Kuntratti pubbliċi – stipular ta’ regoli bażi ċari

Id-direttiva tistipula regoli għall-użu tal-kuntratti pubbliċi għall-forniment ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi minn kumpaniji jew individwi u l-eżenzjonijiet li jistgħu jiġu applikati.

SOMMARJU

Il-leġiżlazzjoni tispeċifika li meta l-awtoritajiet nazzjonali jużaw l-akkwist pubbliku sabiex jistiednu sejħiet għall-offerti għall-forniment ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi, għandhom jittrattaw lill-applikanti b’mod ugwali u mhux jiddiskriminaw bejniethom. Għandhom ikunu wkoll trasparenti fit-trattattivi tagħhom.

Valuri tal-limitu

Ir-regoli applikabbli għall-kuntratti pubbliċi għandhom ikunu segwiti meta s-somom involuti jkunu aktar minn dawn il-limiti li ġejjin:

Il-Kummissjoni Ewropea tivvaluta dawn il-limiti kull sentejn sabiex tiddetermina jekk għandhomx jinbidlu skont l-obbligi internazzjonali tal-UE.

Kriterji

Il-kuntratt jingħata lill-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġjuża li tiġi identifikata b’mod partikolari fuq il-bażi tal-aqwa proporzjon bejn il-prezz-kwalità. Dan il-kriterju jikkunsidra fatturi bħall-ispiża ġenerali, l-effikaċja, il-kwalità, l-aspetti ambjentali u soċjali, il-kundizjonijiet ta’ negozju u l-kunsinna.

Innovazzjoni u kumpaniji żgħar

Il-leġiżlazzjoni tintroduċi proċedura ġdida għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ prodotti, servizzi u xogħlijiet innovattivi. Sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ kumpaniji żgħar, ir-regoli l-ġodda jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jaqsmu l-kuntratti l-kbar f’lottijiet individwali.

Salvagwardji

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi u subkuntratturi tagħhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ambjentali, soċjali u tax-xogħol kollha applikabbli Ewropej u nazzjonali, mal-ftehimiet kollettivi u ma’ kull obbligu relevanti internazzjonali.

Il-leġiżlazzjoni tissikka d-dispożizzjonijiet dwar offerti baxxi wisq b’mod partikolari sabiex jiġi impedut li d-drittijiet tal-ħaddiema jkunu abbużati.

Eżenzjonijiet

M’hemm xejn fil-leġiżlazzjoni li jeħtieġ li l-gvernijiet tal-UE jagħtu b’kuntratt servizzi li jixtiequ jipprovdu huma stess. Lanqas ma taffetwa l-leġiżlazzjoni nazzjonali tas-sigurtà soċjali.

Is-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali huma esklużi minn din id-direttiva. Minflok huma regolati mid-Direttiva 2014/25/UE.

Barra minn hekk, ċerti setturi bħall-komunikazzjoni elettronika, ir-riċerka u l-iżvilupp u d-difiża u s-sigurtà jistgħu jiġu esklużi taħt ċerti kundizzjonijiet.

SFOND

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu tal-qafas tal-akkwist pubbliku fis-sitwazzjoni ta’ emerġenza relatata mal-kriżi tal-COVID-19

ATT

Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65–242)

ATTI RELATATI

Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243–374)

Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1–64)

l-aħħar aġġornament 04.05.2020