ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 193E

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 50
21 ta' Awwissu 2007


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

Kunsill

2007/C 193E/01

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 9/2007 tal-21 ta’ Mejju 2007 adottata mill-Kunsill, filwaqt li jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet ta' l-istatistika u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93

1

2007/C 193E/02

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 10/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 adottata mill-Kunsill, filwaqt li jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (Servizz ta' dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000

13

MT

 


III Atti preparatorji

Kunsill

21.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

CE 193/1


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) NRU 9/2007

adottata mill-Kunsill fil-21 ta' Mejju 2007

bil-ħsieb li jiġi adottat ir-Regolament (KE) Nru …/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet ta' l-istatistika u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93

(2007/C 193 E/01)

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285 (1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93 tat-22 ta' Lulju 1993 (2) stabbilixxa qafas komuni sabiex jiġu stabbiliti reġistri kummerċjali għall-finijiet ta' l-istatistika b'definizzjonijiet, karatteristiċi, kamp ta' applikazzjoni u proċeduri ta' aġġornament armonizzati. Sabiex l-iżvilupp tar-reġistri kummerċjali jinżamm f'qafas armonizzat, għandu jiġi adottat Regolament ġdid.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93 tal-15 ta' Marzu 1993 dwar l-unitajiet ta' l-istatistika għall-osservazzjoni u l-analiżi tas-sistema ta' produzzjoni fil-Komunità (3) fih id-definizzjonijiet ta' l-unità statistika li għandha tintuża. Is-suq intern jeħtieġ titjib fil-komparabbiltà ta' l-istatistika sabiex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti Komunitarji. Sabiex jinkiseb dan it-titjib, għandhom jiġu adottati definizzjonijiet u deskrizzjonijiet komuni sabiex ikunu koperti l-intrapriżi u unitajiet ta' statistika relevanti oħrajn.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 58/97 ta' l-20 ta' Diċembru 1996 dwar statistiċi strutturali kummerċjali (4) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/98 tad-19 ta' Mejju 1998 li jikkonċerna l-istatistika għal żmien qasir (5) stabbilixxew qafas komuni għall-ġbir, kumpilazzjoni, trażmissjoni u evalwazzjoni ta' l-istatistika Komunitarja dwar l-istruttura, l-attività, il-kompetittività u l-prestazzjoni tan-negozji fil-Komunità. Ir-reġistri kummerċjali għall-finijiet ta' l-istatistika jirrappreżentaw element bażiku ta' tali qafas komuni, u jagħmluha possibbli li jiġi organizzat u kkoordinat stħarriġ statistiku billi jipprovdu qafas armonizzat ta' teħid ta' kampjuni.

(4)

Ir-reġistri kummerċjali huma metodu wieħed li permezz tiegħu jkunu rikonċiljati, minn naħa waħda, ir-rekwiziti konfliġġenti għall-ġabra ta' informazzjoni miżjuda dwar l-intrapriżi u, min-naħa l-oħra, it-tħaffif tal-piż amministrattiv tagħhom, partikolarment billi jużaw informazzjoni eżistenti f'reġistri amministrattivi u legali, b'mod speċjali fil-każ ta' l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 (6).

(5)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar Statistiċi Komunitarji (7) ħejja l-qafas għall-istabbiliment ta' programm ta' statistika Komunitarja u stabbilixxa qafas komuni għall-kunfidenzjalità statistika.

(6)

Ir-regoli speċifiċi għall-ipproċessar ta' data fi ħdan il-qafas tal-Programm Komunitarju għall-istatistika ma jaffettwawx id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data  (8).

(7)

Ir-reġistri kummerċjali għall-finijiet ta' l-istatistika huma s-sors ewlieni għad-demografija kummerċjali, billi jżommu rekord tal-ftuħ u l-egħluq ta' negozji kif ukoll tal-bidliet strutturali fl-ekonomija b'konċentrazzjoni jew b'dekonċentrazzjoni li jseħħu permezz ta' operazzjonijiet bħal għaqda bejn kumpanniji, takeovers, qsim, split offs u ristrutturazzjoni.

(8)

Ir-reġistri kummerċjali jipprovdu l-informazzjoni bażika li tkun meħtieġa sabiex jiġi sodisfatt interess qawwi ta' politika fl-iżvilupp rurali, mhux biss fir-rigward ta' l-agrikoltura iżda wkoll fir-rigward tal-kombinazzjoni dejjem tiżdied tagħha ma' attivitajiet oħra li mhumiex koperti minn statistiċi agrikoli bbażati fuq prodotti.

(9)

L-intrapriżi pubbliċi għandhom rwol importanti fl-ekonomiji nazzjonali ta' l-Istati Membri. Id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE tal-25 ta' Ġunju 1980 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi (9) tkopri ċerti tipi ta' impriżi pubbliċi. L-intrapriżi pubbliċi u l-korporazzjonijiet pubbliċi għandhom għalhekk ikunu identifikati fir-reġistri kummerċjali u dan jista' jsir mill-klassifikazzjoni tas-settur istituzzjonali.

(10)

Jeħtieġ li jkun hemm informazzjoni dwar ir-rabtiet ta' kontroll bejn l-unitajiet legali sabiex ikunu definiti l-gruppi ta' intrapriżi, ikunu delineati korrettament l-intrapriżi, ikunu profilati l-unitajiet kbar u kumplessi u jiġi studjat il-livell ta' konċentrazzjoni fuq swieq partikolari. L-informazzjoni dwar gruppi ta' intrapriżi ttejjeb il-kwalità tar-reġistri kummerċjali u tista' tintuża sabiex tnaqqas ir-riskju ta' l-iżvelar ta' data kunfidenzjali. Ċerta data finanzjarja spiss tagħmel iżjed sens f'livell ta' gruppi jew subgruppi milli f'livell ta' l-intrapriża individwali; fil-fatt din tista' tkun disponibbli biss f'livell ta' grupp jew subgrupp. Ir-reġistrazzjoni ta' data tal-gruppi ta' intrapriżi tagħmilha possibbli, meta meħtieġ, li jsir stħarriġ tal-grupp, minflok ta' l-intrapriżi tal-grupp, u dan jista' jnaqqas b'mod sinifikattiv l-oneru tar-risposta. Sabiex jiġu rreġistrati l-gruppi ta' intrapriżi, huwa meħtieġ li r-reġistri kummerċjali jsiru aktar armonizzati.

(11)

Il-globalizzazzjoni dejjem tiżdied ta' l-ekonomija toħloq sfida lill-produzzjoni preżenti ta' ħafna mill-istatistika. Permezz tar-reġistrazzjoni ta' data minn gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi, ir-reġistri kummerċjali jiffurmaw għodda bażika għat-titjib ta' ħafna mill-istatistika relatata mal-globalizzazzjoni: il-kummerċ internazzjonali fl-oġġetti u s-servizzi, il-bilanċ tal-pagamenti, l-investiment barrani dirett, l-affiljati barranin, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u s-suq internazzjonali tax-xogħol. Il-maġġoranza ta' din l-istatistika tkopri l-ekonomija kollha u b'hekk teħtieġ li r-reġistri kummerċjali jkopru s-setturi kollha ta' l-ekonomija.

(12)

Skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta' Ġunju 1990 dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għal kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (10), ma jistgħux jiġu invokati r-regoli nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità ta' l-istatistika sabiex tiġi impedita t-trażmissjoni ta' data kunfidenzjali ta' l-istatistika lill-awtorità tal-Komunità (Eurostat) fejn att ta' liġi Komunitarja jipprovdi għat-trażmissjoni ta' tali data.

(13)

Sabiex ikun garantit it-twettiq ta' l-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament, l-istituzzjonijiet fl-Istati Membri responsabbli għall-ġbir tad-data jistgħu jeħtieġu aċċess għal sorsi ta' data amministrattiva bħal reġistri miżmuma mill-awtoritajiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, minn banek ċentrali, minn istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn, u għal databases oħrajn li jkollhom informazzjoni dwar transazzjonijiet u pożizzjonijiet trans-konfinali, kull fejn tali data tkun meħtieġa għall-produzzjoni ta' l-istatistika Komunitarja.

(14)

Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Jannar 2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta' pagamenti, kummerċ internazzjonali f'servizzi u investiment dirett barrani (11) stabbilixxa qafas komuni għall-kumpilazzjoni, għat-trażmissjoni u għall-evalwazzjoni ta' statistika Komunitarja relevanti.

(15)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (12).

(16)

B'mod partikolari, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa sabiex taġġorna l-lista tal-karatteristiċi tar-reġistri fl-Anness, id-definizzjonijiet tagħhom u r-regoli ta' kontinwità tagħhom, sabiex tiddeċiedi dwar il-kopertura ta' l-iżgħar intrapriżi u tal-gruppi ta' intrapriżi li jkunu totalment residenti, sabiex tadotta r-regoli għall-aġġornament tar-reġistri, kif ukoll sabiex tistabbilixxi standards komuni ta' kwalità u l-kontenut u l-perjodiċità ta' rapporti ta' kwalità. Billi dawn il-miżuri jkopru l-kamp ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali jew sabiex jissupplimentaw dan ir-Regolament biż-żieda ta' elementi mhux essenzjali ġodda, huwa meħtieġ li jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE.

(17)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2186/93 għandu għalhekk jiġi mħassar.

(18)

Il-Kumitat għall-Programmi Statistiċi stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom (13) ġie kkonsultat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Skop

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet ta' l-istatistika fil-Komunità.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġistru armonizzat wieħed jew iżjed għall-finijiet ta' l-istatistika, bħala għodda għat-tħejjija u l-koordinazzjoni ta' l-istħarriġ, bħala sors ta' informazzjoni għall-analiżi ta' l-istatistika tal-popolazzjoni kummerċjali u d-demografija tagħha, għall-użu tad-data amministrattiva u għall-identifikazzjoni u kostruzzjoni ta' unitajiet ta' l-istatistika.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(a)

“unità legali”, “intrapriża”, “unità lokali” u “grupp ta' intrapriżi” ifissru kif definiti fl-Anness mar-Regolament (KEE) Nru 696/93;

(b)

“awtoritajiet nazzjonali” tfisser kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 322/97;

(ċ)

“finijiet ta' statistika” tfisser kif deskritta fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KEE) Nru 1588/90;

(d)

“grupp multinazzjonali ta' intrapriżi” tfisser grupp ta' intrapriżi li jkollu mill-inqas żewġ intrapriżi jew unitajiet legali li jinsabu f'żewġ pajjiżi differenti;

(e)

“grupp ta' intrapriżi maqtugħ” tfisser l-intrapriżi u l-unitajiet legali ta' grupp multinazzjonali ta' intrapriżi, li jkunu residenti fl-istess pajjiż. Dan jista' jikkonsisti f'unità waħda biss, jekk l-unitajiet l-oħrajn ma jkunux residenti. Intrapriża tista' tkun il-grupp ta' intrapriżi maqtugħ jew parti minnu.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Skond id-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 2 u suġġetti għal-limitazzjonijiet speċifikati f'dan l-Artikolu, għandhom jitfasslu reġistri ta':

(a)

l-intrapriżi kollha li jwettqu attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-prodott gross domestiku (GDP), u l-unitajiet lokali tagħhom;

(b)

l-unitajiet legali li minnhom jikkonsistu dawk l-intrapriżi;

(ċ)

gruppi ta' intrapriżi maqtugħin u gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi; u

(d)

il-gruppi ta' intrapriżi li jkunu totalment residenti.

2.   Ir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 m'għandux, madankollu, japplika għad-djar sa fejn il-prodotti u s-servizzi li jipproduċu jkunu għall-konsum tagħhom stess, jew jinvolvu l-kiri tal-proprjetà tagħhom.

3.   L-unitajiet lokali li ma jikkonsistux f'entitajiet legali separati (fergħat), li jiddipendu minn intrapriżi barranin, u li jkunu klassifikati bħala kważi-korporazzjonijiet skond is-Sistema Ewropea ta' Kontijiet ta' l-1995 li ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (14) u s-Sistema ta' Kontijiet Nazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1993, għandhom jitqiesu bħala intrapriżi għall-finijiet tar-reġistri kummerċjali.

4.   Il-gruppi ta' intrapriżi jistgħu jiġu identifikati permezz tar-rabtiet ta' kontroll bejn l-unitajiet legali tagħhom. Għad-delineazzjoni tal-gruppi ta' intrapriżi, għandha tintuża d-definizzjoni ta' kontroll, kif stabbilita fil-punt 2.26 ta' l-Anness A mar-Regolament (KE) Nru 2223/96.

5.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-unitajiet li, totalment jew parzjalment, jeżerċitaw xi attività ekonomika. Kwalunkwe attività li tikkonsisti f'offerta ta' prodotti u servizzi f'suq partikolari għandha titqies bħala attività ekonomika. Minbarra dan, is-servizzi mhux tas-suq li jikkontribwixxu għall-prodott gross domestiku, kif ukoll il-holdings diretti jew indiretti ta' unitajiet legali attivi, għandhom jiġu meqjusa bħala attivitajiet ekonomiċi għall-finijiet tar-reġistri kummerċjali. L-unitajiet legali li ma jkunux ekonomikament attivi għandhom ikunu meqjusa parti minn intrapriża biss f'kombinazzjoni ma' unitajiet legali li jkunu ekonomikament attivi.

6.   Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament dwar il-punt safejn l-intrapriżi b'inqas minn nofs persuna impjegata u l-gruppi ta' intrapriżi li jkunu totalment residenzjali mingħajr ebda importanza statistika għall-Istati Membri ikollhom jiġu inklużi fir-reġistri, u d-definizzjoni ta' unitajiet konsistenti ma dawk għall-istatistika ta' l-agrikoltura, għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 16(3).

Artikolu 4

Sorsi ta' data

1.   Filwaqt li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet rigward il-kwalità msemmija fl-Artikolu 6, l-Istati Membri jistgħu jiġbru l-informazzjoni meħtieġa taħt dan ir-Regolament billi jużaw kwalunkwe sors li huma jikkonsidraw relevanti. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiġu awtorizzati, fi ħdan l-isfera tal-kompetenza tagħhom, sabiex jiġbru, għall-finijiet ta' l-istatistika, informazzjoni koperta minn dan ir-Regolament li tkun tinsab fil-fajls amministrattivi u legali.

2.   Fejn id-data meħtieġa ma tistax tinġabar bi spiża raġonevoli, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jużaw proċeduri ta' stima statistika, filwaqt li tiġi rrispettata l-ħtieġa ta' eżattezza u kwalità.

Artikolu 5

Karatteristiċi tar-reġistru

1.   L-unitajiet elenkati fir-reġistri għandhom ikunu kkaratterizzati permezz ta' numru ta' l-identità u d-dettalji deskrittivi speċifikati fl-Anness.

2.   Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawhom dwar l-aġġornament tal-lista ta' karatteristiċi u d-definizzjoni tal-karatteristiċi u r-regoli ta' kontinwità għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 16(3).

Artikolu 6

Standards ta' kwalità u rapporti

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw il-kwalità tar-reġistri kummerċjali.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) fuq talba tagħha, b'rapport dwar il-kwalità tar-reġistri kummerċjali (minn hawn 'il quddiem imsejħa “rapporti dwar il-kwalità”).

3.   Il-miżuri relatati ma' l-istandards komuni ta' kwalità, kif ukoll il-kontenut u l-perjodiċità tar-rapporti dwar il-kwalità, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 16(3), u b'kont meħud ta' l-ispejjeż għall-ġbir tad-data.

4.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni (Eurostat) bil-bidliet prinċipali ta' metodoloġija jew bidliet oħrajn li jkunu jistgħu jinfluwenzaw il-kwalità tar-reġistri kummerċjali hekk kif isiru magħrufa u mhux aktar tard minn sitt xhur wara li kwalunkwe bidla bħal dawn tidħol fis-seħħ.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, li jkun jitratta b'mod partikolari l-ispiża għas-sistema statistika, il-piż fuq il-kummerċ u l-benefiċċji.

Artikolu 7

Manwal ta' Rakkomandazzjonijiet

Il-Kummissjoni għandha tippubblika manwal ta' rakkomandazzjonijiet tar-reġistri kummerċjali. Il-manwal għandu jiġi aġġornat b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri.

Artikolu 8

Riferimenti ta' żmien u perjodiċità

1.   L-entrati fir-reġistri u t-tneħħija minnhom għandhom ikunu aġġornati mill-inqas darba fis-sena.

2.   Il-frekwenza ta' l-aġġornament għandha tiddipendi mit-tip ta' unità, mill-fattur varjabbli ikkunsidrat, mid-daqs ta' l-unità u mis-sors ġeneralment użat għall-aġġornament.

3.   Il-miżuri li jkunu relatati mar-regoli għall-aġġornament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 16(3).

4.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu kopja annwali li tirrifletti l-istat tar-reġistri fl-aħħar tas-sena u jżommu dik il-kopja għall-anqas 30 sena għall-finijiet ta' analiżi.

Artikolu 9

Trażmissjoni ta' rapporti

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu analiżi statistika tar-reġistri u jittrażmettu l-informazzjoni lill-Kummissjoni (Eurostat), billi jsegwu format u proċedura kif definiti mill-Kummissjoni skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 16(2).

2.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat), fuq talba tagħha, kwalunkwe informazzjoni relevanti fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fl-Istati Membri.

Artikolu 10

Skambju ta' data kunfidenzjali bejn l-Istati Membri

L-iskambju ta' data kunfidenzjali jista' jsir, esklussivament għall-finijiet ta' l-istatistika, bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta' l-Istati Membri differenti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, fejn l-iskambju għandu jiżgura l-kwalità ta' l-informazzjoni dwar il-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi fl-Unjoni Ewropea. Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jkunu parti fl-iskambju skond il-liġi nazzjonali.

Artikolu 11

Skambju ta' data kunfidenzjali bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Istati Membri

1.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrażmettu d-data dwar il-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi u l-unitajiet kostitwenti tagħhom, kif definit fl-Anness, lill-Kummissjoni (Eurostat), sabiex jipprovdu informazzjoni, esklussivament għall-finijiet ta' l-istatistika, dwar gruppi multinazzjonali fl-Unjoni Ewropea.

2.   Sabiex jiġi żgurat rekord konsistenti ta' data, esklussivament għall-finijiet ta' l-istatistika, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tittrażmetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta' kull Stat Membru, id-data dwar grupp multinazzjonali ta' intrapriżi, inklużi l-unitajiet kostitwenti tiegħu, fejn mill-inqas unità waħda legali tal-grupp tinsab fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

3.   Sabiex jiġi żgurat li d-data trażmessa skond dan l-Artikolu tintuża esklussivament għall-finijiet ta' l-istatistika, l-iskop, il-kamp ta' applikazzjoni, il-format, il-miżuri ta' sigurtà u ta' kunfidenzjalità u l-proċedura għat-trażmissjoni tad-data dwar unitajiet individwali lill-Kummissjoni (Eurostat) u għat-trażmissjoni ta' data dwar il-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 12

Skambju ta' data kunfidenzjali bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-banek ċentrali

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-iskambju ta' data kunfidenzjali jista' jsir, esklussivament għall-finijiet ta' l-istatistika, bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-banek ċentrali nazzjonali, u bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Bank Ċentrali Ewropew, fejn l-iskambju għandu jiżgura l-kwalità ta' l-informazzjoni dwar gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi fl-Unjoni Ewropea, u fejn l-iskambju huwa espliċitament awtorizzat mill-awtorità nazzjonali relevanti.

2.   Sabiex jiġi żgurat li d-data trażmessa skond dan l-Artikolu tintuża esklussivament għall-finijiet ta' l-istatistika, l-iskop, il-kamp ta' applikazzjoni, il-format, il-miżuri ta' sigurtà u ta' kunfidenzjalità u l-proċedura għat-trażmissjoni ta' data dwar il-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi lill-banek ċentrali nazzjonali u lill-Bank Ċentrali Ewropew għandha tkun adottata skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 13

Kunfidenzjalità u aċċess għal data identifikabbli

1.   Meta l-Kummissjoni (Eurostat), l-awtoritajiet nazzjonali, il-banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew jirċievu data kunfidenzjali skond l-Artikoli 10, 11 u 12, għandhom jitrattaw dik l-informazzjoni b'mod kunfidenzjali skond ir-Regolament (KE) Nru 322/97.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, u minkejja l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 322/97, kwalunkwe trażmissjoni ta' data kunfidenzjali bejn awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni (Eurostat) tista' ssir sal-punt fejn dik it-trażmissjoni tkun meħtieġa għall-produzzjoni ta' statistika Komunitarja speċifika. Kull trażmissjoni sussegwenti għandha tkun espliċitament awtorizzata mill-awtorità nazzjonali li ġabret id-data.

Artikolu 14

Perjodu transizzjonali u derogi

Meta reġistri tal-kummerċ ikunu jeħtieġu adattament maġġur, il-Kummissjoni tista' tagħti deroga fuq talba ta' Stat Membru għal perjodu transizzjonali li m'għandux ikun itwal minn … (15).

Għall-agrikoltura, forestrija u sajd, għall-amministrazzjoni pubblika u għad-difiża, u għas-sigurtà soċjali obbligatorja, u għall-karatteristiċi addizzjonali relatati ma' gruppi ta' intrapriżi, il-Kummissjoni tista' tagħti deroga fuq talba ta' Stat Membru għal perjodu transizzjonali li m'għandux ikun itwal minn … (16).

Artikolu 15

Miżuri ta' implimentazzjoni

1.   Il-miżuri li ġejjin, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 16(3):

(a)

il-kopertura ta' l-iżgħar intrapriżi u l-gruppi ta' intrapriżi totalment residenti, kif previst fl-Artikolu 3(6);

(b)

l-aġġornament tal-lista ta' karatteristiċi tar-reġistri fl-Anness, id-definizzjonijiet u r-regoli ta' kontinwità tagħhom, kif previst fl-Artikolu 5, b'kont meħud tal-prinċipju li l-benefiċċji ta' l-aġġornament għandhom ikunu akbar mill-ispejjeż tiegħu, u l-prinċipju li r-riżorsi addizzjonali involuti għall-Istati Membri jew għall-intrapriżi jibqgħu raġonevoli;

(ċ)

l-istabbiliment ta' standards komuni ta' kwalità, kif ukoll tal-kontenut u tal-perjodiċità tar-rapporti dwar il-kwalità kif previst fl-Artikolu 6(3); u

(d)

ir-regoli għall-aġġornament tar-reġistri, kif previst fl-Artikolu 8(3).

2.   Il-miżuri relatati ma' dawn li ġejjin għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 16(2):

(a)

it-trażmissjoni ta' informazzjoni li tirriżulta mill-analiżi statistika ta' registri, kif previst fl-Artikolu 9;

(b)

it-trażmissjoni ta' data dwar unitajiet individwali għall-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Istati Membri, kif previst fl-Artikolu 11; u

(ċ)

it-trażmissjoni ta' data dwar il-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-banek ċentrali, kif previst fl-Artikolu 12.

Artikolu 16

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Programmi Statistiċi.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 17

Tħassir

Ir-Regolament (KEE) Nru 2186/93 għandu jiġi mħassar.

Ir-referenzi magħmula għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala magħmula għal dan ir-Regolament.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-1 ta' Ġunju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2007 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali); Deċiżjoni tal-Kunsill ta' … (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 196, 5.8.1993, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(3)  ĠU L 76, 30.3.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(4)  ĠU L 14, 17.1.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(5)  ĠU L 162, 5.6.1998, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1893/2006.

(6)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(7)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(8)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(9)  ĠU L 195, 29.7.1980, p. 35. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/81/KE (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 47).

(10)  ĠU L 151, 15.6.1990, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(11)  ĠU L 35, 8.2.2005, p. 23. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 602/2006 (ĠU L 106, 19.4.2006, p. 10) (ĠU L 330 M, 28.11.2006, p. 347).

(12)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11) (ĠU L 76 M, 16.3.2007, p. 100).

(13)  ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.

(14)  ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1267/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 180, 18.7.2003, p. 1).

(15)  Sentejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(16)  Ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.


ANNESS

Ir-reġistri kummerċjali għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja għal kull unità. Mhuwiex meħtieġ li l-informazzjoni tkun miżmuma separatament għal kull unità, jekk tista tinkiseb minn unità(jiet) oħra(jn).

Entrati mhux immarkati huma obbligatorji, entrati mmarkati “Kundizzjonali” huma obbligatorji fejn dawn ikunu disponibbli fl-Istat Membru u entrati mmarkati “Fakultattiv” huma rakkomandati.

1.   

Unità legali

Karatteristiċi ta' identifikazzjoni

1.1

 

Numru ta' l-identità

1.2a

 

Isem

1.2b

 

Indirizz (inkluż l-kodiċi postali) fl-iżjed livell dettaljat

1.2ċ

Fakultattiv

Numri tat-telefon u l-fax, indirizz elettroniku, u informazzjoni li tippermetti l-ġbir elettroniku ta' data

1.3

 

Numru tar-reġistrazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jew, fin-nuqqas ta' dan, numru ieħor ta' identità amministrattiva

Karatteristiċi demografiċi

1.4

 

Id-data ta' inkorporazzjoni għal persuni ġuridiċi jew id-data tar-rikonoxximent uffiċjali bħala operatur ekonomiku għal persuni fiżiċi

 

1.5

 

Id-data li fiha l-unità legali ma baqgħetx tagħmel parti minn intrapriża (kif identifikat fi 3.3)

Karatteristiċi ekonomiċi/ta' stratifikazzjoni

1.6

 

Forma legali

Rabtiet ma' reġistri oħrajn

 

 

Referenza għar-reġistri assoċjati, li fihom hija rreġistrata l-unità legali u li jkun fihom informazzjoni li tista' tintuża għall-finijiet ta' l-istatistika;

1.7a

 

Referenza għar-reġistru ta' operaturi ġewwa l-Komunità imwaqqaf skond ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 (1), u Referenza għall-fajls tad-dwana jew għar-reġistru ta' l-operaturi barra l-Komunità

1.7b

Fakultattiv

Referenza għad-data tal-karta tal-bilanċ (għall-unitajiet li huma meħtieġa li jippubblikaw il-kontijiet); u Referenza għar-reġistru tal-bilanċ tal-pagamenti jew reġistru ta' l-investment dirett barrani; u Referenza għar-reġistru ta' l-irziezet

Karatteristiċi addizjonali għall-unitajiet legali li jiffurmaw parti minn intrapriżi li jappartjenu lil grupp ta' intrapriżi:

Rabta mal-grupp ta' intrapriżi

1.8

 

Numru ta' l-identità tal-grupp ta' intrapriża residenti totalment/maqtugħ (4.1), li lilu tappartjeni l-unità

1.9

 

Id-data ta' l-assoċjazzjoni mal-grupp residenti totalment/maqtugħ

1.10

 

Id-data tas-separazzjoni mill-grupp residenti totalment/maqtugħ

Kontroll ta' l-unitajiet

 

 

Ir-rabtiet tal-kontroll tar-residenti jistgħu jiġu rreġistrati minn fuq għal isfel (1.11a) jew minn isfel għal fuq (1.11b). L-ewwel livell ta' kontroll biss, dirett jew indirett, huwa rreġistrat għal kull unità (il-katina sħiħa ta' kontroll tista' tinkiseb billi tgħaqqad dawn l-entitajiet).

1,11a

 

Numru/i ta' l-identità ta' l-unità(jiet) legali residenti, li huma kkontrollati mill-unità legali

1.11b

 

Numru ta' l-identità ta' l-unità legali residenti, li tikkontrolla l-unità legali

1.12a

 

Pajjiż(i) tar-reġistrazzjoni, u numru/i ta' l-identità jew, isem(ismijiet), u indirizz(i) ta' l-unità(jiet) legali mhux residenti, li huma kkontrollati mill-unità legali

1.12b

Kundizzjonali

Numru/i tal-VAT, ta' l-unità(jiet) legali mhux residenti, li huma kkontrollati mill-unità legali

1,13a

 

Pajjiż tar-reġistrazzjoni, u numru ta' l-identità jew, isem u indirizz ta' l-unità legali mhux residenti, li tikkontrolla l-unità legali

1.13b

Kundizzjonali

Numru tal-VAT, ta' l-unità legali mhux residenti, li tikkontrolla l-unità legali

Id-dritt tal-proprjetà fuq l-unitàajiet

 

Kundizzjonali

Id-dritt tal-proprjetà tar-residenti jista' jiġi rreġistrat jew minn fuq għal isfel (1.14a) jew minn isfel għal fuq (1.14b).

Ir-reġistrazzjoni ta' l-informazzjoni u l-limitu użat għall-parteċipazzjoni azzjonarja huma suġġetti għad-disponibilità ta' din l-informazzjoni fis-sorsi amministrattivi. Il-limitu rrakkomandat huwa ta 10 % jew iżjed tad-dritt dirett tal-proprjetà.

1.14a

Kundizzjonali

(a)

Numru/i ta' l-identità, u

(b)

ishma (%)

ta' l-unità jew unitajiet legali residenti li jkunu l-proprjetà ta' l-unità legali

1.14b

Kundizzjonali

(a)

Numru/i ta' l-identità, u

(b)

ishma (%)

ta' l-unità jew unitajiet legali residenti, li jkunu l-proprjetarji ta' l-unità legali

1.15

Kundizzjonali

(a)

Pajjiż(i) tar-reġistrazzjoni, u

(b)

numru/i ta' l-identità jew, isem(ismijiet), indirizz(i) u numru/i tal-VAT, u

(c)

ishma (%)

ta' l-unità jew unitajiet legali mhux residenti li jkunu l-proprjetà ta' l-unità legali

1.16

Kundizzjonali

(a)

Pajjiż(i) tar-reġistrazzjoni, u

(b)

numru/i ta' l-identità jew, isem(ismijiet), indirizz(i) u numru/i tal-VAT, u

(c)

ishma (%)

ta' l-unità jew unitajiet legali mhux residenti, li jkunu l-proprjetarji ta' l-unità legali

2.   

Unità lokali

Karatteristiċi ta' identifikazzjoni

2.1

 

Numru ta' l-identità

2.2a

 

Isem

2.2b

 

Indirizz (inkluż l-kodiċi postali) fl-iżjed livell dettaljat

2.2ċ

Fakultattiv

Numri tat-telefon u l-fax, indirizz elettroniku, u informazzjoni li tippermetti l-ġbir elettroniku ta' data

2.3

 

Numru ta' l-identità ta' l-intrapriża (3.1), li lilha tappartjeni l-unità lokali

Karatteristiċi demografiċi

2.4

 

Id-data tal-bidu ta' l-attivitajiet

2.5

 

Id-data tat-tmiem finali ta' l-attivitajiet

Karatteristiċi ekonomiċi/ta' stratifikazzjoni

2.6

 

Kodiċi ta' l-attività ewlenija fil-livell tan-NACE b'4 numri

2.7

Kundizzjonali

Attivitajiet sekondarji, jekk ikun hemm, fil-livell tan-NACE b'4 numri; dan il-punt jikkonċerna biss unitajiet lokali li huma suġġetti għall-istħarrig

2.8

Fakultattiv

Attività mwettqa fl-unità lokali li tikkostitwixxi attività anċillari ta' l-intrapriża li għaliha tappartjeni (Iva/Le)

2.9

 

Numru tal-persuni impjegati

2.10a

 

Fakultattiv

2.10b

Fakultattiv

Numru ta' impjegati f'ekwivalenti ta' full time

2.11

 

Kodiċi tal-lokazzjoni ġeografika

Rabtiet ma' reġistri oħrajn

2.12

Kundizzjonali

Referenza għar-reġistri assoċjati li fihom tidher l-unità lokali u li fihom informazzjoni li jista' jintuża għall-finijiet ta' l-istatistika (jekk tali reġistri assoċjati jeżistu)

3.   

Intrapriża

Karatteristiċi ta' identifikazzjoni

3.1

 

Numru ta' l-identità

3.2a

 

Isem

3.2b

Fakultattiv

Indirizzi postali, elettroniċi u ta' websites

3.3

 

Numru(i) ta' l-identità ta' l-unita(jiet) legali li minnha/hom hija magħmula l-intrapriża;

Karatteristiċi demografiċi

3.4

 

Id-data tal-bidu ta' l-attivitajiet

3.5

 

Id-data tat-tmiem finali ta' l-attivitajiet

Karatteristiċi ekonomiċi/ta' stratifikazzjoni

3.6

 

Kodiċi ta' l-attività ewlenija fil-livell tan-NACE b'4 numri

3.7

Kundizzjonali

Attivitajiet sekondarji, jekk ikun hemm, fil-livell tan-NACE b'4 numri; dan il-punt jikkonċerna biss intraprizi li huma suġġetti għall-istħarrig

3.8

 

Numru tal-persuni impjegati

3.9a

 

Fakultattiv

3.9b

Fakultattiv

Numru ta' impjegati f'ekwivalenti ta' full time

3.10a

 

Fatturat barra dak previst fi 3.10b

3.10b

Fakultattiv

Fatturat għall-agrikoltura, l-kaċċa u l-forestrija, is-sajd u l-amministrazzjoni u d-difiża pubbliċi, s-sigurtà soċjali obbligatorja, djar privati b'persuni mpjegati u organizzazzjonijiet extraterritorjali.

3.11

 

Settur u subsettur istituzzjonali skond is-Sistema Ewropea tal-Kontabilità

Karatteristiċi addizzjonali għall-intrapriżi li jagħmlu parti minn grupp ta' intrapriżi:

Rabta mal-grupp ta' intrapriżi

3.12

Numru ta' l-identità tal-grupp ta' intrapriżi residenti/maqtugħ (4.1), li lilu tappartjeni l-intrapriża

4.   

Grupp ta' intrapriżi

Karatteristiċi ta' identifikazzjoni

4.1

 

Numru ta' l-identità tal-grupp residenti totalment/maqtugħ

4.2a

 

Isem il-grupp residenti totalment/maqtugħ

4.2b

Fakultattiv

Indirizzi postali, elettroniċi u tal-websites ta' l-uffiċju ewlieni residenti totalment/maqtugħ

4.3

Parzjalment Kundizzjonali

Numru ta' l-identità tal-grupp ewlieni tal-gruppi residenti totalment/maqtugħ (huwa ugwali għan-numru ta' l-identità ta' l-unità legali, li hija l-kap tal-grupp residenti).

Kundizzjonali Jekk l-unità li tikkontrolla hija persuna fiżika, li mhijiex operatur ekonomiku, ir-reġistrazzjoni hija suġġetta għad-disponibilità ta' dan it-tagħrif fl-għejun amministrattivi

4.4

 

Tip ta' grupp ta' intrapriżi:

1.

grupp residenti kollha;

2.

grupp maqtugħ ikkontrollat domestikament;

3.

grupp maqtugħ ikkontrollat minn barra;

Karatteristiċi demografiċi

4.5

 

Id-data tal-bidu tal-grupp ta' intrapriżi residenti totalment/maqtugħ

4.6

 

Id-data tat-tmiem tal-grupp ta' intrapriżi residenti totalment/maqtugħ

Karatteristiċi ekonomiċi/ta' stratifikazzjoni

4.7

 

Kodiċi ta' l-attività ewlenija tal-grupp residenti/maqtugħ fil-livell tan-NACE b'żewġ numri

4.8

Fakultattiv

Kodiċi ta' l-attività ewlenija tal-grupp residenti totalment/maqtugħ fil-livell tan-NACE b'żewġ numri

4.9

 

Numru ta' persuni impjegati fil-grupp residenti totalment/maqtugħ

4.10

Fakultattiv

Il-fatturat konsolidat

Karatteristiċi addizzjonali għall-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi (tipi 2 u 3 f'4.4):

Ir-reġistrazzjoni ta' dawn il-varjabbli, ħlief għal 4.11 u 4.12a, m'hijiex obbligatorja sakemm tkun stabbilita t-trażmissjoni ta' l-informazzjoni dwar il-gruppi multinazzjonali kif previst fl-Artikolu 11.

Karatteristiċi ta' identifikazzjoni

4.11

 

Numru ta' l-identità tal-grupp globali

4.12a

 

Isem il-grupp globali

4.12b

Fakultattiv

Pajjiż tar-reġistrazzjoni, indirizzi postali, elettroniċi u tal-websites ta' l-uffiċċju ewlieni globali

4.13a

 

Numru ta' l-identità tal-grupp ewlieni globali jekk il-grupp ewlieni huwa residenti (ugwali għan-numru ta' l-identità ta' l-unità legali, li hija l-grupp ewlieni).

Jekk il-grupp ewlieni globali mhuwiex residenti, il-pajjiż tiegħu tar-reġistrazzjoni.

4.13b

Fakultattiv

In-numru ta' l-identità tal-mexxej tal-grupp globali jew l-isem u l-indirizz, jekk mhux residenti

Karatteristiċi ekonomiċi/ta' stratifikazzjoni

4.14

Fakultattiv

In-numru ta' persuni impjegati globalment

4.15

Fakultattiv

Il-bejgħ gross konsolidat

4.16

Fakultattiv

Pajjiż taċ-ċentru għad-deċiżjonjiet globali

4.17

Fakultattiv

Pajjiżi fejn huma allokati l-intrapriżi jew l-unitajiet lokali


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar statistika Komunitarja rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejn l-Istati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 (ĠU L 102, 7.4.2004, p. 1).


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   DAĦLA

1.

Il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha (1) fil-5 ta' April 2005 bil-għan li timmodernizza r-Regolament dwar ir-Reġistri tal-Kummerċ eżistenti (KEE) Nru 2186/93 u biex jittieħed kont ta' ħtiġiet statistiċi addizzjonali li nħolqu progressivament. Il-proposta kienet eżaminata u diskussa fil-korpi preparatorji tal-Kunsill taħt Presidenzi suċċessivi.

2.

Il-Parlament Ewropew adotta l-Opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fl-1 ta' Ġunju 2006.

3.

Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu skond l-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE fil-21 ta' Mejju 2007.

II.   OBJETTIVI

L-objettivi prinċipali ta' l-abbozz ta' Regolament huma:

li jirreġistra fuq bażi mandatorja l-intrapriżi kollha, l-unitajiet lokali tagħhom u l-unitajiet legali korrispondenti li jwettqu attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxi għall-prodott gross domestiku;

li jkopri r-rabtiet finanzjarji u l-gruppi ta' intrapriżi kollha u li jiskambja data dwar gruppi multinazzjonali u l-unitajiet kostitwenti tagħhom bejn l-Istati membri u l-Kummissjoni (Eurostat).

Barra minn hekk, il-proposta timmira għal armonizzazzjoni bejn l-Istati Membri kollha billi tadotta metodoloġija komuni.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Kuntest ġenerali

F'Ġunju 2006 intlaħaq ftehim fl-ewwel qari dwar dan id-dossier (PE-CONS 3624/06).

Fis-17 ta' Lulju 2006, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2006/512/KE li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni u li tintroduċi proċedura ġdida intitolata “proċedura regolatorja bi skrutinju” (Artikolu 5a).

Il-proċedura l-ġdida tal-Kumitat għandha tkun segwita biex tadotta miżuri ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali li jfittxu li jemendaw elementi mhux essenzjali ta' strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia bit-tħassir ta' xi wħud minn dawk l-elementi jew billi jiġi ssupplimentat l-istrument biż-żieda ta' elementi mhux essenzjali ġodda.

2.   Adattamenti introdotti mill-Kunsill

L-abbozz ta' Regolament jirreferi għall-proċedura regolatorja tal-Kumitat meta jiġu implimentati s-setgħat konferiti fuq il-Kummissjoni u għalhekk għandu jkun adattat, fejn adegwat, għall-proċedura regolatorja l-ġdida tal-Kumitat bi skrutinju.

Il-Kummissjoni aċċettat il-pożizzjoni komuni maqbula mill-Kunsill.


(1)  COM(2005) 0112.


21.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

CE 193/13


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) NRU 10/2007

adottata mill-Kunsill fit-28 ta' Ġunju 2007

bil-ħsieb li jiġi adottat ir-Regolament (KE) Nru …/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (“Servizz ta' dokumenti”) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000

(2007/C 193 E/02)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 61(ċ) u l-Artikolu 67 (5), it-tieni inċiż tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea assumiet l-impenn biex iżżomm u tiżviluppa l-Unjoni bħala żona ta' libertà, sigurtà, u ġustizzja, li fiha l-moviment liberu tal-persuni huwa assigurat. Biex tistabbilixxi żona bħal din, il-Komunità għandha tadotta, fost oħrajn, il-miżuri relatati mal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili li huma meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(2)

Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jimplika l-ħtieġa ta' titjib u tħaffif fit-trasmissjoni tad-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet civili jew kummerċjali għas-servizz bejn l-Istati Membri.

(3)

Il-Kunsill, permezz ta' Att datat is-26 ta' Mejju 1997 (3), fassal Konvenzjoni dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali u rrakkomanda lill-Istati Membri biex jadottawha skond ir-regoli kostituzzjonali rispettivi tagħhom. Din il-Konvenzjoni ma daħlitx fis-seħħ. Il-kontinwità fir-riżultati tan-negozjati għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni għandha tkun żgurata.

(4)

Fid-29 ta' Mejju 2000 il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1348/2000 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (4). Il-kontenut prinċipali ta' dak ir-Regolament huwa bbażat fuq il-Konvenzjoni.

(5)

Fl-1 ta' Ottubru 2004 il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000. Ir-rapport jikkonkludi li l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000 tejbet u ħaffet b'mod ġenerali t-trasmissjoni u s-servizz ta' dokumenti bejn l-Istati Membri mid-dħul fis-seħħ tiegħu fl-2001, iżda madankollu l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet mhix sodisfaċenti għal kollox.

(6)

L-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jeħtieġu li d-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji jiġu trasmessi b'mod dirett u mħaffef bejn il-korpi lokali maħtura mill-Istati Membri. L-Istati Membri jistgħu jindikaw l-intenzjoni tagħom biex jaħtru biss aġenzija waħda li tittrasmetti jew tirċievi jew aġenzija waħda li twettaq iż-żewġ funzjonijiet għal perijodu ta' ħames snin. Madankollu din il-ħatra tista' tiġġedded kull ħames snin.

(7)

Il-ħeffa fit-trasmissjoni tiġġustifika l-użu ta' kull mezz xieraq, sakemm jiġu osservati ċerti kondizzjonijiet dwar il-leġibilità u l-affidabilità tad-dokumenti li jaslu. Is-sigurtà fit-trasmissjoni teħtieġ li d-dokument li jkun ser jiġi trasmess ikun akkumpanjat minn formola standard li trid timtela' bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tad-destinazzjoni fejn is-servizz ikun ser jitwettaq, jew b'lingwa oħra aċċettata mill-Istat Membru konċernat.

(8)

Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal servizz ta' dokument lir-rappreżentant awtorizzat tal-parti fl-Istat Membru fejn qed jitwettqu l-proċedimenti, indipendentement mill-post ta' residenza ta' dik il-parti.

(9)

Is-servizz ta' dokument għandu jitwettaq malajr kemm jista' jkun, u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar minn meta jkun wasal id-dokument għand l-aġenzija li tirċievi.

(10)

Sabiex tkun żgurata l-effettività ta' dan ir-Regolament, il-possibbiltà tar-rifjut ta' servizz ta' dokumenti għandha tiġi limitata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

(11)

Sabiex ikunu ffaċilitati t-trasmissjoni u s-servizz ta' dokumenti bejn l-Istati Membri, għandhom jintużaw il-formoli standard li jidhru fl-Annessi għal dan ir-Regolament.

(12)

L-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lid-destinatarju bil-miktub permezz tal-formola standard li hu jew hi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw id-dokument meta jkun innotifikat jew billi jirritornawh lill-aġenzija li tirċievi fi żmien ġimgħa jekk kemm-il darba d-dokument ma jkunx miktub b'lingwa li jifhem id-destinatarju jew inkella bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post tas-servizz. Din ir-regola għandha tapplika wkoll għas-servizz sussegwenti ladarba d-destinararju jkun eżerċita d-dritt tiegħu li jirrifjuta. Dawn ir-regoli dwar ir-rifjut għandhom japplikaw ukoll għal servizz minn aġenti diplomatiċi jew konsulari, minn servizzi postali, u servizz dirett. Għandu jkun stabbilit li s-servizz tad-dokument irrifjutat jista' jkun rrimedjat permezz tas-servizz lid-destinatarju ta' traduzzjoni tad-dokument.

(13)

Il-ħeffa fit-trasmissjoni tiggarantixxi li d-dokumenti jkunu nnotifikati wara ftit tal-jiem mill-wasla tagħhom. Madankollu, jekk is-servizz ma jkunx twettaq wara li jkun għadda xahar, l-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lill-aġenzija li tkun bagħtet id-dokumenti. L-iskadenza ta' dan il-perijodu m'għandux jimplika li t-talba tintbagħat lura lill-aġenzija li tibgħat meta jkun jidher ċar li s-servizz huwa fattibbli fi żmien raġonevoli.

(14)

L-aġenzija li tirċievi għandha tkompli tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tinnotifika d-dokument anke f'każi fejn ma kienx possibbli li twettaq is-servizz fi żmien xahar, per eżempju, għaliex il-konvenut ikun bil-vaganzi u allura ma jkunx id-dar, jew ikun fuq xogħol barra mill-uffiċċju. Madankollu, sabiex tevita li l-aġenzija li tirċievi jkollha obbligu perpetwu li tieħu passi biex tinnotifika d-dokument, l-aġenzija li tibgħat għandha tkun f'pożizzjoni li tispeċifika terminu ta' żmien fil-formola standard li jekk tinqabeż is-servizz ma jkunx aktar meħtieġ.

(15)

Minħabba d-differenzi bejn l-Istati Membri fejn jidħlu r-regoli ta' proċedura tagħhom, id-data ta' referenza għall-għanijiet tas-servizz tvarja minn Stat Membru għal ieħor. Filwaqt li jqis dawn is-sitwazzjonijiet u d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu, dan ir-Regolament għandu jipprovdi għal sistema li fiha hija l-liġi ta' l-Istat Membru indirizzat li tiddetermina d-data tas-servizz. Madankollu, fejn, skond il-liġi ta' Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f'perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward ta' l-applikant għandha tkun dik stabbilita mil-liġi ta' dak l-Istat Membru. Din is-sistema ta' data doppja teżisti biss f'għadd limitat ta' Stati Membri biss. Dawk l-Istati Membri li japplikaw din is-sistema għandhom jikkomunikaw dan lill-Kummissjoni li, min-naħa tagħha, għandha tippubblika din l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u tagħmilha disponibbli permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għal Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE (5).

(16)

Sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja, l-ispejjeż meħtieġa għall-użu ta' uffiċjal ġudizzjarju jew persuna kompetenti skond il-liġi ta' l-Istat Membru indirizzat għandhom jikkorrispondu ma' ħlas fiss uniku stabbilit minn dak l-Istat Membru bil-quddiem li jkun jirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-non-diskriminazzjoni. Il-ħtieġa ta' ħlas fiss uniku m'għandhiex tipprekludi l-possibbiltà li Stati Membri jiffissaw ħlasijiet differenti għal tipi differenti ta' servizz sakemm jibqgħu jirrispettaw dawn il-prinċipji.

(17)

Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq servizz tad-dokumenti direttament bis-servizzi postali lill-persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor permezz ta' ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla ta' l-ittra għand id-destinatarju jew l-ekwivalenti.

(18)

Għandu jkun possibbli għal kwalunkwe persuna interessata fi proċediment ġudizzjarju biex twettaq servizz tad-dokumenti permezz ta' uffiċjali ġudizzjarji, uffiċjali jew persuni kompetenti oħra ta' l-Istat Membru indirizzat, fejn servizz dirett bħal dan huwa permess taħt il-liġi ta' dak l-Istat Membru.

(19)

Il-Kummissjoni għandha tfassal manwal li jkun fih informazzjoni rilevanti għall-applikazzjoni adatta ta' dan ir-Regolament, li għandu jkun disponibbli permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għal Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jiżguraw li din l-informazzjoni tkun aġġornata u kompluta speċjalment fejn jidħlu d-dettalji dwar il-kuntatti ma' l-aġenziji li jirċievu u li jibagħtu.

(20)

Għall-ikkalkular tal-perijodi u l-limiti ta' żmien previsti f'dan ir-Regolament, għandu japplika r-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta' Ġunju 1971 li jistipula r-regoli applikabbli għall-perijodi, id-dati u l-limiti taż-żmien (6).

(21)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (7).

(22)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex taġġorna jew tagħmel emendi tekniċi fil-formoli standard stabbiliti fl-Annessi. Billi dawk il-miżuri huma ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw/iħassru l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(23)

Dan ir-Regolament jipprevali fuq id-dispożizzjonijiet tal-ftehim jew l-arranġamenti bilaterali jew multilaterali li għandom l-istess kamp ta' applikazzjoni, konklużi mill-Istati Membri, u b'mod partikolari l-Protokoll anness għall-Konvenzjoni ta' Brussel tas-27 ta' Settembru 1968 (8) u l-Konvenzjoni ta' l-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 (9) fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri li huma parti għalihom. Dan ir-Regolament ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew jikkonkludu ftehim jew arranġamenti biex jgħaġġlu jew jissimplifikaw it-trasmissjoni tad-dokumenti, sakemm dawn ikunu kompatibbli ma' dan ir-Regolament.

(24)

L-informazzjoni trasmessa skond dan ir-Regolament għandha tgawdi minn protezzjoni xierqa. Din il-kwistjoni taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-ħarsien ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta' din id-data (10), u tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-ħarsien tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi) (11).

(25)

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 2011 u mbagħad wara kull ħames snin minn din id-data, u tipproponi emendi li jkunu jidhru meħtieġa.

(26)

Billi l-għanijiet ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, għal raġuni ta' skala jew effetti ta' l-azzjoni, jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(27)

Sabiex id-dispożizzjonijiet isiru aktar aċċessibbli u jinqraw aktar faċilment, ir-Regolament (KE) Nru 1348/2000 għandu jitħassar u jiġi sostitwit b'dan ir-Regolament.

(28)

Bi qbil ma' l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(29)

Bi qbil ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, u għalhekk m'hijiex marbuta minnu jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fejn dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal servizz hemmhekk. Dan m'għandux jinkludi, b'mod partikolari, kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi jew ir-responsabbiltà ta' l-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċiżżju ta' l-awtorità ta' l-Istat (“acta iure imperii”).

2.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika meta l-indirizz tal-persuna li lilha jrid ikun innotifikat jew ikkomunikat l-att ma jkunx magħruf.

3.   F'dan ir-Regolament, il-kliem “Stat Membru” għandhom ifissru l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.

Artikolu 2

Aġenziji li jibagħtu u li jirċievu

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar lill-uffiċjali pubbliċi, l-awtoritajiet jew lil persuni oħra, minn hawn 'il quddiem imsejħa “aġenżiji li jibagħtu”, kompetenti biex jittrasmettu dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji li jridu jkunu nnotifikati fi Stat Membru ieħor.

2.   Kull Stat Membru għandu jaħtar lill-uffiċjali pubbliċi, l-awtoritajiet jew lil persuni oħra, minn hawn 'il quddiem imsejħa “aġenżiji li jirċievu”, kompetenti biex jirċievu dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji minn Stat Membru ieħor.

3.   L-Istat Membru jista' jaħtar aġenzija waħda li tibgħat u aġenzija waħda li tirċievi jew aġenzija waħda li twettaq iż-żewġ funzjonijiet. Stat federali, Stat li fih japplikaw diversi sistemi legali jew Stat b'unitajiet territorjali awtonomi għandhom ikunu ħielsa li jaħtru aktar minn aġenzija waħda ta' din ix-xorta. Il-ħatra għandha tkun għal perijodu ta' ħames snin u tista' tiġġedded f'intervalli ta' ħames snin.

4.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ismijiet u l-indirizzi ta' l-aġenziji li jirċievu msemmija fil-paragrafi 2 u 3;

(b)

iż-żoni ġeografiċi fejn għandhom ġurisdizzjoni;

(ċ)

il-mezzi disponibbli għalihom biex jirċievu d-dokumenti; u

(d)

il-lingwi li jistgħu jintużaw għall-mili tal-formola standard li tinsab fl-Anness I.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'kull tibdil sussegwenti li jsir f'din l-informazzjoni.

Artikolu 3

Korp ċentrali

Kull Stat Membru għandu jaħtar korp ċentrali li jkun responsabbli għal:

(a)

il-forniment ta' informazzjoni lill-aġenziji li jibagħtu;

(b)

it-tiftix ta' soluzzjonijiet għal kwalunkwe diffikultà li tista' tinqala' waqt it-trasmissjoni tad-dokumenti li jridu jkunu nnotifikati;

(ċ)

it-trasmissjoni, f'każijiet eċċezzjonali, fuq talba ta' l-aġenzija li tibgħat, ta' rikjesta għal servizz lill-aġenzija kompetenti li tirċievi.

Stat federali, Stat li fih japplikaw diversi sistemi legali jew Stat b'unitajiet territorjali awtonomi għandhom ikunu ħielsa li jaħtru aktar minn korp ċentrali wieħed.

KAPITOLU II

DOKUMENTI ĠUDIZZJARJI

TAQSIMA 1

Trasmissjoni u servizz ta' dokumenti ġudizzjarji

Artikolu 4

Trasmissjoni tad-dokumenti

1.   Dokumenti ġudizzjarji għandhom ikunu trasmessi direttament u kemm jista' jkun malajr bejn l-aġenziji maħtura skond l-Artikolu 2.

2.   It-trasmissjoni ta' dokumenti, talbiet, konfermi, rċevuti, ċertifikati u kull dokument ieħor li jgħaddi bejn l-aġenziji li jibagħtu u l-aġenziji li jirċievu tista' ssir bi kwalunkwe mezz xieraq, sakemm il-kontenut tad-dokument riċevut ikun fidil u konformi ma' dak tad-dokument mibgħut u sakemm l-informazzjoni kollha ta' ġo fih tkun tista' tinqara faċilment.

3.   Id-dokument li għandu jiġi trasmess għandu jkun akkumpanjat minn talba mfassla bl-użu ta' formola standard li tinsab fl-Anness I. Il-formola għandha timtela bil-lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikun ser jitwettaq is-servizz, jew b'lingwa oħra li dak l-Istat Membru jkun indika bħala aċċettabbli għalih. Kull Stat Membru għandu jindika l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonjiet ta' l-Unjoni Ewropea minbarra dik tiegħu li huwa jista' jaċċetta għall-ikkompletar tal-formola.

4.   Id-dokumenti u l-karti kollha mibgħuta għandhom ikunu eżentati mil-leġislazzjoni jew kwalunkwe formalità ekwivalenti.

5.   Meta l-aġenzija li tibgħat tkun tixtieq li tintbagħtilha lura kopja tad-dokument flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 10, għandha tibgħat żewġ kopji tad-dokument.

Artikolu 5

Traduzzjoni ta' dokumenti

1.   L-aġenzija li tibgħat ghandha tavża lill-applikant li jkun għaddielha d-dokument għat-trasmissjoni li d-destinatarju jista' jirrifjuta li jaċċetta d-dokument jekk dan ma jkunx miktub b'waħda mil-lingwi previsti fl-Artikolu 8.

2.   L-applikant għandu jħallas l-ispejjeż kollha tat-traduzzjoni qabel ma jintbagħat id-dokument, bla ħsara għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti possibbli mill-qorti jew minn awtorità kompetenti dwar ir-responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż.

Artikolu 6

Il-wasla tad-dokumenti għand l-aġenzija li tirċievi

1.   Hekk kif tirċievi dokument, l-aġenzija li tirċievi għandha, mill-aktar fis possibbli, u jkun xi jkun il-każ, fi żmien sebat ijiem minn meta jaslilha d-dokument, tibgħat irċevuta lill-aġenzija li tibgħat permezz tal-mezzi ta' trasmissjoni l-iżjed mgħaġġla u bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness I.

2.   Meta t-talba għas-servizz ma tkunx tista' tiġi ssodisfata fuq il-bażi ta' l-informazzjoni jew id-dokumenti mibgħuta, l-aġenzija li tirċievi għandha tikkuntattja lill-aġenzija li tibgħat permezz tal-mezzi l-iżjed mgħaġġla sabiex tikseb l-informazzjoni jew id-dokumenti nieqsa.

3.   Jekk it-talba għas-servizz tkun għal kollox 'il barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jew jekk in-nuqqas ta' konformità mal-kondizzjonijiet formali mitluba jagħmel is-servizz impossibbli, it-talba u d-dokumenti mibgħuta għandhom jintbagħtu lura malli jkunu waslu lill-aġenzija li tibgħat, flimkien ma' avviż ta' restituzzjoni permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness I.

4.   Aġenzija li tirċievi li jaslilha dokument għal servizz iżda li ma jkollhiex ġurisdizzjoni territorjali biex tinnotifikah għandha tgħaddih flimkien mat-talba lill-aġenzija li tirċievi li jkollha ġurisdizzjoni territorjali fl-istess Stat Membru jekk it-talba tkun konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(3) u għandha tinforma lill-aġenzija li tibgħat dwar dan, billi tuża l-formola standard li tinsab fl-Anness I. Dik l-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lill-aġenzija li tibgħat meta tirċievi d-dokument, fil-mod previst fil-paragrafu 1.

Artikolu 7

Servizz ta' dokumenti

1.   L-aġenzija li tirċievi għandha tinnotifika d-dokument hi stess jew tqabbad lil min jinnotifikah skond il-liġi ta' l-Istat Membru indirizzat jew permezz ta' metodu partikolari mitluba mill-aġenzija li tibgħat, ħlief jekk dak il-metodu ma jkunx kompatibbli mal-liġi ta' dak l-Istat Membru.

2.   L-aġenzija li tirċievi għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex twettaq is-servizz tad-dokument malajr kemm jista' jkun, u jkun xi jkun il-każ, fi żmien xahar minn mindu jkun wasal għandha. Jekk ma jkunx possibbli li s-servizz jitwettaq fi żmien xahar mill-wasla tad-dokument, l-aġenzija li tirċievi għandha:

(a)

immedjatament tinforma lill-aġenzija li tibgħat permezz taċ-ċertifikat fil-formola standard li tinsab fl-Anness I, li għandha titfassal taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2); u

(b)

tkompli tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tinnotifika d-dokument, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor mill-aġenzija li tibgħat, meta jkun jidher li s-servizz mhux se jkun possibbli li jitwettaq f'perijodu ta' żmien raġonevoli.

Artikolu 8

Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument

1.   L-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lid-destinatarju, bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II li jista' jirrifjuta li jaċċetta d-dokument maħsub għan-notifika, jew fl-istess mument meta dan ikun innotifikat inkella billi jirritorna d-dokument lill-aġenzija li tirċievi fi żmien ġimgħa jekk id-dokument ma jkunx miktub b'waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f'waħda minnhom:

(a)

lingwa li jifhimha d-destinatarju;

jew

(b)

il-lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikun irid isir is-servizz.

2.   Meta l-aġenzija li tirċievi tkun infurmata li d-destinatarju qed jirrifjuta li jaċċetta d-dokument skond il-paragrafu 1, għandha tavża immedjatament lill-aġenzija li tibgħat permezz taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 10 u tibgħat lura t-talba u d-dokumenti li tagħhom tintalab traduzzjoni.

3.   Jekk id-destinatarju jkun irrifjuta li jaċċetta d-dokument skond il-paragrafu 1, is-servizz tad-dokument jista' jkun irrimedjat permezz ta' servizz lid-destinatarju skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament tad-dokument li miegħu jkollu traduzzjoni f'lingwa prevista fil-paragrafu 1. F'dak il-każ, id-data tas-servizz tad-dokument għandha tkun id-data li fiha d-dokument flimkien mat-traduzzjoni jkunu notifikati skond il-liġi ta' l-Istat Membru indirizzat. Madankollu, fejn, skond il-liġi ta' Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f'perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward ta' l-applikant għandha tkun id-data tas-servizz tad-dokument oriġinali ffissata skond l-Artikolu 9(2).

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għall-mezzi ta' trasmissjoni u s-servizz tad-dokumenti ġudizzjarji kif imsemmi fis-Sezzjoni 2.

5.   Għall-għanijiet tal-paragrafu (1), l-aġenti diplomatiċi jew konsulari, meta s-servizz isir skond l-Artikolu 13, jew l-awtorità jew il-persuna, meta s-servizz isir skond l-Artikolu 14, għandhom jinfurmaw lid-destinatarju li jista' jirrifjuta li jaċċetta d-dokument u li kull dokument irrifjutat irid jintbagħat lura lil dawk l-aġenziji jew lil dik l-awtorità jew persuna rispettivament.

Artikolu 9

Id-data tas-servizz

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 8, id-data tas-servizz ta' dokument skond l-Artikolu 7 għandha tkun id-data li fiha l-att jiġi nnotifikat skond il-liġi ta' l-Istat Membru indirizzat.

2.   Madankollu, fejn, skond il-liġi ta' Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f'perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward ta' l-applikant għandha tkun dik iffissata mil-liġi ta' dak l-Istat Membru.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw ukoll għall-mezzi ta' trasmissjoni u s-servizz ta' dokumenti ġudizzjarji kif imsemmi fis-Sezzjoni 2.

Artikolu 10

Ċertifikat tas-servizz u kopja tad-dokument innotifikat

1.   Meta l-formalitajiet dwar is-servizz tad-dokument ikunu tlestew, għandu jinħareġ ċertifikat ta' tlestija ta' dawk il-formalitajiet fil-formola standard li tinsab fl-Anness I u jiġi indirizzat lill-aġenzija li tibgħat, flimkien ma', fejn japplika l-Artikolu 4(5), kopja tad-dokument innotifikat.

2.   Iċ-ċertifikat għandu jsir bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini jew b'lingwa oħra li l-Istat Membru ta' l-oriġini jkun indika bħala aċċettabbli għalih. Kull Stat Membru għandu jindika l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali ta' l-Istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea minbarra dik tiegħu li huwa jista' jaċċetta għall-ikkompletar tal-formola.

Artikolu 11

Spejjeż tas-servizz

1.   Is-servizz ta' dokumenti ġudizzjarji ġejjin minn Stat Membru m'għandhom jagħtu lok għal ebda pagament jew rimborż ta' taxxi jew spejjeż għas-servizzi mogħtija mill-Istat Membru indirizzat.

2.   Madankollu, l-applikant għandu jħallas jew irodd lura l-ispejjeż għal:

(a)

l-użu ta' uffiċjal ġudizzjarju jew ta' persuna kompetenti skond il-liġi ta' l-Istat Membru indirizzat;

(b)

l-użu ta' metodu partikolari ta' servizz.

L-ispejjeż għall-użu ta' uffiċjal ġudizzjarju jew ta' persuna kompetenti skond il-liġi ta' l-Istat Membru indirizzat għandhom jikkorrispondu ma' ħlas fiss uniku stabbilit minn dak l-Istat Membru bil-quddiem, li jkun jirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-non-diskriminazzjoni. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dawn ir-rati fissi lill-Kummissjoni.

TAQSIMA 2

Mezzi oħra ta' trasmissjoni u servizz ta' dokumenti ġudizzjarji

Artikolu 12

Trasmissjoni b'mezzi konsulari jew diplomatiċi

Kull Stat Membru għandu jkun ħieles, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, li juża mezzi konsulari jew diplomatiċi biex jibgħat id-dokumenti ġudizzjarji, bil-għan li jinnotifikahom, lil dawk l-aġenziji ta' Stat Membru ieħor li jkunu maħtura skond l-Artikoli 2 jew 3.

Artikolu 13

Servizz minn aġenti diplomatiċi jew konsulari

1.   Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq is-servizz tad-dokumenti ġudizzjarji lil persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor, mingħajr l-applikazzjoni ta' ebda forza, direttament permezz ta' l-aġenti diplomatiċi jew konsulari tiegħu.

2.   Kull Stat Membru jista' jikkomunika, skond l-Artikolu 23(1), li hu jopponi servizz bħal dan fit-territorju tiegħu, sakemm id-dokumenti ma jkunux innotifikati lil ċittadini ta' l-Istat Membru li fih ikunu oriġinaw id-dokumenti.

Artikolu 14

Servizz bis-servizzi postali

Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq is-servizz tad-dokumenti ġudizzjarji direttament bis-servizzi postali lill-persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor permezz ta' ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla ta' l-ittra għand id-destinatarju jew l-ekwivalenti.

Artikolu 15

Servizz dirett

Kwalunkwe persuna interessata fi proċediment ġudizzjarju tista' twettaq servizz ta' dokumenti ġudizzjarji direttament permezz ta' l-uffiċjali ġudizzjarji, uffiċjali jew persuni kompetenti oħra ta' l-Istat Membru indirizzat, fejn servizz dirett bħal dan huwa permess taħt il-liġi ta' dak l-Istat Membru.

KAPITOLU III

DOKUMENTI EXTRA-ĠUDIZZJARJI

Artikolu 16

Trasmissjoni

Id-dokumenti extra-ġudizzjarji jistgħu jkunu mibgħuta għal servizz fi Stat Membru ieħor skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Regoli ta' implimentazzjoni

Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi non-essenzjali ta' dan ir-Regolament dwar l-aġġornar jew it-twettiq ta' emendi tekniċi tal-formoli standard, li jidhru fl-Annessi I u II, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 18(2).

Artikolu 18

Il-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 19

Meta l-konvenut ma jidhirx għall-proċeduri

1.   Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta' servizz, skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u l-konvenut ma jkunx deher, is-sentenza ma tinqatax qabel ma jkun stabbilit li:

(a)

id-dokument kien innotifikat permezz ta' metodu preskritt mil-liġi interna ta' l-Istat Membru indirizzat għan-notifika ta' dokumenti f'azzjonijiet domestiċi għal persuni li jinsabu fit-territorju tiegħu; jew

(b)

id-dokument kien fil-fatt twassal lill-konvenut jew lir-residenza tiegħu b'mezz ieħor previst minn dan ir-Regolament;

u li, f'kull wieħed minn dawn iż-żewġ każi, in-notifika jew il-wasla kienet saret kmieni biżżejjed biex kien possibbli għall-konvenut jiddefendi ruħu.

2.   Kull Stat Membru jista' jgħarraf, skond l-Artikolu 23(1), li l-imħallef, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, jista' jaqta' s-sentenza anki jekk ma jkun wasal l-ebda ċertifikat ta' notifika jew wasla, jekk il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

id-dokument ikun trasmess permezz ta' wieħed mill-metodi previsti f'dan ir-Regolament;

(b)

ikun għadda perijodu ta' żmien ta' mhux anqas minn sitt xhur, kif ikkunsidrat xieraq mill-imħallef fil-każ partikolari, mid-data tat-trasmissjoni tad-dokument;

(ċ)

ma jkun wasal l-ebda tip ta' ċertifikat, għalkemm ikun sar kull sforz raġonevoli biex dan jinkiseb permezz ta' l-awtoritajiet kompetenti jew il-korpi ta' l-Istat Membru indirizzat.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-imħallef jista' jordna, f'każ ta' emerġenza, kwalunkwe miżura proviżorja jew protettiva.

4.   Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta' notifika skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, u sentenza tkun inqatgħet kontra konvenut li ma jkunx deher għall-proċedimenti, l-imħallef għandu jkollu s-setgħa li jeħles lill-konvenut mill-effetti ta' l-għeluq taż-żmien għall-appell mis-sentenza jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

il-konvenut, mingħajr ma jkollu ħtija, ma jkunx jaf bid-dokument fi żmien biżżejjed biex jiddefendi ruħu, jew ma jkunx jaf bis-sentenza fi żmien biżżejjed biex jappella; u

(b)

il-konvenut juri li għandu eċċezzjonijiet prima facie xi jressaq kontra l-meritu ta' l-azzjoni.

It-talba għall-ħelsien mill-effetti ta' l-għeluq taż-żmien għall-appell tista' titressaq fi żmien raġonevoli wara li l-konvenut ikun sar jaf bis-sentenza.

Kull Stat Membru jista' jikkomunika, skond l-Artikolu 23(1), li din it-talba ma tistax tkun ikkunsidrata jekk titressaq wara li jagħlaq żmien li għandu jiġi stipulat minnu f'dik il-komunikazzjoni, imma li fl-ebda każ m'għandu jkun anqas minn sena wara d-data tas-sentenza.

5.   Il-paragrafu 4 m'għandux japplika għal sentenzi dwar l-istatus jew il-kapaċità ta' persuni.

Artikolu 20

Relazzjoni ma' ftehim jew arranġamenti li minnhom l-Istati Membri jagħmlu parti

1.   Dan ir-Regolament għandu, fir-rigward ta' materji li japplika għalihom, jipprevali fuq dispożizzjonijiet oħra misjuba fil-ftehim jew l-arranġamenti bilaterali jew multilaterali konklużi mill-Istati Membri, u b'mod partikolari l-Artikolu IV tal-Protokoll tal-Konvenzjoni ta' Brussel ta' l-1968 u l-Konvenzjoni ta' l-Aja tal-15 ta' Novembru 1965.

2.   Dan ir-Regolament ma jipprekludix lill-Istati Membri individwali milli jkollhom jew jikkonkludu ftehim jew arranġamenti biex jgħaġġlu aktar jew jissimplifikaw it-trasmissjoni tad-dokumenti, sakemm dawn ikunu kompatibbli ma' dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:

(a)

kopja tal-ftehim jew l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 2 konklużi bejn l-Istati Membri kif ukoll abbozzi ta' dawk il-ftehim jew arranġamenti li bi ħsiebhom jadottaw;

u

(b)

kull denunzja ta', jew emendi għal, dawn il-ftehim jew arranġamenti.

Artikolu 21

Għajnuna legali

Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni dwar il-proċedura ċivili tas-17 ta' Lulju 1905, l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni dwar il-proċedura ċivili ta' l-1 ta' Marzu 1954 jew l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess internazzjonali għall-ġustizzja tal-25 ta' Ottubru 1980 bejn l-Istati Membri li huma parti għal dawk il-Konvenzjonijiet.

Artikolu 22

Protezzjoni ta' l-informazzjoni trasmessa

1.   L-informazzjoni, inkluża b'mod speċjali d-data personali, trasmessa taħt dan ir-Regolament għandha tintuża mill-aġenzija li tirċievi biss għall-għan li għalih tkun intbagħtet.

2.   L-aġenziji li jirċievu għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità ta' din l-informazzjoni, skond il-liġi nazzjonali tagħhom.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx jaffettwaw il-liġijiet nazzjonali li jippermettu li s-suġġetti tad-data jkunu mgħarrfa dwar l-użu li jkun sar mill-informazzjoni trasmessa taħt dan ir-Regolament.

4.   Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għad-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE.

Artikolu 23

Komunikazzjoni u pubblikazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 2, 3, 4, 10, 11, 13, 15 u 19. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni jekk, skond il-liġi tagħhom, dokument għandux ikun notifikat f'perijodu ta' żmien partikolari kif imsemmi fl-Artikoli 8(3) u (2).

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni kkomunikata skond il-paragrafu 1 tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni ta' l-indirizzi u dettalji oħra ta' kuntatt ta' l-aġenziji u tal-korpi ċentrali u ż-żoni ġeografiċi li fuqhom dawn għandhom ġurisdizzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tfassal u taġġorna fuq bażi regolari manwal li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u li għandu jkun disponibbli elettronikament, b'mod partikolari permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għal Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali.

Artikolu 24

Reviżjoni

Mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 2011, u kull ħames snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, waqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-effikaċja ta' l-aġenziji magħżulin skond l-Artikolu 2 u għall-applikazzjoni prattika ta' l-Artikolu 3 (ċ) u l-Artikolu 9. Ir-rapport għandu jiġi akkompanjat, jekk hemm ħtieġa, bi proposti għal adattamenti ta' dan ir-Regolament skond l-evoluzzjoni tas-sistemi ta' notifika.

Artikolu 25

Tħassir

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1348/2000 għandu jitħassar mid-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni ta' l-Anness III.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika minn … (12) bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 23 li għandu japplika minn … (13).

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 88, 11.4.2006, p. 7.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Lulju 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2007 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU C 261, 27.8.1997, p. 1. Fl-istess jum meta tfasslet il-Konvenzjoni, il-Kunsill ħa nota tar-rapport ta' spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni li jinsab fil-paġna 26 ta' l-imsemmi Ġurnal Uffiċjali.

(4)  ĠU L 160, 30.6.2000, p. 37.

(5)  ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.

(6)  ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1.

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 76 M, 16.3.2007, p. 100).

(8)  Il-Konvenzjoni ta' Brussel tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar tas-sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 299, 13.12.1972, p. 32; verżjoni konsolidata, ĠU C 27, 26.1.1998, p. 1).

(9)  Konvenzjoni ta' l-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 dwar is-Servizz barra l-pajjiż ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali.

(10)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(11)  ĠU L 201, 31.7.2008, p. 37. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2006/24/KE (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 54).

(12)  Tnax-il xahar wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.

(13)  Disa' xhur wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.


ANNESS 1

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image


ANNESS II

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image


ANNESS III

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Regolament (KE) Nru 1348/2000

Dan ir-Regolament

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(1) l-ewwel sentenza

Artikolu 1(1) it-tieni sentenza

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(3)

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(2) l-ewwel sentenza

Artikolu 7(2) l-ewwel sentenza

Artikolu 7(2) it-tieni sentenza

Artikolu 7(2) it-tieni frażi (il-kliem tal-bidu) u Artikolu 7(2)(a)

Artikolu 7(2)(b)

Artikolu 7(2) it-tielet sentenza

Artikolu 8(1) il-frażi tal-bidu

Artikolu 8(1) il-frażi tal-bidu

Artikolu 8(1)(a)

Artikolu 8(1)(b)

Artikolu 8(1)(b)

Artikolu 8(1)(a)

Artikolu 8(2)

Artikolu 8(2)

Artikolu 8(3) sa (5)

Artikolu 9(1) u (2)

Artikolu 9(1) u (2)

Artikolu 9(3)

Artikolu 9(3)

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11(1)

Artikolu 11(1)

Artikolu 11(2)

Artikolu 11(2) l-ewwel subparagrafu

Artikolu 11(2) it-tieni subparagrafu

Artikolu 12

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14(1)

Artikolu 14

Artikolu 14(2)

Artikolu 15(1)

Artikolu 15

Artikolu 15(2)

Artikolu 16

Artikolu 16

Artikolu 17, frażi tal-bidu

Artikolu 17

Artikolu 17(a) sa (ċ)

Artikolu 18(1) u (2)

Artikolu 18(1) u (2)

Artikolu 18(3)

Artikolu 19

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 21

Artikolu 22

Artikolu 22

Artikolu 23(1)

Artikolu 23(1) l-ewwel sentenza

Artikolu 23(1) it-tieni sentenza

Artikolu 23(2)

Artikolu 23(2)

Artiklu 23(3)

Artikolu 24

Artikolu 24

Artikolu 25

Artikolu 25

Artikolu 26

Anness

Anness I

Anness II

Anness III


DIKJARAZZJONI TA' RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Il-Kumissjoni ppreżentat f'Lulju 2005 proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000. Wara diskussjonijiet fid-dettall dwar din il-proposta fil-kumitat kompetenti tal-Kunsill, il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali fil-laqgħa tiegħu fl-1 u t-2 ta' Ġunju 2006. Fis-segwitu ta' dan l-approċċ ġenerali twettqu kuntatti mal-Parlament Ewropew u ntlaħaq ftehim dwar l-emendi li għandhom jitwettqu għar-Regolament (KE) Nru 1348/2000. Iż-żewġ istituzzjonijiet kienu ta' l-opinjoni li, fl-interess ta' tfassil tajjeb tal-liġi, ir-Regolament (KE) Nru 1348/2000 għandu pjuttost ikun ikkodifikat milli sempliċiment emendat.

Konsegwentement, il-Parlament Ewropew fl-opinjoni tiegħu ta' Lulju 2006 adotta numru ta' emendi li jikkorrispondu għall-emendi maqbulin mal-Kunsill u formalment appella lill-Kummissjoni biex tippreżenta verżjoni kodifikata tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000 bi proposta emendata.

B'konformità ma' din it-talba l-Kummissjoni fl-4 ta' Diċembru 2006 ppreżentat proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (“servizz ta' dokumenti”) li jinkorpora l-emendi għar-Regolament (KE) Nru 1348/2000 adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill u li jħassar dak ir-Regolament.

Verżjoni kemmxejn emendata ta' dan it-test ġiet approvata unanimament mill-Kunsill fil-laqgħa tiegħu fid-19 u fl-20 ta' April 2007 u sussegwentement tfasslet pożizzjoni komuni tal-Kunsill. Din il-pożizzjoni komuni ġiet adottata formalment mill-Kunsill b'mod unanimu fit-28 ta' Ġunju 2007.

II.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tibqa' leali għat-test maqbul bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill u b'hekk ukoll fil-biċċa l-kbira għall-proposta emendata tal-Kummissjoni. Saru bidliet biss fejn it-test tal-proposta emendata kien differenti mit-test maqbul jew fejn kienu meħtieġa emendi għal raġunijiet oħrajn. Dawk prinċipali huma enfasizzati hawn taħt.

Bidliet li l-Kunsill ma aċċettax

Artikolu 1(2)(b)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar l-inserzjoni ta' premessa ġdida (PE emenda 7). Il-Kummissjoni fil-proposta emendata tagħha inseriet, kif xieraq, din il-premessa l-ġdida (Premessa 8), iżda kienet inseriet ukoll dispożizzjoni fl-Artikolu 1(2)(b). Peress li tali dispożizzjoni ġdida ma kinetx inqablet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-Kunsill ħassar id-dispożizzjoni miżjuda. Il-pożizzjoni komuni għalhekk issegwi l-approċċ maqbul.

Artikolu 19

Il-formulazzjoni ta' l-Artikolu 19 fil-proposta emendata tal-Kummissjoni kienet kemmxejn differenti minn dik ta' l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000 fis-sens li ma ssemmiex aktar dokument li “jingħata” lill-konvenut. Peress li l-ebda emenda ta' l-Artikolu 19 ma kienet inqablet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-Kunsill reġa' lura għat-test preċedenti fil-pożizzjoni komuni tiegħu.

Bidliet li l-Kunsill aċċetta

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar l-inserzjoni ta' l-Artikolu 15a l-ġdida (PE emenda 25). Fil-proposta emendata tagħha l-Kummissjoni aċċettat is-sustanza ta' din l-emenda, iżda għażlet soluzzjoni li tikkonsisti mill-inserzjoni ta' żewġ paragrafi ġodda fl-Artikolu 8 u paragrafu ġdid wieħed fl-Artikolu 9 minflok dispożizzjoni speċifika. Il-Kunsill sab din is-soluzzjoni totalment konformi mat-tfassil tajjeb tal-liġi u għalhekk inkorporaha fil-pożizzjoni komuni tiegħu.

Tħassir tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000

Peress li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew kienu appellaw għal kodifika tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000 il-Kummissjoni inseriet fil-proposta emendata tagħha d-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar it-tħassir ta' dak ir-Regolament (Premessa 27, Artikolu 25 u t-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III). Fl-interess tat-tfassil tajjeb tal-liġi l-Kunsill inkorpora dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta' korrelazzjoni fil-pożizzjoni komuni tiegħu.

Bidliet li wettaq il-Kunsill

Meta r-Regolament (KE) Nru 1348/2000 ġie adottat f'Mejju 2000 ma kienx għad hemm prattika stabbilita dwar kif jiġi ttrattat il-fatt li d-Danimarka skond il-Protokoll dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka ma tieħux sehem fil-adozzjoni ta' miżuri skond it-Titolu IV tat-Trattat tal-KE u li tali miżuri ma jorbtux għal u ma japplikawx fid-Danimarka. Ir-Regolament (KE) Nru 1348/2000 għalhekk ma kienx fih id-dispożizzjoni issa stabbilita dwar id-definizzjoni ta' “Stat Membru”. Biex ipatti għal din l-ommissjoni l-Kunsill daħħal fil-pożizzjoni komuni tiegħu l-paragrafu 3 l-ġdid fl-Artikolu 1. Il-Kunsill, bħala konsegwenza ta' l-esklużjoni tad-Danimarka, ugwalment wettaq l-aġġustamenti xierqa fl-Annessi.

III.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill jikkunsidra l-pożizzjoni komuni tiegħu dwar ir-Regolament dwar dokumenti ta' servizz bħala totalment konformi ma' l-emendi mixtieqa mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill u konformi mal-proposta emendata tal-Kummissjoni li tinkorpora dawk l-emendi.