ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 103

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 51
24 ta' April 2008


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

Il-Qorti ta’ l-Awdituri

2008/C 103/01

Rapport Speċjali Nru 2/2008 rigward Informazzjoni li Torbot Dwar it-Tariffa (BTI) flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni

1

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TA' L-UNJONI EWROPEA

Il-Qorti ta’ l-Awdituri

24.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 103/1


RAPPORT SPEĊJALI Nru 2/2008

rigward Informazzjoni li Torbot Dwar it-Tariffa (BTI) flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni

(skond l-Artikolu 248(4), it-tieni sottoparagrafu, KE)

(2008/C 103/01)

WERREJ

LISTA TA' AKRONIMI U ABBREVJAZZJONIJIET

I-IV

SOMMARJU

1-7

INTRODUZZJONI

1-3

Sfond

4-6

Qafas legali

7

Organizzazzjoni u deskrizzjoni tas-sistema tal-BTI

8-12

AMBITU U APPROĊĊ TAL-VERIFIKA

13-38

OSSERVAZZJONIJIET

15-27

Ġestjoni tal-BTI fil-livell tal-Komunità

17-19

It-trattament tal-klassifikazzjoni ta' BTI mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali

20-21

Ir-responsabbiltà finanzjarja ta' Stat Membru li jkun ħareġ BTI żbaljat

22-25

Użu tad-database EBTI-3

26-27

Adegwatezza tal-leġiżlazzjoni

28-38

Il-ġestjoni tal-BTI fl-Istati Membri

31-33

Ħruġ ta' BTI

34-37

Annullament jew invalidazzjoni ta' BTI

38

Rikonċiljament tal-BTI mad-dikjarazzjoni ta' importazzjoni

39-48

KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

39-42

Konklużjonijiet ġenerali

43-48

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet speċifiċi

43-44

It-trattament tal-klassifikazzjoni tal-BTI fil-Kumitat tal-Kodiċi Doganali

45

Responsabbiltà finanzjarja ta' Stat Membru li jkun ħareġ BTI żbaljata

46

Użu tad-database EBTI3

47

Adegwatezza tal-leġiżlazzjoni

48

Implimentazzjoni tas-sistema tal-BTI mill-Istati Membri

Anness I — BTI maħruġa minn kull Stat Membru

Anness II — Ħarsa ġenerali lejn l-osservazzjonijiet għall-Kummissjoni u s-sitt Stati Membri miżjura

Ir-risposti tal-Kummissjoni

LISTA TA' AKRONIMI U ABBREVJAZZJONIJIETBTI Informazzjoni li Torbot Dwar it-TariffaCCC Kodiċi Doganali tal-Komunità: Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92CCCIP Dispożizzjonijiet għall-Implimentazzjoni tal-Kodiċi Dogali tal-Komunità: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93Database EBTI-3 Database Ewropea ta' l-Informazzjoni li Torbot Dwar it-TariffaDG BUDG Direttorat-Ġenerali għall-Baġit (Kummissjoni)DG TAXUD Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali (Kummissjoni)ĠU Ġurnal UffiċjaliGATT Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-KummerċIT Teknoloġija ta' l-InformatikaOLAF Uffiċċju Ewropew Kontra l-FrodiUE Unjoni EwropeaWTO Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

SOMMARJU

I.

Informazzjoni li Torbot Dwar it-Tariffa (BTI) hija deċiżjoni ta' klassifikazzjoni ta' tariffa mogħtija bil-miktub mill-awtoritajiet doganali ta' Stat Membru fuq talba ta' operaturi ekonomiċi. Hija torbot legalment lill-awtoritajiet doganali kollha fl-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-detentur sa sitt snin mid-data tal-ħruġ.

II.

Il-BTI tippromwovi l-applikazzjoni uniformi tal-politika doganali, li hija rekwiżit kemm ta' l-Unjoni Doganali kif ukoll ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), u tgħin ukoll sabiex jiġi assigurat illi jiġi impost id-dazju korrett. Hija tagħmel dan billi tattribwixxi lil oġġett partikolari klassifikazzjoni mifruxa ma' l-UE kollha. L-operaturi ekonomiċi u l-uffiċċji doganali b'hekk ikollhom ċertezza dwar il-klassifikazzjoni tat-tariffa ta' dawn l-oġġetti li dawk ta' l-ewwel ikollhom l-intenzjoni li jimportaw (jew jesportaw).

III.

Il-Qorti analizzat ir-rwol ta' ġestjoni tal-Kummissjoni u eżaminat l-implimentazzjoni tal-BTI f'sitt Stati Membri. B'mod ġenerali, is-sistema tal-BTI instabet li kienet imfassla sew. Ġeneralment, il-ġestjoni tal-Kummissjoni kienet adegwata u s-sitt Stati Membri vverifikati applikaw il-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet legali dwar il-BTI. Madanakollu, is-sejbiet prinċipali preżentati hawn taħt juru illi hemm bżonn ta' titjib sabiex it-tħaddim tas-sistema jittejjeb b'mod ġenerali:

a)

meta żewġ Stati Membri jew aktar ikunu ħarġu BTI differenti għall-istess oġġetti (komunament imsejjħa BTI diverġenti), il-każijiet jitressqu quddiem il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali sabiex jiġu solvuti, sakemm l-Istati Membri kkonċernati ma jkunux kapaċi jilħqu ftehim dwar il-klassifikazzjoni. Il-verifika tal-Qorti sabet sitwazzjonijiet illi jistgħu jaffettwaw li tinstab soluzzjoni immedjata għal kwistjonijiet ta' klassifikazzjoni. B'dan il-mod klassifikazzjoni inkonsistenti tat-tariffi tista' tippersisti għal perijodu ta' żmien. Dan jista' jaffettwa l-ġabra ta' l-ammont korrett tar-riżorsi proprji tradizzjonali;

b)

il-Kummissjoni ma indirizzatx sistematikament il-kwistjoni tar-responsabbiltà finanzjarja ta' Stat Membru meta dan ta' l-aħħar ikun ħareġ BTI żbaljata li twassal għal telf ta' riżorsi proprji tradizzjonali. L-ebda stima affidabbli ta' l-ammont ta' riżorsi proprji tradizzjonali mitlufa minħabba klassifikazzjonijiet żbaljati bħal dawn ma hija disponibbli;

c)

il-Kummissjoni ma mmonitorjatx sistematikament jekk l-Istati Membri rrispettawx il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-BTI;

d)

diversi nuqqasijiet ġew innotati fl-Istati Membri, inklużi eżempji ta' nuqqas li jiġi vverifikat jekk applikazzjonijiet oħra għal BTI jew BTI diverġenti kinux jeżistu għall-istess oġġetti, il-ħruġ bil-mod ta' BTI u dewmien sabiex tiġi aġġornata d-database EBTI-3;

e)

meta jiddikjara l-merkanzija tiegħu, operatur ekonomiku m'għandu l-ebda obbligazzjoni li jippreżenta l-BTI tiegħu, u l-verifika kkonfermat illi l-BTI huma rarament ippreżentati. Dikjarazzjoni ta' importazzjoni tista' biss tiġi faċilment imqabbla għall-kontroll mal-BTI relevanti meta din ta' l-aħħar ikun hemm fil-fatt referenza għaliha ma' l-importazzjoni. Meta l-eżistenza tagħha ma tkunx iddikjarata, l-uffiċjali tad-dwana ikollhom diffikultà sabiex jivverifikaw jekk id-dikjarant għandux BTI għall-merkanzija u jekk il-klassifikazzjoni doganali hijiex korretta. Il-Kummissjoni preżentement m'għandha l-ebda stima affidabbli tal-valur jew tal-volum ta' l-importazzjonijiet koperti minn BTI;

f)

meta jingħata “perijodu ta' grazzja” lil operatur ekonomiku, il-merkanzija li tibbenenfika minnu tkun tista' tiġi importata fi kwalunkwe Stat Membru. Madanakollu, taħt is-sistema preżenti, huwa diffiċli għad-dwani nazzjonali li jassiguraw illi jkunu biss il-kwantitajiet ta' merkanzija li jkunu fil-bażi tal-perijodu ta' grazzja li jiġu importati bl-użu tal-BTI.

IV.

Ir-rakkomandazzjonijiet prinċipali li joħorġu mill-verifika tal-Qorti huma:

a)

il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri sabiex tqassar iż-żmien li hemm bżonn sabiex issolvi kwistjonijiet ta' klassifikazzjoni ta' BTI;

b)

il-Kummissjoni għandha tkun attiva fil-proċess ta' sorveljanza. Hija għandha tanalizza d-data fid-database EBTI-3 sabiex tidentifika diżinji riskjużi;

c)

Il-BTI għandha tkun imsemmija b'mod obbligatorju fid-dikjarazzjonijiet doganali ta' l-operaturi, minħabba li dan jiffaċilita l-kontrolli ta' l-awtoritajiet doganali.

INTRODUZZJONI

Sfond

1.

Ma' l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta' oġġett, operatur ekonomiku (1) għandu jimla dikjarazzjoni għall-awtoritajiet doganali. Din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi kodiċi tat-tariffa li tikklassifika l-oġġett skond in-natura preċiża tiegħu. Il-kodiċi fil-fatt użata (2) tikkorrispondi għal rata ta' dazji fuq l-importazzjoni (jew rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni) pagabbli u għar-rekwiżiti u r-restrizzjonijet (3) sabiex jiġi importat (jew esportat) dan l-oġġett. L-operatur ekonomiku huwa legalment responsabbli għad-determinazzjoni korretta tal-kodiċi mdaħħla fid-dikjarazzjoni.

2.

Li tiġi determinata l-kodiċi tat-tariffa korretta tista' tippreżenta diffikultajiet, per eżempju rigward prodotti innovativi b'teknoloġija ġdida jew prodotti magħmula minn diversi elementi. Sabiex jikseb ċertezza legali qabel ma jimporta (jew jesporta) oġġett, l-operatur ekonomiku jista' japplika għal klassifikazzjoni uffiċjali mill-awtoritajiet doganali. Din il-klassifikazzjoni hija magħrufa bħala Informazzjoni li Torbot dwar it-Tariffa (BTI), li hija deċiżjoni bil-miktub mibgħuta lill-operatur ekonomiku.

3.

Fl-1993, il-proċedura tal-BTI saret sistema mifruxa mal-Komunità kollha li tipprovdi lill-operaturi ekonomiċi b'deċiżjonijiet ta' klassifikazzjoni tat-tariffi li jorbtu legalment sa sitt snin lill-awtoritajiet doganali madwar l-UE fir-rigward tad-detentur tal-BTI. Dan jgħin sabiex tissolva l-problema ta' klassifikazzjonijiet potenzjalment diverġenti għall-istess oġġett u, fl-istess ħin, tikkontribwixxi għal tħaddim armonizzat ta' l-unjoni doganali.

Qafas legali

4.

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-BTI huma stabbiliti fl-Artikolu 12 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (CCC) (4), flimkien ma' l-Artikoli 5 sa 14 tad-Dispożizzjonijiet Implimentattivi tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (CCCIP) (5). Dispożizzjonijiet ġenerali li jirrigwardaw deċiżjonijiet u informazzjoni dwar il-BTI huma wkoll stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 11 tal-CCC. Fl-2004, il-Kummissjoni provdiet linji gwida amministrattivi dwar is-Sistema Ewropea ta' l-Informazzjoni li Torbot dwar it-Tariffa u dwar l-operat tagħha (6).

5.

Is-sistema tal-BTI għall-klassifikazzjoni tiffaċilita l-kummerċ u l-approvazzjoni doganali. Hija tassisiti lill-Unjoni Ewropea sabiex tilħaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu X tal-ftehim GATT billi tgħin sabiex tassigura trattament uniformi għall-istess oġġett fl-Istati Membri kollha.

6.

Aktar minn 46 000 BTI nħarġu fl-2006 u 'l fuq minn 167 000 BTI kienu għadhom validi sa nofs Lulju 2007 (is-sitwazzjoni għal kull Stat Membru hija mogħtija fl-Anness I).

Organizzazzjoni u deskrizzjoni tas-sistema tal-BTI

7.

Stampa 1 tippreżenta s-sistema tal-BTI bħala flowchart. Meta operatur ekonomiku jagħmel applikazzjoni għal BTI, l-awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom jassiguraw illi jintlaħqu l-kondizzjonijiet sabiex jagħtu l-BTI jiġu milħuqa u jekk ikun hekk, joħorġuha. Huma għandhom ukoll idaħħlu kemm l-applikazzjoni għall-BTI kif ukoll il-BTI maħruġa ġewwa d-database EBTI-3 (7) immexxija mill-Kummissjoni, li hija l-element prinċipali tas-sistema. L-applikazzjonijiet huma aċċessibbli f'din id-database għall-awtoritajiet doganali nazzjonali u għall-Kummissjoni biss, filwaqt illi l-BTI maħruġa huma aċċessibbli permezz ta' l-internet għall-pubbliku (8). Jekk BTI ma tibqax valida u b'hekk tiġi invalidata, taħt ċerti ċirkustanzi l-operatur ekonomiku jista' japplika għal “perijodu ta' grazzja” (9) għal massimu ta' 6 xhur oħra waqt liema huwa jkun xorta waħda jista' juża l-BTI għall-importazzjonijiet (jew l-esportazzjonijiet). Madanakollu, sabiex jingħata “perijodu ta' grazzja”, l-operatur ekonomiku jrid ikun ikkonkluda kuntratti li jorbtu għax-xiri jew għall-bejgħ tal-merkanzija involuta, fuq bażi tal-BTI tiegħu, qabel l-adozzjoni tal-miżura (10) li tkun għamlet il-BTI invalida.

AMBITU U APPROĊĊ TAL-VERIFIKA

8.

Is-sistema tal-BTI saret bil-ħsieb li tassigura applikazzjoni uniformi tal-politika doganali, li hija rekwiżit ta' l-unjoni doganali, u b'konsegwenza tgħin ukoll tassigura illi jiġi applikat id-dazju korrett (11).

9.

L-objettivi tal-verifika kienu:

a)

li tevalwa jekk il-Kummissjoni tiġġestix adegwatament is-sistema tal-BTI, u jekk il-proċeduri u l-mekkaniżmi tagħha jassigurawx illi din is-sistema qed taħdem kif maħsub; u

b)

li tevalwa jekk l-Istati Membri japplikawx is-sistema tal-BTI skond id-dispożizzjonijiet legali.

Stampa 1

Is-sistema tal-BTI

Image

10.

Il-verifika inkudiet analiżi u evalwazzjoni tal-miżuri ta' sorveljanza u kontroll imwettqa mill-Kummisjsoni u mill-Istati Membri u kkombinat reviżjoni tas-sistema tal-BTI ma l-ittestajr ta' 185 operazzjoni ta' importazzjoni sostnuti mill-BTI sabiex tivverifika jekk ir-regoli applikabbli kinux qed jiġu applikati.

11.

Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha fis-servizzi tal-Kummissjoni li ġejjin: DĠ TAXUD, DĠ BAĠIT u OLAF.

12.

Il-verifika fl-Istati Membri kopriet il-proċeduri sabiex jinħarġu u jiġu ġestiti l-BTI fid-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, is-Slovenja u r-Renju Unit li rrappreżentaw 63,8 % tal-BTI maħruġa fl-2005 (12). Hija inkludiet ukoll analiżi tal-kontrolli mwettqa mid-dwani ma' l-importazzjoni u l-użu tal-BTI mill-operaturi ekonomiċi. Ġew ivverifikati fajls tal-BTI u dikjarazzjonijiet ta' importazzjoni sostnuti minn BTI. Ġie eżaminat total ta' 340 fajl waqt il-verifika (13).

OSSERVAZZJONIJIET

13.

B'mod ġenerali, s-sistema tal-BTI instabet li kienet imfassla tajjeb mad-dispożizzjonijiet legali applikati fil-parti l-kbira mill-Istati Membri miżjura.

14.

Madanakollu nstabu nuqqasijiet waqt il-verifika tal-Qorti (ara l-Anness II) illi, filwaqt li ma kinux fundamentali għat-tħaddim ta' l-iskema, għandhom jiġu indirizzatil. Huma ppreżentati skond iż-żewġ oqsma prinċipali tas-sistema tal-BTI:

a)

il-ġestjoni tagħha fil-livell tal-Komunità;

b)

il-ġestjoni tagħha fl-Istati Membri, flimkien ma' l-użu tal-BTI mill-operaturi ekonomiċi.

Ġestjoni tal-BTI fil-livell tal-Komunità

15.

L-Unità tal-Kummissjoni fid-DĠ TAXUD li hija responsabbli mill-klassifikazzjoni tat-tariffi, tiġġestixxi l-BTI fil-livell tal-Komunità. Hija tabbozza l-leġiżlazzjoni, tippresjedi s-“Sezzjoni tan-Nomenklatura tat-Tariffi u ta' l-Istatistika” tal-Kumitat tal-Kodiċi tal-Kummerċ, tiġġestixxi d-database EBTI-3 u torganizza t-taħriġ xieraq għal dawk li jħarrġu fl-Istati Membri.

16.

Globalment, il-verifika tal-Qorti sabet illi l-Kumitat tal-Kodiċi Doganali jippermetti illi klassifikazzjonijiet inkonsistenti tat-tariffi jiġu solvuti, għalkemm ġie identifikat dewmien (il-paragrafi 17 sa 19). Id-database EBTI-3 fiha l-informazzjoni dwar il-BTI u d-disponibilita tagħha hija sodisfaċenti. It-taħriġ mogħti mill-Kummissjoni jipprovdi l-elementi prinċipali tas-sistema, li mbagħad jistgħu jiġu mgħoddija lill-utenti finali. Madanakollu, il-monitoraġġ tal-Kummissjoni għandu jittejjeb (il-paragrafi 20 sa 25). Il-leġiżlazzjoni, ikkumplimentata mil-linji gwida amministrattivi tal-Kummissjoni, hija adegwata imma għandha tissaħħaħ f'żewġ oqsma (il-paragrafi 26 u 27).

It-trattament tal-klassifikazzjoni ta' BTI mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali

17.

Meta jinħarġu BTI diverġenti minn Stati Membri differenti (14) l-ewwel isir tentattiv sabiex il-kwistjoni tiġi solvuta b'mod bilaterali. Jekk dan ma jirnexxix, il-Kummisjoni għandha, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' Stat Membru, tpoġġi l-kwistjoni fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali li jkun imiss (15). Skond il-proċedura tal-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tadotta miżura sabiex tassigura l-applikazzjoni uniformi tan-nomenklatura mill-aktar fis possibbli u fi żmien sitt xhur mil-laqgħa. Huwa importanti illi BTI diverġenti jiġu solvuti mill-aktar fis possibbli sabiex tingħata l-klassifikazzjoni tat-tariffa korretta lill-oġġett partikolari u sabiex jitnaqqas ir-riskju korrispondenti għall-ġbir tad-dazji doganali korretti.

18.

Bejn l-2004 u l-2006, ġew imressqa quddiem il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali 156 każ li kienu jikkonċernaw il-klassifikazzjoni fil-BTI. Filwaqt illi l-applikazzjoni uniformi tan-nomenklatura hija l-impetu prinċipali għall-Kumitat tal-Kodiċi Doganali sabiex isolvi kwistjonijiet ta' klassifikazzjoni, ġew identifikati s-sitwazzjonijiet li ġejjin:

a)

meta ssir l-ewwel diskussjoni fil-laqgħat tal-Kumitat, ta' spiss jiġi deċiż illi hemm bżonn ta' aktar informazzjoni sabiex tiġi deċiża l-klassifikazzjoni xierqa, li jfisser illi l-każ jiġi pospost għal laqgħa futura;

b)

wara li tinkiseb l-informazzjoni neċessarja u titressaq proposta lil-laqgħa sabiex jissolva l-kontenzjuż, ta' spiss ikun hemm nuqqas ta' qbil kontinwu bejn ir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni li għandha tingħata u konsegwentement jista' jkun hemm bżonn ta' aktar minn laqgħa waħda qabel ma jkun jista' jintlaħaq ftehim;

c)

anke meta jkun jista' jintlaħaq ftehim relattivament malajr, il-limitu ta' żmien ta' sitt xhur instab li kien diffiċli li jiġi rrispettat minħabba ż-żmien li jittieħed fuq l-abbozzar, it-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni ta' miżura legali. Il-Kummissjoni rrimarkat ukoll illi huwa diffiċli li ttemm il-każijiet kollha fil-limitu ta' żmien iffissat minħabba n-nuqqas ta' riżorsi umani.

19.

Il-Kummissjoni tikkunsidra illi l-limitu ta' żmien preżenti ta' sitt xhur mhux realistiku u pproponiet li temenda l-Artikolu 9 tal-CCCIP sabiex il-limitu ta' żmien għall-implimentazzjoni ta' miżura jibda jingħadd mil-laqgħa meta miżura tkun ġiet approvata. Madanakollu, dan jista' jestendi l-perijodu ta' żmien waqt liema jistgħu jkunu jeżistu interpretazzjonijiet differenti minn xulxin dwar il-klassifikazzjonijiet tat-tariffi fuq merkanzija importata u esportata fi Stati Membri differenti.

Ir-responsabbiltà finanzjarja ta' Stat Membru li jkun ħareġ BTI żbaljat

20.

L-Istati Membri huma finanzjarjament responsabbli għat-telf tar-riżorsi proprji tradizzjonali kkawżat mill-iżbalji amminstrattivi tagħhom, irrispettivament mill-grad ta' negliġenza (16). Madanakollu, l-Kummissjoni ma ndirizzatx sistematikament il-kwistjoni tar-responsabbiltà finanzjarja possibbli ta' Stat Membru wara li jkun ħareġ klassifikazzjoni ta' tariffa żbaljata f'BTI.

21.

Skond id-database EBTI-3 kien hemm 1 080 każ ta' BTI li kienu invalidati mill-Istati Membri minħabba klassifikazzjoni żbaljata tat-tariffa fl-2005 u 1 134 fl-2006. Madanakollu, mhux il-BTI invalidati kollha għandhom konsegwenza finanzjarja. M'hemm l-ebda stima affidabbli la tan-numru ta' dikjarazzjonijiet doganali u lanqas ta' l-ammont ta' dazji ta' l-importazzjoni affettwati minn BTI invalidata. Dan huwa minħabba l-fatt illi l-operaturi ekonomiċi fil-pussess ta' BTI mhumiex obbligati li jiddikjaraw dan meta jimportaw il-merkanzija (ara l-paragrafu 26).

Użu tad-database EBTI-3

22.

Id-database EBTI-3 tagħmilha possibbli għall-Kummissjoni sabiex tistaqsi jekk l-applikazzjonijiet għal BTI, deċiżjonijiet dwar il-BTI u BTI annullati (17) jew invalidati jiddaħħlux fil-waqt fid-database. Madanakollu, il-Kummissjoni ma utilizzatx bis-sħiħ il-possibbiltajiet offruti mid-database EBTI-3 sabiex timmonitorja d-dħul tad-dejta mill-Istati Membri (per eżempju huwa possibbli li jsiru mistoqsijiet sabiex jiġi ċċekkjat iż-żmien bejn id-data meta tibda l-validità ta' BTI u meta ddaħlet ġewwa d-database) (18). Kieku sar użu aktar sistematiku tad-database, parti mid-dewmien innutat — partikolarment l-aġġornament bil-mod tad-database mill-Istati Membri — kienu jinstabu u jiġu rrimedjati aktar kmieni.

23.

Dħul preċiż fid-database EBTI-3 mill-Istati Membri u użu imtejjeb tal-possibbiltajiet tagħha kieku jippermetti kemm lilhom kif ukoll lill-Kummissjoni sabiex jimmonitorjaw b'mod aħjar l-applikazzjonijiet għal BTI u d-deċiżjonijiet dwar il-BTI fi Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni organizzat taħriġ ibbażat fuq il-prinċipju illi l-Kummissjoni tħarreġ lil dawk li jħarrġu li mbagħad min-naħa tagħhom iħarrġu lill-utenti fl-Istati Membri tagħhom. Madanakollu, dan it-tagħrif ma nxteridtx għal-livell operattiv ta' l-Istati membri fil-każijiet kollha.

24.

It-teżawru li fih termini użati fid-database EBTI-3 ma ġiex aġġornat. Dan inaqqas l-utilità tad-database EBTI-3 minħabba li xi kliem prinċipali importanti mhumiex inklużi.

25.

Il-user interface pubblika tad-database EBTI-3 ma ġietx kompletament tradotta fil-lingwi ġodda ta' l-Istati Membri li ssieħbu sa mill-2004. Dan jillimita l-użu tagħha f'dawk il-pajjiżi.

Adegwatezza tal-leġiżlazzjoni

26.

Minħabba li d-detentur ta' BTI m'għandu l-ebda obligazzjoni legali li jippreżenta l-BTI tiegħu meta jkun qed jiddikjara l-merkanzija ma' l-importazzjoni (jew l-esportazzjoni), dawn rarament jiġu ppreżentati. Fil-prattika, jekk l-ebda BTI ma tiġi ddikjarata, ikun diffiċli għad-dwana sabiex taċċerta jekk id-dikjarant ikollux tabilħaqq BTI għall-merkanzija. Għalhekk, il-Kummissjoni preżentement m'għandha l-ebda stima affidabbli tal-valur jew tal-volum ta' l-importazzjonijiet koperti minn BTI.

27.

Detendturi ta' BTI rarament jitolbu “perijodu ta' grazzja” (19). Madanakollu, meta jingħata perijodu ta' grazzja, l-awtoritajiet doganali jkollhom diffikultajiet sabiex jimmonitorjaw illi l-kwantitajiet massimi ta' merkanzija permessa fil-kuntratti li jorbtu u soġġetti għall-perijodu ta' grazzja ma jinqabżux. Dan huwa għaliex merkanzija bħal din tkun tista' tkompli tiġi importata fi kwalunkwe Stat Membru mingħajr l-obligazzjoni illi tiġi ddikjarata l-eżistenza tal-“perijodu ta' grazzja”.

Il-ġestjoni tal-BTI fl-Istati Membri

28.

Is-sitt Stati Membri vverifikati kollha kemm huma ħolqu unità speċifika li tieħu ħsieb il-BTI. L-istruzzjonijiet li jużaw jew jagħtu lill-operaturi ekonomiċi instabu li kienu konformi mar-regolamenti relevanti u mal-linji gwida amministrattivi.

29.

Fuq bażi tal-155 fajl tal-BTI ċċekkjati, l-awdituri tal-Qorti jikkonkludu illi l-iproċessar ta' l-applikazzjonijiet ta' l-operaturi ekonomiċi u l-ħruġ tal-BTI huma sodisfaċenti. Madanakollu, xi kontrolli doganali ma ġewx irreġistrati (il-paragrafu 31) u l-azzjoni ma ttiħditx dejjem f'waqtha jew mhux dejjem kienet xierqa (il-paragrafi 32 sa 37). Il-BTI rarament tittieħed f'konsiderazzjoni minn xi Stati Membri fil-kontrolli tagħhom (il-paragrafu 38).

30.

185 dikjarazzjoni ta' l-importazzjoni ntgħażlu mill-Qorti sabiex tiċċekkja jekk l-operaturi ekonomiċi jużawx il-BTI korrettement jew jekk dawn jippruvawx jikklassifikaw il-merkanzija li għaliha huma jkollhom BTI taħt kodiċi ta' tariffi oħra. Ma nstabet l-ebda evidenza ta' żbalji bħal dawn.

Ħruġ ta' BTI

31.

Il-linji gwida tal-Kummissjoni jitolbu lid-dwani sabiex jiċċekkjaw jekk l-applikant issottomettiex applikazzjonijiet għal BTI għall-istess merkanzija fi Stati Membri oħra u jekk hemmx BTI diverġenti. Fi tliet Stati Membri vverifikati, il-kontrolli jew ma sarux fil-parti l-kbira tal-każijiet (20) jew ma kinux dokumentati bl-ebda mod (21). Dawn il-kontrolli huma essenzjali sabiex jipprevjenu “x-xiri” tal-BTI, fejn operatur ekonomiku japplika fi Stati Membri differenti għal BTI għall-istess oġġett sabiex juża l-BTI bl-aktar klassifikazzjoni ta' tariffa favorevoli madwar l-UE.

32.

L-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri għandhom idaħħlu, mingħajr dewmien, l-applikazzjonijiet għal BTI u l-BTI maħruġa fid-database EBTI-3 (22). Fi tlett Stati Membri miżjura (23) kien hemm dewmien sistematiku meta ddaħħlu applikazzjonijiet għal BTI u l-BTI maħruġa fid-database EBTI-3. Fi Stat Membru minnhom (24) l-applikazzjonijiet għal BTI li ġew irrifjutati jiddaħħlux fid-database anke jekk ir-raġuni għar-rifjut kien it-tiftix ta' xiri ta' BTI. Meta applikazzjonijiet għal BTI u l-BTI maħruġa ma jiġux imdaħħla fid-database, ma jkunx hemm mezzi prattiċi sabiex jipprevjenu l-ħruġ ta' BTI diverġenti minn Stati Membri oħra għal merkanzija simili.

33.

Ma hemm l-ebda limiti ta' żmien leġiżlattivi speċifiċi sabiex tinħareġ BTI. Il-linji gwida amministrattivi tal-Kummissjoni jirrakkomandaw illi l-BTI tinħareġ xi żmien 3-4 ġimgħat mill-applikazzjoni. Erbgħa mill-Istati Membri vverifikati (25) ma laħqux din ir-rakkomandazzjoni. Tliet Stati Membri (26) ma nnotifikawx lill-applikanti meta kienu rċevew l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jilħqu deċiżjoni (27).

Annullament jew invalidazzjoni ta' BTI

34.

BTI għandha tiġi annullata jekk din sussegwentement tinstab li nħarġet fuq bażi ta' informazzjoni mhux korretta jew inkompleta provduta mill-applikant (28). BTI għandha tiġi invalidata jekk miżura legali ġdida li tkun inkonsistenti mal-BTI tkun adottata mill-Unjoni Ewropea, jekk il-BTI ma tkunx aktar kompatibbli ma' l-interpretazzjoni tan-nomenklaturi doganali, jew jekk il-BTI tkun revokata jew emendata (29).

35.

L-awtorità doganali li tkun ħarġet il-BTI hija meħtieġa li tinnotifika lill-Kumissjoni bl-annullament jew l-invalidazzjoni tagħha mill-aktar fis possibbli (30). F'żewġ Stati Membri (31) vverifikati nstab dewmien fid-dħul ta' dawn l-annullamenti jew l-invalidazzjonijiet fid-database EBTI-3. Fi Stat Membru ieħor (32) madwar 3 000 BTI invalidati jew annullati ġew irreġistrati xorta waħa bħala validi fid-database EBTI-3 minħabba problemi kkawżati minn interface bejn is-sistema nazzjonali ta' l-IT u d-database EBTI-3. Jekk BTI li jkunu ġew invalidati jew annullati ma jiġux trażmessi fil-waqt lejn id-database EBTI-3, l-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi jistgħu jaħsbu illi dawk il-BTI għadhom validi u jistgħu jintużaw mid-detentur tagħhom.

36.

F'żewġ każijiet ta' BTI diverġenti identifikati minn Stat Membru (24), il-konsultazzjoni maż-żewġ Stati Membri l-oħra kkonċernati (33) bdiet f'Ġunju 2005 u damet sejra sa tmiem Mejju 2006 ma' wieħed minnhom (34). La l-leġiżlazzjoni u lanqas il-Linji gwida tal-Kummissjoni ma jistabbilixxu skadenza għall-Istati Membri sabiex jirrispondu f'każijiet bħal dawn.

37.

Fi Stat Membru wieħed (32) BTI ġiet revokata minflok ma ġiet annullata. L-istess Stat Membru kien ta 13-il perijodu ta' grazzja fl-2006. L-ebda wieħed minn dawn ma kien irrappurtat fid-database EBTI-3.

Rikonċiljament tal-BTI mad-dikjarazzjoni ta' importazzjoni

38.

Meta importatur jiddikjara BTI fid-dikjarazzjoni ta' importazzjoni tiegħu, din ta' l-aħħar tkun tista' tiġi ċċekkjata u mqabbla mal-BTI bħala parti mill-kontrolli ta' l-awtoritajiet doganali fuq il-klassifikazzjoni tat-tariffi. Dan huwa benefiċċju ieħor tas-sistema tal-BTI u jsaħħaħ il-kontrolli fl-Istati Membri. F'żewġ Stati Membri miżjura (35) ma kien hemm l-ebda evidenza illi l-BTI kienu qed jiġu ċċekkjati b'dan il-mod.

KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

Konklużjonijiet ġenerali

39.

Il-verifika tal-Qorti kkonfermat illi s-sistema ta' l-Informazzjoni li Torbot dwar it-Tariffa kienet, b'mod ġenerali, imfassla tajjeb. Il-BTI hija mezz utli li permezz tagħha l-operaturi ekonomiċi jistgħu jiksbu ċ-ċertezza dwar il-klassifikazzjoni tal-merkanzija qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-importazzjonijiet (jew l-esportazzjonijiet). Hija tippromwovi l-klassifikazzjoni tat-tariffi uniformi fl-UE li hija rekwiżit tal-WTO u parti essenzjali mill-Unjoni Doganali tal-Komunità Ewropea.

40.

Meta BTI tinħareġ b'konformità mat-Tariffa Doganali Komuni u tiġi applikata korrettement u effettivament hija tgħin tabilħaqq sabiex tassigura illi r-riżorsi proprji tradizzjonali xierqa jiġu stabbiliti fir-rigward ta' dawk l-oġġetti soġġetti għall-BTI.

41.

Għalkemm b'mod ġenerali l-Kummissjoni ġġestiet is-sistema b'mod adegwat, instabu nuqqasijiet, partikolarment fil-qasam tas-sorveljanza. Hemm bżonn ta' titjibiet speċifiċi sabiex jittejjeb it-tħaddim ġenerali tas-sistema u sabiex jiġi assigurat illi din taħdem kompletament kif suppost. Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jissaħħu kieku l-operaturi ekonomiċi kienu obbligati jindikaw il-BTI tagħhom fid-dikjarazzjonijiet ta' importazzjoni.

42.

Id-dispożizzjonijiet legali tal-BTI huma fil-parti l-kbira applikati fl-Istati Membri vverifikati, għalkemm il-verifika fil-fatt identifikat diversi nuqqasijiet illi jista' jkollhom effett fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet speċifiċi

It-trattament tal-klassifikazzjoni tal-BTI fil-Kumitat tal-Kodiċi Doganali

43.

Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali għandu jsolvi kwistjonijiet ta' klassifikazzjoni ta' BTI meta l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim wara diskussjonijiet bilaterali. Il-proċedura tal-Kumitat preżenti tista' twassal sabiex l-iskadenza ffissata fl-Artikolu 9 tal-CCCIP tinqabeż, u b'hekk testendi l-perijodu ta' żmien li fih klassifikazzjoni ta' tariffa inkonsistenti tista' teżisti (ara l-paragrafi 17 sa 19).

44.

Il-Kummissjoni għandha twettaq it-titjib li ġej:

a)

Il-proċeduri tax-xogħol tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu organizzati aħjar u l-fatturi li jistgħu iwasslu għal dewmien twil għandhom jiġu eliminati.

b)

Iż-żmien massimu sabiex jiġu solvuti klassifikazzjonijiet diverġenti ta' BTI għandhom jiġu evalwati mill-ġdid.

c)

In-numru tal-persunal li jieħu ħsieb il-BTI fil-Kummissjoni għandu jiġi evalwat mill-ġdid b'relazzjoni mal-limiti taż-żmien sabiex jiġu solvuti kwistjonijijet ta' klassifikazzjoni.

Responsabbiltà finanzjarja ta' Stat Membru li jkun ħareġ BTI żbaljata

45.

L-Istati Membri ma jinżammux sistematikament responsabbli għat-telf li jirriżulta mill-ħruġ ta' BTI żbaljata. Din il-kwistjoni hemm bżonn tiġi indirizzata (ara l-paragrafi 20 sa 21)

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatt finanzjarju sħiħ tal-ħruġ ta' BTI żbaljata u tagħmel lill-Istati Membri finanzjarjament responsabbli għat-telf tar-riżorsi proprji tradizzjonali li jirriżulta.

Użu tad-database EBTI3

46.

Id-database ċentralizzata EBTI3 ġestita mill-Kummissjoni għandha tkun aġġornata u għandu jkun fiha l-applikazzjonijiet għal BTI u d-deċiżjonijiet tal-BTI kollha sabiex tagħmel lis-sistema tal-BTI effettiva madwar l-UE kollha. Għalhekk hija hi l-għodda prinċipali tas-sistema, imma xi wħud mill-benefiċċji potenzjali tagħha qed jintilfu (ara l-paragrafi 22 sa 25).

Il-Kummissjoni għandha:

a)

tuża b'mod aktar attiv il-possibbiltajiet offerti mid-database EBTI-3 sabiex tidentifika fejn l-Istati Membri mhumiex qed jiġġestixxu l-BTI skond id-dispożizzjonijiet legali;

b)

timmira aħjar it-taħriġ li hija torganizza fuq id-database EBTI-3 lejn il-livell operattiv fl-Istati Membri;

c)

taġġorna t-teżawru, sabiex timmasimizza l-utilità tad-database EBTI-3;

d)

tittraduċi l-user interface tal-parti pubblika tad-database EBTI-3 fil-lingwi kollha ta' l-Istati Membru li ssieħbu sa mill-2004.

Adegwatezza tal-leġiżlazzjoni

47.

Diversi nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni ġew identifikati waqt il-kors tal-verifika (ara l-paragrafi 26, 27 u 36):

a)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli doganali huwa importanti illi l-BTI jiġu ddikjarati meta tiġi importata l-merkanzija, u għalhekk detentur ta' BTI għandu jkun obbligat li jiddikjara l-BTI tiegħu. Dan ikun jista' jippermetti wkoll illi l-valur u l-volum ta' l-importazzjonijiet koperti mill-BTI jkunu jistgħu jiġu determinati.

b)

Il-Kummissjoni għandha teżamina mezzi sabiex tirrimedja għan-nuqqas fil-kontroll għal dak li jirrigwarda s-sistema tal-perijodu ta' grazzja. Per eżempju, is-sistema ta' l-IT maħluqa sabiex jiġu ġestiti l-kwoti tista' tiġi estiża għall-perijodi ta' grazzja tal-BTI.

c)

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skadenzi raġonevoli għall-konsultazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jissolvew kwistjonijiet ta' klassifikazzjoni ta' BTI. Jekk l-ebda ftehim ma jkun jista' jintlaħaq sa din l-iskadenza, il-każ għandu jiġu mgħoddi lill-Kummissjoni.

Implimentazzjoni tas-sistema tal-BTI mill-Istati Membri

48.

Filwaqt illi l-Istati Membri vverifikati b'mod ġenerali applikaw b'mod korrett id-dispożizzjonijiet legali, xi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tagħhom ġew innutati (ara l-paragrafi 31 sa 38).

Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri:

a)

sabiex jirrimedjaw fil-waqt kwalunkwe problemi sistematiċi misjuba rigward il-proċeduri tagħhom u l-għodda ta' l-IT;

b)

sabiex jaġġornaw id-database EBTI-3 fil-waqt;

c)

sabiex jiċċekkjaw, qabel ma jagħtu BTI, jekk l-applikant issottomettiex l-applikazzjonijiet tal-BTI għall-istess merkanzija fi Stati Membri oħra u jekk jeżistux BTI diverġenti;

d)

sabiex joħorġu l-BTI kemm jista' jkun malajr skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93;

e)

sabiex jagħtu istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali, sabiex jinkludu kontrolli reċiproċi bejn id-dikjarazzjonijiet ta' l-importazzjoni u l-BTI meta jkunu qed iwettqu l-kontrolli doganali.

Dan ir-rapport ġie adottat mill-Qorti ta' l-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-6 ta' Marzu 2008.

Għall-Qorti ta' l-Awdituri

Vítor Manuel DA SILVA CALDEIRA

President


(1)  Il-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja tuża t-terminu “operatur ekonomiku” li huwa sinonimu mat-terminu “negozjant”.

(2)  Ara l-websajt: http://ec.europa.eu/taxation_customs/dds/cgi-bin/tarchap?Lang=MT.

(3)  Jekk liċenzja għall-importazzjoni (jew l-esportazzjoni) hijiex neċessarja, jekk japplikawx tariffi jew kwoti preferenzjali jew kwalunkwe restrizzjonijiet kwantitattivi oħra u kif il-merkanzija għandha tiġi trattata għall-iskopijiet ta' l-istatistika.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jwaqqaf id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(6)  Doc. TAXUD/907/2004-rev.2. Il-linji gwida amministrattivi kienu preżentati u aċċettati fl-10 ta' Ottubru 2004 fit-353 laqgħa tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali — Is-Sezzjoni tat-Tariffi u Nomenklatura ta' l-Statistika — (settur BTI).

(7)  Id-database EBTI-3 fiha d-deċiżjonijiet u r-ritratti tal-prodott mibgħut mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, Is-sistema kompjuterizzata preżenti bdiet titħaddem fl-Istati Membri fi tmiem l-1999. Xi Stati Membri vverifikati (il-Ġermanja, l-Ungerija u r-Renju Unit) jużaw interface bejn id-database nazzjonali tagħhom tal-BTI u d-database EBTI-3.

(8)  http://ec.europa.eu/taxation_customs/dds/cgi-bin/ebtiquer?Lang=MT.

(9)  L-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92.

(10)  Per eżempju, meta jiġi adottat regolament ġdid li jagħmel il-klassifikazzjoni BTI nulla (ara l-Artikolu 12(5)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għall-każijiet l-oħra).

(11)  Il-verifika kkonċentrat fuq l-importazzjonijiet.

(12)  Għall-għażla l-Istati Membri ġew ikklassifikati skond it-tul ta' żmien tagħhom fl-Unjoni Ewropea u n-numru ta' BTI li huma ħarġu. Ġiet imwettqa analiżi tar-riskju sabiex intgħażlu sitt Stati Membri rappreżentattivi. Waqt il-preparazzjoni tal-verifika, ġie miżjur ukoll il-Portugall.

(13)  155 fajl tal-BTI u 185 dikjarazzjoni ta' importazzjoni. L-ammont ta' dazji doganali involuti ma jistax jiġi determinat minħabba li d-detenturi ta' BTI jistgħu jimportaw il-merkanzija madwar l-UE kollha mingħajr ma jkollhom bżonn jiddikjaraw li għandhom BTI għal din il-merkanzija.

(14)  Il-ħolqien ta' korp ċentralizzat li jkopri l-UE kollha sabiex joħorġu l-BTI kollha issemma fi Stat Membru li ġie vverifikat. Madanakollu, jkollha titwettaq evalwazzjoni profonda ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji marbuta (finanzjarji u mhux finanzjarji).

(15)  Skond l-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. Bejn l-2004 u l-2006 ġew miżmuma 34 laqgħa minn dawn.

(16)  Skond is-Sentenza C-392/02 tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ĠU C 330, 24.12.2005, p. 1).

(17)  L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/1992.

(18)  Id-DĠ TAXUD, li huwa responsabbli mid-database, jalloka biss 1,5 persuni għal dan il-kompitu.

(19)  Ara l-paragrafu 7.

(20)  Id-Danimarka.

(21)  Il-Ġermanja u l-Greċja.

(22)  Skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93.

(23)  Il-Ġermanja, l-Ungerija u s-Slovenja.

(24)  L-Ungerija.

(25)  Id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, is-Slovenja.

(26)  Id-Danimarka, il-Greċja, is-Slovenja.

(27)  Skond l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/1993.

(28)  L-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

(29)  L-Artikoli 9 u 12(5) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

(30)  L-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

(31)  Il-Ġermanja u l-Ungerija.

(32)  Ir-Renju Unit.

(33)  Il-Belġju u l-Olanda.

(34)  Il-Belġju.

(35)  Id-Danimarka, u l-Greċja.


ANNESS I

BTI MAĦRUĠA MINN KULL STAT MEMBRU

Stati Membri

fl-2005

fl-2006

għadhom validi fis-16 ta' Lulju 2007

 

minn liema, eqdem minn 6 snin

BE

415

483

1 861

0

BG

mhux fl-UE

mhux fl-UE

45

0

CZ

622

750

1 928

0

DK

170

141

717

0

DE

17 509

19 891

68 163

0

EE

12

9

21

0

IE

1 240

1 626

5 707

10 (1)

EL

3

6

40

0

ES

461

513

2 995

0

FR

6 188

5 762

23 207

2 (2)

IT

130

236

847

0

CY

4

9

25

0

LV

258

92

436

0

LT

204

32

389

0

LU

0

9

36

0

HU

185

137

609

0

MT

11

1

11

0

NL

2 780

4 356

12 943

3 (1)

RO

mhux fl-UE

mhux fl-UE

14

0

AT

742

708

2 851

0

PL

1 130

841

2 541

0

PT

197

128

898

0

SI

239

265

847

0

SK

298

263

803

0

FI

249

306

1 379

0

SE

274

362

1 781

0

UK

8 255

9 140

36 454

0

Total

41 576

46 066

167 548

15

Sors (data u spjegazzjonijiet): Kummissjoni Ewropea/Direttorat Ġenerali Tassazzjoni u Unjoni Doganali/Unità B3.


(1)  L-Irlanda u l-Olanda: il-BTI eqdem minn 6 snin inħarġu mill-ġdid imma d-dati tal-ħruġ ma nbidlux.

(2)  Franza: kien hemm żball fl-ittajpjar fid-data tal-ħruġ ta' 2 BTI.


ANNESS II

ĦARSA ĠENERALI LEJN L-OSSERVAZZJONIJIET GĦALL-KUMMISSJONI U S-SITT STATI MEMBRI MIŻJURA

 

COM

DK

DE

EL

HU

SI

UK

Ġestjoni tal-BTI mill-Kummissjoni

Il-proċedura tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali tista' twassal sabiex limiti ta' żmien statutorji ma jintlaħqux

×

 

 

 

 

 

 

Ir-responsabbiltà finanzjarja wara l-ħruġ ta' klassifikazzjoni ta' tariffa mhux korretta f'BTI mhix segwita sistematikament.

×

 

 

 

 

 

 

Il-user interface tad-database pubblika EBTI m'hijiex totalment tradotta fil-lingwi ta' dawk l-Istati Membri li ssieħbu sa mill-2004.

×

 

 

 

 

 

 

L-ebda użu sistematiku tad-database EBTI-3

×

 

 

 

 

 

 

It-teżawru fid-database EBTI-3 għadu ma ġiex aġġornat

×

 

 

 

 

 

 

Nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni (l-ebda obbligazzjoni sabiex jiġi ddikjarat BTI: perijodi ta' grazzja; limiti ta' żmien)

×

 

 

 

 

 

 

Ġestjoni ġenerali tal-BTI mill-Istati Membri

Diffikultajiet tekniċi fl-interface bejn id-database nazzjonali u d-database EBTI-3

 

 

 

 

 

 

×

Ħruġ tal-BTI

Konsultazzjoni tad-database EBTI-3 mhux magħmula jew mhux dokumentati

 

×

×

×

 

 

 

Operaturi ekonomiċi mhux notifikati dwar l-irċevuta ta' applikazzjoni kompleta

 

×

 

×

 

×

 

Trażmissjoni bil-mod ta' l-applikazzjonijiet għal BTI jew tal-BTI maħruġa lejn id-database EBTI-3

 

 

×

 

×

×

 

Rifjut sabiex tinħareġ BTI

Applikazzjonijiet ma ddaħħlux fid-database EBTI-3

 

 

 

 

×

 

 

Annullament/Invalidazzjoni ta' BTI

Dewmien fl-aġġornament tad-database EBTI-3

 

 

×

 

×

 

 

Id-database ta' EBTI-3 ma kinitx aġġornata

 

 

 

 

 

 

×

Il-BTI ġiet rrevokata minflok annullata

 

 

 

 

 

 

×

Notifikazzjoni bil-mod ta' BTI inkonsistenti lill-Kummissjoni

 

 

 

 

×

 

 

Estensjoni tal-validità ta' BTI (perijodu ta' grazzja)

Perijodu ta' grazzja mhux aġġornat fid-database EBTI-3

 

 

 

 

 

 

×

Użu ta' BTI

Użu ta' BTI mhux ikkontrollat b'mod reċiproku ma' dikjarazzjonijiet ta' importazzjoni jew l-ebda evidenza ta' dan ma hi disponibbli

 

×

 

×

 

 

 


TWEĠIBA TAL-KUMMISSJONI

TAQSIRA

II.

Għalkemm l-eżistenza tas-sistema tal-BTI turi l-applikazzjoni uniformi tal-politika madwar l-Unjoni, l-għan primarju tal-BTI hu li tipprovdi lin-negozjanti biċ-ċertezza legali fir-rigward tal-klassifikazzjoni tat-tariffa tal-prodotti.

III.

Il-BTI għamlet suċċess kif tista’ turi ż-żieda annwali kontinwa fin-numri ta’ BTI maħruġa, u l-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jagħmlu ħilithom kostantament biex itejbu l-BTI.

a)

Sakemm kwistjoni ta’ klassifikazzjoni tkun quddiem il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, il-Linji Gwida Amministrattivi jiggwidaw lill-Istati Membri li m’għandha tinħareġ ebda BTI oħra sakemm ma tiġi riżolta l-kwistjoni. It-tul ta’ żmien meħtieġ biex jiġu riżolti tali każijiet fil-Kumitat huwa minħabba l-proċeduri involuti fid-Deċiżjoni tal-Komitoloġija (Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 184, 17.7.1999))

b)

L-użu ta' BTI żbaljati b'effett negattiv fuq ir-Riżorsi Proprji Tradizzjonali (TOR) jiġi segwit mill-Kummissjoni li ssir taf dwaru permezz ta' l-ispezzjonijiet, l-investigazzjonijiet u l-kontrolli dokumentati tagħha. L-ammonti tar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali (TOR) potenzjalment involuti jvarjaw ħafna u n-numri huma limitati għalhekk mhux kull stima tkun xierqa.

c)

Fil-limitu tar-riżorsi umani disponibbli, il-konsultazzjonijiet tad-database EBTI-3 isiru fuq il-bażi ta’ l-analiżi tar-riskju.

F’Ġunju 2007, il-Kummissjoni bdiet l-ewwel fażi ta’ azzjoni ta’ monitoraġġ ta’ l-EBTI biex teżamina kif l-Istati Membri joħorġu BTI. S’issa saru 6 żjajjar ta’ monitoraġġ u huwa previst li jsiru 8 oħra fl-2008.

d)

Il-Kummissjoni tħeġġeġ kontinwament lill-Istati Membri biex jivverifikaw jekk jeżistux applikazzjonijiet oħra għal BTI jew BTI diverġenti billi jikkonsultaw id-database EBTI-3. Minħabba l-kumplessità tagħha u l-ħafna teknikalitajiet involuti fil-klassifikazzjoni tat-tariffa, jista’ jkun hemm varjetà ta’ raġunijiet għalxiex il-ħruġ ta’ BTI jista’ jieħu ż-żmien.

e)

Il-leġiżlazzjoni kurrenti ma timponix obbligu fuq in-negozjant li jkollu BTI li jiddikjara jew juża dik il-BTI waqt l-approvazzjoni doganali. Madankollu, bil-Kodiċi Doganali Modernizzati (MCC), li huwa mistenni li jiġi adottat fl-2008, il-BTI se tkun torbot lid-detentur. Id-Dispożizzjonijiet ta’ l-Implimentazzjoni tal-MCC ser jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għad-dikjarazzjoni tal-BTI.

Fil-kuntest tal-funzjoni ta’ faċilitazzjoni tan-negozju, il-valur tal-prodotti negozjati li jużaw il-BTI m’għandhomx impatt fuq l-effiċjenza tal-mekkaniżmu nnifsu.

f)

Kif tirrikonoxxi l-Qorti, perjodi ta’ grazzja rari jingħataw. Madankollu, il-Kummissjoni bħalissa qed teżamina liema hu l-aħjar metodu kif tirrestrinġi l-kontrolli fuqhom fid-diskussjonijiet ma' l-Istati Membri fil-Kumitat tal-Kodiċi Doganali.

IV.

 

a)

Fi sforz biex jitjieb it-tħaddim tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, il-Kummissjoni introduċiet reċentement mudell standardizzat għas-sottomissjoni tal-mistoqsijiet dwar il-klassifikazzjoni.

b)

Fil-limiti tar-riżorsi disponibbli l-Kummissjoni tanalizza attivament id-data dwar l-EBTI-3 safejn tippermetti s-sistema.

c)

Kif issemma fir-risposta għall-paragrafu III (e), permezz tal-Kodiċi Doganali Modernizzat, il-BTI se torbot lid-detentur. Id-Dispożizzjonijiet ta’ l-Implimentazzjoni tal-MCC ser jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għad-dikjarazzjoni tal-BTI.

OSSERVAZZJONIJIET

16.

Il-Kummissjoni qed tagħmel ħilitha kollha kostantament biex ittejjeb l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħruġ tal-BTI. L-introduzzjoni tal-Kodiċi Doganali Modernizzat tippreżenta lill-Kummissjoni b’opportunità biex issaħħaħ id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni u l-Linji Gwida amministrattivi.

18.

Is-sistema tal-BTI twassal għal differenzi fl-opinjonijiet dwar il-klassifikazzjoni li qed joħorġu fid-dieher u qed jiġu riżolti, prova li l-BTI hija strument utli biex jiġi żgurat li l-Komunità hija konformi ma' l-obbligi tagħha taħt il-GATT.

a)

Biex tħaffef il-proċedura, il-Kummissjoni introduċiet mudell għas-sottomissjoni ta’ mistoqsijiet dwar il-klassifikazzjoni tat-tariffa. Dan il-mudell jeħtieġ li l-informazzjoni kollha tkun provduta mill-bidunett. Dan il-mudell ilu operattiv minn Novembru 2007.

19.

Fil-kuntest tal-Kodiċi Doganali Modernizzat, il-Kummissjoni biħsiebha temenda d-dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni rilevanti biex l-iskadenza ssir iktar realistika.

20.

L-użu ta' BTI mhux korretti b'effett negattiv fuq ir-Riżorsi Proprji Tradizzjonali (TOR) jiġi segwit mill-Kummissjoni li ssir taf dwaru permezz ta' l-ispezzjonijiet, l-investigazzjonijiet u l-kontrolli dokumentati tagħha.

21.

In-numri ta’ BTI invalidati minħabba klassifikazzjoni żbaljata jammontaw għal inqas minn 1 % tal-BTI validi totali f’sena speċifika (kien hemm madwar 170 000 BTI validi fl-2007).

22.

Id-database EBTI-3 tfasslet biex tiżgura t-trasparenza ta’ l-informazzjoni doganali, biex tiggarantixxi trattament ugwali għall-operaturi ekonomiċi kollha u biex tippermetti li l-awtoritajiet doganali jivverifikaw, meta jkollhom jikklassifikaw prodotti speċifiċi, jekk tkunx diġà ttieħdet deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni għal prodotti simili minn awtorità doganali Ewropea oħra. Tfasslet biex tippermetti li jiġu ssodisfati dawn l-għanijiet ewlenin — mhux bħala mezz biex tiġi verifikata l-attività ta' l-Istati Membri.

Madankollu, fil-limiti tar-riżorsi umani disponibbli, il-Kummissjoni tikkonsulta lid-database EBTI-3 fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju.

23.

Dħul ta’ data preċiża u affidabbli huwa l-punt fokali tal-linji gwida u t-taħriġ tal-Kummissjoni u huwa element importanti taż-żjajjar ta’ monitoraġġ. Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi għajnuna lill-Istati Membri biex jagħmlu titjib.

Il-Kummissjoni tipprovdi taħriġ lil dawk l-uffiċjali li huma maħtura mill-amministrazzjonijiet tagħhom. Kif dan l-għarfien jiġi disseminat fl-amministrazzjoni hija r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri.

24.

Il-Kummssjoni taqbel li t-teżawru għandu bżonn jiġi aġġornat u qed tikkunsidra kif tista’ tikseb dan bl-aħjar mod.

25.

Il-Kummissjoni taqbel li l-parti pubblika tad-database EBTI għandha tkun disponibbli fi 22 lingwa. Dan għandu jinkiseb fl-ewwel kwart ta’ l-2008.

26.

Bil-Kodiċi Doganali Modernizzat (MCC), li huwa mistenni li jiġi adottat fl-2008, il-BTI se tkun torbot lid-detentur. Id-Dispożizzjonijiet ta’ l-Implimentazzjoni tal-MCC ser jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għad-dikjarazzjoni tal-BTI.

27.

Minkejja n-numru żgħir ħafna ta’ “perjodi ta’ grazzja” mogħtija (348 fl-2005 u 145 fl-2006, li jirrappreżentaw madwar 0,2 % u 0,1 % rispettivament ta’ madwar 170 000 BTI validi fi kwalunkwe żmien) il-kwistjoni dwar ir-restrizzjoni tal-kontroll ta’ l-użu tal-“perjodu ta’ grazzja” ġie diskuss ma’ l-Istati Membri fil-Kumitat tal-Kodiċi Doganali. B’mod partikolari, qed jitqies l-użu ta’ formola biex jiġu kkontrollati l-ammonti li jibbenefikaw minn perjodu ta’ grazzja.

29.

Il-Kummissjoni se tindirizza ma’ l-Istati Membri n-nuqqasijiet identifikati mill-Qorti b’rabta ma’ l-ipproċessar ta’ l-applikazzjonijiet tal-BTI u l-ħruġ ta’ BTI. Fl-okkażjoni taż-żjajjar ta’ monitoraġġ li għaddejjin fl-Istati Membri, il-Kummissjoni rċeviet assigurazzjoni li verifiki xierqa, għalkemm mhux irreġistrati, qed isiru.

31.

Iż-żjajjar ta’ monitoraġġ li diġà saru wrew numru ta’ metodi differenti għal din il-kwistjoni fl-Istati Membri li jvarjaw minn listi ta’ verifiki formali sa noti informali ta’ verifiki mwettqa. Madankollu, il-Kummissjoni għandha tkompli tinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ iktar formali biex jirreġistrawhom.

32.

Il-Kummissjoni, filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza li jiddaħħlu applikazzjonijiet tal-BTI u li jinħarġu BTI mingħajr dewmien fid-database EBTI-3, għandha tkompli tagħfas fuq l-Istati Membri l-obbligi tagħhom taħt il-leġiżlazzjoni u tinkoraġġixxi l-aħjar prassi. Il-Kummissjoni diġà tinsab fil-proċess li ssegwi ma’ l-Istati Membri kkonċernati d-drabi li ma kkonformawx mar-rekwiżiti legali rrapportati mill-Qorti.

35.

Fir-rigward tal-problema ta’ l-interface tat-3 000 BTI li kienu għadhom irreġistrati bħala validi fid-database EBTI-3 minkejja li kienu ġew invalidati minn amministrazzjoni ta’ Stat Membru, l-Istat Membru kkonċernat irrapporta li l-problema teknika minn dakinhar ġiet riżolta u l-BTI kkonċernata ġiet invalidata fl-EBTI-3.

36.

Il-Kummissjoni biħsiebha tintroduċi skadenza stretta biex tirrispondi għall-konsultazzjoni bejn l-Istati Membri matul ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni fil-kuntest tal-Kodiċi Doganali Modernizzat.

37.

L-Istat Membru kkonċernat ikkonferma lill-Kummissjoni li huwa rreveda l-proċeduri tiegħu u issa huwa konformi ma’ l-obbligi tiegħu. Qed tkompli l-azzjoni ta’ segwitu.

38.

Il-kontrolli doganali ħafna drabi jsiru f’verifika wara r-rilaxx u huwa matul tali kontrolli li hija kkonfermata l-eżistenza ta’ BTI.

Il-leġiżlazzjoni kurrenti ma timponix obbligu fuq in-negozjant li jkollu BTI biex jiddikjara jew juża dik il-BTI waqt l-approvazzjoni doganali. Madankollu, bil-Kodiċi Doganali Modernizzat (MCC) il-BTI ser torbot lid-detentur, ara r-risposta għall-paragrafu 26.

KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

39-41.

Il-BTI wriet li hi suċċess kif uriet iż-żieda annwali kontinwa fin-numri ta’ BTI maħruġa. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jagħmlu ħilithom kollha kostantament biex itejbu s-sistema tal-BTI u fejn jinsabu l-problemi hemm proċeduri fis-seħħ li jgħinu biex tinstab soluzzjoni għalihom.

L-adozzjoni mistennija tal-Kodiċi Doganali Modernizzat fl-2008 ser twassal it-titjib leġiżlattiv li l-Qorti tagħmel referenza għalih f’paragrafu 41.

42.

Il-Kummissjoni spjegat l-azzjoni li ħadet fir-rigward ta’ l-effetti possibbli fuq ir-riżorsi proprji, ara pereżempju r-risoposta għall-paragrafu 20.

43.

Il-Kummissjoni reċentement ħadet passi biex ittejjeb u tissimplifika l-effiċjenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, ara r-risposta għall-paragrafu 44 (a).

44.

 

a)

Il-Kummissjoni ħadet passi biex telimina dewmien mhux neċessarju minħabba nuqqas ta’ informazzjoni billi f’Novembru 2007 introduċiet mudell għas-sottomissjoni tal-mistoqsijiet dwar il-klassifikazzjoni tat-tariffa.

b)

Il-Kummissjoni qed tikkunsidra li temenda l-Artikolu 9 CCCIP sabiex tagħmel l-iskadenza iktar realistika.

c)

Mill-2008, il-Kummissjoni se żżid in-numru tal-persunal li jieħu ħsieb il-BTI.

45.

L-użu ta' BTI żbaljati b'effett negattiv fuq ir-Riżorsi Proprji Tradizzjonali (TOR) jiġi segwit mill-Kummissjoni li ssir taf dwaru permezz ta' l-ispezzjonijiet, l-investigazzjonijiet u l-kontrolli dokumentati tagħha.

46.

Fil-maġġoranza tal-każijiet l-Istati Membri jtellgħu l-applikazzjoni tal-BTI u l-BTI jinħarġu kuljum.

a)

Fil-limiti tar-riżorsi umani disponibbli, il-konsultazzjonijiet tad-database EBTI-3 isiru fuq il-bażi ta’ l-analiżi tar-riskju.

b)

Il-Kummissjoni tipprovdi taħriġ lil dawk l-uffiċjali li huma maħtura mill-amministrazzjonijiet tagħhom. Wara r-rakkomandazzjoni tal-Qorti, il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri dwar in-neċessità li l-persuni li jinnominaw biex jattendu l-korsijiet ta’ taħriġ ikunu mistennija jgħaddu l-informazzjoni u t-taħriġ li jirċievu lill-kollegi taghom.

c)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza ta’ din ir-rakkomandazzjoni u diġà ddiskutiet metodi kif taġġorna u tiżviluppa iktar it-teżawru.

d)

It-traduzzjoni fi 22 lingwa ta’ l-interface tal-parti pubblika tad-database EBTI-3 ser titlesta matul l-ewwel kwart ta’ l-2008.

47.

 

a)

Bil-Kodiċi Doganali Modernizzati, li huwa mistenni li jiġu adottati fl-2008, il-BTI se tkun torbot lid-detentur. Id-Dispożizzjonijiet ta’ l-Implimentazzjoni tal-MCC ser jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għad-dikjarazzjoni tal-BTI.

b)

Il-Kummissjoni qed tiddiskuti soluzzjonijiet possibbli biex tirrimedja għan-nuqqasijiet fil-kontroll rigward is-sistema tal-perjodu ta’ grazzja fl-Istati Membri fil-Kumitat tal-Kodiċi Doganali. B’mod partikolari, qed jitqies l-użu ta’ formola biex jiġu kkontrollati l-ammonti li jibbenefikaw mill-perjodi rari ta’ grazzja. Barra dan, id-dispożizzjonijiet dwar il-perjodu ta’ grazzja ser isiru iktar stretti fid-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Modernizzat.

c)

Il-Kummissjoni biħsiebha tintroduċi, b'konsultazzjoni ma' l-Istati Membri, skadenza stretta biex jingħataw risposti għall-konsultazzjonijiet bilaterali.

48.

Il-Kummissjoni se tkompli tinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex ittejjeb l-implimentazzjoni tagħhom tal-BTI kif rakkomandat mill-Qorti.

a)

Il-Kummissjoni se tkompli tinkoraġġixxi u tgħin lill-Istati Membri biex tirrimedja għal kwalunkwe problemi sistematiċi li jiltaqgħu magħhom. Erba’ Stati Membri biss għandhom is-sistemi tal-BTI nazzjonali tagħhom u dawk is-sistemi jaħdmu flimkien ma’ l-EBTI-3 li ġew żviluppati u pprovduti mill-Kummissjoni. B’konsegwenza, il-problemi kollha relatati mas-sistema EBTI-3 huma rimedjati mill-Kummissjoni.

b)

Il-Kummissjoni għandha tkompli tagħfas fuq l-Istati Membri rigward l-obbligi tagħhom taħt il-leġiżlazzjoni biex idaħħlu l-applikazzjonijiet tal-BTI u BTI maħruġa bla dewmien fid-database EBTI-3.

c)

Il-Linji Gwida Amministrattivi jagħtu struzzjonijiet lill-amministrazzjonijiet li għandhom jivverifikaw id-database meta jirċievu applikazzjoni u qabel ma joħorġu BTI. Kif japplikaw il-Linji Gwida hija kwistjoni ta’ kull amministrazzjoni.

d)

Il-Kummissjoni se tkompli tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex joħorġu BTI mill-iktar malajr kif xieraq filwaqt li jieħdu d-deċiżjonijiet preċiżi bbażati kif xieraq.

e)

Il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu jikkontrollaw l-użu tal-BTI.