ISSN 1725-5015 |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 127A |
|
![]() |
||
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 51 |
Avviż Nru |
Werrej |
Paġna |
|
V Avviżi |
|
|
PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI |
|
|
Il-Kummissjoni |
|
2008/C 127A/01 |
||
MT |
|
V Avviżi
PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI
Il-Kummissjoni
24.5.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
CA 127/1 |
DĠ Ċentru Konġunt tar-Riċerka
Pubblikazzjoni għal post battal għal Deputat Direttur Ġenerali (Grad AD15) – Brussell
(l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal)
COM/2008/10071
(2008/С 127 А/01)
Il-Kummissjoni qed tfittex li timpjega Deputat Direttur Ġenerali fid-Direttorat Ġenerali Ċentru Konġunt tar-Riċerka.
Min aħna
Iċ-ĊKR jipprovdi konsulenza xjentifika-teknika u appoġġ partikolarmnet lil dawk li jfasslu l-politika fid-Direttorati Ġenerali l-oħra, mill-konċepiment tal-politiki sas-sorveljanza ta' l-implimentazzjoni tagħhom. Huwa jinkludi seba' istituti ta' riċerka mifruxa f'5 lokalitajiet fl-Ewropa; il-kwartieri ġenerali jinsabu fi Brussell. Għandu persunal ta' 2,650 persuna u baġit operattiv ta' €340M fis-sena; il-kompetenzi bażiċi tiegħu huma l-ikel, il-prodotti kimiċi u s-saħħa; l-ambjent u s-sostenibbiltà; is-sikurezza u s-sigurtà nukleari; u attivitajiet orizzontali bħalma huma materjali u miżuri ta' referenza, previżjoni teknoloġika, sigurtà pubblika u attivitajiet kontra l-frodi.
Qegħdin nipproponu
Il-pożizzjoni ta' Deputat Direttur Ġenerali li l-kompiti tiegħu huma li jagħti appoġġ lid-Direttur Ġenerali fil-ġestjoni ta' l-organizzazzjoni, li jiddefinixxi l-istrateġija ġenerali taċ-ĊKR u li jippromwovi r-relazzjonijiet mal-partijiet interessati u l-konsumaturi, partikolarment fost id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni. Huwa mistenni li jiddefinixxi u jimplimentai l-istrateġija ta', u jipprovdi l-ġestjoni ġenerali għal, oqsma ewlenin ta' l-attivitajiet mhux nukleari taċ-ĊKR.
Qegħdin infittxu
Il-kandidati għandu jkollhom:
— |
esperjenza ppruvata f'maniġment ta' livell għoli, inkluża r-responsabbiltà diretta għal numru ta' impjegati u baġits imdaqqsa, preferibbilment f'organizzazzjoni xjentifika jew f'entità li tfassal il-politika f'qasam rilevanti għaċ-ĊRK; |
— |
kwalifiki xjentifiċi ta' livell għoli (PhD jew esperjenza ekwivalenti) u esperjenza ppruvata f'suġġett rilevanti għaċ-ĊKR, preferibbilment fix-xjenzi tal-ħajja/l-ambjent/il-kimika; |
— |
għarfien tajjeb tal-politiki rilevanti ta' l-Unjoni Ewropea u tad-Direttorati Ġenerali; |
— |
ħiliet interpersonali, ta' teħid ta' deċiżjonijiet, ta' komunikazzjoni u ta' negozjar eċċellenti. |
L-applikanti għandu jkollhom:
1. |
grad universitarju li jagħti aċċess għal studji postuniversitarji; |
2. |
mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali post-universitarja f'livell li jagħtu aċċess għalih il-kwalifiki msemmija hawn fuq, preferibbilment fil-qasam rilevanti għall-kompitu. Mill-inqas ħames snin minn dik l-esperjenza professjonali jkunu nkisbu f'funzjoni maniġerjali għolja (1); |
3. |
ikollhom għarfien sħiħ ta' waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u għarfien adegwat ta' lingwa uffiċjali oħra. (Il-kandidati għandhom jinnotaw li l-proċeduri ta' l-għażla ser isiru bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż biss. Peress li dan jista' jkun ta' vantaġġ għal dawk li huma kelliema nattivi, dawn se jiġu evalwati f'waħda jew iżjed mil-lingwi l-oħrajn); |
4. |
ikunu ċittadini ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea. |
Indipendenza u dikjarazzjoni ta' interessi:
Il-kandidati huma mitluba jikkonfermaw il-volontà tagħhom li jagħmlu dikjarazzjoni dwar l-impenn tagħhom li jaġixxu b'mod indipendenti fl-interess pubbliku u dikjarazzjoni ta' kull interess li jistgħu jitqiesu li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.
Ħatra u kundizzjonijiet ta' l-impjieg:
Id-Deputat Direttur Ġenerali se jintagħżel u jinħatar mill-Kummissjoni skond il-proċeduri ta' għażla u ta' ingaġġ tagħha. Il-kandidati li jitniżżlu fil-lista finali se jissejħu għal intervista mill-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni għall-Ħatriet u għal ċentru ta' valutazzjoni mmexxi minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ. Is-salarji u l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg huma dawk stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali fil-grad AD15 tal-Komunitajiet Ewropej. L-applikanti għandhom iqisu r-rekwiżit għall-persunal ġdid kollu, taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, li jgħaddu b'suċċess żmien ta' prova ta' disa' xhur.
Opportunitajiet indaqs:
L-Unjoni Ewropea tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs.
Proċedura ta' l-applikazzjoni:
Dan il-post qiegħed jiġi ppubblikat fl-istess żmien ma' numru ta' postijiet għall-uffiċjali ta' karigi maniġerjali għolja oħra. Il-kandidati li jixtiequ japplikaw għal iżjed minn pożizzjoni waħda jridu jissottomettu applikazzjoni separata għal kull pożizzjoni.
Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tivverifika b'attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji ta' eliġibilità kollha, b'mod partikolari rigward it-tipi ta' kwalifiki u esperjenza professjonali meħtieġa.
Jekk tixtieq tapplika, jeħtieġ li tirreġistra permezz ta' l-Internet billi żżur il-websajt http://ec.europa.eu/dgs/personnel_administration/seniormanagementvacancies/CV_Encadext/index.cfm
u segwi l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw id-diversi stadji tal-proċedura.
Hija r-responsabbiltà tiegħek li r-reġistrazzjoni online tiegħek issir fil-ħin (2). Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sa l-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex ħafna traffiku fuq l-internet jew xi difett fil-konnessjoni ta' l-internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni online tiegħek tiġi tterminata qabel ma tkun lestejtha, u b'hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba d-data ta' l-iskadenza għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet tkun għaddiet, ma tkunx tista' tirreġistra iżjed. Bħala regola ġenerali, ir-registrazzjoniet bil-posta eletronika normali li jaslu tard m'humiex se jiġu aċċettati.
Ladarba tlesti r-reġistrazzjoni online tiegħek, inti tirċievi fuq l-iskrin tiegħek numru ta' reġistrazzjoni li għandek tieħu nota tiegħu – dan ikun in-numru ta' referenza tiegħek f'kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni. Meta tirċievi dan in-numru, il-proċess ta' reġistrazzjoni jkun spiċċa huwa konferma li aħna nkunu rreġistrajna l-informazzjoni li tkun daħħalt.
Jekk ma tirċievi l-ebda numru, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!
Jekk jogħġbok innota li jrid ikollok indirizz tal-posta elettronika. Din se tintuża biex tidentifika r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex tiġi infurmat bir-riżultat tal-proċedura. Għandek tinforma lill-Kummissjoni f'każ ta' tibdil fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.
Ma' l-applikazzjoni tiegħek ser tintalab tehmeż CV fil-format WORD jew PDF, u ddaħħal ittra ta' motivazzjoni online (massimu ta' 8 000 karattru). Kemm is-CV u kemm l-ittra jridu jkunu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.
Jekk jogħġbok innota li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress ta' l-applikazzjoni tiegħek online. Inti se tiġi kkuntattjat dwar l-istatus ta' l-applikazzjoni tiegħek direttament mid-DĠ li qiegħed jirrekluta.
Jekk tbati minn diżabbiltà li ma tippermettilekx tirreġistra online, tista' tibgħat l-applikazzjoni (is-CV u l-ittra ta' motivazzjoni) fuq il-karta permezz ta' posta reġistrata (3) , b'timbru postali b'data li ma tkunx aktar tard mid-data meta tagħlaq ir-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni se tkun bil-posta. F'dan il-każ, ma' l-applikazzjoni tiegħek għandek tehmeż ċertifikat li juri d-diżabbiltà tiegħek, maħruġ minn entità rikonoxxuta. Għandek issemmi wkoll, fuq karta separata, kwalunkwe arranġament speċjali li taħseb li jkun meħtieġ biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tiegħek fl-għażla.
Jekk teħtieġ aktar tagħrif u/jew tiltaqa' ma' problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat e-mail lil ADMIN-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu.
Data ta' l-għeluq:
Id-data ta' l-għeluq għar-reġistrazzjoni hija l-20 ta' Ġunju 2008. Ir-reġistrazzjoni elettronika mhux ser tkun possibbli wara nofsinhar (12.00 p.m.) ħin ta' Brussell.
(1) Fis-CVs tagħhom l-applikanti għandhom jindikaw għall-inqas għal dawn il-5 snin x'tip ta' esperjenza ta' ġestjoni f'livell għoli ġiet miksuba: (1) it-titlu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kellhom, (2) in-numru ta' impjegati li kienu jamministraw f'dawn il-pożizzjonijiet, (3) id-daqs tal-baġit ġestit, u (4) in-numru ta' livelli ġerarkiċi 'l fuq u 'l isfel u n-numru ta' persunal fl-istess livell.
(2) Mhux aktar tard min-nofsinhar (12:00), ħin ta' Brussell, fl-20/06/2008.
(3) Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali “Persunal u Amministrazzjoni”, Unità Organigramma u Persunal Maniġerjali, COM/2008/10071, MO34 5/105, B-1049 Brussell.