Linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi

Linji gwida tal-Kunsill jipprovdu direzzjoni għall-koordinament tal-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE). Abbażi tal-objettivi strateġiċi ta' Ewropa 2020, dawn il-linji gwida jimmiraw li jappoġġaw riformi għal tkabbir sostenibbli xprunat mill-għarfien u l-innovazzjoni.

ATT

Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi.

SOMMARJU

L-Istati Membri tal-UE jikkunsidraw il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi meta jabbozzaw il-politiki tagħhom u jistabbilixxu miri nazzjonali. L-aktar linji gwida reċenti huma validi sal-aħħar tal-2014.

Il-linji gwida huma assoċjati ma' linji gwida wiesgħin għal politiki ekonomiċi, li flimkien jiffurmaw linji gwida integrati għall-istrateġija ta' Ewropa 2020. Huma wkoll il-bażi tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi annwali tal-UE.

Żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol

L-UE għandha l-għan li żżid ir-rata ta' impjiegi għan-nisa u rġiel ta' bejn l-24 u l-64 sena sa 75% sal-2020. Fil-politiki tagħhom, l-Istati Membri għandhom għaldaqstant jippromwovu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' żgħażagħ, ħaddiema anzjani, ħaddiema bi ftit ħiliet u immigranti legali. Għandhom jagħmlu wkoll l-impjiegi aktar attraenti - jiffukaw fuq il-flessigurtà, il-mobilità tal-ħaddiema u l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol - u jippromwovu l-fatt li wieħed jaħdem għal rasu, l-intraprenditorija, kif ukoll il-ħolqien tax-xogħol, inkluż fl-oqsma tal-kura u ta' xogħlijiet ambjentali.

Żvilupp ta' forza tax-xogħol b'ħila

Il-produttività u l-impjegabilità tal-ħaddiema tista' tiżdied billi jiġu żviluppati ħiliet ġodda li jikkorrespondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jestendu l-kapaċità tas-sistemi tal-edukazzjoni u taħriġ u għandhom jadattawhom għat-tendenzi tas-soċjetà b'mod konformi ma' ekonomija b'livell baxx ta' karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

Miżuri għandhom jiffokaw fuq edukazzjoni inizjali ta' kwalità għolja, taħriġ tul il-ħajja, u t-taħriġ għandu jkun miftuħ għal ħaddiema bi ftit ħiliet kif ukoll għal dawk b'ħiliet għoljin.

L-Istati Membri għandhom iħeġġu wkoll il-mobilità fix-xogħol, b'sistemi għar-rikonoxximent tal-kompetenzi akkwistati tan-nies.

Intejbu s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ

Sal-2020, l-ammont ta' studenti li jitilqu kmieni mis-sistema edukattiva għandu jitnaqqas għal inqas minn 10% u b'għallinqas 40% ta' dawk bejn 30 u 34 sena għandhom ikunu temmew edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti. L-Istati Membri għandhom jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja, il-mobilità internazzjoni tal-għalliema u ta' dawk li jitgħallmu, l-iżvilupp tal-oqfsa ta' kwalifiki għal mogħdijiet ta' tagħlim flessibbli, u sħubijiet ma' intrapriżi.

Niġġieldu l-esklużjoni soċjali

L-istrateġija ta' Ewropa 2020 tippromwovi l-inklużjoni soċjali u tiġġieled il-faqar, sabiex 20 miljun ruħ ma jibqgħux iħabbtu wiċċhom mar-riskju ta' faqar u esklużjoni.

L-Istati Membri għandhom isaħħu l-impjiegi ta' dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, sabiex in-nies ikollhom iktar setgħa u jiġi miġġieled il-faqar waqt li persuna jkollha xogħol.

Il-politiki nazzjonali għandhom jiggarantixxu aċċess għal servizzi bi prezz li jista' jintlaħaq, sostenibbli u ta' kwalità għolja, inkluż fis-settur soċjali. Għandhom jimmodernizzaw ukoll u jappoġġaw is-sistema tal-protezzjoni soċjali u tal-pensjonijiet.

Fl-aħħarnett, l-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni soċjali, it-tħaddin ta' opportunitajiet ugwali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni 2010/707/UE

21.10.2010

-

ĠU L 308 tal- 24.11.2010

Att emendatorju

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni 2013/208/UE

22.4.2013

-

ĠU L 118 tat-30.4.2013

Deċiżjoni 2014/322/UE

14.5.2014

-

ĠU L 165 tal-4.6.2014

L-aħħar aġġornament: 28.07.2014