ISSN 1725-5015

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 258A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 51
10 ta' Ottubru 2008


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni

2008/C 258A/01

Avviż ta' post vakanti Direttur (grad AD 14) tal-Fondazzjoni Ewropea tat-Taħriġ (ETF) Turin, l-Italja – COM/2008/10118

1

MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni

10.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

CA 258/1


AVVIŻ TA' POST VAKANTI DIRETTUR (GRAD AD 14) TAL-FONDAZZJONI EWROPEA TAT-TAĦRIĠ (ETF) TURIN, L-ITALJA

COM/2008/10118

(2008/C 258 A/01)

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li ssejjaħ applikazzjonijiet għall-post ta' Direttur (grad AD 14) tal-Fondazzjoni Ewropea tat-Taħriġ.

Min aħna:

Il-Fondazzjoni Ewropea tat-Taħriġ (ETF), aġenzija tal-Unjoni Ewropea, ġiet stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill 1360/90 tas-7 ta' Mejju 1990 (emendat minn 2063/94 tas-27 ta' Lulju 1994 u 1572/98 tas-17 ta' Lulju 1998). L-ETF tinsab f'Turin, l-Italja, u għandha persunal ta' madwar 130 ruħ. Il-lingwa użata fil-ħidma tal-aġenzija hi l-Ingliż.

L-ETF tipprovdi appoġġ lill-Kummissjoni Ewropea, lill-pajjiżi sħab tal-UE u lill-Istati Membri tal-UE fil-qafas tal-istrumenti tal-politika esterna tal-Unjoni u hi responsabbli għall-informazzjoni, koordinazzjoni, konsulenza u attivitajiet għall-iżvilupp.

Mindu l-operazzjonijiet tagħha bdew fl-1994, l-ETF saret ċentru ta' kompetenza fl-iżilupp u fir-riforma tal-edukazzjoni vokazzjonali u tas-sistemi ta' taħriġ fil-pajjiżi kandidati u sħab tal-UE, u tippromwovi l-iżvilupp tal-kapital uman u, b'hekk, trawwem tkabbir sostenibbli u inklużjoni soċjali f'dawn il-pajjiżi.

Id-dettalji speċifiċi dwar l-għanijiet u l-funzjonijiet tal-ETF huma stabbiliti fir-Regolament imsemmi hawn fuq u iżjed informazzjoni tinstab fuq din il-websajt: http://www.etf.europa.eu/.

Aħna nipproponu:

Id-Direttur hu r-rappreżentant legali u l-immaġini pubblika tal-aġenzija u għandu jwieġeb lill-Bord Governattiv. Id-dmirijiet u r-responsabbilitajiet tiegħu/tagħha jinkludu:

L-iżvilupp u s-suċċess tal-għanijiet strateġiċi skont il-funzjonijiet tagħha u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament;

Il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' ħidma annwali u multiannwali;

Il-ġestjoni ta' kuljum tal-persunal tal-aġenzija inkluż ir-reklutaġġ;

Il-preparazzjoni u l-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-Bord Governattiv u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord Governattiv;

Il-preparazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-aġenzija u l-assigurazzjoni li hu ġestit b'mod effiċjenti u skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja soda.

Il-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija, l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u l-partijiet interessati tal-Aġenzija;

Il-komunikazzjoni diretta u indiretta mal-pubbliku fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha fi ħdan il-missjonijiet tal-aġenzija.

Dawn ix-xogħlijiet huma wkoll imfissra fir-regolament imsemmi hawn fuq, b'mod partikolari Artikolu 7.

Qegħdin infittxu kandidati, li għandu jkollhom:

Il-kapaċità li jmexxu organizzazzjoni, kemm f'livell strateġiku kif ukoll fil-ġestjoni interna u li jissodisfaw il-mandat tal-aġenzija;

Il-ħila li jmexxu u jimmotivaw tim kbir f'ambjent Ewropew, multikulturali u multilingwi;

L-esperjenza ta' ġestjoni tal-baġit, tal-finanzi u tar-riżorsi umani f'kuntest nazzjonali, Ewropew u/jew internazzjonali;

L-għarfien u l-esperjenza fl-iżvilupp u l-prattika tal-politika dwar edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ u/jew relazzjonijiet esterni;

Il-kapaċità li jikkomunikaw mal-pubbliku u jikkoperaw mal-partijiet interessati (Awtoritajiet Ewropej, Internazzjonali, Nazzjonali u Lokali, organizzazzjonijiet internazzjonali, eċċ.);

L-għarfien tal-istituzzjonijiet Ewropej, il-funzjoni u l-interazzjoni tagħhom kif ukoll tal-politika tal-UE u l-attivitajiet internazzjonali relevanti għall-attivitajiet tal-Aġenzija.

L-applikanti jridu:

Ikunu ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

Ikollhom grad jew diploma universitarja li tagħti aċċess għal studji postgradwatorji preferibbilment, f'qasam relatat mal-attivitajiet tal-Aġenzija;

Ikollhom tal-inqas 15-il sena esperjenza professjonali fis-settur pubbliku jew privat (wara għotja ta' grad universitarju jew ekwivalenti imsemmija hawn fuq), 5 minnhom fil-qasam tal-attività tal-Aġenzija;

Ikollhom tal-inqas ħames snin ta' esperjenza professjonali miksuba f'funzjoni ta' ġestjoni f'livell għoli, inkluż esperjenza fil-ġestjoni ta' riżorsi umani u finanzjarji (il-kandidati huma espliċitament mitluba biex jagħtu d-dettalji tad-daqs, għadd tal-persunal, baġit u n-natura tad-dipartimenti li ġestew qabel);

Ikollhom għarfien sħiħ ta' waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien xieraq ta' lingwa uffiċjali oħra. Kmand tajjeb tal-Ingliż hu essenzjali. L-għarfien tal-lingwa Franċiża jkun ta' vantaġġ.

Ikunu kapaċi jwettqu l-mandat kollu ta' ħames snin qabel ma jaslu għall-pensjoni (jiġifieri l-aħħar tax-xahar meta l-persuna tagħlaq l-età ta' 65 sena).

L-indipendenza u d-dikjarazzjoni tal-interessi

Id-Direttur ser ikun mitlub jagħmel dikjarazzjoni ta' impenn li ser jaġixxi b'mod indipendenti fl-interess tal-pubbliku u dikjarazzjoni oħra fir-rigward ta' kull tip ta' interess li jista' jitqies li jippreġudika l-independenza tiegħu/ha. Il-kandidati jridu jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jagħmlu hekk fl-applikazzjoni tagħhom.

Is-selezzjoni u l-ħatra

Għall-proċess ta' selezzjoni ser jitwaqqaf Panel ta' preselezzjoni magħmul minn tliet uffiċjali għolja tal-Kummissjoni ta' grad u funzjoni tal-inqas ekwivalenti tal-post vakanti. Dan il-Panel ser jistieden lil dawk il-kandidati li għandhom l-aħjar profil għall-bżonnijiet speċifiċi għall-intervista, u li ntagħżlu fuq il-bażi tal-merti tagħhom relevanti għall-pożizzjoni skont il-kriterji stipulati hawn fuq. Il-kandidati li ntagħzlu mill-panel tal-preselezzjoni ser jissejħu biex jattendu intervista mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet tal-Kummissjoni (CCA) u ser ikollhom jgħaddu minn ċentru ta' evalwazzjoni li ser titmexxa minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ. Il-kandidati li ntagħżlu mis-CCA, ser ikunu intervistati wara mill-Kummissarju għall-edukazzjoni, taħriġ, kultura u żgħażagħ u eventwalment mill-Kummissarju responsabbli għall-affarijiet amministrattivi, verifika u kontra l-frodi.

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni tadotta lista qasira tal-kandidati magħżula, li tiġi kkomunikata lill-Bord Governattiv tal-ETF. Din tal-aħħar ser taħtar id-Direttur minn fost dawk il-kandidati li jkunu ntagħżlu. L-inkluzjoni fil-lista qasira mhiex garanzija tal-ħatra.

Il-kandidati jistgħu jkunu mitluba biex jagħmlu iktar intervisti u/jew eżamijiet addizzjonali ma' dawk indikati hawn fuq. Dan jista' jinkludi dikjarazzjoni quddiem il-kumitat/i kompetenti tal-Parlament Ewropew

Dan il-post vakanti hu disponibbli mill-1 ta' Lulju 2009.

Opportunitajiet indaqs

L-aġenzija regolatorja tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs.

Il-kundizzjonijiet tal-impjieg

Id-Direttur ser ikun nominat bħala membru tal-aġent temporanju fil-grad AD 14, skont l-Artikolu 2a tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej (1), għal perjodu ta' ħames snin.

Il-post tal-impjieg hu f'Turin (l-Italja), fejn hi bbażata l-Aġenzija.

Il-proċedura ta' applikazzjoni

Sabiex l-applikazzjonijiet ikunu validi, il-kandidati jridu jissottomettu formula ta' applikazzjoni mimlija kif suppost, ittra ta' motivazzjoni u curriculum vitae. Is-CV għandha tinkiteb fil-format tas-CV Ewropea (2) L-applikazzjonijiet li jkollhom fajl mhux komplut ma jkunux aċċettati.

Id-dokumenti ta' prova (eż. kopji ċċertifikati ta' gradi/diplomi, referenzi, provi tal-esperjenza, eċċ.) m'għandhomx jintbagħtu għalissa imma fi stadju ulterjuri tal-proċedura jekk ikun meħtieġ.

Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-għażla, il-komunikazzjonijiet kollha lil kandidati dwar dan il-post vakanti ser ikunu bl-Ingliż.

L-applikazzjonijiet, preferibbilment bl-Ingliż, għandhom jintbagħtu bl-e-mail lil:

EAC-ETF-VACANCY@ec.europa.eu

L-applikanti li ma jistgħux jibagħtu l-applikazzjoni taghħom bl-e-mail jistgħu jibagħtuha bil-posta reġistrata jew servizz tal-kurrier mgħaġġel lil:

Is-Sinjura Belén Bernaldo de Quirós

Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura

Uffiċju MADO 7/03

BE 1049 Brussels (Belgium)

Il-kandidati huma mitluba li jirrappurtaw bil-miktub kull bdil potenzjali tal-indirizz u mingħajr dewmien fl-indirizz ta' hawn fuq.

Għal aktar informazzjoni dwar il-post vakanti tista tikkuntattja lis-Sinjura Bernaldo de Quirós, Kap tal-Unità EAC.A.3 (e-mail: belen.bernaldo-de-quiros@ec.europa.eu, telefon + 32-2-296 03 12)

Data tal-għeluq

L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu bl-e-mail jew bil-posta reġistrata sa mhux aktar tard mill-10 ta' Novembru 2008 (id-data tal-e-mail jew id-data tat-timbru postali għall-posta reġistrata)

L-applikazzjonijiet li jintbagħtu permezz tas-servizz tal-kurrier mgħaġġel għandhom jaslu fl-indirizz ta' hawn fuq qabel il-17.00 (ħin ta' Brussell) tal-10 ta' Novembru 2008.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li ttawwal id-data tal-għeluq ta' dan il-post vakanti permezz ta' pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Ufficjali ta' l-Unjoni Ewropea biss.

Informazzjoni importanti għall-kandidati

Il-kandidati huma mfakkra li x-xogħlijiet tad-diversi kumitati tal-għażla huma kunfidenzjali. Il-kandidati huma pprojbiti milli jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri tagħhom jew ma' xi ħadd ieħor li jagħmel hekk f'isimhom.

Il-protezzjoni ta' data personali

Il-Kummissjoni ser tassigura li d-data personali tal-kandidati tkun ipproċessata kif mitlub mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u dwar il-moviment liberu ta' tali data. Dan japplika b'mod partikolari għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta' tali data  (3).


(1)  ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1 http://eur-lex.europa.eu/fr/index.htm

(2)  Is-CV Ewropea tista' titniżżel mill-websajt http://europass.cedefop.europa.eu/htm/index.htm

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Image

Image

Image

Image