inċidenti fatali, meta jitqiesu d-danni li jkunu sofrew, jew lill-vittmi stess li jkunu batew minn korriment fiżiku jew mentali b’riżultat ta’ inċident.

4.4.2.   F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li ssir kjarifika tat-test fl-Artikolu 8 sabiex id-dipendenti jiġu ddefiniti speċifikament bħala minorenni li jkunu tilfu l-ġenitur (jew il-gwardjan) li jmantnihom.

4.5.   Telf ta’ bagalji

4.5.1.   Il-KESE jirrikonoxxi li d-drittijiet tal-passiġġieri għandhom ikunu rispettati meta l-bagalji jinsterqu jew jintilfu u għaldaqstant il-passiġġieri huma intitolati għal kumpens. L-Operaturi tax-xarabanks u l-kowċis għandhom jinżammu responsabbli għat-telf tal-bagalji li jkunu ġew fdati f’idejhom. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni għandha tiċċara d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-proposta bil-għan li tintlaħaq ċertezza legali, billi l-kliem attwali mhuwiex ċar u jipprovdi tweġibiet differenti skont iċ-ċirkostanzi.

4.5.2.   Għalhekk il-KESE jispeċifika li l-għoti ta’ servizz ta’ check-in lill-konsumatur mhuwiex l-obbligu tal-Operatur.

4.5.3.   Il-KESE jemmen ukoll li għandhom jittieħdu dispożizzjonijiet partikolari għall-każijiet ta’ telf jew danni lit-tagħmir użat mill-persuni b’diżabbiltà.

4.6.   Informazzjoni dwar interruzzjoni fis-servizz

4.6.1.   Il-KESE jemmen li għandu jsir kull sforz sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni tasal għand il-passiġġieri fi żmien raġonevoli f’każ ta’ dewmien jew interruzzjoni ta’ servizz. Madankollu, il-KESE jemmen li informazzjoni bħal din xi kultant hija diffiċli li titwassal. B’hekk f’dan ir-rigward, l-Artikolu 21 huwa kkunsidrat bħala imprattikabbli u huwa ferm diffiċli li jiġi implimentat minħabba n-natura tal-waqfiet tax-xarabanks u peress li ġeneralment ma jkunx hemm persunal disponibbli.

4.6.2.   Il-KESE jipproponi li l-investiment mill-fondi tar-riċerka u l-iżvilupp tal-Kummissjoni jiġi allokat għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-għodod tal-ICT għal sistemi ta’ informazzjoni għall-passiġġieri li jkunu affidabbli, f’waqthom u sikuri li jitqiegħdu fil-waqfiet tax-xarabanks, kif ukoll għal sistemi ta’ trasport ħfief u mobbli (Intelligent Transportation Systems).

4.7.   Terminals tat-trasport bix-xarabank u bil-kowċ

4.7.1.   Il-proposta tagħmel għadd ta’ referenzi għal terminals fir-rotta tax-xarabank jew il-kowċ. Ta’ min jinnota li terminals bħal dawn ġeneralment ma jeżistux u fejn jeżistu ħafna drabi jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ stazzjon tal-ferrovija jew ajruport. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma jkunx hemm terminal iżda waqfiet mingħajr persunal biss.

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU L 42, 13.2.2002, p. 1-102 (mhux disponibbli bil-Malti).


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/103


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta’ strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita

COM(2009) 139 finali – 2009/0047 (COD)

(2009/C 317/19)

Rapporteur: is-Sur MCDONOGH

Nhar il-21 ta’ April 2009 il-Kunsill Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 156 li jistabbilixxi l-Komunità Ewropa, li jikkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta’ strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita

COM(2009) 139 finali – 2009/0047 (COD)

Is-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tħejji l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur McDonogh.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tal-15 ta’ Lulju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’174 vot favur u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Nappoġġjaw bis-sħiħ il-proposti tal-Kummissjoni peress li l-leġiżlazzjoni applikata fl-2004 tista’ ma tkunx għadha valida.

1.2.   Is-sigurtà tas-sistemi hija ta’ importanza vitali, u għandhom jittieħdu passi sabiex jiġu eliminati l-hackers.

1.3.   Għandhom isiru kontrolli għal skopijiet ta’ sigurtà dwar l-esperjenza preċedenti tal-impjegati, peress li l-istruttura tal-ġestjoni hija magħmula minn impjegati ċivili. Il-persunal għandu jkun konxju wkoll tar-responsabbiltà kbira tagħhom lejn l-utenti aħħara, sabiex tkun żgurata l-kontinwità u l-kredibilità tas-servizz.

1.4.   L-ispiża għall-utenti għandha tkun kompetittiva ma’ dik ta’ sistemi oħra simili.

1.5.   Huwa importanti li l-Unjoni Ewropea tkun indipendenti minn fornituri oħra, li jistgħu jitfu s-sistemi tagħhom meta jfettlilhom, u għandha tissorvelja l-attività tal-utent aħħari għal skopijiet kummerċjali jew militari.

1.6.   Is-sistema Galileo għandha titfisser sew liċ-ċittadini tal-UE peress li din ser taffettwa, direttament jew indirettament, il-ħajja ta’ ħafna ċittadini, minn piloti għal dawk li jaħdmu fil-minjieri, u l-bdiewa, u sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tagħha.

1.7.   Il-KESE għandu jiġi kkonsultat fi stadji varji dwar it-teħid tad-deċiżjoni fir-rigward tal-progress li qed isir fl-implimentazzjoni tal-proġett.

1.8.   Il-KESE jappoġġja l-finanzjament tal-programmi GNSS tal-UE u jenfasizza li għandu jiġi żgurat finanzjament multiannwali sabiex ikun żgurat is-suċċess tal-programmi.

1.9.   Għandu jiġi rikonoxxut ir-rwol tal-KESE. Il-programmi GNSS għandhom impatt dirett fuq iċ-ċittadini u l-KESE għandu jiġi infurmat u kkonsultat bis-sħiħ. Is-sistema Galileo hija żviluppata u kkontrollata minn persuni ċivili u hija meħtieġa t-trasparenza. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli tikkonsulta lill-KESE peress li fi stadju aktar tard ser iqumu kwistjonijiet ta’ importanza kbira marbuta mas-sorveljanza, id-drittijiet individwali u l-privatezza.

2.   Daħla

2.1.   Il-KESE diġà adotta bosta opinjonijiet dwar is-sistema Galileo (1).

2.2.   Huwa importanti li kemm jista’ jkun malajr Galileo titlesta u tiġi attivata sabiex l-Ewropa jkollha s-sistema ta’ navigazzjoni bis-satellita tagħha bħalma għandhom l-Istati Uniti, u biex ma tkunx dipendenti fuq oħrajn fil-forniment ta’ dawn is-servizzi.

2.3.   Mil-lat nazzjonali dan ser iżid is-sigurtà, u mil-lat kummerċjali se jipprovdi dħul. Dan għandu jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni, u jipproduċi sors importanti ta’ dħul.

2.4.   Il-KESE għandu jappoġġja bis-sħiħ lill-Kummissjoni dwar din il-leġiżlazzjoni li hija meħtieġa mill-aktar fis.

3.   Kummenti ġenerali dwar il-programmi Ewropej GNSS

3.1.   Huwa importanti li l-UE tkun indipendenti minn fornituri oħra kbar tas-servizz globali bis-satellita. Madankollu, is-sistema Galileo ser tkun aktar effiċjenti fis-suq globali u l-EGNOS ser tikkomplimenta sistemi oħrajn u ttejjeb il-kwalità tal-informazzjoni.

3.2.   Galileo toffri wkoll aċċess għall-ispazju lill-uħud mill-Istati Membri li kieku ma jkunux involuti fl-attivitajiet tal-ispazju. Il-programmi GNSS għandhom igawdu wkoll minn relazzjonijiet pubbliċi tajbin, li se jsaħħu l-immaġni tal-UE fost il-pubbliku u ser jiżguraw is-suċċess tal-programmi. Attivitajiet li jqajmu kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-programmi Ewropej GNSS huma meħtieġa sabiex il-pubbliku jkun jista’ jgawdi minn dawn l-opportunitajiet ġodda.

3.3.   Il-programmi Ewropej GNSS jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq politiki oħra tal-UE.

3.4.   Għandha titħeġġeġ ir-riċerka f’dan il-qasam.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 għandu jiġi emendat b’mod espliċitu u malajr għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-qagħda attwali, li tista’ tiġi kkaratterizzata mill-koeżistenza ta’ żewġ testi li f’ċertu partijiet jikkontradixxu lil xulxin – ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 – mhijiex waħda sodisfaċenti mil-lat legali.

Ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 jistipula li l-Kummissjoni għandha tmexxi l-aspetti kollha relatati mas-sigurtà tas-sistema, iżda fl-istess ħin jinkariga lill-Awtorità Superviżorja biex tiżgura l-akkreditazzjoni fir-rigward tas-sigurtà. Ir-rwol preċiż tal-Awtorità fir-rigward tas-sigurtà u l-akkreditazzjoni għandu jiġi ċċarat malajr.

4.2.   Skont l-emenda għal dan ir-regolament, l-Aġenzija għandha l-objettivi li ġejjin:

l-akkreditazzjoni tas-sigurtà: l-Aġenzija għandha tniedi, u tikkontrolla, l-implimentazzjoni tal-proċeduri tas-sigurtà u twettaq verifiki ta’ sigurtà fuq is-Sistemi Ewropej GNSS;

tikkontribwixxi għat-tħejjija tal-promozzjoni tas-sistemi Ewropej GNSS, inkluża l-analiżi meħtieġa tas-suq;

tħaddem iċ-ċentru tas-sigurtà ta’ Galileo.

4.3.   Evalwazzjoni ex-ante twettqet meta l-Aġenzija ġiet imwaqqfa fl-2004.

4.4.   Din l-emenda għar-regoli ta’ gvernanza tal-Aġenzija hija mfassla sabiex tikkunsidra l-lezzjonijiet li ttieħdu mill-esperjenza tat-tmexxija tal-Aġenzija u l-kontribuzzjoni u r-rwol tagħha fil-programmi Ewropej ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita.

4.5.   Għalhekk huwa meħtieġ qafas ġdid għall-gvernanza pubblika. Ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 jipprovdi għal:

tqassim strett tar-responsabbiltajiet bejn il-Komunità Ewropea - irrappreżentata mill-Kummissjoni - l-Awtorità u l-Aġenzija Spazjali Ewropea;

l-għoti ta’ responsabbiltà lill-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-programmi; u

l-ispjegazzjoni preċiża tax-xogħlijiet li dak iż-żmien ingħataw lill-Awtorità.

4.6.   It-twaqqif tas-sistemi ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri individwali peress li dan l-objettiv imur lil hinn mill-kapaċitajiet finanzjarji u tekniċi ta’ kull Stat Membru individwali. Għalhekk azzjoni fil-livell Komunitarju hija l-aktar bażi xierqa għat-tlestija tal-programmi Ewropej GNSS (Galileo u EGNOS).

Brussell, il-15 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 73-75.

ĠU C 256, 27.10.2007, p. 47.

ĠU C 324, 30.12.2006, p. 41-42.

ĠU C 221, 8.9.2005, p. 28.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/105


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar il-Forza tax-Xogħol Ewropea għas-Saħħa

COM(2008) 725 finali.

(2009/C 317/20)

Rapporteur: is-Sur METZLER

Nhar l-10 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Komunikazzjoni indirizzata lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata

il-Green Paper dwar il-Forza tax-Xogħol Ewropea għas-Saħħa

COM(2008) 725 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Arno Metzler.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu tal-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tal-15 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’104 voti favur, 29 vot kontra u 29 astensjoni.

1.   Il-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat

1.1.   Il-KESE jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-Green Paper dwar il-Forza tax-Xogħol Ewropea għas-Saħħa. Il-bidla demografika u l-konsegwenzi tagħha fuq il-forza tax-xogħol u l-ammont ta’ xogħol fis-settur tas-saħħa huma ppreżentati fil-Green Paper.

1.2.   Fil-fehma tal-KESE jeħtieġ li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-impjiegi fis-settur ta-saħħa jsiru aktar attraenti f’għajnejn iż-żgħażagħ sabiex fil-futur aktar minnhom jagħżlu xogħol fis-settur.

1.3.   Il-KESE jirrakkomanda li tinħoloq biżżejjed kapaċità għal persunal fis-settur tas-saħħa sabiex jiġu koperti l-bżonnijiet fil-qasam tal-kura tas-saħħa u jissaħħu l-kura u l-promozzjoni tas-saħħa kif ukoll il-prevenzjoni tal-mard.

1.4.   L-emigrazzjoni xejn mixtieqa tal-persunal fis-settur tas-saħħa lejn pajjiżi oħra tista’ tiġi rimedjata permezz ta’ pagi aktar għoljin, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u fejn jgħodd, responsabbiltajiet ġodda. Responsabbiltajiet ġodda jirrikjedu l-kwalifiki adegwati. Permezz ta’ dan, is-settur għandu jsir iktar attraenti.

1.5.   L-ammont ta’ data statistika dwar il-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa tal-UE b’mod partikolari fil-qasam tal-migrazzjoni u l-mobilità li sservi ta’ bażi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, għandu jittejjeb konsiderevolment.

1.6.   Għandu jitħeġġeġ l-użu ta’ teknoloġiji ġodda li jħaffu x-xogħol tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa, u li jgħollu l-kwalità tas-servizz u jappoġġjaw lill-pazjenti. Il-KESE huwa konxju tal-fatt li dan jista’ jwassal għal analiżi mill-ġdid tal-qsim tal-kompiti tal-korp mediku.

1.7.   Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti li jaqdu l-istandards soċjali sabiex jiżguraw kwalità għolja ta’ kura u sigurtà tal-pazjenti u jopponi bis-sħiħ kwalunkwe tentattivi li jsiru sabiex idgħajfuhom (l-ebda “race to the bottom”).

1.8.   Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti li jaqdu l-professjonijiet indipendenti fis-settur tas-saħħa flimkien mas-servizzi ewlenin provduti mill-isptarijiet u s-servizzi pubbliċi tas-saħħa għaliex huwa permezz tagħhom li jista’ jiġi żgurat li t-trattament u l-kura tan-nies jingħataw f’kundizzjonijiet ta’ kompetenza u sigurtà. Dawn il-ħaddiema kisbu l-kwalifiki tagħhom bis-saħħa tal-isforz tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri għall-edukazzjoni pubblika. Il-membri tal-KESE, li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili, huma mħassba fir-rigward tax-xewqa tal-Kummissjoni li tħeġġeġ lill-persunal tas-saħħa biex jaħdem fil-prattiki indipendenti. Fl-istess waqt il-KESE huwa kritiku wkoll fir-rigward tat-tendenza dejjem tiżdied tal-impjieg apparentement indipendenti fejn dan huwa problematiku għall-attività partikolari (eż. il-kura tal-morda u tal-anzjani).

1.9.   Il-KESE jinsab imħasseb fir-rigward tad-diskussjoni dwar il-qsim ġdid tal-kompiti fis-settur tas-saħħa bil-għan li minflok it-trattament minn persunal ikkwalifikat jinstabu soluzzjonijiet alternattivi irħas. Il-KESE huwa tal-fehma li l-kunsiderazzjonijiet strutturali dwar it-tqassim tal-kompiti fost il-professjonijiet tal-kura tas-saħħa għandhom jiffukaw fuq il-ħtiġijiet mediċi, il-livell ta’ kwalifiki u l-bżonnijiet tal-pazjenti.

1.10.   Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa u l-forza tax-xogħol tagħhom huma servizzi ta’ interess ġenerali u għalhekk il-Fondi Strutturali għandhom jintużaw b’mod iktar rigoruż biex jiżguraw it-taħriġ fil-qasam. Il-KESE jinsisti fuq il-bżonn assolut li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet li jippermettu li l-persunal tas-settur tas-saħħa jkun jista’ jkompli jitħarreġ sabiex jikseb kwalifiki wiesgħa biżżejjed, iżda anki biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet li jeżistu fil-kura tas-saħħa tar-reġjuni taż-żoni vulnerabbli.

1.11.   Il-KESE jenfasizza r-rwol ċentrali tal-imsieħba soċjali u tad-djalogu soċjali huma u jitfasslu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħlas u l-kwalifki tal-ħaddiema fis-settur tal-kura tas-saħħa.

1.12.   Fil-fehma tal-KESE, il-professjonijiet soċjali jaqdu rwol importanti fl-attenzjoni u l-kura li jingħataw il-pazjenti u b’hekk jaqdu rwol importanti fis-settur tal-kura tas-saħħa.

2.   Sinteżi tal-Green Paper tal-Kummissjoni

2.1.   L-għan tal-Green Paper huwa li sservi ta’ bażi għal proċess intenstiv ta’ diskussjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-atturi soċjali u ekonomiċi rilevanti fil-livell Ewropew u nazzjonali. Hija tipprovdi qafas li jippermetti li l-ħtiġijiet jiġu kkunsidrati fuq perjodu twil.

2.2.   Il-Green Paper tikkonċentra fuq disa’ oqsma ewlenin:

Il-bidla demografika,

Il-kapaċità tas-saħħa pubblika,

It-taħriġ,

Il-ġestjoni tal-mobilità tal-ħaddiema tas-saħħa fi ħdan l-UE,

Il-migrazzjoni globali tal-ħaddiema tas-saħħa,

Data għat-teħid tad-deċiżjonijiet,

L-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda għat-titjib tal-effiċjenza tal-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa,

It-tisħiħ tal-prinċipju tal-impjieg intraprenditorjali,

Il-politika ta’ koeżjoni.

2.3.   Il-kuntest

2.3.1.   Is-sistemi tas-saħħa tal-UE jridu jlaħħqu mad-domanda dejjem tikber għas-servizzi, iridu jirreaġixxu għall-bżonnijiet dejjem jinbidlu tas-saħħa u jkunu preparati għal kriżijiet kbar tas-saħħa pubblika. Barra minn hekk iridu jissodisfaw l-istennijiet għoljin fejn tidħol il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa. Jeħtieġ li nagħrfu li dan huwa settur li jirrikjedi ħafna ħaddiema, li jimpjega wieħed minn kull għaxar ħaddiema fl-Ewropa u li madwar 70 % tal-infiq fil-kura tas-saħħa huwa allokat għal pagi u salarji.

2.3.2.   L-Artikolu 152 tat-Trattat tal-KE jgħid li “Azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika għandha tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u l-kura medika.” Madankollu, l-Artikolu jenfasizza wkoll li l-Komunità għandha tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, tippromovi koordinament tal-istrateġiji u l-programmi tagħha u tħeġġeġ l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-programmi ta’ suċċess fl-Istati Membri individwali.

2.3.3.   Fil-Green Paper, il-Kummissjoni Ewropea tistaqsi mistoqsijiet ewlenin dwar il-problemi u l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur tas-saħħa sabiex tqanqal diskussjoni. Dawn jitrattaw:

it-tixjiħ tal-popolazzjoni,

it-teknoloġiji ġodda,

il-bżonn li tittejjeb l-aċċessibbiltà tas-servizzi tas-saħħa,

il-kwalità tas-servizzi u trattamenti dejjem iktar għoljin fil-prezz,

il-possibbiltà li jfaqqgħu epidemiji, u

id-disponibbiltà lokali tal-kura tas-saħħa.

Id-definizzjoni tal-forza tax-xogħol: il-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa tiġbor fiha dawk kollha li jaħdmu fis-settur tas-saħħa u li jipprovdu servizzi ta’ kura lill-pazjenti, il-kura tal-infermiera, is-servizzi soċjali u s-servizzi kollha li jaqgħu taħt il-professjonijiet speċjalizzati.

2.3.4.   Fl-Istati Membri kollha bħalissa qed issir diskussjoni dwar id-daqs u d-disponibbiltà tal-forza tax-xogħol potenzjali li ser ikun hemm bżonn matul l-għaxar snin li ġejjin u wara. Uħud mill-Istati Membri qed jesperjenzaw nuqqas sinifikanti ta’ żgħażagħ u ħaddiema kkwalifikati b’mod partikolari fis-setturi fejn jaħdmu nies ta’ età ikbar.

2.3.5.   Barra min-nuqqas ta’ ħaddiema minħabba din l-istruttura, teżisti wkoll il-problema li l-forzi tax-xogħol qed jitilqu mill-UE lejn pajjiżi oħra bħall-Istati Uniti jew l-Iżvizzera b’mod partikolari fis-setturi li jitolbu kwalifiki għoljin.

Fi ħdan l-UE stess il-kwota tal-mobilità u tal-migrazzjoni hija għolja. Jeżistu flussi migratorji sinifikanti bejn il-pajjiżi individwali.

Il-migrazzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa hija kwistjoni importanti ħafna. Id-diskrepanzi bejn il-pagi u d-differenzi bejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol jikkawżaw dan l-iżvilupp. Id-differenzi bejn l-istrutturi tas-sistema għandhom impatt kbir fuq is-servizz u l-istrutturi tal-kwalifki.

2.3.6.   Permezz tal-Green Paper u konsultazzjoni pubblika dwar il-futur tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa fl-Ewropa, il-Kummissjoni qed tenfasizza l-problemi li jeżistu fil-qasam u tagħti stampa iktar ċara tal-isfidi futuri. Hija tqis ukoll il-fatt li l-kura tas-saħħa hija bżonn ċentrali u elementari taċ-ċittadini kollha tal-UE. Hija tqis li mingħajr kura tas-saħħa tajba, il-libertajiet fundamentali tal-Komunità Ewropea malajr jistgħu isibu ruħhom mhedda.

2.3.7.   Il-kura tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard għandhom sehem ekonomiku. Is-settur tas-saħħa jeħtieġ persunal imħarreġ u esperjenzat bi kwalifiki rikonoxxuti li jagħmlu parti sinifikanti mis-soċjetà tal-għarfien.

3.   Il-Kummenti tal-KESE fir-rigward tas-soluzzjonijiet tal-Green Paper:

3.1.   Is-soluzzjonijiet li tipproponi l-Kummissjoni:

Billi l-Kummissjoni għandha kompetenza limitata fis-settur tas-saħħa, hija żżomm lura milli tipproponi soluzzjonijiet. Hija tinnota li s-sehem tan-nisa impjegati fis-settur tas-saħħa żdied matul dawn l-aħħar snin u tissuġġerixxi li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jinstab bilanċ aħjar bejn il-ħajja professjonali, familjali u privata u b’hekk tkun tista’ tiġi żgurata l-forza tax-xogħol u ħaddiema kkwalifikati fis-settur. Hija tħeġġeġ strateġiji ta’ ppjanar sodi u tipproponi li jiżdied l-investiment fit-taħriġ fl-Istati Membri kollha sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn xi wħud jirċievu t-taħriġ f’ċerti pajjiż imbagħad imorru jaħdmu f’pajjiżi oħra għax dan jista’ jwassal għal iktar tnaqqis fil-kapaċitajiet tat-taħriġ. Jekk jitjiebu l-opportunitajiet għall-kwalifiki, b’mod partikolari t-taħriġ professjonali u kontinwu, ser jiżdied l-inċentiv li jiġu impjegati iktar nies u li jingħata iktar taħriġ.

3.2.   Il-KESE jilqa’ l-Green Paper bħala karta komprensiva ta’ diskussjoni dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw is-sistema u s-settur tas-saħħa u l-forza tax-xogħol fl-Ewropa sabiex tqanqal diskussjonijiet pubbliċi fil-qafas tal-Istrateġija ta’ Liżbona bil-għan li tippromovi s-servizzi bbażati fuq l-għarfien, billi s-settur tas-saħħa jitqies bħala qasam integrat.

3.3.   Il-KESE huwa tal-fehma li s-suq tas-servizzi tas-saħħa għandu jitqies bħala suq b’regoli partikolari għax għandu impatt dirett fuq is-saħħa tal-popolazzjoni. Il-KESE jissuġġerixxi għalhekk diskussjoni dwar il-problemi li tikkawża n-natura fframmentata tas-settur f’ċerti pajjiżi b’mod partikolari dawk li għandhom sistemi li mhumiex ikkontrollati direttament mill-istat u li jagħmluha ferm diffiċli li jiġu żgurati standards uniformi għall-iżvilupp tal-kwalifiki u t-taħriġ kontinwu.

3.4.   Id-demografija u l-promozzjoni ta’ forza tax-xogħol tas-saħħa sostenibbli

3.4.1.   Il-KESE jenfasizza l-fatt li s-settur iħaddem ammont kbir ta’ nisa u li dan l-ammont x’aktarx ser ikompli jiżdied. Dan japplika wkoll għal kull tip ta’ impjieg. L-ugwaljanza hija importanti sabiex nikkonformaw mad-Direttivi dwar l-ugwaljanza, niksbu kundizzjonijiet ugwali bejn is-sessi u nħeġġu lil aktar irġiel biex jitħajru jaħdmu fid-diversi oqsma tas-settur tas-saħħa. Jeħtieġ li jittieħdu miżuri li jikkontribwixxu sabiex jinstab bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u jiġu rikonoxxuti l-kwalifiki u t-toqol tax-xogħol u li jappoġġjaw lin-nisa sabiex iżommu l-impjieg tagħhom u sabiex wara snin mal-familja jkunu jistgħu jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol.

3.4.2.   Mhuwiex sorprendenti li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għandhom impatt fuq l-impjegati fis-settur tas-saħħa. Meta l-impjegati jkunu sodisfatti u jħossuhom siguri jkunu iktar attenti għall-pazjenti. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ kwalità, tas-sigurtà tal-pazjenti u tal-kura, il-kwalità tal-post tax-xogħol, il-ħarsien tal-persunal u l-ġestjoni ta’ ċertu problemi li jinqalgħu fis-settur jaqdu rwol importanti ħafna. Dwar dan ma ssemma’ xejn fil-Green Paper.

3.4.3.   Il-KESE jieħu nota tar-riċerka li qiegħda ssir mill-imsieħba soċjali dwar l-iskemi “Nerġgħu nibdew naħdmu”. Il-KESE jemmen li dawn l-iskemi jistgħu jaqdu rwol vitali biex iżommu u jerġgħu jiġbdu lura għall-post tax-xogħol lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, u speċjalment lin-nisa, u li dawn l-iskemi ser isiru iktar importanti hija u tiġi indirizzata l-problema tan-nuqqas ta’ ħaddiema kkwalifikati.

3.4.4.   Fil-fehma tal-KESE jeħtieġ li f’ċerti Stati Membri jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-impjiegi fis-settur tas-saħħa jsiru aktar attraenti f’għajnejn iż-żgħażagħ sabiex fil-futur aktar minnhom jagħżlu professjoni medika jew xogħol fis-settur. Sabiex inħeġġu aktar żgħażagħ u nies jagħżlu karriera fis-settur tas-saħħa, il-kura medika u l-kura soċjali, jeħtieġ li s-settur isir aktar attraenti permezz ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi aħjar tul il-karriera kollha.

3.5.   Il-kapaċità tas-saħħa pubblika

3.5.1.   Il-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa b’suċċess kif ukoll ġestjoni mtejba tas-sistema tas-saħħa jistgħu jnaqqsu l-bżonn tas-servizzi tat-trattament u tal-kura. Il-KESE jirrakkomanda li tinħoloq il-kapaċità għal biżżejjed persunal fis-settur tas-saħħa sabiex jissaħħu l-kura u l-promozzjoni tas-saħħa kif ukoll il-prevenzjoni tal-mard. Sabiex dan ikun jista’ jseħħ hemm bżonn ta’ miżuri xjentifiċi li jistgħu jiġu ffinanzjati tajjeb u b’mod sostenibbli. Fil-fehma tal-KESE, il-Komunità għanda tindirizza l-promozzjoni tas-saħħa fost il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa stess li jinsabu fi tmiem il-karriera tagħhom sabiex dawn jibqgħu f’saħħithom u effettivi (burn out syndrome). Jeħtieġ li s-saħħa tal-ħaddiema l-kbar tingħata attenzjoni sabiex dawn ikunu jistgħu ikomplu jaħdmu mingħajr problemi tas-saħħa u li meta jkunu ser jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-pensjoni tagħhom jitqiesu d-diffikultajiet li kellhom jiffaċċjaw fil-ħidma li wettqu fis-settur.

3.6.   It-taħriġ

3.6.1.   Il-KESE jissuġġerixxi li tiġi indirizzata l-problema tan-natura fframmentata tas-servizzi fis-settur tas-saħħa tal-pajjiżi individwali b’mod partikolari dawk li mhumiex ikkontrollati direttament mill-istat u li għalhekk jagħmluha aktar diffiċli li jinħolqu standards komuni u għolja fejn jidħlu kwalifiki u taħriġ. Huwa jemmen li għandha ssir analiżi ta’ kif jista’ jingħata appoġġ aħjar lil dawn l-istrutturi fframmentati sabiex jinħolqu iktar impjiegi. Il-KESE jqajjem il-kwistjoni dwar l-obbligu tat-taħriġ inizjali u kontinwu u t-twaqqif ta’ standards għoljin kif ukoll li dawn isiru iktar trasparenti permezz taċ-ċertifikazzjoni u standards komuni fil-livell tal-UE u li dawn jiġu żgurati. Huwa jistaqsi jekk il-pajjiżi ngħatawx inċentivi sabiex jagħmlu progress f’dan il-qasam.

3.6.2.   Il-KESE jistaqsi dwar jekk tistax tinħoloq rabta bejn id-Direttiva dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u direttiva possibbli dwar il-kwalifiki fis-settur tas-saħħa. Din kif tista’ torbot ma’ direttivi oħra li jeżistu dwar professjonijiet speċifiċi? Huwa jistaqsi dwar il-mod kif din id-Direttiva influwenzat l-uniformità bejn il-kwalifiki u l-ħiliet u t-taħriġ kontinwu fl-Ewropa kif ukoll il-konsistenza bejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kuljum.

3.6.3.   Il-KESE ser jirrifletti dwar l-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji fir-rigward ta’ struttura ta’ rekwiżiti korrispondenti għat-tisħiħ tal-kompetenzi tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa tal-Ewropa.

3.7.   Il-ġestjoni tal-mobilità tal-ħaddiema tas-saħħa fl-UE

3.7.1.   Il-KESE jistaqsi dwar l-impatt tas-servizzi disponibbli u l-effett tal-programmi ta’ appoġġ u jitlob għal informazzjoni xjentifika dwar kemm il-fruntieri nazzjonali u l-ostakli lingwistiċi u anki d-differenzi kulturali fl-Ewropa jolqtu l-migrazzjoni tal-impjegati f’dan it-tip ta’ xogħol li jirrikjedi tant empatija u għarfien.

3.8.   Il-migrazzjoni globali tal-ħaddiema tas-saħħa

3.8.1.   Kif tisħaq il-Green Paper, huma u jiġu impjegati l-ħaddiema, jeħtieġ li jiġu rrispettati ċerti prinċipji etiċi: pereżempju barra milli jiġu impjegati nies minn pajjiżi oħra, il-pajjiżi għandhom iħeġġu ż-żgħażagħ tagħhom li jaħdmu fis-settur. In-nuqqas ta’ żgħażagħ fis-settur m’għandhiex tiġi miġġielda billi jiġu impjegati ħaddiema minn pajjiżi oħra. Fid-dawl tal-fatt li diġà jeżisti ammont ta’ impenji volontarji u l-ħidma tal-UE fit-tfassil ta’ Kodiċi ta’ Prattika tad-WHO, il-Kumitat jistaqsi x’valur miżjud ser ikollha “Kodiċi ta’ Prattika” tal-UE oħra.

3.8.2.   Hemm bżonn ukoll ta’ prevenzjoni tat-telf ta’ nies ta’ ħila (brain drain) fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa, kemm jista’ jkun għandu jseħħ f’kuntest istituzzjonalizzat, fejn il-mobbiltà tal-ħaddiema tkun appoġġjata bi programmi ta’ kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali. Dan jista’ jsir permezz ta’ investimenti fl-infrastrutturi għat-taħriġ fis-saħħa u ta’ titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Mingħajr ma jiġu indirizzati r-raġunijiet għall-migrazzjoni i.e. id-diskrepanzi kbar fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-migrazzjoni ser tkompli u n-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jiggrava.

3.9.   Data li tappoġġja t-teħid tad-deċiżjonijiet

3.9.1.   Il-KESE jsejjaħ sabiex l-istatistika nazzjonali tkun komparabbli fl-Ewropa kollha. Problema li teżisti f’dan ir-rigward hija li fl-Istati Membru jeżistu sistemi differenti ta’ klassifikazzjoni tal-professjonijiet mediċi. Il-partikolaritajiet nazzjonali relatati mal-kompetenzi u d-deskrizzjonijiet ta’ professjonijiet fis-settur tas-saħħa m’għandhomx jiġu injorati sabiex jiġu żiluppati indikaturi uniformi. Il-KESE jissuġġerixxi li tinġabar statistika ekwivalenti dwar il-professjonijiet mediċi fl-Ewropa u dwar il-migrazzjoni bejn l-istati. Fir-rigward tal-idea tal-Green Paper li jitwaqqaf osservatorju dwar l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa, jistaqsi jekk dan fil-fatt hemmx bżonnu, jew jekk jeżistux korpi oħra, bħall-Eurostat jew id-Dublin Foundation, li jistgħu jintużaw għal dan l-għan.

3.9.2.   B’mod ġenerali, id-data jeħtieġ li tittejjeb billi jinħoloq reġistru għaliha. Il-KESE jissuġġerixxi li l-monitoraġġ tal-professjonijiet mediċi li tirreferi għalih il-Green Paper għandu jiġi relatat ma’ proġetti tal-UE oħra bħal pereżempju l-promozzjoni ta’sistemi ta’ informazzjoni tal-kura tas-saħħa sabiex tittejjeb il-komunikazzjoni bejn ir-reġistri nazzjonali għall-professjonijiet kollha, fejn jeżistu.

3.9.3.   Minħabba li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, is-sistemi tas-saħħa huma organizzati u rregolati mill-Istat, il-KESE jilqa’ l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea li ser itejjeb l-ippjanar. Huwa jissuġġerixxi għalhekk li l-Unjoni Ewropea tipprovdi l-mezzi sabiex issir analiżi tal-kura tas-saħħa fl-Istati Membri. Din l-analiżi tista’ tipprovdi l-bażi għat-twaqqif ta’ sistema tas-saħħa mifruxa u qrib tad-djar u tipprovdi s-servizzi mediċi u l-kura li jkun hemm bżonn.

3.10.   L-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda għat-titjib tal-effiċjenza tal-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa

3.10.1.   Il-KESE jħeġġeġ li r-riċerka tanalizza jekk it-teknoloġiji l-ġodda, fl-interess tal-forza tax-xogħol, jistgħux jintużaw flimkien ma’ opportunitajiet ġodda tat-trattament, jintrabtu ma’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u jiġu pprovduti fiż-żoni rimoti ħafna, inklużi arranġamenti li jippermettu dijanjosi personali jew appoġġjata mill-pazjent. Għalhekk jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti l-esperjenzi tal-Istati Membri l-oħra. Qabel ma jistgħu jiġu introdotti t-teknoloġiji l-ġodda jeħtieġ li jkunu aċċettawhom il-professjonijiet mediċi. Sabiex niżguraw li dawn jaċċettawhom, il-professjonijiet li jaħdmu fil-qasam għandhom jiġu involuti fl-iżvilupp tat-teknoloġija “e-health”, b’hekk niżguraw ukoll li l-istrumenti elettroniċi tal-ħidma ta’ kuljum jisgħu jintużaw b’mod sempliċi u sigur. Sabiex it-teknoloġiji l-ġodda jiġu introdotti b’suċċess, hemm bżonn indispensabbli li l-persunal mediku jitħarreġ tajjeb fl-użu tagħhom. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li apparti l-benefiċċji kollha tat-teknoloġiji l-ġodda jeżistu wkoll riskji, bħall-kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-data, li jridu jiġu kkunsidrati. L-introduzzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda jeħtieġ li ssir b’mod li tkun adattata għas-sistemi tas-saħħa nazzjonali differenti. Hija tista’ twassal għal tibdil fil-liġijiet nazzjonali fir-rigward tar-responsabbiltà tal-korp mediku f’kull Stat Membru. Huwa jistaqsi dwar kemm il-miżuri u l-proġetti pilota li qed tappoġġja l-Kumissjoni ser ixekklu l-passi li jsiru fil-livell nazzjonali sabiex jinbnew infrastrutturi tal-IT jew li saħansitra dawn isiru kollha tal-istess livell.

3.11.   L-importanza tal-professjonisti indipendenti għall-potenzjal tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa

3.11.1.   F’ċerti pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, il-professjonisti li jaħdmu għal rashom u li jsegwu l-prinċipju tal-intraprenditorija jaqdu rwol importanti fil-qasam tal-għoti tas-servizzi tas-saħħa fl-Istati Membri. Il-Green Paper tagħraf ir-rwol li jaqdu dawn il-professjonijiet indipendenti fil-qasam tas-saħħa u l-funzjoni tagħhom flimkien mas-settur pubbliku. Fil-fatt huwa permezz tagħhom li jista’ jiġi żgurat li t-trattament u l-kura jistgħu jingħataw lill-persuni b’garanzija ta’ kompetenza u sigurtà. Madankollu, il-Kumitat jenfasizza li, fl-Unjoni, il-forza tax-xogħol indipendenti fil-qasam tas-saħħa fil-maġġoranza tal-każijiet kisbet il-kwalifiki tagħha tul perijodu twil ta’ studju bis-saħħa tal-isforz kollettiv favur it-tagħlim pubbliku b’xejn. Għaldaqstant is-soċjetà ċivili għandha d-dritt tistenna xi ħaġa lura (prezzijiet u spejjeż) u r-rappreżentanti tagħha ma jistgħux ma jqisux mingħajr riżervi x-xewqa tal-Kummissjoni mressqa fil-punt 6 li tidher li tħeġġeġ preżenza iktar qawwija tas-settur privat f’din il-ħolqa fis-sistemi tal-kura tas-saħħa. Fl-istess waqt il-KESE huwa kritiku fir-rigward tat-tendenza dejjem tiżdied tal-impjieg indipendenti fejn dan huwa problematiku għall-attività partikolari (eż. il-kura tal-morda u tal-anzjani).

3.12.   Il-politika ta’ koeżjoni

3.12.1.   Il-KESE jħeġġeġ li l-Fondi Strutturali jintużaw iktar għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-forza tax-xogħol tas-settur tas-saħħa. In-nuqqas ta’ persunal fis-settur tas-saħħa tar-reġjuni vulnerabbli jista’ pereżempju jiġi rimedjat billi jkompli jissaħħu u jiġu appoġġjati l-edukazzjoni u t-taħriġ fir-reġjuni li għandhom bżonn urġenti ta’ persunal imħarreġ. Dan is-suġġeriment huwa bbażat fuq l-osservazzjoni li l-professjonisti fis-settur tas-saħħa jispiċċaw jaħdmu minn fejn ikunu gradwaw. Il-politika ta’ koeżjoni tista’ toffri qafas li jappoġġja l-proġetti pilota li jindirizzaw il-kwistjonijiet li ssemmew. Il-Kumitat jitlob ukoll li l-Fondi Strutturali Ewropej jinfetħu għat-titjib tal-infrastruttura tas-settur tas-saħħa u fejn hemm bżonn biex jittejbu l-komunikazzjoni jew l-istandards tat-trattament ġodda (evidence based medicine).

3.12.2.   Il-KESE jinsab imħasseb fir-rigward tad-diskussjoni mmotivata minn raġunijiet ekonomiċi, li tinvolvi l-ġestjoni u l-gruppi professjonali, dwar id-diviżjoni ġdida tal-kompiti fis-settur tas-saħħa. L-għan huwa li minflok it-trattament minn persunal ikkwalifikat jinstabu soluzzjonijiet alternattivi irħas. Soluzzjoni aħjar ikunu koordinazzjoni mtejba, l-ottimizzazzjoni tal-proċess, in-networking u iktar flessibbiltà fid-diviżjoni tal-kompiti. F’dan il-kuntest il-KESE jagħti valur kbir lill-bżonn ta’ taħriġ adegwat sabiex ma jonqosx il-livell tal-kura, fejn dan ikun xieraq għall-attività kkonċernata. Fl-istess waqt il-KESE huwa kritiku fir-rigward tat-tendenza dejjem tiżdied tal-impjieg indipendenti fejn dan huwa problematiku għall-attività partikolari (eż. il-kura tal-morda u tal-anzjani).

3.12.3.   Il-KESE huwa tal-fehma li l-attribut tal-kwalifiki jew il-professjonijiet għal ċertu xogħol għandu jkun ibbażat fuq:

1.

il-bżonn mediku.

2.

it-taħriġ, it-tqassim tax-xogħol u r-responsabbiltà. U

3.

il-bżonnijiet tal-pazjent.

3.12.4.   Il-KESE jemmen li anki f’dan iż-żmien ta’ kriżi finanzjarja, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jiffinanzjaw b’mod adegwat is-sistemi tas-saħħa sabiex dawn ikollhom biżżejjed riżorsi umani biex ikunu jistgħu jagħtu servizzi ta’ livell għoli. B’rabta ma’ dan għandhom itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati fis-settur.

3.13.   Sħubija soċjali

3.13.1.   Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti u r-responsabbiltà li għandhom l-imsieħba soċjali fit-tfassil tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati fis-settur tas-saħħa u d-diversità kbira tal-professjonijiet fis-settur u jirreferi għall-ħidma li diġà wettqu l-imsieħba soċjali f’dan il-qasam.

3.13.2.   Il-bidla demografika, li qed twassal għal nuqqas ta’ persunal ġdid, m’għandhiex tnaqqas il-livell tal-kwalifiki u l-pagi (race to the bottom). Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom id-dmir li jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom f’dan il-qasam.

3.13.3.   Il-KESE jilqa’ t-twaqqif ta’ djalogu soċjali fis-settur tal-isptarijiet Ewropej u jinnota li l-programm ta’ ħidma miftiehem mill-imsieħba soċjali jkopri l-kwistjonijiet kollha diskussi fil-Green Paper. Għaldaqstant il-KESE jiddispjaċih li l-Green Paper naqset milli tirreferi għal dan il-proċess.

3.13.4.   Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti li jaqdi l-prinċipju tal-pagi ugwali għax-xogħol ugwali irrispettivament mis-sess.

3.13.5.   Il-kundizzjonijiet tax-xogħol 24/7 jirrikjedu mekkaniżmi speċifiċi ta’ kumpens (il-ħlas għas-sahra u x-xogħol ta’ bil-lejl, l-għotja ta’ ħin liberu) għall-pressjoni kbira fuq il-forza tax-xogħol. F’dan il-kuntest il-KESE huwa kritiku ħafna fir-rigward tal-inċentivi li qed jiżdiedu f’ħafna Stati Membri favur il-promozzjoni tal-impjieg apparentement indipendenti, u b’hekk ta’ trażżin tal-protezzjoni soċjali u l-protezzjoni tal-impjieg.

Brussell, il-15 ta’ Lulju 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/110


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards minimi dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (tfassil mill-ġdid)

COM(2008) 815 finali – 2008/0244 (COD)

(2009/C 317/21)

Relatur: is-Sinjura LE NOUAIL-MARLIÈRE

Nhar l-1 ta’ April 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards minimi dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (tfassil mill-ġdid)

COM(2008) 815 finali – 2008/0244 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ġunju 2009. Ir-relatur kienet is-Sinjura Le Nouail-Marlière.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’154 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Konxju mill-fatt li qafas tal-ażil li jkun eċċessivament restrittiv jew li ma jkunx akkoljenti joffri appoġġ indirett lil xi wħud mill-aktar reġimi awtoritarji u l-inqas demokratiċi fid-dinja, il-Kumitat jaqbel mat-tfassil mill-ġdid u t-titjib tad-direttiva dwar l-istandards tal-akkoljenza iżda jerġa’ jiġbed l-attenzjoni għal għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li saru f’opinjonijiet preċedenti fir-risposta tiegħu għall-Green Paper dwar is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil tal-ġejjieni (1) u l-pjan ta’ azzjoni (2).

Fir-rigward tal-akkoljenza ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil, il-proposta għat-tfassil mill-ġdid tad-direttiva għandha tippromovi standards “komuni” aktar milli “minimi” li għandhom ikunu klawżoli ta’ salvagwardja għall-istandards applikati minn dawk l-Istati Membri li l-iktar li jimpenjaw ruħhom biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u l-istatus ta’ refuġjati jew għall-protezzjoni sussidjarja, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

garanzija ta’ dħul fil-pajjiż,

il-libertà tal-għażla tal-post fejn għandha tiġi depożitata l-applikazzjoni għall-ażil u l-protezzjoni,

il-konsiderazzjoni tal-istatus tal-konvenzjoni tar-refuġjati l-ewwel u mbagħad il-protezzjoni sussidjarja, jekk u biss jekk ma jiġux sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-ewwel status,

il-prinċipju li ma jkunx hemm ripatriazzjoni sfurzata jekk ħajjet l-applikant tkun f’periklu fil-pajjiż ta’ oriġini jew fl-aħħar pajjiż ta’ tranżitu,

is-suspensjoni ta’ deċiżjoni ta’ espulsjoni sakemm il-qorti kompetenti ma toħroġx id-deċiżjoni tagħha, biex dan id-dritt għar-rikors ikun kompletament effettiv, b’konformità mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Ara hawn taħt 4.8.1)

il-ħarsien speċjali meħtieġ mill-minorenni u mill-minorenni preżunti,

ir-rispett tad-drittijiet tal-individwi u b’mod partikolari d-dritt tan-nisa li jiddepożitaw talba għall-protezzjoni.

1.2.   Fir-rigward tal-minorenni, il-Kumitat jixtieq li b’mod sistematiku jkun hemm stqarrija li “l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu kunsiderazzjoni primarja”, b’referenza għall-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal (Artikolu 22(1)).

1.3.   Iż-żamma u d-detenzjoni dejjem għandhom ikunu l-aħħar soluzzjoni wara li jkunu ntużaw l-alternattivi kollha, u qatt m’għandhom jiġu applikati mingħajr l-ordni tal-qorti, li tirrispetta d-dritt ta’ difiża legali, u skont il-Konvenzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali.

1.4.   NGOs kompetenti li huma attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem dejjem għandu jkollhom aċċess għall-applikanti biex joffrulhom ħarsien, u l-applikanti dejjem għandu jkollhom aċċess għall-assistenza legali u umanitarja, kemm jekk tiġi mill-Istati jew inkella mill-NGOs.

1.5.   Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iħaffu n-negozjati bil-għan li din ir-riformulazzjoni tiġi adottat bil-proċedura ta’ kodeċiżjoni mal-Parlament Ewropew, ħalli l-Unjoni Ewropea tkun tista’ ttejjeb il-kapaċità tagħha li tirrispondi b’mod xieraq għat-talbiet ta’ protezzjoni minn dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil.

1.6.   Il-Kumitat jappoġġja l-proposta li jinħoloq uffiċċju ta’ appoġġ għall-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta’ ażil u protezzjoni internazzjonali jekk ikun jiffaċilità l-qsim tal-obbligi tal-akkoljenza u tal-ħarsien bejn l-Istati Membri tal-UE, jorganizza t-trasparenza fl-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-ażil u l-protezzjoni internazzjonali, jibni fuq l-esperjenza tal-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-għajnuna u l-assistenza għal dawk li jfittxu l-ażil jew il-protezzjoni internazzjonali u jtejjeb il-proċeduri tal-eżami tat-talbiet individwali.

2.   Daħla u Sommarju tal-Proposta mill-Kummissjoni

2.1.   Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (CEAS) żviluppat f’żewġ fażijiet separati. L-ewwel waħda nbdiet fil-Kunsill Ewropew ta’ Tampere (1999), wara l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam, li ta dimensjoni Ewropea lill-politiki dwar l-immigrazzjoni u l-ażil. L-ewwel fażi ntemmet fl-2005.

2.2.   Fl-ewwel fażi sar progress fl-iżvilupp ta’ numru ta’ direttivi dwar l-ażil, u b’hekk tjieb il-livell ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u f’xi aspetti tad-dimensjoni esterna tal-ażil.

2.3.   It-tieni fażi tat-twaqqif tas-CEAS bdiet bil-Programm tal-Aja (adottat f’Novembru 2004), li jistipula li l-għanijiet ewlenin tas-CEAS għandhom jintlaħqu sal-2010, bl-adozzjoni ta’ strumenti u miżuri li jimmiraw lejn armonizzazzjoni akbar u titjib fil-livelli ta’ protezzjoni li toffri s-CEAS.

2.4.   Qabel ma jiġu adottati l-inizjattivi l-ġodda, fl-2007 l-Kummissjoni ppubblikat Green Paper  (3) biex tiftaħ id-dibattitu bejn l-istituzzjonijiet differenti, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili (4). Wara l-Kummissjoni wżat dan bħala bażi għall-pjan tagħha ta’ politika dwar l-ażil. Din tal-aħħar ħarġet bi pjan direzzjonali għas-snin li ġejjin, li jniżżel il-miżuri li l-Kummissjoni kien fi ħsiebha tadotta biex timplimenta t-tieni fażi tas-CEAS.

2.5.   Dan hu l-isfond għall-proposta ta’ tfassil mill-ġdid tad-Direttiva mill-Kummissjoni li oriġinarjament ġiet adottata mill-Kunsill fis-27 ta’ Jannar 2003 u li kienet is-suġġet ta’ opinjoni tal-Kumitat (5).

2.6.   L-għan ewlieni tal-proposta huwa li tiżgura livelli għoljin fit-trattament ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, biex ikun hemm garanzija ta’ livelli deċenti ta’ għajxien, b’konformità mal-liġi internazzjonali. Hija meħtieġa wkoll armonizzazzjoni akbar fir-regoli nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza biex jiġi limitat il-fenomenu tal-movimenti sekondarji ta’ dawk li jfittxu l-ażil fost l-Istati Membri peress li dawn il-movimenti jinħolqu minħabba f’politiki ta’ akkoljenza li jvarjaw minn nazzjon għall-ieħor.

2.7.   Il-proposta testendi l-iskop tad-direttiva biex tinkludi l-applikanti għall-protezzjoni sussidjarja. Hija maħsuba li tapplika għal kull tip ta’ proċedura ta’ ażil u għaż-żoni ġeografiċi u l-faċilitajiet kollha li qed jospitaw dawk li jfittxu l-ażil.

Hija timmira wkoll li tiffaċilità l-aċċess għas-suq tax-xogħol. Hija tipprevedi li dawk li jfittxu l-ażil jkun jista’ jkollhom aċċess għall-impjiegi wara perjodu massimu ta’ sitt xhur wara li jkunu applikaw għall-protezzjoni internazzjonali u tistipola li l-impożizzjoni tal-kundizzjonijiet nazzjonali tas-suq tax-xogħol m’għandhomx jirrestrinġu b’mod eċċessiv l-aċċess għall-impjiegi għal dawk li qed ifittxu l-ażil.

2.8.   Bil-għan li jiġi żgurat li l-aċċess għall-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza jiggarantixxi “livell ta’ għajxien adegwat għas-saħħa ta’ min qed ifittex l-ażil u l-kapaċità li jiżgura s-sussistenza tiegħu jew tagħha”, il-proposta tobbliga lill-Istati Membri jqisu l-livell ta’ assistenza soċjali pprovduta liċ-ċittadini meta jagħtu għajnuna finanzjarja lil dawk li qed ifittxu ażil.

2.9.   Il-proposta tiżgura li d-detenzjoni tkun permessa biss fuq bażi eċċezzjonali kif hemm stabbilit fid-Direttiva.

2.10.   Il-proposta tiggarantixxi wkoll li dawk li qed ifittxu l-ażil li jkunu f’detenzjoni jiġu trattati b’mod uman u dinjituż fir-rigward tad-drittijiet fundamentali tagħhom u b’konformità mal-liġi internazzjonali u dik nazzjonali.

2.11.   Il-proposta tiżgura li jiġu stabbiliti miżuri nazzjonali biex jidentifikaw ħtiġijiet speċifiċi b’mod immedjat.

Barra minn hekk, il-proposta tinkorpora diversi salvagwardji biex tiżgura li l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza jiġu maħsuba b’mod speċifiku biex jissodisfaw il-ħtiġijiet speċjali ta’ dawk li jfittxu l-ażil.

2.12.   Fir-rigward tal-implimentazzjoni u t-titjib tas-sistemi nazzjonali, il-proposta fiha miżuri li għandhom il-ħsieb li jiżguraw kontinwità fil-monitoraġġ u biex isaħħu r-rwol tal-Kummissarju bħala gwardjan tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Il-Kumitat jaqbel mat-titjib li l-proposta tal-Kummissjoni għandha ġġib fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tan-nies li jfittxu protezzjoni internazzjonali u r-rieda li jiġu armonizzati l-arranġamenti u jitwessa’ l-iskop tal-applikazzjoni biex jinkludi l-protezzjoni sussidjarja. Madankollu, huwa jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni ta’ kull applikant fuq bażi individwali, anke meta jiġi deċiż liema Stat Membru huwa responsabbli mill-analiżi kompleta tal-applikazzjoni u li l-protezzjoni sussidjarja tiġi studjata biss jekk il-kundizzjonijiet għall-istatus taħt l-ewwel konvenzjoni (tar-refuġjati) ma jkunux sodisfatti.

3.2.   Il-Kumitat jappoġġja l-għan li jiżgura livell dinjituż ta’ għajxien għal dawk li jfittxu l-ażil u li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni u l-istabbiliment tagħhom fil-pajjiż ospitanti (6), billi jiġi offrut aċċess għas-suq tax-xogħol fi żmien massimu ta’ sitt xhur, mingħajr restrizzjonijiet “żejda” ta’ nazzjonalità (Artikolu 15(2)) u fir-rispett assolut tad-drittijiet fundamentali ta’ dawk li jfittxu l-ażil jew il-protezzjoni internazzjonali kif stipulat fil-liġi Ewropea li timplimenta d-Dikjarazzjoni Universali tad-Dritttijiet tal-Bniedem fl-Artikolu 23(1) (7), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (Artikoli 2, 9, 10, 11 u 12), il-Konvenzjoni nru 118 tal-ILO dwar l-ugwaljanza fit-trattament taċ-ċittadini u dawk li mhumiex ċittadini fir-rigward tas-sigurtà soċjali, il-Karta Soċjali Ewropea, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar il-ħarsien tar-refuġjati (8). L-istess ħaġa tapplika għal-livell ta’ assistenza soċjali ggarantita u l-kundizzjonijiet ta’ abitazzjoni li huma ddifferenzjati skont il-ħtiġijiet speċifiċi tal-individwi kif ukoll id-definizzjoni aktar wiesgħa tar-rabtiet familjari tal-applikanti u l-ħtieġa li jingħataw importanza xierqa fl-eżami tal-applikazzjonijiet.

3.3.   Fir-rigward tal-prinċipji ġenerali u tal-linji gwida internazzjonali li fuqhom huwa bbażat l-għarfien u d-difiża tad-drittijiet fundamentali tan-nies f’diffikultà u d-detenzjoni ta’ dawk li jfittxu protezzjoni internazzjonali skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, u b’mod partikolari l-Artikolu 26, li jirreferi għall-moviment ħieles, u l-Artikolu 31 dwar ir-refuġjati li jinstabu fil-pajjiż ospitanti b’mod illegali (9), u kif enfassizat mill-Kummissjoni fil-premessa 16 tal-proposta, ħadd ma jista’ jinżamm detenut sempliċement għaliex talab protezzjoni. Għaldaqstant id-detenzjoni għandha titqies bħala għażla biss f’każijiet ta’ ħtieġa assoluta li huma ġġustifikati kif suppost, u m’għandhomx jitqiesu bħala prattika aċċettabbli f’ċirkostanzi fejn m’hemmx intenzjonijiet ta’ frodi jew ta’ dewmien min-naħa tal-applikant.

3.4.   Il-Kumitat jilqa’ l-miżuri rakkomandati mid-direttiva bil-ħsieb li jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet speċifiċi tal-minorenni. Madankollu jinnota li r-referenza għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal tkun aktar ċara li kieku ssir referenza sistematika għall-Artikolu 3(1) (10) flimkien mal-Artikolu 37 (11), u mhux biss għall-idea ta’ “l-aħjar interessi tat-tfal”, li hija magħruf li waslet għal interpretazzjonijiet differenti minn xulxin.

3.5.   Fl-aħħar, il-Kumitat huwa partikolarment imħasseb dwar id-dħul sistematiku tal-possibbiltajiet li dawk li jfittxu l-ażil jew ir-refuġjati jappellaw kontra deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva dwarhom. Madankollu jinnota li dawn l-appelli jridu jitqiesu b’mod sistematiku bħala sospensivi biex ikunu kompletament effettivi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Dwar l-informazzjoni (Kapitolu II Artikolu 5)

4.1.1.   Il-Kumitat jirrakkomanda li jiżdied it-test li ġej: “L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-membri tal-familji ta’ dawk li jfittxu l-ażil li għandhom dritt iressqu applikazzjoni indipendenti”.

4.2.   Dwar id-detenzjoni u l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni (Kapitolu II Artikoli 8 sa 11)

Fil-fehma tal-Kumitat, it-trattament ta’ dawk li jfittxu ażil għandu jkun ibbażat bħala regola ġenerali fuq Artikolu 7 tal-abbozz tad-Direttiva, li jiddikjara li għandha tingħata prijorità lill-prinċipji tal-moviment ħieles tan-nies u lill-alternattivi għad-detenzjoni.

4.2.1.1.   Fi kliem ieħor, dawk li jfittxu l-ażil (Artikolu 8) jistgħu jinżammu f’detenzjoni f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss, jiġifieri:

jekk it-talba għall-ażil issir wara li tkun ħarġet miżura ta’ espulsjoni għal min ikun qed jitlob ażil;

biex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil bħala parti minn proċedura maħsuba biex tiddetermina d-dritt ta’ persuna li tidħol fil-pajjiż, fil-każ ta’ sistemazzjoni f’ċentru ta’ detenzjoni jew f’żona ta’ stennija.

4.2.1.2.   Il-Kumitat huwa tal-fehma li bl-eċċezzjoni ta’ dawn iż-żewġ każijiet, l-ebda persuna li tfittex l-ażil m’għandha tinżamm taħt detenzjoni u li d-deċiżjoni li xi ħadd jinżamm detenut qatt m’għandha tiġi ġġustifikata bil-ħtieġa li “tiġi determinata, aċċertata jew verifikata l-identità jew n-nazzjonalità”, u inqas u inqas li “jiġu determinati l-elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għall-ażil li f’ċirkostanzi oħra jistgħu jintilfu”.

4.2.1.3.   Il-KESE jipproponi li jinbidel il-kliem fl-artikolu9(5) tar-riformulazzjoni biex jiġi jaqra: “Id-detenzjoni ser tiġi riveduta ex officio minn awtorità ġudizjarja f’intervalli raġonevoli ta’ żmien u fuq it-talba tal-persuna kkonċernata li qed tfittex l-ażil, kull meta jqumu ċ-ċirkostanzi jew tinstab informazzjoni ġdida li taffettwa l-legalità tad-detenzjoni.”

4.2.2.   Skont il-KESE, il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni għandhom jiżguraw trattament uman fir-rispett għad-dinjità intrinsika tal-persuna. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tad-detenzjoni (Artikolu 10) f’ċentri speċjalizzati barra minn ġo ħabs, huwa ġust li dawk li jfittxu ażil ma jitpoġġewx ma’ ċittadini minn pajjiżi terzi li ma jkunux talbu ażil mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-ewwel (Artikolu 10 (1)).

Barra minn hekk, fid-dawl tal-miżuri differenti ta’ detenzjoni li jinsabu fil-pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi notat li l-UNHCR u organizzazzjonijiet oħra jistgħu jikkomunikaw ma’ dawk li jfittxu ażil u jżuruhom fiż-żoni kollha ta’ detenzjoni (Artikolu 10(2)). L-istess terminoloġija għandha tintuża f’Artikolu 10(3).

4.2.3.1.   Jisħaq fuq ir-rakkomandazzjonijiet li kien għamel b’rabta mat-tfassil mill-ġdid tar-Regolament dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli milli jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (12), dik l-informazzjoni tat-tip deskritta f’Artikolu 10(3) għandha tingħata lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fil-lingwa tagħhom jew f’lingwa li l-persuna kkonċernata tirrikonoxxi li tifhem, fejn hemm bżonn bl-assistenza ta’ interpretu li jkun ħa ġurament jew traduzzjoni legali.

4.2.4.   Fl-interess tal-konsistenza fl-użu tat-terminoloġija, il-frażi “applikanti għall-protezzjoni internazzjonali” għandha tieħu post “dawk li jfittxu ażil” fl-Artikolu 11 (4).

4.2.5.   Il-KESE jilqa’ l-projbizzjoni fuq id-detenzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati (Artikolu 11(1) mfassal mill-ġdid)

4.3.   Dwar l-iskolarizzazzjoni tal-minornni, l-impjieg u t-taħriġ vokazzjonali (Kapitolu II - Artikoli 14 sa 16)

L-abbozz ta’ direttiva jimmira li jiffaċilita u jħaffef l-integrazzjoni ta’ dawk li jfittxu l-ażil fil-pajjiż li jkun qed jospitahom. L-iskolarizzazzjoni tal-minornni u l-aċċess għall-impjiegi u t-taħriġ vokazzjonali għandhom sehem kbir f’dan.

4.3.1.1.   Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jemmen li l-minorenni għandhom jiġu integrati fis-sistema edukattiva kemm jista’ jkun malajr, u li l-perjodu ta’ tliet xhur huwa twil bla ħtieġa u għandhu jitnaqqas għal xahrejn (Artikolu 14(2)).

Il-Kumitat japprova l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippermetti lil dawk li jfittxu l-ażil li jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol sa tmiem perjodu massimu ta’ sitt xhur u jemmen li huwa meħtieġ li l-marġini tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) jonqos u li jispeċifika li “L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-applikanti jkollhom aċċess ġenwin għas-suq tax-xogħol”, li jimplika aċċess għas-servizzi soċjali li jsostnu li dawk li jfittxu ix-xogħol.

4.3.2.1.   Il-Kumitat jagħraf li l-arranġamenti ta’ akkoljenza jistgħu jibbenefikaw kemm l-Istat kif ukoll li dawk li jfittxu ażil meta joffru lil min ifittex ażil opportunità li jikseb xi grad ta’ awtosuffiċjenza.

4.3.3.   Filwaqt li jfakkar fl-opinjoni (13) tiegħu dwar l-ewwel Dirttiva dwar l-akkoljenza, il-Kumitat jisħaq li “It-taħriġ għandu jiġi offrut b’mod mifrux kemm jista’ jkun lil ċittadini minn pajjiżi terzi fil-kura ta’ Stat Membru. Dan huwa essenzjali għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, kwalunkwe taħriġ li jirċievu dawn in-nies ser jibbenefika l-iżvilupp tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jekk jiġu biex jirritornaw. (…). It-tieni, jekk dawn in-nies jibqgħu fi Stat Membru, it-taħriġ li jkunu rċevew jagħmilha aktar faċli għalihom biex wara jsibu impjieg hemmhekk”. Fuq l-istess nota, huwa jemmen li l-Istati Membri għandhom jiġu limitati fl-interpretazzjoni tagħhom tal-Artikolu 16, billi l-kliem li jintuża jkun aktar dirett u komplet: “L-Istati Membri għandhom jippermettu u jorganizzaw l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali għal dawk li jfittxu ażil irrispettivament minn jekk għandhomx aċċess għas-suq tax-xogħol”.

4.4.   Dwar ir-regoli ġenerali dwar il-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza u l-kura tas-saħħa (Artikolu 17)

4.4.1.   Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi ċċarat li r-regoli jkomplu japplikaw waqt il-proċeduri tal-appelli.

4.4.2.   Il-KESE jappoġġja t-tfassil mill-ġdid tal-Artikolu 17(5), li għandu jgħolli l-livell tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza f’dawk l-Istati Membri fejn il-livelli attwali mhumiex suffiċjenti.

4.5.   Dwar it-tnaqqis jew l-irtirar tal-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza (Kapitolu III – Artikolu 20)

4.5.1.   Il-Kumitat huwa ppreokkupat dwar din il-miżura fil-każijiet fejn dawk li jfittxu ażil “jkunu diġà ddepożitaw applikazzjoni fl-istess Stat Membru”. L-esperjenza turi li talba inizzjali tista’ tiġi segwita minn talba għal reviżjoni tal-każ, li tkun iġġustifikata bil-produzzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali dwar is-sitwazzjoni ta’ dawk li jfittxu l-ażil jew bil-produzzjoni ta’ dokumenti addizjonali. Għalhekk l-esklużjoni mill-kundizzjonijiet materjali tal-akkoljenza tkun ħarxa ħafna fuq dawk li jfittxu ażil. Għalhekk il-Kumitat jappella biex jitneħħa l-punt (Artikolu 20 (1) (c)).

Barra minn hekk, din il-miżura tidher li tikkontradixxi l-ispirtu tat-tfassil mill-ġdid tar-Regolament li “jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali (14) u d-dispożizzjonijiet ippjanati.

4.5.2.   Il-KESE jilqa’ l-proposti biex jonqsu l-possibbiltajiet li jiġu rtirati l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza fl-artikolu 20(2) mfassal mill-ġdid u l-proposta li tissaħħaħ id-dispożizzjoni li tiżgura kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza minimi għal dawk kollha li jfittxu ażil fl-artikolu 20(4) mfassal mill-ġdid.

4.6.   Dwar id-dispożizzjonijiet għall-persuni bi bżonnijiet speċjali (Kapitolu IV – Artikolu 21 u 24)

Fir-rigward tal-minorenni, il-Kumitat jixtieq jara li b’mod sistematiku jissemma’ l-fatt li “l-aħjar interessi tat-tfal” iridu jinftiehmu b’referenza għall-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (Artikolu 22(1)).

4.7.   Dwar il-vittmi tat-tortura u l-vjolenza (Artikolu 24)

4.7.1.   Il-Kumitat jipproponi li “l-vittmi tat-tortura u tal-vjolenza u persuni li jsofru minn problemi fiżiċi jew ta’ saħħa mentali għandhom jingħataw kura f’ambjent xieraq ta’ sptar.

4.7.2.   F’każ ta’ bżonn għandu jkollhom aċċess għal ċentri speċjalizzati. Il-persunal mediku ġenerali u speċjalizzat għandu jkollu aċċess għaċ-ċentri ta’ akkoljenza u ta’ detenzjoni u l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu jistgħu jgawdu mill-ħila ta’ djanjosi u ta’ kura speċjalizzata pprovduta minn professjonisti tas-saħħa kkwalifikati u rikonoxxuti bħala kompetenti mis-sistema tas-saħħa tal-Istat li jospita.

4.7.3.   Għalkemm il-KE ma pproponietx emendi għall-Artikolu 13 li jippermetti lill-Istati Membri li jirrikjedu li l-applikanti jsirulhom testijiet mediċi għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, il-Kumitat jixtieq ifakkar li l-obbligu li jsir it-test tal-HIV jikser numru ta’ drittijiet umani, b’mod partikolari d-dritt għall-privatezza (15) It-testjar m’għandux ikun kundizzjoni biex jippermetti d-dħul fit-territorju jew li jinbdew il-proċeduri ta’ persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali. B’mod aktar ġenerali, it-testijiet mediċi għandhom jiġu akkumpanjati minn informazzjoni xierqa pprovduta f’lingwa li l-applikanti jifhmu (ara 4.2.3.1) u għandhom jipprovdu garanzija għall-kunsens, il-counseling u l-kunfidenzjalità, kif ukoll segwitu mediku u trattament xieraq.

4.8.   Dwar l-appelli (Kapitolu V – Artikolu 25)

4.8.1.   Il-Kumitat jaqbel li l-Istati Membri għandhom jipprovdu assistenza legali lil dawk li jfittxu ażil (Artikolu 25(2)) iżda jemmen li għandu jkun speċifikat li l-appelli għandhom l-effett ta’ sospensjoni (Artikolu 25(1)) biex ma jkunx hemm ir-riskju li dawn isiru bla skop (16).

Brussell, 16 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara l-opinjoni tal-KESE tat-12.3.2008 dwar “Il-Green Paper dwar is-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni”, relatur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière (ĠU C 204, 9.8.2008).

(2)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-25.2.2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Programm ta’ politika dwar l-ażil: Approċċ integrat għall-protezzjoni fl-UE, relatur: is-Sur Pariza Castaños, korelatur is-Sinjura Bontea (ĠU C 218, 11.9.2009)

(3)  COM(2007) 301 finali, imressqa fis-6 ta’ Ġunju 2007.

(4)  Ara l-opinjoni tal-KESE tat-12.3.2008 dwar “Il-Green Paper dwar is-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni”, relatur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière (ĠU C 204, 9.8.2008).

(5)  Ara l-opinjoni tal-KESE tat-28.11.2001 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li twaqqaf l-istandards minimi għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istati Membri, relatur: is-Sur Mengozzi u korelatur is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 48, 21.2.2002).

(6)  Ara l-opinjoni tal-KESE tat-28.11.2001 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li twaqqaf l-istandards minimi għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istati Membri, relatur: is-Sur Mengozzi u korelatur is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 48, 21.2.2002).

(7)  “Kulħadd għandu d-dritt għax-xogħol, għall-għażla ħielsa tax-xogħol, għal kundizzjonijiet ġusti u sodisfaċenti tax-xogħol u għall-ħarsien mill-qagħad”.

(8)  1951

(9)  Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, Artikolu 31: L-Istati kontraenti mhumiex ser jimponu penali minħabba fid-dħul jew preżenza illegali tagħhom, fuq refuġjati li jaslu direttament minn territorju fejn ħajjithom jew il-libertà tagħhom kienu mhedda fis-sens tal-artikolu 1, u jidħlu jew huma preżenti fuq it-territorju tagħhom mingħajr awtorizzazzjoni, bil-patt li huma jippreżentaw lilhom infushom quddiem l-awtoritajiet mingħajr dewmien u juru li kellhom raġuni valida biex jidħlu jew ikunu preżenti fil-pajjiż b’mod illegali. (Traduzzjoni libera)

(10)  Il-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal Artikolu 3(1): “Fid-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw lit-tfal, kemm jekk jittieħdu minn istituzzjonijiet pubbliċi jew privati ta' ħarsien soċjali, minn tribunali, minn awtoritajiet amministrattivi jew minn korpi leġiżlattivi, l-ewwel kunsiderazzjoni trid tkun l-aqwa interess tat-tifel jew it-tifla”.

(11)  L-Artikolu 37 jirriferi għad-detenzjoni b’mod partikolari.

(12)  Ara paġna 115 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(13)  Ara l-opinjoni tal-KESE tat-28.11.2001 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li twaqqaf l-istandards minimi għall-akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istati Membri, relatur: is-Sur Mengozzi u korelatur is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 48, 21.2.2002).

(14)  COM(2008) finali, li kienet is-suġġett ta’ opinjoni tal-KESE 16.07.2009 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat, relatur: Is-Sinjura Nouail Marlière (CESE 443/2009 – SOC/333, tinsab ukoll f’din il-pubblikazzjoni).

(15)  Fost l-oħrajn kif inhu stabbilit mill-Artikolu 8 fl-EHCR (Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem).

(16)  Gebremedhin v. France; Sentenza tal-ECHR 26.4.2007: il-Konvenzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali tal-Kunsill tal-Ewropa, 1950, Artikolu 3 u 13, in-natura irriversibbli tad-dannu li tista’ tiġi kkawżata jekk ir-riskju ta’ tortura jew trattatment ħażin iseħħ, rimedji ta’ effett ta’ sospensjoni. paragrafi 66 u 67 http://cmiskp.echr.coe.int/tkp197/view.asp?action=html&documentId=816069&portal=hbkm&source=externalbydocnumber&table=F69A27FD8FB86142BF01C1166DEA398649.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/115


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (tfassil mill-ġdid)

COM(2008) 820 finali – 2008/0243 (COD)

(2009/C 317/22)

Rapporteur: is-Sinjura LE NOUAIL MARLIÈRE

Nhar l-1 ta’ April 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (riformulazzjoni)

COM(2008) 820 finali – 2008/0243 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Le Nouail Marlière.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’154 vot favur, 6 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1.   Il-Kumitat jilqa’ b’mod favorevoli l-evoluzzjoni li l-Kummissjoni qed tipproponi għar-regolament imsejjaħ “Dublin II”, biex tissaħħaħ l-effikaċja tas-sistema, biex fl-applikazzjoni tal-proċedura jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-persuni kollha li jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali, u biex jiġu ttrattati s-sitwazzjonijiet li ċerti Stati Membri qed jiffaċċjaw meta jiltaqgħu ma’ diffikultajiet relatati man-numru ta’ persuni li kapaċi jospitaw li minħabba fihom ma jkunux jistgħu jiggarantixxu l-livell ta’ protezzjoni meħtieġ.

1.2.   Il-Kumitat japprova u jappoġġja l-volontà li jkun garantit aċċess effettiv għall-proċedura ta’ talba għall-ażil u l-obbligu ta’ kull Stat Membru li jagħmel evalwazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet għall-protezzjoni ta’ kull persuna li qed tfittex l-ażil li ġiet trasferita fit-territorju tiegħu.

1.3.   Il-KESE jieħu nota tal-progress li sar fil-proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġu ggarantiti standards ogħla ta’ protezzjoni, b’mod partikulari permezz ta’ informazzjoni mtejba għal dawk li qed ifittxu l-ażil dwar il-progress li sar fil-proċedura għall-eżaminazzjoni tat-talbiet tagħhom. Xorta jibqgħu ċerti dubji dwar kwistjonijiet lingwistiċi u dwar il-lingwa li tiġi użata biex tingħata informazzjoni dwar il-progress tat-talba jew tat-trasferiment tagħhom. Fil-fatt, peress li l-informazzjoni hija waħda ta’ notifika u ġġib magħha drittijiet għall-appell u l-iskadenzi, il-persuni li qed ifittxu l-ażil għandhom dejjem jiġu nnotifikati fil-lingwa tagħhom, jew f’lingwa li huma jirrikonoxxu li jifhmu; dan jinkludi wkoll l-użu ta’ interpretu awtorizzat jew ta’ traduzzjoni legali, u għandu jinħatar avukat difensur mill-qorti, jew jintgħażel mill-applikant stess.

1.4.   Persuni li qed ifittxu l-protezzjoni internazzjonali għandu jkollhom aċċess awtomatiku għal difiża legali u assistenza b’xejn.

1.5.   Il-Kumitat jilqa’ l-estensjoni tal-klawsoli umanitarji għall-klawsoli diskrezzjonali iżda jixtieq li jiġi speċifikat il-qafas ta’ implimentazzjoni sabiex dawn il-klawsoli diskrezzjonali u ta’ sovranità ma jiħdux xejra oħra li taħdem kontra l-interessi u l-protezzjoni tal-persuni li qed ifittxu l-ażil.

1.6.   Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni ta’ kull applikant individwalment, inkluż meta jiġi ddeterminat liema Stat Membru huwa responsabbli għall-eżaminazzjoni eżawrjenti tal-applikazzjoni, u li tiġi kkunsidrata protezzjoni sussidjarja biss, u jekk, ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ewwel status konvenzjonali (ta’ refuġjat).

1.7.   Il-Kumitat itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Istati Membri u lill-Unjoni Ewropea biex ma jużawx listi ta’ pajjiżi terzi imsejħa “siguri” sakemm ma tiġix stabbilita lista komuni għall-Istati Membri kollha, imressqa lill-NGOs għad-drittijiet tal-bniedem, lill-Parlament Ewropew, u lill-parlamenti nazzjonali, b’mod speċjali fil-fażi fejn ikun qed jiġi ddeterminat liema Stat Membru huwa responsabbli għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni.

1.8.   Il-Kumitat jiddispjaċih li d-detenzjoni ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil mhux qed tiġi ddikjarata bħala prattika inaċċettabbli ħlief meta din tiġi ordnata mill-qorti.

1.9.   B’konformità mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kumitat jixtieq li l-“appelli” jiġu sistematikament meqjusa li jkollhom effet ta’ “sospensjoni” fil-każ ta’ ritorn sfurzat jew l-hekk imsejjaħ ritorn volontarju.

1.10.   Il-Kumitat jirrakkomanda li jsir użu tajjeb mill-esperjenza tal-NGOs attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem billi jingħatalhom l-aċċess għall-persuni li qed ifittxu l-protezzjoni internazzjonali, u billi jingħata l-aċċess għall-assistenza lill-persuni li qed ifittxu l-ażil, u lill-Istati Membri jingħatalhom l-aċċess għall-għarfien speċjalizzat tagħhom bil-possibbiltà biex fil-futur jipparteċipaw fil-programmi ta’ taħriġ għall-uffiċjali responsabbli mill-evalwazzjoni tat-talbiet għall-protezzjoni, inkluża l-fażi kruċjali fejn jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli, u billi titqies id-dimensjoni lokali sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jiksbu assistenza u appoġġ mill-NGOs kompetenti.

1.11.   Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Istati Membri biex ikunu aktar attivi kontra l-kriminali responsabbli mit-traffikar tal-bnedmin; jirratifikaw l-istrumenti internazzjonali għall-ġlieda kontra l-kriminalità, inklużi ż-żewġ Protokolli Addizzjonali tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali; ineħħu mil-listi tagħhom ta’ pajjiżi terzi siguri dawk il-pajjiżi li ma rratifikawx dawn l-istrumenti u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra għall-protezzjoni tar-rifuġjati; jiżguraw ukoll il-protezzjoni u l-eżenzjoni minn prosekuzzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin permezz ta’ rispett akbar għad-dritt tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali meta dawn ifittxu l-ażil u l-protezzjoni, u jagħmlu dan malli l-uffiċjali pubbliċi jkollhom tagħrif dwar is-sitwazzjoni; kif ukoll jiżguraw li dawn jiġu mħarrġa kif xieraq.

1.12.   Il-kunfidenzjalità u l-ġestjoni tad-data personali

Il-KESE jilqa’ b’mod favorevoli l-proposti maħsuba biex tkun żgurata sigurtà akbar tad-data fil-Eurodac (COM 2008/825-3), inkluża l-introduzzjoni tal-obbligu għal kull Stat Membru li jwaqqaf pjan ta’ sigurtà mfassal b’mod konkret biex jipproteġi d-data, jiċċaħad l-aċċess lill-persuni mhux awtorizzati, u biex jiġi evitat, fost affarijiet oħra, l-użu, il-qari, l-ikkupjar jew iż-żieda ta’ data mingħajr awtorizzazzjoni (1). Il-vulnerabilità partikulari ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil għall-perikli li jistgħu jirriżultaw mill-pubblikazzjoni tad-data tirrikjedi standards għolja ta’ kunfidenzjalità u sigurtà.

Il-Kumitat jappoġġja wkoll dispożizzjonijiet oħra maħsuba biex jiggarantixxu “ġestjoni aktar effiċjenti tat-tħassir” peress li dawn se jiżguraw li informazzjoni sensittiva ma tinżammx fid-database aktar milli meħtieġ, b’mod partikulari wara l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza jew wara t-tluq tal-individwu mill-Istati Membri.

1.13.   Protezzjoni tar-rifuġjati fil-pajjiżi terzi ġirien tal-UE

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-UE biex ma tiddelegax l-eżaminazzjoni individwali ta’ każijiet ta’ talbiet għall-ażil lill-pajjiżi li ma rratifikawx il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-protezzjoni tar-rifuġjati (2); jew il-protokoll addizzjonali tagħha (3).

2.   Daħla u kontenut essenjali tal-proposta tal-Kummissjoni

2.1.   Is-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil (Common European Asylum System - CEAS) żviluppat f’żewġ fażijiet distinti. L-ewwel waħda bdiet waqt il-Kunsill Ewropew f’Tampere (1999), wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, li ta dimensjoni Komunitarja lill-politiki tal-immigrazzjoni u tal-ażil. Din l-ewwel fażi ntemmet fl-2005.

2.2.   L-ewwel fażi wasslet għall-iżvilupp ta’ numru ta’ direttivi dwar l-ażil u stabbilixxiet is-sisien ta’ ċertu ammont ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

2.3.   It-tieni fażi fil-bini tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil (CEAS) bdiet bil-Programm tal-Aja (adottat f’Novembru 2004) li stabbilixxa l-2010 bħala d-data ta’ skadenza sabiex jinkisbu l-objettivi ewlenin tas-CEAS permezz tal-adozzjoni ta’ strumenti u miżuri maħsuba għal armonizzazzjoni akbar u titjib fl-istandards ta’ protezzjoni tas-CEAS.

2.4.   Fl-2007, qabel l-adozzjoni ta’ inizjattivi ġodda, il-Kummissjoni ħejjiet Green Paper  (4) li tressqet lid-diversi istituzzjonijiet Ewropej, lill-Istati Membri u lis-soċjetà ċivili (5). Il-Kummissjoni użat din il-Green Paper bħala bażi għall-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar l-ażil. Dan jelenka l-miżuri li l-Kummissjoni beħsiebha tieħu sabiex timplimenta t-tieni fażi tas-CEAS.

2.5.   Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (minn issa ’l quddiem imsejjaħ ir-“Regolament ta’ Dublin” (6)), li għalih il-Kummissjoni qed tipproponi din ir-riformulazzjoni, kien is-suġġett ta’ opinjoni tal-KESE (7).

2.6.   Din ir-riformulazzjoni għandha bħala għan prinċipali li żżid l-effiċjenza tas-sistema u li tiggarantixxi livelli ogħla ta’ protezzjoni għall-persuni li jaqgħu taħt il-“proċedura ta’ Dublin”. Din tal-aħħar hija maħsuba biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli għall-eżaminazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għall-ażil, protezzjoni sussidjarja jew protezzjoni internazzjonali skont it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, 1965, il-Protokoll ta’ New York, 1967, u d-direttivi ta“akkoljenza” 2003/9/KE tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 u dawk ta’ “kwalifika” 2004/83/KE tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004, li wkoll qegħdin fil-proċess ta’ riformulazzjoni. B’mod parallel, il-proposta għandha wkoll l-għan li ssib modi aħjar kif tiffaċċja s-sitwazzjonijiet ta’ pressjoni partikulari fuq il-faċilitajiet ta’ akkoljenza tal-Istati Membri.

2.7.   Il-proposta żżomm l-istess prinċipji bażiċi tar-regolement eżistenti ta’ Dublin, jiġifieri li r-responsabbiltà għall-eżaminazzjoni ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali taqa’ primarjament taħt l-Istat Membru li kellu l-akbar rwol fid-dħul jew fir-residenza tal-applikant fit-territorji tal-Istati Membri, ħlief fl-eċċezzjonijiet maħsuba biex tiġi protetta l-unità tal-familja.

2.8.   Din tikkonserva ħafna mill-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ xulxin, kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil soġġetti għall-proċedura ta’ Dublin, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jaffettwaw it-twettiq tal-proċedura bejn l-Istati Membri jew huma meħtieġa sabiex tiġi assigurata koerenza mal-istrumenti l-oħra fil-qasam tal-ażil. Filwaqt li jtejbu s-salvagwardji ta’ proċedura eżistenti għal livell ogħla ta’ protezzjoni, id-dispożizzjonijiet il-ġodda huma mmirati biss sabiex ikunu ta’ risposta aħjar għall-ħtiġijiet partikulari tal-persuni soġġetti għall-proċedura, filwaqt li jiġu evitati nuqqasijiet fil-protezzjoni tagħhom.

Sabiex tkun konformi mad-Direttiva ta’ Kwalifika 2004/83/KE, din il-proposta għal riformulazzjoni twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament sabiex tinkludi l-applikanti għall-protezzjoni sussidjarja u l-benefiċjarji tagħha, filwaqt li r-Regolament oriġinali (KE) Nru 343/2003 kien ikopri biss lil dawk li qed ifittxu l-ażil. Il-proposta attwali ttejjeb ukoll numru ta’ dispożizzjonijiet sabiex ikun żgurat li l-proċedura u s-sistema biex tkun determinata r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru jiffunzjonaw mingħajr problemi, filwaqt li jissaħħu s-salvagwardji legali għal min qed japplika għall-protezzjoni internazzjonali u jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom b’mod aktar effettiv.

Il-proposta tagħti importanza aktar imsaħħa lill-miżuri maħsuba sabiex tiġi ppreservata l-unità tal-familja u biex ikunu protetti l-minorenni mhux akkumpanjati u “gruppi vulnerabbli oħra”.

Fl-aħħar nett, biex f’każ ta’ pressjoni partikulari fuq ċerti Stati Membri li għandhom kapaċitajiet limitati ta’ akkoljenza u ta’ assorbiment jiġu evitati t-trasferimenti ta’ Dublin sabiex ma jiżdiedx il-piż fuq dawn l-Istati Membri, fir-regolament hemm definita proċedura ġdida li tippermetti s-sospensjoni tat-trasferimenti ta’ Dublin.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.   Din il-proposta, li torbot ma’ pakkett ta’ miżuri mħabbra bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni fil-qasam tal-ażil li jimplimenta s-CEAS (8), hija waħda mill-elementi tal-armonizzazzjoni mixtieqa mill-Kumitat u tikkunsidra n-nuqqasijiet li nstabu waqt il-konsultazzjoni tal-Green Paper dwar sistema komuni Ewropea tal-ażil tal-ġejjieni. Madankollu, din ma tirrevedix il-prinċipju fejn ir-responsabbiltà għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil taqa’ taħt l-Istat Membru li kellu l-akbar rwol fid-dħul jew fir-residenza tal-applikant fit-territorji tal-Istati Membri, ħlief fl-eċċezzjonijiet, u l-Kummissjoni nnifisha tipproponi bidliet aktar sostanzjali, iżda ma tagħtix skadenza (ara s-Sommarju tal-Analiżi ta’ Impatt SEC(2008) 2962/2963-2, il-kapitolu “il-monitorjar u l-evalwazzjoni”, it-tielet paragrafu), u qed tippjana li tibbaża d-determinazzjoni tar-responsabbiltà fuq il-pajjiż fejn issir it-talba (ara COM(2008) 820, Memorandum ta’ Spjegazzjoni, punt 2(3), “Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati”).

3.2.   Il-Kumitat jinnota li l-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni tidher li hija bħal dik li qed jiddefendu l-maġġoranza tal-Istati Membri, iżda jfakkar li hu, mill-2001 ’l hawn, dejjem saħaq li dawk li qed ifittxu l-ażil għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-pajjiż fejn jixtiequ japplikaw, filwaqt li jitqiesu l-fatturi kulturali u soċjali li huma determinanti għal integrazzjoni aktar rapida (9). Josserva wkoll, dwar is-CEAS (10) tal-ġejjieni, li l-pożizzjoni tiegħu hija appoġġjata minn bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mill-UNHCR innifisha.

3.3.   Apparti r-riservi li għandu fir-rigward ta’ dan il-prinċipju, il-Kumitat japprova l-fatt li proċedura ġdida qed tiġi mħejjija sabiex jiġu sospiżi t-trasferimenti ta’ Dublin meta l-Istat Membru responsabbli kkonċernat ikun soġġett għal pressjoni addizzjonali.

3.4.   Il-KESE jinnota li dawn il-miżuri jirriflettu l-intenzjoni li jiġu implimentati salvagwardji legali u ta’ proċedura aħjar bil-ħsieb li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil.

3.5.   Il-Kumitat jiddispjaċih li d-detenzjoni ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil mhux qed tiġi ddikjarata bħala prattika inaċċettabbli – ħlief fil-każijiet fejn ġie stabbilit legalment li l-persuna li qed tfittex l-ażil għandha intenzjonijiet kriminali u ta’ frodi, u hija maħsuba biss għal dawk il-każijiet imsejħa “eċċezzjonali”, iżda l-kriterji involuti jħallu marġini ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’idejn l-Istati Membri kkonċernati u jobbliga lid-difensuri tal-applikanti jirrikorru għal bosta proċeduri twal.

3.6.   Il-KESE japprova l-konferma tal-prinċipju tad-dritt għal appell għal kwalunkwe deċiżjoni, b’mod partikulari għal dawk li jwasslu għal “trasferiment”. Jemmen li dawn l-appelli għandhom jiġu meqjusa li għandhom effett ta’ “sospensjoni” sabiex jiżguraw li jkunu effettivi bis-sħiħ biex jiggarantixxu d-drittijiet, b’konformità mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Dwar il-premessi

4.1.1.   Dwar l-unità tal-familja (12): it-trattament konġunt tat-talbiet tal-membri ta’ familja m’għandux ikollu biss l-għan li “l-membri tal-istess familja ma jkunux separati” iżda wkoll li jiggarantixxi r-riunifikazzjoni mal-familja tal-persuni li qed ifittxu l-protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet awtonomi ta’ kull persuna li qed tfittex l-ażil, u b’mod partikulari dawk tan-nisa.

4.1.2.   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta li kull Stat Membru għandu jkun jista’ jidderoga mill-kriterji ta’ responsabbiltà, b’mod partikulari għal raġunijiet umanitarji (14).

4.1.3.   Id-dritt għal appell fil-qasam tat-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli (16, 17) għandu jiġu kkunsidrat li għandu effett ta’ sospensjoni, sabiex dan ma jmurx kontra l-għan tiegħu (11).

4.1.4.   B’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, id-detenzjoni ta’ persuni li qed jfittxu l-ażil (18) għandha tkun applikata biss “f’ċirkostanzi eċċezzjonali”. Madankollu, dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali mhumiex definiti b’mod ċar fil-premessi tat-test propost. Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandu jkun possibbli li persuna li qed tfittex l-ażil tinżamm f’detenzjoni biss jekk it-talba tagħha ssir wara li jkunu ġew innotifikati li ġew mogħtija l-ordni li se jitneħħew.

4.2.   Dwar is-suġġett u d-definizzjonijiet (Kapitolu I, Artikoli 1 u 2)

4.2.1.   Il-Kumitat huwa mħasseb dwar ir-rilevanza tal-inklużjoni tat-terminu “riskju tal-ħarba” (Artikolu 2(1)) meta dan il-kunċett qed jintuża aktar tard fit-test tar-riformulazzjoni tar-regolament sabiex jiġu ddeterminati l-każijiet ta’ detenzjoni. Fl-eventwalitajiet kollha, huwa meħtieġ li jiġi limitat in-numru tar-“raġunijiet … li huma bbażati fuq kriterji objettivi ddefiniti mill-liġi” li jagħtu indikazzjoni li hemm ir-riskju li persuna kkonċernata minn deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ taħrab, billi jiġi speċifikat li r-raġunijiet għandhom jiġu deċiżi minn qorti kompetenti b’konformità mad-dritt għal difiża, kif stipulat fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

4.3.   Dwar il-prinċipji ġenerali u s-salvagwardji (Kapitolu II, Artikoli 3-6)

Id-dritt għall-informazzjoni

4.3.1.   Persuna li qed tfittex l-ażil għandha tiġi infurmata dwar id-dritt tagħha li tista’ “tkun ikkontestata deċiżjoni ta’ trasferiment” u għandha tingħata aċċess għall-informazzjoni dwar kif tista’ tagħmel dan; mhux biżżejjed li tiġi infurmata bl-eżistenza tal-possibbiltà li tagħmel dan (Artikolu 4(1)(e)).

4.3.2.   Il-Kumitat huwa tal-fehma li “l-informazzjoni … għandha tkun ipprovduta bil-miktub f’lingwa li l-applikant jista’ jkun mistenni li jifhem” tagħti setgħa diskrezzjonali lir-rappreżentanti tal-awtorità filwaqt li m’hemm l-ebda garanzija li dawn għandhom ħiliet lingwistiċi biżżejjed biex jeżerċitaw din is-setgħa (Artikolu 4.2). Għandu jkun speċifikat li l-informazzjoni għandha tingħata f’lingwa li l-persuna kkonċernata tirrikonoxxi li tifhem.

Garanziji għall-minorenni

4.3.3.   Sabiex “l-aħjar interess tat-tifel jew tifla” għandu jkun il-konsiderazzjoni prinċipali fir-rigward tal-proċeduri kollha (Artikolu 6(1)), hemm bżonn jiġi speċifikat sew li dan huwa konformi mal-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal, sabiex din il-kunsiderazzjoni tkun legalment irrevokabbli quddiem il-qrati.

Qraba dipendenti (Artikolu 11(1))

4.3.4.   B’rispett għall-konsistenza, l-espressjoni “il-persuna li qed tfittex l-ażil” għandha tinbidel f“”applikant għall-protezzjoni internazzjonali”.

4.3.5.   Il-fatt li x-xewqa tal-applikant trid tiġi espressa “bil-miktub” jista’ jillimita’ l-kapaċità tal-applikant meta jkun qed jesprimi ruħu, li jmur kontra l-ispirtu tat-test. Ikun aħjar jekk jiġi speċifikat li din it-talba tista’ ssir fi kwalunkwe forma li tippermetti lill-awtoritajiet jirreġistrawha (bil-miktub, f’intervista jew fi kwestjonarju).

Klawsoli diskrezzjonali (Kapitolu IV, Artikolu 17)

4.3.6.   Il-Kumitat jaqbel li “deċiżjoni [tal-Istat Membru mitlub ikun inkarigat] li tirrifjuta t-talba għandha tagħti r-raġunijet fuq hiex hija bbażata” (Artikolu 17(2) inċiż 3). Huwa tal-fehma li għandu jkun speċifikat ukoll li fl-assenza ta’ risposta fi żmien xahrejn, l-Istat Membru li jiġi mitlub għandu jsir responsabbli għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni.

Dwar il-proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura (Kapitolu VI, Artikoli 20-31)

4.3.7.   Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex it-talba biex il-persuna kkonċernata tittieħed lura għandha ssir kemm jista’ jkun malajr (Artikolu 23(2)) u f’kull każ fi żmien rakkomandat mill-Kummissjoni (xahrejn jekk mill-Eurodac, tliet xhur fil-każijiet l-oħra).

4.3.8.   Jekk l-għan hu li l-applikant ikollu disponibbli l-iktar informazzjoni kompleta possibbli u li jkun jista’ jifhimha, mhuwiex biżżejjed li tiġi pprovduta notifika “f’lingwa li l-persuna hija mistennija li tifhem” (Artikolu 25(1)). Bħalma hu fil-każ tal-Artikolu 4(2), il-Kumitat jixtieq li jkun speċifikat li n-notifika għandha ssir f’lingwa li l-applikant jirrikonoxxi li jifhem.

Għandu jiġi ppreċiżat li l-appell għandu jkollu effett ta’ sospensjoni (Artikoli 25(2) u 26(1)), kif diġà ġie msemmi hawn fuq (premessi 16 u 17).

4.3.9.   Għall-Kumitat tidher kontradittorja li jiġi promoss id-dritt għall-appell (b’effett ta’ sospensjoni) għall-applikant ikkonċernat permezz ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, jekk fl-istess ħin qed jiġi ddikjarat li l-persuna kkonċernata tista’ ma tiġix awtorizzata tibqa’ fit-territorju sakemm jintemm l-appell jew ir-reviżjoni tat-talba tagħha (Artikoli 26(3) u 26(4)).

4.3.10.   Sabiex jiġi appoġġjat il-prinċipju mħaddan fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, skont liema prinċipju l-ebda Stat ma jista’ jżomm persuna f’detenzjoni għall-unika raġuni li hija applikant għall-protezzjoni internazzjonali (Artikolu 27(1)), il-Kumitat jissuġġerixxi li l-Artikolu 27(3) jitqiegħed qabel l-Artikolu 27(2) sabiex jiġu enfasizzati s-soluzzjonijiet l-oħra minflok id-detenzjoni.

4.3.11.   Il-Kumitat jaqbel li għandu jiġi speċifikat b’mod espliċitu li l-minorenni akkumpanjati biss jistgħu eventwalment jinżammu f’detenzjoni (Artikolu 27(10)).

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara l-Artikolu 19 (COM-2008/825-3).

(2)  Ġinevra 1951.

(3)  New York 1967.

(4)  COM(2007) 301 finali, ippreżentata fis-6 ta’ Ġunju 2007.

(5)  Fit-12 ta’ Marzu 2008 il-KESE ressaq l-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper Dwar is-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni, rapporteur is-Sinjura Le Nouail-Marlière (ĠU C 204, 9.8.2008).

(6)  Ara r-Regolament (KE) Nru 343/2003 tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU L 50, 25.2.2003, p.1).

(7)  Ara l-opinjoni tal-KESE tal-20 ta’ Marzu 2002, “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz”, rapporteur is-Sur Sharma (ĠU C 125, 27.5.2002).

(8)  Il-KESE ma ġiex ikkonsultat dwar il-bidliet li saru lill-Eurodac [COM (2008) 825]. Ir-Regolament (KE) 2725/2000 tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2000 jikkomplementa direttament lir-Regolament ta’ Dublin.

(9)  Ara b’mod partikulari:

l-opinjoni tal-KESE tal-20.03.2002 dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz [Dublin II]” (COM(2001) 447 finali), rapporteur is-Sur Sharma (ĠU C 125, 27.5.2002, p. 28-31;

l-opinjoni tal-KESE tat-12.03.2008 dwar il-“Green Paper dwar is-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni” (COM(2007) 301 finali), rapporteur is-Sinjura Le Nouail Marlière (ĠU C 204, 9.8.2008, p.77-84.

(10)  Green Paper dwar is-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea tal-ġejjieni (COM(2007) 301).

(11)  Gebremedhin kontra Franza; sentenza tal-ECHR tas-26 ta’ April 2007: il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali tal-Kunsill tal-Ewropa, 1950, Artikoli 3 u 13, in-natura irriversibbli tad-dannu li jista’ jiġi kkawżat jekk ikun hemm ir-riskju ta’ tortura jew trattament ħażin, rimedji b’effett ta’ sospensjoni. Paragrafi 66 u 67: http://cmiskp.echr.coe.int/tkp197/view.asp?action=html&documentId=816069&portal=hbkm&source=externalbydocnumber&table=F69A27FD8FB86142BF01C1166DEA398649.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/120


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra

COM(2009) 28 finali – 2009/0007 (CNS)

u

l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni

COM(2009) 29 finali – 2009/0004 (CNS)

(2009/C 317/23)

Rapporteur: is-Sur SANTILLÁN CABEZA

Nhar it-13 ta’ Frar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra

COM(2009) 28 finali – 2009/0007 (CNS)

u

l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni COM(2009) 29 finali – 2009/0004 (CNS)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Sergio Ernesto Santillán Cabeza.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’114-il vot favur, 3 voti kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-KESE jilqa’ l-proposti għal direttivi dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi u l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni billi dawn jindirizzaw bżonn urġenti. Il-leġiżlazzjoni li saret 30 sena ilu, u li ser tiġi ssostitwita minn dawn il-proposti, mhijiex sodisfaċenti fil-kuntest tal-ħtiġijiet attwali. Il-fatt li bħalissa hemm biss 5 % tat-talbiet li qed jiġu rkuprati jitlob rispons urġenti.

1.2.   Il-proposti tal-Kummissjoni jqisu l-istudji, is-suġġerimenti u r-rakkomandazzjonijeit li saru mill-UE, l-Istati Membri u l-fora u l-istituzzjonijiet internazzjonali bħall-G-20 u l-OECD. Il-KESE wkoll kellu għadd ta’ opinjonijiet, billi jappoġġja għal kollox il-proposti intiżi biex jagħmlu l-arranġamenti għall-kooperazzjoni bejn l-Istati fil-qasam tat-tassazzjoni iktar effettivi (punt 4.8 ta’ din l-opinjoni).

1.3.   Il-bżonn għar-riforma issa qed isir iktar urġenti, billi l-kumpaniji qed ikollhom iħabbtu wiċċhom mar-riperkussjonijiet tat-taqlib ekonomiku kkawżat mill-prattiki spekulattivi u frodulenti li tkixfu tard fl-2007. Dawn ir-riperkussjonijiet, li ser ikunu ta’ piż konsiderevoli għal min iħallas it-taxxa fis-snin li ġejjin, wasslu għal talba urġenti biex jiġu adottati miżuri effettivi kontra dawk li jwettqu l-frodi li joperaw mir-rifuġji tat-taxxa jew li jużaw lakuni legali biex jevitaw li jħallsu t-taxxa.

1.4.   Il-globalizzazzjoni tfisser li issa huwa iktar urġenti minn qabel li l-Istati jikkooperaw fil-qasam tat-tassazzjoni. Fl-UE, il-libertajiet fundamentali li jirfdu t-tħaddim tagħha ma jistgħux jintużaw biex jaħbu n-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu pubbliku tal-ħlas tat-taxxi.

1.5.   B’hekk, il-Kummissjoni bir-raġun iddeċidiet tfassal regolament ġdid f’dan il-qasam minflok ma tintroduċi riformi parzjali għal-leġiżlazzjoni attwali.

1.6.   Il-KESE japprova l-għan ewlieni tal-proposti, li huwa li tiġi stabbilita kultura amministrattiva fil-Komunità u li l-amministrazzjonijiet jingħataw l-istrumenti xierqa tat-teknoloġija moderna (ngħidu aħna l-forom proċessati elettronikament) biex il-proċeduri jsiru iktar sempliċi u rapidi. Ta’ min nixħtu d-dawl ukoll fuq id-dispożizzjonijiet dwar l-arranġamenti tal-lingwa, wieħed mill-ostakli prinċipali għall-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (punt 5.1).

1.7.   L-obbligu li tingħata l-informazzjoni u l-limitu stabbilit (punt 5.2) jikkonformaw mal-proċeduri tal-OECD u jippruvaw, bir-raġun fil-fehma tal-KESE, li jwaqqfu l-użu mhux xieraq tas-segretezza bankarja u proċeduri oħra, li jagħtu l-impressjoni li huma legali, u li jiffrodaw it-teżor.

1.8.   L-involviment tal-uffiċjali tal-Istat rikjedenti fl-investigazzjonijiet li twettqu fl-Istat mitlub għandu preċedenti f’xi leġiżlazzjoni attwali (punt 5.3). F’dan u aspetti oħrajn, il-proposti jirrispettaw is-sovranità nazzjonali (punt 5.5).

1.9.   L-obbligi ta’ min iħallas it-taxxi lit-teżor huma rrispettati fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn l-Istati, billi dan iġib miegħu il-possibbiltà li tiġi kkontestata l-legalità tal-investigazzjonijiet u l-atti mwettqa mill-awtoritajiet (punt 5.4).

1.10.   Il-KESE jissuġġerixxi li fil-ġejjieni, il-Kummissjoni tikkunsidra l-konsolidazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali (punt 5.6).

2.   Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (COM(2009) 28 finali)

2.1.   Bażi għall-proposta tal-Kummissjoni

2.1.1.   Il-leġiżlazzjoni attwali dwar l-assistenza reċiproka (1) timxi bil-mod, hija diversa u nieqsa mill-koordinazzjoni u t-trasparenza.

2.1.2.   L-awtoritajiet tat-tassazzjoni m’għandhomx il-poter li jirkupraw it-taxxi lilhinn mill-fruntieri Statali tagħhom billi l-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam hija ta’ natura nazzjonali: sabiex jirkupraw it-taxxi, l-awtoritajiet ikollhom jitolbu l-assistenza ta’ Stat Membru ieħor jew Stati Membri oħrajn, billi jużaw proċeduri li urew li huma ineffettivi. Din il-limitazzjoni tal-poteri ħolqot problema li sejra għall-agħar, minħabba ż-żieda fil-mobilità tal-kapital u l-persuni. B’riżultat ta’ dan, il-moviment liberu, li huwa wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Unjoni Ewropea għandu effett ta’ ħsara f’dan il-qasam, billi jibbenefika lil dawk il-persuni li jagħmlu l-frodi. Għaldaqstant, huwa ċar li hemm bżonn ta’ miżuri ġodda.

2.1.3.   Dan jintwera biċ-ċar mill-fatt li fl-2007, l-Istati Membri rċevew 11 794 talba għall-assistenza fl-irkupru tat-taxxi minn Stati Membri oħra. Madankollu, l-ammonti li fil-fatt inġabru jikkostitwixxu biss 5 % tat-total.

2.1.4.   Il-frodi tal-VAT hija sinifikanti b’mod partikolari, u għandha żewġ effetti mhux mixtieqa: id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u t-tnaqqis tad-dħul dovut lill-Istati Membri u lill-Komunità (2).

2.2.   Miżuri proposti għall-irkupru ta’ talbiet tat-tassazzjoni

2.2.1.   L-estensjoni tal-ambitu tal-assistenza reċiproka. B’differenza mid-Direttiva 2008/55/KE, li tinkludi lista ta’ talbiet li għandhom imnejn jiġu rkuprati, il-proposta attwali tinkludi “taxxi jew dazji ntaxxati minn jew f’isem is-subdiviżjonijiet territorjali jew amministrattivi tal-Istat Membru, inkluż l-awtoritajiet lokali” kif ukoll il-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali, “rifużjonijiet, interventi u miżuri oħra” marbuta mal-FAEG (3) u l-FAEŻR (4), u “imposti u dazji oħra li għalihom hemm provdut taħt l-organizzazzjoni komuni tas-suq għas-settur taz-zokkor;” (Artikoli 1 u 2).

2.2.2.   Skambju aħjar tal-informazzjoni. B’żieda mal-iskambju spontanju tal-informazzjoni (Artikolu 5), il-proposta żżid l-għażla sinifikanti li l-uffiċjali minn Stat Membru jkunu jistgħu jieħdu sehem attiv fl-investigazzjonijiet mwettqa minn Stat Membru ieħor (Artikolu 6).

2.2.3.   Is-semplifikazzjoni tal-proċedura għan-notifika tad-dokumenti (Artikoli 7 u 8).

2.2.4.   Miżuri iktar effettivi għall-irkupru u l-prekawzjoni (Kapitolu IV). Dawn id-dispożizzjonijiet, li jiffurmaw parti ewlenija tal-proposta, jindirizzaw l-aspetti li ġejjin:

Il-kundizzjonijiet li jirregolaw it-talbiet għall-irkupru fl-Istat Membru rikjedenti (Artikoli 9 sa 12).

Kunsiderazzjoni tat-talba: “Għall-fini tal-irkupru fl-Istat Membru rikjest, kwalunkwe talba li għaliha tkun saret rikjesta għall-irkupru għandha tiġi ttrattata daqslikieku kienet talba tal-Istat Membru rikjest, sakemm din id-Direttiva tipprovdi mod ieħor.” (Artikolu 12(1)) (5). L-Istat Membru rikjest għandu jirkupra t-talba fil-munita tiegħu.

Aspetti oħra marbuta mal-irkupru ta’ talba: l-informazzjoni lill-Istat rikjedenti, it-trasferiment ta’ kull ammont irkuprat, l-interess miżmum u l-ħlas bin-nifs (Artikoli 12(2) sa 12(5)).

Miżuri ta’ prekawzjoni li jiżguraw l-irkupru ta’ talbiet (Artikoli 15 u 16).

Limiti għall-obbligi tal-awtorità rikjesta (Artikolu 17).

Limitazzjoni fuq it-talbiet (Artikolu 18).

Spejjeż ta’ proċedura (Artikolu 19).

2.2.5.   L-uniformità u s-semplifikazzjoni tar-regoli ġenerali jirregolaw it-talbiet marbuta mal-forom, il-mezzi ta’ komunikazzjoni, l-użu tal-lingwi (Artikoli 20 sa 23).

3.   Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (COM(2009) 29 finali)

3.1.   Bażi għall-proposta tal-Kummissjoni

3.1.1.   Il-grupp ta’ ħidma ta’ livell għoli dwar il-frodi (6), il-Kummissjoni (7) u l-Istati Membri lkoll innotaw li l-leġiżlazzjoni dwar l-assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-tassazzjoni tal-premiums tas-assigurazzjoni hija inadegwata (8). Skont il-Kummissjoni, in-nuqqasijiet serji tad-Direttiva 77/799 wasslu għal diffikultà dejjem ikbar fl-evalwazzjoni korretta tat-taxxi, jolqtu t-tħaddim tas-sistemi tat-tassazzjoni u jfissru t-tassazzjoni doppja, li fiha nnifisha tħeġġeġ il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa, filwaqt li l-poteri tal-kontroll jibqgħu fil-livell nazzjonali (9).

3.1.2.   B’hekk, huwa propost li jiġi adottat approċċ innovattiv li jmur lilhinn milli sempliċement isiru bidliet lid-direttiva attwali. Għaldaqstant, l-iskema l-ġdida tirrappreżenta qafas legali ġdid u integrat li jkopri l-aspetti fundamentali kollha tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni, b’riżultat ta’ spinta qawwija lill-poteri tal-awtoritajiet biex jiġġieldu kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

3.1.3.   Billi l-għan huwa li jiġu stabbiliti mekkaniżmi effettivi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Komunitarji u l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri nnifishom, wieħed mill-objettivi prinċipali taż-żewġ proposti huwa li jiġu stabbiliti regoli komuni, filwaqt li tibqa’ rrispettata s-sovranità nazzjonali fil-qasam tat-tassazzjoni.

3.2.   Miżuri proposti għat-titjib fil-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri

3.2.1.   L-estensjoni tal-ambitu tal-leġiżlazzjoni skont il-proposta preċedenti (l-irkupru ta’ talbiet).

3.2.2.   L-iskambju tal-informazzjoni. Tressqu tliet proposti għall-iskambju tal-informazzjoni:

Talba minn qabel mill-awtorità rikjedenti (Artikoli 5 sa 7). It-talba għall-informazzjoni tista’ tfisser it-twettiq ta’ kwalunkwe “indaġni amministrattiva” meħtieġa biex tinkiseb l-informazzjoni.

L-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni (Artikolu 8). Dan ifisser il-komunikazzjoni sistematika ta’ informazzjoni predefinita minn Stat Membru lil ieħor, mingħajr talba minn qabel, b’intervalli regolari stabbiliti minn qabel jew meta dik l-informazzjoni ssir disponibbli (Artikolu 3(4)). Madankollu, hija l-proċedura tal-komitoloġija, fl-Artikolu 24 li fi żmien sentejn ser tiddetermina l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan l-iskambju tal-informazzjoni.

L-iskambju spontanju, fejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jqisu li huwa xieraq.

3.2.3.   Forom oħra ta’ kooperazzjoni

Il-preżenza tal-uffiċjali mill-awtoritajiet rikjedenti fl-uffiċċji tal-awtoritajiet amministrattivi u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-indaġni amminstrattivi tal-awtorità rikjesta (Artikolu 10).

Kontrolli simultanji ta’ persuna waħda jew iktar fi Stati differenti (Artikolu 11).

Ir-regoli li jirregolaw in-notifika amministrattiva deċiża fi Stat Membru ieħor (Artikolu 12).

3.2.4.   Aspetti ġenerali tal-kooperazzjoni amministrattiva.

Reazzjonijiet (Artikolu 13). Id-dawl jinxteħet fuq il-ħeffa tat-tweġibiet, fost affarijiet oħra.

L-iskambju tal-aħjar prattika u l-esperjenza (Artikolu 14).

Aspetti differenti tal-kooperazzjoni. L-awtoritajiet rikjedenti jew rikjesti jistgħu jiżvelaw l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni li jiksbu lil awtoritajiet oħrajn u jużawhom għal finijiet oħra apparti minn dawk imsemmija (Artikolu 15). Aspetti oħra jinkludu: il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-obbligi tal-Istati Membri (Artikolu 16); Il-limiti fuq l-obbligu għall-kooperazzjoni (Artikolu 17); L-applikazzjoni tal-prinċipju “tan-nazzjon tal-aktar preċedenza” (Artikolu 18); Formoli u formati elettroniċi standardizzati (Artikolu 19) u l-użu ta’ netwerk komuni ta’ komunikazzjoni (in-netwerk CCN) (Artikolu 20).

4.   Kummenti ġenerali

4.1.   Il-KESE jaqbel għal kollox mal-istqarrija tal-Kummissjoni li “il-ħtieġa tal-Istati Membri għal assistenza reċiproka fil-qasam tat-tassazzjoni, u speċjalment tat-tassazzjoni diretta, qed tikber rapidament f’era globalizzata. Sar żvilupp tremend fil-mobilità tal-pagaturi tat-taxxa, fl-għadd ta’ tranżazzjonijiet transkonfinali u fl-internazzjonalizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, li jagħmilha dejjem aktar diffiċli għall-Istati Membri biex jivvalutaw kif xieraq it-taxxi dovuti, filwaqt li jżommu mas-sovranità nazzjonali fir-rigward tal-livelli tat-taxxi” (10).

4.2.   Iż-żewġ proposti huma bbażati fuq l-osservazzjoni li l-leġiżlazzjoni li tfasslet iktar minn tletin sena ilu (fi żmien meta l-UE kellha biss disa’ Stati Membri), illum m’għadhiex adegwata, minħabba l-bidliet li saru fis-suq intern minn dak iż-żmien ’l hawn: fit-tieni nofs tas-snin sebgħin, il-moviment ħieles kien għadu ma jeżistix u l-integrazzjoni kienet mill-inqas.

4.3.   Għal bosta snin, kien hemm tħassib dwar il-livelli għoljin ta’ frodi u evażjoni tat-taxxa fl-UE. Fl-2004, il-Kummissjoni indirizzat din il-kwistjoni bħala tweġiba għall-iskandli marbuta mal-prattika dubjuża użata minn xi kumpaniji (11) u ressqet firxa ta’ miżuri biex jissaħħu s-sistemi tat-taxxa u pproponiet l-iżvilupp ta’ “proposti konkreti mmirati lejn każijiet ta’ frodi u evażjoni ta’ taxxa li jinvolvu strutturi kumplessi u li mhumiex ċari”. B’referenza għal każijiet speċifiċi (12), il-Kummissjoni osservat li dawn l-iskandli “kkawżaw inċertezza kbira fis-swieq kapitali, tant illi dawn għamlu ħsara kbira lill-ekonomija ġenerali.”

4.4.   Ħames snin wara, il-ġrajjiet imsemmija fil-Komunikazzjoni tal-2004 jidhru insinifikanti meta mqabbla ma’ dawk li żbroffaw dan l-aħħar u l-ħsara li saret lill-ekonomija hija konsiderevolment ikbar ukoll.

4.5.   Illum din il-kwistjoni saret importanti fil-livell dinji minħabba d-diżastru ekonomiku u finanzjarju kkawżat mill-prattiki frodulenti, li bdew joħorġu fil-beraħ fl-2007. Wieħed mill-kompiti tal-G-20 huwa li jipproponi l-abbozzar ta’ regoli internazzjonali bil-għan li t-tranżazzjonijiet kummerċjali jsiru trasparenti u affidabbli, u biex b’hekk tiġi miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa (13).

4.6.   L-iskandli kkważati f’xi pajjiżi tal-UE marbuta mal-mekkaniżmi tal-evażjoni tat-taxxa pprovduti mir-rifuġji tat-taxxa (bħall-frodi li saret f’Liechtenstein b’detriment għat-Teżor Ġermaniż), ġew ikkundannati mill-pubbliku, li qed isejjaħ għal miżuri iktar effettivi kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-kriminalità finanzjarja.

4.7.   L-iskambju tal-informazzjoni u l-aċċess iktar faċli għad-data biex tiġi miġġielda l-frodi fiskali huma għan ieħor tal-OECD (14).

4.8.   Tul is-snin, il-KESE appoġġja bil-qawwa l-miżuri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni u sejjaħ għal strumenti u mekkaniżmi aħjar ta’ kontroll (15).

4.9.   B’konformità mal-ħidma preċedenti, il-KESE jilqa’ ż-żewġ proposti għal direttivi billi jirrappreżentaw pass ġenwin ’il quddiem għall-integrazzjoni Ewropea. Il-konformità mal-obbligi fiskali hija s-sisien ta’ stat soċjali li jaħdem sew.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.   Il-ħolqien ta’ kultura amministrattiva Komunitarja

5.1.1.   Fil-fehma tal-KESE l-iktar aspett importanti taż-żewġ proposti – b’mod partikolari l-proposta għall-kooperazzjoni amministrattiva – huwa r-rieda li tiġi stabbilita kultura amministrattiva Komunitarja, aspett kruċjali fil-ġlieda kontra l-frodi, kif tistqarr il-Komunikazzjoni (16) tal-2006.

5.1.2.   Din id-deċiżjoni, li tirrifletti l-esperjenzi tal-amministrazzjonijiet tat-tassazzjoni fuq perijodu ta’ żmien, tapplika wkoll għal aspetti differenti bħalma huma: l-obbligu li jinħatar uffiċċju ta’ kuntatt uniku għat-taxxi f’kull Stat Membru, u l-għażla li jinħatru servizzi speċifiċi ta’ kuntatt li jibqgħu jikkomunikaw ma’ xulxin; il-possibbiltà li jinħatru uffiċjali kompetenti biex jaqdu rwol dirett fl-attivitajiet; li jiġu stabbiliti skadenzi (li bħalissa ma jeżistux) għat-trażmissjoni tal-informazzjoni; l-obbligu li jipprovdu “reazzjonijiet”, eċċ.

5.1.3.   Il-KESE jilqa’ l-proposta li jintużaw formoli u formati elettroniċi standardizzati, li ser jiffaċilitaw il-proċeduri mhux ftit.

5.1.4.   Għandhom jissemmew ukoll is-semplifikazzjoni tal-arranġamenti tal-lingwi – ostaklu kbir għall-kooperazzjoni u fattur li jgħolli l-ispiża tal-proċeduri - u l-użu tat-teknoloġiji ġodda f’dan il-qasam, peress li l-formoli jistgħu jiġu tradotti awtomatikament.

5.2.   Il-limiti fuq il-kooperazzjoni amministrattiva, is-segretezza bankarja, l-involviment tal-intermedjarji u s-sjieda tal-ishma

5.2.1.   Hemm limiti għall-kooperazzjoni amministrattiva mfissra fil-proposta. L-Istat Membru rikjest għandu jipprovdi l-informazzjoni rikjesta sakemm l-Istati Membri rikjedenti “ma jkunux jimponu piż amministrattiv disproporzjonat fuq dik l-awtorità rikjesta” u sakemm l-Istat rikjedenti jkun uża s-sorsi kollha tal-informazzjoni li seta’ juża fiċ-ċirkustanzi biex jikseb l-informazzjoni mitluba, mingħajr ir-riskju li jikkomprometti l-kisba tar-riżultat mixtieq. Madankollu, l-Istat rikjest jista’ jirrifjuta li jipprovdi informazzjoni jekk a) it-twettiq ta’ tali indaġnijiet jew ġbir ta’ informazzjoni mitluba jmorru kontra l-legiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru; b) jekk, għal raġunijiet ġuridiċi, l-Istat rikjedenti ma jkunx jista’ jipprovdi informazzjoni simili għall-informazzjoni li qed jirrekjedi; c) jekk dan iwassal għall-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew ta’ proċess kummerċjali, jew ta’ informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-politika pubblika (17). Fil-fehma tal-KESE dawn il-limiti huma adegwati.

5.2.2.   Madankollu, l-Istat Membru rikjest ma jistax jirrifjuta “sempliċiment minħabba din l-informazzjoni tkun tinżamm minn bank, istituzzjoni finanzjarja oħra, kuratur jew persuna fil-kapaċità ta’ aġent jew kapaċità fiduċjarja jew minħabba li tirrelata ma’ interessi proprjetarji f”persuna” (18). Fil-kuntest tal-frekwenza għolja ta’ frodi fiskali, il-KESE jilqa’ din il-kjarifika, li mingħajrha l-għanijiet taż-żewġ proposti biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi fiskali jisfaw fix-xejn (19).

5.2.3.   Ta’ min jinnota li l-obbligi li tingħata l-informazzjoni u l-limiti fuq dawn l-obbligi huma koperti f’termini simili fil-Mudell ta’ Konvenzjoni tal-OECD (20).

5.3.   Il-preżenza ta’ uffiċjali minn Stat Membru ieħor

5.3.1.   Il-proposta għal direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-proposta għal direttiva dwar l-assistenza għall-irkupru ta’ talbiet it-tnejn jinkludu l-possibbiltà li uffiċjali mill-Istat Membru rikjedenti jkunu preżenti matul l-indaġnijiet amministrattivi li jitwettqu fl-Istat rikjest. Il-KESE jqis li din il-forma ta’ kooperazzjoni hija adegwata, billi hija soġġetta għal żewġ kundizzjonijiet importanti: għandu jsir ftehim bejn l-awtoritajiet rikjedenti u rikjesti u l-uffiċjali għandhom jaġixxu “skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istat Membru rikjest” (21).

5.3.2.   Diġà jeżistu dispożizzjonijiet għall-preżenza ta’ uffiċjali minn Stat Membru ieħor diġà fl-oqsma tad-dazji tas-sisa (22) u l-VAT (23) għalkemm fil-każ inkwistjoni, is-setgħat involuti huma usa’ billi l-uffiċjali għandhom il-poter li jeżerċitaw l-ispezzjoni.

5.4.   Il-legalità tal-istrument għall-infurzar ta’ talba ta’ taxxa

5.4.1.   Waħda mill-kwistjonijiet ta’ interess partikolari hija l-legalità tal-proċeduri ta’ investigazzjoni li jistgħu jwettqu l-awtoritajiet. Il-KESE jikkunsidra li din il-kwistjoni hija indirizzata b’mod sodisfaċenti fil-proposta għal direttiva dwar l-assistenza għall-irkupru ta’ talbiet. L-ewwel nett, għandna nżommu f’moħħna li l-iskemi maħsuba, mhux biss fiż-żewġ proposti għal direttivi inkwistjoni f’din l-opinjoni, iżda wkoll dawk li japplikaw għall-VAT u d-dazji tas-sisa, jistabbilixxu biss proċeduri għal kooperazzjoni bejn l-Istati, li jżommu s-sovranità sħiħa biex jiddeterminaw il-legalità tal-proċeduri ta’ investigazzjoni li jwettqu fit-territorju tagħhom.

5.4.2.   Bħala prinċipju ġenerali, l-uffiċjali għandhom jimxu skont il-liġi (24) u l-miżuri amministrattivi huma preżunti validi u konsegwentement huma vinkolanti, bl-eċċezzjoni tad-dritt tal-parti kkonċernata li tikkontestahom fil-qorti. Rigward il-kwistjonijiet dwar l-irkupru ta’ talbiet, huwa l-Istat Membru li qed ifittex jirkupra talba (fi kliem ieħor, l-Istat rikjedenti) li huwa kompetenti li jiddetermina l-validità tat-talba, l-istrument inizjali li jippermetti l-infurzar, l-istrument uniformi li jippermetti l-infurzar u l-validità tan-notifiki mibgħuta mill-Istat (25).

5.4.3.   Madankollu, f’każ li tinqala’ kwistjoni, huwa f’idejn il-korpi korrispondenti fl-Istat rikjest biex jiddetermina jekk il-miżuri ta’ infurzar li ttieħdu jew in-notifiki mibgħuta minn dak l-Istat kinux legali (26). Fiż-żewġ każijiet, il-garanzija li tista’ tintalab minn min iħallas it-taxxa hija ggarantita billi, minbarra fejn il-liġi tipprovdi għall-possibbiltà msemmija fil-punt li jmiss, il-proċedura ta’ infurzar tiġi sospiża fil-parti tat-talba milquta mill-kwistjoni. L-obbligu biex l-Istati jipprovdu informazzjoni dwar talbiet kontestati hija spjegata, għalkemm naturalment il-partijiet ikkonċernati jistgħu jipprovdu din l-informazzjoni wkoll.

5.4.4.   Fil-każ ta’ talbiet kontestati fil-qrati, jistgħu jiġu adottati miżuri ta’ prekawzjoni, sakemm il-leġiżlazzjoni tal-Istat rikjest tippermetti. Barra minn hekk, jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru rikjedenti tippermetti, dak l-Istat jista’ jitlob lill-awtorità rikjesta biex tirkupra talba kontestata fil-qrati fuq bażi ta’ talba ġġustifikata (27).

5.4.5.   Għal dak li għandu x’jaqsam mal-liġi kriminali, dan jaqa’ taħt il-kompitu esklużiv tal-Istati Membri (28).

5.5.   Is-sovranità tal-Istati Membri

5.5.1.   Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-proposta tirrispetta kompletament is-sovranità tal-Istati Membri li, fl-aħħar mill-aħħar, skont id-direttivi inkwistjoni, jimplimentaw il-leġiżlazzjoni proprja permezz tal-istituzzjonijiet proprji fl-oqsma rilevanti. Fost affarijiet oħra, dan joħroġ fid-dieher mill-każijiet imsemmija fil-punti 5.3 u 5.4 ta’ din l-opinjoni.

5.5.2.   Dan jikkonċerna wkoll l-iżvelar tal-informazzjoni u d-dokumenti rċevuti skont id-direttiva li tistipula li:

l-informazzjoni tista’ tiġi żvelata lil awtoritajiet oħra fl-istess Stat Membru, sakemm dan ikun possibbli skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru. L-informazzjoni tista’ tintuża għal finijiet oħra apparti dawk marbuta mat-tassazzjoni.

l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tgħaddi dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru terz, “sakemm din it-trażmissjoni tkun skont ir-regoli u l-proċeduri stabbiliti f’din id-Direttiva”.

barra minn hekk, kull dokument jew informazzjoni miksuba mill-awtorità rikjedenti jistgħu jiġu invokati/użati bħala evidenza fuq l-istess bażi ta’ informazzjoni simili pprovduti fit-territorju proprju (29).

5.5.3.   Għall-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-Iskambju tal-Informazzjoni dwar il-Kwistjonijiet Fiskali tal-OECD (30), l-awtorizzazzjoni mill-Istat rikjest mhijiex meħtieġa.

5.6.   Il-bżonn tal-unifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni

5.6.1.   Iż-żewġ direttivi jinkorporaw regolamenti b’kontenut identiku jew simili. Eżempju wieħed huwa l-proposta dwar in-notifika tad-dokumenti (31) u jistgħu jingħataw eżempji oħrajn. Kif issemma hawn fuq, il-preżenza ta’ uffiċjali minn Stati Membri oħra ġiet indirizzata f’żewġ direttivi u żewġ regolamenti, li jvarjaw fil-firxa tal-poteri mogħtija lill-investigaturi.

5.6.2.   Il-KESE jqis li fil-ġejjieni, teknika leġiżlattiva aħjar tkun li jsir sforz biex il-liġijiet tat-tassazzjoni jsiru unifikati kemm jista’ jkun.

5.7.   L-implimentazzjoni tal-iskema l-ġdida

5.7.1.   L-implimentazzjoni tal-iskema kumplessa l-ġdida li qed tiġi proposta issa ser teħtieġ sforz konsiderevoli mill-Komunità u l-istituzzjonijiet nazzjonali. L-ewwel nett, minħabba l-iskadenzi: il-limitu taż-żmien għat-traspożizzjoni taż-żewġ direttivi (li jkopru oqsma differenti tas-sistema legali), huwa l-31 ta’ Diċembru 2009, li jidher li huwa pjuttost ambizzjuż. Il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva għat-Tassazzjoni ser ikollu jistinka mhux ftit biex ifassal ir-regoli dwar l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni fi żmien sentejn.

5.7.2.   It-tieni nett, l-adattar tal-istrumenti amministrattivi għall-ħtiġijiet il-ġodda ser ifisser li għandu jkun iggarantit li l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom il-materjal u r-riżorsi umani neċessarji. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-taħriġ għall-uffiċjali, li f’ħafna każijiet ser jeħtieġ allokazzjonijiet baġitarji addizzjonali.

5.7.3.   Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-għanijiet tal-proposti għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa jistgħu jagħtu riżultati konkreti biss jekk ikun hemm ir-rieda politika determinata biex jiġu allokati r-riżorsi xierqa.

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Direttiva 76/308/KEE tal-15 ta’ Mejju 1976, sussegwentement ikkodifikata mid-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE tas-26 Mejju 2008.

(2)  COM(2009) 28 finali: “L-effett tad-Direttiva 2000/65/KE, li neħħiet il-possibbiltà li tintalab il-ħatra ta’ rappreżentanti tal-VAT, u l-espansjoni fil-firxa tal-frodi tal-VAT - speċjalment l-hekk imsejħa frodi karużell - wassal għal sitwazzjoni fejn 57,50 % tat-talbiet kollha għall-irkupru huma relatati ma’ talbiet għal VAT (il-qagħda fl-2007).” Ara wkoll il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Strateġija koordinata biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fl-Unjoni Ewropea”, COM(2008) 807 finali.

(3)  Il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija

(4)  Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

(5)  Id-Direttiva 2008/55/KE li qiegħda fis-seħħ bħalissa tinkludi dispożizzjoni simili (Artikolu 6(2)). Skont din id-dispożizzjoni, it-talba mhijiex tal-Istat Memru rikjest iżda tista’ tiġi kkunsidrata hekk. Fi kliem ieħor, din tiġi ttrattata bl-istess mod li biex l-Istat rikjest jittratta t-talbiet tiegħu stess.

(6)  Rapport ippubblikat f’Mejju 2000 (Dokument tal-Kunsill 8668/00 bl-isem “Il-ġlieda kontra l-frodi fiskali”).

(7)  Ara l-Komunikazzjonijiet mill-2004 (COM(2004) 611 finali) u 2006 (COM(2006) 254 finali).

(8)  Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977.

(9)  COM(2009) 29 finali, p. 2

(10)  Memorandum ta’ Spjegazzjoni, COM(2009) 29 finali.

(11)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Imġiba Ħażina Korporattiva u Finanzjarja (COM(2004) 611 finali)

(12)  Bħall-Parmalat u l-Enron, fejn l-azzjonisti tilfu $ 67 biljun.

(13)  Id-dikjarazzjoni ta’ Washington tal-G-20 (15 ta’ Novembru 2008): L-awtoritajiet tat-taxxa, bis-saħħa tal-ħidma tal-korpi rilevanti bħall-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Ekonomika (OECD), għandhom ikomplu jippromovu l-iskambju tal-informazzjoni dwar it-taxxi. In-nuqqas ta’ trasparenza u n-nuqqas ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar it-taxxi għandhom jiġu indirizzati b’mod vigoruż.

(14)  Forum Globali dwar it-Tassazzjoni, li jinvolvi wkoll pajjiżi li mhumiex fl-OECD. Ara “Tax co-operation: towards a level playing field – 2008 Assessment by the Global Forum on Taxation”. OECD, Awwissu 2008.

(15)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa”, ĠU C 161, 13.7.2007, p. 8. Din l-opinjoni tinkludi lista sħiħa ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja. Ara wkoll l-opinjonijiet dwar il-proposti li ġejjin:

Proposta għal Regolament (KE) tal-Kunsill, tas-7 ta’ Ottubru 2003, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE dwar l-assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u indiretta, ĠU C 80, 3.4.2002, p. 76.

Il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji u l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, dwar l-assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-tassazzjoni fuq il-premiums tal-assigurazzjoni, u d-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju u ż-żamma, il-moviment u l-monitoraġġ ta’ prodotti bħal dawn, ĠU C 112, 30.4.2004, p. 64 (mhux disponibbli bil-Malti).

Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm Komunitarju sabiex itejjeb il-ħidma tas-sistemi ta’ tassazzjoni fis-suq intern (Fiscalis 2013) ĠU C 93, 27.4.2007, p. 1.

(16)  Jadotta suġġeriment mill-Grupp ad hoc tal-Kunsill dwar il-frodi fiskali (ara COM(2006) 254, punt 3(1)).

(17)  COM(2009) 29 finali, Art. 16.

(18)  COM(2009) 29 finali, Art. 17(2).

(19)  Huwa maħsub li l-Iżvizzera tgħodd għal madwar terz tal-ġid personali klandestin dinji ta’ $ 11 000 biljun. “Swiss banks ban top executive travel. Concern that employees will be detained”. Financial Times, 27 ta’ Marzu 2009.

(20)  Konvenzjoni ta’ Mudell b’rispett għat-taxxi fuq id-dħul u l-kapital, Artikoli 26 u 16; OECD, 17 ta’ Lulju 2008.

(21)  COM(2009) 28 finali, Art. 6(2) and COM(2009) 29 finali, Art. 10(2).

(22)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2073/2004 tas-16 ta’ Novembru 2004 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa, Art. 11.

(23)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 tas-7 ta’ Ottubru 2003 dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru. 218/92, Art. 11.

(24)  Skont il-Kodiċi Ewropea ta’ Imġiba Amministrattiva Tajba, l-uffiċjali għandu jieħu ħsieb li d-deċiżjonijiet li jolqtu d-drittijiet jew l-interessi tal-individwi jkollhom bażi legali u li l-kontenut jikkonforma mal-liġi (Artikolu 4).

(25)  COM(2009) 28 finali, Art. 13(4).

(26)  COM(2009) 28 finali, Art. 13(2).

(27)  Jekk ir-riżultat tal-kontestazzjoni huwa sussegwentement favorevoli għad-debitur, l-awtorità applikanti għandha tkun responsabbli għar-rimborż ta’ kull somma rkuprata, flimkien ma’ kull kumpens dovut, b’mod konformi mal-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru tal-awtorità rikjesta. COM(2009) 28 finali, Art. 13(4), l-aħħar paragrafu.

(28)  “… m’għandux jolqot l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li jobbligaw l-Istati Membri għall-manteniment tal-ordni pubbliku u l-legalità u li jħarsu s-sigurtà interna.”, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, Art. 33.

(29)  COM(2009) 29 finali, Art. 15(1), 15(2) and 15(3).

(30)  L-informazzjoni ma tistax tiġi żvelata lil ebda persuna jew entità jew awtorità jew kwalunkwe ġurisdizzjoni oħra mingħajr l-approva bil-miktub tal-awtorità kompetenti tal-Parti rikjesta. (Artikolu 8)

(31)  COM(2009) 28 finali, Artikoli 7 u 8; COM(2009) 29 finali, Artikolu 12.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/126


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Integrazzjoni reġjonali għall-iżvilupp fil-pajjiżi tal-AKP

COM(2008) 604 finali

(2009/C 317/24)

Relatur: is-Sur DANTIN

Korelatur: is-Sur JAHIER

Nhar l-1 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Integrazzjoni reġjonali għall-iżvilupp fil-pajjiżi tal-AKP

COM(2008) 604 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Mejju 2009. Ir-relatur kien is-Sur Dantin (korelatur: is-Sur Jahier).

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’132 voti favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Kif diġà stqarr matul il-ħidma preċedenti tiegħu, il-Kumitat iqis li l-integrazzjoni reġjonali tal-pajjiżi tal-AKP hija waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-iżvilupp tagħhom. Min-naħa tiegħu l-iżvilupp għandu jsaħħaħ l-integrazzjoni tagħhom u b’hekk jinbeda ċirku virtuż.

1.2.   Huwa jilqa’ l-analiżi li saret u l-punti msemmija fil-Komunikazzjoni u jixtieq li l-integrazzjoni reġjonali tkun waħda mill-aspetti prinċipali tar-reviżjoni tal-2010 tal-Ftehim ta’ Cotonou.

1.3.   Il-KESE jiddispjaċih madanakollu li l-Komunikazzjoni ma teżaminax id-diffikultajiet li qamu s’issa u li ma tenfasizzax il-prijoritajiet tal-implimentazzjoni b’mod aktar ċar.

1.4.   Il-Kumitat jenfasizza li jeżistu ċerti fatturi li jaqdu rwol inevitabbli fil-progress tal-integrazzjoni reġjonali. L-UE tista’ u għandha taqdi rwol importanti fir-rigward ta’ dawn il-fatturi.

1.5.   L-integrazzjoni reġjonali ma tistax tissaħħaħ mingħajr stabbiltà fl-Istati kkonċernati. Il-paċi u s-sigurtà għandhom ikunu tnejn mill-prijoritajiet tal-UE.

1.6.   L-iżvilupp tal-Istati tal-AKP huwa waħda mill-kundizzjonijiet tal-integrazzjoni reġjonali li ser tiffavorixxi l-iżvilupp tagħhom.

1.7.   Dan l-iżvilupp jiddependi b’mod partikolari minn:

sorsi ġodda ta’ tkabbir li jwasslu għal diversifikazzjoni tal-ekonomija, tal-istrutturi tal-produzzjoni u tas-sistemi tas-servizz;

żvilupp rurali u sostenibbli li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista tal-ikel;

tkabbir tas-settur privat b’mod partikolari l-SMEs;

gvernanza tajba fit-totalità tagħha fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema, l-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-Kumitat jinsab sopriż li l-Komunikazzjoni fl-ebda punt tagħha ma ssemmi l-korruzzjoni; huwa jixtieq li l-EUR 1.75 miljun tal-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp, li huma allokati bħala kontribut għall-integrazzjoni, jingħataw biss jekk ikun jista’ jiġi traċċat l-użu tagħhom;

parteċipazzjoni effettiva tal-atturi mhux statali skont il-CARIFORUM/KE tal-AKP. Għal dan il-għan ser ikun hemm bżonn ta’ promozzjoni politika u finanzjarja tan-netwerks soċjali u professjonali fil-livell reġjonali.

1.8.   Il-Kumitat jixtieq li titkompla jew fejn hemm bżonn titnieda riflessjoni dwar l-aspetti li ġejjin:

l-utilità u l-possibbiltà li tiġi promossa l-kooperazzjoni reġjonali bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE u r-reġjuni integrati tal-AKP li jiffurmaw l-ambjent ġeografiku tagħhom;

il-fatt li l-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika (EPA) temporanji ma’ pajjiżi individwali jistgħu jxekklu l-konklużjoni ta’ EPA reġjonali, u s-soluzzjonijiet għal din il-problema;

il-fatt li l-integrazzjoni reġjonali tista’ tmur lura minħabba n-negozjati tal-EPA li jinvolvu ragruppamenti reġjonali li huma differenti minn dawk li jeżistu bħalissa;

il-konsegwenzi li jista’ jkollhom il-bidla u t-tkabbir tan-natura u d-diversità tal-“poteri” ekonomiċi li seħħew f’dawn l-aħħar snin fuq l-integrazzjoni reġjonali, b’mod partikolari fl-Afrika;

il-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali.

2.   Daħla

2.1.   Nistgħu nikkonkludu faċilment li t-tendenza prinċipali tal-millennju l-ġdid hija l-kompetizzjoni globali. Waħda mir-risposti tal-Istati ta’ kull kontinent għall-opportunitajiet u l-isfidi tal-globalizzazzjoni kienet li jadattaw l-ekonomija reġjonali tagħhom għal dik tal-pajjiżi ġirien, li joħolqu sħubijiet ekonomiċi u reġjonali ikbar u iktar kompetittivi (pereżempju NAFTA, ASEAN, APEC, MERCOSUR, CARIFORUM, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem fl-iskambji internazzjonali mhux bħala Stati biss iżda anki bħala poteri reġjonali.

2.2.   Din l-evoluzzjoni hija urġenti ħafna fil-pajjiżi tal-AKP b’mod partikolari fl-Afrika (1) fejn minħabba l-effetti ta’ għadd ta’ fatturi (ekonomija ftit li xejn żviluppata, faqar kbir, il-kundizzjonijiet tan-negozju, fruntieri stabbiliti fi żmien il-kolonjaliżmu, tmexxija ħażina, kunflitti ħafna drabi endemiċi, korruzzjoni, eċċ.) il-pajjiżi għad ma rnexxielhomx jipparteċipaw fin-negozju internazzjonali b’mod sinifikanti minkejja d-daqs tas-swieq tagħhom u l-potenzjal li għandhom.

2.3.   L-appoġġ għall-integrazzjoni reġjonali kien wieħed mill-pilastri prinċipali tal-politika tal-kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-pajjiżi tal-AKP. L-appoġġ tal-Komunità Ewropea għall-politika tal-integrazzjoni ekonomika beda fl-1969 bil-konvenzjoni ta’ Yaoundé, li fissret il-kunċett ta’ kooperazzjoni u għajnuna fi sħubija. Sa minn dak iż-żmien, l-UE ħadmet għall-kooperazzjoni politika, teknikna u finanzjarja permezz ta’ bosta konvenzjonijiet oħra (Lomé, Cotonou) (2). Din it-tema ġiet żviluppata u estiża lil hinn mill-AKP għall-pajjiżi kollha li jinsabu fi triqithom lejn l-iżvilupp (3). Barra minn hekk, infakkru wkoll li matul is-summit UE-Afrika tat-8 u d-9 ta’ Diċembru 2007 f’Lisbona, wieħed mit-tmien pjanijiet ta’ azzjoni li ġew adottati kien jikkonċerna l-integrazzjoni reġjonali u l-infrastrutturi (4).

2.4.   L-għan tal-Komunikazzjoni huwa li tistabbilixxi l-iskop u l-kuntest tal-integrazzjoni reġjonali u li tidentifika l-progress li sar fil-qasam u l-isfidi li għadhom iridu jiġu ffaċċjati. Hija tidentifika l-għanijiet u tipproponi li jingħata appoġġ sabiex jintlaħqu.

2.5.   Din l-opinjoni ser tibda billi tiddeskrivi u teżamina l-qofol tal-Komunikazzjoni u wara ser tippreżenta l-kunsiderazzjonijiet u l-kummenti ġenerali, partikulari u speċifiċi ta’ dan il-kontenut. Hija ser tirreferi għall-ħidma li diġà wettaq il-Kumitat fil-qasam, kemm fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu, kif ukoll fis-seminars reġjonali li organizza, fejn laqqa’ s-soċjetà ċivili tar-reġjuni differenti tal-AKP, u fil-konferenzi li saru Brussell, li fihom ipparteċipaw atturi mhux statali tal-Istati kollha tal-AKP.

3.   Il-qofol tal-Komunikazzjoni

3.1.   Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-“kuntest li dejjem jinbidel” li ninsabu fih u tfakkar fl-azzjonijiet kontinwi, u li jmorru lura għadd ta’ snin, tal-Unjoni Ewropea kif ukoll bosta inizjattivi politiċi reċenti favur l-integrazzjoni tal-pajjiżi tal-AKP (l-ipjjanar reġjonali tal-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp, negozjati intensivi dwar il-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika, eċċ.). Hija tevalwa l-koerenza fl-azzjoni tal-Unjoni Ewropea u tidentifika r-rotot li għandhom jittieħdu fl-użu tal-istrumenti tal-UE.

3.2.   L-evalwazzjoni tal-azzjoni u tal-perspettivi li ttieħdu fil-passat hija maqsuma f’erba’ kapitli prinċipali:

l-għanijiet prinċipali tal-integrazzjoni reġjonali;

il-kisbiet u l-isfidi tal-integrazzjoni reġjonali fil-pajjiżi tal-AKP;

l-iżvilupp tal-approċċ ta’ appoġġ tal-UE li għandu 5 prijoritajiet:

it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet reġjonali,

il-bini ta’ swieq integrati reġjonali,

l-appoġġ għall-iżvilupp tan-negozju,

il-konnessjoni ta’ netwerks ta’ infrastruttura reġjonali,

l-iżvilupp ta’ politiki reġjonali għall-iżvilupp sostenibbli;

li jsir l-aħjar użu mill-istrumenti tal-UE billi jissaħħaħ id-djalogu politiku fil-livell globali, reġjonali u nazzjonali filwaqt li jiġi appoġġjat sistematikament it-twaqqif jew l-iżvilupp ta’ forum reġjonali tas-soċjetà ċivili. Permezz ta’ dan l-appoġġ Komunitarju msaħħaħ jista’ jsir l-aħjar użu mill-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF).

4.   Kummenti ġenerali

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kemm-il darba indirizza l-kwistjoni tal-integrazzjoni ekonomika u reġjonali fil-pajjiżi tal-AKP.

4.1.1.   L-integrazzjoni reġjonali kienet it-tema ċentrali tat-tliet seminars reġjonali li organizza (Yaoundé f’Mejju 2003, il-gżejjer ta’ Fiġi f’Ottubru 2004 u Bamako fi Frar 2006), li wasslu għal żewġ opinjonijiet.

4.1.2.   Din ir-riflessjoni laħqet il-qofol tagħha matul il-konferenza tal-AKP tal-atturi mhux statali li ltaqgħu fi Brussell f’Ġunju 2005. “L-adattament tal-pajjiżi tal-AKP għas-suq kummerċjali jfisser li għandha tissaħħaħ l-integrazzjoni reġjonali tagħhom. Jeħtieġ li jinħolqu swieq komuni u reali fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku malajr. Aktar ma jkunu organizzati f’dan il-qasam aktar se jkunu kapaċi jiddefendu l-interessi ekonomiċi u soċjali tagħhom biex jaffrontaw il-globalizzazzjoni.”

4.1.3.   Reċentement, fl-opinjoni esploratorja dwar l-Istrateġija UE-Afrika (5), li tfasslet fuq talba tal-Kummissarju Michel, il-Kumitat stqarr li: “L-iżvilupp ekonomiku tal-Afrika jiddependi l-ewwel u qabel kollox mit-tisħiħ tas-suq intern tagħha li kapaċi jġib miegħu tkabbir endoġeniku li jistabbilizza u jistabbilixxi l-kontinent fl-ekonomija dinjija. L-integrazzjoni reġjonali u l-iżvilupp tas-suq intern huma l-ixpruni li ser jippermettu lill-Afrika li tipparteċipa fil-kummerċ dinji b’mod pożittiv. Minn dan il-lat, il-Kumitat jiddispjaċih li s’issa għadhom ma ġewx konklużi n-negozjati reġjonali tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika, li wieħed mill-objettivi tagħhom jikkonċerna speċifikament l-integrazzjoni ekonomika.”

4.2.   B’konformità mal-kummenti preċedenti tiegħu f’dan ir-rigward u mal-pożizzjoni li ħa fil-passat, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ bi pjaċir il-Komunikazzjoni u l-punti li tqajjem. Huwa jemmen li fid-dawl tal-importanza tagħha, l-integrazzjoni reġjonali għandha tkun waħda mill-aspetti prinċipali tar-reviżjoni tal-2010 tal-Ftehim ta’ Cotonou, kemm fl-evalwazzjoni konġunta li ser issir mill-atturi tas-sħubija kif ukoll fil-kuntest tat-tisħiħ u t-tnedija ġdida tal-ftehim matul is-snin li ġejjin.

4.3.   Madanakollu jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma tiġborx fiha, b’mod aktar komplet, jekk mhux komprensiv, inventarju u analiżi kritika tad-diffikultajiet li s’issa xekklu l-integrazzjoni reġjonali. Din l-analiżi setgħet tikxef l-ostakli li jridu jiġu evitati u permezz tagħha setgħu jiġu definiti u proposti l-approċċi għall-kooperazzjoni. Bl-istess mod il-Kumitat jemmen li l-Komunikazzjoni setgħet kienet aktar ċara u faċli biex tinftiehem kieku ġiet stabbilita lista ta’ prijoritajiet aktar ċara, inkluż fid-dawl tal-modifiki meħtieġa fil-fażi tal-applikazzjoni minħabba l-istadji differenti ta’ żvilupp tal-Istati.

4.4.   Fil-qafas tal-kummenti ġenerali u partikolari li ġejjin, il-Kumitat jemmen li għandhom jiġu enfasizzati ċerti problemi partikolari. Xi drabi dawn ġew indirizzati fil-Komunikazzjoni b’mod konċiż u xi drabi le. Madanakollu il-Kumitat jemmen li huma importanti ħafna għall-integrazzjoni reġjonali u għalhekk għandhom jingħataw prijorità u jiġu ppreżentati bħala l-pilastri ċentrali, essenzjali u indispensabbli ta’ din l-istruttura.

5.   Kummenti ġenerali u partikolari

5.1.   Ġeneralment huwa fatt rikonoxxut li ċertu numru ta’ fatturi jikkontribwixxu għat-twettiq tal-integrazzjoni reġjonali. Fost dawn il-fatturi nsibu l-impenn politiku, il-paċi u s-sigurtà, l-istat tad-dritt, id-demokrazija, il-ġestjoni tajba tal-affarijiet pubbliċi u l-istabbiltà makroekonomika. Barra minn hekk, hemm bżonn ukoll ta’ ambjent ekonomiku li jippermetti t-tħaddim tajjeb tas-swieq, aċċess għall-pajjiżi terzi, istituzzjonijiet b’saħħithom biżżejjed u b’mandat preċiż, riżorsi xierqa, appoġġ politiku u parteċipazzjoni kbira tas-settur privat u s-soċjetà ċivili.

5.2.   Madanakollu sabiex isir progress fl-implimentazzjoni tal-integrazzjoni reġjonali, b’mod partikolari billi nilqgħu bħala għanijiet il-kunċetti tad-definizzjoni ġenerali li jipproponi l-Ftehim ta’ Cotonou (6), jeħtieġ li nagħtu prijorità lill-aspetti, li ser niżviluppaw fil-punti li ġejjin, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-pajjiżi tal-AKP, għax l-integrazzjoni hija sors ta’ żvilupp u l-iżvilupp jiffavorixxi l-integrazzjoni. L-UE għandha tagħmel kull sforz possibbli fir-rigward tal-punti li jmiss.

5.3.   Il-paċi u s-sigurtà – l-iżvilupp u l-integrazzjoni reġjonali, b’mod partikolari fl-Afrika, ma jistgħux jitwettqu mingħajr stabbiltà ikbar fl-Istati. Madanakollu numru kbir ta’ pajjiżi għadhom involuti f’kunflitti interminabbli. Matul dawn l-aħħar għaxar snin fil-Ginea, il-Liberja u s-Sjerra Leona, pajjiżi li għandhom riżorsi naturali bħad-djamanti u l-injam, il-kunflitti tefgħu lir-reġjun fi kriżi kbira li wasslet għal flussi kbar ta’ refuġjati. U dan mingħajr ma nsemmu l-kunflitt tad-Darfur fis-Sudan, il-gwerra minsija fit-Tramuntana tal-Uganda, il-massakri ta’ Kivu minħabba l-“coltan” u l-gwerra etnika li tixbah liġ-ġenoċidju tar-Rwanda, in-nuqqas ta’ sigurtà kontinwu fit-Tramuntana tar-Repubblika Afrikana Ċentrali, in-nuqqas ta’ stabbiltà fil-Kongo, il-Mawritanja, il-Fiġi u l-problemi reċenti fil-Kenja jew fiż-Żimbabwe. Dawn huma ostakli kbar għall-integrazzjoni reġjonali. Waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea għandha tkun li żżid l-istabbiltà u l-paċi fil-pajjiżi sabiex ikun jista’ jkun hemm żvilupp li jkollu effett fuq it-tisħiħ tal-integrazzjoni.

5.4.   Nibdew mill-Istati – Jekk l-integrazzjoni taqdi rwol ċentrali fl-iżvilupp tal-AKP, din ser tinkiseb l-ewwel u qabel kollox permezz tal-iżvilupp ta’ kull Stat (7), il-livell ta’ komplementarjetà, l-istat ekonomiku tagħhom u l-politiki li jimplimentaw. Ma jagħmilx sens li nippruvaw nintegraw dak li ma jeżistix. Sabiex nintegraw il-mezzi tat-trasport fil-livell reġjonali u ngħaqqdu l-infrastrutturi hemm bżonn li t-tagħmir ikun jeżisti u jiġi żviluppat fl-Istati kkonċernati. Għalhekk il-kwalità tat-tfassil (bil-parteċipazzjoni tal-atturi mhux statali) tal-kontenut u l-eżekuzzjoni tal-programmi indikattivi nazzjonali u reġjonali huma elementi ċentrali. L-UE hija responsabbli għall-użu tar-riżorsi allokati mill-EDF, pereżempju. Il-Kumitat jipproponi li l-problema tal-finanzjament tal-miżuri tal-koeżjoni tingħata attenzjoni partikolari b’mod speċjali fil-każijiet fejn l-għajnuna hija mogħtija għall-integrazzjoni ekonomika u reġjonali bejn pajjiżi bi strutturi ekonomiċi u livelli ta’ żvilupp ferm differenti. Jekk dan ma jsirx, is-soluzzjoni tista’ twassal għal sitwazzjoni agħar minn dik attwali.

5.5.   Il-korruzzjoni – Hija preżenti, b’mod partikolari fl-Afrika, fil-livelli kollha tas-soċjetà u tostakola l-iżvilupp ekonomiku (8). Konsegwentement, hija xxekkel ukoll l-integrazzjoni reġjonali (9). Il-Kumitat jinsab sorpriż li l-Komunikazzjoni ma tirreferix għall-korruzzjoni, b’mod speċjali fid-dawl tal-fatt li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija waħda mill-għanijiet tal-Unjoni Afrikana u ngħatat prijorità fil-Ftehim ta’ Cotonou wkoll (ara Artikolu 30(f)). Huwa minnu li l-implikazzjonijiet politiċi u ekonomiċi, b’mod partikolari mal-Istati Afrikani, huma kbar u li d-diplomazija għandha taqdi rwol importanti iżda fl-ebda każ ma hi ser tkun biżżejjed. Bħala donatur tal-fondi, l-UE ma tistax timponi l-għażliet li jieħdu l-imsieħba tagħha. Madanakollu għandha l-obbligu li tiżgura li l-fondi għall-kooperazzjoni jintużaw tajjeb u jaslu għand min suppost għax dawn huma flus li ġejjin mit-taxxi taċ-ċittadini Ewropej. Il-Kumitat jixtieq li l-1.75 biljun euro tal-għaxar EDF, allokati bħala kontribut għall-iżvilupp tal-integrazzjoni, jingħataw bil-kundizzjoni li jkun hemm segwitu tal-użu li jsir mill-flus.

5.6.   Sorsi ġodda tat-tkabbir li jwasslu għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija, tal-istrutturi tal-produzzjoni u tas-sistemi tas-servizz – Suq diversifikat u t-tkabbir ser jiffaċilitaw l-integrazzjoni ekonomika reġjonali. Dan mhux ser jiġi sempliċement mill-isfruttar tar-riżorsi naturali jew mill-produzzjoni agrikola tradizzjonali jew tal-massa (zokkor tal-kannamieli, qoton, banana, karawett, ċikkulata, eċċ.). Ser jiġi mill-iżvilupp ta’ industrija tal-produzzjoni ta’ prodotti elaborati ta’ valur miżjud sinifikanti għax dan huwa l-aħjar mezz kif tista’ tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-kundizzjonijiet tan-negozju u kif jista’ jingħata kontribut pożittiv għall-iżvilupp tal-ekonomija reġjonali (8).

5.7.   Żvilupp rurali u sostenibbli li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista tal-ikel – Mingħajr sigurtà tal-provvista tal-ikel fl-Istati kollha li qed jipparteċipaw f’dan il-proċess ta’ integrazzjoni, ma jistax ikun hemm integrazzjoni ekonomika reġjonali (8). Għalhekk l-agrikoltura, li hija element essenzjali tal-iżvilupp sostenibbli, għandha tkun prjiorità strateġika. Is-settur għandu jitgħallem mill-esperjenza tal-kriżi alimentari tal-2007 u l-2008 u minn dik attwali li segwiet iż-żieda kbira fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli u tal-enerġija tal-2008. L-iżvilupp progressiv tal-agrikoltura li jwassal għall-ħolqien jew l-iżvilupp tas-settur agroalimentari u li b’mod aktar ġenerali għal prijorità ġdida tad-dimensjoni rurali tal-iżvilupp, ma jistax iseħħ mingħajr l-implimentazzjoni ta’ politika agrikola serja, is-sigurtà tal-provvista tal-ikel u l-iżvilupp rurali integrat kemm fil-livell tal-Istati kif ukoll fil-livell reġjonali. Din il-politika għandha tkun strutturata u ppjanata fuq perijodu immedjat, medju u fit-tul. Hija għandha tkun prijorità baġitarja u finanzjarja u għandha tiġi adottata skont il-limiti ta’ kull pajjiż filwaqt li tintegra l-approċċ reġjonali. Fil-qafas tal-għaxar EDF għandu jiġi promoss programm prijoritarju tal-iżvilupp agrikolu f’kull pajjiż tal-AKP li qed jipparteċipa fl-integrazzjoni reġjonali. Il-mod kif ġie użat id-disa’ EDF, fejn kienu biss 4 minn 78 pajjiżi tal-AKP li ddikjaraw l-agrikoltura bħala settur prijoritarju u 15 li għażlu l-iżvilupp rurali, għandu jitwarrab. Kienu biss 7 % tal-EDF li ntużaw għall-iżvilupp sostenibbli u 1,1 % għal attivitajiet agrikoli. L-implimentazzjoni sostenibbli tal-politika tal-iżvilupp tiddependi minn involviment ikbar, regolari u strutturali tal-atturi mhux statali, b’mod partikolari tal-bdiewa u l-organizzazzjonijiet rurali, u tal-awtoritajiet lokali.

5.8.   L-iżvilupp tas-settur privat – is-settur privat u t-tisħiħ u d-diversifikazzjoni tiegħu jaqdu rwol importanti ħafna fl-iżvilupp sostenibbli, il-ħolqien tal-impjieg deċenti u t-tnaqqis tal-faqar. L-iżvilupp tas-settur privat, b’mod partikolari tal-SMEs industrijali (8), permezz ta’ żieda fil-possibbiltajiet tan-negozju, huwa indispensabbli għall-integrazzjoni. Sabiex dan l-iżvilupp ikollu effett, jeħtieġ li jibbenefika mit-tisħiħ tal-organizzazzjoni tal-SMEs fil-livell reġjonali u li jissaħħu r-riżorsi umani  (10) permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll billi jiġu kkunsidrati kwistjonijiet relatati mas-saħħa: il-ġlieda kontra l-HIV/l-AIDS (11), l-aċċess għall-ilma tax-xorb, aċċess iffaċilitat għall-kura tas-saħħa (is-sigurtà soċjali), is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, eċċ. Għalhekk il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni għażlet lill-iżvilupp tal-intrapriżi, b’mod partikolari tal-SMEs, bħala wieħed mill-pilastri tal-azzjoni ta’ appoġġ tagħha għall-integrazzjoni reġjonali. Id-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv u r-rwol tar-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali huma importanti sabiex dan il-proċess ikun effikaċi. Għalhekk jeħtieġ li dawn l-aspetti jiġu promossi fil-livell reġjonali. Fil-qafas tal-programm PRODIAF (12), l-ILO appoġġjat l-iżvilupp tad-djalogu soċjali fl-Afrika tal-Punent. Kif diġà indika f’bosta dikjarazzjonijiet finali wara s-seminars u l-konferenzi tiegħu, il-Kumitat jixtieq li jittieħed l-istess eżempju fl-Afrika anglofona u fil-Paċifiku billi jiġi żviluppat, hekk kif sar fl-Afrika frankofona, il-kunċett tal-ftehim kollettiv reġjonali.

5.9.   Gvernanza tajba – Forom differenti ta’ gvernanza ħażina fl-Istati tar-reġjun ser jistakolaw l-integrazzjoni u l-Investiment Barrani Dirett (IBD). Gvernanza tajba għandha titqies fit-totalità tagħha u tiġbor fiha rispett għad-drittijiet tal-bniedem, tat-tfal u tal-ħaddiema, l-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni (13). Sabiex din il-gvernanza tkun effikaċi trid tiġi akkumpanjata minn assoċjazzjonijiet b’saħħithom u trade unions rappreżentattivi – kemm tal-ħaddiema kif ukoll ta’ min iħaddem – indipendenti mill-awtoritajiet politiċi.

5.10.   Il-parteċipazzjoni tal-atturi mhux statali  (8) – Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni tipproponi li “tappoġġja sistematikament il-ħolqien u l-infurzar mill-ġdid ta’ fora tas-soċjetà ċivili reġjonali” sabiex jissorveljaw l-integrazzjoni reġjonali. F’dan is-sens il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika huwa opportunità tajba. Din l-opportunità ttieħdet matul il-CARIFORUM/KE tal-AKP li istituzjonalizza l-parteċipazzjoni tal-atturi mhux statali fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehim. Il-Kumitat jemmen li l-prinċipju tal-ġbir kollettiv tal-għarfien isaħħaħ l-integrazzjoni reġjonali u s-sens ta’ appartenenza taċ-ċittadini, u b’hekk isaħħaħ is-sħubija bejn l-AKP u l-UE. Għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati tal-AKP sabiex matul in-negozjati dan il-prinċipju jinżamm fl-EPA reġjonali kollha tal-ġejjieni. Sabiex dan ikun jista’ jsir u s-soċjetà ċivili tkun tista’ tipparteċipa b’mod sħiħ u effettiv fil-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali, hemm bżonn li nippromovu politikament u finanzjarjament il-ħolqien u/jew it-tisħiħ tan-netwerks soċjoprofessjonali fil-livell reġjonali. L-esperjenza turi li dan huwa stadju indispensabbli għall-organizzazzjoni ta’ djalogu koerenti u effikaċi fil-livell reġjonali bejn l-atturi mhux statali.

Biex jiġi evitat ir-riskju li l-implimentazzjoni ta’ dan l-approċċ tfalli, hemm bżonn li jitqiesu d-diffikultajiet li qamu s’issa fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Cotonou, b’mod partikolari fir-rigward taż-żieda tal-kapaċitajiet tal-atturi mhux statali. Dan huwa pass importanti b’mod partikolari fir-rigward tad-dgħjufijiet statali, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak reġjonali.

6.   Kummenti speċifiċi

6.1.   Tkomplija tar-riflessjoni – Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-impatt tal-aspetti kulturali u etniċi u tal-fruntieri fuq l-integrazzjoni reġjonali u liema passi għandhom jittieħdu sabiex jitnaqqsu dawn l-effetti.

6.2.   L-iżvilupp tal-kooperazzjoni – Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippromovi u/jew tappoġġja l-kooperazzjoni reġjonali bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni mal-Istati jew ir-reġjuni tal-AKP li jiffurmaw l-ambjent ġeografiku tagħhom sabiex il-kooperazzjoni tkun ibbażata fuq il-bżonnijiet tal-iżvilupp tal-imsieħba differenti u tirrispetta l-interessi individwali tagħhom.

6.3.   L-EPA u l-integrazzjoni reġjonali – Hekk kif intqal f’punt 4.1.3, fl-opinjoni tiegħu intitolata “L-Istrateġija UE-Afrika” ta’ Settembru 2008 il-Kumitat stqarr li jiddispjaċih li s’issa l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika reġjonali (bl-eċċezzjoni tal-CARIFORUM–KE), li wieħed mill-objettivi tagħhom jikkonċerna speċifikament l-integrazzjoni reġjonali, għadhom ma ġewx konklużi. L-EPA temporanji li ġew iffirmati ma’ ċerti Stati għalissa ħadu post l-EPA reġjonali. Il-Kumitat jemmen li din il-prattika tista’ tostakola l-konklużjoni tal-EPA reġjonali u b’hekk ixxekkel ukoll l-integrazzjoni reġjonali, billi s’issa tqiesu l-karatteristiċi individwali ta’ kull Stat aktar milli grupp ta’ karatteristiċi li jiffurmaw l-identità ta’ reġjun. Din is-sitwazzjoni, li ser toħloq diffikultà fit-tranżizzjoni minn EPA nazzjonali għal EPA reġjonali, għandha tingħata attenzjoni partikolari.

Barra minn hekk, il-Kumitat jemmen li għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi li jista’ jkun hemm fuq l-integrazzjoni reġjonali jekk n-negozjati tal-EPA jinvolvu ragruppamenti reġjonali li huma differenti minn dawk li jeżistu (14);

6.4.   Il-preżenza ta’ forzi ġodda – F’bosta pajjiżi tal-AKP, b’mod partikolari fl-Afrika, in-natura u d-diversità tal-poteri ekonomiċi nbidlu. Biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-politika tal-ġejjieni, kien ikun utli kieku l-analiżi tal-Komunikazzjoni inkludiet il-konsegwenzi tal-omnipreżenza taċ-Ċina, ir-ritorn tal-Istati Uniti u l-bidu tal-influwenza tal-Indja, il-Ġappun u l-Korea fuq l-integrazzjoni reġjonali. Kien ikun utli wkoll kieku, mill-perspettiva reġjonali, saret referenza għall-Komunikazzjoni intitolata “L-UE, l-Afrika u ċ-Ċina: Lejn djalogu u kooperazzjoni trilaterali” (15).

6.5.   Il-Komunikazzjoni tfasslet ferm qabel ma l-kriżi ekonomika global kienet laħqet il-livell li laħqet issa u għalhekk il-kriżi ma ġietx ikkunsidrata fl-analiżi tal-Kummissjoni. Il-Kumitat jemmen li l-kriżi tkompli tiġġustifika, b’mod assolut, il-bżonn tal-integrazzjoni. Madanakollu fid-dawl ta’ dak li qed iseħħ fl-Istati Uniti u fl-Ewropa, jista’ jiġri l-oppost u mmorru lura għal Stati magħluqa bbażati fuq it-tmexxija totalitarja u n-nazzjonaliżmu. Naturalment l-UE mhijiex responsabbli għad-deċiżjonijiet li ser jieħdu l-pajjiżi tal-AKP. Madanakollu, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Cotonou u l-konklużjoni tal-EPA reġjonali, b’attenzjoni partikolari biex ma jiddgħajfuxl-impenji finanzjarji li wiegħdu li ser jieħdu l-Istati Membri, u bil-għan li d-deċiżjoni li ħadu l-G20 favur il-pajjiżi li qed jiżviluppaw tiġi implimentata sewwa, l-UE għandha rwol ċentrali x’taqdi sabiex tevita evoluzzjoni ħażina tal-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiżi tal-AKP. Żvilupp negattiv jista’ jwassal għal żieda fil-flussi migratorji, billi jista’ jnaqqas b’mod konsiderevoli l-ammont ta’ fondi li jgħaddu mill-Ewropa permezz tad-diaspora, fi triqithom lejn il-pajjiżi tal-AKP, b’mod partikolari l-Afrika (16)..

Barra minn hekk, wisq probabbli t-tisħiħ tad-dimensjoni reġjonali hija waħda mill-ftit opportunitajiet li għandhom il-pajjiżi tal-AKP, u l-Afrika b’mod partikolari, biex jiffaċċjaw il-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali b’mod proattiv u biex jaqdu rwol fid-dinamika futura tal-globalizzazzjoni u jiżguraw il-possibbiltà ta’ żvilupp.

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Lil hinn mid-daqs tagħha meta mqabbla mal-pajjiżi l-oħra tal-AKP, l-Afrika tirrappreżenta 95 % tal-għajnuna li jirċievu l-pajjiżi tal-AKP.

(2)  F’dan ir-rigward irreferi għad-dispożizzjonijiet ċari tal-Ftehim ta’ Cotonou dwar iż-żewġ għanijiet (Art.1) u l-istrateġija tal-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali (Art. 28, 29 u 30 – ara Anness 1). Dawn id-dispożizzjonijiet għadhom jgħoddu u għandhom jerġgħu jiġu proposti u mnedija.

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-appoġġ tal-Komunità Ewropea għall-isforzi ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali fost il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, COM (1995)219 finali, is-16 ta’ Ġunju 1995.

(4)  L-għan huwa li nappoġġjaw il-programm ta’ azzjoni tal-Afrika, li nsaħħu l-kapaċitajiet tal-Afrika fil-qasam tar-regolamenti, tal-istandards u l-kontroll tal-kwalità; li nimplimentaw is-sħubija bejn l-UE u l-Afrika fil-qasam tal-infrastrutturi. Dwar dan irreferi għall-opinjoni tal-KESE, ĠU C 77, 31.3.2009, p. 148–156 intitolata “L-Istrateġija UE-Afrika”.

(5)  REX/247 – ĠU C 77, 31.3.2009, p. 148–156. Relatur: is-Sur Gérard Dantin.

(6)  “… l-integrazzjoni reġjonali hija l-proċess biex jintgħelbu l-ostakli politiċi, fiżiċi, ekonomiċi u soċjali, li jifirdu lill-pajjiżi minn dawk viċin tagħhom, bi ftehim komuni, u biex issir kollaborazzjoni fil-ġestjoni ta’ riżorsi komuni u dawk fuq skala reġjonali …”.

(7)  L-analiżi u l-proposti tal-Kumitat dwar dan jinsabu fl-opinjoni tiegħu “L-Istrateġija UE-Afrika” – ĠU C 77, 31.3.2009, p. 148–156.

(8)  Ibidem 7.

(9)  Pereżempju f’Mejju 2008 il-Bank Dinji ppublika rapport dwar il-Côte d’Ivoire fejn iddikjara li l-attivitajiet illegali tal-forzi tas-sigurtà tal-Côte d'Ivoire u r-roadblocks li jsiru jostakolaw il-moviment liberu tal-oġġetti u tan-nies. Fl-istess waqt dawn l-attivitajiet illegali għandhom impatt negattiv fuq l-attività ekonomika għax it-trasportaturi jkollhom iħallsu ammonti illegali ta’ bejn 230 u 363 miljun dollaru sabiex jeħilsu minnhom. L-istudju jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din is-somma hija ekwivalenti għal madwar 35 % u 50 % tan-nefqa tal-pajjiż fl-investiment fil-baġit tal-2007.

(10)  Ibidem 7: Artikolu 7.5 u Anness V.

(11)  Ibidem 7. Dwar dan irreferi għall-opinjoni tas-Sur Bedossa ta’ Mejju 2006 intitolata “Nagħtu prijorità lill-Afrika: il-perspettiva tas-soċjetà ċivili tal-Ewropa”, ĠU C 195, 18.8.2006, p. 104–109 (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Il-promozzjoni tad-djalogu soċjali fl-Afrika frankofona.

(13)  Ibidem 7. Ara wkoll Artikolu 30 tal-Ftehim ta’ Cotonou.

(14)  Pereżempju, is-SADC fl-Afrika tikkonsisti minn 15-il Stat Membru. 7 Stati jinnegozjaw bejniethom fil-qafas tal-Afrika tan-Nofsinhar, 6 fil-qafas tal-Afrika tax-Xlokk (COMESA), 1 fil-qafas tal-Afrika tal-Lvant (EAC, Eastern African Community) u fil-qafas tal-Afrika Ċentrali.

(15)  COM(2008) 654 finali.

(16)  Ara ĠU C 120, 16.5.2008, p. 82-88“Migrazzjoni u żvilupp: opportunitajiet u sfidi”; relatur: is-Sur Sharma.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/132


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal-Direttiva tal-Kunsill fuq l-annimali tal-fart ta’ razza pura għat-tnissil (verżjoni kkodifikata)

COM(2009) 235 finali – 2006/0250 (CNS)

(2009/C 317/25)

Nhar is-26 ta’ Ġunju 2009 il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 37 u l-Artikolu 94 li jistabbilixxi l-Komunità Ewropa, li jikkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal-Direttiva tal-Kunsill fuq l-annimali tal-fart ta’ razza pura għat-tnissil (verżjoni kkodifikata)

COM(2009) 235 finali – 2006/0250 (CNS).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li diġà ta fehmtu fl-opinjoni preċedenti tiegħu, adottata fil-15 ta’ Frar 2007 (1), iddeċieda, matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu tal-15–16 ta’ Lulju 2009 (seduta tal-15 ta’ Lulju 2009), b’185 vot favur, vot kontra u 4 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost u li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokumenti imsemmija.

Brussell, il-15 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Eworpew

Mario SEPI


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal-Direttiva tal-Kunsill fuq l-annimali tal-fart ta’ razza pura għat-tnissil(verżjoni kodifikata)ĠU C 97, 28.4.2007, p. 13.