Awtorizzazzjoni ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi
Din id-direttiva toħloq qafas legali sabiex tiżgura l-libertà li jiġu pprovduti netwerks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi madwar l-Unjoni Ewropea kollha.
ATT
Id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni)
SOMMARJU
Id-Direttiva tal-Awtorizzazzjoni tifforma parti mill-“pakkett tat-telekomunikazzjonijiet” li, flimkien ma’ erba’ direttivi oħrajn (“kwadru”, “aċċess”, “servizz universali” u “privatezza u l-komunikazzjoni elettronika”), tiddefinixxi l-qafas regolatorju li għandu l-għan li s-settur tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jsir aktar kompetittivi.
Fl-2009, il-“Pakkett tat-Telekomunikazzjonijiet” ġie emendat mid-Direttiva dwar “regolamentazzjoni aħjar” u mid-direttivi dwar id-“drittijiet taċ-ċittadini”, kif ukoll mill-ħolqien tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC).
Ambitu, objettiv u prinċipju ġenerali
Id-Direttiva tkopri awtorizzazzjonijiet għan-netwerks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha, kemm jekk huma pprovduti mill-pubbliku kif ukoll jekk le. Tapplika għall-għoti ta’ drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju fejn użu bħal dan jinvolvi l-għoti ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, normalment għal rimunerazzjoni.
L-għan huwa li tarmonizza s-suq għan-netwerks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi billi tillimita r-regolamentazzjoni għall-minimu neċessarju.
L-innovazzjoni prinċipali hija s-sostituzzjoni tal-liċenzji individwali bl-awtorizzazzjoni ġenerali għan-netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika kollha, flimkien ma’ skema speċjali għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi u numri.
B’hekk, il-provvediment ta’ netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’ jkun soġġett biss għal awtorizzazzjoni ġenerali mingħajr il-ħtieġa li tinkiseb deċiżjoni espliċita jew ta’ kwalunkwe att amministrattiv ieħor mill-awtorità regolatorja nazzjonali (NRA), b’hekk il-proċedura tkun limitata għal notifika waħda biss għall-kumpaniji kkonċernati.
Drittijiet derivati mill-awtorizzazzjoni ġenerali
L-awtorizzazzjoni ġenerali tagħti lill-kumpaniji d-dritt li jipprovdu netwerks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Meta huma jipprovdu netwerks jew servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi lill-pubbliku, huma intitolati li:
— |
jinnegozjaw l-interkonnessjoni ma’ fornituri oħrajn fl-UE;
|
— |
jiksbu aċċess għal jew interkonnessjoni minn fornituri oħrajn; u
|
— |
jinħatru sabiex jipprovdu ċerti funzjonijiet tas-servizz universali.
|
Drittijiet tal-użu tal-frekwenzi tar-radju u numri
Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiffaċilitaw l-użu ta’ frekwenzi tar-radju taħt l-awtorizzazzjonijiet ġenerali iżda, fejn ikun hemm bżonn, jistgħu jagħmlu l-użu tal-frekwenzi tar-radju soġġett għall-għoti ta’ drittijiet individwali bil-għan li:
— |
tiġi evitata interferenza ta’ ħsara;
|
— |
tiġi żgurata l-kwalità teknika tas-servizz;
|
— |
jiġi salvagwardjat l-użu effiċjenti tal-ispettru;
|
— |
jiġu sodisfatti l-objettivi ta’ interess ġenerali oħrajn definiti mill-pajjiżi tal-UE.
|
Id-drittijiet tal-użu għal frekwenzi tar-radju u numri għandhom jingħataw permezz ta’ proċeduri miftuħin, objettivi, trasparenti, non-diskriminatorji u proporzjonati.
Id-deċiżjonijiet dwar id-drittijiet tal-użu għandhom jittieħdu u għandhom ikunu magħmulin pubbliċi kemm jista’ jkun malajr possibbli wara li tasal l-applikazzjoni sħiħa mill-NRA.
Il-kundizzjonijiet mehmużin mal-awtorizzazzjoni ġenerali u mad-drittijiet speċifiċi tal-użu
L-awtorizzazzjoni ġenerali u d-drittijiet tal-użu jistgħu jkunu soġġetti biss għall-kundizzjonijiet elenkati fl-Anness għad-Direttiva, pereżempju:
— |
kontribuzzjoniijet finanzjarji għall-finanzjament tas-servizz universali;
|
— |
l-interoperabilità tas-servizzi u l-interkonnessjoni tan-netwerks;
|
— |
l-aċċessibilità u l-portabilità tan-numri, fejn il-portabilità tfisser li l-utenti jistgħu jżommu n-numru tat-telefown tagħhom meta jibdlu l-operatur;
|
— |
rekwiżiti ta’ ppjanar ambjentali u tal-irħula u tal-pajjiż;
|
— |
dejta personali u protezzjoni tal-privatezza;
|
— |
obbligu li jiġu trasmessi ċerti programmi tat-televiżjoni u tar-radju (“għandhom jinġarru”);
|
— |
impożizzjoni possibbli ta’ drittijiet amministrattivi fuq impriżi;
|
— |
restrizzjonijiet dwar ix-xandir ta’ kontenut illegali.
|
Limitazzjoni tad-drittijiet tal-użu tal-frekwenzi tar-radju
L-għoti ta’ drittijiet limitati tal-użu għal frekwenzi tar-radju għandu jkun soġġett għal kriterji ta’ għażla oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati.
Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jillimitaw in-numru ta’ drittijiet tal-użu li għandhom jingħataw għal frekwenzi tar-radju jew għandhom jestendu d-durata ta’ drittijiet eżistenti, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet u proċeduri, bħall-konsultazzjoni tal-partijiet kollha interessati, il-pubblikazzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni, flimkien mar-raġunijiet għaliha, u r-reviżjoni, f’intervalli raġonevoli, tal-limitazzjoni.
Meta pajjiż tal-UE jikkonkludi li jistgħu jingħataw aktar drittijiet tal-użu għal frekwenzi tar-radju, huwa għandu jippubblika dik il-konklużjoni u għandu jistieden applikazzjonijiet għal dawk id-drittijiet.
Konformità mal-kundizzjonijiet
L-NRAs jimmonitorjaw u jissorveljaw il-konformità mar-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijiet tal-użu u obbligi speċifiċi. Fejn impriża ma tikkonformax ma’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet jew ma’ aktar minn waħda u ma tikkoreġix il-ksur fi żmien il-perjodu stipulat, l-awtoritajiet relevanti jistgħu jingħataw is-setgħa li jimponu ordnijiet sabiex iwaqqfu l-ksur jew li jimponu penali finanzjarji. Fil-każ ta’ ksur serju u ripetut, jistgħu jimpedixxu impriża milli tkompli tipprovdi netwerk jew servizz jew jissospendu jew jirtiraw id-drittijiet għall-użu.
Miżati u drittijiet amministrattivi
L-NRAs jistgħu jimponu drittijiet amministrattivi fuq kumpaniji li jipprovdu servizz jew netwerk taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ikun ingħata dritt għall-użu. Dawn id-drittijiet għandhom ikopru l-ispejjeż imġarrba fil-kontroll tal-ġestjoni u fl-infurzar tal-iskema tal-awtorizzazzjoni ġenerali u tad-drittijiet għall-użu u obbligi speċifiċi, u jistgħu jinkludu spejjeż għall-kooperazzjoni internazzjonali, armonizzazzjoni u standardizzazzjoni, analiżi tas-suq, konformità tal-monitoraġġ u kontroll tas-suq ieħor, kif ukoll xogħol regolatorju ieħor. L-impożizzjoni tagħha teħtieġ lill-NRAs jippubblikaw ħarsa ġenerali ta’ kull sena tal-ispejjeż amministrattivi u tas-somma totali tad-drittijiet miġbura.
L-awtorità kompetenti tista’ titlob ukoll miżata għad-drittijiet tal-użu ta’ frekwenzi tar-radju u għal drittijiet sabiex jiġu installati faċilitajiet.
REFERENZI
Att |
Dħul fis-seħħ |
Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
Id-Direttiva 2002/20/KE |
24.4.2002 |
24.7.2003 |
Att(i) li jemenda(w) |
Dħul fis-seħħ |
Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
Id-Direttiva 2009/140/KE |
19.12.2009 |
25.5.2011 |
L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2002/20/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha biss valur dokumentarju.
EMENDI GĦALL-ANNESSI
Anness
Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Ġurnal Uffiċjali L 337 tat-18 ta' Diċembru 2009, p. 37-69).
Rettifika għad-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 241 tal-10 ta' Settembru 2013, p. 8-9).
ATTI RELATATI
Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (Ġurnal Uffiċjali 337 tat-18 ta' Diċembru 2009, p. 11-36)
Linji gwidi tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-swieq u l-valutazzjoni ta’ saħħa tas-swieq sinifikanti skont il-qafas regolatorju tal-Komunità għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Ġurnal Uffiċjali C 165 tal-11.7.2002, p. 6-31)
F’konformità mal-qafas regolatorju ġdid għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, dawn il-linji gwida, li ġew adottati f’Lulju 2002, jistabbilixxu l-prinċipji li fuqhom l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs) jridu jibbażaw l-analiżi tas-suq tagħhom sabiex jiggarantixxu kompetizzjoni effettiva.
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012.(COM(2013)627 final tal-11 ta' Settembru 2013 - mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)
l-aħħar aġġornament 10.09.2015