Produzzjoni ta’ statistika tal-UE għall-għelejjel permanenti

 

SOMMARJU TA’:

ir-Regolament (UE) Nru 1337/2011 rigward l-istatistika Ewropea dwar għelejjel permanenti

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

Dan ir-Regolament jintroduċi regoli dwar il-produzzjoni ta’ statistika Ewropea dwar l-għelejjel permanenti*. Eżempji ta’ dawn jinkludu dwieli, żebbuġ u frott imkabbrin fis-siġar jew fl-arbuxxelli.

Dan jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 357/79 dwar stħarriġ statistiku ta’ nħawi tad-dwieli u d-Direttiva 2001/109/KE dwar l-istatistika fir-rigward tal-produzzjoni potenzjali tas-siġar tal-frott — żewġ setturi li l-produzzjoni u l-kundizzjonijiet tas-suq tagħhom evolvew b’mod sinifikanti minn mindu dawn l-atti daħlu fis-seħħ.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-produzzjoni tal-istatistika fir-rigward tal-għelejjel permanenti li ġejjin:

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jagħżlu li jiġbru statistika dwar is-siġar tat-tuffieħ, is-siġar tal-lanġas, is-siġar tal-ħawħ u s-siġar tal-għeneb tal-mejda għall-ipproċessar industrijali.

L-istatistika dwar l-għelejjel permanenti trid tirrappreżenta tal-anqas 95 % taż-żona totali mħawla li tipproduċi kompletament jew prinċipalment ta’ kull għalla permanenti msemmija f’kull pajjiż tal-UE.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jeskludu l-azjendi agrikoli ta’ livell limitu anqas minn 0.2 ettari (ha) ta’ kull għalla permanenti li tipproduċi kompletament jew prinċipalment għas-suq f’kull pajjiż tal-UE. Meta ż-żona koperta minn tali azjendi agrikoli tkun anqas minn 5 % taż-żona totali mħawla tal-għalla individwali, il-pajjiżi jistgħu jżidu dak il-livell limitu — sakemm dan ma jwassalx għall-esklużjoni ta’ aktar minn 5 % addizzjonali taż-żona totali mħawla ta’ dik l-għalla partikolari.

Il-pajjiżi tal-UE b’żona minima mħawla ta’ 1 000 ettaru ta’ kull għalla individwali, matul l-2012 u kull 5 snin wara din is-sena, jeħtiġilhom jipproduċu d-data msemmija fl-Anness I tar-Regolament.

Il-pajjiżi b’żona minima mħawla ta’ 500 ettaru ta’ dwieli għal finijiet oħra, fl-2015 u kull 5 snin wara din is-sena, jeħtiġilhom jipproduċu d-data ċċitata fl- Anness II tar-Regolament.

Meta l-pajjiżi tal-UE jwettqu stħarriġiet kampjunarji sabiex jiksbu data dwar għelejjel permanenti, jenħtieġ li dawn jiżguraw li l-koeffiċjent tal-varjazzjoni tad-data, fil-livell nazzjonali, ma jaqbiżx it-3 % għaż-żona mħawla għal kull għalla.

L-istatistika dwar id-dwieli intiża għal finijiet oħra (minbarra l-għeneb tal-mejda) għandha tiġi pprovduta permezz tad-data disponibbli fir-reġistru tal-vinji.

Id-data rigward l-għelejjel permanenti minbarra d-dwieli għal finijiet oħra trid tiġi maqsuma min-NUTS* unità territorjali waħda (1), ħlief fejn ikun speċifikat qsim anqas iddettaljat fir-regolament. Id-data rigward dwieli għal finijiet oħra trid tinqasam skont l-unitajiet territorjali tan-NUTS 2.

Jenħtieġ li d-data kollha tintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) sat-30 ta’ Settembru tas-sena wara l-perjodu ta’ referenza.

Il-Kummissjoni (Kummissjoni Ewropea) se tirrevedi l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni sal-aħħar ta’ Diċembru 2018 u kull 5 snin wara d-din id-data.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan beda japplika mill-1 ta’ Jannar 2012. Ċerti pajjiżi tal-UE — li s-sistemi tal-istatistika nazzjonali tagħhom kienu jirrikjedu adattamenti ewlenin — setgħu jingħataw eżenzjoni mill-applikazzjoni tar-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2012 u jkomplu japplikaw id-Direttiva 2001/109/KE.

TERMINI EWLENIN

Għalla permanenti: għalla li ma titkabbarx bin-newba, minbarra l-bur permanenti, li tokkupa l-ħamrija għal perjodu twil u li tagħti għelejjel għal diversi snin.
NUTS: nomenklatura ta’ unitajiet territorjali. NUTS 1 = reġuni soċjoekonomiċi ewlenin, e.ż. Il-Länder Ġermaniżi, ir-reġjuni Belġjani, ir-reġjuni Pollakki, il-makroreġjuni Rumeni, NUTS 2 = reġjuni bażiċi għall-applikazzjoni ta’ politiki reġjonali, eż. Provinċji Belġjani, reġjuni Daniżi, reġjuni Ċeki (kraje).

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 1337/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 rigward l-istatistika Ewropea dwar għelejjel permanenti u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 357/79 u d-Direttiva 2001/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 30.12.2011, pp. 7-20)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1337/2011 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 20.03.2018