ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2009.315.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 315

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 52
23 ta' Diċembru 2009


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni

2009/C 315/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.5720 – BAYERNLB/LBLUX) ( 1 )

1

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni

2009/C 315/02

Rata tal-kambju tal-euro

2

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni

2009/C 315/03

Sejħa għal proposti – EAC/01/10 – Programm Żgħażagħ f’Azzjoni 2007-2013

3

 

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni

2009/C 315/04

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.5685 – Louis Dreyfus/Fin Lov/SBM/Mangas Gaming) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

8

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kunsill

2009/C 315/05

Avviż għall-attenzjoni ta' dawk il-persuni, l-entitajiet u l-korpi li ġew inklużi mill-Kunsill fil-lista ta' persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 (Anness V)

9

2009/C 315/06

Avviż għall-attenzjoni ta' dawk il-persuni, l-entitajiet u l-korpi li ġew inklużi mill-Kunsill fil-lista ta' persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1284/2009 (Anness II)

10

2009/C 315/07

Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ara l-Anness għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1285/2009 23 ta' Diċembru 2009)

11

 

Il-Kummissjoni

2009/C 315/08

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

12

2009/C 315/09

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

18

2009/C 315/10

Pubblikazzjoni ta' talba għall-kanċellazzjoni skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

26

2009/C 315/11

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

27

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.5720 – BAYERNLB/LBLUX)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2009/C 315/01

Fis-16 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ġermaniż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/en/index.htm) fid-dokument li jġib in-numru 32009M5720. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/2


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-22 ta’ Diċembru 2009

2009/C 315/02

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,4279

JPY

Yen Ġappuniż

130,83

DKK

Krona Daniża

7,4420

GBP

Lira Sterlina

0,89305

SEK

Krona Żvediża

10,4295

CHF

Frank Żvizzeru

1,4987

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

8,3650

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

26,266

EEK

Krona Estona

15,6466

HUF

Forint Ungeriż

274,28

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7080

PLN

Zloty Pollakk

4,1770

RON

Leu Rumen

4,2193

TRY

Lira Turka

2,1798

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6259

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5109

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

11,0744

NZD

Dollaru tan-New Zealand

2,0294

SGD

Dollaru tas-Singapor

2,0076

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 685,05

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

11,0340

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

9,7498

HRK

Kuna Kroata

7,2830

IDR

Rupiah Indoneżjan

13 543,20

MYR

Ringgit Malażjan

4,9100

PHP

Peso Filippin

66,389

RUB

Rouble Russu

43,6041

THB

Baht Tajlandiż

47,492

BRL

Real Brażiljan

2,5468

MXN

Peso Messikan

18,4699

INR

Rupi Indjan

66,8200


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/3


SEJĦA GĦAL PROPOSTI – EAC/01/10

Programm Żgħażagħ f’Azzjoni 2007-2013

2009/C 315/03

INTRODUZZJONI

Din is-sejħa għal proposti hi bbażata fuq id-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006, li tistabbilixxi l-Programm Żgħażagħ f’Azzjoni mill-perjodu 2007 sal-2013, li minn hawn ’il quddiem jissejjaħ “Żgħażagħ f’Azzjoni”. Il-kundizzjonijiet iddettaljati ta’ din is-sejħa ta’ proposti jinstabu fil-Gwida tal-Programm tal-Programm Żgħażagħ f’Azzjoni (2007-2013) ippubblikata fil-websajt Europa (ara l-punt VIII). Il-Gwida tal-Programm tikkostitwixxi parti integrali ta’ din is-sejħa għal proposti.

I.   Għanijiet u prijoritajiet

L-għanijiet ġenerali ddikjarati fid-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-Programm Żgħażagħ f’Azzjoni huma dawn li ġejjin:

il-promozzjoni b’mod ġenerali ta’ ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ u taċ-ċittadinanza Ewropea tagħhom b’mod partikolari;

l-iżvilupp tas-solidarjetà u l-promozzjoni tat-tolleranza fost iż-żgħażagħ, b’mod partikolari sabiex tiġi inkoraġġuta l-koeżjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea;

l-inkoraġġiment għal komprensjoni reċiproka bejn iż-żgħażagħ f’pajjiżi differenti;

il-kontribuzzjoni biex tiġi żviluppata l-kwalità ta’ sistemi ta’ appoġġ għall-attivitajiet taż-żgħażagħ u l-kapaċitajiet ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam taż-żgħażagħ;

il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ.

Dawn l-għanijiet ġenerali għandhom jiġu implimentati fuq il-livell ta’ proġett billi jiġu kkunsidrati l-prijoritajiet permanenti li ġejjin:

iċ-ċittadinanza Ewropea

il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ

id-diversità kulturali

l-inklużjoni ta’ żgħażagħ b’inqas opportunitajiet

Barra mill-prijoritajiet permanenti msemmija hawn fuq, il-prijoritajiet annwali tal-2010 huma:

Is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali

Din il-prijorità hija maħsuba biex jiġu mħeġġa proġetti maħsuba biex jitrawwem l-għarfien taż-żgħażagħ dwar ir-responsabbiltà ta' kulħadd fil-ġlieda kontra l-faqar u l-emarġinazzjoni kif ukoll biex tinġieb 'il quddiem l-inklużjoni tal-gruppi li għandhom inqas opportunitajiet. Dan jikkonċerna b'mod partikolari proġetti maħsuba biex jistimulaw iż-żgħażagħ jirriflettu dwar il-prevenzjoni u l-konsegwenzi tal-faqar u kif wieħed jista' joħroġ minnu; proġetti li jirrigwardaw il-kwistjoni tal-emarġinazzjoni u forom differenti ta' diskriminazzjoni, bħal dawk ibbażati fuq is-sess, id-diżabbiltà jew għal raġunijiet etniċi, reliġjużi, lingwistiċi jew ta' migrazzjoni. F'dan il-kuntest, se tingħata attenzjoni partikolari lill-proġetti li jġibu 'l quddiem l-involviment attiv ta': a) żgħażagħ b'diżabbiltà, billi jitħeġġeġ l-iskambju bejn iż-żgħażagħ, għandhom jew ma għandhomx diżabbiltajiet, kif ukoll proġetti li jikkonċentraw fuq il-kwistjoni tad- diżabbiltà fis-soċjetà tagħna; b) żgħażagħ li ġejjin minn familji ta' emigranti jew minoranzi etniċi, reliġjużi jew lingwistiċi. F'dan il-kuntest, se jiġu mħeġġa proġetti li jinvolvu żgħażagħ Roma kull fejn huwa rilevanti.

Il-qgħad fiż-zgħażagħ u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ mingħajr xogħol fis-soċjetà:

Din il-prijorità hija maħsuba biex tinkoraġġixxi proġetti li jirrigwardaw il-kwistjoni tal-qgħad fiż-żgħażagħ u għandha l-għan li tħeġġeġ is-sehem attiv taż-żgħażagħ mingħajr xogħol fis-soċjetà.

trawwim tal-għarfien u l-mobilizzazzjoni taż-żgħażagħ għal dawk li huma l-isfidi globali (bħall-iżvilupp sostenibbli, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjonijiet, l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju).

Din il-prijorità hija maħsuba biex tħeġġeġ proġetti li għandhom fil-mira t-trawwim tal-għarfien taż-żgħażagħ dwar is-sehem tagħhom bħala ċittadini attivi f'dinja globalizzata kif ukoll tas-sens tagħhom ta' solidarjetà globali u impenn fil-konfront tal-kwistjonijiet attwali.

II.   Struttura tal-Programm Żgħażagħ f'Azzjoni

Sabiex jilħaq l-għanijiet tiegħu, il-Programm Żgħażagħ f’Azzjoni jipprevedi ħames azzjonijiet operattivi.

Din is-sejħa għal proposta tikkonċerna s-sostenn għall-Azzjonijiet u Sottoazzjonijiet li ġejjin elenkati hawn taħt:

Azzjoni 1 – Żgħażagħ għall-Ewropa

Sottoazzjoni 1.1 – Skambji ta’ Żgħażagħ (li jdumu sa 15-il xahar): L-Iskambji taż-Żgħażagħ joffru opportunità għal gruppi ta’ żgħażagħ minn pajjiżi differenti biex jiltaqgħu u jitgħallmu dwar il-kulturi ta’ xulxin. Il-gruppi jippjanaw flimkien l-Iskambju taż-Żgħażagħ tagħhom madwar tema ta’ interess reċiproku.

Sottoazzjoni 1.2 – Inizjattivi għaż-Żgħażagħ (li jdumu minn 3 xhur sa 18-il xahar): L-Inizjattivi taż-Żgħażagħ isostnu proġetti ta’ gruppi mfassla fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali. Tappoġġja wkoll in-netwerking ta’ proġetti simili bejn pajjiżi differenti, sabiex jissaħħaħ l-aspett Ewropew tagħhom u titkabbar il-kooperazzjoni u l-iskambji tal-esperjenzi bejn iż-żgħażagħ.

Sottoazzjoni 1.3 – Proġetti Żgħażagħ u Demokrazija (li jdumu minn 3 xhur sa 18-il xahar): Il-Proġetti Żgħażagħ u Demokrazija jsostnu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika tal-komunità lokali, reġjonali jew nazzjonali tagħhom u fuq livell internazzjonali.

Azzjoni 2 – Servizz ta’ Volontarjat Ewropew

L-Azzjoni ssostni l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’forom varji ta’ attivitajiet ta’ volontarjat, kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni Ewropew. Taħt din l-Azzjoni, iż-żgħażagħ jieħdu sehem individwalment jew fi gruppi, f’attivitajiet bla ħlas barra pajjiżhom, li ma għandhomx skop ta’ qligħ (li jdumu sa 24 xahar).

Azzjoni 3 – Żgħażagħ fid-Dinja

Sottoazzjoni 3.1 – Kooperazzjoni mal-Pajjiżi Ġirien tal-Unjoni Ewropea (li ddum sa 15-il xahar): din is-sottoazzjoni ssostni proġetti ma’ Pajjiżi Msieħba Ġirien, prinċipalment Proġetti ta’ Skambji ta’ Żgħażagħ u ta’ Netwerking fil-qasam taż-żgħażagħ.

Azzjoni 4 – Sistemi ta’ Appoġġ għaż-Żgħażagħ

Sottoazzjoni 4.3 – It-Taħriġ u n-Netwerking ta’ dawk attivi fix-xogħol u fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ (li jdumu minn 3 xhur sa 18-il xahar): din is-sottoazzjoni ssostni b’mod partikolari kemm l-iskambju tal-esperjenzi, il-kompetenzi u l-prattiki tajba kif ukoll l-attivitajiet li jistgħu jwasslu għal proġetti ta’ kwalità li jdumu fit-tul, għal sħubija u netwerks.

Azzjoni 5 – Sostenn għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ

Sottoazzjoni 5.1 – Laqgħat taż-żgħażagħ u ta’ dawk responsabbli mill-politika taż-żgħażagħ (li jdumu minn 3 xhur sa 9 xhur): din is-Sottoazzjoni tappoġġa l-kooperazzjoni, seminars u strutturi ta’ djalogu bejn iż-żgħażagħ, dawk attivi fix-xogħol taż-żgħażagħ u dawk responsabbli mill-politika taż-żgħażagħ.

III.   Applikanti eliġibbli

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu minn:

organizzazzonijiet volontarji u mhux governattivi

entitajiet pubbliċi lokali u reġjonali

gruppi informali ta’ żgħażagħ

entitajiet attivi fil-livell Ewropew fil-qasam taż-żgħażagħ

organizzazzjonijiet volontarji internazzjonali

organizzazzjonijiet mhux volontarji li jorganizzaw avveniment fil-qasam taż-żgħażagħ, l-isport jew il-kultura.

L-applikanti għandhom ikunu stabbiliti legalment f’wieħed mill-Pajjiżi tal-Programm jew Imsieħba Ġirien fil-Balkani tal-Punent.

Xi Azzjonijiet tal-Programm huma madankollu mmirati lejn firxa aktar limitata ta’ promoturi. L-eliġibilità ta’ promoturi applikanti hi għalhekk iddefinita fil-Gwida tal-Programm speċifikament għal kull Azzjoni/Sottoazzjoni.

IV.   Pajjiżi eliġibbli

Il-Programm miftuħ għall-pajjiżi li ġejjin:

(a)

l-Istati Membri tal-UE;

(b)

l-Istati tal-EFTA li huma membri tal-Ftehim taż-ŻEE, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja);

(c)

il-pajjiżi kandidati li jgawdu minn strateġija ta’ qabel is-sħubija, skont il-prinċipji ġenerali u l-kundizzjonijiet u l-arranġamenti ġenerali ddefiniti fil-ftehimiet ta’ qafas konklużi ma’ dawn il-pajjiżi għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji (it-Turkija);

(d)

il-pajjiżi terzi li ffirmaw ftehimiet mal-Komunità rilevanti għall-qasam taż-żgħażagħ.

Xi Azzjonijiet tal-Programm huma madankollu mmirati lejn firxa aktar limitata ta’ pajjiżi. L-eliġibilità tal-pajjiżi hi għalhekk iddefinita fil-Gwida tal-Programm speċifikament għal kull Azzjoni/Sottoazzjoni.

V.   Kriterji għall-għoti

(i)

Sottoazzjonijiet 1.1, 1.2, 3.1, 4.3 u l-Azzjoni 2:

ir-rilevanza għall-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Programm (30 %)

il-kwalità tal-proġett u l-metodi proposti (50 %)

il-profil tal-parteċipanti u tal-promoturi (20 %)

(ii)

Sottoazzjoni 1.3

ir-rilevanza għall-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Programm (30 %)

il-kwalità tal-kunċett tematiku (20 %)

il-kwalità tal-proġett u l-metodi proposti (30 %)

il-profil u l-għadd ta’ parteċipanti u ta’ promoturi (20 %)

(iii)

Sottoazzjoni 5.1

ir-rilevanza għall-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Programm (20 %)

ir-rilevanza għall-għanijiet tal-politika taż-żgħażagħ fl-UE (20 %)

il-kwalità tal-proġett u l-metodi proposti (40 %)

il-profil u l-għadd ta’ parteċipanti u ta’ promoturi (20 %)

VI.   Baġit u Tul ta’ Żmien

Il-Programm għandu baġit totali ta’ EUR 885 miljun għall-perjodu 2007-2013. Il-baġit annwali huwa soġġett għal deċiżjoni mill-awtoritajiet baġitarji.

Baġit previst għall-2010 għall-Azzjonijiet u s-Sottoazzjonijiet li ġejjin:

Sottoazzjoni 1.1

Skambji taż-Żgħażagħ

28 826 417

Sottoazzjoni 1.2

Inizjattivi taż-Żgħażagħ

10 271 681

Sottoazzjoni 1.3

Proġetti Żgħażagħ u Demokrazija

423 262

Azzjoni 2

Servizz Volontarju Ewropew

43 055 567

Sottoazzjoni 3.1

Kooperazzjoni mal-Pajjiżi Ġirien tal-Unjoni Ewropea

8 206 160

Sottoazzjoni 4.3

Taħriġ u n-netwerking ta’ dawk attivi fix-xogħol taż-żgħażagħ u fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ

14 029 397

Sottoazzjoni 5.1

Laqgħat ta’ żgħażagħ u dawk responsabbli mill-politika taż-żgħażagħ

507 356

VII.   Dati finali għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet

L-applikazzjoni għandha tintbagħat fil-limitu taż-żmien li jikkorrispondi mad-data ta’ bidu tal-proġett. Għal proġetti li jintbagħtu lill-Aġenzija Nazzjoni hemm ħames limiti ta’ żmien fis-sena għall-applikazzjoni.

Proġetti li jibdew bejn

Limitu taż-Żmien tal-applikazzjoni

L-1 ta’ Mejju u t-30 ta’ Settembru

L-1 ta’ Frar

Mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Novembru

L-1 ta’ April

Mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Jannar

L-1 ta’ Ġunju

Mill-1 ta’ Diċembru sat-30 ta’ April

L-1 ta’ Settembru

Mill-1 ta’ Frar sal-31 ta’ Lulju

L-1 ta’ Novembru

Għal proġetti li jintbagħtu lill-Aġenzija Eżekuttiva hemm tliet limiti ta’ żmien fis-sena għall-applikazzjoni.

Proġetti li jibdew bejn

Limitu taż-Żmien tal-applikazzjoni

L-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru

L-1 ta’ Frar

Mill-1 ta’ Diċembru sat-30 ta’ April

L-1 ta’ Ġunju

Mill-1 ta’ Marzu sal-31 ta’ Lulju

L-1 ta’ Settembru

VIII.   Aktar Informazzjoni

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fil-Gwida għall-Programm Żgħażagħ f’Azzjoni fil-websajts li ġejjin:

http://ec.europa.eu/youth

http://eacea.ec.europa.eu/youth/index_en.htm


(1)  ĠU L 327, 24.11.2006 p. 30.


PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/8


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.5685 – Louis Dreyfus/Fin Lov/SBM/Mangas Gaming)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2009/C 315/04

1.

Fil-14 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta, skont l-Artikolu 4, u wara riferiment għall-Artikolu 4(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1), li permezz tagħha l-impriżi Louis Dreyfus S.A.S. (“LD”, Franza), Financières Lov S.A.S.(“Fin Lov”, Franza) u Société Anonyme des Bains de Mer et du Cercle des Etrangers à Monaco (“SBM”, Monako) jakkwistaw, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament, il-kontroll konġunt ta' Mangas Gaming S.A.S. (“MG”, Franza) permezz ta' xiri ta' ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

LD hija attiva fis-setturi tan-negozju taċ-ċereali, materja prima (ross, zokkor, etanol, kafe, qoton, ċitru, żjut eċċ), tal-enerġija u l-proprjetà,

Fin Lov hija kumpanija b'parteċipazzjoni integrata f'Love Group. Lov Group huwa prinċipalment preżenti fis-setturi tal-produzzjoni awdjoviżiva, lukandi, logħob fuq l-internet (permezz ta' MG), enerġija u promozzjoni tal-mużika fuq l-internet,

SBM hija attiva fis-setturi tal-lukandi, restaurants, każinos u proprjetà. Hija attiva fis-settur tal-logħob fuq l-internet permezz tal-parteċipazzjoni tagħha f'MG,

MG hija attiva fis-settur tal-logħob fuq l-internet.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 139/2004. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-faks (+32 22964301 jew 22967244) jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.5685 – Louis Dreyfus/Fin Lov/SBM/Mangas Gaming, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32.


ATTI OĦRAJN

Il-Kunsill

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/9


Avviż għall-attenzjoni ta' dawk il-persuni, l-entitajiet u l-korpi li ġew inklużi mill-Kunsill fil-lista ta' persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 (Anness V)

2009/C 315/05

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi li jidhru fl-Anness V għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 tas-27 ta' Marzu 2007 (1).

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddetermina li l-persuni, l-entitajiet u l-korpi li jidhru fil-lista msemmija hawn fuq jissodisfaw il-kriterji mniżżlin fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 tas-27 ta' Marzu 2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, u għalhekk huma kienu konsegwentement inklużi fl-Anness V ta' dak ir-Regolament. Ir-Regolament jipprevedi l-iffriżar tal-fondi kollha, assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi oħrajn li jappartjenu għall-persuni, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati u li l-ebda fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħrajn ma għandhom isiru disponibbli għalihom jew għall-benefiċċju ta' tali persuni, entitajiet jew korpi, kemm direttament jew indirettament.

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-Korpi kkonċernati għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru(i) rilevanti kif indikat fis-siti elettroniċi elenkati fl-Anness II għar-Regolament, sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni biex jintużaw fondi ffriżati għall-ħtiġijiet bażiċi jew ħlasijiet speċifiċi (ara l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament).

Il-persuni, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati jistgħu jippreżentaw talba lill-Kunsill, flimkien ma' dokumentazzjoni ta' appoġġ, li d-deċiżjoni biex jiġu inklużi fil-lista msemmija hawn fuq għandha tiġi rikonsidrata.

Kwalunkwe tali talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Segretarjat Ġenerali

Rue de la Loi 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Qed tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati għall-possibbiltà li jikkontestaw ir-Regolament tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 263(4) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 88, 29.3.2007, p. 1.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/10


Avviż għall-attenzjoni ta' dawk il-persuni, l-entitajiet u l-korpi li ġew inklużi mill-Kunsill fil-lista ta' persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1284/2009 (Anness II)

2009/C 315/06

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi li jidhru fl-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1284/2009 ta' Diċembru 2009 (1).

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddetermina li l-persuni, l-entitajiet u l-korpi li jidhru fil-lista msemmija hawn fuq jissodisfaw il-kriterji mniżżlin fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1284/2009 ta' Diċembru 2009 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward tar-Repubblika tal-Ginea, u dawn ġew konsegwentement inklużi fl-Anness II għal dak ir-Regolament. Ir-Regolament jipprevedi l-iffriżar tal-fondi kollha, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi l-oħrajn appartenenti għall-persuni, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati u li l-ebda fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħrajn ma għandhom isiru disponibbli għalihom jew għall-benefiċċju ta' tali persuni, entitajiet jew korpi, kemm direttament jew indirettament.

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati dwar il-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru(i) rilevanti kif indikat fil-websajts fl-Anness III għar-Regolament, sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni biex jintużaw il-fondi ffriżati għal bżonnijiet bażiċi jew ħlasijiet speċifiċi (ara l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament).

Il-persuni, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati jistgħu jippreżentaw talba lill-Kunsill, flimkien ma' dokumentazzjoni ġustifikattiva, li d-deċiżjoni biex jiġu inklużi fil-lista msemmija hawn fuq għandha terġa′ tiġi kkunsidrata.

Kwalunkwe talba bħal din għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Segretarjat Ġenerali

Rue de la Loi 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Qed tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw ir-Regolament tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 263 (4) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 346, 23.12.2009.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/11


Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu

(ara l-Anness għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1285/2009 23 ta' Diċembru 2009)

2009/C 315/07

L-informazzjoni li ġejja hija miġjuba għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet elenkati fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1285/2009 23 ta' Diċembru 2009 (1).

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddetermina li r-raġunijiet għall-inklużjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet li jidhru fil-lista msemmija hawn fuq ta' persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta' Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (2), għadhom validi. Konsegwentement, il-Kunsill iddeċieda li jżomm dawk il-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fuq il-lista.

Ir-Regolament (KE) Nru 2580/2001 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi l-oħrajn kollha li jappartjenu lill-persuni, il-gruppi u l-entitajiet ikkonċernati u li l-ebda fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħrajn ma jistgħu jsiru disponibbli għalihom, kemm direttament jew indirettament.

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru(i) rilevanti kif elenkat fl-Anness għar-Regolament, sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni biex jintużaw fondi ffriżati għal ħtiġijiet bażiċi jew ħlasijiet speċifiċi skont l-Artikolu 5(2) ta' dak ir-Regolament. Lista aġġornata ta' awtoritajiet kompetenti hija disponibbli fuq l-internet f'dan l-indirizz:

http://ec.europa.eu/comm/external_relations/cfsp/sanctions/measures.htm

Il-persuni, gruppi jew entitajiet ikkonċernati jistgħu jippreżentaw talba biex jiksbu dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill għall-inklużjoni tagħhom fil-lista msemmija hawn fuq (dment li d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet ma tkunx ġiet diġà kkomunikata lilhom). Kwalunkwe talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Council of the European Union

(Attn: CP 931 designations)

Rue de la Loi 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Il-persuni, il-gruppi u l-entitajiet ikkonċernati jistgħu jippreżentaw fi kwalunkwe ħin talba lill-Kunsill, flimkien ma' kwalunkwe dokumentazzjoni ta' appoġġ, biex id-deċiżjoni biex jiġu inklużi u miżmuma fuq il-lista tiġi kkunsidrata mill-ġdid, fl-indirizz ipprovdut hawn fuq. Tali talbiet ikunu kkunsidrati meta jiġu riċevuti. F'dan ir-rigward, qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet ikkonċernati għar-rieżami regolari mill-Kunsill tal-lista skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK. Biex it-talbiet jiġu kkunsidrati fir-rieżami li jmiss, huma għandhom jiġu ppreżentati fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż.

Qed tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li jikkontestaw ir-Regolament tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 263(4) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 346, 23.12.2009.

(2)  ĠU L 344, 28.12.2001, p. 70.


Il-Kummissjoni

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/12


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2009/C 315/08

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 tal-Kunsill. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

REGOLAMENT (KE) Nru 510/2006 TAL-KUNSILL

“SAUCISSE DE MORTEAU” jew “JESUS DE MORTEAU”

Nru KE: FR-PGI-0005-0556-26.09.2006

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Saucisse de Morteau” jew “Jésus de Morteau”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta’ prodott:

Klassi 1.2

Prodotti tal-laħam (imsajrin, affumikati, immellħin, …)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1:

Is-Saucisse de Morteau huwa zalzett dritt b’forma ċilindrika, regolari u b’dijametru ta’ mill-inqas 40 mm (dijametru tal-imsaren wara li jkunu mtlew), magħmul bil-laħam tal-majjal. Is-Saucisse de Morteau jiġi ffurmat f’musrana naturali u mhux ikkulurita tal-majjal (suivant jew chaudin). Din il-musrana tingħalaq minn naħa waħda b’kavilja tal-injam u min-naħa l-oħra bi spaga magħmula minn fibri naturali. Din il-kavilja tal-injam hija virga żgħira tal-injam.

Il-Jésus de Morteau huwa preżentazzjoni partikolari tas-Saucisse de Morteau, u dan iz-zalzett dritt b’forma ċilindrika huwa aktar irregolari u għandu dijametru ta’ mill-inqas 65 mm (dijametru tal-imsaren wara li jkunu mtlew). Il-Jésus de Morteau jiġi ffurmat ukoll f’musrana naturali u mhux ikkulurita tal-majjal (chaudin jew il-musrana l-għamja). Jekk jiġi ffurmat fil-musrana l-għamja, il-kavilja tal-injam ma tkunx preżenti b’mod sistematiku, għax il-musrana l-għamja hija magħluqa minn naħa waħda tagħha b’mod naturali.

Is-Saucisse u l-Jésus de Morteau għalhekk jistgħu jkollhom aspetti fiżiċi li jvarjaw, minħabba d-diversità tal-imsaren li jintużaw. Meta jiġi msajjar, qatgħa Saucisse u qatgħaJésus isiru minn biċċiet kbar imma omoġeni u jkollhom dehra koerenti u magħquda.

L-affumikar tas-Saucisse u tal-Jésus de Morteau jagħti lil dawn tal-aħħar lewn tipiku tal-ambra, bejn il-kannella u d-deheb. Madankollu l-lewn mhuwiex omoġenu fuq il-prodott kollu. Is-Saucisse u l-Jésus de Morteau huma preparazzjonijiet magħmula minn taħlita ta’ dgħif u ta’ xaħam iebes tal-majjal, ikkapuljat f’biċċiet kbar u magħġuna. Għalhekk, minħabba t-trasparenza tagħha, il-musrana tħalli jidhru tbajja’ aktar skuri li jikkorrispondu għad-dgħif tal-majjal u tbajja’ aktar ċari li jikkorrispondu għax-xaħam. Il-konsistenza tas-Saucisse jew tal-Jésus de Morteau hija kkaraterizzata mill-fermezza tagħhom meta jintmessu.

Ir-riħa tal-affumikar hija waħda mill-karatteristiċi qawwija tas-Saucisse de Morteau u tal-Jésus de Morteau miksuba permezz tas-serratura tal-injam u tal-injam tal-koniferi kif ukoll minħabba li l-affumikar isir bil-mod. Din ir-riħa hija preżenti b’mod distint fil-prodott mhux imsajjar. Meta jkun imsajjar u jittiekel, it-togħma u r-riħa ġenerali hija bbilanċjata u persistenti mingħajr ma tkun aċida jew ħarra. Is-Saucisse u l-Jésus de Morteau huma kkaratterizzati wkoll mit-togħma tagħhom ta’ laħam, mingħajr ma jkunu la xotti u lanqas imxaħħma wisq.

Is-Saucisse de Morteau u l-Jésus de Morteau msajjra huma rotob u flessibbli b’biċċiet kbar u magħquda. Fil-ħalq, il-prodott m’għandux ikun la iebes u lanqas qisu lastiku iżda wieqaf u sukkulenti.

Il-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tas-Saucisse u tal-Jésus de Morteau huma dawn li ġejjin:

Umdità tal-Prodott mingħajr Xaħam (Humidité Produit Dégraissé – HPD)

:

< jew = 75 % (f’prodott mhux imsajjar)

Lipidi

:

< jew = 30 % b’HPD ta’ 75 % (f’prodott mhux imsajjar)

Kollaġeni/protidi

:

massimu 16 % (f’prodott mhux imsajjar)

Proporzjon ta’ zokkor

:

inqas jew ugwali għal 1 % b’HPD ta’ 75 % (f’prodott mhux imsajjar)

3.3.   Il-materja prima:

Kriterji kwalitattivi tal-għażla tal-laħam

Trobbija

L-annimali msemmna huma dawk tas-sess femminili u dawk tas-sess maskili msewwija. Il-ħnieżer irġiel li mhumiex imsewwija, il-ħnieżer irġiel mhux maturi sesswalment li sejrin jintużaw għar-riproduzzjoni, il-monorkidi, il-kriptorkidi, l-ermafroditi, u l-ħnieżer nisa għall-qatla mhumiex aċċettati. Ir-rata ta’ majjali li jinżammu għall-produzzjoni tal-laħam li huma sensittivi għall-halothane għandha tkun inqas minn 3 % u huma ħielsa mill-allel Rn-.

Sabiex jiġi kkontrollat l-istat sanitarju tal-annimali u jiġi limitat l-użu tal-addittivi u t-trattamenti, proċedura ta’ tindif-diżinfettar-tnixxif hija implimentata bejn kull grupp ta’ annimali fl-istadji kollha tal-produzzjoni tal-majjali li jinżammu għall-produzzjoni tal-laħam. L-użu ta’ mediċini kalmanti huwa pprojbit 48 siegħa qabel ma jitilqu l-annimali u waqt it-trasport. Meta jitgħabbew, l-annimali għandhom ikunu sajma għal mill-inqas 12-il siegħa.

It-tbiċċir u t-tqattigħ

Għandu jiġi rispettat żmien ta’ stennija minimu ta’ sagħtejn qabel it-tbiċċir u l-majjali għandhom jinħaslu meta jaslu l-biċċerija u nofs siegħa qabel l-anesteżija.

Il-piż sħun minimu għall-karkassi tal-majjali huwa stabbilit għal 80 kg. Id-difetti fid-dehra huma limitati għal 5 % għall-karkassi kollha ta’ lott ta’ klijent. Dawn id-difetti tad-dehra jistgħu jkunu dawn li ġejjin:

Difett fit-tneħħija tax-xagħar

Difett fil-ġilda

Punti bid-demm

Ematomi

Ksur

Preżenza ta’ sustanza barranija (tebgħa ta’ xaħam, traċċa ta’ feċi, frammenti ta’ interjuri u kwalunkwe sustanza barranija mhux mixtieqa oħra).

Il-pH huwa indikatur tal-kwalità teknoloġika tal-karkassi, għalhekk għandu jkun ikkontrollat u l-mezzi ta’ kontroll permezz tat-teħid ta’ kampjuni għandhom ikunu soġġetti għal deskrizzjoni dokumentata fil-biċċerija. Il-pH finali (meħud mill-inqas 18-il siegħa wara t-tbiċċir) għandu jkun bejn 5,50 ≤ pH< 6,20. Jiġi mkejjel 5 ċm ’il fuq mill-koxxa bejn 2 u 4 ċm fond.

Il-biċċiet tat-tqattigħ li jistgħu jidħlu fil-kompożizzjoni tat-taħlita, minbarra l-oħrajn kollha, huma dawn li ġejjin:

il-koxxa

l-ispalla

il-laħam tas-sider

ix-xaħam iebes li jinsab fuq il-flett

il-flett

dak li jifdal wara t-tqattigħ (jekk ikun ser jintuża l-għonq għandu jkun ittrattat, u mingħajr glandoli jew tbajja’ ħomor)

Il-medda ta’ inkorporazzjoni tal-laħmijiet huma dawn li ġejjin:

xaħam iebes tal-majjal bejn 15 u 35 % tal-laħmijiet li sejrin jintużaw għal taħlita.

dgħif tal-majjal bejn 65 u 85 % tal-laħmijiet li sejrin jintużaw għal taħlita.

L-użu ta’ materja prima (xaħam u/jew dgħif tal-majjal) iffriżata huwa awtorizzat u limitat għal 15 % għal kull taħtlita. Din il-materja prima ffriżata għandha tiġi kkapuljata l-aktar 24 siegħa wara li tieqaf tiddefrostja. Is-Saucisses u l-Jésus li jsiru minn taħlita li jkun fiha materja prima li kienet iffriżata għandhom jiġu affumikati l-aktar 24 siegħa wara l-ikkapuljar ta’ dan il-laħam.

Iż-żmien li jdumu ffriżati l-biċċiet tat-tqattigħ li jistgħu jintużaw għall-fabbrikazzjoni tas-Saucisse u tal-Jésus de Morteau ma jistax ikun aktar minn 12-il xahar għad-dgħif tal-majjal u 9 xhur għax-xaħam tal-majjal.

Mhumiex konformi, il-biċċiet tat-tqattigħ ewlenin li jkollhom difett jew bosta difetti fid-dehra:

Difett fit-tneħħija tax-xagħar

Difett fil-ġilda

Punti bid-demm

Ematomi

Ksur

Preżenza ta’ sustanza barranija (tebgħa ta’ xaħam, traċċa ta’ feċi, frammenti ta’ interjuri u kwalunkwe sustanza barranija mhux mixtieqa oħra)

Axxess

Il-laħmijiet li l-kuluri tagħhom jikkorrispondu għall-flett fil-livell 1 jew 2 (evalwat permezz tal-iskala Ġappuniża tal-kuluri jew skala ekwivalenti) u għad-dahar fil-livell 6 għandhom jiġu eliminati. Il-laħmijiet li jkollhom xaħmijiet rotob u żejtnija għandhom jiġu eliminati.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

Id-dieta tal-majjali li jkunu qegħdin jissemmnu biex jintużaw għall-fabbrikazzjoni tas-Saucisse de Morteau jew tal-Jésus de Morteau fiha l-lactoserum (fil-forma friska jew deidratata, essenzjalment xkumata). Ir-rata ta’ inkorporazzjoni tal-lactoserum fid-dieta tas-simna hija bejn 15 % u 35 % tal-materja niexfa. L-ikel kumplimentari tal-lactoserum fih mill-inqas 50 % ċereali u derivati.

Id-dieta tas-simna għandu jkun fiha inqas minn 1,7 % aċidu linoleiku.

3.5.   Fażijiet speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-fabbrikazzjoni, mit-tħejjija tat-taħlita sal-affumikar, tas-Saucisse de Morteau u tal-Jésus de Morteau għandha ssir fiż-żona ġeografika.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.:

Il-prodotti ffriżati, msajrin jew maqtugħin fi flieli, għal raġunijiet ta’ sigurtà sanitarja għandhom b’mod obbligatorju jiġu ppakkjati meta jingħataw lill-konsumaturi.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

It-tikkettar tal-prodott għandu jinkludi b’mod obbligatorju:

L-isem għall-bejgħ: “Saucisse de Morteau” jew “Jésus de Morteau”

Isem għall-bejgħ wieħed biss għandu jintuża għall-prodott speċifiku: “Saucisse de Morteau” jew “Jésus de Morteau”.

L-isem għall-bejgħ għandu jkun b’mod awtomatiku “Saucisse de Morteau”, iżda l-prodotti li jissodisfaw il-kriterji ta’ preżentazzjoni tal-Jésus jistgħu jissostitwixxu l-isem b’“Jésus de Morteau”.

Jekk is-Saucisse jew il-Jésus ma jkunx affumikat f’affumikatur tradizzjonali msejjaħ thué, il-komunikazzjoni viżwali jew miktuba assoċjata mal-prodott ma tkunx tista’ tiddikjara l-użu ta’ dan it-tip ta’ affumikatur.

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika tal-fabbrikazzjoni tas-Saucisse u tal-Jésus de Morteau hija magħmula mill-4 dipartimenti fl-integralità tagħhom li jikkostitwixxu r-reġjun tal-Franche-Comté, li huma Doubs, Jura, Haute-Saône u t-territorju ta’ Belfort.

Din iż-żona ġeografika tikkorrispondi għaż-żona tal-kompetenzi tradizzjonali ta’ elaborazzjoni u tal-affumikar tas-Saucisse de Morteau. Hija tikkorrispondi għal-lokalizzazzjoni tat-tuyés u tal-affumikaturi tradizzjonali li jinsabu madwar il-Franche-Comté kollu.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

L-agrikoltura tal-Franche-Comté, li hija attività ewlenija ta’ dan it-territorju, hija bbażata l-aktar fuq it-trobbija tal-frat, li hija prinċipalment orjentata lejn il-produzzjoni tal-ħalib. Il-Franche-Comté għandha linja ta’ produzzjoni tal-ġobon żviluppata ħafna taħt denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata. Għalhekk hemm numru kbir ta’ stabbilimenti fejn jipproċessaw il-ħalib għall-fabbrikazzjoni tal-ġobon li jsejħulhom “fruitières” (denominazzjoni kkontrollata tal-istabbilimenti tal-ġobon) madwar it-territorju kollu.

L-attività ta’ dawn il-fruitières tipproduċi l-lactoserum (xorrox), li huwa materja prima ta’ kwalità għall-alimentazzjoni tal-annimali: ma fihx ħafna xaħmijiet u aċidi xaħmija mhux saturati, iżda huwa rikk fil-lysine u threonine, li huma aċidi amini essenzjali b’mod partikolari għall-ispeċi tal-majjali. Għalhekk, huwa bis-saħħa tal-iżvilupp tal-istabbilimenti tal-ġobon, li d-daqs żgħir tagħhom tinforza l-użu fil-post tal-lactoserum mingħajr trasport jew tkessiħ, li t-trobbija tal-majjali mitmugħin bil-lactoserum setgħet tiżviluppa fit-territorju tal-Franche-Comté.

Ir-rabta bejn il-produzzjoni tal-ġobon u l-produzzjoni tal-majjali għalhekk hija diretta u tradizzjonali, u bil-kontra għal kważi r-reġjuni l-oħra kollha, din it-tradizzjoni kompliet.

Il-produzzjoni tal-majjali f’din iż-żona għenet l-iżvilupp ta’ attività ta’ pproċessar artiġjanali u industrijali tal-majjal billi poġġiet għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-operaturi materja prima li ma kinitx mqassma fis-swieq nazzjonali jew internazzjonali. Dan jispjega b’mod partikolari l-persistenza ta’ netwerk li huwa relattivament mimli biċċeriji u postijiet ta’ tqattigħ ta’ daqs medju għal żgħir fiż-żona tal-provvista, li jipprovdu netwerk ta’ proċessuri lokali li l-għadd tagħhom, li għadu kbir (aktar minn tletin), juri sewwa d-dinamiżmu tagħhom.

Barra minn hekk, il-Franche-Comté huwa kkaratterizzat minn foresta kbira magħmula essenzjalment minn speċi ta’ koniferi, b’mod partikolari fiż-żona tal-muntanja. Hija din id-disponibbiltà ta’ injam tal-koniferi li ppermettiet l-iżvilupp tal-prattika tal-affumikar.

B’mod ġenerali, il-prodotti affumikati jaqgħu taħt it-tradizzjoni tal-prodotti tal-Lvant ta’ Franza u tal-Ewropa. Fl-istorja l-affumikar kien mezz biex jintlaħaq l-għan ta’ tnixxif u ta’ preżervazzjoni tal-prodotti, u dan aktar u aktar fiż-żoni tal-muntanji, aktar kesħin, fejn il-prattika tal-affumikar setgħet tiġi assoċjata mal-ħtieġa tat-tisħin tal-abitazzjonijiet. Huwa b’hekk li fil-Franche-Comté beda jintuża l-kunċett tat-“thué”, li kien ċentru għat-tisħin tar-razzett u kamra għall-affumikar li tintuża għaż-żamma taz-zalzett biex jinxef u jiġi affumikat, u b’hekk tiġi żgurata l-preżervazzjoni tiegħu. Din il-prattika li fil-bidu żviluppat fil-Haut-Doubs hija l-oriġini ta’ kompetenza tal-affumikar li wara nxerdet fil-Franche-Comté kollu, bl-introduzzjoni ta’ għodda tal-affumikar li jużaw il-prinċipji tat-tué.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Karatteristiċi partikolari marbuta mal-għażla tal-materja prima kif ukoll ma’ proċess ta’ pproċessar speċifiku

Il-karatteristiċi speċifiki tal-prodott marbuta mal-proċess ta’ fabbrikazzjoni huma dawn li ġejjin:

preżenza ta’ kavilja tal-injam b’mod sistematiku għas-Saucisse de Morteau, iżda mhux għall-Jésus meta l-musrana l-għamja tintuża’ bħala kisi,

mili fix-chaudin jew is-suivant għas-Saucisse, fil-musrana l-għamja jew ix-chaudin għall-Jésus,

il-musrana tas-Saucisse għandha dijametru wara l-mili ta’ mill-inqas 40 mm, dak tal-Jésus b’dijametru ta’ mill-inqas 65 mm,

biċċiet kbar, billi jiġi stabbilit id-daqs minimu tal-frak, xaħam jew laħam, għal tmien millimetri,

affumikar bil-mod bl-injam tal-koniferi,

kulur speċifiku fil-lewn tal-ambra wara li jitlesta l-affumikar.

Il-kwalità aromatika, il-konsistenza speċifika (frak distint ta’ xaħam u ta’ dgħif, l-irtubija), id-dehra viżwali (xaħam ta’ kulur abjad u dgħif ta’ kulur uniformi), huma dovuti għall-karatteristiċi partikolari tal-materja prima.

Din il-materja prima ġejja minn majjali li jibbenefikaw minn għażla ġenetika u minn dieta partikolari.

L-alimentazzjoni tal-majjal bil-lactoserum u limitata f’aċidu linoleiku (1,7 % tad-dieta), tippermetti li jintgħażlu xaħmijiet tal-majjal kemmxejn insaturati. Din il-karatteristika tippermetti li jinkisbu frak tax-xaħam distint ħafna fit-taħlita u b’kulur abjad sabiħ. Barra minn hekk jirreżisti aktar għas-sħana waqt l-affumikar jew waqt it-tisjir tas-Saucisse de Morteau u tal-Jésus de Morteau u jevita fenomeni ta’ ħruġ tax-xaħmijiet.

Il-preżenza dgħajfa ta’ aċidi mxaħħmin mhux saturati żgurati permezz tal-alimentazzjoni bil-lactoserum tevita wkoll l-iżvilupp ta’ rwejjaħ ta’ snuħa.

Il-limitazzjoni tal-preżenza ta’ xaħam mhux saturat, li jeħel aktar joħloq kundizzjonijiet favorevoli biex id-duħħan jeħel mal-prodott. Fil-preżenza ta’ xaħmijiet mhux strutturati, l-irwejjaħ tal-affumikar jeħlu fil-parti esterna tal-musrana u jiffurmaw kisja impermeabbli li ma tħallix li d-duħħan jippenetra fil-fond.

L-alimentazzjoni bil-lactoserum, flimkien mal-kriterji ġenetiċi magħżula tippermetti l-kisba ta’ laħam ta’ kulur roża uniformi. Flimkien max-xaħmijiet sodi u bojod, dan jikkontribwixxi biex tinżamm il-viżibbiltà tajba tal-għamla partikolari tas-Saucisse de Morteau u tal-Jésus de Morteau.

Din ir-reputazzjoni tmur lura għas-seklu XVIII

Ir-reputazzjoni tas-Saucisse de Morteau u tal-Jésus de Morteau damet lokali u reġjonali għal ħafna żmien, imxerrda biss min-negozjanti u l-vjaġġaturi għaddejjin minn hemm sa mis-seklu XVIII. Kienet tagħmel parti mill-alimentazzjoni rurali tradizzjonali, b’mod aktar partikolari fl-ikliet tal-Ħadd jew fil-Milied għall-Jésus de Morteau. Imbagħad ir-reputazzjoni tiegħu nxterdet ‘il barra miż-żona oriġinali, fuq il-bażi tal-identifikazzjoni ċara tal-prodott kemm mid-dehra viżwali tiegħu li jista’ jiġi magħruf malajr (daqs kbir, kulur, kavilja tal-injam) kif ukoll mill-kwalità tat-togħma tiegħu (biċċiet kbar, togħma tal-affumikar).

Is-Saucisse de Morteau u l-Jésus de Morteau huma magħrufa mill-pubbliku ġenerali, mill-persuni li jimmaniġġjaw ir-ristoranti u mill-konsumaturi. L-istħarriġ dwar kemm hu magħruf il-prodott mill-konsumaturi, li sar fl-2008, juri li dan huwa magħruf minn 71 % tal-konsumaturi. Huwa identifikat b’mod dirett, flimkien mal-ġobnijiet u nbejjed diversi, bħala d-dehra simbolika tal-ikel tal-Franche-Comté. Din ir-rabta qawwija bejn Franche-Comté u “Saucisse de Morteau” għadha teżisti u tinsab f’pożizzjoni għolja fi ħdan il-wirt kulinari tal-Franche-Comté.

Din il-fama tappartjeni l-aktar għall-isem “Saucisse de Morteau”, iżda l-isem “Jésus de Morteau” huwa wkoll magħruf, b’mod partikolari fir-reġjun fejn dan jiġi ppreżentat ta’ spiss fl-ixkafef flimkien mas-Saucisse de Morteau.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO), jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Karatteristiċi marbuta maż-żona ġeografika tal-fabbrikazzjoni

Is-Saucisse de Morteau u l-Jésus de Morteau huma kkaratterizzati minn affumikar bil-mod. Dan l-affumikar bil-mod jeħtieġ kontroll permanenti tal-produzzjoni tad-duħħan, li huwa parametru importanti tal-affumikar. Din il-kompetenza, li hija bbażata fuq ġestjoni tal-kombustjoni bil-mod mingħajr fjamma, tas-serratura u ta’ injam skont parametri differenti, hija trażmessa fi ħdan l-impriżi reġjonali. Din hija prattika u kompetenza tal-bniedem li żviluppat bħala reazzjoni għar-restrizzjonijiet f’din iż-żona. Il-koniferi huma omnipreżenti fil-foresta tal-Franche-Comté, b’mod partikolari fiż-żona tal-muntanji. Loġikament dawk il-persuni tal-lokal li jmellħu l-prodotti biex jippreżervawhom użaw it-tipi ta’ injam li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom. Din il-prattika tal-użu tal-koniferi kif ukoll il-prattika tal-affumikar bil-mod żviluppata inizjalment fiż-żoni tal-muntanji, inxterdet ukoll madwar il-Franche-Comté kollu. Din il-preżenza partikolari tal-koniferi tiġġustifika li l-affumikar tas-Saucisse de Morteau u tal-Jésus de Morteau ġie żviluppat mill-injam tal-koniferi biss, mhux bħal ħafna mit-tipi l-oħra ta’ zalzett affumikat li wieħed jista’ jsib fi Franza jew fl-Ewropa, li huma affumikati b’injam iebes mis-siġar li jwaqqgħu l-weraq fix-xitwa. L-affumikar bil-mod bl-injam tal-koniferi huwa karatteristika speċifika qawwija tas-Saucisse de Morteau u tal-Jésus de Morteau li jagħtih il-kulur tal-lewn ambra tiegħu u t-togħma tal-affumikar tiegħu li huwa marbut mill-qrib maż-żona ta’ fabbrikazzjoni tiegħu.

Barra minn hekk, flimkien mal-prattiċi tal-affumikar, il-prattika tal-ikkapuljar f’biċċiet kbar, tat-tpoġġija tal-kavilja tas-Saucisse, tal-mili fil-musrana l-kbira tal-majjal huma parti mill-prattiċi tradizzjonali lokali speċifiċi tar-reġjun tal-Franche-Comté. Il-Franche-Comté jikkorrispondi għal żona ta’ kompetenza.

Fama li hija marbuta mill-qrib mat-territorju

Ir-reputazzjoni tal-prodott hija wieħed mill-elementi fundamentali tar-rabta tiegħu maż-żona ġeografika, u tidher pereżempju permezz tal-festival u l-kompetizzjoni annwali tas-Saucisse de Morteau, li jsiru rispettivament fi tmiem il-ġimgħa tal-15 ta’ Awwissu u f’Ottubru.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet:

http://www.inao.gouv.fr/repository/editeur/pdf/CDCIGP/CDCSaucisseDeMorteauOuJesusDeMorteau.pdf


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/18


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2009/C 315/09

Din il-pubblikazzjoni tagħti dritt għal oġġezzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“QUESO DE FLOR DE GUÍA”/“QUESO DE MEDIA FLOR DE GUÍA”/“QUESO DE GUÍA”

Nru tal-KE: ES-PDO-005-0605-21.05.2007

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Queso de Flor de Guía”/“Queso de Media Flor de Guía”/“Queso de Guía”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott [skont il-klassifikazzjoni tal-Anness II]:

Klassi 1.3 –

Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott bl-isem mogħti fil-punt 1:

Deskrizzjoni ġenerali

Dawn it-tipi ta' ġobon jippreżentaw karattru staġjonali speċifiku ħafna, b'għeruq imqabbdin sew fis-sistema tradizzjonali ta' produzzjoni (ħlib minn Jannar sa Lulju meta jkun hemm ikel adattat fiż-żona koperta u l-ħalib jiġi pproċessat f'azjendi li jipproduċu l-ġobon; u b'perjodu ta' nixfa minn Awwissu sa Diċembru meta sseħħ il-migrazzjoni tal-bhejjem lejn il-quċċata tal-ġżira, sabiex ifittxu ikel li huwa adattat għalihom). Din il-karatteristika hija fundamentali u timmarka l-perjodu ta' produzzjoni hekk kif dejjem saret b'mod tradizzjonali.

Id-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini “Queso de Flor de Guía”/“Queso de Media Flor de Guía”/“Queso de Guía” tkopri dawn it-tipi ta' ġobon li ġejjin:

Queso de Flor de Guía: imxaħħam jew nofsu mxaħħam. L-ingredjent ewlieni huwa l-ħalib tan-nagħaġ Kanarji, għalkemm huwa permess it-taħlit tal-ħalib tan-nagħaġ ma' dak ta' speċijiet oħrajn, dejjem jekk il-proporzjonijiet jiġu rrispettati:

Il-ħalib tan-nagħaġ tar-razza Kanarja għandu jkollu preżenza ta' mill-inqas 60 %,

Il-perċentwal massimu ta' ħalib tal-baqra tar-razza Kanarja u ta' bhejjem imħallta magħha għandu jkun ta' 40 %,

Il-proporzjon massimu ta' ħalib tal-mogħża ta' kwalunkwe razza Kanarja li għandu jintuża huwa stabbilit għal 10 %.

Il-karatteristika ewlenija tiegħu hija li l-koagulazzjoni tal-ħalib iseħħ esklussivament minn baqta veġetali miksuba mill-blanzuni ta' fjuri mnixxfa tal-varjetajiet ta' pjanti tax-xewk “Cynara cardunculus var. Ferocissima u Cynara scolymus”.

Queso de Media Flor de Guía: imxaħħam jew nofsu mxaħħam. L-ingredjent ewlieni huwa l-ħalib tan-nagħaġ Kanarji, għalkemm huwa permess it-taħlit tal-ħalib tan-nagħaġ ma' dak ta' speċijiet oħrajn, dejjem jekk il-proporzjonijiet jiġu rrispettati:

Il-ħalib tan-nagħaġ tar-razza Kanarja għandu jkollu preżenza ta' mill-inqas 60 %,

Il-perċentwal massimu ta' ħalib tal-baqra tar-razza Kanarja u ta' bhejjem imħallta magħha għandu jkun ta' 40 %,

Il-proporzjon massimu ta' ħalib tal-mogħża ta' kwalunkwe razza Kanarja li għandu jintuża huwa stabbilit għal 10 %.

Il-karatteristika ewlenija tiegħu hija li l-koagulazzjoni tal-ħalib isseħħ esklussivament minn baqta veġetali miksuba mill-blanzuni ta' fjuri mnixxfa tal-varjetajiet ta' pjanti tax-xewk “Cynara cardunculus var. Ferocissima u Cynara scolymus” f'perċentwal li dejjem ikun ta' iktar minn 50 %.

Queso de Guía: imxaħħam jew nofsu mxaħħam. L-ingredjent ewlieni huwa l-ħalib tan-nagħaġ Kanarji, għalkemm huwa permess it-taħlit tal-ħalib tan-nagħaġ ma' dak ta' speċijiet oħrajn, dejjem jekk il-proporzjonijiet jiġu rrispettati:

Il-ħalib tan-nagħaġ tar-razza Kanarja għandu jkollu preżenza ta' mill-inqas 60 %,

Il-perċentwal massimu ta' ħalib tal-baqra tar-razza Kanarja u ta' bhejjem imħallta magħha għandu jkun ta' 40 %,

Il-proporzjon massimu ta' ħalib tal-mogħża ta' kwalunkwe razza Kanarja li għandu jintuża huwa stabbilit għal 10 %.

F'dan it-tip ta' ġobon il-koagulazzjoni tal-ħalib isseħħ bil-baqta tal-annimali u/jew baqta veġetali (Cynara cardunculus var. ferocissima, Cynara scolymus) u/jew fermenti oħra awtorizzati.

Il-ġobon kopert skont il-grad ta' maturazzjoni, jiġi kklassikfikat kif ġej:

“Semicurado”, jekk il-proċess ta' maturazzjoni jdum bejn 15 u 60 jum,

“Curado”, jekk il-proċess ta' maturazzjoni jdum iktar minn 60 jum.

Karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi

Il-karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi ta' dan il-ġobon huma dawn li ġejjin:

Queso de Flor de Guía:

Għamla

:

ċilindrika

Għoli

:

minn 4 sa 6 ċm

Dijametru

:

bejn 15 u 30 ċm

Piż

:

Bejn 0,5 u 5 kg

Qoxra

:

Fil-ġobon ta' maturazzjoni qasira, il-qoxra ta' barra hija pjuttost fina, tiġġebbed u ratba, b'kulur abjad mitfi minn lewn l-irħam u b'forma li donnha kejk. Fil-ġobon ta' maturazzjoni itwal, il-qoxra tkun iktar iebsa, definita sew u ta' kulur kannella skur. Fiż-żewġ każijiet, fuq il-qoxra tal-qiegħ, ikunu jidhru l-marki tal-qaleb u taċ-ċarruta, u l-ġnub ikunu lixxi.

Il-qalba

:

Fil-ġobon “semicurado” il-massa tal-qalba ta' kulur krema, b'konsistenza ratba ħafna, li tibqa' kompatta meta tinqata', kremuża u b'togħma aċiduża u morra, aromatika ħafna, filwaqt li fil-ġobon “curado” din tkun ta' kulur isfar li jagħti fil-kannella u l-griż, ta' konsistenza iebsa, li tipproduċi kulur pjaċevoli meta tinqasam, b'togħma morra u li tinħass pikkanti.

Riħa

:

Intensità medja, mill-familja tal-ħalib, veġetali (il-pjanta imxewka tal-ġenus Cirsium u frott niexef).

Aromi

:

Intensità pjuttost għolja, bl-istess karatteristiċi bħar-riħa.

Togħmiet elementari

:

Togħma morra, mielħa u aċiduża.

Sensazzjonijiet mal-magħda

:

Kemm kemm jaħarqu u astrinġenti.

It-togħma li tibqa'

:

Persistenza medja.

Persistenza aromatika

:

Medja.

Konsistenza

:

Ġobon sfiq, kompatt u li għandu mill-għaġina.

Queso de Media Flor de Guía:

Għamla

:

ċilindrika

Għoli

:

minn 4 sa 8 ċm

Dijametru

:

bejn 15 u 30 ċm

Piż

:

bejn 0,5 u 5 kg

Qoxra

:

Il-kulur u l-ħxuna jvarjaw skont iż-żmien tal-maturazzjoni. Fil-fatt, il-ġobon b'maturazzjoni qasira jkollu qoxra fina u ta' kulur l-avorju, filwaqt li l-ġobon b'maturazzjoni itwal ikollu qoxra iktar ħoxna ta' kulur kannella. Il-qoxra jkollha l-ġnub lixxi u fuq in-naħa tal-qiegħ ikunu jidhru l-marki tal-qaleb.

Il-qalba

:

Il-massa tal-qalba jkollha kulur abjad fl-isfar bħall-avorju skont il-maturazzjoni, tibqa' kompatta meta tinqata', konsistenza kremuża jew iebsa ħafna skont il-maturazzjoni, b'togħma aċiduża u sensazzjoni kemm kemm pikkanti.

Riħa

:

Intensità medja, mill-familja tal-ħalib, veġetali (il-pjanta imxewka tal-ġenus Cirsium u frott niexef).

Ħwawar

:

Intensità pjuttost għolja, bl-istess karatteristiċi bħar-riħa.

Togħmiet elementari

:

Togħma morra, mielħa u kemm kemm aċiduża.

Sensazzjonijiet mal-magħda

:

Kemm kemm jaħarqu pikkanti u astrinġenti.

It-togħma residwali

:

Persistenza medjament baxxa.

Persistenza aromatika

:

Pjuttost baxxa.

Konsistenza

:

Ġobon sfiq, kompatt u li xi drabi jiġġebbed jew ikun kremuż.

Queso de Guía:

Għamla

:

ċilindrika

Għoli

:

minn 4 sa 8 ċm

Dijametru

:

bejn 15 u 30 ċm

Piż

:

bejn 0,5 u 5 kg

Qoxra

:

Kemm il-kulur kif ukoll il-ħxuna jvarjaw skont iż-żmien tal-maturazzjoni, b'tali mod li wieħed jista' jiltaqa' ma' qoxra ta' barra li hija pjuttost fina u ta' kulur l-avorju fil-ġobon “semicurado”, u qoxra ħoxna u ta' kulur kannella skur fil-ġobon b'maturazzjoni itwal, li sadattant jgħaddi minn firxa sħiħa ta' varjetajiet tal-kulur isfar. Il-marki tal-qaleb li jkunu jidhru fil-qiegħ jista' jkollhom forma ta' fjura.

Il-qalba

:

Il-kulur tal-massa tal-qalba jvarja minn abjad minn lewn l-avorju għal isfar, il-konsistenza tvarja minn ratba għal iebsa, għalkemm ġeneralment tkun kompatta meta tinqasam u sfiqa. It-togħmiet mielħa u aċidużi jiddominaw fuq l-oħrajn u xi kultant jippreżentaw ħjiel ta' mrar u ta' sensazzjoni pikkanti.

Riħa

:

Intensità medja, b'dominanza tal-familja tal-ħalib u wara dik tal-annimali.

Aromi

:

Intensità medja, bl-istess karatteristiċi bħar-riħa, li jispikkaw f'dawk tal-famija tal-ħalib.

Togħmiet elementari

:

Togħma mielħa u fuq kollox aċiduża, li xi kultant ikollha togħma kemm kemm morra.

Sensazzjonijiet mal-magħda

:

Fuq kollox sensazzjonijiet astrinġenti, imbagħad jaħarqu, iżda t-tnejn li huma b'valuri medji u baxxi.

It-togħma li tibqa'

:

Persistenza medja.

Persistenza aromatika

:

Pjuttost baxxa għal baxxa.

Konsistenza

:

Ġobon sfiq, kompatt u xi drabi kremuż.

Karatteristiċi kimiċi

Il-karatteristiċi kimiċi jkunu jvarjaw, skont il-grad ta' maturazzjoni, u jippreżentaw il-valuri minimi li ġejjn:

Queso de Flor de Guía:

Proteina

:

22,50 % (ikkalkulat fuq il-materja xotta)

Xaħam

:

29,50 % (ikkalkulat fuq il-materja xotta)

Materjal niexef

:

56,50 %

Queso de Media Flor de Guía:

Proteina

:

23,50 % (kkalkulat fuq il-materja xotta)

Xaħam

:

27,50 % (ikkalkulat fuq il-materja xotta)

Materjal niexef

:

55,50 %

Queso de Guía:

Proteina

:

24,10 % (ikkalkulat fuq il-materja xotta)

Xaħam

:

27,50 % (ikkalkulat fuq il-materja xotta)

Materjal niexef

:

57,00 %

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Il-materja prima użata għall-produzzjoni ta' kull tip ta' ġobon tinkludi li ġej:

Il-ħalib tan-nagħaġ tar-razza Kanarja bi preżenza ta' mill-inqas 60 %.

Il-perċentwal massimu ta' ħalib tal-baqra tar-razza Kanarja u ta' bhejjem imħallta magħha għandu jkun ta' 40 %.

Il-proporzjon massimu ta' ħalib tal-mogħża ta' kwalunkwe razza Kanarja li għandu jintuża huwa stabbilit għal 10 %.

Il-koagulazzjoni tal-ħalib isseħħ esklussivament minn baqta veġetali miksuba mill-blanzuni ta' fjuri mnixxfa tal-varjetajiet ta' pjanti tax-xewk “Cynara cardunculus var. Ferocissima u Cynara scolymus”.

Il-parametri minimi tal-kompożizzjoni tal-ħalib għandhom ikunu:

Ħalib tan-nagħaġ:

Proteini

:

Minimu ta' 3,90 % (piż/piż)

Xaħmijiet

:

Minimu ta' 6,50 % (piż/piż)

L-estratt niexef totali

:

Minimu ta’ 15,15 %

Ħalib tal-baqar:

Proteini

:

Minimu ta' 3,20 % (piż/piż)

Xaħmijiet

:

Minimu ta' 3,20 % (piż/piż)

L-estratt niexef totali

:

Minimu ta’ 13,00 %

Ħalib tal-mogħoż:

Proteini

:

Minimu ta' 3,40 % (piż/piż)

Xaħmijiet

:

Minimu ta' 4,30 % (piż/piż)

L-estratt niexef totali

:

Minimu ta’ 14,00 %

3.4.   Għalf (għall-prodotti tal-annimali biss):

Fil-każ ta' bhejjem ovini, il-bażi alimentari hija r-riżultat ta' dak li jirgħu, speċjalment il-flora preżenti fiż-żona, li flimkien mal-kwantità kbira ta' pjanti endemiċi, tifforma karatteristiċi organolettiċi partikolari ħafna għall-ġobon. Din, flimkien mal-prattika tal-migrazzjoni tal-istaġuni tal-bhejjem, hija waħda mill-karatteristiċi prinċipali ta' din id-D.P.O.

L-għalf li jieklu l-bhejjem ovini huwa varjat ħafna u għandu kontenut għoli ta' flora awtoktona. Fost il-ħxejjex tal-mergħa jispikkaw dawk magħrufa bħala “prados de diente”, li huma marbutin mal-użu intensiv u produttiv tar-rigħi storiku. Dawn huma rappreżentati minn mergħat miksija ħxejjex tat-tip Poetea bulbosae, l-iktar il-ħaxixa Poa bulbosa (magħrufa bħala “grama cebollero” jew “pelo de ratón”) b'varjetajiet differenti ta' silla ta' taħt l-art, li flimkien mal-Poa petardina tiksi wesgħat sħaħ taż-żona.

L-għalf tan-nagħaġ jinkludi wkoll, għalkemm fi kwantitajiet iżgħar, meded ta' art ikkonsolidati b'siġar żgħar u artijiet bi speċi ta' legumi b'valur għoli tal-għalf, u jinkludu l-ispeċi li ġejjin: pjanti mill-ispeċi tal-Chamaecytisus proliferus u mill-ispeċi oħra bi fjuri li l-korolla tagħhom qisha farfett (Papilionaceous). Dawn iż-żewġ speċijiet huma varjetajiet awtoktoni tal-flora Kanarja.

Minbarra l-ħaxix li jirgħu, il-bhejjem jistgħu jingħataw konċentrat ta' għalf addizzjonali meta l-kundizzjoniiet tal-klima ma jkunux favorevoli. L-għalf kumplimentari tan-nagħaġ isir waqt żmien il-ħlib u fl-aħħar tal-perjodu tan-nixfa meta l-ħlib isir darba kuljum. Minħabba li l-alimentazzjoni tal-fibra ssir waqt li l-bhejjem jirgħu, l-għalf addizzjonali jinkludi biss konċentrati. Dan l-għalf addizzjonali normalment jinkludi biss qamħirrum, għalkemm xi drabi jiżdiedu wkoll nuħħala ta' ċereali, ħafur u pitravi.

Fir-rigward tal-migrazzjoni tal-bhejjem, ladarba n-nagħaġ ma jibqgħux jipproduċu ħalib (perjodu ta' nixfa) ġeneralment bejn Awwissu u Diċembru, dawn jittieħdu jirgħu f'territorju ikbar biex jieħdu għalf aħjar. Din il-prattika ta' migrazzjoni sseħħ barra miż-żona protetta tad-D.P.O. fiż-żminijiet meta ma jkunx qed jiġi prodott il-ġobon kopert. Għalhekk, sabiex il-ġobon ikun jista' jiġi kopert, dan irid jiġi prodott fil-perjodu bejn Jannar u Lulju meta l-bhejjem jirgħu fiż-żona protetta.

Fil-każ tal-baqar, l-għalf irid isir b'mod intensiv, iżda dejjem b'veġetazzjoni maħsuda għall-bhejjem. Jiġifieri:

(a)

Minn Mejju sa Ottubru, b'dak li jkun inżera' mill-bidwi (qamħirrum, sorgu, ċereali u kultivazzjonijiet għall-għalf). Jieklu wkoll dak li jikber fl-għelieqi matul dan il-perjodu u dak li jaħsad il-bidwi, li jista' jinkludi qasab, friegħi tas-siġar tal-qastan, pjanti mill-ispeċi tal-Chamaecytisus proliferus u pjanti oħra għall-għalf, eċċ;

(b)

Mix-xahar ta' Ottubru sa April, il-bhejjem bovini jieklu flora ġdida li tibda tikber bix-xita li tinkudi “miscleras”, pjanti tax-xewk, pjanti mill-ispeċi tal-Chamaecytisus proliferus, pjanti mill-ispeċi bi fjuri li l-korolla tagħhom qisha farfett (Papilionaceous), kif ukoll kull tip ta' ħaxix li jikber fl-għelieqi matul dan iż-żmien.

Dan it-tip ta' għalf jiġi kkumplimentat b'konċentrat li jingħata matul is-sena kollha, li jiżdied fil-kwantità u fil-kwalità meta jkun hemm iktar produzzjoni u inqas ħaxix fil-mergħat. Dan l-għalf addizzjonali jinkludi l-iktar qanneb, sojja, qamħirrum, trab tal-qamħ u pitravi.

Fil-każ tal-mogħoż, l-għalf ikun ġej minn azjendi intensivi jew semi-estensivi.

L-alimentazzjoni tal-fibra għal din l-ispeċi tinkiseb fiż-żona koperta u tibbaża fuq:

L-għalf ikkultivat mill-bdiewa fl-għelieqi tagħhom u li jingħata fl-imqawel tal-bhejjem. L-ispeċi kkultivati huma f'ordni ta' importanza minn għolja għal inqas għolja: Ġulbiena, ħafur, qamħirrum, kanoċċa mberfla tal-għalf, Latyrus, segala u sorgu eċċ,

Il-pjanti u l-ħxejjex li l-bdiewa jaħsdu mill-għelieqi skont iż-żmien tas-sena u li jinkludu dawk li diġà ġew deskritti fil-każ tan-nagħaġ,

L-għalf naturali li jikber f'żoni fejn xi drabi jingħalqu l-bhejjem u li jinkludu dawk li diġà ġew deskritti fil-każ tan-nagħaġ.

Il-konċentrati jintużaw biss bħala għalf addizzjonali fiż-żmien tat-treddigħ u tal-ħlib biss. Dan il-konċentrat fih l-iktar qamħirrum, nuħħala taċ-ċereali, ħafur u pitravi. Jingħata darba kuljum matuliż-żmien deskritt.

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-fażijiet kollha tal-produzzjoni tal-“Queso Flor de Guía”/“Queso de Media Flor de Guía”/“Queso de Guía” jitwettqu fiż-żona ġeografika definita fid-D.O.P., li għadhom isiru kollha skont il-prattika tradizzjonali taż-żona.

3.6.   Regoli speċifiċi għall-qtugħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

3.7.   Regoli speċifiċi li jirrigwardaw l-ittikkettar:

Fil-każ li l-ġobon kopert jiġi ppreparat bil-ħalib nej li jiġi mill-bhejjem tal-istess azjenda produttriċi, dan jista' jintwera b'tikketta bil-kliem “artesano” (magħmul b'mod artiġjanali).

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ta' produzzjoni tal-ħalib ideali għall-prodotti koperti b'din id-denominazzjoni tal-oriġini taqbel ma' dik taż-żona ta' preparazzjoni u maturazzjoni li tinsab fit-tliet muniċipalitajiet tar-reġjun tal-Majjistral ta' Gran Canaria, li huma:

Gáldar: Bis-67,6 km2 tagħha. Il-perimetru ta' din iż-żona jixbah lil-triangolu irregolari, b'ponta rqiqa fin-nofs tal-ġżira, 'il fuq minn 1 500 metru fuq il-livell tal-baħar.

Moya: Tinsab fil-parti ċentrali tal-parti tat-Tramuntana fi Gran Canaria, b'erja ta' 36,3 km2.

Santa María de Guía: Għandha erja ta' 37,72 km2, tinsab 1 500 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, imżerżqa gradwalment lejn il-kosta fuq pendil ta' iktar minn 11,5 %.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Karattru speċifiku taż-żona ġeografika:

Id-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini “Queso de Flor de Guía”/“Queso de Media Flor de Guía”/“Queso de Guía” jiġi pprodott esklussivament fit-tliet muniċipalitajiet tar-reġjun kopert. Il-merħliet tal-ispeċijiet Kanarji kienu jinsabu f'dawn it-tliet muniċipji sa minn żminijiet qabel l-1526. L-istoriċi li jirrakkontaw it-tradizzjoni tal-ġobon f'dawn il-muniċipalitajiet jagħtu xhieda tat-tradizzjoni u tal-konvivenza ta' nies tal-post flimkien mal-bhejjem li kienu sors ta' għajxien u ta' kummerċ.

Fil-preżent it-tradizzjoni tal-bhejjem u l-preparazzjoni tal-ġobon għadha ssir fit-tliet muniċipalitajiet f'madwar 100 azjenda tal-bhejjem li jagħmlu ġobon b'mod artiġjanali fl-irziezet tagħhom, skont metodi ta' preparazzjoni tradizzjonali.

Il-metodu ta' preparazzjoni tal-“queso de flor” huwa dovut għall-popolazzjoni antika minn Kastilja li kienet ġiet toqgħod fiż-żona li llum nafuha bħala “Altos de Guía”, li tifforma ż-żona importanti tal-“pagos galdenses de medianías.” Is-sigriet tat-tradizzjoni tal-bhejjem u tal-ġobon li baqgħet tippersisti hija dovuta għall-iżolament li fih għexu n-nies taż-żona għal sekli sħaħ minħabba l-instabbiltà tal-mezzi tat-trasport, li kienu limitati biss għall-użu ta' passaġġi tal-ħadid sa kważi l-bidu ta' dan is-seklu, u n-nuqqas loġiku tal-iżvilupp minħabba li ma kien hemm l-ebda komunikazzjoni ma' barra. Ma' dan irridu nżidu s-sigriet li dwaru jafu biss l-artiġjani tal-“Queso de Flor, de media flor y de cuajo”, u li kienu jgħożżuh daqs li kieku kien ġid imprezzabbli biex jgħadduh biss lil uliedhom.

It-territorju inklinat u muntanjuż u n-nuqqas ta' toroq li jikkomunkaw iċ-ċentri tal-artiġjanat ma' villaġġi oħra, ħlief għall-Guía, ikkontribwixxew biex lejn l-aħħar tas-seklu XIX, f'dan ir-raħal ġie stabbilit suq agrikolu ċkejken fejn kienu jmorru bdiewa u produtturi tal-ġobon mill-inħawi tal-madwar, l-iktar minn Altos de Guía, Moya u minn Gáldar.

5.2.   Karattru speċifiku tal-prodott:

L-ewwel karatteristika li tagħti speċifiċità lill-prodott hija l-proporzjon tal-ħalib minn speċijiet differenti ta' bhejjem ta' razez indiġeni:

60 % mill-inqas ta' ħalib tan-nagħġa tar-razza ovina Kanarja,

massimu ta' 40 % ta' ħalib tal-baqra preferibbilment tar-razza bovina Kanarja, għalkemm it-taħlit tar-razez huwa awtorizzat,

massimu ta' 10 % ta' ħalib tal-mogħża tar-razza indiġena.

It-tieni karatteristika li tagħti speċifiċità lill-prodott hija l-prattika tan-nagħaġ li jirgħu, billi n-nagħaġ jikkontribwixxu għall-ogħla perċentwal ta' ħalib fil-produzzjoni tal-ġobon. Il-fatt li n-nagħaġ jirgħu jfisser li dawn jieklu speċijiet ta' pjanti li huma awtoktoni għall-flora Kanarja, u li jagħtu karatteristiċi partikolari li huma differenti u inimitabbli lill-ħalib li mbagħad jintuża għall-preparazzjoni tal-ġobon.

Min-naħa l-oħra, għalkemm normalment il-mogħoż u l-baqar ma jitteħdux jirgħu, il-bidwi ċertament jiġbor pjanti għall-għalf miż-żona tal-produzzjoni li jservu ta' bażi għall-alimentazzjoni ta' dawn l-ispeċijiet. Minħabba f'hekk il-ħalib li dawn jipproduċu jippreżenta karatteristiċi organolettiċi speċifiċi dovuti għal dan it-tip ta' alimentazzjoni.

It-tielet karatteristika li tagħti speċifiċità lill-prodott hija l-fatt li fil-preparazzjoni tal-ġobon tintuża l-fjura, il-qalba tagħha u l-baqta veġetali li tinkiseb mill-ispeċijiet Cynara cardunculus var. Ferocisima u Cynara scolymus, li jikbru waħedhom fis-selvaġġ fiż-żona tal-produzzjoni.

Dawn huma l-parametri li jagħtu karatteristiċi organolettiċi speċjali u inimitabbli lill-konsistenza, it-togħma u l-aroma ta' dan il-ġobon.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP):

Il-fjura tal-pjanta tax-xewk u l-baqta jagħtu partikolarità lill-ġobon taż-żona. Minħabba li dan jintuża biss f'din il-parti tal-gżira, minn hawn jieħdu l-isem ta' “Queso de Flor de Guía”. Din it-tip ta' baqta tinkiseb minn dak li b'mod popolari, huwa magħruf bħala l-fjura tal-pjanta tax-xewk, li mhi xejn ħlief il-blanzun tal-fjura mnixxfa ta' waħda mill-ispeċijiet tal-pjanti tax-xewk li jikbru fir-reġjun imsemmi, li jippermetti r-rabtiet kawżali tal-lokalità ġeografika u l-kwalità u l-karatteristika tal-prodott.

Iż-żona ġeografika ta' produzzjoni, minkejja li hija relattivament żgħira għandha varjetà sħiħa ta' mikroklimi, minħabba l-orografija tagħha. Il-perimetru ta' din iż-żona jixbah lil-triangolu irregolari, b'ponta rqiqa fin-nofs tal-ġżira, 'il fuq minn 1 500 metru ta' altitudni, li huwa fattur ieħor importanti.

Il-kundizzjonijiet klimatiċi tal-muniċipalità ta' Santa María de Guía jirriżultaw mill-pożizzjoni li għandha fit-Tramuntana, li tieħu vantaġġ minn tliet altitudnjiet. Filwaqt li Moya hija influwenzata mill-pożizzjoni tagħha kontra r-riħ u hija iktar umda, tagħmel iktar xita fiż-żoni medjament għoljin u fil-quċċata, f'Gáldar hemm iktar nixfa għax tinsab f'inqas minn 400. Dawn it-tliet mikroklimi jagħtu karatteristiċi speċjali lill-ġobon.

F'dawn il-muniċipalitajiet hemm kwantità kbira ta' speċijiet ta' pjanti li jikbru weħedhom, li minnhom, bejn wieħed u ieħor xi mija, huma endemiċi minħabba l-mikroklimi tal-altitudnijiet differenti. Fost dawn il-ħafna speċijiet li jikbru weħedhom hemm għalf minn pjanti awtoktoni bħal siġar żgħar mill-ispeċi ta' pjanti li l-korolla tagħhom qisha farfett (Papilionaceous), l-“miscleras”, pjanta imxewka mill-ġenus Cirsium, varjetà oħra ta' pjanta tax-xewk, pjanti mill-ispeċi tal-Chamaecytisus proliferus, eċċ. u li huma l-bażi tal-alimentazzjoni tal-bhejjem waqt ix-xhur bejn Jannar u Lulju. Matul dan il-perjodu l-bhejjem ikunu fiż-żona ġeografika u minn Awwissu sa Diċembru l-bhejjem jiġu trasportati minħabba l-migrazzjoni tal-bhejjem. Dan jagħti lill-ġobon kopert, karatteristiċi organolettiċi u tax-xamm u t-togħma li jiddistingwuh mill-bqija, u li jorbtuh mal-inħawi minn fejn jinkiseb.

Fi ftit kliem, nistgħu ngħidu li l-karatteristiċi li jiddistingwu l-ġobon kopert huma marbutin sew maż-żona ġeografika tal-produzzjoni li fiha jiltaqgħu fatturi uniċi bħal ma huma:

(a)

Razez indiġeni: ir-Razza Bovina Kanarja, ir-Razza Ovina Kanarja u kwalunkwe Razza Caprina Kanarja (Majorera, Palmera o Tinerfeña) li huma razez puri u awtoktoni Kanarji rikonoxxuti mill-leġislazzjoni li minnha jirriżulta l-ħalib li jintuża biex jiġi ppreparat il-ġobon;

(b)

Veġetazzjoni rikka u varjata, bi speċijiet endemiċi u għalf ta' kwalità għolja ħafna;

(c)

Tradizzjoni importanti tal-bhejjem li jirgħu li tmur lura sas-seklu XV, u li n-nies tal-lokal żammew bħala attività li tirrappreżenta waħda mill-mezzi ewlenin tal-għajxien tagħhom, u b'hekk il-prattika tradizzjonali tal-produzzjoni tal-ġobon waslet sal-ġurnata tal-lum;

(d)

Lokalità ġeografika konkreta, ir-reġjun imsemmi diġà, u topografija li tiffavorixxi varjetà kbira ta' mikroklimi li tippermetti l-bhejjem jirgħu matul is-sena kollha;

(e)

Pajsaġġ li huwa partikolarment ikkaratterizzat minn meded ta' rigħi u rħula marbutin ma' din l-attività ekonomika;

(f)

Sistema ta' azjendi li juru li l-kisba ta' dan il-prodott hija marbuta b'mod intimu mat-territorju, mal-klima u mal-integrazzjoni tal-produtturi tiegħu mal-ambjent. Għalkemm il-bhejjem ikunu maqfula fl-imqawel, l-għalf isir minn ħxejjex li l-bidwi jipproduċi jew jiġbor għal bhejjem miż-żona protetta.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

http://www.gobiernodecanarias.org/boc/2007/065/008.html


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/26


Pubblikazzjoni ta' talba għall-kanċellazzjoni skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2009/C 315/10

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għat-talba għall-kanċellazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

TALBA GĦALL-KANĊELLAZZJONI

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

Talba għall-kanċellazzjoni skont l-Artikolu 12(2)

“GÖGGINGER BIER”

Nru tal-KE: DE-PGI-117-1237-27.05.2008

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   L-isem irreġistrat li qed jintalab li jiġi kkanċellat:

“Gögginger Bier”

2.   L-Istat Membru jew il-Pajjiż terz:

Il-Ġermanja

3.   It-tip ta’ prodott:

Klassi 2.1

Birra

4.   Il-persuna jew l-Entità li qed tapplika:

L-isem

:

Brauerei Ott GmbH & Co. KG

L-indirizz

:

Wilhelm-Schussen-Straße 12

88427 Bad Schussenried

DEUTSCHLAND

In-natura tal-interess leġittimu biex wieħed jagħmel it-talba:

L-entità li għamlet it-talba hija s-suċċessur legali tal-applikant preċedenti, imsemmi hawn taħt, li kien l-utent tal-indikazzjoni ġeografika “Gögginger Bier”, u għalhekk, għandha interess leġittimu f'din it-talba għall-kanċellazzjoni.

5.   Ir-raġunijiet għall-kanċellazzjoni:

Il-kumpanija Schussenrieder Bierbrauerei Ott xtrat il-birrerija Brauerei Adler, li qabel kienet tinsab fiż-żona ġeografika ta' Krauchenwies-Göggingen, u ttrasferiet il-produzzjoni għal Bad Schussenried. Mhux previst li l-produzzjoni terġa’ tibda ssir fi Krauchenwies-Göggingen. Għalhekk, il-prodotti tal-kumpanija Schussenrieder Bierbrauerei Ott ma għadhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni tal-IĠP għall-“Gögginger Bier”. Permezz ta’ ittra tas-26 ta' Settembru 2007, l-uffiċċju tal-gvern reġjonali ta' Karlsruhe (ir-Regierungspräsidium Karlsruhe), bħala l-awtorità kompetenti ta’ kontroll, ikkonferma li l-birrerija Brauerei Adler kienet l-unika birrerija tal-post fiż-żona ġeografika ta' Krauchenwies-Göggingen u li għaldaqstant jista' jitqies li ma hemm l-ebda produttur potenzjali ieħor li jista' jkollu interess li juża din l-indikazzjoni ġeografika protetta.

Għalhekk, f'dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li ma hemmx interessi leġittimi minn partijiet terzi biex joġġezzjonaw għall-kanċellazzjoni ta’ din l-indikazzjoni ġeografika protetta.


23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 315/27


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2009/C 315/11

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta' oġġezzjoni għall-applikazzjoni tal-emenda skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

Applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 9

“MELA VAL DI NON”

Nru tal-KE: IT-PDO-0105-0197-10.12.2007

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni għall-emendar:

Isem tal-prodott

Image

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Image

Metodu tal-produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Kundizzjonijiet nazzjonali

Image

Oħrajn (Referenzi legali)

2.   Tip ta' emenda:

Image

Emenda tad-dokument uniku jew tas-sinteżi

Emenda tal-ispeċifikazzjoni tad-DPO jew IĠP reġistrata li għaliha la d-dokument uniku u lanqas is-sinteżi ma ġew ippubblikati

Emenda tal-ispeċifikazzjoni li ma għandhiex bżonn emendi għad-dokument uniku ppublikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

3.   Emenda/i:

Ġie kkunsidrat xieraq li ssir referenza, fl-Artikolu 2 tal-ispeċifikazzjoni kurrenti dwar id-deskrizzjoni tal-prodott, dwar il-kulur tal-isfond tal-qoxra, li jvarja progressivament mill-aħdar għall-isfar, sabiex jiġi ffaċilitat il-ħsad tat-tuffieħ tal-varjetà Red Delicious fl-iżjed stadju xieraq ta' maturazzjoni.

Barra minn hekk, minħabba li l-ispeċifikazzjoni preżenti tal-prodott tindika l-karatteristiċi kimiċi, fiżiċi u organolettiċi tal-frotta mingħajr speċifikazzjoni tal-istadju li fih għandhom jiġu kkontrollati, ġie identifikat perjodu li matulu għandha ssir valutazzjoni ta' dawn il-karatteristiċi. Il-parametri ta' kwalità mkejla matul dan il-perjodu għandhom ikunu kkunsidrati validi għall-istaġun kummerċjali kollu tal-prodott, għaliex b'riżultat tat-tekniċi moderni ta' preżervazzjoni, il-frotta ma tiddegradax b'mod sinifikanti fil-livelli ta' kemm hija soda, taz-zokkor u tal-aċidità.

Ir-referenza għal-limitu ta' densità ta' tħawwil ta’ 4 800 pjanta/ettaru ġiet eliminata mill-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-metodu ta' produzzjoni, għaliex li jiġi ffissat limitu ta' densità jagħmel sens biss jekk ikun marbut mal-parametri bijoloġiċi, agronomiċi u tal-ħamrija/klima, filwaqt li ma jservi xejn jekk ikun inkluż mingħajr kwalunkwe referenza oħra.

Tqies xieraq li tiġi eliminata, dejjem mill-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni preżenti, ir-referenza għar-rendiment medju ta' 68 t/et, għaliex din tippenalizza l-impriżi ż-żgħar u tiffavorixxi l-kbar.

Barra minn hekk, ġie miżjud paragrafu fl-Artikolu 5 marbut mal-ħżin tal-frott. Ladarba, f'ċerti snin ta' ħsad tajba, il-produtturi ma jkollhomx il-faċilitajiet adattati għall-ħżin tal-frott maħsud, ġiet introdotta l-possibbiltà ta' ħżin f'faċilitajiet oħrajn adatti taħt is-superviżjoni tal-korp ta' spezzjoni awtorizzat.

Finalment fl-Artikolu 7 tal-ispeċifikazzjoni preżenti, ġew aġġornati r-referenzi għal-liġi Komunitarja tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 li jieħdu post dawk tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“MELA VAL DI NON”

Nru tal-KE: IT-PDO-0105-0197-10.12.2007

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Mela val di Non”

2.   Stat membru jew pajjiż terz:

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott (Anness II):

Klassi 1.6.

Frott, ħxejjex u ċereali friski jew proċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem ta' (1):

Id-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini “mela Val di Non” hija riżervata għat-tuffieħ li jiġi prodott bl-użu esklussiv tal-varjetajiet li ġejjin: Golden Delicious, Renetta Canada, Red Delicious, u li jissodisfaw il-karatteristiċi li ġejjin.

L-aspett estern tal-frotta meta tiġi rilaxxata għall-konsum:

sħiħa, b'apparenza friska u b'saħħitha, nadifa, mingħajr sustanzi u rwejjaħ barranin.

Il-forma tal-frotta trid tkun:

ċatta fit-tarf, konika u tawwalija għall-Golden Delicious u r-Red Delicious;

konika u ċatta fit-tarf jew daqsxejn ċatta għar-Renetta Canada.

Il-kulur tipiku tal-frotta huwa:

 

mill-aħdar għall-isfar, xi drabi b'ton ħamrani għall-Golden Delicious;

 

isfar ħadrani bil-qoxra raffa għar-Renetta Canada;

 

aħmar fuq sfond aħdar/isfar għar-Red Delicious.

Karatteristiċi kimiċi

Fi żmien xahrejn mill-ħsad, il-frott irid ikollu l-kontenut minimu ta' zokkor li ġej skont it-tip:

 

12 °Brix għar-Golden Delicious;

 

9 °Brix għar-Renetta Canada;

 

9 °Brix għar-Red Delicious.

Fi żmien xahrejn mill-ħsad, il-frott irid ikollu l-kontenut minimu ta' aċidità li ġej skont it-tip:

 

5 meq NaOH/100g għall-Golden Delicious;

 

8 meq NaOH/100g għar-Renetta Canada;

 

3,5 meq NaOH/100g għar-Red Delicious.

Barra minn hekk, fi żmien xahrejn mill-ħsad, it-tuffieħ Golden Delicious irid ikollu valur minimu fuq l-Indiċi ta' Thiault – “zokkor totali (g/l) + aċidità (g/l ta' aċidu maliku) x 10” – ta' daqs 170.

Karatteristiċi fiżiċi

Il-valuri ta' kemm hi soda l-frotta espressi f'kg/ċm2, fi żmien xahrejn mill-ħsad, ma jridux jinżlu inqas minn:

 

5 għall-Golden Delicious;

 

5 għar-Renetta Canada;

 

5.5 għar-Red Delicious.

Id-DPO “Mela Val di Non” hija riżervata għat-tuffieħ tal-kategorija kummerċjali Extra u I. L-iżgħar daqs huwa 65 mm. L-istandards ta' kwalità minimi għall-varjetajiet u klassijiet differenti huma dawk stipulati fir-Regolament (KE) Nru 920/1989, kif emendat.

L-iżjed karattersitiċi organolettiċi apprezzati tat-tuffieħa “Mela Val di Non” joħorġu mill-bilanċ korrett tal-paramentri fiżiċi/kimiċi deskritti hawn fuq.

B’mod partikolari:

it-tuffieħa Golden Delicious tintagħraf mil-laħma li tqarmeċ u sukkulenti u t-togħma partikolari ħelwa aċiduża tagħha;

it-tuffieħa Renetta Cananda għandha konsistenza u togħma li tvarja skont meta tittiekel, minn laħma li tqarmeċ u b'mod distint aċiduża għal-laħma ratba u ħelwa, imma xorta waħda żżomm il-karatteristiċi organolettiċi sodi partikolari;

it-tuffieħa Red Delicious għandha laħma iżjed ratba b'togħma predominanti ħelwa.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti proċessati biss):

3.4.   Għalf għall-annimali (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata:

Id-DPO “Mela Val di Non” tista' tiġi kkultivata u maħsuda biss fiż-żona ta' produzzjoni indikata fil-punt 4.

3.6.   Regoli speċifiċi li japplikaw għat-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.:

3.7.   Regoli speċifiċi marbuta mat-tikkettar:

Fuq il-pakketti għall-bejgħ jew fuq il-frott individwali jridu jidhru l-kliem D.P.O. “Mela Val di Non”. Ma tistax tidher indikazzjoni tal-oriġini li ma saritx proviżjoni għaliha jew jiżdied kliem ieħor li x'aktarx iqarraq lill-konsumaturi.

4.   Definizzjoni konċiża dwar iż-żona ġeografika:

Iż-żona ta' produzzjoni tad-D.P.O. “Mela Val di Non”, hija ż-żona magħrufa bħala “del Torrente Noce”, għaliex hija xmara li tgħaddi mill-widien Val di Sole u Val di Non, li huma magħrufa wkoll bħala l-Valli (widien) del Noce jew Anaunia, fil-Provinċja Awtonoma ta' Trento.

Din iż-żona, marbuta maż-żewġ widien, tkopri t-territorju kollu tal-muniċipalitajiet li ġejjin:

Andalo, Amblar, Bresimo, Brez, Cagnò, Caldes, Campodenno, Castelfondo, Cavareno, Cavedago, Cavizzana, Cis, Cles, Cloz, Commezzadura, Coredo, Croviana, Cunevo, Dambel, Denno, Dimaro, Don, Flavon, Fondo, Livo, Malè, Malosco, Mezzana, Monclassico, Nanno, Ossana, Peio, Pellizzano, Rabbi, Revò, Romallo, Romeno, Ronzone, Ruffrè, Rumo, Sanzeno, Sarnonico, Sfruz, Smarano, Spormaggiore, Sporminore, Taio, Tassullo, Terres, Terzolas, Ton, Tres, Tuenno, Vermiglio, Vervò.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Ambjent naturali

L-art: Il-kultivazzjoni tal-“Mela Val di Non” issir f'żona li hija ideali għall-produzzjoni ta' tuffieħ ta' kwalità oranganolettika ta' preġju. Dan l-ambjent huwa karatterizzat minn art li hija magħmula minn blat “dolomitiku” li minnu nnifsu huwa uniku. Waħda mill-karatteristiċi ta' din it-tip ta' art hija l-livell għoli ħafna tal-manjeżju li jista' jiġi skambjat, ħafna drabi iżjed minn darbtejn il-livell ikkunsidrat normali fiż-żoni ta' fejn jikber il-frott.

Il-valur tal-kontenut tal-materja organika fil-ħamrija, ta' bejn 4 u 6 %, huwa ottimu, bħal ma huwa tan-nitroġenu. Il-ħamrija għandha wkoll livelli tajbin tal-mikroelementi oħrajn u tal-elementi minuri.

Klima: Iż-żona tat-tkabbir tal-frott għandha espożizzjoni min-Nofsinhar għax-Xlokk estremament favorevoli, flimkien ma' klima li tvarja minn temperament oċeaniku għall-alpin kontinentali, u mtaffija ħafna mill-formazzjoni tettonika partikolari taż-żona f'wied glaċjali wiesa'.

Minħabba l-fatt li l-ammont ta' xita matul is-sena mhuwiex għoli (medja ta' 5 sa 7 ijiem fix-xahar) dan ifisser li hemm kważi 300 jum ta' xemx fis-sena. In-nuqqas assolut ta' ċpar kemm irqiq u oħxon f'kull staġun, flimkien mal-umdità baxxa tal-arja, jirriżulta f'atmosfera ċara ħafna li tħalli x-xemx tisreġ tiżvolġi r-rwol tagħha fil-proċessi tal-bijosinteżi taz-zokkor u l-iżvilupp tal-“bukkett” tal-irwejjaħ, fatturi li jikkaratterizzaw it-tuffieħ prodott f'din iż-żona ta' tkabbir partikolari.

L-atmosfera ċara hija megħjuna wkoll, matul l-iżjed parti sħuna tal-jum, minn żiffa li tiġi min-Nofsinhar, li normalment tqum tard filgħodu (magħrufa bħala “Ora del Garda”), u hija kkawżata mill-moviment tal-mases tal-arja li jorġinaw fuq il-wiċċ tal-għadira Bènaco, l-ikbar għadira fl-Italja.

Fiż-żona tal-produzzjoni kollha anki l-“kwalità” tal-arja hija suġġetta għall-monitoraġġ kontinwu tal-APPA (Agenzija Provinciale per la Protezione dell’Ambiente [Aġenzija Provinċjali għall-Protezzjoni Ambjentali]), li tista' tiċċertifika n-nuqqas ta’ tniġġis atmosferiku urban fiż-żona kollha tal-produzzjoni tal-“Mela Val di Non”.

It-territorju naturali tal-madwar ukoll, f'żona Alpina bil-flora u l-fawna selvaġġa tipika tagħha, kif deskritta mill-botanisti u n-naturalisti, jagħti xhieda tas-sinteżi ambjentali u territorjali bejn il-kultivazzjoni u n-natura.

Ambjent uman

Flimkien mal-ambjent naturali, l-attività umana li ilha għaddejja għal sekli kellha effett deċiżiv fuq ir-rabta qawwija bejn it-tuffieħ “Mela Val di Non” u ż-żona ta' produzzjoni definita, kif deskritt fit-tagħrif storiku dwar il-prova tal-oriġini u ppruvata minn għadd estensiv ta' sorsi storiċi, kulturali u xjentifiċi.

Grazzi għall-għeruq fondi tal-popolazzjoni rurali fiż-żona ta' produzzjoni, bl-esperjenza tradizzjonali tagħha, il-kapaċitajiet kulturali li għaddew minn ġenerazzjoni għall-oħra, ir-riċerka u l-ħidma dejjem għaddejja tal-użu tradizzjonali u t-tekniċi speċifiċi tal-kultivazzjoni, ilkoll ħolqu l-kundizzjonijiet sabiex it-“tuffieħa” ġiet konsolidata matul iż-żmien biex saret kif inhi llum, wirt storiku, tradizzjonali u kulturali tat-territorju kollu, kif ukoll il-bażi ekonomika tiegħu.

Illum, fil-fatt, tal-inqas 15 000 persuna minn popolazzjoni totali ta' 35 000 jaħdmu fil-qasam tal-produzzjoni tat-tuffieħ.

Għalhekk, ir-ritmu tal-ħajja tal-popolazzjoni taż-żona jimxi maċ-ċikli tal-produzzjoni tat-tuffieħa (b'mod partikolari meta joħroġ l-inwar, il-maturazzjoni u l-ħsad) u ħafna festi popolari, avvenimenti kulturali u konferenzi huma marbuta mat-tuffieħ u mas-sinifikat proprju tat-tkabbir tat-tuffieħ fl-agrikoltura integrata tal-muntanji, kemm għall-konservazzjoni tat-territorju kif ukoll tal-ambjent naturali u tat-tradizzjonijiet kulturali.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

It-temp frisk tar-Rebbiegħa, fl-ewwel fażijiet tal-iżvilupp tal-frott żgħir, jaġevolaw il-preżenza tal-ġibberellin naturali tal-pjanta. Dawn iwasslu għal multiplikazzjoni effiċjenti taċ-ċelluli u b'hekk jagħtu frotta partikolarment tqarmeċ u f'forma tawwalija naturali, li fil-varjetà tad-Delicious tiġi f'forma tipikament konika u ċatta.

L-irrigazzjoni razzjonali tipprevjeni l-istress tat-tkabbir u tagħti lok għat-tkabbir bilanċjat tal-qoxra u l-laħma, u b'hekk tiżgura li l-frotta tikber b'mod armonjuż matul is-Sajf, u tipproduċi, fil-każ tal-varjetajiet Delicious, qoxra partikolarment lixxa mingħajr difetti kkawżati minn qoxra ħamra ħoxna.

Barra minn hekk, il-klima Alpina (sħana bi nhar u ksieħ bil-lejl) tippermetti bilanċ bejn il-livell għoli ta' elementi fotosintetiċi li jsiru matul il-jum u l-livell baxx ta' zokkor li normalment jintilef matul il-lejl. Il-bilanċ huwa pożittiv ħafna, tant li t-telf taz-zokkor li jirriżulta mir-respirazzjoni tal-lejl, li huwa direttament proporzjonat mat-temperaturi ta' matul il-lejl, huwa ristrett ħafna minn klima li hija partikolarment friska anke matul l-iljieli sajfin.

L-iljieli li jkunu kważi dejjem ċari għandhom rwol vitali ieħor, li jkopri t-tkabbir u l-maturazzjoni tal-frott fin-nida ta' filgħodu, li hekk kif tkun qed tevapora bl-ewwel raġġi tax-xemx, tiffriska l-frotta, u tipproduċi reazzjoni adattata fil-qoxra, u tagħtiha ton roża fil-każ tal-Golden Delicious u r-Renetta Canada u lewn aħmar qawwi u jleqq għar-Red Delicious.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP):

Ir-rabtiet bejn il-fatturi eċċezzjonali deskritti hawn fuq huma tali li l-ambjent naturali u uman u l-klima tal-widien imsemmija jiffurmaw ħaġa waħda unika.

Dan għen biex inħoloq prodott tat-tuffieħ ta' distinzjoni għolja b'karatteristiċi organolettiċi u ta' kwalità uniċi li huma magħrufa ħafna u apprezzati, fejn it-tuffieħ “Mela Val di Non” kullimkien igawdi reputazzjoni għolja fost il-konsumaturi u l-kummerċjanti.

Fil-fatt, skont stħarriġ uffiċjali, it-tuffieħ “Mela Val di Non” ilu għexieren ta' snin jikkostitwixxi kategorija għalih.

Għandu jingħata importanza wkoll l-fatt li t-tuffieħ “Mela Val di Non” normalment iġib prezzijiet li fil-medja huma 20-25 % ogħla, u ċerti drabi anke 40-45 % ogħla, minn tuffieħ tal-istess daqs u kulur, jiġifieri tal-istess kategorija kummerċjali imma mkabbar xi mkien ieħor.

Barra minn hekk, kemm il-prezz li huwa relattivament dejjem ogħla mill-bqija, flimkien maż-żona tal-oriġini tat-tuffieħ, jitgawdew mit-tliet varjetajiet li għalihom qed tintalab il-protezzjoni DPO “Mela Val di Non”, jiġifieri Golden Delicious, Renetta Canada u Red Delicious.

Din il-varjabbiltà naturali tal-prodott, li tista' tiġi osservata fil-medda oġġettiva wiesgħa tar-riżultati analitiċi li jiddeskrivu l-kwalità tat-tuffieħ “Mela Val di Non”, hija kkaratterizzata mill-medja ta' kwalità goħla. Din tintgħaraf mill-konsumaturi, li huma lesti jħallsu konsiderevolment iktar għat-tuffieħ li jikber f'din iż-żona ta' produzzjoni.

Barra milli jiġu apprezzati mill-konsumaturi għall-kwalitajiet partikolari marbuta mal-ambjent, ir-rikonoxximent tat-tuffieħ “Mela Val di Non” jidher kullimkien fil-premji u ċertifikati ta' mertu li rebħu f'għadd kbir ta' fieri u wirjiet nazzjonali u internazzjonali.

Fil-qosor, dawn ir-riżultati ġejjin mit-tlaqqigħ ta’ diversi fatturi, li jirrigwardaw il-kultura, il-ħidma u l-attività ekonomika tal-abitanti taż-żona fil-proċess ta' produzzjoni tat-tuffieħ “Mela Val di Non”. Dan it-tlaqqigħ ħoloq rabta b'saħħitha bejn il-prodott u l-ambjent u, b'mod partikolari, ġab rabta “sentimentali” qawwija matul iż-żmien bejn in-nies tal-widien u din il-frotta eċċezzjonali.

Referenza Għall-Pubblikazzjoni Tal-Ispeċifikazzjoni:

Il-Gvern nieda l-proċedura ta' oġġezzjoni nazzjonali bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini tal-“Mela Val di Non” fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana Nru 253 tat-30 ta' Ottubru 2007.

It-test konsolidat tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fis-sit tal-internet li ġej: http://www.politicheagricole.it/DocumentiPubblicazioni/Search_Documenti_Elenco.htm?txtTipoDocumento=Disciplinare%20in%20esame%20UE&txtDocArgomento=Prodotti%20di%20Qualit%E0>Prodotti%20Dop,%20Igp%20e%20Stg

jew

billi wieħed jidħol direttament fil-paġna ewlenija tas-sit tal-internet tal-Ministeru (http://www.politicheagricole.it) u jikklikkja fuq “Prodotti di Qualità” (fuq ix-xellug tal-iskrin) u mbagħad fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE [regolamento (CE) n. 510/2006]”.