ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2009.090.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 90

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 52
18 ta' April 2009


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja

2009/C 090/01

L-aħħar pubblikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni EwropeaĠU C 82, 4.4.2009

1

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI TAL-QORTI

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja

2009/C 090/02

Kawża C-228/06: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Frar 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (Il-Ġermanja)) – Mehmet Soysal, Ibrahim Savatli vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Obbligu ta’ pussess ta’ viża għad-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru)

2

2009/C 090/03

Kawża C-308/07 P: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Frar 2009 – Koldo Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament Ewropew (Appell — Regoli dwar l-ispejjeż u l-indennizzi tal-membri parlamentari Ewropej — Irkupru ta’ somom imħallsa indebitament permezz ta’ kumpens — Eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza — Dritt għal qorti imparzjali — Res judicata — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba)

2

2009/C 090/04

Kawża C-321/07: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Frar 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Landgericht Mannheim – Il-Ġermanja) – proċeduri kriminali kontra Karl Schwarz (Direttiva 91/439/KEE — Pussess ta’ liċenzji tas-sewqan ta’ Stati Membri differenti — Validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa qabel l-adeżjoni ta’ Stat — Rtirar tat-tieni liċenzja tas-sewqan maħruġa mill-Istat Membru ta’ residenza — Rikonoxximent tal-liċenzja tas-sewqan maħruġa qabel il-ħruġ tat-tieni liċenzja rtirata iktar tard minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità għas-sewqan tal-pussessur tagħha — Skadenza tal-perijodu ta’ projbizzjoni temporanja milli ssir applikazzjoni għal liċenzja tas-sewqan ġdida impost flimkien ma’ miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan)

3

2009/C 090/05

Kawża C-376/07: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Frar 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Hoge Raad der Nederlanden – L-Olanda) – Staatssecretaris van Financiën vs Kamino International Logistics BV (Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura magħquda — Klassifikazzjoni tat-tariffi — Monitors tat-tip LCD mgħammra b’sokits ta’ SUB-D, DVI-D, USB, S-vidjo u vidjo kompost — Intestatura 8471 — Intestatura 8528 — Regolament Nru 754/2004)

3

2009/C 090/06

Kawża C-465/07: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta’ Frar 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Raad van State – l-Olanda) – M. Elgafaji, N. Elgafaji vs Staatssecretaris van Justitie (Direttiva 2004/83/KE — Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Persuna li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja — Artikolu 2(e) — Riskju reali li jsofri periklu serju — Artikolu 15(ċ) — Theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ pajżan minħabba fi vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat — Prova)

4

2009/C 090/07

Kawża C-552/07: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-17 ta’ Frar 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d’État – Franza) – Commune de Sausheim vs Pierre Azelvandre (Direttiva 2001/18/KE — Rilaxx intenzjonat ta’ organiżmi modifikati ġenetikament — Post tar-rilaxx — Kunfidenzjalità)

5

2009/C 090/08

Kawża C-1/08: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Frar 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Corte suprema di cassazione – l-Italja) – Athesia Duck Srl vs Ministero delle Finanze, Agenzia delle Entrate (Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 9(2)(e) — Artikolu 9(3)(b) — Tlettax-il Direttiva tal-VAT — Artikolu 2 — Post fejn jiġi pprovdut is-servizz — Servizzi ta’ reklamar — Rimbors tal-VAT — Rappreżentant fiskali)

5

2009/C 090/09

Kawża C-151/08: Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Novembru 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña – Spanja) – N.N. Renta SA vs Tribunal Económico-Administrativo Regional de Cataluña (TEARC), Generalidad de Cataluña (Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura — Sitt Direttiva VAT — Artikolu 33(1) — Kunċett ta’ taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Taxxa fuq it-trasferimenti patrimonjali u t-tranżazzjonijiet legali dokumentati)

6

2009/C 090/10

Kawża C-542/08: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fl-4 ta’ Diċembru 2008 – Friedrich G. Barth vs Bundesministerium für Wissenschaft und Forschung

7

2009/C 090/11

Kawża C-16/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fil-15 ta’ Jannar 2009 – Gudrun Schwemmer vs Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen – Familienkasse

7

2009/C 090/12

Kawża C-23/09 P: Appell ippreżentat fid-19 ta’ Jannar 2009 minn ecoblue AG mis-sentenza mogħtija fit-12 ta’ Novembru 2008 mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawża T-281/07 – ecoblue AG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

8

2009/C 090/13

Kawża C-26/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (Ir-Renju Unit) fid-19 ta’ Jannar 2009 – The Motor Insurers’ Bureau vs Helphire (UK) Limited, Angel Assistance Limited

8

2009/C 090/14

Kawża C-33/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Amsterdam (l-Olanda) fis-26 ta’ Jannar 2009 – Oracle Nederland BV vs Inspecteur van de Belastingdienst Utrecht-Gooi/kantoor utrecht

9

2009/C 090/15

Kawża C-34/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal du travail de Bruxelles (il-Belgju) fis-26 ta’ Jannar 2009 – Gerardo Ruiz Zambrano vs Office national de l’emploi (ONEM)

10

2009/C 090/16

Kawża C-39/09 P: Appell ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2009 minn Société des plantations de Mbanga SA (SPM) mis-sentenza mogħtija fit-13 ta’ Novembru 2008 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) fil-Kawża T-128/05, SPM vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

11

2009/C 090/17

Kawża C-40/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-VAT and Duties Tribunal, Manchester (ir-Renju Unit) fid-29 ta’ Jannar 2009 – Astra Zeneca UK Limited vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

11

2009/C 090/18

Kawża C-46/09: Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2009 – Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Estonja

12

2009/C 090/19

Kawża C-52/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Stockholms tingsrätt (l-Iżvizzera) fis-6 ta’ Frar 2009 – Konkurrensverket vs TeliaSonera Sverige AB

12

2009/C 090/20

Kawża C-53/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-House of Lords (Ir-Renju Unit) fis-6 ta’ Frar 2009 – Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs vs Loyalty Management UK Limited

13

2009/C 090/21

Kawża C-55/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-House of Lords (Renju Unit) fid-9 ta’ Frar 2009 – Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs vs Baxi Group Limited

14

2009/C 090/22

Kawża C-56/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Roma (l-Italja) fid-9 ta’ Frar 2009 – Emiliano Zanotti vs Agenzia delle Entrate

15

2009/C 090/23

Kawża C-60/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale della Campania (l-Italja) fil-11 ta’ Frar 2009 – Lucio Rubano vs Regione Campania, Comune di Cusano Mutri

15

2009/C 090/24

Kawża C-62/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit) fit-13 ta’ Frar 2009 – Association of the British Pharmaceutical Industry vs Medicines and Healthcare Products Regulatory Agency

15

2009/C 090/25

Kawża C-64/09: Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Frar 2009 – Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Franċiża

16

2009/C 090/26

Kawża C-65/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Frar 2009 – Gebr. Weber GmbH vs Jürgen Wittmer

17

2009/C 090/27

Kawża C-66/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (Il-Litwanja) fis-16 ta’ Frar 2009 – Kriin Amgen, Inc. vs Lietuvos Respublikos valstybinis patentų biuras

17

2009/C 090/28

Kawża C-67/09 P: Appell ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2009 minn Nuova Agricast Srl u Cofra srl mis-sentenza mogħtija fit-2 ta’ Diċembru 2008 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) fil-Kawża T-362/05 , Nuova Agricast Srl et vs Il-Kummissjoni

17

2009/C 090/29

Kawża C-80/09 P: Appell ippreżentat fit-23 ta’ Frar 2009 minn Volker Mergel, Klaus Kampfenkel, Burkart Bill u Andreas Herden, konsulenti fis-settur tal-privattivi, mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) mogħtija fis-16 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża T-335/07, Volker Mergel et vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

19

2009/C 090/30

Kawża C-84/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Regeringsrätten fis-26 ta’ Frar 2009 – X vs Skatteverket

19

2009/C 090/31

Kawża C-87/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Schorndorf (il-Ġermanja) fit-2 ta’ Marzu 2009 – Ingrid Putz vs Medianess Electronics GmbH

20

2009/C 090/32

Kawża C-90/09 P: Appell ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2009 minn General Química, S.A., Repsol Química, S.A., Repsol YPF, S.A. mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Sitt Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża T-85/06, General Química et vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

20

 

Qorti tal-Prim' Istanza

2009/C 090/33

Kawżi magħquda T-265/04, T-292/04 u T-504/04: Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Marzu 2009 – Tirrenia di Navigazione e.a. vs Il-Kummissjoni (Għajnuna mill-Istat — Trasport marittimu — Sussidji mħallsa mill-awtoritajiet Taljani lill-kumpanniji reġonali — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq kommuni — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Interess ġuridiku — Għajnuna ġdida jew għajnuna eżistenti — Obbligu ta’ motivazzjoni — Artikolu 4(3) tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92)

22

2009/C 090/34

Kawża T-68/05: Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Marzu 2009 – Aker Warnow Werft u Kvaerner vs Il-Kummissjoni (Għajnuna mill-Istat — Kostruzzjoni ta’ bastimenti — Ex Repubblika Demokratika Ġermaniża — Għajnuna mħallsa sabiex tkopri spejjeż ta’ telf marbut ma’ kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti — Għajnuna marbuta mal-kompetittività — Nuqqas ta’ ħlas eċċessiv)

22

2009/C 090/35

Kawża T-121/05: Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 2009 – Borax Europe vs Il-Kummissjoni (Aċċess għad-dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti u reġistrazzjonijiet ta’ ħoss — Rifjut li jingħata aċċess — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u l-integrità tal-persuna — Eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-proċess deċiżjonali)

23

2009/C 090/36

Kawża T-166/05: Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 2009 – Borax Europe vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (Aċċess għad-dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti u reġistrazzjonijiet ta’ ħoss — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali)

23

2009/C 090/37

Kawża T-424/05: Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Marzu 2009 – L-Italja vs Il-Kummissjoni (Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna stabbilita mill-awtoritajiet Taljani favur ċerti impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli speċjalizzati fiż-żamma ta’ ishma ta’ kumpanniji b’kapital żgħir jew medju — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Natura selettiva tal-miżura — Effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni tal-kompetizzjoni — Artikolu 87(3)(c) KE)

24

2009/C 090/38

Kawża T-445/05: Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Marzu 2009 – Associazione italiana del risparmio gestito et Fineco Asset Management vs Il-Kummissjoni (Għajnuna mill-Istat — Skema ta’għajnuna stabbilita mill-awtoritajiet Taljani favur ċerti impriżi ta’investiment kollettiv f’titoli trasferibbli speċjalizzati fiż-żamma ta’ ishma ta’ kumpanniji b’kapital żgħir jew medju — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Rikors għal annullament — Interess dirett u individwali — Ammissibbiltà — Obbligu ta’ motivazzjoni — Natura selettiva tal-miżura — Obbligu ta’ rkupru)

24

2009/C 090/39

Kawża T-249/06: Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Marzu 2009 – Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Dumping — Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mill-Kroazja, mir-Rumanija, mir-Russja u mill-Ukrajna — Kalkolu tal-valur normali — Kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja — Aġġustament — Funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjoni — Entità ekonomika waħda — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Offerta ta’ impenn — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni)

25

2009/C 090/40

Kawża T-168/07: Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Marzu 2009 – Professional Tennis Registry vs UASI – Registro Profesional de Tenis (PTR PROFESSIONAL TENNIS REGISTRY) (Trade mark Komunitarja — Proċediment ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva PTR PROFESSIONAL TENNIS REGISTRY — Trade mark nazzjonali u Komunitarja figurattiva preċedenti RPT Registro Profesional de Tenis, S.L. u trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti RPT European Registry of Professional Tennis – Raġuni relattiva għal rifjut — Nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94)

25

2009/C 090/41

Kawża T-8/08: Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Marzu 2009 – Piccoli vs UASI (Forma ta’ arzella) (Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali — Forma ta’ arzella — Raġuni assoluta għal rifjut — Nuqqas ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 — Nuqqas ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu — Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94)

26

2009/C 090/42

Kawża T-346/06: Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Frar 2009 – IMS vs Il-Kummissjoni (Rikors għal annullament u għad-danni — Direttiva 98/37/KE — Magni li għandhom il-marka KE — Riskji għas-sigurtà tal-persuni — Miżura nazzjonali ta’ projbizzjoni — Opinjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-miżura ġġustifikata — Rikors għal annullament — Irtirar tal-att ikkontestat — M’hemmx lok li tingħata deċiżjoni — Rikors għad-danni — Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza — Inammissibbiltà)

26

2009/C 090/43

Kawża T-306/08 P: Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Jannar 2009 – Braun-Neumann vs Il-Parlament (Appell — Servizz pubbliku — Pensjoni tas-superstiti — Ħlas ta’ 50 % minħabba li jeżisti konjuġi superstiti ieħor — Att li jikkawża preġudizzju — Ilment tardiv)

27

2009/C 090/44

Kawża T-46/09: Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Diċembru 2008 – Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

27

2009/C 090/45

Kawża T-49/09: Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2009 – Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

29

2009/C 090/46

Kawża T-50/09: Rikors ippreżentat fit-3 ta' Frar 2009 – Ifemy’s vs UASI – Dada & Co Kids (Dada & Co. kids)

29

2009/C 090/47

Kawża T-53/09: Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2009 – Cafea vs UASI – Christian (BEST FARM)

30

2009/C 090/48

Kawża T-54/09: Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2009 – XXXLutz Marken vs UASI – Natura Selection (Linea Natura Natur hat immer Stil)

30

2009/C 090/49

Kawża T-56/09: Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Frar 2009 – Saint-Gobain Glass France et vs Il-Kummissjoni

31

2009/C 090/50

Kawża T-68/09: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2009 – Soliver vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

32

2009/C 090/51

Kawża T-69/09: Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2009 – Provincie Groningen u Provincie Drenthe vs Il-Kummissjoni

33

2009/C 090/52

Kawża T-70/09: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2009 – L-Olanda vs Il-Kummissjoni

34

2009/C 090/53

Kawża T-77/09: Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2009 – hofherr communikation vs UASI (NATURE WATCH)

34

2009/C 090/54

Kawża T-83/09: Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2009 – Chalk vs UASI – Reformed Spirits Company Holdings (CRAIC)

35

2009/C 090/55

Kawża T-84/09: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2009 – L-Italja vs Il-Kummissjoni

36

2009/C 090/56

Kawża T-85/09: Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2009 – Kadi vs Il-Kummissjoni

37

2009/C 090/57

Kawża T-96/09: Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Marzu 2009 – UCAPT vs Il-Kunsill

37

2009/C 090/58

Kawża T-533/93: Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Marzu 2009 – Bouma et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni

38

2009/C 090/59

Kawża T-157/07: Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Marzu 2009 – People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill

38

2009/C 090/60

Kawża T-165/07: Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2009 – Red Bull vs UASI – Grupo Osborne (TORO)

38

2009/C 090/61

Kawża T-320/07: Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 2009 – Jones et vs Il-Kummissjoni

38

2009/C 090/62

Kawża T-36/08: Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Marzu 2009 – Furukawa Electric North America vs UASI (SLIM LINE)

39

2009/C 090/63

Kawża T-236/08: Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Frar 2009 – HPA vs Il-Kummissjoni

39

 

Tribunal għas-Servizz Pubbliku

2009/C 090/64

Kawża F-11/09: Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2009 – Marcuccio vs Il-Kummissjoni

40

2009/C 090/65

Kawża F-13/09: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2009 – Peláez Jimeno vs Il-Parlament

40

2009/C 090/66

Kawża F-14/09: Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2009 – Almeida Campos et vs Il-Kunsill

40

2009/C 090/67

Kawża F-16/09: Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Frar 2009 – De Britto Patricio-Dias vs Il-Kummissjoni

41

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Qorti tal-Ġustizzja

18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/1


(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2009/C 90/01

L-aħħar pubblikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

ĠU C 82, 4.4.2009

Pubblikazzjonijiet preċedenti

ĠU C 69, 21.3.2009

ĠU C 55, 7.3.2009

ĠU C 44, 21.2.2009

ĠU C 32, 7.2.2009

ĠU C 19, 24.1.2009

ĠU C 6, 10.1.2009

Dawn it-testi huma disponibbli fuq:

EUR-Lex: http://eur-lex.europa.eu


V Avviżi

PROĊEDURI TAL-QORTI

Il-Qorti tal-Ġustizzja

18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/2


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Frar 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg (Il-Ġermanja)) – Mehmet Soysal, Ibrahim Savatli vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-228/06) (1)

(Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Obbligu ta’ pussess ta’ viża għad-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru)

2009/C 90/02

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Mehmet Soysal, Ibrahim Savatli

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Fil-preżenza ta’: Bundesagentur für Arbeit

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari – Oberverwaltungsgericht Berlin-Brandenburg – Interpretazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, tat-23 ta’ Novembru 1970, anness mal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (ĠU L 293, p.4) – Validità tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, p.1) – Restrizzjonijiet ġodda għall-provvista libera ta’ servizzi – Obbligu, għal ċittadin Tork impjegat bħala xufier ta’ vetturi ta’ merkanzija tqila minn impriża ta’ trasport Torka, li jkollu viża sabiex ikun jista’ jidħol f’territorju ta’ Stat Membru, meta dan l-obbligu ma kienx jeżisti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali.

Dispożittiv

L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fi Brussell fit-23 ta’ Novembru 1970 u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-introduzzjoni, mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, tal-ħtieġa ta’ viża sabiex ċittadini Torok, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ikunu jistgħu jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru sabiex jipprovdu fih servizzi f’isem impriża stabbilita fit-Turkija, meta, f’dik id-data, tali viża ma kinitx meħtieġa.


(1)  ĠU C 190, 12.8.2006.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/2


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Frar 2009 – Koldo Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża C-308/07 P) (1)

(Appell - Regoli dwar l-ispejjeż u l-indennizzi tal-membri parlamentari Ewropej - Irkupru ta’ somom imħallsa indebitament permezz ta’ kumpens - Eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza - Dritt għal qorti imparzjali - Res judicata - Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba)

2009/C 90/03

Lingwa tal-proċedura: Il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Koldo Gorostiaga Atxalandaso (rappreżentant: D. Rouget, avukat)

Appellat: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: H. Krück, C. Karamarcos u D. Moore, aġenti)

Suġġett

Appell mid-Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) tal-24 ta’ April 2007, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament (T-132/06), li permezz tiegħu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment bħala manifestament infondat ir-rikors tar-rikorrent għall-annullament tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Marzu 2006, adottata sabiex timplementa s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Diċembru 2005, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament (T-146/04) – Interpretazzjoni tal-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u tal-prinċipju ta’ imparzjalità – Interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-ispejjeż u l-indennizz tal-membri parlamentari tal-Parlament Ewropew

Dispożittiv

1)

L-appell huwa miċħud.

2)

Gorostiaga Atxalandabaso huwa kkundannat għall-ispejjeż.


(1)  ĠU C 211, 8.9.2007.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Frar 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Landgericht Mannheim – Il-Ġermanja) – proċeduri kriminali kontra Karl Schwarz

(Kawża C-321/07) (1)

(Direttiva 91/439/KEE - Pussess ta’ liċenzji tas-sewqan ta’ Stati Membri differenti - Validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa qabel l-adeżjoni ta’ Stat - Rtirar tat-tieni liċenzja tas-sewqan maħruġa mill-Istat Membru ta’ residenza - Rikonoxximent tal-liċenzja tas-sewqan maħruġa qabel il-ħruġ tat-tieni liċenzja rtirata iktar tard minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità għas-sewqan tal-pussessur tagħha - Skadenza tal-perijodu ta’ projbizzjoni temporanja milli ssir applikazzjoni għal liċenzja tas-sewqan ġdida impost flimkien ma’ miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan)

2009/C 90/04

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Mannheim

Parti fil-proċedura kriminali prinċipali

Karl Schwarz

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari – Landgericht Mannheim – Interpretazzjoni tal-Artikoli 7(5) u 8(2) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991 dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 237, p.1) – Proprjetarju ta’ diversi liċenzji tas-sewqan – Validità ta’ liċenzja maħruġa, qabel l-adeżjoni, mill-Istat Membru taċ-ċittadin – Nuqqas ta’ rikonoxximent, wara l-perijodu ta’ projbizzjoni temporanja milli ssir applikazzjoni għal liċenzja ġdida, mill-Istat Membru ta’ residenza, fit-territorju tiegħu, ta’ liċenzja tas-sewqan miksuba, qabel l-adeżjoni, fi Stat Membru ieħor qabel l-iskadenza ta’ perijodu ta’ projbizzjoni temporanja milli ssir applikazzjoni għal liċenzja ġdida.

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 7(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991 dwar il-liċenzji tas-sewqan, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Settembru 2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil ċittadin ta’ Stat Membru milli jkollu simultanjament fil-pussess tiegħu żewġ liċenzji tas-sewqan validi, li minnhom waħda tkun liċenzja Komunitarja u l-oħra tkun liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, meta dawn iż-żewġ liċenzji jkunu nkisbu t-tnejn qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea.

2)

L-Artikoli 1, u 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439, kif emendata bir-Regolament Nru 1882/2003, ma jipprekludux Stat Membru milli jirrifjuta li jirrikonoxxi d-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat ieħor qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea, jekk din il-liċenzja tkun inħarġet qabel liċenzja tas-sewqan maħruġa mill-ewwel Stat Membru li fih din it-tieni liċenzja tkun ġiet suġġetta għal irtirar minħabba nuqqas ta’ kapaċità għas-sewqan tal-pussessur tagħha. F’dan ir-rigward, il-fatt li dan ir-rifjut isir wara l-perijodu ta’ projbizzjoni milli ssir applikazzjoni għal liċenzja tas-sewqan ġdida impost flimkien mal-imsemmi rtirar m’għandux rilevanza.


(1)  ĠU C 283, 24.11.2007


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Frar 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Hoge Raad der Nederlanden – L-Olanda) – Staatssecretaris van Financiën vs Kamino International Logistics BV

(Kawża C-376/07) (1)

(Tariffa Doganali Komuni - Nomenklatura magħquda - Klassifikazzjoni tat-tariffi - Monitors tat-tip LCD mgħammra b’sokits ta’ SUB-D, DVI-D, USB, S-vidjo u vidjo kompost - Intestatura 8471 - Intestatura 8528 - Regolament Nru 754/2004)

2009/C 90/05

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Staatssecretaris van Financiën

Konvenuta: Kamino International Logistics BV

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari – Hoge Raad der Nederlanden – Interpretazzjoni tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003 tal-11 ta’ Settembru 2003, biex jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar it-tariffa u n-nomenklatura statistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 281, p. 1) – Monitur tal-kulur li jista’ jittrażmetti sinjali li jkunu ġejjin minn magna li tipproċessa d-data awtomatikament u kif ukoll minn sorsi oħra – Klassifikazzjoni fl-intestatura 8471 tan-NM – Applikabbiltà u validità tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 754/2004 tal-21 ta’April 2004, dwar il-klassifika ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 118, p. 32)

Dispożittiv

1)

Monitors tali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhumiex esklużi mill-klassifika fis-subintestatura 8471 60 90, bħala unitajiet tal-kwalità użat “prinċipalment” f’sistema awtomatika ta’ ipproċessar ta’ data fis-sens tan-nota 5, B, inċiż (a), tal-Kapitolu 84 tan-nomenklatura magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003 tal-11 ta’ Settembru 2003, biss minħabba li dawn jistgħu jittrażmettu sinjali minn magna li tipproċessa data awtomatikament u kif ukoll minn sorsi oħra.

2)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk monitors bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex unitajiet tal-kwalità użata prinċipalment f’sistema awtomatika li tipproċessa d-data, l-awtoritajiet nazzjonali, inkluż il-qrati, għandhom jagħmlu użu minn indikazzjonijiet li jinsabu fin-noti ta’ spjega relatati mal-intestatura 8471 tas-sistema armonizzata stabbilita mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986 , b’mod partikolari mal-punti 1 sa 5 tal-parti tal-Kapitolu I, D, iddedikata għall-iskrins ta’ magni ta’ pproċessar tad-data.

3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 754/2004 tal-21 ta’April 2004 dwar il-klassifika ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda, ma japplikax għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tat-tariffi tal-monitors inkwistjoni fil-kawża prinċipali.


(1)  ĠU C 269, 10.11.2007


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/4


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta’ Frar 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Raad van State – l-Olanda) – M. Elgafaji, N. Elgafaji vs Staatssecretaris van Justitie

(Kawża C-465/07) (1)

(Direttiva 2004/83/KE - Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja - Persuna li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja - Artikolu 2(e) - Riskju reali li jsofri periklu serju - Artikolu 15(ċ) - Theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ pajżan minħabba fi vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat - Prova)

2009/C 90/06

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: M. Elgafaji, N. Elgafaji

Konvenuta: Staatssecretaris van Justitie

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari – Nederlandse Raad van State – Interpretazzjoni tal-Artikoli 2(e) u 15(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija – Livelli minimi marbuta mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat – Livell ta’ protezzjoni ugwali għal dak ta’ l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jew, fil-każ ta’ risposta negattiva, kriterji applikabbli għall-konstatazzjoni ta’ theddid serju u individwali minħabba fi vjolenza indiskriminata

Dispożittiv

L-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, moqri flimkien mal-Artikolu 2(e) ta’ din l-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-eżistenza ta’ theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ applikant għal protezzjoni sussidjarja mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar iressaq il-prova li huwa speċifikament effettwat minħabba f’elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tiegħu;

l-eżistenza ta’ dan it-theddid jista’ jiġi eċċezzjonalment ikkunsidrat bħala stabbilit meta l-grad ta’ vjolenza indiskriminata li tikkaratterizza l-kunflitt armat li għaddej, li kkonstataw l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li quddiemhom tressqet applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja jew il-qrati ta’ Stat Membru li quddiemhom ġiet irrinvijata ċaħda ta’ din l-applikazzjoni, jilħaq livell hekk għoli li għalhekk jeżistu motivi serji u sostanzjali sabiex pajżan mibgħut lura fil-pajjiż ikkonċernat, jew, skont il-każ, fir-reġjun ikkonċernat, mis-sempliċi fatt tal-preżenza tiegħu fuq it-territorju ta’ dan, jgħaddi minn riskju reali ta’ theddid serju.


(1)  ĠU C 8, 12.1.2008.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/5


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-17 ta’ Frar 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d’État – Franza) – Commune de Sausheim vs Pierre Azelvandre

(Kawża C-552/07) (1)

(Direttiva 2001/18/KE - Rilaxx intenzjonat ta’ organiżmi modifikati ġenetikament - Post tar-rilaxx - Kunfidenzjalità)

2009/C 90/07

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Commune de Sausheim

Konvenut: Pierre Azelvandre

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari – Conseil d’État (Franza) – Interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 90/220/KEE tal-Kunsill tat-23 ta’ April 1990 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 117, p. 15) u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali (ĠU L 41, p. 26) – Kunċett ta’ “post ta’ rilaxx” ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (OMĠ) – Rilaxx limitat għal porzjon speċifiku ta’ art irreġistrata fil-katast jew għal żona ġeografika ikbar (komun, canton, dipartiment)? – Fl-ewwel ipoteżi, hemm possibbiltà li jiġi rrifjutat li r-referenzi katastali tal-porzjon inkwistjoni jiġu kkomunikati għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ordni pubbliku u s-sigurtà tal-persuni u tal-beni?

Dispożittiv

1)

Il-“post ta’ rilaxx”, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 25(4) tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, huwa ddeterminat permezz tal-informazzjoni kollha li tirrigwarda l-post tar-rilaxx sottomess min-notifikant lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fit-terrritorju tiegħu għandu jsir dan ir-rilaxx fil-kuntest tal-proċeduri msemmija fl-Artikoli 6 sa 8, 13, 17, 20 jew 23 tal-istess direttiva.

2)

Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-ordni pubbliku jew ma’ interessi oħra protetti mil-liġi ma tistax titqajjem fil-konfront tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni stipulata fl-Artikolu 25(4) tad-Direttiva 2001/18.


(1)  ĠU C 37, 9.2.2008


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/5


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Frar 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Corte suprema di cassazione – l-Italja) – Athesia Duck Srl vs Ministero delle Finanze, Agenzia delle Entrate

(Kawża C-1/08) (1)

(Sitt Direttiva tal-VAT - Artikolu 9(2)(e) - Artikolu 9(3)(b) - Tlettax-il Direttiva tal-VAT - Artikolu 2 - Post fejn jiġi pprovdut is-servizz - Servizzi ta’ reklamar - Rimbors tal-VAT - Rappreżentant fiskali)

2009/C 90/08

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Athesia Duck Srl

Konvenut: Ministero delle Finanze, Agenzia delle Entrate

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari – Corte suprema di cassazione (l-Italja) – Interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2)(e) tad-Direttiva 77/388/KEE: Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p.1) – Servizzi ta’ reklamar – Determinazzjoni tal-post fejn ġie ipprovdut s-servizz – Servizz mogħti minn impriża li għandha s-sede tagħha fit-territorju tal-Komunità favur impriża stabbilita fi Stat terz iżda li għandha rappreżentant fiskali fit-territorju ta’ Stat Membru.

Dispożittiv

Fil-qasam tas-servizzi ta’ reklamar, meta d-destinatarju tas-servizzi jkun stabbilit barra mit-territorju tal-Komunità Ewropea, il-post fejn huwa pprovdut is-servizz huwa, bħala prinċipju, skont l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, dak il-post fejn jinsab is-sede tad-destinatarju. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għall-fakultà prevista fl-Artikolu 9(3)(b) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata, billi jistabbilixxu l-post tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni, b’deroga mill-imsemmi prinċipju, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

Jekk isir rikors għall-fakultà prevista fl-Artikolu 9(3)(b) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata, servizz ta’ reklamar li jsir minn fornitur stabbilit fil-Komunità Ewropea għall-benefiċċju ta’ destinatarju stabbilit fi Stat terz, kemm jekk dan id-destinatarju huwa d-destinatarju finali jew destinatarju intermedjarju, dan jitqies li twettaq fil-Komunità Ewropea, bil-kundizzjoni li l-użu effettiv u t-tgawdija, fis-sens tal-Artikolu 9(3)(b) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata, iseħħ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Dan huwa l-każ, fil-qasam tas-servizzi ta’ reklamar, meta r-reklami li huma s-suġġett tal-provvista jixxandru mill-Istat Membru kkonċernat.

L-Artikolu 9(3)(b) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata, ma jistax iwassal għat-tassazzjoni tas-servizzi ta’ reklamar imwettqa minn fornitur ta’ servizzi stabbilit barra mill-Komunità Ewropea lill-klijenti tiegħu stess, minkejja li dan il-fornitur ta’ servizzi kien destinatarju intermedjarju minħabba provvista ta’ servizzi preċedenti, peress li tali provvista ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata, u, b’mod iktar ġenerali, tal-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva fl-intier tagħha, dispożizzjonijiet li hemm referenza espliċita għalihom fl-Artikolu 9(3)(b) tal-istess Direttiva.

In-natura taxxabbli tal-provvista skont l-Artikolu 9(3)(b) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata, ma tipprekludix id-dritt tal-persuna taxxabbli li titlob rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud meta hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Tlettax-il Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE, tas-17 ta’ Novembru 1986, fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi ta’ ċaqliq ta’ flus – Arranġamenti għar-rifond tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità.

Il-ħatra ta’ rappreżentant fiskali tibqa’, fiha nfisha, mingħajr effett fuq in-natura taxxabbli jew le tas-servizzi meħuda jew mogħtija mill-persuna rrappreżentata.


(1)  ĠU C 64, 8.3.2008.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/6


Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Novembru 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña – Spanja) – N.N. Renta SA vs Tribunal Económico-Administrativo Regional de Cataluña (TEARC), Generalidad de Cataluña

(Kawża C-151/08) (1)

(Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura - Sitt Direttiva VAT - Artikolu 33(1) - Kunċett ta’ “taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ” - Taxxa fuq it-trasferimenti patrimonjali u t-tranżazzjonijiet legali dokumentati)

2009/C 90/09

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Cataluña

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: N.N. Renta SA

Konvenuta: Tribunal Económico-Administrativo Regional de Cataluña (TEARC), Generalidad de Cataluña

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari – Tribunal Superior de Justicia de Cataluña – Interpretazzjoni tal-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1) – Kunċett ta’ “taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ” – Taxxa nazzjonali fuq it-trasferimenti patrimonjali u t-tranżazzjonijiet legali dokumentati

Dispożittiv

L-Artikolu 33(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1991, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-ġbir tal-ammont varjabbli jew proporzjonali tat-taxxa fuq it-trasferimenti patrimonjali u t-tranżazzjonijiet legali dokumentati meta din hija dovuta fuq il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xiri minn impriża li l-attività tagħha tikkonsisti fix-xiri u l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli jew fix-xiri ta’ proprjetà immobbli għall-iżvilupp jew għall-kiri.


(1)  ĠU C 158, 21.6.2008.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fl-4 ta’ Diċembru 2008 – Friedrich G. Barth vs Bundesministerium für Wissenschaft und Forschung

(Kawża C-542/08)

2009/C 90/10

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Friedrich G. Barth

Konvenut: Bundesministerium für Wissenschaft und Forschung

Domandi preliminari

1)

L-applikazzjoni ta’ regola ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin għal allowances speċjali ta’ anzjanità li, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, ħaddiem emigrant, qabel is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, Ġabra p. I-10239), ġie miċħud minnha minħabba sitwazzjoni legali nazzjonali li hija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta kontra l-ħaddiema migranti fis-sens tal-Artikolu 39 KE u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KKE) Nru 1612/68, jew restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit f’dawn id-dispożizzjonijiet?

2)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda: l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7(1) , tar-Regolament (KKE) Nru 1612/68, jipprekludu, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni ta’ regola ta’ preskrizzjoni għal allowances speċjali ta’ anzjanità li ħaddiem migrant, qabel is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, Ġabra p. I-10239), ġie miċħud minnha minħabba sitwazzjoni legali nazzjonali li hija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju?

3)

Il-prinċipju ta’ effettività jipprojbixxi, f’ċirkustanzi simili għal dawk fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni ta’ regola ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin sabiex jiġu invokati d-drittijiet għall-allowance speċjali ta’ anzjanità li jirrigwardaw il-passat u li l-benefiċjarji potenzjali ġew miċħuda minnha bi ksur tad-dritt Komunitarju, minħabba dispożizzjonijiet ġuridiċi ta’ dritt nazzjonali fformulati b’mod ċar?


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fil-15 ta’ Jannar 2009 – Gudrun Schwemmer vs Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen – Familienkasse

(Kawża C-16/09)

2009/C 90/11

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Gudrun Schwemmer

Konvenut: Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen – Familienkasse

Domandi preliminari

1)

Id-dispożizzjoni fl-Artikolu 76(2) tar-Regolament tal-Kunsill 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (1) skont l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 dwar l-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (2) hija applikabbli meta l-ġenitur intitolat għall-allowances tal-familja ma jitlobhomx fil-pajjiż tax-xogħol?

2)

Fil-każ li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 huwa applikabbli, abbażi ta’ liema premessa ta’ diskrezzjoni tista’ l-istituzzjoni responsabbli għall-allowances tal-familja fil-pajjiż ta’ residenza tapplika l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, bħallikieku huma allowances protetti fil-pajjiż tax-xogħol? Tista’ d-diskrezzjoni li jiġi preżunt li l-għoti ta’ allowances tal-familja fil-pajjiż tax-xogħol hija ristretta meta l-ġenitur intitolat għalihom fil-pajjiż tax-xogħol intenzjonalment ma talabx l-allowances dovuti lilu, tkun ta’ preġudizzju għall-eliġibbiltà għall-allowances għat-tfal fil-pajjiż tar-residenza?


(1)  ĠU L 149, p. 2

(2)  ĠU L 074, p. 1


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/8


Appell ippreżentat fid-19 ta’ Jannar 2009 minn ecoblue AG mis-sentenza mogħtija fit-12 ta’ Novembru 2008 mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawża T-281/07 – ecoblue AG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-23/09 P)

2009/C 90/12

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Appellanti: ecoblue AG (rappreżentanti: C. Osterrieth, T. Schmitz, Rechtsanwälte)

Appellati: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, SA

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta’ Novembru 2008 fil-Kawża T-281/07;

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (iktar ’il quddiem l-“UASI”) tal-25 ta’ April 2007 (Każ R 0844/2006-1) dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 00287 1598 “Ecoblue ”;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja ladarba t-trade marks kunfliġġenti ma għandhomx il-livell minimu ta’ xebh meħtieġ sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabblità ta’ konfużjoni.

Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball meta ddeċidiet li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoini, jikkostitwixxi l-element essenzjali għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni dan l-aspett tal-kawża u llimitat ruħha għal paragun bejn iż-żewġ trade marks kunfliġġenti minn perspettiva viżiva, fonetika u kunċettwali daqslikieku t-trade mark preċedenti kienet trade mark li kellha biss livell medju ta’ karattru distintiv.

Hija ssosstni wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma applikatx b’mod korrett ir-regola li normalment il-konsumaturi jagħtu l-aktar importanza lill-ewwel parti tal-kelma. Ladarba ż-żewġ elementi verbali, “Eco” u “blue” huma ugwalment deskirttivi, il-konsumatur awtomatikament jagħmel iktar enfasi fuq l-ewwel kelma “Eco”, u b’hekk jirrikonoxxu l-karattru distintiv taż-żewġ trade marks.

Barra minn hekk, hija ssosstni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi ma ttrattatx id-differenzi kunċettwali bejn iż-żewġ trade marks kunfliġġenti bħala li kienu ta’ importanza kbira ħafna.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/8


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (Ir-Renju Unit) fid-19 ta’ Jannar 2009 – The Motor Insurers’ Bureau vs Helphire (UK) Limited, Angel Assistance Limited

(Kawża C-26/09)

2009/C 90/13

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: The Motor Insurers’ Bureau

Konvenuti: Helphire (UK) Limited, Angel Assistance Limited

Domandi preliminari

L-ewwel domanda

a)

Meta d-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jipprovdi li l-ispejjeż li l-vittma ta’ inċident tat-traffiku tidħol għalihom sabiex tikri vettura oħra jistgħu jiġu rkuprati mingħand il-persuna responsabbli, l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 84/5/KEE (1) jippermetti lill-Motor Insurers’ Bureau (iktar ’il quddiem l-“MIB”) jeskludi, fil-każ li ma jkunx hemm irkupru mingħand il-persuna responsabbli, kull responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż meta l-kumpens fl-aħħar mill-aħħar jitħallas lill-assiguratur li jkun ħareġ polza wara l-inċident li tkopri l-ispejjeż marbuta mal-kiri?

b)

Jekk ir-risposta għall-parti (a) tal-ewwel domanda tkun negattiva, il-kumpens mogħti mill-MIB jista’ jkun limitat għall-primjum pagabbli, jekk ikun il-każ, lill-assiguraturi li jkunu ħallsu l-ispejjeż marbuta mal-kiri?

It-tieni domanda

Jekk ir-risposta għall-parti (a) tal-ewwel domanda tkun negattiva:

Il-qorti nazzjonali għandha tinterpreta l-Uninsured Drivers Agreement (Ftehim dwar sewwieqa li ma jkollhomx assigurazzjoni) b’tali mod li tagħti effett lid-Direttiva skont il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing vs La Comercial Internacional de Alimentacion (C-106/89, Ġabra p. I-4135)? Fi kliem ieħor, l-espressjoni r-“regoli kollha tad-dritt nazzjonali”, li tintuża fit-tielet inċiż tal-punt 120 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer vs Deutsches Rotes Kruz (Kawżi magħquda C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835), tinkludi ftehim bħall-Uninsured Drivers Agreement?

It-tielet domanda

Jekk ir-risposta għall-parti (a) tal-ewwel domanda tkun negattiva:

L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva għandu effett dirett?

Ir-raba’ domanda

Jekk ir-risposta għat-tielet domanda tkun pożittiva:

a)

Għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk korp bħalma huwa l-MIB huwiex korp li fil-konfront tiegħu jistgħu jiġu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett:

i)

Il-kriterji identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster vs British Gas (C-188/89, Ġabra p. I-3313), huma l-kriterji li għandhom jintużaw sabiex issir din id-determinazzjoni?

ii)

Jekk din id-determinazzjoni għandha ssir abbażi ta’ uħud minn dawn il-kriterji (iżda mhux kollha) jew abbażi ta’ kriterji addizzjonali, liema kriterji għandhom jintużaw?

b)

Hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddetermina jekk korp jissodisfax il-kriterji rilevanti?

c)

Korp li jkollu l-karatteristiċi tal-MIB jissodisfa l-kriterji b’tali mod li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li għandhom effett dirett ikunu jistgħu jiġu invokati fil-konfront tiegħu?


(1)  It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE, tat-30 ta’ Diċembru 1983, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU L 8, p. 17)


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Amsterdam (l-Olanda) fis-26 ta’ Jannar 2009 – Oracle Nederland BV vs Inspecteur van de Belastingdienst Utrecht-Gooi/kantoor utrecht

(Kawża C-33/09)

2009/C 90/14

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Gerechtshof Amsterdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Oracle Nederland BV

Konvenut: Inspecteur van de Belastingdienst Utrecht-Gooi/kantoor utrecht

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 11(4) tat-Tieni Direttiva u l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru, li xtaq jeżerċita l-possibbiltà offruta minn dawn l-artikoli li jeskludi (u jibqa’ jeskludi) mit-tnaqqis il-kategoriji ta’ spejjeż li jidħlu fl-espressjoni

“provvista ta’ ikel u xorb lill-persunal tal-imprenditur”;

“rigali ta’ negozju jew rigali oħra offerti lil persuni li ma jistgħux jibbenefikaw mit-tnaqqis totali jew tal-biċċa l-kbira mit-taxxa li ġiet jew ser tiġi fatturata lilhom”;

“provvista ta’ akkomodazzjoni għall-persunal tal-imprenditur”;

“offerta ta’ attivitajiet ta’ rikreazzjoni għall-persunal tal-imprenditur”

ikun issodisfa l-kundizzjoni meħtieġa li jistabbilixxi kategorija ta’ beni u servizzi suffiċjentement iddefiniti?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija affermattiva għal dawn il-kategoriji, l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 17(2) u (6) tas-Sitt Direttiva jippermettu li dispożizzjoni legali nazzjonali bħal dik inkwistjoni, adottata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, tipprovdi li persuna taxxabbli ma tistax tnaqqas it-taxxa kollha mħallsa fil-mument tal-akkwist ta’ ċerti beni u servizzi peress li kumpens suġġett għat-taxxa jkun ġie ffatturat għalihom, iżda tista’ biss tnaqqasha proporzjonalment mit-taxxa imputabbli għal din il-prestazzjoni?

3)

Jekk il-kundizzjoni imposta fuq il-leġiżlatur li jindika oġġetti u servizzi suffiċjentement definiti hija sodisfatta għall-“provvista ta’ ikel u xorb lill-persunal tal-imprenditur”, l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva jipprojbixxilu li mal-esklużjoni tat-tnaqqis issir emenda intiża, fil-prinċipju, li tirrrestrinġi l-portata, iżda li għaliha ma jistax jiġi eskluż li, f’każ individwali u għal sena finanzjarja speċifika, hija twessa’ l-portata tal-imsemmija esklużjoni minħabba n-natura fissa tas-sistema emendata?


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/10


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal du travail de Bruxelles (il-Belgju) fis-26 ta’ Jannar 2009 – Gerardo Ruiz Zambrano vs Office national de l’emploi (ONEM)

(Kawża C-34/09)

2009/C 90/15

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal du travail de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Gerardo Ruiz Zambrano

Konvenut: Office national de l’emploi (ONEM)

Domandi preliminari

1)

Wieħed jew iktar mill-Artikoli 12, 17 u 18 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, moqrija separatament jew flimkien, jagħtu dritt ta’ residenza lil ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membru li dan iċ-ċittadin għandu ċ-ċittadinanza tiegħu, indipendentement minn jekk huwa jkunx preċedentement eżerċita d-dritt tiegħu li jmur minn post għal ieħor fit-territorju tal-Istati Membri?

2)

L-Artikoli 12, 17 u 18 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21, 24 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (adottata mill-Kunsill Ewropew ta’ Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 u ppubblikata, fil-verżjoni attwali tagħha, fil-ĠU C 303 tal-14 ta’ Diċembru 2007), għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt li huma jagħtu lil kull ċittadin tal-Unjoni mingħajr diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ċittadinanza li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri jimplika, meta dan iċ-ċittadin huwa minorenni ta’ età żgħira fil-kustodja ta’ axxendent li huwa ċittadin ta’ Stat terz, li t-tgawdija tad-dritt ta’ residenza tal-imsemmi minorenni fit-territorju tal-Istat Membru li fih jirrisjedi u li huwa għandu ċ-ċittadinanza tiegħu għandha tiġi ggarantita lilu, indipendentement minn jekk id-dritt li jmur minn post għal ieħor ikunx ġie preċedentement eżerċitat minnu jew permezz tar-rappreżentant legali tiegħu, filwaqt li dan id-dritt ta’ residenza għandu jingħata wkoll l-effett utli li l-ġurisprudenza Komunitarja (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, Kawża C-200/02) irrikonoxxiet il-ħtieġa tiegħu, permezz tal-għoti, lill-axxendent ċittadin ta’ Stat terz, li għandu l-kustodja tal-imsemmi minorenni u li għandu riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni kontra l-mard, tad-dritt ta’ residenza derivat li jgawdi dan l-istess ċittadin ta’ Stat terz jekk il-minorenni fil-kustodja tiegħu jkun ċittadin tal-Unjoni iżda ma jkollux iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru li fih jirrisjedi?

3)

L-Artikoli 12, 17 u 18 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21, 24 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt ta’ residenza ta’ minorenni, ċittadin ta’ Stat Membru, fit-territorju li fih jirrisjedi, għandu jimplika l-għoti ta’ eżenzjoni minn permess għax-xogħol lill-axxendent, ċittadin ta’ Stat terz, li għandu l-kustodja tal-imsemmi minorenni u li – kieku ma kienx għar-rekwiżit ta’ permess għax-xogħol impost bid-dritt intern tal-Istat Membru li fih huwa jirrisjedi – jissodisfa, permezz tal-eżerċizzju ta’ impjieg li jissuġġettah għas-sigurtà soċjali tal-imsemmi Stat, il-kundizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti u tal-pussess ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, sabiex id-dritt ta’ residenza ta’ dan il-minorenni jingħata wkoll l-effett utli li l-ġurisprudenza Komunitarja (sentenza Zhu u Chen, iċċitata iktar ’il fuq) irrikonoxxiet favur minorenni, ċittadin Ewropew li għandu ċittadinanza differenti minn dik tal-Istat Membru li fih huwa jirrisjedi fil-kustodja ta’ axxendent, ċittadin ta’ Stat terz?


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/11


Appell ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2009 minn Société des plantations de Mbanga SA (SPM) mis-sentenza mogħtija fit-13 ta’ Novembru 2008 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) fil-Kawża T-128/05, SPM vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża C-39/09 P)

2009/C 90/16

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Société des plantations de Mbanga SA (SPM) (rappreżentant: A. Farache, avukat)

Appellati: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropej, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet

prinċipalment, tiddikjara:

l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza;

il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tal-kumpens u għall-ħlas tal-ispejjeż taż-żewġ istanzi, inklużi dawk tal-appellanti;

sussidjarjament, tordna:

li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiedi l-kawża mill-ġdid u tiddeċiedi fuq l-ammont ta’ kumpens li għandu jitħallas.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka essenzjalment żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li s-sistema Komunitarja ta’ importazzjoni tal-banana ma tiksirx b’mod manifest u gravi l-prinċipju taż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva, prinċipju li, skont l-appellanti, jikkostitwixxi regola tad-dritt li għandha bħala għan l-għoti ta’ drittijiet lill-individwi.

F’dan ir-rigward, l-appellanti tinvoka, minn naħa, in-nuqqas tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tieħu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-kompetizzjoni inkwantu bbażat id-deċiżjoni tagħha biss fuq l-għanijiet ġeneriċi speċifikament segwiti fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-banana. Min-naħa l-oħra, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat ir-rabta li hemm bejn il-leġiżlazzjoni Komunitarja u l-prattiki antikompetittivi li hemm fis-suq tal-banana inkwantu rrifjutat li tirrikonoxxi li d-dispożizzjonijiet Komunitarji jippermettu, permezz ta’ ċertifikati ta’ importazzjoni, l-għoti ta’ benefiċċji ekonomiċi lil ċerti operaturi privileġġati, li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq hija msaħħa bir-regoli eżistenti.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka l-ksur, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u, partikolarment, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba inkwantu qieset li dan tal-aħħar ma jikkostitwixxix, fih innifsu, regola tad- dritt li għandha bħala għan l-għoti ta’ drittijiet lill-individwi. Issa, dan il-prinċipju ġie għal diversi drabi rikonnoxxut fil-ġurisprudenza u jinvolvi, fil-każ ineżami, obbligu min-naħa tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tas-suq u tal-produtturi li ma setgħux jiksbu l-kwalifika ta’ operaturi meta ġiet adottata l-leġiżlazzjoni Komunitarja.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/11


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-VAT and Duties Tribunal, Manchester (ir-Renju Unit) fid-29 ta’ Jannar 2009 – Astra Zeneca UK Limited vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

(Kawża C-40/09)

2009/C 90/17

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Qorti tar-rinviju

VAT and Duties Tribunal, Manchester

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Astra Zeneca UK Limited

Konvenut: Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

Domandi preliminari

1)

Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, meta impjegat huwa intitolat skont il-kuntratt ta’ impjieg tiegħu li jagħżel li jieħu parti mir-remunerazzjoni tiegħu bħala vawċer ta’ valur nominali, l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE (1) [li issa sar l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva Prinċipali fuq il-VAT] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għoti ta’ dan il-vawċer lill-impjegat minn min iħaddem jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 6(2)(b) [li issa sar l-Artikolu 26(1)(b)] għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi li l-għoti tal-vawċer lill-impjegat minn min iħaddem, skont il-kuntratt ta’ impjieg, għandu jitqies bħala provvista ta’ servizzi, f’ċirkustanzi fejn il-vawċer għandu jintuża mill-impjegat għar-raġunijiet privati tiegħu?

3)

Jekk l-għoti tal-vawċer la huwa provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas skont l-Artikolu 2(1) u lanqas ma għandu jitqies bħala provvista ta’ servizzi taħt l-Artikolu 6(2)(b), l-Artikolu 17(2) [li issa sar l-Artikolu 168] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil min iħaddem jirkupra t-taxxa fuq il-valur miżjud li huwa ħallas meta xtara u ta l-vawċer lill-impjegat, skont il-kuntratt ta’ impjieg, f’ċirkustanzi fejn il-vawċer għandu jintuża mill-impjegat għall-raġunijiet privati tiegħu?


(1)  Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1)


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/12


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2009 – Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Estonja

(Kawża C-46/09)

2009/C 90/18

Lingwa tal-kawża: L-Estonjan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: E. Randvere u K. Simonsson)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Estonja

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li, peress li naqset milli tittrasponi korrettament fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/59/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija, ir-Repubblika tal-Estonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/59/KE;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Estonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Mill-Artikolu 11(2)(a) tad-Direttiva 2000/59 jirriżulta li r-Repubblika tal-Estonja għandha l-obbligu li tistabbilixxi kriterji sabiex tagħżel bastimenti, li mhumiex bastimenti tas-sajd u opri ta’ rikreazzjoni awtorizzati li jġorru mhux iktar minn 12-il passiġġier, li għandhom ikunu suġġetti għal spezzjoni.

l-Artikolu 11(2)(ċ) tad-Direttiva 2000/59 jipprovdi li jekk l-awtorità rilevanti ma tkunx sodisfatta bir-riżultati ta’ spezzjoni, għandha tiżgura illi l-bastiment ma jħallix il-port qabel ma jkun ikkunsinna l-iskart iġġenerat mill-bastiment u l-fdalijiet mill-merkanzija f’faċilità ta’ akkoljenza tal-port skont l-Artikoli 7 u 10.

Ir-Repubblika tal-Estonja sostniet l-intenzjoni tagħha li tikkompleta l-leġiżlazzjoni Estonjana sabiex tittrasponi korrettament dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Il-Kummissjoni m’għandhiex informazzjoni rigward l-adozzjoni ta’ dawn l-emendi.


(1)  ĠU L 332, p. 81.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/12


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Stockholms tingsrätt (l-Iżvizzera) fis-6 ta’ Frar 2009 – Konkurrensverket vs TeliaSonera Sverige AB

(Kawża C-52/09)

2009/C 90/19

Lingwa tal-kawża: L-Iżvediż

Qorti tar-rinviju

Stockholms tingsrätt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Tele2 Sverige Aktiebolag

Konvenuta: TeliaSonera Sverige AB

Domandi preliminari

1)

Taħt liema kundizzjonijiet jista’ jkun hemm ksur tal-Artikolu 82 KE bbażat fuq id-differenza bejn il-prezz li bih impriża dominanti integrata vertikalment tbiegħ provvisti ta’ servizzi intermedjarji ADSL lil kompetituri tagħha u l-prezz li bih hija tbiegħhom lil klijenti finali?

2)

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, huma biss il-prezzijiet applikati mill-impriża dominanti fir-rigward tal-klijenti finali tagħha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jew jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll prezzijiet applikati mill-kompetituri tagħha fis-suq tal-klijenti finali?

3)

Il-fatt li l-impriża domininati m’għandhiex obbligu leġiżlattiv li tipprovdi servizzi intermedjarji, iżda ddeċidiet li tagħmel dan volontarjament, għandu effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?

4)

Sabiex il-prattika deskritta fl-ewwel domanda tkun meqjusa bħala abbużiva, jeħtieġ li din ikollha effetti li jirristrinġu l-kompetizzjoni u, jekk dan ikun il-każ, dawn kif jistgħu jiġu stabbiliti?

5)

L-importanza tas-setgħa tas-suq li tgawdi minnha l-impriża dominanti għandha effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?

6)

Sabiex il-prattika deskritta fl-ewwel domanda tkun meqjusa bħala abbużiva, jeħtieġ li l-impriża li adottata jkollha pożizzjoni dominanti kemm fis-suq tal-intermedjarji kif ukoll fis-suq tal-klijenti finali?

7)

Sabiex il-prattika deskritta fl-ewwel domanda tkun meqjusa bħala abbużiva, jeħtieġ li l-prodott jew is-servizz provdut mill-impriża dominanti jkun indispensabbli?

8)

Il-fatt li l-kunsinna hija lil klijent ġdid għandu effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?

9)

Sabiex il-prattika deskritta fl-ewwel domanda tkun meqjusa bħala abbużiva, jeħtieġ li l-impriża dominanti jkollha probabbiltà li tirkupra t-telf tagħha?

10)

Il-fatt li hija involuta teknoloġija ġdida f’suq, li teħtieġ investimenti kbar ħafna, għandu effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda, pereżempju minħabba spejjeż raġonevoli ta’ stabbiliment u l-eventwali neċessità ta’ bejgħ b’telf matul il-fażi ta’ stabbiliment?


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/13


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-House of Lords (Ir-Renju Unit) fis-6 ta’ Frar 2009 – Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs vs Loyalty Management UK Limited

(Kawża C-53/09)

2009/C 90/20

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Qorti tar-rinviju

House of Lords

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

Konvenuta: Loyalty Management UK Limited

Domandi preliminari

Fiċ-ċirkustanzi fejn persuna taxxabbli (iktar ’il quddiem il-“Promotur”) teżerċità attività kummerċjali fejn tamministra skema ta’ premji għal lealtà għal diversi klijenti partecipanti (iktar ’il quddiem l-“Iskema”), li permezz tiegħu il-Promotur jidħol f’diversi ftehim kif ġej:

i)

Ftehim ma’ diversi kumpanniji msejħa “Sponsers” li jipprovdu li l-isponsers jagħtu “Punti” lill-klijenti tal-Isponsers (iktar ’il quddiem il-“Kolletturi”) li jixtru oġġetti jew servizzi mill-Isponsers u l-Isponsers jagħmlu ħlasijiet lill-Promotur;

ii)

Ftehim mal-kolletturi li jinkludu dispożizzjonijiet li, meta jixtru oġġetti u/jew servizzi mill-Isponsers, huma jirċievu Punti li jistgħu jsarrfu għal oġġetti u/jew servizzi; u

iii)

Ftehim ma’ diversi kumpanniji (imsejħa “Fornituri”) li jipprovdu li l-Fornituri jaċċettaw, fost l-oħrajn, li jipprovdu oġġetti u/jew servizzi lil Kolletturi għal prezz li huwa inqas milli kieku jkun pagabbli jew għal ebda ħlas meta l-Kollettur isarraf il-Punti u min-naħa tiegħu il-Promotur iħallas “Ħlas għas-Servizz” li huwa kkalkulat skont in-numru ta’ Punti li jistgħu jissarrfu ma’ dak il-Fornitur matul il-perijodu rilevanti.

1)

Kif għandhom jiġu interpretati l-Artikoli 14, 24 u 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1) tat-28 ta’ Novembru 2006 (li qabel kienu l-Artikoli 5, 6 u 11(A)(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 (2)) fil-każ fejn il-ħlasijiet isiru mill-Promotur lill-Fornituri?

2)

B’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati bħala li l-ħlasijiet bħal dawk li jsiru mill-Promotur lill-Fornituri għandhom jiġu kkunsidrati bħala:

(a)

korrisspettiv biss għall-provvista ta’ servizzi mill-Fornituri lill-Promotur; jew

(b)

korrispettiv biss għall-provvista ta’ oġġetti u/jew servizzi mill-Fornituri lill-Kolletturi; jew

(ċ)

korrispettiv parzjalment għall-provvista ta’ servizzi mill-Fornituri lill-Promotur jew parzjalment għall-provvista ta’ oġġetti u/jew servizzi mill-Fornituri lill-Kolletturi?

3)

Jekk ir-risposta għad-domanda 2 hija (ċ), u għalhekk il-Ħlas għas-Servizz inkwistjoni għal żewġ provvisti mill-Fornituri, waħda lill-Promotur u waħda lill-Kolletturi, liema huma l-kriterji stabbiliti mid-dritt Komunitarju sabiex jiġi stabbilit kif ħlas bħal Ħlas għas-Servizz għandu jitqassam bejn dawn iż-żewġ provvisti?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistemi komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1)

(2)  Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1)


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/14


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-House of Lords (Renju Unit) fid-9 ta’ Frar 2009 – Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs vs Baxi Group Limited

(Kawża C-55/09)

2009/C 90/21

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Qorti tar-rinviju

House of Lords

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

Konvenuta: Baxi Group Limited

Domandi preliminari

“F’ċirkustanzi fejn

A

persuna taxxabbli topera skema ta’ promozzjoni tan-negozju immexxija minn kumpannija ta’ pubbliċità u marketing li permezz tagħha l-klijenti tal-persuna taxxabbli jingħataw “punti” skont l-oġġetti li jixtru mill-persuna taxxabbli;

B

klijenti jsarrfu l-punti billi jiksbu oġġetti bħala rigal mill-kumpannija ta’ pubbliċità u marketing mingħajr ma jħallsu għalihom;

C

il-persuna taxxabbli ftehmet ma’ dik il-kumpannija l-oħra li tħallasha l-prezz bl-imnut rakkomandat għar-rigali

1)

Kif għandhom jiġu interpretati l-Artikoli 14, 24 u 73 u 168 tad-Direttiva tal-VAT (1) (preċedentement l-Artikoli 5, 6 u 11(A)(1)(a) u 17(2) tas-Sitt Direttiva (2)) fir-rigward tal-ħlasijiet mill-persuna taxxabbli lill-kumpannija l-oħra?

2)

B’mod partikolari, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’tali mod li l-ħlasijiet mill-persuna taxxabbli lill-kumpannija l-oħra għandhom jiġu kklassifikati:

a)

biss bħala korrispettiv għall-provvista ta’ servizzi mill-kumpannija l-oħra lill-persuna taxxabbli;

b)

biss bħala korrispettiv miksub minn terzi għall-provvista ta’ oġġetti mill-kumpannija l-oħra lill-klijenti;

c)

bħala korrispettiv in parti għall-provvista ta’ servizzi mill-kumpannija l-oħra lill-persuna taxxabbli u in parti għall-provvista ta’ oġġetti mill-kumpannija l-oħra lill-klijenti; jew

d)

bħala korrispettiv għall-provvista kemm tas-servizzi ta’ pubbliċità u marketing kif ukoll tar-rigali mill-kumpannija l-oħra lill-persuna taxxabbli?

3)

Jekk ir-risposta għad-domanda 2 hija li tali ħlasijiet għandhom jiġu kklassifikati in parti bħala korrispettiv għall-provvista ta’ servizzi mill-kumpannija l-oħra lill-persuna taxxabbli u in parti bħala korrispettiv miksub minn terzi, jiġifieri mill-persuna taxxabbli lill-kumpannija l-oħra għall-provvista mill-kumpannija l-oħra ta’ oġġetti lill-klijenti, x’inhuma l-kriterji stabbiliti mid-dritt Komunitarju sabiex jiġi stabbilit kif għandu jitqassam il-ħlas bejn dawn iż-żewġ provvisti?”


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

(2)  Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1).


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/15


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Roma (l-Italja) fid-9 ta’ Frar 2009 – Emiliano Zanotti vs Agenzia delle Entrate

(Kawża C-56/09)

2009/C 90/22

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Commissione tributaria provinciale di Roma.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Emiliano Zanotti

Konvenuta: Agenzia delle Entrate

Domanda preliminari

Il-prinċipji ġenerali tat-Trattat u tad-dritt komuni Ewropew dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u sħiħa, kif ukoll dwar it-trattament ugwali u l-libertà ta’ moviment, jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 (e) tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 917 tat-22 ta’ Diċembru 1986, dwar test uniku tat-taxxa fuq id-dħul u tal-punt 1.5.1 taċ-Ċirkolari tal-Ministeru tal-Finanzi Nru 95 tat-12 ta’ Mejju 2000, u l-limitu li jirriżulta minn dan għal dak li jikkonċerna r-rikonoxximent tal-obbligi msemmija mill-imsemmija dispożizzjonijiet imur kontra l-leġiżlazzjoni Komunitarja?


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/15


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale della Campania (l-Italja) fil-11 ta’ Frar 2009 – Lucio Rubano vs Regione Campania, Comune di Cusano Mutri

(Kawża C-60/09)

2009/C 90/23

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale Amministrativo Regionale della Campania

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Lucio Rubano

Konvenuta: Regione Campania, Comune di Cusano Mutri

Domandi preliminari

1)

Il-preżenza ta’ spiżerija waħda fil-komuni li għandhom popolazzjoni ta’ inqas minn erbat elef ruħ hija kompatibbli mal-Artikoli 152 u 153 KE ?

2)

L-issuġġettar tal-ftuħ tat-tieni spiżerija fil-komuni li għandhom popolazzjoni ta’ aktar minn erbat elef ruħ, b’kundizzjonijiet bħal dik li l-popolazzjoni in eċċess taqbeż il-ħamsin fil-mija tan-numru mitlub għal spiżerija, li jkun hemm distanza ta’ mill-inqas tlett elef metru mill-ispiżerija eżistenti, u li jkun hemm bżonnijiet partikolari mis-servizzi farmaċewtiċi fir-rigward tal-kundizzjonijiet topografiċi u tad-diffikultajiet ta’ aċċess, evalwati mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali (aziende sanitarie locali) kif ukoll mill-assoċjazzjoni tal-ispiżjara lokali jew inkella mill-amministrazzjonijiet responsabbli għall-organizzazzjoni u l-kontroll tas-servizz farmaċewtiku, huwa kompatibbli mal-Artikoli 152 u 153 KE?


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/15


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit) fit-13 ta’ Frar 2009 – Association of the British Pharmaceutical Industry vs Medicines and Healthcare Products Regulatory Agency

(Kawża C-62/09)

2009/C 90/24

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Association of the British Pharmaceutical Industry.

Konvenuta: Medicines and Healthcare Products Regulatory Agency.

Domandi preliminari

L-Artikolu 94(1) tad-Direttiva 2001/83/EC (1) jipprekludi korp pubbliku, li jifforma parti mis-servizz nazzjonali tas-saħħa pubblika, milli, sabiex inaqqas l-infiq ġenerali fil-mediċini, jimplementa skema li toffri inċentivi finanzjarji għal uffiċċji mediċi (li jistgħu min-naħa tagħhom jipprovdu benefiċċju finanzjarju lit-tabib li jikteb ir-riċetta) sabiex jippreskrivu mediċina speċifika msemmija b’isimha sostnuta mill-iskema ta’ inċentivazzjoni li hija jew:

1)

mediċina ta’ riċetta li tkun differenti minn dik li t-tabib kien ippreskriva qabel lill-pazjent; jew

2)

mediċina ta’ riċetta li hija differenti minn dik li kieku kienet tinkiteb għall-pazjent kieku mhux għall-iskema ta’ inċentivazzjoni,

meta din il-mediċina ta’ riċetta differenti tkun mill-istess klassi terapewtika ta’ mediċini uzati fit-trattament tal-kundizzjoni partikolari tal-pazjent?


(1)  Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/16


Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Frar 2009 – Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Franċiża

(Kawża C-64/09)

2009/C 90/25

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: P. Oliver u J.-B. Laignelot, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet tal-parti rikorrenti

tikkonstata li, billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti neċessarji kollha sabiex tittrasponi b’mod korrett u komplut tal-Artikolu 2(13), l-Artikolu 4(2)(a), l-Artikolu 5(3) u (4), l-Artikolu 6(3), l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem seba’ ilmenti bbażati fuq it-traspożizzjoni mhux korretta fil-liġi Franċiża ta’ ċerti dsipożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/53/KE.

Ir-rikorrenti ssostni l-ewwel nett li t-traspożizzjoni tad-definizzjoni tal-Artikolu 2(13), dwar “informazzjoni [tal-iżmantellar]” tal-vetturi li m’għadhomx jintużaw ma ġietx assigurata b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sa fejn id-dispożizzjoni nazzjonali korrispondenti għandha portata nettament aktar restrittiva minn dik tad-direttiva u fuq kollox ma tinkludix kwalunkwe rabta mal-għan iddikjarat mil-leġiżlatur Kommunitarju ta’ trattament korrett u tajjeb għall-ambjent.

Skont ir-rikorrenti, it-traspożizzjoni tardiva tal-Artikolu 4(2)(a) sussegwentement kellha bħala konsegwenza l-preżenza fis-suq, matul tmintax-il-xahar, ta’ vetturi, materjali u komponenti li fihom, barra l-każijiet eżentati, ċomb, merkurju, kadjum u kromju hexavalent peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti kienu applikabbli biss għall-vetturi approvati skont it-tip sa mill-31 ta’ Diċembru 2004, filwaqt li l-Artikolu 4(2)(a) tad-direttiva jirreferi min-naħa tiegħu għad-data tal-1 ta’ Lulju 2003.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 5(3) dwar il-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ tkissir ta’ vettura li m’għadhiex tintuża, mihijiex korrettament riprodotta fil-liġi Franċiża, ħaġa li tista’ toħloq sitwazzjonijiet ta’ konfużjoni, b’mod partikolari għas-sidien ta’ vetturi li ġejjin minn Stati Membri oħra. B’mod aktar partikolari, il-Kummissjoni tikkritika f’dan ir-rigward il-fatt li ċ-ċertifikat ta’ tkissir ma jinħariġx fil-mument tat-trasferiment tal-vettura iżda biss wara t-tkissir fiżika tagħha u li dan iċ-ċertifikat ma jinħariġx lid-detentur tal-vettura li m’għadhiex tintuża iżda lill-prefett tad-dipartement fejn il-vettura ġiet irreġistrata.

Il-Kummissjoni tilmenta fir-raba’ lok dwar it-traspożizzjoni tal-Artikolu 5(4) li tmur kontra l-effett utli tiegħu sa fejn hija tippermetti ċerti faċilitajiet awtorizzati – persuni liċenzjati sabiex ikissru l-vetturi – li jirrifjutaw li jieħdu responsabbiltà ta’ vetturi li m’għadhomx jintużaw u tibqa lura milli tipprovdi mekkaniżmu ta’ kumpens favur dawk li jwettqu t-tkissir.

Bl-istess mod, it-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(3) tmur kontra l-kunċett ta’ “żarmar” stabbilit fl-ewwel stadju tal-operazzjonijiet ta’ trattament tal-vetturi li m’għadhomx jintużaw, jiġifieri dak fejn jittieħdu l-partijiet li faċilment jistgħu jiġu żarmati, qabel l-operazzjoni ta’ dekontaminazzjoni.

Ir-rikorrenti tikkritika wkoll it-traspożizzjoni tal-Artikolu 7(1) sa fejn l-awtoritajiet Franċiżi jħeġġu r-riċiklaġġ tal-kompenenti ta’ vetturi “kull darba li l-kundizzjonijiet tekniċi u ekonomiċi jippermettu dan” filwaqt li d-direttiva min-naħa tagħha timponi obbligu, aktar restrittiv, ta’ riċiklaġġ “meta jkun vijabbli għall-ambjent”.

Fl-aħħar nett, hija tinsisti fuq il-fatt li l-Artikolu 8(3) jobbliga lill-Istati Membri li jieħdu miżuri speċifiċi sabiex il-manifatturi ta’ vetturi jew il-produtturi ta’ komponenti jipprovdu, għal kull tip ta’ vettura ġdida li titqiegħed fis-suq, informazzjoni dwar l-iżmantellar tagħhom, permezz ta’ manwali jew permezz ta’ mezzi elettroniċi tal-medja.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/17


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Frar 2009 – Gebr. Weber GmbH vs Jürgen Wittmer

(Kawża C-65/09)

2009/C 90/26

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Gebr. Weber GmbH.

Konvenut: Jürgen Wittmer

Domandi preliminari

1)

Id-dispożizzjonijiet tal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tipprovdi li fil-każ ta’ kunsinna ta’ oġġett mhux konformi mal-kuntratt, il-bejjiegħ jista’ jirrifjuta t-tip ta’ kumpens mitlub mill-konsumatur, b’mod partikolari, meta dan jinvolvi spejjeż li, meta mqabbla mal-importanza tan-nuqqas ta’ konformità u mal-valur li kien ikollu l-oġġett kieku kien konformi, mhumiex raġonevoli (kompletament spoporzjonati)?

2)

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, id-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 3(2) u (3) tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-bejjiegħ li jqiegħed l-oġġett f’konformità permezz ta’ sostituzzjoni għandu jbati l-ispejjeż tat-tneħħija tal-oġġett mhux konformi mill-post li fih ġie stallat mill-konsumatur skont in-natura u l-użu tal-oġġett?


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/17


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (Il-Litwanja) fis-16 ta’ Frar 2009 – Kriin Amgen, Inc. vs Lietuvos Respublikos valstybinis patentų biuras

(Kawża C-66/09)

2009/C 90/27

Lingwa tal-kawża: Il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (Il-Litwanja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Kriin Amgen, Inc.

Konvenut: Lietuvos Respublikos valstybinis patentų biuras

Domandi preliminari

1)

Id-“data ta’ meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ” imsemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1768/92, għandha tinftiehem fir-rigward tal-Litwanja bħala d-data tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda hija affermattiva, x’inhi r-relazzjoni bejn l-Artikolu 19 u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1768/92 għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu ta’ sitt xhur u liema minn dawk l-artikoli għandu jkun applikat f’dan il-każ?

3)

L-awtorizzazzjoni sabiex prodott jitqiegħed fis-suq fil-Komunità daħlet fis-seħħ mingħajr kundizzjoni fir-Repubblika tal-Litwanja fid-data tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea?

4)

Fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda hija affermattiva, id-dħul fis-seħħ tal-awtorizzazzjoni sabiex prodott jitqiegħed fis-suq għandu jkun ekwiparat mal-għoti tagħha għall-finijiet tal-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 1768/92?


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/17


Appell ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2009 minn Nuova Agricast Srl u Cofra srl mis-sentenza mogħtija fit-2 ta’ Diċembru 2008 mill-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) fil-Kawża T-362/05 , Nuova Agricast Srl et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-67/09 P)

2009/C 90/28

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Appellanti: Nuova Agricast Srl, Cofra srl (rappreżentant: M. A. Calabrese, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

Talba prinċipali

tannulla s-sentenza appellata, anke fil-parti fejn tikkonstata li l-ittra tad-29 ta’ Mejju 2000 ma fiha ebda falsità, u tiċħad għalhekk anke fil-mertu il-kontrotalba tal-Kummissjoni;

li meta tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet inklużi fil-miżuri ta’ organizzazzjoni tat-2 ta’ Marzu 2006, tikkonstata u tiddikkjara li, billi aġixxiet kif imsemmi fir-rikorsi fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni kisret b’mod gravi u manifest id-dritt Komunitarju u kkaġunat dannu patrimonjali lir-rikorrenti;

tirrinvija l-kawża lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet mhux inklużi fil-miżuri ta’ organizzazzjoni tat-2 ta’ Marzu 2006;

u, dwar l-ispejjeż;

i)

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell,

ii)

jew tirriżerva l-ispejjeż;

jew, u fl-eventwalità li ma tikkunsidrax li l-kawża tista’ tiġi deċiża fuq il-mertu:

Talba sussidjarja

tannulla s-sentenza appellata, anke fil-parti fejn tikkonstata li l-ittra tad-29 ta’ Mejju 2000 ma fiha ebda falsità,, u tiċħad għalhekk anke fil-mertu l-kontrotalba tal-Kummissjoni;

tirrinvija l-kawża lill-Qorti tal-Prim’Istanza;

u tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-EWWEL AGGRAVJU TA’ ILLEGALITÀ: żball ta’ liġi, minħabba li kkunsidrat awtorizzabbli mill-Kummissjoni skema li tmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u ta’ non-diskriminazzjoni bejn impriżi li jipparteċipaw fl-istess skema ta’ għajnuna; konsegwentement il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 87 KE u l-ġurisprudenza Komunitarja li tistabbilixxi li l-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE ma tista’ qatt tikkostitwixxi l-istrument sabiex jiġu evitati jew miksura regoli u prinċipji tad-dritt Komunitarju u li l-Kummissjoni ma tistax tawtorizza skemi li jiksru regoli jew prinċipji oħra tad-dritt Komunitarju.

L-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza, billi interpretat id-deċiżjoni tal-1997 kif għamlet fil-punt 81 tas-sentenza appellata, interpretat l-iskema sħiħa ta’ għajnuna awtorizzata minn dik id-deċiżjoni b’ mod li jrendiha inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ non-diskriminazzjoni u dan għaliex l-iskema, hekk interpretata, filwaqt li kienet toffri garanziji preċiżi lill-impriżi li kienu ppreżentaw talba għall-ewwel darba fit-tieni proċedura ta’ sejħa għal offerti fl-1999 dwar il-fatt li anke huma setgħu, jekk neċessarju, jirriformulaw dawn it-talbiet f’proċedura ta' sejħa għal offerti suċċessiva, kienet trendi din ir-riformulazzjoni loġikament impossibbli peress li, wara l-31 ta’ Diċembru 1999 din il-proċedura ta' sejħa għal offerti qatt ma setgħet tinżamm, lanqas jekk irriżervata biss għar-riformulazzjonijiet. Minn dan l-appellanti jiddeduċu li l-iskema, jekk interpretata b’dan il-mod, kienet tikser mhux biss il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, imma wkoll dak ta’ non-diskriminazzjoni, peress li kienu biss l-impriżi li kienu pparteċipaw għall-ewwel darba fit-tieni proċedura ta’ sejħa għal offerti tal-1999 li ma kienux permessi jagħmlu dak li min-naħa l-oħra kien permess lill-impriżi kollha li kienu pparteċipaw fil-proċeduri ta’ sejħa għal offerti preċedenti.

IT-TIENI AGGRAVJU TA’ ILLEGALITÀ: żball ta’ liġi, minħabba li naqset milli tivverifika jekk l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-1997 mogħtija minnha setgħetx tkun sostitwita b’oħra li tosserva l-prinċipji tad-dritt imsemmija iktar ‘il fuq. Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-ġurisprudenza li timponi fuq il-qorti l-obbligu ta’ tali verifika u ta’ tali sostituzzjoni.

L-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza, billi interpretat b’mod ġenerali u astratt l-iskema kif awtorizzata mid-deċiżjoni tal-1997, naqset milli tivverifika jekk l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-1997 mogħtija minnha setgħetx tkun sostitwita b’oħra, li tosserva l-prinċipji tad-dritt imsemmija iktar ‘il fuq, u għalhekk wettqet żball ta’ liġi peress li kisret dik il-ġurisprudenza li abbażi tagħha meta dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju sekondarju tista’ tiġi interpretata f’diversi modi, għandha tingħata preferenza lil dik l-interpretazzjoni li trendi d-dispożizzjoni stess konformi mat-Trattat KE għajr dik li twasal għall-inkompatibbiltà tagħha mat-Trattat stess.

IT-TIELET AGGRAVJU TA’ ILLEGALITÀ: l-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata, fil-parti fejn (punti 50 u 51) eskludiet il-preżenza ta’ falsità fl-ittra tad-29 ta’ Mejju 2000, hija vvizzjata bi żball ta' interpretazzjoni ta’ din l-ittra kif ukoll b' żnaturament tal-fatti u għandha tkun annullata, u li għandha tkun miċħuda anke fil-mertu l-kontrotalba tal-Kummissjoni intiża sabiex titneħħa mit-test tar-rikorsi l-akkuża, imressqa mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni wettqet falz ideoloġiku meta fformulat l-ittra tad-29 ta’ Mejju 2000 b’mod li jinsinwa li kienu l-awtoritajiet Taljani li lanqas biss semmew, fil-laqgħa tas-16 ta’ Mejju 2000, l-eżistenza tal-impriżi li jaqgħu taħt il-kategorija tat-tielet proċedura ta’ sejħa għal offerti.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/19


Appell ippreżentat fit-23 ta’ Frar 2009 minn Volker Mergel, Klaus Kampfenkel, Burkart Bill u Andreas Herden, konsulenti fis-settur tal-privattivi, mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) mogħtija fis-16 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża T-335/07, Volker Mergel et vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-80/09 P)

2009/C 90/29

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Volker Mergel, Klaus Kampfenkel, Burkart Bill, Andreas Herden. (rappreżentant: G.P. Friderichs, avukat)

Il-parti l-oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Diċembru 2008, Kawża T-335/07-33, innotifikata lir-rikorrenti b’faks fit-18 ta’ Diċembru 2008;

tannulla d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-appellat tal-25 ta’ Ġunju 2007 (Każ R 299/2007-4);

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Is-suġġett ta’ din il-kawża huwa l-kwistjoni jekk it-terminu “Patentconsult” huwiex tali li jista’ jiġi protett bħala trade mark għal servizzi fil-klassijiet 35, 41 u 42. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li t-terminu “Patentconsult” huwa indikazzjoni li tiddeskrivi b’mod dirett u konkret is-servizzi msemmija.

Insostenn tal-appell tagħhom l-appellanti jsostnu interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kklassifikat b’mod żbaljat it-trade mark inkwistjoni bħala neoloġiżmu li ma għandu ebda differenza rilevanti meta mqabbel mas-sempliċi għaqda tal-elementi deskrittivi kollha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza mmotivat in-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark inkwistjoni billi qieset li t-trade mark “Patentconsult” issegwi struttura abitwali ta’ ismijiet li jixxiebhu bħalma huma “patent consulting” jew “patent consultancy”. Din il-klassifikazzjoni madankollu hija żbaljata sa fejn it-terminu “Patentconsult”, għall-kuntrarju, ma jsegwix l-istruttura abitwali, li hija grammatikalment korretta, iżda jmur lil hinn minn dan u jikkostitwixxi neoloġiżmu li mhuwiex abitwali u li għandu differenza sostanzjali meta mqabbel mas-sempliċi għaqda tal-elementi “patent” u “consult”.

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta kkonstatat li t-trade mark “Patentconsult” kellha karattru esklużivament deskrittiv. Hija kkunsidrat li għall-finijiet tal-karattru distintiv huwa irrilevanti jekk termini oħra jistgħux jintużaw għas-servizzi protetti. Min-naħa l-oħra, l-appellanti jqisu li għandu jiġi użat terminu differenti minn “Patentconsult” sabiex ikun jista’ jiġi invokat ir-rekwiżit ta’ disponibbiltà. It-terminu “Patentconsult”, li huwa grammatikalment żbaljat, mhuwiex adegwat għal dan il-għan.

Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta ma kkunsidratx bħala rilevanti d-deċiżjoni preċedenti adottata mill-appellat dwar it-trade mark “Netmeeting” u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward it-trade mark “Baby-dry”, Kawża C-383/99 P. Skont l-aħħar sentenza ċċitata, bidla ċara fil-formulazzjoni meta mqabbla mat-terminoloġija użata fil-lingwa normalment użata fost il-kategorija ta’ konsumaturi inkwistjoni sabiex jiġi identifikat servizz hija adegwata sabiex tistabbilixxi l-karattru distintiv neċessarju. Din il-ġurisprudenza għandha tiġi rrispettata sabiex tiġi ggarantita l-kontinwità u l-affidabbiltà tad-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/19


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Regeringsrätten fis-26 ta’ Frar 2009 – X vs Skatteverket

(Kawża C-84/09)

2009/C 90/30

Lingwa tal-kawża: L-Iżvediż

Qorti tar-rinviju

Regeringsrätten (L-Iżvezja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X.

Konvenut: Skatteverket.

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 138 u 20 tad-Direttiva dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasport li jibda mit-territorju tal-Istat tal-oriġini għandu jkun beda f’terminu ta’ żmien partikolari sabiex il-bejgħ ikun eżentat mit-taxxa u sabiex akkwist intra-Komunitarju jkun jista’ jitqies bħala eżistenti?

2)

Bl-istess mod, l-artikoli msemmija għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasport għandu jkun tlesta fl-Istat tal-wasla f’terminu ta’ żmien partikolari sabiex il-bejgħ ikun eżentat mit-taxxa u sabiex akkwist intra-Komunitarju jkun jista’ jitqies bħala eżistenti?

3)

Ir-risposta għad domandi 1 u 2 tkun differenti meta l-merkanzija akkwistata tkun mezz ta’ trasport ġdid u meta x-xerrej ikun individwu li, b’mod definittiv, ikollu l-intenzjoni li juża l-mezz ta’ trasport fi Stat Membru partikolari?

4)

Liema mument għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, f’każ ta’ akkwist intra-Komunitarju, sabiex jiġi evalwat jekk mezz ta’ trasport huwiex ġdid skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-direttiva?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 347, p. 1).


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/20


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Schorndorf (il-Ġermanja) fit-2 ta’ Marzu 2009 – Ingrid Putz vs Medianess Electronics GmbH

(Kawża C-87/09)

2009/C 90/31

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgericht Schorndorf

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ingrid Putz

Konvenut: Medianess Electronics GmbH

Domandi preliminari

1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ li l-bejjiegħ irendi l-oġġett konformi mal-kuntratt, huwa m’għandux ibati l-ispejjeż tal-istallazzjoni tal-oġġett ipprovdut minflok dak oriġinali f’kawża li fiha l-konsumatur wettaq l-istallazzjoni tal-oġġett mhux f’konformità mal-kuntratt skont in-natura u l-użu intiż tal-oġġett, meta l-istallazzjoni ma kinitx oriġinarjament dovuta skont il-kuntratt?

2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) u (3) tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-każ li l-bejjiegħ irendi l-oġġett konformi mal-kuntratt, huwa m’għandux ibati l-ispejjeż sabiex jitneħħa l-oġġett ipprovdut minflok dak oriġinali f’kawża li fiha l-konsumatur wettaq l-istallazzjoni tal-oġġett mhux f’konformità mal-kuntratt skont in-natura u l-użu intiż tal-oġġett?


(1)  Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal- bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU, L 171, p. 12)


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/20


Appell ippreżentat fit-3 ta’ Marzu 2009 minn General Química, S.A., Repsol Química, S.A., Repsol YPF, S.A. mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Sitt Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża T-85/06, General Química et vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-90/09 P)

2009/C 90/32

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: General Química, S.A., Repsol Química, S.A., Repsol YPF, S.A. (rappreżentanti: J.M. Jiménez-Laiglesia Oñate u J. Jiménez-Laiglesia Oñate, abogados)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża T-85/06 sa fejn tiħċad il-motiv ta’ annullament ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u n-nuqqas ta’ motivazzjoni li jikkonċerna r-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti;

tannulla l-Artikolu 1(g) u (h) u l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni sa fejn hija magħmula kontra Repsol YPF u Repsol Química bħala konġuntament u in solidum responsabbli ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, flimkien ma’ General Química u, sussidjarjament, sa fejn id-deċiżjoni hija magħmula kontra Repsol YPF, billi fiż-żewġ każijiet tnaqqas is-sanzjoni b’mod adegwat.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell għandu bħala suġġett iċ-ċaħda tal-motiv ta’ annullament tad-deċiżjoni dwar l-imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil Repsol Química u Repsol YPF għall-aġir ikkontstat lil General Química S.A. Fis-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis b’mod żbaljat kriterju ta’ imputazzjoni tar-responsabbiltà bla rabta mal-fatti jew iċ-ċirkustanzi tal-kawża kif ukoll mal-ksur imwettaq minn General Química. Is-sentenza twettaq żball meta tqiegħed ir-responsabbiltà ta’ sussidjarja fuq kumpannija parent billi tikkunsidra li teżisti unità ekonomika abbażi tas-sempliċi possibbiltà jew kapaċità tal-kumpannija parent li teżerċita influwenza deċiżiva fuq is-sussidjarja tagħha. Hija lanqas ma tispjega għalfejn l-elementi li hija tagħżel juru l-eżistenza ta’ influwenza deċiżiva filwaqt li tiċħad dawk li ddaħħlu fil-proċess jew tiżnaturhom. Minbarra dan, hija tapplika b’mod żbaljat il-preżunzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza fil-każijiet fejn il-kumpannija parent iżżomm il-kapital azzjonarju kollu, u ddawwar l-oneru tal-prova mingħajr barra minn hekk ma tippreċiża n-natura tal-provi li għandhom jitressqu sabiex tiġi kkontestata l-preżunzjoni. Is-sentenza tagħti lill-Kummissjoni marġni diskrezzjonali u ta’ evalwazzjoni illimitati tal-provi prodotti li tmur kontra din il-preżunzjoni. Konsegwentement, il-preżunzjoni hija fil-verità inkontestabbli. Bl-istess mod, u barra l-fatt li r-responsabbiltà ta’ Repsol YPF la hija individualizzata u lanqas mhija nieqsa minn ambigwitajiet, is-sentenza twettaq żball billi testendi awtomatikament il-preżunzjoni tas-sempliċi kapaċità ta’ eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva fuq il-kumpannija parent. Peress li r-responsabbiltà hija imputata lill-grupp ta’ kumpanniji u mhux lill-impriża bħala unità ekonomika, din ir-responsabbilita hija barra minn hekk inkontestabbli.


Qorti tal-Prim' Istanza

18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/22


Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Marzu 2009 – Tirrenia di Navigazione e.a. vs Il-Kummissjoni

(Kawżi magħquda T-265/04, T-292/04 u T-504/04) (1)

(“Għajnuna mill-Istat - Trasport marittimu - Sussidji mħallsa mill-awtoritajiet Taljani lill-kumpanniji reġonali - Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq kommuni - Rikors għal annullament - Ammissibbiltà - Interess ġuridiku - Għajnuna ġdida jew għajnuna eżistenti - Obbligu ta’ motivazzjoni - Artikolu 4(3) tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92”)

2009/C 90/33

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti fil-kawża T-265/04: Tirrenia di Navigazione SpA li qabel kienet Tirrenia di Navigazione SpA u Adriatica di Navigazione SpA (Napli, l-Italja) (rappreżentanti: inizjalment G. Roberti, A. Franchi u G. Belletti, sussegwentement G. Roberti u G. Belletti, avvocati)

Rikorrenti fil-kawża T-292/04: Caremar SpA (Napli); Toremar SpA (Livorno, l-Italja); Siremar SpA (Palermo, l-Italja); u Saremar SpA (Cagliari, l-Italja) (rappreżentanti: inizjalment G. Roberti, A. Franchi u G. Belletti, sussegwentement G. Roberti u G. Belletti, avvocati)

Rikorrenti fil-kawża T-504/04: Navigazione Libera del Golfo SpA (Napli) (rappreżentanti: S. Ravenna u A. Abate, avvocati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: V. Di. Bucci u E. Righini, aġenti)

Partijiet intervenjenti insostenn tal-konvenuta: Caremar SpA (rappreżentanti: inizjalment G. Roberti, A. Franchi u G. Belletti, sussegwentement G. Roberti u G. Belletti, avvocati); u r-Repubblika Taljana (rappreżentant: M. Fiorilli, aġent)

Suġġett

Talba għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/163/KE, tas-16 ta’ Marzu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat imħallsa mill-Italja lill-kumpanniji marittimi Adriatica, Caremar, Siremar, Saremar u Toremar (Gruppo Tirrenia) (ĠU 2005, L 53, p. 29).

Dispożittiv

1)

Fil-kawżi T-265/04 u T-292/04, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/163/KE, tas-16 ta’ Marzu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat imħallsa mill-Italja lill-kumpanniji marittimi Adriatica, Caremar, Siremar, Saremar u Toremar (Gruppo Tirrenia), hija annullata.

2)

Fil-kawża T-504/04, ir-rikors m'għadx għandu skop.

3)

Fil-kawża T-265/04, il-Kummissjoni hija kkundannata tbati, barra l-ispejjeż tagħha, dawk ta’ Tirrenia di Navigazione SpA.

4)

Fil-kawża T-292/04, il-Kummissjoni hija kkundannata tbati, barra l-ispejjeż tagħha, dawk ta’ Caremar SpA, Siremar SpA, Saremar SpA u Toremar SpA.

5)

Fil-kawża T-504/04, il-Kummissjoni hija kkundannata tbati, barra l-ispejjeż tagħha, dawk ta’ Navigazione Libera del Golfo SpA.

6)

Fil-kawża T-504/04, ir-Repubblika Taljana u Caremar għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


(1)  ĠU C 239, tal-25.9.2004.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/22


Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Marzu 2009 – Aker Warnow Werft u Kvaerner vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-68/05) (1)

(“Għajnuna mill-Istat - Kostruzzjoni ta’ bastimenti - Ex Repubblika Demokratika Ġermaniża - Għajnuna mħallsa sabiex tkopri spejjeż ta’ telf marbut ma’ kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti - Għajnuna marbuta mal-kompetittività - Nuqqas ta’ ħlas eċċessiv”)

2009/C 90/34

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Aker Warnow Werft GmbH (Rostock, il-Ġermanja); u Kvaerner ASA (Oslo, in-Norveġja) (rappreżentanti: inizjalment M. Schütte, avukat, u B. Immenkamp, solicitor, imbagħad M. Schütte)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: V. Kreuschitz u L. Flynn, aġenti)

Suġġett

Talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/374/KE, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mill-Ġermanja favur Kvaerner Warnow Werft (ĠU 2005, L 120, p. 21).

Dispożittiv

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/374/KE, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mill-Ġermanja favur Kvaerner Warnow Werft, hija annullata.

2)

Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ Aker Warnow Werft GmbH u Kvaerner ASA.


(1)  ĠU C 106, 30.4.2005.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/23


Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 2009 – Borax Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-121/05) (1)

(“Aċċess għad-dokumenti - Regolament (KE) Nru 1049/2001 - Dokumenti u reġistrazzjonijiet ta’ ħoss - Rifjut li jingħata aċċess - Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u l-integrità tal-persuna - Eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-proċess deċiżjonali”)

2009/C 90/35

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Borax Europe Ltd (Guildford, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: D. Vandermeersch u K. Nordlander, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: P. Costa de Oliveira u I. Chatzigiannis, aġenti)

Suġġett

Talba għal annullament tad-Deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2005 li tirrifjuta l-aċċess għal ċerti dokumenti u reġistrazzjonijiet ta’ ħoss fil-kuntest tal-adattament għall-progress tekniku għat-tletin darba, tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-disposizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (ĠU 1967, 196, p. 1).

Dispożittiv

1)

Id–Deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2005 li tirrifjuta l-aċċess għal ċerti dokumenti u reġistrazzjonijiet ta’ ħoss fil-kuntest tal-adattament għall-progress tekniku għat-tletin darba, tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-disposizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi, hija annullata.

2)

Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.


(1)  ĠU C 143, 11.6.2005.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/23


Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 2009 – Borax Europe vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-166/05) (1)

(“Aċċess għad-dokumenti - Regolament (KE) Nru 1049/2001 - Dokumenti u reġistrazzjonijiet ta’ ħoss - Rifjut ta’ aċċess - Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu - Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali”)

2009/C 90/36

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Borax Europe Ltd (Guildford, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: D. Vandermeersch u K. Nordlander, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: P. Costa de Oliveira u I. Chatzigiannis, aġenti)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Frar 2005, li tirrifjuta l-aċċess għal ċerti dokumenti u reġistrazzjonijiet ta’ ħoss fil-kuntest tat-tletin adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-disposizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi (ĠU L 196, p. 1)

Dispożittiv

1)

Id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Frar 2005 hija annullata inkwtantu tirrifjuta lill-Borax Europe Ltd l-aċċess għar-reġistrazzjonijiet tal-laqgħa tal-5 u tas-6 ta’ Ottubru 2004, għaż-żewġ abozzi tal-minuti ta’ din il-laqgħa, għal tlettax-il kummentarju ta’ esperti, għal żewġ kummentarji tar-rappreżentatnti tal-industrija u għad-dokument maħruġ mir-relatur Daniż.

2)

Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż


(1)  ĠU C 155, 25.6.2005.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/24


Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Marzu 2009 – L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-424/05) (1)

(“Għajnuna mill-Istat - Skema ta’ għajnuna stabbilita mill-awtoritajiet Taljani favur ċerti impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli speċjalizzati fiż-żamma ta’ ishma ta’ kumpanniji b’kapital żgħir jew medju - Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni - Obbligu ta’ motivazzjoni - Natura selettiva tal-miżura - Effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni tal-kompetizzjoni - Artikolu 87(3)(c) KE”)

2009/C 90/37

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: P. Gentili, avvocato dello Stato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunutajiet Ewropej (rappreżentanti: V. Di Bucci u E. Righini, aġenti)

Suġġett

Annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/638/KE, tas-6 ta’ Settembru 2005, dwar l-iskema ta’ għajnuna li l-Italja għandha l-intenzjoni timplementa favur ċerti impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli speċjalizzati fiż-żamma ta’ ishma ta’ kumpannija b’kapital żgħir jew medju kkwotati fi swieq regolati (ĠU 2006, L 268, p. 1)

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud

2)

Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż


(1)  ĠU C 22, 28.1.2006.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/24


Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Marzu 2009 – Associazione italiana del risparmio gestito et Fineco Asset Management vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-445/05) (1)

(“Għajnuna mill-Istat - Skema ta’għajnuna stabbilita mill-awtoritajiet Taljani favur ċerti impriżi ta’investiment kollettiv f’titoli trasferibbli speċjalizzati fiż-żamma ta’ ishma ta’ kumpanniji b’kapital żgħir jew medju - Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni - Rikors għal annullament - Interess dirett u individwali - Ammissibbiltà - Obbligu ta’ motivazzjoni - Natura selettiva tal-miżura - Obbligu ta’ rkupru”)

2009/C 90/38

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Associazione italiana del risparmio gestito (Ruma, l-Italja); u Fineco Asset Management SpA (Ruma) (rappreżentanti: G. Escalar, G. Cipolla u V. Giordano, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: V. Di Bucci u E. Righini, aġenti)

Suġġett

Annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/638/KE, tas-6 ta’ Settembru 2005, dwar l-iskema ta’ għajnuna li l-Italja għandha l-intenzjoni timplementa favur ċerti impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli speċjalizzati fiż-żamma ta’ ishma ta’ kumpanniji b’kapital żgħir jew medju kkwotati f’swieq regolati (ĠU 2006, L 268, p. 1).

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

Ir-rikorrenti huma kkundannati għall-ispejjeż.


(1)  ĠU C 48, 25.2.2006.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/25


Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Marzu 2009 – Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża T-249/06) (1)

(“Dumping - Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mill-Kroazja, mir-Rumanija, mir-Russja u mill-Ukrajna - Kalkolu tal-valur normali - Kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja - Aġġustament - Funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq il-bażi ta’ kummissjoni - Entità ekonomika waħda - Żball manifest ta’ evalwazzjoni - Offerta ta’ impenn - Drittijiet tad-difiża - Obbligu ta’ motivazzjoni”)

2009/C 90/39

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube ZAT (Interpipe Niko Tube ZAT), preċedentement Nikopolsky Seamless Tubes Plant “Niko Tube” ZAT (Nikopol, l-Ukrajna); u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant VAT (Interpipe NTRP VAT), preċedentement Nizhnedneprovsky Tube-Rolling Plant VAT (Dnipropetrovsk, l-Ukrajna) (rappreżentanti: inizjalment H.-G. Kamann u P. Vander Schueren, sussegwentement P. Vander Schueren, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: J.-P. Hix, aġent, assistit minn G. Berrisch, avukat)

Intervenjenti insostenn tal-konvenut: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, (rappreżentanti: inizjalment H. van Vliet u T. Scharf, sussegwentement M. van Vliet u K. Talabér-Ricz, aġenti)

Suġġett

Talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006, tas-27 ta’ Ġunju 2006, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Korazja, fir-Rumanija, fir-Russja u fl-Ukrajna, li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 2320/97 u (KE) Nru 348/2000, li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta’ skadenza tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija, u li jtemm ir-reviżjonijiet interim tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija u fil-Kroazja u fl-Ukrajna (ĠU L 175, p. 4).

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006, tas-27 ta’ Ġunju 2006, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, fir-Rumanija, fir-Russja u fl-Ukrajna, li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 2320/97 u (KE) Nru 348/2000, li jtemm ir-reviżjonijiet interim u ta’ skadenza tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija, u li jtemm ir-reviżjonijiet interim tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar mhux ligat, li joriġinaw, inter alia, fir-Russja u fir-Rumanija u fil-Kroazja u fl-Ukrajna, huwa annullat, inkwantu d-dazju antidumping iffissat għall-esportazzjoni lejn il-Komunità Ewropea ta’ prodotti mmanifatturati minn Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube ZAT (Interpipe Niko Tube ZAT) u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant VAT (Interpipe NTRP VAT) jeċċedi dak li kien ikun applikabbli li kieku ma sarx aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni minħabba kummissjoni, meta l-bejgħ sar minn intermedjarju ta’ negozjant assoċjat, Sepco SA.

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)

Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u kwart ta’ dawk sostnuti mir-rikorrenti. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.


(1)  ĠU C 261, 28.10.2006


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/25


Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Marzu 2009 – Professional Tennis Registry vs UASI – Registro Profesional de Tenis (PTR PROFESSIONAL TENNIS REGISTRY)

(Kawża T-168/07) (1)

(“Trade mark Komunitarja - Proċediment ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva PTR PROFESSIONAL TENNIS REGISTRY - Trade mark nazzjonali u Komunitarja figurattiva preċedenti RPT Registro Profesional de Tenis, S.L. u trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti RPT European Registry of Professional Tennis – Raġuni relattiva għal rifjut — Nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”)

2009/C 90/40

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Professional Tennis Registry, Inc. (Hilton Head Island, South Carolina, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: M. Vanhegan, u B. Brandreth, barristers)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (rappreżentant: D. Botis, aġent)

Parti oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza: Registro Profesional de Tenis, SL (Madrid, Spanja) (rappreżentant: M. Zarobe, avukat)

Suġġett

Rikors ippreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-28 ta’ Frar 2007, kif irrettifikata (Każ R 1050/2005-1), dwar proċediment ta’ oppożizzjoni bejn Registro Profesional de Tenis, SL u Professional Tennis Registry, Inc.

Dispożittiv

1)

Id-Deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tat-28 ta’ Frar 2007, kif irrettifikata (Każ R 1050/2005-1), hija annullata.

2)

L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Professional Tennis Registry, Inc.

3)

Registro Profesional de Tenis, SL għandha tbati l-ispejjeż tagħha.


(1)  ĠU C 170, 21.7.2007.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/26


Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Marzu 2009 – Piccoli vs UASI (Forma ta’ arzella)

(Kawża T-8/08) (1)

(“Trade mark Komunitarja - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali - Forma ta’ arzella - Raġuni assoluta għal rifjut - Nuqqas ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 - Nuqqas ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu - Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94”)

2009/C 90/41

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: G. M. Piccoli Srl (Alzano Lombardo, l-Italja) (rappreżentanti: S. Giudici u S. Caselli, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (rappreżentant: L. Rampini, aġent)

Suġġett

Rikors ippreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-28 ta’ Settembru 2007 (Każ R 530/2007-1) dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal tridimensjonali li jikkonsisti fil-forma ta’ arzella bħala trade mark Komunitarja.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

2)

G. M. Piccoli Srl hija kkundannata għall-ispejjeż.


(1)  ĠU C 64, 8.3.2008


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/26


Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Frar 2009 – IMS vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-346/06) (1)

(“Rikors għal annullament u għad-danni - Direttiva 98/37/KE - Magni li għandhom il-marka ‘KE’ - Riskji għas-sigurtà tal-persuni - Miżura nazzjonali ta’ projbizzjoni - Opinjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-miżura ġġustifikata - Rikors għal annullament - Irtirar tal-att ikkontestat - M’hemmx lok li tingħata deċiżjoni - Rikors għad-danni - Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza - Inammissibbiltà”)

2009/C 90/42

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Industria Masetto Schio Srl (IMS) (Schio, l-Italja) (rappreżentanti: F. Colonna u T. Romolotti, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: C. Zadra u D. Lawunmi, aġenti)

Intervenjenti insostenn tal-konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentant: G. de Bergues, aġent)

Suġġett

Minn naħa, l-annullament tal-opinjoni tal-Kummissjoni C (2006) 3914, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar miżura ta’ projbizzjoni ta’ ċerti preses mekkaniċi tal-marka IMS adottata mill-awtoritajiet Franċiżi MD-2001-64 u, min-naħa l-oħra, rikors għad-danni intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti b’riżultat tal-adozzjoni ta’ din l-opinjoni.

Dispożittiv

1)

M’hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal annullament.

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

3)

Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tal-proċeduri għal miżuri provviżorji. Fir-rigward tal-kumplament, il-Kummissjoni u Industria Masetto Schio Srl (IMS) għandhom ibatu, kull waħda minnhom, nofs l-ispejjeż.

4)

Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.


(1)  ĠU C 20, 27.1.2007.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/27


Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Jannar 2009 – Braun-Neumann vs Il-Parlament

(Kawża T-306/08 P) (1)

(“Appell - Servizz pubbliku - Pensjoni tas-superstiti - Ħlas ta’ 50 % minħabba li jeżisti konjuġi superstiti ieħor - Att li jikkawża preġudizzju - Ilment tardiv”)

2009/C 90/43

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Kurt-Wolfgang Braun-Neumann (Lohr-sur-le-Main, il-Ġermanja) (rappreżentant: P. Ames, avukat)

Appellat: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: K. Zejdová u S. Seyr, aġenti)

Suġġett

Appell mid-Digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (l-Ewwel Awla), tat-23 ta’ Mejju 2008, Braun-Neumann vs Il-Parlament (F-79/07, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), u intiż għall-anullament ta’ dan id-digriet.

Dispożittiv

1)

L-appell huwa miċħud.

2)

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż li sostniet fil-kuntest ta’ din l-istanza.


(1)  ĠU C 247, 27.9.2008.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/27


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Diċembru 2008 – Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-46/09)

2009/C 90/44

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: B. Kontolaimos, I. Chalkias u S. Charitaki, uffiċjali legali tal-Istat, u S. Papaïoannou, rappreżentant ġudizzjarju tas-Servizz Legali tal-Istat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla jew timmodifika d-deċiżjoni kkontestata, skont kif speċifikat b’mod iktar preċiż fir-rikors;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors ġie ppreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 7820 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2008, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq magħmul mill-Istati Membri taħt it-Taqsima “Garanzija” tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) innotifikata lir-rikorrenti taħt in-Nru SG-Greffe (2008) D 207864/09-12-2008.

Ir-rikorrenti tinvoka tnax-il motiv ta’ annullament insostenn tal-argumenti tagħha.

B’mod iktar speċifiku, fis-settur tal-frott taċ-ċitru u fuq il-bażi tal-ewwel motiv ta’ annullament, ir-rikorrenti ssostni illi, fir-rigward tal-ammont ta’ korrezzjoni proposta, il-Kummissjoni għamlet interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tad-dokumenti tal-Kummissjoni AGRI VI 5330/97, AGRI 61495/2002/REV I u AGRI /60637/2006 (kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji għall-eżerċizzju ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG – linji gwida – nuqqasijiet ripetuti – reċidiva) peress li ma kienx hemm la nuqqas ta’ kontrolli prinċipali u lanqas nuqqasijiet ripetuti fl-iskema tal-għajnuna għall-frott taċ-ċitru filwaqt li, fit-tieni motiv ta’ annullament tagħha, hija ssostni illi l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u imponiet korrezzjoni finanzjarja sproporzjonata ladarba kienu saru l-kontrolli amministrattivi u ta’ kontabbiltà; fir-rigward tal-ħlas bi flus kontanti, dan kien jikkonċerna biss każ wieħed.

Fis-settur tal-għajnuna għall-qoton, fuq il-bażi tat-tielet motiv ta’ annullament, ir-rikorrenti tressaq ħames argumenti partikolari: a) il-korrezzjoni hija, fil-fehma tagħha, arbitrarja u sproporzjonata peress li ma tteħidx inkunsiderazzjoni t-titjib tas-sistema u t-tibdil tard tal-iskema ta’ għajnuna għall-qoton fl-2001; b) il-korrezzjoni kellha tkun differenti kull sena, ladarba s-sitwazzjoni tas-sistema ta’ kontroll ma kinitx l-istess matul iż-żewġ perijodi; ċ) il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna għall-qoton ġiet assigurata mis-SIAK; d) il-miżuri ambjentali ġew ikkontrollati f’ħin tajjeb u e) il-verifiki fuq il-post tas-superfiċji (5 %) saru f’ħin tajjeb u kienu effikaċi.

Fir-rigward tas-sussidji għall-annimali tal-ifrat u, fuq il-bażi tar-raba’ motiv ta’ annullament, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija difettuża peress li din ġiet adottata wara l-perijodu li fih il-proċedura tal-clearance kellha raġonevolment tiġi konkluża u li għandha tiġi annullata inkwantu ġiet adottata minn istituzzjoni li, ratione temporis, ma kinitx kompetenti u/jew ġiet adottata wara abbuż ta’ liġi tal-Kummissjoni u/jew inkwantu tikser iċ-ċertezza legali tal-Istati Membri.

Permezz tal-ħames motiv ta’ annullament, ir-Repubblika Ellenika ssostni, sussidjarjament, illi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi annullata peress li, sabiex timponi l-korrezzjonijiet, hija tmur lura għal perijodu qabel l-ittra komuni ta’ konċiljazzjoni minflok l-aħħar ittra ta’ osservazzjonijiet.

Permezz tas-sitt motiv, b’mod partikolari fir-rigward tar-raġunijiet għall-impożizzjoni tal-korreżżjonijiet, ir-Repubblika Ellenika ssostni li kien hemm interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 7 tad-Regolament (KE) Nru 1258/1999 (1) u tal-linji gwida, żball fl-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi u, fin-nuqqas, żball ta’ fatt u nuqqas ta’ motivazzjoni.

Fis-settur tal-għajnuna taż-żejt taż-żebbuġa u fuq il-bażi tas-seba’ motiv ta’ annullament, ġie sostnut illi d-deċiżjoni kkontestata hija difettuża peress li din ġiet adottata wara l-perijodu li fih il-proċedura ta’ clearance kellha raġonevolment tiġi konkluża u li din għandha tiġi annullata inkwantu ġiet adottata minn istituzzjoni li, ratione temporis, ma kinitx kompetenti u/jew ġiet adottata wara abbuż ta’ liġi tal-Kummissjoni u/jew inkwantu tikser iċ-ċertezza legali tal-Istati Membri.

Permezz tat-tmien motiv ta’ annullament, ġie sostnut, sussidjarjament, illi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi annullata peress li, sabiex timponi l-korrezzjonijiet, hija tmur lura għal perijodu qabel l-ittra komuni ta’ konċiljazzjoni minflok l-aħħar ittra ta’ osservazzjonijiet.

Permezz tad-disa’ motiv ta’ annullament u, b’mod partikolari, fir-rigward tar-raġunijiet li għalihom ġew imposti korrezzjonijiet, ir-rikorrenti ssostni illi d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba interpretazzjoni żbaljata tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999 u r-Regolament (KE) Nru 1663/95) (2), il-linji gwida VI/5330/97 u AGRI/61495/2002 u d-dispożizzjonijiet speċifiċi tas-sistema ineżami tar-Regolament (KEE) Nru 2261/84 (3) (Artikolu 16), tar-Regolament (KE) Nru 2366/98 (4) (Artikoli 27 u 28), tar-Regolament (KE) Nru 1638/98 (5) (Artikoli 2 u 2A), żball ta’ fatt, evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li nqabżu l-limiti finanzjarji mill-korrezzjonijiet/ħlasijiet tardivi, permezz tal-għaxar motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, f’dik il-parti li tirrigwarda l-investigazzjoni FA/2005/70, għal ksur tar-regoli tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet u tar-Regolament (KE) Nru 817/2004 (6), minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Permezz tal-ħdax-il motiv, ir-rikorrenti ssostni illi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi annullata wkoll minħabba l-kapitolu tagħha dwar l-investigazzjoni ta’ kontabbiltà FA/2006/108 għal ksur tar-regoli tal-proċedura ta’ clearance, applikazzjoni żbaljata tar-Regolament (KE) Nru 296/96 (7), evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, filwaqt li, fl-aħħar nett, permezz tat-tnax-il motiv ta’ annullament, il-kapitolu tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwarda l-investigazzjoni FA/2006/137, huwa vvizzjat b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU L 160, p. 103)

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1663/95 tas-7 ta’ Lulju 1995 li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG (ĠU L 158, p. 6).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2261/84 tas-17 ta’ Lulju 1984 li jistabilixxi regoli dettaljati għall-għoti ta’ għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u ta’ għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 208, p.3).

(4)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2366/98 tat-30 ta’ Ottubru 1998 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa għas-snin tal-marketing 1998/99, 1999/2000 u 2000/01 (ĠU L 293, p. 50).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1638/98 tal-20 ta’ Lulju 1998 li jemenda r-Regolament Nru 136/66/KEE dwar l-istabbiliment tal-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet (ĠU L 210, p. 32).

(6)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 817/2004 tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u l-Garanzija (FAEGG) (ĠU L 15, p. 31).

(7)  Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 296/96 tas-16 ta’ Frar 1996 dwar l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri u l-prenotament ta’ kull xahar tan-nefqa ffinanzjata mit-Taqsima Garanziji tal-Fond Agrikolu dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u li jħassar ir-Regolament (EEC) Nru 2776/88 (ĠU L 39, p. 5).


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/29


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Jannar 2009 – Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-49/09)

2009/C 90/45

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u P. Katsimani, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-offerta li r-rikorrenti għamlet fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti REGIO-A4-2008-01 intiża għall-“Manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi informatiċi tad-Direttorat Ġenerali tal-Politika Reġjonali” (1) ikkomunikata lir-rikorrenti b’ittra tal-21 ta’ Novembru 2008 u kull deċiżjoni oħra relatata magħha, inkluża dik li l-kuntratt jingħata lill-offerent magħżul;

tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti d-danni sofferti abbażi tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti inkwistjoni f’ammont ta’ EUR 4 520 845,05;

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż legali tar-rikorrenti b’konnessjoni ma’ din is-sejħa għall-offerti, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

F’din il-kawża, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenuta li tiċħad l-offerta li r-rikorrenti għamlet fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti REGIO-A4-2008-01 intiża għall-“Manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi informatiċi tad-Direttorat Ġenerali tal-Politika Reġjonali” u li l-kuntratt jingħata lill-offerent magħżul. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob kumpens għad-danni allegatament sostnuti abbażi tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti inkwistjoni.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tressaq erba’ motivi.

Fl-ewwel lok, hija targumenta li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi introduċiet a posteriori l-kriterji li ma kinux magħrufa mill-offerenti u billi użat formula ta’ evalwazzjoni diskriminatorja.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kumitat ta’ evalwazzjoni ma pprovdiex bizzejjed motivazzjoni għad-deċiżjoni tiegħu.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tosserva r-rekwiżiti proċedurali sostanzjali billi introduċiet kumitat ta’ evalwazzjoni kumplimentari.

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-offerta tar-rikorrenti fuq kunsiderazzjonijiet u preżunzjonijiet infondati, u b’hekk wetqet żbalji serji u manifesti ta’ evalwazzjoni u abbużat mill-poter tagħha.


(1)  ĠU 2008/S 117-155067


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/29


Rikors ippreżentat fit-3 ta' Frar 2009 – Ifemy’s vs UASI – Dada & Co Kids (Dada & Co. kids)

(Kawża T-50/09)

2009/C 90/46

Lingwa tar-rikors: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ifemy’s Holding GmbH (Munich, Germany) (rappreżentant H.G. Augustinowski, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Dada & Co Kids Srl (Prato, l-Italja)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), tas-27 ta’ Novembru 2008, fil-Każ R 911/2008-4; u

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark figurattiva “Dada & Co. kids”, għal prodotti fil-klassi 25

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: ir-rikorrenti

Trade mark jew sinjal invokat in sostenn tal-oppożizzjoni: trade mark verbali “DADA” rreġistrata bħala trade mark Ġermaniża bin-Nru 30 114 449 għal prodotti fil-klassi 25

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell miċħud

Motivi invokati: ksur tal-prinċipji tat-trattament ugwali, tal-kompetizzjoni leali u tal-istat tad-dritt, kif stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 KE, kif ukoll tal-Artikoli 43 u 80(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 u tar-Regoli 50(2) u 80(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95 (1), peress li l-Bord tal-Appell naqas milli jannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li indikat applikant b’ieħor u, barra minn hekk, peress li l-Bord tal-Appell iddeċieda b’mod żbaljat li r-rikorrenti kienet ingħatat kull opportunità quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sabiex tippreżenta l-provi rilevanti.


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1).


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/30


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2009 – Cafea vs UASI – Christian (BEST FARM)

(Kawża T-53/09)

2009/C 90/47

Lingwa tar-rikors: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Cafea GmbH (Hamburg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: C. Schumann u M. Hartmann, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Dieter Christian (Frankurt, il-Ġermanja)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell, tas-27 ta’ Novembru 2008, fil-Każ R 420/2008-1;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż;

tikkundanna lill-applikant għall-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Dieter Christian

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark verbali “BEST FARM” għal prodotti fil-klassijiet 29, 30, 31 u 32 (Applikazzjoni Nru 3 089 281)

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: ir-rikorrenti taħt l-isem preċedenti tagħha KORD Beteiligungsgesellschaft mbH & Co. KG

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: it-trade mark verbali Ġermaniża “BESTFORM” għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 1, 29, 30, 32, 33 u 42 (Nru 30 056 334)

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell miċħud

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (1), minħabba l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni jew, għall-inqas, ta’ assoċjazzjoni bejn it-trade marks inkwistjoni


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal- 20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, p. 1).


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/30


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2009 – XXXLutz Marken vs UASI – Natura Selection (Linea Natura Natur hat immer Stil)

(Kawża T-54/09)

2009/C 90/48

Lingwa tar-rikors: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: XXXLutz Marken GmbH (Wels, l-Awstrija) (rappreżentant: H. Pannen, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Natura Selection SL (Barċellona, Spanja)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tat-28 ta’ Novembru 2008 fil-Każ R 1787/2007-2;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark figurattiva “LineaNatura Natur hat immer Stil” għal prodotti fil-klassijiet 8, 14, 16, 20, 21, 24, 25 u 27 (Applikazzjoni Nru 4 626 693)

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Natura Selection S. L.

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: it-trade mark figurattiva “natura selection” (Trade mark Komunitarja Nru 2 016 384) għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 3, 14, 16, 20, 25, 35, 38, 39 u 42 kif ukoll trade marks Komunitarji u Spanjoli oħra li jinkludu l-kelma “natura”, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 3, 14, 16, 20, 21, 24, 25, 27, 28, 35, 39 u 42

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni milqugħa

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell miċħud

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (1) sa fejn ma hemm ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komuntarja (ĠU 1994, L 11, p. 1).


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/31


Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Frar 2009 – Saint-Gobain Glass France et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-56/09)

2009/C 90/49

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Saint-Gobain Glass France SA (Courbevoie, Franza), Saint-Gobain Sekurit Deutschland GmbH & Co. KG (Aachen, il-Ġermanja), Saint-Gobain Sekurit France SAS (Thourotte, Franza) (rappreżentanti: B. van de Walle de Ghelcke, B. Meyring, M. Guillaumond u E. Venot, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti  (1)

tannulla l-verżjoni emendata tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej C(2008) 6815 finali, tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE fil-Każ COMP/39.125 – Ħġieġ tal-vetturi hekk kif adottata permezz tad-Deċiżjoni C(2009)863 finali tal-11 ta’ Frar 2009, notifikata lir-rikorrenti fit-13 u s-16 ta’ Frar 2009, kif ukoll il-motivi li fuqhom huwa bbażat id-dispożittiv, inkwantu l-verżjoni emendata ta’ din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-rikorrenti jew alternattivament l-Artikolu 2 tagħha;

sussidjarjament tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2 tal-verżjoni emendata tad-Deċiżjoni hekk kif adottata permezz tad-Deċiżjoni C(2009)863 finali tal-11 ta’ Frar 2009, notifikata lir-rikorrenti fit-13 u s-16 ta’ Frar 2009, għal ammont xieraq;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 6815 finali, tat-12 ta’ Novembru 2008, fil-Każ COMP/39.125 – Ħġieġ tal-vetturi, li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet ikkonstatat li ċerti impriżi, fosthom ir-rikorrenti, kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea billi qasmu kuntratti ta’ provvista ta’ ħġieġ għall-vetturi u billi kkoordinaw il-politika tal-prezzijiet u l-istrateġiji ta’ provvista tagħhom fis-suq Ewropew tal-ħġieġ tal-vetturi.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu tmien motivi bbażati:

fuq ksur tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali u tad-dritt għall-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza peress li l-multa kienet ġiet imposta minn awtorità amministrattiva li għandha kemm setgħa ta’ investigazzjoni kif ukoll dik li timponi sanzjonijiet, kif ukoll fuq l-illegalità tar-Regolament Nru 1/2003 (2) sa fejn dan ma jagħtix dan id-dritt lil qorti indipendenti u imparzjali;

fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal smigħ peress li l-Kummissjoni ma ssuġġettatx għall-kontradittorja l-metodu ta’ kalkolu tal-multa skont il-linji gwida dwar il-multi tal-2006 (3);

fuq ksur tal-Artikolu 253 KE peress li d-Deċiżjoni kkontestata ma kinitx motivata biżżejjed skont il-liġi inkwantu l-Kummissjoni ma spjegatx b’mod konkret fuq il-bażi ta’ liema bejgħ kien ġie kkalkolat id-dħul mill-bejgħ fir-rigward tal-ksur;

fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni kif ukoll fuq abbuż ta’ poter, peress li l-limitu ta’ 10 % kellu jiġi applikat għad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti biss, bl-esklużjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ Compagnie de Saint-Gobain;

fuq ksur tal-prinċipju ta’ non-retroattività tal-pieni, inkwantu l-Kummissjoni applikat b’mod retroattiv il-linji gwida dwar il-multi tal-2006, li wassal għal żieda sinjifikattiva mhux prevedibbli tal-livell tal-multi, billi bbażat id-Deċiżjoni kkontestata fuq dawn il-linji gwida minkejja l-fatt li dawn kienu ġew adottati wara t-tmiem tal-ksur;

fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità billi imponiet multa eċċessiva, sproporzjonata u mhux ġustifikabbli mill-għan ta’ dissważjoni;

fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, inkwantu l-Kummissjoni m’għandhiex dritt tibbaża ruħha fuq iż-żewġ każijiet ta’ reċidiviżmu kkunsidrati bħala rilevanti fir-rigward tad-Deċiżjoni kkontestata, għar-raġuni li r-rikorrenti mhuma destinatarji ta’ ebda waħda minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet;

fuq żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjonu tal-Artikolu 23(2)(a) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 inkwantu fil-kalkolu tal-multa, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti mir-rikorrenti.


(1)  Kif emendati wara l-preżentata tar-rikors minħabba korrezzjoni għad-deċiżjoni kkontestata adottata mill-Kummissjoni.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003, L 1, p. 1).

(3)  Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/32


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2009 – Soliver vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-68/09)

2009/C 90/50

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Soliver NV (Roeselare, il-Belġju) (rappreżentanti: H. Gilliams u J. Bocken, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2008, fil-Każ COMP/39.125 – Ħġieġ tal-vetturi bil-mutur, li permezz tiegħu ġie stabbilit li r-rikorrenti kienet involuta fi ksur ta’ din id-deċiżjoni fil-perijodu bejn id-19 ta’ Novembru 2001 u l-11 ta’ Marzu 2003.

tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2008, fil-Każ COMP/39.125 – Ħġieġ tal-vetturi bil-mutur, li permezz tiegħu ġiet imposta multa fuq ir-rikorrenti ta’ EUR 4 396 000.

sussidjarjament, tnaqqas b’mod sostanzjali l-multa imposta fuq ir-rikorrenti

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tallega l-ewwel nett ksur tal-Artikoli 81 KE u 53 ŻEE, in-nuqqas ta’ motivazzjoni u evalwazzjoni allegatament żbaljata tal-fatti. Hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tiddikjara b’mod żbaljat li, fil-perijodu bejn id-19 ta’ Novembru 2001 u l-11 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti kienet involuta fil-ksur stabbilit fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-valur tal-bejgħ użat mill-Kummissjoni mhuwiex motivat, ħaġa li mhijiex konformi mal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, li ma tippermettix lir-rikorrenti tiddefendi lilu nnifisha kif dovut, li tmur kontra l-preżunzjoni ta’ innoċenza u li tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

It-tielet nett, ir-rikorrenti tallega ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ksur tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi kif ukoll nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tuża, sabiex tikkalkula l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, perċentwali eċċessivament għolja tal-valur tal-bejgħ.

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif ukoll evalwazzjoni allegatament żbaljata tal-fatti, peress li l-Kummissjoni timmoltiplika l-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti man-numru ta’ snin li fihom ir-rikorrenti kienet allegatament involuta fil-ksur stabbilit fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni.

Il-ħames nett, ir-rikorrenti tallega ksur tal-projbizzjoni ta’ retroattività. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni tapplika l-linji gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006 (1) għal allegat ksur li kien diġà waqaf qabel l-adozzjoni tal-imsemmija linji gwida.

Is-sitt nett, ir-rikorrenti tallega ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, tal-prinċipju ta’ proporzionalità kif ukoll evalwazzjoni allegatament żbaljata tal-fatti, peress li l-Kummissjoni żżid l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti b’16 % tal-valur tal-bejgħ.

Is-seba’ nett, ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, peress li l-Kummissjoni, fir-rigward tal-multa tar-rikorrenti, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni bosta ċirkustanzi attenwanti għar-rikorrenti.


(1)  Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (Test rilevanti għaż-ŻEE) (ĠU 2006, C 210, p. 2).


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/33


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2009 – Provincie Groningen u Provincie Drenthe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-69/09)

2009/C 90/51

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Provincie Groningen (Groningen, l-Olanda) u Provincie Drenthe (Assen, l-Olanda) (rappreżentanti: C. Dekker u E. Belhadj, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla parzjalment l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 8355, tal-11 ta’ Diċembru 2008, dwar it-tnaqqis tal-għajnuna finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali mogħtija fil-kuntest tad-Dokument ta’ programmar individwali għar-reġjun ta’ Groninge-Drenthe, li jaqa’ taħt l-Obbjettiv Nru 2 – Nru 97.07.13.003 – skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (1997) 1362, tas-26 ta’ Mejju 1997, sa fejn id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel lok tirrigwarda l-korrezzjoni b’rata fissa applikata fl-ammont ta’ EUR 1 139 346,24 u n-nefqa li mhijiex suġġetta għal sussidju li tammonta fit-total għal NLG 8 441 804 u sa fejn hija tirrigwarda l-korrezzjoni estrapolattiva ta’ 5.76 % u l-korrezzjoni fl-ammont ta’ NLG 1 160 456 inkonnessjoni man-nuqqas ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi b’valur inqas mill-valur limitu indikat fid-direttivi dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel lok, ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 (1), sa fejn il-Kummissjoni applikat korrezzjoni estrapolattiva ta’ 5.76 % għal irregolaritajiet stabbiliti u korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjonijiet speċifiċi għal proġett u għal programm u dan minkejja li dawn il-korrezzjonijiet ma jistgħux ikunu bbażati fuq l-artikolu msemmi.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tal-Artikoli 28 KE u 49 KE sa fejn il-Kummissjoni żbaljat meta injorat il-fatt li kuntratti li l-valur tagħhom ikun inqas mill-valur limitu indikat fid-Direttivi 93/37/KEE (2), 93/38/KEE (3) u 92/50/KEE (4) dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, għandhom jingħataw skont id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu ta’ merkanzija u ta’ servizzi fil-każ biss li jkun hemm aspett transkonfinali.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li kuntratti li l-valur tagħhom ikun inqas mill-valuri limitu indikati fid-Direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandhom jingħataw biss skont id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu ta’ merkanzija u ta’ servizzi minkejja li dan ma kienx ċar fil-mument tal-implementazzjoni tad-Dokument ta’ programmar individwali għar-reġjun ta’ Groninge-Drenthe, li jaqa’ taħt l-Obbjettiv Nru 2.

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tat-Trattat KE, b’mod partikolari tal-Artikolu 211 KE, sa fejn il-Kummissjoni applikat tnaqqis b’rata fissa ta’ 2 % għall-allegat nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet nazzjonali għal proġetti minkejja li ma kellhiex l-awtorità li tagħmel dan.

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tar-Regolamenti Nri 4253/88 u 2064/97 (5) sa fejn, għall-kuntrarju tal-opinjoni tal-Kummissjoni, huma ssodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tas-sistema ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll.

Fis-sitt lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sa fejn il-Kummissjoni ħolqitilhom l-aspettattiva leġittima li s-sistema ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll eżistenti u tipi oħra ta’ sorveljanza kienu biżżejjed sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

Fis-seba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tar-Regolament Nru 4253/88, sa fejn il-Kummissjoni tikkunsidra, b’mod żbaljat, li l-proġett “Noord-Zuidroute” ma ġiex konkluż fil-ħin u li jeżistu nuqqasijiet fis-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll u, għalhekk, ġie applikat tnaqqis b’rata fissa ta’ 2 %.

Fit-tmien lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tad-Direttiva 93/36/KEE (6) sa fejn il-Kummissjoni tikkunsidra, b’mod żbaljat, li fil-kuntest tal-proġett “Waterfabriek Noorder Dierenpark Emmen” ġew konklużi kuntratti dwar il-provvista ta’ membrani u ta’ sistema li tikkontrolla l-proċessi li, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/36/KEE, ingħataw mingħajr sejħa għal offerti u dan minkejja li din id-direttiva tawtorizza l-għoti ta’ tali kuntratti mingħajr sejħa għal offerti f’dan il-każ.

Fid-disa’ lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tad-Direttivi 92/50/KEE u 93/37/KEE sa fejn il-Kummissjoni tikkunsidra, b’mod żbaljat, li fil-kuntest tal-proġett “Waterfabriek Noorder Dierenpark Emmen” ġie konkluż kuntratt dwar l-amministrazzjoni tal-proġett u tal-qafas li, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50/KEE, ingħata mingħajr sejħa għal offerti u dan minkejja li dan il-kuntratt jagħmel parti mill-attwazzjoni ta’ xogħlijiet fis-sens tad-Direttiva 93/37/KE u għalhekk ma jistax jingħata separatament.

Fl-għaxar lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tad-Direttiva 93/38/KEE sa fejn il-Kummissjoni tikkunsidra, b’mod żbaljat, li fil-kuntest tal-proġett “Centraal Station Groningen” ġie konkluż kuntratt dwar dwar il-kera ta’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni temporanja bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38/KEE u dan minkejja li l-attwazzjoni ta’ din l-akkomodazzjoni temporanja għandha tiġi kkunsidrata bħala “xogħlijiet” fis-sens tad-Direttiva 93/38/KEE.

Fil-ħdax-il lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tar-Regolament Nru 4253/88 sa fejn il-Kummissjoni tikkunsidra, b’mod żbaljat, li s-sussidju mogħti liċ-ċentru ta’ teknoloġija “Noord-Niederland” mhuwiex konformi mad-Dokument ta’ programmar individwali.

Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti jsostnu ksur tat-Trattat KE u tar-Regolament Nru 4253/88 sa fejn il-Kummissjoni, fil-kalkolu tal-perċentwali totali ta’ żbalji, tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod żbaljat, id-dikjarazzjonijiet marbuta mal-“Verbouwplan Martinihal Groningen”.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1988, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet tad-diversi Fondi Strutturali, minn naħa, u bejniethom u mal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħra li jeżistu, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1).

(2)  Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU L 199, p. 54).

(3)  Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal [proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn] entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU L 199, p. 84).

(4)  Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU L 209, p. 1).

(5)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2064/97, tal-15 ta’ Ottubru 1997, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 fir-rigward tal-kontroll finanzjarju mill-Istati Membri ta’ operazzjonijiet ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali (ĠU L 290, p. 1).

(6)  Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista [kuntratti pubbliċi għal provvisti] (ĠU L 199, p. 1).


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/34


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2009 – L-Olanda vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-70/09)

2009/C 90/52

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Olanda (rappreżentanti: C. Wissels u M. Noort, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 8355 tal-11 ta’ Diċembru 2008, li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, inizjalment mogħtija fil-kuntest tad-dokument ta’ programmar individwali għall-għajnuniet strutturali Komunitarji fir-reġjun Groninge-Drenthe, li jaqgħu taħt l-Objettiv 2 fl-Olanda – Nru 97.07.13.003, b’mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (1997) 1362, tas-26 ta’ Mejju 1997, safejn id-deċiżjoni tikkonċerna l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 %, ta’ ammont ta’ EUR 1 139 346,24, li ġiet applikata u l-ispejjeż għal ammont totali ta’ NLG 1 160 456 li ma ġewx iddikjarati eliġibbli; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, l-Olanda l-ewwel nett tinvoka ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, inkwantu xi obbligi huma imposti fuq Stat Membru b’referenza għal ġurisprudenza sussegwenti għall-kreazzjoni ta’ dawn l-obbligi u li, f’dak iż-żmien la kienet ċara, la preċiża, u lanqas prevedibbli.

Sussidjarjament, l-Olanda tinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, inkwantu l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod aktar dettaljat fejn kien l-interess transkonfinali tal-proġġett ikkonċernat li kien is-suġġett ta’ kuntratt permezz ta’ negozjati privati u li l-valur tiegħu kien taħt il-limiti imposti mid-direttivi fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

Fl-aħħar nett, l-Olanda tinvoka ksur tal-Artikolu 211 KE, inkwantu l-Kummissjoni applikat tnaqqis b’rata fissa ta’ 2 % minħabba l-allegata inosservanza tal-kundizzjonijiet nazzjonali tal-proġġett, meta l-Kummissjoni għandha kompetenza biss f’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-kundizzjonijiet Komunitarji.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/34


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2009 – hofherr communikation vs UASI (NATURE WATCH)

(Kawża T-77/09)

2009/C 90/53

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: hofherr communikation GmbH (Innsbruck, l-Awstrija) (rappreżentant: S. Warbek, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal-4 ta’ Diċembru 2008 fil-Każ R 1410/2008-1 u tippermetti r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni; u

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark verbali “NATURE WATCH” għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 39, 41 u 43 – Reġistrazzjoni internazzjonali Nru WOO 957 541

Deċiżjoni tal-eżaminatur: Rifjut tar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala trade mark Komunitarja

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Ċaħda tal-appell

Motivi invokati: Ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u 7(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 peress li l-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija waħda deskrittiva u, barra minn hekk, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni m’għandhiex karattru distintiv.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/35


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2009 – Chalk vs UASI – Reformed Spirits Company Holdings (CRAIC)

(Kawża T-83/09)

2009/C 90/54

Lingwa tar-rikors: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: David Chalk (Canterbury, Ir-Renju Unit) (rappreżentanti: C. Balme, W. James u M. Gilbert Solicitors u S. Malynicz, Barrister)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Reformed Spirits Company Holdings Ltd (St Helier, Jersey)

Talbiet tar-rikorrent

Tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-13 ta’ Novembru 2008 fil-Każ R 1888/2007-2;

Tneħħi l-parti l-oħra fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell mir-reġistru tal-UASI u tippermetti r-reġistrazzjoni tar-rikorrent bħala l-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja Nru 2 245 306 wara ċ-ċessjoni minn Arthur Crack Limited lir-rikorrent fil-21 ta’ Jannar 2006;

Sussidjarjament, tirrinvija l-każ quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI sabiex dan jiġi deċiż fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

tikkundanna lill-UASI, u inkwantu din tintervjeni f’dawn il-proċeduri, lill-parti l-oħra fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell, għall-ispejjeż inklużi dawk ta’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għar-revoka tar-reġistrazzjoni tat-trasferiment: It-trade mark verbali “CRAIC” għal prodotti fil-klassijiet 25, 32 u 33

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: Il-parti l-oħra fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell

Parti li qed titlob ir-revoka tar-reġistrazzjoni tat-trasferiment: Ir-rikorrent

Deċiżjoni tal-eżaminatur: Revoka tad-deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni tat-trasferiment irrifjutata

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell miċħud

Motivi invokati:

L-ewwel nett, ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 peress li l-Bord tal-Appell naqas milli jikkunsidra u japplika l-liġijiet nazzjonali ta’ Stati Membri (f’dan il-każ, ir-Renju Unit) meta adotta deċiżjoni bbażata fuq trasferiment ta’ trade mark Komunitarja;

It-tieni nett, ksur tar-Regola 31 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95 (1) peress li l-Bord tal-Appell naqas milli jikkunsidra l-validità u l-effett ta’ dokumenti li huma pprovduti lilu jekk l-effett legali ta’ dawn id-dokumenti huwa sussegwentement ikkontestat;

It-tielet nett, ksur tal-Artikolu 77(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 peress li l-Bord tal-Appell naqas milli jikkunsidra deċiżjonijiet preċedenti meħuda mill-UASI fid-dawl ta’ fatti u provi oħra pprovduti lilu;

Ir-raba’ nett, ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 peress li l-Bord tal-Appell b’mod żbaljat ċaħad it-talba tar-rikorrent għar-reġistrazzjoni taċ-ċessjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 2 245 306;

Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell b’mod żbaljat irrifjuta li jirrevoka d-deċiżjoni li biha l-UASI rreġistrat lill-parti l-oħra fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell bħala l-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja Nru 2 245 306, u meta kkonstata li r-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 u r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95 ma jippermettux lill-UASI jirreġistra lir-rikorrent bħala l-proprjetarju rreġistrat tat-trade mark Komunitarja Nru 2 245 306.


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU 1995 L 303, p. 1).


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/36


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2009 – L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-84/09)

2009/C 90/55

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: L. Ventrella, avvocato dello Stato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-Deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2008 Nru C(2008) 7820, innotifikata fid-9 ta’ Diċembru 2008, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti spejjeż imġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta’ Garanzija ta’ Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), fil-parti li pprovdiet ċerti korrezzjonijiet fil-konfront tal-Italja.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Gvern Taljan ikkontesta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 7820 tat-8 ta’ Diċembru 2008 li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti spejjeż imġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta’ Garanzija ta’ Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG).

B’mod partikolari, il-Kummissjoni eskludiet mill-finanzjament min-naħa tat-Taqsima ta’ Garanzija tal-FAEGG, diversi kategoriji ta’ spejjeż magħmula mill-Istat Taljan għas-snin finanzjarji ta’ bejn l-2003 u l-2007.

B’mod partikolari, il-kontestazzjoni tirrigwarda tliet punti tad-deċiżjoni:

1)

fejn għamlet ċerti korrezzjonijiet finanzjarji ta’ darba u speċifiċi relatati mal-azzjonijiet ta’ tagħrif u promozzjoni tal-prodotti agrikoli fis-suq intern (Regolament 94/2002/KE) u fil-pajjiżi terzi (Regolament 2879/2000/KE) għas-snin finanzjarji ta’ bejn l-2004 u l-2007, għal total ta’ EUR 4 678 229,78;

2)

fejn għamlet korrezzjonijiet finanzjarji ta’ darba fuq l-għajnuna għall-produzzjoni ta’ żejt taż-żebbuġa u żebbuġ tal-mejda għas-snin finanzjarji ta’ bejn l-2003 u l-2006, għal total ta’EUR 105 536 076,42;

3)

fejn għamlet korrezzjonijiet finanzjarji għal pagamenti tardivi u eċċediet il-limiti massimi finanzjarji għas-sena 2005 b’EUR 12 020 178 u għas-sena 2006 b’EUR 44 567 569,37.

Fir-rigward tal-ewwel punt, fir-rikors qed jiġi sostnut li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija vizzjata minn ksur tal-forom proċedurali sostanzjali (Artikolu 253 KE) mill-aspett tan-nuqqas ta’ kontradittorju, min-nuqqas ta’ investigazzjoni u min-nuqqas ta’ motivazzjoni, kif ukoll il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ distorsjoni tal-fatti.

Barra minn hekk, fil-każ inkwistjoni, billi ma ġiex ikkontestat in-nuqqas totali u l-assoluta ineffiċjenza tal-verifiki, il-Kummissjoni qieset li kellha tapplika korrezzjoni ta’ darba ta’ 10 %, li hija għalkollox sproporzjonata u mhux ġustifikata u għaldaqstant – anki minn dan l-aspett – irrendiet id-deċiżjoni kkontestata kompletament illegali.

Fir-rigward tat-tieni punt, il-Kummissjoni applikat korrezzjonijiet finanzjarji ta’ darba (10 % u 5 %), li komplessivament jammontaw għal EUR 105 536 076,42, għas-snin finanzjarji 2001-2002 u 2002-2003.

Fir-rikors qed jiġi sostnut, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni hija vvizzjata minn ksur tal-forom proċedurali sostanzjali (Artikolu 253 KE) mill-asppett tan-nuqqas ta’ motivazzjoni, kif ukoll minn ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità u tal-Artikoli 26 u 28 tar-Regolament 2366/98 (test oriġinali u test emendat bir-Regolament 1780/03). B’mod partikolari, il-Gvern Taljan isostni, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni – mingħajr motivazzjoni adegwata – l-elementi ta’ spjegazzjoni pprovduti ripetutament mill-awtoritajiet Taljani, b’mod partikolari fir-rigward tal-istruttura ġenerali tas-sistema ta’ sanzjoni fl-Italja u fir-rigward tat-twettieq tal-GIS (Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika) għall-kultivazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ għall-produzzjoni taż-żejt F’kull każ l-ammont ta’ darba tas-sanzjoni applikata mill-Kummissjoni mhijiex ġustifikata u manifestament sproporzjonata, peress li, skont il-Gvern Taljan, anki li kieku kellu jiġi pprovat ksur totali tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, ir-riskju xorta waħda ma jeċċedix EUR 22 504 075,39.

Fir-rigward tat-tielet punt, il-Kummissjoni, b’motivazzjoni żbaljata, insuffiċenti u bbażata fuq elementi meqjusa bħala evidenti u li mhuwiex meħtieġ li jiġu pprovati, qieset li ma setgħetx taċċetta l-kunsiderazzjonijiet ġustifikattivi magħmula mill-Istat Taljan matul il-proċedura amministrattiva u quddiem il-Bord għas-soluzzjoni tat-tilwim, “peress li r-riżerva ta’ 4 % li saret disponibbli permezz tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 296/96 (Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006) jmissha kienet biżżejjed biex isservi għall-proċedimenti ta’ rikors, għall-każijiet kontenzjużi u għal verifiki addizzjonali”. F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan jenfasizza li l-limitu ta’ 4 % m’għandux jitqies li hu assolut: billi l-għan tiegħu huwa li jiggarantixxi l-protezzjoni tal-finanzi tal-Komunità mill-frodi, fil-verità dan jista’ jinqabeż kull darba – bħal f’dan il-każ – li jkun hemm raġunijiet motivati ta’ probabbiltà ta’ riskju ta’ frodi ta’ iktar minn 4 %. Din tidher li hi l-unika interpretazzjoni tad-dispożizzjoni li hi koerenti mal-ħsieb warajha.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/37


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2009 – Kadi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-85/09)

2009/C 90/56

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Yassin Abdullah Kadi (rappreżentanti: D. Anderson, QC, M. Lester, Barrister, G. Martin, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla r-Regolament Nru 1190/2008, safejn jirrigwarda r-rikorrent;

tikkundanna l-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tar-rikors tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-każ preżenti r-rikorrent jitlob l-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1190/2008 tat-28 ta’ Novembru 2008 li jemenda għall-101 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban (1), inkwantu r-rikorrent ġie inkluż fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom gew iffriżati skont din id-dispożizzjoni. Ir-Regolament Nru 881/2002 ġie annullat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi magħquda C-402/05 u C-415/05, Kadi u al Barakaat vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (2).

Ir-rikorrent iressaq erba’ motivi insostenn tat-talbiet tiegħu.

L-ewwel nett, ir-rikorrent iqis li r-regolament ikkontestat ma għandux bażi legali tajba għaliex jidher li emenda r-Regolament 881/2002 mingħajr l-intervent rilevanti tan-Nazzjoni Uniti li, fil-fehma tar-rikorrent, huwa prekundizzjoni għall-emendi ta’ dan ir-regolament.

It-tieni nett, ir-rikorrent iħoss li r-regolament ikkontestat jikser id-drittijiet ta’ difiża tiegħu, kemm id-dritt għal smigħ xieraq u kemm id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u jonqos milli jagħti rimedju għall-ksur ta’ dawn id-drittijiet kif stabbilit mill-Qorti tal-Gustizzja fil-kawżi magħquda C-402/05 u C-415/05. Huwa jkompli jisħaq li r-regolament ikkontestat ma jipprovdi għal ebda proċedura li biha tinforma lir-rikorrent dwar l-evidenza li fuqha d-deċiżjoni li jiffriżawlu l-assi giet ibbażata, jew li tagħtih il-possibbiltà li jikkummenta b’mod siewi fuq din l-evidenza.

It-tielet nett, ir-rikorrent iqis li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi argumenti konvinċenti għaż-żamma tal-iffriżar tal-assi tar-rikorrent, bi ksur tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 253 KE.

Ir-raba’ nett, huwa jsostni li l-Kummissjoni naqset milli tanalizza ċ-ċirkustanzi u l-fatti kollha rilevanti fid-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tadotta r-regolament ikkontestat u għalhekk manifestament żbaljat fl-analiżi tagħha.

Il-ħames nett, ir-rikorrent isostni li r-regolament ikkontestat jikkostitwixxi restrizzjoni mhux ġustifikata u sproporzjonata tad-dritt għal proprjetà li mhux ġustifikata b’evidenza konvinċenti.


(1)  ĠU 2008 L 322, p. 25

(2)  Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/37


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Marzu 2009 – UCAPT vs Il-Kunsill

(Kawża T-96/09)

2009/C 90/57

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Union de Coopératives Agricoles des Producteurs de Tabac de France (UCAPT) (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: B. Peignot u D. Garreau, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż f’ammont ta’ EUR 10 000

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill Nru 73/2009 (1) dwar skemi ta’ appoġġ għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni, li l-Artikolu 135 tiegħu jipprevedi, mis-sena finanzjarja 2011, tnaqqis tal-livell ta’ għajnuna għall-produzzjoni tat-tabakk ta’ 50 % mill-livell ta’ għajnuna medja mogħtija fl-2000, 2001 u 2002. Tali tnaqqis kien diġà previst fl-Artikolu 143e tar-Regolament Nru 1782/2003 (2).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni erba’ motivi bbażati fuq:

difett proċedurali inkwantu qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat ma sarx studju dwar l-impatt tar-riforma tal-iskema ta’ għajnuna fuq is-settur tat-tabakk;

korrelattivament, abbuż ta’ poter;

ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li t-tnaqqis tal-appoġġ dirett b’50 % ma kienx xieraq sabiex jintlaħqu ż-żewġ għanijiet segwiti mir-riforma tal-iskema ta’ appoġġ lill-industrija tat-tabakk, jiġifieri l-allinjament tal-prezzijiet fuq dawk tas-suq mondjali u l-promozzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni tar-reġjuni li jipproduċu t-tabakk fil-programmi ta’ żvilupp rurali;

ksur tal-Artikolu 33 KE, inkwantu r-regolament ikkontestat ma jieħux inkunsiderazzjoni ċerti għanijiet segwiti mill-politika agrikola komuni, jiġifieri l-assigurazzjoni ta’ livell ta’ għixien xieraq għall-popolazzjoni agrikola u l-istabbilizzazzjoni tas-swieq.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16)

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU L 270, p. 1)


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/38


Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Marzu 2009 – Bouma et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni

(Kawża T-533/93) (1)

2009/C 90/58

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Il-President tat-Tmien Awla ordna t-tħassir tal-kawża.


(1)  ĠU C 334, 9.12.1993.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/38


Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Marzu 2009 – People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill

(Kawża T-157/07) (1)

2009/C 90/59

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Il-President tas-Seba’ Awla ordna t-tħassir tal-kawża.


(1)  ĠU C 140, 23.6.2007.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/38


Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2009 – Red Bull vs UASI – Grupo Osborne (TORO)

(Kawża T-165/07) (1)

2009/C 90/60

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Il-President tas-Seba’ Awla ordna t-tħassir tal-kawża.


(1)  ĠU C 155, 7.7.2007.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/38


Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 2009 – Jones et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-320/07) (1)

2009/C 90/61

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Il-President tas-Sitt Awla ordna t-tħassir tal-kawża.


(1)  ĠU C 247, 20.10.2007.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/39


Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Marzu 2009 – Furukawa Electric North America vs UASI (SLIM LINE)

(Kawża T-36/08) (1)

2009/C 90/62

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Il-President tat-tielet Awla ordna t-tħassir tal-kawża.


(1)  ĠU C 79, 29.3.2008.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/39


Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Frar 2009 – HPA vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-236/08) (1)

2009/C 90/63

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Il-President tat-Tmien Awla ordna t-tħassir tal-kawża.


(1)  ĠU C 223, 30.8.2008.


Tribunal għas-Servizz Pubbliku

18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/40


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2009 – Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-11/09)

2009/C 90/64

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Luigi Marcuccio (Tricase, L-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

L-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-konvenuta tiċħad talba għar-rimbors ta’ 100 % ta’ xi spejjeż mediċi sostnuti mir-rikorrent.

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni li tiċħad iż-żewġ talbiet tas-27 ta’ Diċembru 2007 dwar ir-rimbors tal-ispejjeż mediċi sostnuti mir-rikorrent;

tannulla, safejn meħtieġ, in-nota tas-16 ta’ Ottubru 2008;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas lir-rikorrent, bħala rimbors ta’ 100 % tal-ispejjeż mediċi, is-somma ta’ EUR 356,18 jew somma iżgħar li t-Tribunal jikkunsidra ġusta u ekwa bħala rimbors, flimkien mal-interessi fuq din is-somma, li għandhom jibdew jiddekorru mill-ewwel ġurnata tal-ħames xahar wara l-ġurnata meta ż-żewġ talbiet waslu lid-destinatarju, bir-rata ta’ 10 % fis-sena, bil-kapitalizzazzjoni annwali, bil-kapitalizzazzjoni u bid-dies a quo li t-Tribunal jikkunsidra ġusti;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/40


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2009 – Peláez Jimeno vs Il-Parlament

(Kawża F-13/09)

2009/C 90/65

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Josefina Peláez Jimeno (Relegem – Asse, il-Belġju) (rappreżentant: M. Casado García-Hirschfeld, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Suġġett

L-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tikklassifika lir-rikorrenti bħala uffiċjal taħt perijodu ta’ prova fi grad u skala inferjuri minn dawk li hija kellha bħala membru tal-persunal temporanju.

Talbiet tar-rikorrenti

Jannulla id-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-8 ta’ Frar 2008 li permezz tagħha r-rikorrenti ġiet ikklassifikata fil-kategorija l-ġdida “AST” grad 1, skala 5, bħala uffiċjal taħt perijodu ta’ prova, u kkonfermata mid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Novembru 2008;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/40


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2009 – Almeida Campos et vs Il-Kunsill

(Kawża F-14/09)

2009/C 90/66

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ana Maria Almeida Campos (Brussell, il-Belġju) u oħrajn (rappreżentanti: S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis, E. Marchal, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Annullament tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra li r-rikorrenti ma jiġux promossi għal grad AD 12 fil-proċedura ta’ promozzjoni 2008 u, sa fejn ikun meħtieġ, tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni għal dan il-grad, fir-rigward tal-istess proċedura ta’ promozzjoni, tal-uffiċjali li isimhom huwa inkluż fil-lista tal-uffiċjali promossi ppubblikata fil-komunikazzjoni lill-persunal (CP) Nru 72/08 tal-21 ta’ April 2008.

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-ħatra li r-rikorrenti ma jiġux promossi għall-grad AD 12 fil-proċedura ta’ promozzjoni 2008 u, sa fejn ikun meħtieġ, id-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni għal dan il-grad, fir-rigward tal-istess proċedura ta’ promozzjoni, tal-uffiċjali li isimhom huwa inkluż fil-lista tal-uffiċjali promossi ppubblikata fil-komunikazzjoni lill-persunal (CP) Nru 72/08 tal-21 ta’ April 2008;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.


18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/41


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Frar 2009 – De Britto Patricio-Dias vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-16/09)

2009/C 90/67

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Jorge de Britto Patricio-Dias (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: L. Massaux, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tar-rikorrent fil-konfront tad-deċiżjoni dwar l-evalwazzjoni tiegħu matul is-sena 2007.

Talbiet tar-rikorrent

Tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-ħatra tal-21 ta’ Novembru 2008 u, sa fejn ikun meħtieġ, ir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera li jkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2007;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.