L-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus)

 

SOMMARJU TA’:

Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustrizzja fi kwistjonijiet ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus)

Deċiżjoni 2005/370/KE — konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus

X’INHU L-GĦAN TAL-KONVENZJONI U D-DEĊIŻJONI?

Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tagħti lill-membri tal-pubbliku (l-individwi u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom) id-dritt li jaċċessaw l-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet li jsiru dwar kwistjonijiet ambjentali u d-dritt li jipparteċipaw fihom, kif ukoll li jfittxu rimedju jekk dawn id-drittijiet ma jiġux rispettati.

Id-deċiżjoni tapprova l-Konvenzjoni ta’ Aarhus (iffirmata mill-Komunità Ewropea — issa l-Unjoni Ewropea (UE) u mill-pajjiżi tal-UE fl-1998) f’isem l-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-konvenzjoni, li ilha fis-seħħ mit-30 ta’ Ottubru 2001, hija bbażata fuq il-premessa li sensibilizzazzjoni pubblika akbar u involviment akbar fi kwistjonijiet ambjentali se jtejbu l-protezzjoni ambjentali. Din hija mfassla biex tgħin tipproteġi d-dritt li kull persuna tal-ġenerazzjonijiet tal-preżent u tal-futur tgħix f’ambjent adegwat għas-saħħa u għall-benesseri tagħha. Għal dan il-għan, il-konvenzjoni tipprevedi azzjoni fi 3 oqsma:

L-istituzzjonijiet tal-UE huma koperti mid-definizzjoni ta’ awtorità pubblika fi ħdan it-tifsira tal-konvenzjoni, fuq l-istess livell bħall-awtoritajiet nazzjonali jew lokali.

Il-partijiet li ffirmaw il-konvenzjoni jaqblu li japplikaw id-drittijiet u l-obbligi elenkati:

L-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali

Il-konvenzjoni tistabbilixxi drittijiet u dmirijiet preċiżi rigward l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali, inkluż skadenzi sabiex tingħata l-informazzjoni u r-raġunijiet li minħabba fihom l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jirrifjutaw li jagħtu aċċess għal ċerti tipi ta’ informazzjoni.

L-aċċess jista’ jiġi rrifjutat fi 3 każijiet:

It-talbiet jistgħu jiġu rrifjutati wkoll fuq raġunijiet ta’ kunfidenzjalità tal-proċedimenti tal-awtoritajiet pubbliċi, id-difiża nazzjonali u s-sigurtà pubblika, sabiex jitkompla l-kors tal-ġustizzja jew tiġi rrispettata l-kunfidenzjalità ta’:

Peress li d-divulgazzjoni tal-informazzjoni tista’ taqdi l-interess pubbliku, dawn ir-raġunijiet kollha għal rifjut iridu jiġu interpretati b’mod restrittiv.

Deċiżjoni għal rifjut ta’ aċċess trid tistqarr ir-raġunijiet għar-rifjut u tindika liema forom ta’ appell huma miftuħa għall-applikant.

L-awtoritajiet pubbliċi jridu jżommu l-informazzjoni li għandhom aġġornata, u għal dan il-għan iridu jistabbilixxu listi, reġistri u fajls li jistgħu jiġu aċċessati mill-pubbliku. F’dan ir-rigward, dawn il-korpi huma mħeġġa jagħmlu użu b’mod progressiv minn bażijiet ta’ data elettroniċi li jkun fihom rapporti dwar l-istat tal-ambjent, il-leġiżlazzjoni, il-pjanijiet u l-politika nazzjonali u l-konvenzjonijiet internazzjonali.

Fl-2003, il-pajjiżi tal-UE adottaw id-Direttiva 2003/4/KE dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali. Huma kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-14 ta’ Frar 2005.

Fl-2006, l-UE adottat ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 li jeħtieġ li l-isitituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jimplimentaw l-obbligi li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

Il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali

It-tieni parti tal-konvenzjoni tikkonċerna l-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet. Din trid tiġi żgurata permezz tal-proċedura tal-awtorizzazzjoni għal ċerti attivitajiet speċifiċi (primarjament ta’ natura industrijali) elenkati fl-Anness I tal-konvenzjoni. Id-deċiżjoni finali biex l-attività tiġi awtorizzata trid tikkunsidra l-eżitu tal-parteċipazzjoni pubblika.

Kmieni fil-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-pubbliku jrid jiġi infurmat dwar dan li ġej:

Il-perjodi ta’ żmien proċedurali jeħtieġ li jippermettu parteċipazzjoni pubblika ġenwina.

Ġiet imfassla proċedura ssimplifikata għall-formulazzjoni ta’ pjanijiet u programmi ambjentali.

Il-konvenzjoni tistieden ukoll lill-firmatarji tagħha biex jippromwovu l-parteċipazzjoni pubblika fit-tħejjija tal-politiki ambjentali kif ukoll standards u leġiżlazzjoni li jista’ jkollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent.

Fl-2003, il-pajjiżi tal-UE adottaw id-Direttiva 2003/35/KE dwar il-parteċipazzjoni pubblika fit-tfassil ta’ ċerti pjanijiet u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent.

Fl-2006, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/957/KE ikkunsidrat emenda tal-konvenzjoni li żżid il-parteċipazzjoni pubblika fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw ir-rilaxx intenzjonat ta’ OĠM fl-ambjent. Fil-livell tal-UE, dan ir-rekwiżiti jiġi ssodisfat diġà permezz ta’ ċerti artikoli tad-Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament.

Diversi direttivi ambjentali oħrajn tal-UE jinkludu regoli dwar il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali. Dawn jinkludu d-Direttiva 2001/42/KE u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (Direttiva 2000/60/KE).

L-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali

Il-persuni kollha li jħossu li d-drittijiet tagħhom li jaċċessaw l-informazzjoni jkunu ġew imxekkla (eż. talba għal informazzjoni tkun ġiet injorata, irrifjutata b’mod inġust jew tingħata tweġiba mhux adegwata), fiċ-ċirkostanzi xierqa, irid ikollhom aċċess għal proċedura ta’ riveżjoni taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

L-aċċess għall-ġustizzja jiġi żgurat ukoll fil-każ li l-proċedura tal-parteċipazzjoni għall-konvenzjoni tiġi mxekkla. L-aċċess għall-ġustizzja jiġi permess ukoll għas-soluzzjoni ta’ tilwim relatat ma’ atti jew ommissjonijiet minn persuni privati u awtoritajiet pubbliċi li jiksru r-regoli nazzjonali relatati mal-ambjent.

Iż-żewġ Direttivi 2003/4/KE u 2003/35/KE jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja. Proposta tal-2003 għal direttiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja ambjentali ġiet irtirata fl-2014 bħala parti minn kontroll tal-idoneità tal-Kummissjoni Ewropea tad-dritt tal-Unjoni (magħruf bħala REFIT).

F’April 2017, il-Kummissjoni adottat dokument ta’ gwida dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali. Dan jispjega b’mod ċar kif l-individwi u l-assoċjazzjonijiet jistgħu jisfidaw deċiżjonijiet, atti u ommissjonijiet minn awtoritajiet pubbliċi relatati ml-liġi ambjentali tal-UE quddiem il-qrati nazzjonali.

MINN META JAPPLIKAW IL-KONVENZJONI U D-DEĊIŻJONI?

Il-konvenzjoni ilha tapplika mit-30 ta’ Ottubru 2001. Id-deċiżjoni ilha tapplika mis-17 ta’ Frar 2005.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall- ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 124, 17.5.2005, pp. 1-3)

Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustrizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 124, 17.5.2005, pp. 4-20)

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2017 — Notifika tal-Kummissjoni dwar l-Aċċess għall-Ġustizzja fil-Liġi Ambjentali tal-UE (C(2017) 2616 final, 28.4.2017)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/957/KE tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, ta’ emenda tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 386, 29.12.2006, pp. 46-49)

Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, pp. 13-19)

Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, pp. 1-23)

L-emendi suċċessivi tar-Regolament (UE) Nru 1829/2003 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il- verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, pp. 26-32)

Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, pp. 30-37)

Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE — Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU L 106, 17.4.2001, pp. 1-39)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, pp. 1–73)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 05.03.2018