ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 49
17 ta' Ottubru 2006


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Tagħrif

 

Kunsill

2006/C /1

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 13/2006 adottata mill-Kunsill fl-24 ta' Lulju 2006 bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' appoġġ lis-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007)

1

2006/C /2

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 14/2006 adottata mill Kunsill fl-24 ta' Lulju 2006 bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-progamm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-perjodu 2007-2013

20

2006/C /3

Pożizzjoni Komuni adottata (KE) Nru 15/2006 adottata mill-Kunsill fl-24 ta' Lulju 2006 bi qbil mal-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja

37

 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea fil-ĠU C 251 E.

MT

 


I Tagħrif

Kunsill

17.10.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/1


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) NRU 13/2006

adottata mill-Kunsill fl-24 ta' Lulju 2006

bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni Nru …/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-… dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' appoġġ lis-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007)

(2006/C 251 E/01)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 150(4) u 157(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Is-settur awdjoviżiv Ewropew għandu rwol fundamentali x' jilgħab fir-realizzar taċ-ċittadinanza Ewropea għax jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi prinċipali li jwasslu l-valuri komuni u kondiviżi fundamentali, soċjali u kulturali ta' l-Unjoni lill-Ewropej, u b'mod speċjali liż-żgħażagħ. L-appoġġ Komunitarju huwa maħsub biex jippermetti lis-settur awdjoviżiv Ewropew biex jippromwovi djalogu interkulturali, iżid l-għarfien reċiproku fost il-kulturi Ewropej u jiżviluppa l-politika, il-kultura, il-potenzjal soċjali u ekonomiku tagħha, li jikkostitwixxi valur addizzjonali ġenwin fil-kompitu li ċ-ċittadinanza Ewropea ssir realtà. Tali appoġġ għandu l-għan li jsaħħaħ il-kompetittività u, b'mod partikolari, li jżid is-sehem fis-suq fl-Ewropa ta' xogħoljiet Ewropej mhux nazzjonali.

(2)

Hu wkoll meħtieġ li tiġi promossa ċittadinanza attiva u li jsir iżjed ħidma sabiex jiġi żgurat ir-rispett għall-prinċipju tad-dinjità umana, tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u tiġi miġġielda kull forma ta' diskriminazzjoni u esklużjoni, inklużi r-razziżmu u l-ksenofobija.

(3)

L-azzjonijiet kollha adottati taħt dan il-programm għandhom ikunu kompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 11 tagħha dwar il-libertà ta' l-espressjoni u l-pluraliżmu fil-medja.

(4)

L-Artikolu 22 tal-Karta msemmija tgħid li l-Unjoni għandha tirrispetta d-diversità kulturali u lingwistika. Għaldaqstant jeħtieġ li tingħata attenzjoni għall-bżonnijiet speċifiċi ta' l-Istati Membri ż-żgħar ta' l-Unjoni u dawk b'aktar minn żona lingwistika waħda.

(5)

L-appoġġ Komunitarju lis-settur awdjoviżiv jieħu kont ta' l-Artikolu 151 tat-Trattat.

(6)

L-appoġġ Komunitarju lis-settur awdjoviżiv huwa wkoll konformi ma' l-għan strateġiku l-ġdid definit għall-Unjoni mill-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u 24 ta' Marzu 2000, jiġifieri li tingħata spinta lit-taħriġ, l-impjieg, ir-riforma ekonomika u l-koeżjoni soċjali fil-qafas ta' ekonomija bbażata fuq l-għarfien. Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-industriji tal-kontenut joħolqu l-valur miżjud meta jisfruttaw u joħolqu networks għad-diversità kulturali Ewropea. Dan l-approċċ ġie kkonfermat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Brussel ta' l-20 u l-21 ta' Marzu.

(7)

L-appoġġ Komunitarju lis-settur awdjoviżiv huwa bbażat fuq l-esperjenza konsiderevoli miksuba fil-programmi MEDIA I, MEDIA II, MEDIA Plus u MEDIA — Programmi ta' taħriġ (4), li għenu lill-industrija awdjoviżiva Ewropea tiżviluppa sa mill-1991, hekk kif joħroġ ċar mill-evalwazzjoni tal-programmi msemmija hawn fuq.

(8)

Ir-riżultati miksuba wrew li l-azzjoni Komunitarja għandha tikkonċentra l-aktar fuq:

il-fażi ta' qabel il-produzzjoni awdjoviżiva, fuq l-iżvilupp tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u fuq il-kisba u t-titjib tal-kompetenzi fil-qasam awdjoviżiv, b'dan ta' l-aħħar jkollu jitqies bħala parti integrali mill-proċess tal-pre-produzzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi;

il-fażi ta' wara l-produzzjoni awdjoviżiva, id-distribuzzjoni, il-wiri fiċ-ċinema u l-promozzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej.

id-diġitalizzazzjoni li tagħti kontribut deċiżiv sabiex issaħħaħ is-settur awdjoviżivu li għandha tkun fattur ċentrali tal-MEDIA 2007. L-appoġġ għas-servizzi diġitali u l-katalogi Ewropej għandu jkunu wieħed mill-prijoritajiet tal-programm sabiex tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq awdjoviżiv Ewropew.

(9)

Il-programm MEDIA għandu jħeġġeġ lill-awturi (kittieba ta' l-iskripts u diretturi) fil-proċess kreattiv u jħeġġiġhom sabiex jiżviluppaw u jadottaw tekniki ġodda u kreattivi li jsaħħu l-kapaċità innovattiva tas-settur awdjoviżiv Ewropew.

(10)

Hemm iżjed minn pjattaforma waħda ta' diġitalizzazzjoni fil-projezzjoni tal-films, skond l-użu, l-utenti u l-bżonnijiet differenti. Proġetti pilota tal-programm MEDIA għandhom iservu ta' prova għal żviluppi futuri fis-settur awdjoviżiv.

(11)

L-azzjoni preparatorja “Tkabbir u Awdjoviżiv: i2i Awdjoviżiv”, li jissuplimenta l-programmi MEDIA Plus u MEDIA Taħriġ, immarka stadju ulterjuri fl-implimentazzjoni tal-politika ta' l-appoġġ Komunitarju lis-settur awdjoviżiv. Kienet speċifikament intenzjonata biex tipprovdi rimedju għall-problemi ta' l-aċċess għall-finanzjament ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) f'dan is-settur. L-evalwazzjoni ta' “Tkabbir u Awdjoviżiv: i2i Awdjoviżiv” ikkonfermat li din tissodisfa l-bżonnijiet tas-settur u kkonfermat il-bżonn li tkun segwita azzjoni Kominitarja f'dan is-sens iżda li għandha tkun aktar abbinata mill-qrib mal-bżonnijiet speċifiċi tas-settur.

(12)

Is-settur awdjoviżiv Ewropew hu karatterizzat bil-potenzjal konsiderevoli għall-iżvilupp, innovazzjoni u dinaminżmu, bil-frammentazzjoni tas-suq minħabba d-diversità kulturali u lingwistika u, konsegwentament, b'numru kbir ta'SMEs, żgħir jew żgħir ħafna b' sotto kapitalizzazzjoni kronika. Għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni ta' l-appoġġ Komunitarju, għandu jittieħed kont tan-natura speċifika tas-settur awdjoviżiv u għandu jiġi żgurat li l-proċeduri amministrattivi u finanzjarji rigward l-ammont ta' appoġġ ikunu strettament simplifikati kemm jista' jkun u addattati għall-għanijiet mixtieqa u għall-prattiċi u l-ħtiġijiet tas-settur.

(13)

Madwar l-UE ostakolu maġġuri wieħed għall-kompetizzjoni huwa nuqqas kważi komplet ta' kumpaniji li jispeċjalizzaw f'li jipprovdu self finanzjarju lis-settur awdjoviżiv.

(14)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jirrevedu l-appoġġ tagħhom lis-settur awdjoviżiv, b'mod partikolari r-riżultati ta' l-azzjoni preparatorja “Tkabbir u Awdjoviżiv: i2i Awdjoviżiv”, biex jistabbilixxu sa fejn appoġġ futur jista' jissimplifika l-iżvilupp ta' offerti speċjalizzati għall-SMEs f'termini ta' self finanzjarju.

(15)

Is-sistemi ta' finanzjament ta' self ġew żviluppati fl-Istati Membri sabiex jippromwovu proġetti nazzjonali awdjoviżivi u sabiex jimmobilizzaw kapital privat għandhom jiġu eżaminati biex jiġi determinat kif tali kapital jista' jintgħamel disponibbli għal proġetti Ewropej mhux nazzjonali

(16)

Żieda fit-trasparenza u fid-disseminazzjoni ta' l-informazzjoni dwar is-suq awdjoviżiv Ewropew jista' jagħmel lill-operaturi fis-settur, u b'mod speċjali lill-SMEs, aktar kompetittivi. Din tista' tħeġġeġ il-kunfidenza ta' l-investituri privati billi ttejjeb il-konoxxenza tal-potenzjal ta' l-industrija. Din tagħmilha aktar faċli li l-azzjoni Komunitarja tiġi evalwata u segwita. Il-parteċipazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fl-Osservatorju Ewropew tal-Mezzi Awdjoviżivi għandha tgħin biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

(17)

F' Komunita' ta' 25 Stat Membru l-kooperazzjoni qiegħda iżjed issir risposta strateġika biex issaħħaħ il-kompettittività ta' l-industrija tal-films Ewropea. Għaldaqstant hemm il-bżonn ta' appoġġ ikbar għall-proġetti għan-networks mifruxin madwar l-UE f'kull livell tal-programm MEDIA — taħriġ, żvilupp, distribuzzjoni u promozzjoni. Dan japplika b'mod partikolari għall-kooperazzjoni ma' atturi mill-Istati Membri li ngħaqqdu ma' l-Unjoni Ewropea wara t-30 t' April 2004. Irid jiġi enfasizzat li kull strateġija għall-kooperazzjoni bejn l-atturi fis-settur awdjoviżiv għandha tikkonforma mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Komunita'.

(18)

Appoġġ pubbliku għaċ-ċinema fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali Ewropew huwa essenzjali sabiex jintegħlbu d-diffikultajiet strutturali tas-settur u sabiex l-industrija awdjoviżiva Ewropea tkun tista' tilqa' l-isfida tal-globalizzazzjoni.

(19)

Il-pajjiżi kandidati fl-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ta' l-EFTA li huma parti għall-Ftehim ŻEE huma rikonoxxuti bħala parteċipanti potenzjali fil-programmi Komunitarji skond il-ftehim konklużi ma' dawn il-pajjiżi.

(20)

Il-kooperazzjoni bejn il-MEDIA u l-Eurimages trid tissaħħaħ, iżda mingħajr ma dan iwassal għal integrazzjoni fi kwistjonijiet finanzjarji u amministrattivi.

(21)

Il-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 adotta “L-aġenda għall-Balkani tal-Punent: Mixjin lejn l-integrazzjoni Ewropea”, li tipprevedi li l-programmi Komunitarji għandhom ikunu miftuħa għall-pajjiżi fil-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni abbażi ta' ftehmiet kwadri li għandhom ikunu ffirmati bejn il-Komunità u dawn il-pajjiżi.

(22)

Il-pajjiżi l-oħra Ewropej li huma parti għall-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar it-Televiżjoni Transkonfini jagħmlu parti integrali mill-ispazju awdjoviżiv Ewropew u għandhom għaldaqtant ikunu jistgħu, jekk jixtiequ u b'kont meħud tal-konsiderazzjonijiet jew prijoritajiet tal-budget ta' l-industriji awdjoviżivi tagħhom, jieħdu sehem fil-programm jew jibbenefikaw minn forma ta' kooperazzjoni iktar limitata abbażi ta' l-approprjazzjonijiet supplimentari jew ta' arranġamenti speċifiċi skond kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim bejn il-partijiet konċernati.

(23)

Il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi mhux Ewropej żviluppata abbażi ta' interessi reċiproċi u ekwilibrati tista' toħloq żieda fil-valur għall-industrija awdjoviżiva Ewropea f'termini tal-promozzjoni, l-aċċess għas-suq, id-distribuzzjoni, id-disseminazzjoni u l-wiri tax-xogħlijiet Ewropej f'dawk il-pajjiżi. Kooperazzjoni bħal din għandha tkun żviluppata abbażi ta' approprjazzjonijiet supplimentari u ta' modalitajiet speċifiċi li għandhom jiġu miftiehma mal-partijiet konċernati.

(24)

Għandhom jiġu Implimentati miżuri xierqa sabiex jiġu evitati l-irregolaritajiet u l-frodi u jiġu rkuprati l-fondi mitlufa jew trasferiti jew użati mhux kif xieraq.

(25)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi pakkett finanzjarju għat-tul kollu tal-programm li huwa ta' referenza prinċipali fit-tifsira ta' punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-budget u t-tmexxija finanzjarja tajba (5), għall-awtorita buġetarja matul il-proċedura buġetarja annwali.

(26)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KEE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' l-implimentazzjoni tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni (6).

(27)

L-arranġamenti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' l-azzjonijiet għandhom jinkludu rapporti annwali dettaljati kif ukoll, objettivi u indikaturi speċifiċi, miżurabbli, li jistgħu jintlaħqu, rilevanti u marbuta bi żmien.

(28)

Hemm bżonn li jkunu previsti miżuri li jirregolaw it-transizzjoni mill-programmi ta' taħriġ MEDIA Plus u MEDIA u l-programm stabbilit b'din id-Deċiżjoni.

(29)

Peress li l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jintlaħqu b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u jistgħu, għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti ta' l-azzjoni jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

OBJETTIVI GLOBALI U TAL-BUDGET

Artikolu 1

Objettivi globali u prijoritajiet tal-programm

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm ta' appoġġ għas-settur awdjoviżiv Ewropew, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“programm”, għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

2.   Is-settur awdjoviżiv hu mezz essenzjali biex jitwasslu u jkunu żviluppati l-valuri kulturali Ewropej u għall-kreazzjoni ta' impjiegi li huma ta' sengħa kbira orjentati lejn il-futur. Il-kreattività tiegħu hu fattur pożittiv għall-kompettittività u l-appell kulturali mal-pubbliku. Il-programm għandu l-għan li jsaħħaħ ekonomikament is-settur awdjoviżiv sabiex jippermettilu jwettaq ir-rwoli kulturali tiegħu aktar b'mod effiċjenti billi jiżviluppa industrija b'kontenut qawwi u diversifikat u wirt għani u aċċessibbli u biex iżid valur għall-appoġġ nazzjonali.

L-objettivi globali tal-programm huma:

(a)

li jippreservaw u isaħħu d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u l-patrimonju ċinematografiku u awdjoviżiv tagħha, li jiggarantixxu l-aċċess tal-pubbliku għalih u li jippromwovu d-djalogu bejn il-kulturi;

(b)

iżidu ċ-ċikulazzjoni u kemm jarawhom ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej ġewwa u barra l-Unjoni Ewropea, inkluż permezz ta' kooperazzjoni akbar bejn il-partijiet;

(ċ)

li jsaħħu il-kompetittività tal-mezzi awdjoviżivi Ewropej fil-qafas ta' suq Ewropew miftuħ u kompetittiv li jiffavorixxi l-impieg, inkluż billi jippromwovu l-konnessjonijiet bejn il-professjonisti awdjoviżivi.

3.   Sabiex iwettaq dawn l-objettivi, il-programm għandu jappoġġja:

(a)

il-fażi ta' qabel il-produzzjoni awdjoviżiva: il-kisba u l-perfezzjonament tal-kompetenzi fil-qasam awdjoviżiv u l-iżvilupp tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej;

(b)

il-fażi ta' wara l-produzzjoni awdjoviżiva: id-distribuzzjoni u l-promozzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej;

(ċ)

proġetti pilota li jassiguraw l-addattament tal-programm għall-iżviluppi tas-suq.

4.   Il-prijoritajiet fl-oqsma għall-intervent imniżżla f'paragrafu 3 għandhom ikunu kif ġej:

(a)

t-trawwim tal-kreattività fis-settur awdjoviżiv u għall-għarfien u għad-disseminazzjoni tal-patrimonju ċinematografiku u awdjoviżiv Ewropew;

(b)

it-tisħiħ ta' l-istruttura u l-finanzjament tas-settur Ewropew awdjoviżiv, b'mod partikolari ta' l-SMEs;

(ċ)

it-tnaqqis ta' l-iżbilanċi fis-suq awdjoviżiv Ewropew bejn il-pajjiżi li għandhom kapaċità ta' produzzjoni awdjoviżiva għolja u l-pajjiżi jew reġjuni li għandhom kapaċità ta' produzzjoni awdjoviżiva baxxa u/jew li għandhom żona ġeografika jew lingwistika ristretta;

(d)

isegwu u jappoġġaw l-iżvilupp fis-suq fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni, inkluż il-promozzjoni ta' katalogi diġitali attraenti ta' films Ewropej fuq pjattaformi diġitali.

Artikolu 2

Il-pakkett finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-eżekuzzjoni ta' dan il-programm għall-perijodu imniżżel fl-Artikolu 1(1) għandu jkun stabbilit għal EUR 671 miljun (7). It-tqassim indikatorju ta' dan l-ammont skond l-oqsma huwa rifless fil-punt 1.4 tal-Kapitolu 2 ta' l-Anness.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità tal-budget fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

KAPITOLU II

OBJETTIVI SPEĊIFIĊI TA' QABEL IL-PRODUZZJONI AWDJOVIŻIVA

Artikolu 3

Kisba u titjib tal-kompetenzi fil-qasam awdjoviżiv

Għal dak li għandu x'jaqsam mal-kisba u t-titjib tal-kompetenzi fil-qasam awdjoviżiv, l-l-objettivi tal-programm għandhom ikunu:

1.

it-tisħiħ tal-kompetenzi tal-professjonisti Ewropej tal-mezzi awdjoviżivi fl-oqsma ta' l-iżvilupp, tal-produzzjoni, tad-distribuzzjoni/disseminazzjoni u tal-promozzjoni, sabiex ittejbu l-kwalità u l-potenzjal tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej. Il-programm għandu jappoġġja b'mod speċjali azzjonijiet f'dawn l-oqsma li ġejjin:

(a)

it-teknika tal-kitba ta' l-iskripts bl-iskop li tittejjeb il-kwalità tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u l-potenzjal taċ-ċirkolazzjoni tagħhom;

(b)

l-amministrazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-produzzjoni, tad-distribuzzjoni u tal-promozzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi sabiex jiġu elaborati strateġiji Ewropej sa mill-fażi ta' l-iżvilupp;

(ċ)

l-inklużjoni minn qabel tat-teknoloġiji diġitali għall-produzzjoni, il-post-produzzjoni, id-distribuzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-arkivjar tal-programmi awdjoviżivi Ewropej.

Għandhom jittieħdu passi wkoll sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ta' professjonisti u ta' trejners minn pajjiżi oħra barra dawk li fihom isiru l-attivitajiet ta' taħriġ taħt punt 2 (a), (b) u (ċ).

2.

itejbu d-dimensjoni Ewropea ta' l-attivitajiet ta' taħriġ awdjoviżiva permezz ta':

(a)

appoġġ għall-ħolqien ta' network u għall-mobilità ta' professjonisti Ewropej li qed jitħarrġu, b'mod speċjali:

l-iskejjel taċ-ċinema Ewropej;

l-istituti ta' taħriġ;

l-imsieħba tas-settur professjonali;

(b)

it-taħriġ ta' trejners;

(ċ)

sostenn għall-iskejjel tal-films;

(d)

l-addozzjoni ta' azzjonijiet ta' koordinament u ta' promozzjoni tal-korpi appoġġjati f'relazzjoni ma' l-azzjonijiet imniżża fil-punt 1 ta' dan l-Artikolu.

3.

isir possibbli, permezz ta' boroż ta' studji speċjali, għall-professjonisti mill-Istati Membri li saru membri ta' l-Unjoni Ewropea wara t-30 ta' April 2004 li jieħdu sehem fl-attivitajiet ta' taħriġ imniżżla fil-punt 1 ta' dan l-Artikolu.

Il-miżuri mniżżla fil-punti 1, 2 u 3 għandhom jiġu mplimentati skond id-disposizzjonijiet fl-Anness.

Artikolu 4

Żvilupp

1.   Fis-settur ta' l-iżvilupp, l-objettivi tal-programm għandhom ikunu:

(a)

l-appoġġ għall-iżvilupp ta' proġetti ta' produzzjoni destinati għas-suq Ewropew u internazzjonali, preżentati minn kumpaniji ta' produzzjoni indipendenti;

(b)

l-appoġġ għall-elaborazzjoni ta' pjani finanzjarji għall-kumpaniji u l-proġetti ta' produzzjoni Ewropej, b'mod partikolari l-finanzjament tal-koproduzzjonijiet.

2.   Il-Kummissjoni għandha tieħu passi sabiex tiżgura li l-azzjonijiet appoġġjati fil-qasam tat-titjib tal-kompetenzi tal-professjonisti u dawk imniżżla fil-paragrafu 1 jikkomplementaw lil xulxin.

3.   Il-miżuri mniżżla fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu implimentati skond id-disposizzjonijiet fl-Anness.

KAPITOLU III

OBJETTIVI SPEĊIFIĊI TA' WARA L-PRODUZZJONI AWDJOVIŻIVA

Artikolu 5

Distribuzzjoni u disseminazzjoni

Fis-settur tad-distribuzzjoni u d-disseminazzjoni, l-objettivi tal-programm għandhom ikunu:

(a)

it-tisħiħ tad-distribuzzjoni Ewropea billi jħeġġu lid-distributuri jinvestu fil-koproduzzjoni, l-akkwist u l-promozzjoni tal-films Ewropej mhux nazzjonali u li jistabbilixxu strateġiji koordinati ta' kummerċjalizzazzjoni;

(b)

it-titjib fiċ-ċirkolazzjoni tal-films Ewropej mhux nazzjonali fis-suq Ewropew u dak internazzjonali permezz ta' inċentivi favur l-esportazzjoni, id-distribuzzjoni fuq kull mezz u l-esibizzjoni fiċ-ċinema;

(ċ)

il-promozzjoni għad-disseminazzjoni transnazzjonali tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej magħmula minn kumpaniji ta' produzzjoni indipendenti billi jħeġġu l-kooperazzjoni bejn ix-xandara minn naħa u l-produtturi u d-distributuri indipendenti min-naħa l-oħra;

(d)

li jħeġġu d-diġitalizzazzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u l-iżvilupp ta' suq diġitali kompetittiv;

(e)

li jħeġġu liċ-ċinemas biex jużaw il-possibiltajiet offruti mid-distribuzzjoni diġitali.

Il-miżuri mniżżla fil-punti (a) sa (e) għandhom jiġu mplimentati skond id-disposizzjonijiet fl-Anness.

Artikolu 6

Promozzjoni

Fil-qasam tal-promozzjoni, l-objettivi tal-programm għandhom ikunu:

(a)

it-titjib taċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej billi jiġi assigurat aċċess għas-swieq professjonali Ewropej u internazzjonali għas-settur awdjoviżiv Ewropew;

(b)

it-titjib ta' l-aċċess tal-pubbliku Ewropew u internazzjonali għax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej;

(ċ)

it-tħeġġiġ ta' azzjonijiet komuni bejn il-organizzazzjonijiet nazzjonali għall-promozzjoni tal-films u l-programmi awdjoviżivi;

(d)

it-tħeġġiġ tal-promozzjoni tal-wirt ċinematografiku u awdjoviżiv Ewropew u t-titjib ta' l-aċċess tal-pubbliku għalih kemm fuq livell Ewropew u dak internazzjonali.

Il-miżuri mniżżla fil-punti (a) sa (d) għandhom jiġu implimentati skond id-disposizzjonijiet fl-Anness.

KAPITOLU IV

PROĠETTI PILOTA

Artikolu 7

Proġetti pilota

1.   Il-programm jista' jappoġġja proġetti pilota sabiex jassigura li dan jadatta għall-iżviluppi tas-suq b'emfasi partikolari ma' l-introduzzjoni u l-użu tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

2.   Sabiex jiġi mplimentat il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tingħata pariri minn gruppi ta' konsultenza tekniċi magħmula minn esperti maħtura mill-Istati Membri bħala risposta għall-proposta tal-Kummissjoni.

KAPITOLU V

ARRANĠAMENTI BIEX JIĠI IMPLIMENTAT IL-PROGRAMM U D-DISPOSIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 8

Disposizzjonijiet dwar pajjiżi terzi

1.   Il-programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li ġejjin basta li jkunu sodisfatti li l-kondizzjonijiet meħtieġa u l-approprjazzjonijiet supplementari jkunu rċevuti.

(a)

l-Istati ta' l-EFTA li huma membri ta' l-ŻEE, skond id-disposizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE;

(b)

il-pajjiżi kandidati li qed jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel is-sħubija fl-Unjoni Ewropea skond il-prinċipji ġenerali u mal-kondizzjonijiet u l-arranġamenti ġenerali għal dawn il-pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-programmi Komunitarji stabbiliti rispettivament fil-ftehim kwadru u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsilli ta' Assoċjazzjoni;

(ċ)

il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent skond l-arranġamenti magħmula ma' dawn il-pajjiżi b'segwitu ta' l-arranġamenti kwadru li għandhom jiġu stabbiliti biex jirregolaw il-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi Komunitarji.

2.   Il-programm għandu jkun miftuħ ukoll għall-parteċipazzjoni ta' l-Istati li huma parti għall-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar it-Televiżjoni Transkonfini barra dawk imniżżla fil-paragrafu 1, dejjem jekk l-approprjazzjonijiet supplementari jiġu mħallsa skond il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma bejn il-partijiet konċernati.

3.   Il-ftuħ tal-programm għall-pajjiżi terzi Ewropej imsemmija mill-paragrafi 1 u 2 jkun jista' jkun suġġett għal eżami minn qabel tal-kompatibilità tal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom mal-leġislazzjoni Komunitarja, inkluż ma' l-Artikolu 6 (5) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989 dwar il-kordinazzjoni ta' ċerti disposizzjonijiet stabbiliti b' liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir (8). Din id-disposizzjoni ma tapplikax għall-azzjonijiet taħt l-Artikolu 3.

4.   Il-programm għandu jkun miftuħ ukoll għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi oħra li kkonkludew ftehim ta' assoċjazzjoni u kooperazzjoni ma' l-Unjoni Ewropea li jinkludu klawsoli dwar il-qasam awdjoviżiv u abbażi ta' approprjazzjonijiet supplementari u ta' arranġamenti speċifiċi li għandhom jiġu miftiehma. Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent imsemmija fil-paragrafu 1 li ma jixtiequx jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-programm jistgħu jibbenefikaw minn kooperazzjoni mal-programm skond il-kondizzjonijiet previsti f'dan il-paragrafu.

Artikolu 9

Disposizzjonijiet finanzjarji

1.   Persuni ġuridiċi u fiżiċi jistgħu jkunu l-benefiċjarji tal-programm.

Mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti u għall-konvenzjonijiet li tagħhom il-Komunità hi parti kontraenti, l-intrapriżi li jibbenefikaw mill-programm għandhom ikunu ta' propjetà u jibqgħu jkunu ta' propjetà, direttament jew permezz ta' parteċipazzjoni maġġoritarja, ta' Stati Membri u/jew ta' ċittadini ta' l-Istati Membri.

2.   Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, skond il-benefiċjarji u t-tip ta' azzjoni, jekk jistgħux jiġu eżenti mill-verifiki tal-kapaċitajiet professjonali u l-kwalifiki meħtieġa biex itemmu b'suċċess azzjoni jew programm ta' ħidma. Il-Kummissjoni tista' wkoll tieħu in konsiderazzjoni t-tip ta' attività appoġġjata, il-profil speċifiku tal-pubbliku mmirat mis-settur awdjoviżiv u l-objettivi tal-programm.

3.   Skond it-tip ta' l-azzjoni, l-għajnuna finanzjarja tista' tieħu l-forma ta' għotjiet jew ta' boroż ta' studju jew kwalunkwe strument ieħor awtorizzat mir-Regolament Finanzjarju (KE Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (9). Il-Kummissjoni tista' wkoll tagħti premijiet għal attivitajiet jew proġetti tal-programm. Skond in-natura ta' l-attività, jista' jiġi awtorizzat finanzjament bl-użu ta' skali ta' nefqa/unità jew rata unika għall-kontribuzzjonijiet ta' ammont ta' mhux aktar minn dak imsemmi fl-Artikolu 181 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-konsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (10).

4.   Il-Kummissjoni għandha żżomm mal-prinċipju tal-proporzjonalità rigward il-ħtiġiet amministrattivi u finanzjarji, bħall-kriterja ta' l-eliġibilità u l-kapaċità finanzjarja, fir-rigward tad-daqs ta' l-għotja.

5.   L-għajnuna finanzjarja mogħtija skond it-termini tal-programm ma tistax taqbeż il-50 % ta' l-ispejjeż finali ta' l-operazzjonijiet appoġġjati. Madankollu, fil-każijiet espressament previsti fl-Anness, l-għajnuna finanzjarja tista' tkun għolja sa 75 %. Aktar minn hekk, tali għajnuna għandha tingħata waqt li jiġi żgurat li l-proċeduri tal-għotja huma trasparenti u objettivi.

6.   Konformi man-natura speċifika ta' l-attivitajiet kofinanzjati u skond l-Artikolu 112(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (11), il-Kummissjoni tista' tqis eliġibbli l-ispejjeż direttament marbuta ma' l-implimentazzjoni ta' l-attività appoġġjata, anki jekk kienu parzjalment maħruġa mill-benefiċjarju qabel il-proċedura ta' l-għażla.

7.   Konformi ma' l-Artikolu 113(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u konġuntament ma' l-Artikolu 172 tar-Regolament (KE Euratom) Nru 2342/2002, il-kofinanzjament jista' jingħata kompletament jew parzjalment in natura basta jekk il-valur tal-kontribuzzjoni ma jaqbiżx l-ispiża attwali litkun saret u li hu ġustifikat permezz ta' dokumenti tal-kontijiet, jew l-ispiża hi ġeneralment aċċettata fis-suq ikkunsidrat. Postijiet magħmula għad-disposizzjoni għal skop ta' taħriġ jew dak promozzjonali jistgħu jiġu inklużi ma' dawn il-kontribuzzjonijiet.

8.   Kull somma rimborsata taħt il-programm, dawk li ġejjin mill-programmi MEDIA (1991-2006) u s-somom li ma ntużawx mill-proġetti magħżula għandhom jingħataw għall-ħtiġijiet tal-programm MEDIA 2007.

Artikolu 10

Implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun inkarigata mill-implimentazzjoni tal-programm skond id-disposizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

2.   Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet msemmija hawn isfel għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2):

(a)

il-linji gwida ġenerali għall-miżuri kollha deskritti fl-Anness;

(b)

il-kontenut tas-sejħiet għall-proposti, id-definizzjoni tal-kriterji u l-proċeduri għall-għażla tal-proġetti;

(ċ)

il-kwistjonijiet dwar it-tqassim intern annwali tar-riżorsi tal-programm, inkluż it-tqassim bejn il-miżuri fl-oqsma tat-titjib tal-kompetenzi professjonali, ta' l-iżvilupp, tad-distribuzzjoni/disseminazzjoni u tal-promozzjoni;

(d)

l-arranġamenti għal azzjonijiet ta' monitoraġġ u l-evalwazzjoni.

(e)

kull proposta għall-allokazzjoni ta' fondi Komunitarji li taqbeż EUR 200 000 għal kull benefiċjarju u sena fil-każ ta' taħriġ u promozzjoni, EUR 200 000 fil-każ ta' żvilupp u EUR 300 000 fil-każ ta' distribuzzjoni;

(f)

l-għażla ta' proġetti pilota skond Artikolu 7.

3.   Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet l-oħra kollha għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(3).

Artikolu 11

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kmitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu msemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b' kont meħud tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

4.   Il-kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 12

MEDIA Desks

1.   In-network Ewropew tal-MEDIA Desks għandu jaġixxi bħala korp għall-implimentazzjoni għad-disseminazzjoni ta' l-informazzjoni dwar il-programm fuq livell nazzjonali, b'mod partikolari għall-proġetti trans-konfini, itejjeb il-visibilità u jistimula l-użu tiegħu, filwaqt li jikkonforma ma' l-Artikolu 54 (2)(c) u (3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru.1605/2002 kif definit fil-punt 2.2 f' Kapitolu II ta' l-Anness.

2.   Kooperazzjoni bejn MEDIA desks permezz tan-networks, speċjalment networks viċini, għandha tiġi mħeġġa biex jiffaċilita l-iskambji u l-kuntatti bejn il-professjonisti, għarfien pubbliku ta' avvenimenti prinċipali appoġġjati mill-programm, kif ukoll premijiet u għotjiet.

3.   Il-MEDIA Desks għandhom jirrispettaw il-kriterji li ġejjin

(a)

ikollhom numru adegwat ta' persunal, b'kapaċitajiet professjonali u lingwistiċi adatt għal xogħol f'ambjent ta' kooperazzjoni internazzjonali;

(b)

li jkollhom infrastrutturi xierqa, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-informatika u l-komunikazzjoni;

(ċ)

jaħdmu f'kuntest amministrattiv li jippermettilhom iwettqu l-kompiti tagħhom b'mod sodisfaċenti u jevitaw kull kunflitt ta' interess.

Artikolu 13

Konsistenza u komplimentarjetà

1.   Fl-implimentazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni għandha, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, tiżgura konsistenza ġenerali u komplimentarjetà ma' politiki, programmi u azzjonijiet Komunitarji oħra rilevanti li għandhom effett fuq l-oqsma tat-taħriġ u dawk awdjoviżivi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tassigura wkoll koordinazzjoni bejn il-programm u programmi Komunitarji oħra fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, taħriġ, riċerka u s-soċjetà ta' l-informazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li hemm konnessjoni effettiva bejn dan il-programm u programmi u azzjonijiet fl-oqsma ta' taħriġ u dawk awdjoviżivi li jkunu qegħdin isiru fil-qafas tal-kooperazzjoni Komunitarja ma' pajjiżi mhux membri u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari l-Kunsill ta' l-Ewropa (Eurimages u l-Osservatorju Ewropew tal-Mezzi Awdjoviżivi, hawn aktar 'il quddiem imsejjaħ “l-Osservatorju”).

Artikolu 14

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tassigura li l-azzjonijiet koperti f'din id-Direttiva jkunu soġġetti għal evalwazzjoni minn qabel, monitoraġġ u evalwazzjoni ex-post. Ir-riżultati tal-proċess ta' monitoraġġ u l-evalwazzjoni għandhom jiġu kunsidrati waqt l-implimentazzjoni tal-programm.

Il-Kummissjoni għandha tassigura li l-programm jiġi evalwat b'mod regolari, b'mod estern u b'mod indipendenti. Sabiex tevalwa effettivament il-programm il-Kummissjoni tista' tiġbor data sabiex tistħarreġ l-attivitajiet kollha appoġġati mill-programm. Din l-evalwazzjoni għandha tieħu in konsiderazzjoni l-arranġamenti tal-Kumitat għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 (2) (d).

Dan il-proċess ta' monitoraġġ għandu jinkludi t-tfassil tar-rapporti msemmija fil-paragrafi 2 (a) u (c) u attivitajiet speċifiċi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni:

(a)

rapport interim ta' evalwazzjoni dwar ir-riżultati u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta' l-implimentazzjoni tal-programm sa mhux iżjed tard minn tliet snin wara l-bidu tal-programm;

(b)

komunikazzjoni dwar it-tkomplija tal-programm mhux aktar tard minn erba' snin wara l-bidu tal-programm;

(ċ)

rapport ta' evalwazzjoni ex-post dettaljat sal-31 ta' Diċembru 2015 li jkopri l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm, mat-tlestija ta' l-implimentazzjoni tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika u tqassam permezz tal-Media Desks kull statistika u analiżi rilevanti.

3.   Rapporti prodotti skond paragrafu 2 (a) u (c) għandhom jidentifikaw l-valur addizzjonali tal-programm.

Artikolu 15

Disposizzjonijiet Transitorji

Azzjonijiet mibdija qabel il-31 ta' Diċembru 2006 abbażi tad-Deċiżjoni 2000/821/KE u tad-Deċiżjoni Nru. 163/2001/KE għandhom jiġu amministrati sa tmiemhom skond id-disposizzjonijiet ta' dawk id-Deċiżjonijiet.

Il-Kumitat previst fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2000/821/KE u fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru. 163/2001/KE għandu jiġi sostitwit mill-Kumitat previst fl-Artikolu 11 ta' din id-Deċiżjoni.

KAPITOLU VI

INFORMAZZJONI DWAR IS-SETTUR AWDJOVIŻIV EWROPEW U L-PARTEĊIPAZZJONI FL-OSSERVATORJU EWROPEW TAL-MEZZI AWDJOVIŻIVI

Artikolu 16

Informazzjoni dwar is-settur awdjoviżiv Ewropew

L-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għal żjieda fit-trasparenza u d-disseminazzjoni ta' l-informazzjoni dwar is-settur awdjoviżiv Ewropew.

Artikolu 17

Parteċipazzjoni fl-Osservatorju Ewropew tal-Mezzi Awdjoviżivi

Għall-fini ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 16, l-Unjoni Ewropea għandha tkun membru ta' l-Osservatorju matul il-programm kollu.

Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta l-Unjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħha ma' l-Osservatorju.

Artikolu 18

Kontribuzzjoni biex jintlaħqu l-objettivi tal-programm

Il-parteċipazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fl-Osservatorju għandha tagħmel parti integrali minn dan il-programm u għandha tikkontribwixxi għat-twettiq ta' l-objettivi tiegħu:

(a)

billi tħeġġeġ it-trasparenza fis-suq permezz ta' komparabilità imtejba tad-data miġbura fil-pajjiżi differenti u tiżgura li l-operaturi għandhom aċċess għal statistika u informazzjoni finanzjarja u legali, speċjalment dwar l-Istati Membri li ngħaqduma' l-Unjoni Ewropea wara it-30 ta' April 2004, sabiex issaħħaħ l-abilità tas-settur awdjoviżiw Ewropew li jikkompeti u jiżviluppa;

(b)

billi tippermetti li l-programm jiġi immonitorjat b'mod aktar effettiv u tiffaċilita l-evalwazzjoni tiegħu.

Artikolu 19

Monitoraġġ u valutazzjoni

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fl-Osservatorju għandhom jitwettqu fil-qafas ta l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm skond l-Artikolu 14.

KAPITOLU VII

DĦUL FIS-SEĦĦ

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2007.

Magħmula fi Brussel,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 255, 14.10.2005, p. 39.

(2)  ĠU C 164, 5.7.2005, p. 76.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2005 (għada mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-24 ta' Lulju 2006 u Posizzjoni tal-Parlament Ewropew ta'… (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Programmi li ġew stabbiliti bid-:

Deċiżjoni tal-Kunsill 90/685/KEE tal-21 ta' Diċembru dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' azzjoni għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' l-industrija awdjoviżiva Ewropea (MEDIA) (1991 sa 1995) (ĠU L 380, 31.12.1990, p. 37) (MEDIA I),

Deċiżjoni tal-Kunsill 95/563/KEE ta' l-10 ta' Lulju 1995 dwar l-implimentazzjoni ta' programm li jinkoraġġixxi l-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej (MEDIA II — Żvilupp u distribuzzjoni) (1996 sa 2000) (ĠU L 321, 30.12.1995, p. 25) u Deċiżjoni tal-Kunsill 95/564/KEE tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' taħriġ għal professjonisti fl-industrija awdjoviżiva Ewropea (MEDIA II — taħriġ) (ĠU L 321, 30.12.1995, p. 33) (MEDIA II),

Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/821/KE ta' l-20 ta’ Diċembru 2000 dwar l-implimentazzjoni ta' programm li jinkoraġġixxi l-iżvilupp id-distribuzzjoni u l-promozzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżwalii Ewropej (MEDIA Plus — Żvilupp, Distribuzzjoni u Promozzjoni) (2001-2005) (ĠU L 336, tat-30.12.2000, p. 82. Deċiżjoni kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 885/2004 (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 1)) (MEDIA PLUS) u

Deċiżjoni Nru 163/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Jannar 2001 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' taħriġ għall-professjonisti fl-industrija tal-programmi awdjoviżwali Ewropea (MEDIA-Taħriġ) (2001-2005) (ĠU L 26, 27.1.2001, p. 1.) Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 885/2004 (MEDIA-Taħriġ) rispettivament.

(5)  ĠU C …

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(7)  Dan l-ammont huwa bbażat fuq il-figuri ta' l-2004 u għandu jkun soġġett għal aġġustament tekniku biex jittieħed kont ta' l-inflazzjoni.

(8)  ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, 30.7.1997, p. 60).

(9)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(10)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1261/2005 (ĠU L 201, 2.8.2005, p. 3).

(11)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1


ANNESS

KAPITOLU 1

Objettivi operattivi u azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati

1.   Kisba u titjib ta' kompetenzi fil-qasam awdjoviżiv

1.1.   It-tisħiħ tal-kompetenzi tal-professjonisti awdjoviżivi Ewropej fl-oqsma ta' l-iżvilupp, il-produzzjoni, id-distribuzzjoni/id-disseminazzjoni u l-promozzjoni sabiex tittejjeb il-kwalità u l-potenzjal tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej

1.1.1.   Teknika tal-kitba ta' l-iskripts

Objettiv operattiv

Li kittieba ta' skripts bl-esperjenza jkunu jistgħu jtejbu l-kapaċitajiet tagħhom sabiex jiżviluppaw teknika bbażata fuq metodi tradizzjonali u interattivi tal-kitba.

Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati

L-appoġġ ta' l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-aġġornar ta' moduli ta' taħriġ li jidentifikaw l-udjenza taħt mira, l-editjar u l-iżvilupp ta' skripts għal udjenza internazzjonali, u r-relazzjoni bejn il-kittieb ta' l-iskript, l-editur ta' l-iskript, id-direttur, il-produttur u d-distributur, inter alia.

L-appoġġ tat-tagħlim b'distanza u t-tħeġġiġ ta' skambji u sħubiji li jassoċjaw lill-pajjiżi u r-reġjuni b'kapaċità ta' produzzjoni awdjoviżiva baxxa u/jew b'żona lingwistika jew ġeografika ristretta.

1.1.2.   Amministrazzjoni ekonomika, finanzjarja u kummerċjali tal-produzzjoni, tad-distribuzzjoni u tal-promozzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi

Objettiv operattiv

L-iżvilupp ta' l-abbiltà tal-professjonisti li jifhmu u jintegraw id-dimensjoni Ewropea fl-oqsma ta' l-iżvilupp, tal-produzzjoni, tal-kummerċjalizzazzjoni, tad-distribuzzjoni/tad-disseminazzjoni u tal-promozzjoni ta' programmi awdjoviżivi.

Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati

L-appoġġ ta' l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-aġġornar ta' moduli ta' taħriġ fl-amministrazzjoni, b'kont meħud tad-dimensjoni Ewropea.

L-appoġġ tat-tagħlim b'distanza u t-tħeġġiġ ta' skambji u sħubiji li jassoċjaw lill-pajjiżi u r-reġjuni b'kapaċità ta' produzzjoni awdjoviżiva baxxa u/jew b'żona lingwistika jew ġeografika ristretta.

1.1.3.   Inklużjoni minn qabel ta' teknoloġiji diġitali għall-produzzjoni, il-post-produzzjoni, id-distribuzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-arkivjar ta' programmi awdjoviżivi Ewropej

Objettiv operattiv

L-iżvilupp tal-kapaċità tal-professjonisti li jużaw it-teknoloġiji diġitali, b'mod partikolari fl-oqsma tal-produzzjoni, tal-post-produzzjoni, tad-distribuzzjoni, tal-kummerċjalizzazzjoni, ta' l-arkivjar u tal-multimedja.

Azzjoni li għandha tiġi implimentata

L-appoġġ ta' l-implimentazzjoni ta' l-iżvilupp u l-aġġornar ta' moduli ta' taħriġ fit-teknoloġiji awdjoviżivi diġitali.

L-appoġġ tat-tagħlim b'distanza u t-tħeġġiġ ta' skambji u sħubiji li jassoċjaw lill-pajjiżi u r-reġjuni b'kapaċità ta' produzzjoni awdjoviżiva baxxa u/jew b'żona lingwistika jew ġeografika ristretta.

1.2.   It-titjib tad-dimensjoni Ewropea ta' attivitajiet ta' taħriġ awdjoviżivi

1.2.1   L-appoġġ tan-networking u l-mobbiltà ta' professjonisti tat-taħriġ Ewropej, b'mod partikolari: Skejjel Ewropej tal-films, istituti tat-taħriġ, imsieħba tas-settur professjonali

Objettiv operattiv

It-tħeġġiġ ta' skambji u kooperazzjoni regolari bejn istituzzjonijiet u/jew attivitajiet tat-taħriġ eżistenti.

Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati

It-tħeġġiġ tal-benefiċjarji tal-programm sabiex jintensifikaw il-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet ta' taħriġ tagħhom, b'mod partikolari dawk li jinvolvu taħriġ ulterjuri, sabiex jiġi żviluppat network Ewropew li jista' jirċievi appoġġ Komunitarju, b'mod partikolari għal kooperazzjoni li tinvolvi l-atturi, inkluż xandara televiżivi.

1.2.2.   Taħriġ għal trejners

Objettiv operattiv

Li jkun żgurat li t-trejners ikunu kompetenti.

Azzjoni li għandha tiġi implimentata

Kontribut għat-taħriġ ta' trejners, b'mod partikolari permezz tat-tagħlim b'distanza.

1.2.3.   L-appoġġ ta' l-iskejjel tal-films

Objettiv operattiv

It-tħeġġiġ tal-mobbiltà ta' studenti taċ-ċinema fl-Ewropa.

Azzjoni li għandha tiġi implimentata

It-tħeġġiġ tal-boroż ta' studju ta' mobbiltà marbuta ma' proġett ta' taħriġ.

it-tħeġġiġ ta' l-iżvilupp ta' talenti ġodda u ta' professjonisti permezz ta' l-istabbiliment ta' Premju Pier Paolo Pasolini għal Talent Ġdid.

1.2.4   Introduzzjoni ta' miżuri ta' koordinazzjoni u ta' promozzjoni mill-korpi appoġġjati taħt 1.2.1

Objettiv operattiv

Il-promozzjoni tal-koordinazzjoni u l-promozzjoni tal-proġetti sostnuti mill-programm.

Azzjoni li għandha tiġi implimentata

Kontribut għall-adozzjoni ta' azzjonijiet immirati ta' koordinazzjoni u ta' promozzjoni ta' l-attivitajiet ta' taħriġ appoġġati mill-programm.

1.2.5.   Permezz ta' boroż ta' studji speċjali, issir possibbli għall-professjonisti mill-Istati Membri li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea wara t-30 ta' April 2004 li jieħdu sehem fl-attivitajiet ta' taħriġ imniżżla fil-1.1 ta' dan l-Anness

Objettiv operattiv

Il-faċilitazzjoni tal-parteċipazzjoni minn professjonisti mill-Istati Membri li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewroepa wara t-30 ta' April 2004 fil-proġetti sostnuti mill-programm.

Azzjoni li għandha tiġi implimentata

Kontribut għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' għotjiet.

2.   Żvilupp

2.1   Appoġġ ta' l-iżvilupp ta' proġetti ta' produzzjoni maħsuba għas-suq Ewropew u Internazzjonali sottomessi minn kumpanniji tal-produzzjoni indipendenti, b'mod partikolari l-SMEs

Objettivi operattivi

L-appoġġ ta' l-iżvilupp ta' xogħlijiet Ewropej tat-tipi li ġejjin: drama, animazzjoni, dokumentarju u multimedja;

It-tħeġġiġ tal-kumpanniji biex jipproduċu xogħlijiet ta' kwalità b'potenzjal internazzjonali;

It-tħeġġiġ tal-kumpanniji biex jużaw teknoloġiji diġitali fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni sa mill-fażi ta' l-iżvilupp;

It-tħeġġiġ tal-kumpanniji biex joħolqu strateġiji għal wiri, kummerċjalizzazzjoni u dritt ta' distribuzzjoni internazzjonali sa mill-fażi ta' l-iżvilupp;

Ikun possibbli għal kumpanniji żgħar u ta' daqs medju li jkollhom aċċess għal appoġġ għall-iżvilupp u li jfasslu l-azzjonijiet biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom;

It-tisħiħ tal-kumplimentarità ma' l-azzjonijiet sostnuti minn MEDIA għat-titjib tal-kompetenzi tal-professjonijisti awdjoviżivi.

Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati

L-appoġġ ta' l-iżvilupp ta' proġetti awdjoviżivi jew ta' katalgi ta' proġetti;

L-appoġġ tad-diġitazzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej sa mill-fażi ta' l-iżvilupp.

2.2.   Appoġġ ta' l-elaborazzjoni ta' pjanijiet ta' finanzjament għal kumpanniji tal-produzzjoni u proġetti Ewropej, inkluż proġetti ta' ko-operazzjoni

Objettivi operattivi:

It-tħeġġiġ ta' l-elaborazzjoni ta' pjanijiet ta' finanzjament minn kumpanniji tal-produzzjoni għal xogħlijiet tat-tipi li ġejjin: drama, animazzjoni, dokumentarju u multimedja.

Bħala segwitu għall-azzjoni ta' tħejjija “Tkabbir u Awdjoviżiv: i2i Awdjoviżiv”, it-tħeġġiġ tar-riċerka għal imsieħba finanzjarji fil-livell Ewropew sabiex tinkiseb sinerġija bejn l-investituri pubbliċi u privati u l-ħolqien ta' strateġiji ta' distribuzzjoni sa mill-fażi tal-produzzjoni.

Azzjoni li għandha tiġi implimentata

L-appoġġ ta' l-ispejjeż indiretti ta' finanzjament privat ta' proġetti ta' produzzjoni u ta' ko-produzzoni ppreżentati minn SMEs (bħal per eżempju spejjeż finanzjarji, spejjeż ta' assigurazzjoni u tal-garanzija ta' tlestija).

L-appoġġ ta' l-aċċess mill-SMEs, b'mod speċjali kumpanniji tal-produzzjoni indipendenti, għal kumpanniji li jipprovdu servizzi finanzjarji attivi fit-tfassil ta' pjanijiet ta' investiment għall-iżvilupp u l-ko-produzzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi b'potenzjal għal distribuzzjoni internazzjonali.

it-tħeġġiġ ta' intermedjarji finanzjarji biex jappoġġaw l-iżvilupp u l-ko-produzzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi b'potenzjal għal distribuzzjoni internazzjonali.

L-appoġġ tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji nazzjonali fis-settur awdjoviżiv.

3.   Distribuzzjoni u Disseminazzjoni

Objettiv operattiv orizzontali

It-tisħiħ tad-diversità lingwistika u kulturali ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej distribwiti.

Azzjoni li għandha tiġi implimentata

L-appoġġ tad-doppjaġġ u ta' l-użu ta' sotto-titoli għad-distribuzzjoni u d-disseminazzjoni, permezz tal-mezzi disponibbli kollha, b'mod partikolari mezzi diġitali, ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej għall-benefiċċju ta' produtturi, distributuri u xandara.

3.1.   Tisħiħ tad-distribuzzjoni Ewropea billi d-distributuri jiġu mħeġġa jinvestu fil-ko-produzzjoni, l-akkwist u l-promozzjoni ta' films Ewropej mhux nazzjonali u jistabbilixxu strateġiji koordinati ta' kummerċjalizzazzjoni

Objettiv operattiv Nru 1

It-tħeġġiġ tad-distributuri ċinematografiċi biex jinvestu fil-ko-produzzjoni, l-akkwist ta' drittijiet ta' sfruttament u l-promozzjoni ta' films Ewropej mhux nazzjonali.

Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati

L-istabbiliment ta' sistema ta' appoġġ awtomatiku tad-distributuri Ewropej, b'mod proporzjonali mad-dħul fiċ-ċinemas għal films Ewropej mhux nazzjonali fl-Istati Membri li jkunu qed jieħdu sehem fil-programm, soġġetti għal limitu għal kull film u aġġustat għal kull pajjiż.

L-appoġġ iġġenerat b'dan il-mod jista' jintuża mid-distributuri għal investiment biss fi:

il-ko-produzzjoni ta' films Ewropej mhux nazzjonali;

l-akkwist tad-drittijiet ta' sfruttament ta' films Ewropej mhux nazzjonali;

l-editjar (l-ikkupjar, id-doppjaġġ u l-użu ta' sotto-titoli), il-promozzjoni u r-riklamar ta' films Ewropej mhux nazzjonali.

Objettiv operattiv Nru 2

It-tħeġġiġ tad-distributuri Ewropej sabiex jikooperaw bil-ħsieb li jadottaw strateġiji konġunti fis-suq Ewropew.

Azzjoni li għandha tiġi implimentata

L-istabbiliment ta' sistema ta' għajnuna selettiva għad-distribuzzjoni ta' films Ewropej mhux nazzjonali maħsuba għall-gruppi ta' distributuri Ewropej u li jiġu mogħtija għajnuna diretta fejn jeżistu fuq bażi permanenti.

Objettiv operattiv Nru 3

It-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni bejn distributuri, produtturi u aġenti tal-bejgħ sabiex jiġu stabbiliti strateġiji ta' kummerċjalizzazzjoni internazzjonali għal films Ewropej sa mill-fażi tal-produzzjoni.

Azzjoni li għandha tiġi implimentata

L-istabbiliment ta' sistema ta' appoġġ għall-ħolqien ta' kitt promozzjonali għal xogħlijiet ċinematografiċi Ewropej (inkluż kopja bis-sotto-titoli, kolonna sonora internazzjonali — mużika u effetti — u materjal ta' promozzjoni).

Objettiv operattiv Nru 4

It-tħeġġiġ ta' l-aċċess għal finanzjament għal SMEs għad-distribuzzjoni u l-bejgħ internazzjonali ta' xogħlijiet Ewropej mhux nazzjonali.

Azzjoni li għandha tiġi implimentata

L-appoġġ ta' l-ispejjeż indiretti (bħal per eżempju spejjeż finanzjarji u ta' assigurazzjoni) marbuta mad-distribuzzjoni u/jew attivitajiet ta' bejgħ internazzjonali bħal: l-akkwist ta' katalgi ta' films Ewropej mhux nazzjonali, ir-riċerka għal swieq ġodda għal dawn il-films, u l-istabbiliment ta' gruppi permanenti ta' distributuri Ewropej.

3.2.   Titjib taċ-ċirkolazzjoni ta' films Ewropej mhux nazzjonali fuq is-suq Ewropew u dak internazzjonali permezz ta' miżuri ta' inċentivi għall-esportazzjoni, id-distribuzzjoni fuq kwalunkwe mezz u wiri fiċ-ċinemas

Objettiv operattiv Nru 1

It-tħeġġiġ tad-distributuri ċinematografiċi sabiex jinvestu fil-pubblikazzjoni u l-promozzjoni adatti ta' films Ewropej mhux nazzjonali.

Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati

L-istabbiliment ta' sistema ta' appoġġ selettiv għal distributuri ċinematografiċi għall-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' films Ewropej mhux nazzjonali. Il-kriterji ta' selezzjoni għall-films jistgħu jinkludu disposizzjonijiet bil-għan li jiddeferenzjaw bejn il-proġetti skond l-oriġini tagħhom u d-daqs tal-budget tagħhom.

L-għoti ta' appoġġ speċjali ta' interess għall-iżvilupp ta' diversità kulturali u lingwistika Ewropea.

L-għoti ta' għajnuna għar-rilaxx ta' katalgu ta' xogħlijiet Ewropej mhux nazzjonali matul perijodu partikolari.

Objettiv operattiv Nru 2

It-tħeġġiġ tal-wiri ta' films Ewropej mhux nazzjonali fuq is-suq Ewropew, b'mod partikolari permezz ta' l-appoġġ tal-koordinazzjoni ta' network taċ-ċinemas.

Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati

It-tħeġġiġ ta' sidien u operaturi taċ-ċinemas sabiex juru proporzjoni sinifikattiv ta' films Ewropej mhux nazzjonali fiċ-ċinemas għall-ewwel wiri għal perijodu definit minimu. L-appoġġ mogħti lil kull ċinema jiġi determinat skond l-ipprogrammar u b'kont meħud tan-numru ta' biljetti mibjugħa għal films Ewropej mhux nazzjonali matul perijodu ta' referenza.

Il-kontribut għall-iżvilupp ta' attivitajiet edukattivi u ta' tqajjim ta' kuxjenza għal persuni li jħobbu jmorru ċinema u li huma żgħar fl-età.

L-appoġġ tal-ħolqien u l-konsolidazzjoni ta' networks ta' sidien ta' ċinemas Ewropej li jkunu qed jiżviluppaw azzjonijiet komuni ta' dan it-tip.

Objettiv operattiv Nru 3

It-tħeġġiġ ta' bejgħ internazzjonali u esportazzjoni ta' films Ewropej, b'mod partikolari films Ewropej mhux nazzjonali fl-Ewropa.

Azzjoni li għandha tiġi implimentata

L-istabbiliment ta' sistema ta' appoġġ għal kumpanniji Ewropej li jkunu qed iqassmu films taċ-ċinema internazzjonalment (aġenti tal-bejgħ) skond il-prestazzjoni tagħhom fis-suq f'perijodu speċifiku. Dan l-appoġġ ser ikun irid jiġi investit fl-akkwist ta' films Ewropej mhux nazzjonali u l-promozzjoni tagħhom fuq is-suq Ewropew u dawk internazzjonali.

3.3.   Promozzjoni tax-xandir transnazzjonali ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej prodotti minn kumpanniji tal-produzzjoni indipendenti permezz tat-tħeġġiġ ta' kooperazzjoni bejn ix-xandara min-naħa waħda, u produtturi u distributuri indipendenti min-naħa l-oħra.

Objettiv operattiv Nru 1

It-tħeġġiġ tax-xandir ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej mhux nazzjonali minn kumpanniji tal-produzzjoni indipendenti.

Azzjoni li għandha tiġi implimentata

It-tħeġġiġ tal-produtturi indipendenti sabiex jipproduċu xogħlijiet (drama, dokumentarji u animazzjoni) li jkunu jinvolvu l-parteċipazzjoni ta' mill-inqas tliet xandara minn diversi Stati Membri. Il-kriterji ta' selezzjoni għall-benefiċjarji ser ikunu jinkludu disposizzjonijiet maħsuba biex jiddifferenzjaw bejn il-proġetti skond id-daqs tal-budget tagħhom. L-għoti ta' appoġġ speċjali għal films ta' interess għat-titjib tad-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u l-wirt awdjoviżiv ta' l-Ewropa.

Objettiv operattiv Nru 2

Il-faċilitazzjoni ta' l-aċċess għal finanzjament għal kumpanniji tal-produzzjoni indipendenti Ewropej.

Azzjoni li għandha tiġi implimentata

L-appoġġ ta' l-ispejjeż indiretti (bħal per eżempju spejjeż finanzjarji, spejjeż ta' l-assigurazzjoni u tal-garanzija ta' tlestija) marbuta mal-produzzjoni ta' xogħlijiet (drama, dokumentarji u animazzjoni) li jkunu jinvolvu l-parteċipazzjoni ta' mill-inqas tliet xandara minn diversi Stati Membri li jkunu jagħmlu parti minn żoni lingwistiċi differenti.

Objettiv operattiv Nru 3

It-tħeġġiġ tad-distribuzzjoni internazzjonali ta' programmi televiżivi Ewropej magħmula minn produtturi indipendenti. Id-distribuzzjoni ta' tali programmi ser tkun teħtieġ il-qbil tal-produttur indipendenti, li jeħtieġ jirċievi parti adegwata mill-qligħ mill-bejgħ.

Azzjoni li għandha tiġi implimentata

L-istabbiliment ta' sistema ta' appoġġ għal kumpanniji tad-distribuzzjoni internazzjonali Ewropej ta' xogħlijiet awdjoviżivi (distributuri internazzjonali) skond il-prestazzjoni tagħhom fuq is-suq matul perijodu partikolari. L-appoġġ iġġenerat b'dan il-mod irid jiġi investit mid-distributuri internazzjonali fl-akkwist u l-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej ġodda fis-suq Ewropew u dawk internazzjonali.

3.4.   Tħeġġiġ tad-diġitazzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej

Objettiv operattiv Nru 1

It-titjib tad-distribuzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej mhux nazzjonali fuq mezz diġitali għal użu privat (DVD), b'mod partikolari permezz tat-tħeġġiġ tal-pubblikaturi biex jikooperaw fuq il-ħolqien ta' verżjonijiet oriġinali f'diversi lingwi fuq skala Ewropea.

It-tħeġġiġ ta' l-użu ta' teknoloġiji diġitali f'xogħlijiet Ewropej (il-ħolqien ta' verżjonijiet oriġinali diġitali li jistgħu jintużaw mid-distributuri Ewropej kollha).

It-tħeġġiġ tal-pubblikaturi b'mod partikolari sabiex jinvestu f'promozzjoni u distribuzzjoni adatti ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej mhux nazzjonali.

L-appoġġ ta' l-aspett ta' l-użu ta' diversi lingwi f'xogħlijiet Ewropej (dopjaġġ, l-użu ta' sotto-titoli u produzzjoni f'lingwi differenti).

Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati

L-istabbiliment ta' sistema ta' appoġġ awtomatiku għal pubblikaturi ta' xogħlijiet ċinematografiċi u ċinematografiċi Ewropej fuq mezzi maħsuba għall-użu privat (bħal DVD, DVD-Rom) skond il-prestazzjoni tagħhom fis-suq matul perijodu partikolari. L-appoġġ iġġenerat b'dan il-mod jiġi investit mill-edituri fil-pubblikazzjoni u d-distribuzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej mhux nazzjonali f'mezzi diġitali.

L-appoġġ tad-diġitazzjoni tal-kontenut għal distribuzzjoni.

Objettiv operattiv Nru 2

It-tħeġġiġ tal-provvista ta' xogħlijiet Ewropej mhux nazzjonali għad-distribuzzjoni on-line permezz ta' servizzi avvanzati tad-distribuzzjoni u mezzi ġodda (Internet, video-on-demand, pay-per-view), filwaqt li tiġi żviluppata teknika sabiex jiġu protetti xogħlijiet online fil-ġlieda kontra l-piraterija.

It-tħeġġiġ ta' l-industrija tal-programmi awdjoviżivi Ewropea sabiex tadatta għall-iżviluppi fit-teknoloġija diġitali, b'mod partikolari fir-rigward tas-servizzi avvanzati ta' distribuzzjoni on-line.

Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati

It-tħeġġiġ tal-kumpanniji Ewropej (fornituri ta' aċċess on-line, stazzjonijiet ta' interess speċjali, eċċ.) — permezz ta' miżuri għad-diġitazzjoni ta' xogħlijiet u l-ħolqien ta' materjal ta' promozzjoni u ta' pubbliċità fuq mezz diġitali — biex joħolqu katalgi ta' xogħlijiet Ewropej f'format diġitali maħsub għall-użu fuq il-mezzi l-ġodda.

Il-promozzjoni ta' servizzi diġitali emerġenti li jġorru katalgi Ewropej.

3.5.   Tħeġġiġ taċ-ċinemas li juru persentaġġ sinifikattiv ta' xogħlijiet Ewropej mhux nazzjonali sabiex jisfruttaw il-possibbiltajiet offruti minn distribuzzjoni diġitali

Objettiv operattiv

It-tħeġġiġ taċ-ċinemas sabiex jinvestu f'tagħmir diġitali, billi jiġi faċilitat l-aċċess għal kreditu mis-sidien taċ-ċinemas.

Azzjoni li għandha tiġi implimentata

L-appoġġ ta' l-ispejjeż indiretti (bħal per eżempju spejjeż finanzjarji u assigurazzjoni) magħmula mis-sidien u l-operaturi taċ-ċinemas għal investiment f'tagħmir diġitali.

4.   Promozzjoni

4.1.   Titjib taċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej billi jiġi żgurat li s-settur awdjoviżiv Ewropew ikollu aċċess għas-swieq awdjoviżivi professjonali Ewropej u dawk internazzjonali

Objettiv operattiv Nru 1

It-titjib tal-kondizzjonijiet ta' aċċess għall-professjonisti għal avvenimenti kummerċjali u għas-swieq awdjoviżivi professjonali fl-Ewropa u barra l-Ewropa.

Azzjoni li għandha tiġi implimentata

Il-proviżjoni ta' assistenza teknika u finanzjarja b'konnessjoni ma' avvenimenti bħal:

is-swieq taċ-ċinema Ewropej u internazzjonali prinċipali;

is-swieq tat-televiżjoni Ewropej u internazzjonali prinċipali;

swieq tematiċi, b'mod partikolari għal cartoons, dokumentarji, multimedja u teknoloġiji ġodda.

Objettiv operattiv Nru 2 u Azzjoni li għandha tiġi implimentata

It-tħeġġiġ u l-appoġġ tal-kostituzzjoni ta' katalgi Ewropej u l-istabbiliment ta' databases ta' katalogi ta' programmi Ewropej maħsuba għall-professjonisti.

Objettiv operattiv Nru 3

It-tħeġġiġ ta' l-appoġġ għall-promozzjoni mill-fażi ta' pre-produzzjoni jew il-fażi tal-produzzjoni.

Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati

L-appoġġ ta' l-organizzazzjoni ta' forums għall-iżvilupp, il-finanzjament, il-ko-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' xogħlijiet u programmi Ewropej (jew prinċipalment Ewropej).

L-istabbiliment u t-tnedija ta' kampanji ta' kummerċjalizzazzjoni u ta' promozzjoni tal-bejgħ għal programmi ċinematografiċi u awdjoviżivi Ewropej matul il-fażi tal-produzzjoni

4.2.   Titjib ta' l-aċċess għal xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej għall-pubbliku Ewropew u dak internazzjonali

Objettivi operattivi u azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati

It-tħeġġiġ u l-appoġġ ta' festivals awdjoviżivi biex tintwera maġġoranza ta' xogħlijiet Ewropej jew proporzjoni sinifikattiv minnhom.

L-għoti ta' prijorità u l-appoġġ ta' festivals li jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta' xogħlijiet mill-Istati Membri jew ta' reġjuni b'kapaċità ta' produzzjoni awdjoviżiva baxxa u ta' xogħlijiet prodotti minn Ewropej żgħażagħ, u t-tisħiħ tad-diversità kulturali u lingwistika kif ukoll id-djalogu interkulturali;

It-tħeġġiġ u l-appoġġ ta' inizjattivi għal edukazzjoni dwar l-immaġni organizzati permezz ta' festival għaż-żgħażagħ, b'mod partikolari f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-iskejjel u istituzzjonijiet oħra.

It-tħeġġiġ u l-appoġġ ta' inizjattivi minn professjonisti, b'mod partikolari minn sidien taċ-ċinemas, stazzjonijiet tat-televiżjoni pubbliċi jew kummerċjali, festivals u istituzzjonijiet kulturali li għandhom il-għan li, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea, jorganizzaw attivitajiet promozzjonali għall-pubbliku ġenerali għall-kreazzjoni ċinematografika u awdjoviżiva Ewropea.

It-tħeġġiġ u l-appoġġ ta' l-organizzazzjoni ta' avvenimenti koperti b'mod wisa' mill-mezzi ta' komunikazzjoni bħall-għoti ta' premjijiet u Jiem taċ-Ċinema Ewropej.

4.3.   Tħeġġiġ ta' azzjonijiet komuni bejn organizzazzjonijiet nazzjonali ta' promozzjoni tal-films u ta' programmi awdjoviżivi

Objettiv operattiv:

It-tħeġġiġ ta' networking u koordinazzjoni ta' azzjonijiet komuni u proġetti Ewropej.

Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati

L-appoġġ tal-ħolqien ta' pjattaformi Ewropej ta' promozzjoni.

L-appoġġ ta' gruppi u organizzazzjonijiet umbrella Ewropej għal promozzjoni nazzjonali u/jew reġjonali fuq is-swieq Ewropej u dawk dinjin.

L-appoġġ tan-networking ta' festivals, b'mod partikolari l-iskambju ta' programmar u ta' ħila.

L-appoġġ ta' gruppi ta' proġetti li jkollhom skopijiet identiċi, simili u/jew komplementari.

L-appoġġ ta' l-istabbiliment ta' networks ta' databases u katalgi.

4.4.   Tħeġġiġ tal-promozzjoni ta u aċċess għall-wirt ċinematografiku u awdjoviżiv ta'l-Ewropa

Objettiv operattiv u Azzjoni li għandha tiġi implimentata

It-tħeġġiġ u l-appoġġ ta' l-organizzazzjoni ta' avvenimenti, b'mod partikolari dawk li jimmiraw lejn iż-żgħażagħ, biex jiġi promoss il-wirt ċinematografiku u awdjoviżiv ta' l-Ewropa.

5.   Proġetti pilota

Objettiv operattiv

L-iżgurar tal-fatt li l-programm jadatta għal żviluppi tas-suq, prinċiplament b'konnessjoni ma' l-introduzzjoni u l-użu tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

Azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati

L-appoġġ ta' proġetti pilota f'oqsma kkunsidrati bħala li hemm ċans sew li jiġu influwenzati mill-introduzzjoni u l-użu ta' teknoloġiji ġodda ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

Id-disseminazzjoni fuq firxa wiesgħa tar-riżultati ta' proġetti pilota permezz ta' l-organizzazzjoni ta' konferenzi jew ta' avvenimenti on-line u off-line sabiex tiġi mħeġġa d-disseminazzjoni ta' prattika tajba.

KAPITOLU 2

Arranġamenti għall-implimentazzjoni

1.   Appoġġ Komunitarju

1.1   Il-sehem tal-kontribuzzjoni Komunitarja fl-ispejjeż tal-ħidmiet appoġġjati

Il-kontribuzzjoni finanzjarja minn MEDIA ma tistax taqbeż il-50 % ta' l-ispejjeż tal-ħidmiet appoġġjati, ħlief fil-każijiet li ġejjin.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja minn MEDIA tista' tkun sa 60 % ta' l-ispejjeż tal-ħidmiet appoġġjati:

(a)

għal attivitajiet ta' taħriġ f'pajjiżi jew f'reġjuni b'kapaċità ta' produzzjoni awdjoviżiva baxxa u/jew b'żona ġeografika jew lingwistika ristretta;

(b)

għal proġetti sottomessi taħt il-linji ta' żvilupp, distribuzzjoni/disseminazzjoni u promozzjoni li għandhom il-mertu li jenfasizzaw il-valur tad-diversità lingwistika u kulturali Ewropea;

(ċ)

għal azzjonijiet, fost dawk deskritti fil-punt 3 tal-Kapitolu I ta' dan l-Anness (distribuzzjoni u disseminazzjoni), identifikati bħala li huma konformi mal-proċedura mniżżla fl-Artikolu 11(2).

Il-kontribuzzjoni finanzjarja minn MEDIA tista' tkun sa 75 % ta' l-ispejjeż ta' ħidmiet appoġġati għal attivitajiet ta' taħriġ fl-Istati Membri li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea wara t-30 ta' April 2004. L-attenzjoni ser titqiegħed fuq din id-disposizzjoni matul il-valutazzjoni ta' nofs it-term tal-programm.

1.2.   Arranġamenti għal appoġġ Komunitarju

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-programm ikun aċċessibbli u huwa implimentat b'mod trasparenti.

L-appoġġ Komunitarju huwa fil-forma ta' għotjiet jew ta' boroż ta' studju.

Fis-settur tat-taħriġ, kull sena ammont xieraq mill-fondi disponibbli għandu kemm jista' jkun jiġu allokat għal attivitajiet ġodda.

1.3.   Għażla tal-proġetti

Il-proġetti magħżula għandhom ikunu konformi ma':

id-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni u l-Anness tagħha;

id-disposizzjonijiet tar-Regolamenti (KE, Euratom)Nru 1605/2002 u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

1.4.   Lista tar-riżorsi

Il-fondi disponibbli ser jitqassmu skond il-linji gwida li ġejjin:

Akkwist u titjib ta' kompetenzi

madwar 7 %

Żvilupp

mill-inqas 20 %

Distribuzzjoni

mill-inqas 55 %

Promozzjoni

madwar 9 %

Proġetti pilota

madwar 4 %

Kwistjonijiet orizzontali

mill-inqas 5 %

Dawn il-persentaġġi huma indikattivi u soġġetti għal bidla mill-Kumitat previst mill-Artikolu 11 skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11 (2).

Sabiex tkun assikurata l-effiċjenza globali u l-implimentazzjoni adegwata ta' l-objettivi tal-programm, kif imniżżel fl-Artikolu 1, l-azzjonijiet Komunitarji għandhom jikkonċentraw fuq l-iżvilupp ta' l-azzjonijiet imwettqa taħt il-programmi preċedenti ċitati fil-Premessa (7).

L-azzjonijiet kollha għandhom jiġu riveduti fuq bażi annwali skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 10 (2), sabiex il-Komunità tkun tista' tirreaġixxi għall-ħtiġijiet u l-iżvilupp tas-settur.

Sabiex ikunu assikurati l-objettivi kulturali u industrijali globali tal-programm id-deċiżjoni dwar it-tqassim annwali tal-pakkett finanzjarju għandha tkun ibbażata fuq monitoraġġ kontinwu ta' l-effettività tal-linji ta' azzjoni fil-programm.

2.   Komunikazzjoni

2.1.   Il-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tista' torganizza seminars, simposja jew laqgħat sabiex tgħin l-implimentazzjoni tal-programm u tista' tistitwixxi kwalunkwe miżura ta' informazzjoni, pubblikazzjoni u disseminazzjoni adatta, b'mod partikolari b'konnessjoni mal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-programm. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jkunu ffinanzjati permezz ta' għotjiet jew sejħiet għal offerti jew jistgħu jiġu organizzati u ffinanzjati direttament mill-Kummissjoni.

2.2.   MEDIA desks u antenni ta' MEDIA

Il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi direttament flimkien ma' l-Istati Membri, għandha tistabbilixxi network Ewropew ta' MEDIA desks u ta' antenni ta' MEDIA, li joperaw bħala korp implimentattiv fuq il-livell nazzjonali skond l-Artikolu 54(2)(ċ) u (3) tar-Regolament (KE, Euratom)Nru 1605/2002, b'mod partikolari għall-finijiet ta':

(a)

l-informazzjoni tal-professjonisti fis-settur awdjoviżiv dwar id-diversi tipi ta' għajnuna disponibbli taħt il-politika ta' l-Unjoni Ewropea;

(b)

il-pubbliċità u l-promozzjoni tal-programm;

(ċ)

it-tħeġġiġ ta' l-akbar parteċipazzjoni possibbli minn professjonisti fl-attivitajiet tal-programm;

(d)

l-għajnuna lill-professjonisti sabiex jippreżentaw il-proġetti tagħhom bi tweġieba għal sejħiet għal proposti;

(e)

it-tħeġġiġ ta' kooperazzjonijiet trans-konfini bejn professjonisti, istituzzjonijiet u networks;

(f)

l-appoġġ lill-Kummissjoni fil-ħidma flimkien mad-diversi korpi ta' appoġġ fl-Istati Membri sabiex ikun żgurat li l-attivitajiet tal-programm jikkumplimentaw miżuri ta' appoġġ nazzjonali;

(g)

it-tqegħid tad-data fuq is-swieq awdjoviżivi nazzjonali għad-disposizzjoni ta' partijiet interessati.

3.   Informazzjoni dwar is-suq awdjoviżiv Ewropew u l-parteċipazzjoni fl-Osservatorju u l-kooperazzjoni possibli mal-fond ta' appoġġ ta' l-Eurimages tal-Kunsill ta' l-Ewropa.

Il-programm jipprovdi l-bażi legali għan-nefqa meħtieġa għall-monitoraġġ ta' miżuri Komunitarji ta' politika awdjoviżiva.

Hu jipprevedi li l-Unjoni Ewropea tkompli tieħu sehem fl-Osservatorju. Dan jiffaċilita l-aċċess għal informazzjoni għall-operaturi u d-disseminazzjoni fis-settur. Dan jikkontribwixxi wkoll għal trasparenza akbar fil-proċess ta' produzzjoni. Bl-istess mod il-programm jista' jagħmilha possibbli għall-Unjoni Ewropea sabiex tesplora possibbiltajiet għal kooperazzjoni mhux finanzjarja mal-Fond ta' Appoġġ ta' l-Eurimages, bil-ħsieb tal-promozzjoni tal-kompetittività tas-settur awdjoviżiv Ewropew fis-suq internazzjonali.

4.   Kompiti ta' amministrazzjoni

L-allokazzjoni finanzjarja tal-programm tista' tkopri wkoll l-ispejjeż li għandhom x'jaqsmu ma' attivitajiet ta' tħejjija, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' verifika u ta' valutazzjoni, meħtieġa direttament għall-amministrazzjoni u t-twettiq ta' l-objettivi tal-programm, b'mod partikolari, studji, laqgħat, azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' pubblikazzjoni, spejjeż marbuta ma' networks informatiċi li jiffukaw fuq l-iskambju ta' informazzjoni, flimkien man-nefqa l-oħra kollha ta' assistenza amministrattiva u teknika li l-Kummissjoni tista' tagħmel użu minnha għall-amministrazzjoni tal-programm. Esperti mill-grupp konsultattivi tekniċi, jew proċeduri oħra ta' għażla u valutazzjoni, jistgħu jkunu remunerati debitament.

Fl-implimentazzjoni tal-Programm, il-Kummissjoni għandha tiżgura konformità ma' l-objettivi u l-prijoritajiet imniżżla fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni u tiżgura li l-parteċipazzjoni ta' professjonisti fil-programm tirrifletti d-diversità kulturali Ewropea b'mod bilanċjat.

5.   Kontrolli u verifiki

Għall-proġetti magħżula skond il-proċedura deskritta fl-Artikolu 9, għandha tiġi stabbilita sistema ta' verifika b'mod saltwarju.

Kwalunkwe benefiċjarju ta' għotja għandu jżomm għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni, għal perijodu ta' ħames snin wara l-ħlas finali, id-dokumenti ta' appoġġ kollha ta' l-ispejjeż magħmula. Il-benefiċjarji għandhom jiżguraw li, jekk ikun il-każ, kwalunkwe dokumenti ta' appoġġ fil-pussess ta' imsieħba jew ta' membri jitqiegħed għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni, direttament permezz tal-persunal tagħha jew permezz ta' kwalunkwe aġenzija oħra esterna u kwalifikata ta' l-għażla tagħha, għandha d-dritt li twettaq verifika fuq l-użu ta' l-għotja. Dawn il-verifiki jistgħu jitwettqu matul il-perijodu kollu tal-kuntratt u għal perjodu ta' ħames snin mid-data tal-ħlas tal-bilanċ ta' l-għotja. Ir-riżultat ta' dawn il-verifiki jista' jwassal għal deċiżjoni mill-Kummissjoni li tirkupra l-fondi.

Il-persunal tal-Kummissjoni u persuni esterni awtorizzati mill-Kummissjoni għandu jkollhom aċċess adegwat, b'mod partikolari għall-uffiċċji tal-benefiċjarju u għall-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż dik f'forma elettronika, sabiex twettaq il-verifiki sew.

Il-Qorti ta' l-Awdituri u l-Uffiċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) għandu jkollhom l-istess drittijiet, b'mod speċjali ta' aċċess, bħall-Kummissjoni.

Barra minn hekk, sabiex tħares l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra frodi u irregolaritajiet oħra, il-Kummissjoni hija awtorizzata twettaq kontrolli u verifiki in situ taħt il-programm attwali, b'mod konformi mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom)2185/96 tal-11 ta' Novembru dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (1) Jekk ikun meħtieġ, għandhom jitwettqu investigazzjonijiet mill-Uffiċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u għandhom ikunu regolati mir-Regolament (KE)1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (2).


(1)  ĠU L 292 tal-15.11.1996.

(2)  ĠU L 136 tal-31.5.1999.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fil-15 ta' Lulju 2004 l-Kummissjoni ssottomettiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni, ibbażata fuq l-Artikoli 150(4) u 157(3) tat-Trattat tal-KE, li tistabbilixxi programm ta' appoġġ għas-settur awdjoviżiv (MEDIA 2007).

2.

Il-Kumitat tar-Reġjuni ta l-Opinjoni tiegħu fit-23 ta' Frar 2005.

3.

Il-Parlament Ewropew ta l-Opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-25 ta' Ottubru 2005.

4.

Fl-24 ta' Lulju 2006, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu skond l-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE.

II.   OBJETTIV

Il-proposta tgħaqqad fi programm uniku l-miżuri ta' appoġġ Komunitarji attwali favur l-industrija awdoviżiva Ewropea, jiġifieri, il-programmi MEDIA Plus u MEDIA Taħriġ, li jibqgħu jgħoddu sal-31 ta' Diċembru 2006. Il-miżuri l-ġodda għandhom bħala objettivi globali li:

isaħħu l-kompetittività tas-settur awdjoviżiv Ewropew fil-qafas ta' suq miftuħ u kompetittiv;

iżiedu ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħolijiet awdjoviżivi Ewropej ġewwa u barra l-Unjoni Ewropea; u

jippreżervaw u jsaħħu d-diversità kulturali Ewropea u l-wirt ċinematografiku u awdjoviżiv tagħha, jiggarantixxu l-aċċessibbiltà tagħha għaċ-ċittadini Ewropej u jippromwovu d-djalogu interkulturali;

Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-programm ser jappoġġa l-akkwist u l-iżvilupp ta' kapaċitajiet, l-iżvilupp, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni ta' xogħolijiet awdjoviżi Ewropej, u proġetti pilota.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Kummenti ġenerali

Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tibqa' kompletament f'konformità mal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. In ġenerali, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għandhom approċċi konverġenti dwar dan il-programm.

Il-baġit ta' EUR 671 miljun (fi prezzijiet ta' l-2004, u soġġett għall-aġġustament biex jittieħed kont ta' l-inflazzjoni) kien miftiehem mit-tliet istituzzjonijiet fil-kuntest tal-ftehim interistituzzjonali dwar il-qafas Finanzjarju għall-2007-2013.

Il-Kunsill introduċa fit-test żewġ dispożizzjonijiet meħuda mill-Programmi MEDIA attwali: a) tqassim indikattiv ta' riżorsi (fil-Kapitolu II ta' l-Anness); b) proċedura tal-kumitat ta' ġestjoni għal proġetti b'kontribut Komunitarju totali ta' aktar minn EUR 200 000 għal kull benefiċjarju u għal kull sena fil-każ ta' taħriġ u promozzjoni, ta' EUR 200 000 fil-każ ta' żvilupp u ta' EUR 300 000 fil-każ ta' distribuzzjoni (fl-Artikolu 10). Dawn il-limiti huma identiċi għal dawk fil-programmi MEDIA eżistenti.

2.   Emendi tal-Parlament Ewropew

Il-Kunsill fittex fil-pożizzjoni komuni tiegħu li jieħu kont tat-tħassib u l-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew u seta' jaċċetta l-biċċa l-kbira ta' l-emendi tal-Parlament.

2.1.   Emendi aċċettati bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju

L-emendi 1, 2, 4, 5, 6, 7, 8, 10, 11, 12, 13, 16, 17, 19, 20, 22, 23, 25, 29, 30, 32, 35, 36, 37, 44, 45, 46, 50, 53, 58, 59, 60, 61, 62, 63, 66, 67, 68, 72, 75, 76 u 77 ġew inklużi bis-sħiħ, għalkemm f'xi postijiet bi ftit formulazzjoni mill-ġdid jew bidliet lingwistiċi minuri.

Numru ta' emendi kienu aċċettati parzjalment: L-emenda 9 (minbarra l-aħħar sentenza), 15 (bl-eċċezzjoni tar-referenza għall-Kostituzzjoni għal raġunijiet ta' proċedura), 18 (minbarra l-aħħar sentenza), 78 (bl-eċċezzjoni tal-pluraliżmu tal-medja u l-libertà ta' l-espressjoni diġà koperti mill-premessa 3), 38 u 47 (it-tnejn barra l-aħħar sentenza), 48 u 49 (minbarra l-ewwel parti li taqa' barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-programm), 54 (mingħajr referenza għal kategoriji speċifiċi ta' l-Istati Membri), 56 (mingħajr isem għall-premju) u 69 (bir-referenza għal Jiem taċ-Ċinema Ewropea pjuttost milli għall-festivals tal-film Ewropej).

2.2.   Emendi mhux inkorporati

Fid-dawl tal-ftehim Interistituzzjonali dwar il-Qafas Finanzjarju 2007-2013, il-Kunsill irrifjuta l-emendi 86, 89 u 27 li jikkonċernaw il-baġit globali.

Waħda mill-karatteristiċi tal-programm hija d-diskriminazzjoni pożittiva favur l-Istati Membri li għamlu l-adeżjoni wara t-30 ta' April 2004. L-emendi bil-għan li jestendu dawn il-miżuri għall-Istati Membri b'kapaċità ta' produzzjoni baxxa u oqsma lingwistiċi ristretti ġew irrifjutati (l-emendi 28, 55 u 57).

Il-Kunsill ma setax jaċċetta l-emendi 64 u 65 li għandhom l-għan li jnaqqsu n-numru ta' xandara fl-Istati Membri differenti minn 3 għal 2 għal produzzjonijiet ta' produtturi indipendenti, minħabba li l-kooperazzjoni bilaterali ma toffrix valur miżjud Komunitarju.

Il-Kunsill ikkunsidra li l-emenda 31 dwar l-użu tat-sottotitoli introduċiet prijoritizzazzjoni tal-mezzi li jinkoraġġixxu ċ-ċirkolazzjoni tax-xogholijiet awdjoviżi, filwaqt li l-għan tal-programm kien li jinkoraġġixxi d-diffużjoni bi kwalunkwe mezz, inkluż id-dubbing.

L-emenda 39 ġiet irrifjutata għar-raġunijiet li proliferazzjoni ta' Media Desks ma tkunx konsiljabbli.

Referenza speċifika ta' parteċipazzjoni għall-programm tal-pajjiżi koperti mill-politika dwar il-pajjiżi ġirien (l-emenda 34) ma ġietx miżmuma.

Numru ta' emendi gew irrifjutati għar-raġunijiet li l-kontenut tagħhom kien kopert mill-premessi (l-emendi 40, 41, 42, 43) jew integrati x'imkien ieħor fit-test (26, 33 u 70), jew għaliex kien meqjus li waqgħu barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-programm (l-emendi 3, 14, 52, 71, 73 u 74). Fl-aħħarnett, l-emenda 51 kienet ikkunsidrata speċifika wisq.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill jikkunsidra li l-pożizzjoni komuni tiegħu tirrappreżenta test ibbilanċjat, li jipprovdi bażi tajba għal bidu f'waqtu ta' dan l-istrument bħala appoġġ ta' l-industrija tal-films Ewropej. Huwa kkunsidra wkoll li ħa kont ta' l-objettivi segwiti mill-Parlament Ewropew fl-emendi tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni u jistenna bil-ħerqa ftehim mal-Parlament Ewropew fil-ġejjieni qarib bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni.


17.10.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/20


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) NRU 14/2006

adottata mill Kunsill fl-24 ta' Lulju 2006

bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni Nru …/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-… li tistabbilixxi l-progamm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-perjodu 2007-2013

(2006/C 251 E/02)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 149(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea, hawn aktar 'il quddiem imsejjaħ “it-Trattat” jistabbilixxi ċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni u jipprovdi li l-azzjoni tal-Komunità fil-qasam ta' l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u ż-żgħażagħ għandha tkun primarjament immirata għat-tħeġġiġ ta' l-iżvilupp ta' l-iskambji bejn iż-żgħażagħ, skambji ta' edukaturi soċjo-edukattivi u edukazzjoni ta' kwalità.

(2)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea hu bbażat fuq il-prinċipji ta' libertà, demokrazija, rispett għad-drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u n-non-diskriminazzjoni. L-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' dawn il-valuri.

(3)

Id-Deċiżjoni Nru 1031/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2000 li stabbilixxiet il-programm ta' azzjoni tal-Komunità “Youth” (4). Huwa xieraq li titkompla u tissaħħaħ il-kooperazzjoni u l-azzjoni ta' l-UE f'dak il-qasam abbażi ta' l-esperjenza miksuba minn dak il-programm.

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 790/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-21 ta' April 2004 stabbilixxiet il-programm ta' azzjoni tal-Komunità biex tippromwovi korpi attivi fuq livell Ewropew fil-qasam taż-żgħażagħ (5).

(5)

Il-Kunsill Ewropew Straordinarju li sar f'Lisbona fit-23 u l-24 ta' Marzu 2000 stabbilixxa għan strateġiku għall-UE li jinkludi politika ta' impjieg attiv li jagħti aktar priorità għat-tagħlim tul il-ħajja kollha, kumplimentat minn strateġija ta' żvilupp sostenibbli tal-Kunsill Ewropew ta' Gothenburg tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2001.

(6)

Id-Dikjarazzjoni ta' Laeken annessa mal-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2001 tispjega li waħda mill-isfidi bażiċi li għandhom jintlaħqu mill-UE hija kif iċ-ċittadini, u primarjament iż-żgħażagħ, jistgħu jinġiebu eqreb lejn l-istruttura Ewropea u lejn l-Istituzzjonijiet Ewropej.

(7)

Il-Kummissjoni adottat White Paper dwar “Impetu ġdid għaż-Żgħażagħ Ewropej” fil-21 ta' Novembru 2001, li tipproponi qafas ta' kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ biex tiffoka fuq il-parteċipazzjoni, l-informazzjoni, l-attivitajiet ta' volontarjat u li ż-żgħażagħ jiġu mifhuma aktar. Il-Parlament Ewropew adotta dawn il-proposti fir-riżoluzzjoni tiegħu ta l-14 ta' Mejju 2002 (6).

(8)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill fis-27 ta' Ġunju 2002 (7) tistabbilixxi, b'mod partikolari, metodu miftuħ ta' koordinazzjoni li tkopri l-prioritajiet, il-parteċipazzjoni, l-informazzjoni, l-attivitajiet ta' volontarjat fost iż-żgħażagħ u li ż-żgħażagħ jiġu mifhuma aktar. Dan għandu jittieħed in konsiderazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Programm ZGĦAŻAGĦ FL-AZZJONI, hawn aktar 'il quddiem imsejjaħ “il-Programm”.

(9)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-6 ta' Mejju 2003 (8) il-Kunsill jisħaq fuq il-bżonn li jinżammu u jiġu żviluppati l-istrumenti Komunitarji eżistenti li huma indirizzati speċifikament għaż-żgħażagħ, peress li huma essenzjali għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni ta' l-Istat Membri fil-qasam taż-żgħażagħ, u, aktar minn hekk, fuq il-fatt li l-prioritajiet u l-għanijiet ta' dawk l-istrumenti għandhom ikunu allinjati mal-Qafas ta' Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-Żgħażagħ.

(10)

Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa fit-22 u t-23 ta' Marzu 2005 adotta l-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ bħala wieħed mill-istrumenti li jikkontribwixxu biex jinkisbu l-għanijiet ta' Lisbona ta' tkabbir u impjiegi. Il-Patt jiffoka fuq tliet oqsma: impjiegi, integrazzjoni u progress soċjali; edukazzjoni, taħriġ u mobilità; rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja .

(11)

L-azzjoni tal-Komunità tinkludi kontribuzzjoni għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja u għandha tfittex li telimina n-nuqqas ta' ugwaljanza u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, skond l-Artikolu 3 (2) tat-Trattat.

(12)

Il-bżonnijiet speċjali ta' persuni b'diżabilità għandhom ikunu indirizzati.

(13)

Jeħtieġ li tiġi promossa ċ-ċittadinanza attiva u, fl-implimentazzjoni tal-linji ta' azzjoni, li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħhom, inkluż dawk ibbażati fuq sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, disabbilità, eàt jew orjentazzjoni sesswali skond l-Artikolu 13 (1) tat-Trattat.

(14)

Il-pajjiżi kandidati u dawk il-pajjiżi ta' l-EFTA li huma partijiet għall-Ftehim taż-ŻEE huma rikonoxxuti bħala parteċipanti potenzjali fil-programmi tal-Komunità, skond il-ftehim konklużi magħhom.

(15)

Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 adotta l-“Aġenda ta' Tessaloniki għall-Balkani tal-Punent: nersqu lejn l-integrazzjoni Ewropea”, li tistabbilixxi li l-programmi Komunitarji għandhom ikunu miftuħa għall-pajjiżi li huma parti fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni abbażi ta' ftehim kwadru li għandhom jiġu ffirmati bejn il-Komunità u dawn il-pajjiżi.

(16)

Għandhom jittieħdu passi bil-għan li l-Programm jinfetaħ għall-Isvizzera.

(17)

Id-Dikjarazzjoni ta' Barċellona adottata fil-Konferenza Ewro-Mediterranja fl-1995 tiddikjara li l-iskambji bejn iż-żgħażagħ għandhom ikunu l-mezzi biex iħejju lill-ġenerazzjonijiet futuri għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-sħab Ewro-Mediterranji, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

(18)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill, abbażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Ewropa Akbar- il-Viċinat: Qafas Ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tagħna tal-Lvant u tan-Nofsinhar”, stabbilixxa linji ta' azzjoni għall-Komunita' biex jiġu mtejba l-kooperazzjoni kulturali, il-fehim reċiproku u l-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ mal-pajjiżi ġirien.

(19)

Ir-rapporti ta' evalwazzjoni interim dwar il-programm eżistenti Youth u l-konsultazzjoni pubblika dwar il-futur ta' l-attività tal-Komunità fl-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ jiżvelaw bżonn qawwi u f'xi rispetti li qiegħed jikber għat-tkomplija tal-kooperazzjoni u l-mobilità fil-qasam taż-żgħażagħ fuq livell Ewropew, u juru x-xewqa għal approċċ aktar sempliċi u flessibbli biex tiġi implimentata tali azzjoni.

(20)

B'segwitu tal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja soda, l-implimentazzjoni tal-Programm tista' tiġi ssimplifikata b'rikors għal finanzjament f'somma waħda, fir-rigward ta' appoġġ mogħti lill-parteċipanti tal-programm jew ta' appoġġ Komunitarju għall-istrutturi stabbiliti fil-livell nazzjonali għall-amministrazzjoni tal-Programm.

(21)

Il-Programm hawn stabbilit għandu jkun immonitorjat u valutat b'mod regolari f'kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex ikun hemm lok għal aġġustamenti mill-ġdid, b'mod partikolari fil-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tal-miżuri. Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni għandhom jinkludu għanijiet u indikaturi reali u rilevanti.

(22)

Hemm bżonn li tiġi provduta biżżejjed flessibilità fil-formulazzjoni tal-bażi legali tal-Programm sabiex ikun hemm lok għal aġġustamenti adegwati fl-azzjonijiet bħala risposta għall-bżonnijiet li jinbidlu matul il-perijodu 2007 sa 2013, u biex jiġu evitati d-dispożizzjonijiet dettaljati wisq tal-programmi preċedenti, sabiex din id-Deċiżjoni tkun deliberatament limitata għad-definizzjonijiet ġeneriċi ta' l-azzjonijiet u d-dispożizzjonijiet amministrattivi u finanzjarji essenzjali li jakkumpanjawhom.

(23)

Huwa xieraq li tiġi żgurata konklużjoni ġusta tal-Programm, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontinwazzjoni ta' l-arranġamenti pluriennali għall-ġestjoni tiegħu, bħal finanzjament ta' l-assistenza teknika u amministrattiva. Mill-1 ta' Jannar 2014, l-assistenza teknika u amministrattiva se tiżgura, jekk meħtieġ, il-ġestjoni ta' azzjonijiet li għadhom ma ġewx iffinalizzati sa l-aħħar ta' l-2013.

(24)

Jeħtieġ li jiġu previsti arranġamenti speċifiċi għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (9) u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu, kif ukoll għad-derogi minn dawn it-testijiet li saru meħtieġa minħabba l-karatteristiċi tal-benefiċjarji u n-natura ta' l-azzjonijiet.

(25)

Għandhom jiġu implimentati wkoll miżuri xierqa sabiex ma jitħallewx isiru irregolaritajiet u frodi u biex jiġu rkuprati fondi mitlufa jew imħallsa jew użati ħażin.

(26)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi pakkett finanzjarju ta' referenza prinċipali għat-tul kollu tal-Programm, fis-sens tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u t-tmexxija finanzjarja tajba (10) għall-awtorita buġetarja matul il-proċedura buġetarja annwali.

(27)

Peress illi l-għanijiet ta' dan il-Programm ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri permezz ta' sħubijiet multilaterali, huma meħtieġa miżuri ta' mobilità transnazzjonali u skambju ta' informazzjoni fuq livell Ewropew, u għaldaqstant, minħabba d-dimensjoni transnazzjonali u multilaterali ta' l-azzjonijiet u l-miżuri proposti, dawn jistgħu jintlaħqu aħjar fuq il-livell tal-Komunità, għaldaqstant il-Komunità tista' tieħu miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità hekk kif imniżżel f' dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(28)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (11).

(29)

Għandhom jiġu adottati miżuri proviżorji għall-monitoraġġ ta' l-azzjonijiet li nbdew qabel il-31 ta' Diċembru 2006 skond id-Deċiżjoni Nru 1031/2000/KE u d-Deċiżjoni Nru 790/2004/KE.

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Stabbiliment talProgramm

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-Programm ŻGĦAŻAGĦ FL-AZZJONI bħala azzjoni Komunitarja, minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Programm”, li l-għan tiegħu hu li tiġi żviluppata l-kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea.

2.   Il-Programm għandu jibda fl-1 ta' Jannar 2007 u jintemm fil-31 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 2

Għanijiet ġenerali tal-Programm

1.   L-għanijiet ġenerali tal-Programm għandhom ikunu:

(a)

li jippromwovi ċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ b'mod ġenerali u ċ-ċittadinanza Ewropea tagħhom b'mod partikolari;

(b)

li jiżviluppa s-solidarjetà u jippromwovi t-tolleranza fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari sabiex isaħħaħ il-koeżjoni soċjali fl-UE;

(ċ)

li jħeġġeġ intendiment reċiproku bejn iż-żgħażagħ f'pajjiżi differenti;

(d)

li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kwalità tas-sistemi ta' appoġġ għal attivitajiet taż-żgħażagħ u l-kapaċitajiet ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam taż-żgħażagħ;

(e)

li jippromwovi kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ.

2.   L-għanijiet ġenerali tal-Programm jikkumplimentaw l-għanijiet segwiti f'oqsma oħra ta' l-attivitajiet tal-Komunita', b'mod partikolari fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, inkluż it-taħriġ vokazzjonali u tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll f'oqsma oħra, bħall-kultura, l-isport u l-impjiegi.

3.   L-għanijiet ġenerali tal-Programm għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-linji politiċi ta' l-UE, b'mod partikolari fir-rigward tar-rikonoxximent tad-diversità kulturali, multikulturali u lingwistika fl-Ewropa, għall-koltivazzjoni tal-koeżjoni kulturali u għall-ġlieda kontra kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u fir-rigward ta' l-iżvilupp sostenibbli.

Artikolu 3

Għanijiet speċifiċi tal-Programm

L-għanijiet speċifiċi huma kif ġej:

1.

Fil-kuntest ta' l-għan ġenerali li jippromwovi ċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ u ċ-ċittadinanza Ewropea tagħhom b'mod partikolari;

(a)

li jagħti liż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ l-opportunità li jieħdu sehem fl-iżvilupp tas-soċjetà b'mod ġenerali u ta' l-UE b'mod partikolari;

(b)

li jiżviluppa s-sens ta' appartenenza taż-żgħażagħ fl-UE;

(ċ)

li jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika ta' l-Ewropa;

(d)

li jikkultiva l-mobilità taż-żgħażagħ fl-Ewropa;

(e)

li jiżviluppa tagħlim interkulturali fil-qasam taż-żgħażagħ;

(f)

li jippromwovi l-valuri fundamentali ta' l-UE fost iż-żgħażagħ, b' mod partikolari r-rispett għad-dinjita' tal-bniedem, l-ugwaljanza, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, it-tolleranza u n-non-diskriminazzjoni;

(ġ)

li jħeġġeġ l-inizjattiva, l-intrapriża u l-kreattività;

(ħ)

li jiffaċilita l-parteċipazzjoni fil-Programm ta' żgħażagħ b'anqas opportunitajiet, inkluż f' żgħażagħ b' disabilitajiet;

(i)

li jiżgura li l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jkun rispettat fil-parteċipazzjoni fil-Programm u li l-ugwaljanza bejn is-sessi tkun imħarsa fl-azzjonijiet;

(j)

li jipprovdi opportunitajiet ta' tagħlim mhux formali u informali b'dimensjoni Ewropea u li jiftaħ opportunitajiet innovattivi b' konnessjoni maċ-ċittadinanza attiva.

2.

Fil-kuntest ta' l-għan ġenerali li jiżviluppa s-solidarjetà u jippromwovi t-tolleranza fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari sabiex isaħħaħ il-koeżjoni soċjali fl-UE:

(a)

li jagħti liż-żgħażagħ l-opportunità li jesprimu l-impenn personali tagħhom permezz ta' attivitajiet ta' volontarjat fuq livell Ewropew u internazzjonali;

(b)

li jinvolvi liż-żgħażagħ fl-azzjonijiet li jħeġġu s-solidarjetà fost iċ-ċittadini ta' l-UE;

3.

Fil-kuntest ta' l-għan ġenerali li jħeġġeġ ftehim reċiproku bejn iż-żgħażagħ f'pajjiżi differenti;

(a)

li jiżviluppa skambji u djalogu interkulturali bejn iż-żgħażagħ Ewropej u ż-żgħażagħ fil-pajjiżi ġirien;

(b)

li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kwalità ta' l-istrutturi ta' appoġġ għaż-żgħażagħ u tar-rwol ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

(ċ)

li jiżviluppa proġetti ta' kooperazzjoni tematika ma' pajjiżi oħra li jinvolvu liż-żgħażagħ u lil dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

4.

Fil-kuntest ta' l-għan ġenerali li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kwalità tas-sistemi ta' appoġġ għal attivitajiet taż-żgħażagħ u l-kapaċitajiet ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam taż-żgħażagħ:

(a)

li jikkontribwixxi għan-networking ta' l-organizzazzjonijiet konċernati;

(b)

li jiżviluppa t-taħriġ u l-kollaborazzjoni fost dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

(ċ)

li jippromwovi l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta' l-attivitajiet taż-żgħażagħ;

(d)

li jikkontribwixxi għat-titjib ta' l-informazzjoni għaż-żgħażagħ, b' attenzjoni partikolari għall-aċċess taż-żgħażagħ b' disabilita';

(e)

li jappoġġja proġetti taż-żgħażagħ ta' perijodu twil u inizjattivi ta' organizzazzjonijiet reġjonali u lokali;

(f)

li jiffaċilita r-rikonoxximent tat-tagħlim u tas-snajja' mhux formali taż-żgħażagħ miksuba permezz tal-parteċipazzjoni fil-Programm;

(ġ)

li jagħmel skambju ta' prattika tajba.

5.

Fil-kuntest ta' l-għan ġenerali biex jippromwovi l-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ b' konsiderazzjoni ta' l-aspetti lokali u reġjonali:

(a)

li jħeġġeġ l-iskambju ta' prattiċi tajbin u l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet u l-persuni li jfasslu l-politika fuq il-livelli kollha;

(b)

li jħeġġeġ djalogu strutturat bejn il-persuni li jfasslu l-politika u ż-żgħażagħ;

(ċ)

li jtejjeb l-għarfien u l-intendiment taż-żgħażagħ;

(d)

li jikkontribwixxi għall-kooperazzjoni bejn attivitajiet nazzjonali u internazzjonali ta' volontarjat taż-żgħażagħ.

Artikolu 4

Azzjonijiet

L-għanijiet speċifiċi u ġenerali tal-Programm għandhom jiġu mwettqa permezz ta' l-azzjonijiet ta' hawn taħt li dettalji dwarhom jinsabu fl-Anness.

1)   Żgħażagħ għall-Ewropa

L-għan ta' din l-azzjoni hu li:

jiġu appoġġati skambji ta' żgħażagħ sabiex tiżdied il-mobilità tagħhom;

jiġu appoġġati proġetti u inizjattivi taż-żgħażagħ u attivitajiet dwar il-parteċipazzjoni f'ħajja demokratika,sabiex jiġu żviluppati l-fehim reċiproku u ċ-ċittadinanza taż-żgħażagħ.

2)   Servizz ta' Volontarjat Ewropew

L-għan ta' din l-azzjoni hu li tkun appoġġata l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f'forom differenti ta' attivitajiet ta' volontarjat, kemm fi ħdan kif ukoll barra l-UE.

3)   Iż-żgħażagħ fid-Dinja

L-għan ta' din l-azzjoni hu li:

jiġu appoġġati proġetti mal-pajjiżi sħab imsemmija fl-Artikolu 5 (2), partikolarment skambji ta' żgħażagħ u ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

jiġu appoġġati inizjattivi li jsaħħu l-fehim reċiproku taż-żgħażagħ, is-sens ta' solidarjetà u tolleranza tagħhom, kif ukoll l-iżvilupp ta' kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ u s-soċjetà ċivili f'dawn il-pajjiżi.

4)   Sistemi ta' appoġġ għaż-żgħażagħ

L-għan ta' din l-azzjoni hu li jiġu appoġġati korpi li huma attivi f'livell Ewropew fil-qasam taż-żgħażagħ, partikolarment it-tħaddim ta' NGOs taż-żgħażagħ, in-networking tagħhom, pariri għal persuni li qed jiżviluppaw proġetti, l-assigurazzjoni tal-kwalita' permezz ta' l-iskambju, it-taħriġ u n-networking ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, it-tħeġġiġ ta' l-innovazzjoni u l-kwalità, il-provvista ta' informazzjoni liż-żgħażagħ, l-iżvilupp ta' l-istrutturi u l-attivitajiet meħtieġa sabiex il-Programm jilħaq dawn l-għanijiet u l-inkoraġġiment ta' sħubijiet ma' awtoritajiet lokali u reġjonali.

5)   Appoġġ għal kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ

L-għan ta' din l-azzjoni hu li:

jiġu organizzati djalogi strutturati bejn id-diversi atturi fil-qasam taż-żgħażagħ, partikolarment iż-żgħażagħ infishom, dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk li jfasslu l-politika;

ikun hemm appoġġ għal seminarji taż-żgħażagħ dwar kwistjonijiet soċjali, kulturali u politiċi li fihom iż-żgħażagħ ikunu interessati;

ikun hemm kontribut għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni fil-politika fil-qasam taż-żgħażagħ;

jiġi faċilitat l-iżvilupp tan-networks meħtieġa biex iż-żgħażagħ jiġu mifhuma aħjar.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni fil-Programm

1.   Il-Programm hu miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li ġejjin, minn issa 'l quddiem imsejħa l-“pajjiżi parteċipanti”:

(a)

l-Istati Membri;

(b)

L-Istati ta' l-EFTA li huma partijiet għall-Ftehim taż-ŻEE, skond id-dispożizzjonijiet ta' dak il-Ftehim;

(ċ)

Il-pajjiżi kandidati li jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni, skond il-prinċipji ġenerali u l-arranġamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-ftehim kwadru konkluż ma' dawn il-pajjiżi għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji;

(d)

il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, skond l-arranġamenti li għad iridu jiġu stabbiliti ma' dawn il-pajjiżi wara l-ftehim kwadru li jipprovdu għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Komunità;

(e)

L-Iżvizzera, soġġett għall-konklużjoni ta' ftehim bilaterali ma' dak il-pajjiż.

2.   L-azzjonijiet fil-punti 2 u 3 ta' l-Anness għandhom ikunu miftuħa għal kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi li iffirmaw ftehim mal-Komunità Ewropea rilevanti għall-qasam taż-żgħażagħ, minn issa 'l quddiem imsejħa “pajjiżi sħab”.

Din il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata, fejn rilevanti, fuq approprjazzjonijiet addizzjonali minn pajjiżi sħab li jridu jsiru disponibbli skond proċeduri li jridu jiġu miftiehma ma' dawn il-pajjiżi.

Artikolu 6

Aċċess għall-Programm

1.   Il-Programm huwa intiż li jsostni proġetti mingħajr skop ta' profitt għal żgħażagħ, gruppi ta' żgħażagħ, dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijet taż-żgħażagħ, u sħab oħrajn li jaħdmu fil-qasam taż-żgħażagħ.

2.   Bla ħsara għall-arranġamenti fl-Anness għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet, il-Programm huwa maħsub għal żgħażagħ b'etajiet bejn il-15 — 28, għalkemm ċerti azzjonijiet huma miftuħin għal żgħażagħ b'etajiet żgħar ta' 13 jew sa l-eta' ta' 30.

3.   Il-benefiċjarji għandhom ikunu residenti legali ta' pajjiż parteċipant fil-Programm jew, skond in-natura ta' l-azzjoni, pajjiż sieħeb.

4.   Iż-żgħażagħ kollha, mingħajr diskriminazzjoni, għandu jkun jista' jkollhom aċċess għall-attivitajiet tal-Programm, soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness. Il-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti għandhom jiżguraw li jsiru sforzi partikolari fir-rigward ta' żgħażagħ li jkollhom diffikultajiet partikolari biex jieħdu sehem fil-Programm minħabba raġunijiet ta' edukazzjoni, soċjali, fiżiċi, psikoloġiċi, ekonomiċi jew kulturali jew minħabba li jkunu jgħixu f'żoni remoti.

5.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom jagħmlu ħilithom biex jieħdu miżuri xierqa sabiex il-parteċipanti fil-Programm jikun jista' jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi komunitarja. Il-pajjiż ta' oriġini għandu jagħmel ħiltu biex jieħu l-miżuri xierqa sabiex il-parteċipanti fis-Servizz ta' Volontarjat Ewropew ikunu jistgħu jżommu l-protezzjoni soċjali tagħhom. Il-pajjiżi parteċipanti għandhom ukoll jagħmlu ħilithom biex jadottaw miżuri xierqa, skond it-Trattat, biex iwarrbu l-ostakli legali u amministrattivi għall-aċċess għal dan il-Programm.

Artikolu 7

Kooperazzjoni internazzjonali

Il-Programm għandu jkun ukoll miftuħ għal kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali li għandhom awtorità fil-qasam taż-żgħażagħ, b'mod partikolari l-Kunsill ta' l-Ewropa.

Artikolu 8

Implimentazzjoni tal-Programm

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet koperti minn dan il-Programm skond l-Anness.

2.   Il-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżviluppaw strutturi f'livell Ewropew, nazzjonali u, jekk meħtieġ, reġjonali jew lokali biex jiksbu l-għanijiet tal-Programm u biex jieħdu l-akbar benefiċċju mill-azzjonijiet tal-Programm.

3.   Il-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex iħeġġu r-rikonoxximent ta' taħriġ mhux formali u informali għaż-żgħażagħ, per eżempju permezz ta' dokumenti jew ċertifikati li, b' kont meħud tas-sitwazzjoni nazzjonali, jirrikonoxxu l-esperjenza miksuba mill-benefiċjarji u li jaffermaw il-parteċipazzjoni diretta taż-żgħażagħ jew ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f'azzjoni taħt il-Programm. Dan il-għan jista' jiġi rinforzat bil-komplimentazzjoni ta' azzjonijiet Komunitarji oħra kif previst fl-Artikolu 11.

4.   Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-pajjiżi parteċipanti, għandha tiżgura l-protezzjoni adegwata ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità billi tintroduċi miżuri effettivi, proporzjonati u dissważivi, kontrolli amministrattivi u pieni.

5.   Il-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet appoġġati taħt il-Programm jiġu pubbliċizzati b'mod xieraq.

6.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom:

(a)

jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-Programm jimxi bla xkiel fil-livell nazzjonali, billi jinvolvu l-partijiet konċernati ma' l-aspetti diversi taż-żgħażagħ skond il-prassi nazzjonali;

(b)

jistabbilixxu/jaħtru u jissorveljaw l-aġenziji nazzjonali fl-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet tal-Programm f'livell nazzjonali, skond l-Artikolu 54(2)(ċ) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u skond il-kriterji li ġejjin:

(i)

il-korp stabbilit jew maħtur bħala l-aġenzija nazzjonali għandu jkollu personalità ġuridika jew ikun jagħmel parti minn organizzazzjoni li jkollha personalità ġuridika (u jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż parteċipanti). Ministeru m'għandux jinħatar bħala l-aġenzija nazzjonali;

(ii)

il-korp għandu jkollu persunal biżżejjed bil-ħiliet xierqa biex jaħdem f'ambjent ta' koperazzjoni internazzjonali, infrastruttura xierqa u ambjent amministrattiv li jippermetti li jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta' interess;

(iii)

għandha tkun kapaċi tapplika r-regoli ta' mmaniġġar ta' fondi u l-kondizzjonijiet kontrattwali stabbiliti fil-livell tal-Komunita';

(iv)

għandu jkolla biżżejjed garanziji finanzjarji (preferibilment minn awtorita' pubblika) u kapaċita' amministrattiva adegwata għall-volum ta' fondi Komunitarji li ser ikollha tamministra.

(ċ)

jassumu responsabbiltà għall-ġestjoni tajba mill-aġenziji nazzjonali msemmija f' b) ta' l-approprjazzjonijiet trasferiti lilhom li jridu jingħataw għal proġetti. Għandhom ikunu responsabbli, b'mod partikolari, biex jiżguraw li l-aġenziji nazzjonali jikkonformaw mal-prinċipji ta' trasparenza, trattament ugwali u li ma jkunx hemm akkumulazzjoni vis-à-vis fondi komunitarji oħrajn, u għall-obbligu li tiġi irkuprata kwalunkwe somma dovuta mill-benefiċjarji;

(d)

jieħu l-miżuri meħtieġa biex jivverifika u jissorvelja l-finanzi ta' l-aġenziji nazzjonali msemmija f'(b), u b'mod partikolari:

(i)

jipprovdi lill-Kummissjoni, qabel ma l-aġenzija nazzjonali tibda x-xogħol, l-assigurazzjonijiet meħtieġa dwar l-eżistenza, ir-rilevanza u l-operazzjoni ta' l-aġenzija nazzjonali, skond ir-regoli ta' ġestjoni finanzjarja soda, ta' proċeduri adegwati, sistemi ta' sorveljanza, sistemi ta' kontabilità u proċeduri għall-għoti ta' kuntratti u għotjiet;

(ii)

jiżgura lill-Kummissjoni, fl-aħħar ta' kull sena finanzjarja, dwar l-affidabbiltà tas-sistemi finanzjarji u l-proċeduri ta' l-aġenziji nazzjonali u l-eżattezza tal-kontijiet tagħhom;

(iii)

jassumi responsabbiltà għal kwalunkwe somma li ma tkunx ġiet irkuprata fil-każ ta' kwalunkwe irregolarità, negliġenza jew frodi min-naħa ta' l-aġenziji nazzjonali msemmija f' (b) li tippermetti lill-Kummissjoni ddur għall-aġenzija nazzjonali biex tirkupra l-fondi.

7.   Bħala parti mill-proċedura msemmija fil-paragrafu 10 (1), il-Kummissjoni tista' tikkompila linji gwida għal kull azzjoni fl-Anness sabiex il-Programm jiġi adattat għal kwalunkwe bidla fi prijorità fil-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ.

Artikolu 9

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu msemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn.

3.   Fejn hemm referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

4.   Il-kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 10

Miżuri implimentattivi

1.   Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni dwar il-materji li ġejjin għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2):

(a)

l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Programm, inkluż il-programm ta' ħidma annwali;

(b)

il-bilanċ ġenerali bejn l-azzjonijiet differenti tal-Programm;

(ċ)

fir-rigward tal-finanzjament, il-kriterji (eż il-popolazzjoni taż-żgħażagħ, il-PGD u d-distanza ġeografika bejn il-pajjiżi) applikabbli biex tiġi stabbilita l-analiżi indikattiva tal-fondi fost l-Istati Membri għall-iskop li l-azzjonijiet jiġu ġestiti fuq bażi deċentralizzata;

(d)

il-monitoraġġ tal-ftehim imsemmi fil-punt 4.2 ta' l-Anness, inkluż il-pjan ta' ħidma annwali u r-rapport annwali tal-Forum taż-Żgħażagħ Ewropej;

(e)

l-arranġamenti għall-valutazzjoni tal-Programm;

(f)

l-arranġamenti biex tiġi ċertifikata l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ ikkonċernati;

(ġ)

l-arranġamenti biex jiġu adottati l-azzjonijiet tal-Programm imsemmija fl-Artikolu 8(7).

2.   Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni dwar il-materji l-oħrajn kollha għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(3).

Artikolu 11

Komplementarjetà ma' azzjonijiet Komunitarji oħra

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-komplementarjetà bejn dan il-Programm u l-oqsma l-oħra ta' azzjoni komunitarja, speċjalment l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, il-kultura, iċ-ċittadinanza, l-isport, il-lingwi, l-impjiegi, is-saħħa, ir-riċerka, l-intrapriża, l-azzjoni esterna ta' l-UE, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

2.   Fejn ikun kompatibbli, il-Programm jista' jaqsam riżorsi ma' strumenti oħrajn tal-Komunità sabiex jimplimenta azzjonjiet li jilħqu l-għanijiet kemm tal-Programm kif ukoll ta' dawn l-istrumenti.

3.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea għandhom jenfasizzaw l-azzjonijiet tal-Programm li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' l-għanijiet ta' oqsma oħrajn ta' azzjoni Komunitarja, bħall-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, il-kultura u l-isport, il-lingwi, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza tas-sessi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

Artikolu 12

Komplementarjetà ma' linji politiċi nazzjonali u strumenti

1.   Il-pajjiżi parteċipanti jistgħu japplikaw mal-Kummissjoni għall-intitolament għall-għoti tat-tikketta Ewropea għal azzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali bħal dawk ta' l-Artikolu 4.

2.   Pajjiż li jipparteċipa jista' jipprovdi lill-benefiċjarji finanzjament nazzjonali li jkun amministrat skond ir-regoli tal-Programm u, għal dan il-għan, juża l-istrutturi deċentralizzati tal-Programm, sakemm huwa jiżgura l-finanzjament pro rata komplimentari ta' dawn l-istrutturi.

Artikolu 13

Dispożizzjonijiet finanzjarji ġenerali

1.   Il-baġit għall-implimentazzjoni ta' dan il-programm għall-perijodu msemmi fl-Artikolu 1 huwa b'dan stabbilit għal EUR 785 miljun (12).

2.   L-appropjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fi ħdan il-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 14

Dispożizzjonijiet finanzjarji li jikkonċernaw il-benefiċjarji

1.   Persuni fiżiċi u ġuridiċi jistgħu jirċievu għotjiet taħt il-Programm.

2.   Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, skond il-karatteristiċi tal-benefiċjarji u n-natura ta' l-azzjonijiet, li teżentahom mill-aċċertament tal-kompetenzi u l-kwalifiki professjonali għall-ikkompletar ta' l-azzjoni jew il-programm ta' ħidma. Il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tal-propozjonalita' fid-determinazzjoni tar-rekwiżiti fir-rigward ta' l-ammont ta' l-appoġġ fionanzjarju, b' kont meħud tal-karatteristiċi tar-riċeventi, l-eta' tagħhom, in-natura ta' l-azzjoni u l-ammont ta' l-appoġġ finanzjarju.

3.   Skond in-natura ta' l-azzjoni, l-appoġġ finanzjarju jista' jieħu l-forma ta' sussidji jew boroż ta' studju. Il-Kummissjoni tista' tagħti ukoll premjijiet għal azzjonijiet jew proġetti implimentati taħt il-Programm. Skond in-natura ta' l-azzjoni, jistgħu jiġu awtorizzati finanzjamenti b'rata fissa u/jew l-applikazzjoni ta' skali ta' prezz unitarju.

4.   F'każ ta' għotjiet għal azzjoni, il-ftehim għandhom jiġu ffirmati fi żmien xahrejn mill-għoti tal-għotjiet.

5.   Għotjiet ta' funzjonament mogħtija taħt dan il-Programm organizzazzjonijiet attivi fuq il-livell Ewropew, kif definiti fl-Artikolu 162 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati g]all-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (13), mhumiex awtomatikament imnaqqsa skond l-Artikolu 113(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fil-każ ta' tiġdid.

6.   Skond l-Artikolu 54(2)(ċ) tar-Regolament (KE, Euratom) 1605/2002, il-Kummissjoni tista' tafda kompiti ta' awtorità pubblika u, b'mod partikolari, kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit lill-istrutturi msemmija fl-Artikolu 8(2) ta' din id-Deċiżjoni.

7.   Skond l-Artikolu 38(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, l-għażla fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu għandha tapplika wkoll għal strutturi fil-pajjiżi parteċipanti kollha.

Artikolu 15

Monitoraġġ u Evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Programm jiġi monitorat regolarment fir-rigward ta' l-għanijiet tiegħu. Dan il-monitoraġġ għandu jinkludi r-rapporti msemmija fil-paragrafu 3 hawn isfel u attivitajiet speċifiċi. Il-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar dan il-monitoraġġ għandhom jinvolvu liż-żgħażagħ.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-valutazzjoni regolari, indipendenti u esterna tal-Programm.

3.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm sat-30 ta' Ġunju 2010 u rapport dwar l-impatt tal-Programm sat-30 ta' Ġunju 2015.

4.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni:

(a)

rapport interim ta' evalwazzjoni dwar ir-riżultati miksuba u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta' l-implimentazzjoni tal-Programm sal-31 ta' Marzu 2011;

(b)

Komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni ta' dan il-Programm sal-31 ta' Diċembru 2011;

(ċ)

rapport ta' evawazzjoni ex post sal-31 ta' Marzu 2016.

Artikolu 16

Dispożizzjoni temporanja

L-azzjonijiet li nbdew qabel il-31 ta' Diċembru 2006 skond id-Deċiżjoni Nru 1031/2000/KE u d-Deċiżjoni Nru 790/2004/KE tal-21 ta' April 2004 għandhom jibqgħu jkunu regolati minn dawn id-Deċiżjonijiet, sakemm jiġu kkompletati.

Jekk ikun meħtieġ, approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mill-2013 biex ikopru spejjeż ta' assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tgħin il-ġestjoni ta' azzjonijiet li ma jkunux għadhom tlestew sal-31 ta' Diċembru 2013. Il-kumitat previst fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Nru 1031/2000/KE għandu jiġi sostitwit minn dak previst fl-Artikolu 9 ta' din id-Deċiżjoni..

Kif previst fl-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu mad-dħul allokat li jirriżulta mill-ħlas lura ta' l-ammonti li tħallsu bi żball skond id-Deċiżjoni Nru 1031/2000/KE u d-Deċiżjoni Nru 790/2004/KE jistgħu jkunu disponibbli għall-Programm.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara li jkun ġie pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2007.

Magħmula fi Brussel,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 234, 22.9.2005, p. 46.

(2)  ĠU C 71, 22.3.2005, p. 34.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2005 (għada mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-24 ta' Lulju 2006 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-… (għada mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 117, 18.5.2000, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 885/2004 (ĠU L 168, 1.5.2004, p.1).

(5)  ĠU L 138, 30.4.2004, p. 24.

(6)  ĠU C 180 E, 31.7.2003, p.145.

(7)  ĠU C 168, 13.7.2002, p. 2.

(8)  ĠU C 115, 15.5.2003, p. 1.

(9)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(10)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(11)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(12)  Dan l-ammont huwa bbażat fuq iċ-ċifri ta' l-2004 u għandu jkun soġġett għal aġġustament tekniku biex titqies l-inflazzjoni.

(13)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 1261/2005 (ĠU L 201, 2.8.2005, p. 3).


ANNESS

L-azzjonijiet li jimplimentaw l-għanijiet ġenerali u speċifiċi tal-Programm jagħtu sostenn għal proġetti fuq skala żgħira li jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ, filwaqt li jiżguraw il-viżibbiltà Ewropea u l-impatt ta' proġetti.

Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-Programm mhix soġġetta għal ebda esperjenza jew kwalifika speċifika preċedenti, ħlief f'każijiet eċċezzjonali .

Il-Programm għandu jiġi implimentat b'mod li jkun faċli għall-utenti.

Il-Programm għandu jħeġġeġ l-inizjattiva, l-intraprendenza u l-kreattività taż-żgħażagħ, jiffaċilita l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet fil-Programm, inklużi żgħażagħ b'diżabbiltà, u jiżgura li l-prinċipju ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jiġi rispettat fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-Programm u li l-ugwaljanza tas-sessi titrawwem fl-azzjonijiet kollha.

Il-parteċipazzjoni fl-azzjonijiet tkun possibli sakemm tkun diposnibbli kopertura ta' assigurazzjoni adegwata, sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni taż-żgħażagħ matul l-implimentazzjoni ta' l-attivitajiet tal-Programm.

AZZJONIJIET

L-azzjonijiet jistgħu jitqassmu fil-miżuri li ġejjin:

Azzjoni 1 — Żgħażagħ għall-Ewropa

L-għan ta' din l-azzjoni huwa li tiġi rinfurzata ċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ u l-fehim reċiproku bejniethom permezz tal-miżuri li ġejjin.

1.1.   Skambji fost iż-żgħażagħ

Skambji fost iż-żgħażagħ jippermettu li grupp wieħed jew aktar ta' żgħażagħ jiġu ospitati minn pajjiż ieħor sabiex jipparteċipaw flimkien fi programm konġunt ta' attivitajiet.Huma disponibbli, fil-prinċipju, għal żgħażagħ ta' età bejn 13 u 25 sena. Dawn l-attivitajiet, ibbażati fuq sħubiji transnazzjonali bejn il-varji atturi fi proġett, jinvolvu l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ u huma maħsuba biex jippermettulhom li jiskopru u jsiru kuxjenti ta' realitajiet soċjali u kulturali differenti, li jitgħallmu minn xulxin u jsaħħu s-sens tagħhom ta' ċittadini Ewropej. L-appoġġ jiffoka fuq attivitajiet multilaterali ta' mobilità ta' gruppi iżda ma jeskludix attivitajiet bilaterali ta' dan it-tip.

Skambji ta' gruppi bilaterali huma ġustifikati b'mod partikolari fejn din hija l-ewwel attività Ewropea tagħhom jew fejn il-parteċipanti huma gruppi fuq skala żgħira jew lokali mingħajr ebda esperjenza fuq il-livell Ewropew. Skambji għal żgħażagħ b'inqas opportunitajiet huma partikolarment milqugħa, sabiex tiġi msaħħa l-parteċipazzjoni tagħhom fil-Programm.

Din il-miżura tappoġġa ukoll l-attivitajiet ta' tħejjija u ta' segwitu, bil-għan li tiġi msaħħa l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-proġetti, b'mod partikolari dawk l-attivitajiet maħsuba biex jgħinu liż-żgħażagħ fuq livell lingwistiku u interkulturali.

1.2.   Apoġġ għall-inizzjattivi taż-żgħażagħ

Din il-miżura tappoġġa l-proġetti fejn iż-żgħażagħ jipparteċipaw b'mod attiv u dirett f'attivitajiet mfassla minnhom stess li fihom huma għandhom rwoli ċentrali, sabiex jiżviluppaw l-inizjattiva, l-intraprendenza u l-kreattività tagħhom. Fil-prinċipju, hija għaż-żgħażagħ ta' bejn 18 u 30 sena, għalkemm ċerti inizjattivi jistgħu jaċċettaw żgħażagħ mill-età ta' 15-il sena, sakemm tingħata superviżjoni adegwata.

Din il-miżura tappoġġa l-proġetti fi gruppi mfassla fuq il-livell lokali, reġjonali u nazzjonali u n-networking ta' proġetti simili f'pajjiżi differenti, sabiex jissaħħaħ l-aspett Ewropew tagħhom u jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-iskambji ta' esperjenzi bejn iż-żgħażagħ.

Attenzjoni partikolari tingħata liż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet.

1.3.   Proġetti ta' demokrazija parteċipattiva

Din il-miżura tappoġġa l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika. Dawn il-proġetti u attivitajiet iħeġġu l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-ħajja tal-komunità lokali, reġjonali jew nazzjonali tagħhom jew fil-livell internazzjonali.

Hija miftuħa, fil-prinċipju, għal żgħażagħ ta' età bejn 13 u 30 sena.

Dawn il-proġetti jew attivitajiet huma bbażati fuq sħubijat internazzjonali, li jippermettu li jinġabru flimkien, fuq livell Ewropew, l-ideat, l-esperjenzi u l-prattika tajba minn proġetti jew attivitajiet fuq livell lokali jew reġjonali, sabiex tittejjeb il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fuq livelli differenti. Dawn jistgħu jinkludu l-organizzazzjoni ta' proġetti ta' konsultazzjoni maż-għażagħ biex jinkixfu l-ħtiġijiet u x-xewqat tagħhom, bil-ħsieb li jiġu żviluppati approċċi ġodda għall-parteċipazzjoni attiva tagħhom f'Ewropa demokratika.

Azzjoni 2 — Servizz Volontarju Ewropew

L-għan tas-Servizz Volontarju huwa li tiġi żviluppata s-solidarjetà u tiġi promossa ċ-ċittadinanza attiva u l-fehim reċiproku fost iż-żgħażagħ permezz tal-miżuri li ġejjin.

Il-volontarju żagħżugħ jieħu sehem f'attività mhux ta' lukru mhux imħallsa għall-benefiċċju tal-pubbliku ġenerali f'pajjiz ieħor minbarra l-pajjiż ta' residenza tiegħu. Jeħtieġ li s-Servizz Volontarju Ewropew ma jkollux effett negattiv fuq impieg imħallas, kemm potenzjali u eżistenti, u lanqas ma jitqies bħala sostitut għal dan.

Is-servizz ma jdumx inqas minn xahrejn, u jista' jdum sa tnax-il xahar. F'każijiet debitament ġustifikati, b'mod partikolari biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet, jistgħu jiġu permessi perijodi iqsar u proġetti ta' volontarjat li jippermettu gruppi ta' żgħażagħ.

Din il-miżura tappoġġa ukoll il-proġetti ta' volontarjat li jippermettu lil gruppi ta' żgħażagħ biex jieħdu sehem b'mod kollettiv f'attivitajiet fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew jew fuq livell internazzjonali f'firxa ta' oqsma, inklużi per eżempju il-kultura, l-isports, il-protezzjoni ċivili, l-ambjent u l-għajnuna għall-iżvilupp.

F'każijiet eċċezzjonali, skond il-kompiti li jridu jiġu implimentati u s-sitwazzjoni li fiha l-volontarji huma użati, ċerti tipi ta' proġetti jistgħu jeħtieġu l-għażla ta' kandidati b'kapaċitajiet speċifiċi.

Il-miżura hija għaż-żgħażagħ ta' bejn 18 u 30 sena, ċerti attivitajiet jistgħu jaċċettaw żgħażagħ ta' 16-il sena u aktar, sakemm tingħata superviżjoni adegwata.

Il-miżura tkopri l-ispejjeż kollha tal-volontarju jew parti minnhom, l-assikurazzjoni tiegħu, l-ispejjeż ta' sussitenza u ta' vvjaġġar, kif ukoll allowance addizzjonali għaż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet skond il-każ.

Tappoġġa ukoll attivitajiet għat-taħriġ u t-tutoring tal-volontarji żgħażagħ u attivitajiet ta' koordinazzjoni għas-sħab varji, kif ukoll inizjattivi li għandhom l-għan li jibnu fuq l-esperjenza miksuba miż-żgħażagħ matul is-Servizz Volontarju Ewropew.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li jiġu rispettati ċerti standards ta' kwalità: ix-xogħol volontarju għandu jinkludi dimensjoni ta' edukazzjoni non-formali murija minn attivitajiet pedagoġiċi biex jippreparaw liż-żgħażagħ fuq livell personali, interkulturali u tekniku, kif ukoll sostenn personali kontinwu. Sħubija bejn il-varji atturi involuti fil-proġett u l-prevenzjoni tar-riskju huma kkonsidrati ta' importanza partikolari.

Azzjoni 3 — Iż-żgħażagħ fid-Dinja

Il-fini ta' din l-azzjoni hi li jiġi żviluppat fehim reċiproku bejn il-popli fi spirtu ta' ftuħ, filwaqt li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' sistemi ta' kwalità li jagħtu sostenn lill-attivitajiet taż-żgħażagħ fil-pajjizi kkonċernati. Hija miftuħa għall-pajjiżi sħab tal-Programm.

3.1.   Kooperazzjoni mal-pajjizi ġirien tal-UE

Din il-miżura tappoġġa l-proġetti mal-pajjiżi ġirien tal-Programm li humma kkunsidrati pajjiżi ġirien taħt id-dispożizzjonijiet tal-politika ta' l-UE tal-viċinat u taħt it-termini ta' l-Artikolu 5(2), kif ukoll mal-Federazzjoni Russa u mal-Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sakemm dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 5(1) (d).

Tappoġġa l-skambji fost iż-żgħażagħ — prinċipalment dwak multilaterali iżda mingħajr ma jiġu esklużi dawk bilaterali — li jippermettu li bosta gruppi ta' żgħażagħ minn pajjiżi parteċipanti u pajjiżi ġirien jiltaqgħu u flimkien jipparteċipaw fi programm ta' attivitajiet. Hija disponibbli, fil-prinċipju, għal żgħażagħ ta' età bejn 13 u 25 sena.Dawn l-attivitajiet, ibbażati fuq sħubijat transnazzjonali bejn il-varji atturi fi proġett, jinvolvu t-taħriġ preċedenti ta' persunal ta' superviżjoni u l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ, biex jippermettulhom li jiskopru u jsiru kuxjenti ta' realitajiet soċjali u kulturali differenti. L-attivitajiet biex tiżdied il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proġetti, b'mod partikolari dawk maħsuba biex jgħinuhom fuq livell lingwistiku u interkulturali, jistgħu jkunu eliġibbli għal finanzjament.

Sakemm jinħolqu strutturi ta' amministrazzjoni nazzjonali adegwati fil-pajjiżi ġirien, jistgħu jiġu appoġġati inizjattivi individwali jew fi grupp fuq il-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali f'dawn il-pajjiżi fejn dawn jitwettqu flimkien ma' inizjattivi simili f'pajjiżi parteċipanti fil-Programm. Dawn huma attivitajiet maħsuba miż-żgħażagħ infushom, li fihom huma għandhom ir-rwol ċentrali. Fil-prinċipju, l-attività hija għaż-żgħażagħ ta' bejn 18 u 30 sena, għalkemm ċerti inizjattivi jistgħu jaċċettaw żgħażagħ mill-età ta' 16-il sena, sakemm tingħata superviżjoni adegwata.

Din il-miżura tappoġġa l-attivitajiet maħsuba biex jinħoloq network bejn u tissaħħaħ il-kapaċità ta' NGOs fil-qasam taż-żgħażagħ, bl-għarfien tar-rwol importanti li huma jista' jkollhom fl-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi ġirien. Hija tkopri t-taħriġ ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, u l-iskambji ta' esperjenza, kompetenza u prattika tajba bejniethom. Hija tappoġġa l-attivitajiet li jistgħu jwasslu għall-istabbiliment ta' proġetti u sħubijat dejjiema u ta' kwalità għolja.

Din il-miżura tappoġġa ukoll proġetti biex jiġu stimolati l-innovazzjoni u l-kwalità, immirati lejn l-introduzzjoni, bil-mira tkun dik ta' l-implimentazzjoni u l-promozzjoni ta' approċċi innovattivi fil-qasam taż-żgħażagħ.

Jista' jingħata appoġġ finanzjarju lil attivitajiet ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ u għal dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u f'organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

Din il-miżura tappoġġa ukoll l-attivitajiet li jippromwovu l-kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ mal-pajjiżi ġirien, per eżempju il-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta' ideat u prattika tajba fil-qasam taż-żgħażagħ, kif ukoll miżuri oħra ta' promozzjoni u disseminazzjoni rigward ir-riżultati tal-proġetti u l-attivitajiet appoġġati fil-pajjiżi kkonċernati fil-qasam taż-żgħażagħ.

3.2.   Kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra

Din il-miżura tappoġġa l-attivitajiet fil-qasam taż-żgħażagħ, b'mod partikolari l-iskambju ta' prattika tajba ma' pajjiżi sħab oħra.

Hija tħeġġeġ l-iskambju bejn u t-taħriġ ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, u l-iżvilupp ta' sħubijat u networks ta' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

Skambji multilaterali u bilaterali ta' żgħażagħ bejn dawn il-pajjiżi u l-pajjiżi parteċipanti jistgħu jiġu implimentati fuq bażi tematika.

Il-finanzjament jingħata lil attivitajiet li juru l-effett multiplikatur potenzjali tagħhom.

Fil-kuntest ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi industrijalizzati, din il-miżura tiffinanzja biss lil benefiċjarji Ewropej ta' proġetti.

Azzjoni 4 — Sistemi ta' appoġġ għaż-żgħażagħ

L-għan ta' din l-azzjoni hu li tiżviluppa l-kwalità ta' strutturi ta' appoġġ għaż-żgħażagħ, li tappoġġa r-rwol ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, li tiżviluppa l-kwalità tal-Programm u tippromwovi l-parteċipazzjoni ċivili fuq livell Ewropew minn korpi ta' appoġġ attivi fuq livell Ewropew fil-qasam taż-żgħażagħ.

4.1.   Appoġġ għal korpi attivi fuq livell Ewropew fil-qasam taż-żgħażagħ

Din il-miżura tappoġġa l-funzjonament ta' NGOs attivi fuq il-livell Ewropew fil-qasam taż-żgħażagħ li jsegwu għan ta' interess Ewropew ġenerali. L-attivitajiet tagħhom iridu jikkontribwixxu għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja pubblika u s-soċjetà u għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' attivitajiet Ewropej ta' kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ fis-sens wiesgħa.

Sabiex ikun eliġibbli għal għotja ta' funzjonament, korp irid jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa li ġejjin:

irid ikun ilu stabbilit b'mod legali għal mhux anqas minn sena;

ma jridx ikollu skop ta' profitt;

irid ikun stabbilit f'wieħed mill-pajjiżi parteċipanti, skond l-Artikolu 5(1), jew f'wieħed minn ċerti pajjiżi ta' l-Ewropa tal-Lvant (i.e. il-Belarus, il-Moldova, il-Federazzjoni Russa, l-Ukrajna.);

irid jopera fuq il-livell Ewropew, waħdu jew f'koordinazzjoni ma' assoċjazzjonijiet oħra, u l-istruttura u l-attivitajiet tiegħu jridu jkopru mill-anqas tminn pajjiżi parteċipanti; hu jista' jkun network Ewropew li jirrappreżenta korpi attivi fil-qasam taż-żgħażagħ;

l-attivitajiet tiegħu jridu jkunu f'konformità mal-prinċipji li jsejjsu l-attività Komunitarja fil-qasam taż-żgħażagħ;

jista' jkun korp li l-attivitajiet tiegħu huma biss għall-benefiċċju taż-żgħażagħ jew korp b'għanijiet aktar wesgħin, u xi attivitajiet minnhom ikunu għall-benefiċċju taż-żgħażagħ;

irid ikun jinvolvi ż-żgħażagħ fit-tmexxija ta' l-attivitajiet organizzati għall-benefiċċju tagħhom.

Il-benefiċjarji jiġu magħżula abbażi ta' sejħiet għal proposti. Ftehim kwadru ta' sħubija pluriennali jistgħu jiġu konklużi mal-korpi magħżula. Madankollu, tali ftehim kwadru ma jeskludux il-possibbiltà li jinħarġu sejħiet għall-proposti annwali għal benefiċjarji addizzjonali.

L-attivitajiet prinċipali ta' l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li probabbli jikkontribwixxu għat-tisħiħ u l-effikaċja ta' l-azzjoni Komunitarja huma:

dawk li jirrappreżentaw il-fehmiet u l-interessi taż-żgħażagħ fid-diversità tagħhom f'livell Ewropew;

skambji taż-żgħażagħ u servizzi ta' volontarjat;

tagħlim informali u mhux formali u programmi ta' attività għaż-żgħażagħ;

dawk li jippromwovu tagħlim u fehim interkulturali;

dibattiti dwar kwistjonijiet Ewropej, il-linji politiċi ta' l-UE jew il-linji politiċi dwar iż-żgħażagħ;

tixrid ta' informazzjoni dwar azzjoni Komunitarja;

azzjonijiet li jippromwovu l-parteċipazzjoni u l-inizzjattiva taż-żgħażagħ.

Taħt din il-miżira, l-uniċi spejjeż li jridu jiġu kkunsidrati fid-determinazzjoni ta' l-għotja għall-funzjonament huma dawk neċessarji għat-tmexxija xierqa ta' l-attivitajiet normali tal-korp magħżul, b'mod partikolari spejjeż tal-personal, spejjeż ġenerali (ħlas ta' kera u propjetà, tagħmir, provvisti għall-uffiċċju, telekommunikazzjonijiet, spejjeż tal-posta, eċċ.), spejjeż ta' laqgħat interni, u pubblikazzjonijiet, spejjeż ta' informazzjoni u ta' disseminazzjoni.

L-għotja tiġi mogħtija b'kont dovut għall-indipendenza tal-korp fl-għażla tal-membri tiegħu u l-awtonomija tiegħu fid-definizzjoni dettaljata ta' l-attivitajiet tiegħu.

Mill-anqas 20 % tal-baġits tal-korpi kkonċernati jridu jkunu koperti minn sorsi mhux Komunitarji.

4.2.   Appoġġ għall-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ

Għotjiet jistgħu jingħataw taħt din il-miżura biex jappoġġjaw l-attivitajiet li għaddejjin tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, hawn aktar 'il quddiem imsejjaħ “il-Forum” organizzazzjoni li qed timmira lejn għan ta' interess Ewropew ġenerali, skond il-prinċipji li ġejjin:

l-indipendenza tal-Forum fl-għażla tal-membri tiegħu, biex jiżgura r-rappreżentazzjoni l-aktar wiesgħa possibbli ta' tipi differenti ta' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ

l-awtonomija tiegħu fl-ispeċifikazzjoni dettaljata ta' l-attivitajiet tiegħu

l-involviment l-aktar wiesgħa possibbli fl-attivitajiet tal-Forum ta' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u żgħażagħ li ma jappartjenux għal organizzazzjonijiet

il-kontribut attiv mill-Forum għall-proċessi politiċi rilevanti għaż-żgħażagħ fuq il-livell Ewropew, b'mod partikolari billi jwieġeb lill-istituzzjonijiet Ewropej meta huma jikkonsultaw is-soċjetà ċivili u jispjega l-pożizzjonijiet adottati minn dawn l-istituzzjonijiet lill-membri tiegħu.

In-nefqa eliġibbli tal-Forum tikkonsisti minn spejjeż ta' funzjonament u spejjeż għall-eżekuzzjoni ta' l-azzjonijiet tiegħu. Minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tal-Forum Ewropew, ir-riżorsi tal-Programm għandhom jiġu allokati skond il-linja gwida li ġejja: ir-riżorsi annwali allokati għall-Forum Ewropew m'għandhomx ikunu anqas minn EUR 2 miljuni.

L-għotjiet jistgħu jiġu mogħtija lill-Forum ma' l-irċeviment ta' pjan ta' ħidma u baġit xierqa. Għotjiet jistgħu jingħataw fuq bażi annwali jew fuq bażi li jiġġedded fi ħdan ftehim kwadru ta' sħubija mal-Kummissjoni.

Mill-anqas 20 % tal-baġit tal-Forum irid ikun kopert minn sorsi mhux Komunitarji.

L-attivitajiet prinċipali tal-Forum huma kif ġej:

jirrapreżenta l-organizzazzjonijiet vis-à-vis l-UE;

dawk li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ vis-à-vis l-UE;

dawk li jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tal-membri tiegħu vis-à-vis l-UE;

dawk li jxerrdu informazzjoni dwar iż-żgħażagħ vis-à-vis l-istituzzjonijiet Ewropej;

dawk li jxerrdu informazzjoni mill-UE lill-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

dawk li jippromwovu u jħejju l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f'ħajja demokratika;

dawk li jikkontribwixxu għall-kwadru ta' kooperazzjoni ġdid fil-qasam taż-żgħażagħ stabbilit fuq il-livell ta' l-UE;

dawk li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' linji ta' politika dwar iż-żgħażagħ, ix-xogħol taż-żgħażagħ u l-opportunitajiet edukattivi, u għat-tixrid ta' informazzjoni dwar iż-żgħażagħ u li jiżviluppaw strutturi rappreżentattivi għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa;

dawk li jinvolvu ruħhom f'diskussjoni u riflessjoni dwar iż-żgħażagħ fl-Ewropa u f-partijiet oħra tad-dinja u dwar l-azzjoni Komunitarja għaż-żgħażagħ.

4.3.   Taħriġ u networking ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ

Din il-miżura tappoġġja t-taħriġ ta' dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-mexxejja ta' proġetti, il-konsulenti u s-superviżuri taż-żgħażagħ f'dawn il-proġetti. Hija tappoġja wkoll l-iskambju ta' esperjenzi, il-kompetenza u l-prattiki tajbin bejn dawk attivi fil-ħidma taż-żgħażagħ u fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, kif ukoll attivitajiet li jistgħu jwasslu għall-istabbiliment ta' proġetti, sħubiji u networks dejjiema u ta' kwalità għolja. Dan jista' jinvolvi, per eżempju job shadowing.

Trid tingħata attenzjoni partikolari lill-attivitajiet li jsaħħu l-parteċipazzjoni ta' dawk iż-żgħażagħ li jsibuha mill-aktar diffiċli li jipparteċipaw f'azzjonijiet Komunitarji.

4.4.   Proġetti li jħeġġu l-innovazzjoni u l-kwalità

Din il-miżura tappoġġja proġetti mmirati lejn l-introduzzjoni, l-implimentazzjoni u l-promozzjoni ta' approċċi innovattivi fil-qasam taż-żgħażagħ. Dawn l-aspetti innovattivi jistgħu jikkonċernaw il-kontenut u l-għanijiet, f'konformità ma' l-iżvilupp tal-kwadru Ewropew ta' kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ, l-involviment ta' sħab minn ambjenti differenti jew it-tixrid ta' informazzjoni.

4.5.   Attivitajiet ta' informazzjoni għaż-żgħażagħ u għal dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u f'organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

Din il-miżura tappoġġja l-informazzjoni u l-komunikazzjoni mmirata lejn iż-żgħażagħ billi ttejjeb l-aċċess tagħhom għal informazzjoni u servizzi ta' komunikazzjoni rilevanti biex iżżid il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja pubblika u tiffaċilita t-twettiq tal-potenzjal tagħhom bħala ċittadini attivi u responsabbli. Għal dan il-fini, ser jingħata appoġġ lil attivitajiet fuq il-livell Ewropew u nazzjonali li jtejjeb l-aċċess taż-żgħażagħ għal informazzjoni u servizzi ta' komunikazzjoni u jżid id-dispożizzjoni ta' informazzjoni ta' kwalità u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fit-tħejjija u d-disseminazzjoni ta' informazzjoni.

Din il-miżura tikkontribwixxi, per eżempju, għall-iżvilupp ta' portali Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali taż-żgħażagħ għad-disseminazzjoni ta' informazzjoni speċifika għaż-żgħażagħ permezz ta' kull tip ta' kanali ta' informazzjoni, b'mod partikolari dawk li jintużaw l-aktar spiss miż-żgħażagħ. Hija tista' tappoġġja wkoll miżuri li jippromwovu l-involviment taż-żgħażagħ fit-tħejjija u t-tixrid ta' prodotti ta' informazzjoni u parir li jkunu jiftehemu, faċli biex jintużaw u li jkollhom għan, sabiex titjieb il-kwalità ta' l-informazzjoni u l-aċċess għaż-żgħażagħ kollha. Il-pubblikazzjonijiet kollha għandhom jirrispettaw l-ugwaljanza u d-diversita.

4.6.   Sħubiji

Din il-miżura hija għall-finanzjament ta' sħubijat ma' korpi reġjonali u lokali, sabiex jiġu żviluppati proġetti għal tul ta' żmien li jikkombinaw miżuri varji fil-Programm. Il-finanzjament jiffoka fuq proġetti u attivitajiet ta' koordinazzjoni.

4.7   Appoġġ għall-istrutturi tal-Programm

Din il-miżura tiffinanzja l-istrutturi previsti fl-Artikolu 8(2), b'mod partikolari l-Aġenziji Nazzjonali. Il-miżura tipprevedi wkoll finanzjament għal korpi assimilati, bħall-koordinaturi nazzjonali, iċ-ċentri ta' riżorsi, in-network EURODESK, il-Pjattaforma Ewro-Mediterranja taż-Żgħażagħ u l-assoċjazzjonijiet ta' volontiera żgħażagħ Ewropej, li jaġixxu bħala korpi ta' implimentazzjoni fuq il-livell nazzjonali, f'konformità sħiħa ma' l-Artikolu 54(2)(ċ) u (3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

4.8   Żieda fil-valur tal-Programm

Il-Kummissjoni tista' torganizza seminars, kollokwi u laqgħat biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Programm u tieħu azzjonijiet xierqa ta' informazzjoni, pubblikazzjoni u disseminazzjoni kif ukoll monitoraġġ u evalwazzjoni tal-Programm. Dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu ffinanzjati permezz ta' għotjiet, mixtrija permezz ta' proċeduri ta' ksib jew organizzati u ffinanzjati direttament mill-Kummissjoni.

Azzjoni 5 — Appoġġ għal kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ

L-għan ta' din l-azzjoni huwa li tippromwovi kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ

5.1   Laqgħat ta' żgħażagħ u dawk responsabbli mill-politika taż-żgħażagħ

Din il-miżura tappoġġja kooperazzjoni, seminars u djalogu strutturat bejn iż-żgħażagħ, dawk attivi f'xogħol taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk responsabbli mill-politika taż-żgħażagħ. L-attivitajiet jinkludu, b'mod partikolari, l-promozzjoni ta' kooperazzjoni u l-iskambju ta' ideat u prattiċi ġodda fil-qasam taż-żgħażagħ, konferenzi organizzati mill-Presidenzi ta' l-UE u miżuri oħra għall-esplojtazzjoni u t-tixrid tar-riżultati tal-proġetti u r-riżultati ta' l-attivitajiet Komunitarji fil-qasam taż-żgħażagħ.

Din il-miżura tkopri l-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ li tista' tinkludi avvenimenti fl-Istati Membri u fil-livell Ewropew dwar ix-xogħol ta' l-Istituzzjonijiet Ewropej, id-djalogu bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet Ewropej u ż-żgħażagħ, u r-rikonoxximent tal-proġetti ta' kwalita għola promossi mill-Programm.

Din il-miżura tista', b'mod partikolari, tappoġġja l-għanijiet li qed jiġu mmirati permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ u l-Patt Ewropew għaż-żgħażagħ, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn attivitajiet nazzjonali u internazzjonali ta' volontarjat taż-żgħażagħ.

5.2.   Appoġġ għal attivitajiet li jwasslu għal fehim u għarfien aħjar tal-qasam taż-żgħażagħ

Din il-miżura tappoġġja proġetti speċifiċi għall-identifikazzjoni ta' għarfien eżistenti relatat mal-prijoritajiet għall-qasam taż-żgħażagħ stabbiliti taħt il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u proġetti li għandhom l-intenzjoni li jikkumplimentawhom u jaġġornawhom jew li jiffaċilitaw l-aċċess għalihom.

Hija wkoll imfassla biex tappoġġja l-iżvilupp ta' metodi biex jiġu analizzati u mqabbla r-riżultati ta' studji u tiġi garantita l-kwalità tagħhom.

Il-Programm jista' jappoġġja wkoll in-networking ta' l-atturi varji fil-qasam taż-żgħażagħ.

5.3.   Kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali

Din l-azzjoni tista' tintuża biex tappoġġja l-kooperazzjoni ta' l-UE ma' organizzazzjonijiet internazzjonali li qed jaħdmu fil-qasam taż-żgħażagħ, b'mod partikolari il-Kunsill ta' l-Ewropa, in-Nazzjonijiet Uniti u l-istituzzjonijiet speċjalizzati tagħha.

INFORMAZZJONI

Sabiex jiġu preżentati eżempji ta' prattika tajba u proġetti mudell, għandha tiġi żviluppata database li jkun fiha l-informazzjoni dwar ideat eżistenti dwar l-attivitajiet taż-żgħażagħ fil-livell Ewropew. Trid tkun disponibbli mill-Kummissjoni gwida li tispjega l-għanijiet, ir-regoli u l-proċeduri tal-Programm b' mod partikolari billi tispjega d-drittijiet u l-obbligi legali meta wieħed jaċċetta għotja.

AMMINISTRAZZJONI TAL-PROGRAMM

Allokazzjonijiet minimi

Soġġett għall-Artikolu 13 ta' din id-Deċiżjoni, l-ammonti minimi li jiġu allokati għall-azzjonijiet ser ikunu, f'relazzjoni mal-pakkett finanzjarju mniżżel f'dak l-Artikolu:

Azzjoni 1

:

Żgħażagħ għall-Ewropa 30 %

Azzjoni 2

:

Servizz ta' Volontarjat Ewropew 23 %

Azzjoni 3

:

Żgħażagħ fid-Dinja 6 %

Azzjoni 4

:

Sistemi ta' appoġġ għaż-żgħażagħ 15 %

Azzjoni 5

:

Appoġġ għal kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ 4 %

Il-baġit tal-Programm jista' jkopri wkoll in-nefqa assoċjata ma' l-attivitajiet ta' tħejjija, segwitu, monitoraġġ, verifika u evalwazzjoni meħtieġa b'mod dirett għall-amministrazzjoni tal-Programm u għat-twettiq ta' l-għanijiet tiegħu, b'mod partikolari l-istudji, l-laqgħat, l-attivitajiet ta' informazzjoni u pubblikazzjoni, n-nefqa assoċjata man-networks ta' l-IT għall-iskambju ta' informazzjoni u kwalunkwe nefqa amministrattiva u ta' appoġġ tekniku oħra li l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi dwarha għall-amministrazzjoni tal-Programm.

KONTROLLI U VERIFIKI

Sistema ta' kontrolli fuq il-post inħolqot għal proġetti magħżula skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14 (3) ta' din id-Deċiżjoni.

Il-benefiċjarji ta' għotja jridu jżommu għall-Kummissjoni dokumenti ta' appoġġ għall-ispejjeż kollha għal perijodu ta' ħames snin mid-data ta' l-aħħar ħlas. Huma jridu jiżguraw li, fejn hu applikabbli, id-dokumenti ta' appoġġ li jkunu għand is-sħab jew il-membri jkunu disponibbli għall-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tista' twettaq verifika ta' l-użu li sar mill-għotja, direttament mill-personal tagħha stess jew minn kwalunkwe korp kwalifikat ieħor ta' l-għażla tagħha. Tali verifiki jistgħu jitwettqu matul iż-żmien tal-kuntratt u għal perijodu ta' ħames snin mid-data tal-ħlas tal-bilanċ ta' l-għotja. Fejn xieraq, ir-riżultati tal-verifika jistgħu jwasslu lill-Kummissjoni li titlob irkupru ta' ammonti mħallsa.

Il-personal tal-Kummissjoni u persuni minn barra awtorizzati mill-Kummissjoni jrid ikollhom aċċess xieraq għall-uffiċċji tal-benefiċjarju u għall-informazzjoni kollha, inkluż l-informazzjoni f'format elettroniku, meħtieġa sabiex isiru tali verifiki.

Il-Qorti ta' l-Awdituri u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) irid ikollhom l-istess drittijiet, speċjalment ta' aċċess, bħal tal-Kummissjoni.

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda taħt l-Artikolu 10, il-kuntratti ma' l-Aġenziji Nazzjonali, il-ftehim mal-pajjiżi terzi parteċipanti u l-kuntratti u l-ftehim assoċjati iridu jipprovdu, b'mod partikolari, għall-Kummissjoni jew ir-rappreżentant awtorizzat tagħha, l-OLAF u l-Qorti ta' l-Awdituri biex jagħmlu spezzjonijiet u verifiki finanzjarji, fuq il-post jekk ikun meħtieġ. L-Aġenziji Nazzjonali jew, jekk ikun meħtieġ, il-benefiċjarji ta' għotja jistgħu jiġu spezzjonati.

Il-Kummissjoni tista' tagħmel spezzjonijiet fuq il-post ukoll skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Kummissjoni kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (1).

Għall-azzjonijiet Komunitarji msemmija f'din id-Deċiżjoni, it-terminu “irregolarità” imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (2) għandu jfisser kwalunkwe ksur ta' dispożizzjoni ta' liġi Komunitarja jew kwalunkwe nuqqas ta' twettiq ta' obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn parti, li għandu, jew kien ikollu, minħabba nefqa mhux ġustifikata, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew il-baġits amministrati minnha.


(1)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(2)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fil-15 ta' Lulju 2004 il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 149(4) tat-Trattat tal-KE, li tistabbilixxi l-programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni” għall-perijodu 2007-2013

2.

Il-Kumitat tar-Reġjuni ta l-opinjoni tiegħu fis-17 ta' Novembru 2004 (1).

3.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta l-opinjoni tiegħu fl-10 ta' Marzu 2005 (2).

4.

Il-Parlament Ewropew ta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-25 ta' Ottubru 2005 (3).

5.

FL-24 ta' Lulju 2006, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu skond l-Artikolu 251 (2) tat- Trattat tal-KE.

II.   OBJETTIV

Il-Programm ġdid “Żgħażagħ fl-Azzjoni” — li hu s-suċċessur għall-Programm YOUTH attwali — jikkonsisti f'ħames fergħat separati u reċiprokament komplimentari u huwa mmirat biex jipprovdi liż-żgħażagħ fil-pajjiżi parteċipanti b'opportunitajiet għal skambji ta' gruppi u xogħol volontarju, kif ukoll biex jirrinforza l-kooperazzjoni u biex jappoġġa firsxa ta' attivitajiet fil-qasam taż-żgħażagħ. B'dawn il-mezzi, il-Programm huwa maħsub biex irawwem sens ikbar ta' ċittadinanza attiva u responsabbiltà fost iż-żgħażagħ, biex jinkoraġġixxi l-inizjattiva, l-intrapriża u l-kreattività taż-żgħażagħ, biex jippromwovi komprensjoni reċiproka bejn iż-żgħażagħ f'pajjiżi differenti u, fl-istess ħin, biex jistimola għarfien tal-valur ta' edukazzjoni informali miksuba f'kuntest Ewropew.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Kummenti ġenerali

Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tibqa' sostanzjalment konformi mal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, mhux l-inqas fir-rigward ta' l-objettivi u l-azzjonijiet tal-Programm, li kien possibbli li tinżamm b'mod sħiħ wara l-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-Qafas Finanzjarju għall-2007-2013. L-ammont totali allokat għall-Programm huwa ta' EUR 785 miljun fi prezzijiet ta' l-2004 (jiġifieri EUR 885 miljun fi prezzijiet attwali), li jirrappreżenta biss tnaqqis żgħir fir-rigward tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni.

2.   Elementi ġodda li jinsabu fil-pożizzjoni komuni kif imqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni

L-emenda l-aktar sinifikanti għall-proposta oriġinali kienet probabbilment l-inklużjoni tal-limiti finanzjarji minimi għal kull waħda mill-azzjonijiet taħt il-Programm (ara l-Anness — Ġestjoni tal-Programm). Għalkemm dan joħloq xi ftit kunflitt mas-sejħa tal-Kummissjoni għal flessibbiltà massima, il-ftehim ta' kompromess milħuq bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar it-tqassim bejn il-ħames azzjonijiet għadu jippermetti għal marġni ta' flessibbiltà ta' 22 % li jrid jiġi allokat skond il-prijoritajiet u l-ħtiġiet futuri.

Minbarra minn numru ta' titjib strutturali u testwali, il-bidliet prinċipali l-oħrajn għall-proposta oriġinali kienu jinvolvu deċiżjoni biex isir iffokar primarjament fuq il-grupp ta' l-età ta' bejn 15/28 sena, ħtieġa ta' kopertura ta' assikurazzjoni xierqa għall-parteċipanti u enfasi akbar fuq l-għoti ta' opportunitajiet għal tagħlim mhux formali.

3.   Emendi tal-Parlament Ewropew

Fil-pożizzjoni komuni tiegħu l-Kunsill fittex li jieħu kont tat-tħassib u l-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew u seta' jaċċetta numru kbir ta' l-emendi tal-Parlament.

3.1.   Emendi aċċettati b'mod intier, f'parti jew fil-prinċipju

L-emendi 1, 3, 5, 7, 8, 10, 11, 12, 14, 16, 17, 31, 32, 34, 39, 41, 43 u 53 ġew inklużi b'mod intier.

L-emendi 4, 6, 13, 19/20, 21, 22, 23, 24/25, 26, 27, 36, 37, 38, 40, 44, 45, 46, 47, 50, 51 u 54 ġew aċċettati f'parti jew fil-prinċipju.

3.2.   Emendi mhux inkorporati

Ftit aktar minn kwart minn numru totali ta' l-emendi tal-PE ġew miċħuda.

L-emendi 64 u 69 — li jitolbu żieda ta' 23 % fil-baġit globali għall-Programm — ġew miċħuda fid-dawl tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-Qafas Finanzjarju 2007-2013 imsemmi fit-taqsima 1 ta' hawn fuq. L-emendi 48 u 49 ma setgħux jiġu aċċettati għal raġunijiet simili.

Numru ta' emendi (28 dwar diżabbiltajiet, 59 dwar seminars taż-żgħażagħ u 67 dwar proporzjonalità) ġew miċħuda għar-raġunijiet li l-kontenut tagħhom kien kopert x'imkien ieħor fit-test. Oħrajn kienu meqjusa li jew kienu restrittivi wisq (15 jirreferu għal operattivi “kwalifikati”, 29 dwar il-ħtieġa għal persunal “b'ħiliet suffiċjenti” u 55/70 dwar proċeduri ta' finanzjament) jew dettaljati wisq (58/73 dwar il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ u 68 dwar database għal dokumentazzjoni finanzjarja). Il-Kunsill lanqas ma seta' jaċċetta l-emenda 9 dwar it-tagħlim ta' lingwi, billi osserva li din kienet koperta sew bi programmi Komunitarji oħrajn.

Fl-aħħarnett, il-Kunsill — b'appoġġ għall-proposta oriġinali tal-Kummisssjoni — ċaħad żewġ partijiet imħassra mill-Parlament: l-emenda 30, li ħassret referenza għall-ħtieġa li aġenziji nazzjonali joffru “garanziji finanzjarji suffiċjenti”, u l-emenda 42, li neħħiet il-possibbiltà li ċerti tipi ta' proġetti jsejħu għal volontiera b'ħiliet speċifiċi.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill jikkunsidra li l-pożizzjoni komuni tiegħu tirrappreżenta test bilanċjat, li jipprovdi bażi tajba għat-tnedija f'waqtha ta' dan l-istrument importanti b'appoġġ għas-settur taż-żgħażagħ, li, meta mqabbel mal-predeċessur tiegħu, jissimplifika u jwessa' l-aċċess għal firxa ta' attivitajiet immirati lejn iż-żieda ta' l-impenn taż-żgħażagħ fis-soċjetà f'livell lokali, nazzjonali u Ewropew.

Il-Kunsill jikkunsidra wkoll li huwa ħa kont ta' l-objettivi segwiti mill-Parlament Ewropew fl-emendi tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni u jistenna bil-ħerqa qbil mal-Parlament Ewropew fil-futur qarib bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni.


(1)  ĠU C 234, 22.9.2005, p.46.

(2)  ĠU C 71, 22.3.2005, p.34.

(3)  ĠU C …


17.10.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/37


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) NRU 15/2006

adottata mill-Kunsill fl-24 ta' Lulju 2006

bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni Nru …/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-… li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja

(2006/C 251 E/03)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 149(4) u 150 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/382/KE (4) stabbilixxiet it-tieni fażi tal-programm ta' azzjoni ta' taħriġ vokazzjonali Komunitarju “Leonardo da Vinci”.

(2)

Id-Deċiżjoni Nru 253/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) stabbilixxiet it-tieni fażi tal-programm ta' azzjoni Komunitarju fil-qasam ta' l-edukazzjoni “Socrates”.

(3)

Id-Deċiżjoni Nru 2318/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) stabbilixxiet programm pluriennali għall-integrazzjoni effettiva tat-tekonoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (information and communication technologies, ICT) f'sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ fl-Ewropa (il-programm eLearning).

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 791/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) stabbilixxiet programm ta' azzjoni Komunitarju sabiex jippromwovi korpi attivi fil-livell Ewropew fil-qasam ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ u sabiex jappoġġa attivitajiet speċifiċi f'dan il-qasam.

(5)

Id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) stabbilixxiet qafas waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass).

(6)

Id-Deċiżjoni Nru 2317/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) stabbilixxiet programm għat-titjib tal-kwalità ta' l-edukazzjoni superjuri u l-promozzjoni ta' fehim interkulturali permezz ta' koperazzjoni ma' pajjiżi terzi (Erasmus Mundus) (2004 sa 2008).

(7)

Id-Dikjarazzjoni ta' Bologna, iffirmata mill-Ministri ta' l-Edukazzjoni ta' 29 pajjiż Ewropew fid-19 ta' Ġunju 1999, stabbilixxiet proċess intergovernattiv bl-għan li sa l-2010 dan joħloq “Żona Ewropea ta' Edukazzjoni superjuri”, li jeħtieġ appoġġ fil-livell Komunitarju.

(8)

Il-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000 stabbilixxa għan strateġiku għall-Unjoni Ewropea sabiex din issir ekonomija, ibbażata fuq it-tagħrif, l-aktar kompetittiva u dinamika fid-dinja, b'kapaċità ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli b'aktar impjiegi u b'impjiegi aħjar u koeżjoni soċjali akbar, u stieden lill-Kunsill ta' l-Edukazzjoni sabiex jagħmel riflessjoni ġenerali dwar l-għanijiet futuri konkreti tas-sistemi ta' l-edukazzjoni, li jiffoka fuq problemi u prijoritajiet komuni filwaqt li tiġi rispettata d-diversità nazzjonali.

(9)

Soċjetà ta' tagħrif avvanzat hija ċentrali għal żvilupp ekonomiku u għal rati ogħla ta' mpjieg. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma prijoritajiet essenzjali għall-Unjoni Ewropea sabiex tikseb il-miri ta' Lisbona.

(10)

Fit-12 ta' Frar 2001 il-Kunsill adotta rapport dwar l-objettivi futuri konkreti tas-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ. Fl-14 ta' Ġunju 2002 huwa sussegwentement adotta programm ta' ħidma dettaljat dwar is-segwitu lejn dawn l-objettivi, li jeħtieġ appoġġ fil-livell Komunitarju.

(11)

Il-Kunsill Ewropew ta' Göteborg tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2001 qabel dwar strateġija lejn żvilupp sostenibbli u żied dimensjoni ambjentali għall-proċess ta' Lisbona lejn l-impjiegi, ir-riforma ekonomika u l-koeżjoni soċjali.

(12)

Il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002 stabbilixxat l-objettiv li sa l-2010 is-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ ta' l-Unjoni Ewropea isiru referenza dinjija ta' kwalità, u sejjaħ għal azzjoni sabiex jitjieb il-perfezzjonament fil-ħiliet bażiċi, b'mod partikolari billi jiġu mgħallma mill-inqas żewġ lingwi barranin minn età bikrija.

(13)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 (10) dwar it-tagħlim tul il-ħajja jaffermaw li t-tagħlim tul il-ħajja għandu jissaħħaħ b'azzjonijiet u linji politiċi żviluppati fi ħdan il-qafas tal-programmi Komunitarji f'dan il-qasam.

(14)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2002 (11) stabbilixxiet proċess ta' koperazzjoni Ewropea msaħħa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, li jeħtieġ appoġġ fil-livell Komunitarju. Id-Dikjarazzjoni ta' Kopenħagen, miftiehma mill-Ministri ta' l-Edukazzjoni ta' 31 pajjiż Ewropew fit-30 ta' Novembru 2002, assoċjat l-imsieħba soċjali u l-pajjiżi kandidati ma' dan il-proċess.

(15)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-ħiliet u l-mobbiltà nnutat il-ħtieġa kontinwa għal azzjoni fil-livell Ewropew sabiex jittejjeb ir-rikonoxximent tal-kwalifiki ta' edukazzjoni u ta' taħriġ.

(16)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni li jippromwovi t-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika stabbilixxiet azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell Ewropew matul il-perjodu mill-2004 sa 2006 u teħtieġ azzjoni ta' segwitu.

(17)

Il-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi, kemm għal min jgħallem kif ukoll għal min jitgħallem, u tad-diversita lingwistka għandha tkun prijorità ta' l-azzjoni Komunitarja fil-qasam ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ. It-tagħlim tal-lingwi, kemm mill-aspett ta' min jgħallem kif ukoll mill-aspett ta' min jitgħallem, huma ta' relevanza speċjali fost Stati Membri ġirien.

(18)

Ir-rapporti ta' valutazzjoni interim tal-programmi eżistenti, Socrates u Leonardo da Vinci, u l-konsultazzjoni pubblika dwar il-futur ta' l-attività Komunitarja fl-edukazzjoni u fit-taħriġ urew il-ħtieġa qawwija, u li minn ċerti aspetti qiegħda tikber, għal koperazzjoni u mobbiltà kontinwi f'dawn l-oqsma fil-livell Ewropew. Ir-rapporti emfażizzaw l-importanza li jinħolqu rabtiet aktar mill-qrib bejn il-programmi Komunitarji u l-iżvilupp ta' linji politiċi fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, urew ix-xewqa li l-azzjoni Komunitarja tkun strutturata sabiex twieġeb aħjar għall-mudell tat-tagħlim tul il-ħajja, u ħeġġu sabiex ikun hemm approċċ iżjed sempliċi, aktar premuruż lejn l-utent u aktar flessibbli fl-implementazzjoni ta' tali azzjoni.

(19)

Konformement mal-prinċipju ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba, l-implementazzjoni tal-programm tista' tiġi simplifikata permezz ta' finanzjament abbażi ta' somom sħaħ mogħtija darba, fir-rigward ta' l-appoġġ mogħti lill-parteċipanti tal-programmi jew ta' l-appoġġ Komunitarju għall-istrutturi stabbiliti fil-livell nazzjonali għall-amministrazzjoni tal-programm.

(20)

Jinkisbu vantaġġi sinifikattivi bl-integrazzjoni fi programm wieħed ta' l-appoġġ Komunitarju għall-koperazzjoni transnazzjonali u għall-mobbiltà fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, li jippermettu sinerġiji akbar bejn l-oqsma differenti ta' azzjoni u joffru aktar kapaċità sabiex ikunu appoġġati l-iżviluppi fit-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll metodi ta' amministrazzjoni li jkunu aktar koerenti, razzjonalizzati u effiċjenti. Programm uniku jinkoraġġixxi wkoll koperazzjoni aħjar bejn id-diversi livelli ta' edukazzjoni u taħriġ.

(21)

Għalhekk, għandu jiġi stabbilit Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja sabiex jikkontribwixxi, permezz tat-tagħlim tul il-ħajja, għall-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea bħala soċjetà ta' tagħrif avvanzat, bi żvilupp ekonomiku sostenibbli, b'aktar impjiegi u b'impjiegi aħjar u b'koeżjoni soċjali akbar.

(22)

Fid-dawl ta' l-ispeċifiċitajiet tas-setturi ta' l-iskejjel, ta' l-edukazzjoni superjuri, tat-taħriġ vokazzjonali u ta' l-edukazzjoni ta' l-adulti, u tal-ħtieġa konsegwenti li l-azzjoni Komunitarja tkun imsejsa fuq objettivi, għamliet ta' azzjoni u strutturi organizzattivi mfassla speċifikament għalihom, ikun xieraq li jinżammu l-programmi individwali fil-qafas tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja mmirati lejn kull wieħed minn dawn l-erba' setturi, filwaqt li jiġu massimizzati l-koerenza u t-terren komuni bejniethom.

(23)

Fil-Komunikazzjoni tagħha “Nibnu l-Futur komuni tagħna: L-Isfidi politiċi u l-mezzi tal-Baġit ta' l-Unjoni Mkabbra 2007-2013”, il-Kummissjoni stabbilixxiet sensiela ta' miri kwantifikati li għandhom jintlaħqu mill-ġenerazzjoni l-ġdida ta' programmi Komunitarji dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, li jeħtieġu żieda sostanzjali f'azzjonijiet ta' mobbiltà u ta' sħubija.

(24)

Fid-dawl ta' l-impatti vantaġġjużi dimostrati tal-mobbiltà transnazzjonali fuq l-individwi u fuq is-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ, tal-volum għoli tad-domanda mhux sodisfatta għall-mobbiltà fis-setturi kollha, u ta' l-importanza tagħha fil-kuntest tal-mira ta' Lisbona, huwa meħtieġ li jiżdied sostanzjalment il-volum ta' appoġġ għall-mobbiltà transnazzjonali fl-erba' sub-programmi settorjali.

(25)

Sabiex ikunu koperti aktar adegwatament l-ispejjeż addizzjonali reali sostnuti mill-istudenti li jistudjaw barra, l-għotja standard ghall-mobbiltà lill-istudent għandha tinżamm ma' medja ta' EUR 200 kull xahar f'termini reali għat-tul kollu tal-programm.

(26)

Għandu jsir aktar provvediment għall-ħtiġijiet ta' mobbiltà ta' tfal individwali ta' l-iskola fil-livell sekondarju u ta' studenti adulti individwali, li s'issa mhumiex koperti mill-programmi Komunitarji, bl-introduzzjoni ta' tip ġdid ta' azzjoni ta' mobbiltà fil-programmi Comenius u Grundtvig. Għandhom jiġu wkoll sfruttati, b'mod aktar sħiħ, l-opportunitajiet offruti mill-mobilità ta' għalliema individwali għall-iżvilupp ta' koperazzjoni għall-perjodu fit-tul bejn skejjel f'reġjuni ġirien.

(27)

L-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għandhom rwol importanti fl-ekonomija Ewropea. S'issa, madankollu, il-parteċipazzjoni ta' tali intrapriżi fil-programm Leonardo da Vinci kienet limitata. Għandhom jittieħdu passi sabiex tittejjeb l-attrazzjoni ta' l-azzjoni Komunitarja għal tali intrapriżi, b'mod partikolari billi jiġi żgurat li jkun hemm aktar opportunitajiet ta' mobbiltà disponibbli għall-apprendisti. Għandhom isiru arranġamenti adegwati, simili għal dawk li jeżistu taħt il-programm Erasmus, għar-rikonoxximent tar-riżultati ta' tali mobbiltà.

(28)

Fid-dawl ta' l-isfidi edukattivi partikolari li jiffaċċjaw it-tfal ta' nies li jivvjaġġaw fuq xogħlhom u ta' ħaddiema mobbli fl-Ewropa, għandu jsir użu sħiħ ta' l-opportunitajiet disponibbli taħt il-programm Comenius sabiex jiġu appoġġati attivitajiet transnazzjonali mmirati lejn il-ħtiġijiet tagħhom.

(29)

Iż-żieda fil-mobbiltà fl-Ewropa kollha għandha tkun akkumpanjata minn standards li jogħlew kostantament.

(30)

Sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa, li kibret, li jiġu appoġġati attivitajiet fil-livell Ewropew imfassla sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi ta' politika, sabiex jiġi provdut mezz ta' appoġġ għall-attività trans-settorjali fl-oqsma tal-lingwi u ta' l-ICT, u sabiex jissaħħu t-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati tal-programm, ikun xieraq li l-erba' sub-programmi settorjali jkunu komplementati b'wieħed trasversali.

(31)

Sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa, li qed tikber, għal tagħrif u djalogu dwar il-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea u l-iżvilupp tiegħu, huwa importanti li tiġi stimulata l-eċċellenza fit- tagħlim, fir-riċerka u fir-riflessjoni f'dan il-qasam billi jiġu appoġġati l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri li jispeċjalizzaw fl-istudju tal-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea, l-assoċjazzjonijiet Ewropej fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ, u l-Azzjoni Jean Monnet.

(32)

Huwa meħtieġ li tiġi provduta flessibbiltà suffiċjenti fil-formulazzjoni ta' din id-Deċiżjoni sabiex ikun hemm lok għal aġġustamenti xierqa fl-azzjonijiet tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet, li jkunu qegħdin jinbidlu, matul il-perjodu mill-2007 sa l-2013, u sabiex jiġu evitati d-dispożizzjonijiet inadegwatament dettaljati tal-fażijiet preċedenti tal-programmi Socrates u Leonardo da Vinci.

(33)

Fl-attivitajiet kollha tagħha, il-Komunità għandha telimina l-inugwaljanzi kollha, u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, kif previst fl-Artikolu 3(2) tat-Trattat.

(34)

Skond l-Artikolu 151 tat-Trattat, il-Komunità, fl-azzjoni tagħha, għandha tieħu kont ta' l-aspetti kulturali taħt dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat, b'mod partikolari sabiex tiġi rispettata u promossa d-diversità tal-kulturi tagħha. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għas-sinerġija bejn il-kultura, l-edukazzjoni u t-taħriġ. Għandu jiġi mħeġġeġ ukoll id-djalogu interkulturali.

(35)

Hemm ħtieġa li jiġu promossi ċ-ċittadinanza attiva u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-esklużjoni fl-għamliet kollha tagħha, inklużi r-razziżmu u l-ksenofobija.

(36)

Hemm ħtieġa li jitkabbar l-aċċess għal dawk li ġejjin minn gruppi żvantaġġjati u li jiġu indirizzati attivament il-ħtiġijiet speċjali ta' tagħlim ta' dawk b'diżabbiltajiet, fl-implementazzjoni tal-partijiet kollha tal-programm, anke permezz ta' l-użu ta' għotjiet akbar sabiex jirriflettu l-ispejjeż addizzjonali ta' parteċipanti b'diżabbiltajiet, u ta' l-għoti ta' appoġġ għat-tagħlim u għall-użu ta' lingwi tas-sinjali u tal-Braille.

(37)

Għandhom jiġu rikonoxxuti l-kisbiet tas-Sena Ewropea ta' l-Edukazzjoni permezz ta' l-Isport (2004) u tal-benefiċċji edukattivi potenzjali tal-koperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi u organizzazzjonijiet ta' l-isport li dik is-Sena emfasizzat.

(38)

Il-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ta' l-EFTA li huma membri taż-ŻEE jistgħu jieħdu sehem fi programmi Komunitarji skond ftehim li għandu jiġi ffirmat bejn il-Komunità u dawn il-pajjiżi.

(39)

Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju dwar il-Balkani tal-Punent, inkluż l-Anness magħhom “L-Aġenda ta' Tessaloniki għall-Balkani tal-Punent: lejn integrazzjoni Ewropea”, li jipprevedi li l-programmi Komunitarji għandhom jinfetħu għall-pajjiżi tal-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni abbażi ta' ftehim kwadru li għandu jiġu ffirmati bejn il-Komunità u dawk il-pajjiżi.

(40)

Il-Komunità u l-Konfederazzjoni Svizzera ddikjaraw il-ħsieb tagħhom li jidħlu f'negozjati sabiex jikkonkludu ftehim f'oqsma ta' interess komuni bħall-programmi Komunitarji ta' edukazzjoni, ta' taħriġ u taż-żgħażagħ.

(41)

Il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għandu jiġi sorveljat u valutat regolarment f'koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jsiru aġġustamenti ġodda, b'mod partikolari fir-rigward tal-prijoriatjiet għall-implementazzjoni tal-miżuri. Il-valutazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni esterna li trid titmexxa minn korpi indipendenti u imparzjali.

(42)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Frar 2000 dwar l-implemetazzjoni tal-programm Socrates (12), il-Parlament Ewropew ġibed l-attenzjoni lejn il-proċeduri amministrattivi sproporzjonatament onerużi għall-applikanti għal għotjiet taħt it-tieni fażi tal-programm.

(43)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (13) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (14), li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunità, għandhom jiġu applikati b'kont meħud tal-prinċipji tas-simpliċità u tal-konsistenza fl-għażla ta' l-istrumenti tal-baġit, bħala limitazzjoni tan-numru ta' każijiet fejn il-Kummissjoni żżomm responsabbiltà diretta għall-implementazzjoni u l-amministrazzjoni tagħhom, kif ukoll tal-proporzjonalità meħtieġa bejn l-ammont ta' riżorsi u l-piż amministrattiv relatat ma' l-użu tagħhom.

(44)

Is-simplifikazzjoni amministrattiva radikali tal-proċeduri ta' applikazzjoni hija essenzjali għas-suċċess ta' l-implementazzjoni tal-programm. Il-ħtiġijiet amministrattivi u dawk tal-kontabbiltà għandhom ikunu proporzjonali għad-daqs ta' l-għotja.

(45)

Għandhom jittieħdu wkoll miżuri adatti għall-prevenzjoni ta' l-irregolaritajiet u tal-frodi u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġu rkuprati l-fondi mitlufa, jew imħallsa erronjament jew użati skorrettament.

(46)

Huwa xieraq li jiġi żgurat għeluq korrett tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, partikolarment fir-rigward tal-kontinwazzjoni ta' arranġamenti multi-annwali għall-amministrazzjoni tagħha bħall-finanzjament ta' għajnuna teknika u amministrattiva. Mill-1 ta' Jannar 2014, l-għajnuna teknika u amministrattiva għandha tiżgura, jekk ikun meħtieġ, l-amministrazzjoni ta' l-azzjonijiet mhux finalizzati sa l-aħħar ta' l-2013, inklużi azzjonijiet ta' monitoraġġ u ta' verifika.

(47)

Ladarba l-għan ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri li jingħata l-kontribut tal-koperazzjoni Ewropea lill-edukazzjoni u lit-taħriġ ta' kwalità ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri minħabba l-ħtieġa ta' sħubiji multilaterali, ta' mobbiltà transnazzjonali u ta' skambju ta' informazzjoni fil-Komunità kollha, u jista' għalhekk, minħabba n-natura ta' l-azzjonijiet u l-miżuri meħtieġa, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(48)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul kollu tal-programm, pakkett finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza primarja fis-sens tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba, għall-awtorità tal-baġit matul il-proċedura annwali tal-baġit (15).

(49)

Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implementazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (16),

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

KAPITOLU I

Il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja

Artikolu 1

Stabbiliment tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja”.

2.   L-objettiv ġenerali tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja huwa li jikkontribwixxi, permezz tat-tagħlim tul il-ħajja, għall-iżvilupp tal-Komunità bħala soċjetà avvanzata ibbażata fuq il-konoxxenza, bi żvilupp ekonomiku sostenibbli, b'aktar impjiegi u b'impjiegi aħjar u b'koeżjoni soċjali akbar, filwaqt li jiġi żgurat il-ħarsien xieraq ta' l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet futuri. B'mod partikolari, jimmira lejn l-iskambju, il-koperazzjoni u l-mobbiltà bejn is-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-Komunità sabiex dawn isiru referenza dinjija ta' kwalità.

3.   Il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għandu jkollu l-objettivi speċfiċi li ġejjin:

(a)

li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità, u li jippromwovi prestazzjoni ta' livell għoli, innovazzjoni u dimensjoni Ewropea fis-sistemi u fil-prattika fil-qasam;

(b)

li jappoġġa t-twettiq ta' żona Ewropea għat-tagħlim tul il-ħajja;

(ċ)

li jgħin itejjeb il-kwalità, l-attrazzjoni u l-aċċessibbiltà ta' l-opportunitajiet għat-tagħlim tul il-ħajja li jkunu disponibbli fl-Istati Membri;

(d)

li jsaħħaħ il-kontribut tat-tagħlim tul il-ħajja għal koeżjoni soċjali, għaċ-ċittadinanza attiva, għad-djalogu interkulturali, għall-ugwaljanza bejn is-sessi u għar-realizzazzjoni personali;

(e)

li jgħin jippromwovi l-kreattività, il-kompetittività, l-impjegabbiltà u t-tkabbir ta' spirtu intraprenditorjali;

(f)

li jikkontribwixxi għal iżjed parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja minn nies ta' kull età, inklużi dawk bi ħtiġijiet speċjali u gruppi żvantaġġjati, irrispettivament mill-ambjent soċjo-ekonomiku tagħhom;

(ġ)

li jippromwovi t-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika;

(h)

li jappoġġa l-iżvilupp ta' kontenut, servizzi, pedagoġiji u prattika li jkunu bbażati fuq l-ICT u innovattivi, għat-tagħlim tul il-ħajja

(i)

li jsaħħaħ ir-rwol tat-tagħlim tul il-ħajja fil-ħolqien ta' sens ta' ċittadinanza Ewropea bbażata fuq l-intendiment u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u jinkoraġġixxi t-tolleranza u r-rispett għal popli u kulturi oħrajn;

(j)

li jippromwovi l-koperazzjoni fl-assigurazzjoni ta' kwalità fis-setturi kollha ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ fl-Ewropa;

(k)

li jinkoraġġixxi l-aħjar użu ta' riżultati, ta' prodotti u ta' proċessi innovattivi u l-iskambju ta' l-aħjar prattika fl-oqsma koperti mill-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, sabiex tiġi mtejba l-kwalità ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ.

4.   Skond id-dispożizzjonijiet amministrattivi stabbiliti fl-Anness, il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għandu jappoġġa u jissupplimenta azzjoni meħuda mill-Istati Membri, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tagħhom għall-kontenut tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.

5.   Kif stabbilit fl-Artikolu 3, l-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għandhom jitwettqu permezz ta' l-implementazzjoni ta' erba' programmi settorjali, programm wieħed trasversali, u l-programm Jean Monnet, minn hawn 'il quddiem imsejħa kollettivament “is-sub-programmi”.

6.   Din id-Deċiżjoni għandha tiġi implementata tul il-perjodu li jibda mill-1 ta' Jannar u jestendi sal-31 ta' Diċembru 2013. Madankollu, jistgħu jiġu implementati miżuri preparatorji, inklużi deċiżjonijiet mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 9, mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“pre-skola” tfisser attività edukattiva organizzata ta' qabel il-bidu ta' l-iskola primarja obbligatorja;

2.

“tifel/tifla ta' l-iskola” tfisser persuna iskritta sabiex tirċievi edukazzjoni fi skola;

3.

“skola” tfisser it-tipi kollha ta' istituzzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni ġenerali (pre-skolastika, primarja jew sekondarja), vokazzjonali u teknika u, eċċezzjonalment, fil-każ ta' miżuri li jippromwovu t-tagħlim tal-lingwi, istituzzjonijiet mhux skolastiċi li jipprovdu taħriġ ta' apprendistat;

4.

“għalliema/persunal edukattiv” tfisser persuni li, permezz ta' dmirijiethom, huma involuti direttament fil-proċess edukattiv fl-Istati Membri;

5.

“min jagħti taħriġ” tfisser persuni li, permezz ta' dmirijiethom, ikunu involuti direttament fil-proċess ta' edukazzjoni u ta' taħriġ vokazzjonali fl-Istati Membri;

6.

“student” tfisser persuna reġistrata f'istituzzjoni ta' edukazzjoni superjuri, irrispettivament mill-qasam ta' l-istudju tagħha, sabiex issegwi studji ta' edukazzjoni superjuri li jwasslu għal lawrja rikonoxxuta jew għal kwalifika rikonoxxuta oħra ta' livell terzjarju, sa, u li inkluż, il-livell ta' dottorat;

7.

“persuna li tieħu taħriġ” tfisser persuna li tieħu taħriġ vokazzjonali, f'istituzzjoni ta' taħriġ jew f'organizzazzjoni ta' taħriġ jew fuq il-post tax-xogħol;

8.

“student adult” tfisser student li jipparteċipa f'edukazzjoni għall-adulti;

9.

“persuni fis-suq tax-xogħol” tfisser ħaddiema, dawk li huma impjegati għal rashom jew nies disponibbli għall-impjieg;

10.

“istituzzjoni ta' edukazzjoni superjuri” tfisser:

(a)

kwalunkwe tip ta' istituzzjoni ta' edukazzjoni superjuri, skond il-liġi jew il-prattika nazzjonali, li toffri lawrji rikonoxxuti jew kwalifiki rikonoxxuti oħra ta' livell terzjarju, irrispettivament mill-isem ta' tali stabbilimenti fl-Istati Membri;

(b)

kwalunkwe istituzzjoni, skond il- liġi jew il-prattika nazzjonali, li toffri edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali fil-livell terzjarju;

11.

“Korsijiet Masters Konġunti” tfisser korsjiet Masters fl-edukazzjoni superjuri li:

(a)

jinvolvu mill-inqas tlitt istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri minn tliet Stati Membri differeti;

(b)

jimplementaw programm ta' studju li jinvolvi perjodu ta' studju f'mill-inqas tnejn minn dawk it-tlitt istituzzjonijiet;

(ċ)

jinkludu, bħala parti inerenti tagħhom, mekkaniżmi għar-rikonoxximent ta' perjodi ta' studju, li jkunu saru f'istituzzjonijiet imsieħba, ibbażati fuq, jew kompatibbli ma', is-sistema Ewropea ta' trasferiment ta' credits;

(d)

iwasslu, għall-għoti mill-istituzzjonijiet parteċipanti, ta' lawrji konġunti, doppji jew multipli li jkunu rikonoxxuti jew akkreditati mill-Istati Membri;

12.

“taħriġ vokazzjonali” tfisser kwalunkwe forma ta' edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali inizjali, inklużi t-tagħlim tekniku u vokazzjonali u l-apprendistati, li tikkontribwixxi għall-kisba ta' kwalifika vokazzjonali rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn tkun inkisbet, kif ukoll kwalunkwe edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali kontinwati riċevuti minn persuna matul il-ħajja tax-xogħol tagħha;

13.

“edukazzjoni ta' l-adulti” tfisser l-għamliet kollha ta' tagħlim mhux vokazzjonali għall-adulti, kemm jekk ikunu ta' natura formali, non-formali jew informali;

14.

“żjara ta' studju” tfisser żjara għal perjodu qasir, li ssir sabiex jiġi studjat aspett partikolari ta' tagħlim tul il-ħajja fi Stat Membru ieħor;

15.

“mobbiltà” tfisser li persuna tgħaddi perjodu ta' żmien fi Stat Membru ieħor, għall-finijiet ta' studju, ta' esperjenza ta' xogħol, ta' xi attività oħra bħala student jew għalliem jew ta' xi attività amministrattiva relatata, appoġġati kif xieraq b'korsijiet preparatorji jew ta' tagħlim mill-ġdid fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti jew fil-lingwa operattiva;

16.

placement” tfisser li persuna tgħaddi perjodu ta' żmien f'intrapriża jew organizzazzjoni fi Stat Membru ieħor, appoġġat kif meħtieġ b'korsijiet preparatorji jew ta' tagħlim mill-ġdid fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti jew fil-lingwa operattiva, bil-għan li l-individwu jiġi assistit sabiex jadatta ruħu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tal-Komunità kollha, sabiex jikseb ħila speċifika u sabiex itejjeb il-konoxxenza tal-kultura ekonomika u soċjali tal-pajjiż konċernat fil-kuntest ta' l-iżvilupp ta' l-esperjenza tax-xogħol;

17.

“unilaterali” tfisser l-involviment f'istituzzjoni waħda;

18.

“bilaterali” tfisser l-involviment ta' msieħba minn żewġ Stati Membri;

19.

“multilaterali” tfisser l-involviment ta' msieħba minn tliet Stati Membri mill-inqas. Il-Kummissjoni tista' tqis assoċjazzjonijiet jew korpi oħrajn bi sħubija minn tliet Stati Membri jew aktar bħala multilaterali;

20.

“sħubija” tfisser ftehim bilaterali jew multilaterali bejn grupp ta' istituzzjonijiet jew ta' organizzazzjonijiet fi Stati Membri differenti sabiex iwettqu attivitajiet Ewropej konġunti fit-tagħlim tul il-ħajja;

21.

network” tfisser aggruppament, formali jew informali, ta' korpi li jkunu attivi f'qasam, dixxiplina jew settur partikolari tat-tagħlim tul il-ħajja;

22.

“proġett” tfisser attività ta' koperazzjoni, b'riżultat definit, żviluppata b'mod konġunt minn aggruppament formali jew informali ta' organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet;

23.

“koordinatur tal-proġett” tfisser l-organizzazzjoni jew l-istituzzjoni li tkun responsabbli mill-implementazzjoni tal-proġett mill-aggruppament multilaterali;

24.

“imsieħba fi proġett” tfisser l-organizzazzjonijiet jew l-istituzzjonijiet għajr il-koordinatur, li jiffurmaw l-aggruppament multilaterali;

25.

“intrapriża” tfisser l-intrapriżi kollha involuti f'attività ekonomika fis-settur pubbliku jew privat irrispettivament mid-daqs, mill-istatus legali tagħhom jew mis-settur ekonomiku li fih jaħdmu, inkluża l-ekonomija soċjali;

26.

“imsieħba soċjali” tfisser, fil-livell nazzjonali, l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema li jkunu konformi mal-liġijiet u/jew prattika nazzjonali u, fil-livell Komunitarju, l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema li jieħdu sehem fid-djalogu soċjali fil-livell Komunitarju;

27.

“gwida u pariri konsultivi” tfisser firxa ta' attivitajiet bħalma huma t-tagħrif, l-assessjar, l-orjentazzjoni u l-pariri sabiex min ikun qed jitgħallem, min jagħti taħriġ jew persunal ieħor ikunu jistgħu jagħmlu għażliet dwar programmi ta' edukazzjoni u taħriġ jew dwar opportunitajiet ta' mpjieg;

28.

“it-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati” tfisser attivitajiet imfassla sabiex jiżguraw li r-riżultati tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u dawk ta' qablu jkunu rikonoxxuti, murija u implementati kif xieraq fuq skala wiesgħa;

29.

“tagħlim tul il-ħajja” tfisser l-edukazzjoni ġenerali kollha, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni non-formali u t-tagħlim informali li jkun sar tul il-ħajja, li jwassal għal titjib fit-tagħrif, fil-ħiliet u l-kompetenzi f'perspettiva personali, ċivika, soċjali u/jew li tkun relatata ma' l-impjieg. Dan jinkludi wkoll id-dispożizzjoni ta' servizzi ta' għoti ta' parir u gwida.

Artikolu 3

Sub-Programmi

1.   Is-sub-programmi settorjali għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-programm Comenius, li għandu jindirizza l-ħtiġijiet ta' dawk kollha li jgħallmu u li jitgħallmu fil-livelli pre-skolastiku u skolastiku sal-livell tat-tmiem ta' l-edukazzjoni sekondarja ogħla, u ta' l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li jipprovdu tali edukazzjoni;

(b)

il-programm Erasmus, li għandu jindirizza l-ħtiġijiet ta' dawk kollha li jgħallmu u li jitgħallmu fil-livelli terzjarji ta' l-edukazzjoni formali superjuri u ta' l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, irrispettivament mit-tul tal-kors jew mill-kwalifika tagħhom u inklużi studji dottorali, u ta' l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li jipprovdu jew jiffaċilitaw tali edukazzjoni u taħriġ;

(ċ)

il-programm Leonardo da Vinci, li għandu jindirizza l-ħtiġijiet ta' dawk kollha li jgħallmu u li jitgħallmu fil-livelli ta' l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, għajr dawk fil-livell terzjarju, kif ukoll ta' l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li jipprovdu jew jiffaċilitaw tali edukazzjoni u taħriġ;

(d)

il-programm Grundtvig, li għandu jindirizza l-ħtiġijiet ta' dawk kollha li jgħallmu u li jitgħallmu f'kull għamla ta' edukazzjoni ta' l-adulti, kif ukoll ta' l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li jipprovdu jew jiffaċilitaw tali edukazzjoni.

2.   Il-programm trasversali għandu jikkonsisti mill-erba' attivitajiet ewlenin li ġejjin:

(a)

il-koperazzjoni u l-innovazzjoni fit-twettiq tal-politika tat-tagħlim tul il-ħajja;

(b)

il-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi;

(ċ)

l-iżvilupp ta' kontenut, servizzi, pedagoġiji u prattika li jkunu bbażati fuq l-ICT u innovattivi għat-tagħlim tul il-ħajja;

(d)

it-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati ta' azzjonijiet li jkunu appoġġati taħt il-programm u taħt programmi preċedenti relatati, u l-iskambju ta' prattika tajba.

3.   Il-programm Jean Monnet għandu jappoġġa istituzzjonijiet u attivitajiet fil-qasam ta' l-integrazzjoni Ewropea. Dan għandu jinkludi fih it-tlitt attivitajiet ewlenin li ġejjin:

(a)

l-Azzjoni Jean Monnet;

(b)

għotjiet operattivi sabiex jiġu appoġġati istituzzjonijiet speċifikati li jittrattaw kwistjonijiet relatati ma' l-integrazzjoni Ewropea;

(ċ)

għotjiet operattivi sabiex jiġu appoġġati istituzzjonijiet u assoċjazzjonijiet Ewropej fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ.

Artikolu 4

Aċċess għall-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja

Il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għandu jkun immirat lejn:

(a)

tfal ta' l-iskola, studenti, persuni li jitħarrġu u studenti adulti;

(b)

għalliema, min jagħti taħriġ u persunal ieħor involuti f'kull aspett tat-tagħlim tul il-ħajja;

(ċ)

persuni li jkunu fis-suq tax-xogħol;

(d)

istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim fil-kuntest tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, jew fil-limiti tas-sub-programmi tiegħu;

(e)

il-persuni u l-korpi responsabbli mis-sistemi u l-linji politiċi li jikkonċernaw kwalunkwe aspett tat-tagħlim tul il-ħajja fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

(f)

intrapriżi, imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tagħhom fil-livelli kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-kummerċ u l-Kmamar tal-kummerċ u ta' l-industrija

(g)

korpi li jipprovdu servizzi ta' gwida, pariri konsultivi u informazzjoni relatati ma' kwalunkwe aspett tat-tagħlim tul il-ħajja;

(h)

assoċjazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, inklużi assoċjazzjonijiet ta' l-istudenti, ta' persuni li jitħarrġu, ta' tfal ta' l-iskola, ta' għalliema, ta' ġenituri u ta' studenti adulti;

(i)

ċentri ta' riċerka u korpi konċernati bi kwistjonijiet ta' tagħlim tul il-ħajja;

(j)

organizzazzjonijiet li joperaw mingħajr l-iskop tal-profitt, korpi volontarji, organizzazzjonijiet mhux governattivi (“NGOs”).

Artikolu 5

Azzjonijiet Komunitarji

1.   Il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għandu jinkludi appoġġ għall-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-mobbiltà ta' l-individwi fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja;

(b)

sħubiji bilaterali u multilaterali;

(ċ)

proġetti multilaterali speċjalment dawk imfassla sabiex jippromwovu l-kwalità fis-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ permezz ta' trasferimenti transnazzjonali ta' innovazzjoni;

(d)

proġetti unilaterali u nazzjonali;

(e)

proġetti u networks multilaterali;

(f)

l-osservazzjoni u l-analiżi ta' linji politiċi u sistemi fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, l-istabbiliment u t-titjib regolari ta' materjal ta' referenza, inklużi stħarriġ, statistika, analiżi u indikaturi, azzjoni li tappoġġa t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u tat-tagħlim minn qabel, u azzjoni tappoġġa l-koperazzjoni fl-assigurazzjoni tal-kwalità;

(g)

għotjiet operattivi sabiex jiġu appoġġati ċerti spejjeż operattivi u amministrattivi ta' istituzzjonijiet u assoċjazzjonijiet li jkunu attivi fil-qasam kopert mill-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja;

(h)

inizjattivi oħrajn immirati lejn il-promozzjoni ta' l-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja (“miżuri assoċjati”).

2.   L-appoġġ Komunitarju jista' jingħata għal żjajjar preparatorji fir-rigward ta' kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet esposti f'dan l-Artikolu.

3.   Il-Kummissjoni tista' torganizza tali seminars, kollokwji jew laqgħat li x'aktarx jiffaċilitaw l-implementazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, u twettaq azzjonijiet adegwati ta' informazzjoni, pubblikazzjoni u tixrid u azzjonijiet li jkomplu jissensibilizzaw l-opinjoni pubblika dwar il-Programm kif ukoll il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Programm.

4.   L-azzjonijiet imsemmija f'dan l-Artikolu jistgħu jiġu implementati permezz ta' sejħiet għall-proposti, sejħiet għal offerti, jew direttament mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Il-kompiti tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-implementazzjoni effikaċi u effiċjenti ta' l-azzjonijiet Komunitarji previsti fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja.

2.   L-Istati Membri għandhom

(a)

jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw it-tmexxija effiċjenti tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja fil-livell nazzjonali, bl-involviment tal-partijiet kollha konċernati f'aspetti ta' tagħlim tul il-ħajja skond il-prattika jew il-leġislazzjoni nazzjonali;

(b)

jistabbilixxu jew jinnominaw u jissorveljaw struttura adatta għall-amministrazzjoni koordinata ta' l-implemetazzjoni ta' l-azzjonijiet tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja fil-livell nazzjonali (aġenziji nazzjonali), inkluża l-amministrazzjoni tal-baġit, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 54(2)(ċ) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u l-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, konformement mal-kriterji li ġejjin:

(i)

l-organizzazzjoni li tiġi stabbilita jew nominata bħala aġenzija nazzjonali għandha jkollha personalità ġuridika jew tkun parti minn entità li jkollha personalità ġuridika, u tkun regolata mil-liġi ta' l-Istat Membru konċernat. Ministeru ma jistax jiġi nominat bħala aġenzija nazzjonali;

(ii)

kull aġenzija nazzjonali għandha jkollha numru adegwat ta' persunal sabiex twettaq il-kompiti tagħha, b'kapaċitajiet professjonali u lingwistiċi adegwati għall-ħidma f'ambjent ta' koperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ;

(iii)

kull aġenzija nazzjonali għandha jkollha infrastruttura adegwata, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-informatika u l-komunikazzjonijiet;

(iv)

kull aġenzija nazzjonali għandha topera f'kuntest amministrattiv li jippermettilha twettaq il-kompiti tagħha b'mod sodisfacenti u tevita konflitti ta' interess;

(v)

kull aġenzija nazzjonali għandha tkun f'pożizzjoni li tapplika r-regoli ta' l-amministrazzjoni finanzjarja u l-kondizzjonijet kuntrattwali stabbiliti fil-livell Komunitarju;

(vi)

kull aġenzija nazzjonali għandha toffri garanziji finanzjarji adegwati, mogħtija preferibbilment minn awtorità pubblika, u l-kapaċità amministrattiva tagħha għandha tkun adatta għal-livell tal-fondi Komunitarji li hija tkun imsejħa sabiex tamministra;

(ċ)

jassumu r-responsabbiltà għall-amministrazzjoni korretta mill-aġenziji nazzjonali msemmija fil-punt (b) ta' credits trasferiti lill-aġenziji nazzjonali sabiex ikunu appoġġati l-proġetti, u b'mod partikolari sabiex l-aġenziji nazzjonali jirrispettaw il-prinċipji tat-trasparenza, ta' l-ugwaljanza fit-trattament u tal-preklużjoni tal-finanzjament doppju ma' sorsi oħrajn ta' fondi Komunitarji, kif ukoll l-obbligu li jiġu jissorveljaw il-proġetti u li jirkupraw kwalunkwe fond li r-rimbors tiegħu ikun dovut minn benefiċjarji;

(d)

jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw verifika korretta u s-superviżjoni finanzjarja ta' l-aġenziji nazzjonali msemmija fil-punt (b), u b'mod partikolari:

(i)

qabel il-bidu ta' l-operat ta' l-aġenzija nazzjonali, jipprovdu lill-Kummissjoni bl-assigurazzjonijiet meħtieġa dwar l-eżistenza, ir-relevanza u l-operat korrett fi ħdanha, skond ir-regoli ta' amministrazzjoni finanzjarja tajba, tal-proċeduri li jkollhom jiġu applikati, tas-sistemi ta' kontroll, tas-sistemi ta' kontabbiltà u tal-proċeduri ta' l-akkwist pubbliku u ta' l-għoti ta' għotjiet;

(ii)

jipprovdu lill-Kummissjoni kull sena b'dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tas-sistemi finanzjarji u tal-proċeduri ta' l-aġenziji nazzjonali, u l-korrettezza tal-kontijiet tagħhom;

(e)

fil-każ ta' xi irregolarità, negliġenza jew frodi li jkunu imputabbli għal xi aġenzija nazzjonali stabbilita jew nominata taħt il-punt (b), u fejn dan iwassal għal xi pretensjonijiet mill-Kummissjoni kontra l-aġenzija nazzjonali li ma jiġux irkuprati kompletament, jassumu r-responsabbiltà għall-fondi mhux irkuprati;

(f)

jinnominaw fuq talba mill-Kummissjoni l-istituzzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet li jipprovdu l-opportunitajiet ta' tagħlim, jew it-tip ta' tali istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet, sabiex jitqiesu bħala eliġibbli sabiex jieħdu sehem fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja fit-territorji rispettivi tagħhom;

(g)

ifittxu li jadottaw il-miżuri xierqa kollha sabiex ineħħu l-ostakli legali u amministrattivi għall-funzjonament korrett tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja;

(h)

jieħdu passi sabiex jiżguraw li jiġu realizzati fil-livell nazzjonali sinerġiji potenzjali ma' programmi u strumenti finanzjarji Komunitarji oħra u ma' programmi relevanti oħra li joperaw fl-Istat Membru in kwistjoni.

3.   Il-Kummissjoni, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tiżgura

(a)

it-transizzjoni bejn l-azzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-programmi preċedenti fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-tagħlim tul il-ħajja u dawk li għandhom jiġu implementati taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja;

(b)

il-ħarsien adegwat ta' l-interessi finanzjarji Komunitarji b'mod partikolari bl-introduzzjoni ta' miżuri effettivi, proporzjonati u dissważivi, ta' kontrolli amministrattivi u ta' penali;

(ċ)

it-tixrid wiesa' ta' informazzjoni, pubbliċità u segwitu fir-rigward ta' l-azzjonijiet appoġġati taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja.

(d)

il-ġbir, l-analiżi u l-proċessar ta' data disponibbli meħtieġa sabiex jitqiesu r-riżultati u l-effetti tal-programm, u li tissorvelja u tivvaluta l-attivitajiet kif imsemmija fl-Artikolu 15;

(e)

it-tixrid tar-riżultati tal-ġenerazzjoni preċedenti tal-programmi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ u tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja.

Artikolu 7

Il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

1.   Il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta':

(a)

il-pajjiżi ta' l-EFTA li huma membri taż-ŻEE, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-Ftehim taż-ŻEE;

(b)

il-pajjiżi kandidati li jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni, skond il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-ftehimiet kwadru konklużi ma' dawn il-pajjiżi għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji;

(ċ)

il-pajjiżi Balkaniċi tal-Punent, skond id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu determinati ma' dawn il-pajjiżi wara l-istabbiliment ta' ftehimiet kwadru li jipprovdu għall-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi Komunitarji;

(d)

il-Konfederazzjoni Svizzera, fuq il-bażi ta' ftehim bilaterali li għandu jiġi konkluż ma' dan il-pajjiż.

2.   L-attività ewlenija 1 tal-programm Jean Monnet imsemmija fl-Artikolu 3(3)(a) għandha tkun miftuħa għal istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri fi kwalunkwe pajjiż terz ieħor.

3.   Il-pajjiżi terzi li jieħdu sehem fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja għandhom ikunu soġġetti għall-obbligi kollha u għandhom iwettqu l-kompiti kollha stabbiliti f'din id-Deċiżjoni fir-rigward ta' l-Istati Membri.

Artikolu 8

Koperazzjoni internazzjonali

Taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, u skond l-Artikolu 9, il-Kummissjoni tista' tikkopera ma' pajjiżi terzi u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, b'mod partikolari il-Kunsill ta' l-Ewropa, l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) u l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, Xjenza u Kultura (UNESCO).

KAPITOLU II

L-implementazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja

Artikolu 9

Miżuri implementattivi.

1.   Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja relatati mal-materji li ġejjin għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2):

(a)

il-pjan ta' ħidma annwali inklużi l-prijoritajiet;

(b)

l-allokazzjonijiet annwali u d-distribuzzjoni tal-fondi bejn u fi ħdan is-sub-programmi;

(ċ)

il-linji gwida ġenerali għall-implementazzjoni tas-sub-programmi (inklużi deċiżjonijiet li jikkonċernaw in-natura ta' l-azzjonijiet, it-tul taż-żmien tagħhom u l-livell ta' finanzjament), il-kriterji u l-proċeduri ta' għażla;

(d)

il-proposti tal-Kummissjoni għall-għażla ta' l-applikazzjonijiet għal proġetti u networks multilaterali kif imsemmi fl-Artikolu 33 (1) (b) u (ċ);

(e)

il-proposti tal-Kummissjoni għall-għażla ta' l-applikazzjonijiet għal azzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(e), li mhumiex koperti mill-punt (d) ta' dan il-paragrafu, u fl-Artikolu 5(1)(f), (g) u (h), li għalihom l-appoġġ Komunitarju propost jeċċedi EUR 1 mijun;

(f)

id-definizzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Kummissjoni, ta' l-Istati Membri u ta' l-aġenziji nazzjonali rigward il-“proċedura ta' l-aġenziji nazzjonali” stabbilita fl-Anness 1;

(g)

id-distribuzzjoni tal-fondi fost l-Istati Membri għall-azzjonijiet li għandhom ikunu amministrati permezz tal-“proċedura ta' l-aġenzija nazzjonali” stabbilita fl-Anness 1;

(h)

l-arranġamenti sabiex tkun żgurata konsistenza interna fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja;

(i)

l-arranġamenti għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u s-sub-programmi u għat-tixrid u t-trasferiment tar-riżultati.

2.   Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni tal-materji kollha diversi minn dawk speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(3).

Artikolu 10

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' xahrejn.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

4.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

5.   L-Istati Membri ma jistgħux ikunu rappreżentati minn persuni li jkunu jaħdmu fi, jew li jkollhom ir-responsabbiltà operattiva għal, aġenziji nazzjonali msemmija fl-Artikolu 6(2)(b).

Artikolu 11

Sħab soċjali

1.   Kull meta l-Kumitat jiġi kkonsultat dwar kwalunkwe materja li tikkonċerna l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fir-rigward ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, ir-rappreżentanti ta' l-imsieħba soċjali, maħtura mill-Kummissjoni abbażi ta' proposti mill-imsieħba soċjali Ewropej, jistgħu jieħdu sehem fix-xogħol tal-Kumitat bħala osservaturi.

In-numru ta' tali osservaturi għandu jkun ugwali għan-numru ta' rappreżentanti ta' l-Istati Membri.

2.   Tali osservaturi għandhom ikollhom id-dritt li jitolbu li l-pożizzjoni tagħhom tiġi reġistrata fil-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat.

Artikolu 12

Linji politiċi orizzontali

Fl-implementazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, għandha tingħata l-attenzjoni meħtieġa sabiex ikun żgurat li dan jikkontribwixxi b'mod sħiħ lejn it-twettiq tal-linji politiċi orizzontali tal-Komunità, b'mod partikolari billi:

(a)

tiġi promossa kuxjenza dwar l-importanza tad-diversità kulturali u lingwistka fl-Ewropa, kif ukoll dwar il-ħtieġa li jiġu miġġielda r-razziżmu, il-preġudizzju u l-ksenofobija;

(b)

isiru provvedimenti għal studenti bi ħtiġijiet speċjali, u b'mod partikolari billi tiġi promossa l-integrazzjoni tagħhom fl-oqsma ewlenija ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ;

(ċ)

tiġi promossa l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u jsir kontribut fil-ġlieda kontra l-għamliet kollha ta' diskriminazzjoni bbażata fuq sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.

Artikolu 13

Konsistenza u komplementarjetà ma' linji politiċi oħrajn

1.   Il-Kummissjoni f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tiżgura l-konsistenza u l-komplementarjetà, mill-aspett globali, mal-Programm ta' Ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”' u ma' linji politiċi, strumenti u azzjonijiet Komunitarji relevanti oħra, b'mod partikolari dawk fil-qasam tal-kultura, tal-medja, taż-żgħażagħ, tar-riċerka u żvilupp, tar-rikonoxximent ta' kwalifiki, ta' l-intrapriża, ta' l-ambjent, ta' l-ICT u tal-programm statistiku tal-Komunità.

Il-Kummissjoni, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tiżgura ingranaġġ effiċjenti bejn il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u l-programmi u l-azzjonijiet fil-qasam ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ imwettqa fil-qafas ta' l-istrumenti tal-Komunità għal qabel l-adeżjoni u għamliet oħra ta' koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti.

2.   Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat informat regolarment dwar inizjattivi Komunitarji relevanti oħrajn meħuda fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, inkluża l-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

3.   Fl-implementazzjoni ta' azzjonijiet taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-prijoritajiet stabbiliti fil-linji gwida integrati għall-impjiegi adottati mill-Kunsill, bħala parti mis-sħubija ta' Lisbona għall-iżvilupp ekonomiku u għall-impjiegi.

4.   Fi sħubija mas-sħab soċjali Ewropej, il-Kummissjoni għandha tfittex li tiżviluppa koordinazzjoni adegwata bejn il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u d-djalogu soċjali fil-livell Komunitarju, anke fis-setturi differenti ta' l-ekonomija.

5.   Fl-implementazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-għajnuna, fejn ikun il-każ, taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) fl-oqsma relatati mal-kompetenzi tiegħu u skond l-arranġamenti stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 337/75 tal-Kunsill (17). Fejn ikun il-każ, il-Kummissjoni tista' wkoll tiżgura l-appoġġ tal-Fondazzjoni Ewropea tat-Taħriġ fl-ambitu tal-mandat tagħha u skond l-arranġamenti stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/90 (18).

6.   Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali informat regolarment dwar il-progress relevanti fil-qasam ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali.

KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet finanzjarji — Valutazzjoni

Artikolu 14

Finanzjament

1.   Il-pakkett finanzjarju indikattiv għall-implementazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għall-perjodu ta' seba' snin mill-1 ta' Jannar 2007 huwa b'dan stabbilit għal EUR 6 200 miljun (19). Fi ħdan dan il-pakkett, l-ammonti li għandhom jiġu allokati lill-programmi Comenius, Erasmus, Leonardo da Vinci u Grundtvig ma għandhomx ikunu anqas minn kif ġie stabbilit fil-punt B.11 ta' l-Anness. Dawk l-allokazzjonijiet jistgħu jiġu emendati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2).

2.   Sa 1 % ta' l-allokazzjonijiet tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja jista' jintuża sabiex jappoġġa l-parteċipazzjoni f'azzjonijiet ta' sħubija, ta' proġetti u ta' networks organizzati taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, ta' msieħba minn pajjiżi terzi li ma jieħdux sehem fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7.

3.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-baġit fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 15

Monitoraġġ u valutazzjoni

1.   Il-Kummissjoni, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha timmonitorja u tivvaluta l-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja fid-dawl ta' l-objettivi tiegħu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel arranġamenti għal valutazzjonijiet esterni indipendenti regolari tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u għandha regolarment tippubblika statistika għall-monitoraġġ tal-progress.

3.   Għandu jittieħed kont tal-konklużjonijiet tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u tal-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ tal-ġenerazzjoni preċedenti fl-implementazzjoni tal-Programm.

4.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sat-30 ta' Ġunju 2010 u sat-30 ta' Ġunju 2015 rispettivament, rapporti dwar l-implementazzjoni u l-impatt tal-Programm ta' Tagħlim Tul Ħajja.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni:

(a)

rapport interim ta' valutazzjoni dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantittativi ta' l-implementazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja inkluża analiżi tar-riżultati miksuba sal-31 ta' Marzu 2011,

(b)

komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja sal-31 ta' Diċembru 2011,

(ċ)

rapport ta' valutazzjoni ex post sal-31 ta' Marzu 2016.

TITOLU II

IS-SUB-PROGRAMMI

KAPITOLU I

Il-Programm Comenius

Artikolu 16

L-aċċess għall-programm Comenius

Fil-qafas tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, il-programm Comenius għandu jkun immirat lejn:

(a)

tfal ta' l-iskola f'edukazzjoni skolastika sat-tmiem ta' l-edukazzjoni sekondarja ogħla;

(b)

skejjel, kif speċifikat mill-Istati Membri;

(ċ)

għalliema u persunal ieħor f'dawk l-iskejjel;

(d)

assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet li joperaw mingħajr l-iskop tal-profitt, NGOs u rappreżentanti ta' dawk involuti fl-edukazzjoni skolastika;

(e)

persuni u korpi responsabbli mill-organizzazzjoni u l-għoti ta' l-edukazzjoni fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

(f)

ċentri ta' riċerka u korpi konċernati bi kwistjonijiet ta' tagħlim tul il-ħajja;

(g)

istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri.

(h)

korpi li jipprovdu servizzi ta' gwida, konsultivi u ta' informazzjoni relatati ma' kwalunkwe aspett tat-tagħlim tul il-ħajja.

Artikolu 17

L-objettivi tal-programm Comenius

1.   Addizzjonalment għall-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja kif stabbiliti fl-Artikolu 1, l-objettivi speċifiċi tal-programm Comenius għandhom ikunu:

(a)

li jiżviluppa t-tagħrif u l-apprezzament fost iż-żgħażagħ u l-persunal edukattiv dwar id-diversità tal-kulturi u l-lingwi Ewropej u l-valur tagħha;

(b)

li jgħin liż-żgħażagħ jiżviluppaw il-ħiliet bażiċi tal-ħajja u l-kompetenzi meħtieġa għall-iżvilupp personali tagħhom, għall-impjieg fil-futur u għal ċittadinanza Ewropea attiva.

2.   L-objettivi operattivi tal-programm Comenius għandhom ikunu:

(a)

li tittejjeb il-kwalità u li jiżdied il-volum tal-mobbiltà li tinvolvi tfal ta' l-iskola u persunal edukattiv fi Stati Membri differenti;

(b)

li tittejjeb il-kwalità u li jiżdied il-volum ta' sħubiji bejn skejjel fi Stati Membri differenti, sabiex jiġu involuti tliet miljun tifel u tifla ta' l-iskola f'attivitajiet edukattivi konġunti matul il-perjodu tal-programm;

(ċ)

li jiġi mħeġġeġ it-tagħlim ta' lingwi barranija moderni;

(d)

li jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' kontenut, servizzi, pedagoġiji u prattika li jkunu bbażati fuq l-ICT u innovattivi, għat-tagħlim tul il-ħajja;

(e)

li tittejjeb il-kwalità u tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tat-taħriġ ta' l-għalliema;

(f)

li jiġi appoġġat it-titjib f'approċċi pedagoġiċi u fl-amministrazzjoni ta' l-iskejjel.

Artikolu 18

L-azzjonijiet tal-programm Comenius

1.   L-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu appoġġati mill-programm Comenius:

(a)

il-mobbiltà ta' individwi kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(a). Fl-arranġament jew appoġġ ta' l-organizzazzjoni ta' tali mobbiltà, għandhom jiġu adottati l-miżuri preparatorji meħtieġa u għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat li jkun hemm disponibbli sorveljanza, pariri konsultivi u appoġġ adegwati għall-individwi li jeżerċitaw il-mobbiltà.

Tali mobbiltà tista' tinkludi:

(i)

skambji ta' tfal ta' l-iskola u ta' persunal;

(ii)

mobbiltà lejn skejjel għal tfal ta' l-iskola u placements fi skejjel jew intrapriżi għal persunal edukattiv;

(iii)

parteċipazzjoni f'korsijiet ta' taħriġ għal għalliema u persunal edukattiv ieħor;

(iv)

żjajjar ta' studju u żjajjar preparatorji għal attivitajiet relatati ma' mobbiltà, sħubiji, proġetti jew networks;

(v)

assistantships għal għalliema jew għalliema potenzjali.

(b)

l-iżvilupp ta' sħubiji kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(b), bejn:

(i)

skejjel bil-ħsieb li jiġu żviluppati proġetti ta' tagħlim konġunti għal tfal ta' l-iskola u għall-għalliema tagħhom (“sħubiji skolastiċi Comenius”);

(ii)

organizzazzjonijiet responsabbli għal kwalunkwe aspett ta' l-edukazzjoni skolastika, bil-ħsieb li tiġi mrawma l-koperazzjoni inter-reġjonali, inkluża l-koperazzjoni fir-reġjuni fuq il-fruntieri (“sħubiji Comenius-Regio”);

(ċ)

proġetti ta' koperazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e). Dawn jistgħu jinkludu proġetti mmirati lejn:

(i)

l-iżvilupp, il-promozzjoni u t-tixrid ta' l-aħjar prattika edukattiva, inklużi metodi jew materjal ta' tagħlim ġodda;

(ii)

l-iżvilupp jew l-iskambju ta' esperjenza dwar sistemi li jipprovdu informazzjoni jew gwida li jkunu adattati b'mod partikolari għall-persuni li jirċievu edukazzjoni, għall-għalliema jew għal persunal l-ieħor konċernat bil-programm Comenius;

(iii)

l-iżvilupp, il-promozzjoni u t-tixrid ta' korsijiet ġodda għall-għalliema jew ta' kontenut ġdid ta' korsijiet;

(d)

networks multilaterali kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(e). Dawn jistgħu jinkludu networks immirati lejn:

(i)

l-iżvilupp ta' l-edukazzjoni fid-dixxiplina jew fil-qasam tas-suġġett li fih dawn ikunu jaħdmu, għall-benefiċċju tagħhom stess jew, aktar in ġenerali, għal dak ta' l-edukazzjoni;

(ii)

l-iżvilupp u t-tixrid ta' prattika tajba relevanti u ta' l-innovazzjoni;

(iii)

l-għoti ta' appoġġ ta' kontenut għal proġetti u sħubiji stabbiliti minn oħrajn;

(iv)

il-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' analiżi ta' ħtiġijiet u ta' l-applikazzjoni tagħha fil-prattika fl-edukazzjoni skolastika;

(e)

inizjattivi oħrajn maħsuba għall-promozzjoni ta' l-objettivi tal-programm Comenius kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(h) (“miżuri assoċjati”).

2.   Id-dettalji operattivi ta' l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 19

Ammonti allokati lill-programm Comenius

Mhux inqas minn 80 % ta' l-ammonti allokati lill-programm Comenius għandhom jiġu dedikati sabiex jappoġġaw il-mobbiltà kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(a) u sabiex jappoġġaw is-sħubiji Comenius kif stabbilit fl-Artikolu 18(1)(b).

KAPITOLU II

Il-Programm Erasmus

Artikolu 20

L-aċċess għall-programm Erasmus

Fil-qafas tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, il-programm Erasmus għandu jkun immirat lejn:

(a)

studenti u persuni li jitħarrġu fil-forom kollha ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' livell terzjarju;

(b)

istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri, kif speċifikat mill-Istati Membri;

(ċ)

għalliema, min jagħti taħriġ u persunal ieħor f'dawk l-istituzzjonijiet;

(d)

assoċjazzjonijiet u rappreżentanti ta' dawk involuti fl-edukazzjoni superjuri, inklużi l-assoċjazzjonijiet relevanti ta' l-istudenti, ta' l-universitajiet, u ta' l-għalliema/min jagħti t-taħriġ;

(e)

intrapriżi, imsieħba soċjali u rappreżentanti oħrajn tal-ħajja tax-xogħol;

(f)

korpi pubbliċi u privati, inklużi organizzazzjonijiet li joperaw mingħajr l-iskop tal-profitt u NGOs, responsabbli għall-organizzazzjoni u l-għoti ta' edukazzjoni u taħriġ fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

(g)

ċentri ta' riċerka u korpi konċernati bi kwistjonijiet ta' tagħlim tul il-ħajja;

(h)

korpi li jipprovdu servizzi ta' gwida, konsultivi u ta' informazzjoni relatati ma' kwalunkwe aspett tat-tagħlim tul il-ħajja.

Artikolu 21

L-objettivi tal-programm Erasmus

1.   Addizzjonalment għall-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja kif stabbiliti fl-Artikolu 1, l-objettivi speċifiċi tal-programm Erasmus għandhom ikunu:

(a)

li jappoġġa r-realizzazzjoni ta' Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Superjuri;

(b)

li jsaħħaħ il-konribut ta' l-edukazzjoni superjuri u ta' l-edukazzjoni vokazzjonali avvanzata għall-proċess ta' innovazzjoni;

2.   L-objettivi operattivi tal-programm Erasmus għandhom ikunu:

(a)

li tittejjeb il-kwalità u li jiżdied il-volum tal-mobbiltà ta' l-istudenti u tal-persunal pedagoġiku fl-Ewropa, sabiex dan iwassal għal tliet miljun parteċipant individwali fil-mobbiltà studenteska taħt il-programm Erasmus u l-programmi predeċessuri tiegħu sas-sena 2012;

(b)

li tittejjeb il-kwalità u li jiżdied il-volum tal-koperazzjoni multilaterali bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri fl-Ewropa;

(ċ)

li jiżdiedu t-trasparenza u l-kompatibbiltà bejn il-kwalifiki ta' edukazzjoni superjuri u dawk ta' edukazzjoni vokazzjonali avvanzata li jkunu nkisbu fl-Ewropa;

(d)

li tittejjeb il-kwalità u li jiżdied il-volum tal-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri u l-intrapriżi;

(e)

li jiġi faċilitat l-iżvilupp ta' prattika innovattiva fl-edukazzjoni u fit-taħriġ fil-livell terzjarju, u t-trasferiment tagħhom, anke minn pajjiż parteċipant għal oħrajn;

(f)

li jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' kontenut, servizzi, pedagoġiji u prattika li jkunu bbażati fuq l-ICT u innovattivi, għat-tagħlim tul il-ħajja.

Artikolu 22

L-azzjonijiet tal-programm Erasmus

1.   L-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu appoġġati mill-programm Erasmus:

(a)

il-mobbiltà ta' individwi kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(a). Din il-mobbiltà tista' tinkludi:

(i)

il-mobbiltà ta' studenti għall-finijiet ta' studju jew taħriġ fi Stati Membri f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri, kif ukoll placements f'intrapriżi, f'ċentri ta' riċerka jew f'organizzazzjonijiet oħrajn;

(ii)

il-mobbiltà ta' persunal pedagoġiku f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri sabiex jgħallmu jew jirċievu taħriġ f'istituzzjoni msieħba barra pajjiżu;

(iii)

il-mobbiltà ta' persunal ieħor f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri u ta' persunal ta' intrapriżi għall-finijiet ta' taħriġ jew tagħlim;

(iv)

programmi intensivi ta' l-Erasmus organizzati fuq bażi multilaterali.

Jista' jingħata wkoll appoġġ lil dawk l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri jew intrapriżi tal-pajjiż jew lil dawk ospitanti għal azzjoni sabiex tiġi żgurata l-kwalità fl-istadji kollha ta' l-arranġamenti tal-mobbiltà, inklużi korsijiet tal-lingwi preparatorji jew ta' tagħlim mill-ġdid.

(b)

proġetti multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), li jiffokaw inter alia fuq l-innovazzjoni, l-esperimentazzjoni u l-iskambju ta' prattika tajba fl-oqsma msemmija fl-objettivi speċifiċi u ta' operattivi;

(ċ)

networks multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), immexxija minn konsorzja ta' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri li jkunu jirrappreżentaw dixxiplina jew qasam trans-dixxiplinarju, (“networks tematiċi ta' l-Erasmus”) li jkollhom l-għan li jiżviluppaw kunċetti u kompetenzi ta' tagħlim ġodda. Tali networks jistgħu jinkludu wkoll rappreżentanti minn korpi pubbliċi oħrajn jew minn intrapriżi jew assoċjazzjonijiet;

(d)

inizjattivi oħrajn li jkollhom l-għan li jippromwovu l-objettivi tal-programm Erasmus, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(h) (“miżuri assoċjati”).

2.   Il-persuni li jieħdu sehem fil-mobbiltà taħt il-paragrafu 1(a)(i) (“studenti ta' l-Erasmus”) għandhom ikunu:

(a)

studenti f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri li, iskritti għall-inqas fit-tieni sena, jgħaddu perjodu ta' studju fi Stat Membru ieħor fil-qafas ta' l-Azzjoni tal-mobbiltà tal-Programm Erasmus, irrispettivament minn jekk ikunux ingħataw appoġġ finanzjarju taħt dak il-programm jew le. Tali perjodi għandhom ikunu rikonoxxuti bis-sħiħ taħt il-ftehim interistituzzjonali bejn l-istituzzjonijiet li jibagħtu u dawk ospitanti. L-istituzzjonijiet ospitanti m'għandhom jitolbu l-ebda miżata għat-tagħlim li dawn l-istudenti jkunu qed jirċievu;

(b)

studenti reġistrati fi programmi Masters Konġunti u involuti fil-mobbiltà;

(ċ)

studenti fl-edukazzjoni superjuri li jieħdu sehem fi placements.

3.   Id-dettalji operattivi ta' l-azzjonijiet stabbiliti fil-pargrafu 1 għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 23

L-ammonti allokati lill-programm Erasmus

Mhux inqas minn 80 % ta' l- ammonti allokati lill-programm Erasmus għandhom jiġu dedikati sabiex jappoġġaw il-mobbiltà kif imsemmi fl-Artikolu 22(1)(a).

KAPITOLU III

Il-programm Leonardo da Vinci

Artikolu 24

L-aċċess għall-programm Leonardo da Vinci

Fil-qafas tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, il-programm Leonardo da Vinci għandu jkun immirat lejn:

(a)

persuni li jirċievu edukazzjoni fil-forom kollha ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ħlief fil-livell terzjarju;

(b)

persuni li jkunu fis-suq tax-xogħol;

(ċ)

istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim fl-oqsma koperti mill-programm Leonardo da Vinci;

(d)

għalliema, min jagħti taħriġ u persunal ieħor f'dawk l-istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet;

(e)

assoċjazzjonijiet u rappreżentanti ta' dawk involuti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali, inklużi assoċjazzjonijiet ta' min jieħu taħriġ, ta' ġenituri u ta' għalliema;

(f)

intrapriżi, imsieħba soċjali u rappreżentanti oħrajn tal-ħajja tax-xogħol, inklużi Kmamar tal-kummerċ u organizzazzjonijiet kummerċjali oħrajn;

(g)

korpi li jipprovdu servizzi ta' gwida, pariri konsultivi u informazzjoni li jikkonċernaw kull aspett tat-tagħlim tul il-ħajja;

(h)

persuni u korpi responsabbli minn sistemi u linji politiċi li jikkonċernaw kull aspett ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

(i)

ċentri ta' riċerka u korpi konċernati bi kwistjonijiet ta' tagħlim tul il-ħajja;

(j)

istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri.

(k)

organizzazzjonijiet li joperaw mingħajr l-iskop tal-profitt, korpi volontarji, NGOs.

Artikolu 25

L-objettivi tal-programm Leonardo da Vinci

1.   Addizzjonalment għall-objettivi kif stabbiliti fl-Artikolu 1, l-objettivi speċifiċi tal-programm Leonardo da Vinci għandhom ikunu:

(a)

li jappoġġa parteċipanti f'attivitajiet ta' taħriġ u ta' taħriġ ulterjuri fil-kisba u l-użu ta' tagħrif, ħiliet u kwalifiki, sabiex jiffaċilita l-iżvilupp personali, l-impjegabbiltà u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol Ewropew;

(b)

li jappoġġa t-titjib fil-kwalità u l-innovazzjoni fis-sistemi, fl-istituzzjonijiet u fil-prattika ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

(ċ)

li jsaħħaħ l-attrazzjoni ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u tal-mobbiltà għal min iħaddem u għall-individwi u li jiffaċilita l-mobbiltà ta' dawk li jitħarrġu fuq ix-xogħol.

2.   L-objettivi operattivi tal-programm Leonardo da Vinci għandhom ikunu:

(a)

li tittejjeb il-kwalità u li jiżdied il-volum tal-mobbiltà fl-Ewropa tal-persuni li jkunu involuti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali u f'taħriġ kontinwat, sabiex jiżdiedu l-placements f'intrapriżi għal mill-inqas tmenin elf kull sena sat-tmiem tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja;

(b)

li tittejjeb il-kwalità u li jiżdied il-volum tal-koperazzjoni bejn istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet li jipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim, intrapriżi, imsieħba soċjali u korpi relevanti oħra fl-Ewropa;

(ċ)

li jiġi faċilitat l-iżvilupp ta' prattika innovattiva fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għajr dak ta' livell terzjarju, u t-trasferiment tagħhom, anke minn pajjiż parteċipant għal oħrajn;

(d)

li jittejbu t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-kompetenzi, inklużi dawk li jkunu nkisbu permezz ta' tagħlim non-formali jew informali.

(e)

li jiġi mħeġġeġ it-tagħlim ta' lingwi barranija moderni;

(f)

li jkun appoġġat l-iżvilupp ta' kontenut, servizzi, pedagoġiji u prattika li jkunu bbażati fuq l-ICT u innovattivi, għat-tagħlim tul il-ħajja.

Artikolu 26

L-azzjonijiet tal-programm Leonardo da Vinci

1.   L-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu appoġġati mill-programm Leonardo da Vinci:

(a)

il-mobbiltà ta' individwi, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(a). Fl-aġevolazzjoni jew fl-appoġġ ta' l-organizzazzjoni ta' tali mobbiltà, għandhom jiġu adottati l-miżuri preparatorji meħtieġa, inkluża l-preparazzjoni lingwistika, u għandha tingħata attenzjoni sabiex tkun żgurata d-disponibbiltà ta' sorveljanza u appoġġ adegwati għall-individwi li jeżerċitaw il-mobbiltà. Tali mobbiltà tista' tinkludi:

(i)

placements transnazzjonali f'intrapriżi jew f'istituzzjonijiet ta' taħriġ;

(ii)

placements u skambji maħsuba għall-iżvilupp professjonali ulterjuri ta' min jagħti taħriġ u ta' kunsilliera ta' gwida, u għal dawk responsabbli mill-istabbilimenti ta' taħriġ u mill-ippjanar tat-taħriġ u l-gwida fl-għażla tal-karriera fl-intrapriżi;

(b)

sħubiji, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(b), li jiffokaw fuq temi ta' interess reċiproku għall-organizzazzjonijiet parteċipanti;

(ċ)

proġetti multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(ċ), b'mod partikolari dawk maħsuba sabiex itejbu sistemi ta' taħriġ billi jiffokaw fuq it-trasferiment ta' l-innovazzjoni li jinvolvi l-adattament lingwistiku, kulturali u legali għall-ħtiġijiet nazzjonali ta' prodotti u proċessi innovattivi żviluppati f'kuntesti differenti;

(d)

proġetti multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), maħsuba sabiex itejbu sistemi ta' taħriġ billi jiffokaw fuq l-iżvilupp ta' l-innovazzjoni u tal-prattika tajba;

(e)

networks tematiċi ta' esperti u organizzazzjonijiet, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), li jaħdmu fuq kwistjonijiet speċifiċi relatati ma' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

(f)

inizjattivi oħrajn maħsuba sabiex jippromwovu l-objettivi tal-programm Leonardo da Vinci, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(h) (“miżuri assoċjati”).

2.   Id-dettalji operattivi ta' dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 27

L-ammonti allokati lill-programm Leonardo da Vinci

Mhux inqas minn 60 % ta' l-ammonti allokati lill-Programm Leonardo da Vinci għandhom jiġu dedikati sabiex jappoġġaw il-mobbiltà u l-isħubiji kif msemmija fl-Artikolu 26(1)(a) u (b).

KAPITOLU IV

Il-Programm Grundtvig

Artikolu 28

Aċċess għall-programm Grundtvig

Fil-qafas tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, il-programm Grundtvig għandu jkun immirat lejn:

(a)

studenti fl-edukazzjoni ta' l-adulti;

(b)

istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim fl-edukazzjoni ta' l-adulti;

(ċ)

għalliema, u persunal ieħor f'dawk l-istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet;

(d)

stabbilimenti involuti fit-taħriġ inizjali jew f'taħriġ ulterjuri ta' persunal li jaħdem fl-edukazzjoni ta' l-adulti;

(e)

assoċjazzjonijiet u rappreżentanti ta' dawk involuti fl-edukazzjoni ta' l-adulti, inklużi assoċjazzjonijiet ta' għalliema u ta' min iħarreġ;

(f)

korpi li jipprovdu servizzi ta' gwida, pariri konsultivi u informazzjoni relatati ma' kwalunkwe aspett tat-tagħlim tul il-ħajja;

(g)

persuni u korpi responsabbli minn sistemi u linji politiċi relatati ma' kwalunkwe aspett ta' l-edukazzjoni ta' l-adulti fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

(h)

ċentri ta' riċerka u korpi konċernati bi kwistjonijiet tat-tagħlim tul il-ħajja;

(i)

intrapriżi;

(j)

organizzazzjonijiet li joperaw mingħajr l-iskop tal-profitt, korpi volontarji, NGOs.

(k)

istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri.

Artikolu 29

L-objettivi tal-programm Grundtvig

1.   Addizzjonalment għall-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja kif stabbiliti fl-Artikolu 1, l-objettivi speċifiċi tal-programm Grundtvig għandhom ikunu:

(a)

li jwieġeb għall-isfida edukattiva ta' popolazzjoni li qiegħda tixjieħ fl-Ewropa;

(b)

li jgħin sabiex l-adulti jkollhom toroq alternattivi sabiex itejbu t-tagħrif u l-kompetenzi tagħhom;

2.   L-objettivi operattivi tal-programm Grundtvig għandhom ikunu:

(a)

li tittejjeb il-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-mobbiltà fl-Ewropea kollha ta' individwi involuti fl-edukazzjoni ta' l-adulti u li jiżdied il-volum tagħhasabiex tkun appoġġata l-mobbiltà ta' mill-inqas 7000 tali individwu kull sena sas-sena 2013;

(b)

li tittejjeb il-kwalità u li jiżdied il-volum tal-koperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet involuti fl-edukazzjoni ta' l-adulti fl-Ewropa kollha;

(ċ)

li jgħin persuni minn gruppi soċjali vulnerabbli u li jgħixu f'kuntesti soċjali marġinali, b'mod partikolari persuni anzjani u dawk li jkunu ħallew l-edukazzjoni mingħajr ma jkunu kisbu kwalifiki bażiċi, sabiex jingħataw opportunitajiet alternattivi ta' aċċess għall-edukazzjoni ta' l-adulti;

(d)

li jiġi faċilitat l-iżvilupp ta' prattika innovattiva fl-edukazzjoni ta' l-adulti u t-trasferiment tagħhom, anke minn pajjiż parteċipant għal oħrajn;

(e)

li jkun appoġġat l-iżvilupp ta' kontenut, servizzi, pedagoġiji u prattika li jkunu bbażati fuq l-ICT u innovattivi, għat-tagħlim tul il-ħajja;

(f)

li jittejbu l-approċċi pedagoġiċi u l-amministrazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet ta' l-edukazzjoni ta' l-adulti.

Artikolu 30

L-azzjonijiet tal-programm Grundtvig

1.   L-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu appoġġati mill-Programm Grundtvig:

(a)

il-mobbiltà ta' individwi, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(a). Fl-aġevolazzjoni jew fl-appoġġ ta' l-organizzazzjoni ta' tali mobbiltà, għandhom jiġu adottati l-miżuri preparatorji meħtieġa u għandha tingħata attenzjoni sabiex ikunu żgurati s-sorveljanza u l-appoġġ adegwati għall-individwi li jeżerċitaw il-mobbiltà. Tali mobbiltà tista' tinkludi żjajjar, assistantships u skambji għal parteċipanti fl-edukazzjoni informali u non-formali ta' l-adulti, inklużi t-taħriġ u l-iżvilupp professjonali tal-persunal edukattiv involut fl-edukazzjoni ta' l-adulti speċjalment f'sinerġija mas-sħubija u l-proġetti;

(b)

sħubiji, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(b), magħrufa bħala “sħubiji ta' tagħlim Grundtvig”, li jiffokaw fuq temi ta' interess reċiproku għall-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem;

(ċ)

proġetti multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), maħsuba sabiex itejbu s-sistemi ta' edukazzjoni ta' l-adulti permezz ta' l-iżvilupp u t-trasferiment ta' l-innovazzjoni u l-prattika tajba;

(d)

networks tematiċi ta' esperti u organizzazzjonijiet, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), magħrufa bħala “networks Grundtvig”, li jaħdmu b'mod partikolari:

(i)

fl-iżvilupp ta' l-edukazzjoni ta' l-adulti fid-dixxiplina, fil-qasam tas-suġġett jew fl-aspett amministrattiv;

(ii)

fl-identifikazzjoni, fit-titjib u fit-tixrid ta' prattika tajba u ta' innovazzjoni li jkunu relevanti;

(iii)

fl-għoti ta' appoġġ, permezz ta' kontenut, għal proġetti u sħubiji stabbiliti minn oħrajn u fl-aġevolazzjoni ta' l-interattività bejn tali proġetti u sħubiji;

(iv)

fil-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' l-analiżi tal-ħtiġijiet u ta' assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni ta' l-adulti.

(e)

inizjattivi oħrajn maħsuba sabiex jippromwovu l-objettivi tal-programm Grundtvig, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(h) (“miżuri assoċjati”).

2.   Id-dettalji operattivi ta' tali azzjonijiet għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2).

Artikolu 31

L-ammonti allokati lill-programm Grundtvig

Mhux anqas minn 55 % ta' l-ammonti allokati lill-programm Grundtvig għandhom ikunu dedikatigħall-appoġġ lill-mobbiltà u lis-sħubiji kif msemmija fl-Artikolu 30(1)(a) u (b).

KAPITOLU V

Il-Programm Trasversali

Artikolu 32

L-objettivi tal-programm trasversali

1.   Addizzjonalment għall-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja kif stabbiliti fl-Artikolu 1, l-objettivi speċifiċi tal-programm trasversali għandhom ikunu:

(a)

li jippromwovi l-koperazzjoni Ewropea fl-oqsma li jkopru żewġ sub-programmi settorjali jew aktar;

(b)

li jippromwovi l-kwalità u t-trasparenza tas-sistemi edukattivi u ta' taħriġ ta' l-Istati Membri;

2.   L-objettivi operattivi tal-programm trasversali għandhom ikunu:

(a)

li jappoġġa l-iżvilupp ta' politika u tal-koperazzjoni f'livell Ewropew fit-tagħlim tul il-ħajja, partikolarment fil-kuntest tal-proċess ta' Lisbona u tal-Programm ta' Ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”v, kif ukoll fil-proċessi ta' Bolonja u ta' Kopenħagen u s-suċċessuri tagħhom.

(b)

li jiżguraw provvista adegwata ta' data, statistika u analiżi, li jkunu komparabbli sabiex isejsu l-iżvilupp ta' politika ta' tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll il-monitoraġġ tal-progress lejn objettivi u miri fit-tagħlim tul il-ħajja, u l-identifikazjoni ta' oqsma għal attenzjoni partikolari.

(ċ)

li jippromwovi t-tagħlim tal-lingwi u jappoġġa d-diversità lingwistika fl-Istati Membri;

(d)

li jappoġġa l-iżvilupp ta' kontenut, servizzi, pedagoġiji u prattika innovattiva ibbażati fuq l-ICT, għat-tagħlim tul il-ħajja;

(e)

li jiżgura li r-riżultati tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja jkunu rikonoxxuti, dimostrati u implementati adegwatament fuq skala wiesgħa.

Artikolu 33

L-azzjonijiet tal-programm trasversali

1.   L-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu appoġġati bħala parti mill-attività ewlenija ta' koperazzjoni ta' politika u innovazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja, kif imsemmi fl-Artikolu 3(2)(a):

(a)

il-mobbiltà individwali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(a), inklużi żjajjar ta' studju għall-esperti u l-uffiċjali maħtura minn awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, għad-diretturi ta' stabbilimenti ta' l-edukazzjoni u ta' taħriġ u ta' servizzi ta' gwida u ta' l-akkreditament ta' esperjenza, u għall-imsieħba soċjali;

(b)

proġetti multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), maħsuba sabiex iħejju u jittestjaw proposti ta' politika żviluppati fil-livell Komunitarju u mmirati lejn l-innovazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja,

(ċ)

networks multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), ta' esperti u/jew istituzzjonijiet li jkunu jaħdmu flimkien fuq kwistjonijiet ta' politika. Tali-networks jistgħu jinkludu:

(i)

networks tematiċi li jkunu jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati mal-kontenut tat-tagħlim tul il-ħajja jew mal-metodoloġiji u l-linji politiċi tat-tagħlim tul il-ħajja. Tali networks jistgħu josservaw, jiskambjaw, jidentifikaw u janalizzaw prattika tajba u innovazzjonijiet, kif ukoll jagħmlu proposti sabiex isir użu aħjar u usa' ta' tali prattika fl-Istati Membri;

(ii)

fora dwar kwistjonijiet strateġiċi fit-tagħlim tul il-ħajja.

(d)

l-osservazzjoni u analiżi tal-linji politiċi u s-sistemi fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(f), li jistgħu jinkludu:

(i)

studji u riċerka komparattiva;

(ii)

l-iżvilupp ta' indikaturi u ta' stħarriġ statistiku, inkluż l-appoġġ għall-ħidma mwettqa fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja f'koperazzjoni ma' l-Eurostat;

(iii)

appoġġ għall-funzjonament tan-network Eurydice u l-finanzjament tat-Taqsima Ewropea ta' l-Eurydice stabbilita mill-Kummissjoni;

(e)

azzjoni li tappoġġa t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-kompetenzi inklużi dawk miksuba permezz ta' tagħlim non-formali u informali, informazzjoni u gwida dwar il-mobbiltà għal skopijiet ta' tagħlim, u koperazzjoni fl-assigurazzjonui tal-kwalità, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(f), li jistgħu jinkludu:

(i)

networks ta' organizzazzjonijiet li jiffaċilitaw il-mobbiltà u r-rikonoxximent, bħall-Ewrogwida u ċ-Ċentri Nazzjonali ta' Informazzjoni għar-Rikonoxximent Akkademiku (NARICs);

(ii)

appoġġ għal servizzi transnazzjonali bbażati fuq l-internet bħall-Ploteus;

(iii)

attivitajiet taħt l-inizjattiva Europass konformement mad-Deċiżjoni Nru 2241/2004;

(f)

inizjattivi oħrajn kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(h) (“miżuri assoċjati”) inklużi l-attivitajiet ta' tagħlim bejn simili (peer learning) maħsuba sabiex jippromwovu l-objettivi ta' l-attività ewlenija msemmija fl-Artikolu 3(2)(a).

2.   L-azzjonijiet li ġejjin, imfassla sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta' min jgħallem u ta' min jitgħallem fir-rigward ta' aktar minn qasam ta' sub-programm wieħed, jistgħu jkunu appoġġati bħala parti mill-attività ewlenija tat-tagħlim tal-lingwi msemmija fl-Artikolu 3(2)(b):

(a)

proġetti multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), maħsuba, inter alia, sabiex:

(i)

jiżviluppaw materjali ġodda għat-tagħlim tal-lingwi, inklużi korsijiet fuq l-internet, u strumenti għall-ittestjar tal-lingwi;

(ii)

jiżviluppaw strumenti u korsijiet għat-taħriġ ta' l-għalliema, ta' min jagħti taħriġ u ta' persunal ieħor involuti fit-tagħlim tal-lingwi.

(b)

networks multilaterali kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(e), fil-qasam tat-tagħlim tal-lingwi u tad-diversità lingwistika;

(ċ)

inizjattivi oħrajn skond l-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(h), inklużi attivitajiet sabiex it-tagħlim tal-lingwi isir aktar attraenti għal min jirċievi edukazzjoni permezz tal-mass media u/jew ta' kampanji ta' marketing, ta' pubbliċità u ta' informazzjoni, kif ukoll konferenzi, studji u żvilupp ta' indikaturi statistiċi fil-qasam tat-tagħlim tal-lingwi u tad-diversità lingwistika.

3.   L-azzjonijiet li ġejjin, maħsuba sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta' min jgħallem u ta' min jitgħallem fir-rigward ta' aktar minn qasam ta' sub-programm wieħed, jistgħu jkunu appoġġati bħala parti mill-attività ewlenija ta' l-ICT, kif imsemmija fl-Artikolu 3(2)(ċ):

(a)

proġetti multilaterali, kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(e), maħsuba għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni, skond il-każ, ta' metodi, kontenuti, servizzi u ambjenti innovattivi;

(b)

networks multilaterali kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), maħsuba għall-kondiviżjoni u l-iskambju ta' tagħrif, ta' esperjenza u ta' prattika tajba;

(ċ)

azzjonijiet oħra maħsuba għat-titjib fil-politika u l-prattika tat-tagħlim tul il-ħajja, kif deskritt fl-Artikolu 5(1)(f), li jistgħu jinkludu mekkaniżmi għall-valutazzjoni, osservazzjoni, benchmarking, titjib fil-kwalità u analiżi ta' xejriet fir-rigward tat-teknoloġija u tal-pedagoġija.

4.   L-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu appoġġati bħala parti mill-attività ewlenija ta' tixrid, kif imsemmija fl-Artikolu 3(2)(d):

(a)

proġetti unilaterali u nazzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(d);

(b)

proġetti multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e), maħsuba inter alia sabiex:

(i)

jappoġġaw l-isfruttament u l-implementazzjoni ta' prodotti u proċessi innovattivi;

(ii)

jistimolaw il-koperazzjoni bejn proġetti li joperaw fl-istess qasam;

(iii)

jiżviluppaw prattika tajba dwar metodi ta' tixrid;

(ċ)

l-istabbiliment ta' materjal ta' referenza kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(f), li jista' jinkludi l-ġbir ta' data statistika u studji relevanti fil-qasam tat-tixrid, l-isfruttament ta' riżultati u ta' l-iskambju ta' prattika tajba.

KAPITOLU VI

Il-Programm Jean Monnet

Artikolu 34

L-aċċess għall-programm Jean Monnet

Fi ħdan il-qafas tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, il-programm Jean Monnet għandu jkun immirat lejn:

(a)

studenti u riċerkaturi fil-qasam ta' l-integrazzjoni Ewropea fl-għamliet kollha ta' l-edukazzjoni superjuri kemm ġewwa l-Komunità kif ukoll barra mill-Komunità;

(b)

istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni superjuri kemm ġewwa l-Komunità kif ukoll barra mill-Komunità kif rikonoxxuti fil-pajjiżi tagħhom stess;

(ċ)

għalliema u persunal ieħor f'dawk l-istituzzjonijiet;

(d)

assoċjazzjonijiet u rappreżentanti ta' dawk involuti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ kemm ġewwa l-Komunità kif ukoll barra mill-Komunità;

(e)

korpi pubbliċi u privati responsabbli għall-organizzazzjoni u għall-għoti ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

(f)

ċentri ta' riċerka u korpi konċernati bi kwistjonijiet relatati ma' l-integrazzjoni Ewropea kemm ġewwa l-Komunità kif ukoll barra mill-Komunità.

Artikolu 35

L-objettivi tal-programm Jean Monnet

1.   Addizzjonalment għall-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja kif stabbiliti fl-Artikolu 1, l-objettivi speċifiċi tal-programm Jean Monnet għandhom ikunu:

(a)

li jistimola t-tagħlim, ir-riċerka u l-attivitajiet ta' riflessjoni fil-qasam ta' l-istudji dwar l-integrazzjoni Ewropea;

(b)

li jappoġġa l-eżistenza ta' firxa adegwata ta' istituzzjonijiet u assoċjazzjonijiet li jiffokaw fuq kwistjonijiet relatati ma' l-integrazzjoni Ewropea u fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ f'perspettiva Ewropea.

2.   L-objettivi operattivi tal-programm Jean Monnet għandhom ikunu:

(a)

li jistimola l-eċċellenza fit-tagħlim, fir-riċerka u fir-riflessjoni fi studji dwar l-integrazzjoni Ewropea f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri kemm ġewwa l-Komunità kif ukoll barra mill-Komunità;

(b)

li jsaħħaħ it-tagħrif u l-kuxjenza fost akkademiċi speċjalizzati u ġeneralment fost iċ-ċittadini Ewropej, dwar kwistjonijiet relatati ma' l-integrazzjoni Ewropea;

(ċ)

li jappoġġa istituzzjonijiet Ewropej ewlenin konċernati bi kwistjonijiet relatati ma' l-integrazzjoni Ewropea;

(d)

li jappoġġa l-eżistenza ta' istituzzjonijiet u assoċjazzjonijiet Ewropej ta' kwalità għolja li jkunu attivi fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ.

Artikolu 36

L-azzjonijiet tal-programm Jean Monnet

1.   L-azzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu appoġġati bħala parti mill-attività ewlenija msemmija fl-Artikolu 3(3)(a):

(a)

proġetti unilaterali u nazzjonali, kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(d), li jistgħu jinkludu:

(i)

Katedri Jean Monnet, ċentri ta' eċċellenza u moduli ta' tagħlim;

(ii)

assoċjazzjonijiet ta' professuri, għalliema oħrajn fl-edukazzjoni superjuri, u riċerkaturi li jispeċjalizzaw fl-integrazzjoni Ewropea;

(iii)

appoġġ għal riċerkaturi żgħażagħ li jispeċjalizzaw fi studji dwar l-integrazzjoni Ewropea;

(iv)

informazzjoni u attivitajiet ta' riċerka relatati mal-Komunità bil-għan li jippromwovu d-diskussjoni, ir-riflessjoni u t-tagħrif dwar il-proċessi ta' l-integrazzjoni Ewropea;

(b)

proġetti u networks multilaterali, kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(e), li jistgħu jinkludu appoġġ għall-istabbiliment ta' gruppi multilaterali ta' riċerka fil-qasam ta' l-integrazzjoni Ewropea.

2.   Jistgħu jingħataw, bħala parti mill-attività ewlenija msemmija fl-Artikolu 3(3)(b), għajnuniet operattivi kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(g) bħala appoġġ fir-rigward ta' ċerti spejjeż operattivi u amministrattivi ta' l-istituzzjonijiet li ġejjin, li jsegwu għan ta' interess Ewropew:

(a)

il-Kulleġġ ta' l-Ewropa (il-kampus ta' Bruges u dak ta' Natolin)

(b)

l-Istitut Universitarju Ewropew ta' Firenze;

(ċ)

l-Istitut Ewropew ta' l-Amministrazzjoni Pubblika, Maastricht;

(d)

l-Akkademja tal-Liġi Ewropea, Trier;

(e)

l-Aġenzija Ewropea għall-Iżvilupp fl-Edukazzjoni relatata ma' Bżonnijiet Speċjali, Middelfart;

(f)

iċ-Ċentru Internazzjonali għal Taħriġ Ewropew (CIFE), Nice.

3.   Jistgħu jingħataw, bħala parti mill-attività ewlenija msemmija fl-Artikolu 3(3)(ċ), l-għajnuniet operattivi kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(g) bħala appoġġ fir-rigward ta' ċerti spejjeż operattivi u amministrattivi ta' l-istituzzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet Ewropej attivi fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ.

4.   L-għajnuniet jistgħu jingħataw fuq bażi annwali jew fuq bażi li tiġġedded fi ħdan ftehim kwadru ta' sħubija mal-Kummissjoni.

Artikolu 37

L-ammonti allokati lill-programm Jean Monnet

Mhux inqas minn 16 % ta' l-ammonti allokati lill-programm Jean Monnet għandhom jiġu dedikati sabiex jappoġġaw l-attività ewlenija msemmija fl-Artikolu 3(3)(a), mhux inqas minn 65 % għall-attività ewlenija msemmija fl-Artikolu 3(3)(b), u mhux inqas minn 19 % għall-attività ewlenija msemmija fl-Artikolu 3(3)(ċ).

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSIZZJONALI U FINALI

Artikolu 38

Dispożizzjoni transizzjonali

1.   L-azzjonijiet li jinbdew fil-31 ta' Diċembru 2006 jew qabel, abbażi tad-Deċiżjoni 1999/382/KE, tad-Deċiżjoni Nru 2000/253/KE, tad-Deċiżjoni Nru 2318/2003/KE, tad-Deċiżjoni Nru 791/2004/KE jew tad-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE, għandhom jiġu amministrati konformement mad-dispożizzjonijiet ta' dawk id-Deċiżjonijiet, bl-eċċezzjoni tal-kumitati stabbiliti b'dawk id-Deċiżjonijiet għandhom jiġu sostitwiti mill-kumitat stabbilit bl-Artikolu 10 ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Kif previst mill-Artikolu 18 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, l-approprjazzjonijiet korrispondenti għad-dħul assenjat li jirriżulta mill-ħlas mill-ġdid ta' ammonti mħallsa ħażin skond id-Deċiżjoni 1999/382/KE, id-Deċiżjoni Nru 2000/253/KE, id-Deċiżjoni Nru 2318/2003/KE, id-Deċiżjoni Nru 791/2004/KE jew id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE, jistgħu jsiru disponibbli għall-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja.

Artikolu 39

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 221, 8.9.2005, p. 134.

(2)  ĠU C 164, 5.7.2005, p. 59.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' 24 ta' Lulju 2006, Posizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta' ….

(4)  ĠU L 146, 11.6.1999, p. 33. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 885/2004 (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 1).

(5)  ĠU L 28, 3.2.2000, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 885/2004.

(6)  ĠU L 345, 3.8.1999, p. 9.

(7)  ĠU L 138, 30.4.2004, p. 31

(8)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6.

(9)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 1.

(10)  ĠU L 163, 9.7.2002, p. 1.

(11)  ĠU C 13, 18.1.2003, p. 2.

(12)  ĠU C 293 E, 28.11.2002, p. 103.

(13)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(14)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1261/2005 (ĠU L 201, 2.8.2005, p. 3).

(15)  ĠU C …

(16)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(17)  ĠU L 39, 13.2.1975. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2051/2004 (ĠU L 355, 1.12.2004, p. 1).

(18)  ĠU L 131, 23.5.1990, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1648/2003 (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 22).

(19)  Dan l-ammont huwa bbażat fuq il-figuri ta' l-2004 u għandu jkun suġġett għal aġġustament tekniku sabiex jittieħed kont ta' l-inflazzjoni.


ANNESS

DISPOŻIZZJONIJIET AMMINISTRATTIVI U FINANZJARJI

A.   Dispożizzjonijiet Amministrattivi

Il-proċeduri għall-proposta u l-għażla ta' l-azzjonijiet li jinsabu fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja huma kif ġej:

1.   Il-proċedura ta' l-aġenzija nazzjonali

1.1   Proċedura 1

L-azzjonijiet li ġejjin, li taħthom id-deċiżjonijiet ta' għażla jittieħdu mill-aġenziji nazzjonali xierqa, għandhom jiġu amministrati bil-“Proċedura 1 ta' l-aġenzija nazzjonali”:

(a)

il-mobbiltà ta' individwi parteċipanti fit-tagħlim tul il-ħajja fl-Ewropa, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(a);

(b)

sħubiji bilaterali u multilaterali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(b);

(ċ)

proġetti unilaterali u nazzjonali, kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(d), fejn dawn ikunu finanzjati taħt l-Artikolu 33(4)(a).

It-talbiet għall-għajnuna finanzjarja preżentati taħt dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu indirizzati direttament lill-aġenziji nazzjonali kompetenti nominati mill-Istati Membri skond l-Artikolu 6(2)(b). L-aġenziji nazzjonali għandhom jagħmlu l-għażla u jallokaw l-għajnuna finanzjarja lill-applikanti magħżula skond il-linji gwidi ġenerali li għandhom jiġu stabbiliti taħt l-Artikoli 9(1)(ċ). L-aġenziji nazzjonali għandhom iqassmu għotjiet lill-benefiċjarji li jkunu jinsabu fl-Istati Membri rispettivi tagħhom. Kull imsieħeb fi sħubija bilaterali jew multilaterali għandu jirċievi finanzjament dirett mill-aġenzija nazzjonali rispettiva tiegħu.

1.2   Proċedura 2

L-azzjoni li ġejja, li taħtha jittieħdu d-deċiżjonijiet ta' għażla mill-Kummissjoni, iżda bil-valutazzjoni u l-proċeduri tal-kuntratt imwettqa mill-aġenziji nazzjonali kompetenti, għandha titmexxa permezz tal-“Proċedura 2 ta' l-aġenzija Nazzjonali”:

proġetti multilaterali, kif imsemmija fl-Artikolu 5(1)(ċ).

It-talbiet għall-għajnuna finanzjarja preżentati taħt din l-azzjoni għandhom ikunu indirizzati direttament lill-aġenzija nazzjonali nominata mill-Istat Membru tal-koordinatur tal-proġett skond l-Artikolu 6(2)(b). L-aġenzija nazzjonali ta' l-Istat Membru tal-koordinatur tal-proġett għandha tagħmel il-valutazzjoni ta' l-applikazzjonijiet u tippreżenta lill-Kummissjoni lista mqassra ta' l-applikazzjonijiet li din tipproponi li taċċetta. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-lista mqassra proposta, u wara dan, l-aġenzija nazzjonali għandha talloka l-għajnuna finanzjarja adegwata lill-applikanti magħżula skond il-linji gwida ġenerali li għandhom jiġu stabbiliti taħt l-Artikolu 9(1)(ċ).

Qabel tippreżenta l-lista mqassra lill-Kummissjoni, l-aġenzija nazzjonali tal-pajjiż fejn jiġi koordinat il-proġett għandha żżomm kuntatt u tikkomunika ma' dawk fil-pajjiżi ta' l-imsieħba l-oħra kollha fil-proġett. L-aġenziji nazzjonali għandhom iqassmu l-għajnuniet lill-koordinaturi magħżula tal-proġett u li jinsabu fl-Istati Membri rispettivi tagħhom, li għandhom ikunu responsabbli sabiex iqassmu l-fondi lill-imsieħba involuti fil-proġetti.

2.   Il-proċedura tal-Kummissjoni

L-azzjonijiet li ġejjin, li taħthom jiġu preżentati l-proposti tal-proġett lill-Kummissjoni u li taħthom jittieħdu mill-Kummissjoni d-deċiżjonijiet ta' għażla, għandhom jitmexxew bil-“proċedura tal-Kummissjoni”:

(a)

proġetti unilaterali u nazzjonali, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 5(1)(d), ħlief dawk li jkunu finanzjati taħt l-Artikolu 33(4)(a);

(b)

proġetti u networks multilaterali, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e);

(ċ)

osservazzjoni u analiżi ta' linji politiċi u ta' sistemi fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, l-istabbiliment ta' materjal ta' referenza, inklużi stħarriġ, statistika, analiżi u indikaturi, u azzjoni li tappoġġa t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u tat-tagħlim preċedenti, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(f);

(d)

għotjiet operattivi, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(g);

(e)

inizjattivi oħrajn immirati sabiex jippromwovu l-objettivi tal-Programm ta' Tagħlim il-Ħajja, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(h) (“miżuri assoċjati”).

It-talbiet għall-għajnuna finanzjarja preżentati taħt dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu indirizzati direttament lill-Kummissjoni, li għandha tagħmel l-għażla u talloka l-għajnuna finanzjarja lill-applikanti magħżula skond il-linji gwida ġenerali li għandhom jiġu stabbiliti taħt l-Artikoli 9(1)(ċ).

B.   Dispożizzjonijiet Finanzjarji

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li r-rekwiżiti finanzjarji u amministrattivi imposti fuq il-benefiċjarji ta' l-għajnuniet mogħtija taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja ikunu proporzjonati għal-livell ta' l-għajnuna. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiżgura li r-regoli finanzjarji u r-rekwiżiti ta' l-applikazzjoni u tar-rappurtar għall-mobbiltà individwali u għas-sħubiji jibqgħu faċilment aċċessibbli għall-pubbliku u suffiċjentement sempliċi sabiex ma jirrestrinġux l-aċċess għal individwi anqas vantaġġati u għall-istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet li jkunu jaħdmu magħhom.

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-aġenziji nazzjonali kriterji li huma għandhom isegwu fir-rigward tal-proċeduri ta' għażla u ta' għotja, kif ukoll ta' l-arranġamenti kuntrattwali u tal-ħlas/verifika, għall-fondi li huma jamministraw. Dawn il-kriterji għandhom jieħdu kont tad-daqs ta' l-għajnuniet li jingħataw u fejn l-għajnuniet ikunu anqas minn EUR 25 000 huma għandhom jipprovdu sistemi simplifikati fl-istadji kollha li jinvolvu lill-applikanti jew lill-benefiċjarji. Dawn għandhom jassistu l-aġenziji nazzjonali sabiex jiddeterminaw u jillimitaw id-dettalji meħtieġa mill-applikanti għall-għajnuniet u jistabbilixxu kuntratti wara l-għoti ta' l-għajnuniet fuq bażi simplifikata li tinkludi biss l-elementi li ġejjin:

il-partijiet kontraenti

it-tul ta' żmien tal-kuntratt, li għandu jkun il-perjodu ta' l-eliġibbiltà ta' l-ispiża

l-ammont massimu ta' fondi mogħtija

deskrizzjoni sommarja ta' l-azzjoni involuta

rekwiżiti ta' rappurtaġġ u ta' aċċess għall-finijiet ta' verifika

Barra minn hekk dawn il-kriterji għandhom jassistu li l-aġenziji nazzjonali jipprovdu li l-ko-finanzjament mogħti mill-benefiċjarji ikun jista' jingħata f'forma ta' kontributi in natura. Dawn għandhom ikunu verifikabbli fil-fatt, iżda mhux neċessarjament suġgetti għall-valutazzjoni finanzjarja.

1.   Azzjonijiet immexxija permezz tal-proċedura ta' l-aġenzija nazzjonali

1.1

Il-fondi Komunitarji maħsuba sabiex jipprovdu appoġġ finanzjarju taħt l-azzjonijiet li għandhom jitmexxew permezz tal-proċedura ta' l-aġenzija nazzjonali skond it-Taqsima A, Punt 1.1 ta' dan l-Anness, għandhom ikunu allokati fost l-Istati Membri skond il-formuli stabbiliti mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 10(2), li jistgħu jinkludu l-elementi li ġejjin:

(a)

ammont minimu allokat lil kull Stat Membru, li għandu jiġi stabbilit skond id-disponibbiltà tal-baġit għall-azzjoni konċernata;

(b)

dak li jifdal għandu jiġi allokat lill-Istati Membri diversi abbażi ta':

(i)

in-numru totali ta' kull Stat Membru ta':

tfal ta' l-iskola u għalliema fl-edukazzjoni skolastika għall-azzjonijiet ta' sħubiji bejn skejjel u ta' mobbiltà tal-programm Comenius stabbiliti fl-Artikolu 18(1)(a) u (b);

studenti u/jew gradwati fl-edukazzjoni superjuri għall-azzjonijiet ta' mobbiltà ta' studenti u ta' programmi intensivi tal-programm Erasmus stabbiliti fl-Artikolu 22(1)(a)(i) u (iv);

għalliema f'istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni superjuri għall-azzjonijiet ta' mobbiltà ta' għalliema u ta' mobbiltà ta' ħaddiema oħrajn tal-programm Erasmus stabbiliti fl-Artikolu 22(1)(a)(ii) u (iii);

il-popolazzjoni globali u n-numru ta' persuni bejn il-15 u l-35 sena relattivi għaliha, għall-azzjonijiet ta' mobbiltà, ta' sħubija u ta' proġetti multilaterali tal-programm Leonardo da Vinci stabbiliti fl-Artikolu 26(1)(a), (b) u (ċ);

adulti għall-azzjonijiet ta' mobbiltà u sħubija tal-programm Grundtvig stabbiliti fl-Artikolu 30(1)(a) u (b);

(ii)

id-differenza fl-għoli tal-ħajja bejn l-Istati Membri;

(iii)

id-distanza bejn l-ibliet kapitali ta' kull wieħed mill-Istati Membri;

(iv)

il-livell ta' domanda u/jew talba għall-azzjoni konċernata f'kull Stat Membru.

1.2

Dawn il-formuli, sa fejn ikun possibbli, għandhom ikunu newtrali fir-rigward tas-sistemi differenti ta' edukazzjoni u taħriġ ta' l-Istati Membri.

1.3

Il-fondi Komunitarji li jitqassmu hekk għandhom ikunu amministrati mill-aġenziji nazzjonali previsti fl-Artikolu 6(2)(b).

1.4

Il-Kummissjoni, li taġixxi f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni bilanċjata fuq il-livelli Komunitarju, nazzjonali u, fejn ikun il-każ, reġjonali u, fejn ikun il-każ, bejn l-oqsma diversi ta' studju. Il-proporzjon allokat lil dawn il-miżuri m'għandux ikun aktar minn 5 % ta' l-allokazzjonijiet annwali sabiex tiġi finanzjata kull waħda mill-azzjonijiet in kwistjoni.

2.   In-nomina tal-benefiċjarji

L-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 36(2) ta' din id-Deċiżjoni huma b'dan nominati bħala benefiċjarji ta' l-għotjiet taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, skond l-Artikolu 168 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

It-taqsimiet nazzjonali kostitwenti tan-network NARIC, in-network Eurydice, in-network ta' Gwida Ewropea, is-Servizzi Nazzjonali ta' Appoġġ għall-Azzjoni eTwinning u ċ-Ċentri Nazzjonali ta' l-Europass jaġixxu bħala strumenti sabiex ikun implementat il-programm fil-livell nazzjonali, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 54(2)(ċ) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u ta' l-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

3.   Tipi ta' benefiċjarji

Skond l-Artikolu 114(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, jistgħu jingħataw għotjiet lil persuni ġuridiċi jew lil persuni fiżiċi. Fil-każ ta' persuni fiżiċi, dawn jistgħu ikunu f'għamla ta' boroż ta' studju.

4.   Għotjiet ta' darba, l-iskali ta' spejjeż unitarji u premji

Jistgħu jintużaw għotjiet ta' darba u/jew skali ta' spejjeż unitarji, kif previst fl-Artikolu 181(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, fil-każ ta' l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5.

Jistgħu jiġu użati għotjiet ta' darba sa massimu ta' EUR 25 000 għal kull għotja. Huma jistgħu jiġu kombinati sa massimu ta' EUR 100 000 u/jew jiġu użati konġuntament ma' l-iskali ta' spejjeż unitarji.

Il-Kummissjoni tista' tipprovdi għall-għoti ta' premji relattivament għal attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja.

5.   Appalti

Fejn l-implementazzjoni ta' azzjonijiet appoġġati taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja tkun teħtieġ li l-benefiċjarju jirrikorri għall-proċeduri ta' appalt, għandhom japplikaw il-proċeduri għall-appalti ta' valur baxx previsti fl-Artikolu 129 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

6.   Ftehim ta' sħubija

Fejn l-azzjonijiet taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja ikunu appoġġati permezz ta' għotjiet taħt xi ftehim strutturali ta' sħubija, skond l-Artikolu 163 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tali sħubiji jistgħu jiġu magħżula u finanzjati għal perjodu ta' erba' snin, suġġett għal proċedura ħafifa ta' tiġdid.

7.   L-istituzzjonijet pubbliċi jew l-organizzazzjonijiet li jipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim

L-iskejjel u l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni superjuri kollha speċifikati mill-Istati Membri, u l-istituzzjonijiet jew l-organizzazzjonijijet kollha li jipprovdu opportunitajiet ta' tagħlim li rċevew aktar minn 50 % tad-dħul annwali tagħhom minn fonti pubbliċi tul l-aħħar sentejn, jew li jkunu kontrollati minn korpi pubbliċi jew mir-rappreżentanti tagħhom, għandhom jiġu trattati mill-Kummissjoni bħala li għandhom l-kapaċità finanzjarja, professjonali u amministrattiva meħtieġa, flimkien ma' l-istabbiltà finanzjarja meħtieġa, sabiex jitwettqu l-proġetti taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja; m'għandhomx ikunu meħtieġa jippreżentaw dokumentazzjoni ulterjuri bħala prova ta' dan. Tali istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżiti ta' verifika skond l-Artikolu 173(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.

8.   Korpi li jsegwu objettiv ta' interess Ewropew ġenerali

Fejn jingħataw għotjiet operattivi taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja lil korpi li jsegwu objettiv ta' interess ġenerali Ewropew kif definit fl-Artikolu 162 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, dawn, skond l-Artikolu 113(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, m'għandhomx ikunu suġġetti, meta jiġġeddu, għall-prinċipju ta' tnaqqis gradwali.

9.   Il-kompetenzi professjonali u l-kwalifiki ta' l-applikanti

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi skond l-Artikolu 176(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 li kategoriji speċifikati ta' benefiċjarji jkollhom il-kompetenzi professjonali u l-kwalifiki meħtieġa sabiex iwettqu l-azzjoni proposta jew il-programm ta' ħidma.

10.   Il-parteċipazzjoni ta' msieħba minn pajjiżi terzi

L-imsieħba minn pajjiżi terzi jistgħu jieħdu sehem fi proġetti, networks jew sħubiji multilaterali taħt it-termini ta' l-Artikolu 14(2) skond id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni jew ta' l-aġenzija nazzjonali konċernata. Id-deċiżjoni jekk ikunux appoġġati dawn l-imsieħba jew le għandha tkun ibbażata fuq il-grad tal-valur miżjud fil-livell Ewropew li x'aktarx jirriżulta mill-parteċipazzjoni tagħhom fil-proġett, network jew sħubija in kwistjoni.

11.   Allokazzjonijiet minimi

Suġġett għall-Artikolu 14 ta' din id-Deċiżjoni, l-ammonti minimi li għandhom jiġu allokati lis-sub-programmi settorjali għandhom ikunu, relattivament għall-qafas finanzjarju stabbilit f'dak l-Artikolu:

 

Comenius 13 %

 

Erasmus 40 %

 

Leonardo da Vinci 25 %

 

Grundtvig 4 %

12.   Aġenziji nazzjonali

L-għajnuna finanzjarja Komunitarja għandha tingħata sabiex tappoġġa l-attivitajiet ta' l-aġenziji nazzjonali stabbiliti jew nominati mill-Istati Membri skond l-Artikolu 6(2)(b).

Skond l-Artikolu 38(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002, il-funzjoni ta' l-aġenzija nazzjonali tista', f'pajjiżi terzi li jieħdu sehem fil-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja taħt l-Artikolu 7(1) ta' din id-Deċiżjoni, titwettaq minn korpi tas-settur pubbliku jew minn korpi mis-settur privat li jkollhom obbligi ta' servizz pubbliku regolati mil-liġi tal-pajjiż konċernat.

Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-livell meħtieġ tar-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni u ta' rappurtar jinżamm għall-minimu adegwat.

13.   Assistenza teknika

Il-pakkett finanzjarju tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja jista' jkopri wkoll in-nefqa relatata ma' azzjonijiet preparatorji, monitoraġġ, kontroll, verifika u valutazzjoni li jkunu meħtieġa direttament għall-implementazzjoni tal-Programm u sabiex jinkisbu l-objettivi tiegħu. Dawn jistgħu jinkludu b'mod partikolari studji, laqgħat, attivitajiet ta' informazzjoni, pubblikazzjonijiet, infiq fuq networks informatiċi għall-iskambju ta' informazzjoni u kull nefqa oħra fuq għajnuna teknika u amminsitrattiva li għalihom il-Kummissjoni tista' teħtieġ tirrikorri għall-implementazzjoni tal-Programm.

14.   Dispożizzjonijiet kontra l-frodi

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda taħt l-Artikoli 9, il-kuntratti u l-ftehim li jirriżultaw minnhom, kif ukoll il-ftehim ma' pajjiżi terzi parteċipanti, għandhom jipprovdu b'mod partikolari għas-superviżjoni u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni (jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha), anke mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), u għall-verifika mill-Qorti ta' l-Awdituri, jekk ikun meħtieġ anke fuq il-post. Tali kontrolli jistgħu jsiru flimkien ma' l-aġenziji nazzjonali kif ukoll, fejn meħtieġ, ma' dawk li jirċievu l-għotjiet.

Il-benefiċjarju ta' għotja operattiva għandu jkollu disponibbli għall-Kummissjoni d-dokumenti kollha ta' appoġġ, inkluż il-prospett finanzjarju verifikat, dwar in-nefqa li tkun saret matul is-sena ta' l-għotja, għal perjodu ta' ħames snin wara l-aħħar ħlas. Il-benefiċjarju ta' għotja għandu jiżgura li, fejn applikabbli, id-dokumenti ta' appoġġ fil-pussess ta' msieħba jew ta' membri jkunu disponibbli għall-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tista' tipprovdi sabiex issir verifika, ta' l-użu magħmul mill-għotja, mill-persunal tagħha, direttament, jew minn kwalunkwe korp estern ieħor, kwalifikat għal dan il-għan, magħżul minnha. Tali verifika tista' ssir matul il-perjodu kollu tal-ftehim u għal perjodu ta' ħames snin mid-data tal-pagament tal-bilanċ. Fejn ikun il-każ, il-konklużjonijiet tal-verifika jistgħu iwasslu għal deċiżjonijiet ta' rkupru mill-Kummissjoni.

Il-persunal tal-Kummissjoni u l-persunal estern awtorizzat mill-Kummissjoni għandhom ikollhom dritt adegwat ta' aċċess, b'mod partikolari għall-uffiċċji tal-benefiċjarju u għall-informazzjoni kollha, inkluża informazzjoni f'format elettroniku, li tkun meħtieġa sabiex titwettaq tali verifika.

Il-Qorti ta' l-Awdituri u l-OLAF għandhom ikollhom l-istess drittijiet, speċjalment dak ta' aċċess, tal-Kummissjoni.

Addizzjonalment, il-Kummissjoni tista' twettaq verifiki u ispezzjonijiet fuq il-post taħt il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja skond ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar kontrolli fuq il-post u ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (1).

Għall-azzjonijiet Komunitarji finanzjati taħt din id-Deċiżjoni, il-kunċett ta' irregolarità msemmi fl-Artikolu 1, paragrafu 2, tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Novembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (2) għandu jfisser kull ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja jew kull ksur ta' obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn xi att jew ommissjoni minn xi entità ġuridika, li jkollu, jew jista' jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Komunitajiet jew l-allokazzjonijiet amministrati minnhom, permezz ta' nefqa mhux ġustifikata.


(1)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(2)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fil-15 ta' Lulju 2004 l-Kummissjoni ssottomettiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni, ibbażata fuq l-Artikoli 149(4) u 150(4) tat-Trattat tal-KE, li tistabbilixxi programm ta' azzjoni integrat fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja għall-perijodu 2007-2013.

2.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta l-opinjoni tiegħu fl-10 ta' Frar 2005 (1).

3.

Il-Kumitat tar-Reġjuni ta l-Opinjoni tiegħu fit-23 ta' Frar 2005 (2).

4.

Il-Parlament Ewropew ta l-Opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-25 ta' Ottubru 2005 (3).

5.

Fl-24 ta' Lulju 2006, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu skond l-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE.

II.   OBJETTIV

Din il-proposta għal programm integrat bis-sħiħ ġdid ta' l-UE fil-qasam ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ hija biex jiġu sostitwiti l-programmi Socrates, Leonardo da Vinci, it-tagħlim elettroniku (e-learning) u programmi relatati eżistenti, li għandhom jiskadu fl-aħħar ta' l-2006. Il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja jikkonsisti f'erba' sub-programmi (Comenius għall-edukazzjoni skolastika, Erasmus għall-edukazzjoni ogħla, Leonardo da Vinci għat-taħriġ vokazzjonali u Grundtvig għall-edukazzjoni adulta), serje ta' miżuri trasversali u l-programm Jean Monnet li jiffokaw fuq l-integrazzjoni Ewropea. Il-mira tal-Programm hija kemm li jikkontribwixxi permezz tat-tagħlim tul il-ħajja għall-iżvilupp tal-Komunità bħala soċjetà ta' għarfien avvanzata fil-kuntest tal-għanijiet strateġiċi ta' Lisbona, kif ukoll biex jagħti valur miżjud Ewropew direttament liċ-ċittadini individwali billi jrawwem interazzjoni, kooperazzjoni u mobbiltà bejn sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ fi ħdan il-Komunità.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Kummenti ġenerali

Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tibqa' ġeneralment konsistenti mal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, għalkemm numru sinifikanti ta' emendi tal-PE ġew inkorporati fit-test u numru ta' aġġustamenti tekniċi — l-aktar dwar proċeduri ta' implimentazzjoni — saru wara reviżjoni 'l isfel tal-pakkett finanzjarju globali għall-Programm. Kien hemm qbil mit-tliet istituzzjonijiet dwar l-allokazzjoni riveduta ta' EUR 6 200 miljun (bi prezzijiet ta' l-2004 — jiġifieri EUR 6 970 miljun fi prezzijiet attwali) fil-kuntest tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-Qafas Finanzjarju għall-2007-2013.

2.   Elementi ġodda li jinsabu fil-pożizzjoni komuni kif imqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni

Minkejja allokazzjoni finanzjarja globali iżgħar milli kien antiċipat, l-objettivi globali tal-Programm jibqgħu intatti u nżamm il-prinċipju ta' miri kkwantifikati għal kull wieħed mis-sub-programm. Hemm ukoll skop fi ħdan il-Programm biex jespandi n-numru u t-tip ta' proġetti koperti fil-każ ta' xi żieda futura fil-finanzjament.

Il-Kunsill fittex ukoll li joħloq l-aħjar bilanċ bejn proġetti taħt id-diversi sub-programmi, billi żied ftit l-enfasi li hemm fuq l-edukazzjoni adulta bi tweġiba għax-xejriet attwali ta' impjiegi u demografiċi. Bħala riżultat, l-allokazzjoni minima għall-Programm Grundtvig titla' għal 4 %.

Il-Kunsill ipprova kemm li jissimplifka l-proċeduri amministrattivi għall-applikanti ta' proġetti kif ukoll li jiżgura li proporzjon akbar ta' proġetti jintgħażlu u jkunu ġestiti mill-aġenziji nazzjonali nfushom, bl-estenzjoni ta' approċċ deċentralizzat mill-proġetti pilota Leonardo de Vinci għal Comenius, Erasmus u Grundtvig. Barra dan, il-Kunsill introduċa mill-ġdid proċedura ta' kumitat ta' ġestjoni għal deċiżjonijiet ta' selezzjoni individwali dwar proġetti u networks b'kontribut Komunitarju totali li jaqbeż EUR 1 miljun, u għall-attività prinċipali l-'Iżvilupp ta' Politika' tal-Programm Trasversali.

Għal leġibbilità akbar u sabiex jingħata fok iktar ċar lill-objettivi, il-Kunsill irristruttura mill-ġdid u ssimplifika bosta partijiet mill-proposta oriġinali, b'wieħed mill-eżempji jkun l-amalgamazzjoni ta' l-artikoli ta' implimentazzjoni għal kull wieħed mis-sub-programmi f'artikolu uniku (9). Sar ukoll numru ta' titjib fl-abbozzar għal iktar ċarezza. Barra minn dan, il-Kunsill ikkunsidra fid-dettall id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2, inkorpora referenzi speċifiċi għall-ħtieġa għall-kwalità, għal prestazzjoni għolja u innovazzjoni u pprova jiżgura l-monitoraġġ effettiv u d-disponibbiltà ta' data komparabbli bħala mezz biex jirfed l-iżvilupp ta' politika ta' tagħlim tul il-ħajja b'mod ġenerali.

Finalment, f'konformità ma' l-opinjoni tal-PE, il-Kunsill fittex li jżid il-mobbiltà, b'mod partikolari ta' trainees vokazzjonali, li jippromwovi l-kooperazzjoni inter-reġjonali permezz tal-mobbiltà u s-sħubiji transkonfini u biex isaħħaħ l-iskambju ta' l-aħjar prattiki. Huwa laqa' wkoll it-talba tal-PE biex jiġu nklużi żewġ korpi magħżulin oħrajn — l-Aġenzija Ewropea għall-Iżvilupp fl-Edukazzjoni għall-Ħtiġiet Speċjali f'Middelfart (id-Danimarka), u ċ-Ċentru Internazzjonali għat-Taħriġ Ewropew f'Nizza (Franza).

3.   Emendi tal-Parlament Ewropew

3.1.   Emendi aċċettati b'mod intier, in parti jew fil-prinċipju

Il-Kunsill seta' jaċċetta numru konsiderevoli ta' l-emendi tal-Parlament Ewropew b'mod intier jew in parti.

L-emendi 1, 3, 6, 10, 11, 14, 15, 17, 18, 22, 23, 25, 27, 29, 30, 39, 40, 42, 47, 49, 51, 59, 60, 62, 64, 67 u 68 ġew inklużi b'mod intier.

L-emendi 5, 8, 9, 12, 19, 20, 24, 26, 31, 32, 36, 48, 50, 58, 69 u 71 ġew aċċettati in parti jew ifformolati mill-ġdid.

3.2.   Emendi mhux inkorporati

Fid-dawl tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-Qafas Finanzjarju msemmi fit-taqsima 1 hawn fuq, il-Kunsill ma laqgħax l-emenda 43 li tikkonċerna l-baġit globali kif ukoll l-emendi 13, 45, 56 u 66 li fihom miri kwantitattivi li kellhom jiġu riveduti. Għalkemm il-Kunsill ma setgħax ukoll jaċċetta l-proposta tal-Parlament fl-emenda 70 dwar it-tqassim indikattiv tal-baġit għall-erba' sub-programmi ewlenin, kif stabbilit fl-Anness B.11, il-pożizzjoni finali tiegħu baqgħet qrib dik tal-PE.

Numru ta' emendi (4, 7, 16, 28, 41) ma ntlaqgħux għar-raġuni li l-kontenut tagħhom kien kopert bi premessi jew dispożizzjonijiet oħrajn tat-test leġislattiv, filwaqt li referenzi għal disparitajiet bejn id-diversi sistemi edukattivi ta' l-UE (l-emenda 2) jew għall-konverġenza ta' dawk is-sistemi (l-emendi 20 u 44) ma ġewx aċċettati għar-raġunijiet ta' sussidjarjetà. L-emenda 21 dwar l-interazzjoni bejn l-intrapriżi, l-istabbilimenti ta' edukazzjoni ogħla u x-xjenzjati kienet meqjusa li qed tirreferi iktar għal mezzi biex jinkiseb objettiv milli objettiv fih inniffsu, filwaqt li l-emenda 33 kienet ikkunsidrata mhux xierqa fid-dawl tal-bażi legali tad-Deċiżjoni.

Il-Kunsill ħass li l-emenda 34 ma kienitx aċċettabbli peress li ma kienx ċar liema persuni jew korpi setgħu jiġu kkunsidrati bħala responsabbli għal-linji politiċi dwar it-tagħlim tul il-ħajja “fil-livell Ewropew”. L-emendi 35, 37, 52, 53, 54 u 55 ma nżammewx peress li kienu meqjusa jew dettaljati wisq jew speċifiċi wisq għal test leġislattiv, filwaqt li fuq in-naħa proċedurali l-emenda 65 inħasset li kienet ovvja u għalhekk ma ntlaqgħatx ukoll.

L-emenda 46 dwar it-tagħlim tat-tieni lingwa baranija jew ta' lingwi barranin addizzjonali ma ntlaqgħatx għar-raġunijiet li kienet estensiva wisq aktar għal xi Stati Membri, filwaqt li l-emenda 57 dwar l-akkreditazzjoni ta' esperjenza preċedenti kienet ikkunsidrata mhux xierqa għall-programm Grundtvig.

Finalment, ladarba l-Kunsill seta' jaqbel biss dwar l-inklużjoni ta' tnejn mill-erba' korpi magħżulin addizzjonali mitlubin mill-PE, it-tnejn li baqa' msemmijin fl-emendi 61 u 63 ma ntlaqgħux.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill jikkunsidra li l-pożizzjoni komuni tiegħu tikkostitwixxi test ibbilanċjat, li jipprovdi bażi tajba biex jiġi ntrodott dan l-istrument, u b'hekk jiġi promoss l-iżvilupp ta' linji politiċi ta' tagħlim tul il-ħajja madwar l-Ewropa kollha. B'mod partikolari huwa jilqa' dan l-approċċ integrat li, billi jġib flimkien fi strument wieħed firxa ta' programmi u azzjonijiet fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ — mill-edukazzjoni primarja għal dik adulta, se jiżgura koerenza akbar bejn il-partijiet kostitwenti u jippermetti firxa iktar flessibbli ta' azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati b'iktar effiċjenza. Huwa jfaħħar ukoll l-isforzi biex jiġu simplifikati l-proċeduri amministrattivi u li l-programm isir iktar faċli biex jintuża. F'dan l-isfond, il-Kunsill jistenna bil-ħerqa li jilħaq qbil mal-Parlament fil-futur qarib bil-ħsieb ta' adozzjoni bikrija tad-Deċiżjoni.


(1)  ĠU C 221, 8.9.2006, p. 134

(2)  ĠU C 164, 5.7.2005, p. 59

(3)  dok. 13675/05