Id-direttiva dwar it-trasparenza fis-suq uniku
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Direttiva (UE) 2015/1535 — proċedura għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika
SOMMARJU
X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?
-
Din teħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar kwalunkwe abbozz ta’ regolamenti tekniċi dwar prodotti u servizzi tas-soċjetà tal-informatika qabel jiġu adottati fid-dritt nazzjonali. Hija tippermetti xi eċċezzjonijiet.
-
Għandha l-għan li tevita l-ħolqien ta' ostakoli ġodda għall-kummerċ.
PUNTI EWLENIN
-
Il-pajjiżi tal-UE jridu jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe abbozz ta’ regolament tekniku li beħsiebhom jintroduċu.
-
Il-Kummissjoni tinforma lill-pajjiżi tal-UE l-oħrajn immedjatament permezz tas-sistema ta’ informazzjoni dwar ir-regolamenti tekniċi (TRIS).
-
Jibda perjodu ta’ żmien tal-waqfien ta’ tliet xhur li matulu l-pajjiż tal-UE ma jistax jadotta l-abbozz ta’ regolament tekniku propost minnu. Dan jista’ jiġi estiż għal 4, 6, 12 jew anki 18-il xahar, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.
-
Matul dan iż-żmien, il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE l-oħrajn jeżaminaw l-abbozz ta’ regolament propost u jistgħu jirreaġixxu kif xieraq.
-
F’sitwazzjonijiet urġenti, minħabba ċirkustanzi serji u li ma jkunux jistgħu jiġu previsti, pajjiż tal-UE jista’ jadotta regolament tekniku mingħajr ma josserva l-perjodu ta’ żmien tal-waqfien (“proċedura ta’ urġenza”).
-
Il-Kummissjoni tirrapporta kull sentejn lill- Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva.
-
Il-leġiżlazzjoni toħloq kumitat permanenti ta’ uffiċjali nazzjonali taħt il-presidenza tal-Kummissjoni.
-
Il-kumitat jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena. Huwa jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kif tevita l-ostakoli għall-kummerċ u jqis kwistjonijiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-direttiva.
META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Id-Direttiva (UE) 2015/1535 irrevokat u ssostitwiet id-Direttiva 98/34/KE mis-7 ta’ Ottubru 2015.
SFOND
L-għan tal-proċedura 2015/1535
ATT
Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1-15)
l-aħħar aġġornament 27.01.2016