Is-simplifikazzjoni taċ-ċirkolazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-UE
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Ir-Regolament (UE) 2016/1191 dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-UE
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
-
Dan għandu l-għan li jnaqqas il-burokrazija u l-ispejjeż taċ-ċittadini meta jippreżentaw dokument pubbliku lill-awtoritajiet ta’ wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li jkun ħareġ mill-awtoritajiet ta’ pajjiż ieħor tal-UE.
-
Hu jneħħi r-rekwiżit tal-apostilla (ara t-taqsima ta’ hawn taħt) u jissimplifika formalitajiet fir-rigward ta’ kopji ċċertifikati u traduzzjonijiet.
PUNTI EWLENIN
Kamp ta’ applikazzjoni
-
Ir-regolament ikopri dokumenti pubbliċi inkluż dokumenti amministrattivi, atti notarili, sentenzi u dokumenti konsulari f’ċerti oqsma.
-
L-oqsma koperti mir-regolament huma kif ġej:
-
it-twelid;
-
il-mewt;
-
l-isem;
-
iż-żwieġ, inkluż il-kapaċità li persuna tiżżewweġ u l-istat taż-żwieġ;
-
id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ;
-
is-sħubija rreġistrata, inkluż il-kapaċità li persuna tidħol fi sħubija rreġistrata u l-istatus ta’ sħubija rreġistrata;
-
ix-xoljiment ta’ sħubija rreġistrata, is-separazzjoni legali jew l-annullament ta’ sħubija rreġistrata;
-
il-paternità, inkluż l-adozzjoni;
-
id-domiċilju u/jew ir-residenza;
-
in-nazzjonalità;
-
in-nuqqas ta’ rekord kriminali;
-
id-dritt li persuna tivvota u li toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
-
Ir-regolament ikopri biss l-awtentiċità tad-dokument pubbliku u mhux ir-rikonoxximent tal-kontenut jew tal-effetti tiegħu.
It-tneħħija tar-rekwiżit tal-apostilla
Fl-oqsma koperti mir-regolament, meta ċittadin jippreżenta dokument pubbliku lill-awtoritajiet ta’ pajjiż tal-UE maħruġ mill-awtoritajiet ta’ pajjiż ieħor tal-UE, l-awtoritajiet li jilqgħu d-dokument ma jistgħux jitolbu li d-dokument ikollu timbru tal-apostilla (it-timbru tal-apostilla hu mfassal sabiex ikun xhud tal-awtentiċità ta’ dokument pubbliku li jkun ħareġ f’pajjiż barrani).
Kopji ċċertifikati
-
Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jitolbu l-preżentazzjoni tad-dokument pubbliku oriġinali jew tal-kopja ċċertifikata tiegħu, iżda mhux it-tnejn f’daqqa fl-istess ħin.
-
Jekk pajjiż tal-UE jaċċetta l-preżentazzjoni ta’ kopja ċċertifikata minflok id-dokument oriġinali, hu jrid jaċċetta kopja ċċertifikata li tkun saret f’pajjiż ieħor tal-UE.
Traduzzjonijiet
Il-pajjiż tal-UE fejn jiġi ppreżentat id-dokument oriġinali ma jistax jitlob traduzzjoni jekk id-dokument pubbliku jkun miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż tal-UE jew f’lingwa mhux uffiċjali li l-pajjiż tal-UE jista’ jaċċetta.
Barra minn hekk, ma tistax tintalab traduzzjoni meta dokument pubbliku jiġi akkumpanjat minn formola standard multilingwi. Dan bil-kundizzjoni li l-awtorità li lilha jkun ġie ppreżentat id-dokument pubbliku tqis li l-informazzjoni inkluża fil-formola hi suffiċjenti għall-ipproċessar tad-dokument.
Formoli standard multilingwi
-
Ir-regolament jintroduċi formoli standard multilingwi fakultattivi fil-lingwi kollha tal-UE.
-
Sabiex jevitaw ir-rekwiżiti tat-traduzzjoni, iċ-ċittadini jistgħu jippreżentaw dawn il-formoli lil pajjiż ieħor tal-UE bħala għajnuniet tat-traduzzjoni mehmużin mad-dokument pubbliku tagħhom.
-
Jekk id-dokument pubbliku ppreżentat jiġi akkumpanjat minn formola standard multilingwi, il-pajjiż tal-UE li jkun qed jilqa’ d-dokument jista’ jitlob biss traduzzjoni tad-dokument f’ċirkostanzi eċċezzjonali.
-
Jekk ikun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn u l-pajjiż tal-UE li jilqa’ d-dokument jitlob traduzzjoni ċċertifikata, dan irid jaċċetta traduzzjoni ċċertifikata li tkun saret f’pajjiż ieħor tal-UE.
-
Il-formoli standard multilingwi bħala għajnuniet tat-traduzzjoni ta’ dokumenti pubbliċi huma disponibbli għal dokumenti dwar:
-
it-twelid;
-
persuna li tkun ħajja;
-
il-mewt;
-
iż-żwieġ, inkluż il-kapaċità li persuna tiżżewweġ u l-istat taż-żwieġ;
-
is-sħubija rreġistrata, inkluż il-kapaċità li persuna tidħol fi sħubija rreġistrata u l-istatus ta’ sħubija rreġistrata;
-
id-domiċilju u/jew ir-residenza;
-
in-nuqqas ta’ rekord kriminali.
Dokumenti frodulenti
-
Ir-regolament jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE sabiex jiġġieldu kontra dokumenti pubbliċi frodulenti. Il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni huwa bbażat fuq sistema tal-IT eżistenti (is-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern).
-
Il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni jagħti lok lill-awtoritajiet tal-pajjiż tal-UE li jkun qed jilqa’ d-dokument biex, jekk dawn ikollhom dubju serju dwar l-awtentiċità ta’ dokument pubbliku ppreżentat minn ċittadin, jitkellmu mal-awtoritajiet tal-pajjiż tal-UE li joħroġ id-dokument.
META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Dan japplika mis-16 ta’ Frar 2019 bl-eċċezzjoni ta’:
-
L-Artikolu 24(2) (informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata mill-pajjiżi tal-UE dwar entrati speċifiċi għall-pajjiż li għandhom jiġu inklużi fil-formoli standard multilingwi) li japplika mis-16 ta’ Frar 2017;
-
L-Artikoli 12 u 24(3) (id-disponibbiltà ta’ entrati speċifiċi għall-pajjiż skont il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika) li japplikaw mis-16 ta’ Frar 2018; u
-
L-Artikoli 22 u 24(1) (informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata mill-pajjiżi tal-UE lill-Kummissjoni Ewropea) li japplikaw mis-16 ta’ Awwissu 2018.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
DOKUMENT EWLIENI
Ir-Regolament (UE) Nru 2016/1191 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 200, 26.7.2016, pp. 1-136)
l-aħħar aġġornament 12.01.2017