It-titjib tal-ħruġ ta’ liċenzji onlajn għall-mużika madwar l-UE

Din id-direttiva għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur. Tagħmilha wkoll aktar faċli biex jinħarġu liċenzji madwar l-UE tad-drittijiet tal-awturi fir-rigward ta’ mużika li ssir disponibbli onlajn.

ATT

Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern.

SOMMARJU

Id-direttiva hija mfassla sabiex ittejjeb il-ħruġ ta’ liċenzji onlajn tal-mużika minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv fl-UE.

L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jiġbru, jimmanniġġjaw u jqassmu l-qligħ mill-użu tad-drittijiet li r-responsabbiltà għalihom ġiet iddelegata lilhom mid-detenturi tad-drittijiet (jiġifieri l-produtturi tal-mużika).

Il-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur tinkludi l-ħruġ ta’ liċenzji lill-utenti, il-monitoraġġ tal-użu tad-drittijiet, il-ġbir tad-dħul u t-tqassim tad-dħul. Dawn jippermettu li d-detenturi tad-drittijiet jitħallsu għall-użuli huma stess ma jkunux f’pożizzjoni li jikkontrollaw jew jinfurzaw .

Qabel l-introduzzjoni tad-direttiva, il-fornituri tas-servizzi tal-mużika onlajn normalment kellhom jiksbu liċenzji għas-servizzi mużikali madwar l-UE minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv separati f’kull pajjiż tal-UE.

Id-direttiva se tippermetti lill-fornituri ta’ servizzi mużikali onlajn jiksbu liċenzji mingħand organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv li joperaw lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Dan jissejjaħ “ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali” . Ir-regoli għal dan huma stabbiliti fit-Titolu III tad-direttiva. Dan it-tip ta’ liċenzjar huwa mistenni jagħti lill-konsumaturi għażla aktar vasta biex iniżżlu mużika jew jisimgħuha permezz ta’ strimjar u jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda ta’ aċċess għall-mużika. L-iżvilupp tas-servizzi mużikali legali onlajn fl-UE huwa mistenni wkoll jgħin fil-ġlieda kontra l-ksur tad-dittijiet tal-awtur onlajn.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs tal-Kummissjoni.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2014/26/UE

9.4.2014

10.4.2016

ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72-98.

l-aħħar aġġornament 08.08.2014