Pakkett dwar il-klima u l-enerġija 2020

Il-pakkett dwar il-klima u l-enerġija jinkludi leġiżlazzjoni kumplimentari, maħsuba sabiex tiżgura li l-UE tilħaq il-miri ambizzjużi tagħha dwar il-klima u l-enerġija għall-2020. Il-pakkett jistabbilixxi tliet miri ewlenin:

ATT

Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE.

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IL-PAKKETT?

Dawn il-miri “20-20-20” huma maħsubin sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, filwaqt li tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-UE u tissaħħaħ il-kompetittività tagħha. Dawn huma wkoll miri ewlenin għall-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

PUNTI EWLENIN

Sistema ta’ Skambju tal-Emissjonijiet Riformata tal-UE

Ir-reviżjoni tas-Sistema ta’ Skambju tal-Emissjonijiet tal-UE (EU ETS) tinsab fil-qalba tal-pakkett, u tkopri madwar 45 % tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet b’effett serra tal-UE. Is-sistema tinkludi lill-pajjiżi kollha tal-UE kif ukoll l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja. Din tfittex li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mis-settur tal-enerġija u l-ispiża tal-industrija ewlenija b’mod effettiv billi tistabbilixxi prezz tas-suq fuq l-emissjonijiet bl-applikazzjoni ta’ politika ta’ limiti u skambji (cap and trade)*. L-EU ETS tapplika għal madwar 11 000 impjant tal-enerġija u faċilitajiet industrijali oħrajn fuq skala kbira. Fl-2012, l-EU ETS ġiet estiża sabiex tinkludi l-avjazzjoni.

L-EU ETS hija bbażata fuq id-Direttiva dwar l-Iskambju ta’ Emissjonijiet, li ġiet riveduta u msaħħa b’mod sinifikanti. Ir-reviżjoni bdiet tapplika mill-2013, il-bidu tat-tielet perjodu ta’ negozjar tal-EU ETS, u tintroduċi dawn li ġejjin fis-sistema:

Miri nazzjonali għal emissjonijiet mhux tal-EU ETS

It-tieni biċċa leġiżlazzjoni tal-pakkett hija d-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi. Din tistabbilixxi miri annwali għal kull pajjiż tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra tiegħu minn setturi li mhumiex koperti mill-EU ETS, bħall-akkomodazzjoni, l-agrikoltura, l-iskart u t-trasport (eskluża l-avjazzjoni).

Il-miri nazzjonali, li jkopru l-perjodu 2013-2020, huma differenzjati skont il-ġid relattiv tal-pajjiżi tal-UE. Dawn ivarjaw minn tnaqqis fl-emissjonijiet b’20 % (meta mqabbel mal-2005) mill-iktar pajjiżi tal-UE sinjuri għal żieda b’20 % f'dawk l-inqas għonja. Madankollu, il-pajjiżi kollha għandhom jagħmlu sforz sabiex jillimitaw l-emissjonijiet tagħhom. Dawn iridu wkoll jirrapportaw dwar l-emissjonijiet tagħhom kull sena, taħt il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-UE.

Miri tal-enerġija nazzjonali rinnovabbli

Taħt id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, it-tielet biċċa leġiżlazzjoni tal-pakkett, il-pajjiżi tal-UE jingħataw miri vinkolanti sabiex iżidu s-sehem ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija tagħhom sal-2020. Dawn il-miri jiddependu fuq l-użu ta’ sorsi rinnovabbli minn kull pajjiż u l-potenzjal li jżidu l-produzzjoni tagħhom, li jvarja minn 10 % f’Malta għal 49 % fl-Isvezja.

Il-miri nazzjonali se jippermettu lill-UE kollha kemm hi sabiex tilħaq il-mira tagħha għall-enerġija rinnovabbli ta’ 20 % għall-2020 - aktar mid-doppju tal-livell tal-2010 ta’ 9.8 % - u sehem ta’ enerġija rinnovabbli ta’ 10 % fis-settur tat-trasport. Il-miri se jgħinu wkoll sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra u jnaqqsu d-dipendenza tal-UE fuq l-enerġija importata. Mill-inqas 10 % tal-fjuwil għat-trasport f’kull pajjiż irid ikun rinnovabbli (eż. bijofjuwils, idroġenu, elettriku “nadif”). Il-bijokarburanti jridu jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà miftiehma.

Il-qbid u l-ħżin tal-karbonju

Ir-raba’ parti tal-pakkett dwar il-klima u l-enerġija hija direttiva li toħloq qafas legali għall-użu ambjentalment sikur tat-teknoloġiji tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju (CCS). Is-CCS jinvolvu l-qbid ta’ diossidu tal-karbonju emess minn proċessi industrijali u l-ħażna tiegħu f’formazzjonijiet ġeoloġiċi taħt l-art fejn ma jikkontribwixxix għat-tisħin fil-klima.

Id-direttiva tkopri l-ħżin taħt l-art kollu tas-CO2 fl-UE u tistabbilixxi rekwiżiti li japplikaw għall-ħajja kollha tas-siti tal-ħżin.

L-effiċjenza tal-enerġija

Il-mira tal-effiċjenza tal-enerġija qed tiġi implimentata permezz tal-Pjan tal-Effiċjenza fl-Enerġija 2011 u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija.

Aktar informazzjoni:

TERMINI EWLENIN

* Prinċipju ta’ limiti u skambji (“cap and trade principle”): l-EU ETS taħdem fuq il-prinċipju ta’ “limiti u skambji”. “Cap”, jew limitu, huwa stabbilit fuq l-ammont totali ta’ gassijiet b’effett serra li jistgħu jiġu emessi mill-fabbriki, l-impjanti tal-enerġija u installazzjonijiet oħra fis-sistema. Il-limitu jitnaqqas maż-żmien sabiex l-emissjonijiet totali jonqsu. Is-sistema tippermetti l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet sabiex l-emissjonijiet totali tal-installazzjonijiet u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jibqgħu taħt il-limitu u jkunu jistgħu jittieħdu l-orħos miżuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2009/28/KE

25.6.2009

5.12.2010

ĠU L 140,5.6.2009, p. 16-62.

ATTI RELATATI

Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63-87)

Deċiżjoni 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136-148)

Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114-135)

l-aħħar aġġornament 10.09.2015