Programm tal-UE għall-appoġġ tas-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju

Id-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE - qafas għall-appoġġ tas-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju

ATT

Id-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tistabbilixxi Qafas għall-Appoġġ tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju

SOMMARJU

Is-satelliti jifformaw is-sinsla għal ħafna applikazzjonijiet u servizzi li huma essenzjali għall-ekonomija, kif ukoll għas-sigurtà u l-benesseri tal-pubbliku. Madankollu, dawn jinsabu f’riskju ta’ kolliżjoni mat-tifrik spazjali*, li sar l-aktar theddida serja għall-attivitajiet spazjali.

X’TAGĦMEL ID-DEĊIŻJONI?

Hija tistabbilixxi l-qafas għall-appoġġ tas-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju, li għandu l-għan li jipproteġi lis-satelliti mit-tifrik spazjali.

PUNTI EWLENIN

X’inhi sorveljanza u insegwiment fl-ispazju (SST)?

SST tidentifika u timmonitorja s-satelliti u t-tifrik spazjali, l-aktar permezz ta’ sensuri bbażati fuq l-art, bħal teleskopji u radars. Fil-preżent, ma teżisti ebda kapaċità ta’ SST fil-livell Ewropew; l-operaturi tas-satelliti u li jibagħtu l-apparat fl-ispazju jiddependu fuq dejta mill-Istati Uniti għat-twissijiet għal kontra l-kolliżjonijiet.

Għanijiet

L-għan ewlieni tal-qafas tal-SST huwa li jappoġġja l-iżvilupp ta’ servizz ta’ SST Ewropew. Dan is-servizz ikun ibbażat fuq netwerk mibni madwar is-sensuri tal-SST eżistenti fil-pajjiżi tal-UE. In-netwerk jista’ jiġi appoġġjat minn teknoloġija u informazzjoni pprovduti mill-Istati Uniti.

Huwa għandu wkoll l-għanijiet speċifiċi li ġejjin:

li jivvaluta u jnaqqas ir-riskji ta’ kolliżjonijiet tas-satelliti mat-tifrik spazjali, u jintraċċa l-movimenti tagħhom meta jkun ġie identifikat riskju potenzjali ta’ kolliżjoni; dan jippermetti l-ippjanar u t-teħid ta’ azzjoni sabiex tiġi evitata l-kolliżjoni;

li jnaqqas ir-riskji relatati mal-varar ta’ vetturi spazjali Ewropej;

li jistħarreġ id-dħul mill-ġdid mhux ikkontrollat ta’ vetturi spazjali jew tifrik spazjali fl-atmosfera tad-Dinja u jipprovdi twissijiet bikrija aktar preċiżi u effiċjenti sabiex jitnaqqsu r-riskji relatati potenzjali;

li jfittex li jevita li t-tifrik spazjali jkompli jakkumula.

Min jista’ juża dawn is-servizzi?

Dawn għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet u l-operaturi pubbliċi, kummerċjali, ċivili u militari.

Progress

Il-Kummissjoni ser tipproduċi rapport ta’ implimentazzjoni dwar il-kisba tal-objettivi tad-Deċiżjoni sa Lulju 2018.

SFOND

TERMINI EWLENIN

* Tifrik spazjali: diversi oġġetti magħmulin mill-bniedem, bħal satelliti antiki u frammenti ta’ rokits, li jinsabu fl-orbitu madwar id-dinja.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE

16.6.2014

-

ĠU L 158, 27.5.2014, p. 227-234.

l-aħħar aġġornament 28.09.2015