ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 50
27 ta' Lulju 2007


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

436 Sessjoni Plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007

2007/C 175/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/84/KEE dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħolikuCOM(2006) 486 finali

1

2007/C 175/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Programm Statistiku Komunitarju 2008-2012COM (2006) 687 finali — 2006/0229 (COD)

8

2007/C 175/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta' kwart is-sena dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti fil-KomunitàCOM(2007) 76 finali

11

2007/C 175/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) minħabba l-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni EwropeaCOM(2007) 95 finali — 2007/0038 (COD)

13

2007/C 175/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-suq intern għas-servizzi — ħtiġijiet fir-rigward tas-suq tax-xogħol u l-ħarsien tal-konsumaturi

14

2007/C 175/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Standards ta' kwalità li għandhom jiġu rispettati, min-naħa ta' l-imsieħba soċjali u ta' atturi oħra tas-soċjetà ċivili, fir-rigward tal-kontenut, tal-proċeduri u tal-metodi tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt soċjali

21

2007/C 175/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1997/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Mejju 1997 dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi fir-rigward ta' Kuntratti li jsiru mill-bogħodCOM(2006) 514 finali

28

2007/C 175/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE dwar l-għaqda ta' kumpaniji b'responsabbiltà pubblika limitata u d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE dwar id-diviżjoni ta' kumpaniji b'responsabbiltà pubblika limitata rigward il-ħtieġa għal rapport ta' espert indipendenti fl-okkażjoni ta' għaqda jew diviżjoniCOM(2007) 91 finali — 2007/0035 (COD)

33

2007/C 175/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 11 rigward it-tneħħija tad-diskriminazzjoni fir-rati u l-kundizzjonijiet tat-trasport, fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 79(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Regolament (KE) 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikelCOM(2007) 90 finali — 2007/0037 (COD)

37

2007/C 175/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjoni ta' dwal u mezzi ta' sinjalizzazzjoni bid-dawl fuq tratturi bir-roti għall-agrikoltura u għall-foresterijaCOM(2007) 192 final — 2007/0066 (COD)

40

2007/C 175/11

Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużiCOM(2006) 745 finali — 2006/0246 (COD)

40

2007/C 175/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjantiCOM(2006) 388 finali — 2006/0206 (COD)

44

2007/C 175/13

Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni fi ħdan l-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ġewwa l-KomunitàCOM(2006) 818 finali — 2006/0304 (COD)

47

2007/C 175/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi normi speċifiċi għas-settur tal-ħxejjex u l-frott u bdil f'xi regolamentiCOM(2007) 17 finali — 2007/0012 (CNS)

53

2007/C 175/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda Id-Direttiva 2006/66/EC dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi (batteriji u akkumulaturi ta' l-iskart), fir-rigward tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-KummissjoniCOM(2007) 93 finali — 2007/0036 (COD)

57

2007/C 175/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-isfidi u l-opportunitajiet għall-UE fil-kuntest tal-globalizzazzjoni

57

2007/C 175/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Green Paper li timmodernizza l-liġi dwar ix-xogħol sabiex taffaċċa l-isfidi tas-seklu 21COM(2006) 708 finali

65

2007/C 175/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għall-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajjaCOM(2006) 479 finali — 2006/0163 (COD).

74

2007/C 175/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija ta' l-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħolCOM(2006) 625 finali

78

2007/C 175/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tat-trasport bl-ajru fil-Komunità (riformulazzjoni)COM(2006) 396 finali — 2006/0130 (COD)

85

2007/C 175/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Politika Ewropea dwar is-Sikurezza fit-Toroq u s-Sewwieqa Professjonali — Postijiet ta' l-ipparkjar sikuri u protetti

88

2007/C 175/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Leġislazzjoni futura dwar l-Aċċessibilità Elettronika

91

MT

 


III Atti preparatorji

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

436 Sessjoni Plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007

27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/84/KEE dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku”

COM(2006) 486 finali

(2007/C 175/01)

Nhar is-26 ta' Settembru 2006, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, “dwar il- Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/84/KEE dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta' April 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Iozia.

Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tat-30 ta' Mejju 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'78 voti favur u 10 voti kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jaħseb li jkun żball li jiġi applikat aġġustament awtomatiku għar-rata ta' l-inflazzjoni fl-UE-12 mill-1992, peress li tliet pajjiżi oħra saru membri ta' l-Unjoni fl-1995, għaxra oħra fl-1 ta' Mejju 2004 u tnejn oħra fl-1 ta' Jannar 2007.

1.2

Il-Kumitat jaħseb li sabiex tinkiseb l-armonizzazzjoni mixtieqa fl-UE-27, għandha tiġi kkunsidrata l-adozzjoni ta' rata massima tat-taxxa: din hija ċertament miżura li biha tista' titwettaq ġlieda effettiva kontra l-kuntrabandu u l-frodi u li twassal għall-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa, li b'hekk tiffaċilita l-ħolqien veru ta' suq uniku. L-interessi tal-konsumaturi — li m'għandhomx jitqiesu bħala kuntrabandisti sempliċement għax jixtru x-xorb alkoħoliku minn fejn huma irħas — jistgħu jiġu mħarsa permezz ta' l-armonizzazzjoni progressiva.

1.3

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Istati Membri jkunu pprojbiti espliċitament milli jżidu forom oħra ta' tassazzjoni tal-konsumatur mat-taxxa normali tas-sisa u tal-VAT– li, kif ikkonkludiet il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (1), dawn it-taxxi jissemmew bħala “taxxa tal-Komunità”.

1.4

Fil-fehma tal-Kumitat, il-proposta ma tiġġustifikax b'mod suffiċjenti l-għażla ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat bħala l-bażi legali, liema Artikolu jawtorizza l-Kunsill sabiex jadotta miżuri li jarmonizzaw il-leġislazzjoni nazzjonali dwar kwistjonijiet fiskali b'vot unanimu. Billi tħalli l-Istati Membri liberi li jistabbilixxu r-rati tagħhom stess 'l fuq mill-minimu, il-proposta, fil-fatt, ma tarmonizza xejn.

1.5

Il-Kumitat jaħseb li huwa żball li l-Kummissjoni tnaqqas l-importanza tal-proposta u li b'hekk tiġġustifika n-nuqqas ta' valutazzjoni ta' l-impatt u ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Matul seduta organizzata mill-Kumitat, il-parteċipanti kollha mhux biss iddikjaraw l-oppożizzjoni tagħhom għall-proposta tal-Kummissjoni, iżda talbu wkoll li fil-ġejjieni, il-Kummissjoni twettaq valutazzjoni preċiża ta' l-impatt.

1.6

Il-Kumitat jixtieq li l-proposta tiġi rtirata u jitlob sabiex fil-ħidma futura tagħha, il-Kummissjoni taġġorna r-referenzi għall-kodiċi tan-Nomenklatura Komuni ppreżentata fid-Direttiva 92/83 u tirrevedi l-metodi ta' klassifikazzjoni.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Il-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/84/KEE dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku” tistabbilixxi rati minimi għat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u l-kategoriji differenti tax-xorb alkoħoliku. L-Artikolu 8 tad-Direttiva jobbliga lill-Kummissjoni sabiex tagħmel spezzjonijiet perjodiċi u tippreżenta rapport u, fejn xieraq, proposta għal emenda.

2.2

Id-dibattitu li seħħ wara li nħareġ rapport mill-Kummissjoni fis-26 ta' Mejju 2004 — li fih ikkonkludiet li kienet meħtieġa konverġenza ikbar tar-rati minimi tar-rata tat-taxxi tas-sisa fl-Istati Membri differenti sabiex tiġi assigurata l-ħidma xierqa tas-suq intern u li timpedixxi l-frodi u l-kuntrabandu li kien iffaċilitat mis-sistemi differenti fl-Istati Membri — wassal għall-inizjattiva, fuq stedina mill-Kunsill sabiex “tressaq proposta sabiex tbiddel ir-rati minimi tat-taxxa tas-sisa sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-valur reali tar-rati minimi tal-Komunità, u tipprovdi perijodi ta' tranżizzjoni (sic) u derogi għal dawk l-Istati Membri li jista' jkollhom diffikultajiet biex iżidu r-rati tagħhom”. Il-Kunsill iżid ukoll li “l-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll kif xieraq is-sensitività ġenerika politika ta' dil-kwistjoni speċjali”.

2.3

Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li temenda d-Direttiva billi:

tirrivalorizza r-rati minimi fuq l-alkoħol, il-prodotti intermedjarji u l-birra skond l-inflazzjoni bejn l-1993 u l-2005, li tlaħħaq il-31 %, b'effett mill-1 ta' Jannar 2008;

tipprovdi perijodi ta' transizzjoni għal sena għal dawk il-pajjiżi li għandhom iżidu r-rata tagħhom b'iktar minn 10 % u ekwivalenti għal sentejn għal dawk li għandhom iżidu r-rati tagħhom b'iktar minn 20 %;

ttawwal il-perijodu tar-reviżjoni u tal-proċedura tar-reviżjoni skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva minn sentejn għal erba' snin.

2.4

L-għan ewlieni tal-proposta, kif mitlub mill-Kunsill, huwa li l-valur proprju tar-rati jerġa' lura għal-livell ta' l-1992 — valur li l-Kummissjoni taħseb li ser “jassigura l-funzjoni tas-Suq Intern mingħajr fruntieri fiskali”.

3.   Kummenti

3.1

Fin-nuqqas ta' valutazzjoni ta' l-impatt, il-Kumitat iddeċieda li jisma' huwa stess l-fehmiet ta' l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi, tal-konsumaturi u tat-trade unions. Waqt is-seduta, il-parteċipanti tkellmu b'vuċi waħda u esprimew il-perplessità tagħhom għall-proposta għal direttiva. Xi organizzazzjonijiet innutaw ukoll li l-proposta ser iżżid id-differenzi fit-trattament tax-xorb alkoħoliku — għad-detriment ċar ta' dawk soġġetti għat-taxxa. Il-produtturi tax-xorb li m'humiex soġġetti għat-taxxa, mill-banda l-oħra, talbu sabiex l-istruttura attwali tibqa' l-istess, li barra dan, ġiet stabbilita fil-ftehim tal-Politika Komuni Agrikola.

3.2

Il-parteċipanti tas-seduta (2) qablu wkoll li għandhom jitqiesu l-aspetti soċjali u tas-saħħa, iżda m'għandhomx jiddeterminaw it-tassazzjoni. Fl-istess ħin, huma talbu għall-appoġġ għal kampanja ta' “konsum responsabbli” sabiex jiġu llimitati r-riskji ta' l-abbużi — talba li l-Kumitat japprova. Kien enfasizzat ukoll li l-industrija Ewropea kienet minn quddiem nett fid-dinja f'dan is-settur u tikkontribwixxi b'mod mhux negliġibbli għall-Prodott Gross Domestiku ta' l-Ewropa u għall-impjieg dirett kif ukoll indirett.

3.3

Ma' l-ewwel ħarsa, l-abbozz tad-Direttiva jidher li huwa miżura ta' rutina li sempliċement taġġusta l-figuri sabiex jaqblu ma' l-inflazzjoni mill-1993. Madankollu, dan l-abbozz jitratta suġġett estremament kumpless u delikat, li juri kemm qegħdin 'il bogħod il-politiki u l-interessi nazzjonali milli jċedu għal konverġenza għolja fil-fiskalità tal-Komunità. Il-Kumitat f'bosta okkażjonijiet esprima x-xewqa għal proċess ta' armonizzazzjoni fiskali, li hija assolutament kruċjali sabiex il-konsumaturi japprezzaw il-benefiċċji tas-suq uniku.

3.4

Il-laqgħat ta' l-ECOFIN tas-7 u tat-28 ta' Novembru 2006, fejn din il-proposta kienet waħda mill-punti fuq l-aġenda, reġgħu fetħu d-diskussjonijiet interminabbli bejn l-Istati Membri, li b'hekk reġgħet inħolqot is-sitwazzjoni li lura fl-1992 tat lok għad-Direttiva, li rnexxiet biss fit-twaqqif ta' rati minimi u ma offriet l-ebda possibilità li jiġi identifikat approċċ konġunt għall-armonizzazzjoni u l-konverġenza ta' taxxi tas-sisa.

3.5

Spezzjoni mill-qrib turi d-differenzi vasti fir-rati prattikati fl-Istati Membri differenti. Ir-rapport tas-26 ta' Mejju 2004 jinkludi miżuri applikati għall-kategoriji differenti fil-25 Stat Membru ta' dak iż-żmien u fil-pajjiżi kandidati, ir-Rumanija u l-Bulgarija (3), membri mill-1 ta' Jannar 2007. Id-differenza bejn l-ogħla u l-inqas rati kienet ta' 1,100 %!

3.6

Per eżempju, għall-inbid l-iskala tvarja bejn 0 u EUR 273; għall-inbid gassat minn 0 għal EUR 546 għal kull Ettolitru (El.); għall-birra, minn 0,748 għal kull grad Plato (4), ekwivalenti għal EUR 1,87 sa EUR 19,87 għal kull El./grad ta' alkoħol; għal prodotti intermedjarji, gassati u mhux, minn EUR 45 sa EUR 497 għal kull El.; għall-alkoħol pur minn Eur 550 sa EUR 5,519 għal kull El., ekwivalenti għal varjazzjoni ta' bejn EUR 220 u EUR 2,210 għal kull El. għax-xorb alkoħoliku tat-tip 40o.

3.7

Ir-rivalorizzazzjoni tar-rata minima kif proposta mill-Kummissjoni tista' tnaqqas id-differenza bejn ir-rati użati f'pajjiżi differenti minn 1,100 % għal ċifra bejn 800 % u 1,000 %. Is-suġġeriment li din il-miżura tista' tassigura l-ħidma tas-suq intern jidher, minn ta' l-inqas, kuraġġuż. Il-Kumitat jissuġġerixxi li s-soluzzjoni effettiva hija li tiġi introdotta mhux biss rata minima iżda wkoll rata massima bħala miżura kredibbli fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-frodi.

3.8

L-insistenza li l-aġġustament tar-rati minimi għar-rata ta' l-inflazzjoni m'huwiex ser iżid il-valur reali tidher li mhix daqstant konvinċenti. Il-Kummissjoni kellha turi interess u tipprovdi informazzjoni kompleta u tippreżenta mudell dinamiku ta' kif ħadmet it-taxxa tas-sisa fl-Istati Membri mis-sena li fiha ġiet ippreżentata l-proposta għall-armonizzazzjoni, jiġifieri l-White Paper ta' l-1985. Il-verità hija li r-riżultat ta' dan, minbarra xi eċċezzjoni 'l hawn u 'l hemm, kienet li żdied il-valur reali tad-dazji fl-Istati Membri meta d-deroga li ngħatat lil xi pajjiżi kienet skadiet. Il-Kumitat jevalwa b'mod negattiv kull prassi nazzjonali li żżid forom oħra ta' tassazzjoni mad-dazji, f'xi każijiet dawn it-taxxi jissemmew bħala “taxxa tal-Komunità”.

3.9

Il-fatt li dan huwa verament il-każ ġie kkonfermat minn studju instigat mill-Kummissjoni nnifisha (5), li tagħmilha ċara li l-Istati Membri kollha ħlief tlieta żiedu l-valur tad-dazji kull sena jew kull ftit snin.

3.10

L-istess studju, li kkunsidra l-elastiċità tad-domanda fir-rigward tal-prezzijiet, wera li kieku kien hemm aġġustament mill-ġdid tar-rati minimi skond l-inflazzjoni:

l-ispirti jibbenefikaw sostanzjalment mill-bidla fir-rati — dan ikun il-każ b'mod partikulari fil-pajjiżi Nordiċi, iżda wkoll fir-Renju Unit u fl-Irlanda;

fl-għażla ta' l-elastiċità relattivament għolja tal-prezzijiet, iż-żidiet fil-konsum ta' l-ispirti kienu jkunu ikbar meta mqabbla ma' l-ipotesi ta' l-elastiċità trasversjali (ir-relazzjoni bejn id-domanda għal ċertu tipi ta' prodott u l-ispiża ta' kategoriji oħra tal-prodott) (6) fir-rigward ta' spirti b'persentaġġ għoli ta' l-alkoħol;

fil-każ ta' l-elastiċità għolja, it-telliefa ewlenin jkunu l-birra u l-inbid — il-pajjiżi Nordiċi jesperjenzaw telf sinifikanti fil-konsum ta' l-inbid u l-Ġermanja, il-Belġju, Franza u l-Lussemburgu jesperjenzaw nuqqas fil-konsum tal-birra.

3.11

Ikun interessanti li jsir paragun bejn dan l-istudju, li kien illimitat għall-UE-15, ma' l-effett tal-varjazzjoni tar-rati minimi fl-UE l-ġdida b'27 Stat Membru.

3.12

Il-Kumitat m'huwiex ċert jekk il-Kummissjoni għandhiex tkompli taqdi rwol sempliċement amministrattiv dwar dak li huwa kkunsidrat bħala suġġett sensittiv ħafna, jew jekk għandhiex minflok tressaq proposti, f'ċertu każijiet fid-djalogu ma' l-Istati Membri, sabiex tnaqqas b'mod effettiv id-distorsjonijiet sostanzjali ta' kompetizzjoni kkawżati miż-żamma ta' sistema frammentata tat-tassazzjoni.

3.13

Aspett ieħor li l-Kummissjoni tinjora kompletament fl-abbozz tal-proposta tagħha ta' emenda għad-Direttiva huwa li fl-1992, fi ħdan il-Komunità Ewropea ta' 12-il membru, id-differenza fid-dħul per capita ma kenitx daqshekk li tagħmel ir-rati fis-seħħ onerużi. Fl-Ewropa b'27, fejn hemm skala diversifikata ħafna fil-livelli ta' salarju u pensjoni, il-kontinwazzjoni ta' l-istess livell ta' tassazzjoni għall-Istati Membri l-ġodda u ta' qabel it-tkabbir hija miżura inġusta li tolqot biss lil dawk bi dħul baxx. Fir-rigward ta' ħaddiema u pensjonanti li s-salarji u l-pensjonijiet tagħhom ma jaqbżux Eur 100 sa Eur 150 fix-xahar u li diġà kellhom isofru ż-żieda fit-taxxi ta' l-alkoħol ta' bejn 50 % u 400 %, żieda addizzjonali ta' 31 %, bla ebda dubju, ser tolqot il-konsum b'mod negattiv.Proprju minħabba l-adeżjonijiet il-ġodda għall-Unjoni, li wasslu għal 12-il pajjiż ġdid, il-Kumitat jikkunsidra li mhux korrett li jiġi applikat adattament awtomatiku tar-rata ta' inflazzjoni fl-UE-15 wara l-1992.

3.14

Ħlief għal xi eċċezzjonijiet rari, imbagħad, is-sistema proposta tikkontradixxi l-politiki kollha ta' kontra l-inflazzjoni mnedin mill-Istati Membri li ftit taż-żmien ilu neħħew, fejn eżistew, il-mekkaniżmi li jorbtu l-pagi u l-pensjonijiet mar-rata ta' l-inflazzjoni. Il-Kummissjoni tonqos milli tispjega b'mod adegwat għaliex mekkaniżmu bħal dan għandu jinżamm biss għat-taxxi u d-dazji.

3.15

Il-Kumitat jemmen, għall-kuntrarju, li s-sistema attwali hija kompletament inadegwata u huwa tal-fehma li l-aġġustament għar-rata ta' l-inflazzjoni (ta' l-UE tat-12, 25 jew 27?) hija miżura inutilment punittiva, partikularment għal dawk bl-inqas dħul, kif inhuma l-forom kollha ta' tassazzjoni indiretta li jassorbu mid-dħul nett ta' dawk li jħallsu t-taxxi.

3.16

Bl-istess mod li l-konsum moderat ta' l-inbid huwa parti mill-kultura u l-istorja ta' xi Stati Membri, l-istess japplika wkoll għal tipi oħra ta' xorb alkoħoliku għal ċittadini oħra Ewropej. Il-kwistjoni, bl-implikazzjonijiet kollha tagħha, trid titqies f'perspettiva usa'.

3.17

Il-Kumitat jirrispetta d-deċiżjoni ta' ċertu pajjiżi li jadottaw politika fiskali stretta fuq l-alkoħol u t-tabakk, probabilment minħabba l-abbuż involut, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Xi Stati Membri għamluha ċara li l-politiki fiskali tagħhom iridu jqisu s-saħħa pubblika. Madankollu, dawn id-deċiżjonijiet li ttieħdu ma jistgħux jinfluwenzaw l-għażla u l-motivazzjonijiet ta' l-Istati Membri l-oħra.

3.18

F'dan ir-rigward, il-Kumitat diġà esprima l-pożizzjoni tiegħu f'opinjoni (7) dettaljata li tenfasizza li: “l-aħjar mezzi li bihom jista' jiġi ndirizzat l-abbuż huma permezz ta' programmi ta' l-edukazzjoni, l-informazzjoni u t-taħriġ immirati primarjament lejn dawk li jabbużaw mill-alkoħol.”

3.19

Fil-fehma tal-Kumitat, il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat ma ntlaħqux, b'hekk il-Kunsill huwa awtorizzat sabiex jiddeċiedi b'vot unanimu dwar miżuri li jarmonizzaw is-sistemi tat-taxxa sabiex tiġi implimentata jew mtejba l-ħidma tas-suq intern fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 14. Il-fatt huwa li ż-żieda fid-dazji minimi ma tikkontribwixxix għall-armonizzazzjoni, iżda sempliċement tistabbilixxi livell minimu li kull Stat Membru jista' jiddeċiedi li jgħolli kemm irid. Wara l-adozzjoni tad-Direttiva 92/84 KEE, il-qabża bejn ir-rati attwali kibret aktar u dan juri li l-armonizzazzjoni ma tistax tinkiseb permezz ta' direttiva ta' dan it-tip.

4.   Il-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu

4.1

Waħda mill-konsegwenzi negattivi ta' differenzi fuq skala wiesgħa fit-tassazzjoni, barra milli tkun ta' ostaklu għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern, hija t-tendenza qawwija li jiġu evitati d-dazji — jew parti minnhom, billi jitħallsu fi Stat Membru li m'huwiex dak tal-konsum finali, jew kompletament billi tiġi importata merkanzija minn pajjiżi terzi jew li l-merkanzija tintbagħat minn rotta oħra waqt li qiegħda fit-transit u d-dazji huma sospiżi.

4.2

L-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku pprovda qasam ieħor ta' frodi fiskali potenzjali, għax huwa impossibbli li l-bejgħ online jiġi kkontrollat u hemm nuqqas ta' politika kkoordinata li tiġġieled il-frodi fid-dazju fuq l-alkoħol, peress li xi Stati Membri ma jqisux din bħala problema u hija kważi esklussivament il-problema ta' żoni bl-ogħla livelli ta' tassazzjoni.

4.3

Bit-tkabbir, il-fruntieri esterni ta' l-Unjoni laħqu pajjiżi fejn il-livelli tat-tassazzjoni huma ħafna iktar baxxi mill-medja ta' l-UE u l-potenzjal għall-frodi żdied b'mod esponenzjali. Il-korruzzjoni hija rampanti f'xi wħud minn dawn il-pajjiżi, fejn f'xi każijiet l-awtoritajiet tad-dwana stess huma involuti. Iridu jissaħħu iktar il-miżuri sabiex jiġi miġġieled il-kuntrabandu u jekk tiġi adottata żieda fid-dazji fil-forma proposta, il-marġni tal-profitti tal-kuntrabandisti internazzjonali ser ikun saħansitra ikbar.

4.4

L-Unjoni ddeċidiet li tindirizza l-problema tal-ġlieda kontra l-frodi fuq merkanzija soġġetta għat-taxxa tas-sisa u ppubblikat id-direttiva tal-Kunsill tal-25 ta' Frar 1992 dwar l-arranġament ġenerali għal prodotti soġġetti għad-dazji u s-sisa u dwar iż-żamma, iċ-ċaqliq u s-sorveljanza ta' dawn it-tip ta' prodotti. Fid-dawl tar-riżultati medjokri tagħha, din id-Direttiva ġiet emendata fl-2004 bid-Direttiva 2004/106/KE tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2004, li temenda wkoll id-Direttiva 77/799/KEE dwar l-għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, ċertu taxxi tas-sisa u t-tassazzjoni ta' l-assigurazzjoni.

4.5

Dwar din il-kwistjoni, il-Kumitat jisħaq, f'waħda mill-opinjonijiet (8) tiegħu, li sabiex ikun hemm ġlieda effettiva kontra l-frodi “hemm ħtieġa ċara għall-modernizzazzjoni, it-tisħiħ, is-simplifikazzjoni u ż-żieda fl-effiċjenza ta' l-istrument għall-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta' l-informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar it-taxxi tas-sisa”.

4.6

L-istess opinjoni tenfasizza l-fatt li: “Mill-ġdid, il-benefiċċji li jistgħu jiċċirkolaw minn operazzjoni aktar effettiva tas-suq uniku, u f'dan il-każ minn proċeduri li jistgħu jidentifikaw u jikkumbattu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, qegħdin jiġu llimitati minħabba x-xewqa li jitħarsu l-interessi nazzjonali.” U mill-ġdid: “Ma hemm l-ebda dubju li ħafna mill-prassi frodulenti huma relatati b'mod dirett mad-differenzi — kultant sinifikanti — li jeżistu bejn ir-rati tas-sisa applikati fl-Istati Membri differenti.”

“Il-Kumitat jieħu din l-opportunità sabiex jikkritika l-limitazzjonijiet li jinħolqu mill-prinċipju ta' l-unanimità, li bħalissa jiggverna l-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet komunitarji dwar il-liġi fiskali, u jtenni l-ħtieġa li dan jiġi sostitwit mill-prinċipju tal-maġġoranza kwalifikata fejn tidħol il-kwistjoni tat-taxxi li tinfluwenza l-operazzjoni tas-suq intern jew jikkawżaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni”.

4.7

Matul is-snin, il-Kumitat enfasizza ripetutament il-kunċetti ewlenin li ġejjin:

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva, id-djalogu permanenti bejn l-amministrazzjonijiet fiskali, l-assistenza reċiproka, it-taħriġ identiku u kontinwu għal dawk li jiġġieldu l-frodi, in-netwerks tal-korpi tal-pulizija u l-awtoritajiet tat-taxxa fuq pjattaformi kompatibbli u l-iskambju tad-databases;

l-iffaċilitar tal-proċessi ta' l-armonizzazzjoni fiskali kemm fit-tassazzjoni diretta kif ukoll fil-qasam iktar ikkomplikat tas-sisa;

in-nieda ta' proċess li jabbanduna l-ħtieġa ta' l-unanimità ta' ċertu kwistjonijiet fiskali, li jibda b'dawk li huma l-iktar ħfief li jiġu implimentati;

li jiġi abbandunat il-mudell tat-tassazzjoni tal-VAT, li jiffavorixxi l-frodi, u

li ma jiżdiedx il-piż tat-taxxa.

4.8

Fl-2004 fl-Isvezja, per eżempju, fis-settur tal-birra biss ġew importati madwar 164 miljun litru mill-vjaġġaturi jew mill-kuntrabandisti, li kien qisu l-istess volum — 173 miljun litru — mibjugħ mill-monopolju ta' l-Istat (Systembolaget) u rrappreżenta telf ta' madwar EUR 190 miljun fi dħul mit-taxxa tas-sisa u l-VAT. Xirjiet bħal dawn għolew b'40 % mill-2002 wara t-tneħħija ta' sistema speċjali ta' restrizzjoni tax-xiri transkonfinali. Huwa stmat li l-kuntrabandu rdoppja fl-aħħar sentejn. Id-Danimarka tistima li l-ammont ta' birra li xtraw il-vjaġġaturi fil-Ġermanja u mbagħad importawha huwa ta' 95 miljun litru u dan, miżjud ma' l-10 % ta' merkanzija kuntrabandu, ifisser li madwar 30 % tal-birra kkonsmata fil-pajjiż m'huwiex suġġett għat-tassazzjoni Daniża. Fl-2005, fil-Finlandja, il-vjaġġaturi importaw iktar minn 42 miljun litru, 10 % tal-konsum total, li kkawżaw telf ta' dħul ta' iktar minn EUR 50 miljun. Tletin miljun litru ġew importati fl-Awstrija mill-Ġermanja u mir-Repubblika Ċeka u iktar minn 100 miljun fir-Renju Unit (barra l-volum ta' kuntrabandu fuq skala kbira) (9).

5.   L-istruttura tas-sisa applikata għax-xorb alkoħoliku

5.1

Fir-rapport tagħha ta' l-2004, il-Kummissjoni ppreżentat uħud mill-problemi identifikati tul iż-żmien fl-implimentazzjoni attwali tad-Direttiva 92/84/KEE, waqt li tenfasizza tlieta b'mod partikulari:

l-Istati Membri għandhom permess li jintaxxaw ix-xorb, gassat u mhux, b'mod differenti;

il-ħtieġa li jiġu aġġornati r-referenzi għall-kodiċi fin-Nomenklatura Komuni fid-Direttiva 92/83/KEE għat-tifsira tal-kategoriji tax-xorb alkoħoliku għall-finijiet tas-sisa, bl-għan li jitqiesu l-bidliet potenzjali għal dawn il-kodiċi mill-1992;

il-klassifikazzjoni tax-xorb alkoħoliku fil-kategoriji previsti mid-Direttiva 92/83/KEE irriżultat fi klassifikazzjonijiet differenti u, bħala konsegwenza, tassazzjoni differenti ta' l-istess prodotti fi Stati Membri differenti.

5.2

Fir-rigward ta' l-ewwel punt, il-Kummissjoni tiġġustifika l-proposta tagħha li tneħħi l-għażla li l-inbejjed, gassati u mhux, jiġu trattati b'mod differenti billi stqarret li l-argumenti li oriġinarjament iġġustifikaw din id-deċiżjoni — jiġifieri li l-inbejjed gassati kienu għadhom prodott lussuż — issa huma inqas validi. (Fil-fatt, għal ċertu nbejjed mhux gassati huwa l-oppost!).

5.3

Fir-rigward tat-tieni punt, l-Artikolu 26 tad-Direttiva 92/83 (dwar l-istruttura tas-sisa) jistipula li l-kodiċi tan-Nomenklatura Komuni li għalihom tirreferi d-Direttiva huma dawk li kienu nfurzati fil-ġurnata li ġiet adottata d-Direttiva (19 ta' Ottubru 1992). Il-Kummissjoni, madankollu, ipproponiet referenza għall-kodiċi ta' Nomenklatura Komuni applikati l-iktar riċentement u għal modifiki futuri sabiex jiġu adottati skond l-Artikolu 24 tad-Direttiva 92/12 KEE (proċedura li tinvolvi l-Kumitat għat-Taxxi tas-Sisa kif stabbiliti għall-prodotti ta' l-enerġija).

5.4

Dwar it-tielet punt: sabiex tiġi evitata l-problema mqajma minn bosta operaturi fir-rigward tal-kliem vag tad-Direttiva, li jonqos milli jispeċifika l-ammont ta' alkoħol distillat li jista' jiżdied ma' “xorb ieħor fermentat”, il-Kummissjoni tipproponi li tagħmel it-tifsira tax-xorb alkoħoliku għall-finijiet ta' sisa inqas dipendenti fuq il-klassifika tan-Nomenklatura Komuni.

5.5

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-bidliet mitluba mill-operaturi sabiex jiġu assigurati s-simplifikazzjoni u l-ħarsien tal-kompetizzjoni huma bbażati fis-sod u koerenti. Huwa japprova l-proposti magħmula iktar kmieni mill-Kummissjoni u m'huwiex ċert għaliex dawn il-bidliet għadhom ma ġewx introdotti sabiex jemendaw id-Direttiva 92/83 għal dan l-iskop.

5.6

Il-Kumitat isejjaħ għall-irtirar tal-proposta għal direttiva, filwaqt li jirrakkomanda li jiġu adottati l-bidliet għad-Direttiva 92/83 proposti mill-Kummissjoni.

Brussel, 30 ta' Mejju 2007

Il-President

tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  C-437/97 Evangelischer Krankenhausverein Wien (EKW).

(2)  CEPS — L-Organizzazzjoni Ewropea ta' l-Ispirti; AICV — L-Assoċjazzjoni tas-Sajder u l-Inbid tal-Frott; The Brewers of Europe; Comité Européen des Entreprises Vins.

(3)  Ara l-appendiċi: it-tabelli ppubblikati mill-Kummissjoni fis-26 ta' Mejju 2004 fil-Proposta tagħha għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 92/84/KEE dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku.

(4)  Skond Wikipedia l-enċiklopedija online bla ħlas, il-grad Plato huwa kejl li jiddetermina d-densità ta' soluzzjoni. L-iskala Plato hija użata speċjalment fl-industrija tal-birra għax għandha użu faċli. Id-densità ta' soluzzjoni mkejla bil-gradi Plato hija mfissra bħala l-ekwivalenti għad-densità mkejla fil-piż/persentaġġ tal-piż ta' soluzzjoni ilma/zokkor. Fi kliem ieħor, jekk litru tat-tferrigħ tal-malt tal-birra għandu kontenut ekwivalenti għal 12-il grad Plato, id-densità ta' dan l-estratt (jew zokkor imdewweb fit-tferrigħ tal-malt) huwa ekwivalenti għal dak ta' litru ta' soluzzjoni li għandu 12 % tal-piż tiegħu f'zokkor li japprossima l-piż speċifiku ta' l-ilma ta' kilogramm għal kull litru u fil-livell tal-baħar u t-temperatura ambjentali. Il-kampjun tagħna għandu madwar 120 gram ta' estratt.

(5)  Customs Associates Ltd, Studju dwar il-kompetizzjoni bejn ix-xorb alkoħoliku— Rapport finali — Frar 2001 (Study on the competition between alcoholic drinks — Final report — February 2001).

(6)  L-elastiċità trasversjali fir-relazzjoni mal-prezz tagħti indikazzjoni tal-grad ta' kompetizzjoni bejn ix-xorb.

(7)  ĠU C 69 tal-21.3.2006 (Rapporteur: is-Sur Wilkinson).

(8)  ĠU C 112 tat-30.4.2004 p. 64(Rapporteur: is-Sur Pezzini).

(9)  Oxford economics “Il-konsegwenzi taż-żieda proposta għar-rati minimi tat-taxxa tas-sisa għall-birra” (“The consequences of the proposed Increase in the minimum excise duty rates for beer”). Frar 2007.


APPENDIĊI

għall- Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Emendi rifjutati

L-emendi li ġejjin, li rċevew minn ta' l-inqas kwart tal-voti li nxteħtu, ġew rifjutati matul id-dibattitu:

Punt 4.6

Neħħi dan it-test kif ġej:

L-istess opinjoni tenfasizza l-fatt li: “Mill-ġdid, il-benefiċċji li jistgħu jiċċirkolaw minn operazzjoni aktar effettiva tas-suq uniku, u f'dan il-każ minn proċeduri li jistgħu jidentifikaw u jikkumbattu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, qegħdin jiġu llimitati minħabba x-xewqa li jitħarsu l-interessi nazzjonali.” U mill-ġdid: “Ma hemm l-ebda dubju li ħafna mill-prassi frodulenti huma relatati b'mod dirett mad-differenzi — kultant sinifikanti — li jeżistu bejn ir-rati tas-sisa applikati fl-Istati Membri differenti.”

“Il-Kumitat jieħu din l-opportunità sabiex jikkritika l-limitazzjonijiet li jinħolqu mill-prinċipju ta' l-unanimità, li bħalissa jiggverna l-biċċa l-kbira tad-deċ iżjonijiet komunitarji dwar il-li ġi fiskali, u jtenni l-ħtieġa li dan jiġi sostitwit mill-prinċipju tal-maġġoranza kwalifikata fejn tidħ ol il-kwistjoni tat-taxxi li tinfluwenza l-operazzjoni tas-suq intern jew jikkawżaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ”.

Raġuni

Il-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet hija kwistjoni politika sensittiva ħafna li ser ikollha tiġi miftehma fi trattat fil-ġejjieni. Il-politika fiskali — ladarba tiġi stabbilita l-munita unika u t-tneħħija sussegwenti tal-possibilità li jiġu żviluppati politiki monetarji attrezzati għas-sitwazzjoni ekonomika f'kull pajjiż — hija l-unika għodda li għandhom l-Istati Membri sabiex jagħtu direzzjoni lill-politika ekonomika tagħhom. Sakemm ma jsirx progress addizzjonali fil-koeżjoni ekonomika u soċjali, m'għandux jiġi propost li maġġoranza, saħansitra maġġoranza kkwalifikata, tkun tista' timponi l-kriterji tagħha fl-Istati Membri kollha.

B'żieda ma' dan, l-abbandun tar-regola ta' l-unanimità jfisser li xi pajjiżi, li minħabba f'din ir-regola jistgħu jżommu l-appoġġ tagħhom għal setturi prinċipali ta' l-ekonomija tagħhom (bħall-inbid jew/u birra f'ċertu pajjiżi), ikunu obbligati li jaqblu fuq xena differenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jitilfu l-possibilità li jkomplu jibblokkaw ċertu politiki li jmorru kontra l-interessi nazzjonali tagħhom, possibilità li qegħdin jagħmlu użu minnha attwalment.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur: 21

Kontra: 54

Astensjonijiet: 4

Punt 4.7

Żid dan li ġej:

Matul is-snin, il-Kumitat enfasizza ripetutament il-kunċetti ewlenin li ġejjin:

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva, id-djalogu permanenti bejn l-amministrazzjonijiet fiskali, l-assistenza reċiproka, it-taħriġ identiku u kontinwu għal dawk li jiġġieldu l-frodi, in-netwerks tal-korpi tal-pulizija u l-awtoritajiet tat-taxxa fuq pjattaformi kompatibbli u l-iskambju tad-databases;

li jsir iktar faċli għall-konsumaturi sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom meta jixtru mill-bogħod il-prodotti kollha fuq is-suq intern;

l-iffaċilitar tal-proċessi ta' l-armonizzazzjoni fiskali kemm fit-tassazzjoni diretta kif ukoll fil-qasam iktar ikkomplikat tas-sisa;

in-nieda ta' proċess li jabbanduna l-ħtieġa ta' l-unanimità ta' ċertu kwistjonijiet fiskali, li jibda b'dawk li huma l-iktar ħfief li jiġu implimentati, bħala parti minn politika Ewropea tat-taxxa koerenti ;

li jiġi abbandunat il-mudell tat-tassazzjoni tal-VAT, li jiffavorixxi l-frodi, u;

li ma jiżdiedx il-piż tat-taxxa.

Raġuni

Raġuni 1:

Il-kunċett ta' rata massima għandu jissepara ruħu, almenu formalment, minn dawk ta' l-armonizzazzjoni, l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazju u l-armonizzazzjoni progressiva. Minkejja li wieħed mill-effetti ta' rata massima ser ikun li jingħafsu d-differenzi attwali bejn ir-rati eżistenti, kif spjegat fil-punti 3.5, 3.6 u 3.7 b'riżultat ta' żieda fl-armonizzazzjoni reali, kif tpoġġa l-kliem f'dan il-punt jista' jissuġġerixxi li r-rata massima hija l-istess bħar-rata objettiva. L-emenda proposta tfittex li dan tevitah.

Tassew, il-problema attwali hija kkawżata mir-rati għoljin imposti minn xi pajjiżi (l-Irlanda, ir-Renju Unit, il-Finlandja u l-Isvezja, per eżempju) li ġġeneraw differenzi enormi mal-pajjiżi ġirien.

B'żieda ma' dan, mezz effettiv sabiex jissaħħaħ is-suq intern u jikkumbatti l-frodi huwa li jippermetti liċ-ċittadini ta' l-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jixtru dan ix-xorb mill-bogħod, kif jiġri bi prodotti l-oħra ta' l-ikel. Dan jista' jistabbilixxi kanali tad-distribuzzjoni legali soġġetti għall-kontrolli mill-awtoritajiet tat-taxxa jew tas-saħħa, li jwassal għal iktar għarfien tal-konsumatur dwar dawn il-prodotti. Dan ikun jikkonforma wkoll mal-prinċipju tal-moviment ħieles tal-merkanzija, li ma jkoprix biss il-kummerċ professjonali, iżda wkoll it-transazzjonijiet mwettqa minn individwi privati. Il-moviment ħieles ifisser li l-konsumaturi li qegħdin jgħixu fi Stat Membru jridu jkunu jistgħu jixtru prodotti fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, soġġett għal sett minimu u standard ta' regoli ġusti li jiggvernaw ix-xiri u l-bejgħ ta' prodotti tal-konsumaturi.

Il-Kumitat reċentement stqarr li l-promozzjoni tal-benefiċċji tas-suq intern fost il-konsumaturi għandu jkun ta' prijorità sabiex jiġi ffinilazzat (Opinjoni KESE dwar ir-Reviżjoni tas-Suq Uniku, ĠU CĊ 93 tas-27.4.2007 (opinjoni INT/332)).

Raġuni 2:

Hija meħtieġa kjarifika peress li, kif hemm imsemmi fil-punt segwenti, il-mudell imwaqqaf fil-qafas tal-VAT iġġenera ġurisprudenza abbundanti, minħabba l-lok għal abbuż fil-leġislazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha fil-livell Ewropew u nazzjonali. Jekk ser jitwettaq il-proċess diskuss fl-opinjoni, huwa importanti li tiġi assigurata l-koordinazzjoni.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur: 20

Kontra: 55

Astensjonijiet: 4


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Programm Statistiku Komunitarju 2008-2012”

COM (2006) 687 finali — 2006/0229 (COD)

(2007/C 175/02)

Fid-19 ta' Jannar 2007 il-Kunsill iddeċieda li jikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar il- Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Programm Statistiku Komunitarju 2008-2012.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomija u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fid-19 ta' April 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Santillán.

Matul il-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u 31 ta' Mejju 2007 (seduta tat-30 ta' Mejju 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali adotta din l-opinjoni b'159 vot favur, 1 voti kontra u 5 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali jilqa' l-proposta għal programm statistiku fuq perijodu ta' ħames snin mill-2008 sa l-2012 u jaqbel ma' l-affermazzjoni li statistika armonizzata u komparabbli hija indispensabbli għall-għarfien ta' l-Ewropa fost il-pubbliku ġenerali, għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-dibattitu u għall-parteċipazzjoni ta' l-operaturi ekonomiċi fis-suq uniku.

1.2

Il-KESE jenfasizza li kemm l-Eurostat kif ukoll l-awtoritajiet statistiċi nazzjonali għandu jkollhom l-aqwa riżorsi umani u finazjarji li jippermetti l-baġit. Dan huwa essenzjali sabiex tiġi ssodisfata t-talba dejjem ikbar għat-tagħrif statistiku u wkoll minħabba l-importanza ta' l-Unjoni Ewropea fuq ix-xena dinjija.

1.3

Il-Kumitat jikkunsidra li huwa neċessarju li tingħata attenzjoni ikbar lill-aspetti marbutin mal-benessri ta' l-Ewropej. Għalhekk jissuġġerixxi li l-programm statistiku jiġi estiż fl-oqsma li ġejjin:

miżuri għat-tfal;

it-tixjiħ tal-popolazzjoni u s-sitwazzjoni ta' l-anzjani;

ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja familjali u tax-xogħol;

il-politika soċjali bħala kapitolu separat.

1.4

Meta titqies l-importanza kbira sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' Lisbona, jista' jagħti l-każ li l--programm statistiku 2008-2012 ma jagħtix biżżejjed attenzjoni lit-titjib tat-tagħrif statistiku dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

1.5

Barra minn hekk, għandhom ukoll jitħejjew statistiċi dwar l-ekonomija soċjali, billi din ukoll taqdi rwol importanti fl-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea.

1.6

Hemm ukoll setturi fejn it-tagħrif statistiku disponibbli huwa insuffiċjenti. Il-programm ta' ħames snin għandu jiffoka iktar mill-qrib fuq dawn is-suġġetti:

l-immigrazzjoni u d-dritt ta' asil: dan huwa suġġett li qiegħed jikber fl-importanza u li m'hemmx biżżejjed tagħrif statistiku dwaru;

il-kriminalità u l-ġustizzja penali;

l-impjieg: minkejja l-fatt li għad m'hemmx statistiċi dwar il-popolazzjoni attiva, l-impjieg, il-qgħad, eċċ., l-iżvilupp mgħaġġel fis-suq tax-xogħol — l-emerġenza ta' attivitajiet ekonomiċi ġodda, il-ħolqien ta' professjonijiet u tipi ta' kuntratti ġodda — ifisser li l-metodi ta' kif isiru s-servejs u x-xogħol f'dan il-qasam għandhom jiġu aġġornati regolarment.

1.7

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li, skond it-Trattat, “L-istatistiċi li jiġu prodotti … m'għandhomx joħolqu piż żejjed fuq l-operaturi ekonomiċi.  (1) Dan ifisser li:

a)

l-ewwelnett, hemm bżonn li jsiru sforzi sabiex il-kumpaniji — b'mod speċjali dawk żgħar u ta' daqs medju — ma jġarrbux spejjeż inutli jew eżaġerati.

b)

it-tieninett, għandhom jiġu evitati talbiet ripetuti għat-tagħrif. Il-prinċipju bażiku huwa li kull biċċa informazzjoni statistika tkun ipprovduta darba biss; imbagħad din għandha tixxerred u tinqasam bejn l-organizzazzjonijiet statistiċi, b'konformità mal-prinċipji komunitarji fir-rigward ta' l-istatistika (kunfidenzjalità statistika, eċċ.).

1.8

L-istatistika għall-kummerċ estern: instabu diskrepanzi (li għandhom jiġu korretti fil-futur) bejn iċ-ċifri dwar l-esportazzjonijiet minn pajjiż A għal pajjiż B kif ukoll bejn iċ-ċifri dwar l-importazzjonijiet ta' pajjiż B minn pajjiż A. Fi kliem ieħor, iċ-ċifri dwar l-esportazzjonijiet minn A għal B huma differenti miċ-ċifri dwar l-importazzjonijiet minn B għal A.

1.9

Fid-dawl tad-diversità ta' l-Unjoni Ewropea ta' 27 Stat Membru, il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-importanza ta' l-isforzi mmirati lejn l-aqwa koordinazzjoni possibbli tat-terminoloġija statistika.

1.10

Il-Kumitat jemmen li huwa importanti ferm li x-xogħol ta' l-aġenziji privati li jaħdmu direttament jew indirettament għas-Sistema Statistika Ewropea jkun ikkontrollat, sabiex tkun assigurata newtralità ikbar tat-tagħrif statistiku u wkoll sabiex ikunu ggarantiti l-prinċipji l-oħra mfissra fil-Kodiċi ta' Prattika Tajba (fost oħrajn il-ħarsien tal-kunfidenzjalità għal tagħrif speċifiku).

2.   Kontenut tal-proposta

2.1

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 322/1997 (2) jappella għat-tfassil ta' Programm Statistiku Komunitarju multi-annwali (CSP) (3), sabiex jiġu ddefiniti l-metodi, l-oqsma prinċipali u l-għanijiet ta' l-azzjonijiet previsti għal perijodu li ma jaqbiżx il-ħames snin u jikkostitwixxi l-qafas għall-produzzjoni ta' l-istatistika komunitarja kollha. Is-CSP huwa eżegwit permezz ta' programmi annwali ta' ħidma li jipprovdu għanijiet ta' ħidma aktar dettaljati għal kull sena u permezz ta' leġislazzjoni speċifika għal azzjonijiet importanti. Is-CSP huwa soġġett għar-rappurtar intermedju dwar l-istat tal-progress tal-ħidma u għal valutazzjoni formali wara li jintemm il-perijodu tal-programm.

2.2

F'dan il-kuntest, l-għan tal-proposta — li għandha bħala bażi legali l-Aritkolu 285 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea — huwa li jdaħħal fis-seħħ programm strateġiku komprensiv għal statistika komunitarja uffiċjali. Dan għandu jinkludi l-produzzjoni u l-kunsinna ta' prodotti u servizzi lill-utenti, it-titjib tal-kwalità ta' l-istatistika u żvilupp ulterjuri tas-Sistema Statistika Ewropea (ESS) (4).

2.3

L-għan ewlieni ta' l-istatistika komunitarja uffiċjali huwa li l-iżvilupp, is-sorveljanza u l-valutazzjoni tal-politika komunitarja jissaħħu fuq bażi rikorrenti permezz ta' tagħrif fattwali affidabbli, oġġettiv, komparabbli u koerenti. F'xi setturi t-tagħrif statistiku huwa wkoll użat b'mod dirett għall-ġestjoni ta' elementi politiċi prinċipali mill-istituzzjonijiet komunitarji.

2.4

Il-Programm Statistiku Komunitarju 2008-2012 huwa ggwidat mill-prijoritajiet ta' politika li ġejjin:

il-prosperità, il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku,

is-solidarjetà, il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-iżvilupp sostenibbli,

is-sigurtà u

tkabbir ulterjuri ta' l-Unjoni Ewropea.

2.5

Għat-tħejjija ta' din il-proposta, il-Kummissjoni kkonsultat il-partijiet interessati kollha, fosthom l-Istati Membri ta' l-UE, il-pajjiżi ta' l-EFTA u l-pajjiżi kandidati kif ukoll il-gruppi ta' ħidma tekniċi ta' l-ESS. Il-Kumitat Konsultattiv Ewropew għat-Tagħrif Statistiku fil-qasam ta' l-Isferi Ekonomiċi u Soċjali (is-CEIES) (5) u l-Kumitat għall-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti (is-CMFB) (6) taw l-opinjoni tagħhom dwar dan is-suġġett.

2.6

Fir-rigward tal-metodu tal-programm, bejn iż-żewġ possibilitajiet — “ristrett” jew “komprensiv” — il-Kummissjoni għażlet il-metodu komprensiv u kkunsidrat tliet fatturi prinċipali: il-kapaċità u l-effiċjenza ta' l-ESS, l-ispejjeż minfuqa mill-Istati Membri għall-eżekuzzjoni ta' l-azzjonijiet statistiċi u l-piż tal-parteċipazzjoni fl-istħarriġ merfugħ mill-impriżi u l-familji.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Matul is-snin, il-Kumitat kemm-il darba esprima l-perspettiva tiegħu dwar il-programmi statistiċi (7) u diversi aspetti tal-politika ta' l-Unjoni dwar l-istatistika. B'mod ġenerali, il-Kumitat dejjem ipprova jenfasizza l-importanza tas-sistema statistika sabiex jintlaħqu l-għanijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi ta' l-Unjoni u l-ħtieġa li jiġi appoġġjat u msaħħaħ l-Eurostat, li huwa element ċentrali tas-sistema, bħalma huma l-entitajiet statistiċi nazzjonali, anke jekk dawn jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri.

3.2

Il-Kumitat jisħaq fuq dawn il-kriterji u, fil-kuntest tal-proposta preżenti, jiġbed l-attenzjoni lejn tliet aspetti li jirriflettu l-importanza li tiġi żviluppata l-aqwa sistema statistika possibli: ir-rwol ta' l-UE bħala attur fix-xena dinjija, ir-rispett ta' l-għanijiet ta' Lisbona u tat-tkabbir u l-fatt li l-koordinazzjoni ta' l-istatistika ta' 27 Stat hija sfida li qatt ma saret qabel. Fi kliem ieħor: is-suċċess ta' l-Unjoni jiddependi fost affarijiet oħra mill-effiċjenza tas-sistema statistika.

3.3

Fir-rigward tar-riżorsi, il-programm ta' ħames snin 2008-2012 jiddisponi minn baġit ta' EUR 274.2 miljun (24.3 % iktar mill-baġit allokat lill-programm 2003-2007). Iżda għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fatturi oħra li m'humiex inklużi f'din is-somma (8). Jekk wieħed jgħodd ukoll l-infiq amministrattiv u l-ko-finanzjament ta' l-Istati Membri u entitajiet oħra, l-approprjazzjonijiet għall-impenji jilħqu total ta' EUR 739.34 miljun.

3.4

Ġestjoni statistika: skond il-Kodiċi ta' Prattika (9), l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtorità statistika komunitarja għandhom:

a)

jistabbilixxu ambjent istituzzjonali u organizzattiv li jippromovi l-effikaċja u l-kredibilità ta' l-awtoritajiet statistiċi nazzjonali u Ewropej li jipproduċu u jxerrdu statistika uffiċjali;

b)

josservaw l-istandards, il-linji ta' gwida u l-prattika t-tajba ta' l-Ewropa fil-proċessi użati mill-awtoritajiet statistiċi nazzjonali u Ewropej biex jorganizzaw, jiġbru, jipproċessaw u jxerrdu l-statistika uffiċjali u jagħmlu sforz biex jiksbu reputazzjoni għal ġestjoni tajba u effiċjenti għat-tisħiħ tal-kredibilità ta' din l-istatistika.

ċ)

jiżguraw li l-istatistika komunitarja tkun konformi ma' l-istandards ta' kwalità Ewropej u jissodisfaw il-ħtiġiet ta' l-utenti istituzzjonali ta' l-Unjoni Ewropea, il-gvernijiet, l-istituzzjonijiet tar-riċerka, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-impriżi u l-pubbliku ġenerali.

3.5

Il-Programm Statistiku Komunitarju 2008-2012 għandu 32 għanijiet trasversali (ara Anness 1) kif ukoll 90 għan konkret u azzjoni prattika (ara Anness 2), li huma marbutin ma' oqsma ta' politika ġenerali kif ukoll ma' 18-il qasam ta' politika komunitarja.

3.5.1

Il-programm isemmi azzjonijiet fl-oqsma prinċipali li ġejjin:

il-moviment ħieles tal-prodotti;

l-agrikoltura;

il-moviment ħieles tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital;

il-visa, id-dritt ta' asil, l-immigrazzjoni u politiki oħra assoċjati mal-moviment ħieles tal-persuni;

it-trasport;

regoli komuni dwar il-kompetizzjoni, it-taxxi u l-aprossimazzjoni tal-liġijiet;

il-politika ekonomika u monetarja;

l-impjieg;

il-politika kummerċjali komuni;

il-kooperazzjoni doganali;

il-politika soċjali, l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u ż-żgħażagħ;

il-kultura;

is-saħħa;

il-ħarsien tal-konsumatur;

in-netwerks trans-Ewropej;

l-industrija (inkluża l-istatistika dwar is-soċjetà ta' l-informazzjoni);

il-koeżjoni ekonomika u soċjali;

ir-riċerka u t-teknoloġija;

l-ambjent;

il-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

il-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma' pajjiżi terzi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Fid-dawl ta' l-għanijiet ambizzjużi tal-programm 2008-2012 u tal-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Eurostat u l-awtoritajiet statistiċi fis-27 Stat Membru, għandu jiġi enfasizzat li l-ħidma statistika għandha tingħata prijorità u li r-riżorsi limitiati disponibbli għandhom jiġu wżati bl-aħjar mod possibbli.

4.2

Artikolu 4 tal-proposta tal-Kummissjoni jsemmi l-istabbiliment ta' prijoritajiet fil-qasam ta' l-istatistika minħabba l-ħtieġa li jiġu wżati r-riżorsi limitati bl-iktar mod effiċjenti possibbli. Madankollu ma ġew iddefiniti l-ebda kriterji jew mekkaniżmi għall-prijoritizzazzjoni ta' l-istatistika. Diffikultà addizzjonali tiġi mill-fatt li fl-istess ħin ġiet identifikata l-ħtieġa għall-iżvilupp ta' l-oqsma ta' ħidma eżistenti u l-ħolqien ta' oqsma ġodda.

4.3

Il-Kumitat jaqbel ma' din id-dikjarazzjoni: “L-evoluzzjoni mgħaġġla tal-kapaċità u d-disponibilità tiegħu se tirrendi l-Internet bħala l-għodda primarja għat-tixrid tad-data statistika fil-ġejjieni. L-Internet se jkabbar b'mod sinifikanti l-komunità ta' l-utenti potenzjali u b'hekk se joħloq opportunitajiet ġodda għat-tixrid” (10). Sabiex jintlaħaq dan il-għan u fid-dawl tal-fatt li l-websajt ta' l-Eurostat hija xbiha ta' l-Unjoni Ewropea, huwa neċessarju li t-tagħrif jiġi ppreżentat bl-iktar mod leġibbli, sempliċi u attraenti li tippermetti t-teknoloġija.

4.4

Il-Kumitat jaqbel ukoll ma' l-affermazzjoni li l-kooperazzjoni bejn l-Eurostat u l-awtoritajiet statistiċi nazzjonali għandha tissaħħaħ (11). Madankollu, l-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-proposta ma tissuġġerixxi l-ebda miżuri konkreti għal dan it-tisħiħ.

4.5

Skop u prijoritajiet ta' l-istatistika Ewropea: il-Kumitat jenfasizza — kif juru l-miżuri msemmija f'punt 3.5.1 ta' din l-opinjoni — li s-sistema statistika bażikament tiffoka fuq l-aspetti ekonomiċi u ma tipprovdix biżżejjed informazzjoni dwar l-aspetti soċjali li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. Il-Kumitat jixtieq ukoll jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-politika soċjali hija marbuta ħafna iktar mill-qrib ma' l-oqsma ta' l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u ż-żgħażagħ milli ma' oqsma oħra.

Brussel, id-19 ta' April 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Artikolu 285(2).

(2)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1.

(3)  Artikolu 3(1).

(4)  Dan huwa partenarjat li jħaddan fih lill-Eurostat, l-awtoritajiet statistiċi nazzjonali u awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli f'kull wieħed mill-Istati Membri għall-produzzjoni u t-tixrid ta' l-Istatistika Ewropea.

(5)  Imwaqqaf mid-deċiżjoni tal-Kunsill 91/116/KE (emendata mid-deċiżjoni 97/255/KE).

(6)  Imwaqqaf mid-deċiżjoni tal-Kunsill 91/115/KE (emendata mid-deċiżjoni 96/174/KE).

(7)  Opinjoni tal-KESE ta' l-1998 dwar “Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Statistiku Komunitarju 1998-2002” (ĠU C 125, 27.5.2002, p. 17).

(8)  Infiq fuq staff u amministrazzjoni; riżorsi operattivi fuq linji baġitarji statistiċi oħra li jistgħu jinfetħu addizzjonalment biex ikopru ħtiġiet regolatorji ġodda matul il-perijodu 2008-2012 (azzjonijiet tat-tip Edicom): riżorsi operattivi li jsiru disponibbli minn Direttorati Ġenerali oħra fuq il-linji baġitarji tagħhom, riżorsi fuq il-livelli nazzjonali u reġjonali. L-Eurostat ser jorganizza mill-ġdid ir-riżorsi operattivi u umani proprji tiegħu biex jirrispetta l-prijoritajiet ġenerali tal-programm.

(9)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet statistiċi komunitarji. COM (2005) 217 finali.

(10)  Anness 1 Punt 3.6 Tixrid.

(11)  Anness 1 Punt 3.6 Tixrid.


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta' kwart is-sena dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti fil-Komunità”

COM(2007) 76 finali

(2007/C 175/03)

Nhar l-4 ta' April 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar il- Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta' kwart is-sena dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti fil-Komunità.

Nhar l-24 ta' April 2007, il-Bureau tal-Kumitat inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tiegħu dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-436 Sessjoni Plenarja tiegħu tat-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (laqgħa tal-31 ta' Mejju 2007) li jaħtar lis-Sinjura Florio bħala rapporteur-ġenerali, u adotta din l-opinjoni unanimament.

1.   Sfond

1.1

L-aċċess għal statistiki affidabbli u ta' kwalità għolja huwa indispensabbli sabiex l-atturi istituzzjonali, ekonomiċi u soċjali jkunu jistgħu jissorveljaw u jevalwaw l-effettività ta' għażliet leġislattivi speċifiċi u sabiex jittieħdu deċiżjonijiet fil-ġejjieni.

1.2

Filfatt, sabiex jiġu adottati l-aħjar politiki possibbli, huwa essenzjali li jkun hemm idea li tkun kemm jista' jkun preċiża u qrib tar-realtà attwali.

1.3

Dan huwa partikularment minnu fil-każ ta' statistiki dwar is-sitwazzjoni tax-xogħol fl-Ewropa, għall-iskop li jiġi analizzat il-progress magħmul mill-Istati Membri sabiex jinkisbu l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Lisbona.

1.4

Sabiex is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea tiftiehem, huwa estremament importanti li jkun magħruf f'liema setturi u reġjuni u f'liema kwantitajiet, jeżistu postijiet ta' xogħol battala. Postijiet li jibqgħu battala jindikaw varjazzjonijiet strutturali skond is-settur ekonomiku u jistgħu jipprovdu qafas utli sabiex jiġu identifikati reġjuni Ewropej li għandhom skarsezza ta' xogħol, jew — bil-maqlub — tkabbir ekonomiku u fis-suq tax-xogħol sinifikanti.

1.5

Il-postijiet tax-xogħol battala huma inklużi fis-sett ta' Indikaturi Ekonomiċi Ewropej Prinċipali (PEEIs) u huma indikatur illi, jekk ikunu disponibbli fi żmien qasir, jistgħu jkunu utli saħansitra għall-Bank Ċentrali Ewropew u għall-Kummissjoni Ewropea sabiex jivvalutaw l-impatt ta' l-ekonomija f'setturi speċifiċi u sabiex id-deċiżjonijiet dwar politika monetarja jitqiesu bir-reqqa.

1.6

It-tnedija mill-ġdid ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, li tmur lura għall-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2005, għandha l-ħolqien ta' aktar postijiet tax-xogħol ta' kwalità ogħla bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha. Inevitabbilment, dan saħħaħ il-ħtieġa għal informazzjoni statistika aħjar dwar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

1.7

Il-Linji Gwida għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet (2005-2008) u l-Linji Gwida għal Politika Ekonomika Usa' (BPEGs), fil-kuntest ta' l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi (EES), jeħtieġu data strutturali aggregata, fuq livell Ewropew, dwar il-postijiet tax-xogħol battala skond is-settur ekonomiku bl-għan li jiġu analizzati l-livell u l-istruttura tad-domanda għax-xogħol.

1.8

Id-disponibbiltà ta' data statistika affidabbli u li tkun aġġornata ta' spiss tippermetti lill-Istati Membri individwali li josservaw mill-qrib is-suq tax-xogħol u mbagħad jadottaw deċiżjonijiet dwar politiki tax-xogħol, saħansitra fuq bażi reġjonali.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Id-data nazzjonali dwar il-postijiet tax-xogħol battala ilha tinġabar sa mill-2003 fuq bażi informali, ċioè b'“gentlemen's agreement”. Għalkemm dan il-ftehim iggarantixxa l-flessibilità u l-indipendenza ta' l-Istati Membri, ma ssodisfax għal kollox il-ħtiġijiet ta' l-utenti tad-data.

2.2

Fil-preżent, erba' Stati Membri ma bagħtu l-ebda data lil Eurostat u d-data provduta mhux dejjem tista' tiġi mqabbla perfettament. Fir-rigward tal-ġbir ta' data ta' kull tliet xhur, il-ħtiġijiet tal-BĊE u l-Kummissjoni f'termini ta' kopertura, il-waqt u l-armonizzazzjoni mhumiex qegħdin jiġu ssodisfati.

2.3

Għalhekk permezz tal-proposta għal Regolament (COM(2007) 76 finali), li tfasslet fuq l-inizjattiva tal-Kumitat għall-Impjiegi, il-Kummissjoni qiegħda timmira li tintroduċi regolament li jagħmilha possibbli li jinġabru statistiki komparabbli dwar il-postijiet battala fi żmien adegwat.

2.4

Waqt it-tħejjija tal-proposta ġew konsultati esperti u l-Kumitat tal-Programm Statistiku u kienu kkunsidrati diversi għażliet. L-għażla li ġiet adottata finalment fil-proposta għal Regolament, id-data strutturali annwali ser tibqa' tiġi trattata għal żmien qasir fuq il-bażi tal-“gentlemen's agreement”.

2.5

Għaldaqstant, il-proposta tiffoka l-aktar fuq dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ġbir ta' l-istatistika kull tliet xhur dwar il-postijiet tax-xogħol battala. Fuq il-bażi ta' l-esperjenza ta' dan ir-regolament, ser tingħata konsiderazzjoni lill-possibilità li fil-ġejjieni jkun jista' jitfassal regolament ġdid li jissodisfa l-ħtiġijiet għal data annwali.

2.6

Il-livell ta' dettall li huwa meħtieġ għal kull attività ekonomika individwali għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi ta' l-aħħar verżjoni tas-sistema komuni ta' klassifikazzjoni għall-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità (NACE).

2.7

Filwaqt li, safejn hu possibbli, għandhom jinżammu l-istandards ta' kwalità stabbiliti, l-Istati Membri huma fil-libertà li jużaw data amministrattiva jew li jillimitaw il-firxa tas-setturi ekonomiċi li jridu jikkunsidraw, sabiex jitnaqqas il-piż fuq in-negozju (Artikolu 5).

2.8

Il-Kummissjoni (Artikolu 8) qiegħda tipproponi li tistabbilixxi serje ta' studji ta' fattibilità li għandhom isiru mill-Istati Membri li għandhom diffikultajiet sabiex jipprovdu data għal:

a)

unitajiet b'inqas minn 10 impjegati; u/jew

b)

l-attivitajiet li ġejjin:

i)

attivitajiet ta' agrikoltura, foresterija u sajd,

ii)

id-difiża u l-amministrazzjoni pubblika; is-sigurtà soċjali obbligatorja,

iii)

l-edukazzjoni,

iv)

is-saħħa tal-bniedem u l-ħidma soċjali,

v)

l-arti, l-ispettakli u r-rikreazzjoni, u

vi)

attivitajiet ta' għaqdiet bi sħubija, tiswija ta' kompjuters u oġġetti personali u tad-dar u attivitajiet oħrajn ta' servizz personali.

2.9

Matul il-fażi tal-bidu (l-ewwel tliet snin), l-Istati Membri jistgħu jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-UE. Dan il-finanzjament ser ikun kopert mill-Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali — PROGRESS (1) (Artikolu 9). Għaldaqstant, minbarra t-tkomplija tal-fażi tal-“gentlemen's agreement”, jistgħu jiġu mnedija innovazzjonijiet u titjib fil-qasam tal-ġbir tad-data.

3.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

3.1

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jkun hemm statistiki dwar is-sitwazzjoni tax-xogħol fl-UE li jkunu kemm jista' jkun koerenti u affidabbli. Għaldaqstant, huwa japprezza u jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li toħloq qafas legali sabiex jinġabru statistiki dwar il-postijiet tax-xogħol battala, fuq livell Ewropew, li jkunu aktar aġġornati, komparabbli u relevanti.

3.2

Sabiex jinkisbu l-objettivi ekonomiċi ta' l-Istrateġija ta'Lisbona, u b'mod speċjali dawk marbuta max-xogħol, jeħtieġ li l-utenti kollha ta' l-istatistiki u l-operaturi ekonomiċi, soċjali u istituzzjonali kemm fil-livell ta' l-UE kif ukoll dak nazzjonali, jkollhom l-appoġġ ta' statistika affidabbli u effiċjenti.

3.3

Il-KESE japprova wkoll l-għażla ta' l-istrument, jiġifieri regolament ta' l-UE, għaliex l-iskop tal-proposta, bħalma ġeneralment jiġri fil-maġġoranza ta' l-inizjattivi marbuta ma' l-istatistika, jirrikjedi applikazzjoni dettaljata u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha.

3.4

L-għażla li jiġi inkluż biss il-ġbir ta' data kull tliet xhur fir-regolament propost u li l-“gentlemen's agreement” jibqa' jiġi applikat għad-data strutturali annwali hija bla dubju dettata minn xewqa li jkun hemm transizzjoni gradwali minn ftehim informali għal regolament ta' l-UE dwar il-ġbir tad-data. Jeħtieġ li dan il-perjodu ta' transizzjoni jkun akkumpanjat minn monitoraġġ kontinwu tar-riżultati miksuba u l-KESE jittama li fil-ġejjieni qarib jista' jintlaħaq qafas aktar komplut u affidabbli kemm għal data annwali dwar il-potenzjal tas-suq tax-xogħol ta' l-UE kif ukoll għal data li tinġabar kull tliet xhur.

Il-KESE jiddispjaċih li għad m'hemm l-ebda stima ta' l-impatt, iżda jistenna li l-Kummissjoni tipproduċi waħda qabel ma jkun jista' jiġi adottat regolament sekondarju ta' implimentazzjoni, peress, li fil-prinċipju, ser ikun hemm żjieda fl-ispejjeż u fil-piżijiet fuq in-negozji Ewropej mingħajr ma jirċievu kumpens fi tnaqqis għal attivitajiet oħra ta' stħarriġ.

3.5

Madankollu, il-KESE jemmen li minħabba l-ħtieġa li l-ġbir tad-data jkun issimplifikat u li jitnaqqsu l-ispejjeż relatati ma' dan, saret għażla li mhijiex kompletament ċara sabiex il-ġbir tad-data jkun fakultattiv għas-setturi li huma “staġjonali” bħas-setturi ta' l-agrikoltura, is-sajd u l-foresterija.

3.6

Madankollu, il-problema ta' “aġġustament skond l-istaġun” tqajjem firxa ta' kwistjonijiet dwar l-affidabilità ta' dawn it-tipi ta' statistiki, peress li f'setturi industrijali oħra u/jew fis-settur pubbliku, il-kuntratti staġjonali ilhom jintużaw għal ħafna snin (l-industrija tat-tessili, l-industrija agro-alimentari, it-turiżmu, eċċ…).

3.7

Barraminhekk, attwalment, il-kuntratti tax-xogħol fil-pajjiżi kollha ta' l-UE jipprevedu għal għexieren ta' tipi differenti ta' relazzjonijiet tax-xogħol. Għalhekk, ikun ta' siwi li jkunu magħrufa t-tipi ta' postijiet tax-xogħol battala li huma disponibbli (kuntratti mingħajr terminu fiss, kuntratti bi żmien fiss, kuntratti part-time, proġetti, sħubijiet, eċċ…).

3.8

Qafas li jkun eqreb tar-realtà tal-potenzjal tas-suq tax-xogħol, ix-xejriet tiegħu jew in-nuqqasijiet tiegħu f'ċerti setturi u reġjuni, jagħmilha possibbli li jkun hemm enfasi akbar fuq l-istrateġiji li jeħtieġ li jiġu implimentati sabiex jinkisbu l-objettivi ta' Lisbona.

3.9

Din hija raġuni oħra għalfejn il-KESE jemmen illi l-konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali Ewropej u l-involviment dirett tagħhom huwa partikolarment meħtieġ f'dawn l-oqsma.

Il-KESE jilqa' s-setgħa ta' skrutinju li għandu l-Parlament Ewropew fuq il-proposta li ser tkun suġġetta għal ko-deċiżjoni. Ir-regolamenti ta' implimentazzjoni ser ikunu suġġetti għall-komitoloġija skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju, b'konformità mal-proċedura stabbilita fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 1999/468/KE u 2006/512/KE.

Brussel, il-31 ta' Mejju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Adottat permezz tad-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 2006. F'Taqsima 1: Impjiegi, il-finanzjament ta' miżuri dwar statistiki huma msemmija speċifikament: “[…] jiġi mtejjeb l-għarfien tas-sitwazzjoni u tal-prospetti ta' l-impjiegi permezz ta' […] l-iżvilupp ta' l-istatistika u indikaturi komuni[…]”.


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/13


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) minħabba l-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea”

COM(2007) 95 finali — 2007/0038 (COD)

(2007/C 175/04)

Nhar il-25 ta' April 2007, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) minħabba l-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea.

Il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħatar lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja sabiex tipprepara l-ħidma dwar dan is-suġġett.

Minħabba l-urġenza ta' din il-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħatar lis-Sur Burani bħala rapporteur-ġenerali fl-463 sessjoni plenarju tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tat-30 ta' Mejju 2007), u adotta din l-opinjoni unanimament

1.   Introduzzjoni

1.1

Ir-regolament (KE) Nru. 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill stabbilixxa klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) ta' l-Istati Membri.

1.2

Waħda mill-ewwel emendi saret fl-2005 wara l-adeżjoni ta' 10 Stati Membri ġodda. Wara l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, hija meħtieġa emenda ġdida sabiex jiżdiedu tabelli li jikkonċernaw dawn iż-żewġ Stati Membri ġodda fl-anness għar-regolament.

2.   Osservazzjonijiet u konklużjonijiet

2.1

Il-KESE jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni. Peress li l-ħtieġa għall-proposta bdiet tinħass wara l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda u peress li hija ta' natura purament teknika, il-KESE jagħti l-approvazzjoni sħiħa tiegħu.

Brussel, it-30 ta' Mejju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-suq intern għas-servizzi — ħtiġijiet fir-rigward tas-suq tax-xogħol u l-ħarsien tal-konsumaturi”

(2007/C 175/05)

Nhar id-29 ta' Settembru 2005 l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li jħejji opinjoni fuq proprja dwar: Is-suq intern għas-servizzi — ħtiġijiet fir-rigward tas-suq tax-xogħol u l-ħarsien tal-konsumaturi.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Mejju 2007. Ir-Rapporteur kienet is-Sinjura Alleweldt.

Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tat-30 ta' Mejju), il-Kumitat adotta din l-opinjoni b' 110 vot favur, 2 voti kontra u 2 astenzjonijiet.

1.   Objettiv

1.1

Id-direttiva dwar is-servizzi fis-suq intern (1) għandha — fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' Lisbona — tippromovi l-kompettitività, it-tkabbir u l-impjieg. Fl-istess ħin, din iġġenerat dibattitu intensiv dwar kif jista' jkun organizzat il-provvediment ħieles ta' servizzi. Kien u għad hemm nuqqas ta' qbil dwar l-effetti ta' dan fuq is-swieq nazzjonali tax-xogħol, il-kondizzjonijiet soċjali u l-ħtiġijiet marbutin mal-ħarsien tal-konsumatur. Fl-opinjoni tiegħu ta' Frar 2005 (2), il-KESE ta risposta dettaljata għall-proposta tal-Kummissjoni. Għalhekk, il-kwistjoni hawn m'hijiex id-dokument legali fih innifsu iżda pjuttost l-effetti fuq l-impjieg u l-interessi tal-konsumaturi li huma mistennija jekk din il-proposta dwar is-suq intern għas-servizzi tiġi implimentata.

1.2

Il-provvediment ħieles ta' servizzi huwa wieħed mill-erba' libertajiet tas-suq intern fi ħdan it-Trattat ta' l-UE u ilu li sar realtà politika. L-istrateġija tal-Kummissjoni, imfissra fid-direttiva Ewropea dwar is-servizzi, tfittex li teqred kull barriera li tista' tfixkel il-provvediment tas-servizzi. F'ċertu sens dan ma jinvolvix direttament lis-suq intern jew il-ħarsien tal-konsumatur. Madankollu, billi l-provvediment ħieles tas-servizzi għandu jiġi implimentat fuq skala dejjem ikbar, id-differenzi bejn id-diversi sistemi nazzjonali ser jispikkaw iktar u jkollhom impatt ikbar. Fl-istess ħin, hawn relattivament ftit regolamenti fuq il-livell Ewropew li jħarsu l-interessi tal-ħaddiema u l-konsumaturi. F'dawn l-oqsma jippredominaw b'mod konsiderevoli l-kondizzjonijiet legali, soċjali u tax-xogħol nazzjonali, li ta' spiss ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor. Barra minn hekk, id-direttiva dwar is-servizzi tiddefinixxi wkoll il-validità parallela jew separata ta' ċerti miżuri nazzjonali tal-pajjiż ta' oriġini u l-pajjiż fejn qiegħed jiġi pprovdut is-servizz. L-impatt ta' dan huwa mistenni li jiċċara fil-futur.

1.3

L-istabbiltà soċjali u l-kunfidenza tal-konsumatur jiffurmaw parti importanti mill-integrazzjoni Ewropea u huma wkoll kondizzjoni għas-suċċess tas-suq intern għas-servizzi. Nuqqas kbir fid-dibattitu rigward id-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi huwa li ma sarux studji sinifikanti ta' l-effetti fuq il-kondizzjonijiet soċjali u tax-xogħol kif ukoll fuq l-interessi tal-konsumatur fuq il-livell nazzjonali. In-nuqqas ta' bażi statistika għall-kwantifikazzjoni tal-provvediment ta' servizzi u l-istabbiliment ta' kumpaniji transkonfinali kien wieħed mis-suġġetti ta' kritika tal-KESE. (3) Ma teżistix data affidabbli dwar il-bidliet strutturali mistennija fis-swieq tax-xogħol fl-Istati Membri. Minn banda għandna numru żgħir ta' evalwazzjonijiet ta' impatt ta' natura ġenerali ħafna u mill-banda l-oħra għandna każijiet speċifiċi li ta' spiss ikunu illegali jew semi-legali. It-tnejn li huma ma jservux għal evalwazzjoni ta' impatt oġġettiva.

1.4

Il-ħolqien tas-suq intern għas-servizzi jifforma parti importanti mill-Istrateġija ta' Lisbona. It-tkabbir potenzjali ta' dan is-settur jista' jkun ta' stimolu kbir għaż-żieda fl-impjiegi. Iż-żieda fil-kompetizzjoni li ġabet magħha l-liberalizzazzjoni tas-suq tas-servizzi ser ikollha impatt pożittiv peress li ser twassal għal firxa ta' servizzi ikbar u fi tnaqqis tal-prezzijiet. Minħabba f'hekk huwa neċessarju li l-ħarsien soċjali tal-ħaddiema jittejjeb kontinwament u li jiġi pprovdut ħarsien tal-konsumatur korrispondenti. Dan jgħodd ukoll għall-istandards attwali ta' kwalità u sigurtà fl-Istati Membri, inkluż il-ħarsien ta' l-ambjent. L-impatt fuq l-impjiegi ser ikun differenti skond is-setturi individwali u l-Istati Membri. F'dan il-kuntest, l-impatt fuq l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs) huwa fattur kruċjali.

1.5

L-objettiv ta' din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa li juri l-effetti ta' l-istrateġija attwali għas-suq intern tas-servizzi fuq is-swieq u l-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-ħarsien tal-konsumatur, u li b'hekk ikun ta' użu għall-entitajiet ikkonċernati kif ukoll għall-istituzzjonijiet Ewropej. Dawn l-aspetti ma ngħatawx prijorità fl-aħħar żewġ seduti tal-KESE dwar is-suq intern għas-servizzi. (4)

1.5.1

Il-“provvediment ħieles ta' servizzi”, li skond il-leġislazzjoni Ewropea jinkludi kull transazzjoni bejn żewġ atturi ekonomiċi li jinsabu f'żewġ pajjiżi differenti ta' l-UE (5), jiġbor fih tliet gruppi tematiċi:

Tagħrif dwar l-effetti kwantitattivi fuq l-impjieg u bidliet li jolqtu lil setturi u pajjiżi u li huma mistennjia bħala riżultat ta' l-għoti ta' kuntratti 'l barra u tar-rilokazzjoni jew importazzjoni ta' servizzi speċifiċi;

Sfidi ġodda fir-rigward ta' kondizzjonijiet tax-xogħol li jinħolqu minħabba li l-mobilità tal-ħaddiema ppustjati għandha tikber malajr fil-kuntest tat-tkabbir ta' l-iskambju tas-servizzi transkonfinali;

L-interessi tal-konsumatur u l-integrazzjoni ta' dawn fl-istrateġija għas-suq intern tas-servizzi;

Ir-rwol importanti ta' l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs) bħala l-fornituri ewlenin ta' l-impjieg.

1.6

L-opinjoni għandha titqies bħala bidu u fl-istess ħin bħala kontribuzzjoni għar-rapport finali tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sorveljanza tas-suq intern (6) u għan-negozjati ta' l-IMAC (7). L-opinjoni hija bbażata fuq it-tagħrif disponibbli u fuq l-esperjenzi prattiċi u l-previżjonijiet ta' l-esperti u entitajiet ikkonċernati. Dan it-tagħrif inġabar waqt seduta li nżammet f'April 2006 fi Vjenna u permezz ta' kwestjonarju li tqassam fil-ħarifa ta' l-istess sena lil kważi 6,000 espert mis-settur ta' l-ekonomija, it-trade unions u diversi gruppi ta' interess, kif ukoll mid-dinja ta' l-akkademiċi u d-dipartimenti tal-gvern, li kollha f'daqqa pprovdew iktar minn 150 tweġiba. L-opinjoni m'hijiex maħsuba bħala studju xjentifiku u lanqas ma tista' tieħu post tali studju. L-għan tagħha huwa li tipprovdi punti ta' referenza għal problemi u żviluppi futuri li għandhom jiġu eżaminati iktar bir-reqqa fuq perijodu fit-tul mill-Osservatorju tas-Suq Uniku (SMO) tal-KESE, u li fl-istess ħin tgħin lill-istituzzjonijiet ta' l-UE u oħrajn fit-tfassil tad-deċiżjonijiet politiċi u ta' l-istudji analitiċi tagħhom.

2.   Id-dinamika ta' l-ekonomija tas-servizzi fl-UE

2.1

Il-Kummissjoni Ewropea ssostni li l-istrateġija tagħha għas-suq intern ġiet imqanqla mill-iżvilupp dgħajjef ta' l-iskambju transkonfinali tas-servizzi fl-UE. Suq intern dinamiku huwa mistenni li jsawwar tendenzi pożittivi għall-impjieg u effetti pożittivi għall-konsumaturi u l-kumpaniji. Konkretament, kif tista' tiġi spjegata din id-dinamika?

2.2

Problema li għad trid tiġi solvuta hija dik ta' kif jista' jsir studju statistiku ta' l-ekonomija tas-servizzi transkonfinali. S'issa l-EuroStat u l-entitajiet inkarigati mill-istatiktika fuq il-livell nazzjonali għadhom qed jużaw l-hekk imsejħa sistema ta' statistiċi taċ-ċirkolazzjoni tal-ħlasijiet, fi kliem ieħor l-esportazzjoni jew l-importazzjoni ta' servizzi ssir biss jekk din twassal għal transazzjoni ta' ħlas transkonfinali. Filwaqt li fl-ekonomija tas-servizzi teżisti kooperazzjoni kbira kif ukoll skambju tajjeb ta' tagħrif u esperjenzi, isiru ħafna transazzjonijiet ta' ikklerjar bejn partijiet individwali ta' kumpaniji, imsieħba ta' netwerks jew anke bejn entitajiet ekonomiċi indipendenti fil-pajjiżi rispettivi tagħhom li jinsabu biss f'rabta ta' kooperazzjoni fuq perijodu twil. Fi strutturi ta' netwerk bħal dawn, l-imsieħba rispettivi jikkalkulaw it-trasferiment ta' tagħrif, ħin u servizzi fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom bħala servizz li pprovdew lill-klijent li madankollu ma jiġġenera l-ebda transazzjoni ta' ħlas traskonfinali.

2.3

Minħabba f'hekk, fl-opinjoni tal-KESE, l-ekonomija tas-servizzi tinvolvi volum ta' skambju konsiderevolment ikbar u għandha impatt ikbar fuq is-suq intern minn dak li jissuġġerixxu l-istatistiċi. Għalhekk, il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-Unjoni Ewropea għandha twettaq servej xjentifiku bażiku sabiex tiddetermina kif il-friegħi individwali ta' l-ekonomija tas-servizzi fl-Istati Membri Ewropej jorganizzaw il-kooperazzjoni tagħhom ma' kumpaniji f'pajjiżi oħra. Fuq il-bażi ta' dan is-servej u azzjonijiet futuri għandha tinħoloq viżjoni affidabbli tad-daqs reali tas-suq tas-servizzi fl-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tirċievi l-appoġġ ta' l-esperti Ewropej ta' l-istatistika li għandhom jippreparaw indiċi ta' prezzijiet għas-servizzi kollha fil-pajjiżi kollha ta' l-Unjoni.

2.4

Għall-eżempju: fuq il-bażi ta' l-informazzjoni attwalment disponibbli, il-Kummissjoni tikkalkula li s-settur tas-servizzi jifforma 56 % tal-PGD ta' l-UE u 70 % ta' l-impjieg globali, iżda 20 % biss tal-kummerċ fl-UE. Meta nqabblu dawn iċ-ċifri ma' dawk ta' l-Istati Uniti naraw li l-iżvilupp tal-produttività fl-ekonomija tas-servizzi ta' l-UE huwa ħafna iktar baxx. (8)

2.5

Din id-dgħjufija ma tinħassx fuq is-suq dinji, fejn l-UE tidher li hija l-ikbar qawwa fil-kummerċ tas-servizzi b'tendenzi ta' tkabbir konsiderevoli. Fl-2003 is-sehem ta' l-UE fis-suq globali tas-servizzi kien ta' 26 % filwaqt li dak ta' l-Istati Uniti bil-kemm kien jaqbeż l-20 %. Minkejja d-dinamika kbira tagħhom, l-imsieħba kummerċjali emerġenti, l-Indja u ċ-Ċina, flimkien ma jirrappreżentawx iktar minn 5 % ta' dan is-suq. Bejn l-1997 u l-2003 is-sehem ta' l-UE għola b'1.8 %. Dan ukoll kien l-ikbar tkabbir irreġistrat fost l-imsieħba kollha.

2.6

Id-dgħjufija tolqot lill-kummerċ fl-UE b'mod partikulari. Iżda għal darb'oħra ċ-ċifri jqarrqu. Bejn l-2000 u l-2003 l-kummerċ tas-servizzi intra-komunitarji kiber b'10.8 %; dak ta' l-imsieħba barra l-UE b'6.4 % biss. Id-dinamika fis-suq intern b'hekk kienet relattivament kbira, speċjalment meta wieħed iqis li fl-2003 l-ekonomija kienet qiegħda tbati. Barra minn hekk, kien hemm tnaqqis fil-prezz tas-servizzi.

2.7

Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni ta' impatt iktar dettaljata ta' żvilupp addizzjonali tas-suq intern għas-servizzi. Analiżi tat-tip SWOT (Strengths, Weaknesses, Opportunities, Threats) tista' tkun utli f'dan il-kuntest.

3.   L-effetti fuq l-impjieg ta' titjib fl-effiċjenza tas-suq intern għas-servizzi

3.1

L-istimi dwar l-effetti fuq l-impjieg huma marbutin mal-previżjonijiet għat-tkabbir. Waħda mill-ewwel analiżi ta' l-effetti tad-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi saret mill-Bureau for Economic Policy Analysis  (9) Olandiż f'Ottubru ta' l-2004. Din timxi mas-suppożizzjoni ta' l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) li inqas ma jkun hemm regolamentazzjoni iktar ikun hemm tkabbir u xogħol. Huwa interessanti li dan l-istudju jasal għall-konklużjoni li m'humiex ir-regolamenti fihom innifishom li jistgħu jkunu ta' ostakolu, iżda l-karattru eteroġenu tar-regolamenti. Skond l-awturi ta' l-analiżi, id-direttiva dwar is-servizzi tista' tikkontribwixxi sabiex il-kummerċ jiżdied bi 15 % sa 30 % u sabiex is-sehem ta' l-investiment barrani dirett fis-settur kummerċjali jikber b'20 % sa 35 %.

3.2

Fir-rebbiegħa ta' l-2005 l-organizzazzjoni Copenhagen Economics ġiet inkarigata mill-Kummissjoni sabiex twettaq studju (10) konkret dwar l-effetti fuq l-impjieg. Skond dan l-istudju, żieda fil-konsum ta' 0.6 % tal-PGD ta' l-UE għandu joħloq madwar 600,000 postijiet tax-xogħol fil-25 Stat Membru. Il-produttività wkoll hija mistennija li tikber u s-salarji għandhom jiżdiedu b'medja ta' 0.4 %.

3.3

Il-konklużjonijiet ta' l-istudju ta' Copenhagen kienu l-oġġett ta' kontroversja, speċjalment minħabba l-fatt li huma bbażati fuq argumentazzjoni min-naħa ta' l-offerta u jiffokaw unikament fuq it-tkabbir fid-domanda u t-tbaxxija fil-prezzijiet li jirriżultaw mit-tneħħija tar-regolamenti kollha. L-istudju ma jikkunsidra l-ebda fatturi li jfixklu ż-żieda fid-domanda, per eżempju it-tnaqqis fil-kapaċità ta' akkwist jew bidliet fl-imġiba tal-konsumaturi. L-għażla tas-setturi kienet kontroversjali wkoll. Stimi oħra ta' l-effetti fuq l-impjieg m'humiex disponibbli jew inkella huma bbażati fuq l-istudju ta' Copenhagen, u b'hekk iwasslu għall-istess konklużjonijiet. (11) Sabiex tittejjeb l-effiċjenza tas-suq intern għas-servizzi huwa neċessarju li tingħata attenzjoni ikbar lill-influwenza tar-riċerka u l-innovazzjoni, iż-żieda fil-kwalifiki u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ta' komunikazzjoni.

3.4

Ovvjament, żieda ta' 600,000 impjieg hija ħaġa pożittiva, iżda kkumparata ma' l-istennijiet għoljin li kien hemm, tidher kemmxejn dgħajfa. (12) Aspett ħafna iktar importanti, madankollu, huwa li din iż-żieda jista' jkollha effetti differenti ħafna skond is-setturi, il-pajjiżi u d-diversi gruppi ta' ħaddiema involuti. S'issa l-ebda riżultati m'huma disponibbli. Bl-għajuna ta' l-Osservatorju tas-Suq Uniku (SMO) u bis-saħħa ta' din l-inizjattiva, il-KESE jixtieq joħloq stampa ċara ta' dawn it-tibdiliet strutturali li qegħdin jolqtu lis-suq tax-xogħol.

3.5

Il-kwestjonarju tal-KESE juri li hemm interess kbir għal dawn il-kwistjonijiet. 90 % tal-parteċipanti kkunsidraw li hawn nuqqas ta' informazzjoni dwar l-effetti fuq l-impjieg fis-suq intern għas-servizzi. Il-mistoqsijiet tagħna kkonċentraw qabel kollox fuq is-setturi li huma l-iktar milquta miż-żieda jew it-tnaqqis ta' impjiegi. 60 % antiċipaw effetti pożittivi fuq l-impjieg jew għal setturi speċifiċi. L-iktar li ssemmew kienu s-servizzi ta' l-intrapriża u l-parir legali. Oħrajn jinkludu: il-kummerċ, l-artiġjanat/l-SMEs, it-trasport, is-servizzi tas-saħħa, l-agrikultura u l-forestrija, is-servizzi industrijali, l-edukazzjoni, it-turiżmu, is-servizzi personalizzati u l-ġestjoni tal-bini u l-proprjetà. 44 % wieġbu li jipprevedu iktar telf ta' impjiegi. L-industrija ssemmiet bħala l-iktar settur tellief. Warajha ġew: is-servizzi pubbliċi, il-ġestjoni tal-bini u l-proprjetà, l-agrikultura u l-forestrija, is-servizzi rrelatati ma' l-intrapriża, l-industrija ta' l-ikel u prodotti bħat-te, l-kafé, l-alkoħol u t-tabakk, is-servizzi personalizzati, il-kummerċ/bejgħ, it-turiżmu u l-industrija tat-tessuti.

3.6

Il-mistoqsija dwar l-użu ta' dan il-proċess irriżultat fl-espressjoni ta' viżjonijiet opposti. Huwa mistenni li l-adattament għas-suq huwa fattur kruċjali u li dawk li ma jirnexillhomx jadattaw ruħhom għall-kondizzjonijiet il-ġodda tal-liberalizzazzjoni u tas-suq transkonfinali joħorġu telliefa żgur. Ix-xogħol bil-kwalifiki ser joffri opportunitajiet itjeb mix-xogħol mingħajr kwalifiki; ħaddiema żgħażagħ, speċjalizzati u flessibbli għandhom ċans itjeb mill-ħaddiema iktar imdaħħla fl-età u inqas flessibbli. L-impjiegi bi standards soċjali għoljin huma t-telliefa kontra l-impjiegi migħajr ħarsien soċjali u l-persuni li jaħdmu għal rashom, li fil-ġejjieni aktarx jiksbu rwol ikbar. Bl-istess mod, il-kwalità hija mistennija li tirbaħ kontra l-prezz, u l-istandards ta' l-aċċessibilità għall-impjieg u pajjiżi bi ħlasijiet soċjali għoljin ser imorru tajjeb ukoll. L-Istati Membri l-ġodda ser jibbenifikaw l-iktar mentri l-Istati Membri l-qodma se jgawdu l-inqas. Fornituri lokali u żgħar ser jaqgħu taħt il-pressjoni ta' kumpaniji internazzjonali. Is-sitwazzjoni fir-rigward tal-konsumatur m'hijiex ċara.

3.7

Il-kwistjoni tal-ġejjieni ta' l-SMEs kienet problematika: fiha nnifisha żieda fl-iskambju transkonfinali ta' servizzi twassal għal żieda fix-xogħol jew għal pressjoni fuq il-prezzijiet u l-kompetittività li tagħsar lill-SMEs u tirriżulta fi tnaqqis fl-impjieg? Maġġoranza ta' żewġ terzi (66 %) kienu pożittivi fir-rigward ta' l-impjieg. Iżda 55 % wieġbu li jaħsbu li ċerti kumpaniji ser jiġu mbuttati 'l barra mis-suq. Fil-fehma tal-maġġoranza (69 %) tal-parteċipanti, il-liberalizzazzjoni tas-suq intern għas-servizzi m'għandhiex impatt dirett fuq l-iżvilupp ta' l-SMEs; dan l-iżvilupp jiddependi iktar minn fatturi oħra. Fi kliem ieħor: ippredominaw l-aspettattivi pożittivi, anke jekk b'mod ġenerali kienu pjuttost modesti. Il-fatturi kruċjali tas-suċċess jew tas-sopravivenza, skond il-parteċipanti, huma l-kwalifiki tal-ħaddiema, il-kapaċità ta' l-innovazzjoni u l-kwalità tas-servizz offrut. Jemmnu wkoll li ser tikber il-pressjoni fuq jew id-domanda għal armonizzazzjoni addizzjonali (kwalifiki fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ, ħtiġijiet fl-ambitu tal-ġestjoni, il-prezzijiet u s-salarji, l-kontribuzzjonijiet ta' għajnuna soċjali, it-taxxi korporattivi u l-konformità ma' l-istandards fuq il-livell Ewropew u internazzjonali). Jistennew tbaxxija fl-istandards ta' l-għajnuna soċjali, tal-ħarsien tal-konsumatur u ta' l-ambjent. Jibżgħu li ser jibqgħu ukoll fuq l-ixkaffa l-ispeċjalitajiet lokali u kulturali, hekk kif il-kumpaniji l-kbar jiddominaw is-suq.

3.8

Għad-domanda dwar jekk dawk li jaħdmu għal rashom ser ikollhom iktar opportunità li jaħdmu b'mod transkonfinali, 84 % wieġbu Iva.

4.   Sfidi ġodda għall-kondizzjonijiet u t-termini ta' l-impjieg

4.1

Is-servizzi transkonfinali huma kważi dejjem marbutin mal-mobilità tal-ħaddiema. Billi s'issa l-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tax-xogħol fuq il-livell Ewropew għadha baxxa, insibu dispożizzjonijiet soċjali differenti f'suq tax-xogħol nazzjonali jew ġewwa kumpanija. Id-direttiva ta' l-UE dwar il-ħaddiema ppustjati introduċiet biss numru minimu ta' miżuri mmirati lejn it-trattament ugwali tal-ħaddiema ppustjati u l-ħaddiema lokali. Barra minn hekk, kwistjonijiet marbutin mal-liġi tax-xogħol u soċjali ġew esklużi mid-direttiva ta' l-UE. Iżda suq transkonfinali tas-servizzi ikbar mhux ser jibqa' mingħajr impatt. Minkejja d-direttiva dwar il-ħaddiema ppustjati, għad hemm numru ta' regoli ta' ftehim kollettiv li ma ġewx armonizzati. L-eżenzjoni tal-liġi tax-xogħol mid-direttiva ta' l-UE tfisser li ma nħoloq l-ebda prinċipju “tal-post tax-xogħol” għall-ħaddiema; il-formulazzjonijiet legali kienu oġġett ta' kontroversja u mhux dejjem kienu meqjusa bħala ċari. L-affarijiet għandhom isiru iktar ċari bit-traspożizzjoni għal-liġi nazzjonali. Jekk is-suq intern tas-servizzi jiġi żviluppat kif inhu xieraq, iż-żieda fil-frekwenza u aktarx fit-tul ta' l-ippustjar ser issawwar kwalità ġdida.

4.2

Madankollu, dan m'huwiex il-lok fejn għandu jsir id-dibattitu dwar it-traspożizzjoni tad-direttiva finali. Il-mistoqsija ewlenija hija pjuttost din: x'ser ikunu l-problemi l-ġodda u kif ser jiġu solvuti l-problemi attwali meta fil-futur, fil-kuntest tal-provvediment tas-servizzi, ħaddiema minn iktar minn Stat Membru wieħed ser ikunu qegħdin jaħdmu — iktar ta' spiss u forsi għal perijodi itwal — fl-istess post filwaqt li jkunu soġġetti għal kondizzjonijiet parzjalment differenti? Tali sitwazzjoni, madankollu, kapaċi ġġib magħha opportunitajiet ġodda jekk wieħed jikkunsidra l-previżjoni ta' l-istudju ta' Copenhagen fir-rigward taż-żieda fis-salarji. Huwa importanti li nispeċifikaw li l-punt hawn m'huwiex li l-partijiet involuti fis-suq u dawk responsabbli mid-deċiżjonijiet politiċi huma favur id-dumping soċjali, iżda pjuttost li nispjegaw biċ-ċar dak li qiegħed jiġri fil-prattika.

4.3

82 % wieġbu li ż-żieda fis-servizzi transkonfinali, u b'hekk fl-attività tal-ħaddiema ppustjati f'pajjiż ieħor, ser iġġib magħha bidla fil-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' pajjiżhom. 20 % jantiċipaw li l-kondizzjonijiet tax-xogħol ser jitjiebu, kontra 17 % li jipprevedu li dawn ser imorru lura. 7 % biss jemmnu li ser tikber is-sigurtà ta' l-impjieg. 56 % antiċipaw li ser ikun hemm żieda fix-xogħol flessibbli u temporanju.

4.4

Il-kwistjoni tal-flessibilità reġgħet feġġet fir-risposti għall-mistoqsijiet miftuħin li ġew wara. Ħafna parteċipanti qalu li jistennew tnaqqis fil-forza tax-xogħol stabbli b'risq ix-xogħol part-time, ix-xogħol ta' kuntratt u l-persuni li jsostnu li qegħdin jaħdmu għal rashom mentri fil-verità m'humiex attivi. Issemmew ukoll xi stennijiet pożittivi: korsijiet tal-lingwa, prospettivi ġodda u inċentivi pożittivi għall-iżvilupp ta' ħiliet ġodda, salarji ogħla u iktar offerti ta' impjieg. Madankollu, il-biżgħat ippredominaw: kompetizzjoni ikbar, kondizzjonijiet tax-xogħol inqas tajbin, ħinijiet tax-xogħol itwal u iktar flessibbli kif ukoll żieda fil-kunflitti soċjali u l-prassi illegali u salarji iktar baxxi. Is-sistema soċjali ser tħabbat wiċċha ma' problemi ġodda. Ħaddiema b'mobilità iktar ristretta, speċjalment in-nisa, ser isibu diffikultà ikbar fil-ġejjieni u l-istrutturi familjali ser ibatu b'konsegwenza taż-żieda fil-mobilità. Għall-mistoqsija dwar l-impatt tal-liberalizzazzjoni futura tas-suq intern għas-servizzi fuq l-iżvilupp tas-salarji, 50 % wieġbu li ser jitbaxxew is-salarji, 43 % pprevedew żieda u 7 % stqarrew li jaħsbu li mhu ser ikun hemm l-ebda effett jew enfasizzaw li jiddependi mis-settur.

4.5

Id-direttiva dwar l-ippustjar tal-ħaddiema hija biżżejjed sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet soċjali tal-ħaddiem? 48 % wieġbu Iva, 52 % Le. Jekk il-miżuri l-ġodda huma meħtieġa, il-biċċa l-kbira tal-parteċipanti jiffavorixxu approċċ fuq il-livell Ewropew (65 %), terz jemmnu li l-problemi għandhom jiġu indirizzati fuq il-livell nazzjonali u 2 % jaħsbu li kemm miżuri Ewropej kif ukoll miżuri nazzjonali huma neċessarji. It-tweġibiet għall-mistoqisja miftuħa dwar liema problemi għandhom jingħataw prijorità jistgħu jiġu miġburin b'dan il-mod: in-nuqqas ta' armonizzazzjoni soċjali (inkluża l-aċċessibilità għat-taħriġ u s-snajja') u n-nuqqas ta' trattament ugwali li jirriżulta minn dan kienu l-iktar tweġibiet komuni. Għalhekk, uħud talbu li l-iskop tad-direttiva dwar l-ippustjar jitwessa' fir-rigward tas-setturi kkonċernati u tal-kontenut. L-applikazzjoni mhux adegwata tar-regoli ta' l-ippustjar, l-inċertezza legali, ż-żieda fil-prassi illegali u n-nuqqas ta' kontroll u prosekuzzjoni ssemmew ukoll. Fost il-kwistjonijiet l-oħra li tressqu nsibu problemi fl-oqsma tas-sigurtà u tal-ħarsien tas-saħħa fuq ix-xogħol, is-sistema ta' sigurtà soċjali u l-ġlieda kontra d-dikjarazzjonijiet foloz ta' min jaħdem għal rasu. Ġew ikkritikati l-burokrazija żejda u ostakoli oħra fuq il-livell nazzjonali kif ukoll it-tendenza lejn l-iżolazzjoni nazzjonali. Il-parteċipanti jemmnu wkoll li ser jikbru d-diffikultajiet jekk ma tingħatax biżżejjed attenzjoni lid-differenzi lingwistiċi u kulturali.

4.6

X'effetti ser iġarrbu l-kumpaniji jekk f'ċerti każijiet, fil-qafas ta' kuntratti ta' servizzi, ħaddiema barranin jitħaddmu taħt kondizzjonijiet nazzjonali differenti? 6 % ma raw l-ebda effetti partikulari u 23 % wieġbu li għadu kmieni wisq għal risposta. 24 % jipprevedu li d-differenzi fil-kondizzjonijiet tax-xogħol ser jikbru, 34 % jemmnu li ser jinbtu diffikultajiet ġodda fiż-żamma tad-dispożizzjonijiet soċjali u tax-xogħol u 13 % jaħsbu li fuq il-livell nazzjonali d-dritt tal-ħaddiema li jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet tal-kumpanija ma jkoprix il-ħaddiema ppustjati. It-tweġiba miftuħa ta' din il-mistoqsija xerrdet id-dawl fuq xi aspetti ġodda. Problemi ġodda fir-rigward tas-salarji u tal-fibra soċjali ser jinħolqu minħabba d-differenzi fil-ħlas għall-istess xogħol jew minħabba t-tnaqqis ta' l-għajnuna soċjali volontarja tal-kumpaniji. Issemmiet ukoll l-aspettattiva li użu ikbar tal-“prassi tajba” huwa opportunità tajba sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet u l-kwalità tax-xogħol. F'dan is-sens, hemm bżonn ta' “intelliġenza ikbar” fid-djalogu soċjali fuq il-livell tal-kumpanija. Ostakoli fil-komunikazzjoni jistgħu joħolqu problemi għall-kwalità tax-xogħol u l-ħidma f'tim u b'hekk iwasslu għal nuqqas ta' solidarjetà bejn il-ħaddiema. F'ċerti każijiet in-nuqqas ta' komunikazzjoni tista' twassal sabiex il-ħaddiema ma jkunux jafu bid-drittijiet tagħhom stess jew ma jifhmuhomx. Inugwaljanzi kbar iżżejjed jistgħu jitfgħu l-kumpanija lura (kunflitti, burokrazija, kwalità tax-xogħol) u r-rispett tad-dispożizzjonijiet legali jista' jwassal għal talbiet eċċessivi u iktar abbuż. Il-parteċipanti kkunsidraw l-liberalizzazzjoni tas-servizzi bħala opportunità sabiex jinqerdu ċerti ostakoli għat-tfittxija ta' personal ikkwalifikat.

4.7

M'huwiex faċli li wieħed jagħmel sommarju tat-tweġibiet rigward l-eżempji prattiċi, għax huma d-dettalji tagħhom li jikkontribwixxu għal fehim aħjar. Għalhekk, hawn ser ninkludu biss xi eżempji prattiċi li jxerrdu d-dawl fuq problemi li għadhom ma ssemmewx f'dan id-dokument. Issemmew regoli u proċeduri ambigwi fil-qasam ta' l-inċidenti tax-xogħol, problemi fl-ippustjar ġewwa l-istess kumpanija, il-bidla tal-kuntratti tax-xogħol, l-applikazzjoni tal-ftehim kollettiv ta' pajjiż ieħor u l-mod kif jiġu ttrattati l-immigranti ekonomiċi.

5.   L-interessi tal-konsumatur fis-suq intern għas-servizzi

5.1

Is-suq intern għas-servizzi għandu jibbenefika lill-konsumaturi wkoll. Din hija kwistjoni ta' disponibbiltà (prezz, aċċess, provvediment), kwalità, trasparenza (informazzjoni, kunfidenza) u ċertezza legali (responsabbiltà, ħarsien tal-konsumatur). Dawn l-aspetti qegħdin jiġu implimentati sewwa? Ser jiġu promossi permezz ta' l-implimentazzjoni tas-suq intern għas-servizzi jew għad hemm problemi f'dan il-qasam f'għajnejn il-konsumatur? It-tielet punt fokali tal-kwestjonarju għandu jxerred id-dawl fuq dawn l-esperjenzi prattiċi fl-ambitu tal-provvediment transkonfinali tas-servizzi min-naħa tal-konsumatur.

5.2

L-evalwazzjoni tad-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi min-naħa tal-konsumaturi m'hijiex ċara. Fis-seduta tal-KESE ta' April 2006 saret il-kritika li l-ħarsien tal-konsumatur kien ġie ttraskurat b'mod gravi. Madankollu, saru wkoll evalwazzjonijiet pożittivi, li enfasizzaw it-titjib ta' l-offerta. B'mod ġenerali, il-kwistjonijiet marbutin mal-ħarsien tal-konsumatur ma jingħatawx biżżejjed importanza. Wisq probabbli jirċievu iktar attenzjoni meta l-impatt tad-direttiva fuq il-livell nazzjonali jiġi kkunsidrat fid-diversi Stati Membri. Il-kunfidenza tal-konsumatur hija importanti ħafna għas-suċċess tas-suq intern għas-servizzi ta' l-UE.

5.3

Il-parteċipanti ġew mitluba li jagħtu ordni ta' prijorità lill-kriterji msemmija f'punt 5.1 (disponibbiltà, kwalità, trasparenza u ċertezza legali): darba skond il-fehma tagħhom u darba skond kemm dawn il-kriterji huma promossi permezz tad-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi. Filwaqt li l-parteċipanti taw prijorità għolja lill-kwalità u liċ-ċertezza legali mill-perspettiva personali tagħhom (l-ewwel u t-tieni pożizzjoni), l-evalwazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi ta' l-UE turi li l-impressjoni ġenerali hija li l-prijorità qiegħda tingħata lid-disponibbiltà u li ċ-ċertezza legali qiegħda tingħata l-inqas attenzjoni. 23 % biss huma sodisfatti bl-istat attwali ta' l-implimentazzjoni ta' dawn il-kriterji, mentri 77 % jqisu li hemm bżonn ta' titjib f'dan ir-rigward.

5.4

Minkejja l-fatt li d-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi ma tbiddel xejn fir-rigward tal-validità tal-miżuri għall-ħarsien tal-konsumatur fil-pajjiż ta' oriġini, id-dibattitu juri li hemm il-biża' li dawn kellhom xi nuqqasijiet. 52 % qalu li jibżgħu li hemm il-perikolu li l-leġislazzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur ser tkun mhedda fil-ġejjieni fuq il-livell nazzjonali. L-iktar li ssemmiet hija d-deterjorazzjoni ta' l-infurzar tad-drittijiet, b'mod speċjali fejn jidħlu ilmenti u talbiet ta' kumpens. Dan jaqbel ma' tweġiba oħra, fejn 76 % tal-parteċipanti kkummentaw fuq problemi fir-rigward tar-responsabbiltà u l-implimentazzjoni amministrattiva. 51 % jibżgħu li l-livell ta' ħarsien tal-konsumatur ser jitbaxxa b'mod ġenerali. Jaraw riskju partikulari għall-istandards nazzjonali għoljin ('l fuq mill-minimu ta' l-UE). Hemm riskju wkoll għar-regoli amministrattivi fl-ambitu ta' l-eżerċitar tas-snajja' — bħall-ħarsien kontra l-vantaġġ inġust u l-bażi għat-talbiet ta' kumpens — li jolqtu lill-konsumaturi direttament għax fil-futur dawn għandhom jaqgħu taħt il-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini. Hemm il-biża' li għad jonqsu t-termini ta' garanzija u li titbaxxa l-kwalità tas-servizzi. Oħrajn jibżgħu li jintilef id-dritt għall-informazzjoni, bħall-informazzjoni dwar il-prodotti (bi ħsara għall-ambjent, ir-responsabbiltà u t-trasparenza ġenerali), l-ittikkettjar tal-prezzijiet, l-informazzjoni dwar il-fornitur (l-integrità, il-kwalifiki, il-garanziji u s-salvagwardji meħtieġa), it-termini ta' garanzija, ir-responsabbiltà, eċċ.

5.5

Mistoqsija oħra indirizzat l-ammont ta' informazzjoni mixtieq mill-konsumatur u essenzjali għalih fir-rigward ta' servizzi transkonfinali. Fl-iktar pożizzjoni għolja nsibu l-informazzjoni dwar il-garanziji legali, il-kumpens u d-dritt għall-ilment. Warajhom jiġu l-identità/oriġini tal-fornitur, it-trasparenza tal-prezzijiet u l-informazzjoni preċiża dwar il-kwalità tas-servizz u s-sigurtà tal-prodott/garanzija. Jidher li hemm ċerta konfużjoni fir-rigward tad-dibattitu dwar il-prinċipju ta' oriġini għax ħafna nies talbu iktar informazzjoni dwar liema liġi tapplika u liema entità ta' kontroll jew ta' ilment għandha ġurisdizzjoni.

5.6

25 % tal-parteċipanti biss kellhom esperjenza mal-korpi konsultattivi ta' l-UE fir-rigward tal-ħarsien tal-konsumatur. L-impressjoni predominanti kienet pożittiva, anke jekk uħud semmew nuqqasijiet, per eżempju l-għajnuna transkonfinali għall-infurzar tad-drittijiet jew għat-tfittxija ta' imsieħba adattati fuq il-livell nazzjonali. Instemgħu wkoll ilħna kritiċi, li kkunsidraw il-proċeduri burokratiċi jew għaljin wisq u l-kooperazzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur bħala dgħajfa wisq u mhux effettiva, speċjalment f'każijiet kumplessi. L-impressjoni ġenerali hija li l-informazzjoni dwar il-korpi konsultattivi ta' l-UE għall-konsumaturi m'hijiex qiegħda tixxerred sewwa.

5.7

Sabiex tittejjeb il-kwalità tas-servizzi, id-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi tirrakkomanda li jiġu applikati standards u ċertifikazzjoni volontarji. Skond 54 % tal-parteċipanti din hija proposta tajba ħafna. 46 % jiddubitaw mill-effikaċja tagħha. Dawk li huma favur l-istandards volontarji ta' kwalità jikkunsidrawhom bħala mezz effiċjenti li għandu jiġi ttestjat fuq is-suq u vvalidat mill-klijenti. Dawk li huma kritiċi jaqblu mija fil-mija li m'hemmx garanzija li dawn l-istandards jinżammu mingħajr kontroll min-naħa tal-gvern. Għaldaqstant jidher li hemm preferenza għal regolamenti leġislattivi ċari. Anke jekk il-kumpaniji onesti japplikaw l-istandards volontarji, dejjem ikun hemm kumpaniji bla etika li jinjorawhom. Iżda dan huwa preċiżament ta' importanza kbira għall-provvediment transkonfinali ta' servizzi.

5.8

Id-direttiva dwar is-servizzi tintroduċi wkoll sistema ta' sorveljanza konġunta ta' l-awtoritajiet fil-pajjiż ta' oriġini u l-pajjiż ta' destinazzjoni. Xtaqna nsiru nafu jekk dan jistimolax iktar kunfidenza min-naħa tal-konsumaturi. 82 % wieġbu Iva, 18 % jafdaw inqas. Jidher li hemm riżervi konsiderevoli dwar kif dan jista' jiġi implimentat fil-prattika.

5.9

Fl-aħħar, il-partċipanti ngħataw l-opportunità li jerġgħu jqajmu xi kwistjonijiet mhux solvuti fir-rigward tal-ħarsien futur tal-konsumatur fis-suq intern għas-servizzi. Għal darb'oħra, ġie espress it-tħassib dwar in-nuqqas ta' ċarezza u ċertezza legali fl-ambitu tal-ħarsien tal-konsumatur fir-rigward tal-garanzija, ir-responsabbiltà (per eżempju f'każ ta' insolvenza), talbiet marbutin mal-garanzija (nuqqas ta' armonizzazzjoni; kwistjonijiet tal-piż tal-prova) u l-infurzar ta' talbiet ta' kumpens (proċeduri twal jew ikkumplikati wisq, xewqa għal iktar armonizzazzjoni). Fit-tieni post nsibu l-garanzija ta' informazzjoni suffiċjenti fir-rigward tas-servizzi u tal-fornituri. Issemma n-nuqqas ta' standards ta' kwalità komuni u d-diffikultà li jiġu mqabbla l-ħiliet u l-kwalifiki. Il-miżuri għall-ħarsien tal-konsumatur mhux dejjem jiġu applikati sewwa u f'ċerti setturi huma nieqsa għal kollox (per eżempju fil-qasam tal-pensjonijiet privati u s-servizzi tas-saħħa). Il-kwistjonijiet soċjali reġgħu ssemmew ukoll (it-tbaxxija tas-salarju minimu, ix-xogħol illegali, il-migrazzjoni) u l-biża' li jintilfu l-istandards ambjentali u ta' sigurtà. Għandu jiġi stabbilit livell minimu għas-servizzi pubbliċi li huma ġeneralment disponibbli u li jipprovdu parteċipazzjoni pubblika. Biżgħat oħra jinkludu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni għall-fornituri lokali (per eżempju spejjeż soċjali differenti) u l-problemi kkawżati mid-diskrepanzi fil-valuta tal-pajjiżi.

6.   Ir-riżultati l-iktar importanti

6.1

It-tweġibiet għall-kwestjonarju juru li hemm interess konsiderevoli sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda għas-swieq tax-xoħol, l-impjieg u l-ħarsien tal-konsumatur fis-suq intern għas-servizzi. Ġew enfasizzati bosta problemi potenzjali u fl-istess ħin bosta opportunitajiet għall-ġejjieni. It-tnejn li huma jistħoqqilhom iktar attenzjoni u għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni attwali tad-direttiva ta' l-Unjoni Ewropa dwar is-servizzi.

6.2

Problema li għad trid tiġi solvuta hija dik ta' kif jista' jsir studju statistiku ta' l-ekonomija tas-servizzi transkonfinali. Deskrizzjoni realistika hija essenzjali sabiex tiġi ddeterminata d-dinamika li tista' tissawwar. Għalhekk, il-KESE jisħaq it-talba tiegħu għal servej bażiku uniku, li għandu l-potenzjal li jsolvi l-problema darba għal dejjem.

6.3

90 % tal-parteċipanti jemmnu li t-tagħrif dwar l-effetti potenzjali fuq l-impjieg ta' l-istrateġija l-ġdida għas-suq intern għas-servizzi huwa inadegwat. 60 % minnhom jipprevedu effetti pożittivi fuq l-impjieg. 44 % jaħsbu li ser ikun hemm telf ta' impjiegi. B'mod ġenerali, in-nies jistennew li ser ikun hemm “rilokazzjoni ta' l-impjiegi”. Jista' jkun utli li jkun hemm approċċ skond is-settur u ddifferenzjat fis-sorveljanza futura tas-suq intern għas-servizzi mill-SMO, li jiffoka fuq seturi bħas-servizzi rrelatati ma' l-industrija, l-edukazzjoni, servizzi pubbliċi liberalizzati magħżula, is-servizzi personalizzati u l-artiġjanat. It-tweġibiet dwar min ser jikseb l-ikbar vantaġġi mit-tibdiliet fis-suq intern għas-servizzi huma informattivi ferm. F'dan ir-rigward huwa rrakkomandat li tingħata ħarsa iktar mill-qrib lill-kwistjoni ta' xogħol ikkwalifikat/mhux ikkwalifikat u l-opportunitajiet li għandhom ħaddiema bi flessibilità ġeografika kbira meta nxebbħuhom ma' ħaddiema b'mobilità iktar ristretta. L-ewwel każ huwa kwistjoni ta' proċess bejn l-Istati Membri kif ukoll ġewwa settur speċifiku. It-tieni każ huwa sfida għas-swieq tax-xogħol u s-sistemi ta' sigurtà soċjali.

6.4

Il-ġejjieni ta' l-SMEs huwa mistenni li jkun pożittiv, iżda l-impatt tad-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi m'huwiex mistenni li jkun sinifikanti. Madankollu, sfidi ġodda huma mistennija li għandhom jiġu milqugħa permezz ta' titjib fil-kwalità u l-kwalifiki tal-ħaddiema u innovazzjoni ikbar. Uħud jemmnu li l-pressjoni li tirriżulta mill-kompetizzjoni għandha tiġi indirizzata permezz ta' armonizzazzjoni tal-karatteristiċi l-ġodda tas-suq. Hemm il-biża' li l-ispeċjalitajiet lokali u kulturali ser jibqgħu fuq l-ixkaffa, hekk kif il-kumpaniji l-kbar jiddominaw is-suq.

6.5

Il-maġġoranza tal-parteċipanti jistennew bidliet fil-kondizzjonijiet tax-xogħol u ta' l-impjieg fuq il-livell nazzjonali b'konsegwenza ta' l-iżvilupp tas-suq intern għas-servizzi (82 %). Din l-istennija m'hijiex marbuta ma' nuqqas ta' familjarità mad-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi, iżda pjuttost man-nuqqas ta' armonizzazzjoni u influwenzi ġodda fir-rigward tas-suq. Il-biċċa l-kbira tal-parteċipanti jistennew żieda fix-xogħol temporanju u flessibli minħabba l-iżvilupp tal-kondizzjonijiet tax-xogħol. Il-benefiċċji mistennija jinkludu titjib fl-opportunitajiet tax-xogħol, fit-tagħlim tal-lingwi u fit-taħriġ b'mod ġenerali.

6.6

Id-dispożizzjonijiet attwali fir-rigward ta' l-ippustjar jaqdu rwol importanti f'dan il-kuntest. L-implimentazzjoni inadegwata tar-regoli kienet ta' sikwit ippreżentata bħala probelma. Fid-dawl ta' l-isfidi l-ġodda, nofs il-parteċipanti jemmnu li l-kondizzjonijiet attwali m'humiex biżżejjed sabiex ikun iggarantit il-ħarsien soċjali. Analiżi ddettaljata fuq il-livell tal-kumpaniji turi dan b'mod ċar. Iktar ma tikber l-isfera mhux armonizzata, iktar jikber it-trattament mhux ugwali għall-istess xogħol. Minn banda dan ġie kkunsidrat ukoll bħala opportunità, jekk il-kuntatt mal-“prattika tajba” jkun ta' stimolu għat-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol fil-pajjiż ta' l-oriġini. B'mod ġenerali jidher li kondizzjonijiet tax-xogħol mhux ugwali jew dispożizzjonijiet legali differenti f'post tax-xogħol/kumpanija jirrappreżentaw sfida għall-kumpaniji. Dan m'huwiex il-lok fejn għandha tiġi diskussa d-direttiva dwar l-ippustjar tal-ħaddiema. L-importanti huwa li wieħed jinduna li b'dan il-mod l-inugwaljanza — u b'hekk il-konflitti — ser tikber. L-UE u l-leġislaturi nazzjonali għandhom rwol x'jaqdu f'dan l-ambitu, b'mod speċjali fl-implimentazzjoni futura tad-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi. Din hija sfida għad-dibattitu soċjali fl-UE.

6.7

Din iż-żieda fil-mobilità tal-ħaddiema fil-kuntest tas-servizzi transkonfinali u d-diffikultà ikbar li l-ħaddiema jkunu jafu x'inhuma d-drittijiet tagħhom ser joħolqu domanda ikbar għas-servizzi konsultattivi. Dawn is-servizzi għandhom jiġu implimentati kullimkien fl-UE. Ta' min isemmi x-xogħol siewi tal-Euro Info Centres u l-ħolqien tal-bażi tad-data dwar il-mistoqsijiet tal-ħaddiema, li l-KESE qiegħed josserva b'attenzjoni kbira.

6.8

L-evalwazzjoni tad-direttiva ta' l-UE min-naħa tal-konsumaturi m'hijiex ċara. Kien hemm min ikkritika d-direttiva u min ta opinjoni pożittiva. L-evalwazzjoni tal-kwestjonarju turi li l-kwalità u ċ-ċertezza legali ngħataw prijorità mill-parteċipanti, iżda li dawn iqisu li d-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi ma tindirizzahomx biżżejjed. 23 % tal-parteċipanti biss iddikkjaraw ruħhom sodisfatti bil-livell attwali tal-ħarsien tal-konsumatur.

6.9

It-tħassib fir-rigward taċ-ċertezza u l-implimentazzjoni legali kien ċentrali. Minkejja l-fatt li d-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi ma tmissx il-ħarsien tal-konsumatur fuq il-livell nazzjonali, 52 % tal-parteċipanti jibżgħu li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jinsabu fil-perikolu li jinbidlu fil-ġejjieni. Huma mixtieqa regoli ċari dwar il-ħarsien u r-responsabbiltà u l-ġestjoni rapida tat-talbiet ta' kumpens. Jidher li d-dispożizzjonijiet attwali m'humiex sodisfaċenti. L-istandards għoljin fuq il-livell nazzjonali jitqiesu bħala esposti għal riskju minħabba l-kompetizzjoni futura. Importanti wkoll hija l-garanzija ta' informazzjoni suffiċjenti fir-rigward tas-servizzi u tal-fornituri. Issemma wkoll in-nuqqas ta' standards komuni ta' kwalità (l-opinjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni kienu varji) u d-diffikultà li jitqabblu l-ħiliet u l-kwalifiki. Il-miżuri għall-ħarsien tal-konsumatur mhux dejjem jiġu applikati sewwa u f'ċerti setturi huma nieqsa għal kollox (per eżempju fil-qasam tal-pensjonijiet privati u s-servizzi tas-saħħa).

6.10

Ftit għandhom esperjenza ma' l-entitajiet konsultattivi għall-konsumaturi jew il-kooperazzjoni transkonfinali. L-approċċ attwali huwa approvat mill-maġġoranza tal-parteċipanti, iżda fl-istess ħin huwa meqjus dgħajjef. Il-miżuri attwali ma jgħinux għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni u m'humiex sodisfaċenti f'każijiet kumplessi.

6.11

L-aspirazzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur fis-suq intern għas-servizzi għandhom jaqdu rwol ikbar. L-inċertezza evidenti fir-rigward tas-sitwazzjoni legali tas-servizzi transkonfinali għandha tiġi indirizzata permezz ta' strateġija għall-informazzjoni fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq il-livell Ewropew. Ix-xewqa għal infomazzjoni iktar iddettaljata dwar is-servizzi u l-fornituri m'għandhiex tiġi ssottovalutata. Dan għandu jitqies ukoll fl-implimentazzjoni tad-direttiva ta' l-UE dwar is-servizzi.

6.12

L-Osservatorju tas-Suq Uniku (SMO) tal-KESE ser jikkoopera mill-qrib mas-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Affarijiet Soċjali b'ħarsa lejn l-effett tas-suq intern għas-servizzi fuq iż-żieda fil-kummerċ bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-servizzi kif ukoll fuq l-impjieg u l-ħarsien tal-konsumatur. Il-konklużjonijiet ta' din l-opinjoni jissuġġerixxu li jkun siewi li tittieħed ħarsa iktar mill-qrib lejn is-setturi/friegħi individwali u li għal dan il-għan għandhom jintużaw ir-riżultati tal-kwestjonarju.

Brussel, it-30 ta' Mejju 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Direttiva 2006/123/EG tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern.

(2)  CESE 137/2005, punt l. ĠU C 221 tat-8 ta' Settembru 2005.

(3)  Ara CESE 137/2005, Punt 3.2., par. 1. ĠU C 221 tat-8 ta' Settembru 2005.

(4)  Fid-19 ta' Settembru 2001 il-KESE żamm seduta dwar l-istrateġija għas-suq intern tas-servizzi. F'seduta oħra fl-24 ta' Mejju 2004, fil-qafas ta' l-opinjoni dwar id-Direttiva ta' l-UE dwar is-Servizzi, indirizza sitt kwistjonijiet ewlenin, fost oħrajn ir-responsabbiltà professjonali, il-“one-stop shop” u metodi statistiċi.

(5)  Skond l-Artikolu 50 KE, servizz huwa kull attività indipendenti ekonomika fejn hemm azzjoni magħmula għar-remunerazzjoni.

(6)  Dan ir-rapport huwa mistenni li jsir matul il-Presidenza Portugiża tal-Kunsill.

(7)  Internal Market Advisory Committee.

(8)  Dawn iċ-ċifri u dawk li ġejjin huma meħudin mill-punti 3.5 u 3.6: Kummissjoni Ewropea 2004 u 2005.

(9)  The Free Movement of Services within the EU, Kox et al, CPB report 69, Ottubru 2004.

(10)  Economic Assessment of the Barriers to the Internal Market for Services, Copenhagen Economics, Jannar 2005.

(11)  Eżempju ta' dan huwa l-istudju tal-Ministeru Awstrijakk ta' l-Ekonomija u x-Xogħol: “Ħarsa fil-fond lejn l-Istrateġija ta' Lisbona: Studji dwar il-Produttività, is-Servizzi u t-Teknoloġija”, Vjenna 2006.

(12)  Kritiċi affidabbli jsostnu li anke din l-istima mhix realistika.


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/21


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Standards ta' kwalità li għandhom jiġu rispettati, min-naħa ta' l-imsieħba soċjali u ta' atturi oħra tas-soċjetà ċivili, fir-rigward tal-kontenut, tal-proċeduri u tal-metodi tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt soċjali”

(2007/C 175/06)

F'ittra bid-data tad-19 ta' Settembru 2006, l-Eċċellenza Tiegħu s-Sur Wilhelm Schönfelder, Ambaxxatur straordinarju u plenipotenzarju, rappreżentant permanenti tal-Ġermanja fi ħdan l-UE, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f'isem il-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill, sabiex iħejji opinjoni dwar Standards ta' kwalità li għandhom jiġu rispettati, min-naħa ta' l-imsieħba soċjali u ta' atturi oħra tas-soċjetà ċivili, fir-rigward tal-kontenut, tal-proċeduri u tal-metodi tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt soċjali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Mejju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Retureau.

Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tal-31 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'102 voti favur, 3 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

It-talba tal-Presidenza Ġermaniża għal opinjoni esploratorja dwar Standards ta' kwalità li għandhom jiġu rispettati, min-naħa ta' l-imsieħba soċjali u ta' atturi oħra tas-soċjetà ċivili, fir-rigward tal-kontenut, tal-proċeduri u tal-metodi tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt soċjali turi r-rieda tal-Gvern Ġermaniż sabiex jiffoka fuq regolamentazzjoni aħjar b'kooperazzjoni mal-Presidenzi Portugiżi u Sloveni u bħala segwitu għad-Dikjarazzjoni tas-Sitt Presidenzi ta' l-2004. Għalhekk, “ir-rikors konsegwenti għall-[valutazzjonijiet] ta' l-impatt (1) għall-proġetti ġodda kollha ser ikun element prinċipali tal-pjan ta' azzjoni Ġermaniż, sabiex (…) jiġu kkunsidrati r-riperkussjonijiet soċjali (…) tal-proċess leġiżlattiv” (2). “Valutazzjoni ta' impatt tista' tiġi definita sempliċement bħala metodu li jidentifika l-effetti probabbli jew attwali ta' intervenzjoni. L-għan tagħha huwa li ttejjeb il-bażi ta' l-informazzjoni li fuqha jittieħdu d-deċiżjonijiet u, b'hekk, tittejjeb il-kwalità tat-teħid ta' deċiżjonijiet” (3).

2.   Osservazzjonijiet ġenerali

Mill-konferenza dwar aktar żvilupp tal-valutazzjonijiet ta' impatt fl-Unjoni Ewropea, organizzata mill-Kumissjoni Ewropea nhar l-20 ta' Marzu 2006 fi Brussel, ħareġ li jeżisti kunsens wiesa' li jafferma li s-sistemi ta' valutazzjonijiet ta' l-impatt tal-Kummissjoni Ewropea huma msejsa fuq prinċipji solidi u, barra minn hekk, li dawn l-analiżijiet iridu jiddeterminaw l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali (4). Il-valutazzjonijiet ta' impatt ġew introdotti, qabel kollox, fil-kuntest tat-titjib mill-aktar livell baxx tal-qafas regolamentarju ta' l-Unjoni Ewropea. Li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni soċjali jew il-konsegwenzi tal-leġislazzjoni Komunitarja huma essenzjali sabiex tiġi rispettata l-Aġenda Soċjali. Iċ-ċittadini Ewropej jistennew li l-Ewropa tkun soċjali jew li s-suq uniku jkun soċjalment kompatibbli, u jesprimu b'diversi modi x-xewqa tagħhom li jagħmlu parti mill-proċess li jrid iqarribhom lejn l-UE.

2.1   Inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea bl-għan li timplimenta l-valutazzjonijiet ta' l-impatt — retrospettiva qasira

L-inizjattiva li l-Kummissjoni Ewropea ħadet fl-2003 sabiex timplimenta proċedura ta' valutazzjoni ta' l-impatt għall-proposti prinċipali kollha, fi kliem ieħor dawk ippreżentati fl-istrateġija politika annwali jew fil-programm tagħha ta' ħidma, hija msejsa fuq il-fatt li dawn il-proposti jistgħu jagħmlu parti minn valutazzjoni ta' l-impatt “peress li għandhom impatt potenzjalment ekonomiku, soċjali u/jew ambjentali u/jew li l-implimentazzjoni tagħhom teħtieġ forma jew oħra ta' miżura ta' regolamentazzjoni” (5). Din l-inizjattiva tnediet bl-għan li l-valutazzjonijiet ta' impatt jiġu progressivament integrati fil-proċess leġislattiv wara l-2005 (6).

Wara l-2003, intqalu ħafna affarijiet dwar il-valutazzjonijiet ta' l-impatt b'mod ġenerali, iżda ftit dwar l-aspetti soċjali ta' dawn il-valutazzjonijiet b'mod partikolari.

2.2   Aspetti soċjali tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt — analiżi qasira tal-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea

2.2.1

B'kull loġika, id-Direttorati Ġenerali “Edukazzjoni u Kultura” u “Impjieg, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs” jinkludu aspetti soċjali fil-valutazzjonijiet tagħhom ta' impatt. Barra minn hekk, il-“prinċipju ta' l-analiżi proporzjonali” (7) tikkawża varjazzjoni fil-grad ta' intergrazzjoni ta' l-elementi soċjali f'oqsma oħrajn. Din tqajjem il-mistoqsija dwar jekk l-aspetti soċjali (inkluż il-punti relatati ma' l-Aġenda Soċjali Ewropea) għandhomx jitqiesu bħala l-punt kruċjali (bottom line), fi kliem ieħor anke għall-proposti li mhumiex relatati mal-kwistjonijiet soċjali jew li r-riperkussjonijiet soċjali probabbilment ser ikunu limitati. Minn lat empiriku, l-istudju li sar mill-Istituto per la ricerca sociale (ara n-nota 4 f'qiegħ il-paġna ) juri li “l-valutazzjonijiet ta' l-impatt li ma jikkunsidrawx l-aspetti soċjali għandhom tendenza li jikkonċentraw fuq is-settur ekonomiku. Hawnhekk, terz tal-valutazzjonijiet ta' impatt ma jinkludix l-aspetti soċjali jew jinkludihom b'mod marġinali” (8).

2.2.2

Ovvjament, “meta r-rilevanza soċjali tal-miżura hija evidenti minnha nnifisha (…), l-aspetti soċjali jitqiesu b'mod wiesa' u jiġu żviluppati kompletament fit-totalità tad-dokument tal-valutazzjoni ta' l-impatt” (9). Hemmhekk “il-mistoqsija ta' l-impjieg toħroġ b'mod ċar bħala l-konsegwenza soċjali l-aktar rikorrenti u l-aktar enfasizzata” (10).

2.2.3

Skond l-Istituto per la ricerca sociale,“il-grad sa liema jiġu kkunsidrati l-elementi soċjali m'hux neċessarjament ‘proporzjonali’ (…) għall-kontenut u għall-impatt eventwali tiegħu. (…) Sikwit ħafna, dawn l-impatti huma deskritti biss b'mod ġenerali (…)” u “huma bbażati fuq (…) ipoteżi komuni (…). Dawn ir-relazzjonijiet rarament jiġu diskussi meta jitqies il-kontenut speċifiku tal-miżura, il-popolazzjoni mmirata u ż-żoni territorjali kkonċernati, l-għażla speċifika ta' l-istrumenti politiċi u l-effett tal-proċess ta' l-implimentazzjoni” (11). L-istudju mwettaq minn dan l-istitut jiddikjara wkoll li “diversi valutazzjonijiet ta' l-impatt ma pprevedu l-ebda korrelazzjoni ma' oqsma oħra ta' azzjoni jew politiki Komunitarji”. L-analiżijiet ta' impatt jirrappreżentaw kompitu importanti, iżda dawn ma jridux ikunu ta' ħsara jew superfiċjali, inkella d-dgħjufijiet tagħhom jikkompromettu l-valur tal-leġislazzjoni.

2.3   Ir-rwol ta' l-atturi kkonċernati fil-valutazzjonijiet ta' l-impatt

2.3.1

L-evalwazzjoni ta' l-impatt ta' proposta leġislattiva ma tikkonsistix biss fl-immarkar tal-kaxxi. Din trid tiġi kkontrollata, idealment permezz ta' jew f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-utenti tal-liġi, b'mod partikolari dawk li ser ikunu l-aktar ikkonċernati direttament. Peress li d-dimensjoni soċjali hija waħda mit-tliet kriterji ta' evalwazzjoni għall-politiki ta' l-UE, hemm bżonn li tiġi organizzata proċedura standard — kemm trasparenti kif ukoll sempliċi — għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet immirati fil-kuntest tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt. Għal dan il-għan jistgħu jissemmew xi alternattivi:

konsultazzjoni permezz ta' l-internet: konsultazzjoni onlajn fuq skala wiesgħa mhux adegwata għal proposti ġuridiċi speċifiċi li jirrappreżentaw konsegwenzi soċjali. Konsultazzjoni onlajn trid tkun limitata għall-atturi involuti direttament. Konsultazzjoni mmirata tesiġi netwerking tematiku (komunitajiet virtwali għall-valutazzjonijiet tematiċi ta' l-impatt?) u minimu ta' struttura u ta' koordinazzjoni — u kontroll;

konsultazzjoni permezz ta' forums tal-partijiet interessati: minħabba nuqqas ta' ħin, din l-alternattiva tista' ma toffrix il-livell ta' preċiżjoni neċessarja;

konsultazzjoni tal-pjattaformi konsultattivi uffiċjali: din l-alternattiva tqajjem il-mistoqsija ta' l-involviment ta' korpi bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fil-proċess tal-valutazzjoni ta' l-impatt soċjali (din ir-rimarka tgħodd ukoll għall-valutazzjonijiet ta' impatt fil-qasam ta' l-iżvilupp sostenibbli). Skond id-definizzjoni, dawn il-korpi ġew stabbiliti sabiex jintroduċu l-pluraliżmu bejn l-interessi u l-korrelazzjoni bejn il-politiki;

konsultazzjoni mmirata tal-partijiet interessati: din l-alternattiva hija rrakkomandata għal ċertu numru ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.   Konsiderazzjonijiet metodoloġiċi bażiċi

3.1

Għandhom jitqajmu numru ta' mistoqsijiet sabiex tiġi ddeterminata liema metodoloġija tista' tkun irrakkomandata:

X'inhu l-istat tas-sitwazzjoni, fi kliem ieħor, x'kisbet il-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta' integrazzjoni ta' l-aspetti soċjali fil-valutazzjonijiet tagħha ta' l-impatt?

Valutazzjoni ta' l-impatt soċjali ta' abbozz hija applikabbli għall-proposti leġislattivi kollha jew kull abbozz jeħtieġ valutazzjoni ad hoc?

X'inhu r-rwol tal-partijiet interessati? Kif jistgħu dawn jiġu assoċjati aħjar għall-proċess?

X'jista' jkun ir-rwol tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bħala assemblea ta' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata u bħala hub idealment sitwat fuq il-pjan strateġiku għall-kuntatti u għan-netwerking?

Sa liema punt il-Kummissjoni kkunsidrat il-kontribuzzjonijiet ta' l-imsieħba soċjali u ta' l-NGOs prinċipali fil-valutazzjonijiet ta' impatt soċjali tal-proposti tagħha? Kif jistgħu dawn jiġu assoċjati l-aħjar?

M'għandux jiġi maħsub kodiċi ta' kondotta aktar preċiż minn dak li attwalment qiegħed jintuża mill-Kummissjoni jew regoli ta' etika għat-twettiq ta' dawn l-evalwazzjonijiet ta' impatt soċjali?

Liema huma l-modalitajiet ta' twettiq tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt soċjali (twettiq internament jew esternament permezz ta' appalti u, f'dan l-aħħar każ, skond liema kriterji?)

4.   Konsiderazzjonijiet interni

4.1

Fid-dawl tal-komplessità u l-importanza ta' l-evalwazzjonijiet tal-konsegwenzi soċjali tal-proposti leġislattivi, l-atturi kollha kkonċernati, fi kliem ieħor l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għandhom jirriflettu fuq il-mistoqsijiet segwenti ta' metodoloġija:

Kif għandhom ikunu l-forma u l-iskop ta' dan l-istudju?

Dan l-istudju jkopri firxa wiesgħa ta' suġġetti (per eżempju, “Leġislazzjoni Aħjar”, il-Green Paper dwar il-kondizzjonijiet matrimonjali, inkluż ir-rikonoxximent reċiproku) jew għandu jikkonċentra aktar fuq temi b'kontenut soċjali evidenti (per eżempju, is-servizzi tal-portijiet, is-sigurtà marittima, il-Green Paper dwar il-modernizzazzjoni tal-liġi tax-xogħol)?

X'inhuma l-implikazzjonijiet f'termini ta' preparazzjoni tal-ħidma u tat-tħejjija?

Fid-dawl tal-bżonn ta' approċċ “xjentifiku” (it-titlu jsemmi “standards ta' kwalità”), hemm lok sabiex jiġu determinati standards impliċiti bbażati fuq każijiet u esperjenzi prattiċi jew fuq kollox jiġu żviluppati dawn l-istandards?

4.2

Seduta pubblika fil-Kumitat offriet lill-NGOs soċjali, lill-imsieħba soċjali u lill-atturi l-oħra tas-soċjetà ċivili organizzata kif ukoll lill-esperti opportunità sabiex jesprimu l-punt ta' ħsieb tagħhom, jiddiskutu l-abbozz ta' opinjoni sabiex jgħaddu messaġġi ċari lill-istituzzjonijiet Ewropej in ġenerali u lill-Kummissjoni Ewropea b'mod partikolari.

4.3

Fl-aħħar, fid-dawl tal-fatt li l-valutazzjonijiet ta' l-impatt soċjali huma element ta' importanza enormi fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-UE, il-Kumitat għandu joħroġ bi proposti fir-rigward tal-mod li għandhom isiru tibdiliet u kif għandhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu integrati bl-aħjar mod f'din il-proċedura.

5.   Indikaturi soċjali: konsiderazzjonijiet ġenerali u problemi metodoloġiċi

5.1

Hemm diversi sistemi ta' indikaturi soċjali fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, iżda hemm bżonn li jiġu vverifikati l-validità u l-adattabilità tagħhom għall-bżonnijiet speċifiċi ta' l-analiżi ta' impatt.

5.2

Indikaturi soċjali bdew jiġu żviluppati f'diversi pajjiżi matul l-aħħar tletin sena, sabiex jiġu evalwati l-opportunità u l-konsegwenzi tal-politiki ekonomiċi fir-rigward ta' data kwantitattiva bażika, bl-għan li l-iżvilupp soċjali “jitmexxa” b'mod parallel ma' l-iżvilupp ekonomiku u sabiex ikun hemm mezzi ta' evalwazzjoni tal-benesseri soċjali u ta' l-evoluzzjoni tiegħu.

5.3

B'riżultat, kien hemm tkabbir sinjifikanti fl-ammont ta' statistiċi soċjali disponibbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-funzjonijiet prinċipali kollettivi: edukazzjoni, saħħa, protezzjoni soċjali, ambjent, djar, trasport, riċerka, qgħad, eċċ. Madankollu, jekk din id-data ma tiġix organizzata, imqassra u interpretata, ma twassalx awtomatikament għall-ħolqien ta' indikaturi soċjali.

5.4

Indikatur huwa “biss statistika li magħha titwaħħal importanza partikolari għall-għarfien, il-ġudizzju u/jew l-azzjoni” (12). Fil-perspettiva ta' l-analiżi ta' impatt, mhix biss kwistjoni ta' kompilazzjoni ta' l-istatistiċi soċjali skond il-pajjiż, minn diversi sorsi, iżda li din id-data tiġi strutturata sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni attwali fir-rigward ta' temi speċifiċi, magħżula skond il-bażi tar-rilevanza tagħhom għall-analiżi ta' l-impatt.

5.5

Huwa kważi possibbli li f'ċerti oqsma, hemm biss studji frammentati, sondaġġi skarsi, u għalhekk huwa impossibbli li ssir analiżi tal-bilanċ spejjeż/benefiċċji; per eżempju, diġà nafu li ċerti kategoriji ta' pestiċidi għandhom effetti dannużi fuq is-saħħa u li konċentrazzjonijiet li jaqbżu ċertu limitu jikkaġunaw mard serju. Deċiżjoni sabiex jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi kimiċi jkollha impatt pożittiv fuq is-saħħa tal-popolazzjoni ġenerali u tal-ħaddiema esposti għal dawn il-pestiċidi, anke jekk fil-qafas ta' studju ta' l-impatt proporzjonat mhux possibbli li tiġi pprovduta data eżatta dwar il-benefiċċji fuq il-perijodu fit-tul ta' din il-politika.

5.6

Madankollu huwa ċar li d-dimensjoni soċjali tas-“saħħa” tiġġustifika l-miżura proposta u ssaħħaħ b'mod konsiderevoli l-loġika ekonomika (per eżempju t-tnaqqis ta' l-ispejjeż tal-produzzjoni għall-agrikoltura u t-tkabbir konsegwenti tal-kompetittività). Barra minn hekk, id-dritt fundamentali għal ambjent b'saħħtu jista' jintuża bħala sostenn għall-proposta.

5.7

Fil-prattika, madankollu hemm kwantità konsiderevoli ta' statistiċi soċjali disponibbli, li hija diversa skond it-tibdiliet attwali tad-dibattiti pubbliċi fid-diversi pajjiżi (per eżempju, kondizzjonijiet tax-xogħol, impjieg taż-żgħażagħ u ta' l-anzjani, impjieg tan-nisa, kriminalità, inugwaljanza fid-dħul finanzjarju, diskriminazzjoni fix-xogħol, rilokazzjonijiet); iżda ftit indikaturi nġibdu mill-massa ta' l-istatistiċi sa ftit taż-żmien ilu, fejn dawn l-indikaturi saru, fortunatament, ta' attwalità fil-kuntest il-ġdid soċjoekonomiku li ilna ngħixu fih għal dan l-aħħar għaxar snin, li jagħti valur lir-rwol ta' l-Istati fil-politika soċjali u lir-regolamentazzjoni fil-qasam ekonomiku.

5.8

Iżda dawn l-indikaturi soċjali mhux dejjem ikunu utli, jekk jibqgħu awtonomi, u jieħdu tifsira akbar jekk jiġu integrati f'kunċett usa', bħal dak ta' l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, jew ta' l-iżvilupp sostenibbli; is-sorsi tagħhom huma diversifikati; ma jiġux biss mill-gvern ċentrali iżda wkoll mill-NGOs, minn think tanks imħaddma mill-fondazzjonijiet prinċipali; il-preżentazzjoni ta' dawn l-indikaturi hija wkoll diversifikata ħafna, li tmur mill-għażla ta' l-istatistiċi għas-sondaġġi tematiċi, u t-tħejjija ta' data sabiex tifforma indikaturi tematiċi jew ġenerali.

5.9

Numru ta' korpi internazzjonali jippubblikaw indikaturi u statistiċi soċjali, u jipproċedu għal paraguni bejn l-Istati Membri tagħhom. Il-korpi prinċipali ta' rilevanza għall-pajjiżi ta' l-UE huma (fl-ebda ordni partikolari) l-OECD, l-UNDP, il-Kummissjoni Ewropea — b'mod partikolari l-Eurostat, l-UNESCO, il-Bank Dinji u l-ILO.

5.10

Din id-diversità anke tas-sorsi tqajjem il-problemi tal-kwalità ta' l-istatistiċi — mhux il-pajjiżi kollha għandhom Uffiċċji sofistikati ta' l-Istatistika, tal-paragun tagħhom, u ta' l-armonizzazzjoni tal-kunċetti; “l-għażla ta' indikaturi għall-kejl tal-konverġenza soċjali tal-pajjiżi ta' l-Unjoni tikkostitwixxi kwistjoni politika reali. L-indikaturi użati għall-paragun m'humiex newtrali: jirrifletti ordni ta' prijorità u, xi kultant fehim partikolari dwar liema tip ta' soċjetà hija mixtieqa, li tista' leġittimament tvarja minn pajjiż għall-ieħor. L-eżempju tal-qgħad juri li ċerti indikaturi jista' jkollhom effetti reali, eventwalment negattivi, fuq l-orjentazzjoni tal-politika (13). Minkejja dan, irid jingħad li attwalment l-iżvilupp ta' sistemi ta' indikaturi huwa f'idejn it-tekniċi” (14).

5.11

L-użu tal-PGD u tat-tkabbir bħala indikaturi ta' benesseri soċjali ġie partikolarment ikkritikat fl-UNDP (Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti), li żviluppa l-HDI (indikatur ta' l-iżvilupp uman) tiegħu, notevolment taħt l-impetus tal-ħidmiet ta' Amartya Sen fuq il-faqar, il-ġuħ, id-demokrazija u l-kritika ta' l-indikaturi kwantitattivi purament ekonomiċi, ħidmiet li wasslu għall-Premju Nobel fl-Ekonomija.

5.12

Data dwar l-aċċess għall-ilma tax-xorb, il-livell ta' qari u kitba ta' l-irġiel u tan-nisa, is-sistema tas-saħħa u r-riżultati ta' kampanji kontra l-pandemiji, il-parteċipazzjoni fil-proċess demokratiku, it-tul tal-ħajja skond is-sessi, l-imwiet relatati maż-żmien qabel jew wara t-twelid u l-imwiet tat-trabi, eċċ, huma kollha rilevanti għall-evalwazzjoni tal-livell ta' benesseri f'soċjetà, kif ukoll tas-sitwazzjoni ambjentali. Din id-data madankollu mhijiex direttament korrelata mal-PGD.

5.13

Għalhekk, l-ewwel indikaturi komposti HDI ta' l-UNDP pprovokaw dibattiti u kontroversji wiesa', peress li l-pajjiżi “sinjuri” xi kultant kienu 'l bogħod mill-ewwel livell ta' klassifika ta' “hena nazzjonali gross” (gross national happiness). Iżda dan l-indikatur sar l-aktar alternattiva aċċettata għall-indikaturi purament ekonomiċi, minħabba s-solidità tiegħu (edukazzjoni, snin ta' ħajja, dħul finanzjarju aġġustat sabiex jikkunsidra l-faqar).

5.14

L-istatistiċi soċjali jikkostitwixxu l-komplement integrali ta' l-istatistiċi ekonomiċi, u l-importanza għall-opinjoni pubblika għall-kwistjonijiet soċjali prinċipali tagħtihom importanza politika li trid tiġi b'mod urġenti kkunsidrata mill-gvernijiet.

5.15

Fost l-ostakoli għal din il-kunsiderazzjoni, apparti l-preġudizzji ekonomistiċi jew l-approċċ finanzjarju fuq perijodu fil-qosor jew medju, għandhom jiġu enfasizzati, b'imparzjalità, id-diversità tal-kwistjonijiet soċjali u d-diffikultà li jintrabtu u jiġu kwantifikati bl-għan li jiġu integrati fl-orjentazzjonijiet ta' politika ekonomika.

5.16

B'mod intuittiv, nistgħu naslu għall-istess konklużjonijiet għall-istabbiliment ta' indikaturi ambjentali li għandhom l-għan li jerġgħu jintegraw il-fatturi esterni fit-tkabbir ekonomiku; ultimament, mudell ta' tkabbir marbut mad-deforestazzjoni ta' foresti primarji għandu jiġi rrifjutat jekk il-valutazzjoni ta' impatt jintegra l-fatturi kollha soċjali u ambjentali li, u dan nafuh diġà, għandom iktar vantaġġi mill-fatturi ekonomiċi u monetarji. Iżda huwa tassew diffiċli li titpoġġa figura monetarja fuq il-fatturi esterni: tibdil klimatiku, telf tad-diversità bijoloġika, destin tal-persuni li jgħixu mill-ġbir jew mill-użu tal-pjanti mediċinali, eżawriment rapidu tal-ħamrija u t-tgħawwir tal-ħamrija riżultat ta' dan. Verifika finanzjarja fuq il-perijodu fil-qosor tista' tkun fil-biċċa l-kbira pożittiva, waqt li fuq perijodu fit-tul, bl-integrazzjoni mill-ġdid tal-fatturi esterni, ser tkun estremament negattiva, mhux biss għar-reġjun jew għall-pajjiż ikkonċernat, iżda wkoll għall-pjaneta kollha.

5.17

L-analiżi relatata mal-bilanċ spejjeż/benefiċċji li hija l-bażi ta' diversi evalwazzjonijiet ta' l-“aħjar leġislazzjoni” u li hija ppratikata fil-valutazzjonijiet ta' l-impatt komunitarji turi limiti objettivi fir-rigward tad-dimensjonijiet soċjali u ambjentali ta' l-impatt (15). Minkejja indikatur rilevanti (numru ta' impjiegi mitlufa, nuqqas ta' opportunitajiet għal impjegar mill-ġdid) jista' jintuża għall-valutazzjoni ta' l-impatt soċjali, dan l-impatt innifsu mhux neċessarjament fattur determinanti fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi. Sikwit jinkludi elementi impossibbli li jiġu kwantifikati, partikolarment meta l-valutazzjonijiet ta' l-impatt jistabbilixxu verifika f'termini monetarji fuq perijodu fil-qosor, jew l-aktar l-aktar, fuq perijodu medju; is-sitwazzjoni fuq perijodu fit-tul hija ħafna aktar diffiċli li tinftiehem, u kif jista' jiġi evalwat aspett bħall-benefiċċji ekonomiċi mistennija min-nuqqas ta' mortalità marbuta mat-tniġġis tal-karburanti fil-baħar? (16).

5.18

Fl-aħħar, id-dibattitu soċjali juża kunċetti li xi daqqiet m'humiex imfissra tajjeb; indikatur relatat mal-flessigurtà, per eżempju, jiġi fformulat b'mod differenti skond il-pajjiżi, jew skond jekk dan hux ibbażat fuq esperjenza eżistenti jew fuq xewqa li l-kunċetti jiġu diskussi fil-livell Ewropew (17) jew nazzjonali b'referenza għall-“mudelli” nazzjonali żviluppati f'kuntest partikolari u li diffiċli li jitqiegħdu f'realtajiet soċjali oħrajn; liema huma l-elementi li għandhom jitqiesu u fuq kollox, liema valur, pożittiv jew negattiv, għandu jiġi attribwit lilhom? “L-inklużjoni jew l-esklużjoni ta' ċerti indikaturi tista' turi valuri u ideoloġiji impliċiti” (18). U l-problema tikber aktar fil-kostruzzjoni ta' indikaturi komposti: liema indikaturi għandhom jiġu inklużi, liema ko-effiċjent għandu jiġi attribwit lilhom, x'inhi t-tifsira attwali ta' l-indikatur kompost miksub?

5.19

Madankollu, l-indikaturi komposti jistgħu jintegraw kemm id-dimensjonijiet kwantitattivi kif ukoll dawk kwalitattivi, jiġu diviżi skond l-età, is-sess u kriterji oħrajn sinjifikattivi, iżda jridu jibqgħu jinftehmu faċilment; per eżempju, kif jista' jitħejja indikatur għall-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa? Nistgħu ninkludu aspetti bħad-dħul finanzjarju, it-tul tal-ħajja, il-perċezzjonijiet ta' l-effiċjenza tas-sistema tas-saħħa, il-pensjonijiet ta' l-irtirar, il-livell medju ta' edukazzjoni, il-perċezzjoni tas-sodisfazzjon fix-xogħol, eċċ. Iżda għaliex ma ninkludux ukoll ir-rata ta' qgħad, ta' l-użu insuffiċjenti tal-ħaddiema, jew il-kondizzjonijiet ta' akkomodazzjoni. U x'piż għandu jingħata lil kull fattur?

5.20

Nistgħu naraw li din il-kostruzzjoni mhix kwistjoni purament teknika, tirreferi għal sistema ta' valuri f'użu konġunt jew tradizzjonijiet li għadhom ħajjin f'soċjetà, teħtieġ konsultazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet soċjali u fl-aħħar tirrifletti għażla ideoloġika u politika. Attwalment, “ftit mill-approċċi dwar l-indikaturi soċjali realment jinkludu objettivi tas-soċjetà, li jirriflettu l-valuri u n-normi soċjali… Element kruċjali ta' (…) l-approċċ huwa l-identifikazzjoni u l-klassifikazzjoni, bl-għajnuna ta' konsultazzjonijiet u ta' kunsens, ta' limiti (…) f'diversi oqsma soċjali; id-data u r-riżultati, kif ukoll ir-rabtiet bejniethom, huma wkoll determinati f'dan il-proċess (…). Fi kliem ieħor, sabiex l-indikaturi soċjali jistgħu jkunu inspiraturi tal-politiki, il-proċess irid ikun parti mill-prodott.” (EKOS Inc. Associates 1998).

5.21

Tqum ukoll il-kwistjoni ta' l-għażla tas-suġġett għall-analiżijiet statistiċi; iridu jitqiesu l-individwi, il-komunitajiet jew l-unità ekonomika u soċjali minima li tikkostitwixxi dar (household). Hemm il-kwistjoni tal-ġbir ta' data dwar gruppi etniċi partikolari, li tqajjem problemi fir-rigward tal-ħtieġa għal nuqqas ta' diskriminazzjoni, iżda li tkun utli li tiġi ppreċiżata n-natura u l-iskala tad-diskriminazzjonijiet sabiex jiġu proposti politiki sabiex dawn jonqsu u jinqerdu għal perijodu fit-tul.

5.22

L-għażla ta' l-istatistiċi u l-kostruzzjoni ta' indikaturi jistgħu jseħħu bl-għan li tiġi evalwata politika diġà fis-seħħ, jew bl-għan li jiġu eżaminati d-diversi possibbiltajiet disponibbli fi stadju bikri; mingħajr dubju hemm bżonn ta' firxa wiesgħa ta' data statistika sabiex tkun tista' tiġi determinata politika (skopijiet u mezzi sabiex tinkiseb), li imbagħad tista' titnaqqas, hekk kif jiġu identifikati l-aktar statistiċi u indikaturi rilevanti; dawn l-għażliet madankollu huma strettament marbut ma' kwistjonijiet empiriċi: mhix xjenza eżatta u l-istess data statistika, li tinkludi kemm data ekonomika kif ukoll data mhux ekonomika, tista' twassal għal interpretazzjonijiet differenti.

5.23

Bħala eżempju, għal kull wieħed mill-indikaturi soċjali użati f'“Panorama tas-Soċjetà, 2005” (ara l-biblijografija qasira), l-OECD ġabret data mhux analizzata dwar:

indikaturi ta' kuntest ġenerali: dħul nazzjonali per capita, proporzjoni tad-dipendenza demografika, rata tal-fertilità, barranin u popolazzjonijiet imwielda barra l-pajjiż, żwieġ u divorzji;

indikaturi awtonomi: impjieg, qgħad, djar mingħajr impjieg, ommijiet li jaħdmu, benefiċċji tal-qgħad, benefiċċji minimi, livell ta' taħriġ, età ta' rtirar, inattività taż-żgħażagħ, studenti b'diżabilitajiet;

indikaturi ta' ekwità: faqar, inugwaljanzi fid-dħul finanzjarju, faqar fost it-tfal, dħul finanzjarju ta' persuni anzjani, infiq soċjali pubbliku, infiq soċjali privat, infiq soċjali totali, pensjoni tax-xjuħija, wegħda ta' pensjoni;

indikaturi ta' saħħa: snin ta' ħajja, snin ta' ħajja b'aġġustament fis-saħħa, imwiet tat-trabi, infiq totali fil-kura tas-saħħa, kura fuq perijodu fit-tul;

indikaturi ta' koeżjoni soċjali: benesseri suġġettiv, iżolament soċjali, sħubija fi grupp; twelid lill-adoloxxenti; użu ta' drogi u mwiet relatat, suwiċidji.

5.24

Min-naħa tiegħu, il-Eurostat juża l-indikaturi soċjali segwenti:

indikaturi strutturali:

impjieg: rata ta' impjieg, rata ta' impjieg tal-ħaddiema kbar fl-età, età medja tal-ħruġ mis-suq tax-xogħol, diskrepanza fis-salarju bejn is-sessi, rata fiskali fuq il-ħaddiema b'pagi baxxi, piż fiskali fuq l-ispiża tal-forza tax-xogħol, nassa tal-qgħad, nassa tas-salarju baxx, taħriġ permanenti, inċidenti fuq il-post tax-xogħol (serji u mortali), rata tal-qgħad (totali jew skond is-sessi);

koeżjoni soċjali: inugwaljanza tad-distribuzzjoni fid-dħul finanzjarju, rata ta' riskju ta' faqar, rata ta' riskju ta' persistenza tal-faqar, tixrid tar-rata ta' impjieg reġjonali, żgħażagħ li telqu qabel mill-iskola, rati ta' qgħad fuq perijodu fit-tul, popolazzjoni fi djar mingħajr impjieg;

żvilupp sostenibbli:

faqar u esklużjoni soċjali: rata ta' riskju ta' faqar wara benefiċċji soċjali, faqar monetarju, aċċess għas-suq tax-xogħol, aspetti oħrajn ta' l-esklużjoni soċjali,

tixjiħ tas-soċjetà, rata tad-dipendenza tal-persuni anzjani, suffiċjenza tal-pensjonijiet, tibdil demografiku, stabilità tal-finanzi pubbliċi;

saħħa pubblika: numru ta' snin b'saħħithom mit-twelid skond is-sess, protezzjoni tas-saħħa umana u ta' l-istili ta' ħajja, sigurtà u kwalità ta' l-ikel, ġestjoni tal-prodotti kimiċi, riskji għas-saħħa minħabba kondizzjonijiet ambjentali;

suq tax-xogħol:

qgħad armonizzat,

indiċi ta' l-ispiża tal-forza tax-xogħol.

5.25

B'liema miżura tista' din il-lista (mhux kompluta) ta' eżempji ta' indikaturi tkun integrata b'mod effiċjenti fl-objettivi ġenerali tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni f'Marzu 2006:

promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd b'sistemi ta' protezzjoni soċjali u ta' politiki ta' inklużjoni soċjali adegwati, aċċessibbli, finanzjarjament vijabbli, adattabli u effettivi;

interazzjoni b'mod effiċjenti u reċiproku ma' l-objettivi ta' Lisbona bl-għan li jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku, jittejbu l-kwalità u l-kwantità ta' l-impjiegi u tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, kif ukoll ma' l-istrateġija ta' l-Unjoni Ewropea favur l-iżvilupp sostenibbli;

titjib tal-gvernanza, tat-trasparenza u tal-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati għat-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika.

5.26

Barra minn hekk, il-kunċetti u l-metodi użati għal ċerti indikaturi jridu jkunu aktar preċiżi. Fil-każ ta' per eżempju l-faqar, il-Kunsill Franċiż għall-Impjieg, Dħul u Inklużjoni Soċjali (Conseil de l'emploi, des revenus et de la cohésion sociale — CERC) (19) jenfasizza l-“multidimensjonalità” tal-kunċett.

5.26.1

Għalhekk, il-faqar jinkludi diversi dimensjonijiet: nuqqas ta' riżorsi monetarji, kondizzjonijiet ħżiena ta' għejxien, nuqqas ta' riżorsi konoxxittivi, soċjali u kulturali. Għal kull waħda minn dawn id-dimensjonijiet ġew adottati żewġ approċċi sabiex jiġu determinati s-sitwazzjonijiet ta' faqar:

l-ewwel tikkonsisti fid-definizzjoni tal-mod “assolut” tal-bżonnijiet minimi. Il-persuni li l-bżonnijiet minimi tagħhom ma jintlaħqux huma definiti bħala fqar;

it-tieni approċċ jiddefinixxi l-faqar b'mod relattiv. Dan l-approċċ ġie adottat mill-Kunsill Ewropew fl-1984 meta ta definizzjoni lill-faqar għall-ħidmiet ta' statistika li saru fl-Unjoni Ewropea. Huma fqar dawk il-persuni li għandhom nuqqas fid-dħul finanzjarju u r-riżorsi tagħhom (materjali, kulturali u soċjali) u dan iżommhom milli jgawdu minn kondizzjonijiet ta' għixien li huma kkunsidrati bħala aċċettabli fl-Istat Membru li jgħixu fih.

5.27

F'sommarju u f'konklużjoni, l-indikaturi soċjali għandhom l-għan li jiġbdu l-attenzjoni ta' l-opinjoni pubblika u ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet lejn kwistjonijiet soċjali li għandhom riskju li jkunu sotto-valutati jew mifhuma b'mod ħażin. Li l-attenzjoni ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tkun fuq il-punti l-aktar prinċipali hija partikolarment importanti peress li dawn ġeneralment iħabbtu wiċċhom ma' ħafna informazzjoni. Herbet Simon poġġiha tajjeb meta qal li ħafna informazzjoni toqtol l-informazzjoni.

5.27.1

Minn punt ta' ħsieb funzjonali, l-iskop ta' sistema ta' indikaturi huwa li tinkiseb “aggregazzjoni ottimali ta' l-informazzjoni”.

5.28

Indikatur huwa aktar minn statistika:

Sistema ta' indikaturi mhijiex sempliċement ġabra ta' informazzjoni. Għandha ċertu numru ta' konsegwenzi:

1)

Kull indikatur individwali jrid jkun jista' jiġi ġustifikat permezz ta' referenza għal analiżi tal-fenomeni kumplessi li suppost iqassar.

2)

B'mod simili, l-indikaturi jrid ikollhom kwalitajiet “espressivi”, fi kliem ieħor, ikollhom poter b'saħħtu ta' rappreżentazzjoni u jqanqal ir-realtà. Xi wħud jirreferu f'dan ir-rigward għall-valur “metaforiku” ta' l-indikaturi.

3)

B'konsiderazzjoni ta' l-iskop tagħhom (jiġbdu l-attenzjoni ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u ta' l-opinjoni pubblika fuq il-fatti u t-tendenzi l-aktar importanti, bl-għan li jinfluwenzaw lill-politiki), l-indikaturi l-aktar utli huma relatati ma' valuri li l-varjazzjoni tagħhom tista' tintlaqat b'valur (pożittiv jew negattiv) mhux ċar. Dan huwa dak li rridu nfissru b'“ċarezza normattiva”. Jista' jiġi pprovdut kontroeżempju biż-żjieda tax-xogħol part time, li ma jitqiesx unanimament bħala fenomenu pożittiv, ħlief jekk dan jintagħżel mill-ħaddiem stess. Dan il-kriterju ta' ċarezza jista' jwassal sabiex mit-tabelli ta' evalwazzjoni jitneħħew numru ta' indikaturi li jirrelataw b'mod anqas pertinenti għall-proġett tagħna, per eżempju dawk relatati ma' l-istili ta' ħajja jew mat-tendenzi kulturali (gosti relatati mal-ħwejjeġ jew mal-mużika, eċċ), minkejja li dawn ta' l-aħħar għandhom impatt fuq l-organizzazzjoni tax-xogħol u ta' l-ekonomija.

4)

Minn punt ta' ħsieb prattiku, l-għażla ta' indikaturi għandha tiġi ġustifikata mill-funzjoni tagħhom. Huma, fil-fatt, ftit jew wisq adattati għat-tliet tipi segwenti ta' użu: paraguni internazzjonali jew inter-reġjonali, paraguni intertemporali, monitoraġġ u evalwazzjoni ta' l-azzjoni pubblika/ kwalità u prestazzjoni tas-servizzi pubbliċi.

5)

Fl-aħħar, l-indikaturi jridu jerġgħu jiġu gruppati f'kategoriji u sotto-kategoriji f'qafas strutturat li faċilment jinftiehem. Huwa partikolarment importanti li jkun hemm distinzjoni bejn il-kuntest, il-metodu u r-riżultati, l-indikaturi objettivi u l-indikaturi suġġettivi.

5.29

Fil-prattika, il-kwalitajiet ta' indikatur huma:

Ċarezza: indikatur huwa utli biss jekk ma jkunx hemm ambigwità dwar in-natura tal-fenomenu li jirrifletti (kontroeżempju klassiku: data dwar id-delitti u offiżi huma riflessjoni kemm tat-tendenzi tad-delinkwenza kif ukoll ta' l-attività tal-korp tal-pulizija).

Rappreżentattività: indikatur huwa partikolarment utli jekk jista' b'mod validu jqassar permezz ta' figura waħda firxa wiesgħa ta' fenomeni.

Ċarezza normattiva (ara hawn fuq).

Affidabilità, regolarità: l-informazzjoni neċessarja għall-indikatur trid tiġi pprovduta regolarment, permezz ta' sondaġġi affidabbli.

Komparabilità fiż-żmien u/jew fl-ispazju (bejn pajjiżi, reġjuni ...): il-komparabilità hija strettament marbuta maċ-ċarezza u ma' l-affidabilità.

5.30

Kwalitajiet ta' sistema ta' indikaturi:

Kompletezza: l-aspetti prinċipali tar-realtà li qiegħda tiġi osservata jridu jittieħdu f'konsiderazzjoni.

Bilanċ: in-numru u l-istatut ta' l-indikaturi ddedikati għal kull tema għandhom jirriflettu l-importanza relattiva tagħha. L-ebda aspett tar-realtà m'għandu jirċievi attenzjoni eċċessiva għad-detriment ta' l-oħrajn.

Selettività u/jew ġerarkija: l-indikaturi jridu jkunu ftit fin-numru jew irranġati b'mod ċar b'mod ġerarkiku.

6.

Il-KESE jsejjaħ sabiex l-evalwazzjoni ta' l-impatt soċjali ta' l-inizjattivi leġislattivi u politiki ta' l-UE tiġi integrata fl-oqsma kollha ta' politika. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni għandha tevalwa bir-reqqa l-impatt soċjali ta' l-inizjattivi kollha relatati mingħajr ma tinkwieta dwar id-DĠ responsabbli mill-inizjattiva. Dan huwa importanti jekk l-Ewropea verament trid toħloq “Ewropa soċjali” u trid tirbaħ l-appoġġ taċ-ċittadini. L-inizjattiva “leġislazzjoni aħjar” toffri l-pjattaforma adattata sabiex isir progress f'din id-direzzjoni.

6.1

Din l-evalwazzjoni għandha tanalizza individwalment il-gruppi speċifiċi li jistgħu jintlaqtu b'modi differenti mil-leġislazzjoni l-ġdida. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi żvantaġġjati bħan-nisa, il-persuni b'diżabilità jew il-minoritajiet etniċi. F'xi każi u skond is-suġġett ta' l-inizjattiva kkonċernata, jista' jkun neċessarju li jiġu analizzati individwalment sotto-gruppi speċifiċi, bħal, per eżempju, l-persuni għamja.

7.   Konklużjoni

7.1

Mis-seduta pubblika organizzata mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew nhar it-28 ta' Marzu 2007 jirriżulta li huwa impossibbli li ssir enfasi fuq indikatur soċjali bbażat fuq kriterju uniku minħabba l-multidimensjonalità ta' ċerti kunċetti. Fil-fatt, l-istess natura tad-dibattitu soċjali tintroduċi kunċetti b'deskrizzjonijiet imfissra ħażin u li neċessarjament jinbidlu minn pajjiż għal ieħor, jew minn realtà soċjali għal oħra, mingħajr ma jintesa li l-inklużjoni jew l-esklużjoni ta' ċerti indikaturi tikxef valuri jew ideoloġiji ftit jew wisq espliċiti. Apparti minn hekk l-għażla ta' l-indikaturi għandha konnotazzjoni empirika li għandha, fil-prinċipju, topponi kull riġidità fil-mod ta' ħsieb.

7.2

Hija sitwazzjoni ta' min ifaħħarha u neċessarja, jekk mhux indispensabbli, li tinġibed l-attenzjoni ta' dawk li jiddeċiedu l-politiki fuq l-impatt soċjali ta' leġislazzjoni maħsuba, iżda titqajjem problema ta' metodoloġija minħabba li “ħafna informazzjoni toqtol l-informazzjoni”. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jaħseb li għandu jsir sforz partikolari fuq il-metodoloġija, li għad trid tiġi determinata.

7.3

Għalhekk, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jikkunsidra li f'dan l-istadju ta' riflessjoni, huwa fundamentali li tinġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni, fost oħrajn, fuq il-kriterji ta' kwalità li indikatur għandu jissoddisfa, fi kliem ieħor:

ċarezza,

rappreżentattività,

ċarezza normattiva,

affidabilità u regolarità kif ukoll il-komparabilità fiż-żmien u/jew fl-ispazju, mingħajr ma jintesa l-fatt li l-kwalità ta' sistema ta' indikaturi tistrieħ fuq bżonn ta' kompletezza, bilanċ u selettività u/jew ġerarkija.

7.4

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jitlob ukoll lill-Kummissjoni sabiex il-valutazzjoni ta' l-impatt soċjali ta' l-inizjattivi leġislattivi u politiki ta' l-Unjoni Ewropea tkun integrata fil-politiki Komunitarji kollha, mingħajr ma jkun hemm dipendenza fuq liema Direttorat Ġenerali huwa responsabbli li jiddeċiedi jekk hemmx bżonn ta' analiżi ta' l-impatt soċjali. Dan huwa importanti jekk aħna verament nixtiequ noħolqu “Ewropa soċjali” u jkollna l-appoġġ taċ-ċittadini.

7.5

Il-Kumitat għandu jikkunsidra b'mod sħiħ li-pjan ta' rotta u l-analiżi ta' impatt fl-istess ħin tal-proposta leġislattiva fuq liema qiegħed iħejji l-opinjoni tiegħu; jkun utli li l-ħidmiet jiġu kkunsidrati mingħajr telf ta' żmien, wara l-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni li takkompanja l-proposta leġislattiva.

7.6

Huwa importanti li jkun hemm evalwazzjoni regolari u eventalment korrezzjonijiet fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjonijiet kollha li kienu parti minn studju ta' impatt preliminari u li jiġu koinvolti l-imsieħba soċjali u jekk ikun il-każ l-NGOs interessati. Dan huwa neċessarju għall-verifika tal-validità ta' l-indikaturi użati u t-taħlita tagħhom fil-valutazzjoni ta' l-impatt soċjali u jinħarġu struzzjonijiet jew, jekk ikun hemm bżonn, jiġi stimulat il-leġislatur sabiex jistudja reviżjoni possibbli.

7.7

F'ċerti każijiet partikolari u ta' importanza estrema soċjali (liġi tax-xogħol, per eżempju), il-konsultazzjoni ta' l-imsieħba soċjali għandha tkun prevista għal stadju aktar bikri għat-tfittxija ta' l-indikaturi l-aktar adegwati sabiex issir analiżi ta' impatt l-aktar kompleta u objettiva possibbli.

7.8

L-inizjattiva “Leġislazzjoni Aħjar” hija bla dubju ta' xejn il-pjattaforma adattata sabiex isir progress f'din id-direzzjoni li tikkonsisti fil-proposta ta' leġislazzjoni neċessarja, effiċjenti, b'konsegwenzi prevedibbli u stabbli għad-destinatarji, involuti mill-qrib għall-proċess ta' analiżi u ta' verifika ta' impatt mill-korpi konsultattivi komunitarji (KESE u KtR) u, skond in-natura tal-leġislazzjoni, permezz ta' l-imsieħba soċjali u ta' l-NGOs kompetenti fil-qasam ikkunsidrat.

Brussell, 31 ta' Mejju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Fil-qosor: VI.

(2)  “Ewropa — flimkien nirnexxu”, programm tal-Presidenża, mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju 2007, imħejji mill-Gvern Federali Ġermaniż (ara wkoll

http://www.eu2007.de).

(3)  Kwotazzjoni meħuda minn “European Governance Reform: The Role of Sustainability Impact Assessment” (“Riforma tal-Gvernanza Ewropea: Ir-Rwol tal-Valutazzjoni ta' l-Impatt tas-Sostenibbilità”), C. Kirkpatrick, S. Mosedale, Università ta' Manchester, 2002.

(4)  Il-Parlament jipproponi r-raba' pilastru tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt, dak tad-drittijiet fundamentali. Il-mistoqsija tibqa' bla risposta: distinzjoni tad-drittijiet fundamentali jew l-integrazzjoni tagħhom fi ħdan it-tliet pilastri proposti. Fi kwalunkwe każ, l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali għandu jiġi evalwat.

(5)  “The inclusion of social elements in Impact Assessment”, p. 13. Dokument maħruġ mill-Istituto per la ricerca sociale, Jannar 2006. Dan l-istitut ikkompila dokumenti tal-Kummissjoni (deċiżjonijiet, regolament, komunikazzjonijiet u direttivi) fuq perijodu ta' 3 snin — bejn l-2003 u l-2005.

(6)  F'Ġunju 2005, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat dokument intitolat “Impact Assessment Guidelines”, bir-referenza SEC (2005)791. Ara wkoll

http://ec.europa.eu/enterprise/regulation/better_regulation/impact_assessment/docs/sec_2005_791_guidelines_annexes.pdf

(7)  Il-prinċipju ta' l-analiżi proporzjonali timplika li “il-grad ta' preċiżjoni jvarja skond l-effetti probabbli tal-proposta. Dan ifisser li l-profondità ta' l-analiżi ser tkun proporzjonali għall-importanza ta' l-inċidenti potenzjali.” COM(2002) 276.

(8)  “The inclusion of social elements in Impact Assessment”, p. 28.

(9)  Ibid, p. 30.

(10)  Ibid, p. 31.

(11)  Ibid, p. 77.

(12)  Bernard Perret, “Indicateurs sociaux, état des lieux et perspectives”, id-Dokumenti ta' Ħidma ta' CERC, Nru 2002/01,

www.cerc.gouv.fr . (verżjoni Franċiża biss).

(13)  Kif jikteb Jean-Baptiste de Foucault, f'‘La pertinence des indicateurs statistiques pour le pilotage des politiques sociales’ (L-importanza ta' l-indikaturi statistiċi sabiex jagħtu direzzjoni lill-politika soċjali) ta' Joelle Affichard, Institut Paris La Défense: ‘Dejjem jeżisti l-periklu li l-ġlieda kontra l-qgħad tinbidel fi ġlieda kontra ċ-ċifri tal-qgħad’.

(14)  Bernard Perret, “Indicateurs sociaux, état des lieux et perspectives”, id-Dokumenti ta' Ħidma ta' CERC, Nru 2002/01,

www.cerc.gouv.fr. (verżjoni Franċiża biss).

(15)  Per eżempju, il-valutazzjoni ta' l-impatt tar-riforma tal-KAP ta' l-OKS (l-organizzazzjoni komuni tas-suq) tal-banana juri li l-ekwivalenti ta' għexieren ta' eluf ta' impjiegi full time ser jintilfu b'mod irrimedjabbli fin-nuqqas ta' possibilitajiet alternattivi ta' impjieg fir-reġjuni ultraperiferiċi produtturi ta' l-UE fejn diġà hemm livell għoli ta' qgħad. Ittieħdet deċiżjoni li ssir riforma ta' l-OKS, fuq l-ordni tad-WTO, minkejja l-ispiża enormi soċjali.

(16)  Ara l-valutazzjoni ta' l-impatt fuq din it-tema li jipprova jagħti figura lill-valur monetarju tal-ħajjiet li jiġu salvati u tal-mard li jiġi evitat; valutazzjoni ta' l-impatt aktar riċenti (għall-abbozz tad-direttiva dwar il-pestiċidi) ma jagħmilx dan it-tentattiv.

(17)  Green Paper dwar l-Evoluzzjoni tal-Liġi tax-Xogħol.

(18)  Ekos Researc Associates Inc., “L-użu ta' indikaturi soċjali bħala strumenti ta' evalwazzjoni”, 1998 (rapport ippreparat għall-Gvern tal-Kanada).

(19)  http://www.cerc.gouv.fr


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/28


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1997/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Mejju 1997 dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi fir-rigward ta' Kuntratti li jsiru mill-bogħod”

COM(2006) 514 finali

(2007/C 175/07)

Nhar il-21 ta' Settembru 2006, il-Kumissjoni ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1997/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Mejju 1997 dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi fir-rigward ta' Kuntratti li jsiru mill-bogħod.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Mejju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Pegado Liz.

Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tat-30 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'61 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Sinteżi

1.1

Permezz ta' din il-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1997/7/KE, il-Kummissjoni mhux biss qiegħda tinforma lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-KESE dwar ir-riżultati tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-direttiva, iżda qiegħda tiftaħ ukoll konsultazzjoni pubblika mal-partijiet ikkonċernati, bl-għan li jinġabru l-fehmiet tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni mhi qiegħda tipproponi l-ebda proposta bl-għan li tiġi riveduta d-Direttiva sakemm titlesta l-analiżi aktar wiesgħa ta' l-acquis communautaire dwar il-kosumaturi.

1.2

Filwaqt li jinnota d-dewmien fil-pubblikazzjoni ta' din il-komunikazzjoni fir-rigward ta' l-iskadenzi elenkati fid-direttiva, il-KESE jilqa' l-inizjattiva u jaqbel ma' għadd kbir tal-kummenti tal-Kummissjoni; ħafna minnhom filfatt diġà dehru fl-opinjonijiet tal-Kumitat innifsu, partikolarment dawk dwar il-proposti għal direttiva fuq bejgħ mill-bogħod in ġenerali u, b'mod aktar speċifiku, fuq il-bejgħ mill-bogħod ta' servizzi finanzjarji. Il-Kumitat jaqbel ukoll mal-ħtieġa li r-regoli f'dal-qasam ikunu kompatibbli ma' dawk ta' strumenti legali oħra li jkunu ġew introdotti sadattant, f'ċerti każijiet mingħajr il-koordinazzjoni u l-programmazzjoni konġunta adegwati.

1.3

Il-KESE huwa tal-fehma, madankollu, li jkun ta' siwi jekk dawn ir-regoli jiġu riveduti — flimkien mar-reviżjoni tar-regoli dwar il-bejgħ mill-bogħod ta' servizzi finanzjarji u ċerti aspetti tal-kummerċ elettroniku — immedjatament, mingħajr il-bżonn li l-ewwel jitlesta x-xogħol fuq ir-reviżjoni ta' l-acquis communautaire dwar il-kuntratti tal-konsumaturi, bl-għan li d-dispożizzjonijiet diversi kollha jkunu aktar aċċessibbli u aktar faċli li jiftiehmu.

1.4

Għaldaqstant, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel analiżi dettaljata tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika li jkunu laħqu waslu sa dak iż-żmien; jeħtieġ li ma' din l-analiżi iżżid informazzjoni statistika affidabbli dwar il-qasam ta' applikazzjoni tal-bejgħ mill-bogħod fis-suq intern u l-firxa tiegħu, u l-qofol ta' dan l-eżerċizzju għandha tkun seduta pubblika tal-partijiet interessati.

1.5

Il-Kumitat jaqbel ma' ħafna mis-suġġerimenti tal-Kummissjoni sabiex jitjiebu t-test u l-istruttura tad-direttiva iżda jtenni l-istqarrija tiegħu — li diġa ngħatat f'opinjonijiet preċedenti — illi l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva m'għandux ikun ristrett għal relazzjonijiet ta' negozju/konsumatur u li jkun ferm utli li dan l-aspett jerġa' jiġi studjajt sabiex isir kompatibbli, f'ċerti aspetti fundamentali, mal-qasam ta' applikazzjoni tar-regolamenti dwar il-kummerċ elettroniku.

1.6

Il-KESE ma jaqbilx ma' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi ta' l-użu li jsir mill-“klawżola minima”, għaliex ma jikkunsidrax li din il-klawżola hija l-kawża tal-problemi fl-implimentazzjoni tad-direttiva — għalkemm huwa sew li dawn il-problemi ġew enfasizzati. Madankollu, il-Kumitat ma jeskludix il-possibilità li sseħħ armonizzazzjoni totali, permezz ta' regolament, sakemm il-konsumaturi jkunu żgurati livell ogħla ta' protezzjoni.

1.7

Bl-għan li jikkontribwixxi għal reviżjoni fil-fond tar-regoli dwar il-bejgħ mill-bogħod, il-KESE qiegħed jipproponi firxa wiesgħa ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi, li huwa jikkunsidra li għandhom jiġu analizzati, f'dan l-istadju ta' żvilupp tas-suq intern, sabiex is-sigurtà u l-fiduċja tal-konsumaturi jingħataw spinta, u b'hekk ikun hemm garanzija ta'protezzjoni f'din it-tip ta' transazzjoni li tkun ekwivalenti għal dik li jibbenefikaw minnha konsumaturi li jikkonkludu kuntratti fil-preżenza taż-żewġ partijiet.

1.8

Il-KESE jindika wkoll il-ħtieġa għal enfasi speċifika sabiex il-partijiet kontraenti — b'mod speċjali dawk il-konsumaturi li mhumiex infurmati daqshekk tajjeb — jingħataw informazzjoni ġenwina, u wkoll li għandu jkun hemm sistema sabiex tippenalizza prattiċi li jiksru d-dispożizzjonijiet legali eżistenti.

2.   Kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni

2.1

Permezz tal-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1997/7/KE ta' l-20 ta' Mejju 1997 (COM (2006) 514 finali tal-21 ta' Settembru 2006), il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tagħti rendikont lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-direttiva matul l-10 snin minn meta ġiet ippubblikata, u b'hekk tkun issodisfat l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 15(4) tad-direttiva, għalkemm kien hemm dewmien ta' xi 6 snin sabiex dan iseħħ.

2.2

Minbarra li tidentifika ċerti problemi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva (1), li nqalgħu prinċipalment minħabba l-“għażla tal-kliem” tagħha u “problemi ta' traduzzjoni” f'xi wħud mill-verżjonijiet lingwistiċi, il-Kummissjoni tikkumenta dwar dak li hi tikkunsidra “diverġenzi sinjifikanti bejn liġijiet nazzjonali (bħala) riżultat ta' l-użu tal-klawżola minima” u l-fatt li teżisti l-possibbiltà li d-Direttiva ma tkunx kapaċi tkopri “teknoloġiji u forom ġodda ta' marketing”.

2.3

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni ħejjiet “kwestjonarju”, li kellu jintbagħat lura sal-21 ta' Novembru 2006, bil-ħsieb li tiġi żgurata “konsulktazzjoni pubblika” tal-partijiet ikkonċernati, sabiex l-osservazzjoniiet tagħha jigu kkonfermati jew inkella invalidati, u tqis li jista' jkun hemm seduta pubblika.

2.4

Minkejja li tirrikonoxxi illi r-regoli fis-seħħ jixħtu dawl fuq problemi ta' tfassil u ta' interpretazzjoni, li qegħdin jikkawżaw problemi ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni ma tqisx li jkun “prudenti” li tippreżenta proposti bl-għan li d-Direttiva tiġi riveduta sakemm titlesta l-fażi djanjostika tar-reviżjoni ta' l-acquis communautaire dwar il-konsumaturi, meta ma ġietx deċiża data ta' skadenza għal dan.

2.5

Filwaqt li l-opinjoni kienet qiegħda tiġi mfassla, il-Kummissjoni xandret l-84 tweġiba għall-konsultazzjoni pubblika li ssemmiet hawn fuq u ppubblikat dokument ta' ħidma li huwa sinteżi ta' għadd kbir tat-tweġibiet li rċeviet. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tlesti l-analiżi tagħha tat-tweġibiet li baqa' fil-ġejjieni qarib u li tagħmel studju ta' impatt aktar dettaljat.

3.   Il-kummenti prinċipali tal-KESE dwar l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni

3.1   Ġenerali

3.1.1

Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni, iżda jikkundanna l-fatt illi ma ġietx implimentata sad-data li kienet ġiet skedata oriġinarjament (Ġunju 2001) jew, almenu, matul l-4 snin li matulhom kellha ssir it-traspożizzjoni (Ġunju 2004) u jqis illi ħafna mill-kwistjonijiet li qegħdin jitqajmu f'daż-żmien setgħu ġew indirizzati u solvuti mill-inqas tliet snin ilu, li kien isarraf f'benefiċċji ovvji.

3.1.2

Il-KESE itenni illi ħafna mill-kwistjonijiet li tqajmu fil-Komunikazzjoni attwali diġà kienu ġew indirizzati fl-opinjonijiet tal-KESE, sa mill-fażi ta' l-abbozzar tad-Direttiva.

Fl-opinjoni tiegħu dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta' kuntratti negozjati mill-bogħod (bejgħ mill-bogħod) (2), il-KESE kien diġà ġibed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa ta' wħud mill-kunċetti elenkati fl-Artikolu 2 tad-direttiva, speċifikament dawk li jikkonċernaw kuntratti koperti mid-direttiva u l-kunċett ta' “konsumatur” innifsu.

Il-KESE kien ukoll esprima l-fehma li l-Kummissjoni għandha tkun aktar ċara dwar id-dritt ta' irtirar minn kuntratt, li huwa stabbilit fid-direttiva li, fil-fehma tiegħu, għandu jiftiehem fil-kuntest tad-dritt għal riflessjoni u m'għandux ikun konfuż mad-dritt tal-konsumaturi li jtemmu l-kuntratt f'każ li l-kuntratt ma jkunx komplut jew li jkun ġie żvelat qerq u lanqas m'għandu jpoġġi dan id-dritt f'periklu.

Il-KESE ġibed ukoll l-attenzjoni dwar il-fatt li d-dritt ta' rtirar minn kuntratt fi żmien sebat ijiem huwa inqas minn dak li diġa jeżisti f'direttivi oħra u fil-leġislazzjoni attwali f'uħud mill-Istati Membri u ħeġġeġ lill-Kummissjoni li tarmonizza d-dati ta' għeluq li fihom jeħtieġ li jkun eżerċitat dan id-dritt. Is-sejħa tal-KESE għall-kjarifika tar-regoli dwar id-dritt għar-riflessjoni, kienet, filfatt imtennija fl-opinjoni fuq il-Proposta għal Bejgħ mill-Bogħod ta' Servizzi Finanzjarji (3).

Barraminhekk, diġà kienet saret kritika simili fl-aktar pubblikazzjonijiet akkademiċi speċjalizzati rispettati (4).

3.1.3

Il-KESE huwa mistagħġeb dwar il-preżunt nuqqas ta' informazzjoni li għandha l-Kummissjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ta' traspożizzjoni f'diversi Stati Membri (5) u huwa mistagħġeb ukoll illi, ġaladarba kien osservat li f'ċerti Stati Membri seħħew infrazzjonijiet skandalużi fir-rigward ta' traspożizzjoni, ma kien hemm l-ebda aħbar dwar proċedimenti ta' infrazzjoni kontra dawn l-Istati Membri jew ir-riżultat ta' dawn il-proċedimenti.

3.1.4

Il-KESE jemmen ukoll li il-proċess parteċipattiv kien ikun aktar ġenwin li kieku l-Komunikazzjoni kienet preċeduta u mhux segwita minn konsultazzjoni pubblika,, u b'hekk kien jiġi evitat li ħafna mill-kummenti u r-rimarki tal-Kummissjoni jkunu bbażati sempliċiment fuq “impressjonijiet” jew “fehmiet” suġġettivi (6).

Il-Kumitat ifakkar ukoll ir-rapport ta' l-10 ta' Marzu 2000 dwar Ilmenti mill-konsumaturi dwar il-bejgħ mill-bogħod (COM(2000) 127 finali) u jirrakkomanda li jsir eżerċizzju simili, biss did-darba fuq il-prinċipju li jkun hemm analiżi oġġettiva tat-tweġibiet kollha għall-konsultazzjoni pubblika, billi jsir aġġornament u tqabbil tad-data u b'hekk tinħoloq bażi oġġettiva għar-riflessjoni.

3.1.5

Fiċ-ċirkustanzi attwali, il-KESE jappoġġja s-suġġeriment tal-Kummissjoni u jagħmel sejħa sabiex tinżamm seduta pubblika, li fiha jkunu involuti l-partijiet kollha kkonċernati, filwaqt li jiġi aċċertat li l-kwistjoni ma tintilifx fid-dibattitu usa' dwar l-acquis komunitarju dwar il-konsumaturi, li dwaru studju tekniku ta' madwar 800 paġna (7)kien ippubblikat reċentement, flimkien mal-Green Paper tal-Kummissjoni (8).

3.1.6

Meta jitqies kemm mexa' 'l quddiem ix-xogħol tas-CFR-net (9)s'issa, il-KESE jiddubita kemm huwa ta' benefiċċju jew prudenti li r reviżjoni tad-direttiva tkun tiddependi fuq it-tlestija tax-xogħol u l-konsultazzjonijiet ta' l-acquis komunitarju sħiħ li għandu x'jaqsam mal-liġi tal-konsumaturi u dwar id-deċiżjonijiet li jkunu jistgħu jittieħdu eventwalment, anke fl-aktar verżjoni mqassra u reċenti ppreżentata mill-Kummissjoni (10).

3.1.7

Barraminhekk, il-KESE jissuġġerixxi illi n-natura legali ta' l-istrument komunitarju li għandu jintuża fir-reviżjoni tad-direttiva fil-ġejjieni għandha tiġi riveduta, jekk jinħass li l-kundizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu sodisfatti sabiex jiġi żgurat li l-bidliet fundamentali li huma meħtieġa f'dan il-qasam isiru permezz ta' regolament, li jkun l-aktar metodu adegwat (11), filwaqt li jinżamm l-għan bażiku, li hu li jerġgħu jiġu stabbiliti l-bilanċ u l-ugwaljanza bejn il-partijiet ikkonċernati, kif suppost li jseħħ waqt transazzjonijiet li jsiru wiċċ imb'wiċċ fi stabbiliment kummerċjali.

3.2   Kummenti speċifiċi

3.2.1

Il-kummenti tal-Kummissjoni fuq id-Direttiva jistgħu jinqasmu f'żewġ tipi:

a)

Kummenti dwar l-għażla tal-kliem/l-istruttura

b)

Kummenti dwar l-implimentazzjoni tagħha

A)   L-għażla tal-kliem/l-istruttura

3.2.2

F'dak li jirrigwarda l-għażla tal-kliem/l-istruttura tad-direttiva, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar dawn il-punti li ġejjin:

a)

ċerti kunċetti u definizzjonijiet għandhom jiġu riveduti, sabiex it-tifsira tagħhom tiġi ċċarata (12);

b)

ir-regoli u ż-żmien għall-komunikazzjoni ta' informazzjoni minn qabel għandhom jiġu ċċarati, sabiex jiġu evitati interpretazzjonijiet differenti;

c)

l-armonizzazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet mad-Direttiva tal-Prassi Kummerċjali Inġusti (13)

d)

titjib tat-tagħrif dwar l-ipprezzar fis-servizzi ta' rata premium;

e)

il-bżonn kruċjali għal deskrizzjoni, klassifikazzjoni u definizzjoni aktar sħaħ tan-natura tal-perjodu ta' l-irtirar jew ta' “tregwa”, minħabba l-kompitu doppju tiegħu ta' “teknika sabiex ikun imħares l-iskop tal-kuntratt sabiex ikun żgurat li l-konsumatur ta l-kunsens sħiħ tiegħu” u ta' “penalizzazzjoni minħabba n-nuqqas li jiġu rrispettati l-formalitajiet li l-fornitur għandu josserva sabiex jissodisfa obligazzjonijiet marbuta ma' tagħrif”  (14); sabiex dan il-perjodu jkun kompatibbli ma' kunċetti simili, imma legalment distinti, bħad-dritt ta' riflessjoni (jew ta' “tħejjija”), id-dritt ta' l-irtirar u d-dritt ta' terminazzjoni.

f)

bl-istess mod, jeħtieġ li jkun hemm armonizzazzjoni ta' dan il-limitu ta' żmien, tal-mod kif dan jiġi kkalkulat, ta' l-effetti, b'mod partikolari l-effetti finanzjarji, li huma riżultat ta' l-applikazzjoni tiegħu (rimbors, ritorn, eċċ), tal-mod kif il-kuntratti jiġu ddikjarati nulli u bla effett billi dan il-limitu ta' żmien jiġi eskluż espliċitament jew impliċitament, u saħansitra ta' l-eċċezzjonijiet għar-regola (15);

g)

il-ħtieġa għal reviżjoni, b'mod partikolari, ta' l-esklużjoni ta' “l-irkantijiet”, filwaqt li jkun meqjus mhux biss li l-istess espressjoni għandha tifsiriet legali differenti fit-traduzzjonijiet varji u t-tradizzjonijiet leġislattivi ta' pajjiżi individwali (16), iżda wkoll li “irkantijiet” minn fuq l-internet iqajmu problemi speċifiċi li ma kinux magħrufa meta d-Direttiva kienet qiegħda tiġi mfassla (17).

3.2.3

Il-KESE ma jaqbilx però mal-Kummissjoni dwar:

a)

l-esklużjoni sa mill-bidunett tas-servizzi finanzjarji minn direttiva waħdanija dwar bejgħ mill-bogħod (18);

b)

jekk id-distinzjoni bejn id-direttivi dwar “bejgħ mill-bogħod” u “kummerċ elettroniku” għandhiex tinżamm, meta jitqies il-fatt li l-kontenut tagħhom huwa l-istess f'xi partijiet u l-fatt li jagħtu soluzzjonijiet kontradittorji f'diversi aspetti ewlenin tar-regoli tagħhom dwar sitwazzjonijiet li fil-prattika huma identiċi (19); il-ġustifikazzjoni apparenti għal dan hija li l-“oriġini” interna tat-testi legali mhix l-istess jew ma ġietx koordinata kif suppost bejn id-dipartimenti diversi.

3.2.4

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tagħmel mill-aħjar sabiex id-dispożizzjonijiet kollha dwar il-bejgħ mill-bogħod, li huma attwalment mifruxa fuq numru ta' strumenti differenti, jiġu ssimplifikati u tagħmilhom aktar aċċessibbli u faċli li jiftiehmu.

B)   Kwistjonijiet marbuta ma' implimentazzjoni

3.2.5

Fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tad-Direttiva u fid-dawl ta' l-għarfien tajjeb li l-KESE għandu ta' l-esperjenza f'ċerti Stati Membri, jista' jaqbel u jappoġġja l-parti l-kbira tal-kummenti tal-Kummissjoni, iżda jħoss li għandha titwettaq ħidma aktar dettaljata sabiex tingħata stampa sħiħa aktar milli frammentarja ta' sitwazzjonijiet fejn teżisti diverġenza jew inkompatibilità dwar it-traspożizzjoni jew l-interpretazzjoni tad-direttiva fl-Istati Membri kollha.

Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex, ġaladarba tkun analizzat it-tweġibiet tal-kwestjonarju, tagħmel dan l-istudju, u mbagħad ixxandar ir-riżultati.

Jeħtieġ li jingħad ukoll li l-Kummissjoni għadha ma pprovdietx l-informazzjoni statistika li tippermetti l-evalwazzjoni tal-proporzjon tal-bejgħ mill-bogħod lill-konsumaturi għat-transazzjonijiet transkonfinali kollha, jew li juru l-volum ta' dan it-tip ta' negozju meta mqabbel ma' transazzjonijiet ma' konsumaturi f'kull Stat Membru. Dan it-tagħrif ma jistax jinġabar mill-istatistika l-aktar riċenti miġbura minn Eurobarometer (20) bl-oġġettività meħtieġa; din l-informazzjoni hija kruċjali sabiex jiġu evalwati l-kriterji għall-inklużjoni u sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eżenzjonijiet elenkati fid-direttiva humiex adegwati.

3.2.6

Il-KESE huwa mħasseb dwar il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni, għaliex min-naħa, tidentifika numru ta' problemi fit-traspożizzjoni tad-direttiva, iżda min-naħa l-oħra tesprimi dubji dwar ir-relevanza tagħha fir-rigward tal-fiduċja tal-konsumaturi; filwaqt li tistqarr li mhi se tagħmel l-ebda tibdil u tonqos milli tħabbar miżuri aktar sodi sabiex jindirizzaw dawn il-problemi marbuta mat-traspożizzjoni.

3.2.7

L-ewwel u qabel kollox, f'dak li jikkonċerna l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 1997/7/KE, il-Kummissjoni nnifisha tirrikonoxxi li l-eżenzjonijiet elenkati fid-direttiva kienu trasposti b'modi differenti fl-Istati Membri u li uħud mill-eżenzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati mill-ġdid. Għaldaqstant, il-KESE jagħmel sejħa lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri aktar konkreti f'dan il-qasam.

3.2.8

Dwar l-effetti ta' l-użu tal-“klawżola minima”, il-KESE ma jaqbilx mal-Kummissjoni li s-sitwazzjonijiet kollha li tindika huma riżultat ta' implimentazzjoni żbaljata tal-klawżola elenkata fl-Artikolu 14.

3.2.8.1

Il-KESE pjuttost jikkunsidra li l-parti l-kbira tad-diskrepanzi ġenwini li ġew osservati mhumiex konsegwenza tal-fatt li l-klawżola minima ġiet użata ħażin, iżda minħabba nuqqasijiet li ġew identifikati fit-tfassil, l-għażla tal-kliem u t-traspożizzjoni/traduzzjoni.

3.2.8.2

Il-KESE huwa tal-fehma li l-klawżola minima, li tagħti lok lill-Istati Membri li jmorru lil hinn minn dak li tirrikjedi l-Komunità fir-rigward ta' direttivi għal armonizzazzjoni minima, filwaqt li tikkonforma mat-Trattat, kif stipulat fl-Artikolu 153, hija għodda utli li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, u tikkontribwixxi sabiex taċċerta li jittieħed kont tal-karatteristiċi kulturali, soċjali u legali ta' kull sistema nazzjonali.

3.2.8.3

Minkejja dan, il-KESE jissuġġerixxi li, sakemm ikun ġenwinament żgurat livell ogħla ta' protezzjoni tal-konsumaturi, ċerti oqsma tal-liġi għandhom ikunu suġġetti għal armonizzazzjoni totali — u preferibbilment f'regolament — sabiex tkun garantita uniformità, u dan jista' japplika wkoll fid-direttiva li qiegħda tiġi analizzata.

C)   Kwistjonijiet li mhumiex koperti

3.2.9

Il-KESE jħoss li jeżistu kwistjonijiet oħra li forsi jeħtieġ li jiġu kunsidrati mill-ġdid waqt l-eżerċizzju ta' reviżjoni tad-Direttiva, u li għalihom il-Komunikazzjoni ma tagħmilx referenza.

3.2.10

B'mod speċifiku, dawn huma:

a)

jekk id-Direttiva dwar il-bejgħ mill-bogħod għandhiex tkun riveduta flimkien ma' din id-Direttiva u fl-istess waqt; il-KESE jixtieq jesprimi b'mod ċar il-fatt li huwa ma jaqbilx mal-punti prinċipali tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' April 2006 (COM(2006) 161 finali);

b)

il-fatt li se tinżamm in-natura “esklussiva” ta' l-użu tal-mezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod minflok il-kunċett ta' “predominanza” (l-Artikolu 2(1));

c)

in-natura legali tat-talba sabiex jiġi konkluż kuntratt bħala stedina għax-xiri u n-natura essenzjali tal-klawżoli u l-karatteristiċi tiegħu bħala elementi bażiċi tas-suġġett tal-kuntratt tal-bejgħ innifsu;

d)

is-sistema sħiħa ta' “piż tal-prova” li d-Direttiva ma jirnexxilhiex tirregola, jew inkella ma tirregolax b'mod sodisfaċenti b'rinviju għall-prinċipji ġenerali tal-liġi ta' l-Istati Membri, li tirregola l-kuntratti mal-konsumaturi, sakemm dawn ma jirrikorrux għall-mekkaniżmu ta' riversjoni previst fl-Artikolu 11(3);

e)

il-fatt li r-relazzjonijiet mal-“konsumaturi” jinżammu — hu x'inhu d-dibtattitu dwar jekk id-definizzjoni hix korretta (fejn m'hemmx qbil) — bħala l-uniku punt fokali tad-Direttiva, meta s-suġġett b'mod ġenerali jinvolvi ċertu tip ta' bejgħ, b'ċerti karatteristiċi, u mhux biss il-benefiċjarju, kif inhu korrettament stabbilit fid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku;

f)

kjarifika ta' x'inhu mfisser b'“mezzi ta' komunikazzjoni mill-bogħod” u “bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta' forniment ta' servizz” u l-bżonn għal analiżi aktar dettaljata tal-ġustifikazzjoni sabiex dan il-kriterju jibqa' validu u tar-raġunijiet sabiex il-protezzjoni speċjali li tingħata lill-konsumaturi li jixtru mill-bogħod minn negozji li jużaw dawn il-mezzi b'mod sporadiku tiġi eskluża;

g)

il-fatt li, fil-qasam tal-vaganzi organizzati u l-kuntratti “timeshare” kif ukoll għall-bejgħ ta' oġġetti ta' l-ikel mill-bogħod, tibqa' tapplika l-esklużjoni — fatt li jidher li mhuwiex ġustifikat — mill-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva;

h)

il-fatt li fil-lista m'hemmx imniżżel it-tagħrif li jeħtieġ li jingħata minn qabel lill-konsumaturi ta' servizzi ta'wara l-bejgħ u ta' garanziji kummerċjali; din is-sitwazzjoni għandha tiġi riveduta sabiex tirrifletti d-Direttiva dwar il-garanziji (21);

i)

ir-regoli dwar id-dritt ta' l-użu, id-dmir tal-kura u r-riskju tat-telf jew tad-deterjorazzjoni ta'oġġett waqt il-perjodu ta' rtirar u t-trasport tiegħu, jew min-negozju lill-konsumatur jew viċi versa, f'każ ta' restituzzjonijiet, hi x'inhi r-raġuni (deċiżjoni ta' rtirar jew għaliex l-oġġett ma jikkonformax/huwa difettuż/miksur, b'konformità mar-regoli stabbiliti mid-direttiva dwar il-garanziji;

j)

il-kwistjoni tal-lingwa tal-kuntratti, li m'għandhiex tibqa' aktar “kwistjoni għall-Istati Membri” (premessa 8);

k)

id-definizzjoni ta' “ġurnata ta' xogħol” fil-liġi Komunitarja, li hija essenzjali sabiex ikun hemm kalkolu armonizzat ta' skadenzi, b'mod partikolari fejn huwa involut bejgħ transkonfinali, jew sempliċement li jiġu stabbiliti skadenzi għal ġranet kalendarji konsekuttivi;

l)

il-forma li fiha jiġi kkomunikat id-dritt ta' rtirar — hemm jew m'hemmx il-ħtieġa għal prova li n-notifika tkun saret — bil-konsegwenzi legali rispettivi;

m)

il-prevenzjoni tar-riskju li l-kuntratt ma jiġix imħares u r-regoli dwar in-nuqqas li kuntratt ikun finalizzat fil-ħin jew dwar l-eżekuzzjoni parzjali ta' l-obbligazzjoni ta' proviżjoni ta' merkanzija jew ta' servizzi (22);

n)

l-esklużjoni ta' l-oġġetti li jkunu saru skond l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur għandha tibqa';

o)

il-ħtieġa li tingħata konsiderazzjoni akbar lill-fenomenu — li kulma jmur qiegħd jinfirex — tan-negozju li jsir permezz tat-telefon jew tal-mowbajl (m-commerce), inkluż il-ħsieb li jkun hemm sistema ġenerali “opt-in” sabiex tħares kontra offerti mhux mitluba;

p)

ir-referenza għar-regoli elenkati fid-Direttiva dwar il-falsifikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta'oġġetti u l-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet assoċjati li jiddgħajfu, b'mod partikolari fil-bejgħ mill-bogħod;

q)

l-estensjoni ta' l-obbligazzjoni li jingħata tagħrif lill-partijiet interessati kollha, b'enfasi partikolari fuq l-aktar gruppi ta' konsumaturi li huma vulnerabbli, bħall-minorenni, l-anzjani jew il-persuni b'diżabilità, kif diġà ġie stabbilit fid-direttiva dwar prassi kummerċjali inġusti;

r)

il-bżonn li jkunu previsti sanzjonijiet effettivi u li jkunu adegwatament dissważivi f'każ li l-obligazzjonijiet elenkati fid-Direttiva ma jiġux imħarsa.

3.2.11

Il-KESE huwa tal-fehma li sabiex jinkisbu l-għanijiet li d-direttiva qiegħda tipproponi li tiggarantixxi, huwa kruċjali li dawn il-kwistjonijiet jiġu meqjusa b'mod adegwat; fi kliem ieħor, konsumaturi ta' oġġetti u servizzi li jinxtraw mill-bogħod għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni li tkun daqs dik provduta — u hekk għandu jkun –f'kuntratti li jiġu finalizzati fil-preżenza tal-fornitur.

Brussell, 30 ta' Mejju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Il-Kummissjoni ddeċidiet li teskludi mill-ambitu ta' l-osservazzjonijiet u l-kummenti tagħha aspetti bħal “bejgħ mhux mixtieq”, “ħlas bil-kard” u “r-rimedju”.

(2)  Opinjoni tal-KESE ippubblikata fil-ĠU C 19/111, tal-25.11.1993, rapporteur: Roberto Bovincini.

(3)  Opinjoni tal-KESE ippubblikata fil-ĠU C 169/43, tas-16.6.1999, rapporteur: Manuel Ataíde Ferreira.

(4)  Għal kull waħda minn dawn, ara “La protection des consommateurs acheteurs à distance”, il-minuti tas-seminar organizzat mis-CEDOC, editjati minn Bernd Stauder fl-1999; l-aktar kontribuzzjonijiet importanti huma dawk ta' Hans Micklitz, Jules Stuyck, Peter Rott u Geraint Howells (Bruylant, 1999).

(5)  Il-Belġju (?), l-Ungerija, il-Latvja u l-Litwanja.

(6)  Ara, per eżempju, it-tieni paragrafu ta' punt 3 “… tħoss li…”, u t-tielet paragrafu ta' l-istess punt: “Il-Kummissjoni temmen li …”.

(7)  “EC Consumer Law Compendium –Comparative Analysis”, Prof. Dr. Hans Schulte-Nolke, Dr. Christian Twigg-Flesner u Dr. Martin Ebers, 12 ta' Diċembru 2006, l-Università ta' Bielefeld (imħejji għall-Kummissjoni Ewropea kif stabbilit fil-Kuntratt tas-Servizzi Nru. 17.020100/04/389299: “Annotated Compendium including a comparative analysis of the Community consumer acquis”).

(8)  COM(2006)744 finali tat-8 ta' Frar 2007, li dwaru l-KESE diġà waqqaf grupp ta' studju sabiex jaħdem fuq l-opinjoni tiegħu, u r-rapporteur ser ikun is-Sur Adams.

(9)  L-aqwa teorija riċenti għandha dubji kemm dan in-netwerk huwa meħtieġ (ara “The need for a European Contract LawEmpirical and Legal Perspectives”, Jan Smits, Europa Law Publishing, Groningen, 2005).

(10)  Filfatt, mit-22 strument legali komunitarju li l-Kummissjoni identifikat f'Mejju 2003, issa fadal biss 8 direttivi.

(11)  L-għażla ta' regolament tgħin sabiex jinstabu soluzzjonijiet għad-diversi sitwazzjonijiet deskritti mill-Kummissjoni fejn id-direttiva dwar bejgħ mill-bogħod ma ġietx trasposta, jew kienet trasposta ħażin, per eżempju, fir-rigward ta' l-Artikolu 4(2) dwar il-prinċipju ta' bona fide, l-Artikolu 6 dwar iż-żmien li fih irid isir il-ħlas lura meta d-dritt ta' rtirar ikun eżerċitat u sitwazzjonijiet li jeskludu d-dritt ta' rtirar. Regolament ta' din in-natura jista', sabiex ikun speċifiku, jkopri oqsma bħad-definizzjoni ta' kunċetti, l-applikazzjoni tagħhom għal merkanzija u għal individwi u l-eċċezzjonijiet għal kull waħda minn dawn, l-għamla, l-ambitu u l-waqt li fih għandha tkun fornita l-informazzjoni, l-eżerċizzju u l-konsegwenzi tad-dritt ta' rtirar, l-eżekuzzjoni tal-kuntratt u l-modi ta' ħlas u l-prinċipju ta' kummerċ ġust, li huwa ta' importanza partikolari.

(12)  Per eżempju, il-kunċetti ta' “bejgħ mill-bogħod organizzat”, “operatur ta' mezzi ta' komunikazzjoni mill-bogħod”, “drittijiet tal-proprejtà immobbli”, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw proprjetà “timeshare”. “regular roundsmen”, “trasport”, inkluż il-kiri tal-karozzi, “ċirkustanzi speċifiċi”, “mezz sod”, eċċ.

(13)  Direttiva 2005/29/KE tal-11 ta' Mejju 2005, ĠU L 149, 11.6.2006; Opinjoni tal-KESE: ĠU C 108, 30.4.2004.

(14)  Ara Cristine Amato: “Per un diritto europeo dei contratti con i consumatori” [Lejn liġi Ewropea tal-kuntratti tal-konsumaturi], p. 329, Giuffré, Milan 2003.

(15)  Ta' min jinnota li, meta adotta d-Direttiva 97/77/KE, il-Kunsill ħareġ stqarrija sabiex iħeġġeġ lill-Kummissjoni li tanalizza l-possibilità li jiġu armonizzati l-metodi kollha eżistenti ta' kif jiġu kkalkulati l-perjodi ta' riflessjoni fid-direttivi attwali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.

(16)  Per eżempju, il-kunċett legali Portugiż ta' “leilão” m'għandux l-istess tifsira bħat-termini “vente aux enchères”, “auction” u “vendita all'asta” fil-liġi Franċiża, Anglo-Sassona jew Taljana.

(17)  Ara l-artiklu importanti tal-Prof. Gerard Spindler, mill-Università ta' Gottingen, “Internet Auctions versus Consumer Protection: The Case of the Distant selling Directive” (Irkantijiet minn fuq l-Internet vs. Il-Protezzjoni tal-Konsumatur: Il-Każ tad-Direttiva dwar Bejgħ mill-Bogħod), fil-German Law Journal, 2005 Vol.6 nru. 3 pp. 725 et seq.

(18)  Kif indikat fl-opinjoni fuq id-direttiva proposta dwar il-marketing mill-bogħod ta' servizzi finanzjarji tal-konsumatur (opinjoni tal-KESE ppubblikata fil-ĠU C 169/43, 16.6.1999), rapporteur: Manuel Ataíde Ferreira. Din kienet ukoll il-fehma espressa mill-Parlament Ewropew fl-ewwel u t-tieni qari tiegħu.

(19)  Direttiva 2000/31/KE tat-8 ta' Ġunju 2000, ĠU L 178, 17.7.2000; din filfatt kienet il-fehma indikata fl-Opinjoni dwar id-Direttiva, ippubblikata fil-ĠU C 169/36, rapporteur: Harald Glatz .

(20)  Ara l-ħarġa speċjali ta' Eurobarometer No. 252, “Consumer protection in the Internal Market”, Settembru 2006, mitluba minn DG SANCO u kkordinata minn DG Communication. Din id-data, madankollu, tagħti xi indikazzjoni tat-tendenzi ġenerali tal-konsumaturi fid-dawl tal-ħidma komunitarja dwar il-kompletar tas-suq intern.

(21)  Direttiva 1999/44/KE tal-25 ta' Mejju 1999, ĠU L 171, 7.7.1999. Il-KESE kien diġà stqarr fl-opinjoni tiegħu fuq id-direttiva proposta dwar bejgħ mill-bogħod li l-konsumaturi għandhom jingħataw tagħrif dwar l-eżistenza tar-regoli fuq il-garanziji, b'mod partikolari f'każ li kuntratt ma jkunx jista' jitwettaq jew ikun hemm dewmien sabiex dan isir.

(22)  Il-KESE diġà indika l-pożizzjoni tiegħu dwar dan is-suġġett fl-opinjoni fuq id-direttiva dwar il-bejgħ mill-bogħod u wissiet lill-Kummissjoni fuq il-ħtieġa li s-salvagwardji għall-interessi finanzjarji jiġu riaffermati u l-prevenzjoni ta' riskji li jinqalgħu f'każ li kuntratt ma jiġix imħares, per eżempju billi jiġu stabbiliti penali. Il-KESE ssuġġerixxa wkoll illi l-kumpaniji tas-settur joħolqu fond ta' garanzija sabiex ikopri dawn is-sitwazzjonijiet.


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE dwar l-għaqda ta' kumpaniji b'responsabbiltà pubblika limitata u d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE dwar id-diviżjoni ta' kumpaniji b'responsabbiltà pubblika limitata rigward il-ħtieġa għal rapport ta' espert indipendenti fl-okkażjoni ta' għaqda jew diviżjoni”

COM(2007) 91 finali — 2007/0035 (COD)

(2007/C 175/08)

Nhar id-29 ta' Marzu 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar il- Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE dwar l-għaqda ta' kumpaniji b'responsabbiltà pubblika limitata u d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE dwar id-diviżjoni ta' kumpaniji b'responsabbiltà pubblika limitata rigward il-ħtieġa għal rapport ta' espert indipendenti fl-okkażjoni ta' għaqda jew diviżjoni.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Mejju 2007. Ir-Rapporteur li ħadmet mingħajr grupp ta' studju kienet is-Sinjura Sánchez Miguel.

Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju (seduta tat-30 ta' Mejju 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'143 voti favur, 26 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Introduzzjoni

1.1

Il-proposta tal-Kummissjoni li temenda l-leġislazzjoni tirregola l-għaqdiet jew id-diviżjonijiet tal-kumpaniji b'responsabbiltà pubblika limitata hija parti mill-pjan li tiġi modernizzata l-liġi tal-kumpaniji u titjieb il-gvernanza korporattiva fl-UE (1). Tipprovdi għal pjan ta' azzjoni sabiex tiġi finalizzata riforma leġislattiva radikali għall-perijodu qasir, medju u fit-tul, li ttmur lil hin minn sempliċement twettiq tal-proposti għal Direttivi li għadhom pendenti.

1.2

Barra minn hekk, f'livell iktar ġenerali, l-Anness III tal-Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea (2) jippreżenta għaxar proposti speċifiċi għall-introduzzjoni ta' “azzjonijiet li jistgħu jitwettqu malajr” bil-għan li jitnaqqsu l-piżijiet minuri li ma jbiddlux il-livell ta' protezzjoni legali. Dan huwa l-iskop tal-proposta li qiegħda tiġi diskussa, li sempliċiment tabolixxi r-rapport minn espert dwar l-abbozz tat-termini ta' l-għaqdiet jew tad-diviżjonijiet, sakemm jaqblu l-partijiet interessati “kollha”.

1.3

Għandu jkun nnotat li l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2005/56/KE dwar il-mergers transkonfinali ta' kumpaniji pubbliċi ta' responsabbiltà limitata  (3) diġà jċedi l-ħtieġa għal rapport minn espert għall-abbozz tat-termini ta' l-għaqdiet jekk jaqblu l-membri kollha tal-kumpaniji. B'mod simili, l-aħħar emenda tad-Direttiva 77/91/KEE fir-rigward tal-formazzjoni ta' kumpaniji b' responsabbiltà pubblika limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom  (4) introduċiet żewġ Artikoli ġodda, 10a u 10b, li skond ir-rapport minn espert m'huwiex meħtieġ għall-kontribuzzjonijiet fi flus mhux kontanti fiċ-ċirkostanzi fejn il-valur reali ta' l-assi kontributi jista' jiġi garantit.

2.   Kontenut tal-proposta

2.1

L-iskop ta' din l-emenda għad-Direttivi dwar l-għaqdiet u d-diviżjonijiet ta' kumpaniji b'responsabbiltà pubblika limitata huwa li tikkonforma l-kontenut tagħhom ma' dak tad-Direttiva dwar il-mergers transkonfinali fir-rigward ta' l-involviment ta' l-esperti fit-tfassil tar-rapport dwar l-abbozz tat-termini ta' l-għaqdiet jew tad-diviżjonijiet, sakemm il-partijiet interessati kollha u dawk kollha li jżommu t-titoli li jagħtu d-dritt tal-vot ikunu qablu hekk.

3.   Kummenti dwar il-proposta

3.1

Il-KESE jilqa' l-proċess tas-semplifikazzjoni, u b'mod partikulari t-tnaqqis fil-piż amministrattiv għall-kumpaniji Ewropej. Huwa f'dan is-sens li nifhmu l-kontenut tal-proposta, li b'mod partikulari tħares l-interessi tal-partijiet interessati billi teħtieġ il-qbil unanimu sabiex ma jitfassalx rapport minn espert dwar l-abbozz tat-termini ta' l-għaqdiet jew tad-diviżjonijiet.

3.2

Madankollu, il-KESE għadu jara l-problemi, b'mod partikulari dawk relatati ma' l-għaqdiet ta' kumpaniji kbar, minħabba d-diversità tal-partijiet interessati, li l-biċċa l-kbira minnhom huma investituri. Jekk l-ishma m'humiex ġestjonati b'mod dirett, il-partijiet interessati f'minoranza jistgħu jkunu esposti u obbligati li jaċċettaw ftehim adottat mill-korpi li jiġġestjonaw it-titoli tagħhom. Minkejja li r-regoli eżistenti jipprovdu għad-dritt ta' l-oppożizzjoni u l-irtirar minn ftehim ta' dan it-tip f'każijiet fejn il-partijiet interessati joġġezzjonaw għar-riżultat ekonomiku ta' l-operazzjonijiet, speċjalment fir-rigward ta' l-iskambji ta' l-ishma (share swaps) ser ikun ħafna iktar diffiċli sabiex jiġi eżerċitat dan id-dritt jekk ma jkun hemm l-ebda rapport minn espert dwar l-abbozz tat-termini ta' l-għaqdiet.

3.3

Bl-istess raġunament nemmnu li l-kredituri u l-impjegati tal-kumpaniji huma vulnerabbli jekk ser jitħallew fid-dlam minħabba nuqqas ta' evalwazzjoni objettiva taħt ir-responsabbiltà ta' l-esperti. Huwa rikonoxxut id-dritt tal-kredituri li jopponu għaqda meta jiġu ppubblikati l-avviżi ta' l-għaqda, sakemm it-talbiet (claims) tagħhom m'humiex garantiti. Madankollu, irridu niftakru li la d-Direttiva dwar l-għaqdiet u lanqas id-Direttiva dwar id-diviżjonijiet ma jagħtu l-ebda dritt għall-ħaddiema, filwaqt li d-Direttiva dwar l-għaqdiet transkonfinali tipprovdi l-għażla tal-parteċipazzjoni mill-impjegati (Artikolu 16), li tippromovi riżultat aħjar permezz ta' kanali adattati ta' informazzjoni.

3.4

L-effikaċja tal-leġislazzjoni tiddependi fuq jekk tħarisx lid-drittijiet ta' dawk kollha involuti fil-proċessi legali — f'dan il-każ l-għaqdiet u d-diviżjonijiet — billi l-komplessità tagħhom tagħmilha neċessarja li tippromovi mezzi li tirrendihom trasparenti mingħajr ma toħloq konflitti bejn il-partijiet kollha kkonċernati. L-abolizzjoni tar-rapport minn espert soġġett għall-approvazzjoni tal-partijiet kollha interessati għandha sseħħ fiċ-ċirkostanzi ppreżentati fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/68/KE, jiġifieri meta l-assi huma fil-forma ta' titoli trasferibbli jew strumenti tas-suq tal-flus jew li reċenement ġew valutati minn esperti indipendenti, billi l-valur jista' jiġi verifikat u jkun aċċertat skond l-istandards rilevanti.

4.   Konklużjonijiet

4.1

Il-KESE jirrealizza li l-proposta li temenda d-Direttivi dwar l-għaqdiet jew id-diviżjonijiet tal-kumpaniji b'responsabbiltà pubblika limitata hija parti mill-pjan li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-kumpaniji Ewropej. Madankollu huwa rrakkomandat li jitqies il-fatt li dan it-tip ta' proċess legali ġeneralment jinvolvi kumpaniji ta' responsabbiltà limitata li l-partijiet interessati tagħhom jinkludu kemm managers tal-portafolji kif ukoll investituri individwali, li għandhom interessi differenti. Investituri individwali jkunu jridu jimmassimizzaw il-valur ta' l-iskambju ta' l-ishma tagħhom.

4.2

L-iskop ta' l-emenda għandu jkun l-promozzjoni ta' l-interess ġenerali ta' dawk kollha involuti f'operazzjonijiet legali ta' dan it-tip, fejn l-evalwazzjonijiet minn esperti jassiguraw trasparenza u affidabbiltà ikbar ta' l-offerti li jinsabu fl-abbozz tat-termini ta' l-għaqdiet jew id-diviżjonijiet, billi l-esperti huma indipendenti u għalhekk għandhom kriterji objettivi għall-kontenut ta' l-abbozz tat-termini.

4.3

B'żieda ma' dan, il-KESE jikkunsidra r-regoli bażiċi għall-involviment ta' l-esperti bħala dawk li jinsabu fl-Artikoli 10, 10a u 10b tat-tieni Direttiva, fejn ir-rinunzja tal-ħtieġa għal rapport minn espert hija kondizzjonali fuq l-eżistenza ta' evalwazzjonijiet reċenti, li jistgħu jiġu verifikati.

4.4

Mill-banda l-oħra, il-KESE jemmen li għandhom jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-10 Direttiva, mhux biss għax ġiet ippubblikata reċentement, iżda għax tikkonforma iktar mal-kriterji l-ġodda relatati ma' l-interessi imħarsa mil-liġi tal-kumpaniji, li ma tikkunsidrax biss il-partijiet interessati u l-kredituri, iżda l-impjegati wkoll, li jagħmlu parti mill-istruttura tal-kumpanija. Għalhekk naħsbu li l-iskop tal-proposta attwali għandu jitwessa' skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva msemmija hawn fuq, billi hija iktar konsistenti ma' l-objettiv tal-konformità tar-regoli nazzjonali għall-għaqdiet jew id-diviżjonijiet.

Brussel, it-30 ta' Mejju 2007.

Il-President

tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, COM(2003) 284 finali.

(2)  COM(2007) 23 finali.

(3)  ĠU C 310, 25.11.2005, p. 1.

(4)  Direttiva 2006/68/KE, ĠU L 264, 25.9.2006.


ANNESS

għall- Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi segwenti, ivvutati f'daqqa, ġew irrifjutati matul id-dibattitu, iżda kisbu kwart tal-voti mitfugħa.

1)   Neħħi l-punt 3.2:

3.2

Madankollu, il-KESE għadu jara l-problemi, b'mod partikulari dawk relatati ma' l-għaqdiet ta' kumpaniji kbar, minħabba d-diversità tal-partijiet interessati, li l-biċċa l-kbira minnhom huma investituri. Jekk l-ishma m'humiex ġestjonati b'mod dirett, il-partijiet interessati f'minoranza jistgħu jkunu esposti u obbligati li jaċċettaw ftehim adottat mill-korpi li jiġġestjonaw it-titoli tagħ hom. Minkejja li r-regoli eżistenti jipprovdu g ħad-dritt ta' l-oppożizzjoni u l-irtirar minn ftehim ta ' dan it-tip f' każijiet fejn il-partijiet interessati jo ġġezzjonaw għ ar-riżultat ekonomiku ta ' l-operazzjonijiet, speċjalment fir-rigward ta' l-iskambji ta' l-ishma (share swaps) ser ikun ħafna iktar diffiċli sabiex jiġ i eżer ċitat dan id-dritt jekk ma jkun hemm l-ebda rapport minn espert dwar l-abbozz tat-termini ta' l-għaqdiet.

Raġunijiet

L-iskop ta' din l-emenda għad-Direttivi dwar l-għaqdiet u d-diviżjonijiet ta' kumpaniji b'responsabbiltà pubblika limitata huwa li tikkonforma l-kontenut tagħhom ma' dak tad-Direttiva dwar il-mergers transkonfinali fir-rigward ta' l-involviment ta' l-esperti fit-tfassil tar-rapport dwar l-abbozz tat-termini ta' l-għaqdiet jew tad-diviżjonijiet, sakemm il-partijiet interessati kollha u dawk kollha li jżommu t-titoli li jagħtu d-dritt tal-vot ikunu qablu hekk. Il-proposta sabiex jiġu ssemplifikati l-proċeduri tippromovi l-effiċjenza u l-kompetittività ta' l-intraprendituri, mingħajr ma jkun hemm l-ebda restrizzjoni fuq il-protezzjoni rikonoxxuta tal-partijiet interessati minuri u l-kredituri tal-kumpanija.

Sakemm id-deċiżjonijiet jittieħdu b'mod unanimu, il-problemi msemmija fil-punt 3.2 ma jibqgħux japplikaw. Il-gruppi tal-ġestjoni ta' l-ishma huma eletti mill-partijiet interessati sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom stess. Għalhekk, il-problema tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jmorru kontra l-interessi tal-partijiet interessati minuri ma jinħolqux, peress li jkunu favur id-deċiżjoni.

2)   Neħħi l-punt 3.3:

3.3

Bl-istess raġunament nemmnu li l-kredituri u l-impjegati tal-kumpaniji huma vulnerabbli jekk ser jitħallew fid-dlam minħabba nuqqas ta' evalwazzjoni objettiva taħt ir-responsabbiltà ta' l-esperti. Huwa rikonoxxut id-dritt tal-kredituri li jopponu għaqda meta jiġ u ppubblikati l-avviżi ta ' l-għaqda, sakemm it-talbiet (claims) tagħhom m'humiex garantiti. Madankollu, irridu niftakru li la d-Direttiva dwar l-għ aqdiet u lanqas id-Direttiva dwar id-diviżjonijiet ma jag ħtu l-ebda dritt għall-ħaddiema, filwaqt li d-Direttiva dwar l-għaqdiet transkonfinali tipprovdi l-għ ażla tal-parte ċ ipazzjoni mill-impjegati (Artikolu 16), li tippromovi riżultat a ħjar permezz ta' kanali adattati ta' informazzjoni.

Raġunijiet

B'referenza għall-punt 3.3, għandu jiġi enfasizzat li l-għaqdiet u d-diviżjonijiet huma problemi speċifiċi għall-kumpanija. Il-kredituri għandhom id-dritt inaljenabbli u rikonoxxut li jeżerċitaw il-veto tagħhom, ladarba jiġu ppubblikati l-offerta jew l-abbozz ta' l-għaqda. Ir-regoli proposti mill-Kummissjoni m'għandhomx l-intenzjoni li jneħħu dan id-dritt, iżda minflok li jissemplifikaw il-proċeduri. B'referenza għad-drittijiet ta' l-impjegati, jekk tfasslux jew le l-abbozz ta' għaqda jew jekk tkunx twettqet evalwazzjoni minn espert bl-ebda mod ma jinfluwenzaw is-sitwazzjoni tagħhom; tassew, l-ispejjeż inerenti meta jiġi kkommissjonat rapport ta' l-espert huma ta' sikwit għoljin, u dawn il-fondi jistgħu jintużaw sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet u r-remunerazzjoni ta' l-impjegati.

3)   Neħħi l-punt 3.4:

3.4

L-effikaċja tal-leġislazzjoni tiddependi fuq jekk tħarisx lid-drittijiet ta' dawk kollha involuti fil-proċessi legali — f' dan il-każ l-g ħ aqdiet u d-diviżjonijiet — billi l-komplessità tagħhom tagħmilha neċessarja li tippromovi mezzi li tirrendihom trasparenti mingħajr ma toħloq konflitti bejn il-partijiet kollha kkonċernati. L-abolizzjoni tar-rapport minn espert soġġett għall-approvazzjoni tal-partijiet kollha interessati għandha sseħħ fiċ-ċ irkostanzi ppreżentati fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/68/KE, ji ġifieri meta l-assi huma fil-forma ta' titoli trasferibbli jew strumenti tas-suq tal-flus jew li reċenement ġew valutati minn esperti indipendenti, billi l-valur jista' jiġi verifikat u jkun aċċertat skond l-istandards rilevanti.

Raġuni

Il-punt 3.4 ta' l-abbozz ta' opinjoni jirreferi għall-Artikolu 10 punt a) tad-Direttiva 2006/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE fir-rigward tal-formazzjoni tal-kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata u ż-żamma u l-alterazzjoni tal-kapital tagħhom. Dan l-Artikolu ma japplikax f'dan il-każ u m'huwiex emendat mill-proposta għal direttiva. L-Artikolu 10 punt a) tad-Direttiva 2006/68/KE jipprovdi għall-kondizzjonijiet ta' prestazzjoni preċedenti ta' valutazzjoni minn espert indipendenti rikonoxxut, u għal evalwazzjoni mill-ġdid li ssir iktar tard fuq l-inizjattiva u taħt ir-responsabbiltà tal-korp tal-ġestjoni jew ta' l-amministrazzjoni. Jekk m'hemm l-ebda evalwazzjoni mill-ġdid, il-partijiet interessati minuri (li għandhom minn ta' l-inqas 8 % tal-kapital maħruġ) huma intitolati li jitolbu valutazzjoni minn espert indipendenti. Fid-dawl li l-proposta tirreferi għal sitwazzjoni rara immens iżda definita b'mod ċar, jiġifieri l-unanimità rispettiva tal-partijiet interessati kollha, il-problema li jinħoloq il-kunflitt bejn il-partijiet differenti, deskritta fil-punt 3.4 ta' l-abbozz ta' opinjoni, ma sseħħx.

4)   Emenda l-punt 4.1 kif ġej:

4.1

Il-KESE jirrealizza li l-proposta li temenda d-Direttivi dwar l-għaqdiet jew id-diviżjonijiet tal-kumpaniji b'responsabbiltà pubblika limitata hija parti mill-pjan li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-kumpaniji Ewropej, u għalhekk japprova l-proposta. Madankollu huwa rrakkomandat li jitqies il-fatt li dan it-tip ta' proċess legali ġeneralment jinvolvi kumpaniji ta' responsabbiltà limitata li l-partijiet interessati tagħhom jinkludu kemm managers tal-portafolji kif ukoll investituri individwali, li għandhom interessi differenti. Investituri individwali jkunu jridu jimmassimizzaw il-valur ta' l-iskambju ta' l-ishma tagħhom.

Raġuni

Ser tingħata bil-fomm.

5)   Neħħi l-punt 4.2:

4.2

L-iskop ta' l-emenda għandu jkun l-promozzjoni ta' l-interess ġenerali ta' dawk kollha involuti f'operazzjonijiet legali ta' dan it-tip, fejn l-evalwazzjonijiet minn esperti jassiguraw trasparenza u affidabbiltà ikbar ta' l-offerti li jinsabu fl-abbozz tat-termini ta' l-għ aqdiet jew id-diviżjonijiet, billi l-esperti h uma indipendenti u għalhekk għandhom kriterji objettivi għall-kontenut ta' l-abbozz tat-termini.

Raġuni

Il-punti 4.2, 4.3 u 4.4 tneħħew għall-istess raġunijiet mogħtija għat-tneħħija tal-punti 3.2, 3.3 u 3.4.

6)   Neħħi l-punt 4.3:

4.3

B' żieda ma ' dan, i l-KESE jikkunsidra r-regoli bażi ċi għall-involviment ta' l-esperti bħala dawk li jinsabu fl-Artikoli 10, 10a u 10b tat-tieni Direttiva, fejn ir-rinunzja tal-ħtieġa għ al rapport minn espert hija kondizzjonali fuq l-eżistenza ta ' evalwazzjonijiet reċenti, li jistgħu jiġu verifikati.

Raġuni

Il-punti 4.2, 4.3 u 4.4 tneħħew għall-istess raġunijiet mogħtija għat-tneħħija tal-punti 3.2, 3.3 u 3.4.

7)   Neħħi l-punt 4.4:

4.4

Mill-banda l-oħra, il-KESE jemmen li għ andhom jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta ' l-10 Direttiva, mhux biss għax ġiet ippubblikata reċ entement, iżda g ħax tikkonforma iktar mal-kriterji l-ġodda relatati ma' l-interessi imħarsa mil-liġ i tal-kumpaniji, li ma tikkunsidrax biss il-partijiet interessati u l-kredituri, iżda l-impjegati wkoll, li j agħmlu parti mill-istruttura tal-kumpanija. Għalhekk naħsbu li l-iskop tal-proposta attwali għandu jitwessa' skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva msemmija hawn fuq, billi hija iktar konsistenti ma' l-objettiv tal-konformità tar-regoli nazzjonali għall-għaqdie t jew id-diviżjonijiet.

Raġuni

Il-punti 4.2, 4.3 u 4.4 tneħħew għall-istess raġunijiet mogħtija għat-tneħħija tal-punti 3.2, 3.3 u 3.4.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 44

Kontra: 104

Astensjonijiet: 28


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/37


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 11 rigward it-tneħħija tad-diskriminazzjoni fir-rati u l-kundizzjonijiet tat-trasport, fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 79(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Regolament (KE) 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel”

COM(2007) 90 finali — 2007/0037 (COD)

(2007/C 175/09)

Nhar il-11 ta' Mejju 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 11 rigward it-tneħħija tad-diskriminazzjoni fir-rati u l-kundizzjonijiet tat-trasport, fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 79(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Regolament (KE) 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel.

Il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Intern, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-436 Sessjoni Plenara tiegħu tat-30 u l-31 ta' Mejju (seduta tat-30 ta' Mejju 2007) li jaħtar lis-Sur Gfokas bħala rapporteur-ġenerali, u adotta din l-opinjoni unanimament.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-proposta ppreżentata lill-KESE twassal għall-emenda ta' żewġ regolamenti: dawn huma r-Regolament Nru 11 rigward it-tneħħija tad-diskriminazzjoni fir-rati u l-kundizzjonijiet tat-trasport, fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 79(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Regolament (KE) 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel.

1.2

Fir-rigward tal-politiki komunitarji għal regolamentazzjoni aħjar, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jikkunsidra t-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq l-intrapriżi mil-leġislazzjoni eżistenti bħala fattur neċessarju u essenzjali fiż-żieda tal-kompetittività u l-kisba ta' l-għanijiet ta' l-Aġenda ta' Lisbona. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Valutazzjoni Strateġika għal Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea, u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea ċertament jikkontribwixxu lejn dan il-għan.

1.3

L-ewwel emenda tikkonċerna r-Regolament Nru 11 dwar it-tneħħija tad-diskriminazzjoni fir-rati tat-trasport u l-kundizzjonijiet, fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea. Il-KESE jaqbel mat-tneħħija ta' l-obbligazzjoni li tiġi pprovduta informazzjoni dwar rotot, distanzi, rati u kundizzjonijiet oħra tat-trasport, u l-permess għall-użu ta' noti ta' kunsinna sabiex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-bqija tal-ħtiġijiet relatati mad-dokument tat-trasport attwali, peress li dan jikkontribwixxi għal tnaqqis ta' piżijiet amministrattivi mhux neċessarji filwaqt li l-istess livell ta' informazzjoni essenzjali jibqa' disponibbli.

1.4

Il-KESE għalhekk jaqbel ma' l-emenda lir-Regolament Nru 11, u b'mod iktar speċifiku mat-tneħħija ta' l-Artikolu 5 u l-emenda ta' l-Artikolu 6 li tneħħi l-ħames u s-sitt inċiżi ta' punt 1. Jaqbel ukoll ma' l-emenda lill-Artikolu 6 li tneħħi t-tielet sentenza ta' punt 2, u li tissostitwixxi punt 3 bit-test li ġej: “Meta d-dokumenti eżistenti bħan-noti tal-kunsinna jew kwalunkwe dokument tat-trasport ieħor li jagħti d-dettalji kollha speċifikati f'punt 1 u, f'rabta mas-sistemi tar-reġistri u l-kontabbiltà tal-ġarriera, jippermettu li ssir verifika sħiħa tar-rati u l-kundizzjonijiet tat-trasport, sabiex il-forom ta' diskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 75 punt 1 tat-Trattat ikunu jistgħu jitneħħew jew jiġu evitati, il-ġarriera mhumiex meħtieġa li jintroduċu dokumenti ġodda”.

1.5

Il-KESE jaqbel ma' l-emenda tar-Regolament 852/2004, li għandha tikkontribwixxi għall-eżenzjoni ta' intrapriżi rilevanti mill-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 5 Punt 1 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, peress li dawn jistgħu jintlaqgħu permezz tal-ħtiġijiet l-oħra tar-regolament. Taħt l-Artikolu 5 Punt 1 tar-Regolament, l-intrapriżi kollha ta' l-ikel li huma mikro-intrapriżi li fil-biċċa l-kbira jbiegħu l-prodotti tagħhom direttament lill-konsumatur finali, bħall-furnara, il-bejjiegħa tal-laħam, il-ħwienet tal-merċa, tal-monti, ir-restoranti u l-bars, u li huma mikro-intrapriżi fit-tifsira tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' mikro-intrapriżi u intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs)għandu jniedi, jimplimenta u jżomm proċedura permanenti jew proċeduri bbażati fuq l-Analiżi tal-Periklu u l-Punti ta' Kontroll Kritiċi (HACCP).

1.6

Madankollu, il-KESE jikkunsidra li l-eżenzjoni ta' l-intrapriżi hawn fuq imsemmija li jbigħu l-prodotti tagħhom direttament lill-konsumatur finali, bħall-furnara, il-bejjiegħa tal-laħam, il-ħwienet tal-merċa, ir-restoranti jew il-bars għandha tiġi estiża lill-intrapriżi ż-żgħar, kif imfisser fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE dwar id-definizzjoni ta' mikro-intrapriżi u intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

1.7

Fir-rigward ta' l-emenda ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament 852/2004, forsi jkun siewi li jiġu adottati żewġ parametri li jestendu l-iskop għall-intrapriżi ż-żgħar — (dawk li jħaddmu sa 50 persuna — li huwa effettivament numru għoli wisq sabiex dawn l-intrapriżi jgawdu minn eżenzjoni taħt is-sistema HACCP) u, fil-każ li jiġu integrati fl-iskop tar-regolamentazzjoni, li joħolqu indikazzjoni speċifika u jiffissaw il-limiti speċifiċi għall-intrapriżi ta' l-ikel.

1.8

L-ewwel parametru jista' jkun l-obbligazzjoni li jiġu rispettati bl-ikbar attenzjoni l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi ta' l-iġjene mfissra fl-Artikolu 4 tar-Regolament nru 852/2004, u l-obbligazzjoni tat-taħriġ tal-persunal; żewġ elementi li għandhom ikunu biżżejjed sabiex jiggarantixxu l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel u jiffaċilitaw ir-rispett ta' l-obbligazzjonijiet tal-liġi għall-intrapriżi.

1.9

Dejjem sabiex ikunu eżenti l-intrapriżi ż-żgħar ta' l-ikel, fi kliem ieħor dawk li għandhom inqas minn 50 impjegat, it-tieni parametru, b'mod komplimentari, jista' jipprevedi li, speċifikament għal dawn l-intrapriżi, in-numru ta' persuni impjegati fit-tħejjija tal-prodotti (laboratorju-kċina) ma jistax jaqbeż l-10 għal kull xift. Jeħtieġ li l-intrapriża tipprovdi lista bil-quddiem ta' dawk il-ħaddiema li jipparteċipaw fit-tħejjija ta' l-oġġetti ta' l-ikel.

1.10

Bl-introduzzjoni ta' dawn id-distinzjonijiet u l-kjarifiki, tiġi rispettata d-dispożizzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE u, b'mod partikulari għall-intrapriżi bħall-furnara, il-bejjiegħa tal-laħam, il-ħwienet tal-merċa, ir-restoranti jew il-bars, jiġu ffissati l-limiti tal-produzzjoni u tax-xifts b'tali mod li jiġu rrispettati wkoll il-ħtiġijiet imposti mill-ħarsien u l-garanzija tas-saħħa pubblika.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-Kummissjoni talbet lill-KESE sabiex ifassal opinjoni dwar l-emenda taż-żewġ regolamenti: ir-Regolament nru 11 dwar it-tneħħija tad-diskriminazzjoni fir-rati u l-kundizzjonijiet tat-trasport, fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 79, punt 3, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u r-Regolament (KE) nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iġjene tal-prodotti ta' l-ikel.

2.2

Fir-rigward tar-Regolament nru 11 dwar it-tneħħija tad-diskriminazzjoni fir-rati u l-kundizzjonijiet tat-trasport, fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 79, punt 3, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, għandha tiġi eżaminata l-possibbiltà li jitneħħew il-ħtiġijiet li ż-żmien tagħhom għadda u li jiġu mmodifikati oħrajn, bil-għan li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fuq l-intrapriżi. B'mod konkret, l-Artikolu 5 kien jimponi l-ħtieġa li l-intrapriżi tat-trasport (kif ukoll il-gvernijiet ta' l-Istati Membri) jipprovdu informazzjoni dwar rati, prezzijiet u kundizzjonijiet tat-trasport qabel l-1 ta' Lulju 1961. L-Artikolu 6, punt 1 tar-regolament, jikkonċerna l-obbligazzjoni li jintuża dokument tat-trasport li jkollu informazzjoni varja fir-rigward ta' min qiegħed jibagħtu, it-tip ta' merkanzija li qiegħda tiġi trasportata, il-post tat-tluq u tad-destinazzjoni, l-itinerarju jew id-distanza u, fejn hemm bżonn, il-punti transizzjonali tal-fruntieri. Dawn l-aħħar żewġ elementi jistgħu jiġu eliminati minħabba li m'għadhomx indispensabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-regolament. It-tielet sentenza fl-Artikolu 6, punt 2, tar-regolament teħtieġ li l-ġarriera jżommu kopja tad-dokument tat-trasport li fiha jkun hemm imniżżel il-prezzijiet definittivi tat-trasport, l-ispejjeż l-oħra, skontijiet, u kull fattur ieħor li jista' jkollu impatt fuq ir-rati u l-kundizzjonijiet tat-trasport. Din is-sentenza tista' tiġi eliminata peress li llum din l-informazzjoni hija disponibbli mis-sistema tal-kontabilità tal-ġarriera. L-Artikolu 6, punt 3 għandu referenza ċara għan-noti tal-kunsinna li huma magħrufa sew u wżati ta' spiss fis-settur tat-trasport intern. Din ir-referenza ttejjeb iċ-ċertezza legali għall-intrapriżi tat-trasport, peress li tikkjarifika li n-noti tal-kunsinna huma biżżejjed għax jinkludu d-dettalji kollha meħtieġa minn punt 1 ta' l-Artikolu 6.

2.3

“Azzjoni mgħaġġla” oħra tikkonċerna r-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel. L-għan hu li jiġu eżenti l-kumpaniji ta' l-ikel iż-żgħar li għandhom il-ħila li jikkontrollaw l-iġjene ta' l-ikel billi sempliċiment jimplimentaw ir-rekwiżiti l-oħra tar-Regolament (KE) 852/2004 mir-rekwiżit li jwaqqfu, jimplimentaw u jżommu proċedura jew proċeduri permanenti msejsa fuq il-prinċipji ta' l-Analiżi tal-Periklu u l-Punti ta' Kontroll Kritiċi (HACCP). Din l-eżenzjoni tapplika għall-mikro-intrapriżi li fil-biċċa l-kbira jbiegħu l-ikel direttament lill-konsumatur finali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa' l-emenda tar-Regolament nru 11 fir-rigward tat-tneħħija tad-diskriminazzjoni fir-rati u l-kundizzjonijiet tat-trasport, fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 79, punt 3, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea bil-għan li jitneħħew il-ħtiġijiet li ż-żmien tagħhom għadda u li jiġu mmodifikati oħrajn, bil-għan li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fuq l-intrapriżi.

3.2

Il-KESE jemmen li fl-emenda tar-Regolament (KE) nru 852/2004 għandhom jitqiesu wkoll l-intrapriżi ż-żgħar, skond id-definizzjoni mogħtija lilhom fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003. Kif intwera fil-prattika, huwa neċessarju li jiġi introdott ċertu livell ta' flessibbiltà għal dawn l-intrapriżi.

3.3

Għandu jingħaraf li, bħal fil-każ tal-mikro-intrapriżi, mhuwiex possibbli li jiġu stabbiliti kriterji HACCP lanqas għall-intrapriżi ż-żgħar. Jistgħu jitfissru biss punti ta' kontroll kritiċi (CCP), peress li ż-żamma tad-dokumenti hija diffiċli u ttaqqal b'mod eċċessiv il-piż fuq dawn l-intrapriżi.

3.4

Fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE il-mikro-intrapriżi huma intrapriżi li b'kollox iħaddmu inqas minn 10 persuni u turnover annwali ta' mhux iktar minn 2 miljun euro. Din id-definizzjoni tista' tkun tajba fir-rigward tan-numru ta' impjegati f'ċerti Stati Membri, iżda fl-istess ħin iċ-ċifra tat-turnover tidher proporzjonatament eċċessiva meta mqabbla man-numru ta' impjegati fl-Istati Membri kkonċernati.

3.5

Barra minn hekk, fil-klassifikazzjoni ta' l-intrapriżi tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE, m'hemm l-ebda distinzjoni bejn l-intrapriżi, fi kliem ieħor m'hemm l-ebda speċifikazzjoni dwar jekk l-intrapriżi kkonċernati humiex intrapriżi ta' l-ikel jew intrapriżi kummerċjali, mill-inqas fir-rigward tan-numru ta' impjegati. Fil-fatt, b'mod partikulari għall-intrapriżi kummerċjali, ġie miżjud il-kriterju taż-żewġ miljun euro minkejja l-fatt li intrapriża kummerċjali b'ta' l-inqas 3 impjegati jista' jkollha turnover ta' iktar minn 1.5 miljun euro, almenu f'ċerti Stati Membri. L-impreċiżjoni ta' din id-definizzjoni ġiet ikkoreġuta biss għal xi intrapriżi. B'hekk, huwa loġiku, ta' l-inqas fil-qafas ta' l-opinjoni attwali, li jitqiesu biss bħala mikro-intrapriżi l-intrapriżi ta' l-ikel li joperaw f'diversi Stati Membri u li għandhom inqas minn 10 impjegati u li għandhom turnover annwali li ma jaqbiżx iż-2 miljun euro. Hemm Stati Member li fihom l-intrapriżi ta' l-ikel joperaw żewġ xiftijiet bir-riżultat li jaqbżu l-10 impjegati anke jekk naturalment għandhom turnover ta' ħafna inqas minn 500,000 euro.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jikkunsidra li, fit-test ta' l-opinjoni attwali, ir-referenza għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE fir-rigward tad-definizzjoni ta' l-intrapriżi, partikularment fil-każ ta' l-applikazzjoni ta' l-HACCP għandha ssir b'mod differenti.

4.2

L-emenda ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament 852/2004 għandha tinkludi żewġ parametri ġodda li jestendu l-iskop għall-intrapriżi ż-żgħar li għandhom sa 50 impjegat, numru għoli wisq għall-eżenzjoni mis-sistema HACCP, u li, ġaladarba jiġu inklużi dawn l-intrapriżi, jintroduċu indikazzjoni speċifika u limiti għall-intrapriżi ta' l-ikel.

4.3

L-ewwel parametru jista' jkun l-obbligazzjoni li jiġu rispettati bl-ikbar attenzjoni l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi ta' l-iġjene mfissra fl-Artikolu 4 tar-Regolament nru 852/2004, u l-obbligazzjoni tat-taħriġ tal-persunal; żewġ elementi li għandhom ikunu biżżejjed sabiex jiggarantixxu l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel u jiffaċilitaw ir-rispett ta' l-obbligazzjonijiet tal-liġi għall-intrapriżi.

4.4

Dejjem sabiex ikunu eżenti l-intrapriżi ż-żgħar ta' l-ikel, fi kliem ieħor dawk li għandhom inqas minn 50 impjegat, it-tieni parametru, b'mod komplimentari jista' jipprevedi li, speċifikament għal dawn l-intrapriżi, in-numru ta' persuni impjegati fit-tħejjija tal-prodotti (laboratorju-kċina) ma jistax jaqbeż l-10 għal kull xift. Jeħtieġ li l-intrapriża tipprovdi lista bil-quddiem ta' dawk il-ħaddiema li jipparteċipaw fit-tħejjija ta' l-oġġetti ta' l-ikel.

4.5

Bl-introduzzjoni ta' din id-distinzjoni, li fl-istess ħin hija kjarifika, tiġi rispettata r-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE u jiġu stabbiliti l-limiti tal-produzzjoni u tax-xifts, b'mod partikulari għall-intrapriżi ta' l-ikel, b'tali mod li jiġu rrispettati wkoll il-ħtiġijiet imposti mill-ħarsien u l-garanzija tas-saħħa pubblika.

4.6

B'mod partikulari, fl-Artikolu 5, punt 3 tar-Regolament (KE) nru 852/2004, il-KESE jikkunsidra li għandha tiżdied is-sentenza li jmiss:

4.6.1

“Mingħajr preġudizzju għall-ħtiġijiet l-oħra tar-regolament, punt 1 jista' jiġi emendat b'tali mod li l-intrapriżi ż-żgħar ta' l-ikel bħall-furnara, il-bejjiegħa tal-laħam, il-ħwienet tal-merċa, ir-restoranti jew il-bars, fil-kuntest tar-rakkomandazzjoni 2003/361/KE, ikunu inklużi wkoll fl-applikazzjoni tal-HACCP, bil-kundizzjoni li jiġu rispettati b'mod skrupluż il-kodiċi ta' l-iġjene u l-ħtiġijiet speċifiċi mfissra fl-Artikolu 4 tar-Regolament nru 852/2004, u t-taħriġ tal-persunal, elementi li huma biżżejjed sabiex jiggarantixxu l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel u li jiffaċilitaw ir-rispett ta' l-obbligazzjonijiet tal-liġi għall-intrapriżi. Il-kundizzjoni essenzjali li għandha tiġi rispettata hija l-ħarsien tas-saħħa pubblika.”

4.6.2

“Barra minn hekk, sabiex l-intrapriżi ż-żgħar ta' l-ikel, bħall-furnara, il-bejjiegħa tal-laħam, il-ħwienet tal-merċa, ir-restoranti jew il-bars li għandhom inqas minn 50 impjegat ikunu eżenti, hemm bżonn li jirrispetaw kundizzjoni addizzjonali u speċifika għal dan it-tip ta' intrapriża: in-numru ta' impjegati li jaħdmu fit-tħejjija tal-prodotti (laboratorju-kċina) ma jistax jaqbeż l-10 għal kull xift.”

Brussel, 30 ta' Mejju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjoni ta' dwal u mezzi ta' sinjalizzazzjoni bid-dawl fuq tratturi bir-roti għall-agrikoltura u għall-foresterija”

COM(2007) 192 final — 2007/0066 (COD)

(2007/C 175/10)

Nhar il-11 ta' Mejju 2007, il-Kunsill Ewropew iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjoni ta' dwal u mezzi ta' sinjalizzazzjoni bid-dawl fuq tratturi bir-roti għall-agrikoltura u għall-foresterija”.

Billi l-Kumitat jemmen li l-kontenut tal-proposta huwa totalment sodisfaċenti u ma jirrikjedi l-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu tat-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tat-30 ta' Mejju) li jadotta opinjoni favorevoli dwar it-test propost b'162 vot favur, 1 vot kontra u 8 astenzjonijiet.

 

Brussel, it-30 ta' Mejju 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitri DIMITRIADIS


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/40


Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi”

COM(2006) 745 finali — 2006/0246 (COD)

(2007/C 175/11)

Nhar il-21 ta' Diċembru 2006, il-Kunsill iddeċieda b'konformità ma' l-Artikoli 133 u 175 paragrafu 1 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar il- Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it- 8 ta' Mejju 2007 Ir-rapporteur kien is-Sur Pezzini.

Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu, li nżammet fit-30 u fil-31 ta' Mejju (seduta tat-30 ta' Mejju 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni b'148 vot favur, 2 voti kontra u 1 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) dejjem appoġġa r-rwol attiv tal-Kummissjoni Ewropea fl-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-proċedura ta' kunsens infurmat minn qabel (PIC) għal sustanzi kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali, flimkien mal-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Sustanzi Organiċi Persistenti li Jniġġsu (POP).

1.2

Il-Kumitat jaqbel li jinħtieġ approċċ armonizzat mill-Kummissjoni, immirat għat-titjib tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent f'pajjiżi importaturi, speċjalment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw. Huwa jaqbel ukoll dwar il-ħtieġa li jintużaw mekkaniżmi simplifikati, ċari u trasparenti bbażati fuq proċeduri uniformi u bla xkiel biex jiġi żgurat il-forniment ta' informazzjoni tajba fil-pront, lill-pajjiżi li jimportaw prodotti u sustanzi kimiċi perikolużi.

1.3

Il-Kumitat jikkunsidra li d-dispożizzjonijiet aktar stretti taħt ir-Regolament (KE) Nru 304/2003, li kien annullat mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba l-bażi legali ħażina tiegħu, u li ddaħħal mill-ġdid fil-proposta preżenti għal regolament ġdid huma element prinċipali fis-sikurezza ġenerali u l-ġestjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi.

1.4

Il-Kumitat jappoġġa l-għan tal-Kummissjoni li tuża l-opportunità pprovduta bil-korrezzjoni tal-bażi legali tar-regolament sabiex iżżid l-effikaċja ta' l-istrument Komunitarju u tkabbar iċ-ċertezza legali, b'rabta mill-qrib mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar il-leġislazzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) li għandu jidħol fis-seħħ f'Ġunju 2007.

1.5

Fil-fehma tal-Kumitat, il-leġislazzjoni l-ġdida għandha tinkludi dispożizzjonijiet dwar, l-ewwel, l-abbozzar ta' gwidi u dokumenti ta' informazzjoni prattiċi u, it-tieni, l-organizzazzjoni ta' korsijiet ta' taħriġ ibbażati fuq standards Komunitarji, maħsuba primarjament għall-uffiċjali tad-dwana, b'kontributi minn persunal rilevanti tal-Kummissjoni u, b'mod partikolari, taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (ĊKR).

1.5.1

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza li tintuża l-lingwa tal-pajjiż importatur fuq it-tikettar u l-iskedi bid-data dwar is-sikurezza.

1.6

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li qed issir dispożizzjoni sabiex l-esportazzjonijiet jipproċedu fuq bażi temporanja, waqt li qed isiru aktar sforzi biex jinkiseb kunsens espliċitu.

1.7

Il-Kumitat huwa konvint li l-qofol għall-funzjonament effettiv, korrett u trasparenti tal-mekkaniżmi proposti jinsab fl-arranġamenti ta' kontroll doganali, u f'kooperazzjoni sħiħa bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet nazzjonali maħtura biex japplikaw ir-regolament (DNAs).

1.8

Il-Kumitat jenfasizza li huwa essenzjali li t-titjib propost fin-Nomenklatura Magħquda, u l-iżvilupp ta' verżjoni tad-database EDEXIM speċifikament għall-awtoritajiet doganali, ikunu sostnuti minn inizjattivi ta' informazzjoni u taħriġ li huma sistematiċi u armonizzati fil-livell Komunitarju.

1.8.1

Il-KESE jidhirlu li r-riżorsi finanzjarji u dawk umani disponibbli għall-Kummissjoni u, b'mod partikolari, liċ-ĊKR għal dan il-għan huma kompletament inadegwati għall-kompitu ta':

preparazzjoni ta' informazzjoni u pakketti ta' taħriġ armonizzati, u gwidi għad-diversi kategoriji ta' utent;

żgurar ta' l-eżattezza ta' l-iskedi bid-data dwar is-sikurezza għall-utenti intermedji u dawk finali, speċjalment il-ħaddiema;

stabbiliment ta' djalogu ma' l-assistenza teknika għall-pajjiżi importaturi, speċjalment il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk b'ekonomiji transitorji;

żgurar ta' sensibilizzazzjoni akbar fis-soċjetà ċivili dwar ir-riskji eżistenti u kif dawn jistgħu jiġu evitati.

2.   Raġunijiet

2.1

Il-Kumitat kien esprima qabel (1) l-appoġġ tiegħu għall-għanijiet u l-mekkaniżmi tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam (2), li stabbiliet proċedura ta' kunsens infurmat minn qabel għall-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi, waqt li fl-istess ħin jitjieb l-aċċess għall-informazzjoni u tiġi pprovduta assistenza teknika lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

2.2

Il-Kumitat qabel mal-fehmiet ta' l-Istati Membri, li kien “xieraq li wieħed imur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni sabiex jassisti bis-sħiħ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw” (3).

2.3

Ir-Regolament (KE) Nru 304/2003 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-kimiċi perikolużi, li ġie adottat fit-18 ta' Jannar 2003 u daħal fis-seħħ fis-7 ta' Marzu 2003, kien fil-fatt primarjament immirat għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam fir-rigward tal-proċedura ta' kunsens infurmat minn qabel għal ċerti sustanzi kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali.

2.3.1

Madankollu, ir-regolament kien fih xi dispożizzjonijiet li marru lil hinn mill-ħtiġiet tal-konvenzjoni.

2.4

Aktar speċifikament, ir-regolament jistipula li l-esportatur ta' sustanza kimika elenkata fih għandu jinnotifika lill-awtorità nazzjonali maħtura qabel l-ewwel esportazzjoni intenzjonata tas-sustanza kimika. Ladarba n-notifika tkun ġiet ivverifikata għal konformità sħiħa, din tintbagħat lill-Kummissjoni, li tirreġġistraha fid-database EDEXIM bħala notifika ta' esportazzjoni Komunitarja, waqt li tispeċifika l-prodott u l-pajjiż importatur.

2.5

Bl-istess mod, fil-każ ta' importazzjoni Komunitarja ta' sustanza kimika minn pajjiż terz, il-Kummissjoni tirċievi n-notifika ta' esportazzjoni rilevanti, tirrikonoxxi li rċeviet in-notifika u tirreġistraha fid-database EDEXIM.

2.6

B'mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni hija responsabbli biex tiżgura l-applikazzjoni xierqa tar-regolament. Fil-prattika dan ifisser li hi għandha tamministra n-notifiki ta'esportazzjoni u importazzjoni.

2.7

Il-proċedura tan-notifika ta' esportazzjoni ta' l-UE attwalment tapplika għal xi 130 prodott kimiku u gruppi ta' prodotti/sustanzi, elenkati fl-Anness I, il-Parti I tar-Regolament (KE) Nru 304/2003 (4).

2.8

Fl-aħħarnett, huma imposti obbligi ċari rigward l-imballaġġ u t-tikkettar.

2.9

Ir-Regolament (KE) Nru 304/2003 jipprovdi wkoll għal penali fil-każ ta' ksur, waqt li jispeċifika li tali penali għandhom ikunu “effettivi, proporzjonali u disswassivi”, u għandhom jiġu determinati mill-Istati Membri.

2.9.1

Barra minn hekk, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) kien adottat fit-18 ta' Diċembru 2006, u ser ikun b'effett fl-1 ta' Ġunju 2007 (5).

2.10

Fis-sentenzi tagħha fil-Kawżi C-94/03 u C-178/03 (it-tnejn ta' l-10 ta' Jannar 2006), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej stabbiliet li l-bażi legali tar-Regolament (KE) Nru 304/2003 għandhom jkunu l-Artikoli 133 u 175 tat-Trattat tal-KE u mhux l-Artikolu 175 biss u li, konsegwentament, ir-regolament innifsu kien annullat. Il-Qorti madankollu speċifikat li l-effetti tar-regolament kellhom jinżammu sakemm issir l-adozzjoni, fi żmien raġonevoli, ta' regolament ġdid mibni fuq bażijiet legali xierqa.

2.11

Ir-rapport li jkopri l-perijodu 2003-2005 (6), ippreżentat fit-30 ta' Novembru 2006 skond l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 304/2003, irreveda l-aspetti li ġejjin:

l-implimentazzjoni tar-regolament s'issa;

il-problemi li nqalgħu fil-fażijiet proċedurali;

il-bidliet meħtieġa biex tiżdied l-effikaċja tiegħu.

2.12

L-Istati Membri kollha issa għandhom il-leġislazzjoni u s-sistemi amministrattivi meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-infurzar tar-Regolament: Sa issa saru 2 273 notifika ta' esportazzjoni (aktar minn 80 % minnhom joriginaw mill-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Olanda, Franza u Spanja), waqt li n-numru ta' pajjiżi importaturi żdied minn 70 fl-2003 għal 101 fl-2005.

2.13

L-arranġamenti ta' kontroll doganali huma l-aktar parti sensittiva tas-sistema. Jeħtieġ aktar kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali maħtura u l-awtoritajiet doganali, bi skambju regolari ta' informazzjoni u dispożizzjonijiet aktar ċari, partikolarment rigward l-obbligi speċifiċi ta' l-esportaturi u l-applikazzjoni ta' strumenti ta' kontroll imtejba għan-Nomenklatura Magħquda u t-Tariffa Integrata tal-Komunitajiet Ewropej (TARIC).

2.14

Il-Kumitat jaqbel li jinħtieġ approċċ armonizzat mill-Kummissjoni, immirat għat-titjib tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent f'pajjiżi importaturi, speċjalment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw. Huwa jaqbel ukoll dwar il-ħtieġa li jintużaw mekkaniżmi simplifikati, ċari u trasparenti bbażati fuq proċeduri uniformi u bla xkiel sabiex jiġi żgurat il-forniment ta' informazzjoni tajba fil-pront, mingħajr burokrazija, lill-pajjiżi importaturi dwar esportazzjonijiet mill-UE ta' prodotti u sustanzi kimiċi perikolużi.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Minbarra r-rettifika tal-bażijiet legali, li kienet wasslet għall-annullament tar-Regolament (KE) Nru 304/2003, il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament ġdid daħħal bidliet oħrajn, fl-oqsma li ġejjin:

bażijiet legali ġodda;

definizzjonijiet ġodda. Id-definizzjoni ta' “esportatur” jeħtieġ li tiġi estiża, u l-kunċett ta' “preparazzjoni” jeħtieġ li jiġi kkoreġut;

proċedura ġdida ta' kunsens espliċitu;

rinforz u tisħiħ tal-kontroll doganali;

regoli ġodda tal-komitoloġija (7).

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-Kumitat jerġa' jistqarr l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-istrateġiji Komunitarji favur l-iżvilupp sostenibbli, inkluż il-qafas volontarju SAICM (8), u jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ preventiv għall-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi sabiex is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jitħarsu minn kwalunkwe effett ta' ħsara, kif huwa kien innota diversi drabi qabel (9) fil-kontribut tegħu għall-introduzzjoni tal-leġislazzjoni REACH.

4.2

Il-KESE għalhekk appoġġa l-introduzzjoni tas-sistema REACH, speċjalment il-pjan biex il-fabbrikanti, l-importaturi jew l-utenti jkunu responsabbli għall-preparazzjoni tad-dokumentazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi bil-ħsieb tar-reġistrazzjoni u tal-valutazzjoni inizjali tar-riskju; għal din ir-raġuni l-KESE appoġġa l-istabbiliment ta' sistema ta' reġistrazzjoni ta' l-UE u ta' korp Komunitarju biex jamministraha (10).

4.2.1

B'rabta mal-ħtiġiet ta' rappurtar stabbiliti bir-regoli speċifiċi dwar is-sustanzi kimiċi perikolużi, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-lista ta' prodotti li huma ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, u biex tissostitwihom bi prodotti u preparati anqas perikolużi kull fejn ikunu tħejjew u ġew ittestjati alternattivi aktar prattiċi bħala riżultat tar-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika.

4.3

Il-KESE dejjem appoġġa r-rwol attiv tal-Kummissjoni Ewropea fl-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-proċedura PIC għal sustanzi kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali, flimkien mal-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Sustanzi Organiċi Persistenti li Jniġġsu (POP), immirati għall-eliminazzjoni tal-produzzjoni u l-użu ta' ċerti prodotti kimiċi, inklużi disa' tipi ta' pestiċidi. Il-Kumitat reċentement fassal ukoll opinjoni dwar din il-kwistjoni (11).

4.4

Il-Kumitat jikkunsidra li d-dispożizzjonijiet aktar stretti taħt ir-Regolament (KE) 304/2003, li kien annullat mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba l-bażi legali ħażina tiegħu, u li ddaħħal mill-ġdid fil-proposta preżenti għal regolament ġdid (12) huma element prinċipali fis-sikurezza ġenerali u l-ġestjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi.

4.5

Il-Kumitat jemmen ukoll li għandhom isiru emendi għad-dispożizzjonijiet regolatorji, biex jitneħħew in-nuqqasijiet operattivi u jiġu riżolti l-problemi fl-implimentazzjoni identifikati fir-rapport 2003-2005.

4.6

Il-Kumitat għalhekk jappoġġa l-għan tal-Kummissjoni biex tintuża l-opportunità pprovduta bil-korrezzjoni tal-bażi legali tar-regolament skond is-sentenza tal-Qorti (li fuqha l-Kumitat kien fassal opinjoni f'dak iż-żmien (13)) sabiex tiżdied l-effikaċja ta' l-istrument Komunitarju billi jiġu żgurati ċarezza, trasparenza u ċertezza legali akbar kemm għall-esportaturi kif ukoll għall-importaturi.

4.7

Il-KESE jikkunsidra li ċ-ċertezza legali, il-konsistenza u t-trasparenza tal-leġislazzjoni Komunitarja ġdida proposta għandhom jiġu żgurati permezz ta' definizzjonijiet aħjar tat-termini “esportatur”, “preparazzjoni” u “sustanza kimika soġġetta għall-proċedura PIC”.

4.8

Sabiex jikkontribbwixxi għall-proċess ta' simplifikazzjoni, tneħħija ta' burokrazija u aktar ħeffa fil-proċeduri, il-KESE jappoġġa bis-sħiħ id-dispożizzjoni biex esportazzjonijiet jitħallew jipproċedu fuq bażi temporanja, filwaqt li jsiru sforzi akbar biex jinkiseb kunsens espliċitu, flimkien mad-dispożizzjoni li tingħata eżenzjoni għall-ħtieġa ta' kunsens għal sustanzi kimiċi li għandhom jiġu esportati lejn pajjiżi OECD.

4.9

Il-Kumitat jisħaq ukoll dwar l-importanza tal-fatt li talbiet għall-kunsens u r-reviżjoni perjodika tal-kunsens għandhom jgħaddu mill-Kummissjoni, sabiex jiġu evitati sovrappożizzjonijiet jew duplikazzjoni mhux meħtieġa, kif ukoll nuqqasijiet ta' ftehim u inċertezza fil-pajjiżi importaturi. Huwa jikkunsidra li r-riżorsi finanzjarji u umani allokati lill-Kummissjoni u, b'mod partikolari, is-servizzi taċ-ĊKR għal dan il-għan għandhom ikunu adegwati wkoll għall-kompitu li jipprovdu pakketti ta' informazzjoni u taħriġ armonizzati, gwidi u skedi bid-data dwar is-sikurezza għall-kategoriji differenti ta' utent u, fl-aħħarnett, djalogu mal-pajjiżi importaturi, speċjalment pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-ħsieb li jiġu identifikati u kkjarifikati problemi li jirriżultaw min-notifiki ta' importazzjoni/esportazzjoni.

4.9.1

Minħabba s-serjetà ta' l-inċidenti fuq ix-xogħol li xi kultant ikunu kkaġunati minn sustanzi kimiċi perikolużi, u fid-dawl tal-Konvenzjonijiet Internazzjonali ta' l-ILO f'dan ir-rigward (14), il-Kumitat ma jistax jenfasizza ż-żejjed l-importanza li l-informazzjoni fuq it-tikketti u l-iskedi bid-data dwar is-sikurezza tiġi pprovduta fil-lingwa tal-pajjiż importatur. Dan ikun ta' benefiċċju għall-konsumaturi intermedji u finali, speċjalment dawk li jaħdmu fl-agrikoltura u l-SMEs.

4.10

Il-KESE huwa konvint li l-qofol għall-funzjonament effettiv, bla xkiel u trasparenti tal-mekkaniżmi introdotti taħt il-leġislazzjoni proposta jinsab fl-arranġamenti ta' kontroll doganali, u f'kooperazzjoni sħiħa bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet nazzjonali maħtura biex japplikaw ir-regolament (DNAs). It-titjib propost, li jikkonsisti fl-inklużjoni ta' “sinjali ta' twissija” fin-Nomenklatura Magħquda, u l-iżvilupp ta' verżjoni tad-database EDEXIM speċifikament għall-awtoritajiet doganali, għandhom ikunu appoġġati minn informazzjoni u inizjattivi ta' taħriġ li huma sistematiċi u armonizzati fil-livell Komunitarju.

4.11

Fil-fehma tal-Kumitat, il-preparazzjoni ta' gwidi u dokumenti ta' informazzjoni prattiċi, kif ukoll azzjonijiet ta' taħriġ ibbażati fuq standards Komunitarji, għandhom jiġu stipulati fil-leġislazzjoni l-ġdida, partikolarment għall-Istati Membri li għadhom kemm ingħaqdu.

Brussel, it-30 ta' Mejju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Opinjoni tal- KESE ta' l-20.6.2002 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi, ĠU C 241 tas-7.10.2002, p. 50.

(2)  Il-Konvenzjoni ta' Rotterdam, li kienet iffirmata fil-11 ta' Settembru 1998 u daħlet fis-seħħ fl-24 ta' Frar 2004, tirregola l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' ċerti sustanzi kimiċi u pestiċidi perikolużi, u hija bbażata fuq il-prinċipju fundamentali ta' kunsens infurmat minn qabel (PIC) mill-parti ta' l-importatur ta' prodott kimiku. Aktar minn 30 sustanza kimika huma attwalment koperti mill-proċedura PIC taħt it-termini tal-Konvenzjoni.

(3)  Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna.

(4)  Sussegwentement emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 777/2006.

(5)  Ara ITACA Nru 3 (Diċembru 2006), p. 8 — Ruma, Sergio Gigli.

(6)  COM(2006) 747 finali tat-30 ta' Novembru 2006.

(7)  Ara d-Deċiżjoni 1999/468/KEE, kif emendata f'Lulju 2006.

(8)  SAICM: Approċċ Strateġiku għall-Ġestjoni Internazzjonali tas-Sustanzi Kimiċi — UNEP.

(9)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE CESE 524/2004 u 850/2005 dwar il-leġislazzjoni tas-sustanzi kimiċi (REACH). ĠU C 112 30.4.2004 u ĠU C 294 25.11.2005.

(10)  Ara l-opinjoni tal-KESE CESE 524/2004, il-punt 3.1. ĠU C 112 30.4.2004

(11)  Ara l-opinjoni NAT/331, CESE 23/2007. ĠU C 93 27.4.2007.

(12)  Id-dispożizzjonijiet Komunitarji jistipulaw li għandha tingħata notifika għall-esportazzjoni tal-prodotti kimiċi/parasitiċidi kollha li huma pprojbiti jew severament ristretti fl-UE, kif ukoll għall-komposti li fihom tali prodotti, u għandu jinkiseb il-kunsens espliċitu ta' l-importatur. Dan japplika għall-prodotti li jaqblu mal-kriterji għan-notifika PIC, ukoll jekk dawn jaqgħu lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni u m'humiex fost dawk il-prodotti li huma diġà soġġetti għall-proċedura PIC.

(13)  Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna, il-punt 5.10.

(14)  Ara l-Artikoli 7 u 8 tal-Konvenzjoni ta' l-ILO 170 dwar is-Sigurtà fl-użu tal-Kimiċi fuq ix-Xogħol, 1990, u l-Artikoli 9, 10 u 22 tal-Konvenzjoni 174 dwar il-Prevenzjoni ta' Inċidenti Industrijali Maġġuri, 1993.


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti”

COM(2006) 388 finali — 2006/0206 (COD)

(2007/C 175/12)

Nhar il-15 ta' Settembru 2006, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 37(2) u l-Artikolu 152(4)(b) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar il- Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta' Mejju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Van Oorschot.

Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tal-31 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'65 vot favur, vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Sintezi tal-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li għandha l-għan li tadotta regolament ġdid dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (fungiċidi, insettiċidi, erbiċidi jew prodotti oħra fil-qasam ta' l-agrikoltura u l-ortikoltura).

1.2

Minbarra l-għan li jiġi assigurat li t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti jkunu effettivi u sikuri, prijorità oħra li hija ta' importanza kruċjali hija l-użu sostenibbli u sikur ta' ċerti prodotti. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-fatt illi, fl-istess waqt li ppreżentat il-proposta għal Regolament — li qiegħda tiġi analizzata hawnhekk — il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat ukoll proposta għal Direttiva li tirregola l-użu sostenibbli tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti.

1.3

Il-KESE jinnota li fil-preambolu tal-proposta għal Regolament, sar enfasi qawwi fuq il-prevenzjoni u t-tnaqqis ta' l-effetti ħżiena li l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti għandhom fuq il-bniedem u l-ambjent. Huwa jqis li huwa essenzjali li jkun hemm prevenzjoni ta' l-effetti dannużi għall-bniedem u l-ambjent li jiġu mill-użu ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti. Madankollu, l-KESE jisħaq illi, fil-qafas tas-sostenibbiltà, irid jittieħed l-istess qies ta' l-interessi ekonomiċi. Minbarra li l-konsumaturi tal-lum qegħdin juru interess dejjem akbar fil-prodotti ta' l-agrikoltura organika, il-parti l-kbira tagħhom huma interessati l-aktar fi prodott ta' kwalità tajba u barraminhekk, li jkun ukoll disponibbli matul is-sena kollha bi prezz raġonevoli. F'dan il-kuntest, is-sikurezza tal-prodott għall-konsumatur tikkostitwixxi kundizzjoni sine qua non. Dal-fatt jeħtieġ sforzi konsiderevoli fil-katina tal-valur tal-produzzjoni agrikola. Id-disponibbiltà adegwata tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkunu sikuri u ta' kwalità tajba hija għaldaqstant indispensabbli.

1.4

Il-KESE huwa mħasseb dwar l-introduzzjoni ta' kriterji għall-approvazzjoni għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti fuq il-bażi ta' proprjetajiet intrinsiċi ta' sustanzi attivi u dwar il-konsegwenzi potenzjali ta' dan għall-innovazzjoni ta' prodotti ġodda u ta' kwalità ogħla. F'każ li jkun hemm applikazzjoni stretta ta' dawn il-kriterji, jista' jagħti l-każ li sustanza li ma tissodisfax xi waħda mill-kriterji, iżda li tirreġistra titjib fir-rigward tal-kriterji l-oħra, ma tingħatax l-awtorizzazzjoni. Il-KESE jappella sabiex issir valutazzjoni tar-riskji u għandu jkun hemm enfasi akbar fuq l-użu fil-prattika u l-espożizzjoni.

1.5

Il-KESE huwa tal-fehma li l-proposta sabiex tiġi introdotta sistema ta' awtorizzazzjoni skond iż-żoni u l-għarfien reċiproku jirrappreżentaw l-ewwel pass lejn armonizzazzjoni sħiħa ta' l-awtorizzazzjonijiet fl-Ewropa. Il-KESE jipproponi li l-għarfien reċiproku ta' l-awtorizzazzjonijiet isir possibbli bejn iż-żoni, meta l-pajjiżi (ġirien) ikollhom kundizzjonijiet klimatiċi u agrikoli simili.

1.6

Il-KESE jappoġġja l-prinċipju ta' valutazzjoni komparattiva tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkollhom sustanzi li jistgħu jiġu sostitwiti. Madankollu, il-KESE jappella sabiex il-valutazzjonijiet isiru inqas ta' spiss u sabiex jiġi applikat il-perijodu normali ta' ħarsien tad-data għal dawn is-sustanzi bl-għan li tinżamm ċerta volontà min-naħa ta' l-industrija sabiex tinvesti f'dawn is-sustanzi u b'hekk ma tinħoloqx konġestjoni fis-settur agrikolu.

1.7

Fil-fehma tal-KESE, il-proposta ma tinkludix biżżejjed inċentivi fir-rigward ta' l-awtorizzazzjoni ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti għal użijiet minuri. Il-KESE jipproponi żewġ miżuri sabiex is-sitwazzjoni titjieb. L-ewwelnett, tista' tiġi introdotta sistema li permezz tagħha l-ewwel applikant ikun jista jibbenifika minn perijodu itwal ta' ħarsien tad-data aktar ma jiġu inklużi użijiet minuri. It-tieninett, jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita t-tfassil ta' lista aġġornata għall-benefiċċju ta' l-Istati Membri, li tistabbilixxi l-użijiet (minuri) awtorizzati kollha.

2.   Introduzzjoni

2.1   Osservazzjonijiet ġenerali

2.1.1

Il-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti jintużaw sabiex jipproteġu u jippromovu s-saħħa tal-pjanti. Permezz tagħhom, il-bdiewa jkunu jistgħu jkabbru l-produzzjoni tagħhom u l-metodi ta' produzzjoni jkunu aktar flessibbli. Dan jiggarantixxi produzzjoni affidabbli ta' prodotti (ta' l-ikel) li jkunu sikuri, bi prezzijiet raġonevoli fir-reġjuni individwali.

2.1.2

Il-parti l-kbira tal-konsumaturi Ewropej qegħdin isiru aktar eżiġenti fir-rigward tal-kwalità ta' l-ikel u d-disponibbiltà tiegħu matul is-sena kollha; barraminhekk, huma jqisu s-sikurezza ta' l-ikel bħala prerekwiżit assolut u bżonn ovvju. Minħabba dan, il-katina ta' produzzjoni agrikola qiegħda tiffaċċja sfidi sinifikanti. Sabiex tkun tista' tissodisfa l-eżiġenzi ta' dan il-grupp kbir ta' konsumaturi, jeħtieġ li jkollha firxa adegwetament wiesgħa ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkunu sikuri u ta' kwalità tajba.

2.1.3

Però huwa minnu li l-użu tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti jista' jkollu impatt fuq l-agro-ekosistemi u dan huwa ta' ħsara għas-saħħa ta' l-utenti. Jista' jkollu wkoll impatt fuq il-kwalità ta' l-ikel u effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-konsumaturi, b'mod partikolari meta xi residwi dannużi jibqgħu fil-prodotti ta' l-ikel minħabba li jkun sar użu ħażin tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (li ma jkunux konformi mal-prassi t-tajba).

2.2   Il-qafas regolatorju

2.2.1

Il-proposta għal Regolament li qiegħda tiġi analizzata hawnhekk tinvolvi s-sostituzzjoni tad-Direttiva 91/414/KE attwali dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. L-għan ta' din id-Direttiva huwa li jilqa' kontra r-riskji mis-sors permezz ta' proċedura ta' valutazzjoni tar-riskji li tkun komprensiva ħafna għal kull sustanza attiva u l-prodotti li fihom dawn is-sustanzi, qabel ma dawn il-prodotti jkunu jistgħu jiġu kkumerċjalizzati u jkunu jistgħu jintużaw.

2.2.2

Il-proposta tinvolvi wkoll ir-revoka tad-Direttiva attwali 79/117/KEE li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom ċerti sustanzi attivi.

2.2.3

Il-qafas regolatorju ta' l-UE fir-rigward tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti jinkludi wkoll ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tistabbilixxi livelli massimi ta' residwu (MRLs) ta' sustanzi attivi fi prodotti agrikoli.

2.2.4

Flimkien mal-proposta għal Regolament li qiegħda tiġi analizzata hawnhekk, qiegħda tiġi ppreżentata wkoll proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja biex jintlaħaq użu sostenibbli tal-pestiċidi (COM(2006) 373 finali). L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tirregola l-użu u d-disseminazzjoni tal-pestiċidi sakemm dawn il-fażijiet m'humiex indirizzati fil-proposta għal Regolament.

2.3   Il-kuntest tal-proposta għal Regolament

2.3.1

Bħala parti mill-evalwazzjoni tad-Direttiva 91/414/KEE, li saret mill-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għamlu sejħa fl-2001 sabiex id-Direttiva tiġi emendata bl-għan li:

jiġu stabbiliti kriterji għall-approvazzjoni ta' sustanzi attivi;

jissaħħu l-kriterji għall-approvazzjoni ta' sustanzi riskjużi ħafna;

tiġi introdotta proċedura ssimplifikata għas-sustanzi li jippreżentaw riskji baxxi;

jiġi introdott il-prinċipju tal-valutazzjoni komparattiva u tas-sostituzzjoni;

li jitjieb l-għarfien reċiproku permezz tal-ħolqien ta' żoni ta' awtorizzazzjoni għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti.

2.3.2

Wara perijodu intensiv ta' konsultazzjoni (li dam 5 snin) mal-partijiet interessati u l-introduzzjoni ta' evalwazzjoni ta' l-impatt, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha sabiex temenda d-Direttiva 91/414/KEE f'Lulju 2006. Iddeċidiet li tibdel id-direttiva b'regolament bl-għan li jkun hemm semplifikazzjoni u armonizzazzjoni aktar sħiħa tal-leġislazzjoni fl-Istati Membri ta' l-UE.

2.4   Sinteżi qasira tal-proposta għal Regolament

2.4.1

Lista pożittiva ta' sustanzi attivi għandha tiġi mfassla fuq livell komunitarju mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali. L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi għandha tkun ibbażata fuq sensiela ta' kriterji ċari li jimmiraw għal livell għoli ta' protezzjoni għall-bniedem, l-annimali u l-ambjent.

2.4.2

Meta jkunu qegħdin jiġu evalwati xi sustanzi attivi, jeħtieġ li jkun hemm mill-inqas użu wieħed li huwa sikur kemm għall-utent tal-prodott kif ukoll għall-konsumatur u ma jistax ikun hemm impatt inaċċettabbli fuq l-ambjent. Ġew stabbiliti skadenzi ta' żmien ċari għall-fażijiet differenti ta' l-evalwazzjoni u għat-teħid ta' deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tas-sustanzi attivi.

2.4.3

L-Istati Membri, innifishom, ser jibqgħu ikunu responsabbli sabiex jawtorizzaw prodotti għall-ħarsien tal-pjanti fil-livell nazzjonali; dawn il-prodotti għandhom ikun bbażati fuq sustanzi attivi inklużi fil-lista tas-sustanzi attivi approvati.

2.4.4

Waqt li jkunu qegħdin jevalwaw, fuq livell nazzjonali, id-dossiers li jkunu tressqu għall-awtorizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jużaw kriterji uniformi, jekk dawn il-kriterji jeżistu, u jqisu ċ-ċirkustanzi nazzjonali.

2.4.5

Fil-każ ta' sustanzi li jippreżentaw riskju baxx jew normali, il-Kummissjoni qiegħda tintroduċi sistema ta' “awtorizzazzjoni skond iż-żoni”, li tinvolvi l-għarfien reċiproku obbligatorju ta' l-awtorizzazzjonijiet ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti. F'din is-sistema, kwalunkwe Stat Membru li jagħmel parti minn waħda miż-żoni klimatiċi (il-Kummissjoni taqsam l-UE fi tliet żoni), jagħmel l-evalwazzjoni tat-talba għall-awtorizzazzjoni nazzjonali ta' kwalunkwe sustanza. Din għandha tiġi awtorizzata biss fl-Istati Membri fejn il-produttur applika għal għarfien reċiproku ta' l-awtorizzazzjoni.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

3.1   L-importanza li għandhom il-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti għall-forniment ta' ikel ta' kwalità għolja fl-UE

3.1.1

Il-preambolu tad-Direttiva li qiegħda tiġi analizzata hawnhekk telenka l-premessi li wasslu sabiex titfassal il-proposta għal Regolament. F'dan il-preambolu għandha tiġi inkluża b'mod espliċitu l-importanza, fir-rigward tal-forniment affidabbli ta' ikel sikur u ta' kwalità għolja lil konsumaturi esiġenti, li jkun hemm kwantitajiet adegwati ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti.

3.2   Awtorizzazzjonijiet proviżorji li jkunu suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet

3.2.1

Id-Direttiva ma tagħmel l-ebda provvediment sabiex l-Istati Membri joħorġu awtorizzazzjonijiet proviżorji fil-livell nazzjonali. Dan jista' jittardja t-tqegħid fis-suq ta' sustanzi li jkunu aħjar meta mqabbla ma' dawk li huma disponibbli attwalment. Il-Kummissjoni qiegħda tipprova ssib rimedju għal din is-sitwazzjoni billi tapplika skadenzi ta' żmien iqsar li huma maħsuba sabiex iwasslu għal inklużjoni aktar rapida ta' sustanzi ġodda fuq il-lista pożittiva.

3.2.2

Il-KESE jipproponi li fir-Regolament tiġi inkluża l-possibbiltà li jingħataw awtorizzazzjonijiet proviżorji fil-livell nazzjonali f'każijiet fejn l-iskadenzi li ġew stabbiliti ma kinux rispettati minħabba dewmien amministrattiv u f'każijiet fejn l-obbligu fir-rigward tal-livelli massimi ta' residwu stabbiliti fir-Regolament (KE) 396/2005 ġie rispettat.

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi

4.1   Valutazzjonijiet ta' riskju li huma marbuta ma' l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni

4.1.1

L-Artikolu 4 tal-proposta jindirizza l-kriterji għall-approvazzjoni ta' sustanzi attivi u għaldaqstant jirreferi għall-Anness II. F'każ li l-kriterji jiġu applikati strettament, dan jista' jwassal għal sitwazzjoni fejn is-sustanzi attivi ma jiġux approvati saħansitra minħabba proprjetà waħda peress li r-rekwiżiti kollha kemm huma jridu jiġu ssodisfati dejjem.

4.1.2

Dawn it-tipi ta' kriterji ta' approvazzjoni għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, li huma bbażati biss fuq il-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanzi attivi tagħhom mingħajr ma jqisu la l-użu fil-prattika u lanqas l-espożizzjoni, idgħajfu l-prinċipju li d-deċiżjonijiet għandhom jissejsu fuq valutazzjonijiet tar-riskju. L-effett ta' dan huwa li jibdew jisparixxu gradwalment mis-suq numru ta' prodotti/applikazzjonijiet preżenti, li jistgħu jkunu utli f'każ li jkun hemm bżonn ta' firxa wiesgħa ta' prodotti.

4.1.3

Għaldaqstant, l-Artikolu 4 jimpedixxi li jitqiegħdu fis-suq prodotti innovattivi; li allavolja juru li jkun sar titjib fir-rigward tal-kriterji kollha f'daqqa, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta' kriterju wieħed minn fosthom. Il-KESE ma jistax japprova din l-istrateġija, għaliex din ixxekkel inutilment l-innovazzjoni fir-rigward ta' prodotti ġodda u aħjar. Huwa tal-fehma li l-kriterji intrinsiċi ta' approvazzjoni għas-sustanzi attivi għandhom jintużaw biss sabiex jiġu identifikati l-kandidati għas-sostituzzjoni u mhux sabiex jiġu mwarrba prodotti bil-quddiem mingħajr ma tkun saret evalwazzjoni dettaljata.

4.2   Estensjoni tas-sistema ta' awtorizzazzjoni skond iż-żoni u ta' l-għarfien reċiproku

4.2.1

Il-KESE jemmen li s-sistema ta' awtorizzazzjoni skond iż-żoni u l-għarfien reċiproku jirrappreżentaw pass importanti lejn il-kisba ta' sistema Ewropea li tkun armonizzata bis-sħiħ għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti.

4.2.2

L-introduzzjoni ta' għarfien reċiproku obbligatorju ta' awtorizzazzjonijiet fl-Istati Membri ta' l-istess żona sabiex timxi id f'id mal-proċedura normali ta' awtorizzazzjoni fil-livell nazzjonali, tagħti lok li jiġi evitat li jsir xogħol doppju min-naħa ta' l-Istati Membri u li prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkunu favur l-ambjent isiru disponibbli aktar malajr.

4.2.3

Il-KESE jipproponi li l-għarfien reċiproku ta' l-awtorizzazzjonijiet isir possibbli bejn iż-żoni, meta l-pajjiżi (ġirien) ikollhom kundizzjonijiet klimatiċi u agrikoli simili.

4.2.4

F'każ li l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti jintużaw fis-serer jew bħala trattamenti ta' wara l-ħsad, il-Kummissjoni tipproponi strateġija li tipprovdi għall-obbligu ta' għarfien reċiproku mill-Istati Membri kollha fiż-żoni kollha (Artikolu 39). Il-KESE huwa tal-fehma li t-trattament taż-żrieragħ, wieħed mill-pilastri tal-Ġestjoni Integrata ta' l-Organiżmi ta' Ħsara (IPM), għandu jiġi inkluż f'din is-sistema.

4.3   Aġġustamenti lill-proċedura ta' valutazzjoni komparattiva

4.3.1

Fil-każ ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li huma bbażati fuq sustanzi aktar kritiċi (li jistgħu jiġu meqjusin għas-sostituzzjoni), l-Istati Membri għandhom jagħmlu valutazzjoni komparattiva fi żmien erba' snin mill-awtorizzazzjoni tal-prodott (Artikolu 48). L-għan ta' din il-valutazzjoni huwa li tinstab sustanza alternattiva sabiex tieħu post sustanzi aktar dannużi, ħlief f'każijiet fejn dawn is-sustanzi jibqgħu ikunu bżonjużi sabiex jipprovdu protezzjoni kontinwa lill-veġetazzjoni f'każ li jiżviluppa reżistenza.

4.3.2

Fil-fehma tal-KESE, il-valutazzjoni ta' kull erba' snin kif ukoll il-perijodu ta' seba' snin ta' ħarsien tad-data għas-sustanzi msejħa “kandidati għas-sostituzzjoni”, ma joffrux sigurtà adegwata lill-industrija u ser iwasslu sabiex it-tali prodotti jiġu rtirati qabel il-waqt mis-suq, u dan jista' jkollu konsegwenzi negattivi fir-rigward tad-disponibbiltà ta' prodotti sodisfaċenti f'każ ta' reżistenza u użijiet minuri.

4.3.3

Il-KESE jappella sabiex il-valutazzjonijiet isiru inqas ta' spiss u sabiex jiġi applikat il-perijodu normali ta' ħarsien tad-data għal dawn is-sustanzi bl-għan li tinżamm ċerta volontà min-naħa ta' l-industrija sabiex tinvesti f'dawn is-sustanzi u b'hekk ma tinħoloqx konġestjoni fil-produzzjoni agrikola u konġestjoni aktar 'il quddiem fil-katina ta' valur fid-direzzjoni tal-konsumatur.

4.4   Inċentivi inadegwati għall-użijiet minuri

4.4.1

L-Artikolu 49 joffri l-possibilità lil, fost oħrajn, utenti professjonali u organizzazzjonijiet agrikoli professjonali, li l-awtorizzazzjoni ta' prodott għall-ħarsien tal-pjanti tiġi estiża sabiex tkopri użijiet minuri. Jitlob ukoll li l-Istati Membri jżommu lista aġġornata ta' l-użijiet minuri.

4.4.2

Il-KESE jilqa' dan l-Artikolu iżda jinnota li ma jipprovdix inċentivi adegwati lill-utenti ta' l-awtorizzazzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jestenduhom għall-użijiet minuri.

4.4.3

Il-KESE jipproponi li l-utenti ta' l-awtorizzazzjonijiet jingħataw bonus ta' awtorizzazzjoni permezz ta' estensjoni tal-perijodu tal-ħarsien tad-data f'każijiet fejn, wara l-għotja ta' l-awtorizzazzjoni, huma jkunu l-ewwel minn dawk li jitolbu għal diversi estensjonijiet għall-użijiet minuri.

4.4.4

Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tiffaċilita t-tfassil ta' lista ċentralizzata Ewropea ta' użijiet minuri, li tkun tista' tiġi kkonsultata mill-Istati Membri, minflok il-lista mqassma skond l-Istat Membru li hija stabbilita fl-Artikolu 49 (6).

4.5   Informazzjoni

4.5.1

Ir-Regolament jipprevedi l-possibbiltà li jiġi stabbilit l-obbligu li jiġi informat kwalunkwe ġar li jkun talab li jiġi infurmat u li jista' jkun espost għal sprej drift; dan għandu jkun infurmat qabel ma jintuża l-prodott (Artikolu 30).

4.5.2

Il-KESE jemmen li t-trasparenza fir-rigward ta' l-użu ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti hija ta' ġid, iżda huwa tal-fehma li l-obbligu propost sabiex tingħata informazzjoni jdgħajjef il-fiduċja fil-leġislazzjoni, li ssejjes il-proċess tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti. Wara kollox, hawnhekk qegħdin nittrattaw ma' l-użu ta' prodotti li huma meqjusin sikuri: l-impożizzjoni ta' l-obbligu li ninfurmaw lill-ġirien jagħti x'jifhem il-kuntrarju.

4.5.3

Il-KESE huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu ma twassalx għal fehim reċiproku bejn l-utenti tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti u l-ġirien tagħhom; għall-kuntrarju, dan jista' jfarrak il-koeżjoni soċjali fil-komunitajiet rurali peress li l-obbligu ta' informazzjoni jista' jagħti l-impressjoni li qegħdin jintużaw prodotti li m'humiex sikuri. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tista' tkun kontroproduttiva.

Brussel, il-31 ta' Mejju 2007.

Il-President

tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/47


Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni fi ħdan l-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ġewwa l-Komunità”

COM(2006) 818 finali — 2006/0304 (COD)

(2007/C 175/13)

Nhar it-8 ta' Frar 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 175 paragrafu 1 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar il- Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet ta' l-avjazzjoni fi ħdan l-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ġewwa l-Komunità.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta' Mejju 2007 Ir-rapporteur kien is-Sur Adams.

Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tal-31 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adottat din l-opinjoni b'50 vot favur, 8 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa' d-Direttiva proposta li toffri approċċ ikkunsidrat b'attenzjoni u pragmatiku li jimmodera u jikkumpensa t-tkabbir rapidu tal-volum ta' gassijiet b'effett ta' serra li tarmi l-industrija ta' l-avjazzjoni.

1.2

L-integrazzjoni ta' l-avjazzjoni fis-Sistema Ewropea ta' l-Iskambju ta' l-Emissjonijiet (ETS) potenzjalment issaħħaħ din is-sistema u tagħtiha aktar saħħa bħala mudell prinċipali għall-ġlieda kontra l-emissjonijiet tas-CO2 fil-livell globali.

1.3

Il-proposta hija realistika. Tirrikonoxxi l-qawwa tal-pressjonijiet politiċi, ekonomiċi u tal-konsumaturi favur il-kontinwità ta' l-iżvilupp tal-vjaġġi u tat-trasport bl-ajru waqt li jintuża l-mekkaniżmu tas-suq ta' l-ETS sabiex ikun hemm kumpens għal wieħed mill-impatti prinċipali esterni li jagħmel il-ħsara tas-settur ta' l-avjazzjoni.

1.4

Il-proposta hija madankollu vulnerabbli. Hija marbuta ma' l-ETS — sistema li qalgħet ħafna kritika minn ħafna partijiet interessati, li għad trid turi l-potenzjal tagħha u li tiddependi hija stess minn attribuzzjoni ġusta ta' kwoti ta' CO2, investiment immaġinattiv u innovattiv fit-tnaqqis tas-CO2 u r-rinfurzar tal-Pjanijiet Nazzjonali ta' Azzjoni mill-Istati Membri.

1.5

Il-KESE jilqa' l-inklużjoni ta' l-iskema fit-titjiriet kollha minn u lejn l-Ewropa mill-2012 iżda jemmen li d-data tal-bidu għandha tkun l-2011 bħalma hi għall-operaturi Ewropej.

1.6

Il-Kumitat jinnota li d-Direttiva tippermetti l-integrazzjoni fis-sistema tal-krediti li jirriżultaw minn proġetti “esterni” flessibbli li jseħħu fil-qafas ta' l-Implimentazzjoni Komuni ta' Kyoto jew tal-Mekkaniżmi ta' Żvilupp Nadif (JI/CDM). L-appoġġ għall-programmi ta' enerġija sostenibbli ċertifikati bħala tali u ta' effiċjenza ta' l-enerġija fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huwa pożittiv, sakemm tinżamm verifika stretta.

1.7

Il-Kumitat jirrikonoxxi li din hija kwistjoni kumplessa, iżda jħoss li l-proposta mhix ċara biżżejjed u tonqos milli tippreżenta l-vantaġġi tagħha b'mod ċar. Il-proposta tappella, b'modi differenti u f'diversi livelli, lill-UE fit-totalità tagħha, lill-Istati Membri individwali, lis-setturi differenti ta' l-industrija u lill-pubbliku. B'mod partikolari għandu jiġi enfasizzat il-potenzjal pożittiv tad-Direttiva sabiex tappoġġja u ssaħħaħ l-ETS. Huwa nnotat ukoll li hemm bżonn ta' sostenn attiv u komplementari mid-dipartimenti l-oħra tal-Kummissjoni, partikolarment dawk responsabbli mit-Trasport, l-Enerġija u r-Riċerka.

1.8

Il-KESE għalhekk jirrakkomanda:

1.8.1

L-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-ETS tintuża bħala opportunità sabiex l-iskema tiġi riveduta, jitranġaw l-iżbalji eżistenti u jissaħħu oqsma dgħajfin u b'hekk ikun jista' jiġi żviluppat suq ġenwin u effettiv fil-kummerċ tal-karbonju — element kritiku fis-sostenn tal-wegħda ta' l-UE li tasal għal tnaqqis ta' 20 % fis-CO2 sa l-2020.

1.8.2

Il-limitu propost ta' emissjonijiet huwa mnaqqas sabiex l-avjazzjoni tkun tista' tagħmel aġġustament aktar komparabbli ma' l-industriji l-oħra li diġà jinsabu fl-ETS.

1.8.3

L-attribuzzjoni ħielsa ta' kwoti lill-operaturi li hemm fil-proposta għandha tiġi eliminata jew imnaqqsa b'mod sinifikanti sabiex b'hekk ikun meħtieġ li l-kwoti kollha, jew il-maġġoranza, jinbiegħu b'irkant.

1.8.4

L-applikazzjoni ta' limitu komuni fuq ix-xiri tal-krediti mill-iskemi JI/CDM sabiex jiġi assigurat li proporzjoni għolja tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet isseħħ fi ħdan l-UE.

1.8.5

L-ippjanar minn qabel dwar kif għandhom jiġu ppreżentati lill-pubbliku l-effetti tad-Direttiva. Dan mhux biss iqajjem aktar kuxjenza dwar l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-bidla klimatika iżda jinkoraġġixxi ftuħ akbar fir-rigward ta' l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' l-iskema għall-klijenti u għall-operaturi u jnaqqas ir-riskju ta' opportuniżmu fil-profitti.

1.8.6

Sabiex jagħtu eżempju tajjeb, l-Istati Membri għandhom jiġu mitluba li jinnewtralizzaw volontarjament l-emissjonijiet li jirriżultaw mit-titjiriet tal-Kapijiet ta' Stat, Kapijiet ta' Gvern jew Ministri li bħalissa jibbenefikaw minn eżenzjoni għal raġunijiet amministrattivi (titjriet li huma ġeneralment operati minn dipartimenti militari).

1.8.7

Ħidma komplementari fuq miżuri li jnaqqsu l-karbonju li m'humiex parti mill-ETS għandhom ukoll jingħataw prijorità għolja. Dawn jinkludu l-eliminazzjoni ta' l-ostakoli legali għall-passi fiskali u regolatorji — partikolarment għall-fjuwil ta' l-avjazzjoni; ir-restrizzjoni ta' l-emissjonijiet ta' l-ossidu tan-nitroġenu; it-titjib tal-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru u r-riċerka għal effiċjenza akbar tal-magni u ta' l-inġenji ta' l-ajru.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-avjazzjoni kienet u tibqa' parti integrali u importanti ta' l-ekonomija globali f'espansjoni. F'ħafna modi, l-avjazzjoni hija karatterizzata minn suċċess reali. Sa mill-1960 kibret kull sena b'medja ta' 9 %, rata 2.4 darbiet akbar mit-tkabbir fil-PGD globali. Dan it-tkabbir ikompli u jekk it-tendenzi preżenti jibqgħu, it-trasport bl-ajru ser jirdoppja sa l-2020.

2.2

Dan is-suċċess b'mod inevitabbli ħoloq problemi, bħat-tkabbir u l-impatt lokali ta' l-ajruporti iżda fil-kuntest tal-bidliet klimatiċi, l-attenzjoni tiffoka dejjem aktar fuq il-kontribut ta' l-avjazzjoni għat-tisħin globali, bl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u oħrajn. L-industrija ta' l-avjazzjoni, bħala settur tas-servizzi, tirrappreżenta madwar 0.6 % tal-valur miżjud ekonomiku ta' l-UE, iżda 3.4 % ta' l-emissjonijiet ta' gass b'effett serra. Fl-UE, l-emissjonijiet mill-avjazzjoni żdiedu b'87 % mill-1990 filwaqt li l-emissjonijiet totali ta' gass b'effett ta' serra fl-UE naqas bi 3 % fl-istess perijodu.

2.3

Storikament, it-titjiriet internazzjonali kienu eżentati mit-taxxa fuq il-fjuwil u m'humiex koperti mill-objettivi tal-Protokoll ta' Kyoto. B'konsiderazzjoni tal-perijodu twil ta' ħajja ta' l-inġenji ta' l-ajru u l-possibbilitajiet li tissaħħaħ l-effiċjenza teknika u ta' tħaddim, it-tkabbir ta' l-avjazzjoni jfisser li s-settur ser ikompli jżid l-emissjonijiet tiegħu ta' gass b'effett ta' serra, u b'hekk iwaqqa' l-isforzi li saru minn setturi oħra fejn qiegħed iseħħ tnaqqis. Għalkemm fit-totalità tagħha l-avjazzjoni rat titjib kbir fir-regolamentazzjoni, fil-koordinazzjoni u fit-twettiq fil-qasam tas-sigurtà u s-sikurezza, kien diffiċli li jintlaħaq ftehim internazzjonali fuq il-kwistjonijiet ambjentali li jistgħu wkoll ikollhom impatt fuq l-interessi kummerċjali.

2.4

Il-Kummissjoni ilha għal xi żmien tfittex mod kif tħeġġeġ jew tinforza tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra mill-avjazzjoni. Fl-2005 adottat Komunikazzjoni bit-titolu “It-Tnaqqis ta' l-Impatt ta' l-Avjazzjoni fuq il-Bidla fil-Klima” (1). F'April 2006, il-KESE fl-Opinjoni tiegħu (2) dwar din il-Komunikazzjoni kkonkluda li kien hemm bżonn ta' miżuri addizzjonali ta' politika sabiex jiġi kkontrollat l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-bidla klimatika u rrakkomanda, forst affarijiet oħra, l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fis-Sistema Ewropea ta' l-Iskambju ta' l-Emissjonijiet. Ittieħdu pożizzjonijiet simili mill-Kunsill tal-Ministri għall-Ambjent, mill-Kunsill Ewropew u mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni issa pproponiet Direttiva — is-suġġett ta' din l-Opinjoni — li tinkludi l-avjazzjoni fl-iskema komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra.

3.   Sommarju tad-Direttiva proposta

3.1

L-introduzzjoni għad-Direttiva proposta ssemmi li t-tkabbir fl-emissjonijiet ta' l-avjazzjoni jista', sa l-2012, jinnewtralizza aktar minn kwart tal-kontribuzzjoni ambjentali mwettqa mill-UE fil-qafas tal-Protokoll ta' Kyoto. Jidher diffiċli li jintlaħaq ftehim internazzjonali iżda d-Direttiva proposta hija intiża sabiex tipprovdi mudell għal azzjoni fil-livell globali u hija l-unika inizjattiva li toffri din il-possibbilità.

3.2

Il-proposta attwali temenda d-Direttiva 2003/87/KE dwar l-iskambji ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra sabiex tinkludi l-avjazzjoni fl-iskema komunitarja. Analiżi ta' l-impatt li takkompanja l-proposta tikkonkludi li filwaqt li l-iskambju ta' emissjonijiet huwa l-aktar soluzzjoni effiċjenti sabiex jitnaqqas l-impatt klimatiku ta' l-avjazzjoni, l-impatt tal-miżuri kien ikollu effett żgħir fuq ir-rata ta' tkabbir imbassra mit-talba, u għalhekk fuq il-volum ta' l-emissjonijiet (3). Għalhekk irid jiġi mifhum li din il-proposta mhix maħluqa sabiex tirrestrinġi t-tkabbir ta' l-avjazzjoni per se iżda sabiex tassigura li xi wħud mill-impatti tagħha li jagħmlu ħsara lill-ambjent jiġu bbilanċjati mill-azzjonijiet l-aktar f'setturi ekonomiċi oħra.

3.3

L-ETS (4) attwali fl-UE tkopri madwar 12,000 installazzjoni industrijali ta' enerġija intensiva li huma responsabbli għall-50 % ta' l-emissjonijiet totali tas-CO2 fl-UE. Skond il-proposta, il-kumpaniji tal-linji ta' l-ajru ser jirċievu kwoti li jistgħu jiġu skambjati sabiex jarmu ċerti livelli ta' CO2 kull sena b'limitu globali mfisser mil-livell medju annwali ta' l-emissjonijiet iġġenerati mill-industrija ta' l-avjazzjoni fit-tliet snin bejn l-2004 u l-2006. L-operaturi jistgħu jbiegħu l-kwoti żejda jew jixtru kwoti addizzjonali fuq is-suq ta' l-ETS, eż. mill-installazzjonijiet industrijali li naqqsu l-emissjonijiet tagħhom jew minn proġetti ta' enerġija nadifa f'pajjiżi terzi skond il-mekkaniżmi tal-Protokoll ta' Kyoto.

3.4

Id-Direttiva proposta ser tkopri l-emissjonijiet tat-titjiriet fl-UE mill-2011 u tat-titjiriet kollha minn u lejn l-ajruporti fl-UE mill-2012. Ser jiġu koperti operaturi ta' l-inġenji ta' l-ajru kemm Ewropej kif ukoll barranin. Huwa stmat li sa l-2020, il-proposta tista' żżid bejn EUR 1.8 u EUR 9 mal-prezz ta' biljett ta' l-ajru bir-ritorn fl-Ewropa u aktar għal titjiriet fuq distanzi twal, eż bejn EUR 8 u EUR 40 għal biljett bir-ritorn għal New York. L-impatt minimu ħafna ta' bidla bħal din fis-settur ta' l-avjazzjoni, li huwa kkaratterizzat minn prezzijiet elastiċi, huwa r-raġuni li għaliha din l-iskema tidher li għandha effett limitat fuq it-tkabbir.

3.5

Irid jiġi nnotat li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-ETS huwa wieħed mill-passi possibbli li għandhom jittieħdu f'livell internazzjonali sabiex jiġi miġġieled l-impatt dejjem jiżdied ta' l-emissjonijiet tas-settur ta' l-avjazzjoni fuq il-klima. Tissuġġerixxi li jitressqu proposti relatati ma' l-emissjonijiet ta' l-ossidi tan-nitroġenu wara analiżi ta' impatt li saret fl-2008. Barra minn hekk, l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) għandha l-intenzjoni li tippreżenta aktar proposti matul l-assemblea tagħha f'Settembru 2007, għalkemm l-indikazzjonijiet juru li qiegħda tiżdied il-pressjoni sabiex tiddgħajjef l-inizjattiva ta' l-UE.

4.   Kummenti Ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-ETS huwa l-ewwel pass, fil-livell internazzjonali, sabiex it-trasport bl-ajru jħallas xi wħud mill-ispejjeż ambjentali li kien qiegħed jesternalizza sa mill-bidu tiegħu. L-inklużjoni ta' operaturi mhux Ewropej hija wkoll milqugħa. Barra minn hekk, l-iskema proposta ser teħtieġ li inġenji ta' l-ajru li huma anqas effiċjenti f'termini ta' fjuwil jużaw aktar permessi, li b'mod modest jinkoraġġixxi l-effikaċja teknika u ta' tħaddim. Peress li l-kumpaniji ta' l-ajru bi prezzijiet baxxi għandhom fattur ta' piż fuq medja ta' 10 % aktar għoli mill-kumpaniji “storiċi”, il-proposta ser ikollha impatt kemxejn ridott fuq il-kumpaniji bi prezzijiet baxxi, waqt li tinkoraġġixxi l-bejgħ bi skont tal-postijiet battala mill-kumpaniji kollha.

4.2

Il-Kumitat jirrikonoxxi li l-miżuri dwar l-effikaċja tar-rotot tat-titjiriet, fjuwil alternattiv, diżinn imtejjeb u fatturi ogħla ta' piż ser jagħtu xi tip ta' kontribut sabiex jitnaqqas it-tkabbir ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra. Madankollu, il-maġġorparti ta' dawn il-miżuri ilhom jiġu applikati fis-settur ta' l-avjazzjoni sa mill-1990 iżda dan il-perijodu xorta waħda ra żjieda fl-emissjonijiet ta' aktar minn 85 % — figura li qiegħda tkompli togħla minħabba żjidiet sinifikanti fin-numru tal-passiġieri u tal-merkanzija ttrasportati.

4.3

Din id-Direttiva tipproponi li tiġi miġġielda l-kontribuzzjoni dejjem tikber għall-bidla klimatika mis-settur ta' l-avjazzjoni billi tiġi inkluża fl-UE-ETS. L-UE-ETS innifisha tipprovdi l-uniku mekkaniżmu internazzjonali fuq skala wiesa' ta' regolamentazzjoni u ta' kumpens ta' l-emissjonijiet tas-CO2 relatati mas-suq iżda rat problemi importanti inizjali matul il-fażi ta' prova tagħha li tispiċċa fl-2007. Dan qabel kollox kien minħabba l-attribuzzjoni żejda ta' kwoti mill-Istati Membri. Sabiex l-UE-ETS tilħaq l-objettiv tagħha li tkun strument tas-suq għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2, huwa essenzjali li l-Kummissjoni, appoġġjata mill-Istati Membri kollha, tkun determinata li tistabbilixxi u tapplika l-kwoti tas-CO2 kif ukoll li tara li dawn jiġu rispettati.

4.4

Fil-prattika, l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni tista' tkun ta' benefiċċju kbir għall-ETS. L-avjazzjoni hija anqas sensittiva għall-fattur tal-prezzijiet mill-maġġoranza tal-proċessi industrijali u ta' l-industriji li jiġġeneraw l-enerġija attwalment responsabbli għall-maġġoranza ta' l-emissjonijiet tas-CO2. Peress li s-sehem tas-CO2 mill-avjazzjoni sejjer jiżdied (b'mod inevitabbli), kwantità konsiderevoli ta' fondi ġodda ser jidħlu fis-sistema ETS u jippermettu investiment għall-iffrankar addizjonali ta' karbonju f'setturi oħrajn. Filwaqt li l-avjazzjoni nnifisha għandha biss kapaċità limitata sabiex twettaq dan l-iffrankar, tista' taġixxi ta' ġarriera ta' riżorsi li jippermettu lil setturi oħrajn sabiex jagħmlu dan.

4.5

Per eżempju, il-Kummissjoni tistima li d-Direttiva ser tirriżulta fi tnaqqis nett ta' 183 miljun tunnellata metrika ta' CO2 sa l-2020 meta mqabbel max-xenarju bbażat fuq l-istatus quo. Il-proġettazzjonijiet dwar il-prezz tal-karbonju matul dak il-perijodu huma impreċiżi u jiddependu minn kondizzjonijiet riġidi ta' attribuzzjonijiet iżda jekk l-industrija ta' l-avjazzjoni tixtri 100 miljun tunnellata matul dak il-perijodu bi prezz medju ta' EUR 30, fil-prinċipju EUR 3 biljun ikunu qegħdin jintefqu għat-tnaqqis tas-CO2.

4.6

Fl-2007, il-KESE nieda programm estensiv bil-għan li fis-soċjetà ċivili jitħeġġu l-azzjoni u l-aħjar prattika fir-rigward tal-bidla klimatika, li parti integrali minnha tikkonsisti fil-limitazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ta' l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra. Waqt li l-Kumitat jirrikonoxxi li din il-proposta hija, minn lat pragmatiku, l-aħjar approċċ għall-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fi strateġija għat-tnaqqis tal-karbonju, għandu jindika madankollu li d-Direttiva proposta mhi ser tagħmel kważi xejn sabiex tillimita l-emissjonijiet dejjem jikbru ta' gassijiet b'effett ta' serra prodotti mis-settur tat-trasport bl-ajru. Dan joħloq problema kbira ta' “preżentazzjoni”. L-industrija ta' l-avjazzjoni diġà hija s-sors ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra li għandu l-aktar tkabbir rapidu fl-Ewropa u din id-Direttiva tagħti prova ta' konċessjoni lejn din l-industrija fl-insistenza tagħha dwar it-tkabbir mingħajr ma jiġi impost limitu ta' emissjonijiet. Il-pubbliku ser ikollu bżonn jifhem li d-Direttiva tista' tistimola riżorsi sinifikanti, li ser jiġu applikati għal tnaqqis kompensatorju ta' l-emissjonijiet tas-CO2.

5.   Kummenti Speċifiċi

5.1

Id-Direttiva proposta tuża terminoloġija mhux eżatta meta tafferma li l-għan tagħha huwa li tnaqqas l-emissjonijiet tas-settur b'mod sinifikanti. Peress li l-linji ta' l-ajru jistgħu jixtru kwoti b'rata tas-“suq” sabiex ikopru emissjonijiet ogħla mil-limitu attribwit lilhom, l-effett tat-test dwar it-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra mis-settur ta' l-avjazzjoni ser ikun minimu, stmat għal tnaqqis nett possibbli ta' 3 % sa l-2020, jew inqas minn sena ta' tkabbir fl-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra mill-avjazzjoni. Il-figuri tal-Kummissjoni stess juru li ż-żjieda marġinali fl-ispiża tal-prezzijiet tal-biljetti ftit ser ikollha effett fuq it-talba għat-trasport bl-ajru.

5.2

Bid-distribuzzjoni b'xejn lill-kumpaniji ta' l-ajru tal-maġġoranza tal-kwoti inizjali u l-awtorizzazzjoni tagħhom sabiex iwettqu xiri addizzjonali fl-ETS ġenerali (li hija sistema miftuħa mhux magħluqa, per eżempju għat-trasport bl-ajru, jew possibbilment għat-trasport in ġenerali), il-Kummissjoni taċċetta l-istatus quo u ma tagħmel kważi xejn sabiex tolqot it-tkabbir kontinwu u rapidu tas-settur ta' l-avjazzjoni li jarmi gass b'effett ta' serra. Madankollu, il-qalba tal-problema hija li t-tali tnaqqis huwa attwalment inaċċettabbli fuq il-pjan politiku u ekonomiku. Sabiex isir xi progress, il-Kummissjoni kkalkulat li apparti l-istimoli ta' effikaċja interna għas-settur, l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni fl-ETS ser tipproduċi wkoll, b'kumpens għaż-żjieda ta' l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni permezz ta' tnaqqis f'setturi oħra, stimulu reali fis-suq permezz tar-riżorsi neċessarji, għat-twettiq ta' riċerka addizzjonali u applikazzjonijiet ġodda li għandhom l-għan li jnaqqsu s-CO2 minn band'oħra.

5.3

Il-Kummissjoni tinnota li f'sistema “magħluqa” ta' skambju ta' kwoti — fi kliem ieħor fis-settur ta' l-avjazzjoni biss — il-prezz tagħhom ser ikun bejn EUR 114 u EUR 325 meta mqabbel mat-EUR 30 stmat għal kull tunnellata. Sistema magħluqa bħal din wisq probabbli ser iżżid il-prezzijiet tal-biljett bi EUR 8 — EUR 30 għal titjiriet fuq distanza qasira. Filwaqt li dan ser jitqies metodu aktar realistiku sabiex jintlaqtu kemm it-talba kif ukoll l-użu effikaċi tal-fjuwil u l-appoġġ ta' riċerka dwar it-tnaqqis massimu ta' l-emissjonijiet, huwa improbabbli li dan il-metodu ser ikun appoġġjat fil-livell ta' l-UE fejn huwa evidenti li hemm prijoritajiet differenti fir-rigward tat-trasport. Huwa aktar improbabbli li sistema magħluqa jew limitata għat-“trasport biss” twassal għal ftehim globali.

5.4

Fid-Direttiva proposta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet iżda ddeċidiet li ma tikkunsidrax l-analiżi riċerkata tajba li l-emissjonijiet mill-inġenji ta' l-ajru huma bejn darbtejn u erba' darbiet aktar ta' ħsara għall-klima minn dawk minn industriji oħra (5). (Dan huwa l-aktar minħabba li l-maġġoranza ta' l-emissjonijiet iseħħu fil-livell superjuri ta' l-atmosfera u minħabba l-effetti ta' emissjonijiet li m'humiex ġejjin mis-CO2 bħat-traċċi tal-kondensazzjoni u l-ossidi tan-nitroġenu) Għandha tittieħed azzjoni komplementari għat-tnaqqis jew kumpens ta' l-emissjonijiet ta' l-ossidi tan-nitroġenu.

5.5

Il-linji ta' l-ajru diġà jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-fjuwil ta' l-avjazzjoni u d-distribuzzjoni b'xejn tal-kwoti inizjali tal-karbonju ser iżżid aktar il-vantaġġi ssussidjati mill-Istat li jgawdu meta mqabbla ma' setturi oħra tat-trasport. Hemm ir-riskju li l-operaturi jużaw l-introduzzjoni ta' l-iskema ETS sabiex ikun hemm żjieda ġenerali fil-prezzijiet. Preżentazzjoni ċara mill-Kummissjoni lill-pubbliku ta' l-impatt finanzjarju reali ta' l-iskema fuq l-ispejjeż għall-industrija tista' tnaqqas ir-riskji ta' profitti inġustifikabbli.

5.6

Għandu jkun hemm aktar riflessjoni fuq l-“esklużjonijiet” proposti fid-Direttiva. Per eżempju l-eżenzjoni tat-titjiriet mill-Kapijiet ta' l-Istat, mill-Kapijiet tal-Gvern jew mill-Ministri hija partikolarment inadegwata — dan il-grupp għandu jagħti eżempju tajjeb. Minkejja l-fatt li jeżistu raġunijiet amministrattivi favur din l-eżenzjoni (l-iktar titjiriet operati minn dipartimenti militari), l-Istati Membri għandhom jiġu mitluba li jinnewtralizzaw volontarjament dawn l-emissjonijiet, kif uħud diġà ddeċidew li jagħmlu.

5.7

Peress li l-Kummissjoni għażlet sistema miftuħa b'bażi ta' kumpens, huwa diffiċilment ġustifikabbli li ma jkunx hemm konformità tad-data ta' referenza tas-sistema fuq dik tar-rabta meħuda attwalment mill-UE għall-ewwel fażi tal-Protokoll ta' Kyoto (tnaqqis ta' 8 % bejn l-2009 u l-2012 mil-livelli ta' l-1990) u impenji fil-futur (per eżempju 30 % sa l-2020 mil-livelli ta' l-1990). L-għażla ta' l-2005 bħala s-sena bażi ta' referenza diġà tippermetti lis-settur “punt ta' tluq”li diġà huwa 100 % ogħla minn dak ta' Kyoto. Bla dubju ta' xejn, peress li l-avjazzjoni huwa l-ewwel settur li ġie introdott fl-UE-ETS, huwa ġust li l-ewwel allokazzjonijiet isiru fuq l-istess prinċipji kif ġew introdotti fir-regoli ta' l-UE-ETS.

5.8

Huwa improbabbli li din id-Direttiva ser tikseb impatt sinifikanti sabiex titnaqqas iż-żjieda fl-emissjonijiet totali ta' l-avjazzjoni. Madankollu, il-fatt li tista' tistabbilizza l-emissjonijiet netti ta' CO2 grazzi għall-ETS u, b'dan, jiġu pprovduti riżorsi għal tnaqqis addizzjonali, jikkontribwixxi ħafna għall-ġustifikazzjoni tan-nefqa u tal-kumplessità amministrattiva ta' implimentazzjoni. Id-Direttiva proposta tmur lil hinn milli toffri alibi ambjentali lis-settur ta' l-avjazzjoni — tista' b'mod pożittiv iżżid il-kuxjenza pubblika, toffri riżorsi ġodda għat-tnaqqis tal-karbonju u tipprovdi miżura ta' internalizzazzjoni ta' dawn l-ispejjeż ambjentali esterni li l-industrija ta' l-avjazzjoni rnexxielha tinjora s'issa.

Brussell, 31 ta' Mejju 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  COM(2005)459 finali 27.9.2005.

(2)  NAT/299 Il-bidla klimatika/L-impatt ta' l-avjazzjoni.

(3)  Sommarju ta' l-Analiżi ta' Impatt para 5.3.1.

(4)  Ara l-Anness I għal deskrizzjoni qasira ta' l-ETS.

(5)  Sommarju għal-Leġislaturi ta' l-IPCC 2007, The science of climate change (Ix-xjenza tal-bidla klimatika).

http://www.ipcc.ch/pub/sarsum1.htm


ANNESS I

għall- Opinjoni tal-Kumitat

L-emendi li ġejjin ġew rifjutati mill-Assemblea iżda kisbu iktar minn kwart tal-voti mitfugħa:

Punt 1.8.2

Emenda kif ġej:

1.8.2

Il-limitu propost ta' emissjonijiet huwa mnaqqas sabiex l-avjazzjoni tkun tista' tagħmel aġġustament aktar stabbilit sabiex ikun komparabbli ma' l-industriji l-oħra li diġà jinsabu fl-UE-ETS.

Votazzjoni

Favur: 18

Kontra: 33

Astensjonijiet: 9

Punt 1.8.3

Emenda kif ġej:

1.8.3

L-attribuzzjoni ħielsa proposta ta' kwoti lill-operaturi għandha tiġi eliminata jew sinjifikament imnaqqsa waqt li teħtieġ li l-kwoti kollha, jew il-maġġoranza, jinbiegħu b'irkant. tiġi stabbilita fil-qafas tar-regoli u tad-dokumenti gwida ta' l-UE-ETS.

Votazzjoni

Favur: 13

Kontra: 24

Astensjonijiet: 6


ANNESS II

Fl-2005, l-Unjoni Ewropea introduċiet suq pan-Ewropew ta' l-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju għall-industriji prinċipali li jarmu gass b'effett ta' serra. Dan huwa dispożittiv prekursur għal sistema simili li ser titħaddem taħt il-Protokoll ta' Kyoto fost il-firmatarji tiegħu mill-2008. L-ETS ta' l-UE hija maħluqa sabiex tipprepara lill-pajjiżi Ewropej għall-Protokoll ta' Kyoto.

L-iskema hija bbażata fuq l-attribuzzjoni tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra, imsejħa l-“kwoti komunitarji”, lil setturi industrijali speċifiċi permezz tal-pjanijiet nazzjonali ta' attribuzzjoni li huma mmonitorjati mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-kwoti jistgħu jiġu skambjati. L-ewwel fażi ta' l-ETS ta' l-UE tkopri l-perijodu 2005-2007, filwaqt li t-tieni fażi tikkoinċidi ma' l-ewwel perijodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kyoto, mill-2008 sa l-2012.

L-ewwel fażi ta' l-ETS ta' l-UE tapplika għal 7,300 kumpanija u għal 12,000 instalazzjoni fis-settur ta' l-industrija tqila fl-UE. Dawn jinkludu: l-intrapriżi li jipproduċu l-enerġija, ir-raffineriji taż-żejt, il-produtturi tal-ħadid u ta' l-azzar, l-industrija tal-polpa u tal-karta kif ukoll il-produtturi tas-siment, ħġieġ, ġir, brikks u ċeramika.

L-ETS timponi miri annwali għall-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) fuq kull pajjiż ta' l-UE, u imbagħad kull pajjiż jalloka l-attribuzzjoni nazzjonali tiegħu fost dawk il-kumpaniji li l-fabbriki u l-impjanti huma r-responsabbli prinċipali ta' l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju — intrapriżi ta' produzzjoni ta' enerġija, manifatturi tal-materjal ta' kostruzzjoni u intrapriżi oħra ta' l-industrija tqila.

Kull kwota komunitarja tagħti lis-sid id-dritt li jarmi tunnellata ta' dijossidu ta' karbonju. Kumpaniji li ma jużawx il-kwoti kollha tagħhom, jiġifieri li jarmu anqas milli huma intitolati li jagħmlu, jistgħu jbiegħuhom. Kumpaniji li jaqbżu l-limitu tagħhom ta' emissjonijiet iridu jibbilanċjaw l-emissjonijiet żejda billi jixtru kwoti komunitarji jew iħallsu penali ta' EUR 40 kull tunnellata.

Sabiex tiġġestixxi n-negozju tal-kwoti u tivverifika l-ishma, l-ETS tirrikjedi li l-Istati Membri kollha ta' l-UE joħolqu reġistru nazzjonali ta' kwoti ta' l-immissjonijiet li jżomm rendikont għall-kumpaniji kollha li huma fl-iskema.

Is-suq jopera permezz ta' brokers u ta' siti ta' transazzjonijiet elettroniċi fejn il-kwoti komunitarji jiġu mibjugħa u mixtrija kuljum. Prinċipalment dak li qiegħed jinbiegħ u jinxtara huma “kuntratti b'termi ta' kwoti komunitarji”, jiġifieri kwoti komunitarji pprovduti għall-futur. Dawn id-dati futuri jikkorrespondu għat-tmiem tas-snin kalendarji tal-kwota kkonċernata.


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi normi speċifiċi għas-settur tal-ħxejjex u l-frott u bdil f'xi regolamenti”

COM(2007) 17 finali — 2007/0012 (CNS)

(2007/C 175/14)

Nhar l-14 ta' Frar 2007, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikoli 36 u 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar il- Proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi normi speċifiċi għas-settur tal-ħxejjex u l-frott u bdil f'xi regolamenti.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it- 8 ta' Mejju. Ir-rapporteur kien is-Sur Campli.

Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tat-30 ta' Mejju 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'unanimità.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jemmen li jekk l-għanijiet tar-riforma jiġu segwiti b'mod globali, jistgħu joħolqu politika koerenti għall-iżvilupp ta' dan is-settur importanti ta' l-ekonomija agrikola, industrijali u alimentari ta' l-Unjoni Ewropea.

1.2

Il-KESE jilqa' l-affermazzjoni tar-rwol ċentrali li jaqdu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fl-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS) tas-settur tal-ħxejjex u l-frott.

1.3

Il-KESE jqis l-aspett finanzjarju bħala parti essenzjali minn politika koerenti li twassal sabiex tiggarantixxi l-kompetittività tas-settur tal-ħxejjex u l-frott Ewropew; għalhekk huwa jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra b'aktar attenzjoni l-konsegwenzi finanzjarji ta' l-innovazzjonijiet li qegħdin jiddaħħlu, għalkemm huma pożittivi u ta' min wieħed jaqbel magħhom.

1.4

Il-KESE, filfatt, jinnota li l-introduzzjoni ta' miżuri ġodda u importanti fil-programmi operattivi jwasslu għal tnaqqis sostanzjali fir-riżorsi disponibbli għall-investiment u x-xogħol.

1.5

Il-KESE jappoġġja l-istrateġija tal-Kummissjoni li għandha l-ħsieb li sa l-2013 tkun wasslet sabiex l-ewwel pilastru kollu jsir omoġeneju u bbilanċjat; għaldaqstant isejjaħ lill-Kummissjoni li twaqqaf, anki fis-settur tal-ħxejjex u l-frott, programm ta' transizzjoni sabiex l-operaturi kollha fis-settur jaġġornaw rwieħhom mas-sistema l-ġdida u fl-istess waqt, il-konsumaturi Ewropej jingħataw garanzija ta' bilanċ adegwat bejn il-kwantità u l-kwalità.

1.6

Il-KESE jilqa' l-politika tal-Kummissjoni li għandha l-ħsieb li tħares l-ambjent b'mod attiv. Għal dan l-iskop jirrakkomanda li jkun hemm miżuri flessibbli li jippremjaw il-prattiċi u l-istrateġiji ta' l-operaturi differenti. Il-KESE jirrakkomanda strateġija aktar deċiża fil-politiki orizzontali ta' sostenn fir-rigward tal-promozzjoni tal-konsum tal-ħxejjex u l-frott fost kategoriji partikolari ta' konsumaturi.

1.7

Il-KESE jirrakkomanda li jinżammu r-regoli tal-kummerċ li jħarsu l-konsumaturi, b'mod partikolari fejn jidħlu s-sikurezza alimentari u l-oriġini tal-prodotti.

2.   Il-ħsibijiet u l-proposti tal-Kummissjoni

2.1

Il-Kummissjoni tiddikkjara dawn l-objettivi:

li jissaħħu l-kompetittività u l-orjentazzjoni lejn is-suq tal-prodotti tal-ħxejjex u l-frott fl-UE, fi kliem ieħor li tikkontribwixxi sabiex il-produzzjoni ssir sostenibbli u kompetittiva kemm fis-suq intern kif ukoll fis-swieq barranin;

li jonqsu l-varjazzjonijiet fil-qliegħ tal-produtturi tal-ħxejjex u frott minħabba l-kriżijiet;

li jiżdied il-konsum tal-ħxejjex u l-frott fl-UE;

li jimxi 'l quddiem l-impenn tas-settur sabiex jippreżerva u jħares l-ambjent;

li jiġi semplifikat u jekk possibbli, jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq il-partijiet kollha kkonċernati.

2.2

Ir-riforma hija mibnija fuq tliet pilastri fundamentali:

in-newtralità ta' l-estimi finanzjarji;

l-adattament ta' l-Organizzazzjonijiet Komuni tas-Suq (OKS) għar-riforma tal-PAK fl-2003 u għar-regolamenti li ġew wara;

it-tisħiħ ta' l-istruttura ta' l-OKS billi jiġu rinfurzati l-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

2.2.1

Il-Kummissjoni tiddikjara li l-objettivi msemmija hawn fuq ġew imfassla b'tali mod li jkunu kompatibbli ma' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, koerenti mar-riforma tal-PAK u konformi mal-perspettivi finanzjari viġenti.

2.2.2

Il-Kummissjoni tinnota li l-produzzjoni tal-ħxejjex u l-frott fl-UE tas-27 tirrappreżenta t-3.1 % tal-baġit komunitarju u 17 % tal-produzzjoni agrikola totali fl-UE.

2.2.3

Il-riżorsi li l-proposta tar-riforma talloka għall-ħxejjex u l-frott frisk jibqgħu fil-livell ta' 4.1 % tal-valur tal-produzzjoni ikkummerċjalizzata mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, mentri l-limiti massimi nazzjonali marbuta mal-prodott ipproċessat jiġu trasferiti fil-Ħlas Uniku għall-Azjendi Agrikoli (Single Farm Payment Scheme) skond il-valuri storiċi għal kull pajjiż u fil-każ ta' l-Istati Membri ġodda, skond kif ġie stabbilit fit-trattati ta' l-adeżjoni.

2.2.4

Fir-reġjuni fejn il-produtturi ma tantx huma organizzati, tista' tiġi awtorizzata għajnuna finanzjarja supplimentari fuq bażi nazzjonali.

2.2.5

Il-finanzjament konġunt tal-programm operativ qiegħed jinżamm fil-livell ta' 50 %, ħlief għal xi każijiet partikolari fejn il-livell jilħaq is-60 % (skemi transnazzjonali, skemi interokkupazzjonali, produzzjoni bijoloġika, produtturi mill-Istati Membri ġodda, amalgamazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, reġjuni li huma fil-periferija estrema, reġjuni li għandhom inqas mill-20 % tal-produzzjoni organizzata).

2.2.6

Ħamsa fil-mija tal-produzzjoni tista' tiġi miżmuma mis-suq u ddestinata lejn opri ta' benefiċjenza, entitajiet karitattivi, istituti penali, skejjel, kampijiet tal-vaganzi għat-tfal, sptarijiet u djar ta' l-anzjani bi spiża ta' 100 % fuq il-Kummissjoni.

2.2.7

L-Hemm dispożizzjoni sabiex l-Artikolu 51 tar-Regolament 1782/2003 ikun abrogat u għalhekk l-uċuħ tal-ħxejjex u l-frott huma eliġibbli għall-Ħlas Uniku għall-Azjendi Agrikoli.

2.2.8

L-istati Membri jistabbilixxu l-ammonti ta' referenza u n-numru ta' ettari eleġibbli għall-iskema ta' Ħlas Uniku fuq il-bażi ta' perjodu rappreżentattiv adattat għas-suq ta' kull ħaxixa u frotta u skond kriterji xierqa oġġettivi u mhux diskriminatorji.

2.2.9

Il-Kummissjoni tipprovdi li almenu 20 % ta' l-ispiża totali ta' kull programm operattiv iridu jmorru f' miżuri ta' natura agrikola-ambjentali.

2.2.10

Il-proposta ma taffettwax ir-regoli eżistenti fil-qasam tal-kummerċ estern; madankollu tipproponi li jiġi abolit il-ħlas lura fuq l-esportazzjonijiet.

2.2.11

Parti mir-regolamentazzjoni tas-settur tal-ħxejjex u frott li tinsab fil-proposta li qiegħda tiġi eżaminata diġà tinstab fil-proposta għal regolament fuq l-“OKS unika” (li bħalissa qiegħda tiġi diskussa mill-Kunsill).

2.2.12

Fil-proposta tar-riforma l-Kummissjoni tipprovdi wkoll li wara ssir reviżjoni tan-normi tal-kummerċjalizzazzjoni, b'mod partikolari fejn jidħlu l-kwalità, il-klassifikazzjoni, il-piż, id-daqs, il-kundizzjoni, l-imballaġġ, il-ħażna, it-trasport, il-preżentazzjoni, l-introduzzjoni fis-suq u t-tikkettar. Il-proposta tal-Kummissjoni tikkonferma r-rwol fundamentali li l-produtturi tal-ħxejjex u l-frott frisk għandhom għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi billi:

tibdel il-lista ta' prodotti li għalihom titsta' titwaqqaf organizzazzjoni tal-produtturi;

lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi tathom ukoll ir-responsabbiltà ta' l-immaniġġjar tal-kriżijiet, sa terz mill-programm operattiv;

tipprovdi li jkun hemm livell ta' bejgħ dirett stabbilit mill-Istat Membru, li hu ta' l-anqas 10 %.

2.2.13

Il-proposta tirrikonoxxi l-organizzazzjonijiet interokkupazzjonali u tipprovdi sabiex ir-regoli li japplikaw għall-membri ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jiġu estiżi għall-produtturi mhux organizzati, bil-kundizzjoni li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jikkontrollaw ta' l-anqas 60 % tal-produzzjoni fiż-żona kkonċernata.

2.2.14

Il-Kummissjoni tippropoponi li l-Istati Membri joħolqu strateġija nazzjonali li tippermetti lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jivvalutaw il-programmi operattivi.

2.2.15

F'kull programm operattiv hemm miżuri obbligatorji favur iż-żgħażagħ taħt it-18-il sena.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jemmen li jekk l-għanijiet tar-riforma jiġu segwiti b'mod globali, jistgħu joħolqu politika koerenti għall-iżvilupp ta' dan is-settur importanti ta' l-ekonomija agrikola, industrijali u alimentari ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stess, fil-fatt fil-“Ġustifikazzjoni għar-Riforma” tenfasizza li “mid-9.7 miljun azjenda agrikola fl-Unjoni Ewropea tal-25, 1.4 miljun jipproduċu ħxejjex u frott. Dan is-settur ikopri 3 % ta' l-uċuħ ikkoltivati u jipproduċi 17 % tal-valur tal-produzzjoni agrikola ta' l-UE. Huwa jrid jiffaċċja l-pressjoni tal-ktajjen tal-bejgħ bl-imnut, li huma kkaratterizzati minn konċentrazzjoni qawwija, u minn kompetizzjoni akbar mill-prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi (…) Is-settur jirċievi madwar 3.1 % tal-baġit tal-PAK.” (1) Min naħa tiegħu, il-KESE jenfasizza li s-settur tal-ħxejjex u l-frott — huwa s-settur agrikolu li jassorbi l-akbar numru ta' ħaddiema proporzjonalment ma' l-art ikkoltivata. Barraminhekk, is-settur tal-ħxejjex u l-frott jiffaċċja kompetizzjoni internazzjonali (negozjati ma' l-Organizzazzjoni Dinija tal-Kummerċ, iż-żona ta' kummerċ ħieles Ewromediterranja fl-2010) li dejjem aktar ser tinfluwenza l-iżviluppi fil-produzzjoni tal-ħxejjex u l-frott fl-Ewropa.

3.2

Barraminhekk il-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri fir-rapport speċjali nru.8/2006 “Suċċess jiżdied? L-effettività tas-sostenn ta' l-Unjoni Ewropea għall-programmi operattivi tal-produtturi tal-frott u tal-ħaxix”, li eżaminat b'mod analitiku l-ħidma ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi ltaqgħet ukoll ma' “avvanz sinifikanti mis-sitwazzjoni inizjali” filwaqt li sejħet sabiex isir monitoraġġ aħjar ħalli jiġi stabbilit kemm hi effettiva l-għajnuna u talbet li ssir “mira aħjar għall-politika” sabiex jissaħħu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

3.3

Il-KESE jinnota' d-differenza li hemm bejn l-objettivi li ġew iddikjarati u r-riżorsi finanzjarji disponibbli — parti essenziali minn politika koerenti — sabiex jitwettqu dawn l-objettivi, dan jikkonferma żbilanċ fil-PAK fir-rigard tal-produzzjoni Mediterranja.

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni ffurmat il-proposti tagħha fil-limiti ta' baġit li ma żdietx. Jinnota wkoll li permezz ta' l-abolizzjoni taż-żamma mis-suq u tal-ħlas lura fuq l-esportazzjonijiet, il-Kummissjoni qiegħda żżid ir-riżorsi li huma potenzjalment disponibbli għall-programmi operattivi fil-futur, riżorsi li però jistgħu jibqgħu ma jintużawx u li ma jistgħux jiġu investiti mill-aktar organizzazzjonijiet tal-produtturi effiċjenti.

3.4

Il-KESE jinnota wkoll, li minn banda l-proposta ddaħħal miżuri ġodda ta' importanza politika u ekonomika kbira fil-programmi operattivi (l-immaniġġjar tal-kriżijiet fis-suq, politika ambjentali, promozzjoni tal-konsum) u mill-banda l-oħra żżid il-livell ta' finanzjament konġunt (sa 60 %) għal xi miżuri li huma meqjusa strateġiċi.

Din il-politika innovattiva, flimkien maż-żamma tal-limitu massimu fuq l-għajnuna finanzjarja mill-Komunità għall-programmi operattivi, li jwassal sa 4.1 % tal-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata minn kull organizzazzjoni tal-produtturi twassal, fil-fatt, għal tnaqqis fir-riżorsi li jistgħu jintefqu f'investimenti.

3.5

Il-KESE jinnota wkoll li l-introduzzjoni tas-separazzjoni totali ta' l-għajnuna għal prodotti pproċessati probabbilment tista' wkoll iġġib magħha tnaqqis fil-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata, u bħala konsegwenza, tnaqqis tar-riżorsi finanzjari aggregati meta mqabbla mas-sitwazzjoni preżenti.

3.6

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-KESE jqis li huwa neċessarju li jsiru ta' l-anqas tliet korrezzjonijiet, filwaqt li jinżamm il-prinċipju ta' newtralità “ġenwina” tal-baġit:

li l-immaniġġjar tal-kriżijiet tas-suq ma' jinżilx fil-bilanċ tal-programmi operattivi ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi;

li jkun hemm deroga fuq il-limitu ta' 4.1 % meta l-iskema tktun b'finanzjament konġunt sa 60 %, sabiex tippermetti li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li huma diġà stabbiliti jkomplu bl-impenn tagħhom li jibbilanċjaw il-qawwa kummerċjali tal-bejjiegħa bl-imnut il-kbar; (2)

li jiġu inklużi miżuri konġunti bejn żewġ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew aktar, b'finanzjament konġunt mill-Komunità ta' 60 %, u b'hekk tkun promossa l-kollaborazzjoni bejn organizzazzjonijiet tal-produtturi u r-raggruppament tal-prodotti.

3.7

Fuq kollox l-KESE jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li tafda l-immaniġġjar tal-kriżijiet lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u jsejjaħ lill-Kummissjoni li toħroġ kriterji trasparenti għall-immaniġġjar tal-kriżijiet u li tagħmel mezz sabiex l-istrumenti pprovduti għal dan il-għan ikunu jistgħu jiġu wżati mill-produtturi kollha, b'mod li kwalunkwe intervent f'sitwazzjoni ta' kriżi jkun effettiv u jippermetti li s-suq jerġa' jqum fuq saqajh.

3.8

Il-KESE huwa konxju li l-Kummissjoni kemm-il darba ddikjarat li l-istrateġija fit-tul tagħha hija li ddaħħal l-OKS kollha fl-Iskema ta' Ħlas Unika għall-Azjendi Agrikoli sa l-2013. Meta wieħed iqis il-każ partikolari ta' kull Stat Membru u tal-prodotti varji, il-KESE jemmen li huwa possibbli, anki bi qbil mar-riformi li s'issa ġew approvati, li jiġi kkunsidrat perjodu xieraq ta' transizzjoni. Il-KESE filfatt huwa konxju ħafna tal-konsegwenzi ta' approċċ li huwa mgħaġġel iżżejjed, li jfixkel b'mod serju l-qasam tax-xogħol u l-industrija ta' l-ipproċessar, li trid tiffaċċja strateġija kkumplikata ta' ristrutturazzjoni — li tista' tinkludi l-għeluq ta' xi fabbriki — u li għaliha l-proposta ta' riforma ma toffri l-ebda miżura speċifika ta' sostenn.

3.9

Il-KESE, barraminhekk jinnota li l-Kummissjoni, sabiex tkun kompatibbli ma' l-Organizzazzjoni Dinija tal-Kummerċ tqis li huwa neċessarju li l-Artikolu 51 tar-Regolament 1782/2003 jinbidel. Dan ser iġib miegħu kompetizzjoni akbar fi ħdan is-settur bejn produtturi tal-ħxejjex u l-frott antiki u produtturi potenzjali ġodda. Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet artifiċjali fid-dħul tas-settur, il-KESE jikkunsidra li huwa indispensabbli li — għal perjodu ta' transizzjoni — l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu l-Artikolu 51 b'mod selettiv għal xi prodotti ta' natura sensittiva, jew li jinħolqu drittijiet ġodda għal dawk il-produtturi tal-ħxejjex u l-frott li fil-passat qatt ma kisbuhom mill-produzzjonijiet tagħhom.

3.10

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni, fil-qasam tal-kummerċ ma' pajjiżi terzi, tipproponi li għal dan is-settur, jitneħħa l-ħlas lura marbut ma' l-esportazzjoni u jinnota li din il-pożizzjoni hija parti minn politika ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea li mhijiex kompletament omoġeneja u koerenti bejn is-setturi varji ta' l-agrikoltura. Barraminhekk jitlob lill-Kummissjoni, li tevita kwalunkwe konċessjoni kummerċjali li tmur kontra l-prinċipju tal-preferenza komunitarja u jirrikkomanda li tiggarantixxi tmexxija rigoruża tat-tariffi u li żżomm il-klawsola ta' salvagwardja speċjali: dan ukoll fid-dawl tal-fatt li l-UE hija l-akbar importatur fid-dinja tal-ħxejjex u l-frott, u li 'l fuq minn 70 % ta' l-importazzjoni ġejja minn pajjiżi li jgawdu minn ftehim kummerċjali preferenzjali u li fis-settur hemm prodotti hekk imsejħa sensittivi.

3.11

Filwaqt li jaqbel ma' l-għan li nersqu lejn simplifikazzjoni, il-KESE iqis li ż-żamma ta' normi ta' kummerċjalizzazzjoni hija fundamentali kemm minħabba l-garanzija li joffru lill-konsumatur, fis-sikurezza u fl-oriġini tal-prodott, kif ukoll minħabba r-rwol importanti li jaqdu fir-regolamentazzjoni tas-suq. Għal dan il-għan, il-KESE jenfasizza l-importanza li l-UE jirnexxielha tintroduċi r-rintraċċar ta' l-oriġini bħala miżura bażika għall-immaniġġjar tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-pjanti fin-normi li jirregolaw l-kummerċ internazzjonali.

3.12

Il-KESE jinnota wkoll, il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tippromwovi, fil-livell internazzjonali, l-introduzzjoni u r-rikonoxximent ta' standards ambjentali u soċjali speċjalment fejn jidħlu l-ħaddiema impjegati fil-proċessi ta' produzzjoni.

3.13

Il-KESE jilqa' l-politika tal-Kummissjoni li għandha l-ħsieb li tħares l-ambjent b'mod attiv. Għal dan il-għan, il-KESE jqis li huwa aktar effettiv li tiġi applikata metodoloġija ta' finanzjament konġunt inkrimentali, li tibda minn bażi minima obbligatorja u li tippremja l-programmi operattivi orjentati lejn dawn l-għanijiet, milli li toħloq limiti u parametri b'perċentwali fissi.

3.14

Fejn tidħol il-promozzjoni tal-konsum tal-ħxejjex u l-frott fost kategoriji partikolari ta' konsumaturi, il-KESE jaqbel ma' l-importanza li l-Kummissjoni tagħti lil dan il-għan, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni li toħloq strateġija ta' promozzjoni speċifika fil-qasam tal-politika ta' promozzjoni orizzontali, imma jiddubita kemm l-obbligu li l-programmi operattivi jinkludu miżuri ta' promozzjoni, li dejjem ser ikunu limitati, ikun effettiv

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Kumitat jindika li l-proposta tal-Kummissjoni ma ssolvix il-problema li qed jiffaċċjaw il-produtturi ta' frott aħmar għall-ipproċessar. Il-KESE jemmen li jkun utli li tinħoloq sistema ta' għajnuna diretta għall-produtturi ta' frott aħmar għall-ipproċessar, bħalma hu l-każ ta' frott u ħxejjex oħra mkabbra għall-ipproċessar (per eżempju l-frott niexef).

4.2

Il-KESE jilqa' l-introduzzjoni tal-ħxejjex aromatiċi fost il-prodotti li għalihom tista' titwaqqaf organizzazzjoni tal-produtturi, u jappella sabiex il-Kummissjoni tiżgura li l-lista finali fil-proposta tagħha tirrifletti l-bżonnijiet tat-territorji kollha fl-UE.

4.3

Wara esperjenzi simili fid-distribuzzjoni għall-benefiċjenza, il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-bżonn ta' miżuri ta' implimentazzjoni effiċjenti u effettivi.

4.4

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra wkoll il-użi mhux alimentari fil-miżuri dwar id-distribuzzjoni bla ħlas.

4.5

Il-KESE isejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra d-diffikultà partikolari tal-produtturi ta' l-Istati Membr ġodda sabiex jiffinanzjaw b'mod konġunt l-immaniġġjar tal-kriżijiet.

4.6

Il-KESE jqis li l-impożizzjoni ta' livell minimu ta' bejgħ dirett mill-produtturi tmur kontra l-għanijiet tar-riforma u jissuġġerixxi li jinżamm ir-regolament preċedenti.

4.7

Il-KESE mhux kuntrarju li l-Istati Membri jfasslu strateġija nazzjonali fejn jidħlu l-programmi operattivi, sabiex jiġu utilizzati u tingħata l-importanza xierqa lill-istrutturi pubbliċi li diġà jeżistu; madankollu jqis li dawn l-istrateġiji nazzjonali jridu jkunu fuq bażi volontarja min-naħa ta' l-Istati Membri ikkonċernati u m'għandhomx iwasslu għal tibdil fil-listi ta' azzjonijiet pożittivi nazzjonali.

4.8

Il-KESE, barraminhekk jinnota li, f'xi każijiet, jista' jinħoloq kuntrast bejn il-politika komunitarja intiża li tinċentiva r-raggruppament tal-prodotti, anki permezz ta' l-amalgamazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, u l-azzjoni ta' l-awtorità komunitarja jew nazzjonali għall-ħarsien tal-kompetizzjoni. Jitlob għalhekk li meta jiġu implimentati r-regolamenti dwar il-kompetizzjoni, tiġi meqjusa d-dimensjoni Ewropea tas-suq tal-ħxejjex u l-frott.

4.9

Il-Kumitat jipproponi lill-Kummissjoni li twaqqaf osservatorju komunitarju tal-prezzijiet u tal-prattiċi kummerċjali li, fl-opinjoni tiegħu, jista' jżid it-trasparenza tas-suq għall-benefiċċju tal-partijiet interessati kollha.

4.10

Peress li r-riforma proposta twaqqaf organizzazzjoni komuni tas-suq li hija awtonoma għas-settur, il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex ma ddaħħalx normi speċifiċi oħra fil-qasam tal-ħxejjex u l-frott fir-regolament dwar OKS unika.

Brussel, it-30 ta' Mejju 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2007) 75 — Lejn riforma ta' l-organizzazzjonijiet komuni tas-suq tal-ħxejjex u l-frott frisk u pproċessat; Sintesi ta' l-istima ta' l-impatt.

(2)  ĠU Ċ 255, 14.10.2005, p. 44, Opinjoni tal-KESE 381/2005 — Il-bejjiegħa bl-imnut il-kbar: tendenzi u konsegwenzi fuq il-bdiewa u l-konsumaturi.


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda Id-Direttiva 2006/66/EC dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi (batteriji u akkumulaturi ta' l-iskart), fir-rigward tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni”

COM(2007) 93 finali — 2007/0036 (COD)

(2007/C 175/15)

Nhar id-19 ta' April 2007, il-Kummissjoni Ewropea iddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 175 paragrafu 1 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/66/EC dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi, fir-rigward tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni.

Peress li l-Kumitat diġà esprima l-opinjoni tiegħu dwar il-kontenut tal-proposta msemmija fl-opinjoni tiegħu, adottata nhar it-28 ta' April 2004 (1), iddeċieda, matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tat-30 ta' Mejju), li ma joħroġx opinjoni ġdida dwar is-suġġett, iżda li jirreferi għall-pożizzjoni li kien ħa fid-dokument imsemmi hawn fuq b'159 vot favur, u 11-il astensjoni.

 

Brussel, it-30 ta’ Mejju 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  2003/0282 COD, ĠU C 117 tat-30.4.2004.


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-isfidi u l-opportunitajiet għall-UE fil-kuntest tal-globalizzazzjoni”

(2007/C 175/16)

Nhar is-26 ta' Settembru 2006, b'rabta ma' l-attivitajiet tal-Presidenza Ġermaniża li jmiss ta' l-Unjoni Ewropea, l-E.T. Michael Glos, il-Ministru Federali Ġermaniż għall-Ekonomija u t-Teknoloġija, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, permezz ta' ittra, opinjoni dwar L-isfidi u l-opportunitajiet għall-UE fil-kuntest tal-globalizzazzjoni.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, li kienet inkarigata sabiex tħejji x-xogħol tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta' Mejju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Henri Malosse u l-ko-rapporteur kien is-Sur Staffan Nilsson.

Fl-436 sessjoni plenarja tiegħu, li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tal 31 ta' Mejju 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni unanimament.

1.   Sommarju

Għal strateġija komuni fil-konfront tal-globalizzazzjoni

L-Unjoni Ewropea tista' titqies bħala laboratorju għad-dinja globalizzata. L-arkittetura tagħha hija msejsa fuq prinċipji demokratiċi, m'għandħa l-ebda xewqa li tikseb l-eġemonija u turi rispett lejn id-diversità ta' l-opinjonijiet u l-kulturi u bir-responsabilità tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u tal-ftuħ. Anke jekk l-ordni dinjija ġdida ma tistax tissawwar fix-xbiha tagħha, l-UE għandha żżomm il-valuri tagħha u filwaqt li tfittex li tiġi fis-seħħ gvernanza dinjija li tispira ruħha mill-prinċipji li nkisbu mill-kostruzzjoni ta' l-Ewropa. L-UE hija kredibbli meta tikkomunika il-valuri tagħha u tippreżenta l-mudell tagħha ta' integrazzjoni mingħajr arroganza jew xewqa għall-eġemonija. Jekk l-Unjoni m'hijiex ser ikollha la viżjoni u lanqas strateġija komuni fil-konfront ta' l-isfidi u l-opportunitajiet tal-globalizzazzjoni, iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jħossuhom abbandunati u jibdew jistqasu lilhom infushom dwar l-utilità ta' l-Ewropa.

1.1   “Stat ta' dritt planetarju”

L-ewwel tweġiba ta' l-Unjoni Ewropea għandha tkun li tikkontribwixxi b'iktar saħħa għall-elaborazzjoni ta' “Stat iggvernat minn stat ta' dritt” li jqis, mingħajr wisq ottmiżmu, ir-realtà; madankollu l-UE għandha tuża l-mezzi kollha disponibbli fil-globalizzazzjoni umanista bbażata fuq il-multilateraliżmu u minflok battalja għall-poter, fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, partikularment id-drittijiet u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, fuq il-ġestjoni responsabbli tal-patrimonju naturali tagħna, fuq iktar trasparenza fis-swieq finanzjarji, fuq livell ogħla tas-saħħa u s-sikurezza ta' l-ikel għall-popolazzjoni kollha, partikularment dawk l-iktar fraġli, id-diversità kulturali u lingwistika, it-taqsim u t-tixrid ta' l-għarfien ma' kulħadd.

1.2   Eżempju li jistgħu jsegwuh oħrajn

It-tieninett l-UE tista' u għandha tiffavorixxi l-integrazzjoni reġjonali. Huwa ċar li, apparti minn eċċezzjonijiet rari, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tad-dinja huma impenjati fi proċessi ta' reċiproka li jvarjaw minn kooperazzjoni sempliċi tematika għall-proċessi awtentiċi ta' integrazzjoni li jixbħu lil dawk ta' l-UE. Ċertament, ser tkun iktar faċli li tiġi regolata l-globalizzazzjoni jekk l-UE tagħmel aktar sabiex tħeġġeġ lill-pajjiżi l-oħra jagħmlu bħalha u jekk aktar gruppi reġjonali koerenti, anke dawn bbażati fuq il-pluraliżmu, ir-rispett għad-diversità u l-prassi tal-kunsens, joħolqu djalogu minflok ma jibqgħu maqbuda fi ġlieda għall-poter. B'żieda ma' dan, l-integrazzjoni reġjonali hija tassew waħda mis-soluzzjonijiet futuri għar-reġjuni l-iktar fraġli tad-dinja fejn ir-restrizzjonijiet tas-swieq jikkostitwixxulhom diżabilità li ma tistax tingħeleb u li llum ma jistgħux isemmgħu leħenhom.

1.3   Ftuħ għal kummerċ bilanċat u responsabbli

Fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali, il-KESE jikkunsidra li l-approċċi bilaterali huma utli biss jekk jikkumplimentaw il-multilateraliżmu tal-WTO. Il-KESE jirrakkomanda li jittieħdu passi fuq il-kwistjonijiet ta' l-aċċess għas-swieq, ir-reċiproċità, il-ġlieda kontra l-ostakli għall-kummerċ u l-prassi illegali. Il-KESE jipproponi li jinfetaħ djalogu dwar l-aspetti l-oħra tal-gvernanza globali li għandhom impatt fuq il-kummerċ (bħall-istandards soċjali u ambjentali). L-UE għandha tikkontribwixxi wkoll lejn strateġija inklusiva fejn il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, speċjalment dawk fl-Afrika, jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-proċess tal-globalizzazzjoni.

Fil-livell ta' l-UE, il-KESE jikkunsidra wkoll li hemm bżonn ta' evalwazzjoni ta' impatt għal kull konċessjoni kummerċjali ġdida, ta' użu aħjar ta' l-istrumenti tad-difiża kummerċjali, qabel kollox sabiex ikunu mħarsa l-interessi tal-produtturi ta' l-UE, u ta' promozzjoni ta' azzjoni komuni fis-swieq esterni. Il-KESE jikkunsidra li l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jintuża bħala għodda strateġika ta' intervenzjoni għall-persuni u r-reġjuni milquta mill-globalizzazzjoni u jiġi assoċjat ma' fondi nazzjonali.

1.4   L-aċċelerazzjoni ta' l-integrazzjoni u l-ħarsien tad-diversità kulturali

Iktar ma l-Ewropa ssir integrata u koerenti, iktar issir konvinċenti u jkollha l-forza tat-tmexxija sabiex titwettaq gvernanza globali multipolari u responsabbli. Il-globalizzazzjoni llum tista' tkun ta' vantaġġ għall-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea, għax tobbligana nħaffu l-pass. Illum l-Ewropa qiegħda tipparteċipa f'tellieqa tal-veloċità. L-innovazzjoni, it-tixrid ta' l-għarfien ma' kullħadd u d-demokratizzazzjoni jistgħu jkunu l-imfietaħ għas-suċċess. Sar żmien biżżejjed sabiex is-suq intern jitwettaq verament, li jitneħħew id-diviżjonijiet fil-mezzi tat-taħriġ u r-riċerka u li jkun hemm it-tnedija ta' politiki komuni ġodda, partikularment fl-enerġija, l-ambjent u r-riċerka.

1.5   Il-ħolqien ta' rwol għas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tal-globalizzazzjoni b'wiċċ uman:

L-Ewropa nnifisha għandha tinvolvi aktar u tħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tagħha u tappoġġja d-djalogu bejn iċ-ċiviltajiet fil-livell globali. Ir-rikors għas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tagħha u l-Istituzzjonijiet tagħha bħall-KESE jirrappreżenta azzjoni li s'issa ma ġiex esplorat biżżejjed. Dan l-approċċ jassumi sinifikanza partikulari fil-kuntest tal-globalizzazzjoni billi, apparti mill-Istati innifishom, huwa ċar li dawn l-atturi li ġejjin huma involuti wkoll fir-relazzjonijiet internazzjonali: il-midja, l-imsieħba soċjali, l-intrapriżi, il-komunità xjentifika u kulturali, l-assoċjazzjonijiet u l-atturi kollha l-oħra tas-soċjetà ċivili.

2.   Nilqgħu l-isfidi ppreżentati mill-globalizzazzjoni billi nadottaw approċċ li huwa wkoll globali

2.1

L-iżvilupp tal-proġett Ewropew kien, sa mill-bidu nett, ibbażat fuq proċess ta' ftuħ. Bit-tneħħija gradwali tal-fruntieri interni tagħha, l-UE kienet kapaċi: tistabbilixxi suq intern kbir; timmodernizza l-ekonomija tagħha; tiżviluppa l-infrastruttura tagħha; u ssir waħda mill-protagonisti ewlenin fil-kummerċ internazzjonali.

2.2

Il-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea jirrappreżenta ferm aktar mill-ħolqien ta' suq intern. L-Unjoni Ewropea stabbiliet regoli komuni, introduċiet l-ordni legali u l-proċess xieraq tal-liġi tagħha stess, stabbiliet Karta tad-Drittijiet Fundamentali u introduċiet politiki komuni. Referenza speċjali trid issir għall-politika ta' koeżjoni ekonomika u soċjali, li tirrappreżenta mezz għat-twettiq tal-prinċipju tas-solidarjetà bejn l-istati u r-reġjuni; din il-politika hija mfassla sabiex tgħin jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-livelli ta' żvilupp li żdiedu wara t-tkabbir riċenti ta' l-UE.

2.3

Illum, l-isfida tal-globalizzazzjoni hija ppreżentata f'kuntest ta' kondizzjonijiet differenti ħafna, ikkaratterizzati, fost affarijiet oħra, minn: forma ta' gvernanza globali li għadha fil-bidu tagħha, tentazzjonijiet biex tiġi segwita aġenda eġemonika; u tensjonijiet dejjem akbar bejn pajjiżi żviluppati u ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw. Dawn il-bilanċi globali jikkostitwixxu ordni tassew ġdida għall-Unjoni Ewropea.

2.4

Il-proġett Ewropew oriġinarjament bl-ebda mod ma kien proġett “ewroċentriku”. L-instigaturi tat-trattati inizjali diġà kienu jimmaġinaw li l-Komunitajiet setgħu jħaddnu l-popli kollha ta' l-Ewropa, ladarba jkunu nħelsu mid-dittatorjati, u setgħu wkoll jipprovdu mudell għal ordni dinjija ġdida bbażata fuq l-istat ta' dritt, it-trasparenza u l-fiduċja.

2.5

B'hekk il-globalizzazzjoni turi b'mod ċar numru ta' similaritajiet bl-effetti pożittivi li diġà esperjenzaw l-Istati Membri ta' l-UE wara l-ftuħ reċiproku tas-swieq tagħhom, bħal per eżempju l-isfruttament tal-vantaġġi komparattivi u l-ekonomiji ta' skala u l-opportunità li jittieħed vantaġġ mid-dinamiċi ġodda ta' l-iżvilupp u mis-swieq ġodda.

2.6

Iżda l-globalizzazzjoni, toħloq bosta sfidi ġodda li jitolbu tweġibiet u aġġustamenti li ta' sikwit huma kumplessi ħafna, u jinvolvu, fost affarijiet oħra, bosta diffikultajiet u kondizzjonijiet asimetriċi fir-rigward ta' l-aċċess għas-suq, it-telf ta' l-aħjar imħuħ u ż-żamma tal-multlingwiżmu u d-diversità kulturali, l-immigrazzjoni, kondizzjonijiet tax-xogħol u ta' produzzjoni estremament differenti, il-livell ta' internazzjonalizzazzjoni tal-kapital u tas-swieq finanzjarji li s'issa għadu mhux magħruf; id-drittijiet soċjali stabbiliti fil-pajjiżi żviluppati saru dejjem aktar f'riskju b'riżultat ta' l-espożizzjoni għall-kompetizzjoni globali; u, fl-aħħarnett, l-isfidi l-kbar f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni ta' l-ambjent, is-saħħa u s-sigurtà.

2.7

Il-globalizzazzjoni ma tipproduċix l-istess effetti kullimkien. Jekk tiffavorixxi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali f'ċerti partijiet tad-dinja, tkissirhom f'partijiet oħra: reġjuni żviluppati soġġetti għall-kompetizzjoni iktar qawwija, pajjiżi vittmi tas-sottożvilupp li jitħallew għal rashom.

2.8

Jekk trid tirbaħ dawn l-isfidi, l-UE trid turi li taf tipproffitta mill-globalizzazzjoni u mhux sempliċement qiegħda titmexxa minnha. L-UE trid tieħu l-opportunitajiet kollha li jiġu iżda trid tidentifika wkoll kif il-globalizzazzjoni qiegħda tolqot lir-reġjuni, s-setturi u l-kategoriji tal-popolazzjoni sabiex tkun tista' ssib, flimkien ma' l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u partijiet oħra tas-soċjetà ċivili li jagħmluha possibbli twettaq b'suċċess l-aġġustamenti meħtieġa.

2.9

L-approċċ segwit b'risposta għall-isfidi tal-globalizzazzjoni ma jistax ikun biss wieħed ekonomiku. Kwistjonijiet politiċi, soċjali, ambjentali u anki kulturali huma kollha involuti mill-qrib. Ir-risposta ta' l-UE għall-isfidi tal-globalizzazzjoni għalhekk trid tkopri wkoll dawn l-oqsma kollha inkella jkun hemm ir-riskju li din tkun nieqsa mis-saħħa meħtieġa tal-konvinzjoni u l-persważjoni.

2.10

L-approċċ ta' integrazzjoni reġjonali li jikkaratterizza l-Unjoni Ewropea jippermettilha titkellem f'isem l-Istati Membri fil-WTO. Jeżistu eżempji oħra ta' integrazzjoni fid-dinja iżda l-ebda minnhom ma laħqu l-livell ekwivalenti ta' l-Ewropa. Bl-eċċezzjoni tal-CARICOM li jgħaqqad il-pajjiżi tal-Karibew, dawn l-entitajiet reġjonali ma jitkellmux b'vuċi waħda fil-WTO. Gvernanza globali strutturata aħjar għandha ħafna x'tikseb minn evoluzzjoni simili.

2.11

Fi ħdan l-UE, il-mod kif inhi perċepita l-globalizzazzjoni jvarja skond id-diversi kategoriji tal-popolazzjoni u l-Istati Membri individwali. Din id-diversità tista' titqies bħala sors ta' arrikkiment iżda, minħabba li l-pass ta' l-iżvilupp u l-kobor ta' l-isfidi tal-globalizzazzjoni qegħdin jiżdiedu, issa hemm bżonn li tiġi adottata strateġija komuni u proposti konkreti.

3.   Għajnuna sabiex jitfasslu regoli globali aktar effettivi bil-għan li tkun promossa l-kisba ta' “globalizzazzjoni b'wiċċ uman”

3.1

Il-valuri li fuqhom hu msejjes il-proġett Ewropew (fosthom id-diversità, il-kolleġġjalità, stati regolati bl-istat tad-dritt, is-sussidjaretà u l-kisba ta' bilanċ bejn aspetti ekonomiċi u soċjali u l-iżvilupp sostenibbli) m'humiex imxerrda biżżejjed fix-xena internazzjonali.

3.2

Il-medda sħiħa ta' fenomeni involuti fil-globalizzazzjoni ma tistax tkun koperta biss bir-relazzjonijiet bejn l-istati. Fost oħrajn, dawn il-fenomeni jinkludu: flussi ta' migrazzjoni, movimenti ta' riżorsi finanzjarji; tniġġis u ħsara fil-klima; u kanali ta' informazzjoni, b'mod partikulari l-Internet. Minbarra l-istati, il-partijiet li ġejjin huma wkoll involuti, b'mod jew ieħor, fil-proċess tal-globalizzazzjoni: l-intrapriżi multinazzjonali, is-swieq finanzjarji, il-mezzi tax-xandir, il-komunità xjentifika, is-soċjetà ċivili organizzata bl-istituzzjonijiet tagħha, l-imsieħba soċjali, l-NGOs u bosta partijiet oħra globalizzati.

3.3

Għalhekk huwa kruċjali li l-UE jibqa' jkollha rwol aktar deċiżiv biex tippromovi l-gvernanza globali, inkluż:

it-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' Doha fil-WTO sabiex jinkiseb ftuħ akbar tal-kummerċ; dan il-proċess, madankollu, għandu jkun appoġġjat b'miżuri li jassiguraw kummerċ aktar bilanċjat u ġust;

l-iżvilupp u t-tnedija effettiva ta' regolamenti oħra dinjija, bħall-konvenzjonijiet ta' l-ILO (li jittrattaw il-liġi tax-xogħol), il-konvenzjonijiet ta' l-UNESCO dwar kwistjonijiet kulturali (diversità), il-Protokoll ta' Kyoto dwar l-ambjent, id-deċiżjonijiet ta' l-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika (IAEA) fuq kwistjonijiet marbuta ma' l-enerġija, il-konvenzjonijiet tal-WIPO dwar il-proprjetà intellettwali, id-dispożizzjonijiet tal-WHO dwar is-saħħa, UNIDO għall-kooperazzjoni industrijali, u regolamenti oħra;

koordinazzjoni bejn id-diversi strumenti ta' gvernanza globali, taħt l-awspiċi tan-NU bil-għan li jiġu stabbiliti linji ta' gwida għall-ħolqien ta' stat li huwa regolat mill-istat ta' dritt b'mekkaniżmi ta' regolamentazzjoni u ġurisdizzjoni bbażati fuq ir-rispett għall-pluraliżmu.

3.4

B'rabta ma' dawn il-miri, jeħtieġ li tittieħed l-azzjoni segwenti, b'mod partikulari fil-kuntest ta' regoli internazzjonali tal-kummerċ:

finalizzar tal-Ftehim tal-WTO dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, bil-għan li jiġu stabbiliti standards fir-rigward ta': regoli u proċeduri tad-dwana, is-semplifikazzjoni u tħaffif tal-proċeduri — b'mod partikulari l-introduzzjoni ta' sistema ta' “Tieqa Unika” (Single Window) — il-promozzjoni ta' regoli effettivi u trasparenti u l-użu ta' għodod ta' l-IT;

tħaffif fl-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-osservanza tal-miżuri dwar is-saħħa pubblika u l-protezzjoni ta' l-uċuħ tar-raba' u tal-ftehim SFS (sanitarji u fitosanitarji) u tal-WTO (li jkopru s-sigurtà tal-prodotti ta' l-ikel, is-saħħa ta' l-annimali u l-preservazzjoni tal-pjanti), kif ukoll il-protezzjoni u l-benesseri ta' l-annimali.

organizzar ta' kampanja iktar effettiva biex jiġu miġġielda l-piraterija tal-prodotti u l-iffalsifikar, li jikkawżaw ammont konsiderevoli u dejjem akbar ta' ħsara għall-produzzjoni ewropea, billi jittieħdu għadd ta' miżuri, b'mod partikulari t-tfassil ta' strateġija ġenwina sabiex jiġu protetti sewwa d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali permezz ta' rikors għall-Ftehim TRIPS;

irbit tal-progress fin-negozjati kummerċjali ma' rispett għall-istandards soċjali, etiċi u ambjentali;

għajnuna biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet ta' l-ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw (b'mod partikulari ċ-Ċina u l-Indja) u l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fl-oqsma msemmija hawn fuq.

3.5   Regolamenti oħra

3.5.1

Anki li kieku kellu jsir progress sinifikanti fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet kummerċjali kollha, tali progress, fih innifsu, ma jkunx suffiċjenti biex jipprovdi l-kondizzjonijiet meħtieġa għal “żvilupp sostenibbli ġenwin”, mira li kienet, madankollu, rikonoxxuta espressament mill-WTO fl-aġenda stabbilita f'Doha. Jekk irridu nagħmlu progress biex nilħqu din il-mira, ser ikunu meħtieġa regolamenti oħra u l-Unjoni Ewropea tista' sservi bħala forza dinamika biex iġġib l-introduzzjoni ta' dawn ir-regolamenti. Dawn ir-regolamenti għandhom x'jaqsmu primarjament mal-kwistjonijiet li ġejjin: l-ambjent, is-sigurtà, id-drittijiet fundamentali, il-kondizzjonijiet tax-xogħol u d-diversità kulturali.

3.5.2

Il-protezzjoni ta' l-ambjent hija ħtieġa fundamentali meta tqis it-theddidiet dejjem akbar li rridu nħabbtu wiċċna magħhom (il-ħtieġa li nipproteġu l-ambjent u l-ispeċi ħajjin u li niġġieldu l-“effett tas-serra” u t-tniġġis, eċċ.). Din l-isfida li, b'definizzjoni, ma tafx fruntieri, hija marbuta intrinsikament mal-kunċett stess tal-globalizzazzjoni. Jeħtieġ li ssir parti integrali min-negozjati kummerċjali u titqies bħala tema inter-dixxiplinarja fid-diversi negozjati. L-Unjoni Ewropea għandha tagħti l-ogħla prijorità lil din il-ħtieġa billi:

Tieħu l-inizjattiva biex jiġu mġedda l-Ftehim ta' Kyoto dwar it-tnaqqis tal-gassijiet serra, bil-għan li jkunu involuti l-pajjiżi kollha tad-dinja f'dawn il-ftehim sabiex jiġi limitat ir-riskaldament globali (rapport imħejji mil-livell internazzjonali — l-Awla Intergovernattiva dwar il-Bidla Klimatika (IPCC) approva l-għan ippreżentat mill-UE).

Tiżviluppa — ukoll b'mod konġunt — l-isforzi tar-riċerka u l-impetu sabiex jiġu akkwiżiti teknoloġiji ambjentali li, kontra l-isfond ta' ħtiġijiet globali ġodda, jagħmlu disponibbli ħiliet innovattivi fl-oqsma tal-proċessi, prodotti u servizzi, li jinvolvu varjetà kbira ta' oqsma differenti (eż. l-agrikoltura u l-komunitajiet rurali, l-ilma u l-enerġija, l-industrija u r-riċiklaġġ, l-akkomodazzjoni u l-ippjanar ta' l-ispazju, eċċ.).

3.5.3

Il-ħtiġijiet tas-sigurtà wkoll kisbu importanza akbar u wiesgħa. Wieħed għalhekk jista' jsemmi, per eżempju: il-ħarsien tas-saħħa kontra, fost l-oħrajn, il-pandemiji; il-miżuri sabiex tkun miġġielda l-kriminalità; il-protezzjoni ta' skambji ta' informazzjoni dwar l-IT; u s-sikurezza tal-prodotti, speċjalment il-kwalità ta' l-ikel. Il-globalizzazzjoni ma għandha, taħt l-ebda ċirkustanza, tiġi assimilata ma' insikurezza addizzjonali. Għalhekk jeħtieġ li jitfasslu regoli effettivi sabiex tkun assigurata sigurtà akbar fir-rigward ta' l-iżvilupp tal-kummerċ, il-ħidmiet fundamentali li l-istati jridu jwettqu u rigward il-kondizzjonijiet tal-ħajja. Il-progress f'dawn l-oqsma jrid jimxi id f'id mal-progress fi prassi li għandhom x'jaqsmu mal-gvernanza u miżuri sabiex jiġu miġġielda l-korruzzjoni u theddidiet ta' kull tip.

3.5.4

Id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni u, b'mod partikulari, l-istandards tal-liġijiet tax-xogħol ibbażati fuq Konvenzjonijiet ta' l-ILO (1) għandhom jiġu implimentati b'mod effettiv madwar id-dinja kollha. Billi tinvoka l-kunċetti ta' “x-xogħol deċenti” u anki tal-“kummerċ ġust u xieraq”, l-UE, f'ħidma bi sħab ma' l-ILO, tista' tistabbilixxi korp ta' valuri fundamentali u eżempji ta' prassi tajba. Trid tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' applikazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet ta' l-ILO, li tista' twassal għal ġurisdizzjoni. Il-kwistjoni ta' l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet f'każ ta' vjolazzjoni ta' l-istandards ta' l-ILO jeħtieġ li titqajjem fiż-żminijiet preżenti billi, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-WTO, ma teżisti l-ebda ġurisdizzjoni f'dan il-qasam.

3.5.5

Ħafna inizjattivi soċjali inkoraġġanti tnedew f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw minn atturi non-governattivi, intrapriżi u l-imsieħba soċjali. F'dan il-kuntest tista' ssir referenza għall-politiki żviluppati f'ħafna intrapriżi Ewropej fuq il-bażi tal-linji ta' gwida miftehma fil-qafas ta' l-istandards tax-xogħol ta' l-OECD u l-ILO. Referenza speċjali għandha ssir ukoll għall-inizjattivi mwettqa minn atturi non-governattivi f'dawn l-oqsma li ġejjin: l-impjieg, it-taħriġ, u s-saħħa u l-kondizzjonijiet tal-ħajja u x-xogħol inkluż l-inizjattivi mneda fil-qafas ta' djalogu soċjali reġjonali li jmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. L-appoġġ provdut mill-UE għal inizjattivi ta' dan it-tip għandu jiżdied, jibda bl-inizjattivi fl-istati AKP. Għajnuna provduta mill-UE għandha ssir iktar dipendenti fuq it-twaqqif ta' programmi bħal dawn li jinvolvu l-parteċipazzjoni attiva mill-atturi tas-soċjetà ċivili, inkluż u b'mod partikulari, programmi fil-livell reġjonali.

3.5.6

Fil-konfront ta' l-internazzjonalizzazzjoni li qiegħda tikber tas-swieq finanzjarji, l-Istati Membri ta' l-UE iridu jkunu jistgħu jitkellmu b'vuċi waħda bil-għan li l-IMF (Fond Internazzjonali Monetarju) isir strument ġenwin ta' stabilità. L-istati fiż-żona ta' l-ewro għandhom jiddeċiedu li jgħaqqdu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-IMF peress li dan jista' jagħti iktar kredibilità lill-UE. Fl-istess ħin u bħala segwitu ta' l-eżempju tal-Konvenzjonijiet OECD, l-UE għandha tippromovi l-gvernanza globali fir-rigward tal-miżuri kontra l-ħasil tal-flus u l-frodi.

3.5.7

Sabiex tiġi stabbilita sistema ta' gvernanza globali, fl-interess tal-poplu, il-kwistjonijiet ta' l-edukazzjoni u t-tixrid ta' l-għarfien huma suġġetti ta' importanza fundamentali. Hemm bżonn li jiġu żviluppati proġetti ta' l-UNESCO u li jiġu appoġġjati netwerks għat-tixrid ta' l-esperjenza u l-għarfien fost l-ikbar numru ta' benefiċjarji possibbli filwaqt li jkun rispettat il-pluraliżmu u filwaqt li jaġġixxu fil-qafas ta' djalogu interkulturali. L-approċċ ta' l-UE li jġib fis-seħħ gvernanza globali aħjar għalhekk għandu jqis il-kwistjonijiet tad-diversità kulturali u l-multilingwiżmu, li filwaqt li huma aspetti ewlenin għall-UE, huma madankollu mhedda.

3.5.8

Fir-rigward tal-kwistjoni tad-drittijiet fundamentali, L-UE għandha tieħu azzjoni miftehma sabiex id-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet Funadmentali tal-Bniedem isiru iktar effettivi u jiġi estiż ir-rwol tat-Tribunal Internazzjonali Kriminali, filwaqt li turi r-rispett li jistħoqqilha d-diversità kulturali.

3.6   L-oriġinalità tal-kontribuzzjoni ta' l-UE

3.6.1

Bil-għan li tissaħħaħ il-gvernanza globali, l-UE tista' tagħmel użu wkoll mill-esperjenza tagħha fl-oqsma li ġejjin li jistgħu jservu bħala mezz sabiex tinkiseb l-akbar aċċettazzjoni possibbli tal-governanza globali:

is-sussidjaretà, il-prinċipju li jagħmilha possibbli li r-responsabilità tiġi assenjata fil-livell xieraq, li jagħti lill-Istati Membri, reġjuni u anki partijiet tas-soċjetà ċivili spazju veru biex jimmanuvraw;

il-prassi li tmexxi Unjoni kumplessa, li tinvolvi l-applikazzjoni ta' proċeduri b'tempijiet divrenzjati u sejħiet għar-rispett tad-diversità kulturali;

il-konsultazzjoni ta' partijiet ekonomiċi u soċjali rigward il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-parteċipazzjoni tagħhom f'dan il-proċess.

3.6.2

Kif diġà qiegħda tagħmel fit-trattamenti mal-pajjiżi AKP, l-Unjoni Ewropea għalhekk għandha tagħti prijorità — kull fejn huwa possibbli — lill-adozzjoni ta' approċċ reġjonali fir-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kummerċjali ma' l-imsieħba tagħha. L-iżvilupp ta' kuntatti reċiproċi bejn l-UE u bliet oħra reġjonali, jirrifletti l-ispirtu ta' emulazzjoni, u l-ftuħ reċiproku ma' oħrajn, ikun ta' benefiċju tal-poartijiet kollha ikkonċernati, filwaqt li fl-istess ħin jappoġġja u jsaħħaħ, b'mod ċertament deċisiv, il-qafas multilaterali tal-WTO.

4.   L-iżvilupp ta' strateġija komuni fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali

4.1   Multilateraliżmu jew bilateraliżmu?

Linja ta' approċċ hija deskritta fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta' l-4 ta' Ottubru 2006 bit-titlu Ewropa kompetittiva f'ekonomija globalizzata.

4.1.1

Id-diffikultajiet li sabet il-WTO biex tagħmel progress bl-Aġenda ta' Doha u l-limiti stess ta' din l-Aġenda għandhom jinkoraġġixxu lill-UE biex twettaq inizjattivi ġodda. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda li tiġi adottata strateġija kummerċjali ġdida, ibbażata kemm fuq approċċi bilaterali kif ukoll multilaterali.

4.1.2.

L-approċċ multilaterali sabiex jiġu indirizzati l-problemi marbuta mal-globalizzazzjoni huwa l-aktar approċċ mixtieq billi joffri l-aħjar garanziji sabiex jinkisbu riżultati bilanċjati sewwa u sostenibbli. Il-KESE għalhekk jingħaqad mal-Kummissjoni sabiex jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-merti intrinsiċi tal-multilateraliżmu u l-WTO. Il-mira għadha li jiġi konkluż b'suċċess ix-xogħol fuq l-Aġenda ta' Doha bħala parti mill-qafas globali, bl-impenn ta' l-istati kollha parteċipanti sabiex josservaw regoli komuni.

4.1.3.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tittieħed azzjoni effettiva ta' sostenn fir-rigward tal-proposti mressqa mill-Kummissjoni. Minkejja d-diffikultajiet kontinwi li qamu fin-negozjati fil-qafas tal-WTO, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-UE issa għandha tesplora b'mod aktar attiv approċċi komplimentari, fosthom approċċi bilaterali. Għażla minnhom hija li jiġu intensifikati d-diskussjonijiet ma' dawk l-ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw li qegħdin jesperjenzaw rata għolja ta' tkabbir (iċ-Ċina, l-Indja, l-ASEAN, il-Mercorsur u l-Istati tal-Golf), filwaqt li, madankollu, jiġu msaħħa r-rabtiet strateġiċi tagħna ma' l-ekonomiji ġirien (ir-Russja, l-Ukraina, il-Moldova u l-Istati tal-Mediterran) u jiġu modernizzati b'suċċess ir-relazzjonijiet tagħna ma' l-istati AKP (Afrika, Karibew, Paċifiku) permezz tal-ftehim ta' sħubija ekonomika reġjonali li qegħdin jiġu nnegozjati bħalissa.

4.1.4.

Il-KESE jenfasizza li organizzazzjoni ġdida, ibbażata fuq approċċi bilaterali, ta' l-istrateġija internazzjonali ta' l-UE ma tistax tieħu post l-approċċ multilaterali li jrid jibqa' l-mira fundamentali billi tali approċċ huwa konformi mal-valuri Ewropej.

4.1.5.

Hemm bżonn li jiġi assigurat mhux biss li l-approċċi li jintgħażlu jkunu kompatibbli ma' l-impenji tal-WTO — ħtieġa li ġustament hija enfasizzata mill-Kummissjoni — iżda li jiġi assigurat ukoll li dawn l-approċċi:

Ma jfixklux l-opportunitajiet biex isir progress fin-negozjati multilaterali;

Pjuttost iservu, finalment, biex jiffaċilitaw dawn in-negozjati b'riżultat tad-diskussjonijiet aktar fil-fond u l-allinjament eqreb tal-pożizzjonijiet li jinkiseb bl-approċċi bilaterali.

4.1.6

Kwalunkwe approċċ bilaterali adottat mill-UE għalhekk għandu jkun limitat sabiex jipprovdi sostenn għall-approċċ multilaterali, bil-mira jew li:

tiġi mħejjija l-bażi għal negozjati multilaterali billi, fost affarijiet oħra, jiġu enfasizzati l-aktar kwistjonijiet importanti għall-UE (il-kwistjonijiet mhux solvuti tad-DOHA, prassi kummerċjali, miżuri sabiex jiġi miġġieled il-falsifikar, kuntratti pubbliċi, eċċ.), jew

li jsir progress, permezz ta' diskussjonijiet bilaterali, dwar l-oqsma l-oħra ta' gvernanza globali: kwistjonijiet politiċi, soċjali u ambjentali, politika kulturali u l-enerġija.

4.1.7

Għad hemm bżonn ta' bosta kjarifikazzjonijiet u aġġustamenti, b'mod partikulari dwar: il-proċeduri ta' l-implimentazzjoni fir-rigward tal-kriterji li għandhom jintużaw u l-politiki li għandhom jiġu segwiti fil-konfront ta' għadd ta' pajjiżi, b'mod partikulari, per eżempju ċ-Ċina, il-Korea, l-Indja u anki r-Russja.

4.2   Titjib tar-relazzjonijiet ma' stati ġirien u relazzjonijiet speċjali

4.2.1

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-pajjiżi ġirien ta' l-UE (b'mod partikulari r-Russja, l-Ukraina, il-Belorussja, il-Moldavja u l-Istati tal-Mediterran) billi jiġu stabbiliti sħubijiet speċjali bħala parti minn strateġija koerenti għall-pajjiżi ġirien u strateġija sabiex jiġu promossi komunitajiet imsejsa fuq interessi komuni.

4.2.2

Fil-qafas tad-djalogu transatlantiku, l-UE u l-USA għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex iġibu l-viżjonijiet rispettivi tagħhom tal-globalizzazzjoni eqreb lejn xulxin u sabiex jipprovdu qafas ta' stabilità għall-kooperazzjoni u l-kummerċ bejn l-UE u l-USA.

4.2.3

L-UE għandha tkompli wkoll tippromovi, permezz tal-kuntatti bilaterali tagħha, l-iżvilupp ta' l-integrazzjoni reġjonali f'kontinenti oħra (eż l-Istati AKF, il-Mercosur, l-ASEAN, eċċ.); tali integrazzjoni tagħmilha possibbli li jitjiebu l-istruttura u l-bilanċ tal-kummerċ globali u li jiġi ffaċilitat il-progress fid-diskussjonijiet fil-WTO. 'L hinn mill-oriġinalità vera ta' din l-avventura, l-esperjenza miksuba bl-integrazzjoni fl-UE għandha tkompli tispira u tipprovdi appoġġ għal eżempji oħra ta' avviċinament reġjonali, li jirrappreżenta element essenzjali ta' kwalunkwe globalizzazzjoni strutturata u sostenibbli. Dan l-approċċ huwa partikularment validu fir-rigward tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, bħal per eżempju l-pajjiżi AKP. In-negozjati tal-ftehim ta' sħubija għandhom ikunu akkompanjati ma' tħeġġiġ għall-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali li huma bla dubju s-soluzzjonijiet ewlenin sabiex jiġi evitat li dawn il-pajjiżi jitħallew għal rashom mill-globalizzazzjoni. L-eżempju pożittiv tal-CARICOM f'dan ir-rigward huwa sinifikanti ħafna u jġib it-tama. F'dan ir-rigward, l-UE għandha tappoġġja l-kapaċitajiet amminstrattivi ta' l-integrazzjoni reġjonali kif ukoll il-gruppi ta' l-atturi tas-soċjetà ċivili.

4.2.4

Nistgħu nippruvaw ukoll nieħdu l-lezzjoni minn eżempji kemm ta' prassi tajbin kif ukoll ħżiena misluta minn pajjiżi oħra jew gruppi reġjonali. L-UE għandha tkompli tippromovi u tagħti trattament favorevoli lil gruppi reġjonali li, minkejja l-fatt li qegħdin jiżviluppaw b'pass differenti u jsegwu miri differenti, xorta qegħdin isegwu triq simili għal dik segwita mill-UE; gruppi reġjonali simili jinkludu l-Mercosur u l-ASEAN.

4.2.5

Ir-rwol u l-ħidma tal-protagonisti tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni ta' approċċ bilaterali simili m'għandhomx jiġu sottovalutati. Il-parteċipazzjoni tal-KESE fid-Djalogu Soċjali Ċivili mniedi mill-Kummissjoni għas-segwitu tan-negozjati fil-qafas tal-WTO bħall-attivitajiet għall-intrapriżi imwettqa mill-KESE permezz tad-diversi strutturi li stabbilixxa jidhru daqstant importanti fl-importanza strateġika tagħhom u għandhom ikunu rikonoxxuti u viżibbli.

4.3   Liberalizzazzjoni aktar responsabbli tal-kummerċ

4.3.1

Jeħtieġ ukoll li l-analiżi ta' impatt tal-vantaġġi, il-limitazzjonijiet u l-konċessjonijiet involuti fi kwalunkwe ftehim, jingħataw konsiderazzjoni xierqa għall-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali, b'mod partikulari minn perspettiva settorjali (inkluż l-impatt fuq l-agrikoltura u industriji li jinvolvu ħafna xogħol). Din l-analiżi, imwettqa fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea għal kull negozjazzjoni ġdida, għandha tinvolvi iktar l-esperti lokali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Jeħtieġ ukoll li tiġi mfissra f'aktar dettall l-istrateġija għall-ġestjoni tar-riskju indirizzata mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha.

4.3.2

Il-KESE esprima l-appoġġ tiegħu għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF — European Globalisation Adjustment Fund). Huwa jħoss li l-EGF għandu jintuża bħala għodda strateġika sabiex jassisti lin-nies u r-reġjuni affettwati mill-globalizzazzjoni. Għalkemm ir-rwol ta' l-EGF huwa wieħed kumplementari għal dak ta' sorsi nazzjonali ta' finanzjament, huwa importanti li r-rwol tiegħu jkun wieħed viżibbli u li jkollu l-massa kritika finanzjarja meħtieġa. Bħal fil-każ tal-Fond Soċjali Ewropew, l-EGF għandu, fil-fehma tal-KESE, ikun immexxi minn kumitat tripartitiku, bis-sehem ta' l-imsieħba soċjali.

4.3.3

F'dan il-kuntest jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lis-settur agrikolu. Apparti l-produzzjoni agrikola proprja, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll il-prodotti agroindustrijali, li jirrappreżentaw 14 % tal-valur miżjud ta' l-UE u li jipprovdu erba' miljun impjieg. Il-PAK għadda minn riforma radikali mill-2003 bil-għan li jkun possibbli li jintlaħaq ftehim fil-WTO u dan kien jinvolvi sagrifiċċji kbar għall-professjonijiet involuti. Ftehim futur fil-WTO għalhekk irid jassigura r-reċiproċità fl-aċċess għas-suq u tnaqqis ekwivalenti u sinifikanti fir-rigward is-sussidji mħallsa lill-produtturi ta' l-Istati Uniti.

4.4   Azzjoni konġunta fis-swieq esterni:

4.4.1

L-Istati Membri ta' l-UE għandhom jirrikonoxxu, b'mod aktar sħiħ, il-miri ta' strateġija komuni ġenwina fir-rigward ta' l-aċċess għal swieq globali u l-mezzi sabiex jintlaħqu dawn il-miri: għal dan il-għan, għandhom jittieħdu passi, fost ħwejjeġ oħra, biex jiġu rimedjati tliet nuqqasijiet:

4.4.2

L-ewwelnett, l-iskemi ta' assigurazzjoni tal-kreditu fuq l-esportazzjoni għadhom organizzati prinċipalment fuq livell nazzjonali, minkejja l-integrazzjoni politika, ekonomika, finanzjarja u, wara l-introduzzjoni ta' l-ewro, monetarja fl-UE. L-UE għandha tappoġġja dawn il-mekkaniżmi nazzjonali sabiex tikkoordinahom u tarmonizzahom għall-intrapriżi kollha Ewropej, speċjalment l-SMEs.

4.4.3

It-tieninett, isiru żjarat għand l-imsieħba prinċipali li tinnegozja magħhom l-UE, suċċessivament, minn missjonijiet kummerċjali li essenzjalment huma ta' natura nazzjonali u li qegħdin jikkompetu ma' xulxin. F'dan il-każ m'hijiex kwistjoni li jerġgħu jiġu diskussi dawn l-approċċi bilaterali li ta' spiss huma bbażati fuq rabtiet storiċi iżda li jinbnew fuqhom, meta huwa ġġutifikat mil-lat ekonomiku u jsaħħuhom permezz ta' missjonijiet ta' promozzjoni settorjali ta' dimensjoni Ewropea li jsaħħu l-identità komuni ta' dawn il-pajjiżi.

4.4.4

L-istrumenti ta' difiża tal-kummerċ (b'mod partikulari, l-istrumenti anti-dumping) għandhom ikunu iżjed magħrufa u utilizzati permezz ta' l-iktar għodda li jidhrilhom.

5.   Tisħiħ ta' l-integrazzjoni sabiex il-globalizzazzjoni tipprovdi opportunità għall-popli ta' l-UE

L-UE għandha tindirizza l-isfidi tal-globalizzazzjoni billi ssaħħaħ l-integrazzjoni ekonomika, is-solidarjetà u r-riċerka kontinwa għal produttività aħjar, li huma aspetti fundamentali ta' l-Istrateġija ta' Lisbona. Huwa biss jekk issir aktar b'saħħitha li l-UE jista' jkollha influwenza sostanzjali x'turi fil-proċess tal-globalizzazzjoni fil-konfront tal-forzi kummerċjali li għandhom influwenza kontinentali.

5.1.   Inżidu l-attraenza ta' l-Ewropa bħala post għall-investiment

5.1.1

L-ewwel pass li jeħtieġ li jittieħed huwa li l-UE titqiegħed f'pożizzjoni li tkun tista' tiddependi fuq suq intern li jkun integrat, effettiv u kompetittiv sewwa. Ma jkun hemm l-ebda skop għaliex irridu nassiguraw mill-imsieħba tagħna fuq livell globali konċessjonijiet li aħna bilkemm inkunu lesti li nagħtu lil Stati Membri oħra ta' l-UE. Għadna lura ħafna f'dak li jeħtieġ li jinkiseb f'dan il-qasam.

5.1.2.

Bosta ostakoli qodma baqgħu ma nbidlux u l-intrapriżi Ewropej bilkemm ingħataw il-mezzi sabiex ikunu jistgħu jħossuhom “Ewropej”. Is-servizzi, li jirrappreżentaw żewġ terzi tal-PGD, għadhom jiġu organizzati f'miżura kbira fuq il-bażi ta' swieq nazzjonali segregati. Dwar l-akkwisti pubbliċi fl-Istati Membri, kemm f'dak li għandu x'jaqsam ma' provvisti, servizzi kif ukoll xogħol relatat mas-settur tad-difiża, l-aktar studji serji riċenti li saru f'dan il-qasam — li ma ġewx riveduti għal għaxar snin — juru li aktar minn 90 % ta' dawn il-kuntratti tas-settur pubbliku għadhom jingħataw lil provvedituri nazzjonali.

5.1.3.

Jeħtieġ li noqogħdu attenti sabiex jiġi assigurat li l-korp tal-liġi ta' l-UE (“l-acquis communautaire”) ma jkunx mhedded minn kompetizzjoni sterili bejn l-Istati Membri li tkun tinvolvi dumping; is-sussidji; il-politika tal-ħolqien ta' “kampjuni nazzjonali”; u barrieri u ostakoli ġodda. L-iżvilupp ta' politika industrijali Ewropea, li tkopri wkoll is-settur tad-difiża, tista' tagħti kontribut konsiderevoli lejn it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika u teknoloġika ta' l-UE f'ekonomija globalizzata. Huwa importanti wkoll li tiġi msaħħa l-politika ta' l-UE dwar il-kompetizzjoni, li jiġi stabbilit qafas fiskali u soċjali trasparenti fi ħdan l-UE u li tiġi miġġielda t-tassazzjoni doppja, l-aktar każi ovvji ta' tfixkil tal-kompetizzjoni u frodi li jinvolvu l-VAT intra-komunitarja.

5.1.4.

In-nuqqas ta' infrastruttura li hija ta' dimensjoni tassew Ewropea (f'oqsma bħat-trasport, l-enerġija, teknoloġiji ġodda, parks teknoloġiċi u ċentri ta' riċerka) issa qed ikollu effett detrimentali fuq il-ħila ta' l-Ewropa li toffri l-aħjar opportunitajiet ta' investiment f'dak li għadu s-suq ewlieni fid-dinja.

5.2.

L-iżvilupp tal-kwalifiki u t-taħriġ ta' l-Ewropej bil-għan li tinħoloq soċjetà innovattiva u b'aċċess għall-għarfien għal kulħadd

5.2.1

L-Ewropa mhix sinjura fil-materja prima u ma tistax tikkompeti mal-bqija tad-dinja billi tirrikorri għal politiki li jinvolvu d-dumping soċjali, ambjentali jew fiskali. Hija ma tistax jew issir is-“supermarket” tad-dinja jew tħalli lill-Asja tassumi r-rwol tal-“ħanut tax-xogħol tad-dinja”. Il-futur ta' l-Ewropa jiddependi, qabel xejn, fuq il-kapaċità tagħha li ġġedded, il-kapaċità tagħha għall-intrapriża iżda wkoll fuq it-talenti ta' l-irġiel u n-nisa tagħha. L-investiment fuq perijodu fit-tul fl-edukazzjoni għal tul il-ħajja huwa ċ-ċavetta sabiex jinkiseb żvilupp armonjuż. Hemm bżonn għalhekk li jiġu promossi mhux biss it-taħriġ u l-edukazzjoni iżda wkoll il-mobilità volontarja fl-UE, imħeġġa minn multilingwiżmu u pjanijiet ta' karrieri — anki fis-servizz ċivili — li jkollhom dimensjoni Ewropea u internazzjonali.

5.2.2.

L-Ewropa għadha frammentata wisq. Il-KESE jsejjaħ għall-adozzjoni ta' proġetti fuq skala kbira li jinvolvu: l-iżvilupp veru ta' plurilingwiżmu fl-iskejjel; programm ta' mobilità għaż-żgħażagħ, inkluż dawk li għadhom l-iskola, f'apprendistati jew li diġà qegħdin jaħdmu; universitajiet Ewropej; toroq Ewropej għal edukazzjoni tul il-ħajja; qafas komuni għar-rikonoxximent tal-kwalifiki kollha, eċċ.

5.2.3.

L-Ewropa għalhekk jistħoqqilha li tkun il-benefiċjarja ta' inizjattiva Ewropea komprensiva fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tixrid ta' l-għerf. Trid tingħata attenzjoni speċjali lil persuni u oqsma li sfaw il-vittmi ta' ristrutturar u rilokazzjonijiet industrijali billi jiġu pprovduti opportunitajiet ta' taħriġ u jinħolqu impjiegi ġodda.

5.3.   Nattrezzaw ruħna b'mezzi effettivi sabiex nindirizzaw l-isfidi ppreżentati mill-globalizzazzjoni.

5.3.1

Il-materji f'riskju b'riżultat tal-globalizzazzjoni jagħmluha neċessarja għall-UE li tkabbar il-kompetittività kemm tal-prodotti kif ukoll tas-servizzi tagħha. L-interessi ekonomiċi ta' l-UE huma kollha importanti daqs kemm huma differenti. Jekk trid tkompli tkun protagonista ewlieni fil-kummerċ globali, l-UE trid, b'mod partikulari, issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha kemm fir-rigward ta' prodotti u servizzi “l-aqwa tal-klassi” — li jirrappreżentaw nofs l-esportazzjonijiet tagħha u jissodisfaw terz tad-domanda globali f'dawn il-kategoriji — u fir-rigward ta' tipi oħra ta' prodotti u servizzi li jissodisfaw l-istennijiet tal-popli.

5.3.2.

L-introduzzjoni ta' politika Ewropea li tipprovdi appoġġ għall-intrapriża u l-innovazzjoni, flimkien ma' azzjoni fil-qasam ta' l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tixrid ta' l-għarfien, għandha tkun prijorità fundamentali fis-snin li ġejjin, bħala parti mill-istrateġija Ewropea ġdida “ta' wara Lisbona”. Il-KESE jipproponi li jitfassal pjan ta' direzzjoni f'dawn l-oqsma, li għaqqad flimkien ix-xogħol imwettaq mill-Istati Membri u l-UE u l-finanzjament ipprovdut kemm mill-korpi pubbliċi u privati.

5.3.3.

Għalkemm m'għadx baqa' żmien biex l-UE tiġi pprovduta b'baġit aħjar għall-perjodu 2007-2013, li nistgħu nagħmlu huwa li nassiguraw li jsir l-aħjar użu minn dan il-baġit, b'mod partikulari billi:

jiġi pprovdut finanzjament adegwat għan-networks trans-Ewropej ta' prijorità, bl-għajnuna ta' sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs);

tiġi msaħħa l-kapaċità ta' l-UE sabiex tipprovdi self u garanziji u tiżviluppa inġinerija finanzjarja aktar innovattiva fir-rigward tal-Fondi Strutturali, li fil-preżent huma limitati żżejjed biex jipprovdu konċessjonijiet;

5.3.4.

L-ewro llum jikkostitwixxi vantaġġ kbir għall-Ewropa billi mhux biss sar il-munita waħdanija ta' 13-il Stat Membru ta' l-UE, iżda huwa wkoll munita internazzjonali prinċipali ta' riserva u mezz ta' skambju. L-ewro llum jipprovdi lil numru dejjem akbar ta' pajjiżi fid-dinja b'alternattiva utli u kredibbli għad-dollaru. Huwa jiffaċilita l-konklużjoni ta' kuntratti kummerċjali u jippromwovi s-sigurtà finanzjarja ta' dawn il-kuntratti. Huwa jassigura l-eżistenza ta' sentiment reali ta' Ewropa magħquda, kemm ġewwa kif ukoll barra l-Komunità. L-ewro huwa, madankollu, nieqes minn korp ċentrali li jieħu d-deċiżjonijiet fir-rigward tal-politika ekonomika u dan in-nuqqas, fil-preżent, qiegħed jillimita l-benefiċċji mistennija tal-munita unika.

5.3.5.

Il-koeżjoni ta' l-UE hija mibnija fuq politiki komuni. Għalkemm il-faħam u l-azzar illum m'għadhomx jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu l-bażi tal-koeżjoni, il-partijiet ekonomiċi u soċjali jaqblu bil-qawwa kollha li l-UE għandha tieħu responsabilità fl-oqsma tal-politika ta' l-enerġija (il-preservazzjoni tar-riżorsi, is-sikurezza tal-provvisti, investimenti ġodda fl-enerġiji li ma jniġġsux, l-effiċjenza u l-ekonomija ta' l-enerġija) u l-ħarsien ta' l-ambjent. Dawn iż-żewġ oqsma jeħtieġu effett iktar Ewropew permezz ta' politiki komuni ġenwini.

5.3.6.

L-Unjoni għandha tadotta politika ta' migrazzjoni li hija iktar komprensiva u koerenti permezz ta' politiki ta' integrazzjoni u merħba li huma kkoordinati li jikkonformaw mal-Karta Ewropea għad-Drittijiet fundamentali u l-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar id-dritt ta' Refuġju u fl-istess ħin jaħdmu flimkien sabiex jikkumbattu n-netwerks tal-kriminalità b'mod iktar effettiv. L-UE għandha ssir ukoll iktar attiva fil-ħolqien ta' impjieg ta' ħiliet ta' livell għoli fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw permezz ta' politika ta' sħubija u l-promozzjoni ta' l-integrazzjoni reġjonali li għandha tagħmilha possibbli li joffru prospetti għal mobilità, titjib u kummerċ ġdid.

5.4   Wiċċ uman għall-globalizzazzjoni

5.4.1

L-Unjoni Ewropea tista' timmobilizza mill-ġdid liċ-ċittadini ta' l-Ewropa, sabiex jappoġġjaw il-proġett Ewropew ta' l-integrazzjoni permezz ta' strateġija li tindirizza l-isfidi tal-globalizzazzjoni.

5.4.2

Minn perspettiva ġenerali, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jkunu involuti b'mod sħiħ l-imsieħba soċjali u d-diversi partijiet li jirrappreżentaw soċjetà ċivili organizzata fl-approċċ globali ġdid li huwa jippromovi bħala mezz kif jiġu indirizzati l-isfidi ppreżentati mill-globalizzazzjoni. Il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea jistgħu jkunu meħtieġa li juru trasparenza akbar, inkluż fuq il-kwistjoni tan-negozjati kummerċjali. Il-KESE u l-imsieħba tiegħu tas-soċjetà ċivili f'pajjiżi mhux ta' l-UE jixtiequ b'mod partikulari, jiġu involuti f'inizjattivi li jsiru multilateralment u bilateralment.

5.4.3

B'mod speċifiku, il-KESE jippromovi l-involviment ta' l-imsieħba soċjali u ta' partijiet oħra tas-soċjetà ċivili fi:

kampanji ta' informazzjoni u dibattiti Ewropej dwar il-materji f'riskju b'riżultat tal-globalizzazzjoni; dawn il-kampanji u d-dibattiti għandhom isiru ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

laqgħat ta' informazzjoni u konsultazzjonijiet regolari dwar l-istrateġija internazzjonali ġdida maħsuba mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill, skond il-linji tal-laqgħat ta' informazzjoni u konsultazzjonijiet organizzati mill-KESE fuq is-suġġett tal-Konvenzjoni Ewropea;

analiżi ta' l-impatt fir-rigward ta' l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-ftehim kummerċjali ġodda; sehem fit-tmexxija tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF);

segwitu ta' negozjati bilaterali mal-gruppi reġjonali bħall-ftehim APE mal-pajjiżi AKP, fejn il-KESE jista' jipprovdi l-kompetenza tiegħu u dik ta' l-imsieħba tiegħu fis-soċjetà ċivili f'pajjiżi mhux ta' l-UE;

sehem fid-diversi politiki li jeħtieġ li jkunu segwiti sabiex jiġu msaħħa l-politiki ta' l-UE (suq wieħed, strateġiji ta' kooperazzjoni, koeżjoni, euro, eċċ.);

appoġġ għall-iżvilupp ta' djalogu soċjali effettiv fir-rigward tad-diversi aspetti tal-bidliet u r-riformi li jeħtieġ li jsiru fuq livell ta' l-UE, fl-Istati Membri u fir-reġjuni, fosthom aġġustamenti u riformi transkonfinali.

5.4.4

Il-KESE jsejjaħ għall-istabbiliment ta' organizzazzjoni tal-kompiti fuq livell Ewropew fir-rigward tas-servizzi ta' interess ġenerali; dan ikun jinvolvi, iktar mill-kooperazzjoni sempliċi, l-integrazzjoni tar-riżorsi fir-rigward tas-sigurtà ekonomika, il-protezzjoni ċivili u ambjentali, sorveljanza doganali fil-fruntieri esterni ta' l-UE; il-forzi tal-pulizija u anki fis-settur tad-difiża, pjuttost milli nħallu tali proposta tiġi soffokata minn sistema ta' “fortizzi nazzjonali”, li tmur kontra l-kisba ta' aktar progress fil-proġett Ewropew.

5.4.5

Il-KESE jappoġġja wkoll l-adozzjoni ta' approċċ aktar parteċipattiv għas-suq uniku billi jiġu mħeġġa: inizjattivi mis-settur volontarju, id-djalogu soċjali; ir-responsabilità soċjali ta' l-intrapriżi, l-awto-regolazzjoni u ko-regolazzjoni soċjo-okkupazzjonali (b'mod partikulari fir-rigward ta': is-servizzi, il-kummerċ, is-swieq finanzjarji, l-ambjent, l-enerġija, aspetti soċjali u d-drittijiet tal-konsumatur).

5.4.6

Il-partijiet tas-soċjetà ċivili organizzata għandhom, huma stess, rwol awtonomu dirett x'jaqdu fl-iżvilupp ta' rabtiet mal-kontropartijiet tagħhom fil-pajjiżi u l-gruppi reġjonali li l-Unjoni Ewropea tagħmel kummerċ magħhom.

5.4.7

Id-dimensjoni kemm tal-globalizzazzjoni b'dimensjoni umana kif ukoll l-integrazzjoni Ewropea, huma kwistjonijiet li jinvolvu lill-poplu u s-soċjetà ċivili organizzata. Jekk ikunu infurmati aħjar u kkonsultati u involuti b'mod sistematiku, dawn il-popli ta' l-Ewropa ser jaċċettaw strateġija li fasslu huma u li jkunu jistgħu jagħmlu tagħhom.

Brussel, il-31 ta' Mejju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Konvenzjonijiet ta' l-ILO: Konvenzjoni nru. 87 dwar il-libertà tat-trade unions u l-protezzjoni tad-dritt ta' l-organizzazzjoni,u n-negozjar kollettiv. Konvenzjoni nru. 29 dwar ix-xogħol furzat. Konvenzjoni nru. 105 dwar l-abolizzjoni tax-xogħol furzat. Konvenzjoni nru. 138 dwar l-età minima. Konvenzjoni nru 182 dwar l-agħar forma ta' xogħol tat-tfal. Konvenzjoni nru. 100 dwar l-ugwaljanza tar-remunerazzjoni. Konvenzjoni nru. 111 dwar id-diskriminazzjoni (impjieg u professjoni).


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/65


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Green Paper li timmodernizza l-liġi dwar ix-xogħol sabiex taffaċċa l-isfidi tas-seklu 21”

COM(2006) 708 finali

(2007/C 175/17)

Nhar it-22 ta' Novembru 2006, il-Kummissjoni Ewropea iddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Green Paper li timmodernizza l-liġi dwar ix-xogħol sabiex taffaċċa l-isfidi tas-seklu 21.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Mejju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Retureau.

Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tat-30 ta' Mejju 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'140 vot favur, 82 vot kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

L-għan tal-Green Paper dwar il-modernizzazzjoni tal-liġi dwar ix-xogħol huwa li:

tidentifika l-isfidi ewlenin li jirriflettu deficit ċar bejn il-qafas eżistenti legali u kuntrattwali, fuq naħa, u r-realtajiet tad-dinja tax-xogħol fuq in-naħa l-oħra. l-iffokar ikun prinċipalment fuq l-iskop personali tal-liġi tax-xogħol aktar milli fuq kwistjonijiet kollettivi tal-liġi tax-xogħol;

jitnieda djalogu pubbliku fl-UE dwar kif il-liġi tax-xogħol tista' tgħin fil-promozzjoni tal-flessibbiltà flimkien mas-sigurtà tax-xogħol, indipendentement mill-forma ta' kuntratt, u b'hekk ultimament tikkontribwixxi għal żieda fix-xogħol u tnaqqis fil-qgħad;

tistimula d-diskussjoni dwar kif tipi differenti ta' relazzjonijiet kuntrattwali, flimkien mad-drittijiet tax-xogħol applikabbli għall-ħaddiema kollha, jistgħu jgħinu kemm lill-ħaddiema kif ukoll lill-intrapriżi billi jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, jħeġġu t-tagħlim tul il-ħajja u jrawmu l-kreattività fil-forza tax-xogħol kollha kemm hi;

tikkontribwixxi għall-għan ta' Regolamentazzjoni Aħjar billi tippromovi l-modernizzazzjoni tal-liġi tax-xogħol, billi tieħu kont tal-benefiċċji ġenerali u l-ispejjeż involuti, u b'mod partikulari l-problemi li jistgħu jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs.

1.2

B'hekk il-Green Paper tipproponi bir-rilevanza kollha li tindirizza setturi tant differenti bħar-relazzjonijiet tax-xogħol trijangolari, il-każ tal-ħaddiema bi status indipendenti iżda li fir-realtà huma ekonomikament dipendenti mill-intrapriża li tħaddimhom, kif ukoll id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol u l-kwistjoni serja tax-xogħol mhux iddikjarat.

1.3

Fir-rigward tal-metodi potenzjali tal-modernizzazzjoni tal-liġi tax-xogħol fejn l-UE tista' tieħu azzjoni komplementarja ma' dik ta' l-Istati Membri, il-Green Paper tiffoka fuq l-idea li huwa possibbli li l-kuntratt standard (kuntratt ta' xogħol full-time u permanenti) u l-miżuri għall-ħarsien tiegħu huma inadegwati għal dawk li jħaddmu u għall-ħaddiema, u li għalhekk jikkumplikaw l-adattament rapidu ta' l-intrapriżi u l-evoluzzjoni tas-suq u jistgħu saħansitra jikkostitwixxu ostakolu għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda; minħabba f'hekk hemm bżonn li tiġi proposta reviżjoni ta' dan it-tip ta' kuntratt.

1.4

Il-Kummissjoni Ewropea tħabbar li l-Green Paper, minbarra l-kwistjoni tad-dritt tax-xogħol individwali, qiegħda tħejji diskussjoni li ser tikkontribwixxi għal komunikazzjoni dwar il- “flessigurtà” li hija mistennija li tkun ippubblikata f'Ġunju 2007 bil-għan li tiżviluppa dan il-kunċett li jeżisti f'diversi Stati Membri u li jassoċja, skond l-informazzjoni disponibbli, l-flessibbiltà esterna u interna tal-ħaddiema ma' sigurtà li l-iskop u l-finanzjament tagħha għadhom ma ġewx speċifikati f'dan l-istadju. Għaldaqstant, matul l-aħħar sitt xhur tas-sena, id-diskussjoni ser titkompla fuq qasam tematiku usa'. F'din il-fażi jkun siewi li jiġu indirizzati bis-sħiħ l-elementi tal-flessibbiltà li huma diġà assigurati mil-liġi jew minn ftehim kollettiv, kif ukoll il-finanzjament ta' din il-flessigurtà, mingħajr ma jkun hemm enfasi fuq mudell preċiż.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Il-Kumitat jilqa' b'interess l-inizjattiva tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tnedija ta' ħidma ta' riflessjoni dwar kif il-liġi tax-xogħol tilħaq l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, li jassoċjaw ir-riċerka u t-tkabbir sostenibbli, bi tkabbir fin-numru kif ukoll fil-kwalità ta' l-impjiegi, flimkien mal-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli. Madankollu, jinnota b'dispjaċir li din il-konsultazzjoni qiegħda sseħħ f'perijodu daqshekk ristrett u li numru ta' ħidmiet preparatorji ma sarux.

2.2

Ir-rapport Wim Kok ta' Novembru 2003 enfasizza li: “Huwa xieraq li tiġi promossa l-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol u s-sigurtà, essenzjalment permezz ta' titjib fl-organizzazzjoni tax-xogħol u billi l-kuntratti tax-xogħol standard u mhux standard jsiru aktar attraenti kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem, sabiex jiġi evitat suq tax-xogħol fuq żewġ saffi. L-idea tas-sigurtà ta' l-impjieg għandha tkun immodernizzata u mwessgħa sabiex tkopri mhux biss il-ħarsien ta' l-impjieg iżda wkoll il-kapaċità tal-ħaddiema li jżommu l-impjieg tagħhom u javvanzaw fih. Huwa importanti li jinħoloq l-ikbar numru ta' impjiegi possibbli u li tittejjeb il-produttività billi jitnaqqsu l-ostakoli għall-ħolqien ta' intrapriżi ġodda u billi tiġi promossa antiċipazzjoni u ġestjoni aħjar tar-ristrutturazzjonijiet.”

2.3

Huwa siewi li wieħed ifakkar id-diversi elementi tal-konklużjonijiet tat-Task Force li ġew approvati mill-Kunsill għaliex dawn jagħtu viżjoni aktar sħiħa tar-riformi tas-suq tax-xogħol immirati lejn it-twettiq ta' l-Istrateġija riveduta ta' Lisbona mill-istampa msawra mill-Green Paper tal-Kummissjoni, li tiffoka fuq punti limitati tal-liġi tax-xogħol individwali. Il-Green Paper fil-fatt tindirizza b'mod parzjali biss l-elementi indirizzati mis-Sur Kok u ma tindirizzax il-kwistjoni ta' “ambjent aktar sikur” ta' l-Aġenda Soċjali.

2.4

Approċċ ristrett jista' jwassal għal telf ta' kunfidenza min-naħa taċ-ċittadini Ewropej li diġà huma xettiċi biżżejjed fir-rigward tal-proġett soċjali Ewropew. Il-Kummissjoni tqis li jkun siewi li tiġi kkunsidrata reviżjoni tal-livell ta' flessibbiltà tal-kuntratti standard (kuntratt ta' xogħol full-time u permanenti) fir-rigward tal-perijodu ta' notifika, l-ispejjeż u l-proċeduri tat-tkeċċija individwali jew kollettiva kif ukoll tad-definizzjoni tat-“tkeċċija inġusta”, elementi li storikament jiffurmaw il-pilastru tas-sigurtà ta' l-impjieg tal-ħaddiem.

2.5

Il-Kumitat huwa mħasseb fir-rigward ta' l-implikazzjoni li l-liġi tax-xogħol attwali hija inkompatibbli ma' l-Istrateġija riveduta ta' Lisbona għax din tostakola l-impjieg u li attwalment, il-liġi tax-xogħol m'hijiex kapaċi tiggarantixxi adattabbiltà suffiċjenti għall-intrapriżi u għall-ħaddiema.

2.6

Il-Kumitat jinnota li l-istrateġija mfassla fl-2000 ma laħqitx l-objettivi tagħha. Madankollu, iqis li hemm bżonn li l-analiżi tal-kawżi ta' din is-sitwazzjoni għandha ssir b'mod kawt, mingħajr enfasi żejda fuq il-liġi tax-xogħol. L-Istrateġija riveduta ta' Lisbona għandu jkollha l-għan li tkabbar il-kompetittività fl-Ewropa, iżda wkoll li teqred il-qgħad għal kollox f'soċjetà aktar orjentata lejn ir-rispett tal-bilanċ bejn il-ħajja familjali u professjonali u aktar adattata għall-għażla tal-karriera permezz ta' investiment fl-adattabbiltà tal-persuni u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. Il-modernizzazzjoni tal-liġi tax-xogħol m'għandhiex tkun iktar minn element fost ħafna oħrajn sabiex jinkiseb dan l-objettiv.

2.7

Għalhekk, qabel ma jesprimi ruħu dwar id-direzzjoni ta' azzjoni ta' modernizzazzjoni tal-liġi tax-xogħol fl-Ewropa, il-Kumitat jixtieq li jerġgħu jitqiesu serje ta' konsiderazzjonijiet u inizjattivi tal-Kumissjoni stess, bħar-rapport li kienet talbet mingħand il-Professur Supiot li qiegħed jissemma ftit wisq f'dan il-kuntest, jew per eżempju l-konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO tat-30 ta' Novembru 2006 u ta' l-1 ta' Diċembru 2006 dwar “xogħol deċenti għal kulħadd”. Ir-rapport tal-Professur Supiot kellu l-objettiv li jwettaq studju lonġitudinali u kostruttiv dwar il-ġejjieni tax-xogħol u tal-liġi tax-xogħol fil-qafas komunitarju, interkulturali u interdixxiplinari, iżda jirriżulta li l-Green Paper ma kkunsidratx biżżejjed lil dan it-tagħrif.

2.8

Liema stampa u liema konklużjonijiet nistgħu naslu għalihom fuq il-bażi ta' l-istatistiċi pubbliċi u r-riżultati tal-qafas ta' ħarsien tal-liġi tax-xogħol, dejjem b'ħarsa lejn l-objettiv ta' “more and better jobs”?

2.9

Ir-rapport finali tal-grupp Supiot iqajjem numru ta' suġġetti li jindirizzaw il-kwistjonijiet rilevanti fil-qasam ta' l-evoluzzjoni tax-xogħol, bħall-globalizzazzjoni tal-kompetittività u l-attivitajiet ekonomiċi, l-impatt ta' l-attitudnijiet u t-tendenzi ta' konsum, il-liberalizzazzjoni tas-swieq, it-tibdil teknoloġiku, il-fatt li l-ħaddiema stess jinbidlu u jsiru aktar edukati, ikkwalifikati, awtonomi, flessibbli u individwalisti, mingħajr ma ninsew il-prattiki l-ġodda ta' l-intrapriżi fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi umani, il-ħlas tal-ħaddiema, l-eżiġenzi tal-versatilità operazzjonali u l-flessibbiltà tal-ħinijiet tax-xogħol. Ir-rapport Supiot jindirizza l-kwistjonijiet tal-flessibbiltà u s-sigurtà kif ukoll is-suġġett importantissmu tat-tranżizzjoni ta' l-impjieg meta jħabbar it-“tmiem tal-mudell tal-karriera professjonali lineari”.

2.10

Fost l-eżiġenzi demokratiċi speċifiċi kollha li l-liġi soċjali ġabet fis-settur soċjo-ekonomiku, il-grupp Supiot iffoka fuq erba' punti li għadhom rilevanti fid-diskussjoni tal-Green Paper. (1)

Dawn jikludu:

L-esiġenza ta' l-ugwaljanza, bil-kwistjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u b'mod aktar ġenerali t-tneħħija tad-diskriminazzjoni jirrappreżentaw approċċ li għadu rilevanti attwalment peress li jgħin fit-tfittxija ta' soluzzjoni għall-problemi tan-nuqqas ta' sigurtà u tas-suq tax-xogħol fuq żewġ saffi;

L-esiġenza tal-libertà li titlob li l-ħaddiem jitħares kontra d-dipendenza tibqa' soluzzjoni għall-kwistjonijiet tar-rapport tax-xogħol qarrieq, tal-persuni li jsostnu li qegħdin jaħdmu għal rashom mentri fil-fatt m'humiex attivi u tax-xogħol mhux iddikjarat;

L-esiġenza tas-sigurtà individwali tibqa' risposta għat-tkabbir u, fis-sens wiesa' tat-terminu, ta' l-inċertezza soċjali li jgħaddu minnha l-ħaddiema jew il-persuni li jibbenefikaw minn għajnuniet soċjali;

id-drittijiet kollettivi li jwasslu għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fir-rigward tas-sens u l-objettivi tax-xogħol u ta' l-iżvilupp ekonomiku.

2.11

Il-Kumitat iqis li l-Kummissjoni għandha tagħti direzzjoni lid-dibattitu fuq il-modernizzazzjoni tal-liġi tax-xogħol u l-miżuri ta' ħarsien normalment marbutin mal-kuntratt tax-xogħol bħas-sigurtà soċjali, l-inċidenti fuq ix-xogħol, l-arranġamenti dwar il-ħin tax-xogħol, il-leave, eċċ. fuq il-bażi ta' esperjenzi preċedenti.

2.12

Il-Green Paper tenfasizza li hemm defiċit fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi bejn il-qafas eżistenti legali u kuntrattwali fuq naħa u r-realtajiet tad-dinja tax-xogħol fuq in-naħa l-oħra, li ssawwar fi żmien relattivament qasir bejn it-tmiem tas-snin 80 u l-bidu tas-snin 90. Iżda fl-ebda mument ma ssemmi r-rwol storiku, protettur u emanċipatur tal-liġi tax-xogħol fis-sens wiesa', inklużi r-riżultati tal-ftehimiet kollettivi, bl-ispeċifikazzjonijiet marbutin ma' l-approċċi kulturali, soċjali, ekonomiċi u legali tad-diversi Stati Membri.

2.13

Ir-rispett ta' ċertu bilanċ bejn il-partijiet involuti m'huwiex biss indirizzat mil-liġi tax-xogħol iżda wkoll mid-djalogu soċjali.

2.14

Raġunament li jikkunsidra leġislazzjoni tax-xogħol li għandha funzjoni protettriċi bħala ostakolu għat-tkabbir u għax-xogħol jirrappreżenta viżjoni reduttriċi, fejn il-liġi tax-xogħol mhi xejn ħlief għodda politika tas-suq tax-xogħol jew varjant ekonomiku.

2.15

Billi l-ħaddiema għadhom f'pożizzjoni ta' dipendenza fir-rigward ta' dawk li jħaddmuhom, jeħtieġ li jitfakkar ir-rwol fundametali li taqdi l-liġi tax-xogħol bħala provveditur ta' ħarsien u emanċipazzjoni. L-applikazzjoni tagħha għandha tittejjeb sabiex ma jkunx hemm pressjoni żejda fuq il-ħaddiema u sabiex jiġu kkunsidrati l-isfidi l-ġodda tal-globalizzazzjoni u t-tixjiħ tal-popolazzjoni. L-Unjoni Ewropea għandha rwol x'taqdi fir-rigward ta' l-Istati Membri tagħha.

2.16

Fl-2000 il-Kummissjoni ħabbret inizjattiva li kellha twassal għal diskussjoni dwar il-bżonn li jiġu evalwati l-elementi essenzjali tas-sistema leġislattiva u l-ftehimiet kollettivi sabiex jiġi assigurat li dawn jikkorrespondu għal organizzazzjoni moderna kif ukoll għal titjib fir-relazzjonijiet tax-xogħol.

2.17

Din l-inizjattiva ta' titjib ma tkomplietx, anke jekk jidher biċ-ċar li kellha għalfejn tiġi żviluppata sabiex tiġi kkonkretizzata x-xewqa għal modernizzazzjoni u titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, suġġett li snin wara reġa' ġie indirizzat minn perspettiva differenti mill-Kummissjoni attwali.

2.18

Il-Kumitat jinsab fl-obbligu li jinnota diversi nuqqasijiet sinjifikanti li jdgħajfu r-raġunament u l-perspettivi mfissra fil-Green Paper. Għaldaqstant il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn ċerti punti li, jinnota b'dispjaċir, ma ġewx eżaminati fid-dettall jew enfasizzati biżżejjed.

l-għan ta' tkabbir ekonomiku b'saħħtu m'huwiex inkompatibbli mad-dimensjoni soċjali ta' l-integrazzjoni Ewropea u l-iżvilupp tagħha,

il-liġi tax-xogħol m'hijiex biss marbuta mal-kuntratti individwali tax-xogħol, iżda wkoll ma' l-istandards kollettivi tax-xogħol,

m'għandhomx jiġu injorati la l-kunċett ta' xogħol deċenti rifless fil-ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u lanqas l-isforzi pożittivi li saru mill-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati għall-UE f'Ġunju 2006 meta ġiet adottata r-Rakkomandazzjoni numru 198 ta' l-ILO li tressaq definizzjonijiet u prinċipji operattivi tajbin bil-għan li tiċċara l-inċertezza dwar l-eżistenza ta' relazzjoni tax-xogħol u b'hekk tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta u l-ħarsien effettiv tal-ħaddiema f'relazzjoni tax-xogħol (2).

permezz tal-ftehimiet kollettivi tagħhom, l-imsieħba soċjali kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq dak Ewropew diġà pparteċipaw fil-ħolqien ta' forom ġodda ta' kuntratti inklużi dawk mhux standard, u b'hekk urew li huma kapaċi jadattaw ir-relazzjoni tax-xogħol għar-realtajiet ġodda u jipprovdu flessibbiltà ikbar bil-garanziji adegwati,

id-djalogu soċjali huwa strument ta' koregolazzjoni u għalhekk huwa xieraq li jiġi promoss u magħmul aktar effiċjenti u effikaċi sabiex jirregola l-flessibbiltà tal-kuntratt tax-xogħol,

is-sigurtà fir-relazzjoni tax-xogħol hija kundizzjoni għall-progress tal-produttività peress li n-nuqqas ta' sigurtà ma joħloqx imġjiegi ġodda. Il-mobilità u l-flessibbiltà jistgħu jikkontribwixxu għal tkabbir fil-produttività u fis-sigurtà iżda l-implimentazzjoni tar-riformi fil-qasam tal-liġi tax-xogħol m'għandhiex tirriżulta fi tkabbir fin-numru ta' ħaddiema foqra,

ir-risposta ma tinsabx f'raġunament li jġib lill-ħaddiema f'konflitt bejniethom u jixħet lura fuqhom ir-responsabbiltà li jsibu soluzzjoni għall-problemi tal-qgħad u tad-diskrepanza bejn it-taħriġ offrut u l-ħiliet mitluba,

it-tip il-ġdid ta' kuntratt standard flessibbli li huwa maħsub bħala soluzzjoni għall-kunflitt presuppost bejn il-ħaddiema “ta' ġewwa” u dawk “ta' barra”, m'għandux jitfa' r-responsabbiltà tal-medjazzjoni meħtieġa sabiex is-suq ma jinqasamx fi tnejn fuq il-ħaddiema. Barra minn hekk, dan il-kuntratt, dejjem jekk jidħol fis-seħħ, m'huwiex ser jeqred l-ostakoli għall-ħolqien ta' l-impjieg.

2.19

Il-Kumitat jikkunsidra li wasal il-waqt li ssir analiżi sħiħa u serja, ibbażata prinċipalment fuq:

evalwazzjoni tas-sistemi legali fl-Istati Membri fir-rigward tal-ħarsien li jipprovdu, l-għanijiet u l-effikaċja tagħhom kif ukoll l-aċċess għal korpi u proċeduri għall-ġestjoni tal-kunflitti ta' karattru legali jew kunflitti oħrajn,

il-kontribuzzjoni tad-djalogu soċjali lejn l-approċċ tal-modernizzazzjoni u t-titjib tal-liġi tax-xogħol, ix-xogħol deċenti u l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat kif ukoll lejn il-kwistjoni ta' l-operazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-organizzazzjoni tax-xogħol fl-intrapriżi fuq il-livelli rilevanti (livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali, ta' l-intrapriżi u l-gruppi kif ukoll dak transkonfinali, skond il-każ),

konsiderazzjoni tas-servizzi pubbliċi u r-rwol attiv li servizzi pubblici effikaċi u ta' kwalità jaqdu fl-ambitu tax-xogħol u tat-tkabbir,

il-konsiderazzjoni tal-ġestjoni ta' l-intrapriża, il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u l-mekkaniżmi ta' kontroll u sorveljanza tal-korpi rappreżentattivi tal-ħaddiema (fi ħdan il-kunsilli tax-xogħol, b'mod partikulari), fl-adattament għall-bidla u fir-rigward tar-ristrutturazzjonijiet,

l-istatus mogħti lill-ħaddiema li verament jaħdmu għal rashom, li jaqdu rwol importanti ferm fil-promozzjoni ta' l-ispirtu intraprenditorjali u l-ħolqien ta' l-SMEs, fl-ekonomija soċjali wkoll, u l-istabbiliment ta' ħarsien adegwat għall-ħaddiema ekonomikament dipendenti, bil-konsiderazzjoni ta' l-ispeċifiċitajiet ta' ċerti ħaddiema indipendenti, per eżempju dawk li jaħdmu fis-settur tal-bejgħ dirett,

il-promozzjoni tar-Rakkomandazzjoni ta' l-ILO ta' l-2006 dwar ir-relazzjoni tax-xogħol (nru 198).

l-impatt tax-xogħol mhux iddikjarat, fuq il-bażi ta' l-għodod ta' ripressjoni ta' din il-prattika permezz ta' koordinazzjoni aħjar fuq il-livell Ewropew u ta' l-amministrazzjonijiet kompetenti: Europol soċjali?

l-impatt tal-movimenti ta' migrazzjoni, li għandhom ikunu kkordinati aħjar,

is-soluzzjonijiet “win-win”, jiġifieri ta' użu tajjeb tal-flessibbiltà fir-rigward tal-bżonnijiet ta' l-intrapriżi u l-bżonnijiet u t-talbiet tal-ħaddiema, li b'hekk ikunu jistgħu jerġgħu jieħdu t-tmun ta' ħajjithom f'idejhom,

il-proġetti u l-inizjattivi fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ prinċipali u tul il-ħajja tal-ħaddiema per eżempju, kemm dawk li huma attivi kif ukoll dawk li huma mhedda minn ristrutturazzjonijiet u dawk li integraw is-suq tax-xogħol wara perijodi ta' interruzzjoni fil-karriera tagħhom minħabba raġunijiet personali; assigurazzjoni tad-direzzjonijiet professjonali, minflok enfasi fuq ċerti proposti għal “kuntratt uniku” ipotetiku,

2.20

L-aġenda tal-Presidenza Ġermaniża, l-għotja ta' perspettiva ġdida lill-“kwalità” tax-xogħol waqt il-laqgħa informali tal-Ministri għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali ta' Jannar 2007, u l-ittra riċenti ta' 9 Ministri għax-Xogħol dwar “spinta ġdida għall-Ewropa soċjali”, li tinkludi b'mod partikulari l-ideat imsemmija fl-anness dwar il-politiki għax-xogħol u l-flessigurtà, fetħu perspettivi ġodda għall-analiżi ddettaljata mixtieqa mill-Kumitat u għat-tnedija mill-ġdid ta' l-element soċjali ta' l-integrazzjoni Ewropea.

3.   Kummenti speċifiċi: tweġibiet u kummenti fir-rigward tal-mistoqsijiet tal-Kummissjoni Ewropea

3.1   X'tikkunsidra li jkunu l-prijoritajiet għal aġenda ta' riforma siewja tal-liġi tax-xogħol?

3.1.1

Il-liġi tax-xogħol ma tilfitx il-validità tagħha bħala liġi protettriċi, kemm fir-rigward tal-ħaddiema kif ukoll ta' dawk li jħaddmu; l-ewwelnett tassigura bażi ugwali għall-istabbiliment ta' kuntratt tax-xogħol imfassal skond il-liġi, b'bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet, peress li l-ħaddiema huma sottomessi għall-ġestjoni u l-ordnijiet ta' min iħaddimhom; it-tieninett, tipprovdi sigurtà legali importantissma għaliex huwa permezz tagħha li l-kuntratti ta' tip standard jitħejjew b'mod ċar u l-klawżoli essenzjali tagħhom huma stabbiliti jew organizzati kif hemm bżonn, inkluż fil-każ ta' ksur unilaterali ta' kuntratt; barra minn hekk, fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili per eżempju, il-liġi tax-xogħol tipprovdi wkoll, lill-ħaddiema u lil min iħaddem, garanziji u sigurtà legali fir-rigward tal-kumpens u r-rikonoxximent ta' diżabilitajiet eventwali tal-ħaddiem, u ta' limitazzjoni assoluta tar-responsabbiltà ċivili għal min iħaddem jekk l-istandards ta' sigurtà kienu rrispettati; il-ftehim kollettiv u l-istituzzjonijiet konsultattivi jikkontribwixxu sabiex ir-relazzjonijiet industrijali jkunu tajbin u jekk hemm bżonn sabiex jinstabu soluzzjonijiet adegwati f'każ ta' kunflitt.

3.1.2

Fil-kuntest ta' bidliet prijoritarji mixtieqa, ikun siewi li mingħajr ħsara għall-prattiki individwali ta' kull Stat Membru, il-liġi tax-xogħol tinkorpora l-forom ġodda u flessibbli ta' kuntratti li qegħdin jitħejjew sabiex tkompli, b'kundizzjonijiet ġodda, taqdi r-rwol tagħha għall-ħarsien u l-bilanċ fir-relazzjoni tax-xogħol, kif ukoll tiggarantixxi s-sigurtà legali għall-partijiet involuti f'każ ta' tkeċċija ġġustifikata, inċident tax-xogħol jew marda okkupazzjonali; barra minn hekk, il-liġi tax-xogħol moderna għandha tippermetti lill-ħaddiema li jfasslu d-drittijiet tagħhom fil-qasam tad-direzzjoni professjonali tagħhom tul il-ħajja attiva tagħhom sabiex ikunu jistgħu jassoċjaw it-taħriġ permanenti mad-diversi forom kuntrattwali li, skond is-sitwazzjoni, jistgħu jaqdu l-bżonnijiet individwali tagħhom għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata, kif ukoll għall-promozzjoni u t-tibdil fl-orjentazzjoni professjonali, eċċ, u sabiex dawk li jħaddmu jkunu jistgħu jiksbu benefiċċji fuq perijodu twil mix-xogħol ta' ħaddiema sodisfatti.

3.1.3

Ir-riforma tal-liġi tax-xogħol għandha tistimola l-azzjonijiet pożittivi fl-interess ta' dawk li huma l-aktar esklużi mis-suq tax-xogħol. Mingħajr ma tasal sabiex toħloq xogħlijiet prekarji, ir-riforma għandha tkun strument li tiftaħ toroq ġodda għall-aċċessibbiltà tas-suq tax-xogħol, ukoll billi tistimola l-aċċess għat-taħriġ tul il-ħajja u l-inizjattivi ta' l-ekonomija soċjali li jħeġġu l-integrazzjoni professjonali.

3.1.4

Ir-relazzjonijiet tax-xogħol trijangolari għandhom ikunu strutturati aħjar, sabiex jiġu kkjarifikati d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili u penali; il-każijiet fejn il-ħaddiema huma ekonomikament dipendenti minn entità prinċipali li tħaddimhom u li huma sottomessi għaliha fit-twettiq tax-xogħol, għandhom ukoll jibbenefikaw minn ħarsien adegwat, b'mod partikulari fejn jidħlu l-inċidenti tax-xogħol, il-mard okkupazjonali u l-ħarsien soċjali. F'dan il-kuntest it-tibdiliet fl-istandards għandhom isiru wara riflessjoni konsiderevoli u għandhom jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet tad-diversi grupp ta' persuni li jaħdmu għal rashom li jinsabu f'rabta ta' dipendenza ekonomika (per eżempju fil-każ ta' dawk li jaħdmu fis-settur tal-bejgħ dirett) sabiex ma jkunux imċaħħda mis-sorsi ta' dħul tagħhom u minn attività li tilqa' l-istennijiet tagħhom.

3.1.5

Barra minn hekk, il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u l-formalizzazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol fil-qafas legali huma indispensabbli; rinfurzar ta' l-ispettorati tax-xogħol ikun siewi f'dan il-kuntest, u f'kuntest aktar ġenerali sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dispożizzjonijiet legali jew kuntrattwali applikabbli.

3.1.6

Ir-Rakkomandazzjoni 198 ta' l-ILO dwar ir-relazzjoni tax-xogħol, adottata mill-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol ta' Ġunju 2006, toffri spunti importanti għall-Istati Membri fir-rigward ta' l-adattament tal-liġi tax-xogħol għall-avvanzi teknoloġiċi, ekonomiċi u soċjali li mmodifikaw bil-qawwi l-produzzjoni, is-servizzi u l-iskambji dinjin f'dawn l-aħħar għoxrin sena (3).

3.2   L-addattazzjoni tal-liġi tax-xogħol u l-ftehimiet kollettivi jistgħu jikkontribwixxu għal flessibbiltà aħjar u aktar sigurtà ta' l-impjieg u għal tnaqqis tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol? Jekk iva, kif?

3.2.1

Il-prattika turi li mingħajr regolazzjoni rilevanti, il-multiplikazzjoni tal-kuntratti flessibbli tkabbar is-segmentazzjoni tas-suq u l-insigurtà, per eżempju b'salarji aktar baxxi għall-kuntratti l-aktar komuni (part-time), u minħabba f'hekk il-bżonnijiet fundamentali ma jkunux jistgħu jiġu milqugħa b'mod sodisfaċenti, kif ukoll b'ħarsien soċjali minimu (il-limitu għall-aċċess tal-benefiċċji għall-qgħad, pensjoni kumplimentarja u taħriġ tul il-ħajja). Għandu jiġi kkunsidrat ukoll it-tul tal-ġurnata tax-xogħol, għax f'każ li x-xogħol part time jew full-time jinqasam fuq il-ġurnata, fil-prattika l-ħaddiema ma jkunux jistgħu jużaw il-ħin meta m'humiex qegħdin jaħdmu għall-attivitajiet personali tagħhom.

3.2.2

Il-prattika turi wkoll li l-kuntratti flessibbli l-aktar komuni (kuntratti ta' żmien fiss u dawk part-time) huma ta' spiss proposti lil persuni li jixtiequ jkollhom xogħol full-time. Anke jekk dawn it-tipi ta' kuntratt jistgħu jagħtu bidu lill-ħajja professjonali taż-żgħażagħ jew ikunu opportunità għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u familjali jew ta' l-istudju u x-xogħol, m'humiex dejjem ir-riżultat ta' għażla volontarja. Il-ħaddiema mdaħħlin fl-età jsibuha bi tqila sabiex isibu xogħol, anke wieħed bi żmien fiss. Il-frammentazzjoni tas-suq m'hijiex it-tort tal-ħaddiema; hija r-riżultat tad-deċiżjoni unilaterali ta' dawk li jħaddmu, li jirrikorru għal dan it-tip ta' kuntratt. Il-liġi tax-xogħol għandha tkun immirata lejn il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward taż-żgħażagħ, in-nisa u l-ħaddiema mdaħħla fl-età fl-aċċess għas-suq tax-xogħol u fis-salarji.

3.2.3

Sabiex il-flessibbiltà tkun għażla u ma tkunx diskriminatorja, sabiex ikun hemm sigurtà ikbar u sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jorganizzaw ħajjithom b'mod awtonomu (eż. żgħażagħ b'kuntratti temporanji obbligati li jgħixu għand il-ġenituri tagħhom minħabba l-prezz għoli żżejjed tal-kera, familji monoparentali fejn il-ġenitur għandu kuntratt part-time kontra qalbu u minħabba f'hekk huwa/hija ħaddiem/a fqir/a), huwa xieraq li jsiru riformi dettaljati tal-liġi tax-xogħol fl-ispirtu tar-risposta għall-ewwel mistoqsija, jiġifieri l-ewwelnett permezz tad-djalogu soċjali bejn tliet jew żewġ imsieħba skond il-pajjiż u l-livell adegwat.

3.3   Ir-regolamenti eżisteni, kemm jekk f'forma ta' liġi u/jew ftehimiet kollettivi, itellfu jew jistimulaw lill-intrapriżi u lill-ħaddiema li jfittxu li jieħdu l-opportunitajiet sabiex iżidu l-produttività u jaġġustaw l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda u bidliet marbuta mal-kompetizzjoni internazzjonali? Kif jistgħu jsiru bidliet fil-kwalità tar-regolamenti li jaffettwaw lill-SMEs, filwaqt li dawn iżommu l-għanijiet tagħhom?

3.3.1

Il-Kumitat ma jistax jirrispondi minflok is-27 Stat Membru. Iżda jista' jifformula ċerti osservazzjonijiet partikulari; sabiex wieħed ikun kompetittiv, ħafna drabi jkollu jkun innovattiv jew jibbaża l-approċċ tiegħu fuq il-kwalità.

3.3.2

Il-fatturi reali tal-produttività jinsabu fil-ħila tal-ħaddiema u b'hekk fit-taħriġ u l-esperjenza, kif ukoll fl-implimentazzjoni ta' teknoloġiji ġodda. Dan jiddependi mill-investimenti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ kif ukoll fir-riċerka u fl-iżvilupp kemm pubbliċi kif ukoll privati (dawn ta' l-aħħar huma l-aktar insuffiċjenti fl-Ewropa).

3.3.3

Għaldaqstant, ir-regolamentazzjoni (legali jew kuntrattwali kif ukoll fl-ambitu ta' l-azzjonijiet ta' l-imsieħba soċjali fir-rigward tat-taħriġ) għandha tkun immirata lejn l-iżvilupp ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll l-adattament għat-teknoloġiji l-ġodda fil-qafas tax-xogħol u tal-karriera, u għandha tikkonċerna b'mod ugwali d-diversi kategoriji ta' salarji; intrapriża li tixtieq toħloq il-ħiliet meħtieġa u żżommhom ikollha tagħmel sforz konġunt ma' l-awtoritajiet pubbliċi u l-istituzzjonijiet adegwati. B'dan il-mod, tali intrapriża tibbenefika minn vantaġġ kompetittiv u l-ħaddiema jgawdu eliġibbiltà itjeb għall-impjieg; il-leġislazzjoni għandha tiffavorixxi t-titjib tal-ħiliet u l-kwalifiki billi torganizza jew tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' finanzjamenti u strutturi ta' taħriġ u billi tispeċifika d-drittijiet u l-vantaġġi tat-taħriġ (leave għat-taħriġ, iffrankar ta' ħin) għall-karriera (permezz ta' kuntratti u dawk li jħaddmu suċċessivi), skond il-liġijiet u l-prattiki fis-seħħ jew li għandhom jiġu implimentati, u l-ftehim kolletiv (4)

3.3.4

Sforzi reċiproċi fil-qasam tal-kwalifiki u t-taħriġ jistgħu jkunu stimolati permezz ta' leġislazjoni u finanzjamenti lokali fir-rigward ta' l-SMEs, per eżempju, sabiex l-ispejjeż ikunu mifruxa fuq żona, peress li huwa impossibbli għall-intrapriżi żgħar ħafna (VSEs) u dawk li jaħdmu għal rashom li jorganizzaw taħriġ ta' dewmien partikulari minbarra l-esperjenza li tinkiseb fuq il-post tax-xogħol stess.

3.3.5

Madankollu, il-liġi tax-xogħol fis-sens wiesa' tista' biss tieħu ħsieb parti ristretta (taħriġ tul il-ħajja, parteċipazzjoni tal-ħaddiema) ta' l-elementi indispensabbli għall-użu avvanzat tat-teknoloġiji l-ġodda u l-adattament għat-tibdil industrijali u soċjali; l-edukazzjoni ta' livell universitarju, ir-riċerka, kapital riskjuż, l-“inkubaturi” ta' l-istart-ups u ċ-ċentri ta' innovazjoni għandhom rwol x'jaqdu wkoll fil-qafas ta' politika industrijali kompetittiva u kkoordinata fuq il-livelli reġjonali, nazzjonali u Ewropew.

3.4   Kif jista' jiġi ffaċilitat ir-reklutaġġ taħt kuntratti permanenti u temporanji, kemm jekk bil-liġi jew ftehim kollettiv, sabiex jippermetti aktar flessibbiltà fi ħdan il-qafas ta' dawn il-kuntratti filwaqt li jiżgura standards adegwati ta' sigurtà ta' l-impjieg u ħarsien soċjali fl-istess ħin?

3.4.1

Huwa diffiċli li approċċ ta' dan it-tip jiġi aċċettat, jekk il-flessibbiltà tfisser tkabbir fin-numru jew l-instabbiltà tal-forom ta' reklutaġġ; il-flessigurtà hija definita bħala l-possibbiltà li jiġu assoċjati diversi tipi ta' flessibbiltà u sigurtà fil-qasam ta' l-impjieg bil-għan li, b'mod bilanċjat, tiġi rinfurzata l-kapaċità ta' adattament tal-ħaddiem u ta' l-intrapriża u li fl-istess ħin it-tnejn ikunu mħarsa mir-riskji. Għaldaqstant, il-flessigurtà hija iktar minn bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sistema tas-sigurtà soċjali. Iktar ma jkun flessibbli l-kuntratt, iktar tkun dgħajfa s-sigurtà fix-xogħol, u iktar għandu jissaħħaħ il-ħarsien (ħarsien soċjali, karriera mħarsa u sigurtà professjonali tul il-ħajja attiva kollha) (5).

3.4.2

Il-mistoqsija timplika li l-flessibbiltà toħloq l-impjiegi; iżda m'hemm l-ebda dimostrazzjoni jew prova ta' dan. Is-sigurtà tiddependi iktar mil-liġi soċjali, li m'hijiex indirizzata fil-Green Paper.

3.5   Ikun utli li wieħed jikkunsidra għaqda ta' leġiżlazzjoni għall-ħarsien ta' l-impjiegi aktar flessibbli u livell għoli ta' għajnuna għall-persuni qgħieda, kemm f'forma ta' kumpens għad-dħul (i.e. politiki passivi tas-suq tax-xogħol) u politiki attivi tas-suq tax-xogħol?

3.5.1

Livell għoli ta' għajnuna għall-persuni qgħieda għandu dejjem, ikun xi jkun il-livell ta' “ħarsien” ta' l-impjieg, ikun assoċjat ma' taħriġ serju u “riċiklaġġ” kredibbli. Appoġġ ta' dan it-tip jimplika wkoll għajnuna mfassla skond il-bżonnijiet ta' l-intrapriżi li huma lesti li jħaddmu lil persuni li jinsabu fil-marġni tas-suq tax-xogħol (persuni li ilhom ħafna qiegħda, eċċ.). “Politika attiva tas-suq tax-xogħol” ma tfissirx l-obbligazzjoni li wieħed jaċċetta kull xogħol offrut lilu, anke dak inqas ikkwalifikat jew b'paga aktar baxxa, sabiex ma jitlifx l-għajnuna soċjali.

3.5.2

Is-soluzzjonijiet ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor skond l-istorja, is-sitwazzjoni soċjali u r-rwol tal-ftehim kollettiv; is-sussidjarjetà għandha rwol importanti x'taqdi fil-qasam tal-liġi tax-xogħol, inkluż fl-implimentazzjoni tad-direttivi Ewropej, kemm dawk li jirriżultaw minn qafas ta' ftehim Ewropew kif ukoll dawk li huma l-oġġett ta' inizjattiva komunitarja; huwa fatt li l-livell komunitarju wkoll għandu jerfa' r-responsabbiltajiet tiegħu, iħeġġeġ il-ftehim, iressaq proposti konkreti fl-oqsma ta' kompetenza tiegħu u ma jfixkilx “leġislazzjoni aħjar” ma' “tneħħija tar-regolamentazzjoni”.

3.6   Xi rwol jista' jkollhom il-liġi u/jew il-ftehimiet kollettivi negozjati bejn is-sieħba soċjali sabiex jippromwovui l-aċċess għat-taħriġ u t-tranżizzjonijiet bejn forom kuntrattwali differenti għal mobilità 'l fuq tul il-kors ta' ħajja tax-xogħol kompletament attiva?

3.6.1

Huwa essenzjali li jkun hemm standards b'saħħithom u sostenibbli sabiex jiġi assigurat it-taħriġ permanenti u t-tranżizzjonijiet professjonali; l-importanza rispettiva ta' l-istandards u l-ftehimiet kollettivi tvarja skond il-“mudelli” eżistenti fil-pajjiżi, il-kundizzjonijiet leġislattivi u soċjali u l-qawwa ta' l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi. It-tradizzjonijiet u l-prattiki jvarjaw ukoll skond l-istorja soċjali u l-mezzi għall-ħarsien fuq perijodu twil ħafna tal-kompromessi milħuqa bejn l-imsieħba soċjali. Dan jeħodna lura għall-ħolqien ta' ħarsien statutorju tal-ħaddiema fil-veru sens tal-kelma.

3.6.2

Is-sistema li għandha tiġi implimentata tikkonċerna kemm il-kuntratti tax-xogħol kif ukoll l-istituzzjonijiet li jassiguraw l-appoġġ tat-tranżizzjonijiet, l-appoġġ finanzjarju (forom ta' finanzjament li għandhom jiġu negozjati jew diskussi) u l-istabbiliment ta' taħriġ pubbliku, kollettiv jew kooperattiv, jew taħriġ fuq il-post tax-xogħol (intrapriża ta' tagħlim) b'rikonoxximent tal-kwalifiki li jinkisbu b'dan il-mod.

3.6.3

Huwa preċiżament f'dan l-ambitu li l-liġi tax-xogħol tista' tikkontribwixxi b'mod effikaċi sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' Lisbona, kemm fil-kuntest ta' soċjetà ta' l-għarfien kif ukoll f'dak ta' sigurtà li tippermetti li wieħed jorganizza ħajtu, jippjana l-ġejjieni u jibni proġetti għall-futur, ħaġa li tikkontribwixxi direttament sabiex tissaħħaħ il-produttività u l-kwalità tax-xogħol.

3.7   Hemm bżonn ta' aktar ċarezza fid-definizzjonijiet legali ta' l-Istati Membri dwar l-impjiegi u xogħol ta' min jaħdem għal rasu sabiex jiġu faċilitati tranżizzjonijiet bona fide minn impjegar għal xogħol għal rasek u vice versa?

3.7.1

Mingħajr dubju ta' xejn, jista' jinfetaħ dibattitu dwar dan is-suġġett fuq il-bażi ta' studji komparattivi dettaljati, iżda din il-mistoqsija tidher teoretika ħafna, fis-sens li l-armonizzazzjoni tal-liġi tax-xogħol u tal-ħarsien soċjali m'humiex fuq l-aġenda; id-definizzjonijiet nazzjonali u l-ġurisprudenza rispettiva tagħhom qegħdin fis-seħħ u huwa xieraq li jinżammu, billi hemm distinzjoni ċara bejn il-liġi tax-xogħol u l-liġi ċivili (kummerċjali).

3.8   Hemm bżonn ta' “drittijiet bażiċi” li jitrattaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kollha indipendentement mill-forma tal-kuntratt tagħhom? Fl-opinjoni tiegħek, x'ikun l-impatt ta' kundizzjonijiet minimi simili fuq il-ħolqien tax-xogħol kif ukoll fuq il-ħarsien tal-ħaddiema?

3.8.1

Kollox jiddependi minn dak li wieħed jassoċja ma' “drittijiet bażiċi li jitrattaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol”; fir-rigward ta' kwistjonijiet bħall-ħin tax-xogħol, l-istrutturar tal-ħinijiet, is-salarji, dawn huma ddeterminati mill-forma kuntrattwali u l-kundizzjonijiet ġenerali li japplikaw bil-liġi.

3.8.2

Jekk qegħdin nitkellmu fuq id-dritt ta' parteċipazzjoni, il-libertajiet fundamentali, il-prinċipji ta' ugwaljanza u non-diskriminazzjoni, id-dritt għal ħarsien fil-każ ta' sitwazzjonijiet mhux mistennija — l-inċidenti, l-mard, il-qgħad -, eċċ, huwa ovvju li dawn huma indipendenti mill-kuntratt tax-xogħol, billi huma drittijiet fundamentali. Huwa assolutament inaċċettabbli li dawn jitqiesu bħala “obbligazzjonijiet minimi” jew li tkun ikkunsidrata l-“flessibbiltà” tagħhom.

3.9   Taħseb li r-responsabbiltajiet tal-partijiet varji fir-relazzjonijiet ta' impjieg multipli għandhom jiġu ċċarati sabiex jiddeterminaw min huwa responsabbli għall-konformità mad-drittijiet ta' l-impjieg? Ir-responsabbiltà sussidjarja tkun mod effettiv u fattibbli sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà fil-każ tas-sottokuntratturi? Jekk le, taħseb li hemm modi oħrajn sabiex ikun żgurat ħarsien xieraq tal-ħaddiema f'“relazzjonijiet trijangolari”?

3.9.1

Il-liġi tax-xogħol hija bbażata fuq politika pubblika soċjali, li hija vinkolanti għall-partijiet kollha. Il-prinċipali għandhom ikollhom ċertu poter sabiex jikkontrollaw jew jissorveljaw is-sottokuntratturi tagħhom u għandhom jieħdu l-prekawzjoni li ċerti prinċipji (ir-rispett ta' normi soċjali u tekniċi li huma fis-seħħ) jiġu affermati fil-kuntratti, jekk ma jixtiqux isibu rwieħhom u kontra qalbhom kompliċi fi ksur tal-liġi tax-xogħol jew normi nazzjonali oħra li japplikaw għal siti fejn qiegħed jitla' l-bini jew għal postijiet tax-xogħol.

3.9.2

Jidher li responsabbiltà konġunta, b'dispożizzjonijiet sabiex il-prinċipali jkunu jistgħu jieħdu azzjoni kontra sottokuntratturi li ma jirrispettawx il-kuntratt, hija s-soluzzjoni li l-aktar li tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema, li jistgħu jsibuha diffiċli li jiddefendu lilhom infushom jekk is-sede tas-sottokuntrattur qiegħda f'pajjiż ieħor, possibilment barra l-UE, waqt li jkunu qegħdin jaħdmu fuq sit ġestit mill-prinċipal. Din ir-regola fuq responsabbiltà konġunta għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u sabiex ikun hemm garanzija ta' ħlas tas-salarji għandha tapplika kemm jekk il-prinċipal huwa entità privata jew pubblika u kemm f'każ li huwa taħlita tat-tnejn.

3.9.3

Il-protezzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu barra għandha titjieb. Sottokuntratturi li m'humiex nazzjonali għandhom jikkontribwixxu lejn fondi jew istituzzjonijiet li jiggarantixxu l-ħlas ta' flus li huma dovuti lill-impjegati f'każ ta' insolvenza ta' min jipprovdi l-impjieg; fost l-obbligazzjonijiet tal-prinċipal jeħtieġ li għandu jkun previst kumpens legali fl-Istati Membri f'każ ta' ripatrijazzjoni jekk ikun hemm insolvenza tas-sottokuntrattur.

3.9.4

Waħda mill-problemi ta' relazzjonijiet trijangolari, jew saħansitra kwadrilaterali, hija r-riskju ogħla li jeżisti għall-impjegati/ħaddiema li waħda mill-ħoloq fil-katina tfalli jew li r-responsabbiltajiet jinqasmu bejn aktar nies. Fil-każ ta' l-impjegati ta' sottokuntratturi mhux nazzjonali hija biss ir-responsabbiltà konġunta bejn il-prinċipal, minn naħa, u huma min huma s-sottokuntrattui min-naħa l-oħra, appoġġjati mir-regoli legali, li tipprovdi protezzjoni li hija adegwatament sħiħa sabiex tassigura illi d-drittijiet jiġu rispettati u s-salarji u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jitħallsu. Is-sistemi ta' garanzija nazzjonali adegwati, ibbażati fuq id-direttiva dwar il-protezzjoni tal-impjegati f'każ ta' l-insolvenza ta' min iħaddimhom, għandhom ikunu effettivi kif suppost u għandhom ikunu estiżi għal kumpaniji f'pajjiżi oħra jekk is-sistema ta' garanziji nazzjonali tagħhom hija inadegwata jew ma teżistix; f'dan il-każ, ir-responsabbiltà konġunta tal-prinċipali għandha titnaqqas proporzjonalment. Barra minn hekk, is-sistemi legali nazzjonali għandhom jipprovdu mekkaniżmu li jippermetti l-użu immedjat ta' ħlasijiet mill-prinċipali lis-sottokuntratturi barranin, sabiex ikopru l-obbligazzjonijiet finanzjarji li għadhom ma tħallsux lill-impjegati (6).

3.10   Teżisti l-ħtieġa li jiġi ċċarat l-istatus ta' l-impjieg tal-ħaddiema temporanji minn aġenzija?

3.10.1

In-nuqqas ta' qafas legali komunitarju joħloq ir-riskju ta' abbużi bħall-evażjoni tal-leġislazzjoni dwar is-sekondar temporanju. Ikun siewi li jsir minn kollox sabiex il-Kunsill jilħaq konsensus — dan iwassal li jiġu stabbiliti regoli dwar l-attivitajiet tal-ħaddiema temporanji fl-aġenziji fil-livell Ewropew.

3.11   Kif jistgħu jiġu mmodifikati r-rekwiżiti minimi dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol sabiex jipprovdi flessibbiltà ikbar kemm għall-impjegaturi kif ukoll għall-impjegati, filwaqt li jkun żgurat standard għoli ta' ħarsien tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema? X'aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol jistgħu jiġu indirizzati bi prijorità mill-Komunità?

3.11.1

Id-direttiva ta' l-1993 li hija attwalment fis-seħħ, suġġetta għall-inklużjoni ta' ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti, toffri qafas protettiv li jista' jittejjeb, jissaħħaħ jew jiġi żviluppat fil-livell nazzjonali skond kif meħtieġ, permezz ta' negozjati kollettivi f'livelli differenti, fost affarijiet oħra.

3.11.2

Il-kwistjoni tirrikonoxxi b'mod espliċitu r-rabta bejn id-dewmien/it-tul tal-ħinijiet tax-xogħol u r-riskji ta' inċidenti jew danni għas-saħħa; din ir-rabta filfatt teżisti, u t-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol effettiv jista', fil-perijodu fit-tul, itejjeb is-saħħa tal-ħaddiema, prinċipalment permezz tat-tnaqqis ta' l-istress u l-għejja permanenti, u fl-istess ħin jiffaċilita l-ħolqien ta' impjiegi ġodda.

3.12   Kif jistgħu d-drittijiet ta' l-impjieg tal-ħaddiema li joperaw f'kuntest transnazzjonali, inkluż partikolarment ħaddiema fuq il-fruntiera, jkunu żgurati madwar il-Komunità? Inti tara ħtieġa għal definizzjonijiet iktar konverġenti ta' “ħaddiem” fid-Direttivi ta' l-UE fl-interessi li jkun żgurat li dawn il-ħaddiema jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet ta' l-impjieg tagħhom, irrispettivament mill-Istat Membru fejn jaħdmu? Jew temmen li l-Istati Membri għandhom iżommu d-diskrezzjoni tagħhom f'din il-kwistjoni?

3.12.1

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1 u r-Rakkomandazzjoni 198 ta' l-ILO; minħabba varjazzjonijiet attwali, id-definizzjoni għandha tibqa' taqa' fil-kompetenza ta' l-Istati Membri, għaliex taffettwa mhux biss il-kuntratti tax-xogħol, imma wkoll l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni soċjali (id-definizzjoni ta' benefiċjarji, il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-benefiċċji).

3.12.2

Ma jidhirx li teżisti xi problema ġenwina kkawżata mid-direttivi Ewropej, li jiddefinixxu l-persuni kkonċernati skond in-natura tal-leġislazzjoni; żgur li jeħtieġ li jsir studju approfondit ta' din il-kwistjoni qabel ma jiġu kkunsidrati xi tibdiliet, f'każ li jkun hemm bżonn.

3.13   Taħseb li jinħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet rilevanti sabiex tiżdied l-effettività tagħhom fl-infurzar tal-liġi Komunitarja tax-xogħol? Inti tara rwol għall-imsieħba soċjali f'din il-kooperazzjoni?

3.13.1

Ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali huwa indispensabbli, fil-kuntest ta' djalogu soċjali u fl-ispirtu tat-trattati u tal-Karta, sabiex jiġu analizzati l-implimentazzjoni u r-rispett tal-liġi Komunitarja tax-xogħol.

3.14   Inti tqis li jinħtieġu iktar inizjattivi fil-livell ta' l-UE sabiex jappoġġaw l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat?

3.14.1

Ir-rwol tal-Eurostat għandu jkun żviluppat sabiex il-fenomeni fis-seħħ fil-pajjiżi varji jiftiehmu tajjeb; jidher li r-rwol ta' xogħol informali jew mhux iddikjarat fir-rigward tal-ħolqien ta' PGD nazzjonali huwa sottovalutat. Jekk il-kaġuni ta' dan huma dovuti aktar għal sitwazzjonijiet nazzjonali speċifiċi, kif jindikaw ċerti studji, allura l-azzjoni ta' l-Istati Membri nnifishom għandha tiġi partikolarment sostnuta u mħeġġa.

3.14.2

Madankollu, peress li ftit li xejn huwa magħruf dwar dawn il-fenomeni, ikun ta' siwi li jiġu ċċarati r-rabtiet bejn dawn it-tipi ta' xogħol u l-falsifikazzjoni, l-importanza tan-netwerks kriminali fix-xogħol mhux iddikjarat u r-rabtiet ma' l-immigrazzjoni illegali, li jistgħu jiġġustifikaw kooperazzjoni ġudizzjarja akbar fl-Unjoni, u rwol usa' għall-UE, inkwantu dawn il-forom ta' xogħol għandhom ukoll impatt fuq is-suq intern u l-kompetizzjoni.

3.14.3

L-imsieħba soċjali għandhom rwol importanti x'jaqdu fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u fit-tnaqqis ta' l-ekonomija informali. Għandha tittieħed azzjoni fil-livell ta' l-UE sabiex l-imsieħba soċjali fl-Istati Membri jiġu mħeġġa jniedu proġetti nazzjonali u settorjali bejniethom stess u flimkien ma' l-awtoritajiet sabiex dawn il-problemi jiġu riżolti. L-imsieħba soċjali jistgħu jaħdmu flimkien fil-livell Komunitarju sabiex janalizzaw u jxerrdu prassi tajba fl-Istati Membri.

3.14.4

Il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat tirrikjedi miżuri transkonfinali effettivi ta' kooperazzjoni, sorveljanza u informazzjoni dwar il-pieni imposti fuq persuni li jipprovdu xogħol mhux iddikjarat jew li jagħmlu dan it-tip ta' xogħol.

Brussell, 30 ta' Mejju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Au délà de l'emploi (Lil hinn mill-impjieg), editions Flammarion, pġ 294 'il quddiem.

(2)  Il-Grupp ta' Min Iħaddem ma laqax l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni numru 198 ta' l-ILO dwar ir-relazzjoni tax-xogħol.

(3)  Il-Grupp ta' Min Iħaddem ma laqax l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni numru 198 ta' l-ILO dwar ir-relazzjoni tax-xogħol.

(4)  Ara OECD, PISA 2003 u PISA 2006 dwar l-effikaċja tas-sistemi edukattivi; il-pajjiżi tat-Tramuntana ta' l-Ewropa għandhom klassifikazzjoni tajba ħafna, bil-Finlandja fl-ewwel post.

(5)  F'dan il-kuntest, wieħed għandu jiftakar li fl-Ewropa 78 % tal-kuntratti tax-xogħol huma kuntratti full-time u dawk permanenti u li 18.4 % tal-ħaddiema biss għandhom kuntratt part-time permanenti. Il-kuntratti bi żmien fiss jikkonċernaw bejn wieħed u ieħor 14.5 % tal-forza tax-xogħol ta' l-Unjoni Ewropea filwaqt li 2 % ta' l-impjiegi fl-UE ta' 27 membru huma xogħlijiet temporanji. Madankollu, aktar minn 60 % tal-kuntratti tax-xogħol ġodda huma kuntratti flessibbli.

(6)  Ara d-Direttiva 80/987/KEE tal-Kunsill ta' l-20 ta' Ottubru 1980 dwar it-taqrib tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f'każ ta' l-insolvenza ta' min iħaddimhom (ĠU L 283, 28.10.1980, p. 23).


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li jidhru hawn taħt ġew rifjutati, għalkemm ġabu mill-inqas kwart tal-voti mixħuta:

Biddel l-opinjoni kollha b'dan li ġej:

Illum l-Ewropa qiegħda tiffaċċja sfidi importanti bħal ekonomija li qiegħda tinbidel minn ekonomija industrijali għal waħda orjentata lejn is-servizzi u bbażata fuq l-għarfien, il-globalizzazzjoni, il-progress teknoloġiku mgħaġġel, it-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea, it-tnaaqis fir-rati tat-twelid u l-bidliet fis-soċjetà u l-bżonnijiet tagħha.

Sabiex nirrispondu għal dawn l-isfidi filwaqt li nżommu l-mudell soċjali Ewropew tagħna jitlob — fost affarijiet oħra — li l-liġi tax-xogħol tiġi mmodernizzata.

Għalhekk, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-Green Paper tal-Kummissjoni li tniedi dibattitu pubbliku dwar il-modernizzazzjoni dwar il-liġi tax-xogħol. Il-kontribuzzjonijiet għal din il-Green Paper ser jarrikkixxu l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li hemm ippjanata dwar il-flessigurtà. Il-bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà fl-impiegi għandu jissodisfa b'mod reċiproku l-bżonnijiet tal-ħaddiema kif ukoll ta' l-intrapriżi.

Il-modernizzazzjoni tal-liġi dwar ix-xogħol għandha tappoġġja l-miri ta' l-Istrateġija ta' Lisbona ta' tkabbir, kompetittività u aktar impiegi ta' kwalità kif ukoll l-inklużjoni soċjali. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet il-KESE jissuġġerixxi dan li ġej:

1.

Il-varjetà eżistenti ta' forom kuntrattwali għall-impiegi għandha tinżamm bil-kundizzjoni li jkun hemm qafas legali stabbli, li jikkunsidra l-bżonnijiet tal-ħaddiema kif ukoll dawk ta' l-intrapriżi, speċjalment ta' l-SMEs. 78 % tal-kuntratti ta' l-impjieg huma fuq bażi permanenti u full time, iżda n-numru ta' arranġamenti kuntrattwali ġodda u flessibbli qiegħed jikber madwar l-Ewropa. Kuntratti tax-xogħol flessibbli bħall-kuntratti ta' xogħol part-time u b'terminu ta' żmien fiss jistgħu jgħinu sabiex jiżviluppaw ħiliet ta' xogħol li ma jiġux mgħallma fil-klassi, u b'hekk tiżdied il-possibbiltà li wieħed isib xogħol full-time b'kuntratt permanenti. Kuntratti tax-xogħol flessibbli jistgħu jkunu bidu tajjeb għall-ħajja futura tax-xogħol taż-żgħażagħ kif ukoll opportunità eċċellenti sabiex jiġu rikonċiljati l-ħajja professjonali u dik familjali u għalhekk jistgħu jikkontribwixxu lejn ħolqien ta' suq tax-xogħol inklussiv. Il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni hija importanti għal dawn il-ħaddiema kif stabbilit fid-direttivi Ewropej dwar xogħol part-time u dak b'terminu fissu li huma bbażati fuq il-ftehimiet bejn l-imsieħba soċjali Ewropej.

2.

Il-modernizzazzjoni tal-liġi dwar ix-xogħol għandha bżonn li sseħħ prinċipalment fil-livell ta' l-Istati Membri. Peress li l-liġi tax-xogħol hija biss parti waħda mill-prinċipju tal-flessigurtà, il-bilanċ ġust bejn il- flessibbiltà u s-sigurtà jrid jiġi definit fil-qafas nazzjonali rispettiv. Ir-riformi nazzjonali għandhom jiġu kkumplimentati b'azzjoni Ewropea mmirata li tqajjem kuxjenza billi jiġi identifikat u ffaċilitat skambju ta' l-aħjar prattiċi.

3.

Ir-rwol importanti ta' l-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali, settorjali u intraprenditorjali għall-modernizzazzjoni tal-liġi dwar ix-xogħol kif ukoll sabiex jinstab il-bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà għandu jiġi appoġġjat. In-negozjar kollettiv għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta' l-awtonomija ta' l-imsieħba soċjali u għandu jvarja skond l-istorja u l-kultura tar-relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri differenti.

4.

Huwa importanti li l-protezzjoni ta' l-impjieg aktar flessibbli fil-qafas tal-kuntratti indefiniti tax-xogħol għandha tiġi assoċjata ma' politiki ta' suq attivi li jipprovdu appoġġ adattat għall-impjegati li jiksbu kwalifiki ġodda skond il-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol. Il-punt fokali għandu jkun fuq is-sigurtà ta' l-impjieg iktar milli fuq il-protezzjoni ta' impjiegi partikolari. Azzjonijiet pożittivi mill-ekonomija soċjali u mill-intrapriżi għandhom jiġu appoġġjati sabiex jintegraw lil dawk l-aktar esklużi fis-suq tax-xogħol. Sħubija tripartitika stretta bejn dawk li jħaddmu, il-ħaddiema u s-settur pubbliku tgħin sabiex jiġu identifikati l-bżonnijiet ta' taħriġ u jinqasam il-piż finanzjarju. Skemi ta' protezzjoni soċjali li jirrispettaw lill-impjieg għall-ħaddiema kif ukoll għal dawk li jaħdmu għal rashom għandhom jikkontribwixxu sabiex jiġu ffaċilitati t-transizzjonijiet bejn il-forom differenti tax-xogħol.

5.

L-impjieg indipendenti jikkontribwixxu bil-kbir għall-ispirtu intraprenditorjali, qasam fejn l-Ewropa għadha lura meta mqabbla mal-kompetituri prinċipali tagħha fid-dinja u dan huwa l-aħjar sinjal ta' dinamiżmu ta' ekonomija moderna. Madankollu jrid ikun hemm distinzjoni ċara bejn il-ħaddiema indipendenti li huma ekonomikament dipendenti, fuq naħa u l-ħaddiema indipendenti 'foloz' fuq naħa oħra: dawn ta' l-aħħar għandu jkollhom l-istess livell ta' protezzjoni bħall-ħaddiema fir-rigward ta' per eż. sigurtà soċjali, sikurezza u protezzjoni tas-saħħa u ta' l-impjieg.

6.

Xogħol mhux iddikjarat ifixkel il-kompetizzjoni u jeqred il-bażi finanzjarja ta' l-iskemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali u tas-sistemi fiskali. Xogħol mhux iddikjarat huwa fenomenu kumpless u l-kawżi tiegħu huma multipli. Għalhekk il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat teħtieġ doża tajba ta' politika, b'adattazzjoni tal-liġi tax-xogħol, simplifikazzjoni ta' l-obbligazzjonijiet amministrattivi, politiki konsistenti ta' paga, inċentivi fiskali, titjib fl-infrastruttura pubblika u fis-servizzi pubbliċi iżda wkoll kontrolli u sanzjonijiet disswasivi. Il-Kummissjoni Ewropea għalhekk għandha tieħu r-riedni sabiex tiġbor il-prattiċi tajbin u tiffaċilita t-tixrid tagħhom fost l-Istati Membri sabiex tistimula l-azzjoni kontra x-xogħol mhux iddikjarat.”

Raġuni

Ser tingħata bil-fomm.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 89

Kontra: 126

Astensjonijiet: 7

Punt ġdid 3.9.2

Żid Punt ġdid:

Ġeneralment il-prinċipali m'għandhom l-ebda influwenza fuq kif il-kuntratturi jikkonformaw ma' l-obbligazzjonijiet tagħhom lejn l-impjegati fil-ħajja ta' kuljum, u barra minn hekk m'humiex konxji u lanqas ma jistgħu jinfluwenzaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kuntratturi; għalhekk m'humiex f'pożizzjoni li jikkontrollaw jekk il-kuntratturi jistgħux jissodisfaw l-obbligazzjonijiet tagħhom lejn l-impjegati. Għaldaqstant ma jistgħux jassumu r-risjku finanzjarju akkompanjanti.”

Raġuni

Il-mistoqsija tal-Kummissjoni fil-Green Paper hija ġenerali u ma tapplikax biss għar-relazzjonijiet transnazzjonali. Għalhekk nipproponi li jiżdied Punt addizzjonali ta' natura ġenerali bejn il-Punt 3.9.1 u 3.9.2. F'dan il-każ, Punt 3.9.2, li jiddeskrivi fid-dettall l-eżenzjoni minn din l-istqarrija ġenerali (relazzjonijiet transnazzjonali) ikun adattat

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur: 75

Kontra: 122

Astensjonijiet: 12


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/74


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għall-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja”

COM(2006) 479 finali — 2006/0163 (COD).

(2007/C 175/18)

Nhar id-19 ta' Ottubru 2006, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar il- Proposta għall-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Mejju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Rodríguez García-Caro

Matul il- 436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet (seduta tat-30 u l-31 ta' Mejju 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'156 voti favur, vot wieħed kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn ta' proposta li twaqqf Qafas Ewropew għall-Kwalifiki, peress li trasparenza adegwata tal-kompetenzi u tal-kwalifiki tgħolli l-livell ta' mobilità fi ħdan l-Unjoni Ewropea u tiżgura aċċess wiesgħa u standardizzat għas-suq tax-xogħol Ewropew billi tagħmilha possibbli li ċertifikati li jinkisbu minn Stat Membru jkunu jistgħu jintużaw fi Stat Membru ieħor. Madankollu, il-Kumitat identifika u elenka numru ta' problemi fil-mudell propost li jistgħu jfixklu l-implimentazzjoni.

1.2

Il-KESE jinnota li l-forma legali magħżula għall-adozzjoni tal-proposta hija r-rakkomandazzjoni, li ma torbotx legalment, skond l-Artikolu 249 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

1.3

Il-KESE jemmen li hemm bżonn aktar ċarezza u sempliċità fl-indikaturi tal-mudell, speċjalment fejn jidħlu l-kwalifiki professjonali, sabiex ikun aktar faċli li jiftehmu mill-pubbliku ġenerali, n-negozji u l-esperti; barraminhekk, għandu jkun hemm Anness li jagħti referenza lill-Istati Membri li fuqha jkunu jistgħu jibbażaw il-Qafas ta' Kwalifiki Nazzjonali tagħhom, u b'hekk tiġi żgurata l-konsistenza fis-sistema ta' referenza kollha li għad trid titwaqqaf.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-proposta li qiegħda tifforma s-suġġett ta' l-opinjoni tal-KESE tilħaq wieħed mill-objettivi li l-Kunsill Ewropew ta' Lisbona stabbilixxa fl-2000, fejn ġie konkluż li jekk titjieb it-trasparenza tal-kwalifiki u jitrawwem it-tagħlim tul il-ħajja, ikun possibbli li l-edukazzjoni Ewropea u s-sistemi ta' taħriġ jiġu adattati sabiex jilħqu l-miri tal-Kunsill f'termini ta' kompetittività, tkabbir, impjiegi u l-koeżjoni soċjali fl-Ewropa.

2.2

Din il-konklużjoni ġiet rikonoxxuta fl-2002 mill-Kunsill Ewropew ta' Barċellona, li kkonkluda li l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni u jibnu l-pontijiet bejn it-tagħlim formali, non-formali u informali. Dan tqies bħala prerekwiżit għall-ħolqien ta' żona Ewropea għat-tagħlim tul il-ħajja, li jibni fuq il-kisbiet tal-proċess ta' Bologna għall-edukazzjoni għolja, bil-għan li l-edukazzjoni u s-sistemi ta' taħriġ Ewropej isiru kejl ta' kwalità dinjija sa l-2010.

2.3

Fl-istess sena, il-Kunsill Ewropew ta' Sevilja stieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa qafas għall-għarfien tal-kwalifiki edukattivi u ta' taħriġ, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill u l-Istati Membri.

2.4

Ir-rapport interim tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ta' l-2004 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' Edukazzjoni u Taħriġ 2010 saħaq fuq il-bżonn ta' qafas Ewropew ta' kwalifiki. Il-Kunsill ta' Kopenħagen li ltaqa' fil-ħarifa ta' l-2004, ukoll saħaq fuq il-bżonn li tingħata priorità lill-iżvilupp ta' qafas Ewropew għall-kwalifiki miftuħ u flessibbli, ibbażat fuq it-trasparenza u l-għarfien reċiproku, li jsir standard komuni fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

2.5

Il-konferenza tal-ministri ta' l-edukazzjoni għolja li nżammet f'Bergen fir-Rebbiegħa ta' l-2005, li fiha ġie adottat il-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għall-edukazzjoni għolja, saħqet fuq l-importanza li tiġi żgurata l-komplimentarjetà bejn iż-żona Ewropea ta' l-Edukazzjoni Għolja u l-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki

2.6

Fil-kuntest tar-reviżjoni ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, il-linji gwida għall-impjieg għall-2005-8 saħqu fuq il-bżonn li jiġi ggarantit l-aċċess għat-tagħlim flessibbli, opportunitajiet li jiżdiedu għall-mobilità ta' l-apprentisti u l-istudenti, it-titjib fit-trasparenza tal-kwalifiki u l-validazzjoni tat-tagħlim non-formali madwar l-Ewropa.

2.7

Il-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2005 sejjaħ għall-adozzjoni ta' Qafas Ewropew għall-Kwalifiki fl-2006. Din ir-riżoluzzjoni ġiet ratifikata mill-Kusill Ewropew ta' Marzu 2006.

2.8

Din il-proposta u, b'mod partikolari, l-indikaturi li jiddefinixxu il-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki (EQF), ġew imfassla fuq il-bażi ta' proċess ta' konsultazzjoni metodiku mmexxi mill-Kummissjoni bil-kooperazzjoni taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP) u mill-Grupp ta' Segwitu tal-Proċess ta' Bologna; id-dokument ta' ħidma Lejn Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja  (1) u kkontribwew għalih it-32 pajjiż involut fil-programm ta' Edukazzjoni u Taħriġ 2010, l-imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet settorjali, korpi edukattivi u għaqdiet mhux governattivi (NGOs); id-diskussjonijiet waqt il-Konferenza ta' Budapest li nżammet fi Frar 2006; u l-ħidma li saret mill-grupp ta' esperti u konsulenti li assisstew lill-Kummissjoni.

2.9

Wara li saret stima ta' l-impatt tal-forom possibbli li setgħet tieħu l-EQF, ġie deċiż li tintgħażel Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

2.10

Fl-aħħar ta' Settembru ta' l-2006, il-Parlament Ewropew approva rapport dwar il-ħolqien ta' Qafas Ewropew għall-Kwalifiki (2).

3.   Taqsira tal-proposta

3.1

Il-proposta għar-rakkomandazzjoni fiha għodda ta' referenza li tagħmilha possibbli li jiġu mqabbla l-livelli tal-kwalifiki fis-sistemi nazzjonali differenti. Hija bbażata fuq serje ta' tmien livelli ta' referenza li huma deskritti f'termini ta' riżultati tat-tagħlim, li jkopru l-edukazzjoni ġenerali u ta' l-adulti, l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ; u l-edukazzjoni għolja. Il-proposta tinkludi t-test tar-rakkomandazzjoni, serje ta' definizzjonijiet u żewġ annessi (wieħed li jistabilixxi l-indikaturi li jiddefinixxu l-livelli tal-EQF, u l-ieħor ikopri l-prinċipji ta' assigurazzjoni ta' kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ).

3.2

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirrakkomandaw li l-Istati Membri:

jużaw il-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki bħala għodda ta' referenza sabiex iqabblu l-livelli tal-kwalifiki;

jirrelataw is-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki tagħhom mal-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki sa l-2009 u jiġi żviluppat qafas għall-kwalifiki nazzjonali;

jiżguraw li, sa l-2011, il-kwalifiki l-ġodda kollha u d-dokumenti “Europass” ikun fihom referenza ċara għal-livell xieraq tal-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki;

jużaw strateġija bbażata fuq ir-riżultati tat-tagħlim meta jiddefinixxu u jiddeskrivu l-kwalifiki;

jippromwovu l-validazzjoni tat-tagħlim non-formali u informali;

jaħtru ċentru nazzjonali ta' appoġġ u koordinazzjoni tar-relazzjoni bejn is-sistema tal-kwalifiki nazzjonali u l-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki, sabiex:

jirrelata l-livelli taż-żewġ sistemi;

jippromwovi u japplika l-prinċipji ta' l-assigurazzjoni tal-kwalità waqt il-proċess ta' relatar;

jiżgura li l-metodoloġija wżata sabiex tiġi stabbilita l-korrispondenza bejn il-livelli tkun trasparenti

jipprovdi gwida lill-partijiet interessati u jiżgura l-parteċipazzjoni tagħhom.

3.3

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jappoġġjaw l-intenzjoni tal-Kummissjoni li:

tappoġġa lill-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali settorjali fl-użu tal-livelli ta' referenza u prinċipji tal-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki;

tistabbilixxi grupp ta' pariri dwar il-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki sabiex jissorvelja, jikkoordina u jiżgura l-kwalità u l-koerenza ġenerali tal-proċess li jirrelata s-sistemi ta' kwalifiki mal-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki;

tissorvelja l-l-miżuri meħuda u tirreferi, fi żmien ħames snin, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-esperjenza miksuba u l-implikazzjonijiet għall-futur.

3.4

It-tmien livelli ta' referenza huma deskritti f'Anness I, skond ir-riżultat tat-tagħlim individwali, ibbażati fuq dak li l-persuna taf, tifhem u kapaċi tagħmel. Dawn l-aspetti huma espressi fl-indikaturi tal-livell f'termini ta' għarfien, ħiliet u kompetenzi.

4.   Kummenti Ġenerali

4.1

Il-Kumitat jilqa' l-proposta għar-rakkomandazzjoni sottomessa għall-opinjoni tiegħu, soġġett għal dawn l-osservazzjonijiet. Il-Kumitat jemmen li trasparenza adegwata tal-kompetenzi u tal-kwalifiki tgħolli l-livell ta'mobilità fi ħdan l-Unjoni Ewropea u tiżgura aċċess wiesgħa u standardizzat għas-suq tax-xogħol Ewropew billi tagħmilha possibbli li ċertifikati li jinkisbu minn Stat Membru jkunu jistgħu jintużaw fi Stat Membru ieħor.

4.2

Fil-konklużjonijiet ta' l-Opinjoni tiegħu (3) dwar il-proposta ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għarfien tal-kwalifiki professjonali (4), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew appoġġja l-ħolqien ta' pjattaforma konġunta għall-għarfien tal-kwalifiki kollha: jiġifieri fl-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ, u t-tagħlim non-formali u informali. Il-Kumitat iqis li l-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki huwa pass importanti fl-għarfien u t-trasparenza tal-kwalifiki.

4.3

Peress li huwa ibbażat fuq ir-riżultati tat-tagħlim l-EQF għandu jgħin sabiex iġib l-edukazzjoni u t-taħriġ eqreb lejn il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, li għandu jħaffef il-validazzjoni tat-tagħlim non-formali u informali u b'hekk jinkoraġġixxi t-trasferiment u l-użu tal-kwalifiki bejn pajjiżi u sistemi edukattivi jew ta' taħriġ differenti. Fl-opinjoni tal-KESE, dawn huma l-aktar benefiċċji importanti ta' l-inizjattiva, flimkien ma' l-influwenza li l-livelli ta' referenza ser ikollhom fuq l-impjieg.

4.4

Il-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għandhu jieħu ħsieb il-bżonnijiet tat-tagħlim individwali: validazzjoni tat-tagħlim, il-ħiliet u l-integrazzjoni soċjali tagħhom, il-kapaċità għall-impjieg, u l-iżvilupp u l-użu tar-riżorsi umani. Il-validazzjoni ta' l-edukazzjoni non-formali u informali tal-ħaddiema Ewropej għandha tkun waħda mill-prioritajiet li jmexxu 'l quddiem il-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki.

4.5

Il-Kumitat jemmen li l-EQF ser jgħin sabiex s-sistemi Ewropej ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ isiru aktar ċari u aċċessibbli għaċ-ċittadini b'mod ġenerali. Il-ħaddiema ta' l-UE u min potenzjalment jista' jħaddimhom għandhom bżonn ta' qafas ta' referenza li jippermettilhom li jqabblu l-kwalifiki li ġġib persuna minn Stat Membru jew aktar mal-kwalifiki ta' referenza fl-Istat Membru li l-persuna tixtieq tmur taħdem fih. Il-Kumitat għalhekk jilqa' l-effett li l-proposta ser ikollha sabiex jingħeleb ix-xkiel għall-mobilità transnazzjonali. Il-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għandu jibni l-pontijiet bejn sistemi ta' taħriġ, u jiffaċilita ċ-ċaqliq bejn it-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni ġenerali (inkluż l-edukazzjoni għolja).

4.6

Fir-rigward tal-forma legali mogħtija lill-EQF, il-Kumitat japrezza l-analiżi li għamlet il-Kummissjoni fl-istima ta' l-impatt (5), u jinnota li rakkomandazzjonijiet suċċessivi fil-qasam ta' l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-mobilità rċevew appoġġ li jvarja bejn l-Istati Membri. Madankollu, il-Kumitat jemmen li r-rakkomandazzjoni, bħala att li ma jorbotx u li għalhekk ma jpoġġi l-ebda obbligu legali fuq dawk li jindirizza, jista' jirriżulta f'miżura li tapplika għal żmien qasir u li ma jirnexxiliex tilħaq l-għanijiet tagħha fil-perjodu medju, speċjalment jekk ir-referenza trid titwaqqaf ma' Qafas Nazzjonali għall-Kwalifiki ipotetiku (NQF) għal kull Stat Membru.

4.7

Barraminhekk, f'dan il-kuntest, u fuq l-istess linji tal-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Budapest ta' Frar 2006, ħames pajjiżi ta' l-UE diġà waqqfu Qafas Nazzjonali għall-Kwalifiki u l-bqija jew qegħdin jiżviluppaw wieħed, jew esprimew l-intenzjoni li jagħmlu hekk, jew inkella mhux ser jiżviluppaw Qafas Nazzjonali għall-Kwalifiki f'pajjiżhom.

4.8

Dan il-bidu jfisser, fl-opinjoni tal-Kumitat, li jista' jkun hemm diffikultajiet kbar sabiex il-proġett jitkompla u li, mingħajr Qafas Nazzjonali għall-Kwalifiki, l-EQF ser jibqa' nieqes mill-kontenut. Bħalma tindika l-Kummissjoni fid-dokument tagħha Lejn Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja  (6), “min naħa tal-EQF, l-aħjar aproċċ ikun li kull pajjiż iwaqqaf Qafas Nazzjonali għall-Kwalifiki uniku u jorbot dan il-Qafas Nazzjonali uniku mal-EQF”.

4.9

Il-Kumitat jemmen li għandha tingħata priorità lill-validazzjoni u l-għarfien effettiv tat-tipi differenti ta' kwalifiki li joħorġu mit-tagħlim formali, non-formali u informali fil-pajjiżi u s-setturi edukattivi, permezz ta' trasparenza akbar u assigurazzjoni ta' kwalità aħjar. Dan itenni l-punti li għamel il-Kunsill fir-riżoluzzjoni tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar it-tagħlim tul il-ħajja (7) Għandna niftakru wkoll li f'din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa qafas għall-għarfien tal-kwalifiki fil-qafas ta' l-edukazzjoni għolja u t-taħriġ, vokazzjonali. Il-Kumitat għalhekk jisħaq, wara li qies dan l-argument ġdid, li l-isforzi sabiex jitkomplew it-tmien livelli ta' referenza tal-EQF ma jistgħux jitħallew sa l-aħħar tal-proċess, u soġġetti għar-rieda ta' l-Istati Membri — jew, saħansitra, għall-approċċ legali ta' rakkomandazzjoni.

4.10

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tiċċara x'inhuma l-konsegwenzi għall-proċess f'każ li wieħed jew aktar mill-Istati membri ma jadottawx Qafas Nazzjonali għall-Kwalifiki jew ma jorbtuhx mal-EQF. Fid-dawl ta' din il-kunsiderazzjoni, il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni għandha tanalizza din l-eventwalità u s-soluzzjonijiet li jistgħu jiġu adottati sabiex wara tkun kapaċi tirrispondi għal sitwazzjonijiet mhux previsti. Id-dokument finali jrid jipprovdi inċentiva lill-Istati Membri sabiex jadottaw dan l-istrument.

4.11

Il-KESE m'huwiex qiegħed isejjaħ għall-ħolqien ta' sistema uniformi ta' eduazzjoni u ta' taħriġ fl-UE, l-anqas ma qiegħed jipprova jgħid lill-Istati Membri liema kwalifiki għandhom jinħarġu miċ-ċentri edukattivi tagħhom. Dak li l-Kumitat jixtieq iwassal huwa l-ħtieġa li jiġu kkonsolidati l-passi li qegħdin jittieħdu fit-tfittxija għat-trasparenza, l-għarfien u t-trasferiment tal-kwalifiki bejn l-Istati Membri. Hemm bżonn ukoll li jitwaqqfu mekkaniżmi sofistikati li jiggarantixxu l-kwalità — b'mod partikolari l-kwalità tal-korpi li joħorġu ċ-ċertifikati — fil-livell ta' l-Istati Membri. Mingħajr dan il-qafas għall-azzjoni, il-mobilità ta' l-istudenti u l-apprentisti ma tantx għandha tifsira, u ċ-ċaqliq tal-ħaddiema jiġi mfixkel.

Fil-livell nazzjonali u reġjonali, id-deċiżjonijiet marbuta mal-Qafas Nazzjonali għall-Kwalifiki għandhom jiġu adottati flimkien ma' l-imsieħba soċjali. Dawn l-imsieħba, flimkien ma' l-awtoritajiet responsabbli għandhom jistabbilixxu u japplikaw prinċipji, regoli u objettivi għat-tfassil ta' Qafas Nazzjonali għall-Kwalifiki. Irid jitqies wkoll ir-rwol ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f'dan il-qasam.

4.12

Il-proposta tipprovdi għall-ħolqien ta' grupp ta' pariri dwar il-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki sabiex jissorvelja, jikkoordina u jiżgura l-kwalità u l-koerenza ġenerali tal-proċess ta' korrelazzjoni bejn is-sistemi ta' kwalifiki u l-Qafas Ewropew għall-Kwalifiki; f'dan ir-rigward, u bil-għan li jiġi żgurat li jkun hemm kriterji uniformi għar-relatar tas-sistemi nazzjonali u l-EQF, il-Kumitat jemmen li l-grupp ta' pariri, anke fid-dawl tal-profil tal-membri proposti, għandu wkoll ikun responsabbli għall-validazzjoni tal-korrelazzjoni bejn il-livelli nazzjonali u l-qafas ta' referenza, qabel ma din il-korrelazzjoni ssir definittiva.

5.   Kummenti Speċifiċi

5.1

Fl-aħħar ta' paġna 9 tal-verżjoni Ingliża tal-proposta, hemm referenza għall-25 Stat Membru ta' l-UE. Wara l-aħħar tkabbir, din ir-referenza għandha tiġi emendata għal 27 Stat Membru.

5.2

Il-Kumitat jemmen li l-iskadenzi li hemm fir-rakkomandazzjoni u li jirreferu għall-Istati Membri, speċjalment taħt punt 2, huma kmieni wisq, fid-dawl tal-qagħda ta' l-Oqsfa Nazzjonali għall-Kwalifiki fl-Istati Membri. Il-Kumitat jifhem li l-iskadenza hija volontarja iżda jinnota li, fil-qagħda preżenti, il-proċess x'aktarx ser jieħu aktar żmien.

5.3

Il-ħidmiet fdati lill-Kummissjoni mill-proposta jinkludu, taħt punt 3, is-sorveljanza tal-miżuri adottati u r-riferiment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ta' l-esperjenza li tinkiseb, li tinkludi reviżjoni potenzjali tar-rakkomandazzjonijiet. Il-Kumitat iqis li sabiex ikun hemm konformità sħiħa ma' l-Artikoli 149(4) u 150(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-rapport irid jiġi indirizzat lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ukoll.

5.4

Fir-rigward ta' l-indikaturi elenkati f'Anness I tal-proposta, peress li dawn il-kriterji ser jintużaw sabiex jistabilixxu relazzjoni bejn il-livelli, il-Kumitat jemmen li għandhom ikunu fi kliem aktar sempliċi, sabiex jiftehmu aħjar, u jkunu aktar ċari u konkreti, jużaw lingwaġġ anqas akkademiku u aktar viċin tal-lingwaġġ tat-taħriġ vokazzjonali. L-anness li fih l-indikaturi jista' jiġi akkumpanjat ukoll minn anness ieħor ta' spjega, li jagħmilha possibbli li l-kwalifiki jitqabblu mal-livelli, u b'hekk ikun eħfef li wara dawn il-kwalifiki jiġu trasposti fuq bażi komparattiva bejn l-Istati Membri.

5.5

Definizzjonijiet ċari jagħmluha aktar faċli li tinftihem it-tifsira tat-termini li jintużaw fid-dokument li qiegħed jiġi kkunsidrat. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jemmen li xi wħud mid-definizzjonijiet li hemm fid-dokument tal-Kummissjoni Lejn Qafas Ewropew għall-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja  (8) huma aktar ċari minn dawk li hemm fil-proposta li qiegħda tiġi diskussa. B'mod aktar speċifiku, per eżempju, il-Kumitat jipproponi li d-definizzjoni ta' “ħiliet” tinbidel ma' dik li hemm f'paġna 47 tad-dokument imsemmi hawn fuq.

5.6

Il-Kumitat jappoġġja l-korrispondenza li ġiet stabbilita bejn l-aħħar tliet livelli tal-EQF u l-livelli akkademiċi tal-Qafas għall-Kwalifiki ta' Bologna (baċellerat, masters u dottorat). Waqt dawn il-fażijiet ta' l-edukazzjoni, l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba għandhom jiġu kklassifikati skond il-livell ta' tagħlim li jintlaħaq fl-istudji univiersitarji li jkunu qegħdin jittieħdu.

5.7

Il-Kumitat jaqbel li hemm bżonn li jkomplu jiġu applikati kriterji ta' kwalità fil-livelli kollha ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Istati Membri. Huwa saħaq fuq dan il-punt f'diversi okkażjonijiet, kemm fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Proposta għal-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja (9), kif ukoll fl-Opinjoni tiegħu dwar Proposta għal-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar kooperazzjoni Ewropea akbar fl-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja (10). B'mod aktar speċifiku, fit-tieni opinjoni, il-Kumitat stqarr li “(i)l-ħtieġa għal kwalità għolja fl-edukazzjoni u t-taħriġ huma vitalment importanti sabiex jinkisbu l-objettivi ta' l-Istrateġija ta' Lisbona.”

5.8

Il-Kumitat japprova il-kontenut kollu ta' l-Anness II tal-proposta. Madankollu, sabiex tadatta għax-xejriet kurrenti fil-qasam tal-kwalità, fl-oqsma kollha, il-KESE jemmen li Anness II għandu jingħata t-titlu “Prinċipji għat-titjib kontinwu fil-kwalità ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ”, filwaqt li t-test ta' dan l-anness jiġi aġġornat ma' dan it-titolu.

5.9

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Istati Membri, iċ-ċentri ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom u l-imsieħba soċjali għandhom jaħdmu fuq il-mudell imsejjes mill-Fondazzjoni Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kwalità (European Foundation for Quality Management — EFQM). Dan il-mudell akkreditat, appoġġjat mill-UE, jista' jkun il-qafas ta' referenza li fuqu l-istabbilimenti edukattivi jibbażaw il-proċessi kontinwi tagħhom ta' titjib fil-kwalità.

Brussel, it-30 ta' Mejju 2007

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  SEC(2005) 957.

(2)  A6-0248/2006. Rapporteur: Is-Sur Mann.

(3)  Ara l-Opinjoni tal-KESE tat-18.9.2002 dwar “L-Għarfien tal-kwalifiki professjonali”Rapporteur: Mr Ehnmark, ĠU C 61 ta' l-14.3.2003.

(4)  COM(2002) 119 finali.

(5)  COM(2006) 479 finali.

(6)  SEC(2005) 957.

(7)  ĠU C 163 tad-9.7.2002

(8)  SEC(2005) 957.

(9)  Ara l-Opinjoni tal-KESE tad-29.10.1997 dwar “Kooperazzjoni Ewropea fl-aċċertazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja”, Rapporteur: is-Sur Rodríguez García-Caro, ĠU C 19, 21.1.1998.

(10)  Ara l-Opinjoni tal-KESE tas-6.4.2005 dwar “L-Aċċertazzjoni tal-Kwalità fl-edukazzjoni għolja”, (ĠU C 255, 14.10.2005).Rapporteur: Is-Sur Soares, ĠU C 255 ta' l-14.10.2005).


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/78


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija ta' l-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol”

COM(2006) 625 finali

(2007/C 175/19)

Nhar l-24 ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija ta' l-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Mejju 2007. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura van Turnhout u l-ko-rapporteur kien is-Sur Janson.

Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet ft-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tat-30 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'96 vot favur, 14-il vot kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Taqsira Eżekuttiva

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-Komunikazzjoni mill- Kummissjoni, Strateġija ta' l-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol. Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tonqos sew milli tilħaq “strateġija komprensiva” li ġiet deċiża fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001.

1.2

Din l-opinjoni tindirizza l-kwistjonijiet ta' saħħa pubblika tat-tnaqqis tal-ħsara marbuta mal-konsum ta' l-alkoħol li huwa ta' ħsara u perikoluż kif ukoll ix-xorb ta' taħt l-età li jikkontribwixxi għall-ħsara marbuta ma' l-alkoħol.

1.3

Il-KESE kien qiegħed jistenna li l-Kummissjoni kienet ser tipprovdi analiżi aktar komprensiva u trasparenti ta' l-oqsma kollha ta' politika rilevanti ta' l-UE, kif identifikati fl-evalwazzjoni ta' l-impatt, u tad-diffikultajiet li xi wħud mill-Istati Membri esperjenzaw fiż-żamma ta' politiki ta' kwalità għas-saħħa pubblika minħabba fir-regoli tas-suq ta' l-UE.

1.4

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, fir-rikonoxximent tagħha ta' l-obbligi tagħha tat-trattat, sabiex turi direzzjoni soda billi tappoġġja b'mod attiv lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex jipprovdu livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa billi jnaqqsu l-ħsara relatata ma' l-alkoħol u sabiex jiżguraw li l-azzjoni komunitarja tikkomplimenta l-politiki nazzjonali.

1.5

Il-KESE jirrikonoxxi li l-użanzi kulturali marbuta mal-konsum tax-xorb ivarjaw madwar l-Ewropa. Dawn id-differenzi għandhom jiġu kkunsidrati fid-diversi inizjattivi u azzjonijiet li jiġu proposti.

1.6

Il-KESE jilqa' l-iżvilupp ta' sisien ta' evidenza komuni, inklużi definizzjonijiet standardizzati għall-ġbir ta' data, li għandu jipprovdi dimensjoni b'saħħitha ta' valur miżjud komunitarju. Il-KESE b'dispjaċir jinnota li bosta mill-oqsma prijoritarji li ġew identifikati ma jinkludux għanijiet speċifiċi b'miri u skedi taż-żmien ċari u li jistgħu jitkejlu.

1.7

Il-KESE b'dispjaċir jinnota li l-Kummissjoni imkien fil-Komunikazzjoni ma tagħraf li waħda mir-raġunijiet għal daqstant ħsara relatata ma' l-alkoħol hija li l-alkoħol hija droga psikoattiva, sustanza tossika meta użata eċċessivament, u għal xi wħud sustanza li toħloq dipendenza.

1.8

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-drittijiet tat-tfal u jemmen li huma, minħabba fil-vulnerabbiltà u l-ħtiġijiet speċjali tagħhom, jeħtieġu salvagwardji u attenzjoni speċjali, inkluż ħarsien legali xieraq. Il-KESE jirrakkomanda li, għall-għanijiet ta' l-istrateġija, it-tfal għandhom jiġu definiti bħala persuni li huma taħt it-tmintax-il sena, b'konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

1.9

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li tnaqqis fl-esponiment tat-tfal għal prodotti alkoliċi, għar-reklamar u għall-promozzjonijiet għandu jiġi inkluż bħala għan speċifiku sabiex jipprovdi aktar ħarsien lit-tfal.

1.10

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol. L-effetti negattivi jmorru kontra l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Lisbona u għandhom implikazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol, fis-soċjetà u fl-ekonomija.

1.11

Il-KESE jilqa' t-twaqqif tal-Forum dwar l-Alkoħol u s-Saħħa li jista' jkun pjattaforma utli għad-djalogu, .bejn il-partijiet interessati kollha, u jwassal sabiex tittieħed azzjoni konkreta immirata lejn it-tnaqqis tal-ħsara marbuta mal-konsum ta' l-alkoħol. Il-KESE jilqa' l-opportunità li jkun osservatur fil-Forum dwar l-Alkoħol u s-Saħħa.

1.12

Il-KESE jinkoraġġixxi li l-edukazzjoni u t-tqajjim ta' kuxjenza għandhom ikunu parti minn strateġija ġenerali integrata sabiex tnaqqas il-ħsara relatata ma' l-alkoħol.

1.13

Il-KESE huwa mħasseb li teżisti inkonsistenza inkwetanti bejn is-sisien ta' evidenza fir-riċerka tal-miżuri effettivi sabiex titnaqqas il-ħsara relatata ma' l-alkoħol u dak kollu li qiegħed jiġi propost bħala azzjonijiet komunitarji. Fil-Komunikazzjoni kollha, l-edukazzjoni u t-tagħrif huma ta' spiss ikkwotati bħala l-miżuri maħsuba. Madankollu, l-evidenza tar-riċerka tissuġġerixxi li miżuri bħal dawn għandhom rata baxxa ħafna ta' effettività fit-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol.

2.   Sfond

2.1

L-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza u r-responsabilità sabiex tindirizza problemi ta' saħħa pubblika relatati ma' l-użu perikoluż u ta' ħsara ta' l-alkoħol. L-Artikolu 152 tat-Trattat (1) jistqarr li: livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa umana għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-istrateġiji u l-attivitajiet kollha komunitarji. Huwa jissokta jgħid li: l-azzjoni tal-Komunità li għandha tikkumplimenta l-politika nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, lejn il-prevenzjoni ta' saħħa batuta u ta' mard tal-bniedem u li jevitaw il-fonti ta' perikolu għas-saħħa umana.

2.2

Fl-2001, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar il-konsum ta' l-alkoħol miż-żgħażagħ, b'mod partikolari mit-tfal u mill-adoloxxenti (2), u stieden lill-Kummissjoni sabiex issegwi, tevalwa u tissorvelja l-iżviluppi u l-miżuri meħuda, u tirrapporta lura dwar il-ħtieġa għal aktar azzjoni.

2.3

Fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2001, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti għal strateġija komunitarja komprensiva mmirata lejn it-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol li għandha tikkumplementa l-politiki nazzjonali. F'Ġunju ta' l-2004, il-Kunsill reġa' tenna l-istedina tiegħu. (3)

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-Komunikazzjoni mill- Kummissjoni, Strateġija ta' l-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol  (4).

3.1.1

Hemm differenzi ta' spiss kbar bejn pajjiż u ieħor, kemm kwantitattivi, kif ukoll fil-forom li jieħu l-fenomenu, u fir-rigward tal-periklu soċjali u għas-saħħa. F'dan id-dawl, il-KESE iqis li “l-azzjonijiet Komunitarji” li jridu jittieħdu “b'rispett lejn il-kompetenzi ta' l-Istati Membri”, għandhom aktar jinftiehmu bħala “direzzjoni komuni” ispirati minn kunċetti li hemm qbil dwarhom u li huma mmirati sabiex jiġġieldu kontra l-abbuż ta' l-alkoħol, fil- forom kollha tiegħu. Fil-qafas ta' dawn id-direzzjonijiet komuni, kull Stat Membru jindividwa l-metodi, it-tekniċi u s-saħħa ta' l-azzjonijiet li għandhom bżonn jiġu mplimentati.

3.1

Madankollu, il-KESE b'dispjaċir jinnota li l-Komunikazzjoni tonqos sew milli tilħaq “l-istrateġija komprensiva” li kienet mitluba fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill, minkejja l-proċess ta' żvilupp fit-tul, l-evidenza tal-problemi mxerrda ma' l-UE kollha relatati mal-konsum ta' l-alkoħol u l-impatt tagħhom fuq is-saħħa, il-benesseri soċjali u l-prosperità ekonomika taċ-ċittadini Ewropej.

3.2

Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta serje ta' attivitajiet komunitarji fl-oqsma kollha ta' deċiżjoni politika sabiex jiżgura livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa. L-oqsma tal-politika rilevanti kienu jinkludu dazju tas-sisa, trasport, reklamar, marketing, sponsorship, ħarsien tal-konsumatur u riċerka filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi ta' l-Istati Membri.

3.4

Il-KESE jilqa' r-rikonoxximent li l-konsum perikoluż u ta' ħsara ta' l-alkoħol għandu rwol determinanti ewlieni fir-rigward tas-saħħa u wieħed mill-kawżi prinċipali ta' nuqqas ta' saħħa u mewt bikri fl-UE. Għal ħafna kondizzjonijiet relatati ma' l-alkoħol, m'hemmx limitu “bla perikolu” ta' l-alkoħol (5).

3.5

Il-KESE b'dispjaċir jinnota li l-Kummissjoni imkien fil-Komunikazzjoni ma tagħraf li waħda mir-raġunijiet għal daqstant ħsara relatata ma' l-alkoħol hija li l-alkoħol hija droga psikoattiva, sustanza tossika meta użata eċċessivament, u għal xi wħud sustanza li toħloq dipendenza. Dan huwa ta' diżappunt billi l-istrateġija tmexxiet mid-Direttorat tas-Saħħa Pubblika tal-Kummissjoni, fejn l-għarfien espert mediku huwa estensiv.

3.6

Il-KESE jilqa' l-konferma li l-konsum perikoluż u ta' ħsara ta' l-alkoħol għandu impatt negattiv mhux biss fuq min jixrob iżda wkoll fuq nies oħra speċjalment f'dak li huwa relatat ma' inċidenti, korrimenti u vjolenza. Il-KESE jirrikonoxxi li l-grupp l-aktar vulnerabbli f'riskju huwa dak tat-tfal, u li gruppi oħrajn vulnerabbli jinkludu nies b'diżabilitajiet fit-tagħlim, problemi tas-saħħa mentali, u dawk dipendenti fuq l-alkoħol u drogi oħrajn.

3.7

Il-vjolenza domestika hija problema serja f'ħafna pajjiżi (6). Il-KESE jħeġġeġ li tingħata attenzjoni speċifika lil din il-kwistjoni, billi hemm rabtiet qawwija bejn il-vjolenza domestika u x-xorb eċċessiv (7). Filwaqt li l-vjolenza domestika tista' titwettaq fin-nuqqas ta' l-alkoħol, ix-xorb eċċessiv jikkontribwixxi taħt xi ċirkustanzi għal vjolenza f'ċerti nies. Ix-xorb eċċessiv jista' jinvolvi aktar atti ta' vjolenza u aktar severi. It-trattament għad-dipendenza ta' l-alkoħol wera li jnaqqas il-vjolenza bejn il-koppji. Tnaqqis fix-xorb eċċessiv mhux biss huwa ta' benefiċċju għall-vittmi u għal min iwettaq il-vjolenza, iżda wkoll għat-tfal li jgħixu f'familji bħal dawn.

3.8

Id-destin ta' l-Ewropa jiddependi minn popolazzjoni b'saħħitha u produttiva. L-evidenza li proporzjon ogħla ta' mard li jirriżulta minn konsum perikoluż u ta' ħsara ta' l-alkoħol huwa esperjenzat miż-żgħażagħ hija għalhekk ta' tħassib serju għall-KESE. (8)

3.9

Filwaqt li ma' l-Ewropa kollha jibqgħu jeżistu drawwiet kulturali differenti relatati ma' l-alkoħol, kien hemm konverġenza tal-modi tax-xorb fost l-adulti u t-tfal. Il-KESE huwa mħasseb dwar iż-żieda fix-xorb perikoluż u ta' ħsara fost l-adulti żgħar u t-tfal f'ħafna mill-Istati Membri tul dawn l-aħħar għaxar snin, b'mod partikolari dwar ix-xorb eċċessiv f'perijodu ta' ftit sigħat magħruf bħala “xorb bla rażan” (binge drinking). L-aċċettazzjoni soċjali ta' stil ta' ħajja li fih l-alkoħol għandu preżenza kontinwa tħeġġeġ il-modi tax-xorb li huma ta' ħsara.

3.10

Il-KESE iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħraf li dawk li jixorbu moderat b'mod regolari li minn żmien għall-ieħor jixorbu b'mod li jikkawża ħsara jikkontribwixxu għall-ħsara akuta relatata ma' l-alkoħol, bħal per eżempju s-sewqan wara x-xorb, il-vjolenza mqanqla mill-alkoħol f'postijiet pubbliċi, ix-xorb eċċessiv f'avvenimenti sportivi jew avvenimenti speċjali oħra. Każijiet ta' xorb okkażjonali bħal dawn fost il-maġġoranza ta' persuni li jixorbu b'mod moderat jistgħu jirriżultaw fi problemi sinifikanti għas-saħħa u s-sigurtà pubblika (9).

3.11

L-istrateġija tiġbed l-attenzjoni b'mod espliċitu lejn il-kompetenza ta' l-UE skond it-Trattat li jikkumplementa l-politiki nazzjonali mmirati lejn il-ħarsien tas-saħħa pubblika. Tinnota wkoll il-fatt li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kkonfermat repetutament li t-tnaqqis fil-ħsara relatata ma' l-alkoħol hija mira importanti u valida tas-saħħa pubblika, permezz ta' l-użu ta' miżuri meqjusa bħala xierqa u skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà.

3.12

Fid-dawl ta' dan, il-KESE kien jistenna li l-Kummissjoni kellha tipprovdi analiżi aktar komprensiva u trasparenti ta' l-oqsma kollha rilevanti tal-politiki ta' l-UE.

3.13

L-evalwazzjoni ta' l-impatt imwettqa mill-Kummissjoni identifikat l-oqsma rilevanti kollha u d-diffikultajiet ta' azzjoni politika kkonċernati u d-diffikultajiet li xi wħud mill-Istati Membri esperjenzaw fiż-żamma tal-politiki ta' saħħa pubblika ta' kwalità relatati mal-problema ta' l-alkoħol, minħabba fl-attivita trans-konfinali, bħall-esponiment għall-importazzjonijiet trans-konfinali privati u r-reklamar trans-konfinali. Madankollu, l-istrateġija ta' l-alkoħol ma tressaq l-ebda proposta bħala risponsta għal din il-problema.

4.   Ġabra fil-qosor ta' l-effetti ta' ħsara

4.1

Globalment, l-Unjoni Ewropea hija r-reġjun fejn jiġi kkonsmat l-akbar ammont ta' alkoħol, bi 11-il litru ta' alkoħol pur għal kull persuna fis-sena (10). Filwaqt li t-tendenza hija li l-konsum globali qiegħed jonqos teżisti wkoll tendenza ta' drawwiet lejn modi li jagħmlu aktar ħsara tal-konsum tax-xorb.

4.2

Filwaqt li huwa nnotat li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-maġġoranza tal-konsumaturi jixorbu b'manjiera responsabbli, il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li 55 miljun adult fl-UE (15 % tal-popolazzjoni adulta) huma stmati li jixorbu f'livelli ta' ħsara fuq bażi regolari (11). Il-konsum ta' l-alkoħol b'mod li jagħmel ħsara huwa stmat li huwa l-kaġun ta' madwar 195 000 mewta fis-sena fl-UE minħabba f'inċidenti, mard tal-fwied, kanċer eċċ. L-użu ta' l-alkoħol b'mod li jagħmel ħsara huwa t-tielet l-akbar kawża ta' mewt bikri u mard fl-UE (12).

4.3

Ix-xorb ta' l-alkoħol b'mod li jagħmel ħsara jaffettwa wkoll l-ekonomija, minħabba fiż-żieda fil-kura tas-saħħa u l-infiq soċjali, u n-nuqqas ta' produttività. In-nefqa tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol għall-ekonomija ta' l-UE kienet stmata li tilħaq il-EUR 125 biljun għall-2003, ekwivalenti għall-1.3 % tal-PGD li jinkludi l-kriminalità, l-inċidenti tat-traffiku, is-saħħa, il-mewt qabel il-waqt, it-trattament u l-ħarsien mill-mard. (13)

5.   Temi ta' Prijorità

5.1

Il-KESE b'dispjaċir jinnota li, għal erbgħa mill-ħames temi ta' prijorità, il-Komunikazzjoni ma tinkludix għanijiet speċifiċi b'miri u skedi ta' żmien ċari li jistgħu jitkejlu.

Ipproteġi lit-tfal:

5.2

It-tfal huma b'mod partikolari vulnerabbli għall-ħsarat ikkawżati mill-alkoħol. Huwa stmat li minn 5 sa 9 miljun tifel u tifla fil-familji jsofru b'mod negattiv minħabba l-alkoħol, li l-alkoħol huwa fattur każwali f'16 % tal-każijiet ta' l-abbuż u n-negliġenza tat-tfal, u li madwar 60 000 twelid taħt il-piż huma attribwiti għall-alkoħol. (14)

5.3

Il-Kummissjoni diġà tirrikonoxxi d-drittijiet tat-tfal u tappoġġja azzjoni meħtieġa sabiex tindirizza l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom. Il-Kummissjoni tidentifika d-drittijiet tat-tfal bħala prijorità u ġibdet l-attenzjoni li t-tfal għandhom dritt għall-ħarsien protettiv kontra l-isfruttar ekonomiku u l-forom kollha ta' abbuż (15).

5.4

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-drittijiet u t-twemmin tat-tfal u jemmen li huma, minħabba fil-vulnerabbiltà u l-ħtiġijiet speċjali tagħhom, jeħtieġu salvagwardji u attenzjoni speċjali, inkluż ħarsien legali xieraq. Il-KESE jikkonferma ukoll ir-rwol importanti tal-familja u r-responsabilità ta' l-Istati Membri sabiex jgħinu lill-ġenituri fir-responsabilitajiet tagħhom fit-trobbija ta' wliedhom (16).

5.5

Il-KESE jagħraf li l-esponiment tat-tfal għall-ħsara ta' l-alkoħol jista' jkollu konsegwenzi serji negattivi fuqhom, inklużi n-negliġenza, il-faqar, l-esklużjoni soċjali, l-abbuż u l-vjolenza, li jistgħu jaffettwaw saħħithom, l-edukazzjoni u l-benesseri tagħhom kemm fil-preżent kif ukoll fil-ġejjieni.

5.6

Il-KESE jħeġġeġ li l-ħarsien tat-tfal mill-ħsara relatata ma' l-alkoħol ikun inkluż fl-għanijiet speċifiċi tal-proposta ta' l-Istrateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal f'dak li huwa relatat ma' l-istabbiliment ta' prijoritajiet u mal-proċess ta' konsultazzjoni.

5.7

Il-KESE jirrakkomanda li l-istrateġija ta' l-UE dwar l-alkoħol tadotta d-definizzjoni tat-tfal bħala persuni taħt it-tmintax-il sena, b'konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) u kif ikkonfermat fil-Komunikazzjoni Lejn Strateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

5.8

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi azzjonijiet komunitarji lokali, minħabba l-bażi ta' evidenza ta' riċerka pożittiva li tappoġġja r-rwol ta' strateġiji bħal dawn għat-tnaqqis ta' xorb ta' taħt l-età u l-ħsara relatata ma' l-alkoħol. L-azzjonijiet komunitarji effettivi jikkombinaw it-tfassil ta' politiki u ta' prassi lokali, appoġġjati mit-tagħrif u l-edukazzjoni, u jinvolvu l-partijiet interessati rilevanti kollha. (17)

5.9

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkonferma l-Karta Ewropea tal-WHO dwar l-Alkoħol (18) adottata mill-Istati Membri kollha fl-1995 u b'mod partikolari l-prinċipju ta' etika li t-tfal u l-adoloxxenti kollha għandhom id-dritt li jikbru f'ambjent imħares mill-konsegwenzi negattivi tal-konsum ta' l-alkoħol u, sa fejn possibbli, mill-promozzjoni ta' xorb alkoħoliku.

5.10

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' l-UE stiednet lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi fil-qasam tal-promozzjoni, tal-marketing u tal-bejgħ bl-imnut u sabiex jiżguraw li l-prodotti ta' l-alkoħol ma kienux imfassla jew promossi sabiex jappellaw għat-tfal u l-adoloxxenti. F'dan ir-rigward, il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn ix-xejriet attwali fl-Ewropa ta' adoloxxenti li jixorbu l-“alcopops” (19).

5.11

It-tendenza dejjem tikber ta' “xorb bla rażan” (binge drinking) u l-bidu minn kmieni ta' l-użu ta' l-alkoħol fost it-tfal f'ħafna Stati Membri għandhom mnejn jissuġġerixxu li l-politiki attwali mhumiex qegħdin ikollhom l-effetti mixtieqa. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tagħraf il-ħtieġa li tikkunsidra aktar azzjonijiet sabiex trażżan ix-xorb ta' taħt l-età u ta' ħsara fost iż-żgħażagħ.

5.12

Il-KESE jinkoraġġixxi li t-tnaqqis fl-esponiment tat-tfal għall-prodotti alkoħoliċi, għar-reklamar u għall-promozzjonijiet jiġi inkuż bħala għan speċifiku sabiex jipprovdi aktar ħarsien għat-tfal.

5.13

Il-KESE jilqa' d-dikjarazzjoni fil-Komunikazzjoni tar-rieda tajba min-naħa ta' l-atturi fil-katina tax-xorb alkoħoliku sabiex dawn isiru aktar proattivi fl-infurzar ta' miżuri regolatorji u miżuri awtoregolatorji. Il-partijiet interessati fl-industrija ta' l-alkoħol għandhom rwol importanti sabiex jiżguraw li l-prodotti tagħhom jiġu prodotti, imqassma u mqiegħda fis-suq b'mod responsabbli u li b'dawn l-azzjonijiet jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol.

5.14

Il-KESE jinkoraġġixxi li għall-ħarsien taż-żgħażagħ, l-Istati Membri jistgħu jirriservaw il-flessibilità li jużaw taxxi sabiex jittrattaw il-problemi li jistgħu jinħolqu minn xorb alkoħoliku speċifiku, li jiġbdu liż-żgħażagħ b'mod partikolari, bħall-“alcopops”.

It-tnaqqis ta' l-inċidenti tat-traffiku relatati ma' l-alkoħol

5.15

Il-KESE jilqa' l-mira preskritta għat-tnaqqis ta' l-inċidenti tat-traffiku, b'għan li jitnaqqas bin-nofs l-għadd ta' nies li jinqatlu fit-toroq ta' l-Ewropa minn 50 000 għal 25 000 fuq perijodu ta' għaxar snin (2000-2010) (20) .Inċidenti tat-traffiku relatati ma' l-alkoħol jistgħu jirriżultaw ukoll f'diżabilità fit-tul.

5.16

Il-KESE jaqbel li l-infurzar ta' testijiet tan-nifs każwali, frekwenti u sistematiċi jġib miegħu sostanzjalment aktar effettività fit-tnaqqis ta' inċidenti fit-toroq relatati ma' l-alkoħol u li l-kampanji edukattivi u ta' għarfien huma strateġija ta' appoġġ iżda mhux strateġija li kienet effettiva fit-tnaqqis tal-vittmi f'inċidenti tat-traffiku relatati ma' l-alkoħol (21). Il-KESE jirrakkomanda limitu massimu fid-demm ta' 0.5mg/ml jew inqas u limitu aktar baxx għas-sewwieqa prinċipjanti u kummerċjali skond ir-Rakkomandazzjoni ta' l-UE dwar is-Sigurtà fit-Toroq (22).Jeħtieġ li leġislazzjoni aktar stretta fil-qasam tal-livelli ta' alkoħol fid-demm tkun segwita minn monitoraġġ u infurzar.

Ħares lill-adulti mill-ħsara relatata ma' l-alkoħol u fuq il-post tax-xogħol

5.17

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol. L-effetti negattivi jmorru kontra l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Lisbona u għandhom implikazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol, fis-soċjetà u fl-ekonomija.

5.18

Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' regolazzjoni effettiva f'dak li huwa relatat mad-disponibilità, mad-distribuzzjoni u mal-promozzjoni ta' l-alkoħol bħal per eżempju l-ħinijiet ta' ftuħ, l-offerta ta' 'żewġ xarbiet għal xarba waħda' u l-limitu ta' l-età. Il-KESE jemmen li l-awtoregolazzjoni f'dan il-qasam mhijiex adattata.

5.19

Il-post tax-xogħol huwa ambjent fejn l-alkoħol jista' jikkawża ħsara mhux biss lill-individwu iżda wkoll lil terzi persuni. Il-ħsara relatata ma' l-alkoħol għandha tiġi indirizzata wkoll fuq il-post tax-xogħol, fil-qafas tar-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà, li huma r-responsabilità primarja ta' min iħaddem. Il-politiki dwar l-alkoħol fuq il-post tax-xogħol jistgħu jgħinu fit-tnaqqis ta' inċidenti relatati ma' l-alkoħol, l-assenza u ż-żieda fil-kapaċità tax-xogħol (23).

5.20

Il-KESE jinkoraġġixxi lil min iħaddem, lit-trade unions, lill-awtoritajiet lokali u lill-organizzazzjonijiet oħra rilevanti sabiex iħarsu lejn din il-kwistjoni b'aktar serjetà u jaħdmu flimkien sabiex inaqqsu l-ħsara relatata ma' l-alkoħol fuq il-post tax-xogħol. Fl-Istati Membri hemm eżempji ta' kooperazzjoni mill-qrib u fit-tul bejn l-imsieħba soċjali bl-għan li jinħoloq ambjent mingħajr alkoħol fuq il-post tax-xogħol (24).

Għarraf, eduka u qajjem għarfien

5.21

Il-KESE jilqa' r-rikonoxximent tal-Kummissjoni li wieħed mir-rwolijiet ewlenin ta' l-edukazzjoni u t-tagħrif huwa l-mobilizzazzjoni ta' l-appoġġ pubbliku għall-implimentazzjoni ta' intervenzjonijiet effettivi. Rwol ieħor importanti, rikonoxxut fil-Komunikazzjoni, huwa li jiġi pprovdut tagħrif rilevanti u ta' min jorbot fuqu dwar ir-riskji għas-saħħa u l-konsegwenzi tal-konsum perikoluż u ta' ħsara ta' l-alkoħol.

5.22

Il-KESE jinkoraġġixxi li l-edukazzjoni u t-tqajjim ta' kuxjenza għandhom ikunu parti minn strateġija ġenerali integrata. L-edukazzjoni m'għandhiex tkun diretta biss lejn iż-żgħażagħ iżda għandha tkun imsejsa fuq l-għarfien li l-konsum perikoluż ta' l-alkoħol jista' jinsab fi kwalunkwe grupp ta' età. Inizjattivi bħal dawn għandhom jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ sabiex jagħmlu għażliet ta' stil ta' ħajja li huma tajbin għas-saħħa u jwassluhom sabiex jikkoreġu l-immaġni affaxxinanti ta' l-alkoħol, u n-normalizzazzjoni ta' konsum eċċessiv, li ta' spiss jitwasslu permezz tal-mezzi tax-xandir.

Il-bażi ta' evidenza komuni

5.23

Il-KESE jilqa' l-iżvilupp u l-appoġġ tal-Kummissjoni għall-bażi ta' evidenza komuni sabiex jiġu stabbiliti definizzjonijiet standardizzati għad-data dwar l-użu ta' l-alkoħol u l-ħsara relatata ma' l-alkoħol, billi jitqiesu d-differenzi bejn is-sessi, il-gruppi ta' età u l-klassi soċjali. Il-KESE jappoġġja wkoll il-valutazzjoni ta' l-impatt tal-politika dwar l-alkoħol u ta' l-inizjattivi fil-Komunikazzjoni. Il-KESE jista' jħeġġeġ l-iżvilupp ta' serje ta' indikaturi li jistgħu jitkejlu sabiex jiġi ttraċċat il-progress fit-tnaqqis tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol fl-Ewropa. L-azzjonijiet proposti f'dan il-qasam jipprovdu dimensjoni b'saħħita ta' valur miżjud Komunitarju.

6.   L-ippjanar ta' azzjonijiet implimentati mill-Istati Membri

6.1

Billi l-Kummissjoni, fit-tħejjija għall-iżvilupp ta' din l-istrateġija ta' l-UE kkummissjonat rapport komprensiv l-aktar avvanzat li jinkludi evidenza ta' riċerka ta' x'inhu effettiv fit-tnaqqis tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol, ta' min jinnota li l-istrateġija mhix tikkunsidra l-evidenza (25).

6.2

Il-KESE huwa mħasseb li teżisti inkonsistenza inkwetanti bejn is-sisien ta' evidenza fir-riċerka tal-miżuri effettivi sabiex titnaqqas il-ħsara relatata ma' l-alkoħol u dak kollu li qiegħed jiġi propost bħala azzjonijiet komunitarji. Fil-Komunikazzjoni kollha tal-Kummissjoni, l-edukazzjoni u t-tagħrif huma ta' spiss ikkwotati bħala l-miżuri maħsuba biex inaqqsu l-ħsara relatata ma' l-alkoħol. Madankollu, l-evidenza tar-riċerka tissuġġerixxi li l-edukazzjoni u t-tagħrif għandhom rata baxxa ħafna ta' effettività fit-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol.

6.3

Il-KESE jinnota li fl-ippjanar ta' l-azzjonijiet implimentati mill-Istati Membri, il-Kummissjoni ħalliet barra żewġ strateġiji effettivi, li huma l-politika tal-prezzijiet permezz ta' tassazzjoni għolja fuq l-alkoħol u r-regolazzjoni tal-marketing ta' l-alkoħol permezz ta' leġislazzjoni li ntużat b'suċċess minn xi Stati Membri sabiex jittrattaw il-ħsara relatata ma' l-alkoħol.

7.   Il-koordinazzjoni ta' l-azzjonijiet f'livell ta' l-UE

7.1

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, fir-rikonoxximent ta' l-obbligi tagħha tat-trattat, sabiex turi direzzjoni soda billi tappoġġja b'mod attiv lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex jipprovdu livell għoli ta' ħarsien għas-saħħa billi jnaqqsu l-ħsara relatata ma' l-alkoħol u sabiex jiżguraw li l-azzjoni komunitarja tikkomplimenta l-politiki nazzjonali.

7.2

Il-KESE jilqa' r-rwol tal-Kummissjoni fl-iffaċilitar tal-qsim ta' l-aħjar prassi fost l-Istati Membri u l-impenn għat-titjib tal-koerenza bejn il-politiki ta' l-UE li għandhom impatt fuq il-ħsara relatata ma' l-alkoħol.

7.3

Il-KESE jilqa' t-twaqqif tal-Forum dwar l-Alkoħol u s-Saħħa li jekk jissodisfa r-rwol identifikat għalih fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, jista' jkun pjattaforma utli għad-djalogu bejn il-partijiet interessati kollha u jwassal li tittieħed azzjoni konkreta bl-għan li titnaqqas l-ħsara relatata ma' l-alkoħol. Il-KESE jkun jista' jilqa' l-opportunità li jkun osservatur fil-Forum dwar l-Alkoħol.

7.4

Bl-eċċezzjoni ta' l-iżvilupp ta' sisien ta' evidenza aktar qawwija mifruxa ma' l-Ewropa, l-istrateġija ta' l-UE dwar l-alkoħol tistrieħ fuq l-Istati Membri sabiex ikomplu jwasslu miżuri politiċi għat-tnaqqis tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol. Madankollu, ir-regoli tas-suq intern ta' l-UE ser ikomplu jikkawżaw problemi għal xi wħud mill-Istati Membri u għalhekk potenzjalment ser inaqqsu il-pass fit-tnaqqis tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol. Il-KESE b'dispjaċir jinnota li l-istrateġija ta' l-UE dwar l-alkoħol m'għandha l-ebda azzjoni rakkomandata sabiex tindirizza dan in-nuqqas.

7.5

Il-KESE jixtieq jinkoraġġixxi impenn mill-Kummissjoni sabiex tieħu l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt dwar is-saħħa bħala miżura ta' l-aħjar prassi sabiex tiżgura livell għoli ta' ħarsien f'oqsma oħrajn komunitarji ta' azzjoni politika li għandhom isaħħu l-obbligu tat-Trattat b'konformità ma' l-Artikolu 152.

Brussell, it-30 ta' Mejju 2007.

Il-President tal-

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea:

http://europa.eu.int/eur-lex/en/treaties/selected/livre235.html

(2)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001 (2001/458/KE). Ir-rapport sħiħ huwa ppubblikat fuq

http://ec.europa.eu/comm/health

(3)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 2001 u 2004

http://ue.eu.int/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/lsa/80729.pdf

(4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija ta' l-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol (COM(2006) 625 finali). Il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn żewġ rapporti komprensivi li ġew ikkummissjonati mill-Kummissjoni Ewropea. P. Anderson u A. Baumberg, Alcohol in Europe: A Public Health Perspective, (L-Alkoħol fl-Ewropa Perspettiva tas-Saħħa Pubblika) St. Ives: Cambridgeshire: Institue of Alcohol Studies, 2006 (http://ec.europa.eu/health-eu/news_alcoholineurope_en.htm) u analiżi ddettaljata dwar l-ekonomija ta' l-impatt ta' l-alkoħol fuq l-iżvilupp ekonomiku ta' l-UE bħala parti mill-proċedura ta' l-Evalwazzjoni ta' l-Impatt (http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/alcohol/documents/alcohol_com_625_a1_en.pdf).- “RAND Report”.

(5)  “L-Alkoħol fl-Ewropa: Perspettiva tas-Saħħa Pubblika”.

(6)  L-opinjoni tal-KESE tas-16.03.2006 dwar “Il-Vjolenza domestika fuq in-nisa” (ĠU C 110 tad-9.5.2006) u l-opinjoni tal-KESE ta' l-14.12.2006 dwar “It-tfal — xhieda u vittmi ta' vjolenzi domestiċi”. (ĠU 325 tat-30.12.2006). Rapporteur: Is-Sinjura Heinisch.

(7)  “L-Alkoħol fl-Ewropa: Perspettiva tas-Saħħa Pubblika”.

(8)  “Ħsara fl-Ewropea relatata ma' l-alkoħol — Data ewlenija” Ottubru 2006, Brussel, MEMO/06/397, 24 ta' Ottubru 2006. Sors : Global Burden of Disease Project (Il-Proġett dwar il-Piż Globali tal-Mard) (Rehm et al 2004).

(9)  “L-Alkoħol fl-Ewropa: Perspettiva tas-Saħħa Pubblika”.

(10)  Ibid.

(11)  Aktar minn 40 g ta' alkoħol, jiġifieri 4 xarbiet kuljum, għall-irġiel u aktar minn 20 g jiġifieri 2 xarbiet kuljum, għan-nisa.

(12)  “Ħsara fl-Ewropea relatata ma' l-alkoħol — Data ewlenija” Ottubru 2006, Brussel, MEMO/06/397, 24 ta' Ottubru 2006. Sors : Global Burden of Disease Project (Il-Proġett dwar il-Piż Globali tal-Mard) (Rehm et al 2004).

(13)  Ibid.

(14)  “L-Alkoħol fl-Ewropa: Perspettiva tas-Saħħa Pubblika”.

(15)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Lejn Strateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, COM(2006) 367 finali.

(16)  L-Opinjoni tal-KESE tat-13.12.2006 dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Lejn Strateġija ta' l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal” (ĠU C 325 tat-30.12.2006). Rapporteur: Is-Sinjura van Turnhout.

(17)  “L-Alkoħol fl-Ewropa: Perspettiva tas-Saħħa Pubblika”.

(18)  Il-Karta Ewropea dwar l-Alkoħol ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa,. Kopenħagen: L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Uffiċju Reġjonali għall-Ewropa, 1995.

(19)  Alcopop huwa terminu maħluq mill-mezzi tax-xandir popolari sabiex jiġi deskritt xorb alkoħoliku fil-fliexken li jixbah lil xarbiet minerali u luminati.

(http://en.wikipedia.org/wiki/Alcopop.)

(20)  Opinjoni tal-KESE dwar “Is-sikurezza fit-toroq — sewwieqa professjonali” (TEN/290). Rapporteur: Is-Sur Etty.

(21)  “L-Alkoħol fl-Ewropa: Perspettiva tas-Saħħa Pubblika”.

(22)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2004/345/KE tas-6 ta' April 2004 dwar l-infurzar fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq, ĠU L 111, 17.4.2004.

(23)  “L-Alkoħol fl-Ewropa: Perspettiva tas-Saħħa Pubblika”.

(24)  Ara bħala eżempju www.alna.se

(25)  “L-Alkoħol fl-Ewropa: Perspettiva tas-Saħħa Pubblika”.


ANNESS

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li jidhru hawn taħt, li kienu appoġġjati b'iktar minn kwart tal-voti mixħuta, ġew rifjutati (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta' Proċedura):

Punt 1.1

Emenda kif ġej:

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-Komunikazzjoni mill- Kummissjoni, Strateġija ta' l-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol, u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għall-iżvilupp ta' strateġija komuni u komprensiva li tnaqqas il-ħsara kkawżata mill-abbuż ta' l-alkoħol fl-Ewropa kollha . Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tonqos sew milli tilħaq ‘strateġija komprensiva’ li ġiet deċ iża fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta ' Ġunju 2001.

Voti

Favur: 31

Kontra: 67

Astensjonijiet: 6

Punt 1.5

Neħħi l-punt kollu:

Il-KESE b'dispjaċir jinnota li l-Kummissjoni imkien fil-Komunikazzjoni ma tagħraf li waħda mir-raġunijiet għal daqstant ħsara relatata ma' l-alkoħol hija li l-alkoħol hija droga psikoattiva, sustanza tossika meta użata eċċessivament, u għal xi wħud sustanza li toħloq dipendenza.

Voti

Favur: 29

Kontra: 74

Astensjonijiet: 5

Punt 1.11:

Neħħi l-punt kollu:

Il-KESE huwa mħasseb li teżisti inkonsistenza inkwetanti bejn is-sisien ta' evidenza fir-riċerka tal-miżuri effettivi sabiex titnaqqas il-ħsara relatata ma' l-alkoħol u dak kollu li qiegħed jiġi propost bħala azzjonijiet komunitarji. Fil-Komunikazzjoni kollha, l-edukazzjoni u t-tagħrif huma ta' spiss ikkwotati bħala l-miżuri maħsuba. Madankollu, l-evidenza tar-riċerka tissuġġerixxi li miżuri bħal dawn għandhom rata baxxa ħafna ta' effettività fit-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol.

Voti

Favur: 27

Kontra: 80

Astensjonijiet: 2

Punt 3.5

Ħassar il-punt:

Il-KESE b'dispjaċir jinnota li l-Kummissjoni imkien fil-Komunikazzjoni ma tagħraf li waħda mir-raġunijiet għal daqstant ħsara relatata ma' l-alkoħol hija li l-alkoħol hija droga psikoattiva, sustanza tossika meta użata eċċessivament, u għal xi wħud sustanza li toħloq dipendenza. Dan huwa ta' diżappunt billi l-istrateġija tmexxiet mid-Direttorat tas-Saħħa Pubblika tal-Kummissjoni, fejn l-għarfien espert mediku huwa estensiv.

Voti

Favur: 30

Kontra: 82

Astensjonijiet: 4

Punt 6.2:

Ħassar il-punt kollu:

Il-KESE huwa mħasseb li teżisti inkonsistenza inkwetanti bejn is-sisien ta' evidenza fir-riċerka tal-miżuri effettivi sabiex titnaqqas il-ħsara relatata ma' l-alkoħol u dak kollu li qiegħed jiġi propost bħala azzjonijiet komunitarji. Fil-Komunikazzjoni kollha, l-edukazzjoni u t-tagħrif huma ta' spiss ikkwotati bħala l-miżuri maħsuba. Madankollu, l-evidenza tar-riċerka tissuġġerixxi li miżuri bħal dawn għandhom rata baxxa ħafna ta' effettività fit-tnaqqis ta' ħsara relatata ma' l-alkoħol.

Voti

Favur: 31

Kontra: 81

Astensjonijiet: 3

Punt 7.4

Emenda kif ġej:

Bl-eċċezzjoni ta' l-iżvilupp ta' sisien ta' evidenza aktar qawwija mifruxa ma' l-Ewropa, l-istrateġija ta' l-UE dwar l-alkoħol tistrieħ fuq l-Istati Membri sabiex ikomplu jwasslu miżuri politiċi għat-tnaqqis tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol. Madankollu, ir-regoli tas-suq intern ta' l-UE ser ikomplu jikkawżaw problemi g ħal xi wħud mill-Istati Membri u għalhekk potenzjalment ser inaqqsu il-pass fit-tnaqqis tal-ħsara relatata ma' l-alkoħol. Il-KESE b'dispjaċir jinnota li l-istrateġija ta' l-UE dwar l-alkoħol m'għandha l-ebda azzjoni rakkomandata sabiex tindirizza dan in-nuqqas.

Voti

Favur: 28

Kontra: 83

Astensjonijiet: 4


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/85


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tat-trasport bl-ajru fil-Komunità (riformulazzjoni)”

COM(2006) 396 finali — 2006/0130 (COD)

(2007/C 175/20)

Nhar il-15 ta' Settembru 2006, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 80(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar il- Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għall-operat ta' servizzi tat-trasport bl-ajru fil-Komunità (riformulazzjoni).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta' Mejju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur McDonogh.

Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tal-31 ta' Mejju 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'58 vot favur, u 4 astensjonijiet.

Rakkomandazzonijiet:

1.

Il-linji kollha ta' l-ajru OSP (Obbligazzjonijiet tas-Servizz Pubbliku) għandhom ikunu meħtieġa li jidħlu f'garanzija ta' esekuzzjoni.

2.

Għandu jkun hemm Ftehim dwar Livell ta' Servizz bejn l-ajruporti li huma moqdija mit-titjiriet ta' l-OSP u l-Istat Kontraenti.

3.

Kumpens ogħla minn dak ippreżentat fir-Regolament [KE] 261/2004 għandu jkun disponibbli għall-passiġġieri ta' l-OSP, peress li m'hemm l-ebda alternattiva oħra ta' trasport disponibbli.

4.

Il-proċess ta' tfigħ ta' l-offerti għall-OSP għandu jkollu mill-inqas żewġ offerti.

5.

Għat-titjiriet Ewropej, il-vjaġġ tar-ritorn għandu jqum daqs il-vjaġġ 'il barra. Jekk hemm differenza konsiderevoli bejn il-vjaġġ 'l barra u lura dan għandu jiġi ġġustifikat.

6.

Għandu jkun possibbli li l-biljetti ta' l-OSP ikunu rrifondati kif inhuma l-biljetti kollha ta' l-ajru, soġġetti għall-kondizzjonijiet.

7.

Il-kalkoli tan-nollijiet għandhom jidhru b'mod ċar fuq il-biljetti bħat-taxxi, l-ispejjeż ta' l-ajruport eċċ.

8.

a)

L-approċċ għall-intermodalità għandu jassigura sitwazzjoni bl-istess kondizzjonijiet għall-modi kollha tat-trasport;.

b)

L-avjazzjoni qiegħda ġġor piż sproporzjonat ta' l-ispejjeż tas-sigurtà. Dan ser jiġi rrettifikat.

9.

Ir-referenza għall-ferroviji ta' veloċità għolja għandha tibqa' peress li f'xi Stati Membri ma jeżistux.

10.

Il-Kummissjoni għandha twettaq verifikazzjoni sabiex tassigura li r-regolaturi nazzjonali ta' l-avjazzjoni qegħdin jaqdu dmirhom b'manjiera ġusta u li l-ebda mill-azzjonijiet tagħhom ma jista' jkollha effett ta' distorsjoni fuq il-kompetizzjoni.

11.

Għandha tiġi introdotta sistema ta' kontroll tas-sigurtà unika (one stop security) kif proposta oriġinarjament mill-Kummissjoni għal dawk il-passiġġieri għaddejjin mill-ajruporti Ewropej.

12.

Din għandha tinkludi modifika fl-eżami analitiku tal-passiġġieri fl-ajruporti sabiex tiġi inkluża sistema fast track (tal-bijometriċi) li tiffaċilita l-passiġġieri regolari.

13.

Biljetti li jinxtraw iktar minn xahar qabel għandu jkollhom perijodu ta' riflessjoni sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jikkanċellawhom mingħajr penali fi żmien 48 siegħa. Fil-każ li jkun hemm kanċellazzjoni ta' biljett, il-klijent għandu jkun intitolat ukoll għal rimborż tat-taxxi kollha ta' l-ajru.

1.   Introduzzjoni

1.1

Iktar minn għaxar snin mit-tnedija tiegħu, it-tielet pakkett ġeneralment qeda r-rwol tiegħu, li ppermetta l-espansjoni mingħajr preċedent tat-trasport ta' l-ajru fl-Ewropa. Monopolji antiki twarrbu, il-kabotaġġ intra-komunitarju ġie introdott, u l-kompetizzjoni fis-swieq kollha ġiet intensifikata għall-benefiċċju tal-konsumaturi.

1.2

Minkejja dan is-suċċess, il-biċċa l-kbira tal-linji ta' l-ajru Komunitarji qegħdin ikomplu jsofru minn kapaċità żejda u mill-frammentazzjoni eċċessiva tas-suq. L-applikazzjoni inkonsistenti tat-tielet pakkett fl-Istati Membri kollha u r-restrizzjonijiet li għadhom japplikaw fuq is-servizzi ta' l-ajru intra-komunitarji qegħdin jissarrfu f'dawn l-effetti li ġejjin:

1.3

In-nuqqas ta' sitwazzjoni bl-istess kondizzjonijiet għal kulħadd: l-effiċjenza tas-suq qiegħda tintlaqat minn distorsjonijiet fil-kompetizzjoni (eż l-applikazzjoni li tvarja fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-liċenzja ta' l-operat; diskriminazzjoni bejn it-trasportaturi ta' l-ajru ta' l-UE fuq il-bażi tan-nazzjonalità; trattament diskriminatorju fir-rigward ta' rotot lejn pajjiżi terzi; eċċ.

1.4

L-applikazzjoni inkonsistenti tar-regoli li jirregolaw il-kiri ta' l-ajruplani minn pajjiżi terzi bl-ekwipaġġ, bid-distorsjonijiet konsegwenti tal-kompetizzjoni u l-implikazzjonijiet soċjali.

1.5

Passiġġieri li m'humiex qegħdin jibbenefikaw kompletament mis-suq intern minħabba fin-nuqqas ta' trasparenza fil-prezzijiet jew prassi diskriminatorji fuq il-bażi tal-post tar-residenza.

2.   Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

2.1

L-għan tal-proposta huwa li tirrevedi u tikkonsolida r-regolamenti.

2.2

Il-proposta ssaħħaħ is-suq intern billi tippromovi ambjent iktar kompetittiv u b'hekk it-trasportaturi ta' l-ajru Ewropej ikunu jistgħu jlaħħqu mal-kompetituri internazzjonali tagħhom.

2.3

Xi wħud mill-bidliet proposti jistgħu jkollhom impatt fuq l-ambjent, peress li ser ikollhom l-inklinazzjoni li jħeġġu iktar espansjoni tat-traffiku ta' l-ajru. Il-KESE huwa konxju li t-tkabbir kontinwu tat-traffiku ta' l-ajru qiegħed isir kawża sinifikanti taż-żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u bħalissa qiegħed jipprepara opinjoni dwar dan is-suġġett. Għandu x'għandu jsir f'dan il-kuntest, madankollu, il-Kumitat jappoġġja r-rinfurzar ta' sitwazzjoni bl-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fis-settur tal-linji ta' l-ajru kif propost mill-Kummissjoni fil-proposta attwali.

3.   Evalwazzjoni ta' impatt

3.1

M'hijiex l-intenzjoni tar-reviżjoni tat-tielet pakkett li tbiddel il-qafas leġislattiv b'mod radikali, iżda li tagħmel serje ta' aġġustamenti sabiex tindirizza l-problemi identifikati.

3.2

L-għażla ta' “l-ebda bidla” ma taffettwax it-tliet regolamenti attwali li jiffurmaw it-tielet pakkett tas-suq intern ta' l-avjazzjoni.

3.3

L-għażla “tal-bidla” tinkludi serje ta' tibdiliet lit-tielet pakkett sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni omoġenea u effettiva tar-regoli tagħha. Din għandha tinkludi wkoll modifika fl-eżami analitiku tal-passiġġieri fl-ajruporti sabiex tiġi inkluża sistema fast track (tal-bijometriċi) li tiffaċilita l-passiġġieri regolari.

3.4

L-abbozz tar-regolament ser jassigura applikazzjoni effiċjenti u omoġenea tal-leġislazzjoni komunitarja għas-suq intern ta' l-avjazzjoni permezz ta' kriterji ta' applikazzjoni aktar stretti u preċiżi (eż. għal-liċenzji ta' l-operat, il-kiri ta' ajruplani, obbligazzjonijiet tas-servizz pubbliku u regoli għad-distribuzzjoni tat-traffiku). Isaħħaħ ukoll is-suq intern billi jneħħi kull restrizzjoni li għadha teżisti fuq l-għoti ta' servizzi ta' l-ajru li jkunu ġejjin minn ftehimiet bilaterali antiki bejn l-Istati Membri u permezz ta' l-għoti lill-Komunità tad-dritt li tinnegozja drittijiet tat-traffiku intra-komunitarju ma' pajjiżi terzi. Isaħħaħ id-drittijiet tal-konsumatur permezz tal-promozzjoni tat-trasparenza fil-prezz u n-non-diskriminazzjoni.

3.5

L-esperjenza tat-tielet pakkett għas-suq intern ta' l-avjazzjoni wriet li l-leġislazzjoni m'hijiex interpretata u applikata b'mod uniformi fl-Istati Membri. Din is-sitwazzjoni xxekkel l-eżistenza ta' sitwazzjoni verament bl-istess kondizzjonijiet bejn it-trasportaturi ta' l-ajru komunitarji.

3.6

Il-proposta tipprovdi għas-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni.

4.   Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

4.1

It-tisħiħ tal-ħtiġijiet għall-għotja u r-revoka tal-liċenzja ta' l-operat. Is-saħħa finanzjarja ta' l-ajruplani qiegħda tiġi kontrollata b'livelli ta' severità differenti, peress li dan jiddependi mill-Istat Membru li ħareġ il-liċenzja.

4.2

Il-proposta tirrekjedi li l-Istati Membri jsaħħu s-superviżjoni tal-liċenzji ta' l-operat u li jissospenduhom jew jirrevokawhom meta ma jibqgħux jintlaħqu r-rekwiżiti tar-regolament (Artikoli 5 sa 10).

4.3

Il-proposta ġiet abbozzata b'tali mod li tippermetti l-possibilità ta' estensjoni fil-ġejjieni tal-kompetenzi ta' l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza ta' l-Avjazzjoni (EASA) għas-superviżjoni tas-sikurezza u/jew l-għoti tal-liċenzji sabiex tiġi assigurata s-superviżjoni l-aktar effiċjenti u konsistenti tat-trasportaturi ta' l-ajru.

5.   Il-proposta ssaħħaħ il-ħtiġijiet għall-kiri ta' l-ajruplani

5.1

Il-kiri ta' ajruplani bl-ekwipaġġ minn pajjiżi terzi jipprovdi flessibilità importanti. Madankollu, din il-prassi għandha xi żvantaġġi u tista' twassal għal riskji serji ta' sikurezza bħalma wrew bosta inċidenti reċenti.

5.2

Il-valutazzjoni tas-sikurezza ta' l-ajruplani mikrijin minn pajjiżi terzi ma ssirx bl-istess rigorożità fl-Istati Membri kollha. Għalhekk huwa kruċjali li l-Artikolu 13 (kiri bi/mingħajr ekwipaġġ) jiġi infurzat kompletament mill-awtorità tal-liċenzji.

6.   Il-proposta tiċċara r-regoli applikabbli għall-obbligazzjonijiet tas-servizz pubbliku (OSP)

6.1

Ir-regoli applikabbli għall-obbligazzjonijiet tas-servizz pubbliku ġew riveduti sabiex jitħaffef il-piż amministrattiv, jiġi evitat rikors eċċessiv għall-OSP, u jinġibdu aktar kompetituri lejn il-proċeduri tat-tfigħ ta' l-offerti.

6.2

Sabiex jiġi evitat rikors eċċessiv għall-OSP, il-Kummissjoni tista' teħtieġ, f'każi individwali, il-produzzjoni ta' rapport ekonomiku li jispjega l-kuntest ta' l-OSP u l-verifika ta' l-adegwatezza tagħhom għandha titwettaq b'reqqa partikulari meta jkunu maħsuba biex ikunu imposti fuq rotot li huma diġà moqdija minn servizzi tal-ferrovija ta' veloċità għolja b'ħin ta' l-ivvjaġġar ta' inqas minn tliet sigħat. Il-proċeduri tat-tfigħ ta' l-offerti ġew immodifikati billi ġie estiż il-perjodu massimu ta' konċessjoni minn tlieta għal erba' snin.

7.   Il-kompetizzjoni

7.1

Sabiex tiġi assigurata l-koerenza bejn is-suq intern u l-aspetti esterni tiegħu, inklużi dawk tas-Sema Uniku Ewropew, l-aċċess mil-linji ta' l-ajru ta' pajjiżi terzi għas-suq intra-komunitarju għandu jkun ġestit b'mod koerenti permezz ta' negozjati fuq livell komunitarju.

7.2

Ser jitneħħew ir-restrizzjonijiet li baqa' mill-ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri, u dan ser jassigura n-non-diskriminazzjoni fir-rigward tal-qsim tal-kodiċi u l-ipprezzar minn trasportaturi ta' l-ajru komunitarji fuq rotot lejn pajjiżi terzi li jinvolvu punti fi Stati Membri għajr dawk tagħhom stess.

8.   Il-proposta tippromovi trasparenza fil-prezzijiet għall-passiġġieri u mġiba li twassal għal prezzijiet ġusti

8.1

Il-pubblikazzjoni ta' nollijiet li jeskludu t-taxxi, imposti u spejjeż oħra u saħansitra soprataxxi għall-fjuwil saret prassi mxerrda li xxekkel it-trasparenza tal-prezzijiet. Trasparenza insuffiċjenti tal-prezzijiet twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u għalhekk il-konsumaturi jbatu medja ta' nollijiet ogħla. Il-Kummissjoni għadha wkoll tosserva każi ta' diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-post tar-residenza.

8.2

Fil-proposta, in-nollijiet ta' l-ajru għandhom jinkludu kull taxxa, imposta u ħlas applikabbli u t-trasportaturi ta' l-ajru għandhom jipprovdu lill-pubbliku b'informazzjoni komprensiva dwar in-nollijiet u rati ta' l-ajru tagħhom u l-kondizzjonijiet mehmuża.

8.3

In-nollijiet ta' l-ajru għandhom jiġu ffissati mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-post tar-residenza jew tan-nazzjonalità tal-passiġġier fi ħdan il-Komunità. Barra minn hekk, għall-aċċess għan-nollijiet ta' l-ajru ta' trasportaturi, m'għandux ikun hemm diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-post ta' l-istabbiliment ta' l-aġent ta' l-ivvjaġġar.

8.4

In-nollijiet ta' l-ajru għandhom ikunu ppreżentati b'mod ċar. Bħalissa, qiegħed ikun hemm ħafna spejjeż addizzjonali li jistgħu jżidu n-noll totali b'mod sinifikanti; fosthom, ta' min isemmi b'mod partikulari l-ispejjeż ta' l-ajruport li ġieli l-linji ta' l-ajru jgħolluhom sabiex itejbu l-profitt tagħhom.

Fl-Ewropa, ta' sikwit ikun hemm distorsjoni tan-nollijiet minħabba d-differenzi bejn il-valuti minkejja li din għandha titnaqqas bl-introduzzjoni ta' l-Euro. Minkejja dan, huwa diffiċli li tispjega kif huwa irħas li ttir lejn postijiet bħal Londra, Ruma, Madrid u mhux viċi versa.

Din id-differenza fin-nollijiet bejn il-vjaġġi 'l barra u lura hija ripetuta madwar l-Ewropa fuq il-biċċa l-kbira tar-rotot.

8.5

Naqblu kompletament mal-proposta li l-EASA jkollha l-fondi u l-istaff xierqa u li tingħata l-poter ta' regolamentazzjoni mandatorja fil-pajjiżi kollha ta' l-UE. Aħna pproponejna dan fid-dokument preċedenti tagħna (1).

8.6

L-OSP huma neċessarji u għadhom mixtieqa sabiex iħeġġu lis-servizzi għaż-żoni li huma iktar iżolati. Madankollu, ir-regoli u r-regolamenti tal-linji ta' l-ajru li għandhom l-OSP ma kinux stretti biżżejjed. Minkejja li l-OSP tiddikjara n-numru ta' titjiriet u n-numru ta' postijiet bil-qiegħda fuq l-ajruplani, jidher li ma kien hemm l-ebda penali imposti f'każijiet meta t-titjiriet jonqsu li jżommu mal-ħin stipulat jew ikollhom dewmien.

Brussell, 31 ta' Mejju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  ĠU C 309, 16.12.2006, p. 51-54.


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/88


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Politika Ewropea dwar is-Sikurezza fit-Toroq u s-Sewwieqa Professjonali — Postijiet ta' l-ipparkjar sikuri u protetti”

(2007/C 175/21)

Nhar is-16 ta' Frar 2007, b'konformità ma' l-Artikolu 29 paragrafu 2 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji Opinjoni dwar Il-Politika Ewropea għas-Sikurezza fit-toroq u s-Sewwieqa Professjonali — Postijiet ta' l-ipparkjar sikuri u protetti.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta' Mejju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Etty segwit mis-Sur Chagas.

Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tat-30 ta' Mejju 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'118-il vot favur, 4 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Għal raġunijiet ta' sikurezza tat-toroq, ta' kriminalità tal-merkanzija fit-triq u s-saħħa u s-sikurezza tas-sewwieqa tat-trakkijiet hemm bżonn li jsiru disponibbli aktar postijiet protetti ta' l-ipparkjar madwar l-UE.

1.2

L-Unjoni Internazzjonali tat-Trasport bit-Triq (IRU) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) ifformolaw kriterji komuni li ntlaqgħu tajjeb u li huma prattikabbli u li jridu jitqiesu meta jinbnew faċilitajiet bħal dawn.

1.3

Il-KESE jilqa' l-inizjattiva meħuda mill-Parlament Ewropew u appoġġjata mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jitnieda proġett pilota bil-għan li tiġi ttestjata l-vijabilità u tiġi provduta għajnuna tal-bidu għal postijiet ta' l-ipparkjar sikuri u protetti għas-sewwieqa professjonali.

Il-Kumitat jirrakkomanda li:

1.4

il-Kummissjoni tinkludi l-kwistjoni tal-postijiet ta' l-ipparkjar sikuri u protetti għas-sewwieqa professjonali fil-qafas tal-ħolqien u tal-kofinanzjament tan-Netwerks tat-Toroq Trans-Ewropej;

1.5

l-istess japplika għal meta jiġu approvati proġetti għall-infrastruttura tat-toroq, kofinanzjati fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu jagħmel l-istess meta jagħti self għall-infrastruttura tat-toroq;

1.6

l-Istati Membri jikkunsidraw il-kwistjoni fil-qafas ta' l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għas-Sikurezza fit-Toroq;

(N.B.: fir-rigward ta' dawn it-tliet proposti għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-fatt li hemm bżonn ta' iktar infrastrutturi ta' mistrieħ għas-sewwieqa professjonali partikularment peress li t-trasport bejn l-Istati Membri “antiki” u l-“ġodda” qiegħed ikompli jiżdied).

1.7

il-Kummissjoni tevalwa, minn issa sa April 2009, ir-rwol li l-UE jista' jkollha fil-leġislazzjoni ta' l-aspetti rilevanti tal-kwistjoni u fl-iżvilupp ta' liġi mhux vinkolanti f'oqsma li huma primarjament il-kompetenza ta' l-Istati Membri. Dan għandu jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni rapida u koordinata wara li jintemm il-proġett pilota msemmi fil-punti 2.9, 2.10 u 2.11 hawn isfel. L-evalwazzjoni għandha ssir fil-kuntest ta' l-Artikolu 71 tat-Trattat, iżda għandha tqis ukoll ir-rabta bejn il-miżuri relatati mal-ħin tax-xogħol u mas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Din tista' tinkludi wkoll miżuri għall-postijiet ta' l-ipparkjar sikuri u protetti għas-sewwieqa professjonali;

1.8

il-Kummissjoni tinvolvi bis-sħiħ lill-imsieħba soċjali f'din l-azzjoni.

1.9

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-mezzi li jsaħħu u jgħinu fl-implimentazzjoni ta' l-inizjattivi meħuda mis-soċjetà ċivili organizzata sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-postijiet ta' l-ipparkjar sikuri u protetti u jappoġġjaw l-organizzazzjonijiet ikkonċernati sabiex jgħinu lill-membri tagħhom jagħmlu l-aħjar użu ta' l-infrastrutturi ta' mistrieħ eżistenti u dawk mibnijin ġodda Il-Kummissjoni tista' per eżempju tgħinhom jikkompletaw u jtejbu l-informazzjoni dwar il-faċilitajiet ta' mistrieħ u jagħmlu din l-informazzjoni iktar aċċessibbli għall-membri tagħhom, online ukoll. Eżempji oħra huma sistema għal ċertifikazzjoni ta' postijiet ta' l-ipparkjar sikuri u protetti (bl-użu tal-kriterji konġunti IRU/ETF) u sistema ta' informazzjoni ta' kuljum dwar il-postijiet ta' l-ipparkjar li għadhom disponibbli. Flimkien ma' l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tista' ssib metodi sabiex is-sewwieqa jiġu informati fil-ħin.

2.   Osservazzjonijiet ġenerali

2.1

Il-politika Ewropea għas-sikurezza fit-toroq, inkluż it-Tielet Programm ta' Azzjoni Ewropea għas-Sikurezza fit-Toroq (2003) u l-Programm Ewropew ta' azzjoni għas-sikurezza fit-toroq, r-reviżjoni ta' nofs it-term (2006), immirat lejn udjenza identifikata li tikkonsisti, fost oħrajn, f'motoċiklisti, persuni mixjin, u żgħażagħ, kif ukoll sewwieqa professjonali. Madankollu, il-Kummissjoni ħalliet barra bosta kwistjonijiet rilevanti, waħda minnhom saħansitra għandha importanza kruċjali f'għajnejn l-imsieħba soċjali. Fi kliem ieħor, li bħala parti mis-sikurezza ta' l-infrastruttura tat-toroq, ikun hemm żoni ta' mistrieħ għas-sewwieqa professjonali. U b'mod partikulari, żoni ta' mistrieħ li huma sikuri u protetti.

2.2

Għaliex din hija kwistjoni daqshekk kruċjali? Ta' l-inqas, tliet raġunijiet tajbin jistgħu jingħataw bħala tweġiba għal dik il-mistoqsija.

2.3

L-ewwel waħda hija l-kwistjoni tas-sikurezza fit-toroq. Ir-regolament il-ġdid 561/2006 dwar is-sewqan u l-perijodu ta' mistrieħ daħal fis-seħħ dan l-aħħar. B'mod ċar fl-Artikolu 12 jagħraf l-importanza ta' numru suffiċjenti ta' infrastrutturi ta' mistrieħ li huma sikuri u protetti għas-sewwieqa professjonali matul in-netwerk ta' l-awtostradi ta' l-UE (1). B'żieda ma' din il-konsiderazzjoni, fir-rigward tar-regolamentazzjoni ta' l-UE, għandha tissemma wkoll il-leġislazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi ċ-ċirkulazzjoni tat-trakkijiet tqal waqt tmiem il-ġimgħa f'ċertu Stati Membri. Din teħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni aħjar u li jkun hemm koordinazzjoni mtejba fosthom.

2.4

It-tieninett hemm il-livell ta' kriminalità marbut mat-trasport tal-merkanzija bit-toroq. Minkejja li d-data statistika mill-Istati Membri huma f'ħafna rispetti insuffiċjenti u diffiċli li jitqabblu, jidher li n-numru ta' serq (tat-trakkijiet u tal-merkanzija) u l-attakki fuq is-sewwieqa qiegħed jiżdied. Sorsi varji jindikaw li madwar 40 % ta' aċċidenti kriminali fit-trasport bit-triq internazzjonali jseħħu fil-postijiet ta' l-ipparkjar mat-toroq. Studju li qiegħed isir attwalment mill-Konferenza Ewropea ta' Ministri għat-Trasport u mill-Unjoni Internazzjonali tat-Trasport bit-Triq dalwaqt ser jipproduċi data ġdida dwar l-attakki u l-vjolenza kontra s-sewwieqa professjonali f'żoni ta' mistrieħ.

2.4.1

Reċentement (Mejju 2007) il-Parlament ippubblika studju dwar “Is-serq organizzat ta' vetturi kummerċjali u t-tagħbiji tagħhom fl-UE” (2) li jistima li t-telf tal-valur ikkawżat mis-serq huwa ta' iktar minn EUR 8.2 biljun, jew ta' valur ta' EUR 6.72 għal kull vjaġġ mgħobbi. Skond l-istudju, kull sena madwar 9 000 sewwieq professjonali jisfa vittma ta' kriminalità tat-trasport ta' dan it-tip fl-awtostradi ta' l-UE.

2.5

U, it-tieletnett, għandhom jitqiesu s-saħħa u s-sikurezza tas-sewwieqa tat-trakkijiet. Sewwieq għajjien jista' jkun ta' perikolu għas-sikurezza tat-toroq. Madankollu, ir-restrizzjoni tal-ħin tas-sewqan hija importanti fil-politika tat-trasport f'termini ta' kompetizzjoni. Fl-aħjar każ, dan l-aspett għandu biss post limitat ħafna fil-leġislazzjoni attwali.

2.6

Hemm ukoll kwistjonijiet oħra. Per eżempju, sewwieqa professjonali ta' vetturi ta' piż ta' inqas minn 3.5 tunnellata huma eżentati mir-regolamenti Ewropej dwar il-perijodi ta' sewqan u ta' mistrieħ u dwar l-apparat għal-limitazzjoni tal-veloċità. Dan huwa minkejja l-fatt li t-trasport permezz ta' vetturi ta' dan it-tip qiegħed ikompli jikber, inkluż it-trasport ta' merkanzija ta' valur għoli, u li n-numru ta' inċidenti li jinvolvuhom qiegħed jiżdied.

2.7

Hemm il-kwistjoni kollha tal-faċilitar ta' l-applikazzjoni ta' l-elementi soċjali fil-leġislazzjoni relatata mas-sewwieqa tat-trakkijiet li s'issa ma ngħatatx attenzjoni biżżejjed.

2.8

Fl-aħħar, postijiet ta' l-ipparkjar sikuri u protetti li jinstabu f'distanzi adegwati minn xulxin ma' l-awtostradi ta' l-UE jistgħu jkollhom ukoll impatt ambjentali pożittiv u jikkontribwixxu għal ċirkolazzjoni tat-traffiku aħjar.

2.9

Għaddej dibattitu dwar l-importanza tal-postijiet sikuri, protetti u ta' mistrieħ għas-sewwieqa professjonali. Wieħed mill-elementi maġġuri tad-dibattitu huwa t-talba reċenti (2006) ta' min iħaddem u tat-trade unions fis-settur, ta' l-IRU u ta' l-ETF, lill-UE u lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri sabiex jiżviluppaw numru suffiċjenti ta' infrastrutturi ta' dan it-tip li jilħqu sett ta' kriterji li żviluppaw huma b'mod konġunt.

2.10

Fil-Parlament, id-deliberazzjonijiet dwar ir-Regolament 561/2006 jinkludu l-element tal-postijiet ta' l-ipparkjar sikuri u protetti. Kwistjoni ta' preokupazzjoni speċjali kienet il-kriminalità relatata mat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament, appoġġjata mill-Kummissjoni, sar disponibbli baġit ta' 5.5 miljun Euro għal proġett pilota. Dan il-proġett għaddej bħalissa, u jinkludi studji ta' prattikabilità u jipprovdi għajnuna tal-bidu għall-ħolqien ta' postijiet protetti ta' -ipparkjar.

2.11

Studju dwar il-prattikabilità tal-ħolqien fin-Netwerk tat-Toroq Trans Ewropej ta' postijiet għall-ipparkjar protetti għall-operaturi tat-trasport bit-toroq” ġie kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea fl-2006 u ffinalizzat fil-bidu ta' l-2007 (3).

2.12

L-għajnuna tal-bidu ngħatat lil ħames proġetti mudell. L-għanijiet ewlenin huma: li jitfissru l-ħtiġijiet komuni għall-postijiet protetti ta' l-ipparkjar u li jinbnew xi postijiet ġodda sikuri ta' l-ipparkjar f'minn ta' l-inqas żewġ Stati Membri. Fost il-kwistjonijiet ewlenin li jridu jiġu investigati hemm il-mudelli għas-sħubija pubblika-privata.

2.13

Il-Kummissjoni Ewropea ser tevalwa l-proġett pilota immedjatament wara t-tlestija tiegħu, li għandha sseħħ sa April 2009. Ser tinvolvi l-partijiet direttament ikkonċernati f'din l-evalwazzjoni, bħalma ser tinvolvihom waqt l-implimentazzjoni tal-proġett. Fl-2009, il-Kummissjoni tista' tressaq proposti ta' politika (leġislazzjoni, liġi mhux vinkolanti, koordinazzjoni, skambju ta' l-aħjar prassi eċċ.) ibbażata fuq l-evalwazzjoni.

2.14

Barraminhekk, fil-baġit ta' l-2007, il-Parlament warrab EUR 2 miljun għall-iżvilupp ta' sistema ta' ċertifikazzjoni għal postijiet ta' l-ipparkjar sikuri u protetti.

2.15

Reċentement, il-KESE indirizza fil-qosor il-kwistjoni tal-postijiet ta' l-ipparkjar sikuri u protetti għas-sewwieqa professjonali fl-Opinjoni tiegħu TEN/217 (4) u TEN/270 (5).

2.16

Il-kwistjoni ta' disponibilitajiet tal-postijiet ta' l-ipparkjar qiegħda tiġi indirizzata wkoll fir-rapport tal-Parlament dwar “Il-Ġestjoni tas-Sigurtà fl-Infrastruttura tat-Toroq” (2006/0182/COD, verżjoni preliminarja) ta' l-20.3.2007.

3.   Osservazzjonijiet speċifiċi

3.1

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni, peress li stabbilixxiet regoli għall-perijodu ta' sewqan u ta' mistrieħ għandha tieħu r-responsabilità wkoll sabiex tippermetti lis-sewwieqa professjonali jikkonformaw ma' dawn ir-regoli. Dan ifisser li postijiet ta' l-ipparkjar adattati għandhom ikunu disponibbli matul l-awtostradi prinċipali Ewropej, imbiegħdin minn xulxin b'distanzi sabiex is-sewwieqa jkunu jistgħu jieħdu l-perijodi obbligatorji tagħhom ta' mistrieħ meta meħtieġ.

3.2

Il-kriterji għal dawn il-postijiet ta' l-ipparkjar adattati, kif żviluppati mill-Unjoni Internazzjonali għat-Trasport tat-Triq u mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport f'Marzu 2006, intlaqgħu b'mod tajjeb u huma realisti. Jirriflettu b'mod adegwat bosta mir-rakkomandazzjonijiet ta' politika li saru fl-istudju ta' prattikabilità msemmi fil-punt 2.10 hawn fuq. Il-kriterji jkopru żewġ tipi ta' infrastrutturi ta' mistrieħ, l-ewwel tip għad-dispożizzjonijiet l-iktar bażiċi u t-tieni tip li jeħtieġ faċilitajiet iktar obbligatorji għall-punti ċentrali strateġiċi. L-IRU u l-ETF ipproponew, addizzjonalment, faċilitajiet jew servizzi oħra li huma rrakkomandati ħafna jew ta' għażla għall-operaturi taż-żoni ta' mistrieħ skond l-importanza tad-domanda. Il-Kumitat huwa ta' l-opinjoni li l-kriterji joħolqu bilanċ adattat bejn il-konsiderazzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq, il-protezzjoni tas-sewwieq u l-merkanzija, u s-sikurezza u s-saħħa professjonali tas-sewwieqa.

3.3

Bħalissa, m'hemmx biżżejjed postijiet ta' l-ipparkjar li jissodisfaw il-kriterji ta' l-IRU/ETF fl-UE, b'mod partikulari fl-Istati Membri fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, għandhom jiġu inklużi fil-fażi ta' l-ippjanar u l-kostruzzjoni ta' awtostradi ġodda. Attenzjoni speċjali għandha tingħata lil qsim transkonfinali fil-fruntieri esterni ta' l-UE, fejn is-sewwieqa ta' sikwit ikollhom jiffaċċjaw perijodi twal ta' stennija.

3.4

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jindirizzaw din is-sitwazzjoni b'mod urġenti, waqt li jikkunsidraw ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi rispettivi tagħhom. Il-Kumitat jinnota b'interess l-inizjattivi li ttieħdu mill-Parlament u l-Kummissjoni u jispera li dawn iwasslu għal attivitajiet bikrija mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri sabiex ifasslu politiki li għandhom jiġu żviluppati wara li jitlestew il-proġetti pilota msemmija f'punt 2.11 hawn fuq.

3.5

Il-Kumitat bi pjaċir jinnota li s-soċjetà ċivili organizzata, b'mod partikulari l-imsieħba soċjali fl-industrija tat-trasport bit-triq, indirizzat il-kwistjoni tal-postijiet ta' l-ipparkjar li huma sikuri u protetti b'mod kostruttiv u konkret. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-mezzi li jsaħħu u jgħinu fl-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva u jappoġġjaw l-organizzazzjonijiet ikkonċernati sabiex jgħinu lill-membri tagħhom jagħmlu l-aħjar użu ta' l-infrastrutturi ta' mistrieħ eżistenti u dawk mibnijin ġodda. Il-Kummissjoni tista' per eżempju tgħinhom jikkompletaw u jtejbu l-informazzjoni dwar il-faċilitajiet ta' mistrieħ u jagħmlu din l-informazzjoni iktar aċċessibbli għall-membri tagħhom, online ukoll. Eżempju ieħor huwa sistema ta' informazzjoni ta' kuljum dwar il-postijiet ta' l-ipparkjar li għadhom disponibbli. Flimkien ma' l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tista' tiżviluppa metodi sabiex is-sewwieqa jiġu informati fil-ħin.

Brussel, it-30 ta' Mejju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Artikolu 12: Sakemm is-sikurezza fit-triq m'hijiex mhedda b'dan u sabiex tippermetti li l-vettura tasal f'post ta' waqfien adattat, is-sewwieq jista' jidderoga l-Artikoli 6 sa 9 sal-punt neċessarju sabiex jassigura s-sikurezza tal-persuni, tal-vettura jew tat-tgħabbija tagħha. Is-sewwieq għandu jindika r-raġuni għal deroga bħal din manwalment fuq id-dokument ta' reġistrazzjoni ta' l-apparat ta' reġistrazzjoni jew fuq il-karta pprintjata mill-apparat ta' reġistrazzjoni jew fir-roster tas-servizz, mhux iktar tard mill-wasla f'post ta' waqfien adattat.

(2)  Verżjoni proviżorja, 3.5.2007 IP/B/TRAN/IC/2006-194. L-istudju kien magħmul minn NEA Transport Research and Training bit-talba tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament Ewropew.

(3)  NEA Transport Research Training, Rijswijk, l-Olanda, Jannar 2007.

(4)  Opinjoni dwar “Is-sikurezza tal-modi tat-trasport”, CESE 1488/2005 ta' l-14.12.2005, ara punt 3.10. ĠU C 65 17.3.2006.

(5)  Opinjoni dwar “Il-ġestjoni tas-sigurtà fl-infrastruttura tat-toroq” CESE 613/2007 tas-26.04.2007, ara punt 4.8.


27.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 175/91


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Leġislazzjoni futura dwar l-Aċċessibilità Elettronika”

(2007/C 175/22)

Nhar is-26 ta' Frar 2007, il-Kumissjoni Ewropea iddeċiediet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li titlob lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex ifassal opinjoni dwar il- Il-Leġislazzjoni futura dwar l-Aċċessibilità Elettronika.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta' Mejju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Hernández Bataller.

Matul l-436 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (seduta tat-30 ta' Mejju 2007, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'136 vot favur, u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-aċċessibilità elettronika, u jħeġġiġha sabiex tagħmel iktar xogħol f'dan il-qasam. Fil-kuntest ta' l-interess qawwi li nħoloq minn dan is-suġġett, il-Kumitat jirriserva d-dritt li joħroġ opinjoni addizzjonali.

1.2

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tadotta serje ta' inizjattivi fuq il-livell ta' l-UE, kif ġej:

it-tisħiħ tal-leġislazzjoni eżistenti, b'tali mod li ssir iktar koerenti u vinkolanti, sabiex jiġu evitati d-differenzi u d-diskrepanzi li jeżistu attwalment fl-Istati Membri, speċjalment fl-oqsma tal-komunikazzjoni elettronika (b'mod partikulari s-servizz universali) u l-akkwist pubbliku; u tisħiħ tal-korp leġislattiv permezz ta' l-adozzjoni ta' miżuri supra-nazzjonali ġodda bbażati fuq l-Artikoli 13 u 95 TKE, sabiex jiġu protetti l-ħtiġijiet ta' l-aċċessibilità bħala obbligi ta' servizz pubbliku;

l-estensjoni ta' l-aċċessibilità elettronika, b'mod orizzontali, għal żoni oħra tal-politika ta' l-UE;

l-adozzjoni ta' miżuri li ma jorbtux dwar l-Aċċessibilità elettronika li jis;tgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja għal persuni b'diżabilitajiet u persuni mdaħħla fl-età.

1.3

Il-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa fattur kruċjali fl-implimentazzjoni ta' politika xierqa dwar l-aċċessibilità elettronika, billi din tista' tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' miżuri ta' appoġġ, per eżempju fir-rigward tal-kodiċi tal-kondotta jew il-ko-regolamentazzjoni.

1.4

Il-miżuri ta' appoġġ għandhom jiffokaw fuq oqsma li jiffaċilitaw l-aċċess għas-soċjetà ta' l-informazzjoni tal-persuni b'diżabilità u persuni mdaħħla fl-età, u jintroduċuhom għal teknoloġiji ġodda bħala mezz ideali sabiex jintegraw ruħhom soċjalment, jimpedixxu l-esklużjoni tagħhom mid-dinja diġitali u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

1.5

L-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri għandhom, b'konformità mal-linji gwida supra-nazzjonali, jadottaw miżuri varji ta' appoġġ sabiex isir possibbli finanzjalment għall-persuni b'diżabilità u għan-nies imdaħħla fl-età li jipparteċipaw fid-dinja diġitali u sabiex jiffaċilitawlhom l-aċċess għaliha.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-KESE rċieva ittra mill-Kummissjoni li titolbu sabiex ifassal opinjoni dwar il-qafas leġislattiv futur għall-aċċessibilità elettronika, b'enfasi partikulari fuq il-persuni mdaħħla fl-età.

L-“aċċessibilità elettronika” tirreferi għall-ħila li jingħelbu l-barrieri tekniċi u d-diffikulatjiet li l-persuni b'diżabilitajet u gurppi oħra jiffaċċjaw meta jippruvaw jiksbu aċċess għas-soċjetà ta' l-informazzjoni taħt kondizzjonijiet ugwali. Dan il-kunċett jaqa' taħt il-kwistjoni usa' ta' l-“Inklużjoni elettronika”, li tkopri barrieri ekonomiċi, ġeografiċi jew edukazzjonali oħra.

2.2

L-għan ġenerali huwa li jiġi identifikat tip ta' leġislazzjoni sekondarja li għandha tifforma l-bażi għall-UE sabiex tikseb l-objettiv ta' soċjetà li hija kompletament inklużiva, fil-kuntest ta' bidla ekonomika u soċjali mgħaġġla.

2.3

Huwa ċar li dan l-abbozz ta' leġislazzjoni għandu għeruq sodi fit-testi legali fundamentali li jesprimu l-valuri u l-prinċipji ta' l-UE, bħall-Artikolu 13 TKE, u r-referenzi speċifiċi għall-parteċipazzjoni ta' “l-abitanti kollha tagħha” fil-ħajja demokratika u l-progress soċjali fil-punti 2 u 4 tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u, fost affarijiet oħra, fl-Artikoli I-3(3), II-81 u II-86 tiegħu.

2.4

Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-UE diġà ġabru korp sinifikanti tal-pożizzjonijiet u d-deċiżjonijiet li, minkejja l-fatt li huma differenti, qegħdin jgħinu sabiex jiġu stabbiliti politiki ta' l-UE li huma impenjati b'mod proattiv fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, u fl-aċċessibilità elettronika. Eżempji ta' dan jinkludu:

ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-2.12.2002 dwar l-Aċċessibilità elettronika– ntejbu l-aċċess tal-persuni b'diżabilitajiet għas-soċjetà bbażata fuq l-għarfien issejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tuża l-potenzjal tas-soċjetà ta' l-informazzjoni għall-persuni b'diżabilitajiet u, b'mod partikulari, tindirizza t-tneħħija ta' kull tip ta' barriera;

sadattant, il-Kunsill tat-Telekomunikazzjonijiet esprima l-bżonn għat-titjib ta' l-Aċċessibilità elettronika fl-Ewropa (1), u l-Kunsill tal-Politika Soċjali, fir-Riżoluzzjoni tiegħu ta' l-2003 (2) dwar l-Aċċessibilità elettronika, sejjaħ lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa għall-ħolqien ta' soċjetà miftuħa, inklużiva u bbażata fuq l-għarfien li tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha.

2.4.1

Fl-2005 il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni i2010 (3) bil-għan li jitwaqqaf qafas strateġiku ġdid għal soċjetà ta' l-informazzjoni Ewropea. Warajha ġiet il-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Aċċessibilità Elettronika (4), li pproponiet serje ta' inizjattivi ta' politika sabiex tiġi promossa l-kwistjoni.

2.4.2

Speċifikament, il-Komunikazzjoni dwar l-Aċċessibilità Elettronika ppreżentat tliet approċċi differenti sabiex tiġi indirizzata l-problema:

il-promozzjoni tat-twaqqif ta' ħtiġijiet ta' aċċessibilità fl-akkwist pubbliku;

il-garanzija ta' ċertifikazzjoni ta' l-aċċessibilità;

l-użu aħjar tal-leġislazzjoni eżistenti.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni kellha tiġi segwita sentejn wara li ġiet ippubblikata sabiex jiġi kkunsidrat jekk għandhomx jiġu adottati miżuri addizzjonali.

2.4.3

Il-Kumitat adotta opinjoni dwar il-Komunikazzjoni (5), li tkopri aspetti relatati ma' l-istandards armonizzati u l-interoperabilità, l-akkwist pubbliku, iċ-ċertifikazzjoni u t-testjar minn persuni terzi kontra l-awto-dikjarazzjoni, l-użu tal-leġislazzjoni, l-integrazzjoni, l-aċċessibilità għall-Internet, il-leġislazzjoni u l-qafas strateġiku ġdid għas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni Ewropea.

2.5

Iktar reċentement, punt 6 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2007 dwar Strateġija għal Soċjetà ta' Informazzjoni Sikura fl-Ewropa jistqarr li “kunsiderazzjoni partikulari għandha tingħata lill-utenti [ta' l-ICT] li għandhom bżonnijiet speċjali jew li ma tantx huma konxji tal-kwistjonijiet ta' netwerks u s-sikurezza ta' l-informazzjoni”, u dan jinkludi persuni mdaħħla fl-età u persuni b'diżabilitajiet.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa' l-istedina tal-Kummissjoni sabiex ifassal din l-opinjoni esploratorja u jenfasizza li, filwaqt li l-inizjattivi tal-Komunità li jippromovu l-inklużjoni fis-soċjetà ta' l-informazzjoni għandhom japplikaw b'mod ġenerali għal kullħadd, hemm ċerti gruppi, bħall-persuni mdaħħla fl-età jew persuni b'diżabilitajiet (6), li jeħtieġu attenzjoni partikulari sabiex jiġu inklużi b'mod effettiv fi ħdan is-soċjetà ta' l-informazzjoni.

Barra minn hekk, fil-kuntest ta' l-interess qawwi li nħoloq għal dan is-suġġett, il-Kumitat jirriserva d-dritt li joħroġ opinjoni addizzjonali.

3.1.1

Dan jikkonforma wkoll ma' punt 8 tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Riga (7) hawn fuq imsemmiha, li tistqarr li: “Sabiex nindirizzaw l-inklużjoni elettronika b'mod konvinċenti, id-differenzi fl-użu ta' l-Internet bejn l-użu medju attwali mill-popolazzjoni ta' l-UE u l-użu minn persuni mdaħħla fl-età, persuni b'diżabilitajiet, nisa, gruppi ta' edukazzjoni iktar baxxa, persuni qiegħda, u r-reġjuni ‘inqas żviluppati’ għandhom jitnaqqsu bin-nofs sal-2010.”

Il-KESE jemmen li, minħabba l-bidliet maġġuri politiċi u soċjali li seħħew f'dawn l-aħħar snin, l-azzjoni komunitarja dwar l-aċċessibilità elettronika għandha ssir prijorità sabiex l-aċċess għall-ICT ikun jista' jiġi kkonfermat bħala dritt ċivili fi ħdan is-servizzi pubbliċi.

Din l-azzjoni komunitarja għandha tgħaqqad strument legali li jista' jsaħħaħ il-leġislazzjoni attwali permezz ta' miżuri oħra li ma jorbtux f'diversi oqsma ta' politika, fil-kuntest tal-valur miżjud li jista' jkollha l-UE.

Il-KESE jappoġġja din l-azzjoni komunitarja, billi:

f'termini soċjali, ittejjeb id-drittijiet taċ-ċittadini; f'termini ekonomiċi, ittejjeb l-ekonomiji ta' skala, il-ħidma tas-suq intern, il-kompetittività f'settur prinċipali u l-innovazzjoni;

id-diversità u l-frammentazzjoni ta' l-approċċi ta' l-Istati Membri jikkawżaw ċerti problemi, partikularment minħabba t-traspożizzjoni differenti ta' direttivi eżistenti. Dawn iridu jiġu kkjarifikati, partikularment fir-rigward ta' l-akkwist pubbliku u s-servizz universali;

xejn imsemmi hawn fuq ma għandu jimpedixxi kwalunkwe miżura ta' appoġġ adottata milli tiġi applikata b'mod effettiv.

3.2

Fir-rigward tal-bażi legali tal-leġislazzjoni li tiggverna l-kwistjonijiet ta' l-aċċessibilità elettronika, huwa rrakkomandat li jiġu applikati dawn li ġejjin:

l-ewwelnett, l-Artikolu 13 TKE, li jagħti lill-Kunsill is-setgħa ġenerali li jadotta kwalunkwe tip ta' att komunitarju li jikkumbatti d-diskriminazzjoni;

it-tieninett, l-Artikolu 95 TKE, li jitratta dwar aspetti relatati mat-twaqqif u l-ħidma tas-suq intern, sabiex jiġi assigurat li l-proposti jkollhom livell għoli ta' protezzjoni.

Dan m'għandhux jimpedixxi l-effett orizzontali li għandu jkollhom il-kwistjonijiet ta' l-aċċessibilità elettronika.

3.2.1

Sfortunatament, minħabba li t-Trattat Kostituzzjonali m'huwiex fis-seħħ, atti bħal dawn ma jistgħux jiġu adottati taħt l-Artikolu III-124(1), li jistqarr li l-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu “wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew”. Peress li l-Artikolu 13 TKE jippermetti biss li l-Kunsill jadotta atti bħal dawn b'mod unanimu “wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew”, dawn ser ikunu miċħuda mill-possibilità ta' dibattitu sħiħ demokratiku u l-leġittimità iktar b'saħħitha li jibbenefikaw minnha l-atti ta' l-UE li jgħaddu mill-proċess ko-leġislattiv.

3.2.2

Madankollu, il-proviżjoni speċifika għall-adozzjoni unanima mill-Kunsill hija partikularment utli, billi dawn l-atti leġislattivi kollha jridu jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Mill-aspett loġiku, appoġġ unanimu mill-gvernijiet ta' l-UE ser jassigura li l-amministrazzjonijiet nazzjonali jkunu involuti b'mod iktar effettiv fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp domestiku tagħhom. Dan ser ifisser ukoll li l-miżuri li ser jiġu applikati mhux ser ikunu ristretti għat-tneħħija ta' l-ostakoli li jeżistu f'dan il-qasam, iżda ser jgħinu b'mod attiv fil-promozzjoni ta' l-inklużjoni, u b'hekk juru l-pro-attività meħtieġa mill-azzjonijiet tal-Komunità taħt l-Artikoli 13 u 95 TKE.

3.2.3

It-tip ta' att leġislattiv adattat għandu għalhekk ikun direttiva, peress li din tħalli lok sinifikanti għad-diskrezzjoni li ġeneralment tippermetti li l-Istati Membri jagħżlu kif jixtiequ jiksbu l-objettivi stabbiliti fuq il-livell sopra-nazzjonali.

3.3

Fir-rigward tal-kontenut speċifiku tal-qafas leġislattiv futur tal-Komunità, huwa essenzjali li dawn l-objettivi li ġejjin jiġu inklużi, u li jkun hemm distinzjoni bejn dawk bi skop ġenerali u dawk li huma iktar speċifiċi.

3.4

Dawn li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati bħala objettivi ġenerali:

a)

il-promozzjoni ta' l-interoperabilità tas-servizzi ta' l-ICT permezz ta' standards u speċifikazzjonijiet komuni, li jassiguraw li l-korpi Ewropej ta' l-istandardizzazzjoni jqisu l-aċċessibilità meta jadottaw u jimplimentaw l-istandards ikkonċernati;

it-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċessibilità elettronika fid-direttivi dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, skond ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-INCOM (Inclusive Communications group) (8), filwaqt li tiġi promossa l-aċċessibilità elettronika f'oqsma bħar-riforma tad-Direttiva dwar is-Servizzi Awdjoviżwali (TV mingħajr fruntieri), kif diġà stqarr il-Kumitat (9), jew id-Direttiva dwar id-Dritt ta' l-Awtur fis-Soċjetà ta' l-Informazzjoni.

b)

is-semplifikazzjoni fl-aċċess għan-netwerks ICT permezz tal-provvediment ta' infrastruttura u tagħmir tal-hardware f'żoni u reġjuni fl-Ewropa fejn tinħass il-firda diġitali. Il-Fondi Strutturali, il-Fond għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond R&D maħluq reċentement għandhom jidentifikaw ammonti speċifiċi għall-inklużjoni, sabiex jiġi assigurat li 90 % ta' l-UE jkollha aċċess għall-ICT sal-2010;

ċ)

l-assigurazzjoni li l-prodotti u s-servizzi ICT jibbenefikaw lill-membri kollha tas-soċjetà, u li d-disinn u l-operazzjoni tagħhom jaqdu lis-setturi li huma l-inqas privileġġati, b'mod partikulari l-persuni b'diżabilità u mdaħħla fl-età. Għal dan il-għan, għandu jkun hemm żewġ livelli ta' responsabilità maqsuma bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat.

3.4.1

L-ewwelnett, skond il-poteri rispettivi tagħhom, l-awtoritajiet ta' l-UE u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sett ta' kriterji għal azzjoni mmirata lejn l-intrapriżi li jaħdmu fis-settur ta' l-ICT fi ħdan is-suq intern, partikularment f'oqsma bħall-istandardizzazzjoni, u għandhom jassiguraw li dawn il-kriterji jintlaħqu b'mod xieraq.

3.4.2

Kulfejn huwa possibbli, dawn il-ħtiġijiet għandhom japplikaw għall-Politika Kummerċjali Komuni sabiex il-benefiċċji ta' l-aċċessibilità jkunu jistgħu jinħassu mhux biss fl-Ewropa iżda universalment. It-tieninett, il-kodiċi tal-kondotta għandhom jiġu promossi skond il-ħtiġijiet ta' kull grupp sotto-privileġġat, sabiex tinħoloq kultura ta' responsabilità soċjali korporattiva f'dan il-qasam.

3.4.3

L-atturi rilevanti tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti wkoll fl-innovazzjoni teknoloġika u t-tqassim tal-prassi tajba għall-aċċess u l-użu ta' l-ICT, permezz tal-ħolqien ta' netwerks tansnazzjonali li jgħaqqdu ċentri ta' riċerka universitarji u ċentri ta' riċerka ta' kumpaniji fis-settur. Fost affarijiet oħra, l-amministrazzjonijiet nazzjonali u ta' l-UE għandhom iwaqqfu proġetti annwali ko-finanzjati b'dan il-għan, u għandha tiġi promossoa kultura ta' eċċellenza fir-riċerka, li tinkludi l-ħolqien ta' premju Ewropew għal teknoloġiji ġodda bi kwalità ta' livell għoli li jiffaċilitaw l-inklużjoni elettronika.

3.5

Dawn li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati bħala objettivi speċifiċi:

a)

l-estensjoni ta' l-iskop tad-Direttiva Universali tas-Servizzi (li tkopri l-aċċess għat-telefons pubbliċi tal-ħlas, is-servizzi ta' emerġenza u ta' informazzjoni b'abbonament) sabiex tinkludi t-teknoloġija broadband u t-telefons ċellulari, kif issejjaħ mill-KESE f'bosta okkażjonijiet;

b)

l-assigurazzjoni li l-amministrazzjonijiet pubbliċi huma projbiti milli jużaw l-prodotti u s-servizzi ICT li ma jikkonformawx mar-regoli ta' aċċessibilità li qegħdin fis-seħħ, u li leġislazzjoni futura ta' l-UE dwar l-akkwist pubbliku tinkludi dispożizzjonijiet mandatorji dwar l-aċċessibilità;

ċ)

l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet ta' l-aċċessibilità għall-użu tan-netwerks IP li jinkludu s-servizzi ta' l-emerġenza u l-użu tat-televiżjoni interattiv diġitali;

d)

l-assigurazzjoni, kif diġà imħeġġeġ mill-Kumitat (10), li l-Istati Membri jadottaw kompletament it-tieni verżjoni tal-Linji ta' Gwida għall-Aċċessibilità tal-Kontenut ta' l-Internet u jinkorporawhom fil-websajts pubbliċi;

e)

il-promozzjoni ta' l-użu ta' “għodod ta' l-awtur” sakemm jikkonformaw mal-Verżjoni 2 tal-Linji ta' Gwida għall-Aċċessibilità għall-Kontenut ta' l-Internet imsemmija hawn fuq.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-grupp ta' persuni 'l fuq minn 65 sena qiegħed jikber fir-relazzjoni mal-bqija tal-popolazzjoni, l-iktar bħala riżultat ta' rati baxxi tat-twelid, kwalità aħjar tal-ħajja u prospetti aħjar għat-tul tal-ħajja. Għalhekk, il-presidenzi tal-Kunsill inkludew it-tixjiħ tal-popolazzjoni bħala suġġett għad-diskussjoni fil-programm konġunt tal-presidenza.

4.2

Fis-soċjetà l-ġdida fejn jgħixu l-persuni mdaħħla fl-età, hemm fatturi varji li jistgħu jwasslu għas-solitudni, bħall-għejba tal-familja estiża u l-ħolqien tal-familja b'ġenitur wieħed. Is-soċjetà ta' l-informazzjoni tipprovdi opportunitajiet ġodda għall-persuni mdaħħla fl-età sabiex jeħilsu mill-iżolazzjoni soċjali, billi jippromovu azzjonijiet li jnaqqsu l-firda diġitali eżistenti.

Dan huwa partikularment evidenti fir-rigward ta' l-aċċessibilità elettronika. Skond id-Dikjarazzjoni Ministerjali adottata unanimament f'Riga, 10 % biss tar-residenti Ewropej li għandhom 'il fuq minn 65 sena jużaw l-Internet.

4.3

Flimkien ma' l-aċċess universali għall-Internet, għandhom jiġu proposti politiki soċjali trans-settorjali (skond il-prinċipju tas-sussedjarjetà) sabiex titħeġġeġ l-inklużjoni tal-persuni mdaħħla fl-età u l-persuni b'diżabilitajiet fis-soċjetà ta' l-informazzjoni, bil-għan li jassiguraw li tiġi assigurata l-ugwaljanza u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħhom, jottimizzaw is-servizzi u jippromovu l-implikazzjoni tagħhom fis-soċjetà ta' l-informazzjoni, u jneħħu l-ostakoli għat-taħriġ diġitali u s-software bla ħlas.

Billi jsir iktar faċli għall-persuni b'diżabilità u n-nies imdaħħla fl-età li jiksbu aċċess għas-soċjetà ta' l-informazzjoni, tista' tiġi stimulata l-attività intellettwali, u l-ħajja tista' ssir iktar faċli permezz tal-provvediment ta' servizzi bħal:

parir bla ħlas,

provvediment ta' dokumentazzjoni d-dar,

parir legali għall-individwi jew fiċ-ċentri għal min hu rtirat jew għandu xi diżabilità

attivitatjiet ta' rikreazzjoni jew ta' divertiment,

servizzi speċjali għal nies imdaħħla fl-età u kuntatt mas-servizzi soċjali reġjonali,

taħriġ permezz ta' klassijiet virtwali,

programmi ta' btala, u

servizzi telemediċi fakultattivi.

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta' l-ICT fit-trawwim tal-parteċipazzjoni ekonomika u soċjali ta' persuni mdaħħla fl-età u persuni b'diżabilitajiet, permezz ta' l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni fl-UE. L-implikazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata jista' jkun utli f'oqsma bħall-ko-regolamentazzjoni, l-abbozzar tal-kodiċi tal-kondotta u r-responsabilità soċjali korporattiva.

4.4

Il-KESE jemmen li l-miżuri ta' appoġġ għall-proġetti u l-inizjattivi għandhom jiġu adottati b'mod li jiffaċilitaw l-aċċess għas-soċjetà ta' l-informazzjoni tal-persuni b'diżabilità u persuni mdaħħla fl-età, u jintroduċuhom lil teknoloġiji ġodda bħala mezz ideali sabiex jintegraw ruħhom soċjalment, jimpedixxu l-esklużjoni tagħhom mid-dinja diġitali u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. B'mod partikulari, dawn il-miżuri jistgħu jinkludu:

il-ħolqien u l-promozzjoni ta' netwerks diġitali sabiex jagħmlu s-sistemi tal-ġestjoni tal-korpi u assoċjazzjonijiet varji iktar professjonali u effettivi. Dawn in-netwerks għandhom ikunu mgħammra b'mod xieraq u bil-ħila li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet varji ta' persuni mdaħħla fl-età u b'diżabilità;

skemi pilota bbażati fuq applikazzjonijiet u għodod li jgħinu l-persuni b'diżabilitajiet u persuni mdaħħla fl-età sabiex jgħixu ħajja attiva u indipendenti permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà ta' l-informazzjoni.

4.5

Il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tista' tissaħħaħ permezz ta' l-applikazzjoni tal-Prinċipji tan-NU għall-Persuni Mdaħħla fl-Età f'politiki implimentati mill-UE, u l-promozzjoni ta' l-aċċess għall-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ adattati.

4.6

Fil-kuntest tar-reviżjoni ta' l-“approċċ il-ġdid” li ser jitwettaq mill-Kummissjoni, il-leġislazzjoni li qiegħda titfassal għandha tqis il-ħtiġijiet ta' persuni mdaħħla fl-età, sabiex jiġu ssemplifikati s-servizzi pprovduti permezz ta' prodotti li qegħdin jiġu żviluppati. Sadattant, korpi ta' standardizzazzjoni u l-industrija għandhom jikkunsidraw dawn iċ-ċirkustanzi fl-oqsma ta' attività tagħhom stess.

4.7

F'termini ta' ħarsien ta' l-ambjent, hemm il-potenzjali li jiżdied l-użu tat-teknoloġija diġitali sabiex jitnaqqas l-ivjaġġar, billi ċertu servizzi jitwasslu “in situ”. Il-Kummissjoni għandha tesplora din il-possibilità sabiex tipproponi miżuri ta' l-aċċessibilità elettronika supra-nazzjonali.

Brussel, it-30 ta' Mejju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni 2002 eEurope: aċċessibilità tal-websites pubbliċi u l-kontenut tagħhom. ĠU C 86 ta' l-10.4.2002.

(2)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill 14892/02.

(3)  COM(2005) 229 finali. Opinjoni tal-KESE dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — i2010 — Soċjetà ta' l-Informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjieg. ĠU C 110 tad-9.5.2006, pġ. 83.

(4)  COM(2005) 425 finali.

(5)  Opinjoni CESE 404/2006, adottata fis-Sessjoni Plenarja tal-15.3.2006. Rapporteur: Is-Sur Cabra de Luna. ĠU C 110 9.5.2006.

(6)  Opinjoni CESE 404/2006, punt 3.4, jistqarr li: “Il-persuni b'diżabilità jikkostitwixxu grupp ta' persuni eteroġenu. Fl-istess ħin huwa xieraq li ngħidu li l-gruppi prinċipali b'xi forma ta' diżabilità li qegħdin jiffaċċjaw diffikulatjiet fl-aċċessibilità fl-ICT huma: persuni b'diżabilitajiet konoxxittivi u tat-tagħlim, persuni b'diżabilitajiet tas-sensi (torox u b'nuqqas ta' smigħ, għomja u b'nuqqas ta' dawl, persuni torox u għomja, persuni b'diżabilitajiet fit-tlissin tal-kliem) u persuni b'diżabilitajiet fiżiċi.”ĠU C 110 9.5.2006.

(7)  Id-dikjarazzjoni Ministerjali ta' l-UE dwar l-inklużjoni elettronika, adottata f'Riga fil-11 ta' Novembru 2006 fil-kuntest ta' l-inizjattiva i2010, ikkonfermat mill-ġdid l-impenn politiku għat-titijib ta' l-aċċessibilità elettronika.

http://ec.europa.eu/information_society/events/ict_riga_2006/index_en.htm

(8)  L-Inclusive Communications group (INCOM) ġie mwaqqaf fl-2003, u jikkonsisti minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri, operaturi tat-telekom, assoċjazzjonijiet ta' l-utenti u korpi ta' l-istandardizzazzjoni.

(9)  Opinjoni CESE 486/2006. ĠU C 185 8.8.2006.

(10)  Opinjoni CESE 404/2006, punt 7.5.1: “Il-KESE isejjaħ lill-Istati Membri ta' l-UE sabiex jadottaw b'mod formali, mhux mibdul, il-Verżjoni 2 tal-Linji ta' Gwida għall-Inizjattiva ta' l-Aċċessibilità għall-Intenet u li jinkorporaw b'mod komplet il-Verżjoni 2 fil-websajts pubbliċi kollha.”ĠU C 110 9.5.2006.