ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 151

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 51
17 ta' Ġunju 2008


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

441 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2008

2008/C 151/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni COM(2007) 226 finali

1

2008/C 151/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/539/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-tagħmir elettro-mediku użat fil-mediċina veterinarja COM(2007) 465 finali — 2007/0168 (COD)

11

2008/C 151/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward appliances li jużaw il-gass (Verżjoni kkodifikata) COM(2007) 633 finali — 2007/0225 (COD)

12

2008/C 151/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjoni ta' apparati tad-dawl u li jagħmlu sinjal bid-dawl fuq vetturi bil-mutur b'żewġ jew bi tliet roti (Verżjoni kkodifikata) COM(2007) 768 finali — 2007/0270 (COD)

12

2008/C 151/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija ġdida tas-Saħħa ta' l-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013) fejn Il-prevenzjoni hija aqwa mill-kuraCOM(2007) 539 finali

13

2008/C 151/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rrispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni tat-trasportatur bit-triq COM(2007) 263 finali — 2007/0098 (COD)

16

2008/C 151/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rotot fuq il-baħar fil-katina loġistika (Opinjoni Esploratorja)

20

2008/C 151/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tirrevoka id-Direttiva tal-Kunsill Nru 87/372/KEE dwar il-firxiet ta' frekwenza li għandhom jiġu rriżervati għall-introduzzjoni kordinata ta' komunikazzjonijiet mobbli terrestri pubbliċi ċellulari diġitali pan-Ewropej fil-Komunità COM(2007) 367 finali — 2007/0126 (COD)

25

2008/C 151/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Lejn l-adozzjoni ta' Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija COM(2007) 386 finali

27

2008/C 151/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara (Riformolat) COM(2007) 610 finali — 2007/0219 (COD)

35

2008/C 151/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli u n-normi ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (riformulazzjoni) COM(2007) 737 finali — 2007/0257 (COD)

35

2008/C 151/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-White Paper dwar l-isport COM(2007) 391 finali

36

2008/C 151/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Intejbu l-kwalità ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema COM(2007) 392 finali

41

2008/C 151/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà COM(2007) 498 finali

45

2008/C 151/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru […] għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b'dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom COM(2007) 439 finali — 2007-152 (CNS)

50

MT

 


III Atti preparatorji

KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

441 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 u s-17 ta’ Jannar 2008

17.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 151/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni

COM(2007) 226 finali

(2008/C 151/01)

Nhar it-30 ta' April 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Diċembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Iozia u l-ko-rapporteur kienet is-Sinjura Mader-Saussaye.

Matul l-441 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 u s-17 ta' Jannar 2008 (seduta tas-16 ta' Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'129 vot favur, vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja l-għan tal-Green Paper li s-suq waħdieni jiġi żviluppat għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, billi jitfittex li jiġu identifikati u jitneħħew l-ostakoli strumentali u artifiċjali kollha li jimpedixxu liċ-ċittadini Ewropej milli jisfruttaw direttament u bis-sħiħ il-benefiċċji fir-rigward ta' l-ispejjeż u l-kwalità ta' l-offerta. Il-Kumitat jemmen li l-Green Paper tanalizza biss parzjalment is-suq tas-servizzi u tal-prodotti finanzjarji, waqt li tinjora t-tema tad-distribuzzjoni, fattur importanti għall-kompetizzjoni.

1.2

Il-KESE japprezza u jaqbel ma' l-objettiv tal-Kummissjoni li tistimula l-offerta ta' prodotti ta' kwalità għolja u innovattivi billi tippromovi l-moviment ħieles ta' prodotti bankarji u ta' l-assigurazzjoni li attwalment qegħdin jiġu ppenalizzati minn restrizzjonijiet nazzjonali leġislattivi jew fiskali li jillimitaw possibbiltajiet bħal dawn.

1.3

Il-prinċipju ġenerali wara l-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni huwa l-bżonn li jittejjeb il-benesseri tal-konsumaturi. It-tixrid u l-użu ta' dawn is-servizzi huma fuq skala wiesgħa u għalhekk inizjattivi f'dan il-qasam huma ta' interess ġenerali. L-integrazzjoni ulterjuri tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur tista' twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż permezz ta' tisħiħ tal-kompetizzjoni. Il-konsumaturi jistgħu jgawdu mill-vantaġġi jekk is-sistema finanzjarja Ewropea jirnexxilha tibqa' kompetittiva kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE.

1.4

Filwaqt li jaqbel mal-premessa li s-suq tal-konsumaturi jibbenefika jekk ikun anqas ifframmentat, il-KESE jenfasizza li, ġeneralment, is-swieq tal-konsumaturi huma, inevitabbilment, aktar issegmentati mis-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa.

1.5

Il-KESE jinnota li qegħdin joħorġu mudelli ġodda tas-suq. Is-suq globali qiegħed jinbena permezz ta' proċessi ta' konsolidazzjoni transkonfinali. Il-kumpaniji multinazzjonali fil-qasam bankarju u ta' l-assigurazzjoni qegħdin jiċċentraw l-istrateġiji tagħhom ta' akkwist fuq it-tisħiħ tal-mobbiltà ta' l-offerta. Madankollu, dawn il-proċessi ta' konsolidazzjoni transkonfinali qegħdin ikollhom jew jistgħu jkollhom riperkussjonijiet negattivi ħafna fuq l-impjieg. Id-dikjarazzjonijiet rigward akkwisti potenzjali jiġu segwitu minn aħbarijiet ta' telf ta' għexieren ta' eluf ta' impjiegi anke jekk fil-prattika dan it-telf mhux dejjem iseħħ. Il-KESE diġà enfasizza dan ir-riskju u ppropona kontromiżuri adegwati sabiex tiġi ffaċċjata din l-emerġenza soċjali, permezz ta' skemi ta' taħriġ professjonali u ta' taħriġ mill-ġdid u miżuri li jnaqqsu l-effett tal-qgħad (1) li barra minn hekk jidhru f'ħafna ftehimiet kollettivi fis-settur bankarju Ewropew.

1.6

Skond il-KESE, hemm bżonn urġenti li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżdiedu l-kompetenzi u l-għarfien tal-konsumaturi. Informazzjoni essenzjali u sħiħa hija indispensabbli għall-ħarsien tal-konsumtauri, filwaqt li dejjem jitqies li l-prodotti u s-servizzi finanzjarji ma jistgħux jitqabblu ma' prodotti u servizzi oħrajn. Il-konsumaturi għandhom bżonn ta' informazzjoni ta' kwalità iktar milli ta' kwantità.

1.7

Il-KESE jemmen li għandha ssir distinzjoni bejn l-informazzjoni u l-parir. L-ewwel waħda għandha tingħata lill-konsumaturi bħala obbligu u għandha tkun adattata għall-profil ta' kompetenza u ta' riskju tal-klijent, li għandu jkun imwissi bil-possibbiltà ta' nases li jista' jiltaqa' magħhom. It-tieni wieħed huwa servizz professjonali li għandu jingħata meta mitlub, u jista' jinkludi wkoll responsabbiltà għall-konsulent. Id-Direttiva dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (MiFID) tidentifika oqsma u limiti ta' l-informazzjoni u tal-pariri kif ukoll ta' sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess.

1.8

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li dan l-argument jiġi indirizzat permezz ta' regoli ċari dwar is-suġġett, sabiex jiġu miġġielda ċerti prattiki li jistgħu joħolqu kunflitt ta' interess, inċentivi għall-bejgħ tal-prodotti u sistemi ta' bonus għall-impjegati bejjiegħa, li huma mislufa mid-distribuzzjoni kummerċjali u marbuta ma' objettivi ta' bejgħ ta' prodotti speċifiċi. Il-KESE jirrakkomanda li jitnieda dibattitu speċifiku bejn in-negozji, il-konsumaturi u l-ħaddiema tas-settur, bħala l-ewwel pass sabiex tiġi sodisfatta d-domanda primarja tal-konsumaturi marbuta mal-fiduċja għal trasparenza fl-imġiba tal-kumpaniji bankarji u ta' l-assigurazzjoni.

1.9

Il-KESE jirrakkomanda b'mod partikulari li l-kumpaniji bankarji u ta' l-assigurazzjoni jiżviluppaw taħriġ professjonali speċifiku għall-impjegati tagħhom. Il-konsumaturi huma mħarsa aħjar meta l-operaturi jkollhom aktar kompetenzi. B'rispett għall-indipendenza tal-partijiet involuti, dawn il-proġetti jistgħu jiġu diskussi fl-ambitu tad-djalogu soċjali bejn l-UNI-Europa Finance, il-Federazzjoni Ewropea tat-Trade Unions tas-settur, u l-organizzazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw lill-banek u lill-kumpaniji ta' l-assigurazzjoni.

1.10

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni hija aktar favur l-adozzjoni ta' sistemi fakultattivi, magħrufa bħala t-“28 reġim”, milli kienet fil-passat. F'linja parallela ma' reġim Ewropew fakultattiv, għandha tiġi adottata kodiċi Ewropea ta' etika, iddefinita b'mod indipendenti mill-operaturi, diskussa u maqbula mad-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni u ma' l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi ta' l-utenti u tal-ħaddiema tas-settur, li jittrattaw b'mod speċifiku r-relazzjoni bejn in-negozju u l-klijent fil-kuntest tas-servizzi finanzjarji.

1.11

Il-KESE jaqbel mat-tħassib dwar it-trasparenza tal-kondizzjonijiet bankarji. In-nuqqas ta' simetrija u d-diffikultà fit-tqabbil tal-prezzijiet sikwit huma riżultat ta' differenzi fil-prezzijiet u fil-formoli ta' pprezzar, iżda sikwit ikun hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar it-tariffi applikabbli.

1.12

Il-KESE jappoġġja l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Konsumatur, is-Sinjura Meglena Kuneva, li pproponiet tliet objettivi prinċipali fir-rigward ta' l-istrateġija tal-politika għall-konsumaturi għall-2007-2013:

it-tisħiħ tal-konsumaturi;

l-iżvilupp tal-benesseri ekonomiku u mhux ekonomiku tal-konsumaturi Ewropej;

il-ħarsien tal-konsumaturi b'mod effettiv.

Il-KESE dalwaqt ifassal opinjoni speċifika dwar dan is-suġġett. F'Mejju 2007, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Direttiva dwar il-kreditu tal-konsumatur lill-Kunsill.

1.13

Il-KESE jaqbel ma' l-idea li l-mobbiltà tal-klijenti hija fattur importanti fl-iżvilupp tas-settur tas-servizzi finanzjarji, f'termini kemm ta' kwalità kif ukoll ta' effiċjenza. Madankollu, il-Kumitat jemmen li l-objettivi stabbiliti fir-rigward tal-mobbiltà tal-konsumaturi fis-settur tas-servizzi finanzjarji m'għandhomx ikunu ottimisti żżejjed.

1.14

Fis-settur finanzjarju, ir-relazzjonijiet ibbażati fuq il-fiduċja huma importanti ħafna, minħabba li l-maġġoranza tal-prodotti huma speċifiċi u jinvolvu impenji fuq perijodu fit-tul bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ. Hemm ħafna raġunijiet li jistgħu jispjegaw għalfejn il-konsumaturi jsibuha diffiċli aktar li jiffurmaw relazzjoni ta' fiduċja ma' intermedjarji li m'humiex preżenti fiżikament f'pajjiżhom.

1.15

Il-persuni jiffurmaw l-impressjonijiet tagħhom ta' servizz finanzjarju mid-deskrizzjoni tagħhom fil-pamflets ta' informazzjoni u fil-klawżoli kuntrattwali; għalhekk il-problema lingwistika u kulturali ma tistax tiġi sottovalutata. Dwar dan, il-KESE jemmen li la jkun realistiku u lanqas korrett li l-intermedjarji jkunu obbligati li jabbozzaw pamflets ta' informazzjoni u klawżoli kuntrattwali fil-lingwi kollha ta' l-Unjoni. Il-problema ta' l-ostakolu lingwistiku għalhekk mhix ser tiġi riżolta fuq il-perijodu medju u tista' tkun ostakolu prinċipali għall-mobbiltà transkonfinali tal-konsumaturi.

1.16

Il-KESE jaqbel li wasal iż-żmien li tiġi eżaminata bir-reqqa l-leġittimità ta' l-ostakoli għall-mobbiltà tal-konsumaturi, bħalma huma l-miżati għoljin sabiex jingħalqu l-kontijiet, nuqqas ta' informazzjoni trasparenti u strutturi kuntrattwali tas-servizzi finanzjarji li huma magħmulin b'mod li jiddiswadu lill-klijenti milli jibdlu prodott jew fornitur, bħalma jiġri f'xi pajjiżi. Madankollu, il-KESE jenfasizza wkoll li restrizzjonijiet teknoloġiċi, regolatorji, fiskali u legali sikwit jistgħu jagħmluha diffiċli li jinħolqu l-kondizzjonijiet tajbin għal-livelli ta' mobbiltà tal-konsumaturi indikati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, hemm ir-riskju li is-semplifikazzjoni tar-regolamentazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji twassal għal livell anqas ta' protezzjoni tal-konsumaturi. It-tneħħija ta' l-ostakoli m'għandha twassal la għal żjieda fil-prezzijiet tal-prodotti u lanqas għad-deterjorament tal-miżuri eżistenti ta' protezzjoni.

1.17

Id-diffikultà fl-armonizzar tal-qafas tal-ħarsien li ħarġet, per eżempju, fil-proċess ta' reviżjoni tad-Direttiva dwar il-kreditu tal-konsumatur, tista' tagħti l-impressjoni lill-konsumaturi li l-livell ta' ħarsien offrut ser jiddependi ħafna mill-pajjiż li fih jinxtara s-servizz.

1.18

Il-KESE jemmen li huma biss l-konsumaturi b'livell tajjeb ta' fehim finanzjarju li jistgħu jifhmu b'mod suffiċjenti kemm jista' jkun kumpless is-sodisfazzjon tal-ħtiġijiet finanzjarji u, konsegwentament, li jistgħu japprezzaw il-valur miżjud tal-parir finanzjarju li jkun kompetenti u indipendenti. Barra minn hekk, għandu jkun hemm diskussjoni speċjali mal-konsumaturi li ma jafux jużaw (tajjeb)it-teknoloġiji ġodda.

1.19

Il-KESE jikkunsidra li huwa essenzjali li “jitnaqqas” id-distakk bejn in-negozji finanzjarji u l-klijenti u jekk xi pajjiżi demokratiċi b'ekonomiji tas-suq irnexxielhom jistabbilixxu ċerti drittijiet minimi għall-konsumaturi, bħal dak tad-dritt legali għar-residenti bona fide, li jkollhom kont bankarju maħsub bħala dritt taċ-ċittadinanza, wieħed jista' jimmaġina li jekk il-leġislazzjoni u l-prattiki nazzjonali jiġu armonizzati ma' dawn il-prattiki tajbin, dawn jistgħu jsawru wirt komuni ta' l-UE (2).

1.20

Sabiex jabbozza din l-opinjoni, il-KESE ħass li jkun opportun li jlaqqa' seduta ta' l-organizzazzjonijiet tan-negozji, tal-konsumaturi u tal-ħaddiema. Il-pożizzjonijiet espressi minn dawn l-organizzazzjonijiet ġew inklużi fl-opinjoni. Il-KESE jaqbel mat-tħassib ġustifikat espress mill-konsumaturi dwar il-bżonn li jittejbu l-kondizzjonijiet sabiex is-suq waħdieni jinfetaħ b'mod effettiv għall-attivitajiet finanzjarji għall-konsumaturi u jitneħħew l-ostakoli artifiċjali li joħolqu x-xkiel. Il-Green Paper għenet billi nediet dibattitu importanti. Fl-istess ħin, il-konsiderazzjonijiet objettivi mid-dinja tal-kummerċ u t-talbiet mid-dinja tal-ħaddiema jeħtieġu attenzjoni adegwata jekk għandu jkun hemm titjib ġenerali fil-kooperazzjoni bejn id-diversi atturi ekonomiċi u soċjali. B'konsegwenza, qabel ma tiġi adottata kwalunkwe miżura, huwa neċessarju li jinfetaħ forum speċifiku ta' diskussjoni bejn ir-rappreżentanti msemmija hawn fuq tad-diversi interessi li jridu jiġi rikonċiljati.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-Kummissjoni tuża l-Green Paper sabiex tiddefinixxi l-politika li beħsieba ssegwi fis-settur tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, li hija tidentifika bħala “l-kontijiet kurrenti, il-pagamenti, is-self personali, is-self għad-djar, it-tfaddil, il-pensjonijiet, il-prodotti ta' l-investiment u l-assigurazzjoni, meta dawn jiġu fornuti lill-konsumaturi individwali, inkluż lill-investituri għall-konsumatur.”

2.2

Il-Kummissjoni tidentifika ostakoli għall-aċċess għas-suq fid-differenzi leġislattivi u fiskali u fil-frammentazzjoni tas-suq, bil-għan li tippermetti liċ-ċittadini ta' l-UE jibbenefikaw mis-suq waħdieni, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ostakoli li għadhom eżistenti u l-iżvilupp dgħajjef fl-attivitajiet transkonfinali.

2.3

Il-Kummissjoni hija deċiża li tuża l-forzi tas-suq u l-kompetizzjoni bħala lieva għat-traħħis tal-prezzijiet f'dawn is-servizzi; u hija impenjata li tieħu l-azzjoni adegwata f'kazijiet fejn ir-regoli Komunitarji ma jiġux rispettati. Fil-Green Paper, il-Kummissjoni ssostni li jekk huwa neċessarju għandhom jiġu adottati miżuri leġislattivi.

2.4

L-għan tal-Kummissjoni huwa li tistimula l-offerta ta' prodotti ta' kwalità għolja u innovattivi billi tippromovi l-moviment ħieles ta' prodotti bankarji u ta' l-assigurazzjoni li attwalment qegħdin jiġu ppenalizzati minn restrizzjonijiet nazzjonali leġislattivi jew fiskali li jillimitaw possibbiltajiet bħal dawn.

2.5

Fir-rigward tal-qafas leġislattiv, il-Kummissjoni reġgħet nediet id-dibattitu dwar it-“28 reġim” (apparentament waqt li warrbet it-tħassib preċedenti kollu).

3.   Kummenti

3.1

F'din l-opinjoni, il-KESE ma jistax jirrispondi għall-mistoqsijiet kollha li tqajmu fil-Green Paper, iżda beħsiebu jagħmel evalwazzjoni bir-reqqa ta' l-aktar temi importanti indirizzati fid-dokument.

3.2

Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jkun hemm distinzjoni bejn il-prodotti u s-servizzi finanzjarji. Ta' l-ewwel jinxtraw u mbagħad wieħed isir “propretarju” (eż. titoli, fondi, polzi ta' l-assigurazzjoni) u x-xerrej iġorr ir-riskju. Madankollu, il-każ tas-servizzi bankarji, madankollu, wieħed ikun utent aktar milli propretarju (eż. self personali, self għad-djar, faċilitajiet ta' self korrenti) u l-fornitur tas-servizz iġorr ir-riskju. Il-Kumitat jemmen li l-Green Paper tanalizza biss parzjalment is-suq tas-servizzi u tal-prodotti finanzjarji, waqt li tinjora t-tema tad-distribuzzjoni, fattur importanti għall-kompetizzjoni. Id-diversi mezzi ta' distribuzzjoni u t-tipi differenti ta' offerti għandhom tip ta' karattersitiki li jonqxu, b'mod profond, kemm fuq il-prezzijiet (ikkunsidra poloz ta' assigurazzjonijiet tal-karozzi għal terzi li jinbiegħu bit-telefon jew minn fuq l-internet) kif ukoll fuq l-affidabilità u l-kompetenza tal-partijiet awtorizzati (finanzjarji, ħwienet kbar, intermedjarji, uffiċċji postali, eċċ.). Il-KESE jemmen li huwa neċċessarju li d-dibattitu jitwessa' sabiex jinkludi l-mezzi ta' distribuzzjoni differenti minn dawk tradizzjonali u r-rabtiet bejn il-prodotti u s-sistemi ta' distribuzzjoni.

3.2.1

Segmenti: sabiex titqies id-dimensjoni tas-servizzi finanzjarji relatata mal-konsumaturi, huwa neċessarju li s-servizzi jiġu ssegmentati u mbagħad jitqiesu l-ħwienet tan-negozju — is-sistema ta' distribuzzjoni — li permezz tagħhom il-konsumatur jista' jkollu aċċess għal dawn id-diversi servizzi u l-livell ta' kompetizzjoni fis-sistema ta' l-imnut. Is-servizzi finanzjarji personali jinqasmu b'mod naturali fi tliet gruppi: Attivitajiet Bankarji għall-Konsumatur, Prodotti ta' Assigurazzjoni Personali u Prodotti ta' Tfaddil u Investiment.

3.2.2   Attivitajiet bankarji għall-konsumatur (3)

3.2.2.1

Tradizzjonalment, il-klijenti jiksbu s-servizzi bankarji tagħhom b'kuntatt mal-persunal tal-bank fil-fergħat bankarji, hekk kif jistabbilixxu l-identità tagħhom u l-bona fide. Fil-maġġoranza tal-pajjiżi hemm ħafna banek kompetituri ta' xulxin. Għal bank barrani li jidħol f'suq domestiku, huwa aktar prattiku li jikseb bank eżistenti milli joħloq netwerk ġdid, proċess li jieħu l-ħin u li joħloq aktar kompetizzjoni (akkwist ta' l-Abbey National mis-Santander, u ta' l-ABN AMRO mill-Fortis, RBOS u Santander eċċ.). Fil-fatt, l-għażla tal-konsumaturi tiddependi mill-kompetittività tas-swieq nazzjonali, peress li l-konsumaturi jridu jagħżlu bank jew ieħor fis-suq nazzjonali.

3.2.2.2

Il-bank onlajn (internet banking) issa qiegħed jiżviluppa iżda wisq probabbli ser jibqa' attività nazzjonali minħabba li l-isem irid ikun magħruf u fdat mill-klijent u l-bank ikun irid jiddependi mir-regolamenti nazzjonali sabiex jiddetermina l-identità u l-bona fide tal-klijenti tiegħu.

3.2.2.3

Il-bank onlajn u l-bank permezz tat-telefon (telephone banking) jipprovdu aċċess 24/7 għas-servizzi bankarji u dan jirrappreżenta progress enormi maż-żmien meta l-aċċess kien jiddependi fuq il-ħinijiet ta' ftuħ tal-bank.

3.2.2.4

Waqt li l-kompetizzjoni bejn il-banek għall-klijenti li jużaw is-servizzi kollha hija neċessarjament ristretta għall-banek li jipprovdu s-servizzi kollha, hemm ammont sostanzjali ta' “cherry picking” (l-għażla ta' l-aħjar klijenti) speċjalment fil-qasam tal-karti ta' kreditu minn banek bħall-American Express u l-MBNA. Dawn is-servizzi jiġu offruti permezz ta' mezzi diretti ta' bejgħ u huma disponibbli fl-UE kollha kemm hi. Sussegwentament, il-klijenti li għandhom karta ta' kreditu jiġu offruti aċċess għall-ATM u forom estiżi ta' kreditu tal-konsumaturi. B'dan il-mod, il-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw minn kompetizzjoni bejn il-banek nazzjonali u internazzjonali. Madankollu, fl-istess ħin, hemm ir-riskju li d-dejn tal-persuni privati ser ikompli jiżdied.

3.2.2.5

Il-banek għall-konsumaturi ma jillimitawx ruħhom fl-offerti ta' servizzi bankarji għall-konsumatur. B'strateġija sikwit deskritta bħala “Bankassigurazzjoni”, dawn issa joffru prodotti u servizzi li jkopru l-firxa kollha ta' prodotti u servizzi finanzjarji għall-konsumatur. Il-fergħat tagħhom u l-arkivji tagħhom tal-klijenti jipprovdu kapaċità ta' distribuzzjoni ta' valur għoli. Il-banek għandhom tendenza li jużaw isimhom fil-maġġoranza tal-prodotti u tas-servizzi finanzjarji, jew kollha kemm huma, offruti għall-klijenti tagħhom, iżda dawn il-prodotti m'humiex neċessarjament bl-aħjar prezz jew bl-aħjar valur.

3.2.3   Prodotti ta' assigurazzjoni personali (4)

3.2.3.1

L-għażla tal-konsumatur fir-rigward ta' prodotti ta' assigurazzjoni personali hija funzjoni tas-saħħa u ta' l-estensjoni tas-sistema ta' distribuzzjoni indipendenti pprovduta minn intermedjarji bħas-sensara (brokers) u l-konsulenti finanzjarji indipendenti. Ir-rwol tradizzjonalment imwettaq mill-intermedjarju huwa dak li jipprovdi l-aħjar parir għas-sitwazzjoni partikulari ta' ċertu klijent. L-intermedjarju jqis kemm il-valur kif ukoll il-prezz.

3.2.3.2

Bħal fl-attività bankarja, anke f'dan is-settur sar “cherry picking” mill-organizzazzjonijiet ta' assigurazzjoni b'bejgħ dirett, li jfittxu klijenti f'kategoriji b'riskju baxx.

3.2.3.3

In-negozju tal-kumpaniji ta' bejgħ dirett u r-rwol ta' l-intermedjarju issa sabu sfida mis-siti ta' l-internet li joffru paragun onlajn ta' prodotti f'kompetizzjoni, speċjalment fil-qasam ta' l-assigurazzjoni tal-karozza. Din it-tneħħija ta' l-intermedjarji tiffoka fuq il-prezz u għandha tendenza li tagħmel mill-prodott sempliċiment oġġett.

3.2.3.4

Sabiex il-konsumaturi jkollhom l-aħjar għażla possibbli fil-prodotti ta' assigurazzjoni personali, inkluż l-assigurazzjoni tal-karozza, għandu jkun hemm alternattiva għad-distribuzzjoni fil-qasam tal-bankassigurazzjoni. Dan jeħtieġ li ma jkunx hemm restrizzjonijiet kontra l-kompetittività għall-iżvilupp ta' netwerks ta' intermedjarji indipendenti jew għad-distribuzzjoni permezz ta' l-internet.

3.2.4   Prodotti ta' tfaddil u ta' investiment (5)

3.2.4.1

Il-prodotti ta' tfaddil u ta' investiment jikkostitwixxu segment importanti ta' attività għall-banek. Huma wkoll is-segment li joffri l-aktar firxa wiesgħa ta' prodotti f'kompetizzjoni u l-aktar sistema żviluppata ta' intermedjarji indipendenti. Il-kummenti dwar il-prodotti ta' assigurazzjoni personali (ara 3.1.3.4) jgħoddu wkoll għall-għażla tal-konsumaturi f'dan is-segment. Ir-regoli jesiġu li l-persunal tal-banek li jagħtu pariri lill-konsumaturi dwar prodotti ta' tfaddil u ta' investiment iridu, bħala parti mill-parir tagħhom, jispjegaw li bħala impjegati tal-bank huma jistgħu jbiegħu biss prodotti f'isem il-bank u li dawn jistgħu ma jkunux prodotti bl-irħas prezz jew bl-aħjar valur.

3.2.4.2

Il-konsumaturi żgur ser jieħdu vantaġġ mill-iskemi ta' tfaddil sponsorjati mill-gvern f'pajjiżhom. Il-kumpaniji internazzjonali ser jipprovdu prodotti li jikkompetu f'dawn l-iskemi fejn il-volumi huma interessanti u fejn jeżistu mezzi ta' distribuzzjoni.

3.2.4.3

L-ipoteki huma prodott essenzjali għall-konsumaturi. Is-swieq nazzjonali l-aktar żviluppati huma kkaratterizzati mill-preżenza ta' ħafna fornituri ta' ipoteki apparti l-banek u netwerk sofistikat ħafna ta' konsulenti indipendenti appoġġjati minn attività intensiva ta' marketing dirett. Il-kompetizzjoni ħolqot suq estremament inventiv b'abbundanza ta' offerti ta' prodotti differenti u ammont tajjeb ta' konsumaturi li jibdlu l-fornituri ta' ipoteki hekk kif jinbidlu t-termini u l-kondizzjonijiet. B'daqstant għażliet, il-klijenti għandhom bżonn l-aħjar parir possibbli mill-konsulenti tagħhom.

3.2.4.4

Il-pensjonijiet personali, l-investimenti kollettivi, l-istokks u l-ishma, u d-derivattivi mill-borża huma wkoll prodotti sofistikati li jeħtieġu l-aħjar parir ibbażat fuq fehim iddettaljat taċ-ċirkustanzi tal-klijent. Għalhekk il-klijent għandu jkollu aċċess għal konsulenti u intermedjarji kompetenti li min-naħa tagħhom ikollhom aċċess għal firxa wiesgħa ta' għażliet ta' prodotti. Bħalma ssemma qabel, il-konsulenti impjegati mill-banek iridu jimpenjaw ruħhom b'mod partikulari li jagħtu l-aħjar parir.

3.2.5

L-enfasi fil-Green Paper hija fuq kif il-klijenti tas-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw mis-suq waħdieni. Il-kwistjoni ċentrali hija d-diviżjoni bejn il-banek għall-konsumaturi u l-bqija ta' l-industrija. Il-banek għandhom pożizzjoni fl-attività bankarja għall-konsumatur li ma tistax tiġi attakkata u dan ifisser li għandhom poter uniku fis-suq peress li l-utenti kollha tas-servizzi finanzjarji diġà huma l-klijenti tagħhom. In-natura tal-parir mogħti mill-persunal tal-bank hija ċentrali għat-tħaddim tas-suq minħabba li fl-oqsma tal-prodotti ta' assigurazzjoni personali u tal-prodotti ta' tfaddil u ta' investiment, hemm prodotti alternattivi u sistemi alternattivi ta' distribuzzjoni li l-klijenti għandhom jikkunsidraw jekk iridu li jkollhom aċċess għal dak kollu li joffri s-suq.

3.2.6

Għalhekk, il-preżenza ta' netwerk ta' intermedjarji kwalifikati u t-tfaċċar ta' mezzi ta' distribuzzjoni fuq l-internet għall-prodotti huma element essenzjali għat-tħaddim tas-suq.

3.3   Sommarju u riżultati tas-seduta pubblika

3.3.1

Matul seduta organizzata mill-KESE ħarġu numru ta' aspetti ta' importanza kritika, li kienu diġà tqajmu mill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi, tan-negozji u tal-ħaddiema fir-risposti li kienu tniżżlu fid-dokumenti li ntbagħtu lill-Kummissjoni.

3.3.2

Id-dibattitu enfasizza l-qbil li jeżisti fuq dawn l-objettivi proposti mill-Kummissjoni u d-diffikultajiet konkreti li jeżistu f'ċerti oqsma. Il-Green Paper ma tispjegax kif jistgħu jingħelbu r-restrizzjonijiet legali, fiskali (bħal-liġi dwar il-money laundering u dwar il-finanzjament ta' attivitajiet terroristiċi, li jeħtieġu li l-klijent ikun personalment identifikabbli (know your customer) sabiex jinfetaħ kont bankarju jew sabiex jitwettqu ċerti transazzjonijiet finanzjarji) u l-ostakoli għall-integrazzjoni sħiħa tas-swieq, u tenfasizza b'mod negattiv il-frammentazzjoni tas-suq tal-konsumaturi, kważi ssejjaħ għal aktar proċeduri għall-konsolidazzjoni tas-suq nazzjonali, u fuq kollox, transnazzjonali.

3.3.3

L-operaturi jħossu li d-domanda għall-mobbiltà ġiet issopravalutata u jitolbu għal verifika bir-reqqa u ddettaljata tad-domanda effettiva tas-suq, peress li jemmnu li d-dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sistema Ewropea ta' pagamenti kellhom jikkontribwixxu għal tnaqqis fl-interess tal-konsumatur. It-talba sabiex tiġi mmodifikata s-sistema kollha tan-numerazzjoni tal-kontijiet Ewropej sabiex tittejjeb il-mobbiltà tan-numri personali tidher eċċessiva, bi ftit vantaġġi waqt li l-ispejjeż, li eventwalment jinġarru mill-konsumaturi, jidhru eżorbitanti.

3.3.4

Mis-seduta ħareġ ukoll il-bżonn li jiġu vvalutati l-miżuri kollha possibbli sabiex jittejbu r-regolamenti fis-settur. L-industrija bankarja titlob li jitnaqqsu l-miżuri obbligatorji, sabiex is-suq ikun jista' jirreaġixxi b'mod spontanju għad-domanda u jsib il-bilanċ ġust f'suq dejjem aktar prudenti u speċjalizzat.

3.3.5

Fil-qasam ta' l-assigurazzjoni, iktar minn dak bankarju, id-domanda fis-settur tal-konsumatur hija ċċentrata fuq is-suq nazzjonali, u l-livell ta' sodisfazzjon tal-klijenti huwa tali (83 %) li m'hemmx xejn x'juri li l-istruttura tad-domanda ser tinbidel. Min-naħa l-oħra, jidher li hemm tħassib dwar il-fatt li dalwaqt ser jiskadu d-dispożizzjonijiet li huma importanti għall-kumpaniji ta' l-assigurazzjoni, partikularment fil-qasam ta' l-assigurazzjoni mill-ġdid, bħar-Regolament 358/2003, u l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ma ġġeddidx ir-Regolament dwar l-eżenzjoni skond il-kategorija (Block Exemption Regulation) fl-2010. Jekk dan ir-regolament ma jiġġeddidx ma tibqax teżisti l-kjarifika legali li dan jiggarantixxi. Il-kumpaniji ta' l-assigurazzjoni jistgħu jwaqqfu, għal raġunijiet ta' prudenza, il-kooperazzjoni pożittiva li attwalment hija assigurata mir-Regolament dwar l-eżenzjoni skond il-kategorija; dan iċaħħad lill-konsumaturi u lill-istess kumpaniji ta' assigurazzjoni mill-benefiċċji tanġibbli tal-kooperazzjoni, fi kliem ieħor il-mobilità tal-konsumaturi, il-paragun tal-prodotti, l-assigurabilità, il-ftuħ tas-swieq għall-SMEs u għall-kumpaniji l-ġodda.

3.3.6

Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema fis-settur finanzjarju indikaw li l-Green Paper ma tagħti l-ebda konsiderazzjoni għar-rwol tal-ħaddiema u tennew it-talba tagħhom għal aktar taħriġ speċifiku, sabiex ikunu jistgħu jilqgħu d-domanda dejjem tikber għal informazzjoni u kjarifika dwar id-diversi għażliet ta' investimenti proposti. Huma enfasizzaw ukoll il-prattiki kummerċjali partikularment aggressivi u s-sistemi ta' bonus u ta' valutazzjoni marbutin mal-ksib tar-riżultati li b'mod regolari jwasslu għall-bejgħ ta' prodotti li m'humiex adattati għall-konsumaturi u li ma jwiġbux għall-bżonnijiet veri tagħhom. Dan il-punt ġie enfasizzat flimkien mal-konsiderazzjonijiet dwar l-aktar kriżi finanzjarja reċenti u l-problemi li nħolqu minħabba n-nuqqas ta' viġilanza integrata tas-swieq li tkun effiċjenti u sinjifikanti, assoċjata mar-rwol dejjem aktar importanti li għandhom il-hedge funds u l-fondi ta' private equity. Ġie enfasizzat ukoll il-bżonn li l-attivitajiet tal-kumpaniji tar-rating (ikkwotar) jiġu ssorveljati, kumpaniji li ta' spiss huma inkarigati mill-emittenti sabiex jivvalutaw il-valur tat-titoli tagħhom, li jwassal għal kunflitt evidenti ta' interessi.

3.3.7

Fl-aħħar, ir-rappreżentanti tal-konsumaturi sejħu għal miżuri ta' tnaqqis radikali tal-burokrazija u tad-diffikultajiet li jopponu l-mobbiltà tal-kontijiet nazzjonali u transnazzjonali, għal pariri informati sew u responsabbli, għal informazzjoni kompluta u li tinftiehem u għal regoli komuni fil-pajjiżi differenti. Kellhom sfiduċja kbira fl-idea ta' reġim uniku fakultattiv (dak li jissejjaħ it-28 reġim) jew fl-armonizzazzjoni tal-liġijiet eżistenti li, kif indikat, huma l-bażi tal-gradi differenti ta' ħarsien fl-UE.

3.3.8

Il-parteċipanti kollha fis-seduta enfasizzaw il-bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-konsumaturi u l-istituzzjonijiet finanzjarji waqt li jirrikonoxxu r-rwol prattiku u speċifiku li jaqdu l-impjegati sabiex itejbu r-relazzjonijiet u jnaqqsu d-distakki.

3.3.9

Il-KESE jemmen li l-kontribuzzjonijiet li saru matul is-seduta kellhom sinjifikat importanti. Huwa jappoġġja l-kummenti li saru u jemmen li dawn huma xhieda tal-bżonn urġenti, wara l-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, li tinfetaħ round table li tlaqqa' d-diversi partijiet interessati sabiex jinstab il-bilanċ ġust bejniethom. Il-KESE ddikjara li huwa lest li jaġixxi bħala koordinatur u faċilitatur f'din it-tip ta' laqgħa.

3.4   Is-suq waħdieni

3.4.1

Il-prinċipju ġenerali wara l-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni huwa l-bżonn li jittejjeb il-benesseri tal-konsumatur. Billi l-konsumaturi għandhom ħafna opportunitajiet sabiex jagħmlu użu mis-servizzi finanzjarji fil-ħajja tagħhom ta' kuljum, it-titjib fis-settur tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur għandu rwol konsiderevoli fil-ksib ta' l-għan ġenerali.

3.4.2

L-Unjoni Ewropea adottat qafas ta' regoli u ta' kontrolli li, bit-tħeġġiġ tas-solidità ta' l-intermedjarji finanzjarji u bil-promozzjoni tal-provvediment ħieles ta' servizzi, kien pass importanti fil-promozzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur finanzjarju.

3.4.3

Barra minn hekk, l-introduzzjoni tal-munita unika flimkien ma' l-effetti tal-Pjan ta' Azzjoni tas-Servizzi Finanzjarji, iffavorixxu l-iżvilupp tas-suq uniku fil-livell tal-klijenti istituzzjonali u s-swieq bl-ingrossa.

3.4.4

Skond il-Kummissjoni, is-suq tal-konsumaturi, min-naħa l-oħra, baqa' ssegmentat ħafna, bir-riżultat li:

l-attività lil hinn mill-fruntieri nazzjonali kollox ma' kollox hija limitata,

hemm differenzi kbar fil-prezzijiet għal servizzi li, b'mod ġenerali, huma simili,

il-konsumaturi għandhom għażla relattivament limitata,

il-profitt ta' l-intermedjarji jvarja b'mod konsiderevoli minn pajjiż għal ieħor.

3.4.5

Filwaqt li jaqbel mal-premessa li t-tnaqqis tal-frammentazzjoni tas-suq tal-konsumaturi huwa xi ħaġa tajba, il-KESE jenfasizza li, bħala regola, is-swieq tal-konsumaturi huma b'mod inevitabbli aktar issegmentati mis-swieq tal-bejgħ bl-ingrossa għal raġuni ovvji relatati mal-frammentazzjoni u d-diversità tad-domanda li huma adattati għaliha; b'riżultat ta' dan, is-suq tal-konsumaturi ma jistax jiġi ġġudikat bil-kriterji applikati għas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa.

3.4.6

Il-KESE jinnota li qegħdin joħorġu mudelli ġodda ta' suq. Is-suq globali qiegħed jinbena permezz ta' proċessi ta' konsolidazzjoni transkonfinali. Il-kumpaniji multinazzjonali fil-qasam bankarju u ta' l-assigurazzjoni qegħdin jiċċentraw l-istrateġiji tagħhom ta' akkwist fuq it-tisħiħ tal-mobbiltà ta' l-offerta. Is-suq Ewropew qiegħed isir is-suq domestiku għal xi gruppi prinċipali, u dawn m'humiex jinkwetaw dwar l-offerta tas-servizzi u tal-prodotti tagħhom minn Stat Membru ieħor iżda aktar dwar iż-żjieda fil-volum u l-opportunitajiet permezz ta' dħul dirett fis-swieq nazzjonali waħdiena, waqt li jistabbilixxu lilhom infushom minn ġewwa. Il-kompetizzjoni ħarxa għall-akkwist ta' bank Olandiż prinċipali hija xhieda ta' dan.

3.4.7

Madankollu, dawn il-proċessi ta' konsolidazzjoni transkonfinali qegħdin ikollhom jew jistgħu jkollhom riperkussjonijiet negattivi ħafna fuq l-impjieg. Id-dikjarazzjonijiet rigward akkwisti possibbli jiġu segwitu minn aħbarijiet ta' telf ta' għexieren ta' eluf ta' postijiet tax-xogħol anke jekk fil-prattika dan it-telf mhux dejjem iseħħ. Il-KESE diġà enfasizza dan ir-riskju ta' kriżi soċjali u ppropona kontro-miżuri adegwati, bħal skemi ta' taħriġ professjonali u ta' taħriġ mill-ġdid u miżuri li jnaqqsu l-effett tal-qgħad (6), li barra minn hekk jiddaħħlu f'ħafna ftehimiet kollettivi fis-settur bankarju Ewropew. Isir frankar ta' l-ispejjeż iżda m'hemmx benefiċċji sinjifikanti għall-konsumaturi peress li n-negozji għandhom tendenza li jibbażaw is-sistema tagħhom ta' l-ipprezzar fuq is-suq lokali, u l-benefiċċji mistennija mill-introduzzjoni ta' atturi ġodda fuq is-suq qegħdin idumu sabiex jidhru.

3.4.8

Ir-redditu ekonomiku potenzjali mill-iżvilupp tas-suq uniku huwa strutturalment aktar baxx mill-benefiċċji ta' dħul dirett fis-swieq nazzjonali, kemm f'termini ta' ekonomiji ta' skala kif ukoll f'termini ta' pożizzjoni. Dan ifisser li l-benefiċċji potenzjali għall-intrapriżi jitqiesu negliġibbli, u dan għandu jitqies bħala l-punt ta' tluq sabiex jiġu analizzati b'mod konkret il-miżuri li jistgħu jittieħdu.

3.4.9

Bla dubju, il-KESE jaqbel ma' l-għan li jitneħħew l-ostakoli artifiċjali kollha għas-suq waħdieni. Għalhekk huwa jitlob li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji għal dan il-għan, iżda jenfasizza wkoll il-bżonn li l-miżuri li jittieħdu jkunu effettivament immirati u sabiex il-proporzjon tagħhom ta' spejjeż/benefiċċji jkun ċar u evidenti.

4.   L-informazzjoni tal-konsumaturi u t-taħriġ professjonali għall-operaturi

4.1

Skond il-KESE, hemm bżonn urġenti li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżdiedu l-kompetenzi u l-għarfien tal-konsumaturi sabiex huma jkunu jistgħu jagħmlu għażliet b'mod responsabbli. Informazzjoni essenzjali u kompluta hija indispensabbli għall-ħarsien tal-konsumaturi filwaqt li dejjem jitqies li l-prodotti u s-servizzi finanzjarji ma jistgħux jitqabblu ma' prodotti u servizzi oħrajn.

4.2

Il-KESE jemmen li għandha ssir distinzjoni bejn informazzjoni u parir. L-ewwel waħda għandha tingħata lill-konsumaturi bħala obbligu u għandha tkun adattata għall-profil ta' kompetenza u ta' riskju tal-klijent, li għandu jkun imwissi bil-possibbiltà ta' nases li jista' jiltaqa' magħhom. It-tieni wieħed huwa servizz professjonali li għandu jingħata meta mitlub, u dan jista' jinkludi wkoll responsabbiltà għall-konsulent. Wieħed mhux dejjem jifhem b'mod suffiċjenti id-differenza. F'ċerti Stati, dawn is-servizzi jiġu pprovduti minn professjonisti indipendenti, bħal fil-każ tar-Renju Unit, f'oħrajn minn impjegati ta' istituzzjonijiet finanzjarji, li jistgħu jsibu ruħhom f'kunflitt ċar ta' interessi bejn il-ħtieġa li jbiegħu prodotti finanzjarji li jistgħu jkunu marbutin ma' sistemi ta' bonus u l-ħtieġa li jieħdu ħsieb il-klijent li qiegħed jafda fil-kapaċità professjonali tagħhom.

4.3

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li dan l-argument jiġi indirizzat permezz ta' regoli ċari dwar is-suġġett, sabiex jiġu miġġielda ċerti prattiki li jistgħu joħolqu kunflitt ta' interess, inċentivi għall-bejgħ tal-prodotti u sistemi ta' bonus għall-impjegati bejjiegħa, mislufin mid-distribuzzjoni kummerċjali u marbuta ma' objettivi ta' bejgħ ta' prodotti speċifiċi. Il-KESE jirrakkomanda li jinfetaħ dibattitu speċifiku bejn in-negozji, il-konsumaturi u l-ħaddiema tas-settur, bħala l-ewwel pass sabiex tiġi sodisfatta domanda primarja tal-konsumaturi marbuta mal-fiduċja għal trasparenza mill-imġiba tal-kumpaniji bankarji u ta' assigurazzjoni.

4.4

Sabiex tkun tassew effettiva, l-informazzjoni għall-konsumaturi għandha tqis id-diversità kulturali u l-fatt li m'hemmx soluzzjoni waħda li tista' titqies l-aħjar, jiġifieri li l-obbligi ta' informazzjoni għandhom jissawru fuq is-sitwazzjonijiet nazzjonali differenti. Hija prevista sistema minima ta' standards komuni ta' protezzjoni fil-livell Ewropew bħal dak li l-Kummissjoni daqt tipproponi. Għandu jitqies ukoll il-fatt li d-Direttiva MiFID tinkludi l-parir bħala servizz ta' investiment. Dan il-parir, madankollu, isir attività ristretta. Fil-provvediment tas-servizz ta' parir, il-MiFID tiggarantixxi lill-investitur livell għoli ħafna ta' ħarsien: il-konsulent huwa obbligat li jakkwista l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jivvaluta kemm huma adegwati r-rakkomandazzjonijiet li saru. Hemm bżonn li tiġi identifikata l-attività ta' konsulenza sabiex din tkun tista' tiġi ddistingwita b'mod ċar mill-pariri ġenerali pprovduti permezz tan-netwerks ta' distribuzzjoni u sabiex jiġi ċċarat l-iskop ta' l-applikazzjoni ta' l-obbligi aktar rigorużi.

4.5

L-intermedjarji huma obbligati li jieħdu l-passi kollha raġonevoli sabiex jidentifikaw il-kunflitti ta' interess u jiġġestixxuhom b'tali mod li jevitaw milli jolqtu ħażin l-interessi tal-klijent. Jekk il-miżuri adottati għall-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess ma jkunux biżżejjed sabiex jassiguraw, b'ċertezza raġonevoli, li r-riskju ta' danni għall-interessi tal-klijenti ser jiġi evitat, l-intermedjarji għandhom jinfurmaw lill-klijenti b'mod ċar u qabel ma jaġixxu għalihom, bin-natura ġenerali u bis-sorsi tal-kunflitt ta' interess. B'mod ġenerali l-intermedjarji huma obbligati li jaqdu mill-aħjar l-interessi tal-klijent.

4.6

Il-KESE jirrakkomanda lill-kumpaniji bankarji u ta' l-assigurazzjoni sabiex jiżviluppaw b'mod partikulari taħriġ professjonali speċifiku għall-impjegati tal-banek u ta' l-assigurazzjoni li jippromovu u jbiegħu servizzi u prodotti finanzjarji. Il-kuntatt bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-konsumaturi jsir permezz ta' l-operaturi, li għandhom ikunu f'pożizzjoni li jkunu jafu tajjeb il-karatteristiċi tal-prodotti u servizzi finanzjarji ħalli min-naħa tagħhom ikunu jistgħu jagħtu parir tajjeb lill-klijenti. Is-sistema ta' Ċipru, li hija bbażata fuq il-mudell Brittaniku u tinkludi l-obbligi li jiġi iddeterminat il-profil ta' riskju tal-klijent, u tikseb informazzjoni sħiħa u korretta, uriet l-effiċjenza tagħha. Il-livell ta' sodisfazzjon tal-konsumaturi hemmhekk huwa għoli ħafna. Il-konsumaturi huma mħarsa aħjar meta l-operaturi jkollhom aktar kompetenza. Bħala parti mid-djalogu soċjali settorjali, u b'rispett għall-indipendenza tad-diversi partijiet fid-djalogu soċjali, il-Kummissjoni għandha tippromovi programm speċifiku dedikat għall-iżvilupp tat-taħriġ ta' l-operaturi tal-bejgħ responsabbli mis-servizzi finanzjarji u prodotti, per eżempju permezz ta' proġett konġunt bejn l-assoċjazzjonijiet Ewropej ta' banek u assigurazzjoni u l-Federazzjoni Ewropea tat-Trade Unions għas-settur, Uni-Europa Finance.

Il-prodotti finanzjarji

4.7

Hemm żjieda fil-bejgħ ta' prodotti finanzjarji identiċi li jinbiegħu taħt ismijiet differenti. Il-klijenti xi kultant jiġu mistiedna jixtru prodotti u servizzi li ma jikkorispondux eżattament għall-bżonnijiet attwali tagħhom, u r-riskju ta' dejn eċċessiv, speċjalment bħala kreditu għall-konsum, qiegħed joħloq problemi sostanzjali għall-familji kif ukoll għall-kumpaniji speċjalizzati. Fl-Istati Uniti, l-iffinanzjar ta' l-ekonomija wasslet għall-kriżi ta' self ipotekarju b'riskju għoli (subprimes). Qisha ittra katina enormi li rat l-involviment mhux biss ta' istituzzjonijiet speċjalizzati, iżda wkoll ta' investituri prinċipali li ssottoskrivew b'mod liberu, għal biljuni ta' dollari, ishma b'rendiment għoli marbut ma' riskju għoli. Il-kriżi laqtet lis-swieq finanzjarji kollha u wriet il-limiti ta' sistemi ta' viġilanza pjuttost liberi, bħal fil-każ tar-Renju Unit. Dan jitlob għal reviżjoni u tisħiħ tat-tielet livell tal-proċess Lamfalussy, dwar il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Fl-Ewropa, l-impatt fuq is-suq finanzjarju kien relattiv, għalkemm f'xi pajjiżi li jadottaw prattiki bankarji simili, per eżempju permezz ta' self mill-ġdid għad-djar b'mod kostanti, qegħdin jiltaqgħu ma' diffikultajiet serji minħabba żjieda fir-rati. Il-problema prinċipali kienet it-telf fil-valur tad-dollaru, li mbotta lill-euro lejn livelli rekord, li kkomprometta s-sitwazzjoni ekonomika moderatament pożittiva ta' l-Ewropa (ara l-Opinjoni ECO 202, rapporteur: is-Sur Derruine).

4.8

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni hija aktar favorevoli għall-adozzjoni ta' sistemi fakultattivi, magħrufa bħala t-“28 reġim”, milli kienet fil-passat. F'dan ir-rigward, hija tirreferi għall-kummenti li diġà saru fl-opinjoni dwar il-White Paper dwar il-Politika għas-Servizzi Finanzjarji 2005-2010 (7).

4.9

F'linja parallela ma' reġim Ewropew fakultattiva, għandha tiġi adottata kodiċi Ewropea ta' etika, iddefinita b'mod indipendenti mill-operaturi, diskussa u maqbula mad-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni u ma' l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti ta' l-utenti u tal-ħaddiema tas-settur, li jittrattaw b'mod speċifiku r-relazzjoni bejn l-intrapriża u l-klijent fil-kuntest tas-servizzi finanzjarji, kif ukoll il-pjanijiet possibbli tad-direttiva li qiegħda tiġi diskussa.

4.10

Fit-18 ta' Lulju 2007, matul dikjarazzjoni li saret fuq l-istedina tas-sezzjoni speċjalizzata INT tal-KESE, il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Konsumatur, is-Sinjura Meglena Kuneva ddikjarat li ġew stabbiliti tliet objettivi prinċipali fir-rigward ta' l-istrateġija tal-politika għall-konsumaturi għall-2007-2013:

it-tisħiħ tal-konsumaturi;

l-iżvilupp tal-benesseri ekonomiku u mhux ekonomiku tal-konsumaturi Ewropej;

il-ħarsien b'mod effettiv tal-konsumaturi.

Sabiex jinkisbu dawn l-objettivi, f'Mejju li għadda l-Kummissjoni ressqet proposta għal Direttiva dwar il-kreditu tal-konsumatur lill-Kunsill, li fuqha ntlaħaq ftehim politiku.

4.10.1

Il-proposta għal Direttiva tistabbilixxi l-parametri sabiex il-konsumaturi jiġu pprovduti b'informazzjoni kompluta, li tinftiehem u li tista' titqabbel dwar l-offerti ta' kreditu; formula kompletament armonizzata għall-kalkolu tar-Rata Annwali Globali ta' Interessi u l-Mudell Uniku Ewropew li jinkludi informazzjoni prekontrattwali, dritt ġdid għall-konsumaturi li jirrinunzjaw minn kuntratt ta' kreditu fi żmien 14-il ġurnata mingħajr ma jħallsu multi, u dritt li l-kreditu jitħallas qabel iż-żmien.

4.10.2

Il-Kummissarju enfasizzat ukoll l-intenzjoni tagħha li ssaħħaħ “il-kapaċita li l-konsumaturi jifhmu l-mekkaniżmi finanzjarji”. L-ewwel u qabel kollox din hija kwistjoni ta' informazzjoni, iżda punt ieħor li għandu jiġi żviluppat huwa l-edukazzjoni finanzjarja għall-konsumaturi, li għandha timxi id f'id u mhux tissostitwixxi l-bżonnijiet ta' informazzjoni.

4.10.3

Il-KESE jappoġġja bi sħiħ l-objettivi tal-Kummissarju Kuneva u qiegħed iħejji opinjoni sabiex jivvaluta dawn il-proposti.

5.   L-objettiv ta' tħaddim

5.1

L-objettiv ta' tħaddim tal-Green Paper huwa li jnaqqas is-segmentazzjoni tas-suq finanzjarju tal-konsumaturi u jneħħi l-ostakoli legali u ekonomiċi għall-mobbiltà tal-klijenti. Wara li stabbilixxiet il-kondizzjonijiet għall-mobbiltà ta' l-offerta, l-Unjoni Ewropea trid li tlesti l-istampa billi tappoġġja l-mobbiltà tad-domanda.

5.2

Il-produzzjoni ta' l-istandards meħtieġa hija spiża fiha nnifisha u f'termini ta' aġġustamenti li huma meħtieġa mid-diversi partijiet interessati, speċjalment l-intermedjarji. Il-KESE jaqbel li l-inizjattivi għandhom jitniedu biss jekk il-benefiċċji għall-pubbliku huma sinijifikanti u hemm possibbiltà kbira li dawn jinkisbu. Il-KESE japprezza wkoll ix-xewqa li jiġu kkontrollati l-konsegwenzi ta' inizjattivi adottati sabiex jivverifikaw jekk ir-riżultati jaqblux ma' l-istennijiet u jiġu rtirati azzjonijiet li jidhru mhux sodisfaċenti. Madankollu, irid jintwera li l-ispejjeż ta' inizjattivi mhux sodisfaċenti, li għandhom jiġu rtirati, jistgħu jkunu wkoll għoljin ħafna, u l-esperjenza turi li dawn l-ispejjeż jistgħu jgħaddu għand il-konsumaturi, li jżidu aktar milli jiffaċilitaw id-diffikultajiet tagħhom.

5.3

F'dan ir-rigward, il-KESE jindika li f'ħafna każijiet, dan it-tip ta' proċess ta' modifika ta' l-istat inizjaliverifika ta' l-impattritorn possibbli għall-istat inizjali jista' jkun iktar dikjarazzjoni ta' ħsieb milli pjan ta' azzjoni li effettivament jista' jitwettaq. Dan huwa peress li fis-servizz finanzjarju, il-mudelli kulturali, ir-relazzjonijiet ta' fiduċja u l-esperjenza akkumulata għandhom rwol fundamentali x'jaqdu fit-tiswir tad-dinamiċi kummerċjali u kompetittivi. Il-biċċa l-kbira ta' l-azzjonijiet għandhom impatt fuq dawn l-elementi, li jimmodifikawhom b'mod irrevokabbli bil-konsegwenza li ma jkunux jista' jinkiseb l-istat inizjali sempliċiment billi jiġu rtirati l-azzjonijiet li ma ssuperawx b'mod pożittiv il-verifika ta' impatt. Għal din ir-raġuni, il-KESE jispera li l-Kummissjoni ma tkunx ottimista żżejjed fil-possibbiltà li jiġi stabbilit mill-ġdid l-istat inizjali ta' tluq hekk kif ir-riżultati ta' l-azzjonijiet li ttieħdu ma jkunux adegwati.

6.   L-aċċess transkonfinali għas-servizzi finanzjarji

6.1

Il-Green Paper tikkunsidra li l-frammentazzjoni tas-suq finanzjarju tal-konsumaturi ser jibqa' b'mod ġenerali kif inhu fuq il-perijodu medju sakemm ma jsirux sforzi sabiex jitneħħew l-ostakoli li jimpedixxu l-mobbiltà tal-konsumaturi bħan-nuqqas ta' omoġeneità fir-regoli u fil-miżuri għall-ħarsien tal-konsumaturi, skemi fiskali differenti, frammentazzjoni u inkompatibbiltà ta' l-infrastrutturi operazzjonali li fuqhom jistrieħu s-servizzi finanzjarji.

6.2

Il-KESE jaqbel li l-mobbiltà tal-klijenti hija fattur importanti fl-iżvilupp, kemm tal-kwalità kif ukoll ta' l-effiċjenza, tas-settur tas-servizzi finanzjarji. Madankollu, il-Kumitat jinsisti li l-objettivi stabbiliti fir-rigward ta' l-aċċess transkonfinali għas-servizzi finanzjarji m'għandhomx ikunu ottimisti żżejjed.

6.3

Il-mobbiltà tal-konsumaturi tista' tkun intiża kemm f'termini ġeografiċi (l-akkwist ta' prodott minn post li huwa 'l bogħod mir-residenza proprja) jew ta' relazzjoni (l-abbiltà li l-fornitur jinbidel faċilment). Iż-żewġ tipi ta' mobbiltà, għalkemm huma distinti bħala kunċetti, huma relatati mill-qrib.

6.4

Għallinqas potenzjalment, is-settur tas-servizzi jista' joffri mobbiltà ġeografika akbar mis-settur ta' l-oġġetti ta' konsum, peress li jitnaqqas il-piż rappreżentat mill-fiżiċità ta' l-oġġetti skambjati. Per eżempju, ix-xiri ta' karozza barra l-pajjiż jinvolvi problemi sostanzjali ta' trasport li ma jkunux hemm meta l-oġġett tat-transazzjoni huwa servizz “intanġibbli” li jivjaġġa fuq l-“awtostradi ta' informazzjoni” flok fuq it-tarmak.

6.5

Min-naħa l-oħra, hemm ostakolu għall-mobbiltà tar-relazzjonijiet fis-settur tas-servizz fis-sens li l-kwalifika tagħhom ta' prodott “intanġibbli” sikwit jagħmluha diffiċli li s-servizzi jiġu evalwati u mifhuma b'mod sħiħ, bil-konsegwenza li r-relazzjoni ta' fiduċja bejn il-bejjiegħ u x-xerrej issir partikularment importanti. Fis-settur finanzjarju, ir-relazzjoni bbażata fuq il-fiduċja hija eċċezzjonalment importanti peress li l-maġġoranza tal-prodotti huma speċifiċi u jinvolvu impenji fuq perijodu fit-tul bejn il-bejjiegħ u x-xerrej. Hemm ħafna raġunijiet sabiex jiġi spjegat għalfejn il-konsumaturi jsibuha aktar diffiċli li jiffurmaw relazzjoni ta' fiduċja ma' l-intermedjarji li m'humiex direttament preżenti f'pajjiżhom.

6.6

Aspett ieħor li m'għandux jiġi sottovalutat huwa l-mezz li bih il-konsumaturi jipperċepixxu l-prodott. Fil-każ ta' oġġetti tanġibbli, il-prodott huwa perċeput permezz tas-sensi, li b'mod ċar, m'humiex suxxettibbli għall-ostakoli lingwistiċi jew kulturali. Il-konsumaturi ma jistgħux jaraw jew imissu s-servizzi finanzjarji, iżda jiffurmaw l-impressjonijiet tagħhom mid-deskrizzjoni tagħhom fil-pamflets ta' informazzjoni u fil-klawżoli kuntrattwali; għalhekk il-problema lingwistika u kulturali m'għandhiex tiġi sottovalutata. Il-konsumaturi jistgħu effettivament jixtru servizzi barra l-pajjiż jekk għandhom għarfien tal-lingwa u tal-prattiki finanzjarji prinċipali tal-pajjiż ta' l-intermedjarju. Sabiex jitneħħa dan l-ostakolu tista' tiġi prevista l-impożizzjoni ta' tip ta' multilingwiżmu fl-informazzjoni u fil-kuntratti. Għalhekk, il-KESE jemmen li la jkun realistiku u lanqas korrett li l-intermedjarji jkunu obbligati li jabbozzaw pamflets ta' informazzjoni u klawżoli kuntrattwali fil-lingwi kollha ta' l-Unjoni. Bl-ebda mod l-ispejjeż ta' inizjattivi bħal dawn, li jsiru kumplessi mill-evoluzzjoni kontinwa tal-prodott, jistgħu jitpattew minn żjieda fil-volum. L-istess Green Paper, fil-fatt, tisħaq li fuq il-perijodu medju, wieħed ma jista' jistenna l-ebda żjieda fil-mobbiltà transkonfinali tal-konsumaturi fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Għalhekk, il-problema ta' l-ostakolu lingwistiku mhix ser tiġi riżolta fuq il-perijodu medju u tista' tkun ostakolu prinċipali għall-aċċess transkonfinali tas-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi.

6.7

Il-Kummissjoni inkarigat grupp ta' livell għoli sabiex jivvaluta s-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-mobbiltà tal-konsumaturi f'konnessjoni ma' kontijiet bankarji. Fit-30 ta' Mejju 2007 ġie ppubblikat rapport interessanti li wera differenzi prinċipali fuq numru sostanzjali ta' punti. L-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jqisu din bħala kwistjoni reali filwaqt li l-esperti ta' l-industrija bankarja ma jqisuhiex bħala problema. Xi wħud jgħidu li l-klijenti huma sodisfatti ħafna u ma jaraw l-ebda bżonn li l-mobbiltà tiġi ffaċilitata, filwaqt li oħrajn iħossu li dawn l-istatistiċi jridu jitqiesu b'attenzjoni kbira peress li s-sodisfazzjon jiddependi mil-livell ta' stennija, u huwa importanti li l-konsumaturi jkollhom l-opportunità li jibdlu l-bank mingħajr problemi: f'dan il-każ, fil-fatt, anke l-konsumaturi sodisfatti jistgħu jbiddlu l-bank jekk isibu offerti aħjar fis-suq.

6.8

Fuq naħa, l-industrija bankarja tenfasizza li l-konsumatur għandu jiffoka essenzjalment fuq is-suq domestiku, fuq in-naħa l-oħra, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jgergru min-nuqqas ta' kompetizzjoni transkonfinali b'riżultat ta' l-ostakoli li jimpedixxu t-tibdil ta' kontijiet u min-nuqqas ta' trasparenza u komparabilità ta' l-offerti, relatati ma' nuqqas ta' fiduċja tal-konsumaturi f'intrapriżi barranin.

6.9

Ir-rapport ta' l-esperti janalizza d-diffikultajiet li jeżistu llum sabiex jinfetaħ kont — il-banek huma kkonċernati mill-ostakoli legali u regolatorji, inkluż il-ħtieġa ta' identifikazzjoni personali stabbilita mil-leġislazzjoni dwar il-ġlieda tal-money-laundering; il-konsumaturi jenfasizzaw nuqqas ta' trasparenza fl-informazzjoni dwar l-offerti u dwar id-dokumentazzjoni meħtieġa u huma jħossu li llum huwa essenzjali li jiġi rikonoxxut id-dritt li jinfetaħ kont kurrenti bażiku, kif rikonoxxut fil-leġislazzjoni ta' xi pajjiżi Ewropej, minħabba l-impossibbiltà li wieħed jipparteċipa fil-ħajja ekonomika u soċjali mingħajr kont kurrenti. Fuq dan il-punt, il-banek enfasizzaw il-libertà ta' kuntratt bħala prinċipju fundamentali ta' l-ekonomija tas-suq, garantita f'ħafna Kostituzzjonijiet.

6.10

Mingħajr ma jixtieq iniedi dibatittu Kostituzzjonali, il-KESE jħoss li huwa essenzjali li “jitnaqqas” id-distakk bejn in-negozji finanzjarji u l-klijenti u li jekk xi pajjiżi demokratiċi b'ekonomiji tas-suq irnexxielhom jistabbilixxu ċerti drittijiet minimi għall-konsumaturi u għaċ-ċittadini, bħad-dritt legali tar-residenti bona fide li jkollhom kont bankarju bħala dritt taċ-ċittadinanza, wieħed jista' jimmaġina li jekk il-leġislazzjoni u l-prattiki nazzjonali jiġu armonizzati ma' dawn il-prattiki tajbin, dawn jistgħu jsawru wirt komuni ta' l-UE. L-UE fil-passat sikwit ħadet vantaġġ mill-esperjenzi pożittivi tal-leġislazzjonijiet lokali u applikatha fl-Istati Membri kollha. F'opinjoni preċedenti, il-KESE sejjaħ sabiex dan id-dritt ta' aċċess jingħata b'mod ġenerali (8).

7.   Objettivi u azzjonijiet li għandhom jittieħdu

It-tnaqqis fil-prezzijiet u ż-żjieda fl-għażla għall-konsumaturi

7.1

Il-Kummissjoni ssostni li l-promozzjoni ta' kondizzjonijiet sabiex tinħolq mobbiltà akbar tal-konsumaturi tista' tiffaċilita l-ksib ta' effett doppju pożittiv: l-offerta ta' firxa akbar ta' għażliet kapaċi jissoddisfaw il-bżonnijiet ħafna aktar diversi bi prezzijiet kompetittivi.

7.2

Għal din ir-raġuni għaddejjin inizjattivi fis-settur bankarju għall-konsumatur li janalizzaw, b'mod partikulari, il-possibbiltà li jiġi promoss iċ-ċaqliq tal-kontijiet bankarji. Qiegħda tiġi kkunsidrata wkoll direttiva dwar it-titjib fiċ-ċaqliq ta' drittijiet komplementari tal-pensjoni.

7.2.1

Il-KESE jikkunsidra li t-tema li kont kurrenti jiġi trasferit ma tistax titħawwad ma' dik tan-numru waħdieni Ewropew. L-adozzjoni ta' numru waħdieni Ewropew iġġorr spejjeż enormi li jkunu totalment mhux iġġustifikati, u li jispiċċaw jitħallsu mill-konsumaturi. It-trasferiment għandu jirreferi għat-transazzjonijiet kollha marbutin mal-kont, bħal pagamenti antiċipati, kontijiet bankarji għall-użu, kontijiet ta' titoli, u ċertament mhux għan-numru tal-kont. L-implimentazzjoni tas-SEPA fil-livell Ewropew hija bbażata fuq il-kodiċi attwali ta' identifikazzjoni IBAN u CIN, li għandhom jibqgħu l-istess. Il-kumpaniji bankarji għandhom jipprovdu għal kooperazzjoni massima sabiex jassiguraw il-mobbiltà tal-kontijiet u t-trasferiment tar-rapporti relatati, possibbilment permezz ta' kodiċi ta' kondotta jew ftehimiet inter-bankarji, bħalma diġà jseħħ f'xi pajjiżi.

7.3

Il-KESE jaqbel li wasal iż-żmien li tiġi eżaminata bir-reqqa l-leġittimità ta' l-ostakoli għall-mobbiltà tal-konsumaturi, bħalma huma l-miżati sabiex jingħalqu l-kontijiet, nuqqas ta' trasparenza fl-informazzjoni u strutturi kuntrattwali tas-servizzi finanzjarji li huma kkalkulati b'mod li jiddiswadu lill-klijenti milli jbidlu prodott jew fornitur. Il-KESE jenfasizza wkoll, madankollu, li restrizzjonijiet teknoloġiċi, regolatorji, fiskali u legali sikwit jistgħu jagħmluha diffiċli li jinħolqu l-kondizzjonijiet tajbin għal-livell ta' mobbiltà tal-konsumaturi suġġerit mill-Kummissjoni. Diffikultà oħra ġejja mill-koeżistenza ma' l-euro, ta' diversi valuti. Iż-żona non-euro għadha tinkludi numru ta' Stati Membri u din il-problema tiżdied ma' dawk li diġà ġew indikati.

7.4

Barra minn hekk, l-isforz sabiex jinħolqu kondizzjonijiet omoġenji fis-settur tas-servizzi finanzjarji huwa mfixkel anke minn ostakoli li nħolqu mill-awtoritajiet nazzjonali fix-xewqa, minnha nnifisha leġittima, sabiex il-konsumaturi jiġu pprovduti garanziji aħjar. Il-Kummissjoni tesprimi l-intenzjoni tagħha li tevita l-limiti fuq l-għażla li m'humiex strettament ġustifikati. Il-KESE madankollu jirrakkomanda li jittieħdu l-prekawzjonijiet meta s-sistema ta' ħarsien lill-konsumaturi tkun qiegħda tiġi standardizzata peress li l-pajjiżi ta' l-UE m'humiex kulturalment u soċjalment daqshekk simili li jiġi ġġustifikat approċċ ċentralizzat ħafna.

8.   It-tisħiħ tal-kunfidenza tal-konsumatur

8.1

L-iskambju ta' l-operazzjonijiet u s-servizzi finanzjarji huwa possibbli meta jkun hemm bażi solida ta' fiduċja bejn iż-żewġ partijiet. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-konsumaturi Ewropej għadhom kemxejn ikkonċernati u suspettużi dwar il-ħarsien u l-garanziji li l-attivitajiet transkonfinali jistgħu joffrulhom. Il-mobbiltà tal-konsumaturi tinkiseb b'mod sħiħ biss meta dawn ikunu verament konvinti li l-ħarsien ta' l-interessi tagħhom ma jiddependix la mill-post li minnu jixtru s-servizzi u lanqas mill-mezz ta' distribuzzjoni li jwassalhom.

8.2

Il-Kummissjoni temmen li l-kwistjonijiet segwenti għandhom jiġu indirizzati sabiex jinkiseb dan il-għan: il-ħarsien ta' l-interessi tal-konsumaturi, il-provvediment ta' qafas regolatorju ċar u affidabbli, l-assigurazzjoni ta' l-aċċess għal sistema adegwata ta' soluzzjonijiet ekstra-ġudizzjarji tat-tilwim u l-promozzjoni tas-solidità ta' l-intermedjarji finanzjarji.

8.3

Il-kwistjoni tal-ħarsien ta' l-interessi tal-konsumaturi hija delikata peress, kif diġà ġie enfasizzat qabel, mhux faċli li jiġi ddefinit qafas regolatorju li jilħaq ix-xewqat u t-talbiet ta' kull Stat Membru: id-diffikultà fl-armonizzazzjoni tal-qafas tal-ħarsien, per eżempju, kif ħareġ matul ir-reviżjoni tad-direttiva dwar il-kreditu ta' konsum, tista' tagħti lill-konsumaturi l-impressjoni li l-livell ta' ħarsien offrut jiddependi sa ċertu punt mill-pajjiż li fih jinxtara s-servizz.

8.4

Fir-rigward taċ-ċertezza tal-qafas regolatorju li jirregola r-rapport kuntrattwali, il-Konvenzjoni ta' Ruma ta' l-1980 tistabbilixxi li l-liġi applikabbli għall-kuntratt hija, fil-prinċipju, definita mill-partijiet. Qiegħda tiġi studjata modifika għal dan il-prinċipju, li għandha tistabbilixxi li l-liġi li għandha tiġi applikata hija dik tal-post ta' residenza tal-konsumatur jekk il-bejjiegħ jiżvolġi l-attività kummerċjali tiegħu f'dak il-pajjiż. Madankollu, l-applikazzjoni tal-liġi tal-post ta' residenza tal-konsumatur mhux ser tistimola l-fornitura ta' prodotti finanzjarji fi Stati Membri oħrajn.

8.5

Id-definizzjoni ċara ta' dan il-prinċipju żgur li ssaħħaħ il-kunfidenza legali tal-konsumaturi, anke jekk din titqabbel parzjalment biss mal-kunċett tal-mobbiltà tal-konsumaturi stabbilita fil-Green Paper. Filfatt, il-Kummissjoni tinsisti li l-attenzjoni għandha ddur ukoll fuq il-mobbiltà transkonfinali tal-konsumaturi, peress li dik ta' l-intermedjarji finanzjarji mhix biżżejjed: il-prinċipju l-ġdid jagħmilha faċli li tiġi ddefinita regola ġenerali u mhux ambigwa meta huwa l-intermedjarju li joffri s-servizzi tiegħu lill-konsumaturi ta' pajjiżi oħrajn, iżda mhux meta huma l-konsumaturi li jfittxu b'mod attiv fornituri ta' servizzi f'pajjiżi oħra.

9.   Il-konsumaturi jingħataw aktar setgħa

9.1

Il-Green Paper — bir-raġun — indikat li l-konsumaturi sikwit juru tħassib li għażla eċċessivament abbundanti ta' prodotti finanzjarji tista' tħawwadhom u għalhekk tkun aktar diffiċli li ssir l-aktar għażla adatta għall-bżonnijiet tagħhom. Fil-fatt, huma biss il-konsumaturi infurmati tajjeb u li għandhom fehim finanzjarju tajjeb li jistgħu verament jisfruttaw il-possibbiltà ta' mobblità internazzjonali akbar fis-suq waħdieni.

9.2

Il-Green Paper tenfasizza li l-kutura medja fil-qasam finanzjarju tal-konsumaturi ġeneralment hija baxxa u hija ostakolu b'saħħtu għall-kapaċità li jsiru għażliet finanzjarji tajba. Barra minn hekk, il-fehma ġenerali hija li l-informazzjoni finanzjarja disponibbli tidher li taqa' f'żewġ estermitajiet, jew banali żżejjed jew ikkumplikata wisq.

9.3

Dawn il-problemi jistgħu għallinqas jiġu megħluba parzjalment jekk il-konsumaturi jkunu jistgħu joqogħdu fuq servizzi indipendenti ta' pariri li jistgħu jgħinuhom jiddeċiedu fl-aħjar interessi tagħhom. Servizzi bħal dawn diġà tnedew bħala esperiment f'Ċipru u fir-Renju Unit u kif id-Direttiva MiFID ser testendi għall-Istati Membri oħrajn, mhux bħala obbligu, iżda bħala alternattiva għas-servizzi offruti direttament mill-intermedjarji. Bħalissa, il-konsumaturi sikwit ifittxu parir mill-fornitur tas-servizz finanzjarju: probabbilment jagħmlu dan minħabba r-relazzjoni ta' fiduċja li tassumi l-fornitura ta' servizz finanzjarju jew minħabba li l-parir offrut mill-bejjiegħ m'għandu l-ebda spiża espliċita. Madankollu, għandu jkun mifhum, li servizz ta' parir li ma jkunx indipendenti jista' jkun ikkondizzjonat minn kunflitt mistur ta' interess li jimpedixxi lill-konsumatur milli jkollu l-istampa kollha ta' l-utilità tas-servizz għalih.

9.4

Il-KESE jinsisti li huma biss l-konsumaturi b'livell tajjeb ta' fehim finanzjarju li jistgħu jifhmu b'mod tajjeb kemm jista' jkun kumpless is-sodisfazzjon tal-ħtiġijiet finanzjarji u, konsegwentement, jistgħu japprezzaw il-valur miżjud tal-parir finanzjarju kompetenti u indipendenti. Għalhekk huwa importanti li din il-kultura finanzjarja tinxtered kif ukoll li l-persuni li jfaddlu jkunu responsabbli ta' l-għażliet tagħhom. L-esperti diġà qegħdin jitkellmu dwar “analfabetiżmu finanzjarju” u minħabba dan ħafna persuni m'għandhomx stampa ċara u ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet awtonomi dwar is-sigurtà finanzjarja tagħhom, b'possibbiltà ta' telf ekonomiku. L-iskola għandha toffri lill-ġenerazzjoni żagħżugħa appoġġ sabiex tinkiseb bażi ta' kompetenza finanzjarja għal għażla għaqlija ta' investimenti fil-futur, b'konsiderazzjoni tar-responsabbiltà ta' l-operaturi tas-swieq finanzjarji.

9.5

Għandha tingħata ħafna attenzjoni lir-riklami, b'mod partikulari dawk li jsiru bl-internet. Ta' spiss ħarġu diskrepanzi qawwija bejn karatteristiċi effettivi tal-prodotti finanzjarji u wegħdiet ta' redditu, bil-għan li l-konsumaturi jitħajru jinvestu f'prodotti finanzjarji speċifiċi. Madankollu, għandu jingħad li dawn il-każijiet rari jinvolvu l-intermedjarji tradizzjonali bħall-banek u l-kumpaniji ta' l-assigurazzjoni, li huma prudenti mir-rapport mal-klijent u, barra minn hekk, soġġetti għal regoli u kontrolli stretti. Il-kompetituri l-ġodda mhux dejjem joperaw f'qafas ċar ta' regoli u lanqas ma jkunu soġġetti għal skemi komprensivi ta' kontroll. Dan kollu jdgħajjef il-pożizzjoni tal-konsumaturi.

Brussell, is-16 ta' Jannar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 309, 16.12.2006, p. 26.

(2)  ĠU C 309, 16.12.2006, p. 26.

(3)  Kontijiet kurrenti u kotba taċ-ċekkijiet, kontijiet ta' tfaddil; kontijiet ta' self u/jew self kurrenti; ħlas fiss, debiti diretti; trasferiment ta' flus (internazzjonali); karti ta' debitu; karti ta' kreditu; aċċess globali għas-sistema ATM.

(4)  Assigurazzjoni għad-dar (bini); assigurazzjoni fuq il-kontenut tad-dar u fuq l-oġġetti personali; assigurazzjoni tal-vetturi; assigurazzjoni ta' l-ivvjaġġar; assigurazzjoni tal-ħajja; assigurazzjoni għas-saħħa.

(5)  Skemi ta' tfaddil awtorizzati mill-Gven b'inċentivi fiskali; ipoteki: b'rati fissi u varjabbli, b'kondizzjonijiet fissi u varjabbli; equity release (kuntratti ta' kreditu għall-konsum iggarantiti permezz ta' ipoteka jew strument simili); pensjonijiet personali prinċipali u supplementari; investimenti kollettivi; SICAVs (Société d'investissement à capital variable — kumpanija ta' investiment b'kapital varjabbli); unit trusts; stokkijiet u ishma; derivattivi per eżempju fondi kkwotati fuq il-borża, kuntratti għad-differenzi, eċċ.

(6)  Idem.

(7)  ĠU C 309, 16.12.2006, p. 26.

(8)  Idem.


17.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 151/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/539/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-tagħmir elettro-mediku użat fil-mediċina veterinarja

COM(2007) 465 finali — 2007/0168 (COD)

(2008/C 151/02)

Nhar is-26 ta' Settembru 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 84/539/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-tagħmir elettro-mediku użat fil-mediċina veterinarja

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Diċembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Salvatore.

Matul il-441 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 u 17 ta' Jannar 2008 (seduta tas-16 ta' Jannar 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'151 vot favur, u astensjoni waħda..

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE japprova l-proposta li temenda d-Direttiva 84/539/KEE dwar it-tagħmir elettro-mediku użat fil-mediċina veterinarja. Id-Direttiva kkonċernata kient mibdula għal xi żmien minn liġijiet Komunitarji attwali oħrajn u jidher li m'għadx fadlilha l-ebda skop għas-suq uniku jew għal kummerċ ma' pajjiżi terzi.

1.2

Il-KESE jinnota li d-deċiżjoni li tiġi rrevokata d-Direttiva 84/39/KEE ġiet approvata mill-Istati Membri u l-industrija wara li saret konsultazzjoni wiesgħa.

1.3

Il-KESE iżomm il-Kummissjoni responsabbli sabiex twettaq kontrolli biex tassigura li l-liġijiet korrispondenti fis-seħħ f'livell nazzjonali jiġu revokato biex ma joħolqux ostakli tekniċi ġodda jew idgħajfu l-benefiċċji mistennija.

2.   Sfond

2.1

Fil-Komunikazzjoni fis-16 ta' Marzu 2005 (COM(2005) 97 finali), il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa għas-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali u Ewropea meta din iżżid il-kompetittività tal-kumpaniji u tnaqqas spejjeż mhux meħtieġa.

2.2

Din il-linja gwida ta' politika giet rinfurzata fl-2006 bid-dokument ta' ħidma ntitolat “L-ewwel rapport ta' progress dwar l-istrateġija għas-semplifikazzjoni ta' l-ambjent regolatorju” (COM(2006) 690 finali), li identifika inizjattivi lesti biex jiġu semplifikati fil-perjodu 2006-2009. Id-Direttiva tal-Kunsill 84/539/KEE, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward tat-tagħmir elettro-mediku użat fil-mediċina veterinarja, kienet waħda mit-43 inizjattiva magħżula.

2.3

Il-kumitat IMCO tal-Parlament Ewropew, li diġà studja l-kwistjoni, iddeċieda li jagħti appoġġ sħiħ lid-Deċiżjoni tal-Kumitat.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati (l-industrija u l-Istati Membri) wasslet għall-konklużjoni li d-Direttiva 84/539/KEE fil-prattika ma kinitx qed tintuża għax l-objettivi u l-garanziji meħtieġa f'dak li għandu x'jaqsam mas-saħħa u s-sigurtà kienu diġà koperti minn liġijiet Komunitarji oħrajn fis-seħħ, fosthom id-Direttiva 93/42/KEE dwar apparat mediku (għal użu uman), u d-direttivi dwar il-makkinarju u l-kompatibbilità elettromanjetika.

3.2

Il-Kummissjoni tinnota li din il-leġislazzjoni m'għadx fadlilhal-ebda skop għas-suq uniku jew għal negozju ma' pajjiżi terzi. Bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta' “forom paralleli”, il-Kummissjoni għalhekk tipproponi r-revoka tad-Direttiva 84/539/KEE sa mill-31 ta' Diċembru 2008. Minn dik id-data 'l hemm, il-marka tal-konformità fl-Appendiċi III m'għandhix tibqà tintuża.

3.3

Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-Istati Membri biex jadottaw id-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 2008.

4.   Kummenti

4.1

Il-KESE japprova l-proposta li tirrevoka d-Direttiva 84/539/KEE u jaqbel mar-raġunijiet biex din iseħħ.

4.2

Il-KESE jinnota li l-verżjonijiet Bulgari, Daniżi, Taljani, Rumeni u Svediżi tat-titlu tad-Direttiva jinkludu l-kelma “uman”: din għandha tiġi mħassra.

4.3

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex twettaq il-kontrolli meħtieġa sabiex tassigura li l-benefiċċji li joħorġu minn din-id-deċiżjoni, fir-rigward ta' tagħmir elettro-mediku użati fil-mediċina veterinarja, ma jiddgħajfux minn liġijiet nazzjonali ġodda li jistgħu joħolqu ostakli inġustifikabbli għall-kummerċ.

Brussell, is-16 ta' Jannar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


17.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 151/12


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward appliances li jużaw il-gass (Verżjoni kkodifikata)

COM(2007) 633 finali — 2007/0225 (COD)

(2008/C 151/03)

Nhar it-22 ta' Novembru 2007, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward appliances li jużaw il-gass (verżjoni kkodifikata)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m'hemm bżonn ta' l-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-441 sessjoni plenarja tiegħu tas-16 u tas-17 ta' Frar 2008 (seduta tas-16 ta' Jannar), b'125 vot favur u astensjoni waħda, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, is-16 ta' Jannar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


17.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 151/12


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjoni ta' apparati tad-dawl u li jagħmlu sinjal bid-dawl fuq vetturi bil-mutur b'żewġ jew bi tliet roti (Verżjoni kkodifikata)

COM(2007) 768 finali — 2007/0270 (COD)

(2008/C 151/04)

Nhar id-19 ta' Diċembru 2007, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjoni ta' apparati tad-dawl u li jagħmlu sinjal bid-dawl fuq vetturi bil-mutur b'żewġ jew bi tliet roti (Verżjoni kkodifikata)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m'hemm bżonn ta' l-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-441 sessjoni plenarja tiegħu tas-16 u tas-17 ta' Jannar 2008 (seduta tas-16 ta' Jannar), b'127 vot favur u astensjoni waħda, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, is-16 ta' Jannar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


17.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 151/13


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija ġdida tas-Saħħa ta' l-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013) fejn “Il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura”

COM(2007) 539 finali

(2008/C 151/05)

Nhar id-19 ta' Settembru 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija ġdida tas-Saħħa ta' l-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013) fejn “Il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura”

Nhar il-25 ta' Settembru 2007, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-441 Sessjoni Plenara tiegħu tas-16 u s-17 ta' Jannar 2008 (seduta tas-16 ta' Jannar) li jaħtar lis-Sur Nielsen bħala rapporteur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b'108 voti favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjoni

1.1

Il-mard kontaġjuż serju jġib miegħu riskju dejjem akbar għall-annimali u l-bnedmin u l-KE għandha ssaħħaħ l-azzjoni tagħha fir-rigward ta' prevenzjoni, sorveljanza u kontroll. Il-KESE jappoġġja l-istrateġija mressqa mill-Kummissjoni u japprezza l-mod serju li bih saret il-ħidma preliminari tagħha. Madankollu huwa tal-fehma li l-impenn fir-rigward ta' pajjiżi terzi għandu jikber u li t-tfassil ta' indikaturi għandu jitqies bħala prijorità minħabba l-importanza fundamentali tagħhom.

1.2

Billi x'aktarx li r-regoli ta' l-UE ser iservu ta' eżempju għall-pajjiżi l-oħra, ikun xieraq li l-UE ssir membru ta' l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta' l-Annimali (Office international des Epizooties — OIE). Il-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi sabiex ikun hemm fehim aħjar tal-leġislazzjoni Komunitarja l-ġdida fil-pajjiżi terzi konċernati u, fil-qafas ta' l-istrateġija ta' esportazzjoni proposta, għandha tagħmel użu tajjeb mill-għarfien u mir-riżorsi ta' l-Istati Membri fil-ġestjoni ta' kriżi.

1.3

Il-kontrolli tad-dwana veterinarji għandhom ikunu msejsa fuq valutazzjoni globali tar-riskji konkreti u għandhom jinkludu spot checks, b'mod speċjali ma' tul il-fruntieri kollha sabiex ixekklu t-traffikar illegali.

1.4

Minkejja l-bżonn ta' funzjonament tajjeb tas-suq intern, għandu jkun possibbli li jkunu delimitati żoni jew segmenti skond kriterji armonizzati u li jkunu rikjesti testijiet u/jew kwarantina, b'konformità ma' l-OIE/Codex.

1.5

Il-ġestjoni hija fattur essenzjali fil-prevenzjoni mill-epidemiji u ta' benesseri ta' l-annimali; għalhekk jeħtieġ li dan l-aspett ikun enfasizzat billi jkunu ffissati esiġenzi fir-rigward ta' taħriġ u ta' parir.

1.6

Ikun xieraq ukoll li jiġi limitat il-ħin ta' trasport għat-trasport ta' l-annimali, speċjalment fuq distanzi twal, sabiex b'hekk jonqos ir-riskju li jinfirex il-mard li jittieħed.

1.7

Il-fond veterinarju u r-responsabbiltà ekonomika ta' l-UE għandhom jinżammu; sabiex tkun evitata kull distorsjoni tal-kompetizzjoni, jeħtieġ li jiddaħħal qafas permanenti u armonizzat għall-kofinanzjament fil-livell nazzjonali. Il-partijiet konċernati għandhom ikunu involuti fit-tfassil tas-sistema ta' finanzjament kif ukoll fl-implimentazzjoni tagħha permezz tal-Kumitat Konsultattiv tas-Saħħa ta' l-Annimali.

1.8

Sabiex il-pubbliku jaċċettah aktar faċilment, it-tilqim għandu jintuża bl-iskop li jiġġieled kontra l-epidemiji, jekk permezz ta' dan ikun possibbli li wieħed jevita l-qtil ta' annimali b'saħħithom. Bħalma tenfasizza l-Kummissjoni, it-tilqim madankollu għandu jintuża fid-dawl ta' għadd ta' kriterji definiti bir-reqqa u skond is-sitwazzjoni partikolari.

1.9

It-trasferiment ta' l-għarfien huwa kruċjali sabiex ir-riċerka tkun applikata kemm għall-produzzjoni, kif ukoll għall-parir u għall-kontroll; f'dak li hu pjan ta' azzjoni fis-settur tar-riċerka msemmi mill-Kummissjoni, dan ukoll għandu jiffoka fuq il-prevenzjoni.

2.   Sinteżi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1

Il-politika ta' l-UE tiġbor fiha aktar minn 300 direttiva; il-biċċa l-kbira tal-punti ewlenin tagħhom tfasslu bejn l-1988 u l-1995, b'rabta ma' sitwazzjonijiet konkreti ta' mard. Il-mard kontaġjuż serju naqas iżda fl-istess waqt tfaċċaw theddidiet ġodda bħalma huma l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, il-bluetongue u l-influwenza tat-tjur, li ħolqu riskji ġodda. Barra minn hekk, il-kummerċ kiber ġmielu u miegħu kiber ir-riskju tat-tixrid tal-mard.

2.2

Fl-istess ħin, permezz ta' l-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku u tal-qafas istituzzjonali, setgħet tiġi adottata strateġija ġdida, aktar razzjonali u ambizzjuża, li l-implimentazzjoni tagħha ġiet proposta għall-perijodu 2007-2013 taħt il-motto “Il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura”. L-għan huwa li jintlaħaq livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika u tas-sikurezza ta' l-ikel, jonqos il-mard ta' l-annimali, ikun żgurat moviment ħieles tal-merkanzija u jkunu promossi modi ta' trobbija ta' l-annimali li jagħtu aktar kas tal-prevenzjoni. Din l-istratreġija tinkludi prijoritizzazzjoni ta' l-intervent ta' l-UE, qafas Komunitarju tas-saħħa ta' l-annimali, il-prevenzjoni, is-sorveljanza u t-tħejjija għall-kriżi u fl-aħħarnett ix-xjenza, l-innovazzjoni u r-riċerka. Il-miżuri konkreti se jitfasslu fil-qafas ta' sħubija li se tieħu l-għamla ta' kumitat konsultattiv tas-saħħa ta' l-annimali; dan se jinkludi rappreżentanti ta' l-industrija, tal-konsumaturi u tal-gvernijiet u se jkollu l-kariga li jipprovdi linji gwida dwar il-livell adattat/aċċettabbli ta' protezzjoni tas-saħħa ta' l-annimali jew tas-saħħa pubblika, dwar l-aħjar mod biex jitfasslu l-miżuri, eċċ.

2.3

Il-prijoritizzazzjoni ta' l-intervent ta' l-UE tikkonsisti f'kategorizzazzjoni tar-riskji bijoloġiċi u kimiċi flimkien ma' valutazzjoni u ġestjoni adattata tar-riskji, it-twaqqif ta' livell ta' riskju aċċettabbli u qsim ċar tar-responsabbiltajiet għall-miżuri differenti. Barra minn hekk, il-kategorizzazzjoni se sservi ta' bażi għat-twaqqif tal-bżonnijiet ta' riżorsi u t-tnedija ta' sistema effiċjenti ta' qsim ta' l-ispejjeż u tar-responsabbiltajiet.

2.4

Il-qafas tas-saħħa ta' l-annimali jista' jieħu l-għamla ta' sensiela ta' miżuri karatterizzata minn standards għoljin u prinċipji komuni. Il-leġislazzjoni ta' l-UE hija bbażata ħafna fuq ir-rakkomandazzjonijiet/standards ta' l-OIE/Codex u tissodisfa l-obbligi tal-Ftehim tad-WTO dwar l-applikazzjoni ta' miżuri sanitarji u fitosanitarji (Ftehim SPS); madankollu, skond il-Kummissjoni, l-UE jmissha toqrob aktar lejn dawn l-istandards. Sadattant, jekk ikun hemm ġustifikazzjoni xjentifika, l-UE tkun tista', f'ċerti każi, iddaħħal jew iżżomm esiġenzi ta' livell ogħla u l-Kummissjoni se tipprova tippromovi b'mod attiv l-istandards ta' l-UE fi ħdan l-OIE/Codex. L-istrateġija timmira lejn titjib tat-tagħrif mgħoddi lis-sħab kummerċjali ta' l-UE f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-importazzjonijiet lejn l-UE, kif ukoll lejn tisħiħ tas-saħħa ta' negozjar ta' l-UE dwar kwistjonijiet relatati ma' l-esportazzjonijiet.

2.5

Il-prevenzjoni, is-sorveljanza veterinarja u t-tħejjija għall-kriżi jinkludu miżuri marbutin ma' l-irziezet, l-identifikazzjoni elettronika u kumbinazzjoni ta' elementi varji tas-sistema ta' traċċabilità għall-annimali ħajjin. Il-bijosigurtà fil-fruntieri ta' l-UE trid titjieb u l-UE għandha toffri assistenza teknika lil ċerti pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiġġieldu kontra l-mard eżotiku. Is-sitwazzjonijiet ta' emerġenza għandhom ikunu trattati b'ħeffa u b'effiċjenza u dan jitlob, fost oħrajn, li ssir prijoritizzazzjoni fil-qasam tas-sorveljanza, jitwaqqfu indikaturi, tinġabar id-data, isir netwerking tal-partijiet konċernati, isiru analiżi tar-riskju, ikunu infurmati l-awtoritajiet pubbliċi u jingħata taħriġ lil dawk involuti.

2.6

It-taqsima dwar ix-xjenza, l-innovazzjoni u r-riċerka għandha tissaħħaħ permezz tan-netwerking ta' l-aġenziji ta' l-UE u tal-korpi nazzjonali. Il-Kummissjoni beħsiebha tfassal pjan ta' azzjoni sabiex timla l-“lakuni” fl-għodod attwali ta' kontroll għas-sorveljanza, id-dijanjożi, it-tilqim u t-trattament u tipprovdi r-riżorsi ekonomiċi meħtieġa permezz ta' kollaborazzjonijiet bi sħab bejn il-qasam pubbliku u dak privat. Barra minn hekk, beħsiebha wkoll tagħti għajnuna lir-riċerka fil-pajjiżi terzi permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali, speċjalment għal mard eżotiku ta' rilevanza għolja jew għal żoonożi li għandhom impatt serju fuq dawk il-pajjiżi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-mard kontaġjuż serju ta' l-annimali jġib miegħu riskju dejjem akbar fil-livell dinji għas-saħħa tal-bnedmin u ta' l-annimali minħabba żjieda kontinwa fil-popolazzjoni u fil-bhejjem, kif ukoll żjieda fil-kummerċ u fil-komunikazzjoni internazzjonali; il-bidla fil-klima ġġib magħha wkoll tibdil fid-distribuzzjoni ġeografika. Żoonożi u mard ieħor jixterdu u jfeġġu mill-ġdid u r-riskju ta' pandemija, bħal fil-każ ta' l-influwenza tat-tjur, qiegħed jikber bla waqfien. Għaldaqstant, l-UE għandha tqiegħed il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra dan il-mard fuqnett fil-lista tal-prijoritajiet tagħha, kemm fuq it-territorju tagħha kif ukoll fil-livell internazzjonali u b'mod speċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

3.2

Il-KESE, bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili, iqis li huwa neċessarju li tkun applikata l-aħjar strateġija possibbli f'dan il-qasam sabiex ikun evitat ir-riskju ta' konsegwenzi gravi fil-livell ekonomiku u soċjali u jikkommetti ruħu li jaġixxi b'mod attiv biex jilħaq dan il-għan, fejn dan ikun possibbli. Huwa jilqa' bi pjaċir il-mod serju li bih saret il-ħidma preliminari tal-Kummissjoni u jappoġġja globalment l-istrateġija proposta, li ħafna minnha diġà ġiet aċċettata mill-partijiet konċernati. L-approċċ ibbażat fuq kooperazzjoni bi sħab huwa essenzjali sabiex jintlaħqu riżultati sodisfaċenti u sostenibbli fil-qasam veterinarju, fejn ir-responsabbiltajiet bilfors huma maqsumin bejn partijiet differenti. Skond il-fehma tal-KESE, dan il-mudell jista' wkoll jiġi meqjus għal oqsma oħrajn fejn l-involviment ta' parti tas-soċjetà ċivili tkun ħaġa tajba.

3.3

L-elementi fundamentali ta' din l-istrateġija, u b'mod speċjali l-għanijiet u l-viżjonijiet, il-valutazzjoni tar-riskju bħala għodda ċentrali, l-enfasi fuq il-komunikazzjoni b'mod ġenerali u fuq il-komunikazzjoni marbuta mar-riskji b'mod partikolari, kif ukoll it-tisħiħ tal-kontroll fil-fruntieri huma lkoll elementi kruċjali jekk irridu nevitaw li jfaqqa' u jixtered mard li jittieħed. Il-komunikazzjoni mmirata lejn gruppi speċifiċi hija essenzjali, l-aktar f'każ ta' kriżi; perċezzjonijiet żbaljati tar-riskju jkollha riperkussjonijiet kemm fuq l-intrapriżi tas-settur, kif ukoll fuq l-awtoritajiet inkarigati mill-kontroll u fuq is-sistema politika, u ġġib magħha rifjut tal-prodotti u teħid ta' miżuri mhux ġustifikati jew sproporzjonati. Ikun xieraq li, ngħidu aħna, nevitaw li s-suq ikollu riperkussjonijiet ħziena minħabba nuqqas mhux ġustifikat ta' sigurtà dwar il-laħam li jkun ġej minn annimali mlaqqmin.

3.4

Ir-rispett tar-regoli ta' l-UE f'dan il-qasam jitlob madankollu li l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jirrispettaw id-deċiżjonijiet tagħhom u l-iskadenzi tagħhom stess f'dak li għandu x'jaqsam mal-preżentazzjoni, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri konkreti, ħaġa li s'issa rari kienet il-każ.

4.   Kummenti speċifiċi

Prijoritizzazzjoni

4.1

Il-prijoritizzazzjoni ta' l-intervent ta' l-UE hija ta' importanza kapitali għal strateġija bbażata fuq il-valutazzjoni tar-riskju u li tiffoka fuq it-theddida għas-saħħa tal-bniedem u fuq il-konsegwenzi ekonomiċi li jġib miegħu l-mard. L-isfida hija li jkun iddeterminat livell ta' riskju aċċettabli u li jkunu imposti esiġenzi ħorox fil-livell tekniku u xjentifiku. Daqskemm huwa importanti u meħtieġ li jintuża l-prinċipju ta' prekawzjoni f'każ ta' theddida ġdida, li għaliha ma tkunx disponibbli deskrizzjoni adattata, sabiex tittieħed azzjoni malajr, daqshekk ieħor huwa importanti li wieħed jaħseb għal strateġija “ta' ħruġ” f'każ li t-theddida tispiċċa jew jekk l-evoluzzjoni xjentifika tiġġustifika ħaġa bħal din.

4.2

L-indikaturi ta' kejl, il-valutazzjoni u l-prijoritizzazzjoni għandhom ikunu ċari, jiftiehmu, operazzjonali u kwantifikabbli u, minħabba l-importanza tagħhom, għandhom isiru l-aktar kmieni possibbli fil-proċess. Huwa għalhekk li dawn l-elementi għandhom jitqiesu bħala waħda mill-ogħla prijoritajiet u għandhom ikunu inklużi fil-kollaborazzjoni bi sħab. Indikaturi sempliċi u ta' min joqgħod fuqhom jiffaċilitaw ukoll il-kejl tal-progress li jkun inkiseb sabiex jintlaħqu l-miri ta' din l-istrateġija.

Qafas regolatorju komuni

4.3

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni li jinħoloq qafas tas-saħħa ta' l-annimali li jieħu l-għamla ta' leġislazzjoni aktar trasparenti u miftuħa, li tiddetermina prinċipji u esiġenzi komuni. Minħabba l-importanza dejjem tikber tal-KE, ikun xieraq li jsiru sforzi biex tintlaħaq konverġenza ma' l-istandards internazzjonali li qegħdin fis-seħħ u biex ikunu influwenzati kemm jista' jkun ir-regoli ta' l-OIE fil-futur, b'mod speċjali dawk li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni. Hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-UE maż-żmien għandha ssir membru ta' l-OIE sabiex issaħħaħ il-koerenza ta' l-istandards, tal-linji gwida u tar-regoli l-oħra ta' din l-organizzazzjoni. Il-leġislazzjoni Komunitarja ghandha tkun ukoll ta' eżempju għall-bqija tad-dinja, u dan jikkontribwixxi sabiex jogħla l-livell tas-saħħa u jingħelbu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Fl-istess waqt, l-UE għandha tipprovdi għajnuna lil ċerti pajjiżi li qed jiżviluppaw u tikkontribwixxi sabiex ikun hemm ftehim aħjar tal-leġislazzjoni Komunitarja l-ġdida fil-pajjiżi terzi konċernati.

4.4

It-tkabbir ta' l-UE u s-suq intern ġabu magħhom żjieda fir-riskju tat-tixrid tal-mard. L-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda għall-ikel u l-agrikoltura (FAO) tul dawn l-aħħar snin wissiet kontra ż-żjieda tar-riskji marbutin mat-trasport ta' annimali fuq distanzi twal, mal-ftuħ ta' rotot ġodda ta' trasport lejn pajjiżi li jinstabu f'sitwazzjoni ta' instabbiltà u mal-konċentrazzjoni ta' mrieħel f'ċerti reġjuni ta' l-UE. Il-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha, esprimiet ix-xewqa tagħha li jintlaħaq bilanċ fit-trasport ta' l-annimali, sabiex il-moviment ħieles iqis kemm ir-riskju li jfaqqa' u jixtered il-mard kif ukoll il-benesseri ta' l-annimali waqt it-trasport. Minħabba r-riskju ta' epidemija u l-bżonn li jkun żgurat il-benesseri ta' l-annimali, il-KESE jqis li huwa xieraq li wieħed jaħseb biex jillimita t-trasport ta' annimali ħajjin.

4.5

Il-finanzjament huwa element essenzjali tal-leġislazzjoni Komunitarja u huwa ta' importanza kapitali li tibqa' tinżamm ir-responsabbiltà komuni f'dak li huwa finanzjament tal-politika veterinarja; għalhekk huwa xieraq li jinżammu l-fond veterinarju u r-responsabbiltà ekonomika ta' l-UE. In-notifikar minnufih ta' kull suspett jew osservazzjoni ta' tifqigħ ta' mard għandu jkun imħeġġeġ u għalhekk m'għandux ikun imxekkel minħabba inċertezzi dwar ir-rimborż ta' l-ispejjeż diretti jew indiretti. Il-proposta dwar sistema ta' kumpens effiċjenti u responsabbli tqajjem għadd ta' mistoqsijiet; jeħtieġ li jitħejjew proposti aktar konkreti bħala bażi għall-valutazzjoni, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' mudell ta' finanzjament armonizzat.

4.6

Il-kofinanzjament fil-livell nazzjonali għandu jitkompla permezz tat-tfassil ta' oqfsa armonizzati u ta' min joqgħod fuqhom għall-finanzjament ta' l-irziezet, sabiex tkun evitata kull distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-qsim ta' l-ispejjeż fuq prinċipji koerenti fl-Istati Membri jitlob li jkunu speċifikati l-ispejjeż u l-qsim tar-responsabbiltajiet kif ukoll ir-relazzjoni ta' bejniethom. Hemm ukoll kwistjonijiet oħra, bħall-involviment tad-diversi partijiet interessati permezz ta' konsultazzjonijiet jew ta' teħid konġunt ta' deċiżjonijiet, kif ukoll l-użu tar-riżorsi b'għan ta' prevenzjoni jew kontroll. L-intrapriżi tas-settur bilfors ikollhom jibqgħu jallokaw parti ta' l-ispejjeż għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-mard u għaldaqstant għandhom ikunu involuti fil-kwistjonijiet marbutin mal-finanzjament permezz tal-kumitat konsultattiv tas-saħħa ta' l-annimali.

4.7

Il-proposta li jsir aktar użu mill-“alternattivi mhux leġiżlattivi għal regolazzjoni” jitlob, b'mod partikolari, li jkunu speċifikati esiġenzi marbuta mal-miżuri ta' prevenzjoni u forom ta' responsabbiltà kollettiva u li jinħolqu mekkaniżmi ta' assigurazzjoni li jkunu kapaċi jwasslu għal ġestjoni aħjar tar-riskji u jnaqqsu l-konsegwenzi ekonomiċi. Il-KESE jammetti l-ħtieġa għal ħsieb dwar dan is-suġġett iżda jqis li ma jistax jikkummenta din il-proposta minħabba li l-ispjegazzjonijiet provduti huma limitati.

4.8

Il-possibbiltà ta' reġjonalizzazzjoni hija importanti għall-ġlieda kontra l-epidemiji, anke jekk il-funzjonament tajjeb tas-suq intern huwa wkoll kundizzjoni essenzjali fil-qasam veterinarju. B'hekk, wieħed jew bosta Stati Membri għandhom ikunu jistgħu jeliminaw marda u jiksbu pożizzjoni speċjali permezz ta' l-armonizzazzjoni tal-kriterji u l-esiġenzi fir-rigward ta' testijiet u/jew kwarantina, b'konformità ma' l-OIE/Codex, sabiex ikunu delimitati żoni jew segmenti, kemm-il darba r-restrizzjonijiet ikunu xjentifikament validi u proporzjonali għar-riskju ta' mard involut.

4.9

S'issa, il-kriżijiet gravi marbuta ma' l-esportazzjoni kienu ġestiti bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz konċernat. F'sitwazzjoni ta' dan it-tip, jeħtieġ li tinsab soluzzjoni rapida u effiċjenti; għalhekk jeħtieġ li tinżamm il-possibilità għal azzjoni individwali. Il-proposta tal-Kummissjoni ssemmi l-iżvilupp ta' timijiet ibbażati lokalment, magħżula minn delegazzjonijiet tal-Kummissjoni, ambaxxati tal-pajjiżi konċernati u diversi organizzazzjonijiet nazzjonali tan-negozju, inkarigati mit-tisħiħ tar-rwol ta' l-UE fir-rigward tan-negozjati dwar il-kundizzjonijiet ta' l-esportazzjoni. Anke jekk il-Kummissjoni tiżgura ftehim aħjar tal-politika Komunitarja, bħalma tipproponi fl-istrateġija tagħha għall-esportazzjoni, u b'hekk tikkontribwixxi għal tnaqqis ta' każijiet dubjużi fil-prattika, xorta waħda jkun xieraq li jkollha pjan ta' azzjoni dettaljat li jippermettilha tirrikorri għall-kompetenza u r-riżorsi ta' l-Istati Membri.

Prevenzjoni, sorveljanza u tħejjija għall-kriżi

4.10

L-esperjenza turi li l-ġestjoni hija wieħed mill-fatturi l-aktar importanti għall-protezzjoni mill-mard u l-benesseri ta' l-annimali u għaldaqstant id-dispożizzjonijiet futuri għandu jkollhom esiġenzi fir-rigward tat-taħriġ u l-parir. Ir-regoli bażiċi tal-bijosigurtà għall-irziezet individwali għandhom jitniżżlu fil-leġislazzjoni, speċjalment l-esiġenza ta' ħolqien ta' faċilitajiet ġodda għall-produzzjoni, bil-konsegwenzi li dan iġib miegħu għall-kumpens fil-każ ta' epidemija; madankollu, kriterji addizjonali u regoli speċifiċi għandhom jitniżżlu bħala linji gwida għat-tipi differenti ta' produzzjoni u bħala kampanja ta' tagħrif li tinvolvi l-awtoritajiet u l-produtturi konċernati. Barra minn hekk, jeħtieġ li tkun indirizzata b'mod preċiż il-kwistjoni ta' l-annimali mrobbija b'delizzju sabiex titqajjem il-kuxjenza għall-ħtieġa ta' miżuri preventivi. Dawn l-annimali għandhom ikunu reġistrati u soġġetti għall-esiġenzi marbutin mal-moviment ta' l-annimali u l-aċċess għall-irziezet.

4.11

F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-iżvilupp fl-Istati Membri ta' kontrolli veterinarji effiċjenti fil-fruntieri, jeħtieġ li ssir valutazzjoni globali tar-riskju konkret li tiddaħħal xi marda u l-konsegwenzi possibbli; jeħtieġ ukoll li jsiru spot checks ma' tul il-fruntieri kollha sabiex jixxekkel il-kummerċ illegali. Barra minn hekk, jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet veterinarji u doganali u li s-sistema tal-kontroll tad-dwana ssir aktar flessibbli permezz ta' approċċ aktar ibbażat fuq ir-riskju, sabiex b'hekk tkun tista' tittieħed azzjoni malajr f'każ ta' riskju ġdid.

4.12

Sabiex il-pubbliku jaċċettah aktar faċilment, it-tilqim għandu jintuża bl-iskop li jiġġieled kontra l-epidemiji, jekk permezz ta' dan ikun possibbli li wieħed jevita l-qtil ta' annimali b'saħħithom. Bħalma tosserva l-Kummissjoni, id-deċiżjoni jekk għandhiex issir tilqima jew le għandha tittieħed skond is-sitwazzjoni partikolari u għandha tkun ibbażata fuq prinċipji u fatturi rikonoxxuti, b'mod partikolari d-disponibbiltà u l-effiċjenza tat-tilqima, il-validità tat-testijiet, il-linji gwida internazzjonali u possibilment l-ostakoli għall-kummerċ, ir-relazzjoni bejn l-ispiża u l-effiċjenza (cost-effectiveness) u r-riskji possibbilment marbuta mat-tilqim. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitkomplew l-isforzi fir-riċerka u l-iżvilupp f'dan il-qasam.

Xjenza, eċċ.

4.13

Ix-xjenza, l-innovazzjoni u r-riċerka huma elementi kruċjali jekk irridu nilħqu l-miri definiti fl-istrateġija. Dan jitlob li r-riċerka tkun tista' tiġi applikata kemm għall-produzzjoni, kif ukoll għall-parir u għall-kontroll u b'hekk tkun tista' tkattar il-possibbiltajiet ta' trasferiment ta' l-għarfien. Din l-osservazzjoni tgħodd ukoll għall-pjan ta' azzjoni fis-settur tar-riċerka tal-Kummissjoni.

Brussell, is-16 ta' Jannar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


17.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 151/16


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rrispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni tat-trasportatur bit-triq

COM(2007) 263 finali — 2007/0098 (COD)

(2008/C 151/06)

Nhar is-16 ta' Lulju 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 71 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rrispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni tat-trasportatur bit-triq

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Diċembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Barbadillo.

Matul l-441 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 u fis-17 ta' Jannar 2008 (seduta tas-16 ta' Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'unanimità.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li tirregola d-dħul għall-professjoni tat-trasportatur bit-triq permezz ta' regolament, u għalhekk jiġi evitat li jkun hemm differenzi fit-traspożizzjoni tal-leġislazzjoni mill-Istati Membri. L-adozzjoni ta' dan ir-regolament iwassal għat-tħassir tad-Direttiva 96/26/KE.

1.2

Il-KESE jilqa' b'mod favorevoli din il-proposta peress li din tarmonizza r-regoli ta' dħul għall-professjoni u għas-suq tat-trasportaturi bit-triq ta' passiġġieri u ta' merkanzija, u b'hekk tikkontribwixxi għat-twettiq ta' l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Lisbona permezz ta' regoli aktar ċari, aktar sempliċi u li jistgħu jiġu kkontrollati aħjar. Dan għandu jwassal għal kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni aktar ġusti f'dan is-settur.

1.3

Dan ir-regolament il-ġdid, li jimmodernizza r-regoli ta' d-dħul għall-professjoni tat-trasportatur bit-triq bl-introduzzjoni ta' reġistri elettroniċi, hija konformi mal-“Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea”.

1.4

Ir-regolament joħloq il-kariga ta' “maniġer tat-trasport”, li huwa l-persuna li kontinwament u effettivament tmexxi l-impriża u li meħtieġ li jkollha livell għoli ta' taħriġ. Jistabbilixxi wkoll regoli aktar stretti rigward ir-rabtiet tiegħu ma' l-impriża. Il-KESE jixtieq li jitwaqqaf “il-ksib illeċitu tal-kwalifiki” fil-każ fejn il-kap ta' l-impriża huwa persuna fiżika li m'għandhiex il-kwalifiki meħtieġa.

1.5

Il-Kumitat jikkunsidra li huwa neċessarju li r-regolament jinkludi lista ta' kategoriji, tipi u livelli ta' gravità tal-ksur u l-frekwenza ta' l-okkorrenza tagħhom li wara ċertu punt il-ksur minuri ripetut iwassal għat-telf tar-rekwiżit tal-kondotta tajba meħtieġa mit-trasportaturi bit-triq meta dan iseħħ matul l-attivitajiet ta' trasport li għalihom huma responsabbli.

1.6

Fir-rigward taċ-ċentru operattiv stabbilit fl-Artikolu 5c) tal-proposta għal regolament, il-KESE jsejjaħ sabiex il-karatteristiċi ta' ċentru bħal dan jiġu speċifikati aħjar fil-każ ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

1.7

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn l-obbligu li impriża jkollha għadd biżżejjed ta' postijiet għall-parkeġġ ta' vetturi, sabiex ikun ikkonfermat li din l-impriża hija stabbilita b'mod stabbli fi Stat Membru, peress li dan jista' jikkostitwixxi rekwiżit għali, partikularment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u jitlob lill-awtoritajiet lokali sabiex jipprovdu għadd biżżejjed ta' postijiet għall-parkeġġ jew iħeġġu lil dawn l-impriżi sabiex jikkooperaw fil-ġestjoni ta' l-ispazji konġunti ta' parkeġġ.

1.8

Il-KESE jikkunsidra li għandha tinħoloq sistema għall-persuni li jaħdmu għal rashom li tippermettilhom juru l-kapaċità finanzjarja tagħhom mingħajr ma jkollhom jirrikorru għall-garanzija bankarja, għax dan iwassal għal spejjeż għoljin għall-impriżi li mhumiex obbligati jżommu kontijiet issemplifikati fl-Istati kkonċernati.

1.9

Il-Kumitat japprova t-taħriġ obbligatorju ta' 140 siegħa li għandu jsir qabel l-eżami tal-kompetenza professjonali, u l-fatt li l-Istati Membri jridu jakkreditaw iċ-ċentri ta' taħriġ. Dan għandu jwassal għal titjib fil-livell ta' taħriġ tal-maniġers.

1.10

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema komuni ta' sanzjonijiet għall-Istati Membri kollha, li tkun applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijet tar-regolament.

1.11

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' reġistri elettroniċi nazzjonali interkonnessi ta' l-impriżi tat-trasport bit-triq, bil-għan li jittejbu l-kooperazzjoni amministrattiva u l-effiċjenza tal-monitoraġġ ta' l-impriżi li jaħdmu fi Stati Membri differenti.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-għan ta' din il-proposta għal regolament huwa li r-regoli eżistenti għad-dħul għall-professjoni ta' trasportatur bit-triq jiġu mmodernizzati sabiex tkun assigurata applikazzjoni aktar omoġenja u effiċjenti tal-kundizzjonijiet għad-dħul permezz tat-twaqqif ta' rekwiżiti minimi rigward il-kondotta tajba, il-kapaċità finanzjarja u l-kompetenza professjonali.

2.2

Id-dħul għall-professjoni ta' trasportatur huwa attwalment stabbilit mid-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE, tad-29 ta' April 1996, li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi marbutin mal-kondotta tajba, mal-kapaċità finanzjarja u mal-kompetenza professjonali li l-intrapriżi għandhom jissodisfaw sabiex ikunu awtorizzati jeżerċitaw il-professjoni tat-trasportatur bit-triq, jiġifieri t-trasport nazzjonali jew internazzjonali tal-merkanzija jew tal-passiġġieri. Dawn il-kundizzjonijiet huma l-uniċi rekwiżiti komuni imposti fuq l-intrapriżi sabiex ikunu awtorizzati jiżvolġu l-attivitajiet tagħhom, partikularment fis-suq Komunitarju tat-trasport bit-triq. Barra minn hekk, id-Direttiva tistabbilixxi rikonoxximent reċiproku ta' wħud mid-dokumenti meħtieġa għall-ksib ta' din l-awtorizzazzjoni.

2.3

Madankollu, l-applikazzjoni tad-Direttiva tvarja b'mod konsiderevoli minn Stat Membru għall-ieħor. Dawn il-varjazzjonijiet fl-implimentazzjoni jwasslu għal anormalità tas-suq intern tat-trasport bit-triq, li tagħmel ħasra lill-kompetizzjoni ġusta. Għal din ir-raġuni l-modifika proposta hija ppreżentata bħala regolament.

2.4

L-innovazzjonijiet ewlenin introdotti mir-regolament huma dawn li ġejjin:

2.4.1

Għall-persuni li jisilfu l-kompetenzi professjonali tagħhom lill-intrapriżi, ir-Regolament jintroduċi l-kariga ta' “maniġers tat-trasport”, li għandhom ikunu dawk li jmexxu effettivament u b'mod permanenti l-attivitajiet ta' trasport tat-trasportaturi bit-triq. Dawn il-persuni għandhom ikunu identifikati b'mod ċar u l-identità tagħhom tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti. Dan iwassal għal regoli aktar stretti dwar ir-rabtiet bejn il-maniġer tat-trasport u l-impriża. Sabiex tinkiseb attestazzjoni tal-kompetenza professjonali, huwa meħtieġ li jsir taħriġ obbligatorju ta' mhux anqas minn 140 siegħa qabel l-eżami li jridu jagħmlu l-kandidati kollha għall-kariga ta' maniġer tat-trasport. Iċ-ċentri ta' taħriġ u ċ-ċentri ta' eżaminar wkoll jridu jiġu akkreditati.

2.4.2

Ir-Regolament jikkunsidra li l-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-impriża għandu jkun responsabbli li jivverifika li l-impriża tirrispetta dejjem il-kundizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament, u għalhekk l-impriżi huma meħtieġa li jkunu stabbli u stabbiliti b'mod effettiv f'dan l-Istat.

2.4.3

Inħolqu indikaturi finanzjarji kumparabbli ġodda sabiex tkun tista' titkejjel il-kapaċità finanzjarja ta' impriża. Dawn l-indikaturi ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-kontijiet annwali skond sistema li tgħin lil impriża taqdi l-obbligi tagħha fuq perijodu qasir, filwaqt li tabbanduna l-metodu attwali bbażat fuq il-kapital u r-riservi. Barra minn hekk, l-impriżi li jixtiequ dan għandhom jingħataw il-possibbiltà li juru l-kapaċità finanzjarja tagħhom permezz ta' garanzija bankarja.

2.4.4

L-awtoritajiet huma obbligati li jivverifikaw il-kundizzjonijiet rigward il-kondotta tajba, il-kapaċità finanzjarja u l-kompetenza professjonali, u f'każ li dan ma jseħħx, iwissu lit-trasportatur. Jekk ma titteħidx azzjoni ta' rimedju f'perijodu stabbilit, l-awtoritajiet jridu jimponu sanzjonijiet amministrattivi, li jistgħu jvarjaw mill-irtirar ta' l-awtorizzazzjoni ta' l-impriża sa l-iskwalifikar tal-maniġer tagħha tat-trasport.

2.4.5

Bil-għan li tkun iffaċilitata l-libertà ta' stabbiliment, mudell uniku ta' ċertifikat maħruġ skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandu jkun rikonoxxut bħala prova suffiċjenti mill-Istat Membri li fih tkun stabbilita l-impriża.

2.4.6

Ir-Regolament għandu l-għan li jassigura kooperazzjoni amministrattiva aktar ogranizzata bejn l-Istati Membri. Dan għandu jtejjeb l-effiċjenza tal-monitoraġġ ta' l-impriżi li jaħdmu fi Stati Membri differenti. Għalhekk ser jinħolqu reġistri elettroniċi interkonessi li għandhom jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri. Sabiex dan l-iskambju ta' informazzjoni jkun effiċjenti, hemm il-ħsieb li jiġu nnominati punti ta' kuntatt nazzjonali, u li jiġu speċifikati ċerti proċeduri komuni rigward l-iskadenzi u n-natura ta' l-informazzjoni minima li tiġi ttrasferita.

2.4.7

Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tistabbilixxi lista tal-kategoriji, tipi u livelli tal-gravità tal-ksur li minħabba fih trasportatur bit-triq jista' jitlef il-kondotta tajba meħtieġa; sabiex tadatta, skond il-progress tekniku, l-Anness dwar l-għarfien li trasportatur għandu jkollu sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikonoxxu l-kompetenza professjonali tiegħu; kif ukoll l-Anness dwar il-mudell ta' ċertifikat ta' kompetenza professjonali; u li tistabbilixxi lista tal-ksur massimu li jwassal għas-sospensjoni jew għall-irtirar ta' l-awtorizzazzjoni li wieħed jeżerċita l-professjoni, jew għal dikjarazzjoni ta' inkompetenza. Dawn il-miżuri jridu jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju previst fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-proposta għal regolament tikkontribwixxi għall-ksib ta' l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, peress li din ser toħloq kundizzjonijiet tal-kompetittività aktar ġusti fis-settur u ġġib aktar trasparenza għall-klijenti tat-trasport bit-triq. Minħabba r-rwol dominanti tat-trasport bit-triq fis-sistemi ta' produzzjoni u distribuzzjoni ta' l-industrija u fil-mobilità tal-persuni, din għandha sservi ta' xprun għall-kompetittività ta' l-Unjoni.

3.2

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qiegħda twettaq l-impenn li ħadet fil-qafas tal-programm “Regolamentazzjoni Aħjar” għall-aġġornament u s-semplifikazzjoni ta' l-acquis communautaire, billi tassigura li l-applikazzjoni tar-regolamenti tiġi armonizzata aħjar, tkun aktar sempliċi u effiċjenti u li jkun iktar faċli li tiġi kkontrollata.

3.3

Bl-introduzzjoni tar-reġistri elettroniċi, ir-Regolament il-ġdid jikkonforma mal-filosofija tal-“Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea”.

3.4

Il-Kumitat jilqa' b'interess il-fatt li l-Kummissjoni hija favur li d-dħul għall-professjoni tat-trasportatur bit-triq jiġi rregolat permezz ta' regolament minflok direttiva. Dan ifisser li l-Istati Membri jridu japplikaw direttament il-kontenut tiegħu, u għalhekk jiġi evitat li l-istess Stati Membri jkollhom libertà ta' azzjoni eċċessiva.

3.5

Ir-Regolament il-ġdid jistabbilixxi l-kunċett uniku u ġenerali ta' “professjoni tat-trasportatur bit-triq” li jirreferi kemm għall-professjoni tat-trasportatur tal-passiġġieri bit-triq kif ukoll għall-professjoni tat-trasportatur tal-merkanzija bit-triq.

3.6

Id-dħul għall-professjoni jdur fuq il-pożizzjoni ġdida ta' “maniġer tat-trasport”, li tirreferi għall-persuna li s'issa kienet tmexxi l-impriża u li kkontribwixxiet il-kwalifiki tagħha, filwaqt li ġie introdott qafas aktar strett ta' rabtiet bejn il-maniġer tat-trasport u l-impriża.

3.7

Jidher neċessarju li jiġu ċċarati numru ta' inkonsistenzi dwar il-pożizzjoni ta' maniġer tat-trasport fir-rigward ta' l-għan ta' l-attività tiegħu u l-possibbiltà li dan juża l-kwalifiki tiegħu f'aktar minn impriża waħda fl-istess ħin, sabiex jiġu evitati l-prattiki attwali ta' ksib illeċitu tal-kwalifiki. Għall-futur ikun għaqli li jiġi pprovdut taħriġ aħjar għall-intraprendituri li jaħdmu għal rashom li jixtiequ jidħlu fil-professjoni ta' maniġer tat-trasport, li twassal għal titjib fil-kwalifiki u awtonomija aħjar tal-ġestjoni.

3.8

Fil-fehma tal-KESE, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tarmonizza fir-regolament innifsu l-lista ta' kategoriji, tipi u livelli ta' gravità tal-ksur u l-frekwenza ta' l-okkorrenza tagħhom li wara ċertu punt il-ksur minuri ripetut iwassal għat-telf tar-rekwiżit tal-kondotta tajba tal-maniġers u, b'konsegwenza ta' dan, ta' l-impriżi stess.

3.9

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-kandidati huma obbligati jattendu kors qabel ma jagħmlu l-eżamijiet ta' attestazzjoni, sabiex ikun assigurat livell aktar għoli ta' taħriġ għall-kandidati, u japprova wkoll l-akkreditament obbligatorju taċ-ċentri tat-taħriġ.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jqis li l-introduzzjoni tal-kariga ta' “maniġers tat-trasport” hija ħaġa pożittiva. Dan it-terminu japplika għall-persuni li s'issa offrew il-kwalifiki tagħhom lil-impriżi awtorizzati sabiex jeżerċitaw l-attività ta' trasportatur.

4.2

Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tippreċiża jekk hux ser ikun hemm “awtorizzazzjoni (waħda) għall-eżerċizzju tal-professjoni tat-trasportatur bit-triq” jew jekk din id-definizzjoni hix sempliċiment użata fir-Regolament, u li b'konsegwenza ta' dan ser ikun hemm żewġ ċertifikati distinti għat-trasportatur tal-passiġġieri u għat-trasportatur tal-merkanzija.

4.3

Jidher f'waqtu li dan ir-Regolament għandu japplika għall-impriżi kollha stabbiliti fil-Komunità li jeżerċitaw il-professjoni tat-trasportatur bit-triq u għal dawk kollha li jixtiequ jeżerċitaw din il-professjoni.

4.4

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn l-esklużjoni mill-ambitu ta' applikazzjoni tar-Regolament — aspett li qabel kien ir-responsabbiltà ta' l-Istat — ta' l-impriżi li jiżvolġu esklużivament ċerti operazzjonijiet ta' trasport tal-passiġġieri bit-triq għal finijiet mhux kummerċjali, li l-attività ewlenija tagħhom hija differenti minn dik ta' trasportatur tal-passiġġieri bit-triq, u li l-vetturi użati tagħhom jinstaqu mill-impjegati tagħhom stess. Fil-fatt, sabiex din l-attività titwettaq sewwa, hemm bżonn ta' għarfien tar-Regolament dwar it-trasport bit-triq u organizzazzjoni tas-servizzi rilevanti.

4.5

Ikun xieraq li r-Regolament jintroduċi, bħala rekwiżit ġdid li jiżdied mar-rekwiżiti diġà fis-seħħ dwar l-eżerċitar tal-professjoni ta' trasportatur bit-triq, il-ħtieġa li l-impriżi jkunu stabbiliti b'mod effettiv u sod f'wieħed mill-Istati Membri, sabiex jiġi evitat il-fenomenu ta' l-impriżi msejħa “kaxxa postali”.

4.6

Il-fatt li r-Regolament mhuwiex kontra li l-Istati Membri jiddeċiedu, fir-rigward tal-kundizzjonijiet relatati mar-rekwiżiti tal-kondotta tajba stipulati fl-Artikolu 6 tal-proposta għal regolament, li jimponu kundizzjonijiet addizzjonali li għandhom jissodisfaw l-impriżi sabiex ikunu awtorizzati jeżerċitaw il-professjoni tat-trasportatur bit-triq, ma jidhirx konformi ma' l-objettiv ta' armonizzazzjoni.

4.7

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tispjega kif il-maniġer tat-trasport għandu jmexxi b'mod effettiv u kontinwament l-attività ta' trasport ta' l-impriża, filwaqt li fl-istess ħin huwa awtorizzat li jmexxi sa erba' impriżi bi flotta totali massima ta' tnax-il vettura. Din il-miżura tagħmilha diffiċli li tiġi eliminata l-prattika attwali ta' ksib illeċitu tal-kwalifiki.

4.8

Il-KESE jikkunsidra li l-approċċ l-aktar adattat huwa li fir-Regolament tiġi inkluża l-lista ta' kategoriji, tipi u livelli ta' gravità tal-ksur u l-frekwenza ta' l-okkorrenza tagħhom li wara ċertu punt il-ksur minuri ripetut iwassal għat-telf tar-rekwiżit tal-kondotta tajba tal-maniġers, u li r-regolamentazzjoni ta' dawn l-aspetti ma titħalliex għal darba oħra.

4.9

Il-Kumitat japprova l-fatt li l-impriża għandha tkun stabbilita b'mod stabbli u effettiv fl-Istat Membru li jagħtiha l-awtorizzazzjoni li teżerċita l-professjoni, kif stipulat fl-Artikolu 5(a), skond liema l-impriża għandu jkollha stabbiliment f'dak l-Istat Membru, b'sede fejn iżżomm id-dokumentazzjoni tan-negozju tagħha, iżda jiġbed l-attenzjoni lejn l-obbligu għal din l-impriża li jkollha ċentru operattiv f'dak l-Istat Membru, b'għadd biżżejjed ta' postijiet għall-parkeġġ tal-vetturi, li jikkostitwixxi rekwiżit partikularment għali għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Il-problema tal-postijiet għall-parkeġġ tista' tiġi solvuta mill-awtoritajiet lokali, li jistgħu jipprovdu għadd biżżejjed ta' dawn il-postijiet jew iħeġġu lil dawn l-impriżi sabiex jikkooperaw fil-ġestjoni ta' l-ispazji konġunti ta' parkeġġ.

4.10

Il-KESE jara kontradizzjoni fil-fatt li min-naħa r-Regolament jiddikjara li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet fir-rigward tar-rekwiżit tal-kondotta tajba ta' impriża u min-naħa l-oħra l-Istati għandhom jiddeċiedu li impriża tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet jekk tikkonforma ma' firxa ta' rekwiżiti li huma definiti mill-istess Regolament.

4.11

Il-KESE ma jistax jifhem għaliex il-kundizzjoni stabbilita fir-rigward tar-rekwiżit tal-kapaċità finanzjarja hija li impriża tkun dejjem kapaċi taqdi l-obbligi reali u potenzjali tagħha matul is-sena finanzjarja. Jikkunsidra li r-rekwiżit preċedenti relatat mal-kapital u mar-riservi huwa aktar rilevanti. Issa huwa previst li dan ir-rekwiżit japplika għall-assi kurrenti u għall-ħtieġa li l-quick ratio jkun ta' 80 % jew iktar fil-31 ta' Diċembru.

4.12

Il-KESE jikkunsidra li għandha tinħoloq sistema għall-persuni li jaħdmu għal rashom li tippermettilhom juru l-kapaċità finanzjarja tagħhom mingħajr ma jkollhom jirrikorru għall-garanzija bankarja, għax dan iwassal għal spejjeż għoljin għall-impriżi li mhumiex obbligati jżommu kontijiet issemplifikati fl-Istati kkonċernati.

4.13

Fi kwalunkwe każ, l-għan tar-rekwiżit ta' kapaċità finanzjarja għandu jkun li l-impriżi awtorizzati li jeżerċitaw l-attività tagħhom joffru ċerta garanzija lis-suq, iżda m'għandux jassigura protezzjoni lill-provvedituri u lill-kredituri, għaliex dan ixekkel il-kunċett tar-riskju, li huwa parti integrali ta' l-attività ta' kwalunkwe intraprenditur.

4.14

Il-Kumitat japprova l-miżura l-ġdida ta' taħriġ obbligatorju ta' 140 siegħa li għandu jsir qabel l-eżami għall-kompetenza professjonali, u l-fatt li l-Istati Membri jridu jakkreditaw iċ-ċentri ta' taħriġ. Dan għandu jwassal għal titjib fil-livell ta' taħriġ għal dan is-settur.

4.15

Fil-fehma tal-KESE, il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw kull ħames snin (qabel dan kien iseħħ minn ta' l-inqas darba kull ħames snin) li l-impriżi għadhom jilħqu kull wieħed mir-rekwiżiti meħtieġa sabiex jidħlu fil-professjoni jikkostitwixxi perijodu twil ħafna. Madankollu jabel mal-fatt li, flimkien mal-kontrolli ordinarji huma previsti wkoll kontrolli fuq l-impriżi li jinsabu f'pożizzjoni ta' riskju.

4.16

Jekk jiġi stabbilit li hemm ir-riskju li ċerta impriża ma tissodisfax aktar minn wieħed mir-rekwiżiti għad-dħul għall-professjoni, għandu jingħata limitu ta' żmien sabiex l-impriża tkun tista' tirranġa s-sitwazzjoni tagħha f'perijodu li ma jaqbiżx is-sitt xhur (qabel dan il-perijodu kien ta' sena).

4.17

Il-Kumita jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien minn kull Stat Membru ta' reġistru elettroniku nazzjonali ta' l-impriżi tat-trasport bit-triq. Jilqa' wkoll il-fatt li ser jittieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex dawn ir-reġistri jkunu interkonnessi madwar il-Komunità mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2010 u li l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri tkun irregolata. Huwa wkoll favorevoli għar-regolament dwar il-protezzjoni tad-data personali li hija rreġistrata jew li tista' tiġi ttrasferita lil terzi persuni.

4.18

Huwa ġust li tinħoloq sistema ta' rikonoxximent tal-kwalifiki għall-persuni li kisbu dawn il-kwalifiki qabel id-data ta' dħul fis-seħħ tar-Regolament.

4.19

Trid tiġi stabbilita sistema komuni ta' sanzjonijiet, għall-Istati Membri kollha, applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijet tar-Regolament. Is-sanzjonijiet stipulati għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

4.20

Il-Kumitat jikkunsidra li jkun xieraq li abbażi dawn ir-rapporti nazzjonali, il-Kummissjoni tfassal rapport kull sentejn fuq l-eżerċizzju tal-professjoni tat-trasportatur bit-triq, għall-attenzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Brussell, is-16 ta' Jannar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


17.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 151/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rotot fuq il-baħar fil-katina loġistika (Opinjoni Esploratorja)

(2008/C 151/07)

Nhar l-4 ta' Lulju 2007, il-Presidenza Portugiża ta' l-Unjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li titlob lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li tfassal opinjoni esploratorja dwar

Ir-rotot fuq il-baħar fil-katina loġistika

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Diċembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Simons.

Matul l-441 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet is-16 u s-17 ta' Jannar 2008 (seduta tas-16 ta' Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'unanimità.

1.   Konklużjonijiet

1.1

It-trasport marittimu għal rotot qosra jista' jkollu sehem importanti fil-futur tal-komodalità u l-ktajjen loġistiċi. F'dan ir-rigward, il-modi kollha ta' trasport iridu jiġu kkunsidrati. Fil-qafas tal-komodalità, it-trasport marittimu għal rotot qosra għandu jservi prinċipalment għal rotot itwal.

1.2

Il-KESE jikkonferma l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-miżuri li huma mmirati li jiżviluppaw u jippromovu t-trasport marittimu f'rotot qosra. Madankollu, il-Kumitat iqajjem għadd ta' punti ta' riflessjoni u ta' mistoqsijiet rigward l-implimentazzjoni effettiva ta' dawn il-miżuri.

1.3

F'dan ir-rigward, ikun tajjeb li tingħata definizzjoni ċara ta' rotot tal-baħar. Fl-opinjoni tal-KESE din in-nomenklatura ma tistax tintuża biss għas-servizzi l-ġodda ssussidjati, iżda għandha tapplika għas-servizzi kollha tat-trasport bil-baħar għal rotot qosra. Il-KESE huwa sodisfatt li l-Kummissjoni iċċarat id-definizzjoni ta' rotot tal-baħar fid-dokument ta' ħidma dwar ir-rotot tal-baħar, li jakkumpanja il-Komunikazzjoni dwar it-trasport tal-merkanzija tat-18 ta' Ottubru 2007, b'mod partikolari li t-terminu jinkludi s-servizzi eżistenti (1).

1.4

Konċentrazzjoni ta' merkanzija f'numru żgħir ta' portijiet ser ikollha impatt ħażin fuq l-effiċjenza tas-servizz, u dan iwassal bla dubju ta' xejn għal konġestjoni fil-portijiet u fiż-żoni ta' madwar (2). Żvilupp ta' dan it-tip ma jwassalx għal żvilupp sostenibbli fit-trasport.

1.5

L-iżvilupp tal-kapaċitajiet portwarji supplimentari u t-titjib fil-komunikazzjoni fl-intern tal-pajjiż permezz ta' modalitajiet oħra ta' trasport għandhom ikunu priorità fl-ippjanar tar-rotot tal-baħar. Il-miżuri ta' għajnuna jridu jikkonċentraw fuq dawn il-punti, u dan jaġevola fl-istess waqt il-politika tal-komodalità.

1.6

Il-miżuri ta' appoġġ għar-rotot tal-baħar iridu jkunu diretti wkoll lejn l-infrastrutturi u b'mod partikolari t-tkabbir tal-portijiet u l-konnessjonijiet ma' l-intern tal-pajjiż, mingħajr ħsara għall-miżuri ta' appoġġ attwali għas-servizzi, l-ispejjeż operattivi u l-promozzjoni.

1.7

Huwa importanti ferm li tiġi evitata l-kompetizzjoni mhux xierqa; Kwistjoni li trid tiġi indirizzata bi prudenza kbira minħabba fl-istruttura tas-suq speċifiku tat-trasport marittimu għal rotot qosra. L-iskop irid ikun li parti mill-merkanzija li llum tiġi trasportata fuq l-art tibda' tiġi trasportata bil-baħar u mhux li ċċaqlaq merkanzija li tiġi trasportata bil-baħar lejn port ieħor.

1.8

Il-Kummissjoni trid tuża l-livelli ta' kwalità bħala wieħed mill-kriterji ta' valutazzjoni għall-proġetti tar-rotot fuq il-baħar. Skond is-servizz speċifiku, dawn il-kriterji jistgħu jikkunsidraw il-frekwenza, il-komplimentarjetà ta' bejn is-servizz tat-trasport u l-proċess tal-produzzjoni, l-affidabbiltà, il-komodalità tas-servizzi, il-konnessjonijiet ma' l-intern tal-pajjiż, l-effiċjenza tal-portijiet u tal-punti fejn jiltaqgħu l-modalitajiet differenti tat-trasport, il-loġistika elettronika, l-effiċjenza tal-proċeduri amministrattivi, eċċ.

1.9

Fir-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-programm ta' promozzjoni tat-trasport marittimu għal rotot qosra, il-Kummissjoni tiddikjara le ser teżamina l-possibbiltà li jkun hemm tikketta ta' kwalità għar-rotot tal-baħar. Kif diġà semma fl-opinjoni tiegħu dwar il-loġistika, il-KESE jqis li din il-miżura m'għandiex tispiċċa biex toħloq burokrazija żejda u spejjeż inutli għas-settur.

1.10

Is-simplifikazzjoni u t-tħaffif tal-proċeduri amministrattivi huma daqstant ieħor priorità għas-servizzi tat-trasport marittimu għal rotot qosra. Il-formalitajiet tad-dwana għat-trasport tal-merkanzija intra-Ewropew ma jridux ikunu aktar ikkumplikati minn dawk tat-trasport bit-triq. Il-proċeduri tad-dwana ssemplifikati jridu jiġu riorganizzati kompletament sabiex jiffokaw fuq il-merkanzija u t-trasportatur.

1.11

Ostakli oħra fil-katina loġistika għandhom jitwittew. Il-KESE jappoġġja kompletament il-ħidma li saret fil-qafas tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija.

1.12

Kemm it-trasport marittimu għal rotot qosra kif ukoll is-servizzi loġistiċi għandhom bżonn ta' persunal bi kwalifiki għoljin. F'dan ir-rigward, ikun tajjeb li tingħata prijorità lir-reklutaġġ, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

1.13

Il-bidla mit-trasport tat-triq għat-trasport fuq il-baħar toffri vantaġġi konsiderevoli kemm għall-ambjent kif ukoll għas-soċjetà. Għandu jiġi nkoraġġit it-titjib fl-emissjonijeit tal-gass mill-vapuri. Il-KESE jittama li jintlaħqu ftehimiet internazzjonali f'dan il-qasam.

2.   Introduzzjoni

2.1

Sa mill-2004, l-iżvilupp tar-rotot fuq il-baħar fl-Ewropa kien fil-lista ta' tletin proġett prijoritarju ta' żvilupp fin-netwerk tat-trasport trans-Ewropew. L-artikolu 12a tad-Deċiżjoni 884/200/KE (3), li jkopri l-linji gwida dwar l-iżvilupp ta' netwerk tat-trasport trans-Ewropew, jistabbilixxi l-aspetti fundamentali tar-rotot fil-baħar. B'mod konkret, jippreċiża li n-netwerk trans-Ewropew ta' rotot fuq il-baħar huwa maħsub biex jikkonċentra l-fluss tal-vapuri fuq ir-rotot marittimi loġistiċi b'tali mod li jtejjeb il-konnessjonijiet marittimi eżistenti li huma vijabbli, regolari u frekwenti għat-trasport tal-merkanzija jew sabiex jiġu stabbiliti rotot ġodda, ħalli titnaqqas il-konġestjoni tar-rotot u/jew jitjieb l-aċċess tal-pajjiżi u r-reġjuni periferiċi jew insulari. Ir-rotot fuq il-baħar ma għandhomx jeskludu l-kombinazzjoni tat-trasport kemm tan-nies kif ukoll tal-merkanzija, bil-kundizzjoni li l-merkanzija tkun il-prijorità.

2.2

Huwa possibbli li jintużaw il-fondi TEN sakemm l-ispejjeż tar-rotot tal-baħar huma għall-faċilitajiet u infrastruttura. Fejn jidħlu l-ispejjeż marbuta mas-servizzi u dawk operattivi, tista' tintuża l-għajnuna tal-programm Marco Polo. (4)

2.3

Il-proġetti ta' interess komuni għan-netwerk trans-Ewropew tar-rotot fuq il-baħar iridu jiġu proposti minn ta' l-anqas żewġ Stati Membri. Iridu jikkonċernaw il-faċilitajiet u l-infrastruttura f'ta' l-anqas żewġ portijiet li jinsabu f'żewġ Stati Membri differenti. Il-proġetti proposti ġeneralment jinvolvu lis-settur pubbliku u dak privat fuq il-bażi ta' sejħa pubblika għall-offerti organizzata mill-Istati Membri kkonċernati flimkien u indirizzata lill-konsorzji li jagħqdu flimkien ta' l-anqas kumpaniji tal-baħar u portijiet li jinsabu f'waħda miż-żoni marittimi previsti.

2.4

Id-deċiżjoni 884/2004/KE (Anness II) telenka r-rotot tal-baħar ikklassifikati bħala proġetti ta' interess komuni b'konformità ma' l-artikolu 12a, jiġifieri:

ir-rotta tal-Baħar Baltiku (li tgħaqqad l-Istati Membri tal-Baltiku ma' dawk fl-Ewropa ċentrali u tal-punent, inkluż ir-rotta li tgħaddi mill-kanal tal-Baħar tat-Tramuntana — Baħar Baltiku) (kanal ta' Kiel) (2010);

ir-rotta tal-Baħar ta' l-Ewropa tal-punent (li twassal mill-Portugal u l-Ispanja, tgħaddi mill-Arka ta' l-Atlantiku, għall-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar ta' l-Irlanda) (2010);

ir-rotta tal-Baħar ta' l-Ewropa tax-xlokk (li tgħaqqad l-Adrijatiku mal-Baħar Joniku u mal-lvant tal-Mediterran biex tinkludi lil Ċipru) (2010) (5);

ir-rotta tal-Baħar ta' l-Ewropa tal-Lbiċ (Il-punent tal-Mediterran) li tgħaqqad Spanja, Franza, l-Italja u Malta, u li tmiss mar-rotta tal-baħar tax-xlokk ta' l-Ewropa (6) (2010);

Il-KESE, meta jqis it-tkabbir ta' l-Unjoni, jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu stabbiliti rotot marittimi fil-baħar l-Iswed ukoll, filwaqt li ma jiġux esklużi s-servizzi ta' navigazzjoni kompatibbli kemm għal fuq il-baħar kif ukoll għax-xmajjar fuq id-Danubju.

2.5

Il-Kummissjoni ser tivvaluta dawn il-proġetti fuq il-bażi tal-kriterji msemmija fl-artikolu 12a tal-linji gwida għan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew filwaqt li tqis dawn il-punti ewlenin:

Il-kontribut lejn il-bidla fil-modalità u t-tisħiħ tal-koeżjoni bejn il-modalitajiet tat-trasport: persentaġġ tat-trasport bit-triq f'rotta partikolari jrid jiġi trasferit lejn ir-rotot tal-baħar u b'hekk jikkontribwixxi lejn il-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-pajjiżi kkonċernati.

L-aspetti kwalitattivi: il-proġett irid juri livelli ta' kwalità ċari f'ħames oqsma; servizzi portwarji, konnessjonijiet ma' l-intern tal-pajjiż, sistemi ta' informazzjoni u monitoraġġ, is-servizzi tat-tbaħħir infushom u l-integrazzjoni man-netwerk TEN.

Il-vijabbiltà u l-kredibbiltà tal-proġett: hemm bżonn li tintwera l-vijabbiltà kemm tas-servizz innifsu kif ukoll tal-konnessjonijiet ma' l-intern tal-pajjiż. Irid ikun hemm trasparenza dwar il-kapital ta' riskju u l-għajnuna mill-Istat (nazzjonali, reġjonali jew komunitarja).

L-effetti fuq il-kompetizzjoni: irid jiġi evitat it-tfixkil kollu lill-kompetizzjoni minħabba fl-għajnuna mill-Istat. Bħala konsegwenza, irid jiġi eżaminat l-impatt tal-proġett fuq is-servizzi u l-portijiet eżistenti.

2.6

Il-metodi biex ikun hemm sejħa għall-proposti ta' proġetti għat-twaqqif ta' rotot tal-baħar ġew imniżżla f'Vademecum ippubblikat mill-Kummissjoni fit-28 ta' Frar 2005.

2.7

Sadanittant, ġiet ippubblikata sejħa għall-proġetti għal dawn ir-rotot tal-baħar:

proġetti ta' rotot tal-baħar għar-reġjun Baltiku: Ġermanja/Finlandja u l-baħar Baltiku.

rotta jew rotot fil-baħar ta' Spanja u Franza fuq in-naħa ta' l-Atlantiku — l-Baħar tat-Tramuntana;

rotot tal-baħar fir-reġjun tal-baħar tat-Tramuntana.

Proġetti oħra ġew eżaminati u diskussi minn “task forces” differenti.

2.8

Hemm ukoll reviżjoni ta' nofs iż-żmien ta' Lulju 2006 tal-programm temporanju għall-promozzjoni tat-trasport marittimu għal rotot qosra (7).

2.9

Il-Kummissjoni Ewropea innominat lill-Portugiż, Luís Valente de Oliveira bħala koordinatur tar-rotot tal-baħar.

2.10

F'Ottubru 2007, il-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas ta' l-aġenda ta' l-UE għat-trasport tal-merkanzija, fasslet dokument ta' ħidma bit-titlu “l-aġenda ta' l-UE fil-qasam tat-trasport: Intejbu l-effiċjenza, l-integrazzjoni u s-sostenibbiltà tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa” (8)..

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

3.1

Il-KESE b'mod konsistenti appoġġja l-miżuri mmirati li jiżviluppaw it-trasport marittimu għal rotot qosra, li għandu potenzjal kbir, joffri alternattiva tajba għall-mezzi l-oħra tat-trasport li jirrispettaw inqas l-ambjent u jista' jikkontribwixxi lejn it-tnaqqis tal-konġestjonijiet u n-numru ta' inċidenti tat-traffiku u tat-tniġġis akustiku u ta' l-arja (9). Barra minn hekk, it-trasport marittimu għal rotot qosra jidħol tajjeb fil-qafas tal-komodalità u tal-ktajjen loġistiċi, u joffri aċċess għar-reġjuni insulari u periferiċi.

3.2

Għalhekk l-inizjattiva tar-rotot tal-baħar ħaqqha appoġġ sħiħ. Mandankollu, il-kunċett ta' rotot tal-baħar għadu jqajjem xi mistoqsijiet (ara l-opinjoni msemmija f'nota 8) u osservazzjonijiet (ara hawn taħt).

4.   Il-kunċett ta' rotot tal-baħar

4.1

It-terminu rotot tal-baħar iwassal, bir-raġun, għal konfużjoni. Fil-prattika, diġà jeżistu diversi servizzi tat-trasport marittimu għal rotot qosra li joffru servizzi multi-modali ta' kwalità li jnaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq u jservu lir-reġjuni insulari u periferiċi.

4.2

Kif issemma fir-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-programm għall-promozzjoni tat-trasport bil-baħar fuq rotot qosra, dan il-mezz tat-trasport jinsab f'pożizzjoni aħjar biex ikun jista' jlaħħaq ma' l-espansjoni mgħaġġla tat-trasport fit-triq (10). Bejn l-1995 u l-2004, il-prestazzjoni tunnellata metrika/kilometru fit-trasport marittimu għal rotot qosra fl-UE żdiedet minn 32 % kontra t-35 % tat-trasport fit-triq. Is-sehem tat-trasport marittimu għal rotot qosra fl-Ewropa tal-25 hija ta' 39 % kontra l-44 % tat-trasport fit-triq. Fl-Ewropa tal-15, is-sehem tat-trasport marittimu għal rotot qosra kien ta' 42 % kontra l-44 % tat-trasport fit-triq.

4.3

Din il-prestazzjoni tajba tat-trasport marittimu għal rotot qosra hija dovuta fil-parti l-kbira għall-investimenti kbar mis-sidien tal-vapuri fuq il-bastimenti u f'ħafna każijiet, fuq is-sistemi loġistiċi intermodali, u titjib fl-effiċjenza u l-bejgħ tas-servizzi loġistiċi, il-ħidma taċ-ċentri nazzjonali għall-promozzjoni tat-trasport marittimu għal distanzi qosra fuq il-punti ta' konġestjoni, il-ħidma konkreta taċ-ċentri ta' promozzjoni tat-tbaħħir kostali u l-kooperazzjoni bejn l-industriji u l-istituzzjonijiet Ewropej.

4.4

L-għan huwa li dan is-suċċess ma jiġix imminat minħabba li s-servizzi eżistenti bbażati fuq l-inizjattivi tas-settur privat ma jitqisux bħala rotot tal-baħar u din in-nomenklatura tintuża biss għas-servizzi ssussidjati. Il-KESE huwa sodisfatt li l-Kummissjoni iċċarat id-definizzjoni ta' rotot tal-baħar fid-dokument ta' ħidma tat-18 ta' Ottubru 2007, li jakkumpanja il-Komunikazzjoni “L-aġenda ta' l-UE għat-trasport tal-merkanzija” ta' l-istess data, u b'mod partikolari li t-terminu jinkludi s-servizzi eżistenti (11).

5.   Għażla tal-portijiet

5.1

Hemm differenza fundamentali bejn rotta għat-trasport fit-triq u rotta għat-trasport fuq il-baħar. It-trasport fit-toroq bit-trakkijiet jgħaqqad żewġ punti A u B f'linja kemm jista' jkun dritta. Fil-każ tat-trasport marittimu, mill-banda l-oħra, fil-prattika, il-merkanzija li ġejja jew sejra lejn żona interna li hi vasta tgħaddi minn portijiet li jikkompetu bejniethom. Il-portijiet li huma l-aktar kompetittivi u effiċjenti fil-kummerċ ta' ċertu tip jidħlu fl-iskedi varji tat-trasport tal-kumpaniji tat-tbaħħir.

5.2

Il-konċentrazzjoni ta' merkanzija f'numru żgħir ta' portijiet magħżula minn qabel ser ikollu impatt ħażin fuq l-effiċjenza tas-servizz (12), u dan iwassal bla dubju ta' xejn għal konġestjoni fil-portijiet u fiż-żoni ta' madwar. Dan ma jgħinx l-iżvilupp sostenibbli tas-settur.

5.3

Fl-istess waqt, l-inklużjoni f'din il-kategorija ta' ċerti portijiet fir-rotot tal-baħar u l-esklużjoni ta' oħrajn ta' daqs simili tista' twassal ukoll għal tfixkil fil-konkorrenza għall-offerta tas-servizzi portwarji. L-għażla tal-portijiet trid tħalli l-kamp liberu għal dawk li jintegraw fin-netwerk tar-rotot tal-baħar billi jtejbu l-effiċjenza tagħhom kostantement.

6.   Il-komodalità

6.1

It-trasport marittimu għal rotot qosra jista' jkollu sehem importanti fil-futur tal-komodalità u l-ktajjen loġistiċi. F'dan ir-rigward, il-modi kollha ta' trasport iridu jiġu kkunsidrati (13). Fil-qafas tal-komodalità, it-trasport marittimu għal rotot qosra għandu jservi prinċipalment għal rotot relattivament itwal. F'dan ir-rigward, il-portijiet għandhom funzjoni fundamentali bħala ċentri multi-modali. Qed jiġu żviluppati diversi proġetti għal dan l-iskop (14)

6.2

Ostakli oħra fil-katina loġistika għandhom jitwittew. Il-KESE jappoġġja kompletament il-ħidma li saret fil-qafas tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija.

6.3

Kemm it-trasport marittimu f'rotot qosra kif ukoll is-servizzi loġistiċi għandhom bżonn ta' persunal bi kwalifiki għoljin. F'dan ir-rigward, ikun tajjeb li tingħata priorità lir-reklutaġġ, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

7.   Investiment fil-portijiet u fil-konnessjonijiet ma' l-intern tal-pajjiż

7.1

Il-problemi li jikkonċernaw il-konġestjoni attwali f'diversi portijiet Ewropej huma magħrufa. Huwa ċar li hemm bżonn li jkun possibbli li l-aktar portijiet importanti jidħlu fl-istess kategorija u jkunu eliġibbli li jkomplu jiżviluppaw bħala portijiet għal rotot qosra.

7.2

L-iżvilupp u t-tkabbir tal-portijiet u l-konnessjonijiet ma' l-intern tal-pajjiż huma mfixkla u spiss mitfugħa lura u/ jew mwaqqfa minħabba r-restrizzjonijiet u l-interpretazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti, kif ukoll minħabba r-rekwiżiti ta' natura ambjentali. Dwar dan, ir-rapport annwali ta' l-Organizzazzjoni Ewropea tal-portijiet marittimi issemmi perjodi ta' bejn 2 sa 11-il sena (15).

7.3

Kif isemma kemm-il darba mir-rappreżentanti tas-settur waqt il-konsultazzjonijiet dwar il-politika l-ġdida għall-portijiet Ewropej u għall-Green paper Lejn Politika Marittima futura għall-Unjoni, din il-problema għandha tingħata l-attenzjoni meħtieġa b'urġenza (16) Il-Kumitat jinnota li l-Kummissjoni tagħti l-attenzjoni kollha meħtieġa għal din il-kwistjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-politika portwarja komuni tat-18 ta' Ottubru 2007 (17).

7.4

Huwa ċar li l-miżuri ta' appoġġ għar-rotot tal-baħar iridu jkunu diretti wkoll lejn l-infrastrutturi u b'mod partikolari, t-tkabbir tal-portijiet u l-konnessjonijiet ma' l-intern tal-pajjiż. Dan l-approċċ jidħol ukoll kompletament fil-kunċett tal-“komodalità” propost mill-Kummissjoni fir-reviżjoni tagħha ta' nofs iż-żmien tal-White paper dwar il-politika Ewropea tat-trasport (18) u fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija, li huwa kruċjali għall-mobilità sostenibbli (19).

7.5

Huwa evidenti li dan ma jfissirx li ma titkompliex l-għajnuna eżistenti għas-servizzi, l-ispejjeż operattivi u l-promozzjoni.

8.   Tfixkil fil-konkorrenza

8.1

Kif hemm imsemmi f'punt 2.5, il-Kummissjoni stess tafferma li l-għajnuna ta' l-Istat ma tistax tikkawża tfixkil fil-konkorrenza għas-servizzi eżistenti. Meta wieħed iqis l-interess ġenerali, irid jiġi eżaminat bir-reqqa l-impatt tar-rotot tal-baħar ssussidjati sabiex tkun evitata l-konkorrenza żlejali.

8.2

Din mhix ħaġa sempliċi. Is-servizzi tat-trasport marittimu f'rotot qosra jaqdu l-intern tal-pajjiż tal-portijiet li jidħlu fihom. Din iż-żona interna xi kultant tkopri territorji vasti, li huma servuti wkoll minn portijiet oħra, kif diġà ntqal f'punt 5.1.

8.3

Għalhekk huwa impossibbli li fl-analiżi tas-suq ikkonċernat, wieħed jikkonċentra fuq port partikolari; ikun aħjar li jiġi kkunsidrat is-suq kollu taż-żona interna sabiex ikun evitat iċ-ċaqliq artifiċjali tal-merkanzija minn servizz jew port għall-ieħor.

8.4

Kif hemm imsemmi f'punt 2.5, il-kandidati li jressqu proġett ġdid ta' rotot tal-baħar iridu jagħtu prova tal-vijabbiltà u l-kredibbiltà tal-proġett ikkonċernat; tajjeb li jkun hemm monitoraġġ sabiex jiġi evitat kull tfixkil fil-konkorrenza.

8.5

It-trasparenza fl-għoti ta' l-għajnuna għall-proġetti hija għalhekk essenzjali. Fl-istess waqt, issir korrezzjoni immedjata malli jirriżulta li l-merkanzija ċċaqalqet b'mod artifiċjali minn operatur jew port għall-ieħor.

8.6

L-appoġġ għar-rotot bil-baħar għandu l-iskop li jitrasferixxi t-trasport lejn dak marittimu. Is-sistema Taljana ta' ECO bonus (20), li tissussidja lill-burdnara li jilqgħu din l-idea, huwa eżempju tajjeb ta' għajnuna li hija diretta tajjeb u li ma tfixkilx il-konkorrenza.

9.   Livelli ta' kwalità

9.1

Kif diġà ssemma f'punt 2.8, il-Kummissjoni ser tuża livelli ta' kwalità biex tevalwa l-proġetti tar-rotot fuq il-baħar. Skond is-servizz speċifiku, dawn il-kriterji jistgħu jikkunsidraw il-frekwenza, il-komplimentarjetà ta' bejn is-servizz tat-trasport u l-proċess tal-produzjoni, l-affidabbiltà, il-komodalità tas-servizzi, il-konnessjonijiet ma' l-intern tal-pajjiż, l-effiċjenza tal-portijiet u tal-punti fejn jiltaqgħu l-modalitajiet differenti tat-trasport, il-loġistika elettronika, l-effiċjenza tal-proċeduri amministrattivi, eċċ.

9.2

Fir-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-programm ta' promozzjoni tat-trasport marittimu f'rotot qosra (21), il-Kummissjoni tiddikkjara le ser teżamina l-possibbiltà li jkun hemm tikketta ta' kwalità għar-rotot tal-baħar. Kif diġà semma fl-opinjoni tiegħu dwar il-loġistika, il-KESE jqis li din il-miżura m'għandiex tispiċċa biex toħloq burokrazija żejda u spejjeż inutli għas-settur (22).

10.   Proċeduri amministrattivi

10.1

Fil-Green Paper dwar il-politika marittima futura ta' l-Unjoni u fir-reviżjoni tagħha ta' nofs iż-żmien tal-White paper dwar il-politika Ewropea tat-trasport sostenibbli, il-Kummissjoni tirreferi għal “spazju marittimu komuni” jiġifieri spazju marittimu Ewropew mingħajr fruntieri, kif beda jissejjaħ wara mill-Kummissjoni. L-intenzjoni tidher li hi li jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi tat-trasport marittimu għar-rotot qosra ħalli jiġu armonizzati ma' dawk tat-trasport fit-triq.

10.2

Il-KESE, adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-ispazju marittimu komuni fl-opinjoni tiegħu dwar il-Green paper dwar il-politika portwarja komuni fi ħdan l-UE (23).

Il-KESE jikkunsidra li l-idea ta' spazju marittimu komuni Ewropew, li tinkludi n-nomenklatura l-ġdida (ara punt 10), tirreferi biss għal spazju marittimu virtwali kkaratterizzat minn simplifikazzjoni tal-formalitajiet amministrattivi u tad-dwana għas-servizzi marittimi intra-komunitarji, biex jiġu taħt regoli simili għal dawk tat-trasport fit-triq jew tal-ferrovija ġewwa s-suq uniku. Wara l-kjarifiki tal-Kummissjoni, li tesprimi ċar il-viżjoni tagħha fil-komunikazzjoni, il-KESE jkun jista' jagħti l-appoġġ tiegħu għal dan il-kunċett sakemm fl-ibħra internazzjonali (il-baħar miftuħ) ikun jirrispetta l-UNCLOS u l-konvenzjonijiet ta' l-IMO, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-“libertà tan-navigazzjoni” u d-“dritt ta' passaġġ inoffensiv” fiż-Żona Ekonomika Esklussiva (ŻEE).

10.3

Il-forum ta' l-industriji marittimi u l-punti ta' kuntatt nazzjonali għall-promozzjoni tat-trasport marittimu għal rotot qosra talbu kemm-il darba s-semplifikazzjoni tal-proċeduri doganali. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ħarġet dokument fl-2002 bl-intenzjoni li jinkoraġġixxi l-użu ta' proċeduri ssimplifikati għat-trasport marittimu għal rotot qosra (24).

10.4

Madankollu dan id-dokument ma jsolvix il-problemi kollha. Il-problemi prinċipali huma li hemm bżonn li jinkiseb l-istatus ta' servizz regolari (linji awtorizzati) li jkun marbut kemm mal-bastiment kif ukoll mal-kumpanija tat-tbaħħir (operatur tat-trasport) ikkonċernati. Jekk ikun hemm bżonn ta' bastiment ieħor, trid issir dikjarazzjoni ġdida. Jekk waqt vjaġġ, bastiment bil-merkanzija intra-komunitarja jidħol f'port ta' pajjiż terz, il-proċeduri sempliċi jaqgħu għall-merkanzija kollha intra-UE (bastiment infettat).

10.5

Is-soluzzjoni tista' tkun li l-proċeduri ssemplifikati jiġu bbażati fuq il-kumpanija kkonċernata (it-trasportatur) u t-tagħbija. Il-merkanzija/it-tagħbija intra-UE għalhekk tkun tista' tuża l-proċedura sempliċi fiċ-ċirkostanzi kollha, li għandha tkun identika għal dik li hemm għat-trasport fit-triq.

10.6

Trid tiġi eżaminata r-responsabbiltà multimodali. Dan il-punt ser jiġi diskuss fil-kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt Kummerċjali Internazzjonali (United Nations Commission on International Trade Law). Il-KESE jittama li jintlaħaq ftehim malajr.

10.7

Il-KESE jinnota li l-miżuri ta' sigurtà ma għandhomx jippenalizzaw it-trasport marittimu meta mqabbel mat-trasport fuq l-art.

11.   Ambjent

11.1

It-trasport marittimu huwa l-aktar mezz ta' trasport li jirrispetta l-ambjent. Bl-eċċezzjoni tal-kubrit, it-trasport marittimu, mill-aspetti ta' l-emissjonijiet tal-gas fit-tunnellata metrika għal kull kilometru, huwa aħjar mill-modalitajiet l-oħra tat-trasport. Madankollu tajjeb li jittieħdu l-passi sabiex dan ir-riżultat jitjieb. F'dan ir-rigward, hemm proċedura għaddejja fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali sabiex tirrevedi l-Anness VI relevanti tal-Konvenzjoni MARPOL. Din il-proċedura ħaqqha appoġġ bla riżervi sabiex tinstab soluzzjoni globali.

11.2

Waqt id-diskussjonijiet fl-OMI, wieħed irid joqgħod attent għall-possibbiltà ta' estensjoni taż-żoni ta' kontroll ta' l-emissjonijiet tal-kubrit (SECAS) (25), fejn wieħed jista' japplika limiti aktar rigorużi għal dawn l-emissjonijiet. It-trasport marittimu għal rotot qosra huwa hawnhekk partikolarment vulnerabbli, peress li jopera f'żoni tal-kosta u dan iwassal għal salpar ta' spiss. Għalhekk wieħed irid joqgħod attent sabiex ma jintilifx dak li hu tajjeb (il-promozzjoni tat-trasport marittimu għal rotot qosra) filwaqt li jkun qed jiġi indirzzat dak li hu ta' ħsara.

11.3

Fl-istess waqt, it-trasport marittimu huwa f'sitwazzjoni favorevoli fejn jidħol il-Karbonju (CO2) mkejjel għal kull tunnellata metrika fil-kilometru. Sorsi indipendenti (26), jistmaw li t-trasport marittimu huwa responsabbli għal bejn 1,75 sa 2 % tal-gass b'effett ta' serra. Iżda anke f'dan il-qasam qed jiġu eżaminati x'miżuri jistgħu jittieħdu sabiex itejbu kostantement il-prestazzjoni ambjentali.

11.4

Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu promossi r-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll l-għajnuna finanzjarja b'rabta mat-titjib fl-emissjonijiet tal-gass tal-vapuri, inkluż il-karburanti.

11.5

Apparti l-aspetti marbuta ma' l-emissjonijiet, hemm bżonn li tingħata attenzjoni lill-kontroll tat-tniġġis ta' l-ambjent tal-baħar minħabba fiż-żieda fin-navigazzjoni mal-kosta.

11.6

L-objettiv prinċipali tar-rotot fuq il-baħar huwa li jitrasferixxi t-trasport lejn dak marittimu. Dan ikollu effett pożittiv fuq l-ambjent u s-soċjetà peress li jinfluwenza l-konġestjoni tat-traffiku fit-toroq, l-ammont ta' storbju u ta' inċidenti fit-toroq. Dan għandu jiġi kkunsidrat mingħajr ma tintesa l-ħtieġa li jseħħ progess kostanti fil-qasam ta' l-emissjonijiet ta' gass mill-bastimenti.

Brussell, it-16 ta' Jannar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  L-aġenda ta' l-UE fil-qasam tat-trasport:Intejbu l-effiċjenza, l-integrazzjoni u s-sostenibbiltà tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa (COM (2007) 606); Dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni dwar ir-rotot fuq il-baħar, 18 ta' Ottubru 2007.

(2)  TEN/258 “Il-politika komuni dwar il-portijiet ta' l-UE”ĠU Ċ 168 ta' l-20 ta' Lulju 2007, p. 57-62.

(3)  Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni dwar il-linji gwida komunitarji għall-iżvilupp ta' netwerk tat-trasport trans-Ewropew, 2004/49/KE tad-29.4.2004.

(4)  Regolament 1382/2003 (Programm Marco Polo) L196 tat-2.8.2003 u COM(2004) 478 finali ta' l-14.7.2004 (Marco Polo II).

(5)  Għandu jissemma li diġà jeżistu konnessjonijiet bil-baħar għal distanzi qosra, partikolarment bejn it-Turkija u l-Italja u bejn l-Italja u Spanja; dawn ġew stabbiliti minn operaturi privati.

(6)  Li tinkludi l-baħar l-Iswed.

(7)  COM(2006) 380 finali tat-13.7.2006.

(8)  Ara nota 1.

(9)  TEN/268 “Reviżjoni ta' Nofs it-Term tal-Programm għall-Promozzjoni tat-Trasport Marittimu fuq Distanza Qasira”, ĠU C 168 ta' l-20.7.2007, p. 68.

(10)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2006) 380 finali tat-13.7.2006.

(11)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-trasport u l-merkanzija fl-UE tat-18.10.2007; Dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni dwar ir-rotot fuq il-baħar, 18 ta' Ottubru 2007.

(12)  TEN/258 “Il-politika komuni dwar il-portijiet ta' l-UE”ĠU C 168 ta' l-20.7.2007, pp. 57-62.

(13)  TEN/262 opinjoni dwar il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija, ĠU C 168 ta' l-20.7.2007, p. 63.

(14)  Proġett ko-maodali dwar BGV-HSC bastimenti li jgħaġġlu ħafna u rotot tal-baħar għal veloċità kbira (www.bgv.eu).

(15)  ĠU Ċ 168 ta' l-20.7.2007, pp. 57-62: Rapport annwali ta' l-ESPO 2000-2007 — ITMMA/Università ta' Anverra.

(16)  “Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni”: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra (Green Paper) COM(2006) 275 finali tas-7.6.2006.

(17)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — dwar Politika Ewropea għall-Portijiet, 18.10.2007.

(18)  Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna — Reviżjoni ta' nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport ta' l-2001 tal-Kummissjoni Ewropea COM(2006) 314 finali tat-22.6.2006.

(19)  “Il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija — il-muftieħ għall-mobbiltà sostenibbli” (titlu proviżorju) COM 336 finali tat-28 ta' Ġunju 2006.

(20)  Aiuto di stato N 496/2003 — Italia.

(21)  “Reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-programm għall-promozzjoni tat-trasport marittimu għal rotot qosra” COM(2003) 155 finali tat-13.7.2006.

(22)  TEN/262 opinjoni dwar il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija.

(23)  Opinjoni TEN/258 tas-26 ta' April 2007“Politika komuni dwar il-portijiet ta' l-UE” u opinjoni KESE TEN/255 tas-26.4.2007 (Green Paper) COM(168) 57 finali tas-7.6.2006“Lejn Politika Marittima futura għall-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra”, ĠU Ċ 168 ta' l-20.7.2007, p.57.

(24)  Dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni: Gwida tal-proċeduri doganali għat-trasport marittimu għal rotot qosra SEC (2002) 632 tad-29.5.2002.

(25)  SECAS akronimu Ingliż (Sulphur Emmissions Control Areas).

(26)  Stern Review on the economics of climate change, Ir-Renju Unit Ottubru 2006.


17.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 151/25


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tirrevoka id-Direttiva tal-Kunsill Nru 87/372/KEE dwar il-firxiet ta' frekwenza li għandhom jiġu rriżervati għall-introduzzjoni kordinata ta' komunikazzjonijiet mobbli terrestri pubbliċi ċellulari diġitali pan-Ewropej fil-Komunità

COM(2007) 367 finali — 2007/0126 (COD)

(2008/C 151/08)

Nhar il-31 ta' Awissu 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar il-

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill Nru 87/372/KEE dwar il-firxiet ta' frekwenza li għandhom jiġu rriżervati għall-introduzzjoni kordinata ta' komunikazzjonijiet mobbli terrestri pubbliċi ċellulari diġitali pan-Ewropej fil-Komunità

Fil-25 ta' Settembru 2007 il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-441 Sessjoni Plenarja tiegħu tas-16 u s-17 ta' Jannar 2008 (seduta tas-16 ta' Jannar 2008) li japprova din l-opinjoni b'unanimità.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni, għaliex ser tistimola l-innovazzjoni u l-kompettitività, tagħti spinta l-kompetizzjoni fis-suq tat-telekomunikazzjoni u tkabbar l-għażla tal-konsumatur.

2.   Introduzzjoni

2.1

B'konformità mat-termini tad-Direttiva tal-Kunsill 87/372/KEE tal-25 ta' Ġunju 1987 (1), ikkumplimentata bir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 87/371/KEE tal-25 ta' Ġunju 1987 (2) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Diċembru 1990 (3), il-firxiet ta' frekwenzi 890-915 u 935-960 MHz (magħrufin bħala l-medda tad-900MHz) ġew riżervati u kellhom ikunu okkupati mis-servizz ta' komunikazzjonijiet mobbli pubbliċi ċellulari diġitali pan-Ewropej ipprovduti f'kull Stat Membru skond speċifikazzjoni komuni.

2.2

L-iżviluppi fis-suq wasslu għal appoġġ ġenerali għat-tneħħija tar-riżerva tal-medda tad-900MHz għall-GSM, sabiex teknoloġiji diġitali ġodda u differenti li jipprovdu servizzi innovattivi jkunu jistgħu jintużaw f'dawn il-firxiet ta' frekwenzi.

2.3

Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar il-qafas leġislattiv għall-politika ta' l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea tistabbilixxi qafas legali biex tiżgura d-disponibbiltà armonizzata u l-użu effiċjenti ta' l-ispettru tar-radju, fejn hemm bżonn li jiġu implimentati politiki Komunitarji f'oqsma bħal ma huma l-komunikazzjoni, it-trasport, ix-xandir u r-riċerka u r-riċerka teknoloġika (RTD)

Il-KESE jappoġġja l-proposta għal din id-deċiżjoni (5), meta jitqies li din tiżgura l-użu razzjonali, ekwu, effettiv u ekonomiku tal-frekwenzi għas-servizzi kollha ta' komunikazzjoni bir-radju.

2.4

L-għan ta' din id-deċiżjoni hu li:

Jitwaqqaf kumitat regolatorju, li se jissejjaħ il-Kumitat ta' l-Ispettru tar-Radju (RSC), li jirrejaġixxi malajr għall-iżviluppi teknoloġiċi u leġislattivi fil-qasam tal-komunikazzjoni bir-radju u jippermetti konsultazzjoni adattata tal-komunitajiet rilevanti kollha ta' utenti ta' l-ispettru tar-radju. Il-Kumitat jagħti parir lill-Kummissjoni meta jinħarġu mandati lis-CEPT (Il-Konferenza Ewropea ta' l-Amministrazzjonijiet Postali u Telekomunikazzjonijiet) u jagħti opinjoni leġislattiva dwar il-miżuri ta' implimentazzjoni tekniċi li jwasslu għal kondizzjonijiet armonizzati u l-implimentazzjoni tal-politika Komunitarja;

jistabbilixxi qafas legali għall-armonizzazzjoni ta' l-ispettru fejn hemm bżonn;

jiżgura provvista ta' informazzjoni koordinata u f'waqtha dwar l-użu ta' l-ispettri tar-radju u d-disponibbiltà fil-KE;

jiżgura li jiġu żviluppati pożizzjonijiet Komunitarji u Ewropej adegwati b'ħarsa lejn in-negozjati internazzjonali (6) marbutin ma' l-ispettru, fejn il-kwistjonijiet taħt diskussjoni huma koperti mill-politiki Komunitarji.

2.5

Id-deċiżjoni tippermetti lill-Kummissjoni tadotta miżuri tekniċi ta' implimentazzjoni biex tiżgura kondizzjonijiet armonizzati għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-firxa ta' l-ispettru tar-radju. Għalhekk, fejn hemm bżonn ta' armonizzazzjoni sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-politiki Komunitarji, il-Kummissjoni tagħti mandat lill-Konferenza Ewropea ta' l-Amministrazzjonijiet Postali u Telekomunikazzjonijiet (CEPT) biex tiżviluppa kriterji tekniċi fil-livell Ewropew li fuqhom jistgħu jiġu bbażati, abbozzati u adottati l-miżuri ta' armonizzazzjoni ta' l-ispettru mill-Kumitat ta' l-Ispettru tar-Radju (RSC).

3.   Il-proposta għal direttiva

3.1

Sabiex titneħħa r-riżerva tal-medda tad-900MHz tal-GSM fl-Istati Membri ta' l-UE, introdotta mid-Direttiva tal-Kunsill 87/732/KEE tal-25 ta' Ġunju 1987 dwar il-firxiet ta' frekwenza li għandhom jiġu rriżervati għall-introduzzjoni kordinata ta' komunikazzjonijiet mobbli terrestri pubbliċi ċellulari diġitali pan-Ewropej fil-Komunità, din id-direttiva għandha tiġi rtirata permezz ta' adozzjoni ta' direttiva speċifika għal dan il-għan mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

3.2

Dan hu neċessarju sabiex jingħata kontribut għas-suċċess ta' l-inizjattiva 2010 —Soċjetà Informatika Ewropea għat-tkabbir u l-impjieg  (7) kif ukoll sabiex tikber il-kompetizzjoni permezz ta' l-użu tal-medda tad-900Mhz minn teknoloġiji oħra, li jħallu lill-utenti kemm jista' jkun libertà ta' l-għażla ta'servizzi u teknoloġiji.

3.3

Bi qbil mal-provviżjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE, il-Kummissjoni ħarġet mandat lill-Konferenza Ewropea ta' l-Amministrazzjonijiet Postali u Telekomunikazzjonijiet (CEPT) biex tiżviluppa kondizzjonijiet tekniċi anqas restrittivi. Skond dan il-mandat, il-kondizzjonijiet ġew mfassla skond il-prinċipju li d-900MHz jista' jaħdem flimkien u hu kompletament kompatibbli mal-GSM u ma' l-UMTS. Mandati futuri jistgħu jinħarġu biex jixhdu l-kompatibbiltà ta' teknoloġiji oħra mal-GSM, u b'hekk jakkwistaw aktar ftuħ għal din il-medda.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa' l-istruttura tal-proposta ta' direttiva tal-Kummissjoni, u tikkonsidrha bħala legalment adatta. Il-proposta tifforma parti mit-titjib u s-simplifikazzjoni ta' l-acquis Komunitarju li l-KESE appoġġja fl-opinjonijiet tiegħu.

4.1.1

Każistika estiża tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxit li atti li jorbtu ta' liġijiet istituzzjonali jistgħu jiġu emendati jew irtirati biss minn atti sussegwenti ta' l-istess għamla. Għalhekk, hu kompletament iġġustifikat il-bżonn li tiġi adottata direttiva speċifika biex tiġi rtirata id-Direttiva 87/372/KEE.

4.2

Il-kuntest legali tal-proposta jidher li jiġġustifika wkoll l-adozzjoni tagħha għal ħafna raġunijiet.

4.3

Żviluppi fis-suq ta' l-industrija tat-telekomunikazzjoni jargumentaw favur l-introduzzjoni ta' teknoloġiji diġitali ġodda li jkunu jistgħu jaħdmu flimkien mal-GSM fl-użu tal-medda tad-900 MHz u fil-kisba ta' benefiċċji mill-użu mifrux ta' servizzi ta' vuċi, data u multimedia bi prezz orħos f'żoni rurali jew b'popolazzjoni baxxa.

4.4

Il-Kumitat jilqa' l-fatt li din it-teknoloġija ser tintuża bi spejjeż ambjentali baxxi minħabba l-fatt li ser topera b'anqas stazzjonijiet bażi.

4.5

Dawn it-teknoloġiji l-ġodda, bħall-UMTS, ħolqu ukoll suq pan-Ewropew għas-servizzi relatati.

4.6

Għandha ukoll tiġi mfaħħra l-attenzjoni li ngħatat mill-Kummissjoni: il-proposta hi akkumpanjata b'miżuri oħra, bħall-pjanijiet biex jiġu ppreparati miżuri ta' armonizzazzjoni tekniċi biex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni ta' l-użu tal-medda tad-900 MHz mis-servizzi tal-GSM, u l-użu tal-provviżjonijiet tal-komitoloġija skond id-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju sabiex tirreaġixxi malajr għall-progress tekonoloġiku u tiġi introdotta leġislazzjoni ta' armonizzazzjoni ġdida fil-livell ta' l-UE.

4.7

Kemm l-irtirar neċessarju tad-direttiva imsemmija hawn fuq kif ukoll l-introduzzjoni futura tal-kondizzjonijiet ta' operazzjoni ġodda għall-ispettru tar-radju mill-Istati Membri jimxu flimkien mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għaliex huma marbutin ma' l-objettiv speċifiku ta' żgurar ta' l-użu tal-medda tad-900 MHz, u huma bla preġudizzju lejn il-poteri għat-teħid ta' deċiżjoni dwar l-użu ta' din il-medda minn servizzi addizzjonali oħrajn, jew l-għotja ta' drittijiet għall-użu tad-drittijiet ta' l-ispettru mill-Istati Membri.

4.8

Il-miżuri proposti jew ippjanati mill-Kummissjoni huma newtrali fir-rigward tat-teknoloġiji u s-servizzi użati fl-ispettru, li jippermettulha li tiġi użata b'aktar flessibblità u effiċjenza.

4.9

Il-ġestjoni ta' l-ispettru għandha tkun mmexxija mill-prinċipji ġenerali tan-newtralità teknoloġika flimkien ma' newtralità, flessibbiltà u trasparenza tas-servizz, li tiżgura diversità kulturali u lingwistika, libertà ta' l-espressjoni u pluralità tal-media, u li tirrifletti l-bżonnijiet, tekniċi, soċjali, kulturali u politiċi ta' l-Istati Membri kollha.

4.10

Il-KESE jikkunsidra li l-użu effiċjenti ta' l-ispettru tar-radju hu kruċjali għall-garanzija ta' aċċess għall-fornituri potenzjali tas-servizz u li konsegwentement hu fattur importanti għat-tkabbir, il-produttività u l-iżvillup ta' l-industrija Ewropea skond l-istrateġija ta' Lisbona, filwaqt li jkabbar ukoll l-għażla tal-konsumatur.

4.11

Il-proposta tista' tibbenefika ħafna ċittadini Ewropej, inter alia, billi tnaqqas l-ostakoli għall-użu ta' teknoloġiji ta' komunikazzjoni mobbli avvanzati u biex tingħeleb il-firxa diġitali ġeografika, il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali, it-tkabbir tal-kwalità tas-servizzi li jistgħu jiġu pprovduti u bi spiża anqas, it-tnaqqis tan-numru neċessarju ta' stazzjonijiet bażi bl-użu akbar ta' frekwenzi baxxi, bil-konsegwenza ta' benefiċċji ambjentali u l-iżgurar tal-protezzjoni kontinwa tas-saħħa kontra l-emisjonijiet elettro-manjetiċi, eċċ.

4.12

Madankollu l-KESE jikkonsidra li l-miżuri Komunitarji maħsuba mill-Kummissjoni jistgħu jiġu kkumplimentati bl-introduzzjoni ta' firxa ta' miżuri ta' tip u skop varjat.

4.12.1

L-ewwelnett, mill-aspett ta' politika leġislattiva wiesa', darba li l-leġislazzjoni proposta tiġi adottata, l-allokazzjonijiet tal-baġit għandhom jiġu pprovduti skond il-provviżjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2006) 129 sabiex tiffaċilita fejn hemm bżonn, il-ħolqien ta' l-infrastruttura neċessarja fl-Istati Membri li m'għandhomx netwerk adattat ta' stazzjonijiet bażi. Madankollu dan għandu jseħħ mingħajr preġudizzju għall-attenzjoni speċjali li għandha tittieħed biex jiġi protett l-ambjent, sabiex dawn il-miżuri ma jwasslux għal spejjeż ta' impatt ambjentali.

4.12.2

It-tieni, il-leġislazzjoni Komunitarja attwali dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet għandha titranġa sabiex tiżgura li kull konċessjoni mgħotija minn Stati Membri għall-użu ta' l-ispettru tar-radju jilħqu l-kondizzjonijiet ta' trasparenza, non-diskriminazzjoni u l-protezzjoni ta' l-interess ġenerali.

4.12.3

It-tielet, id-deċiżjonijiet tal-komitoloġija li jissuplimentaw l-aspett legali ta' l-ispettru tar-radju pan-Ewropew għandhom jinkludu provviżjonijiet speċifiċi biex jiżguraw li l-liġi Komunitarja attwali dwar l-aċċessibbiltà elettronika tiġi applikat kullimkien. B'mod aktar speċifiku, jekk irridu li jinkseb il-progress sħiħ fil-qasam teknoloġiku, skond il-provviżjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2007) 694, deċiżjonijiet bħal dawn għandhom jikkonċernaw ruħhom bl-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini b'diżabbiltà, l-anzjani u ċittadini bi ftit jew l-ebda taħriġ teknoloġiku.

4.12.4

Għal dan il-għan, il-firxa ta' inċentivi — li għandha tiġi ddeterminata fiż-żmien approprijat — tista' titfassal sabiex tħeġġeġ lis-settur industrijali tat-teknoloġija u l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, speċjalment fil-livell reġjonali u lokali, sabiex jagħtu kontribut għall-aċċess ġenerali taċ-ċittadini għal kull progress teknoloġiku.

4.13

X'aktarx li l-kondizzjonijiet teknoloġiċi ġodda ser jiġu maħluqa f'livell Komunitarju, nazzjonali jew reġjonali mingħajr aktar piżijiet finanzjarji jew amministrattivi.

Brussell, is-16 ta' Jannar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Direttiva tal-Kunsill 87/372/KEE tal-25 ta' Ġunju 1987 dwar il-firxiet ta' frekwenza li għandhom jiġu rriżervati għall-introduzzjoni kordinata ta' komunikazzjonijiet mobbli terrestri pubbliċi ċellulari diġitali pan-Ewropej fil-Komunità, ĠU L 196 tas-17.7.1987, pġ. 85.

(2)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 87/371/KEE tal-25 ta' Ġunju 1987 dwar il-firxiet ta' frekwenza li għandhom jiġu rriżervati għall-introduzzjoni kordinata ta' komunikazzjonijiet mobbli terrestri pubbliċi ċellulari diġitali pan-Ewropej fil-Komunità, ĠU L 196 tas-17.7.1987, pġ. 81.

(3)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Diċembru 1990 dwar l-aħħar stadju ta' l-introduzzjoni kordinata ta' komunikazzjonijiet mobbli terrestri pubbliċi ċellulari diġitali pan-Ewropej fil-Komunità (GMS), ĠU L 329 tal-31.12.1990, pġ. 25.

(4)  ĠU L 108, 24.4.2002, pġ. 1;

(5)  ĠU C 123, 25.4.2001

(6)  Storikament il-pajjiżi jikkoordinaw l-użu ta' l-ispettru tar-radju fil-qafas ta' l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), korp speċjalizzat tan-Nazzjonijiet Uniti. 186 pajjiż jiltaqgħu kull sentejn fil-Konferenzi Dinjija tat-Telekomunikazzjonijiet (WRC) ta' l-ITU, biex jadottaw miżuri biex tinkiseb l-armonizzazzjoni internazzjonali. 43 pajjiż fl-Ewropa — inklużi l-Istati Membri — jikkoordinaw l-użu ta' l-ispettru tar-radju fil-qafas tal-Konferenza Ewropea ta' l-Amministrazzjonijiet Postali u Telekomunikazzjonijiet (CEPT) u fis-sotto-kumitat tagħha, il-Kumitat tar-Radjokomunikazzjonijiet Ewropej (ERC).

(7)  COM(2005) 229 finali.


17.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 151/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Lejn l-adozzjoni ta' Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija

COM(2007) 386 finali

(2008/C 151/09)

Nhar il-5 ta' Lulju 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Lejn l-adozzjoni ta' Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija

Nhar il-25 ta' Settembru 2007 il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni sabiex tħejji l-ħidma dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-441 Sessjoni Plenarja tiegħu tas-16 u 17 ta' Jannar 2008 (fis-seduta tas-16 ta' Jannar) li jaħtar lis-Sur Iozia bħala rapporteur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b'127 vot favur, vot wieħed kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Sinteżi tal-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iqis l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija b'mod pożittiv.

1.2

Il-KESE jqis li l-Karta hija l-ewwel pass lejn it-tisħiħ u l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi, li m'humiex iggarantiti jekk jitħallew f'idejn il-mekkaniżmi tas-suq, kif tenfasizza, bir-raġun, il-Kummissjoni.

1.3

Il-KESE jemmen li safejn dan huwa possibbli l-leġislazzjoni non-vinkolanti għandha tiġi evitata. Il-KESE, bi qbil mar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, jemmen li hemm bżonn ta' leġislazzjoni vinkolanti li tiggarantixxi d-drittijiet taċ-ċittadini billi l-miżuri tas-soft law ma jippermettux li l-objettivi jintlaħqu bis-sħiħ. Fil-każ tad-drittijiet tal-passiġġieri, il-Kummissjoni ħarġet ir-Regolament KE 261/2004 tal-11 ta' Frar. Għaldaqstant m'hemm l-ebda raġuni għaliex id-drittijiet tal-klijenti ta' l-enerġija għandhom jiġu indirizzati minn dokument li ma jorbotx.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda li, flimkien mad-Direttivi li qegħdin jiġu approvati attwalment, il-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li l-Karta tinbidel f'Regolament dwar id-drittijiet tal-konsumaturi Ewropej ta' l-enerġija.

1.5

Il-KESE jemmen li d-drittijiet imħarsa mid-Direttivi għandhom japplikaw għall-utenti finali kollha, b'mod partikulari għall-familji u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Id-Direttiva dwar l-elettriku 2003/54 tħalli lill-Istati Membri jagħżlu jridux joffru s-servizz universali — jiġifieri d-dritt li jiġu pprovduti b'elettriku ta' kwalità speċifika għal prezz raġonevoli, faċilment kumparabbli u trasparenti — lill-intrapriżi ż-żgħar (b'inqas minn 50 impjegat u turnover li ma jaqbiżx l-EUR 10 miljun).

1.6

Il-KESE jemmen li din id-differenza fit-trattament m'hijiex iġġustifikata u li d-dritt għal servizz universali għandu jingħata mill-inqas lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-Unjoni kollha. Għal dan il-għan, fid-dawl tal-fatt li t-tielet pakkett ta' l-enerġija, li l-KESE qiegħed jeżamina bħalissa, jimmodifika d-Direttiva dwar l-elettriku 2003/54, il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li l-Kummissjoni timmodifika l-Artikolu 2 f'din id-direzzjoni, jew li testendi l-applikazzjoni tagħha għall-klijenti non-domestiċi.

1.7

Il-KESE jqis li huwa indispensabbli li bil-kelma “konsumatur” wieħed jifhem il-konsumatur finali, jiġifieri l-klijent tal-fornitur ta' l-enerġija. Il-bidla fit-terminoloġija bejn il-Komunikazzjoni “Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa” li ssemmi l-Karta tad-drittijiet tal-klijenti u l-proposta li qiegħda tiġi eżaminata għal Karta tad-drittijiet tal-konsumaturi ta' l-enerġija, toħloq ċerta inċertezza u xxekkel il-fehim. Ix-xewqa ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li s-settur kummerċjali jkollu l-garanzija li jirċievi b'mod kostanti l-enerġija suffiċjenti għall-attivitajiet produttivi tiegħu, jistħoqqilha l-istess ammont ta' attenzjoni, b'mod partikulari fir-reġjuni tal-konverġenza u l-koeżjoni.

1.8

Il-garanzija tas-servizz universali estiża għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, ir-rispett tar-rabtiet tas-servizz pubbliku, il-ħarsien tas-setturi ekonomikament żvantaġġati li jirriskjaw il-“faqar fl-enerġija”, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, il-libertà kuntrattwali, id-dritt għall-informazzjoni, id-dritt li l-konnessjoni ssir malajr, li l-kuntratti jkunu ċari u l-prezzijiet raġonevoli, trasparenti u kumparabbli bejn id-diversi fornituri, il-garanzija ta' provvista kontinwa, l-għarfien dwar is-sorsi ta' enerġija użati: dawn kollha huma fatturi estremament rilevanti. Għalhekk il-Kummissjoni, bir-raġun, ġibdet l-attenzjoni lejn il-fatt li s-suq, waħdu, m'huwiex kapaċi jesprimi dan il-livell ta' “sensittività” soċjali, ambjentali u ekonomika. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ lill-inizjattivi kollha li jsegwu din id-direzzjoni b'sempliċità u effikaċja u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-iktar għodda adattati.

1.9

Il-KESE jirrakkomanda li titqies l-opportunità li jiġu inklużi modifiki oħra tad-direttiva dwar l-elettriku fl-ambitu tat-tielet pakkett ta' l-enerġija, minbarra dawk li huma diġà ppjanati.

1.10

Fl-aħħar ta' l-2001 il-KESE kien diġà ssuġġerixxa li l-Grupp tar-regolaturi Ewropej għall-gass u l-elettriku (ERGEG) jinbidel f'Aġenzija. Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-Kummissjoni issa implimentat dik il-proposta fl-ambitu tat-“tielet pakkett ta' l-enerġija” u jittama li fost il-kompiti tal-futura Aġenzija jkun hemm il-verifika ta' l-applikazzjoni tajba tad-drittijiet tal-konsumaturi, b'mod partikulari tal-konsumaturi vulnerabbli. Il-KESE jemmen li l-implikazzjoni ta' l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, ta' l-industrija settorjali u tat-trade unions hija meħtieġa sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni u r-responsabbiltà konġunta, kif diġà sar fil-qasam tat-trasport. Ftehim Ewropew li jagħti lill-Aġenzija d-dritt ta' azzjoni u regolarizzazzjoni tar-rabtiet bejn il-produtturi u l-utenti finali jista' jgħin konsiderevolment sabiex jintlaħqu l-objettivi. Ir-regolaturi nazzjonali jkollhom jissorveljaw is-swieq fl-oqsma li jikkonċernawhom direttament.

1.11

Il-KESE japprezza l-proposti li ressqet il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni, billi dawn, jekk jiġu implimentati b'mod effikaċi, isaħħu d-drittijiet tal-konsumatur. B'mod partikulari jinnota li għandhom jiġu ggarantiti d-drittijiet tas-servizz pubbliku u tas-servizz universali, billi jiġi identifikat fornitur sostitut, li jista' jintervjeni fil-każ ta' kriżi ta' enerġija min-naħa tal-fornitur oriġinali ta' l-enerġija.

1.12

Regoli indaqs għas-suq uniku f'termini ta' kuntratti: trasparenza, modalitajiet ta' implimentazzjoni, ġestjoni ċara u mhux għalja tal-kunflitti, indennizzi uniformi li jiffavorixxu l-mobilità transkonfinali tal-konusmaturi u jiftħu s-suq Ewropew għall-konsumaturi finali wkoll.

1.13

Prezzi raġonevoli, trasparenti u kumparabbli. Kontijiet ċari, kompluti u bl-informazzjoni kollha utli għall-konsumaturi dwar is-sorsi ta' enerġija użati għall-produzzjoni ta' l-elettriku, l-emissjonijiet ta' CO2 u gassijiet oħra b'effett ta' serra, suġġerimenti għall-iffrankar ta' l-enerġija li jkunu koerenti mal-politiki Komunitarji.

1.14

Il-libertà li wieħed jagħżel il-fornitur tiegħu, jibdlu fi żmien qasir u mingħajr ħlas, l-applikazzjoni ta' dewmien limitat għall-kuntratti: dawn kollha huma drittijiet marbuta ma' l-iżvilupp sħiħ tas-suq tax-xogħol.

1.15

Informazzjoni korretta, sħiħa u ċara dwar il-kundizzjonijiet ta' aċċess u ta' użu, it-tariffi u l-prezzijiet u l-modifiki tagħhom.

1.16

Fir-rigward ta' l-ilmenti, ikun xieraq li tittieħed deċiżjoni favur soluzzjoni tal-kunflitti barra mill-qrati, bl-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni 98/257 u 2001/310.

1.17

Id-dritt tar-rappreżentazzjoni għandu jissaħħaħ u jsir effettiv bil-għajnuna ta' l-għaqdiet tal-konsumaturi. Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitlaqqgħu f'sessjoni ta' djalogu miftuħ organizzata mill-aġenzija l-ġdida bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet iktar adegwati għall-effettività tad-drittijiet tal-konsumaturi.

1.18

Il-faqar fl-enerġija jfisser esklużjoni minn ħajja dinjituża. Id-definizzjoni tal-konsumatur vulnerabbli u l-miżuri adottati favurih għandhom jiġu uniformizzati billi tiġi evitata l-interruzjoni fil-provvista permezz ta' garanzija ta' provvista bażika, iżda wkoll permezz tal-provvista ta' enerġija mingħajr ħlas. Il-prinċipju ta' responsabbiltà dejjem għandu jitħares.

1.19

Għandhom jittieħdu miżuri effettivi kontra l-prattiki kummerċjali żleali, billi jiġu aġġornati d-dispożizzjonijiet dwar dan fl-anness 1 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-11 ta' Mejju 2005Prattiki żleali oħra jistgħu jiġu identifikati aħjar f'regolament milli permezz ta' modifiki tad-direttiva.

1.20

Il-KESE jissuġġerixxi li minbarra d-disa' suġġetti messqa mill-Kummissjoni, jiġu wkoll ikkunsidrati oħrajn meħudin minn ċerti Karti tad-drittijiet ta' kumpaniji li jipprovdu l-enerġija u għaqdiet tal-konsumaturi, kif diġà sar per eżempju f'ċerti Stati Membri ta' l-Unjoni: id-dritt “għall-ħin” tal-konsumatur, id-dritt għall-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni, id-dritt għall-kwalità u s-sigurtà, id-dritt għall-aqwa tariffa jew għat-tariffa l-iktar adattata għall-bżonnijiet tal-konsumatur, id-dritt għal rimborż tal-ħsara kkawżata u għal proċedura ta' konċiljazzjoni li toffri soluzzjoni effettiva fi żmien qasir.

2.   Introduzzjoni: id-dokument tal-Kummissjoni

2.1

Fil-komunikazzjonijiet ta' l-10 ta' Jannar 2007 (1), (2) il-Kummisjoni kienet ħabbret l-intenzjoni li toħroġ Karta tad-drittijiet tal-“klijenti” tal-kumpaniji li jipprovdu l-gass u l-enerġija, approvata mill-Kunsill tar-Rebbiegħa tat-8 u d-9 ta' Marzu. Fihom kienet talbet trattament aħjar tal-konsumaturi, per eżempju permezz ta' l-iżvilupp ta' Karta tal-klijenti ta' l-enerġija.

2.2

Il-Kummissjoni tagħraf li l-mekkaniżmi tas-suq waħedhom ma jistgħux jiggarantixxu r-rispett ta' l-interessi tal-konsumaturi u turi li d-direttivi eżistenti diġà jinkludu obbligi ta' servizz pubbliku u jiggarantixxu d-drittijiet tal-konsumaturi; il-Kummissjoni tħabbar azzjonijiet dwar is-sorveljanza ta' l-implimentazzjoni u r-rispett “effettiv” tad-drittijiet tal-konsumaturi fil-livell nazzjonali kif ukoll dwar it-tisħiħ u l-estensjoni ta' dawn id-drittijiet.

2.3

Il-fatt li l-proċess ta' liberalizzazzjoni tas-swieq Ewropej ta' l-enerġija u tal-gass intemm fl-1 ta' Lulju 2007 jirrappreżenta l-okkażjoni ideali għat-tnedija ta' kampanja ta' tagħrif adegwata mmirata lejn iċ-ċittadini u li tinvolvi l-għaqdiet tal-konsumaturi, dwar il-vantaġġi li għandha ġġib magħha l-opportunità li wieħed jagħżel fornitur u jkompli jgawdi l-istess drittijiet.

2.4

L-enerġija hija essenzjali għal kull Ewropew. It-titjib tal-ġestjoni u t-tisħiħ ta' l-interessi tal-konsumaturi, bħall-interessi tal-kumpaniji, huma kundizzjonijiet fundamentali ta' suq intern effikaċi.

2.5

Il-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti diġà tesiġi r-rispett għall-obbligi tas-servizz pubbliku, li huma conditio sine qua non tal-leġislazzjoni dwar l-enerġija. Il-prijorità ta' l-iżvilupp sostenibbli, il-ħarsien ta' l-ambjent, tal-konsumaturi u ta' l-iktar setturi vulnerabbli tas-soċjetà, fi kliem ieħor l-obbligi tas-servizz pubbliku, jirrappreżentaw element komplementarju neċessarju għall-kompetizzjoni. “L-obbligi tas-servizz pubbliku u universali b'mira preċiża għall-konsumaturi ta' l-enerġija għandhom jibqgħu fil-qalba tal-proċess għall-ftuħ fis-suq”.

2.6

Jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea taħdem iktar sabiex tindirizza l-faqar fl-enerġija. Il-prezzijiet dejjem iktar għoljin tal-karburanti fis-swieq internazzjonali jwasslu għal prezzijiet ta' l-enerġija iktar għoljin, bir-riżultat li l-iktar faxex dgħajfa tas-soċjetà Ewropea jbatu dejjem iktar. Din il-kwistjoni ma ġietx indirizzata biżżejjed mill-Istati Membri. Ħames Stati Membri biss għandhom tariffi speċjali għall-utenti ekonomikament żvantaġġati. Il-Karta futura għandha tinkludi modalitajiet speċifiċi li jħarsu lill-iktar konsumaturi vulnerabbli.

2.7

L-għanijiet ewlenin. Dawn huma l-erba' objettivi li l-Kummissjoni diġà pproponiet (3):

li tgħin sabiex jiġu stabbiliti skemi bħala għajnuna għall-aktar ċittadini vulnerabbli ta' l-UE fil-konfront ta' żidiet fil-prezzijiet ta' l-enerġija;

li ttejjeb il-livell minimu ta' tagħrif disponibbli għaċ-ċittadini sabiex ikunu jistgħu jagħżlu bejn il-fornituri u l-għażliet tal-provvista,

li tnaqqas il-burokrazija meta l-klijenti jibdlu l-fornitur, u

li tħares il-konsumaturi minn prattiki ta' bejgħ żleali.

2.8

Il-Karta Ewropea futura dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija mhux ser tkun dokument legali vinkolanti. Għandha tinkludi:

(a)

l-istandards Komunitarji attwali li tagħti drittijiet lill-konsumaturi u timponi obbligi fuq il-fornituri ta' l-enerġija;

(b)

l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri (gvernijiet jew awtoritajiet inkarigati mir-regolamentazzjoni) għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni;

(c)

l-elementi li jistgħu jiġu inklużi fid-drittijiet eżistenti u li jaqgħu taħt il-kompetenzi ta' l-Istati Membri;

(d)

l-elementi li jistgħu jiġi inklużi fid-drittijiet eżistenti u li jistgħu jintlaħqu permezz ta' awto-regolamentazzjoni min-naħa tal-partijiet interessati privati, jiġifieri l-industrija u l-għaqdiet tal-konsumaturi.

2.9

Id-disa' punti fundamentali li fuqhom hija bbażata l-Karta huma:

Konnessjoni

Kuntratti

Prezzijiet, tariffi u monitoraġġ

Għażla ħielsa tal-fornitur

Tagħrif

Ilmenti

Rappreżentazzjoni

Miżuri soċjali

Prattiki kummerċjali żleali

2.10

Skond il-prinċipju tar-“responsabbiltà konġunta”, il-partijiet interessati kollha: il-Komunità, l-Istati Membri, l-industrija ta' l-enerġija, irrappreżentata mill-imsieħba soċjali u l-għaqdiet tal-konsumaturi kollha, għandhom jagħtu l-kontribut tagħhom għas-suċċess ta' politika ta' l-enerġija favur iċ-ċittadini.

2.11

Fl-anness, għal kull punt fundamentali, ġew identifikati l-istandards attwali u l-inizjattivi li jistgħu jittieħdu mill-Kummissjoni u l-Istati Membri jew permezz ta' ftehimiet bejn il-partijiet interessati jew kodiċi ta' awto-regolamentazzjoni.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE ser jeżamina: il-qafas legali, il-persuni milquta mill-Karta, l-effikaċja u l-proporzjonalità tal-proposta tal-Kummissjoni u l-possibbiltà li jintużaw strumenti oħra, ir-rwol ta' l-Aġenzija u regolaturi nazzjonali, proposti jew inizjattivi oħra ta' natura ġenerali jew speċifika.

Il-qafas legali

3.2

L-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea jistipula li f'termini ta' protezzjoni tal-konsumatur: “Il-politika ta' l-Unjoni għandha tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur”. Dan l-Artikolu huwa bbażat fuq l-Artikolu 153 tat-Trattat li jagħti lill-Kummissjoni l-missjoni li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll li tippromovi d-dritt tagħhom għall-informazzjoni u l-organizzazzjoni għall-ħarsien ta' l-interessi tagħhom stess. Barra minn hekk, l-eżiġenzi tal-protezzjoni tal-konsumaturi għandhom jiġu kkunsidrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet Komunitarji oħra.

3.2.1

Bit-Trattat ta' Amsterdam, li mmodifika l-Artikolu 129 A il-qadim biex wasal għall-Artikolu 53 attwali, il-kompetenza Komunitarja fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi ġiet stabbilita definittivament (4).

3.2.2

Il-KESE jilqa' b'mod pożittiv ir-rieda tal-Kummissjoni li ssaħħaħ id-drittijiet tal-konsumaturi u tiġbor kemm il-miżuri attwalment proposti fil-leġislazzjoni Komunitarja (5) kif ukoll il-proposti għal inizjattivi futuri li jistgħu jiġu inklużi fid-diversi livelli tagħhom f'Karta dwar id-drittijiet tal-konsumaturi.

3.2.2.1

Madankollu jinnota li d-diversi forom ta' protezzjoni tal-konsumaturi adottati fl-Istati Membri individwali s'issa ma jiżgurawx li l-dispożizzjonijiet tad-direttivi fis-seħħ jitqiesu bħala drittijiet rikonoxxuti b'mod universali. Il-fatt li l-Karta hija msejħa mhux vinkolanti għalkemm tiġbor fiha elementi obbligatorji għal ċerti suġġetti b'għażliet ta' awto-regolamentazzjoni u “persważjoni morali” ta' l-Istati Membri u l-fornituri, jista' joħloq ċerta konfużjoni.

3.2.2.2

Fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Settembru 2007 dwar l-implikazzjonijiet legali u istituzzjonali ta' l-użu ta' strumenti legali mhux vinkolanti (soft law), fil-“Billi” X hemm miktub li: “fejn il-Komunità għandha kompetenza leġiżlattiva iżda jidher li hija nieqsa mir-rieda politika li ddaħħal leġiżlazzjoni, l-użu ta' soft law jista' jevita l-korpi leġiżlattivi kompetenti, jista' juri disprezz lejn il-prinċipji tad-demokrazija u l-istat tad-dritt skond l-Artikolu 6 tat-Trattat UE, kif ukoll lejn dawk tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità skond l-Artikolu 5 tat-Trattat KE, u jista' jirriżulta fl-azzjoni ultra vires tal-Kummissjoni.”

3.2.2.3

Fil-punt 1 tar-riżoluzzjoni, ippreżentata mill-Membru Parlamentari Manuel Medina Ortega (6), il-Parlament “iqis li, fil-kuntest tal-Komunità, strument ta' soft law spiss ikun strument ambigwu u ineffettiv li għandu t-tendenza jkollu effett ta' ħsara fuq il-leġiżlazzjoni tal-Komunità u l-bilanċ istituzzjonali u għandu jintuża bi prudenza, anke fejn ikun hemm dispożizzjoni għalih fit-Trattat”. Fil-punt 8, b'mod iktar speċifiku, “jistieden lill-Kummissjoni biex tqis sew l-effett ta' soft law fuq il-konsumaturi u l-mezzi possibbli għalihom biex ifittxu rimedju qabel ma tiġi proposta xi miżura li tinvolvi strumenti ta' soft law”;

3.2.3

Il-KESE jissuġġerixxi li ssir distinzjoni bejn id-“drittijiet” li jistgħu jiġu implimentati u forom oħra ta' protezzjoni, b'distinzjoni ċara fil-Karta futura bejn id-drittijiet attwali u proposti ta' inizjattiva oħra li ser jittieħdu jew jistgħu jittieħdu fil-livelli kollha u li huma kkunsidrati bħala mixtieqa iżda mhux vinkolanti.

3.2.3.1

Il-KESE jistaqsi lilu nnifsu jekk fid-dawl ta' l-esperjenza miġbura s'issa, li l-Kummissjoni stess tiddefinixxi bħala insodisfaċenti, u fid-dawl tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mit-Trattati, ikunx aħjar li wieħed jaħseb f'regoli ġodda li jkunu ftit u ċari, bil-għan li jissaħħaħ il-ħarsien tal-konsumaturi, b'mod partikulari dawk vulnerabbli. Il-prinċipju ta' sussidjarjetà, imsemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat, li ta' spiss ġie kkwotat b'mod qarrieqi kontra l-inizjattivi Komunitarji, f'dan il-każ għandu jservi sabiex jittieħdu deċiżjonijiet favur il-konsumaturi fl-assenza ta' liġijiet nazzjonali effikaċi.

Min huma l-konsumaturi?

3.3

Il-KESE jagħmel enfasi fuq l-inċertezza tal-qafas legali ta' referenza fir-rigward ta' min hu kopert minn din il-Karta u d-drittijiet relatati fl-ambitu tad-diversi regolamentazzjonijiet Ewropej. Il-komunikazzjoni “Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa” (7) tistqarr li “l-Kummissjoni se tiżviluppa Karta għall-Konsumaturi ta' l-Enerġija”.

3.3.1

Id-Direttiva 2003/54/KE tas-26 ta' Ġunju 2003 fl-Artikolu 2 punt 7 tiddefinixxi min huma l-“klijenti”: il-klijenti li jixtru bl-ingrossa u l-klijenti finali ta' l-enerġija elettrika, il-klijenti finali, il-klijenti li jixtru l-enerġija elettrika għall-użu personali, “il-klijenti domestiċi” li jixtru l-enerġija biex jużawha fid-dar u l-“klijenti non-domestiċi” li jixtru l-enerġija li m'hijiex iddestinata għall-użu domestiku, inklużi l-produtturi u l-klijenti li jixtru bl-ingrossa.

3.3.2

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-11 ta' Mejju 2005 dwar il-prattiki kummerċjali żleali bejn il-kumpaniji u l-konsumaturi fis-suq intern, ikkwotata mill-Kummissjoni bħala sors legali ta' referenza fir-rigward tal-parti dwar il-Karta dwar id-dritt tal-konsumatur li jkollu relazzjoni ġusta u trasparenti mal-fornitur tiegħu, fl-Artikolu 2 punt a) tiddefinixxi l-“konsumatur” bħala kwalunkwe persuna fiżika li, fil-kuntest ta' prattiki kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha.

3.3.3

Il-KESE jemmen li d-drittijiet iggarantiti mid-Direttivi għandhom japplikaw għall-utenti finali kollha, b'mod partikulari għall-familji u għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Id-Direttiva dwar l-elettriku tħalli lill-Istati Membri jagħżlu jridux joffru s-servizz universali — jiġifieri d-dritt li jiġu pprovduti b'elettriku ta' kwalità speċifika għal prezz raġonevoli, faċilment kumparabbli u trasparenti — lill-intrapriżi ż-żgħar (b'inqas minn 50 impjegat u turnover li ma jaqbiżx l-EUR 10-il miljun).

3.3.4

Il-KESE jemmen li din id-differenza fit-trattament m'hijiex iġġustifikata u li d-dritt għal servizz universali għandu jingħata mill-inqas lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-Unjoni kollha. Għal dan il-għan, fid-dawl tal-fatt li t-tielet pakkett ta' l-enerġija, li l-KESE qiegħed jeżamina bħalissa, jimmodifika d-Direttiva dwar l-elettriku 2003/54, il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li l-Kummissjoni timmodifika l-Artikolu 2 f'din id-direzzjoni, jew li testendi l-applikazzjoni tagħha għall-klijenti non-domestiċi.

3.3.5

Il-KESE jqis li huwa indispensabbli li bil-kelma “konsumatur” wieħed jifhem il-konsumatur finali, jiġifieri l-klijent tal-fornitur ta' l-enerġija. Il-bidla fit-terminoloġija bejn il-Komunikazzjoni “Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa” li ssemmi l-Karta tad-drittijiet tal-klijenti u l-proposta li qiegħda tiġi eżaminata għal Karta tad-drittijiet tal-konsumaturi ta' l-enerġija, toħloq ċerta inċertezza u xxekkel il-ftehim. Ix-xewqa ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li s-settur kummerċjali jkollu l-garanzija li jirċievi b'mod kostanti l-enerġija suffiċjenti għall-attivitajiet produttivi tiegħu, jistħoqqilha l-istess ammont ta' attenzjoni, b'mod partikulari fir-reġjuni tal-konverġenza u l-koeżjoni.

L-effikaċja u l-proporzjonalità tal-proposta

3.4

Il-KESE jikkunsidra li l-proposta għal Karta dwar id-drittijiet tal-konsumaturi ta' l-enerġija hija importanti minħabba l-effett li jista' jkollha fuq l-opinjoni pubblika billi tiftaħ id-dibattitu simultanjament mal-ftuħ effettiv tas-suq intern u b'hekk ittejjeb l-għarfien ta' l-utenti dwar is-suq ta' l-enerġija. Madankollu dan l-istrument jidher li huwa dgħajjef meta mqabbel ma' dak li sar fil-qasam tat-trasport fejn il-Karta tad-drittijiet tal-passiġġieri tinkludi referenzi ċari għad-drittijiet u referenzi daqstant ċari għall-kumpens. Fil-proposta tal-Kummissjoni l-Karta m'hijiex ta' natura vinkolanti, ħlief f'dawk il-partijiet li jinsabu diġà f'direttivi preċedenti u għaldaqstant ser tkun lista ta' drittijiet iktar minn tisħiħ tad-drittijiet. Jista' jagħti l-każ li l-istennijiet maħluqa mill-istqarrijiet tal-Kummissarji Piebalgs u Kuneva fl-okkażjoni tal-preżentazzjoni tad-dokument li qiegħed jiġi eżaminat ma jiġux sodisfatti.

3.4.1

Il-Kummissarju inkarigat mill-enerġija, Andris Piebalgs, stqarr: “il-konsumaturi ta' l-UE qegħdin jitolbuna nressqu risposta Ewropea komuni għall-isfidi ta' l-enerġija u l-klima. Minbarra l-garanzija ta' provvista ta' l-enerġija sostenibbli, sikura u kompetittiva, iċ-ċittadini Ewropej qegħdin jistennew li l-UE titgħammar għall-ħarsien tad-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi fi swieq liberalzzati li joffru għażla ikbar ta' fornituri. F'dawn il-każi, il-Karta tal-konsumaturi ta' l-enerġija ssir rilevanti.”

3.4.2

“Il-liberalizzazzjoni ta' dawn is-swieq tirrappreżenta sfida u opportunità għall-konsumaturi Ewropej,” iddikkjarat Meglena Kuneva, il-Kummissarju inkarigata mill-protezzjoni tal-konsumaturi. “Huwa biss meta jkun irnexxielna noħolqu suq trasparenti u effikaċi li fih id-drittijiet tal-konsumaturi jkunu ggarantiti bis-sħiħ u l-konsumaturi infurmati jużaw l-għarfien tagħhom biex jiksbu l-vantaġġi mill-offerti disponibbli, li nkunu nistgħu ngħidu li lħaqna l-għan tagħna.”

3.4.3

Il-KESE, bi qbil mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, jemmen li hemm bżonn ta' leġislazzjoni vinkolanti li tiggarantixxi d-drittijiet taċ-ċittadini billi l-miżuri tas-soft law ma jippermettux li l-objettivi jintlaħqu bis-sħiħ. Fil-każ tad-drittijiet tal-passiġġieri l-Kummissjoni ħarġet ir-Regolament KE 261/2004 tal-11 ta' Frar. Għaldaqstant m'hemmx raġuni għaliex id-drittijiet tal-klijenti ta' l-enerġija jiġu indirizzati minn dokument li ma jorbotx. Il-Karta qiegħda tiġi ppubblikata għax id-drittijiet attwalment iggarantiti m'humiex qegħdin jiġu rrispettati u l-leġislazzjoni nazzjonali, b'ċerti eċċezzjonijiet li jistħoqqilhom kull tifħir, għadha m'hijiex sodisfaċenti. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa u r-responsabbiltà li tieħu azzjoni konkreta iżda tippreferi strument mhux vinkolanti anke jekk taf li s-suq waħdu ma jistax jagħti risposti adegwati u suffiċjenti.

3.4.4

Ir-rapport tal-Kummissjoni (8) dwar l-implimentazzjoni tar-regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri għandu jservi ta' spunt. Ir-rapport jgħid li sentejn wara d-daħla fis-seħħ tar-Regolament KE nru. 261/2004 jidher biċ-ċar li sar progress iżda għad hemm bżonn ta' titjib konsiderevoli sabiex nilħqu koerenza ikbar fir-rispett ta' l-istandards min-naħa tal-kumpaniji ta' l-ajru u l-applikazzjoni ta' dawn l-istandards mill-Istati Membri. Bil-kontra ta' dak li kien jiġri qabel, il-passiġġieri li jitħallew l-art illum-il-ġurnata għandhom drittijiet speċifiċi, iżda ħafna drabi jinsabu f'pożizzjoni dgħajfa meta mqabbla mal-kumpaniji ta' l-ajru. Huwa ovvju li anke meta l-obbligi jkunu vinkolanti, il-kumpaniji ta' l-ajru ma jirrispettawx id-dispożizzjonijiet tad-direttiva. Għaliex għandhom jirrispettawhom il-kumpaniji li jipprovdu l-gass u l-elettriku minħabba Karta li lanqas biss hija vinkolanti?

3.4.5

Fuq il-bażi ta' l-esperjenza miksuba f'dan is-settur u f'setturi oħra tal-ħajja ekonomika, il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni ta' miżuri legali li jiggarantixxu d-drittijiet tal-konsumaturi bis-sħiħ. Il-proporzjonalità ta' proposta hija bbażata fuq kemm tindirizza l-objettivi u fuq il-bżonn ta' leġislazzjoni. F'dan il-każ, minkejja l-fatt li għandha s-setgħa li tintervjeni permezz ta' regolamenti, il-Kummissjoni tippreferi tieħu approċċ differenti. Il-KESE jemmen li l-għażla ta' l-istrument hija oġġettivament inadegwata biex jintlaħqu l-objettivi ddefiniti. Il-Karta tista' tkun l-ewwel pass iżda l-impenn tal-leġislatur Ewropew għandu jkun immirat lejn it-tisħiħ tad-drittijiet.

3.4.6

Il-garanzija tas-servizz universali estiża għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, ir-rispett tar-rabtiet tas-servizz pubbliku, il-ġestjoni tas-setturi ekonomikament żvantaġġati li jirriskjaw il-“faqar fl-enerġija”, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, il-libertà kuntrattwali, id-dritt għall-informazzjoni, li l-konnessjoni ssir malajr, li l-kuntratti jkunu ċari u l-prezzi raġonevoli, trasparenti u kumparabbli bejn id-diversi fornituri, il-garanzija ta' provvista kontinwa, l-għarfien dwar is-sorsi ta' enerġija użati: dawn kollha huma fatturi estremament rilevanti. Għalhekk il-Kummissjoni, bir-raġun, ġibdet l-attenzjoni lejn il-fatt li s-suq waħdu m'huwiex kapaċi jesprimi dan il-livell ta' “sensittività” soċjali, ambjentali u ekonomika. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ lill-inizjattivi kollha li jsegwu din id-direzzjoni b'sempliċità u effikaċja u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-iktar għodda adattati.

Ir-rwol ta' l-Aġenzija u tar-Regolaturi Nazzjonali

3.5

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-proposta għal regolament li tinsab fit-tielet pakkett ta' l-enerġija, li twaqqaf Aġenzija ta' kooperazzjoni magħmula mir-regolaturi ta' l-enerġija (9). Fl-opinjoni tas-17 ta' Ottubru 2001 dwar it-tieni “pakkett” ta' l-enerġija (10), il-Kumitat kien issuġġerixxa li fil-ġejjieni u fuq il-bażi ta' l-esperjenzi ta' funzjonament rispettivi, tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li dan il-Kunsill (ERGEG) jinbidel f'Aġenzija Ewropea jew entità simili, b'kompetenzi fil-qasam tat-trasport internazzjonali ta' l-elettriku u l-gass naturali. Il-fatt li ssuġġerixxa l-ħolqien ta' din l-Aġenzija tant żmien qabel huwa ta' sodisfazzjon għall-Kumitat.

3.5.1

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Prospettivi tas-suq intern tal-gass u l-elettriku” (11) tħabbar it-tisħiħ tad-direttivi li huma marbutin mas-setgħat tar-regolatur nazzjonali. Fil-punt 2.2.1 il-Kummissjoni tqis li r-regolaturi għandhom jingħataw setgħat ta' azzjoni ex ante f'diversi oqsma fosthom (vii) il-protezzjoni tal-konsumaturi, inkluż il-kontroll tal-prezzijiet imposti fuq il-klijent finali. B'xorti ħażina, fit-test tat-tielet pakkett ta' l-enerġija m'hemm l-ebda ħjiel ta' dan it-tisħiħ! Huwa minnu li ċerti setgħat ta' l-awtoritajiet regolatorji jissaħħu fil-kapitolu VII b tad-Direttiva l-ġdida dwar l-enerġija, u r-regolatur huwa mitlub jiggarantixxi servizz universali u pubbliku ta' kwalità għolja fis-settur ta' l-enerġija elettrika (u tal-gass), bl-iskop li jitħarsu l-klijenti vulnerabbli u li l-miżuri għall-protezzjoni tal-konsumaturi msemmija fl-anness A jkunu effikaċi, iżda dawn il-kompiti diġà kienu fost dawk ta' l-awtoritajiet regolatorji.

3.5.2

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jiġi mmodifikat l-anness A tad-Direttiva l-ġdida dwar l-enerġija billi jiżdiedu tliet punti. L-ewwel punt jindirizza l-aċċess għad-data dwar il-konsum, it-tieni wieħed huwa dwar id-dritt għall-informazzjoni dwar il-konsum li jkun sar fix-xahar u l-ispejjeż relatati u t-tielet punt huwa dwar id-dritt li wieħed jibdel il-fornitur meta jrid. Il-KESE jilqa' l-proposta iżda jistaqsi lilu nnifsu għaliex il-Kummissjoni, li għandha s-setgħa li tuża inizjattivi iktar b'saħħithom, ma għażlitx l-istrument ewlieni tar-reviżjoni tad-direttiva biex tilħaq l-għan tagħha li huwa dak li ssaħħaħ id-drittijiet tal-konsumaturi.

3.5.2.1

Il-proposta tal-Kummissjoni li timmodifika l-Artikolu 3 biż-żieda ta' punt 10 ġdid, li jimponi l-applikazzjoni tal-proċedura ta' komitoloġija għal ċerti partijiet tar-regolamentazzjoni, tista' tkun l-istrument adegwat għat-tisħiħ tad-drittijeit tal-konsumaturi billi d-deċiżjonijiet tal-Kumitati b'hekk jidħlu fis-seħħ minnufih fl-oqsma fejn ikunu ntalbu. Il-KESE jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet Ewropej japprovaw dan il-punt tal-proposta tal-Kummissjoni.

3.5.2.2

L-anness tal-komunikazzjoni “Lejn Karta Ewropea tad-drittijiet tal-konsumaturi” jsemmi, flimkien mad-drittijiet eżistenti (li huma diffiċilment applikabbli), ċerti ipotesijiet futuri ta' drittijiet ġodda. It-tendenza tkun li l-introduzzjoni ta' dawn il-proposti ġodda fl-anness A tibda tagħmilhom obbligatorji u b'hekk titħejja t-triq għal regolament speċifiku ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi finali.

3.5.3

Il-KESE jemmen li fost il-kompiti futuri ta' l-Aġenzija Ewropea għandu jkun hemm ukoll is-sorveljanza tar-rispett tad-drittijiet tal-konsumaturi. Il-KESE jemmen li l-implikazzjoni ta' l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, ta' l-industrija settorjali u tat-trade unions hija meħtieġa sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni u r-responsabbiltà konġunta, kif diġà sar fil-qasam tat-trasport. Ftehim Ewropew li jagħti lill-Aġenzija d-dritt ta' azzjoni u regolazzjoni tar-rabtiet bejn il-produtturi u l-utenti finali jista' jgħin konsiderevolment sabiex jintlaħqu l-objettivi.

3.5.3.1

Istituzzjonalment, l-Aġenzija għandu jkollha setgħat vinkolanti fil-limitu tal-kompetenzi tagħha. L-Aġenzija għandha tkun magħmula minn rappreżentanti ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u għandu jkollha kumitati tekniċi li jinvolvu r-regolaturi nazzjonali kollha. Il-KESE jittama li l-protezzjoni tal-konsumaturi tiġi wkoll inkluża fil-kompetenzi ta' l-Aġenzija u li għal dan il-għan issir konsultazzjoni f'round table. Dan jippermetti intervenzjoni iktar effikaċi għat-twettiq ta' l-objettivi proposti mill-Kummissjoni fil-Karta tad-drittijiet. Fl-2001 il-KESE kien diġà enfasizza l-bżonn li dawn l-entitajiet jaħdmu b'mod iktar demokratiku permezz tal-parteċipazzjoni tad-diversi partijiet involuti fis-swieq ta' l-elettriku u tal-gass naturali (konsumaturi, ħaddiema u kumpaniji) (12).

3.5.3.2

Ir-regolatur nazzjonali, min-naħa l-oħra, jista' jikkollabora b'mod attiv sabiex titfassal strateġija ta' protezzjoni ġeneralizzata. Ir-regolatur għandu jkollu setgħa ikbar fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Fl-opinjoni tiegħu dwar id-Direttiva dwar l-enerġija ta' l-2001 (13), il-Kumitat laqa' l-fatt li l-Kummissjoni stqarret li wieħed mill-għanijiet fundamentali tagħha kien li jintlaħqu l-objettivi għas-servizz pubbliku u li dan kellu jinkludi l-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet li jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi, b'arranġamenti speċjali għall-iktar gruppi vulnerabbli, per eżempju miżuri soċjali sabiex ċerti gruppi jkollhom provvista ta' l-enerġija bi prezz ġust. B'xorti ħażina l-esperjenza f'dan il-qasam ma kenitx pożittiva.

4.2

Il-flussi transkonfinali ta' l-elettriku fl-Ewropa kibru modestament sena wara sena minn meta nfetaħ is-suq. Madankollu, bħala medja, 10 % ta' l-elettriku kkonsmat fl-UE biss jaqbeż il-fruntieri ta' l-Istati Membri (14).

4.3

Il-blackouts li ġarrbu l-Italja fl-2003 u l-UCTE (15) fl-2006 wrew kemm jista' jiswa kull inċident fin-netwerk Ewropew ta' trasmissjoni. Għalhekk huwa importanti li ż-żieda fin-negozju tkun akkumpanjata minn koordinazzjoni ikbar fl-operazzjonijiet tan-netwerk u mill-bini ta' infrastruttura ġdida, inkluża l-modernizzazzjoni tal-linji eżistenti, il-bini ta' linji ġodda u l-investiment f'komponenti oħra tan-netwerk, kull fejn ikun hemm bżonn. Is-suq Ewropew qiegħed jibbaża ruħu dejjem iktar fuq kunċett reġjonali, li inizjalment żviluppa b'mod naturali skond il-karatteristiċi fiżiċi tan-netwerk. Bl-introduzzjoni tar-reġjuni fil-linji gwida emendati dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni u bl-iżvilupp ta' inizjattivi reġjonali għall-enerġija elettrika mill-ERGEG, l-approċċ reġjonali kiseb status uffiċjali (16).

4.4

Il-konsumaturi finali huma partikolarment interessati fil-provvista ta' enerġija mingħajr ħlas. Ir-rwol dejjem ikbar tar-reġjuni fis-settur ta' l-enerġija għandu jġib il-benefiċċji għad-distribuzzjoni u għall-iżvilupp ta' rabtiet iktar stretti b'mod partikulari bejn ir-reġjuni transkonfinali, li għandhom iwasslu għal żieda sinifikattiva fit-traffiku u l-flussi u b'hekk inaqqsu r-riskju ta' konġestjoni.

4.5

Il-miżuri ta' protezzjoni tal-konsumatur finali għandhom jinkludu d-dritt għal informazzjoni regolari dwar il-kwantità ta' enerġija trasmessa, l-oriġini ġeografika u s-sors tagħha, l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra għal kull Kwh, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni Komunitarji u extra-Ewropej. Huwa fatt, per eżempju, li l-pajjiżi li ddeċidew li ma jużawx l-enerġija nukleari jixtru l-enerġija prodotta f'power stations nukleari. Informazzjoni ta' din ix-xorta għandha tingħata lill-konsumatur li jista' jiddeċiedi li jibdel il-fornitur jekk ma jaqbilx mat-taħlita enerġetika tal-kumpanija li tipprovdih bl-enerġija. Il-konsumatur illum m'għandux informazzjoni dwar dawn l-għażliet tal-produzzjoni.

4.6

Konnessjoni. Il-garanzija ta' servizz universali, il-kontinwità tal-provvista u ħinijiet ta' konnessjoni ggarantiti: dawn id-drittijiet bħalissa jinsabu fis-seħħ iżda ftit li xejn huma rrispettati. Għandu jkun hemm fornitur sostitut li jiggarantixxi l-kontinwazzjoni tas-servizz f'każ li l-fornitur oriġinali ma jkunx jista' jkompli jipprovdih.

4.7

Kuntratt. Trasparenza, modalitajiet ta' implimentazzjoni, obbligi, indennizzi, ekwità, assenza ta' klawżoli inġusti, ġestjoni ċara u mhux għalja tal-kunflitti: dawn fit-teorija huma drittijiet rikonoxxuti, li kull Stat Membru kellu jintegra fil-leġislazzjoni nazzjonali bi traspożizzjoni tad-direttivi. Ir-realtà hija differenti ħafna. Il-Kummissjoni daħħlet xi emendi fl-anness A tat-tielet pakkett li jżidu l-obbligi għall-kumpaniji, iżda hemm ir-riskju li dawn qatt ma jiġu applikati, billi m'humiex akkumpanjati minn sistema effikaċi ta' sanzjonijiet la fil-livell Ewropew wisq inqas f'dak nazzjonali, bi ftit eċċezzjonijiet. F'dan il-qasam b'mod partikulari ikun xieraq li jkun hemm regoli ugwali għall-Unjoni kollha, iggarantiti minn strument regolatorju bħalma sar għad-drittijiet tal-passiġġieri.

4.8

Prezzijiet, tariffi u monitoraġġ. Trasparenza, loġika, kumparabilità, diversità fil-metodi ta' ħlas, użu iktar mifrux ta' miters ta' l-elettriku u l-gass “intelliġenti”, kontijiet ċari u li jinftiehmu faċilment, relatati mal-konsum effettiv. Il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li fil-kontijiet ta' l-elettriku jitniżżlu l-komponenti ta' l-ispejjeż tal-produzzjoni ta' l-enerġija (ix-xiri tal-karburanti, id-distribuzzjoni, il-manutenzjoni, il-ħlas tad-dejn, it-taxxi u l-imnut, il-persunal, spejjeż ġenerali), is-sorsi (fossili, idro-elettriċi, rinnovabbli, nukleari, imħallta), l-emissjonijiet tas-CO2, l-ammont ta' enerġija li ġiet iffrankata, paraguni ma' konsum preċedenti u mal-medja tal-konsum ta' utenti oħra bl-istess profil. Permezz ta' dan l-istrument informattiv, il-konsumatur jitħeġġeġ jikkunsidra l-bżonn li jikkontribwixxi bl-imġiba tiegħu għall-iffrankar ta' l-enerġija. Il-kont huwa strument ta' komunikazzjoni (għandu jintbagħat darba fix-xahar skond proposta reċenti tal-Kummissjoni) bejn il-kumpanija li tipprovdi l-enerġija u l-konsumatur, fejn jistgħu jiġu trasmessi għadd ta' messaġġi “pożittivi” li jippromovu l-politiki Ewropej.

4.9

Għażla ħielsa tal-fornitur. Il-possibbiltà li wieħed jibdel il-fornitur, ikun liema jkun iż-żmien tas-sena u b'xejn, mingħajr ħsara għad-drittijiet tiegħu. Għandha tingħata l-garanzija li l-bidla ssir fi żmien stabbilit. Xi kultant, il-kuntratti jinkludu klawżola ta' dewmien minimu. Il-KESE jemmen li f'każ bħal dan għandu jkun hemm limitu għal dan it-tip ta' dewmien sabiex il-konsumatur ikompli jgawdi d-dritt għall-għażla tal-fornitur mingħajr l-ixkiel li joħolqu klawżoli ta' dewmien twil iżżejjed jew penali relatati.

4.10

Informazzjoni. Korretta, sħiħa u ċara dwar il-kundizzjonijiet ta' aċċess u ta' użu, it-tariffi u l-prezzijiet u l-modifiki tagħhom. L-estensjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi fir-rigward tal-ħlasijiet tas-servizz pubbliku u l-modalitajiet li jiggarantixxu s-servizz universali, b'mod partikulari l-kwalità u l-kontinwità tal-provvista ta' elettriku u gass, l-indennizzi f'każ ta' nuqqas ta' rispett ta' dawn id-drittijiet, modalitajiet ta' aċċess għal forom ta' ġestjoni ta' kunflitti mingħajr ħlas jew bi prezz baxx ħafna sabiex kulħadd ikollu l-istess drittijiet. Kull fornitur għandu jibgħat darba fis-sena, jew fil-każ tal-preżenza ta' fornitur ġdid, lista ta' operaturi li jaħdmu fir-reġjun. Il-kumpaniji li jipprovdu l-enerġija għandhom jgħarrfu l-klijenti tagħhom bil-miżuri finanzjarji, fiskali u noramattivi mmirati lejn l-appoġġ ta' inizjattivi li jikkontribwixxu għat-titjib ta' l-effiċjenza fl-enerġija u jagħtu suġġerimenti konkreti ta' kif il-konsumaturi jistgħu jiffrankaw fl-użu tagħhom ta' l-elettriku u l-gass.

4.11

Ilmenti. Fl-1998 il-Kummissarju Bonino tħabbtet ħafna affavur id-drittijiet tal-konsumaturi u l-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjoni (17) dwar il-korpi barra mill-qorti inkarigati mill- kunflitti fil-qasam tal-konsum. Fl-2001 (18) din ir-rakkomandazzjoni ġiet integrata f'rakkomandazzjoni oħra bil-għan li jkollha applikazzjoni iktar mifruxa. Fil-qasam tad-drittijiet tal-konsumaturi ta' l-enerġija, l-ilmenti, fl-istadju preliminari, għandhom jiġu indirizzati lil korp barra mill-qorti, sabiex tkun tista' tinstab soluzzjoni b'mod effikaċi u bi prezz baxx ħafna għall-konsumatur, dejjem sakemm il-korp ikun imparzjali u l-proċedura tkun effikaċi, pubblika u trasparenti. Billi l-kunflitti fil-qasam tal-provvista ta' l-enerġija huma ta' natura vasta ħafna, ma jkunx xieraq li l-konsumatur ikollu jġarrab id-dewmien u l-ispejjeż ta' każ fil-qorti.

4.12

Rappreżentazzjoni. Id-dritt għar-rappreżentazzjoni ta' l-għaqdiet tal-konsumaturi, anke jekk rikonoxxut mil-leġislazzjoni Ewropea, huwa diffiċilment applikabbli. In-nuqqas ta' qafas legali Komunitarju dwar l-azzjonijiet kollettivi, inkluż fir-rigward tas-servizzi jew l-attivitajiet ekonomiċi transkonfinali, ikompli jillimita d-dritt li wieħed jiftaħ każ il-qorti. Il-kostruzzjoni ta' l-Aġenzija Ewropea tista' tkun l-okkażjoni biex dan id-dritt isir realtà u biex titwaqqaf round table permanenti għad-djalogu bejn il-partijiet interessati kollha, kif diġà qiegħed isir per eżempju fl-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-karozzi fis-settur tat-trasport, fejn ir-rappreżentanti ta' l-imsieħba soċjali u l-konsumaturi jinġabru bil-għan li jgħinu lill-korpi Komunitarji janalizzaw il-proposti. B'mod simili, fl-Istati Membri għandha titwaqqaf round table permamenti għall-konsultazzjoni tar-regolatur nazzjonali.

4.13

Miżuri soċjali. Il-Kumitat huwa ferm interessat fil-problemi tal-faqar fl-enerġija li jistgħu jwasslu għal qtugħ fil-provvista ta' l-enerġija f'każ ta' dewmien fil-ħlas. F'opinjoni reċenti l-KESE sostna (19) li: “Politika Ewropea ta' l-enerġija għandha tkun sostenibbli għall-gruppi soċjali kollha, sabiex ikunu trattati b'mod ugwali fir-rigward ta' l-aċċess għas-servizzi pprovduti mill-provedituri ta' l-enerġija”. Il-KESE ma jaqbilx li l-enerġija għandha tkun b'xejn għax dan iwassal għal imġiba negattiva fil-qasam ta' l-iffrankar ta' l-enerġija, iżda jemmen li l-problema għandha tiġi indirizzata permezz tat-tassazzjoni ġenerali. Il-kuntratti ta' servizz pubbliku għandhom jinkludu klawżola dwar riżerva ta' elettriku u gass bi prezz raġonevoli, bil-għan li l-bżonnijiet ta' l-iktar konsumaturi vulnerabbli jiġu kkunsidrati. Dawn il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jiġu pprovduti b'ammont suffiċjenti ta' enerġija bi prezz li huwa adattat għas-sitwazzjoni tagħhom. Il-prinċipju ta' responsabbiltà dejjem għandu jitħares. Jiġri x'jiġri, id-definizzjoni ta' konsumatur vulnerabbli u l-miżuri li għandhom jiġu adottati favurih għandhom ikunu uniformi fl-Ewropea kollha, sabiex tiġi evitata kull forma ta' diskriminazzjoni u kwalunkwe distorsjoni fil-kompetizzjoni.

4.14

Prattiki kummerċjali żleali. Il-konsumatur huwa mħares kontra l-prattiki kummerċjali qarrieqa li jagħtu informazzjoni falza, iħallu barra informazzjoni rilevanti li hija meħtieġa sabiex il-konsumatur jieħu deċiżjoni infurmata, jew joħolqu ostakoli u jimponu ħlas mhux iġġustifikat f'każ ta' bidla tal-fornitur, bil-għan li jaqtgħu qalb il-konsumatur. Il-KESE jemmen li d-dritt tal-konsumatur kontra dawn il-prattiki għandu jissaħħaħ. Id-Direttiva 2005/29/KE tal-11 ta' Mejju 2005, Artikolu 3 punt 5, tirreferi għall-Anness 1 li jinkludi lista tal-prattiki li huma kkunsidrati żleali, iżda tgħid ukoll li din il-lista tista' biss tiġi mmodifikata permezz ta' reviżjoni tad-direttiva. Billi l-aġġornament ta' lista bħal din jinvolvi proċedura twila ħafna, ir-regolament li għandu jinkludi miżuri ta' protezzjoni tal-konsumaturi ta' l-enerġija huwa d-dokument ideali fejn jistgħu jiġu integrati d-drittijiet tal-konsumaturi ta' l-enerġija kontra prattiki kummerċjali żleali.

5.   Skambju ta' prattiki tajba

5.1

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni teżamina wħud mill-Karti tad-drittijiet tal-konsumaturi li ġew iffirmati f'xi Stati Membri bejn l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-fornituri ta' l-enerġija, li rrikonoxxew id-drittijiet tal-klijenti b'mod iktar qawwi mid-dispożizzjonijiet mistennija fil-Karta tal-Kummissjoni. Per eżempju, fl-Italja, ADOC, organizzazzjoni tal-konsumaturi, u La220 s.p.a., kumpanija tas-suq ta' l-elettriku li tixtri bl-ingrossa u li ila ħafna snin attiva fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali, iffirmaw karta tad-drittijiet tal-konsumatur b'dispożizzjonijie li jmorru iktar 'il bogħod minn dawk issuġġeriti mill-Kummissjoni. Per eżempju, din il-Karta tikkunsidra d-dritt “għall-ħin” tal-konsumatur, id-dritt għall-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni, id-dritt għall-kwalità u s-sigurtà, id-dritt għall-aqwa tariffa, id-dritt għar-rimborż tal-ħsara kkawżata u għal proċedura ta' konċiljazzjoni li toffri soluzzjoni effettiva fi żmien qasir. Kull sitt xhur issir verifika ta' l-applikazzjoni tal-Karta, li hija vinkolanti għall-kumpanija billi hija inkluża fil-kuntratt tal-klijenti.

5.2

Xi regolaturi nazzjonali ħadu azzjoni għall-ġestjoni tal-kunflitti billi stabbilew sistema ta' obbligi, kontrolli u penali li jirregolaw il-kontinwità tas-servizz ta' distribuzzjoni ta' l-enerġija (20). F'każ ta' turbulenzi fit-tensjoni, interruzzjonijiet jew blackouts fil-provvista ta' l-elettriku, m'hemmx dubju li l-fornitur għandu joffri kumpens għall-ħsara kkawżata minħabba li ma rrispettax l-obbligi ta' provvista stipulati fil-kuntratt, dejjem sakemm ma jirnexxilux jipprova li l-interruzzjoni ma kenitx marbuta ma' nuqqas min-naħa tiegħu (21).

Brussell, is-17 ta' Jannar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Prospettivi tas-suq intern tal-gass u l-elettriku COM(2006) 841

(2)  Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa COM(2007) 1

(3)  Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa COM(2007)1, p. 10

(4)  It-Trattat ta' Amsterdam ta' l-4 ta' Ottubru 1997 jirrevedi t-test preċedenti li kien jagħti lill-Kummissjoni rwol ta' koordinazzjoni biss, subordinat għall-kompetenzi ta' l-Istati Membri f'termini ta' protezzjoni tal-konsumaturi.

(5)  Anness A tad-Direttiva dwar l-Elettriku u d-Direttiva dwar il-Gass

Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar il-klawżoli abbużivi fil-kuntratti mal-konsumaturi

Artikolu 3 punti 3, 5 u 6 tad-Direttiva dwar l-Elettriku

Artikolu 3 punt 3 tad-Direttiva dwar il-Gass

Artikolu 13 punti 1 u 2 tad-Direttiva 2006/32/KE ta' l-4 ta' April 2006 dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi responabbli mis-soluzzjoni barra mill-qorti ta' kontroversji marbuta ma' kunflitti li jinvolvu l-konsumaturi

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/310/KE dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi barra mill-qorti inkarigati mis-soluzzjoni konsenswali ta' kunflitti li jinvolvu l-konsumaturi

Direttiva 98/27/KE tad-19 ta' Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni ta' l-interessi tal-konsumaturi

Direttiva 2005/729/KE tal-11 ta' Mejju 2005 dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-kumpaniji fir-rigward tal-konsumaturi

(6)  Riżoluzzjoni P6_TA(2007)0366 ta' l-4 ta' Settembru 2007

(7)  Punt 3.1.7. cit.

(8)  04/04/2007 COM(2007)0168 finali

(9)  19/09/2007 COM(2007)0530 finali

(10)  ĠU C 36/10, 08.02.2002 (rapporteur: Hernández Bataller)

(11)  10/01/2007 COM(2006)841 finali

(12)  Punt 6.7.4 c

(13)  Punti 6.4.2, 6.4.3.

(14)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 15.5.2007 COM(2007) 250 finali: Rapport dwar l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 Regolament dwar il-Bdil bejn il-Fruntieri fl-Elettriku.

(15)  Union for the Co-ordination of Transmission of Electricity (UCTE). Assoċjazzjoni ta' l-operaturi tas-sistemi ta' trasmissjoni.

(16)  15.5.2007 COM(2007) 250 finali.

(17)  98/257/KE tat-30 ta' Marzu 1998

(18)  2001/310/KE ta' l-4 ta' April 2001

(19)  KESE 1243/2007 Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu ta' l-Enerġija (rapporteur: is-Sur Iozia), mhux ippubblikat.

(20)  Awtorità għall-enerġija u l-gass, Deċiżjoni 202/99

(21)  Summa 188/April 2003, Giulio Disegni p. 22


17.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 151/35


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara (Riformolat)

COM(2007) 610 finali — 2007/0219 (COD)

(2008/C 151/10)

Nhar l-14 ta' Novembru 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 80 (2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar il-

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara (Riformolat)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u jħoss li m'hemm bżonn ta' l-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-441 sessjoni plenarja tiegħu tas-16 u s-17 ta' Jannar 2008 (seduta tas-16 ta' Jannar), b'132 voti favur, vot kontra u astensjoni, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, is-16 ta' Jannar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


17.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 151/35


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli u n-normi ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (riformulazzjoni)

COM(2007) 737 finali — 2007/0257 (COD)

(2008/C 151/11)

Nhar it-18 ta' Diċembru 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 80(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli u n-normi ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (riformulazzjoni)

IIl-Kumitat, billi jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u jħoss li m'hemm bżonn ta' l-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-441 sessjoni plenarja tiegħu tas-16 u s-17 ta' Jannar 2008 (seduta tas-16 ta' Jannar), b'131 vot favur u 2 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, is-16 ta' Jannar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


17.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 151/36


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-White Paper dwar l-isport

COM(2007) 391 finali

(2008/C 151/12)

Nhar il-11 ta' Lulju 2007, il-Kumissjoni ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-

White Paper dwar l-isport

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Diċembru 2007. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Koller.

Matul l-441 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 u s-17 ta' Jannar 2008 (seduta tas-16 ta' Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'125 vot favur, vot wieħed kontra u 2 astensjonijiet.

Fil-11 ta' Lulju 2007, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-White Paper tagħha dwar l-isport. Din il-White Paper tinkludi l-ewwel analiżi komprensiva tas-sitwazzjoni ta' l-isport fl-Ewropa, diskussjoni tal-problemi li qiegħda taffaċja l-Ewropa f'dan il-qasam u pjan ta' azzjoni speċifiku.

1.   Rakkomandazzjonijiet u proposti

1.1

Il-KESE jipproponi li minn fost l-attivitajiet ġenerali u l-pjan ta' azzjoni msemmija fil-White Paper, l-Istati Membri jagħrfu jagħżlu dawk li għandhom ikunu l-prijoritajiet komunitarji. Dan għandu jseħħ b'konformità mat-Trattat ta' Lisbona li għandu jidħol fis-seħħ fl-2009, billi l-Artikolu 149 ta' dan it-Trattat jiffoka fuq ir-rwol ta' l-isport fl-edukazzjoni u fid-dinja taż-żgħażagħ.

1.2

Il-futur ta' l-Ewropa jiddependi mis-saħħa u l-produttività tal-poplu tagħha. Il-KESE jemmen li l-mard li qiegħed jolqot popolazzjonijiet sħaħ u li huwa kkawżat minn piż żejjed u min-nuqqas ta' attività fiżika sar problema fost iż-żgħażagħ ukoll.

1.3

Il-KESE jirrakkomanda li fit-tħejjija ta' programmi ġodda li jippromovu attivitajiet sportivi li jtejbu s-saħħa, għandhom jiġu kkunsidrati dimensjonijiet multidixxiplinarji. Approċċ konġunt bejn dipartimenti differenti fil-livell komunitarju jista' jkollu impatt pożittiv fuq il-miżuri frammentati implimentati mill-istrutturi governattivi fil-livell nazzjonali.

1.4

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġu implimentati miżuri li huma kemm neċessarji kif ukoll konsistenti mal-prinċipju ta' sussidjarjetà. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tkompli tikkoordina u tħeġġeġ il-ħidma f'dan il-qasam.

1.5

Il-KESE jemmen li fl-iskejjel primarji u sekondarji, il-ħin allokat lill-edukazzjoni fiżika għandu jiżdied għal minn ta' l-anqas tliet sigħat fil-ġimgħa, li l-edukazzjoni terzjarja għandha tipprovdi opportunitajiet għall-isport u li s-sessjonijiet ta' edukazzjoni fiżika jsiru parti obbligatorja tas-sillabu. Il-lezzjoni ta' l-edukazzjoni fiżika, kemm fl-iskejjel primarji kif ukoll fl-iskejjel sekondarji għandha tkun organizzata b'tali mod li tippermetti lit-tfal u ż-żgħażagħ kollha, anke dawk li għandhom diżabilità, li jipparteċipaw; dan jista' jseħħ billi l-lezzjoni tiġi strutturata għall-individwu jew għal grupp sħiħ. Barra minn hekk għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-kundizzjonijiet li fihom isiru l-lezzjonijiet ta' l-isport fl-iskejjel u b'mod partikolari l-kundizzjonijiet tal-faċilitajiet ta' wara l-lezzjoni, bħad-doċċi, li ħafna drabi huma skoraġġanti u ftit li xejn iħajru liż-żgħażagħ jipprattikaw xi sport.

1.6

L-imsieħba soċjali tal-livelli kollha għandhom jitħeġġu jippromovu l-importanza ta' stil ta' ħajja li huwa tajjeb għas-saħħa. Barra minn hekk dawk li jħaddmu għandhom jingħataw inċentivi sabiex jintroduċu miżuri għall-promozzjoni tas-saħħa fil-kumpaniji, miżuri li jinkludu wkoll programmi sportivi.

1.7

Nixtiequ li jitwaqqaf grupp ta' ħidma fejn ikunu jistgħu jiġu analizzati l-esperjenzi ta' l-Istati Membri u l-għażliet li jeżistu f'dan il-qasam, fosthom eżempji ta' kif jistgħu jiġu inklużi l-persuni b'diżabilità f'attivitajiet bħal dawn.

1.8

Il-KESE jemmen li t-tnedija ta' kampanji ta' informazzjoni dwar l-opportunitajiet ġodda għall-applikazzjoni għall-fondi hija importanti, speċjalment għax il-programmi tal-passat ftit li xejn offrew opportunitajiet għall-isport. Il-KESE jirrakkomanda li dawk l-inizjattivi li jqajmu kuxjenza dwar l-importanza ta' l-isport (ikunu) jagħmlu parti minn strateġija komprensiva u integrata. Il-kampanji ta' informazzjoni m'għandhomx jimmiraw biss lejn iż-żgħażagħ iżda għandhom ikunu bbażati fuq it-twemmin li l-isport jista' jkun utli għal kulħadd jiġifieri anke għal dawk il-persuni b'diżabilità.

1.9

Il-KESE jirrakkomanda li parti speċifika tal-Fondi Strutturali tmur lejn faċilitajiet komunitarji ta' sport u rikreazzjoni. Madanakollu jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li ħafna drabi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffukaw aktar fuq il-kostruzzjoni ta' stabbilimenti sportivi kbar milli fuq il-kostruzzjoni ta' grounds sportivi jew infrastrutturi oħra li jistgħu jintużaw mill-poplu għall-attività sportiva. Għalhekk, il-Fondi Strutturali għandhom l-ewwel u qabel kollox jintużaw sabiex jinbnew stabbilimenti bħal dawn.

1.10

Il-KESE jilqa' l-proposta li jerġa' jiġi stabbilit Forum Sportiv, b'mod speċjali peress li dan jista' jservi ta' lok importanti għad-djalogu bejn il-partijiet interessati kollha. Permezz tal-forum jistgħu jiġu stabbiliti wkoll miżuri konkreti sabiex isir titjib fil-qasam tal-prattika ta' l-isport.

1.11

Il-KESE jixtieq jipparteċipa fil-Forum Sportiv bħala osservatur u b'hekk jassigura li s-soċjetà ċivili qed ikollha impatt dirett f'dan il-qasam.

1.12

Il-KESE jirrakkomanda li l-attivitajiet tal-grupp ta' ħidma dwar il-fondi sportivi (għandhom) jinkludu wkoll analiżi tat-tassazzjoni nazzjonali li għandha x'taqsam ma' l-isport u tar-regoli tas-sigurtà soċjali. Il-grupp ta' ħidma għandu jħejji lista ta' l-aħjar prassi.

1.13

Il-KESE jemmen li hemm bżonn li tiġi miġġielda l-kriminalità fl-inħawi fejn jiġu organizzati l-aqwa avvenimenti sportivi nazzjonali u internazzjonali, b'mod speċjali sabiex jiġu protetti n-nisa u t-tfal.

1.14

Fil-fehma tal-KESE, id-diretturi ta' l-organizzazzjonijiet sportivi li jibbenefikaw direttament jew indirettament mill-fondi Komunitajri, li jipparteċipaw f'kompetizzjonijiet permezz ta' teams jew atleti u li għandhom baġit annwali li jaqbeż EUR 5 miljuni, għandhom jagħtu rendikont annwali tal-qligħ u l-assi tagħhom bħalma jagħmlu dawk li għandhom kariga pubblika jew politika.

1.15

Id-djalogu soċjali għandu jinkludi l-gyms, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u l-atleti professjonali u għandu jinkludi wkoll l-okkupazzjonijiet segwenti: għalliema u coaches sportivi, xjenzjati u tobba ta' l-isport, fiżjoterapisti, massjaturi, eċċ. Fih għandhom jiġu inklużi wkoll dawk il-kategoriji professjonali li jagħmlu qligħ mill-isport bħall-coaches, maniġers, organizzaturi, aġenziji, promoturi eċċ. Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jassiguraw li kull qasam ta' l-isport jinkorpora d-djalogu soċjali.

2.   L-isfond u l-objettivi tal-White Paper

2.1

L-isport huwa marbut ma' diversi aspetti soċjali: l-edukazzjoni, il-kultura, l-attività ekonomika, il-kompetizzjoni, il-moviment ħieles tal-persuni u tal-merkanzija, id-drittijiet tal-bniedem u s-saħħa. Barra mis-sinifikat ekonomiku ta' l-isport, hemm diversi raġunijiet oħra għalfejn l-isport għandu importanza soċjali kbira.

2.2

Matul dawn l-aħħar snin il-klabbs sportivi inbidlu sew: il-maġġoranza tal-klabbs tilfu x-xejra nazzjonali u dilettantista (volontarja) li kellhom qabel u ħafna minnhom saru kumpaniji u b'hekk huma soġġetti għar-regoli tas-Suq Uniku.

2.3

L-UE għad m'għandhiex ġurisdizzjoni legali diretta fuq kwistjonjiet ta' sport. Id-dritt legali fuq l-isport ġej mil-leġislazzjoni Ewropea sekondarja (per eżempju il-każistika) jew mill-applikazzjoni diretta tal-legislazzjoni primarja li tista' tiġi applikata għall-isport ukoll.

2.4

Qabel ma ġiet ippublikata l-White Paper, ma kien hemm l-ebda strateġija Ewropea għall-isport. Madanakollu l-isport ġie indirizzat f'diversi oqsma tal-politika Ewropea. L-isport issemma fit-Trattat ta' Amsterdam ta' l-1997 u wara fir-Rapport ta' Helsninki ta' l-1999 dwar l-isport, fejn il-Kummissjoni Ewropea ħabbret il-miżuri li ser timplimenta sabiex jissaħħaħ ir-rwol soċjali u edukattiv ta' l-isport. Dawn id-dokument kollha jenfasizzaw il-valur soċjali u edukattiv ta' l-isport.

2.5

It-tema ġiet indirizzata wkoll fid-Dikjarazzjoni ta' Nizza tas-sena 2000 u fil-konferenza intergovernattiva tas-sena 2004 fejn kien ġie deċiż li l-Trattat ta' l-UE għandu jinkludi s-suġġett ta' l-isport.

2.6

Il-Parlamemt Ewropew adotta żewġ rapporti dwar temi relatati ma' l-isport (1). Barra minn hekk, indipendentement mill-Kummissjoni, tħejjiet karta dwar l-isport Ewropew. Din il-karta tħejjiet fil-kuntest tar-Reviżjoni Sportiva Ewropea Indipendenti  (2). L-ewwel parti tar-rapport tikkunsidra l-isport ġenerali Ewropew u t-tieni parti tuża l-futbol bħala każ ta' studju fl-analiżi ta' l-isport.

2.7

It-Trattat ta' Lisbona li mistenni jiġi adottat fl-2009, jinkludi paragrafu separat dwar l-isport. B'riżultat ta' dan, l-isport sar qasam ta' responsabbiltà ta' l-UE.

2.8

Il-White Paper tfasslet wara proċess twil ta' konsultazzjoni ma' korpi governattivi, NGOs u gruppi tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri, kumitati Olimpiċi u ma' dawk li huma responsabbli mit-tfassil tal-politika. Barra minn hekk, saru wkoll konferenzi, laqgħat ministerjali informali u konsultazzjoni online ta' xhur sħaħ li ġabret 777 risposta. Diversi Direttorati Ġenerali ta' l-UE organizzaw laqgħat sabiex jilħqu ftehim dwar xi oqsma tal-poltika li huma relatati ma' l-isport. Il-White Paper stabbilixxiet firxa ta' inizjattivi għall-isport amatorjali u l-isport kompetittiv. Hija għarfet l-isport bħala qasam ta' responsabbiltà nazzjonali.

2.9

Skond ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet, il-kwistjonijiet relatati ma' l-isport jistgħu jinqasmu fi tliet oqsma prinċipali li huma dawn:

ir-rwol soċjali ta' l-isport;

id-dimensjoni ekonomika ta' l-isport;

kwistjonijiet organizzattivi ta' l-isport.

2.10

Ġew idendifikati wkoll sitt problema oħra, ilkoll differenti minn xulxin:

inċertezza ġejja mill-fatt li ma jeżistix qafas legali Ewropew;

problemi relatati mal-ġestjoni ta' l-isport, b'mod partikolari ta' l-isport professjonali: sitwazzjonijiet illegali fejn l-aġenti ma jipprovdux lill-plejers taħt l-età bil-protezzjoni meħtieġa, doping, razziżmu u vjolenza;

problemi ta' fondi għall-isport in ġenerali, mezzi konvenzjonali ta' finanzjar u b'mod aktar speċifiku il-finanzjar lokali ta' l-isport;

in-nuqqas ta' data disponibbli dwar is-settur sportiv, data li tista' tintuża mill-politiċi bħala bażi għall-azzjoni;

il-piż żejjed, l-obeżità, il-mard kardjovaskulari u l-artrite ikkawżati min-nuqqas ta' attività fiżika u li qegħdin jaffettwaw aktar u aktar nies u

l-integrazzjoni inadegwata ta' l-isport fl-edukazzjoni.

2.11

B'riżultat ta' dawn il-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni għarfet li l-Unjoni Ewropea għandha tagħti aktar attenzjoni lill-qasam ta' l-isport u tindirizza l-isfidi li ġew identifikati. Il-programmi attwali ta' l-UE u dawk imħejjija għall-ġejjieni għandhom jagħtu aktar importanza lill-isport. Hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet dwar kif il-fondi ta' l-UE jistgħu jintużaw għall-proġetti sportivi u hemm ukoll bżonn ta' djalogu u kooperazzjoni politika dwar l-isport fil-livell ta' l-UE.

3.   L-għan u l-kontenut tal-White Paper

3.1

Il-White Paper tgħid li “l-għan kumplessiv tagħha huwa li tagħti orjentament strateġiku dwar rwol l-isport fl-Ewropa, biex tħeġġeġ li jsir dibattitu dwar problemi speċifiċi, ittejjeb il-viżibilità ta' l-isport fit-tfassil politiku ta' l-UE u biex tqajjem kuxjenza pubblika dwar il-bżonnijiet u l-ispeċifiċitajiet tas-settur. L-inizjattiva għandha l-għan li tittratta kwistjonijiet importanti bħall-applikazzjoni tal-liġi ta' l-UE għall-isport. Hija tipprova wkoll tistabbilixxi azzjoni oħra relatata ma' l-isport fil-livell ta' l-UE” (3).

3.2

Il-White Paper tiġbor fiha ħamsin miżura speċifika kif ukoll diskussjoni dwar ir-rwol pożittiv ta' l-isport f'diversi oqsma tas-soċjetà. Il-proposti konkreti nġabru fi Pjan ta' Azzjoni msemmi “Pierre de Coubertin” u jinsabu fl-appendiċi tal-White Paper. Il-pjan għandu żewġ għanijiet bażiċi:

l-integrazzjoni ta' l-isport fil-politiki ta' l-UE sabiex ikun jista' jintuża aktar bħala għodda tal-politika ta' l-UE u

it-twaqqif ta' bażi legali aktar sigura għal gvernanza sportiva Ewropea aħjar.

4.   Osservazzjonijiet/Kummenti

4.1

L-osservazzjonijiet dettaljati tal-KESE, li qegħdin jiġu ppreżentati fil-paragrafi li ġejjin, huma organizzati skond l-istruttura tal-White Paper.

4.2

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ ma' l-analiżi tar-rwol importanti u pożittiv ta' l-isport fis-soċjetà.

4.3

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ser tibni l-attivitajiet sportivi tagħha madwar l-idea ta' attività fiżika li ttejjeb is-saħħa. Huwa jappoġġja l-linji gwida li ppreżentat dwar dan u l-ħsieb li titwaqqaf netwerk ta' attività fiżika li ttejjeb is-saħħa (HEPA). Huwa fatt xjentifiku li stil ta' ħajja li ma jinkludi l-ebda moviment jew attività jġib miegħu riskju akbar ta' obeżità u mard kroniku. Kemm l-ispiża involuta sabiex jiġi trattat mard bħal dan kif ukoll il-ħin mitluf fuq ix-xogħol iħallu l-effetti ekonomiċi u baġitarji tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar jagħmel aktar sens li l-flus jintefqu fuq il-prevenzjoni ta' kundizzjonijiet bħal dawn permezz ta' l-attività fiżika. Permezz ta' programmi sportivi li jkunu speċifiċi għas-sessi u għall-etajiet differenti u tal-promozzjoni tal-programm sportiv propost lill-pensjonanti, jistgħu jiġu evitati l-inċidenti u b'hekk jitnaqqas ukoll ir-riskju li wieħed jiġi fil-bżonn tal-kura. Sabiex dan ikun jista' jseħħ, hemm bżonn ta' bidla fil-mentalità tas-soċjetà.

4.4

Il-KESE jaqbel li l-kooperazzjoni bejn is-setturi hija importanti u li l-programmi komunitarji eżisteni (ir-riċerka u l-iżvilupp, is-saħħa pubblika, iż-żgħażagħ, iċ-ċittadinanza, it-tagħlim tul il-ħajja), minn issa 'l quddiem għandhom jagħtu aktar importanza lill-isport.

4.5

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-White Paper tidħol fid-dettall dwar il-bżonn li jiġu kkoordinati l-miżuri kontra d-doping u jemmen li l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet kontra d-doping tagħhom flimkien ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali eżistenti sabiex ma jsirx xogħol doppju u sabiex ir-riżorsi jkunu jistgħu jintużaw bl-aktar mod effiċjenti. Attwalment il-ġlieda kontra d-doping mhix qawwija biżżejjed u ma tiskoraġġix liż-żgħażagħ milli jużaw sustanzi tad-doping. Għalhekk il-KESE jħeġġeġ it-tfassil ta' studju dwar il-qagħda attwali tal-leġislazzjoni nazzjonali u analiżi komparattiva tan-nuqqasijiet u l-lakuni legali.

4.6

Fir-rigward tar-reġistri mwaqqfa għall-prevenzjoni tad-doping, il-KESE jinnota li dawn iqajmu xi mistoqsijiet dwar kemm jikkonformaw mal-prinċipju tal-protezzjoni tad-data personali kif stipulat fil-leġislazzjoni Komunitarja.

4.7

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-White Paper tiddiskuti l-possibbiltà tal-promozzjoni ta' l-attività fiżika permezz tal-programmi Komunitarji eżistenti fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ (il-programmi Comenius, Leonardo, Erasmus. Grundtvig, EQF u l-ECVET).

4.8

Il-KESE jilqa' l-istudju dwar it-taħriġ għall-isportivi żgħażagħ. Il-Kumitat jirrakkomanda li jsir studju dwar ir-responsabbiltà tal-klabbs sportivi fir-rigward taż-żgħażagħ sportivi ta' livell għoli, bil-għan li dawn l-isportivi jingħataw taħriġ professjonali u appoġġ sabiex wara li tintemm il-karriera sportiva tagħhom, ikunu jistgħu jintegraw ruħhom mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol.

4.9

Il-KESE jisħaq fuq il-fatt li t-taħriġ għall-isportivi żgħażagħ li juru talent għandu jkun miftuħ għal kulħadd u għandu jiffaċilita l-moviment ħieles ta' l-impjieg. Il-kwistjoni tal-plejers imħarrġa lokalment jeħtieġ li tiġi analizzata bir-reqqa. Il-klabbs għandhom ir-rwol importanti li jagħrfu u jħarrġu lil dawk iż-żgħażagħ li għandhom talent. Huma jinvestu riżorsi sonstanzjali f'dan il-qasam u b'hekk jaqdu dmir soċjali importanti. Jeħtieġ li l-klabbs jitħeġġu jkomplu b'attivitajiet bħal dawn.

4.10

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-White Paper tagħti attenzjoni konsiderevoli lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, l-attività volontarja u l-isport fl-iktar livelli bażiċi, speċjalment peress li ħafna mill-attività sportiva ma ssirx fil-kuntest ta' oqsma bħal dawn.

4.11

Il-KESE jixtieq jiġbed attenzjoni lejn il-fatt li jeżistu diversi tradizzjonijiet f'dan il-qasam għalhekk is-sitwazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ tvarja minn Stat Membru għal ieħor fir-rigward ta' fondi, attività ekonomika u appoġġ mill-gvern ċentrali jew lokali. Il-KESE jispera li l-istudju mħabbar dwar dan is-suġġett janalizza dawn id-differenzi.

4.12

Il-KESE jilqa' bi pjaċir il-fatt li l-White Paper tagħraf il-miżuri u l-programmi ta' l-UE bħala mezzi li permezz tagħhom jista' jiġi sfruttat il-potenzjal ta' l-isport bħala strument għall-inklużjoni soċjali li jħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn gruppi ta' ċittadini mwarrba jew żvantaġġati u fis-soċjetà kollha kemm hi.

4.13

Il-White Paper tiddiskuti l-isport għall-persuni b'diżabilitajiet. Il-KESE bi pjaċir jinnota l-fatt li d-dokument jiddiskuti l-faċilitajiet aċċessibbli u t-taħriġ ta' l-istaff u l-voluntiera li jaħdmu mal-persuni b'diżabilitajiet.

4.14

Il-KESE jinnota bi pjaċir il-fatt li d-dokument isemmi l-parteċipazzjoni akbar tan-nisa fl-isport u r-rwol ikbar li għandhom jaqdu f'dan l-ambitu, sabiex titħeġġeġ l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isport jista' jkollha impatt pożittiv fil-qasam ta' l-isport għall-familji u għat-tfal u tista' tkun benefiċċju soċjali.

4.15

Il-KESE jilqa' l-proposta għall-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali eżistenti fil-prevenzjoni tal-vjolenza fl-istrutturi sportivi u jemmen li huwa importanti li tiġi evitata l-ħidma doppja f'dan il-qasam sabiex ir-riżorsi jiġu użati b'aktar effiċjenza.

4.16

Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li attwalment l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri ta' l-UE għall-prevenzjoni tal-vjolenza waqt l-avvenimenti sportivi qiegħda sseħħ fil-kuntest tal-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-affarijiet interni permezz tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kooperazzjoni tal-Pulizija.

4.17

Il-KESE huwa kuntent bil-fatt li d-dokument jagħraf l-impatt ekonomiku li jista' jkollu l-isport u l-fatt li jista' jwassal għall-ħolqien ta' impjiegi, iżda huwa wkoll diżappuntat li l-White Paper ma tiddiskutix il-possibbiltà li jiġu assenjati fondi komunitarji għall-faċilitajiet sportivi, multifunzjonali, komunitarji u tad-divertiment, dejjem jekk dawn jissodisfaw il-kriterji stipulati.

4.18

Il-KESE jemmen li sistema Ewropea ta' statistika sportiva standardizzata tista' tkun utli fil-qasam tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

4.19

Il-KESE jixtieq isemmi wkoll li jeżistu differenzi bejn l-istrutturi sportivi nazzjonali u bejn is-sistemi ta' statistika u li ħafna mill-benefiċċji ekonomiċi ta' l-isport jitfissru permezz ta' indikaturi li ma jistgħux jitkejlu faċilment (eż. anqas sick leave u spejjeż ta' mediċini, aktar koeżjoni soċjali).

4.20

Il-KESE jemmen li s-servejs tal-Eurobarometer huma utli u jilqa' l-istudju ppjanat dwar ir-rabtiet bejn is-settur ta' l-isport u l-proċess ta' Lisbona u l-iskambju ta' esperjenzi dwar l-avvenimenti sportivi prinċipali.

4.21

B'kunsiderazzjoni tad-diversi strutturi sportivi Ewropej imsemmija hawn fuq, il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal studju dwar il-fondi sportivi, anqas taxxi u inċentivi oħra bħal dawn fl-Istati Membri.

4.22

Il-KESE jemmen li r-relazzjoni bejn il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-isport u l-leġislazzjoni Ewropea hija importani ħafna u jeħtieġ li dan il-punt jiġi spjegat aħjar lill-organizzazzjonijiet sportivi.

4.23

Il-KESE jemmen li jeħtieġ li tinstab soluzzjoni adegwata f'dan il-qasam għaliex l-applikazzjoni tal-każistika ma tfissirx ċertezza legali għall-partijiet interessati ta' l-isport.

4.24

Jeżsti l-bżonn li r-regoli u l-interessi ta' l-organizzazzjonijiet sportivi jikkonformaw mal-leġislazzjoni Ewropea permezz ta' proposti bħal dawn: il-pjan għal evalwazzjoni ta' l-impatt fuq l-aġenti tal-plejers, il-pjan għal djalogu dwar sistemi ta' għoti ta' liċenzji għall-klabbs u l-bejgħ konġunt tad-drittijiet għat-trasmissjoni ta' l-avvenimenti sportivi. Il-KESE jappoġġja dawn il-proposti.

4.25

Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta' ħarsien tal-minorenni fl-isport u jilqa' l-attivitajiet proposti fil-White Paper: il-monitoraġġ tad-direttiva dwar il-ħarsien taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol, it-tnedija ta' studju dwar ix-xogħol tat-tfal u l-għotja ta' informazzjoni dwar il-leġislazzjoni eżistenti lill-Istati Membri.

4.26

Il-KESE jilqa' l-isforzi kollha għall-ġlieda kontra l-kriminalità relatata ma' l-isport (il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus) u t-tħejjija ta' strateġiji Ewropej dwar dan.

4.27

Il-KESE jaqbel li għandu jkun hemm sistemi stabbli għall-għotja ta' liċenzji għall-klabbs professjonali ta' l-UE sabiex tiġi assigurata t-trasparenza.

4.28

Il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li permezz ta' mekkaniżmi ta' solidarjetà, id-dħul li jġibu l-mezzi tax-xandir jintuża minn kulħadd u b'hekk ikun jista' jservi ta' appoġġ għall-isport amatorjali.

4.29

Fir-rigward tad-diversi attivitajiet li ssemmew f'din l-opinjoni, il-KESE jilqa' aktar djalogu u aktar ftehimiet kemm bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-NGOs kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet Ewropej stess.

4.30

Il-KESE huwa ferm favur it-twaqqif ta' kumitati ta' djalogu soċjali fil-livell Ewropew (4) sabiex permezz tad-djalogu tiżdied il-ħidma tas-suq uniku Ewropew fl-isport. Id-djalogu soċjali fil-livell Ewropew għandu jinkludi lill-dawk li jimpjegaw (il-klabbs) u lill-impjegati (atleti, coaches u staff ieħor) iżda wkoll lill-manifatturi tat-tagħmir sportiv u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li jipparteċipaw f'diversi setturi sportivi.

4.31

Fost i-temi li jistgħu jiġu indirizzati permezz tad-djalogu soċjali nsibu dawn: il-fondi tal-pensjoni ta' l-atleti, id-drittijiet tar-riklamar u ta' l-immaġni, is-saħħa fuq ix-xogħol, il-kwistjonijiet tal-plejers imħarrġa lokalment, il-kuntratti tax-xogħol u l-aċċess għad-dinja tax-xogħol wara l-karriera sportiva.

Brussell, is-16 ta' Jannar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Pál Schmitt: Rwol l-Isport fl-edukazzjoni u Ivo Belet: Il-futur tal-futbol professjonali fl-Ewropa

(2)  José Luis Arnaut, Reviżjoni Sportiva Ewropea Indipendenti: rapport estensiv imħejji taħt il-Presidenza tar-Renju Unit ta' l-UE b'kooperazzjoni ma' diversi pajjiżi, u li ħares lejn il-partikolaritajiet ta' l-isport Ewropew, l-għażliet li jeżistu għall-inizjattivi ta' politka u soluzzjonijiet prattiċi.

(3)  Din il-kwotazzjoni meħuda mill-introduzzjoni tal-White Paper.

(4)  Ibbażati fuq l-Artikoli 138 u 139 tat-Trattat ta' l-UE.


17.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 151/41


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Intejbu l-kwalità ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema

COM(2007) 392 finali

(2008/C 151/13)

Nhar it-3 ta' Awissu 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-suġġett:

Intejbu l-kwalità ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Diċembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Soares.

Matul il-441 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 u s-17 ta' Jannar 2008 (seduta tas-16 ta' Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'unanimità.

1.   Sinteżi u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-edukazzjoni dejjem ġiet ikkunsidrata kemm bħala element essenzjali ta' l-iżvilupp u s-sodisfazzjon tal-persunal kif ukoll bħala fattur ta' żvilupp tas-soċjetajiet tagħna. L-importanza tagħha hija wisq ikbar f'dinja globalizzata fejn il-kompetizzjoni hija tassew ħarxa. F'dan il-kuntest l-edukazzjoni taqdi rwol ċentrali għall-ġejjieni kemm tas-soċjetajiet kif ukoll ta' l-individwi, minħabba l-kumplessità ta' l-għarfien u l-kompetenzi mitluba llum-il-ġurnata.

1.2

Il-KESE jqis li l-għan ewlieni ta' l-edukazzjoni kien u għadu dak li jħarreġ ċittadini ħielsa, bi spirtu ta' kritika, awtonomi, li jkunu kapaċi jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-soċjetà li jgħixu fiha u li għandhom il-livell ta' kompetenza meħtieġa sabiex jiffaċċjaw sfidi ġodda filwaqt li jżommu f'moħħhom li huma parti minn wirt kulturali u jaqsmu l-istess valuri, u li d-dinja li jgħixu fiha m'hijiex biss tagħhom iżda għandha titħares għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-edukazzjoni għandha wkoll tikkontribwixxi għall-emanċipazzjoni ta' l-individwi.

1.3

F'dan il-kuntest, l-għalliema jaqdu rwol kruċjali għat-twettiq ta' dan l-objettiv, billi għandhom id-dmir li jgħaddu l-għarfien kif ukoll li jiddjalogaw mat-tfal u ż-żgħażagħ f'soċjetà fejn l-istruttura familjali nbidlet u hija organizzata b'mod differenti.

1.4

Il-KESE japprova l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni indirizzata lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-titjib potenzjali tal-kwalità ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta' l-għalliema u, b'mod ġenerali, jaqbel ma' l-approċċ meħud.

1.5

Madankollu, il-KESE jqis li minkejja l-kompetenzi limitati tal-Kummissjoni f'dan l-ambitu, il-komunikazzjoni tista' tmur iktar 'il bogħod u tindirizza kwistjonijiet li minħabba l-importanza li kisbu llum, jistħoqqilhom attenzjoni partikulari.

1.6

B'mod konkret, liema strateġiji ġodda jistgħu u għandhom jiġu żviluppati sabiex, fil-kuntest tal-bidliet dinjija, jiġi mgħallem kif nistgħu nindirizzaw l-isfidi marbutin mat-trasformazzjoni ta' l-istrutturi familjali u l-forom ġodda ta' organizzazzjoni tagħhom? X'jista' jsir sabiex it-taħriġ kontinwu ta' l-għalliema jkun inkluż fil-kuntest tat-taħriġ tul il-ħajja, jew sabiex ix-xogħol ta' għalliem ikun iktar attraenti għaż-żgħażagħ, b'mod partikulari fir-rigward tas-salarji u l-benefiċċji soċjali?

1.7

Hekk kif tispeċifika l-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha, il-KESE jemmen li f'soċjetà dejjem iktar kumplessa u eżiġenti, huwa importanti ħafna li wieħed jara x-xogħol ta' għalliem bħala element kruċjali tal-promozzjoni ta' edukazzjoni ta' kwalità għolja li tkun kapaċi tadatta għar-rekwiżiti tad-dinja tal-lum. Din hija r-raġuni għaliex it-titjib tat-taħriġ universitarju u professjonali ta' l-għalliema u l-bżonn li jkollhom kundizzjonijiet adegwati f'termini ta' salarji u ta' karriera huma kwistjonijiet kruċjali jekk irridu nilħqu dan l-objettiv.

2.   Sinteżi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1

Skond il-komunikazzjoni, il-kwalità ta' l-istudju u t-taħriġ professjonali ta' l-għalliema hija fattur kruċjali biex tiġi ggarantita l-kwalità ta' l-edukazzjoni u jittejbu r-riżultati skolastiċi taż-żgħażgaħ. Il-komunikazzjoni ssemmi għadd ta' miżuri li jistgħu jiġu adottati f'dan il-qasam u diversi eżempji ta' kif il-Kummissjoni tista' tappoġġja din l-azzjoni.

2.2

Skond il-Kummissjoni, dawn il-proposti ser iservu b'mod globali sabiex: it-taħriġ inizjali u l-iżvilupp professjonali ta' l-għalliema jkunu kkoordinati, koerenti u ffinanzjati kif inhu xieraq; jiġi ggarantit li l-għalliema kollha għandhom l-għarfien adegwat, l-attitudni adattata u r-riżorsi meħtieġa sabiex ikunu effikaċi f'xogħolhom; titħeġġeġ il-“professjonalizzazzjoni” tat-tagħlim u tiġi promossa kultura ta' riflessjoni u ta' riċerka dwar il-prattika pedagoġika fil-korp ta' l-għalliema. Fl-istess ħin, għandhom jiġu promossi l-istatus u r-rikonoxxenza tal-professjoni.

2.3

B'hekk tittejjeb il-kwalità ta' l-edukazzjoni b'mod ġenerali u l-Istati Membri jkunu jistgħu jilħqu, fil-livell nazzjonali, l-objettivi ta' Lisbona fir-rigward tal-koeżjoni soċjali, il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-professjoni ta' għalliem inbidlet matul iż-żmien, mhux biss fil-mod kif titwettaq iżda wkoll fir-rwol tagħha, b'riżultat ta' l-iżviluppi fis-soċjetà u fl-istennijiet ġodda ta' l-iskejjel. Mit-tagħlim li “jittrasmetti l-għarfien”, għarfien li kien mistenni li jkun assolut, għaddejna għall-“għalliem/edukatur”, li jistimola t-tagħlim u li huwa kapaċi jorganizza l-għarfien miksub miż-żgħażagħ permezz ta' sorsi oħra li xi kultant huma iktar aġġornati minn dawk ta' l-għalliema stess.

3.1.1

B'mod partikulari, l-għarfien miksub permezz ta' l-Internet u t-teknoloġiji l-ġodda tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni li huma disponibbli għall-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ, iġib miegħu problemi li għandhom jiġu ttrattati kemm fil-livell tat-taħriġ inizjali kif ukoll f'dak tat-taħriġ kontinwu, sabiex l-għalliema jkunu kapaċi jinkludu dawn is-sorsi ġodda ta' għarfien fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ.

3.2

L-iskola saret iktar demokratika u iktar eteroġena, frott ta' soċjetà iktar diversifikata, iktar eżiġenti u iktar kumplessa. B'riżultat ta' dawn il-bidliet, id-demokrazija, l-ugwaljanza u d-diversità saru kunċetti fundamentali li jiddeterminaw it-twettiq ta' l-iskola inklużiva, li tintegra wkoll lit-tfal u l-adolexxenti b'diżabilità. F'dan il-kuntest, l-għalliema jħabbtu wiċċhom ma' responsabbiltà ġdida, dik li jsibu approċċi iktar individwalizzati u adattati.

3.3

Il-fenomeni ta' l-immigrazzjoni, id-diskriminazzjoni soċjali, il-faqar, il-vjolenza fost iż-żgħażagħ, fuq kollox f'żoni urbani, kif ukoll in-nuqqas ta' stabbiltà tax-xogħol u l-qgħad fuq perijodu twil “invadew” l-iskejjel u kkumplikaw u taqqlu x-xogħol ta' l-għalliema, li b'hekk sar inqas stabbli u inqas żgur. Ħafna drabi l-għalliema ma jkunux jafu kif għandhom jindirizzaw dawn il-fenomeni ġodda u ma jirċevux l-għajnuna meħtieġa biex jiffaċċjawhom.

3.4

Bl-istess mod, il-forom ġodda ta' organizzazzjoni tal-familja, b'riżultat taż-żieda fin-numru ta' nisa li joħorġu jaħdmu, taż-żieda fin-numru ta' familji b'ġenitur wieħed jew ta' forom oħra ta' organizzazzjoni tal-ħajja domestika, qegħdin jitolbu ħiliet ġodda min-naħa ta' l-għalliema, fuq kollox il-ħila li jerfgħu t-tip ta' responsabbiltà tal-ġenituri li tingħażel minn kull familja.

3.5

It-taħriġ inizjali ta' l-għalliema mhux dejjem mexa ma' dawn il-bidliet. Minn taħriġ li għal żmien twil baqa' akkademiku wisq, ħafna drabi għaddejna għal taħriġ ibbażat esklużivament fuq il-pedagoġija u d-didattika, u b'hekk l-għarfien tad-diversi suġġetti mar lura fit-taħriġ inizjali. Jeħtieġ li jerġa' jinstab bilanċ bejn dawn iż-żewġ taqsimiet tat-taħriġ ta' l-għalliema.

3.6

Fil-fatt, it-taħriġ inizjali ta' l-għalliema għandu jkun taħlita bilanċjata ta' l-għarfien xjentifiku u dak pedagoġiku. Tqassim tajjeb ta' dawn iż-żewġ komponenti huwa preċiżament dak li jiddefinixxi l-ispeċifiċità tal-professjoni tat-tagħlim. Dan it-taħriġ għandu wkoll jinkludi element psikosoċjoloġiku u anke antropoloġiku li jwassal għall-ksib ta' l-għarfien u t-tekniki meħtieġa sabiex l-għalliema jkollhom il-ħiliet neċessarji biex jgħallmu f'ambjent multikulturali fir-rispett ta' l-element interkulturali, u f'dan il-kuntest ikunu kapaċi jiffaċċjaw u jsolvu sitwazzjonijiet diffiċli u ta' kunflitt. L-għalliema ta' għada għandhom ukoll jitgħallmu jisimgħu liż-żgħażagħ bil-għan li jinkluduhom fit-tfittxija għall-aqwa soluzzjoni. F'rabta ma' dan, huwa essenzjali li jiġu applikati d-drittijiet tat-tfal u l-adolexxenti hekk kif imniżżla fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, Konvenzjoni li tagħti lil kull tifel u adolexxenti d-dritt għall-edukazzjoni u r-rikreazzjoni, id-dritt li jiġi ttrattat tajjeb u li jiddeċiedi kif jixtieq jgħix ħajtu.

3.7

Anke jekk dak li tgħid il-Kummissjoni u li jikkonferma l-KESE huwa minnu u l-ebda taħriġ inizjali ma jista' jipprovdi l-għarfien u l-kompetenzi kollha meħtieġa għat-twettiq ta' karriera sħiħa, huwa wkoll veru li iktar ma t-taħriġ inizjali jkun twil u ta' livell għoli, iktar l-għalliema jkunu kapaċi jużaw bis-sħiħ it-taħriġ kontinwu. S'issa dan l-aspett ma tqiesx biżżejjed fil-politiki ta' taħriġ ta' l-għalliema.

3.8

Barra minn hekk, it-taħriġ inizjali ta' l-għalliema għandu jintegra objettivi li jmorru lil hinn mill-kwistjoni ta' l-għarfien u liema għarfien għandu jiġi trasmess u kif. Dan it-taħriġ għandu jinkludi l-kunċett li għalliem huwa professjonist li jirrifletti dwar xogħlu, li huwa kapaċi jevalwa l-kuntest li jaħdem fih, jiddefinixxi l-istrateġiji meħtieġa u jevalwa r-riżultati. It-taħriġ inizjali għandu wkoll ixerred l-idea li l-edukazzjoni tista' u għandha tkun strument ta' koeżjoni soċjali, ta' żvilupp soċjali u ekonomiku u ta' taħriġ ta' ċittadini attivi u implikati li jirrispettaw id-diversità kulturali u ambjentali u jixtiequ jibnu dinja aħjar. L-għalliema huma tassew il-ħoloq tal-koeżjoni soċjali.

3.9

It-taħriġ kontinwu, min-naħa tiegħu, għandu jkun ibbażat mhux biss fuq il-bżonnijiet individwali ta' l-għalliema bħala professjonisti li jagħrfu l-limiti ta' l-għarfien tagħhom u jżommu ruħhom aġġornati fir-rigward tal-bidliet soċjali u teknoloġiċi, iżda wkoll fuq il-bżonnijiet kollettivi ta' l-iskola bħala komunità li tifforma parti minn komunità iktar vasta li tinvolvi persuni u entitajiet oħra.

3.10

F'ħafna pajjiżi, it-taħriġ kontinwu daħal reċentement u għandu jkompli jitħeġġeġ bħala strument essenzjali għall-iżvilupp tal-professjoni tat-tagħlim. It-taħriġ kontinwu huwa wieħed mid-dmirijiet funzjonali ta' l-għalliema u strument indispensabbli għall-eżerċizzju tal-professjoni. Għandu jingħata l-ħin, l-ispazju u r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq tiegħu.

3.11

It-taħriġ kontinwu ta' l-għalliema tas-suġġetti professjonali u tat-teknoloġija għandu jitfassal fuq l-iżvilupp teknoloġiku. Għandu jinkludi sħubiji ma' l-intrapriżi sabiex l-għalliema jkunu infurmati u aġġornati dwar l-iżviluppi l-ġodda fil-qasam tat-teknoloġija.

3.12

Wieħed mill-ikbar żbalji li jsiru fl-ambitu tal-politika tat-taħriġ kontinwu huwa li wieħed jaħseb li din il-politika tista' tkun uniformi għal suġġett partikulari. Dan l-aspett m'għandux jiġi traskurat, iżda t-taħriġ kontinwu għandu jissodisfa l-bżonnijiet tal-komunità li hija parti minnha l-iskola u jimxi id f'id ma' l-għanijiet edukattivi ta' l-iskola stess. B'dan il-mod għandu jkun possibbli li jintlaħqu l-isfidi ta' l-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta' kull pajjiż jew reġjun u li jitqiesu l-interessi ġodda tal-ħajja fis-soċjetà.

3.13

Il-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-karriera u l-iżvilupp tagħha, l-għajnuniet speċifiċi għat-twettiq tal-professjoni, salarju li jirrifletti l-importanza soċjali tal-professjoni u r-rikonoxximent soċjali tax-xogħol imwettaq: dawn, flimkien mat-taħriġ ta' l-għalliema, huma wħud mill-fatturi li jgħinu sabiex il-professjoni, li hija iebsa u ta' ċerta tensjoni, tiġbed lill-iktar persuni adattati. B'hekk inkunu qed intejbu l-edukazzjoni billi ngħollu l-livell tar-rekwiżiti u l-kwalità.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta' l-għalliema huma marbutin b'mod strett ma' politiki oħra bħall-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ (1), il-politiki ta' innovazzjoni, riċerka, intraprenditorija (2), kif ukoll dawk marbutin mal-multilingwiżmu (3) u r-rikonoxxenza tal-kwalifiki professjonali (4).

4.2

Il-KESE jammetti b'mod ġenerali li dawn il-politiki jistgħu jkunu marbutin mas-suġġett ikkonċernat iżda jemmen li hemm bżonn li jiġu enfasizzati aspetti oħra li għandhom jitqiesu f'kull taħriġ inizjali jew kontinwu ta' l-għalliema:

4.2.1

L-għanijiet ta' żvilupp tal-Millennju, li l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom li jirrispettaw fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti. Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, l-għalliema għandhom ikunu tassew ikkwalifikati u t-taħriġ tagħhom għandu jkun iddeterminat minn strateġija komuni.

4.2.2

L-objettivi ta' Lisbona, li jenfasizzaw l-importanza ta' l-għarfien u b'hekk ta' l-edukazzjoni, fuq il-bażi tal-prinċipju li l-persuni huma l-kapital ewlieni ta' l-Ewropa. L-Istrateġija ta' Lisbona titlob ukoll li jitqajjem għarfien fost iż-żgħażagħ dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-ekonomija soċjali tas-suq. Din is-sensibilizzazzjoni għandha tkun parti mill-edukazzjoni taż-żgħażagħ.

4.2.3

Id-dimensjoni tal-ġeneru, mhux biss għax il-maġġoranza ta' l-għalliema huma nisa iżda wkoll għax hija kwistjoni ċentrali tal-politika Ewropea għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku u tal-koeżjoni soċjali.

4.2.4

L-edukazzjoni globali taż-żgħażagħ fl-oqsma kollha: fil-qasam fiżiku, intellettwali, kreattiv, ta' l-innovazzjoni, tal-parteċipazzjoni u ta' l-utilità soċjali. It-tfassil ta' l-edukazzjoni ġenerali tat-tfal u ż-żgħażagħ jeħtieġ kapaċità konoxxittiva, preparazzjoni didattika u pedagoġika kif ukoll il-kapaċità li wieħed jaħdem f'tim. Dan kollu jista' biss jinkiseb permezz ta' taħriġ inizjali eżiġenti u taħriġ kontinwu adattat.

4.3

Il-komunikazzjoni tagħti deskrizzjoni qasira tal-profil ta' għalliem fl-Unjoni Ewropea, billi tenfasizza tliet aspetti essenzjali: is-sess, l-età u s-salarju, iżda ma tidħol fl-ebda dettall fir-rigward tar-rabtiet li jistgħu jiġu stabbiliti bejn dawn it-tliet aspetti.

4.3.1

Anke jekk in-nisa jinsabu fil-maġġoranza f'kull qasam tat-tagħlim, huwa veru li l-għadd tagħhom huwa proporzjonalment oppost għall-importanza soċjali u/jew is-salarju propost f'kull settur. B'hekk il-proporzjon ta' nisa qiegħed jonqos mill-istadju ta' qabel l-iskola sa l-edukazzjoni superjuri.

4.3.2

L-istatus soċjali tal-professjoni ta' għalliem illum-il-ġurnata m'għadux daqshekk apprezzat u jikkompeti ma' karrieri iktar attraenti u kwalifiki ekwivalenti, bir-riżultat li m'għadux jiġbed liż-żgħażagħ. Wieħed jista' jqis li l-professjoni saret iktar eżiġenti kemm fil-livell tat-taħriġ inizjali kif ukoll f'termini ta' responsabbiltà soċjali, iżda l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-prospettivi ta' karriera u s-salarju ma jidhrux li segwew dan l-iżvilupp.

4.3.2.1

Ix-xjenza pura u l-komunikazzjoni u l-informazzjoni qegħdin ibatu b'mod partikulari minħabba l-effetti ta' din il-kompetizzjoni, b'nuqqas ġeneralizzat ta' għalliema għal dawn is-suġġetti.

4.3.3

Barra minn hekk il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li xi stqarrijiet tal-komunikazzjoni m'humiex appoġġjati minn analiżi dettaljata, u dan jista' jaħbi r-realtà iktar kumplessa ta' għadd ta' sitwazzjonijiet. Per eżempju, meta wieħed iqabbel is-salarji ta' l-għalliema mas-salarju nazzjonali medju, wieħed għandu jqis il-piż ekononomiku tas-salarji fir-rigward tal-PGD u r-rabta bejn is-salarji u t-tul tal-karriera u jistabbilixxi paragun ma' professjonijiet oħra li huma daqstant eżiġenti f'termini ta' kwalifiki universitarji.

4.3.4

Fl-Ewropa il-korp ta' l-għalliema xjaħ u l-kapaċità ta' tiġdid tiegħu hija pjuttost inkwetanti, meta wieħed iqis il-persentaġġ għoli ta' għalliema li għandhom bejn 50 u 64 sena. L-Ewropa għandha twettaq studju ta' prospettiva dwar il-konsegwenzi futuri tal-piramida ta' l-età.

4.3.5

Għalhekk huwa urġenti li l-professjoni ta' għalliem issir iktar attraenti għaż-żgħażagħ. Ovvjament, dan jimplika li għandu jkun hemm investiment ikbar, iżda wkoll — u dan huwa saħansitra iktar importanti — li għandhom isiru tibdiliet soċjali u kulturali sabiex ir-rwol ta' l-għalliema fis-soċjetà jiġi apprezzat iktar.

4.4

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ssemmi ċerti miżuri fil-qasam tal-politika ta' l-edukazzjoni, li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib ta' l-edukazzjoni universitarja u professjonali ta' l-għalliema, b'mod partikulari fir-rigward tat-tagħlim tul il-ħajja, il-kompetenzi neċessarji, ir-riflessjoni dwar il-prattika pedagoġika u r-riċerka, il-kwalifiki, it-taħriġ ta' l-għalliema fl-edukazzjoni superjuri u t-tagħlim fis-soċjetà.

4.4.1

Il-KESE japprova l-ideat ippreżentati iżda jemmen li dawn għandhom jiġu analizzati b'mod strutturat u m'għandhomx jinfirdu mid-diversi kuntesti li huma parti minnhom. Dawn l-ideat huma importanti iżda jeħtieġu viżjoni differenti, min-naħa tas-soċjetà, tar-rwol ta' l-għalliema llum f'kuntest ta' inflazzjoni ta' l-għarfien b'għadd ikbar ta' tekniki u modi ta' aċċess għall-għarfien.

5.   Rakkomandazzjonijiet tal-KESE

B'hekk, u billi jikkonferma l-approvazzjoni globali tiegħu tal-komunikazzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni, il-KESE jemmen li l-indirizzar tal-kwistjoni tat-titjib tal-kwalità ta' l-edukazzjoni ta' l-għalliema għandu jmur lil hinn mit-taħriġ inizjali u kontinwu tagħhom u għalhekk iressaq ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin.

5.1

Il-professjoni ta' għalliem għandha tittejjeb f'għajnejn is-soċjetà minħabba l-importanza partikulari li għandha għat-twettiq ta' l-objettivi definiti fil-qafas ta' l-istrateġija ta' Lisbona u fid-dawl tal-fatt li l-għalliema għandhom il-kompitu li jħarrġu l-iktar kapital prezzjuż ta' l-Unjoni Ewropea: ir-riżorsi umani;

5.2

Rikonoxximent ġdid tal-professjoni teħtieġ li jerġgħu jiġu vvalutati s-salarji, ix-xogħol f'tim u t-taħriġ kontinwu kif ukoll il-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-professjoni u ta' l-iżvilupp tal-karriera, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta' l-għajnuniet speċifiċi għas-setturi u l-oqsma li l-iktar għadhom bżonnhom, bil-għan li jinġibdu żgħażagħ entużjastiċi u kompetenti lejn il-professjoni.

5.2.1

Din il-valutazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn dokument dettaljat li jispeċifika l-kompetenzi mistennija mill-għalliema kemm fil-qasam ta' l-għarfien akkademiku kif ukoll fil-fehim soċjoloġiku tagħhom tad-diversi gruppi tal-popolazzjoni li jilqgħu, kif ukoll f'termini ta' metodi pedagoġiċi.

5.3

Minkejja l-fatt li l-edukazzjoni m'hijiex kompetenza speċifika ta' l-Unjoni Ewropea, it-tisħiħ tal-koordinazzjoni miftuħa, il-ġbir u l-iskambju ta' l-informazzjoni u l-prattika tajba u t-tnedija ta' programmi speċifiċi li jikkontribwixxu għar-rikonoxximent tal-professjoni jistgħu jkunu strumenti utli li jgħinu lill-Istati Membri jimplimentaw il-politiki li jaqgħu taħt dan l-objettiv.

5.4

L-edukazzjoni hija kompitu b'responsabbiltà kbira. Għandhom jiġu żviluppati strateġiji li jgħinu lill-għalliema żgħar fil-bidu tal-karriera tagħhom, permezz ta' assistenza pprovduta minn għalliema b'iktar esperjenza. Barra minn hekk, meta wieħed iqis l-għajja (fiżika u mentali) inerenti f'dan ix-xogħol, dawn ta' l-aħħar m'għandhomx jiġu obbligati jkomplu bl-istess kompiti sal-pensjoni.

5.5

Il-gruppi pedagoġiċi pluridixxiplinari, ikunux ikkoordinati minn għalliema jew le, saru strument essenzjali għal kull proġett edukattiv li jqis ir-realtajiet soċjali ġodda (struttura u organizzazzjoni familjali, ħin u organizzazzjoni tax-xogħol, qgħad fuq perijodu twil, immigrazzjoni, b'mod partikulari il-problema tan-nuqqas ta' għarfien dwar il-lingwa u l-kultura tal-pajjiż ospitanti) u r-realtajiet speċifiċi permanenti (tfal u żgħażagħ li għandhom bżonnijiet edukattivi speċjali minħabba diżabilità, il-ġlieda kontra s-sessiżmu u l-kunsiderazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi). F'dan il-kuntest, it-taħriġ inizjali ta' l-għalliema għandu jinkludi sensibilizzazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet. Barra minn hekk, huwa importanti ferm li jitħarrġu għalliema speċjalisti fil-qasam tat-tagħlim lil tfal u żgħażagħ b'diżabilità, u li għal dan il-għan jiġu proposti korsijiet tal-livell ta' Masters jew PhD.

5.6

Realtà soċjali oħra li qiegħda tinxtered fl-iskejjel hija dik tal-vjolenza fost iż-żgħażagħ, li għandha tiġi indirizzata permezz ta' approċċ pluridixxiplinari mmirat lejn il-fehim ta' dan il-fenomenu, li huwa predominanti fiż-żoni urbani.

5.7

Barra minn hekk, l-investiment fil-persunal awżiljarju huwa essenzjali sabiex tiġi pprovduta assistenza fil-kompiti edukattivi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' l-iskola u jmorru lil hinn minn dawk li huma marbutin b'mod iktar speċifiku ma' l-attivitajiet ta' l-għalliema.

5.8

It-taħriġ inizjali għandu jikkunsidra dawn l-ispunti informattivi kollha u għaldaqstant għandu jkun ta' kwalità għolja kemm mil-lat xjentifiku kif ukoll minn dak pedagoġiku u didattiku u f'dak li għandu x'jaqsam mal-kompetenzi l-ġodda bħall-kapaċità li wieħed jaħdem f'tim, jinteraġixxi ma' atturi soċjali oħra, fosthom mal-familji, kif ukoll il-kapaċità li jqanqal il-ħeġġa għat-tagħlim. Dan it-taħriġ għandu jinkludi metodi li jqajmu l-interess u jħeġġu l-ħidma fi gruppi, bil-għan li jiġu evitati jew solvuti l-kunflitti soċjali li jeżistu iżda li forsi għadhom ma ħarġux fil-beraħ.

5.9

Għalhekk il-KESE jirrakkomanda li l-professjoni ta' għalliem titqies bħala professjoni li titlob taħriġ inizjali itwal, livell ta' rekwiżiti ogħla u għarfien imtejjeb tar-rabtiet bejn l-iskola u s-soċjetà, inkluż fid-dinja tax-xogħol.

5.10

Fir-rigward tat-taħriġ kontinwu, dan għandu jitqies bħala element strutturali tal-karriera ta' l-għalliema. Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri għandhom ifasslu programmi għall-implimentazzjoni ta' sistema li tirrifletti l-bżonnijiet ta' l-għalliema u ta' l-iskejjel.

5.11

Sabiex it-taħriġ kontinwu jirnexxi u jitgħammar b'objettivi effikaċi, l-għalliema għandhom jipparteċipaw b'mod attiv mill-istadju tal-ħolqien u l-ippjanar sa dak tat-twettiq. It-taħriġ għandu jkun iffukat fuq l-iskejjel u l-għanijiet speċifiċi tal-proġett edukattiv ta' kull waħda minnhom.

5.12

L-atturi soċjo-ekonomiċi u, b'mod partikulari, it-trade unions li jirrappreżentaw lill-korp ta' l-għalliema għandhom jitqiesu bħala kuntatti siewja għad-definizzjoni ta' l-għanijiet u l-evalwazzjoni tat-taħriġ inizjali u kontinwu ta' l-għalliema.

5.13

It-taħriġ kontinwu għandu jinkludi l-aspett tal-“parteċipazzjoni tal-ġenituri u l-edukaturi” bil-għan li dawn ta' l-aħħar ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom fil-proġett edukattiv ta' l-iskola, jifhmu l-għadd kbir ta' fatturi involuti fil-proċess ta' tagħlim u b'hekk jaqdu rwol importanti fl-edukazzjoni ta' wliedhom barra mill-isfera familjali.

5.14

It-taħriġ kontinwu għandu wkoll iservi ta' forum interprofessjonali. Għalhekk ikun xieraq li jsir fi sħubija ma' atturi oħra tas-settur ta' l-edukazzjoni li jipparteċipaw fil-proċess edukattiv, u li jqis il-possibbiltà li jimplika diversi skejjel fi proċess iktar globali.

5.15

Fl-aħħar, il-programmi Ewropej għandhom iħeġġu l-iskambju ta' esperjenzi u informazzjoni bejn skejjel li jinsabu f'pajjiżi differenti iżda jinsabu f'sitwazzjonijiet simili. L-iskambju ta' esperjenzi bejn l-iskejjel tal-pajjiż ospitanti u dawk tal-pajjiż ta' oriġini tal-migranti huwa eżempju ta' idea tajba sabiex jinftiehmu d-diffikultajiet tat-tfal u ż-żgħażagħ ta' din il-parti tal-popolazzjoni u jinstabu strateġiji ġodda li jgħinu sabiex jingħelbu d-diffikultajiet evidenti.

5.16

Barra minn hekk, l-istrateġija ta' Lisbona tħeġġeġ, b'mod partikulari permezz tal-leave għal skopijiet ta' studju, il-mobilità ta' l-għalliema fil-pajjiżi ta' l-Unjoni, li xxerred (jew toħloq) l-esperjenzi u l-innovazzjoni bil-għan li ttejjeb it-taħriġ tul il-ħajja.

5.17

Fl-aħħar, wieħed għandu jidentifika l-indikaturi edukattivi adegwati u rikonoxxuti fil-pajjiżi kollha ta' l-Unjoni sabiex jiġu evalwati r-riżultati u jiġu żviluppati s-sistemi edukattivi mmirati lejn l-objettiv konġunt tat-titjib tal-kwalifiki u l-koeżjoni soċjali.

Brussell, is-16 ta' Jannar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Ara, per eżempju, l-opinjoni tal-KESE tas-26.10.2005, Nindirizzaw il-kwistjonijiet li huma ta' tħassib għaż-żgħażagħ fl-EwropaL-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ u l-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva ĠU C 28, 3.2.2006, rapporteur: is-Sinjura van Turnhout.

(2)  Ara, per eżempju, l-opinjonijiet tal-KESE Investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni (opinjoni fuq inizjattiva proprja) tat-12.7.2007 (ĠU C 256, 27.10.2007), rapporteur: is-Sur Wolf, jew Kapaċità għall-impjieg u l-ispirtu intraprenditorjaliir-rwol tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-korpi lokali u reġjonali mill-perspettiva tal-ġeneru (opinjoni esploratorja tal-11.7.2007 (ĠU C 256, 27.10.2007), rapporteur: is-Sur Pariza Castaños.

(3)  Ara, per eżempju, l-opinjoni tal-KESE tas-26.10.2006, Strateġija qafas ġdida għall-multilingwiżmu (ĠU C 324, 30.12.2006), rapporteur: is-Sinjura Le Nouail.

(4)  Ara, per eżempju, l-opinjoni tal-KESE tat-30.5.2007, It-twaqqif ta' Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 175, 27.7.2007), rapporteur: is-Sur Rodríguez García-Caro.


17.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 151/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà

COM(2007) 498 finali

(2008/C 151/14)

Nhar il-5 ta' Settembru 2007 il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-suġġett

Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Diċembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Trantina.

Matul l-441 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 u s-17 ta' Jannar 2008 (seduta tas-17 ta' Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'137 vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Sommarju tar-rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jaqbel li hemm bżonn li titħejja strateġija trasversali għaż-żgħażagħ li tkun ġenwinament Ewropea u l-Kumitat huwa lest li jikkontribwixxi għal dal-proċess bil-mezzi tiegħu (bħal per eżempju kuntatt dirett ma' organizzazzjonijiet qrib iċ-ċittadini u s-sensibilizzazzjoni ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE għall-problemi u s-soluzzjonijiet fil-livell taċ-ċittadini).

1.2

Il-KESE jemmen li l-proċess tal-kostruzzjoni ta' strateġija trasversali għat-tfal u ż-żgħażagħ li tkun ta' suċċess u sostenibbli, għandu jkun iffaċilitat permezz ta' struttura permanenti fil-Kummissjoni (li tikkoordina l-ħidma tad-DĠ varji li jkunu involuti) jew grupp interistituzzjonali u dal-proċess għandu jkun imsejjes fuq it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ b'miri u skadenzi ċari.

1.3

Il-KESE huwa tal-fehma li biex ir-rata ta' l-impjieg fl-UE tiżdied, qabel ma jsiru sforzi għall-mobilizzazzjoni tal-ħaddiema mdaħħla fl-età, għandu jsir minn kollox għall-impjieg fuq skala kbira taż-żgħażagħ, peress li dan ikollu effetti fuq perijodu iktar fit-tul, mhux biss soċjoloġiċi (awtonomija, pożizzjoni soċjali, ċifri tat-twelid, familji ġodda, eċċ.) iżda wkoll ekonomiċi, f'termini ta' tkabbir, tal-kontribuzzjonijiet soċjali, tal-konsum, tat-tfaddil u l-investiment (eż. fil-kostruzzjoni.) Huwa jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet Ewropej sabiex jieħdu l-passi meħtiega ħalli jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa, permezz ta' l-implimentazzjoni iktar rapida u effiċjenti tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ u l-programmi nazzjonali ta' riforma ta' l-istrateġija ta' Lisbona ta' l-Istati Membri.

1.4

Il-KESE jinsisti li s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fiż-żoni rurali u ż-żoni urbani fqar tingħata iktar konsiderazzjoni. Il-Kumitat isejjaħ lill-Istati Membri sabiex jindirizzaw b'suċċess l-isfida li jeliminaw il-faqar fost it-tfal u jitlob li jiżdiedu l-miżuri sabiex tittejjeb il-parteċipazzjoni soċjali taż-żgħażagħ b'diżabilità, b'mod ugwali.

1.5

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkompli taħdem għar-rikonoxximent tal-ħidma volontarja taż-żgħażagħ permezz ta' impenn ma' l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, ir-rappreżentanti tas-sistema edukattiva formali u l-NGOs adattati.

1.6

Il-KESE jixtieq itenni l-punti prinċipali tiegħu dwar is-suġġett ta' l-attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ, li huma li:

il-Kummissjoni għandha tħabbar Sena tal-Voluntiera, u tippubblika White Paper dwar l-attività volontarja u ċ-ċittadinanza attiva fl-Ewropa.

il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iqajmu kuxjenza dwar il-kontribut tal-ħidma taż-żgħażagħ għall-iżvilupp tagħhom stess u l-ħiliet, il-valuri u l-attitudnijiet li jinkisbu bis-saħħa ta' parteċipazzjoni attiva fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u fl-attivitajiet ta' ħidma taż-żgħażagħ.

1.7

Il-Kumitat m'huwiex tal-parir li l-integrazzjoni fl-impjieg issir b'mezzi li ma jkunux stabbli u li ma jipprovdux prospettivi: l-inċertezza, ħinijiet ta' xogħol u kuntratti li maż-żmien isiru iktar u iktar inċerti m'għandhomx għalfejn ikomplu jkunu rrakkomandati billi dawn taw xhieda qawwija ta' l-effett tagħhom fuq għadd ta' żgħażagħ, li kulma jmur qiegħed jikber, li ħerġin minn ambjenti soċjali diversi. L-impjieg inċert, offrut bħala soluzzjoni intermedjarja bejn it-tluq mill-istudji inizjali u d-dħul fil-ħajja attiva, idewwem il-progress professjonali u t-teħid ta' responsabilità dejjiema fil-ħajja soċjali u familjali kif juru, sfortunatament, l-istudji u l-osservazzjonijiet tal-Fondazzjoni ta' Dublin, l-ILO u l-Osservatorju Ewropew ta' l-Impjiegi.

1.8

Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta' djalogu strutturat bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u ż-żgħażagħ. Djalogu bħal dan għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' l-istrateġija trasversali għaż-żgħażagħ, li l-Kummissjoni pproponiet fil-Komunikazzjoni tagħha. Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li kull tliet snin għandu jitħejja abbozz ta' rapport ta' l-UE dwar iż-żgħażagħ u jirrakkomanda li tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ, b'mod partikulari tal-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ, fl-iżvilupp ta' rapport bħal dan.

1.9

Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta' sħubija b'saħħitha bejn l-UE u ż-żgħażagħ permezz ta' dikjarazzjoni li tiġi ffirmata bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-imsieħeb tagħhom li jirrappreżenta liż-żgħażagħ — il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ.

2.   Daħla

2.1

Il-KESE ilu jittratta l-kwistjoni taż-żgħażagħ għal iktar minn għaxar snin. Il-parti l-kbira ta' l-opinjonijiet reċenti għadhom rilevanti u jistgħu jiġu ripetuti hawnhekk, almenu parzjalment (1).

2.2

Nhar il-5 ta' Settembru 2007, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Komunikazzjoni tagħha Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà, imħejji b'mod konġunt mid-DĠ għall-Edukazzjoni u l-Kultura u d-DĠ għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs. Kien hemm DĠs oħrajn involuti wkoll fl-abbozzar tiegħu. Il-Komunikazzjoni tittratta dwar suġġetti bħall-edukazzjoni taż-żgħażagħ, l-impjiegi, is-saħħa u ċ-ċittadinanza, u tipprova tindirizzahom b'mod trans-settorjali. Din hija akkumpanjata minn żewġ dokumenti ta' ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni — waħda dwar l-attivitajiet volontarji, u t-tieni waħda dwar l-impjieg taż-żgħażagħ.

2.3

Il-Komunikazzjoni tirreaġixxi għal xi wħud mir-riżultati interessanti tar-rapport Investing in Youth: an empowerment strategy, li ġie ppubblikat f'April 2007 mill-Bureau of European Policy Advisors (BEPA).

2.4

Ġeneralment, il-KESE jilqa' l-approċċ li ttieħed mill-Kummissjoni Ewropea kemm fir-rigward tal-proċess kif ukoll tal-kontenut ta' din il-Komunikazzjoni. Huwa jinnota bi pjaċir li bosta DĠs oħrajn kienu involuti fl-abbozzar tiegħu.

2.5

Madankollu, il-KESE huwa mħasseb dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-ħolqien ta' din l-istrateġija trasversali għaż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni ma tirrakkomandax proċess dwar kif jista' jinkiseb dan il-għan. Skond ir-reazzjoni inizjali tal-Kunsill, s'issa, l-ebda Stat Membru ma għandu pjanijiet f'din id-direzzjoni.

3.   Aktar edukazzjoni u edukazzjoni aħjar għaż-żgħażagħ kollha

3.1

Dan il-kapitolu jittratta l-edukazzjoni formali kważi b'mod esklussiv; madankollu, l-edukazzjoni mhux formali tikkontribwixxi wkoll għall-provvista tal-kwalifiki u l-kompetenzi neċessarji billi tikkomplementa l-ħidma tas-sistemi skolastiċi. Għaldaqstant, hemm bżonn li din tiġi kkunsidrata tas-sistemi skolastiċi. Għaldaqstant, hemm bżonn li din tiġi kkunsidrata.

3.2

B'mod ġenerali, il-KESE jaqbel mal-proposti li jikkonċernaw it-titjib fil-kwalità ta' l-edukazzjoni, billi dawn jikkonformaw ma' l-istrateġiji u d-dokumenti attwali.

3.3

Il-KESE jaqbel ukoll li għandu jiġi żviluppat element speċifiku għaż-żgħażagħ fi ħdan l-Ewropass, li jkun komplementari għaż-Żgħażagħpass, billi din tiffoka biss fuq attivitajiet li jitwettqu miż-żgħażagħ fil-qafas tal-programm Iż-Żgħażagħ Jaġixxu. Madankollu, il-firxa ta' attivitajiet taż-żgħażagħ li għandhom jiġu rikonoxxuti hija ħafna usa'.

3.4

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkompli taħdem għar-rikonoxximent tal-ħidma volontarja maż-żgħażagħ permezz ta' impenn ma' l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, ir-rappreżentanti tas-sistema edukattiva formali u l-NGOs adattati.

3.5

Iż-żgħażagħ li jitilqu mill-iskola kmieni għandu jkollhom l-opportunità li jieħdu sehem fi programmi ta' taħriġ mhux formali li jħejjuhom għall-ħajja adulta u għall-parteċipazzjoni b'suċċess fis-suq tax-xogħol bħala impjegati jew bħala intraprendituri.

4.   Iż-żgħażagħ u l-impjieg: sfida għall-Ewropa

4.1

Il-KESE jenfasizza li l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa jhedded il-futur ta' l-Ewropa u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet Ewropej sabiex jieħdu l-passi neċessarji ħalli s-sitwazzjoni tittejjeb. Dawk il-passi għandhom ikunu, l-ewwel u qabel kollox, ibbażati fuq implimentazzjoni iktar malajr u effiċjenti tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ, fejn jeżisti ħafna dewmien f'bosta Stati Membri. Illum il-ġurnata l-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ għadu jitqies iktar bħala dikjarazzjoni milli pjan ta' ħidma ġenwin.

4.2

F'opinjoni preċedenti (2), il-KESE talab li l-miri li ġejjin jiġu kkunsidrati għall-inklużjoni fil-programmi ta' riforma nazzjonali ta' l-istrateġja ta' Lisbona:

jiġu stabbiliti miri għal kull Stat Membru sabiex l-għadd ta' żgħażagħ qiegħda jitnaqqas b'ta' l-anqas 50 % fil-perijodu 2006-2010 (iċ-ċifra attwali hija 17.4 % fl-Unjoni Ewropea għall-persuni taħt il-25 sena); fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa ogħla mil-livell nazzjonali u fl-Istati Membri ta' l-UE; ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija mill-inqas darbtejn ogħla mir-rata tal-qgħad ġenerali;

it-titjib fis-sistema eżistenti sabiex id-dewmien medju sakemm iż-żgħażagħ isibu l-impjieg jew apprendistat jitnaqqas minn sitta għal erba' xhur

jiġu żviluppati sistemi ta' ħarsien soċjali li jippermettu liż-żgħażagħ ikunu f'pożizzjoni li jagħmlu għażliet li jiddeterminaw il-futur tagħhom stess.

jitnaqqas it-tluq kmieni mill-iskola b'50 % fil-perijodu 2006-2010 u tinġieb 'il quddiem l-esperjenza tax-xogħol fil-kumpaniji.

4.3

Dan l-aħħar il-KESE adotta opinjoni esploratorja dwar il-flessigurtà (3), li tista' sservi bħala bażi soda għall-ħidma futura fuq is-suġġett. Din tinnota, fost affarijiet oħra, li “Iż-żgħażagħ ukoll, f'ħafna Stati Membri jiffaċċjaw suq tax-xogħol li huwa inċert b'livell ta' qgħad għoli, kuntratti ta' perijodi fissi, kopertura ta' sigurtà soċjali insuffiċjenti u xogħol li għalih huma kkwalifikati żżejjed.”

4.4

In-nuqqas ta' stabilità soċjali li s'issa jista' jiġi kkunsidrat inerenti u karatteristiku taż-żgħożija jista' madankollu jiżdied għal bosta żgħażagħ fl-Ewropa u fid-dinja kollha. Jafu tajjeb l-inċertezza fl-impjiegi, id-diffikultajiet materjali; daqqa t'għajn lill-aħħar rapporti ta' l-ILO turi dan biċ-ċar. Barraminhekk, il-ġenerazzjonijiet li ġew qabilhom għandhom jistaqsu lilhom infushom dwar il-futur li ser iħallu lil ta' warajhom.

4.5

Il-KESE diġà sejjaħ għat-trawwim ta' intraprenditorija żgħażugħa permezz ta' appoġġ finanzjarju u tekniku u billi titnaqqas kemm jista' jkun il-burokrazija involuta fit-teħid, it-trasferiment u t-twaqqif ta' intrapriża. Għaldaqstant, il-KESE huwa interessat fil-proġett pilota propost li jimmira li jġib 'il quddiem il-mobilità ta' l-intraprendituri żgħażagħ.

4.6

Fir-rigward ta' l-inizjattiva tal-Kummissjoni għall-apprendistati, il-KESE jaqbel li għandu jiġi introdott tip ta' Qafas Ewropew għall-Kwalità ta' l-apprendistati u dan jiġi offrut lill-kumpaniji sabiex jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw il-prinċipji tiegħu ta' kuntratti ċari maż-żgħażagħ. Illum, f'ħafna każijiet, iż-żgħażagħ li jagħmlu l-apprendistati huma sfruttati bħala forza tax-xogħol irħisa minflok ma jitgħallmu u jħejju ruħhom għal impjiegi futuri.

4.7

B'konformità mal-proposta tal-Kummissjoni li tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jużaw il-politiki nazzjonali u l-fondi ta' l-UE għall-appoġġ tat-transizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għall-impjieg, il-KESE jsejjaħ lill-Istati Membri sabiex inaqqsu l-piż amministrattiv marbut ma' l-applikazzjoni għall-iffinanzjar mill-fondi ta' l-UE, għax dan inaqqas l-opportunitajiet ta' l-NGOs taż-żgħażagħ imsejsa fuq il-volontarjat sabiex jiksbu dan it-tip ta' ffinanzjar. L-iffinanzjar minn qabel tal-proġetti ta' l-NGOs jgħin ukoll fit-titjib ta' l-opportunitajiet għall-proġetti tagħhom.

5.   L-użu sħiħ tal-potenzjal ta' kulħadd

5.1

Il-KESE jinsisti li s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ f'żoni rurali u f'żoni urbani fqar tingħata iktar konsiderazzjoni. F'bosta żoni rurali u urbani fqar, iż-żgħażagħ m'għandhomx aċċess għal servizzi ta' kwalità fil-qasam ta' l-edukazzjoni, it-taħriġ, il-mobilità, is-saħħa u r-rikreazzjoni. L-istess jista' jingħad fir-rigward ta' l-opportunitajiet ta' impjieg jew għall-opportunità li jieħdu sehem fis-soċjetà ċivili.

5.2

Il-KESE jsejjaħ lill-Istati Membri sabiex jilqgħu l-isfida ta' l-eliminazzjoni tal-faqar fost it-tfal u ż-żgħażagħ, li għandu impatt qawwi fuqhom f'ċerti oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni u saħansitra l-possibbilitajiet li għandhom li f'xi żmien fil-ġejjieni jaħarbu min-nassa tal-faqar.

5.3

Il-Komunikazzjoni ma tindirizzax ir-rabta fundamentali li teżisti bejn minn naħa, il-medda u l-livell ta' l-istrutturi intiżi għall-kura ta' kuljum tat-tfal, u l-prestazzjonijiet skolastiċi ulterjuri u s-suċċessi miksuba fil-ħajja professjonali min-naħa l-oħra. Il-KESE jirrakkomanda li, b'konformità ma' l-objettivi stabbiliti fl-istrateġija ta' Lisbona, tiġi enfasizzata l-importanza ta' l-istrutturi intiżi għall-kura ta' kuljum tat-tfal bl-għan li jitħejjew għall-iskola u l-ħajja awtonoma, u l-fatt li dawn jikkostitwixxu strument fejjiedi biex jippromovu l-integrazzjoni soċjali u jikkompensaw għad-dewmien.

5.4

Il-KESE jitlob sabiex jiżdiedu l-miżuri biex it-tfal u ż-żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali, li jinsabu f'qagħda żvantaġġata jew qed isofru minn diżabilità jkunu jistgħu jipparteċipaw aħjar fis-soċjetà b'mod ugwali: parteċipazzjoni indaqs fl-attivitajiet tal-Programm taż-Żgħażagħ; aċċess indaqs għall-informazzjoni dwar il-politika dwar iż-żgħażagħ u l-proġetti taż-żgħażagħ u miżuri ta' sensibilizzazzjoni.

5.5

Il-KESE jaqbel, b'mod ġenerali, ma' l-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kwistjonijiet tal-ġeneru (gender issues). Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li ma sar l-ebda suġġeriment ġdid fil-Komunikazzjoni sabiex jiġu miġġielda l-istereotipi tal-ġeneru.

5.6

Il-KESE diġà talab lill-Kummissjoni għal azzjoni li tiffoka fuq is-saħħa tat-tfal u ż-żgħażagħ, u, b'mod partikulari, fuq l-istili ta' ħajja b'saħħithom u bbilanċjati:

il-KESE sejjaħ għal parteċipazzjoni kollettiva taż-żgħażagħ fil-pjattaforma ta' l-UE dwar is-Saħħa, id-Dieta u l-Attività Fiżika.

il-KESE huwa mħasseb dwar iż-żieda fil-konsum perikoluż u ta' ħsara ta' xorb alkoħoliku fost iż-żgħażagħ u t-tfal f'ħafna mill-Istati Membri tul dawn l-aħħar għaxar snin, b'mod partikulari dwar ix-xorb eċċessiv f'perijodu ta' ftit sigħat magħruf bħala “binge drinking”.

il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-prattiki kummerċjali li jinvolvu l-produzzjoni ta' xorb fil-laned li jkun fihom taħlita ta' xorb alkoħoliku u non-alkoħoliku bl-għan li ż-żgħażagħ jiġu mħajra jikkonsmaw l-alkoħol fuq bażi regolari.

Il-KESE jsejjaħ biex il-ġlieda kontra l-forom differenti ta' vjolenza fuq it-tfal u ż-żgħażagħ titħarrax u biex l-informazzjoni u t-taħriġ fil-qasam tal-prevenzjoni u l-azzjoni jittejbu.

5.7

Fl-ispirtu ta' l-opinjonijiet reċenti tal-Kumitat dwar is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet (4), is-solidarjetà maż-żgħażagħ għandha tiġi assoċjata mal-politiki orizzontali trasversali, iżda fl-ispirtu ta' kooperazzjoni u solidarjetà ma' l-etajiet l-oħra tas-soċjetà ċivili: it-tfulija, l-età adulta u x-xjuħija

5.8

Għalhekk il-KESE jilqa' bi pjaċir l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' Strateġija ġdida għas-Saħħa.

6.   Ċittadini żgħażagħ attivi

6.1

Il-KESE ilu jappoġġja l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kemm permezz ta' l-opinjonijiet tiegħu kif ukoll billi pprovda l-faċilitajiet tiegħu għall-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ 2007.

6.2

F'opinjoni preċedenti, il-KESE enfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva u l-awtonomija taż-żgħażagħ fis-soċjetà kollha kemm hi. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li:

iż-żgħażagħ jitpoġġew fil-qalba ta' l-azzjonijiet varji, jiġu mħeġġa u jingħataw l-ispazju sabiex jieħdu sehem attiv u jesprimu ruħhom bil-mezzi kollha disponibbli għalihom;

l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet għandhom jipprovdu r-riżorsi, l-appoġġ u l-mekkaniżmi neċessarji għall-iffaċilitar taż-żgħażagħ fil-livelli kollha sabiex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni tagħhom fid-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet li jkollhom impatt fuq ħajjithom. Hija biss l-influwenza ġenwina li twassal għar-responsabilità ġenwina;

il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw il-politiki tagħhom fi sħubija maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u jkomplu jinvolvuhom fl-istadji kollha;

iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tagħhom u l-imsieħba soċjali għandhom jiġu kkonsultati dwar l-iżvilupp tal-miżuri għal din l-inizjattiva mal-programmi nazzjonali ta' riforma ta' Lisbona u dwar is-segwitu ta' l-implimentazzjoni.

6.3

Il-KESE japprezza kieku l-parti tal-Komunikazzjoni li tittratta l-attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ (punt 5.2) tkun iktar b'saħħitha u inqas ġenerali. Il-KESE jiddispjaċih li l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet li ressaq fl-opinjoni (5) tiegħu ma ġiet inkorporata fil-Komunikazzjoni.

6.4

Għalhekk il-KESE jtenni l-punti prinċipali tiegħu dwar is-suġġett:

għandha tiġi adottata karta fuq livell Ewropew li twaqqaf ir-rwol ta' l-organizzazzjonijiet volontarji, inklużi d-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom.

il-Kummissjoni għandha tħabbar Sena tal-Voluntiera, u tippubblika White Paper dwar l-attività volontarja u ċ-ċittadinanza fl-Ewropa.

l-Istati Membri għandhom ifasslu qafas legali li jassigura d-dritt li l-attività volontarja tittwettaq indipendentement mill-istatus legali jew soċjali ta' l-individwu u li jkun hemm dispożizzjonijiet għall-assigurazzjoni u r-rimborż ta' l-ispejjeż.

il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iqajmu kuxjenza dwar il-kontribut tal-ħidma taż-żgħażagħ lejn l-iżvilupp taż-żgħażagħ u l-ħiliet, il-valuri u l-attitudnijiet li jinkisbu permezz ta' parteċipazzjoni attiva fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-attivitajiet tal-ħidma taż-żgħażagħ.

l-UE għandha tagħmel enfasi partikulari fuq ir-rikonoxximent tal-kompetenzi li jinkisbu mill-attivitajiet volontarji.

6.5

Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta' sħubija f'saħħitha bejn l-UE u ż-żgħażagħ fil-forma ta' dikjarazzjoni li hija mistennija li tiġi ffirmata bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-imsieħeb tagħhom li jirrappreżenta ż-żgħażagħ — il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. Bi pjaċir jinnota li l-Forum Ewropew għaż-Żgħażagħ huwa ħerqan li jirrifletti fuq il-mezzi u l-għodod adattati ma' l-imsieħba, sabiex jiġi assigurat li l-fehmiet, b'mod partikulari taż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet, ikunu jistgħu jinstemgħu wkoll u jitqiesu bħala parti minn dan il-proċess. (6)

6.6

Barraminhekk, il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta' djalogu strutturat bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u ż-żgħażagħ. Djalogu bħal dan għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' l-istrateġija trasversali għaż-żgħażagħ, proposta mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha. Għal dan il-għan, il-KESE jipproponi li tinżamm laqgħa ta' djalogu li tlaqqa' lid-Direttorati Ġenerali rilevanti tal-Kummissjoni, ir-rappreżentanti tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew u s-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ sabiex jitwaqqaf pjan ta' direzzjoni konġunt dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-kwistjonijiet taż-żgħażagħ b'mod trans-settorjali. Il-KESE jikkunsidra li pjan ta' direzzjoni konġunt ta' dan it-tip ikun pass konkret sabiex jintlaqgħu s-sejħiet li saru miż-żgħażagħ u s-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ fl-okkażjoni tas-Summit taż-Żgħażagħ f'Ruma, f'Marzu 2007.

6.7

Id-djalogu strutturat maż-żgħażagħ għandu jagħmel użu tajjeb ukoll mill-mezzi eżistenti, jiġifieri avvenimenti organizzati għaż-żgħażagħ mill-Presidenzi ta' l-UE u l-ġimgħat Ewropej għaż-żgħażagħ. Madankollu, dawn l-avvenimenti għandhom jintużaw għad-diskussjonijiet dwar il-progress ta' l-istrateġija trasversali għaż-żgħażagħ u r-riżultati tagħhom bil-miktub għandhom jintrabtu ma' dan il-progress. M'hemmx għalfejn jinkitbu dikjarazzjonijiet ġodda u m'hemmx bżonn li ta' kull darba noqogħdu noħolqu affarijiet li diġà nħolqu.

6.8

Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li kull tliet snin għandu jitħejja abbozz ta' rapport ta' l-UE dwar iż-żgħażagħ. Rapport bħal dan għandu jintrabat ma' l-istrateġija trasversali għaż-żgħażagħ u l-għanijiet tagħha, u għandu jinvolvi indikaturi preċiżi tas-suċċess jew il-falliment. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ, b'mod partikulari tal-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ, għandha tkun assigurata fl-iżvilupp ta' rapport bħal dan.

Brussell, is-17 ta' Jannar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Opinjoni tal-KESE tas-26.10.2005 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar politika Ewropea dwar iż-żgħażagħ li tindirizza l-problemi taż-żgħażagħ fl-Ewropal-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ u t-tmexxija 'l quddiem ta' ċittadinanza attiva; rapporteur: is-Sinjura Van Turnhout (ĠU C 28, 3.2.2006)

Opinjoni tal-KESE tat-13.12.2006 dwar l-Attività volontarja: ir-rwol tagħha fis-soċjetà Ewropea u l-impatt tagħha; rapporteur: is-Sinjura Koller, ko-rapporteur is-Sinjura Zu Eulenberg (ĠU C 325, 30.12.2006)

Opinjoni tal-KESE tas-6.7.2006 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: Inkattru inklinazzjonijiet intraprenditorjali bl-edukazzjoni u t-tagħlim; rapporteur: is-Sinjura Jerneck (ĠU C 309, 16.12.2006)

Opinjoni tal-KESE ta' l-12.7.2007 dwar l-Impjieg tal-kategoriji ta' prijorità (L-Istrateġija ta' Lisbona); rapporteur: is-Sur Greif (ĠU C 256, 27.10.2007)

Opinjoni tal-KESE ta' l-14.9.2007 dwar Nagħmlu ċ-ċittadinanza Ewropea viżibbli u effettiva; rapporteur: is-Sur Vever, (ĠU C 318, 23.12.2006)

Opinjoni tal-KESE ta' l-10.3.2005 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-programm 'ŻGĦAŻAGĦ ATTIVI' għall-perjodu bejn l-2007-2013; rapporteur: is-Sur Rodríguez García-Caro (ĠU C 234, 22.09.2005)

Opinjoni tal-KESE tat-30.05.2007 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija ta' l-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-Tnaqqis ta' ħsara rrelatata ma' l-Alkoħol; rapporteurs: is-Sinjura Van Turnhout u s-Sur Janson (ĠU C175, 27.07.07)

Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Prinċipji Komuni ta' Flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà — COM (2007) 359 finali; rapporteurs: is-Sur Janson u s-Sur Ardhe — SOC/283, il-ħidma għadha għaddejja.

(2)  Opinjoni tal-KESE tas-26.10.2005 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar politika Ewropea dwar iż-żgħażagħ li tindirizza l-problemi taż-żgħażagħ fl-Ewropal-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ u t-tmexxija 'l quddiem ta' ċittadinanza attiva, rapporteur: is-Sinjura Van Turnhout (ĠU C 28, 3.2.2006).

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Prinċipji Komuni ta' Flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà — COM (2007) 359 finali; rapporteurs: is-Sur Janson u s-Sur Ardhe — SOC/283, il-ħidma għadha għaddejja.

(4)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tas-16.12.2004 dwar Ir-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet, rapporteur: is-Sur Bloch-Lainé, (ĠU C 157, 28.6.2005)

Opinjoni tal-KESE dwar Il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, rapporteur: is-Sur Jahier (CESE 1711/2007 — SOC/2007). Adottata matul is-sessjoni plenarja tat-12 u t-13 ta' Diċembru 2007.

(5)  Opinjoni tal-KESE tat-13.12.2006 dwar l-Attività volontarja: ir-rwol tagħha fis-soċjetà Ewropea u l-impatt tagħha; rapporteur: is-Sinjura Koller, ko-rapporteur: is-Sinjura Zu Eulenberg (ĠU C 325, 30.12.2006).

(6)  Reazzjoni tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — 07/04/07.


APPENDIĊI

għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin, li ġabru almenu kwart tal-voti mixħuta, ma ġewx aċċettati matul id-dibattitu (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta' Proċedura):

Punt 6.3

Biddel it-test kif ġej:

Il-KESE japprezza kieku l-parti tal-Komunikazzjoni li tittratta l-attivitajiet volontarji taż-żgħażagħ (punt 5.2) tkun iktar b'saħħitha u inqas ġenerali. Huwa jfakkar li l-volontarjat m'huwiex l-istess bħall-karità u xi wħud mill-attivitajiet volontarji jistgħu jiġu mħallsa  (1). Il-KESE jiddispjaċih li l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet li ressaq fl-opinjoni tiegħu ma ġiet inkorporata fil-Komunikazzjoni.

Riżultat

Favur: 17 Kontra: 30 Astensjonijiet: 15


(1)  Opinjoni tal-KESE tat-13.12.2006 dwar l-Attività volontarja: ir-rwol tagħha fis-soċjetà Ewropea u l-impatt tagħha; rapporteur: is-Sinjura Koller, ko-rapporteur is-Sinjura Zu Eulenberg (ĠU C 325, 30.12.2006).


17.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 151/50


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru […] għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b'dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom

COM(2007) 439 finali — 2007-152 (CNS)

(2008/C 151/15)

Nhar il-5 ta' Ottubru 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru […] għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b'dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Diċembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Rodríguez García-Caro.

Matul l-441 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-16 u s-17 ta' Jannar 2008 (seduta tas-16 ta' Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'unanimità.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' l-proposta għal Regolament li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru […] għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b'dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom, għax din tirrappreżenta pass 'il quddiem fit-trattament indaqs bejn iċ-ċittadini ta' l-UE u dawk ta' pajjiżi terzi li jgħixu legalment fl-UE.

1.2

F'dan il-kuntest, il-Kumitat jittama li jiġu kkunsidrati l-kummenti li ġejjin, li jagħtu sommarju tal-punti li saru aktar 'il quddiem f'din l-opinjoni:

1.2.1

taħt l-ebda ċirkustanza m'għandhom jitħallew jibqgħu fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 859/2003 u għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1408/71 u r-regolament tiegħu ta' implimentazzjoni;

1.2.2

it-test li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 859/2003 m'għandux jinkludi appendiċi b'dispożizzjonijiet speċjali li jippermettu l-esklużjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004;

1.2.3

il-fehma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata, għandha dejjem tintalab meta jiġu kkunsidrati dispożizzjonijiet bħal dawn.

2.   Daħla

2.1

F'April 1991, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, fl-opinjoni tiegħu fuq inizjattiva proprja dwar l-istatut tal-ħaddiema migranti minn pajjiżi terzi (1), esprima l-appoġġ tiegħu għal trattament ugwali fil-qasam soċjali bejn iċ-ċittadini tal-Komunità u dawk ta' pajjiżi terzi.

2.2

F'Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew ta' Tampere iddikjara li għandu jiingħata trattament ugwali liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu legalment fl-Istati Membri u li d-drittijiet u l-obbligi tagħhom għandhom ikunu komparabbli ma' dawk taċ-ċittadini ta' l-UE. Loġikament, dawn id-drittijiet jinkludu l-moviment liberu u l-konsegwenzi soċjo-professjonali tiegħu.

2.3

L-Artikolu 63 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jistipula li wara li t-Trattat ta' Amsterdam jidħol fis-seħħ, il-Kunsill jadotta “miżuri li jiddefinixxu d-drittijiet u l-kondizzjonijiet li bihom persuni ta' ċittadinanza ta' pajjiżi terzi li jkunu legalment residenti fi Stat Membru jkunu jistgħu jabitaw fi Stat Membru ieħor” (2). Dawn il-miżuri jikkonċernaw id-dritt ta' residenza u moviment liberu ta' dawn iċ-ċittadini.

2.4

F'Mejju 2003 ġie ppubblikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003 (3) li estenda d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma kinux diġà koperti b'dawn id-dispożizzjonijiet unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (4). Dan żied fuq il-mandat stabbilit mill-Artikolu 63 tat-TKE u estenda d-dispożizzjonijiet tar-regolamenti dwar is-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, il-membri tal-familja tagħhom u s-superstiti tagħhom li, bħala ċittadini ta' pajjiż terz, jabitaw legalment fl-UE.

2.5

Fl-2004 ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u ġie stabbilit li r-Regolament (KE) Nru 1408/71 għandu jitħassar meta r-Regolament ta' implimentazzjoni għat-test preċedenti jiġi adottat u ppubblikat. Jekk ir-Regolament propost kopert b'din l-opinjoni ma jiġix adottat, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jabitaw legalment fl-UE jibqgħu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1408/71 u ma jibbenefikawx mis-semplifikazzjoni u t-titjib li jirriżultaw mir-Regolament (KE) Nru 883/2004; u għalhekk, paradossalment, ikun hemm żewġ regolamenti dwar is-sigurtà soċjali, li wieħed minnhom ikun japplika biss għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi.

3.   Taqsira tal-proposta

3.1

Il-proposta għal Regolament tinkludi tliet artikoli u, probabbilment bħal dik preċedenti, appendiċi li ma jifformax parti mill-proposta attwali. It-test ta' l-artikoli jirrepeti kważi literallment il-kontenut tar-Regolament li qiegħed jiġi ssostitwit.

3.2

L-Artikolu 1 jistabbilixxi l-għan tar-Regolament li, loġikament, japplika għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, il-membri tal-familja tagħhom u s-superstiti tagħhom li jabitaw legalment fi Stat Membru u li mhumiex diġà koperti bir-Regolament (KE) Nru 883/2004.

3.3

L-Artikolu 2 jistabbilixxi l-istess dispożizzjonijiet li jissemmew fir-Regolament (KE) Nru 859/2003 attwalment fis-seħħ, u jirreferi għal drittijiet li jiddataw qabel l-1 ta' Ġunju 2003, id-data li fiha daħal fis-seħħ ir-Regolament attwali.

3.4

L-Artikolu 3 jistabbilixxi d-data li fiha jidħol fis-seħħ ir-Regolament u jipprovdi għall-abrogazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 859/2003 fl-istess data.

4.   Kummenti

4.1

Il-Kumitat jilqa' l-proposta għal Regolament u għal darb'oħra jesprimi l-appoġġ inkondizzjonat tiegħu għall-estenzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għaċ-ċittadini ta' l-UE u dawk ta' pajjiżi terzi fil-qasam soċjali, u jibqa' konvint li trattament ugwali bħal dan ser jagħmilha aktar faċli għall-migranti mill-pajjiżi terzi sabiex jintegraw ruħhom gradwalment fl-Istati Membri ta' l-UE.

4.2

Il-Kumitat jilqa' l-fatt li l-Kunsill talbu jagħti l-fehma tiegħu fil-kuntest tal-proposta għal Regolament li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament tiegħu ta' implimentazzjoni għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b'dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom. F'dan ir-rigward, il-Kumitat ma jifhimx għaliex ma ntalabx jesprimi l-fehma tiegħu matul il-proċeduri tar-Regolament (KE) Nru 859/2003, u għaliex ma setax jesprimi l-pożizzjoni tiegħu fuq suġġett daqshekk importanti.

4.3

Indipendentament mill-kwistjonijiet li fuqhom il-Kumitat huwa obbligat jesprimi l-fehma tiegħu, il-Kumitat iħoss li l-fehma tiegħu għandha tiġi kkunsidrata kull meta jiġu diskussi kwistjonijiet ta' rilevanza soċjali, speċjalment jekk dawn huma relatati mad-dispożizzjonijiet dwar is-servizzi soċjali fil-kuntest tas-sigurtà soċjali.

4.4

Waħda mill-premessi tar-Regolament (KE) Nru 859/2003 jenfasizza, skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda mehmużin mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ix-xewqa li ż-żewġ Stati Membri ma jiħdux sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

4.5

Fil-proposta għal Regolament li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 859/2003, din is-sitwazzjoni ma tissemma fl-ebda premessa, u dan iwassal lill-Kumitat sabiex jassumi li ma kien hemm l-ebda komunikazzjoni miż-żewġ Stati. F'dan ir-rigward, il-Kumitat jesprimi x-xewqa li r-Regolament il-ġdid jiġi adottat ukoll minn dawn iż-żewġ Stati, sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni msemmija fil-punt 2.5 t'hawn fuq, fejn ir-Regolament (KE) Nru 1408/71 jibqa' fis-seħħ fi Stat Membru wieħed jew tnejn, u biss fir-rigward taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.

4.6

Ir-Regolament (KE) Nru 859/2003 attwali jinkludi appendiċi li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament f'żewġ Stati Membri għal ċerti servizzi speċifiċi. It-test tal-proposta mressaq lill-Kumitat ma jinkludi l-ebda appendiċi ta' dan it-tip. Dan jista' jkun minħabba l-fatt li l-ebda Stat ma jixtieq jinkudi xi klawżoli ta' esklużjoni fir-Regolament, jew minħabba li għadhom ma esprimewx il-pożizzjonijiet tagħhom f'dan ir-rigward.

4.7

Hi x'inhi r-raġuni għan-nuqqas ta' l-appendiċi, il-Kumitat, b'konformità mal-pożizzjoni espressa aktar minn 15-il sena ilu fl-opinjoni tiegħu fuq inizjattiva proprja dwar l-istatut tal-ħaddiema migranti minn pajjiżi terzi (5), jerġa' jappella għal trattament ugwali bejn iċ-ċittadini tal-Komunità u dawk ta' pajjiżi terzi fil-qasam soċjali, u jittama li l-ebda appendiċi ma jiġi inkluż fir-Regolament il-ġdid.

Brussell, is-16 ta' Jannar 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 339, 31.12.1991, Rapporteur: is-Sur Amato.

(2)  Verżjoni kkonsolidata tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

(3)  ĠU L 124, 20.05.2003

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 diġà jkopri persuni mingħajr stat, ir-rifuġjati u l-membri tal-familja u s-superstiti taċ-ċittadini tal-Komunità.

(5)  ĠU C 339, 31.12.1991. Rapporteur: is-Sur Amato