ISSN 1725-5015

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 295

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 51
18 ta' Novembru 2008


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni

 

OLAF Kumitat ta’ Superviżjoni

2008/C 295/01

Rapport tal-attivitajiet tal-Kumitat ta' Superviżjoni tal-OLAF (Ġunju 2007 – Mejju 2008)

1

 

2008/C 295/02

Nota lill-qarrej (Ara paġna 3 tal-qoxra)

s3

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TA' L-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni

OLAF Kumitat ta’ Superviżjoni

18.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 295/1


Rapport tal-attivitajiet tal-Kumitat ta' Superviżjoni tal-OLAF

Ġunju 2007 – Mejju 2008

(2008/C 295/01)

Membri tal-Kumitat TA' Superviżjoni tal-OLAFLuis LÓPEZ SANZ-ARANGUEZPresidentProsekutur Pubbliku fil-Qorti Suprema ta' SpanjaKàlmàn GYÖRGYIIl-Konsulent Prinċipali għall-Ministru tal-Ġustizzji u l-Infurzar tal-Liġi, L-Avukat Ġenerali tar-Repubblika tal-Unġerija (irtirat), l-UnġerijaPeter STRÖMBERGDirettur tal-Bord ta' Superviżjoni tal-Kontabilisti Pubbliċi tal-IżvezjaDiemut R. THEATOEks-Membru tal-Parlament Ewropew, eks-Chairman tal-Kumitat tal-Kontroll Baġitarju tal-ĠermanjaRosalind WRIGHTPresident tal-Bord Konsultattiv dwar il-Frodi, r-Renju Unit 

KONTENUT

KELMTEJN TA' QABEL MILL-PRESIDENT DWAR IR-RAPPORT TAL-ATTIVITAJIET TAL-KUMITAT TA' SUPERVIŻJONI

INTRODUZZJONI

I.

Il-METODI LI BIHOM JAĦDEM IL-KUMITAT TA' SORVELJANZA

I – 1.

Il-Laqgħat

I – 2.

Is-Segretarjat

II.

IL-FUNZJONI INVESTIGATTIVA TAL-OLAF

II - 1.

Is-sorveljanza tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF: l-infurzar mill-ġdid tal-indipendenza tal-OLAF

II – 1.1.

Sorveljanza regolari fuq inizjattiva tal-Kumitat ta' Superviżjoni (artikolu 11.1 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999)

II-1.2.

Sorveljanza regolari bbażata fuq l-informazzjoni li ntbagħtet lill-Kumitat ta' Superviżjoni mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF (artikolu 11.7 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999)

II – 1.2.1

Investigazzjonijiet li ilhom għaddejjin iżjed minn disa' xhur

II – 1.2.2.

Rakkomandazzjonijiet lill-istituzzjonijiet

II – 1.2.3.

Każijiet li jeħtieġu li l-informazzjoni titressaq lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali

II – 1.3.

“Prima facie Non-Cases”: informazzjoni rċevuta li ċertament u mingħajr dubju ma taqax fi ħdan il-kompetenza tal-OLAF

II – 1.4.

Il-politika “De minimis” tal-OLAF: reati minuri li jistgħu jiġu ttrattati b'mod sodisfaċenti minn servizzi oħra

II – 1.5.

l-attivitajiet tal-OLAF fil-qasam tal-prevenzjoni tal-frodi

II – 2

Il-Ġestjoni tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF

II – 2.1.

Ir-regoli dwar il-proċedura ta' investigazzjoni tal-OLAF

II – 2.2.

Il-Ġestjoni tal-investigazzjonijiet

II – 2.3.

L-organizazzjoni amministrattiva u l-politika dwar il-persunal b'relazzjoni mal-funzjoni investigattiva tal-OLAF.

III.

RELAZZJONIJIET MAL-OLAF, MAL-ISTITUZZJONIJIET TAL-UE, MAL-IMSIEĦBA U L-PARTIJIET INTERESSATI TAL-OLAF

III – 1.

Relazzjonijiet mal-OLAF

III – 2.

Relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet tal-Komunità u mal-imsieħba u l-partijiet interessati tal-OLAF

KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

ANNESS 1

Kalendarju tal-Laqgħat tal-Kumitat ta' Sorveljanza

ANNESS 2

Il-lista ta' Opinjonijiet li ġew adottati bejn l-1 ta' Diċembru 2006 u l-31 ta' Mejju 2008

ANNESS 3

Opinjoni Nru 1/2008 “Prima facie Non-Cases”

ANNESS 4

Opinjoni Nru 2/2008 Pjan ta' Ġestjoni Annwali ta' l-OLAF għall-2008

ANNESS 5

Opinjoni Nru 3/2008 Abbozz Preliminari tal-Baġit ta' l-OLAF għall-2009

KELMTEJN TA' QABEL MILL-PRESIDENT DWAR IR-RAPPORT TAL-ATTIVITAJIET TAL-KUMITAT TA' SUPERVIŻJONI

Għandi l-pjaċir nissottometti t-Tieni Rapport ta' Attività tal-Kumitat ta' Superviżjoni tal-OLAF, li jkopri l-perjodu bejn Ġunju 2007 u Mejju 2008.

Il-Kumitat ta' Superviżjoni huwa impenjat bis-sħiħ li jassisti lill-OLAF fil-ġlieda kruċjali tiegħu kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra attivitajiet irregolari għall-ħsara tal-interessi finanzjarji tal-Komunita' Ewropea u biex isaħħaħ l-indipendenza tal-OLAF permezz ta' sorveljanza regolari tal-investigazzjonijiet tiegħu. Ninsabu bħalissa f'mument importanti tal-ħatra tagħna, fejn irridu nwettqu dawn il-ħidmiet, issa li għandna fehim tajjeb u għarfien wiesa' tal-OLAF u tal-iskop tal-ħidma tiegħu.

B'din l-esperjenza prattika, żidna s-sorveljanza fuq l-investigazzjonijiet tal-OLAF permezz ta' evalwazzjoni ta' numru konsiderevoli ta' każijiet bl-għan li l-indipendenza tal-OLAF waqt li jkun qiegħed iwettaq l-investigazzjonijiet u l-kwalità ta' xogħol tiegħu jiġu salvagwardjati. Hekk kif qiegħda tinkiteb din il-komunikazzjoni l-Kumitat ta' Superviżjoni qiegħed ilesti numru ta' għażliet: dwar każijiet fejn ir-reat ikun minuri – każijiet “de minimis” analiżi ddettaljata tar-raġunijiet għalfejn xi investigazzjonijiet damu għaddejjin iżjed minn disa' xhur u evalwazzjoni ta' numru ta' każijiet li baqgħu mhux solvuti erba' snin wara li jkunu nfetħu. Is-sorveljanza regolari tal-investigazzjonijiet huwa mezz importanti fundamentali biex bih jiġi garantit li l-indipendenza hija rispettata bis-sħiħ waqt il-ftuħ u matul it-tmexxija tal-investigazzjonijiet u meta jsir l-abbozz tar-rapporti dwar każijiet. Bħala Kumitat indipendenti, aħna biss ninsabu f'pożizzjoni li nwettqu dan ix-xogħol u se nkomplu niddedikaw l-isforzi u l-kompetenza kollha tagħna sabiex ix-xogħol isir.

Ninnutaw ukoll li l-OLAF qiegħed jaħdem fuq Manwal ta' operazzjonijiet ġdid; aħna se nirrevedu dan il-manwal bir-reqqa u nagħtu rispons kostruttiv dwaru. Hekk kif ġie nnotat fir-Rapport ta' Attività li ħejjejna qabel, il-Kumitat ta' Superviżjoni sab li proporzjon kbir ta' kwistjonijiet marbutin mal-investigazzjonijiet tal-OLAF jistgħu jiġu solvuti permezz ta' regoli dwar proċedura li l-uffiċjali kollha tal-OLAF għandhom jobdu. Dan huwa veru b'mod partikolari fir-rigward tal-ammont taż-żmien eċċessiv li jieħdu xi wħud minn dawn l-investigazzjonijiet. Nistennew li l-Manwal ġdid se jistupula regoli ta' proċedura ċari dwar operazzjonijiet, li jinkludu skadenzi raġjonevoli għal kull pass fil-proċedura ta' investigazzjoni.

Il-Kumitat jieħu pjaċir meta jara li dawn l-inizjattivi ttieħdu mill-OLAF bil-ħsieb li l-investigazzjonijiet isiru aktar effiċjenti; madankollu għad hemm xi jrid isir. Nistennew li l-OLAF se jirrevedi l-politiki ta' ġestjoni u riżorsi umani tiegħu u nisperaw li r-riżorsi, b'mod ġenerali, ser jiġu allokati b'mod aktar loġiku biex tissaħħaħ il-funzjoni investigattiva tal-OLAF.

Matul il-perjodu kkonċernat bqajna nżommu kuntatt fil-qrib mal-amministrazzjoni tal-OLAF, li tinkludi, id-Direttur Ġenerali, id-Diretturi u l-Kapijiet tal-Unitajiet, kif ukoll mal-persunal tal-OLAF mifrux fl-organizzazzjoni kollha. Esperjenzajna kollaborazzjoni tajba mal-OLAF u ninsabu konvinti li din se tiġi mantenuta u se tissaħħaħ fil-futur. Barra minn hekk aħna kunfidenti li r-relazzjoni ta' ħidma fil-qrib bejn il-Kumitat u l-istituzzjonijiet tal-UE se tibqa' għaddejja wkoll.

L-għan finali tagħna, bħala Kumitat indipendenti, huwa li ngħinu lill-OLAF iżid fl-effettività tiegħu u jsaħħaħ l-indipendenza li għandu u bi ħsiebna nibqgħu għaddejjin f'din id-direzzjoni.

Nixtieq nirringrazzja b'mod partikolari lis-Segretarjat tal-Kumitat ta' Superviżjoni għall-appoġġ indispensabbli tagħhom.

INTRODUZZJONI

Il-Kumitat ta' Superviżjoni (KS) tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) twaqqaf biex isaħħaħ u jiggarantixxi l-indipendenza tal-OLAF permezz tas-sorveljanza regolari tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF. Il-Kumitat iressaq opinjonijiet lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF u huwa meħtieġ li jħejji rapport u jgħaddih lill-istituzzjonijiet dwar l-attivitajiet tiegħu fuq bażi annwali. Dan huwa t-tieni rapport ta' attività tal-KS preżenti u jirreferi għall-attivitajiet li saru bejn l-1 ta' Ġunju 2007 u l-31 ta' Mejju 2008.

Fl-ewwel rapport ta' attività, li ġie adottat f'Ottubru tal-2007 (1), il-KS għamel enfasi fuq il-ħtieġa li l-OLAF għandu biex jimplimenta tmexxija b'saħħitha u effettiva, politika ta' investigazzjoni u proċeduri ta' ġestjoni ċari, mekkaniżmi ta' kontroll biex jiġi evitat il-konflitt tal-interessi matul id-dewmien tal-investigazzjonijiet, flimkien ma' politika dwar il-persunal soda. dawn il-kwistjonijiet kollha għandhom impatt dirett fuq it-tmexxija indipendenti tal-investigazzjonijiet u fuq l-effettività tagħhom. Il-KS rrakkomanda wkoll tibdiliet fil-mod kif l-OLAF jinforma l-KS fuq dawk l-investigazzjonijiet li ilhom għaddejjin aktar minn disa' xhur. Ir-rapport ġie diskuss mal-Viċi-President tal-Kummissjoni, is-Sur Siim Kallas, u mas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, is-Sunjura Catherine Day; mal-Kumitat tal-Kontroll Baġitarju tal-Parlament Ewropew (KKBPE) flimkien mal-grupp ta' ħidma tal-Kunsill dwar il-Ġlieda Kontra l-Frodi matul il-Presidenza Slovena. Il-KS jinsab gratifikat bir-rispons pożittiv u l-appoġġ li rċieva. Is-sur Franz-Hermann Bruner, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF iddikjara li fil-fehma tiegħu r-rapport kien mezz li bih setgħu jintlaħqu għanijiet komuni.

Is-Sunjura Rosalind Wright kienet chairman tal-KS sa Diċembru 2007 meta minflokha ġie elett is-Sur Luis López Sanz-Arànguez għal perjodu ta' sena.

I.   Il-METODI LI BIHOM JAĦDEM IL-KUMITAT TA' SORVELJANZA

I – 1.   Il-Laqgħat

Il-KS kompla jżomm l-iskeda tiegħu tal-laqgħat kull xahar u organizza ħdax-il laqgħa plenarja privata li għalihom il-membri kollha kienu preżenti (2). Il-laqgħat tal-KS mhumiex miftuħin għall-pubbliku u d-dokumenti kollha relatati miegħu huma kunfidenzjali, għalkemm il-minuti tal-laqgħat tiegħu huma disponibbli għall-OLAF u għas-Segretarjati Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni minħabba raġunijiet ta' trasparenza u sabiex ikollhom informazzjoni regolari dwar l-attivitajiet tal-KS. L-opinijonijiet tal-KS li tressqu lid-Direttorat Ġenerali tal-OLAF ġew adottati b'mod unanimu mill-membri tal-KS u l-ħatra ta' rapporteurs  (3) tmantniet sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-preparazzjoni u s-segwitu ta' punti ta' interess speċifiċi għall-KS.

Hekk kif għamilna matul il-perjodu ta' rappurtar ta' qabel, il-KS kompla jistieden lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF flimkien ma' numru ta' persunal tal-OLAF għal-laqgħat tiegħu sabiex jiddiskuti u jkun infurmat b'kwalunkwe kwistjoni pertinenti li hija relevanti għax-xogħol tal-KS u sabiex jinforma wkoll lill-OLAF dwar l-attivitajiet tiegħu.

I – 2.   Is-Segretarjat

Ir-responsabilitajiet tas-Segretarjat tal-KS huma mfissrin fil-qosor fir-Regoli ta' Proċedura tal-KS (4) li jistipulaw li s-Segretarjat għandu r-rwol ewlieni li jiffaċilita u jikkontribwixxi għall-prestazzjoni tal-ħidmiet kollha li qegħdin isiru mill-KS u jiżgura li l-KS huwa kapaċi jlaħħaq mal-mandat legali tiegħu b'indipendenza sħiħa.

Wara li ġew osservati d-diffikultajiet fir-reklutaġġ u l-ħatra ta' persunal tas-Segretarjat matul l-ewwel sentejn fil-kariga, (5) il-KS rrakkomanda (6) li tmien persuni impjegati bħala persunal tas-Segretarjat li kienu kwalifikati kif xieraq għandhom jinżammu disponibbli permezz ta' nota tal-qiegħ fil-pjan ta' stabbiliment tal-OLAF, sabiex il-ħidma tal-ġejjieni tal-KS ma jkollhiex tieqaf għal kollox, u biex tiġi żgurata wkoll il-kontinwità tal-ħidma tal-KS u biex tissaħħaħ l-independenza tiegħu.

II.   IL-FUNZJONI INVESTIGATTIVA TAL-OLAF

II – 1.   Is-sorveljanza tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF: l-infurzar mill-ġdid tal-indipendenza tal-OLAF

Il-ftuħ u t-tmexxija indipendenti ta' investigazzjonijiet u l-abbozzar tar-rapporti dwar il-każijiet li jsiru wara investigazzjonijiet bħal dawn huma d-dmirijiet prinċipali tal-OLAF. Minn mindu beda l-mandat tiegħu, il-Kumitat ta' Superviżjoni preżenti ddeċieda li jagħmel użu l-aktar sħiħ mill-mekkaniżmi legali li ngħatawlu mill-leġiżlatur fir-rigward tas-sorveljanza regolari tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF.

Minn mindu ħejja l-aħħar rapport tiegħu, il-KS żied fl-attività ta' sorveljanza tiegħu fil-qasam ta' investigazzjonijiet li jdumu aktar minn disa' xhur u, għall-ewwel darba, fil-qasam ta' dawk l-investigazzjonijiet li għadhom miftuħin wara perjodu ta' iżjed minn erba' snin, kif ukoll ta' dawk il-każijiet li tressqu lill-awtoritajiet nazzjonali ġudizzjarji. Il-KS eżamina wkoll statistiċi ta' kull xahar dwar attivitajiet operattivi.

II – 1.1.   Sorveljanza regolari fuq inizjattiva tal-Kumitat ta' Superviżjoni (artikolu 11.1 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999)

It-tul eċċessiv taż-żmien ta' xi wħud mill-investigazzjonijiet tal-OLAF kienet kwistjoni ta' tħassib għall-KS. L-OLAF jikkunsidra wkoll it-tnaqqis fid-dewmien taż-żmien ta' każijiet aktar antiki bħala prijorità (7)

Filwaqt li jikkunsidra r-rwol ewlieni li l-OLAF għandu f'ċerti oqsma ta' investigazzjoni fejn igawdi wkoll minn kompetenzi dwar proċedura ċari, il-KS ddeċieda li jeżamina l-każijiet kollha tad-Direttorat A tal-OLAF “Investigazzjonijiet u Operazzjonijiet I” li baqgħu miftuħin wara iżjed minn erba' snin taħt investigazzjoni jew li nfetħu fl-2004. Ir-rapporteurs eżaminaw l-informazzjoni relatata mas-26 fajl ta' investigazzjoni tal-OLAF li jkopru s-setturi kollha tad-Direttorat A kif ġej: 13-il investigazzjoni interna: Istituzzjonijiet Ewropej, 5 investigazzjonijiet interni/esterni: Korpi tal-UE, 6 ta' nfiq dirett u għajnuna esterna u 2 ta' għajnuna esterna.

Din l-analiżi hija mmirata biex tivverifika li d-dewmien potenzjali li seta' ġie evitat ma kienx relatat ma' xi raġuni li setgħet xekklet it-tmexxija indipendenti tal-investigazzjonijiet jew ir-rizultati tagħhom.

Fil-waqt li l-każijiet kienu qegħdin jiġu eżaminati, il-KS kkunsidra kif dovut, l-elementi li ġejjin: il-konformità mar-regoli kif huma stabbiliti fil-Manwal tal-OLAF; Il-kategorizzazzjoni tal-każijiet bħala kriminali, dixxiplinarji jew reati finanzjarji; dewmien bla bżonn; perjodi ta' nuqqas ta' attività u limiti ta' preskrizzjoni; kunflitti ta' interess matul l-investigazzjonijiet; rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-libertajiet fundamentali; riskji potenzjali għat-tmexxija indipendenti tal-investigazzjonijiet. Barra minn hekk, saret valutazzjoni globali tal-kwalità tal-fajls kif ukoll tal-konsistenza bejn is-Sistema ta' Ġestjoni tal-Każijiet (SĠK) u l-kopja tal-karti.

Fil-waqt li kull każ għandu karatteristiċi individwali, kien ċar li ġie identifikat dewmien bla bżonn komuni u perjodi ta' nuqqas ta' attività mingħajr spjegazzjoni matul il-fażi ta' investigazzjoni. Xi wħud minn dawn il-każijiet li ġew ikklassifikati bħala “investigazzjonijiet interni” kienu fil-fatt każijiet dwar “assistenza kriminali”. Dawn il-każijiet flimkien ma' oħrajn li ġew ikkategorizzati sewwa bħala investigazzjonijiet interni nżammu miftuħin minkejja li fil-preżent, l-ebda azzjoni investigattiva mhi qiegħda tittieħed dwarhom.

Minbarra l-perjodi ta' evalwazzjoni u ta' valutazzjoni ma hemm l-ebda skadenzi stipulati fil-Manwal tal-OLAF dwar id-dewmien tal-investigazzjonijiet. Dan in-nuqqas fil-kopertura joħloq inċertezza legali u periklu potenzjali ta' ksur fil-limiti ta' preskrizzjoni u ksur ta' fatturi oħra ta' preġudizzju għall-interessi tal-ġustizzja

Il-KS jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' mekkaniżmi effettivi ta' skrutinju biex jassistu lill-OLAF biex jevita riskji bħal dawn. Il-KS jagħraf u jilqa' tajjeb il-ħatra ta' żewġ konsulenti tal-bord biex jaħdmu fl-investigazzjonijet u fid-Direttorati operattivi tal-OLAF, iżda it-termini ta' referenza tagħhom mhumiex imfissra tajjeb u, fin-nuqqas ta' regoli dwar proċeduri ċari, il-KS jibża' li għadhom jeżistu fatturi li huma ta' ħsara għall-eżitu ta' suċċess ta' xi investigazzjoni.

L-investigazzjonijiet tal-OLAF kollha li jibqgħu miftuħin għal iżjed minn erba' snin qegħdin jiġu eżaminati fil-preżent mir-rapporteurs. Il-konklużjonijiet ġenerali u ddettaljati se jintlaqgħu fix-xhur li ġejjin u se jkunu s-suġġett ta' Opinjoni indirizzata lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF.

Fil-proċess ta' sorveljanza tal-KS tal-każijiet tal-OLAF, kemm fajls tal-karti kif ukoll dawk elettroniċi meħudin mid-database tas-Sistema għal Ġestjoni tal-Każijiet tal-OLAF (SĠL) ġew eżaminati. Il-KS esperjenzat nuqqas globali ta' organizzazzjoni rigoruża u sistematika kemm fl-indiċjar kif ukoll fl-irfigħ, permezz ta' faljs, tad-dokumenti tal-OLAF. Il-KS jikkunsidra li attenzjoni għad-dettal bħal din hija indispensabbli sabiex tiġi evitata konfuzjoni li tista' tinqala' u t-telf potenzjali tal-kontinwità fil-każijiet. Barra minn hekk, il-KS jikkunsidra li sabiex ma jkunx hemm telf ta' żmien, in-noti tal-fajl flimkien ma' sommarju tal-fatti tal-każ miktub f'wieħed mill-lingwi li bihom taħdem il-Kummissjoni għandhom jiġu ppreparati mill-investigatur li jrid ikun kapaċi jaqra d-dokumenti fil-lingwa oriġinali tagħhom.

II – 1.2.   Sorveljanza regolari bbażata fuq l-informazzjoni li ntbagħtet lill-Kumitat ta' Superviżjoni mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF (artikolu 11.7 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999)

II – 1.2.1.   Investigazzjonijiet li ilhom għaddejjin iżjed minn disa' xhur

Il-KS kompla jeżamina dawk ir-rapporti li tħejjew mill-investigaturi tal-OLAF fejn l-investigazzjonijiet ilhom għaddejjin iżjed minn disa' xhur. Il-KS eżamina l-141 rapport tal-investigazzjonijiet ta' dan it-tip matul il-perjodu minn Jannar sa Diċembru tal-2007 (78 % tal-investigazzjonijiet li nfetħu mill-OLAF f'dik id-data kienu ilhom għaddejjin iżjed minn disa' xhur) fuq bażi ta' xahar xahar u settur settur, fejn ingħatat attenzjoni partikolari lir-raġunijiet li ngħataw fil-każ tal-każijiet li ma tlestewx fiż-żmien disa' xhur. Il-KS nnota li r-raġuni li ngħatat mill-OLAF f'ħamsin fil-mija ta' dawn ir-rapporti kienet: “riżorsi sinifikanti ġew allokati iżda minkejja dan, il-volum ta' xogħol ta' investigazzjoni li jrid isir ifisser li jinħtieġ aktar żmien”.

Fir-rapport ta' attività annwali tiegħu 2005-2007, il-KS rrakomanda tibdiliet radikali fl-informazzjoni li tinsab fir-rapporti tal-OLAF li jitħejjew biex jagħtu spegazzjoni ddettaljata dwar id-dewmien esaġerat fl-investigazzjonijiet, u biex jiġbdu l-attenzjoni għall-perjodi ta' preskrizzjoni potenzjali (8)

B'mod aktar speċifiku, il-KS għamel rakkomadazzjoni lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF li “l-format tas-sommarju” tar-rapporti dwar każijiet ta' disa' xhur" għandu jinbidel sabiex jiġu inkorporati fih elementi supplimentari li jagħmlu possibbli evalwazzjoni effiċjenti tal-progress tal-investigazzjonijiet. Dawn l-elementi għandhom jinkludu: id-deskrizzjoni legali tal-irregolarità, id-data jew il-perjodu meta l-atti taħt investigazzjoni twettqu, it-tul ta' żmien li ħa “l-istadju ta' valutazzjoni” li ġie qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni biex jinfetaħ il-każ, is-sanzjonijiet potenzjali jew il-konsegwenzi legali tal-atti taħt investigazzjoni u l-perjodi ta' preskrizzjoni għall-atti li qegħdin taħt investigazzjoni".

Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF segwa b'mod formali din ir-rakkomandazzjoni tal-KS. Madankollu, filwaqt li l-investigazzjonijiet u l-unitajiet operattivi ta' Direttorat B “Investigazzjonijiet u Operazzjonijiet II” adattaw ir-rapporti tagħhom skont l-informazzjoni mitluba mill-KS, l-unitajiet ta' investigazzjonijiet u dawk operattivi ta' Direttorat A “Investigazzjonijiet u Operazzjonijiet I” naqsu milli jsegwu r-rakkomandazzjoni (9). B'riżultat ta' dan, il-KS iltaqa' mal-istess kwistjonijiet li kien diġà ltaqa' magħhom fil-perjodu ta' rappurtar ta' qabel. L-użu ta' “żamma tattika f'investigazzjoni” ngħata b'mod frekwenti bħala raġuni għaliex investigazzjoni baqgħet pendenti. Il-KS kien irrakkomanda qabel li din ir-raguni 'l għaliex każ baqgħet pendenti għandha titneħħa għall-kollox peress li ma kinitx tagħti stampa ċara tar-raġunijiet wara d-dewmien. Barra minn hekk, ġie nnotat li ż-żmien mistenni għat-tlestija ta' investigazzjoni ma ssemma' mkien f'terz tal-każijiet.

Il-KS ġibed l-attenzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF dwar in-nuqqas ta' qbil fl-istrateġija taż-żewġ Direttorati. Kien biss f'Jannar tal-2008 li l-unitajiet tad-Direttorat A adattaw is-sommarji tagħhom skont ir-rekwiżiti tal-KS. Dawn ir-rapporti wkoll qegħdin jiġu kkunsidrati mill-KS (54 minn Jannar sa Mejju 2008) u, flimkien mal-141 rapport imsemmijin hawn fuq, huma l-materja tas-suġġett ta' opinjoni li għandha tiġi indirizzata mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF.

II – 1.2.2.   Rakkomandazzjonijiet lill-istituzzjonijiet

Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF huwa obbligat li jinforma l-KS b'każijiet fejn istituzzjoni, korp jew aġenzija ma ħadux azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF (10). Fil-perjodu ta' rappurtar żewġ każijiet biss bħal dawn ġew rapportati lill-KS, u dawn ġew analizzati u diskussi mill-istess KS. Peress li ġew rapportati numru daqshekk żgħir ta' każijiet, il-KS ma jistax jasal għal konklużjonijiet ġenerali jew jagħmel xi rakkomandazzjonijiet. Madanakollu, dawn il-każijiet jġegħlu lil dak li jkun jaħseb li l-OLAF seta' ma wettaqtx segwitu effettiv u ma ħax kont tal-perjodi ta' preskrizzjoni minkejja li għamel ammont sostanzjali ta' xogħol amministrattiv bla bżonn. Il-fatt li kien hemm biss żewġ każijiet matul il-perjodu ta' rapputtar, iġiegħel il-KS jaħseb li milli jidher, rappurtar sistematiku mhuwiex qiegħed jintuża. Il-KS jirrakkomanda li l-OLAF għandu jfassal sistema ta' rappurtar sistematiku għal dawk il-każijiet fejn istituzzjoni, korporazzjoni jew aġenzija naqset milli tieħu azzjoni skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF b'konformità mall-obbligazzjoni legali.

II – 1.2.3.   Każijiet li jeħtieġu li l-informazzjoni titressaq lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali

L-għan tal-KS huwa li jevalwa l-kwalità u l-utlità tar-rapporti ta' investigazzjoni tal-OLAF għall-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u li l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet huma bbażati biss fuq elementi li għandhom valur ta' verifikazzjoni fil-proċeduri ġudizzjarji tal-Istat Membru li fih jinħtieġ l-użu tagħhom (11).

Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF iressaq b'mod regolari lill-KS kopji tal-fajls li ntbagħtu lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri. Matul il-perjodu ta' rappurtar il-KS eżamina 43 każ ta' dan it-tip. Dawn il-każijiet ġew ippreżentati fil-laqgħat tal-KS minn dawk il-maġistrati tal-Unità ta' Konsulenza Legali u Ġudizzjarja tal-OLAF li ressqu l-fajls dwar il-każijiet. Wara analiżi preliminari, saru diskussjonijiet miftuħa dwar l-aspetti sostantivi u ta' proċedura tal-investigazzjonijet li jridu jsiru bejn il-KS u r-rappreżentanti ta' din l-Unità

Il-KS tat attenzjoni partikolari lill-klassifikazzjoni tar-reati kif ukoll lill-perjodu TA' preskrizzjoni tagħhom. Il-KS jiċċekkja wkoll li d-deskrizzjoni tal-fatti hija ċara u tinftiehem tajjeb minn dawk li ġew indirizzati. Fl-aħħar nett, il-membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw li r-rapporti se jitqiesu bħala evidenza ammissibbli fil-proċedura ġudizzjarja tal-Istat Membru kkonċernat. Fil-każ li jkun hemm reat li fih elementi kostitwenti li twettaq f'diversi Stati Membri, il-KS jfittex ukoll li jiddetermina x'kienu r-raġunjiet oġġettivi li wasslu lill-OLAF sabiex jagħżel l-Istat Membru partikolari li lilu ssottometta l-każ.

Il-KS osserva li f'xi każijiet ir-rapporti finali ntbagħtu lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali meta l-każijiet ġew preskritti; f'każijiet oħra, in-nuqqas ta' relevanza tal-każ wassal biex dawn l-awtoritajiet għażlu li ma jiftħuhx. Il-KS nnota wkoll li dan seta' ġie evitat permezz tal-involviment, kmieni fl-istadju tal-investigazzjoni, tal-maġistrat tal-Unità ta' Konsulenza Legali u Ġudizzjarja. Fil-każijiet kollha fejn il-konsulenza tagħhom tidher li hija essenzjali, il-miżura u t-tempiżmu tal-involviment tal-maġistrati tal-OLAF mhumiex sistematiċi.

Ta' minn jinnota li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru li jirċievi r-rapporti tal-OLAF mhumiex obbligati jinstigaw proċeduri legali (12).Huwa f'idejn dawn l-awtoritajiet biex jieħdu deċiżjoni b'konformità mar-regoli tal-liġi applikabbli fit-territorju tagħhom, fejn xieraq, mal-prijoritajiet tal-politika kontra l-kriminalità, tagħhom.

B'dan il-ħsieb, u sabiex ir-rapporti li tressqu jkunu ċari aktar, ikun għaqli jekk jiġi żgurat li dawn ir-rapporti kollha huma dejjem ibbażati fuq l-istess mudell li jkun ġie stabbilit minn qabel sabiex jiżgura li xejn ma jitħalla barra u li l-elementi relevanti kollha huma inklużi, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti legali tal-Istat Membru u r-regoli ta' evalwazzjoni nazzjonali.

Il-KS jirċievi wkoll informazzjoni fuq bażi regolari mill-OLAF dwar il-każijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali, li jinkludu s-servizzi ta' prosekuzzjoni, ma jkunux instigaw proċeduri wara li ħadu l-fajls mingħand l-OLAF. Din tikkonċerna żewġ każijiet li tressqu fl-2007 u wieħed fl-2008, fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji li tressqulhom il-każijiet iddeċidew li ma jieħdu l-ebda azzjoni ulterjuri.

II – 1.3.   “Prima facie Non-Cases”: informazzjoni rċevuta li ċertament u mingħajr dubju ma taqax fi ħdan il-kompetenza tal-OLAF

Il-KS eżamina kampjun rappreżentattiv ta' 212 “prima facie non-cases” (24 % tal-każijiet kollha bejn l-2003 u l-2007) fejn l-informazzjoni li rċeviet l-OLAF ma taqax fi ħdan il-kompetenza tal-OLAF u, għalhekk, ma kienx hemm bżonn li tinfetah evalwazzjoni sħiħa jew investigazzjoni formali dwarha (13). L-iskop tal-analiżi kien li jivverifika l-applikazzjoni koretta minn naħa tal-OLAF, tar-regoli stipulati fil-Manwal, u li jeżamina x'proċeduri qegħdin jintużaw fil-preżent li jitrattaw ma' dawn it-tipi ta' każijiet.

Il-KS kkonkluda li l-OLAF japplika r-regoli eżistenti kif xieraq u li l-proċeduri jħallu lill-OLAF jagħlaq dawn it-tipi ta' każijiet fil-pront mingħajr il-ħtieġa eċessiva ta' riżorsi. Il-KS ma' kixifx xi każ fil-kampjun fejn proċedura differenti jew investigazzjoni sħiħa tal-informazzjoni kienet tkun aktar xierqa. Madankollu, il-KS jinnota li kien hemm nuqqas ta' qbil bejn il-prattika attwali, li biha l-investigaturi jevalwaw informazzjoni li tkun dieħla u l-Manwal, li jindika li l-ipproċessar ta' informazzjoni bħal din hija r-responsabilità tal-Kap tal-Unità, Il-KS jirrakkomanda li din għandha tiġi kkunsidrata mill-OLAF matul ir-reviżjoni tal-Manwal tal-OLAF – Proċeduri Operattivi.

II – 1.4.   Il-politika “De minimis” tal-OLAF: reati minuri li jistgħu jiġu ttrattati b'mod sodisfaċenti minn servizzi oħra

Il-KS jagħraf li l-fattur prinċipali propju fil-waqt li tkun se tittieħed Deċiżjoni dwar jekk għandux jinfetaħ każ jew le mhuwiex dejjem l-impatt finanzjarju. L-OLAF huwa obbligat ukoll li jikkunsidra fatturi oħra bħall-importanza politika tal-informazzjoni u r-reputazzjoni tal-Komunitajiet, u għandu jirrispetta wkoll il-politika ta' tolleranza żero tal-Kummissjoni għall-frodi u l-korruzzjoni. Madankollu, dan ma jfissirx li l-OLAF għandu jipproċessa kull tip ta' informazzjoni li tasallu fil-bidu u jinvestiga l-każijiet kollha mingħajr ma joqgħod iqis il-miżura tal-impatt finanzjarju tagħhom.

Il-KS identifika xi każijiet minuri ħafna (pereżempju pretenzjonijiet ta' spejjeż foloz minn uffiċjali li jinvolvu ammonti żgħar ta' flus) li setgħu ngħaddew mill-ewwel lill-Uffiċċju tad-Dixxiplina u Investigazzjoni tal-Kummissjoni (UDIK), li huwa kompetenti biex jinvestiga dawn it-tipi ta' każijiet interni, kif ukoll każijiet ta' kondotta professjonali skorretta. L-esperjenza tal-KS turi wkoll li l-OLAF jibbenefika minn kooperazzjoni aktar b'saħħitha mal-UDIK. Għalhekk, huwa importanti li l-OLAF jimplimenta l-Memorandum ta' Fehim mal-UDIK kemm jista' jkun malajr, sabiex jikkjarifika r-regoli dwar x'għandu jiġi investigat mill-OLAF u x'għandu jingħadda lill-UDIK, kif ukoll dwar kwistjonijiet prattiċi bħall-aċċess għall-fajls.

Il-KS jemmen li jkun ta' benefiċċju għall-OLAF li tiġi żviluppata politika “de minimis” interna skont il-politika u l-prijoritajiet ta' investigazzjoni tal-OLAF. Il-KS jikkunsidra li l-OLAF għandu jipprova jalloka riżorsi fejn hu possibli biex jinvestiga każijiet aktar serji skont strateġija ta' investigazzjoni, li għandha tiġi definiti minnu, u li permezz tagħha l-OLAF ikun jista' jiddistribwixxi mill-ġdid il-piż tax-xogħol u r-riżorsi umani 'l bogħod minn dawk il-każijiet fejn l-impatt finanzjarju huwa żgħir.

II – 1.5 l.   Attivitajiet tal-OLAF fil-qasam tal-prevenzjoni tal-frodi

Matul il-perjodu li ġie koprut minn dan ir-rapport l-OLAF ta preżentazzjonijiet regolari lill-KS li jikkonċernaw inizjattivi ta' prevenzjoni ġodda kontra l-frodi u l-korruzzjoni. Fil-waqt li l-KS, fil-prinċipju, jappoġġa l-isforzi tal-OLAF fil-qasam tal-prevenzjoni tal-frodi u l-korruzzjoni, huwa jemmen li l-ħidma li qiegħda ssir f'dan il-qasam għandha tkun marbuta sew mal-investigazzjonijiet u x-xogħol operattiv tal-OLAF. Il-KS huwa interessat b'mod partikolari li jsir jaf kif, permezz ta' riżultati konkreti tal-investigazzjonijiet, l-OLAF jista' juża din l-esperjenza u l-kompetenza li tirriżulta biex jittratta sfidi strategiċi fil-qasam tal-frodi u l-korruzzjoni kif stipulat fir-Regolament 1073/1999 (14).

Meta wieħed iqis ir-riżorsi limitati li għandhom, kemm għal attivitajiet investigattivi kif ukoll għal dawk ta' prevenzjoni, il-KS jirrakkomanda li l-OLAF għandu jikkunsidra b'mod urgenti li jikkjarifika l-prijoritizzazzjoni tal-prevenzjoni tal-frodi u l-korruzjoni sabiex riżorsi ma jiġux devjati minn xogħol ta' investigazzjoni. Il-KS jenfasizza l-bżonn li għandu jiżdied b'mod sostanzjali l-fluss ta' informazzjoni, tal-kollaborazzjoni u tal-koordinazzjoni bejn id-direttorati u l-unitajiet tal-OLAF li qegħdin imexxu l-prevenzjoni tal-frodi u dawk id-direttorati u l-unitajiet li qegħdin imexxu l-investigazzjonijiet sabiex l-esperjeza akkwistata waqt l-investigazzjonijiet tista' tkun ta' użu reali għall-inizjattivi tal-OLAF f'dan il-qasam. Qbil bħal dan huwa essenzjali biex isir kontribut utli f'dan il-qasam, li s-servizzi tal-Kummissjoni qegħdin jistennew min-naħa tal-OLAF

II – 2.   Il-Ġestjoni tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF

II – 2.1.   Ir-regoli dwar il-proċedura ta' investigazzjoni tal-OLAF

F'April tal-2007, l-OLAF ressaq lill-KS l-Abbozz tal-Manwal tal-OLAF – Proċeduri Operattivi (verżjoni fil-qosor). Il-KS jikkunsidra li l-OLAF għandu bżonn gwida prattika u ċara biex l-investigaturi tiegħu jkunu jistgħu jimxu fuqha, u li hija fformulata biex isservi ta' strument utli għat-twettiq tal-investigazzjonijiet: li tispjega l-proċeduri, ir-regoli u l-iskadenzi applikabbli għall-fażijiet differenti ta' investigazzjoni. Din il-verżjoni tal-Abbozz tal-Manwal tal-OLAF ma laħħqitx mal-aspettattivi tal-KS.

Fil-waqt li nkiteb dan l-abbozz, l-OLAF kien fil-proċess li jiffinalizza Abbozz ġdid tal-Manwal tal-OLAF – Proceduri Operattivi u l-KS se jagħti r-rispons tiegħu dwaru waqt li se jikkunsidra wkoll l-punti msemmijin hawn fuq.

II – 2.2.   Il-Ġestjoni tal-investigazzjonijiet

Minn mindu beda l-mandat tiegħu, il-KS kkunsidra l-impatt dirett li l-amministrazzjoni, it-tmexxija u l-organizzazzjoni tal-OLAF għandhom fuq l-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva tagħha. (15) Il-KS huwa kunfidenti li t-titjib f'dawn l-oqsma se jżid l-effiċjenza u l-effettività tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF: jiġifieri l-kontroll tad-dewmien u tal-kwalità u l-effiċjenza tal-investigazzjonijiet. F'għajnejn il-KS, il-qafas legali preżenti (16) jħalli setgħat għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tal-attivitajiet tal-OLAF b'mod ġenerali, f'idejn id-Direttur Ġenerali tal-OLAF, bħala Kap tas-Servizz.

Il-KS jinnota li għadd ta' elementi ta' titjib diġà jinsabu għaddejjin fil-ġestjoni tal-investigazzjonijiet. Il-KS jilqa' b'merħba l-ħatra tad-Diretturi ta' Direttorat B “Investigazzjonijiet u Operazzjonijiet II” u dawk ta' Direttorat C “Appoġġ Operattiv u Politiku” kif ukoll il-konsulenti tal-Bord għad-Direttorati A u B.

Fl-aħħar tal-perjodu ta' rappurtar, il-KS ltaqa' mad-Diretturi tad-Direttorati A u B (17) biex jidduskuti l-aħħar żviluppi li saru fir-rigward tal-oqsma ta' ħidma rispettivi tagħhom u l-ideat li għandhom għall-futur. Il-KS jixtieq jibni relazzjoni aktar miftuħa u fil-qrib mal-amministrazzjoni tal-OLAF. Il-KS jappoġġa bis-sħiħ lid-Diretturi tal-OLAF fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-kontroll u s-superviżjoni tal-investigazzjonijiet u huwa lest li jgħin u li jagħti parir lill-OLAF kif u fejn xieraq.

Il-KS jirrakkomanda li l-ġestjoni tal-OLAF għandha tiddefenixxi aħjar politika investigattiva u l-ippjanar strateġiku tal-investigazzjonijiet li, f'għajnejn il-KS, se jtejbu t-trasparenza u jgħinu biex il-volum għoli ta' investigazzjonijiet u ta' riżorsi korrispondenti disponibbli jiġu ġestiti b'mod l-aktar effiċjenti.

Il-KS jħeġġeġ ukoll lill-amministrazzjoni tal-OLAF biex tadotta ġestjoni u viżjoni li jiffokaw b'mod aktar ċar fuq il-funzjoni aħħarija tal-OLAF. Il-KS jemmen li għad hemm periklu li n-nuqqas ta' trasparenza jista' jwassal għal dewmien fl-ipproċessar tal-fajls tal-każijiet u b'hekk, ixekkel is-segwiment mill-Istati Membri tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF. Il-preżentazzjonijiet tal-każijiet tal-OLAF li tressqu lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali jindikaw li xi wħud mill-fajls dwar każijiet ma ġewx ipproċessati mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għaliex il-perjodu ta' preskrizzjoni kien skada qabel ma tressqilhom il-każ. Barra minn hekk, l-analiżi tal-KS tar-rapporti li ilhom miftuħin iżjed minn disa' xhur (18) tindika li d-dewmien fl-ipproċessar ta' għadd kbir ta' fajls dwar każijiet (minħabba prijorità baxxa, nuqqas ta' riżorsi u żamma tattika) seta' ġie evitat permezz ta' gestjoni u ppjanar aħjar.

Barra minn hekk, il-KS jenfasizza l-importanza ta' mekkaniżmi għall-kontroll tal-kwalità adekwat u biex jiġi evitat id-dewmien kif ukoll għal sistema ta' rispons funzjonali għall-aħħar u evalwazzjoni tal-investigazzjonijiet. L-eżistenza ta' sistema għall-kontroll tajba u ta' livelli komparattivi ta' kompetenza tajbin jiffaċilitaw is-segwitu mill-ġestjoni tal-OLAF, tal-prestazzjoni kif ukoll tal-identifikazzjoni ta' oqsma problematiċi. Min naħa l-oħra, is-sistema għandha wkoll tippermetti li ssir azzjoni korrettiva, fuq il-bażi tat-tagħlimiet li ntgħallmu, wara li jkunu saru r-rakkomandazzjonijiet. Strumenti ewlenin għat-titjib tas-sistemi ta' kontroll u ta' rispons huma t-trasparenza interna u l-komunikazzjoni.

Il-KS ta opinjoni dwar il-Pjan ta' Ġestjoni Annwali tal-OLAF għas-sena 2008 (PGA) (19) li fiha l-KS għamel numru ta' proposti dwar l-obbjettivi ta' ġestjoni u indikaturi tal-prestazzjoni (20).

II – 2.3.   L-organizazzjoni amministrattiva u l-politika dwar il-persunal b'relazzjoni mal-funzjoni investigattiva tal-OLAF.

Il-KS huwa tal-fehma li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF għandu jkun responsabbli biex ifassal politika dwar il-persunal effettiva fi ħdan il-qafas tar-regolamenti dwar il-Persunal tal-Komunitajiet kif stipulat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1999 (21) Barra minn hekk, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF għandu jieħu vantaġġ mill-flessibilità sħiħa li għandu bħala l-awtorità li taħtar sabiex jiżgura reklutaġġ tal-persunal, trasfereimenti interni u tneħħija interna llkoll mingħajr xkiel, u biex jiżgura li l-pożizzjonijiet u l-approprjazzjonijiet neċessarji li jippermettu lill-OLAF jiffunzjona b'mod effiċjenti, ikunu disponibbli.

Il-KS eżamina l-abbozz preliminari tal-baġit tal-OLAF għas-sena 2009 u ħareġ opinjoni (22) li fiha għamel enfasi partikolari fuq l-importanza li l-politika dwar il-persunal u l-ħtiġijiet tal-unitajiet tal-investigazzjonijiet jimxu flimkien id f'id.

F'għajnejn il-KS dan jista' jinkiseb permezz ta' żvilupp ulterjuri fl-istrateġija tar-riżorsi umani li biha tista' ssir allokazzjoni effiċjenti tal-persunal ibbażata fuq il-ħtiġijiet reali u l-prijoritajiet li kien hemm qbil dwarhom, u billi jiġu allokati riżorsi ġodda għal xogħol ta' investigazzjoni prinċipali. Jeżisti bħalissa żbilanċ bejn ir-riżorsi allokati għal xogħol operattiv u dawk allokati għal dak li mhuwiex u l-prijorità tal-OLAF għandha tkun li juża aħjar ir-riżorsi interni li diġà nkisbu milli jżid in-numru totali tal-persunal li għandu.

Il-KS jenfasizza l-importanza tat-tfassil ta' programm għal taħriġ speċjalizzat u kontinwu għall-investigaturi sabiex l-għarfien u l-ħiliet li għandhom jitkattru b'mod partikolari b'relazzjoni mal-implimentazzjoni finanzjarja tar-regoli tal-Komunità.

L-indipendenza tal-investigaruri tal-OLAF hija importanti hafna. Għal din il-fini, il-kwistjoni tal-persunal temporanju tal-OLAF hija ta' importanza kbira mill-aspett tal-istabbiltà, il-kontinwità u l-indipendenza peress li proporzjon għoli tal-persunal investigattiv huma impjegati b'kuntratti temporanji. Il-KS jilqa' b'merħba żviluppi pożittivi fl-2007 u l-2008 fir-rigward tal-estensjonijiet tal-kuntratti temporanji għal perjodu mhux limitat u l-pubblikazzjoni ta' kompetizzjonijiet miftuħa. Barra minn hekk, il-KS jħeġġeġ lill-OLAF biex jieħu ħsieb l-promozzjoni tal-persunal temporanju tiegħu b'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal u mad-Deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-2005 (23) sabiex itejjeb il-mobilità tagħhom, filwaqt li jippjana bil-galbu l-politika ta' reklutaġġ tiegħu bħala prosegwiment għal wara t-tlestija, kemm tal-kompetizzjonijiet li huma għaddejjin bħalissa kif ukoll ta' dawk tal-ġejjieni.

III.   RELAZZJONIJIET MAL-OLAF, MAL-ISTITUZZJONIJIET TAL-UE, MAL-IMSIEĦBA U L-PARTIJIET INTERESSATI TAL-OLAF

III – 1.   Relazzjonijiet mal-OLAF

Minn mindu beda l-perjodu tal-kariga tiegħu, il-KS ħareġ tmien opinjonijiet (24) Tlieta minnhom dwar l-abbozz preliminari tal-baġits tal-OLAF, waħda dwar ir-rapporti dwar każijiet li ilhom għaddejjin iżjed minn disa' xhur, waħda dwar “prima facie non-cases”, waħda dwar ir-riforma proposta tal-OLAF (li tinkludi opinjoni komplimentari unika) u żewġ opinjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-amministrazzjoni tal-funzjoni investigattiva tal-OLAF. Il-KS huwa sodisfatt li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-OLAF jaqbel li għandu jikkunsidra l-opinjonijet tal-KS u qiegħed iħejji pjanijiet biex jimplimentahom b'mod sħiħ.

Il-KS jħeġġeġ lill-OLAF biex jirrispondi b'informazzjoni aktar regolari u ddettaljata dwar kif bi ħsiebu jimplimeta r-rakkomandazzjonijiet tal-KS sabiex il-KS jkun jista' jevalwa l-impatt tax-xogħol tal-OLAF. B'mod globali, il-KS huwa kunfidenti li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu se jgħinu lill-OLAF ittejjeb l-effettività tal-attivitajiet tal-amministrazzjoni tiegħu u, b'mod partikolari, ta' ċerti aspetti li huma fil-qalba tal-indipendenza operattiva tal-amministrazzjoni u l-gestjoni konkreta tal-funzjoni investigattiva.

Matul il-perjodu li ġie koprut mir-rapport, Il-KS ltaqa' b'mod regolari mad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, flimkien mad-Diretturi individwali kollha u b'mod regolari mal-maġistrati tal-Unità ta' Konsulenza Legali u Ġudizzjarja, kif ukoll mal-persunal minn Unitajiet oħra li ddiskutew ix-xoghol tagħhom mal-KS. Wara li saru dawn id-diskussijonijiet, il-KS kkonkluda li l-ambigwitajiet li ssemmew qabel fir-rapport dwar in-natura tal-investigazzjonijiet tal-OLAF u b'mod partikolari dwar kwistjonijiet ta' ġestjoni u ta' riżorsi umani, jikkonċernaw ukoll il-gestjoni u l-persunal tal-OLAF. L-OLAF huwa konxju ta' ħtieġa urġenti biex itejjeb l-ippjanar u l-ġestjoni strateġika tal-investigazzjonijiet tiegħu u jistipula u jimplimenta prijoritajiet operattivi, flimkien ma' regoli u proċeduri ta' investigazzjonijiet.

Il-KS għamel enfasi fuq l-importanza tal-kriterji u l-prijoritajiet tal-investigazzjonijiet biex l-użu ideali ta' riżorsi eżistenti, jkun possibbli. Il-KS jappoġġa l-fehmiet tal-uffiċjali għoljin tal-OLAF, li jaħsbu li żieda fin-numru tal-persunal tal-OLAF mhijiex għalissa ħtieġa importanti għall-OLAF, minflok, għandu jkun hemm reallokazzjoni u taħriġ kif suppost tar-riżorsi eżistenti interni biex jikkoreġu l-enfasi. Dawn il-miżuri u l-inizjattivi kollha jeħtieġu, madanakollu, impenn u tmexxija aktar b'saħħithom min-naħa tal-ġestjoni tal-OLAF.

Matul il-perjodu ta' rappurtar, il-President tal-KS u r-rapporteurs ġew mistednin mill-OLAF biex jipparteċipaw f'tliet konferenzi tal-OLAF: il-Konferenza tal-Prosekuturi tal-Frodi li saret fi Brussell, il-konferenza OLAF Eurojust dwar korruzzjoni li saret ukoll fi Brussell u l-konferenza konġunta ICSTE/ANU/OLAF kontra l-korruzzjoni li saret fil-Portugall (25)

III – 2.   Relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet tal-Komunità u mal-imsieħba u l-partijiet interessati tal-OLAF

Il-KS żamm kuntatti fil-qrib mal-istituzzjonijiet tal-Komunità u mal-imsieħba u l-partijiet interessati tal-OLAF u huwa impenjat biex ikun hemm skambju ta' opinijonijet ma' organizzzazzjonijiet li għandhom interess komuni li jiġġieldu l-frodi, il-korruzzjoni u l-attivitajiet illegali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Komunità.

F'dan l-ispirtu, matul il-perjodu ta' rappurtar, il-KS iltaqa' ma' dawn li ġejjin: Il-Viċi-President tal-Kummissjoni, is-Sur Siim Kallas; Is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, is-Sinjura Catherine Day; Il-Kumitat dwar Kontrol Baġitarju tal-Parlament Ewropew (KKBPE) u l-president tiegħu s-Sur Herbert Bösch; il-koordinaturi tal-KKBPE flimkien mar-rapporteur tal-KKBPE għall-OLAF u għall-KS, is-Sinjura Ingeborg Grässle; id-Direttur għall-Ġustizzja u fis-Segretarjat tal-Kunsill Ewropew, is-Sur Gilles de Kerchove; il-Grupp ta' Ħidma għall-Ġlieda Kontra l-Frodi tal-Kunsill Ewropew matul il-presidenza Slovena; l-Assistent Kontrollur, tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, is-Sur Joaquín Bayo Delgado, u l-Ombudsman għall-Ewropa, is-Sur Nikiforos Diamandouros.

Wara li saru dawn id-diskussjonijiet il-KS kkonkluda li fehim aħjar u relazzjoni ta' xogħol aktar fil-qrib bejn l-OLAF u l-Kummissjoni, kien ġie stabbilit; li kien hemm thassib globali u komuni fir-rigward tar-ripurkussjonijiet tad-dewmien taż-żmien fl-amministrazzjoni u t-tlestija tal-investigazzjonijiet interni; li l-kapaċità operattiva tal-OLAF kienet tkun tassew apprezzata fil-qafas tal-Ġustizzja u tal-Intern u għandu jkun hemm riflessjoni dwar il-materja tas-suġġett tal-OLAF fi ħdan il-qafas tat-Trattat ta' Liżbona u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Fuq stedina ta' u b'kooperazzjoni mal-Prosekutur Ġenerali tal-Istat ta' Spanja, il-KS pparteċipa f'seminar internazzjonali dwar dan is-suġġett bl-iskop li jgħaqqad flimkien dawk l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-ġustizzja sabiex jiddiskutu l-qafas tal-ġejjieni fil-ġlieda kontra reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex jirriflettu fuq ir-rwol li l-OLAF jista' jkollu f'din l-istruttura ġdida.

Il-KS ltaqa' wkoll mal-Prosekutur Ġenerali tal-Istat ta' Spanja, is-Sur Candido Conde-Pumpido flimkien mal-Prosekutur Federali tal-Belġju s-Sur Johan Delmulle bl-iskop li jevalwa l-kwalità u l-utlità tar-rapporti tal-investigazzjonijiet imwettqin mill-OLAF li ġew trażmessi lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u biex iħeġġeġ fluss tajjeb ta' informazzjoni bejn l-OLAF u l-Istati Membri flimkien mal-implimentazzjoni proattiva mill-awtoritajiet nazzjonali tal-dispożizzjonijiet relatati mad-dmir li l-OLAF ikun infurmat (26) Il-rwol tal-KS huwa wkoll li jassisti lill-OLAF biex itejjeb il-livell ta' kollaborazzjoni u ta' kooperazzjoni bejnu u bejn l-Istati Membri, għaliex din hija essenzjali biex jinkiseb eżitu ta' suċċess fl-investigazzjonijiet tal-OLAF. Waqt id-diskussjonijiet ġie enfasizzat li fil-preżent jeżisti kooperazzjoni tajba u skambju ta' informazzjoni tajjeb bejn l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni u dawk ġudizzjarji u l-OLAF. Ir-rwol tal-maġistrati tal-Unità ta' Konsulenza Legali u Ġudizzjarja tal-OLAF jibqa' essenzjali għal kuntatti regolari u ħidma mal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.

F' Jannar tal-2008, Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Istat ta' Spanja u l-OLAF ġie ffirmat, wara li sar is-seminar internazzjonali msemmi hawn fuq. Il-KS iħeġġeġ lill-OLAF biex ikompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ġenerali li għandu mal-awtoritajiet nazzjonali, flimkien mar-riżultati tanġibbli tax-xogħol tiegħu li jiddependu wkoll fuq il-kontribut li jsir min-naħa tal-Istati Membri kemm matul l-investigazzjoni kif ukoll fl-istadji tas-segwitu tagħha.

Fid-diskussjonijiet li kellu mal-Assistent Superviżur tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (SEPD), is-sur Joaquín Bayo Delgado, il-KS enfasizza li l-aċċess permanenti għad-dejta tal-OLAF kien inerenti għax-xogħol tiegħu, biex il-KS ikun jista' jaqdi l-mandat legali tiegħu ta' sorveljanza filwaqt li jiżgura li d-dispożizzjonijiet għall-protezzjoni ta' dejta personali u dawk ta' kunfidenzjalità huma applikati bis-sħiħ. F'Lulju tal-2007, is-SEPD ta' opinjoni (27) li fiha kkonkluda li “Ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li sar ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 45/2001 sakemm il-kunsiderazzjonijiet fl-opinjoni huma kkunsidrati bis-sħiħ”. Il-KS qabel mar-rakkomandazzjonijiet magħmulin mis-SEPD u huwa impenjat bis-sħiħ biex jimplimentahom.

KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

I.

Il-rwol ewlieni tal-KS huwa li jwettaq sorveljanza regolari fuq l-investigazzjonijiet tal-OLAF sabiex l-indipendenza fil-ftuħ u fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet u fl-abbozz tar-rapporti dwar il-każijiet, tinżamm. Dan il-mekkaniżmu huwa essenzjali biex tissaħħaħ l-indipendenza tal-investigazzjonijiet tal- OLAF mill-bidu nett u l-KS se jibqa' impenjat biex dan l-għan jintlaħaq.

II.

Il-KS huwa mħasseb dwar it-tul taż-żmien eċċessiv ta' xi investigazzjonijiet u eżamina dawk kollha li baqgħu miftuħin wara iżjed minn erba' snin li jappartjenu lid-Direttorat A tal-OLAF “Investigazzjonijiet u Operazzjonijiet I”. Il-KS studja 26 investigazzjoni, mingħajr ma fixkel it-twettiq tagħhom, u osserva perjodi ta' nuqqas ta' attività mingħajr spjegazzjoni u l-kategorizzazzjoni skoretta tal-każijiet. Il-KS jħeġġeġ lill-OLAF biex jimplimenta mekkaniżmi ta' kontroll rigorużi biex jiġi evitat konflitt tal-interess matul l-investigazzjonijiet.

III.

Il-KS analizza dawk ir-rapporti kollha (195 b'kollox) dwar investigazzjonijiet li baqgħu miftuħin wara disa' xhur. Qiegħed isir eżami bir-reqqa tar-raġunijiet li ngħataw fil-każ ta' dewmien u taż-żmien mistenni għat-tlestija. Il-KS se jsegwi dan il-punt flimkien mal-OLAF

IV.

Il-KS jirrakkomanda li l-maġistrati tal-Unità ta' Konsulenza Legali u Ġudizzjarja tal-OLAF jkunu involuti bis-sħiħ fi stadju ħafna aktar bikri tal-investigazzjonijet sabiex jikkunsidraw bis-sħiħ il-perjodi ta' preskrizzjoni u jiżguraw li dawk l-investigazzjonijiet li tressqu lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali x'aktarx jitqiesu bħala evidenza f'kull Stat Membru.

V.

Il-KS huwa sodisfatt bil-kampjun ta 212 “prima facie non-cases” li eżamina u jikkonkludi li l-proċedura attwali li tintuża fir-rigward ta' informazzjoni li ma taqax taħt il-kompetenza tal-OLAF, ħalliet lill-OLAF jagħlaq dawn il-każijiet malajr u b'mod effiċjenti. Madanakollu, il-KS jirrakkomanda li r-referenza relevanti fil-Manwal tal-OLAF għandha tkun konsistenti mal-prattika attwali tal-OLAF.

VI.

Il-KS jemmen li l-OLAF mhuwiex obbligat li jipproċessa kull tip ta' informazzjoni f'kull każ mingħajr ma' joqgħod iqis l-impatt finanzjarju tagħhom u jirrakkomanda bi ħġaru li għandu jiżviluppa politika “de minimis” għal każijiet ta' reati minuri ta' impatt finanzjarju baxx ħafna u jevalwa b'mod kritiku jekk dawn il-każijiet jistgħux jitressqu lil IDOC. Iżjed minn hekk, il-KS jħeġġeġ lill-OLAF jimplimenta l-Memorandum ta' Fehim mal-IDOC sabiex jiċċara t-tqassim tax-xogħol marbut ma' dawn il-każijiet.

VII.

Il-KS rċieva u rreveda ż-żewġ każijiet li ġew rapportati mill-OLAF, li fihom istituzzjoni naqqset milli ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF. Il-KS jirrakkomanda bil-qawwi li l-OLAF għandu jissorvelja b'mod regolari u jirrapporta b'mod sistematiku lill-KS, il-każijiet kollha bħal dawn biex b'hekk itejjeb l-effettivita' tas-segwitu tiegħu.

VIII.

Il-KS jirrakkomanda li l-OLAF għandu jirrevedi l-kontenut u l-format tar-rapporti ta' statistika li jitħejjew kull xahar peress li d-dejta, attwalment, la hija interpretata bi u lanqas mhi marbuta ma', xi tip ta' miżura tal-kwalità u minħabba f'hekk ma tistax tiġi vverifikata mill-KS.

IX.

Il-KS kkunsidra l-impatt tal-ġestjoni tal-OLAF fuq il-funzjoni investigattiva tal-OLAF u jappoġġa bis-sħiħ il-miżuri li ttieħdu biex titjieb il-ġestjoni tal-investigazzjonijiet u b'mod partikolari l-ippjanar, il-kontroll u s-superviżjoni tagħhom. Il-KS jirrakkomanda bil-qawwi li l-OLAF għandu jagħmel aktar enfasi fuq il-ġestjoni, fuq l-ippjanar u l-kontroll strateġiku, u fuq is-sistemi ta' rispons marbutin ma' xogħol operattiv. Fuq kollox, il-KS jirrakkomanda li l-OLAF għandu jiddefinixxi aħjar il-politika ta' investigazzjoni tiegħu u jadotta definizzjoni aktar ċara tal-gestjoni u l-viżjoni tal-iskopijiet tiegħu u tal-fatturi ġenerali ta' suċċess. Impenn qawwi min-naħa tat-tmexxija tal-OLAF u tal-amministraturi tiegħu huwa prerekwiżit għal klima ta' xogħol armonjuża u produttiva.

X.

Il-KS jirrakkomanda li l-OLAF għandu jiżviluppa strateġija dwar riżorsi umani u, bħala prijorità, jalloka aktar riżorsi umani, tal-ogħla kwalità, għal xogħol operattiv, li huwa l-attività prinċipali tal-OLAF. Għadha mhijiex ċara jekk hemmx bażi legali tajba biex l-OLAF jittratta ma' xi wħud mill-attivitajiet mhux prinċipali bħal pereżempju s-segwitu u l-gestjoni programmi ta' nfiq tal-Komunità Il-KS jirrakkomanda li l-ġestjoni tal-OLAF għandha tieħu passi biex tikkoreġi l-iżbilanċ li hemm bħalissa bejn dawk ir-riżorsi allokati għal xogħol operattiv u dawk allokati ghal xoghol li mhux u tipprovdi taħriġ kontinwu għall-investigaturi tagħha.

XI.

Il-KS jirrakkomanda li l-OLAF għandu jaħdem flimkien mal-amministrazzjoni tal-Kummissjoni sabiex itejjeb l-implimentazzjoni tal-politika dwar il-persunal tiegħu stess. Il-KS jilqa' b'merħba żviluppi pożittivi fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-persunal temporanju tal-OLAF u jirrakkomanda li l-OLAF għandu jieħu ħsieb il-promozzjonijiet tal-persunal temporanju skont ir-Regolamenti tal-Persunal.

XII.

Il-KS jirrakkomanda li l-isforzi tal-OLAF fil-qasam tal-prevenzjoni tal-frodi u l-korruzzjoni għandhom jiffokaw b'tali mod li l-kompetenza u l-għarfien li ġew akkwistati fl-investigazzjonijiet jistgħu jkunu ta' użu prattiku għas-servizzi kollha tal-Kummissjoni. Il-KS jirrakkomanda li l-OLAF għandu jtejjeb il-koordinament intern u jiżgura fluss regolari tal-informazzjoni bejn id-Direttorati f'dan il-qasam.

XII.

Il-KS jikkunsidra li r-rakkomandazzjonijiet kollha msemmijin hawn fuq għandhom ikunu rappreżentati b'mod adekwat fil-Manwal tal-operazzjonijiet, li huwa strument ta' xogħol essenzjali fit-twettiq tal-investigazzjonijiet. Il-KS jemmen bis-sħiħ li l-adozzjoni ta' Manwal li fih proċeduri operattivi u skadenzi ċari jipprovdi qafas konsistenti għall-investigazzjonijiet tal-OLAF u se jsaħħaħ it-tmexxxija independenti tiegħu. Il-KS huwa impenjat li jikkontribwixxi b'mod kostruttiv fl-abbozz ta' dan il-Manwal.

XIV.

Sabiex jiġu evitati d-diffikultajiet fl-akkwist tar-riżorsi neċessarji fis-Segretarjat tal-KS, il-KS jirrakkomanda li l-pożizzjonijiet vakanti għal Segretarjat tal-KS ikunu mmarkati fil-pjan ta' stabbiliment tal-OLAF. Il-ħatra ta' persunal tas-Segretarjat tal-KS għandha ssir bi ftehim fil-pront mal-KS biex b'hekk tiġi żgurata l-indipendenza sħiħa tal-KS fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.


(1)  L-ewwel rapport ta' Attività li jkopri l-perjodu bejn Diċembru 2005 u Mejju 2007 (ĠU L 123, 20.05.2008, p. 1).

(2)  Ara Anness 1.

(3)  Artikolu 8 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat ta' Superviżjoni tal-OLAF (ĠU L 33, 2.2.2007, p. 1).

(4)  Ir-Regoli ġew adottati mll-KS f'Awwissu 2006 u ppubblikati fi Frar 2007 (Regoli dwar Proċedura tal-Kumitat ta' Superviżjoni tal-OLAF (ĠU L 33, 22.2.2007)).

(5)  Żewġ pożizzjonijiet vakanti għal segretarjat ġew ippubblikati internament mill-OLAF f'Ġunju tal-2006. Wieħed mill-membri tas-Segretarjat ġie appuntat f'Jannar 2007 u l-ieħor f'Lulju tal-2007.

(6)  Ara Anness 5.

(7)  Is-seba' rapport ta' attività tal-OLAF 2006.

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni III tar-Rapport ta' Attività Annwali tal-KS Diċembru 2005 – Mejju 2007 u l-Opinjoni tal-KS Nru 1/2007 (Anness 4).

(9)  Direttorat B (4 unitajiet): Agrikoltura; Dwana I; Dwana II; Miżuri Strutturali Direttorat A (4 unitajiet): Investigazzjonijiet Interni: L-Istituzzjonijiet Ewropej; Investigazzjonijiet Interni/Esterni: Korporazzjonijiet tal-UE; Nefqa Diretta u Għajnuna Esterna; Għajnuna Esterna.

(10)  Artikolu 11(7) tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

(11)  Premessa 10 u art 9.2 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

(12)  Ara wkoll is-Sentenza tal-4.10.2006, każ T-193/04, HMT v il-Kummissjoni (punt 69).

(13)  Taqsima 3.3.3.1, p. 76 tal-Manwal tal-OLAF tal-25 ta' Frar 2005.

(14)  Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

(15)  Ara l-konklużjonijiet tal-Ewwel Rapport ta' Attività tas-17 ta' Ottubru 2007 (ĠU C 123) u l-Opinjoni tal-KS Nru 1/2007 “ir-rapporti u l-investigazzjonijiet tal-OLAF li ilhom għaddejjin iżjed minn disa' xhur”, li qegħdin fir-Rapport.

(16)  l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 u l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummisjoni Nru 352/1999.

(17)  Direttorat A (4 unitajiet): Investigazzjonijiet interni: L-istituzzjonijiet Ewropej; Investigazzjonijiet Interni/Esterni: Korporazzjonijiet tal-UE; Nefqa Diretta u Għajnuna Esterna; Għajnuna Esterna. Direttorat B (4 unitajiet): Agrikoltura; Dwana I; Dwana II; Miżuri Strutturali.

(18)  L-Opinjoni tal-KS Nru 1/2007 “ir-rapporti u l-investigazzjonijiet tal-OLAF li ilhom għaddejjin iżjed minn disa' xhur”.

(19)  Ara Anness 4.

(20)  Ara Anness 4.

(21)  L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 1999 (ĠU L 136/20, 31.5.1999).

(22)  Ara Anness 5.

(23)  L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-OLAF dwar politika ġdida għall-ħatra u l-użu tal-aġenti temporanji tal-OLAF jistipula li “Persunal temporanju jista' jitla' grad, għall-grad li jmiss, darba biss fil-kategorija/funzjoni tal-grupp permezz ta' deċiżjoni mid-Direttur Ġenerali wara li tkun saret konsultazzjoni mal-kumitat konġunt”.

(24)  Ara Anness 2, li jinkludi lista ta' opinjonijiet adottati mill-KS bejn il-1 ta' Diċembru 2006 u l-31 ta' Mejju 2008

(25)  Instituto Superior de Ciências do Trabalho e da Empresa/Australian National University/OLAF.

(26)  Artikolu 7(7) tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

(27)  Opinjoni tas-Superviżur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar notifika għall-iċċekkjar li sar qbel mill-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Dejta u mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) dwar sorveljanza Regolari tal-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva. Każ 2007-0073 tad-19 Lulju 2007.


ANNESS 1

Kalendarju tal-Laqgħat tal-Kumitati Superviżorji

2007

Xahar

Data tal-laqgħa

ĠUNJU

It-Tlieta, 19 ta' Ġunju – l-Erbgħa, 20

LULJU

It-Tnejn, 9 ta' Lulju – it-Tlieta, 10

SETTEMBRU

It-Tlieta, 18 ta' Settembru – l-Erbgħa, 19

OTTUBRU

It-Tlieta, 16 ta' Ottubru – l-Erbgħa, 17

NOVEMBRU

It-Tnejn, 26 ta' Novembru – it-Tlieta, 27

DIĊEMBRU

It-Tlieta, 11 ta' Diċembru – l-Erbgħa, 12

2008

Xahar

Data tal-laqgħa

JANNAR

L-Erbgħa, 23 ta' Jannar

FRAR

It-Tlieta, 26 ta' Frar – l-Erbgħa, 27

APRIL

It-Tlieta, 1 ta' April – l-Erbgħa, 2

It-Tnejn, 28 t' April – it-Tlieta, 29

MEJJU

It-Tlieta, 27 ta' Mejju – l-Erbgħa, 28


ANNESS 2

Il-lista ta' Opinjonijiet li ġew adottati bejn l-1 ta' Diċembru 2006 u l-31 ta' Mejju 2008

2006

Opinjoni Nru 1/2006 l-Abbozz Preliminari tal-Baġit tal-OLAF għall-2007

Opinjoni Nru 2/2006 li tikkonċerna r-riforma tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)

Opinjoni supplimentari li tikkonċerna r-riforma tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)

Opinjoni Nru 3/2006 dwar l-indikaturi tal-Prestazzjoni tal-Kumitat ta' Superviżjoni għall-OLAF

2007

Opinjoni Nru 1/2007 r-Rapporti dwar l-Investigazzjonjiet tal-OLAF li ilhom għaddejjin għal iżjed minn disa' xhur.

Opinjoni Nru 2/2007 l-Abbozz Preliminari tal-Baġit tal-OLAF għall-2008

2008

Opinjoni Nru 1/2008 “Prima facie Non-Cases”

Opinjoni Nru 2/2008 l-Pjan ta' Ġestjoni Annwali tal-OLAF għall-2008

Opinjoni Nru 3/2008 l-Abbozz Preliminari tal-Baġit tal-OLAF għall-2009


ANNESS 3

Brussell, it-28 ta' Marzu 2008.

1.

Waqt seduta li nżammet bejn it-18 u d-19 ta' Settembru 2007, il-Kumitat ta' Superviżjoni ta' l-OLAF iddeċieda li għandu janalizza kif l-OLAF qiegħed jipproċessa każijiet li b'mod ovvju ma jkunx hemm provi dwarhom (Prima facie non-cases).

2.

Sabiex ikun jista' jikkonċentra l-aktar fuq il-każijiet l-aktar importanti, fl-2004 l-OLAF daħħal proċedura simplifikata dwar l-hekk imsejħa Prima Facie Non Cases (minn issa 'l quddiem: PFNC). Din il-proċedura tolqot il-każijiet kollha li fihom l-informazzjoni disponibbli tkun tindika li l-OLAF b'mod ċar u taħt l-ebda ċirkostanza ma huwa kompetenti (1) (Eżempju: l-ilmenti taċ-ċittadini ta' pajjiż terz li l-awtoritajiet finanzjarji lokali qegħdin jintaxxawh ħażin). Din il-proċedura tiffranka lill-OLAF mill-obbligu li jiftaħ proċedura formali, jagħmel valutazzjoni u wara ftit taż-żmien jerġa' jagħlaq il-proċedura.

3.

Bejn is-snin 2003 u 2007 l-OLAF ipproċessa 894 każ bħala Prima Facie Non Cases.

Il-Kumitat ta' Superviżjoni ta' l-OLAF għażel b'mod kawżali kampjun rappreżentattiv ta' 212 Prima Facie Non Cases, iżda meta għamel dan ikkunsidra li dawn il-każijiet ikunu jolqtu d-Direttorati u l-Unitajiet ta' Investigazzjoni kollha. F'dan il-kuntest ta' min jinnota li fit-taqsimiet tad-dwana, is-sigaretti u l-VAT ftit ikun hemm PFNC. Wara li saru kjarifiki dwar kwistjonijiet marbuta mal-protezzjoni ta' data personali, l-OLAF tat lill-Kumitat ta' Superviżjoni aċċess mhux limitat għall-każijiet kollha tal-kampjun.

4.

Ir-riżultati ta' l-investigazzjoni jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

4.1.

B'mod ġenerali, l-OLAF qed josserva tajjeb ir-regoli dwar il-mod kif għandhom ikunu pproċessati l-PFNC. Dan jgħodd b'mod partikolari anki għall-gruppi ta' każijiet li ġejjin, li spiss ikollu quddiemu l-OLAF:

informazzjoni anonima;

informazzjoni minn dawk li jogħġobhom jaqilgħu l-inkwiet;

informazzjoni marbuta ma' kunflitti legali bejn persuni privati;

informazzjoni marbuta ma' programmi nazzjonali li ma jkollhom l-ebda konnessjoni mal-finanzi ta' l-Unjoni;

informazzjoni marbuta mal-mod kif tkun qed titwettaq linja ta' politika Komunitarja jew Programm Komunitarju. Dawn it-tip ta' każijiet jinqalgħu ta' spiss fil-Politika Agrikola Komuni u fil-Politika Strutturtali.

F'dawn il-każijiet l-OLAF hu obbligat li jidentifika l-proġett milqut u, bil-għajnuna ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew anki pereżempju tad-DĠ AGRI jew tad-DĠ REGIO, li jkompli jinvestiga l-kwistjoni. Meta, fl-aħħar mill-aħħar, is-suspett ma jiġux issostanzjati, anki din il-proċedura tingħalaq bħala PFNC.

L-OLAF jista' wkoll iwarrab dawn il-każijiet bħala non-cases. Il-proċedura PFNC, madankollu, għandha l-vantaġġ li la tinħtieġ evalwazzjoni u lanqas l-involviment tal-bord ta' l-OLAF. Għalhekk il-proċedura hija ssimplifikata b'mod konsiderevoli u jinkiseb l-istess riżultat (it-tmiem tal-każ).

l-awtorità dixxiplinarja tal-Kummissjoni (IDOC) tkun infurmat lill-OLAF dwar suspett ta' nuqqas ta' twettiq ta' dmir, u tkun staqsiet lill-OLAF jekk ikunx irid jieħu f'idejh il-każ. F'każ li l-OLAF iwarrab il-każ, dan jitqies bħala PFNC.

Il-proċedura tal-PFNC tippermetti lill-OLAF li, mingħajr sforzi amministrattivi kbar, jagħlaq każijiet li jkunu jaqgħu barra l-kompetenzi assenjati lilu bil-liġi.

4.2.

F'ċerti każijiet il-proċedura tintuża prima facie anki barra d-definizzjoni mogħtija fil-manwal ta' l-OLAF. Żewġ eżempji ta' dan:

Persuna anonima ċċempel lill-OLAF fuq il-Freephone, u tagħti informazzjoni dwar allegati irregolaritajiet fl-użu ta' finanzi Ewropej, u tħalli numru tat-telefon. L-OLAF tibda tipprova tikseb informazzjoni aktar preċiża minn min ikun ċempel. Dan jidher li jkun impossibbli: in-numru tat-telefon ma jkunx jeżisti jew inkella min ċempel ma jkunx jista' jintlaħaq. F'dan il-każ, skond il-każistika tal-Qorti Ewropea, ma tkunx tista' tiġi stabbilita l-eżistenza ta' “suspetti biżżejjed serji”, sabiex tkun tista' tinbeda investigazzjoni. L-OLAF għalhekk, korrettement, iwaqqaf il-proċedura.

F'ċerti proċeduri l-ewwel ma jagħmel l-OLAF huma l-investigazzjonijiet, u dawn ikunu juru jekk il-każ ikunx Prima facie non case.

F'dan il-punt ta' min jilqa' b'mod pożittiv li l-OLAF ma jaqbadx u jiddikjara każijiet bħala Prima facie non case u jwaqqafhom, iżda l-ewwelnett jara li jikseb l-isfond b'ċertezza, permezz ta' investigazzjonijiet, imbagħad ikun biss wara li l-proċedura titwaqqaf.

Ma kien hemm l-ebda każ minn dawk valutati li fih l-OLAF uża l-proċedura PFNC biex każijiet, li kien jistħoqqilhom li jiġu investigati, jiġu “midfuna”.

Sommarju

Il-kampjun rappreżentattiv wera li l-proċedura ta' Prima facie non cases tippermetti lill-OLAF biex ikun jista' jagħlaq każijiet li ma jkunux jaqgħu taħt il-kompetenzi tiegħu skond il-liġi fi żmien qasir mingħajr sforzi kbar amministrattivi. L-OLAF tħaddem din il-proċedura bil-kawtela kollha xierqa. Il-Kumitat ta' Superviżjoni ma sab l-ebda każ, fil-kampjun li ħa, fejn kien hemm il-ħtieġa ta' proċedura oħra, b'mod speċjali ta' investigazzjoni sħiħa.

 


(1)  OLAF, Manwal Operattiv, p. 76: “Prima facie Non-Cases” Meta tiġi rċevuta informazzjoni li b'mod ċar u inekwivokabbli ma taqax fil-kompetenza ta' l-OLAF, il-Kap ta' l-Unità responsabbli jista' jipproponi li ma jirreferix l-informazzjoni għal valutazzjoni.. Il-Kap ta' l-Unità għandu jimla Formola rigward Prima Facie Non-Case (Anness 2, Formola 19), li jrid ikollha l-kontrofirma tad-Direttur B u tintbagħat lura lill-Arkivji biex tiġi reġistrata, flimkien ma' l-informazzjoni inizjali. Il-każ irid jiġi rreġistrat fis-sistema elettronika CMS imma l-fajl ikun jidher magħluq.


ANNESS 4

Brussell, is-26 ta' Frar 2008

Il-Pjan ta' Ġestjoni Annwali (PĠA) ta' l-OLAF għall-2008 nbagħat lis-Segretarjat tal-Kumitat Superviżorju (KS) f'Jannar u ġie diskuss mill-KS fil-laqgħat tiegħu li saru f'Jannar u Frar 2008 fejn tqiesu b'mod partikolari dawk il-partijiet li jikkonċernaw il-funzjoni investigattiva ta' l-Uffiċċju. Il-KS għalhekk jilqa' l-adozzjoni ta' għanijiet ċari u indikaturi ta' prestazzjoni miżurabbli (indikaturi ta' riżultati u miri) u jittama li dawn jikkontribwixxu għall-ksib ta' tkabbir fl-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà fl-operazzjonijiet kollha ta' l-OLAF.

IL-KS jikkonstata li meta mqabbla ma' dik ta' l-2007, il-mira operattiva u strateġika ġenerali ta' l-OLAF inbidlet minn “tolleranza żero” għal “biex jiġi minimizzat il-frodi”. Billi din hi bidla strateġika kbira, ir-“rata ta' frodi minimu” għandha tiġi speċifikata ulterjorment sabiex jiġu stabbiliti punti ta' riferiment u jiġi vvalutat jekk l-attivitajiet assunti jikkontribwixxux għall-kisba ta' l-għan ġenerali. Min-naħa l-oħra, meta jitqies il-fatt li r-riżorsi ta' l-OLAF huma limitati ħafna, il-KS hu tal-fehma li l-għan ġenerali ta' ġestjoni għandu jkun li fil-mira jkun hemm każi ta' frodi aktar serji (jiġifieri impatt finanzjarju akbar) biex tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta' l-Uffiċċju filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat l-użu l-aktar effiċjenti tal-fondi Komunitarji. M'hemmx referenza speċifika għal dan fil-PĠA.

Wara li qies l-indikaturi tar-riżultati u l-miri għall-erba' għanijiet speċifiċi, il-KS jiddubita jekk l-għadd ta' każi magħluqa b'rakkomandazzjonijiet biex jiġu segwiti bi proċedimenti dixxiplinari huwiex mira realistika, meta wieħed jikkunsidra li diffiċli tbassar ir-riżultat ta' l-investigazzjonijiet fi stadju bikri. Barra dan, huwa diffiċli li wieħed jara kif din il-mira tista' tapplika għall-għadd dejjem jikber ta' każi dwar għajnuna, sorveljanza u koordinazzjoni, li fihom l-OLAF ma għandux sehem prinċipali.

Il-KS jixħet fid-dubju l-valur ta' l-indikatur “Jiżdied l-għadd ta' proċedimenti ġudizzjarji u dixxiplinari bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-OLAF”, minħabba li l-ksib ta' din il-mira hu lilhinn mis-setgħat ta' l-OLAF. Barra dan, ir-reviżjoni intermedja tal-PĠA 2006 tindika li attwalment l-OLAF ma jirċevix informazzjoni konsistenti u affidabbli mingħand l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ l-Istati Membri dwar is-segwitu ġudizzjarju mogħti għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Il-KS jissuġġerixxi li jista’ jkun aktar utli li wieħed jiffissa bħala għan żieda fil-fluss ta’ informazzjoni bejn l-OLAF u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri. Barra minn dan, dejjem f’dan il-kuntest, il-KS jixtieq li jiġu ċċarati b'urġenza sew il-bażi legali, kif ukoll il-ħidma u r-responsabbiltajiet tad-diversi setturi ta' attività ta' segwitu, u dan għandu jiġi rifless fil-PĠA. Fil-laqgħa mar-rappreżentanti ta' l-OLAF f'Ġunju 2007, il-KS saħaq, inter alia, dwar il-fatt li l-OLAF m’għandux bażi legali biex ikun jista’ jidħol għal attivitajiet ta’ segwitu finanzjarju f’isem il-Kummissjoni.

Fejn għandu x’jaqsam l-impatt finanzjarju, għandhom jiġu ddeterminati politika u linji gwida dwar kif għandu jiġi vvalutat l-impatt finanzjarju ta’ tipi differenti ta’ każi, qabel ma jintgħażel bħala mira fil-PĠA. Il-KS jemmen li, attwalment, qegħdin jintużaw metodi differenti ta’ kkalkular biex jiġi stmat l-impatt finanzjarju miż-żewġ Direttorati ta’ l-investigazzjoni u mid-diversi unitajiet. Ladarba jiġu stabbiliti dawn il-linji gwida, dawn għandhom jintrabtu ma’ l-istrateġija għall-implimentazzjoni tal-politika de minimis u u tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' l-effiċjenza tan-nefqa fl-ambitu tar-riżorsi disponibbli.

Il-PĠA jindika li l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF iridu jitwettqu f'tul ta' żmien raġonevoli, jiġifieri, f'medja ta' 24 xahar (Indikatur ta’ riżultat 2.1). Il-KS josserva li, skond ir-rapporti annwali ta’ attività preċedenti, f’dawn l-aħħar tliet snin din il-mira ma ntlaħqitx. Bejn l-2005 u 2007, it-tul ta’ żmien medju ta’ l-investigazzjonijiet kien bejn 24 u 28 xahar. Madankollu, fil-PĠA attwali din il-mira tibqa’ l-istess. Il-KS jistaqsi jekk din il-mira hijiex effettivament realizzabbli u realistika u jekk għandhomx jiġu adottat miżuri maniġerjali aktar effettivi biex il-mira tinkiseb. It-tieni, jekk ir-rata ta’ eżekuzzjoni tal-każi (indikatur ta’ riżultat 2.2) tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta’ każijiet ġodda miftuħa matul sena kalendarja, għandha tkun qrib il-wieħed. Madankollu, il-KS jixtieq ikun jaf x’miżuri bi ħsiebha tieħu d-Direzzjoni ta’ l-OLAF biex tidħol responsabbli għall-ġestjoni tal-piż ta' xogħol (madwar 400 każ f’Diċembru 2007), meta jitqies li l-ksib ta' din il-mira mhux ser jikkontribwixxi għal tnaqqis fl-ammont ta' xogħol.

Fejn għandhom x’jaqsmu l-attivitajiet l-oħra ta’ sostenn (Għanijiet 3 u 4), il-KS hu tal-fehma li wħud mill-għanijiet u l-miri huma espressi f’termini li huma ġenerali wisq u għaldaqstant huma diffiċli biex jitkejlu. Dan hu l-każ, pereżempju, ta’ dawk l-attivitajiet marbuta ma’ l-“Intensifikazzjoni tar-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni mal-Europol u l-Eurojust”, il-ħolqien ta’ “Netwerk ta’ kuntatti ma’ l-imsieħba kollha rilevanti”, “L-OLAF bħala sieħeb ta' valur li l-għajnuna u s-sostenn tiegħu huma mfittxija” u “L-użu effikaċi ta’ l-esperjanza operattiva ta’ l-OLAF u tar-riżultati ta’ l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF biex jiskuraġġixxi l-frodi u l-irregolaritajiet”.

Fl-aħħarnett, il-KS jittama li l-PĠA jagħmel referenza għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tiegħu stess.

 


ANNESS 5

Brussell, it-2 ta' April 2008

Fil-laqgħat tiegħu fl-1 u fit-2 ta' April, il-Kumitat ta' Superviżjoni ta' l-OLAF (KS) iddiskuta l-Abbozz Preliminari tal-Baġit għall-2009 u adotta l-opinjoni li ġejja.

I.   Allokazzjoni u immaniġġjar tar-riżorsi umani ta' l-OLAF

Għar-rigward tal-kwistjoni dwar il-persunal temporanju, il-KS jilqa' b'mod tajjeb għadd ta' żviluppi pożittivi fl-2007 u kmieni fl-2008, b'mod partikolari l-għoti ta' estenzjoni għal perjodu mhux limitat lill-persunal temporanju u l-pubblikazzjoni ta' konkorsi miftuħa fil-qasam tal-prevenzjoni kontra l-frodi. Dawn l-iżviluppi ma setgħux saru mingħajr l-involviment attiv u persistenti ta' l-OLAF bil-għan li titjieb is-sitwazzjoni fejn jidħol il-persunal temporanju tiegħu.

Il-KS jinnota wkoll li l-għadd ta' postijiet battala ilu jonqos sa minn kmieni fl-2007. Din hija xejra pożittiva u se ttejjeb il-ħila ta' l-OLAF li jwettaq l-attivitajiet tiegħu b'mod effettiv. F'dan il-kuntest, il-KS jixtieq li tingħata attenzjoni speċjali lil għadd kbir ta' postijiet ta' management li ilhom għal żmien konsiderevoli okkupati minn persunal li ma jkunx tal-post. Minn tmien unitajiet fiż-żewġ Direttorati investigattivi, wieħed biss minnhom bħalissa għandu kap ta' l-unità tal-post. Fil-fehma tal-KS, din il-kwistjoni għandha tkun solvuta b'mod urġenti mill-management sabiex tkun garantita l-kontinwità tax-xogħol u l-managers jingħataw ċerta sigurtà.

Mill-1999 lil hawn l-għadd ta' persunal fl-OLAF żdied b'mod konsiderevoli, u bħalissa huwa ta' madwar 400. Il-KS huwa mħasseb li sa issa għadhom ma tteħdux miżuri biżżejjed dwar l-immaniġġjar tar-riżorsi umani. Din id-dgħjufija issemmiet fl-Opinjoni tal-KS Nru 2/2007 dwar il-baġit ta' l-OLAF ta' l-2008, u f'għadd ta' diskussjonijiet ma' rappreżentanti ta' l-OLAF fl-2007. Il-KS jista' biss jisħaq fuq l-urġenza li tiġi implimentata strateġija dwar ir-riżorsi umani li jkollha l-għan li tara li r-riżorsi umani jkunu għal kollox jixirqu għall-ħtiġijiet ta' l-organizzazzjoni u l-prijoritajiet tagħha. L-istrateġija tista' tkun waħda li tindirizza, fost affarijiet oħra, ir-relazzjonijiet ta' ħidma mad-DĠ ADMIN, ir-reklutaġġ, it-taħriġ, il-mobilità fi ħdan l-organizzazzjoni, u l-iżvilupp tal-karriera sew ta' persunal permanenti kif ukoll ta' dak temporanju.

Fil-fehma tal-KS, strateġija dwar ir-riżorsi umani li tkun definita tajjeb tkun tippermetti lil OLAF itejjeb l-effiċjenza u l-effettività ta' l-investigazzjonijiet, li jimmassimizza l-użu ta' riżorsi eżistenti fil-qasam ta' l-investigazzjoni u biex jimmaniġġja aħjar l-ammont ta' xogħol fost it-timijiet investigattivi. Bħala parti mill-istrateġija tar-riżorsi umani l-KS jixtieq li b'mod partikolari jenfasizza l-importanza li tinstab soluzzjoni prattika biex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-OLAF u d-DG ADMIN l-immaniġġjar tar-riżorsi umani, l-iżvilupp ta' persunal temporanju (promozzjonijiet), u li jkun hemm taħriġ adekwat u kontinwu ta' l-investigaturi.

Għall-Baġit ta' l-2009, l-OLAF qed jitlob żewġ postijiet oħra AD, li għandhom jiġu allokati lid-Direttorati A u B, kif dikjarat mid-Direttur Ġenerali ta' l-OLAF fit-2 ta' April 2008 f'laqgħa tal-KS. Il-KS jappoġġja għal kollox it-tisħiħ tal-funzjoni investigattiva ta' l-OLAF, biex b'hekk l-OLAF ikun jista' jnaqqas id-dewmien u jżid l-effiċjenza ta' l-investigazzjonijiet f'oqsma ta' prijorità, biex b'hekk ikun jista' jirrispondi aħjar għall-bżonnijiet ta' dawk involuti miegħu.

Fuq il-bażi ta' l-evalwazzjoni li saret mill-Kumitat ta' Superviżjoni tal-295 rapport ta' l-OLAF dwar investigazzjonijiet li kienu ilhom sejrin għal aktar minn disa' xhur u li jkopru s-snin 2006 u 2007, madwar 50 % tal-ħidma investigattiva ma tlestietx jew minħabba “nuqqas ta' riżorsi” jew għax “minħabba l-volum tax-xogħol investigattiv kien hemm bżonn ta' aktar żmien”. Din l-analiżi tindika li t-timijiet ta' l-investigazzjoni jridu jissaħħu sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu ma' l-ammont ta' xogħol li għandhom.

Barra minn dan, fejn tidħol l-allokazzjoni ta' riżorsi bejn l-attivitajiet differenti ta' l-OLAF, il-KS għamel analiżi li tindika li fl-aħħar ftit snin fid-Direttorati A u B ġew allokati aktar riżorsi lil attivitajiet ta' appoġġ għall-Uffiċċju milli għal ħidma essenzjali ta' investigazzjoni. Il-KS huwa mħasseb dwar dan l-iżvilupp peress li jdgħajjef il-kapaċità ta' l-Uffiċċju li jwettaq investigazzjonijiet b'mod effiċjenti, effettiv u fil-ħin u għaliex se jbiegħed lill-OLAF mill-missjoni essenzjali tiegħu. Fuq il-bażi ta' ħafna preżentazzjonijiet li saru mill-OLAF lill-KS fl-2006 u fl-2007, mhux ċar jekk ħafna mill-ħidmiet li bħalissa qegħdin isiru mill-Uffiċċju, bħal ma huma attivitajiet ta' segwitu (b'mod partikolari s-segwitu fejn jidħlu finanzi) u l-immaniġġjar ta' programmi tal-Komunità, humiex parti mill-missjoni essenzjali ta' l-OLAF, jew jekk l-OLAF hix fl-aħjar sitwazzjoni biex twettaqhom.

Fil-każ ta' l-immaniġġjar tal-Programmi Hercule II u Pericles (EUR 20 miljun) il-KS huwa mħasseb fejn jidħol il-kunflitt potenzjali ta' interessi li jista' jqum f'każ li jkun hemm użu abbużiv ta' fondi u tinfetaħ investigazzjoni. Fl-opinjoni tal-KS, l-OLAF m'għandux jimmaniġġja programmi ta' infiq tal-Komumità.

Fil-qosor, il-KS jemmen li r-riżorsi ta' l-OLAF ma ġewx imqassma b'mod sistematiku u hemm żbilanċ bejn riżorsi allokati għal ħidma operattiva u dik mhux operattiva. Minn issa 'l quddiem, il-managment ta' l-OLAF għandu jagħtu prijorità ċara biss lil investigazzjonijiet li, fil-prattika jinħtieġu l-allokazzjoni ta' aktar riżorsi għall-ħidma essenzjali ta' investigazzjoni, sew li diġà jeżistu kif ukoll ta' oħrajn li għad ikun hemm. L-attivitajiet mhux operattivi li bħalissa qed isiru mill-Uffiċċju m'għandhomx ikunu prijorità fl-allokazzjoni tar-riżorsi u għandha tingħata kunsiderazzjoni għal jekk xi wħud mill-attivitajiet humiex fuq kollox responsabbiltà ta' l-OLAF.

Rakkomandazzjonijiet: Il-KS jappoġġja t-talbiet ta' l-OLAF li jalloka żewġ postijiet AD għad-Direttorati ta' investigazzjoni A u B. L-OLAF għandu jfassal strateġija dwar ir-riżorsi umani bbażata fuq evalwazzjoni ta' dak li hu meħtieġ sabiex jindirizza kwistjonijiet ta' riżorsi fuq perjodu ta' żmien qasir u medju. L-OLAF għandu jippubblika l-postijiet battala ta' Kapijiet ta' Unità tad-Direttorati A u B kemm jista' jkun malajr. Il-KS iħajjar lill-management ta' l-OLAF li japplika r-riżorsi f'oqsma ta' prijorità għolja fejn jidħol ix-xogħol ta' investigazzjoni u b'mod partikolari f'oqsma fejn l-ammont ta' xogħol huwa għoli. Barra minn dan, il-ħtiġijiet għal aktar riżorsi għal attivitajiet mhux operattivi għandhom ikunu evalwati b'mod kritiku.

II.   Is-Segretarjat tal-KS

Il-KS għamel evalwazzjoni tal-ħtiġijiet dwar il-persunal tas-Segretarjat tiegħu. Bħala riżultat il-KS qed jitlob lill-OLAF biex il-Baġit ta' l-2009 ikun jiddisponi minn total ta' tmien membri tal-persunal fis-Segretarjat billi juża in-“nota ta' qiegħ il-paġna” jew xi metodu ieħor xieraq biex jirriżerva dawn il-postijiet b'mod speċifiku għas-Segretarjat.

Fil-passat, il-post tal-Kap tas-Segretarjat tal-KS kien fil-livell ta' Direttur. Il-KS jitlob li għandu jitqies li l-Kap tas-Segretarjat jingħata l-post ta' Direttur, bi qbil ċar tal-KS sabiex jiġi garantit li l-persuna li tingħażel tkun l-aħjar waħda li tista' taqdi l-ħtiġijiet u r-rekwiżiti tal-KS li jikkontribwixxi għall-prestazzjoni tad-dmirijiet u l-indipendenza tiegħu. Kif saħaq il-KS fir-rapport ta' l-attività tiegħu, l-indipendenza tal-Kumitat huwa fattur ċentrali fit-tħaris ta' l-indipendenza ta' l-OLAF stess.

Rakkomandazzjonijiet: L-OLAF għandu jagħżel tmien membri tal-persunal għas-Segretarjat. Il-post tal-Kap tas-Segretarjat tal-Kumitat ta' Superviżjoni għandu jkun fuq il-livell ta' Direttur. Il-ħatra għandha ssir bil-ftehim ċar tal-Kumitat ta' Superviżjoni, biex b'hekk tkun żgurata l-indipendenza sħiħa tal-KS fit-twettiq ta' dmirijietu.

III.   Konklużjoni

Il-Kumitat tas-Superviżjoni jappoġġja l-proposta tal-baġit ta' l-OLAF għall-2009 bil-kundizzjoni li r-rakkomandazzjonijiet ta' hawn fuq jittieħdu f'kunsiderazzjoni.

 


18.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 295/s3


NOTA LILL-QARREJL-istituzzjonijiet iddeċidew li ma jikkwotawx aktar fit-testi tagħhom l-aħħar emenda ta' l-atti kkwotati.Sakemm mhux indikat mod ieħor, l-atti mmsemija fit-testi ppubblikati hawn jirreferu għall-atti li bħalissa huma fis-seħħ.