Sikurezza marittima: tagħmir tal-baħar

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 96/98/KE - It-tagħmir marittimu

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi regoli sabiex tiġi żgurata s-sikurezza u l-kwalità tat-tagħmir tal-baħar abbord vapuri li jtajru l-bnadar tal-pajjiżi tal-UE.

Dawn ir-regoli jżidu s-sikurezza abbord, jikkontribwixxu sabiex jiġi indirrizzat it-tniġġis tal-baħar u għandhom l-għan li jiżguraw il-moviment ħieles tat-tagħmir tal-baħar fi ħdan is-suq intern tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Din id-direttiva tapplika għal tagħmir għall-użu:

fuq bastimenti eżistenti li jtajru l-bandiera tal-UE

fuq bastimenti ġodda li jtajru l-bandiera tal-UE, anke jekk inbnew barra mill-UE;

Valutazzjoni ta’ konformità

Il-pajjiżi tal-UE jaħtru korpi responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità tat-tagħmir tal-baħar. Din il-valutazzjoni għandha l-għan li tiżgura l-kwalità tat-tagħmir qabel dan jitqiegħed fis-suq u meta jitqiegħed abbord;

It-tagħmir li jikkonforma mal-istandards Ewropej irid ikollu marka.

Meta bastiment, li għandu jiġi trasferit fir-reġistru ta’ pajjiż tal-UE ma jkunx irreġistrat fl-UE, il-pajjiż tal-UE jrid jispezzjona l-kundizzjoni attwali tat-tagħmir u jekk jikkonformax mal-istandards tal-UE.

Tagħmir mhux konformi

Jekk biċċa tagħmir jġib miegħu riskji li jikkompromettu s-saħħa u/jew is-sikurezza tal-baħrin jew tal-passiġġieri, jew li jikkawżaw ħsara fl-ambjent tal-baħar, il-pajjiż tal-UE responsabbli jrid jirtirah mis-suq u jipprojbixxi jew jirrestrinġi l-użu tiegħu.

Standards tal-ittestjar

It-tagħmir tal-baħar jeħtieġ standards tal-ittestjar internazzjonali sabiex jiġi adottat. F’każijiet fejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali ma jadottawx standards f’terminu ta’ żmien raġonevoli, jistgħu jiġu applikati l-istandards tal-UE.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Frar 1997. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fid-dritt nazzjonali sat-30 ta’ Ġunju 1998.

Id-Direttiva 2014/90/UE tirrevoka d-Direttiva 96/98/KE b’effett mit-18 ta’ Settembru 2016.

SFOND

Trasport marittimu: Regoli dwar it-tagħmir marittimu modern għal vapuri tal-UE iktar sikuri

ATT

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE tal-20 ta’ Diċembru 1996 dwar it-tagħmir marittimu (ĠU L 46, 17.2.1997, p. 25–56)

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 96/98/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss għal skopijiet ta’ informazzjoni.

ATTI RELATATI

Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146–185)

l-aħħar aġġornament 12.11.2015