ISSN 1725-5015

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 17A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 52
23ta' Jannar 2009


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni

2009/C 017A/01

DĠ (ELARG) – Pubblikazzjoni ta' post vakanti għal Deputat Direttur-Ġenerali (Grad AD 15) – (L-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal) – COM/2009/10162

1

MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni

23.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 17/1


DĠ (ELARG)

Pubblikazzjoni ta' post vakanti għal Deputat Direttur-Ġenerali (Grad AD 15)

(L-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal)

COM/2009/10162

(2009/C 17 A/01)

Fil-kuntest tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tirrekluta numru ta' uffiċjali għolja minn dawk l-Istati Membri l-ġodda li għalihom il-Kummissjoni għadha ma laħqitx il-miri tagħha tar-reklutaġġ fil-livell ta' Direttur-Ġenerali jew ekwivalenti (il-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta u r-Rumanija).

Min aħna

Id-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni. Dan id-Direttorat Ġenerali huwa responsabbli għall-proċess tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea u

jiddefinixxi u jimplimenta l-istrateġija tat-tkabbir;

jamministra r-relazzjonijiet mal-Pajjiżi Kandidati (fil-preżent il-Kroazja, l-eks-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja u t-Turkija) u l-pajjiżi kandidati potenzjali (bħalissa l-Albanija, il-Bożnja u l-Herzegovina, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo skont UNSCR 1244);

jassigura t-tkomplija tal-implimentazzjoni finanzjarjament soda tal-għajnuna ta' qabel u ta' wara l-adeżjoni għall-Istati Membri l-ġodda, li tammonta għal madwar € 1,6 biljun fis-sena.

DĠ ELARG għandu b'kollox 465 impjegat, huwa organizzat f'ħames Direttorati u huwa preżenti fit-territorju permezz ta' seba' Delegazzjonijiet u Uffiċċju ta' Kollegament.

X'qegħdin nipproponu

Il-pożizzjoni ta' Deputat Direttur-Ġenerali li, taħt l-awtorità tad-Direttur-Ġenerali, jgħinu f'dan li ġej:

il-ġestjoni tad-DĠ, u b'mod partikolari billi jieħu post id-Direttur-Ġenerali meta dan ikun assenti u jirrappreżenta d-DĠ f'kuntatti u negozjati ta' livell għoli;

l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-komunikazzjoni ta' politiki relatati mat-tkabbir tal-UE u l-proċess tal-Ftehimiet ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni;

il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-għajnuna finanzjarja, partikolarment tal-istrument unifikat tal-preadeżjoni (IPA) għall-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati; il-ġestjoni soda u effiċjenti tal-assistenza finanzjarja kollha tal-UE, li hija amministrata mid-DĠ ELARG.

Id-Deputat Direttur-Ġenerali se jkollu d-dmir li jirrappreżenta l-Kummissjoni f'laqgħat u negozjati ta' livell għoli, inklużi kuntatti mal-Parlament Ewropew u mal-Istati Membri.

X'qed infittxu

Il-kandidati għandhom ikollhom:

Esperjenza professjonali fil-qasam tal-affarijiet Ewropej;

Esperjenza fil-koordinazzjoni politika u amministrattiva ta' livell għoli;

Għarfien tajjeb ħafna tal-politiki u l-istituzzjonijiet tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tat-tkabbir u taż-żona ġeografika koperta mid-DĠ;

Għarfien tal-programmi tal-assistenza tal-UE u l-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba;

L-abbiltà li jirrappreżenta lill-Kummissjoni f'kuntatti u negozjati ta' livell għoli, fuq il-bażi ta' esperjenza ppruvata;

L-abbiltà li jmexxi 'l quddiem l-iżvilupp tal-politika fil-qasam tat-tkabbir;

Ħiliet tajbin fil-komunikazzjoni u n-negozjar;

Għarfien sod tal-Ingliż jew il-Franċiż.

L-applikanti għandhom

Ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-UE;

Ikollhom grad universitarju li jagħti aċċess għal studji postuniversitarji;

Ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali postuniversitarja f'livell li jagħtu aċċess għalih il-kwalifiki msemmija hawn fuq. Mill-inqas 5 snin minn dik l-esperjenza professjonali jkunu nkisbu f'funzjoni maniġerjali ta' livell għoli (1);

Ikollhom għarfien fil-fond ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien adegwat ta' lingwa uffiċjali oħra. (Il-kandidati għandhom jinnotaw li l-proċeduri tal-għażla ser isiru bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż biss. Peress li dan jista' jkun ta' vantaġġ għal dawk li huma kelliema nattivi, dawn se jiġu evalwati wkoll f'waħda jew iżjed mil-lingwi l-oħrajn);

Età massima: Ma jkunux għadhom laħqu l-età tal-irtirar, li għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li hu definit bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tilħaq l-età ta' 65 sena (Ara Art.52 lit (a) tar-Regolamenti tal-Persunal).

Indipendenza u dikjarazzjoni ta' interessi

Il-kandidati huma mitluba jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jagħmlu dikjarazzjoni dwar l-impenn tagħhom li jaġixxu b'mod indipendenti fl-interess pubbliku u dikjarazzjoni ta' kull interessi li jistgħu jitqiesu bħala li jippreġudikaw l-indipendenza tagħhom.

Ħatra u kundizzjonijiet tal-impjieg

Id-Deputat Direttur-Ġenerali se jintgħażel u jinħatar mill-Kummissjoni skont il-proċeduri ta' għażla u reklutaġġ tagħha. Il-kandidati li jitniżżlu fil-lista finali se jissejħu għal intervista mal-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni għall-Ħatriet u ċentru ta' valutazzjoni mmexxi minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ.

Is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma dawk stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali fil-grad AD 15 tal-Komunitajiet Ewropej.

L-applikanti għandhom jieħdu nota tar-rekwiżit għall-persunal ġdid kollu, taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, li jgħaddu b'suċċess żmien ta' prova ta' disa' xhur.

Opportunitajiet indaqs

L-Unjoni Ewropea tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs.

Proċedura tal-applikazzjoni

Din il-kariga qiegħda tiġi ppubblikata fl-istess żmien ma' numru ta' postijiet għall-uffiċjali ta' karigi maniġerjali għolja oħra. Il-Kandidati li jixtiequ japplikaw għal iżjed minn pożizzjoni waħda jridu jissottomettu applikazzjoni separata għal kull pożizzjoni.

Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tivverifika b'attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji ta' eliġibilità kollha, b'mod partikolari rigward it-tipi ta' kwalifiki u esperjenza professjonali meħtieġa.

Jekk trid tapplika, għandek tirreġistra permezz tal-Internet billi tmur fuq il-websajt

https://ec.europa.eu/dgs/personnel_administration/seniormanagementvacancies/CV_Encadext/index.cfm

u ssegwi l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw id-diversi stadji tal-proċedura.

Hija responsabbiltà tiegħek li r-reġistrazzjoni online issir fil-ħin (2). Nirrakkomandaw li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex konġestjoni fuq l-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tiegħek tal-Internet jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tiġi tterminata qabel ma tkun lestejtha, u b'hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba d-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet tkun għaddiet, ma tkunx tista' tirreġistra iżjed. Bħala regola ġenerali, registrazzjoniet bil-posta elettronika normali li jaslu tard m'humiex se jiġu aċċettati.

Meta tlesti r-reġistrazzjoni online tiegħek, inti tirċievi fuq l-iskrin numru tar-reġistrazzjoni li għandek tieħu nota tiegħu – dan ikun in-numru ta' referenza tiegħek f'dak kollu li jirrigwarda l-applikazzjoni tiegħek. Meta tirċievi dan in-numru, il-proċess tar-reġistrazzjoni jkun spiċċa – huwa konferma li aħna nkunu rreġistrajna l-informazzjoni li tkun daħħalt.

Jekk ma tirċievi l-ebda numru, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Jekk jogħġbok innota li jrid ikollok indirizz tal-posta elettronika (e-mail). Dan l-indirizz jintuża biex tiġi identifikata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex tiġi infurmat bir-riżultat tal-proċedura. Għandek tinforma lill-Kummissjoni f'każ ta' bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Mal-applikazzjoni tiegħek se tintalab tehmeż CV fil-format WORD jew PDF, u biex tinkludi ittra ta' motivazzjoni online (massimu ta' 8 000 karattru). Kemm is-CV kif ukoll l-ittra jridu jkunu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Ġentilment innota li m'huwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Inti tiġi kkuntattjat dwar l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek direttament mid-DĠ li qiegħed jirrekluta.

Jekk għandek diżabbiltà li ma tippermettilekx tirreġistra online, tista' tibgħat l-applikazzjoni (is-CV u l-ittra ta' motivazzjoni) fuq il-karta permezz tal-posta reġistrata  (3) , b'timbru postali b'data li ma tkunx aktar tard mid-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni tkun bil-posta. F'dan il-każ, mal-applikazzjoni tiegħek għandek tehmeż ċertifikat li juri d-diżabbiltà tiegħek, maħruġ minn entità rikonoxxuta. Għandek issemmi wkoll, fuq karta separata, kull arranġament speċjali li taħseb li jkun meħtieġ biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tiegħek fl-għażla.

Jekk teħtieġ aktar tagħrif u/jew tiltaqa' ma' problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat e-mail lil ADMIN-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Data tal-għeluq:

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija l-20 ta' Frar 2009. Ir-reġistrazzjoni elettronika mhux ser tkun possibbli wara li jiskadi nofsinhar (12.00 p.m.), ħin ta' Brussell.


(1)  Fis-CVs tagħhom l-applikanti għandhom jindikaw għall-inqas għal dawn il-5 snin x'tip ta' esperjenza maniġerjali f'livell għoli ġiet miksuba: (1) it-titlu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kienu fihom, (2) in-numru tal-persunal li kienu jamministraw f'dawn il-pożizzjonijiet, (3) id-daqs tal-baġits amministrati, u (4) in-numru ta' livelli ġerarkiċi 'l fuq u 'l isfel u n-numru ta' persunal tal-istess livell.

(2)  Mhux aktar tard min-nofsinhar (12:00), ħin ta' Brussell, tal-20 ta' Frar 2009.

(3)  Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali “Persunal u Amministrazzjoni”, Unità għall-Organigramma u l-Persunal Maniġerjali, COM/2009/10162, MO34 5/103, B-1049 Brussell.