Il-futur tal-biedja organika fl-Unjoni Ewropea
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Komunikazzjoni (COM(2014) 179 final) –– Pjan ta' Azzjoni għall-Produzzjoni Organika tal-Unjoni Ewropea
X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IL-PJAN TA’ AZZJONI?
-
Dan il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea jfittex li jappoġġa t-tkabbir tal-produzzjoni organika* fl-UE, settur li huwa soġġett għal regoli stretti.
-
Huwa jesplora modi ta' kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi tal-provvista u d-domanda billi jimmobilizza l-ħolqien ta’ sħubijiet ġodda b’mod partikolari f’pajjiżi tal-UE, ma’ partijiet interessati bħall-produtturi, il-proċessuri, l-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi.
PUNTI EWLENIN
Is-sommarju li ġej jagħti ħarsa lejn it-tliet oqsma ta’ prijorità tal-pjan ta’ azzjoni u jagħti eżempji tat-18-il azzjoni tiegħu.
Prijorità 1: Nagħmlu l-produtturi organiċi tal-UE aktar kompetittivi billi:
-
intejbu l-għarfien ta’ kif finanzjment tal-UE jista’ jintuża biex jgħin lil produtturi organiċi — pereżempju, il-gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar opportunitjiet ta’ appoġġ għall-produtturi organiċi — u informazzjoni dwar il-logo organiku tal-UE fuq tikketti tal-ikel;
-
nużaw ir-riċerka u l-innovazzjoni (bħall-programm Orizzont 2020) biex intejbu d-disponibilità tal-inputs organiċi bħaż-żerriegħa, għalf tal-annimali u razez tal-annimali adatti għall-produzzjoni organika u d-disseminazzjoni wiesgħa tar-riżultati biex ikunu aċċessibbli direttament għall-bdiewa;
-
Nipprovdu aktar informazzjoni dwar is-settur tal-produzzjoni organika, kif ukoll dwar is-suq u l-kummerċ.
Prijorità 2: Inżidu l-fiduċja tal-konsumaturi fil-biedja u l-ikel organiku billi:
-
intejbu u nimmonitorjaw is-sistema tal-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni f’pajjiżi tal-UE (taħt is-sistema ta’ akkreditazzjoni u s-sorveljanza tas-suq tal-UE) li jieħdu ħsieb iċ-ċertifikazzjoni organiku;
-
nintroduċu sistemi ta’ ċertifikazzjoni elettronika biex niżguraw it-traċċabbiltà tal-prodotti organiċi importati fl-UE;
-
ngħinu fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni għall-prevenzjoni tal-frodi organika.
Prijorità 3: Insaħħu d-dimensjoni esterna tal-produzzjoni organika tal-UE billi:
-
naħdmu flimkien mal-pajjiżi mhux tal-UE dwar l-iżvilupp ta’ standards organiċi komuni;
-
niżguraw kompetizzjoni ġusta bejn produtturi u prodotti organiċi tal-UE u niffaċilitaw aċċess għall-prodotti organiċi tal-EU lis-swieq tal-pajjiżi tal-UE fi ħdan il-qafas regolatorju;
-
niżguraw li l-konsumaturi jafdaw l-integrità tas-sistemi tal-kontroll f’pajjiżi mhux tal-UE u l-użu tat-tikkettar organiku u tal-logo tal-UE.
SFOND
Dan il-pjan ta’ azzjoni, adottat fl-2014, isegwi mill-ewwel pjan ta’ azzjoni tal-UE għas-settur organiku, li tnieda fl-2004. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni ħarġet proposta għal liġi ġdida tal-UE dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi.
Għal aktar informazzjoni ara:
* TERMINU EWLIENI
Il-produzzjoni organika: sistema ġenerali tal-ġestjoni tal-impriżi agrikoli u l-produzzjoni tal-ikel li tgħaqqad:
- l-aqwa prattiċi ambjentali,
- livell għoli ta' bijodiversità,
- il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali, l-applikazzjoni ta' standards għoljin għall-benesseri tal-annimali, u
- metodu tal-produzzjoni li jaqbel ma' x'jippreferu ċertu konsumaturi għal prodotti li jużaw sustanzi u proċessi naturali.
DOKUMENT EWLIENI
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta' Azzjoni għall-Produzzjoni Organika tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien li ġej (COM(2014) 179 final tal-24.3.2014)
l-aħħar aġġornament 19.07.2016