ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 3

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 51
8ta' Jannar 2008


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Kummissjoni

2008/C 003/01

Opinjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Jannar 2008 dwar miżuri interim meħuda mill-gvern tad-Danimarka dwar valvi ta' skariku ta' pressjoni/vakum b'veloċità għolja bi skrin kontra n-nar tal-mudell HPV maħdumin minn Se-won Ind Co., fir-Repubblika tal-Korea ( 1 )

1

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

Kummissjoni

2008/C 003/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.4853 — PPG/SigmaKalon) ( 1 )

5

2008/C 003/03

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.4964 — Sun Capital Funds/Mark IV) ( 1 )

5

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

Kummissjoni

2008/C 003/04

Rata tal-kambju ta' l-euro

6

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Kummissjoni

2008/C 003/05

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.5016 — Triton/Ruetgers) — Każ li jista' jiġi kkunsidrat għall-proċedura simplifikata ( 1 )

7

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

OPINJONIJIET

Kummissjoni

8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 3/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta' Jannar 2008

dwar miżuri interim meħuda mill-gvern tad-Danimarka dwar valvi ta' skariku ta' pressjoni/vakum b'veloċità għolja bi skrin kontra n-nar tal-mudell HPV maħdumin minn Se-won Ind Co., fir-Repubblika tal-Korea

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 3/01)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE ta' l-20 ta' Diċembru 1996, dwar tagħmir marittimu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,

Billi:

(1)

L-istandards applikabbli tat-testjar għal mezzi biex ma jitħallewx jgħaddu fjammi għat-tankijiet tal-merkanzija f'tankers taż-żejt (valvi b'veloċità għolja biss) huma stabbiliti fiċ-ċirkolari MSC 677 u MSC 1009 ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima, b'din ta' l-aħħar tagħmel referenza għall-istandard internazzjonali ISO 15364:2000.

(2)

Permezz ta' ittra datata s-27 ta' Frar 2004, l-Awtorità Marittima Daniża għarrfet lill-Kummissjoni bil-miżuri interim li ħadet l-Awtorità dwar valvi ta' skariku ta' pressjoni/vakum b'veloċità għolja bi skrin kontra n-nar tal-mudell HPV (aktar 'l isfel imsejħin “il-valvi”) maħdumin minn Se-won Ind Co. fir-Repubblika tal-Korea (iżjed 'l isfel imsejħa “il-manifattur”), li permezz tagħhom dawn il-valvi stallati fuq bastimenti li jtajru l-bandiera Daniża kellhom jitneħħew f'perjodu li kellu jkun speċifikat, minħabba nuqqas ta' konformità ma' l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 96/98/KE.

(3)

L-ittra mill-Awtorità Marittima Daniża kellha mehmuża magħha kopji ta' żewġ ċertifikati ta' eżami KE tat-tip maħruġa mill-korp notifikat Bureau Veritas, bin-numri ta' referenza 06842/A1 KE u 09149/A2 KE, maħruġa fis-6 ta' Mejju 2002. Iċ-ċertifikat numru 06842/A1 KE kien dwar Valv ta' skarikuskariku ta' pressjoni/vakum b'veloċità għolja bi Skrin Kontra n-Nar tat-tipi HPV 3, 4, 5, 6 u 8 kombinati, waqt li ċ-ċertifikat 09149/A2 KE kien dwar it-tip HPV 10.

(4)

Iċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip nru 06842/B0 KE inħareġ mill-Bureau Veritas fit-8 ta' Mejju 2004, u ħa post iż-żewġ ċertifikati ta' approvazzjoni tat-tip imsemmija hawn fuq. Dan iċ-ċertifikat ġdid kien dwar “valv ta' skarikuskariku ta' pressjoni b'veloċità għolja tat-tip HPV (P)-3, 4, 5, 6, 8, 10” ta' dijametru nominali 80, 100, 125, 150, 200, 250 (unitajiet mhux speċifikati).

(5)

L-Awtorità Marittima Daniża kienet ħadet il-miżuri interim imsemmija hawn fuq wara spezzjoni ta' valvi installati fuq bastimenti li jtajru l-bandiera Daniża u abbażi ta' l-eżami tad-dokumentazzjoni mibgħuta lilha mill-manifattur, li kienet irrapportata l-aktar tmur biex lura sa l-1996.

(6)

Abbażi ta' dan l-eżami tad-dokumenti, l-Awtorità Marittima Daniża sabet li: a) ir-rekords tat-testijiet ma kinux jinkludu rekords għall-kalibrazzjoni ta' miters ta' konċentrazzjoni ta' gass, termometri, miters tal-fluss u apparati ta' reġistrazzjoni tal-ħin; b) ma ngħatawx rekords għall-konċentrazzjoni u t-temperatura tal-gass tat-test matul it-test u l-anqas għar-rati ta' fluss ta' gass użati; ċ) ma ngħatawx rekords li jikkonfermaw li t-testijiet saru skossi mill-ilmafis-sekwenza speċifikata; d) il-konformità mal-ħtieġa ta' veloċità minima ta' effluss ta' 30 metru fis-sekonda ma kienet fl-ebda waqt dokumentata; e) ma ngħatawx rekords ta' testijiet biex ikunu stabbiliti r-relazzjonijiet bejn rata ta' fluss u nżul ta' pressjoni; f) ma ngħatawx rekordsli jikkonfermaw li l-ittestjar tan-nar sar meta ma kienx hemm skossi mill-ilma; g) ma ngħatawx rekords dwar il-valur ta' l-Ispazju Sperimentali Massimu ta' Sikurezza (MESG) tal-gass tat-test użat, li fl-opinjoni ta' l-Awtorità Marittima Daniża, għamilha impossibbli li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti fir-rigward ta' l- informazzjoni ta' l-ISO15364; u h) id-dokumentazzjoni mogħtija ma wrietx konformità mar-rekwiżiti tat-taqsimiet 5 u 6 ta' l-istandard imsemmi. Barra minn hekk, il-valvi spezzjonati mill-awtoritajiet Daniżi kienu rrappurtati li ma kinux konformi mar-rekwiżiti ta' l-istandard imsemmi fir-rigward ta' indikaturi ta' valvi f'għamla ta' diska u d-disinn tal-katusi għad-drenaġġ, kif ukoll ma' mezzi ta' spezzjoni biex ikunu stabbiliti ħtiġijiet għat-tindif ta' l-inkrostazzjoni.

(7)

L-Awtorità Marittima Daniża enfażizzat li kienet rat l-ittestjar ta' dan it-tip ta' valvi b'taħlitiet ta' gass u b'rati ta' fluss xierqa minn żewġ korpi notifikati fid-Danimarka, u li dan it-test kien falla minħabba li kien hemm flash-back. Iżda r-rapporti dwar dawn it-testijiet ma ngħatawx u, għalhekk, id-dejta tagħhom mhix magħrufa; jidher, madankollu, li din ir-rimarka ta' l-awtoritajiet Daniżi kienet tirreferi għal testijiet li wassluhom biex joħorġu projbizzjoni nazzjonali kontra valvi ta' dan it-tip qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Fl-ittra tagħhom, l-awtoritajiet Daniżi kkonfermaw li l-ispezzjoni ta' valvi bil-marka ta' rota fuqhom u installati fuq bastimenti Daniżi kienet uriet li dawn kienu identiċi, jew kważi identiċi, għall-valvi li huma kienu pprojbixxew fl-imgħoddi.

(8)

Fl-ittra tagħha, l-Awtorità Marittima Daniża ma għamlet ebda valutazzjoni ta' nuqqasijiet potenzjali fl-istandards ta' l-ittestjar infushom, meta jitqies li l-problemi osservati ma kinux jimplikaw li l-istandards kienu insuffiċjenti.

(9)

Wara li rċeviet l-ittra mill-Awtorità Marittima Daniża il-Kummissjoni bdiet konsultazzjoni ma' l-Awtorità Marittima Daniża, mal-manifattur, mal-Gvern Franċiż bħala Stat Membru notifikanti u mal-korp notifikat li kien ħareġ iċ-ċertifikati ta' eżami KE tat-tip in kwistjoni f'isem dan ta' l-aħħar (iżjed 'il quddiem imsejħa kollettivament “il-partijiet”).

(10)

It-tweġiba tal-manifattur għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni kienet tinkludi ċaħda punt b'punt tal-kwistjonijiet imqajma mill-Awtorità Marittima Daniża fl-ittra tagħha tas-27 ta' Frar 2004. It-tweġiba kienet tinkludi dokumentazzjoni magħmula minn disinji dettaljati u mill-manwal ta' l-istruzzjonijiet dwar il-valvi, kif ukoll rekords ta' kalibrazzjoni u rekords ta' diversi testijiet inklużi, inter alia, testijiet ta' effluss ta' veloċità, testijiet għal skossi mill-ilma, testijiet ta' ħruġ ta' l-arja, testijiet ta' pressjoni idrostatika u testijiet ta' flash-back.

(11)

Fit-tweġiba tagħha lill-Kummissjoni, Bureau Veritas ma indirizzatx ir-rimarki ta' l-awtoritajiet Daniżi fid-dettall iżda rreferiet għall-informazzjoni u għad-dokumentazzjoni mogħtija mill-manifattur u wissiet li ċ-ċertifikat ta' l-eżami KE tat-tip mogħti lill-valvi kien jirreferi għal testijiet li kienu saru mill-Istitut ta' Riċerka ta' Inġinerija tal-Baħar (RIME) fil-Ġappun.

(12)

Fid-19 ta' Ottubru 2004, l-Awtorità Marittima Daniża pprovdiet rapport dwar testijiet li kienu saru fuq valvi li jingħad kienu tneħħew minn fuq bastiment Daniż. Dak ir-rapport kien inħareġ fit-8 ta' Ottubru 2004, mill-korp notifikat Force Technology lil Messrs Pres-Vac Engineering A/S, li huma manifatturi ta' tagħmir simili u li jidher li kienu pprovdew il-kampjuni ttestjati, jiġifieri żewġ unitajiet ta' valvi HPV ta' daqs 4. It-test twettaq f'faċilitajiet mhux speċifikati skond iċ-ċirkolari MSC 677, Force Technology kienet xhud ta' dan it-test, u rrapportat flash-back f'50 ċiklu ta' ftuħ għaż-żewġ valvi meta kienu ttestjati għal merkanziji fil-grupp ta' splużjoni IIB (jiġifieri b'valur ta' MESG ta' 0,65 mm).

(13)

Dan ir-rapport kellu miegħu żewġ rapporti oħra, maħruġa għal Messrs Pres-Vac Engineering A/S mill-Istitut Daniż ta' Teknoloġija tan-Nar (DBI) fl-1997 u minn Force Technology nfisha fl-2000 rispettivament. Kull wieħed minn dawn l-istituti kien xhud ta' l-ittestjar ta' kampjun ta' valv tat-tip Se-won HPV4; iż-żewġ testijiet twettqu minn Pres-Vac Engineering b'taħlita ta' gass propan (grupp ta' splużjoni IIA, jiġifieri b'valur MESG ta' 0,9 mm) kif ingħad skond iċ-ċirkolari MSC 677, u rriżulta li kien hemm splużjoni; DBI iddikjarat li ma kinitx ivverifikat konformità bejn il-kampjun tat-test u d-disinji u l-ispeċifikazzjonijiet tal-manifatturi.

(14)

Waqt li hemm ammont konsiderevoli ta' dejta li tissuġġerixxi li l-valvi jistgħu, taħt ċerti kondizzjonijiet, jonqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżi applikabbli għal flash-back, din id-dejta ma tistax titqies konklużiva minħabba l-inċertezza dwar iċ-ċirkostanzi tat-testijiet, dwar, inter alia, il-kondizzjoni tal-valvi ttestjati, speċjalment dawk li kienu tneħħew minn bastimenti, il-faċilitajiet ta' ttestjar fejn saru l-provi u l-kalibrazzjoni ta' l-istrumenti użati.

(15)

Madankollu jidher ċar mid-dokumentazzjoni mogħtija mill-manifattur li t-testijiet differenti li, kif jingħad, iffurmaw il-bażi ta' l-eżami tat-tip, kienu ġew iċċertifikati minn sa seba' korpi differenti (l-Università ta' Aachen, l-Istitut Korean ta' Makkinarju u Materjali, RIME, Nippon Kaiji Kyokai, il-Bureau Amerikan tat-Trasbord, Lloyd's Register u Det Norske Veritas) f'waqtiet differenti ta' żmien bejn l-1987 u l-2002.

(16)

Id-dokumentazzjoni mogħtija mill-manifattur turi li mill-anqas parti mit-testijiet meħtieġa twettqu minnu u kienu xhieda tagħhom il-korpi ta' ċertifikazzjoni msemmija hawn fuq. F'xi każijiet, mhux possibbli jkun stabbilit min wettaq u min kien xhud tat-testijiet minħabba li r-riżultati huma mogħtija fuq karta mingħajr intestatura u mingħajr l-identifikazzjoni tal-firmatarji. Fl-ebda wieħed mid-dokumenti mogħtija ma hemm xhieda li Bureau Veritas wettqet, kienet xhud hija stess jew b'xi mod ħadet sehem fit-testijiet meħtieġa mill-istandards applikabbli.

(17)

Għall-kuntrarju ta' dak li kien iddikjarat mill-korp notifikanti, skond id-dokumenti mogħtija mill-manifattur aktarx jidher li twettqu biss provi ta' sigurtà kontra n-nar jew li kellhom bħala xhieda tagħhom lil RIME fl-1998.

(18)

Iċ-ċertifikati mogħtija minn Lloyd's Register u Det Norske Veritas jidhru li nħarġu kompletament jew kienu parzjalment ibbażati fuq reviżjoni dokumentarja. Iċ-ċertifikat mogħti minn Lloyd's Register jirreferi għal konformità mas-sistema ta' approvazzjoni tat-tip ta' dan l-istess korp; iċ-ċertifikat mogħti minn Det Norske Veritas ma jidhirx li huwa komplet u mhux possibbli li jkun aċċertat l-iskop preċiż tiegħu, għalkemm jirreferi għal għadd kbir ta' testijiet meħtieġa mill-istandards ta' ttestjar applikabbli.

(19)

Parti biss mir-rapporti tat-testijiet mogħtija lill-Kummissjoni tindika l-istandard ta' ttestjar użat; f'xi każijiet dan jingħata f'dokument ta' spjegazzjoni separat maħruġ mill-manifattur innifsu.

(20)

Dwar it-testijiet ta' flash-back u reżistenza għan-nar, il-manifattur jiddikjara li l-valvi kienu fil-fatt ittestjati fl-1987 skond iċ-ċirkolari IMO MSC 373 u li, barra minn hekk, il-valvi kienu wara modifikati u mtejba, għalkemm il-komponenti ewlenin ma kinux inbidlu. L-istandards applikabbli li jinsabu fiċ-ċirkolari MSC 677 bidlu dawk taċ-ċirkolari MSC 373 fl-1994, ħafna qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, sabiex, inter alia, jinħallu għadd ta' inċertezzi dwar ittestjar għal skossi mill-ilma u, għalhekk, il-flash-back. Il-manifattur ipprovda għadd ta' tabelli ppreċeduti bil-frażi “test ta' approvazzjoni tat-tip: Sewon/KIMM” u li kienu jirriflettu r-riżultati ta' testijiet ta' flash-back u għal skossi mill-ilma li kienu saru fl-1996; dawn id-dokumenti ma jispeċifikawx l-istandard użat u lanqas m'għandhom l-elementi formali li huma indipsensabbli biex tkun stabbilita r-rilevanza tagħhom għall-każ kif deskritt fil-premessa 16.

(21)

Iċ-ċertifikati ta' kalibrazzjoni mogħtija mill-manifattur jidhru li jissodisfaw it-talbiet ta' l-awtoritajiet Daniżi peress li huma dwar l-apparat kollu li dawn ta' l-aħħar jirreferu għalihom għal perjodu bejn l-1995 u l-1997; madankollu mhux ċar kif dawn iċ-ċertifikati għandhom x'jaqsmu mat-testijiet differenti msemmija fil-premessa 15.

(22)

L-informazzjoni u dokumenti mogħtija lill-Kummissjoni, għaldaqstant, iqajmu dubju raġonevoli jekk, qabel ma bagħat ċertifikat ta' eżami tat-tip lill-manifattur dwar il-valvi, il-korp notifikat Bureau Veritas kienx effettivament żgura li kampjun, rappreżentattiv tal-produzzjoni maħsuba kien konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-istrumenti internazzjonali li japplikaw; b'mod partikolari, il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-punt 4 tat-taqsima “EŻAMI ‘KE TAT-TIP’ (MODULU B)” ta' l-anness B tad-Direttiva 96/98/KE u mat-taqsima 7.1 ta' ISO 15364:2000 ma ntwerietx b'mod suffiċjenti.

(23)

MESG hija karatteristika ta' gass li tista' titkejjel, u tirrifletti r-reattività tiegħu. Id-dokumentazzjoni mogħtija mill-manifattur tindika li l-valvi kienu ttestjati b'taħlita ta' gass propan, li għandu valur MESG ta' 0,9 mm. Waqt li ċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip mogħti minn Bureau Veritas fl-2004 jispeċifika li l-valvi setgħu jintużaw fuq tankijiet ta' merkanzija ta' tankers ta' kimika li jġorru kimika li tista' tieħdu n-nar b'valur MESG ta' 0,9 mm jew aktar, iċ-ċertifikati preċedenti mogħtija fl-2002 ma kienx fihom dispożizzjoni bħal dik. Madankollu, l-eżami tal-fajl mill-Kummissjoni wera li d-dejta teknika li tinsab fil-manwal ta' l-istruzzjonijiet ipprovdut mill-manifattur tirreferi għal valur MESG ta' “0,53 (grupp B)”. Din l-informazzjoni ħażina tista' tiżgwida lid-disinjatur ta' installazzjoni u lill-awtorità li toħroġ iċ-ċertifikati ta' sikurezza tal-bastiment; huwa, għaldaqstant, probabbli li bastimenti mgħammra b'dan il-mudell ta' valvi jistgħu jkunu ġew awtorizzati jġorru merkanzija tal-grupp IIB, li għalihom il-valvi qatt ma kienu ġew ittestjati. Dan jista' jġib miegħu periklu sinifikanti ta' sikurezza, minħabba li jsir dejjem iktar diffiċli biex apparat li jżomm il-fjammi ma jħallix it-tixrid ta' fjammi hekk kif il-valur MESG tal-midjum jonqos.

(24)

Dwar il-konformità mat-taqsimiet 5 u 6 ta' ISO15364, l-awtoritajiet Daniżi qatt ma speċifikaw it-talbiet tagħhom fir-rigward ta' indikaturi ta' valvi f'għamla ta' diska u mezzi ta' ispezzjoni biex ikunu stabbiliti ħtiġiet ta' tindif ta' inkrostazzjonijiet, li, għalhekk, qatt ma rċevew tweġiba speċifika mingħand il-manifattur jew mill-korp notifikat. Madankollu, fit-28 ta' Lulju 2004, l-awtoritajiet Daniżi sostnew, abbażi tad-disinji mibgħuta mill-manifattur, li bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' ISO 15364: a) il-fus b'vakum kien osservat permezz ta' tubu tal-vista u b) il-kostruzzjoni ta' katusa għad-drenaġġ kienet tħalli joħroġ fwar tal- merkanzija b'mod orizzontali.

(25)

It-Taqsima 5.2 ta' l-istandard imsemmi jipprojbixxi l-użu ta'materjali mhux metalliċi, li ma jkunux gaskets u siġilli, fil-kostruzzjoni ta' komponenti li jżommu l-pressjoni ta' l-apparat. L-eżami tad-disinji mogħtija mill-manifattur iqajmu dubju dwar jekk it-tubu tal-ħġieġ li l-awtoritajiet Daniżi jirreferu għalih hux fil-fatt komponent li jżomm il-pressjoni, jew jekk għandux jitqies li mhux siġill. Għaldaqstant, abbażi tad- dokumentazzjoni li għandha l-Kummissjoni, mhux possibbli jkun stabbilit b'ċertezza raġonevoli ksur ta' dan ir-rekwiżit partikolari.

(26)

It-Taqsima 6.5 ta' l-istandard imsemmi hawn fuq tipprovdi li l-katusa m'għandhiex tħalli fwar joħroġ sakemm tkun mgħammra b'mezz adattat li ma jħallix jgħaddu fjammi u jkun jissodisfa r-rekwiżiti kollha għal veloċità u direzzjoni ta' effluss; waqt li t-taqsima 6.9 tipprovdi li mezzi terminali għandhom ikunu kostruwiti biex imexxu l-effluss vertikalment 'il fuq taħt ir-rati kollha ta' fluss maħsuba mill-manifattur. Id-disinji mogħtija mill-manifattur juru skoll bi żbokk orizzontali; madankollu, mhux ċar jekk, fil-post tiegħu, l-iskoll iħallix fwar jiskappa. Għalhekk mhux possibbli għall-Kummissjoni li tikkonferma l-valutazzjoni ta' l-awtoritajiet Daniżi.

(27)

Ma ġie rrapportat ebda episodju lill-Kummissjoni li dan it-tip ta' valv ħadem ħażin; madankollu, għandu jsir kull sforz raġonevoli biex titneħħa kull theddida li jista' jkun hemm għas-sikurezza marittima,

ADOTTAT DIN L-OPINJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri interim notifikati mill-Gvern Daniż lill-Kummissjoni permezz ta' ittra tas-27 ta' Frar 2004, dwar valvi tal-mudell HPV maħdumin minn Se-won Ind Co. fir-Repubblika tal-Korea, huma adegwati u proporzjonati għall-protezzjoni tas-sikurezza marittima u huma, għaldaqstant, ġustifikati.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li l-valvi msemmija hawn fuq jitneħħew mis-swieq tagħhom sakemm jinħareġ ċertifikat ġdid ta' eżami tat-tip b'konformità sħiħa mar-rekwiżiti tad-Direttiva.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membti jieħdu kull azzjoni adatta biex jiggarantixxu s-sikurezza ta' bastimeti li jtajru l-bandiera tagħhom u li jkunu mgħammra bil-valvi msemmija, inklużi mill-anqas il-miżuri li ġejjin: a) li jinvestigaw kull episodju li jista' jindika valvi li jaħdmu ħażin, b'mod partikolari dwar skossi mill-ilma u pressjoni massima matul it-tagħbija u l-ħatt; u b) li jiżguraw li ebda bastiment mgħammar bil-valvi msemmija ma jkun awtorizzat iġorr merkanziji b'valur MESG aktar baxx minn 0,9 mm.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom malajr kemm jista' jkun jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'kull miżura meħuda skond din l-opinjoni.

Magħmul fi Brussell, fis-7 ta' Jannar 2008

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi-President


(1)  ĠU L 46, 17.2.1997, p. 25. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2002/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 324, 29.11.2002, p. 53).


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TA' L-UNJONI EWROPEA

Kummissjoni

8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 3/5


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.4853 — PPG/SigmaKalon)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 3/02)

Fi 10 ta' Diċembru 2007, il-Kummissjoni iddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test kollu tad-deċiżjoni jinsab bl-Ingliż u se jkun ippubblikat wara li jkun meħlus minn kwalunkwe sigrieti tan-negozju li jista' jkun fih. Hu jinstab:

mill-websajt tal-kompetizzjoni ta' l-Europa (http://ec.europa.eu/comm/competition/mergers/cases/). Dan il-websajt jipprovdi faċilitajiet varji biex jgħinu jinstabu deċiżjonijiet individwali ta' fużjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u indiċi settorali,

F'forma elettronika fil-websajt EUR-Lex fid-dokument numru 32007M4853. EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea (http://eur-lex.europa.eu).


8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 3/5


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.4964 — Sun Capital Funds/Mark IV)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 3/03)

Fi 14 ta' Diċembru 2007, il-Kummissjoni iddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test kollu tad-deċiżjoni jinsab bl-Ingliż u se jkun ippubblikat wara li jkun meħlus minn kwalunkwe sigrieti tan-negozju li jista' jkun fih. Hu jinstab:

mill-websajt tal-kompetizzjoni ta' l-Europa (http://ec.europa.eu/comm/competition/mergers/cases/). Dan il-websajt jipprovdi faċilitajiet varji biex jgħinu jinstabu deċiżjonijiet individwali ta' fużjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u indiċi settorali,

F'forma elettronika fil-websajt EUR-Lex fid-dokument numru 32007M4964. EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea (http://eur-lex.europa.eu).


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET U KORPI TA' L-UNJONI EWROPEA

Kummissjoni

8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 3/6


Rata tal-kambju ta' l-euro (1)

It-7 ta' Jannar 2008

(2008/C 3/04)

1 euro=

 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,4723

JPY

Yen Ġappuniż

160,65

DKK

Krona Daniża

7,4498

GBP

Lira Sterlina

0,74625

SEK

Krona Żvediża

9,3625

CHF

Frank Żvizzeru

1,6396

ISK

Krona Iżlandiża

91,01

NOK

Krona Norveġiża

7,8685

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

26,145

EEK

Krona Estona

15,6466

HUF

Forint Ungeriż

255,32

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,6984

PLN

Zloty Pollakk

3,605

RON

Leu Rumen

3,5955

SKK

Krona Slovakka

33,418

TRY

Lira Turka

1,7228

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6856

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4714

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

11,4862

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,9228

SGD

Dollaru tas-Singapor

2,1116

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 384,55

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

10,1662

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

10,7021

HRK

Kuna Kroata

7,35

IDR

Rupiah Indoneżjan

13 899,25

MYR

Ringgit Malażjan

4,8314

PHP

Peso Filippin

60,217

RUB

Rouble Russu

35,995

THB

Baht Tajlandiż

43,801

BRL

Real Brażiljan

2,6027

MXN

Peso Messikan

16,0863


(1)  

Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Kummissjoni

8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 3/7


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.5016 — Triton/Ruetgers)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għall-proċedura simplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 3/05)

1.

Fl-20 Diċembru 2007, il-Kummissjoni rċeviet notifika għal konċentrazzjoni proposta skond l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Triton Managers II Limited (“Triton”, Jersey) takkwista fis-sens ta' l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill, il-kontroll totali ta' l-impriża Ruetgers Chemicals (“Ruetgers”, il-Ġermanja) li bħalissa hija kkontrollata minn Evonik Industries AG permezz ta' akkwist ta' ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali ta' l-impriżi kkonċernati huma:

għal Triton: ekwità privata,

għal Ruetgers: kumpanija kimika tal-qatran tal-faħam prinċipalment attiva fil-produzzjoni u l-irfinar ta' aromatiċi bażiċi.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni jidhrilha li t-tranżazzjoni notifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 139/2004. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skond in-Notifika tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fin-Notifika.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati sabiex iressqu l-kummenti li jista' jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-faks ( (32-2) 296 43 01 jew 296 72 44) jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.5016 — Triton/Ruetgers, fl-indirizz li ġej:

Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru ta' l-Amalgamazzjonijiet

J-70

B-1049 Bruxelles


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004 p. 1

(2)  ĠU C 56, 05.3.2005 p. 32