Il-protezzjoni ta’ data personali meta tintuża mill-awtoritajiet tal-pulizija u tal-ġustizzja kriminali (mill-2018)
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Direttiva (UE) 2016/680 — il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom mill-awtoritajiet tal-pulizija u tal-ġustizzja kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data
X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?
-
Hija għandha l-għan li tipproteġi aħjar id-data personali tal-individwi meta tkun qed tiġi pproċessata mill-awtoritajiet tal-pulizija u tal-ġustizzja kriminali.
-
Hija għandha l-għan ukoll li ttejjeb il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali fl-UE billi tippermetti lill-awtoritajiet tal-pulizija u tal-ġustizzja kriminali fil-pajjiżi tal-UE jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjonijiet b’mod aktar effiċjenti u effettiv.
-
Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data għall-Awtoritajiet tal-Pulizija u tal-Ġustizzja Kriminali hija parti mill-pakkett ta’ riforma tal-protezzjoni tad-data tal-UE flimkien mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (Regolament (UE) 2016/679).
PUNTI EWLENIN
Id-direttiva teħtieġ li d-data miġbura mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tkun:
-
ipproċessata b’mod legali u ġust;
-
miġbura għal skopijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u pproċessata biss f’konformità ma’ dawn l-għanijiet;
-
adegwata, relevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-iskop li għalih tiġi pproċessata;
-
preċiża u aġġornata fejn meħtieġ;
-
miżmuma f’forma li tippermetti l-identifikazzjon tal-individwu għal mhux aktar milli huwa meħtieġ għall-iskop tal-ipproċessar;
-
sigura b’mod xieraq, inkluż il-protezzjoni kontra pproċessar mhux awtorizzat u illegali.
Limiti taż-żmien
Il-pajjiżi tal-UE għandhom jistabbilixxu limiti taż-żmien għat-tħassir tad-data personali jew għal eżami regolari tal-bżonn li tinħażen tali data.
Individwi kkonċernati (“suġġetti tad-data”)
Id-Direttiva teħtieġ li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jagħmlu distinzjoni ċara bejn id-data ta’ kategoriji differenti ta’ persuni inkluż:
-
dawk li għalihom hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li jkunu wettqu jew li jkunu ser iwettqu reat kriminali;
-
dawk li ġew misjuba ħatja ta' reat kriminali;
-
vittmi ta' reati kriminali jew persuni li jista’ jkun maħsub raġonevolment li jistgħu jkunu l-vittmi ta' reati kriminali;
-
dawk li huma partijiet f'reat kriminali, inkluż xhieda potenzjali.
Informazzjoni disponibbli jew ipprovduta lis-suġġett tad-data
L-individwi għandhom id-dritt li ċerta informazzjoni ssir disponibbli għalihom mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi (jiġifieri tal-protezzjoni tad-data) inkluż:
-
l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-awtorità kompetenti li tiddeċiedi l-iskop u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data;
-
ir-raġuni għaliex id-data tagħhom qed tiġi pproċessata;
-
id-dritt li jressqu lment quddiem awtorità superviżorja u d-dettalji tal-kuntatt tal-awtorità;
-
l-eżistenza tad-dritt li jitolbu aċċess għal u korrezzjoni jew tħassir tad-data personali tagħhom kif ukoll id-dritt li jirrestrinġu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.
Sigurtà
L-awtoritajiet nazzjonali jridu jieħdu miżuri tekniċi u organizzattivi sabiex jiżguraw livell ta’ sigurtà għad-data personali li jkun xieraq għar-riskju. Fejn l-ipproċessar tad-data jkun awtomatizzat, għandhom jiġu stabbiliti għadd ta’ miżuri, inkluż li :
-
persuni mhux awtorizzati jiġu miċħuda l-aċċess għal tagħmir użat għall-ipproċessar;
-
jiġu evitati l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzati tal-mezzi tad-data;
-
jiġi evitat id-dħul mhux awtorizzat ta' data personali u l-wiri, il-bidla jew it-tħassir ta’ data personali maħżuna.
Revoka
Id-Direttiva tissostiwixxi d-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI dwar il-protezzjoni ta' data personali fil-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali b’effett mis-6 ta’ Mejju 2018.
MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Din ilha tapplika mill-5 ta’ Mejju 2016. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fid-dritt nazzjonali tagħhom sas-6 ta' Mejju 2018.
SFOND
DOKUMENT EWLIENI
Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 89–131)
ATTI RELATATI
Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 1–88)
l-aħħar aġġornament 23.01.2017