Impjieg bħala ħaddiema staġjonali

L-Unjoni Ewropea (UE) adottat liġi (direttiva) li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu jixtiequ jaħdmu fil-pajjiżi membri tagħha għal perjodi qosra bħala ħaddiema staġjonali, ħafna drabi fl-agrikoltura u fit-turiżmu. Din tinkludi drittijiet illi jiżguraw li dawn il-ħaddiema ma jiġux sfruttati matul is-soġġorn tagħhom.

ATT

Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali.

SOMMARJU

Fid-dawl tal-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ u r-rata tat-twelid baxxa tal-UE, il-Programm ta’ Stokkolma jirrikonoxxi li filwaqt li l-immigrazzjoni għax-xogħol tista’ tgħin sabiex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku, huma meħtieġa politiki flessibbli għall-ġestjoni tal-flussi tal-immigrazzjoni. Għal din ir-raġuni, il-pajjiżi tal-UE qablu fuq liġi dwar l-immigrazzjoni staġjonali.

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-liġi tapplika għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li l-post prinċipali tar-residenza tagħhom jinsab f’pajjiż terz u li jidħlu f’pajjiż tal-UE sabiex jaħdmu hemmhekk temporanjament.

Setturi

Kull pajjiż tal-UE għandu jħejji lista ta’ setturi li jiddependu fuq kundizzjonijiet staġjonali (pereżempju, it-turiżmu fis-sajf u l-ħsad ta’ ċerti uċuh tar-raba’). Huma għandhom jissottomettu din il-lista lill-Kummissjoni Ewropea.

Kundizzjonijiet tal-ammissjoni

Sabiex jitħallew jaħdmu fl-UE, il-ħaddiema għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet tal-permess tagħhom ikunu jinkludu kuntratt tax-xogħol jew offerta ta’ impjieg vinkolanti li jispeċifikaw il-paga, is-sigħat tax-xogħol u kundizzjonijiet oħrajn. Hija meħtieġa wkoll evidenza ta’ akkomodazzjoni adegwata.

It-tul tas-soġġorn

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiffissaw soġġorn massimu għall-ħaddiema staġjonali ta’ bejn 5 u 9 xhur fi kwalunkwe perjodu ta’ 12-il xahar.

Ladarba jkunu fl-UE, il-ħaddiema huma intitolati li jestendu l-kuntratt tax-xogħol tagħhom jew li jbiddlu l-impjegatur tagħhom, diment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul u ma tapplika ebda bażi għal rifjut. Matul is-soġġorn massimu permess, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jippermettu lill-ħaddiema jestendu l-kuntratt tagħhom mal-istess impjegatur aktar minn darba, kif ukoll li jkollhom kuntratti ma’ aktar minn impjegatur wieħed.

Trattament ugwali

Il-ħaddiema staġjonali għandhom id-dritt għal trattament ugwali bħaċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti fir-rigward tat-termini tal-impjieg, bħall-età tax-xogħol minima, il-kundizzjonijiet tax-xogħol (bħall-paga u s-sensja, is-sigħat tax-xogħol, il-liv u l-btajjel) u r-regolamenti dwar is-saħħa u s-sikurezza. Dan it-trattament ugwali japplika wkoll għal fergħat tas-sigurtà soċjali (benefiċċji marbuta mal-mard, mal-invalidità u max-xjuħija), taħriġ, pariri dwar xogħol staġjonali offrut mill-uffiċċji tal-impjiegi u servizzi pubbliċi oħrajn, ħlief għall-akkomodazzjoni pubblika.

Madankollu, il-pajjiżi tal-UE ma għandhomx bżonn japplikaw it-trattament ugwali fir-rigward tal-qgħad u l-benefiċċji familjari u jistgħu jillimitaw it-trattament ugwali fuq il-benefiċċji fiskali, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

Sanzjonijiet u l-prevenzjoni tal-abbuż

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jintroduċu miżuri maħsuba biex jipprevjenu l-abbużi possibbli, kif ukoll sanzjonijiet fejn ikun hemm l-abbużi. Huma għandhom idaħħlu fis-seħħ ukoll mekkaniżmi maħsuba biex jittrattaw l-ilmenti kontra dawk li jħaddmu.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2014/36/UE

29.3.2014

30.9.2016

ĠU L 94 tat-28.3.2014

30.06.2014