ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2009.195.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 195

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 52
19 ta' Awwissu 2009


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kunsill

2009/C 195/01

Opinjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Lujlu 2009 Dwar il-programm ta' stabbiltà aġġornat tas-Slovenja, 2008-2011

1

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni

2009/C 195/02

Awtorizzazzjoni tal-għajnuna Statali fil-qafas tad-Dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE – Fir-rigward ta' dawn il-każijiet il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjonijiet ( 1 )

6

2009/C 195/03

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li tħassar u tieħu post il-Komunikazzjoni Nru 178/05 tal-31 ta' Lulju 2009 dwar l-organizzazzjoni awtorizzata biex toħroġ iċ-ċertifikati tal-awtentiċità fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 620/2009

8

2009/C 195/04

Komunikazzjoni tal-kummissjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat ( 1 )

9

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni

2009/C 195/05

Rata tal-kambju tal-euro

21

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni

2009/C 195/06

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.5604 – Dong/Kom-Strom) ( 1 )

22

2009/C 195/07

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.5421 – Panasonic/Sanyo) ( 1 )

23

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kunsill

19.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/1


OPINJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Lujlu 2009

Dwar il-programm ta' stabbiltà aġġornat tas-Slovenja, 2008-2011

2009/C 195/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

TA DIN L-OPINJONI:

(1)

Fis-7 ta' Lulju 2009 l-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà aġġornat tas-Slovenja, li jkopri l-perijodu mill-2008 sal-2011.

(2)

It-tkabbir ekonomiku sod tas-Slovenja fis-snin reċenti, b'medja ta' 5 % fl-2004-2008, kien karatterizzat minn rendiment qawwi tal-esportazzjoni u l-investimenti. Billi l-ekonomija tagħha hija miftuħa ħafna, din intlaqtet sew mill-kriżi globali. L-attività bdiet tnaqqas sew matul l-2008, b'waqgħa qawwija fl-aħħar kwart. Fl-istess ħin, l-ekonomija wriet żieda fl-ispiża unitarja tax-xogħol. Barra minn hekk, filwaqt li kien sostnut minn żieda qawwija fl-impjiegi u l-pagi, il-konsum privat kien affettwat ħażin minn inflazzjoni għolja u tnaqqis fil-fiduċja tal-konsumatur. Bl-użu tal-ispazju għall-immanuvrar fiskali offrut minn żbilanċ u livelli ta' dejn moderati fil-bidu tal-kriżi, l-awtoritajiet adottaw miżuri biex isostnu l-ekonomija, bl-għan li tiġi stabbilizzata s-sistema finanzjarja, jitħarsu l-impjiegi u jissaħħaħ il-potenzjal għat-tkabbir, filwaqt li l-kumpanniji jibbenefikaw ukoll minn ħelsien mit-taxxa li ġiet deċiża qabel il-bidu tal-kriżi. Fl-istess ħin, minħabba l-bżonn ta' titjib tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, ittieħdu miżuri ta' konsolidazzjoni u ġie adottat iffrankar ulterjuri wara s-sottomissjoni tal-programm (fil-baġit supplimentari li ġie adottat mill-gvern fis-17 ta' Ġunju) biex jilqa’ għaż-żieda rapida fl-iżbilanċ tal-gvern, minn inqas minn 1 % tal-PDG fl-2008 għal iktar minn 5 % tal-PDG fl-2009 (madwar nofs id-deterjorament jirrifletti x-xogħol ta' stabbilizzaturi awtomatiċi). It-tneħħija tal-istimolu fiskali u r-ritorn għall-konsolidazzjoni baġitarja huma sfida ewlenija għall-quddiem, flimkien mal-bżonn ta' titjib tas-sostenibbiltà fit-tul permezz ta' riforma tas-sistema tal-pensjonijiet. Fil-dawl tal-iżviluppi reċenti fil-pagi u l-produttività, sfida oħra hija li titjieb il-kompetittività permezz ta' politiki adegwati dwar il-pagi u sforzi fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni li għandhom jgħinu biex tiżdied l-intensità teknoloġika tal-manifattura.

(3)

Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huwa msejjes il-programm jipprevedi li, wara l-espansjoni ta' 3,5 % fl-2008, il-PDG reali se jonqos b'4 % fl-2009 qabel ma jirkupra għal tkabbir pożittiv u li jkun qed jiżdied matul il-bqija tal-perijodu tal-programm. Meta vvalutat fid-dawl tat-tagħrif disponibbli bħalissa (2), l-iktar id-data tal-PDG reali għall-ewwel kwart tal-2009 li nħarġet wara s-sottomissjoni tal-programm, dan ix-xenarju jidher li huwa bbażat fuq preżunzjonijiet ta' tkabbir favorevoli. It-tkabbir ekonomiku fl-2009 jista' jkun iktar baxx milli pproġettat fil-programm u l-irkupru jista' jkun inqas evidenti fl-2010. Fid-dawl ta' dan ukoll, iż-żieda fil-qgħad tista' tkun xi ftit iktar mgħaġġla milli previst fl-aġġornament. Il-projezzjonijiet għall-inflazzjoni fil-programm, li hija mbassra li timmodera b'mod sinifikanti mill-ogħla punt tagħha fl-2008, jidhru realistiċi. L-aġġornament jipproġetta tidjiq iktar ċar tal-iżbilanċ estern minn dak previst mis-servizzi tal-Kummissjoni fl-2009 (minn 5,6 % tal-PDG fl-2008) fl-isfond ta' aġġustament sinifikanti 'l isfel fit-tkabbir fil-pagi tas-settur privat.

(4)

Skont in-notifika fiskali tar-rebbiegħa 2009, ir-riżultat għall-iżbilanċ tal-gvern ġenerali tal-2008 huwa stmat għal 0,9 % tal-PDG, f'konformità mal-mira stabbilita fl-aġġornament preċedenti tal-programm ta' stabbiltà, imma fl-isfond ta' inqas tkabbir fil-PDG milli mbassar (riżultat ta' 3,5 % kontra l-4,6 % ppjanat). L-eżekuzzjoni baġitarja kienet ikkaratterizzata minn infiq iżjed milli mbassar. Dan żamm milli tinqabeż il-mira għall-2008, li kien ikun possibbli fid-dawl ta' (i) ir-riżultat tal-2007 li kien ta' iktar minn punt perċentwali tal-PDG aħjar milli mistenni fil-programm preċedenti u (ii) tkabbir ta' dħul iktar qawwi fl-2008 milli kien ibbaġitjat. Id-dħul żdied b'7,1 % minflok b'6,4 % kif ippjanat, bi żviluppi pożittivi fit-taxxa fuq id-dħul personali, il-kontribuzzjonijiet soċjali u dħul mhux mit-taxxi. L-infiq żdied b'10,7 % minflok b'7,4 %, b'infiq aktar milli previst fl-investiment pubbliku, it-trasferimenti soċjali u l-kumpens tal-impjegati.

(5)

Skont il-programm aġġornat, l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali huwa mmirat li jiżdied b'mod sinifikanti fl-2009, għal 5,1 % tal-PDG, li jirrifletti x-xogħol tal-istabbilizzaturi awtomatiċi u diversi miżuri diskrezzjonarji kif ukoll id-dinamika qawwija ta' trasferimenti soċjali (speċjalment minn arranġamenti ta' indiċjar) u kumpens tal-impjegati (ġej mill-ftehim li jiġu indirizzati “d-disparitajiet fil-pagi”). Skont il-programm, il-miżuri li jsostnu l-ekonomija, stipulati fil-pakketti ta' stimolu tal-gvern kif ukoll miżuri espansjonarji meħuda qabel il-miġja tal-kriżi (l-iktar ħelsien mit-taxxa għall-kumpanniji), jitilgħu għal kważi 2 % tal-PDG. Fl-istess ħin, ġew adottati miżuri ta' konsolidazzjoni fil-forma ta' żieda fid-dazji tas-sisa u ffrankar fl-infiq fuq il-kont tal-pagi tas-settur pubbliku, konsum intermedju u investiment. Tal-aħħar tħabbru fil-programm ta' stabbiltà u wara ġew biss parzjalment ikkonfermati fil-baġit supplimentari. Il-programm ibassar twessigħ tal-iżbilanċ strutturali, jiġifieri l-iżbilanċ aġġustat ċiklikament li ma jinkludix il-miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn, b'1¼ punti perċentwali tal-PDG (ikkalkulat bil-metodoloġija maqbula komunement), li jipponta lejn qagħda fiskali espansjonarja.

(6)

L-istrateġija tal-programm għall-medda medja taż-żmien hija li jitnaqqas l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali matul il-perijodu tal-programm permezz ta' aġġustament fil-fażi inizjali, minn kemm kemm ’il fuq minn 5 % tal-PDG għal 3,4 % tal-PDG fl-2011. L-iżbilanċ ewlieni jitjieb kemm kemm iktar malajr minħabba żieda pproġettata fil-piż tal-imgħax. Il-programm jikkonferma l-objettiv tal-medda medja taż-żmien (MTO) għall-pożizzjoni baġitarja tas-Slovenja biex ikun hemm żbilanċ strutturali ta' 1 % tal-PDG imma, filwaqt li jbassar progress lejn l-MTO mill-2010 'l quddiem, ma jbassarx li se jintlaħaq l-MTO fi żmien il-perijodu tal-programm. Fid-dawl tal-għan ta' “irtirar tal-istimolu fiskali b'konformità mal-irkupru ekonomiku sal-2011”, il-konsolidazzjoni prevista taqa’ predominantement fuq in-naħa tal-infiq, immexxija minn tnaqqis fis-sussidji b'punt wieħed perċentwali tal-PDG bejn l-2009 u l-2011. L-iskema ta' sussidju tal-pagi għandha titneħħa gradwalment fl-2010 u l-miżuri ta' stimolu li jifdal fuq in-naħa tal-infiq jitneħħew gradwalment fl-2011. Iż-żieda pproġettata fil-piż tal-imgħax bi ¼ ta' punt perċentwali tal-PDG matul il-perijodu tal-programm jitpaċa bi tnaqqis fil-kumpens tal-impjegati bħala sehem mill-PDG. L-envelopp għal trasferimenti soċjali huwa ppjanat li jkun iffriżat sa tmiem l-2010 (fil-livell milħuq fl-ewwel nofs tal-2009).

Id-dħul huwa previst li jogħla b'madwar ½ punt perċentwali tal-PDG fl-2010. Il-proporzjon tad-dejn gross tal-gvern, bi stima ta' 22,8 % tal-PDG fl-2008, huwa pproġettat li jiżdied b'madwar 13,5 punti perċentwali matul il-perijodu tal-programm. Iż-żieda mdaqqsa fl-iżbilanċ primarju jammonta għal aktar minn nofs iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn imma l-effett valanga u aġġustament sinifikanti tal-fluss tal-istokk fl-2009 li jirrifletti r-rikapitalizzazzjonijiet u l-operazzjonijiet ta' likwidità biex jiġi sostnut is-settur finanzjarju jikkontribwixxu wkoll.

(7)

Ir-riżultati baġitarji fil-programm huma suġġetti għal riskji li jkunu inqas milli previsti tul il-perijodu tal-programm kollu. L-ewwel nett, it-tkabbir ekonomiku jista' jkun iktar baxx milli pproġettat fil-programm. It-tieni, kif issuġġerit mill-baġit supplimentari adottat wara li ntbagħat il-programm, l-iffrankar mill-infiq imħabbar fil-programm ta' stabbiltà għall-2009 dwar konsum intermedju u l-investiment jista' ma jkunx realizzat fis-sħiħ. Hemm ukoll riskji ta' nfiq aktar milli previst: pereżempju, it-trażżin ulterjuri mbassar fil-kont tal-pagi għadu jrid jiġi nnegozjat mal-imsieħba soċjali. Ukoll, tista' tkun diffiċli li tiġi żgurata t-treġġija lura ppjanata tal-miżuri ta' stimolu fuq in-naħa tal-infiq, li jikkonsistu l-iktar minn sussidji. It-tielet, b'żieda mal-impatt ta' tnaqqis possibbli fit-tkabbir ekonomiku, mill-2010 'l quddiem jista' jimmaterjalizza tnaqqis fid-dħul; speċjalment fit-taxxi indiretti. Finalment, il-garanziji mdaqqsa tal-gvern ipprovduti bħala parti mill-miżuri ta' sostenn tas-settur finanzjarju jikkostitwixxu riskju ulterjuri għall-miri baġitarji (l-infiq jiżdied jekk u meta l-garanziji jkollhom jitħallsu). Ir-riskji negattivi għall-miri baġitarji aggravati minn inċertezza dwar l-aġġustament tal-fluss tal-istokk jimplikaw li l-proporzjon tad-dejn jista' jogħla iktar malajr milli pproġettat fil-programm.

(8)

L-impatt baġitarju fit-tul tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fis-Slovenja huwa ferm ogħla mill-medja fl-UE, l-iktar b'riżultat ta' żieda pproġettata relattivament għolja fl-infiq fuq il-pensjonijiet bħala sehem mill-PDG tul id-deċennji li ġejjin. Il-pożizzjoni baġitarja fl-2008 stmata fil-programm, li hija agħar mill-pożizzjoni tal-bidu tal-programm preċedenti, aggravat il-ħsara tal-impatt baġitarju tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq il-lakuna tas-sostenibbiltà. It-tnaqqis tal-iżbilanċ primarju matul il-medda medja taż-żmien, kif imbassar fil-programm, u riforma ulterjuri tal-pensjonijiet immirata lejn trażżin fiż-żieda sostanzjali f'infiq relatat mal-età, b’mod partikolari billi jiġu inkoraġġiti ħajjiet itwal fix-xogħol, jgħinu biex jitnaqqsu r-riskji għoljin għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

(9)

Il-qafas baġitarju Sloven joffri ambitu għal titjib, speċjalment fil-qasam tal-kontroll tal-infiq fid-dawl tad-dipendenza tal-istrateġija ta' konsolidazzjoni fuq it-trażżin tal-infiq. Fl-istess ħin, l-effiċjenza u l-effettività tal-infiq pubbliku, inkluż fil-qasam tal-kura tas-saħħa, jistgħu jissaħħu sabiex jgħinu biex ikun żgurat li t-trażżin tal-infiq ma jikkompromettix il-livell tas-servizzi pprovduti. Biex jintlaħaq dan l-għan, il-gvern biħsiebu jintroduċi bbaġittjar ibbażat fuq ir-rendiment sa miċ-ċiklu baġitarju li jmiss (2010-2011) imma l-programm ma jipprovdix dettalji ta' kif dan se jsir fil-prattika.

(10)

Is-Slovenja adottat diversi miżuri biex tħares l-istabbiltà tas-settur finanzjarju. Fil-ħarifa tal-2008 ġiet introdotta garanziija bla limitu tal-gvern fuq id-depożiti bankarji tal-individwi. Barra minn hekk, il-gvern huwa intitolat li juża t-tipi ta' miżuri li ġejjin: (i) self lill- istituzzjonijiet ta' kreditu, kumpanniji ta' (ri)assikurazzjoni u kumpanniji tal-pensjonijiet, u investimenti fil-forma ta' valur proprjetarju fihom; (ii) garanziji governattivi lill-istituzzjonijiet ta' kreditu għar-rifinanzjament tal-operazzjonijiet; u (iii) xiri tal-pretensjonijiet mingħand istituzzjonijiet ta' kreditu. Dawn il-miżuri huma ppjanati li jitneħħew gradwalment sa tmiem l-2010. Il-massimu tal-volum kumplessiv tal-garanziji tal-gvern ġie stabbilit għal EUR 12 biljun (33 % tal-PDG). It-tieni sett ta' miżuri, adottat fil-bidu tal-2009, fih skema ta' garanzija mill-gvern għas-self tal-banek lill-intrapriżi u r-rikapitalizzazzjoni tal-Bank Sloven tal-Esportazzjoni u l-Iżvilupp u tal-Fond għall-Intraprenditorjat (li flimkien jammontaw għal 0,6 % tal-PDG). Finalment, il-gvern iddepożita temporanjament ir-rikavat ta' xi ħruġ ta' bonds reċenti mill-banek.

(11)

F’konformità mal-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku maqbul mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2008, is-Slovenja adottat żewġ pakketti ta' stimolu. Flimkien ma' ħelsien mit-taxxa li jgawdu minnu l-kumpanniji li ġiet deċiża qabel il-bidu tal-kriżi, il-miżuri ta' stimolu għandhom jitilgħu għal kważi 2 % tal-PDG u għandhom ikunu parzjalment iffinanzjati mill-miżuri ta' konsolidazzjoni mħabbra u diġà adottati. Abbażi tal-baġit supplimentari, l-impatt nett jammonta għal madwar 2 % tal-PDG. Il-miżuri jidhru li huma reazzjoni adegwata għat-tnaqqis ekonomiku peress li l-ispazju mħolli għal immanuvrar fiskali offrut mil-livelli moderati tal-iżbilanċ u tad-dejn qabel il-kriżi huwa mrażżan mill-isfidi ta' sostenibbiltà fit-tul.

Il-miżuri ta' stimolu jistgħu jitqiesu bħala f'waqthom u mmirati peress li jiffokaw fuq it-tnaqqis tad-deterjorament fis-suq tax-xogħol u jsaħħu l-potenzjal tat-tkabbir u l-kompetittività billi jistimolaw l-investiment f'teknoloġiji ġodda u r-riċerka u l-iżvilupp. It-tielet sett ta' miżuri, li jalloka mill-ġdid parti mill-fondi miż-żewġ pakketti preċedenti minħabba li kienu ftit li ħadu l-iskema ta' sussidju għall-pagi, ġie adottat mill-gvern wara li tressaq il-programm. Dan jipprevedi sostenn ulterjuri għas-suq tax-xogħol u trasferiment ta' somma f'daqqa lil individwi żvantaġġati. Il-miżuri ta' stimolu relatati mal-infiq (l-iktar mas-sussidji) huma maħsuba li jkunu temporanji - validi għal sena jew tnejn - imma l-miżuri li jifdal, inkluż, il-ħelsien tat-taxxa deċiż qabel, huma ta' natura permanenti. Investiment infrastrutturali li għaddej għandu jipprovdi sostenn ulterjuri għall-irkupru. Il-miżuri adottati mill-awtoritajiet huma relatati mal-aġenda ta’ riforma għal terminu medju u mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li ġew proposti mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Jannar 2009 skont l-Istrateġija ta’ Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi u approvati mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa fid-19 ta' Marzu.

(12)

Wara ż-żieda qawwija fl-2009 l-iżbilanċ huwa pproġettat li jiċkien gradwalment, speċjalment fl-2010. Meta jitqiesu r-riskji għall-miri baġitarji, l-iżbilanċ mhux se jinġieb lura għal taħt il-valur ta' referenza ta’ 3 % tal-PDG sa tmiem il-perijodu tal-programm (2011). L-iżbilanċ tal-2009 x'aktarx li jikber sostanzjalment, possibbilment sa punt fejn jaqbeż il-mira tal-programm. Il-qagħda baġitarja fil-programm fl-2010 u l-2011 ma tiżgurax titjib strutturali adegwat fid-dawl tal-isfida ta' sostenibbiltà fit-tul, sakemm ma tiġix segwita r-riforma tal-pensjonijiet u ma jiġux indirizzati r-riskji msemmija hawn fuq għall-miri baġitarji, b’mod partikolari billi jieqaf l-istimolu ladarba l-irkupru jibda jaqbad, jiġu implimentati miżuri ulterjuri ta' konsolidazzjoni u jiġi żgurat kontroll strett fuq l-infiq. Barra minn hekk, l-aġġustament previst fl-2011 għandu jitħaffef fid-dawl tat-tisħiħ ipproġettat tat-tkabbir ekonomiku.

(13)

Fir-rigward tar-rekwiżiti ta' data speċifikati fil-kodiċi tal-kondotta għall-programmi ta' stabbiltà u konverġenza, il-programm fih xi lakuni fid-data meħtieġa u dik fakultattiva (3).

Il-konklużjoni ġenerali hi li l-politika fiskali fis-Slovenja se tkun espansjonarja fl-2009 f'konformità mal-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku (PERE). Is-Slovenja adottat miżuri li jappoġġjaw l-ekonomija f'konformità mal-ispazju għall-immanuvrar offrut mil-livelli moderati tal-iżbilanċ u d-dejn fil-bidu tal-kriżi, li flimkien mal-ħelsien mit-taxxa li jgawdu minnha l-kumpanniji deċiża qabel il-bidu tal-kriżi, jidhru li huma reazzjoni adegwata għall-PERE. Dawn huma f'waqthom, immirati u parzjalment temporanji. Barra mis-sostenn għall-ekonomija u l-impjiegi, huma għandhom il-mira li jkabbru l-potenzjal tat-tkabbir u l-kompetittività billi jistimulaw l-investiment f'teknoloġiji ġodda u r-riċerka u l-iżvilupp. Fl-istess ħin, peress li l-ispazju għall-immanuvrar fiskali huwa limitat mill-isfida ta' sostenibbiltà fit-tul, ġew adottati miżuri ta' konsolidazzjoni biex jgħinu l-finanzjament tal-miżuri ta' stimolu. Il-programm iħabbar iffrankar addizzjonali għall-2009 li jidher li kien ikkonfermat biss parzjalment fil-baġit supplimentari adottat fis-17 ta' Ġunju. Minn hemm ’il quddiem, il-programm jippjana ritorn għal konsolidazzjoni fiskali, b'titjib fil-bilanċ strutturali primarju fl-2010 u, għalkemm f'livell iktar baxx, fl-2001, imma l-iżbilanċ mhux imbassar li jinżel taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG sa tmiem il-perijodu tal-programm. L-istrateġija baġitarja hija suġġetta għal riskji li tmur agħar milli previst, peress li t-tkabbir ekonomiku jista' jkun inqas milli pproġettat. Barra minn hekk, jista' jkun diffiċli li jiġu rritornati l-miżuri ta' stimolu u l-infiq żejjed ma jistax jiġi eskluż. Għalkemm il-proporzjon tad-dejn huwa baxx (avolja qiegħed jiżdied rapidament), is-Slovenja hija kkunsidrata f'riskju għoli għal dik li hija s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul minħabba l-impatt baġitarju sinifikanti pproġettat tat-tixjiħ tal-popolazzjoni.

Fid-dawl tal-valutazzjoni ta' hawn fuq, is-Slovenja hija mistiedna sabiex:

(i)

timplimenta l-miżuri ta' stimolu fl-2009 f'konformità mal-PERE u fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;

(ii)

tibda treġġa’ lura l-istimolu fiskali kif ippjanat fil-programm fl-2010 u wara timplimenta konsolidazzjoni sinifikanti permezz ta' miżuri konkreti; billi jsir dan, iżżomm kontroll strett fuq l-infiq tal-gvern, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tat-titjib ippjanat fil-qafas baġitarju;

(iii)

fid-dawl taż-żieda pproġettata fl-infiq marbut mal-età, ittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi billi tkompli tirriforma s-sistema tal-pensjonijiet, b’mod partikolari bil-ħsieb li tinkoraġġixxi ħajjiet itwal fix-xogħol.

Tqabbil tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju ewlieni

 

 

2007

2008

2009

2010

2011

PDG reali (% ta' bidla)

PS Apr 2009

6,8

3,5

-4,0

1,0

2,7

COM Rebbiegħa 2009

6,8

3,5

-3,4

0,7

m.d.

PS Nov 2007

5,8

4,6

4,1

4,5

m.d.

Inflazzjoni HICP (7) (%)

PS Apr 2009

3,6

5,7

0,4

1,6

2,6

COM Rebbiegħa 2009

3,8

5,5

0,7

2,0

m.d.

PS Nov 2007

3,4

3,5

2,8

2,6

m.d.

Lakuna fil-produzzjoni (4) (% tal-PDG potenzjali)

PS Apr 2009

4,7

4,4

-2,3

-3,5

-3,1

COM Rebbiegħa 2009

4,5

3,2

-1,3

-2,7

m.d.

PS Nov 2007

0,7

0,5

0,1

0,2

m.d.

Self/tislif nett meta mqabbel mal-bqija tad-dinja (% tal-PDG)

PS Apr 2009

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

COM Rebbiegħa 2009

-3,7

-5,6

-4,6

-4,4

n.a.

PS Nov 2007

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

m.d.

Bilanċ tal-gvern ġenerali (% tal-PDG)

PS Apr 2009

0,5

-0,9

-5,1

-3,9

-3,4

COM Rebbiegħa 2009

0,5

-0,9

-5,5

-6,5

m.d.

PS Nov 2007

-0,6

-0,9

-0,6

0,0

m.d.

Bilanċ primarju (% tal-PDG)

PS Apr 2009

1,8

0,2

-3,6

-2,2

-1,6

COM Rebbiegħa 2009

1,8

0,2

-3,9

-4,7

m.d.

PS Nov 2007

0,7

0,2

0,6

1,1

m.d.

Bilanċ aġġustat ċiklikament (5) (% tal-PDG)

PS Apr 2009

-1,6

-2,9

-4,1

-2,3

-2,0

COM Rebbiegħa 2009

-1,7

-2,5

-4,9

-5,2

m.d.

PS Nov 2007

-0,9

-1,1

-0,7

-0,1

m.d.

Bilanċ strutturali (6) (% tal-PDG)

PS Apr 2009

-1,6

-2,9

-4,1

-2,3

-2,0

COM Rebbiegħa 2009

-1,7

-2,5

-4,9

-5,2

m.d.

PS Nov 2007

-0,8

-1,0

-0,7

-0,1

m.d.

Dejn gross tal-gvern (% tal-PDG)

PS Apr 2009

23,4

22,8

30,5

34,1

36,3

COM Rebbiegħa 2009

23,4

22,8

29,3

34,9

m.d.

PS Nov 2007

25,6

24,7

23,8

22,5

m.d.

Programmi ta' stabbiltà (PS); It-tbassiriet tas-servizzi tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa 2009 (COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p 1, . Id-dokumenti msemmija f'dan it-test jinsabu fuq il-websajt li ġejja: http://ec.europa.eu/economy_finance/about/activities/sgp/main_en.htm

(2)  Il-valutazzjoni tqis b’mod partikolari t-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2009, imma wkoll tagħrif ieħor li sar disponibbli minn dak iż-żmien 'l hawn.

(3)  B’mod partikolari, ma ġietx ipprovduta data dwar tislif/self nett fir-rigward tal-bqija tad-dinja.

(4)  Lakuni fil-produzzjoni u bilanċi aġġustati ċiklikament skont il-programm kif ikkalkulati mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq il-bażi tat-tagħrif fil-programm.

(5)  Abbażi tat-tkabbir potenzjali stmat ta' 3,9 %, 4,9 %, 1,0 % u 2,2 % rispettivament fil-perijodu 2007-2010.

(6)  Miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra huma 0 skont l-iktar programm reċenti tat-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2009.

(7)  Għall-programmi qiegħda tintwera d-definizzjoni tas-CPI.

Sors:

Programmi ta' stabbiltà (PS); It-tbassiriet tas-servizzi tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa 2009 (COM); Kalkoli tas-servizzi tal-Kummissjoni.


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni

19.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/6


Awtorizzazzjoni tal-għajnuna Statali fil-qafas tad-Dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE

Fir-rigward ta' dawn il-każijiet il-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjonijiet

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2009/C 195/02

Data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni

2.7.2008

In-numru ta' referenza tal-għajnuna

N 847/06

Stat Membru

Is-Slovakkja

Reġjun

Západné Slovensko

Titolu (u/jew isem tal-benefiċjarju)

Samsung Electronics LCD Slovakia s.r.o.

Il-bażi legali

Zákon č. 231/1999 Z.z. o štátnej pomoci v znení neskorších predpisov; Zákon č. 565/2001 Z.z. o investičných stimuloch v platnom znení; Zákon č. 523/2004 Z.z. o rozpočtových pravidlách verejnej správy v znení neskorších predpisov; Zákon č. 595/2003 Z.z. o daniach z príjmov, v znení neskorších predpisov, § 52 ods. 4; Zákon č. 366/1999 Z.z. o daniach z príjmov v znení platnom k 31. decembru 2003, § 35b;. Výnos Ministerstva hospodárstva č. 1/2005 o poskytovaní dotácií v rámci právomoci Ministerstva hospodárstva; Vyhláška Ministerstva hospodárstva Slovenskej republiky č. 235/2002 Z.z., ktorou sa ustanovujú podrobnosti o náležitostiach žiadosti o poskytnutie investičných stimulov; Zákon č. 5/2004 Z.z. o službách zamestnanosti v znení neskorších predpisov, § 54.

It-tip tal-miżura

Għajnuna individwali

L-għan

Żvilupp reġjonali, Impjiegi

Il-forma tal-għajnuna

Għotja diretta, Vantaġġ fiskali

L-estimi

Baġit globali: SKK 2 314 miljun

L-intensità

21,97 %

It-tul ta' żmien

Setturi ekonomiċi

It-tagħmir elettriku u ottiku

Isem u indirizz tal-awtorità responsabbli mill-għajnuna

Ministerstvo hospodárstva Slovenskej republiky

Mierová 19

827 15 Bratislava 212

SLOVENSKO/SLOVAKIA

Ústredie práce, sociálnych vecí a rodiny

Špitálska ul. č. 8

812 67 Bratislava

SLOVENSKO/SLOVAKIA

Aktar informazzjoni

It-test tad-deċiżjoni fil-lingwa jew lingwi awtentika/awtentiċi, li minnu tneħħew il-partijiet kunfidenzjali kollha, jinsab fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/index.htm

Data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni

17.6.2009

In-numru ta' referenza tal-għajnuna

N 584/08

Stat Membru

Franza

Reġjun

Titolu (u/jew isem tal-benefiċjarju)

Régime d'aides aux énergies renouvelables de l'Agence pour le Développement et la Maîtrise de l'Energie 2009-2013

Il-bażi legali

Délibération du Conseil d'Administration de l'Agence pour le Développement et la Maîtrise de l'Energie no 08-5-4 du 9 octobre 2008: «Système d'aides aux énergies renouvelables 2009-2013». Loi du 15 juillet 2008 relative au développement économique régional

It-tip tal-miżura

Skema ta' għajnuna

L-għan

Il-ħarsien tal-ambjent

Il-forma tal-għajnuna

Għotja diretta

L-estimi

Baġit globali: 735 miljun EUR

L-intensità

It-tul ta' żmien

sal-31.12.2013

Setturi ekonomiċi

Is-setturi kollha

Isem u indirizz tal-awtorità responsabbli mill-għajnuna

Agence de l'Environnement et de la Maîtrise de l'Energie

20 avenue du Grésillé

BP 90406

49004 Angers Cedex 01

FRANCE

Aktar informazzjoni

It-test tad-deċiżjoni fil-lingwa jew lingwi awtentika/awtentiċi, li minnu tneħħew il-partijiet kunfidenzjali kollha, jinsab fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/community_law/state_aids/index.htm


19.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/8


Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li tħassar u tieħu post il-Komunikazzjoni Nru 178/05 tal-31 ta' Lulju 2009 dwar l-organizzazzjoni awtorizzata biex toħroġ iċ-ċertifikati tal-awtentiċità fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 620/2009

2009/C 195/03

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 617/2009 tat-13 ta' Lulju 2009, ippubblikat f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 182 tal-15 ta' Lulju 2009, infetħet kwota tariffarja għall-importazzjoni tal-laħam tal-bovini ta' kwalità għolja.

L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 620/2009 tat-13 ta’ Lulju 2009 jippreċiża li t-tqegħid fil-kummerċ ħieles tal-prodotti importati skont din il-kwota huwa soġġett għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat tal-awtentiċità.

L-awtoriità li ġejja hija awtorizzata toħroġ iċ-ċertifikati tal-awtentiċità fil-kuntest ta' dan ir-Regolament.

Food Safety and Inspection Service (FSIS) of the United States Department of Agriculture (USDA)

Washington D.C., 20250

UNITED STATES OF AMERICA


19.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/9


Komunikazzjoni tal-kummissjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2009/C 195/04

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Fil-laqgħat tiegħu tal-20 ta’ Marzu 2009 u tat-18 u tad-19 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill Ewropew ikkonferma l-impenn tiegħu għat-trawwim mill-ġdid tal-fiduċja u tal-funzjonament xieraq tas-suq finanzjarju, li hu prekondizzjoni essenzjali għall-irkupru mill-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali. Minħabba n-natura sistemika tal-kriżi u l-interkonnettività tas-settur finanzjarju, inbdew numru ta’ azzjonijiet fuq livell Komunitarju biex titrawwem mill-ġdid il-fiduċja fis-sistema finanzjarja, jiġi preservat is-suq intern u jiġi żgurat self lill-ekonomija (1).

(2)

Dawk l-inizjattivi jeħtieġu li jiġu kkomplementati b'azzjoni fil-livell tal-istituzzjonijiet finanzjarji individwali biex ikunu kapaċi jifilħu għall-kriżi attwali u jerġgħu jiksbu l-vijabbiltà fit-tul mingħajr ma jistrieħu fuq is-sostenn mill-Istat biex jeżegwixxu l-funzjoni tagħhom ta’ tislif fuq bażi aktar b’saħħitha. Il-Kummissjoni diġà qed tittratta numru ta’ każijiet ta’ għajnuna mill-Istat, li rriżultaw minn interventi mill-Istati Membri biex jevitaw problemi ta’ likwidità, solvibbiltà u self. Il-Kummissjoni pprovdiet gwida, fi tliet komunikazzjonijiet suċċessivi, dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat favur il-banek (2). Dawk il-komunikazzjonijiet għarfu li s-severità tal-kriżi ġġustifikat l-għoti ta’ għajnuna, li tista’ tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli skont l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u pprovdew qafas għall-għoti koerenti ta’ garanziji pubbliċi, miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni u miżuri ta’ salvataġġ ta’ assi indeboliti min-naħa tal-Istati Membri. Ir-raġunament prinċipali wara dawk ir-regoli hu li jiġi żgurat li l-miżuri ta’ salvataġġ jistgħu jiksbu bis-sħiħ l-għanijiet ta’ stabbiltà finanzjarja u żamma tal-flussi tal-kreditu, filwaqt li jiżguraw kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali bejn banek (3) li jinsabu fi Stati Membri differenti kif ukoll bejn banek li jirċievu u dawk li ma jirċievux sostenn pubbliku, jevitaw tlielaq għall-għoti ta’ sussidji li jagħmlu ħsara, jillimitaw il-periklu morali u jiżguraw il-kompetittività u l-effiċjenza tal-banek Ewropej fis-swieq Komunitarji u internazzjonali.

(3)

Ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat jipprovdu strument biex tiġi żgurata l-koerenza tal-miżuri meħuda minn dawk l-Istati Membri li ddeċidew li jaġixxu. Madankollu, id-deċiżjoni dwar jekk il-fondi pubbliċi jintużawx jew le, pereżempju biex banek jiġu protetti minn assi indeboliti, tibqa’ f’idejn l-Istati Membri. F’xi każijiet, l-istituzzjonijiet finanzjarji ser ikunu f’pożizzjoni li jaffaċċjaw il-kriżi attwali mingħajr aġġustament kbir jew għajnuna addizzjonali. F’każijiet oħrajn, l-għajnuna mill-Istat tista’ tkun neċessarja, fil-forma ta’ garanziji, rikapitalizzazzjoni jew salvataġġ ta’ assi indeboliti.

(4)

F’każ li istituzzjoni finanzjarja tkun irċeviet għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jridu jressqu pjan ta’ vijabbiltà jew pjan ta’ ristrutturar aktar fondamentali, biex jikkonfermaw jew jistabbilixxu mill-ġdid il-vijabbiltà għal tul ta’ żmien tal-banek individwali mingħajr ma jserrħu fuq is-sostenn mill-Istat. Diġà ġew stabbiliti kriterji biex jiġu stipulati l-kondizzjonijiet li taħthom bank jista’ jeħtieġ li jkun soġġett għal ristrutturar aktar sostanzjali, u meta jkunu meħtieġa miżuri biex ilaħħqu mad-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-għajnuna (4). Din il-Komunikazzjoni ma tbiddilx dawk il-kriterji. Hi tikkomplementahom, bil-ħsieb li ssaħħaħ il-prevedibbiltà u li tiżgura approċċ koerenti, billi tispjega kif il-Kummissjoni se tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar (5) mogħtija mill-Istati Membri lill-istituzzjonijiet finanzjarji fiċ-ċirkustanzi attwali tal-kriżi sistemika, taħt l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat.

(5)

Il-Komunikazzjoni Bankarja, il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u l-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti jfakkru l-prinċipji bażiċi stabbiliti fil-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta' impriżi f’diffikultà (6). L-ewwel nett dawk il-prinċipji jeħtieġu li l-għajnuna għar-ristrutturar twassal għar-ritorn għall-vijabbiltà tal-impriża fit-tul mingħajr l-għajnuna mill-Istat. Huma jeħtieġu wkoll li l-għajnuna għar-ristrutturar tiġi flimkien, safejn hu possibbli, ma’ qsim adekwat tal-piżijiet u ma’ miżuri biex jimminimizaw id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, li b’mod fondamentali, fuq tul ta’ żmien, idgħajfu l-istruttura u t-tħaddim tas-suq rilevanti.

(6)

L-integrità tas-suq intern u l-iżvilupp tal-banek madwar il-Komunità trid tkun konsiderazzjoni importanti fl-applikazzjoni ta’ dawk il-prinċipji; il-frammentazzjoni u l-qsim tas-suq iridu jiġu evitati. Il-banek Ewropej iridu jkunu f’pożizzjoni globali b’saħħitha fuq il-bażi tas-suq finanzjarju Ewropew uniku, hekk kif tingħeleb il-kriżi attwali. Il-Kummissjoni tafferma mill-ġdid ukoll il-ħtieġa biex il-bidla tiġi antiċipata u ġestita b’mod responsabbli mil-lat soċjali u tenfasizza l-ħtieġa ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttivi Komunitarji dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ impjegati li japplikaw taħt ċirkustanzi bħal dawn (7).

(7)

Din il-Komunikazzjoni tispjega kif il-Kummissjoni se teżamina l-għajnuna għar-ristrutturar tal-banek fil-kriżi attwali, billi tikkunsidra l-ħtieġa li jiġu modulati prattiċi tal-passat fid-dawl tan-natura u tal-iskala globali tal-kriżi, ir-rwol sistemiku tas-settur bankarju għall-ekonomija sħiħa u l-effetti sistemiċi li jistgħu jinħolqu mill-ħtieġa ta' numru ta' banek li jirristrutturaw fl-istess perjodu:

Il-pjan ta’ ristrutturar se jeħtieġ li jinkludi djanjożi profonda tal-problemi tal-bank. Biex jiġu mfassla strateġiji sostenibbli għar-ritorn għall-vijabbiltà, il-banek għaldaqstant ser ikunu meħtieġa li jwettqu testijiet ta’ simulazzjoni ta’ kriżi rigward in-negozju tagħhom. L-ewwel pass għar-ritorn għall-vijabbiltà jrid ikun ibbażat fuq parametri komuni li se jibnu, safejn hu possibbli, fuq metodoloġiji xierqa miftehma fil-livell tal-Komunità. Il-banek ser ikunu meħtieġa wkoll, fejn hu applikabbli, li jiżvelaw assi indeboliti (8)

Minħabba l-għan prinċipali ta’ stabbiltà finanzjarja u l-perspettiva ekonomika diffiċli prevalenti fil-Komunità kollha, se tingħata attenzjoni speċjali għat-tfassil ta’ pjan ta’ ristrutturar, u b’mod partikolari biex jiġi żgurat perjodu flessibbli u realistiku biżżejjed għall-passi ta' implimentazzjoni neċessarji. F’każ li l-implimentazzjoni immedjata ta’ miżuri strutturali ma tkunx possibbli minħabba ċ-ċirkustanzi fis-suq, iridu jiġu kkunsidrati salvagwardji intermedjarji fl-imġiba

Il-Kummissjoni, waqt li tibqa' tikkunsidra s-sitwazzjoni globali tas-settur finanzjarju, se tapplika l-prinċipju bażiku tat-tqassim xieraq tal-piżijiet bejn l-Istati Membri u l-banek benefiċjarji. Fejn ma jkunx mill-ewwel possibbli tqassim sinifikanti tal-piżijiet minħabba ċ-ċirkustanzi fis-suq fi żmien is-salvataġġ, dan irid jiġi indirizzat fi stadju ulterjuri tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar

Il-miżuri biex jillimitaw id-distorsjoni fil-kompetizzjoni minn bank li jiġi salvat fl-istess Stat Membru jew fi Stati Membri oħrajn iridu jitfasslu b’mod li jillimitaw kull żvantaġġ lil banek oħrajn filwaqt li jqisu l-fatt li n-natura sistemika tal-kriżi attwali ħtieġet intervent mill-Istat ta’ firxa vasta ħafna fis-settur

L-għoti ta’ għajnuna addizzjonali matul il-perjodu ta’ ristrutturar irid jibqa’ possibbiltà jekk ikun iġġustifikata minn raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja. Kwalunkwe għajnuna addizzjonali trid tibqa’ limitata għall-minimu meħtieġ biex tiġi żgurata l-vijabbiltà.

(8)

It-taqsima 2 tapplika għal każijiet fejn l-Istat Membru jkollu l-obbligu li jinnotifika pjan ta’ ristrutturar (9). Il-prinċipji li huma fil-bażi tat-taqsima 2 japplikaw b’analoġija għal każijiet fejn l-Istat Membru ma jkollux obbligu formali li jinnotifika pjan ta’ ristrutturar, iżda xorta waħda hu meħtieġ li juri l-vijabbiltà tal-bank benefiċjarju (10). Fil-każ tal-aħħar, u minbarra sitwazzjonijiet fejn ikun hemm dubji, normalment il-Kummissjoni titlob għal informazzjoni inqas dettaljata (11). Fil-każ ta’ dubju, il-Kummissjoni se tfittex, b’mod partikolari, provi ta’ testijiet xierqa ta’ simulazzjoni ta’ kriżi, skont il-punt 13, u ta’ validazzjoni tar-riżultati tat-testijiet ta’ simulazzjoni ta’ kriżi mill-awtorità nazzjonali kompetenti. It-taqsimiet 3, 4 u 5 japplikaw biss għall-każijiet fejn l-Istat Membru jkollu l-obbligu li jinnotifika pjan ta’ ristrutturar. It-taqsima 6 tirrigwarda l-portata temporali ta’ din il-Komunikazzjoni u tapplika kemm għall-Istati Membri li huma meħtieġa li jinnotifikaw pjan ta’ ristrutturar għall-benefiċjarju tal-għajnuna kif ukoll għall-Istati Membri li huma meħtieġa biss li juru l-vijabbiltà tal-benefiċjarji tal-għajnuna.

2.   RITORN GĦALL-VIJABBILTÀ GĦAL TUL TA’ ŻMIEN

9)

Fejn, fuq il-bażi tal-gwida jew ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, Stat Membru jkollu obbligu li jippreżenta pjan ta’ ristrutturar (12), dak il-pjan irid ikun komprensiv, dettaljat u bbażat fuq kunċett koerenti. Irid juri kif il-bank se jirritorna għall-vijabbiltà fit-tul mingħajr għajnuna mill-Istat malajr kemm jista’ jkun (13). In-notifika ta’ kull pjan ta’ ristrutturar trid tinkludi paragun ma’ għażliet alternattivi, inklużi diviżjoni, jew assorbiment minn bank ieħor, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta (14) jekk hemmx soluzzjonijiet orjentati aktar lejn is-suq b’inqas spejjeż jew li jikkawżaw inqas distorsjoni li huma konsistenti mal-manteniment tal-istabbiltà finanzjarja. Fil-każ li l-bank ma jistax jirritorna għall-vijabbiltà, il-pjan ta’ ristrutturar irid jindika kif jista’ jiġi stralċjat b’mod organizzat.

(10)

Il-pjan ta’ ristrutturar irid jidentifika x’qed joħloq id-diffikultajiet tal-bank u d-dgħjufijiet tal-bank innifsu u jrid jiddeskrivi kif il-miżuri ta’ ristrutturar proposti ser isolvu l-problemi bażiċi tal-bank.

(11)

Il-pjan ta’ ristrutturar irid jipprovdi informazzjoni dwar il-mudell ta’ negozju tal-benefiċjarju, inkluż, b’mod partikolari, dwar l-istruttura ta’ organizzazzjoni tiegħu, il-finanzjament (li juri l-vijabbiltà tal-istruttura ta’ finanzjament għal perjodu qasir jew twil (15), il-governanza tal-kumpanija (li turi prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess kif ukoll il-bidliet amministrattivi meħtieġa (16), il-ġestjoni tar-riskju (inklużi l-iżvelar ta’ assi indeboliti u l-proviżjoni prudenti għal assi li huma mistennija li mhux ser irendu), u l-ġestjoni tal-assi u tal-passiv, il-ħolqien ta’ likwidità (li trid tilħaq livelli suffiċjenti mingħajr is-sostenn mill-Istat), l-impenji li ma jinsabux fil-karta tal-bilanċ (li juru s-sostenibbilità u l-konsolidazzjoni tagħhom meta l-bank ikollu esponiment sinifikanti (17), il-leveraging, l-adekwatezza attwali u prospettiva tal-kapital skont ir-regolament ta’ superviżjoni applikabbli (ibbażata fuq valutazzjoni prudenti u forniment adekwat), u l-istruttura ta’ inċentivi permezz ta’ rimunerazzjoni (18), li turi kif il-profitabbiltà fit-tul tal-benefiċjarju hija promossa).

(12)

Il-vijabbiltà ta’ kull attività tan-negozju u ċentru ta’ profitt trid tiġi analizzata, bit-tqassim neċessarju. Ir-ritorn għall-vijabbiltà tal-bank irid jiġi prinċipalment minn miżuri interni. Jista’ jkun ibbażat fuq fatturi esterni bħal varjazzjonijiet fil-prezzijiet u domanda li fuqhom l-impriża ma jkollhiex influwenza kbira, iżda biss jekk il-preżunzjonijiet tas-suq ikunu ġeneralment rikonoxxuti. Ir-ristrutturar jeħtieġ li jiġu abbanduntati attivitajiet li mill-istruttura tagħhom iwasslu għal telf f’perjodu ta’ żmien medju.

(13)

Il-vijabbiltà għal tul ta’ żmien tinkiseb meta bank ikun kapaċi jkopri l-ispejjeż kollha tiegħu, inklużi d-deprezzament u l-piżijiet finanzjarji u jipprovdi rendiment xieraq għall-ekwità, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-profil ta’ riskju tal-bank. Il-bank ristrutturat irid ikun kapaċi jikkompeti fis-suq għall-kapital bil-kapaċitajiet tiegħu stess, b’konformità mal-ħtiġijiet regolatorji rilevanti. Ir-riżultati mistennija tar-ristrutturar ippjanat jeħtieġ li jintwerew taħt xenarju ta’ każ bażi kif ukoll taħt xenarji ta’ “simulazzjoni ta’ kriżi”. Biex dan iseħħ, il-pjanijiet ta’ ristrutturar iridu jikkunsidraw, fost affarijiet oħrajn, l-istat attwali tas-swieq finanzjarji u kif ukoll il-prospetti futuri tagħhom, li jirriflettu preżunzjonijiet ta’ każ bażi u tal-agħar kondizzjonijiet. It-testijiet ta’ simulazzjoni ta’ kriżi jridu jikkunsidraw għadd ta’ xenarji, inklużi taħlita ta’ avvenimenti ta’ kriżi u reċessjoni globali fit-tul. Il-preżunzjonijiet iridu jitqabblu ma’ għanijiet approprjati li huma mifruxa mas-settur kollu, emendati b’mod adekwat biex jikkunsidraw l-elementi l-ġodda tal-kriżi attwali fis-swieq finanzjarji. Il-pjan irid jinkludi miżuri biex jindirizzaw ħtiġijiet possibbli li joħorġu mit-testijiet ta’ simulazzjoni ta’ kriżi. It-testijiet ta’ simulazzjoni ta’ kriżi jridu jkunu bbażati, safejn hu possibbli, fuq parametri komuni miftehma fuq livell Komunitarju (bħal metodoloġija żviluppata mill-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej) u, fejn ikun xieraq, adattati biex ilaħħqu ma’ ċirkustanzi speċifiċi għall-pajjiż u għall-bank.

(14)

Fil-kriżi attwali l-gvernijiet irrikapitalizzaw il-banek fuq termini magħżula primarjament għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja minflok għal rendiment li kien ikun aċċettabbli għall-investitur privat. B’hekk il-vijabbiltà għal tul ta’ żmien teħtieġ li kull għajnuna mill-Istat li ġiet irċevuta jew tingħata lura matul maż-żmien, hekk kif previst fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna, jew tiġi rrimunerata skont il-kondizzjonijiet normali tas-suq, u b’hekk jiġi żgurat li kull forma ta’ għajnuna mill-Istat addizzjonali tintemm. Peress li t-Trattat hu newtrali dwar il-proprjetà tal-beni, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw irrispettivament minn jekk bank ikunx proprjetà privata jew proprjetà pubblika.

(15)

Filwaqt li l-perjodu ta’ ristrutturar irid ikun qasir kemm jista’ jkun ħalli jkun hemm ritorn għall-vijabbiltà malajr kemm jista’ jkun, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-kondizzjonijiet tal-kriżi attwali u b’hekk tista’ tippermetti li xi miżuri strutturali jitlestew matul perjodu itwal minn dak li ġeneralment huwa l-każ, b’mod partikolari biex jiġi evitat tnaqqis fis-swieq minħabba bejgħ ta’ emerġenza (19). Madankollu, ir-ristrutturar irid jiġi implimentat malajr kemm jista’ jkun u ma jridx idum aktar minn ħames snin (20) biex ikun effettiv u jippermetti ritorn kredibbli għall-vijabbiltà tal-bank ristrutturat.

(16)

Jekk, għar-ritorn għall-vijabbiltà, matul il-perjodu ta’ ristrutturar tkun meħtieġa għajnuna addizzjonali li ma kinetx prevista inizjalment fil-pjan ta’ ristrutturar notifikat, din trid tkun soġġetta għal notifika ex ante individwali u kwalunkwe għajnuna addizzjonali bħal din trid tiġi kkunsidrata fid-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni.

Vijabbiltà permezz tal-bejgħ ta’ bank

(17)

Il-bejgħ ta’ bank f’diffikultà lil istituzzjoni finanzjarja oħra jista’ jikkontribwixxi għar-ritorn għall-vijabbiltà għal tul ta’ żmien, dejjem jekk ix-xerrej ikun vijabbli u kapaċi jassorbi t-trasferiment tal-bank f’diffikultà u jista’ jgħin fit-trawwim mill-ġdid tal-fiduċja fis-suq. Jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-konsolidazzjoni tas-settur finanzjarju. Għal dan il-għan, ix-xerrej irid juri li l-entità integrata se tkun vijabbli. Fil-każ ta’ bejgħ, jeħtieġ li jiġu rispettati wkoll il-ħtiġijiet ta’ vijabbiltà, il-kontribuzzjoni proprja u l-limitazzjonijiet tad-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni.

(18)

Ġeneralment irid jiġi żgurat proċess ta’ bejgħ kompetittiv li hu trasparenti, oġġettiv, inkondizzjonat u mhux diskriminatorju biex jingħataw opportunitajiet indaqs lill-offerenti potenzjali kollha (21).

(19)

Barra minn hekk, bla ħsara għas-sistema tal-kontroll tal-amalgamazzjonijiet li tista’ tkun applikabbli, u filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-bejgħ ta’ bank f’diffikultà li hu megħjun lil kompetitur jista’ jikkontribwixxi għar-ritorn għall-vijabbiltà għal tul ta’ żmien u jirriżulta f’konsolidazzjoni ikbar tas-settur finanzjarju, fejn tali bejgħ jirriżulta prima facie f’impediment sinifikanti għal-kompetizzjoni effettiva, ma għandux ikun permess sakemm id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni ma jiġux indirizzati minn rimedji xierqa flimkien mal-għajnuna.

(20)

Il-bejgħ ta’ bank jista’ jinvolvi wkoll għajnuna mill-Istat lix-xerrej u/jew lill-attività mibjugħa (22). Jekk il-bejgħ ikun organizzat permezz ta’ offerta kompetittiva miftuħa u inkondizzjonata u l-assi jingħataw lilll-ogħla offerent, il-prezz tal-bejgħ hu kkunsidrat li hu l-prezz tas-suq u jista’ jiġi eskluż li hemm għajnuna lix-xerrej (23). Jekk il-bejjiegħ ikollu jsostni spejjeż ogħla fl-eventwalità ta’ likwidazzjoni (24), prezz negattiv tal-bejgħ (jew sostenn finanzjarju biex jagħmel tajjeb għal prezz negattiv bħal dan) jista’ jiġi aċċettat b’mod eċċezzjonali bħala li ma jinvolvix għajnuna mill-Istat. Għall-kalkolu tal-ispiża tal-likwidazzjoni f’ċirkustanzi bħal dawn, il-Kummissjoni se tikkunsidra biss dawk il-piżijiet li kien jassumi investitur f’ekonomija tas-suq (25). Dan jeskludi passiv li jirriżulta minn għajnuna mill-Istat (26).

(21)

F’każ li bank ma jistax jirritorna b’mod kredibbli għal vijabbiltà fit-tul, irid dejjem jiġi kkunsidrat l-istralċ b’mod organizzat jew l-irkant ta’ bank fallut. Il-gvernijiet iridu dejjem iħeġġu l-ħruġ mis-suq ta’ operaturi mhux vijabbli, filwaqt li jippermettu li l-proċess ta’ ħruġ iseħħ f’perjodu xieraq li jippreżerva l-istabbiltà finanzjarja. Il-Komunikazzjoni Bankarja tipprovdi għal proċedura li fil-qafas tagħha jrid iseħħ stralċ b’mod organizzat bħal dan (27). L-akkwist tal-assi u tal-passiv “tajbin” ta’ bank f’diffikultà jista’ wkoll jiġi kkunsidrat bħala għażla għal bank b’saħħtu peress li jista’ jkun mod effettiv mil-lat tal-ispejjeż biex iżid id-depożiti u jibni relazzjonijiet ma’ entitajiet li jisselfu li tista’ tafdahom. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ “bank tajjeb” awtonomu minn taħlita tal-assi u passiv “tajbin” ta’ bank eżistenti jista’ jkun triq aċċettabbli għall-vijabbiltà, sakemm din l-entità l-ġdida ma tkunx f’pożizzjoni li twassal għal distorsjoni indebita fil-kompetizzjoni.

3.   IL-KONTRIBUZZJONI PROPRJA MILL-BENEFIĊJARJU (QSIM TAL-PIŻ)

(22)

Biex jiġu limitati d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u biex jiġi affaċċjat periklu morali, l-għajnuna trid tkun limitata għall-minimu neċessarju u l-benefiċjarju tal-għajnuna irid jipprovdi kontribuzzjoni proprja għall-ispejjeż ta’ ristrutturar. Il-bank u d-detenturi tal-kapital tagħha jridu jikkontribwixxu kemm jista’ jkun għar-ristrutturar bir-riżorsi proprji tagħhom. Dan hu neċessarju biex jiġi żgurat li banek salvati jġorru responsabbiltà adekwata għall-konsegwenzi tal-imgiba tagħhom fil-passat u biex jinħolqu inċentivi xierqa għall-imġiba futura tagħhom.

Limitazzjoni tal-ispejjeż ta’ ristrutturar

(23)

L-għajnuna għar-ristrutturar trid tkun limitata biex tkopri l-ispejjeż li huma neċessarji għar-ritorn għall-vijabbiltà. Dan ifisser li impriża ma għandhiex tibbenefika minn riżorsi pubbliċi li jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw attivitajiet li joħolqu distorsjoni fis-suq u li mhumiex marbuta mal-proċess ta’ ristrutturar. Pereżempju, l-akkwisti ta’ ishma minn impriżi oħrajn jew investimenti ġodda ma jistgħux ikunu finanzjati permezz ta’ għajnuna mill-Istat sakemm dan mhux essenzjali għar-ritorn għall-vijabbiltà tal-impriża (28).

Limitazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna, kontribuzzjoni proprja sinifikanti

(24)

Biex l-ammont tal-għajnuna jiġi limitat għall-minimu neċessarju, l-ewwel il-banek iridu jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom biex jiffinanzjaw ir-ristrutturar. Dan jista’ jinvolvi, pereżempju, il-bejgħ ta’ assi. Is-sostenn mill-Istat irid jingħata fuq termini li jirrappreżentaw qsim xieraq tal-piżijiet tal-ispejjeż (29). Dan ifisser li l-ispejjeż assoċjati mar-ristrutturar mhux biss jitħallsu mill-Istat iżda wkoll minn dawk li investew fil-bank, billi jassorbu t-telf b’kapital disponibbli u billi jħallsu rimunerazzjoni xierqa għall-interventi mill-Istat (30). Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li mhuwiex xieraq li jiġu ffissati ex ante limiti dwar il-qsim tal-piżijiet fil-kuntest tal-kriżi sistemika attwali, fid-dawl tal-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kapital privat u r-ritorn għall-kondizzjonijiet normali tas-suq.

(25)

Kwalunkwe deroga minn qsim xieraq tal-piżijiet ex ante li setgħat ingħatat b’mod eċċezzjonali fil-fażi tas-salvataġġ għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja trid tagħmel tajjeb għaliha kontribuzzjoni addizzjonali fi stadju ulterjuri tar-ristrutturar, pereżempju fil-forma ta’ klawżoli ta’ restituzzjoni u/jew ristrutturar aktar estiż, inklużi miżuri addizzjonali biex jillimitaw id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni (31).

(26)

Il-banek iridu jkunu kapaċi jirrimuneraw il-kapital, inkluż fil-forma ta’ dividendi u kupuni fuq dejn subordinat li jkun għadu dovut, mill-profitti ġenerati bl-attivitajiet tagħhom. Madankollu, meta dawk l-attivitajiet ma jiġġenerawx biżżejjed profitti, il-banek ma għandhomx jużaw l-għajnuna mill-Istat biex jirremuneraw il-fondi proprji (ekwità u dejn subordinat). Għalhekk, f’kuntest ta’ ristrutturar, it-tpaċija diskrezzjonali tat-telf (pereżempju billi jirrilaxxaw xi riżervi jew inaqqsu l-ekwità) minn banek benefiċjarji biex jiġi garantit il-ħlas ta’ dividendi u kupuni fuq dejn subordinat li jkun għadu dovut, fil-prinċipju mhix kompatibbli mal-għan tal-qsim tal-piżijiet (32). Din tista’ teħtieġ li tiġi bbilanċjata billi jiġu żgurati l-kapaċità ta’ finanzjament mill-ġdid tal-bank u l-inċentivi ta’ ħruġ (33). Fl-interessi tal-promozzjoni tal-iffinanzjar mill-ġdid mill-bank benefiċjarju, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra b’mod favorevoli l-ħlas ta’ kupuni fuq strumenti mħallta ta’ kapital maħruġa ġodda li jkollhom preċedenza fuq dejn subordinat li diġà jeżisti. Fi kwalunkwe każ, normalment il-banek m’għandhomx jitħallew jakkwistaw l-ishma tagħhom matul il-fażi ta’ ristrutturar.

(27)

L-għoti ta’ għajnuna addizzjonali matul il-perjodu ta’ ristrutturar irid jibqa’ possibbiltà jekk ikun iġġustifikat minn raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja. Kwalunkwe għajnuna addizzjonali trid tibqa’ limitata għall-minimu meħtieġ biex tiġi żgurata l-vijabbiltà.

4.   LIMITAZZJONI TAD-DISTORSJONIJIET FIL-KOMPETIZZJONI U GARANZIJA TA’ SETTUR BANKARJU KOMPETITTIV

Tipi ta’ distorsjonijiet

(28)

Filwaqt li l-għajnuna mill-Istat tista’ ssostni l-istabbiltà finanzjarja fi żmien ta’ kriżi sistemika, b’effetti pożittivi usa’, hija madankollu tista’ toħloq distorsjonijiet fil-kompetizzjoni b’bosta modi. Meta l-banek jikkompetu abbażi tal-merti tal-prodotti u tas-servizzi tagħhom, dawk li jakkumulaw riskju eċċessiv u/jew iserrħu fuq mudelli ta’ negozju li mhumiex sostennibbli fl-aħħar mill-aħħar jitilfu s-sehem tas-suq u, possibbilment, joħorġu mis-suq filwaqt li kompetituri li huma aktar effiċjenti jespandu jew jidħlu fis-swieq ikkonċernati. L-għajnuna mill-Istat ittawwal id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni maħluqa fil-passat minn teħid eċċessiv ta’ riskju u mudelli ta’ negozju li mhumiex sostennibbli billi ssostni b’mod artifiċjali s-setgħa tas-suq tal-benefiċjarji. B’dan il-mod tista’ toħloq periklu morali għall-benefiċjarji, filwaqt li ddgħajjef l-inċentivi għal dawk li mhumiex benefiċjarji biex jikkompetu, jinvestu u jinnovaw. Fl-aħħar nett, l-għajnuna mill-Istat tista’ tagħmel ħsara lis-suq uniku billi tittrasferixxi sehem inġust tal-piż tal-aġġustament strutturali u tal-problemi soċjali u ekonomiċi assoċjati lil Stati Membri oħrajn, filwaqt li fl-istess ħin toħloq ostakli għad-dħul u timmina l-inċentivi għall-attivitajiet transkonfinali.

(29)

L-istabbiltà finanzjarja tibqa’ l-għan primarju tal-għajnuna għas-settur finanzjarju fi kriżi sistemika, iżda s-salvagwardjar tal-istabbiltà sistemika għal perjodu qasir ma jridx jirrizulta fi ħsara għal perjodu itwal għall-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali jew għas-swieq kompetittivi. F’dan il-kuntest, il-miżuri biex jillimitaw id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni minħabba l-għajnuna mill-Istat għandhom rwol importanti, fost affarijiet oħrajn, għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel, il-banek madwar il-Komunità ntlaqtu mill-kriżi bi grad differenti ħafna u l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar tal-banek f’diffikultà tista’ tagħmel ħsara lill-pożizzjoni ta’ banek li baqgħu fundamentalment b’saħħithom, bil-possibbiltà ta’ effetti negattivi għall-istabbiltà finanzjarja. F’sitwazzjoni ta’ kriżi finanzjarja, ekonomika u baġitarja, id-differenzi bejn l-Istati Membri f'termini ta' riżorsi disponibbli għall-intervent mill-Istat jikbru u jkunu ta’ ħsara għall-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali fis-suq uniku. It-tieni, interventi nazzjonali fil-kriżi attwali, minnhom infushom, ikollhom tendenza li jiffokaw fuq is-swieq nazzjonali u b’hekk jipperikolaw serjament li jwasslu għal protezzjoni fi ħdan il-konfini nazzjonali u għal frammentazzjoni tas-suq uniku. Il-preżenza fis-suq tal-benefiċjarji tal-għajnuna trid tiġi valutata bil-ħsieb li tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva u li jiġu impediti setgħa tas-suq, ostakli għad-dħul u diżinċentivi għal attivitajiet transkonfinali għad-detriment tan-negozji u tal-konsumaturi Ewropej. It-tielet, l-iskala attwali tal-intervent pubbliku neċessarju għall-istabbiltà finanzjarja u l-limiti possibbli għall-qsim normali tal-piżijiet jistgħu biss joħolqu periklu morali li hu saħansitra akbar u li jeħtieġ li jiġi korrett kif xieraq biex jiġi impedit li inċentivi perversi u mġiba eċċessivament riskjuża jerġgħu jinħolqu fil-ġejjieni u biex titwitta t-triq għal ritorn ta’ malajr għall-kondizzjonijiet normali tas-suq mingħajr sostenn mill-Istat.

Applikazzjoni ta’ miżuri effettivi u proporzjonati li jillimitaw id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni

(30)

Il-miżuri biex jillimitaw id-distorsjoni fil-kompetizzjoni jridu jitfasslu b’mod speċifiku biex jaffaċċjaw id-distorsjonijiet identifikati fis-swieq fejn il-bank benefiċjarju jopera wara r-ritorn tiegħu għal-vijabbiltà wara r-ristrutturar, filwaqt li fl-istess ħin jaderixxu ma’ politika u prinċipji komuni. Il-Kummissjoni tieħu bħala punt ta' tluq għal-valutazzjoni tagħha tal-bżonn ta’ miżuri bħal dawn, id-daqs, l-iskala u l-ambitu tal-attivitajiet li l-bank inkwistjoni jkollu wara l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar kredibbli kif previst fit-taqsima 2. Skont in-natura tad-distorsjoni fil-kompetizzjoni, din tista’ tiġi indirizzata permezz ta’ miżuri fir-rigward tal-passiv u/jew fir-rigward tal-assi (34). In-natura u l-forma ta’ miżuri bħal dawn se jiddependu fuq żewġ kriterji: l-ewwel, l-ammont tal-għajnuna u l-kondizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li taħthom ingħatat u, it-tieni, il-karatteristiċi tas-suq jew tas-swieq li fuqhom se jopera l-bank benefiċjarju.

(31)

Dwar l-ewwel kriterju, il-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet ser ivarjaw b’mod sinifikanti skont l-ammont tal-għajnuna kif ukoll il-grad tal-qsim tal-piżijiet u l-livell tal-prezzijiet. F’dan il-kuntest, l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat se jiġi valutat kemm f’termini assoluti (l-ammont tal-kapital irċevut, l-element tal-għajnuna f’garanziji u miżuri ta’ salvataġġ tal-assi) kif ukoll b’relazzjoni mal-assi tal-bank bil-piż differenzjat skont ir-riskju. Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-ammont totali tal-għajnuna mogħtija lill-benefiċjarju inkluż kwalunkwe tip ta’ għajnuna ta’ salvataġġ. Bl-istess mod, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-ammont tal-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju u l-qsim tal-piżijiet matul il-perjodu ta’ ristrutturar. Ġeneralment, fejn il-qsim tal-piżijiet ikun ikbar u l-kontribuzzjoni proprja tkun ogħla, ikun hemm inqas konsegwenzi negattivi li jirriżultaw mill-periklu morali. B’hekk titnaqqas il-ħtieġa għal aktar miżuri (35).

(32)

Dwar it-tieni kriterju, il-Kummissjoni se tanalizza l-effetti probabbli tal-għajnuna fuq is-swieq fejn il-bank benefiċjarju jopera wara r-ristrutturar. L-ewwel nett, se jiġu eżaminati d-daqs u l-importanza relattiva tal-bank fis-suq jew fis-swieq tiegħu, wara li jkun irritorna għal-vijabbiltà. Jekk il-preżenza li fadal fis-suq tal-bank ristrutturat tkun limitata, x’aktarx mhux ser ikun hemm bżonn ta’ restrizzjonijiet addizzjonali, fil-forma ta' ċessjonijiet jew impenji rigward l-imġiba. Il-miżuri se jitfasslu skont il-karatteristiċi tas-suq (36) biex jiġi żgurat li tiġi preżervata kompetizzjoni effettiva. F’ċerti oqsma, iċ-ċessjonijiet jistgħu joħolqu konsegwenzi gravi u jista’ jkun li ma jkunux meħtieġa biex jinkisbu r-riżultati mixtieqa, f’liema każ il-limitazzjoni ta’ tkabbir organiku tista’ tkun preferuta għaċ-ċessjonijiet. F’oqsma oħrajn, speċjalment dawk li jinvolvu swieq nazzjonali b’ostakli ogħla għad-dħul, iċ-ċessjonijiet jistgħu jkunu meħtieġa biex jippermettu dħul jew espansjoni tal-kompetituri. Il-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni ma jridux jippreġudikaw il-prospetti tar-ritorn tal-bank għall-vijabbiltà.

(33)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni lir-riskju li miżuri ta’ ristrutturar jistgħu jimminaw is-suq intern u se tikkunsidra b’mod pożittiv il-miżuri li jgħinu sabiex jiġi żgurat li s-swieq nazzjonali jibqgħu miftuħin u jistgħu jkunu kkontestati. Filwaqt li għajnuna tingħata biex tinżamm stabbiltà finanzjarja u self lill-ekonomija reali fl-Istat Membru li qed jagħmel l-għotja, fejn din l-għajnuna tkun kondizzjonata wkoll fuq ir-rispett mill-bank benefiċjarju ta’ ċerti miri ta' self fl-Istati Membri barra minn l-Istat li jagħti l-għajnuna, din tista’ tiġi kkunsidrata bħala effett pożittiv addizzjonali importanti tal-għajnuna. Dan ser ikun partikolarment il-każ fejn il-miri tas-self ikunu sostanzjali meta mqabbla ma’ ipoteżi ta’ sitwazzjoni kuntrarja kredibbli, fejn il-kisba ta’ miri bħal dawn tkun soġġetta għal monitoraġġ adegwat (pereżempju, permezz ta’ kooperazzjoni bejn is-superviżuri lokali u dawk tal-Istat ospitanti), fejn is-sistema bankarja tal-Istat ospitanti tkun dominata minn banek bi kwartieri ġenerali barra mill-pajjiż u fejn impenji ta' self bħal dawn ikunu ġew ikkoordinati fuq livell Komunitarju (pereżempju, fil-qafas tan-negozjati dwar l-assistenza għall-likwidità).

Stabbiliment tal-prezz xieraq għall-għajnuna mill-Istat

(34)

Ir-rimunerazzjoni adekwata ta’ kwalunkwe intervent mill-Istat ġeneralment hi waħda mill-aktar limitazzjonijiet xierqa ta’ distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, peress li tillimita l-ammont tal-għajnuna. Meta l-prezz tad-dħul ikun ġie stabbilit f’livell li jkun sinifikattivament taħt il-prezz tas-suq għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja, irid jiġi żgurat li t-termini tas-sostenn finanzjarju jiġu riveduti fil-pjan ta’ ristrutturar (37) ħalli jitnaqqas l-effett distorsiv tas-sussidju.

Miżuri strutturali – ċessjoni u tnaqqis ta‘ attivitajiet tan-negozju

(35)

Fuq il-bażi ta’ valutazzjoni skont il-kriterji ta’ din it-Taqsima, il-banek li jibbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat jistgħu jiġu meħtieġa li jċedu sussidjarji jew fergħat, portafolli ta’ klijenti jew ta’ unitajiet tan-negozju, jew li jieħdu miżuri oħrajn bħal dawn (38), inkluż fuq is-suq lokali tal-bejgħ bl-imnut tal-benefiċjarju tal-għajnuna. Biex miżuri bħal dawn iżidu l-kompetizzjoni u jikkontribwixxu għas-suq intern, huma jridu jiffavorixxu d-dħul ta’ kompetituri u l-attività transkonfinali (39). B’konformità mal-ħtieġa ta’ ritorn għall-vijabbiltà, il-Kummissjoni se tqis b’mod pożittiv miżuri strutturali bħal dawn jekk jittieħdu mingħajr diskriminazzjoni bejn in-negozji fi Stati Membri differenti u b’hekk jikkontribwixxu għall-ippreservar ta’ suq intern fis-servizzi finanzjarji.

(36)

Meta l-kompetizzjoni fis-suq tista’ tiddgħajjef b’restrizzjonijiet diretti fuq l-espansjoni jew biex jiġi limitat il-periklu morali, jista’ jkun meħtieġ ukoll limitu fuq l-espansjoni tal-bank f’ċerti oqsma tan-negozju u żoni ġeografiċi, pereżempju permezz ta’ rimedji li huma orjentati lejn is-suq, bħal ħtiġijiet kapitali speċifiċi. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-bżonn li tiġi evitata protezzjoni fi ħdan il-fruntieri nazzjonali u frammentazzjoni tas-suq uniku.

(37)

F’każ li jidher oġġettivament diffiċli li jinstab xerrej għal sussidjarji jew attivitajiet jew assi oħrajn, il-Kummissjoni se testendi l-perjodu għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri, jekk tiġi provduta skeda ta’ żmien vinkolanti għat-tnaqqis fl-iskala tan-negozji (inkluża s-segregazzjoni tal-linji tan-negozju). Madankollu, il-perjodu għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri ma jridx jeċċedi ħames snin.

(38)

Meta tivvaluta l-portata tar-rimedji strutturali meħtieġa sabiex jingħelbu d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni f’każ partikolari, u filwaqt li tirrispetta kif jixraq il-prinċipju ta’ trattament indaqs, il-Kummissjoni se tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri previsti fl-istess ħin f’każijiet li huma relatati mal-istess swieq jew segmenti tas-suq.

Evitar tal-użu ta’ għajnuna mill-Istat biex tiġi ffinanzjata mġiba antikompetittiva

(39)

L-għajnuna mill-Istat ma tridx tintuża għad-detriment ta’ kompetituri li ma jgawdux minn sostenn pubbliku simili (40).

(40)

Bla ħsara għall-punt 41, il-banek ma għandhomx jużaw l-għajnuna mill-Istat għall-akkwist ta’ negozji li jikkompetu magħhom (41). Din il-kondizzjoni trid tapplika għal mill-inqas tliet snin u tista’ tkompli tapplika sa tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar skont il-portata, id-daqs u d-dewmien tal-għajnuna.

(41)

F’ċirkustanzi eċċezzjonali u wara notifika, l-akkwisti jistgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni f’każ li jkunu parti minn proċess ta’ konsolidazzjoni neċessarju biex l-istabbiltà finanzjarja titrawwem mill-ġdid jew biex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva. Il-proċess ta’ akkwist irid jirrispetta l-prinċipji ta’ opportunitajiet indaqs għall-akkwirenti potenzjali kollha u r-riżultat irid jiżgura kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq relevanti.

(42)

F’każ li l-impożizzjoni ta’ ċessjonijiet u/jew il-projbizzjoni ta’ akkwisti ma tkunx xierqa, il-Kummissjoni tista’ taċċetta l-impożizzjoni mill-Istat Membru ta’ mekkaniżmu ta’ restituzzjoni, pereżempju fil-forma ta’ imposta fuq min jirċievi l-għajnuna. Dan jippermetti rkupru ta’ parti mill-għajnuna mill-bank wara li jirritorna għal-vijabbiltà.

(43)

F’każ li l-banek li jirċievu s-sostenn mill-Istat jiġu mitluba jissodisfaw ċerti ħtiġijiet f’dak li jirrigwarda self lill-ekonomija reali, il-kreditu pprovdut mill-bank irid jkun fuq termini kummerċjali (42).

(44)

L-għajnuna mill-Istat ma tistax tintuża biex jiġu offruti kundizzjonijiet (pereżempju dwar rati jew garanziji) li ma jistgħux jiġu offruti minn kompetituri li mhux qed jirċievu għajnuna mill-Istat. Madankollu f’ċirkustanzi fejn il-limitazzjonijiet fuq l-imġiba dwar il-prezzijiet tal-benefiċjarju ma jkunux xierqa, pereżempju minħabba li jistgħu jirriżultaw fi tnaqqis ta’ kompetizzjoni effettiva, l-Istati Membri jridu jipproponu soluzzjonijiet oħrajn u aktar xierqa biex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva, bħal miżuri li jiffavorixxu d-dħul. Bl-istess mod, il-banek ma jistgħux jużaw is-sostenn mill-Istat bħala vantaġġ kompetittiv meta jikkummerċjalizzaw l-offerti finanzjarji tagħhom (43). Dawn ir-restrizzjonijiet iridu jibqgħu fis-seħħ, skont il-portata, id-daqs u d-dewmien tal-għajnuna, għal perjodu li jista' jvarja bejn tliet snin u ż-żmien kollu tal-perjodu ta’ ristrutturar. Huma mbagħad iservu wkoll bħala inċentiv ċar biex l-Istat jitħallas lura malajr kemm jista’ jkun.

(45)

Il-Kummissjoni se teżamina wkoll il-grad tal-ftuħ tas-suq u l-kapaċità tas-settur biex jaffaċċja l-fallimenti tal-banek. Fil-valutazzjoni globali tagħha l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra eventwali impenji mill-benefiċjarji jew impenji mill-Istat Membru dwar l-adozzjoni ta’ miżuri (44) li jistgħu jipromwovu swieq aktar b’saħħithom u aktar kompetittivi, pereżempju billi jiffavorixxu d-dħul u l-ħruġ. Inizjattivi bħal dawn jistgħu, f’ċirkustanzi xierqa, jakkumpanjaw il-miżuri strutturali jew il-miżuri dwar l-imġiba l-oħrajn li normalment ikunu meħtieġa mill-benefiċjarju. L-impenn tal-Istat Membru biex idaħħal mekkaniżmi biex jaffaċċjaw id-diffikultajiet tal-banek fi stadju bikri jista’ jitqies b’mod pożittiv mill-Kummissjoni bħala element li jippromwovi swieq b’saħħithom u kompetittivi.

5.   KWISTJONIJIET TA’ MONITORAĠĠ U PROĊEDURALI

(46)

Biex tivverifika li l-pjan ta’ ristrutturar qed jiġi implimentat kif xieraq, il-Kummissjoni se titlob li tirċievi rapporti dettaljati regolari. Normalment l-ewwel rapport irid jitressaq lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-approvazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar.

(47)

Man-notifika tal-pjan ta’ ristrutturar il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk il-pjan x’aktarx irawwem mill-ġdid il-vijabbiltà għal tul ta’ żmien u jillimita d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni b’mod xieraq. F’każ li jkollha dubji serji dwar il-konformità tal-pjan ta' ristrutturar mal-ħtiġijiet rilevanti, il-Kummissjoni hi meħtieġa li tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni u tagħti lill-partijiet terzi l-possibbiltà li jikkumentaw dwar il-miżura u b'hekk tiżgura approċċ trasparenti u koerenti filwaqt li tirrispetta r-regoli ta’ konfidenzjalità applikabbli fi proċedimenti dwar għajnuna mill-Istat (45).

(48)

Madankollu l-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tiftaħ proċedimenti formali fil-każ li l-pjan ta’ ristrutturar ikun komplet u l-miżuri suġġeriti jkunu tali li l-Kummissjoni ma jkollhiex aktar dubji dwar il-konformità fis-sens tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (46). B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ meta Stat Membru jkun avża lill-Kummissjoni b’għajnuna li magħha kien hemm pjan ta’ ristrutturar li jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha msemmija f’din il-Komunikazzjoni, biex jikseb ċertezza legali rigward is-segwitu neċessarju. F’ċirkustanzi bħal dawn il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni finali li tiddikjara li l-għajnuna għas-salvataġġ kif ukoll l-għajnuna għar-ristrutturar huma kompatibbli taħt l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat.

6.   AMBITU TEMPORANJU TAL-KOMUNIKAZZJONI

(49)

Din il-Komunikazzjoni hi ġustifikata bil-kriżi eċċezzjonali attwali fis-settur finanzjarju u għalhekk trid tiġi applikata biss għal perjodu limitat. Għall-valutazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturar notifikata lill-Kummissjoni fil-31 ta’ Diċembru 2010 jew qabel, il-Kummissjoni se tapplika din il-Komunikazzjoni. Dwar għajnuna mhux notifikata, se jiġi applikat l-avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat illegali (47). Għalhekk il-Kummissjoni se tapplika din il-Komunikazzjoni meta tivvaluta l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mhux notifikata mogħtija fil-31 ta’ Diċembru 2010 jew qabel.

(50)

Fid-dawl tal-fatt li din il-Komunikazzjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ tirrevedi l-kontenut u l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha skont l-iżvilupp tal-kondizzjonijiet tas-suq, l-esperjenza miksuba fit-trattament tal-każijiet u l-interess primarju taż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja.


(1)  Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Marzu 2009 intitolata ‘Nixprunaw l-irkupru Ewropew’ COM(2009) 114 finali, il-Kummissjoni ħabbret programm ta’ riforma biex tiffaċċja dgħjufija aktar ġenerali fil-qafas regolatorju applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw fil-Komunità.

(2)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – L-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti (“il-Komunikazzjoni Bankarja”) (ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8), il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux mistħoqqa (“il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni”) (ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Trattament ta’ Assi Indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità (“il-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti”) (ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1). Għal ħarsa ġenerali lejn il-prattika tal-Kummissjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet, ara l-iScoreboard tal-għajnuna mill-Istat – Aġġornament tar-Rebbiegħa 2009, Edizzjoni speċjali dwar l-interventi tal-għajnuna mill-Istat fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, COM(2009) 164 finali tat-8 ta’ April 2009.

(3)  L-applikazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni hi limitata għall-istituzzjonijiet finanzjarji kif imsemmi fil-Komunikazzjoni Bankarja. Il-gwida provduta f’din il-Komunikazzjoni tirreferi għall-banek għall-faċilità ta’ referenza. Madankollu, fejn hu xieraq, tapplika mutatis mutandis għal istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn.

(4)  Il-kriterji u ċ-ċirkostanzi speċifiċi li jagħtu bidu għall-obbligu li jiġi preżentat pjan ta’ ristritturar ġew spjegati fil-Komunikazzjoni Bankarja, fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u fil-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti. B’mod partikolari iżda mhux esklussiv, jirreferu għal sitwazzjonijiet fejn bank f’diffikultà ġie rikapitalizzat mill-Istat, jew fejn il-bank li jibbenefika mis-salvataġġ ta’ assi diġà rċieva għajnuna mill-Istat fi kwalunkwe forma li tikkontribwixxi biex tkopri jew biex tevita t-telf (bl-eċċezzjoni tal-parteċipazzjoni fi skema ta' garanzija) li flimkien jeċċedu t-2 % tal-assi totali tal-bank meta mwieżna mar-riskji tiegħu. Il-grad ta’ ristrutturar se jiddependi fuq kemm huma gravi l-problemi ta’ kull bank. B’kuntrast, b’konformità ma’ dawk il-Komunikazzjonijiet (b’mod partikolari l-punt 40 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u l-Anness V tal-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti), fejn ammont limitat ta’ għajnuna ngħata lil banek li huma fondamentalment b’saħħithom, l-Istati Membri huma meħtieġa li jressqu rapport lill-Kummissjoni dwar l-użu ta’ fondi mill-Istat li jkun jinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġu vvalutati l-vijabbiltà tal-bank, l-użu tal-kapital irċevut u t-triq lejn ħruġ mid-dipendenza fuq is-sostenn mill-Istat. L-analiżi tal-vijabbiltà għandha turi l-profil tar-riskju u l-adegwatezza kapitali prospettiva ta’ dawn il-banek u tevalwa l-pjanijiet ta’ negozju tagħhom.

(5)  Jiġifieri, għajnuna li ġiet awtorizzata b’mod temporanju mill-Kummissjoni bħala għajnuna ta' salvataġġ taħt il-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2) jew għajnuna awtorizzata b’mod temporanju taħt l-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat, kif ukoll kwalunkwe għajnuna ġdida li tista’ tkun notifikata bħala meħtieġa għar-ristrutturar. B’hekk din il-Komunikazzjoni se tiġi applikata minflok il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà għall-valutazzjoni tal għajnuna għar-ristritturar lil banek fiċ-ċirkustanzi attwali ta’ kriżi sistemika.

(6)  Fil-passat, il-Kummissjoni adottat numru ta’ deċiżjonijiet relatati mal-għajnuna għar-ristrutturar (mogħtija taħt l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat) lil banek f’diffikultà, fuq il-bażi ta’ proċess ta’ ristrutturar komprensiv li jippermetti lill-benefiċjarji jerġgħu jġibu lura l-vijabbiltà tagħhom għal tul ta’ żmien mingħajr ma l-għajnuna tagħmel ħsara inġustifikata lill-kompetituri. Strateġiji ta’ ristrutturar tipiċi kienu jinkludu orjentazzjoni mill-ġdid ta’ mudelli ta’ negozju, għeluq jew tneħħija ta’ taqsimiet ta’ negozji, kumpaniji sussidjarji jew fergħat, bidliet fil-ġestjoni tal-assi u tal-passiv, bejgħ bħala negozju avvjat jew diviżjoni u bejgħ ta’ partijiet differenti ta’ negozju lil kompetituri vijabbli. Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/490/KE tal-20 ta’ Mejju 1998 dwar l-għajnuna mogħtija minn Franza lill-grupp Crédit Lyonnais (ĠU L 221, 8.8.1998, p. 28), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/345/KE tat-18 ta’ Frar 2004 dwar l-għajnuna għar-ristrutturar implimentata mill-Ġermanja għall-Bankgesellschaft Berlin AG (ĠU L 116, 4.5.2005, p. 1), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/341/KE tal-4 ta’ Ġunju 2008 dwar l-għajnuna mill-Istat C 9/2008 (ex NN 8/2008, CP 244/2007) implimentata mill-Ġermanja għar-ristrutturar ta’ Sachsen LB (ĠU L 104, 24.4.2009, p. 34) u l-iScoreboard tal-għajnuna mill-Istat tal-ħarifa 2006, COM(2006) 761 finali, p. 28 (http://ec.europa.eu/comm/competition/state_aid/studies_reports/2006_autumn_en.pdf), bi stħarriġ speċjali dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar.

(7)  Ara wkoll: il-Komunikazzjoni dwar ‘Ir-Ristrutturar u l-Impjieg’ tal-31 ta’ Marzu 2005 (COM (2005) 120 finali tal-31 ta’ Marzu 2005) u l-aħjar prassi dwar ir-ristrutturar miftehma mill-imsieħba soċjali Ewropej f’Novembru 2003.

(8)  Skont il-Komunikazzjoni ta’ Assi Indeboliti

(9)  Skont il-Komunikazzjoni Bankarja, il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u l-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti. Ara l-punt 4 ta’ din il-Komunikazzjoni.

(10)  Skont il-Komunikazzjoni Bankarja, il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u l-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti, fejn ammont limitat ta’ għajnuna jingħata lil banek li huma fondamentalment b’saħħithom, l-Istati Membri huma meħtieġa li jressqu analiżi tal-vijabbiltà lill-Kummissjoni.

(11)  Skont, b’mod partikolari, il-punt 40 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u l-Anness V tal-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti.

(12)  Kif spjegat fil-punt 8 ta’ din il-Komunikazzjoni, fejn it-taqsima 2 tirreferi għal pjan ta' ristrutturar, il-prinċipji li huma fil-bażi tat-taqsima 2 japplikaw b'analoġija għall-evalwazzjonijiet tal-vijabbiltà.

(13)  Fl-Anness tinsab kopja tal-mudell indikattiv għal pjan ta’ ristrutturar.

(14)  Fejn hu xieraq il-Kummissjoni se tistaqsi għall-parir ta’ konsulent estern biex jeżamina l-pjanijiet ta’ ristrutturar notifikati biex tivvaluta l-vijabbiltà, il-qsim tal-piżijiet u li l-imminimizzar tad-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. Tista’ titlob ukoll ċertifikazzjoni ta’ elementi varji min-naħa tas-superviżuri.

(15)  Pereżempju ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2008 fil-Każ NN 1/2008 Northern Rock (ĠU C 135, 3.6.2008, p. 21), u d-Deċiżjoni 2009/341/KE fil-Każ C 9/2008 SachsenLB.

(16)  Ara d-Deċiżjoni 2009/341/KE fil-Każ C 9/2008 SachsenLB.

(17)  Bl-eċċezzjoni ta’ ċirkustanzi li huma ġustifikati kif xieraq. Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ottubru 2008 fil-Każ C 10/2008 IKB, li għadha ma ġietx ippubblikata.

(18)  Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/384/KE tat-30 ta’ April 2009 dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 120, 15.5.2009, p. 22).

(19)  Mifhum bħala l-bejgħ ta’ kwantitajiet kbar ta’ assi bi prezzijiet tas-suq baxxi attwali li jistgħu jnaqqsu aktar il-prezzijiet.

(20)  Il-prattika tal-Kummissjoni kienet li taċċetta sentejn jew tliet snin bħala l-perjodu ta’ pjan ta’ ristrutturar.

(21)  Ara wkoll il-punt 20.

(22)  Ara perezempju d-Deċiżjoni 2009/341/KE fil-Każ C 9/2008 SachsenLB.

(23)  Fih innifsu, in-nuqqas tal-offerta ma jfissirx awtomatikament li hemm għajnuna mill-Istat lix-xerrej.

(24)  Dan normalmet jirriżulta f’għajnuna lill-attività ekonomika mibjugħa.

(25)  Kawżi magħquda C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Hytasa [1994] Ġabra p. I-4103, punt 22.

(26)  Ara l-Kawża C-334/99 Gröditzer Stahlwerke [2003] Ġabra I-1139, punt 134 et seq. u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/719/KE tat-30 ta’ April 2008 dwar l-għajnuna mill-Istat C 56/2006 (ex NN 77/2006) (ĠU L 239, 6.9.2008, p. 32).

(27)  Ara l-punti 43 sa 50 tal-Komunikazzjoni Bankarja. Sabiex jiġi faċilitat ħruġ ordnat bħal dan, l-għajnuna għal-likwidazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata kompatibbli meta, pereżempju, tkun meħtieġa għal rikapitalizzazzjoni temporanja ta’ bridge bank jew bridge structure jew biex tissodisfa t-talbiet ta’ ċerti klassijiet ta’ kredituri jekk ġustifikati għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja. Għal eżempji ta’ tali għajnuna u kondizzjonijiet li taħthom l-għajnuna tqieset li kienet kompatibbli, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ottubru 2008 fil-każ NN 41/2008 UK, Rescue aid to Bradford&Bingley (ĠU C 290, 13.11.2008, p. 2) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Novembru 2008 fil-każ NN 39/2008 DK, Aid for liquidation of Roskilde Bank (ĠU C 12, 17.1.2009, p. 3).

(28)  Ara l-Kawża T-17/03 Schmitz–Gotha [2006] Ġabra p. II-1139.

(29)  Kif diġà żviluppat fil-Komunikazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti, ara l-punti 21 et seq.

(30)  Il-Kummissjoni provdiet gwida dettaljata dwar il-prezzijiet tal-garanziji mill-Istat, ir-rikapitalizzazzjonijiet u l-miżuri ta’ salvataġġ tal-assi rispettivament fil-Komunikazzjoni Bankarja, fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u fil-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti. Safejn prezz bħal dan qed jitħallas, l-azzjonisti tal-bank jqisu l-pożizzjoni finanzjarja tagħhom dilwita f’sens bankarju.

(31)  Il-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti, punti 24 u 25. Ara wkoll it-Taqsima 4 ta’ din il-Komunikazzjoni.

(32)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2008 fil-Każ N 615/2008 Bayern LB (ĠU C 80, 3.4.2009, p. 4). Madankollu, dan ma jwaqqafx lill-bank milli jagħmel ħlasijiet b’kupun meta jkun taħt obbligu legali vinkolanti li jagħmel dan.

(33)  Ara l-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti, punt 31, u l-approċċ aktar differenzjat għar-restrizzjonijiet fuq id-dividendi fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni, punti 33, 34 u 45, li jirriflettu li għalkemm il-projbizzjonijiet temporanji ta’ dividendi u ta' kupuni jistgħu jżommu l-kapital ġol-bank u jżidu r-riżerva tal-kapital biex b’hekk itejbu s-solvenza tal-bank, huma jistgħu ukoll ifixklu l-aċċess tal-bank għal riżorsi finanzjarji privati, jew għall-inqas iżidu l-ispiża ta’ finanzjament futur ġdid.

(34)  Ara l-punt 21.

(35)  Jekk il-Kummissjoni, skont il-Komunikazzjoni Bankarja, il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni jew l-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti, tkun aċċettat b’mod eċċezzjonali għajnuna li ma kinitx tikkonforma mal-prinċipji meħtieġa minn dawk il-komunikazzjonijiet, id-distorsjoni addizzjonali li tirriżulta fil-kompetizzjoni se teħtieġ salvagwardji ta’ mġiba u strutturali addizzjonali; ara l-punt 58 tal-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti.

(36)  B’mod partikolari se jiġu kkunsidrati l-livelli ta’ konċentrazzjoni, ir-restrizzjonijiet fil-kapaċità, il-livell ta’ profitabbiltà, l-ostakli għad-dħul u għall-espansjoni.

(37)  Pereżempju, billi jiġi favorit l-ħlas lura bikri ta’ għajnuna mill-Istat.

(38)  Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ottubru 2008 fil-Każ C10/2008 IKB, li għadha ma ġietx ippubblikata u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Mejju 2009 fil-Każ N244/2009 Capital injection into Commerzbank (ĠU C 147, 27.6.2009, p. 4).

(39)  Għandu jiġi nnotat li t-tnaqqis fil-karta tal-bilanċ minħabba l-kanċellament ta’ assi, li huwa parzjalment kumpensat b’għajnuna mill-Istat, ma jnaqqasx il-preżenza attwali tal-bank fis-suq u b’hekk ma jistax jiġi kkunsidrat meta jiġi valutat il-bżonn għal miżuri strutturali.

(40)  Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Novembru 2008 fil-Każ NN 49/2008, NN 50/2008 u NN 45/2008 Guarantees to Dexia (li għadha ma ġietx ippubblikata), punt 73, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Novembru 2008 fil-Każ N 574/2008 Guarantees to Fortis Bank (ĠU C 38, 17.2.2009, p. 2), punt 58 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 2008 fil-Każ NN 42/2008, NN 46/2008 u NN 53/A/2008 Restructuring aid to Fortis Bank and Fortis Bank Luxemburg (ĠU C 80, 3.4.2009, p. 7), punt 94. Pereżempju, f’xi ċirkustanzi bank jista’ jiġi pprojbit milli jipproponi l-ogħla rati ta’ interess offerti fis-suq lil depożitanti żgħar.

(41)  Hu mfakkar li l-ispejjeż ta’ ristrutturar għandhom jiġu limitati għall-minimu neċessarju għar-ritorn għall-vijabbiltà. Ara l-punt 23.

(42)  Il-kreditu provdut fuq termini li mhumiex kummerċjali jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u jista’ jiġi awtorizzat mill-Kummissjoni, wara notifika, jekk ikun kompatibbli mas-suq komuni, pereżempju taħt il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Qafas temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (ĠU C 83, 7.4.2009, p. 1).

(43)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2008 fil-Każ N 528/2008 ING (ĠU C 328, 23.12.2008, p. 10), punt 35.

(44)  Pereżempju ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/418/KE tas-7 ta’ Lulju 2004 dwar il-miżuri ta’ għajnuna implimentati minn Franza għal Alstom (ĠU L 150, 10.6.2005, p. 24), punt 204.

(45)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2003) 4582 tal-1 ta’ Diċembru 2003 dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat (ĠU C 297, 9.12.2003, p. 6).

(46)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(47)  ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.


ANNESS

Mudell ta’ pjan ta’ ristrutturar

Tabella indikattiva tal-kontenut tal-pjan ta’ ristrutturar  (1)

1.   Informazzjoni dwar l-istituzzjoni finanzjarja (deskrizzjoni tal-istruttura tagħha, eċċ.)

(NB: Informazzjoni li tkun tressqet preċedentement tista’ terġa’ tingħata, iżda trid tiġi integrata f’dan id-dokument u, fejn meħtieġ, aġġornata).

2.   Deskrizzjoni tas-suq u ishma fis-suq

2.1.

Deskrizzjoni tas-swieq prinċipali rilevanti tal-prodott (mill-inqas distinzjoni bejn: swieq bl-imnut, bl-ingrossa, kapitali, eċċ).

2.2.

Kalkoli ta’ ishma fis-suq (pereżempju: fuq livell nazzjonali u Ewropew, skont l-ambitu ġeografiku tas-swieq rilevanti).

3.   Analiżi tar-raġunijiet għaliex l-istituzzjoni spiċċat f’diffikultà (fatturi interni)

4.   Deskrizzjoni tal-intervent mill-Istat u valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat

4.1.

Informazzjoni dwar jekk l-istituzzjoni finanzjarja jew is-sussidjarji tagħha rċevewx diġà għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar fil-passat.

4.2.

Informazzjoni dwar il-forma u l-ammont tas-sostenn mill-Istat jew il-vantaġġ finanzjarju relatat mas-sostenn. L-informazzjoni trid tinkludi l-għajnuna mill-Istat kollha rċevuta bħala għajnuna individwali jew taħt skema matul il-perjodu ta’ ristrutturar.

(NB: l-għajnuna kollha teħtieġ li tiġi ġustifikata fi ħdan il-pjan ta’ ristrutturar kif indikat f’dan li ġej).

4.3.

Valutazzjoni tas-sostenn mill-Istat taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat u kwantifikazzjoni tal-ammont tal-għajnuna.

5.   Ritorn għall-vijabbiltà

5.1.   Preżentazzjoni tal-preżunzjonijiet differenti dwar is-suq.

5.1.1.

Sitwazzjoni inizjali fis-swieq prinċipali tal-prodott.

5.1.2.

Żvilupp mistenni tas-suq fis-swieq prinċipali tal-prodott.

5.2.   Preżentazzjoni tax-xenarju mingħajr il-miżura.

5.2.1.

Aġġustament meħtieġ għall-pjan tan-negozju inizjali.

5.2.2.

Proporzjonijiet tal-kapital tal-passat, attwali u tal-ġejjieni (livell 1, livell 2).

5.3.   Preżentazzjoni tal-istrateġija futura proposta għall-istituzzjoni finanzjarja u kif din se twassal għall-vijabbiltà.

5.3.1.

Pożizzjoni tal-bidu u l-qafas globali.

5.3.2.

Oqfsa individwali għal kull linja tan-negozju tal-istituzzjoni finanzjarja.

5.3.3.

Adattamenti għal tibdil fl-ambjent regolatorju (tisħiħ tal-ġestjoni tar-riskju, aktar protezzjoni għall-kapital, eċċ).

5.3.4.

Konferma dwar iż-żvelar sħiħ ta’ assi indeboliti.

5.3.5.

Jekk xieraq, bidla fl-istruttura ta’ proprjetà.

5.4.   Deskrizzjoni ta’ u ħarsa ġenerali lejn il-miżuri differenti ppjanati għar-ritorn għall-vijabbiltà, l-ispejjeż tagħhom u l-impatt tagħhom fuq il-kont tal-qligħ u t-telf/karta tal-bilanċ.

5.4.1.

Miżuri fil-livell ta’ grupp.

5.4.2.

Miżuri għal kull linja ta’ negozju.

5.4.3.

Impatt ta’ kull miżura fuq il-kont tal-qligħ u t-telf/karta tal-bilanċ.

5.5.   Deskrizzjoni tal-effett tad-diversi miżuri biex jiġu limitati d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni (cf. punt 7) minħabba l-ispejjeż tagħhom u l-impatt tagħhom fuq il-kont tal-qligħ u t-telf/karta tal-bilanċ.

5.5.1.

Miżuri fil-livell ta’ grupp.

5.5.2.

Miżuri fl-oqsma tan-negozju.

5.5.3.

Impatt għal kull miżura fuq il-kont tal-qligħ u t-telf/karta tal-bilanċ.

5.6.   Paragun ma’ għażliet alternattivi u evalwazzjoni komparattiva qasira tal-effetti ekonomiċi u soċjali fuq livell reġjonali, nazzjonali u Komunitarju (hi meħtieġa elaborazzjoni prinċipalment f’każ li jista’ jkun li l-bank ma jkunx jista’ jissodisfa ħtiġijiet prudenzjali fin-nuqqas ta’ għajnuna).

5.6.1.

Għażliet alternattivi: stralċ b’mod organizzat, xoljiment jew assorbiment minn bank ieħor u l-effetti li jirriżultaw.

5.6.2.

Effetti Ekonomiċi Ġenerali.

5.7.   Skeda għall-implimentazzjoni tad-diversi miżuri u t-terminu finali għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar fl-intier tiegħu (jekk jogħġbok indika kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità).

5.8.   Deskrizzjoni tal-pjan għall-ħlas lura tal-għajnuna mill-Istat.

5.8.1.

Preżunzjonijiet li fuqhom huwa bbażat l-ippjanar għall-ħruġ.

5.8.2.

Deskrizzjoni tal-inċentivi mill-Istat għall-ħruġ.

5.8.3.

Ippjanar għall-ħruġ jew għall-ħlas lura sakemm iseħħ ħlas lura/ħruġ sħiħ.

5.9.   Kontijiet tal-qligħ u t-telf/karti tal-bilanċ għall-aħħar tliet snin u għall-ħames snin li jmiss, inkluzi proporzjonijiet finanzjarji ewlenin u studju ta’ sensittività bbażat fuq l-aħjar/l-agħar sitwazzjoni.

5.9.1.   Każ bażi.

5.9.1.1.

Dikjarazzjoni tal-qligħ u t-telf/karta tal-bilanċ fil-livell ta’ grupp.

5.9.1.2.

Proporzjonijiet Finanzjarji ewlenin fil-livell ta’ grupp (ir-RAROC bħala punt ta’ riferiment għall-kriterji interni għall-profitabbiltà aġġustata skont ir-riskju, CIR, ROE, eċċ.).

5.9.1.3.

Dikjarazzjoni tal-qligħ u t-telf/karta tal-bilanċ għal kull unità ta' negozju.

5.9.1.4.

Proporzjonijiet Finanzjarji ewlenin għal kull unità tan-negozju (ir-RAROC bħala punt ta’ riferiment għall-kriterji interni għall-profitabbiltà aġġustata skont ir-riskju, CIR, ROE, eċċ.).

5.9.2.   L-aħjar xenarju.

5.9.2.1.

Preżunzjonijiet sottostanti.

5.9.2.2.

Dikjarazzjoni tal-qligħ u t-telf/karta tal-bilanċ fil-livell ta’ grupp.

5.9.2.3.

Proporzjonijiet Finanzjarji ewlenin fil-livell ta’ grupp (ir-RAROC bħala punt ta’ riferiment għall-kriterji interni għall-profitabbiltà aġġustata skont ir-riskju, CIR, ROE, eċċ.).

5.9.3.   L-agħar xenarju – F’każ li sar test ta’ simulazzjoni ta’ kriżi u/jew ġie validat mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni, iridu jiġu pprovduti l-metodoloġiji, il-parametri u r-riżultati ta’ test bħal dan (2).

5.9.3.1.

Preżunzjonijiet sottostanti.

5.9.3.2.

Dikjarazzjoni tal-qligħ u t-telf/karta tal-bilanċ fil-livell ta’ grupp.

5.9.3.3.

Proporzjonijiet Finanzjarji ewlenin fil-livell ta’ grupp (ir-RAROC bħala punt ta’ riferiment għall-kriterji interni għall-profitabbiltà aġġustata skont ir-riskju, CIR, ROE, eċċ.).

6.   Qsim tal-piż – kontribuzzjoni għar-ristrutturar mill-istituzzjoni finanzjarja nnifisha u minn azzjonisti oħra (valur kontabbli u ekonomiku tal-ishma)

6.1.

Limitazzjoni tal-ispejjeż ta’ ristrutturar għal dawk neċessarji għar-ritorn għall-vijabbiltà.

6.2.

Limitazzjoni tal-ammont tal-għajnuna (inklużi informazzjoni fuq dispożizzjonijiet eventwali għal-limitazzjoni ta' dividendi u ħlasijiet ta’ mgħax fuq dejn subordinat).

6.3.

Dispożizzjoni ta’ kontribuzzjoni proprja sinifikanti (inkluża informazzjoni fuq id-daqs tal-kontribuzzjoni minn azzjonisti jew kredituri subordinati).

7.   Miżuri biex tiġi limitata d-distorsjoni fil-kompetizzjoni

7.1.

Ġustifikazzjoni tal-ambitu tal-miżuri fid-dawl tad-daqs u tal-effett tal-għajnuna mill-Istat.

7.2.

Miżuri strutturali, inklużi proposta dwar skeda ta’ żmien u termini għaċ-ċessjoni ta’ assi jew sussidjarji/fergħat jew rimedji oħra.

7.3.

Impenji ta’ mġiba, li jinkludu r-rinunzja għall-kummerċjalizzazzjoni tal-massa li tuża l-għajnuna mill-Istat bħala vantaġġ f’termini kompetittivi.

8.   Monitoraġġ (arranġament possibbli ta’ trustee)


(1)  L-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tal-vijabbiltà tista’ tinkludi d-dejta u r-rapporti interni tal-bank kif ukoll rapporti preparati mill-/għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet regolatorji.

(2)  It-test ta’ simulazzjoni ta’ kriżi jrid ikun ibbażat, safejn hu possibbli, fuq parametri komuni miftehma fuq livell Komunitarju (pereżempju: metodoloġija żviluppata mill-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej) u adattat fejn hu xieraq skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-pajjiż u għall-bank. Fejn hu xieraq jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll reverse stress tests jew eżerċizji ekwivalenti oħrajn.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni

19.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/21


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-18 ta’ Awwissu 2009

2009/C 195/05

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,4101

JPY

Yen Ġappuniż

134,12

DKK

Krona Daniża

7,4433

GBP

Lira Sterlina

0,85660

SEK

Krona Żvediża

10,2375

CHF

Frank Żvizzeru

1,5207

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

8,6735

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,568

EEK

Krona Estona

15,6466

HUF

Forint Ungeriż

272,66

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7002

PLN

Zloty Pollakk

4,1645

RON

Leu Rumen

4,2188

TRY

Lira Turka

2,1117

AUD

Dollaru Awstraljan

1,7116

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5606

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,9302

NZD

Dollaru tan-New Zealand

2,0985

SGD

Dollaru tas-Singapor

2,0450

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 762,49

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

11,3450

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

9,6365

HRK

Kuna Kroata

7,3093

IDR

Rupiah Indoneżjan

14 133,00

MYR

Ringgit Malażjan

4,9882

PHP

Peso Filippin

68,047

RUB

Rouble Russu

45,1050

THB

Baht Tajlandiż

48,021

BRL

Real Brażiljan

2,6281

MXN

Peso Messikan

18,2467

INR

Rupi Indjan

68,8060


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni

19.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/22


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.5604 – Dong/Kom-Strom)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2009/C 195/06

1.

Fit-12 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni rċeviet notifika għal konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Dong Naturgas A/S, li hi kkontrollata minn Dong Energy A/S (“Dong”, id-Danimarka) takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill, il-kontroll tal-intier tal-impriża Kom-Strom AG (“Kom-Strom”, Germany) permezz ta' xiri ta' ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal Dong: l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ gass u żejt naturali, il-ġenerazzjoni tal-enerġija, il-kummerċ u l-bejgħ tal-enerġija fid-Danimarka u fit-Tramuntana tal-Ewropa,

għal Kom-Strom: provista tal-enerġija (bejgħ bl-ingrossa u kummerċ) fil-Ġermanja.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 139/2004. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l’operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-faks (+32 22964301 jew 22967244) jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.5604 – Dong/Kom-Strom, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


19.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/23


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.5421 – Panasonic/Sanyo)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2009/C 195/07

1.

Fil-11 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Panasonic Corporation (“Panasonic”, il-Ġappun) takkwista, fit-tifsira tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament tal-Kunsill, kontroll sħiħ tal-impriża Sanyo Electric Co., Ltd. (“Sanyo”, il-Ġappun) permezz ta' offerta pubblika.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal Panasonic: l-iżvilupp, manifattura u bejgħ ta’ prodotti awdjoviżivi u ta’ komunikazzjoni, tagħmir tad-dar, komponenti u u apparat elettroniċi (inklużi batteriji), prodotti industrijali u oħrajn,

għal Sanyo: l-iżvilupp, manifattura u bejgħ ta’ prodotti tal-konsumatur, apparat kummerċjali, komponenti elettroniċi (inklużi batteriji), tagħmir għal-loġistika/manutenzjoni industrijali.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 139/2004. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l’operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-faks (+32 22964301 jew 22967244) jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.5421 – Panasonic/Sanyo, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.