ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 283

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 51
7 ta' Novembru 2008


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Bank Ċentrali Ewropew

2008/C 283/01

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2008 dwar proposta għal żewġ Regolamenti tal-Kunsill dwar midalji u towkins simili għal muniti euro (CON/2008/45)

1

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

Kummissjoni

2008/C 283/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.5301 — Cap Gemini/BAS) ( 1 )

5

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

Kummissjoni

2008/C 283/03

Rata tal-kambju ta' l-euro

6

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2008/C 283/04

Informazzjoni fil-qosor ikkomunikata mill-Istati Membri dwar għajnuniet mill-Istat mogħtija skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuniet mill-Istat lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju attivi fil-produzzjoni ta' prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001

7

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Kunsill

2008/C 283/05

Sejħa miftuħa — Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tar-Riċerka Xjentifika u Teknika (COST)

10

 

Kummissjoni

2008/C 283/06

Sejħa għall-proposti permezz tal-Programm Operattiv ESPON 2013

12

2008/C 283/07

Sejħa għall-proposti permezz tal-Programm Operattiv ESPON 2013

12

 

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Kummissjoni

2008/C 283/08

Avviż minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.5353 — Thyssenkrupp/Thyssenkrupp Röhm Kunststoffe) — Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

13

2008/C 283/09

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.5366 — Iberdrola Renovables/Gamesa Energía) ( 1 )

14

 

ATTI OĦRAJN

 

Kummissjoni

2008/C 283/10

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel

15

 

2008/C 283/11

Nota lill-qarrej(Ara paġna 3 tal-qoxra)

s3

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

OPINJONIJIET

Bank Ċentrali Ewropew

7.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 283/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-8 ta' Ottubru 2008

dwar proposta għal żewġ Regolamenti tal-Kunsill dwar midalji u towkins simili għal muniti euro

(CON/2008/45)

(2008/C 283/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fil-25 ta' Settembru 2008, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2182/2004 dwar midalji u towkins simili għal muniti euro (minn issa 'l quddiem l-“ewwel regolament propost”) u dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2183/2004 li jestendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2182/2004 dwar midalji u towkins simili għal muniti euro (minn issa 'l quddiem it-“tieni regolament propost”) (minn issa 'l quddiem imsemmija kollettivament bħala r-“regolamenti proposti”) (1).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata skond l-Artikolu 123(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej fir-rigward ta' l-ewwel regolament propost, u skond l-Artikolu 105(4) tat-Trattat fir-rigward tat-tieni regolament propost, billi hija tittratta kwistjonijiet dwar il-valuta. Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

Billi jiċċara l-elementi speċifiċi tad-disinji dwar muniti euro b'valuta legali li m'għandhomx ikunu riprodotti fuq midalji u towkins li huma simili għal muniti euro, u billi jistabbilixxi l-kriterji li l-Kummissjoni għandha tuża meta tipprepara opinjoni dwar il-konformita' mar-Regolament (KE) Nru 2182/2004 (2), l-ewwel regolament propost isaħħaħ id-dispożizzjonijiet protettivi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2182/2004 kontra l-konfużjoni u l-frodi fir-rigward ta' midalji u towkins li jistgħu jiġu żbaljati għal muniti euro. Itejjeb ukoll it-trasparenza fil-proċess tal-Kummissjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

Billi l-muniti euro jistgħu jiċċirkolaw lil hinn mit-territorji ta' l-Istati Membri li adottaw l-euro, li jkun hemm, fl-Istati Membri li jkunu għadhom m'adottax l-euro, ċertu livell ta' protezzjoni tal-muniti euro, huwa importanti fir-rigward ta' attivitajiet, bħall-iffalsifikar, li jistgħu jolqtu l-kredibbilta' tagħhom bħala valuta legali.

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.   Xebh tad-disinn li jidher fuq il-wiċċ tal-midalji u t-towkins

Meta mqabbel ma' l-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 2182/2004, l-Artikolu l-ġdid 2(1)(c) ta' l-ewwel regolament propost jiddeskrivi f'aktar dettal id-disinji jew il-partijiet li jidhru fuq il-wiċċ tal-muniti euro li ma jistgħux ikunu riprodotti fuq midalji u towkins. Biex ittejjeb il-karattru protettiv ta' din id-dispożizzjoni, il-BĊE jirrikkmanda li tiddaħħal referenza ċara għas-simbolu euro u għat-termini “euro” u “ċenteżmu ta' l-euro” fl-Artikolu l-ġdid 2(1)(c)(i). Il-BĊE jirrikonoxxi li kif inhu abbozzat bħalissa, l-Artikolu 2(1)(c)(i) ma jeskludix dawn it-termini jew is-simbolu euro; madankollu, li wieħed isemmihom b'mod ċar ikun qed jikkontribwixxi biex jiċċara l-proposta tal-Kummissjoni u biex isaħħaħ id-dispożizzjonijiet protettivi. Tabilħaqq, il-pubbliku ġenerali jista' jitħawwad mhux biss b'riproduzzjoni tat-termini “euro”, “ċenteżmu ta' l-euro” jew is-simbolu ta' l-euro fuq il-midalji jew towkins, li huwa pprojbit skond l-Artikolu l-ġdid 2(1)(a), imma wkoll b'kull disinn li juża elementi li huma simili għal dawk it-termini u għal dak is-simbolu.

2.2.   Trasparenza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet

Skond il-memorandum spjegattiv għall-ewwel regolament propost, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib ma' l-esperti tal-muniti ffalsifikati msemmija fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/37/KE tad-29 ta' Ottubru 2004 li tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) u li tipprovdi għall-koordinament ta' azzjonijiet tekniċi biex jiġu protetti l-muniti euro kontra l-iffalsifikar (3), meta wieħed iqis il-konformita' mar-Regolament (KE) Nru 2182/2004 u tqis li din il-konsultazzjoni għandha tkompli. Madankollu, l-ewwel regolament propost jirreferi biss għal “konsultazzjoni ma' l-Istati Membri” fit-tielet recital. B'riżultat, il-BĊE jirrikkmanda li tiddaħħal referenza ċara għall-esperti tal-muniti ffalsifikati fl-Artikolu l-ġdid 2(2), b'mod partikolari billi waħda mill-għanijiet prinċipali ta' l-ewwel regolament propost huwa li jagħmel il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet aktar trasparenti.

2.3.   Derogi b'awtorizzazzjoni

L-Artikolu l-ġdid 4 dwar derogi b'awtorizzazzjoni ma jipprovdi għall-ebda proċedura li biha operaturi ekonomiċi jistgħu jitolbu deroga bħal din mid-dispożizzjonijiet protettivi stabbiliti fl-Artikolu 2. Il-BĊE jikkunsidra li f'dan ir-rigward għandha tiżdied għażla xierqa ta' kliem.

Bl-istess mod, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikun saħansitra aktar trasparenti jekk l-ewwel regolament propost inkluda l-kundizzjonijiet liema skond il-Kummissjoni tista' tawtorizza deroga. B'mod aktar speċifiku, l-Artikolu l-ġdid 4 huwa vag fir-rigward tal-'kundizzjonijiet ikkontrollati ta' utilizzazzjoni' liema skond midalji u towkins jistgħu jingħataw it-termini “euro” jew “ċenteżmu ta' l-euro” jew is-simbolu ta' l-euro u meta “ma jkun jeżisti l-ebda riskju ta' konfużjoni”. Sabiex itejjeb it-trasparenza u jtejjeb iċ-ċertezza legali, l-Artikolu 4 l-ġdid jibbenefika li kieku jkollu għażla ta' kliem aktar komprensiva u/jew għażla ta' kliem aktar illustrattiva dwar il-kriterji ġenerali li għandhom jiġu applikati mill-Kummissjoni meta tawtorizza deroga.

2.4.   Applikazzjoni ta' l-ewwel regolament propost għal Monaco, San Marino u l-Belt tal-Vatikan

Hemm diġa' fis-seħħ ftehim monetarji (i) bejn Franza, f'isem il-Komunita' Ewropea, u Monaco; u (ii) bejn l-Italja, f'isem il-Komunita' Ewropea, u San Marino u l-Belt tal-Vatikan. Skond dawn il-ftehim, Monaco, San Marino u l-Belt tal-Vatikan huma intitolati joħorġu muniti euro li għandhom l-istatus ta' valuta legali u karatteristiċi artistiċi speċifiċi fuq in-naħa nazzjonali tagħhom. Minħabba li l-karatteristiċi viżwali ta' dawn il-muniti euro huma differenti mill-karatteristiċi viżwali tal-muniti euro maħruġa minn kull Stat Membru li adotta l-euro, il-muniti euro maħruġa minn Monaco, San Marino u l-Belt tal-Vatikan għandhom jibbenefikaw ukoll mid-dispożizzjonijiet protettivi stabbiliti fl-ewwel regolament propost. Konsegwentament, il-ftehim monetarji rispettivi u/jew id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi adottati skond dawn il-ftehim monteraji, għandhom jiġu emendati sabiex il-kontenut ta' l-ewwel regolament propost, ladarba adottat, japplika wkoll għal Monaco, San Marino u l-Belt tal-Vatikan.

2.5.   Konsultazzjoni tal-BĊE dwar it-tieni regolament propost

Bil-kuntrarju ta' l-ewwel regolament propost, il-preambolu għat-tieni regolament propost ma jirreferix għall-opinjoni ġdida tal-BĊE. Minħabba l-fatt li ż-żewġ regolamenti proposti jaqgħu fi ħdan l-oqsma ta' kompetenza tal-BĊE, il-preambolu għat-tieni regolament propost għandu jiġi emendat biex jirreferi għall-opinjoni tal-BĊE.

3.   Proposti t'abbozzar

Meta l-parir t'hawn fuq iwassal għal tibdiliet fir-regolamenti proposti, qed jiġu stabbiliti proposti ta' abbozzar fl-Anness.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fit-8 ta' Ottubru 2008.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  COM(2008) 514 finali, VOL I u VOL II.

(2)  ĠU L 373, 21.12.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 19, 21.1.2005, p. 73.


ANNESS

Proposti t'abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE  (1)

Emenda 1

L-Artikolu 2(1)(ċ)(i) imsemmi fl-Artikolu 1 ta' l-ewwel regolament propost

(i)

“kull disinn, jew partijiet, li jidhru fuq il-wiċċ tal-muniti euro, inklużi b'mod partikolari t-tnax il-stilla ta' l-Unjoni Ewropea, l-immaġni tar-rappreżentazzjoni ġeografika u n-numerali, bil-mod muri fuq il-muniti euro, jew”

(i)

“kull disinn, jew partijiet, li jidhru fuq il-wiċċ tal-muniti euro, inklużi b'mod partikolari t-termini ‘euro’, ‘ċenteżmu ta' l-euro’, is-simbolu euro, it-tnax il-stilla ta' l-Unjoni Ewropea, l-immaġni tar-rappreżentazzjoni ġeografika u n-numerali, bil-mod muri fuq il-muniti euro, jew”

Ġustifikazzjoni — Ara l-paragrafu 2.1 ta' l-opinjoni

Emenda 2

L-Artikolu 2(2) imsemmi fl-Artikolu 1 ta' l-ewwel regolament propost

“2.   Il-Kummissjoni għandha tkun kompetenti biex tagħti opinjoni sabiex:”

“2.   Il-Kummissjoni, wara li kkonsultat lill-esperti tal-muniti ffalsifikati msemmija fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/37/KE tad-29 ta' Ottubru 2004 li tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) u li tipprovdi għall-koordinament ta' azzjonijiet tekniċi biex jiġu protetti l-muniti ta' l-euro kontra l-iffalsifikar  (2), għandha tkun kompetenti biex tagħti opinjoni sabiex:”

Ġustifikazzjoni — Ara l-paragrafu 2.2 ta' l-opinjoni

Emenda 3

Preambolu għat-tieni regolament propost

“Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

“Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Billi:”

Billi:”

Ġustifikazzjoni — Ara l-paragrafu 2.5 ta' l-opinjoni


(1)  It-tipa skura fil-qalba tat-test tindika fejn il-BĊE jipproponi li jiddaħħal test ġdid.

(2)  ĠU L 19, 21.1.2005, p. 73.


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TA' L-UNJONI EWROPEA

Kummissjoni

7.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 283/5


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.5301 — Cap Gemini/BAS)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 283/02)

Fit-13 ta' Ottubru 2008, il-Kummissjoni iddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test kollu tad-deċiżjoni jinsab bl-Ingliż u se jkun ippubblikat wara li jkun meħlus minn kwalunkwe sigrieti tan-negozju li jista' jkun fih. Hu jinstab:

mill-websajt tal-kompetizzjoni ta' l-Europa (http://ec.europa.eu/comm/competition/mergers/cases/). Dan il-websajt jipprovdi faċilitajiet varji biex jgħinu jinstabu deċiżjonijiet individwali ta' fużjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u indiċi settorali,

f'forma elettronika fil-websajt EUR-Lex fid-dokument numru 32008M5301. EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea (http://eur-lex.europa.eu).


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TA' L-UNJONI EWROPEA

Kummissjoni

7.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 283/6


Rata tal-kambju ta' l-euro (1)

Is-6 ta' Novembru 2008

(2008/C 283/03)

1 euro=

 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,2770

JPY

Yen Ġappuniż

124,86

DKK

Krona Daniża

7,4444

GBP

Lira Sterlina

0,80500

SEK

Krona Żvediża

10,0075

CHF

Frank Żvizzeru

1,4988

ISK

Krona Iżlandiża

205,00

NOK

Krona Norveġiża

8,7180

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,905

EEK

Krona Estona

15,6466

HUF

Forint Ungeriż

261,94

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7081

PLN

Zloty Pollakk

3,6020

RON

Leu Rumen

3,7130

SKK

Krona Slovakka

30,310

TRY

Lira Turka

1,9530

AUD

Dollaru Awstraljan

1,8773

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4972

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,8973

NZD

Dollaru tan-New Zealand

2,1367

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,8953

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 706,07

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

12,6285

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,7155

HRK

Kuna Kroata

7,1461

IDR

Rupiah Indoneżjan

14 047,00

MYR

Ringgit Malażjan

4,5250

PHP

Peso Filippin

62,040

RUB

Rouble Russu

34,4665

THB

Baht Tajlandiż

44,689

BRL

Real Brażiljan

2,7305

MXN

Peso Messikan

16,3328


(1)  

Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

7.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 283/7


Informazzjoni fil-qosor ikkomunikata mill-Istati Membri dwar għajnuniet mill-Istat mogħtija skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1857/2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuniet mill-Istat lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju attivi fil-produzzjoni ta' prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001

(2008/C 283/04)

In-numru tal-XA: XA 268/08

L-Istat Membru: Ir-Renju Unit

Ir-reġjun: Northern Ireland

It-titlu tal-iskema ta' għajnuna jew isem il-kumpanija li qed tirċievi l-għajnuna individwali: The New Entrants Scheme for Young Farmers

Il-bażi ġuridika: Financial Assistance for Young Farmers (Northern Ireland) Order 2004 (SI 2004/3080 (NI 21), the Financial Assistance for Young Farmers Scheme Order (Northern Ireland) 2005 (SR 2005/69), the Financial Assistance for Young Farmers Scheme (Amendment) Order (Northern Ireland) 2005 (SR 2005/540) and the Financial Assistance for Young Farmers Scheme (Amendment) Order (Northern Ireland) 2008 (SR 2008/186)

In-nefqa annwali ppjanata skont l-iskema jew l-ammont kumplessiv tal-għajnuna individwali mogħtija lill-kumpanija:

 

fl-iskema

L-ammont totali ta' parteċipanti

L-ammont totali medju tal-ħlasijiet lura tad-dejn

L-ammont medju annwali tal-ħlasijiet lura tad-dejn għal kull applikant

L-għadd totali

2008/9

95

95

15 994

3 199

0 (1)

2009/10

0

95

15 994

3 199

303 905

2010/11

0

95

15 994

3 199

303 905

2011/12

0

95

15 994

3 199

303 905

2012/13

0

95

15 994

3 199

303 905

2013/14

0

95

15 994

3 199

303 905

L-ammont totali tal-għajnuna li għandha titħallas huwa ta' GBP 1,6 miljun.

L-intensità massima tal-għajnuna: L-iskema tippermetti sussidju fuq ir-rata tal-interess fuq il-flus missellfa mill-bdiewa żgħażagħ. L-ammont massimu tal-għajnuna disponibbli huwa ta' GBP 17 000 matul 5 snin. Ir-rata ta' interess li għaliha għandu jitħallas is-sussidju hija ffissata għal 3,5 % 'l fuq mir-Rata ta' Bażi tal-“Bank of England” (madwar 2,5 % 'l fuq mir-Rata ta' Bażi ta' l-istituzzjonijiet tas-self lokali). L-applikanti li jieħdu self 'il fuq minn din ir-rata huma intitolati għall-ħlas tal-interess żejjed

Id-data tal-implimentazzjoni: L-iskema se tibda fl-1 ta' Awwissu 2008

It-tul ta' żmien tal-iskema jew tal-għotja tal-għajnuna individwali: Il-perjodu massimu tal-ħlas tal-interess issussidjat huwa ta' 5 snin u l-ħlasijiet finali lill-maġġoranza tal-parteċipanti fl-iskema għandhom isiru sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2014. Madanakollu, minħabba li l-iskema tippermetti lill-applikanti li jużaw is-self sal-31 ta' Lulju 2010, jista' jkun li xi ħlasijiet jispiċċaw isiru fis-sena finanzjarja tal-2015/2016. M'hemm l-ebda restrizzjoni dwar l-ammont ta' self jew dwar it-terminu tas-self, iżda l-iskema għandha tagħlaq għal applikanti ġodda sas-27 ta' Frar 2009, jew aktar kmieni jekk il-fondi disponibbli kollha jkunu ttieħdu

L-għan tal-għajnuna: L-iżvilupp settorjali. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006, l-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu rata ta' interess issussidjata fuq self biex tkopri l-ispejjeż tal-bidu għal bdiewa ġodda li għadhom jibdew u li huma taħt l-40 li jsiru l-kapijiet tal-azjendi għall-ewwel darba. Dan għandu jippromwovi investiment addizzjonali fl-azjendi agrikoli li jiġġenera attivitajiet ġodda jew iżid il-valur tal-biedja fl-Irlanda ta' Fuq

Is-settur/i kkonċernat/i: L-iskema tapplika għall-bdiewa ż-żgħażagħ li se jkunu involuti l-aktar fil-produzzjoni, għalkemm jista' jkun li n-negozju tal-azjenda agrikola jkun jinkludi l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni wkoll. L-iskema tapplika għal kull tip ta' produzzjoni.

L-iskema tapplika biss għall-impriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (l-SMEs) hekk kif stabbilit fl-Artikolu 2.5 tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006

L-isem u l-indirizz tal-awtorità li qed tagħti l-għajnuna: Il-korp statutorju responsabbli għall-iskema huwa:

Department of Agriculture and Rural Development

Dundonald House

Upper Newtownards Road

Belfast BT4 3SB

United Kingdom

L-organizzazzjoni li topera l-iskema hija:

Department of Agriculture and Rural Development

Dundonald House

Upper Newtownards Road

Belfast BT4 3SB

United Kingdom

Is-sit tal-internet: http://www.dardni.gov.uk/financial_assistance_for_young_farmers_scheme_in_northern_ireland.doc

Tagħrif ieħor: Tagħrif ieħor aktar iddettaljat dwar l-eliġibbiltà u r-regoli għall-iskema jinsabu fis-sit tal-internet mogħti hawn fuq. L-iskema qed ittawwal il-perjodu tal-iskema eżistenti bin-numru XA 123/07, iżda mhijiex se żżid in-nefqa kumulattiva iktar minn dik ippjanata oriġinarjament. Fl-aspetti l-oħra kollha tagħha, l-iskema se tibqa' l-istess. Meta din l-iskema tidħol fis-seħħ, dik bin-numru XA 123/07 mhix se tkun miftuħa għal applikazzjonijiet ġodda.

Iffirmat u ddatat f'isem id-Dipartiment għall-Ambjent, l-Ikel u l-Affarijiet Rurali (l-Awtorità Kompetenti tar-Renju Unit)

Mr Neil Marr

UK Agricultural State Aid Adviser

DEFRA

Area 5D, 9 Millbank

C/o Nobel House

17 Smith Square

Westminster

London SW1P 3JR

United Kingdom

Numru XA: XA 291/08

Stat Membru: Ir-Repubblika ta' Ċipru

Ir-reġjun: Mhux applikabbli

Titlu tal-iskema tal-għajnuna jew isem il-kumpanija li tirċievi l-għajnuna individwali: Σχέδιο Αγροτικής Πολιτικής της Αρχής Ηλεκτρισμού Κύπρου

Bażi ġuridika: Οι περί Αναπτύξεως Ηλεκτρισμού (Τροποποιητικοί) Κανονισμοί του 2008

Nefqa annwali ppjanata taħt l-iskema jew ammont kumplessiv ta' għajnuna individwali mogħtija lill-kumpanija: L-appropjazzjonijiet disponibbli għas-sena 2008 ilaħħqu EUR 3 417 203. L-ispejjeż tal-operat għal Pjan għas-snin li ġejjin għandhom jiġu koperti mill-appropjazzjonijiet disponibbli mill-baġit tal-Awtorità tal-Ġenerazzjoni Elettrika ta' Ċipru

Intensità massima tal-għajnuna: 60 % (għal bdiewa ġodda, kif definit f'Artikolu 2(11) tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006 fejn joperaw u/jew jgħixu f'żoni anqas vantaġġati, fejn l-investiment jsir fi żmien ħames snin mill-istabbiliment tagħhom)

Data tal-implimentazzjoni: L-4 ta' Awwissu 2008

Tul ta' żmien tal-iskema jew l-għoti tal-għajnuna individwali: Sal-31 ta' Diċembru 2013

Għan tal-għajnuna: Il-provvista tal-elettriku għal bini tal-farms involuti fil-proċess tal-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli u li jagħmlu parti tal-unità, bħal impriżi tal-bhejjem, imħażen agrikoli, pompi tal-ilma, bini fejn jilqgħu fihom bhejjem u tajr, installazzjonijiet għall-ipproċessar tal-ilma u tal-iskart, installazzjonijiet ta' stazzjonijiet bioloġiċi u preses (Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006)

Settur(i) konċernat(i): Is-setturi tal-biedja u tat-trobbija tal-bhejjem kollha involuti fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli

Isem u indirizz tal-awtorità li tagħti l-għajnuna:

Aρχή Ηλεκτρισμού Κύπρου

Αμφιπόλεως 11

Στρόβολος, Τ.Θ. 24506

CY-1399 Λευκωσία, Κύπρος

Indirizz tal-Internet: www.moa.gov.cy/da

Tagħrif ieħor: Il-parteċipanti tal-Pjan għandhom jiġu magħżula fuq il-bażi tal-kriterji oġġettivi stabbiliti hawn hekk

Numru XA: XA 305/08

Stat Membru: Spanja

Reġjun: Comunidad Valenciana

Impriża li tirċievi l-għajnuna individwali: Universidad Cardenal Herrera-CEU

Bażi ġuridika: Resolución de la Consellera de Agricultura Pesca y Alimentación, que concede la subvención basada en una línea nominativa descrita en la ley 15/2007 de presupuestos de la Generalitat

Nefqa annwali ppjanata: EUR 60 000 matul l-2008

Intensità massima tal-għajnuna: 100 %

Data tal-implimentazzjoni: B'seħħ mid-data tal-pubblikazzjoni tan-numru tar-reġistrazzjoni tat-talba għal eżenzjoni fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni

Tul ta' żmien tal-għajnuna individwali: Is-sena 2008

Għan tal-għajnuna: Proġett ta' għajnuna teknika għat-tagħlim u t-taħriġ ta' dawk li jrabbu l-bhejjem u l-ħaddiema b'rabta diretta mas-settur tat-trobbija tal-bhejjem matul is-sena 2008.

Jitqiesu bħala spejjeż eliġibbli dawk li jitnisslu mill-organizzazzjoni tal-programm ta' taħriġ, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tal-parteċipanti, il-kiri ta' proprjetà, l-ispejjeż tal-pubblikazzjonijiet u tat-tixrid tal-għarfien xjentifiku, dejjem mingħajr ma jissemmew impriżi jew trademarks.

L-ispejjeż eliġibbli għall-għajnuna huma koperti mill-Artikolu 15 (għajnuna teknika lis-settur agrikolu) tar-Regolament (KE) Nru 1857/2006

Setturi benefiċjarji: Dawk li jrabbu l-bhejjem u l-ħaddiema b'rabta diretta mas-settur tat-trobbija tal-bhejjem

Awtorità li tagħti l-għajnuna:

Conselleria de Agricultura, Pesca y Alimentación

Amadeo de Saboya, 2

E-46010 Valencia

Tagħrif ieħor: —

Indirizz tal-internet: http://www.agricultura.gva.es/especiales/ayudas_agrarias/pdf/UCH_CEU_2008 %20.pdf

Valencia, it-18 ta' Lulju 2008.

Id-Direttur Ġenerali għall-Produzzjoni Agrikola

Laura PEÑARROYA FABREGAT


(1)  Peress li l-għajnuna għandha titħallas kull sena bl-arretrati, mhux se jkun hemm ħlasijiet fl-ewwel sena.


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Kunsill

7.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 283/10


SEJĦA MIFTUĦA

Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tar-Riċerka Xjentifika u Teknika (COST)

(2008/C 283/05)

Il-COST tressaq flimkien gruppi ta' riċerka u esperti f'pajjiżi differenti li jaħdmu fuq suġġetti speċifiċi. Il-COST MA TIFFINANZJAX ir-riċerka per se, imma tappoġġa attivitajiet ta' networking bħal laqgħat, konferenzi, skambji xjentifiċi fuq terminu qasir u attivitajiet ta' popolarizzazzjoni. Bħalissa huma appoġġati aktar minn 200 netwerk xjentifiku (Azzjonijiet).

Il-COST tappella għal proposti ta' Azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-iżvilupp xjentifiku, teknoloġiku, ekonomiku, kulturali jew soċjetali ta' l-Ewropa. Proposti li jkollhom rwol prekursur għal programmi oħrajn Ewropej u/jew inizjati minn riċerkaturi fi stadju bikri huma milqugħa b'mod speċjali.

L-iżvilupp ta' rabtiet aktar sodi fost ir-riċerkaturi Ewropej huwa kruċjali għall-bini ta' l-Ispazju Ewropew tar-Riċerka (SER). Il-COST jistimula netwerks ta' riċerka ġodda, innovattivi, interdixxiplinari u wisgħin fl-Ewropa. L-attivitajiet tal-COST jitwettqu minn gruppi ta' riċerka għat-tisħiħ tas-sisien tal-bini ta' eċċellenza xjentifika fl-Ewropa.

Il-COST hi organizzata f'disa' Setturi (Bijomediċina u Bijoxjenzi Molekulari; Kimika u Xjenzi u Teknoloġiji Molekulari; Xjenza tas-Sistema Terrestri u Ġestjoni Ambjentali; — Ikel u Agrikoltura; Foresti, Prodotti u Servizzi tagħhom; Individwi, Soċjetà, Kultura u Saħħa; It-Teknoloġiji ta' l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni; Materjali, Fiżika u Nanoxjenzi; Trasport u Żvilupp Urban). Il-kopertura intenzjonata ta' kull Settur hi spjegata f'www.cost.esf.org.

Il-proponenti huma mistiedna jqiegħdu s-suġġett tagħhom f'Settur wieħed. Madankollu, proposti inter-dixxiplinari li ma jaqgħux direttament f'Settur wieħed huma partikolarment milqugħa u ser ikunu vvalutati separatament minn Korp Permanenti għall-Evalwazzjoni ta' Proposti Multidixxiplinarji (Trans-Domain Proposals Standing Assessment Body).

Il-proposti għandhom jinkludu riċerkaturi minn mill-anqas ħames pajjiżi tal-COST. Jista' jiġi mistenni appoġġ finanzjarju fil-firxa ta' EUR 100 000 p.a. normalment għal 4 snin.

Il-proposti ser ikunu vvalutati f'żewġ stadji. Proposti Preliminari (mhux aktar minn 1 500 kelma/3 paġni), mibgħuta bl-użu tal-mudell online fuq www.cost.esf.org/opencall għandhom jipprovdu deskrizzjoni qasira tal-proposta u l-impatt maħsub tagħha. Il-proposti li ma jikkonformawx mal-kriterji ta' eliġibilità tal-COST (eż. li jitolbu finanzjament għar-riċerka) ser jiġu esklużi. Il-Proposti Eliġibbli ser ikunu vvalutati mill-Kumitati tas-Setturi rilevanti skond il-kriterji ppubblikati f' www.cost.esf.org. Il-Proponenti ta' Proposti Preliminari magħżula ser ikunu mistiedna jissottometti Proposta Sħiħa. Proposti Sħaħ ser ikunu riveduti bejn il-pari skond il-kriterji ta' valutazzjoni f'www.cost.esf.org/opencall. Id-deċiżjoni normalment ser tittieħed fi żmien sitt xhur mid-data tal-ġbir u l-Azzjonijiet għandhom ikunu mistennija sa fi żmien tliet xhur wara.

Id-data tal-ġbir għall-Proposti Preliminari hi s-27 ta' Marzu 2009. Madwar 80 Proposta Sħiħa ser ikunu mistieden għall-għażla finali ta' madwar 30 Azzjoni ġdida.

Proposti Sħaħ ser ikunu mistiedna sal-15 ta' Mejju 2009 għall-preżentazzjoni sal-31 ta' Lulju 2009, b'deċiżjonijiet mistennija f'Novembru 2009. Id-data tal-ġbir li jmiss hija prevista għall-25 ta' Settembru 2009.

Jekk iridu l-proponenti jistgħu jikkuntattjaw il-Koordinatur nazzjonali tal-COST (CNC) tagħhom għal informazzjoni u gwida — ara www.cost.esf.org/cnc.

Il-proposti għandhom jintbagħtu online lill-website ta' l-Uffiċċju tal-COST

Il-COST tirċievi appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet tagħha ta' koordinazzjoni mill-Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (RŻT) ta' l-UE. L-Uffiċċju tal-COST, immexxi mill-Fondazzjoni Ewropea tax-Xjenza (ESF), li jaġixxi bħala aġent implimentattiv għal COST, jipprovdi s-segretarjat xjentifiku għas-Setturi tal-COST u l-Azzjonijiet tal-COST.


Kummissjoni

7.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 283/12


Sejħa għall-proposti permezz tal-Programm Operattiv ESPON 2013

(2008/C 283/06)

Fil-qafas tal-Programm ESPON 2013, tnediet sejħa għall-proposti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok żur regolarment is-sit: www.espon.eu


7.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 283/12


Sejħa għall-proposti permezz tal-Programm Operattiv ESPON 2013

(2008/C 283/07)

Fil-qafas tal-Programm ESPON 2013, ser titnieda t-tieni sejħa għall-proposti għas-Sistema tal-Appoġġ għall-Għarfien (Knowledge Support System (KSS)) fid-19 ta' Diċembru 2008.

Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok żur regolarment is-sit: www.espon.eu


PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Kummissjoni

7.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 283/13


Avviż minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.5353 — Thyssenkrupp/Thyssenkrupp Röhm Kunststoffe)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 283/08)

1.

Fid-29 ta' Ottubru 2008, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża ThyssenKrupp Services AG (il-Ġermanja), li hija propjetà tal-grupp ThyssenKrupp AG (il-Ġermanja) takkwista fit-tifsira ta' l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill, il-kontroll sħiħ tal-impriża ThyssenKrupp Rohm Kunststoffe GmbH (il-Ġermanja) permezz tax-xiri ta' ishma.

2.

L-attivitajiet tan-negozju tal-impriżi kkonċernati huma:

għall-impriża ThyssenKrupp Services AG: li tipprovdi materjali, servizzi industrijali u materja prima għall-kumpanniji tal-produzzjoni u tal-manifattura,

għall-impriża ThyssenKrupp Röhm Kunststoffe GmbH: bejgħ ta' prodotti tal-plastik semi-lesti u servizzi relatati.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li t-tranżazzjoni notifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 139/2004. Madankollu, id-deċiżjoni aħħarija dwar dan il-punt hija rriżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għal trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jissottomettu lill-Kummissjoni l-kummenti li jista' jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti għandhom jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-faks (faks nru (32-2) 296 43 01 jew 296 72 44) jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.5353 — Thyssenkrupp/Thyssenkrupp Röhm Kunststoffe, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

B-1049 Bruxelles/Brussell


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32.


7.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 283/14


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.5366 — Iberdrola Renovables/Gamesa Energía)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 283/09)

1.

Fit-30 ta' Ottubru 2008, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li biha l-impriża Iberdrola Renovables S.A. (“Iberdrola Renovables”, Spanja), li hija proprjetà tal-grupp Iberdrola, takkwista skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill, il-kontroll sħiħ tal-impriża Gamesa Energía S.A.U. (“Gamesa Energía”, Spanja), li tappartjeni lill-group Gamesa permezz tal-akkwist u l-kontribuzzjoni ta' assi.

2.

L-attivitajiet tan-negozju tal-imprżi kkonċernati huma:

għal Iberdrola Renovables: il-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku li jiġġedded,

għal Gamesa Energía: il-promozzjoni u l-iżvilupp ta' impjanti ta' turbini tar-riħ għal ġenerazzjoni tal-elettriku biex jinbiegħ lill-partijiet terzi.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li t-tranżazzjoni notifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 139/2004. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jissottomettu lill-Kummissjoni l-kummenti li jista' jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti għandhom jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-faks (nru tal-faks (32-2) 296 43 01 jew 296 72 44) jew inkella bil-posta, bin-numru ta' referenza COMP/M.5366 — Iberdrola Renovables/Gamesa Energía, f'dan l-indirizz:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

B-1049 Bruxelles/Brussell


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


ATTI OĦRAJN

Kummissjoni

7.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 283/15


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel

(2008/C 283/10)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 510/2006

“PAGNOTTA DEL DITTAINO”

Nru tal-KE: IT-PDO-0005-0577-07.12.2006

IĠP ( ) DPO (X)

1.   L-isem

“Pagnotta del Dittaino”

2.   L-Istat Membru jew il-pajjiż terz

L-Italja

3.   Id-deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   It-tip tal-prodott

Klassi 2.4: Ħobż, prodotti tal-għaġina, ħelu, gallettini u xogħol ieħor tal-furnara

3.2.   Id-deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem tal-punt 1.

Meta jiġi ppreżentat għall-konsum id-D.P.O. “Pagnotta del Dittaino” għandha tkun fil-forma tradizzjonali tonda b'biċċiet ta' bejn il-500 u 1 100 gr jew inkella nofs-ħobża mqattgħa felli. Il-qoxra, tal-ħxuna ta' bejn 3 u 4 mm, hija ta' konsistenza medja. L-ilbieba hija safra ċara, fina, kompatti u uniformi b'konsistenza elastika. Il-kontenut ta' ndewwa fil-prodott ma jaqbiżx it-38 % u l-karatteristiċi organolettiċi, bħar-riħa, it-togħma u l-freskezza jdumu għal ħamest ijiem mid-data tal-produzzjoni.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Id-D.P.O. “Pagnotta del Dittaino” tirreferi għall-ħobż li jinħadem permezz ta' metodu partikolari li juża l-ħmira naturali u d-dqiq tal-qamħ durum li jinsab fit-territorju msemmi fil-punt 4 li ġej li jkun tal-varjetà Simeto, Duilio, Arcangelo, Mongibello, Ciccio, Colosseo, li jikkostitiwixxi talanqas 70 % tal-ammont kollu ta' dqiq li jintuża. Il-bqija ta' 30 % għandha tkun magħmula minn qamħ durum tal-varjetajiet Amedeo, Appulo, Bronte, Cannizzo, Cappelli, Creso, Iride, Latino, Norba, Pietrafitta, Quadrato, Radioso, Rusticano, Sant'Agata, Tresor, Vendetta, li jitkabbru fiż-żona tal-produzzjoni.

Il-qamħ durum li jintuża fil-process tal-produzzjoni tad-dqiq għandu jissodisfa r-rekwiżiti minimi ta' kwalità kif ġej: piż elettrolitiku >78 kg/hl; proteini (N tot. X 5,70) >12 % ta' materja xotta; kontenut ta' ndewwa <12,5 %; glutina > 8 % ta' materja xotta; indiċi ta' sfura >17b minolta.

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Il-fażijiet speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata

Ix-xogħol tal-kultivazzjoni u l-ħsad tal-qamħ u x-xogħol tal-produzzjoni u l-ippakkjar tad-DPO “Pagnotta del Dittaino” għandhom isiru ġewwa ż-żona tal-produzzjoni msemmi fil-punt 4 li ġej bil-għan li jiġu garantiti t-traċċabilità u l-kontroll u sabiex ma jkunx hemm alterazzjonijiet fil-kwalità tal-prodott u l-karatteristiċi partikolari kif definiti fil-punt 3.2 preċedenti.

Bil-għan li jiġu ppreżervati u jinżammu l-karatteristiċi kwalitattivi tal-prodott il-Pagnotta għandha tiġi ppakkjata immedjatament, ġewwa ż-żona ġeografika speċifikata, f'film tal-plastik bil-mikropori jew inkella f'atmosfera modifikata li tiggarantixxi konformità mal-istandards ta' iġene u ta' saħħa u, fl-istess ħin il-prodott għandu jkollu l-arja.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Id-DPO “Pagnotta del Dittaino” tiġi ppakkjata f'film tal-plastik bil-mikropori jew inkella f'atmosfera modifikata li tiggarantixxi konformità mal-istandards ta' iġene u ta' saħħa, u fl-istess ħin il-prodott għandu ikollu l-arja.

3.7.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Fit-tikketta għandu jkun hemm: il-logo tad-denominazzjoni “Pagnotta del Dittaino”.

Ma tista' tiżdied l-ebda kwalifikazzjoni li ma tkunx espressament prevista. Madankollu tista' ssir kwalunkwe referenza għal ditti privati sakemm dawn ma jkollhomx għan ta' tifħir jew jkunu intenzjonati li jingannaw il-konsumatur. Il-logo tad-denominazzjoni, li l-ispeċifikazzjonijiet u l-indikazzjonijiet tal-kuluri tiegħu huma ddettaljati fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, huwa rettangolari u magħmul minn żewġ sbuliet tal-qamħ durum li jibdew minn isfel fuq in-naħa tax-xellug, f'pożizzjoni perpendikolari, li jiffrejmjaw spazju li fih hemm żewġ pagnotti, waħda minnhom tkun sħiħa u fuqha oħra fil-forma ta' nofs pagnotta. Fil-qiegħ u fuq in-naħa tal-lemin hemm il-logo komunitarju tad-DPO. Fuq, fiċ-ċentru tar-rettangolu, jidhru il-kliem miktubin f' linja waħda orizzontali “PAGNOTTA DEL DITTAINO DOP”.

4.   Id-Definizzjoni Konċiża taż-żona ġeografika

Iż-żona ta' produzzjoni tad-D.P.O. Il-“Pagnotta del Dittaino” hija marbuta mal-muniċipalitajiet ta' Agira, Aidone, Assoro, Calascibetta, Enna, Gagliano Castelferrato, Leonforte, Nicosia, Nissoria, Piazza Armerina, Regalbuto, Sperlinga, Valguarnera Caropepe, Villarosa fil-provinċja ta' Enna u l-muniċipalitajiet ta' Castel di Iudica, Raddusa u Ramacca fil-provinċja ta' Katanja.

5.   Ir-rabta maż-żona ġeografika

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-kultivazzjoni tal-qamħ għall-produzzjoni tal-“Pagnotta del Dittaino” hija kkaratterizzata minn klima tipika għall-Mediterran, b'xita irregolari ħafna matul is-sena kollha, bl-aktar preċipitazzjoni fil-perjodu ta' bejn il-ħarifa u x-xitwa b'medji ta' madwar 500 mm fis-sena, u b'temperaturi medji fix-xahar l-aktar għolja fix-xhur ta' Lulju u Awwissu, filwaqt li dawk l-aktar baxxi huma rreġistrati f'Jannar u fi Frar, u f'każijiet eċċezzjonali biss jistgħu jkunu tant baxxi li jikkaġunaw il-ħsara fil-kultivazzjoni (O °C). Il-ħamrija taż-żona tal-kultivazzjoni hija ta' konsistenza pjuttost ramlija.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott

L-applikazzjoni għar-rikonoxximent tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini tal-“Pagnotta del Dittaino” hija ġġustifikata mill-fatt li l-prodott imsemmi huwa distint mill-prodotti l-oħrajn fl-istess kategorija tas-suq b'mod partikolari minħabba l-konsistenza tal-qoxra u l-kulur isfar u l-konsistenza kumpatta u uniformi tal-frak fini tal-ilbieba. Karatteristika oħra partikolari tad-DPO “Pagnotta del Dittaino” hija l-kapaċità li żżomm il-karatteristiċi organolettiċi tagħha għal 5 ijiem, jiġifieri r-riħa, it-togħma u l-freskezza tagħha.

Fl-antik wara l-ħsad il-qamħ kien jinġabar fil-fosos apposta jew f'imħażen u naturalment kienu protetti mill-ilma. Ma kienx jiġi ttrattat kontra infestazzjonijiet ta' fungus jew insetti parassiti. Meta kien ikun meħtieġ il-qamħ kien jiġi trasferit għat-tħin fl-imtieħen tal-inħawi.

Bl-istess mod il-qamħ durum li jinħasad fiż-żona speċifikata jingħata biss trattament tat-tindif u biex jinħeles mit-tibna u mill-impuritajiet u materjal barrani u, imbagħad jinħażen fis-silos u jiġi kkonservat mingħajr l-użu ta' pestiċidi u prodotti kimiċi bħal dawn. L-uniku trattament li huwa permess fil-imtieħen huwa ta' natura fiżika biss. Fil-fatt issir refriġerazzjoni tal-kwantità b'arja kiesħa filwaqt li l-qamħ jiddawwar.

Trattamenti bħal dawn fil-fatt jipprevjenu milli l-ħażna tisħon iż-żejjed, fenomenu li joħloq ambjent adattat għall-iżvilupp ta' moffa, għall-formazzjoni ta' mikrotossini u t-tfaqqis tal-bajd tal-insetti parassiti u li jista' jipprovoka wkoll il-ġerminazzjoni tal-karossidi.

Il-ħmira naturali tirriżulta minn“ħmira omm” li tiġi mġedda kultant żmien. Dan it-tiġdid isir billi tittieħed parti mill-“ħmira omm”, u titħallat ma' żewġ partijiet ta' qamħ u parti oħra ta' ilma sabiex tinkiseb, wara li tkun saret it-taħlita, kwanitità li minnha jittieħdu erba' biċċiet ta' għaġina. Waħda minnhom tintuża bħala l-“ħmira omm” u għalhekk tiġġedded u t-tlieta l-oħra, wara minimu ta' ħames sigħat ta' maturazzjoni jiżdiedu mat-taħlita, bħala “ħmira naturali.”

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għal IĠP).

Il-karatteristiċi partikolari tal-“Pagnotta del Dittaino” deskritti fil-punt 5.2 huma kkawżati direttament mill-karatteristiċi morfoloġiċi u l-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima fiż-żona tal-produzzjoni msemmija fil-punt 4. Karattersitiċi bħal dawn bla dubju ġejjin minn u għalhekk huma marbutin direttament mal-qamħ durum li jitqies bħal materja prima ewlenija u li jippredomina waqt il-proċess tal-produzzjoni u li, minħabba l-karatteristiċi tal-ħamrija u tal-klima tat-territorju msemmi, jassumi vluri kwalitattivi ogħla u karatteristiċi ta' saħħa eċċellenti (mingħajr mikrotossini), li jagħtu lill-DPO “Pagnotta del Dittaino” karatteristiċi organolettiċi uniċi.

Il-qamħ durum, kif jidher minn xhieda storika, minn dejjem kien jintuża biex jinħema l-ħobż bih, mhux bħal ma jsir f'żoni oħra fl-Italja fejn jintuża d-dqiq tal-qamħ komuni, u għalhekk jirriżulta f'prodott li kapaċi jżomm il-karatteristiċi organolettiċi ewlenin għal perjodu ta' ġimgħa.

Iż-żamma ta' dawn il-karatteristiċi hija dovuta mhux biss minħabba l-użu tal-dqiq tal-qamħ durum iżda wkoll minħabba l-użu tal-“criscenti” [ħmira naturali]. Il-fermentazzjoni tal-għaġina morra hija bbażata fuq l-ekwilibriju dinamiku bejn il-batterji tal-ħalib u tal-ħmira L-ispeċijiet mikrobiċi prinċipali li jinsabu huma l-Lactobacillus sanfranciscensis (Lactobacillus brevis subsp. lindneri), Candida milleri e Saccharomyces exiguus.

Fost id-diversi xhieda misjuba f'kitbiet antiki, hemm ħafna fil-fatt li nġabru fiż-żona tal-kultivazzjoni tal-qamħ durum u li biż-żmien saru ħażna ta' wirt ta' għarfien u ta' drawwiet inerenti fil-kultivazzjoni taċ-ċereali u l-produzzjoni tal-ħobż.

Il-kultivazzjoni tal-qamħ durum fiż-żoni interni ta' Sqallija, inklużi l-muniċipalitajiet fil-provinċja ta' Enna u ta' Katanja, hija attività importanti mhux biss minħabba d-daqs taż-żona ddedikata għaliha, iżda wkoll għax tinvolvi artijiet li tradizzjonalment kienu jintużaw għall-kultivazzjoni tal-qamħ durum niexef. F'dawn il-muniċipalitajiet, tul is-snin kollha, kemm minħabba l-kundizzjonijet tal-ħamrija kif ukoll dawk tal-klima, l-unika kultivazzjoni li kienet tiggarantixxi x-xogħol u d-dħul għan-nies tal-lokal kienet dik tal-qamħ durum.

Xhieda tal-rwol importanti li l-qamħ durum kellu fid-drawwiet tal-ikel tal-Isqallin tingħata minn Plinju x-Xiħ fil-“De Naturalis Historia”. Fil-fatt, filwaqt li f'reġjuni oħra fil-peniżola Taljana d-dqiq kien jiġi mill-ġjandri, mill-qastan jew minn ċereali oħra, bħax-xgħir u s-segala, fi Sqallija l-bdiewa tgħallmu jagħmlu l-ħobż mid-dqiq tal-qamħ. U kienet minħabba din is-sengħa, skont kif juri Sonnino, li l-bdiewa Sqallin irnexxilhom minkejja l-faqar kbir tagħhom, jgħixu fuq il-ħobż maħdum bid-dqiq tal-qamħ.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

Il-Gvern nieda l-proċedura ta' oġġezzjoni nazzjonali bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini tal-“Pagnotta del Dittaino” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana nru 75 tat-30 ta' Marzu 2006.

It-test ikkonsolidat tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq dan is-sit tal-internet:

www.politicheagricole.it/ProdottiQualita/Disciplinari_esame_UE.htm


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


7.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 283/s3


NOTA LILL-QARREJ

L-istituzzjonijiet iddeċidew li ma jikkwotawx aktar fit-testi tagħhom l-aħħar emenda ta' l-atti kkwotati.

Sakemm mhux indikat mod ieħor, l-atti mmsemija fit-testi ppubblikati hawn jirreferu għall-atti li bħalissa huma fis-seħħ.