ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 242E

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 50
16 ta' Ottubru 2007


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

KUNSILL

2007/C 242E/01

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 11/2007 adottata mill-Kunsill fit-23 ta' Lulju 2007, bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb li tadotta d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ

1

2007/C 242E/02

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 12/2007 adottata mill-Kunsill fit-23 ta' Lulju 2007, bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb li tadotta d-Direttiva tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta' l-Ambjent Marin (Direttiva dwar l-Istrateġija Marina) ( 1 )

11

 


 

(1)   Test b'relevanza għaż-ŻEE

MT

 


III Atti preparatorji

KUNSILL

16.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

CE 242/1


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) NRU 11/2007

tat-23 ta' Lulju 2007

bil-ħsieb li tkun adottata d-Deċiżjoni Nru …/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ

(2007/C 242 E/01)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 95 u 135 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-Komunità u l-Istati Membri impenjaw ruħhom, skond l-Aġenda ta' Lisbona, biex iżidu l-kompetittività ta' kumpaniji li qed jagħmlu l-kummerċ fl-Ewropa. Skond id-Deċiżjoni 2004/387/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-21 ta' April 2004 dwar it-twassil interoperabbli ta' servizzi ta' l-e-Government pan-Ewropej lil amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini (IDABC) (3), il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovdu sistemi ta' informazzjoni u komunikazzjoni effiċjenti, effettivi u interoperabbli għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u ċ-ċittadini tal-Komunità.

(2)

L-azzjoni eGovernment pan-Ewropea, kif prevista mid-Deċiżjoni 2004/387/KE, teħtieġ miżuri biex tiżdied l-effiċjenza ta' l-organizzazzjoni tal-kontrolli doganali u biex tkun żgurata ċ-ċirkolazzjoni ta' data mingħajr tfixkil biex l-iżdoganar isir aktar effiċjenti, biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-frodi, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, biex iservu l-interessi fiskali, biex jitħarsu l-proprjetà intellettwali u l-wirt kulturali, biex tiżdied is-sikurezza tal-merkanzija u s-sigurtà tal-kummerċ internazzjonali u biex jitjieb il-ħarsien tas-saħħa u ta' l-ambjent.Għal dak il-għan, il-forniment ta' teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) għal skopijiet doganali huwa ta' interess kruċjali.

(3)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2003 dwar il-ħolqien ta' ambjent sempliċi u mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (4), li segwiet wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ambjent sempliċi u mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ, tistieden lill-Kummissjoni biex tħejji, b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, pjan strateġiku pluriennali għall-ħolqien ta' ambjent doganali elettroniku interoperabbli u koerenti għall-Komunità. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (5) jeħtieġ l-użu ta' tekniki ta' l-ipproċessar tad-data għall-preżentazzjoni ta' dikjarazzjonijiet sommarji u għall-iskambju elettroniku ta' data bejn l-awtoritajiet doganali, bil-ħsieb li l-kontrolli doganali jkunu bbażati fuq sistemi awtomatizzati ta' analiżi tar-riskju.

(4)

Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-għanijiet li għandhom jintlaħqu għall-ħolqien ta' ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ, kif ukoll l-istruttura, il-mezzi u l-limiti ta' żmien biex dan isir.

(5)

Il-Kummissjoni għandha timplimenta din id-Deċiżjoni b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu speċifikati r-responsabbiltajiet u l-kompiti rispettivi tal-partijiet ikkonċernati u li jsir provvediment dwar kif l-ispejjeż iridu jinqasmu bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

(6)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaqsmu r-responsabbiltà għall-komponenti Komunitarji u nazzjonali tas-sistemi ta' skambju ta' komunikazzjoni u ta' informazzjoni, b'mod konformi mal-prinċipji stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 253/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2003 li tadotta programm ta' azzjoni għad-dwana fil-Komunità (Dwana 2007) (6) u b'kont meħud tad-Deċiżjoni Nru 2235/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2002 li tadotta programm Komunitarju għat-titjib fit-tħaddim tas-sistemi ta' tassazzjoni fis-suq intern (programm Fiscalis 2003-2007) (7).

(7)

Biex tkun żgurata l-konformità ma' din id-Deċiżjoni, u l-konsistenza bejn is-sistemi differenti li għandhom jiġu żviluppati, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' monitoraġġ.

(8)

Rapporti regolari mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-progress ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(9)

Sabiex jinkiseb ambjent mingħajr karti, tinħtieġ koperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi. Biex titħaffef dik il-kooperazzjoni, il-Grupp tal-Politika Doganali għandu jiżgura l-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-konsultazzjoni ma' l-operaturi ekonomiċi għandha ssir kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'livell Komunitarju fl-istadji kollha ta' tħejjija ta' dawk l-attivitajiet.

(10)

Il-pajjiżi aderenti u dawk kandidati għandhom jitħallew jieħdu sehem f'dawk l-attivitajiet, bil-ħsieb tat-tħejjija għall-adeżjoni.

(11)

Peress li l-għan ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-ħolqien ta' ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ ma jistax jintlaħaq b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri, u għalhekk jista', minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilita f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb dan l-għan.

(12)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati b'mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (8).

(13)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex testendi l-limiti ta' żmien kif previst fl-Artikolu 4(2), (3) u (5) ta' din id-Deċiżjoni. Peress li dawk il-miżuri għandhom kamp ta' applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Deċiżjoni, dawn għandhom jiġu adottati b'mod konformi mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Sistemi doganali elettroniċi

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi doganali elettroniċi siguri, integrati, interoperabbli u aċċessibbli għall-iskambju ta' data li tinsab f'dikjarazzjonijiet doganali, dokumenti li jakkumpanjaw id-dikjarazzjonijiet doganali u ċertifikati u l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti ieħor.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-istruttura u l-mezzi għat-tħaddim ta' dawk is-sistemi doganali elettroniċi.

Artikolu 2

Objettivi

1.   Is-sistemi doganali elettroniċi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jitfasslu sabiex jilħqu l-għanijiet li ġejjin:

(a)

iħaffu l-proċeduri ta' importazzjoni u esportazzjoni;

(b)

inaqqsu l-ispejjeż ta' konformità u dawk amministrattivi u jtejbu l-perijodu ta' żmien għall-iżdoganar;

(ċ)

jikkoordinaw approċċ komuni dwar il-kontroll tal-merkanzija;

(d)

jgħinu biex jiżguraw il-ġbir kif suppost tad-dazji doganali u l-ħlasijiet l-oħrajn kollha;

(e)

jiżguraw l-provvista rapida ta' informazzjoni u r-riċeviment ta' informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-katina ta' forniment internazzjonali;

(f)

jippermettu l-fluss mingħajr xkiel ta' data bejn l-awtoritajiet ta' pajjiżi esportaturi u importaturi kif ukoll bejn l-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi, waqt li jippermettu li d-data li tiddaħħal fis-sistema terġa' tintuża.

L-integrazzjoni u l-evoluzzjoni tas-sistemi doganali elettroniċi għandhom ikunu proporzjonati ma' l-għanijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.

2.   L-għanijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jinkisbu mill-inqas bil-mezzi li ġejjin:

(a)

l-iskambju armonizzat ta' informazzjoni abbażi ta' mudelli ta' data u formati ta' messaġġi aċċettati internazzjonalment;

(b)

l-organizzazzjoni mill-ġdid ta' proċessi doganali u proċessi li għandhom x'jaqsmu mad-dwana bil-ħsieb li jiġu ottimizzati l-effiċjenza u l-effettività tagħhom, li jiġu ssimplifikati u li titnaqqas l-ispiża ta' konformità doganali;

(ċ)

l-offerta ta' firxa wiesgħa ta' servizzi doganali elettroniċi lil operaturi ekonomiċi li tippermetti lil dawn l-operaturi li jinteraġixxu bl-istess mod ma' l-awtoritajiet doganali ta' kwalunkwe Stat Membru.

3.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, il-Komunità għandha tippromwovi l-interoperabbiltà tas-sistemi doganali elettroniċi mas-sistemi doganali ta' pajjiżi terzi jew ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aċċessibbiltà tas-sistemi doganali elettroniċi għal operaturi f'pajjiżi terzi, bil-ħsieb li jinħoloq ambjent mingħajr karti f'livell internazzjonali fejn dan ikun previst skond ftehim internazzjonali u soġġett għal arranġamenti finanzjarji adatti.

Artikolu 3

Skambju ta' data

1.   Is-sistemi doganali elettroniċi tal-Komunità u ta' l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-iskambju ta' data bejn l-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri u bejn dawk l-awtoritajiet u dawn li ġejjin:

(a)

l-operaturi ekonomiċi;

(b)

il-Kummissjoni;

(ċ)

amminstrazzjonijiet jew aġenziji uffiċjali oħrajn involuti fil-moviment internazzjonali tal-merkanzija (minn hawn 'il quddiem imsejħa “amministrazzjonijiet jew aġenziji oħrajn”).

2.   Kwalunkwe żvelar jew komunikazzjoni ta' data għandha tikkonforma bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar il-protezzjoni tad-data, partikolarment id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u l-moviment liberu ta' tali data (9) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' tali data (10).

Artikolu 4

Sistemi, servizz u limiti ta' żmien

1.   L-Istati Membri għandhom, f'koperazzjoni mal-Kummissjoni, jagħmlu operattivi s-sistemi doganali elettroniċi li ġejjin skond il-ħtiġijiet u l-limiti ta' żmien stabbiliti fil-leġislazzjoni fis-seħħ:

(a)

sistemi għall-importazzjoni u l-esportazzjoni, li joperaw flimkien mas-sistema għat-transitu u li jippermettu l-fluss mingħajr xkiel ta' data minn sistema doġanali waħda għal oħra fil-Komunità kollha;

(b)

sistema ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni għall-operaturi ekonomiċi, li topera flimkien mas-sistema awtorizzata ta' l-operaturi ekonomiċi u li tippermetti li dawk l-operaturi ekonomiċi jirreġistraw darba biss għall-interazzjonijiet kollha tagħhom ma' l-awtoritajiet doganali fil-Komunità kollha, b'kont meħud tas-sistemi Komunitarji jew nazzjonali eżistenti;

(ċ)

sistema għall-proċedura ta' awtorizzazzjoni, inkluż il-proċess ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni, il-ġestjoni ta' ċertifikati għall-operaturi ekonomiċi awtorizzati u r-reġistrazzjoni ta' dawk iċ-ċertifikati f'bażi ta' data aċċessibbli mill-awtoritajiet doganali.

2.   L-Istati Membri għandhom, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jistabbilixxu u jagħmlu operattivi sa … (11), il-portali doganali komuni biex jipprovdu lill-operaturi ekonomiċi l-informazzjoni meħtieġa għal transazzjonijiet doganali fl-Istati Membri kollha.

3.   Il-Kummissjoni għandha, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, tistabbilixxi u tagħmel operattiv sa … (12), ambjent tariffarju integrat li jippermetti l-kollegament ma' sistemi oħrajn relatati ma' l-importazzjoni u l-esportazzjoni mħaddma fil-Kummissjoni u l-Istati Membri.

4.   Il-Kummissjoni għandha, fi sħubija ma' l-Istati Membri fil-Grupp tal-Politika Doganali u sa … (11), tevalwa l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali komuni għal:

(a)

qafas għal punti ta' aċċess uniċi, li jippermetti lill-operaturi ta' l-ekonomija biex jagħmlu użu minn interazzjoni waħda biex iressqu d-dikjarazzjonijiet doganali elettroniċi, anke jekk il-proċedura tad-dwana titwettaq fi Stat Membru ieħor;

(b)

interfaces elettroniċi għal operaturi ekonomiċi li jippermettulhom iwettqu l-kummerċ kollu relatat mad-dwana, anke jekk ikunu involuti diversi Stati Membri, ma' l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat Membru fejn huma stabbiliti; u

(ċ)

servizzi ta' interface uniku li jipprovdu l-fluss bla xkiel ta' data bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali, bejn l-awtoritajiet doganali u l-Kummissjoni, u bejn l-awtoritajiet doganali u amministrazzjonijiet jew aġenziji oħrajn, u li jippermettu lill-operaturi ekonomiċi jissottomettu lid-dwana l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-iżdoganar ta' importazzjonijiet jew esportazzjonijiet, inkluża informazzjoni li tkun meħtieġa minn leġislazzjoni li ma għandhiex x'taqsam ma' dwana.

5.   Fi żmien tliet snin ta' evalwazzjoni pożittiva ta' l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali komuni msemmija fil-paragrafu 4 (a) u (b), l-Istati Membri għandhom, f'koperazzjoni mal-Kummissjoni, jagħmlu kull sforz biex jistabbilixxu u jagħmlu operattiv il-qafas għal punti ta' aċċess uniċi u l-interfaces elettroniċi.

6.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu kull sforz biex jistabbilixxu u jagħmlu operattiv il-qafas għas-servizzi ta' interface uniku. L-evalwazzjoni tal-progress li jkun inkiseb f'dan il-qasam għandu jiġi inkluż fir-rapporti msemmija fl-Artikolu 12.

7.   Il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jagħmlu provvediment għall-manutenzjoni debita u t-titjib meħtieġ tas-sistemi u s-servizzi msemmija f'dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Komponenti u responsabbiltajiet

1.   Is-sistemi doganali elettroniċi għandhom jikkonsistu f'komponenti Komunitarji u komponenti nazzjonali.

2.   Il-komponenti Komunitarji tas-sistemi doganali elettroniċi għandhom jikkonsistu b'mod partikolari fi:

(a)

studji relatati dwar il-fattibbiltà u l-ispeċifikazzjonijiet komuni funzjonali u tekniċi tas-sistema;

(b)

prodotti u s-servizzi komuni, inklużi s-sistemi ta' referenza komuni meħtieġa għad-dwana u għal informazzjoni relatata mad-dwana;

(ċ)

servizzi tan-Netwerk Komuni ta' Komunikazzjoni u l-Interface Komuni tas-Sistemi (CCN/CSI) għall-Istati Membri;

(d)

attivitajiet ta' koordinazzjoni mwettqa mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni meta jimplimentaw u joperaw sistemi doganali elettroniċi fil-qasam komuni tal-Komunità;

(e)

attivitajiet ta' koordinazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni meta timplimenta u topera sistemi doganali elettroniċi fil-qasam estern tal-Komunità, esklużi s-servizzi mfassla biex jissodisfaw il-ħtiġijiet nazzjonali.

3.   Il-komponenti nazzjonali tas-sistemi doganali elettroniċi għandhom jikkonsistu b'mod partikolari fi:

(a)

speċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi tas-sistema nazzjonali;

(b)

sistemi nazzjonali, inklużi d-databases;

(ċ)

kollegamenti tan-netwerk bejn l-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi, u bejn l-awtoritajiet doganali u amministrazzjonijiet jew aġenziji oħrajn, fl-istess Stat Membru;

(d)

kwalunkwe softwer jew tagħmir li Stat Membru jqis li hu meħtieġ biex ikun żgurat użu sħiħ tas-sistema.

Artikolu 6

Kompiti tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha tiżgura, b'mod partikolari, dan li ġej:

(a)

il-koordinazzjoni ta' l-istabbiliment, l-ittestjar għall-konformità, l-installazzjoni, it-tħaddim u l-appoġġ tal-komponenti Komunitarji fir-rigward tas-sistemi doganali elettroniċi;

(b)

il-koordinazzjoni tas-sistemi u s-servizzi previsti f'din id-Deċiżjoni flimkien ma' proġetti rilevanti oħrajn dwar l-eGovernment f'livell Komunitarju;

(ċ)

l-ikkompletar tal-kompiti allokati lilhom skond il-pjan strateġiku pluriennali previst fl-Artikolu 8(2);

(d)

il-koordinazzjoni ta' l-iżvilupp ta' komponenti Komunitarji u nazzjonali bil-ħsieb ta' implimentazzjoni sinkronizzata tal-proġetti;

(e)

il-koordinazzjoni f'livell Komunitarju tas-servizzi doganali elettroniċi u s-servizzi ta' interface uniku bil-ħsieb tal-promozzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom f'livell nazzjonali;

(f)

il-koordinazzjoni tal-ħtiġijiet ta' taħriġ.

Artikolu 7

Kompiti ta' l-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom, b'mod partikolari, jiżguraw dan li ġej:

(a)

il-koordinazzjoni ta' l-istabbiliment, l-ittestjar għall-konformità, l-installazzjoni, it-tħaddim u l-appoġġ tal-komponenti nazzjonali, fir-rigward tas-sistemi doganali elettroniċi;

(b)

il-koordinazzjoni tas-sistemi u s-servizzi previsti f'din id-Deċiżjoni ma' proġetti rilevanti oħrajn relatati ma' l-eGovernment f'livell nazzjonali;

(ċ)

l-ikkompletar tal-kompiti allokati lilhom skond il-pjan strateġiku pluriennali previst fl-Artikolu 8(2);

(d)

il-forniment regolari ta' informazzjoni lill-Kummissjoni rigward il-miżuri meħuda biex l-awtoritajiet jew l-operaturi ekonomiċi rispettivi tagħhom ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mis-sistemi doganali elettroniċi;

(e)

il-promozzjoni u l-implimentazzjoni f'livell nazzjonali tas-servizzi doganali elettroniċi u s-servizzi ta' interface uniku;

(f)

it-taħriġ meħtieġ għall-uffiċjali doganali u uffiċjali kompetenti oħrajn.

2.   L-Istati Membri għandhom jistmaw u jikkomunikaw lill-Kummissjoni annwalment ir-riżorsi umani, baġitarji u tekniċi meħtieġa biex jikkonformaw ma' l-Artikolu 4 u mal-pjan strateġiku pluriennali previst fl-Artikolu 8(2).

3.   Jekk ikun hemm riskju li xi azzjoni prevista minn Stat Membru dwar l-istabbiliment jew it-tħaddim tas-sistemi doganali elettroniċi tista' tikkomprometti l-interoperabilità jew it-tħaddim ġenerali ta' dawk is-sistemi, dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan qabel ma' jieħu azzjoni bħal din.

Artikolu 8

Strateġija u koordinazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha, fi sħubija ma' l-Istati Membri fil-Grupp tal-Politika Doganali, tiżgura dan li ġej:

(a)

id-determinazzjoni ta' l-istrateġiji, ir-riżorsi meħtieġa u l-fażijiet ta' żvilupp;

(b)

il-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet kollha relatati mad-dwana elettronika, biex ikun żgurat li r-riżorsi, inklużi dawk użati fuq il-livell nazzjonali u dak Komunitarju, jintużaw bl-aħjar u bl-iżjed mod effiċjenti;

(ċ)

il-koordinazzjoni ta' l-aspetti legali, operattivi, ta' taħriġ u ta' l-iżvilupp ta' l-IT kif ukoll il- provvista ta' informazzjoni lill-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi dwar dawk l-aspetti;

(d)

il-koordinazzjoni ta' l-attivitjiet ta' implimentazzjoni tal-partijiet kollha kkonċernati;

(e)

il-konformità tal-partijiet ikkonċernati ma' l-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 4.

2.   Il-Kummissjoni għandha, fi sħubija ma' l-Istati Membri fil-Grupp tal-Politika Doganali, tfassal u żżomm aġġornat pjan strateġiku pluriennali li jalloka l-kompiti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

Artikolu 9

Riżorsi

1.   Għall-għanijiet ta' l-istabbiliment, it-tħaddim u t-titjib tas-sistemi doganali elettroniċi b'mod konformi ma' l-Artikolu 4, il-Komunità għandha tagħmel disponibbli r-riżorsi umani, baġitarji u tekniċi meħtieġa għall-komponenti tal-Komunità.

2.   Għall-għanijiet ta' l-istabbiliment, it-tħaddim u tat-titjib tas-sistemi doganali elettroniċi b'mod konformi ma' l-Artikolu 4, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli r-riżorsi umani, baġitarji u tekniċi meħtieġa għall-komponenti nazzjonali.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-ispejjeż li jridu jsiru minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qafas ta' l-Artikolu 2 (3), l-ispejjeż relatati ma' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jinqasmu bejn il-Komunità u l-Istati Membri b'mod konformi mad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.

2.   Il-Komunità għandha ġġorr l-ispejjeż relatati mad-disinn, l-akkwist, l-installazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni tal-komponenti Komunitarji, imsemmi fl-Artikolu 5(2), b'mod konformi mal-Programm Doganali 2007 stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 253/2003/KE u kwalunkwe programm li jsegwih.

3.   L-Istati Membri għandhom iġorru l-ispejjeż relatati ma' l-istabbiliment u t-tħaddim tal-komponenti nazzjonali, imsemmi fl-Artikolu 5(3), inklużi l-interfaces ma' amministrazzjonijiet jew aġenziji oħrajn u operaturi ekonomiċi.

4.   L-Istati Membri għandhom itejbu l-koperazzjoni tagħhom bil-ħsieb li jimminimizzaw l-ispejjeż billi jiżviluppaw mudelli ta' tqassim ta' l-ispejjeż u soluzzjonijiet komuni.

Artikolu 11

Monitoraġġ

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tivverifika li l-miżuri ffinanzjati mill-baġit tal-Komunità qegħdin jitwettqu skond din id-Deċiżjoni u li r-riżultati miksuba huma konsistenti ma' l-għanijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2(1).

2.   Il-Kummissjoni għandha, fi sħubija ma' l-Istati Membri fil-Grupp tal-Politika Doganali, tissorvelja regolarment il-progress li jkun sar minn kull Stat Membru u mill-Kummissjoni fir-rigward tal-konformità ma' l-Artikolu 4, bil-ħsieb li jkun iddeterminat jekk intlaħqux l-għanijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2(1) u kif l-effettività ta' l-attivitajiet involuti fl-implimentazzjoni tas-sistemi doganali elettroniċi tista' tittejjeb.

Artikolu 12

Rapporti

1.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw regolarment lill-Kummissjoni dwar il-progress tagħhom fir-rigward ta' kull kompitu allokat lilhom taħt il-pjan strateġiku pluriennali msemmi fl-Artikolu 8(2). Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-ikkompletar ta' kull wieħed minn dawn il-kompiti.

2.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport ta' progress annwali li jkopri l-perijodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru tas-sena ta' qabel. Dawk ir-rapporti annwali għandhom ikunu bbażati fuq format stabbilit mill-Kummissjoni, fi sħubija ma' l-Istati Membri fil-Grupp tal-Politika Doganali.

3.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapporti annwali msemmija fil-paragrafu 2, tistabbilixxi rapport konsolidat li jevalwa l-progress magħmul mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, partikolarment lejn il-konformità ma' l-Artikolu 4, u dwar il-ħtieġa possibbli għal estensjoni tal-limiti ta' żmien msemmijin 'l-Artikolu 4(2), (3) u (5), u tippreżenta dak ir-rapport lill-partijiet ikkonċernati u lill-Grupp tal-Politika Doganali għal aktar konsiderazzjoni.

4.   Barra minn hekk, ir-rapport konsolidat imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jkun fih ir-riżultati ta' kull żjara ta' monitoraġġ li tkun setgħet saret. Għandu jkun fiha wkoll ir-riżultati ta' kull kontroll ieħor u tista' tistabbilixxi metodi u kriterji, għal użu f'kull evalwazzjoni sussegwenti, b'mod partikolari evalwazzjoni ta' l-interoperabbiltà u l-iffunzjonar tas-sistemi doganali elettroniċi.

Artikolu 13

Konsultazzjoni ma' l-operaturi ekonomiċi

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw regolarment lill-operaturi ekonomiċi fl-istadji kollha tat-tħejjija, ta' l-iżvilupp u l-installazzjoni tas-sistemi u s-servizzi previsti fl-Artikolu 4.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom kull wieħed jistabbilixxu mekkaniżmu ta' konsultazzjoni li jlaqqa' flimkien fuq bażi regolari selezzjoni rappreżentattiva ta' operaturi ekonomiċi.

Artikolu 14

Pajjiżi li ser jissieħbu jew li huma kandidati

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pajjiżi li ġew rikonoxxuti bħala pajjiżi kandidati jew li ser jissieħbu, bit-tħejjija, l-iżvilupp u l-installazzjoni tas-sistemi u s-servizzi previsti fl-Artikolu 4, u għandha tippermetti l-parteċipazzjoni tagħhom fihom.

Artikolu 15

Il-miżuri ta' implimentazzjoni

Estensjoni ta' l-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 4(2), (3) u (5) għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 16

Il-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 17

Id-Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 18

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi …

Għall-Parlament Ewropew

Il–President

Għall-Kunsill

Il–President


(1)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 47.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2007 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 144, 30.4.2004, p. 65. Verżjoni korretta fil-ĠU L 181, 18.5.2004, p. 25.

(4)  ĠU C 305, 16.12.2003, p. 1.

(5)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(6)  ĠU L 36, 12.12.2003, p. 1. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni (KE) Nru 787/2004 (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 12).

(7)  ĠU L 341, 17.12.2002 p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 885/2004 (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 1).

(8)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11) (ĠU L 76 M, 16.3.2007, p. 100).

(9)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(10)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(11)  Tliet snin middata tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni

(12)  Ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Il-Kummissjoni ssottomettiet il-proposta msemmija hawn fuq lill-Kunsill fil-5 ta' Diċembru 2005 (1).

Il-Parlament Ewropew ta l-Opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-12 ta' Diċembru 2006, mingħajr ebda emenda għall-proposta.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta l-Opinjoni tiegħu fit-13 ta' Settembru 2006 (2).

Taħt il-proċedura ta' kodeċiżjoni (Artikolu 251 TKE), fit-23 ta' Ġunju 2007 il-Kunsill, filwaqt li qies l-ewwel qari tal-Parlament, adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni.

II.   OBJETTIV

L-iskop tad-Deċiżjoni proposta huwa li jinħoloq strument għall-implimentazzjoni ta' sistemi doganali awtomatizzati, interoperabbli u aċċessibli, kemm taħt il-Kodiċi Doganali attwali kif ukoll taħt dak immodernizzat futur, u għal proċessi u servizzi koordinati. Dan l-istrument huwa intiż biex joħloq l-impenji meħtieġa biex jiġu implimentati sistemi doganali elettroniċi differenti u l-kondizzjonijiet għal impenji futuri għall-kunċetti tas-'Single Window' u l-'One-Stop-Shop' (post wieħed għall-kisba ta' informazzjoni). L-objettiv prinċipali tiegħu huwa li jiġi ddeterminat x'azzjoni jeħtieġ li tittieħed u l-iskadenzi li jridu jiġu sodisfatti mill-partijiet interessati kollha sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' ambjent sempliċi u mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ saż-żmien meta jidħol fis-seħħ il-Kodiċi Doganali Modernizzat.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Ġenerali

Il-Kunsill, fil-pożizzjoni komuni tiegħu, jikkondividi l-objettiv tal-proposta, li huwa li jiġi stabbilit ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ. Madankollu, fid-dawl tad-diffikultajiet tekniċi inerenti għal tali proġett ambizzjuż, flimkien ma' allokazzjoni sostanzjali ta' riżorsi li jridu jiġu impenjati minn amministrazzjonijiet nazzjonali, il-Kunsill jiffavorixxi approċċ ta' pass wara pass, li jippermetti l-implimentazzjoni tas-sistemi elettroniċi f'fażijiet li jsegwu lil xulxin.

2.   Emendi tal-PE

Il-Parlament Ewropew ma adotta ebda emenda għall-proposta.

3.   Elementi ġodda introdotti mill-Kunsill

Il-punti ewlenin tal-pożizzjoni komuni li jvarjaw mill-proposta tal-Kummissjoni huma kif ġej:

 

Il-Premessi 12 u 13

Dawn il-Premessi ġodda, flimkien ma' l-Artikoli 15 u 16 li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta miżuri implimentattivi, jirreferu għall-estensjoni ta' l-iskadenzi previsti taħt il-paragrafi 2,3 u 5 ta' l-Artikolu 4. Dawn il-miżuri, li huma ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali u mfasslin biex jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Deċiżjoni, għandhom jiġu adottati taħt il-proċedura regolatorja bi skrutinju, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999, kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE.

 

Artikolu 1 — Sistemi doganali elettroniċi

L-abbozzar ġie emendat biex jiċċara li l-iskambju elettroniku jikkonċerna “data li tinsab fid-dikjarazzjonijiet tad-dwana, dokumenti li jakkumpanjaw id-dikjarazzjonijiet tad-dwana, iċ-ċertifikati u informazzjoni rilevanti oħra”.

 

Artikolu 2 — Objettivi

Il-paragrafu 1 punt (ċ): il-formulazzjoni “l-interċezzjoni ta' merkanzija perikoluża u illegali” giet imħassra, minħabba li dan l-objettiv diġà kien inkluż fit-terminu “kontroll ta' merkanzija”;

Il-paragrafu 1 punt (d): il-kelma “għajnuna” ġiet miżjuda biex tindika li s-sistemi elettroniċi bħala tali mhux ser jiżguraw il-ġbir ta' dazji, iżda ser jassistu l-awtoritajiet doganali fit-twettiq ta' din il-missjoni. It-termini “dazji doganali u ħlasijiet oħra” ġew introdotti, f'konformità mat-test tal-proposta għal Kodiċi Doganali Modernizzat;

Il-paragrafu 1 punt (e): il-kelma “jirċievi” ġiet miżjuda biex tirrifletti l-fatt li l-informazzjoni għandha tiċċirkola lura u 'l quddiem tul il-katina ta' forniment internazzjonali;

Il-paragrafu 1 punt (f): l-abbozzar ġdid jorganizza mill-ġdid il-flussi ta' data, bejn l-awtoritajiet ta' pajjiżi ta' esportazzjoni u importazzjoni, kif ukoll bejn l-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi;

Il-paragrafu 2 punt (b): l-abbozzar ġie emendat biex jieħu kont tal-proċessi relatati mad-dwana, f'konformità ma' l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1;

Il-paragrafu 2 punt (ċ): il-prinċipju ta' sussidjarjetà, diġà msemmi fil-Premessa 11, jikkonċerna d-Deċiżjoni sħiħa u għalhekk m'għandux jiġi ripetut hawnhekk;

Il-paragrafu 3: Il-Kunsill iqis li l-interoperabbiltà tas-sistemi doganali elettroniċi, mhux biss mas-sistemi doganali ta' pajjiżi terzi, iżda wkoll ma' dawk ta' organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jitrawmu, sakemm tali objettiv ikun soġġett għal arranġamenti finanzjarji xierqa.

 

Artikolu 3 — Skambju ta' data

Il-paragrafu 1 ġie rranġat mill-ġdid u mqassar, u t-termini “awtoritajiet doganali” ġew introdotti, f'konformità mat-test tal-proposta għal Kodiċi Doganali Modernizzat. Taħt il-punt (ċ), l-iskambju ta' data ġie ristrett għal aġenziji uffiċjali;

Sabiex jittieħed kont tal-leġislazzjoni Komunitarja attwali dwar protezzjoni tad-data, il-Kunsill daħħal paragrafu ġdid 2 dwar l-iżvelar jew il-komunikazzjoni ta' data.

 

Artikolu 4 — Sistemi u servizzi, u skeda ta' żmien

L-Artikolu 4 ġie emendat biex jippermetti għal skadenzi li jsegwu lil xulxin, approċċ li l-Kunsill iqis aktar xierqa għall-implimentazzjoni tas-sistemi u s-servizzi previsti fil-proposta.

Paragrafu 1: il-pożizzjoni komuni timpenja lill-Istati Membri li jagħmlu operattivi (u mhux biss jistabbilixxu) is-sistemi elettroniċi taħt il-punt (a) sa (ċ) skond il-ħtiġiet u l-iskedi ta' żmien stabbiliti fil-leġislazzjoni fis-seħħ;

Il-paragrafu 1 punt (a): is-sistemi ta' importazzjoni u esportazzjoni għandhom jinteroperaw mas-sistema għal transitu (diġà implimentata). Interfażijiet elettroniċi ġew tressqu taħt il-paragrafu 4 punt (b);

Il-paragrafu 1 punt (b): is-sistema ta' reġistrazzjoni għall-operaturi elettroniċi, li għandha tippermetti wkoll l-identifikazzjoni tagħhom u tinteropera mas-sistema ta' operaturi ekonomiċi awtorizzati, għandha tieħu kont ta' sistemi Komunitarji jew nazzjonali eżistenti, sabiex ikunu evitati duplikazzjonijiet jew spejjeż mhux dovuti;

Il-paragrafu 1 punt (ċ): l-inserzjoni ta' dan il-punt il-ġdid issegwi mill-proposta għal Kodiċi Doganali Modernizzat u r-rwol attribwit fih lill-operatur ekonomiku awtorizzat. Portali doganali komuni tressqu għall-paragrafu 2;

Il-paragrafu 2: dispożizzjoni mressqa mill-paragrafu 1 punt (ċ): filwaqt li l-abbozzar ġie rranġat mill-ġdid, is-sustanza ta' din id-dispożizzjoni dwar il-portali doganali komuni tibqa' bla mittiefsa;

Il-paragrafu 3: dispożizzjoni mressqa mill-paragrafu 2 punt (b): filwaqt li l-abbozzar ġie rranġat mill-ġdid, is-sustanza ta' din id-dispożizzjoni dwar ambjent tariffarju integrat tibqa' bla mittiefsa;

Il-paragrafu 4: il-Kunsill jikkunsidra li, sabiex jiġi żgurat li l-objettivi mniżżlin fil-proposta jintlaħqu b'mod sigur, il-Kummissjoni għandha, fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni u fi sħubija ma' l-Istati Membri, tivvaluta l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali komuni għal qafas għal punti ta' aċċess uniku, interfażijiet elettroniċi għall-operaturi ekonomiċi (qabel fil-paragrafu 1 punt (a)) u servizzi tas-single window.

Il-paragrafu 5: wara l-evalwazzjoni pożittiva msemmija fil-paragrafu 4, fi żmien tliet snin, l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jippruvaw jistabbilixxu u jagħmlu operattiv il-qafas għal punti ta' aċċess uniku u l-interfażijiet elettroniċi għal operaturi ekonomiċi;

Il-paragrafu 6: L-Istati Membri u l-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom biex jipprvuvaw jistabbilixxu u jagħmlu operattiv il-qafas tas-single window, bil-progress f'dan il-qasam jiġi evalwat u rrappurtat skond l-Artikolu 12;

Il-paragrafu 7: l-abbozzar il-ġdid jippermetti għaż-żamma tas-sistemi, flimkien mat-titjib tagħhom deskritt fil-paragrafi ta' hawn fuq.

 

Artikolu 5 — Kompiti u Responsabbiltajiet

L-emenda għall-Artikolu 5 tiċċara r-responsabbiltajiet għall-komponenti Komunitarji u nazzjonali, li l-lista tagħhom ġiet magħmula mhux eżawrjenti, iżżied studji ta' fattibilità għall-komponenti Komunitarji u tispeċifika l-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema komuni.

 

Artikolu 6 — Komponenti tal-Kummissjoni

Il-punt (a): it-twaqqif ta' sistemi doganali elettroniċi ġiet miżjuda mal-kompiti, li l-lista tagħhom ġiet magħmula mhux eżawrjenti;

Il-punt (ċ): il-Kunsill daħħal din id-dispożizzjoni, sabiex jorbot il-kompiti li għandhom jitlestew mill-Kummissjoni mal-pjan strateġiku pluriennali (previst fl-Artikolu 8(2));

Il-punt (e): il-Kunsill jikkunsidra li l-koordinazzjoni mill-Kummissjoni fil-livell Komunitarju ta' servizzi doganali elettroni1i u servizzi ta' single window għandha wkoll trawwem il-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta' dawn is-servizzi fil-livell nazzjonali;

Il-punt (f): il-Kunsill jikkunsidra li l-koordinazjoni ta' ħtiġiet ta' taħriġ hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni.

 

Artikolu 7 — Kompiti ta' l-Istati Membri

Il-paragrafu 1 punt (a): it-twaqqif ta' sistemi doganali epettroniċi ġie miżjud mal-kompiti, li l-lista tagħhom ġiet magħmula mhux eżawrjenti (f'konformità ma' l-Artikolu 6, punt (a));

Il-paragrafu 1 punt (f): it-taħriġ ġie miżjud mal-lista ta' kompiti taħt ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri (din id-dispożizzjoni tirrifletti l-Artikolu 6, l-ittra (f));

Il-paragrafu 2: il-Kunsill jikkunsidra li l-Istai Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull sena r-riżorsi meħtieġa biex ikun hemm konformità ma' l-Artikolu 4 u mal-pjan strateġiku pluriennali;

Il-paragrafu 3: il-Kunsill jikkunsidra li l-Istati Membri għanhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, u mhux ifittxu l-approvazzjoni tagħha, qabel azzjoni rigward is-sistemi doganali elettroniċi li tista' tikkomprometti l-interoperabbiltà u l-funzjonament tagħhom.

 

Artikolu 8 — Strateġija u Koordinazzjoni

Il-Kunsill emenda t-titolu 8 biex jirrifletti l-importanza ta' koordinazzjoni u strateġija tajba fl-implimentazzjoni ta' sistemi u servizzi previsti fil-proposta. Fil-paragrafu 1 punt (ċ), ġiet mizjuda l-koordinazzjoni ta' l-informazzjoni ta' l-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi. Il-paragrafu 1 punt (e) ġie allinjat ma' l-abbozzar il-ġdid ta' l-Artikolu 4.

 

Artikolu 10 — Dispożizzjonijiet finanzjarji

Il-paragrafu 1 joħloq rabta ma' l-Artikolu 2(3), u l-ispejjeż li jaqgħu fuq pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali skond din id-dispożizzjoni;

Il-paragrafu 4: l-ewwel parti ta' din id-dispożizzjoni ġiet trasferita għall-Artikolu 7(2).

 

Artikolu 12 — Rapporti

Il-paragrafu 2 ġie emendat, bid-data ta' għoti tar-rapport annwali posposta għal Marzu, b'hekk l-Istati Membri ngħataw żmien suffiċjenti biex iħejju r-rappurtar tagħhom, u b'dawn ir-rapporti bbażati fuq format standard;

Fil-paragrafu 3, il-Kunsill jipposponi kif meħtieġ, minn Marzu għal Ġunju, id-data ta' l-għoti tar-rapport annwali konsolidat stabbilit mill-Kummissjoni. Dan ir-rapport konsolidat għandu jevalwa wkoll il-progress miksub mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, b'mod partikolari rigward l-implimentazzjoni ta' sistemi u servizzi mniżżlin fl-Artikolu 4, u l-ħtieġa possibbli għal estensjoni ta' l-iskadenzi stabbiliti f'dan l-Artikolu. Ir-rapport konsolidat, li għandu wkoll jiġi sottomess lill-Grupp tal-Politika Doganali, għandu jkun fih ir-riżultati ta' kwakunkwe żjarat ta' monitoraġġ mill-Kummissjoni.

 

Artikolu 15 — Miżuri ta' implimentazzjoni

F'din id-dispożizzjoni l-ġdida, il-Kunsill jipprovdi għall-adozzjoni mill-Kummissjoni skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju, tal-miżuri ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu estensjoni ta' l-iskadenzi previsti taħt il-paragrafi 2, 3 u 5 ta' l-Artikolu 4.

 

Artikolu 16 — Kumitat

Din id-dispożizzjoni l-ġdida tipprovdi għall-kumitat li l-kompitu tiegħu huwa li jassisti lill-Kummissjoni fl-adozzjoni tal-miżuri implimentattivi msemmija fl-Artikolu 15.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Pożizzjoni Komuni, li ġiet adottata unanimament mill-Kunsill u li hija appoġġata mill-Kummissjoni, ġiet imfassla biex tikseb, f'qafas ta' żmien realistiku u b'kont me ħud ta' l-isfidi tekniċi u politiċi marbutin magħha, l-għan tad-Deċiżjoni proposta, li huwa li jiġi stabbilit ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ u biex jinħoloq strument għall-implimentazzjoni ta' sistemi doganali awtomatizzati interoperabbli u aċċessibbli u għal proċessi u servizzi koordinati.


(1)  ĠU C 49, 28.2.2006, p. 37.

(2)  ĠU C …


16.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

CE 242/11


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) NRU 12/2007

adottata mill-Kunsill fit-23 ta' Lulju 2007

bil-ħsieb li tadotta d-Direttiva …/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta' l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/C 242 E/02)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175 (1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

L-ilmijiet marini taħt is-sovranità u l-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea jinkludu ilmijiet fil-Baħar Mediterran, fil-Baħar Baltiku, fil-Baħar l-Iswed u fl-Oċean Atlantiku tal-Grigal, inklużi l-ilmijiet ta' madwar l-Ażores, il-Madeira u l-Gżejjer Kanarji.

(2)

Huwa evidenti li l-pressjonijiet fuq riżorsi naturali marini u d-domanda għal servizzi ekoloġiċi marini huma ta' spiss għoljin wisq u li l-Komunità teħtieġ li tnaqqas l-impatt tagħha fuq l-ilmijiet marini.

(3)

L-ambjent marin huwa wirt prezzjuż li għandu jiġi protett, ippreservat u, fejn prattikabbli, restawrat bl-għan aħħari li tkun ippreservata l-bijodiversità u mantenuti oċeani u ibħra diversi u dinamiċi li jkunu nodfa, sani u produttivi. F'dak ir-rigward huwa meħtieġ li din id-Direttiva tipprovdi s-sinsla ambjentali tal-Politika Marina futura għall-Unjoni Ewropea.

(4)

Konformement mad-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-Komunità (4), ġiet żviluppata strateġija tematika għall-protezzjoni u l-konservazzjoni ta' l-ambjent marin bl-għan ġenerali li tippromwovi l-użu sostenibbli ta' l-ibħra u tikkonserva l-ekosistemi marini.

(5)

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija tematika għandhom ikunu mmirati lejn il-konservazzjoni ta' l-ekosistemi marini. Dan l-approċċ għandu jinkludi żoni protetti, u għandu jindirizza l-attivitajiet umani kollha li għandhom impatt fuq l-ambjent marin.

(6)

Huwa meħtieġ li jkomplu jiġu stabbiliti miri u oqfsa ta' referenza bijoloġiċi u ambjentali b'kont meħud ta' l-objettivi stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (5) (minn hawn 'il quddiem imsejħa d-Direttiva dwar il-Habitats), id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi (6) (minn hawn 'il quddiem imsejħa d-Direttiva dwar l-Għasafar), id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (7), u ftehim internazzjonali rilevanti oħrajn.

(7)

Bl-applikazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema fil-ġestjoni ta' l-attivitajiet tal-bniedem filwaqt li jkun permess l-użu sostenibbli ta' prodotti u servizzi marini, għandha tingħata prijorità lill-kisba jew iż-żamma ta' status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin Komunitarju, għall-kontinwazzjoni tal-protezzjoni u tal-preservazzjoni tiegħu, u għall-prevenzjoni ta' deterjorament sussegwenti.

(8)

Sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, huwa meħtieġ qafas legali trasparenti u koerenti. Dan il-qafas għandu jikkontribwixxi għall-koerenza bejn linji politiċi differenti u jħaddan l-integrazzjoni ta' interessi ambjentali f'linji politiċi oħra, bħall-Politika Komuni dwar is-Sajd, il-Politika Agrikola Komuni u linji politiċi Komunitarji rilevanti oħrajn. Il-qafas leġislattiv għandu jipprovdi qafas ġenerali għal azzjoni u jippermetti li din l-azzjoni tkun tista' tittieħed b'mod koordinat, konsistenti u integrat sewwa ma' azzjoni taħt leġislazzjoni Komunitarja oħra u taħt ftehim internazzjonali.

(9)

Il-kondizzjonijiet, il-problemi u l-ħtiġijiet diversi tar-Reġjuni Marini jew Sub-Reġjuni varji li jiffurmaw l-ambjent marin fil-Komunità jeħtieġu soluzzjonijiet differenti u speċifiċi. Dik id-diversità għandha titqies fl-istadji kollha tal-preparazzjoni ta' l-istrateġiji marini, iżda speċjalment waqt il-preparazzjoni, l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-miżuri sabiex jintlaħaq status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin tal-Komunità fil-livell tar-Reġjuni u Sub-Reġjuni Marini.

(10)

Kull Stat Membru għandu għalhekk jiżviluppa Strateġija Marina għall-ilmijiet marini tiegħu li, filwaqt li tkun speċifika għall-ilmijiet tiegħu, tkun tirrifletti l-perspettiva ġenerali tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin partikolari. L-Istrateġiji Marini għandhom jirriżultaw fl-eżekuzzjoni ta' programmi ta' miżuri mfassla sabiex jilħqu jew iżommu status ambjentali tajjeb. Madankollu, l-Istati Membri m'għandhomx ikunu meħtieġa jieħdu passi speċjali fejn m'hemm l-ebda riskju sinifikanti għall-ambjent marin, jew fejn l-ispejjeż ikunu sproporzjonati b'kont meħud tar-riskji għall-ambjent marin, sakemm tkun ġustifikata adegwatament kull deċiżjoni sabiex ma titteħidx azzjoni.

(11)

Minħabba n-natura transkonfinali ta' l-ambjent marin, l-Istati Membri għandhom jikkoperaw sabiex jiżguraw l-iżvilupp koordinat ta' Strateġiji Marini għal kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin. Billi r-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini huma kondiviżi kemm ma' Stati Membri oħra kif ukoll ma' pajjiżi terzi, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jiżguraw koordinazzjoni stretta ma' l-Istati Membri kollha u ma' pajjiżi terzi konċernati. Fejn ikun prattiku u kunsiljabbli, l-istrutturi istituzzjonali eżistenti stabbiliti f'Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini, b'mod partikolari Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, għandhom jintużaw sabiex jiżguraw tali koordinazzjoni.

(12)

L-Istati Membri li għandhom fruntieri fuq l-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin koperti minn din id-Direttiva, fejn l-istatus tal-baħar hu kritiku sal-punt li tinħtieġ azzjoni urġenti, għandhom ifittxu li jaqblu dwar pjan ta' azzjoni li jinkludi bidu iżjed bikri għall-operazzjoni ta' programmi ta' miżuri. F'tali każijiet, il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna tikkunsidra li tipprovdi azzjoni ta' appoġġ lill-Istati Membri għall-isforzi aktar qawwija tagħhom sabiex itejbu l-ambjent marin billi jagħmlu r-reġjun in kwistjoni proġett ta' sperimentazzjoni.

(13)

Mhux l-Istati Membri kollha għandhom ilmijiet marini kif definiti f'din id-Direttiva u, għalhekk, l-effett tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li jindirizzaw esklussivament lill-Istati Membri li għandhom ilmijiet marini għandu jkun limitat għal dawk l-Istati Membri.

(14)

Ladarba hija indispensabbli azzjoni fil-livell internazzjonali sabiex jinkisbu l-koperazzjoni u l-koordinazzjoni, din id-Direttiva għandha ssaħħaħ aktar il-koerenza tal-kontribut tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha taħt ftehim internazzjonali.

(15)

Il-Komunità u l-Istati Membri huma rispettivament Partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) approvata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta' Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea ta' l-UNCLOS u l-Ftehim tat-28 ta' Lulju 1994 relatat ma' l-implimentazzjoni tal-Parti XI tagħha (8). Għandu għalhekk jittieħed kont sħiħ f'din id-Direttiva ta' l-obbligi tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha taħt dak il-ftehim.

(16)

Din id-Direttiva għandha wkoll tappoġġa l-pożizzjoni qawwija meħuda mill-Komunità, fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE (9), dwar it-twaqqif tat-telfien tal-bijodiversità, l-assigurazzjoni tal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina u l-ħolqien ta' network globali ta' żoni marini protetti sa l-2012. Addizzjonalment, hi għandha tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-objettivi tas-Seba' Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, li adottat programm elaborat ta' ħidma dwar il-bijodiversità marina u kostali b'numru ta' għanijiet, miri u attivitajiet maħsuba sabiex iwaqqfu t-telfien tal-bijodiversità bijoloġika nazzjonali, reġjonali u globali u sabiex jassiguraw il-kapaċità ta' l-ekosistemi marini li jsostnu l-provvista ta' prodotti u servizzi, u programm ta' ħidma f'żoni protetti bl-objettiv li jitwaqqfu u jinżammu sistemi ekoloġikament rappreżentattivi ta' żoni marini protetti sa l-2012. L-obbligu li l-Istati Membri jagħżlu żoni għan-Natura 2000 skond id-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Habitats jagħmel kontribut importanti għal dan il-proċess.

(17)

Din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi għat-twettiq ta' l-obbligi u ta' l-impenji importanti tal-Komunità u ta' l-Istati Membri skond diversi ftehim internazzjonali rilevanti rigward il-protezzjoni ta' l-ambjent marin mit-tniġġis: il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/157/KE tal-21 ta' Frar 1994 (10), il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marin tal-Grigal ta' l-Atlantiku, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/249/KE (11), inkluż l-Anness V il-ġdid tagħha dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta' l-Ekosistemi u d-Diversità Bijoloġika taż-Żona Marina u l-Appendiċi 3 korrispondenti, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/340/KE tat-8 ta' Mejju 2000 (12), u l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marin u ż-Żona Kostali tal-Mediterran, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/585/KEE (13), u l-emendi tagħha mill-1995, approvati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/802/KE (14), kif ukoll il-Protokoll tagħha dwar il-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis minn Sorsi Bbażati Fuq l-Art, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 83/101/KEE (15), u l-emendi tagħha mill-1996, approvati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/801/KE (16). Din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ ta' l-obbligi ta' l-Istati Membri taħt il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed Kontra t-Tniġġis, li permezz tagħha assumew impenji importanti rigward il-protezzjoni ta' l-ambjent marin mit-tniġġis, u li għaliha l-Komunità għadha mhijiex parti, iżda għandha status ta' osservatur.

(18)

Huwa meħtieġ li pajjiżi terzi li jkollhom ilmijiet marini fl-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin ma' Stat Membru jiġu mistiedna sabiex jipparteċipaw fil-proċess stabbilit f'din id-Direttiva, sabiex b'hekk jiffaċilitaw il-kisba ta' status ambjentali tajjeb fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat.

(19)

L-assigurazzjoni ta' l-integrazzjoni ta' objettivi ta' konservazzjoni, ta' miżuri ta' ġestjoni u ta' attivitajiet ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni stabbiliti għal żoni marini protetti li l-Istati Membri jistgħu jixtiequ jindikaw bħala parti minn programmi ta' miżuri hija kruċjali sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' din id-Direttiva.

(20)

Ladarba l-programmi ta' miżuri esegwiti skond l-Istrateġiji Marini ser ikunu effettivi biss jekk ikunu maħsuba fuq il-bażi ta' konoxxenza tajba ta' l-istat ta' l-ambjent marin f'żona partikolari u huma mfassla viċin kemm jista' jkun il-ħtiġijiet ta' l-ilmijiet konċernati fil-każ ta' kull Stat Membru u mill-perspettiva ġenerali tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, huwa meħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet għall-preparazzjoni f'livell nazzjonali ta' qafas adatt, inklużi riċerka marina u operazzjonijiet ta' monitoraġġ, għat-tfassil ta' politika b'mod infurmat. Fil-livell Komunitarju, l-appoġġ għal riċerka assoċjata għandu jkun kontinwament inkluż fil-linji politiċi tar-riċerka u l-iżvilupp. Ir-rikonoxximent ta' kwistjonijiet marini fis-Seba' Programm Kwadru dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp huwa pass importanti f'dik id-direzzjoni.

(21)

Bħala l-ewwel pass fil-preparazzjoni ta' programmi ta' miżuri, l-Istati Membri li jokkupaw Reġjun jew Sub-Reġjun Marin għandhom jagħmlu analiżi tal-karatteristiċi ta', u tal-pressjonijiet u impatti fuq, l-ilmijiet marini tagħhom, b'mod li jidentifikaw il-pressjonijiet u l-impatti predominanti fuq dawk l-ilmijiet, u analiżi ekonomika u soċjali ta' l-użu tagħhom u ta' l-ispiża tad-degradazzjoni ta' l-ambjent marin. Huma jistgħu jużaw valutazzjonijiet li diġà saru fil-kuntest ta' Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali bħala bażi għall-analiżi tagħhom.

(22)

Abbażi ta' tali analiżi, l-Istati Membri għandhom imbagħad jiddeterminaw għall-ilmijiet marini tagħhom sett ta' karatteristiċi għal status ambjentali tajjeb. Għal dawn l-għanijiet, huwa kunsiljabbli li ssir dispożizzjoni għall-iżvilupp ta' kriterji u standards metodoloġiċi sabiex tkun żgurata l-konsistenza u sabiex ikun jista' jsir tqabbil bejn ir-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini sal-punt li fih ikun qed jintlaħaq status ambjentali tajjeb.

(23)

Il-pass li jmiss sabiex jintlaħaq status ambjentali tajjeb għandu jkun li jiġu stabbiliti miri ambjentali u programmi ta' monitoraġġ għal valutazzjoni kontinwa, li jippermettu li l-istat ta' l-ilmijiet marini konċernati jiġi evalwat fuq bażi regolari.

(24)

L-Istati Membri għandhom imbagħad jistabbilixxu u jimplimentaw programmi ta' miżuri maħsuba sabiex jilħqu jew iżommu status ambjentali tajjeb fl-ilmijiet konċernati, filwaqt li jakkomodaw ir-rekwiżiti Komunitarji u internazzjonali eżistenti u l-ħtiġijiet tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat.

(25)

Huwa kunsiljabbli li l-Istati Membri jieħdu l-passi msemmija hawn fuq, fid-dawl tal-preċiżjoni meħtieġa fl-attenzjoni li tingħata. Sabiex tkun żgurata l-koeżjoni ta' l-azzjoni fil-Komunità kollha u fir-rigward ta' l-impenji fil-livell globali, huwa essenzjali li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-passi meħudin, sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta l-koerenza ta' l-azzjoni mal-firxa tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat u tavża kif meħtieġ lill-Istati Membri.

(26)

Għall-finijiet ta' ġustizzja u fattibbiltà, huwa kunsiljabbli li ssir dispożizzjoni għall- każijiet fejn ikun impossibbli għal Stat Membru li jilħaq il-livell ta' ambizzjoni tal-miri ambjentali stabbiliti.

(27)

F'dak il-kuntest huwa meħtieġ li ssir dispożizzjoni għal żewġ każijiet speċjali. L-ewwel każ speċjali jirriferi għal sitwazzjoni fejn ikun impossibbli għal Stat Membru li jilħaq il-miri ambjentali tiegħu minħabba azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni li l-Istat Membru konċernat ma jkunx risponsabbli għalihom, jew minħabba kawżi naturali jew force majeure, jew minħabba azzjonijiet li dak l-Istat Membru jkun ħa hu stess għal raġunijiet prevalenti ta' interess pubbliku li jissuperaw l-impatt negattiv fuq l-ambjent, jew minħabba li l-kondizzjonijiet naturali ma jippermettux titjib f'waqtu fl-istatus ta' l-ilmijiet marini. L-Istat Membru konċernat għandu jissostanzja għaliex huwa jikkunsidra li nqala' tali każ speċjali u jidentifika ż-żona konċernata, u għandu jieħu miżuri ad hoc adegwati bl-għan li jkompli jsegwi l-miri ambjentali,li jipprevjeni deterjorament ulterjuri fl-istatus ta' l-ilmijiet marini milqutin uli jtaffi l-impatt avvers fuq ir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat.

(28)

It-tieni każ speċjali jirriferi għal sitwazzjoni fejn Stat Membru jidentifika kwistjoni li jkollha impatt fuq l-istatus ambjentali ta' l-ilmijiet marini tiegħu, forsi anke tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat kollu, iżda li ma tistax tiġi solvuta b'miżuri meħuda fil-livell nazzjonali jew li tkun marbuta ma' xi politika Komunitarja oħra jew ma' ftehim internazzjonali. F'tali każ, għandhom isiru arranġamenti sabiex il-Kummissjoni tiġi infurmata b'dan fil-qafas tan-notifika ta' programmi ta' miżuri u, fejn tkun meħtieġa azzjoni Komunitarja, sabiex isiru rakkomandazzjonijiet meħtieġa lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

(29)

Madankollu, huwa meħtieġ li l-flessibbiltà introdotta għall-każijiet speċjali tkun suġġetta għal kontroll fil-livell Komunitarju. Rigward l-ewwel każ speċjali, huwa għalhekk kunsiljabbli li, matul il-valutazzjoni, tingħata l-attenzjoni dovuta lill-effikaċja ta' kwalunkwe miżura ad hoc meħuda. Barra dan, f'każijiet fejn l-Istat Membru jirriferi għal azzjoni meħuda għal raġunijiet prevalenti fl-interess pubbliku, għandu jkun żgurat li kwalunkwe bidla li ssir fl-ambjent marin bħala konsegwenza ma tipprekludix jew tikkomprometti b'mod permanenti l-kisba ta' status ambjentali tajjeb fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat jew fl-ilmijiet marini ta' Stati Membri oħrajn. Il-Kummissjoni għandha tagħti parir lill-Istati Membri kif meħtieġ jekk hija tqis li l-miżuri previsti mhumiex suffiċjenti jew adattati sabiex jiżguraw koerenza ta' azzjoni mal-firxa tar-Reġjun jew Sub-Reġjun konċernat.

(30)

Rigward it-tieni każ speċjali, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-kwistjoni u tirrispondi f'perijodu ta' sitt xhur. Il-Kummissjoni għandha tirrifletti, skond kif ikun meħtieġ, rakkomandazzjonijiet ta' l-Istat Membru konċernat meta tippreżenta proposti relatati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(31)

Fid-dawl tan-natura dinamika ta' l-ekosistemi marini u tal-varjabbiltà naturali tagħhom, u fid-dawl tal-pressjonijiet u l-impatti fuqhom jistgħu jvarjaw bl-evoluzzjoni ta' tipi differenti ta' attività umana u bl-impatt tat-tibdil fil-klima, huwa essenzjali li jingħaraf li d-determinazzjoni ta' status ambjentali tajjeb tista' jkollha tiġi adattata maż-żmien. B'hekk, huwa kunsiljabbli li l-programmi ta' miżuri għall-protezzjoni u l-ġestjoni ta' l-ambjent marin jkunu flessibbli u adattabbli u jieħdu kont ta' żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet għall-aġġornament ta' l-Istrateġiji Marini fuq bażi regolari.

(32)

Huwa meħtieġ ukoll li jsiru dispożizzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta' programmi ta' miżuri u ta' l-aġġornamenti tagħhom, u għall-preżentazzjoni lill-Kummissjoni ta' rapporti interim li jiddeskrivu l-progress fl-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi.

(33)

Sabiex jiġi żgurat l-involviment attiv tal-pubbliku ġenerali fl-istabbiliment, fl-implimentazzjoni u l-aġġornament ta' l-Istrateġiji Marini, għandu jsir provvediment għad-disseminazzjoni ta' informazzjoni pubblika adegwata dwar l-elementi differenti ta' l-Istrateġiji Marini, jew dwar l-aġġornamenti relatati tagħhom, kif ukoll, meta tintalab, informazzjoni rilevanti użata għall-iżvilupp ta' l-Istrateġiji Marini skond il-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni ambjentali.

(34)

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-ewwel rapport ta' evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fi żmien sentejn minn meta tirċievi l-programmi ta' miżuri kollha u, fi kwalunkwe każ, sa mhux aktar tard mill-2021. Għandhom jiġu ppubblikati rapporti sussegwenti tal-Kummissjoni kull sitt snin minn dakinhar 'il quddiem.

(35)

Għandu jsir provvediment għall-adozzjoni ta' standards metodoloġiċi għall-valutazzjoni ta' l-istatus ta' l-ambjent marin, tal-monitoraġġ, tal-miri ambjentali u ta' l-adozzjoni ta' formati tekniċi għall-finijiet ta' trasmissjoni u pproċessar ta' data skond id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika (Inspire) (17).

(36)

Huwa meħtieġ li l-miżuri li jirregolaw il-ġestjoni tas-sajd jittieħdu biss fil-kuntest tal-Politika Komuni tas-Sajd, kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (18), ibbażati fuq pariri xjentifiċi, u għalhekk din id-Direttiva ma tindirizzax tali miżuri. L-Artikoli 30 u 31 tat-Trattat Euratom jirregolaw l-iskarigi u l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-użu ta' materjal radjuattiv u għalhekk din id-Direttiva ma għandhiex tindirizzahom.

(37)

Il-Politika Komuni tas-Sajd għandha tikkunsidra l-impatti ambjentali tas-sajd u l-objettivi ta' din id-Direttiva.

(38)

Fil-każ li l-Istati Membri jikkunsidraw li tkun meħtieġa azzjoni fl-oqsma msemmija hawn fuq jew f'oqsma oħra marbuta ma' xi politika Komunitarja oħra jew ma' ftehim internazzjonali, huma għandhom jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa għal azzjoni Komunitarja.

(39)

Ladarba l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-protezzjoni u l-preservazzjoni ta' l-ambjent marin, il-prevenzjoni tad-deterjorament tiegħu u fejn applikabbli r-restawr ta' dak l-ambjent f'żoni fejn ġie milqut ħażin, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tad-Direttiva, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(40)

Il-programmi ta' miżuri u l-azzjoni sussegwenti mill-Istati Membri għandhom ikunu bbażati fuq approċċ ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni ta' l-ekosistema għall-ġestjoni ta' l-attivitajiet umani u fuq il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 174 tat-Trattat, b'mod partikolari l-prinċipju ta' prekawzjoni.

(41)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u tosserva l-prinċipji, rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (19), b'mod partikolari l-Artikolu 37 tagħha li huwa maħsub sabiex jippromwovi l-integrazzjoni fil-linji politiċi ta' l-Unjoni ta' livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u ta' titjib fil-kwalità ambjentali konformement mal-prinċipju ta' żvilupp sostenibbli.

(42)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (20).

(43)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex tadatta l-Annessi III, IV u V ta' din id-Direttiva għall-progress xjentifiku u tekniku. Billi dawk il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(44)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex tistabbilixxi kriterji u standards metodoloġiċi għar-rikonoxximent ta' status ambjentali tajjeb u sabiex tadotta speċifikazzjonijiet u metodi standardizzati għall-monitoraġġ u valutazzjoni. Billi dawk il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jissupplimentaw din id-Direttiva biż-żieda ta' elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni u l-preservazzjoni ta' l-ambjent marin, għall-prevenzjoni tad-deterjorament tiegħu u, fejn applikabbli, għar-restawr ta' dak l-ambjent f'żoni fejn ġie milqut ħażin.

Għal dak il-fini, għandhom jiġu żviluppati u implimentati Strateġiji Marini bl-għan li jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin sa mhux aktar tard mis-sena 2021.

2.   L-Istrateġiji Marini għandhom japplikaw approċċ ibbażat fuq il-konsiderazzjoni ta' l-ekosistema għall-ġestjoni ta' l-attivitajiet tal-bniedem filwaqt li jippermettu l-użu sostenibbli ta' prodotti u servizzi marini.

3.   Din id-Direttiva għandha tikkontribwixxi għall-koerenza bejn, u jkollha l-għan li tiżgura l-integrazzjoni ta' interessi ambjentali fil-linji politiċi, fi ftehim u f'miżuri leġislattivi differenti li jkollhom impatt fuq l-ambjent marin.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ilmijiet marini kollha kif definiti fl-Artikolu 3(1).

2.   Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal attivitajiet li l-uniku fini tagħhom hu d-difiża jew is-sigurtà nazzjonali. L-Istati Membri għandhom, madankollu, ifittxu li jiżguraw li tali attivitajiet jitwettqu b'mod li jkun kompatibbli, safejn hu raġonevoli u prattikabbli, ma' l-objettivi ta' din id-Direttiva.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“ilmijiet marini” tfisser ilmijiet, il-qiegħ tal-baħar u s-subsoil tan-naħa tal-baħar tal-linja bażi minn fejn il-medda ta' l-ilmijiet territorjali hija mkejla li testendi sat-tarf nett taż-żona fejn Stat Membru ikollu u/jew jeżerċita drittijiet ta' ġurisdizzjoni, skond l-UNCLOS, bl-eċċezzjoni ta' ilmijiet li jmissu mat-territorji u territorji msemmija fl-Anness II mat-Trattat u mad-Dipartimenti u Kollettivitajiet Esteri Franċiżi. L-ilmijiet marini fuq in-naħa tal-baħar tal-linja bażi li għalihom tapplika d-Direttiva 2000/60/KE huma inklużi biss safejn huma konċernati elementi rilevanti għall-protezzjoni ta' l-ambjent marin li mhumiex fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2000/60/KE;

(2)

“Reġjun Marin” tfisser reġjun tal-baħar li huwa identifikat taħt l-Artikolu 4. Ir-reġjuni Marini u s-Sub-Reġjuni tagħhom huma denominati għall-fini tal-faċilitazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u huma ddeterminati b'kont meħud tal-karatteristiċi idroloġiċi, oċeanografiċi u bijoġeografiċi;

(3)

“Strateġija Marina” tfisser l-Istrateġija li għandha tiġi żviluppata u implimentata fir-rigward ta' kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat kif stabbilit fl-Artikolu 5;

(4)

“status ambjentali” tfisser l-istat ġenerali ta' l-ambjent fl-ilmijiet marini, b'kont meħud ta' l-istruttura, tal-funzjoni u tal-proċessi ta' l-ekosistemi marini kostitwenti flimkien mal-fatturi naturali fisjografiċi, ġeografiċi u klimatiċi, kif ukoll il-kondizzjonijiet fiżiċi u kimiċi inklużi dawk li jirriżultaw minn attivitajiet tal-bniedem fiż-żona konċernata;

(5)

“status ambjentali tajjeb” tfisser l-istatus ambjentali ta' ilmijiet marini fejn dawn jikkostitwixxu oċeani u ilmijiet ekoloġikament diversi u dinamiċi li jkunu nodfa, b'saħħithom u produttivi fil-kondizzjonijiet intrinsiċi tagħhom, u fejn l-użu ta' l-ambjent marin huwa f'livell li jkun sostenibbli, u li b'hekk jissalvagwardja l-potenzjal għall-użi u attivitajiet minn ġenerazzjonijiet attwali u futuri, jiġifieri:

(a)

l-istruttura, il-funzjonijiet u l-proċessi ta' l-ekosistemi marini, flimkien mal-fatturi assoċjati fisjografiċi, ġeografiċi u klimatiċi, jippermettu dawk l-ekosistemi sabiex jiffunzjonaw bis-sħiħ u sabiex iżommu r-reżiljenza tagħhom. L-ispeċijiet u l-habitats marini ikunu protetti, it-tnaqqis tal-bijodiversità kkaġunat mill-bniedem ikun impedit u komponenti bijoloġiċi differenti jiffunzjonaw f'armonija;

(b)

il-proprjetajiet idro-morfoloġiċi, fiżiċi u kimiċi, ta' l-ekosistemi, inklużi dawk il-proprjetajiet li jirriżultaw minn attivitajiet tal-bniedem fiż-żona konċernata, jappoġġaw l-ekosistemi kif deskritt hawn fuq. L-inputs antropoġeniċi ta' sustanzi u enerġija fl-ambjent marin ma jikkaġunawx effetti ta' tniġġis.

L-istatus ambjentali tajjeb għandu jiġi determinat fil-livell tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin kif imsemmi fl-Artikolu 4, abbażi tad-deskritturi kwalitattivi ġeneriċi fl-Anness I. Għandha tiġi applikata ġestjoni li tadatta abbażi ta' l-approċċ favur l-ekosistema sabiex isir progress lejn status ambjentali tajjeb;

(6)

“kriterji” tfisser karatteristiċi tekniċi distintivi li huma marbutin mill-qrib ma' deskritturi kwalitattivi ġeneriċi;

(7)

“mira ambjentali” tfisser dikjarazzjoni kwalitattiva jew kwantitattiva dwar il-kondizzjoni mixtieqa tal-komponenti differenti ta' l-ilmijiet marini fir-rigward ta' kull Reġjun jew Sub-Reġjun. Il-miri ambjentali għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikolu 10;

(8)

“tniġġis” tfisser introduzzjoni diretta jew indiretta fl-ambjent marin, kaġun ta' attività tal-bniedem, ta' sustanzi jew ta' enerġija, inkluż storbju taħt il-baħar ikkawżat mill-bniedem, li jirriżulta jew x'aktarx jirriżulta f'effetti detrimentali bħal ħsara lir-riżorsi ħajjin u l-ekosistemi marini, perikli għas-saħħa tal-bniedem, tfixkil ta' attivitajiet marini, inklużi s-sajd, it-turiżmu u r-rekreazzjoni u użu leġittimu ieħor tal-baħar, ħsara fil-kwalità ta' l-użu ta' l-ilma baħar u tnaqqis ta' amenitajiet jew, b'mod ġenerali, ħsara lill-użu sostennibbli ta' prodotti jew servizzi marini;

(9)

“żona speċifika” tfisser żona fl-ilmijiet marini ta' Stat Membru fejn ma jistgħux jinkisbu miri ambjentali permezz ta' miżuri meħudin minn dak l-Istat Membru minħabba raġunijiet elenkati fl-Artikolu 14;

(10)

“koperazzjoni reġjonali” tfisser koperazzjoni u koordinazzjoni ta' attivitajiet bejn Stati Membri u, kull meta possibbli, pajjiżi terzi li jikkondividu l-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, bil-fini li jiġu żviluppati u implimentati Strateġiji Marini;

(11)

“Konvenzjoni dwar Baħar Reġjonali” tfisser kwalunkwe mill-konvenzjonijiet internazzjonali jew ftehim internazzjonali flimkien mal-korpi governattivi tagħhom stabbiliti bil-fini li jiġi protett l-ambjent marin tar-Reġjuni Marini imsemmijin fl-Artikolu 4, bħall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marin tal-Baħar Baltiku, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marin ta' l-Atlantiku tal-Grigal u l-Konvenzjoni għall-Ambjent Marin u r-Reġjun Kostali tal-Baħar tal-Mediterran.

Artikolu 4

Reġjuni u Sub-Reġjuni Marini

1.   L-Istati Membri għandhom, fl-implimentazzjoni ta' l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva, jieħdu kont tal-fatt li l-ilmijiet marini koperti mis-sovranità u l-ġurisdizzjoni tagħhom jifformaw parti integrali mir-Reġjuni Marini li ġejjin:

(a)

il-Baħar Baltiku;

(b)

l-Oċean Atlantiku tal-Grigal;

(ċ)

il-Baħar Mediterran;

(d)

il-Baħar l-Iswed.

2.   L-Istati Membri jistgħu, sabiex jieħdu kont ta' l-ispeċifiċitajiet ta' żona partikolari, jimplimentaw din id-Direttiva b'referenza għas-subdiviżjonijiet fil-livell adatt ta' l-ilmijiet marini msemmijin fil-paragrafu 1, sakemm tali subdiviżjonijiet ikunu delimitati b'mod kompatibbli mas-Sub-Reġjuni Marini li ġejjin:

(a)

fl-Oċean Atlantiku tal-Grigal:

(i)

il-Baħar tat-Tramuntana l-Kbir, inklużi l-Kattegat u l-Kanal Ingliż;

(ii)

l-Ilmijiet Ċeltiċi;

(iii)

il-Bajja ta' Biskajja u l-Kosta ta' l-Iberja;

(iv)

fl-Oċean Atlantiku, ir-reġjun bijo-ġeografiku Makaroneżjan, li jikkonsisti mill-ilmijiet ta' madwar l-Ażores, il-Madeira u l-Gżejjer Kanarji;

(b)

fil-Baħar Mediterran:

(i)

il-Baħar Mediterran tal-Punent;

(ii)

il-Baħar Adrijatiku;

(iii)

il-Baħar Jonju u l-Baħar Mediterran Ċentrali;

(iv)

il-Baħar Eġew u tal-Lvant.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe subdiviżjoni sad-data speċifikata fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 24(1) iżda jistgħu jirriveduhom hekk kif titlesta l-ewwel valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2), punt (a)(i).

Artikolu 5

Strateġiji Marini

1.   Kull Stat Membru għandu, fir-rigward ta' kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, jiżviluppa Strateġija Marina għall-ilmijiet marini tiegħu skond il-pjan ta' azzjoni stabbilit fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkoperaw sabiex jiżguraw li, f'kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, il-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex jinkisbu l-objettivi ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari l-elementi differenti ta' l-Istrateġiji Marini msemmijin fil-punti (a) u (b), ikunu kkoordinati, kif ġej:

(a)

preparazzjoni:

(i)

valutazzjoni inizjali, li għandha titlesta sa … (21), ta' l-istatus ambjentali attwali ta' l-ilmijiet konċernati u ta' l-impatt ambjentali ta' l-attivitajiet tal-bniedem fuq dan, skond l-Artikolu 8;

(ii)

determinazzjoni, li għandha tiġi stabbilita sa … (21), ta' status ambjentali tajjeb għall-ilmijiet konċernati, skond l-Artikolu 9(1);

(iii)

l-istabbiliment, sa … (22), ta' serje ta' miri ambjentali u ta' indikaturi assoċjati, skond l-Artikolu 10(1);

(iv)

l-istabbiliment u l-implimentazzjoni, sa … (23) ħlief fejn ikun diversament speċifikat fil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti, ta' programm ta' monitoraġġ għall-valutazzjoni kontinwa u għall-aġġornamenti regolari tal-miri, skond l-Artikolu 11(1).

(b)

programmi ta' miżuri:

(i)

l-iżvilupp, sa mhux aktar tard mill-2016, ta' programm ta' miżuri maħsub sabiex jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb, skond l-Artikolu 13(1), (2) u (3);

(ii)

il-bidu ta' l-operazzjoni tal-programm previst fil-punt (i), sa mhux aktar tard mill-2018, skond l-Artikolu 13(7).

3.   L-Istati Membri li għandhom fruntieri fuq l-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin koperti minn din id-Direttiva huma esortati, fejn l-istatus tal-baħar ikun tant kritiku li jkun jeħtieġ azzjoni urġenti, li jfittxu li jaqblu dwar pjan ta' azzjoni skond il-paragrafu 1, li jinkludi bidu iżjed bikri għall-operazzjoni ta' programmi ta' miżuri. F'dawn il-każijiet:

(a)

l-Istati Membri konċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-iskeda ta' żmien riveduta tagħhom u jipproċedu skond il-każ;

(b)

il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna tikkunsidra li tipprovdi azzjoni ta' appoġġ lill-Istati Membri għall-isforzi msaħħa tagħhom sabiex itejbu l-ambjent marin billi jagħmlu r-reġjun in kwistjoni proġett ta' sperimentazzjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw l-elementi kollha ta' l-istrateġiji marini msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, iżda meta jagħmlu dan huma m'għandhomx ikunu meħtieġa jieħdu passi speċifiċi fejn ma jkun hemm l-ebda riskju sinifikanti għall-ambjent marin, jew fejn l-ispejjeż ikunu sproporzjonati b'kont meħud tar-riskji għall-ambjent marin.

Fejn, għal xi waħda minn dawn ir-raġunijiet, Stat Membru ma jagħmel ebda pass, hu għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bil-ġustifikazzjoni meħtieġa sabiex jissostanzja d-deċiżjoni tiegħu.

Artikolu 6

Koperazzjoni reġjonali

1.   Sabiex tinkiseb il-koordinazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2), l-Istati Membri għandhom, fejn ikun prattiku u kunsiljabbli, jużaw strutturi reġjonali ta' koperazzjoni istituzzjonali, inkluż dawk taħt il-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, li jkopru dak ir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

2.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, f'kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, jagħmlu kull sforz, bl-użu tal-fora internazzjonali rilevanti, inklużi mekkaniżmi u strutturi ta' Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali, sabiex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi li jkollhom sovranità jew ġurisdizzjoni fuq l-ilmijiet fl-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

F'dak il-kuntest, l-Istati Membri għandhom, sa fejn ikun possibbli, jibnu fuq programmi u attivitajiet eżistenti rilevanti żviluppati fil-qafas ta' strutturi stabbiliti taħt ftehim internazzjonali bħall-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali.

Il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni għandhom jiġu estiżi, fejn kunsiljabbli, għall-Istati Membri kollha fiż-żona ta' lqugħ ta' ilma ta' Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, inklużi l-pajjiżi mdawra bl-art, sabiex jippermettu lill-Istati Membri fi ħdan dak ir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin jwettqu l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva, bl-użu ta' strutturi ta' koperazzjoni stabbiliti li huma preskritti f'din id-Direttiva jew fid-Direttiva 2000/60/KE.

Artikolu 7

Awtoritajiet kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom, sa … (24), għal kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, jaħtru l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward ta' l-ilmijiet marini tagħhom.

Sa … (25), l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni lista ta' l-awtoritajiet kompetenti maħtura, flimkien ma' l-elementi ta' informazzjoni elenkati fl-Anness II.

Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni lista ta' l-awtoritajiet kompetenti tagħhom fir-rigward ta' dawk il-korpi internazzjonali li fihom huma jipparteċipaw u li huma rilevanti għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

L-Istati Membri fiż-żona ta' lqugħ ta' ilma ta' kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin għandhom ukoll jaħtru l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti għall-koperazzjoni u koordinazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6.

2.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil fl-informazzjoni pprovduta konformement mal-paragrafu 1 sa sitt xhur minn meta tali bidla tidħol fis-seħħ.

KAPITOLU II

STRATEĠIJI MARINI: PREPARAZZJONI

Artikolu 8

Valutazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu valutazzjoni inizjali ta' l-ilmijiet marini tagħhom, b'kont meħud ta' data eżistenti fejn disponibbli u li tkopri li ġej:

(a)

analiżi tal-karatteristiċi essenzjali u ta' l-istatus ambjentali attwali ta' dawk l-ilmijiet, ibbażata fuq il-listi indikattivi ta' elementi stabbiliti fit-Tabella 1 ta' l-Anness III, u li tkopri l-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi, it-tipi ta' habitats, il-karatteristiċi bijoloġiċi u l-idromorfoloġija;

(b)

analiżi tal-pressjonijiet u l-impatti predominanti, inklużi dawk li jirriżultaw mill-attività tal-bniedem, dwar il-karatteristiċi u l-istatus ambjentali ta' dawk l-ilmijiet, ibbażata fuq il-listi indikattivi ta' l-elementi stabbiliti fit-Tabella 2 ta' l-Anness III, u li tkopri t-taħlita kwalitattiva u kwantitattiva tal-pressjonijiet varji, kif ukoll ix-xejriet perċettibbli;

(ċ)

analiżi ekonomika u soċjali ta' l-użu ta' dawk l-ilmijiet marini u ta' l-ispiża tad-degradazzjoni ta' l-ambjent marin.

2.   L-analiżi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jieħdu kont ta' l-elementi li jirrigwardaw ilmijiet kostali, transizzjonali u territorjali koperti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2000/60/KE. Huma għandhom ukoll jieħdu kont ta', jew jużaw bħala l-bażi tagħhom, valutazzjonijiet rilevanti oħra bħal dawk imwettqa b'mod konġunt fil-kuntest tal-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali sabiex jipproduċu valutazzjoni komprensiva ta' l-istatus ta' l-ambjent marin.

Artikolu 9

Determinazzjoni ta' status ambjentali tajjeb

1.   B'referenza għall-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8(1), l-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta' kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, jiddeterminaw, għall-ilmijiet marini, sett ta' karatteristiċi għal status ambjentali tajjeb, abbażi tad-deskritturi kwalitattivi ġeneriċi elenkati fl-Anness I kif ukoll tal-kriterji u standards metodoloġiċi previsti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

Huma għandhom jieħdu kont tal-listi indikattivi ta' elementi stabbiliti fl-Anness III u, b'mod partikolari, tal-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi, tat-tipi ta' habitats, tal-karatteristiċi bijoloġiċi, u ta' l-idromorfoloġija.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-valutazzjoni magħmula skond l-Artikolu 8(1) u bid-determinazzjoni magħmula skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fi żmien tliet xhur minn din ta' l-aħħar.

3.   Il-kriterji u l-istandards metodoloġiċi għad-determinazzjoni ta' status ambjentali tajjeb, li huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu stabbiliti, abbażi ta' l-Annessi I u III, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 23(3) sa … (26) b'tali mod sabiex jiżguraw konsistenza u sabiex jippermettu għal tqabbil bejn ir-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini fir-rigward ta' kemm ikun qed jintlaħaq status ambjentali tajjeb. Qabel tipproponi tali kriterji u standards il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet kollha interessati, inklużi l-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali.

Artikolu 10

Stabbiliment ta' miri ambjentali

1.   Abbażi tal-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8(1), l-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta' kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, jistabbilixxu sett komprensiv ta' miri ambjentali u indikaturi assoċjati għall-ilmijiet marini tagħhom sabiex jiggwidaw il-progress lejn il-ksib ta' status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin, b'kont meħud tal-lista indikattiva ta' karatteristiċi stabbiliti fl-Anness IV.

Fit-tfassil ta' dawk il-miri u indikaturi, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta' l-applikazzjoni kontinwa ta' miri ambjentali eżistenti rilevanti, stabbiliti fil-livell nazzjonali, Komunitarju jew internazzjonali fir-rigward ta' l-istess ilmijiet, waqt li jiżguraw li dawn il-miri jkunu reċiprokament kompatibbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miri ambjentali fi żmien tliet xhur mill-istabbiliment tagħhom.

Artikolu 11

Programmi ta' monitoraġġ

1.   Abbażi tal-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8(1), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw programmi koordinati ta' monitoraġġ għall-valutazzjoni kontinwa ta' l-istatus ambjentali ta' l-ilmijiet marini tagħhom abbażi tal-lista indikattiva ta' elementi stabbiliti fl-Anness III u tal-lista stabbilita fl-Anness V, u b'referenza għall-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10.

Il-programmi ta' monitoraġġ għandhom jibnu fuq, u jkunu kompatibbli ma', dispożizzjonijiet rilevanti għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ stipulati bil-leġislazzjoni Komunitarja jew taħt ftehim internazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-programmi ta' monitoraġġ fi żmien tliet xhur mill-istabbiliment tagħhom.

3.   Għandhom jiġu adottati speċifikazzjonijiet u metodi standardizzati għall-monitoraġġ u għall-valutazzjoni li jieħdu kont ta' l-impenji eżistenti u li jiżguraw komparabbiltà bejn riżultati ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni u li jkunu mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva billi jissupplimentawha, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmi fl-Artikolu 23(3).

Artikolu 12

Notifiki u parir tal-Kummissjoni

Abbażi tan-notifiki magħmulin skond l-Artikoli 9(2), 10(2) u 11(2) fir-rigward ta' kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin, il-Kummissjoni għandha tavża lil kull Stat Membru dwar jekk l-elementi notifikati jikkostitwixxux qafas adegwat li jissodisfa r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

Fil-formulazzjoni tal-parir tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-koerenza ta' l-oqfsa fir-Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini differenti u mal-Komunità kollha u tista' titlob l-Istat Membru konċernat sabiex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun disponibbli u meħtieġa.

KAPITOLU III

STRATEĠIJI MARINI: PROGRAMMI TA' MIŻURI

Artikolu 13

Programmi ta' miżuri

1.   L-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta' kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, jidentifikaw il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb, kif determinat skond l-Artikolu 9(1), fl-ilmijiet marini tagħhom.

Dawk il-miżuri għandhom jitfasslu abbażi tal-valutazzjoni inizjali magħmula skond l-Artikolu 8(1) u b'referenza għall-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1), u b'konsiderazzjoni tat-tipi ta' miżuri elenkati fl-Anness VI.

2.   L-Istati Membri għandhom jintegraw il-miżuri mfassla skond il-paragrafu 1 fi programm ta' miżuri, b'kont meħud tal-miżuri rilevanti meħtieġa skond il-leġislazzjoni Komunitarja, b'mod partikolari d-Direttiva 2000/60/KE, jew ftehim internazzjonali.

3.   Fit-tfassil tal-programm ta' miżuri skond il-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni dovuta lill-iżvilupp sostenibbli u, b'mod partikolari, lill-impatti soċjali u ekonomiċi tal-miżuri previsti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri ikunu effikaċi fir-rigward ta' l-ispiża u li jkunu teknikament fattibbli, u għandhom iwettqu stimi ta' impatt, inklużi analiżi dettaljati tal-benefiċċji fir-rigward ta' l-ispiża, qabel l-introduzzjoni ta' kwalunkwe miżura ġdida.

4.   Il-programmi ta' miżuri stabbiliti skond dan l-Artikolu għandhom, fuq bażi esortatorja, jinkludu miżuri bħall-użu ta' żoni speċjali ta' konservazzjoni skond id-Direttiva 92/43/KEE u l-użu ta' żoni ta' protezzjoni speċjali skond id-Direttiva 79/409/KEE, u ta' żoni marini protetti kif miftiehma mill-Komunità jew mill-Istati Membri konċernati fil-qafas ta' ftehim internazzjonali jew reġjonali li għalihom ikunu Partijiet.

F'dan il-kuntest l-Istati Membri huma esortati li jiżguraw li dawn iż-żoni jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta' network koerenti u rappreżentattiv ta' żoni marini protetti.

5.   L-Istati Membri għandhom jindikaw fil-programmi ta' miżuri tagħhom kif il-miżuri għandhom jiġu implimentati u kif sejrin jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1).

6.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lil kwalunkwe Stat Membru ieħor konċernat bil-programmi ta' miżuri tagħhom, sa tliet xhur minn meta jiġu stabbiliti.

7.   Suġġett għall-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-programmi jsiru operattivi sa sentejn minn meta jiġu stabbiliti.

Artikolu 14

Eċċezzjonijiet

1.   Stat Membru jista' jidentifika żona speċifika fi ħdan l-ilmijiet marini tiegħu fejn, għal kwalunkwe raġuni elenkata taħt il-punti (a) sa (d), il-miri ambjentali ma jistgħux jintlaħqu permezz ta' miżuri meħuda minn dak l-Istat Membru, jew, għal raġunijiet imsemmija taħt il-punt (e), dawn ma jistgħux jintlaħqu fl-iskeda ta' żmien konċernata:

(a)

azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni li għalihom l-Istat Membru konċernat ma jkunx responsabbli;

(b)

kawżi naturali;

(ċ)

force majeure;

(d)

bidliet fil-karatteristiċi ta' l-ilmijiet marini kkawżati minn azzjonijiet meħuda minħabba raġunijiet ta' interess pubbliku prevalenti li jissuperaw l-impatt negattiv fuq l-ambjent, inkluż kwalunkwe impatt transkonfinali;

(e)

kondizzjonijiet naturali li ma jippermettux titjib f'ħin opportun fl-istatus ta' l-ilmijiet marini konċernati.

L-Istat Membru konċernat għandu jidentifika żoni bħal dawn b'mod ċar fil-programm tiegħu ta' miżuri u għandu jissostanzja l-veduti tiegħu lill-Kummissjoni. Fl-identifikazzjoni ta' żoni speċifiċi, Stat Membru għandu jikkunsidra l-konsegwenzi għall-Istati Membri fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat.

Madankollu, l-Istat Membru konċernat għandu jieħu miżuri ad hoc adegwati bl-għan li jkompli jfittex jilħaq il-miri ambjentali, sabiex jipprevjeni deterjorament ulterjuri fl-istatus ta' l-ilmijiet marini milqutin għal raġunijiet identifikati taħt il-punti (b), (ċ) jew (d) u sabiex itaffi l-impatt ħażin fil-livell tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat jew fl-ilmijiet marini ta' Stati Membri oħra.

2.   Fis-sitwazzjoni koperta mill-punt (d) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bidliet ma jeskludux jew ma jikkompromettux b'mod permanenti l-kisba ta' status ambjentali tajjeb fil-livell tar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat. jew fl-ilmijiet marini ta' Stati Membri oħra.

3.   Il-miżuri ad hoc imsemmijin fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jiġu integrati sa fejn ikun prattikabbli fil-programmi ta' miżuri.

Artikolu 15

Rakkomandazzjonijiet għal azzjoni Komunitarja

1.   Fejn Stat Membru jidentifika kwistjoni li jkollha impatt fuq l-istatus ambjentali ta' l-ilmijiet marini tiegħu u li ma tistax tiġi trattata b'miżuri adottati fil-livell nazzjonali, jew li tkun marbuta ma' xi politika Komunitarja oħra jew ma' ftehim internazzjonali ieħor, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni skond il-każ u jipprovdi ġustifikazzjoni sabiex jissostanzja l-fehma tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha twieġeb fi żmien sitt xhur.

2.   Fejn tkun meħtieġa azzjoni mill-istituzzjonijiet Komunitarji, l-Istati Membri għandhom jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għal miżuri fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti, il-Kummissjoni għandha twieġeb għal kwalunkwe rakkomandazzjoni bħal din fi żmien sitt xhur u, skond il-każ, tirrifletti r-rakkomandazzjonijiet meta tippreżenta proposti relatati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 16

Notifiki u parir tal-Kummissjoni

Abbażi tan-notifiki ta' programmi ta' miżuri skond l-Artikolu 13(6), il-Kummissjoni għandha tavża lil kull Stat Membru dwar jekk il-programmi notifikati jikkostitwixxux qafas adegwat għall-kisba ta' status ambjentali tajjeb kif determinat skond l-Artikolu 9(1).

Fil-formulazzjoni tal-parir tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-koerenza tal-programmi ta' miżuri mal-Komunità kollha u tista' titlob l-Istat Membru konċernat sabiex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun disponibbli u meħtieġa.

KAPITOLU IV

AĠĠORNAMENT, RAPPORTI U INFORMAZZJONI PUBBLIKA

Artikolu 17

Aġġornament

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward ta' kull Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat, l-Istrateġiji Marini jinżammu aġġornati.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jirrivedu, b'mod koordinat kif imsemmi fl-Artikolu 5, l-elementi li ġejjin, ta' l-Istrateġiji Marini tagħhom kull sitt snin wara l-istabbiliment inizjali tagħhom:

(a)

il-valutazzjoni inizjali u d-determinazzjoni ta' status ambjentali tajjeb, kif previsti fl-Artikoli 8(1) u 9(1), rispettivament;

(b)

il-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1);

(ċ)

il-programmi ta' monitoraġġ stabbiliti skond l-Artikolu 11(1);

(d)

il-programmi ta' miżuri stabbiliti skond l-Artikolu 13(2).

3.   Id-dettalji ta' kwalunkwe aġġornament li jsir konsegwentement għar-reviżjonijiet previsti fil-paragrafu 2 għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni, lill-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali u lil kull Stat Membru ieħor konċernat sa tliet xhur mill-pubblikazzjoni tagħhom skond l-Artikolu 19(2).

4.   L-Artikoli 12 u 16 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan l-Artikolu.

Article 18

Rapporti interim

L-Istati Membri għandhom, sa tliet snin mill-pubblikazzjoni ta' kull programm ta' miżuri jew aġġornament tiegħu skond l-Artikolu 19(2), jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport interim qasir li jiddeskrivi l-progress fl-implimentazzjoni ta' dak il-programm.

Artikolu 19

Konsultazzjoni pubblika u informazzjoni

1.   Skond il-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti eżistenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet interessati kollha jiġu mogħtija opportunitajiet bikrija u effettivi sabiex jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw, u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, għall-finijiet ta' kummenti, sommarji ta' l-elementi li ġejjin ta' l-Istrateġiji Marini tagħhom, jew l-aġġornamenti relatati, kif ġej:

(a)

il-valutazzjoni inizjali u d-determinazzjoni ta' status ambjentali tajjeb, kif previsti fl-Artikoli 8(1) and 9(1), rispettivament;

(b)

il-miri ambjentali stabbiliti skond l-Artikolu 10(1);

(ċ)

il-programmi ta' monitoraġġ stabbiliti skond l-Artikolu 11(1);

(d)

il-programmi ta' miżuri stabbiliti skond l-Artikolu 13(2).

3.   Għal dak li jirrigwarda l-aċċess għal informazzjoni ambjentali, għandha tapplika d-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali u jirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (27).

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, għall-prestazzjoni tal-kompiti tagħha fir-rigward ta' din id-Direttiva, aċċess u drittijiet ta' l-użu fir-rigward ta' dik id-data u informazzjoni, skond id-Direttiva 2007/2/KE.

Artikolu 20

Rapporti tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ewwel rapport ta' evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva sa sentejn minn meta tirċievi l-programmi kollha ta' miżuri u, fi kwalunkwe każ, sa mhux aktar tard mill-2021.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika aktar rapporti kull sitt snin minn dakinhar 'il quddiem. Hija għandha tippreżenta r-rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   Ir-rapporti previsti fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

reviżjoni tal-progress fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva;

(b)

reviżjoni ta' l-istatus ta' l-ambjent marin fil-Komunità, magħmul f'koordinazzzjoni ma' l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-organizzazzjonijiet u konvenzjonijiet reġjonali marini u tas-sajd rilevanti;

(ċ)

stħarriġ ta' l-Istrateġiji Marini, flimkien ma' suġġerimenti għat-titjib tagħhom;

(d)

sommarju ta' l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri skond l-Artikoli 12 u 16 u tal-valutazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 16, fir-rigward ta' l-informazzjoni riċevuta minn Stati Membri skond l-Artikolu 15;

(e)

sommarju tar-rispons għal kull wieħed mir-rapporti ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri skond l-Artikolu 18;

(f)

sommarju tar-risposti għall-kummenti magħmulin mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar Strateġiji Marini preċedenti;

(g)

sommarju tal-kontribut minn linji politiċi Komunitarji rilevanti oħra għall-kisba ta' l-objetttivi ta' din id-Direttiva.

Artikolu 21

Reviżjoni ta' din id-Direttiva

Il-Kummissjoni għandha tirrivedi din id-Direttiva sa … (28) u għandha, fejn ikun kunsiljabbli, tipproponi kwalunkwe emenda meħtieġa.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Adattamenti tekniċi

1.   L-Annessi III, IV u V jistgħu jiġu emendati fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 23(3), b'kont meħud tal-perijodi għar-reviżjoni u l-aġġornament ta' l-Istrateġiji Marini stabbiliti fl-Artikolu 17(2).

2.   Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 23(2),

(a)

jistgħu jiġu adottati standards metodoloġiċi għall-applikazzjoni ta' l-Annessi I, III, IV u V;

(b)

jistgħu jiġu adottati formati tekniċi għall-finijiet tat-trasmissjoni u ta' l-ipproċessar ta' data, inkluża data statistika u kartografika.

Artikolu 23

Kumitat Regolatorju

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 24

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa … (24). Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tal-miżuri prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri li m'għandhomx ilmijiet marini għandhom idaħħlu fis-seħħ biss dawk il-miżuri li jkunu neċessarji sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti taħt l-Artikolu 6 u l-Artikolu 7.

Fejn tali miżuri jkunu diġà qegħdin fis-seħħ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-Istati Membri konċernati għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk il-miżuri.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 26

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi …

Għall-Parlament Ewropew

Il-Presiden

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 185, 8.8.2006, p. 20.

(2)  ĠU C 206, 29.8.2006, p. 5.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Novembru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2007 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/105/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 368).

(6)  ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2006/105/KE.

(7)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Direttiva kif emendata mid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).

(8)  ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1.

(9)  ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1.

(10)  ĠU L 73, 16.3.1994, p. 19.

(11)  ĠU L 104, 3.4.1998, p. 1.

(12)  ĠU L 118, 19.5.2000, p. 44.

(13)  ĠU L 240, 19.9.1977, p. 1.

(14)  ĠU L 322, 14.12.1999, p. 32.

(15)  ĠU L 67, 12.3.1983, p.1.

(16)  ĠU L 322, 14.12.1999, p. 18.

(17)  ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1.

(18)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(19)  ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

(20)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11). (ĠU L 76 M, 16.3.2007, p. 100).

(21)  4 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(22)  5 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(23)  6 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(24)  3 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(25)  42 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(26)  Sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(27)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

(28)  15-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.


ANNESS I

DESKRITTURI KWALITATTIVI ĠENERIĊI LI GĦANDHOM JIĠU KKUNSIDRATI FID-DETERMINAZZJONI TA' STATUS AMBJENTALI TAJJEB

(IMSEMMIJA FL-ARTIKOLI 3, PUNT (5), 9(1), 9(3) U 22)

1.

L-elementi kollha tax-xbieki ta' l-ikel marittimi, sal-punt li huma magħrufa, jeżistu f'abbundanza normali u f'diversità.

2.

Speċji mhux indiġeni introdotti minn attivitajiet umani huma f'livelli li ma jbiddlux negattivament l-ekosistemi.

3.

Il-popolazzjonijiet tal-ħut u krostaċej kollha sfruttati kummerċjalment jinsabu f'limiti bijoloġiċi siguri.

4.

L-ewtrofikazzjoni indotta mill-bniedem hi minimizzata, speċjalment l-effetti ħżiena tagħha.

5.

L-ispeċji u l-habitats juru distribuzzjoni, abbundanza u kwalità li huma konformi mal-kondizzjonijiet fiżjografiċi, ġeografiċi u klimatiċi prevalenti. Il-biodiversità hija miżmuma.

6.

L-integrità ta' qiegħ il-baħar tkun f'livell fejn il-funzjonijiet ta' l-ekosistemi huma salvagwardati.

7.

L-alterazzjoni permanenti tal-kondizzjonijiet idrografiċi ma tolqotx ħażin l-ekosistemi marittimi.

8.

Il-konċentrazzjonijiet ta' kontaminanti huma f'livelli li ma jwasslux għal effetti ta' tniġġis.

9.

Il-kontaminanti f'ħut u f'ikel tal-baħar ieħor għall-konsum tal-bniedem ma jeċċedux livelli stabbiliti mil-leġislazzjoni Komunitarja jew standards rilevanti oħra.

10.

Il-proprjetajiet u l-kwantitajiet ta' rifjuti marini ma jikkawżawx dannu għall-ambjent marin.

11.

L-introduzzjoni ta' l-enerġija, inkluż storbju ta' taħt il-baħar, ma tolqotx ħażin l-ambjent marin.

Sabiex jiddeterminaw il-karatteristiċi ta' status ambjentali tajjeb f'Reġjun jew Sub-Reġjun Marittimu kif previst fl-Artikolu 9(1) ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kull wieħed mid-deskritturi kwalitattivi ġeneriċi elenkati f'dan l-Anness sabiex jidentifikaw dawk id-deskritturi li għandhom jintużaw fid-determinazzjoni ta' status ambjentali tajjeb għal dak ir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marittimu. Meta Stat Membru jikkunsidra li ma jkunx il-każ li jintuża xi wieħed jew diversi minn dawk id-deskritturi, huwa għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b'ġustifikazzjoni fil-qafas tan-notifika li ssir skond l-Artikolu 9(2) ta' din id-Direttiva.


ANNESS II

AWTORITAJIET KOMPETENTI

(IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 7(1))

1.

L-isem u l-indirizz ta' l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti — l-isem u l-indirizz uffiċjali ta' l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti identifikati.

2.

L-istatus legali ta' l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti — deskrizzjoni qasira ta' l-istatus legali ta' l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti.

3.

Responsabbiltajiet — deskrizzjoni qasira tar-responsabbiltajiet legali u amministrattivi ta' l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti u tar-rwol tagħhom relattivament għall-ilmijiet marini konċernati.

4.

Sħubija — meta l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti jaġixxu bħala korp ta' koordinament għal awtoritajiet kompetenti oħrajn, tkun meħtieġa lista ta' dawn flimkien ma' sommarju tar-relazzjonijiet istituzzjonali stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni.

5.

Koordinazzjoni reġjonali jew sub-reġjonali — huwa meħtieġ sommarju tal-mekkaniżmi stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri li l-ilmijiet marini tagħhom jaqgħu fl-istess Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.


ANNESS III

LISTI INDIKATTIVI TA' KARATTERISTIĊI, PRESSJONIJIET U IMPATTI

(IMSEMMIJA FL-ARTIKOLI 8(1), 9(1), 9(3), 11(1) U 22)

Tabella 1

Karatteristiċi

Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi

Topografija u batimetrija ta' qiegħ il-baħar;

Reġim tat-temperatura u koperta tas-silġ annwali u staġjonali, veloċità attwali, upwelling, kxif għall-mewġ, it-taħlit ta' karatteristiċi, turbidità, ħin ta' residenza;

Distribuzzjoni ġeografika u temporali ta' salinità;

Distribuzzjoni ġeografika u temporali ta' nutrijenti (DIN, TN, DIP, TP, TOC) u ossiġnu;

Profili pH, pCO2 jew informazzjoni ekwivalenti użati għall-miżurazzjoni ta' l-aċidifikazzjoni marina.

Tipi ta' habitats

It-tip(i) predominanti ta' habitats ta' qiegħ il-baħar u water column b'deskrizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tipiċi, bħal fond, reġim tat-temperatura ta' l-ilma, kurrenti u movimenti oħra ta' l-ilma, salinità, kompożizzjoni ta' l-istruttura u s-sottostrat tal-qiegħ;

Identifikazzjoni u ppjantar ta' tipi ta' habitats speċjali speċjalment dawk rikonoxxuti jew identifikati taħt il-leġislazzjoni Komunitarja (id-Direttiva dwar il-Habitats u d-Direttiva dwar l-Għasafar) jew konvenzjonijiet internazzjonali bħala ta' interess speċjali xjentifiku jew ta' bijodiversità;

Habitats f'żoni li minħabba l-karatteristiċi, il-post jew l-importanza strateġika tagħhom jistħoqqilhom referenza partikolari. Din tista' tinkludi żoni suġġetti għal pressjonijiet intensi jew speċifiċi jew żoni li jistħoqqilhom reġim ta' protezzjoni speċifika.

Karatteristiċi bijoloġiċi

Deskrizzjoni tal-komunitajiet bijoloġiċi assoċjati mal-habitats predominanti ta' qiegħ il-baħar u water column. Din tkun tinkludi informazzjoni dwar il-komunitajiet ta' fitoplankton u żooplankton inkluż l-ispeċi u l-varjabbiltà staġjonali u ġeografika;

Informazzjoni dwar l-anġjospermi, il-makro-algae u l-fawna invertebrata tal-qiegħ, inkluż il-kompożizzjoni ta' l-ispeċi, il-bijomassa u l-varjabbiltà annwali/staġjonali;

Informazzjoni dwar l-istruttura tal-popolazzjonijiet ta' ħut inklużi l-abbundanza, id-distribuzzjoni u l-istruttura ta' età/daqs tal-popolazzjonijiet;

Deskrizzjoni tad-dinamika tal-popolazzjoni, il-firxa u l-status naturali u attwali ta' l-ispeċi kollha tal-mammiferi u r-rettili marini li jinsabu fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin;

Deskrizzjoni tad-dinamika tal-popolazzjoni, il-firxa u l-istatus naturali u attwali ta' l-ispeċi kollha ta' għasafar tal-baħar li jinsabu fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin;

Deskrizzjoni tad-dinamika tal-popolazzjoni, il-firxa u l-istatus naturali u attwali ta' l-ispeċi kollha l-oħrajn li jinsabu fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin li jkunu s-suġġett tal-leġislazzjoni Komunitarja jew ta' ftehim internazzjonali;

Inventarju tal-preżenza temporanja, ta' l-abbundanza u tad-distribuzzjoni ġeografika ta' speċi eżotiċi mhux indiġeni jew, fejn rilevanti, forom ta' speċi nattivi distinti ġenetikament, li jinsabu fir-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

Karatteristiċi oħrajn

Deskrizzjoni tas-sitwazzjoni fir-rigward ta' kimiki, inklużi kimiki li joħolqu tħassib, kontaminazzjoni tas-sediment, żoni sħan, kwistjonijiet ta' saħħa u kontaminazzjoni tal-biota (speċjalment il-biota maħsuba għall-konsum tal-bniedem);

Deskrizzjoni ta' kwalunkwe aspetti oħra jew ta' karatteristiċi tipiċi ta' jew speċifiċi għar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.


Tabella 2

Pressjonijiet u Impatti

Telf fiżiku

Soppressjoni (eż. bi strutturi artifiċjali, rimi ta' ħama tal-gangmu);

Issiġillar (eż. b'kostruzzjonijiet permanenti)

Ħsara fiżika

Tibdil fl-insabbjament (eż. bi skarkir ta' ilma, b'run-off miżjuda, bit-tħammil);

Grif (eż. tbaħħir, ankrar, sajd kummerċjali);

Estratt selettiv (eż. b'sajd kummerċjali, bit-tħammil aggregat, bit-taħbil).

Disturbi fiżiċi oħrajn

Storbju sottomarin (eż. minn attività tat-tbaħħir, sismiku);

Ħmiġ marin

Interferenza bi proċessi idroloġiċi naturali

Tibdil sinifikanti fir-reġim termali (eż. skarikar ta' ilma, power stations);

Tibdil sinifikanti fir-reġim tas-salinità (eż. b'kostruzzjonijiet li jimpedixxu l-flussi ta' l-ilma, bl-astrazzjoni ta' l-ilma).

Kontaminazzjoni b'sustanzi perikolużi

Introduzzjoni ta' komposti sintetiċi (eż. sustanzi prijoritarji taħt id-Direttiva 2000/60/KE li huma rilevanti għall-ambjent marin, sustanzi attivi bijoloġikament, pestiċidi, antifoulants, farmaċewtiċi, li jirriżultaw per eżempju minn ħruġ minn sorsi diffużi, inkwinament inċidentali minn vapuri, depożiti atmosferiċi);

Introduzzjoni ta' komposti mhux sintetiċi (eż. metalli tqal, idrokarboni li jirriżultaw per eżempju minn tniġġis aċċidentali minn bastimenti, depożitu atmosferiku, inputs mix-xmajjar);

Introduzzjoni ta' radio nuclides.

Arrikkiment nutrijenti u organiku ta' materji

Inputs ta' nitroġenu u fosforu (eż. skarigi diretti minn siti ta' emissjoni, ħruġ minn siti diffużi inklużi l-agrikoltura, depożitu atmosferiku);

Arrikkiment organiku (eż. marikultura, inputs mix-xmara).

Disturbi bijoloġiċi

Introduzzjoni ta' patoġeni mikrobiċi;

Introduzzjoni ta' speċi mhux indiġeni u traslokazzjonijiet;

Estratt selettiv ta' speċi (eż. b'sajd kummerċjali u rikreattiv).


ANNESS IV

LISTI INDIKATTIVI TA' KARATTERISTIĊI LI TAGĦHOM IRID JITTIEĦED KONT GĦAD-DETERMINAZZJONI TA' MIRI AMBJENTALI

(IMSEMMIJA FL-ARTIKOLI 10(1) U 22)

1.

Kopertura adegwata ta' l-elementi li jikkaratterizzaw l-ilmijiet marini taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri f'Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

2.

Il-ħtieġa li jiġu stabbiliti (a) miri li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet mixtieqa bbażati fuq id-definizzjoni ta' status ambjentali tajjeb; (b) miri miżurabbli u indikaturi assoċjati li jippermettu l-monitoraġġ u l-valutazzjoni; u (ċ) miri operattivi relatati ma' miżuri konkreti ta' implimentazzjoni sabiex jappoġġaw il-kisba tagħhom.

3.

Speċifikazzjoni ta' l-istatus ambjentali li għandu jintlaħaq jew jinżamm u formulazzjoni ta' dak l-istatus f'termini ta' kwalitajiet miżurabbli ta' l-elementi li jikkaratterizzaw l-ilmijiet marini ta' Stat Membru f'Reġjun jew Sub-Reġjun Marin.

4.

Konsistenza tas-sett ta' miri; assenza ta' konflitti bejniethom.

5.

Speċifikazzjoni tar-riżorsi meħtieġa sabiex jintlaħqu l-miri.

6.

Formulazzjoni tal-miri, li jinkludu miri interim possibbli, b'perijodu definit ta' żmien sabiex jintlaħqu.

7.

Speċifikazzjoni ta' indikaturi maħsuba sabiex jissorveljaw il-progress u sabiex jiggwidaw deċiżjonijiet maniġerjali sabiex jintlaħqu l-miri.

8.

Fejn ikun kunsiljabbli, speċifikazzjoni ta' punti ta' riferiment (punti ta' riferiment għall-miri u l-limiti).

9.

Konsiderazzjoni dovuta ta' interessi soċjali u ekonomiċi fl-istabbiliment tal-miri.

10.

Eżami tas-sett ta' miri ambjentali, indikaturi assoċjati u punti ta' riferiment tal-limiti u l-miri żviluppati fid-dawl ta' l-objettiv ambjentali stipulat fl-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva, sabiex jiġi valutat jekk il-kisba tal-miri twassalx l-ilmijiet marini li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri f'Reġjun Marin għal status li jikkorrispondi magħhom.

11.

Kompatibbiltà tal-miri ma' l-objettivi li l-Komunità u l-Istati Membri tagħha kkommettew ruħhom għalihom taħt ftehim internazzjonali u reġjonali rilevanti, bl-użu ta' dawk li huma l-aktar rilevanti għar-Reġjun jew Sub-Reġjun Marin konċernat bl-għan li jinkisbu l-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva.

12.

Meta jiġi stabbilit is-sett ta' miri u indikaturi, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien relattivament ma' l-objettiv ambjentali stipulat fl-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva sabiex jiġi valutat jekk il-kisba tal-miri twassalx l-ambjent marin għal status li jikkorrispondi magħhom.


ANNESS V

PROGRAMMI TA' MONITORAĠĠ

(IMSEMMIJA FL-ARTIKOLI 11(1) U 22)

1.

Il-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni għall-valutazzjoni ta' l-istatus ambjentali u għal stima tad-distanza minn, u l-progress lejn, status ambjentali tajjeb konformement ma' l-Anness III u mal-kriterji u standards metodoloġiċi li għandhom jiġu definiti skond l-Artikolu 9(3) ta' din id-Direttiva.

2.

Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġenerazzjoni ta' l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta' indikaturi adattati għall-miri ambjentali previsti fl-Artikolu 10 ta' din id-Direttiva.

3.

Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġenerazzjoni ta' l-informazzjoni li tippermetti l-istima ta' l-impatt tal-miżuri previsti fl-Artikolu 13 ta' din id-Direttiva.

4.

Il-ħtieġa li jiġu inklużi attivitajiet sabiex tiġi identifikata l-kawża tal-bidla u għalhekk il-miżuri korrettivi possibbli li jkun jeħtieġ jittieħdu sabiex jerġa jinkiseb l-istatus ambjentali tajjeb, meta d-devjazzjonijiet mill-firxa ta' l-istatus mixtieq ikunu identifikati.

5.

Il-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni dwar inkwinanti kimiċi fi speċi għall-konsum tal-bniedem minn żoni ta'sajd kummerċjali.

6.

Il-ħtieġa li jiġu inklużi attivitajiet sabiex jikkonfermaw li l-miżuri korrettivi jwasslu t-tibdil mixtieq u l-ebda effetti sekondarji mhux mixtieqa.

7.

Il-ħtieġa li tinġabar flimkien l-informazzjoni b'referenza għal Reġjuni jew Sub-Reġjuni Marini skond l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva.

8.

Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-komparabbiltà ta' approċċi u metodi ta' valutazzjoni fi u bejn reġjuni marini u/jew sub-reġjuni.

9.

Il-ħtieġa li jiġu żviluppati speċifikazzjonijiet tekniċi u metodi standardizzati għall-monitoraġġ fil-livell Komunitarju li jippermettu l-komparabbiltà ta' l-informazzjoni.

10.

Il-ħtieġa li tkun żgurata kemm jista' jkun possibbli l-kompatibbiltà ma' programmi eżistenti żviluppati fil-livelli reġjonali u internazzjonali bil-ħsieb li titrawwem konsistenza bejn dawn il-programmi u li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' l-isforzi, bl-użu ta' dawk il-linji gwida ta' monitoraġġ li huma l-aktar rilevanti għar-Reġjun jew is-Sub-Reġjun Marin konċernat.

11.

Il-ħtieġa li tiġi nkluża bħala parti mill-valutazzjoni inizjali prevista fl-Artikolu 8 ta' din id-Direttiva l-valutazzjoni ta' bidliet kbar fil-kondizzjonijiet ambjentali kif ukoll, fejn meħtieġ, ta' kwistjonijiet ġodda u emerġenti.

12.

Il-ħtieġa li jiġu indirizzati bħala parti mill-valutazzjoni inizjali prevista fl-Artikolu 8 ta' din id-Direttiva l-elementi rilevanti elenkati fl-Anness III inkluża l-varjabbiltà naturali tagħhom u sabiex jiġi evalwat il-progress lejn il-kisba tal-miri ambjentali stipulati skond l-Artikolu 10(1) ta' din id-Direttiva, bl-użu, kif jixraq, ta' l-indikaturi stabbiliti u l-punti ta' referenza tal-limiti jew miri tagħhom.


ANNESS VI

PROGRAMMI TA' MIŻURI

(IMSEMMIJA FL-ARTIKOLI 13(1) U 22)

1.

Kontrolli ta' l-input: miżuri ta' ġestjoni li jinfluwenzaw l-ammont ta' attività tal-bniedem li tkun permessa.

2.

Kontrolli ta' l-output: miżuri ta' ġestjoni li jinfluwenzaw il-grad ta' perturbazzjoni ta' komponent ta' l-ekosistema li jkun permess.

3.

Kontrolli tad-distribuzzjoni ġeografika u temporali: miżuri ta' ġestjoni li jinfluwenzaw fejn u meta jkun permess li sseħħ xi attività.

4.

Miżuri ta' koordinazzjoni tal-ġestjoni: strumenti sabiex jiżguraw li l-ġestjoni tkun koordinata.

5.

Inċentivi ekonomiċi: miżuri ta' ġestjoni li jagħmluha fl-interess ekonomiku ta' dawk li jużaw l-ekosistemi marini li jaġixxu b'modi li jgħinu fil-kisba ta' l-objettivi ta' status ambjentali tajjeb.

6.

Strumenti ta' mitigazzjoni u rimedju: strumenti ta' ġestjoni li jiggwidaw l-attivitajiet tal-bniedem sabiex jirrestawraw komponenti danneġġati ta' l-ekosistemi marini.

7.

Komunikazzjoni, l-involviment tal-partijiet interessati u t-tqajjim ta' kuxjenza pubblika.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

F'Ottubru 2005, il-Kummissjoni adottat il-proposta taghħa (1) għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta' l-Ambjent Marin (Direttiva dwar l-Istrateġija Marina). Din il-proposta kienet ippreżentata lill-Kunsill fil-21 ta' Novembru 2005.

Il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni ta' l-ewwel qari tiegħu fit-13 ta' Novembru 2006.

Il-Kumitat tar-Reġjuni adotta l-opinjoni tiegħu fis-26 ta' April 2006 (2).

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fl-20 ta' April 2006 (3).

Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu fi 23 ta' Lulju 2007.

II.   OBJETTIV

L-objettiv prinċipali tad-Direttiva proposta, li għandha titqies bħala l-pilastru ambjentali tal-Politika Marina futura ta' l-UE, huwa li jiġi stabbilit qafas għall-protezzjoni u l-preservazzjoni ta' l-ambjent marin, il-prevenzjoni tad-deterjorament tiegħu u, fejn hu prattikabbli, ir-restawr ta' dak l-ambjent f'żoni fejn ġie milqut ħażin.

Dan għandu jsir permezz ta' l-iżvilupp u l-implimentazzjoni, mill-Istati Membri, ta' strateġiji marini bl-għan li jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin sa mhux aktar tard mis-sena 2021.

L-istrateġiji marini għandhom japplikaw approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni ta' l-attivitajiet tal-bniedem filwaqt li jippermettu l-użu sostenibbli ta' prodotti u servizzi marini.

Barra minn hekk, id-Direttiva għandha tikkontribwixxi għall-koerenza bejn, u għandu jkollha l-għan li tiżgura l-integrazzjoni ta' tħassib ambjentali fil-linji politiċi, il-ftehim u l-miżuri leġislattivi differenti li għandhom impatt fuq l-ambjent marin.

Il-kooperazzjoni fil-livell reġjonali tkun essenzjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tad-Direttiva. B'mod reċiproku, id-Direttiva tkun tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta' l-azzjoni fuq livell internazzjonali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-konvenzjonijiet dwar ibħra reġjonali għall-protezzjoni ta' l-ambjent marin, billi tipprovdi qafas ċar u li jista' jiġi legalment infurzat li fih ikunu joperaw l-Istati Membri.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

Ġenerali

Il-pożizzjoni komuni tinkorpora numru ta' emendi mill-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, verbatim, parzjalment jew fl-ispirtu. Dawn itejbu jew jikkjarifikaw it-test tad-Direttiva proposta. Madankollu, emendi oħrajn m'humiex riflessi fil-pożizzjoni komuni minħabba li l-Kunsill qabel li ma kinux meħtieġa jew aċċettabbli jew, f'diversi każijiet, għax dispożizzjonijiet mill-proposta oriġinali tal-Kummissjoni tħassru jew ġew riabbozzati b'mod eżawrenti.

B'mod partikolari, il-Kunsill fittex li jikkjarifika l-kamp ta' applikazzjoni u l-objettivi tad-Direttiva proposta biż-żieda ta' definizzjonijiet ta' termini u kunċetti ċentrali (Artikolu 3) kif ukoll anness (Anness I) li fih deskritturi kwalitattivi ġeneriċi biex jiggwidaw id-determinazzjoni ta' status ambjentali tajjeb, b'kont meħud li l-proposta hija għal Direttiva kwadru li m'għandhiex ittaqqal l-implimentazzjoni b'wisq dettall tekniku.

Barra minn hekk, il-Kunsill żied jew emenda numru ta' dispożizzjonijiet biex jispeċifika l-obbligi ta' l-Istati Membri fl-implimentazzjoni. Notevolment, l-obbligi ta' l-Istati Membri mingħajr ilmijiet marini huma kkjarifikati b'tali mod li jiżgura li l-Istati Membri kollha ta' l-UE ser jikkooperaw biex jiksbu status ambjentali tajjeb fl-ambjent marin (Artikoli 6 u 24).

Il-pożizzjoni komuni tipprevedi wkoll sitwazzjonijiet fejn miri ambjentali stabbiliti mill-Istati Membri jistgħu ma jintlaħqux jew jistgħu ma jintlaħqux fl-iskeda ta' żmien prevista (Artikolu 14). F'tali każijiet, l-Istati Membri ikollhom l-obbligu doppju biex jipprovdu l-Kummissjoni b'ġustifikazzjonijiet u biex jieħdu miżuri ad hoc sabiex itaffu l-ħsara. Min-naħa l-oħra, it-test maqbul mill-Kunsill jipprevedi sitwazzjonijiet fejn azzjoni aktar urġenti jew aktar qawwija hija meħtieġa (ara l-Artikolu 5 (3) dwar proġetti ta' sperimentazzjoni u l-Artikolu 13 (4) dwar żoni marini protetti).

Speċifika

(1)   Status ambjentali tajjeb (SAT)

Il-Kunsill, simili ħafna għall-PE, ikkunsidra li s-SAT huwa ċentrali għal din id-Direttiva proposta. Iż-żewġ istituzzjonijiet ikkomplementaw loġikament il-proposta inizjali b'definizzjoni u sett ta' deskritturi kwalitattivi biex jiggwidaw id-determinazzjoni ta' status ambjentali tajjeb f'kull reġjun jew sub-reġjun marin.

Għalkemm ħafna mill-elementi koperti mill-11-il emenda adottata mill-PE dwar is-SAT huma indirizzati fil-pożizzjoni komuni, għandu jiġi enfasizzat li ż-żewġ istituzzjonijiet ħadu approċċi pjuttost differenti. Il-kunċett tal-Kunsill huwa bbażat l-aktar fuq status (fi kliem ieħor: liema huma l-karatteristiċi li jeħtieġu jkunu preżenti sabiex l-istatus ta' l-ambjent marin jitqies li hu tajjeb; ara l-Anness I), iżda jirrikonoxxi li, għal raġunijiet ovvji, xi attivitajiet umani (relatati ma' l-agrikoltura, is-sajd jew it-trasportazzjoni marittima) għandhom aktar ċans minn oħrajn li jżidu pressjoni fuq l-ambjent marin (ara t-Tabella 2 ta' l-Anness III). Min-naħa l-oħra, il-maġġoranza ta' l-emendi tal-PE, għalkemm mhux kollha, jiffokaw fuq pressjonijiet fuq dak l-ambjent ikkawżati mill-bniedem, u saħansitra speċifiċi għal settur. Barra minn hekk, il-livell tad-dettall tekniku f'diversi emendi tal-PE m'huwiex kompatibbli ma' l-approċċ tal-Kunsill għal din il-proposta għal Direttiva kwadru.

(2)   Objettivi, skedi ta' żmien u spejjeż

Il-Kunsill jenfasizza li adotta approċċ ambizzjuż u realistiku għall-kwistjonijiet relatati ta' obbligi u skedi ta' żmien.

Għall-kuntrarju tal-PE, il-Kunsill m'huwiex favur ta' ssikkar ġenerali ta' skadenzi, b'mod partikolari 2017 minflok 2021 għall-kisba ta' status ambjentali tajjeb, meta titqies id-diversità għolja ta' sitwazzjonijiet fl-Ewropa. Madankollu, il-pożizzjoni Komuni tippermetti implimentazzjoni aktar mgħaġġla kull fejn l-Istati Membri jqisu li din hija mixtieqa u/jew fattibbli (ara l-Artikolu 5 (3)). Għandu jkun innotat ukoll li l-iskeda ta' żmien adottata mill-Kunsill għal din id-Direttiva hija kompatibbli ma' l-implimentazzjoni u ż-żminijiet ta' rapportar taħt id-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma.

Il-Kunsill ikkunsidra wkoll li ma jkunx realistiku, ukoll jekk mixtieq ħafna, li l-kisba ta' status ambjentali tajjeb, anke sa l-2021, isir objettiv li jorbot legalment (qabbel l-emenda 24 tal-PE ma' l-Artikolu 1 (1), it-tieni subparagrafu fil-pożizzjoni komuni). Il-pożizzjoni komuni tagħmilha mandatorja li jittieħdu numru ta' miżuri u passi skond skeda ta' żmien preċiża. Dan waħdu għandu jiżgura progress viżibbli lejn l-objettiv tas-SAT, jekk mhux kisba totali sa' l-2021.

B'mod simili, il-Kunsill ikkunsidra wkoll li l-Istati Membri, fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji marini, m'għandhomx ikunu taħt obbligu li jieħdu passi fejn m'hemm l-ebda riskju sinifikanti għall-ambjent, jew fejn azzjoni tkun tinvolvi spejjeż sproporzjonati b'kont meħud tar-riskji għall-ambjent marin. Hawnhekk ukoll, madankollu, l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu lill-Kummissjoni b'ġustifikazzjoni.

(3)   Strateġiji marini u kooperazzjoni reġjonali

Il-Kunsill jista' jaqbel mal-PE li l-kooperazzjoni f'reġjuni jew sub-reġjuni marini, kemm fost l-Istati Membri ta' l-UE u ma' pajjiżi terzi, hija kruċjali. Il-pożizzjoni komuni tenfasizza l-ħtieġa li jintużaw l-istrutturi eżistenti ta' kooperazzjoni istituzzjonali internazzjonali, inklużi dawk stabbiliti taħt konvenzjonijiet dwar ibħra reġjonali, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' l-isforzi.

Il-Kunsill ma jistax, madankollu, jaċċetta l-kunċett, issuġġerit fl-emenda 33, ta' responsabbiltà konġunta għall-iżvilupp ta' strateġija marina unika għal kull reġjun jew sub-reġjun. Dan jiddilwixxi r-responsabbiltà legali għal konformità bejn diversi Stati Memrbi u jfixkel il-progress lejn l-objettiv tad-Direttiva proposta. Il-Kunsill jikkunsidra li r-responsabbiltà finali biex jintlaħqu l-obbligi skond il-leġislazzjoni Komunitarja in ġenerali, u skond din id-Direttiva partikolarment, għandha tkun strettament ta' l-Istati Membri individwali.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill jemmen li l-pożizzjoni komuni tirrappreżenta pakkett bilanċjat ta' miżuri li jikkontribwixxu għas-segwitu ta' l-objettivi tal-politika ambjentali Komunitarja deskritta fl-Artikolu 174(1) Trattat KE. Din tirrispondi b'mod adegwat għat-talba stipulata fis-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-Komunità (4), li tirrifletti l-ħtieġa urġenti li jiġi indirizzat it-tħassib li qed jiżdied fir-rigward ta' l-istat ta' l-oċeani u l-ibħra ta' l-Ewropa u bil-għan “li tippromwovi l-użu sostenibbli ta' l-ibħra u tikkonserva l-ekosistemi marini”.

Din tavvanza partikolarment b'mod sinifikanti l-protezzjoni u l-preservazzjoni ta' l-ambjent marin. Hija tiżgura wkoll l-implimentazzjoni effettiva mill-Istati Membri, b'kont dovut meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi f'livell reġjonali jew sub-reġjonali.

Il-Kunsill jistenna bil-ħerqa diskussjonijiet kostruttivi mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb ta' l-adozzjoni bikrija tad-Direttiva.


(1)  Dok. 13759/05 — COM(2005) 505 finali.

(2)  ĠU C 206, 29.8.2006, p. 5.

(3)  ĠU C 185, 8.8.2006, p. 20.

(4)  Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE (ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1).