Regoli ta’ proċedura tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
SOMMARJU TA’:
Id-Deċiżjoni 2009/937/UE li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLI TA’ PROĊEDURA?
- Ir-regoli ta’ proċedura jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedimenti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (il-Kunsill).
- Is-setgħa li jadotta regoli ta’ proċedura hija konferita fuq il-Kunsill mill-Artikolu 240(3) dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
- Anness III huwa emendat kull sena sabiex jirrifletti l-bidliet fiċ-ċifri li jikkonċernaw il-popolazzjoni tal-pajjiżi tal-UE u l-popolazzjoni ta’ kull pajjiż tal-UE għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.
- Ir-regoli ġew emendati wkoll b’mod aktar sostanzjali darba — fl-2014 (id-Deċiżjoni 2014/692/UE, Euratom), fir-rigward tal-voti b’maġġoranza kwalifikata.
PUNTI EWLENIN
Il-Kunsill huwa l-istituzzjoni tal-UE fejn jiltaqgħu r-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-UE. Kull pajjiż huwa rrappreżentat minn rappreżentant wieħed fil-livell ministerjali li jista’ jimpenja lill-gvern ta’ dak il-pajjiż. Flimkien mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi. Jadotta atti leġiżlattivi, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew speċjali. Il-Kunsill flimkien mal-Parlament Ewropew jeżerċita funzjonijiet baġitarji. Fl-aħħar nett, il-Kunsill iwettaq funzjonijiet ta’ tfassil ta’ politika u ta’ koordinazzjoni.
Il-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill
- Il-Kunsill jiltaqa’ f’10 konfigurazzjonijiet differenti skont is-suġġett ittrattat.
- Ħlief għal żewġ konfigurazzjonijiet (Kunsill Affarijiet Ġenerali u Kunsill Affarijiet Barranin), il-mandat ta’ kull konfigurazzjoni mhuwiex iddeterminat mit-Trattati u jsegwi mill-prattika.
Il-presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Il-presidenza tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tal-konfigurazzjoni tal-Affarijiet Barranin, għandha tiġi eżerċitata minn gruppi prestabbiliti ta’ 3 pajjiżi tal-UE għal perjodu ta’ 18-il xahar. Kull membru tal-grupp jippresjedi l-konfigurazzjonijiet kollha tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tal-konfigurazzjoni tal-Affarijiet Barranin, għal 6 xhur. Il-grupp ta’ 3 pajjiżi tal-UE jħejji abbozz ta’ programm tal-attivitajiet tal-Kunsill għal perjodu ta’ 18-il xahar li jiġi approvat mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali wara li jsir dibattitu pubbliku dwaru.
- Il-Kunsill Affarijiet Barranin għandu president permanenti: ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Huwa possibbli li r-Rappreżentant Għoli jiġi sostitwit mill-pajjiż tal-UE li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill. Normalment ikun il-każ meta l-Kunsill jitlaqqa’ biex jiddiskuti kwistjonijiet ta’ politika kummerċjali komuni.
- Il-presidenza hija l-forza li tmexxi l-ħidma tal-Kunsill.
Coreper, kumitati u gruppi ta’ ħidma
- Il-Kunsill huwa appoġġat mill-kumitat tar-rappreżentanti permanenti tal-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE (Coreper) u sa aktar minn 150 grupp ta’ ħidma speċjalizzata u kumitati li huma l-korpi preparatorji tal-Kunsill.
- Coreper iħejji l-ħidma tal-laqgħat kollha tal-Kunsill u jwettaq il-kompiti assenjati lilu mill-Kunsill. Il-Coreper 2 huwa magħmul minn rappreżentanti permanenti, filwaqt li l-Coreper 1 huwa magħmul minn deputati rappreżentanti permanenti.
- Coreper:
- jiżgura l-konsistenza tal-politiki u l-azzjonijiet tal-UE u l-osservanza tal-prinċipji tal-legalità, is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità, kif ukoll tar-regoli li jistabbilixxu s-setgħat tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE, u r-regoli dwar il-proċedura, it-trasparenza u l-kwalità tal-abbozzar;
- jeżamina minn qabel il-punti kollha fuq l-aġenda għal laqgħa tal-Kunsill u jiżgura t-tħejjija ta’ kull fajl għall-Kunsill;
- għal kull fajl, jagħmel ħiltu biex jilħaq ftehim fil-livell tiegħu, li mbagħad jiġi sottomess lill-Kunsill;
- jista’ jwaqqaf kumitati jew gruppi ta’ ħidma sabiex iwettqu kompiti jew studji ta’ tħejjija.
- jista’ jadotta numru ta’ deċiżjonijiet ta’ proċedura, bħal deċiżjoni li ssir laqgħa tal-Kunsill f’post li mhux Brussell jew il-Lussemburgu, deċiżjoni li tintuża proċedura bil-miktub, eċċ.
Il-Funzjonament tal-Kunsill
- Il-Kunsill għandu s-sede tiegħu fi Brussell, iżda jagħmel il-laqgħat tiegħu fil-Lussemburgu f’April, Ġunju u Ottubru. Is-sessjonijiet tal-Kunsill jissejħu mill-president, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ wieħed mill-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni Ewropea. Il-President jistabbilixxi l-aġenda proviżorja għal kull laqgħa tal-Kunsill.
- Il-kworum għandu jiġi vverifikat qabel jittieħed vot. Dan jintlaħaq jekk il-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill ikunu fiżikament preżenti. Il-Kunsill jivvota fuq l-inizjattiva tal-president tiegħu. Barra minn hekk, il-president jiftaħ proċedura ta’ votazzjoni fuq l-inizjattiva ta’ membru tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, diment li dan jiġi deċiż minn maġġoranza tal-membri tal-Kunsill.
Votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata (VMK)
Fl-1 ta’ Novembru 2014, ġiet introdotta proċedura ġdida għal VMK, ir-regola ta’ “maġġoranza doppja”.
- Meta l-Kunsill jivvota fuq proposta mressqa mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, maġġoranza kwalifikata tinkiseb jekk jiġu ssodisfati 2 kundizzjonijiet:
- 55 % tal-membri tal-Kunsill jivvutaw favur — jiġifieri 15 minn 27 (minn meta r-Renju Unit ħareġ mill-UE);
- il-proposta tiġi appoġġata mill-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni tal-UE.
- Meta l-Kunsill ma jaġixxix fuq proposta mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli, deċiżjoni tiġi adottata jekk:
- hemm 72 % tal-membri tal-Kunsill li jivvutaw favur; u
- dawn jirrappreżentaw mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni tal-UE.
It-trasparenza u l-pubblikazzjoni tal-atti tal-Kunsill
- Id-deliberazzjonijiet u l-voti dwar l-atti leġiżlattivi huma miftuħa għall-pubbliku.
- L-ewwel deliberazzjoni tal-Kunsill dwar proposti ġodda importanti mhux leġiżlattivi li fihom regoli legalment vinkolanti fil-pajjiżi tal-UE jew għalihom hija miftuħa għall-pubbliku.
- Fuq deċiżjoni meħuda mill-Kunsill jew mill-Coreper, il-Kunsill jorganizza dibattiti pubbliċi dwar kwistjonijiet importanti li jaffettwaw l-interessi tal-UE u ċ-ċittadini tagħha. Il-Kunsill jagħmel ukoll għadd ta’ dibattiti ta’ orjentazzjoni fil-pubbliku.
- L-atti leġiżlattivi għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU), kif ukoll ir-regolamenti u d-direttivi li jiġu indirizzati lill-pajjiżi kollha tal-UE, id-deċiżjonijiet li ma jispeċifikawx lil min huma indirizzati, il-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-UE. L-Artikolu 17 tar-Regoli ta’ Proċedura jelenka atti oħrajn li għandhom jiġu ppubblikati fil-ĠU, inkluż meta l-Kunsill jew il-Coreper jiddeċiedi hekk.
MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA?
Dawn ilhom japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 2009.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
DOKUMENT EWLIENI
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, pp. 35-61)
L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2009/937/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/430 tat-23 ta’ Marzu 2020 dwar deroga temporanja mir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ vvjaġġar ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni (ĠU L 88I, 24.3.2020, pp. 1-2)
l-aħħar aġġornament 19.06.2020