L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Rom

Din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill issaħħaħ il-Qafas tal-Unjoni Ewropea (UE) tal-2011 għall-integrazzjoni tar-Rom permezz ta’ strument legali mhux vinkolanti, li għandu l-għan li jħaffef il-progress billi jipprovdi gwida għall-pajjiżi tal-UE filwaqt li jiffoka l-attenzjoni tagħhom fuq għadd ta’ miżuri konkreti li huma kruċjali biex jimplimentaw l-istrateġiji tagħhom b’mod aktar effettiv.

ATT

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri ta’ integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri (ĠU C 378, 24.12.2013, p. 1).

SOMMARJU

Din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill issaħħaħ il-Qafas tal-Unjoni Ewropea (UE) tal-2011 għall-integrazzjoni tar-Rom permezz ta’ strument legali mhux vinkolanti, li għandu l-għan li jħaffef il-progress billi jipprovdi gwida għall-pajjiżi tal-UE filwaqt li jiffoka l-attenzjoni tagħhom fuq għadd ta’ miżuri konkreti li huma kruċjali biex jimplimentaw l-istrateġiji tagħhom b’mod aktar effettiv.

KWISTJONIJIET EWLENIN

Il-kwistjonijiet ewlenin li ġejjin huma koperti fir-Rakkomandazzjoni:

Fil-qasam tal-edukazzjoni, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tistieden lill-pajjiżi tal-UE jiżguraw l-aċċess sħiħ tar-Roma għal edukazzjoni prinċipali ta’ kwalità tajba u biex inaqqsu t-tluq bikri mill-iskola. Dan huwa kruċjali kemm fl-livell primarju u sekondarju, kif ukoll għall-edukazzjoni vokazzjonali. Ir-Rakkomandazzjoni tidentifika firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet li jistgħu jagħmlu differenza, jekk dawn jiġu ppjanati u implimentati b’attenzjoni.

Fil-qasam tal-impjiegi, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tenfasizza l-importanza li jiġi żgurat trattament ugwali u li jitnaqqas id-distakk bejn ir-Roma u ħaddiema oħra, sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tar-Roma. Minbarra l-interventi mmirati, bħal servizzi speċifiċi u individwali għall-persuni li qegħdin ifittxu xogħol, l-attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tar-Roma fil-politiki ġenerali tista’ tagħmel differenza sinifikanti.

Fil-qasam tal-kura tas-saħħa, ir-Rakkomandazzjoni timmira li tipprovdi gwida prattika ħafna li tvarja mill-iżgurar ta’ kopertura tas-sigurtà bażika, permezz ta’ ppjanar tal-familja sa skemi ta’ tilqim mingħajr ħlas għall-gruppi l-aktar emarġinati.

Fil-qasam tal-akkomodazzjoni, ir-Rakkomandazzjoni tixħet l-attenzjoni għall-approċċ integrat, l-eliminazzjoni tas-segregazzjoni tal-ispazju u l-promozzjoni tal-aċċess mhux diskriminatorju għal akkomodazzjoni soċjali. Ir-rakkomandazzjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-pajjiżi tal-UE lejn l-iżvilupp lokali u investimenti territorjali mmexxija mill-komunità, li jistgħu wkoll jiġu appoġġati minn finanzjament mill-UE.

Fir-rigward tal-finanzjament, ir-Rakkomandazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li jiġu allokati fondi suffiċjenti għal strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u lokali.

Fir-rigward tal-kwistjonijiet orizzontali bħall-antidiskriminazzjoni, il-protezzjoni tat-tfal u n-nisa Roma, it-tnaqqis tal-faqar u l-inklużjoni soċjali u l-għoti tas-setgħa lir-Roma, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tenfasizza l-importanza tal-infurzar prattiku tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali (2000/43/KE) u tixħet l-attenzjoni tal-Istati Membri sabiex jagħmlu użu mill-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħala referenza addizzjonali biex jidentifikaw dispożizzjonijiet u prattiki illegali.

Ir-rispett għad-drittijiet tar-Roma huwa intrinsikament marbut mal-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal, mal-projbizzjoni tat-tallaba fit-toroq li jinvolvu t-tfal, mal-infurzar bis-sħiħ tal-leġiżlazzjoni kontra żwiġijiet taħt l-età, mal-ġlieda kontra żwiġijiet sfurzati u l-għoti tas-setgħa lir-Rom sabiex ikollhom rwol bħala ċittadini attivi ta’ pajjiż.

Il-politiki ġenerali għandu jkollhom ukoll rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali tar-Rom. F’dan il-kuntest, ir-Rakkomandazzjoni titlob investiment fil-kapital uman u fil-politiki ta' koeżjoni soċjali, kif ukoll għal rabta bejn l-integrazzjoni tar-Roma mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma fil-pajjiżi b’popolazzjoni sostanzjali Rom.

Ir-Rakkomandazzjoni tkompli telabora fuq il-progress meħtieġ biex jiġu stabbiliti l-miżuri strutturali għall-integrazzjoni tar-Roma u tittejjeb l-effikaċja tagħhom, bħal: il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki, azzjoni lokali, it-tisħiħ tal-korpi responsabbli għall-promozzjoni tat-trattament ugwali kif ukoll ir-rwol tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tar-Roma u żieda fil-kooperazzjoni transnazzjonali. Ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi wkoll gwida prattika dwar kif il-progress f’dan ir-rigward jista’ jinkiseb aħjar.

Peress li l-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni hu li ttejjeb l-effikaċja tal-miżuri għall-integrazzjoni tar-Roma fil-pajjiżi tal-UE, li, fi kliem ieħor, jipprovdi appoġġ għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma, ir-rappurtar se jkun ukoll marbut mill-qrib ħafna mal-Qafas tal-UE.

L-informazzjoni pprovduta mill-pajjiżi tal-UE dwar il-miżuri adottati f’konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni se tikkontribwixxi direttament għar-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom.

SFOND

Il-komunità Roma hija l-akbar minoranza etnika fl-Ewropa. Il-Kummissjoni tipproponi li ttejjeb l-effikaċja tal-istrumenti mmirati lejn l-integrazzjoni soċjoekonomika tar-Rom permezz ta’ approċċ fit-tul u azzjonijiet multisettorjali (l-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa, l-akkomodazzjoni, eċċ.).

F’dawn l-aħħar snin, l-UE uriet tmexxija politika b’saħħitha lejn il-pajjiżi tal-UE fir-rigward tal-integrazzjoni tar-Rom u rnexxielha żżomm l-integrazzjoni tar-Roma b'mod sod fuq l-aġendi kemm tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi tal-UE.

Fl-2011, il-mexxejja tal-UE impenjaw ruħhom fil-“Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom”. Għalhekk, il-pajjiżi kollha tal-UE żviluppaw l-istrateġiji proprji tagħhom għall-integrazzjoni tar-Roma li tfasslu skont il-ħtiġijiet partikolari tal-popolazzjoni Roma f’pajjiżhom. Ġie stabbilit ukoll mekkaniżmu ta’ rappurtar annwali għall-evalwazzjoni tal-progress fil-post. Barra minn hekk, l-UE stabbilixxiet rabta bejn l-integrazzjoni tar-Rom u l-aġenda ta' tkabbir aktar wiesgħa tagħha, l-Istrateġija Ewropa 2020. Fl-2012, fi ħdan is-“Semestru Ewropew”, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ħareġ Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi Għall-Pajjiżi dwar l-integrazzjoni tar-Rom fil-pajjiżi tal-UE b’popolazzjoni mdaqqsa tar-Rom. Fl-aħħarnett, l-UE rnexxielha ssaħħaħ l-appoġġ finanzjarju tagħha għall-inklużjoni tar-Rom mhux biss fit-28 pajjiż tal-UE, iżda wkoll fil-pajjiżi tat-tkabbir, fejn il-promozzjoni tal-inklużjoni tar-Rom tibqa’ prijorità ewlenija taħt il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Strateġija għat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin

Madankollu, hija r-responsabbiltà primarja tal-pajjiżi tal-UE li jbiddlu s-sitwazzjoni tal-popolazzjonijiet emarġinati, u ghalhekk azzjoni għall-appoġġ tal-integrazzjoni tar-Roma taqa’ l-ewwel u qabel kollox f’idejhom.

L-uniku mod biex jintlaħaq dan l-objettiv hu permezz ta’ impenn politiku fl-ogħla livell fil-pajjiżi kollha tal-UE. Fil-livell tal-UE, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri effettivi għall-integrazzjoni tar-Rom li ġiet adottata unanimament fid-9 ta’ Diċembru 2013, kienet pass importanti ħafna fil-proċess lejn integrazzjoni aħjar tar-Rom. Din żiedet strument ġdid fix-xenarju legali u politiku, iżda aktar importanti minn hekk, kienet tirrappreżenta impenn politiku b’saħħtu u kondiviż mill-pajjiżi kollha tal-UE biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex jinkiseb titjib reali.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi dwar l-UE u r-Rom u l-liġi kontra d-diskriminazzjoni.

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma fl-Ewropa (COM(2010) 133 final tas-7 ta’ April 2010).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-UE għall-Istrateġiji ta’ Integrazzjoni Nazzjonali tar-Rom (COM(2014) 209 final tat-2 ta’ April 2014).

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji ta’ Integrazzjoni Nazzjonali tar-Rom (SWD(2014) 121 final tat-2 ta’ April 2014.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Passi ’l quddiem fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom (COM(2013) 454 final tas-26 ta' Ġunju 2013).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014 (COM(2013) 700 final tas-16 ta' Ottubru 2013).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE (COM(2012) 226 final tal-21 ta’ Mejju 2012).

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE (SWD(2012) 133 final tal-21 ta’ Mejju 2012).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020 (COM(2011) 173 final tal-5 ta' April 2011).

l-aħħar aġġornament 16.06.2015