Protezzjoni internazzjonali – għajnuna ta’ emerġenza lill-Italja u lill-Greċja
SOMMARJU TA’:
Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1523 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja
Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja
X’INHU L-GĦAN TA’ DAWN ID-DEĊIŻJONIJIET?
- Huma jistabbilixxu miżuri provviżorji biex tingħata għajnuna lill-Italja u lill-Greċja biex dawn ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ influss ta’ nies li jfittxu asil minn barra l-UE f’konformità mal-prinċipju tas-solidarjetà u tat-tqassim ġust tar-responsabbiltà.
- Minħabba f’hekk, massimu ta’ 160,000 persuna li jeħtieġu asil għandhom ikunu rilokati mill-Greċja u mill-Italja lejn pajjiżi oħrajn tal-UE fil-perjodu ta’ bejn l-2015 u l-2017.
PUNTI EWLENIN
- Taħt id-Deċiżjoni (UE) 2015/1523, 24,000 persuna li qed ifittxu l-asil se jiġu rilokati mill-Italja u 16,000 se jkunu rilokati mill-Greċja f’pajjiżi oħrajn tal-UE.
- Taħt id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601, 15,600 persuna li qed ifittxu l-asil se jiġu rilokati mill-Italja; 50,400 se jiġu rilokati mill-Greċja; u wara sena, 54,000 se jiġu rilokati proporzjonalment f’pajjiżi oħrajn tal-UE mill-Italja u mill-Greċja (abbażi tal-Annessi I u II għal din id-Deċiżjoni). Madankollu, jekk fil-perjodu ta’ intervent, pajjiżi oħrajn tal-UE jesperjenzaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza simili għal dawk tal-Italja u tal-Greċja, il-Kummissjoni Ewropea se toħroġ proposti sabiex tirrialloka b’mod proporzjonat lil dawk li jfittxu asil f’pajjiżi oħrajn tal-UE. Dan ma kienx il-każ.
- Fil-każ tal-ewwel Deċiżjoni tal-Kunsill, madwar 8,000 post ma ġew allokati lil ebda Stat Membru. Taħt it-tieni Deċiżjoni tal-Kunsill, l-Istati Membri jistgħu jikkonformaw mal-obbligi tagħhom fir-rigward ta’ 54,000 persuna wkoll permezz tal-ammissjoni legali ta’ Sirjani mit-Turkija.
- Jekk pajjiż tal-UE ta’ rilokazzjoni ma jkunx jista’ jakkomoda s-sehem tiegħu ta’ persuni li jkunu qed ifittxu l-asil, irid jipprovdi raġunijiet iġġustifikati (eż. wisq pressjoni fuq is-sistema tal-asil tiegħu) lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-UE. Ladarba l-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni, tista’ tagħti lill-pajjiż tal-UE sa 30 % sospensjoni temporanja tal-proċess.
- Il-persuni eliġibbli għar-rilokazzjoni huma applikanti għall-protezzjoni internazzjonali identifikati kif xieraq, irreġistrati u li jkunu tteħdulhom il-marki tas-swaba’ u li jkunu ta’ nazzjonalità b’livell ta’ rikonoxximent ta’ 75 % madwar l-UE skont data tal-Eurostat fil-kwart korrispondenti u li jkunu waslu fl-Italja u fil-Greċja fiż-żmien previst mid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill.
- Pajjiż tal-UE jista’ jirrifjuta li jaċċetta persuna li tkun qed tfittex l-asil għar-raġuni li hija ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali tiegħu, għall-ordni pubbliku jew fejn ikun hemm raġunijiet serji biex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ esklużjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifika.
Il-proċess ta’ rilokazzjoni
- Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill jistabbilixxu sistema obbligatorja għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja, li jfisser li la l-pajjiż tal-UE ta’ rilokazzjoni u lanqas il-persuna li tkun qed tfittex asil ma għandhom għażla fil-proċedura.
- Kull pajjiż tal-UE għandu:
- jistabbilixxi punt ta’ kuntatt nazzjonali għall-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn tal-UE u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO);
- jinnomina uffiċjali ta’ kollegament biex jaħdmu mal-Italja u l-Greċja;
- jindikaw f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, in-numru ta’ applikanti li jistgħu jiġu rilokati malajr lejn it-territorju tagħhom (wegħdiet formali).
- Dawk li jfittxu l-asil jiġu identifikati, reġistrati, jittiħdulhom il-marki tas-swaba’ u jiġu intervistati fil-Greċja jew fl-Italja. Il-profili tagħhom jitfasslu bl-għajnuna tal-EASO. Minn hemmhekk, huma jiġu assenjati lill-pajjiż tal-UE li l-aktar jaqbel mal-profil tagħhom. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jindikaw preferenzi għal ċerti kandidati sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni iżda dan mhuwiex legalment vinkolanti għall-Italja jew għall-Greċja. Meta jagħmlu t-tqabbil, l-awtoritajiet Griegi u Taljani se jieħdu inkunsiderazzjoni dawk il-preferenzi kif ukoll kwalunkwe konnessjoni familjali, lingwistika, soċjali, kulturali jew konnessjonijiet oħrajn li jistgħu jeżistu bejn l-applikant individwali u l-pajjiż tal-UE ta’ rilokazzjoni potenzjali.
- Ladarba approvat mill-pajjiż riċevitur tal-UE, it-trasferiment ta’ dak li jkun qed ifittex l-ażil isir kemm jista’ jkun malajr.
- Il-proċedura kollha ta’ rilokazzjoni, mill-mument li fih il-pajjiż tal-UE jagħmel wegħda formali sal-wasla ta’ dak li jkun qed ifittex asil, ma għandhiex tieħu aktar minn xahrejn, għalkemm bħala eċċezzjoni tista’ tieħu sa tliet xhur u nofs.
- Taħt iż-żewġ Deċiżjonijiet, il-pajjiżi ta’ rilokazzjoni tal-UE se jieħdu €6,000 għal kull persuna rilokata.
- Taħt id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 l-Italja u l-Greċja se jirċievu wkoll €500 għal kull persuna rilokata biex ikopru l-ispejjeż tat-trasport lejn il-pajjiżi tal-UE ta’ rilokazzjoni.
- Iż-żewġ Deċiżjonijiet jinkludu eżenzjoni limitata u temporanja mir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (magħruf ukoll bħala r-Regolament ta’ Dublin III) li jiddetermina l-pajjiż tal-UE responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-asil).
- L-Italja u l-Greċja jridu jfasslu pjanijiet direzzjonali sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet strutturali fis-sistemi tagħhom tal-asil, ta’ akkoljenza u ta’ ritorn.
- Il-Kummissjoni kienet qed tirrapporta b’mod regolari dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni filwaqt li tidentifika l-ostakoli u s-soluzzjonijiet.
MINN META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONIJIET?
- Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1523 daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Settembru 2015 u tapplika għall-persuni li jaslu fit-territorju tal-Italja u tal-Greċja mis-16 ta’ Settembru 2015 sas-17 ta’ Settembru 2017, kif ukoll għall-applikanti li waslu fit-territorju tal-Italja u tal-Greċja mill-15 ta’ Awwissu 2015 ’il quddiem.
- Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Settembru 2015 u tapplika għall-persuni li jaslu fit-territorju tal-Italja u tal-Greċja mill-25 ta’ Settembru 2015 sas-26 ta’ Settembru 2017, kif ukoll għall-applikanti li waslu fit-territorju tal-Italja u tal-Greċja mill-24 ta’ Marzu 2015 ’il quddiem.
SFOND
- Kemm l-Italja kif ukoll il-Greċja esperjenzaw influssi kbar ħafna ta’ persuni, l-aktar mis-Sirja, mill-Iraq u mill-Eritrea, li jkunu qed ifittxu l-asil. Dan poġġa lis-sistemi tal-asil taż-żewġ pajjiżi taħt pressjoni konsiderevoli.
- Il-bażi legali għal dawn id-Deċiżjonijiet hija l-Artikolu 78(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE li jiddikjara li: “F’każ li [Stat Membru] wieħed jew iktar isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ emerġenza karatterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ [pajjiżi terzi], il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jadotta miżuri provviżorji għall-benefiċċju ta’ [l-Istat(i) Membru(i)] konċernat(i). Għandu jaġixxi wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.”
- Għal aktar informazzjoni, ara:
DOKUMENTI EWLENIN
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU L 239, 15.9.2015, pp. 146-156)
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU L 248, 24.9.2015, pp. 80-94)
L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.
DOKUMENTI RELATATI
Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — Il-15-il rapport dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni (COM(2017) 465 final, 6.9.2017).
Rapporti preċedenti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ rilokazzjoni u ta’ risistemazzjoni: COM(2016) 165 final; COM(2016) 222 final; COM(2016) 360 final; COM(2016) 416 final; COM(2016) 480 final; COM(2016) 636 final; COM(2016) 720 final; COM(2016) 791 final; COM(2017) 74 final; COM(2017) 202 final; COM(2017) 212 final; COM(2017) 260 final; COM(2017) 330 final; COM(2017) 405 final.
Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 180, 29.6.2013, pp. 1-30)
Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, pp. 31-59)
Ara l-verżjoni konsolidata.
l-aħħar aġġornament 17.11.2016