jiżgura protezzjoni effettiva u xierqa għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, filwaqt li jitqiesu d-differenzi f'sistemi legali nazzjonali;
jistabbilixxi regoli minimi multilaterali sabiex jgħinu għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni.
PUNTI EWLENIN
Il-prinċipji bażiċi huma dawk ta' trattament nazzjonali u trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit. Dan ifisser li l-membri tad-WTO jridu jittrattaw liċ-ċittadini ta' pajjiżi membri oħra mhux anqas favorevoli miċ-ċittadini proprji tagħhom. Barra minn hekk, kull vantaġġ mogħti liċ-ċittadini ta' pajjiż membru ieħor irid jingħata wkoll immedjatament u mingħajr kundizzjoni liċ-ċittadini tal-pajjiżi membri l-oħra kollha, anke jekk dan huwa trattament aktar favorevoli milli jagħti liċ-ċittadini tiegħu stess.
REGOLI ĠENERALI
Standards dwar id-disponibbiltà, il-kamp ta' applikazzjoni u l-użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali
Fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur il-membri tad-WTO jridu jikkonformaw mar-regoli bażiċi tal-Konvenzjoni ta' Berna għall-Protezzjoni ta' Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi. Mil-lum 'il quddiem, il-programmi tal-kompjuter se jkunu protetti bħala xogħlijiet letterarji.
Fir-rigward tad-drittijiet ta' kiri, l-awturi tal-programmi tal-kompjuter u l-produtturi ta' recordings tal-ħoss jistgħu jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-kiri kummerċjali tax-xogħlijiet tagħhom lill-pubbliku. Dritt esklussiv simili japplika għal xogħlijiet ċinematografiċi.
Il-ftehim jispeċifika t-tipi ta' sinjali li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni bħat-trademarks kif ukoll id-drittijiet minimi mogħtija lill-proprjetarju. Dan jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti relatati ma':
l-użu ta' trademarks;
it-tul ta’ żmien tal-protezzjoni;
il-liċenzjar u l-assenjament ta' trademarks.
F'dak li għandu x'jaqsam indikazzjonijiet ġeografiċi, il-membri tad-WTO jridu jevitaw l-użu ta' kwalunkwe indikazzjoni qarrieqa dwar l-oriġini ta' prodott u kull użu li jkun ta' kompetizzjoni inġusta. Il-ftehim ipprovda wkoll protezzjoni addizzjonali għal indikazzjonijiet ġeografiċi għal inbejjed u spirti, anke fejn m'hemm l-ebda riskju li l-konsumaturi jiġu żgwidati.
Id-disinji industrijali huma protetti skont il-ftehim għal 10 snin. Is-sidien tagħhom għandhom id-dritt li jimpedixxu lil partijiet terzi milli jagħmlu, ibigħu jew jimportaw oġġetti li d-disinn tagħhom huwa kopja tad-disinn protett.
Fir-rigward tal-privattivi, il-membri tad-WTO għandhom l-obbligu ġenerali li jikkonformaw mal-Konvenzjoni ta' Pariġi tal-1967. B'żieda ma' dan, il-Ftehim TRIPS jiddikjara li jrid ikun possibbli għall-invenzjonijiet kollha li jiġu protetti bi privattiva għal 20 sena.
Ċerti invenzjonijiet jistgħu jiġu esklużi mill-privattiva jekk l-użu tagħhom huwa pprojbit għal raġunijiet ta' ordni pubblika jew moralità.
Esklużjonijiet awtorizzati oħra jinkludu:
metodi dijanjostiċi, terapewtiċi u kirurġiċi għat-trattament tal-bnedmin jew tal-annimali;
pjanti u annimali (għajr il-mikroorganiżmi) u
proċessi bijoloġiċi essenzjali għall-produzzjoni ta' pjanti jew annimali (għajr il-proċessi mhux bijoloġiċi u mikrobijoloġiċi). Madankollu, il-membri jridu jipprovdu għall-protezzjoni ta' varjetajiet ta' pjanti, jew bi privattivi jew b'sistema speċifika ta' darba
Il-membri tad-WTO jridu jipprovdu għall-protezzjoni ta' disinni ta' layout ta'ċirkwiti integrati skont it-Trattat ta' Washington dwar il-Proprjetà Intellettwali fir-Rigward taċ-Ċirkwiti Integrati. Il-Ftehim TRIPS jistabbilixxi wkoll għadd ta' regoli oħra, li jirrelataw b'mod partikolari mad-durata tal-protezzjoni.
Sigrieti kummerċjali u għarfien tekniku li għandhom valur kummerċjali jridu jkunu protetti kontra ksur ta' fiduċja u kwalunkwe att li jmur kontra l-prattiki kummerċjali onesti. Barra minn hekk, prattiki antikompetittivi f'liċenzji kuntrattwali jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri min-naħa tal-membri sabiex jiġu evitati u/jew ikkontrollati dawn il-prattiki.
Il-liġijiet tal-pajjiżi membri tad-WTO jridu jinkludu proċeduri sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma rrispettati kemm mid-detenturi tad-dritt barranin kif ukoll miċ-ċittadini proprji tagħhom. Dawn il-proċeduri jridu jippermettu azzjoni effettiva kontra kwalunkwe att ta' ksur ta' dawn id-drittijiet. Dawn iridu jkunu ġusti u ekwi, ma jridux ikunu kkumplikati jew għaljin mingħajr bżonn, u ma jridux jinvolvu limiti ta' żmien mhux raġjonevoli. Deċiżjonijiet amministrattivi finali jistgħu jiġu riveduti minn awtorità ġudizzjarja.
Il-ftehim jipprovdi dettalji dwar l-evidenza, l-inġunzjonijiet, id-danni, il-miżuri provviżorji u rimedji oħra.
Perjodu ta' tranżizzjoni
Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ftehim, pajjiżi żviluppati kellhom perjodu ta' sena sabiex iġibu l-leġiżlazzjoni u l-prattiki tagħhom f'konformità mal-ftehim. Dan il-perjodu ġie estiż għal 5 snin għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u pajjiżi li kienu qed jinbidlu minn ekonomija ppjanata ċentralment għal ekonomija tas-suq u għal 11-il sena għall-pajjiżi l-anqas żviluppati.
Għal aktar tagħrif, ara: “UE u WTO” (Kummissjoni Ewropea).
DOKUMENTI EWLENIN
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat- dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, , pp. 1–2)