Fond ta’ Koeżjoni (2014-2020)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-objettivi għall-Fond ta’ Koeżjoni tal-UE għall-perjodu ta' finanzjament 2014-2020. Il-Fond huwa wieħed mill-istrumenti finanzjarji tal-UE li jimmira li jnaqqas id-diskrepanzi fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni.

ATT

Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006.

SOMMARJU

Il-Fond ta’ Koeżjoni jipprovdi appoġġ għar-reġjuni ifqar tal-UE bil-għan li jippromwovi t-tkabbir, l-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli. L-Istati Membri bi Dħul Nazzjonali Gross (GNI) għal kull abitant inqas minn 90% tal-medja tal-UE huma eleġibbli għal finanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni. L-ogħla limitu għall-kontribuzzjoni tal-Fond ta' Koeżjoni għall-infiq pubbliku fl-Istati Membri hija stabbilita għal 85%.

Oqsma ta' attività

Il-Fond ta’ Koeżjoni jikkofinanzja azzjoni sabiex:

jiġu żviluppati netwerks tat-trasport trans-Ewropej;

isir approfondiment tal-objettivi ambjentali tal-UE, jiġifieri l-promozzjoni ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija u enerġija rinnovabbli u appoġġ għal proġetti tat-trasport sostenibbli li ma jiffurmawx parti min-netwerks tat-trasport trans-Ewropej;

tipprovdi assistenza teknika.

Prijoritajiet ta' investiment jinkludu proġetti li jippromwovu:

ekonomija b'ammont baxx ta' karbonju;

adattament għat-tibdil fil-klima, prevenzjoni u ġestjoni tar-riskji;

protezzjoni ambjentali/konservazzjoni ambjentali;

trasport sostenibbli u t-tneħħija ta' intoppi.

Fil-perjodu ta' finanzjament 2014-2020 sejjer ikun hemm disponibbli total ta' EUR 10 biljun sabiex jiġu kofinanzjati proġetti ta' infrastruttura tat-trasport ta' valur miżjud Ewropew imsemmijin fir-Regolament dwar il-Faċilità ta' Konnessjoni tal-Ewropa (Nru 1316/2013).

Infiq eleġibbli

L-eleġibilità tiġi deċiża fuq livell nazzjonali. Madankollu, it-tipi ta' nfiq li ġejjin mhumiex eleġibbli għall-finanzjament tal-Fond ta’ Koeżjoni:

it-tħaddim għall-ewwel darba jew il-bini ta' stazzjonijiet ta' enerġija nukleari;

l-investiment sabiex jintlaħaq tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra minn attivitajiet koperti mill-Iskema ta' Kummerċjalizzazzjoni tal-Emissjonijiet (ETS);

akkomodazzjoni (għajr għal effiċjenza fl-użu tal-enerġija jew użu ta' enerġija rinnovabbli);

il-manifattura, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tat-tabakk;

għajnuna biex jiġu megħjunin kumpaniji f'diffikultà;

investiment fl-infrastruttura ta' ajruporti (sakemm ma jkunx relatat mal-protezzjoni ambjentali jew akkumpanjat minn miżuri li jtaffu l-impatt ambjentali negattiv).

Ir-Regolament għandu jiġi rivedut sal-31 ta' Diċembru 2020.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 1300/2013

21.12.2013

-

ĠU L 347 tal-20.12.2013

ATTI RELATATI

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/99/UE li tistabbilixxi l-lista ta’ reġjuni eliġibbli għal finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew u ta’ Stati Membri eliġibbli għall-finanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2014-2020. [ĠU L 50 tal-20.2.2014].

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

L-aħħar aġġornament: 17.04.2014