ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 48
18 ta' Awwissu 2005


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Tagħrif

 

Il-Qorti ta’ l-Awdituri

2005/C /1

Rapport Speċjali Nru 1/2005 dwar il-ġestjoni ta' l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni

1

2005/C /2

Opinjoni Nru 6/2005 dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex temenda r-Regolamenti (KE) Nru 1073/1999 u (Euratom) Nru 1074/1999 rigward l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

33

 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi Uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea fil-ĠU C 202.

MT

 


I Tagħrif

Il-Qorti ta’ l-Awdituri

18.8.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/1


RAPPORT SPEĊJALI Nru 1/2005

dwar il-ġestjoni ta' l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni

(preżentati skond l-Artikolu 248(4), it-tieni paragrafu, tat-Trattat tal-KE)

WERREJ

LISTA TA' ABBREVJAZZJONIJIET

I-XI

SOMMARJU

1-11

INTRODUZZJONI

1-5

Il-missjoni ta' l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

6-7

L-organizzazzjoni ta' l-OLAF

8-11

Il-verifika tal-Qorti

12-43

L-INVESTIGAZZJONIJIET TA' L-OLAF

12-17

Il-proċeduri investigattivi

18-19

L-iffissar ta' prijoritajiet għall-funzjoni investigattiva ta' l-OLAF

20-22

Il-fażi ta' valutazzjoni

23-29

Il-fażi investigattiva

30-32

Il-fażi ta' segwitu

33-43

Proċeduri ta' kontroll tal-kwalita'

34

Il-Manwal ta' l-OLAF

35-37

Is-sorveljanza tal-ġestjoni ta' l-investigazzjonijiet

38-39

Il-verifika interna

40-41

Il-Kunsill Eżekuttiv ta' l-OLAF

42-43

Ir-rapporti ta' l-attivitajiet

44-65

IL-KONTRIBUZZJONI MAGĦMULA MID-DIPARTIMENTI TA' L-OLAF GĦAX-XOGĦOL INVESTIGATTIV TIEGĦU

44

Introduzzjoni

45-50

Intelliġenza, Strateġija Operattiva u Servizzi ta' Informazzjoni

51-55

Politika, Leġislazzjoni u Affarijiet Legali

56-61

Unitajiet li jirrappurtaw direttament lid-Direttur ta' l-OLAF

57-58

L-unita' tal-Maġistrati

59-60

L-unita' għat-taħriġ u s-sostenn lill-Pajjiżi Kandidati

61

L-Unita' għar-riżorsi umani u l-baġit

62-65

Riżorsi umani

66-72

IL-KUMITAT TA' SORVELJANZA

73-94

KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

74-88

Effiċjenza u effettivita' ta' l-investigazzjonijiet

89-92

L-użu ta' riżorsi sabiex jiġu sostnuti l-investigazzjonijiet

93

Ir-Relazzjonijiet bejn l-OLAF u l-Kumitat ta' Sorveljanza

94

Riiffokar ta' l-Uffiċċju fuq il-funzjoni investigattiva tiegħu

ANNESS I: Organigramma ta' l-OLAF

ANNESS II: In-nuqqasijiet priċipali li nstabu waqt il-verifika

Ir-risposti tal-Kummissjoni

LISTA TA' ABBREVJAZZJONIJIET

AFIS

Sistema ta' Informazzjoni Kontra l-Frodi

BEI

Bank Ewropew ta' l-Investiment

CMS

Sistema ta' ġestjoni tal-każijiet

Direttorat Ġenerali

ECR

Reġistru Elettroniku tal-Każijiet

END

Esperti Nazzjonali Issekondati

IDOC

Uffiċċju ta' Investigazzjoni u Dixxiplina tal-Kummissjoni

OLAF

Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi

UCLAF

Unità għall-Kordinazzjoni tal-prevenzjoni tal-frodi

UE

Unjoni Ewropea

SOMMARJU

I.

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) ħa l-post ta' l-Unità għall-Kordinazzjoni tal-Prevenzjoni tal-Frodi (UCLAF) f'April 1999 bi statut rinforzat u b'mandat estiż sabiex ikopri l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha ta' l-Unjoni Ewropea. Il-proċess tat-twaqqif ta' l-Uffiċċju involva biċċa xogħol diffiċli b'mod partikolari minħabba n-natura diżorganizzata tal-fajls illi huwa wiret. Kien biss lejn tmiem is-sena 2003 li l-effetti tar-ristrutturazzjoni bdew jinħassu. F'nofs is-sena 2004, madanakollu, kien għad hemm xorta waħda l-bżonn ta' titjib f'diversi oqsma tal-ġestjoni ta' l-investigazzjonijiet.

II.

Il-fatt illi l-Uffiċċju għandu status doppju, fejn għandu awtonomija għal dak li jikkonċerna l-investigazzjoni imma jirrapporta lill-Kummissjoni għall-obbligi l-oħra tieghu, ma affettwax b'mod ħażin il-funzjoni investigattiva tiegħu. Minħabba illi jifforma parti mill-Kummissjoni, l-Uffiċċju kien kapaċi mhux biss sabiex igawdi minn sostenn amministrattiv u loġistiku sostanzjali, imma wkoll sabiex jieħu vantaġġ mill-leġislazzjoni kontra l-frodi li d-dipartimenti tal-Kummissjoni jużaw. Konsegwentement, ma jidhirx li jkun xieraq li jiġi kkunisdrat tibdil fl-istatus ta' l-Uffiċċju. (1)

III.

l-Uffiċċju għandu biżżejjed riżorsi sabiex jieħu ħsieb id-denunzji kollha ġustifikabbli li jsiru u hekk jagħmel. Taħt dawn iċ-ċirkustanzi, il-politika ta' l-Uffiċċju li jagħti prijorità lil-investigazzjonijiet hija biss teoretika.

IV.

OLAF jagħmel ftit wisq distinzjoni bejn l-investigazzjonijiet (interni jew esterni) fuq naħa u l-operazzjonijiet ta' assistenza u l-Kordinazzjoni fuq l-oħra. Minħabba li n-natura tax-xogħol f'kull każ hija partikolarment differenti, ir-ragruppament tagħhom joħloq konfużjoni fil-ġestjoni tar-riżorsi.

V.

Waqt li l-introduzzjoni ta' reġistru u ta' sistema kompjuterizzata għall-ġestjoni tal-fajls ta' l-investigazzjoni tejjbu ż-żamma tar-rekords għall-operazzjonijiet u ċċaraw ir-responsabbiltajiet, is-sorveljanza maniġerjali baqgħet inadegwata u rriżultat f'dewmien serji fl-ipproċessar tal-fajls, fl-iddepożitar ta' rapporti inkonklużivi u f'riżultati indeterminati. Sabiex jiġu miġġielda d-dewmien mhux neċessarji, għandhom jiġu stabbiliti skadenzi imperattivi meta jinfetħu l-investigazzjonijiet.

VI.

Diversi drabi, l-atti investigattivi jiġu preparati u segwiti b'mod rudimentali. L-għanijiet segwiti mill-investigaturi baqgħu vagi f'termini ta' l-evidenza li trid tiġi mikxufa u fl-użu tar-riżorsi. Barra s-settur tad-dwana, hemm bżonn ta' koperazzjoni iktar effettiva bejn l-Istati Membri, kemm għal oqsma ta' ġestjoni diretta u għal oqsma fejn il-ġestjoni hija flimkien ma' l-Istati Membri.

VII.

Għalkemm il-proċeduri ta' rappurtar fuq ix-xogħol ta' l-Uffiċċju ġew reċentement imtejjba, l-informazzjoni għandha x'taqsam mal-volum ta' l-operazzjonjiet magħmula minflok mar-riżultati li fil-fatt ġew miksuba, kemm f'termini ta' dak li ġie fil-fatt irkuprat mill-fondi li ġew misapproprjati kif ukoll f'termini tas-sanzjonijiet dixxiplinari jew kriminali li ġew imposti fuq il-persuni misjuba ħatja ta' frodi. Is-sistema ta' indikaturi relevanti sabiex jiġu valutati r-riżultati għad trid tiġi rinforzata.

VIII.

Il-miżuri adottati fl-2001 sabiex l-Uffiċċju jiġi provdut b'persunal kompetenti sabiex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom għamlu ż-żmien tagħhom. In-numru kbir ta' persunal fuq kuntratti li ma jistgħux jiġu mġedda għal iktar minn ċertu żmien (bejn sitta u tmien snin) huwa issa ta' ħsara għall-għan li tiġi konsolidata l-abbiltà. F'dawn ic-cirkustanzi l-miżuri ta' taħriġ introdotti mill-Uffiċċju jibqgħu insuffiċċjenti.

IX.

Il-kontroll tal-legalità ta' l-inkjesti li għadhom sejrin u r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-persuni taħt investigazzjoni mhiex assigurata b'mod indipendenti. Minħabba nuqqas ta' kodifikazzjoni ċara ta' l-atti investigattivi, is-sitwazzjoni hija soġġetta għal litigazzjoni. Id-dispożizzjonijiet regolatorji relevanti irriżultaw insoddisfaċenti.

X.

Ir-relazzjonijiet bejn l-Uffiċċju u l-Kumitat ta' Sorveljanza huma diffiċli. Hemm il-bżonn ta' ri-eżaminazzjoni serja tad-dispożizzjonijiet regolatorji li jikkonċernaw it-tmexxija ta' l-Uffiċċju.

XI.

Sabiex jiġi evitat li jinħela x-xogħol ta' l-Uffiċċju fuq attivitajiet illi, għalkemm relatati mal-prevenzjoni tal-frodi, m'għandhomx x'jaqsmu direttament ma' l-investigazzjonijiet, u sabiex jiġi garantit illi r-riżorsi kollha jkunu diretti lejn il-ġlieda b'mod effettiv kontra l-frodi li hija ta' detriment għall-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni Ewropea, ix-xogħlijiet li huma assenjati lill-Uffiċċju għandhom jiġu ri-eżaminati fid-dettall. Billi jirrifoka l-attivitajiet tiegħu fuq il-funzjoni investigattiva tiegħu huwa jkun jista' jimmobilizza r-riżorsi tiegħu b'mod iktar effettiv, partikolarment rigward il-bidu ta' investigazzjonijiet immirati, f'oqsma fejn ir-riskji ta' frodi huma kkunsidrati bħala l-iktar serji.

INTRODUZZJONI

Il-missjoni ta' l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

1.

Bit-twaqqif ta' l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF) (2), l-Istituzzjonijiet Ewropej kellhom il-mira li jżidu l-effettività tal-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali li huma ta' detriment għall-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni. L-Uffiċċju għalhekk ġie mogħti setgħat ġodda meta mqabbla ma' dawk tal-predeċessuri tiegħu (3). Partikolarment, huwa ġie mogħti l-funzjoni li jwettaq investigazzjonjiet amministrattivi fl-istituzzjonijiet u fil-korpi kollha ta' l-Unjoni Ewropea. Il-funzjoni investigattiva ġiet imsaħħa permezz ta' garanzija ta' indipendenza fit-twettiq ta' din l-attività. Dik l-indipendenza kellha, min-naħa tagħha, tiġi msaħħa permezz tat-twaqqif ta' Kumitat ta' Sorveljanza magħmul minn persuni importanti li ġejjin minn barra l-Istituzzjonijiet. Id-Direttur ta' l-Uffiċċju li assuma l-kariga f'Marzu 2000, ġie mogħti s-setgħa li jinnomina l-persunal ta' l-OLAF, li għandu jpoġġih f'pożizzjoni sabiex ikun jista' jirrispondi b'mod iktar effettiv għall-bżonninjiet investigattivi speċifiċi ta' l-Uffiċċju.

2.

Filwaqt illi enfasizzat l-importanza tal-funzjoni investigattiva ta' l-OLAF (ara paragrafu 12), il-Kummissjoni fdat ukoll lill-Uffiċċju b'sensiela wiesa' ta' attivitajiet relatati mal-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni Ewropea (4). Dawn l-attivitajiet, li huma parzjalment miġbura f'dik li l-Uffiċċju isejjaħ “pjattaforma ta' servizzi”, ikopru:

a)

l-assistenza għall-prevenzjoni tal-frodi li l-Kummissjoni tagħmel disponibbli għall-Istati Membri;

b)

l-iżvilupp ta' strateġija għall-prevenzjoni tal-frodi fil-qafas tal-politika tagħha fuq il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji (Artikolu 280 tat-Trattat);

c)

il-preparazzjoni ta' l-inizzjattivi leġislattivi u regolatorji tal-Kummissjoni għal kontra l-frodi;

d)

l-iżvilupp tal-mezzi neċessarji sabiex tiġi miġġielda l-frodi;

e)

il-ġbir u l-analiżi ta' l-informazzjoni;

f)

l-assistenza teknika li trid tiġi pprovduta, speċjalment fil-qasam tat-taħriġ, lill-korpi u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Komunità u lill-awtoritajiet nazzjonali konċernati bil-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità.

Il-leġislazzjoni ma' tagħtix kriterji ta' prijorità bejn dawn l-attivitajiet differenti.

3.

L-Uffiċċju jopera ġewwa qafas istituzzjonali kumpless u huwa fiċ-ċentru ta' grupp ta' korpi konċernati direttament jew indirettament bil-prevenzjoni tal-frodi. Ma huwiex dejjem ċar kif dawn ir-responsabbiltajiet huma maqsuma bejn dawn il-korpi, bir-riżultat illi potenzjalment jista' jkun hemm kemm xogħol doppju kif ukoll affarijiet li jitħallew barra. Dawn il-korpi jaqgħu taħt tlett sotto-gruppi:

a)

dawk li jinsabu fl-Istati Membri jew f'pajjiżi terzi, bħall-forzi tal-pulizija, awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet amministrattivi kontra l-frodi;

b)

korpi tal-Komunità bħall-Uffiċċju għall-Investigazzjoni u d-Dixxiplina tal-Kummissjoni (IDOC) (5), is-servizz tal-verifika interna ta' kull istituzzjoni, l-Ombudsman Ewropew, il-kapaċitajiet ta' verifika tad-dipartimenti operattivi tal-Kummissjoni u l-Kumitat ta' Sorveljanza ta' l-OLAF stess;

c)

korpi oħra intergovernamentali għall-prevenzjoni tal-kriminalità, bħall-Eurojust u l-Europol.

4.

Minħabba li l-Istati Membri huma responsabbli għall-ġestjoni ta' madwar 80 % tan-nefqa ta' l-Unjoni Ewropea, huwa neċessarju, għal raġunijiet ovvji ta' effettività għall-Uffiċċju li dan jaħdem viċin ta' l-awtoritajiet nazzjonali (pulizija, dwana, il-qrati eċċ.). Dan ir-rekwiżit iżid mal-komplessità tal-biċċa xogħol tiegħu. Barra minn hekk, huma l-Istati Membri li huma responsabbli sabiex jiftħu proċeduri kriminali kull meta jiġu mitluba, u d-diversità tas-sistemi ġuridiċi tagħhom tagħmel il-biċċa xogħol ta' l-Uffiċċju iktar kumplessa.

5.

Għalkemm l-OLAF huwa korp ġdid, huwa ġie obbligat sabiex ikompli l-operazzjonijiet tal-predeċessur tiegħu, l-UCLAF. Għahekk huwa assuma madwar 1 400 każ li kienu għadhom sejrin (6), u dan kien wirt diffiċli minħabba l-mod diżorganizzat li bih diversi minn dawn l-investigazzjonijiet kienu ġew ġestiti (7). Fl-istess ħin, il-persunal ta' l-UCLAF ġie rijassenjat en bloc għall-Uffiċċju. Sat-tibdil radikali tal-pjan ta' twaqqif ta' l-2001, dan kien irrestrinġa l-manovrabilità tad-Direttur (8).

L-organizzazzjoni ta' l-OLAF

6.

L-Uffiċċju igawdi minn status ambivalenti skond liema huwa għandu awtonomija investigattiva imma jirrapporta lil-Kummissjoni għar-rigward ta' l-obbligi l-oħra tiegħu. L-istruttura doppja ma' affettwatx ħażin l-indipendenza tal-funzjoni investigattiva u ġġib magħha ċerta vantaġġi. Mill-aspett legali, per eżempju, bħala parti mill-Kummissjoni, l-Uffiċċju seta' jagħmel użu minn poteri mogħtija lil din l-istituzzjoni, partikolarment is-setgħa li jwettaq spezzjonijiet fuq il-post fl-Istati Membri skond varjetà ta' regolamenti ġenerali u settorali (9). Il-konnessjoni mal-Kummissjoni kienet ukoll utli għall-operazzjonijiet ta' kuljum ta' l-OLAF minħabba li biha seta' jikseb sostenn amministrattiv mis-servizzi ġenerali tal-Kummissjoni.

7.

L-organigramma ta' l-Uffiċċju ta' Mejju 2004 hija preżentata f'Anness 1. Sa mill-2001, il-pjan ta' twaqqif ta' l-Uffiċċju kien magħmul minn madwar 300 post tax-xogħol, id-doppju ta' dak li kien disponibbli għall-UCLAF (10). Fl-2004, id-Direttorat ta' l-Investigazzjonijiet (Direttorat B) kien fih 126 investigatur (11) u 13 -il aġent amministrattiv. Il-193 postijiet l-oħra kienu maqsuma bejn id-dipartimenti l-oħra (Direttorat A “Politika, leġislazzjoni u affarijiet legali”) u d-Direttorat Ċ “Intelliġenza, stateġija operattiva u servizzi t'informazzjoni”).

Il-verfika tal-Qorti

8.

L-għan tal-verifika kien sabiex jevalwa l-kwalità tal-ġestjoni ta' l-investigazzjonijiet ta' l-OLAF. Dan sar billi ġie valutat:

a)

kif l-Uffiċċju kien eżegwixxa l-missjoni investigattiva tiegħu;

b)

il-kontribuzzjoni tad-dipartimenti ta' l-OLAF lejn il-funzjoni investigattiva.

L-effettività finali tax-xogħol ta' l-Uffiċċju ma setgħetx tiġi valutata minħabba n-nuqqas t'affidabilità tad-data fuq l-investigazzjonijiet ta' segwitu.

9.

Ir-rapport tal-Qorti jikkumplimenta l-valutazzjoni magħmula mill-Kummissjoni f'April 2003, li essenzjalment iffukat fuq il-qafas legali ta' l-attivitajiet ta' l-Uffiċċju (12), kif ukoll it-tieni valutazzjoni iktar kwantitativa preżentata mill-Kummissjoni f'Ottubru ta' l-2004 (13).

10.

Sakemm l-investigazzjonijiet huma konċernati, il-verifika mwettqa bejn April u Ottubru 2004 kellha bħala l-punt tat-tluq tagħha osservazzjonijiet magħmula qabel mill-Qorti (14). Hija ffukat fuq sistemi, strutturi u miżuri dwar il-persunal. Kien hemm ukoll analiżi ta' l-attività tad-dipartimenti ta' l-OLAF li ma humiex direttament responsabbli mill-investigazzjonijiet. Għalkemm l-organizzazzjoni reċenti ta' l-Uffiċċju kienet analizzata, flimkien ma' kampjun ta' 117-il operazzjoni mwettqa lejn tmiem l-2003, deher ċar illi, f'dak iż-żmien, l-Uffiċċju kien għadu għaddej bl-approvazzjoni ta' diversi operazzjonijiet mibdija mill-predeċessur tiegħu, u li l-miżuri ta' rijorganizzazzjoni introdotti waqt il-perjodu 2002-2003 kienu għadhom kif bdew iħallu l-effett. In-nuqqasijiet misjuba fil-verifika huma deskritti fil-qosor f'Anness II.

11.

Dan ir-rapport ġie magħmul fl-istess żmien li fih il-Kummissjoni proponiet emendament għar-Regolament dwar l-investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF (15). Il-Qorti ressqet opinjoni fuq din il-proposta, li fiha hija tieħu in konsiderazzjoni l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-verifika.

L-INVESTIGAZZJONIJIET TA' L-OLAF

Il-proċeduri investigattivi

12.

Minbarra l-operazzjonijiet ta' kordinazzjoni, ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 jiddistingwi bejn investigazzjonijiet esterni (Artikolu 3) u investigazzjonijiet interni (Artikolu 4). L-Uffiċċju nniffsu jaqsam il-każijiet tiegħu f'ħames kategoriji:

a)

investigazzjonijiet interni (investigazzjonijiet ta' korruzzjoni ġewwa l-istituzzjonijiet u korpi assimilati);

b)

investigazzjonijiet esterni (investigazzjonijiet diretti ta' pajjiżi terzi involuti fl-attivitajiet relatati ma' transazzjonijiet tal-baġit tal-Komunità);

c)

assistenza ġudizzjarja (assistenza lill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest ta' proċeduri kriminali);

d)

koordinazzjoni (assistenza lill-Istati Membri fil-kuntest ta' investigazzjonijiet li jikkonċernaw iktar minn pajjiż wieħed);

e)

il-każijiet ta' monitoraġġ (dan ifisser, għall-fajls importanti, li tingħata lill-Uffiċċju l-possiblità li jsegwi jekk l-Istati Membri qdewx l-obbligazzjonijiet tagħhom taħt l-Artikolu 280 tat-Trattat).

13.

Każijiet fl-istadju ta' l-investigazzjoni attiva (475 fit-30 ta' Settembru 2004) jinkludu investigazzjonijiet proprji (252) u operazzjonjiet ta' Kordinazzjoni u assistenza (223). Oprazzjonjiet ta' Kordinazzjoni huma partikolarment komuni fil-qasam tad-dħul u tan-nefqa tal-ġestjoni maqsuma. Konsegwentement, minn 23 każ eżaminati waqt il-verifika tas-setturi tad-dwana u tal-kummerċ, huma 4 l-inkjesti mmexxija mill-Uffiċċju.

14.

Dan ir-ragruppament ta' l-investigazzjonijiet flimkien ma' l-operazzjonjiet ta' Kordinazzjoni u assistenza fi ħdan l-istess unitajiet ta' direzzjoni ta' l-inkjesti, itellef il-ġestjoni tar-riżorsi. Fil-fatt, l-Uffiċċju għandu rwol sostanzjalment differenti f'kull wieħed minn dawn iż-żewġ oqsma. Għall-investigazzjonijiet, kull pass irid jiġi formalment imniżżel, iffailjat u ġġustifikat sabiex id-dossier ikun jista' jiġi wżat minn prosekutur. Għall-każijiet ta' Kordinazzjoni u assistenza, l- OLAF irid ikun jista' jipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali b'sostenn malajr u effettiv mingħajr ma jkun soġġett għal ostakoli proċedurali serji. F'dawn il-każijiet l-użu ta' proċeduri ta' l-inkejsti ma jidhirx dejjem approprjat. Huwa jtellef mir-riżorsi li setgħu jiġu wżati għal investigazzjonijiet u jwassal għal riskju ta' sporġiment ma' ċerti responsabbiltajiet ta' l-unitajiet tas-segwitu.

15.

L-uffiċċju huwa biss awtorizzat li jmexxi investigazzjonjiet amministrattivi. Huwa għalhekk m'għandux il-kapaċità li jwettaq diversi xogħlijiet li għalihom hemm bżonn tal-poteri tal-pulizija. Għalkemm huwa jista', per eżempju, jieħu kopja tad-dokumenti fil-bini ta' kumpanija, huwa ma għandux l-awtorità li jagħmel tfittxijiet fid-djar tas-sidien tal-kumpanija jew tal-persunal, anke jekk hemmekk tkun tista' tinstab evidenza mportanti. Lanqas ma huwa awtorizzat sabiex jitlob aċċess għall-kontijiet bankarji ta' persuna legali jew fiżika, anke fejn din tkun impjegata minn isitituzzjoni Komunitarja. Hemm għalhekk limiti ċari fuq l-atti investigattivi li l-Uffiċċju jista' jwettaq, u dawn jaffettwaw il-wisa' tal-konklużjonijiet tiegħu. L-effettività prattika tal-fażi investigattiva tista' titnaqqas iżjed jekk l-Istati Membri ma jwieġbux għat-talbiet għall-assistenza min-naħa ta' l-Uffiċċju.

16.

L-Uffiċċju normalment jiftaħ l-investigazzjonijiet tiegħu b'risposta għal informazzjoni li jirċievi mingħand partijiet terzi. Din tkun fil-forma ta' denunzji mgħoddija mis-servizzi tal-Kummissjoni, istituzzjonijiet oħra ta' l-UE, awtoritajiet fl-Istati Membri kif ukoll minn ċittadini privati jew entitajiet kummerċjali. Meta tkun irċevuta informazzjoni bħal din, jinfetaħ fajl ġdid fl-arkivji ta' l-Uffiċċju (16). Ix-xogħol ta' l-investigazzjoni mbagħad jaqa' fi tlett stadji prinċipali:

a)

l-istadju tal-valutazzjoni li twassal għal rapport sintesi mid-Direttorat ta' l-Investigazzjonijiet (17) li jipproponi, jekk ikun hemm biżżejjed sustanza għall-allegazzjonijiet irċevuti (18), illi tiġi mibdija investigazzjoni. Ir-rapport ta' valutazzjoni jiġi mressaq għall-opinjoni tal-Bord eżekuttiv magħmul mir-rappreżentanti ta' l-unitajiet assoċjati ma' l-investigazzjonijiet ta' l-Uffiċċju. Id-Direttur ta' l-Uffiċċju mbagħad jiddeċiedi jekk jiftaħx investigazzjoni. Sat-30 ta' Settembru 2004, kien hemm 194 każ taħt valutazzjoni (ara Tabella 1);

b)

l-istadju ta' l-investigazzjoni li fih il-każi ikun ippreparat. Fil-prinċipju, kif mitlub mill-proċeduri mniżżla fil-Manwal OLAF, l-evidenza tinġabar kemm favur u kemm kontra l-allegazzjonijiet. L-investigaturi jikkonkludu x-xogħol tagħhom billi jagħtu proġett ta' rapport lill-Bord Eżekuttiv, li jivvaluta jekk il-fajl għandux ikun mgħoddi lill-qrati jew lill-awtoritajiet dixxiplinarji, jekk għandux jiġi segwit bl-għan li jsir irkupru jew jekk il-każ għandux jiġi arkivjat. Id-Direttur jiddeċiedi fuq bażi ta' l-opinjoni tal-Bord Eżekuttiv. Fit-30 ta' Settembru 2004, 475 każ kienu qed jiġu investigati attivament;

c)

it-tielet stadju, magħmul barra mid-Direttorat ta' lnvestigazzjoni, huwa dedikat għas-segwitu tal-każijiet mgħoddija lill-awtoritajiet ġudizzjarji u dawk li jkunu jinħtieġu l-irkupru ta' fondi. Diversi każijiet jiġu magħluqa mingħajr ma jiġu segwiti. Fit-30 ta' Settembru 2004, 649 każ kienu qed jiġu segwiti.

Tabella 1

Numru ta' każijiet f'kull stadju, fl-aħħar ta' Settembru 2004

Stadji ta' l-ipproċessar

Setturi

Numru ta' każijiet li qed jiġu valutati

Numru ta' każijiet li qed jiġu investigati

Numru ta' każijiet li qed jiġu segwiti

Anti-korruzzjoni

28

57

48

Nefqa diretta

33

42

78

Għajnuna esterna

53

81

84

Agrikoltura

21

86

59

Fondi strutturali

41

48

202

Dwana

18

161

178

Total

194

475

649

Sors: Sistema tal-ġestjoni tal-każijiet OLAF, statistiċi sat-30.9.2004.

17.

L-introduzzjoni ta' Sistema ta' Ġestjoni tal-Każijiet (CMS) fl-2002 għamlitha iktar faċli għall-Uffiċċju sabiex jibda' l-investigazzjonijiet (19). Għalkemm ġew introdott xi miljoramenti fl-2003, hemm bżonn li l-informazzjoni minn din is-sistema tiġi kkunsidrata b'ħafna kawtela, minħabba illi l-verifika wriet illi spiss ikun hemm dewmien fl-ipproċessar u fl-aġġornament tal-fajls, u li d-data finanzjarji fis-sistema la huma konsistenti u lanqas ivverifikati. Fil-fatt kien hemm każijiet ta' investigazzjonijiet li ġew kategorizzati ma' l-operazzjonijiet li għadhom sejrin minkejja li, fl-assenza ta' atti investigattivi ulterjuri, il-fajls ikkonċernati imisshom ġew magħluqa jew b'segwitu jew mingħajr. Investigazzjonijiet oħra ġew magħluqa mingħajr kalkolu tas-somom involuti. F'każijiet oħra, l-investigaturi dehru li ppostponew l-għeluq sabiex huma nfushom ikunu jistgħu jipprovdu segwitu, għalkemm fil-prinċipju din mhix ir-responsabbilità tagħhom.

L-iffissar ta' prijoritajiet għall-funzjoni investigattiva ta' l-OLAF

18.

Il-politika mħabbra mill-OLAF hija li tagħti prijorità lill-investigazzjonijiet interni u lill-investigazzjonijiet fuq in-nefqa diretta, speċjalment fil-kuntest tat-tkabbir.

19.

Fir-realtà l-OLAF għandu riżorsi biżżejjed sabiex ikun jista' jieħu ħsieb id-denunzji kollha ġustifikabbli u fil-fatt hekk jagħmel. Li tingħata prijorità, fil-prattika ma huwiex neċessarju. Kemm huma frekwenti d-denunzji bejn is-setturi differenti huwa ndikat f'Tabella 2.

Tabella 2

Denunzji irċevuti mill-Uffiċċju bejn Awissu 2003 u Settembru 2004

Settur

Numru medju ta' denunzji kull xahar

Proporzjon tad-denunzji għal kull xahar

Anti-korruzzjoni

5

9 %

Nefqa diretta

8

15 %

Sostenn estern

12

23 %

Agrikoltura

12

23 %

Fondi strutturali

7

13 %

Dwana

9

17 %

Total

53

100 %

Sors: Sistema ta' Ġestjoni tal-Każijiet OLAF, statistiċi sat-30.9.2004.

Il-fażi tàvalutazzjoni

20.

B'mod ġenerali, l-uffiċċju naqqas sostanzjalment iż-żmien użat fuq il-valutazzjoni billi applika skadenza standard ta' ġimgħatejn li tibda' mill-ħatra ta' l-assessur. Għalkemm bejn Ottubru 2002 u Settembru 2004, il-persentaġġ tal-valutazzjonijiet li kienu ilhom sejrin għal iktar minn 4 xhur naqas b'mod sinifikanti, minn 62 % għal 35 %, huma xorta waħda kienu jammontaw għal 68. Fil-każ ta' dawk l-oqsma fejn il-dokumentazzjoni neċessarja għar-rapport ta' valutazzjoni għandha tiġi miksuba minn barra l-Istituzzjonijiet Komunitarji, l-iskadenza ta' ġimgħatejn tidher qasira wisq (20). Għall-parti l-kbira tal-valutazzjonijiet eżaminati, id-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni dehret li kienet ġustifikata fid-dawl tal-kriterja adottati mill-Uffiċċju. Madanakollu, l-verifika kixfet ċerti prattiċi (Anness II) li jistgħu jiġu mtejjba. Per eżempju:

a)

terz tal-valutazzjonijiet eżaminati wrew illi l-għanijiet ta' l-investigazzjoni baqgħu mhux ċari;

b)

terz tal-valutazzjonijiet eżaminati wrew sorveljanza ineffiċjenti mill-ġestjoni;

c)

nofs il-valutazzjonijiet eżaminati wrew dewmien li ma ġewx spjegati, fl-eżekuzzjoni tax-xogħol.

21.

Għalkemm l-Uffiċċju suppost għandu jiffoka primarjament fuq il-frodi finanzjarja, fil-prattika spiss ingħatat preferenza lil każijiet ta' natura penali. L-impatt finanzjarju probabbli, li kien jagħmilha possibbli li tiġi stabbilita x'direzzjoni għandha tieħu l-investigazzjoni, bħall-kalkolu tas-somom misappropjati, diversi drabi ġie kkunsidrat bħala sekondarju.

22.

Filwaqt li huwa veru illi, min-natura tagħhom, l-investigazzjonijiet ta' l-OLAF jagħmluha impossibbli li jiġu previsti l-aspetti kollha ta' kull stadju, huwa xorta waħda utli li wieħed jipprova jagħmel pjan ta' kif l-investigazzjonijiet għandhom jiġu organizzati u pjanati sabiex jiġi evitat ir-riskju li jinħlew ir-riżorsi. Rigward dan, ir-rapporti ta' valutazzjoni ħafna drabi ma kien fihom xejn għajr l-elementi rudimentali ta' l-ippjanar, u dan ma ġiex ikkumpensat bi pjanijiet ta' xogħol iktar dettaljati fi stadju iktar il-quddiem fl-investigazzjoni. Deher ukoll ċar illi ċerti valutazzjonijiet setgħu jiġu mtejjba kieku l-unitajiet ta' segwitu u l-Unità tal-Maġistrati ġew ikkonsultati mill-bidu dwar l-għanijiet, il-possibiltajiet disponibbli u r-riżorsi li kien hemm bżonn għall-investigazzjoni. F'ċerti każijiet, konsultazzjoni mad-Direttorat Ċ (analiżi u intelliġenza) kienet ukoll tgħin lill-assessuri sabiex jagħmlu użu aħjar mill-għodda ta' l-informazzjoni disponibbli (Anness II).

Il-fażi investigattiva

23.

F'Ottubru 2002 madwar 51 % ta' l-investigazzjonjiet kienu ilhom sejrin għal iktar minn 12-il xahar. Sa Settembru 2004, madankollu, din il-figura kienet telgħet għal 62 %, għalkemm iż-żmien medju ta' kemm idumu l-investigazzjonijiet ġie mnaqqas wara l-verifika tal-każijiet antiki ta' l-UCLAF. Bħal fil-każ tal-valutazzjonijiet, iż-żmien li jdumu l-Istati Membri sabiex jirrispondu għat-talbiet ta' l-Uffiċċju għal dokumentazzjoni spiss wasslu għal dewmien (21) (ara Anness II). Dewmien ieħor ġie kawżat mill-fatt illi, flimkien ma' servizzi oħra tal-Kummissjoni, l-OLAF adotta approċċ lejn il-komunikazzjoni illi spiss huwa burokratiku, bir-riżultat illi kien hemm nuqqas ta' attività konsiderevoli li kienet tiġi evitata kieku kien hemm żjarat lill-awtoritajiet konċernati. Il-verifika wriet illi ċerti dewmien setgħu jiġu attribbwiti għal ċertu tiġbid min-naħa ta' l-investigaturi biex dawn jagħmlu x-xogħol, u dan minkejja li r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 jitlob, f'Artikolu 6(5), illi l-investigazzjonijiet ta' l-Uffiċċju għandhom jiġu mwettqa b'mod kontinwu.

24.

Il-maniġment ta' l-Uffiċċju eżerċita ftit kontroll fuq kemm damu l-investigazzjonijiet. Wieħed kien jistenna illi l-fajls ta' l-investigazzjonijiet kienu ser jispjegaw u jiġġustifikaw id-dewmien imma dan ma kienx il-każ. Għalkemm ir-rapporti li l-Uffiċċju huwa obbligat li jibgħat lill-Kumitat ta' Sorveljanza wara disa' xhur ta' investigazzjoni fihom xi nformazzjoni, ma hemm l-ebda obbligazzjoni wara dak iż-żmien sabiex jiġi spjegat id-dewmien, ta' kwalunkwe tul, jew anki li jiġi rrappurtat regolarment lill-Bord Eżekuttiv. F'diversi każijiet, id-dewmien ma setgħax jiġi ġġustifikat.

25.

Fil-prinċipju, r-rapporti ta' valutazzjoni jikklassifikaw l-investigazzjonijiet skond il-grad ta' urġenza. M'huwiex ċar jekk din il-klassifikazzjoni għandiex impatt fuq xogħol sussegwenti. Fil-fatt ma hemm l-ebda kriterja li tikkonċerna r-riżorsi li għandhom jiġu assenjati lill-investigazzjoni jew lill-iskadenzi sabiex jiġi konkluż xogħol ta' ċertu grad ta' urġenza.

26.

Iż-żamma ta' rekords tal-ħinijiet ta' l-investigaturi hija għodda essenzjali għall-ġestjoni sabiex jiġi mmonitorjat il-progress ta' l-investigazzjonijiet. Minkejja r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Qorti (22), l-Uffiċċju għadu ma għamilx sistema bħal din. Barra minn hekk ma hemmx għodda ġenerali sabiex jiġi analizzat l-ammont ta' xogħol li għandhom l-investigaturi fil-livell tad-Direttorat B.

27.

L-investigazzjonijiet ta' l-Uffiċċju bagħtew minn nuqqas ta' sistema sabiex jiġu kodifikati l-proċeduri investigattivi, għalkemm sistema bħal din hija essenzjali kemm għall-investigazzjonijiet u għal dawk li qed jiġu investigati (23), speċjalment fil-każ ta' investigazzjonijiet interni. In-nuqqas ta' kodifikazzjoni ġġib magħha riskju doppju; li jinqalgħu kunflitti proċedurali fil-kors ta' investigazzjoni ma' dawk li qed jiġu nvestigati, u li l-proċeduri fil-qorti miġjuba wara l-investigazzjoni jaqgħu minħabba nuqqas ta' konformità mal-formalitajiet introdotti sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' trasparenza u l-proċedura avversarja (24).

28.

B'mod iktar ġenerali, bħal fil-każ tal-valutazzjonijiet, il-kampjun ta' l-investigazzjonijiet eżaminati wera illi l-attività investigattiva reali ta' l-OLAF spiss kienet pjuttost limitata. L-użu min-naħa ta' l-Uffiċċju tal-poteri tiegħu li jwettaq investigazzjonijiet fuq il-post, jeżamina xhieda u jagħmel mistoqsijiet lil dawk suspettati hija l-eċċezzjoni minflok ir-regola. Dawn l-atti investigattivi speċifiċi kienu l-iktar komuni fis-settur tad-dwana. Min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju spiss jitlob għal informazzjoni mill-aġenziji investigattivi ta' ċerti Stati Membri, notamment mill-Italja. Per eżempju, meta jkun qed jinvestiga n-nefqa tal-ġestjoni maqsuma, l-Uffiċċju nomalment jitlob għad-dokumentazzjoni li trid tiġi mogħtija lilu sabiex jistudjaha u janalizzaha qabel, jekk ikun xieraq, jimxi sabiex jagħmel żjara fuq il-post (25). Anke meta jkun qed jinvestiga n-nefqa tal-ġestjoni diretta, qasam li fih l-Uffiċċju għandu r-rwol prinċipali, huwa spiss jillimita lilu nniffsu għall-eżaminazzjoni ta' dokumenti miksuba mid-dipartimenti amministrattivi tal-Kummissjoni, u partikolarment ir-rapporti ta' l-awdituri indipendenti maħtura fil-kuntest tal-ftehim ta' finanzjament. F'dawn il-każijiet l-Uffiċċju jiġbor u jikkummenta fuq l-evidenza li trid tiġi mogħtija lill-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri, imma ma jipprovdi l-ebda evidenza lil hinn dik li kienet diġà disponibbli għad-dipartimenti amministrattivi. Ix-xogħol tal-ġbir ta' fajls huwa normalment magħmul bl-għajnuna ta' l-Unità Maġisterjali.

29.

Waqt li l-Uffiċċju jrid ikun kapaċi jipproduċi r-rapporti finali tiegħu fuq l-investigazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura ġuridika, fil-każ ta' operazzjonijiet ta' ġestjoni maqsuma dawn jiġu ndirizzati lill-awtoritajiet ta' ġestjoni fl-Istati Membri (is-servizzi tad-dwana, l-aġenziji ta' ħlas eċċ.). Huwa għalhekk bżonnjuż illi jkunu argumentati b'mod ċar u li jkun fihom konklużjonijiet relevanti, preċiżi u bilanċjati. Ir-rapporti finali fuq diversi mill-każijiet eżaminati bħala parti mill-kampjun deher ċar li kienu ta' kwalità insuffiċċjenti. L-inadegwità l-iktar komuni kienet in-nuqqas ta' kalkolu ta' l-effett finanzjarju tal-frodi, għalkemm l-investigazzjonijiet normalment kienu relatati mal-misapproprjazzjoni tal-fondi.

Il-fażi ta' segwitu

30.

L-OLAF jiddistingwi bejn ħames tipi ta' segwiti:

a)

segwitu finanzjarju, li huwa ntiż sabiex jagħmel ċert illi l-fondi misapproprjati mill-baġit tal-Komunità jiġu rkuprati;

b)

segwitu amministrattiv, li għandu l-għan li jtejjeb il-proċeduri għall-ġestjoni tad-dħul u l-infiq tal-baġit;

c)

segwitu ġudizzjarju, fejn l-għan huwa li jkun informat dwar kif mixjin il- proċeduri kriminali u eventwalment it-talbiet għal danni mill-istituzzjonijiet;

d)

segwitu dixxiplinarju, fil-forma tad-determinazzjoni ta' x'azzjoni l-isituzzjonijiet beħsiebhom jieħdu b'risposta għar-rakkomandazzjonijiet ta' l-Ufffiċċju (26);

e)

segwitu leġislattiv, l-għan ta' liema huwa li tiġi emendata l-leġislazzjoni tal-Komunità sabiex issir inqas suxxettibbli għall-frodi.

31.

Huwa diffiċli li jiġi determinat kemm ħin huwa fir-realtà wżat fuq is-segwitu. Madankollu, l-indikazzjonijiet disponibbli juru illi din m'hijiex l-attività prinċipali ta' l-unitajiet ikkonċeranti. Ġeneralment, l-attività ta' segwitu ta' l-Uffiċċju ipprovdiet ftit valur aġġuntiv, speċjalment fejn il-Kordinazzjoni u l-assistenza kienu kkonċernati (Anness II). Ir-rwol ta' l-Uffiċċju fis-segwitu finanzjarju għandu jiġi limitat għall-kalkolu ta' l-ammonti tas-somom li jridu jiġu rkuprati. Ladarba dawn jiġu magħrufa, huwa x-xogħol ta' l-uffiċjali awtorizzattivi fid-Direttorati Ġenerali operattivi u ta' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri li joħorġu ordnijiet ta' rkupru u li jiżguraw illi l-ħlas jiġi rċevut fid-data illi fiha jkun dovut. Min-naħa tiegħu, id-DĠ Baġit għandu jiżgura illi l-ordnijiet ta' rkupru jiġu rreġistrati malli jinħarġu u li l-uffiċjali awtorizzattivi jiġu rriferiti għad-DĠ Baġit mill-IDOC. Il-mobilitazzjoni tal-persunal ta' l-OLAF wara l-istadju tal-kalkolu ta' l-ammonti tas-somom li għandhom jiġu rkuprati huwa għalhekk duplikazzjoni ta' l-isforzi li diġà jkunu qed jiġu magħmula mill-uffiċjali awtorizzattivi.

32.

Fil-każ speċjali tal-proċedura ta' l-assistenza reċiproka, fis-setturi tad-dwana u l-agrikoltura, ma hemm l-ebda segwitu sistematiku mill-Uffiċċju (27). L-Uffiċċju ma stabbilixxiex l-ebda regoli għall-monitoraġġ kontinwu u konsistenti tal-progress fil-qafas tal-proċeduri għat-talba ta' assitenza reċiproka bejn l-Istati Membri u r-reġistru tar-riżultati huwa nkomplet u mhux aġġornat.

Proċeduri ta' kontroll tal-kwalità

33.

In-nuqqasijiet identifikati fil-paragrafi preċedenti iqajjmu l-kwistjoni ta' l-effettività tas-sistemi ta' kontroll tal-kwalità ta' l-uffiċċju.

Il-manwal ta' l-OLAF

34.

Il-Manwal ta' l-OLAF jiddeskrivi x-xogħol ta' kull dipartiment OLAF u l-maġġoranza tal-proċeduri amministrattivi attwali. Attivitajiet investigattivi huma koperti biss f'sezzjoni żgħira li tagħti dettalji tal-prattiċi eżistenti, b'referenza partikolarment għall-istadji fis-CMS. Hemm enfasi sproporzjonata fuq l-aspetti purament legali ta' l-operazzjonijiet, għad-detriment ta' l-aspetti prattiċi ta' l-organizzazzjoni u tat-tmexxija ta' l-investigazzjonijiet u tar-rwol mistenni mill-partijiet differenti konċernati, partikolarment mill-awtoritajiet fl-Istati Membri u mill-istruttura tal-ġestjoni ta' l-Uffiċċju. Ir-rwol tal-Bord Eżekuttiv, li huwa element kruċjali fil-ġestjoni ta' l-investigazzjonijiet, għandu jiġi spjegat f'iktar dettall.

Is-sorveljanza tal-ġestjoni ta' l-investigazzjonijiet

35.

L-OLAF wiret il-kultura organizzattiva ta' l-UCLAF, taħt liema l-investigaturi mexxew il-parti l-kbira ta' l-investigazzjonijiet tagħhom f'isolament u mingħajr l-ebda sorveljanza ta' veru. Waqt li huwa veru illi hemm bżonn ta' kunfidenzjalità fl-investigazzjonijiet, huwa xorta waħda essenzjali għall-maniġment ta' uffiċċju investigattiv li jeżerċita superviżjoni bl-għan li jivverifika mhux biss illi l-investigaturi ma jitbiegħdux mill-għanjiet tagħhom, imma wkoll li l-proċeduri normali jiġu segwiti. Dan ma kienx dejjem il-każ. Soreveljanza ta' dan it-tip hija wkoll indipensabbli sabiex jiġi garantit l-użu xieraq tar-riżorsi.

36.

Waqt li s-CMS u t-twaqqif ta' reġistru ġabu l-ordni meħtieġ għaż-żamma tar-rekords, għall-post fiżiku u għall-istruttura tal-fajls investigattivi, din is-sistema għad trid tiġi mibdula f'għodda ta' ġestjoni vera li tpoġġi lill-uffiċjali responsabbli fid-Direttorat ta' l-Investigazzjonijiet f'pożizzjoni fejn ikunu nfurmati aħjar bil-progress ta' l-operazzjonijiet li għalihom huma kompetenti, fejn jippreparaw il-miżuri neċessarji u fejn jassiguraw illi huma jiġu mwettqa fi żmien l-iskadenzi stipulati. B'konnessjoni ma' dan, il-prattika ta' rapporti kull xahar dwar kif inhuma mixjin l-affarijiet li ċerti unitajiet stabbilixxew fuq bażi sperimentali sabiex jimmonitorjaw mhux biss l-ammont ta' xogħol ta' l-investigaturi imma wkoll l-impatt finanzjarju reali ta' l-investigazzjonijiet magħluqa għandha tiġi estiża għall-unitajiet kollha tad-Direttorat ta' l-Investigazzjoni.

37.

Ir-riżultati ta' l-investigazzjonijiet għadhom qed jiġu mmaniġjati b'mod fqir. Il-fatt illi tinbeda proċedura ta' segwitu ma jfissirx illi dan ħa jwassal għal riżultat konkret (28) (rkupru jew sanzjoni kriminali/dixxipplinari). Fi kliem ieħor, il-bidu ta' proċedura ta' segwitu m'hix indikatur relevanti tas-suċċess. Lanqas ma huwa sinifikanti l-fatt li ġew mgħoddija fajls lill-awtoritajiet ġudizzjarji. Dan minħabba li l-evidenza preżentata mill-uffiċċju tista' ma tkunx meqjusa bħala suffiċċjenti mill-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt illi l-atti li jikkostitwixxu l-offiża jistgħu jkunu preskritti. Għal dak li jirrigwarda l-investigazzjonijiet interni, meta l-Uffiċċju rnexxielu jiġbor evidenza li tikkonċerna offiżi kommessi minn persunal ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, ħafna drabi kien diffiċli ħafna li l-każijiet jiġu meħuda mill-awtoritajiet ġudizzjarji fil-pajjiżi fejn l-istituzzjonijiet milquta mill-offiżi huma lokalizzati (29), jew għax dawk l-awtoritajiet ma għandhomx proċeduri ċari għat-trasferiment ta' dawn il-każijiet għall-qrati tagħhom jew għaliex ma jagħtuhomx il-prijorità mixtieqa mill-Uffiċċju (30). Fi Brussell u fil-Lussemburgu, il-postijiet ta' xogħol prinċipali ta' l-istituzzjonijiet, l-Uffiċċju għandu jiċċara mill-ġdid ma' l-awtoritajiet ġudizzjarji kkonċernati il-passi prattiċi li għandhom jittieħdu sabiex każijiet li jiġu mgħoddija ma jkomplux jintilfu. Fuq kwistjoni relatata, ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-Uffiċċju rigward azzjoni dixxiplinarja ma jiġux dejjem segwiti mill-istituzzjonijiet jew korpi konċernati.

Il-verifika interna

38.

L-Unità ta' Verifika Interna, li tiġbor fiha żewġ aġenti temporanji tal-persunal, tirrapporta direttament lejn id-Direttur ta' l-Uffiċċju. Il-funzjoni prinċipali tagħha hija dik li żżomm lid-Direttur infurmat bl-effettività tal-proċeduri nterni ta' kontroll. Minn meta ġiet imwaqqfa fl-2001, ix-xogħol tagħha kkonċerna essenzjalment il-ġestjoni amministrattiva ta' l-Uffiċċju u l-attivitajiet mhux investigattivi. Hija ġiet ukoll mitluba tagħmel varjetà ta' ħidmiet b'sostenn għall-maniġment u sabiex tipprovdi sostenn għat-task force li kienet imwaqqfa f'Lulju 2003 sabiex timmaniġġja l-fajls tal-każ ta' l-Eurostat.

39.

L-Unità ta' Verfika Interna ma ppreżentat l-ebda rapport fuq ix-xogħol ta' investigazzjoni. Partikolarment, hija ma vvalutatx l-operazzjoni korretta tas-CMS jew l-affidabilità u r-relevanza ta' l-indikaturi tar-riżultati. Sa tmiem l-2004, minkejja l-analiżi tar-riskju tagħha stess, hija xorta ma kienitx ikkontribbwiet bl-ebda mod sinifikanti għat-titjib tas-sistemi għall-ġestjoni ta' l-investigazzjonijiet.

Il-Kunsill Eżekuttiv ta' l-OLAF

40.

Bord Eżekuttiv magħmul mill-maġġoranza tal-kapijiet ta' l-unitajiet direttament jew indirettament responsabbli mill-investigazzjonijiet kien imwaqqaf fl-2002 taħt iċ-chairmanship tad-Direttur ta' l-Investigazzjonijiet. Dan jiltaqa darba fil-ġimgħa sabiex jeżamina r-rapporti li jiġu mdaħħla f'kull stadju f'investigazzjoni (valutazzjoni, egħluq u wara s-segwitu). Kien stabbilit sabiex jilħaq żewġ għanijiet:

a)

itejjeb il-kwalità tar-rapporti billi jagħmlu użu mill-esperjenza tad-diversi servizzi;

b)

jassigura l-konsistenza bejn id-deċiżjonijiet proposti lid-Direttur ta' l-Uffiċċju mid-diversi timijiet investigattivi.

41.

Waqt illi din il-karatteristika ġdida mingħajr dubju hija avvanz fil-mod li bih il-każijiet huma mmaniġġjati, is-suċċess tagħha bħala mezz ta' ġestjoni ta' l-investigazzjonijiet għadu limitat, partikolarment minħabba ż-żmien limitat li l-Membri tal-Bord għandhom sabiex jeżaminaw il-fajls kollha. Għalhekk minkejja l-intervenzjoni tal-Bord, l-investigazzjonijiet ġew mibdija fuq bażi ta' valutazzjoni żbaljata, dewmien fl-eżekuzzjoni tagħhom ma ġewx immonitorjati lil hinn mill-istadju ta' l-informazzjoni lill-Kumitat ta' Sorveljanza, u l-investigazzjonijiet jistgħu jiġu mgħoddija lill-unitajiet ta' segwitu qabel ma x-xogħol tas-sejba ta' l-informazzjoni jkun mitmum.

Ir-rapporti ta' l-attivitajiet

42.

L-operazzjonijiet kontra l-frodi huma t-tema ta' diversi rapporti, li kollha kemm huma huma parti mis-sorveljanza esterna ta' l-OLAF minħabba li huma ndirizzati lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. L-Uffiċċju jressaq rapport annwali ta' l-attivitajiet, il-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali fuq l-implimentazzjoni tal-politika tagħha għall-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tagħha, il-Kumitat ta' Sorveljanza ta' l-OLAF jagħmel rapport annwali u l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 jitlob valutazzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-Uffiċċju wara' tlett snin mit-twaqqif.

43.

Il-preżentazzjoni tar-rapporti ta' l-attivitajiet ta' l-Uffiċċju tjiebet matul is-snin. Ir-rappurtar sar iktar ċar issa li huwa sostnut minn data statistika tas-CMS u l-analiżi huma inqas iffukati fuq kwistjonijiet ta' liġi u l-politika ta' l-investigazzjoni, u iktar fuq każijiet prattiċi. L-affidabilità tad-data statistika għandha tiġi mtejba iktar billi l-operazzjonijiet jiġu reġistrati f'iktar dettall u billi l-fajls jiġu aġġornati iktar malajr. B'mod simili, r-rapporti l-iktar reċenti jistgħu jiġu mtejba, fis-sens illi l-attività hija analizzata f'termini tal-volum tagħha flok skond ir-riżultati miksuba. B'konnessjoni ma' dan, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 12.3 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 jitlob lid-Direttur sabiex jirrapporta…fuq is-sejbiet ta' l-investigazzjonijiet magħmula mill-Uffiċċju. Rigward l-ammonti rkuprati, l-informazzjoni hija inaffidabbli għaliex id-data li ġejja mill-Istati Membri hija nieqsa mill-konsistenza u mhux ikkorroborata (31). Rigward il-konsegwenzi ġuridiċi, iż-żmien disponibbli m'huwiex biżżejjed sabiex jippermetti xi valutazzjoni ta' l-effettività tax-xogħol ta' l-Uffiċċju, waqt li n-numru ta' proċeduri dixxipplinarji relatati ma' l-investigazzjonijiet interni għadu żgħir ħafna. Sabiex jagħti kont ta' l-attivitajiet tiegħu b'mod illi huwa kemm trasparenti kif ukoll relevanti, l-Uffiċċju għandu jidentifika u jaġġorna regolarment indikaturi li jiffukaw mhux biss fuq il-volum ta' l-attivitajiet tiegħu imma wkoll fuq ir-riżultati (suċċess jew falliment) ta' l-investigazzjonijiet tiegħu (32) (ara paragrafu 39), inklużi dawk magħmula b'kollaborazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri. Għadu diffiċli li jiġi determinat x'kienu r-riżultati effettivi ta' l-investigazzjonijiet.

IL-KONTRIBUZZJONI MAGĦMULA MID-DIPARTIMENTI TA' L-OLAF GĦAX-XOGĦOL INVESTIGATTIV TIEGĦU

Introduzzjoni

44.

L-għan ta' din it-tieni sezzjoni huwa li tiġi valutata l-effettività tal-kontribuzzjoni magħmula mis-servizzi ta' l-Uffiċċju għax-xogħol amministrattiv tiegħu. B'konnessjoni ma' dan, huwa xieraq li jiġi mfakkar illi f'Novembru 2003 il-President tal-Kummissjoni tkellem dwar ir-riffokar ta' l-attivitajiet ta' l-OLAF fuq l-irwol investigattiv tiegħu (33).

Intelliġenza, Strateġija Operattiva u Servizzi ta' Informazzjoni

45.

Id-Direttorat Ċ huwa magħmul minn tlett unitajiet (ara Anness I). L-ewwel wieħed jieħu ħsieb kwistjonjiet ta' strateġija kontra l-frodi, analiżi ta' tendenzi u tar-riskji fuq terminu twil kif ukoll tad-database ta' l-irregolaritajiet rapportati mill-Istati Membri. It-tieni wieħed huwa responsabbli għall-informazzjoni u għat-teknoloġija għar-reġistrazzjoni tal-każijiet. B'mod partikolari, din l-unità waqqfet u żammet għaddejja s-sistema tal-ġesjoni tal-każijiet (CMS) (ara paragrafu 17). It-tielet unità tipprovdi software u għodda tekniċi sabiex issostni l-investigazzjonijiet magħmula mill-persunal tad-direttorat ta l-investigazzjonjiet. Hija tista' wkoll tipprovdi assistenza operattiva (34) għas-servizzi ta' nkjesta fl-Istati Membri.

46.

L-Unità responsabbli għall-analiżi strateġika għandha tippermetti lill-Uffiċċju mhux biss li jsegwi d-denunzji, imma li jibda numru ta' nkjesti bbażati fuq l-analiżi tar-riskju mmirat magħmula mill-Uffiċċju nnifsu f'kollaborazzjoni, fejn hu xieraq, ma' dawk li huma ekwivalenti għalih fl-Istati Membri. Għalkemm din l-unità ilha teżisti għal sentejn, l-intervenzjonijiet tagħha sa llum ma kellhom l-ebda impatt dirett fuq l-attività investigattiva (35).

47.

Oqsma eżaminati mill-unità li setgħu wasslu għal investigazzjonijiet ġodda kienu jinkludu informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri rigward ir-Regolamenti (KEE) Nru 595/91 (36) u (KE) Nru 1681/94 dwar l-irregolaritajiet misjuba fl-oqsma ta' l-Agrikoltura u l-Fondi Strutturali. L-unità kkonkludiet illi l-kwalità tad-data kienet ġeneralment inadegwata sabiex din tiġi wżata.

48.

Għall-analiżi strateġiċi, l-unità kellha problemi t'aċċess għal diversi databases ta' l-Istituzzjonijiet. Fil-fatt, is-servizzi tagħhom qalu li huma kkonċernati mill-użu li Uffiċċju jista' jagħmel mill-aċċess ġenerali għal databases, għal liema dispożizzjonijiet relatati mas-sigurtà tad-data personali, japplikaw (Regolament (KE) Nru 45/2001). Ma kien hemm l-ebda diskussjoni fil-fond ta' dan il-punt delikat mal-Kumitat ta' Sorveljanza għalkemm huwa kruċjali jekk l-Uffiċċju jrid jadottata approċċ iktar sistematiku u pro-attiv għall-ftuħ ta' l-investigazzjonijiet interni.

49.

Reċentement, jidher li kien hemm żieda regolari fit-talbiet għal assitenza mis-servizzi investigattivi rigward l-intelliġenza operattiva, li tikkonsisti b'mod partikolari fil-konsultazzjoni tad-databases. F'nofs l-2004 l-unità ta' l-intelliġenza operattiva kienet qed taħdem l-aktar fuq invetigazzjonijiet li jikkonċernaw l-agrikoltura u d-dwana, li mhumiex fil-prijoritajiet investigattivi ta' l-OLAF stabbiliti mid-Direttur.

50.

F'dik li l-Uffiċċju jsejjaħ il-pjattaforma tas-servizzi tiegħu, l-unità ta' l-intelliġenza operattiva tiddedika parti sinifikanti mir-riżorsi tagħha sabiex tagħti sostenn lill-Istati Membri fl-oqsma tad-dwana u ta' l-agrikoltura. Iż-żewġ attivitajiet li ġejjin ikunu iktar f'posthom f'servizzi oħra tal-Kummissjoni:

a)

it-tħaddim tas-sistema ta' informazzjoni kontra l-frodi (AFIS), li tippermetti lill-Istati Membri kif ukoll lill-OLAF sabiex jirċievu u jqassmu informazzjoni dwar il-frodi. (37);

b)

il-ġestjoni ta' programmi ffinanzjati mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea u mmirati sabiex isaħħu l-infrastruttura tas-servizzi tad-dwana fl-Istati Membri.

Politika, Leġislazzjoni u Affarijiet Legali

51.

Id-Direttorat A jinkludi fih sitt unitajiet (ara Anness I). Tlieta minn dawn l-unitajiet jieħdu ħsieb l-operazzjonijiet ta' segwitu (ara paragrafi 30-32) u s-sostenn lil-investigaturi fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw il-leġislazzjoni settorjali. Għalkemm l-irwol preċiż ta' dawn it-tlett setturi jvarja skond is-setturi għal liema huma responsabbli, huma għandhom żewġ funzjonijiet: waħda li għandha x'taqsam ma' investigazzjonijiet u l-oħra li tagħti sostenn lid-Direttorati-Ġenerali operattivi tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-politika fuq il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji.

52.

F'termini ta' investigazzjonijiet, dawn it-tlett unitajiet jipprovdu analiżi relatata mar-regoli settorjali u mar-regolamenti. Huma jsegwu wkoll l-irregolaritajiet notifikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri. L-opinjonijiet mogħtija minn dawn l-unitajiet fuq materji legali u finanzjarji, partikolarment dawk mogħtija f'każijiet fl-istadju tal-valutazzjoni kkontribwew għal titjib fil-kwalità ta' l-investigazzjonijiet, partikolarment fl-oqsma tan-nefqa diretta u ta' l-attività esterna.

53.

Għar-rigward tas-sostenn lid-Direttorati-Ġenerali operattivi tal-Kummissjoni, dawn jipparteċipaw fl-iskrutinju tal-leġislazzjoni mill-perspettiva ta' kemm hija reżistenti u mhux suxxettibbli għall-frodi. Ir-rwol tagħhom jikkonsisti fil-proponiment ta' miżuri preventivi, bl-użu ta' l-esperjenza li l-Uffiċċju akkumula waqt l-investigazzjonijiet tiegħu.

54.

F'paragrafu 53 tar-Rapport Speċjali tagħha dwar l-irkupru ta' pagamenti rregolari taħt il-Politika Agrikola Komuni (38), il-Qorti kkonkludiet illi kien għad hemm konfużjoni dwar l-irwol ta' l-OLAF fis-segwitu ta' irregolaritajiet innotifikati mill-Istati Membri, għaliex id-diviżjoni tar-reponsabbiltajiet bejn l-Uffiċċju u d-DĠ Agrikoltura m'hix ċara ħafna. Dan naqqas l-effettività tal-mekkaniżmi għall-irkupru ta' ammonti li ġew imnaqqsa b'mod żbaljat mill-baġit tal-Komunità. Għalkemm il-verifika tal-Qorti ħarset biss ftit lejn is-segwitu għal irregolaritajiet notifikati rigward dwana u Fondi Strutturali, l-istess mistoqsijiet dwar it-tqassim tar-responsabbilitajiet iqumu wkoll f'dak il-każ. Ġeneralment, l-operazzjonijiet ta' segwitu għandhom tendenza illi jieħdu r-riżorsi l-bogħod mill-uffiċċju, għad-detriment ta' l-irwol investigattiv tiegħu, u għall-benefiċċju tad-Direttorati-Ġenerali tal-Kummissjoni.

55.

Mit-tlett unitajiet l-oħra tad-Direttorat A, madwar terz tar-riżorsi (12-il aġent) fl-unità ta' l-affarijiet legali huma mpenjati fl-għotja t'opinjonijiet legali ġenerali (non-settorjali) lid-Direttorat ta' l-Investigazjzonijiet. Din hija funzjoni bżonnjuża minħabba li tikkumplimenta l-opinjonijiet settorjali li l-unitajiet ta' segwitu jipprovdu. Madanakollu, huwa inqas ċar jekk l-l-attivitajiet l-oħra li l-unità tiżvolġi, partikolarment dawk li għandhom x'jaqsmu ma' l-istrateġija għall-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji, humiex parti mix-xogħol prinċipali ta' l-Uffiċċju u jekk l-OLAF huwiex fl-aħjar pożizzjoni sabiex jieħu ħsiebhom. L-istess jista' jingħad għaż-żewġ unitajiet l-oħra (Protezzjoni ta' l-euro u Sostenn għall-kumitati konsultattivi fuq il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji.)

Unitajiet li jirrapportaw direttament lid-Direttur ta' l-OLAF

56.

Minbarra s-servizz tal-verifika interna, erba' unitajiet huma direttament reponsabbli lejn id-Direttur ta' l-Uffiċċju (ara Anness I).

L-Unità tal-Maġistrati

57.

Għalkemm tirrapporta lid-Direttur ta' l-Uffiċċju, din l-unità suppost taqdi żewġ rwoli marbuta mill-viċin mal-funzjoni investigattiva:

a)

tagħti sostenn fl-investigazzjonijiet f'materji li għandhom x'jaqsmu ma' karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi ġuridiċi fl-Istati Membri;

b)

tiżgura, meta każijiet jiġu trasferiti għall-awtoritajiet ġuridiċi nazzjonali, trasferiment mingħajr problemi, tal-fajls ta' l-Uffiċċju lill-prosekuturi pubbliċi fil-pajjiżi konċernati.

58.

L-Unità tal-Maġistrati kellha ftit involviment fix-xogħolijiet ta' valutazzjoni u ta' investigazzjoni. L-azzjoni ta' l-unità spiss waslet tard, li ma wassalx dejjem għall-vantaġġ sħiħ li setgħa jiġi meħud mill-kompetenzi li hija għandha, u dan affettwa l-kwalità ta' ċerti rapporti investigattivi. Fil-qasam tan-nefqa diretta, il-maġistrati kienu nvoluti mill-bidu tax-xogħol ta' l-investigaturi mit-tieni parti ta' l-2003-il quddiem. Kieku din il-prattika kellha tiġi estiża għall-oqsma kollha li fihom l-Uffiċċju huwa nvolut, ikun iktar faċli li jiġi determinat jekk l-evidenza disponibbli hijiex biżżejjed jew jekk hemmx bżonn ta' iktar evidenza sabiex tippermetti li investigazzjoni tiġi konkluża permezz tat-trasferiment tal-fajl lill-awtoritajiet dixxipplinarji jew ġudizzjarji kompetenti bi prospetti tajbin ta' suċċess.

L-Unità għat-taħriġ u s-sostenn lill-Pajjiżi Kandidati

59.

Bħala parti mit-tkabbir ta' l-Unjoni, unità speċjali ġiet mogħtija r-responsabbiltà sabiex timplimenta programm ta' 15-il miljun euro finanzjat mill-programm Phare. Din l-attività hija skedata sabiex tkompli, fil-prinċipju sa l-2006. Fl-2004 ġiet mogħtija r-responsabbiltà għal programm ta' sostenn ieħor għall-Pajjiżi Membri ġodda (il-programm Hercules, b'finanzjament ta' 11,7 miljun euro). Bħal fil-każ ta' l-inizjattivi kontra l-falsifikazzjoni, m'huwiex l-irwol ta' l-Uffiċċju li jsir il-maniġer tal-programmi ta' l-infiq.

60.

L-unità għandha wkoll fil-prinċipju r-responsabbilità għat-taħriġ kontinwu fl-Uffiċċju. Jidher pero' li din l-attività ġiet mitluqa. Il-missjoni ta' din l-unita' għandha għalhekk tiġi valutata mill-ġdid.

L-Unità għar-riżorsi umani u l-baġit

61.

Id-dimensjoni ta' din l-unità, u n-nefqa amministrattiva ta' l-OLAF in ġenerali, hija inqas milli kienet tkun kieku l-Uffiċċju ma kienx amministrattivament konness mal-Kummisjoni. B'riżultat, l-OLAF jiffranka ekonomikament b'mod sinifikanti permezz ta' l-użu tas-servizzi ta' numru kbir ta' dipartimenti fid-Direttorat-Ġenerali Amministrazzjoni tal-Kummissjoni, mingħajr ma jippreġudika l-indipendenza tal-funzjoni investigattiva tiegħu.

Riżorsi Umani

62.

Iż-żieda qawwija fin-numru ta' postijiet tax-xogħol mill-1999 tirrifletti d-determinazzjoni ta' l-awtorità tal-baġit li ssaħħaħ il-funzjoni investigattiva ta' l-Uffiċċju. Madankollu, in-numru ta' postijiet tax-xogħol ġodda m'huwiex ibbażat fuq xi studju mmirat sabiex jiġu determinati l-bżonnijiet ta' l-Uffiċċju għal dak li għandu x'jaqsam ma' persunal b'rigward għall-istrateġija adottata u l-ammont ta' xogħol.

63.

Parti kbira miż-żieda fin-numru tal-persunal saret permezz ta' postijiet tax-xogħol b'kuntratt temporanju. B'konsegwenza, in-numru ta' postijiet temporanji fil-kategoriji A u B żdied minn 12 fl-1999 għal 127 fl-2001. Fil-lista tal-postijiet għall-2004, dawn il-postijiet ammontaw għal 55 % tat-total ta' l-aġenti fil-kategoriji A u B. In-numru kbir ta' postijiet temporanji kien konsegwenza tal-proċedura tal-baġit għas-sena finanzjarja 2001, meta l-mira f'dak iż-żmien kienet li jinbidel il-persunal ta' l-investigazzjonijiet serji li kien ġej mill-UCLAF (39). Issa li dan l-objettiv intlaħaq, is-sitwazzjoni preżenti tippreżenta iktar problemi milli toffri vantaġġi:

a)

minħabba li numru ta' investigaturi ġew impjegati mis-servizzi ta' sorveljanza fl-Istati Membri, parti kbira minnhom kellhom jiffamiljarizzaw ruħhom mal-qafas ġudizzjarju u istituzzjonali, kif ukoll mal-proċeduri ta' l-implimentazzjoni applikabbli għall-baġit tal-Komunità. Dan l-eżerċizzju kien iktar diffiċli minħabba illi b'mod differenti minn dik li hija prattika fid-DĠ Kompetizzjoni u d-DĠ Kummerċ (40), l-Uffiċċju jipprovdi biss taħriġ tal-bidu limitat għall-investigaturi li jimpjega;

b)

il-parti l-kbira tal-kuntratti temporanji li jeżistu bħalissa ser jaslu fi tmiem tat-tieni u l-aħħar terminu ta' tlett snin tagħhom bejn l-2007 u l-2009 (41). Minħabba illi l-membri tal-persunal konċernati jkollhom imbagħad jitilqu mill-Uffiċċju, hemm riskju għoli illi dan it-tagħrif kollu miġbur u din l-esperjenza jintilfu fi żmien qasir.

64.

Minħabba l-komplessività tal-kuntest Komunitarju, l-investigaturi huma obbligati juru versatilità u adattabilità. Minħabba li mhuwiex faċli ssib kombinazzjoni ta' dan il-kwalitajiet, din hija raġuni serja sabiex tingħata prijorità ikbar lill-istabilità fil-programmi ta' reklutaġġ u ta' taħriġ. Għalhekk, ikun xieraq li wieħed jerġa' jħares lejn il-lista tal-postijiet sabiex jipprovdi lill-investigaturi b'sitwazzjonijiet ta' impjieg li huma inqas prekarji u b'possiblitajiet ta' karriera reali. Dan l-għan jista' jiġi milħuq gradwalment permezz tat-tibdil ta' xi postijiet skond kif il-proċeduri tal-baġit tal-futur ikunu jippermettu.

65.

Fl-istess ħin, l-amministraturi l-iktar esposti għall-problemi ta' frodi u tal-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni Ewropea għandhom ikunu nkoraġġati sabiex jagħmlu disponibbli lis-servizzi analitiċi (u ta' l-intelliġenza) ta' l-Uffiċċju numru ikbar ta' esperti nazzjonali sekondati. Sforz partikolari f'din id-direzzjoni jista' jsir rigward is-servizzi ta' l-Istati Membri li jiġu msejjħa sabiex jikkollaboraw ma' l-Uffiċċju.

IL-KUMITAT TA' SORVELJANZA

66.

Il-Kumitat ta' Sorveljanza ġie mwaqqaf mill-atti tat-twaqqif ta' l-OLAF (42). “Il-Kumitat tas-Sorveljanza għandu jsaħħaħ l-indipendenza ta’ l-Uffiċċju b’sorveljanza regolari mill-qrib ta’ l-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva.” (43) Huwa għandu wkoll, “fuq talba tad-Direttur jew fuq inizjattiva tiegħu stess,”… [jagħti] opinjonijiet lid-Direttur dwar l-attivitajiet ta’ l-Uffiċċju, mingħajr madankollu ma jfixkel it-tmexxija ta’ l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. () Fil-prattika, fuq bażi tal-konsiderazzjoni numru 10 tar-Regolament (KE) Nru 1073/99, il-Kumitat ta' ħafna mill-attenzjoni tiegħu lil waħda mir-regoli ta' proċedura tiegħu stess, taħt liema huwa jagħmel ċar li ħa jiżgura li l-Uffiċċju jirrispetta l-prinċipji tad-drittijiet individwali u tal-libertajiet fundamentali, partikolarment rigward l-investigazzjonijiet interni (44).

67.

L-eżerċizzju tal-mandat tal-Kumitat ta' Sorveljanza huwa wieħed delikat f'diversi aspetti. Il-Kumitat irid ikun garanti kemm ta' l-indipendenza ta' l-Uffiċċju kif ukoll tad-drittijiet tal-persuni taħt investigazzjoni. Biex jagħmel dan, il-leġislazzjoni ma tagħtih l-ebda dritt ta' deċiżjoni. Billi rrestinġa d-dikjarazzjonijiet tiegħu għal kwistjonijiet ta' prinċipju, huwa qiegħed jistabbilixxi duttrina li ma għandha l-ebda effett reali fuq l-investigazzjonijiet. Finalment, minħabba li l-Kumitat ma jistax jintervjeni waqt il-kors ta' l-investigazzjonijiet, huwa bl-ebda mod ma jikkostitwixxi mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-legalità ta' l-investigazzjonijiet waqt li huma jkunu qed jitmexxew.

68.

Rigward il-monitoraġġ tal-proċedura li tiġi segwita fl-investigazzjonijiet, diversi każijiet reċenti juru l-eżistenza ta' sovrappożizzjoni bejn l-irwoli tal-Kumitat ta' Sorveljanza u l-Ombudsman Ewropew. Għalhekk, bejn Settembru 2003 u Mejju 2004 il-Kumitat iddibatta dwar l-intervenzjonijiet ta' l-ombudsman f'inkjesti individwali ta' l-Uffiċċju, waqt sebgħa mill-laqgħat tiegħu. Barra minn hekk, l-Uffiċċju ma jieħux ħsieb l-ilmenti li l-persuni taħt investigazzjoni jindirizzaw lid-Direttur ta' l-Uffiċċju, li jibqa' liberu li jieħu ħsiebhom kif jaħseb li hu xieraq.

69.

Għalkemm il-Kumitat ma jistax jinterferixxi fil-ġestjoni ta' l-Uffiċċju, jiġifieri ma jistax jintervjeni la fl-attivitajiet mhux investigattivi u lanqas f'kif jitmexxew l-investigazzjonijiet:

a)

huwa għandu jiġi nfurmat bi kwalunkwe investigazzjonijiet mhux mitmuma sa disa' xhur minn meta jkunu bdew; fil-prattika, meta informazzjonijiet bħal dawn jiġu riferiti lill-Kumitat normalment ma jkollhom l-ebda konsegwenza prattika;

b)

huwa għandu jeżamina l-abbozz tal-baġit ta' l-Uffiċċju (45) fid-dettall, għalkemm dan il-baġit għandu x'jaqsam ukoll ma' attivitajiet oħra barra l-investigazzjonijiet. Fil-prattika, dan l-eżami huwa formalità minħabba li l-Kumitat, li mhuwiex l-id ta' l-awtorità tal-baġit, ma għandu l-ebda responsabbiltà f'dan ir-rigward;

c)

huwa talab li jkun infurmat bil-quddiem f'każijiet li jridu jiġu riferuti lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali (46). Madanakollu, minħabba illi l-informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali spiss huwa stadju f'investigazzjoni li jitkompla bis-sostenn ta' dawn l-awtoritajiet u minħabba illi l-att li jiġu nfurmati huwa att sovran mid-Direttur ta' l-Uffiċċju, komunikazzjoni minn qabel lill-Kumitat jista' jkun sors ta' interferenza;

d)

fir-Regoli ta' proċedura l-Kumitat jitlob lid-Direttur jagħtih drittijiet li jmorru lil hinn minn dawk provduti fil-kostituzzjoni legali tiegħu (dritt li jiġi nfurmat dwar ir-reklamazzjonijiet li jirċievi d-Direttur (47), dritt li jiġi nfurmat bl-inizjattivi leġislattivi li jieħu l-Uffiċċju rigward il-ġlieda kontra l-frodi u l-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji (48), aċċess għad-dokumenti u d-dossiers kollha ta' l-OLAF (49), mezzi proprji tal-baġit (50), l-impjieg ta' persunal ta' segretarjat (51), deċiżjoni dwar il-post fejn jinsab is-segretarjat (52) eċċ.).

70.

Minn meta ġie appuntat id-Direttur ta' l-Uffiċċju, l-indipendenza tiegħu qatt ma kienet mhedda (53). Fil-prattika, il-Kumitat iffoka l-iktar l-attenzjoni tiegħu fuq kwistjonijiet relatati ma' l-osservanza ta' l-Uffiċċju tad-drittijiet individwali fl-investigazzjonijiet interni u ddeplora n-nuqqas ta' kodiċi ta' proċedura sabiex tagħti qafas b'saħħtu lill-azzjonijiet investigattivi. L-iffokar ta' l-attenzjoni tal-Kumitat fuq l-inkejsti interni u fuq id-drittijiet individwali affettwat ir-relazzjoni bejn id-Direttur ta' l-Uffiċċju u l-Kumitat.

71.

Billi segwa l-politika ta' l-Uffiċċju, l-Kumitat ta' Sorveljanza ta prijorità lid-destinazzjoni kriminali ta' l-investigazzjonjiet interni, minkejja l-fatt illi l-ġlieda kontra l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet tmur ferm lil hinn mill-limiti ta' l-istituzzjonijiet, u li diversi frodi jsiru mingħajr kollużjoni mal-persunal ta' l-istituzzjonijiet jew tal-korpi relatati. Għalkemm l-Artikoli 7.1 u 7.3 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 jitolbu illi l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji għandhom jgħaddu lill-Uffiċċju mingħajr dewmien kwalunkwe informazzjoni li għandha x'taqsam ma' każijiet possibbli ta' frodi u korruzzjoni u li l-Istati Membri għandhom ukoll jibgħatu … kwalunkwe dokument jew informazzjoni kkunisdrata pertinenti … li għandha x'taqsam mal-ġlieda kontra l-frodi u kwalunkwe attività llegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, il-Kumitat ta' Sorveljanza qatt ma studja l-kondizzjonijiet li fihom l-aġenziji ta' l-Istati Membri qdew dan id-dmir, għalkemm huwa essenzjali għall-attivitajiet investigattivi ta' l-Uffiċċju (54).

72.

Sabiex ikun jista' jiddiskuti mistoqsijiet relatati mat-tmexxija ta' l-inkjesti b'tagħrif sħiħ tal-fatti, is-segretarjat tal-Kumitat jeżamina l-fajls ta' l-investigazzjonijiet magħluqa li huwa jagħżel fuq bażi ta' kriterja determinata f'konsultazzjoni maċ-Chairman. In-numru ta' fajls eżaminati reċentement kien ta' 17 (55) fl-2003 u 7 fl-ewwel sitt xhur ta' l-2004. Dawn l-eżminazzjonijiet huma s-suġġett ta' rekords dettaljati ta' valutazzjoni li spiss jinkludu rakkomandazzjonijiet pertinenti jew materji importanti ta' prinċipju. Dawn ir-rekords ma jiġux komunikati lill-Uffiċċju. Attitudni iktar miftuħa mhux biss tkun ta' benefiċċju għar-relazzjonijiet bejn is-servizzi imma tippermetti lill-partijiet kollha sabiex jibbenefikaw mill-aħjar prattika, u b'hekk tikkontribwixxi sabiex tissaħħaħ il-funzjoni investigattiva.

KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

73.

L-Uffiċċju wettaq diversi miżuri ta' riorganizzazzjoni sostanzjali f'Novembru 2003. Fi żmien il-verifika, kien evidenti illi fil-bidu ta' l-2004 kien għadu għaddej jieħu ħsieb dak li huwa wiret mill-passat, mill-UCLAF, il-predeċessur tiegħu, u li l-miżuri l-ġodda kienu għadhom kif bdew juru effett (ara paragrafu 10).

Effiċjenza u effettività ta' l-investigazzjonjiet

74.

Il-politika investigattiva ta' l-Uffiċċju għadha inċerta, kemm rigward il-kwistjoni li jimxi fuq l-inizjattiva tiegħu stess, l-immaniġġjar tal-prijoritajiet, il-proċeduri ta' kollaborazzjoni ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri kif ukoll dwar l-iċċekkjar ta' skadenzi. Similarment, linji gwida fuq ir-riżultati li jridu jiġu milħuqa għadhom vagi minħabba illi l-aspetti dixxiplinarji u finanzjarji jistgħu jiġu skartati għall-vantaġġ tal-proċessi ġudizzjarji, ir-riżultat ta' liema huwa spiss wieħed remot u inċert (ara paragrafi 19, 20 u 25).

Ladarba l-prinċpji ta' gwida ta' l-investigazzjonijiet tagħha jkunu ġew speċifikati f'termini tar-riżultati li jridu jiġu milħuqa flok sempliċement fuq dawk l-oqsma fuq liema jkun jixtieq jiffoka l-attivitajiet tiegħu, l-introduzzjoni ta' indikaturi ta' l-esekuzzjoni (minflok sempliċi indikaturi ta' l-attività) għandha tagħmilha possibbli li jiġi stmat sa fejn l-għażliet ta' l-Uffiċċju kienu ġustifikati.

75.

Is-sistema tat-tehid tad-deċiżjonijiet li tirregola d-diversi stadji ta' l-investigazzjonijiet saret iktar trasparenti (ara paragrafu 16). Dan l-aktar minħabba l-intervenzjoni tal-Bord Eżekuttiv u l-introduzzjoni ta' rapporti standard (ara paragrafu 41).

76.

Il-fatt illi l-operazzjonijiet ta' Kordinazzjoni u ta' assistenza huma trattati l-istess bħall-investigazzjonijiet jagħmel il-kontroll tar-riżorsi diffiċli u jirriżulta f'użu li jieħu ħafna ħin tas-sistema tas-CMS, anke jekk l-Uffiċċju ma għandu l-ebda obbligazzjoni, fil-każijiet ta' kordinazzjoni u ta' assistenza, li jiġbor u jipproduċi l-evidenza huwa nniffsu (ara paragrafi 13 u 14).

Ikun utli jekk tiġi rrikonsidrata l-organizzazzjoni ta' l-Uffiċċju rigward l-operazzjonijiet ta' kordinazzjoni u ta' assistenza u li tiġi nvestigata l-possibilità li tiġi kreata unità speċjali, dedikata għal dawn l-operazzjonijiet, bħala parti mill-pjattaforma ta' servizzi.

77.

Rigward xogħol preliminari (valutazzjonijiet), l-analiżi għadhom rudimentali. L-unitajiet ta' sostenn (maġistrati, segwitu u analiżi operattiva) ma tantx kellhom sehem fl-iffissar ta' l-għanijiet u fl-ippjanar ta' l-istrateġija li trid tiġi adottata f'kull investigazzjoni. Il-Bord Eżekuttiv ma nsistiex biżżejjed fuq il-bżonn ta' formulazzjoni ċara ta' l-għanijiet u tar-riżultati mistennija mill-investigazzjonijiet (ara paragrafi 20 u 22).

Ċerti atti investigattivi għad iridu jiġu ġustifikati b'mod iktar konvinċenti, l-għanijiet iffissati għall-investigaturi f'kull każ iridu jiġu ċċarati u jrid ikun hemm iktar insitenza fuq programmi ta' xogħol sabiex jiġu sostnuti d-deċiżjonijiet proposti. Rigward il-Bord Eżekuttiv, ikun utli li jiġu kkunsidrati raggruppamenti iżgħar fejn kull wieħed minnhom iġib flimkien persuni li jkunu qed jaħdmu fuq fajls li jkollhom karatteristiċi komuni (56). Dan l-approċċ inaqqas l-ammont tax-xogħol fuq l-eżami tal-fajls għall-parteċipanti u jinkoraġġixxi analiżi iktar raġonevoli u dettaljata tad-deċiżjonijiet abbozzati. Huwa jippermetti wkoll segwitu koordinat tal-portfolio tal-każijiet kurrenti u l-introduzzjoni ta' sistema ta' prijorità. Xejn ma jtellef lis-sotto-gruppi tal-Bord Eżekuttiv milli jiltaqgħu flimkien, jekk ikun hemm bżonn, sabiex jieħdu ħsieb materji ta' prinċipju li fihom is-servizzi kollha jkollhom interess.

78.

Is-sorveljanza ta' l-investigazzjonijiet mill-maniġment ta' l-Uffiċċju spiss irriżultat inadegwata (ara paragrafi 28, 35 u 36). It-tul ta' l-investigazzjonijiet ma ġiex taħt kontroll (ara paragrafu 24).

Il-Kapijiet ta' l-unità għandhom jiżguraw illi l-prijoritajiet jiġu kemm jista' jkun rispettati u jridu kemm ikunu jafu u kemm jikkontrollow l-ammont ta' xogħol reali ta' l-investigaturi. Minn dan l-aspett, l-Uffiċċju jrid jagħmel użu aħjar mill-mezzi li għandu disponibbli (smiegħ ta' xhieda, żjarat fuq il-post sabiex jinġabru dokumenti, analiżi operattivi eċċ.).

79.

Ma teżisti l-ebda sistema sabiex jitkejjel l-ammont tax-xogħol reali ta' l-investigaturi jew iż-żmien li huma jieħdu fuq l-investigazzjonijiet (ara paragrafu 26).

Sistema ta' reġistrazzjoni tal-ħin, marbuta ma' pjanijiet ta' xogħol li jinkludu stimi tal-ħin li jrid jiġi wżat fuq l-investigazzjonijiet, toffri bażi għal aġġustament aħjar ta' l-ammont tax-xogħol mar-riżorsi disponibbli fl-unitajiet varji tad-Direttorat ta' l-Investigazzjonijiet, u tevita d-dewmien.

80.

L-obbligazzjoni li jiġu rappurtati investigazzjonijiet li għandhom iktar minn disa' xhur lill-Kumitat ta' sorveljanza ma kellu l-ebda effett notevoli (ara paragrafu 24).

Billi jittieħdu in konsiderazzjoni t-termini ta' preskrizzjoni stabbiliti fil-liġijiet nazzjonali (kriminali) u Komunitarji (eż. Artikolu 3 tar-Regolament (KE, Euratom Nru 2988/95), jekk jitwaqqaf terminu massimu ta' kemm jistgħu idumu l-inkjesti dan iwassal sabiex probabbilment tiżdied l-effettività tagħhom.

81.

Għadu diffiċli li jiġu determinati r-riżultati reali ta' l-investigazzjonijiet. Fil-qasam ta' l-investigazzjonijiet interni, sar biss progress żgħir sa mill-1988 rigward is-sanzjonijiet imposti. It-toroq ġudizzjarji u legali rriżultaw prinċipalment ineffiċċjenti (ara paragrafu 37).

82.

L-operazzjonijiet ta' segwitu finanzjarji ta' l-Uffiċċju huma ta' piż għar-riżorsi tiegħu (ara paragrafi 31 u 54). Is-segwitu ġudizzjarju jżid ftit valur lill-konklużjonijiet mogħtija (ara paragrafu 43).

Is-segwitu finanzjarju m'għandux ikun parti mill-kompetenza ta' l-Uffiċċju. Huwa kompitu tad-dipartimenti ta' awtorizzazzjoni fil-Kummissjoni u fl-Istati Membri sabiex jorganizzaw l-irkupru ta' ammonti identifikati b'riżultat ta' l-investigazzjonijiet. L-uffiċjali ta' awtorizzazzjoni u l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-OLAF immedjatament bi kwalunkwe somom irkuprati jew bl-ammonti mħassra. Is-segwitu ġudizzjarju għandu jkun limitat biss għal każijiet fejn, wara proċeduri kriminali, l-uffiċjal li jkun awtorizza l-ispiża inizjali ikun obbligat jibda proċeduri ċivili għall-irkupru. Is-segwitu leġislattiv għandu jibqa' responsabbiltà tad-Direttorati-Ġenerali operattivi fuq bażi ta' sommarji indirizzati lejhom mill-Uffiċċju.

83.

Il-kontroll tal-legalità ta' l-atti investigattivi li jkunu għadhom sejrin m'huwiex assigurat b'mod indipendenti (57). Il-miżuri proċedurali li jikkonċernaw l-investigazzjoni għadhom kodifikati b'mod imperfett (ara paragrafu 27).

Il-kodifikazzjoni tal-proċeduri għandha tiggarantixxi illi l-atti investigattivi jsegwu kors prevedibbli, li jkun hemm ċertezza dwar iż-żmien tas-smiegħ u li, f'kull stadju importanti ta' l-inkjesta, id-drittijiet tad-difiża jkunu protetti kif ukoll l-aċċess tagħhom għad-dossier ikun assigurat. Il-kodiċi għandu wkoll jirrinforza l-prinċipju tas-segretezza ta' l-investigazzjoni u jipprovdi kontrolli fuq il-legalità ta' l-atti ta' l-inkjesti li jkunu għadhom sejrin. Kodiċi bħal din għandu jkollha forza legali, tkun pubblikata u tippermetti illi l-prinċipji bażiċi li jirregolaw l-investigazzjonijiet ta' l-OLAF, partikolarment it-trasparenza u l-prinċipju ta' l-avversarjat, jiġu applikati b'mod trasparenti.

84.

Fil-qasam tan-nefqa diretta, l-OLAF jiddependi fuq il-koperazzjoni mad-dipartimenti nazzjonali. Xi Stati Membri jkunu iktar lesti li jagħtu s-sostenn tagħhom lill-Uffiċċju minn oħrajn, għalkemm l-Uffiċċju m'għandux il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex juri ċerti fatti (ara paragrafi 15 u 37).

85.

Fl-oqsma tar-riżorsi proprji u tan-nefqa tal-ġestjoni maqsuma, l-koperazzjoni ma' l-Istati Membri taħt regoli ad hoc u proċeduri ta' assistenza reċiproka (Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96) spiss hija waħda medjokri (ara paragrafi 15 u 32).

Sabiex jiġu ċċarati arranġamenti għall-koperazzjoni ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, ikun utli li tiġi kkunsidrata jew l-adozzjoni ta' Regolament tal-Kunsill speċifiku li jistabbilixxi arranġamenti dettaljati għal kooperazzjoni bħal din (ara l-emendi proposti għar-Regolament (KE) Nru 1073/1999), jew il-konklużjoni ta' arranġamenti mas-servizzi nazzjonali ta' l-investigazzjoni li jkunu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jassistu lill-Uffiċċju. (58).

86.

Is-sistema tal-ġestjoni tal-każijiet (CMS u reġistru) mwaqqfa mill-Uffiċċju hija progress sinifikanti fil-kontroll tad-dokumentazzjoni u tal-fajls investigattivi (ara paragrafu 17).

87.

Id-databases tas-CMS m'humiex użati bl-aħjar mod possibbli sabiex tiġi mwaqqfa sistema ġenwina ta' ġestjoni ta' l-investigazzjoni u ta' għajnuna għat-teħid tad-deċiżjonijiet, għalkemm instrument bħal dan huwa meħtieġ sabiex jiġu ġestiti u diretti l-investigazzjonijiet (ara paragrafi 34 u 36).

Id-databases tas-Cms għandhom jintużaw sabiex is-sistema ta' dokumentazzjoni tiġi mibdula f'sistema vera ta' ġestjoni ta' l-investigazzjonijiet u f'għajnuna għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Jekk dan jiġi miżjud ma' kjarifikazzjoni ta' l-irwol tar-responsabbiltà tal-ġestjoni għall-investigaturi, dan jirrinforza l-effettività ta' l-investigazzjonijiet u jevita d-dewmien. Dawn il-punti għandhom jiġu miżjuda mal-manwal ta' l-OLAF u dettalji tar-responsabbilitajiet tal-ġesjtoni għandhom jiġu nklużi. Sabiex il-manwal isir iktar utli għall-operazzjonijiet, l-istruzzjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu ma' l-organizzazzjoni, it-tmexxija u s-sorveljanza ta' l-inkjesti għandhom jiġu miġbura ġo volum wieħed. Sforz speċjali jrid jiġi magħmul ukoll rigward it-taħriġ lill-investigaturi (fit-tekniċi ta' l-investigazzjoni; leġislazzjoni settorjali, nazzjonali u Komunitarja, abilitajiet fil-kitba ta' rapporti eċċ.).

88.

Riżorsi konsiderevoli jiġu nvestiti fil-produzzjoni ta' rapporti li mhux dejjem jirriżultaw f'informazzjoni ċara biżżejjed sabiex tiġi ġġudikata l-effettività ta' l-Uffiċċju fin-nuqqas ta' indikaturi tal-prestazzjoni relevanti (ara paragrafi 37, 39 u 43).

In-numru tar-rapporti għandu jiġi mnaqqas u għandha tingħata iktar attenzjoni għall-valur informattiv tagħhom. Id-data statistika għandha ssir iktar affidabbli u relevanti sabiex ikun jista' jsir tqabbil maż-żmien. F'dan ir-rigward, l-introduzzjoni ta' indikaturi tal-prestazzjoni bbażati fuq riżultati reali minflok potenzjali għandha ġġib iktar kjarifikazzjoni.

L-użu ta' riżorsi sabiex jiġu sostnuti l-investigazzjonijiet

89.

Il-politika ta' l-investigazzjoni reattiva ta' l-uffiċċju ma tippermettilux li jħares lejn l-ammont ta' xogħol li ħa jkollu l-quddiem u li jorganizza t-timijiet investigattivi tiegħu skond dan (ara paragrafi 26 u 62). Il-proċess ta' l-allokazzjoni ta' persunal bejn l-unitajiet fid-Direttorat ta' l-Investigazzjonijiet mhuwiex trasparenti. Il-ġestjoni tal-persunal hija kkumplikata minħabba n-numru sproporzjonat ta' postijiet temporanji li jirriżulta f'instabilità (ara paragrafi 63 u 64).

Ikun mixtieq li jiġi organizzat monitoraġġ ta' l-ammonti ta' xogħol tas-servizzi u li jiġi implimentat master plan ġenwin għall-ġestjoni tal-persunal sabiex jiġu solvuti problemi strutturali fil-ġestjoni tal-persunal. Ġestjoni soda tat-timijiet investigattivi barra minn hekk, tkun ta' favur għal unitajiet iktar bilanċjati għal dak illi huwa n-numru ta' persunal, u tippermetti lill-kapijiet ta' l-unità sabiex jissorveljaw l-investigazzjonijiet iktar mill-viċin.

90.

L-impatt tas-servizzi ta' l-analiżi strateġiċi fuq id-Direttorat ta' l-Investigazzjonijiet għadu insinifikanti. Għar-rigward ta' l-analiżi tar-riskju, il-kontribuzzjonijiet tagħhom baqgħu limitati (ara paragrafu 46).

Il-missjoni tas-servizzi ta' l-analiżi strateġiċi għandha tiġi mfissra mill-ġdid sabiex dawn ikunu jistgħu jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-identifikazzjoni ta' sitwazzjonijiet li jwasslu għal investigazzjonjiet esterni fis-setturi li huma l-iktar f'riskju. Għal dan ir-rigward, huma għandhom ifittxu li titjieb fil-preżentazzjoni, in-natura u l-eżattezza tad-data mgħoddija mill-Istati Membri u permezz tagħha tkun tista' tinħoloq database li tkun tista' tintuża sabiex jiġu mfittxija anomaliji u jsiru investigazzjonijiet.

91.

Sostenn ġuridiku huwa utli minħabba d-diffikultajiet preżentati minn ċerta leġislazzjoni tal-Komunità. Is-settur jagħti sostenn regolari lis-servizzi investigattivi. Huwa leġittimu min-naħa l-oħra li wieħed jistaqsi kemm ix-xogħol relatat ma' l-istrateġija għall-protezzjoni ta' l-interesssi finanzjarji jikkontribbwixxi għall-investigazzjonijiet ta' l-Uffiċċju (ara paragrafi 53 u 55).

Minħabba illi x-xogħol relatat ma' l-istrateġija għall-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji ma kellu l-ebda impatt dirett fuq it-tmexxija ta' l-inkjesti, servizzi oħra tal-Kummissjoni jkunu f'pożizzjoni aħjar sabiex jagħmlu dak ix-xogħol.

92.

L-attivitajiet t'assistenza huma utli meta jkun hemm bżonn jingħata sostenn konkret lill-Istati Membri fil-kordinazzjoni u l-analiżi fil-qasam ta' l-investigazzjonijiet li jaqbżu l-fruntiera. L-attivitajiet periferali ta' l-Uffiċċju, partikolarment dawn assoċjati mal-politika ta' protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji f'sens wiesa', itellfu lill-maniġment mill-irwol tiegħu ta' sorveljanza u sostenn lill-funzjoni investigattiva. Meta attivitajiet bħal dawn jinvolvu t-tehid ta' responsabbiltajiet li normalment jiġu magħmula mis-servizzi operattivi tal-Kummissjoni (per eżempju, ġestjoni tal-programmi) il-mobilitazzjoni tar-riżorsi ta' l-Uffiċċju mhix l-aħjar soluzzjoni (ara paragrafi 55 u 59).

Ix-xogħol tal-ġestjoni tal-programmi għandu jkun responsabbiltà tas-servizzi operattivi tal-Kummissjoni, li huma mgħammra aħjar mill-Uffiċċju sabiex jieħdu ħsiebhom.

Ir-Relazzjonijiet bejn l-OLAF u l-Kumitat ta' Sorveljanza

93.

Entità bħall-OLAF għandha bżonn linji ċari tar-responsabbiltà tal-ġestjoni u dispożizzjonijiet ċari għas-sorveljanza. Il-mandat tal-Kumitat ta' Sorveljanza madankollu sar mhux ċar. Barra minn hekk il-Kumitat ta' Sorveljanza ma jipprovdix lid-Direttur ta' l-Uffiċċju bis-sostenn kollu neċessarju (ara paragrafu 70).

L-irwol tal-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jiġi rieżaminat sabiex jiġu evitati r-riskji kollha ta' interferenza fl-investigazzjonjiet li għadhom għaddejjin.

Riffokar ta' l-Uffiċċju fuq il-funzjoni investigattiva tiegħu

94.

Il-fatt illi l-OLAF huwa marbut mal-Kummissjoni ma poġġiex f'periklu l-indipendenza tal-funzjoni investigattiva ta' l-Uffiċċju, għalkemm ġew innotati xi diffikultajiet fil-komunikazzjoni. Ma jidhirx għalhekk, li għandu jkun hemm kwistjoni dwar l-istatus ta' l-Uffiċċju. Min-naħa l-oħra il-ġestjoni eżekuttiva tal-funzjoni investigattiva jmissha rċeviet iktar attenzjoni fit-tul, sabiex tiġi garantita l-kwalità tar-riżultati tagħha u tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol ta' servizzi oħra tal-Kummissjoni. L-esperjenza ta' l-ewwel ħames snin ta' eżistenza ta' l-Uffiċċju għandha tendenza li turi li hemm bżonn ta' iktar riflessjoni, sabiex jiġi żgurat illi l-investigazzjonijiet ikunu effettivi fl-ilħuq ta' riżultati konkreti, kemm jekk dawn ifissru l-irkupru ta' l-ammonti misapproprjati u kemm jekk ifissru l-applikazzjoni effettiva ta' sanzjonijiet dixxiplinari jew kriminali.

Minn dan kollu, jidher ċar illi riffokar ta' l-attivitajiet ta' l-Uffiċċju fuq il-funzjoni investigattiva tiegħu, kif indika l-President tal-Kummissjoni f'Novembru 2003, issaħħaħ l-effettività ta' l-investigazzjonijiet, filwaqt illi tħalli r-responsabbiltà għall-atti preventivi jew leġislattivi għal organizzazzjonijiet oħra. Dan l-iriffokar, għandu, min-naħa tiegħu, ikun akkumpanjat minn modifikazzjonijiet fit-tmexxija ta' l-Uffiċċju, bi bżonn ta' tibdil fir-regolamenti (59).

Dan ir-rapport ġie adottat mill-Qorti ta' l-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tad-9 ta' Ġunju 2005.

Għall-Qorti ta' l-Awdituri

Hubert WEBER

President


(1)  Ara r-rapport ta' valutazzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-OLAF (Artikolu 15), KUMM (2003) 154 finali, tat-2 t'April 2003.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat-28 t'April 1999 (ĠU L 136, tal-31.5.1999, p. 20); Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 (ĠU L 136, tal-31.5.1999, p. 1).

(3)  Task-force għall-Kordinazzjoni tal-Prevenzjoni tal-Frodi (sa l-1987), Unità għall-Kordinazzjoni tal-Prevenzjoni tal-Frodi (UCLAF: 1987-1999). Ara fuq din it-tema ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Nru 8/98-, (ĠU C 230, tat-22.7.1998) li kkontribwixxa għar-riflessjoni dwar il-kreazzjoni ta' l-OLAF.

(4)  Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom, Artikolu 2, paragrafi 3 sa 7. Fil-qafas ta' l-attivitajiet marbuta mal-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni nnominat lill-OLAF bħala inkarigat mill-fajls għal 31 mis-37 azzjonijiet fil-pjan t'azzjoni tagħha 2004-2005.

(5)  Mwaqqaf fi Frar 2002 sabiex iwettaq investigazzjonijiet u jorganizza l-proċeduri dixxipplinarji tal-Kummisjoni. Ir-relazzjonijiet bejn l-Uffiċċju u l-IDOC kellhom ikunu t-tema ta' ftehim li għadu ma ġiex finalizzat.

(6)  Ara Tabella 3 fir-Rapport ta' Valutazzjoni Kumplimentarju ta' l-Attivitajiet ta' l-OLAF, SEC(2004) 1370 tas-26.10.2004. Disa' każijiet kienu għadhom pendenti fit-30 ta' Ġunju 2004 u 280 każ kienu fil-fażi tas-segwitu.

(7)  Ara punt 1.6 tar-Rapport speċjali Nru 8/98 (ĠU Ċ 230, tat-22.7.1998).

(8)  Ara punt 7.42 tar-rapport annwali tal-Qorti rigward is-sena finanzjarja 2000, (ĠU C 359, tal-15.12.2001).

(9)  Per eżempju, ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (ĠU L 312, tat-23.12.1995, p. 1) rigward il-kastigi amministrattivi f'każ ta' irregolaritajiet, ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (ĠU L 292, tal-15.11.1996, p. 2) rigward l-iċċekkjar u l-ispezzjonijiet fuq il-post, u regolamenti speċifiċi fuq ir-riżorsi proprji, il-Fondi Strutturali, il-Fond għall-Iżvilupp Ewropew, eċċ.

(10)  Fil-bidu ta' l-1999 il-pjan tat-twaqqif ta' l-UCLAF kien fih 149 post.

(11)  Inklużi 13 -il espert nazzjonali sekondati (SNEs).

(12)  Valutazzjoni preżentata skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

(13)  Rapport ta' Valutazzjoni Komplimentarju ta' l-Attivitajiet ta' l-OLAF, SEC(2004) 1370 tas-26.10.2004.

(14)  Partikolarment ir-rapport speċjali Nru 8/98, — (ĠU C 230, tat-22.7.1998) u l-osservazzjonijiet tal-kapitolu 7 tar-Rapport Annwali tal-Qorti rigward is-sena finanzjarja 2000 (ĠU C 359, tal-15.12.2001).

(15)  KUMM(2004) 103 finali ta' l-10.2.2004.

(16)  Sistema ta' ġestjoni tal-każijiet (CMS).

(17)  L-intestaturi mudell għar-rapporti ta' valutazzjoni huma dawn li ġejjin: 1. Sottofond; 2. Allegazzjonjiet; 3. Affidabilità, sors u kredibilità ta' l-informazzjoni; 4. Kompetenza ta' l-OLAF; 5. Approċċ previst; 6. Impatt finanzjarju u prospetti ta' rkupru; 7. Livell ta' prijorità; 8. Pjan ta' xogħol propopst; 9. Allokazzjoni ta' riżorsi.

(18)  Meta l-allegazzjoni tkun sostanzjata b'mod tant fqir li lanqas biss ikun vallapena li tgħaddi għall-istadju ta' l-valutazzjoni, il-każ jiġi immedjatament imwaqqa' u l-ebda azzjoni ulterjuri ma tittieħed (prima facie ma hemmx każ).

(19)  Ara paragrafi 1.5 u 1.6 tar-Rapport Speċjali tal-Qorti Nru 8/98-, (ĠU C 230, tat-22.7.1998).

(20)  Il-Fondi Strutturali huma partikolarment problematiċi għaliex dokumentazzjoni u data finanzjarja dettaljata huma disponibbli biss reġjonalment, u mhux f'livell Komunitarju jew nazzjonali.

(21)  Il-mogħdija ta' l-informazzjoni mill-Istati Membri hija dispożizzjoni espiċita ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

(22)  Rapport Annwali għas-sena finanzjarja 2000, paragrafu 7.49-, (ĠU C 359, tal-15.12.2001).

(23)  Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura investigattiva huma mxerrda ġewwa numru ta' testi u jista' jkun utli jekk jiġu konsolidati (Regolament Nru 1073/1999; Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96; Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95; ftehim interistituzzjonali; il-Memorandum IDOC; ir-Regolamenti tal-Persunal).

(24)  It-tieni rakkomandazzjoni fir-rapport ta' valutazzjoni tal-Kummissjoni t'Ottubru 2003 tikkonċerna t-twaqqif ta' korp ta' regoli amministrattivi għall-implimentazzjoni ta' miżuri investigattivi.

(25)  Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 jipprovdi espliċitament għall-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni neċessarja għall-investigazzjonijiet ta' l-OLAF.

(26)  Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 dwar l-investigazzjonijiet ta' l-Uffiċċju jitlob lill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji sabiex jinfurmaw lill-Uffiċċju bl-azzjoni dixxipplinarja li għandha tittieħed b'risposta għar-rakkomandazzjonijiet ta' l-uffiċċju.

(27)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta' Marzu 97, (ĠU L 82, tat-22.3.1997, p. 1).

(28)  Ara d-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komuntajiet Ewropej ta' l-10 ta' Lulju 2003, Kummissjoni v EIB, paragrafu 164.

(29)  Speċifikament, il-Belġju u l-Lussemburgu.

(30)  F'dan ir-rigward ara l-analiżi ta' l-Uffiċċju f'sezzjoni 1.3.2. tar-Rapport ta' Valutazzjoni Komplimentarju, SEC(2004)-1370 tas-26.10.2004, tiegħu.

(31)  Fir-Rapport Annwali tagħha rigward is-sena finanzjarja 2000, il-Qorti ndikat (paragrafu 7.49) illi ma kien hemm l-ebda sistema għar-reġistrazzjoni ġenerali tar-riżultati tad-diversi nkjesti u ammonti rkuprati.

(32)  F'dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapporti ta' l-investigazzjoni u l-konsegwenzi dixxipplinarji jew legali li jiġu fil-fatt attribbwiti lilhom. Bl-istess mod, għandha ssir distinzjoni bejn l-ammonti mitluba sabiex jiġu rkuprati u l-fondi eventwalment irkuprati.

(33)  Diskors tal-President Prodi quddiem il-Kumitat fuq il-Kontoll tal-baġit tal-Parlament Ewropew fit-18 ta' Novembru 2003.

(34)  Assistenza mogħtija permezz tal-ġestjoni ta' sistemi għar-reġistrazzjoni u komunikazzjoni ta' każijiet ta' frodi misjuba mill-Istati Membri (AFIS, ECR eċċ.).

(35)  Il-ħames rapport ta' l-Uffiċċju ta' Kontra l-Frodi (Lulju 2003 — Ġunju 2004) paragrafu 3.1.1.

(36)  Ara r-Rapport Speċjali Nru 3/2004, ta' l-10 ta' Ġunju 2004, (ĠU Ċ 269, ta' l- 4.11.2004).

(37)  L-unità Ċ.2 hija nvoluta fil-ġestjoni teknika tas-sistema AFIS, għal liema l-uffiċċju jkollu bżonn l-aċċess anke kieku kienet ġestita minn servizz ieħor tal-Kummissjoni.

(38)  Ara Rapport Speċjali Nru 3/2004.

(39)  Barra minn hekk, in-numru ta' postijiet tax-xogħol permanenti fil-kategoriji A u B żdied minn 107 fl-1999 għal 143 fl-2000, u mbagħad reġa' niżel għal 109 fl-2001.

(40)  Dawn id-Direttorati-Ġenerali tal-Kummissjoni jagħmlu użu konsiderevoli ta' timijiet ta' l-investigazzjoni ta' livell għoli.

(41)  Fir-Rapport Speċjali Nru 8/88, il-Qorti kienet diġà indikat illi n-numru għoli ta' persunal temporanju kien qed iwassal għal nuqqas ta' kontinwità fl-organizzazzjoni.

(42)  Deċiżjoni Nru 1999/352/CE, KEFA, Euratom, Artikolu 4.

(43)  Regolament (KE) Nru 1073/99, Artikolu 11, paragrafu 1.

(44)  Regoli ta' Proċedura tas-17 ta' Novembru 1999, Artikolu 2 (ĠU L 41, tal-15.2.2000).

(45)  Konsultazzjoni mal-Kumitat mid-Direttur skond l-Artikolu 6 paragrafu 2 tad-Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom mingħajr il-bżonn ta' avviż formali.

(46)  Waqt illi r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 jgħid illi l-Kumitat għandu jiġu nfurmat bil-każijiet li d-Direttur ta' l-Uffiċċju jgħaddi lill-awtoritajiet ġudizzjarji imma ma jispeċifikax meta din l-informazzjoni għandha tiġi mogħtija, ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat (Artikolu 22.5) jistabbilixxu l-prinċipju ta' l-informazzjoni minn qabel.

(47)  Artikolu 22.6.

(48)  Artikolu 22.7.

(49)  Artikolu 3.b.

(50)  Artikoli 4.5. 19.7 u 25.

(51)  Artikoli 19.1 u 19.2.

(52)  Artikolu 19.4.

(53)  Anki fl-eqqel tal-kriżi tal-Eurostat fl-2003, il-Kummissjoni qagħdet attenta li ma tinterferixxix fit-tmexxija ta' l-inkjesti.

(54)  Ara wkoll id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 illi jobbliga lill-Istati Membri jagħtu kwalunkwe assistenza neċessarja, bħala parti mill-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji.

(55)  Inklużi 14-il investigazzjoni interna.

(56)  Per eżempju dħul u nefqa tal-ġestjoni mħallta, nefqa tal-ġestjoni diretta, investigazzjonijiet interni eċċ.

(57)  Ara Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999. L-Artikolu 90a tar-Regolament tal-Persunal il-ġdid ma jsolvix il-kwistjoni ta' l-indipendenza ta' l-appelli ta' qabel il-litigazzjoni li jikkonċernaw l-atti investigattivi ta' l-Uffiċċju.

(58)  Ftehim ta' dan it-tip intlaħaq diġà mal-Guardia di Finanza Taljana.

(59)  Regolament (KE) Nru 1073/1999 dwar l-investigazzjonjiet ta' l-Uffiċċju; Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom, li waqqfet l-Uffiċċju; Deċiżjoni 1999/396/KE, KEFA, Euratom, tal-Kummissjoni (ĠU L 149, tas-16.6.1999, p. 57) dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni.


ANNESS I

ORGANIGRAMMA TA' L-OLAF

Image


ANNESS II

NUQQASIJIET PRINĊIPALI MISJUBA FIL-KAMPJUN TA' L-INVESTIGAZZJONIJIET EŻAMINATI

Valutazzjonijiet (30 operazzjoni eżaminati)

Dewmien fix-xogħol

16-il każ

Sorveljanza inadegwata

13-il każ

Għanijiet ta' l-investigazzjoni impreċiżi

12-il każ

Fajls tas-CMS inkompleti

15-il każ

Investigazzjonijiet (62 operazzjoni eżaminati)

Dewmien fix-xogħol

34 każ

Sorveljanza inadegwata

24 każ

Xogħol ta' investigazzjoni limitat

10 każijiet

Rapporti ta' kwalità fqira

15-il każ

Għanijiet ta' l-investigazzjoni impreċiżi

28 każ

Fajls tas-CMS mhux kompleti

13-il każ

Segwiti (25 operazzjoni eżaminati)

Dewmien fix-xogħol

22 każ

Utilità limitata tax-xogħol ta' segwitu

8 każijiet

Sorveljanza inadegwata

7 każijiet

Dokumentazzjoni tas-CMS inkompleta

6 każijiet

Xogħol ta' segwitu limitat

5 każijiet

Image


IR-RISPOSTI TAL-KUMMISSJONI

Fl-Anness tat-tweġibiet tagħha, il-Kummissjoni tittrażmetti t-tweġibiet mill-Kumitat ta’ Sorveljanza ta’ l-OLAF għall-paragrafi 66 sa 72 u 93. Il-Kummissjoni u l-OLAF jirrilevaw li ma jikkondividux ċerti opinjonijiet espressi mill-Kumitat.

SOMMARJU

III.

Fil-preżent, billi jfittex fl-informazzjoni li għandu, (1) OLAF jista’ jinvestiga kwalunkwe rapport serju li jirċievi. Fil-futur, l-Uffiċċju bi ħsiebu jżid l-effikaċja tiegħu u jara li jtejjeb it-tkomplija tax-xogħol ta’ l-investigazzjonijiet billi jiżviluppa analiżi strateġika aktar sofistikata li tkun tista’ tadatta ruħha għal prijoritajiet ġodda.

IV.

L-investigazzjonijiet u l-ħidmiet ta’ għajnuna u kordinazzjoni għandhom l-istess għan: il-ħarsien ta’ l-interessi finanzjarji. Id-distinzjoni bejn it-tnejn hija ċara u hija bbażata fuq ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999. Dan jirrifletti ruħu fir-rwol ta’ l-Uffiċċju (li jiġi mill-possibilitajiet, il-poteri u l-indipendenza tiegħu). Jekk deċiżjonijiet meħuda mill-Istituzzjonijiet iwasslu għal riforma strutturali fl-Uffiċċju, (2) għandha tiġi kkunsidrata kjarifikazzjoni tad-distinzjoni bejn dawn il-kategoriji differenti fuq il-livell organizzattiv.

V.

Dak li nstab dwar is-superviżjoni manaġerjali huwa relatat mal-kampjun ta’ każijiet eżaminat mill-Qorti, li l-immaniġġjar ta’ dawn ma jirriflettix il-progress li sar mill-2003 sal-lum. Għalhekk, l-osservazzjoni tal-Qorti dwar l-insuffiċjenza tas-superviżjoni għandha tkun kwalifikata (bejn Lulju 2000 u Ġunju 2003 ngħalqu 957 każ li ntirtu mill-UCLAF u fi tliet snin it-tul medju ta' l-investigazzjonijiet naqas minn 33 xahar għal 22 xahar fl-2004). Barra minn dan, il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi dati ta’ skadenza għall-investigazzjonijiet. (Ara l-emendi proposti għar-Regolamenti (KE) Nri 1073/99 u 1074/99 (3)).

VI.

Wara l-ewwel stadju, li huwa mwettaq mill-Greffe, Olaf issa hija f’pożizzjoni li tiżgura li l-kwalità u l-legalità ta’ l-operazzjonijiet tagħha jkunu kkontrollati mill-maniġers tagħha, il-Bord Eżekuttiv u l-Unitajiet tal-Maġistrati u tas-Segwitu. Barra minn dan, l-Uffiċċju issa qed jiddedika aktar attenzjoni għall-ippjanar ta’ l-attivitajiet investigattivi permezz ta’ pjanijiet ta’ ħidma.

Il-Koperazzjoni ma’ l-Istati Membri titlob sforzi kontinwi u sostnuti miż-żewġ naħat. L-OLAF iddefinixxa dan l-aspett bħala qasam ta' prijorità għat-titjib. Din il-koperazzjoni hija wkoll ta’ importanza għall-Kummissjoni u ġiet deskritta bħala pjattaforma ta’ servizzi multidixxiplinari fir-Rakkomandazzjoni 14 tal-Kummissjoni ta’ l-Evalwazzjoni tar-rapport ta’ l-attivitajiet ta’ l-OLAF. (4)

VII.

L-attivitajiet li jkomplu l-ħidma fuq l-investigazzjonijiet, bħall-irkupru u l-prosekuzzjonijiet, jipprovdu biss stampa parzjali ta’ l-effikaċja ta’ l-OLAF. Normalment, għandhom ikunu l-awtoritajiet nazzjonali u, f’xi każijiet, l-Istituzzjonijiet tal-Komunità, li jieħdu aktar passi li huma lil hinn mill-kontroll ta' l-OLAF.

Ladarba l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ l-indikaturi tal-progress huwa proċess ikkumplikat, l-OLAF qed jagħmel studju fil-fond dwar dan u qed jipprova jitgħallem mill-esperjenzi ta' l-aġenziji nazzjonali ta' l-investigazzjoni. L-OLAF qed jistudja l-possibilità li jfittex rispons mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri dwar l-utilità tar-rapporti tiegħu.

VIII.

Il-fatt li ma’ l-OLAF hemm numru kbir ta’ staff temporanju ppermetta lill-Uffiċċju li jirrekluta investigaturi ta' esperjenza pjuttost malajr meta kien qed iwaqqaf l-organizzazzjoni tiegħu. Filwaqt li huwa konxju tar-riskju li nġibdet l-attenzjoni għalih mill-Qorti, l-Uffiċċju bi ħsiebu, bil-qbil ta' l-Awtoritajiet Baġitarji, gradwalment jittrasforma perċentwal konsiderevoli tal-postijiet temporanji miegħu f'pożizzjonijiet permanenti u dan għandu jwassal għal konsolidazzjoni ta' l-għarfien li nkiseb. L-Uffiċċju bi ħsiebu wkoll jikkonċentra fuq it-taħriġ ta’ l-istaff, partikolarment l-investigaturi u l-istaff ġdid.

IX.

Il-qafas legali kurrenti ta’ l-OLAF diġà jinkludi ħafna dispożizzjonijiet għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. L-emendi proposti għar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 jikkodifikaw id-drittijiet tad-difiża. (5) Il-kontroll intern tal-kwalità u l-legalità bħalissa jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-maniġers u tal-Bord Eżekuttiv; madankollu, il-kwistjoni tal-kontrolli interni għad trid tiġi eżaminata.

Barra minn dan, sabiex tiġi żgurata aktar il-legalità ta' l-investigazzjonijiet fil-prattika u sabiex il-proċeduri ta' l-Uffiċċju jsiru aktar trasparenti, il-verżjoni l-ġdida tal-Manwal ta’ Proċedura ta’ l-OLAF tinkludi sett ta' regoli amministrattivi (li jistgħu jkunu żviluppati aktar b'mod separat mill-Manwal kurrenti).

X.

Il-Kummissjoni hija ta' l-istess opinjoni bħall-Qorti dwar il-bżonn li jiġi rivedut il-mod ta' tmexxija ta' l-Uffiċċju u stabbiliet soluzzjonijiet possibbli fil-proposta tagħha sabiex temenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

XI.

L-attivitajiet ta’ l-OLAF jikkonċentraw fuq il-protezzjoni globali ta' l-interessi finanzjarji. Fejn jidħol dan l-għan, il-prijorità fl-allokazzjoni tar-riżorsi hija fuq l-aspett operattiv. Il-Qorti nnifisha tindika fil-paragrafu III li l-Uffiċċju bħalissa għandu r-riżorsi li jinħtieġ sabiex jilqa’ l-isfidi operattivi li għandu quddiemu.

Il-Kummissjoni tilqa’ l-osservazzjonijiet tal-Qorti, għalkemm dan huwa mingħajr ħsara għal kwalunkwe rievalwazzjoni futura li l-Kummissjoni tista’ tagħmel dwar il-qsim tar-responsabbiltajiet bejn is-servizzi tagħha, partikolarment fil-qafas ta' l-evalwazzjoni tad-dmirijiet/kompetenzi ta’ l-OLAF.

INTRODUZZJONI

4.

L-Uffiċċju qies il-fatt li għandu bżonn jaħdem ma' l-awtoritajiet varji fl-Istati Membri sabiex iwettaq il-missjoni tiegħu. Għal dan l-għan huwa ta l-importanza xierqa lill-attivitajiet ta' kordinazzjoni u ta' appoġġ u beda jirrekluta l-ispeċjalisti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali.

7.

L-OLAF jirreferi għall-Istima Kumplimentari ta’ l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (2004), (6) li jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ħidmiet operattivi jammontaw għal madwar 60 % tar-riżorsi tiegħu. Dan jista’ jiġi spjegat bil-fatt li proporzjon sinifikanti tar-riżorsi allokati għall-Unitajiet li m’humiex fid-Direttorat għall-Investigazzjonijiet u l-Operazzjonijiet huma marbuta mill-qrib ma’ l-attivitajiet ta’ investigazzjoni.

8.

Il-Kummissjoni taċċetta li jista' jkun diffiċli fil-preżent li tiġi stmata l-effikaċja tax-xogħol ta' l-OLAF. Għall-bidu, l-Uffiċċju ma kellux l-għodod meħtieġa sabiex jagħmel din l-istima, imma l-introduzzjoni tas-Sistema ta’ Case Management (CMS) għamlitha possibbli li jsir inventarju ta’ l-azzjonijiet ta’ l-OLAF. Dan, min-naħa tiegħu, għamilha possibbli li tinbeda deskrizzjoni inizjali tar-riżultati skond l-impatt finanzjarju u l-koperazzjoni ma' l-awtoritajiet ġudizzjarji (ara l-Istima Kumplimentari ta' l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi). (7) Madankollu, iż-żmien meħud mill-proċeduri nazzjonali jagħmilha impossibbli li jiġi stabbilit malajr x'miżuri ttieħdu bħala rispons għall-investigazzjonijiet ta' l-OLAF. Huwa għalhekk li l-OLAF qed jipprova jidentifika l-aktar indikaturi tal-progress adattati, billi jagħmel użu mill-esperjenza ta’ l-entitajiet nazzjonali, sabiex itejjeb l-evalwazzjoni tax-xogħol tiegħu. Huwa diffiċli, madankollu, li jiġu stmati l-miżuri preventivi u ta' deterrent li t-tnejn huma riżultati sinifikanti tax-xogħol ta' l-OLAF.

10.

Il-Kummissjoni diġà stabbiliet l-impatt tal-bżonn li jitlestew l-operazzjonijiet li kienu ġew varati qabel u tad-dewmien fit-twaqqif ta' l-Uffiċċju, li għalih kien hemm numru ta' raġunijiet differenti (ara l-paragrafu 7.41 fir-rapport annwali tal-Qorti għall-2000). Għalhekk, mhix sorpriża li l-konsegwenzi kienu għadhom qed jinħassu fl-2004 (ara l-paragrafu 73). In-nuqqasijiet ippreżentati fil-qosor fl-Anness II għandhom għalhekk jittieħdu fil-kuntest tagħhom, għaliex primarjament jikkonċernaw investigazzjonijiet li nfetħu qabel ir-riorganizzazzjoni ta' l-Uffiċċju f'Novembru 2003.

L-Uffiċċju ħa wkoll f’kunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet preċedenti tal-Qorti u l-introduzzjoni tas-Sistema tal-Case Management hija eżempju tal-progress li sar mill-OLAF bħala reazzjoni għar-Rapport Speċjali tal-Qorti Nru 8/98.

L-INVESTIGAZZJONIJIET TA' L-OLAF

13.

Id-differenzi bejn l-investigazzjonijiet u l-operazzjonijiet hija riflessa fir-rwol li l-OLAF għandu x’iwettaq (skond il-possibilitajiet/poteri tiegħu). Fi ħdan il-qafas legali ta’ l-attivitajiet ta’ l-OLAF, l-interventi diretti fil-forma ta' investigazzjoni mmexxija mill-Uffiċċju tista' tkun anqas komuni fl-oqsma tad-dwana u l-kummerċ (ara r-risposta għall-paragrafi IV, 4 u 12).

14.

Il-kordinazzjoni u l-għajnuna huma pprovduti bil-għan li jintlaħaq l-iskop tal-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji, kif stabbilit mil-leġiżlatur. L-Uffiċċju bi ħsiebu jidentifika l-proċedura adattata għal kull każ speċifiku. M’hemm l-ebda forma ppreferuta ta’ intervent u m’għandux jiġi kkunsidrat li jiġu mmobilizzati r-riżorsi għad-detriment ta’ l-investigazzjonijiet. Barra minn dan, ladarba dawn l-operazzjonijiet ta’ spiss huma kumplessi u jinvolvu diversi Stati Membri, huwa essenzjali li jiġu segwiti proċeduri stretti. Li l-attivitajiet operattivi ta’ l-OLAF ikunu kollha soġġetti għall-istess proċeduri ta’ rappurtaġġ intern jiżgura wkoll aktar trasparenza (ara r-risposta għall-paragrafu 76). Madankollu, jista’ jkun hemm proċedura simplifikata f’każijiet ta’ għajnuna reċiproka.

15.

Il-kollaborazzjoni ma' l-awtoritajiet nazzjonali teħtieġ fiduċja reċiproka li tkun ibbażata fuq u tiżviluppa permezz ta' l-appoġġ (koordinazzjoni u għajnuna) li l-Uffiċċju jista' jagħti lill-Istati Membri. L-uffiċċju qiegħed isegwi politika ta’ titjib fil-kuntatti tal-ħidma tiegħu u din iqisha bħala waħda mill-prijoritajiet tiegħu għall-2005.

16.

a)

Meta l-informazzjoni tiġi evalwata l-Uffiċċju jiżgura li s-suspetti mqajma (i) jikkonċernaw reati fi ħdan il-qasam ta’ attivitajiet li fih jopera l-OLAF; (ii) huma serji biżżejjed (8), (iii) jikkonċernaw fatti koperti bi prijoritajiet ta’ ħidma stabbiliti minn qabel (9). Il-prijoritajiet għall-investigazzjonijiet jiġu stabbiliti wara studju dettaljat mill-Uffiċċju u konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Sorveljanza.

c)

Deċiżjoni ta’ l-Uffiċċju li jagħlaq każ mingħajr ma jsegwih hija fiha nfisha konklużjoni sinifikanti kemm għall-persuni kif ukoll għall-Istituzzjoni kkonċernati, għaliex dan ikun ifisser li l-allegazzjonijiet inizjali jistgħu jiġu miċħuda.

17.

OLAF introduċa numru ta’ modifiki importanti fil-CMS fil-bidu ta’ l-2003 li wasslu għal titjib konsiderevoli fil-ħidma tiegħu u l-affidabilità ta’ l-informazzjoni. L-istima ex-ante ta’ l-impatt finanzjarju hija diffiċli, u għadaqstant l-OLAF qiegħed jippjana li jwaqqaf grupp ta’ ħidma b’esperti sabiex jirrevedu l-linji gwida għall-istima tal-“preġudizzju fuq l-interess finanzjarju ta’ l-Unjoni Ewropea” fil-bidu ta’ investigazzjoni. L-ammonti murija fil-CMS jirrappreżentaw l-aħjar stima fl-aħħar ta' investigazzjoni; huwa l-uffiċjal ta’ l-awtorizzazzjoni relevanti li jiddetermina l-ammont eżatt u joħroġ in-nota ta’ rkupru.

19.

Il-proporzjon ta’ każijiet li l-Uffiċċju għalaq mingħajr azzjoni ulterjuri żdied b’mod sinifikanti mill-2002. Dan wara l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ tqassim tal-prijoritajiet li tibda mill-mument meta jaslu r-rapporti (ara t-tweġibiet għall-paragrafi 16a) u III).

L-isfida vera hija li OLAF jingħata informazzjoni ta’ kwalità mill-bidu (li tikkonċerna fatti ta’ sustanza li x’aktarx jiġġeneraw investigazzjonijiet li jipproduċu riżultati reali).

OLAF qiegħed jippjana l-iżvilupp ta’ aktar investigazzjonijiet u operazzjonijiet proattivi u bbażati fuq l-informazzjoni, skond ir-Regolament ġdid (KE) Nru 1073/1999 (ara t-tweġiba għall-paragrafu 74).

20.

Il-Manwal il-ġdid ta’ l-OLAF, li ġie adottat fil-25 ta’ Frar 2005, ħaseb għall-fatt li jista’ jkun impossibbli li ssir evalwazzjoni inizjali effettiva ta' l-informazzjoni fi 15-il ġurnata f'oqsma fejn tkun tinħtieġ il-kooperazzjoni mill-Istati Membri. Kien għalhekk li ż-żmien permess għall-evalwazzjoni ġie stabbilit għal xahrejn, (10) bil-possibiltà li tinkiseb estensjoni bl-approvazzjoni tal-Kap ta’ l-Unità.

b)

L-osservazzjonijiet tal-Qorti rigward is-sorveljanza tal-ġestjoni għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-kundizzjonijiet li fihom jiġi ġestit l-OLAF. Kien biss wara li ġie ttrattat ix-xogħol akkumulat fil-passat li l-Uffiċċju seta’ javvanza għal fażi ta’ taħriġ ta’ ġestjoni.

c)

Bl-istess mod, rigward id-dewmien imsemmi, wieħed għandu jżomm f’moħħu li ammont sinifikanti ta’ riżorsi kien assorbit fil-proċess ta’ tlestija ta’ każijiet tal-passat (bejn Lulju 2000 u Ġunju 2003 ingħalqu 957 “każ UCLAF”).

21.

Mill-mument li l-każ jiġi evalwat, l-Uffiċċju jieħu konsiderazzjoni ta’ l-impatt finanzjarju tiegħu, li huwa wieħed mill-kriterji msemmija fit-tweġiba għall-paragrafu 16a). L-għanijiet ta’ l-OLAF kollha jikkumplimentaw lil xulxin, u jinvolvu mod ta' ħidma kemm finanzjarju (immirat lejn l-irkupru) u wkoll li jikkonċerna pieni amministrattivi, dixxiplinarji jew kriminali (immirati lejn l-infurzar tal-liġi). Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-OLAF implimentat fl-2003, l-Uffiċċju jforni l-informazzjoni meħtieġa għal miżuri ta’ prekawzjoni li għandhom jittieħdu waqt li jkunu għaddejjin l-investigazzjonijiet, bl-iskop li jiġu protetti l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni. (11)

22.

L-għan ta’ l-estensjoni tad-data ta’ l-iskadenza għal evalwazzjoni, kif imsemmi fil-verżjoni l-ġdida tal-Manwal (ara t-tweġiba għall-paragrafu 20) huwa li jitjieb l-ippjanar tax-xogħol.

Mill-2005 saret regola li sa mill-fażi ta’ l-evalwazzjoni jiġu kkonsultati l-maġistrati u l-unitajiet ta’ tkomplija, u kien hemm aktar sejħiet għall-għajnuna mill-unitajiet ta’ l-analiżi u ta’ l-informazzjoni (intelligence).

23.

Kif imsemmi fl-Evalwazzjoni Kumplimentari, il-medja tad-dewmien ta’ l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF naqset minn 33 xahar fl-2002 għal 22 xahar fl-2004 (ara t-tweġiba għall-paragrafu 78). (12)

24.

Fl-Artikolu 6(7) tal-proposta għal emenda tar-Regolamenti (KE) Nri 1073/99 u 1074/99 il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tiġi kkonsolidata l-ġestjoni ta’ l-investigazzjonijiet billi jiġu imposti limiti ta’ żmien massimi għall-investigazzjonijiet. Barra minn hekk, fil-pjan ta' attivitajiet tiegħu għall-2005, l-OLAF jippjana li jintroduċi sistema għall-monitoraġġ ta' l-użu tal-ħin ta' l-investigaturi tiegħu li tnaqqas iż-żmien meħud fuq l-investigazzjonijiet (ara t-tweġibiet għall-paragrafi 26 u 80).

25.

Dan il-monitoraġġ ta’ l-użu tal-ħin tal-persunal ser jgħin ukoll biex l-attenzjoni tmur aktar fuq l-urġenza ta’ l-investigazzjonijiet.

26.

Sabiex jintroduċi sistema xierqa għal servizz ta’ investigazzjoni għall-monitoraġġ ta’ l-użu tal-ħin tal-persunal, l-OLAF qiegħed jistudja l-esperjenza ta’ korpi nazzjonali f’dan il-qasam. Fl-istess waqt l-unitajiet ta' tkomplija qegħdin jittestjaw sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin mgħoddi fuq ix-xogħol. Għandu jiġi kkunsidrat, madanakollu, li l-CMS tippermetti li jiġi stabbilit in-numru ta’ każijiet li jkunu qegħdin jiġu trattati minn investigatur.

27.

L-emendi proposti għar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 jikkodifikaw id-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, il-Manwal il-ġdid ta’ l-OLAF jinkludi r-regoli interni eżistenti fir-regoli amministrattivi tiegħu li jirregolaw l-eżerċizzju tal-fakultajiet/setgħat tiegħu u li jikkunsidraw ukoll id-drittijiet fundamentali waqt l-investigazzjonijiet. F’Jannar 2005 l-Uffiċċju kkummissjona wkoll studju komparattiv li jinvolvi tmien Stati Membri sabiex jiddetermina livell adegwat ta' garanziji li għandhom jiġu applikati fl-investigazzjonijiet.

28.

Rigward is-setgħat ta’ l-Uffiċċju, huwa importanti li wieħed jiddistingwi bejn setgħat li għandhom x’jaqsmu ma' investigazzjonijiet interni u dawk li għandhom x'jaqsmu ma' investigazzjonijiet esterni. F’każijiet li jinvolvu l-agrikoltura u d-dwana, ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 ma jippermettix lill-OLAF li jirrapporta diskussjonijiet ma’ l-operaturi eknomiċi. Għal din ir-raġuni, l-OLAF jipprova jġib l-appoġġ mill-Istati Membri u servizzi oħra li għandhom l-istrumenti xierqa disponibbli għalihom.

Finalment, ir-rwol ta’ l-OLAF li jirranġa l-fajls qabel jgħaddihom lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali huwa importanti ħafna għaliex jiżgura l-aħjar trattament mill-awtoritajiet ikkonċernati.

29.

Għall-2005, l-OLAF organizza taħriġ speċjalizzat għall-investigaturi sabiex itejjeb il-kwalità tar-rapporti ta’ l-investigazzjonijiet. Il-format il-ġdid tar-rapport finali li jinsab fil-Manwal adottat fi Frar 2005 jinkludi kwantifikazzjoni ta’ l-impatt finanzjarju (minkejja li huwa diffiċli li ssir evalwazzjoni preċiża, kif imsemmi fit-tweġiba għall-paragrafu 17) u l-klassifikazzjoni ta’ l-imġieba ħażina skond il-konsegwenzi kriminali, amministrattivi u dixxiplinarji tagħha.

31.

Rigward ix-xogħol ta’ tkomplija finanzjarj, il-Kummissjoni temmen li t-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-OLAF u s-servizzi tal-Kummissjoni oħra kkonċernati (l-Uffiċjali ta’ l-awtorizzazzjoni, id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit u s-Servizz Legali) huwa ċar u m'hemm l-ebda koinċidenza ta' dmirijiet (ara r-regoli dwar l-irkupru). (13) Dan jingħad mingħajr preġudizzju għal xi ri-evalwazzjoni li l-Kummissjoni tista’ tagħmel fil-futur rigward it-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn is-servizzi tagħha, partikolarment fil-qafas ta’ l-evalwazzjoni tad-dmirijiet/kompetenzi ta’ l-OLAF.

Rigward l-infieq fuq l-agrikoltura, diġà jeżisti mekkaniżmu li permezz tiegħu is-segwiment ta’ l-irkupru tal-fondi li jkunu nstabu li tħallsu illegalment isir mid-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura permezz ta' proċess ta' likwidazzjoni tal-kontijiet.

L-unitajiet ta’ segwitu ta’ l-OLAF ingħatalhom xogħol ieħor ta’ kontra l-frodi (dan kellu x'jaqsam mas-Sistema ta' Informazzjoni Doganali, l-Għajnuna Amminisrattiva Reċiproka, protokolli ma' pajjiżi terzi; it-Task Force għall-Irkupru fis-settur agrikolu; l-għeluq ta’ programmi fis-settur ta’ l-azzjonijiet srutturali li jkunu marbuta ma' ċerti każijiet ta' ħidma ta' l-OLAF; tfittxijiet għal debituri f’isem l-Uffiċjali ta' l-awtorizzazzjoni).

32.

Dwar l-Għajnuna Reċiproka, l-OLAF bħalissa qiegħed jiżviluppa modulu ta’ messaġġi elettroniċi li huwa mistenni li jtejjeb bil-kbir l-ipproċessar u s-segwitu.

33.

L-OLAF poġġa l-kontroll tal-kwalità bħala waħda mill-prijoritajiet għall-2005 u organizza taħriġ dwar is-suġġett (ara t-tweġiba għall-paragrafu 29). Il-Bord Eżekuttiv qiegħed dejjem aktar jikkontrolla l-kwalità u fil-futur l-Unità ta’ Verifika Interna ser tkun aktar involuta fil-monitoraġġ (ara t-tweġiba għall-paragrafu 39).

34.

L-aspetti legali ta’ l-investigazzjonijiet jinsabu aċċentwati apposta fil-manwal, għaliex in-nuqqas ta’ tħaris ta’ l-obbligazzjonijiet legali ta’ l-OLAF jgħarraq kull riżultat sussegwenti.

Il-manwal ta’ l-OLAF qiegħed jiġi aġġornat u mtejjeb kontinwament. Il-manwal il-ġdid ta’ l-OLAF tal-25 ta’ Frar 2005 jipprovdi kjarifika ulterjuri dwar ħafna mill-kwistjonijiet imsemmija mill-Qorti, inkluż ir-rwol tal-Bord. Jinsab fi triqtu wkoll Manwal ġdid dwar il-CMS, li ser jipprovdi deskrizzjoni fid-dettall tal-CMS b'mod separat mill-manwal ta' l-OLAF. Bl-istess mod, l-OLAF jikkunsidra wkoll li jpoġġi l-materjal kollu li għandu x’jaqsam mat-twettiq ta’ l-investigazzjonijiet f’manwal separat.

35.

Il-maniġers tal-linja huma responsabbli għall-immaniġġjar kontinwu tal-każijiet. Fl-2004 id-dokumentazzjoni ta’ din is-sorveljanza ma kinitx standardizzata, iżda ġew żviluppati mekkaniżmi, speċjalment fejn tidħol il-Case Management System (CSM), sabiex is-sorveljanza ssir waħda omoġenizzata u faċilitata permezz ta' kwadri ta' valutazzjoni.

36.

L-Uffiċċju jirrikonoxxi li fil-passat il-CMS iffukat fuq l-iffajljar u r-reġistrazzjoni ta’ l-informazzjoni. Din kienet l-ewwel prijorità għall-OLAF minħabba d-dgħufija identifikata mill-Qorti f’dan ir-rigward (ara r-Rapport 8/98). Sadanittant sar progress konsiderevoli. Id-deskrizzjoni tal-CMS fil-Manwal il-ġdid ta’ l-OLAF turi li ħafna mit-tħassib tal-Qorti ġie indirizzat diġà. Il-maniġers rispettivi jirċievu rapporti ta' kull xahar li jindikaw każijiet li jistgħu jinħtieġu l-intervent tagħhom. Ġew żviluppati wkoll moduli ġodda li jippermettu l-ġestjoni tat-talbiet għal appoġġ permezz ta' l-għoti ta’ informazzjoni. Għall-Komunikazzjonijiet AM twaqqfet sistema u għat-talbiet kollha għal pariri legali jew ġudizzjarji qiegħed jiġi ttestjat modulu simili. Is-sistema ta’ CMS għaldaqstant qegħda tevolvi minn sempliċi sistema ta’ mmaniġġjar tal-fajls (kif deskritta mill-Qorti) għal sistema effettiva ta' mmaniġġjar tal-każijiet.

37.

Meta jiġu valutati l-attivitajiet ta’ l-OLAF wieħed għandu jikkunsidra l-fatt li ladarba l-Uffiċċju jaċċerta li kien hemm xi frodi/irregolarità, l-investigazzjoni tkun tirrikjedi segwitu ulterjuri mill-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, is-suċċess tas-segwitu jiddependi minn diversi fatturi lil hinn mill-kontroll ta’ l-OLAF. L-OLAF diġà stabbilixxa kuntatt regolari u mill-qrib ma’ l-awtoritajiet ġudizzjarji tall-Belġju u tall-Lussemburgu, filwaqt li jibqa' jirrispetta l-awtonomija tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Ġew implimentati wkoll inizjattivi oħra ma’ l-awtoritajiet Belġjani (l-għażla tal-Prosekutur Federali tal-Belġju bħala l-punt ta' kuntatt għal każijiet ta' l-OLAF, u l-adozzjoni ta' ċirkolari mal-Kulleġġ Belġjan tal-Prosekuturi Ġenerali fit-22 ta' Mejju 2003) kif ukoll ġie organizzat taħriġ fl-2005 għal prosekuturi li jispeċjalizzaw f’reati ekonomiċi u li jaħdmu ma’ l-OLAF.

Fejn jidħlu investigazzjonijiet u pieni kriminali, l-Istituzzjonijiet għandhom disponibbli firxa wiesa’ ta’ għażliet dwar it-teħid ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-Anness IX ġdid tar-Regolamenti tal-Persunal.

Il-politika ta’ tolleranza zero għandha tiġi applikata fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità u d-drittijiet tad-difiża, b’rispons mill-awtorità li għandha s-setgħa li tinnomina u pieni xierqa għal kull każ individwali.

39.

L-istruttura ta’ Verifika Interna ta' l-OLAF fil-futur ser tkun qegħda tivverifika l-implimentazzjoni ta’ proċeduri u kontrolli għall-investigazzjonijiet u ser tagħmel reviżjoni tal-każijiet (l-aspetti proċedurali) fuq bażi ta’ kampjuni.

41.

Sabiex il-Bord Eżekuttiv ikun jista' jimmonitorizza l-kwalità tar-rapporti b’mod aktar effettiv u jieħu deċiżjonijiet aktar fil-miftuħ, f’Jannar 2005 ġiet introdotta formola ta’ CMS elettronika. Madankollu, l-OLAF ma jeskludix il-possibiltà li jirrijorganizza l-Bord sabiex il-proċedura ta’ konsultazzjoni ssir aktar effettiva (ara t-tweġibiet għall-paragrafi 77 u 58).

42.

Il-Kummissjoni temmen li għandhom jiġu kkunsidrati l-għanijiet differenti tar-rapporti dwar l-attivitajiet ta’ l-Uffiċċju kif definiti mill-bażijiet legali rispettivi tagħhom. Is-sistema tista’ tiġi rrazzjonalizzata, u l-ewwel pass diġà sar, bl-allineament propost tad-dati u l-ħinijiet ta’ xi wħud minn dawn ir-rapporti. Il-Kummissjoni u l-Uffiċċju huma lesti li jkomplu d-diskussjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet ma' l-Istituzzjonijiet ikkonċernati.

43.

Sabiex itejjeb ir-rapporti dwar l-attivitajiet tiegħu l-OLAF qiegħed jagħmel studju dettaljat sabiex jistabbilixxi liema indikaturi tal-prestazzjoni jkunu l-aktar xierqa, billi jikkunsidra l-esperjenza ta’ l-aġenziji ta’ l-investigazzjoni nazzjonali. Fil-każ ta’ l-investigazzjonijiet interni, ngħidu aħna, indikatur ta’ suċċess jista’ jkun ibbażat fuq il-miżuri meħuda mill-Istituzzjonijiet biex isegwu l-attivitajiet ta' l -OLAF (miżuri ta' prekawzjoni jew miżuri biex itejbu l-kontroll). B’hekk l-indikazzjonijiet provduti jkunu kompluti permezz ta’ numru ta' miżuri dixxiplinarji u l-eżitu tagħhom.

Sabiex tingħata stampa aktar ċara tas-segwitu ġudizzjarju tar-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-OLAF, mill-2004 l-informazzjoni relevanti dwar il-ħidma ġudizzjarja u dixxiplinarja sussegwenti u r-riżultati tagħha bdiet tiġi rrappurtata b’mod koerenti fl-aħħar tal-proċedura ta’ ħidma sussegwenti fil-CMS (ara wkoll it-tweġiba għall-paragrafu 37 rigward in-nuqqas ta' kontroll mill-OLAF fuq il-proċeduri nazzjonali jew dixxiplinarji).

L-Evalwazzjoni Kumplimentari ta’ l-attivitajiet ta’ l-OLAF tipprovdi indikazzjoni inizjali tar-riżultati ta’ l-OLAF f’termini ta’ attivitajiet ta’ ħidma, impatt finanzjarju u koperazzjoni ma’ l-awtoritajiet ġudizzjarji (ara t-tweġiba għall-paragrafu 8). (14)

IL-KONTRIBUZZJONI TAD-DIPARTIMENTI TA’ L-OLAF FIX-XOGĦOL TA’ INVESTIGAZZJONI

46.

L-għan prinċipali ta’ l-unità ta’ l-analiżi strateġika (intelligence) huwa li żżid il-livell ta’ għarfien dwar il-fenomenu tal-frodi, partikolarment permezz ta’ analiżi tar-riskju. B’hekk titjieb il-kontribuzzjoni ta’ l-OLAF fit-tħejjija ta’ politika u fil-proċess leġiżlattiv. Dan il-proċess jinkludi l-identifikazzjoni ta’ xi investigazzjonijiet ġodda possibbli. Il-proposta għal modifika tar-Regolamenti (KE) Nri 1073/99 u 1074/99, tikkjarifika l-iskop ta’ l-OLAF li jqassam l-investigazzjonijiet skond il-prijorità billi jibbaża ruħu fuq din l-analiżi (ara t-tweġiba għall-paragrafu 90).

47.

B’riżultat tat-titjib fil-kwalità tas-sistema ta’ komunikazzjoni, l-informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ irregolaritajiet ikkomunikati mill-Istati Membri ilha tiġi sfruttata mill-2004 għal skopijiet ta’ analiżi tar-riskju. Għandu jiġi emfasizzat li fejn l-Istati Membri identifikaw il-possibiltà ta’ frodi (għall-kuntrarju tal-maġġoranza ta’ l-irregolaritajiet li jinvolvu żbalji aktar milli frodi) huma s-servizzi nazzjonali li għandhom jieħdu l-azzjoni meħtieġa.

50.

a)

Meta jkun qiegħed jikkordina missjonijiet ta' investigazzjoni f'pajjiżi terzi taħt ir-Regolament (KE) Nru 515/97, l-OLAF juża s-sistema AFIS bħala mezz ta’ komunikazzjoni affidabbli ma’ l-imsieħba esterni (korpi doganali jew aġenziji ta’ l-infurzar oħra).

b)

L-OLAF jemmen li jeħtieġlu jkun aktar involut fit-tisħiħ ta' l-infrastruttura tas-servizzi doganali ta' l-Istati Membri, għaliex l-uffiċċju għandu t-teknika ta’ l-għarfien speċjalizzat meħtieġ u ambjent affidabbli.

54.

Il-Kummissjoni tqis it-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn id-Direttorati Ġenerali u l-OLAF rigward l-irkupru u s-segwitu ta' l-irregolaritajiet bħala wieħed ċar biżżejjed.

Dan jingħad mingħajr preġudizzju għal xi ri-evalwazzjoni li l-Kummissjoni tista’ tagħmel fil-futur rigward it-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn is-servizzi tagħha, partikolarment fil-qafas ta’ l-evalwazzjoni tad-dmirijiet/kompetenzi ta’ l-OLAF.

Fis-settur agrikolu (dwar il-PAK), ir-responsabbiltajiet bejn l-OLAF u d-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura huma definiti skond l-Anness 2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni SEC (95)249 ta’ l-10 ta’ Frar 1995 (ara wkoll it-tweġiba tal-Kummissjoni għar-Rapport Speċjali tal-Qorti ta’ l-Awdituri Nru 3/2004). Fil-preżent l-OLAF huwa responsabbli minn kwistjonijiet ta' rkupru li għandhom x'jaqsmu ma' l-irregolaritajiet agrikoli kollha li jkunu notifikati mill-Istati Membri skond ir-Regolament (KEE) Nru 595/91. Kull deċiżjoni sabiex jitħassru ammonti li ma jistgħux jiġu rkuprati għandha tittieħed mill-Kummissjoni permezz tal-proċedura ta' l-EAGGF għal-likwidazzjoni tal-kontijiet li hija mmexxija mid-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura, mgħejun mill-OLAF matul l-istadji differenti.

Ir-responsabbiltajiet huma mqassma b’mod ċar anke bejn id-dipartimenti fl-oqsma tal-miżuri strutturali u kwistjonijiet doganali. Għas-settur tal-miżuri strutturali, l-OLAF huwa responsabbli wkoll għall-ġestjoni tan-notifiki ta' irregolarità kollha mill-Istati Membri skond ir-Regolamenti (KE) Nri 1681/94 u 1831/94 u l-OLAF jaħdem f’koperazzjoni mad-Direttorati Ġenerali li jawtorizzaw (Agrikoltura u Żvilupp Rurali, Politika Reġjonali, Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs, u Sajd u Affarijiet Marittimi). Fis-settur doganali, id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fl-1995 u fl-1999 iddefinixxew b’mod ċar ir-responsabbiltajiet ta’ l-UCLAF/OLAF u d-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali.

Il-funzjonijiet moqdija mill-unitajiet ta' tkomplija jippermettu lill-investigaturi li jikkonċentraw biss fuq il-ħidma tagħhom mingħajr ma jkollhom għalfejn jaħsbu fix-xogħol amministrattiv meħtieġ għat-tkomplija ta' l-aspett finanzjarju, amministrattiv jew leġiżlattiv (ara t-tweġiba għall-paragrafu 82).

55.

Il-Kummissjoni fdat lill-OLAF biex jiżviluppa l-istrateġija ta’ kontra l-frodi tiegħu. Il-funzjoni investigattiva tiegħu, li hija l-missjoni prinċipali tiegħu, hija kontribuzzjoni ċara għat-tħejjija ta' strateġija għal kontra l-frodi. Huwa utli li jinżammu rabtiet mill-qrib ma’ l-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-forom differenti ta' kriminalità, għaliex l-attivitajiet ta’ l-OLAF jibbenefikaw mill-għarfien sod tal-prattiċi nazzjonali. Żewġ eżempji juru l-benefiċċji reċiproċi tal-funzjonijiet ta’ żvilupp u ta’ investigazzjoni: (i) it-tiswir tar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 dwar verifiki u spezzjonijiet fuq il-post kien segwit minn żvilupp ta’ strateġija; (ii) ir-riflessjoni fuq il-Prosekutur Pubbliku Ewropew kienet imqanqla mill-prassi preżenti ta’ l-OLAF u mill-ħtieġa li jiġu meqjusa l-prinċipji ta' l-investigazzjonijiet kriminali (eż il-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża) (ara t-tweġiba għall-paragrafu 91).

58.

Illum, fis-setturi kollha fejn x’aktarx jittieħdu proċeduri kriminali, l-Unità tal-Maġistrati hija involuta aktar minn qabel fil-proċess ta’ evalwazzjoni tal-każijiet (ara t-tweġiba għall-paragrafu 77).

59.

L-OLAF jassisti d-Direttorat Ġenerali għat-Tkabbir, l-amministratur tal-programm PHARE, billi jwaqqaf strutturi għal kontra l-frodi u jiżviluppa programmi ta’ taħriġ biex jgħinuhom.

L-esperjenza ta’ l-OLAF hija utli biex tgħin lill-pajjiżi kandidati jadottaw l-acquis communautaire b’mod effettiv fil-qasam tal-ħarsien ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, skond l-artikolu 280 tat-Trattat KE. Il-programmi Hercule u Pericles, li l-OLAF huwa responsabbli minnhom, ma jeħtiġux wisq riżorsi finazjarji u umani. Jekk dawn jiġu trasferiti għal dipartimenti oħrajn issir aktar ħsara milli ġid lill-Uffiċċju. Waqt li tirrifletti fuq l-attivitajiet ta’ l-OLAF, madankollu, il-Kummissjoni tista’ tiddedika xi ftit ħsieb dwar din il-kwistjoni.

60.

Fl-2005 ingħatat attenzjoni partikolari lit-taħriġ ta’ persunal ġdid (ara t-tweġiba għall-paragrafu 63a), iżda l-OLAF huwa intenzjonat li jpoġġi prijorità akbar fuq it-taħriġ intern u qiegħed jippjana li jagħti aktar importanza lit-taħriġ fl-istruttura tiegħu.

63.

Il-Kummissjoni hija konxja mis-sinifikat tan-numru ta’ persunal temporanju li qiegħed jaħdem għall-OLAF u pproponiet bidliet sinifikanti fil-pjan ta' struttura ta' l-Uffiċċju fit-tħejjijiet għall-ABP 2006 bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti.

a)

Fl-2005 l-OLAF ipprovda taħriġ inizjali għal investigaturi ġodda u taħriġ kontinwu. Dan kien jikkonsisti l-aktar f’taħriġ dwar l-offerti pubbliċi, taħriġ legali u lingwistiku speċjalizzat, sessjonijiet dwar it-tekniċi ta’ l-investigazzjoni u taħriġ kontinwu biex itejjeb l-abbozzar tar-rapporti. Fl-2005 il-Kapijiet ta’ l-Unitajiet ukoll attendew korsijiet ta' management organizzati mill-Kummissjoni.

b)

L-OLAF huwa konxju mid-dannu potenzjali li jista’ jiġi kkawżat minn membri tal-persunal temporanju li jieqfu mix-xogħol fi tmiem il-kuntratt u għaldaqstant ħaseb għal kuntratti ta’ perjodu totali massimu ta’ 8 snin għall-persunal tiegħu, li jippermettilu biżżejjed żmien biex jorganizza kompetizzjonijiet speċifiċi u jibdel il-pjan ta’ struttura tiegħu (ara t-tweġibiet għall-paragrafi 63 u 64).

Il-Kummissjoni hija miftuħa għal djalogu li l-għan tiegħu jkun li jsib bilanċ bejn il-bżonnijiet speċifiċi ta' l-OLAF u r-Regolamenti tal-Persunal.

64.

L-Uffiċċju huwa intenzjonat li jorganizza kompetizzjonijiet interni speċjali fil-ġlieda kontra l-frodi li jagħtu l-opportunità lill-membri tal-persunal l-aktar kwalifikati li jsiru uffiċjali u b’hekk iżomm l-għarfien u l-esperjenza akkwistati minnhom.

65.

Fil-preżent l-Uffiċċju jimpjega 25 espert nazzjonali ssekondat. Filwaqt li l-idea li dan in-numru jitkattar ma twarrbitx, wieħed għandu jifhem li hemm ċerti funzjonijiet sensittivi li l-esperti nazzjonali ssekondati ma jistgħux iwettqu minħabba l-istatus tagħhom.

Barra minn hekk, l-esperjenza ta’ l-OLAF hija li għal skopijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni (intelligence), ikun aktar xieraq li jimpjega persunal temporanju speċjalizzat, għaliex l-Istati Membri m'humiex ippreparati biżżejjed biex ikollhom disponibbli persunal bħala esperti nazzjonali ssekondati, u l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri li normalment jaqblu li jissekondaw l-esperti m’għandhomx fi ħdanhom l-għarfien meħtieġ dwar programmi ta' nefqa diretta. Ikun hemm ukoll problema ta’ bilanċ ġeografiku.

IL-KUMITAT TA’ SORVELJANZA

66.

Rigward il-Kumitat ta’ Sorveljanza, il-Kummissjoni ddikjarat fir-rapport tagħha dwar l-evalwazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-OLAF, li “ħarġu numru ta’ problemi mil-lat ta’ organizzazzjoni,” inklużi l-implimentazzjoni ta’ tqassim amministrattiv u l-post tax-xogħol tas-segretarjat tal-Kumitat. (15) Il-Kummissjoni ser tieħu attitudni kostruttiva u pragmatika meta tiddiskuti s-soluzzjonijiet għal dawn il-problemi, li għandhom ikunu konformi bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-Kumitat ta’ Sorveljanza [ġdid].

KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMNDAZZJONIJIET

74.

Il-qafas legali tax-xogħol ta’ l-OLAF u n-natura tax-xogħol innifsu joħolqu diffikultà fil-ġestjoni tal-prijoritajiet u biex isiru linji gwida dwar ir-riżultati. Minkejja dan, il-Kummissjoni sejħet lill-korpi involuti sabiex iqisu l-prijoritajiet strateġiċi ta’ l-Uffiċċju (ara r-rakkomandazzjoni 11 tar-rapport dwar l-evalwazzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi). (16) Din il-kwistjoni ser tiġi indirizzata wkoll mill-Kummissjoni waqt id-diskussjonijiet dwar ir-riforma tal-ħidma ta’ l-Uffiċċju. Rigward il-linji gwida dwar ir-riżultati, l-OLAF huwa intenzjonat li jinkoraġġixxi s-sinerġiji eżistenti bejn il-proċeduri varji (proċeduri ġudizzjarji, ta’ rkupru u dixxiplinarji), filwaqt li jieħu l-miżuri ta’ prekawzjoni kollha, u jagħmel minn kollox sabiex isib il-modalitajiet l-aktar effettivi sabiex iħares l-interessi finanzjarji.

Il-Kummissjoni tisħaq li s-suġġett ta’ l-indikaturi tal-prestazzjoni li jkejlu r-riżultati ta’ l-Uffiċċju hija kwistjoni kumplessa li teħtieġ studju dettaljat, partikolarment għaliex l-Uffiċċju m'għandux kontroll fuq il-fatturi kollha li jinfluwenzaw is-suċċess fejn it-trattament tal-każijiet jaqa' taħt ir-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet nazzjonali jew ta’ l-Istituzzjonijiet tal-Komunità. L-OLAF għamel analiżi inizjali tar-riżultati tiegħu fl-Evalwazzjoni Kumplimentari ta’ l-attivitajiet ta’ l-OLAF (2004). L-Uffiċċju huwa intenzjonat li jiżviluppa dan l-istudju u li jqis liema indikaturi tal-prestazzjoni jkunu l-aktar xierqa fid-dawl ta' l-aħjar prassi fl-aġenziji nazzjonali (ara t-tweġibiet għall-paragrafi VII u 8).

76.

L-Uffiċċju jemmen li huwa meħtieġ li l-ġestjoni ta' l-attivitajiet ta' ħidma kollha ta' l-OLAF tkun suġġett għall-istess proċeduri interni sabiex jiġi żgurat rappurtaġġ trasparenti u sabiex jiġu stabbiliti kultura u prattiċi komuni. Dan joħloq flessibiltà meta jkun hemm bżonn li jitqassmu r-riżorsi minn settur għall-ieħor u jevita li s-setturi ta’ ħidma varji jingħalqu għalihom. Barra minn hekk, operazzjonijiet ta’ għajnuna u kordinazzjoni, li spiss ikunu aktar kumplessi, jeħtieġu proċeduri interni rigorużi (ara t-tweġibiet għall-paragrafi 13 u 14).

Bħala parti mix-xogħol li qiegħed isir bil-għan li l-ħidma u l-organizzazzjoni ta' l-OLAF jiġu riformati, l-OLAF jista' jeżamina metodi kif jiżviluppa struttura amministrattiva li tirrifletti aħjar id-distinzjoni bejn operazzjonijiet ta’ għajnuna u kordinazzjoni, min-naħa l-waħda, u investigazzjonijiet, min-naħa l-oħra.

77.

Sa mill-aħħar ta’ l-2003 l-OLAF beda jħeġġeġ l-involviment ta’ l-unitajiet ta’ segwitu u tal-maġistrati fil-ftuħ, l-eżekuzzjoni u t-tlestija ta' l-investigazzjonijiet, għaliex dan iħalli impatt pożittiv fuq l-effikaċja ta’ l-investigazzjonijiet u t-tkomplija sussegwenti tagħhom. Il-modulu ta’ Bord tal-CMS implimentat fl-2005 jiffaċilita dan l-involviment.

L-OLAF diġà aġixxa fuq l-osservazzjonijiet tal-Qorti dwar il-ġustifikazzjoni ta’ l-attivitajiet ta' investigazzjoni, u mill-2005 kull rapport ta' evalwazzjoni ta' każ kien jinkludi wkoll pjan ta' ħidma. Rigward ir-riorganizzazzjoni tal-Bord Eżekuttiv, l-OLAF huwa disponibbli li jikkunsidra l-formazzjoni ta’ gruppi iżgħar li jkunu jistgħu jindirizzaw l-attivitajiet tagħhom b'mod aktar effettiv (ara t-tweġibiet għall-paragrafi 41 u 58).

78.

Sa mill-2004 s-sistema ta’ informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-każijiet iffaċilitat is-sorveljanza u l-ġestjoni tal-każijiet. Fl-2004 l-medja ta’ dewmien ta’ l-investigazzjonijiet niżlet b’mod kostanti għal 22 xahar (ara t-tweġibiet għall-paragrafi V, 20 b, 23, 33, 35, 36 u 87).

Sabiex jippermetti lill-Kapijiet ta’ l-Unitajiet li jqassmu l-prijoritajiet ta’ l-investigazzjoni aħjar, l-OLAF qiegħed jistudja l-possibiltà li jwaqqaf sistema ta’ monitoraġġ fuq l-użu tal-ħin ta’ l-investigaturi (ara t-tweġibiet għall-paragrafi 25 u 79). L-Uffiċċju nieda wkoll programmi ta’ taħriġ inizjali għal impjegati ġodda u taħriġ kontinwu speċjalizzat sabiex jgħin lill-investigaturi jtejbu aktar il-kwalità ta’ ħidmiethom (ara t-tweġibiet għall-paragrafi 29 u 63a).

79.

Sa mill-2004 l-CMS għamlitha possibbli li jiġi stabbilit in-numru ta’ każijiet li jkun qiegħed jittratta investigatur (ara t-tweġibiet għall-paragrafi 26 u 14).

Fl-2005 l-OLAF ser jeżamina l-esperjenzi tas-servizzi ta’ investigazzjoni nazzjonali fejn jidħol il-monitoraġġ ta' l-użu tal-ħin ta' l-investigaturi qabel ma titwaqqaf sistema li tkun tieħu qies tad-dewmien mistenni ta' l-investigazzjonijiet skond il-pjan ta’ ħidma. Barra minn hekk, bħalissa qegħda tiġi ttestjata sistema ta’ monitoraġġ ta’ l-użu tal-ħin tal-persunal fl-unitajiet tas-segwitu (ara t-tweġibiet għall-paragrafi 24 sa 26).

80.

Il-Kummissjoni indirizzat il-kwistjoni tal-perjodu massimu għall-investigazzjonijiet fil-proposta tagħha biex jiġu emendati r-Regolamenti (KE) Nri 1073 u 1074/1999 li tipproponi dewmien ta’ 12-il xahar bil-possibiltà li jiġu estiżi l-investigazzjonijiet b’massimu ta’ sitt xhur kull darba fuq il-bażi ta' deċiżjoni meħuda mid-Direttur wara li jikkonsulta lill-Kumitat ta' Sorveljanza. (17)

81.

Ara t-tweġibiet għall-paragrafi 37 u 43.

L-Uffiċċju ma jistax jitqies reponsabbli għat-trattament mill-awtoritajiet ġudizzjarji u dixxiplinarji iżda l-OLAF qiegħed jagħmel ħiltu biex itejjeb il-koperazzjoni (il-ħolqien ta’ l-IDOC fl-2002, li miegħu l-OLAF ikkonkluda Memorandum ta’ Ftehim). Il-Kummissjoni u l-OLAF jikkunsidraw il-kooperazzjoni ma’ l-IDOC bħala waħda sodisfaċenti.

Ara wkoll it-tweġiba għall-paragrafu 29.

82.

Il-valur miżjud minn trattament sussegwenti ġudizzjarju ma jinsabx biss fil-kontribuzzjoni mogħtija mill-maġistrati meta jgħaddu l-fajls lill-awtoritajiet ġudizzjarji; dan joħroġ fejn jidħlu l-kwistjonijiet kumplimentari kollha li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri dixxiplinarji jew ġudizzjarji varji (bħalma huma talbiet għat-tneħħija ta’ l-immunitajiet jew tad-dmir ta’ l-uffiċjali li jeżerċitaw diskrezzjoni, u talbiet għall-għajnuna legali).

Rigward l-irkupru, il-Kummissjoni għażlet li żżid l-għarfien ta’ l-OLAF ma’ dak ta’ l-uffiċjali li jawtorizzaw (ara t-tweġibiet għall-paragrafi 31 u 54).

Dan jingħad mingħajr preġudizzju għal xi ri-evalwazzjoni li l-Kummissjoni tista’ tagħmel fil-futur rigward it-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn is-servizzi tagħha, partikolarment fil-qafas ta’ l-evalwazzjoni tad-dmirijiet/kompetenzi ta’ l-OLAF.

Rigward l-infieq fuq l-agrikoltura, diġà jeżisti mekkaniżmu li permezz tiegħu s-segwitu ta’ l-irkupru tal-fondi li jkunu nstabu li tħallsu illegalment isir mid-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura permezz ta' proċess ta' likwidazzjoni tal-kontijiet.

It-trattament ġudizzjarju sussegwenti ma jistax ikun limitat biss għal każijiet fejn, wara l-proċeduri kriminali, l-uffiċjal li jawtorizza n-nefqa oriġinali jkun jinħtieġ li jibda proċeduri ċivili għall-irkupru. L-awtoritajiet varji li lilhom jiġu mgħoddija l-każijiet jistaqsu lill-Uffiċċju biex jgħinhom jikkomunikaw ma' l-Istituzzjonijiet. Huwa veru wkoll li biex jevalwa u jtejjeb xogħolu l-Uffiċċju għandu bżonn jibqa' jsegwi każijiet mgħoddija lill-awtoritajiet differenti sabiex jiskopri l-eżitu.

Fil-każ ta’ trattament sussegwenti leġiżlattiv, bla dubju hija r-responsabbiltà tad-Direttorati Ġenerali li jieħdu l-miżuri meħtieġa fl-oqsma tagħhom biex jaġixxu fuq ir-rakkomandazzjonijiet magħmula wara l-investigazzjonijiet ta' l-OLAF. L-Uffiċċju jirrileva li huwa involut fil-prevenzjoni tal-frodi fil-bidu tal-proċess leġiżlattiv (ara t-tweġiba għall-paragrafu 91).

83.

L-Uffiċċju josserva li hija prassi normali li lment dwar deċiżjoni amministrattiva jiġi mgħoddi lid-dipartiment ikkonċernat qabel ma jintalab rimedju ġudizzjarju.

Il-proposta ta' emenda tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tikkodifika d-drittijiet tad-difiża, inklużi d-dritt tas-smigħ u kjarifiċi importanti oħra li għandhom x’jaqsmu mal-proċeduri li jirregolaw l-investigazzjonijiet ta' l-OLAF. (18)

84.

L-OLAF jemmen li jkun possibbli li jikkonsolida r-relazzjonijiet ta’ ħidma ma’ l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi. L-Artikolu 15 tar-Rakkomandazzjoni Nru 6 tal-Kummissjoni jissuġġerixxi linji-gwida dwar il-koperazzjoni sabiex tiżdied l-effikaċja tal-funzjoni konsultattiva u tat-trattament sussegwenti ġudizzjarju. L-Uffiċċju poġġa t-titjib tal-kuntatti ta’ ħidma bħala waħda mill-prijoritajiet tiegħu għall-2005 (ara t-tweġibiet għall-paragrafi 15 u 37).

85.

Il-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni f’Lulju 2004 dwar l-għajnuna amministrattiva reċiproka għall-ħarsien ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra għandha l-għan li r-relazzjoni bejn il-Kummissjoni (l-OLAF) u l-awtoritajiet nazzjonali ssir aktar uniformi. Ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 huwa ta’ importanza kbira għall-mod kif isiru l-investigazzjonijiet u jippermetti l-irkupru ta’ somom sinifikanti. Madankollu, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni m’humiex awtomatikament l-istess bħal dawk mogħtija lil korpi komparabbli taħt il-liġijiet nazzjonali, u dan jikkomplika l-kwistjoni ta' l-implimentazzjoni.

Hija l-intenzjoni ta’ l-OLAF li jtejjeb il-koperazzjoni ma’ l-Istati Membri; dan jirrikjedi sforzi kontinwi u sostnuti miż-żewġ naħat. L-Artikolu 3 tal-proposti għall-emendi tar-Regolamenti (KE) Nri 1073/99 u 1074/99, li ġew proposti fi Frar 2004, u r-rakkomandazzjoni Nru 5 tar-rapport tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 15 (li jestendu l-memoranda ta' ftehim konklużi bejn l-OLAF u l-awtoritajiet nazzjonali) huma passi f'din id-direzzjoni.

87.

Il-CMS tippermetti ġestjoni kontinwa ta’ l-investigazzjonijiet u mill-2003 bdew jintużaw il-kwadri ta’ valutazzjoni tal-CMS. Minkejja li fil-passat l-akbar sforz tal-CMS kien li tirreġistra u tikklassifika l-informazzjoni li għandha x'taqsam mal-każijiet, is-sistema qegħda tevolvi l-ħin kollu u issa qegħda ssir għodda siewja għall-ġestjoni tal-każijiet.

Il-CMS għandha l-karatteristiċi neċessarji biex issir strument prezzjuż għall-ġestjoni kontinwa tal-każijiet iżda hemm bżonn ta’ xi titjib fil-mod ta’ kif tintuża (ara t-tweġiba għall-paragrafu 17).

Il-verżjoni tal-Manwal ta’ l-OLAF adotatta fi Frar 2005 diġà fiha xi titjib. L-OLAF jikkunsidra wkoll li jpoġġi l-materjal kollu li għandu x’jaqsam mat-twettiq ta’ l-investigazzjonijiet f’dokument separat (ara t-tweġiba għall-paragrafu 34).

Fl-aħħarnett, sar sforz speċjali fejn jidħol it-taħriġ (ara t-tweġiba għall-paragrafu 63a)

88.

Biex itejjeb il-kwalità tar-rapporti dwar l-attivitajiet tiegħu u l-evalwazzjoni ta’ l-effikaċja tiegħu, l-OLAF beda studju ta’ l-indikaturi tal-prestazzjoni, billi bbaża ruħu fuq l-esperjenza ta’ l-aġenziji ta’ l-investigazzjoni nazzjonali (ara t-tweġibiet għall-paragrafi 8 u 37).

Kif imsemmi fit-tweġiba għall-paragrafu 42, l-Uffiċċju u l-Kummissjoni huma disponibbli li jkomplu d-diskussjonijiet ma' l-Istituzzjonijiet ikkonċernati dwar il-konenut u l-livell ta' razjonalizzazzjoni tar-rapporti varji ta' l-OLAF.

89.

Il-ħidma ta’ l-Uffiċċju hija fil-biċċa l-kbira tagħha reattiva għaliex, bħal fil-każ ta’ ħafna mis-servizzi ta’ investigazzjoni nazzjonali, bażikament jirrispondu għal talbiet esterni li mhux dejjem ikunu prevedibbli.

Biex il-livelli tal-persunal isiru aktar stabbli, l-Uffiċċju huwa intenzjonat li jorganizza kompetizzjonijiet interni speċjali fi sforz li jżomm l-għarfien u l-esperjenza akkwiżita tal-persunal l-aktar kwalifikat u biex jibdel il-pjan ta' struttura bħalma indikat mill-Qorti (ara t-tweġibiet għall-paragrafi 63 u 64).

L-Uffiċċju stabbilixxa l-pjan ta’ ħidma tiegħu għall-2005 u alloka r-riżorsi lill-Unitajiet fuq il-bażi tal-volum ta’ xogħol mistenni. Skond id-daqs ta’ l-Unità tagħhom, il-Kapijiet ta’ l-Unitajiet huma mgħejjuna minn Kapijiet ta’ Ħidma sabiex jiġi żgurat li l-investigazzjonijiet ikunu monitorati mill-qrib.

90.

Illum, l-Unità ta’ l-Informazzjoni (intelligence) tippermetti lill-OLAF li jidentifika oqsma ta’ riskju u tiffaċilita l-allokazzjoni tar-riżorsi fis-setturi varji fuq perjodi twal ta' żmien (ara t-tweġiba għall-paragrafu 19). Fil-futur l-Unità tista’ tikkontribwixxi b’mod aktar dirett fl-investigazzjonijiet billi tagħti appoġġ fit-tqassim tal-prijoritajiet ta' l-Uffiċċju (ara t-tweġiba għall-paragrafu 46).

L-emendi tar-Regolamenti (KE) Nri 1073/1999 u 1074/999 proposti mill-Kummissjoni, li jikkjarifikaw kwistjonijiet rigward jekk l-Uffiċċju għandux iniedi investigazzjonijiet, jippermettu lill-OLAF li jagħti prijorità lil oqsma meqjusa ta’ riskju għoli mid-dipartimenti ta’ l-analiżi strateġika. Ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti dwar dan is-suġġett hija konformi mar-rakkomandazzjoni Nru 5 tar-rapport dwar l-evalwazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi. (19)

Rigward irregolaritajiet notifikati mill-Istati Membri, wara titjib konsiderevoli fil-kwalità tan-notifika u l-evalwazzjoni tagħhom, din l-informazzjoni issa qegħda tiġi sfruttata għalskopijiet ta’ analiżi tar-riskju (ara t-tweġiba għall-paragrafu 47).

91.

Dwar is-suġġett ta’ prevenzjoni tal-frodi, il-leġiżlatur tal-Komunità għaraf is-sinerġiji bejn l-attivitajiet ta’ ħidma ta’ l-OLAF u r-rwol tiegħu fit-tfassil ta’ metodi għal kontra l-frodi (ara r-Regolament (KE) Nru 1073/1999).

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prevenzjoni tal-frodi (SEC (2001) 2029) tassenja lill-OLAF rwol speċifiku kordinattiv u konsultattiv (ara t-tweġiba għall-paragrafu 55). Il-kwistjoni tad-duwalità tal-funzjonijiet ta' l-OLAF ser tiġi indirizzata fis-smigħ pubbliku tal-Parlament Ewropew dwar ir-riforma ta' l-OLAF.

92.

Ir-riżorsi umani utilizzati biex jiġu ġestiti programmi mmexxija mill-OLAF huma minimi u r-riżorsi finanzjarji involuti huma insinifikanti. L-OLAF jagħti vantaġġi reali lill-programmi u l-Uffiċċju jibbenefika bis-sħiħ minnhom, partikolarment f’termini ta’ koperazzjoni. Madankollu, fejn jidħlu dawn il-programmi, il-Kummissjoni tista tirrifletti b’mod ġenerali dwar id-definizzjoni tar-responsabbiltajiet ta’ l-OLAF.

93.

Dwar il-Kumitat ta’ Sorveljanza, il-Kummissjoni tikkondividi l-opinjoni tal-Qorti li hemm il-ħtieġa li l-mod kif jitmexxa l-Uffiċċju għandu jiġi revist.

Fil-proposta tal-Kummissjoni għall-emenda tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999, li ssottomettiet lill-Istituzzjonijiet għad-diskussjoni, hija ppreżentat soluzzjonijiet differenti biex jiġi definit b’mod aktar ċar ir-rwol tal-Kumitat ta’ Sorveljanza u lesta li tittrata din il-kwistjoni aktar fil-fond.

94.

L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti teħtieġ studju dettaljat u tista’ twassal għal-organizzazzjoni ta’ l-OLAF b'mod li jidentifika l-funzjonijiet tiegħu b’mod aktar ċar u li jħares is-sinerġiji ta’ bejniethom biex b’hekk jiġi aċċertat li l-attività prinċipali tiegħu, l-investigazzjoni, titwettaq bl-effikaċja meħtieġa.

Bħala kunċett, l-istrateġija ta’ kontra l-frodi għandha tkun globali, u tħaddan fiha l-analiżi u t-tfassil ta’ politika, proposti leġiżlattivi, u l-iżvilupp ta’ koperazzjoni internazzjonali u ta’ bejn l-aġenziji u madwar ir-rwol ċentrali tal-funzjoni ta’ investigazzjoni u ta’ ħidma. Dan jingħad mingħajr preġudizzju għal xi ri-evalwazzjoni li l-Kummissjoni tista’ tagħmel fil-futur rigward it-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn is-servizzi tagħha, partikolarment fil-qafas ta’ l-evalwazzjoni tad-dmirijiet/kompetenzi ta’ l-OLAF.

ANNESS

RISPOSTI MILL-KUMITAT TA’ SORVELJANZA TA’ L-OLAF

Ir-rwol tal-Kumitat ta’ Sorveljanza (punt 66)

Il-kontroll tal-Kumitat ta’ Sorveljanza jkopri għalhekk il-mod ta’ kif isiru l-investigazzjonijiet: “b’rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali, u partikolarment tal-prinċipju ta’ ekwità, tad-dritt lill-persuna involuta li tesprimi ruħha dwar il-fatti li jikkonċernawha u tad-dritt li l-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni jkunu bbażati biss fuq dawk l-elementi li għandhom valur evidenzjali”. (ara nru10 tar-Regolament bażiku). Dawn l-indikazzjonijiet ċari jiżvelaw xi prinċipji dwar ir-regoli ta’ proċedura ta’ l-investigazzjonijiet. Barraminhekk, il-kumitat għandu wkoll ir-rwol li jissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni ta’ l-informazzjoni.

A.   Il-Kumitat ta’ Sorveljenza u l-indipendenza ta’ l-Uffiċju (punti 67 u 70)

L-indipendenza li jgawdi l-Uffiċju, u d-Direttur tiegħu, waqt li jwettaq l-investigazzjoni, hija waħda mill-ikbar żviluppi introdotti fir-Regolament nru 1073/1999. Biex tissaħħaħ din l-indipendenza, li tista’ tiġi mdgħajjfa minn pressjonijiet u influwenzi informali iktar milli b’istruzzjonijiet diretti ġejjin minn entità instituzzjonali, il-Kumitat irid jeżerċita viġilanza kostanti, li hi l-unika mezz biex jiġi evitat kull tentattiv biex tiddgħajjef din l-indipendenza.

B.   Il-Kumitat ta’ Sorveljanza u d-drittijiet tal-persuni investigati (punti 67, 68 u 70)

Ir-rwol tal-Kumitat mhuwiex dak li jissorvelja l-legalità ta’ l-investigazjonijiet.

L-azzjoni tal-Medjatur, għalkemm hija importanti ħafna, mhix biżżejjed waħedha u mhijiex kontroll ta’ legalità fis-sens ġuridiku tal-kelma. Il-Kumitat iqis li din l-azzjoni, immirata biex tiżvela “l-anormalitajiet” li jistgħu jinqalgħu, għandha tiġi kkumplimentata minn azzjoni min-naħa tal-leġiżlatur. B’din il-kunsiderazzjoni, u wara skambju ta’ opinjonijiet mal-CoCoBu, il-Kumitat ta’ Sorveljanza, qatt ma naqas milli jagħmel il-proposti tiegħu fir-rapporti annwali dwar il-ħolqien ta’ Prosekutur Ewropew. Reċentament, fir-rapport annwali tiegħu ta’ l-2004, il-Kumitat ta’ Sorveljanza ppropona l-ħatra ta’ avukat tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-Kumitat ta’ Sorveljanza huwa konxju li r-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa kemm garanzija għall-persuni investigati kif ukoll kundizzjoni għall-effettività ta’ l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF.

Sa mill-bidu ta’ l-attività tiegħu, biex ma jindaħalx ma’ l-attivitajiet ta’ investigazzjoni ta’ l-OLAF, il-Kumitat ta’ Sorveljanza rrifjuta li jintervjeni fid-dokumenti individwali, li xi wħud minnhom kienu indirizzati lilu mill-persuni investigati, li xi drabi talbu wkoll li jinstemgħu quddiem il-Kumitat fil-preżenza ta’ l-avukati, iżda dan qatt ma ġie aċċettat mill-Kumitat. B’dan il-mod, kull riskju li jintrikeb ix-xogħol tal-Medjatur ikun evitat.

Madanakollu, il-Kumitat ta’ Sorveljanza għamel użu mit-talbiet tal-persuni investigati biex jidentifika xi wħud mill-problemi ġenerali. Dawn il-problemi wasslu għal eżaminazzjoni ddettaljata fil-laqgħat tal-Kumitat (f'dan il-kuntest ġew eżaminati wkoll id-deċiżjonijiet tal-Medjatur) u għal skambju ta’ opinjonijiet ma’ l-OLAF.

Fil-fatt, il-kwistjoni tar-regoli ta’ proċedura wasslet għal numru ta’ laqgħat mad-Direttur ta’ l-Uffiċju kif ukoll mad-Direttur responsabbli mill-investigazzjonijiet. Fir-rigward ta’ ċertu punti (per eżempju, l-introduzzjoni tal-minuti u tas-smigħ), intlaħqu malajr riżultati pożittivi. Il-kwistjoni tat-twaqqif ta’ kodiċi interni xierqa ta’ l-Uffiċju għadha miftuħa; il-Kumitat ta’ Sorveljanza wera kemm il-darba l-bżonn ta’ kodiċi bħal dawn. S’issa, id-Direttur ta’ l-Uffiċju ma weriex ix-xewqa li jaddotta kodiċi bħal dawn, anki fuq bażi purament interni.

C.   Il-Kumitat ta’ Sorveljanza u s-sorveljar regolari ta’ l-investigazzjonijiet (punt 69)

Fil-bidu, u m’hemmx dubju li dan ħa fit-tul, il-Kumitat kellu jagħti attenzjoni iktar milli xtaq għall-iżvilupp ta’ strutturi u metodi ta’ xogħol ġodda fl-OLAF. Imbagħad, il-Kumitat seta’ jiddedika ruħu għal kwistjonijiet operattivi u jeżerċita s-setgħat ta’ sorveljar tiegħu fl-investigazzjonijiet (ara l-aħħar rapport annwali, kapitolu I).

1.

It-twaqqif ta’ strutturi ġodda (69 b)

Bħala tweġiba għal waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti ta’ l-Awdituri, sa mill-ewwel semestru ta’ l-2001, inħolqot sistema ta’ reġistrazzjoni tad-dokumenti kollha u “ Sistema għall-immaniġġjar tal-każijiet ” li qiegħda dejjem tittejjeb, kif ukoll reġistru.

2.

Informazzjonij dwar l-investigazzjonijiet li jieħdu aktar minn disa’ xhur (69a)

L-informazzjoni mid-Direttur ta’ l-OLAF dwar l-investigazzjonijiet li ma jingħalqux wara disa’ xhur, kif mitlub mill-Artikolu 11, paragrafu 7 tar-Regolament, kienet sors utli ta’ informazzjoni għall-Kumitat kif ukoll element tajjeb ta’ kontroll. Fil-prattika, din l-informazzjoni wasslet għal skambju ta’ opinjonijiet utli mad-Direttur responsabbli mill-investigazzjonijiet dwar l-iżvolġiment ta’ l-investigazzjonijiet u tal-kwistjonijiet ġenerali.

3.

Notifika minn qabel tal-każijiet li jiġu rriferuti lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru (69 c u d)

L-Artikolu 11, paragrafu 7, tar-Regolament, fil-verżjoni franċiża, jiddikjara li “id-Direttur irid jinforma lill-Kumitat dwar il-każijiet li jirrikjedu t-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru”. Fl-Artikolu 22, paragrafu 5 tar-Regolament intern ippubblikat fil-ĠU tal-15 ta’ Frar 2005 u addottat fuq il-bażi ta’ test imfassal mir-rapporteur, is-Sur Da Cunha Rodrigues, li dak iż-żmien kien membru tal-Kumitat ta’ Sorveljanza u li iktar tard ġie maħtur imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, il-Kumitat ta’ Sorveljanza interpreta l-kelma “jeħtieġu” b'mod li timplika notifika minn qabel.

Din l-interpretazzjoni ġiet użata kemm-il darba u qatt ma wasslet għal tilwim jew problemi.

F’każ sensittiv, id-Direttur responsabbli mill-investigazzjoni, mingħajr ma jagħmel l-ebda referenza għad-dokument, talab lill-Kumitat ta’ Sorveljanza biex l-OLAF jinnotifika l-informazzjoni lill-Kumitat wara t-trażmissjoni ta’ l-informazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Il-Kumitat qabel ma’ din in-notifika.

4.

Investigazzjonijiet interni u esterni (punt 71)

L-attenzjoni ta’ l-istituzzjonijiet kienet iffukata fuq l-investigazzjonijiet interni fil-każ li wassal għar-riżenja tal-Kummissjoni, ippreseduta mis-Sur Santer. Il-premessi Nri 1 u 7, kif ukoll l-Artikolu 1, paragrafu 3, tar-Regolament juru dan it-tħassib. Wieħed għandu josserva li l-investigazzjonijiet interni huma, fir-realtà, f’idejn l-Istati Membri għax huma jwettqu fil-fatt l-investigazzjonijiet, waqt li l-Uffiċju jillimita lilu nnifsu għall-għotja ta’ materjal ta’ support u għall-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ kordinazzjoni.

Madanakollu, jekk wieħed jeżamina d-dokumenti kollha u l-CMS, mhuwiex il-każ li fil-prattika, l-Uffiċju jew il-Kumitat ta’ Sorveljanza, li jibbaża x-xogħol tiegħu fuq l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċju, jipprivileġġaw l-aspett kriminali ta’ l-investigazzjonijiet interni bi ħsara lill-investigazzjonijiet esterni. Il-fatt li l-investigazzjonijiet interni, li huma ta’ natura delikata, ingħataw ħafna drabi attenzjoni partikolari mill-Uffiċju u mill-Kumitat ta’ Sorveljanza (u dan jidher fil-minuti tal-Kumitat) kif ukoll mill-istampa, ma jfissirx li l-investigazzjonijiet esterni ġew injorati. Minbarra l-investigazzjonijiet esterni, wieħed għandu jinnota b’mod partikolari li l-Uffiċju mexxa attività importanti ta’ assistenza lill-Istati Membri, li kienet apprezzata mill-Kumitat (ara l-kapitolu II tar-rapport annwali).

5.

L-eżaminazzjoni tad-dokumenti magħluqa u r-reġistri ta’ evalwazzjoni (punt 72)

L-eżaminazzjoni tad-dokumenti magħluqa ingħatat attenzjoni partikolari mill-Kumitat ta’ Sorveljanza, li talab lis-segretarjat biex jeżamina l-ikbar numru possibli ta' dawn id-dokumenti u biex jipprepara reġistri ta’ evalwazzjoni għal dawk il-każijiet l-iktar importanti. L-għażla li jiġu eżaminati l-każijiet magħluqa tevita kull riskju ta’ interferenza fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin. Minħabba n-natura tad-dokumenti, ir-reġistri ppreparati mis-segretarjat tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għall-użu intern, juru l-problemi li jinqalgħu maż-żmien u wasslu għal analiżi fil-fond mill-Kumitat. Fejn kien xieraq, il-problemi identifikati, partikolarment dawk relatati mal-proċedura u l-eżami tar-riżultat tal-proċeduri kriminali fl-Istati Membri, wasslu għal skambju ta’ opinjonijiet utli bejn il-Kumitat ta’ Sorveljanza u d-Direttur ta’ l-Uffiċju jew id-Direttur responsabbli mill-investigazzjonijiet. Il-minuti tal-Kumitat mhux dejjem juru l-istampa kollha ta’ l-osservazzjonijiet li jsiru waqt il-laqgħat tal-Kumitat, għax ħafna dokumenti, magħluqa mill-OLAF, ikunu għadhom taħt investigazzjoni fl-Istat Membru.

D.   Konklużjonijiet (punt 93)

Jista’ jiġi konkluż li l-Kumitat ta’ Sorveljanza addotta attitudni ta’ support lejn l-Uffiċju, li fejn hemm bżonn tinkuraġġixxi t-twaqqif ta’ strutturi u metodi ġodda. Din l-attitudni kellha riżultati konkreti pożittivi fir-rigward tar-reġistri, fis-sistema tar-reġistrazzjoni tad-dokumenti u fil-CMS, waqt li sa llum id-Direttur ta’ l-Uffiċju għadu ma kkunsidrax ir-rakkomandazzjoni urġenti u mtennija magħmla mill-Kumitat ta' Sorveljanza dwar l-adozzjoni ta' kodiċi xierqa ta' proċedura.

Ma kien hemm l-ebda każ fejn inqalgħet il-problema ta’ xi interferenza li tista’ ssir mill-Kumitat ta’ Sorveljanza f’investigazzjoni li tkun għaddejja. Għal kuntrarju, il-laqgħat ta’ kull xahar mad-Direttur kienu okkażjoni tajba biex jiġu eżaminati kwistjonijiet ġenerali li jistgħu jingħataw attenzjoni mill-Kumitat ta’ Sorveljanza.


(1)  Fuq il-bażi tal-kriterji li jirriflettu l-prijoritajiet stabbiliti fil-Programm ta’ l-Attivitajiet ta’ l-OLAF.

(2)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 — COM (2004) 103 finali, ta’ l-10 ta’ Frar 2004.

(3)  Artikolu 6(7) ta’ l-emenda proposta għar-Regolament (KE) Nru 1073/1999, li tikkonċerna t-tul ta’ l-investigazzjonijiet; COM (2004) 103 finali, ta’ l-10 ta’ Frar 2004.

(4)  Rapport ta’ evalwazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-OLAF COM (2003) 154 finali.

(5)  COM (2004) 103 ta’ l-10 ta’ Frar 2004.

(6)  Stima kumplimentari ta’ l-attivitajiet ta’ l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), SEC (2004) 1370, tas-26 ta’ Ottubru 2004.

(7)  Stima kumplimentari ta’ l-attivitajiet ta’ l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), paragrafu 1.3.2, SEC (2004) 1370, tas-26 ta’ Ottubru 2004.

(8)  Cf. pragrafu 164 tal-Każ C-15/00 Kummissjoni vs. BEI [2003] ECR I-7281.

(9)  Cf. paragrafu 3.2 tal-Manwal ta’ l-OLAF.

(10)  Cf. paragrafu 3.3.3 tal-Manwal ta’ l-OLAF, (25.02.2005.)

(11)  EWS (Early Warning System) (SEC 2005 310).

(12)  Rapport dwar l-Evalwazzjoni Kumplimentari ta’ l-attivitajiet ta’ l-OLAF — SEC (2004) 1370, tas-26 ta’ Ottubru 2004.

(13)  Għas-settur tan-nefqa diretta, ara: id-dokumenti COM (2002) 671 finali, SEC (2000) 2204/3 u r-regoli interni tal-Kummissjoni dwar l-irkupru relatat man-nefqa diretta C-2002-5048/4. — Ara l-paragrafu 54 ta’ dan ir-rapport dwar l-agrikoltura, il-miżuri strutturali u s-setturi doganali.

(14)  (Cf.: paragrafu 1.3. Rapport dwar l-Evalwazzjoni Kumplimentari ta’ l-attivitajiet ta’ l-OLAF — SEC (2004) 1370, tas-26 ta’ Ottubru 2004.

(15)  COM (2003) 154 finali.

(16)  Rapport dwar l-Evalwazzjoni ta’ l-attivitajiet ta' l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), COM (2003) 154 finali.

(17)  Ara l-Artikolu 6(7) tal-proposta. COM (2004) 103 finali ta’ l-10 ta’ Frar 2004.

(18)  COM (2004) 103, ta’ l-10 ta’ Frar 2004.

(19)  COM (2003) 154 finali.


18.8.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C NaN/33


OPINJONI Nru 6/2005

dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex temenda r-Regolamenti (KE) Nru 1073/1999 u (Euratom) Nru 1074/1999 rigward l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

(skond l-Artikolu 248(4), it-tieni sotto-paragrafu u l-Artikolu 279(2), KE)

IL-QORTI TA' L-AWDITURI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 280 tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Eenerġija Atomika, u partikolarment l-Artikolu 160c tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1073/1999 u (Euratom) Nru 1074/1999,

Wara li kkunsidrat it-talba għal opinjoni lill-Qorti ta' l-Awdituri mill-Kunsill fit-8 ta' Marzu 2004,

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

L-isfond tal-proposta

1.

Il-proposta hija bbażata fuq ir-rapport tal-progress mogħti mill-Kummissjoni f'April 2003 taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-investigazzjonijiet immexxijja mill-OLAF (1). Hija wkoll segwitu tal-kompitu mogħti mill-President tal-Kummissjoni lill-Kumitat dwar il-Kontroll tal-baġit fit-18 ta' Novembru 2003 waqt il-preżentazzjoni tal-programm leġislattiv u ta' xogħol tal-Kummissjoni għall-2004. Il-proposta tal-Kummissjoni tfittex li ssaħħaħ l-effiċjenza operattiva ta' l-OLAF billi tħalliħ jikkonċentra fuq il-prijoritajiet tiegħu u sabiex iħaffef l-investigazzjonijiet tiegħu billi tiċċara ċerti proċeduri. Madanakollu, id-dikjarazzjoni tal-President marret iktar il-bogħod mill-proposta mressqa mill-Kummissjoni billi, barra mill-aġġustamenti għall-proċeduri t'investigazzjoni, hija kkunsidrat il-prospettiva ta' riorganizzazzjoni ta' l-Uffiċċju nniffsu.

2.

Il-President tal-Kummissjoni kien, fil-fatt, qal illi r-riffokar ta' l-attivitajiet ta' l-OLAF kien ifisser illi jista' jkun hemm każ sabiex jiġu assenjati mill-ġdid lid-dipartimenti tal-Kummissjoni ċerti funzjonijiet orizzontali li mhumiex relatati ma' l-investigazzjonijiet, u li t-tmexxija ta' l-OLAF kellha bżonn tiġi rrikunsidrata (2). Finalment, huwa ppropona li tiżdied l-effettivita' ta' l-OLAF, minħabba li l-ammont ta' xogħol tiegħu qed jiżdied f'Unjoni ikbar - billi jiżdiedu r-risorsi tal-persunal tiegħu, jirrifoka l-funzjonijiet tiegħu fuq il-funzjoni investigattiva tiegħu u jadatta r-Regolament…. Mill-proposti magħmula mill-President tal-Kummissjoni, hija biss l-aħħar waħda (adattazzjoni tar-Regolament) li hija kkonċernata mill-proposta sabiex jiġi emendat ir-Regolament Nru 1073/1999. Riffokar tal-funzjonijiet reali ta' l-Uffiċċju kien ikun jirrikjedi emendament lid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 t'April 1999 li waqqfet l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi. (3)

3.

Il-preambolu juri illi l-għan tal-proposta huwa li jemenda r-Regolament f'ħames partijiet prinċipali, mingħajr ma jitpoġġew f'diskussjoni bl-ebda mod il-poteri u r-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità. Dawn il-ħames partijiet huma kif ġej:

a)

rigward każijiet li għandhom jiġu segwiti b'mod attiv, l-Uffiċċju għandu jkun liberu li jiddeċiedi, fuq bażi tal-prijoritatjiet tiegħu stess, jekk jiftaħx jew le investigazzjoni (dikjarazzjoni tal-prinċipju ta' diskrezzjoni fil-ftuh ta' investigazzjonijiet);

b)

rigward l-investigazzjonijiet interni (investigazzjonijiet amministrattvi ġewwa l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji), l-Uffiċċju għandu jinforma lill-istituzzjonijiet u l-korpi fejn ikunu qed isiru l-investigazzjonijiet jew fejn hemm bżonn ta' miżuri amministrattivi sabiex jiġu protetti l-interessi ta' l-Unjoni;

c)

f'investigazzjonijiet interni u f'każijiet ta' frodi konnessi ma' kuntratti ffinanzjati mill-fondi Komunitarji (in-nefqa diretta jieħdu ħsiebha l-investigazzjonijiet esterni), l-Uffiċċju għandu jkun kapaċi jwettaq ispezzjonijiet fil-bini ta' operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri skond il-proċeduri li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96. Huwa għandu jkollu wkoll aċċess mhux imfixkel għal informazzjoni miżmuma mill-istituzzjonijiet u korpi Komunitarji meta jkun qed iwettaq investigazzjonijiet esterni;

d)

għal ġieh dak li hu ġust u għaċ-ċertezza legali, il-garanziji proċedurali relatati mad-drittijiet ta' l-individwi għandhom jiġu ċċarati kemm għall-investigazzjonijiet interni kif ukoll esterni.

e)

l-irwol tal-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jiġi estiż għall-monitoraġġ ta' kemm idumu l-investigazzjonijiet u għall-protezzjoni ta' l-individwi, kemm f'investigazzjonijiet interni kif ukoll esterni. Għalhekk huwa propost li n-numru ta' Membri tal-Kumitat jiżdied bi tnejn. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll illi Membru wieħed tal-Kumitat għandu jkun responsabbli għall-preparazzjoni tax-xogħol dwar l-osservanza ta' l-Uffiċċju tad-drittijiet individwali.

4.

Il-kummenti li jsegwu jieħdu kont tas-sejbiet tal-verifika ta' l-Uffiċċju, kif imniżżla fir-Rapport Sepċjali Nru 1/2005 tal-Qorti ta' l-Awdituri.

Applikazzjoni tal-prinċipju ta' diskrezzjoni fil-ftuh ta' l-investigazzjonijiet

5.

L-applikazzjoni tal-prinċipju ta' diskrezzjoni fil-ftuh ta' investigazzjonijiet jista' jiġi meqjus bħala materja ta' effiċjenza, u l-Qorti tilqa' l-bidla. Madanakollu, l-effett prattiku immedjat ser ikun limitat. Kif juri r-Rapport Speċjali, in-numru ta' denunzji li għandhom bażi soda li l-Uffiċċju jirċievi ma huwiex kbir.

6.

L-iffissar ta' prijoritajiet u ta' żmienijiet li fihom irid isir ix-xogħol huma kwistjonijiet relatati. L-esperjenza wriet illi ħafna mill-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju jieħdu iktar minn perijodu raġonevoli (12 sa 18-il xahar). Għalhekk, ikun utli li jiġu ffissati skadenzi għall-investigazzjonjiet.

Obbligu ta' avviż

7.

Il-Qorti hija favur il-proposta li jiġi rinforzat l-obbligu ta' l-Uffiċċju li jinforma l-istituzzjonijiet u l-korpi konċernati bil-ftuħ ta' investigazzjoni. It-tħassir fl-Artikolu 4.5 preżenti, tad-dritt li din l-informazzjoni tiġi ddiferita jikkostitwixxi madanakollu ċerta ambigwità. In-nuqqas ta' dispożizzjoni fuq dan il-punt ifisser li l-possibilità li informazzjoni tinżamm u ma tingħatax m'hijiex eskluża. Il-proposta tal-Kummissjoni għandha tiġi mmodifikata sabiex jiġi żgurat li l-obbligu tan-notifikazzjoni ma jiġix imwarrab mingħajr ġustifikazzjoni bil-pretest li hemm bżonn ta' segretezza sabiex tiġi garantita l-effiċjenza ta' l-investigazzjoni.

Użu estiż tal-proċeduri ta' l-ispezzjoni fir-Regolament Nru (Euratom, KE) 2185/96 (4)

8.

Ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 jipprovdi għal iċċekkjar u ispezzjonijiet fuq il-post magħmula mill-Kummissjoni sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej rigward is-sostenn agrikolturali, Fondi Stutturali u risorsi proprji.

9.

Din il-proposta tipprovdi għall-applikazzjoni ta' dan ir-regolament sabiex tiġi estiża għan-nefqa diretta (politika interna, għajnuna esterna eċċ.). Dan għandu jsaħħaħ il-firxa ta' miżuri ta' intervenzjoni li huma disponibbli għall-Uffiċċju, partikolarment rigward il-koperazzjoni ma' l-awtoritajiet nazzjonali. Il-verifiki tal-Qorti kkonfermaw li jeżisti nuqqas f'dan ir-rigward. Fuq dan il-punt, għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni għandha tiġi milqugħa b'mod pożittiv.

Tisħiħ tal-garanziji proċedurali

10.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa xieraq li l-prinċipji fundamentali li għandhom jirregolaw l-investigazzjonijiet għandhom jiġu mniżżla fir-Regolament. Il-Qorti taqbel ma' dan.

L-irwol u n-numru ta' membri tal-Kumitat ta' Sorveljanza

11.

Il-konformità mal-proċeduri legali ta' l-investigazzjonijiet għandha tiġi assigurata. Skond ir-Regolament 1073/1999 (Artikolu 14), ilmenti waqt investigazzjoni rigward domandi mill-investigaturi OLAF għandhom jiġu magħmula lid-Direttur ta' l-Uffiċċju. Din m'hijiex soluzzjoni soddisfaċenti għaliex ma tagħtix lil min qiegħed jilmenta analiżi ndipendenti tat-talba. Bħala alternattiva, individwi taħt investigazzjoni rreferew għall-Ombudsman meta kkunsidraw illi d-drittijiet fundamentali tagħhom kienu ġew miksura. Din il-proċedura rriżultat insodisfaċenti u wasslet f'ċerti okkażjonijiet għal sitwazzjonijiet fejn l-Ombudsman deher bħala li qiegħed jintervjeni fil-kors ta' investigazzjonijiet. Il-proposta tal-Kummissjoni tagħti lill-Kumitat ta' Sorveljanza l-irwol li jikkontrolla l-mod li bih jimxu l-investigaturi. Din m'hijiex soluzzjoni aħjar, għaliex hija kontra l-prinċipju illi l-Kumitat m'għandux jintervejni fl-investigazzjonijiet li jkunu għandhom għaddejjin.

12.

L-analiżi tal-legalità ta' l-atti investigattivi għandha tiġi fdata f'idejn korp li jkun imparzjali u li ma jistax jiġi nvolut fit-tmexxija ta' l-investigazzjoni minħabba aspetti oħra tal-mandat tiegħu.

13.

Il-proposta tal-Kummissjoni ma tiċċarax l-irwol tal-Kumitat ta' Sorveljanza rigward l-inkompatibilità bejn il-prinċipju li ma jsirux interferenzi fl-investigazzjonijiet u l-obbligu li tinkiseb opinjoni mill-Kumitat waqt investigazzjoni, li jsir neċessarju jew meta l-perijodu ta' tnax-il xahar ikun ġie maqbuż jew meta l-Kumitat ikun irid jiġi nfurmat qabel ma każ jiġi mgħoddi lill-awtoritajiet ġudizzjarji. Jidher għalhekk neċessarju li jingħad b'mod iktar ċar illi l-Kumitat ta' Sorveljanza ma għandux jintervejni f'investigazzjonijiet li jkunu mixjin.

14.

Il-Kummissjoni tipproponi li n-numru ta' membri tal-Kumitat ta' Sorveljanza jiżdied minn ħamsa għal sebgħa. Dan m'huwiex ibbażat fuq xi analiżi objettiva tal-funzjonijiet u tal-proċeduri operattivi tal-Kumitat. Id-dmirijiet tal-membri huma sporadiċi u ma jħalluhomx jeżaminaw il-fajls fid-dettall. Sabiex ikunu jistgħu jaħdmu b'mod iktar effettiv, ikun preferibbli jekk ta' l-inqas ftit minnhom ikollhom esperjenza preċedenti ta' l-affarijiet Komunitarji, speċjalment fil-qasam investigattiv.

15.

Skond ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 (Artikolu 11 (6)), il-Kumitat ta' Sorveljanza huwa obbligat li jkollu mill-inqas għaxar laqgħat fis-sena. Madanakollu, jekk il-Kumitat ħa jikkonċentra fuq iċ-ċertezza ta' l-indipendenza tal-funzjoni investigattiva ta' l-OLAF, huwa ma jistax jitpoġġa taħt l-obligazzjoni li jiltaqa' kważi kull xahar. Barra minn hekk, reviżjoni ta' l-irwol u l-proċeduri operattivi tal-Kumitat ta' Sorveljanza għandha twassal għal tnaqqis fin-numru ta' postijiet fis-segretarjat tiegħu.

Din l-opinjoni ġiet adottata mill-Qorti ta' l-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tad-9 ta' Ġunju 2005.

Għall-Qorti ta' l-Awdituri

Hubert WEBER

President


(1)  KUMM(2003) 154 final tat-2.4.2003.

(2)  “Tmexxija” għandha tfisser mhux biss l-arranġamenti ta' ġestjoni imma wkoll l-arranġamenti ta' sorveljanza (il-Kumitat ta' Sorveljanza).

(3)  Deċiżjoni 1999/352/KE, ECSC, Euraton tat-28 t'April 1999 (ĠU L136, tal-31.5.1999).

(4)  ĠU L 292, tal-15.11.1996.