Il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC)
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju
SOMMARJU
X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?
Huwa jiddefinixxi r-regoli dwar l-istabbiliment u t-tħaddim tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC).
BEREC jagħti pariri lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar l-iżvilupp ta’ suq intern aħjar għan-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u jifforma konnessjonijiet bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ARN) u l-Kummissjoni Ewropea.
PUNTI EWLENIN
L-għanijiet ewlenin ta’ BEREC huma li:
-
jiżviluppa u jxerred l-aqwa prassi fost l-ARN;
-
jassisti lill-ARN fil-qasam regolatorju;
-
jagħti opinjonijiet dwar l-abbozz ta’ deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u linji gwida;
-
joħroġ rapporti u jipprovdi pariri dwar is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.
Il-kompożizzjoni u l-organizzazzjoni:
-
Il-bord ta’ regolaturi jikkonsisti f’rappreżentanti mill-ARN stabbiliti f’kull pajjiż tal-UE. Ir-responsabbiltà ewlenija tal-bord hija li jieħu d-deċiżjonijiet kollha b’rabta mal-prestazzjoni ta’ BEREC u li jeżerċita l-kompiti ta’ BEREC, li jinkludu:
-
il-pubblikazzjoni ta’ opinjonijiet dwar abbozz ta’ miżuri tal-ARN (pereżempju, dwar l-għażla tal-operaturi b’saħħa sinifikanti fis-suq);
-
konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet dwar swieq ta’ prodotti u servizzi rilevanti;
-
konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ miżuri relatati mal-aċċess effettiv għan-numru telefoniku ta’ emerġenza 112 u l-implimentazzjoni effettiva tal-firxa ta’ numri li jibdew b’116 (linji telefoniċi għall-għajnuna);
-
il-monitoraġġ u r-rappurtar dwar is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-pubblikazzjoni ta’ rapport annwali dwar l-iżviluppi tiegħu.
-
BEREC huwa assistit mill-uffiċċju, li jikkonsisti f’Kumitat ta’ Tmexxija u maniġer amministrattiv. Il-kumitat, li huwa magħmul minn membri tal-bord ta’ regolaturi u rappreżentant mill-Kummissjoni, huwa responsabbli għas-superviżjoni tal-maniġer, li huwa l-kap tal-uffiċċju. Il-kompitu ewlieni tal-uffiċċju huwa li jipprovdi servizzi ta’ appoġġ professjonali u amministrattiv lil BEREC.
-
Il-ħidma ta’ BEREC hija organizzata fi gruppi ta’ ħidma esperti li jindirizzaw suġġetti speċifiċi inklużi fil-programm ta’ ħidma ta’ BEREC jew wara talbiet mill-istituzzjonijiet tal-UE.
Finanzjament
Ir-riżorsi finanzjarji tal-uffiċċju ta’ BEREC jiġu primarjament mill-UE u minn kontribuzzjonijiet volontarji minn pajjiżi tal-UE jew ARN.
Il-maniġer amministrattiv jistabbilixxi l-baġit, li jitfassal mill-Kumitat ta’ Tmexxija.
Ħidma riċenti
L-istrateġija ta’ BEREC għall-perjodu 2015-2017 ser tiffoka fuq 3 prijoritajiet:
-
il-promozzjoni tal-kompetizzjoni u tal-investiment;
-
il-promozzjoni tas-suq intern;
-
l-awtonomizzazzjoni u l-protezzjoni tal-utenti finali.
BEREC jipprovdi kontribut u jiskambja opinjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea dwar l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tar-regoli attwali għas-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li hija parti mill-inizjattiva tas-suq uniku diġitali tal-Kummissjoni.
META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Huwa beda japplika mis-7 ta' Jannar 2010.
SFOND
Il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC)
ATT
Ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju (ĠU L 337, 18.12.2009, p. 1-10)
l-aħħar aġġornament 22.02.2016