Fiduċja fis-sistemi legali demokratiċi u trasparenti tal-Ewropa

Din il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi Qafas ġdid tal-UE maħsub biex isaħħaħ l-Istat tad-Dritt bil-għan li tiġi żgurata protezzjoni ugwali u effettiva tal-istat tad-dritt* fil-pajjiżi kollha tal-UE.

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt (COM(2014) 158 final tad-11.3.2014).

SOMMARJU

Din il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi Qafas ġdid tal-UE maħsub biex isaħħaħ l-Istat tad-Dritt bil-għan li tiġi żgurata protezzjoni ugwali u effettiva tal-istat tad-dritt* fil-pajjiżi kollha tal-UE.

X'JAGĦMEL DAN IL-QAFAS?

L-għan tal-Qafas huwa li jindirizza “t-theddidiet sistemiċi għall-istat tad-dritt” fi kwalunkwe wieħed mit-28 pajjiż tal-UE. Huwa jistabbilixxi għodda ta’ twissija bikrija li tippermetti lill-Kummissjoni tidħol fi djalogu mal-pajjiż ikkonċernat bil-għan li tipprevjeni l-eskalazzjoni ta’ theddidiet sistemiċi għall-istat tad-dritt.

PUNTI EWLENIN

Il-Qafas huwa ddisinjat biex jikkumplimenta l-mezzi eżistenti tal-protezzjoni tal-istat tad-dritt tal-UE. Dawn jinkludu proċeduri ta’ ksur (limitati għal ksur ta’ dispożizzjoni speċifika tal-liġi tal-UE) kontra pajjiżi tal-UE, kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ prevenzjoni u sanzjonar tal-aħħar istanza previsti fl-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

Kif se jaħdem il-Qafas il-ġdid

L-għan tal-Qafas huwa li jagħti ċ-ċans lill-Kummissjoni ssib soluzzjoni mal-pajjiż tal-UE kkonċernat, sabiex tiġi evitata l-emerġenza ta’ theddida sistemika għall-istat tad-dritt. Huwa japplika bl-istess mod għall-pajjiżi kollha tal-UE u jopera skont l-istess standards.

Fil-prinċipju, is-“salvagwardji tal-istat tad-dritt” nazzjonali għandhom ikunu biżżejjed biex jindirizzaw il-problemi potenzjali u dawn jistgħu jinstabu f’dawn li ġejjin ta’ kwalunkwe pajjiż:

l-ordni politika, istituzzjonali u/jew legali;

struttura kostituzzjonali;

is-separazzjoni tal-poteri (pereżempju, bejn il-leġiżlatura, l-eżekuttiv u l-ġudikatura);

l-indipendenza jew l-imparzjalità tal-ġudikatura tal-pajjiż jew is-sistema tiegħu tal-istħarriġ ġudizzjarju (jiġifieri fejn il-qrati jistgħu jiddeċiedu dwar il-validità ta’ azzjoni).

Il-Qafas jiġi attivat meta s-“salvagwardji tal-istat tad-dritt” nazzjonali ma jidhrux li jistgħu jindirizzaw b’mod effettiv it-theddidiet f’pajjiż tal-UE.

Proċess bi 3 fażijiet

Jekk ikun hemm riskju ċar ta’ theddida sistemika għall-istat tad-dritt f’pajjiż tal-UE, il-Kummissjoni tibda djalogu strutturat ma’ dak il-pajjiż sabiex tinstab soluzzjoni. Dan il-proċess jinkludi:

Valutazzjoni tal-Kummissjoni: il-Kummissjoni tista’ toħroġ “opinjoni dwar l-istat tad-dritt”, li tagħti lill-pajjiż ikkonċernat żmien sabiex jirrispondi;

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni: il-Kummissjoni tista’ toħroġ “rakkomandazzjoni dwar l-istat tad-dritt” (modi kif il-pajjiż jista’ jsolvi l-problemi li jinstabu bla xkiel u b’mod prattiku);

Segwitu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni: jekk il-pajjiż tal-UE ma jirrispondix b’mod sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tuża l-mekkaniżmi skont l-Art. 7 tat-TUE sabiex tissospendi d-drittijiet ta’ dak il-pajjiż skont it-trattati tal-UE, inklużi d-drittijiet tal-vot tiegħu fil-Kunsill.

Il-Kummissjoni ser iżżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati bil-progress fil-fażijiet kollha tal-proċess. Hija tista’ tfittex ukoll tagħrif espert u pariri esterni, bħal mingħand l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali jew esperti legali Ewropej.

SFOND

L-UE u l-istat tad-dritt

L-istat tad-dritt huwa prinċipju kostituzzjonali u fundamentali tal-UE, kif deskritt fit-TUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Huwa jippermetti liċ-ċittadini tal-UE u lill-awtoritajiet nazzjonali jkollhom fiduċja fis-sistemi legali tal-pajjiżi kollha tal-UE.

Aktar tagħrif huwa disponibbli mis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Ġustizzja Effettiva.

ATTI RELATATI

Verżjonijiet ikkonsolidati tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2012/C 326/01) (ĠU C 326 tas-26.10.2012, p. 1-390).

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2012/C 326/02) (ĠU C 326 tas-26.10.2012, p. 391-407).

L-aħħar aġġornament: 12.12.2014