Il-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva 96/67/KE dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
Is-servizzi* ta’ groundhandling fl-ajruporti tal-Unjoni Ewropea (UE) fejn qed jingħata aċċess jinkludu dawk li jippermettu lil-linji tal-ajru jwettqu attivitajiet ta’ trasport bl-ajru (gwida dwar it-taxiing, tindif, riforniment ta’ fjuwil, servizzi tal-bagalji, eċċ.).
Id-direttiva tapplika għall-ajruporti kollha tal-UE miftuħa għat-traffiku kummerċjali li t-traffiku annwali tagħhom ma jkunx inqas minn 2 miljun moviment ta’ passiġġier jew 50,000 tunnellata ta’ merkanzija.
PUNTI EWLENIN
Il-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport*, dak li juża l-ajruport* jew il-fornitur tas-servizzi ta’ groundhandling* għandu, taħt is-superviżjoni tal-awditur maħtur, jissepara b’mod rigoruż il-kontijiet tal-attivitajiet ta’ groundhandling tagħhom mill-kontijiet tal-attivitajiet l-oħra tagħhom.
B’mod parallel, il-pajjiż tal-UE:
- għandu jistabbilixxi, għal kull wieħed mill-ajruporti kkonċernati, kumitat ta’ rappreżentanti ta’ dawk li jużaw l-ajruport biex jirrappreżenta l-interessi tal-utenti;
- jista’ jirrikjedi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling ikunu stabbiliti fl-UE u jista’ jillimita l-għadd ta’ fornituri awtorizzati li jipprovdu kategoriji ta’ servizzi ta’ groundhandling bħall-immaniġġar tal-bagalji, l-immaniġġar tar-rampa, l-immaniġġar tal-karburanti u żjut, l-immaniġġar tal-merkanzija u tal-posta;
- jista’ jnaqqas għal tnejn l-għadd ta’ utenti li jistgħu jipprovdu awtoforniment ta’ servizz għal servizzi ta’ groundhandling bħall-immaniġġar tal-bagalji, l-immaniġġar tar-rampa, l-immaniġġar tal-karburanti u żjut, l-immaniġġar tal-merkanzija u tal-posta;
- jista’ jibbenefika minn eżenzjonijiet (limitati fiż-żmien) fejn f’ajruport restrizzjonijiet speċifiċi ta’ spazju jew kapaċità disponibbli jagħmluha impossibbli li jinfetaħ is-suq u/jew jiġi implimentat l-awtoforniment ta’ servizz;
- jista’ taħt ċerti kundizzjonijiet jirriżerva għal korp wieħed it-tmexxija tal-infrastrutturi ċentralizzati li ma jistgħux jinqasmu jew li l-ispiża tagħhom ma tippermettix li jkun hemm duplikazzjoni. B’mod parallel, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jagħtu eżenzjonijiet lil ajruporti fejn restrizzjonijiet speċifiċi jagħmluha impossibbli li jinfetaħ is-suq u/jew jiġi implimentat awtoforniment ta’ servizz sal-livell previst fid-direttiva;
- jistgħu jobbligaw lill-fornitur magħżul f’ajruport biex jopera wkoll fuq il-gżejjer li huma parti mit-territorju tal-pajjiż tal-UE;
- jistgħu jagħmlu l-attività tal-fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling soġġetta għar-rekwiżit li jiksbu liċenzja maħruġa minn awtorità pubblika li tkun indipendenti mill-ajruport sabiex tiggarantixxi s-sikurezza, is-sigurtà, il-protezzjoni ambjentali u l-konformità mal-leġiżlazzjoni soċjali;
- għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi ta’ groundhandling u dawk li jużaw l-ajruport li jixtiequ jagħmlu awtoforniment ta’ servizzi huma stess ikollhom aċċess għall-installazzjonijiet tal-ajruport – fejn l-aċċess għal dawn l-installazzjonijiet ikun soġġett għal ħlas, il-ħlas għandu jiġi ddeterminat skont kriterji rilevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji;
- jistgħu jadottaw, soġġett għad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u r-rispett għall-ambjent.
MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Din ilha tapplika mill-14 ta’ Novembru 1996 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-25 ta’ Ottubru 1997.
SFOND
Din id-direttiva pprevediet skeda ta’ implimentazzjoni gradwali skont jekk kinux involuti servizzi ta’ awtoforniment ta’ jew servizzi ta’ mmaniġġar ta’ partijiet terzi. Mill-1 ta’ Jannar 2001, id-direttiva bdiet tapplika għal kwalunkwe ajruport li jinsab fit-territorju ta’ pajjiż tal-UE li fih it-traffiku annwali ma jkunx inqas minn 2 miljun moviment ta’ passiġġier jew 50,000 tunnellata ta’ merkanzija.
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Il-groundhandling: ikopri varjetà wiesgħa ta’ servizzi meħtieġa mil-linji tal-ajru sabiex joperaw it-titjiriet. Dawn is-servizzi jinkludu oqsma bħall-manutenzjoni, il-ġestjoni tal-fjuwil u tal-merkanzija. Il-groundhandling ikopri wkoll servizzi bħalma huma ċ-check-in tal-passiġġieri, il-catering, l-immaniġġar tal-bagalji u t-trasport fl-ajruport innifsu.
Il-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport: il-korp responsabbli mill-amministrazzjoni u l-ġestjoni tal-infrastrutturi tal-ajruport u mis-superviżjoni u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet imwettqa minn operaturi differenti.
Dak li juża l-ajruport: persuna fiżika jew ġuridika li ġġorr passiġġieri, posta jew merkanzija bl-ajru.
Fornitur tas-servizzi ta’ groundhandling: persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi lill-partijiet terzi kategorija waħda jew aktar ta’ servizzi ta’ groundhandling.
DOKUMENT EWLIENI
Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, 25.10.1996, pp. 36-45)
Emendi suċċessivi għad-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.
l-aħħar aġġornament 28.02.2020