ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 50
27 ta' Marzu 2007


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

Kunsill

2007/C /01

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 2/2007 adottata mill-Kunsill fil-11 ta’ Diċembru 2006 bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-għan li jadotta r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li tirrevoka r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70

1

2007/C /02

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 3/2007 adottata mill-Kunsill fil-11 ta' Diċembru 2006 bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-għan li jadotta r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 ( 2 )

21

 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea fil-ĠU C 70 E.

 

(2)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


III Atti preparatorji

Kunsill

27.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/1


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) Nru 2/2007

adottata mill-Kunsill fi-11 ta' Diċembru 2006

bil-għan li jadotta r-Regolament (KE) Nru …/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li tirrevoka r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70

(2007/C 70 E/01)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 71 u 89 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

L-Artikolu 16 tat-Trattat jikkonferma l-post okkupat mis-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fost il-valuri komuni ta' l-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 86(2) tat-Trattat jistabbilixxi li l-impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali huma soġġetti għar-regoli fit-Trattat, b'mod partikolari għar-regoli dwar il-kompetizzjoni, sakemm l-applikazzjoni ta' tali regoli ma tostakolax il-prestazzjoni, fil-liġi jew de facto, tax-xogħlijiet partikolari assenjati lilhom.

(3)

L-Artikolu 73 tat-Trattat jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward ta' l-Artikolu 86(2). Dan jistabbilixxi regoli applikabbli għall-kumpens ta' obbligi ta' servizz pubbliku fit-trasport fuq l-art.

(4)

L-objettivi ewlenin tal-White Paper tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2001, “Il-politika Ewropea tat-trasport għal 2010: iż-żmien għad-deċiżjonijiet”, huma li jiġu garantiti servizzi tat-trasport għall-passiġġieri sikuri, effiċjenti u ta' kwalità għolja permezz ta' kompetizzjoni rregolata, li tiggarantixxi wkoll it-trasparenza u l-prestazzjoni ta' servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri, wara li jiġu kkonsidrati fatturi soċjali, ambjentali u ta' żvilupp reġjonali, jew biex jiġu offruti kondizzjonijiet speċifiċi ta' tariffi lil ċerti kategoriji ta' vjaġġaturi, bħall-pensjonanti, u biex jiġu eliminati d-disparitajiet bejn impriżi tat-trasport mill-Istati Membri differenti li jistgħu jwasslu għal distorsjoni sostanzjali tal-kompetizzjoni.

(5)

Fil-preżent, ħafna mis-servizzi għal trasport ta' passiġġieri fuq l-art li huma meħtieġa f'termini ta' interess ekonomiku ġenerali ma jistgħux jitħaddmu fuq bażi kummerċjali. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaġixxu biex jiżguraw li tali servizzi jiġu pprovduti. Il-mekkaniżmi li jistgħu jużaw biex jiżguraw li servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri jiġu pprovduti jinkludu dawn li ġejjin: l-għoti ta' drittijiet esklussivi lill-operaturi ta' servizz pubbliku, l-għoti ta' kumpens finanzjarju lill-operaturi ta' servizz pubbliku u d-definizzjoni tar-regoli ġenerali għall-operat tat-trasport pubbliku li huma applikabbli għall-operaturi kollha. Jekk l-Istati Membri, b'konformità ma' dan ir-Regolament, jagħżlu li jeskludu ċerti regoli ġenerali mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, japplika r-reġim ġenerali għall-għajnuna mill-Istat.

(6)

Bosta mill-Istati Membri introduċew leġiżlazzjoni li tipprovdi għall-għoti ta' drittijiet esklussivi u kuntratti għal servizz pubbliku f'ta' lanqas parti mis-suq tagħhom tat-trasport pubbliku, abbażi ta' proċeduri ta' għażla trasparenti u ġusti. B'riżultat ta' dan, in-negozju bejn l-Istati Membri żviluppa b'mod sinifikanti u bosta operaturi ta' servizz pubbliku issa qegħdin jipprovdu servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri f'iktar minn Stat Membru wieħed. Madankollu, żviluppi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali wasslu għal disparitajiet fil-proċeduri applikati u ħolqu inċertezza legali rigward id-drittijiet ta' l-operaturi ta' servizz pubbliku u d-dmirijiet ta' l-awtoritajiet kompetenti. Ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri fir-rigward ta' obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (4), ma jkoprix il-mod li bih għandhom jingħataw il-kuntratti għal servizz pubbliku fil-Komunità, u b'mod partikolari ċ-ċirkostanzi li fihom għandhom ikunu s-suġġett ta' sejħa kompetittiva għall-offerti. Il-qafas legali tal-Komunità għandu għaldaqstant jiġi aġġornat.

(7)

Studji li saru u l-esperjenza ta' l-Istati Membri fejn ilha teżisti kompetizzjoni fis-settur tat-trasport pubbliku għal numru ta' snin juru li, b'salvagwardji xierqa, l-introduzzjoni ta' kompetizzjoni rregolata bejn operaturi twassal għal servizzi aktar attraenti u innovattivi bi prezz orħos u li x'aktarx ma tostakolax il-prestazzjoni tax-xogħlijiet speċifiċi li jkunu ngħataw lill-operaturi ta' servizz pubbliku. Dan l-approċċ ġie approvat mill-Kunsill Ewropew taħt 'l hekk imsejjaħ Proċess ta' Liżbona tat-28 ta' Marzu 2000 li stieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri, kull wieħed skond il-poteri rispettivi tiegħu, biex “jaċċelleraw l-liberalizzazzjoni f'oqsma bħalma huma … t-trasport”.

(8)

Is-swieq tat-trasport ta' passiġġieri li tneħħew mir-regolamentazzjoni u li fihom m'hemm l-ebda dritt esklussiv għandhom jitħallew iżommu l-karatteristiċi tagħhom u l-mod kif jiffunzjonaw sakemm huma kompatibbli mar-rekwiżiti tat-Trattat.

(9)

Biex ikunu jistgħu jorganizzaw is-servizzi tat-trasport pubbliku ta' passiġġieri tagħhom bl-iktar mod adatt għall-ħtiġijiet tal-pubbliku, l-awtoritajiet kompetenti kollha għandhom ikunu jistgħu jagħżlu liberament l-operaturi ta' servizz pubbliku tagħhom, b'kont meħud ta' l-interessi ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju, taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipji tat-trasparenza, tat-trattament ugwali ta' l-operaturi li qed jikkompetu u tal-proporzjonalità, meta jingħataw kumpens jew drittijiet esklussivi, huwa meħtieġ li kuntratt għal servizz pubbliku bejn l-awtorità kompetenti u l-operatur magħżul ta' servizz pubbliku jiddefinixxi n-natura ta' l-obbligi tas-servizz pubbliku u r-rimborż miftiehem. Il-forma jew it-titolu tal-kuntratt jista' jvarja skond is-sistemi legali ta' l-Istati Membri.

(10)

Kontra r-Regolament (KEE) Nru 1191/69, li l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu jestendi għas-servizzi pubbliċi għat-trasport għall-passiġġieri fuq passaġġi fuq l-ilma interni, mhux ikkonsidrat rakkomandabbli li dan ir-Regolament ġdid ikopri l-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku f'dak is-settur speċifiku. L-organizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri fuq passaġġi fuq l-ilma interni hija għaldaqstant soġġetta għall-konformità mal-prinċipji ġenerali tat-Trattat, sakemm l-Istati Membri ma jagħżlux li japplikaw dan ir-Regolament f'dak is-settur speċifiku. Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ma jimpedixxux l-integrazzjoni ta' servizzi ta' passaġġi fuq l-ilma interni f'network usa' għall-passiġġieri ta' trasport pubbliku urban, suburban jew reġjonali.

(11)

Kontra r-Regolament (KEE) Nru 1191/69, li l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu kien jestendi għas-servizzi ta' trasport tal-merkanzija, mhux ikkonsidrat rakkomandabbli li dan ir-Regolament ikopri l-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku f'dak is-settur speċifiku. Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-organizzazzjoni ta' servizzi tat-trasport tal-merkanzija għaldaqstant għandha tkun soġġetta għall-konformità mal-prinċipji ġenerali tat-Trattat.

(12)

Huwa irrilevanti mill-aspett tal-liġi Komunitarja jekk servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri humiex mħaddma minn impriżi pubbliċi jew privati. Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq il-prinċipji tan-newtralità fis-rigward tas-sistema ta' proprjetà msemmija fl-Artikolu 295 tat-Trattat, tal-libertà ta' l-Istati Membri li jiddefinixxu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, imsemmi fl-Artikolu 16 tat-Trattat, u tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità msemmija fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

(13)

Ċerti servizzi, ħafna drabi marbuta ma' infrastruttura speċifika, huma prinċipalment imħaddma għall-interess storiku jew valur turistiku tagħhom. Ġaladarba l-għan ta' dawn l-operazzjonijiet huwa b'mod ċar differenti mill-provvista ta' trasport pubbliku lill-passiġġieri, ma għandhomx għaldaqstant ikunu ggvernati bir-regoli u proċeduri applikabbli għall-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku.

(14)

Fejn l-awtoritajiet kompetenti huma responsabbli għall-organizzazzjoni tar-rettikolat tat-trasport pubbliku, minbarra l-operat attwali tas-servizz tat-trasport, dan jista' jkopri sensiela sħiħa ta' attivitajiet u dmirijiet oħrajn li l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu liberi li jwettqu huma stess jew li jassenjaw, għal kollox jew parzjalment, lil parti terza.

(15)

Kuntratti ta' terminu twil jistgħu jwasslu għall-għeluq tas-suq għal perijodu itwal minn dak meħtieġ, li b'hekk inaqqas il-benefiċċji tal-pressjoni tal-kompetizzjoni. Sabiex tiġi minimizzata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni filwaqt li tiġi protetta l-kwalità tas-servizzi, il-kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jkunu għal perijodu limitat. Madankollu hu meħtieġ li ssir dispożizzjoni għall-estensjoni tal-kuntratti għal servizz pubbliku b'massimu ta' nofs it-tul ta' żmien inizjali tagħhom fejn l-operatur ta' servizz pubbliku għandu jinvesti f'assi li għalihom il-perijodu ta' deprezzament ikun eċċezzjonali u, minħabba l-karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet tagħhom, fil-każ tar-reġjuni l-aktar imbegħda kif speċifikat fl-Artikolu 299 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Barra minn hekk, fil-każ li operatur ta' servizz pubbliku jagħmel investimenti f'infrastruttura jew f'rolling stock u vetturi li huma eċċezzjonali fis-sens li t-tnejn jikkonċernaw ammonti kbar ta' fondi, u jekk il-kuntratt jingħata wara proċedura ta' sejħa għall-offerti ġusta u kompetittiva, estensjoni saħansitra itwal għandha tkun possibbli.

(16)

Meta l-konklużjoni ta' kuntratt għal servizz pubbliku tista' tinvolvi bidla fl-operatur ta' servizz pubbliku, għandu jkun possibbli li l-awtoritajiet kompetenti jitolbu lill-operatur ta' servizz pubbliku magħżul biex japplika d-dispożizzjonjiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta' l-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji (5). Din id-Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jissalvagwardjaw il-kondizzjonijiet tat-trasferiment tad-drittijiet ta' l-impjegati minbarra dawk koperti bid-Direttiva 2001/23/KE, u b'hekk, jekk xieraq, jieħdu kont ta' l-istandards soċjali stabbiliti mil-liġijiet nazzjonali, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi jew ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn l-imsieħba soċjali.

(17)

Skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà, l-awtoritajiet kompetenti huma ħielsa li jistabbilixxu standards ta' kwalità għall-obbligi ta' sevizz pubbliku, per eżempju fir-rigward tal-kondizzjonijiet minimi tax-xogħol, tad-drittijiet ta' passiġġieri, tal-bżonnijiet tal-persuni b'diżabbiltà jew tal-protezzjoni ambjentali.

(18)

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali, kwalunkwe awtorità lokali jew fin-nuqqas ta' din kwalunkwe awtorità nazzjonali, tista' tagħżel li tipprovdi s-servizzi pubbliċi għal trasport ta' passiġġieri tagħha stess fiż-żona li hi tamministra jew li tafdahom lil operatur intern mingħajr sejħa kompetittiva għal offerti. Madankollu, jeħtieġ li din il-possibilità ta' awto-forniment tiġi rregolata strettament biex jiġu żgurati kondizzjonijiet ugwali. L-awtorità jew grupp ta' awtoritajiet kompetenti li jipprovdu servizzi pubbliċi integrati tat-trasport għall-passiġġieri, b'mod kollettiv jew permezz tal-membri tagħhom, għandhom jeżerċitaw il-kontroll meħtieġ. Barra minn hekk, awtorità kompetenti li tipprovdi s-servizzi ta' trasport tagħha stess jew operatur intern għandhom ikunu projbiti milli jieħdu sehem fi proċeduri ta' sejħiet għall-offerti kompetittivi barra t-territorju ta' dik l-awtorità. L-awtorità li tikkontrolla l-operatur intern għandha wkoll titħalla tiprojbixxi lil dan l-operatur milli jieħu sehem fi proċeduri ta' sejħiet għall-offerti kompetittivi organizzati fit-territorju tagħha. Restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet ta' operatur intern ma jinterferixxux mal-possibbiltà li jingħataw direttament kuntratti għal servizz pubbliku fejn jikkonċernaw trasport bil-ferrovija bl-eċċezzjoni ta' mezzi ferrovjarji oħrajn bħal metro jew tramm. Barra minn hekk, l-għotja diretta ta' kuntratti għal servizz pubbliku għal servizzi ta' ferrovija tqila ma tbiddilx il-possibbiltà ta' l-awtoritajiet kompetenti li jagħtu lil operatur intern kuntratti għal servizz pubbliku tat-trasport għall-passiġġieri b'mezzi ferrovjarji oħrajn bħal metro jew tramm.

(19)

L-għoti ta' sub-kuntratti jista' jikkontribwixxi għal trasport pubbliku ta' passiġġieri li hu aktar effiċjenti u jippermetti l-parteċipazzjoni ta' impriżi oħrajn minbarra l-operatur ta' servizz pubbliku li kien mogħti l-kuntratt għal servizz pubbliku. Madankollu, bil-ħsieb għall-aħjar użu tal-fondi pubbliċi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu kapaċi jiddeterminaw il-modalitajiet għas-sub-kuntrattar tas-servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri tagħhom, b'mod partikolari fil-każ ta' servizzi mogħtija minn operatur intern. Barra minn hekk, subkuntrattur m'għandux ikun impedit milli jieħu sehem f'offerti kompetittivi fit-territorju ta' kwalunkwe awtorità kompetenti. L-għażla ta' subkuntrattur minn awtorità kompetenti jew l-operatur intern tagħha trid issir b'konformità mal-liġi Komunitarja.

(20)

Meta awtorità pubblika tagħżel li tafda servizz ta' interess ġenerali lil parti terza, hija għandha tagħżel l-operatur ta' servizz pubbliku skond il-liġi Komunitarja dwar il-kuntratti u l-konċessjonijiet pubbliċi, kif stabbilit mill-Artikoli 43 sa 49 tat-Trattat tal-KE, u l-prinċipji tat-trasparenza u trattament ugwali. B'mod partikolari, id-dispożizzjonjiet ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi applikabbli għall-awtoritajiet pubbliċi permezz tad-Direttivi dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi, meta l-kuntratti għal servizz pubbliku jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom.

(21)

Xi sejħiet għal offerti jeħtieġu lill-awtoritajiet kompetenti li jiddefinixxu u jiddeskrivu sistemi kumplessi. Dawn l-awtoritajiet għandhom għalhekk jiġu mogħtija s-setgħa, meta jagħtu kuntratti f'tali każijiet, biex jinnegozjaw dettalji ma' xi wħud jew l-operaturi ta' servizz pubbliku potenzjali kollha wara li l-offerti jkunu ġew ippreżentati.

(22)

Sejħiet għal offerti għall-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku m'għandhomx ikunu mandatorji meta l-kuntratt ikollu x'jaqsam ma' ammonti jew distanzi żgħar. F'dan ir-rigward, ammonti jew distanzi akbar għandhom jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jieħdu kont ta' l-interessi speċjali ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju. L-awtoritajiet kompetenti m'għandhomx ikunu jistgħu jaqsmu kuntratti jew rettikolati sabiex jevitaw sejħiet għal offerti.

(23)

Fejn ikun hemm riskju ta' sfrattar tal-forniment tas-servizzi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikollhom is-setgħa li jintroduċu miżuri ta' urġenza għal terminu qasir sakemm jingħata kuntratt ġdid ta' servizz pubbliku li jkun f'konformità mal-kondizzjonijiet ta' għoti kollha ta' dan ir-Regolament.

(24)

It-trasport pubbliku tal-passiġġieri fuq il-ferroviji jqajjem kwistjonijiet speċifiċi ta' piż ta' l-investimenti u l-ispiża infrastrutturali. F'Marzu 2004, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta' Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (6) sabiex tiżgura aċċess lill-impriżi ferrovjarji kollha tal-Komunità għall-infrastruttura ta' kull Stat Membru bil-għan li jiġu mħaddma servizzi internazzjonali tal-passiġġieri. L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi qafas legali għall-kumpens u/jew drittijiet esklussivi għal kuntratti għal servizz pubbliku u mhux il-ftuħ ulterjuri tas-suq għal servizzi tal-ferroviji.

(25)

Fil-każ ta' servizzi pubbliċi, dan ir-Regolament jippermetti lil kull awtorità kompetenti, fil-kuntest ta' kuntratt għal servizz pubbliku, li tagħżel l-operatur tagħha tas-servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri. Minħabba d-differenzi fil-mod li l-Istati Membri jorganizzaw it-territorju tagħhom f'dan ir-rigward, awtoritajiet kompetenti jistgħu bir-raġun jitħallew jagħtu kuntratti għal servizz pubbliku direttament għal vjaġġar bil-ferrovija.

(26)

Il-kumpens mogħti mill-awtoritajiet kompetenti biex ikopri l-ispejjeż magħmula fit-twettiq ta' obbligi ta' servizz pubbliku għandu jiġi kkalkolat b'mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed. Meta awtorità kompetenti tippjana li tagħti kuntratt għal servizz pubbliku mingħajr sejħa kompetittiva għall-offerti, jeħtiġilha wkoll tirrispetta r-regoli dettaljati li jiżguraw li l-ammont tal-kumpens ikun xieraq u jirrifletti xewqa għall-effiċjenza u l-kwalità ta' servizzi.

(27)

Billi jikkonsidraw b'mod xieraq kwalunkwe effett tar-rispett ta' l-obbligi tas-servizz pubbliku fuq it-talba għal servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri fl-iskema ta' kalkolu fl-Anness, l-awtorità kompetenti u l-operatur ta' servizz pubbliku jistgħu jagħtu prova li kumpens żejjed ġie evitat.

(28)

Bil-ħsieb li jingħata kuntratt ta' servizz pubbiku bl-eċċezzjoni ta' miżuri ta' emerġenza u kuntratti fir-rigward ta' distanzi modesti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirreklamaw, mill-inqas sena minn qabel, il-fatt, li għandhom il-ħsieb li jagħtu tali kuntratti, sabiex l-operaturi potenzjali jkunu jistgħu jirreaġixxu.

(29)

Kuntratti għal servizz pubbliku li jingħataw direttament għandhom ikunu soġġetti għal trasparenza mtejba.

(30)

Ġaladarba l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi jeħtieġu ż-żmien biex jadattaw għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jeħtieġ li jsir provvediment għal arranġamenti tranżitorji. Bil-ħsieb ta' għoti gradwali ta' kuntratti għal servizz pubbliku b'mod konformi ma' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'rapport ta' progress fi żmien sitt xhur wara l-ewwel nofs tal-perijodu ta' transizzjoni. Il-Kummissjoni tista' tipproponi miżuri xierqa abbażi ta' dawn ir-rapporti.

(31)

Matul il-perijodu transitorju, l-introduzzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti tista' ssir fi żminijiet differenti. Huwa għalhekk possibbli, matul dan il-perijodu, li operaturi ta' servizz pubbliku minn swieq li għadhom ma ġewx affetwati mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jagħtu offerta għal kuntratti għal servizz pubbliku fi swieq li jkunu nfetħu iktar malajr għall-kompetizzjoni kontrollata. Sabiex jiġi evitat, permezz ta' azzjoni proporzjonata, kwalunkwe żbilanċ fil-ftuħ tas-suq tat-trasport pubbliku, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jirrifjutaw, fit-tieni nofs tal-perijodu ta' transizzjoni, offerti minn impriżi li aktar minn nofs il-valur tas-servizzi tat-trasport pubbliku li huma jwettqu m'humiex mogħtija skond dan ir-Regolament, kemm-il darba dan jiġi applikat mingħajr diskriminazzjoni u deċiż qabel ma tkun saret sejħa għall-offerti.

(32)

Fil-paragrafi 87 sa 95 tas-sentenza tagħha ta' l-24 ta' Lulju 2003 fil-każ C-280/00 Altmark Trans GmbH (7), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet li kumpens għas-servizz pubbliku ma jikkostitwixxix vantaġġ fit-tifsira ta' l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE, kemm-il darba jkunu sodisfatti erba' kondizzjonijiet kumulattivi. Meta dawn il-kondizzjonijiet ma jiġux sodisfatti u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat jintlaħqu, il-kumpens għas-servizz pubbliku jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u huwa suġġett għall-Artikoli 73, 86, 87 u 88 tat-Trattat.

(33)

Kumpens għal servizz pubbliku jista' jkun meħtieġ fis-settur tat-trasport ta' passiġġieri fuq l-art sabiex l-impriżi responsabbli għas-servizzi pubbliċi joperaw abbażi ta' prinċipji u taħt kondizzjonjiet li jippermettulhom iwettqu l-kompiti tagħhom. Tali kumpens jista' jkun kompatibbli mat-Trattat skond l-Artikolu 73 taħt ċerti kondizzjonijiet. L-ewwelnett, dan għandu jingħata biex jiġi żgurat il-forniment ta' servizzi li huma servizzi ta' interess ġenerali fis-sens tat-tifsira tat-Trattat. It-tieninett, sabiex jiġu evitati distorsjonijiet mhux ġustifikati tal-kompetizzjoni ma jistax jeċċedi dak li hu meħtieġ biex ikunu koperti l-ispejjeż netti kkawżati mit-twettiq ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku, meta jittieħed kont tad-dħul iġġenerat minnu kif ukoll ta' qligħ raġonevoli.

(34)

Il-kumpens mogħti mill-awtoritajiet kompetenti skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jista' għalhekk jiġi eżentat mill-obbligu ta' notifika bil-quddiem mill-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

(35)

Dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament (KEE) Nru 1191/69; għaldaqstant dak ir-Regolament għandu jiġi rrevokat. Fis-servizzi tat-trasport pubbliku ta' merkanzija perijodu ta' transizzjoni ta' tliet snin se jgħin it-tneħħija gradwali ta' kumpens mhux awtorizzat mill-Kummissjoni skond l-Artikoli 73, 86, 87 u 88 tat-Trattat. Kwalunkwe kumpens mogħti b'rabta mal-forniment ta' servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri minbarra dawk koperti minn dan ir-Regolament ġdid li jirriskja li jinvolvi għajnuniet mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) tat-Trattat għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 73, 86, 87 u 88 tat-Trattat, inkluż kwalunkwe interpretazzjoni rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u speċjalment id-deċiżjoni fis-sentenza tagħha fil-każ C-280/00 Altmark Trans GmbH. Għalhekk, meta teżamina tali każi, il-Kummissjoni għandha tapplika prinċipji simili għal dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament jew fejn, xieraq, leġiżlazzjoni oħra fil-qasam ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali.

(36)

Il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1107/70 ta' l-4 ta' Ġunju 1970 dwar l-għoti ta' għajnuniet għal trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (8), huwa kopert b'dan ir-Regolament. Dak ir-Regolament ta' qabel hu meqjus bħala li m'għadux ta' użu filwaqt li jillimita l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 73 tat-Trattat mingħajr ma' joffri bażi legali adegwata għall-awtorizzazzjoni ta' skemi ta' investiment attwali, b'mod partikolari b'rabta' ma' investiment fl-infrastruttura tat-trasport fi sħubija pubblika privata. Għaldaqstant għandu jiġi rrevokat sabiex l-Artikolu 73 tat-Trattat jista' jiġi applikat kif suppost għall-iżviluppi kontinwi fis-settur mingħajr preġudizzju għal dan ir-Regolament jew għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1192/69 tas-26 ta' Ġunju 1969 dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' l-impriżi tal-ferrovija (9). Bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata aktar l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji rilevanti, il-Kummissjoni ser tipproponi linji gwida ta' l-għajnuna ta' l-Istat għall-investiment fil-ferroviji inkluż investiment fl-infrastruttura matul l-2006.

(37)

Bil-ħsieb li ssir valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-iżviluppi fil-forniment ta' trasport pubbliku għall-passiġġieri fil-Komunità, b'mod partikolari l-kwalità tas-servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri u l-effetti ta' kuntratti għal servizz pubbliku b'għotja diretta, il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport. Dan ir-rapport jista' — jekk meħtieġ — jiġi akkumpanjat minn proposti adegwati biex jiġi emendat dan ir-Regolament.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Skop u kamp ta' applikazzjoni

1.   L-iskop ta' dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi Komunitarja, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta' passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment ta' servizzi ta' interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta' kwalità għola jew ta' prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista' tippermetti.

Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta' servizz pubbliku jew jikkonkludu kuntratti għal servizz pubbliku, jikkumpensaw lill-operaturi ta' servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu u/jew jagħtu drittijiet esklussivi bi tpattija għall-operat ta' obbligi tat-trasport pubbliku.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-operat nazzjonali u internazzjonali tas-servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri bil-ferrovija u b'mezzi ferrovjarji oħrajn u bit-triq, ħlief għas-servizzi li huma mħaddma prinċipalment għall-interess storiku tagħhom jew għall-valur turistiku tagħhom. L-Istati Membri jistgħu japplikaw dan ir-Regolament għat-trasport pubbliku għall-passiġġieri bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

3.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal konċessjonijiet ta' xogħlijiet pubbliċi fis-sens ta' l-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 2004/17 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri ta' akkwist ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta' l-ilma, l-enerġija, it-trasport u l-posta (10) u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2004/18 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għotja ta' kuntratti ta' xogħlijiet pubbliċi, kuntratti ta' forniment pubbliċi u kuntratti ta' servizzi pubbliċi (11).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)

“trasport pubbliku għall-passiġġieri” tfisser servizzi tat-trasport għall-passiġġieri ta' interess ekonomiku ġenerali pprovduti lill-pubbliku fuq bażi non-diskriminatorja u kontinwa;

(b)

“awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika jew grupp ta' awtoritajiet pubbliċi ta' Stat Membru jew Stati Membri li għandhom is-setgħa jintervjenu fit-trasport pubbliku għall-passiġġieri f'żona ġeografika partikolari, jew kwalunkwe korp li ngħata tali awtorità;

(ċ)

“awtorità lokali kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità kompetenti li ż-żona ġeografika ta' kompetenza tagħha mhix nazzjonali;

(d)

“operatur ta' servizz pubbliku” tfisser kwalunkwe impriża pubblika jew privata jew grupp ta' tali impriżi li topera/jopera servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri jew kwalunkwe korp pubbliku li jipprovdi servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri;

(e)

“obbligu ta' servizz pubbliku” tfisser rekwiżit definit jew determinat minn awtorità kompetenti sabiex jiġu żgurati servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri fl-interess ġenerali li operatur, li kieku kellu jqis l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess punt jew taħt l-istess kondizzjonijiet mingħajr kumpens;

(f)

“dritt esklussiv” tfisser dritt li jintitola operatur ta' servizz pubbliku biex iħaddem ċerti servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri fuq rotta jew rettikolat partikolari jew f'żona partikolari, bl-esklużjoni ta' tali operatur ieħor;

(g)

“kumpens ta' servizz pubbliku” tfisser kwalunkwe benefiċċju, b'mod partikolari benefiċċju finanzjarju, mogħti direttament jew indirettament minn awtorità kompetenti mill-fondi pubbliċi matul il-perijodu ta' implimentazzjoni ta' obbligu ta' servizz pubbliku jew f'konnessjoni ma' dak il-perijodu;

(h)

“għotja diretta” tfisser l-għotja ta' kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur partikolari ta' servizz pubbliku mingħajr proċedura ta' sejħa kompetittiva għal offerti minn qabel;

(i)

“kuntratt għal servizz pubbliku” tfisser att wieħed jew iktar li jorbtu legalment li jikkonfermaw il-ftehim bejn awtorità kompetenti u operatur ta' servizz pubbliku biex jafdaw lil dak l-operatur ta' servizz pubbliku bil-ġestjoni u l-operat ta' servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġieri soġġetti għall-obbligi ta' servizz pubbliku; skond il-liġijiet ta' l-Istati Membri, il-kuntratt jista' jikkonsisti wkoll f'deċiżjoni adottata mill-awtorità kompetenti:

li tieħu l-forma ta' att leġiżlattiv jew regolatorju individwali, jew

li fiha kondizzjonijiet li taħthom l-awtorità kompetenti nnifisha tipprovdi s-servizzi jew tafda l-forniment ta' tali servizzi lil operatur intern;

(j)

“valur” tfisser il-valur ta' servizz, rotta, kuntratt għal servizz pubbliku, jew skema ta' kumpens għat-trasport pubbliku ta' passiġġieri li jikkorrispondi għar-rimunerazzjoni totali, qabel il-VAT, ta' l-operatur jew operaturi ta' servizz pubbliku, inkluż il-kumpens ta' kwalunkwe tip imħallas mill-awtoritajiet pubbliċi u d-dħul mill-bejgħ ta' biljetti li ma jitħallasx lura lill-awtorità kompetenti konċernata;

(k)

“regola ġenerali” tfisser miżura li tapplika mingħajr diskriminazzjoni għas-servizzi kollha tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri ta' l-istess tip f'żona ġeografika partikolari li għaliha awtorità kompetenti hija responsabbli;

(l)

“servizz integrat tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri” ifisser servizz ta' trasport interkonness f'żona ġeografika speċifika b'servizz ta' informazzjoni wieħed, skema ta' ittikettjar waħda u skeda waħda.

Artikolu 3

Kuntratti għal servizz pubbliku u regoli ġenerali

1.   Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklussiv u/jew kumpens, ta' kwalunkwe tip, bi tpattija għat-twettiq ta' obbligi ta' servizz pubbliku, għandha tagħmel dan fi ħdan il-qafas ta' kuntratt għal servizz pubbliku.

2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, l-obbligi ta' servizz pubbliku li jimmiraw li jistabbilixxu tariffi massimi għall-passiġġieri kollha jew għal ċerti kategoriji ta' passiġġieri jistgħu jkunu wkoll is-suġġett ta' regoli ġenerali. F'konformità mal-prinċipji mniżżla fl-Artikoli 4 u 6 u fl-Anness, l-awtorità kompetenti għandha tikkumpensa lill-operaturi ta' servizz pubbliku għall-effett finanzjarju nett, pożittiv jew negattiv, fuq l-infiq magħmul u d-dħul iġġenerat mill-konformità ma' l-obbligi tat-tariffi stabbiliti permezz ta' regoli ġenerali b'mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed. Dan hekk għandu jkun minkejja d-dritt ta' l-awtoritajiet kompetenti li jintegraw obbligi ta' servizz pubbliku li jistabbilixxu tariffi massimi f'kuntratti għal servizz pubbliku.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 73, 86, 87 u 88 tat-Trattat, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament regoli ġenerali dwar kumpens finanzjarju għall-obbligi tas-servizz pubbliku li jistabilixxu tariffi massimi għal tfal ta' l-iskola, studenti, apprentisti u persuni b'mobilità mnaqqsa. Dawn ir-regoli ġenerali għandhom jiġu nnotifikati skond l-Artikolu 88 tat-Trattat. Kwalunkwe tali notifika għandha tinkludi informazzjoni kompluta dwar il-miżura, u b'mod partikolari, dettalji dwar il-metodu ta' kalkolu.

Artikolu 4

Kontenut mandatorju tal-kuntratti għal servizz pubbliku u tar-regoli ġenerali

1.   Il-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom:

(i)

jiddefinixxu biċ-ċar l-obbligi ta' servizz pubbliku li magħhom għandhu jkun konformi l-operatur ta' servizz pubbliku, u ż-żoni ġeografiċi kkonċernati;

(ii)

jistabbilixxu minn qabel, b'mod oġġettiv u trasparenti, il-parametri li abbażi tagħhom il-pagament ta' kumpens għandu jiġi kkalkolat b'mod li jevita l-kumpens żejjed. Fil-każ ta' kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija skond l-Artikolu 5(2), (4), (5) u (6) dawn il-parametri għandhom jiġu determinati b'tali mod li l-ebda pagament ta' kumpens ma jista' jeċċedi l-ammont meħtieġ biex ikopri l-effetti finanzjarji netti fuq l-infiq u d-dħul li jirriżultaw mit-twettiq ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku, b'kont meħud tad-dħul relatat miegħu miżmum mill-operatur ta' servizz pubbliku u qligħ raġonevoli;

(iii)

jiddeterminaw l-arranġamenti għall-allokazzjoni ta' l-ispejjeż konnessi mal-forniment tas-servizzi. Dawn l-ispejjeż jistgħu jinkludu b'mod partikolari l-ispejjeż tal-persunal, l-enerġija, il-ħlasijiet ta' infrastruttura, il-manutenzjoni u t-tiswija ta' vetturi tat-trasport pubbliku, rolling stock u installazzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim tas-servizzi tat-trasport ta' passiġġieri, spejjeż fissi u dħul adegwat fuq il-kapital.

2.   Kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom jiddeterminaw l-arranġamenti għall-allokazzjoni ta' dħul mill-bejgħ ta' biljetti li jista' jinżamm mill-operatur ta' servizz pubbliku, jitħallas lura lill-awtorità kompetenti jew jinqasam bejn it-tnejn.

3.   It-tul ta' żmien tal-kuntratti għal servizz pubbliku għandu jkun limitat u m'għandux jeċċedi għaxar snin għas-servizzi tal-kowċ u tax-xarabank u ħmistax-il sena għas-servizzi tat-trasport għall-passiġġieri bil-ferrovija jew b'modi ferrovjarji oħrajn. It-tul ta' żmien tal-kuntratti għal servizz pubbliku relatati ma' bosta modi tat-trasport għandu jkun limitat għal ħmistax-il sena jekk it-trasport bil-ferrovija jew b'modi ferrovjarji oħrajn jirrappreżenta aktar minn 50 % tal-valur tas-servizzi konċernat.

4.   Jekk meħtieġ, b'kont meħud tal-kondizzjonijiet tad-deprezzament ta' l-assi, it-tul ta' żmien tal-kuntratt għal servizz pubbliku jista' jiġi estiż b'massimu ta' 50 % jekk l-operatur ta' servizz pubbliku jipprovdi assi li jkunu kemm sinifikanti fir-rigward ta' l-assi kollha meħtieġa għat-twettiq tas-servizzi tat-trasport għall-passiġġieri koperti mill-kuntratt għal servizz pubbliku kif ukoll marbuta b'mod predominanti mas-servizzi tat-trasport għall-passiġġieri koperti mill-kuntratt.

Jekk iġġustifikat mill-ispejjeż li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ġeografika partikolari, it-tul tal-kuntratti għal servizz pubbliku speċifikati fil-paragrafu 3 fir-reġjuni l-iktar imbegħda jista' jiġi estiż b'massimu ta' 50 %.

Jekk iġġustifkat bl-ammortizzazzjoni tal-kapital fir-rigward ta' investiment ta' infrastruttura eċċezzjonali, rolling stock jew investiment f'vetturi u jekk il-kuntratt għal servizz pubbliku jingħata fi proċedura ġusta ta' sejħa għal offerta kompetittiva, kuntratt għal servizz pubbliku jista' jkollu tul ta' żmien itwal. Biex tiġi żgurata t-trasparenza f'dan il-każ, l-awtorità kompetenti għandha tikkomunika lill-Kummissjoni fi żmien sena wara l-konklużjoni tal-kuntratt, il-kuntratt għal servizz pubbliku u l-elementi li jiġġustifikaw it-tul ta' żmien itwal tiegħu.

5.   Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali u Komunitarja, inkluż ftehim kollettiv bejn l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeħtieġu lill-operatur ta' servizz pubbliku magħżul li jagħti lill-persunal li kien imqabbad minn qabel biex jipprovdi servizzi id-drittijiet li għalihom kien ikollhom jedd kieku kien hemm trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23/KE. Fejn l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġu li operaturi ta' servizz pubbliku jikkonformu ma' ċerti standards soċjali, dokumenti ta' sejħiet għal offerti u kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jelenkaw il-persunal konċernat u jagħtu dettalji trasparenti tad-drittijiet kuntrattwali tagħhom u l-kondizzjonijiet li taħthom l-impjegati huma meqjusin li huma marbuta mas-servizzi.

6.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti, skond il-liġi nazzjonali, jeħtieġu li operaturi tas-servizz pubbliku jirrispettaw ċerti standards ta' kwalità, dawn l-istandards għandhom ikunu inklużi fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti u fil-kuntratti għal servizz pubbliku.

7.   Dokumenti ta' sejħiet għal offerti u kuntratti għal servizz pubbliku għandhom ikunu trasparenti dwar jekk jistax jiġi kkunsidrat li jingħata sub-kuntratt jew le. Il-kuntratt għal servizz pubbliku għandu, skond il-liġi nazzjonali u Komunitarja, jiddetermina l-kondizzjonijiet applikati għall-għoti ta' subkuntratt.

Artikolu 5

L-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku

1.   Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament. Madankollu, kuntratti ta' servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku, kif definiti fid-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, għal servizzi ta' trasport ta' passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f'dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jieħdux il-forma ta' kuntratti ta' konċessjonijiet ta' servizz kif definit f'dawk id-Direttivi. Fejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 6 ta' dan l-Artikolu m'għandhomx japplikaw.

2.   Sakemm mhux projbit mil-liġi nazzjonali, kwalunkwe awtorità lokali kompetenti, kemm jekk hi awtorità individwali jew grupp ta' awtoritajiet li jipprovdu servizzi integrati għat-trasport pubbliku għall-passiġġieri u kemm jekk le, tista' tiddeċiedi li tipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri hija nfisha jew tagħti kuntratti għal servizz pubbliku direttament lill-entità legalment distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew fil-każ ta' grupp ta' awtorijajiet mill-anqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċità kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess (minn hawn 'il quddiem imsejħa operatur intern). Fejn awtorità lokali kompetenti tieħu tali deċiżjoni, għandu japplika dan li ġej:

(a)

sabiex jiġi determinat jekk l-awtorità lokali kompetenti teżerċitax tali kontroll, fatturi bħal ma huma l-grad ta' rappreżentazjoni fuq korpi amministrattivi, ta' ġestjoni jew superviżorji, l-ispeċifikazzjonijiet relatati ma' dan fl-artikoli ta' assoċjazzjoni, il-proprjetà, l-influwenza effettiva u l-kontroll fuq deċiżjonijiet strateġiċi u fuq deċiżjonijiet individwali ta' ġestjoni. Skond il-liġi Komunitarja, proprjetà ta' 100 % mill-awtorità pubblika kompetenti, b'mod partikolari fil-każ ta' sħubiji pubbliċi-privati, m'hix ħtieġa mandatorja għall-istabbiliment ta' kontroll fit-tifsira ta' dan il-paragrafu, sakemm hemm influenza pubblika dominanti u jista' jiġi stabbilit kontroll abbażi ta' kriterji oħrajn;

(b)

il-kondizzjoni biex jiġi applikat dan il-paragrafu hija li l-operatur intern u kwalunkwe entità li fuqha dan l-operatur jeżerċita influwenza anke minima jwettqu l-attività pubblika kollha tiegħu tat-trasport ta' passiġġieri fit-territorju ta' l-awtorità lokali kompetenti, minkejja kwalunkwe linji ħerġin jew elementi anċillari oħra ta' dik l-attività li jidħlu fit-territorju ta' awtoritajiet lokali kompetenti ġirien, u ma jieħdux sehem f'sejħiet kompetittivi għal offerti rigward il-forniment ta' servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri organizzati barra mit-territorju ta' l-awtorità lokali kompetenti;

(ċ)

minkejja l-punt (b), operatur intern jista' jieħu sehem f'sejħiet għall-offerti ġusti u kompetittivi minn sentejn qabel it-tmiem tal-kuntratt għal servizz pubbliku mogħti lilu direttament taħt il-kondizzjoni li deċiżjoni finali tkun ittieħdet li s-servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri koperti minn kuntratt ta' operatur intern jiġu suġġetti għal sejħa għall-offerti ġusta u kompetittiva u li l-operatur intern ma jkun ikkonkluda l-ebda kuntratt għal servizz pubbliku ieħor mogħti direttament;

(d)

fin-nuqqas ta' awtorità lokali kompetenti, il-punti 2(a), (b) u (ċ) għandhom japplikaw għal awtorità nazzjonali għall-benefiċċju ta' żona geografika li mhijiex nazzjonali, dment li l-operatur intern ma jieħux sehem f'sejħiet kompetittivi għal offerti rigward il-forniment ta' servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri organizzati barra miż-żona li għalihom ikun ingħata l-kuntratt għal servizz pubbliku.

3.   Kwalunkwe awtorità kompetenti li tirrikorri għal parti terza minbarra operatur intern, għandha tagħti kuntratti għal servizz pubbliku abbażi ta' sejħa kompetittiva għal offerti, ħlief fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi, 4, 5 u 6. Il-proċedura adottata għas-sejħa kompetittiva għal offerti għandha tkun miftuħa għall-operaturi kollha, għandha tkun ġusta u għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza u tan-non-diskriminazzjoni. Wara s-sottomissjoni ta' offerti u kwalunkwe preselezzjoni, il-proċedura tista' tinvolvi negozjati skond dawn il-prinċipji sabiex jiġi determinat l-aħjar mod biex jintlaħqu ħtiġiet speċifiċi jew kumplessi.

4.   Sakemm mhux projbit bil-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jagħtu kuntratti għal servizz pubbliku direttament jew fejn il-valur annwali medu jkun stmat inqas minn EUR miljun jew fejn huma jikkonċernaw il-forniment annwali ta' anqas minn 300 000 kilometru ta' servizzi pubbliċi ta' trasport għall-passiġġieri.

Fil-każ ta' kuntratt għal servizz pubbliku mogħti direttament lil intrapriża żgħira jew ta' daqs medju li tħaddem mhux aktar minn 20 vettura, dawn il-limiti massimi jistgħu jiżdiedu jew għall-valur annwali medju stmat għal inqas minn EUR 1.7 miljun jew fejn jikkonċernaw il-forniment annwali ta' anqas minn 500,000 kilometru ta' servizzi pubbliċi ta' trasport għall-passiġġieri.

5.   Fil-każ ta' sfrattu ta' servizzi jew riskju immedjat ta' tali sitwazzjoni, l-awtorità kompetenti tista' tieħu miżura ta' urġenza. Din il-miżura ta' urġenza tista' tieħu l-forma ta' għoti dirett jew ftehim formali biex jestendi kuntratt għal servizz pubbliku jew rekwiżit biex jiġu fornuti ċerti obbligi ta' servizz pubbliku. L-operatur ta' servizz pubbliku għandu d-dritt jappella d-deċiżjoni li timponi l-forniment ta' ċerti obbligi ta' servizz pubbliku. L-għoti jew l-estensjoni ta' kuntratt għal servizz pubbliku b'miżura ta' emerġenza jew l-impożizzjoni ta' tali kuntratt m'għandux jeċċedi sentejn.

6.   Sakemm mhux projbit bil-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jagħtu direttament kuntratti għal servizz pubbliku fejn jikkonċernaw trasport bil-ferrovija bl-eċċezzjoni ta' mezzi ferrovjarji oħrajn bħal metro jew tramm. B'deroga mill-Artikolu 4(3), tali kuntratti m'għandhomx jeċċedu l-10 snin, ħlief fejn japplika l-Artikolu 4(4).

Artikolu 6

Kumpens għas-servizz pubbliku

1.   Kull kumpens marbut ma' regola ġenerali jew ma' kuntratt għal servizz pubbliku għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4, irrispettivament mill-mod li bih ingħata l-kuntratt. Il-kumpens kollu, ta' kwalunkwe tip, marbut ma' kuntratt mogħti direttament skond l-Artikolu 5(2),(4),(5) jew (6) jew marbut ma' regola ġenerali għandu wkoll jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness.

2.   Fuq talba bil-miktub mingħand il-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw, fi żmien tliet xhur jew fi kwalunkwe perijodu itwal li jista' jiġi stipulat f'dik it-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tikkunsidra meħtieġa biex tiddetermina jekk il-kumpens mogħti huwiex kompatibbli ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Pubblikazzjoni

1.   Kull awtorità kompetenti għandha tagħmel pubbliku darba fis-sena rapport aggregat dwar l-obbligi ta' servizz pubbliku li għalihom tkun responsabbli, l-operaturi ta' servizz pubbliku magħżula u l-ħlasijiet ta' kumpens u d-drittijiet esklussivi mogħtija lill-operaturi ta' servizz pubbliku msemmija bħala rimborż. Dan ir-rapport għandu jippermetti li l-prestazzjoni, il-kwalità u l-finanzjament tar-rettikolat ta' trasport pubbliku jkunu monitorjati u valutati.

2.   Kull awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li, għall-inqas darba fis-sena qabel it-tnedija tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti jew sena qabel l-għoti dirett, mill-inqas din l-informazzjoni li ġejja tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea:

(a)

l-isem u l-indirizz ta' l-awtorità kompetenti;

(b)

it-tip ta' għotja kkunsidrata;

(ċ)

is-servizzi u ż-żoni potenzjalment koperti mill-għotja.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li ma jippubblikawx din l-informazzjoni fejn kuntratt għal servizz pubbliku jikkonċerna l-forniment annwali ta' anqas minn 50 000 kilometru ta' servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri.

Fil-każ li din l-informazzjoni tinbidel wara l-pubblikazzjoni tagħha, l-awtorità kompetenti għandha tippubblika rettifika f'dan is-sens mill-aktar fis possibbli. Din ir-rettifika għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-data ta' tnedija ta' l-għotja diretta jew is-sejħa għall-offerti.

Dan il-paragrafu m'għandux japplika għall-Artikolu 5(5).

3.   Fil-każ ta' kuntratti ta' għotja diretta ta' servizz pubbliku għal trasport bil-ferrovija kif previst fl-Artikolu 5(6), l-awtorità kompetenti għandha tagħmel pubbliku l-informazzjoni li ġejja fi żmien sena wara li tingħata l-għotja:

(a)

l-isem ta' l-entità kontraenti u l-proprjetarji tagħha;

(b)

tul ta' żmien tal-kuntratt għal servizz pubbliku;

(ċ)

deskrizzjoni tas-servizzi tat-trasport għall-passiġġieri li għandhom isiru;

(d)

deskrizzjoni tal-parametri tal-kumpens finanzjarju;

(e)

miri ta' kwalità;

(f)

kondizzjonijiet relatati ma' assi essenzjali.

4.   Fuq talba minn parti interessata, awtorità kompetenti għandha tgħaddilha r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha għall-għoti dirett ta' kuntratt għal servizz pubbliku.

Artikolu 8

Transizzjoni

1.   Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament. Madankollu, kuntratti ta' servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku, kif definiti fid-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, għal servizzi ta' trasport ta' passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f'dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jieħdux il-forma ta' kuntratti ta' konċessjonijiet ta' servizz kif definit f'dawk id-Direttivi. Fejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 4 ta' dan l-Artikolu m'għandhomx japplikaw.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku bil-ferrovija u bit-triq għandu jikkonforma ma' l-Artikolu 5 minn … (12). Matul dan il-perijodu ta' transizzjoni l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jikkonformaw gradwalment ma' l-Artikolu 5 sabiex jevitaw problemi strutturali serji b'mod partikolari relatati mal-kapaċità tat-trasport.

Fi żmien sitt xhur wara l-ewwel nofs tal-perijodu ta' transizzjoni l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport ta' progress, li jenfasizza l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe għoti gradwali ta' kuntratti għal servizz pubbliku skond l-Artikolu 5. Abbażi tar-rapporti ta' progress ta' l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista' tipproponi miżuri xierqa indirizzati lill-Istati Membri.

3.   Għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2, m'għandux jittieħed kont tal-kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija skond id-dritt Komunitarju u nazzjonali:

(a)

qabel is-26 ta' Lulju 2000 abbażi ta' proċedura ġusta u kompetittiva ta' sejħiet għall-offerti;

(b)

qabel is-26 ta' Lulju 2000 abbażi ta' proċedura li mhijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta' sejħiet għall-offerti;

(ċ)

mis-26 ta' Lulju 2000 u qabel … (13) abbażi ta' proċedura ġusta u kompetittiva ta' sejħiet għall-offerti;

(d)

mis-26 ta' Lulju 2000 u qabel … (13) abbażi ta' proċedura li mhijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta' sejħiet għall-offerti.

Il-kuntratti msemmija f'(a) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu. Il-kuntratti msemmija f'(b) u (ċ) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu, iżda għal mhux għal aktar minn 30 sena. Il-kuntratti msemmija f'(d) jistgħu jibqgħu sakemm jiskadu, kemm-il darba jkollhom tul ta' żmien limitat meta mqabbel mat-tul ta' żmien speċifikat fl-Artikolu 4.

Kuntratti għal servizz pubbliku jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu jekk it-tmiem tagħhom ikun ifisser konsegwenzi legali jew ekonomiċi eċċessivi u dment li l-Kummissjoni tkun tat l-approvazzjoni tagħha.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu, fit-tieni nofs tal-perijodu ta' transizzjoni speċifikat fil-paragrafu 2, li jeskludu mill-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti permezz ta' sejħiet għal offerti lil dawk l-operaturi ta' servizz pubbliku li ma jistgħux jipprovdu evidenza li l-valur tas-servizzi pubbliċi tat-trasport li għalih qed jirċievu kumpens jew jibbenefikaw minn dritt esklussiv mogħti skond dan ir-Regolament jirrappreżenta mill-anqas nofs il-valur tas-servizzi pubbliċi tat-trasport kollha li għalihom qed jirċievu kumpens jew qed jibbenefikaw minn dritt esklussiv. Tali esklużjoni m'għandhiex tapplika għal operaturi ta' servizz pubbliku li joffru s-servizzi li għalihom għandha ssir sejħa għall-offerti. Għall-applikazzjoni ta' dan il-kriterju, ma għandhomx jitqiesu l-kuntratti għal servizz pubbliku li jkunu ngħataw bħala miżura ta' urġenza kif imsemmi fl-Artikolu 5(5).

Meta l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu użu mill-għażla msemmija fl-ewwel subparagrafu, dawn għandhom jagħmlu dan mingħajr diskriminazzjoni, jeskludu l-operaturi ta' servizz pubbliku kollha potenzjali li jissodisfaw dan il-kriterju u jinfurmaw lill-operaturi potenzjali bid-deċiżjoni tagħhom fil-bidu tal-proċedura għall-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku.

L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li japplikaw din id-dispożizzjoni mill-inqas xahrejn qabel il-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-offerti.

Artikolu 9

Kompatibilità mat-Trattat

1.   Kumpens għal servizz pubbliku għall-operat ta' servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri jew għall-konformità ma' obbligi ta' tariffa stabbiliti permezz ta' regoli ġenerali mħallsa skond dan ir-Regolament għandu jkun kompatibbli mas-suq komuni. Tali kumpens għandu jkun eżenti mill-ħtieġa ta' notifika minn qabel imniżżla fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 73, 86, 87 u 88 tat-Trattat, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jagħtu għajnuniet għas-settur tat-trasport skond l-Artikolu 73 tat-Trattat li jirrispetta l-ħtiġiet ta' koordinazzjoni ta' trasport jew li jirrapreżenta rimborż għat-twettiq ta' ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku, minbarra dawk koperti minn dan ir-Regolament, b'mod partikolari:

(a)

sad-dħul fis-seħħ ta' regoli komuni dwar l-allokazzjoni ta' spejjeż ta' infrastruttura, fejn l-għajnuna tingħata lil impriżi li għandhom ikopru nefqa relatata ma' l-infrastruttura użata minnhom, filwaqt li impriżi oħra ma jkunux soġġetti għal tali piż. Waqt li jiġi ddeterminat l-ammont ta' għajnuna mogħti, għandu jittieħed kont ta' l-ispejjeż ta' l-infrastruttura li mezzi ta' trasport li jikkompetu m'għandhomx ikopru;

(b)

fejn l-għan ta' l-għajnuna hu li ssir promozzjoni tar-riċerka fis-sistemi ta' trasport u teknoloġiji li huma aktar ekonomiċi għall-Komunità b'mod ġenerali, jew l-iżvilupp tagħhom.

Tali għajnuna għandha tkun ristretta għall-istadju ta' riċerka u żvilupp u ma tistax tkopri l-esplojtazzjoni kummerċjali ta' tali sistemi u teknoloġiji ta' trasport.

Artikolu 10

Tħassir

1.   Ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 għandu jkun imħassar. Id-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom madankollu jkomplu japplikaw fir-rigward ta' servizzi tat-trasport tal-merkanzija għal perijodu ta' tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2.   Ir-Regolament (KEE) Nru 1107/70 għandu jkun imħassar.

Artikolu 11

Rapporti

Wara t-tmiem tal-peridjou ta' transizzjoni speċifikat fl-Artikolu 8(2), il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u dwar l-iżviluppi fil-forniment ta' trasport pubbliku għall-passiġġieri fil-Komunità Ewropea, bil-valutazzjoni b'mod partikolari ta' l-iżvilupp tal-kwalità tas-servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri u l-effetti ta' għotjiet diretti, akkumpanjati, jekk meħtieġ, minn proposti xierqa biex jiġi emendat dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ … (14).

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 195, 18.8.2006, p. 20.

(2)  ĠU C 192, 16.8.2006, p. 1.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Novembru 2001 (ĠU C 140 E, 13.6.2002, p. 262), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2006 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għada mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 156, 28.6.1969, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KEE) Nru 1893/91 (ĠU L 169, 29.6.1991, p. 1).

(5)  ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16.

(6)  ĠU L 237, 24.8.1991, p. 25. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 164).

(7)  [2003] ECR I-7747.

(8)  ĠU L 130, 15.6.1970, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(9)  ĠU L 156, 28.6.1969, p. 8. Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(10)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2083/2005 (ĠU L 333, 20.10.2005, p. 28).

(11)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2083/2005.

(12)  12-il sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(13)  Id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(14)  Tliet snin mill-pubblikazzjoni tar-Regolament fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.


ANNESS

REGOLI APPLIKABBLI GĦALL-KUMPENS FIL-KAŻIJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 6(1)

1.

Il-kumpens marbut ma' kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija direttament skond l-Artikolu 5(2), (4), (5) jew (6) jew ma' regola ġenerali għandu jiġi kkalkulat skond ir-regoli mniżżla f'dan l-Anness.

2.

Il-kumpens ma jistax jaqbeż l-ammont li jikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett ekwivalenti għat-total ta' l-effetti, pożittivi jew negattivi, ta' konformità ma' l-obbligu ta' servizz pubbliku fuq l-ispejjeż u d-dħul ta' l-operatur ta' servizz pubbliku. L-effetti għandhom ikunu valutati bi tqabbil tas-sitwazzjoni fejn l-obbligu tas-servizz pubbliku jiġi rrispettat mas-sitwazzjoni li tkun eżistiet kieku l-obbligu ma kienx ġie rrispettat. Sabiex jiġi kkalkulat l-effett finanzjarju nett, l-awtorità kompetenti għandha tkun iggwidata mill-iskema segwenti:

spejjeż magħmula b'rabta ma' obbligu ta' servizz pubbliku jew grupp ta' obbligi ta' servizz pubbliku imposti mill-awtorità/awtoritajiet kompetenti, li jinsabu f'kuntratt għal servizz pubbliku u/jew f'regola ġenerali,

bit-tnaqqis ta' kwalunkwe effetti finanzjarji pożittivi ġenerati fin-network imħaddem taħt l-obbligu(i) ta' servizz pubbliku in kwistjoni,

bit-tnaqqis ta' tariffa jew kwalunkwe dħul ieħor ġenerat fir-rispett ta' l-obbligu(i) tas-servizz pubbliku in kwistjoni,

biż-żieda ta' qligħ raġonevoli,

=

effett finanzjarju nett.

3.

Konformità ma' l-obbligu ta' servizz pubbliku jista' jkollu impatt fuq attivitajiet possibbli ta' trasport ta' operatur lil hinn mill-obbligu(i) ta' servizz pubbliku in kwistjoni. Għalhekk, sabiex jiġi evitat kumpens żejjed jew nuqqas ta' kumpens, għandu jittieħed kont ta' effetti finanzjarji kwantifikabbli fuq ir-rettikolati kkonċernati ta' l-opertur meta jiġi kkalkulat l-effett finanzjarju nett.

4.

L-ispejjeż u d-dħul għandhom ikunu kkalkulati skond ir-regoli tal-kontabbiltà u tat-taxxa fis-seħħ.

5.

Sabiex tiżdied it-trasparenza u jiġu evitati sussidji reċiproċi, fejn operatur ta' servizz pubbliku mhux biss iħaddem servizzi kkumpensati soġġetti għall-obbligi ta' servizz ta' trasport pubbliku, iżda wkoll jidħol f'attivitajiet oħrajn, il-kontijiet tas-servizzi pubbliċi msemmija għandhom ikunu separati sabiex jiġu sodisfatti mill-anqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

il-kontijiet operattivi li jikkorrispondu għal kull waħda mill-attivitajiet għandhom ikunu separati u l-proporzjon ta' l-assi li jikkorrispondu u l-ispejjeż fissi għandhom jiġu allokati skond ir-regoli tal-kontabbiltà u tat-taxxa fis-seħħ;

l-ispejjeż kollha varjabbli, kontribut adegwat għall-ispejjeż fissi u qligħ raġonevoli marbut ma' kwalunkwe attività oħra ta' l-operatur tas-servizz pubbliku, ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jkunu debitati fuq is-servizz pubbliku in kwistjoni;

l-ispejjeż ta' servizz pubbliku għandhom jiġu bbilanċjati mid-dħul operattiv u l-ħlasijiet minn awtoritajiet pubbliċi, mingħajr kwalunkwe possibbiltà ta' trasferiment tad-dħul lil kwalunkwe settur ieħor ta' l-attività ta' l-operatur ta' servizz pubbliku.

6.

“Qligħ raġonevoli” għandu jiġi mifhum bħala rata ta' dħul fuq il-kapital li hija normali għas-settur fi Stat Membru partikolari u li tieħu kont tar-riskju, jew in-nuqqas ta' riskju, li jkun għamel l-operatur ta' servizz pubbliku permezz ta' l-intervent ta' l-awtorità pubblika.

7.

Il-metodu ta' kumpens għandu jippromwovi ż-żamma jew l-iżvilupp ta':

ġestjoni effettiva min-naħa ta' l-operatur ta' servizz pubbliku, li tista' tkun is-suġġett ta' valutazzjoni oġġettiva, u

il-forniment ta' servizzi tat-trasport għall-passiġġieri ta' standard għoli biżżejjed.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta riveduta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq, magħrufa bħala l-proposta dwar Obbligi tas-Servizz Pubbliku, fl-20 ta' Lulju 2005 (1). Qabel din il-proposta riveduta, il-Kummissjoni ressqet żewġ proposti oħrajn: fis-27 ta' Lulju 2000, il-proposta oriġinali (2) u, fil-21 ta' Frar 2002, proposta emendata (3).

Fl-14 ta' Novembru 2001, il-Parlament Ewropew ivvota l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari abbażi tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni ta' Lulju 2000 (4). Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jittratta l-proposta ta' Lulju 2005 bħala verżjoni riveduta tal-proposta inizjali ta' Lulju 2000 u, konsegwentement, ser jeżamina din il-proposta biss fit-tieni qari.

Il-Kunsill, fil-laqgħa tiegħu fid-9 ta' Ġunju 2006, laħaq qbil politiku dwar il-proposta riveduta, bid-delegazzjoni Ċeka, Griega, Lussemburgiża u Maltija jastjenu mill-vot. Fil-11 ta' Diċembru 2006, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni tiegħu.

Fit-twettiq tal-ħidma tiegħu, il-Kunsill qies l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (5) u tal-Kumitat tar-Reġjuni (6).

II.   EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Billi l-ewwel qari fil-Parlament kien ibbażat fuq il-proposta inizjali ta' l-2000 tal-Kummissjoni u fuq il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill dwar il-proposta sostanzjalment mibdula ta' l-2005, il-Kunsill ma jistax jirreferi għal emendi parlamentari individwali f'din id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tiegħu. Bħala alternattiva, il-Kunsill ser jittratta l-ewwel qari tal-Parlament f'termini ġenerali u f'relazzjoni ma' l-elementi ewlenin tal-Pożizzjoni Komuni.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Ġenerali

Il-qafas leġiżlattiv għall-Obbligi tas-Servizz Pubbliku li hemm fis-seħħ bħalissa jmur lura għall-1969 u ġie emendat l-aħħar fl-1991 (7). Il-Kunsill iqis li fis-suq Ewropew tal-lum għas-servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri, fejn l-operaturi m'għadhomx esklużivament nazzjonali, reġjonali jew lokali, jinħtieġ sett ta' regoli ġdid. Dawn ir-regoli għandhom inaqqsu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni billi jistabbilixxu kondizzjonijiet non-diskriminatorji ta' kompetizzjoni fost l-operaturi, billi jtejbu t-trasparenza u billi jiggarantixxu ċertezza legali kemm għall-operaturi kif ukoll għall-awtoritajiet involuti fit-trasport pubbliku għall-passiġġieri. Il-kondizzjonijiet ekwivalenti li jirriżultaw ser jippromwovu servizzi pubbliċi ta' trasport għall-passiġġieri li jkunu bla periklu, effiċjenti u ta' kwalità għolja.

Il-proposti tal-Kummissjoni ta' l-2000 u l-2002 ma kisbux il-maġġoranza meħtieġa fil-Kunsill, u r-raġuni ewlenija kienet id-differenzi enormi fost l-Istati Membri fuq id-dħul ta' aktar kompetizzjoni fit-trasport pubbliku għall-passiġġieri. Barra minn hekk, l-Istati Membri riedu jistennew is-sentenza pendenti fil-każ ta' l-ALTMARK (8), dwar kif id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-istat japplikaw għas-servizzi pubbliċi b'mod ġenerali, u għat-trasport pubbliku b'mod partikolari. Kien meħtieġ approċċ aktar pragmatiku mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Istati Membri biex titwitta t-triq għall-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni tefgħet enfasi akbar fuq is-sussidjarjetà, li wasslet għal proposta li kienet aktar sempliċi u flessibbli mill-proposti tagħha ta' qabel, u l-Istati Membri, wara diversi snin ta' esperjenza b'mudelli differenti ta' organizzazzjoni tat-trasport pubbliku, setgħu jagħrfu aħjar il-benefiċċji u l-iżvantaġġi rispettivi tagħhom. Fl-aħħarnett, is-sentenza dwar l-ALTMARK issottolinjat b'mod ċar il-ħtieġa ta' l-immodernizzar tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar it-trasport pubbliku għall-passiġġieri.

Fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu, il-Kunsill joħloq bilanċ fost diversi interessi: il-kapaċità ta' l-awtoritajiet li jiddeterminaw il-mod kif jorganizzaw it-trasport pubbliku huma stess, ix-xewqa li tiddaħħal aktar kompetizzjoni fis-settur tat-trasport pubbliku billi jingħataw kuntratti għal servizz pubbliku permezz ta' proċeduri ta' offerti — imsejħa wkoll “kompetizzjoni regolata” — u l-ħtieġa li jintlaħaq qafas leġiżlattiv ġdid li jqis l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi tat-trasport pubbliku eżistenti waqt li jipprovdi żmien biżżejjed biex dawn is-sistemi jadattaw għar-regoli l-ġodda. Il-Kunsill daħħal ukoll bidliet fil-proposta tal-Kummissjoni bil-ħsieb li jiffaċilita l-implimentazzjoni tagħha fil-prattika.

2.   Kwistjonijiet ewlenin ta' politika

2.1   Kamp ta' Applikazzjoni

Il-Kunsill jispeċifika l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament bħala li jkopri dawk is-servizzi pubbliċi ta' trasport għall-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq li għalihom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu jew jikkuntrattaw għal obbligi ta' servizz pubbliku, jikkompensaw lill-operaturi għall-ispejjeż li jkollhom u/jew jikkonċedu drittijiet esklużivi talli jwettqu obbligi ta' servizz pubbliku. Fid-dawl tas-suq Ewropew għat-trasport pubbliku li qed jevolvi, il-Kunsill iqis li l-limitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni għat-trasport lokali, kif propost mill-Parlament, ma jkunx għadu adatt.

Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-proposti ta' l-2000 u l-2002, li kienu jinkludu t-trasport pubbliku għall-passiġġieri bil-passaġġi fuq l-ilma interni, il-proposta ta' l-2005 tal-Kummissjoni kienet ristretta għall-ferroviji u għat-triq. Ir-Regolament ikun japplika biss għas-servizzi ta' passaġġi fuq l-ilma interni li huma parti minn sistema usa' ta' trasport pubbliku. Issa, il-Kunsill mar lura għall-ispirtu tal-proposti ta' qabel billi inkluda fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu dispożizzjoni li tippermetti lill-Istati Membri, jekk jixtiequ, japplikaw ir-Regolament għas-servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

Fil-Pożizzjoni Komuni, il-Kunsill jiċċara t-tip ta' kuntratti li għalihom japplika r-Regolament. L-ewwelnett, jinnota li l-kuntratti għas-servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri bix-xarabank jew bit-tramm għandhom jingħataw skond il-proċeduri tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku sakemm tali kuntratti ma jiħdux is-sura ta' kuntratti ta' konċessjoni ta' servizz. B'hekk, il-Kunsill jiċċara l-approċċ propost mill-Kummissjoni, li jħalli għall-awtoritajiet l-għażla tas-sistema applikabbli. Jekk kuntratt ta' servizz pubbliku jfisser riskju għall-operatur, ir-Regolament japplika, u jekk le, japplikaw id-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku (9). Minħabba din il-libertà ta' għażla amministrattiva, il-Kunsill jippreferi l-approċċ tal-Kummissjoni għall-proposta tal-Parlament, li kien dak li r-Regolament għandu japplika għall-kuntratti kollha għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri. It-tieni, il-Pożizzjoni Komuni teskludi espliċitament konċessjonijiet għal xogħlijiet pubbliċi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament, u tiddikjara li d-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku jipprovdu s-sistemi applikabbli għal din ix-xorta ta' kuntratt.

Fl-aħħarnett, bil-ħsieb li tiżdied il-flessibbiltà għall-awtoritajiet, fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu, il-Kunsill jippermettilhom li jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament ir-regoli ġenerali dwar kumpens finanzjarju għal obbligi ta' servizz pubbliku li jiffissaw tariffi massimi għall-istudenti, l-apprendisti u l-persuni b'mobilità mnaqqsa.

2.2   Għotja diretta

Il-Kunsill iqis li sistema li toffri lill-awtoritajiet kompetenti l-libertà li jagħżlu bejn sejħa għal offerti kompetittiva u għotja diretta hija l-aqwa garanzija ta' kwalità u effiċjenza aħjar fit-trasport pubbliku. Fid-dawl ta' dan, fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu, il-Kunsill iżomm l-erba' derogi li bihom l-awtoritajiet jistgħu jagħtu kuntratti direttament, kif propost mill-Kummissjoni, iżda jdaħħal diversi bidliet f'dak li jirrigwarda l-modalitajiet preċiżi.

2.2.1   Operaturi interni

Il-Kunsill jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex l-awtoritajiet kompetenti, li jagħżlu li ma jissottomettux is-servizzi ta' trasport pubbliku tagħhom għal sejħa għal offerti, jitħallew jipprovdu dawn is-servizzi huma jew jagħtuhom direttament lil parti terza li fuqha jeżerċitaw kontroll bħal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartiment tagħhom stess — l-hekk imsejjaħ “operatur intern”. Il-Kunsill jaqbel ma' l-ewwel qari tal-Parlament u mal-proposta riveduta tal-Kummissjoni li, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni, operatur intern għandu fil-prinċipju ma jipparteċipax fi proċeduri ta' sejħiet għal offerti barra miż-żona ta' l-awtorità li mingħandha jkun irċieva l-għotja diretta tiegħu.

Waqt li jappoġġa l-kunċett ġenerali ta' operatur intern fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu, il-Kunsill iżid diversi dispożizzjonijiet lill-proposta tal-Kummissjoni sabiex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi tat-trasport nazzjonali u lokali:

B'għarfien tar-responsabbiltajiet nazzjonali għall-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku, l-Istati Membri jżommu s-setgħa li jipprojbixxu lill-awtoritajiet lokali, bil-liġi, milli jużaw il-possibbiltà li jagħtu kuntratti ta' servizz pubbliku direttament fit-territorju tagħhom;

B'żieda mad-definizzjoni ta' “awtorità kompetenti”, huwa jissottolinja li “awtorità lokali kompetenti” tkopri kemm awtorità individwali kif ukoll grupp ta' awtoritajiet li joffru servizzi ta' trasport interkonnessi;

Il-bażi għad-determinazzjoni ta' “kontroll” mill-awtorità fuq l-operatur intern, kif proposta mill-Kummissjoni, inżammet, waqt li ġie speċifikat li appartenenza pubblika sħiħa m'hix ħtieġa mandatorja għal tali kontroll;

Kjarifika tal-kwistjoni ta' restrizzjoni territorjali fuq operatur intern biex jiġu evitati r-restrizzjonijiet fuq is-servizzi tat-trasport pubbliku li jaqsmu l-konfini tat-territorji amministrattivi, kontra l-interessi tal-passiġġieri;

Operaturi interni li l-kuntratti ta' servizz pubbliku mogħtijin direttament lilhom waslu biex jiskadu jitħallew jipparteċipaw — jekk ikunu sodisfatti ċerti kondizzjonijiet — f'sejħiet għal offerti kompetittivi sabiex ikunu jistgħu jħejju biex jaħdmu f'ambjent kompetittiv;

Jekk ma jeżistu l-ebda awtoritajiet kompetenti lokali, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jikkonkludu kuntratti ta' servizz pubbliku ma' operatur intern.

2.2.2   Kuntratti żgħar

Il-Kunsill ma jbiddel xejn fil-limiti li taħthom jistgħu jingħataw direttament kuntratti ta' servizz pubbliku kif propost mill-Kummissjoni fid-dawl ta' l-ewwel qari tal-Parlament. L-awtoritajiet jistgħu ma jwettqux proċedura ta' sejħa għal offerti kompetittiva jekk il-valur annwali medju tal-kuntratt jibqa' inqas minn EUR 1 miljun jew jekk il-kuntratt jikkonċerna l-provvista ta' inqas minn 300 000 kilometru ta' servizzi pubbliċi ta' trasport għall-passiġġieri kull sena. Barra minn hekk, fl-ispirtu ta' l-interess tal-Parlament fin-negozji ż-żgħar, il-Kunsill idaħħal limiti addizzjonali għall-intrapriżi żgħar u medji li ma jħaddmux aktar minn 20 vettura. F'dan il-każ, huma permessi għotjiet diretti jekk il-valur annwali medju tal-kuntratti ta' servizz pubbliku jibqa' inqas minn EUR 1,7 miljun jew jekk jiġu pprovduti inqas minn 500 000 kilometru ta' trasport pubbliku għall-passiġġieri. Fl-aħħarnett, b'għarfien tar-responsabbiltajiet nazzjonali għall-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku, il-Pożizzjoni Komuni tagħti lill-Istati Membri l-kapaċità li jagħżlu li jipprojbixxu lill-awtoritajiet fit-territorju tagħhom milli jużaw il-possibbiltà li jikkonċedu għotjiet diretti fil-każ ta' kuntratti żgħar.

2.2.3   Sitwazzjonijiet ta' emerġenza

Il-Kunsill jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni — li kienet ispirata mill-ewwel qari tal-Parlament — li jingħataw kuntratti direttament f'każ ta' waqfien ta' servizzi jew ta' riskju immedjat ta' tali sitwazzjoni. Madankollu, meta jitqies iż-żmien meħtieġ biex jiġi organizzat l-għotja ta' kuntratti ġodda għas-servizz pubbliku, il-Kunsill għażel li jippermetti miżuri ta' emerġenza għal perijodu ta' sentejn minflok ta' sena kif propost mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, biex tirrifletti l-prattika, fil-Pożizzjoni Komuni, huwa speċifikat li l-miżuri ta' emerġenza jistgħu jieħdu l-forma ta' għotja diretta, ta' ftehim formali biex jiġi estiż kuntratt ta' servizz pubbliku jew ta' ħtieġa biex jitwettqu ċerti obbligi tas-servizz pubbliku. F'dan il-każ ta' l-aħħar, l-operatur tas-servizz pubbliku għandu d-dritt jappella.

2.2.4   Mezzi tqal fuq binarji

Bil-ħsieb tal-pożizzjoni speċjali tas-servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri bil-ferrovija, il-Kunsill jippermetti lill-awtoritajiet jagħtu direttament kuntratti għas-servizz pubbliku fil-każ tal-mezzi tqal kollha fuq binarji, dment li m'huwiex ipprojbit mil-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, bl-estensjoni tal-possibbiltà ta' l-għotja diretta mill-ferrovija reġjonali u fuq distanzi twal, kif propost mill-Kummissjoni, għall-mezzi tqal kollha fuq binarji, inklużi n-netwerks tal-ferrovija (sub)urbani u integrati, il-Kunsill jevita d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu jekk tkun meħtieġa distinzjoni bejn ferroviji għal distanzi twal u reġjonali, min-naħa l-waħda, u ferrovija (sub)urbana, min-naħa l-oħra. Fir-rigward ta' din l-estensjoni ta' l-għotja diretta għall-mezzi tqal kollha fuq binarji, id-delegazzjoni Żvediża, flimkien mad-delegazzjoni Taljana, għamlet dikjarazzjoni għall-minuti (Anness I) meta l-Kunsill TTE laħaq il-qbil politiku tiegħu fid-9 ta' Ġunju 2006.

2.3   Tul ta' żmien tal-kuntratti

Fir-rigward tat-tul taż-żmien tal-kuntratti tas-servizz pubbliku għal kowċis u xarabanks u għal ferroviji u servizzi oħrajn fuq binarji, il-Kunsill jibbilanċja, minn naħa, il-ħtieġa ta' perijodu ta' ammortament li huwa finanzjarjament sod, u, min-naħa l-oħra, tulijiet ta' żmien ta' kuntratti li jipprovdu inċentivi għal operaturi ġodda. Għal ferroviji u modi oħrajn fuq binarji l-Kunsill żamm it-tul ta' żmien propost ta' ħmistax-il sena. Għal servizzi bil-kowċ u bix-xarabank, il-Kunsill estenda t-tul ta' żmien tal-kuntratt propost mill-Kummissjoni minn tmien snin għal għaxra. B'dan, il-Kunsill isegwi l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata fid-dawl ta' l-ewwel qari fil-Parlament, bl-eċċezzjoni ta' tul ta' żmien addizzjonali tal-kuntratt ta' sentejn għat-trasport bix-xarabank. Bħala mod ta' kontrobilanċ għall-estensjoni ta' l-għotja diretta għall-mezzi tqal kollha fuq binarji, it-tul ta' żmien inizjali ta' kuntratti ta' mezzi tqal fuq binarji mogħtijin direttament ma jistax jaqbeż l-10 snin.

Barra minn hekk, il-Kunsill żamm, b'xi bidliet, il-proposta tal-Kummissjoni biex tippermetti li jiġi estiż it-tul ta' żmien tal-kuntratti tas-servizz pubbliku b'massimu ta' 50 % fejn meħtieġ għall-investiment. B'żieda ma' dan, il-Kunsill jippermetti estensjoni ta' 50 % għal kuntratti fir-reġjuni l-aktar imbiegħda jekk dan huwa ġġustifikat mill-ispejjeż ġejjin minn sitwazzjoni ġeografika partikolari.

Fl-aħħarnett, f'każijiet eċċezzjonali, il-Pożizzjoni Komuni tippermetti li t-tul ta' żmien ta' kuntratt jiġi estiż ukoll b'aktar minn 50 %. Tali estensjoni għandha tkun iġġustifikata mill-ammortament tal-kapital f'relazzjoni ma' infrastruttura eċċezzjonali, materjal fuq ir-roti u investiment f'vetturi. Barra minn hekk, il-kuntratt tas-servizz pubbliku għandu jingħata fi proċedura ta' sejħiet għall-offerti ġusta u kompetittiva u l-awtorità li tħalli l-itwal żmien għandha tgħaddi lill-Kummissjoni l-kuntratt u l-elementi li jiġġustifikaw iż-żmien itwal tiegħu fi żmien sena mit-tmiem tal-kuntratt.

2.4   Standards soċjali u kwalità tas-servizz

Differenti mill-proposti ta' l-2000 u ta' l-2002, il-proposta riveduta ta' l-2005 tal-Kummissjoni tħalli d-definizzjoni ta' kriterji soċjali u ta' kwalità għas-servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri f'idejn l-awtoritajiet, biex timxi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-Kunsill jappoġġa dan l-approċċ.

Il-Kunsill jispeċifika u jestendi d-dispożizzjoni fil-proposta tal-Kummissjoni dwar it-trasferiment tad-drittijiet soċjali. Id-dispożizzjoni fil-proposta tal-Kummissjoni ppermettiet lill-awtoritajiet jiddeċiedu jekk l-operaturi magħżula tas-servizz pubbliku jkunux obbligati jikkonċedu lill-persunal imqabbad minn qabel biex jipprovdi servizzi l-istess drittijiet li kienu jkunu intitolati għalihom kieku kien hemm trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23/KE. Peress li din iqisha materja ta' sussidjarjetà, il-Kunsill, bħall-Kummissjoni, ma jarax il-ħtieġa li jagħmel din id-dispożizzjoni dwar id-drittijiet ta' l-impjegati obbligatorja, kif issuġġerit mill-Parlament fl-ewwel qari tiegħu. Madankollu, il-Kunsill iżid ma' din id-dispożizzjoni l-obbligu li l-awtoritajiet, meta jistabbilixxu tali ħtiġiet, għandhom jaġixxu fil-limiti stabbiliti mil-liġi nazzjonali u/jew Komunitarja. Barra minn hekk, bil-ħsieb li tiżdied it-trasparenza, fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu l-Kunsill jinkorpora l-obbligu li, jekk l-awtoritajiet jitolbu li l-operaturi tas-servizz pubbliku jikkonformaw ma' ċerti standards soċjali, id-dokumenti tas-sejħiet għal offerti u l-kuntratti tas-servizz pubbliku għandhom jelenkaw il-persunal konċernat u jagħtu dettalji trasparenti tad-drittijiet kuntrattwali tagħhom kif ukoll il-kondizzjonijiet li taħthom l-impjegati huma meqjusin marbuta mas-servizzi.

Bil-ħsieb li r-Regolament jiġi ssimplifikat u biex timxi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fil-proposta riveduta tagħha l-Kummissjoni għażlet li ma tistabbilixxix lista ta' kriterji ta' kwalità biex tintuża mill-awtoritajiet meta jagħtu kuntratti ta' servizz pubbliku. Fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu, il-Kunsill isegwi r-raġunament tal-Kummissjoni li l-awtoritajiet għandhom ikomplu jkunu responsabbli li jistabbilixxu l-istandards tal-kwalità. Madankollu, bil-ħsieb li tiżdied it-trasparenza, il-Kunsill jintroduċi l-obbligu li, jekk l-istandards tal-kwalità jiġu stabbiliti, l-awtoritajiet għandhom jinkludu dawn l-istandards fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti tagħhom u fil-kuntratti tas-servizz pubbliku tagħhom.

2.5   Trasparenza

Bil-ħsieb li tiżdied it-trasparenza, il-Kunsill jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li titlob mill-awtoritajiet li jikkonkludu kuntract ta' servizz pubbliku fejn jiġu konċessi drittijiet esklużivi u/jew kumpensi talli wettqu obbligi ta' servizz pubbliku. Barra minn hekk, it-trasparenza fir-rigward ta' l-għotja u tal-kontenut ta' kuntratti tas-servizz pubbliku hija essenzjali biex jiġi evitat ir-riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni, partikolarment jekk il-kuntratt jingħata direttament. Il-Parlament irrikonoxxa l-importanza li titjieb it-trasparenza fis-settur tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri f'diversi mumenti matul l-ewwel qari.

Bil-ħsieb li tiżdied aktar it-trasparenza fis-settur tat-trasport pubbliku u bħala miżura ta' kontrobilanċ għall-estensjoni tal-possibbiltà ta' għotja diretta għall-mezzi tqal kollha fuq binarji, il-Kunsill jintroduċi l-miżuri li ġejjin fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu:

Obbligu għall-awtoritajiet li jgħaddu, fuq talba ta' kwalunkwe parti interessata, id-deċiżjonijiet motivati tagħhom relatati ma' kuntratt ta' servizz pubbliku mogħti direttament. Fil-Kunsill TTE tad-9 ta' Ġunju 2006, id-delegazzjoni Ċeka qalet li hi rrifjutat din id-dispożizzjoni u żiedet fil-minuti d-dikjarazzjoni li tidher fl-Anness II;

Obbligu għall-awtoritajiet li jagħmlu pubblika, fil-każ ta' kuntratti ta' servizz pubbliku għal trasport bil-ferrovija mogħti direttament, ċerta informazzjoni fi żmien sena mill-konċessjoni ta' l-għotja.

Filwaqt li jappoġġa l-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-reklamar, il-Kunsill jintroduċi diversi modifiki bil-ħsieb li jtejjeb l-applikabbiltà prattika tagħhom u jnaqqas il-burokrazija żejda:

L-awtoritajiet huma mitluba jippreżentaw rapport aggregat dwar il-kuntratti tagħhom ta' servizz pubbliku minflok rapport dettaljat kif propost mill-Kummissjoni;

L-awtoritajiet għandhom iħabbru l-għotja ta' kuntratt ta' servizz pubbliku mill-anqas sena qabel fil-Ġurnal Uffiċjali. Kuntratti żgħar huma eżentati minn dan l-obbligu;

L-awtoritajiet huma mitluba li jippubblikaw ir-rettifiki jekk hemm bidla fl-informazzjoni mħabbra dwar l-għotja ta' kuntratt ta' servizz pubbliku.

Il-miżuri ta' emerġenza huma eżentati milli jitħabbru minn qabel.

Il-perijodu inizjali li fih l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi ddeterminat jekk il-kumpens konċess hux kompatibbli mar-Regolament huwa estiż minn għoxrin jum ta' xogħol, kif propost mill-Kummissjoni, għal tliet xhur.

2.6   Transizzjoni

Bil-ħsieb li l-awtoritajiet u l-operaturi jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw għall-qafas leġiżlattiv il-ġdid, il-Kunsill jagħmel diversi modifiki għall-arranġamenti transitorji proposti mill-Kummissjoni. L-ewwelnett, ir-Regolament jidħol fis-seħħ tliet snin wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament. Tnax-il sena wara dan, il-kuntratti ta' servizz pubbliku bil-ferrovija u bit-triq għandhom jingħataw skond ir-Regolament. It-tieni, il-Kunsill jissostitwixxi d-distinzjoni magħmula fil-proposta tal-Kummissjoni bejn perijodi ta' transizzjoni għat-trasport bit-triq, minn naħa waħda, u bil-ferrovija, min-naħa l-oħra, b'arranġament transitorju wieħed. Fid-dawl ta' l-estensjoni tal-possibbiltà ta' għotjiet diretti fil-każ ta' mezzi tqal fuq binarji, il-Kunsill jikkunsidra li m'għadux ġustifikat perijodu ta' transizzjoni itwal għat-trasport pubbliku fuq il-binarji milli għat-trasport bit-triq. It-tielet, minflok perijodu ta' transizzjoni f'żewġ fażijiet, il-Kunsill jagħżel approċċ gradwali li jippermetti lill-awtoritajiet jiddeterminaw huma stess, sa ċertu punt, kif iġestixxu t-transizzjoni għas-sett ta' regoli ġodda biex jingħataw il-kuntratti. Fi żmien sitt xhur wara l-ewwel nofs tal-perijodu ta' transizzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu rapporti ta' progress lill-Kummissjoni. Abbażi ta' dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni tivvaluta jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali biex jiġi evitat waqfien fil-provvista tat-trasport pubbliku.

Fir-rigward ta' kuntratti konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, il-Pożizzjoni Komuni tipprevedi arranġament transitorju li jsegwi ħafna lill-propsti li l-Parlament ressaq fl-ewwel qari. Il-Kunsill ifittex bilanċ bejn, minn naħa waħda, ir-rispett tal-prinċipju “pacta sunt servanda” u, min-naħa l-oħra, li jiġi evitat li jingħalqu s-swieq għal perijodi twal iżżejjed. Issir distinzjoni bejn:

kuntratti mogħtija abbażi ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti ġusta u kompetittiva u kuntratti mogħtija abbażi ta' proċedura oħra ta' għotja;

kuntratti mogħtija qabel is-26 ta' Lulju 2000 — meta l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta inizjali tagħha dwar l-Obbligi tas-Servizz Pubbliku — u kuntratti mogħtija wara dak iż-żmien.

Għall-erba' kategoriji, b'kollox, ta' kuntratt, il-Kunsill jipproponi arranġamenti ta' skadenza individwali. Għal każijiet eċċezzjonali fejn it-terminazzjoni ta' kuntratt ta' servizz pubbliku tkun tfisser konsegwenzi legali jew ekonomiċi eċċessivi, il-Pożizzjoni Komuni tipprevedi kontinwazzjoni sa l-iskadenza, dment li l-Kummissjoni tkun tat l-approvazzjoni tagħha.

Fil-Pożizzjoni Komuni tiegħu, il-Kunsill iżomm id-dispożizzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni li biha, fit-tieni nofs tal-perijodu ta' transizzjoni, jekk l-operaturi ma jistgħux jipprovdu evidenza li l-valur tas-servizzi pubbliċi tat-trasport li għalihom qed jirċievu kumpens jew jibbenefikaw minn dritt esklużiv konċess skond dan ir-Regolament jirrappreżenta mill-anqas nofs il-valur tas-servizzi pubbliċi kollha tat-trasport, allura l-awtoritajiet jistgħu jirrifjutaw li jħalluhom jipparteċipaw fil-proċeduri tas-sejħiet għal offerti li jorganizzaw. Għal din id-dispożizzjoni l-Kunsill iżid li l-awtoritajiet m'humiex permessi ma jħallux lill-operaturi li diġà qed iħaddmu s-servizzi li ser jinħarġu għas-sejħa għall-offerti milli jipparteċipaw fil-proċedura tas-sejħa għall-offerti. Wara diskussjonijiet intensivi, il-Kunsill iddeċieda li ma jdaħħalx klawsola li tippermetti lill-awtoritajiet li jiċħdu l-parteċipazzjoni fi proċedura ta' sejħa għall-offerti lil operaturi li kienu ħadu l-kuntratti kollha tagħhom jew parti minnhom bħala għotja diretta. Il-Kunsill ma jarax li tali klawsola ta' reċiproċità hija xierqa fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tistabbilixxi kondizzjonijiet stretti għall-applikazzjoni tal-klawsoli ta' reċiproċità, u tqishom ammissibbli biss fil-kuntest ta' proċess gradwali ta' liberalizzazzjoni u dment li huma ta' natura transitorja u limitati fiż-żmien.

2.7   Kwistjonijiet sinifikanti oħrajn

Kwistjonijiet sinifikanti oħrajn introdotti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill huma:

Il-Kunsill isegwi l-proposta tal-Kummissjoni biex ma jiġux stabbiliti, għas-settur tat-trasport pubbliku intern, regoli speċifiċi dwar subkuntratti. Madankollu, il-Kunsill ifittex li jżid it-trasparenza billi fil-Pożizzjoni Komuni jinkorpora l-ħtieġa li d-dokumenti tas-sejħiet għall-offert u l-kuntratti tas-servizz pubbliku għandhom juru biċ-ċar jekk is-subkuntrattament hux possibbli. Barra minn hekk, il-kuntratt għandu jiddetermina l-kondizzjonijiet applikati għas-subkuntrattament skond id-dritt nazzjonali u Komunitarju.

Il-Kummissjoni pproponiet li r-Regolament (KEE) Nru 1191/69 u r-Regolament (KEE) No 1107/70 jiġu rrevokati kompletament. Peress li ċerti dispożizzjonijiet ta' dawn iż-żewġ Regolamenti għadhom jintużaw, il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tipprevedi tneħħija gradwali tar-Regolament Nru 1191/69 u l-inklużjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament Nru 1107/70 fir-Regolament il-ġdid dwar l-Obbligi tas-Servizz Pubbliku.

Il-Kunsill jadatta d-dispożizzjoni dwar ir-rappurtar mill-Kummissjoni dwar l-iżviluppi fil-provvista tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri fl-Ewropa fid-dawl tal-Pożizzjoni Komuni tiegħu li partikolarment titlob valutazzjoni tal-kwalità tas-servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri u l-effetti ta' l-għotjiet diretti.

Il-Kunsill jagħmel xi bidliet fl-Anness għall-abbozz tar-Regolament bil-ħsieb li jtejjeb il-kalkolu tal-kumpens li jingħata f'każ ta' kuntratti mogħtija direttament biex jiffaċilita l-applikazzjoni tiegħu fil-prattika.

IV.   KONKLUŻJONI

Filwaqt li ma setax jilħaq qbil ftehim dwar il-proposti ta' l-2000 u ta' l-2002 tal-Kummissjoni dwar l-Obbligi tas-Servizz Pubbliku, il-Kunsill irnexxielu jikseb Pożizzjoni Komuni abbażi tal-Proposta ta' l-2005 tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni fasslet din il-proposta riveduta fid-dawl ta' l-ewwel qari tal-Parlament tal-proposta inizjali tagħha ta' l-2000, bil-ħsieb li tirrikonċilja l-pożizzjoni tat-tliet istituzzjonijiet. Billi l-Pożizzjoni Komuni ġeneralment issegwi l-approċċ ta' din il-proposta riveduta, il-Kunsill iqisha bħala bażi tajba għad-diskussjonijiet tat-tieni qari mal-Parlament.


(1)  ĠU C 49, 28.2.2006, p. 37.

(2)  ĠU C 365 E, 19.12.2000, p. 169.

(3)  ĠU C 151 E, 25.6.2002, p. 146.

(4)  ĠU C 140 E, 13.6.2002, p. 164.

(5)  ĠU C 195, 18.8.2006, p. 20.

(6)  ĠU C 192, 16.8.2006, p. 1.

(7)  Regolament (KEE) Nru 1191/69 tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 156, 28.6.1969, p. 1), kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KEE) Nru 1893/91 (ĠU L 169, 29.6.1991, p. 1).

(8)  Sentenza ta' l-24 ta' Lulju 2003 fil-kawża C-280/00, Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg v Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH ([2003] ECR I-7747).

(9)  Id-Direttiva 2004/18 fuq koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114) jew id-Direttiva 2004/17 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta' l-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1).

ANNESS I

DIKJARAZZJONI MILL-IŻVEZJA FLIMKIEN MA' L-ITALJA GĦALL-INKLUŻJONI FIL-MINUTI TAL-KUNSILL TAD-9 TA' ĠUNJU 2006

Dwar: punt 9: Proposta Riveduta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq

FTEHIM POLITIKU

Bl-ilħuq ta' Ftehim Politiku dwar pożizzjoni komuni dwar ir-Regolament dwar servizzi pubbliċi għat-trasport għall-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq, l-Iżvezja trid tressaq il-pożizzjoni li ġejja:

1.

Kif miftiehem mill-Kunsill fil-laqgħa tiegħu fil-5 ta' Diċembru 2005, l-għan prinċipali ta' dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi qafas legali għal kumpens għal kuntratti ta' servizz pubbliku, iżjed milli l-ftuħ tas-suq għas-servizzi tal-ferrovija. Din hija r-raġuni li għaliha l-għażla ta' għotja diretta għas-servizzi tal-ferrovija nżammet f'dan ir-Regolament.

2.

Id-deċiżjoni mill-Kunsill li jibqa' jippermetti għotjiet diretti għas-servizzi tal-ferrovija għall-passiġġieri ma tipprekludix id-dritt għal inizjattiva tal-Kummissjoni biex tagħmel xi proposta leġiżlattiva fil-futur dwar il-ftuħ tas-suq domestiku tal-ferrovija għall-passiġġieri li mbagħad tiġi kkunsidrata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

3.

Kwalunkwe proposta futura għall-ftuħ tas-suq għas-servizzi domestiċi tal-ferrovija għall-passiġġieri ser teħtieġ tkun ibbażata fuq determinazzjoni motivata ta' jekk dan għandux ikun fis-sura ta' aċċess miftuħ għan-netwerk tal-ferrovija għall-operaturi kollha, jew sejħa għal offerti kompetittiva għal kuntratti ta' servizz pubbliku jew drittijiet esklużivi, jew it-tnejn.

4.

Fin-nuqqas ta' leġislazzjoni armonizzata dwar il-ftuħ ta' swieq nazzjonali għas-servizzi tal-ferrovija għall-passiġġieri, l-Iżvezja hija tal-fehma li l-Istati Membri jżommu d-dritt li japplikaw miżuri ta' reċiproċità sakemm dawn il-miżuri jkunu f'konformità mad-dritt Komunitarju.

ANNESS II

DIKJARAZZJONI MIR-REPUBBLIKA ĊEKA GĦALL-INKLUŻJONI FIL-MINUTI TAL-KUNSILL TAD-9 TA' ĠUNJU 2006

Dwar: punt 9: Proposta Riveduta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi pubbliċi tat-trasport għall-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq

FTEHIM POLITIKU

Ir-Repubblika Ċeka hija konxja bis-sħiħ li trasparenza ottimali fl-għotja ta' kuntratti ta' servizz pubbliku hija waħda mill-objettivi prinċipali tal-proposta għal Regolament dwar servizzi pubbliċi għat-trasport għall-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq. F'dak ir-rigward ir-Repubblika Ċeka m'għandha l-ebda oġġezzjoni li titlob lill-awtorità kompetenti tinnotifika kwalunkwe parti interessata fuq talba dwar deċiżjoni minn-naħa tagħha li twassal għall-għotja direttata' kuntratt ta' servizz pubbliku, u li turi li hija aġixxiet skond l-Artikoli rilevanti tar-Regolament, inkluż l-iffissar ta' livelli ta' kumpens f'konformità mar-regoli mniżżlin fl-Anness għar-Regolament. Madankollu, ir-Repubblika Ċeka ma tistax taqbel mal-formulazzjoni attwali ta' l-Artikolu 7(4) (9840/06), billi fil-fehma tagħha din tnaqqas iċ-ċertezza legali tal-partijiet kollha involuti f'għotja diretta. Ir-Repubblika Ċeka hija mħassba fuq kollox li parti interessata ssofri dannu tista' tikkontesta deċiżjoni motivata partikolari sabiex tinforza paragun bejn il-għotja diretta ta' kuntratt u l-offerta alternattiva tagħha stess. Sussegwentement dan jista' f'xi każijiet jimpedixxi kuntratt ta' servizz pubbliku milli jingħata direttament; ir-Repubblika Ċeka taħseb li dan huwa kompletament inaċċettabbli.

Minħabba din ir-riżerva r-Repubblika Ċeka ma tistax tendorsja ftehim politiku dwar din il-proposta fil-Kunsill u għalhekk qed tastjeni mill-vot.


27.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/21


POŻIZZJONI KOMUNI Nru 3/2007

adottata mill-Kunsill fil-11 ta' Diċembru 2006

bil-għan li jadotta r-Regolament (KE) Nru …/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/C 70 E/02)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Sabiex jiġu protetti l-persuni u l-oġġetti fl-Unjoni Ewropea minn atti ta' interferenza illegali ma' inġenji ta' l-ajru ċivili, għandhom jiġu stabbiliti regoli komuni għas-salvagwardja ta' l-avjazzjoni ċivili. Dan l-objettiv għandu jinkiseb permezz ta' l-istabbiliment ta' regoli u standards komuni bażiċi dwar is-sigurtà ta' l-avjazzjoni kif ukoll mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-konformità.

(2)

Huwa mixtieq, fl-interessi tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili in ġenerali, li tiġi provduta l-bażi għal interpretazzjoni komuni ta' l-Anness 17 għall-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali tas-7 ta' Diċembru 1944.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili (3) ġie adottat b'riżultat ta' l-avvenimenti tal-11 ta' Settembru 2001 fl-Istati Uniti.

(4)

Il-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 2320/2002 għandu jiġi rivedut fil-kuntest ta' l-esperjenza miksuba, u r-Regolament innifsu għandu jiġi mħassar u mibdul b' dan ir-Regolament li jimmira għas-simplifikazzjoni, l-armonizzazzjoni u l-kjarifika tar-regoli eżistenti u t-titjib tal-livelli ta' sigurtà.

(5)

Minħabba l-ħtieġa għal aktar flessibilità fl-adozzjoni ta' miżuri u proċeduri ta' sigurtà sabiex il-valutazzjonijiet tar-riskju li qed jevolvu jiġu sodisfatti u sabiex ikunu jistgħu jiġu introdotti teknoloġiji ġodda, dan ir-Regolament għandu jistipula l-prinċipji bażiċi ta' x'għandu jsir sabiex l-avjazzjoni ċivili tiġi salvagwardjata minn atti ta' interferenza illegali mingħajr ma jidħol fid-dettalji tekniċi u proċedurali ta' kif għandhom jiġu implimentati.

(6)

Dan ir-Regolament għandu japplika għal ajruporti li jaqdu l-avjazzjoni ċivili li jinsabu fit-territorju ta' Stat Membru, għal operaturi li jipprovdu servizzi f'ajruporti bħal dawn u għal entitajiet li jipprovdu oġġetti u/jew servizzi lil jew permezz ta' ajruporti bħal dawn.

(7)

Mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni dwar reati u ċerti atti oħra mwettqa abbord inġenji ta' l-ajru, Tokyo, 1963, il-Konvenzjoni dwar it-trażżin tal-ħtif illegali ta' l-inġenji ta' l-ajru, l-Aja, 1970 u l-Konvenzjoni għat-trażżin ta' atti illegali kontra s-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili, Montreal 1971, dan ir-Regolament għandu jkopri wkoll miżuri ta' sigurtà li japplikaw abbord inġenji ta' l-ajru, jew matul titjira, ta' trasportaturi bl-ajru tal-Komunità.

(8)

Kull Stat Membru jista' jiddeċiedi għalih innifsu jekk jiskjerax uffiċjali ta' sigurtà f'titjiriet fuq inġenji ta' l-ajru reġistrati f'dak l-Istat Membru u fuq inġenji ta' l-ajru ta' trasportaturi bl-ajru li jkollhom liċenzja minn dak l-Istat Membru.

(9)

Id-diversi tipi ta' avjazzjoni ċivili mhux bilfors jippreżentaw l-istess livell ta' theddid. Fl-istabbiliment ta' standards komuni bażiċi dwar is-sigurtà ta' l-avjazzjoni, id-daqs ta' l-inġenju ta' l-ajru, in-natura ta' l-operazzjoni u/jew il-frekwenza ta' operazzjonijiet fl-ajruporti għandhom jitqiesu bil-ħsieb li jkunu jistgħu jiġu permessi l-għotjiet ta' derogi.

(10)

L-Istati Membri għandhom ikunu permessi wkoll, fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju, japplikaw miżuri aktar strinġenti minn dawk li għandhom jiġu stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(11)

Pajjiżi terzi jistgħu jirrikjedu l-applikazzjoni ta' miżuri li huma differenti minn dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament fir-rigward ta' titjiriet minn ajruport fi Stat Membru lejn, jew minn fuq, dak il-pajjiż terz. Madankollu, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim bilaterali li għalih hija parti l-Komunità, għandu jkun possibbli għall-Kummissjoni li teżamina l-miżuri meħtieġa mill-pajjiż terz.

(12)

Minkejja li, fi Stat Membru wieħed, jista' jkun hemm żewġ korpi jew aktar involuti fis-sigurtà ta' l-avjazzjoni, kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità unika responsabbli għall-koordinazzjoni u l-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni ta' l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà ta' l-avjazzjoni.

(13)

Sabiex ikunu definiti r-responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni ta' l-istandards komuni bażiċi tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni u sabiex jiġu deskritti liema miżuri huma meħtieġa mill-operaturi u entitajiet oħra għal dan il-għan, kull Stat Membru għandu jfassal programm nazzjonali għas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili. Barra minn hekk, kull operatur ta' l-ajruport, trasportatur bl-ajru u entità li jkunu qed jimplimentaw standards tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni għandhom ifasslu, japplikaw u jżommu programm ta' sigurtà sabiex jikkonformaw ma' dan ir-Regolament u ma' kwalunkwe programm nazzjonali ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili li huwa applikabbli.

(14)

Sabiex jimmonitorja l-aderenza ma' dan ir-Regolament u mal-programm nazzjonali tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili, kull Stat Membru għandu jfassal u jiżgura l-implimentazzjoni ta' programm nazzjonali sabiex tiġi kontrollata l-kwalità tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili.

(15)

Sabiex ikun hemm monitoraġġ ta' l-applikazzjoni minn Stati Membri ta' dan ir-Regolament, u sabiex isiru wkoll rakkomandazzjonijiet biex tittejjeb is-sigurtà ta' l-avjazzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq spezzjonijiet, inklużi spezzjonijiet għal għarrieda.

(16)

Atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu miżuri u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni ta' l-istandards komuni bażiċi tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni u li jkun fihom informazzjoni sensittiva dwar is-sigurtà, flimkien ma' rapporti ta' spezzjonijiet tal-Kummissjoni u tweġibiet ta' l-awtoritajiet xierqa għandhom jitqiesu bħala “informazzjoni klassifikata ta' l-UE” fis-sens tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda r-Regoli interni ta' Proċedura (4). Dawk il-punti m'għandhomx jiġu pubblikati; huma għandhom ikunu disponibbli biss għal dawk l-operaturi u l-entitajiet b'interess leġittimu.

(17)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi proċeduri għall-eżerċizzju ta' poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (5).

(18)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom għandhom jiġu adottati l-miżuri msemmija fl-Artikoli 4(3) u 9(2). Billi dawk huma miżuri ta' ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament jew sabiex jissupplimentawh permezz taż-żieda ta' elementi mhux essenzjali ġodda, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(19)

L-għan tas-“sistema ta' kontroll tas-sigurtà unika” (“one-stop security”) għat-titjiriet kollha fl-Unjoni Ewropea għandu jiġi avvanzat.

(20)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' regoli dwar is-sigurtà ta' l-avjazzjoni, inklużi dawk relatati mat-trasport ta' oġġetti perikolużi.

(21)

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Il-penali previsti jistgħu jkunu ta' natura ċivili jew amministrattiva, u għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(22)

Id-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar l-Ajruport ta' Ġibiltà, miftiehma f'Kordoba fit-18 ta' Settembru 2006 matul l-ewwel laqgħa Ministerjali tal-Forum ta' Djalogu dwar Ġibiltà, ser tissostitwixxi d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Ajruport ta' Ġibiltà magħmula f'Londra fit-2 ta' Diċembru 1987, u l-konformità sħiħa magħha tiġi meqjusa li tikkostitwixxi konformità mad-Dikjarazzjoni ta' l-1987.

(23)

Ladarba l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri s-salvagwardja ta' l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta' interferenza illegali u li jipprovdi għal interpretazzjoni komuni ta' l-Anness 17 għall-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tar-Regolament, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għanijiet

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni għas-salvagwardja ta' l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta' interferenza illegali.

Huwa jipprovdi wkoll il-bażi għal interpretazzjoni komuni ta' l-Anness 17 għall-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.

2.   Il-mezzi sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafi 1 għandhom ikunu:

(a)

l-istabbiliment ta' regoli komuni u standards bażiċi komuni dwar is-sigurtà ta' l-avjazzjoni;

(b)

mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-konformità.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal dawn li ġejjin:

(a)

l-ajruporti kollha jew partijiet minn ajruporti li jinsabu fit-territorju ta' Stat Membru li m'humiex użati esklussivament għal finijiet militari;

(b)

l-operaturi kollha, inklużi trasportaturi bl-ajru, li jipprovdu servizzi f'ajruporti msemmijin fil-punt (a);

(ċ)

l-entitajiet kollha li japplikaw standards ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni li joperaw f'postijiet li jinsabu fit-territorju jew barra mit-territorju ta' ajruporti u jipprovdu oġġetti u/jew servizzi lil ajruporti msemmijin fil-punt (a) jew minn ajruporti msemmijin fil-punt (a).

2.   L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-ajruport ta' Ġibiltà hija mifhuma bħala li hi mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet legali rispettivi tar-Renju ta' Spanja u tar-Renju Unit fir-rigward tat-tilwima dwar is-sovranità fuq it-territorju li fih jinsab l-ajruport.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament:

1)

“avjazzjoni ċivili” tfisser kwalunkwe operazzjoni fl-ajru mwettqa b'inġenju ta' l-ajru ċivili, ħlief operazzjonijiet imwettqin minn inġenji ta' l-ajru ta' l-istat li huma msemmijin fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali;

2)

“sigurtà ta' l-avjazzjoni” tfisser taħlita ta' miżuri u riżorsi umani u materjali maħsubin għas-salvagwardja ta' l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta' interferenza illegali;

3)

“operatur” tfisser persuna, organizzazzjoni jew intrapriża impenjata, jew li toffri li timpenja ruħha, f'operazzjoni ta' trasport bl-ajru;

4)

“kumpannija ta' l-ajru” tfisser impriża tat-trasport bl-ajru li għandha liċenzja valida sabiex topera, jew l-ekwivalenti;

5)

“kumpannija ta' l-ajru Komunitarja” tfisser kumpannija ta' l-ajru b'liċenzja valida li topera mogħtija minn Stat Membru skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar liċenzjar ta' air carriers (6);

6)

“entità” tfisser persuna, organizzazzjoni jew intrapriża, minbarra operatur;

7)

“artikoli projbiti” tfisser armi, splussivi jew tagħmir perikoluż ieħor, oġġetti jew sustanzi li jistgħu jintużaw biex isir att ta' intereferenza illegali;

8)

“skrinjar” tfisser l-applikazzjoni ta' mezzi tekniċi jew mezzi oħra li huma maħsubin biex jidentifikaw u/jew jikxfu oġġetti projbiti;

9)

“kontroll tas-sigurtà” tfisser l-applikazzjoni ta' mezzi sabiex ma jitħallewx jiġu introdotti oġġetti projbiti;

10)

“kontroll fuq l-aċċess” tfisser l-applikazzjoni ta' mezzi li permezz tagħhom jista' jiġi prevenut id-dħul ta' persuni mhux awtorizzati jew vetturi mhux awtorizzati, jew it-tnejn;

11)

“iż-żona ta' l-ajru” (“airside”) tfisser iż-żona ta' moviment ta' ajruport, u artijiet u bini li jmissu magħha jew partijiet minnhom, li l-aċċess għalihom huwa ristrett;

12)

“iż-żona ta' l-art” (“landside”) tfisser dawk in-naħat ta' ajruport, u artijiet u bini li jmissu magħhom jew partijiet minnhom, li mhumiex fiż-żona ta' l-ajru;

13)

“żona ta' sigurtà ristretta” tfisser parti miż-żona ta' l-ajru li fiha, minbarra l-fatt li l-aċċess ikun ristrett, jiġu applikati standards ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni oħrajn;

14)

“żona demarkata” tfisser żona li hija separata permezz ta' kontroll fuq l-aċċess minn żoni ta' sigurtà ristretti, jew, jekk iż-żona demarkata nnifisha hija żona ta' sigurtà ristretta, minn żoni ta' sigurtà ristretti oħra ta' ajruport;

15)

“kontroll tal-kondotta” tfisser kontroll reġistrat ta' l-identità ta' persuna, inkluża kwalunkwe kondotta kriminali, bħala parti mill-valutazzjoni ta' kemm l-adattabilità ta' l-individwu li jkollu aċċess mingħajr skorta għal żoni ta' restrizzjonijiet ta' sigurtà;

16)

“passiġġieri, bagalji, merkanzija jew posta fi trasferiment” tfisser passiġġieri, bagalji, merkanzija jew posta li jitilqu fuq inġenju ta' l-ajru differenti minn dak li waslu fuqu;

17)

“passiġġieri, bagalji, merkanzija jew posta fi transitu” tfisser passiġġieri, bagalji, merkanzija jew posta li jitilqu fuq l-istess inġenju ta' l-ajru li waslu fuqu;

18)

“passiġġier potenzjalment problematiku” tfisser passiġġier li jkun qed jiġi deportat, jew persuna li titqies bħala inammissibbli għal raġunijiet ta' immigrazzjoni jew persuna f'kustodja legali;

19)

“bagalji tal-kabina” tfisser bagalji maħsuba għal ġarr fil-kabina ta' inġenju ta' l-ajru.

20)

“bagalji ta' l-istiva” tfisser bagalji maħsuba għal ġarr fl-istiva ta' inġenju ta' l-ajru;

21)

“bagalji ta' l-istiva akkumpanjati” tfisser bagalji, li nġarru fl-istiva ta' inġenju ta' l-ajru, li jkunu ġew reġistrati għal titjira minn passiġġier li jkun qed jivvjaġġa fuq dik l-istess titjira;

22)

“posta tat-trasportatur bl-ajru” tfisser posta li l-oriġini u d-destinazzjoni tagħha huma t-tnejn kumpannija ta' l-ajru;

23)

“materjali tal-kumpannija ta' l-ajru” tfisser materjali li l-oriġini u d-destinazzjoni tagħhom huma t-tnejn kumpannija ta' l-ajru jew li jintużaw minn kumpannija ta' l-ajru;

24)

“posta” tfisser dispaċċi ta' korrispondenza u oġġetti oħrajn għajr posta tat-trasportatur bl-ajru mibgħutin minn jew maħsubin għal kunsinna għal servizzi postali skond ir-regoli ta' l-Unjoni Postali Universali;

25)

“merkanzija” tfisser kwalunkwe proprjetà maħsuba għall-ġarr fuq inġenju ta' l-ajru, ħlief bagalji, posta, posta ta' kumpannija ta' l-ajru, materjali ta' kumpanniji ta' l-ajru u provvisti għal matul it-titjira;

26)

“aġent regolat” tfisser kumpannija ta' l-ajru, aġent, speditur ta' merkanzija jew kwalunkwe entità oħra li tiżgura l-kontrolli ta' sigurtà fir-rigward ta' merkanzija jew posta;

27)

“kunsinnatarju magħruf” tfisser kunsinnatarju li joriġina merkanzija jew posta għalih innifsu u li l-proċeduri tiegħu jissodisfaw regoli u standards komuni ta' sigurtà li huma biżżejjed biex jippermettu l-ġarr ta' dik il-merkanzija jew posta fuq kwalunkwe inġenju ta' l-ajru;

28)

“kunsinnatarju in konto” tfisser kunsinnatarju li joriġina merkanzija jew posta għalih innifsu u li l-proċeduri tiegħu jissodisfaw regoli u standards komuni ta' sigurtà li huma biżżejjed biex jippermettu l-ġarr ta' dik il-merkanzija fuq inġenji ta' l-ajru għall-merkanzija biss jew ta' posta fuq inġenji ta' l-ajru għall-posta biss;

29)

“kontroll ta' sigurtà ta' l-inġenju ta' l-ajru” tfisser spezzjoni ta' dawk il-partijiet ta' ġewwa ta' l-inġenju ta' l-ajru li għalihom il-passiġġieri setgħa kellhom aċċess, flimkien ma' spezzjoni ta' l-istiva ta' l-inġenju ta' l-ajru sabiex jiġu individwati oġġetti projbiti u interferenzi;

30)

“tfittxija ta' sigurtà ta' l-inġenju ta' l-ajru” tfisser spezzjoni tal-parti ta' ġewwa u l-parti ta' barra ta' l-inġenju ta' l-ajru li jkunu aċċessibbli sabiex jiġu individwati oġġetti projbiti u interferenzi illegali ma' l-inġenju ta' l-ajru;

31)

“uffiċjal ta' sigurtà abbord titjira” tfisser persuna li hija impjegata minn Stat Membru sabiex tivvjaġġja fuq inġenju ta' l-ajru tat-trasportatur bl-ajru bil-liċenzja mingħandu bil-għan li jipproteġi dak l-inġenju ta' l-ajru u l-okkupanti tiegħu kontra atti ta' interferenza illegali.

Artikolu 4

Standards bażiċi komuni

1.   L-istandards bażiċi komuni għas-salvagwardja ta' l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta' interferenza illegali għandhom ikunu kif stabbiliti fl-Anness.

2.   Miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni ta' l-istandards bażiċi komuni msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2).

Dawn il-miżuri għandhom, b'mod partikolari, jirrigwardaw:

a)

metodi ta' skrinjar, kontroll fuq l-aċċess u kontrolli ta' sigurtà oħra;

b)

metodi ta' eżekuzzjoni ta' kontrolli ta' sigurtà fuq inġenji ta' l-ajru u tiftix ta' sigurtà fuq inġenji ta' l-ajru;

ċ)

oġġetti projbiti;

d)

kriterji ta' eżekuzzjoni u t-testijiet ta' aċċettazzjoni għat-tagħmir;

e)

ħtiġiet ta' reklutaġġ u taħriġ tal-persunal;

f)

id-definizzjoni ta' partijiet kritiċi ta' żoni ristretti ta' sigurtà;

g)

l-obbligi ta', u l-proċeduri ta' validazzjoni għal, aġenti regolati, konsenjaturi magħrufin u konsenjaturi in konto;

h)

kategoriji ta' persuni, oġġetti u inġenji ta' l-ajru li għal raġunijiet oġġettivi għandhom ikunu soġġetti għal proċeduri ta' sigurtà speċjali jew għandhom ikunu eżentati minn skrinjar, kontroll fuq l-aċċess jew kontrolli ta' sigurtà oħrajn.

3.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' l-emenda ta' dan ir-Regolament permezz ta' deċiżjoni skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(3), tistabbilixxi kriterji li jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mill-istandards bażiċi komuni msemmijin fil-paragrafu 1 u jadottaw miżuri ta' sigurtà alternattivi li jipprovdu livell ta' protezzjoni adegwat abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju lokali. Tali miżuri alternattivi għandhom jiġu ġustifikati b'raġunijiet marbutin mad-daqs ta' l-inġenju ta' l-ajru, jew b'raġunijiet marbutin man-natura, l-iskala jew il-frekwenza ta' l-operazzjonijiet jew ta' attivitajiet rilevanti oħrajn.

Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza, il-Kummissjoni tista' tuża l-proċedura ta' urġenza prevista fl-Artikolu 15(4).

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni fit-territorju tagħhom ta' l-istandards bażiċi komuni msemmijin fil-paragrafu 1. Fejn Stat Membru jkollu raġuni biex jemmen li l-livell ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni ġie kompromess minħabba ksur fis-sigurtà, huwa għandu jiżgura li tittieħed azzjoni adegwata u f'waqtha biex tirrettifika dak il-ksur u tiżgura s-sigurtà kontinwa ta' l-avjazzjoni ċivili.

Artikolu 5

Miżuri aktar strinġenti applikati minn Stati Membri

1.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri aktar strinġenti mill-istandards bażiċi komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 4. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jaġixxu abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju u b'konformità mal-liġi Komunitarja. Il-miżuri għandhom ikunu rilevanti, oġġettivi, mhux diskriminatorji u proporzjonati mar-riskju li jkun qed jiġi indirizzat.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar tali miżuri mill-iktar fis possibbli wara l-applikazzjoni tagħhom. Malli tirċievi tali informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tittrasmetti din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħrajn.

3.   L-Istati Membri m'humiex meħtieġa jinfurmaw lill-Kummissjoni jekk il-miżuri konċernati jkunu limitati għal titjira partikolari f'data speċifika.

Artikolu 6

Miżuri ta' sigurtà meħtieġa minn pajjiżi terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim bilaterali li għalih il-Komunità hija parti, Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar miżuri ta' sigurta' meħtieġa minn pajjiż terz jekk dawn ikunu differenti mill-istandards bażiċi komuni kif stabbilit fl-Artikolu 4 fir-rigward ta' titjiriet minn ajruport fi Stat Membru għal, jew minn fuq, dak il-pajjiż terz.

2.   Fuq talba ta' l-Istat Membru konċernat jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni ta' kwalunkwe miżura notifikata taħt il-paragrafu 1 u tista', skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2), tfassal rispons xieraq għall-pajjiż terz konċernat.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma japplikawx jekk:

a)

l-Istat Membru konċernat japplika l-miżuri konċernati skond l-Artikolu 5; jew

b)

il-ħtieġa tal-pajjiż terz hija limitata għal titjira partikolari f'data speċifika.

Artikolu 7

Awtorità adatta

Fejn, fi Stat Membri wieħed, ikun hemm żewġ korpi jew aktar involuti fis-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili, dak l-Istat Membru għandu jinnomina awtorità waħda (minn hawn “il quddiem imsejħa” l-awtorità xierqa) li għandha tkun responsabbli mill-koordinazzjoni u l-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni ta' l-istandards bażiċi komuni msemmijin fl-Artikolu 4.

Artikolu 8

Programm nazzjonali ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili

1.   Kull Stat Membru għandu jfassal, japplika u jżomm programm nazzjonali ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili.

Dak il-programm għandu jiddefinixxi r-responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni ta' l-istandards bażiċi komuni msemmijin fl-Artikolu 4 u għandu jiddeskrivi l-miżuri meħtieġa minn operaturi u entitajiet oħra għal din il-għan.

2.   L-awtorità adatta għandha tagħmel disponibbli bil-miktub fuq bażi ta' “ħtieġa għall-għarfien” il-partijiet adatti tal-programm nazzjonali tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili tagħha għal operaturi u entitajiet li hija tqis li għandhom interess leġittimu.

Artikolu 9

Programm nazzjonali ta' kontroll tal-kwalità

1.   Kull Stat Membru għandu jfassal, japplika u jżomm programm nazzjonali ta' kontroll tal-kwalità.

Dak il-programm għandu jippermetti lill-Istat Membru li jikkontrolla l-kwalità tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili sabiex jimmonitorja l-aderenza kemm ma' dan ir-Regolament kif ukoll mal-programm nazzjonali ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili tiegħu.

2.   L-ispeċifikazzjonijiet għall-programm nazzjonali ta' kontroll tal-kwalità għandhom jiġu adottati permezz ta' l-emenda ta' dan ir-Regolament permezz taż-żieda ta' anness skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(3).

Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza, il-Kummissjoni tista' tuża l-proċedura ta' urġenza prevista fl-Artikolu 15(4).

Il-programm għandu jippermetti l-iskoperta u t-tiswija mgħaġġla tan-nuqqasijiet. Huwa għandu jipprovdi wkoll li l-ajruporti, l-operaturi u l-entitajiet kollha responsabbli mill-implimentazzjoni ta' standards ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni li jinsabu fit-territorju ta' l-Istat Membru konċernat għandhom ikunu monitorjati direttament u regolarment minn, jew taħt is-superviżjoni ta' l-awtorità adatta.

Artikolu 10

Programm ta' sigurtà ta' l-ajruporti

1.   Kull Stat Membru għandu jfassal, japplika u jżomm programm ta' sigurtà ta' l-ajruporti.

Dak il-programm għandu jiddeskrivi l-metodi u l-proċeduri li għandu jsegwi operatur ta' ajruport sabiex jaderixxi kemm ma' dan ir-Regolament kemm mal-programm nazzjonali ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili ta' l-Istat Membru li fih jinsab l-ajruport.

Il-programm għandu jinkludi dispożizzjonijiet interni ta' kontroll tal-kwalità li jiddeskrivu kif l-aderenza ma' dawn il-metodi u l-proċeduri hija mmonitorjata mill-operatur ta' l-ajruport.

2.   Il-programm tas-sigurtà ta' l-ajruport għandu jiġi ppreżentat lill-awtorità adatta, li tista' tieħu azzjoni ulterjuri fejn ikun il-każ.

Artikolu 11

Programm ta' sigurtà ta' kumpannija ta' l-ajru

1.   Kull kumpannija ta' l-ajru għandha tfassal, tapplika u żżomm programm ta' sigurtà tal-kumpannija ta' l-ajru.

Dak il-programm għandu jiddeskrivi l-metodi u l-proċeduri li għandha ssegwi kumpannija ta' l-ajru sabiex taderixxi kemm ma' dan ir-Regolament kif ukoll mal-programm nazzjonali ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili ta' l-Istat Membru li minnu tipprovdi s-servizzi.

Il-programm għandu jinkludi dispożizzjonijiet interni ta' kontroll tal-kwalità li jiddeskrivu kif l-aderenza ma' dawn il-metodi u l-proċeduri hija monitorjata mill-kumpannija ta' l-ajru.

2.   Fuq talba, il-programm tas-sigurtà ta' kumpannija ta' l-ajru għandu jiġi sottomess lill-awtorità adatta, li tista' tieħu azzjoni ulterjuri fejn ikun xieraq.

3.   Fejn programm tas-sigurtà ta' kumpannija ta' l-ajru tal-Komunità jkun ingħata validità mill-awtorità adatta ta' l-Istat Membru li jagħti l-liċenzja biex topera, il-kumpannija ta' l-ajru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra kollha bħala waħda li ssodisfat il-ħtiġiet tal-paragrafu 1. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' Stat Membru li jitlob mingħand kwalunkwe kumpannija ta' l-ajru dettalji dwar l-implimentazzjoni minnha:

(a)

tal-miżuri ta' sigurtà applikati minn dak l-Istat Membru taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5; u/jew

(b)

tal-proċeduri lokali li huma applikabbli fl-ajruporti li hija sservi.

Artikolu 12

Programm tas-sigurtà ta' l-entità

1.   Kull entità li taħt programm nazzjonali tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili msemmi fl-Artikolu 8 hija meħtieġa tapplika standards tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni għandha tfassal, tapplika u żżomm programm ta' sigurtà ta' l-entità'.

Dak il-programm għandu jiddeskrivi l-metodi u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-entità sabiex tkun konformi mal-programm nazzjonali tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili ta' l-Istat Membru fir-rigward ta' l-operazzjonijiet tagħha f'dak l-Istat Membru.

Il-programm għandu jinkludi dispożizzjonijiet interni ta' kontroll tal-kwalità li jiddeskrivu kif l-aderenza ma' dawn il-metodi u l-proċeduri għandha tiġi monitorjata mill-entità.

2.   Malli jintalab, il-programm ta' l-Istat Membru konċernat għandu jiġi ppreżentat lill-awtorità adatta, li tista' tieħu azzjoni ulterjuri fejn ikun il-każ.

Artikolu 13

Spezzjonijiet mill-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni, waqt li taġixxi f'kooperazzjoni ma' l-awtorità adatta ta' l-Istat Membru konċernat, għandha twettaq spezzjonijiet, inklużi spezzjonijiet ta' ajruporti, operaturi u entitajiet li japplikaw standards tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni, sabiex timmonitorja l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-Istati Membri u, kif xieraq, tagħmel rakkomandazzjonijiet biex titjieb is-sigurtà ta' l-avjazzjoni. Għal dan il-fini, l-awtorità adatta għandha tinforma bil-miktub lill-Kummissjoni dwar l-ajruporti kollha fit-territorju tagħha li jservu l-avjazzjoni ċivili minbarra dawk koperti bl-Artikolu 4(3).

Il-proċeduri biex isiru l-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2).

2.   Spezzjonijiet mill-Kummissjoni ta' ajruporti, operaturi u entitajiet li japplikaw standards ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni m'għandhomx jiġu mħabbrin. Il-Kummissjoni għandha, sew minn qabel ispezzjoni, tinforma lill-Istat Membru konċernat dwarha.

3.   Kull rapport ta' spezzjoni mill-Kummissjoni għandu jiġi kkomunikat lill-awtorità adatta ta' l-Istat Membru konċernat, li għandu, fit-tweġiba tiegħu, jindika l-miżuri meħuda għar-rimedju ta' kwalunkwe defiċjenza identifikata.

Ir-rapport, flimkien mat-tweġiba ta' l-awtorità adatta, sussegwentement għandu jiġi komunikat lill-awtoritajiet adatti ta' l-Istati Membri l-oħra kollha.

Artikolu 14

Tixrid ta' informazzjoni

Id-dokumenti li ġejjin għandhom jitqiesu bħala “dokumenti klassifikati ta' l-UE” għall-finijiet tad-Deċiżjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom, u m'għandhomx jitqiegħdu għad-disponibbiltà tal-pubbliku:

(a)

miżuri u proċeduri kif imsemmijin fl-Artikolu 4(2), 4(3), 5(1) u 6(1), jekk ikun fihom informazzjoni ta' sigurtà sensittiva;

(b)

rapporti ta' spezzjoni mill-Kummissjoni u risposti ta' l-awtoritajiet nazzjonali, kif jissemma fl-Artikolu 14(3).

Artikolu 15

Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn Kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahar.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1) (2) u (6), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 16

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad- dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali jridu jkunu effettivi, propozjonati u disswasivi.

Artikolu 17

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 huwa b' dan imħassar.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn … (7), ħlief għall-Artikoli 4(2), 4(3), 9 (2), 13(1) u 15, li għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Mill-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 185, 8.8.2006, p. 17.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-15 ta' Ġunju 2006 (għada mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2006 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għada mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 849/2004 (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 1).

(4)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. Deċiżjoni hekk kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/548/KE, Euratom (ĠU L 215, 5.8.2006, p. 38).

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni hekk kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(6)  ĠU L 240, 24.8.1992, p. 1.

(7)  Sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.


ANNESS

STANDARDS BAŻIĊI KOMUNI (ARTIKOLU 4)

1.   SIGURTÀ TA' L-AJRUPORT

1.1   Ħtiġiet ta' l-ippjanar ta' ajruport

1.

Meta jiġu ddisinjati u mibnija faċilitajiet ġodda ta' ajruport jew isir tibdil fil-faċilitajiet eżistenti ta' ajruport, għandu jittieħed kont sħiħ tal-ħtiġiet għall-implimentazzjoni ta' l-istandards bażiċi komuni stabbiliti f'dan l-Anness u ta' l-atti implimentattivi tiegħu.

2.

Fl-ajruporti, għandhom jiġu stabbiliti ż-żoni li ġejjin:

(a)

iż-żona ta' l-art (landside);

(b)

iż-żona ta' l-ajru (airside);

(ċ)

żoni ta' sigurtà ristretta; u

(d)

partijiet kritiċi ta' żoni ta' sigurtà ristretta.

1.2   Kontroll fuq l-Aċċess

1.

Aċċess għaż-żona ta' l-ajru għandu jkun ristrett sabiex id-dħul minn persuni u vetturi mhux awtorizzati f'dawn l-inħawi jiġi prevenut.

2.

L-aċċess għal żoni ristretti ta' sigurtà għandu jkun kontrollat sabiex persuni u vetturi mhux awtorizzati ma jidħlux f'dawn iż-żoni.

3.

Persuni u vetturi jistgħu biss jingħataw aċċess għan-naħa ta' l-ajru u żoni ristretti ta' sigurtà jekk ikunu jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta' sigurtà meħtieġa.

4.

Persuni, inklużi membri ta' l-ekwipaġġ tat-titjira, għandhom ikunu temmew kontroll tal-kondotta qabel ma tinħarġilhom karta ta' l-identità ta' l-ekwipaġġ jew karta ta' l-identità ta' l-ajruport li tawtorizza aċċess bla skorta għal żoni ta' sigurtà ristretta.

1.3   Skrinjar ta' persuni minbarra passiġġieri u oġġetti

1.

Persuni minbarra passiġġieri, flimkien ma' l-oġġetti li jġorru, għandhom jiġu skrinjati fuq bażi kontinwa aleatorja meta jidħlu fiż-żoni ristretti ta' sigurtà sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jidħlu f'dawn iż-żoni.

2.

Il-persuni kollha minbarra passiġġieri, flimkien ma' l-oġġetti li jġorru, għandhom jiġu skrinjati meta jidħlu fil-partijiet kritiċi taż-żoni ristretti ta' sigurtà sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jidħlu f'dawn iż-żoni.

1.4   Eżami tal-vetturi

Vetturi li jidħlu f'żona ristretta ta' sigurtà għandhom jiġu eżaminati sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jidħlu f'dawn iż-żoni.

1.5   Sorveljanza, ronda u kontrolli fiżiċi oħra

Għandu jkun hemm sorveljanza, rondi u kontrolli fiżiċi oħrajn f'ajruporti u, fejn xieraq, fiż-żoni kollha biswit b'aċċess pubbliku, sabiex tiġi identifikata mġieba suspettuża ta' persuni, jiġu identifikati vulnerabbiltajiet li jistgħu jiġu sfruttati biex jitwettaq att ta' interferenza illegali u sabiex jinżammu lura persuni mit-twettiq ta' tali atti.

2.   ŻONI DEMARKATI TA' L-AJRUPORTI

Inġenji ta' l-ajru pparkjati f'żoni demarkati ta' ajruporti li għalihom japplikaw il-miżuri alternattivi msemmijin fl-Artikolu 4(3), għandhom ikunu separati minn inġenji ta' l-ajru li għalihom japplikaw bis-sħiħ l-istandards bażiċi komuni, sabiex jiġi żgurat li l-istandards ta' sigurtà applikati għal inġenji ta' l-ajru, passiġġieri, bagalji, merkanzija u posta ta' dawn ta' l-aħħar ma jiġux kompromessi.

3.   SIGURTÀ TA' L-INĠENJI TA' L-AJRU

1.

Qabel it-tluq, inġenju ta' l-ajru għandu jiġi soġġett għal kontroll jew tfittxija ta' sigurtà ta' inġenji ta' l-ajru sabiex jiġi żgurat li l-ebda oġġett iprojbit ma jkun preżenti abbord. Inġenju ta' l-ajru fi transitu jista' jiġi soġġett għal miżuri oħra xierqa.

2.

Kull inġenju ta' l-ajru għandu jiġi protett minn interferenza mhux awtorizzata.

4.   PASSIĠĠIERI U BAGALJI TAL-KABINI

4.1   Skrinjar ta' passiġġieri u bagalji tal-kabina

1.

Il-passiġġieri kollha ta' oriġini, ta' trasferiment u ta' transitu u l-bagalji tal-kabina tagħhom għandhom jiġu skrinjati sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jiddaħħlu f'żoni ristretti ta' sigurtà u abbord inġenji ta' l-ajru.

2.

Passiġġieri ta' trasferiment u l-bagalji tal-kabina tagħhom jistgħu jiġu eżentati minn skrinjar, jekk:

(a)

jaslu minn Stat Membru, dment li l-Kummissjoni jew dak l-Istat Membru ma jkunux ipprovdew informazzjoni li dawk il-passiġġieri u l-bagalji tal-kabina tagħhom ma jistgħux jitqiesu bħala li jkunu ġew skrinjati skond l-istandards komuni bażiċi; jew

(b)

jaslu minn pajjiż terz fejn l-istandards ta' sigurtà applikati huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-istandards komuni bażiċi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2).

3.

Passiġġieri fi transitu u l-bagalji tal-kabina tagħhom jistgħu jiġu eżentati minn skrinjar, jekk:

(a)

jibqgħu abbord l-inġenju ta' l-ajru; jew

(b)

ma jitħalltux ma' passiġġieri li se jitilqu li jkunu diġà ġew skrinjati minbarra dawk li jitilgħu fuq l-istess inġenju ta' l-ajru; jew

(ċ)

jaslu minn Stat Membru, sakemm il-Kummissjoni jew dak l-Istat Membru ma jkunux ipprovdew informazzjoni li dawk il-passiġġieri u l-bagalji tal-kabina tagħhom ma jistgħux jitqiesu bħala li jkunu ġew skrinjati skond l-istandards bażiċi komuni; jew

(d)

jaslu minn pajjiż terz fejn l-istandards ta' sigurtà applikati huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-istandards komuni bażiċi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2).

4.2   Protezzjoni tal-passiġġieri u tal-bagalji tal-kabina

1.

Il-passiġġieri u l-bagalji tal-kabina tagħhom għandhom jiġu protetti minn interferenzi mhux awtorizzati mill-punt li fih jiġu skrinjati sat-tluq ta' l-inġenju ta' l-ajru li fuqu jinġarru.

2.

Passiġġieri għat-tluq li jkunu ġew skrinjati m'għandhomx jitħalltu ma' passiġġieri li jkunu qed jaslu, dment li:

(a)

il-passiġġieri ma jaslux minn Stat Membru, dment li l-Kummissjoni, jew dak l-Istat Membru, ma jkunux ipprovdew informazzjoni li dawk il-passiġġieri li qed jaslu u l-bagalji tal-kabina tagħhom ma jistgħux jitqiesu bħala li ġew skrinjati skond l-istandards bażiċi komuni; jew

(b)

il-passiġġieri jaslu minn pajjiż terz fejn l-istandards ta' sigurtà applikati huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-istandards komuni bażiċi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2).

4.3   Passiġġieri potenzjalment problematiċi

Qabel it-tluq passiġġieri potenzjalment problematiċi għandhom jiġu soġġetti għal miżuri ta' sigurtà adatti.

5.   BAGALJI TA' L-ISTIVA

5.1   Skrinjar tal-bagalji ta' l-istiva

1.

Il-bagalji kollha ta' l-istiva għandhom jiġu skrinjati qabel ma jiġu mgħobbija fuq inġenju ta' l-ajru sabiex l-introduzzjoni ta' oġġetti projbiti f'żoni ta' sigurtà ristretta u abbord inġenju ta' l-ajru tiġi prevenuta.

2.

Bagali ta' l-istiva fi trasferiment jistgħu jiġu eżentati minn skrinjar, jekk:

(a)

jaslu minn Stat Membru, sakemm il-Kummissjoni jew dak l-Istat Membru ma provdewx informazzjoni li dawk il-bagalji ta' l-istiva ma jistgħux jitqiesu bħala mgħoddija mill-kontrolli tekniċi ta' sigurtà bl-istandards komuni; jew

(b)

jaslu minn pajjiż terz fejn l-istandards ta' sigurtà applikati huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-istandards komuni bażiċi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2).

3.

Bagalji ta' l-istiva fi transitu jistgħu jiġu eżentati minn skrinjar jekk jibqgħu abbord l-inġenju ta' l-ajru.

5.2   Protezzjoni tal-bagalji ta' l-istiva

Bagalji ta' l-istiva li għandhom jinġarru fuq inġenju ta' l-ajru għandhom jiġu protetti minn interferenza mhux awtorizzata mill-punt li fih jiġu skrinjati jew li ġew aċċettati fil-kura tal-kumpannija ta' l-ajru, skond liema jiġi l-ewwel, sat-tluq ta' l-inġenju ta' l-ajru li fuqu għandhom jinġarru.

5.3   Tqabbil tal-bagalji

1.

Kull biċċa tal-bagalja fl-istiva għandha tiġi identifikata bħala akkumpanjata jew mhux akkumpanjata.

2.

Bagalji ta' l-istiva mhux akkumpanjati m'għandhomx jinġarru, sakemm dawk il-bagalji jew ikunu ġew separati minħabba fatturi li jmorru lil hinn mill-kontroll tal-passiġġier, jew ikunu ġew suġġetti għal kontrolli addizzjonali ta' sigurtà.

6.   MERKANZIJA U POSTA

6.1   Kontrolli ta' sigurtà għal merkanzija u posta

1.

Il-merkanzija u l-posta kollha għandhom jiġu soġġetti għal kontrolli ta' sigurtà qabel ma jiġu mgħobbijin fuq inġenju ta' l-ajru. Kumpannija ta' l-ajru ma għandhiex taċċetta merkanzija jew posta għall-ġarr fuq inġenju ta' l-ajru dment li ma tkunx applikat dawk il-kontrolli hija nnnifisha jew l-applikazzjoni tagħhom ma tkunx ġiet ikkonfermata jew ikun ingħata kont tagħha minn aġent regolat, kunsinnatarju magħruf jew kunsinnatarju in konto.

2.

Merkanzija fi trasferiment u posta fi trasferiment jistgħu jiġu soġġetti għal kontrolli ta' sigurtà alternattivi hekk kif dettaljati f'att implimentattiv.

3.

Merkanzija fi transitu u posta fi transitu jistgħu jiġu eżenti minn kontrolli ta' sigurtà jekk jibqgħu abbord l-inġenju ta' l-ajru.

6.2   Protezzjoni ta' merkanzija u posta

1.

Merkanzija u posta li għandhom jinġarru fuq inġenju ta' l-ajru għandhom jiġu protetti minn interferenza mhux awtorizzata mill-punt minn fejn jiġu applikati kontrolli ta' sigurtà sat-tluq ta' l-inġenju ta' l-ajru li jinġarru fuqu.

2.

Merkanzija u posta li m'humiex protetti adegwatament minn interferenza mhux awtorizzata wara li jkunu ġew applikati kontrolli ta' sigurtà għandhom jiġu skrinjati.

7.   POSTA U MATERJALI TAL-KUMPANNIJI TA' L-AJRU

Posta u materjali tal-kumpanniji ta' l-ajru għandhom jiġu soġġetti għal kontrolli ta' sigurtà u wara dan protetti sakemm jitgħabbew fuq l-inġenju ta' l-ajru sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jittellgħu fuq inġenju ta' l-ajru.

8.   PROVVISTI GĦAT-TITJIRA

Provvisti għat-titjira, inkluż l-ikel u x-xorb, maħsubin għall-ġarr jew l-użu abbord inġenju ta' l-ajru għandhom jiġu soġġetti għal kontrolli ta' sigurtà u wara dan protetti sakemm jittellgħu fuq l-inġenju ta' l-ajru sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jittellgħu fuq inġenju ta' l-ajru.

9.   PROVVISTI TA' L-AJRUPORT

Provvisti maħsubin għall-bejgħ jew l-użu f'żoni ristretti ta' sigurtà ta' l-ajruporti, inklużi l-provvisti għall-ħwienet tal-bejgħ mingħajr dazju u r-ristoranti, għandhom jiġu soġġetti għal kontrolli ta' sigurtà sabiex oġġetti projbiti ma jitħallewx jidħlu f'dawn iż-żoni.

10.   MIŻURI TA' SIGURTÀ MATUL TITJIRA

1.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni applikabbli:

(a)

persuni mhux awtorizzati ma għandhomx jitħallew jidħlu fil-kompartiment ta' l-ekwipaġġ tat-titjira matul titjira;

(b)

passiġġiera potenzjalment problematiċi għandhom ikunu soġġetti għall-miżuri ta' sigurtà adatti matul titjira.

2.

Għandhom jittieħdu miżuri ta' sigurtà adatti bħal taħriġ ta' l-ekwipaġġ tat-titjira u l-persunal tal-kabina biex atti ta' interferenza illegali jiġu prevenuti matul titjira.

3.

Ma għandhomx jinġarru armamenti fil-kabina jew fil-kompartiment ta' l-ekwipaġġ tat-titjira ta' inġenju ta' l-ajru, dment li ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni mill-Istati involuti skond il-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

4.

Il-paragrafu 3 għandu japplika wkoll għal uffiċjali ta' sigurtà ta' matul it-titjira jekk dawn iġorru armamenti.

11.   REKLUTAĠĠ U TAĦRIĠ TAL-PERSUNAL

1.

Persuni li jimplimentaw, jew li huma responsabbli għall-implimentazzjoni, l-iskrinjar, il-kontroll fuq l-aċċess jew għal kontrolli ta' sigurtà oħra għandhom jiġi reklutati, imħarrġin u, fejn xieraq, iċċertifikati sabiex jiġi żgurat li huma adegwati għall-impjieg u kompetenti biex iwettqu d-dmirijiet li jiġu assenjati għalihom.

2.

Persuni minbarra passiġġieri, li jeħtieġu aċċess għal żoni ristretti ta' sigurtà għandhom jingħataw taħriġ fil-qasam tas-sigurtà, qabel tinħarġilhom jew karta ta' l-identifikazzjoni ta' l-ajruport jew karta ta' l-identifikazzjoni ta' l-ekwipaġġ.

3.

It-taħriġ kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jsir fuq bażi inizjali u rikorrenti.

4.

L-istrutturi li jieħdu ħsieb it-taħriġ tal-persuni msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikollom il-kwalifiki meħtieġa.

12.   TAGĦMIR TA' SIGURTÀ

Tagħmir użat għall-iskrinjar, il-kontroll ta' l-aċċess u kontrolli ta' sigurtà oħra għandu jkun kapaċi jwettaq il-kontrolli ta' sigurtà konċernati.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

F'Settembru 2005 l-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament tal-Kunsill li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili (1). Dak ir-Regolament, li kien ġie abbozzat u adottat bi tweġiba għall-attakki terroristiċi tal-11 ta' Settembru 2001 fl-Istati Uniti, ilu fis-seħħ minn Jannar 2003. Is-sostituzzjoni tar-Regolament Nru 2320/2002 b'test ġdid hija kkunsidrata meħtieġa minħabba li l-applikazzjoni tiegħu ħolqot numru ta' problemi ta' implimentazzjoni.

Fil-15 ta' Ġunju 2006, il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari, li fiha 85 emenda.

Il-Kunsill eżamina serjament il-possibbiltà li jintlaħaq ftehim mal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari dwar it-test ta' l-abbozz tar-Regolament. Waqt il-kuntatti informali mar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, deher madankollu li l-kwistjoni tal-finanzjament tal-miżuri ta' sigurtà kien ser ikollha tiġi studjata aktar bir-reqqa sabiex jintlaħaq test li seta' jkun aċċettabbli għall-partijiet kollha. Il-Kunsill għalhekk iddeċieda li jadotta pożizzjoni komuni, b'kont meħud kemm jista' jkun possibbli ta' l-emendi mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari, u li jfittex ftehim mal-Parlament Ewropew fi stadju aktar tard.

Wara reviżjoni tat-test sħiħ mill-ġuristi lingwisti, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu fil-11 ta' Diċembru 2006. Bl-adozzjoni ta' din il-pożizzjoni, il-Kunsill ħa nota b'mod xieraq ta' l-opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari, filwaqt li aċċetta 46 emenda.

Il-Kunsill ħa wkoll nota ta' l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

II.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

Il-Kunsill seta' jaqbel dwar il-linji ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni. Madankollu, fuq xi punti, il-Kunsill iddeċieda li jimmodifika t-test, ġeneralment sabiex jagħmlu aktar ċar, aktar sempliċi u eħfef biex jiftiehem.

Il-bidliet l-aktar sinifikanti li saru mill-Kunsill għall-proposta tal-Kummissjoni kienu fiż-żewġ oqsma li huma identifikati hawn isfel:

L-ewwel, fir-rigward tal-komitoloġija, il-Kunsill ħa kont tar-regoli ġodda li kienu adottati mill-Kunsill f'Lulju 2006 (2). Il-proċedura regolatorja bi skrutinju ġdida introdotta b'dawn ir-regoli ġodda, li tagħti poteri akbar lill-Parlament Ewropew, hi prevista fl-Artikoli 4(3) u 9(2) ta' l-abbozz tar-Regolament. L-Artikolu 4(3) jirrigwarda l-kriterji li taħthom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-istandards ġenerali għal ajruporti żgħar jew inġenji ta' l-ajru żgħar. L-Artikolu 9(2) jispeċifika l-istandards applikabbli għall-programmi nazzjonali tal-kontroll tal-kwalità ta' l-Istati Membri.

It-tieni, l-Artikolu 5(2) jippermetti lill-Istati Membri japplikaw miżuri nazzjonali aktar stretti minn dawk li jinsabu fir-Regolament. Minħabba l-kwistjonijiet involuti, il-gravità tad-theddid divers għas-sigurtà u ċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu malajr dwar dan it-theddid, il-Kunsill kien tal-fehma li l-Istati Membri għandu jkollhom marġini suffiċjenti ta' manuvrar sabiex jimponu kwalunkwe miżura addizzjonali jew speċjali li huma jqisu meħtieġa. Tali miżuri, fil-fehma tal-Kunsill, m'għandhomx jeħtieġu ġustifikazzjoni speċjali fil-livell Komunitarju.

Fir-rigward ta' l-emendi proposti mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill seta' jaċċetta, b'mod intier jew parzjali, is-46 emenda li ġejjin:

2, 4, 5, 7, 8, 11, 12, 15, 17, 18, 20, 21, 23-30, 33, 34, 37, 40, 45-49, 51, 53-58, 65-68, 73, 77-79, 82 u 84.

Madankollu, il-Kunsill ma setax jaċċetta numru ta' emendi oħrajn. L-emendi prinċipali fost dawn huma 3, 35, 43 u 44 dwar il-finanzjament ta' l-arranġamenti għas-sigurtà taħt ir-Regolament. Il-Kunsill isostni li mhux xieraq li regolament tekniku bħal dan preżenti jkun fih ħtiġiet jew obbligi dwar finanzjament. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jgħid li tali kwistjonijiet jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali.

Numru ta' emendi oħrajn ma ġewx aċċettati, jew ma ġewx aċċettati parzjalment, peress li estendew il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament lil hinn mill-objettivi ta' sigurtà li huwa ġie ddisinjat biex jilħaq. Dan huwa l-każ b'mod partikolari għall-emendi 6, 9, 19, 36, 45, 57, 80 u 85. L-emendi 1, 10, 13, 14, 16, 18, 22, 31, 32, 33, 50, 52, 60, 63, 72 u 74 ma ġewx aċċettati, b'mod intier jew parzjali, minħabba li huma kienu jikkontradixxu partijiet oħrajn ta' l-abbozz tar-Regolament, ma żiedu ebda sinifikat sostantiv għat-test, jew ma kinux konformi mat-terminoloġija aċċettata dwar is-sigurtà ta' l-avjazzjoni. Finalment, l-emendi 20, 21, 38, 39, 41, 42, 59, 61, 62, 64, 69, 70, 71, 75, 76 u 83 ma ġewx aċċettati, b'mod intier jew parzjali, peress li l-Kunsill hu tal-fehma li jew fihom livell għoli wisq ta' dettall għal Regolament ta' din ix-xorta jew huma inkompatibbli ma' l-arranġamenti istituzzjonali Komunitarji jew fihom dispożizzjonijiet li juru li ma jkunx prattikabbli li jiġu implimentati, kemm mill-Istati Membri jew mill-operaturi ekonomiċi konċernati.

III.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill jikkunsidra li t-test tal-pożizzjoni komuni tiegħu huwa xieraq u bbilanċjat. Il-Kunsill hu tal-fehma li l-pożizzjoni komuni tirrifletti l-għanijiet tal-biċċa l-kbira ta' l-emendi tal-Parlament.

Il-Kunsill jixtieq jenfasizza l-isforz kbir li sar biex jinkiseb qbil minn kmieni dwar dan ir-Regolament u hu fiduċjuż li l-pożizzjoni komuni tippermetti l-adozzjoni bikrija tal-leġislazzjoni fi żmien debitu.


(1)  ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1. Regolament hekk kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 849/2004 (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 1).

(2)  ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11.