Regolamenti tal-Unjoni Ewropea

Regolamenti huma atti legali definiti mill-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Huma għandhom applikazzjoni ġenerali, huma vinkolanti fl-intier tagħhom u huma direttament applikabbli fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea (UE).

SOMMARJU

Regolamenti huma atti legali definiti mill-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Huma għandhom applikazzjoni ġenerali, huma vinkolanti fl-intier tagħhom u huma direttament applikabbli fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea (UE).

Pereżempju, meta l-UE ddeċidiet li tieħu azzjoni sabiex tipproteġi aħjar is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kontra r-riskji assoċjati mas-sustanzi kimiċi, hija adottat regolament dwar din il-kwistjoni.

Ir-regolament jifforma parti mil-liġi sekondarja tal-UE. Huwa adottat mill-istituzzjonijiet Ewropej abbażi tat-trattati fundaturi. Huwa għandu l-għan li jiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-UE fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Ir-regolament jiġi adottat wara proċedura leġiżlattiva. Huwa att leġiżlattiv adottat mill-Kunsill u mill-Parlament skont il-proċeduri leġiżlattivi ordinarji jew speċjali.

Ir-regolament huwa indirizzat lil kategoriji astratti ta’ persuni, mhux lil persuni identifikati. Dan huwa dak li jiddistingwih mid-deċiżjoni, definita fl-Artikolu 288 tat-TFUE. Huwa vinkolanti fl-intier tiegħu.

Regolament għandu jiġi rrispettat b’mod sħiħ minn dawk li għalihom japplika. Huwa att legali li jorbot fuq:

l-istituzzjonijiet tal-UE;

Pajjiżi tal-UE;

l-individwi li lilhom huwa indirizzat.

Ir-Regolament huwa direttament applikabbli fil-pajjiżi kollha tal-UE. Dan ifisser li huwa:

japplika immedjatament bħala n-norma fil-pajjiżi kollha tal-UE, mingħajr il-ħtieġa li jiġi traspost f’liġi nazzjonali;

joħloq drittijiet u obbligi għall-individwi u, għalhekk, dawn jistgħu jinvokawh direttament quddiem il-qrati nazzjonali;

jista’ jintuża bħala referenza minn individwi fir-relazzjoni tagħhom ma’ individwi oħrajn, pajjiżi tal-UE jew awtoritajiet tal-UE.

Huwa applikabbli fil-pajjiżi kollha tal-UE mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu (data stabbilita minnu jew, fin-nuqqas ta’ din, 20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali). L-effetti legali tiegħu huma vinkolanti b’mod simultanju, awtomatiku u uniformi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kollha.

Regolamenti delegati

Fil-proċedura tal-atti delegati (l-Artikolu 290 tat-TFUE), il-Kummissjoni tista’ tadotta regolamenti delegati sabiex tispeċifika jew tikkomplimenta ċerti dettalji jew aspetti ta’ regolament jew direttiva tal-UE.

Regolamenti ta’ implimentazzjoni

Fil-proċedura tal-atti ta’ implimentazzjoni (l-Artikolu 291 tat-TFUE), il-Kummissjoni tista’ tiġi awtorizzata sabiex tadotta regolamenti għall-eżekuzzjoni tal-leġiżlazzjoni li titlob implimentazzjoni uniformi fi ħdan l-UE. Is-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu eżerċitati b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

L-istituzzjonijiet Ewropej jistgħu wkoll jadottaw regolamenti ta’ implimentazzjoni għall-Fond Soċjali Ewropew u għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Dan it-tip ta’ regolament huwa definit fl-Artikoli 164 u 178 tat-TFUE.

Dawn huma atti legali li l-validità tagħhom tiddependi fuq “Regolament bażiku”. Filwaqt li r-Regolament bażiku jistabbilixxi r-regoli bażiċi, ir-regolament ta’ implimentazzjoni jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tekniċi.

Għal aktar tagħrif, ara dwar il-liġi tal-UE fuq is-sit elettroniku tal-Unjoni Ewropea.

L-aħħar aġġornament: 30.08.2015