Aċċess għal netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

Din id-direttiva tarmonizza l-mod kif il-pajjiżi tal-UE jirregolaw l-aċċess għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u l-interkonnessjoni tagħhom. Id-direttiva tistabbilixxi qafas regolatorju għar-relazzjonijiet bejn il-fornituri tan-netwerks u s-servizzi li se jirriżulta f’kompetizzjoni sostenibbli u l-interoperatbilità tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

ATT

Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess).

SOMMARJU

Flimkien ma’ erba’ direttivi oħrajn (id-direttivi ta' qafas, ta' awtorizzazzjoni, tas-servizz universali, u tal-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), id-Direttiva dwar l-aċċess tifforma parti mill-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet li jiddefinixxi l-qafas regolatorju li għandu l-għan li jagħmel is-settur tan-netwerks u tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi aktar kompetittiv.

Fl-2009, il-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet ġie emendat mid-direttivi dwar leġiżlazzjoni aħjar u dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, kif ukoll mill-ħolqien tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej fit-Telekomunikazzjoni (BEREC).

Applikazzjoni

Id-direttiva tapplika għall-forom kollha ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni li jwettqu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli. Dawn jinkludu netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet fissi u mobbli, netwerks li jintużaw għax-xandir terrestri, netwerks tat-televiżjoni bil-kejbil, u netwerks satellitari u tal-Internet li jintużaw għat-trażmissjoni ta’ vuċi, faks, dejta u stampi.

Prinċipju ġenerali

Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li ma hemm l-ebda restrizzjoni li timpedixxi lill-impriżi fl-istess pajjiż tal-UE jew f'pajjiżi tal-UE differenti milli jinnegozjaw bejniethom ftehimiet dwar l-aċċess u/jew l-interkonnessjoni soġġetti għar-regoli dwar il-kompetizzjoni tat-Trattat.

Il-prinċipju ġenerali jipprovdi li, fi swieq fejn jibqa’ jkun hemm differenzi kbar fis-setgħa ta’ negozjar bejn l-impriżi, huwa xieraq li jiġi stabbilit qafas ibbażat fuq prinċipji tas-suq intern u regoli dwar il-kompetizzjoni biex jaġixxi bħala strument għar-regolazzjoni tas-suq.

Permezz tal-adozzjoni ta' approċċ teknoloġikament newtrali, l-objettivi huma li:

jiġi stabbilit qafas li jħeġġeġ il-kompetizzjoni u jrawwem l-investiment effiċjenti fl-infrastruttura tan-netwerks billi jippermetti aċċess xieraq għan-netwerks u interkonnessjoni bejniethom, u l-interoperabilità tas-servizzi fl-interess tal-utenti finali;

jiġi żgurat li kwalunkwe sitwazzjoni ta’ konġestjoni fis-suq ma tillimitax l-emerġenza ta’ servizzi innovattivi li l-utenti jistgħu jibbenefikaw minnhom.

Id-drittijiet u l-obbligi tal-operaturi

Id-direttiva tistabbilixxi regola fundamentali li permezz tagħha l-operaturi ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi għandhom id-dritt, u meta jintalbu minn impriżi oħra hekk awtorizzati, huma obbligati li jinnegozjaw l-interkonnessjoni ma' xulxin sabiex jiżguraw l-interoperabilità tas-servizz fl-Unjoni Ewropea.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs) huma responsabbli biex iwettqu analiżi regolari tas-suq sabiex jiddeterminaw jekk operatur wieħed jew iktar għandux/għandhomx setgħa sinifikanti fis-suq inkwistjoni. Meta, wara analiżi tas-suq, operatur jiġi identifikat bħala wieħed li għandu setgħa sinifikanti f’suq partikolari, l-NRAs ser jimponu obbligu wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin fuq dak l-operatur, skont iċ-ċirkostanzi:

1.

Obbligi ta’ trasparenza b’rabta mal-interkonnessjoni u/jew l-aċċess li jirrikjedu li l-operaturi jippubblikaw informazzjoni speċifikata bħal informazzjoni dwar il-kontabilità, speċifikazzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi tan-netwerk, jekk xieraq permezz ta’ offerta ta’ referenza.

2.

Obbligi ta’ nondiskriminazzjoni biex jiġi żgurat li l-operaturi japplikaw kundizzjonijiet ekwivalenti f’ċirkostanzi ekwivalenti fir-rigward ta’ impriżi li jipprovdu servizzi ekwivalenti, inkluża projbizzjoni għal preferenza għas-servizzi tagħhom stess.

3.

Obbligi ta’ separazzjoni tal-kontabilità b’rabta mal-attivitajiet speċifikati fir-rigward tal-interkonnessjoni u/jew l-aċċess.

4.

Obbligi ta’ aċċess għal faċilitajiet ta’ netwerks speċifiċi u l-użu tagħhom. L-operaturi jistgħu jintalbu.

Jagħtu aċċess lil partijiet terzi għal elementi u/jew faċilitajiet speċifiċi ta’ netwerks, inkluż aċċess disassoċjat għal-linja lokali.

Jinnegozjaw in bona fede ma’ impriżi li jitolbu l-aċċess.

Ma jirtirawx aċċess għal faċilitajiet diġà mogħtija.

Jagħtu aċċess miftuħ lill-interfacċi tekniċi, protokolli jew teknoloġiji oħra prinċipali li huma indispensabbli għall-interoperabilità tas-servizzi.

Jipprovdu l-kolokazzjoni jew forom oħra ta’ użu komuni tal-faċilitajiet assoċjat.

Jipprovdu aċċess għal sistemi assoċjati bħal ma huma servizzi tal-identità, il-lok u l-preżenza.

5.

Obbligi relatati mal-irkupru tal-ispejjeż u l-kontroll tal-prezzijiet, inklużi obbligi dwar l-orjentazzjoni tal-prezzijiet għall-ispejjeż u obbligi li jikkonċernaw is-sistemi ta’ kontabilità tal-ispejjeż.

Meta l-fallimenti fis-suq jippersistu minkejja l-applikazzjoni ta’ dawn l-obbligi, l-NRAs jistgħu, bħala l-aħħar tentattiv, jirrikjedu lil impriża vertikalment integrata tqiegħed l-attivitajiet tagħha relatati mal-provvista bl-ingrossa ta’ prodotti u servizzi tal-aċċess f’entità ta’ negozju li topera b’mod indipendenti.

Din l-entità li topera b’mod indipendenti trid tipprovdi prodotti u servizzi ta’ aċċess lill-impriżi kollha, inklużi entitajiet ta’ negozju oħrajn fi ħdan il-kumpanija prinċipali, fl-istess perijodi ta’ żmien, bl-istess termini u kundizzjonijiet, inklużi dawk relatati mal-prezz u l-livelli ta’ servizz, u permezz tal-istess sistemi u proċessi.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva 2002/19/KE

24.4.2002

24.7.2003

ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7-20

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2009/140/KE

19.12.2009

25.5.2011

ĠU L 337, 18.12.2009, p. 37-69

EMENDI GĦALL-ANNESSI

Anness II - Lista minima ta’ oġġetti li għandhom jiġu inklużi f’offerta ta’ referenza għal aċċess għal infrastrutturi ta’ netwerk ta’ kummerċ bl-ingrossa, inkluż aċċess disassoċjat komuni jew sħiħ għal-linja lokali f’post fiss, li għandha tiġi ppubblikata mill-operaturi notifikati b’saħħa fis-suq sinifikanti (SMP)

Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 337, 18 ta' Diċembru 2009, p. 37-69).

Rettifika għad-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 241, 10 ta' Settembru 2013, p. 8-9).

ATTI RELATATI

Linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-suq u l-valutazzjoni tas-saħħa sinifikanti tas-suq taħt il-qafas regolatorju Komunitarju għan-netwerks u s-servizzi (ĠU C 165, 11 ta' Lulju 2002, p. 6-31)

Taħt il-qafas regolatorju dwar is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, dawn il-linji gwida jistabbilixxu l-prinċipji li fuqhom l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs) jridu jibbażaw l-analiżi tas-suq tagħhom sabiex jiggarantixxu kompetizzjoni effettiva.

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb kontinent konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012 (COM(2013)627 finali tal-11 ta' Settembru 2013 - mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

l-aħħar aġġornament 10.09.2015