ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 74

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 48
23 ta' Marzu 2005


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Atti Preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Fl-411-il sessjoni plenarja tiegħu laqgħa tal-15-16 ta' Settembru 2004

2005/C 074/1

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta' azzjoni: l-aġenda Ewropea tal-politika ta' l-ispirtu ta' intrapriża(COM(2004) 70 final)

1

2005/C 074/2

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-politika fil-qasam tat-turiżmu u l-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u privat

2

2005/C 074/3

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-vetturi skond it-tip, fir-rigward tal-possibilità ta' użu mill-ġdid, ta' riċiklaġġ u tal-ġbir lura tagħhom, li timmodifika d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE(COM(2004) 162 final – 2004/0053 (COD))

3

2005/C 074/4

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-wirt tal-films u l-kompetittività ta' l-attivitajiet industrijali marbuta (COM(2004) 171 final – 2004/0066 (COD))

4

2005/C 074/5

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta ta' Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (Tiswir mill-ġdid) (COM(2004) 246 finali – 2004/0079 (CNS))

7

2005/C 074/6

Abbozz ta' opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Tmexxija ekonomika aħjar fl-UE

9

2005/C 074/7

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Nibnu l-Futur Komuni Tagħna: Sfidi Politiċi u Mezzi Baġitarji ta' l-Unjoni wara t-Tkabbir 2007-2013(COM(2004) 101 final)

18

2005/C 074/8

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol ta' l-organizzazzjonijiet tan-nisa bħala atturi mhux marbuta ma' l-Istat, fil-qasam tal-Ftehim ta' Cotonou

19

2005/C 074/9

Abbozz ta' opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn is-Seventh Research Programme fir-Riċerka: Bżonn ta' riċerka fuq is-suġġett ta' bidla demografika — kwalità tal-ħajja ta' persuni anzjani u ħtiġijiet teknoloġiċi

20

2005/C 074/0

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta ta' Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE 2002/54/KE u 2002/57/KE dwar stħarriġ tal-produzzjoni ta' żerriegħa fil-pajjiżi terzi magħmul taħt superviżjoni u ekwivalenza uffiċjali (COM(2004) 263 finali - 2004/0086 CNS)

29

2005/C 074/1

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: integrazzjoni ta' l-aspetti ambjentali fin-normalizzazzjoni Ewropea(COM(2004) 130 final)

31

2005/C 074/2

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-agrikoltura f'żoni peri-urbani

32

 


 

(1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea fil-ĠU C 74.

MT

 


II Atti Preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Fl-411-il sessjoni plenarja tiegħu laqgħa tal-15-16 ta' Settembru 2004

23.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 74/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta' azzjoni: l-aġenda Ewropea tal-politika ta' l-ispirtu ta' intrapriża”

(COM(2004) 70 final)

“It-test ta' l-Opinjoni mhux disponibbli bil-Malti iżda hu ppubblikat fil-lingwi l-uffiċjali l-oħra kollha.”


23.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 74/2


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika fil-qasam tat-turiżmu u l-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u privat”

“It-test ta' l-Opinjoni mhux disponibbli bil-Malti iżda hu ppubblikat fil-lingwi l-uffiċjali l-oħra kollha.”


23.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 74/3


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-vetturi skond it-tip, fir-rigward tal-possibilità ta' użu mill-ġdid, ta' riċiklaġġ u tal-ġbir lura tagħhom, li timmodifika d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE”

(COM(2004) 162 final – 2004/0053 (COD))

“It-test ta' l-Opinjoni mhux disponibbli bil-Malti iżda hu ppubblikat fil-lingwi l-uffiċjali l-oħra kollha.”


23.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 74/4


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-wirt tal-films u l-kompetittività ta' l-attivitajiet industrijali marbuta

(COM(2004) 171 final – 2004/0066 (COD))

Fis-26 ta' Marzu 2004 il-Kunsill iddeċieda li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, skond Artikolu 157 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-wirt tal-films u l-kompetittività ta' l-attivitajiet industrijali marbuta.

Is-Sezzjoni għat-Trasport, Enerġija, Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informatika, li kienet responsabbli mit-tħejjija tax-xogħol tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fit-8 ta' Lulju 2004. Ir-rapporteur kien is-Sur Braghin.

Matul is-sessjoni plenarja Nru 411 (laqgħa tal-15 ta' Settembru 2004), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni segwenti b' 129 vot favur, 3 kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

Id-dokument tal-Kummissjoni jinqasam f'żewġ partijiet: komunikazzjoni dwar l-estensjoni sat-30 ta' Ġunju 2007 tal-kriterji ta' kompatibilità speċifiċi, validi sa Ġunju 2004, dwar l-għajnuna għall-produzzjoni ċinematografika u televiżiva; u rakkomandazzjoni dwar il-wirt tal-films u l-kompetittività ta' l-attivitajiet industrijali marbuta.

1.2

Ir-rakkomandazzjoni tiffoka fuq l-aspetti kollha tal-wirt tal-films (ġbir, katalogar, ħolqien ta' databases, konservazzjoni, restorazzjoni, użu għal skopijiet edukattivi, akkademiċi, ta' riċerka u kulturali, u koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet responsabbli fuq livell Ewropew) u teżamina d-depożitu legali tax-xogħlijiet ċinematografiċi bħala mezz biex ikunu konservat u salvagwardjat il-wirt awdjoviżiv Ewropew. Il-Kumitat kien mitlub iħejji opinjoni dwar dan id-dokument.

1.3

Ir-rakkomnadazzjoni biss kienet mibgħuta lill-Kumitat għal Opinjoni. Dwar il-Komunikazzjoni, il-KESE jilqa' l-metodu adottat mill-Kummissjoni li tiddikjara li hi “lesta li tikkunsidra, mill-anqas sa l-analiżi li jmiss tal-Komunikazzjoni, li jkunu disponibbli livelli għola ta' għajnuna dejjem sakemm l-iskemi ta' għajnuna jkunu konformi mal-kundizzjonijiet ta' legalità ġenerali skond it-Trattat u b'mod partikolari, li jitnaqqsu l-ostakli fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-ħaddiema, prodotti u servizzi fl-UE”. Il-KESE fi ħsiebu janalizza r-riżultati ta' l-istudju dwar l-effetti tas-sistemi preżenti ta' għajnuna statali b'mod li jevalwa l-impatt ekonomiku u kulturali u jara jekk il-mekkaniżmi preżenti humiex effettivi jew jekk hemmx bżonn li jinsabu mekkaniżmi u strumenti differenti.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Il-KESE jaqbel mad-dikjarazzjoni li l-kundizzjonijiet għall-kompetittività ta' l-attivitajiet industirjali marbuta mal-wirt tal-films hemm bżonn li jitjiebu, speċjalment fir-rigward ta' l-użu ta' teknoloġiji bħad-diġitizzazzjoni. Il-bażi legali għar-rakkomandazzjoni, Artikolu 157 tat-Trattat tal-KE, joħroġ minn hawn.

2.1.1

Il-KESE jaqbel ma' din il-bażi legali peress li jippermetti li jintlaħqu l-għanijiet ta' koperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri u biex joħloq dibattitu bejn il-pubbliku ġenerali dwar materja ta' importanza kbira.

2.1.2

Il-KESE jittama wkoll li l-Kummissjoni twettaq analiżi dettaljata ta' l-informazzjoni meħtieġa mill-Istati Membri kull sentejn dwar id-dispożizzjonijiet adottati bħala risposta għar-rakkomandazzjoni preżenti, u li tanalizza liema miżuri, inklużi dawk leġislattivi, għandhom l-akbar ċans li jiksbu l-koperazzjoni u koordinazzjoni meħtieġa biex jassiguraw li l-wirt awdjoviżiv ikun imħares b'mod effettiv u jirrealizza l-potenzjal ekonomiku tiegħu.

2.2

Il-KESE jaqbel li t-trasferiment tal-pussess tax-xogħlijiet ċinematografiċi lil aġenziji ta' arkivji ma jimplikax it-trasferiment tad-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet marbuta. Madankollu, skond it-termini tad-Direttiva 2001/29/KE (1), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitu f'rispett ta' atti speċifiċi ta' riproduzzjoni magħmula minn libreriji aċċessibbli pubblikament jew minn arkivji li m'għandhomx vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali indirett. Il-KESE jappoġġa wkoll ir-rakkomandazzjoni li tippermetti r-riproduzzjoni ta' xogħlijiet ċinematografiċi li kienu depożitati għall-iskop ta' restawr (rakkomandazzjoni nru. 9).

2.3

L-aspetti legali li joħorġu mid-drittijiet ta' l-awtur u atti speċifiċi ta' riproduzzjoni magħmula minn liberiji jew arkivji aċċessibbli pubblikament, kif ukoll riproduzzjoni għal skop ta' restawr għandhom ikunu indirizzati u solvuti malajr. Il-KESE jissuġġerixxi li mandat espliċitu dwar dan jingħata lill-grupp ta' livell għoli ta' esperti, possibilment billi jsiru t-tibdiliet meħtieġa lin-network ta' esperti nazzjonali li diġà kienu konsultati.

2.4

Il-KESE jixtieq li jiqsar iż-żmien bejn minn meta l-films isiru disponibbli għal pubbliku u l-obbligu ta' depożitu, u l-arranġamenti biex ikun faċilitat id-depożitu ta' xogħljiet ċinematografiċi u awdjoviżivi li ffurmaw parti minn wirt awdjoviżiv nazzjonali qabel l-introduzzjoni tad-depożitu obbligatorju, kif stipulat fir-rakkomandazzjoni.

2.5

Il-KESE jemmen li x-xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi huma fl-istess ħin prodotti industrijali u kulturali li għandhom jitħarsu bħala parti mill-wirt kulturali ta' kulħadd, u promossi bħala fattur li jagħti kontribut lejn il-pluraliżmu u li l-potenzjal ekonomiku tagħhom għandu jitwettaq. Bħala konsegwenza, ċerti tipi ta' programmi televiżivi minn xandara nazzjonali huma suġġetti għall-depożitu obbligatorju mhux volontarju, għaliex huma jirriflettu n-natura fluwida u dinamika tal-ħajja soċjali u kulturali preżenti iktar malajr mix-xogħlijiet ċinematografiċi. Għalkemm il-KESE hu konxju li x-xandara ma kienux favur l-idea ta' depożitu obbligatorju, hu jsejjaħ lill-Kummissjoni biex tistudja t-tema aktar mill-qrib b'mod li tanalizza jekk dawk il-programmi televiżivi ta' l-akbar importanza soċjo-kulturali għandhomx ikunu suġġetti għal depożitu fuq bażi li huma jiffurmaw parti mill-wirt kulturali awdjo-viżiv.

2.6

Il-KESE jaqbel ma' l-opinjoni li l-industrija ċinematografika għandha potenzjal għoli għal ħolqien tax-xogħol, inkluż il-qasam tal-ħarsien tal-wirt ċinematografiku. Dan japplika anke għas-settur awdjoviżiv aktar wiesa', b'kunsidirazzjoni tal-firxa wiesa' ta' media u mezzi ta' xandir u l-effett potenzjalment enormi provdut mit-teknoloġija diġitali. Għalhekk hu jittama li kull tip ta' appoġġ ikun estiż għax-xogħlijiet awdjoviżivi kollha, b'enfasi partikolari fuq il-kompetittività tas-settur fil-forom kollha tiegħu, u li l-possibilitajiet ta' taħriġ ma jkunux restritti jew jiffukaw fuq is-settur tal-film iżda jkopru s-settur awdjoviżiv fid-definizzjoni l-aktar wiesa' tiegħu.

2.7

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-bżonn ta' depożitu volontarju ta' materjal anċillari u ta' reklamar, materjal ta' immaġini li tiċċaqlaq u xogħol ċinematografiku tal-passat għaliex dan jagħti kontribut sinfikanti għal wirt awdjoviżiv Ewropew. Dan jenfasizza l-bżonn li jkunu maħluq inċentivi għall-ġbir ta' dan ix-xogħol u biex l-organi rilevanti jingħataw il-fondi meħtieġa biex jibnu, kemm jista' jkun malajr, ġabra ta' materjal sistematiku li jkun xhieda tal-ġid ta' l-identitajiet kulturali fl-Ewropa u tad-diversità tal-popli tagħha.

3.   Konklużjonijiet

3.1

Il-KESE hu konvint li jekk l-għanijiet ewlenin għandhom jintlaħqu, il-Kummissjoni għandha tieħu immedjatament rwol pro-attiv li jkun konformi ma' l-intenzjonijiet kif espressi fid-dokument tagħha, u aktar speċifikament:

tiddefinixxi proċeduri ta' depożitu li jippermettu lis-sistemi nazzjonali biex ikunu konnessi u interoperabbli, u tippromwovi standardizzazzjoni Ewropea tal-katalogar;

tipprovdi pre-kondizzjonijiet tekniċi u legali għal depożiti elettroniċi adegwatament siguri li jistgħu jkunu aġġornati fil-ħin reali u li jistgħu, fil-futur, iwasslu għall-database“Ewropea”'

tipproponi kuntratt Ewropew standard bejn organi maħtura, depożitaturi, u possibilment dawk li għandhom id-drittijiet ta' l-awtur, b'osservazzjoni tad-Direttiva 2001/29/EKE, tiffaċilita x-xogħol ta' restawr u d-disponibilità sussegwenti tagħhom għal skopijiet ta' riċerka u tagħlim;

tiddeffinixxi kriterji biex ix-xogħljijiet depożitati jkunu disponibbli għall-pubbliku, b'koperazzjoni ma' l-organi rilevanti;

torganizza l-koperazzjoni bejn organi nazzjonali u/jew nazzjonali, partikolarment permezz ta' strutturi u finanzjament speċifiku, jekk meħtieġ;

tappoġġa l-ħolqien ta' benchmarks ta' prattika tajba u tosserva l-progress permezz tar-rapporti ppjanati.

3.2

Il-KESE jikkunsidra wkoll li l-Kummissjoni, filwaqt li tosserva l-prinċipju ta' sussidjarjetà, għandha tilgħab rwol importanti fl-għoti ta' appoġġ lis-settur permezz ta' riżorsi finanzjarji u umani b'mod li jintlaħqu dawn l-għanijiet:

kumpilazzjoni ta' filmografija awdjoviżiva Ewropea u produzzjoni konġunta ta' proġetti edukattivi u ta' riċerka, minħabba li koperazzjoni volontarja diffiċilment tipproduċi riżultati sodisfaċenti minħabba r-riżorsi u tradizzjonijiet kulturali tant differenti fost il-25 Stat Membru;

id-depożiti għandhom jinkludu xogħlijiet tal-passat mill-Istati Membri l-ġodda, li jipproduċu bosta films li jagħtu rendikont ta' l-istorja, kultura u drawwiet tagħhom iżda li jistgħu jintilfu, minħabba li dawn għandhom biss ftit riżorsi finanzjarji għal dan l-għan.

it-twaqqif ta' struttura li tamministra l-fondi disponibbli għal entitajiet nazzjonali u/jew reġjonali, tħeġġeġ id-distribuzzjoni madwar l-Ewropa u d-dinja permezz ta' l-aktar metodi ta' multimedia aġġornati (eż DVDs b'materjal mill-arkivji b'sottotitoli f'diversi lingwi Ewropej, li potenzjalment jistgħu jwasslu għall-profitt minn xogħlijiet passati), speċjalment għal xogħlijiet marbuta ma' temi jew policies Komunitarji (bħall-ħarsien tat-tfal jew l-immaġini tan-nisa), jew tradizzjonijiet partikolari (films animati, films tat-tfal jew dokumentarji);

ġbir ta' xogħlijiet preżentati waqt festivals b'temi reġjonali jew lokali, b'mod li tkun promossa l-produzzjoni indipendenti minn diretturi li mhumiex parti mill-mainstream kummerċjali, permezz ta' depożitu obbligatorju fejn meħtieġ;

taħriġ fil-konservazzjoni u r-restawr, li jeħtieġu livell għoli ta' professjonaliżmu u użu ta' teknika, l-appoġġ ta' dan it-taħriġ b'fondi Komunitarji adegwati, idealment taħt it-Taħriġ MEDIA, li bħalissa qed jiġi mġedded.

3.3

Il-KESE jittama wkoll li d-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-programm ta' taħriġ ġdid MEDIA jikkunsidra aktar it-taħriġ fit-teknoloġiji l-ġodda u l-ħtiġijiet il-ġodda li joħorġu mill-ġbir, katalogar, konservazzjoni u restawr ta' films u xogħlijiet televiżvi u ta' materjal ta' immaġini li jiċċaqalqu b'mod ġenerali. Partikolarment, għandu jkun hemm espansjoni tat-taħriġ fl-użu u għarfien dwar metodi ġodda ta' arkivjar, immaniġġjar ta' databases u metodi ta' standardizzazzjoni biex ikunu miżmuma xogħlijiet f'formatt diġitali ta' l-għola kwalità, b'korsijiet ta' aġġornament għall-operaturi biex ir-riżultati jkunu jistgħu jitgawdew minn pubbliku aktar wiesa', speċjalment studenti u għalliema.

Brussel, 15 ta' Settembru 2004.

Il-Presidente

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Roger BRIESCH


(1)  Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċertu aspetti tad-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet marbuta fis-soċjetà ta' l-informatika, f'ĠU L 167 tat-22.6.2001.


23.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 74/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta ta' Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (Tiswir mill-ġdid)

(COM(2004) 246 finali – 2004/0079 (CNS))

Fit-30 ta' April 2004, il-Kunsill iddeċieda li, skond l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta ta' Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (Tiswir mill-ġdid).

It-Taqsima speċjalizzata “Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali”, li kellha r-responsabbiltà li tħejji x-xogħol tal-Kumitat dwar is-suġġett, laqgħet l-abbozz ta' opinjoni tiegħu tat-13 ta' Lulju 2004. Ir-rapporteur kien is-Sur Burani.

Waqt is-sessjoni plenarja Nru 411 (laqgħa tal-15 ta' Settembru 2004), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew laqa' l-opinjoni li ġejja b'147 vot favur, 6 kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Daħla

1.1

Il-proposta li qiegħda tiġi diskussa (1) hi differenti mix-xogħol tas-soltu meħtieġ fil-kodifikazzjoni tal-liġijiet Komunitarji. Il-Kummissjoni nnutat li d-dispożizzjonijiet tal-VAT - misjuba oriġinarjament fis-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE u mibdula sussegwentament f'numru ta' okkażjonijiet – għandhom bżonn jiġu riveduti mill-bidu. Matul is-snin, saret reviżjoni tal-materjal filwaqt li saru t-tiswijiet u ż-żidiet meħtieġa. Dan wassal biex bla mixtieq ikun hemm ripetizzjoni, dispożizzjonijiet mhux ċari u duplikazzjoni. It-test kellu bżonn tibdiliet biex ikun aktar ċar u jinftiehem iżjed, mingħajr ma tinbidel it-tifsira jew l-għan tad-dispożizzjonijiet. Dan jinvolvi aktar minn sempliċiment ħidma ta' kodifikazzjoni.

1.2

Fuq kollox, kienu introdotti bl-istess mod tibdiliet oħrajn bil-għan li t-test jiġi jaqbel mal-prinċipji mħaddna mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni b'riżq it-tifsil ta' liġijiet ta' kwalità għolja. It-test il-ġdid qed jingħadda lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni. Għalkemm it-tibdil huwa fil-qalba tiegħu formali, m'aħniex qegħdin nitkellmu fuq sempliċiment ħidma ta' kodifikazzjoni imma proċess kumpless ta' tiswir mill-ġdid li se jwassal biex l-atti jkunu emendati, ikkodifikati u miġbura flimkien f'test legali ewlieni, u dan skond il-Ftehim Interistituzzjonali ta' l-2001 (2).

1.3

Il-proposta, li hija r-riżultat tal-ħidma sfiqa tal-Kummissjoni, tieħu post is-Sitt Direttiva tal-VAT. Saret reviżjoni ta' kull Artikolu individwali bil-għan li jkun aktar ċar u aktar konċiż. Dan wassal għal ġabra ta' 402 Artikoli minflok 53. It-test issa jinkludi wkoll werrej, u dan iħaffef il-proċess ta' konsultazzjoni. M'hemmx dubju li dan it-titjib jintlaqa' b'ħeġġa.

2.   Il-Kummenti tal-KESE

2.1

Ġaladarba dan il-proċess m'hux sempliċiment direttiva ġdida imma tiswir mill-ġdid, il-KESE żamm lura kemm jista' jkun filwaqt li nnota l-ħidma għaqlija tal-Kummissjoni u jifirħilha tar-riżultati miskuba. M'hemmx dubju li l-operaturi u l-amministraturi se jkollhom il-vantaġġ li jikkonsultaw it-test b'aktar ħeffa filwaqt li se jkun hemm anqas possibbiltà ta' interpretazzjoni ambigwa. M'hemmx dubju lanqas li r-relatur jaċċetta l-istqarrija tal-Kummissjoni li l-għan tat-test il-ġdid hu li jaqbel mat-testi li diġà daħlu fis-seħħ: reviżjoni sħiħa hija impossibbli u, wara kollox, reviżjoni simili saret diġà min-naħa ta' esperti u operaturi nazzjonali li kienu kkonsultati kif jixraq.

2.2

Madanakollu, analiżi aktar fir-reqqa tal-proposta tqanqal xi kummenti bażiċi dwar il-politika tal-VAT u, b'mod aktar ġenerali, dwar il-politika fiskali li l-għan preċiż tagħha hu li tiġbor flimkien il-kondizzjonijiet li fihom jaħdem is-suq uniku. Fejn jidħol dan, il-proposta tistqarr (fil-ħames parti tad-dokument legali li tesponi l-fatti) illi “Sistema ta' VAT tikseb l-ogħla livell ta' sempliċità u ta' newtralità meta t-taxxa tinġabar bl-aktar mod ġenerali possibbli... Għaldaqstant hu fl-interess tas-suq komuni u ta' l-Istati Membri li jaddattaw sistema komuni...”

2.3

Madanakollu, fiż-żewġ dokumenti legali li ġejjin, il-Kummissjoni qed tintroduċi nota inizzjali ta' twissija: “Jeħtieġ li nimxu pass pass, ġaladarba l-armonizzazzjoni tad-dħul mit-taxxi twassal għal tibdil fl-istruttura tat-taxxi”. Il-Kummissjoni tkompli tgħid illi, anke jekk ir-rati u l-eżenzjonijiet m'humiex se jkunu armonizzati “għal kollox”, l-għan aħħari tal-VAT (armonizzata) huwa li tinħoloq newtralità fil-kompetizzjoni“fi ħdan l-Istati Membri”.

2.4

Il-Kumitat jinnota illi dawn il-punti ttieħdu mit-test oriġinali tas-Sitt Direttiva. Jekk, wara kważi 40 sena, tinħass il-ħtieġa li jkunu rripetuti, allura rridu nagħrfu wkoll li ftit li xejn sar progress matul dan iż-żmien. Fejn tidħol l-armonizzazzjoni, l-UE jidher li m'hi qed tagħmel l-ebda progress, u hemm sinjali oħrajn, imsemmija fil-paragrafi li ġejjin, li m'humiex qed jawguraw tajjeb.

2.5

Tajjeb li ngħidu, għal darba oħra, li s-sistema tal-VAT li ġiet introdotta permezz tas-Sitt Direttiva, u li għadha tintuża, hi “transittiva”, u ma jidher li hemm l-ebda xewqa biex din titbiddel ma' sistema “definittiva” darba għal dejjem. Dan jista' jittieħed bħala indikazzjoni ċara tal-livell ta' inċertezza rigward l-imparzjalità tas-sistema. Il-Kumitat ikkummenta dwar dan u fil-fehma tiegħu ressaq proposti speċifiċi dwar l-għoti ta' servizzi (3).

2.6

Hemm punti oħrajn x'wieħed jista' jagħmel dwar is-sistema ta' derogi, li – jekk huma tassew meħtieġa – għandhom xorta jibqgħu temporanji jekk irridu li jintlaħaq suq uniku. L-aħħar derogi riċenti ngħataw lill-għaxar Stati Membri l-ġodda, li wħud minnhom ingħataw fuq bażi temporanja, filwaqt li oħrajn ingħataw mingħajr ebda data ta' għeluq. Madanakollu, derogi oħrajn, li ngħataw lil Stati Membri oħrajn imlaqqma “tat-tieni grupp” (l-Awstrija, il-Greċja, il-Finlandja, il-Portugall, Spanja u l-Isvezja), għadhom fis-seħħ. Tajjeb li ngħidu f'dan ir-rigward li ftit biss minn dawn id-derogi dehru fid-direttivi li emendaw is-Sitt Direttiva u li ħafna minnhom jinsabu “mistura” fl-Atti dwar is-Sħubija. Fost il-merti tad-direttiva l-ġdida nsibu li rnexxielha tikxef id-derogi kollha, ingħataw kif ingħataw.

2.7

Ma jidhirx li hemm xi pjan sabiex ikunu diskussi d-derogi – inkluż dawk li ngħataw ħafna żmien ilu – bit-tama li jitneħħew għal kollox. L-anqas l-Istati Membri fundaturi ma jidhru interessati li jqajmu din il-kwistjoni. Għall-bidu, anke huma ngħataw derogi u joqogħdu attenti biex ma jqanqlux dibattitu la dwarhom (għall-inqas sakemm jibqa' jgħodd “il-perjodu ta' transizzjoni”), u lanqas dwar il-famuża “rata żero” li ngħatat oriġinarjament lil żewġ pajjiżi. Mhux talli r-“rata żero” ma tneħħietx, talli nfirxet fuq numru ta' Stati ġodda.

2.8

Fil-fatt, mhux id-derogi kollha huma bla bażi: uħud mid-derogi permanenti japplikaw għal territorji barranin, gżejjer u reġjuni remoti li fiż-żmien li fih ittieħdu d-deċiżjonijiet, kienu qed jidhru li waqgħu lura. Madanakollu, meta wieħed iqis it-tul ta' żmien li għadda, ikun tajjeb jekk issir reviżjoni ta' dawn l-eżenzjonijiet kollha li ngħataw lil dawn ir-reġjuni biex b'hekk ikun assigurat jekk il-kondizzjonijiet li kienu ġġustifikati fil-bidu għadhomx jgħoddu llum.

2.9

Derogi oħrajn, u sa ċertu punt ewlenin ukoll, jikkonċernaw lill-intrapriżi ż-żgħar: 16-il Stat Membru (l-Istati Membri l-ġodda u dawk l-Istati mlaqqma “tat-tieni grupp”) huma awtorizzati li jagħtu eżenzjonijiet mill-VAT anke meta d-dħul jaqbeż il-limiti stabbiliti mis-Sitt Direttiva. Il-Kumitat ma jistax jifhem dan: anke jekk l-eżenzjonijiet mogħtija lill-għaxar Stati Membri l-ġodda jistgħu jkunu b'xi mod iġġustifikati, m'hemm l-ebda raġuni għala fl-Istati l-oħra dawn eżenzjonijiet għandhom jibqgħu jgħoddu avolja għaddew 12-il sena minn mindu ssieħbu.

2.10

Il-Kumitat jemmen illi eżenzjonijiet mill-VAT għal dawn l-intrapriżi jistgħu jwasslu għal xkiel fil-kompetizzjoni, anke jekk l-impatt totali għandu jkun wieħed limitat. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jidħlu aktar fil-fond ta' din il-kwistjoni.

3.   Għeluq

3.1

Il-Kumitat jifraħ lill-Kummissjoni li rnexxielha twettaq biċċa xogħol kbira bħal din b'mod għaqli, fid-dettal u, fuq kollox, bi trasparenza. Mingħajr trasparenza, kien ikun diffiċli biex tifhem kemm ir-regoli – li skond prinċipju ġenerali japplikaw l-istess għal kulħadd – huma mxekkla b'derogi, eżenzjonijiet u “diskriminazzjoni”. M'hemmx dubju li mhux kull tbegħid li jseħħ mill-prinċipju huwa fih innifsu bla bażi, imma tinħass il-ħtieġa li l-Istati Membri jmiddu għonqhom għax-xogħol u jerġgħu jinnegozjaw dawk id-derogi li m'humiex aktar bżonnjużi, u jekk jista' jkun ineħħuhom darba għal dejjem.

3.2

Il-Kumitat m'hux qed jara sinjali li jixhdu din ix-xewqa: anzi, wieħed mill-Istati Membri l-kbar diġà stqarr li għandu riservi ġenerali u dawn jistgħu jħarbtu d-dikjarazzjonijiet fil-proposta tal-Kummissjoni. Meta wieħed iqis x'seħħ fl-imgħoddi, diffiċli biex jilmaħ xaqq ta' dawl. Il-Proġett ta' Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-1996, jinkludi fih programm ta' ħidma u proposta b'riżq l-armonizzazzjoni tat-taxxi. Dan l-istudju tħalla għat-trab fil-Kunsill u qatt ma ġie diskuss. Fil-Proġett ta' Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-2000, niltaqgħu ma' strateġija ġdida dwar il-VAT li, fil-prattika jidher li rnexxielha tagħmel anqas suċċess.

3.3

L-intenzjoni tal-KESE permezz ta' dan l-abbozz ta' avviż m'hijiex li jikkritika l-politika tal-VAT ta' l-Istati Membri. Il-KESE hu mill-aktar konxju li għad hemm bosta fatturi interni, kemm ekonomiċi kif ukoll politiċi, li qed jinfluwenzawhom fid-deċiżjonijiet li jieħdu. Li qed jitlob il-Kumitat huwa li ssir reviżjoni sħiħa ta' din is-sitwazzjoni fil-ġejjieni qrib biex b'hekk titwaqqaf sistema definittiva u b'hekk jitnaqqas jew saħansitra jitneħħa għal kollox l-akbar xkiel li għad fadal fit-twettiq ta' suq uniku msejjes fuq regoli Komunitarji.

Brussel, 15 ta' Settembru 2004.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Roger BRIESCH


(1)  COM(2004) 246 finali – 2004/0079 (CNS).

(2)  ĠU C 77 tat-28.3.2002.

(3)  ĠU C 117 tat-30.4.2004.


23.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 74/9


Abbozz ta' opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Tmexxija ekonomika aħjar fl-UE

Fid-29 ta' Jannar 2004 il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, skond ir-Regola 29(2) tar-Regoli ta' Proċeduri, iddeċieda li jħejji Opinjoni dwar Tmexxija ekonomika aħjar fl-UE.

Is-sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, li kienet responsabbli mit-tħejjija tax-xogħol tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha fit-13 ta' Lulju 2004. Ir-rapporteur kien Is-Sur van Iersel.

Fis-sessjoni plenarja Nru 411 (laqgħa tal-15 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali adottat l-Opinjoni li ġejja b'130 vot favur, 3 kontra u 7 astensjonijiet.

SOMMARJU

L-Unjoni Ewropea dieħla f'fażi ġdida. L-2004 hija s-sena tas-sħubija ta' għaxar Stati Membri ġodda, ta' Kummissjoni ġdida, ta' Parlament Ewropew ġdid, u nittamaw ukoll is-sena tal-Kostituzzjoni. Matul din is-sena l-Analiżi ta' Nofs it-terminu ta' l-Istrateġija ta' Lisbona qed titħejja għall-2005. L-analiżi tal-Kummissjoni, inkluża dik li hemm fil-Linji ta' Gwida ta' Politika Ekonomika Wiesa', tiġbed l-attenzjoni fuq in-nuqqasijiet fil-proċess ta' integrazzjoni. Dawn in-nuqqasijiet ġejjin minn naħa mill-punti dgħajfa fil-qagħda ekonomika preżenti, iżda minn naħa oħra minn nuqqas ta' rieda ta' l-Istati Membri li jżommu sod ma' l-għanijiet u l-wegħdiet li dwarhom huma stess taw kelmthom. Huwa importanti ħafna li t-tkabbir ekonomiku jkun attivat u tingħata ħajja ġdida lill-Istrateġija ta' Lisbona. Din l-Opinjoni tiffoka fuq il-kontroll ta' dan il-kunċett strateġiku, li huwa essenzjali għall-kredibilità u l-effettività ta' l-Unjoni. Hemm ħtieġa urġenti għal qafas istituzzjonali li jispira fiduċja f'termini ta' tqassim xieraq tad-dmirijiet fi ħdan l-Unjoni – min hu responsabbli għal x'hiex, u meta? – u f'termini ta' twettiq fl-Istati Membri ta' għanijiet u direttivi li dwarhom iddeċidew il-Kunsill Ewropew u l-Kunsilli speċjalizzati. Hemm mudelli li kellhom suċċess għal Strateġija ta' Lisbona ta' 'stil ġdid': jinkludu l-Ewropa '92 u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. L-Opinjoni ssostni argumenti favur il-metodu tal-Komunità. Jeħtieġ metodu integrat fuq bażi ta' pjan li dwaru jkun sar ftehim minn qabel li jinkludi l-passi suċċessivi.

1.   Daħla

1.1

L-Unjoni Ewropea qiegħda fi stadju kritiku. Għandha sfidi kbar: it-tkabbir, il-ħtieġa li tagħti stimoli pożittivi lit-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività, l-Abbozz ta' Kostituzzjoni u l-ħtieġa ta' tweġiba deċiżiva għall-fiduċja li dejjem qed tonqos fl-Unjoni. Dan ix-xogħol iebes jitlob politika effettiva, koerenti u t-twettiq xieraq tagħha. Fuq il-bażi tal-Linji ta' Gwida ta' Politika Ekonomika Wiesa' 2003-2005, il-KESE ħareġ żewġ opinjonijiet dwar is-suġġett matul is-sena li għaddiet (1).

1.2

Iżda, jeħtieġ li jkun hemm riflessjoni aktar fil-fond. Wieħed ma jistgħax jaħseb f'politika effettiva u integrazzjoni mingħajr qafas istituzzjonali ċar u effettiv li jiggarantixxi azzjoni supplementari għall-impenji Ewropej.

1.3

L-analiżi tal-Kummissjoni, imniżżla fil-Komunikazzjoni tal-21 ta' Jannar 2004 (2) u l-aġġornament 2004 tas-7 ta' April 2004 (3), tikkonferma t-tendenzi ta' l-2003. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha jiqbgħu xorta urġenti. Għal din ir-raġuni l-KESE jikkunsidra b'mod miftugħ f'din l-Opinjoni l-pre-kondizzjonijiet istituzzjonali u amministrattivi, i.e. tmexxija tajba. Il-kunċett ta' tmexxija (governance) huwa tema ċentrali għall-UE tal-25. (4)

1.4

It-tħassib tal-KESE huwa ta' ħafna oħrajn. Bħall-Kummissjoni, l-industrija u l-għaqdiet soċjali, presidenza wara oħra, – L-Irlanda u l-Olanda - jagħmlu enfasi kbira fuq l-azzjoni prattika u t-twettiq. Stqarrijiet solenni mingħajr azzjoni supplementari huma kontra-produċenti. It-twettiq huwa għan vitali (5).

1.5

Il-Linji ta' Gwida ta' Politika Ekonomika Wiesa' jevalwaw il-politika makro-ekonomika u dik ta' budget ta' l-Istati Membri, il-politika ta' impjieg u t-tendenzi tas-suq intern. B'hekk jipprovdu turija fil-prattika sew tar-responsabbiltajiet differenti ta' l-UE u l-livelli ta' politika nazzjonali sew tar-realtajiet diverġenti fl-Istati Membri.

1.6

It-tkabbir ekonomiku b'rata baxxa, u n-nuqqas ta' l-Istati Membri li josservaw l-ftehim li dwaru l-Kunsill Ewropew ikkommetta lilu nnifsu, wasslu għal din il-qagħda ġenerali:

politika ta' budget: aktar tnaqqis gradwali fid-dixxiplina;

dewmien fit-tisħiħ tal-qawwa kompetittiva permezz ta' ekonomija bbażata fuq l-għarfien;

investiment nieqes fit-titjib tal-produttività, b'mod partikolari fl-ICT u fl-għarfien u l-istħarriġ;

klima inċerta ta' investiment;

ċaqliq ta' ċerti investimenti lejn reġjuni barra mill-Unjoni;

pressjoni 'l isfel fuq l-impjieg;

politika tas-suq tax-xogħol: nuqqas ta' riformi u adattament.

1.7

Sadattant, il-qagħda ekonomika fl-Ewropa tidher daqsxejn aktar pożittiva, iżda l-qawmien mill-ġdid għadu fraġli. It-tkabbir ekonomiku fl-Istati Uniti huwa ogħla. Fl-istess ħin iċ-Ċina u l-Indja, l-aktar, qed jiżviluppaw b'ħeffa ta' l-għaġeb li dejjem tiżdid.

1.8

Hemm globalizzazzjoni ta' kurrenti finanzjarji u investimenti, iżda fi ħdan il-globalizzazzjoni hemm differenzi sinifikanti soċjo-ekonomiċi u politiċi bejn ir-reġjuni dinjija. Id-dinja kollha hija l-qafas ta' referenza għall-Ewropa.

1.9

Din is-sena jeħtieġ li l-Kummissjoni u l-Kunsill jirriflettu fuq il-metodu u l-għodda:

L-UE dieħla fi stadju kompletament ġdid: għaxar Stati Membri ġodda, PE ġdid, Kummissjoni ġdida, adattament bil-mod il-mod ta' l-apparat tal-Kummissjoni għall-kondizzjonijiet il-ġodda - dan kollu filwaqt li l-Kostituzzjoni għadha ma ġietx aċċettata.

It-tkabbir huwa estensiv f'termini kwantitattivi, iżda l-Unjoni dieħla wkoll f'era ġdida f'termini kwalitattivi. Hi qiegħda ssir dejjem aktar varjata.

L-iżviluppi fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi u d-diffikultajiet kontinwi fuq is-swieq finanzjarji iġagħlu lill-Istati Membri jersqu dejjem aktar lejn l-istess pożizzjonijiet ta' politika u lejn l-integrazzjoni effettiva.

2.   Analizi għall-2004

2.1

Il-Linji ta' Gwida ta' Politika Ekonomika Wiesa' 2003-2005 huma maħsuba biex jinkiseb metodu integrali ta':

politika makro-ekonomika, diretta lejn it-tkabbir u l-istabbiltà;

tisħiħ tal-potenzjal ta' tkabbir fl-Ewropa permezz ta' riformi ekonomiċi;

tisħiħ tan-natura sostenibbli ta' dan it-tkabbir.

2.2

Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għal ħafna snin ġab bażi soda u fiduċja fost l-Istati Membri. Tendenza ekonomika ta' diżappunt issa qiegħda tiekol minn taħt din id-dixxiplina miftiehma. Ir-regoli ta' proċedura huma ċari biżżejjed, iżda n-nuqqas ta' infurzar effettiv tal-ftehim jidher li hu problema. Madankollu, għadd kbir ta' Stati Membri sew ġewwa sew barra miz-zona ta' l-Ewro għadhom qed jagħmlu sforzi biex iżommu rendikont tad-dixxiplina ta' budget meħtieġa. L-Istati Membri Skandinavi kisbu suċċess b'mod partikolari f'dan ir-rigward.

2.3

Id-differenzi fil-fehmiet dwar il-proċeduri tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir wasslu biex il-Kummissjoni f'Novembru li għadda tibda proċeduri kontra l-Kunsill fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. (6) Hija tħoss li l-Kunsill ma rrispettax f'dan il-każ is-setgħat mgħotija lill-Kummissjoni. Differenza wiesa' ta' fehma bħal din ma twassalx għall-konsultazzjoni bejn is-soċji fil-Kunsill ta' l-Ecofin.

2.4

Il-Kummissjoni tinnota li l-gvernijiet m'għadx wisq aktar faddalhom fejn jimmanuvraw. Ħames Stati Membri biss jidhru li għandhom bilanċ ta' budget jew surplus fl-2003, filwaqt li l-oħrajn kellhom defiċit sostanzjali ta' budget li dejjem jiżdid. Jidher mir-rapport tal-Kummissjoni tas-7 ta' April, l-aġġornament ta' l-2004, li l-qagħda tal-budget f'għadd ta' Stati Membri marret sewwa għall-agħar, u ġabet livelli ogħla ta' dejn pubbliku. Dawn minn naħa tagħhom jeħtieġu miżuri biex jitnaqqas id-dejn bi ħsara għall-investiment biex tkattar it-tkabbir u x-xogħol.

2.5

Il-Kummissjoni tindirizza rakkomandazzjonijiet speċjali lil dawn l-Istati Membri. Minkejja tendenza ekonomika fuq medda qasira ta' żmien li tixxiebaħ, l-għanijiet ta' budget ta' l-Istati Membri jitbiegħdu ħafna minn xulxin. Dan iwassal għal firxa ta' rakkomandazzjonijiet.

2.6

Il-Kummissjoni ma jidhirx li għandha sett ta' għodda li bihom tista' tagħmel stima xierqa tal-kwalità tan-nefqa tal-gvern fl-Istati Membri. Huwa għalhekk diffiċli li tagħmlilhom test fuq il-qafas ta' budget miftiehem.

2.7

Ir-rapport annwali jeżamina s-sigurtà soċjali, is-suq tax-xogħol, is-suq intern u l-proċess ta' Lisbona. Fih medda ta' bosta għanijiet żgħar u kbar. Il-kisba ta' dawn l-għanijiet tiddependi minn naħa waħda biss fuq it-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Komunità. Ħafna aspetti ta' politika huma f'idejn l-Istati Membri. Barra minn hekk hemm suġġetti li fuqhom il-gvern ċentrali għandu biss influwenza marġinali, bħal pereżempju l-intensifikazzjoni ta' “l-għarfien”.

2.8

Is-setgħat tal-Komunità huma applikabbli l-aktar għas-suq intern. Fir-rigward tas-suq tax-xogħol, is-sigurtà soċjali, il-pensjonijiet, il-politika ta' budget, R&Ż, tassazzjoni u nfrastruttura, huma fil-biċċa l-kbira l-Istati Membri responsabbli, anki jekk f'xi każijiet isir trażżin minn “Brussel” dwar il-ħelsien tal-politika ta' l-Istati Membri. F'dawn il-każijiet, ukoll, il-Kummissjoni ta' sikwit tagħmel rakkomandazzjonijiet ta' gwida. Iżda, l-Istati Membri mhux kollha jsegwuhom bl-istess mod.

2.9

Is-swieq tax-xogħol jinkludu bosta taqsimiet, li bejnithom hemm moviment limitat ta' ħaddiema. Dan iwassal lill-Kummissjoni biex tosserva li, flimkien mal-ħolqien ta' miljuni ta' impjiegi ġodda f'dawn l-aħħar snin, hemm ukoll żieda kbira fil-qgħad. Għad hemm perċentwali baxxa ta' ħaddiema aktar kbar fl-età, u għad hemm tfixkil għan-nisa fuq is-suq tax-xogħol. In-nuqqas ta' attività għandha wkoll effetti negattivi li ma tistax taħrabhom fuq il-budgets nazzjonali.

2.10

Il-livell ta' impjieg fl-2005 huwa mbassar bħala 64.5 % għall-Unjoni kollha, iżda sa dan it-tant hemm differenzi ta' min iqishom bejn il-livelli fl-Istati Membri. L-impjieg jiżviluppa aħjar f'dawk il-pajjiżi li fihom l-imsieħba soċjali jaqblu dwar l-bżonn u l-metodu li jagħmlu s-suq u l-ħinijiet tax-xogħol aktar flessibbli. Il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-kisba ta' l-għan ta' impjieg ta' 70 % fl-2010 ser tiddependi b'mod kruċjali fuq it-twettiq ta' aktar riformi tas-suq tax-xogħol (7). Minn dan ġejja s-sejħa tagħha qawwija għat-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet tat-Taskforce dwar l-Impjieg. (8)

2.11

Barra mit-tibdil fis-sigurtà soċjali, il-Kummissjoni tressaq argumenti favur aktar differenzjazzjoni fit-tiswir tal-pagi, aktar flessibbiltà fis-suq tax-xogħol filwaqt li jinżamm ħarsien xieraq tax-xogħol, u aktar mobilità. Bħala konsegwenza ta' tendenzi leġislattivi diverġenti u minħabba l-konsultazzjoni soċjo-ekonomika hemm differenzi ta' min iqishom bejn l-Istati Membri. Dan jidher, fost ħwejjeġ oħra, fl-għadd ta' sigħat li fil-fatt jinħadmu u fil-produttività. Dan jispjega parzjalment id-differenza fit-tkabbir bejn l-UE u l-Istati Uniti

2.12

Il-Kummissjoni tinnota li t-tendenza għal tkabbir aktar bil-mod ta' produttività fl-Ewropa mill-1995 'l hawn issoktat. Hawn ukoll hemm differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri. Fl-Ewropa, il-Finlandja, l-Isveżja u l-Irlanda qed iżommu l-pass ma' l-Istati Uniti. In-nuqqas ta' tkabbir tal-produttività ġej parzjalment mid-differenzi fl-introduzzjoni ta' l-ICT u t-tiġdid fl-industrija b'mod ġenerali. L-investiment ġdid biex tissaħħaħ il-produttività jidħol aktar bil-mod fl-Ewropa. Ta' dan hemm konsegwenzi b'mod partikolari fin-nuqqas ta' investiment fl-hekk imsejħa 'setturi ġodda ta' teknoloġija għolja'.

2.13

It-tendenzi demografiċi u l-popolazzjoni li dejjem issir aktar anzjana jġiebu aktar tħassib sew minħabba l-pressjoni fuq il-budgets sew minħabba l-effett fuq it-tkabbir tal-ġid. Xi pajjiżi bdew jagħmlu sforzi li jippromettu dwar ir-riforma tal-pensjonijiet, li fil-prattika jfisser żieda fl-età ta' intitolazzjoni għall-pensjoni.

2.14

Hemm nuqqas ta' kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi. Għadha teżisti l-protezzjoni nazzjonali. Is-suq intern għadu mhux komplut. Tressqu proposti ġodda fil-politika tal- kompetizzjoni. Ix-xogħol leġislattiv fis-settur tas-servizzi finanzjarji miexi sewwa: 36 mit-42 miżura ppjanati tħaddnu b'mod definittiv. Id-dispożizzjonijiet tat-taxxa dwar l-investiment privat qed jitjiebu wkoll.

2.15

It-traspożizzjoni tad-direttivi tal-Komunità fl-liġi nazzjonali qed issir dejjem aktar b'mod laxk. L-iskadenzi mhumiex jiġu rispettati u t-traspożizzjoni tad-direttivi f'liġi ta' sikwit takkwista kontenut nazzjonali. Dan jiġri, pereżempju, meta l-Istati Membri jagħmlu konċessjonijiet fi Brussel bil-ħsieb ta' kompromess fil-Kunsill, biex eventwalment wara jiddispjaċihom. Il-monitoraġġ ta' dan il-proċess qed isir dejjem iżjed iebes.

2.16

Mingħajr dubju hemm sinjali pożittivi fl-għarfien u l-innovazzjoni, iżda minħabba kapital ta' riskju mhux biżżejed, fir-R&D, drittijiet esklużivi u l-ICT ir-riżultati ma ntleħqux kif mistenni. Ħafna Stati Membri qegħdin il-bogħod ħafna mill-għan ta' nefqa ta' 3 % tal-PGD fuq ir-riċerka u l-iżvilupp kif kien miftiehem fis-Summit ta' Barċellona. L-iskandinavi donnhom kisbu l-aktar suċċess. Bil-ħsieb ta' l-għan tat-3 % kien hemm dispożizzjonijiet għal qsim ta' terz/żewġ terzi bejn il-gvern u l-privat. Jidher ċar li f'ħafna każijiet la l-gvern u lanqas il-privat ma jilħqu l-għan maħsub.

2.17

Anki fi żmien ta' staġnar ekonomiku, is-sostenibilità ta' l-ekonomija għadha teħtieġ daqstant attenzjoni u leġislazzjoni speċifika. Hemm ħafna aspetti ta' sostenibilità, kif jidher mis-settur ta' l-enerġija. Il-Kummissjoni bir-raġun tenfasizza l-aspetti ambjentali, u hawnhekk għandha tissemma għaliha l-qagħda xejn favorevoli fl-Istati Membri l-ġodda. Il-Kummissjoni tqabbel l-iżviluppi mal-ftehim globali. Iżda l-enerġija tista' wkoll issir theddida għat-tkabbir sostenibbli minħabba l-għoli fil-prezz taż-żejt bħala riżultat tad-domanda (Ċina) u minħabba l-kontroll politiku li minnu jiddependu r-riżorsi ta' enerġija.

2.18

Sabiex jerġa jkun hemm fiduċja fl-impriżi u fis-suq ta' l-azzjonijiet wara l-iskandli finanzjarji f'għadd ta' intrapriżi, hemm proposti għal varjant Ewropew ta' “corporate governance”.

2.19

Dan l-ewwel rapport tal-progress li jkopri għadd ta' snin (2003-2006) jagħti stampa mħallta. Fl-evalwazzjoni finali tagħha, il-Kummissjoni tinnota xi ftit progress fir-rigward tas-suq tax-xogħol, il-politika tal-kompetizzjoni, l-ambjent ta' l-intrapriżi, teknoloġiji ġodda, l-edukazzjoni u pensjonijiet. L-affarijiet sejrin anqas tajjeb fl-integrazzjoni tas-swieq, ir-R&D, u l-adattamenti soċjali u ambjentali. Id-deterjorament mgħaġġel fil-qagħda tal-budget ta' għadd ta' Stati Membri u n-nuqqas ta' rieda politika biex issir xi ħaġa dwar dan, il-Kummissjoni ssejħilhom ta' tħassib sew. Tikkonkludi li l-idea li jintlaħaq ir-riżultat miftiehem fl-2006 hija illużjoni jekk ir-riformi ma jsirux b'aktar ħeffa. Xorta jkun ta' ħsara għall-prospetti tal-proċess ta' Lisbona sal-2010.

2.20

Il-Kummissjoni hi tal-fehma fl-Aġġornament 2004 li l-Istati Membri l-ġodda għandhom problemi li jistgħu jitqabblu ma' dawk tal-15 l-Istat Membru ta' qabel (UE-15) fir-rigward tal-qagħda ta' budget, piżijiet ta' dejn u Impjieg. S'issa l-Għaxra għamlu progress ta' min iqiesu, li jidher inter alia mit-tkabbir ekonomiku aktar mgħaġġel minn dak ta' l-UE-15, għalkemm hemm differenzi konsiderevoli fl-iżvilupp fost l-Għaxra. Fl-istess ħin il-Kummissjoni turi li hemm firda wiesa' li trid timtela bejn l-Għaxra u l-UE-15.

2.21

Fil-fehma tal-KESE “problemi li jistgħu jitqabblu” ma tfissirx li l-Istati Membri għandhom l-istess qatgħa bħal dawk l-UE-15. Paragun ma' l-hekk imsejjħa “pajjiżi ta' koeżjoni” jista' jsir biss sa ċertu punt. L-Istati Membri ġodda huma “swieq emerġenti”. Il-qgħad f'ħafna pajjiżi, u speċjalment f'għadd ta' reġjuni, huwa għoli ħafna. Ir-ristrutturazzjoni industrijali għaddejja b'pass mgħaġġel. Dan iġib perċentwali għolja ta' qgħad. Id-dipendenza mill-investiment barrani hija ta' min iqisha.

2.22

L-adattament tal-leġislazzjoni u tal-prassi soċjali u ekonomika għal-livell ta' żvilupp għoli ta' l-UE-15 jista' jġib miegħu xokkijiet. L-istabbilità, li hija meħtieġa għaż-żamma tal-livell dejjem tiela ta' l-investiment intern u barrani, titlob sorveljanza effettiva finanzjarja u monetarja u tbassir xieraq tal-proċessi leġislattivi. Il-ħolqien ta' dan it-tip ta' klima stabbli mhux garantit u għalhekk għandu priorità għolja. Il-KESE taqbel mal-Kummissjoni li, bil-ħsieb ta' żvilupp stabbli, huwa mixtieq li l-Għaxra ikollhom skala ta' ħin separata biex jiksbu l-għanijiet finanzjarji u ekonomiċi.

2.23

Tabilħaqq qed jiżviluppa sens ta' urġenza fl-Unjoni. Orjentamenti komunitarji jerġgħu jidhru regolarment f'konklużjonijiet mill-Kummissjoni, f'dawk tal-Kunsilli speċjalizzati u f'dawk tal-Kunsill Ewropew. Xi ittri ta' dan l-aħħar minn mexxejja ta' gvernijiet juru l-istess tħassib sottostanti (9). Essenzjalment qed titħejja triq 'il quddiem għall-Komunità, iżda mhux ċar min huwa responsabbli għat-treġġija u t-twettiq f'ċertu mument.

3.   Is-suq intern, l-Impjieg u l-proċess ta' Lisbona

3.1

Fir-rigward tas-suq intern, għas-sena li ġejja l-Kummissjoni tagħmel sejħa għal azzjoni urġenti fuq żewġ fronti (10):

Sforzi ġodda dwar ħwejjeġ ta' importanza bħad-drittijiet esklużivi mgħotija mill-Komunità, id-direttiva dwar il-proprjetà intellettwali, id-direttiva dwar l-għarfien ta' kwalifiki professjonali u l-Pjan ta' Azzjoni dwar Servizzi Finanzjarji, essenzjali għat-tkabbir u l-Impjieg. Aktar stennijja minn darba għal oħra jista' jkollha l-effett domino.

L-Istati Membri ssirilhom sejħa biex jiksbu “kontroll aħjar”, i.e. kooperazzjoni effettiva fost l-Istati Membri u twettiq attwali.

3.2

It-tnejn huma meħtieġa għall-għanijiet ta' Lisbona u bħala bażi ta' suq intern wara t-tkabbir. Aktar kummerċ intern u kompetizzjoni jġagħlu l-impriżi jiksbu effiċjenza akbar u produttività ogħla, li f'arja ta' pagi relattivament għolja bħall-UE huma ċ-ċavetta tal-qawwa kompettitiva u ġid għal tul ta' żmien.

3.3

Bħalissa l-kummerċ intern qed jonqos fil-prattika, filwaqt li l-prezzijiet fi ħdan l-Unjoni għandhom tendenza li jitbiegħdu minn xulxin aktar milli jersqu. Il-bilanċ ta' l-investimenti ta' l-UE fil-kumplament tad-dinja u l-investimenti barranija fl-UE huwa negattiv għall-Unjoni.

3.4

Fir-rigward tas-suq intern, il-Kummissjoni tippreżenta l-istampa li ġejja. Ix-xogħol bħalissa qed isir fuq l-hekk imsejjħa direttivi ta' “metodu ġdid”. S'issa għad m'hemmx suq intern reali għas-servizzi. Is-servizzi jammontaw għal aktar minn 50 % tal-PGN Ewropew u għal 60 % ta' l-Impjiegi: għalhekk il-priorità tad-direttiva proposta dan l-aħħar dwar iċ-ċaqliq ħieles tas-servizzi. Il-liberalizzazzjoni tan-networks ta' l-industrija (enerġija, trasport u telekomunikazzjoni) miexja sewwa, iżda nafu biżżejjed kemm hemm problemi u tfixkil f'dan il-qasam. In-nuqqas ta' armonizzazzjoni ta' xi taxxi jkompli jgerfex is-suq intern. Iżda t-tneħħija tat-tgħawwiġ fiskali miexi sewwa. Hekk ukoll il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji. Il-Kummissjoni tibda mill-premessa li n-nuqqas minn naħa tal-gvernijiet li japplikaw ir-regoli dwar ix-xiri pubbliku jagħfas il-prezzijiet 'il fuq. Dan is-suġġett għal darb'oħra ser jerġa' jkun fuq l-aġenda. Fir-rigward tal-popolazzjoni li dejjem qed issir anzjana, il-Kummissjoni tixtieq ukoll iġġib 'il quddiem l-aċċess internazzjonali għas-servizzi tas-saħħa. Il-kwistjoni tad-drittijiet esklużivi Ewropej tkompli tiħżin minħabba d-dewmien.

3.5

Is-simplifikazzjoni tar-regoli tiġi ttrattata fuq il-bażi tal-“Pjan ta' Azzjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar”. Iżda għad fadal ħafna xi jsir. Għadd ta' Stati Membri m'humiex iwettqu l-evalwazzjoni ta' l-impatt kif miftiehem.

3.6

It-twettiq hija problema serja. Is-suq intern huwa bbażat fuq il-fiduċja. B'mod partikolari fir-rigward tat-tkabbir, din il-fiduċja teħtieġ li tissaħħaħ. Għall-fażi l-ġdida ta' l-Unjoni Ewropea, l-istqarrija li ġejja għandha tifsira: “Iżda s-suċċess reali f'Suq Intern magħmul minn 28 pajjiż ser jeħtieġ atitudni differenti u relazzjonijiet ta' xogħol differenti. L-Istati Membri għandhom jieħdu pussess sħiħ tas-Suq Intern tagħhom u jaħdmu bi sħab ma' xulxin u mal-Kummissjoni biex is-Suq jaħdem fil-prattika.” (11)

3.7

Qed isir xogħol ukoll fuq l-Istrateġija ta' l-Impjieg. Ir-responsabbiltà ta' dan hija l-aktar ta' l-Istati Membri. Iżda fuq livell Ewropew ukoll is-sistemi soċjali qegħdin fuq l-aġenda, l-ewwel minħabba l-politika ta' budget nazzjonali li għandha tiġi applikata fi ħdan il-qafas Ewropew miftiehem u t-tieni fir-rigward tar-riformi tas-swieq tax-xogħol u l-popolazzjoni li dejjem qed issir anżjana.

3.8

Kif wieħed jersaq lejn u jwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tat-Taskforce dwar l-Impjieg jiddependi fuq it-teħid ta' deċiżjonijiet nazzjonali. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jipprovdu appoġġ qawwi għall-Proċess ta' Lisbona. Hemm involuti oqsma wesgħin: aktar flessibbiltà f'li wieħed iġib 'il quddiem l-intrapriża u t-tiġdid, żieda tas-sehem fix-xogħol u sigurtà soċjali “li tattiva”, l-investiment fl-edukazzjoni u l-iskejjel, u sħubija bil-ħsieb ta' bidla: dan kollu jfisser sehem attiv ta' dawk kollha interessati, u sehem fil-proċessi ta' bidla. L-idea kollha x'aktarx tista' tinġabar fil-frażi “L-Ewropa teħtieġ aktar nies jaħdmu, b'xogħol aktar produttiv”. F'Opinjoni maħruġa dan l-aħħar il-KESE esprima qbil mar-rakkomandazzjonijiet imsemmija tat-Taskforce dwar l-Impjiegi, minkejja xi kummenti kritiċi. (12)

3.9

Ir-rabta bejn il-Proċess ta' Lisbona li għandu nfluwenza kbira u l-politika ta' budget stabbli hija ovvja. Ir-rapport għas-Summit tar-Rebbiegħa (13) jqis in-nuqqas ta' twettiq ta' l-Istrateġija ta' Lisbona bħala spiża kbira għall-Ewropa, minħabba anqas tkabbir, nuqqas ta' tkabbir fl-Impjiegi u edukazzjoni u R&Ż li baqgħu lura.

3.10

Ir-rapport tar-Rebbiegħa jittratta l-iżviluppi fis-Suq Intern u l-Impjieg diġa msemmija hawn fuq. Fir-rigward ta' l-ekonomija ta' l-għarfien, il-Kummissjoni tagħmel sejħa għal aktar investiment fl-għarfien u networks, inkluż r-R&Ż, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

3.11

Għad hemm nuqqas ta' interazzjoni bejn id-dinja ta' l-università u dik ta' l-intrapriża, li huma wisq mbiegħedin minn xulxin. Dan ma jinkwadrax ma' l-għan li tinħoloq ekonomija bbażata fuq l-għarfien. L-interazzjoni, bħal ma jiġri fl-Istati Uniti, jkollha żgur effett li jtejjeb il-produttività u jsaħħaħ il-kumpaniji. Ħafna minn dan il-valur miżjud huwa bħalissa nieqes. Ta' min isemmi għaliha l-ħarba ta' l-imħuħ mill-Ewropa: il-bilanċ ta' riċerkaturi li jidħlu u li joħorġu jibqa' negattiv (14), u din it-tendenza negattiva qed tiżdid.

3.12

Bi qbil ma' rapporti oħra, il-Kummissjoni fir-rapport tagħha tar-Rebbiegħa tagħmel għadd ta' proposti fformulati b'mod ċar ibbażati fuq it-tliet pilastri ta' investiment, kompetittività u riformi.

3.13

Il-linji ta' gwida ta' politika u r-rapporti dwar is-Suq Intern, l-istrateġija dwar l-impjiegi u l-proċess ta' Lisbona huma komparabbli f'termini ta' suġġetti koperti u evalwazzjoni. Il-Kummissjoni tistabbilixxi rapport bejn l-infiq pubbliku u għadd ta' oqsma soċjo-ekonomiċi. B'hekk titfa' dawl fuq problemi marbuta maċ-ċaqliq ta' l-ispiża għall-konsum pubbliku lejn spiża produttiva.

4.   Il-qafas istituzzjonali

4.1

Il-KESE jinnota li l-qagħda titlob li

taħt ċirkostanzi ekonomiċi iebsa, tranżizzjoni radikali minn Unjoni ta' 15 għal waħda ta' 25 membru għandha ssir bl-aktar mod bilanċjat possibbli;

fl-istess ħin id-dewmien fir-rigward ta' impenji magħmula qabel mill-Kunsill Ewropew, li għadhom ma tilfu xejn mill-attwalità tagħhom, għandu jintrebaħ lura; u

il-pass għandu jinżamm u tingħata spinta mill-ġdid.

4.2

Għall-KESE, dan kollu mhux biss xi kwistjoni ta' formulazzjoni ta' politika. Ta' importanza ndaqs huma l-fatturi organizzattivi – l-aktar il-monitoraġġ u s-sorveljanza – u fatturi politiċi/kulturali. Fuq dan l-isfond il-KESE jinnota u japprova l-analizi u l-konklużjonijiet tal-Kummissioni fil-Komunikat tal-21 ta' Jannar 2004 u l-Aġġornament tas-7 ta' April 2004. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Kompetittività taż-17 u t-18 ta' Mejju huma, sfortunatament, ġenerali iżżejjed u mhux wisq konkreti. (15)

4.3

It-tkabbir ta' l-Unjoni jitlob li tingħata aktar u aktar attenzjoni biex ikun hemm sisien istituzzjonali tajba u reqqa fid-delimitazzjoni ta' setgħat u responsabbiltajiet, li mingħajrhom hemm theddida ta' aktar nuqqas ta' dixxiplina u effettività. (16)

4.4

Matul is-snin żviluppat struttura diverġenti ta' responsabbiltajiet u teħid ta' deċiżjonijiet inter-governattivi u komunitarji. Anki l-Kostituzzjoni abbozz tassumi b'mod ċar li Unjoni ta' 25 Stat Membru ma tistax topera bl-istess mod ta' Unjoni ta' 15.

4.5

L-introduzzjoni ta' l-ewro, flimkien ma' Patt ta' Stabbilità u Tkabbir li jkun qed jaħdem sewwa, kellha twassal għal aktar konverġenza. Izda hemm wisq ftehim u deċiżjonijiet li huma mingħajr irbit.

4.6

In-nuqqas ta' riżultat effettiv ta' l-impenji li dwarhom intleħaq ftehim jipperikola l-potenzjal ta' l-Unjoni Ewropea.

4.7

Fil-Kunsill Ewropew jidher li hemm qbil dwar l-għanijiet, għalkemm ta' sikwit huma definiti b'mod wisq ġeneriku u mhux b'mod preċiż biżżejjed. Iżda l-intenzjonijiet politiċi tajba ma jinbidlux f'leġislazzjoni u regoli maneġġabbli li fil-fatt jiġu infurzati.

4.8

F'dawn l-aħħar snin kien hemm ħafna tama dwar il-politika ta' kompetizzjoni, in-“naming and shaming” u l-metodu miftuħ ta' koordinament. Iżda meta t-tendenza ekonomika hija anqas favorevoli dawn l-affarijiet ma jaħdmux b'mod effettiv. Fil-prattika l-Istati Membri ma jsemmu xejn, jew ma jsemmux biżżejjed, lil xulxin dwar in-nuqqasijiet rispettivi tagħhom. F'dawn iċ-ċirkustanzi l-għan innifsu ta' manuvra tal-Kummissjoni huwa mxekkel. Fil-prattika m'hemmx alternattiva sodisfaċenti għall-metodu tal-Komunità.

4.9

Is-Suq Intern iġib tħassib. L-għanijiet u l-ftehim dwar iċ-ċaqliq ħieles u “kamp ta' azzjoni ndaqs” ma jitwettqux sa l-aħħar jew ma jitwettqu xejn. Il-punteġġi ta' kull pajjiż juru li fit-traspożizzjoni nazzjonali tad-direttivi tas-Suq Intern id-dixxiplina qed tonqos, xi kultant b'mod serju. (17)

4.10

Is-sussidjaretà hija prinċipju pożittiv. Iżda aspett li rari jissemma huwa li r-rikors mhux ġustifikat lejn is-sussidjarieà għandu t-tendenza li jwassal għal interpretazzjonijiet diverġenti tal-leġislazzjoni Ewropea fl-Istati Membri.

4.11

Hemm ukoll differenzi ta' veloċità, bħall-każ ta' l-UME. Bi 12 il-parteċipant s'issa, dalwaqt ikun hemm 13-il pajjiż mhux membru. UME ta' 12 il-parteċipant bi 3 li ma jeħdux sehem hija differenti ħafna minn UME ta' 12 bi 13 li ma jeħdux sehem, anki jekk l-Istati Membri ġodda jagħtu perspettiva ekonomika ġdida. Trid tingħata attenzjoni serja lill-ħtieġa ta' dixxiplina ta' budget, kif għal dan hemm dispożizzjonijiet fit-Trattat.

4.12

L-ewro għandu jkollu t-tisħiħ tal-politika makro-ekonomika ta' l-Istati Membri u ta' aktar żvilupp u approfondiment ta' l-integrazzjoni b'mod ġenerali.

4.13

Il-prinċipju li l-Unjoni hija bbażata fuq is-supremazija tal-liġi għandu jkun garantit fiċ-ċirkostanzi kollha.

4.14

Għalhekk għandu jinstab metodu li jiżgura li l-Kummissjoni u l-Kunsill ma jibqgħux aktar sempliċement jinnutaw in-nuqqasijiet jew jagħmlu appell urġenti lill-Istati Membri, umbagħad wara jgħaddu għall-aġenda tal-ġurnata. Il-Proċess ta' Lisbona u t-tkabbir sostanzjali sempliċement jitolbu għal aktar dixxiplina stretta.

4.15

L-Istrateġija ta' Lisbona hija kunċett strateġiku. F'dan is-sens tista' titqabbel ma' kunċetti strateġiċi ta' qabel li wasslu lejn progressi radikali fl-integrazzjoni. F'dawk il-każijiet l-ippjanar kellu limitu ta' żmien u għadd ta' stadji ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri kkontrollati b'mod strett. Fl-aħħar tas-sittinijiet dan kien japplika għall-Unjoni doganali, immnaqqxa fit-Trattat. Is-suċċess ta' “Ewropa ' 92” kien ukoll ir-riżultat ta' ippjanar bħal dan. Meta 279 abbozz ta' direttiva ġew taħt skema waħda fuq il-bażi ta' l-Att Uniku ta' 1987, l-istaġnar ġie evitat u saru progressi sostanzjali fis-Suq Intern. L-Unjoni Monetarja hija eżempju ieħor ta' suċċess. Mill-1993 'il quddiem id-deficits ta' budget ta' kull min kien ser jieħu sehem waqgħu sewwa. L-istess l-inflazzjoni, u magħha r-rati ta' l-interessi. Bħala konsegwenza kien possibbli li jibdew jeżistu l-ewro u politika monetarja garantita minn Bank Ċentrali indipendenti skond il-pjan.

4.16

Fil-każijiet ta' hawn fuq, ġara li jew il-metodu tal-Komunità kellu suċċess, bħal fil-każ ta' l-unjoni doganali u Ewropa '92, jew il-kooperazzjoni pożittiva mill-Istati Membri ġabitilhom r-riżultat li kien meħtieġ b'mod urġenti, jiġifieri s-sehem fl-UME. Il-problema hi li ebda waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet ma tapplika bħalissa. Il-progress sodisfaċenti issa jiddependi verament għal kollox fuq ir-rieda politika.

4.17

Il-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta' Marzu 2004 infatti japprova l-analizi u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Jissottolinja l-importanza ta' budgets bilanċjati, u anki ta' surpluses ta' budget, l-importanza ta' l-istabbilità tal-preżżijiet, u jinsisti fuq it-tħaris tal-Patt ta' Tkabbir u Stabbilità. Filwaqt li jqis ukoll il-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà, il-Kunsill ibassar tliet prioritajiet għall-Kunsill tal-Kompetittività: qawwa competittiva, l-istimolu enerġetiku tas-Suq Intern u leġislazzjoni aħjar. Għandu jkun hemm investiment fl-għarfien fl-oqsma kollha. Dwar il-politika tas-suq tax-xogħol, il-Kunsill Ewropew joħroġ favur it-twettiq tar-rapport tat-Taskforce ta' l-Impjieg.

5.   L-Ewropa f'salib it-toroq ġdid

5.1

L-Ewropa qiegħda għal darb'oħra f'salib it-toroq. Il-fejqan ekonomiku għadu fraġli. It-tamiet tal-Proċess ta' Lisbona m'humiex qed jitwettqu. L-Unjoni Ewropea issa dieħla f'fażi ġdida li tinvolvi popolazzjoni 20 % akbar u żieda fl-eteroġenjità. Fl-istess ħin, bħala riżultat tat-tkabbir, hemm stimoli ġodda u prospetti ġodda ta' tkabbir u ġid.

5.2

Hemm fin-nofs il-kredibbiltà ta' l-Unjoni. L-importanza ta' l-opinjoni pubblika u ta' l-appoġġ dejjem jonqos għall-proċess ta' integrazzjoni għandha titqis.

5.3

It-tkabbir m'għandux jitħalla jwassal għall-introversjoni minn naħa ta' l-Unjoni. Il-kamp ta' azzjoni hija d-dinja: il-KESE hi tal-fehma li l-kejl ewlieni huwa l-pożizzjoni ta' l-Unjoni fid-dinja – mhux biss fir-rigward ta' l-Istati Uniti, iżda fl-istampa ġenerali, inklużi swieq estensivi u li qed jiżviluppaw b'ħeffa bħaċ-Ċina, l-Asja ta' xlokk il-lvant u l-Indja, li qed jasserixxu posthom fil-globalizzazzjoni.

5.4

L-analizi u r-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni u l-Presidenza tal-Kunsill għas-Summit tar-Rebbiegħa huma fl-istess spirtu kull sena. Bilkemm hemm differenzi fil-fehma ta' l-istituzzjonijiet dwar x'għandhom jagħmlu l-Unjoni u l-Istati Membri. Il-Kompetittività dejjem qiegħda tieħu post ċentrali, iżda kull darba l-Istati Membri donnhom jitbiegħdu mir-rakkomandazzjonjiet, u d-deċiżjonijiet miftehma ma jitwettqux b'mod xieraq jew ma jitwettqu xejn. L-eżekuzzjoni u t-twettiq jikkostitwixxu problema serja.

5.5

Għal dawn ir-raġunijiet kollha t-tiġdid effettiv tal-Proċess ta' Lisbona huwa importanti ħafna. Il-KESE jenfasizza l-importanza kbira ta' din il-perspettiva fuq tul ta' żmien. Japprova l-punt li qed jiffukaw fuqu l-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew u jipprovdi triq komuni 'l quddiem għall-Istati Membri qodma u ġodda b'mod indaqs.

5.6

Din it-triq 'il quddiem ma tistax timmira lejn xejn ħlief l-approfondiment ta' l-integrazzjoni. Mingħajr dan l-approfondiment, Unjoni ta' 25 Stat Membru ma tkunx tista' tagħmel progress aktar minn dak ta' arja ta' kummerċ ħieles. Fil-logħba globali tas-setgħa tal-ġejjieni din hija għażla mhux mixtieqa għall-ekonomija, l-intrapriżi u ċ-ċittadini Ewropej.

5.7

Il-formulazzjoni fuq livell ta' l-UE tal-Proċess ta' Lisbona bi “stil ġdid” – it-tisħiħ tal-kompetittività u l-intensifikazzjoni tal-bażi ta' għarfien ta' l-ekonomija, li ġġib 'il quddiem is-sostenibbiltà, il-konsultazzjoni soċjali u d-djalogu soċjali – jista' jkollha effetti favorevoli fuq il-politika indipendenti ta' l-Istat Membru individwali.

5.8

Il-linji ta' gwida ta' politika juru li l-finanzi pubbliċi b'saħħithom u l-investiment pubbliku u privat jeħtieġu qafas ċar, trasparenti u li jispira fiduċja, li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiggarantixxu. L-Unjoni għandha ħtieġa urġenti ta' dinamiżmu, u l-Ewropa għal darb'oħra qiegħda f'salib it-toroq.

6.   Rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet

6.1

F'dan il-proċess il-KESE jieħu dan li ġej bħala bidu:

għandu jkun hemm distinzjoni ċara fl-analizi u l-għanijiet, bejn dak li hu riżervat għall-Unjoni Ewropea u dak li hu riżervat għall-Istati Membri fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

biex tinżamm il-kredibbiltà u tiġi evitata l-frustrazzjoni, għandu jkun hemm għanijiet realistiċi biss;

it-tkabbir ekonomiku u l-proċess ta' Lisbona ta' “stil ġdid” għandu jkollhom post ċentrali fost dawn l-għanijiet, sew biex issaħħaħ il-kompetittività sew biex tappoġġja t-tibdil strutturali;

L-Istati Membri m'għandhomx iwaħħlu f“Brussel” minħabba għanijiet Ewropej li dwarhom leħqu ftehim flimkien.

6.2

It-trasparenza teħtieġ li tingħata l-attenzjoni meħtieġa lid-dimensjoni istituzzjonali. It-tqassim ta' ħafna responsabbiltajiet fost l-Istati Membri u l-Unjoni għandu ma ġiex koprut biżżejjed b'konsultazzjoni xierqa. Huwa impossibbli li tfiehem dan it-tip ta' metodu mingħajr impenn liċ-ċittadini u lill-intrapriżj.

6.3

Barra minn hekk, aktar arranġamenti ta' irbit jipprovdu appoġġ għall-Istati Membri u għat-tħaddim intern u estern tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni naturalment ser teħtieġ bażi ta' tħaddim soda fl-Unjoni ta' wara t-tkabbir.

6.4

L-Istati Membri ser jeħtieġilhom iqisu d-dixxiplina fir-rigward tal-budget pubbliku u l-politika makro-ekonomika li dwarha huma stess ftehmu fil-Patt ta' Tkabbir u Stabbiltà.

6.5

Ir-riflessi inter-governattivi qed ikollhom tendenza li jissaħħu. Il-KESE twissi b'mod qawwi kontra din it-tendenza. Ebda Stat Membru individwali jew grupp ta' Stati Membri m'huma f'qagħda li jieħdu r-rwol speċifiku tal-Kummissjoni. Naturalment kull Stat Membru jargumenta mill-pożizzjoni tiegħu nnifsu u japplika l-enfasi politika tiegħu nnifsu, ukoll meta aktar oġġettività u monitoraġġ sottili huma meħtieġa.

6.6

It-Trattat Kostituzzjonali jaħseb għal politika ta' koordinament aħjar fl-Unjoni ta' 25 membru. F'dan il-perijodu kruċjali, li testendi l-metodu tal-maġġoranza kwalifikata ser ikollha effetti pożittivi. Inkella ser jissokta l-użu ta' veto f'każi mhux mixtieqa. L-industrija, l-imsieħba soċjali u dawk li għandhom rwol soċjali (universitajiet, istituti ta' riċerka eċċ) jistgħu jagħtu kontribut pożittiv fit-treġġija aħjar ta' din il-politika.

6.7

Hemm dejjem riskju ta' frammentazzjoni. Il-KESE jargumenta favur metodu sħiħ, li jista' jinkiseb permezz ta' akbar effettività tal-Kunsill tal-Kompetittività, f'kooperazzjoni mal-Kunsill ECOFIN u b'pubbliċità aħjar. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jaqblu ma' dan, kif huma l-argumenti marbuta mat-talba tal-mexxejja tal-gvernijiet (18) għal “super-kummissarju” responsabbli mill-politika ekonomika.

6.8

Minn naħa tiegħu l-KESE huwa favur li jiġri x'jiġri l-Kunsill tal-Kompetittività għandu jsir aktar trasparenti. Dan huwa bidu prattiku għat-titjib tat-tmexxija. Il-Kunsill mhux moqdi tajjeb b'kamra tal-laqgħat mimlija b'għadd ta' Kummissarji flimkien ma' grupp dejjem jinbidel ta' membri ta' gvernijiet nazzjonali responsabbli minn bosta oqsma ta' politika. Qabel xejn, il-Kummissjoni ser teħtieġ tiżgura li l-koordinazzjoni għall-Kunsill ta' Kompetittività huwa trasparenti u jippreżenta stampa ċara lill-opinjoni pubblika. Minħabba l-importanza ta' l-aġenda ta' Lisbona, dan huwa wkoll dmir ċar tal-President tal-Kummissjoni. It-tieni, organizzazzjoni aħjar tal-Kunsill ta' Kompetittività u koordinament fuq livell ta' l-UE għandhom iwasslu wkoll f'mudell b'għarfien aktar internazzjonali tar-responsabbiltajiet tal-membri tal-gvernijiet nazzjonali. Dan itejjeb il-possibbiltà li wieħed jikkonvinċi l-opinjoni pubblika u s-sens reċiproku ta' responsabilità għall-politika kollettiva.

6.9

Dwar il-kwistjoni ta' Ewropa b'veloċitajiet differenti m'hemmx definizzjoni formali li biha l-Unjoni tista' tkampa. Eżempji bħall-UME u l-Ftehim ta' Schengen kellhom suċċess. Iżda, sitwazzjonijiet u metodi diverġenti fl-Istati Membri, ippreżentati fil-Linji ta' Gwida ta' Politika, ma joffrux prospett li jiġbdek għal sitwazzjonijiet ta' “multi-speed” definiti ħażin, li jġibu tħawwiġ fil-kompetizzjoni. Il-proċedura provvduta fil-Kostituzzjoni abbozz toffri punti pożittivi minn fejn wieħed jista' jibda.

6.10

Għas-suq intern – li għadu s'issa fil-qalba ta' l-integrazzjoni – l-għażla “multi-speed” mhix waħda li tiġbdek, għax twassal għal koalizzjonijiet li jinbidlu dwar kwistjonijiet speċifiċi u għax toffri lill-Istati Membri b'inqas ħeġġa mod ħafif wisq kif joħorġu mid-dilemmi.

6.11

F'oqsma li huma riżervati għall-Istati Membri huwa diffiċli toffri menu ġenerali ta' miżuri u adattamenti. Il-mod kif dan qed jiġi ttrattat, l-aktar permezz ta' deskrizzjonijiet preċiżi ta' sitwazzjonijiet nazzjonali u l-aqwa prassi, jixraqlu kull appoġġ. Għandhom isiru sforzi biex dawn il-metodi jiġu rfinuti aktar permezz ta' l-użu ta' statistika li tista' titqabbel; il-Kummissjoni se jkollha bżonn sett ta' għodda li jippermettulha tagħmel stima aħjar tal-kwalità ta' l-ispiża pubblika.

6.12

Il-KESE jibqa' jaqbel mal-politika ta' kompetizzjoni u l-metodu miftuħ ta' koordinament għall-oqsma ta' politika definiti b'mod ċar fejn il-metodu tal-Komunità ma japplikax. Iżda dan jiġri jekk wieħed jassumi li dawn jagħtu biss riżultati limitati (ċertament fuq medda qasira ta' żmien), għaliex l-Istati Membri naturalment ma jagħmlux stima ta' xulxin. Xi Stati Membri qegħdin jagħmlu adattamenti ta' ħtieġa għall-politika tagħhom, e.g. fil-qasam tal-pensjonijiet u s-suq tax-xogħol. Il-pubbliċità esterna ta' dan għandha titjib.

6.13

Il-Kunsill Ewropew jinnota li l-Kummissjoni ser tħejji “roadmap” biex issaħħaħ u twettaq l-Istrateġija ta' Lisbona. Titjib fil-governance huwa punt tat-tluq ċentrali. Il-fiduċja u l-istabbiltà jeħtieġu qafas istituzzjonali ċar.

6.14

Il-KESE hu tal-fehma li l-proċess ta' Lisbona ta' “stil ġdid” għandu jieħu mill-metodi ta' suċċess ta' “Ewropa '92”. Jekk wieħed jimxi fuq il-prassi li diġà teżisti, dan ifisser li r-rapporti dwar il-linji ta' gwida ta' politika, is-suq intern, l-impjieg u l-proċess ta' Lisbona jinġabru fi pjan ċar ta' stadji u perjodi ta' żmien, li fi ħdanhom jidher ċar liema azzjoni ser tkun meħtieġa u minn min (Il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew jew l-Istati Membri), fuq liema bażi ta' deċiżjoni u fi żmien liema tip ta' skala ta' ħin. F'dan ir-rigward il-KESE jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-Kummissjoni u tal-metodu tal-Komunità, li t-tnejn kienu responsabbli għas-suċċess ta' “Ewropa '92”. Il-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali ta' progress u, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill ECOFIN u l-Kunsill ta' Kompetittività, tagħżel il-prioritajiet li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-proposti tagħha.

6.15

L-uniku progress reali fil-proċess ta' Lisbona sar fis-suq intern, għall-inqas f'dak li għandu x'jaqsam ma' leġislazzjoni u regoli. Iżda hemm nuqqassijiet kostanti fit-twettiq. Il-Progress huwa riżultat dirett tal-metodu tal-Komunità. Il-KESE hu tal-fehma li jinġabru s-suġġetti kollha tas-suq intern fi pjan ċar bi skadenzi ċari:

l-aspetti kollha li għadhom mingħajr soluzzjoni tal-pjan ta' azzjoni tas-suq intern;

l-aspetti kollha li għadhom mingħajr soluzzjoni tal-pjan ta' azzjoni tas-servizzi finanzjarji;

l-aspetti tas-settur ta' l-għarfien li huma suġġetti għat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Komunità;

ħarsa mill-ġdid u tnaqqis tar-regoli dettaljati u iebsa ż-żejjed;

twettiq u realizzazzjoni.

6.16

Għall-ħwejjeġ li jiddependu fuq it-teħid ta' deċiżjonijiet nazzjonali, bħas-sigurtà soċjali, is-suq tax-xogħol (It-Taskforce dwar l-Impjieg) u t-tassazjoni, il-KESE jirrakkmanda li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni – bi qbil mal-politika ta' kompetizzjoni u l-koordinament miftuħ – għandu wkoll jieħu deċiżjoni dwar għanijiet u twettiq. Iżda l-pjan ta' tarġa wara oħra għandu wkoll jipprovdi għall-monitoraġġ tal-progress ta' dawn il-proċessi nazzjonali. It-treġġija hija iebsa ħafna f'dawn l-oqsma, iżda ma tantx hemm sens fi ftehim li ma jitwettaqx.

6.17

Ħwejjeġ oħra, li ma jiddependux mill-ħolqien ta' regoli ta' sikwit parzjalment biss fuq l-amministrazzjoni pubblika, iżda li huma marbuta mal-kompetittività, l-għarfien u l-possibbiltà ekonomika, ukoll jixirqilhom post fil-proċess “stil ġdid” ta' Lisbona; fost dawn hemm:

il-politika settorjali industrijali li ġejja minn konsultazzjoni kolleġġjali bejn l-industrija (inkluża l-konsultazzjoni soċjali), il-Kummissjoni u l-Kunsill (19);

ir-rendiment tal-programmi u pjattaformi teknoloġiċi ta' l-UE, aktar kooperazzjoni bejn il-fruntieri bejn istituti ta' riċerka u riċerkaturi fl-Unjoni, u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-università u l-impriża;

il-politika reġjonali, b'enfasi speċjali fuq l-għarfien u t-tiġdid.

6.18

Il-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew jaqblu mal-kunċett ta' “Partnership għal Bidla”. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ dan l-isforz. Jista' jkun kunċett siewi ħafna. L-istrateġija ta' Lisbona qatt ma kienet meqjusa bħala sempliċement proċess “minn fuq għal isfel”. Is-suċċess tagħha ġej mill-fatt li l-formulazzjoni, r-realizzazzjoni u twettiq ta' politika jiddependu minn ħafna nies li għandhom sehem: amministraturi (Ewropej, nazzjonali u reġjonali), l-imsieħba soċjali fil-livelli kollha, l-intrapriżi, l-universitajiet u ħafna għaqdiet soċjali oħra li jsawwru s-soċjetà ċivili. Preżentazzjoni ċara ta' l-għanijiet, li tfiehem lil kull min għandu sehem politiku u soċjali fl-Unjoni x'inhu mistenni minnu, tista' tipprovdi għajn ġdida u meħtieġa ta' ispirazzjoni.

6.19

Partnership għal Bidla għandha potenzjal kbir, sakemm tiġi ppreżentata b'mod tajjeb. Tista' twassal għal mod ġdid ta' komunikazzjoni u għal alleanzi ġodda fost il-bosta gruppi li għandhom x'jaqsmu mal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea. Dan ukoll huwa parti mit-“tmexxiaj xierqa”.

6.20

Il-Kunsill Ewropew għamel sejħa lill-Kummissjoni biex tifforma Grupp ta' Livell Għoli li jirrapporta lill-Kummissjoni sa' l-1 ta' Novembru 2004 dwar il-metodu li jkun qed jintuża fir-rigward tal-proċess ta' Lisbona. Ir-rapport u l-viżjoni ta' dan il- Grupp ta' Livell Għoli ser ikolhom rwol importanti bil-ħsieb ta' Analiżi ta' Nofs it-Terminu ta' l-Istrateġija ta' Lisbona għas-Summit tar-Rebbiegħa ta' l-2005. il-Kunsill Ewropew talab ukoll lill-KESE biex jissottometti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għall-Analiżi ta' Nofs it-Terminu fl-istess żmien.

Brussel, 15 ta' Settembru 2004.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Roger BRIESCH


(1)  ĠU C 133 tas- 6.6.2003 u

ĠU C 80 tat- 30.3.2004.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Twettiq tal-Linji ta' Gwida ta' Politika Ekonomika Wiesa' 2003-05, KOM (2004) 20 finali)

(3)  L-aġġornament 2004 tal-Linji ta' Gwida ta' Politika Ekonomika Wiesa' 2003-05, KOM (2004) 238)

(4)  Il-KESE ħareġ fehma dwar dan fl-2002 – ara ĠU C 221 taż-17.9.2002

(5)  Parallellament ma' dan, hemm ukoll aktar u aktar enfasi fuq regolamentazzjoni aħjar ta' l-UE: ara l-Pjan ta' Azzjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar 2003, bil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Kompetittività taż-17 u t-18 ta' Mejju 2004.

(6)  Ara s-sentenza tal-Qorti (Qorti Sħiħa) tat-13 ta' Lulju 2004, Case C-27/04.

(7)  Tbassir Ekonomiku, Rebbiegħa 2004, paġna 31

(8)  Xogħol, xogħol, xogħol – Ħolqien ta' aktar xogħol fl-Ewropa – Rapport tat-Taskforce ta' l-Impieg ippresedut minn Wim Kok, 26 ta' Novembru 2003

(9)  L-ittra mill-Prim Ministru Blair, il-President Chirac u l-Kanċillier Schröder bid-data tat-18 ta' Frar 2004, u s-“Sehem kolleġġjali għall-Kunsill tar-Rebbiegħa 2004” mill-mexxejja tal-gvernijiet Aznar (Spanja), Balkenende (Olanda), Berlusconi (Italja), Durão Barroso (Portugall), Miller (Polonja) u Parts (Estonja)

(10)  Rapport fuq it-tħaddim ta' l-Istrateġija tas-Suq Intern (2003-2006) tal-21 ta' Jannar 2004 – KOM(2004) 22 finali

(11)  Rapport dwar it-twettiq ta' l-Istrateġija tas-Suq Interrn (2003-2006) tal-21 Jannar 2004 – KOM(2004) 22 finali

(12)  Opinjoni dwar miżuri ta' appoġġ għall-Impieg – ĠU C 110 tat-30.04.2004 (SOC/159)

(13)  Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa: It-twettiq ta' Lisbona – riformi għall-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir - KOM(2004) 29 finali/2

(14)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – riċerkaturi fl-Arja Ewropea: professjoni waħda, bosta karrieri – ĠU C 110 tat-30.04.2004 (INT/216), u Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem ta' “L-Ewropa u r-riċerka bażika” – ĠU C 110 tat-30.04.2004 (INT/229)

(15)  Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Kompetittività taż-17 u t-18 ta' Mejju 2004

(16)  Ara n-nota tal-qiegħ nru.14.

(17)  Ara Internal Market Scoreboard, Edizzjoni Nru 13, 13 ta' Lulju 2004, http://www.europa.eu.int/comm/internal_market/score/docs/score13/score13-printed_en.pdf

(18)  Ittra mill-Prim ministru Blair, President Chirac u l-Kanċillier Schröder tat-18 ta' Frar 2004.

(19)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Kompetittività tas-26 u s-27 ta' Novembru 2003.


23.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 74/18


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Nibnu l-Futur Komuni Tagħna: Sfidi Politiċi u Mezzi Baġitarji ta' l-Unjoni wara t-Tkabbir 2007-2013”

(COM(2004) 101 final)

“It-test ta' l-Opinjoni mhux disponibbli bil-Malti iżda hu ppubblikat fil-lingwi l-uffiċjali l-oħra kollha.”


23.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 74/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol ta' l-organizzazzjonijiet tan-nisa bħala atturi mhux marbuta ma' l-Istat, fil-qasam tal-Ftehim ta' Cotonou”

“It-test ta' l-Opinjoni mhux disponibbli bil-Malti iżda hu ppubblikat fil-lingwi l-uffiċjali l-oħra kollha.”


23.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 74/20


Abbozz ta' opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn is- Seventh Research Programme fir-Riċerka: Bżonn ta' riċerka fuq is-suġġett ta' bidla demografika — kwalità tal-ħajja ta' persuni anzjani u ħtiġijiet teknoloġiċi

Fid-29 ta' Jannar 2004, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'azzjoni skond ir-Regola 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, iddeċieda li jabbozza opinjoni fuq inizzjattiva proprja dwar: Lejn is-Seventh Research Programme fir-Riċerka: Bżonn ta' riċerka fuq is-suġġett ta' bidla demografika – kwalità tal-ħajja ta' persuni anzjani u ħtiġijiet teknoloġiċi.

It-Taqsima għas-Suq Komuni, Produzzjoni u Konsum, li kienet responsabbli għal-preparazzjoni tax-xogħol tal-Kumitat fuq is-suġġett, addottat din l-opinjoni fl-14 ta' Lulju 2004. Ir-rapporteur kienet Is-Sinjura Heinisch.

Waqt is-sessjoni plenarja Nru 411 (laqgħa tal-15 u s-16 ta' Settembru) il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew addotta din l-opinjoni li ġejja b'144 vot favur, 1 kontra u żewġ astensjonijiet:

1.   Sommarju

1.1

B'konsegwenza tal-bidla demografika u l-opportunitajiet u r-riskji involuti għal-kwalità tal-ħajja tan-numru jikber ta' persuni anzjani fl-Ewropa, il-Kumitat isejjaħ għal:

(a)

l-inklużjoni ta' azzjoni ewlenija f'dan il-qasam fis-Seventh Framework Programme għar-Riċerka u

(b)

miżuri relatati sabiex tiġi stabbilita bażi soda għall-ippjanar tal-politika, teħid ta' deċiżjonijiet u azzjoni fil-waqt, kemm fuq livell Ewropew kif ukoll nazzjonali.

Raġuni:

Hemm rabtiet mill-qrib bejn l-aspetti bioloġiċi, fiżjoloġiċi, soċjali, kulturali, teknoloġiċi, ekonomiċi u strutturali tax-xjuħija. Barra minn hekk, in-nies dejjem jixjieħu fi ħdan ambjent fiżiku u soċjali speċifiku. Fl-Ewropa, dan l-ambjent ivarja ħafna f'termini ġeografiċi, kulturali u soċjo-strutturali. L-ebda fatt- la li l-proċess tax-xjuħija għandu dimensjonijiet differenti u lanqas il-fatt li jsir taħt varjetà ta' kondizzjonijiet- m'hu rifless kif xieraq fil-programmi ta' riċerka li qiegħdin isiru bħalissa. Madankollu, minħabba l-bidliet fl-istruttura ta' l-età tal-popolazzjoni, riċerka wiesa' u fit-tul biss tista' toffri bażi soda għall-ippjanar u t-tfassil.

Rigward il-punt (a), hemm bżonn ta' riċerka b'mod partikolari f'dawn l-oqsma:

politika ekonomika u finanzjarja (4.1)

xogħol u impjieg (4.2)

il-ħajja ta' kuljum tal-persuni anzjani (4.3)

l-ambjent soċjali u spazjali (4.4)

tagħlim għal ħajja (4.5)

ħajja b'saħħitha u kondizzjonijiet ta' kura (4.6)

teknoloġiji ġodda (4.7)

proċessar, kollokalment u żieda fl-għarfien eżistenti (4.8).

Il-fatt li l-proċess taż-żieda fl-età għandu bosta dimensjonijiet differenti u jinvolvi dixxiplini kulturali, ekonomiċi u strutturali differenti jinneċessita riċerka fit-tul u interdixxiplinari.

Rigward punt (b), il-miżuri relatati li ġejjin huma ikkunsidrati meħtieġa b'mod partikolari: li jiġi żgurat qbil ma' l-Artikolu 85 tal-Kostituzzjoni Ewropea, li tiggarantixxi liċ-ċittadini anzjani ta' l-UE id-dritt li jgħixu b'dinjità u li jieħdu sehem attiv bħala ċittadini u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet:

l-applikazzjoni ta' metodu miftuħ ta' koordinazzjoni sabiex biex jiġi adottat metodu lejn- u klassifikazzjoni ta'- indikaturi tal-kwalità ta' ħajja fil-pajjiżi Ewropej ta' l-anzjani u biex jiffaċilita l-iskambju ta' esperjenzi, paraguni inter-Ewropej u tagħlim reċiproku; biex jitmexxa 'il quddiem id-djalogu bejn ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata u d-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea xierqa; u biex jiġu miftiehema valuri komuni b'relazzjoni mas-soċjetà li qed tixjieħ;

l-istabbiliment ta' osservatorju Ewropew konġunt sabiex jibni Aġenzija Ewropea dwar l-Anzjanità u database biex tiġġenera, jikkonċentra u jinxtered it-tagħrif biex jitjieb il-metodu ta' koordinazzjoni miftuħ u jsiru konklużjonijiet ta' politika prattiċi;

it-twaqqif ta' kategorija “Soċjetà Anzjana” fil-KESE

workshops u konferenzi sabiex jiżdied it-tagħrif dwar il-bidla demografika; jitqajjem il-bżonn urġenti għal miżuri preventivi u relatati; jissaħħaħ l-għarfien; tinxtered kemm jista' jkun l-informazzjoni dwar is-sejbiet tar-riċerka; u jiġi appoġġjat l-iskambju bejn l-Istati Membri qodma u ġodda;

Għan:

Li tiġi stabbilita bażi komprensiva ta' għarfien:

għall-policies biex iżommu u, jekk hemm bżonn, itejbu l-kwalità ta' ħajja għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri ta' l-anzjani; u

biex ittejjeb l-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività Ewropea, minħabba l-potenzjal offrut mill-bidla demografika.

2.   Introduzzjoni

Il-bidla demografika hija waħda waħda mis-suċċessi storiċi ewlenin ta' żminijietna. Hija wkoll sfida kontinwa. Qatt qabel ma kellek ġenerazzjonjiet sħaħ f'pożizzjoni li jistgħu leġittimament jisperaw u jistennew li jgħixu bosta snin ta' xjuħija. Din il-fażi ta' ħajja ġdida toffri firxa vasta ta' opportunitajiet, iżda tinvolvi wkoll dmirijiet kompletament ġodda għall-individwi u s-soċjetà. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej, numru ta' anzjani jgawdu minn dħul adegwat u għandhom il-kapaċità fiżika u konjittiva meħtieġa sabiex jgħixu s-snin żejda f'indipendenza hienja. Dan joħloq opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Huma u jixjieħu, madankollu, il-fakultajiet fiżiċi, sensorji u konjittivi tan-nies huma wkoll suġġetti li jmorru lura bir-riskju li jsiru funzjonalment ristretti. Barra minn hekk, ċerti gruppi fis-soċjetà m'għandhomx ir-riżorsi materjali, soċjali u personali meħtieġa biex ikunu jistgħu jixjieħu b'dinjità. Dan japplika b'mod partikolari għal ħafna nisa anzjani li jgħixu waħedhom. Id-diversi pajjiżi Ewropej ivarjaw ħafna anki f'dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-bidla fl-istruttura ta' età fil-pajjiżi kollha tinneċessita ridistribuzzjoni tar-riżorsi eżistenti u aġġustamenti fis-sistemi tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali. Iż-żieda fl-età tal-popolazzjoni taffettwa kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea, għalkemm b'veloċitajiet differenti. Kif kiteb il-President tal-KESE fir-rapport tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal-perijodu 2000-2002 (paġna 37):

2.1

“Il-Kumitat ġibed ukoll l-attenzjoni għal-previżjonijiet demografiċi li jħassbu b'impatt partikolari fl-oqsma tal-impjiegi, is-saħħa pubblika u l-pensjonijiet”.

2.2

B'dan l-iżvilupp bħala l-punt tat-tluq, din l-opinjoni fuq inizjattiva tal-Kumitat dwar il-bżonn ta' riċerka fuq is-suġġett ta' bidla demografika – kwalità tal-ħajja ta' persuni anzjani u ħtiġijiet teknoloġiċi issejjaħ għall-inklużjoni ta' azzjoni ewlenija f'dan il-qasam fis-Seventh Framework Programme għar-Riċerka. Dan jinvolvi żewġ aspetti separati iżda relatati: (i) il-bidla demografika bħala tali, li hija r-riżultat ta' rati tat-twelid jonqsu u l-bidliet konkomitanti fl-istrutturi tal-familja fuq naħa, u l-istennija ta' għajxien itwal min-naħa l-oħra; u (ii) ix-xjuħija u l-ħajja anzjana bħala fażi awtonoma tal-ħajja b'potenzjal qawwi għall-innovazzjoni soċjali, kulturali, organizzattiva, teknoloġika u ekonomika, iżda li ġġib magħha ċerti riskji. Ir-riċerka hija meħtieġa fit-tnejn li huma minn dawn l-oqsma, mhux biss fuq livell makro fl-impatt tagħhom fuq is-soċjetà kollha u l-azzjoni politika meħtieġa, iżda wkoll fuq livell mikro, fi kliem ieħor l-implikazzjonijiet tagħhom f'termini ta' salvagwardja tal-kwalità tal-ħajja tal-persuni anzjani u l-azzjoni meħtieġa fuq dak il-front. Madankollu, iċ-ċirkostanzi differenti għall-irġiel u għan-nisa għandhom ikunu kkunsidrati.

3.   Sfond u il-każ għall-opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess

3.1

Peress li l-bidla demografika – u l-modifiki fl-istruttura tal-popolazzjoni u tas-soċjetà relatati – hija fenomenu reċenti, iktar tagħrif huwa meħtieġ sabiex ikun possibbli ssir stima tal-impatt fuq l-iżvilupp soċjali komplessiv u tiġi stabbilita bażi sana għall-ippjanar ta' politika, teħid ta' deċiżjonijiet u azzjoni fil-waqt kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll Ewropew. Opinjonijiet tal-KESE u komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar oqsma bħal-politika tal-impjiegi (1), integrazzjoni soċjali (2), kura tas-saħħa, tagħlim għal ħajja (3) eċċ. jippuntaw ukoll lejn din id-direzzjoni.

3.2

Bażi ta' tagħrif ta' dan it-tip hija wkoll is-sine qua non għall-innovazzjonijiet soċjali, kulturali, organizzattivi, ekonomiċi u teknoloġiċi li jagħmlu possibbli mhux biss iż-żamma tal-kwalità tal-ħajja ta' l-anzjani, iżda tgħin ukoll biex jitnaqqas ftit mil-piż fuq is-sistemi tas-saħħa u sigurtà soċjali. In-numru jikber malajr ta' persuni xjuħ ħafna in partikolari u – sa ċertu punt bħala konsegwenza ta' dan – il-fatt li diversi ġenerazzjonijiet ta' anzjani huma ħajjin fl-istess waqt jeħtieġ wkoll servizzi u okkupazzjonijiet totalment ġodda.

3.3

Ċerti sejbiet importanti diġà saru fuq dan il-front grazzi għal proġetti appoġġjati bħala parti mil-Fifth Framework Programme għar-Riċerka (FP5) (azzjoni ewlenija 6 Il-popolazzjoni tikber fl-età taħt il-programm tematiku Kwalità tal-Ħajja u l-Immaniġġjar ta' Riżorsi Ħajjin). DĠ Riċerka dan l-aħħar ippublika analiżi ta' nofs it-terminu dwar ir-riżultati u l-esperjenza f'din l-azzjoni multidixxiplinari. L-implimentazzjoni tas-sejbiet tal-programm tematiku jista' wkoll jgħin biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta' l-anzjani u ta' persuni b'diżabilità. Il-metodu olistiku segwit skond il-programm telatiku f'l-aħħar tas-snin '90 għad għandu, madanakollu, jiġi universalment mibdi.

3.4

Skond is-Sixth Framework Programme għar-Riċerka (FP6), appoġġ għar-riċerka dwar il-popolazzjoni li qed tixjieħ u l-impatt ta' dan fuq l-individwi u s-soċjetà qiegħed jiġi segwit fi ftit oqsma sussidjarji tal-azzjonijiet ewlenin Xjenzi tal-Ħajja, ġenomika u bioteknoloġija għas-saħħa (Priorità 1), teknoloġiji tas-soċjetà infurmata (Priorità 2), Iċ-Ċittadini u l-governance f'soċjetà ibbażata fuq l-għarfien (Priorità 7) u Politika li tappoġġja l-RTD u tantiċipa ħtiġijiet xjentifiċi u teknoloġiċi (Priorità 8) kif ukoll ERA-NET.

3.4.1

Sejbiet politiċi ewlenin għandhom jiġu mistennija partikolarment mil-proġetti attwali Priorità 8 dwar perspettivi demografiċi u dwar l-ispejjeż u n-nefqa fuq is-saħħa fil-kuntest tas-soċjetà li qed tixjieħ. L-għan strateġiku partikolari tal-programm IST huwa li jmexxi 'il quddiem l-integrazzjoni ta' persuni anzjani u li jsofru min diżabilità fis-soċjeta' ta' l-informatika. F'dan il-qasam ukoll, hemm firxa vasta ta' sejbiet utli u proġetti promettenti li jinvolvu konsorzji kbar u l-industrija. Minkejja dan, sforzi konsiderevoli għadhom meħtieġa sabiex jonqsu d-differenzi li għad baqa'. Il-popolazzjoni li qed tixjieħ, madankollu, m'għadiex inkluża bħala azzjoni ewlenija bħala tali fil-prioritajiet tematiċi.

3.5

Il-proġetti mediċi u bioloġiċi appoġġjati skond FP5 u FP6 huma mistennija li jżidu bil-bosta l-għerf tagħna tal-proċess ta' xjuħija fiżjoloġika u bioloġika, kontroll tal-mard u promozzjoni u preservazzjoni tas-saħħa.

3.6

Sejbiet f'dan il-qasam huma bla dubju importanti, iżda dawn ma jistgħux isolvu il-problemi tal-persuni anzjani jew, fi żmien qasir, jgħinu biex niffaċċjaw l-isfidi soċjali ta' l-Ewropa b'mod ġenerali sakemm in-numru ta' anzjani – u b'mod partikolari ta' persuni xjuħ ħafna – jkompli jikber. Minħabba ir-rata relattivament baxxa ta' twelid, il-persentaġġ ta' zgħażagħ (taħt l-20) fil-popolazzjoni tal-UE bħala unità waħda niżlet mit-32 % fl-1960 għal 23 % fl-2001, filwaqt li l-persentaġġ ta' persuni anzjani (minn 60 il-fuq) tela' minn 16 % għal 22 % fl-istess perjodu. Il-proporzjon ta' dipendenza mill-anzjanità – jiġifieri l-persentaġġ tal-popolazzjoni li għandu iktar minn 60 sena b'relazzjoni mal-persentaġġ li għandu bejn 20 u 59 sena – tela' minn 29.5 % għal 38.9 % tul dan il-perjodu. Fil-ftit snin li ġejjin, il-persentaġġ ta' anzjani mistenni jitla' iktar hekk kif jidħol fis-seħħ l-iżbilanċ tat-twelid ta' dawn l-aħħar tletin sena. Fl-2020, l-anzjani ser jifformaw 27 % tal-popolazzjoni. Fi kliem ieħor, iktar minn kwart tal-Ewropej se jkollu età ta' 60 sena jew iktar. (4) In-numru ta' persuni xjuħ ħafna qed jiżdied partikolarment b'pass mgħaġġel (ara wkoll punt 4.5.1 iktar l-isfel). Għandha ssir riċerka fuq qasam iktar wiesa', minħabba l-iskop ewlieni taż-żieda fl-età tal-popolazzjoni – u l-impatt ta' dan li għadu mhux prevedibbli – f'tant oqsma differenti tas-soċjetà. Iż-żieda fl-età innifisha mhix biss proċess bioloġiku iżda tinvolvi bosta fatturi differenti tul perjodu ta' bosta snin, u bl-istess mod riċerka dwar l-anzjanità u ż-żieda fl-età trid taddotta metodu fuq żmien twil, multi- u interdixxiplinari. Ir-riċerka ma tistax tfittex biss li ttejjeb is-saħħa u li żżid kemm wieħed jistenna li għandu jgħix, iżda trid ukoll taħdem biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni fis-snin żejda mogħtija lilhom.

3.7

Is-Seventh Framework Programme għar-Riċerka (FP7) għandu għalhekk jinkludi azzjoni ewlenija dwar l-isfidi tal-bidla demografika. Din tissupplimenta prinċipalment ir-riċerka medika u bijoloġika li saret s'issa, anki billi tħares lejn l-aspetti preventivi soċjali, l-attitudni, kulturali u soċjo-ekonomiċi tul il-ħajja tal-persuna. Dan il-metodu olistiku għar-riċerka għandu jinkludi kemm riċerka fondamentali kif ukoll R&D prattiku. (5) L-organizzazzjonijiet l-aktar rappreżentattivi ta' l-anzjani fl-Ewropa għandhom jiġu involuti wkoll, kif irrakkomandat fit-tieni Pjan Internazzjonali ta' Azzjoni dwar l-Anzjani addottat fit-tieni Assemblea Dinjija dwar l-Anzjani f'Madrid f'April tal-2002 u l-istrateġija addottata mill-UNECE fil-konferenza ministerjali f'Berlin f'Settembru tal-2002. It-tmexxija 'il quddiem ta' riċerka ta' dan it-tip hija ta' l-akbar urġenza minħabba il-proċess twil u kumpless ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi involuti. Il-bżonnijiet ta' riċerka f'numru ta' oqsma huma mniżżla f'iktar dettal hawn taħt.

4.   Bżonn ta' riċerka individwali

Din l-opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess tiffoka fuq oqsma fejn hemm bżonn issir riċerka sabiex l-Ewropej ikunu jistgħu jgħixu ħajja xierqa – anki meta jixjieħu – f'ambjent ta' bidla demografika. Suġġetti li għandhom jiġu trattati jinkludu il-proċess ta' xjuħija u l-kundizzjonijiet ta' l-għajxien tal-anzjani innifishom, li jistgħu ivarjaw ħafna minn naħa għall-oħra ta' l-Ewropa, kif ukoll il-kundizzjonijiet ġenerali miksuba fis-soċjetà kollha li wkoll ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor.

Il-bidla demografika fiha bosta faċċati, iżda din l-opinjoni tindirizza biss dawk l-aspetti li jirrikjedu partikolarment innovazzjoni qawwija, allura iktar riċerka interdixxiplinari.

4.1   Bżonn ta' riċerka fil-politika ekonomika u finanzjarja

4.1.1

Wieħed mill-aspetti inizjali ewlenin li ma jingħatax l-attenzjoni li jistħoqlu fis-Sixth Framework Programme ta' Riċerka huwa l-prospettiva soċjo-ekonomika fid-dawl ta' dak li d-Direttorat Ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji jemmen li ser ikun impatt serju fuq il-bidla demografika. Bażi ta' tagħrif soda hija għalhekk meħtieġa sabiex ikun possibbli ssir rabta bejn it-tagħrif dwar id-dħul u l-impjieg u t-tagħrif dwar is-saħħa u l-imġieba soċjali. Previżjonijiet sani jeħtieġu l-ġabra konsistenti ta' statistika fuq perjodi relattivament twal. (Eżempji tajbin jinkludu l-Istudju Lonġitudonali Ingliż dwar l-Anzjanità [ELSA], li jħares ukoll lejn kwistjonijiet ta' saħħa, u l-iStħarriġ tal-Istati Uniti dwar is-Saħħa u l-Irtirar [HRS]). Għar-riċerka, dan iqajjem il-kwestjonijiet li ġejjin:

Hemm ħafna inċertezza dwar il-previżjonijiet demografiċi, iżda min jagħmel il-politika għandhom jagħmlu pjanijiet prattiċi għal-kura tas-saħħa, provvista soċjali u l-pensjonijiet. X'tip ta' tagħrif hemm bżonn li jinġabar biex ikunu appoġjati dawn il-policies?

Kemm hija importanti il-bidla demografika għal-konsum u t-tfaddil? Kif għandhom mnejn iġibu ruħhom u liema hi l-imġieba xierqa b'konsegwenza tal-istennija ta' ħajja itwal?

X'tip ta' rabta teżisti bejn il-popolazzjoni tixjieħ u l-produttività? X'inhu l-impatt fuq il-prodottività, l-innovazzjoni u l-imprenditorjalità?

X'jista' jsir biex il-vantaġġi potenzjali tal-bidla demografika jkunu wżati- fis-sens ta' prodotti u servizzi ġodda- sabiex l-anzjani, kemm tal-lum kif ukoll dawk tal-futur jieħdu benefiċċju u jitjieb l-iżvilupp ekonomiku ta' l-Ewropa (taħt it-terminu “ekonomija ta' l-għarfien”)?

Kif hemm mnejn iġibu ruħhom ekonomikament l-anzjani tal-futur, meta dawn ser ikunu, fil-maġġor parti tagħhom, iktar f'saħħithom, edukati aħjar u iktar mobbli mill-ġenerazzjoni ta' anzjani preżenti iżda li jista' jkun li se jkunu f'sitwazzjoni agħar, speċjalment meta jiġu mill-gruppi soċjali l-aktar żvantaġġjati? (cf. ukoll il-punti 4.2.1 u 4.3.6).

4.2   Bżonn ta' riċerka fil-qasam tax-xogħol u l-impjieg

4.2.1

Fil-futur, il-bidla fl-istruttura ta' l-età tal-popolazzjoni u r-riżultat tal-bżonn ta' ridistribuzzjoni ta' riżorsi skarsi li ma jistgħux jiżdiedu fi proporzjon mad-domanda ser ikun meħtieġ għall-intrapriżi u s-sistemi ta' sigurtà soċjali – u għal-popolazzjoni tixjieħ innifisha – li tiddependi għal iktar żmien mil-lum fuq l-għerf u l-kapaċitajiet fix-xogħol ta' l-anzjani. (6) Huwa fatt magħruf li persuni avvanzati fl-età huma ġeneralment mhux inqas produttivi minn persuni ta' età izgħar, għalkemm ċerti kapaċitajiet jonqsu filwaqt li oħrajn jiżdiedu. Is-suġġetti li ġejjin jeħtieġu għalhekk riċerka:

F'liema oqsma ħaddiema avvanzati fl-età jistgħu ipoġġu l-kapaċitajiet tagħhom f'użu tajjeb, anki meta javvanzaw iktar fl-età?

X'opportunitajiet ta' xogħol u strutturi alternattivi hemm bżonn li jiġu stabbiliti sabiex l-impjieg tibqa' għażla attraenti għal-persuni avvanzati fl-età wkoll? Per eżempju, jista' x-xogħol temporanju jkun pass il-quddiem fattibbli?

Kif jistgħu is-saħħa u s-salvagwardja fuq il-post u l-ambjent tax-xogħol jiġu mtejjba ħalli l-ħaddiema jkunu jistgħu jkunu attivi fil-ħajja tax-xogħol għal iktar żmien?

X'arranġamenti fuq il-post tax-xogħol u x'mudelli u organizzazzjoni tax-xogħol huma meħtieġa sabiex persuni avvanzati fl-età jkollhom l-aħjar ambjent possibbli fiex jaħdmu? Kif tista' t-teknoloġija applikata tgħin?

X'jista' jsir b'mod partikolari biex min ilu qiegħed għal żmien twil lura għax-xogħol, u dawk li ma kienux f'impjieg vantaġġuż għal ċertu żmien għal raġunijiet oħra (per eżempju obbligi familjari)?

Għaliex il-kumpanniji jħallu ħaddiema avvanzati fl-età jitilqu? Għalxiex in-nuqqas ta' impjiegi qiegħed jiżdied b'mod partikolari fost in-nisa avvanzati fl-età?

Liema xkiel jeżisti għal-persuni avvanzati fl-età biex jaħdmu għal iktar żmien jew biex jibdew impjieg ġdid u kif jista' jistneħħa dan it-tfixkil?

Rigward il-passaġġ mill-impjieg full-time għall-irtirar mix-xogħol, kemm jistgħu u għandhom ikunu flessibbli l-arranġamenti biex jiġi assigurat li dawn ikunu ta' benefiċċju għal ħaddiema ta' età avvanzata, l-intrapriża u s-sistemi ta' sigurà soċjali bl-istess mod?

Xi skemi jistgħu u għandhom jiġu maħluqa għat-trasferiment ta' l-għerf u biex il-kapaċitajiet u l-esperjenza ta' snin twal tal-ħaddiema avvanzati fl-età jkunu jistgħu jgħadduhom lil persuni iżgħar fl-età li jieħdu dan l-għerf “qadim” u jagħmluh parti mil-għerf “ġdid” tagħhom, kemm għal-benefiċċju tagħhom kif ukoll tal-kumpannija tagħhom?

Għall-edukazzjoni kontinwa, ara punt 4.5.

Il-persentaġġ jikber ta' anzjani fil-popolazzjoni b'modġenerali jeħtieġ ukoll l-impjiegi eżistenti jespandu kif ukoll impjiegi ġodda jridu jinħolqu. Madankollu, l-informazzjoni hija nieqsa fejn jikkonċerna

l-oqsma li fihom hemm bżonn partikolarment urġenti li jitwessgħu il-kapaċitajiet tax-xogħol biex tintlaqa' d-domanda u l-bżonnijiet tal-persuni avvanzati fl-età, u

l-oqsma li fihom hemm bżonn ta' attivitajiet ġodda u fejn dawn joffru opportunitajiet ta' xogħol ġodda.

Dawn l-iżviluppi għandhom jiġu ikkunsidrati:

għal-bidla fil-mudelli ta' dħul u konsum u r-rabta mal-bidla demografika (cf. il-punti 4.1.1 u 4.3.6);

rigward it-tnaqqis fil-mobilità ta' l-anzjani: għażliet li jistgħu jittieħdu f'konsiderazzjoni jinkludu servizzi domestiċi ġodda qtugħ ta' xagħar jew kiropodija mid-dar u servizzi b'distanza bħal teleshopping, konsultazzjoni fuq it-televiżjoni u oħrajn simili.

Għal kwistjonijiet ta' impjiegi relatati speċifikament mas-saħħa u l-kura, ara l-punt 4.6.

4.3   Bżonn ta' riċerka fil-ħajja ta' kuljum ta' l-anzjani

4.3.1

L-avvanz fl-età mhux biss proċess bijoloġiku, iżda wkoll – u b'mod partikolari – wieħed soċjali. Il-kondizzjonijiet soċjali jvarjaw ħafna kemm fil- kif ukoll bejn il-pajjiżi Ewropej differenti. Dan japplika kemm fil-livell makro – is-sistemi politiċi u ekonomiċi li żviluppaw storikament tul iż-żminijiet – kif ukoll fuq il-livell mikro – l-istorja u r-riżorsi tal-ħajja individwali tal-persuni. Għalhekk, l-ambjent ta' l-avvanz fl-età u l-anzjanità jvarja wkoll bejn il-gruppi soċjali individwali. Differenzi kbar jeżistu kemm bejn kif ukoll fi ħdan il-pajjiżi individwali u fi ħdan il-grupp imdaqqas magħmul mill-anzjani.

4.3.2

Il-pajjiżi Ewropej ivarjaw ħafna f'termini ta' klima, topografija, densità tal-popolazzjoni u kif jitqassmu, infrastruttura tat-trasport, dispożizzjonijiet tal-welfare u ħafna aspetti oħrajn li jinfluwenzaw il-kapaċità ta' persuna biex tgħix ħajja indipendenti u tagħti s-sehem attiv tagħha fis-soċjetà. F'ċerti pajjiżi hemm pensjonijiet minimi li jipprovdu bażi finanzjarja xierqa għall-anzjani biex jgħixu ħajja kuntenta. F'oħrajn, il-pensjonijiet lanqas biss jipprovdu għal-bżonnijiet essenzjali. Hemm differenzi kbar partikolarment bejn il-kundizzjonijiet fil-pajjiżi msieħba ġodda ta' l-Ewropa ċentrali u ta' Lvant ma' dawk fl-Ewropa tal-Punent. Differenzi kbar jeżistu wkoll, madankollu, fil-pajjiżi individwali u fil-grupp imdaqqas magħmul mill-anzjani.

X'impatt għandhom id-diversi sistemi ta' welfare fil-pajjiżi Ewropej fuq il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħhom?

X'miżuri preventivi jistgħu jittieħdu biex jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi li jagħmluha diffiċli għall-anzjani milli jaċċedu għal akkomodazzjoni bi prezz tajjeb, trasport deċenti, riżorsi kulturali, ikel tajjeb għas-saħħa u/jew teknoloġiji ġodda, u allura jfixklu l-kwalità tal-ħajja?

Minħabba t-tnaqqis fil-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa, x'jista' jsir partikolarment biex tinżamm il-kwalità tal-ħajja ta' dawk l-anzjani li l-eżistenza tagħhom – kemm fiżika kif ukoll soċjali – hija mhedda mill-faqar, mard kroniku, edukazzjoni ħazina, għerf lingwistiku mhux adegwat jew in-nuqqas ta' riżorsi oħra?

Kif jistgħu jgħixu n-nies li ma jistgħux- li m'għadhomx jistgħu- iżommu stil ta' ħajja indipendenti ? X'arranġamenti qiegħdin isiru għal tali persuni fl-Istati Membri ta' L-UE u x'azzjoni hi bżonnjuża biex jitħarsulhom l-interessi tagħhom ?

X'inhi s-sitwazzjoni rigward il-kondizzjonijiet ta' ħajja ta' l-anzjani fid-djar u fl-istituzzjonijiet ? B'liem mod l-interessi tagħhom huma ppreżentati ?

X'qiegħed isir fit-termini ta' prevenzjoni, trattament u ambjent ta' kura fl-Istati Membri ta' l-UE għal pazjenti li jbatu mill-marda ta' Alzheimer u għal nies li jbatu minn forom oħra ta' dimensja ? X'inhuma l-għażliet disponibbli u x'esperjenza qiegħda tinkiseb minn tipi differenti ta' akkomondazzjoni ?

4.3.3

L-indipendenza, id-determinazzjoni proprja u l-integrazzjoni soċjali huma miri personali u soċjo-politiċi ewlenin. Numru ta' fatturi jikkompromettu l-kapaċità ta' l-anzjani – u, b'mod partikolari, ta' persuni xjuħ ħafna – biex jilħqu dawn il-miri. Huma u javvanzaw fl-età, il-persuni qed isiru aktar suxxettibbli għal-problemi ta' saħħa. Meta dan iseħħ, kondizzjonijiet ambjentali fqar u restrizzjonijiet finanzjarji jagħmluha iktar diffiċli għall-anzjani biex jibqgħu indipendenti u jkomplu jagħtu sehem attiv fis-soċjetà. Normi u prekonċezzjonijiet soċjali – per eżempju, il-perċezzjonijiet diskriminatorji li l-persuni għandhom ta' l-anzjani – jistgħu wkoll jaħdmu ta' barriera u l-anzjani jiġu esklużi minn oqsma ewlenin tas-soċjetà. Bl-oppost tal-istampa negattiva ta' l-avvanz fl-età, madankollu, hemm il-fatt illi l-maġġoranza kbira ta' anzjani jistgħu jgħixu ħajja indipendenti u awtonoma għal ħafna snin. Huma għandhom sehem ewlieni wkoll fil-familji u fis-soċjetà permezz ta' appoġġ interġenerazzjonali (kemm soċjali kif ukoll finanzjarju) u xogħol mhux imħallas f'korpi politiċi, trade-unions u tal-knisja.

4.3.4

L-anzjani għandhom ħafna mil-kapaċitajiet psikoloġiċi meħtieġa biex ilaħħqu ma' ħafna diffikultajiet li ma għandhomx kontroll fuqhom u r-restrizzjonijiet ta' saħħa li jiffaċċjaw. Madankollu, hemm riskju li dan l-ekwilibru intern jiġi mitluf meta l-problemi jakkumulaw.

X'azzjoni hi meħtieġa – u meta – biex l-anzjani ma jitpoġġewx taħt piżijiet wisq kbar u biex ikollhom l-għajnuna biex ilaħħqu mas-sitwazzjonijiet kritiċi tal-ħajja?

X'mizuri huma neċessarji biex ikopru iktar min-neċessitajiet bażiċi, bħal-bżonn psikoloġiku ta' sigurtà, għal relazzjonijiet familjari u interpersonali oħra u għall-inklużjoni soċjali?

4.3.5

Il-maġġoranza kbira ta' anzjani jistgħu jgħixu ħajja relattivament b'saħħitha u attiva fix-xjuħija għal xi 20 sa 30 sena. Peress illi dan huwa fenomenu reċenti, għad hemm sa issa, ftit preċedenti li fuqhom jistgħu jsiru pjanijiet għal din il-fażi tal-ħajja. Ma jeżistux figuri ta' min joqgħod fuqhom, paragunabbli min-naħa għall-oħra ta' l-Ewropa, f'dawk l-oqsma li fihom l-anzjani huma attwalment attivi u jagħtu kontribut ewlieni lis-soċjetà u l-ekonomija. Dawn l-oqsma jinkludu l-impjieg f'xogħol imħallas jew mhux f'organizzazzjonijiet politiċi, trade-unions u tal-knisja u l-provvista ta' appoġġ, edukazzjoni u taħriġ lil persuni izgħar fl-età.

X'jista' jsir biex jiġu provduti attivitajiet, faċiltajiet ta' taħriġ, opportunitajiet ta' involviment u postijiet fejn jiltaqgħu biex kull individwu jkun jista' jittrasforma l-vantaġġi potenzajali ta' dawn is-snin f'użu siewi b'mod li jagħti kemm raġuni lil ħajtu jew ħajjitha u benefiċċji lis-soċjetà?

Sa liema punt huma differenti l-interessi, esperjenzi, bżonnijiet u kapaċitajiet tal-irġiel u nisa anzjani? Kif u kemm jistgħu dawn id-differenzi jittieħdu in konsiderazzjoni?

Kif jistgħu jiġu involuti l-anzjani -fid-diversi livelli nazzjonali u Ewropej- kemm direttament kif ukoll permezz ta' l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom- fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet li jkollu impatt fuq id-dritt li jkollhom ħajja dinjituża u indipendenti u d-dritt għas-sehem biex jieħdu sehem fil-ħajja soċjali u kulturali sabiex l-Artikolu 25 tat-Trattat ta' Nizza jsir realtà?

Kemm hemm bżonn, fost l-anzjani u speċjalment fost l-anzjani immigrati- ta' mobilità interreġjonali u bejn il-fruntiera, u x'jista' jsir, bħal fil-każ tal-ħaddiema, biex dawn il-bżonnijiet jiġu moqdija?

4.3.6

Diskussjonijiet dwar is-soċjetà li qed tixjieħ jiffokaw kważi esklussivament fuq il-kwistjoni bħala problema u piż, bl-isfond ta' l-isfida fuq tal-ispejjeż fuq is-sigurtà soċjali u s-saħħa. L-aspetti pożittivi, madankollu, huma rarament ikkunsidrati u ftit informazzjoni hija disponibbli dwar dawn. Dawn jinkludu, per eżempju, il-fatt li l-anzjani ma għadhomx piż fuq is-suq tax-xogħol iżda, bħala konsumaturi, jkomplu jagħtu sehem fl-iżvilupp ekonomiku.

Kif huma differenti l-mudelli ta' dħul u konsum bejn l-anzjani u l-persuni iżgħar fl-età?

Kif huma mistennija jġibu ruħhom fil-konsum il-ġenerazzjonijiet ġodda?

Liema oqsma għandhom potenzal partikolari għall-innovazzjoni ħalli, fil-futur, il-ħtiġijiet speċifiċi ta' l-anzjani jkunu jistgħu mogħtija aktar attenzjoni?

Fuq dan il-punt, ara wkoll il-punti 4.1.1 u 4.2.1.

4.3.7

Id-dibattitu attwali dwar il-problemi ta' kura tas-saħħa, il-finanzjament tal-pensjonijiet u – f'ċerti pajjiżi – l-ewtanasja qed iġiegħel ħafna anzjani jħossuhom iktar ta' piż fuq is-soċjetà milli membru apprezzat tas-soċjetà.

X'jista' jsir komplessivament biex il-kontribuzzjoni tal-anzjani – kemm materjali kif ukoll mhux materjali – f'tant setturi differenti tas-soċjetà tkun iktar viżibbli u apprezzata iktar?

X'miżuri ta' politika soċjali huma meħtieġa ħalli l-anzjani ma jkollhomx iktar raġunijiet biex iħossuhom li huma ftit iktar minn “responsabbiltà”?

X'jista' jsir biex jimbidlu l-attitudnijiet negattivi lejn l-avvanz fl-età ħalli l-anzjanità tiġi aċċettata aħjar, u tirriżulta f'kultura pożittiva tax-xjuħija? Kif jiġu mħeġġa l-persuni żgħar fl-età jiżviluppaw iktar fehma tal-anzjani u x'jista' jsir biex jitmexxa 'il quddiem id-djalogu fil- u bejn il-ġenerazzjonijiet? (cf. ukoll il-punt 4.5.2)

X'jista' jsir biex tiġi preżentata stampa iktar sfumata ta' l-anzjanità fil-media?

Il-mewt u l-fatt li tmur huma suġġetti li jiġu evitati iżda jibqgħu madankollu fatturi ekonomiċi sinjifikanti. X'jista' jsir biex il-mewt ma ssirx sempliċiment kummerċalizzata u, minflok, tiġi żviluppata kultura tal-mewt etikament responsabbli?

4.4   Bżonn ta' riċerka f'ambjent soċjali u spazjali

4.4.1

L-ambjent soċjali ta' l-anzjani għandu jimbidel drammatikament fil-ftit snin li ġejjin. Rati ta' twelid baxxi, persuni li jsiru ġenituri iktar tard, u rati għolja ta' divorzju qed ikissru in-network tradizzjonali ta' relazzjonijiet familjari. Ukoll, l-istennija ta' ħajja itwal qed jagħmilha dejjem iktar komuni li jkollok sa ħames ġenerazzjonijiet fl-istess familja ħajjin fl-istess waqt (“familji beanpole”).

X'impatt iħallu dawn il-bidliet fuq l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-anzjani fis-soċjetà?

Ġenerazzjonijiet tal-futur se jkunu jistgħu jiddependu fuq relazzjonijiet barra mil-familja u huma ta' min joqgħod fuqhom dawn anke meta jkun hemm bżonn ta' appoġġ?

X'miżuri ta' politika soċjali u/jew innovazzjonijiet organizzattivi u tekniċi jistgħu jgħinu networks ta' appoġġ kemm ġewwa kif ukoll barra mill-famlja sabiex dawn isiru iktar effettivi u jdumu iktar?

4.4.2

Studji dwar il-budget marbut maż-żmien u l-mobiltà juru li, huma u jixjieħu, il-persuni jdumu għal iktar ħin fid-dar u jgħaddu inqas ħin fuq attivitajiet ta' barra.

X'jista' jsir, bl-inqas spejjeż, biex id-djar – partikolarment appartamenti f'bini ikbar u qadim, iżda anki djar tal-familji – isiru addattati biex l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti u, jekk meħtieġ, jieħdu ħsiebhom mid-dar jekk il-fakultajiet fiżiċi, sensorji u konjittivi jonqsu?

X'konsiderazzjonijiet kumplessivi għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni meta d-djar jiġu immodenizzati sabiex il-persuni jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu f'darhom kemm jista' jkun possibbli?

X'miżuri tekniċi u fl-arkitetettura jistgħu jiddaħlu sabiex tinżamm l-indipendenza tal-anzjani li jsofru minn nuqqasijiet speċifiċi bħal problemi fis-smiegħ u fil-vista, mobiltà mnaqqsa jew dimenzja?

Kif jistgħu kunċetti ta' “għajxien inteliġenti” innovattivi in partikolari jgħinu biex ikun possibbli għal-persuni biex jgħixu indipendentement u jkunu jistgħu jieħdu ħsieb darhom għal iktar żmien?

X'esperjenza pożittiva għandha diġà l-Ewropa f'dawn l-oqsma? X'lezzjonijiet jistgħu jittieħdu minnha?

4.4.3

Huma u jsiru aktar fraġli, il-biċċa l-kbira ta' persuni avvanzati fl-età huma mkexkxa mill-idea li jkollhom imorru jgħixu f'dar tal-kura.

X'alternattivi attraenti però irħas huma offruti jekk id-dar ta' persuna anzjana ssir ta' piż u l-għajxien ta' ħajja indipendenti ma tkunx iktar possibbli?

X'esperjenza nkisbet s'issa b'mudelli ta' għixien bħall-akkomodazzjoni ta' kenn? X'kundizzjonijiet bażiċi jikkontribixxu għas-suċċess jew il-falliment ta' dawn jew alternattivi oħra?

Apparat, sistemi u servizzi tekniċi, jistgħu jkunu ta' vantaġġ kbir għall-anzjani meta jiffaċċjaw problemi ta' kuljum, iżda spiss dawn ma jkunux addattati għal-ħtiġijiet ta' l-anzjani. L-istrumenti għandhom jkunu mudellati fuq il-prinċipju ta' “Design for All” u għandhom ikunu addattabbli għal gruppi differenti ta' persuni li jużawhom. Huwa għalhekk importanti ħafna li persuni li jużawhom fil-futur ikunu involuti fl-iżvilupp tagħhom sabiex il-kwalità tal-prodotti u servizzi jagħmlu qabża għall-aħjar fil-kwalità. F'dan il-każ, il-Kumitat jirrikkomanda l-konsultazzjoni u s-sehem attiv ta' l-organizzazzjonijiet l-aktar rappreżentattivi ta' l-anzjani fl-Ewropa- u ta' l-anzjani stess- sabiex ikun hemm interazzjoni kostanti (“social audit”) dwar dak li attwalment jeħtieġu l-anzjani.

X'iridu jkunu jafu produtturi u diżinjaturi dwar l-approċ u l-metodoloġija ta' “Design for All” u dwar il-kapaċitajiet, limitazzjonijiet, ħtiġijiet u dwar l-attitudni ta' l-anzjani sabiex apparat tekniku jkun addattat kif xieraq u jkun jista' jiġi aċċettat u użat aħjar mill-anzjani?

X'bidliet jiġru hekk kif il-persuni jixjieħu u x'bidliet jistgħu jiġru f'ġenerazzjonijiet ġodda ta' anzjani?

Kif jistgħu il-kapaċitajiet jinbidlu u l-ħtiġijiet ta' l-anzjani jkunu iktar effettivament ikkunsidrati fid-diżinn ta' teknoloġiji aċċessibbli għal kulħadd minn dak li kien il-każ s'issa? X'inhuma l-policies tajba li jistgħu jiġu stipulati sabiex jiġi żgurat sehem aktar mill-qrib tal-kummerċ u l-industrija sabiex jinkiseb l-għan “Design for All” ?

X'jista' jsir biex min jużahom ikun iktar involut fl-iżvilupp ta' apparat teknoloġiku?

Iktar riċerka dettaljata hija meħtieġa wkoll sabiex jiġi stabbilit liema għajnuniet tekniċi huma verament meħtieġa u l-kondizzjonijiet li jrid ikun hemm ħalli tali għajnuniet ikunu jistgħu itejbu l-kwalità tal-ħajja.

Kif jistgħu dawn l-għajnuniet jgħinu lill-anzjani f'l-obbligi tal-ħajja ta' kuljum? Kif jistgħu dawn jagħtu appoġġ lil gwardjani formali u informali u lil min jipprovdi servizzi, f'każijiet fejn l-anzjani huma dipendenti fuq il-kura jew isofru minn mard relatat mad-dimenzja?

X'aspetti etiċi jridu jittieħdu f'konsiderazzjoni (per eżempju meta l-anzjani jsiru konfużi) sabiex il-privatezza ma tinkisirx, per eżempju, permezz ta' mekkaniżmi ta' kontrolli tekniċi?

X'innovazzjonijiet qed joffru teknoloġiji ġodda u x'inhu l'impatt fuq żmien twil ta' l-użu tagħhom? X'miżuri soċjali huma meħtieġa sabiex dawn it-teknoloġiji jgħinu biex titjieb il-kwalità tal-ħajja u sabiex l-anzjani jibqgħu involuti fis-soċjetà, minflok ma jkunu soċjalment iżolati u żvantaġġati?

4.4.4

Attivitajiet fiżiċi, soċjali u kulturali huma mifhuma li jmexxu 'il quddiem xjuħija sana u kuntenta. Spiss, madankollu, xkiel fl-ambjent naturali u/jew mibni – jew nuqqas ta' trasport – iwaqqfu l-aċċess għal-faċiltajiet meħtieġa. Il-problemi huma magħrufa (7) iżda l-implimentazzjoni huwa spiss nieqes.

X'jista' u x'għandu jsir b'urġenza partikolari fl-oqsma ta' ippjanar soċjali, urban u tat-trasport sabiex iż-żoni residenzjali, l-infrastruttura tat-toroq, it-trasport u l-faċiltajiet ta' servizzi eċċ. jilqgħu għal-ħtiġijiet tan-numru jikber ta' anzjani u li jistgħu jgħinuhom jibqgħu indipendenti?

Kif tista' b'mod partikolari l-kwalità ta' l-ambjent tal-għajxien tgħin biex l-anzjani jintegraw ruħhom fis-soċjetà – per eżempju billi jiġu provduti postijiet fejn jistgħu jiltaqgħu u faċiltajiet ta' trasport xierqa?

Liema pajjiżi għandhom diġà esperjenza tajba fuq dan il-front, u f'liema oqsma partikolari, u kif jista' dan jiġi trasferit lil pajjiżi oħra u f'oqsma oħra?

4.4.5

Spiss, in-nuqqas ta' riżorsi soċjali u finanzjarji u/jew nuqqasijiet fiżiċi jew sensorji ma jippermettux lill-persuni milli jaċċedu u jsiru involuti f'attivitajiet barra minn darhom. L-involviment f'attivitajiet soċjali u kulturali, madankollu, ikunu partikolarment importanti għal dawn il-persuni – spiss nisa anzjani jgħixu waħedhom – sabiex dawn ma jispiċċawx iżolati.

X'innovazzjonijiet fil-politika soċjali u/jew organizzattivi jew tekniċi jistgħu jgħinu lill-anzjani fil-bżonn biex jinvolvu ruħhom fil-ħajja komunitarja?

4.5   Bżonn ta' riċerka rigward it-tagħlim għal ħajja

4.5.1

F'soċjetà ta' bidliet soċjali, kulturali u tekniċi mgħaġġla, it-tagħlim għal ħajja qed isir dejjem iktar importanti. Dan japplika in partikolari għall-anzjani li l-kapaċitajiet ta' ħidma li akkwistaw fil-passat ma għadhomx jilqgħu għal-ħtiġijiet moderni tax-xogħol. L-importanza ta' l-għan li l-Ewropa ssir żona ta' tagħlim għal ħajja realtà kienet ċara fil-komunikazzjoni konġunta mid-DĠ Edukazzjoni u Kultura u d-DĠ Xogħol u Affarijiet Soċjali, u fir-Riżoluzzjoni tas-27 ta' Ġunju 2002. (8) Fuq dan il-front ukoll, għad hemm bżonn urġenti li ssir riċerka:

X'tip ta' taħriġ huwa l-iktar effettiv għal ħaddiema avvanzati fl-età kemm f'termini ta' kontenut u kemm fejn jidħol il-metodu?

X'jista' jsir sabiex il-ħaddiema kollha jibbenefikaw bl-istess mod mil-miżuri xierqa mingħajr distinzjonijiet ta' età jew sess?

4.5.2

Madankollu, il-bżonn ta' tagħlim għall-ħajja jaffettwa wkoll persuni li ma għadhomx f'impjieg. Huma wkoll jeħtieġu li jkollhom l-opportunità għal iktar żvilupp kemm għal-benefiċċju tagħhom stess kif ukoll tas-soċjetà:

Kif inhu ġenerat u mxerred it-tagħrif fis-soċjetà tat-tagħlim?

X'jista' jsir biex jiġi mmexxi 'il quddiem aħjar it-tagħlim għal ħajja mal-anzjani mingħajr distinzjoni jekk humiex f'impjieg jew le? X'arranġamenti huma diġà mwaqqfa fl-Istati Membri llum għall-involviment fi programmi ta' edukazzjoni u informazzjoni fuq suġġetti relatati max-xogħol jew temi kulturali u x'esperjenza ttieħdet, per eżempju, mill-universitajiet tat-tielet età jew simpożji fuq diversi suġġetti?

Teżisti rabta bejn l-impjieg ta' persuna kmieni fil-ħajja u t-tkomplija ta' l-edukazzjoni iktar tard? Jistgħu jittieħdu xi konklużjonijiet mit-taħriġ li ttieħed waqt il-ħajja attiva fix-xogħol fuq kif tista' tinżamm ix-xewqa għat-tagħlim, l-edukazzjoni u l-kultura tal-anzjani?

X'jista' jsir biex l-opportunitajiet ta' tagħlim isiru iktar aċċessibbli, anki għal gruppi li s'issa ma ġewx rappreżentati biżżejjed, u sabiex tiġi żgurata d-diversità kulturali?

Xi rwol jista' jkollhom il-media tas-servizz pubbliku it-teknoloġiji ġodda u l-e-learning biex il-persuni jibqgħu involuti fis-soċjetà, biex jixxerred l-għerf u l-informazzjoni u sabiex titmexxa 'il quddiem l-edukazzjoni avvanzata għall-anzjani?

X'kapaċitajiet bażiċi huma partikolarment importanti fl-età avvanzata? (cf. ukoll il-punt 4.6.1)

Bil-kontra, x'għerf bażiku għandu jkollhom persuni u organizzazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-anzjani dwar l-anzjanità u x-xjuħija? X'tip ta' inizjattivi edukattivi jgħinu persuni żgħar fl-età jifhmu aħjar lill-anzjani? (cf. ukoll il-punt 4.3.7)

Kif tista' l-implimentazzjoni ta' miżuri addottati minn qabel tiġi ikkontrollata u l-esperjenzi pożittivi jimxu 'il quddiem?

4.6   Bżonn ta' riċerka rigward iż-żamma ta' ħajja sana l-ħtiġijiet ta' kura

4.6.1

Konsegwenza partikolarment serja tal-bidla demografika huma l-ispejjeż addizzjonali fuq is-sistemi ta' sigurtà soċjali u tal-kura b'riżultat tan-numri jikbru b'pass mgħaġġel ta' persuni xjuħ ħafna. Tul il-ħmistax 'il sena li ġejjin, in-numru ta' persuni li għandhom iktar minn 80 sena huwa mistenni li jitla' b'50 % fl-Ewropa għal aktar minn 20 miljun. (9) In-numru ta' persuni li għandhom iktar minn mitt sena qed jiżdiedu b'mod esponenzjali. (10) Ir-riċerka hija allura ta' importanza ewlenija, partikolarment fil-qasam tal-prevenzjoni, u rigward il-mantniment u r-restawrazzjoni tal-mobiltà u l-indipendenza tal-anzjani.

X'inhu l-impatt fuq żmien twil ta' ċerti stili ta' ħajja fuq is-saħħa in ġenerali u l-mard speċifiku b'mod partikolari? Kif jistgħu abitudnijiet f'saħħithom jitmexxew 'il quddiem?

Kif għandhom jiġu mħeġġa biex iżommu stili ta' ħajja f'saħħitha (eż. B'sehem fl-isport u skopijiet artistiċi/estetiċi, jew dieta sana)?

X'iktar jista' jsir biex jiġu preservati l-kapaċitajiet fiżiċi, sensorji, konjittivi u soċjali?

Hemm bżonn partikolari ta' riċerka fl-epidemoloġija u l-etjoloġija ta' mard relatat ma' l-età sabiex jitjiebu l-miżuri preventivi (per eżempju fir-rigward ta' dimenzja, speċjalment il-marda ta' Alzheimer jew biex jiġu evitati waqgħat li jistgħu jirriżultaw fi fratturi tal-ġenbejn).

Hemm bżonn urġenti ta' riċerka fil-miżuri preventivi u fil-kura tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol (ara wkoll punt 4.2.1)

Riċerka hija meħtieġa wkoll f'għażliet ta' trattament għall-anzjani, kemm f'termini ta' mard ġenerali b'karatteristiċi speċifiċi skond l-età u ta' mard speċifikament relatat mal-età. Il-bażi terapewtika għal dan hija spiss nieqsa peress li testijiet kliniċi u farmaċewtiċi isiru l-aktar fuq adulti żgħażagħ. L-istat tas-saħħa ta' l-anzjani mhux komparabbli peress li spiss huma ma jbatux minn marda speċifika iżda jista' jkollhom disfunzjonijiet f'diversi partijiet u ta' natura differenti fl-istess ħin.

Ara wkoll il-punt 4.6.3.

4.6.2

Il-ħtiġijiet għal kura għandhom jiżdiedu bil-bosta fil-ftit snin li ġejjin hekk kif in-numru ta' persuni xjuħ ħafna jiżdied, u l-piż fuq in-nefqa pubblika u privata tiżdied. Numru ta' oqsma hawnhekk jeħtieġu riċerka.

X'jista' x'għandu jsir sabiex il-kapaċitajiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati fil-qasam tal-kura jitjiebu sabiex il-kura tibqa' professjoni attraenti fit-tul?

X'għandu jsir fil-kuntest iktar wiesa' u f'termini tal-ħaddiema impjegati sabiex jiġi żgurat li r-relazzjoni bejn il-kuratur u l-persuna li tkun qed tieħu l-kura jiżviluppa b'mod soddisfaċenti għal kull min hu involut?

Kif tista' l-provvista tal-kura tiġi addattata għal-bżonnijiet u l-ħtiġijiet ta' anzjani li jiddependu fuq il-kura u x'jista' jsir biex jingħata iktar appoġġ milli s'issa għal-kura mid-dar?

Kif jistgħu soluzzjonijiet tekniċi jgħinu biex jonqos il-piż fuq min jipprovdi l-kura – kemm membri familjari kif ukoll professjonisti – mingħajr ma tiġi affettwata l-integrità u d-dinjità li qed jirċievu l-kura?

X'appoġġ ekonomiku u għarfien soċjali hu bżonnjuż biex jitnaqqas il-piż minn fuq il-persuni li jieħdu ħsieb lill-anzjani- kemm membri tal-familja kif ukoll professjonijisti? X'jista' jsir biex jingħata appoġġ b'mod partikolari lill-membri tal-familja li jieħdu ħsieb lill-anzjani, jiġifieri biex jiġi żgurat li jkunu koperti mill-pensjoni?

X'jista' jsir f'termini ta' kura ġenerali, terapija għall-uġiegħ u kura oħra kontra l-uġiegħ sabiex il-ħajja tintemm b'dinjità?

4.6.3

L-Ewropa m'għandiex la definizzjonijiet armonizzati ta' kunċetti ta' kura (bħal “dipendenti” jew “kurant domestiku”), la strutturi uniformi fid-diversi servizzi involuti u lanqas direttivi dwar il-kapaċitajiet meħtieġa mill-istaff.

X'azzjoni tista' tittieħed biex it-termini użati f'dan il-qasam jiġu armonizzati li jagħmlu l-qasam tal-kura iktar trasparenti?

X'għerf u kapaċitajiet programmatiċi, tekniċi, ġerjatriċi u soċjo-psikoloġiċi huma mixtieqa għal-kwalifiċi tal-ħaddiema fl-oqsma tal-mediċina u tal-kura minn naħa għall-oħra ta' l-Ewropa?

4.7   Bżonnijiet ta' riċerka u teknoloġiji ġodda

4.7.1

Il-firxa rapida u li dejjem qiegħda tikber tat-teknoloġiji, u speċjalment l-użu ta' teknoloġija ta' informazzjoni u teknoloġiji ġodda (ICT), tħalli l-impatt tagħha fl-oqsma kollha msemmija fil-punt 4.1 sa 4.6 hawn fuq. Fil-qasam tax-xogħol, dawn it-teknoloġiji spiss iservu ta' raġuni biex il-ħaddiema anzjani jiġu esklużi. Madankollu studji wrew li jekk l-anzjani jadattaw irwieħhom għal tali kondizzjonijiet ġodda huma jistgħu jisru aktar produttivi. Għalhekk dan il-fattur għandu jidħol fl-oqsma kollha tar-riċerka. Għandha tingħata konsiderazzjoni partikolari għall-aspetti etiċi u għall-kwistjoni ta' l-integrazzjoni ta' l-anzjoni li ma jistgħux jew li mhumiex se jgħixu ma' dawn l-innovazzjonijiet tekniċi.

4.8   L-ipproċessar, ġbir u żjieda mal-għerf eżistenti

4.8.1

Riċerka appoġġjata fuq livell nazzjonali u Ewropew diġà produċiet korp ta' tagħrif fuq bosta oqsma diversi. Madankollu, dan it-tagħrif jirrigwarda prinċipalment dixxiplini u aspetti individwali. Dan it-tagħrif huwa dispers u spiss disponibbli biss fil-lingwa nazzjonali kkonċernata. Minħabba teknika differenti ta' kif jittieħdu l-kampjuni u l-istrumenti użati, ir-riżultati tar-riċerka huma spiss inkompatibbli mar-riżultati ta' studji oħrajn

Jista' jiżdied vantaġġ jekk dawn il-korpi ta' tagħrif jiġu proċessati b'tali mod li jkunu jistgħu jiġu magħquda, paragunati u stimati sistematikament, u, fl-aħħar mill-aħħar, ikunu disponibbli għal kulħadd.

Il-passi li jmiss ikunu li jittieħdu analiżi sekondarji ta' materjal proċessat b'dan il-mod u l-koordinament ta' metodi ta' studju u strumenti għal iktar riċerka interdixxiplinari konġunta. L-istrumenti ġodda skond is-Sixth Framework Programme għar-Riċerka – li huma ċ-Ċentri ta' Eċċellenza u n-Networks ta' Eċċellenza u l-Azzjonijiet ta' Kordinazzjoni Tematika huma modi tajbin biex jiġu ġenerati, integrati u żviluppat iktar it-tagħrif ta' dan it-tip. (11)

Ikun tajjeb ukoll jekk jiġi addottat metodu uniformi għal – u klassifikazzjoni ta' – l-indikaturi tal-kwalità tal-ħajja ta' l-anzjani fil-pajjiżi Ewropej u biex jiġu kontrollati u dokumentati dawn l-indikaturi fuq żmien twil f'database Ewropea. Huwa ta' l-ikbar importanza li ssir differenza bejn in-nisa u l-irġiel u bejn il-gruppi ta' età, livelli ta' introjtu u reġjuni differenti, bħala indikaturi wżati s'issa biex jiġi determinat jekk il-kondizzjonijiet ta' ħajja ta' l-anzjani humiex adegwati. Indikaturi oħra huma bżonnjużi, inkluża informazzjoni ta' saħħa u ta' indeboliment tas-saħħa, u tagħrif dwar is-sistemi ta' kura u kondizzjonijiet speċifiċi għal pajjiż partikolari Għandha tittieħed konsiderazzjoni tal-possibilta' li ssir ħidma mal-EUROSTAT.

Huwa essenzjali li jinġiebu flimkien u ssir ġabra ta' l-istatistiki u informazzjoni rilevanti oħra ġà disponibbli kemm fuq livell nazzjonali u Ewropej. Is-sejbiet tar-riċerka mid-diversi oqsma fil-Fifth u s-Sixth Framework Programme għar-riċerka jeħtieġu wkoll li jiġu eżaminati kollha kemm huma sabiex ikunu jistgħu jittieħdu konklużjoniijiet ta' politika prattiċi. Huwa ta' l-ikbar importanza li tiġi mxerrda l-ġabra ta' informazzjoni li ġiet proċessata b'dan il-mod fl-iktar stadju bikri possibbli.

Sabiex issir ir-riċerka u jsiru politiki mhux biss għal, iżda anki mal-anzjani, organizzazzjonijiet ta' l-anzjani għandhom jiġu involuti iktar fil-proġetti futuri minn kemm kienu involuti s'issa.

5.   Miri u rakkomandazzjonijiet

5.1

Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja turi li għandu jiġi inkluż, fis-Seventh Framework Programme għar-Riċerka, azzjoni ewlenija dwar il-Bidla Demografika – kwalita' tal-ħajja tal-anzjani u ħtiġijiet teknoloġiċi.

5.2

L-għan huwa li titmexxa 'il quddiem ir-riċerka multi- u inter-dixxiplinari u r-riċerka soċjalment partiċipatorja li hija meħtieġa f'diversi oqsma relatati mal-proċess ta' xjuħija.

a)

biex tiġi stabbilita bażi ta' tagħrif meħtieġa għall-ippjanar u l-azzjoni politika biex jiġi trattat l-impatt tat-tibdil fl-istrutturi tal-età fl-Ewropa b'mod innovattiv, soċjalment ġust u effettiv taħt il-profil ta' ġestjoni u ta' spejjeż; u

b)

biex tiġi provduta il-bażi u l-apparat meħtieġ sabiex tinkiseb il-komprensjoni u l-apprezzament xieraq tal-anzjani fis-soċjetà.

5.3

Kif l-oqsma ta' riċerka kienu esposti hawn fuq – u l-eżempji ta' mistoqsijiet relatati – suppost urew, hemm rabtiet kbar bejn l-aspetti bioloġiċi, psikoloġiċi, soċjali, kulturali, teknoloġiċi, ekonomiċi u strutturali tax-xjuħija u l-anzjanità. Il-persuni jixjieħu dejjem f'ambjent soċjali u fi spazju speċifiku. F'termini ġeografiċi, kulturali u soċjo-strutturali, dan l-ambjent ivarja ħafna kemm bejn kif ukoll fil-pajjiżi Ewropej individwali. It-tnejn li huma minn dawn il-fatturi – il-fatt li l-proċess ta' xjuħija għandu ħafna dimensjonijiet differenti u jinvolvi ħafna dixxiplini differenti – jagħmlu l-approċċ multi- u interdixxiplinari għar-riċerka essenzjali. Din ir-riċerka għandha wkoll tieħu l-opinjoni fuq żmien twil sabiex jiġu identifikati l-bidliet u jiġu hekk inkorporati. (12)

5.4

Minħabba il-bidla fl-istrutturi ta' l-età tal-popolazzjoni, din ir-riċerka varjata u fuq żmien twil hija l-unika mod biex tiġi provduta bażi soda għall-ippjanar u t-teħid ta' deċiżjonijiet meħtieġa fil-ħafna oqsma differenti tas-soċjetà involuti u fil-livelli kollha li fihom jittieħdu d-deċiżjonijiet. Ix-xjuħija mhix biss suġġett bioloġiku, mediku, tekniku u ekonomiku, iżda wieħed soċjali u kulturali wkoll.

5.5

Barra mill-attivitajiet ta' riċerka kif esposti hawn fuq, il-Kumitat isejjaħ ukoll għal dawn il-miżuri relatati:

biex jitħejja smiegħ fil-KESE dwar il-bidla demografika u l-kwalità ta' ħajja ta' l-anzjani, sabiex, fost l-oħrajn, jiġi propost studju fattibbli għal aġenzija xierqa u għal kull inizjattiva oħra li tista' tkun bżonnjuża.

li jiġi stabbilit osservatorju Ewropew, konġunti, pro-attiv u li jħares 'il quddiem biex jgħaqqad flimkien l-indikaturi fuq il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani f'pajjiżi Ewropej u biex jiġu kontrollati u dokumentati dawn l-indikaturi fuq żmien twil f'database Ewropeja; biex isiru previżjonijiet ibbażati empirikament ta' dan it-tip; issir ġabra u tixrid tat-tagħrif; u biex isiru konklużjonijiet ta' politika prattiċi;

li jsiru workshops u konferenzi biex jiżdied it-tagħrif dwar il-bidla demografika; jiġi espost b'mod ċar il-ħtieġa ta' miżuri preventivi u relatati; tiżdied il-kuxjenza tal-potenzjal pożittiv tax-xjuħija; tinxtered l-informazzjoni dwar is-sejbiet tar-riċerka kemm jista' jkun; u jkunu appoġġjati l-iskambji bejn l-Istati Membri qodma u ġodda;

biex isiru passi l-quddiem f'dan il-qasam via l-metodu miftuħ ta' kordinazzjoni; minħabba il-kumplessità u l-importanza tal-ixjuħija tal-popolazzjoni u l-opportunitajiet ivarjaw u l-isfidi involuti, il-Kumitat jaħseb li huwa mod siewi;

biex jibdew skambji ta' esperjenzi, isiru paraguni inter-Ewropej u jiżdied it-tagħlim reċiproku;

biex jitmexxa 'il quddiem id-djalogu bejn ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u d-DĠ tal-Kummissjoni kkonċernati; (13)

biex jiġu stabbiliti miri konġunti;

biex tiġi kkontrollata l-implimentazzjoni tat-tieni Pjan Internazzjonali ta' Azzjoni dwar l-Anzjanità (addottat f'Madrid f'April 2002) u l-istrateġija ta' implimentazzjoni ta' l-UNECE (addottata waqt il-konferenza ministerjali f'Berlin f'Settembru 2002), u

biex tiġi stabbilita żona ta' valuri komuni b'relazzjoni mas-soċjetà li qed tixjieħ.

5.6

L-għan aħħari huwa biex IL-ĦAJJA FL-EWROPA SSIR TA' MIN JGĦIXHA – MHUX L-INQAS GĦALL-ANZJANI. Dan jinkludi mhux biss dawk li huma xjuħ jew xjuħ ħafna illum, iżda wkoll ġenerazzjonijiet tal-futur, kemm żgħar kif ukoll kbar fl-età.

Brussel, 15 ta' Settembru 2004.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Roger BRIESCH


(1)  COM(2004) 146 final; Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li twaqqaf qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u l-okkuppazzjoni; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Tisħiħ tal-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea ta' l-Impjieg, Anness 1, 26 ta' Marzu 2004, COM(2004) 239 finali; http://europa.eu.int/comm/employment_social/fundamental_rights/legis/legln_en.htm

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/750/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li twaqqaf il-programm ta' azzjoni tal-Komunità biex tiġġieled id-diskriminazzjoni (2001-2006), http://europa.eu.int/comm/employment_social/fundamental_rights/index_en.htm; opinjoni tal-KESE, ĠU C 284, 14.9.1998; Ktejjeb KESE-2000-018 Impjiegi, Tagħlim u l-inklużjoni Soċjali:Ix-xogħol tal-KESE Ewropew

(3)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 (2002/C 163/01), ĠU C 163, 9.7.2002; COM(2002) 678 final (Novembru 2001); cf. ukoll COM(2004) 156 finali

(4)  Komunitajiet Ewropej (2002), Statistiċi soċjali Ewropej: popolazzjoni, Eurostat, tema 3: il-popolazzjoni u kundizzjonijiet soċjali, Lussemburgu: Uffiċju għal Publikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej

(5)  KUM(2004) 9 finali.; cf ukoll KUM(2002) 565 final, speċjalment il-punti 3.3 u 4.2

(6)  Cf. ukoll il-punt 4.7 tal-opinjoni tal-KESE dwar il-politika ta' innovazzjoni, ĠU C 10, 14.1.2004. (KUM(2003) 112 final)

(7)  Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (KEMT). (2002). It-trasport u x-xjuħija tal-popolazzjoni. Cedex Pariġi: Pubblikazzjonijiet tal-OECD.

(8)  KUM(2001) 678 final; Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 (2002/C 163/01), ĠU C 163, 9.7.2002.

(9)  Eurostat (2002), Is-Sitwazzjoni Soċjali fl-Unjoni Ewropea 2002, Lussemburgu: Offiċju għal-Publikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

(10)  Cf. J.M Robine u J. Vaupel (2001): L-Emerġenza ta' superċentenarji f'pajjiżi b'mortalità baxxa. The Gerontologist, 41 (special issue II), 212.

(11)  Cf. Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mil-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u il-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn żona ta' riċerka Ewropeja, ĠU C 204, 18.7.2000.

(12)  Cf. l-opinjonijiet tal-KESE ĠU C 95, 23.4.2003 (KUM(2002) 565 finali).

(13)  Komunkazzjoni mill-Kummissjoni COM(2002) 277 finali.


23.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 74/29


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta ta' Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE 2002/54/KE u 2002/57/KE dwar stħarriġ tal-produzzjoni ta' żerriegħa fil-pajjiżi terzi magħmul taħt superviżjoni u ekwivalenza uffiċjali

(COM(2004) 263 finali - 2004/0086 CNS)

Fid-29 ta' April 2004, il-Kunsill iddeċieda li, skond l-Artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta ta' Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE 2002/54/KE u 2002/57/KE dwar stħarriġ tal-produzzjoni ta' żerriegħa fil-pajjiżi terzi magħmul taħt superviżjoni u ekwivalenza uffiċjali.

It-Taqsima speċjaliżżata “Biedja, Żvilupp Rurali u l-Ambjent”, li kellha r-responsabbiltà li tħejji x-xogħol tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tiegħu fis-6 ta' Lulju 2004. Ir-relatur li ħadem mingħajr grupp ta' studju kien is-Sur Bros.

Matul is-sessjoni plenarja Nru 411 tal-15 u s-16 ta' Settembru 2004 (tal-laqgħa tal-15 ta' Settembru) il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-parir li ġej b'85 vot favur, 1 kontra u tliet astensjonijiet.

1.   Daħla

1.1

Fil-perjodu ta' bejn l-1998 u l-2003, il-Kummissjoni awtorizzat lill-Istati Membri biex jagħmlu kemm esperimenti temporanji fuq kampjuni ta' żerriegħa, kif ukoll testijiet fuq żerriegħa u dan skond il-liġijiet Komunitarji dwar il-bejgħ taż-żerriegħa. Jekk nixtarru r-riżultati nintebħu illi:

jistgħu jitħaffew il-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni uffiċjali taż-żerriegħa taħt kondizzjonijiet partikolari u dan mingħajr ma titnaqqar wisq il-kwalità taż-żerriegħa meta titqabbel ma' dik miksuba permezz tas-sistema uffiċjali li biha jittieħed kampjun taż-żerriegħa u jsiru t-testijiet fuqha;

l-ispezzjonijiet li jsiru fl-għelieqi taħt superviżjoni uffiċjali jistgħu jinfirxu biex jinkludu wkoll l-uċuħ kollha tar-raba' b'riżq il-produzzjoni ta' żerriegħa ċċertifikata;

jista' jitnaqqas l-ammont ta' wċuħ li fuqhom isiru l-istħarriġ u l-ispezzjonijiet minn spetturi uffiċjali.

1.2

Intlaqgħu t-tibdiliet fir-regoli li jikkontrollaw iċ-ċaqliq taż-żerriegħa fi ħdan is-swieq internazzjonali (is-sistema OECD). L-iskop tal-proċess Komunitarju għall-ekwivalenza taż-żerriegħa fejn jidħol il-ħsad taż-żerriegħa fil-pajjiżi terzi jista' allura jkompli jinfirex biex jinkludi t-tipi kollha ta' żrieragħ li għandhom il-karatteristiċi u r-rekwiżiti misjuba fl-istħarriġ kif imħabbra fid-direttivi varji tal-Komunità dwar il-bejgħ taż-żrieragħ.

1.3

Il-Kumitat jixtieq jistħarreġ il-proposta tal-Kummissjoni kemm fid-dawl ta' l-iżvilupp tar-regoli mressqa, sabiex jibqgħu jinżammu r-rekwiżiti ta' kwalità għolja fejn tidħol żerriegħa, kif ukoll minħabba kwistjonijiet marbuta mas-saħħa tax-xtieli.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Il-Kummissjoni tipproponi li testendi sal-31 ta' Marzu 2005 (Deċiżjoni 98/320/KE) l-esperimenti mwettqa waqt spezzjonijiet taħt superviżjoni uffiċjali, bil-għan li l-kondizzjonijiet Komunitarji marbuta mal-bejgħ taż-żerriegħa prodotta jinżammu konformi ma' din id-deċiżjoni, filwaqt li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda (l-implimentazzjoni tad-direttivi) jibqgħu sospiżi.

2.2

Fl-istess ħin, id-Direttivi 66/401/KEE (il-bejgħ taż-żerriegħa tal-magħlef), 66/402/KEE (il-bejgħ ta' żerriegħa taċ-ċereali), 2202/54/KE (il-bejgħ ta' żerriegħa tax-xtieli tal-pitravi) u 2002/57/KE (il-bejgħ ta' żerriegħa ta' pjanti taż-żejt u l-fibra) għandhom ikunu addattati skond il-konklużjonijiet li joħorġu mill-esperimenti u t-tibdiliet li ġejjin:

l-introduzzjoni ta' stħarriġ tal-kategoriji varji ta' żerriegħa taħt superviżjoni uffiċjali;

id-definizżjoni ta' l-istħarriġ taħt superviżjoni uffiċjali (spezzjonijiet li jsiru fl-għalqa stess jew f'laboratorji fejn issir analiżi taż-żerriegħa u li jkunu awtorizzati minn entità nazzjonali responsabbli miċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa);

jistgħu jittieħdu kampjuni ta' żerriegħa għal skop ta' ċertifikazzjoni kemm b'mod uffiċjali jew inkella taħt superviżjoni uffiċjali. Jitfasslu l-preparattivi (kwalfiki, verifiki tal-permess u ta' l-eżerċizzju li bihom jittieħdu l-kampjuni) sabiex ikunu jistgħu jittieħdu kampjuni taż-żerriegħa taħt superviżjoni uffiċjali;

il-proċess dwar l-ekwivalenza jista' jinfirex b'tali mod li jkun jinkludi żerriegħa li nħasdet fil-pajjiżi terzi u li għandha l-karatteristiċi u r-rekwiżiti Komunitarji (sistema ta' spezzjoni u ċertifikazzjoni).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

L-għan ewlieni tal-proposta tal-Kummissjoni hu li jitħaffew il-proċeduri ta' superviżjoni fil-qasam taż-żrieragħ. Diġà qiegħda titħaddem id-delegazzjoni tas-superviżjoni f'bosta Stati Membri. Għaldaqstant, il-Kumitat jappoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Madanakollu, tajjeb li ngħidu li l-Kummissjoni missha ssottomettiet direttiva ġdida li tkun tinkludi l-partijiet kollha li jsawru l-erba' direttivi kkonċernati. B'hekk it-tibdiliet ikunu jinftiehmu aktar malajr filwaqt li tiżgura li jintlaħaq qbil ċar dwar il-miżuri diskussi.

3.2

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li jsiru esperimenti taħt superviżjoni uffiċjali tagħlaq fil-31 ta' Lulju 2004. Għaldaqstant se jkun hemm perjodu ta' vojt legali tul il-proċedura ta' kodeċiżjoni dwar il-proposta ta' liġi mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kumitat qed jitlob lill-Kummissjoni sabiex tbiddel id-Deċiżjoni 98/320/KE biex b'hekk ma tħallix li jkun hemm din l-invalidità legali.

3.3

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li l-fażi ta' sperimentazzjoni tittawwal sal-31 ta' Marzu 2005 biex b'hekk jilħqu jitwettqu t-tibdiliet fid-direttivi kkonċernati. Il-Kumitat jixtieq jirrimarka illi ż-żmien li qed jingħata hu qasir wisq meta wieħed iqis iż-żmien meħtieġ biex isseħħ l-implimentazzjoni, jiġifieri bejn wieħed u ieħor għaxar xhur. Il-Kumitat għalhekk jipproponi li ż-żmien li qed jingħata jittawwal sal-31 ta' Lulju 2005.

3.4

Il-Kumitat m'huwiex f'qagħda li jesprimi l-veduti tiegħu dwar kemm id-data teknika dwar il-kondizzjonijiet li fihom isiru l-ispezzjonijiet li jsiru fl-għelieqi (eż.: il-bidla fir-rata li biha jittieħdu l-kampjuni) jew dwar l-għadd ta' kampjuni meħtieġ għal-laboratorji hija fil-fatt xierqa. Il-Kumitat jixtieq jisħaq, madankollu, li jenħtieġ qafas komuni għall-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, id-data li qed tidher ikklassifikata f'ringieli, għandha tingħata minflok f'persentaġġi li jindikaw il-kampjuni minimi.

3.5

L-għoti tad-delegazzjoni ta' superviżjoni uffiċjali lil persuni awtorizzati għandha twassal sabiex ikun hemm proċeduri aktar effettivi. Il-Kummissjoni trid tassigura li s-sistemi ta' superviżjoni taċ-ċertifikazzjoni jibqgħu effettivi. Bħalissa, il-Kummissjoni għaddejja b'testijiet komparattivi fuq livell Komunitarju filwaqt li qed tħeġġeġ skambji ta' prattiċi. L-ammont ta' flus allokat għal dawn l-attivitajiet (bejn EUR 500 000 u EUR 600 000) huwa ftit meta jitqies l-għan sħiħ. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex talloka aktar fondi finanzjarji b'riżq dawn il-miżuri mfassla biex jarmonizzaw is-sistemi ta' superviżjoni.

3.6

Il-Kumitat jixtieq jistqarr li waqt in-negozjati ta' sħubija ma' l-Istati Membri l-ġodda, intlaħaq qbil dwar żmien ta' transizzjoni fuq varjetajiet mhux imniżżla fil-katalgu u li ma jilħqux il-kriterji Komunitarji. Il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar dawn il-varjetajiet li jistgħu jiġu nnegozjati biss fil-pajjiżi kkonċernati (Ċipru, il-Latvja, Malta u s-Slovenja). Dan iż-żmien ta' deroga għandu jissaħħaħ permezz ta' garanziji oħrajn, bħal ngħidu aħna, il-qies tal-kampjun u l-preżenza ta' ħafur salvaġġ (Avena fatua).

3.7

Il-Kumitat jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar argumenti li jistgħu jinqalgħu dwar il-bejgħ ta' qatat ta' żerriegħa ta' kwalità inferjuri fl-Istati Membri. Sabiex ikun hemm tassew suq uniku, hu meħtieġ li jinstabu dawn il-qatat ta' żerriegħa maħsuba għall-produtturi filwaqt li jkun hemm koordinazzjoni effettiva bejn l-aġenziji li joħorġu ċ-ċertfikazzjoni u l-produtturi taż-żrieragħ.

3.8

Sabiex l-għan ta' ekwivalenza jinfirex ukoll fuq il-pajjiżi terzi, u allura jkunu konformi mar-regoli ta' l-OECD, il-Kumitat jirrimarka li l-Kummissjoni għandha tinnegozja pakkett ta' ekwivalenza reċiproka mal-pajjiżi terzi. L-ekwivalenza għandha tissejjes skond qisien identiċi. Bl-istess mod, jenħtieġ li jkun hemm ekwivalenza ta' sistema ta' superviżjoni għall-manutenzjoni sabiex tassigura livell identiku ta' kwalità.

4.   Għeluq

4.1

Il-Kumitat jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li għandha twassal sabiex jitħaffew il-proċeduri ta' superviżjoni, filwaqt li ma jitnaqqarx il-livell meħtieġ ta' kwalità fil-produzzjoni taż-żerriegħa. Madanakollu, il-Kumitat jisħaq illi l-Kummissjoni għandha tissokkta tixtarr ir-riżultati tas-sistemi ta' superviżjoni.

4.2

Mil-lat leġislattiv, il-Kumitat jisħaq illi l-Kummissjoni missha ħadet l-opportunità sabiex tressaq proposta ta' liġi dwar il-bejgħ ta' żerriegħa taċ-ċereali, żerriegħa ta' pjanti tal-magħlef, żerriegħa tax-xtieli tal-pitravi u żerriegħa ta' pjanti taż-żejt.

4.3

Il-Kumitat iqis li l-proroga sal-31 ta' Marzu 2005 m'hijiex biżżejjed biex id-direttivi jiġu implimentati f'liġijiet nazzjonali. Għaldaqstant qed isir suġġeriment sabiex dan iż-żmien jittawwal sal-31 ta' Lulju 2005.

Magħmulha, Brussel fil-15 ta' Settembru 2004.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Roger BRIESCH


23.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 74/31


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: integrazzjoni ta' l-aspetti ambjentali fin-normalizzazzjoni Ewropea”

(COM(2004) 130 final)

“It-test ta' l-Opinjoni mhux disponibbli bil-Malti iżda hu ppubblikat fil-lingwi l-uffiċjali l-oħra kollha.”


23.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 74/32


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-agrikoltura f'żoni peri-urbani

Fis-17 ta' Lulju 2003, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva tiegħu stess skond ir-Regola 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu dwar L-agrikoltura f'żoni peri-urbani.

It-Taqsima għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, li kienet responsabbli biex tipprepara x-xogħol tal-Kumitat dwar is-suġġett adottat l-opinjoni tagħha fis-6 ta' Lulju 2004. Ir-rapporteur kien is-Sur Caball i Subirana.

Fis-Sessjoni plenarja Nru 411 (laqgħa tal-15 u s-16 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew addotta din l-opinjoni b' 132 vot favur u tliet astensjonijiet.

1.   Daħla

1.1   Attività produttiva kondizzjonata mill-ambjent urban

1.1.1

Iż-żoni peri-urbani ġew dikussi f'diversi fora Ewropej, inkluż il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan huwa fenomenu li qed jikber u li jaffettwa ħafna muniċipalitajiet fl-UE bħala konsegwenza ta' żvilupp urban, industrijali u terzjarju u t-tixrid tal-komunikazzjoni u l-infrastrutturi tat-trasport, li qed jibilgħu raba' ewlenija u jiġġeneraw numru dejjem akbar ta' żoni agrikoli marġinali u mhux kompetittivi.

1.1.2

L-attività agrikola f'żoni peri-urbani hija kondizzjonata mill-ambjent urban fejn tiġi pprattikata, fis-sens li dan ta' l-aħħar għandu effetti negattivi fuq ta' l-ewwel, u jillimita l-possibilità ekonomika tagħha. Dawn l-effetti negattivi huma l-kawża primarja ta' degradazzjoni ambjentali fiż-żona u għandhom effett detrimentali fuq ir-relazzjoni soċjali bejn il-bliet u l-kampanja. Skond kif jiġi indirizzat u solvut, dan in-nuqqas ta' qbil bejn il-belt u l-kampanja jista' jqiegħed f' periklu serju l-għajxien ta' l-attività agrikoli stess.

1.1.3

Minbarra l-problemi tradizzjonali li jsibu ż-żoni agrikoli peri-urbani, inħolqot problema oħra aktar reċenti, li hija l-ħarsien ta' żoni ħielsa qrib il-bliet, iżda mingħajr attività agrikola Din il-problema l-ġdida bażikament tqum mill-idea li dawn iż-żoni għandhom ikunu xi kwalità ta' “theme park”, bir-riżultat li kollox huwa artifiċjali, maħruġ mill-kuntest tiegħu u impersonali. Il-kriterji estetiċi taħt din l-idea huma bażati, bi żball, fuq regolamenti dwar il-ħarsien tal-biodiversità jew idea tal-kampanja li tipprova timmarġinaliżża jew tirromantiċiżża l-attività agrikola.

1.1.4

Il-Politika Komuni dwar l-Agrikoltura ta' l-UE (PAK) tenfasiżża l-ħtieġa biex l-irziezet jiddiversifikaw billi jesploraw l-attivitajiet li jiġġeneraw dħul ġdid għall-bdiewa. Għandu jiġi enfasiżżat illi mingħajr l-agrikoltura m'hemm l-ebda pajsaġġ agrikolu, jiġifieri pajsaġġ kkaratteriżżat minn għelieqi mimlijin produzzjoni, annimali, ħaxix u, fuq kollox, bdiewa.

1.1.5

Dawn il-fatturi kollha (pressjoni mill-ambjent urban, l-idea ta' l-agrikoltura mingħajr il-bdiewa, ir-riforma tal-PAK) joħolqu problemi serji għall-kontinwità u l-istabbilità ta' l-agrikoltura peri-urbana. (Dawn il-problemi huma ħafna aktar evidenti hawn milli f'żoni agroklimatiċi simili oħrajn, li jfisser li hemm riskju ogħla li l-attività agrikola tisparixxi.)

1.1.6

Minbarra t-telf ta' art siewja, il-biedja f'xi Stati Membri tbati minn nuqqas ta' leġislazzjoni xierqa biex tirregola s-suq ta' l-art u l-kiri ta' l-irziezet. Mingħajr suq fir-raba', huwa itqal għaż-żgħażagħ li jibdew il-biedja u għad-daqs ta' l-irziezet biex jikber. Numru ta' proprjetarji ta' artijiet pubbliċi u privati qed jimblukkaw is-suq ta' l-art billi jirrifjutaw li jikru l-art lill-biedja professjonali. Din hija forma ta' spekulazzjoni li tqiegħed f'periklu serju l-futur ta' ħafna żoni agrikoli peri-urbani u għandha tiġi amministrata mill-iStati Membri permezz ta' leġislazzjoni preventiva speċifika.

1.1.7

Iż-żoni agrikoli, li huma affettwati mit-tibdiliet li saru fil-komunitajiet rurali fl-aħħar snin, huma karatteriżżati minn xi valuri u rwoli, li jiddeterminaw jekk l-attivitajiet li jsiru fihom humiex xierqa jew le.

1.2   Ħafna iktar minn sempliċement attività ekonomika

1.2.1

Il-KESE, li għandu interess dirett li jiżgura li l-iżvilupp ekonomiku, ambjentali u soċjali tar-raba' fl-Ewropa jkun sostenibbli, jixtieq jippreċiża li r-rwol ambjentali, soċjali u ekonomiku li għandhom iż-żoni agrikoli huwa aktar importati f'żoni peri-urbani milli f'post ieħor. Dan huwa għaliex f'żoni peri-urbani l-art agrikola taġixxi bħala “pulmun” aħdar għall-bliet ewlenin; dawn iż-żoni huma wkoll element essenzjali fl-ippjanar reġjunali għax irażżnu t-tkabbir mingħajr limitu tal-bliet, jiffurmaw il-pajsaġġ u jagħtu wiċċ uman ta' l-ambjent urban. Madankollu r-rwol ekonomiku ta' dawn iż-żoni – essenzjali għall-ħarsien u l-prospetti futuri ta' l-art agrikoli – qiegħed jonqos minħabba l-pressjoni urbana u n-nuqqas ta' importanza li tingħata fil-biedja fin-nisġa ekonomika taż-żoni peri-urbani.

1.2.2

Skond l-ewwel prinċipju tal-konferenza ta' Salzburg, m'hemmx biedja mingħajr kampanja ħajja, u m'hemmx kampanja ħajja mingħajr l-agrikoltura (1). Il-KESE jixtieq jenfasiżża li l-protagonisti vera taż-żoni agrikoli peri-urbani huma, u tassew għandhom ikunu, essenzjalment bdiewa professjonali full-time, filwaqt li jagħraf ukoll ir-rwol importanti li għandhom il-bdiewa part-time f'ħafna żoni peri-urbani.

1.3   Limiti u opportunitajiet: l-agrikoltura f'żoni eteroġeni u li dejjem jinbidlu

1.3.1

Il-KESE huwa konxju li mhuwiex faċli li tintlaħaq definizzjoni unanima ta' żoni peri-urbani minħabba li huma estremanent differenti u jinbidlu l-ħin kollu. Dawn iż-żoni huma essenzjalment il-konnessjoni bejn iż-żoni strettament rurali u d-dinja urbana; huma jippreservaw il-karatteristiċi fundamentali ta' l-ewwel filwaqt li jintegraw xi aspetti tat-tieni.

1.3.2

Il-karatteristika komuni taż-żoni peri-urbani hija l-fraġilità territorjali, ambjentali u soċjali tagħhom u l-fatt li jinsabu fil-periferiji tal-bliet. Hija l-biedja professjonali pprattikata f' dawn iż-żoni li hija magħrufa bħala “agrikoltura peri-urbana”. Din il-biedja professjonali teżisti konġuntament ma' attivitajiet oħrajn konnessi mat-trobbija tal-pjanti għal skopijiet rikreazzjonali, terapewtiċi, edukazzjonali u oħrajn jew għall-iskop tal-ħolqien u ż-żamma tal-pajsaġġi (ġardinara tal-pajsaġġi, ġardinara, eċċ). Dawn l-attivitajiet huma speċjalment importanti f'xi reġjunijiet ta' l-iStati Membri

1.3.3

Iż-żoni peri-urbani huma żoni rurali li jiffaċċjaw limitazzjonijiet speċifiċi u karatteristiċi li jifirduhom minn żoni rurali oħrajn, u li l-għajxien tagħhom hija mhedda b' mod serju.

1.3.4

Fl-istess ħin, l-agrikoltura peri-urbana spiss tippreżenta karatteristiċi uniċi li għandhom jiġu esplojtati għal kollox, eż l-opportunitajiet provduti mill-prossimità tagħhom għas-swieq tal-konsumaturi, l-għarfien dejjem akbar tal-konsumatur dwar kwistjonijiet bħall-kwalità u s-sigurtà ta' l-ikel, u t-talba soċjali għall-attivitajiet ġodda (divertiment, taħriġ, edukazzjoni ambjentali, ekoturiżmu, eċċ.). Dawn l-attivitajiet komplementari ġodda jistgħu jgħinu jxerrdu r-riskju ta' l-imprendituri u jżidu d-dħul agrikolu.

1.3.5

L-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1257/1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp tar-raba' mill-Fond Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija Agrikola (EAGGF) jistipola li “Iż-żoni inqas favoriti jistgħu jinkludu żoni oħrajn affettwati minn żvantaġġi speċifiċi, fejn il-biedja għandha tkompli, fejn meħtieġ u skond xi kundizzjonijiet, sabiex l-ambjent jiġi kkonservat u mtejjeb, tinżamm il-kampanja u jiġi ppreservat il-potenzjal tat-turiżmu fiż-żona jew sabiex tiġi mħarsa l-kosta”, li jirrinforza l-opinjoni tal-KESE imtennija spiss li ż-żoni agrikoli peri-urbani jikkostitwixxu “żoni affettwati minn żvantaġġi speċifiċi”.

1.3.6

L-Aġenda 2000 u l-analiżi reċenti tal-PAK f' nofs it-terminu tagħha ta impetu ikbar għal dawn il-linji-gwida.

1.3.7

Il-preambolu tal-Konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Salzburg jenfasiżża “l-ħtieġa li l-bdiewa Ewropej jiġu megħjuna jieħdu r-rwol tagħhom b'ħafna funzjonijiet bħala kustodi tal-kampanja u produtturi orjentati lejn is-suq fl-UE kollha” (2). Din kienet riflessa f'Opinjoni fuq inizjattiva tal-KESE stess (rapporteur: Is-Sur Bros) dwar it-tieni pilastru tal-PAK: ħarsa 'il quddiem bidla fil-politika għall-iżvilupp f'żoni rurali (segwitu għal konferenza ta' Salzburg). (3)

2.   Għanijiet għall-konservazzjoni u l-iżvilupp ta' l-agrikoltura peri-urbana

2.1

Fil-perspettiva tal-KESE, l-agrikoltura peri-urbana mingħajr dubju tiffaċċja limitazzjonijiet speċifiċi li joriġinaw direttament mill-karatteristiċi li jistgħu jiġu identifikati u definiti b'mod faċli. Għalhekk għandhom jiġu introdotti miżuri speċifiċi għall-konservazzjoni, l-ippjanar u l-amministrazzjoni ta' żoni peri-urbani bl-attività agrikola. Biex jikseb dan, il-KESE jipproponi li l-mekkaniżmi u l-istrumenti għall-konservazzjoni u l-iżvilupp taż-żoni agrikoli peri-urbani għandhom jiġu promossi.

2.2   L-Ewwel Għan: Għarfien soċjali, politiku u amministrattiv li ż-żoni peri-urbani b'attività agrikola qiegħdin jiffaċċjaw limitazzjonijiet speċifiċi

2.2.1   Tisħiħ tan-network attiv u b' saħħitu ta' “bliet intermedjarji”

2.2.1.1

Il-KESE jinnota li l-“metropolitanizzazzjoni” ta' l-Ewropa hija fenomenu dejjem akbar li jirriżulta f'żieda ta' bliet kbar u tnaqqis kostanti u irriversibbli ta' art fertili, l-akbar limitazzjoni taż-żoni peri-urbani, kif indikat f'Opinjoni fuq inizjattiva tal-Kumitat stess (rapporteur: Is-Sur Van Iersel) dwar iż-Żoni metropolitani Ewropej: implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi għall-futur ta' l-Ewropa. (4)

2.2.1.2

Dan it-tnaqqis fl-attività agrikola għandu riperkussjonijiet mhux biss għas-settur agrikolu iżda wkoll għall-manteniment ta' riżorsi naturali, il-ħarsien tal-kwalità tal-ħajja ta' dawk li jgħixu fil-bliet u amministrazzjoni bilanċjata ta' l-art.

2.2.1.3

Mill-perspettiva ta' Ewropa bilanċjata u sostenibbli, il-KESE jenfasiżża l-ħtieġa li jissaħħaħ in-network attiv u b'saħħitu ta' “bliet intermedjarji”, definit mhux tant skond id-daqs demografiku tagħhom iżda skond ir-rwol tagħhom bħala medjatur bejn żoni rurali u urbani fil-qasam ta' l-influenza tagħhom.

2.2.1.4

Network ta' bliet bħal dan hu possibbli biss jekk ikun imdawwar b'żoni agrikoli u naturali, fil-qosor, żoni peri-urbani li jistgħu jaġixxu bħala żoni mewwieta bejn żoni mibnijin u bħala kurituri bejn żoni naturali, li jtejbu u jikkonsolidaw il-personalità tal-bliet, iħarsu d-diversità bioloġika u jagħmlu possibbli l-produzzjoni agrikola mingħajr telf.

2.2.2   Għarfien tar-rwol ta' l-agrikoltura fir-relazzjoni bejn il-belt u l-kampanja

2.2.2.1

Fil-perspettiva tal-KESE, l-ewwel strument essenzjali għandu jkun għarfien soċjali, politiku u amministrattiv li dawn iż-żoni rurali/urbani (i.e. peri-urbani) bl-attività agrikola qed jiffaċċjaw diffikultajiet speċifiċi u għandhom rwol ewlieni fir-relazzjoni bejn il-belt u l-kampanja.

2.2.2.2

L-għarfien ta' żoni agrikoli peri-urbani u l-attività agrikola pprattikata fihom hija kondizzjonali fuq (a) studju tal-problemi kemm iffaċċjati kif ukoll maħluqa minn dawn iż-żoni u (b) analiżi sħiħa tal-valuri differenti (ilma, pajsaġġi, biodiversità, arkitettura, sistema agrikola, eċċ.) u tar-rwol ekonomiku, ambjentali u soċjali li huma msejħa li kollhom b' riżultat ta' dawn il-valuri.

2.2.3   Inkattru l-informazzjoni biex jiżdied l-għarfien ta' dan il-valur

2.2.3.1

Is-soċjetà għandha bżonn tifhem illi l-art hija għajn naturali limitat u wirt komuni li hija diffiċli li tiġi rkuprata la darba tinqered. Għal din ir-raġuni, it-tkabbir urban ċentripetali ('l ġewwa) għandu jiġi mħeġġeġ permezz ta' programmi maħsuba biex jirrestawraw u jerġgħu jqajjmu żoni urbani degradati u żoni industrijali obsoleti, minħabba li dan irażżan it-telf ta' aktar art lill-kostruzzjoni, u permezz ta' leġislazzjoni speċifika biex tieqaf l-ispekulazzjoni fir-raba' fuq il-periferija ta' ħafna bliet Ewropej.

2.2.3.2

Biex jiġi żgurat li dawn iż-żoni jingħataw għarfien soċjali, politiku u amministrattiv fl-Ewropa kollha, il-KESE jipproponi illi għandha tingħata spinta lill-azzjoni Ewropea f'żoni agrikoli peri-urbani u l-attività agrikola pprattikata fihom. Tali azzjoni għandha tagħraf ukoll il-valuri u r-rwoli ta' tali żoni u tipprepara t-triq biex kull pajjiż jabbozza leġislazzjoni speċifika dwar il-protezzjoni u l-iżvilupp tagħhom, ibbażat fuq kriterji fundamentali komuni.

2.3   It-tieni Għan: Prevenzjoni taż-żoni agrikoli peri-urbani milli jsiru parti mill-proċess urban permezz ta' ippjanar reġjonali, ippjanar urban u inizzjattivi muniċipali

2.3.1

Il-KESE jemmen li biex jiġu mħarsa ż-żoni agrikoli peri-urbani mhuwiex biżżejjed illi l-politiċi u soċjetà in ġenerali sempliċement jitkellmu dwar l-idea li jiġu ppreservati dawn iż-żoni; huwa wkoll imperattiv li l-iStati Membri kollha għandhom u japplikaw strumenti għall-amministrazzjoni ta' art agrikola peri-urbana sabiex tiġi mrażżna l-ispekulazzjoni li tirriżulta fl-abbandun ta' din l-art.

2.3.2

Fil-perspettiva tal-KESE, għandhom jinħolqu strumenti għall-amministrazzjoni ta' l-art, li jkunu msejsa fuq dawn is-sitt kolonni:

a)

strumenti reġjonali u urbani ta' ippjanar legali fuq livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali u strumenti ta' l-użu ta' l-art li jagħtu konsiderazzjoni partikolari ta' żoni agrikoli peri-urbani u policies agrikoli u jagħmluha diffiċli li r-raba' tiġi kklassifikata mill-ġdid għal użu ieħor;

b)

strumenti legali u trasparenti biex jirregolaw sitwazzjonijiet fejn il-proprjetarji ta' l-art privati jew pubbliċi temporanjament jieqfu milli jużaw l-art; il-bdiewa professjonali għandhom jiġu offruti l-opportunità li jikru din l-art għal skopijiet li jkabbru l-produzzjoni u/jew irabbu l-annimali, u b'hekk titjib il-produttività tar-razzett.

c)

għandha tkun evitata tassazzjoni eċċessiva ta' l-art użata għall-agrikoltura f'dawn l-oqsma, li għandha tkun intaxxata fuq l-istess bażi ta' art industrijali u/jew residenzjali f'żoni urbani.

d)

inizzjattivi ġodda u aħjar fuq livell muniċipali biex isaħħu il-prinċipju tas-sussidjarjetà (responsabbilità ta' awtoritajiet u politiċi lokali) fl-ippjanar muniċipali, fil-każijiet kollha bl-użu ta' kriterji supra-muniċipali bbażati fuq kooperazzjoni inter-muniċipali u l-koeżjoni territorjali;

e)

kriterji ġodda għall-provvediment tal-fondi muniċipali bħall-kunċett ta' “żoni agrikoli mħarsa” fejn il-ħarsien ta' l-art agrikola tieħu preċedenza fuq l-okkupazzjoni urbana, u tagħmilha possibbli li titnaqqas id-dipendenza ta' fondi muniċipali minn taxxi fuq kriterji oħrajn;

f)

l-introduzzjoni obbligatorja u li jorbtu legalment ta' “studji dwar l-impatt agrikolu” mill-amministrazzjoni rilevanti agrikola kull meta hija ippjanata l-azzjoni f'żona agrikola peri-urbana li tista' tinvolvi t-telf tar-raba'.

2.3.3

Fil-qosor, l-għan huwa li jintużaw l-ippjanar reġjonali, l-ippjanar urban, l-istrumenti dwar l-użu ta' l-art, il-provvediment ta' fondi muniċipali u studji dwar l-impatt agrikollu għall-ħarsien ta' żoni agrikoli peri-urbani mit-talba kostanti tal-belt għall-art (għat-tkabbir urban, żvilupp industrijali u terzjarju, u infrastrutturi tal-komunikazzjoni u ta' l-enerġija) u biex titrażżan id-degradazzjoni ta' l-art li tista' tintuża biex tiddiskredita u tiġġustifika l-fatt li jisparixxu ż- żoni agrikoli peri-urbani.

2.4   It-tielet Għan: Jiġi żgurat l-iżvilupp dinamiku u sostenibbli ta' l-agrikoltura peri-urbana u ż-żoni fejn hija pprojbita

2.4.1

Fil-perspettiva tal-KESE, l-iżvilupp dinamiku u sostenibbli ta' l-agrikoltura peri-urbana u ż-żoni fejn tiġi pprattikata jista' jiġi żgurat biss billi jiġu permessi l-awtoritajiet li jkollhom rwol essenzjali, li jinkorpora l-elementi bħall-amministrazzjoni inter-muniċipali kif ukoll l-ippjanar supra-muniċipali.

2.4.2

Għal dan l-iskop, iż-żoni peri-urbani jeħtieġu li jiltaqgħu u jistabbilixxu organu li l-għan fundamentali tiegħu huwa mhux biess li jħares iżda wkoll illi jerġa jagħti l-ħajja liż-żoni agrikoli u l-attività kulturali peremezz ta' pjanijiet supra-muniċipali għall-konservazzjoni, l-użu u l-amministrazzjoni ta' l-art.

2.4.3

L-involviment tal-bdiewa f'dan il-korp jiżgura li hija partnership ġenwina, li tippermettihom jippromwovi l-għanijiet tagħhom fost il-gruppi lokali (il-pubbliku ġenerali u l-politiċi) u imsieħba oħrajn interessati (universitajiet, ambjentalisti, eċċ) u jintlaħaq ftehim dwar kif għandhom jiġu amministrati l-ftehim agrikoli.

2.4.4

L-amministraturi taż-żoni peri-urbani għandu jkollhom mod konservattiv kif joqorbu lejn il-kwistjoni tal-valuri rappreżentati miż-żoni agrikoli peri-urbani, iżda mod progressiv kif joqorbu lejn il-proposti dwar kif għandu jiġi żviluppat ir-rwol ta' dawn iż-żoni, bl-adozzjoni ta' attitudni pożittiva, immaġinattiva u kreattiva. Għandhom ukoll jirregolaw l-użu ta' l-art b'mod strinġenti f'dawn iż-żoni. Fil-qosor, għandhom jużaw kriterji ta' sostenibbilità.

2.4.5

Mod ibbażat fuq is-sussidjarjetà kif wieħed joqrob lejn l-amministrazzjoni taż- żoni agrikoli peri-urbani huwa essenzjali biex jhiġi assigurat illi l-awtoritajiet u l-bdiewa jintrabtu illi jħarsu u jiżiluppaw dawn iż-żoni, fi kliem ieħor kuntratt għall-amministrazzjoni agrikola sostenibbli bejn l-amministrazzjoni pubblika u l-bdiewa.

2.4.6

L-amministrazzjoni għanda tkun bażata fuq “network ta' kooperazzjoni” bejn dawk interessati fil-qasam pubbliku u privat li huma involuti fl-amministrazzjoni, u mmexxija minn “organu parteċipatorju u maniġerjali”. Dan għandu jiġbor l-għanijiet u l-interessi komuni u jistiga azzjonijiet speċifiċi mfassla għaż-żona partikolari u r-riżorsi nazzjonali tagħha (eż., promozzjoni tal-prodotti tagħha, l-użu ta' teknoloġiji informatiċi u ta' komunikazzjoni, l-inkoraġġiment ta' l-edukazzjoni ambjentali, il-preservazzjoni tal-kampanja, eċċ). Fil-qosor, organu li jwaqqaf il-kundizzjonijiet ġenerali, jissorvelja l-applikazzjoni tagħhom u jinkoraġġixxi l-miżuri biex jassisti u t-tisħiħ ta' żoni peri-urbani.

2.4.7

Hija kwistjoni li qieħed joqrob lejn il-kwistjoni kif propost fil-Konferenza ta' Salzburg, inklużi ż-żoni bl-agrikoltura peri-urbana, fejn ġie enfasiżżat illi “Il-politika tal-futur għandha tqiegħed fiċ-ċentru l-appoġġ ta'; l-UE għar-raba' permezz ta' partnerships lokali tat-tip magħrufa bħala bottom-up [u] “Għandha tingħata aktar responsabbilità għal partnerships ta' programmi biex jiddefinixxu u joħolqu strateġiji komprensivi bażati fuq għanijiet u riżultati definiti b' mod ċar” (sitt u seba' prinċipji tal-Konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Salzburg) (5).

2.4.8

Minbarra l- “kuntratti għal amministrazzjoni agrikola sostenibbli”, għandha tingħata konsiderazzjoni wkoll għall-proġetti ta' l-amministrazzjoni supra-muniċipali li, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi taż-żoni agrikoli (żoni rurali-urbani), għandhom jiġu ppreżentati bħala proġetti “rurali-urbani” bejn l-amministrazzjonijiet u l-organi tal-ġestjoni li jħarsu u jiġbru ż-żoni agrikoli u jiġġeneraw id-dħul bil-ħidma flimkien tal-bliet u tal-kampanja. Huwa imperattiv illi xi ftit mid-dħul derivat mill-benefiċċji mhux agrikoli ġġenerati miż-żoni agrikolu jmorru lura għand il-komunità tal-biedja.

2.4.9

Dawn il-“proġetti rurali-urbani” għandhom jiġu mħeġġa mill-organu parteċipatorju u maniġerjali għaż-żoni agrikoli peri-urbani u bażat fuq kriterji minn diversi setturi, inklużi prodotti li jirrispondu għat-talbiet tal-konsumatur, l-elementi ambjentali li jillimitaw l-impatt ta' attività produttiva fuq l-ambjent u joħolqu u jmantnu l-panorama, u elementi soċjali li jirrispondu għall-ħtiġiet urbani, bħall-użu taż-żoni agrikoli għal attivitajiet fuq barra u edukazzjonali.

2.4.10

Qabel ma l-organi maniġerjali għaż-żoni agrikoli peri-urbani jabbozzaw proġetti u kuntratti rurali-urban għall-amministrazzjoni agrikola, il-partijiet involuti fl-amministrazzjoni ta' dawn iż-żoni (i.e. l-awtoritajiet, partikolarment awtoritajiet lokali, u s-settur tal-biedja) għandhom l-ewwel jabbozzaw u japprovaw ftehim istituzzjonali dwar il-ħtieġa għal stil integrat ta' amministrazzjoni.

2.4.11

Din ir-rabta istituzzjonali mill-awtoritajiet lokali u supra-lokali tista' ssegwi serje ta' prinċipji ġenerali stabbiliti f'“Karta dwar l-agrikoltura peri-urbana”.

2.4.12

Biex din il-karta tiġi kkonsolidata aktar u biex tiġi msaħħa r-rabta reċiproka, jista' jiġi abbozzat u addottat ukoll “pjan ta' amministrazzjoni u żvilupp sostenibbli” li jistabbilixxi l-prinċipji, il-gwidi strateġiċi u l-miżuri speċifiċi sabiex jitħarsu l-valuri u jiġu żviluppati r-rwoli ta' żona agrikola peri-urbana speċifika.

3.   Konklużjonijiet

3.1

Dawn il-proġetti rurali-urbani u d-dokumenti dwar ir-rabtiet reċiproċi għandhom jiġu bażati fuq il-kriterji stabbiliti minn patt bejn il-belt u l-kampanja operat mill-organi amministrattivi u bl-arranġamenti għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku ġenrerali u l-komunità tal-bdiewa. Dawn il-patti jeħgtieġu li jintlaħqu dawn l-għanijiet:

a)

L-ewwel għan: Għandu jkun hemm proġett ta' konservazzjoni u żvilupp territorjali għal żoni bl-agrikoltura peri-urbana, Dawn il-proġetti għandhom ikunu bażati fuq pjanijiet reġjonali, lokali u ta' l-użu ta' l-art, u fuq leġislazzjoni speċifika li tirregola s-suq fir-raba'.

b)

It-tieni għan: L-art peri-urbana għandha tinżamm f' użu agrikolu permezz ta' strumenti u mekkaniżmi li jiggarantixxu dan l-użu kontinwu, bit-tnaqqis sa fejn possibbli tal-pressjoni urbana u l-użu ta' l-art għal skopijiet mhux agrikoli u biex l-aċċess għar-raba' jiġi ffaċilitat.

c)

It-tielet għan: Forma integrata ta' amministrazzjoni bażata fuq korp maniġerjali biex jippromwovi u jimmobiliżża żoni ta' agrikoltura peri-urbana u jqajjem għarfien tal-valur tagħhom, Dan għandu wkoll jaċċerta żvilupp dinamiku u sostenibbli permezz ta' rabta biex tiġi amministrata l-art fuq bażi ta' proġetti rurali-urbani u relazzjoni kuntrattwali bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-bdiewa fil-forma ta' kuntratt ta' amministrazzjoni agrikola sostenibbli.

3.2

Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, huwa essenzjali dan li ġej:

a)

Sforzi biex in-nisa u ż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jipparteċipaw attivament fil-proġetti territorjali u l-kuntratti ta' l-amministrazzjoni agrikola, biex l-istatus ta' dawn iż-żoni fil-preżent u fil-futur jiġi mħares

b)

Perċezzjoni pubblika li l-biedja tista' tiggarantixxi s-sigurtà ta' l-ikel minħabba li ssegwi metodi ta' biedja tajbin għall-ambjent u soċjalment responsabbli.

c)

Għarfien ta' l-importanza ta' l-ilaa fil-konsolidazzjoni taż-żoni agrikoli peri-urbani. Hija meħtieġa leġislazzjoni speċifika biex l-użu ta' l-ilma ma jiġix ristrett għall-agrikoltura, iżda biex tiġi introdotta “kultura ta' l-ilma” ġdida bażata fuq il-limitazzjoni ta' l-ilma tal-wiċċ u l-ilma ta' taħt l-art u l-użu mill-ġdid ta' ilma prodott minn pjanti tat-trattament ta' l-ilma skart għal skopijiet agrikoli.

d)

Tisħiħ ta' dawn iż-żoni agrikoli peri-urbani permezz ta' l-għarfien tas-soċjetà illi jiltaqgħu ma' diffikultajiet speċifiċi.

e)

L-iżvilupp ta' strumenti u azzjonijiet maħsuba li jżidu d-dħul agrikolu, iżidu l-effiċjenza ta' l-infrastrutturi u jtejbu l-provvediment tas-servizzi għall-biedja.

f)

Promozzjoni ta' sistemi tal-produzzjoni u tal- marketing li jilħqu t-talbiet tas-suq, b' attenzjoni speċjali għall-promozzjoni ta' diversità fl-ikel bl-inkoraġġiment ta' biedja sostenibbli, li tirrispetta l-ambjent, l-identità kulturali u l-ħajja tajba ta' l-annimali.

g)

Użu razzjonali tar-riżorsi (partikolarment art, ilma u pajsaġġ) u l-ħarsien tagħhom.

3.3

Minħabba s-sitwazzjoni prekarja li qed tiffaċċja liż-żoni agrikoli peri-urbani ġeneralment, il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jiġi stabbilit osservatorju Ewropew għall-agrikoltura peri-urbana li mhux biss għandu perspettiva Ewropea dwar iż-żoni agrikoli peri-urbani u l-attività agrikola pprattikata fihom, iżda wkoll li jaġixxi bħala ċentru ta' riferenza għas-sorveljanza, l-analiżi u tqajjim tal-għarfien dwar is-sitwazzjoni ta' l-agrikoltura peri-urbana fl-Ewropa u post fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u organizzazzjonijiet differenti Ewropej jistgħu jiltaqgħu biex jiddiskutu l-kwistjoni, u jipproponu inizjattivi għall-konservazzjoni u l-iżvilupp ta' dawn iż-żoni per-urbani u l-agrikoltura tagħhom.

Brussel, 16 ta' Settembru 2004.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Roger BRIESCH


(1)  Litteralment, “Kampanja ħajja hija essenzjali għall-biedja, bħalma l-attività agrikulturali hija essenzjali għal kampanja ħajja.” – Konklużjonijiet tat-tieni konferenza Ewropea dwar l-iżvilupp tar-raba' f'Salzburg, 12-14 ta' Novembru 2003 – MEMO/03/236.

(2)  Ara nota 1.

(3)  CESE 961/2004 – NAT/243

(4)  CESE 968/2004 – ECO/120

(5)  Ara nota 1.