Strateġija tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-tbaħħir
L-Unjoni Ewropea (UE) għandha aġenda ambizzjuża sabiex tindirizza t-tibdil fil-klima. Sa issa, kull forma ta’ trasport, għajr is-settur marittimu internazzjonali, qiegħda tikkontribwixxi għall-objettivi li stabbilixxiet l-UE għaliha nnifisha. Bħalissa qegħdin isiru xi bidliet sabiex it-tbaħħir jibda jagħmel il-parti tiegħu.
ATT
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-integrazzjoni tal-emissjonijiet mit-trasport marittimu fil-politiki tal-UE għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett serra (COM(2013) 479 final tat-28.6.2013).
SOMMARJU
L-Unjoni Ewropea (UE) għandha aġenda ambizzjuża sabiex tindirizza t-tibdil fil-klima. Sa issa, kull forma ta’ trasport, għajr is-settur marittimu internazzjonali, qiegħda tikkontribwixxi għall-objettivi li stabbilixxiet l-UE għaliha nnifisha. Bħalissa qegħdin isiru xi bidliet sabiex it-tbaħħir jibda jagħmel il-parti tiegħu.
X’TAGĦMEL IL-KOMUNIKAZZJONI?
L-UE tagħmilha ċara li hija tappoġġja b’mod sħiħ l-isforzi internazzjonali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra (GHG) mis-settur marittimu. B’mod parallel, l-UE qiegħda tieħu l-inizjattivi tagħha stess. Il-komunikazzjoni tistabbilixxi approċċ gradwali għall-inklużjoni tat-tbaħħir fil-mira globali tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-GHG.
PUNTI EWLENIN
Dan l-approċċ gradwali jinkludi t-3 passi li ġejjin:
L-applikazzjoni ta’ sistema effettiva ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika (MRV). Din tistabbilixxi dejta affidabbli dwar l-emissjonijiet tal-GHG mit-tbaħħir. Il-proprjetarji tal-vapuri ser ikunu jistgħu jużaw kwalunkwe metodoloġija affidabbli li jixtiequ. Regolament propost jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-karatteristiċi operattivi ta’ tali sistema.
L-iffissar ta’ miri intermedjarji ta’ tnaqqis. Diġà teżisti leġiżlazzjoni għas-setturi industrijali u l-forom ta’ trasport l-oħrajn kollha sabiex jikkontribwixxu għall-mira tal-UE li l-emissjonijiet tal-GHG jitnaqqsu b’mill-inqas 40 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030. Dan jista’ jiġi estiż għat-tbaħħir. Il-White Paper tal-2011 dwar it-trasport stabbilixxiet mira ta’ tnaqqis ta’ 40 % (jekk ikun fattibbli, 50 %) sal-2050, meta mqabbel mal-2005, bħala mira ta’ aspirazzjoni għat-tbaħħir marittimu.
L-użu ta’ miżuri bbażati fuq is-suq (MBMs). Dawn jistgħu jesiġu li bastiment iħallas fond ta’ kumpens jew jiskambja kwoti, fi ħdan is-sistema ta’ kwota tal-emissjonijiet tal-UE, skont il-livell ta’ emissjonijiet li jipproduċi.
SFOND
It-tbaħħir tal-UE jammonta għal 4 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra kollha tal-UE. Madankollu, dawn mistennija jiżdiedu b’mod sinjifikanti fil-ġejjieni - possibbilment b’50 % sal-2050 imqabbel mal-livelli tal-2010. It-tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet mhux biss jgħin fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima, iżda jnaqqas il-konsum tal-karburanti u l-ispejjeż operattivi ta’ bastiment.
Għal aktar tagħrif, ara s-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea dwar It-tnaqqis tal-emissjonijiet mis-settur tat-tbaħħir.
ATTI RELATATI
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (COM(2013) 480 final tat-28.6.2013).
l-aħħar aġġornament 19.03.2015