Regoli tal-UE li jiżguraw li l-istrumenti tal-kejl huma preċiżi
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva 2014/32/EU dwar strumenti tal-kejl
X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?
Hija tistabbilixxi regoli uniformi madwar l-UE kollha dwar il-bejgħ u t-tħaddim ta’ strumenti tal-kejl (MIs). MIs huma importanti għall-kummerċ, il-konsumaturi u l-industrija billi jiżguraw il-preċiżjoni tal-kejl u jgħinu fit-trasparenza u l-ekwità ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali.
Hija għandha l-għan li:
- tistabbilixxi l-ħtiġijiet essenzjali li l-istrumenti jew is-sistemi b’funzjoni ta’ kejl jeħtieġ jissodisfaw;
- tintroduċi regoli aktar faċli, ċari u konsistenti u tiżgura t-traċċabbiltà;
- tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għall-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri;
- tiżgura li strumenti li jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali jkunu jistgħu jiċċirkolaw liberament fl-UE.
Il-benefiċċji għandhom jinkludu:
- strumenti tal-kejl konformi u aktar preċiżi fis-suq tal-UE u livelli miżjuda ta’ fiduċja pubblika fihom;
- inqas strumenti mhux konformi u tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq li jirriżultaw minn prattiki ta’ infurzar differenti;
- protezzjoni tal-pubbliku minn kejl ħażin;
- lok akbar għall-innovazzjoni teknoloġika, billi jiġi adottat approċċ regolatorju modern.
Id-Direttiva tirriformula u tirrevoka d-Direttiva 2004/22/KE.
PUNTI EWLENIN
Id-direttiva ġġib il-leġiżlazzjoni dwar l-MI konformi mal-“qafas leġislattiv ġdid” tal-UE. Dan il-qafas jinkludi żewġ testi komplementari:
Kamp ta’ applikazzjoni
Strumenti tal-kejl ikkontrollati legalment jintużaw għal varjetà ta’ kompiti ta’ kejl fl-oqsma tas-saħħa u s-sigurtà pubblika kif ukoll ta’ kummerċ ġust. Id-Direttiva tapplika għal:
- arloġġi tal-utilitajiet (arloġġi tal-ilma, arloġġi tal-gass u apparat ta’ konverżjoni tal-volum*, arloġġi tal-enerġija elettrika attiva u arloġġi tal-enerġija termali);
- sistemi tal-kejl għall-kejl kontinwu u dinamiku ta’ kwantitajiet ta’ likwidi għajr ilma (eż. pompi tal-petrol),
- strumenti awtomatiċi tal-kejl (eż. Miżien pont tal-ferroviji jew linji tal-imballaġġ awtomatiċi);
- tassimetri,
- strumenti tal-kejl tal-materjali u strumenti tal-kejl dimensjonali (eż. għal xogħol tal-metall jew tal-injam); u
- analizzaturi tal-gass tal-egżost (eż. kontroll tal-prestazzjoni tal-magna).
Id-Direttiva tapplika għall-MIs kollha li huma ġodda fis-suq tal-UE meta jitqiegħdu f’dak is-suq jew jitħaddmu, jiġifieri huma:
- MIs ġodda magħmula minn manifattur stabbilit fl-UE; jew
- MIs importati minn pajjiż mhux tal-UE, kemm jekk huma ġodda kif ukoll jekk użati.
Hija tapplika għall-forom kollha ta’ provvista ta’ MIs, inkluż bejgħ mill-bogħod.
Responsabbilitajiet tal-manifatturi, tal-importaturi u tad-distributuri
Il-manifatturi għandhom jiżguraw li:
- l-MIs kollha li huma għall-bejgħ fl-UE għandhom il-marka ta’ konformità li tikkonsisti fit-tikketta Ewropea ta’ konformità (CE) flimkien mal-marka supplimentari tal-metroloġija (M), bl-aħħar żewġ numri tas-sena li fiha titwaħħal il-marka CE u l-korp notifikat* numru(i), li jindikaw li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali tal-leġiżlazzjoni tal-UE (stabbilit f’Anness I tad-Direttiva u fl-annessi speċifiċi għall-istrumenti);
- iwettqu valutazzjoni tar-riskju u tal-konformità u jfasslu dokumentazzjoni teknika għall-MI qabel ma jwaħħlu t-tikketti CE + M (ara l-Anness II tad-Direttiva);
- (u jekk jaħtru rappreżentant awtorizzat*) iżommu d-dokumentazzjoni teknika u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE (kif stipulat fl-Anness II tad-Direttiva) għal 10 snin wara li l-MI jkun tqiegħed fis-suq;
- jindikaw fuq l-MI isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata u l-indirizz postali fejn jistgħu jiġu kkuntattjati biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà;
- fil-każ li jemmnu li l-MIs li jkunu tqiegħdu fis-suq ma jkunux konformi, jieħdu l-miżuri korrettivi biex iġibuhom konformi, jirtirawhom jew jitolbuhom lura;
- l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni li jakkumpanjaw l-MI huma miktuba b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment mill-utenti aħħara tagħha u li dawn, kif ukoll kwalunkwe tikkettar, ikunu ċari u jinftiehmu.
L-importaturi għandhom jiżguraw li:
- l-MIs li jqiegħdu fis-suq jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali;
- il-manifatturi jkunu wettqu l-valutazzjonijiet tal-konformità b’mod korrett u jinformaw lill-awtorità ta’ sorveljanza tas-suq jekk iqisu li l-MIs ma jikkonformawx;
- jindikaw fuq l-MI isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tagħhom u l-indirizz postali fejn jistgħu jiġu kkuntattjati;
- it-tikkettar tal-MIs u d-dokumentazzjoni magħmulin mill-manifatturi jkunu disponibbli għall-ispezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti.
Id-distributuri għandhom jiżguraw li:
- l-MIs taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet tal-ħażna jew tat-trasport tal-MIs ma jpoġġux f’riskju l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti essenzjali;
- l-MIs ikollhom it-tikketti meħtieġa;
- fil-każ li jkunu jemmnu li l-MIs li jkunu disponibbli fis-suq ma jkunux konformi, jieħdu l-miżuri korrettivi biex iġibuhom konformi, jirtirawhom jew jitolbuhom lura;
Barra minn hekk, id-Direttiva:
- tintroduċi rekwiżiti biex tinnotifika l-awtoritajiet u l-proċeduri għan-notifika tal-korpi tal-evalwazzjoni tal-konformità;
- tispeċifika kif awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq għandhom jidentifikaw u jipprevjenu l-bejgħ ta’ MIs li jirrappreżentaw riskju għall-aspetti ta’ protezzjoni ta’ interess pubbliku, inkluż l-importazzjoni tagħhom minn pajjiżi mhux tal-UE;
- tinkludi regoli dwar il-pieni għal ksur minn manifatturi, importaturi u distributuri li jistgħu jinkludu pieni kriminali f’każijiet serji.
MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Id-Direttiva 2014/32/UE rrevediet u ssostitwiet id-Direttiva 2004/22/KE u kellha tiġi applikata fil-pajjiżi tal-UE mill-20 ta’ April 2016.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Apparat ta’ konverżjoni tal-volum: apparat użat biex jikkonverti l-fluss tal-kejl, it-temperatura, il-pressjoni u l-kompożizzjoni tal-gass taħt kundizzjonijiet operattivi f’kundizzjonijiet bażi.
Korp notifikat: organizzazzjoni indipendenti maħtura minn pajjiż tal-UE biex tivvaluta l-konformità ta’ ċerti prodotti qabel ma jitqiegħdu fis-suq. Huwa jwettaq kompiti relatati mal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti, meta jkun meħtieġ l-intervent ta’ awtorità esterna.
Rappreżentant awtorizzat: kull individwu jew organizzazzjoni stabbilita fl-UE b’mandat bil-miktub mingħand il-manifattur sabiex taġixxi f’isimhom.
DOKUMENT EWLIENI
Id-Direttiva 2014/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ strumenti tal-kejl (riformulazzjoni) (ĠU L 96, 29.3.2014, pp. 149-250)
Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2014/32/UE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Ir-Regolament (UE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, pp. 30-47)
Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, pp. 82-128)
l-aħħar aġġornament 12.11.2019