Penali kriminali għall-falsifikazzjoni tal-flus

Skont il-Bank Ċentrali Ewropew, il-falsifikazzjoni wasslet għal ħsara finanzjarja ta’ mill-anqas EUR 500 miljun lill-ekonomija tal-Unjoni Ewropea, mill-introduzzjoni tal-munita fl-2002. Ġiet adottata liġi ġdida sabiex tipproteġi l-euro u l-muniti l-oħrajn kontra l-falsifikazzjoni.

ATT

Direttiva 2014/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI.

SOMMARJU

Id-direttiva l-ġdida tal-Unjoni Ewropea (UE) tistipula regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ offiżi kriminali u sanzjonijiet fir-rigward ta’ falsifikazzjoni tal-flus. Hija tintroduċi regoli komuni għall-ġlieda kontra l-falisfikazzjoni, għat-titjib tal-investigazzjoni u għall-iżgurar ta’ kooperazzjoni aħjar bejn il-pajjiżi tal-UE għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni.

Offiżi

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jintroduċu miżuri li jiżguraw li kwalunkwe azzjoni frodulenti b’mod intenzjonali li tagħmel, tirċievi, takkwista jew tkun f’pussess ta’ strumenti, oġġetti jew programmi tal-kompjuter, kif ukoll karatteristiċi tas-sigurtà (bħal ologrammi jew watermark) tkun punibbli.

Imġiba intenzjonali għandha tkun punibbli wkoll fir-rigward ta' karti u muniti li ma nħarġux maħsubin għaċ-ċirkolazzjoni bħala valuta legali, kif ukoll inċitament, għajnuna u kumpliċità .

Sanzjonijiet għal individwi (persuni naturali)

Is-sanzjonijiet introdotti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jinkludu l-ħabs. It-terminu massimu ta’ ħabs (5 jew 8 snin skont il-każ) għandu japplika tal-inqas għall-offiżi ta’ falsifikazzjoni fil-forom l-aktar serji.

Għalkemm li tgħaddi intenzjonalment flus folozli tkun irċevejt in bona fede jista’ jkun soġġett għal penali bħal multi, għandu jkun hemm dispożizzjoni għal ħabs bħala sanzjoni massima fil-liġijiet nazzjonali tal-pajjiżi.

Responsabbilità ta’ u sanzjonijiet għal entitajiet legali

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-entitajiet (eżempju kumpaniji u assoċjazzjonijiet) jistgħu jkunu miżmuma responsabbli bħala alternattiva għal individwi (persuni naturali), u japplikaw sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fuq persuni legali. Il-firxa ta’ sanzjonijiet għandha tkun definita, sabiex tinkludi esklużjoni għall-intitolament għall-benefiċċji jew għajnuna, skwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta’ attivitajiet kummerċjali, u tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja.

Analiżi u kxif ta’ karti u muniti tal-euro falsifikati

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li ċ-ċentri nazzjonali ta’ analiżi tagħhom u ċ-ċentri nazzjonali tal-analiżi tal-muniti jkunu jistgħu jittestjaw għal euro foloz u jkunu disponibbli għal proċedimenti ġudizzjarji għal għanijiet ta’ kxif ta’ aktar flus foloz.

Applikazzjoni

L-Irlanda għażlet li tkun parti minn din id-Direttiva. Iżda id-Danimarka u r-Renju Unit (1) mhumiex marbutin biha.

REFERENZI

Att li jemenda

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2014/62/UE

22.5.2014

23.5.2016

ĠU L 151 ta' 21.5.2014

l-aħħar aġġornament 10.08.2014



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.