Kiri ta’ vetturi għat-trasport ta’ merkanzija
SOMMARJU TA’:
Direttiva 2006/1/KE dwar l-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr sewwieqa għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
- Din tistabilixxi r-regoli tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar l-użu ta’ vetturi* mikrija mingħajr sewwieqa għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq.
- Direttiva Emendatorja (UE) 2022/738 taġġorna dawn ir-regoli bl-għan li tneħħi r-restrizzjonijiet li fadal dwar l-użu ta’ vetturi mikrija* f’trasport internazzjonali u tistabilixxi qafas regolatorju uniformi biex tagħti lil operaturi tat-trasport fl-UE kollha iktar aċċess indaqs għas-suq ta’ vetturi mikrija.
PUNTI EWLENIN
UŻU TA’ VETTURI MIKRIJA MINN IMPRIŻI STABBILITI FUQ IT-TERRITORJU TA’ STAT MEMBRU IEĦOR
Kull Stat Membru tal-UE irid jippermetti l-użu fit-territorju tiegħu ta’ vetturi mikrija minn impriżi stabbiliti fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor sakemm:
- il-vettura tkun reġistrata jew tkun fiċ-ċirkolazzjoni konformi mal-liġijiet ta’ xi Stat Membru, u, jekk applikabbli, użata f’konformità ma’ Regolament (KE) Nru 1071/2009 dwar ir-regoli operattivi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (ara s-sommarju) u Regolament (KE) Nru 1072/2009 dwar regolamenti fuq l-aċċess għas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (ara s-sommarju);
- il-kuntratt jikkonċerna biss il-kiri ta’ vettura mingħajr sewwieq u li ma tkunx akkumpanjata b’kuntratt ta’ servizz magħmul mal-istess impriża li jkopri persunal li jsuq jew li jakkompanja;
- il-vettura mikrija tkun għad-dispożizzjoni unika tal-impriża li tkun qed tużaha matul il-perjodu tal-kuntratt tal-kiri;
- il-vettura mikrija tkun misjuqa minn persunal tal-impriża li jkun qed jużaha.
Dokumentazzjoni
Id-dokumenti li ġejjin f’forma elettronika jew karta, li jipprovdu prova tal-konformità tal-vettura mar-rekwiżiti, iridu jittieħdu mal-:
- il-kuntratt tal-kirja, jew estratt ċertifikat minn dak il-kuntratt li juri b’mod partikolari, l-isem tal-lokatur, id-data u d-durata tal-kuntratt u l-identifikazzjoni tal-vettura;
- fejn is-sewwieq ma jkunx il-persuna li tkun kriet il-vettura, il-kuntratt tal-impjieg tas-sewwieq jew estratt ċertifikat minn dak il-kuntratt li juri, b’mod partikolari, l-isem ta’ min iħaddem, l-isem tal-impjegat u d-data u d-durata tal-kuntratt tal-impjieg jew irċevuta tal-paga riċenti.
Kondizzjonijiet għal użu ta’ vetturi mikrija għat-trasport ta’ merkanzija
- L-Istati Membri għandhom jiżguraw li impriżi stabbiliti fuq it-territorji rispettivi tagħhom jistgħu jużaw vetturi mikrija għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq taħt l-istess kundizzjonijiet bħal vetturi fli huma tagħhom stess.
- Madanakollu, peress li rati nazzjonali tat-tassazzjoni tal-vetturi jvarjaw b’mod sinifikanti, u biex nevitaw distorsjoni fiskali, l-Istati Membri xorta jistgħu jirrestrinġu l-użu ta’ vetturi li l-kumpaniji tagħhom stess jikru fi Stat Membru ieħor.
- Ir-restrizzjonijiet jinvolvu prinċipalment l-porzjon ta’ dawn il-vetturi mikrija fil-flotta ta’ kumpanija u l-perjodu tal-kirja, b’minimi ggarantiti ta’ 25% u 30 jum, rispettivament.
- Biex jitjieb l-infurzar, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jirrekordjaw in-numru ta’ vetturi mikrija minn Stat Membru ieħor fir-reġistru nazzjonali elettroniku ta’ impriżi tat-trasport bit-triq.
Rapportar
Il-Kummissjoni Ewropea għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni u l-effetti ta’ din id-direttiva sas-7 ta’ Awwissu 2027.
Id-direttiva ma taffettwax l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE li jinvolvu:
- l-organizzazzjoni tas-suq għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq għal kiri jew premju jew f’ismek stess, u b’mod partikolari, aċċess għas-suq u għar-restrizzjonijiet ta’ kwota fuq il-kapaċitajiet tat-toroq;
- prezzijiet u kundizzjonijiet għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq;
- l-issettjar ta’ prezzijiet tal-kiri;
- l-importazzjoni ta’ vetturi;
- il-kundizzjonijiet li jiggvernaw l-aċċess għall-attività jew okkupazzjoni tal-lokatur tal-vettura tat-triq.
MINN META JIBDEW JAPPLIKAW IR-REGOLI?
Ir-regoli aġġornati li daħlu permezz tad-Direttiva Emendatorja (UE) 2022/738 għandhom ikunu inkorporati f’liġi nazzjonali sas-6 ta’ Awwissu 2023.
SFOND
Direttiva 2006/1/KE kodifikata u sostitwiet leġiżlazzjoni ta’ qabel: Direttiva 84/647/KEE.
- Sal-adozzjoni tad-Direttiva Emendatorja (UE) 2022/738, ir-regoli tal-UE offrew il-kumpaniji li joperaw servizzi ta’ ġarr il-possibbilità li jużaw vetturi mikrija, imma ħallew ukoll lill-Istati Membri jirrestrinġu dan. Bħala parti mill-pakkett tal-mobilità tat-trasport tat-triq 2017, il-Kummissjoni pproponiet li tnaqqas ir-restrizzjonijiet eżistenti u tistabbilixxi qafas regolatorju uniformi biex tagħti lil operaturi tat-trasport fl-Ewropa kollha aċċess indaqs għas-suq tal-vetturi mikrija.
- Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Vettura. Vettura bil-mutur, trailer, semi-trailer, jew taħlita ta’ vetturi maħsuba esklużivament għat-trasport ta’ merkanzija.
Vettura mikrija. Kwalunkwe vettura li, għal remunerazzjoni u għal perjodu stabbilit, titpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ impriża li tinnegozja fit-trasport ta’ merkanzija bit-triq għal kiri jew għal premju jew għaliha stess abbażi ta’ kuntratt ma’ impriża li tagħmel il-vetturi disponibbli.
DOKUMENTI PRINĊIPALI
Id-Direttiva 2006/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar l-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr sewwieqa għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq.(Verżjoni kodifikata) (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 82-85).
Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2006/1/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Ir-regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU L 300, 14.11.2009, pp. 51-71).
Ara l-verżjoni konsolidata.
Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (riformulazzjoni) (ĠU L 300, 14.11.2009, pp. 72-87).
Ara l-verżjoni konsolidata.
l-aħħar aġġornament 14.07.2022